SA MIT-TWAQQIF TAGĦHA FL-1957, L-UE KIBRET MINN 6 PAJJIŻI GĦAL 27 PAJJIŻ. DAWN IL-PAJJIŻI NGĦAQDU FLIMKIEN BIEX JIBNU FUTUR AĦJAR FLIMKIEN. LIEMA PAJJIŻI HUMA MEMBRI TAL-UE U META SSIEĦBU FIHA? F’DAN IL-KAPITLU SE SSIR TAF KIF L-UE SARET DAK LI HI LLUM U X’JAGĦMILHA UNIKA.

X’INHI L-UNJONI EWROPEA?

L-Istati Membri tal-UE

L-Unjoni Ewropea hija sħubija unika bejn 27 pajjiż Ewropew, magħrufa bħala l-Istati Membri jew il-pajjiżi tal-UE. Flimkien, dawn ikopru l-biċċa l-kbira tal-kontinent Ewropew. Fl-UE jgħixu madwar 447 miljun persuna, jiġifieri madwar 6% tal-popolazzjoni dinjija. Iċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-UE huma wkoll ċittadini tal-UE.

EŻERĊIZZJU 1 MIN HU MEMBRU TAL-UE?

Ħares lejn il-lista tal-bnadar u tal-ismijiet tal-pajjiżi fuq il-lemin. Dawn huma lkoll pajjiżi Ewropej iżda mhux kollha jinsabu fl-Unjoni Ewropea. Ladarba tidentifika l-pajjiżi tal-UE, sibhom fuq il-mappa. Jekk ikollok bżonn l-għajnuna, żur daqsxejn din il-website: europa.eu/!Grck8M

Mappa tal-Ewropa b’lista tal-bnadar tat-43 pajjiż Ewropew.

L-ALBANIJA

ANDORRA

L-AWSTRIJA

IL-BELARUSSJA

IL-BELĠJU

IL-BOŻNIJA-
ĦERZEGOVINA

IL-BULGARIJA

IL-KROAZJA

ĊIPRU

IĊ-ĊEKJA

ID-DANIMARKA

L-ESTONJA

IL-FINLANDJA

FRANZA

IL-ĠERMANJA

IL-GREĊJA

L-UNGERIJA

L-IŻLANDA

L-IRLANDA

L-ITALJA

IL-LATVJA

IL-LIECHTENSTEIN

IL-LITWANJA

IL-LUSSEMBURGU

MALTA

IL-MOLDOVA

MONACO

IL-MONTENEGRO

IL-MAĊEDONJA TA’ FUQ

IN-NETHERLANDS

IN-NORVEĠJA

IL-POLONJA

IL-PORTUGALL

IR-RUMANIJA

SAN MARINO

IS-SERBJA

IS-SLOVAKKJA

IS-SLOVENJA

SPANJA

L-IŻVEZJA

L-IŻVIZZERA

IT-TURKIJA

L-UKRAJNA

IR-RENJU UNIT

L-ISTAT TAL-
BELT TAL-VATIKAN


Nota: F’Ġunju 2016, ir-Renju Unit ivvota li joħroġ mill-UE f’referendum nazzjonali, u fl-2020 ħareġ.

EŻERĊIZZJU 2 KEMM TAF DWAR IL-PAJJIŻI DIFFERENTI TAL-UE?

Immaġina li taħdem ma’ bord turistiku nazzjonali. Agħżel l-aktar żewġ pajjiżi tal-UE li taf dwarhom u ikteb fil-qosor dwarhom għat-turisti. Pereżempju, xi kemm jgħixu nies f’dawn iż-żewġ pajjiżi u x’jisimhom il-bliet kapitali tagħhom? X’għandhom x’joffru lill-viżitaturi (ikel, kultura, lingwa, eċċ.)?

KONT TAF LI?

L-UE għandha disa’ reġjuni ’l bogħod mill-kontinent Ewropew. Dawn it-territorji mbiegħda, magħrufin ukoll bħala r-reġjuni ultraperiferiċi, huma: il-Guyana Franċiża, Guadeloupe, Martinique, Mayotte, Réunion u Saint Martin (parti minn Franza), l-Azores u Madeira (parti mill-Portugall), u l-Gżejjer Kanarji (parti minn Spanja).

L-ilsna uffiċjali tal-UE

L-Unjoni Ewropea għandha 24 lingwa uffiċjali.

Għaliex daqshekk? L-UE ma tistax teżisti mingħajr l-Istati Membri u ċ-ċittadini tagħha. Bħala organizzazzjoni demokratika, l-UE tikkomunika mal-gvernijiet tal-Istati Membri u mar-residenti, mal-kumpaniji u mal-korpi pubbliċi tagħhom bil-lingwi tagħhom stess. Kull min jgħix fl-UE għandu d-dritt ikun jaf x’qed jiġri f’ismu u bit-taxxi tiegħu, u ma’ liema regoli jrid jimxi. Għandu jkun jista’ jieħu sehem ukoll fl-affarijiet tal-UE mingħajr ma jkollu joqgħod jitgħallem lingwa oħra.

Dobró útro / Buenos días
Dobré ráno / Godmorgen
Guten Morgen / Tere hommikust
Kalimera / Good morning
Bonjour / Dia DUIT
Dobro jutro / Buongiorno
Labas rytas / Labrīt
JÓ NAPOT / L-Għodwa t-Tajba
Goedemorgen / Dzień dobry
Bom dia / Bună dimineaţa
Dobré ráno / Dobro jutro
Hyvää huomenta / God morgon

KONT TAF LI?

Tista’ tikteb lill-istituzzjonijiet tal-UE bi kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE u tirċievi tweġiba bl-istess lingwa.

Il-valuri Ewropej

Qatt smajtha l-frażi “Magħqudin fid-diversità”? Din hija l-motto tal-UE li jixhed il-valuri tal-UE. Filwaqt li kull pajjiż tal-UE għandu l-kultura, il-lingwa u t-tradizzjonijiet tiegħu, ilkoll flimkien il-pajjiżi jħaddnu l-istess valuri komuni li jridu jirrispettaw bħala membri tal-Unjoni Ewropea.

Wieħed mill-valuri fundamentali li jgħaqqad lill-pajjiżi tal-UE huwa d-demokrazija. Dan ifisser li l-pajjiżi demokratiċi biss jistgħu jkunu membri tal-UE. Xi valuri oħra li huma komuni għall-pajjiżi kollha tal-UE huma r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet tal-persuni f’minoritajiet.

L-UE hija msejsa fuq sitt valuri fundamentali li jiffurmaw il-bażi tas-soċjetà tagħna:

  • ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem
  • il-libertà
  • id-demokrazija
  • l-ugwaljanza
  • l-istat tad-dritt
  • ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż dawk tal-minoritajiet.

L-Ewropa ssieltet għal snin twal biex tħares dawn il-valuri, u sawru t-tip ta’ soċjetà li ngħixu fiha llum.

Il-valuri tal-UE huma minquxa fit-Trattati tal-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Dawn huma dokumenti legali importanti li l-pajjiżi kollha tal-UE approvaw u għalhekk jeħtieġ jirrispettaw.

play video ARA L-FILMAT: Il-valuri tal-UE spjegati f’minuta europa.eu/!uwrcHp

It-Trattati tal-UE jiġbru r-regoli li jiggwidaw il-ħidma tal-UE. Dawn jiġu emendati minn żmien għal żmien, pereżempju meta jissieħbu xi pajjiżi ġodda jew meta jkun hemm bidliet fil-mod kif taħdem l-UE. L-aktar Trattat riċenti huwa t-Trattat ta’ Lisbona li ġie ffirmat fil-belt kapitali Portugiża fl-2007.

Sir af aktar dwar it-Trattati tal-UE: europa.eu/!UWdxR8

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea daħlet fis-seħħ bit-Trattat ta’ Lisbona. Din issemmi d-drittijiet u l-libertajiet li għandhom in-nies kollha li jgħixu fl-UE, bħal pereżempju d-drittijiet personali, ekonomiċi u soċjali. Biex tirrifletti soċjetà moderna, il-Karta tinkludi xi drittijiet fundamentali aktar riċenti, bħall-protezzjoni tad-dejta u l-garanziji dwar il-bijoetika. Tinkludi wkoll dispożizzjonijiet speċifiċi dwar id-drittijiet tal-persuni sa 18-il sena, u tiżgura li d-drittijiet tat-tfal ikunu parti mid-drittijiet tal-bniedem li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma obbligati jikkonformaw magħhom u jipproteġuhom.

Sir af aktar dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE: fra.europa.eu/mt/eu-charter u l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal: ec.europa.eu/info/policies/justice-and-fundamental-rights/rights-child_mt

Minn 6 pajjiżi għal 27 pajjiż tal-UE

L-UE hija magħmula minn pajjiżi differenti ħafna. Il-pajjiż tal-UE bl-akbar popolazzjoni huwa l-Ġermanja b’madwar 84 miljun resident, filwaqt li l-iżgħar huwa Malta b’nofs miljun resident. Fl-UE, in-nies jitkellmu b’lingwi differenti li jużaw xi wieħed minn tliet alfabetti differenti (il-Latin, il-Grieg u ċ-Ċirilliku). Jeżistu tradizzjonijiet, kulturi, ikel u festivals differenti f’kull pajjiż.

KONT TAF LI?

Il-bandiera Ewropea hija magħmula minn kullana ta’ 12-il stilla tad-deheb fuq sfond blu. Din ġiet adottata fl-1984 mill-Unjoni Ewropea, li dak iż-żmien kienet tissejjaħ il-Komunità Ekonomika Ewropea, u issa tidher tperper fuq bosta binjiet, f’diversi ġonna u madwar uħud mill-monumenti fl-Ewropa kollha. In-numru tal-istilel qatt ma jinbidel – jibqa’ dejjem 12. Dan hu simbolu tal-għaqda, tas-solidarjetà u tal-armonija fost il-poplu tal-Ewropa.

EŻERĊIZZJU 3 XI JFISSRU FIL-PRATTIKA L-VALURI U L-PRINĊIPJI TAL-UE?

Parti 1. Immarka b’salib il-kolonna t-tajba għal kull waħda mit-tmien mistoqsijiet t’hawn taħt. Fi gruppi żgħar, iddiskutu x’taħsbu li jista’ jew ma jistax jagħmel pajjiż jekk ikun jixtieq jingħaqad mal-UE.

Pajjiż li… (A)
jista’ jissieħeb fl-UE
(B)
ma jistax jissieħeb fl-UE
1. ma jkollux libertà tal-istampa IVA / LE IVA / LE
2. japplika l-piena tal-mewt IVA / LE IVA / LE
3. iħalli liċ-ċittadini tiegħu jipprotestaw kontra l-gvern IVA / LE IVA / LE
4. il-parlament tiegħu jiġi elett regolarment IVA / LE IVA / LE
5. l-armata tiegħu tiddetermina l-politika u tista’ saħansitra tintervjeni fl-affarijiet interni b’setgħa militari IVA / LE IVA / LE
6. niesu jitqiesu innoċenti sakemm jinsabu ħajta minn qorti IVA / LE IVA / LE
7. għandu partit politiku wieħed biss li jibqa’ dejjem fil-gvern IVA / LE IVA / LE
8. iħares lill-minoritajiet, anke meta l-maġġoranza tkun kontrihom IVA / LE IVA / LE

Parti 2. Fi gruppi żgħar, agħżlu tnejn mis-sitt valuri tal-UE msemmija hawn taħt u ddiskutu xi jfissru għalikom.

Kif beda kollox?

Wara żewġ gwerer dinjin mill-aktar qerrieda fl-ewwel nofs tas-seklu għoxrin (1914-1918 u 1939-1945), il-popli kienu determinati li qatt mhu se jħallu dak kollu jerġa’ jiġri.

Bejn l-1945 u l-1950, xi politiċi Ewropej, fosthom Robert Schuman, Konrad Adenauer, Alcide de Gasperi u Winston Churchill, bdew il-proċess biex joħolqu l-Unjoni Ewropea li għandna llum. Il-viżjoni tagħhom kienet li jgħaqqdu lill-pajjiżi Ewropej ekonomikament u politikament biex jiżguraw il-paċi u l-prosperità dejjiema.

Fid-9 ta’ Mejju 1950, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta’ Franza, Robert Schuman, ippropona li tingħaqad il-produzzjoni Ewropea tal-faħam u l-azzar. Dak iż-żmien, dawn kienu l-materja prima li tintuża għall-gwerra – il-faħam bħala riżorsa għall-enerġija u l-azzar għall-armi u għall-makkinarju. Bil-ġbir flimkien tal-produzzjoni tagħhom, l-ebda pajjiż ma jkun jista’ jarma lilu nnifsu kontra l-oħrajn bil-moħbi. Minn din il-proposta, fl-1952 inħolqot il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar. Twaqqfet minn sitt pajjiżi ġirien: il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu u n-Netherlands, u firxet il-pedamenti tal-UE li nafu llum.

Tista' tiskopri aktar dwar in-nies u l-politiċi li ffurmaw l-Unjoni Ewropea matul is-snin fis-serje tagħna Il-Pijunieri tal-UE hawnhekk:

europa.eu/!NVpBPk

L-iżvilupp tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar

Ftit snin wara, is-sitt pajjiżi fundaturi ddeċidew li jwessgħu l-kooperazzjoni tagħhom għal setturi ekonomiċi oħrajn. Fl-1957 ġie ffirmat it-Trattat ta’ Ruma li stabbilixxa l-Komunità Ekonomika Ewropea u daħal fis-seħħ fl-1958. Għall-bidu, l-għan tiegħu kien li jrawwem il-kummerċ u jkattar l-integrazzjoni ekonomika bejn il-pajjiżi parteċipanti.

Aktar membri ġodda

Fl-1973, fil-Komunità Ekonomika Ewropea ssieħbu wkoll id-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit (*) U xi snin wara, meta ntemmu bosta dittatorjati tal-lemin fin-Nofsinhar tal-Ewropa, tliet pajjiżi oħrajn saru eliġibbli biex japplikaw għas-sħubija. L-ewwel wieħed minn dawn kien il-Greċja, li ssieħbet fl-1981. Imbagħad fl-1986 issieħbu l-Portugall u Spanja. Fl-1993 inħolqot l-Unjoni Ewropea u l-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja ssieħbu sentejn wara. B’hekk sa dak iż-żmien, kien hemm 15-il pajjiż membru tal-UE.

Ftit wara t-Tieni Gwerra Dinjija, l-Ewropa nqasmet fi tnejn bejn il-Lvant u l-Punent bl-hekk imsejħa “purtiera tal-ħadid”. Hekk bdiet il-Gwerra Bierda li damet 40 sena. Il-Ħajt ta’ Berlin kien simbolu ta’ din il-qasma għax kien jaqsam il-belt ta’ Berlin sewwasew min-nofs. Wara l-waqgħa tal-komuniżmu fl-1989, dawk li qabel kienu l-pajjiżi komunisti tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant bdew proċess ta’ demokratizzazzjoni u applikaw biex jissieħbu fl-UE.

Fl-2004, tmien pajjiżi mill-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant issieħbu fl-UE: iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-Ungerija. Fl-istess sena, anke l-gżejjer Mediterranji ta’ Ċipru u Malta saru membri. Fl-2007 ssieħbu l-Bulgarija u r-Rumanija, u mbagħad il-Kroazja fl-2013.

Il-membri ġodda tal-UE wessgħu s-suq komuni u għenu biex jisseddqu l-paċi u l-prosperità fl-Ewropa. Kull membru ġdid irid ikun lest jiffirma t-trattati u jadotta l-qafas kollu tal-liġijiet tal-UE. Irid jirrispetta l-valuri tal-UE, bħall-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

Lil hinn mill-fruntieri tagħha stess, l-UE għandha wkoll relazzjonijiet sodi mal-pajjiżi ġirien. Il-politika Ewropea tal-viċinat tappoġġa s-sigurtà, l-istabbiltà u l-prosperità tal-pajjiżi lejn il-Lvant u n-Nofsinhar immedjati tal-UE. Minbarra dan, il-politika tat-tkabbir tal-UE taħseb f’dawk il-pajjiżi li għandhom il-potenzjal li jsiru membri ġodda. Lil hinn mir-reġjun tal-“viċinat”, ir-relazzjonijiet tal-UE mal-bqija tad-dinja, ħafna drabi jkunu mibnija fuq ftehimiet kummerċjali, sħubijiet u kooperazzjoni multilaterali.

(*) Ir-Renju Unit ħareġ mill-UE fl-2020.

KONT TAF LI?

Il-pajjiżi kandidati bħalissa biex jissieħbu fl-UE huma: l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Moldova, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, is- Serbja, it-Turkija u l-Ukrajna. Il-Georgia u l-Kosovo (*) huma kandidati potenzjali.

(*) Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u tikkonforma mal-UNSCR 1244/1999 u mal-Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

Infografika li turi s-snin meta pajjiżi differenti ssieħbu fl-UE.

Is-sitt pajjiżi fundaturi huma l-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu u n-Netherlands. Id-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit ingħaqdu mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Jannar 1973, biex b’hekk saru disa’ Stati Membri. Il-Greċja ssieħbet fl-1981, u mbagħad il-Portugall u Spanja fl-1986. Fl-1995, l-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja ngħaqdu mal-Unjoni Ewropea. L-akbar tkabbir seħħ fl-2004, meta fl-UE ssieħbu 10 pajjiżi: iċ-Ċekja, Ċipru, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja, is-Slovenja u l-Ungerija. Il-Bulgarija u r-Rumanija ssieħbu fl-2007, u l-Kroazja kienet l-aħħar pajjiż li ssieħeb fl-UE fl-2013.

Il-Premju Nobel għall-Paċi

L-UE twaqqfet biex tiżgura paċi dejjiema fost il-membri tagħha. Mit-twaqqif tagħha, naqsu ħafna l-kunflitti interni vjolenti u l-opportunitajiet li tfaqqa’ gwerra bejn l-Ewropej. Fl-2012, l-Unjoni Ewropea ngħatat il-Premju Nobel għall-Paċi b’rikonoxximent għal ħidmitha favur il-paċi, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa u madwar id-dinja. Dakinhar iddeċidiet li l-premju ta’ €930,000 iżżid miegħu €930,000 oħra minn flusha biex tagħti donazzjoni lit-tfal li m’għandhomx l-opportunità li jikbru f’ambjent ta’ paċi.

L-UE TUL IŻ-ŻMIEN

Minn kontinent fi gwerra għal unjoni paċifika, imxi pass pass il-ġrajja tal-UE permezz tal-kronoloġija tal-UE:

europa.eu/!7NjkqX

EŻERĊIZZJU 4 XI TFISSER GĦALIK L-UNJONI EWROPEA?

Bħalma rajna, l-oriġini tal-Unjoni Ewropea tmur lura għall-ewwel snin tal-ħamsinijiet meta twaqqfet minn persuni li kienu ġarrbu l-kefrija ta’ gwerra dinjija jew saħansitra ta’ żewġ gwerer. Dawn il-gwerer ħallew għexieren ta’ miljuni ta’ mwiet madwar il-kontinent kollu. Dak iż-żmien, l-ambizzjoni li titnissel l-għaqda fost il-persuni u l-pajjiżi li kien għadhom ħerġin minn kunflitt kienet ambizzjoni viżjonarja.

Sa jum twelidek, l-UE kienet diġà gawdiet aktar minn 50 sena ta’ paċi u prosperità, għalkemm forsi tul iż-żgħorija tiegħek smajt jew qrajt stejjer dwar sitwazzjonijiet diffiċli fi bnadi oħra tad-dinja. Bħala żgħażagħ, x’taħsbu fuq din il-paċi dejjiema fl-Ewropa? Teħduha bħala xi ħaġa ovvja jew inkella xi drabi tinkwetaw dwar il-futur? Id-demokrazija waħedha hija biżżejjed biex tiżgura l-paċi? Iddiskuti dan ma’ sħabek fil-klassi.