Daħla

Ritratt ta’ Ursula von der Leyen.

Ursula von der Leyen

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea

L-2024 kienet sena storika għall-elezzjonijiet. Biljuni ta’ nies madwar id-dinja marru jivvutaw, inklużi miljuni ta’ ċittadini tal-UE, li ħarġu f’numri rekord biex jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej f’Ġunju li għadda. Din il-karatteristika importanti tad-demokrazija hija tfakkira tal-libertajiet mirbuħa b’tant diffikultà li ma nistgħux — u qatt ma għandna — niħduhom qisu xejn mhu xejn. U tar-responsabbiltà tal-mexxejja li jissodisfaw it-tamiet u l-aspirazzjonijiet ta’ dawk li jafdawhom.

Jien kburija u onorata li ġejt fdata bit-tieni mandat biex immexxi l-Kummissjoni Ewropea u biex inkompli l-ħidma li bdejna 5 snin ilu. Meta ħadt il-kariga fl-2019, qatt ma stajt nimmaġina l-isfidi straordinarji li kellna nindirizzaw — minn pandemija globali u l-gwerra brutali ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna sal-kriżijiet tal-enerġija u l-kunflitt fil-Lvant Nofsani. Dan kollu seħħ filwaqt li konna qed nindirizzaw ukoll il-kriżijiet klimatiċi u tal-bijodiversità, l-isfidi tal-migrazzjoni, l-adattament għar-rivoluzzjoni diġitali u l-iżgurar tat-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività tal-Ewropa.

Li nkunu sodi fi żminijiet diffiċli dejjem kienet assi Ewropew. Flimkien, wettaqna dak li kellu jsir fir-rigward ta’ kwistjonijiet li huma importanti għaċ-ċittadini tal-UE. Mir-riforma tas-suq tal-elettriku għall-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil u d-dħul fis-seħħ tal-ewwel regoli fid-dinja dwar l-intelliġenza artifiċjali, wittejna s-sisien għal Ewropa aktar sikura, aktar ġusta u aktar sostenibbli. Il-gwerra imprudenti tar-Russja enfasizzat ukoll il-ħtieġa li l-UE tkun tista’ żżid id-difiża. F’Marzu, l-ewwel Strateġija Ewropea għall-Industrija tad-Difiża li qatt tnediet, tipprovdi l-pedament għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet tad-difiża tal-Istati Membri.

Hekk kif l-ewwel kwart tas-seklu wasal fi tmiemu, dan ġab miegħu baħar ta’ bidla fl-affarijiet globali. Dħalna f’era ġdida ta’ kompetizzjoni ġeostrateġika. U l-Ewropa trid tibdel ir-ritmu biex issostni t-tkabbir tagħha fil-kwart li jmiss tas-seklu. Il-Kumpass tal-Kompetittività l-ġdid tagħna, li ppreżentajna fil-bidu nett tal-mandat il-ġdid, ser jiggwida t-trasformazzjoni tal-ekonomija tagħna biex tiġi żgurata l-prosperità għaċ-ċittadini tagħna.

Hekk kif bdejna l-2025, ma nistgħux inkunu nafu x’se joffrilna l-futur, iżda nafu li jkun x’se jkun, l-Ewropa se tiffaċċja l-isfida jekk nibqgħu magħqudin.

Viva l-Ewropa!