L-ISTORJA TA’ KIF INBNIET L-EWROPA

Niftakru + l-oriġini tagħna

L-oriġini tal-Ewropa kif nafuha llum tmur lura għal ħafna żmien.

Biex nifhmu x’tista’ toffrilna l-Ewropa tallum, huwa importanti li nkunu nafu kif twieldet.

L-ewwel tentattivi...

Uħud, bħal Karlu Manju u Napuljun, ippruvaw jgħaqqdu l-pajjiżi kollha tal-Ewropa f’nazzjon wieħed. Iżda ħafna drabi, dik l-Ewropa kien ir-riżultat ta’ gwerer imdemmija.

Fis-seklu 20, faqqgħu żewġ gwerer fil-kontinent Ewropew li mbagħad infirxu mad-dinja kollha. Għalhekk insejħulhom il-Gwerer Dinjija.

L-Ewwel Gwerra Dinjija seħħet bejn l-1914 u l-1918 u madwar 20 sena wara, faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija.

Kont taf li l-isem “Ewropa” ġej millmitoloġija Griega?

Europa kienet prinċipessa l-ġmiel tagħha li kienet tgħix f’Tyr, fuq il-kosta Asjatika tal-Mediterran (il-Libanu). Zeus, ir-re talallat, sar iħobbha. Irnexxielu jisseduċiha u jeħodha miegħu l-Greċja. Mill-imħabba tagħhom twieldu tlett itfal u bis-saħħa tal-prinċipessa, il-kontinent kiseb ismu: Ewropa.

It-Tieni Gwerra Dinjija

Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, fl-1945, l-Ewropa kienet imfarrka.

Din il-gwerra orribbli li damet 6 snin ħalliet 20 miljun tifel u tifla orfni, toroq kompletament meqruda, nies mejtin bil-ġuħ u maħruba minn pajjiżhom. Kien hemm qerda sħiħa. Kollox kellu jerġa’ jinbena.

Żewġ blokok kontra xulxin

Wara l-1945, l-Ewropa sabet il-paċi, iżda nqasmet f’żewġ blokok: l-Ewropa tal-Lvant u l-Ewropa tal-Punent. Il-linja tal-firda kienet tgħaddi mill-Ġermanja.

B’hekk il-Ġermanja spiċċat maqsuma fi tnejn: il-Ġermanja tal-Lvant u l-Ġermanja tal-Punent.

Il-ħajja tan-nies kienet differenti ħafna minn naħa għall-oħra.

In-nies fil-Punent kif għexu fil-paċi, minkejja kollox?

Iżda, nistħajjilkom tgħidu, dan x’għandu x’jaqsam mal-Unjoni Ewropea?

Fid-9 ta’ Mejju 1950, statista Franċiż, Robert Schuman, kellu idea brillanti: il-Ġermanja tal-Punent u Franza setgħu jaħdmu flimkien fil-qasam tal-faħam u tal-azzar. B’hekk, ma tgħaddilhomx minn rashom li jiġġieldu aktar bejniethom.

L-Ewropa tal-Punent bdiet tinbena mill-ġdid b’mod paċifiku.

Mingħajr ma tpinġihom, semmi xi oġġetti differenti li wieħed jista’ joħloq millazzar:

Kronoloġija tal-avvenimenti fl-Ewropa li huma importanti fil-bini tal-UE. 742: twieled Karlu Manju. 1769: twieled Napuljun. 1914–1918: seħħet l-Ewwel Gwerra Dinjija. 1939–1945: seħħet it-Tieni Gwerra Dinjija. 1951: inħolqot il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar. 1957: ġiet iffirmata l-Komunità Ekonomika Ewropea. 1961: inbena l-Ħajt ta’ Berlin. 1989: il-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin. 1992: ġie ffirmat it-Trattat ta’ Maastricht. 1995: l-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja ngħaqdu mal-Unjoni Ewropea. 2004: Ċipru, iċ-Ċekja, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja ngħaqdu mal-Unjoni Ewropea. 2007: ġie ffirmat it-Trattat ta’ Liżbona. 2007: il-Bulgarija u r-Rumanija ngħaqdu mal-Unjoni Ewropea. 2013: il-Kroazja ngħaqdet mal-Unjoni Ewropea.

Il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar

Fi ftit żmien, pajjiżi oħrajn bdew jipparteċipaw fil-proġett tal-faħam u tal-azzar: il-Belġju, l-Italja, il-Lussemburgu u n-Netherlands.

Fit-18 ta’ April 1951, dawn is-sitt pajjiżi ffirmaw dokument imsejjaħ “Trattat” li stabbilixxa l-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar (KEFA). Pass ieħor lejn il-paċi!

Il-pijunieri tal-UE

Iżda l-bini ta’ Ewropa magħquda ma kienx se jkun faċli. Dan kien jeħtieġ mexxejja viżjonarji verament impenjati – kemm irġiel kif ukoll nisa – biex jappoġġaw l-idea u jibdluha fi proġett komuni reali. Illum, meta niftakru fihom, nirreferu għalihom bħala “pijunieri tal-UE”. Min huma?

Taf minn liema pajjiż ġejjin il-pijunieri? Dawn huma ftit minnhom. Il-Belġju — Paul-Henri Spaak. Franza — Jean Monnet, Robert Schuman, Simone Veil. L-Italja — Alcide De Gasperi, Nilde Iotti. Il-Lussemburgu — Joseph Bech. In-Netherlands — Marga Klompé. Il-Ġermanja tal-Punent — Konrad Adenauer, Ursula Hirschmann.

1A — 2D — 3E — 4B — 5E — 6F — 7C — 8A — 9D — 10E

Il-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE)

Wara l-faħam u l-azzar, is-sitt pajjiżi ddeċidew li joħolqu suq kbir mingħajr fruntieri. Fl-1957, ħolqu l-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE). “Ekonomika” tfisser li tikkonċerna l-flus, in-negozju, l-impjiegi u l-kummerċ.

L-ekonomija reġgħet qamet. Il-gwerra kienet xi ħaġa tal-passat. L-Ewropa tal-Punent kienet fil-paċi.

Il-Ħajt ta’ Berlin (ara l-mappa)

Tiftakar li wara t-Tieni Gwerra Dinjija, l-Ewropa nqasmet f’żewġ blokok li ma setgħux jifhmu lil xulxin?

Fl-1961, il-Ġermanja tal-Lvant bniet ħajt li qasam il-belt ta’ Berlin fi tnejn: Berlin tal-Lvant u Berlin tal-Punent. In-nies li kienu jgħixu hemmhekk ma setgħux jaqsmu aktar mil-Lvant għall-Punent. Il-Ħajt ta’ Berlin kien is-simbolu tal-Gwerra Bierda, is-separazzjoni bejn il-Lvant (komunisti) u l-Punent (kapitalisti).

Fil-Lvant, l-Istat kien is-sid ta’ kollox u jorganizza kollox: il-produzzjoni agrikola u industrijali, u t-tqassim tal-merkanzija. Fil-Punent, in-nies kienu liberi, setgħu jesprimu ruħhom, joħolqu kumpanija, jivvjaġġaw, jagħżlu lill-mexxejja tagħhom u jivvutaw.

L-ewwel tkabbir

L-Ewropa tal-Punent kienet qed tikber u pajjiżi oħrajn riedu jissieħbu mas-sitt membri oriġinali tal-KEE. Fl-1973, id-Danimarka, l-Irlanda, u r-Renju Unit(1) saru membri. Imbagħad, it-tkabbir lejn in-Nofsinhar tal-Ewropa beda bid-dħul tal-Greċja fl-1981, segwita minn Spanja u mill-Portugall fl-1986.

(1) Ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni Ewropea fl-2020
Mappa li turi s-sitt pajjiżi li ħolqu l-Unjoni Ewropea, li huma l-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu u n-Netherlands. Id-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit ingħaqdu mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Jannar 1973, u b’hekk l-għadd ta’ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea żdied għal disgħa. Il-Greċja ngħaqdet fl-1981, u l-Portugall u Spanja segwew fl-1986. Fl-1995, l-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja ngħaqdu mal-Unjoni Ewropea. Fl-2004, 10 pajjiżi ngħaqdu mal-Unjoni Ewropea: iċ-Ċekja, Ċipru, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja, s-Slovenja, u l-Ungerija. Il-Bulgarija u r-Rumanija ngħaqdu fl-2007, u l-Kroazja kienet l-aħħar pajjiż li ngħaqad mal-UE fl-2013.

Il-waqgħa tal-Ħajt

Fl-1989, seħħ avveniment importanti ħafna fil-qalba tal-kontinent Ewropew: L-Ewropej tal-Lvant reġgħu ngħaqdu mal-Ewropej tal-Punent.

Il-Ħajt ta’ Berlin li kien jisseparahom kemm fiżikament kif ukoll politikament spiċċa. Eluf ta’ Berliniżi kissru l-ħajt u ltaqgħu mal-kompatrijotti tagħhom: il-Ġermanja reġgħet ingħaqdet. Kienet festa kbira għall-poplu fl-Ewropa.

Dan l-avveniment kien jindika t-tmiem tal-Komuniżmu fil-Ġermanja u, maż-żmien, ħafna pajjiżi tal-Lvant bdew bil-mod il-mod jingħaqdu mal-Unjoni Ewropea.



Mappa li turi kif, meta nbena l-ħajt ta’ Berlin, il-Ġermanja nqasmet f’żewġ partijiet: ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jew il-Ġermanja tal-Punent, u r-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja jew il-Ġermanja tal-Lvant. Berlin inqasmet f’żewġ partijiet ukoll: parti waħda kienet is-settur Sovjetiku (Berlin tal-Lvant) u l-parti l-oħra, Berlin tal-Punent, inqasmet fis-settur Franċiż, is-settur Brittaniku u s-settur Amerikan.

It-Twelid tal-Unjoni Ewropea

Fl-1992, permezz tat-Trattat ta’ Maastricht, il-Komunità Ekonomika Ewropea saret l-Unjoni Ewropea (UE).

It-tkabbir suċċessiv

Bejn l-1995 u l-2013, 16-il pajjiż ingħaqdu mal-Unjoni Ewropea. Peress li r-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni Ewropea fl-2020, issa hemm 27 Stat Membru.

L-Unjoni Ewropea għandha aktar minn 447 miljun abitant. Hemm aktar nies fl-Unjoni Ewropea milli fl-Istati Uniti, li għandhom 329 miljun abitant, u fil-Ġappun, li għandu 126 miljun abitant.

 

IT-TRATTATI EWROPEJ

Niffirmaw + ftehimiet

It-Trattati

Kemm jekk tkun fil-bitħa tal-iskola kif ukoll fl-Ewropa kollha, aktar ma nkunu nies, aktar ikun diffiċli li niftiehmu. U kulħadd ikun irid jiddefendi l-ideat tiegħu.

Għalhekk għandha niddiskutu, biex insibu s-soluzzjonijiet. Dawn is-soluzzjonijiet huma miġbura fit-“trattati”.

Trattat huwa ftehim konkluż u ffirmat mill-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern tal-Istati Membri tal-UE. Nistgħu ngħidu li dan huwa l-manwal tal-Unjoni Ewropea.

Sal-lum, ġew iffirmati seba’ trattati ewlenin. Ġeneralment, it-trattati jingħataw l-isem tal-belt fejn ikunu ġew iffirmati. L-aħħar wieħed riċenti fosthom huwa t-Trattat ta’ Liżbona.

Kif iseħħ id-dħul fl-Unjoni Ewropea

Kull pajjiż Ewropew jista’ jitlob li jagħmel parti mill-Unjoni Ewropea, iżda hemm ċerti kundizzjonijiet:

  • il-pajjiż irid ikun demokrazija — il-mexxejja jridu jiġu eletti mill-poplu permezz ta’ votazzjoni;
  • il-pajjiż irid jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, il-libertà tal-istampa u l-libertà ta’ espressjoni;
  • l-ekonomija tal-pajjiż trid tkun sejra tajjeb;
  • il-pajjiż irid jirrispetta d-deċiżjonijiet u l-liġijiet Ewropej kollha.

 

SIMBOLI EWROPEJ

Naffermaw + id-diversità tagħna

Il-bandiera tal-UE

L-Unjoni Ewropea għandha bandiera blu b’ċirku ta’ 12-il stilla tad-deheb fin-nofs.

L-innu Ewropew

L-innu Ewropew huwa l-“Ode to Joy”, meħud mid-Disa’ Sinfonija miktuba mill-kompożitur Ġermaniż famuż Ludwig van Beethoven.

Ma għandux kliem iżda jevoka l-ideali tallibertà, tal-paċi u tas-solidarjetà li tirrappreżenta l-UE.

Il-motto Ewropew
“In varietate concordia”

Għall-ewwel darba fis-sena 2000, l-Unjoni Ewropea adottat motto li jfisser “Magħquda fid-diversità”.

Dan il-motto jfakkar il-mod kif inħolqot l-Unjoni Ewropea u kif kibret bil-kulturi, bit-tradizzjonijiet u bil-lingwi differenti tal-kontinent.

Fuq din il-mappa tal-Ewropa, skopri ftit stampi li juru xi punti ta’ riferiment, personaġġi, ikel u karatteristiċi u tradizzjonijiet nazzjonali oħra ta’ kull pajjiż tal-UE.

Id-9 ta’ Mejju — Jum l-Ewropa

Jum l-Ewropa jiġi ċċelebrat fid-9 ta’ Mejju, b’tifkira tad-Dikjarazzjoni ta’ Schuman tal-1950, il-proprja data tat-twelid tal-integrazzjoni Ewropea. Madwar din id-data, l-istituzzjonijiet tal-UE jiftħu l-bibien tagħhom għall-pubbliku.

 

IL-ĠEOGRAFIJA TAL-EWROPA

Nifhmu + l-ispazju komuni tagħna

Meta wieħed isemmi l-Ewropa, ikun qed jirreferi għal diversi affarijiet.

L-ewwel nett l-Ewropa hija kontinent. Il-kontinenti huma meded kbar ta’ art separati mill-oċeani.

Il-kontinent Ewropew huwa magħmul minn ħafna pajjiżi jew territorji u 27 minn dawn il-pajjiżi ddeċidew li jiffurmaw spazju komuni msejjaħ l-“Unjoni Ewropea”.

U fost dawn il-pajjiżi tal-UE, uħud minnhom iddeċidew li jużaw munita unika: l-euro. Huma parti miż-“żona tal-euro”.

  • Agħmel salib żgħir fuq pajjiżek. Uża l-mappa annessa biex tgħinek.
Mappa tad-dinja turi fejn tinsab l-Ewropa meta mqabbla ma’ kontinenti oħra.

 

IL-FUTUR TAL-UNJONI EWROPEA

Inħarsu + lejn il-futur

L-Unjoni Ewropea kibret bil-mod il-mod bissaħħa tal-ideat tan-nisa u tal-irġiel qalbiena li ssieltu għall-paċi. Hija l-frott ta’ storja twila li aħna lkoll nagħmlu parti minnha.

Naturalment, mhux kollox huwa perfett: huwa proġett li jiżviluppa kuljum. U għada, se jkunu ż-żgħażagħ tal-lum li se jmexxuh ’il quddiem.

Għad fadal xi problemi importanti li ma jistgħux jissolvew jekk il-pajjiżi kollha ma jaħdmux flimkien.

Iżda min se jibni din l-Ewropa ta’ għada? Il-ġenerazzjoni tiegħek se TIBNIHA flimkien!

  • Immaġinak fil-futur. Kif inhi l-Ewropa ta’ għada tiegħek?

Biex tifhem aħjar kif l-Ewropa torganizza ruħha u tgħix il-ħajja ta’ kuljum, ara dawn iż-żewġ fuljetti:

Formati disponibbli

Din il-pubblikazzjoni online hija disponibbli f’24 lingwa u fil-formati li ġejjin:

PDF PRINT HTML

Il-manuskritt ġie aġġornat f’Marzu 2023 mill-

Kummissjoni Ewropea
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
Servizz Editorjali u Komunikazzjoni Mmirata
1049 Brussell
IL-BELĠJU

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2023
op.europa.eu/mt/publications

Din il-pubblikazzjoni kienet ta’ għajnuna għalik? Għidilna x’taħseb:
comm-publi-feedback@ec.europa.eu

© L-Unjoni Ewropea, 2023

Logo CC

Il-politika tal-użu mill-ġdid tad-dokumenti tal-Kummissjoni Ewropea hija bbażata fuq id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/833/UE tat-12 ta’ Diċembru 2011 dwar l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti tal-Kummissjoni (ĠU L 330, 14.12.2011, p. 39).
Għajr jekk ikun indikat mod ieħor, l-użu mill-ġdid ta’ dan id-dokument huwa awtorizzat bil-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC-BY 4.0) (https://creativecommons.org/licenses/by/4.0/). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa permess kemm-il darba jingħata kreditu xieraq u jiġu indikati t-tibdiliet kollha.

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ elementi li mhumiex proprjetà tal-Unjoni Ewropea, jista’ jkun hemm bżonn li jintalab permess direttament mid-detenturi tad-drittijiet rispettivi.

L-immaġnijiet kollha © Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor.