Daħla
Ursula von der Leyen
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea
L-2025 kienet sena ta’ bidla dinjija mill-qiegħ. Matulha ssoktaw il-gwerer mal-fruntieri tagħna u tqawwiet il-kompetizzjoni bejn il-potenzi. Madankollu l-2025 kienet ukoll sena ta’ trasformazzjoni għall-Ewropa — sena ta’ ċarezza u determinazzjoni. F’dinja frammentata u aktar volatili, l-Ewropa għarfet li jeħtiġilha tieħu responsabbiltà akbar għall-ġejjieni tagħha. L-2025 kienet il-mument tal-indipendenza tal-Ewropa.
Sena li matulha l-Ewropa għażlet ir-responsabbiltà flok l-eżitazzjoni ... l-għaqda flok il-frammentazzjoni. Il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida xammret il-kmiem għal ħidma b’impenn u stabbiliet perkors ċar għas-snin li ġejjin ... perkors li jħares il-libertà u l-prosperità tal-Ewropa u jiżgura li l-Unjoni tagħna tkun tista’ tirnexxi f’din id-dinja aktar diffiċli.
Dan bdiet twettqu b’aktar responsabbiltà fejn tidħol is-sigurtà tagħna. Bil-pakkett Prontezza 2030 ftaħna l-bibien għal investiment Ewropew qawwi fid-difiża, l-aktar wieħed sinifikanti fl-istorja tagħna. U komplejna nappoġġaw bis-sħiħ lill-Ukrajna, għax is-sigurtà tal-Ewropa tibda hemmhekk. Żgurajna finanzjament fit-tul biex inwieżnu lill-poplu Ukren u komplejna ħidmitna għal paċi ġusta u dejjiema. Fl-istess waqt, komplejna fi triqitna biex l-Ukrajna tissieħeb fl-Unjoni Ewropea, għax Ukrajna ħielsa, demokratika u prospera għandha postha fl-UE.
Nafu li l-indipendenza tista’ sseħħ biss meta tiżżewweġ ma’ ekonomija b’saħħitha. Għalhekk, bil-gwida tal-Boxxla għall-Kompetittività, wettaqna politiki li jagħtu spinta lill-innovazzjoni u l-prosperità. Naqqasna l-piżijiet bla bżonn fuq in-negozji u investejna fit-teknoloġiji li se jsawru l-futur, mill-intelliġenza artifiċjali sal-enerġija nadifa. Bl-inizjattiva Agħżel l-Ewropa qed nagħmlu l-Ewropa l-aħjar post fid-dinja għax-xjenza u r-riċerka. U qed niżguraw li l-kompetittività timxi id f’id mal-ġustizzja, filwaqt li nieħdu azzjoni favur akkomodazzjoni u enerġija aktar affordabbli għall-Ewropej kollha.
Fix-xena dinjija, l-Ewropa wriet par idejn sodi u imbuttat qatigħ l-interessi u l-valuri tagħha. Bqajna s-sors ewlieni fid-dinja tal-għajnuna umanitarja, ssoktajna l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u stinkajna għal kummerċ ħieles u ġust bi ftehimiet ġodda importanti.
Flimkien mexxejna lill-Ewropa lejn triq aktar b’saħħitha. L-2025 ma kinitx it-tmiem ta’ vjaġġ, iżda bidla fir-rotta. U issa fl-2026 se nkomplu nibnu Ewropa aktar sigura, aktar kompetittiva u aktar indipendenti.
F’din id-dinja miżgħuda inċertezzi, l-Ewropa se tibqa’ tilqa’ l-isfida.
Viva l-Ewropa!