FL-AĦBARIJIET SPISS NISIMGĦU LI “BRUSSELL” IDDEĊIDIET XI ĦAĠA. IŻDA FIL-FATT DAN XI JFISSER? EŻATTAMENT MIN HI JEW X’INHI “BRUSSELL”? DAN IL-KAPITLU JIPPREŻENTA STAMPA ĠENERALI FIL-QOSOR TAL-ISTRUTTURA TAL-UE. SE SSIR TAF DWAR L-ISTITUZZJONIJIET EWLENIN TAL-UE, X’RESPONSABBILTAJIET GĦANDHOM U X’JISTGĦU JAGĦMLU. SE SSIR TAF UKOLL KIF INTI TISTA’ TINFLUWENZA L-ĦIDMA TAGĦHOM.

KIF TAĦDEM L-UE?

Min jiddeċiedi xiex fl-UE?

Meta tisma’ xi diskussjonijiet dwar il-politika, spiss jissemmew xi persuni: pereżempju l-Prim Ministru ta’ pajjiżek, jew xi Kap tal-Oppożizzjoni. Dan għaliex huma n-nies li jieħdu d-deċiżjonijiet u jfasslu l-politiki. L-istess jgħodd għall-UE.

L-istituzzjonijiet Ewropej huma sempliċiment postijiet li jlaqqgħu lill-politiċi mill-pajjiżi kollha tal-UE biex jaħdmu flimkien u jiksbu riżultati konkreti. Ejja nagħtu ħarsa lejn l-istituzzjonijiet li jieħdu l-biċċa l-kbira mid-deċiżjonijiet.

Il-Parlament Ewropew

europarl.europa.eu

Bħala l-unika istituzzjoni tal-UE eletta direttament mill-popli tal-UE, il-Parlament Ewropew hu l-leħen kollettiv tan-nies. Il-membri jiġu eletti direttament miċ-ċittadini Ewropej kull 5 snin. Kull min għandu ċittadinanza tal-UE hu eliġibbli biex jivvota f’dawn l-elezzjonijiet. Xi pajjiżi tal-UE li jippermettu lil persuni li mhumiex ċittadini jivvutaw f’xi elezzjonijiet reġjonali jew lokali, jippermettu wkoll lil dawk il-persuni li jissodisfaw xi kundizzjonijiet ta’ residenza, bħal pereżempju l-persuni li mhumiex ċittadini iżda li jgħixu legalment fil-pajjiż, biex anke huma jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Il-binja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, Franza. / Laqgħa tal-Parlament Ewropew fi Brussell, il-Belġju.  / Infografika li turi l-blokok ta’ siġġijiet allokati għal kull grupp politiku fil-Parlament Ewropew.

L-aħħar elezzjonijiet Ewropej saru fl-2019. L-elezzjonijiet li jmiss se jsiru fl-2024. Int għandek id-dritt li tivvota meta tagħlaq it-18-il sena fil-pajjiżi kollha tal-UE għajr fl-Awstrija u f’Malta li tista’ tivvota ta’ 16-il sena, u fil-Greċja li tista’ tivvota ta’ 17-il sena. Il-Belġju u l-Ġermanja naqqsu l-età tal-vot għal 16-il sena għal xi elezzjonijiet bħall-elezzjonijiet Ewropej.

KONT TAF LI?

Minn fost il-ġenerazzjonijiet kollha, iż-żgħażagħ ta’ bejn il-15 u t-30 sena huma l-aktar favur l-Ewropa. Fl-2019, aktar minn 70% minnhom qalu li kellhom opinjoni pożittiva dwar l-UE.

Sors: Ewrobarometru Flash 478

Il-laqgħat ewlenin tal-Parlament Ewropew, magħrufin ukoll bħala s-sessjonijiet plenarji, isiru 12-il darba fis-sena fi Strasburgu, Franza, u sa 6 darbiet fis-sena fi Brussell, il-Belġju.

Il-Parlament Ewropew għandu 705 membri li jissejħu MEPs, mill-pajjiżi kollha tal-UE. In-numru tal-membri għal kull pajjiż ivarja: skont il-popolazzjoni tal-pajjiżi rispettivi. Il-membri minn pajjiżi differenti tal-UE li għandhom fehmiet politiċi simili jaħdmu flimkien fi gruppi politiċi, bħalma jiġri fil-parlamenti nazzjonali, minflok ma jgħaqqdu gruppi skont in-nazzjonalità tagħhom.

Il-Parlament Ewropew jieħu deċiżjonijiet dwar il-liġijiet tal-UE flimkien mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Jekk il-Parlament u l-Kunsill ma jkunux jistgħu jaqblu fuq xi biċċa leġiżlazzjoni, il-liġi l-ġdida ma tgħaddix. Il-Parlament jeleġġi lill-President tal-Kummissjoni Ewropea u għandu d-dritt li japprova jew ixolji lill-Kummissjoni Ewropea kollha. Dan japprova wkoll il-baġit tal-Unjoni Ewropea.

Infografika li turi l-etajiet differenti tal-votazzjoni legali madwar l-UEIċ-ċittadini Ewropej jeleġġu lill-Membri tal-Parlament Ewropew direttament.

EŻERĊIZZJU 5 IR-RAPPREŻENTANTI TIEGĦEK FIL-PARLAMENT EWROPEW

L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li jmiss se jsiru fl-2024, u sa dak iż-żmien inti jaf tkun eliġibbli biex tivvota. Ir-rappreżentanti tiegħek jaħdmu ma’ membri oħra tal-Parlament Ewropew fil-gruppi politiċi. Biex jiġi fformat grupp politiku, hemm bżonn 23 membru minn mill-inqas kwart mis-27 pajjiż tal-UE. Bħalissa hemm seba’ gruppi politiċi fil-Parlament. Il-membri ma jistgħux jappartjenu għal aktar minn grupp politiku wieħed fl-istess ħin. Uħud mill-membri ma jappartjenu għall-ebda grupp politiku u jissejħu membri mhux affiljati.

Fi gruppi żgħar, agħtu daqqa t’għajn lejn il-mappa biex taraw liema partiti minn pajjiżkom marru tajjeb fl-aħħar elezzjonijiet Ewropej u f’liema gruppi jinsabu: europa.eu/!jWQrHd

Ara fejn jinsabu bilqiegħda l-membri fil-plenarja: europa.eu/!VxtQJp

Qed tagħraf lil xi wħud mill-membri minn pajjiżek?

Il-Kunsill Ewropew

consilium.europa.eu/mt/european-council/

Il-Kunsill Ewropew ilaqqa’ flimkien lill-mexxejja eletti tal-pajjiżi tal-UE, jiġifieri lill-Kapijiet ta’ Stat jew lill-Kapijiet ta’ Gvern. Dawn il-mexxejja jiltaqgħu mill-inqas erba’ darbiet fis-sena. Ħafna drabi, il-laqgħat tagħhom jissejħu “summits Ewropej”. Il-Kunsill Ewropew jistabbilixxi l-prijoritajiet politiċi ewlenin u d-direzzjoni politika ġenerali tal-UE. Il-President tiegħu jiġi elett kull sentejn u nofs.

Il-Kunsill Ewropew ma jadottax liġijiet tal-UE. Dan huwa r-rwol tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea – tħawwadhomx!

MILL-INQAS 4 SUMMITS KULL SENA / Kamra tal-laqgħat fil-binja Europa.
Infografika li tispjega kif inhu magħmul il-Kunsill Ewropew. Il-bnadar tas-27 Stat Membru u tliet bnadar tal-UE li jirrappreżentaw lill-mexxejja tal-istituzzjonijiet tal-UE.

L-uċuħ tal-mexxejja tas-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u l-bandiera tal-pajjiż rispettiv. Hemm ukoll tlieta bil-bandiera tal-UE li jirrappreżentaw lill-President tal-Kunsill u żewġ mexxejja oħra tal-UE. Il-parteċipanti qed jidhru f’ċirku bħalma jkunu waqt il-laqgħat.

Il-Kunsill Ewropew

L-UE u l-mexxejja nazzjonali jattendu summit Ewropew ippresedut mill-President tal-Kunsill Ewropew.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

consilium.europa.eu/mt/council-eu

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, magħruf ukoll fil-qosor bħala “l-Kunsill”, jirrappreżenta lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-UE. Fil-Kunsill jiltaqgħu l-ministri mill-pajjiżi kollha tal-UE biex jiddiskutu u jieħdu deċiżjonijiet dwar il-politiki u l-liġijiet tal-UE. Liema ministri jattendu jiddependi mis-suġġett li jkun qed jiġi diskuss. Pereżempju, jekk il-laqgħa tkun dwar it-tniġġis tal-arja, jiltaqgħu l-ministri għall-ambjent. Jekk l-enfasi jkun fuq il-qgħad, jattendu l-ministri responsabbli għall-impjiegi u għall-affarijiet soċjali.

Il-Kunsill huwa wieħed miż-żewġ korpi tal-UE li jfasslu l-liġijiet. B’hekk, mingħajr il-ministri tal-pajjiżi kollha tal-UE ma jista’ jsir xejn fl-Unjoni Ewropea.

Ir-regoli dwar il-votazzjoni fil-Kunsill jiddeċiduhom il-pajjiżi tal-UE. Il-Kunsill jieħu l-biċċa l-kbira mid-deċiżjonijiet tiegħu b’vot tal-maġġoranza, u xi drabi bl-unanimità. Għall-oqsma li dwarhom il-pajjiżi tal-UE jkunu qablu li d-deċiżjonijiet iridu jittieħdu b’unanimità, bħal pereżempju l-kwistjonijiet relatati mat-tassazzjoni jew mas-sigurtà, dan ifisser li l-ministri kollha jridu jaqblu flimkien biex tittieħed deċiżjoni.

Għal ħafna mill-oqsma l-oħra, il-ministri jieħdu deċiżjonijiet b’vot ta’ maġġoranza, pereżempju meta jgħaddu liġi tal-UE dwar id-drittijiet tal-konsumatur, dwar materji bħall-irkupru ekonomiku mill-pandemija tal-COVID-19, jew dwar kwistjonijiet ambjentali bħal kif għandu jiġi ttrattat l-iskart urban.

Il-Presidenza tal-Kunsill tingħadda minn pajjiż għall-ieħor tal-UE kull 6 xhur. Wara l-Iżvezja u Spanja fl-2023, il-Presidenza se tgħaddi għand il-Belġju u l-Ungerija fl-2024, u mbagħad għand il-Polonja u d-Danimarka fl-2025.

KONT TAF LI?

Il-Kunsill jivvota b’unanimità dwar:

  • il-biċċa l-kbira mill-materji relatati mal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni;
  • iċ-ċittadinanza (l-għoti ta’ drittijiet ġodda liċ-ċittadini tal-UE);
  • is-sħubija fl-UE;
  • l-armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali dwar it-tassazzjoni indiretta;
  • il-finanzi tal-UE;
  • ċertu materji relatati mal-ġustizzja u l-affarijiet interni (eż. il-liġi tal-familja, il-kooperazzjoni tal-pulizija);
  • l-armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali dwar is-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali.

Meta l-votazzjoni tkun teħtieġ vot unanimu, dawk li jastjenu ma jwaqqfux it-teħid tad-deċiżjoni.

Ara dan id-dokumentarju qasir biex issir taf aktar dwar il-Kunsill: europa.eu/!Xm48xu

EŻERĊIZZJU 6 VOTAZZJONI FIL-KUNSILL

Fil-laqgħat tal-Kunsill, madwar 80% tal-liġijiet proposti jiġu deċiżi b’votazzjoni ta’ maġġoranza kwalifikata, imsejħa “maġġoranza doppja”. Il-votazzjoni ta’ maġġoranza kwalifikata tagħti dritt ta’ vot wieħed lil kull ministru biex jaqbel jew ma jaqbilx ma’ proposta, jew inkella jista’ jagħżel li jastjeni. L-għadd ta’ persuni rrappreżentati minn kull ministru jvarja skont il-popolazzjoni ta’ pajjiżu, u għalhekk hemm bżonn tinkiseb “maġġoranza doppja” biex deċiżjoni tiġi adottata b’mod ġust: biex liġi tgħaddi, hemm bżonn il-qbil ta’ mill-inqas 55% tal-pajjiżi tal-UE (15 minn 27) li jirrappreżentaw mill-inqas 65% tal-popolazzjoni kollha tal-UE (madwar 447 miljun).

Aktar dettalji jinsabu hawn: europa.eu/!8NYGky

Biex tara kif taħdem is-sistema, ipprova l-kalkulatur tal-votazzjoni li hemm fuq din il-website tal-Kunsill: europa.eu/!kQhBHX

Immaġina li inti u sħabek tal-klassi ġbartu l-flus għal ħarġa ma’ tal-iskola, u issa tridu tiftiehmu fejn se tmorru. Xi ħadd minn fostkom jissuġġerixxi li jittieħed vot ta’ maġġoranza kwalifikata dwar id-destinazzjoni proposta. Intom qed taqblu kollha jew jeħtieġ jittieħed vot ta’ maġġoranza kwalifikata?

Agħżlu lil xi ħadd biex jirrappreżenta lill-Kummissjoni Ewropea u din il-persuna għandha minuta ċans biex targumenta favur xi post partikolari. Agħżlu student ieħor biex ikun responsabbli mill-kalkulatur tal-votazzjoni tal-Kunsill. Assenjaw lil kull wieħed minn sħabkom tal-klassi r-rwol ta’ ministru minn kull wieħed mis-27 pajjiż tal-UE.

Imbagħad, kull ministru għandu jivvota favur jew kontra d-destinazzjoni proposta, jew inkella jista’ jastjeni.

Iċċekkja r-riżultat fuq il-kalkulatur tal-Kunsill. X’kien ir-riżultat? Irnexxielkom taqblu fuq id-destinazzjoni proposta? Iddiskuti l-ħsibijiet tiegħek fi grupp dwar dan it-tip ta’ proċess ta’ votazzjoni.

Maġġoranza kwalifikata: 27 Stat Membru, L-għadd minimu ta’ voti “iva” meħtieġ għall-adozzjoni: 55% = 15. Total għal maġġoranza sempliċi = Popolazzjoni, L-għadd minimu ta’ voti “iva” meħtieġ għall-adozzjoni: 65% uża l-kalkulatur tal-votazzjoni.
Infografika li tispjega s-sistema tal-votazzjoni fil-laqgħat tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Malta għandha 0.11% tal-popolazzjoni tal-UE u l-Ġermanja għandha 18.56%.

Il-Kummissjoni Ewropea

ec.europa.eu

Infografika li tispjega kif inhi magħmula l-Kummissjoni Ewropea. Turi 27 membru, wieħed minn kull pajjiż tal-UE.

Il-Kummissjoni Ewropea hija magħmula minn 27 Kummissarju – wieħed għal kull pajjiż tal-UE. Flimkien mal-President tal-Kummissjoni Ewropea, il-Kummissarji huma l-fergħa eżekuttiva tal-UE, responsabbli mit-tħaddim ta’ kuljum tal-UE. Il-mandat tagħhom idum 5 snin.

Sir af aktar dwar il-Kummissjoni Ewropea f’dan il-filmat qasir: europa.eu/!k6BtfC

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea jiġi nominat mill-Istati Membri permezz tal-Kunsill Ewropew, u jinħatar formalment mill-Parlament Ewropew. Il-Kummissarji l-oħra huma proposti mill-gvern ta’ pajjiżhom u jiġu approvati mill-Parlament Ewropew. Il-Kummissarji ma jirrappreżentawx il-fehmiet tal-pajjiż tagħhom, iżda minflok jirrappreżentaw l-interess komuni tal-UE. Il-President tal-Kummissjoni jassenja r-responsabbiltà ta’ xi qasam ta’ politika speċifiku lil kull membru tal-Kummissjoni, bħal pereżempju l-enerġija, l-ekonomija jew l-ambjent.

Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi liġijiet u programmi ġodda fl-interess ġenerali tal-UE. Qabel ma tressaq proposta, il-Kummissjoni titlob l-opinjonijiet tal-parlamenti nazzjonali, tal-gvernijiet, ta’ gruppi ta’ interess, ta’ esperti u tal-pubbliku ġenerali, billi tistedinhom jibagħtu l-kummenti tagħhom online.

Għal aktar informazzjoni dwar kif tista’ ssemma’ leħnek fit-tfassil ta’ politika tal-UE, ara t-taqsima: Leħnek fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE

Il-proposti tal-Kummissjoni jiġu skrutinizzati bir-reqqa mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Dawn iż-żewġ istituzzjonijiet jieħdu d-deċiżjoni finali dwar il-liġijiet kollha tal-UE. Jistgħu jemendaw il-proposti jew jirrifjutawhom għalkollox. Il-Kummissjoni Ewropea tmexxi wkoll il-politiki tal-UE u l-baġit, u tiżgura li l-pajjiżi tal-UE japplikaw sew il-liġijiet tal-UE.

Il-Kummissjoni Ewropea hija l-“korp eżekuttiv” tal-UE Infografika li tispjega r-rwol tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni Ewropea hi responsabbli għat-tmexxija tal-baġit tal-UE, tissorvelja l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE, u tfassal il-liġijiet tal-UE.

Iż-żgħażagħ bilqiegħda fil-Parlament Ewropew. / Grupp ta’ żgħażagħ miġbura quddiem il-binja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu

KONT TAF LI?

Il-ħidma ta’ kuljum tal-Kummissjoni ssir mill-persunal amministrattiv, mill-esperti, mit-tradutturi, mill-interpreti u mill-assistenti tagħha. Ir-reklutaġġ tal-uffiċjali tal-Kummissjoni, bħal fil-każ tal-persunal tal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, jagħmlu l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (epso.europa.eu/home_mt).

Dawn l-uffiċjali huma ċittadini tal-pajjiżi tal-UE li jintgħażlu permezz ta’ kompetizzjonijiet ta’ reklutaġġ. Il-Kummissjoni timpjega madwar 32,000 persuna. Għalkemm din tista’ tidher ċifra kbira, fil-fatt hija anqas mill-impjegati ta’ ħafna tal-kunsilli tal-bliet il-kbar tal-UE.

Jekk din il-karriera tinteressak, tista’ tapplika għal traineeship tal-UE ma’ xi waħda mill-istituzzjonijiet tal-UE.

Sir af aktar: europa.eu/!GR86vB

KONT TAF LI?

Tista' żżur l-istituzzjonijiet Ewropej!

Agħmel żjara madwar il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kunsill Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea fiżikament jew online.

Illustrazzjoni ta’ rġiel u nisa miġbura quddiem kompjuter f’uffiċċju tal-Kummissjoni Ewropea. / Żewġ ritratti ta’ persuni li qed iħarsu lejn mappa interattiva fil-mużew Parlamentarium tal-Parlament Ewropew fi Brussell.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Tul l-aħħar 70 sena, il-pajjiżi tal-UE fasslu ħafna liġijiet tal-UE flimkien. Il-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura li dawn il-liġijiet jiġu interpretati u applikati b’uniformità. Jekk qorti nazzjonali jkollha dubju dwar l-interpretazzjoni ta’ xi waħda minn dawn il-liġijiet, din tista’ titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiċċaraha. Hu minnu wkoll li l-pajjiżi individwali tal-UE mhux dejjem japplikaw il-liġijiet tal-UE bis-sħiħ. F’dan il-każ, il-Kummissjoni jew xi pajjiż ieħor tal-UE jistgħu jressqu l-kwistjoni quddiem il-Qorti. Il-Qorti hija bbażata fil-Lussemburgu u hija magħmula minn imħallef minn kull pajjiż tal-UE.

Għal aktar informazzjoni, żur: curia.europa.eu

EŻERĊIZZJU 7 MIN JAGĦMEL XIEX FL-UE?

Kemm kien hemm informazzjoni x’tomgħod! Madankollu, hu importanti li nifhmu x’inhi “Brussell” verament u min huwa responsabbli għal xiex fl-UE. Agħmel dan it-test hawn taħt biex tara kemm tiftakar. Immarka b’salib il-kaxxa ta’ ħdejn l-istituzzjoni jew l-istituzzjonijiet li jaqblu mad-deskrizzjoni.

Min …? Il-Parlament Ewropew Il-Kunsill Ewropew Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea Il-Kummissjoni Ewropea Il-Qorti tal-Ġustizzja
1. iressaq proposti għal liġijiet tal-UE IVA / LE IVA / LE IVA / LE IVA / LE IVA / LE
2. japprova l-liġijiet tal-UE IVA / LE IVA / LE IVA / LE IVA / LE IVA / LE
3. huwa magħmul minn rappreżentant/membru wieħed minn kull pajjiż tal-UE IVA / LE IVA / LE IVA / LE IVA / LE IVA / LE
4. jiġi elett direttament IVA / LE IVA / LE IVA / LE IVA / LE IVA / LE
5. imexxi l-baġit IVA / LE IVA / LE IVA / LE IVA / LE IVA / LE
6. jirrappreżenta l-interessi tal-poplu IVA / LE IVA / LE IVA / LE IVA / LE IVA / LE
7. jirrappreżenta l-interessi tal-pajjiżi tal-UE/tal-gvernijiet tagħhom IVA / LE IVA / LE IVA / LE IVA / LE IVA / LE
8. jirrappreżenta l-interess tal-UE kollha IVA / LE IVA / LE IVA / LE IVA / LE IVA / LE
9. jiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tal-liġijiet tal-UE IVA / LE IVA / LE IVA / LE IVA / LE IVA / LE
10. jiddefinixxi d-direzzjoni politika ġenerali tal-UE IVA / LE IVA / LE IVA / LE IVA / LE IVA / LE

Minbarra l-istituzzjonijiet imsemmija hawn, jista’ jkun li smajt b’istituzzjonijiet u korpi oħra tal-UE, fosthom dawn:

Għal aktar informazzjoni, ara: europa.eu/!6r64qk

EŻERĊIZZJU 8 IT-TFASSIL TAL-LIĠIJIET FL-UE

L-aktar proċedura komuni biex jitfasslu l-liġijiet fl-UE tissejjaħ il-“proċedura leġiżlattiva ordinarja”. B’din il-proċedura, kull proposta għal liġi ġdida tiġi mistħarrġa sa tliet darbiet (matul l-hekk imsejjaħ qari). Jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq qbil, il-proposta tiġi rtirata.

It-trattati tal-UE jispeċifikaw min jista’ jgħaddi l-liġijiet u f’liema oqsma: l-UE, il-gvernijiet nazzjonali jew it-tnejn li huma. Il-pajjiżi tal-UE huma responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet u għat-tfassil tal-liġijiet tagħhom stess f’ċertu oqsma tal-politika nazzjonali, bħall-industrija, is-saħħa u l-edukazzjoni. F’dawn l-oqsma, l-UE tipprovdi biss appoġġ lill-gvernijiet nazzjonali. Jekk f’xi qasam partikolari, l-azzjoni tkun tista’ tittieħed mill-UE jew mill-gvernijiet nazzjonali, l-UE tista’ taġixxi biss jekk dan il-mod ikun aktar effettiv.

Sir af aktar dwar il-kompetenzi tal-UE: europa.eu/!yPydBT

Il-proċessi tal-qari jinvolvu l-iżjed lil tliet istituzzjonijiet: il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea. Ixħet lil kull waħda mill-istituzzjonijiet fil-kaxxa t-tajba fl-immaġni.

Infografika li turi d-diversi modi kif iċ-ċittadini Ewropej jistgħu jinfluwenzaw il-politiki tal-UE.

Bil-vot tiegħek fl-elezzjonijiet ġenerali ta’ pajjiżek tagħżel il-gvern ta’ pajjiżek. Il-Kap tal-Istat jew tal-Gvern ta’ pajjiżek hu membru tal-Kunsill Ewropew. Il-vot tiegħek jgħin ukoll biex jintgħażlu l-Ministri ta’ pajjiżek, pereżempju tal-Edukazzjoni, tal-Ambjent u l-bqija, li jieħdu deċiżjonijiet waqt il-laqgħat tal-Kunsill. Il-vot tiegħek fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew jgħin fl-għażla tar-rappreżentanti tiegħek fil-Parlament Ewropew, li jaħdmu fi gruppi politiċi ma’ membri minn pajjiżi oħra tal-UE.

EŻERĊIZZJU 9 MIN HU MIN?

Għalkemm issa taf ħafna dwar l-istituzzjonijiet Ewropej, taf x’jisimhom il-persuni li jmexxuhom? Tafhom minn wiċċhom? Taf min hu bħalissa:

  1. il-President tal-Parlament Ewropew?
  2. il-President tal-Kunsill Ewropew?
  3. il-President tal-Kummissjoni Ewropea?
  4. ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà?
Mara bil-loudspeaker tmexxi folla ferriħija.

Leħnek fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE

Bħala ċittadin Ewropew, inti tista’ tinfluwenza l-politiki tal-UE b’diversi modi.

play video ARA L-FILMAT: Kif tista’ tagħti sehmek fit-tiswir tal-istituzzjonijiet tal-UE? europa.eu/!VwPcT8

Ivvota f’pajjiżek

Il-votazzjoni għall-Membru tal-Parlament Ewropew li jirrappreżentak fi Brussell u fi Strasburgu tħalli impatt qawwi, daqs l-impatt tal-votazzjoni għall-gvern ta’ pajjiżek. Dan għax il-kap ta’ stat u tal-gvern ta’ pajjiżek, it-tnejn jinfluwenzaw il-ħidma tal-UE.

Infografika li turi d-diversi modi kif iċ-ċittadini Ewropej jistgħu jinfluwenzaw il-politiki tal-UE.
Bil-vot tiegħek fl-elezzjonijiet ġenerali ta’ pajjiżek tagħżel il-gvern ta’ pajjiżek. Il-Kap tal-Istat jew tal-Gvern ta’ pajjiżek hu membru tal-Kunsill Ewropew. Il-vot tiegħek jgħin ukoll biex jintgħażlu l-Ministri ta’ pajjiżek, pereżempju tal-Edukazzjoni, tal-Ambjent u l-bqija, li jieħdu deċiżjonijiet waqt il-laqgħat tal-Kunsill. Il-vot tiegħek fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew jgħin fl-għażla tar-rappreżentanti tiegħek fil-Parlament Ewropew, li jaħdmu fi gruppi politiċi ma’ membri minn pajjiżi oħra tal-UE.

Ipparteċipa fil-konsultazzjonijiet online

Tista’ ssemma’ leħnek billi tieħu sehem fil-konsultazzjonijiet pubbliċi online. Qabel ma tressaq proposti għal liġijiet ġodda tal-UE, u tul il-proċess kollu tat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-opinjonijiet taċ-ċittadini u tas-settur pubbliku u privat.

Ipparteċipa hawn: europa.eu/!Cf99Tf

Iddibatti l-UE

Anke waqt il-bosta dibattiti fiżiċi jew online li jsiru madwar l-UE, tista’ ssemma’ leħnek dwar x’qed jiġri fl-UE.

Sir af aktar kif tista’ tieħu sehem fit-tfassil tal-politika tal-UE: europa.eu/!crWXyk. Ara l-pjattaforma Together.eu jekk tixtieq tappoġġa d-demokrazija fl-Ewropa billi tgħin biex tħeġġeġ lin-nies jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2024; din il-pjattaforma tgħaqqad lin-nies madwar l-Ewropa biex jiltaqgħu, jaqsmu l-għarfien u jitgħallmu ħiliet ġodda

Itlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproponi liġi ġdida

play video ARA L-FILMAT: X'ihni l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej? Ħu l-inizjattiva europa.eu/!kpmXmn

Iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jniedu jew jappoġġaw inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (europa.eu/citizens-initiative/_mt). B’dawn l-inizjattivi, iċ-ċittadini jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproponi liġi dwar xi kwistjoni speċifika li tkun fir-responsabbiltà tal-UE, bħal pereżempju l-ambjent, il-biedja jew it-trasport. Grupp ta’ mill-inqas seba’ ċittadini tal-UE li jgħixu f’seba’ pajjiżi differenti tal-UE jista’ jniedi inizjattiva u jiġbor il-firem ta’ appoġġ. Malli inizjattiva tikseb il-firma ta’ miljun persuna, jew ftit aktar minn 0.2% tal-popolazzjoni tal-UE, din tkun tista’ tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni Ewropea biex teżaminaha.

L-ewwel inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej li qatt saret, “Right2Water”, ġabret 1.6 miljun firma. Permezz tagħha kienet tfasslet proposta għal regoli ġodda dwar l-ilma tax-xorb.

KONT TAF LI?

Il-Kummissjoni Ewropea għandha għadd ta’ uffiċċji żgħar (l-uffiċċji jissejħu “rappreżentanzi”) fil-pajjiżi kollha tal-UE, b’persunal li jitkellem il-lingwa/i tal-pajjiż. Lil dawn tista’ tkellimhom jew titlobhom informazzjoni bil-miktub dwar l-UE bil-lingwa tiegħek. L-informazzjoni tista’ tinkiseb ukoll minn għadd ta’ uffiċċji lokali oħra li jiffurmaw parti min-network Europe Direct mifrux mal-pajjiżi kollha tal-UE. Id-dettalji tal-kuntatt tagħhom jinsabu fi tmiem dan il-ktejjeb.

EŻERĊIZZJU 10 IL-PRIJORITAJIET GĦAR-RAPPREŻENTANT TIEGĦEK FIL-PARLAMENT EWROPEW

Fi gruppi żgħar, agħmlu lista tal-ħames suġġetti ewlenin li tixtiequ li r-rappreżentant tagħkom jiddefendi fil-Parlament Ewropew. Pereżempju, din hija r-riżoluzzjoni tal-Parlament biex jitnaqqas l-użu tal-basktijiet tal-plastik fl-Ewropa: europa.eu/!JHgrcC