KAPITLU 6

Niddefendu d-demokrazija u l-valuri Ewropej

Folla enormi ta’ nies timla l-immaġni kollha. Il-folla qed iġġorr bandiera Ewropea kbira f’nofsha. Id-deskrizzjoni tar-ritratt
Il-Pride ta’ Budapest f’Budapest, l-Ungerija, nhar it-28 ta’ Ġunju 2025. © Attila Kisbenedek/AFP via Getty Images

F’demokrazija li tirnexxi, iċ-ċittadini huma liberi li jesprimu l-fehmiet tagħhom u jiffurmaw l-opinjonijiet tagħhom stess. Jistgħu jipparteċipaw fil-ħajja demokratika, jagħżlu r-rappreżentanti politiċi tagħhom, u jsemmgħu leħinhom dwar il-ġejjieni tagħhom fi spazju pubbliku fejn jistgħu jesprimu fehmiet differenti u jħaddnu d-diversità. Fl-2025, l-Unjoni Ewropea żiedet il-ħidma tagħha biex issaħħaħ id-demokrazija u r-reżiljenza tagħha għal pressjonijiet interni u esterni. Kompliet ukoll tagħti s-setgħa liċ-ċittadini biex jipparteċipaw b’mod attiv fil-proċess demokratiku u jsawru l-politiki li jaffettwaw ħajjithom u l-komunitajiet tagħhom.

It-Tarka Ewropea għad-Demokrazija

Filwaqt li tibni fuq il-ħidma diġà stabbilita skont il-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea - iftaħ tab ġdida. u l-pakkett dwar id-Difiża tad-Demokrazija - iftaħ tab ġdida., it-Tarka Ewropea għad-Demokrazija - iftaħ tab ġdida. ġiet ippreżentata f’Novembru. Din mistennija ssaħħaħ id-demokraziji Ewropej u tagħti s-setgħa lill-Ewropej biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, jiffurmaw u jesprimu b’mod liberu l-opinjonijiet tagħhom u jipparteċipaw fil-ħajja demokratika tal-UE b’mod attiv u sikur. L-azzjonijiet tagħha se jsaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi, jipproteġu l-integrità tal-elezzjonijiet u jappoġġaw il-libertà u l-pluraliżmu tal-media.

Prijoritajiet ewlenin tat-Tarka Ewropea għad-Demokrazija

  • It-tisħiħ tal-għarfien tas-sitwazzjoni u l-appoġġ tal-kapaċità ta’ rispons għas-salvagwardja tal-integrità tal-ispazju tal-informazzjoni.
  • It-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi, elezzjonijiet ħielsa u ġusti, u media libera u indipendenti.
  • Il-bini tar-reżiljenza tas-soċjetà billi jiġu appoġġati l-edukazzjoni ċivika, il-ħiliet għad-demokrazija u l-litteriżmu medjatiku, u tingħata spinta lill-involviment taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika.

Filwaqt li jaġixxi bħala ċentru operazzjonali għat-Tarka Ewropea għad-Demokrazija l-ġdida, huwa mistenni li jiġi stabbilit Ċentru Ewropew għar-Reżiljenza Demokratika biex jantiċipa u jidentifika t-theddid, joħroġ twissijiet bikrija u jikkoordina risponsi rapidi. L-Istati Membri se jkunu fil-qalba ta’ dan iċ-ċentru, li se jaġixxi bħala qafas biex jiffaċilita l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u jibni l-kapaċità biex jirreżisti t-theddid komuni li qed jevolvi, b’mod partikolari l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza mill-barranin, u d-diżinformazzjoni.

Michael McGrath bilqiegħda bejn żewġ persuni oħra waqt panel ta’ diskussjoni fuq quddiem nett ta’ kamra, qed jindirizza udjenza żagħżugħa. Poster fuq wara juri l-kliem, “We talk” (Aħna nitkellmu).
Il-Kummissarju Ewropew għad-Demokrazija, il-Ġustizzja, l-Istat tad-Dritt u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Michael McGrath (fin-nofs), qed jospita Djalogu ta’ Politika maż-Żgħażagħ biex kulħadd jgħid tiegħu dwar l-emanċipazzjoni demokratika taż-żgħażagħ bħala parti minn ħidmet il-Kummissjoni fuq it-Tarka Ewropea għad-Demokrazija, f’Dublin, l-Irlanda, nhar it-3 ta’ Marzu 2025. L-għanijiet ewlenin tad-djalogi ta’ politika maż-żgħażagħ huma li liż-żgħażagħ jinkoraġġuhom jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar l-inizjattivi ta’ politika tal-UE billi jinteraġixxu mal-Kummissarji u li dawn jiġu integrati fl-aġenda politika tal-UE (ara wkoll il-Kapitlu 4).

Fl-2025, il-Kummissjoni Ewropea wiegħdet ukoll li ssaħħaħ l-involviment tagħha mas-soċjetà ċivili, kif ukoll li tipproteġiha u tappoġġaha, filwaqt li rrikonoxxiet ir-rwol importanti li għandha fit-tisħiħ tad-demokraziji u fil-bini ta’ soċjetajiet reżiljenti. L-Istrateġija l-ġdida tal-UE għas-Soċjetà Ċivili - iftaħ tab ġdida. għandha t-tliet objettivi ewlenin li ġejjin.

Objettivi ewlenin tal-Istrateġija tal-UE għas-Soċjetà Ċivili

  1. It-tisħiħ tal-involviment effettiv u sinifikattiv mas-soċjetà ċivili bħala sħab fil-governanza.
  2. L-iżgurar ta’ spazju ċiviku miftuħ, sikur u abilitanti billi jiġu pprovduti appoġġ u protezzjoni lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.
  3. L-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili b’finanzjament adegwat, sostenibbli u trasparenti.

L-iżgurar tal-integrità tal-informazzjoni

Bit-teknoloġiji l-ġodda, l-atturi ostili jistgħu joperaw u jxerrdu d-diżinformazzjoni b’mod estensiv u b’ħeffa li qatt ma rajna bħalhom qabel. Għalhekk, l-indirizzar tal-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza mill-barranin, kif ukoll it-tisħiħ tar-reżiljenza tas-soċjetà kontra dan it-theddid, huma kwistjonijiet urġenti għall-UE u l-Istati Membri tagħha.

Il-Kodiċi ta’ Prattika tal-UE dwar id-Diżinformazzjoni - iftaħ tab ġdida., stabbilit fl-2018, hu l-ewwel strument awtoregolatorju volontarju fid-dinja għall-pjattaformi online u l-magni tat-tiftix. Minn Frar 2025, ġie integrat - iftaħ tab ġdida. b’mod formali fil-qafas koregolatorju tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali bħala kodiċi ta’ kondotta.

82 % tal-Ewropej jaqblu li l-aħbarijiet jew l-informazzjoni li ma tirrappreżentax tajjeb ir-realtà jew li tkun falza hija problema għad-demokrazija.

77 % tal-Ewropej jaqblu li dawn l-aħbarijiet jew din l-informazzjoni hija problema f’pajjiżhom.

Il-mudelli tal-intelliġenza artifiċjali (IA) bi skop ġenerali qed isiru l-bażi għal ħafna sistemi tal-IA fl-UE. Biex tiġi żgurata IA sikura u affidabbli, l-Att dwar l-IA - iftaħ tab ġdida. jistabbilixxi regoli għall-fornituri ta’ dawn il-mudelli. Biex l-industrija tiġi megħjuna tikkonforma ma’ dawn ir-regoli, li bdew japplikaw f’Awwissu, ġie ppubblikat kodiċi ta’ prattika - iftaħ tab ġdida. volontarju bil-kontribut ta’ aktar minn 1 000 parti kkonċernata, inklużi fornituri ta’ mudelli, intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, akkademiċi, esperti dwar is-sikurezza tal-IA, detenturi tad-drittijiet u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

L-Osservatorju Ewropew tal-Media Diġitali - iftaħ tab ġdida. huwa pilastru importanti tal-isforzi tal-UE biex tikseb għarfien dwar l-ispazju tal-informazzjoni online tal-Ewropa u biex issaħħaħ ir-reżiljenza tas-soċjetà kontra d-diżinformazzjoni. Ċentru reġjonali ġdid tal-Osservatorju Ewropew tal-Media Diġitali, imsejjaħ FACT - iftaħ tab ġdida., beda l-ħidma tiegħu fl-2025 biex jappoġġa lill-Moldova u lill-Ukrajna, fost pajjiżi oħra, fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni. Bħala parti mill-missjoni tiegħu, FACT immonitorja wkoll il-perjodu elettorali tal-2025 fil-Moldova, u kkontribwixxa biex tiġi żgurata l-integrità elettorali f’dan il-pajjiż.

Henna Virkkunen qed iżżomm mikrofonu u titkellem bħala parti minn panel, b’żewġ nisa oħrajn maġenbha. Fuq kartellun kbir warajhom hemm l-inizjali MSC u l-kliem “Munich Security Conference” (Il-Konferenza ta’ Munich dwar is-Sigurtà) ripetuti diversi drabi.
Il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea għas-Sovranità Teknoloġika, is-Sigurtà, u d-Demokrazija, Henna Virkkunen (fin-nofs), waqt panel ta’ diskussjoni bit-tema “Disinformation and the ‘AI-pocalypse’ for democracies” (Id-Diżinfomrmazzjoni u l-“IA-pokalissi” għad-demokraziji) fil-Munich Security Conference tal-2025 fi Munich, il-Ġermanja, nhar l-14 ta’ Frar 2025.

It-tisħiħ tar-regoli elettorali

L-iffaċilitar tal-parteċipazzjoni elettorali għaċ-ċittadini kollha huwa essenzjali biex tiġi ggarantita demokrazija b’saħħitha u tinbena l-fiduċja fl-UE. Din hija r-raġuni għaliex, f’Ġunju, l-UE adottat regoli ġodda - iftaħ tab ġdida. biex issaħħaħ id-drittijiet taċ-ċittadini mobbli li jivvutaw u li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet Ewropej, irrispettivament minn fejn jgħixu fl-UE. L-Istati Membri issa għandhom sa Ġunju 2027 biex jittrasponu r-regoli fil-liġi nazzjonali.

Element ewlieni ta’ elezzjonijiet ħielsa u ġusti huwa dak tal-aċċess bla xkiel għall-informazzjoni tal-elettorat. Ir-regoli l-ġodda tal-UE dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku - iftaħ tab ġdida., li ilhom japplikaw minn Ottubru, jiżguraw dibattitu miftuħ, kampanji ġusti u elezzjonijiet ħielsa. Dawn jappoġġaw ukoll ir-responsabbiltà tal-atturi politiċi u d-dritt taċ-ċittadini li jiġu infurmati. Skont ir-regoli, ir-reklami politiċi jridu jkunu ttikkettati b’mod ċar li huma politiċi u jridu jindikaw min ħallas għalihom, kemm ħallsu u jekk humiex immirati lejn udjenza speċifika. Dan se jippermetti liċ-ċittadini jidentifikaw ir-reklami politiċi faċilment u jagħmlu għażliet infurmati.

Id-demokrazija, is-sigurtà u l-ekonomija tal-Ewropa jiddependu mill-istat tad-dritt. Dan hu l-mezz li permezz tiegħu l-valuri tal-UE jissarrfu f’benefiċċji tanġibbli għal dawk li jgħixu fl-UE, filwaqt li jrawwem l-istabbiltà, il-koeżjoni soċjali, il-kompetittività u l-prosperità ekonomika. Il-ħarsien tal-istat tad-dritt huwa wkoll rekwiżit għall-fondi tal-UE. L-Unjoni Ewropea hija impenjata tiddefendi l-istat tad-dritt sabiex in-nies u n-negozji fl-UE kollha jkunu jistgħu jgawdu d-drittijiet u l-libertajiet li huma intitolati għalihom.

89 % taċ-ċittadini tal-UE huma konxji ta’ kemm hu importanti l-ħarsien tal-valuri tal-UE, inkluż l-istat tad-dritt.

Ir-rapport tal-2025 dwar l-istat tad-dritt - iftaħ tab ġdida., li jħares lejn l-Istati Membri u erba’ pajjiżi kandidati — l-Albanija, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja — ikkonferma li hemm trajettorja pożittiva f’ħafna Stati Membri, peress li saru riformi importanti. Madankollu, għad hemm sfidi x’jingħelbu u f’xi każijiet is-sitwazzjoni hija serja. Fir-rapport, saret enfasi partikolari fuq id-dimensjoni tas-Suq Uniku biex tgħin ħalli jiġu identifikati u indirizzati kwistjonijiet tal-istat tad-dritt li għandhom impatt dirett fuq kif il-kumpaniji jinvestu, jikkompetu u jikbru fl-Ewropa. It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE - iftaħ tab ġdida. tal-2025 tippreżenta indikaturi ġodda rilevanti għas-Suq Uniku, filwaqt li tenfasizza r-rwol essenzjali ta’ sistemi ġudizzjarji effiċjenti u indipendenti biex jitrawwem ambjent tas-suq ġust u kompetittiv.

Fuq skala globali, l-UE tibqa’ fortizza għall-media libera, filwaqt li tistabbilixxi standard għad-demokrazija. Madankollu, hemm xejriet dejjem aktar inkwetanti li jikkonfermaw il-ħtieġa li l-UE tieħu miżuri aktar b’saħħithom biex tipproteġi dan il-prinċipju tad-demokrazija Ewropea. Għal dak l-għan, il-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet tal-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media - iftaħ tab ġdida. bdew japplikaw mit-8 ta’ Awwissu. Ir-regoli għandhom l-għan li jipproteġu aħjar lill-media u lill-ġurnalisti mill-interferenza politika u li jiżguraw li jkunu jistgħu joperaw b’mod aktar faċli bejn il-fruntieri, mingħajr pressjoni żejda. Il-Bord Ewropew il-ġdid għas-Servizzi tal-Media - iftaħ tab ġdida., stabbilit skont l-att, għandu l-għan li jsaħħaħ il-kooperazzjoni fil-livell tal-UE, inkluż kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza mill-barranin, u li jippromwovi l-applikazzjoni effettiva u konsistenti tal-qafas tal-liġi tal-UE dwar il-media.

Appoġġ tal-UE għal media libera

€900 000 biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-kunsilli tal-istampa u tal-media f’ambjent tal-media konverġenti.

€500 000 biex tiġi implimentata sistema ta’ osservatorju tas-sjieda tal-media - iftaħ tab ġdida. bil-għan li tiġi pprovduta bażi tad-data bbażata fuq il-pajjiżi.

€2 miljun f’għotjiet biex tiġi appoġġata l-innovazzjoni mill-media lokali u reġjonali u tingħata spinta lill-pluraliżmu.

€3 miljun għal mekkaniżmu ta’ rispons rapidu - iftaħ tab ġdida. biex tiġi pprovduta għajnuna prattika għall-protezzjoni tal-ġurnalisti mhedda.

€1.1 miljun biex tiġi implimentata Għodda għall-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Media - iftaħ tab ġdida. bil-għan li jiġu identifikati r-riskji potenzjali għall-pluraliżmu tal-media.

€5.2 miljun biex tiġi appoġġata r-riallokazzjoni għas-setturi tal-media ta’ rilevanza speċjali għad-demokrazija - iftaħ tab ġdida. (bħall-ġurnaliżmu lokali u investigattiv, il-ġurnaliżmu ta’ interess pubbliku u l-media komunitarja).

€2.9 miljun għal ċentru tal-libertà tal-media - iftaħ tab ġdida. biex tiġi appoġġata l-media indipendenti tal-Belarussja u tar-Russja eżistenti u stabbilita li taħdem fl-UE.

Il-Premju Sakharov 2025

Kull sena, il-Parlament Ewropew jagħti l-Premju Sakharov biex jonora individwi u organizzazzjonijiet eċċezzjonali li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-minoranzi u jiġġieldu għall-ħarsien tad-dritt internazzjonali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt.

Il-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb 2025 ingħata lil Andrzej Poczobut mill-Belarussja u lil Mzia Amaglobeli mill-Georgia, żewġ ġurnalisti li ntbagħtu l-ħabs talli wasslu l-verità lil min għandu s-setgħa u li llum qed jitqiesu bħala simboli tal-ġlieda għal-libertà u d-demokrazija. L-UE tinsab magħhom u ma’ dawk kollha li jkomplu jiġġieldu għal-libertà.

Roberta Metsola u żewġ nisa maġenbha, Jana Poczobut u Irma Dimitradze. Kull waħda minnhom qed iżżomm ċertifikat blu tal-premju Sakharov fi gwarniċ. Warajhom hemm membri tal-Parlament Ewropew bilwieqfa jċapċpu.
Il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola (fin-nofs), ma’ Jana Poczobut (fuq il-lemin), bint il-ġurnalist mitfugħ il-ħabs Andrzej Poczobut mill-Belarussja, u Irma Dimitradze (fuq ix-xellug), rappreżentanta tal-ġurnalista mitfugħa l-ħabs Mzia Amaglobeli mill-Georgia, waqt iċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb fil-Parlament Ewropew, fi Strasburgu, Franza, nhar is-16 ta’ Diċembru 2025.

Demokrazija b’saħħitha teħtieġ ċittadini li jingħataw is-setgħa. L-UE hija impenjata tisma’ mill-qrib liċ-ċittadini u lill-partijiet ikkonċernati u li toħloq il-parteċipazzjoni pubblika fil-proċess tat-tfassil tal-politika. Hija tista’ tikseb dan permezz ta’ għadd ta’ inizjattivi, bħal konsultazzjonijiet pubbliċi u feedback - iftaħ tab ġdida., l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej - iftaħ tab ġdida. u l-Panels taċ-Ċittadini Ewropej - iftaħ tab ġdida.. Din tal-aħħar, li issa saret parti normali tal-ħajja demokratika fl-UE, tlaqqa’ flimkien 150 ċittadin magħżula b’mod każwali minn kull wieħed mis-27 Stat Membru biex jiddeliberaw dwar sfidi kritiċi fit-tul u jagħmlu rakkomandazzjonijiet lil dawk li jfasslu l-politika. Matul is-sena, l-UE nediet ukoll djalogi strateġiċi ma’ setturi ewlenin tal-industrija, u b’hekk inħoloq forum inklużiv biex jiġu indirizzati sfidi speċifiċi.

Fl-2025 il-Kummissjoni kompliet ukoll tibni fuq l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tal-2023 “Stop finning — Stop the trade” (Waqqaf it-tneħħija tal-pinen tal-klieb il-baħar — Waqqaf il-kummerċ), li talbet b’suċċess lill-UE tieħu azzjoni biex ittemm il-kummerċ internazzjonali tal-pinen tal-klieb il-baħar sfużi. Minn Jannar tal-2025, l-UE żiedet il-monitoraġġ tal-kummerċ tal-prodotti tal-klieb il-baħar bis-saħħa ta’ 13-il kodiċi tariffarju ġdid għall-klieb il-baħar u għall-pinen tagħhom.

  • Fl-2025 tnedew 98 konsultazzjoni pubblika

    Feedback li wasal:

    • 201 sejħa għal dokumenti tal-evidenza,
    • 51 proposta leġiżlattiva,
    • 224 abbozz ta’ atti ta’ implimentazzjoni u atti delegati.
  • Tnedew 4 Inizjattivi ġodda taċ-Ċittadini Ewropej

    • “HouseEurope! Forza lir-Rinnovazzjoni”.
    • “L-Ikel huwa Dritt tal-Bniedem għal Kulħadd! Il-garanzija ta’ sistemi tal-ikel tajbin għas-saħħa, ġusti u sostenibbli”.
    • “Save your right, save your flight!” (Aqbeż għal drittijietek; titlifx it-titjira!).
    • “Talba għal sospensjoni sħiħa tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Iżrael fid-dawl tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa ta’ Iżrael”.
  • Ġew organizzati 2 panels ġodda taċ-ċittadini

    • Il-Panel taċ-Ċittadini Ewropej dwar il-Baġit tal-UE.
    • Il-Panel taċ-Ċittadini Ewropej dwar l-Ekwità Interġenerazzjonali.
Grupp imħallat ta’ nies bilqiegħda f’ringieli mad-desks. Il-parteċipanti kollha lebsin il-kuffji. Fuq quddiem, mara żagħżugħa qed titbissem u taġġusta l-kuffji tagħha.
Sessjoni tal-Panel taċ-Ċittadini Ewropej dwar l-Ekwità Interġenerazzjonali, fi Brussell, il-Belġju, f’Settembru tal-2025. Dan il-panel tlaqqa’ biex jiġi diskuss kif għandha tkun UE interġenerazzjonalment ġusta, sostenibbli, u inklużiva. Ir-rakkomandazzjonijiet taċ-ċittadini se jorjentaw b’mod dirett l-Istrateġija li jmiss dwar l-Ekwità Interġenerazzjonali, li mistennija toħroġ fl-2026.