KAPITLU 6
Matul dawn l-aħħar snin, fid-dawl tal-isfidi globali bħall-pandemija tal-COVID-19, il-kriżi tal-għoli tal-ħajja, it-tibdil fil-klima u t-tranżizzjoni diġitali, l-Unjoni Ewropea rduppjat l-isforzi tagħha biex tipproteġi u tagħti s-setgħa lin-nies u lill-komunitajiet. Fl-2024, il-ħidma tagħha biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol għal kulħadd kompliet tirnexxi. Hekk kif intemmet is-Sena Ewropea tal-Ħiliet, li kisbet is-suċċess mistenni, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat pjan ta’ azzjoni ġdid biex tindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet, biex b’hekk tappoġġa t-tkabbir sostenibbli u inklużiv tal-UE u tiżgura l-kompetittività tagħha. L-UE kompliet tappoġġa miżuri ġodda sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jgawdu d-drittijiet soċjali tagħhom. Pereżempju, permezz ta’ regoli ġodda, qed jibda jiġi żgurat li l-ħaddiema jkunu protetti b’pagi minimi xierqa, filwaqt li drittijiet u protezzjonijiet ġodda se jtejbu l-kundizzjonijiet għall-ħaddiema fl-ekonomija gig. Barra minn hekk, l-UE approvat liġi rivoluzzjonarja biex tiġi miġġielda l-vjolenza fuq in-nisa u introduċiet kards ġodda li se jiffaċiltaw l-ivvjaġġar għall-persuni b’diżabbiltà.
L-UE stabbiliet perkors ambizzjuż lejn Ewropa ġusta u inklużiva li tipproteġi liċ-ċittadini tagħha u toħloq opportunitajiet. Il-politiki tagħha għandhom l-għan li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol għal kulħadd fl-UE billi jippromwovu aktar impjiegi, ħiliet, ugwaljanza, u protezzjoni u inklużjoni soċjali ta’ livell ta’ kwalità ogħla.
L-20 prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali - iftaħ tab ġdida., — u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali - iftaħ tab ġdida. li se jbiddel dawn il-prinċipji f’miżuri konkreti — jiggwidaw il-politika tal-UE u dik nazzjonali f’dawn l-oqsma ewlenin. Waqt konferenza ta’ livell għoli - iftaħ tab ġdida. li saret f’April f’La Hulpe, il-Belġju, l-UE, is-sħab soċjali tagħha u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ġeddew l-impenn tagħhom għal Ewropa soċjali aktar b’saħħitha billi ffirmaw dikjarazzjoni li tafferma mill-ġdid il-pilastru bħala l-qafas ta’ gwida għall-politiki soċjali tal-UE. Id-dikjarazzjoni ta’ La Hulpe dwar il-Futur tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali tilqa’ wkoll ir-rieżami li jmiss tal-pjan ta’ azzjoni relatat fl-2025. Dan ir-rieżami se jservi wkoll bħala bażi għal aktar azzjoni biex jinkisbu l-miri ewlenin tal-UE u dawk nazzjonali għall-2030 għall-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar.
Il-progress fil-livell tal-UE u dak nazzjonali lejn il-miri huwa mmonitorjat b’mod dettaljat fir-“Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi” annwali. L-aktar rapport reċenti - iftaħ tab ġdida.juri li l-UE tinsab fit-triq it-tajba lejn il-ksib tal-mira tagħha dwar l-impjiegi, wara rkupru li wassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi. Madankollu, allavolja sar xi ftit progress biex tintlaħaq il-mira tat-tnaqqis tal-faqar minkejja d-diversi kriżijiet li seħħew matul dawn l-aħħar snin, u b’mod partikolari, minkejja l-inflazzjoni għolja, għad irid isir aktar progress sinifikanti biex din il-mira tintlaħaq. Huwa meħtieġ ukoll aktar progress fl-apprendiment għall-adulti, filwaqt li l-effetti tal-isforzi ta’ politika tal-UE f’dan il-qasam għad iridu jinħassu fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri.
Il-problema ta’ persuni mingħajr dar hija waħda mill-aktar forom estremi ta’ esklużjoni soċjali, u taffettwa lill-Istati Membri kollha. Fi Frar, konferenza ministerjali informali - iftaħ tab ġdida. laqqgħet rappreżentanti mill-Istati Membri u mill-Parlament Ewropew flimkien ma’ esperti u assoċjazzjonijiet li jiġġieldu b’mod attiv kontra l-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar. Id-delegati esprimew l-appoġġ tagħhom għall-Pjattaforma Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Kundizzjoni ta’ Persuni Mingħajr Dar - iftaħ tab ġdida., filwaqt li laqgħu l-ħidma li saret s’issa. Saħqu fuq il-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi, l-impenn politiku u r-riżorsi biex tiġi indirizzata l-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar, bl-għan li jintlaħaq l-objettiv tad-Dikjarazzjoni ta’ Liżbona li ssir ħidma sabiex il-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar tiġi eliminata sal-2030. Il-konklużjonijiet tal-konferenza ġew riflessi fid-Dikjarazzjoni ta’ La Hulpe.
Fl-2024 tnedew diversi proġetti li jikkomplementaw il-ħidma tal-Pjattaforma Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Kundizzjoni ta’ Persuni Mingħajr Dar u li ġew appoġġati mill-UE, inkluż iċ-Ċensiment Ewropew ta’ Persuni Mingħajr Dar - iftaħ tab ġdida., is-Sett ta’ Għodod tal-OECD għall-Ġlieda Kontra l-Kundizzjoni ta’ Persuni Mingħajr Dar - iftaħ tab ġdida. u erba’ proġetti pilota li jindirizzaw il-kundizzjoni ta’ persuni mingħajr dar.
L-Ewropej qed jgħixu ħajja itwal u aktar f’saħħitha, u hemm bżonn li l-politiki tal-UE u dawk nazzjonali jħarsu ’l quddiem biex jagħtu s-setgħa lin-nies ta’ kull età u jiżguraw il-benesseri tal-ġenerazzjonijiet futuri. Dan ifisser li jeħtieġ li jitfasslu politiki li jħeġġu t-tixjiħ attiv u f’saħħtu u li għandhom impatt pożittiv fuq kif l-Ewropej jikbru fl-età. Filwaqt li jibnu fuq is-sejbiet tar-Rapport tal-2024 dwar it-Tixjiħ - iftaħ tab ġdida. u r-Rapport tal-2024 dwar l-Adegwatezza tal-Pensjonijiet - iftaħ tab ġdida., l-esperti u l-partijiet ikkonċernati ltaqgħu biex jirriflettu dwar l-isfidi ewlenin relatati mal-lonġevità fl-Ewropa. Il-parteċipanti nnotaw li jkunu meħtieġa aktar riformi biex tiġi żgurata protezzjoni adegwata u sostenibbli tax-xjuħija u biex jiġu indirizzati l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi u bejn il-ġeneri fix-xjuħija. L-investiment fit-tixjiħ attiv u f’saħħtu, l-estensjoni tal-ħajja tax-xogħol u l-appoġġ għal arranġamenti tax-xogħol adattati u flessibbli se jkunu parti mis-soluzzjoni, flimkien ma’ sistemi tal-pensjoni u tal-kura fit-tul effettivi u effiċjenti.
In-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet ilu kważi 10 snin jiżdied fl-Istati Membri kollha. Dan huwa dovut l-aktar għat-tibdil demografiku u għad-domanda dejjem akbar għall-ħiliet bħala parti mit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, kif ukoll għal kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena f’ċerti okkupazzjonijiet u setturi. Il-Kummissjoni identifikat aktar minn 40 impjieg f’setturi differenti li qed jiġu affettwati minn nuqqasijiet fl-UE kollha - iftaħ tab ġdida., b’xi differenzi bejn l-Istati Membri. L-indirizzar ta’ dawn in-nuqqasijiet huwa kruċjali biex tiżdied il-kapaċità tal-UE għall-innovazzjoni, biex jiġi sfruttat il-potenzjal tat-tkabbir tagħha, biex tingħata spinta lill-kompetittività tagħha, biex jitrawwem il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u biex tiżdied ir-reżiljenza ekonomika u soċjali.
Biex tindirizza din l-isfida, f’Marzu l-Kummissjoni ppreżentat pjan ta’ azzjoni - iftaħ tab ġdida., imħejji f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali tagħha li, peress li huma l-aktar qrib tas-suq tax-xogħol, għandhom rwol kruċjali biex jgħinu fl-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet għall-indirizzar ta’ dawn l-isfidi. Il-pjan jipprovdi qafas komprensiv biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet f’ħames oqsma ta’ politika ewlenin fil-livelli tal-UE, nazzjonali u tas-sħab soċjali.
L-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni se tkun kruċjali biex jintlaħqu l-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi u l-ħiliet sal-2030. Il-pjan jibni fuq il-bosta miżuri ta’ politika u ta’ finanzjament li diġà huma fis-seħħ fil-livell tal-UE, bħall-Patt għall-Ħiliet - iftaħ tab ġdida.. Is-sħubijiet għall-ħiliet impenjaw ruħhom li joffru opportunitajiet ta’ taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet għal aktar minn 25 miljun persuna fl-età tax-xogħol madwar l-UE sal-2030. Mit-tnedija tiegħu fl-2020, b’mod kollettiv il-membri tal-Patt għall-Ħiliet investew ukoll aktar minn €150 miljun f’attivitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u ta’ taħriġ mill-ġdid. Barra minn hekk, l-UE qed tinvesti madwar €65 biljun fi programmi tal-ħiliet, b’mod partikolari permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza - iftaħ tab ġdida. (ara l-Kapitlu 3) u l-Fond Soċjali Ewropew Plus - iftaħ tab ġdida..
Is-Sena Ewropea tal-Ħiliet, li saret mid-9 ta’ Mejju 2023 sat-8 ta’ Mejju 2024, ipprovdiet impetu ġdid għall-apprendiment tul il-ħajja billi poġġiet il-ħiliet fiċ-ċentru tal-attenzjoni u għenet biex l-aspirazzjonijiet u s-settijiet ta’ ħiliet tan-nies jitqabblu ma’ opportunitajiet fis-suq tax-xogħol. L-isforzi ta’ komunikazzjoni lokali laħqu miljuni ta’ persuni, u kkontribwew għal żieda sinifikanti fis-sensibilizzazzjoni dwar il-politiki tal-UE fir-rigward tal-ħiliet.
Aktar minn 2,000 avveniment madwar l-Ewropa.
1.37 miljun viżitatur f’54 avveniment fi 23 Stat Membru.
69 miljun persuna milħuqa fuq il-midja soċjali.
190 inizjattiva mmexxija mill-UE b’rabta mal-ħiliet.
90 miljun viżwalizzazzjoni ta’ filmati fuq YouTube u Twitch.
41 miljun telespettatur f’ħames pajjiżi fil-mira.
26 % Frar 2023
53 % Diċembru 2023
19 % ma rawx l-inizjattivi tas-Sena tal-Ħiliet
64 % raw l-inizjattivi tas-Sena tal-Ħiliet
35 % ma rawx l-inizjattivi tas-Sena tal-Ħiliet
72 % raw l-inizjattivi tas-Sena tal-Ħiliet
Sors: l-Unjoni Ewropea, “Riżultati tas-Sena Ewropea tal-Ħiliet - iftaħ tab ġdida.”, 2024.
F’April tnediet l-Akkademja tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida - iftaħ tab ġdida., li għandha l-għan li tagħti spinta lill-ħiliet ekoloġiċi fis-settur tal-kostruzzjoni. L-akkademja se tgħaqqad il-valuri tas-sostenibbiltà, l-estetika u l-inklużività u se tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew - iftaħ tab ġdida.. Matul is-sentejn li ġejjin, se tlaqqa’ flimkien professjonisti tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u se tgħaqqad ħames ċentri lokali u reġjonali madwar l-Ewropa.
L-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku tal-UE - iftaħ tab ġdida. qed jassisti lil 12-il Stat Membru bir-riformi tagħhom b’rabta mal-ħiliet. L-appoġġ mogħti jvarja minn għajnuna fit-tfassil ta’ kurrikulu bbażat fuq il-kompetenzi u l-iżvilupp ta’ mikrokredenzjali (li jiċċertifikaw l-eżiti ta’ esperjenzi ta’ apprendiment fuq terminu qasir) sal-integrazzjoni tat-tfal refuġjati fis-sistema edukattiva.
Eżempju ta’ proġett
L-istrument appoġġa proġett ta’ sentejn fil-Belġju biex jgħin lill-iskejjel fl-użu effettiv tal-ICT għall-apprendiment u t-tagħlim. L-għan kien li l-iskejjel ikunu jistgħu jiżviluppaw approċċi bbażati fuq timijiet għall-koordinazzjoni tal-ICT u l-edukazzjoni diġitali.
Regoli ġodda - iftaħ tab ġdida. li għandhom l-għan li jiżguraw li l-pagi minimi nazzjonali jiggarantixxu għajxien deċenti għall-ħaddiema kellhom jiġu inkorporati fil-liġi nazzjonali sal-15 ta’ Novembru. Il-maġġoranza tal-Istati Membri nnotifikaw lill-Kummissjoni li dan għamluh. L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar pagi minimi adegwati se tikkontribwixxi għal kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol aħjar billi ttejjeb l-adegwatezza tal-pagi minimi statutorji u tippromwovi n-negozjar kollettiv b’rabta mal-pagi. Se ttejjeb ukoll l-aċċess tal-ħaddiema għall-protezzjoni tal-paga minima permezz ta’ mekkaniżmi aħjar ta’ infurzar, informazzjoni u rimedju. Id-Direttiva diġà bdiet tipproduċi effetti pożittivi, li wasslu għal dibattiti fil-livell nazzjonali dwar l-adegwatezza tal-pagi minimi. B’riżultat ta’ dan, matul dawn l-aħħar sentejn, il-pagi minimi statutorji żdiedu b’mod sinifikanti fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, u għenu biex jikkumpensaw għall-impatt tal-inflazzjoni għolja fuq il-kapaċità tal-akkwist tal-ħaddiema b’paga baxxa.
F’Lulju 2024, il-paga minima fl-Istati Membri tal-UE varjat bejn €477 fix-xahar fil-Bulgarija għal €2,571 fix-xahar fil-Lussemburgu.
Fl-2024 l-UE stabbiliet regoli ġodda - iftaħ tab ġdida. biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ 28 miljun ħaddiem tal-pjattaformi fl-UE. Id-Direttiva dwar ix-Xogħol fuq il-Pjattaformi se tiżgura li l-istatus tal-impjieg tal-persuni li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali jiġi kklassifikat b’mod korrett. Ladarba jiġu kklassifikati mill-ġdid, il-ħaddiema tal-pjattaformi se jkunu jistgħu jgawdu d-drittijiet tax-xogħol u l-benefiċċji soċjali li huma intitolati għalihom. Ir-regoli l-ġodda jippromwovu wkoll trasparenza u responsabbiltà akbar fir-rigward ta’ sistemi awtomatizzati li jappoġġaw jew jissostitwixxu l-funzjonijiet maniġerjali fuq il-post tax-xogħol, inkluż id-dritt li jiġu kkontestati deċiżjonijiet iġġenerati mill-algoritmi. L-Istati Membri għandhom sentejn biex jinkorporaw ir-regoli fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.
Barra minn hekk, l-isforzi biex jissaħħu l-korpi li jirrappreżentaw lill-ħaddiema Ewropej f’kumpaniji multinazzjonali avvanzaw fl-2024. Proposta - iftaħ tab ġdida. ġdida biex issir reviżjoni tar-regoli attwali għandha l-għan li ssaħħaħ ir-rwol tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet - iftaħ tab ġdida., li jikkonsultaw lill-ħaddiema u jżommuhom infurmati dwar deċiżjonijiet li jistgħu jaffettwaw il-kundizzjonijiet tal-impjieg jew tax-xogħol tagħhom. L-għan huwa li dawn il-korpi jkunu jistgħu jiġu stabbiliti b’aktar ħeffa, li jittejjeb il-bilanċ tagħhom bejn il-ġeneri u li jiġi żgurat li l-ħaddiema jiġu kkonsultati qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet.
It-telexogħol sar komuni, speċjalment minn żmien il-pandemija tal-COVID-19 ’l hawn. Skont l-istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol tal-UE - iftaħ tab ġdida., il-proporzjon ġenerali ta’ impjegati jaħdmu mid-dar fl-UE żdied b’aktar mid-doppju tul dawn l-aħħar snin, minn 11.1 % fl-2019 għal 22.4 % fl-2023. Fl-istess ħin, l-impatt ta’ kultura ta’ “dejjem disponibbli” fuq is-saħħa mentali tal-ħaddiema ngħata aktar attenzjoni. F’Marzu, tnediet - iftaħ tab ġdida. konsultazzjoni f’żewġ stadji mas-sħab soċjali dwar it-telexogħol ġust u d-dritt għall-iskonnessjoni.
Huwa stmat li hemm madwar 3.1 miljun trainee fl-UE. Traineeships ta’ kwalità jistgħu jgħinu liż-żgħażagħ jiksbu esperjenza prattika ta’ xogħol u jitgħallmu ħiliet ġodda, filwaqt li jippermettu lill-impjegaturi jattiraw, iħarrġu u jżommu l-persunal. F’Marzu, il-Kummissjoni ressqet inizjattiva biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol għat-trainees fl-UE, inklużi l-paga, l-inklużività u l-kwalità tat-traineeships. Minbarra r-reviżjoni tal-Qafas ta’ Kwalità għat-Traineeships - iftaħ tab ġdida. eżistenti biex jiġu indirizzati kwistjonijiet bħal pagi ġusti u aċċess għall-protezzjoni soċjali, din tipproponi wkoll azzjoni leġiżlattiva biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol għat-trainees u jiġi miġġieled l-impjieg moħbi bħala traineeships.
Biex tkompli tappoġġa s-suq tax-xogħol, l-UE introduċiet finanzjament ġdid - iftaħ tab ġdida. b’valur ta’ €23 miljun permezz tal-Fond Soċjali Ewropew Plus għal proġetti innovattivi mmirati biex inaqqsu l-qgħad fit-tul u jgħinu lin-nies isibu xogħol. Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati - iftaħ tab ġdida. pprovda wkoll appoġġ lil kważi 1,600 ħaddiem li ngħataw is-sensja fil-Belġju, fid-Danimarka u fil-Ġermanja.
Is-sħab soċjali — l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-ħaddiema u tal-impjegaturi tal-UE — għandhom rwol importanti fit-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-produttività, fit-tisħiħ tal-kompetittività tan-negozji tal-UE u fit-titjib tal-prosperità u r-reżiljenza tal-UE. Dan huwa partikolarment rilevanti fid-dawl tal-bidliet ikkawżati minn teknoloġiji ġodda u l-ħtieġa għal tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika. Waqt laqgħa li saret f’Jannar f’Val Duchesse, fi Brussell, il-Belġju, l-UE u s-sħab soċjali tagħha qablu li jġeddu - iftaħ tab ġdida. l-impenn tagħhom li jsaħħu d-djalogu soċjali fil-livell tal-UE u li jingħaqdu flimkien biex jindirizzaw l-isfidi ewlenin fl-ekonomiji u s-swieq tax-xogħol tal-UE. Is-sħab soċjali ddiskutew ukoll l-isfidi tas-suq tax-xogħol fis-Summit Soċjali Tripartitiku - iftaħ tab ġdida. li sar f’Marzu.
88 % tan-nies fl-UE jqisu li Ewropa soċjali hija importanti, fuq livell personali.
60 % huma konxji ta’ mill-inqas inizjattiva ewlenija reċenti waħda tal-UE li ssaħħaħ Ewropa soċjali.
49 % Id-Direttiva dwar il-Pagi Minimi.
38 % Id-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata.
37 % Il-Fond Soċjali Ewropew Plus.
33 % Il-Garanzija għat-Tfal.
30 % Id-Direttiva dwar Xogħol fuq il-Pjattaformi.
29 % L-Aġenda għall-Ħiliet.
Sors: il-Kummissjoni Ewropea, Ewrobarometru Speċjali 546 - iftaħ tab ġdida., April 2024.
Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni - iftaħ tab ġdida. hija l-istrateġija ta’ politika ewlenija tal-UE għall-edukazzjoni maħsuba biex tgħin lill-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jibnu sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ aktar inklużivi u reżiljenti. Għandha l-għan li telimina l-ostakli għall-apprendiment u li ttejjeb l-aċċess għal edukazzjoni, taħriġ u apprendiment tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi għal kulħadd. Bħala parti minn din il-viżjoni, l-UE nediet inizjattiva biex tistabbilixxi alleanzi bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja mill-Ewropa kollha.
Matul dawn l-aħħar 5 snin, l-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej - iftaħ tab ġdida., iffinanzjata minn Erasmus+ - iftaħ tab ġdida., kompliet tissaħħaħ. Biż-żieda ta’ 14-il alleanza ġdida - iftaħ tab ġdida., li ngħaqdu mal-50 magħżula qabel, din l-inizjattiva laħqet l-għan - iftaħ tab ġdida. li jkun hemm mill-inqas 60 alleanza tal-Universitajiet Ewropej, b’aktar minn 500 università involuti sa nofs l-2024. Billi jaħdmu flimkien u jgħaqqdu r-riżorsi, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jistgħu joffru programmi innovattivi u l-ħiliet avvanzati meħtieġa għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali madwar l-UE. L-universitajiet se jkunu jistgħu joffru programmi ta’ lawrji konġunti attraenti u kompetittivi, filwaqt li jattiraw u jżommu t-talent mid-dinja kollha.
Wara l-ispinta għal aktar programmi konġunti mis-settur tal-edukazzjoni għolja, inkluż minn ħafna alleanzi tal-Universitajiet Ewropej, il-Kummissjoni pproponiet perkors konkret għall-kooperazzjoni - iftaħ tab ġdida. bejn l-Istati Membri u s-settur lejn il-ħolqien ta’ lawrja Ewropea. Il-pjan ta’ azzjoni - iftaħ tab ġdida. għal tip ġdid ta’ programm, imwassal fil-livell nazzjonali, reġjonali jew istituzzjonali, jibni fuq sitt proġetti li jinvolvu aktar minn 140 istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja minn madwar l-UE. Din il-viżjoni ta’ kif il-lawrja Ewropea tista’ ssir realtà ġiet ippreżentata flimkien ma’ żewġ proposti għal rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill biex jiġi appoġġat is-settur tal-edukazzjoni għolja. L-ewwel - iftaħ tab ġdida. proposta għandha l-għan li ttejjeb il-proċessi tal-assigurazzjoni tal-kwalità u tar-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki fl-edukazzjoni għolja, filwaqt li t-tieni - iftaħ tab ġdida. waħda għandha l-għan li żżid l-attraenza u s-sostenibbiltà tal-karrieri akkademiċi.
Meta wieħed iqatta’ perjodu jistudja, jitħarreġ jew jaħdem barra minn pajjiżu jispiċċa jikseb ħafna benefiċċji, bħal pereżempju t-tisħiħ tal-ħiliet ta’ komunikazzjoni u tal-ħiliet interkulturali. Biex jittejbu l-opportunitajiet ta’ apprendiment barra mill-pajjiż għal kulħadd, ġew stabbiliti miri - iftaħ tab ġdida. ġodda fil-livell tal-UE.
L-opportunità li wieħed iqatta’ żmien fi Stat Membru ieħor tgħin ħafna wkoll biex dak li jkun itejjeb il-ħiliet lingwistiċi eżistenti tiegħu jew jitgħallem lingwa ġdida. Id-diversità lingwistika hija promossa permezz ta’ proġetti ffinanzjati mill-programmi Erasmus+ u Ewropa Kreattiva - iftaħ tab ġdida.. Stħarriġ tal-2024 żvela li, b’mod ġenerali, fl-Ewropa n-nies għandhom attitudni pożittiva fir-rigward tal-multilingwiżmu u l-apprendiment tal-lingwi.
86 % tan-nies fl-UE huma tal-fehma li kull min jgħix fl-UE għandu jkun jista’ jitkellem mill-inqas b’lingwa waħda oħra.
76 % huma tal-fehma li t-titjib tal-ħiliet lingwistiċi għandu jkun prijorità tal-politiki.
84 % huma tal-fehma li l-lingwi reġjonali u minoritarji għandhom jiġu protetti.
3 minn kull 5 ċittadini huma kapaċi jitħaddtu f’mill-inqas lingwa waħda oħra (bi proporzjon ogħla ta’ 4 minn kull 5 fost iż-żgħażagħ).
Sors: il-Kummissjoni Ewropea, Ewrobarometru Speċjali 540 - iftaħ tab ġdida., Mejju 2024.
L-UE tinvolvi ruħha wkoll mal-gvernijiet biex l-edukazzjoni għolja fl-Ewropa ssir aktar inklużiva u aċċessibbli permezz tal-Proċess ta’ Bologna - iftaħ tab ġdida., li jlaqqa’ flimkien il-pajjiżi li huma parti miż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja u l-Kummissjoni. F’Mejju, 47 rappreżentant tal-ministeri tal-edukazzjoni għolja u l-UE affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jappoġġaw il-mobbiltà tal-istudenti u tal-persunal. Fil-Communiqué ta’ Tirana - iftaħ tab ġdida., evalwaw il-kooperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni għolja u stabbilew id-direzzjoni għall-2025–2027. Qablu wkoll dwar impenji aġġornati relatati mat-tneħħija tal-ostakli għall-mobbiltà tal-apprendiment, l-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja, u l-edukazzjoni ta’ kwalità għolja, filwaqt li żguraw rabtiet b’saħħithom mal-inizjattivi ewlenin tal-UE bħall-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej u l-pjan ta’ azzjoni għal lawrja Ewropea.
Il-programm tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport.
Fl-2024 ġie ċċelebrat l-20 anniversarju ta’ Erasmus Mundus - iftaħ tab ġdida., l-inizjattiva Ewropea ta’ kooperazzjoni fl-edukazzjoni għolja ffinanzjata mill-programm Erasmus+ li tappoġġa t-twaqqif ta’ lawrji internazzjonali ta’ Masters konġunti. Sa mit-tnedija ta’ din l-inizjattiva, kważi 50,000 student minn 179 pajjiż ħadu sehem fil-programmi ta’ Masters ta’ Erasmus Mundus. Aktar minn 34,000 student ingħataw borża ta’ studju mill-UE. Il-kisbiet tal-programm u l-kontributi tiegħu għall-iżvilupp tad-dimensjoni internazzjonali ta’ Erasmus+ ġew iċċelebrati waqt konferenza - iftaħ tab ġdida. li saret f’Mejju.
Fl-2024 tfakkru l-40 sena - iftaħ tab ġdida. mit-tnedija tal-ewwel programm ta’ finanzjament tal-UE ddedikat għar-riċerka u l-innovazzjoni. Mill-1984, l-UE investiet aktar minn €280 biljun fix-xjenza, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u pprovdiet aktar minn 120,000 għotja lil madwar 75,000 benefiċjarju. Dan il-finanzjament ħoloq impjiegi ta’ kwalità, appoġġa lil kumpaniji innovattivi u saħħaħ il-kompetittività u t-tmexxija teknoloġika tal-UE. Matul dawn l-aħħar erba’ deċennji, l-UE żiedet l-investiment tagħha fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni u espandiet l-enfasi tagħha biex tindirizza l-isfidi globali, tisfrutta l-potenzjal tat-teknoloġija u tissodisfa l-ħtiġijiet li qed jinbidlu tas-soċjetà. Ir-riżultati ta’ din il-ħidma ġew rikonoxxuti wkoll bl-għoti ta’ aktar minn 30 Premju Nobel lil riċerkaturi li ngħataw finanzjament mill-UE.
“Minn meta bdejt fl-Iżvezja sal-lum, l-appoġġ mill-programmi qafas tar-riċerka tal-UE kien importanti ħafna għalija matul il-karriera tiegħi, għax ippermettieli nibni grupp ta’ riċerka, nixtri t-tagħmir tal-laboratorju meħtieġ u nesplora ideat innovattivi.”
Il-Professur Anne L’Huillier, ir-Rebbieħa tal-Premju Nobel 2023 fil-Fiżika.
David Baker, li ngħata finanzjament bħala parti mill-programm tal-UE Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie - iftaħ tab ġdida., ingħata l-Premju Nobel 2024 fil-Kimika “għad-disinn komputazzjonali tal-proteini”, flimkien ma’ Demis Hassabis u John M. Jumper “għat-tbassir tal-istrutturi tal-proteini”. Ismu issa jinsab fil-lista illustri ta’ 18-il membru, xjenzat u superviżur mill-programm li ngħataw il-Premju Nobel mill-2010 sal-lum.
Ir-rapport ta’ evalwazzjoni finali - iftaħ tab ġdida. dwar Orizzont 2020, il-programm qafas tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni, li kien attiv mill-2014 sal-2020 - iftaħ tab ġdida., juri li l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni huwa ta’ benefiċċju kbir. Ir-rapport sab li Orizzont 2020 ta kontribut kbir għall-bini ta’ soċjetà u ekonomija tal-UE msejsa fuq l-għarfien u l-innovazzjoni, u kien ta’ benefiċċju għan-nies fl-Ewropa ferm lil hinn sew minn dak li seta’ jinkiseb fil-livell nazzjonali jew reġjonali. Il-programm iffinanzja soluzzjonijiet konkreti — minn trasport ġdid li jaħdem bl-idroġenu u vaċċini mRNA sal-mikroelettronika u n-nanoelettronika — u ta kontribut deċiżiv lix-xjenza tal-klima. Kull ewro f’kostijiet marbuta mal-programm fl-aħħar mill-aħħar se ġġib magħha 5 ewro f’benefiċċji għaċ-ċittadini tal-UE sal-2040, u dan juri l-livell għoli ta’ valur għall-flus li jirrappreżenta l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni għas-soċjetà Ewropea.
B’kontribut għal żieda ta’ 20 % fit-tkabbir tal-impjiegi madwar l-UE.
Karatteristika ġdida tal-programm qafas attwali għar-riċerka u l-innovazzjoni għall-2021–2027, Orizzont Ewropa - iftaħ tab ġdida., hija l-introduzzjoni ta’ pjanijiet strateġiċi, żviluppati mill-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri, il-pajjiżi assoċjati u l-Parlament b’kontribut mill-partijiet ikkonċernati u ċ-ċittadini. It-tieni Pjan Strateġiku ta’ Orizzont Ewropa - iftaħ tab ġdida., li ġie ppubblikat f’Marzu, jistabbilixxi l-enfasi għall-aħħar 3 snin tal-programm (2025–2027). Dan se jidderieġi l-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa u lil hinn minnha biex jiġu indirizzati l-isfidi globali ewlenin bħat-tibdil fil-klima, it-tniġġis u t-telf tal-bijodiversità, it-tranżizzjoni diġitali u t-tixjiħ tal-popolazzjoni. Permezz ta’ dan il-pjan strateġiku ġdid, l-UE se żżid l-ambizzjoni tal-programm dwar il-bijodiversità billi timpenja ruħha li talloka 10 % tal-baġit totali ta’ Orizzont Ewropa għall-2025–2027 għal suġġetti relatati mal-bijodiversità. Dan jikkomplementa l-miri eżistenti għan-nefqa fuq il-klima (35 % matul il-ħajja ta’ Orizzont Ewropa) u l-attivitajiet diġitali ewlenin (€13-il biljun matul l-istess perjodu).
Il-pjan strateġiku jintroduċi wkoll il-Faċilità tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida - iftaħ tab ġdida., għodda ta’ finanzjament ġdida għar-rivitalizzazzjoni tal-viċinati fl-UE u lil hinn minnha. Mill-2025 sal-2027, €120 miljun fis-sena se jkunu disponibbli għall-proġetti tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni permezz ta’ Orizzont Ewropa, b’livell simili ta’ finanzjament mistenni li jiġi minn programmi oħra tal-UE biex tiġi appoġġata l-introduzzjoni. L-inizjattiva pijuniera tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida tlaqqa’ flimkien liċ-ċittadini, lill-awtoritajiet pubbliċi, lill-esperti, lin-negozji, lill-universitajiet u lill-istituzzjonijiet biex jimmaġinaw mill-ġdid, u jippromwovu b’mod konġunt, għajxien sostenibbli u inklużiv.
Bħala parti minn Orizzont Ewropa, il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka - iftaħ tab ġdida. jgħin biex iwessa’ l-konfini tal-għarfien fl-oqsma kollha tax-xjenza u tal-boroż ta’ studju permezz tal-iskemi prestiġjużi tiegħu ta’ għotjiet. Fl-2024 ingħataw għotjiet b’valur totali ta’ €2.3 biljun għal proġetti li ntgħażlu abbażi tal-eċċellenza xjentifika tagħhom.
Tħabbar finanzjament ta’ €1.25 biljun matul is-sena biex tiġi appoġġata r-riċerka bħala parti mill-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie, il-programm ewlieni tal-UE għat-taħriġ dottorali u postdottorali. Il-finanzjament se jipprovdi madwar 10,000 impjieg lil riċerkaturi ta’ talent mid-dinja kollha u se jappoġġahom fl-istadji kollha tal-karriera tagħhom.
F’Ġunju tnediet il-Pjattaforma tat-Talent taż-Żona Ewropea tar-Riċerka - iftaħ tab ġdida. biex jittejbu l-kundizzjonijiet għall-iżvilupp tal-karrieri u biex ir-riċerkaturi jiġu attirati lejn l-Ewropa u jiġi inċentivati jibqgħu fiha. Din se taġixxi bħala hub ċentrali li toffri lir-riċerkaturi aċċess faċli għall-iżvilupp tal-karrieri, kif ukoll finanzjament u għodod ta’ kollaborazzjoni internazzjonali, filwaqt li ssaħħaħ il-mobbiltà u l-progressjoni tal-karrieri tagħhom madwar l-Ewropa.
Fl-UE, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni huma valuri ewlenin u drittijiet fundamentali. Biex tiżgura soċjetà miftuħa u inklużiva, l-UE daħħlet fis-seħħ firxa ta’ strateġiji ddedikati, b’miżuri konkreti u finanzjament disponibbli biex jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies madwar l-UE.
F’Ottubru ġew approvati - iftaħ tab ġdida. regoli ġodda għall-ħolqien tal-Kard Ewropea tad-Diżabbiltà u l-Kard Ewropea għall-Parkeġġ għal Persuni b’Diżabbiltà. Il-kards se japplikaw għaċ-ċittadini tal-UE u għall-membri tal-familja b’diżabbiltajiet rikonoxxuti, u għal ċittadini mhux tal-UE b’diżabbiltajiet rikonoxxuti li jgħixu fl-UE.
Meta wieħed jivvjaġġa fi Stati Membri oħra, il-Kard Ewropea tad-Diżabbiltà tipprovdi aċċess ugwali għal kundizzjonijiet speċjali u għal trattament preferenzjali offrut minn firxa wiesgħa ta’ servizzi. Dawn jistgħu jinkludu, pereżempju, aċċess prijoritarju jew mingħajr ħlas, assistenza personali f’postijiet fejn isiru avvenimenti, gwidi tal-braille jew tal-awdjo, u aċċess għal avvenimenti mingħajr ħlas jew bi prezzijiet imnaqqsa. Id-detenturi tal-Kard Ewropea għall-Parkeġġ se jkunu jistgħu jaċċessaw il-kundizzjonijiet u l-faċilitajiet tal-parkeġġ għall-persuni b’diżabbiltà fi Stati Membri oħra. Ir-regoli l-ġodda se japplikaw għal soġġorni qosra sa 3 xhur, jew għal perjodi itwal f’ċertu każijiet, pereżempju għad-detenturi tal-kards li jipparteċipaw fi programmi ta’ mobbiltà tal-UE (bħal proġetti tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà - iftaħ tab ġdida.). L-Istati Membri jistgħu wkoll japplikaw id-direttiva għal perjodi itwal fil-każ ta’ detenturi oħra tal-kards.
Il-Kard Ewropea tad-Diżabbiltà se tikkomplementa l-kards jew iċ-ċertifikati nazzjonali tad-diżabbiltà, u l-kard il-ġdida għall-parkeġġ se tissostitwixxi l-kard attwali tal-UE għall-parkeġġ għall-persuni b’diżabbiltà. Iż-żewġ kards huma mistennija li jkunu operattivi fl-UE kollha fl-2028.
L-ispazji aċċessibbli huma l-ewwel pass kruċjali għall-kisba tal-ugwaljanza. L-edizzjoni tal-2024 immarkat il-15-il anniversarju tal-Premju Access City - iftaħ tab ġdida. premju prestiġjuż li jirrikonoxxi l-isforzi eċċezzjonali li l-bliet tal-UE qed jagħmlu biex jagħtu prijorità lill-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabbiltà.
F’Novembru, il-belt ta’ Vjenna, l-Awstrija, rebħet il-Premju Access City tal-2025 - iftaħ tab ġdida. talli serviet ta’ eżempju ċar ta’ kif bliet kapitali kbar jistgħu jintegraw b’suċċess l-aċċessibbiltà f’kull aspett tal-ħajja urbana. Bħala ċelebrazzjoni tal-Logħob Olimpiku u Paralimpiku tal-2024, il-belt ta’ Nuremberg, il-Ġermanja, ingħatat rikonoxximent speċjali għall-infrastruttura sportiva aċċessibbli talli investiet f’ċentri sportivi inklużivi b’tagħmir adattat, u f’taħriġ għall-kowċis fi sport adattiv u fl-għawm inklużiv.
Biex jiġi mfakkar il-15-il anniversarju tal-Premju Access City, rappreżentanti minn bliet li rebħu l-edizzjonijiet preċedenti, organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabbiltà u assoċjazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati ltaqgħu biex jiskambjaw l-aħjar prattiki. Ġabru wkoll feedback għat-tieni fażi tal-Istrateġija Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà 2021–2030 - iftaħ tab ġdida..
L-UE għamlet avvanzi sinifikanti fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri matul dawn l-aħħar snin. Fost l-istadji importanti nsibu regoli ġodda dwar it-trasparenza fil-pagi - iftaħ tab ġdida. biex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali, drittijiet ġodda biex jittejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata - iftaħ tab ġdida. u miri biex jittejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-bordijiet korporattivi - iftaħ tab ġdida..
Madankollu, minkejja progress sostanzjali, għad fadal ħafna xi jsir biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Skont ir-Rapport tal-2024 dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fl-UE - Fajl PDF, iftaħ tab ġdida., għad hemm differenzi sinifikanti bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol u f’pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, inkluża r-rappreżentanza politika, filwaqt li l-isfida biex jiġu eliminati l-istereotipi marbuta mal-ġeneru rigward ir-rwol tan-nisa fis-soċjetà għadha ma ngħelbitx. Barra minn hekk, in-nisa u l-bniet għadhom partikolarment vulnerabbli quddiem il-konsegwenzi tal-gwerer u tal-kunflitti. Ir-rapport jinnota wkoll il-preżenza ta’ ostakli dejjem aktar numerużi għal-libertà tal-espressjoni, speċjalment online, u rigressjoni li qed tiżdied maż-żmien fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa f’diversi partijiet tad-dinja.
Fl-2024, ġiet adottata liġi rivoluzzjonarja tal-UE - iftaħ tab ġdida. li tiġġieled kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika. Il-liġi l-ġdida, ċerti forom ta’ vjolenza fuq in-nisa, b’mod partikolari l-mutilazzjoni ġenitali femminili, iż-żwieġ furzat u l-aktar forom mifruxa ta’ vjolenza ċibernetika (eż. il-kondiviżjoni mhux kunsenswali ta’ materjal intimu jew manipulat, is-cyberstalking u l-fastidju online), flimkien mal-inċitament ċibernetiku abbażi tal-ġeneru għall-vjolenza jew għall-mibegħda, jitqiesu reati kriminali speċifiċi.
Sorsi: Eurostat - iftaħ tab ġdida.; l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi - iftaħ tab ġdida.; l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali - iftaħ tab ġdida..
Id-Direttiva ssaħħaħ l-aċċess tal-vittmi għall-ġustizzja, il-protezzjoni u l-appoġġ, u tirrikjedi li l-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ miżuri komprensivi ta’ prevenzjoni u jippromwovu r-rwol ċentrali tal-kunsens fir-relazzjonijiet. L-Istati Membri għandhom sal-14 ta’ Ġunju 2027 biex jinkorporaw ir-regoli l-ġodda fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.
Il-vjolenza kontra t-tfal għadha wkoll sfida sinifikanti, kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha. F’April, il-Kummissjoni ħarġet rakkomandazzjonijiet - iftaħ tab ġdida. biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi biex isaħħu s-sistemi tagħhom għall-protezzjoni tat-tfal. Ir-rakkomandazzjonijiet jirriflettu l-fehmiet ta’ aktar minn 1,000 tifel u tifla, li nġabru permezz tal-Pjattaforma tal-UE għall-Parteċipazzjoni tat-Tfal - iftaħ tab ġdida..
Biex tappoġġa l-impenn tagħha li tippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, fl-2024 l-UE pprovdiet għarfien espert tekniku mfassal apposta - iftaħ tab ġdida. lil 12-il amministrazzjoni f’disa’ Stati Membri (il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, il-Portugall u r-Rumanija). L-għan huwa li jiġu megħjuna jistabbilixxu politiki u baġits li jindirizzaw u jippromwovu l-ħtiġijiet b’rabta mal-ġeneri.
Bis-saħħa tal-bidliet fir-regoli finanzjarji tal-UE, issa l-ġeneru se jitqies fil-programmi finanzjarji tal-UE. Il-bidliet jinkludu monitoraġġ imtejjeb, li issa se jiddistingwi l-informazzjoni skont il-ġeneru. Barra minn hekk, kull meta jkun possibbli, mill-perjodu baġitarju li jmiss (wara l-2027) l-attivitajiet appoġġati mill-fondi tal-UE se jkollhom jikkunsidraw il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet speċifiċi tan-nisa u l-bniet.
Il-korpi nazzjonali tal-ugwaljanza - iftaħ tab ġdida. għandhom rwol importanti fl-isforzi biex jiġi żgurat li l-liġi tal-Unjoni dwar in-nondiskriminazzjoni tiġi implimentata fil-prattika. Jippromwovu t-trattament ugwali billi jipprovdu assistenza indipendenti lill-vittmi tad-diskriminazzjoni, billi jwettqu stħarriġ indipendenti, u billi jippubblikaw rapporti indipendenti u jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mad-diskriminazzjoni. Madankollu, minkejja l-ħidma siewja tagħhom, il-korpi tal-ugwaljanza bħalissa qed jiffaċċjaw għadd ta’ sfidi u għad għandhom potenzjal mhux sfruttat għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.
Leġiżlazzjoni ġdida li ġiet adottata mill-UE - iftaħ tab ġdida. fl-2024 se tagħti aktar indipendenza, riżorsi u setgħat lill-korpi tal-ugwaljanza, u b’hekk se tgħin biex jissaħħaħ l-infurzar tal-liġi tal-UE dwar in-nondiskriminazzjoni. L-Istati Membri għandhom sad-19 ta’ Ġunju 2026 biex jadattaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.
DISKRIMINAZZJONI BBAŻATA FUQ:
65 % l-identità bħala Rom
61 % il-kulur tal-ġilda
60 % l-oriġini etnika
57 % l-identità bħala transġeneru
54 % l-orjentament sesswali
Sors: il-Kummissjoni Ewropea, Ewrobarometru Speċjali 535 - iftaħ tab ġdida., Diċembru 2023.
Ir-riżultati tat-tielet stħarriġ LGBTIQ - iftaħ tab ġdida., li ġie ppubblikat f’Mejju mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali - iftaħ tab ġdida., juru li l-persuni leżbjani, gay, bisesswali, trans, intersesswali u queer (LGBTIQ) huma aktar miftuħa llum fir-rigward tal-orjentament sesswali, l-identità tal-ġeneru jew il-karatteristiċi tas-sess tagħhom fl-ambjent soċjali tagħhom milli kienu fil-passat. Madankollu, qed jiffaċċjaw aktar fastidju u vjolenza. Fl-istess waqt, l-għadd ta’ inċidenti mhux irrapportati ta’ diskriminazzjoni, vjolenza u fastidju għadu kbir.
Rapport - Fajl PDF, iftaħ tab ġdida. dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ juri li din kellha impatt pożittiv fuq is-sitwazzjoni tal-persuni LGBTIQ fl-UE. Tnax-il Stat Membru għandhom fis-seħħ strateġiji jew pjanijiet ta’ azzjoni għall-ugwaljanza tal-LGBTIQ li jikkomplementaw l-istrateġija tal-UE, filwaqt li oħrajn bħalissa qed iħejju l-ewwel strateġiji jew pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali ddedikati tagħhom. Il-kooperazzjoni mal-Istati Membri se tissaħħaħ permezz tal-iskambju ta’ prattiki tajba fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali.
Sors: l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, “LGBTIQ Equality at a Crossroads – Progress and challenges - iftaħ tab ġdida.”, 2024.
Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra r-Razziżmu għall-2020–2025 - Fajl PDF, iftaħ tab ġdida. juri li għalkemm il-biċċa l-kbira tal-miżuri ġew implimentati, hija meħtieġa protezzjoni aktar effettiva mid-diskriminazzjoni razzjali, flimkien mal-prevenzjoni sistematika tar-razziżmu. Dan juri wkoll li qed jiġu żviluppati miżuri u inizjattivi kontra r-razziżmu fl-oqsma kollha ta’ politika tal-UE — mill-edukazzjoni u l-impjiegi sal-azzjoni esterna. Madankollu, ir-rapport juri li r-razziżmu huwa mifrux fl-istrutturi tas-soċjetà, bħal fl-impjiegi, l-edukazzjoni u l-aċċess għall-akkomodazzjoni, u li l-Istati Membri għandhom rwol ewlieni fil-ġlieda kontra din is-sitwazzjoni. Lil hinn mill-2025, l-UE se tkompli tindirizza r-razziżmu fil-forom kollha tiegħu u se tiżviluppa strateġija komprensiva kontra r-razziżmu.
Sors: l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, Jewish People’s Experiences and Perceptions of Antisemitism — EU Survey of Jewish People - iftaħ tab ġdida., 2024.
L-ewwel rapport ta’ progress - iftaħ tab ġdida. dwar l-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda Kontra l-Antisemitiżmu u s-Sostenn tal-Ħajja Lhudija 2021–2030 ġie ppubblikat fl-2024. Dan juri li minn meta seħħew l-attakki tal-Ħamas fuq Iżrael fis-7 ta’ Ottubru 2023 u minn meta faqqgħet il-gwerra f’Gaża, fl-Ewropa ġew irreġistrati l-ogħla livelli ta’ inċidenti ta’ mibegħda u vjolenza mmirati lejn il-Lhud sa mit-twaqqif tal-UE. Skont stħarriġ - iftaħ tab ġdida. tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tal-2023, il-livell ta’ antisemitiżmu kien għoli saħansitra qabel l-attakki tal-Ħamas, u ġie aggravat mill-pandemija tal-COVID-19 u mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Ir-rapport jistabbilixxi kif l-UE u l-Istati Membri tagħha qed jaħdmu biex jiġġieldu l-antisemitiżmu, u jiddeskrivi l-miżuri li ħadu biex isaħħu s-sigurtà tal-komunitajiet Lhud. Jippreżenta progress fil-bini ta’ strutturi sostenibbli tal-UE u nazzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-antisemitiżmu. Bħala riżultat tal-istrateġija tal-UE, 23 Stat Membru adottaw strateġija nazzjonali kontra l-antisemitiżmu, filwaqt li 20 Stat Membru ħatru koordinatur nazzjonali dwar l-antisemitiżmu.
Skont ir-rapport Being Muslim in the EU — Experiences of Muslims - Fajl PDF, iftaħ tab ġdida., li ġie ppubblikat mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali f’Ottubru, kważi wieħed minn kull żewġ Musulmani fl-UE qed jiffaċċja razziżmu u diskriminazzjoni fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum — żieda qawwija mill-2016. In-nisa, l-irġiel u t-tfal Musulmani jinsabu fil-mira, kemm online kif ukoll offline, mhux biss minħabba r-reliġjon tagħhom, iżda wkoll minħabba l-kulur tal-ġilda tagħhom u l-isfond etniku jew ta’ immigrazzjoni tagħhom. Iċ-ċifri użati fir-rapport inġabru qabel l-attakki tal-Ħamas tas-7 ta’ Ottubru 2023 u l-gwerra li faqqgħhet wara f’Gaża, li żiedu l-mibegħda kontra l-Musulmani.
Rapport dwar l-implimentazzjoni tal-oqfsa strateġiċi nazzjonali tar-Rom - iftaħ tab ġdida. jenfasizza l-progress li sar mill-Istati Membri u mill-pajjiżi tat-tkabbir fl-istabbiliment tal-istrutturi, il-proċessi u l-programmi meħtieġa għall-implimentazzjoni effettiva tal-oqfsa nazzjonali tagħhom għar-Rom. Filwaqt li dawn l-isforzi jikkostitwixxu pass importanti ’l quddiem, għad hemm lok għal ambizzjoni akbar biex jintlaħqu bis-sħiħ il-miri tal-UE għall-2030 - Fajl PDF, iftaħ tab ġdida., li jimmonitorjaw kemm intlaħqu sew l-objettivi tal-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom fl-oqsma tal-ugwaljanza, l-inklużjoni soċjoekonomika u l-parteċipazzjoni sinifikanti tar-Rom. L-UE tibqa’ impenjata li tappoġġa lill-Istati Membri bi gwida u billi timmonitorja l-implimentazzjoni tal-oqfsa nazzjonali tagħhom għar-Rom.
Ix-Xahar Ewropew tad-Diversità f’Mejju jinkorpora l-impenn fit-tul tal-UE għal postijiet tax-xogħol u soċjetajiet varjati u inklużivi. Fl-2024 saru aktar minn 50 avveniment fl-UE kollha. Wieħed mill-punti ewlenin kien it-tielet edizzjoni li ssir kull sena tal-Premju għall-Kapitali Ewropej tal-Inklużjoni u d-Diversità - iftaħ tab ġdida., li jirrikonoxxi l-ħidma li saret mill-bliet, l-irħula jew ir-reġjuni tal-UE biex tiġi promossa l-inklużjoni u biex jinħolqu soċjetajiet ħielsa mid-diskriminazzjoni. Din is-sena ġiet inkluża kategorija speċifika ta’ premjijiet għall-awtoritajiet li jabilitaw irħula, bliet u reġjuni sikuri billi jindirizzaw il-vjolenza fuq in-nisa.
Zagreb, il-Kroazja
© Adobe Stock
Växjö Kommun, l-Iżvezja
© Marcus Lindstrom/E+ via Getty Images
La Laguna, Spanja
© Adobe Stock
Corbetta, l-Italja
© AleksandarGeorgiev/E+ via Getty Images
Miranda de Ebro, Spanja
© Abuela Pinocho/Moment Open via Getty Images
Casares, Spanja
© Adobe Stock
Ljubljana, is-Slovenja
© Adobe Stock
Miranda de Ebro, Spanja
© Abuela Pinocho/Moment Open via Getty Images
Växjö Kommun, l-Iżvezja
© Marcus Lindstrom/E+ via Getty Images