KAPITLU 2

UE għanja u kompetittiva

Żewġ xjenzati f’laboratorju lebsin il-ġagagi l-bojod. Wieħed qed jipponta lejn dijagramma fuq skrin tal-kompjuter, filwaqt li l-oħra qed tħares attenta. Ara d-didaskalija tar-ritratt
Żewġ xjenzati li qed jaħdmu fuq proġett ta’ bijodegradazzjoni tal-mikroplastiċi fiċ-Ċentru Chem&Tech ta’ KU Leuven, Leuven, il-Belġju, l-1 ta’ Marzu 2024. L-UE hija minn ta’ quddiem nett fl-innovazzjoni tat-teknoloġija nadifa. Hija responsabbli għall-iżvilupp ta’ aktar minn għoxrin fil-mija tat-teknoloġiji nodfa u sostenibbli tad-dinja.

Fl-2024, l-Unjoni Ewropea għamlet progress sinifikanti fit-tisħiħ tal-kompetittività tagħha fil-livell dinji permezz ta’ firxa ta’ inizjattivi, bl-għan li jitrawwem tkabbir ekonomiku sostenibbli u li tissaħħaħ l-innovazzjoni industrijali. Hekk kif iltaqgħet ma’ sfidi urġenti bħad-dipendenzi ekonomiċi, it-tensjonijiet ġeopolitiċi u l-kompetizzjoni dinjija li qed tikber, l-UE bdiet tiffoka fuq miżuri strateġiċi biex tiżgura r-riżorsi vitali, tippromwovi t-tmexxija teknoloġika u tipproteġi s-swieq tagħha. Fost l-isforzi ewlenin insibu l-avvanz tas-sħubijiet u l-ftehimiet kummerċjali, ir-riforma tal-politika tal-kompetizzjoni u tal-politika kummerċjali, u l-iżgurar ta’ ekonomija aktar reżiljenti. Bl-adozzjoni ta’ approċċ komprensiv, l-UE kellha l-għan li ssaħħaħ il-pożizzjoni dinjija ta’ quddiem nett tagħha fil-kummerċ sostenibbli u ġust filwaqt li tissalvagwardja s-sigurtà ekonomika u tippromwovi ambjent industrijali kompetittiv.

Fl-2024, l-Unjoni Ewropea kompliet bl-isforzi tagħha biex issaħħaħ il-kompetittività tan-negozji tal-UE kemm fis-Suq Uniku kif ukoll fil-livell dinji.

Il-qofol ta’ dawn l-isforzi kien li tissaħħaħ il-bażi industrijali tal-UE u li l-UE ssir aktar favorevoli għall-investiment billi:

  • timplimenta l-Pjan REPowerEU biex tiżgura l-provvisti tal-enerġija u tnaqqas id-dipendenza fuq ir-Russja;
  • tavvanza l-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku biex tagħti spinta lill-kompetittività tal-industriji b’emissjonijiet żero netti tal-UE;
  • tiżviluppa Unjoni Ewropea tas-Saħħa biex il-provvisti mediċi żgur ikunu aċċessibbli, affordabbli u innovattivi.

Il-futur tal-kompetittività tal-UE baqa’ kwistjoni urġenti matul is-sena, u ġie identifikat bħala waħda mill-prijoritajiet għall-Kummissjoni l-ġdida - Fajl PDF, iftaħ tab ġdida. (ara l-Kapitlu 0). Filwaqt li l-Ewropa hija fost l-aktar reġjuni kompetittivi u innovattivi fid-dinja, għadha qed tiffaċċja diversi kwistjonijiet strutturali. Il-kumpaniji tal-UE joperaw f’dinja instabbli, u jiffaċċjaw sfidi sinifikanti bħal kompetizzjoni inġusta, prezzijiet għoljin tal-enerġija, nuqqas ta’ ħiliet u ta’ ħaddiema u diffikultà biex jaċċessaw il-kapital. Fl-2024, il-Kummissjoni l-ġdida introduċiet il-Boxxla għall-Kompetittività - iftaħ tab ġdida., inizjattiva ewlenija li se tiggwida l-isforzi futuri tal-UE biex tissaħħaħ il-kompetittività tagħha.

Sabiex issaħħaħ il-kompetittività tagħha, l-UE se tiffoka fuq il-prijoritajiet li ġejjin:

  • tiffaċilita n-negozju għall-kumpaniji tal-UE u tkompli tiżviluppa s-Suq Uniku f’setturi bħas-servizzi, l-enerġija, id-difiża, il-finanzi, il-komunikazzjoni elettronika u s-settur diġitali;
  • tniedi Patt għal Industrija Nadifa biex jonqsu l-emissjonijiet tal-karbonju u jorħsu l-prezzijiet tal-enerġija;
  • taħdem favur ekonomija aktar ċirkolari u sostenibbli;
  • titfa’ r-riċerka u l-innovazzjoni fiċ-ċentru tal-ekonomija;
  • tagħti spinta lill-produttività permezz tat-tixrid ta’ teknoloġiji diġitali;
  • tagħmel investiment kbir fil-kompetittività sostenibbli;
  • tindirizza d-diskrepanza bejn il-ħiliet u l-ħaddiema.

Hemm ħafna sfidi kumplessi għall-kompetittività tal-UE, u dawn għandhom jiġu indirizzati b’mod komprensiv u sofistikat. L-UE diġà għandha diversi inizjattivi fis-seħħ biex issaħħaħ il-kompetittività tan-negozji u tal-industriji tagħha. Il-miżuri trażversali — mill-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet futuri marbuta mal-istandardizzazzjoni - iftaħ tab ġdida. f’oqsma bħall-materja prima u t-teknoloġiji kwantistiċi għal Strument ta’ Appoġġ Tekniku - iftaħ tab ġdida. bħala appoġġ għall-proġetti ewlenin li se jsaħħu l-kapaċitajiet tal-produzzjoni industrijali — jimmiraw, pereżempju, li jippermettu lill-UE tilħaq l-għan tagħha li ssir mexxejja dinjija fit-teknoloġiji strateġiċi.

Barra minn hekk, il-kompetittività m’għandhiex tiġi qabilna jew qabel il-pjaneta. L-UE qed tiżgura li l-approċċ tagħha għat-tkabbir jibqa’ allinjat mal-valuri tagħha. Għalhekk, qed tippromwovi ekonomija ċirkolari (ara l-Kapitlu 4), qed tagħmel ħilitha biex tkun minn ta’ quddiem fl-oqsma tat-teknoloġiji strateġiċi u ekoloġiċi (ara l-Kapitli 4 u 5) u qed tiżgura li n-nies jitħejjew kontinwament bil-ħiliet meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet li qed jevolvu tal-industrija (il-Kapitlu 6).

Ir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività

Sabiex tifhem u tivvaluta aħjar il-funzjonament tas-Suq Uniku u l-kompetittività tal-UE, il-Kummissjoni ppubblikat l-edizzjoni tal-2024 tar-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività - iftaħ tab ġdida. tagħha. Meta mqabbla mar-rapporti tas-snin preċedenti, din l-edizzjoni analizzat il-kompetittività aktar bir-reqqa. Ir-rapport tal-2024 jibbaża fuq id-disa’ xpruni tal-kompetizzjoni identifikati fil-Komunikazzjoni tal-2023 dwar il-kompetittività fit-tul - iftaħ tab ġdida.. Dawn l-ixpruni se jintużaw biex jiġi segwit il-progress tal-UE minn sena għal sena. Ir-rapport enfasizza wkoll il-preġji tas-Suq Uniku li jistgħu jintużaw biex tiżdied il-kompetittività tal-UE u saħaq fuq il-fatt li l-finanzjament tat-tranżizzjoni ekoloġika u tat-tranżizzjoni diġitali jeħtieġ taħlita strateġika ta’ għodod. Dan jinkludi l-użu aktar innovattiv tal-finanzjament tal-UE biex l-investiment privat jingħata spinta u jiġi protett, kif ukoll l-użu tal-akkwist pubbliku biex jiġu promossi s-sostenibbiltà, ir-reżiljenza, l-innovazzjoni u l-prattiki soċjalment responsabbli.

Id-disa’ xpruni tal-kompetittività

  1. Suq Uniku li jiffunzjona.
  2. Aċċess għal kapital privat.
  3. Investiment pubbliku u infrastruttura.
  4. Riċerka u innovazzjoni.
  5. Enerġija.
  6. Ċirkolarità.
  7. Diġitalizzazzjoni.
  8. Edukazzjoni u ħiliet.
  9. Kummerċ u awtonomija strateġika miftuħa.

Ir-rapporti ta’ Letta u ta’ Draghi

Minbarra l-analiżi tal-Kummissjoni, fl-2024 ġew ippubblikati żewġ rapporti indipendenti b’rakkomandazzjonijiet biex jissaħħu s-Suq Uniku u l-kompetittività tal-UE. Ir-rapport bit-titlu Much More than a Market - iftaħ tab ġdida., imħejji mill-eks Prim Ministru Taljan Enrico Letta għall-Presidenza Belġjana tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, iddeskriva l-ħtieġa li s-Suq Uniku jevolvi u jinkorpora t-tranżizzjoni diġitali u t-tranżizzjoni ekoloġika, filwaqt li jesplora opportunitajiet ġodda għat-tkabbir u jtejjeb is-sigurtà tal-UE.

Abbażi tar-rapport ta’ Letta, il-Kummissjoni identifikat ħames oqsma ewlenin ta’ azzjoni biex tkompli ssaħħaħ il-kompetittività Ewropea:

  1. nilliberaw aktar kapital għan-negozji Ewropej;
  2. niżguraw l-indipendenza enerġetika u enerġija orħos;
  3. nindirizzaw in-nuqqas ta’ ħiliet;
  4. inrawmu l-innovazzjoni diġitali;
  5. nilliberaw il-potenzjal sħiħ tal-kummerċ.

Barra minn hekk, l-analiżi bit-titlu The Future of European Competitiveness — A competitiveness strategy for Europe - iftaħ tab ġdida., imħejjija mill-eks President tal-Bank Ċentrali Ewropew Mario Draghi fuq talba ta’ Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, targumenta li l-UE għandha tuża t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa biex iżżid il-kompetittività u traħħas il-prezzijiet tal-enerġija. Ir-rapport jenfasizza wkoll il-ħtieġa li tiġi xprunata l-innovazzjoni u titħaffef it-tranżizzjoni diġitali billi jiġi mobilizzat l-investiment pubbliku u privat, jittejjeb l-ambjent tan-negozju u tinqata’ l-burokrazija, u billi n-nies jitħejjew b’ħiliet għal swieq tax-xogħol ġodda. Fl-aħħar nett, jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu r-reżiljenza, id-difiża u s-sigurtà kumplessivi tal-UE, fid-dawl tal-kuntest ġeopolitiku attwali.

Is-sejbiet tar-rapport ta’ Draghi kkontribwew għall-ħidma tal-Kummissjoni relatata ma’ pjan ġdid għall-prosperità u l-kompetittività sostenibbli tal-Ewropa. Tliet punti ewlenin - iftaħ tab ġdida. tar-rapport ta’ Draghi se jiffurmaw ukoll il-pedament tal-Boxxla għall-Kompetittività msemmija hawn fuq, jiġifieri t-tnaqqis tad-diskrepanza fl-innovazzjoni bejn l-UE minn naħa u ċ-Ċina u l-Istati Uniti min-naħa l-oħra; it-tfassil ta’ pjan konġunt għad-dekarbonizzazzjoni u għall-kompetittività; iż-żieda tas-sigurtà u t-tnaqqis tad-dipendenzi. Barra minn hekk, ir-rapport se jkollu rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-Patt għal Industrija Nadifa għal industriji kompetittivi u impjiegi ta’ kwalità.

Mario Draghi u Ursula von der Leyen jitbissmu bilwieqfa fuq palk. Il-President von der Leyen qed iżżomm dokument f’idejha filwaqt li qed jippożaw quddiem skrin bil-kliem “The future of European competitiveness” (Il-futur tal-kompetittività Ewropea).
Mario Draghi, il-Konsulent Speċjali ta’ Ursula von der Leyen (xellug), u Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea (lemin), waqt konferenza stampa rigward ir-rapport ta’ Draghi dwar il-futur tal-kompetittività Ewropea, Brussell, il-Belġju, id-9 ta’ Settembru 2024.

Sfida oħra tal-UE hija li ssib bilanċ bejn il-ftuħ kummerċjali u s-sigurtà ekonomika. Sabiex tevita li ssir dipendenti żżejjed fuq il-fornituri esklużivi, l-UE trid tippromwovi l-kompetittività tagħha, tipproteġi l-ekonomija tagħha kontra r-riskji u tikkollabora ma’ sħab li għandhom l-istess interessi ekonomiċi tagħha.

Dawn it-tliet linji ta’ azzjoni (ippromwovi, ipproteġi u ssieħeb) jiffurmaw il-pedament tal-Istrateġija tas-Sigurtà Ekonomika - iftaħ tab ġdida.. Mill-introduzzjoni tal-istrateġija f’Ġunju 2023 ’l hawn, il-Kummissjoni adottat diversi miżuri biex tivvaluta u tnaqqas ir-riskji. Il-Kummissjoni bdiet l-ewwel rieżami tar-riskji marbuta mal-użu tad-dipendenzi ekonomiċi jew tal-koerċizzjoni ekonomika bħala arma u bdiet ukoll analiżi aktar profonda ta’ dawn il-kwistjonijiet.

Barra minn hekk, l-għodda kontra l-koerċizzjoni - iftaħ tab ġdida. issa qiegħda fis-seħħ. Din l-għodda tgħin lill-UE tieħu azzjoni — f’konformità mal-liġi internazzjonali — meta pajjiżi mhux tal-UE jeżerċitaw koerċizzjoni ekonomika fuq l-UE jew l-Istati Membri tagħha.

Ippromwovi

Fl-2024, il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni - iftaħ tab ġdida. nieda programm ta’ ħidma b’aktar minn €1.2 biljun f’finanzjament bħala għajnuna għall-espansjoni tat-teknoloġiji strateġiċi u tal-kumpaniji innovattivi. Sa Ġunju kienu ġew approvati aktar minn 200 investiment separat.

Ipproteġi

F’Jannar, il-Kummissjoni ppreżentat pakkett li fih ħames inizjattivi biex tissaħħaħ is-sigurtà ekonomika tal-UE, li jinkludu l-iskrinjar tal-investiment barrani, il-kontrolli tal-esportazzjoni u l-evalwazzjoni tar-riskji tal-investimenti ’l barra.

Issieħeb

L-UE żiedet it-taħditiet dwar is-sigurtà ekonomika fi ħdan il-G7 u permezz ta’ diskussjonijiet bilaterali. Barra minn hekk, espandiet in-network tagħha ta’ ftehimiet kummerċjali biex tiżgura r-riżorsi, tiftaħ swieq ġodda u ssaħħaħ ir-reżiljenza tagħha.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma prijoritajiet trażversali, u huma essenzjali mhux biss għall-kompetittività tal-UE - iftaħ tab ġdida. iżda wkoll għat-tranżizzjoni ekoloġika u t-tranżizzjoni diġitali, għas-sigurtà ekonomika u għall-awtonomija strateġika miftuħa.

Sabiex tagħti spinta lill-innovazzjoni, b’mod partikolari l-innovazzjoni tat-teknoloġija profonda, fl-2022 l-UE nediet l-Aġenda Ewropea Ġdida għall-Innovazzjoni - iftaħ tab ġdida.. Rapport - iftaħ tab ġdida. ippubblikat fl-2024 wera li tlestew 17 mill-25 miżura tal-aġenda, filwaqt li t-8 l-oħra għadhom għaddejjin. “Teknoloġija profonda” tirreferi għal teknoloġiji li huma tant innovattivi li spiss jispiċċaw ifixklu jew ibiddlu kompletament il-modi kif jiffunzjonaw l-industriji, l-ekonomiji jew saħansitra s-soċjetajiet.

Eżempji ta’ azzjoni reċenti

Barra minn hekk, il-programm ta’ finanzjament tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni, Orizzont Ewropa - iftaħ tab ġdida., ikompli jagħti spinta lill-kompetittività tal-UE billi jiffaċilita l-kollaborazzjoni u jsaħħaħ l-impatt tar-riċerka u l-innovazzjoni. Jappoġġa wkoll il-ħolqien u t-tixrid aħjar tat-teknoloġiji. (Ara l-Kapitlu 6 biex tiskopri aktar dwar Orizzont Ewropa.) Il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni msemmi hawn fuq, li huwa programm ta’ innovazzjoni b’baġit ta’ €10.1 biljun biex jidentifika, jiżviluppa u jespandi t-teknoloġiji u l-innovazzjonijiet rivoluzzjonarji - iftaħ tab ġdida., huwa inizjattiva stabbilita fl-ambitu tal-programm Orizzont Ewropa.

© Adobe Stock

Parti ewlenija oħra tat-tisħiħ tal-kompetittività tal-UE hija l-politika tal-kompetizzjoni - iftaħ tab ġdida. tagħha, jiġifieri r-regoli u l-liġijiet imfassla biex jiżguraw kompetizzjoni effettiva bejn in-negozji. Bl-infurzar tal-politika tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni toħloq ambjent li jħeġġeġ lin-negozji jkunu aktar effiċjenti, adattivi u innovattivi, u li jwassal għal prodotti superjuri u kosteffettivi għall-konsumaturi. Barra minn hekk, iħejji wkoll lill-kumpaniji tal-UE għas-suċċess dinji billi jixpruna l-investiment fir-riċerka, fl-iżvilupp tal-prodotti u fis-simplifikazzjoni tal-proċess biex jipprova jikseb riżultati aqwa minn dawk tar-rivali. Il-miżuri ta’ infurzar huma ferm effettivi biex jiskoraġġixxu lill-kumpaniji milli jinvolvu ruħhom fi prattiki antikompetittivi.

Ir-regoli dwar l-antitrust

L-infurzar tal-antitrust - iftaħ tab ġdida. ġeneralment jittratta prattiki tal-kumpaniji bl-għan li jaqilgħu lill-kompetituri mis-suq, azzjoni li fl-aħħar mill-aħħar tagħmel ħsara lill-konsumaturi. Dan huwa komuni fis-settur tat-teknoloġija diġitali, speċjalment fejn jidħlu kumpaniji kbar tat-teknoloġija. Pereżempju, fl-2024, il-Kummissjoni mmultat lil Meta €797.72 miljun - iftaħ tab ġdida. talli abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha permezz ta’ bejgħ abbinat u talli imponiet kundizzjonijiet kummerċjali inġusti fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar klassifikat online biex tibbenifika l-pjattaforma tagħha stess. F’każ ieħor, il-Kummissjoni aċċettat l-impenji proposti ta’ Apple - iftaħ tab ġdida. biex telimina l-ostakli għall-aċċess tat-teknoloġija għall-pagamenti mingħajr kuntatt fil-ħwienet permezz ta’ apparati mobbli.

Ir-regoli tal-kompetizzjoni jistgħu jintużaw ukoll biex jaġixxu direttament kontra prezzijiet għoljin u kundizzjonijiet kummerċjali inġusti li jxekklu l-kompetizzjoni għad-detriment tal-konsumaturi. Matul is-sena, il-Kummissjoni mmultat lil Apple iktar minn €1.8 biljun talli abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha - iftaħ tab ġdida. billi imponiet kundizzjonijiet kummerċjali inġusti fuq l-iżviluppaturi tal-apps tal-mużika, li potenzjalment wasslu biex l-utenti jħallsu prezzijiet ferm ogħla għall-abbonamenti tal-istreaming tal-mużika.

L-isforzi tal-Kummissjoni b’rabta mal-antitrust mhumiex limitati għall-industrija tat-teknoloġija. F’Mejju, il-Kummissjoni imponiet multa ta’ €337.5 miljun fuq Mondelēz skont ir-regoli tal-antitrust - iftaħ tab ġdida. talli ostakolat il-kummerċ intra-UE tal-prodotti taċ-ċikkulata u tal-gallettini tagħha (fost id-ditti magħrufa sew taħt il-kontroll ta’ Mondelēz insibu Milka, Côte d’Or, Toblerone, Oreo, LU u Belvita).

F’każ sinifikanti ieħor mill-2024, il-Kummissjoni mmultat lill-kumpanija farmaċewtika Teva €462.6 miljun - iftaħ tab ġdida. talli dewmet il-kompetizzjoni tat-trattament tal-isklerożi multipla tagħha, Copaxone. Teva għamlet dan billi estendiet b’mod artifiċjali l-protezzjoni tal-privattiva ta’ Copaxone u billi sistematikament xerrdet informazzjoni qarrieqa dwar prodott ta’ kumpanija oħra bil-ħsieb li toħloq ostakli għad-dħul tiegħu fis-suq u għall-adozzjoni tiegħu.

Fużjonijiet

L-UE tissalvagwardja wkoll is-swieq kompetittivi permezz tal-kontroll tal-fużjonijiet. Kemm jekk fużjonijiet orizzontali bejn kompetituri diretti, kif ukoll jekk fużjonijiet vertikali tul il-ktajjen tal-provvista jew fużjonijiet ta’ konglomerati li jinvolvu prodotti jew servizzi komplementari, il-Kummissjoni tinvestiga biex tipprevjeni eżiti negattivi bħal żidiet fil-prezzijiet u x-xkiel fl-innovazzjoni.

Ir-Regolament tal-UE dwar il-fużjonijiet, li għalaq 20 sena fl-2024 - iftaħ tab ġdida., huwa l-bażi legali tal-Kummissjoni għar-rieżami tal-konċentrazzjonijiet b’dimensjoni tal-UE u għad-determinazzjoni tal-kompatibbiltà tagħhom mas-Suq Uniku. Matul is-sena, Amazon irtirat il-pjan tagħha li tixtri iRobot - iftaħ tab ġdida. wara li l-Kummissjoni qajmet tħassib dwar il-fatt li dan in-negozju jista’ jnaqqas il-kompetizzjoni billi jillimita l-aċċess ta’ fornituri oħra għas-suq ta’ Amazon, li potenzjalment iwassal għal prezzijiet ogħla, kwalità aktar baxxa u inqas innovazzjoni għall-konsumaturi. Għall-kuntrarju ta’ dan, il-fużjoni bejn Microsoft u Activision - iftaħ tab ġdida. hija eżempju ta’ approvazzjoni ta’ tranżazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, soġġetta għal xi impenji. Il-partijiet fil-fużjoni impenjaw ruħhom li jindirizzaw it-tħassib kollu dwar il-kompetizzjoni u introduċew miżuri li se jtejbu b’mod sinifikanti l-istreaming tal-logħob tal-cloud attwali.

Barra minn hekk, fi Frar il-Kummissjoni adottat Avviż Rivedut dwar id-Definizzjoni tas-Suq - iftaħ tab ġdida. biex tibqa’ aġġornata dwar id-dinamika tas-suq. L-avviż rivedut jaġġorna l-gwida dwar kif għandhom jiġu definiti s-swieq rilevanti fil-kuntest ta’ każijiet ta’ fużjonijiet u tal-antitrust. Permezz ta’ dan, in-negozji jsibuha eħfef biex jifhmu kif il-Kummissjoni tinforza l-liġijiet tal-kompetizzjoni u ttejjeb il-konformità.

FL-2024
  • 400 deċiżjoni dwar il-fużjonijiet.
  • 8 deċiżjonijiet dwar l-antitrust.
  • 2 deċiżjonijiet dwar il-kartelli.
  • 613-il deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.
  • €3.5 biljun f’multi imposti fuq il-kumpaniji li jiksru l-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-UE.
MAŻ-ŻMIEN
  • €28.7 biljun f’għajnuna illegali u inkompatibbli rkuprata mingħand dawk li rċevewha bejn l-1999 u l-2024.
  • Iffrankar stmat ta’ bejn it-€13-il biljun u t-€23 biljun fis-sena matul dawn l-aħħar 10 snin bis-saħħa tal-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni f’każijiet ta’ fużjonijiet, kartelli u tal-antitrust.

Għajnuna mill-Istat

Il-politika tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat - iftaħ tab ġdida. tiżgura li meta tingħata l-għajnuna mill-Istat, din ma xxekkilx il-kompetizzjoni ġusta u effettiva bejn il-kumpaniji fl-Istati Membri, jew tagħmel ħsara lill-ekonomija. Il-politika dwar l-għajnuna mill-Istat tirfed ukoll il-prinċipji ekonomiċi tal-politika industrijali tal-UE. Il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat jista’ jappoġġa lill-istrateġiji industrijali tal-UE billi jindirizza l-fallimenti tas-suq, filwaqt li jiżgura li l-għajnuna tkun meħtieġa kif ukoll limitata għall-minimu meħtieġ, u li l-mira tagħha tkun li jintlaħqu l-objettivi pubbliċi.

Il-Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni - iftaħ tab ġdida. jixhdu kif l-għajnuna mill-Istat u l-politika industrijali jiġu implimentati fil-prattika. Dawn il-proġetti li jinvolvu aktar minn pajjiż wieħed huma ffinanzjati mill-għajnuna mill-Istat u għandhom effetti konsegwenzjali pożittivi fuq aktar minn Stat Membru wieħed. S’issa, il-Kummissjoni approvat għajnuna mill-Istat għal 10 proġetti ta’ dan it-tip biex tappoġġa l-innovazzjoni f’setturi strateġiċi bħall-batteriji, l-idroġenu, il-mikroelettronika u l-kura tas-saħħa, b’hekk tikkontribwixxi għall-kompetittività tal-industrija tal-UE.

Eżempju tajjeb mill-2024 huwa l-proġett Med4Cure - iftaħ tab ġdida., li jinvolvi 6 Stati Membri, 13-il kumpanija (li 9 minnhom huma intrapriżi żgħar u medji) u madwar 175 entità tar-riċerka bħala sħab indiretti. Il-proġett Med4Cure għandu l-għan li jiġġieled ir-reżistenza għall-antimikrobiċi, il-mard rari u l-kanċer permezz ta’ trattamenti u teknoloġiji ġodda, bħat-terapiji bl-mRNA. Il-proġett mistenni jirċievi sa biljun ewro f’finanzjament pubbliku mill-Istati Membri u mistenni jillibera €5.9 biljun addizzjonali f’investiment privat.

Il-Forum Ewropew Konġunt għal Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni - iftaħ tab ġdida. ġie stabbilit biex jidentifika oqsma ta’ interess strateġiku tal-UE għal proġetti futuri potenzjali u biex itejjeb l-effettività tat-tfassil, tal-valutazzjoni u tal-implimentazzjoni tagħhom. Din is-sħubija bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri kellha l-ewwel u t-tieni laqgħa ta’ livell għoli f’Marzu u f’Novembru.

Ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat jappoġġaw ukoll il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa - iftaħ tab ġdida., li ilha fis-seħħ mill-1 ta’ Marzu 2024, billi jippermettu lill-Istati Membri jagħtu għajnuna reġjonali akbar lill-proġetti ta’ investiment koperti mill-pjattaforma. Din il-pjattaforma ġiet stabbilita biex tagħti spinta lill-investiment f’teknoloġiji kritiċi fi tliet oqsma ewlenin: it-teknoloġiji diġitali u t-teknoloġija profonda; it-teknoloġiji nodfa u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi; u l-bijoteknoloġiji. Barra minn hekk, il-pjattaforma tappoġġa proġetti li jrawmu l-ħiliet meħtieġa biex jiġu żviluppati t-teknoloġiji kritiċi.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kontinwament ittejjeb il-politika tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat. Pereżempju, din il-politika tippromwovi r-riċerka u l-iżvilupp fl-UE. Mill-2023, meta żdiedu l-livelli limitu ta’ notifika għall-għajnuna għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, aktar minn 90 % tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat f’dan il-qasam ma kinux jeħtieġu l-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni. Dan naqqas il-piż amministrattiv għall-Istati Membri, filwaqt li ħaffef l-innovazzjoni u l-iżvilupp tat-teknoloġiji kritiċi.

Ir-Regolament dwar is-sussidji barranin

L-UE mhux biss tiżgura li l-kompetizzjoni interna tkun ġusta, iżda tivverifika wkoll li n-negozji fl-UE jkollhom opportunità ekwa li jirnexxu meta jiffaċċjaw kompetizzjoni internazzjonali. Ir-Regolament dwar is-Sussidji Barranin - iftaħ tab ġdida., li beda japplika f’Lulju 2023, jindirizza distorsjonijiet possibbli għas-suq intern ikkawżati mis-sussidji barranin. Dawn jistgħu jagħtu lill-kumpaniji vantaġġ inġust fl-akkwist ta’ ditti bbażati fl-UE, fl-involviment fl-akkwist pubbliku jew fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-investiment u ta’ deċiżjonijiet kummerċjali fis-swieq tal-UE.

Fl-2024, il-Kummissjoni nediet diversi investigazzjonijiet fl-ambitu tal-akkwist pubbliku, li wasslu biex il-kumpaniji Ċiniżi li kienu qed jiġu investigati jirtiraw mill-proċessi tal-offerti relatati. Il-Kummissjoni bdiet ukoll rieżami preliminari ta’ sussidji barranin possibbli fis-settur tal-enerġija mir-riħ tal-UE. Dan ir-rieżami preliminari għadu għaddej.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni wettqet investigazzjoni fil-fond dwar l-akkwist propost ta’ PPF Telecom Group BV, operatur tat-telekomunikazzjoni bbażat fl-UE li jopera fil-Bulgarija, fl-Ungerija u fis-Slovakkja, minn e&, operatur tat-telekomunikazzjoni stabbilit fl-Emirati Għarab Magħquda. Il-Kummissjoni kellha tħassib preliminari li e& seta’ ngħata sussidji barranin li possibbilment joħolqu distorsjoni fis-Suq Uniku. F’Settembru, il-Kummissjoni approvat din it-tranżazzjoni wara li l-partijiet involuti pproponew sensiela ta’ impenji biex jindirizzaw it-tħassib li tqajjem.

Il-politika industrijali - iftaħ tab ġdida. ġeneralment tirreferi għal politiki li jippromwovu l-attività ekonomika. Tista’ tinkludi għadd kbir ta’ azzjonijiet, mill-bidliet strutturali f’diversi industriji u l-ħolqien ta’ ambjent li jappoġġa lill-kumpaniji, speċjalment l-intrapriżi żgħar u medji, għall-użu aħjar tal-potenzjal industrijali tar-riċerka, tat-teknoloġiji ġodda u tal-innovazzjoni. Il-politika industrijali tal-UE - iftaħ tab ġdida. għandha l-għan li ssaħħaħ il-kompetittività tal-industrija tal-UE u li tippromwovi ekonomija aktar sostenibbli, reżiljenti u diġitalizzata li toħloq l-impjiegi.

Matul is-sena, l-UE aġġornat il-qafas tal-politika industrijali tagħha, permezz tad-dħul fis-seħħ ta’ diversi atti u regolamenti. L-Att dwar il-Materja Prima Kritika - iftaħ tab ġdida. jiżgura l-aċċess għall-materja prima strateġika, filwaqt li l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti - iftaħ tab ġdida. jinkoraġġixxi l-manifattura tat-teknoloġiji nodfa. Dawn iż-żewġ atti huma parti mill-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku - iftaħ tab ġdida., introdott fl-2023, li għandu l-għan li jsaħħaħ il-kompetittività tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti u li jappoġġa t-tranżizzjoni rapida lejn in-newtralità klimatika. Barra minn hekk, ir-Regolament dwar l-Ekodisinn għal Prodotti Sostenibbli - iftaħ tab ġdida. jintroduċi rekwiżiti ġodda għad-disinn u r-riċiklaġġ tal-prodotti, u d-Direttiva riveduta dwar l-Emissjonijiet Industrijali - iftaħ tab ġdida. ssaħħaħ il-kontroll tat-tniġġis. Fl-aħħar nett, il-Komunikazzjoni dwar materjali avvanzati għat-tmexxija industrijali - iftaħ tab ġdida. tirfed ir-riċerka u l-innovazzjoni f’materjali mill-aktar avvanzati, f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew (ara l-Kapitlu 4) u mal-għanijiet industrijali.

Udjenza qed tħares filwaqt li Maroš Šefčovič qed jitkellem wara leġġiju fuq il-lemin, u l-membri tal-panel qegħdin bilqiegħda madwar mejda fuq ix-xellug. Fl-isfond jidhru l-kliem “The future of EU industry: value chain resilience or dependence” (Il-futur tal-industrija tal-UE: ir-reżiljenza jew id-dipendenza tal-katina tal-valur).
Maroš Šefčovič, li dak iż-żmien kien il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, ir-Relazzjonijiet Interistituzzjonali u l-Prospettiva (lemin), fl-avveniment tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Azzar “Il-Futur tal-Industrija tal-UE: Ir-reżiljenza jew id-dipendenza tal-katina tal-valur”, Brussell, il-Belġju, id-9 ta’ April 2024.

Dawn l-inizjattivi huma kruċjali biex jissaħħu l-vantaġġ kompetittiv u t-tmexxija tal-UE fit-tranżizzjoni dinjija lejn ekonomija sostenibbli. Il-politiki industrijali tal-UE huma mfassla biex jissodisfaw il-ħtiġijiet li qed jevolvu tas-suq tal-UE u biex jiżguraw li l-UE tibqa’ fuq quddiem nett fit-tranżizzjoni ekoloġika.

Il-politika industrijali hija kruċjali wkoll għall-implimentazzjoni effettiva tal-Patt Ekoloġiku Ewropew kif ukoll biex nibbenefikaw minnu. Fl-2024, l-UE qieset id-Djalogi dwar it-Tranżizzjoni Nadifa - iftaħ tab ġdida., imnedija fl-2023, bħala mod ġdid kif l-UE tinvolvi ruħha mal-industrija u mas-sħab soċjali biex tifhem l-isfidi attwali tagħhom kif ukoll biex issaħħaħ u tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku. Saru disa’ djalogi li ffukaw fuq l-idroġenu, l-industriji intensivi fl-użu tal-enerġija, it-teknoloġija nadifa, l-infrastruttura tal-enerġija, il-materja prima kritika, il-bijoekonomija bbażata fuq il-foresti, il-bliet, il-mobbiltà nadifa, u l-azzar. Mid-djalogi ħarġet fid-dieher il-ħtieġa għal regolamentazzjoni simplifikata, enerġija nadifa abbundanti u affordabbli, infrastruttura moderna, aċċess aktar faċli għall-finanzjament, u Suq Uniku aktar b’saħħtu f’ambjent kompetittiv fil-livell dinji.

Diplomazija dwar il-materja prima

L-aċċess għall-materja prima - iftaħ tab ġdida. fis-swieq dinjin huwa waħda mill-prijoritajiet tal-UE. Fl-2024, l-UE ħadet miżuri sinifikanti biex tespandi l-kooperazzjoni dwar il-materja prima kritika, li hija essenzjali għat-tranżizzjoni ekoloġika u t-tranżizzjoni diġitali fil-livell dinji, mas-sħab internazzjonali.

F’April, l-UE, l-Istati Uniti u l-pajjiżi tas-Sħubija għas-Sigurtà tal-Minerali, li magħhom ingħaqdu l-Każakistan, in-Namibja, l-Ukrajna u l-Użbekistan, ħabbru t-tnedija tal-Forum tas-Sħubija għas-Sigurtà tal-Minerali - iftaħ tab ġdida., pjattaforma ġdida għall-kooperazzjoni dwar il-materja prima kritika. Fl-2024 issieħbu 11-il pajjiż u territorju addizzjonali: l-Arġentina, l-Ekwador, il-Filippini, Greenland, il-Messiku, il-Perù, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, ir-Repubblika Dominicana, is-Serbja, it-Turkija u ż-Żambja.

Il-Klabb dwar il-Materja Prima Kritika, imħabbar fl-2023, sar parti mill-Forum tas-Sħubija għas-Sigurtà tal-Minerali. Il-forum ilaqqa’ flimkien pajjiżi għonja fir-riżorsi u pajjiżi b’domanda għolja għal dawn ir-riżorsi.

L-UE ffirmat ukoll memoranda ta’ qbil bilaterali mal-Awstralja, man-Norveġja, mar-Rwanda, mas-Serbja u mal-Użbekistan, b’hekk kompliet tespandi n-network tagħha ta’ sħab fil-qasam tal-materja prima kritika u kompliet tiżgura provvista diversifikata u sostenibbli ta’ din il-materja kemm għall-UE kif ukoll għall-pajjiżi sħab tagħha.

Valdis Dombrovskis, Margrethe Vestager u Thierry Breton bilqiegħda ħdejn xulxin fir-ringiela ta’ quddiem mal-imwejjed tal-konferenza matul laqgħa formali. Margrethe Vestager qed titbissem lejn il-kamera, filwaqt li Valdis Dombrovskis qed jivverifika d-dokumenti u Thierry Breton qed jirranġa n-nuċċali. Fl-isfond qed jidhru n-nies jieħdu r-ritratti u josservaw l-avveniment.
L-UE kompliet il-ħidma tagħha fil-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti, fejn l-UE u l-Istati Uniti avvanzaw il-ħidma konġunta tagħhom dwar kummerċ aktar ekoloġiku u l-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tal-materja prima kritika. Fir-ritratt jidhru Margrethe Vestager, li dak iż-żmien kienet il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għal Ewropa Lesta għall-Era Diġitali u l-Kummissarju Ewropew għall-Kompetizzjoni (fuq quddiem, fin-nofs), Valdis Dombrovskis, li dak iż-żmien kien il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għal Ekonomija għas-Servizz tan-Nies u l-Kummissarju Ewropew għall-Kummerċ (fuq quddiem, lejn ix-xellug), u Thierry Breton, li dak iż-żmien kien il-Kummissarju Ewropew għas-Suq Intern (fuq quddiem, lejn il-lemin), huma u jieħdu sehem fil-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti f’Leuven, il-Belġju, il-5 ta’ April 2024.

Ftehimiet aktar b’saħħithom biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ

Id-diversifikazzjoni tal-aċċess tan-negozji tal-UE għas-sħab kummerċjali permezz ta’ ftehimiet kummerċjali ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekonomija tal-UE fid-dawl ta’ klima ġeopolitika dejjem aktar inċerta. Barra minn hekk, aktar minn 30 miljun impjieg fl-UE huma appoġġati mill-esportazzjoni, u kważi 10 miljun impjieg minnhom huma r-riżultat ta’ investimenti barranin fis-Suq Uniku.

Fl-2024, l-UE kkonkludiet Ftehim dwar il-Kummerċ Diġitali ma’ Singapore - iftaħ tab ġdida. li se jtejjeb il-flussi tad-data minn pajjiż għall-ieħor u li permezz tiegħu se jibbenifikaw in-negozji u l-konsumaturi involuti fil-kummerċ diġitali. Dan huwa l-ewwel ftehim tal-UE ta’ dan it-tip.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ffinalizzat negozjati - iftaħ tab ġdida. għal ftehim ta’ sħubija rivoluzzjonarju bejn l-UE u l-Mercosur - iftaħ tab ġdida.. Dan il-ftehim wasal fi żmien kritiku għaż-żewġ partijiet, u jippreżenta opportunitajiet sinifikanti għall-benefiċċju tat-tnejn li huma permezz tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni ġeopolitika u ekonomika u tal-kooperazzjoni fil-qasam tas-sostenibbiltà u tas-sigurtà.

L-UE saħħet ukoll ir-relazzjonijiet tagħha ma’ sħab tal-istess fehma, fosthom il-Kanada - iftaħ tab ġdida. u pajjiżi fir-reġjun Indo-Paċifiku, biex tippromwovi trasformazzjoni diġitali ġusta li tirrispetta d-drittijiet fundamentali.

Fis-26 ta’ Marzu, l-UE u l-Korea t’Isfel organizzaw it-tieni Kunsill tas-Sħubija Diġitali - iftaħ tab ġdida. fi Brussell, il-Belġju, fejn reġgħu affermaw l-impenn tagħhom li jikkooperaw dwar teknoloġiji diġitali ewlenin għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tal-ekonomiji.

Matul is-sena daħlu fis-seħħ diversi ftehimiet oħra, fosthom il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Kenja - iftaħ tab ġdida., il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u New Zealand - iftaħ tab ġdida., il-Ftehim għall-Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli bejn l-UE u l-Angola - iftaħ tab ġdida. u l-ftehim bejn l-UE u l-Ġappun dwar il-flussi tad-data minn pajjiż għall-ieħor - iftaħ tab ġdida..

Dawn il-ftehimiet se jaqdu rwol ewlieni fil-promozzjoni ta’ kummerċ ġust u miftuħ mas-sħab internazzjonali. Se jkunu kruċjali għall-kompetittività tal-UE peress li se joħolqu opportunitajiet ġodda ta’ esportazzjoni għall-kumpaniji tal-UE u se jiżguraw l-aċċess għal inputs kritiċi. Dan huwa partikolarment rilevanti għas-settur agrikolu Ewropew, kif ikkonfermat minn rapport - iftaħ tab ġdida. tal-2024 li sar miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni.

Barra minn hekk, dawn il-ftehimiet jinkludu dispożizzjonijiet estensivi dwar is-sostenibbiltà, li jippromwovu l-istandards għoljin tal-UE dwar il-protezzjoni ambjentali u d-drittijiet tax-xogħol madwar id-dinja.

Bħalissa, l-UE għandha kummerċ agroalimentari totali varjat, ma’ diversi sħab kummerċjali. Għalkemm għadha tiddependi fuq ċerti prodotti bażiċi, il-pożizzjoni tagħha bħala l-akbar esportatur fid-dinja u importatur ewlieni tal-prodotti agroalimentari tgħin biex jinżammu relazzjonijiet kummerċjali bbilanċjati u favorevoli ma’ pajjiżi oħra.

Matul is-sena, l-UE ddedikat aktar minn €83 miljun biex toħloq opportunitajiet ġodda fis-suq għall-bdiewa tal-UE u għall-industrija tal-ikel tal-UE u biex tiżgura l-istabbiltà tan-negozju eżistenti tagħhom.

Par idejn iżommu l-ħbub taċ-ċereali, b’aktar ħbub mal-art fl-isfond.

L-aġġornament tar-regoli kummerċjali internazzjonali dwar l-ikel u l-agrikoltura huwa prijorità għall-membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Fit-13-il Konferenza Ministerjali f’Abu Dhabi, l-Emirati Għarab Magħquda, fl-2024, l-UE reġgħet affermat l-impenn tagħha għal sistema ta’ kummerċ multilaterali miftuħa, ġusta, inklużiva u trasparenti li tappoġġa lill-bdiewa u li ttejjeb is-sigurtà tal-ikel fil-livell dinji. © Adobe Stock

Il-protezzjoni tan-negozji tal-UE minn kummerċ inġust

Fl-2024, l-UE ħadet azzjoni sinifikanti biex tiddefendi n-negozji tal-UE minn prattiki kummerċjali inġusti. B’kollox, il-Kummissjoni nediet 33 każ ġdid tal-Istrument għad-Difiża tal-Kummerċ - iftaħ tab ġdida. matul is-sena, b’hekk l-għadd kumplessiv ta’ każijiet, inkluż ir-rieżamijiet, tela’ għal 63. Din hija żieda sinifikanti meta mqabbla mat-12-il każ ġdid li nfetħu fl-2023. Il-Kummissjoni imponiet ukoll 10 miżuri proviżorji (inkluż miżura antisussidji) u 7 miżuri definittivi (inkluż miżura antisussidji). Dawn il-każijiet u l-miżuri jaqdu rwol ewlieni fis-salvagwardja tal-kompetittività u tal-impjiegi tal-UE, b’629,655 impjieg li ġew protetti fl-2024.

Il-Kummissjoni imponiet ukoll dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ vetturi elettriċi bil-batterija - iftaħ tab ġdida. miċ-Ċina. Id-deċiżjoni ttieħdet wara investigazzjoni li sabet li l-katina tal-valur tal-vetturi elettriċi bil-batterija fiċ-Ċina tibbenifika minn sussidjar inġust, li possibbilment iwassal biex il-produtturi tal-UE jesperjenzaw dannu ekonomiku. L-UE u ċ-Ċina għadhom għaddejjin b’diskussjonijiet fuq livell tekniku biex jippruvaw jilħqu ftehim dwar l-impenji marbuta mal-prezzijiet. Il-Kummissjoni tibqa’ impenjata bis-sħiħ li ssib soluzzjoni aċċettabbli għat-tnejn li huma, filwaqt li tiddefendi b’mod kostanti n-negozji tal-UE kontra miżuri ta’ ritaljazzjoni mhux ġustifikati. Barra minn hekk, is-salvagwardji tal-importazzjonijiet tal-azzar - iftaħ tab ġdida. ġew estiżi għal sentejn oħra biex il-produtturi tal-azzar tal-UE jiġu protetti minn livelli għoljin ta’ kapaċità żejda ta’ azzar fil-livell dinji.

Sar ukoll aktar progress fit-tneħħija tal-ostakli għall-esportazzjonijiet tal-UE f’pajjiżi mhux tal-UE, u ġew eliminati 41 ostaklu li kienu qed jaffettwaw il-merkanzija fis-setturi kollha bħas-settur tal-agrikoltura, is-settur farmaċewtiku u s-settur awtomobilistiku. B’mod partikolari, il-Kummissjoni rnexxielha tindirizza l-leġiżlazzjoni Torka li kienet iddiskriminat kontra l-esportazzjonijiet tat-tratturi tal-UE, u b’hekk fetħet l-aċċess għal suq ta’ €2.5 biljun.