VALURI

Nappartjenu + għall-proġett Ewropew

L-Unjoni Ewropea hija, qabel kollox, sensiela ta’ valuri li jippermettulna ngħixu flimkien, minkejja l-lingwi, il-kulturi, ir-reliġjonijiet u d-drawwiet differenti tagħna.

Mhuwiex faċli għal madwar nofs biljun persuna li jgħixu fl-UE, li jifhmu lin-nies tal-pajjiżi ġirien tagħhom jew ta’ pajjiżi aktar imbiegħda.

Il-valuri tas-solidarjetà, tat-tolleranza, tal-libertà, tal-ugwaljanza u tar-rispett huma importanti biex ngħixu bħala soċjetà.

Li tkun solidali jfisser tkun lest li tgħin lil ħaddieħor; li tkun tolleranti jfisser li tammetti li xi ħadd jista’ jgħix u jaħsibha b’mod differenti minnek.

Dawn il-valuri umani komuni jippermettulna ningħaqdu u nħossuna li nappartjenu għallproġett komuni tal-Unjoni Ewropea.

Viva l-paċi!

Fl-2012, l-Unjoni Ewropea ngħatat il-Premju Nobel għall-Paċi. Hija ddeċidiet li talloka l-fondi ta’ dan il-premju għat-tfal li m’għandhomx ix-xorti li jikbru fil-paċi. Sal-lum, eluf ta’ tfal żvantaġġati diġà bbenefikaw minn proġetti edukattivi.

Is-solidarjetà fil-prattika

  • Kompli s-sentenzi:

Għalija, is-solidarjetà tfisser:

Għalija, it-tolleranza tfisser:

  • Agħti eżempju ta’ solidarjetà u ta’ tolleranza fil-klassi.
  • Oħloq motto personali ta’ solidarjetà

 

EKOKONSUM

Inkunu + responsabbli

Iċ-ċittadini tal-UE huma wkoll konsumaturi li jixtru kull xorta ta’ prodotti u ta’ servizzi għallbżonnijiet bażiċi tagħhom jew għall-pjaċir.

Aħna lkoll għandna r-responsabbiltà li nistaqsu lilna nfusna dwar kif nikkonsmaw u nivvjaġġaw. Jekk nagħmlu għażliet tajba, u jekk nagħmlu azzjonijiet żgħar favur l-ekoloġija fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, inkunu qed nipparteċipaw fl-iżvilupp sostenibbli.

Permezz ta’ ħafna azzjonijiet differenti, l-Unjoni Ewropea tħeġġeġ lis-27 pajjiż tal-UE sabiex japplikaw politiki sostenibbli li jkunu ta’ ġid għaċċittadini kollha tal-Ewropa u tad-dinja.

X’inhu l-iżvilupp sostenibbli?

L-iżvilupp sostenibbli hu mod ta’ konsum aktar rispettuż: nissodisfaw il-ħtiġijiet attwali tagħna filwaqt li naħsbu f’dawk li ġejjin warajna. Huwa importanti li nħallu pjaneta nadifa għat-tfal tagħna. L-iżvilupp sostenibbli jqis l-ambjent, l-ekonomija u l-ħajja fis-soċjetà.

  • Fl-opinjoni tiegħek, dawn il-ġesti żgħar huma tajbin għall-iżvilupp sostenibbli?

ILMA

Ix-xita l-ħin kollu nieżla! Allura, x’jimpurtani! Inħalli l-ilma tal-vit nieżel.

IVA LE   

IKEL

Nippreferi niekol ikel frisk u prodotti li jinxtraw lokalment minflok nixtri l-frawli f’nofs ix-xitwa.

IVA LE

ENERĠIJA

Dejjem inħalli d-dawl mixgħul: joħloq atmosfera sabiħa d-dar.

IVA LE

TRASPORT

Kull meta jkolli ċ-ċans, nivvjaġġa bir-rota minflok bil-karozza.

IVA LE

 

AMBJENT

Nipproteġu + n-natura

Biex ngħixu kuntenti flimkien, huwa importanti li nieħdu ħsieb l-ambjent tagħna: l-ilma, l-arja, il-pjanti u l-annimali. L-attivitajiet tal-bniedem xi kultant jipperikolaw il-bilanċ tan-natura. Għalhekk, jeħtieġ li nibdlu parti millimġiba tagħna. L-Unjoni Ewropea taħdem biex tipprevjeni t-tniġġis u t-tisħin globali.

Tisħin globali

Bħala medja, kull abitant tal-UE jarmi aktar minn kilo skart fiż-żibel kuljum. U hemm madwar 447 miljun minna!

Fortunatament, minn xi snin ’l hawn sirna nirriċiklaw ħafna prodotti: il-fliexken talplastik, il-laned, il-ħġieġ, il-karti u l-kartun. Ħafna prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss bħall-istraws, il-pożati u l-platti ma għadhomx permessi fl-UE. B’din l-azzjoni sempliċi, qed niġġieldu kontra t-tniġġis.

X’tarmi fil-landa taż-żibel is-safra? U fis-sewda? U f’dik il-ħadra?

Qed tagħrafhom dawn it-tikketti?

Din tiggarantixxi li l-prodott ma jagħmilx ħsara lill-ambjent

L-ekotikketta tal-UE hija fjura magħmula bil-bandiera Ewropea: it-tnax-il stilla huma l-petali tal-fjura u l-qalba tal-fjura hija rrappreżentata bl-ittra E għall-Ewropa.

Dik turi kemm juża enerġija apparat elettroniku

It-tikketta tal-enerġija tal-UE taqsam l-apparati elettrodomestiċi f’seba’ kategoriji, minn A (l-aktar effiċjenti) sa G (l-inqas effiċjenti). It-tikketta tagħti wkoll informazzjoni dwar il-konsum annwali tal-enerġija tal-apparat, il-volum tiegħu jew il-livell tal-istorbju li jipproduċi f’deċibels.

Markatura CE

Tagħraf din il-markatura CE? Hija obbligatorja għal ħafna prodotti. Tindika li l-prodott jirrispetta r-rekwiżiti tal-UE tas-sigurtà, tas-saħħa u tal-ħarsien tal-ambjent. Għandek issibha fuq ħafna oġġetti fid-dar tiegħek, inkluż fuq il-ġugarelli. Mur agħti titwila!

 

ENERĠIJA U KLIMA

Nipproduċu + enerġiji rinnovabbli

It-tniġġis m’għandux fruntieri. Kull sekonda fiddinja tagħna, biċċa foresta, kbira daqs grawnd tal-futbol, tinqered biex isir l-injam jew il-karti. Dan it-tniġġis qed jeqred il-“pulmun aħdar” tad-Dinja u qed jipprovoka produzzjoni żejda ta’ gassijiet serra.

Effett serra

Ir-raġġi tax-xemx jgħaddu mill-atmosfera tagħna u jsaħħnu l-pjaneta tagħna. Iżda, bħalma jiġri f’serra fejn inkabbru l-pjanti jew il-ħxejjex, parti mir-raġġi tax-xemx jibqgħu fid-dinja. Dan il-fenomenu naturali jissejjaħ l-effett serra.

Il-pulmun aħdar

Bis-saħħa tal-klorofilla, il-pjanti ħodor jassorbu l-gassijiet b’effett serra u jarmu l-ossiġenu. Il-bnedmin, bħall-karozzi, jagħmlu l-kontra: jibilgħu l-ossiġenu u jarmu s-CO2, jew id-diossidu tal-karbonju. Huwa dan il-gass li huwa l-akbar kawża tal-effett serra u tat-tisħin globali. Għalhekk, aħna nagħmlu l-kontra ta’ dak li jagħmlu l-pjanti. U meta neqirdu dawn il-pjanti, inkunu qed neqirdu l-pulmun aħdar li jipprovdilna l-ossiġenu biex ngħixu.

Nipproteġu + n-natura

L-ambjent u l-klima jaffettwaw lid-dinja kollha. L-UE taħdem ħafna biex twaqqaf it-tibdil filklima. Sal-2050 għandha l-għan li tagħmel lill-Ewropa l-ewwel kontinent newtrali għallklima fid-dinja. Biex jagħmlu dan, il-pajjiżi tal-UE qablu li, pereżempju, sal-2030 se:

  • jnaqqsu l-gassijiet serra b’55 %;
  • jnaqqsu l-użu tal-enerġija bi 32.5 %;
  • jipproduċu mill-inqas 32 % tal-enerġija tagħhom minn sorsi rinnovabbli (enerġija mir-riħ, mix-xemx jew mill-baħar, eċċ.);
  • ikollhom mill-inqas 30 miljun karozza b’emissjonijiet żero fit-toroq Ewropej;
  • iħawlu 3 biljun siġra.

 

AGRIKOLTURA U IKEL

Nieklu + ikel bnin

Li tiekol ikel bnin ifisser li tiekol ftit minn kollox u sakemm taqta’ l-ġuħ, xejn aktar u xejn inqas. Għalhekk, l-ideali huwa li l-bdiewa u n-nissiela tagħna jipproduċu varjetà wiesgħa ta’ ikel, li tkun biżżejjed għal kulħadd.

Storja qasira tal-politika agrikola komuni

Fl-1957, is-sitt pajjiżi fundaturi — il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu u n-Netherlands — iddeċidew li fl-Ewropa qatt mhu se jkun hemm aktar ġuħ. Fl-1962, huma nedew il-PAK — il-politika agrikola komuni.

L-għan kien li jiġi prodott biżżejjed ikel għal kulħadd u jiġi żgurat li l-bdiewa jkunu jistgħu jaqilgħu biżżejjed biex jgħixu mill-art tagħhom. Il-bdiewa Ewropej kienu jingħataw għajnuna finanzjarja u setgħu jipproduċu kemm riedu. Iżda minħabba li bdew jipproduċu fi kwantitajiet kbar, spiċċaw b’eluf ta’ tunnellati ta’ ikel li ħadd ma ried jixtri. X’ħela!

Il-kultivazzjoni tjiebet mis-snin tmenin!

Mis-snin tmenin, ma baqax possibbli li l-bdiewa jipproduċu dak li jridu u kemm iridu. Issa r-regola hi agrikoltura ta’ kwalità. Ġew stabbiliti wkoll regoli biex l-annimali jiġu ttrattati aħjar. L-Ewropa tħeġġeġ lill-bdiewa tagħha jidħlu f’attivitajiet oħra. Ngħidu aħna:

Illum, id-dieta tagħna hija varjata u ta’ kwalità

Illum il-ġurnata, il-bdiewa u l-ħwienet tal-ikel iridu jqiegħdu logos u tikketti fuq il-pakketti tal-ikel “mill-għalqa sal-platt”. Dawn it-tikketti jgħidulna kif isir l-ikel, jinfurmawna dwar id-data li minnha l-prodott ma jibqax tajjeb għallkonsum, eċċ.

Pereżempju, fuq il-bajd dejjem ikun hemm kodiċi li jurik f’liema pajjiż tbiedu u jekk it-tiġieġ kinux jgħixu fil-beraħ jew f’gallinar.

Tista’ ssib ħafna informazzjoni mit-timbru fuq il-bajd li tixtri mis-supermarket. Indikazzjoni ta’ kif trabbew it-tiġieġ: 
0 = trobbija organika.
1 = fil-beraħ.
2 = mal-art.
3 = fil-gallinar.
Żewġ ittri li jidentifikaw il-pajjiż ta’ oriġini.
Identifikazzjoni tal-produttur u tal-unità ta’ produzzjoni.
BB: id-data sa liema l-aħjar li jiġi kkunsmat il-prodott (best before).
Il-bajd ikun frisk ħafna sad-9 jum minn meta jkun tbied u frisk sat-28 jum.

Ħafna prodotti għandhom ukoll logos Ewropej li jiċċertifikaw il-kwalità jew l-oriġini tagħhom.

  • Ipprova sibhom fil-friġġ jew fil-kabinetti talkċina tiegħek.
Il-logo tad-“Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta” huwa ċirku aħmar u isfar. Fin-nofs hemm stampa ta’ għalqa mdawra bi 12-il stilla. Madwar l-istilel hemm il-kliem “Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta”.

Il-logo “Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta” jfisser li l-ikel irid ikun prodott, ipproċessat u mħejji f’post jew f’reġjun speċifiku.

Eżempji huma: iż-żejt taż-żebbuġa Kalamata (il-Greċja), l-għasel Mel do Alentejo (il-Portugall), il-ġobon Herve (il-Belġju) u s-sauerkraut Stupavské zelé (is-Slovakkja).

Il-logo tal-“Indikazzjoni Ġeografika Protetta” huwa ċirku blu u isfar. Fin-nofs hemm stampa ta’ għalqa mdawra bi 12-il stilla. Madwar l-istilel hemm il-kliem “Indikazzjoni Ġeografika Protetta”.

Il-logo “Indikazzjoni Ġeografika Protetta” jfisser li tal-inqas wieħed mill-istadji biex isir il-prodott (produzzjoni, proċessar jew tħejjija) seħħ f’post jew f’reġjun speċifiku.

Eżempji huma: iz-zalzett tal-majjal Kiełbasa piaszczańska (il-Polonja), l-ispraġ Asparago di Cantello (l-Italja).

Il-logo Ewropew tal-produzzjoni organika huwa magħmul minn 12-il stilla fil-forma ta’ werqa fuq sfond aħdar.

Dan il-logo jiggarantixxi li 95 % tal-ingredjenti jkunu prodotti b’mod organiku u jindika l-isem tal-produttur jew tal-bejjiegħ.

INWAQQFU L-IKEL IRMIXK!

Fl-UE, aktar min-nofs l-adulti għandhom piż żejjed. Jekk ma jsir xejn, sal-2030 se jkollna epidemija fl-Ewropa. It-tfal u ż-żgħażagħ huma affettwati wkoll: fl-2019, persuna żagħżugħa waħda fl-UE minn kull ħamsa kellha piż żejjed, jew saħansitra kienet obeża.

Kif għandna naqtgħu l-ikel irmixk?

Ċerti skejjel iddeċidew li jipprojbixxu l-hamburgers, iċ-chips, il-pizez u x-xarbiet gassużi. Permezz tal-iskema Ewropea tal-frott għall-iskejjel, l-istudenti jingħataw frott u ħxejjex mingħajr ħlas, u jitħeġġu jaqbdu drawwiet alimentari tajbin.

Biex inkunu verament f’saħħitna rridu nieklu ħames porzjonijiet ta’ frott u ta’ ħaxix kuljum.

Probabbli tarahom ħafna, imma hu possibbli!

 

KULTURA

Noħolqu + emozzjonijiet

Taf x’inhi l-“kultura”?

Il-kultura hija l-espressjoni ta’ kif ngħixu. Il-kultura tirrifletti d-diversità tat-tradizzjonijiet tagħna, tad-drawwiet tagħna u tal-valuri tagħna. Tinkludi l-lingwi li nitkellmu, l-arti u l-postijiet ta’ espressjoni tagħhom, l-arkitettura tal-bini tagħna, l-edukazzjoni u diversi affarijiet oħrajn.

L-iskoperta tal-kultura tagħna stess u ta’ dik taloħrajn tgħinna nifhmu aktar lil xulxin u ngħixu + flimkien.

Ewropa Kreattiva

L-Unjoni Ewropea tappoġġa l-iżvilupp ta’ ħafna setturi kulturali u awdjoviżivi fis-27 pajjiż tal-UE. L-għan tagħha huwa li nsiru nafu aktar lil dawk fl-UE li b’talent kbir joħolqu kreazzjonijiet ġodda u li jinħolqu ħafna impjiegi f’kull settur kulturali: iċ-ċinema, it-televiżjoni, il-logħob diġitali, il-mużewijiet, il-mużika, il-kotba, eċċ.

Kont taf?

Kull sena, xi bliet Ewropej jintgħażlu biex ikunu l-Kapitali Ewropej tal-Kultura. Kien hemm xi belt fir-reġjun tiegħek li diġà kellha dan it-titlu?

 

SIGURTÀ TAL-IT

Naqsmu + f’sigurtà

Bis-saħħa tal-internet tista’ tilgħab online, tisma’ l-mużika u tfittex vidjows u informazzjoni biex tagħmel ix-xogħol tad-dar tiegħek. Tieħu wkoll gost li tkun tista’ titkellem ma’ sħabek jew taqsam ir-ritratti tiegħek magħhom.

In-networks soċjali bħal Instagram jew Snapchat jippermettulek iżżomm kuntatt ma’ sħabek u mal-familja, tieħu ritratti tad-daħk u xi kultant tagħmel ħbieb ġodda. Spiss, wieħed jaħseb li aktar ma jkollu ħbieb, aktar ikun “popolari”.

Popolarità jew privatezza?

Ikun xi jkun il-każ, huwa importanti li ssegwi din ir-regola ta’ prudenza: qatt ma għandek tagħti informazzjoni personali ħafna lil “ħbieb” ġodda, u inqas u inqas lil min bilkemm tafu. Trid tħares dik li nsejħulha l-“privatezza” tiegħek. U l-privatezza tal-ħbieb u tal-familja tiegħek ukoll.

Ftit pariri dwar il-kondiviżjoni online.
IDENTITÀ 
Agħżel isem online tajjeb (u sabiħ) li ma jikxifx l-identità proprja tiegħek.
DISKREZZJONI 
Tagħtix informazzjoni personali dwarek jew dwar sħabek lil nies li ma tafx.
PRUDENZA 
Qatt m’għandek tixgħel il-webcam jekk nies li ma tafx jitolbuk tagħmel dan.
PUDUR 
Qatt m’għandek tagħmel affarijiet quddiem il-webcam li ma tagħmilx fil-pubbliku.
RISPETT 
Ittratta lil ħaddieħor kif tixtieq li jittrattaw lilek; kun qalbek tajba u rrispetta lil kulħadd.
VIĠILANZA 
Jekk tinnota xi ħaġa mhux tas-soltu, itlob parir mingħand adult li tafda.
SIGRIET KBIR 
Taqsam il-password tiegħek ma’ ħadd; dik personali!
ĦBIEB BISS! 
Iżżidx nies li ma tafx fil-lista ta’ kuntatti tiegħek.

Oqgħod attent għall-ħbieb foloz!

Meta tuża l-internet, in-networks soċjali jew l-SMS, ċerti persuni li jkollhom intenzjonijiet ħżiena jistgħu jippruvaw iqarrqu bik jew jinfiltraw il-ħajja privata tiegħek.

L-UE implimentat il-programm “Safer Internet” biex tħares liż-żgħażagħ mir-riskji u mill-isfidi tal-internet u tagħmilhom aktar responsabbli.

U tafdax l-iSPAMS!

Spam, jew junk mail, huwa messaġġ mingħand xi ħadd li jagħmel tabirruħu li jafek. Ġeneralment, dan jagħmlu biex ibegħlek xi ħaġa jew jitolbok il-flus.

Dan huwa messaġġ fuq it-telefown: 
“Għażiż Gordon, 
Inti għandek inqas minn 15-il sena: abbona magħna u l-messaġġi kollha tiegħek ikunu b’xejn!
Imma trid tħaffef. Għada jkun tard wisq. Qed nistennew il-messaġġ tiegħek. 
Grazzi. ”
Gordon iwieġeb “Lol, dan ovvja li huwa scam!”

 

L-EWROPA FID-DINJA

L-għoti ta’ għajnuna + lil pajjiżi foqra

L-għajnuna lil pajjiżi foqra

Wieħed mill-valuri prinċipali tal-Unjoni Ewropea, kif rajna, huwa s-solidarjetà. Dan ifisser, pereżempju, li niġġieldu l-faqar li, fl-2019, kien għadu jaffettwa lil wieħed minn kull ħames Ewropej.

U m’aħniex waħidna fid-dinja. Taf li aktar minn 700 miljun ruħ jgħixu b’1.5 euro kuljum biss? Ħafna pajjiżi fl-Afrika, fl-Asja u fl-Amerika Latina jbatu minn dan it-tip ta’ faqar. Għad fadal wisq nies fil-pjaneta tagħna li m’għandhomx aċċess għall-ilma tax-xorb, għall-kura tas-saħħa jew għall-edukazzjoni. Huwa d-dmir tagħna li nieħdu azzjoni!

Flimkien, l-UE u l-membri tagħha jagħtu aktar minn nofs l-għajnuna dinjija kollha.

Għajnuna umanitarja

Fid-dinja kollha, kull sena, miljuni ta’ persuni jintlaqtu minn xi diżastru naturali, minn kunflitti jew minn gwerer.

L-għajnuna umanitarja li tagħti l-UE ssalva l-ħajjiet u tipprovdi ikel, kenn, mediċini u ilma tax-xorb lil dawk fil-bżonn. Tintuża biex tappoġġa lill-familji li jkollhom iħallu lil pajjiżhom fil-gwerra u tgħin biex jerġa’ jinbena bini mġarraf.

Dan għaliex huwa importanti?

Ngħixu + flimkien tfisser li naqsmu mumenti sbieħ ma’ xulxin iżda wkoll li niftakru fl-isfortuni żgħar jew kbar tal-ġirien viċin tagħna jew ta’ dawk aktar ’il bogħod. Is-solidarjetà tagħmel parti mill-valuri Ewropej tagħna!

  • U int x’tista’ tagħmel biex tgħinna

ngħixu + flimkien?

X’tista’ tagħmel ta’ kuljum biex ittejjeb il-ħajja fil-komunità, fil-familja, fl-iskola tiegħek jew fit-triq tiegħek?

Biex tifhem aħjar kif l-Ewropa torganizza ruħha u tgħix il-ħajja ta’ kuljum, ara dawn iż-żewġ fuljetti:

Formati disponibbli

Din il-pubblikazzjoni online hija disponibbli f’24 lingwa u fil-formati li ġejjin:

PDF PRINT HTML

Il-manuskritt ġie aġġornat f’Marzu 2023 mill-

Kummissjoni Ewropea
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
Servizz Editorjali u Komunikazzjoni Mmirata
1049 Brussell
IL-BELĠJU

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2023
op.europa.eu/mt/publications

Din il-pubblikazzjoni kienet ta’ għajnuna għalik? Għidilna x’taħseb:
comm-publi-feedback@ec.europa.eu

© L-Unjoni Ewropea, 2023

Logo CC

Il-politika tal-użu mill-ġdid tad-dokumenti tal-Kummissjoni Ewropea hija bbażata fuq id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/833/UE tat-12 ta’ Diċembru 2011 dwar l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti tal-Kummissjoni (ĠU L 330, 14.12.2011, p. 39).
Għajr jekk ikun indikat mod ieħor, l-użu mill-ġdid ta’ dan id-dokument huwa awtorizzat bil-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC-BY 4.0) (https://creativecommons.org/licenses/by/4.0/). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa permess kemm-il darba jingħata kreditu xieraq u jiġu indikati t-tibdiliet kollha.

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ elementi li mhumiex proprjetà tal-Unjoni Ewropea, jista’ jkun hemm bżonn li jintalab permess direttament mid-detenturi tad-drittijiet rispettivi.

L-immaġnijiet kollha © Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor.