L-UNJONI EWROPEA KISBET ĦAFNA RIŻULTATI MINN MINDU TWAQQFET. SEDDQET IL-PAĊI, L-ISTABBILTÀ U L-PROSPERITÀ GĦAL AKTAR MINN NOFS SEKLU. GĦENET BIEX JOGĦLEW L-ISTANDARDS TAL-GĦAJXIEN. FETĦET L-AKBAR SUQ UNIKU FID-DINJA, U ĦOLQOT L-EWRO. ISSA XI JMISS? F’DAN IL-KAPITLU, SE SSIR TAF AKTAR KIF L-UE QED TINDIRIZZA L-ISFIDI TA’ ŻMIENNA U X’INHUMA L-PRIJORITAJIET EWLENIN TAL-UE GĦAS-SNIN LI ĠEJJIN.

X’HEMM FUQ L-AĠENDA TAL-UE?

Qed ngħixu żminijiet diffiċli. It-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità u l-ħsara ambjentali qed jheddu lill-Ewropa daqskemm lid-dinja. Fl-istess waqt, bosta teknoloġiji diġitali ġodda qed ibiddlu mill-qiegħ il-mod kif ngħixu, kif naħdmu u kif nagħmlu n-negozju. Dawn it-teknoloġiji diġitali ġodda jiftħu bibien ta’ opportunitajiet ġodda iżda joħolqu wkoll riskji ġodda. Barra minn hekk, il-pandemija dinjija tal-COVID-19 fl-2020/21 u l-invażjoni Russa tal-Ukrajna fl-2022 qalbulna ħajjitna ta’ taħt fuq. Urietna b’liema ħeffa tista’ tfeġġ u tinfirex kriżi mad-dinja, u kemm hu importanti li l-UE tkun lesta biex tirreaġixxi għal sfidi ġodda filwaqt li tkun qed tindirizza dawk eżistenti.

Meta l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen bdiet il-kariga tagħha fl-2019, hija ppreżentat sitt ambizzjonijiet ewlenin għall-Ewropa għas-snin li ġejjin. Dawn l-ambizzjonijiet ivarjaw minn kif titmexxa t-tranżizzjoni lejn pjaneta f’saħħitha u dinja diġitali ġdida, sat-tisħiħ tar-rwol tal-UE bħala mexxejja dinjija. Bħala rispons għall-pandemija dinjija, l-UE bdiet tħaddem pjan tal-irkupru għall-Ewropa biex tiżgura li wara l-imxija, l-Ewropa tkun aktar ekoloġika, aktar diġitali u aktar reżiljenti, u tipprovdi ħafna opportunitajiet għaż-żgħażagħ. Dan il-pjan tal-irkupru ssejjaħ NextGenerationEU. Dan il-kapitlu jiddeskrivi fil-qosor x’qed tagħmel l-UE f’kull qasam prijoritarju biex dan jitwettaq.

“Ma nistgħux inreġġgħu lura ż-żmien li l-pandemija tellfet liż-żgħażagħ, iżda nistgħu nibnu xi ħaġa aqwa u aktar ġusta għalihom u flimkien magħhom. Irridu naġixxu mil-lum u ż-żgħażagħ jeħtieġ jaqdu rwol ewlieni f’din il-bidla.”

Sir af aktar dwar il-prijoritajiet politiċi tal-UE fuq: ec.europa.eu/info/strategy/priorities-2019-2024_mt

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen fid-9 ta’ Mejju 2021 waqt it-tnedija tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, Strasburgu, Franza.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, titkellem ma’ żagħżugħa.

Solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna

Fl-24 ta’ Frar 2022, ir-Russja nediet invażjoni fuq skala kbira u gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna.

L-Unjoni Ewropea rreaġixxiet malajr b’reazzjoni għall-invażjoni. Is-27 Stat Membru u s-sħab tagħhom madwar id-dinja kkundannaw il-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata, u ħadu azzjoni malajr u bil-qawwa biex jiżolaw lir-Russja ekonomikament u imponew għadd ta’ sanzjonijiet li jolqtu fil-laħam il-ħaj biex inaqqsu l-abbiltà tar-Russja li tiffinanzja l-gwerra.

L-UE kkooperat ukoll mill-qrib mal-pajjiżi ġirien tal-Ukrajna sabiex tappoġġahom fl-għoti ta’ protezzjoni għall-persuni li jaħarbu mill-invażjoni.

F’Ġunju 2022, l-Ukrajna ngħatat status ta’ kandidat, u b’hekk il-pajjiż għandu prospett ta’ sħubija fl-UE.

Jilqgħu lill-persuni li jaħarbu mill-Ukrajna

Ħafna Ukreni ħarbu minn pajjiżhom biex ifittxu rifuġju fil-pajjiżi tal-UE. L-UE pprovditilhom appoġġ wiesa’, li jvarja minn għajnuna fil-fruntiera, appoġġ għas-sistemi tas-saħħa, protezzjoni tat-tfal, aċċess għall-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kura medika u l-akkomodazzjoni.

Sir af aktar dwar il-pajjiżi tal-UE jħejju biex jilqgħu lil dawk li qed jaħarbu mill-Ukrajna

KONT TAF LI?

Huwa stmat li 5.7 miljun tifel u tifla fl-età tal-iskola fl-Ukrajna ġew affettwati mill-aggressjoni mhux ġustifikata tar-Russja u eluf ta’ skejjel u faċilitajiet ġarrbu ħsara. Għalihom, l-aċċess sikur għall-iskola huwa ta’ importanza kbira peress li jagħtihom sens ta’ normalità u huwa essenzjali għall-benesseri u l-futur tagħhom. Fl-2022, l-UE allokat €100 miljun għat-tiswija tal-iskejjel Ukreni li ġarrbu ħsarat u tat €14-il miljun biex jinxtraw xarabanks tal-iskola u għat-trasport tat-tfal Ukreni. Il-Kummissjoni Ewropea organizzat ukoll kampanja ta’ solidarjetà biex tappella lill-kumpaniji pubbliċi u privati jagħtu xarabanks tal-iskola lill-Ukrajna.

Tfal fl-iskejjel Taljani jilqgħu lil sħabhom ġodda mill-Ukrajna.

Diversi tfal jilqgħu lill-istudenti Ukreni fil-klassi tagħhom bil-bnadar Ukreni.

Finanzjament għall-irkupru tal-Ewropa

L-UE qed tistinka biex issewwi l-ħsarat ekonomiċi u soċjali li kkawżat il-pandemija billi tinvesti fi proġetti u inizjattivi li jagħmlu l-Ewropa aktar f’saħħitha, aktar ekoloġika, aktar diġitali u biex tindirizza aħjar l-isfidi futuri. Biex tixpruna l-irkupru, l-UE qed tuża l-baġit fit-tul tal-UE għall-2021–2027 u pjan speċjali tal-irkupru magħruf bħala NextGenerationEU. F’daqqa, dawn jgħaqqdu ftit aktar minn €2 triljun (€2 018-il biljun) biex jagħtu spinta lill-irkupru. Il-biċċa l-kbira tal-fondi ta’ NextGenerationEU se jintużaw biex jagħtu appoġġ finanzjarju lill-pajjiżi tal-UE biex jgħinuhom jegħlbu l-kriżi b’mod aktar ekoloġiku, aktar diġitali u aktar b’saħħtu. Dan hu ppjanat li jinkiseb b’investiment fl-oqsma li jaffettwaw lill-Ewropej kollha, bħal konnessjonijiet aktar veloċi tal-internet, enerġija u trasport nodfa, l-edukazzjoni u t-taħriġ, u bini aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

Ara aktar fit-taqsima dwar “Ekonomija għas-servizz tan-nies”.

Sir af aktar: ec.europa.eu/info/strategy/recovery-plan-europe_mt

Sir af dwar il-pjanijiet tal-irkupru ta’ pajjiżek: europa.eu/!wYRggt

Infografika li tagħti ħarsa ġenerali lejn l-infiq tal-UE mill-2021 sal-2027.

Infiq tal-UE 2021-2027 L-€2,018 biljun hu l-baġit tal-UE għas-seba’ snin 2021-2017, jiġifieri €1,211 biljun flimkien ma’ €807 biljun minn NextGenerationEU, il-pakkett ta’ rkupru għall-COVID-19.

Is-solidarjetà fil-prattika

Il-pajjiżi Ewropej urew solidarjetà ġenwina billi appoġġaw lil xulxin tul il-pandemija tal-COVID. Pereżempju, għadd ta’ sptarijiet madwar l-UE laqgħu pazjenti minn pajjiżi oħra u bagħtu timijiet mediċi biex jgħinu lill-pajjiżi ġirien tagħhom. L-UE kkoordinat ukoll it-twassil tat-tagħmir protettiv fil-postijiet li kienu jeħtiġuh l-iżjed u organizzat xiri konġunt tal-vaċċini mill-UE. L-UE impenjat ruħha wkoll li tiżgura li kull rokna tad-dinja jkollha vaċċini sikuri: il-Kummissjoni u l-pajjiżi tal-UE huma donaturi ewlenin tal-COVAX, l-inizjattiva dinjija maħsuba biex tiżgura aċċess ugwali għall-vaċċini kontra l-COVID-19. Dawn qed jappoġġaw ukoll għadd ta’ kampanji tat-tilqim fil-pajjiżi sħab.

Sir af aktar dwar is-solidarjetà Ewropea fil-prattika: europa.eu/!MnYw86

Sir af aktar dwar ir-rispons tal-UE għall-kriżi tal-coronavirus: europa.eu/!rbXjXC

Konsenja ta’ tagħmir mediku mir-riżerva ta’ rescEU fi Praga, iċ-Ċekja, l-24 ta’ Ottubru 2020.

Żewġ ħaddiema tal-protezzjoni ċivili jarmaw apparat mediku f’żona tat-tagħbija. Fil-ġenb tidher kaxxa bil-bandiera Ewropea.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew

It-tibdil fil-klima hu waħda mill-ikbar sfidi li l-umanità qed taffaċċja fi żmienna. Mit-8 miljun speċi fuq din il-pjaneta, miljun minnhom jinsabu f’riskju li jinqerdu. Il-foresti u l-oċeani qed jitniġġsu u jinqerdu. Mhix sorpiża li ż-żgħażagħ, tant inkwetati dwar il-qagħda tal-pjaneta li se jirtu, kienu fuq quddiem nett jappellaw għal aktar azzjoni dwar il-klima.

L-Unjoni Ewropea qed tmexxi sforzi dinjin fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Qdiet rwol ewlieni biex fl-2015 f’Pariġi intlaħaq qbil dwar il-ftehim dinji ewlieni għall-klima. Issa, l-UE hija ddeterminata li sal-2050 tkun l-ewwel kontinent newtrali għall-klima fid-dinja, kontinent li ma jiġġenerax iżjed gassijiet serra milli nifilħu nassorbu.

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew hu l-pjan ta’ azzjoni biex l-UE tilħaq dan l-għan u biex tinbidel f’ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva. Dan se jfisser tnaqqis ambizzjuż fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra, investiment fit-teknoloġiji ekoloġiċi, u l-ħarsien tal-ambjent naturali tagħna, fost azzjonijiet oħra. Dan se jfisser ukoll li jiġu ffaċċjati l-konsegwenzi inevitabbli tat-tibdil fil-klima billi s-soċjetajiet isiru aktar reżiljenti.

KONT TAF LI?

L-għan li l-UE ssir newtrali għall-klima sal-2050 tnaqqax fl-ewwel liġi Ewropea dwar il-klima. Din il-liġi tistabbilixxi obbligu legali mill-mira intermedja tal-UE li l-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra jitnaqqsu b’mill-inqas 55% sal-2030, meta mqabbla mal-livelli tal-1990. L-UE bdiet ukoll il-ħidma tagħha biex tiddefinixxi mira għall-2040 u fir-rebbiegħa tal-2023 ġiet organizzata konsultazzjoni pubblika.

Inwettqu l-Patt Ekoloġiku Ewropew

Biex jintlaħqu l-impenji klimatiċi tal-UE hemm bżonn tittieħed azzjoni fl-oqsma kollha– mill-industrija, l-enerġija u t-trasport sal-produzzjoni tal-ikel, l-agrikoltura u l-bini. Din tinkludi żieda fl-użu tal-enerġija nadifa, inqas tniġġis, bini aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u l-użu ta’ trasport aktar nadif flimkien mal-fjuwils u l-infrastruttura li dan ikun jeħtieġ. F’Lulju 2021, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet varjetà ta’ miżuri biex l-UE taqbad triqitha biex tilħaq il-mira klimatika tagħha għall-2030. Fost dawn hemm:

  • is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita enerġetika tal-UE jiżdied għal 42.5–45 %;
  • jonqsu l-emissjonijiet mill-bini, mit-trasport bit-triq u mit-tbaħħir billi dawn is-setturi japplikaw l-iskema għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet;
  • miri aktar ambizzjużi biex jonqsu l-emissjonijiet tal-karbonju (CO2) mill-karozzi u l-vannijiet ġodda;
  • ir-restawr tal-foresti, tal-ħamrija, tal-artijiet mistagħdra u tat-torbieri tal-Ewropa biex ikunu jistgħu jixorbu u jaħżnu l-karbonju.

L-UE se tipprovdi appoġġ finanzjarju lil dawk li qed iġarrbu l-akbar sfidi biex tiżgura li l-ebda persuna jew reġjun ma jitħalla lura. Biex tenfasizza l-impenn tagħha, l-UE qed twarrab mill-inqas 30% tal-infiq tagħha bejn l-2021 u l-2027 għal inizjattivi relatati mal-klima.

Il-prodotti mibjugħa fl-UE għandhom jiġu ddisinjati biex iservu aktar fit-tul, u biex ikun aktar faċli li jerġgħu jintużaw, jissewwew u jiġu riċiklati. Għandhom jinkorporaw ukoll kemm jista’ jkun materjal riċiklat. Il-pjan ta’ azzjoni l-ġdid għal ekonomija ċirkolari, wieħed mill-partijiet ewlenin tal-Patt Ekoloġiku, għandu l-għan li jagħmel il-prodotti sostenibbli n-norma fl-UE.

Ċart li turi l-miri tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2030 u l-2050

Il-mira l-ġdida hija li l-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra jitnaqqsu b’mill-inqas 55% sal-2030 meta mqabbla mal-livelli tal-1990. L-istrateġija fit-tul tal-UE tistinka għal emissjonijiet żero netti sal-2050.

Sir af dwar il-proposta tal-Kummissjoni biex jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew: europa.eu/!qcWJWB

Bi tweġiba għat-tbatija u t-tfixkil globali fis-suq tal-enerġija kkawżati mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, il-Kummissjoni Ewropea fasslet il-Pjan REPowerEU biex tgħin

  • fl-iffrankar tal-enerġija
  • fil-produzzjoni ta’ enerġija nadifa
  • fid-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija tagħna

Il-pjan hu appoġġat b’miżuri finanzjarji u legali ħalli jinbnew l-infrastruttura u s-sistema l-ġdida tal-enerġija li l-Ewropa teħtieġ.

Sir af aktar dwar il-Pjan REPowerEU

EŻERĊIZZJU 17 L-ISFIDA EKOLOĠIKA

X’tistgħu tagħmlu bħala klassi jew skola biex tgħinu lill-Ewropa ssir aktar ekoloġika? Biex ngħinu lill-għalliema jorganizzaw id-diskussjoni fil-klassi qed nipprovdu dan is-sett ta’ għodod “L-isfida ekoloġika” maħsub għall-għalliema. Inqasmu fi gruppi żgħar biex tiddiskutu l-ideat tagħkom.

Is-sett ta’ għodod “L-isfida ekoloġika” għall-għalliema: europa.eu/!Wgt6yX

KONT TAF LI?

Il-bini hu responsabbli għal 40% tal-użu tal-enerġija fl-UE u għal 36% tal-emissjonijiet tas-CO2 relatati mal-enerġija. L-aħbar it-tajba hija li sal-2030 hemm il-potenzjal li jiġu rinovati 35 miljun binja fl-UE u dawn inaqqsu bil-kbir l-emissjonijiet u joħolqu 160,000 impjieg ġdid fis-settur tal-bini.

KONT TAF LI?

Il-produzzjoni u l-użu tal-enerġija jirrappreżentaw 75% tal-emissjonijiet tal-UE. Jekk inwettqu miżuri tal-effiċjenza enerġetika biex niffrankaw l-enerġija u nżidu bil-qawwa l-enerġija rinnovabbli, inkunu qed innaqqsu direttament l-emissjonijiet, it-tniġġis tal-arja u d-dipendenza mill-fjuwils fossili.

Sir af aktar dwar l-enerġija b’din is-sensiela ta’ filmati qosra: europa.eu/learning-corner/eu-energy-policy_mt

Sinjali li jindikaw żona ta’ Natura 2000 fit-tarf ta’ foresta.

Żoni ta' Natura 2000 huma indikati madwar l-Ewropa

Pijunieri fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima

It-tibdil fil-klima hu pjaga dinjija li ma tistax tfejjaqha l-UE waħedha. L-Unjoni Ewropea qed taħdem ma’ pajjiżi u reġjuni oħra fid-dinja biex tilħaq l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi. Dan il-ftehim jistabbilixxi l-għan li t-tisħin dinji jinżamm “ferm inqas minn 2°C” ogħla mit-temperaturi ta’ qabel ir-Rivoluzzjoni Industrijali, filwaqt li jsiru sforzi biex din iż-żieda tiġi limitata għal 1.5 °C. Kull sena, il-pajjiżi jiltaqgħu fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, magħrufa bħala s-COP (Konferenza tal-Partijiet) biex jiddiskutu l-avvanz li jkun sar b’rabta ma’ dawn l-għanijiet.

Il-protezzjoni u r-restawr tan-natura

In-natura hija l-akbar alleat tagħna fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-tifqigħat tal-mard. Iżda s-sies tal-ħajja li nistrieħu fuqu huwa mhedded mill-attivitajiet tal-bniedem li mhumiex sostenibbli. Wieħed mill-elementi ċentrali tal-Patt Ekoloġiku Ewropew hu li n-natura tistejqer u terġa’ ssir f’saħħitha. L-UE beħsiebha tikseb dan billi twessa’ n-network taż-żoni protetti fuq l-art u fil-baħar (network magħruf bħala Natura 2000), billi jitħawlu biljuni ta’ siġar u jitħeġġu prattiki tal-biedja sostenibbli, fost azzjonijiet oħra. Qed taħdem ukoll biex tiżgura li l-ikel li nieklu jkun tajjeb għas-saħħa, affordabbli u miksub b’mod ekoloġiku. Fost l-oħrajn qed taħdem biex tnaqqas il-pestiċidi li jagħmlu l-ħsara u żżid il-biedja organika.

Sir af aktar dwar l-istrateġija għall-bijodiversità tal-UE għall-2030: europa.eu/!gCYt3F

KONT TAF LI?

L-UE u l-pajjiżi tal-UE flimkien huma l-akbar fornituri ta’ finanzjament għall-klima fid-dinja. Fl-2021, dawn ikkontribwew €23 biljun biex iwieżnu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom kontra t-tibdil fil-klima.

Żur il-website “Il-pjaneta tagħna, il-futur tagħna” biex issir taf aktar dwar it-tibdil fil-klima: europa.eu/learning-corner/our-planet-our-future_mt

Sir af aktar dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew fuq: europa.eu/!tW86xp

Ewropa lesta għall-era diġitali

Il-pandemija tal-COVID-19 ħaffet il-pass tat-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn dinja diġitali. It-teknoloġiji diġitali żammew lill-familji u lill-ħbieb konnessi, il-klassijiet għaddejjin u n-negozji jaħdmu. Dawn issa saru parti essenzjali minn ħajjitna. Madankollu, mhux kulħadd għandu l-istess aċċess għal dawn it-teknoloġiji jew il-ħiliet biex jibbenefika bis-sħiħ minnhom.

L-10 snin li ġejjin, l-UE beħsiebha tagħmilhom id-deċennju diġitali tal-Ewropa. Qed tistinka biex tara li t-trasformazzjoni diġitali taħdem għal kulħadd u mhux għal ftit nies biss. Dan ifisser, pereżempju, li tiżgura li kulħadd ikollu aċċess għal internet veloċi u l-ħiliet meħtieġa biex jibbenefika mill-possibbiltajiet tad-dinja diġitali. Fl-istess ħin, hemm bosta teknoloġiji ġodda bħall-intelliġenza artifiċjali (IA) li qed ibiddlu d-dinja mill-qiegħ filwaqt li joħolqu ħafna benefiċċji u tħassib ġdid ukoll. L-UE beħsiebha tmexxi l-iżvilupp ta’ standards dinjin ġodda biex tiżgura li l-Ewropej ikunu jistgħu jafdaw dak kollu li joffru dawn it-teknoloġiji.

It-tranżizzjoni diġitali u l-użu aktar intelliġenti tat-teknoloġiji se jkunu kruċjali wkoll biex jgħinu lill-UE ssir newtrali għall-klima sal-2050 u biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Inwettqu d-deċennju diġitali tal-Ewropa

F’Marzu 2021, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret viżjoni għat-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa sal-2030, li tinkludi sensiela ta’ miri konkreti u pjan biex tiżgura li dawn jintlaħqu. Il-miri huma maħsuba biex jilħqu erba’ għanijiet ewlenin: kontinent li jaħtaf it-teknoloġija – billi jkollu popolazzjoni b’ħiliet diġitali u professjonisti diġitali b’livell għoli ta’ ħiliet; l-aqwa infrastrutturi diġitali affidabbli u siguri; biex l-Ewropa jkollha sehem kbir ta’ negozji diġitalizzati; u servizzi pubbliċi modernizzati li jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-soċjetà. L-ewwel programm Ewropa diġitali li qatt sar, b’baġit ta’ €7.5 biljun għall-2021-2027 jipprovdi finanzjament għal proġetti f’oqsma importanti bħall-intelliġenza artifiċjali (IA), is-supercomputing, iċ-ċibersigurtà u l-ħiliet avvanzati. Bħala parti mill-pjan tal-irkupru tal-UE, il-pajjiżi tal-UE jridu jinvestu mill-inqas 20% tal-flus li jirċievu mill-fond NextGenerationEU f’inizjattivi diġitali.

Fost il-miri ewlenin għat-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa sal-2030 hemm:

Ħiliet, Infrastrutturi, Negozju, Gvern
  • ħiliet diġitali bażiċi lil mill-inqas 80% tal-adulti;
  • 20 miljun speċjalista fl-ICT, inkluż aktar nisa li jaħdmu fl-oqsma diġitali;
  • konnettività tal-gigabits għar-residenzi kollha tal-UE u kopertura tal-5G fiż-żoni popolati kollha;
  • l-ewwel quantum computer tal-Ewropa;
  • tlieta minn kull erba’ kumpaniji jużaw is-servizzi tal-cloud;
  • is-servizzi pubbliċi ewlenin kollha jkunu online;
  • aċċess liċ-ċittadini kollha għar-rekords mediċi elettroniċi tagħhom;
  • 80% taċ-ċittadini jużaw l-eID.

Aktar informazzjoni dwar il-miri diġitali għall-2030: europa.eu/!m3cRT7

Ħiliet għall-era diġitali

L-għarfien diġitali hu essenzjali għall-istudju u x-xogħol. Hu essenzjali wkoll biex jinkiseb aċċess dejjem iżjed għas-servizzi pubbliċi online – minn servizzi għal ftuħ ta’ kontijiet bankarji sa servizzi għal applikazzjoni għal kors barra mill-pajjiż. Iżda sal-lum, aktar minn 20% taż-żgħażagħ għad m’għandhomx ħiliet diġitali bażiċi. Għalkemm l-edukazzjoni u t-taħriġ huma f’idejn il-pajjiżi individwali tal-UE, l-UE tipprovdi appoġġ f’dan il-qasam. Din qed tappoġġa lill-pajjiżi tal-UE b’investimenti fi programmi bħall-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa u l-pjan ta’ azzjoni għall-edukazzjoni diġitali, biex l-Ewropej jitħarrġu u tikber ir-riżerva tat-talent tal-Ewropa.

Il-Kummissjoni Ewropea qed twettaq varjetà wiesgħa ta’ proġetti biex tgħin lill-pajjiżi tal-UE jtejbu l-livell tal-ħiliet diġitali. Fost dawn hemm il-ġimgħa tal-UE tal-ikkowdjar u l-apprendistati msejħa “opportunità diġitali”, li t-tnejn jagħtu opportunità lill-istudenti tal-edukazzjoni ogħla biex jiksbu esperjenza professjonali prattika fl-oqsma diġitali li jeħtieġ is-suq tax-xogħol.

Segwi din is-serje tal-kartuns tal-esploraturi diġitali biex tiskopri d-dinja tal-possibbiltajiet diġitali europa.eu/!bQQYct

KONT TAF LI?

Skont it-“tabella ta’ valutazzjoni għan-nisa f’oqsma diġitali” tal-2021, 19% biss tal-ispeċjalisti fl-ICT tal-UE huma nisa. L-UE qed tieħu azzjoni biex iżżid il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-settur diġitali billi tiġġieled l-istereotipi, tippromwovi l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-ħiliet diġitali, u tħeġġeġ aktar intraprendituri nisa fis-settur.

Nibnu fiduċja fit-teknoloġija

L-intelliġenza artifiċjali (IA) tista’ tgħinna b’diversi modi, fosthom b’dijanjożi medika aktar preċiża u billi ttaffi kemm jista’ jkun l-impatt ambjentali tal-biedja. Iżda xi persuni jinkwetaw li l-impjieg tagħhom jista’ jkun f’riskju minħabba l-IA, jew ma jkunux konvinti li jistgħu jafdaw it-teknoloġija. Biex tindirizza dan it-tħassib, il-Kummissjoni pproponiet regoli ġodda biex tiżgura li s-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali użati fl-UE jkunu sikuri, trasparenti, etiċi, imparzjali u fil-kontroll tal-bniedem.

EŻERĊIZZJU 18 L-INTELLIĠENZA ARTIFIĊJALI – KWISTJONI TA’ FIDUĊJA

X’inhuma l-vantaġġi u r-riskji assoċjati mal-intelliġenza artifiċjali? Iddiskutu fi gruppi żgħar.

KONT TAF LI?

F’April 2021 tnieda Vega, l-ewwel superkompjuter ta’ klassi dinjija tal-UE, f’Maribor, is-Slovenja. Hu tal-għaġeb kif dan jista’ jagħmel 6.9 miljun biljun kalkolu fis-sekonda! Imsemmi għall-matematiku Sloven famuż Jurij Vega, dan hu wieħed mill-aktar tmien superkompjuters avvanzati li se jgħinu lir-riċerkaturi, lill-industrija u lin-negozji Ewropej jiżviluppaw f’ħafna oqsma – mid-disinn tal-mediċini u materjali ġodda sal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Nibqgħu sikuri fuq l-internet

L-UE għandha wħud mill-aktar regoli stretti dwar il-protezzjoni tad-dejta u l-privatezza fid-dinja. Dawn jgħinu biex ikun żgurat ambjent online sikur u ġust. Jgħinu wkoll biex in-nies, b’mod partikolari t-tfal, ikunu protetti mill-kontenut illegali u li jagħmel il-ħsara. Iżda l-pjattaformi online jistgħu jintużaw ħażin biex ixerrdu l-kontenut illegali, bħal diskors ta’ mibegħda jew kontenut terroristiku, jew biex jinbiegħu oġġetti perikolużi u prodotti falsifikati. Il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem qatigħ biex tiżgura li kulma hu illegali offline ikun illegali online wkoll. Qed tieħu azzjoni wkoll biex tissaħħaħ iċ-ċibersigurtà madwar l-UE u biex il-gvernijiet, iċ-ċittadini u n-negozji tagħha jitħarsu mit-theddid ċibernetiku dinji. Bħala parti minn din il-ħidma, l-UE tat sehemha biex titwaqqaf ċiberunità konġunta li tiġbor f’post wieħed ir-riżorsi u l-għarfien espert li għandhom l-UE u l-pajjiżi tal-UE. Dan biex l-inċidenti ċibernetiċi tal-massa u l-kriżijiet ċibernetiċi jiġu evitati, skoraġġuti u indirizzati b’mod effettiv.

KONT TAF LI?

In-network taċ-ċentri għal internet aktar sikur li tiffinanzja l-UE jgħin fit-tixrid tal-għarfien dwar is-sikurezza online. Kull wieħed minn dawn iċ-ċentri għandu bord ta’ żgħażagħ biex iż-żgħażagħ jagħtu ideat u pariri siewja lil ħaddieħor mill-esperjenza tagħhom tat-teknoloġiji online.

Sir af aktar dwar Ewropa lesta għall-era diġitali fuq: europa.eu/!xVbxgy

Ekonomija għas-servizz tan-nies

Il-pandemija tal-COVID-19 tat ħasda Kbira lill-ekonomiji Ewropej u affettwat l-għajxien tan-nies u n-negozji fis-setturi kollha. Iż-żgħażagħ, li jaħdmu fis-setturi milquta ħażin ħafna bħat-turiżmu u l-ospitalità, kienu affettwati b’mod partikolari bit-telf tal-impjiegi.

Minbarra li ħadet azzjoni biex tipproteġi lin-negozji u lill-ħaddiema mid-daqqiet ekonomiċi tal-pandemija, l-UE fasslet ukoll pjan ta’ rkupru biex l-Ewropa terġa’ tqum fuq saqajha. Dan il-pjan, imsejjaħ NextGenerationEU, ma jiffokax biss fuq it-tiswija tal-ħsarat li għamlet il-pandemija iżda, bħalma jixhed ismu, jiffoka wkoll fuq investimenti fil-ġenerazzjoni li jmiss tal-Ewropej u fil-ġejjieni fit-tul tal-UE. Il-finanzjament ta’ NextGenerationEU li se jiżdied mal-baġit tal-UE għall-2021-2027 hu opportunità unika biex il-pajjiżi kollha tal-UE jħaffu l-irkupru u t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali madwar l-UE. B’kollox, il-pakkett tal-irkupru jiswa aktar minn €2 triljun.

L-UE qed taħdem biex issaħħaħ l-ekonomija fil-pajjiżi u fir-reġjuni kollha, b’enfasi qawwija fuq l-għoti ta’ appoġġ liż-żgħażagħ. Qed taħdem ukoll biex jonqsu l-inugwaljanzi u jitjiebu l-istandards tal-għajxien tal-Ewropej kollha.

NextGenerationEU

Il-fond tal-irkupru NextGenerationEU jiswa aktar minn €800 biljun. Fil-biċċa l-kbira, dan se jiffinanzja riformi u investimenti fl-Istati Membri sal-2026. Matul dan il-perjodu, il-Kummissjoni Ewropea se tissellef flus mis-swieq kapitali f’isem l-UE. Il-flus miġbura se jitqassmu lill-pajjiżi tal-UE biex jintefqu għal proġetti u inizjattivi. Biex jiksbu dan l-appoġġ finanzjarju, il-pajjiżi tal-UE kellhom jistabbilixxu pjanijiet nazzjonali li juru kif se jinvestu l-flus. Dawn il-pjanijiet kellhom jinkludu sehem speċifiku mill-infiq tagħhom fuq inizjattivi klimatiċi u diġitali. Dan se jgħin lill-UE tilħaq il-mira tagħha ta’ newtralità klimatika sal-2050, u se jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni diġitali tal-Ewropa, u biex jinħolqu impjiegi u tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku.

Ninvestu fil-ġejjieni bis-saħħa ta’ NextGenerationEU

Infografika dwar it-tqassim tal-flus ta’ NextGenerationEU f’diversi programmi.

Ħafna mill-fondi ta’ NextGenerationEU (€723.8 biljun bi prezzijiet attwali) se jintefqu bil-programm tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Dan il-programm jikkonsisti minn appoġġ finanzjarju fuq skala kbira biex isiru investimenti pubbliċi, u ffokat fuq ċerti oqsma bħall-proġetti ekoloġiċi u diġitali. L-appoġġ se jingħata fil-forma ta’ għotjiet (€338 biljun) u self (€385.8 biljun), bi prezzijiet attwali. It-€83.1 biljun li jifdal jiġu investiti f’diversi programmi oħra.

Nappoġġaw liż-żgħażagħ tal-Ewropa

L-UE qed taħdem biex tiżgura li ż-żgħażagħ ikollhom il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa fid-dinja tax-xogħol li tant qed tinbidel malajr; b’mod partikolari dawk li jgħinuhom jirnexxu fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Il-Kummissjoni pproponiet inizjattivi maħsuba biex iwieżnu lill-Istati Membri fit-tnaqqis tal-qgħad u biex jgħinu liż-żgħażagħ li qed jidħlu fis-suq tax-xogħol. Bl-inizjattiva ta’ appoġġ favur l-impjieg taż-żgħażagħ issaħħet il-garanzija għaż-żgħażagħ, u din issa tkopri grupp akbar ta’ żgħażagħ li għandhom bejn il-15 u d-29 sena. Tagħti wkoll spinta lill-apprendistati, inkluż it-tiġdid tal-alleanza Ewropea għall-apprendistati, li issa hija ta’ benefiċċju akbar għal min iħaddem daqs kemm għaż-żgħażagħ, u lir-riformi biex l-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali jsiru aktar moderni, attraenti u flessibbli.

Inizjattiva ġdida tal-UE, imsejħa ALMA (Immira, Tgħallem, Speċjalizza u Ikseb) se tgħin liż-żgħażagħ li mhumiex involuti fl-edukazzjoni, fl-impjieg jew fit-taħriġ biex jirnexxilhom isibu posthom fis-suq tax-xogħol. Din se żżewweġ l-appoġġ għall-edukazzjoni, għat-taħriġ vokazzjonali jew għall-impjieg f’pajjiżhom ma’ esperjenza fuq lant tax-xogħol f’pajjiż ieħor tal-UE.

Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll biex ittejjeb il-kundizzjonijiet għal min għandu xi forma ta’ impjieg mhux standard, bħax-xogħol organizzat fuq il-pjattaformi diġitali, għax dan it-tip ta’ impjieg sar aktar u aktar komuni fost iż-żgħażagħ.

L-għan ġenerali hu li bejn l-2021 u l-2027, il-pajjiżi tal-UE jinvestu finanzjament ta’ mill-inqas €22 biljun mill-UE għal miżuri li jappoġġaw l-impjieg taż-żgħażagħ. Pereżempju, ir-riżorsi tal-UE jistgħu jintużaw għal bonuses biex in-negozji żgħar iħaddmu apprendisti, għal self lil negozji ġodda, għal għotjiet lil imprendituri aspiranti, jew għal sessjonijiet ta’ taħriġ liż-żgħażagħ biex jiksbu ċertu ħiliet ġodda li jeħtieġ is-suq tax-xogħol.

Aktar informazzjoni dwar l-appoġġ għall-impjiegi taż-żgħażagħ: europa.eu/!9dfycw

Ħaddiema żgħażagħ jieħdu nota x’qed jgħid is-supervisor

Lejn irkupru ġust u inklużiv

Mid-dritt għal opportunitajiet indaqs u appoġġ għall-impjieg sa pagi ġusti li jipprovdu livell tal-għajxien diċenti, il-pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali jistipula 20 prinċipju bil-għan li jibni swieq tax-xogħol ġusti u sistemi ta’ protezzjoni soċjali li jaħdmu għal kulħadd. It-twettiq ta’ dawn hu responsabbiltà konġunta tal-istituzzjonijiet tal-UE, tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, tas-sħab soċjali u tas-soċjetà ċivili.

Tfassal sett ta’ miri li l-UE trid tilħaq sal-2030 biex tiżgura li aktar Ewropej ikollhom aċċess għall-ħiliet li jeħtieġu u għal opportunitajiet indaqs f’ekonomija aktar diġitali, sostenibbli u inklużiva.

Għal inklużività jeħtieġ ikun żgurat li jitiqesu verament il-ħtiġijiet tan-nies kollha f’soċjetà. B’dan il-mod, kulħadd ikollu l-opportunità jaħdem u jaqla’ l-flus għalih innifsu. Pereżempju, il-Kummissjoni Ewropea se taħdem biex tiżgura li persuni b’diżabbiltà jkunu jistgħu jipparteċipaw f’korsijiet ta’ taħriġ u jitgħallmu ħiliet ġodda, ħalli jkunu jistgħu jsibu impjieg u jkunu indipendenti.

Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll miżuri ġodda biex tiżgura li n-nisa u l-irġiel jaqilgħu l-istess paga għall-istess xogħol. Dawn il-miżuri jżidu l-għarfien dwar il-kundizzjonijiet tal-pagi f’kumpanija u jagħtu aktar għodod lil min iħaddem u lill-ħaddiema biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni fejn jidħlu l-pagi fuq ix-xogħol.

Il-Fond Soċjali Ewropew Plus il-ġdid se jappoġġa lin-nies, lir-reġjuni u lill-pajjiżi tal-UE li għandhom sfidi li jvarjaw mill-irkupru mill-pandemija sal-ilħuq tal-miri tal-UE għall-impjiegi, għall-inklużjoni soċjali, għall-edukazzjoni u għall-klima (europa.eu/!KnRW7G).

Sir af aktar dwar l-inizjattivi tal-Kummissjoni biex jitwettqu l-20 prinċipju tal-pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali: europa.eu/!HHRpFH

KONT TAF LI?

L-2023 hija s-Sena Ewropea tal-Ħiliet. Din għandha l-għan li tgħin lill-persuni jiksbu l-ħiliet it-tajba għal impjiegi ta’ kwalità u li tgħin lill-kumpaniji, b’mod partikolari lin-negozji żgħar u ta’ daqs medju, jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħiliet fl-UE.

Sir af aktar: year-of-skills.europa.eu/index_mt

EŻERĊIZZJU 19 IL-PRIJORITAJIET TIEGĦEK GĦAL EWROPA AKTAR ĠUSTA U INKLUŻIVA

Hawn taħt issib lista ta’ oqsma koperti fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Agħżel it-tliet oqsma li tqishom l-aktar importanti, imbagħad iddiskutihom fi gruppi żgħar.

  1. Edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja
  2. Ugwaljanza bejn il-ġeneri
  3. Indukrar tat-tfal u appoġġ lit-tfal
  4. Informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u protezzjoni f’każ ta’ sensji
  5. Djalogu soċjali u involviment tal-ħaddiema
  6. Bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata
  7. Pagi minimi ġusti
  8. Kura tas-saħħa
  9. Inklużjoni tal-persuni b’diżabbiltà
  10. Akkomodazzjoni u għajnuna lill-persuni mingħajr saqaf

Sir af aktar dwar il-pjanijiet tal-UE għal ekonomija li taħdem għan-nies: europa.eu/!px4p3v

Żagħżugħa fis-siġġu tar-roti qed taħdem fuq laptop f’fabbrika tal-ħwejjeġ

Ewropa aktar b’saħħitha fid-dinja

Fl-Unjoni Ewropea jgħixu madwar 447 miljun persuna, jiġifieri hija t-tielet l-akbar popolazzjoni fid-dinja wara ċ-Ċina u l-Indja, u għalhekk taqdi rwol importanti fix-xenarju dinji. Filwaqt li topera bħala suq wieħed b’27 pajjiż, l-UE hija l-akbar blokk kummerċjali fid-dinja. Il-ftehimiet kummerċjali internazzjonali jiġġeneraw tkabbir ekonomiku għall-Ewropa u għas-sħab tagħha. Dawn jgħinu wkoll biex jiġu promossi l-prinċipji u l-valuri Ewropej, bħad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet soċjali u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Ir-relazzjonijiet tal-UE mal-bqija tad-dinja huma bbażati fuq is-solidarjetà u fuq il-kooperazzjoni. Ċertu sfidi bħat-tibdil fil-klima, l-estremiżmu vjolenti, it-traffikar u l-migrazzjoni irregolari ma jirrispettawx il-fruntieri, filwaqt li l-faqar estrem jista’ jingħeleb biss b’ħidma mal-pajjiżi sħab fid-dinja li qed tiżviluppa.

L-UE taħdem biex id-dinja tagħmilha post aktar sikur li jittratta lin-nies b’mod ġust u jirrispetta l-liġijiet. L-azzjonijiet esterni tagħha jitmexxew mill-prinċipji li nebbħu l-ħolqien u l-iżvilupp tagħha stess, fosthom il-paċi, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. L-UE qed taħdem biex issaħħaħ is-sħubiji tagħha mal-pajjiżi ġirien tagħha lejn il-Lvant – l-aktar il-Balkani tal-Punent – u mal-pajjiżi mbiegħda (għal aktar tagħrif dwar il-pajjiżi kandidati għas-sħubija fl-UE, ara l-Kapitlu 1 “X’inhi l-Unjoni Ewropea?”).

KONT TAF LI?

L-UE bħalissa għandha aktar minn 45 ftehim kummerċjali ma’ kważi 80 sieħeb madwar id-dinja. Fl-2020, l-UE laħqet ftehim ġdid dwar il-kummerċ mal-Messiku, u daħal fis-seħħ ukoll il-ftehim kummerċjali tagħha mal-Vjetnam.

Wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Jannar 2020, fit-30 ta’ Diċembru 2020 l-UE u r-Renju Unit iffirmaw il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit.

KONT TAF LI?

Aktar minn 35 miljun impjieg Ewropew huma appoġġati direttament jew indirettament mill-kummerċ ma’ pajjiżi barra mill-UE.

Kummerċ ħieles u ġust

Il-ftehimiet kummerċjali jagħmluha aktar faċli biex il-pajjiżi jinnegozjaw bejniethom, u jgħinu biex jinħolqu aktar impjiegi ħalli tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku. Lix-xerrejja fl-UE joffrulhom ukoll għażla usa’ ta’ prodotti li joriġinaw minn partijiet differenti tad-dinja, u bi prezzijiet orħos. Barra minn hekk, dawn jgħinu lill-kumpaniji tal-UE biex jikkompetu fi swieq barranin. L-UE nnegozjat ftehimiet kummerċjali ma’ bosta pajjiżi fid-dinja. L-UE titkellem b’vuċi waħda u għalhekk meta tiġi biex tinnegozja l-ftehimiet kummerċjali internazzjonali jkollha saħħa ferm iżjed minn xi pajjiż individwali minn fost il-membri tagħha.

Il-politika tal-kummerċ tista’ taqdi rwol importanti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali. L-UE għandha l-għan li l-konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima tagħmilha element essenzjali fil-ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment futuri.

L-UE qed tixpruna l-isforzi biex issir riforma fir-regoli kummerċjali dinjin ħalli tiżgura li dawn ikunu jistgħu jirreaġixxu aħjar għall-isfidi ta’ żmienna.

Kooperazzjoni internazzjonali

L-UE taħdem mill-qrib mal-pajjiżi ġirien tagħha u ma’ pajjiżi u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra bħan-Nazzjonijiet Uniti u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, biex jindirizzaw sfidi komuni bħall-COVID-19 u t-tibdil fil-klima. Beħsiebha wkoll tibni alleanzi ġodda ma’ pajjiżi barra mill-UE, u ssaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet multilaterali u reġjonali.

KONT TAF LI?

Il-Global Gateway hija l-istrateġija l-ġdida tal-UE biex ittejjeb il-konnessjonijiet fis-setturi diġitali, tal-enerġija u tat-trasport, u ssaħħaħ is-sistemi tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tar-riċerka madwar id-dinja. €300 biljun f’investimenti se jiżguraw li dawn ir-rabtiet ikunu demokratiċi, trasparenti, ekoloġiċi, sikuri u intelliġenti.

Sir af aktar: europa.eu/!g98QNQ

Is-Summit bejn l-UE u l-Istati Uniti f’Ġunju 2021 kien il-bidu tas-sħubija trans-Atlantika mġedda, u stabbilixxa aġenda konġunta għall-kooperazzjoni bejniethom fl-era ta’ wara l-pandemija.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, u l-President tal-Istati Uniti tal-Amerka, Joe Biden, bilwieqfa fil-binija tal-Kunsill Ewropew.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen iżżur l-Akkademja tal-Avjazzjoni f’Addis Ababa.

L-UE tikkofinanzja l-iskola tan-negozju biex iż-żgħażagħ Afrikani jkunu jistgħu jsiru bdoti, membri tal-ekwipaġġ jew inġiniera tal-ajrupljani. Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen iżżur l-Akkademja Etjopjana tal-Avjazzjoni f’Addis Ababa fis-27 ta’ Frar 2020.

L-UE qed tibni kooperazzjoni aktar soda u profonda mal-Afrika. Għal dan il-għan, ipproponiet għadd ta’ sħubiji ffukati fuq interessi u valuri komuni b’enfasi fuq ċertu oqsma ewlenin bħat-tranżizzjoni ekoloġika, it-trasformazzjoni diġitali, il-migrazzjoni u l-mobbiltà.

KONT TAF LI?

L-UE għandha 140 uffiċċju madwar id-dinja, li jissejħu delegazzjonijiet. Ir-rwol tagħhom jixbah ir-rwol tal-ambaxxati. Dawn jirrappreżentaw lill-UE u liċ-ċittadini tagħha, u jsawru networks u sħubiji ġodda.

EŻERĊIZZJU 20 L-UE FID-DINJA

Dawn huma xi eżempji tar-rwol tal-UE fix-xena dinjija. Agħżel l-aktar tliet eżempji importanti għalik u spjega għalfejn għażilthom. Qabbel it-tweġibiet tiegħek ma’ ta’ sħabek tal-klassi.

  1. L-UE mexxiet u appoġġat taħditiet ta’ paċi madwar id-dinja biex jieqfu l-kunflitti.
  2. L-UE tippromwovi d-demokrazija u l-istat tad-dritt fid-dinja. Id-drittijiet tal-bniedem għamlithom aspett ċentrali tar-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi l-oħra.
  3. L-UE hija mexxejja dinjija fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.
  4. L-UE tippromwovi u tappoġġa finanzjarjament l-ugwaljanza u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa madwar id-dinja.
  5. L-UE u l-pajjiżi membri tagħha huma l-akbar donaturi tal-għajnuna għall-iżvilupp u tal-għajnuna umanitarja fid-dinja.

Sir af aktar dwar il-ħidma tal-UE għal Ewropa aktar b’saħħitha fid-dinja:
europa.eu/!JBmrFn

Nippromwovu l-istil ta’ ħajja Ewropew tagħna

L-Unjoni Ewropea hija aktar minn suq uniku għall-prodotti u għas-servizzi. Hija unjoni ta’ nies li għandhom sett ta’ valuri komuni. Dawn il-valuri huma ddikjarati fit-Trattati tal-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jiżguraw id-drittijiet tan-nies li jgħixu fl-UE. Dawn il-valuri, fosthom id-demokrazija u l-istat tad-dritt, huma s-sisien tas-soċjetajiet tagħna. Pereżempju, l-ebda demokrazija ma tista’ tirnexxi mingħajr qrati indipendenti li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet ċivili, jew mingħajr soċjetà ċivili attiva u midja ħielsa.

L-istil ta’ ħajja Ewropew huwa inklużiv, li jfisser li ħadd m’għandu jitħalla barra. Kull min jgħix fl-UE għandu jkollu l-opportunità li jirnexxi, jipparteċipa u jmexxi, irrispettivament mid-differenzi bbażati fuq il-ġeneru, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali. Il-Kummissjoni Ewropea qed tistabbilixxi politiki u azzjonijiet li jitħabtu kontra d-diskriminazzjoni u l-istereotipi li spiss ikunu preżenti fis-soċjetà.

Filwaqt li tibni fuq it-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19, l-UE qed taħdem biex issaħħaħ ir-rispons tagħha għall-kriżijiet tas-saħħa u qed tieħu wkoll azzjoni biex ittejjeb l-aspetti kollha tas-saħħa taċ-ċittadini.

Insawru unjoni ta’ ugwaljanza

L-Unjoni Ewropea għandha waħda mill-aktar liġijiet kontra d-diskriminazzjoni estensivi fid-dinja. Madankollu, għad irid isir aktar biex jingħelbu l-inugwaljanzi li għadhom fostna u biex ikun żgurat li kulħadd ikun jista’ jipparteċipa fil-ħajja Ewropea. Il-Kummissjoni qed iżżid ħidmitha fl-oqsma kollha – minn azzjonijiet biex tiġġieled ir-razziżmu u l-antisemitiżmu sa azzjonijiet biex tara li min jidħol fl-Ewropa u l-persuni ta’ minoritajiet etniċi ma jisfawx emarġinati jew esklużi mis-soċjetà. Il-Kummissjoni qed tissokta ħidmitha biex tara li persuni b’diżabbiltà jkunu jistgħu jgawdu d-drittijiet tagħhom u jkollhom l-istess opportunitajiet bħal ħaddieħor fil-ħajja, u biex tiġġieled id-diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTIQ.

Aktar informazzjoni dwar il-pjanijiet tal-UE biex tiġġieled kull forma ta’ diskriminazzjoni: europa.eu/!tKNxfC

KONT TAF LI?

Fl-UE hawn madwar 87 miljun persuna li għandhom xi tip ta’ diżabbiltà.

Sir af kif l-UE qed tippjana li tipproteġi d-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà fid-deċennju li ġej: europa.eu/!WCkFTq

KONT TAF LI?

Almost 6 in 10 Europeans think discrimination based on ethnic origin or skin colour is widespread in their country.

Sors: Ewrobarometru 2251

Persuna f’librerija taqra ktieb bil-braille.

EŻERĊIZZJU 21 IL-ĠLIEDA KONTRA D-DISKRIMINAZZJONI

Għandek xi eżempji meta rajt jew forsi esperjenzajt xi diskriminazzjoni? X’taħseb li jista’ jsir biex din tingħeleb? Iddiskuti dan fi grupp żgħir u aqsam il-ħsibijiet tiegħek mal-bqija tal-klassi.

Inħarsu l-istat tad-dritt

L-istat tad-dritt għandha impatt dirett fuq il-ħajja ta’ kull ċittadin. Din hi meħtieġa biex niżguraw li kulħadd jiġi trattat l-istess quddiem il-liġi u biex jitħarsu d-drittijiet individwali. Jeħtieġ ukoll nevitaw l-abbuż tal-poter mill-awtoritajiet pubbliċi u niżguraw li min jieħu d-deċiżjonijiet jinżamm responsabbli għal għemilu.

Sir af x’qed tagħmel l-UE biex tippromwovi, tipproteġi u tinforza l-istat tad-dritt fl-Ewropa: europa.eu/!3Qwhvp

KONT TAF LI?

Aktar minn 8 ċittadini minn kull 10 jgħidu li l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva minn qrati indipendenti, l-ugwaljanza f’għajnejn il-liġi u l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni xierqa tal-korruzzjoni huma importanti għalihom.

Sors: Ewrobarometru 2235

Approċċ ġdid għat-tmexxija tal-migrazzjoni u tal-ażil fl-Ewropa

L-Unjoni Ewropea hija żona ta’ protezzjoni għan-nies li jaħarbu mill-persekuzzjoni jew minn xi periklu serju f’pajjiżhom. Kull sena, eluf ta’ persuni jaħarbu lejn l-Ewropa biex jippruvaw isibu protezzjoni internazzjonali jew ħajja aħjar. L-UE qed taħdem mal-pajjiżi membri tagħha fuq modi kif jista’ jitmexxa aħjar il-fluss tan-nies li jaslu fi xtutha. Fl-2020, il-Kummissjoni ressqet proposti biex titjieb is-sistema tal-migrazzjoni u tal-ażil fl-Ewropa. Dawn il-proposti jinkludu alternattivi dwar kif l-UE tista’ ttejjeb il-kooperazzjoni mal-pajjiżi minn fejn joriġinaw jew jgħaddu, kif tista’ tirnexxi l-integrazzjoni tar-refuġjati u kif għandu jissokta r-ritorn ta’ min ma jkollux id-dritt għall-ażil. Wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, għall-ewwel darba l-UE ħadet il-miżura eċċezzjonali li tattiva “l-iskema ta’ protezzjoni temporanja”. Din l-iskema toffri firxa sħiħa ta’ azzjonijiet biex toffri għajnuna effettiva u mingħajr dewmien għall-persuni li jaħarbu mill-gwerra. B’din l-iskema r-refuġjati jingħataw drittijiet komuni fl-UE kollha, bħar-residenza, l-akkomodazzjoni, l-assistenza medika u l-aċċess għall-edukazzjoni għat-tfal.
Sir af aktar dwar is-solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna: europa.eu/!NQy9yx

KONT TAF LI?

Il-migranti u ċ-ċittadini tal-UE bi sfond migratorju jaqdu rwol importanti fis-soċjetà Ewropea u f’setturi differenti tal-ekonomija tagħna. L-UE qed taħdem biex tiżgura li dawn ikunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà permezz ta’ azzjoni f’ċertu oqsma bħall-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni.

play video ARA L-FILMAT Intervista ma Suaad Alshleh audiovisual.ec.europa.eu/en/video/I-195435

Suaad Alshleh waslet fl-Ewropa bħala refuġjata mis-Sirja. Issa qed twettaq il-ħolma tagħha li ssir tabiba fl-Irlanda.

Nipproteġu s-saħħa tal-Ewropej

L-UE qed taħdem biex tiżgura li l-pajjiżi tal-UE jħejju u jirreaġixxu flimkien għall-kriżijiet tas-saħħa u li l-provvisti mediċi jkunu disponibbli u affordabbli. Qed taħdem ukoll biex ittejjeb il-prevenzjoni, it-trattament u l-kura ta’ wara l-mard, bħal fil-każ tal-kanċer.

B’din il-ħidma fl-Unjoni Ewropea tas-Saħħa, l-UE se tkun imħejjija iżjed biex tipprevjeni u tindirizza l-pandemiji aħjar fil-futur, issaħħaħ is-sistemi tas-saħħa tal-Ewropa u tħares aħjar is-saħħa taċ-ċittadini.

L-UE se tinvesti aktar minn €5 biljun f’azzjonijiet ta’ valur miżjud tal-UE permezz tal-programm ta’ finanzjament l-UE għas-Saħħa għall-2021-2027 biex tikkumplimenta l-politiki tas-saħħa tal-pajjiżi tal-UE.

ec.europa.eu/health/funding/eu4health-2021-2027-vision-healthier-european-union_mt

Oqsma ta’ azzjonijiet:

Insaħħu s-sistemi tas-saħħa.
Intejbu l-prodotti mediċinali, l-apparat mediku u l-prodotti rilevanti għall-kriżijiet.
Inħarsu lin-nies fl-Unjoni mit-theddid transfruntier serju għas-saħħa.
Intejbu s-saħħa fl-Unjoni.

Sir af aktar dwar il-programm EU4Health f’dan il-filmat qasir: europa.eu/!JPk4Mp

KONT TAF LI?

Fl-2020, 2.7 miljun persuna fl-Unjoni Ewropea nstabilhom il-kanċer u 1.3 miljun persuna oħra tilfu ħajjithom minħabba fih, fosthom aktar minn 2,000 żagħżugħ u żagħżugħa.

Sir af kif il-pjan tal-Ewropa biex “Jingħeleb il-kanċer” għandu l-għan li jnaqqas l-imwiet b’din il-marda u jtejjeb il-prevenzjoni, it-trattament u l-kura tal-kanċer: europa.eu/!PcPKC8

Professjonist fil-kura tas-saħħa qed jagħmel MRI fuq pazjent.

Infermiera qed tħejji l-magna tal-MRI għal pazjent fl-Isptar tal-Università ta’ Liège, il-Belġju, l-24 ta’ Jannar 2020.

Sir af aktar dwar il-ħidma tal-UE li tippromwovi l-istil ta’ ħajja Ewropew tagħna fuq: europa.eu/!UF89nX

Nagħtu spinta ġdida lid-demokrazija Ewropea

Id-demokrazija hija l-pedament li fuqu tissejjes l-Unjoni Ewropea. F’sistema verament demokratika, iċ-ċittadini jistgħu jaqsmu l-fehmiet tagħhom liberament, jagħżlu l-mexxejja politiċi tagħhom jew isiru politiċi huma stess, u jiddeċiedu l-futur tagħhom.

Fl-aħħar snin reġa’ kien hemm qawmien fl-involviment politiku tal-poplu u żdiedet il-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet. Iżda bħal ħafna bnadi oħra fid-dinja, id-demokrazija fl-UE u fil-pajjiżi tal-UE għandha bosta sfidi. Dawn l-isfidi jvarjaw minn żieda fl-estremiżmu u interferenza fl-elezzjonijiet sa theddid kontra l-ġurnalisti u perċezzjoni ta’ distakk bejn il-poplu u r-rappreżentanti eletti tiegħu.

L-UE trid issaħħaħ il-proċessi demokratiċi u tħeġġeġ liċ-ċittadini jinvolvu ruħhom fit-tfassil tal-ġejjieni tagħhom fl-UE. Tistinka wkoll biex tagħmel l-istrutturi tagħha aktar trasparenti u demokratiċi.

Sir af aktar kif tista’ tinvolvi ruħek u ssemma’ leħnek fit-taqsima “Leħnek fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE”.

 

Inkomplu nsaħħu d-demokraziji tal-UE

Fil-qalba nett tal-pjan tal-Kummissjoni Ewropea biex issaħħaħ id-demokraziji tal-UE hemm id-drittijiet u l-libertajiet individwali, it-trasparenza u l-akkontabbiltà. L-UE tiffoka fuq azzjonijiet li jippromwovu elezzjonijiet ħielsa u ġusti, li jappoġġaw midja ħielsa u indipendenti, u li jindirizzaw id-diżinformazzjoni. L-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-UE qed iżidu l-azzjonijiet tagħhom biex ipattu għall-isforzi ta’ dawk li jippruvaw jisfruttaw il-kriżijiet, bħall-pandemija tal-COVID-19, u dawk li jxerrdu l-propaganda jew il-mibegħda. Mod wieħed kif qed jagħmlu dan hu billi jiskopru u jikxfu d-diżinformazzjoni u billi jaħdmu mal-pjattaformi online biex jillimitaw it-tixrid tal-aħbarijiet foloz.

KONT TAF LI?

Skont stħarriġ tal-UNESCO/ICEF, 73 % tal-ġurnalisti nisa madwar id-dinja xi darba sfaw vittmi ta’ vjolenza online waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

Vuċi lit-tfal

Kull tifel u tifla fl-Ewropa – u kullimkien – għandhom igawdu l-istess drittijiet u jgħixu mingħajr diskriminazzjoni jew intimidazzjoni. L-UE fasslet l-ewwel strateġija għad-drittijiet tat-tfal biex tiżgura l-protezzjoni u l-għoti tal-appoġġ lit-tfal kollha (żgħażagħ iżgħar minn 18-il sena), ikun xi jkun l-isfond, l-oriġini, jew l-istatus soċjali jew ta’ residenza tagħhom. Din tipproponi azzjoni f’diversi oqsma, fosthom dawk relatati mad-dritt tat-tfal li jgħixu mingħajr vjolenza u li jkunu sikuri online. Fl-istess ħin, l-UE qed taħdem biex tkisser iċ-ċikli tal-faqar u tal-iżvantaġġi li jintirtu minn ġenerazzjoni għall-oħra. Il-Garanzija Ewropea l-ġdida għat-tfal saret biex tiżgura li t-tfal li huma fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali jkollhom aċċess għal ikliet nutrittivi, edukazzjoni, kura tas-saħħa u akkomodazzjoni xierqa.

1/5 tal-popolazzjoni tal-UE huma tfal jew żgħażagħ taħt il-18 sena

Bl-ideat tagħhom, aktar minn 10 000 tifel u tifla jew żagħżugħ u żagħżugħa għenu fit-tfassil tal-istrateġija tal-UE għad-drittijiet tat-tfal.

play video ARA L-FILMAT L-istrateġija tal-UE għad-drittijiet tat-tfal: europa.eu/!yFWCK6

KONT TAF LI?

Fl-2019, 22.2% tat-tfal fl-UE kienu qed jgħixu fi djar fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali. Dan ifisser kważi 18-il miljun tifel u tifla fil-bżonn.

KONT TAF LI?

Biex tiżgura li l-vuċi tiegħek tinstema’, l-UE ħolqot il-pjattaforma għall-parteċipazzjoni tat-Tfal. Dan huwa post sikur fejn tista’ taqsam dak li taħseb dwar kwistjonijiet importanti ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet. Tista’ tikkuntattja lil tfal oħra, tinteraġixxi, tiddiskuti u titgħallem dwar id-drittijiet tiegħek. Tista’ wkoll titgħallem dwar il-liġijiet u l-politiki f’lingwa li tiffavorixxi t-tfal u tikkuntattja organizzazzjonijiet qrib il-post fejn tgħix!

Sir af aktar: europa.eu/!vFVX3J

KONT TAF LI?

F’Mejju 2021, l-UE nediet dibattitu li jagħti l-opportunità lin-nies fl-UE biex jgħidu x’tip ta’ Ewropa jixtiequ jgħixu fiha. Id-diskussjonijiet u l-avvenimenti ġew organizzati online u fiżikament fil-pajjiżi kollha. Ir-rispons miksub hu importanti għax dan se jgħin fit-tfassil tal-ġejjieni tal-UE.

Għal aktar informazzjoni dwar il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, żur: futureu.europa.eu/?locale=mt

Ewropa li qed tinbidel

Is-soċjetajiet tal-Ewropa qed jinbidlu minħabba bosta raġunijiet, fosthom għax qed tiżdied l-istennija tal-għomor u qed jonqsu r-rati tat-twelid. Għalhekk hu kruċjali li jiġu indirizzati dawn il-bidliet demografiċi biex ikollna Unjoni Ewropea aktar reżiljenti, sostenibbli u ġusta. Pereżempju, iż-żoni rurali fl-UE ħafna drabi qed iġarrbu tnaqqis fil-popolazzjoni u fl-istess ħin, l-abitanti tagħhom ikunu ixjeħ bħala medja mill-abitanti taż-żoni urbani. Iż-żoni rurali jagħtuna l-ikel, djar, impjiegi u servizzi essenzjali tal-ekosistema. Biex tiżgura li dawn jibqgħu jaqdu dawn ir-rwoli mill-aktar essenzjali, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret pjan ta’ azzjoni ħalli fis-snin li ġejjin, il-komunitajiet u n-negozji rurali jkollhom l-għajnuna biex jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom.

Ara kif se tidher l-Ewropa fid-deċennji li ġejjin: europa.eu/!UPnPgJ

EŻERĊIZZJU 22 ID-DJALOGI MAĊ-ĊITTADINI

Madwar l-UE kemm-il darba jsiru djalogi maċ-ċittadini bejn il-Kummissarji u l-pubbliku. Jekk ma tistgħux tieħdu sehem f’xi djalogu minn dawn, għax ma torganizzawx djalogu maċ-ċittadini bejnietkom fil-klassi? Tliet jew erba’ studenti jieħdu r-rwol tal-Kummissarju u jagħżlu wieħed mis-suġġetti ppreżentati f’dan il-kapitlu bħala punt tat-tluq għad-diskussjoni. Kull student u studenta, imbagħad, jeżaminaw id-dettalji tal-politika magħżula u jħejju diskors ta’ 5 minuti. Fil-klassi, malli l-“Kummissarju” jlesti d-diskors qasir tiegħu, ħallu 15-il minuta għal ftit mistoqsijiet u tweġibiet immexxija mill-għalliem.

Sir af aktar dwar l-ispinta ġdida tal-UE għad-demokrazija Ewropea: europa.eu/!x78cVB