L-Unjoni Ewropea mhijiex stat bħalma huma l-Bulgarija, l-Italja jew Spanja. L-Unjoni Ewropea hija assoċjazzjoni volontarja ta’ pajjiżi Ewropej li ddeċidew li jagħmlu proġetti flimkien.
Hija għandha istituzzjonijiet b’saħħithom li lilhom il-pajjiżi Ewropej ittrasferew parti mill-poteri tagħhom. Kull istituzzjoni għandha rwol u hija mmexxija minn president.
Il-Kunsill Ewropew jiġbor fih lill-Kapijiet ta’ Stat jew tal-Gvern tal-Istati Membri tal-UE. Normalment jiltaqgħu 4 darbiet fis-sena. Dawn il-laqgħat jissejħu “summits Ewropej” u jservu biex fihom jiġi diskuss dak kollu li jkun għaddej fl-Ewropa u biex jiġu ddefiniti l-linji gwida politiċi ewlenin tal-Unjoni.
Il-Kunsill huwa bbażat fi Brussell (il-Belġju).
Il-Kummissjoni hija l-gvern tal-Unjoni Ewropea. Tipproponi liġijiet ġodda u tiżgura li jkunu rrispettati.
Hija magħmula minn 27 Kummissarju (wieħed għal kull pajjiż) u kull wieħed huwa responsabbli għal qasam wieħed jew aktar (pereżempju l-ambjent, it-trasport, l-edukazzjoni).
Hija bbażata fi Brussell.
Il-Parlament Ewropew huwa l-vuċi taċ-ċittadini Ewropej. Il-Membri tiegħu huma eletti mill-popli fl-elezzjonijiet Ewropej.
Jadotta l-liġijiet u l-baġit tal-UE flimkien mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Huwa bbażat fi Strasburgu (Franza), fi Brussell u fil-Lussemburgu.
Il-Kunsill huwa magħmul minn ministri tal-Istati Membri tal-UE. Hemm ministru wieħed għal kull pajjiż. Iżda ma jkunx dejjem l-istess ministru, għax jiddependi mis-suġġett diskuss.
Pereżempju, jekk ikun il-Kunsill tal-Agrikoltura, allura jipparteċipa fih il-Ministru tal-Agrikoltura.
Jadotta l-liġijiet u l-baġit tal-UE flimkien mal-Parlament Ewropew.
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa bbażat fi Brussell.
X’inhi demokrazija?
Demokrazija hija sistema politika fejn il-poter jappartjeni għan-nies kollha tal-pajjiż. F’demokrazija, in-nies jissejħu “ċittadini”. Kull ċittadin maġġorenni għandu d-dritt li jivvota fl-elezzjonijiet.
Fl-Unjoni Ewropea, kull ċittadin maġġorenni għandu d-dritt li jivvota għall-politiċi li jippreżentaw ruħhom waqt l-elezzjonijiet. Id-dritt tal-vot taċ-ċittadini huwa element essenzjali ta’ kull demokrazija.
Id-dritt li tivvota… u li tiġi protett.
Iċ-ċittadini kollha tal-UE jgawdu minn drittijiet u minn libertajiet. Dawn id-drittijiet u l-libertajiet inġabru f’dokument wieħed imsejjaħ il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-Karta trid tkun irrispettata minn kulħadd.
It-tfal huma ċittadini sħaħ tal-UE. Huma jirrappreżentaw madwar wieħed minn kull ħamsa tal-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea.
Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali hija essenzjali peress li tirrikonoxxi sensiela ta’ drittijiet speċifiċi tat-tfal: id-dritt li jmorru l-iskola, id-dritt li jesprimu ruħhom, id-dritt għall-protezzjoni u għall-kura tas-saħħa, eċċ.
Tista' taqra dwar id-drittijiet tiegħek hawnhekk: Il-pjan tal-Unjoni Ewropea għad-drittijiet tat-tfal (europa.eu)
Il-Qorti Tal-Ġustizzja
Ir-rwol tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea huwa li tiżgura li l-liġijiet Ewropej jiġu rrispettati u applikati kullimkien bl-istess mod. Hija magħmula minn imħallef minn kull pajjiż tal-UE u hija bbażata fil-Lussemburgu.
Jekk iż-żgħażagħ Ewropej huma ċittadini sħaħ, dan ifisser li għandhom id-dritt jesprimu ruħhom. U hekk hu! F’ħafna pajjiżi tal-UE, iż-żgħażagħ jistgħu jikkomunikaw l-ideat tagħhom permezz ta’ parlament nazzjonali taż-żgħażagħ, pereżempju. L-istituzzjonijiet tal-UE jitolbu wkoll l-opinjonijiet taż-żgħażagħ u tal-organizzazzjonijiet tażżgħażagħ dwar suġġetti ta’ interess għalihom permezz tad-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ.
Oħolqu parlament żgħir fil-klassi tagħkom u tkellmu dwar suġġetti li jolqtukom direttament. Ngħidu aħna:
L-UE hija territorju vast ta’ kważi 4 miljun km2 fejn kulturi differenti jeżistu flimkien. Biex jiffaċilitaw il-ħajja tal-Ewropej, il-parti l-kbira tal-pajjiżi tal-UE neħħew il-kontrolli tal-passaporti fil-fruntieri tagħhom. Għalhekk, kull persuna li tgħix f’pajjiż tal-UE hija libera li tivvjaġġa, tgħix u taħdem fi kwalunkwe pajjiż ieħor tal-UE.
Iż-żgħażagħ ukoll jistgħu jivvjaġġaw fl-Ewropa kollha bis-saħħa ta’ programm li jismu Erasmus+. Dan il-programm jippermetti lill-istudenti u liż-żgħażagħ imorru f’pajjiż ieħor u jistudjaw, jagħmlu volontarjat jew jirċievu taħriġ hemmhekk.
L-ivvjaġġar jgħinna nitgħallmu lingwi oħra. Waħda mir-rikkezzi tal-Unjoni Ewropea tagħna, hija n-numru kbir ta’ lingwi li huma mitkellma fiha. Aktar ma nitkellmu, aktar inkunu nistgħu nifhmu lil xulxin u norganizzaw ruħna b’mod effettiv.
Kont taf?
Iż-Żona Schengen hija żona ta’ moviment liberu tal-persuni bejn il-pajjiżi li ffirmaw il-Ftehim ta’ Schengen (Schengen hija belt fil-Lussemburgu). Iż-Żona Schengen tkopri 27 pajjiż: 23 pajjiż tal-UE u erba’ pajjiżi mhux tal-UE. Fiż-żona Schengen, kull persuna mill-Unjoni Ewropea (jew minn xi mkien ieħor) tista’ taqsam il-fruntieri tal-pajjiżi Schengen l-oħra mingħajr ma jkollha turi l-passaport.
Mill-1 ta’ Jannar 2002, b’segwitu għat-Trattat ta’ Maastricht tal-1992, xi pajjiżi tal-UE bdew jużaw munita komuni: l-euro. Bħalissa, 20 pajjiż jużaw l-euro: l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja u Spanja.
Flimkien, huma jiffurmaw iż-żona tal-euro. Il-pajjiżi l-oħrajn — jiġifieri l-Bulgarija, iċ-Ċekja, id-Danimarka, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u l-Iżvezja — għadhom jużaw il-muniti nazzjonali tagħhom.
Kont taf?
Is-simbolu tal-euro (€) ġej mill-ittra Griega epsilon u jirreferi għall-ewwel ittra tal-kelma “Ewropa”. Iż-żewġ linji orizzontali li jaqsmuh huma simili għallinji użati fis-simboli ta’ żewġ muniti oħrajn magħrufin ħafna: id-dollaru u l-yen.
1 Il-Finlandja – 2 Malta – 3 L-Italja – 4 Is-Slovenja – 5 Estonja – 6 Il-Ġermanja – 7 Il-Greċja – 8 Spanja
Il-Bank Ċentrali Ewropew
Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jiżgura li l-euro tkun qed taħdem tajjeb u jawtorizza l-produzzjoni tal-karti talflus tal-euro mill-pajjiżi taż-żona taleuro. Il-BĊE huwa bbażat fi Frankfurt (il-Ġermanja).
Wolfgang Amadeus Mozart, Austria.
L-Unjoni Ewropea tinvesti f’ħafna oqsma: l-edukazzjoni, l-ambjent, ir-riċerka ta’ teknoloġiji ġodda, l-agrikoltura, eċċ. Iżda biex tinvesti, hemm bżonn il-flus. U hemm bżonn ukoll li t-tqassim ta’ dan il-flus ikun organizzat kif xieraq: dan jissejjaħ “baġit”.
Ħafna mill-baġit tal-UE ġej mill-pajjiżi tal-UE.
Dan il-baġit iservi biex jiġu ffinanzjati diversi proġetti fl-Ewropa kollha (bini ta’ toroq u pontijiet, ta’ skejjel u universitajiet, ta’ ċentri ta’ riċerka xjentifika, ta’ mużewijiet, ta’ sptarijiet, ta’ fabbriki), iżda wkoll biex jiġu mħeġġa l-iskambji taż-żgħażagħ u l-impjiegi fl-Ewropa u jitħares l-ambjent.
Mijiet ta’ eluf ta’ proġetti bbenefikaw millinvestimenti tal-UE matul iż-żmien. Dawn huma ftit eżempji, u tista’ ssib oħrajn fuq: https://kohesio.ec.europa.eu/mt/
Ħafna skejjel fl-Ewropa jikkunsmaw ħafna enerġija. Il-proġett Energy@School għen lil aktar minn 40 skola primarja u sekondarja f’seba’ pajjiżi tal-UE – l-Awstrija, il-Ġermanja, l-Italja, il-Kroazja, il-Polonja, is-Slovenja u l-Ungerija – biex jiffrankaw l-enerġija. Huwa ħarreġ lillistudenti u lill-għalliema sabiex isiru “gwardjani tal-enerġija”, sabiex jiġu involuti fil-ħolqien ta’ skejjel “intelliġenti fl-enerġija”.
Id-ditta bijoteknoloġika Awstrijaka Apeiron Biologics tiżviluppa mediċini għat-trattament tal-kanċer, b’enfasi partikolari fuq forom rari li prinċipalment jaffettwaw it-tfal. Self mill-UE qed jgħin lill-kumpanija tespandi r-riċerka tagħha u tiżviluppa modi ġodda fil-ġlieda kontra l-marda.
It-tfal dejjem qed iqattgħu iktar ħin jilagħbu fuq apparat elettroniku d-dar minflok ma jmorru jiddevertu fil-grawnds tal-logħob. Minħabba nuqqas ta’ eżerċizzju fiżiku u dieti ħżiena, aktar u aktar tfal qed ibatu mill-obeżità. Il-fondi tal-Unjoni Ewropea għenu kumpanija Bulgara Playground Energy biex tiżviluppa grawnds tallogħob tat-tfal li jittrasformaw l-enerġija kinetika mil-logħob f’ħoss u dawl. Dan jinkoraġġixxi lit-tfal biex jiċċaqalqu aktar u jgħixu ħajja aktar f’saħħitha.
Hemm 24 lingwa uffiċjali tal-UE. Anki jekk spiss jintuża l-Ingliż, l-UE hija ħerqana li żżomm ir-rikkezza ta’ kull lingwa u tħeġġeġ lil kull min jgħix fl-UE jitgħallem diversi lingwi sabiex kulħadd ikun jista’ jiftiehem aħjar. Huwa importanti li nifhmu aktar lil xulxin, biex norganizzaw ruħna tajjeb!
Hello
I don’t understand - Un helado
Danke - ¡Hola! - Bitte - Entschuldigung
Tschüss - Thank you - Ein Eis
No entiendo - Sorry - Por favor - Hallo
Goodbye - Tengo hambre - Das verstehe ich nicht
Perdón - Please - Ich habe Hunger
How are you? - ¡Hasta pronto! - See you
Adiós - An ice cream - Bis bald
Gracias - Wie geht’s ? - I am hungry
¿Cómo estás?
Bulgaru: Dobro utro - добро утро, Blagodarya - Благодаря; Kroat: Dobro jutro, Hvala; Ċek: Dobré ráno, Děkuji; Daniż: Godmorgen, Tak; Netherlandiż: Goedemorgen, Bedankt; Ingliż: Good morning, Thank you; Estonjan: Tere hommikust, Aitäh; Għanijiet: Hyvää huomenta, Kiitos; Franċiż: Bonjour, Merci; Ġermaniż: Guten Tag, Danke; Grieg: Kalimera - Καλημέρα, Efkaristó - ευχαριστώ; Ungeriż: Jó reggelt, Köszönöm; Irlandiż: Dia dhuit, Go raibh maith agat; Taljan: Buongiorno, Grazie; Latvjan: Labrīt, Paldies; Litwan: Labas rytas, Ačiū; Malti: L-għodwa t-tajba, Grazzi; Pollakk: Dzień dobry, Dziękuję; Portugiż: Bom dia, Obrigado; Rumen: Buna dimineata, Mulțumesc; Slovakk: Dobré ráno, Ďakujem; Sloven: Dobro jutro, Hvala; Spanjol: Buenos días, Gracias; Svediż: God morgon, Tack.
Biex tifhem aħjar minn fejn ġejja l-Ewropa u l-ħajja tagħha ta’ kuljum, ara dawn iż-żewġ fuljetti:
Din il-pubblikazzjoni online hija disponibbli f’24 lingwa u fil-formati li ġejjin:
Il-manuskritt ġie aġġornat f’Marzu 2023 mill-
Kummissjoni Ewropea
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
Servizz Editorjali u Komunikazzjoni Mmirata
1049 Brussell
IL-BELĠJU
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2023
op.europa.eu/mt/publications
Din il-pubblikazzjoni kienet ta’ għajnuna għalik? Għidilna x’taħseb:
comm-publi-feedback@ec.europa.eu
© L-Unjoni Ewropea, 2023
Il-politika tal-użu mill-ġdid tad-dokumenti tal-Kummissjoni Ewropea hija bbażata fuq id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/833/UE tat-12 ta’ Diċembru 2011 dwar l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti tal-Kummissjoni (ĠU L 330, 14.12.2011,
p. 39).
Għajr jekk ikun indikat mod ieħor, l-użu mill-ġdid ta’ dan id-dokument huwa awtorizzat bil-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC-BY 4.0) (https://creativecommons.org/licenses/by/4.0/). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa permess kemm-il darba jingħata kreditu xieraq u jiġu indikati
t-tibdiliet kollha.
Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ elementi li mhumiex proprjetà tal-Unjoni Ewropea, jista’ jkun hemm bżonn li jintalab permess direttament mid-detenturi tad-drittijiet rispettivi.
L-immaġnijiet kollha © Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor.