Il-Kummissjoni Ewropea

NOTA LILL-QARREJJA TAGĦNA

L-istampatur tagħna għarrafna li fil-fuljetti tagħna L-Ewropa + flimkien! sar xi taħżiż. Fil-fatt, jidher li tifel bl-isem ta’ Gordon daħal inkiss inkiss fl-istamperija u ħażżeż fuq xi paġni.

Nisperaw li dan ma jfixkilx b’xi mod il-qari tagħkom.

Ħudu gost!

It-tim tal-Unità Servizz Editorjali u Komunikazzjoni Mmirata, il-Kummissjoni Ewropea

GWIDA GĦALL-GĦALLIEMA / FULJETT TA' SPJEGAZZJONI

L-EWROPA + flimkien!

Għodda biex tgħallem lill-istudenti tiegħek li għandhom ’il fuq minn 10 snin dwar l-Ewropa

L-EWROPA + flimkien! tippermettilek titkellem dwar l-Ewropa fil-klassi. Il-kit tat-tagħlim jinkludi tliet fuljetti u mappa tal-Unjoni Ewropea.

Kif tuża l-Kit tat-Tagħlim L-EWROPA + flimkien! fil-klassi

Skont l-interessi tiegħek u l-mistoqsijiet tal-istudenti tiegħek, tista’ tagħżel li tħares lejn l-Unjoni Ewropea bi tliet modi differenti. Il-fuljetti mhumiex f’xi ordni partikolari. Huma jikkomplementaw lil xulxin iżda kull wieħed jista’ jintuża bħala riżorsa individwali wkoll.

Suġġerimenti dwar kif tuża l-fuljetti.

Tista’ tiffoka fuq l-istorja u fuq il-ġeografija tal-Unjoni Ewropea biex titkellem dwar l-integrazzjoni Ewropea. F’dan il-każ, l-aħjar li tuża huwa l-fuljett L-EWROPA — Nibnu + flimkien! u/jew il-mappa. Din il-mappa turi lill-istudenti fejn jinsabu l-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi fiż-żona tal-euro.
Tista’ tiffoka fuq ġrajjiet kurrenti (eż. summit Ewropew jew l-euro) biex titkellem dwar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet u ċ-ċittadinanza tal-UE. F’dan il-każ, l-aħjar li tuża huwa l-fuljett L-EWROPA — Norganizzaw ruħna + flimkien!
Tista’ tiffoka fuq il-ħajja ta’ kuljum tat-tfal (eż. il-kwalità tal-ilma u tal-ikel, il-protezzjoni tat-tfal fuq in-networks soċjali, eċċ.). F’dan il-każ, l-aħjar li tuża huwa l-fuljett L-EWROPA — Ngħixu + flimkien!

L-approċċ tagħna

Ix-xewqa tagħna kienet li noħolqu ambjent ta’ tagħlim b’kontenut għani u mimli gost biex niftħu għajnejn iż-żgħażagħ dwar il-futur Ewropew tagħhom.

L-għan ewlieni huwa li nagħmlu lill-istudenti konxji li huma parti mill-Unjoni Ewropea u li jistgħu jsawru l-Ewropa ta’ għada. Biex nenfasizzaw ir-rwol tagħhom, użajna, għal kull tema, verb ta’ azzjoni (ngħixu, norganizzaw ruħna, niftakru, nipproteġu, eċċ.).

Il-vokabularju, il-logħob u l-għajnuniet għal-logħob jippermettu lill-istudenti jżidu l-għarfien tagħhom huma stess billi jsegwu lil Gordon, il-karattru immaġinarju li ħażżeż fuq il-fuljetti. Il-preżenza ta’ karattru tal-istess età tagħhom tagħmel il-kontenut aktar aċċessibbli. Fil-fuljetti, mistoqsijiet miftuħa jistiednu wkoll lill-istudenti jipparteċipaw b’mod attiv. Ħudu gost!