BĦALA ĊITTADINI EWROPEJ, AĦNA NGAWDU MINN AFFARIJIET BAŻIĊI LI SPISS NIĦDUHOM BĦALA XI ĦAĠA GARANTITA. FOST DAWN HEMM IL-PAĊI FIR-REĠJUN TAGĦNA, LI NAGĦMLU PARTI MINN WAĦDA MILL-AKBAR EKONOMIJI FID-DINJA U LI GĦANDNA L-LIBERTÀ LI NGĦIXU, NISTUDJAW, NAĦDMU U NIVVJAĠĠAW F’PAJJIŻI OĦRA TAL-UE. AĦNA GĦANDNA WKOLL VANTAĠĠI INQAS OVVJI – AFFARIJIET TA’ KULJUM LI JAGĦMLU DIFFERENZA REALI. DAN IL-KAPITLU JOĦROĠ FID-DIEHER XI EŻEMPJI KONKRETI TA’ X’TAGĦMEL L-UNJONI EWROPEA GĦAĊ-ĊITTADINI TAGĦHA.

L-UE KIF INHI RILEVANTI GĦALL-ĦAJJA TA’ KULJUM TIEGĦEK?

Kulma tagħmel l-UE jsir skont it-Trattati li jinkludu r-regoli dwar kif taħdem l-UE. Dawn it-Trattati ġew maqbula b’mod volontarju u demokratiku mill-pajjiżi kollha tal-UE.

L-UE taġixxi f’dawk l-oqsma skont l-awtorizzazzjoni li tingħata mill-pajjiżi tal-UE, u skont fejn ikun jagħmel sens li kulħadd jiġbed ħabel wieħed, bħal ngħidu aħna fit-tibdil fil-klima jew fil-kummerċ dinji.

Dan il-kapitlu jagħtik informazzjoni dwar dak li diġà ġie implimentat u promulgat mill-UE (u fil-Kapitlu 4 “X’hemm fuq l-aġenda tal-UE” għandek informazzjoni dwar dak li qed isir biex tissokta din il-ħidma). Dawn huma biss uħud mill-kisbiet tal-UE s’issa.

Ivvjaġġar sikur u faċli

L-ivvjaġġar sar temporanjament aktar diffiċli minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Iżda f’ċirkustanzi normali, l-ivvjaġġar fl-Ewropa hu ferm aktar faċli llum il-ġurnata milli kien fl-imgħoddi. Dan għax ħafna mill-pajjiżi tal-UE u xi pajjiżi li mhumiex fl-UE neħħew il-kontrolli fil-fruntieri bejniethom. Din it-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri seħħet bis-saħħa tal-Ftehim ta’ Schengen, imsemmi għal raħal fil-Lussemburgu fejn sar l-iffirmar mill-pajjiżi Ewropej fl-1985.

Bħala ċittadin Ewropew, inti tista’ tivvjaġġa mingħajr passaport fis-27 “pajjiż tax-Schengen”: 23 pajjiż tal-UE (l-Awstrija, il-Belġju, iċ-Ċekja, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, l-Iżvezja, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja u l-Ungerija) flimkien mal-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera. Il-Bulgarija, Ċipru, l-Irlanda u r-Rumanija bħalissa mhumiex parti miż-żona Schengen. Meta tivvjaġġa lejn pajjiżi li jinsabu barra miż-żona Schengen, jew tirritorna minnhom, ikollok bżonn tippreżenta passaport validu jew karta tal-identità valida.

Evitar ta’ diżastru
Ftit wara li mar jgħix Lisbona biex jistudja, Anasthassios mill-Greċja kellu xi nar fl-appartament tiegħu. Ma kienx jaf in-numru Portugiż tas-servizz ta’ emerġenza, iżda ftakar li seta’ juża n-numru ta’ emerġenza 112 fil-Portugall, bħalma jista’ jagħmel f’pajjiżu l-Greċja jew fi kwalunkwe post fl-UE. Għalhekk ċempel in-numru 112 u qabad direttament mas-servizz ta’ emerġenza ta’ Lisbona, li minnufih bagħat brigata tat-tifi tan-nar lejn l-appartament tiegħu.

Jekk issib ruħek f’xi periklu f’xi pajjiż tal-UE, tista’ ċċempel in-numru Ewropew tal-Emerġenza 112 minn kull telefown fiss jew mobile mingħajr ma tintalab

EŻERĊIZZJU 11 IŻ-ŻONA SCHENGEN

Pajjiżek jinsab fiż-żona Schengen? Inti jew xi ħadd mill-familja tiegħek ivvjaġġajtu riċentement lejn xi pajjiż ieħor tal-UE? Kellkom tgħaddu minn kontrolli fil-fruntieri? Fl-2022, madwar 1.5 miljun persuna għexu f’pajjiż ta’ Schengen u ħadmu f’ieħor. 3.5 miljun persuna jaqsmu kuljum bejn xi pajjiżi ta’ Schengen. X’taħseb li tfisser iż-żona Schengen għalihom u għall-ekonomija f’dawk l-inħawi?

Inqasmu fi gruppi żgħar u ddiskutu dan ma’ sħabkom tal-klassi.

Dan hu Schengen, raħal fil-fruntieri tal-Lussemburgu mal-Ġermanja u Franza, b’sinjali li juru l-fruntieri mal-Ġermanja u Franza.

Kull min jivvjaġġa fl-UE huwa:

  • protett b’sett sħiħ ta’ drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġa bl-ajru, bil-ferrovija, bil-baħar, bix-xarabank jew bil-kowċ (pereżempju xi drabi jista’ jingħata kumpens jekk titħassar it-titjira tiegħu);
  • protett meta jixtri vaganza b’kollox inkluż, jiġifieri l-kumpanija li tkun bigħetlu l-vaganza trid tindirizza l-ilment tiegħu (pereżempju jekk jispiċċa f’xi lukanda bi standard baxx);
  • protett jekk ifalli operatur turistiku jew linja tal-ajru.

Tista’ tiċċekkja x’inhuma d-drittijiet tal-passiġġieri tal-UE tiegħek f’kull ħin u kullimkien. Sempliċiment niżżel l-app: europa.eu/!RQc7CJ

KONT TAF LI?

Meta jivvjaġġaw lejn pajjiż barra mill-Unjoni Ewropea, iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jingħataw għajnuna mill-konsolat jew mill-ambaxxata ta’ kwalunkwe pajjiż ieħor tal-UE jekk pajjiżhom ma jkunx irrappreżentat.

Is-saħħa u s-sikurezza waqt l-ivvjaġġar

Jekk timrad jew ikollok xi inċident waqt żjara f’pajjiż ieħor tal-UE, fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein, fin-Norveġja jew fl-Iżvizzera, bħala ċittadin tal-UE għandek id-dritt li tirċievi kura tas-saħħa pubblika bl-istess kundizzjonijiet u spejjeż bħaċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż. Qabel ma ssiefer, ikseb il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tiegħek (europa.eu/!Un4j8u) mingħand il-fornitur nazzjonali tal-kura tas-saħħa tiegħek.

KONT TAF LI?

L-UE, flimkien mal-pajjiżi membri tagħha, hija donatur ewlieni tal-għajnuna umanitarja: din tappoġġa lill-persuni fil-bżonn madwar id-dinja. Fl-aħħar snin, l-UE wieġbet għad-diversi kriżijiet, bħall-Ukrajna, il-Jemen, is-Sirja u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo. L-UE tipprovdi u tikkoordina wkoll l-għoti tal-assistenza lill-persuni fiż-żoni milquta mid-diżastri fl-Ewropa u fid-dinja permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili. Kull pajjiż jista’ jirrikorri għall-Mekkaniżmu għall-għajnuna. Fl-2022, il-Mekkaniżmu ġie attivat 106 drabi. Fost l-oħrajn intuża biex iwieġeb għall-gwerra fl-Ukrajna, in-nirien mhux ikkontrollati fl-Ewropa, il-COVID-19 fl-Ewropa u madwar id-dinja u l-għargħar fil-Pakistan.

Għal aktar informazzjoni dwar rescEU: europa.eu/!qW3B3c u l-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili: europa.eu/!YTRBmG

play video ARA L-FILMAT: Il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa
europa.eu/!JH73NV

Munita komuni f’20 pajjiż tal-UE: l-ewro

Il-karti u l-muniti tal-ewro daħlu fi 12-il pajjiż tal-UE fl-2002, u sal-lum hemm 20 pajjiż li qalbu l-muniti nazzjonali tagħhom għall-ewro. Aktar minn 75% taċ-ċittadini fl-UE – madwar 347 miljun minn fostna – jużaw l-ewro kuljum.

L-użu ta’ munita komuni f’suq uniku għandu bosta vantaġġi għall-persuni minn pajjiżi differenti meta jiġu biex jinnegozjaw bejniethom. Il-konsumaturi jistgħu jqabblu l-prezzijiet aktar faċilment f’pajjiżhom, barra minn pajjiżhom u online. Il-kumpaniji jistgħu jikkalkulaw u jitolbu ħlasijiet mingħand il-klijenti b’munita waħda u ma jkollhomx ir-riskju ta’ ċaqliq fir-rati tal-kambju. B’hekk il-prezzijiet jibqgħu stabbli.

Sir af aktar dwar l-ewro: europa.eu/!qd77nk

KONT TAF LI?

Il-muniti tal-ewro għandhom naħa komuni, li tidher fil-muniti kollha irrispettivament minn liema pajjiż fiż-żona tal-ewro, u li turi l-mappa tal-Ewropa. Iżda fuq in-naħa l-oħra kull pajjiż għandu d-disinn partikolari tiegħu. Qed tagħrfu s-simbolu fuq din iż-€2? Minn fejn taħseb li ġej?

EŻERĊIZZJU 12 LIEMA PAJJIŻI JINSABU FIŻ-ŻONA TAL-EWRO?

It-tabella hawn taħt issemmi s-27 pajjiż tal-UE. Immarka l-20 pajjiż li l-munita tagħhom hija l-ewro.

  • L-Awstrija
  • Il-Belġju
  • Il-Bulgarija
  • Iċ-Ċekja
  • Ċipru
  • Id-Danimarka
  • L-Estonja
  • Il-Finlandja
  • Franza
  • Il-Ġermanja
  • Il-Greċja
  • L-Irlanda
  • L-Italja
  • L-Iżvezja
  • Il-Kroazja
  • Il-Latvja
  • Il-Litwanja
  • Il-Lussemburgu
  • Malta
  • In-Netherlands
  • Il-Polonja
  • Il-Portugall
  • Ir-Rumanija
  • Is-Slovakkja
  • Is-Slovenja
  • Spanja
  • L-Ungerija

Studja, tħarreġ, aħdem u kun voluntier

Bis-saħħa tal-UE, kulħadd jista’ jieħu vantaġġ mil-libertà tal-moviment bejn il-pajjiżi tal-UE.

Il-libertà tal-moviment ma tgħoddx biss għall-ivvjaġġar u għall-vaganzi. Din tfisser ukoll li inti tista’:

  • titħarreġ u tistudja kullimkien fl-UE bl-istess kundizzjonijiet taċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż;
  • taħdem kullimkien fl-UE u tibbenefika mill-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol tal-UE kollha.

Sir af aktar: europa.eu/!f7TFqX

KONT TAF LI?

Fuq il-website ta’ EURES tista’ ssib eluf ta’ sejħiet tal-impjieg minn madwar l-UE, u mill-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera. Dan jgħin ukoll lil min iħaddem biex isib kandidati minn pajjiżi oħra tal-UE li jistgħu jimlew il-postijiet battala tiegħu (europa.eu/!HxbgY7).

Il-Europass joffri mudell faċli għas-CV tiegħek, biex flimkien ma’ għodod oħrajn tkun tista’ tikkomunika l-ħiliet tiegħek lill-impjegaturi madwar l-UE (europa.eu/europass/mt).

L-Iskema ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ

Bosta żgħażagħ ma jkollhomx il-ħiliet jew il-kwalifiki li jkunu qed ifittxu l-impjegaturi. Bis-saħħa tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, l-UE tgħin liż-żgħażagħ jiksbu ħiliet ġodda u utli. Dan jista’ jsir permezz ta’ taħriġ fuq lant tax-xogħol jew bi gwidi individwali għall-karriera.

Għal aktar informazzjoni jew biex tirreġistra, żur il-punt ta’ kuntatt nazzjonali tiegħek: europa.eu/!NqFjmP

Mill-2013, aktar minn 24 miljun żagħżugħ u żagħżugħa li rreġistraw għal xi Skema ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ, irċevew offerta ta’ impjieg, edukazzjoni kontinwa, apprendistati jew traineeships.

KONT TAF LI?

Sa mit-twaqqif tagħha fl-2013, l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati pprovdiet iżjed minn miljun apprendistat.

Għal aktar informazzjoni, ara: europa.eu/!qyKydK

Iż-żgħażagħ u l-adolexxenti ta’ taħt it-18-il sena jitwieżnu minn programm imfassal għalihom, imsejjaħ il-Garanzija Ewropea għat-Tfal, u maħsub biex jiġġieled l-esklużjoni soċjali u l-faqar permezz tal-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, in-nutrizzjoni u l-akkomodazzjoni.

Għal aktar informazzjoni, ara l-
Kapitlu 4 “X’hemm fuq l-aġenda tal-UE?”.

Erasmus+

Aktarx diġà smajt bil-programm Erasmus+. Din l-inizjattiva tal-UE tgħin lin-nies iqattgħu xi żmien barra minn pajjiżhom. Hija miftuħa għaż-żgħażagħ, l-istudenti, l-appredistati, l-għalliema u l-persunal tal-edukazzjoni, u għall-voluntiera minn madwar id-dinja. L-istudenti tal-universitajiet u tat-taħriġ vokazzjonali jistgħu jiksbu appoġġ finanzjarju u organizzazzjonali minn Erasmus+ biex iqattgħu xi żmien f’xi wieħed minn 33 pajjiż fl-Ewropa u fid-dinja. Permezz ta’ sistema ta’ punti Ewropea, ikun żgurat li l-marki mifsuba f’pajjiż partikolari jkunu jistgħu jiġu trasferiti lejn pajjiż ieħor.

L-iskejjel jistgħu jikkooperaw ma’ skejjel jew organizzazzjonijiet oħra f’pajjiżi oħra tal-UE. Staqsi lill-għalliem jew lill-kap tal-iskola tiegħek biex jgħinek tiskopri l-opportunitajiet li joffri Erasmus+.

Tista’ tagħżel ukoll li tattendi taħriġ fuq lant tax-xogħol barra minn pajjiżek. Kull sena, ħafna żgħażagħ Ewropej iqattgħu parti mill-apprendistat tagħhom f’xi pajjiż ieħor tal-UE. Il-programm Erasmus+ jaħdem bi sħab ma’ kumpaniji u istituzzjonijiet li jirriklamaw proġetti għaż-żgħażagħ.

play video ARA L-FILMAT: X’inhu l-Erasmus+? europa.eu/!TWNx3k

Sir af aktar dwar l-opportunitajiet li joffri Erasmus+: erasmus-plus.ec.europa.eu/mt Tista’ tisma’ wkoll l-esperjenzi ta’ żgħażagħ li ħadu sehem f’xi skambju taż-żgħażagħ ta’ Erasmus+: audiovisual.ec.europa.eu/en/video/I-112392

U niżżel l-app ta’ Erasmus+: erasmusapp.eu

KONT TAF LI?

Minn meta tnieda l-ewwel programm tal-Erasmus fl-1987, aktar minn 10 miljun żagħżugħ u żagħżugħa bbenifikaw mill-opportunitajiet li joffri. Issa mill-Erasmus+ il-ġdid, mistennija jibbenefikaw 10 miljun oħra bejn l-2021 u l-2027. Dan il-programm għandu baġit ta’ €28 biljun, jiġifieri aktar mid-doppju tal-allokazzjoni għall-programm ta’ qabel.

Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà

Jekk tixtieq tagħti kontribut sinifikattiv lis-soċjetà u turi solidarjetà mal-komunità tiegħek, il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà jista’ jkun opportunità ideali. Permezz tiegħu, iż-żgħażagħ ta’ bejn it-18 u t-30 sena jistgħu jieħdu sehem f’ħemel ta’ attivitajiet, bħala volontarjat jew b’esperjenza fuq lant tax-xogħol. Dan jista’ jkun pass lejn l-impjieg għal ħafna żgħażagħ.

Interessat? Aqra aktar dwar il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà: europa.eu/youth/solidarity_mt.

Sir af dwar opportunitajiet oħra ta’ volontarjat fl-UE: europa.eu/learning-corner/work-and-study_mt

play video ARA L-FILMAT: Il-Korp Ewropew ta' Solidarjetà europa.eu/!mYxcD7

DiscoverEU

Bis-saħħa tal-inizjattiva DiscoverEU tal-Unjoni Ewropea, jista’ jkollok l-opportunità li tesplora l-Ewropa b’biljett tal-ivvjaġġar mingħajr ħlas. Jekk għalaqt it-18-il sena u inti ċittadin ta’ Stat Membru tal-UE, tista’ tapplika għal wieħed mill-biljetti tal-ivvjaġġar mingħajr ħlas u tqatta’ sa xahar tesplora l-UE.

KONT TAF LI?

Aktar minn 200 000 żagħżugħ u żagħżugħa rċevew pass tal-ivvjaġġar ta’ DiscoverEU.

Aktar informazzjoni dwar DiscoverEU: europa.eu/youth/discovereu_mt

KONT TAF LI?

Il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ huwa l-pjattaforma tiegħek li tiġbor dak kollu li jeħtieġ tkun taf biex tirnexxi bħala żagħżugħ jew żagħżugħa li tgħix fl-Ewropa. Flimkien ma’ informazzjoni dwar il-programmi ffinanzjati mill-UE bħal Erasmus+, il-portal jipprovdi wkoll aħbarijiet u opportunitajiet dwar il-volontarjat, l-impjiegi, l-edukazzjoni, l-ivvjaġġar, kwistjonijiet ambjentali, l-isport u l-kultura.

Sib l-informazzjoni kollha hawn: europa.eu/youth/home_mt

EŻERĊIZZJU 13 VOLONTARJAT JEW STUDJU BARRA MINN PAJJIŻEK

Tistħajlek tagħmel volontarjat f’pajjiż ieħor, jew tqatta’ parti miż-żmien tiegħek f’università tistudja f’pajjiż ieħor? F’pari, agħmlu lista ta’ erba’ argumenti favur u erba’ argumenti kontra dan. Liem argument rebaħ? Qabblu r-riżultati ma’ sħabkom tal-klassi u ddiskutuhom.

Il-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi u tal-kapital

Bis-saħħa tas-suq uniku tal-UE, mhux in-nies biss jistgħu jiċċaqilqu liberament fl-UE, iżda anke l-merkanzija, is-servizzi u l-kapital. Il-persuni, il-merkanzija, is-servizzi u l-kapital xi drabi jissejħu l-erba’ “pilastri” tal-moviment liberu fl-UE. Ftakar li “l-kapital” ma jfissirx “il-flus” biss. Jinkludi wkoll l-investimenti u s-self. Dan jagħmilha aktar faċli għan-negozji tal-UE biex joperaw f’iżjed minn pajjiż wieħed u jikkompetu f’livell dinji. Ikun xi jkun id-daqs tagħhom, il-kumpaniji fl-UE jistgħu jaċċessaw is-swieq nazzjonali tal-pajjiżi kollha tal-UE u madwar 447 miljun klijent potenzjali. Dan għalfejn hu importanti? B’aktar kompetizzjoni jorħsu l-prezzijiet u titwessa’ l-għażla tal-prodotti u tas-servizzi għall-konsumaturi finali – jiġifieri għalik!

KONT TAF LI?

Il-website L-Ewropa tiegħek toffrilek għajnuna u pariri prattiċi dwar il-ħajja, ix-xogħol u l-ivvjaġġar f’pajjiżi oħra tal-UE: europa.eu/youreurope/index_mt.htm

EŻERĊIZZJU 14 IL-MOVIMENT LIBERU XI JFISSER GĦALIK FIL-PRATTIKA?

Qabbel l-eżempji mal-erba’ pilastri tas-suq uniku (il-moviment liberu tal-persuni, tal-merkanzija, tas-servizzi u tal-kapital) u mmarka l-kaxxa t-tajba.

Eżempji Il-moviment liberu tal-persuni Il-moviment liberu tal-merkanzija Il-moviment liberu tas-servizzi Il-moviment liberu tal-kapital
1. Nista’ nixtri karozza użata minn pajjiż ieħor u neħodha f’pajjiżi mingħajr ma nħallas dazji doganali. IVA / LE IVA / LE IVA / LE IVA / LE
2. Nista’ nivvjaġġa kull fejn nixtieq fl-UE. IVA / LE IVA / LE IVA / LE IVA / LE
3. Nista’ nistudja f’pajjiż ieħor tal-UE. IVA / LE IVA / LE IVA / LE IVA / LE
4. Il-ġenituri tiegħi jistgħu jqabbdu lil xi ħadd minn pajjiż ieħor tal-UE biex jibdlilhom il-madum tal-kamra tal-banju. IVA / LE IVA / LE IVA / LE IVA / LE
5. Il-ġenituri tiegħi jistgħu jibagħtuli xi flus, mingħajr spejjeż żejda, fil-pajjiż fejn inkun qed nistudja. IVA / LE IVA / LE IVA / LE IVA / LE
6. Nista’ naħdem f’pajjiż ieħor tal-UE. IVA / LE IVA / LE IVA / LE IVA / LE
7. Nista’ nixtri prodotti online minn pajjiż ieħor tal-UE mingħajr ma nħallas dazji doganali. IVA / LE IVA / LE IVA / LE IVA / LE

Is-sikurezza tal-prodotti u tal-ikel

Madwar l-UE, in-nies igawdu ikel u prodotti ta’ kwalità tajba ħafna u sikuri. L-UE għandha wkoll uħud mill-aqwa standards tas-sikurezza tal-ikel fid-dinja. Stabbiliet ukoll kontrolli obbligatorji tul il-katina agroalimentari kollha biex tiżgura li l-pjanti u l-annimali jkunu f’saħħithom, l-ikel u l-għalf ikunu sikuri, u l-prodotti jkollhom tikketti korretti.

L-UE daħħlet ukoll rekwiżiti tas-sikurezza stretti għal firxa wiesgħa ta’ prodotti, bħall-ġugarelli u l-apparat elettroniku. Il-manifatturi jeħtiġilhom jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti biex ibigħu l-prodotti tagħhom fil-pajjiżi tal-UE. Jekk xi prodotti difettużi jew perikolużi jkunu qed jinbiegħu madwar l-Ewropa, is-Sistema ta’ Twissija Rapida tal-UE tagħmilha faċli biex l-awtoritajiet nazzjonali jwissu lin-nies, jaqsmu l-aktar informazzjoni riċenti bejniethom u jħarsu lill-konsumaturi.

 

EŻERĊIZZJU 15 IT-TIKKETTI EWROPEJ

Il-liġijiet tal-UE stabbilew regoli stretti għat-tikkettar tal-ikel, tax-xorb, tal-prodotti kożmetiċi u tal-apparat elettroniku. Xi tikketti jgħinu biex fil-ħarsien tal-konsumaturi, filwaqt li oħrajn jipprovdu informazzjoni dwar ċertu karatteristiċi tal-prodott. Pereżempju, jeżistu tikketti li jindikaw liema prodotti huma organiċi jew effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Mingħajr tikkettar xieraq, prodott ma jitħalliex jitqiegħed fis-suq.

Qed tagħrafhom it-tikketti t’hawn taħt? Fejn tista’ ssibhom? Xi jfissru?

Infografika li turi t-tikketti differenti tal-UE li jistgħu jinstabu fuq il-prodotti mixtrija fl-UE:

it-tikketta tal-kummerċjalizzazzjoni CE, l-Ekotikketta tal-UE, il-logo organiku tal-UE, it-Tikketta tal-Enerġija tal-UE, u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-UE.

Sir af aktar dwar l-enerġija b’din is-sensiela ta’ filmati qosra: europa.eu/learning-corner/eu-energy-policy_mt

Id-drittijiet tal-konsumaturi

Meta tixtri fl-UE, inti protett b’ħafna tipi ta’ liġijiet. Pereżempju, meta tixtri mill-UE, għandek garanzija ta’ mill-inqas sentejn. Dan ifisser li jekk xtrajt mowbajl minn xi mkien fl-UE u ma jibqax jaħdimlek wara sena, dan irid jissewwa jew jinbidel mingħajr ħlas.

Issa li aktar u aktar nies qed jixtru minn fuq l-internet, il-konsumaturi tal-UE huma protetti aħjar bis-saħħa tal-liġijiet tal-UE:

Telekomunikazzjoni ta’ kwalità tajba

Ħafna minna nużaw l-ismartphones u t-tablets. Bħala ċittadin tal-UE, inti tista’:

KONT TAF LI?

Bis-saħħa tar-regoli tal-UE, inti tuża l-mowbajl tiegħek mingħajr tariffi żejda meta tkun qed tivvjaġġa fl-UE. Barra minn hekk, m’hemmx għalfejn tiċċaħħad mill-mużika jew mis-sensiliet televiżivi għax il-kontenut li abbonajt għalih f’pajjiżek, tista’ tarah kull fejn tkun fl-UE.

Is-sikurezza online

Kull min iqatta’ ħin fuq l-internet jaf kemm hu faċli li wieħed jinzerta kontenut mhux xieraq, qarrieqi jew saħansitra estremist.

Biex iżommna sikuri, il-kodiċi ta’ kondotta tal-UE jiġġieled id-diskors ta’ mibegħda online billi jiżgura li t-talbiet għat-tneħħija tal-kontenut razzist u ksenofobiku jiġu indirizzati malajr. Il-kodiċi ta’ prattika dwar id-diżinformazzjoni jlaqqa’ flimkien in-networks soċjali u l-industrija tar-reklamar, li ftiehmu fuq għadd ta’ impenji li jkopru kollox mit-trasparenza sal-profili foloz. Facebook, Microsoft, Twitter, YouTube u l-pjattaformi online l-oħra issa janalizzaw 90% tal-kontenut irrappurtat fi żmien 24 siegħa. L-istrateġija Ewropea għal internet aħjar għat-tfal stabbiliet standard għoli għall-protezzjoni u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tat-tfal iżgħar online.

Ara l-mappa biex issib ir-riżorsi f’pajjiżek: betterinternetforkids.eu/sic

Hija prijorità enormi li d-dejta individwali tiegħek tinżamm protetta u li tiġi żgurata l-privatezza tiegħek online, u l-UE tqis dawn bħala parti mid-drittijiet fundamentali tiegħek. Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta hu liġi tal-UE li tgħin biex dan jiġi infurzat billi tistabbilixxi qafas legali għall-ġbir u l-ipproċessar tal-informazzjoni personali mingħand l-individwi li jgħixu fl-UE.

Idejquk l-aħbarijiet foloz? B’dan is-sett ta’ għodod u bl-għajnuna tal-għalliem tiegħek, tista’ ssir taf aktar kif tagħraf u tiġġieled id-diżinformazzjoni u tibda taħditiet fuq it-temi importanti li jittrattaw it-theddida tal-informazzjoni ħażina. Fost dawn hemm kwistjonijiet li jaffettwaw is-saħħa pubblika, id-demokrazija, u n-normi kulturali u legali li fuqhom huma msejsa s-soċjetajiet tagħna

 

L-ugwaljanza u d-drittijiet tal-bniedem

Hemm firxa ta’ drittijiet fundamentali li huma garantiti għal kull min jgħix fl-UE. Ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għad-dinjità hu minqux fit-Trattati u kkonsolidat mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Dawn jipprojbixxu kull diskriminazzjoni minħabba l-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, ir-razza, l-etniċità, in-nazzjonalità, il-lingwa, ir-reliġjon, l-età jew id-diżabbiltà.

L-UE taħdem id f’id mal-Istati Membri biex tippromwovi r-rispett lejn ħaddieħor, tinforza l-liġijiet tan-nondiskriminazzjoni u tħares id-drittijiet tal-bniedem madwar l-UE u lil hinn. Id-drittijiet tal-bniedem huma kkunsidrati wkoll fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali tal-UE ma’ pajjiżi oħra.

Iżda l-progress jeħtieġ jissokta fl-UE. Sal-lum, l-UE ħadet azzjoni mifruxa kontra ħafna mill-forom ewlenin ta’ diskriminazzjoni. Pereżempju, ħadet azzjoni fil-qasam tal-politika dwar id-diżabbiltà li tvarja minn liġijiet (l-Att tal-UE dwar l-Aċċessibbiltà daħal fis-seħħ fl-2019) sa inizjattivi li jippromwovu l-bliet aċċessibbli (il-premjijiet “Access City” tal-UE).

Minkejja dawn il-passi konkreti, in-nies fl-Ewropa u fid-dinja għadhom iġarrbu trattamenti diskriminatorji, fastidju u abbuż. Biex titħabat kontra d-diversi forom ta’ mibegħda u diskriminazzjoni, l-UE nediet pjan biex tiżdied l-ugwaljanza.

Ara aktar dettalji fil-Kapitlu 4 “X’hemm fuq l-aġenda tal-UE?”.

Il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-kwalità tal-ħajja

L-UE qed taħdem qatigħ biex is-soċjetà ssir aktar ekwa u soċjalment aktar ġusta. Parti importanti minn dan hija li jiġi żgurat bilanċ bejn ħajjitna fuq ix-xogħol u ħajjitna lil hinn mix-xogħol. Minn Awwissu 2022, il-pajjiżi kollha tal-UE jridu japplikaw ir-regoli tal-UE li jtejbu l-ħajja tax-xogħol għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw. Ir-regoli għandhom l-għan li jħeġġu kondiviżjoni aktar ugwali tal-liv tal-ġenituri, li jintroduċu l-liv tal-persuni li jindukraw u li jindirizzaw in-nuqqas ta’ rappreżentanza tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Ir-regoli jestendu wkoll id-dritt għal arranġamenti tax-xogħol flessibbli għall-ħaddiema kollha.

Sir af aktar: europa.eu/!WRm9Fy

Il-ħarsien tal-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima

L-UE dejjem kienet fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Hija tmexxi ftehimiet internazzjonali dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju u t-tnaqqis tat-temperaturi globali f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi. L-UE għandha xi wħud mill-ogħla standards ambjentali fid-dinja. Dawn l-istandards jipproteġu l-ħabitats naturali, il-bijodiversità, l-ilma tax-xorb, l-ilmijiet għall-għawm u l-kwalità tal-arja tagħna. In-network Natura 2000 tal-UE ta’ żoni naturali protetti ħoloq spazji fejn l-attività umana sostenibbli tista’ teżisti flimkien mal-ispeċijiet u l-ħabitats rari.

KONT TAF LI?

F’Lulju 2021 daħlu fis-seħħ regoli li jipprojbixxu 10 prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss u li jinsabu l-aktar fuq il-bajjiet tal-Ewropa – minn cotton buds sa stikek tal-bżieżaq u straws

Madankollu, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima saret aktar urġenti. Issa jeħtieġ li nżidu l-isforzi tagħna biex nipproteġu lin-nies, niżguraw is-sigurtà tal-ikel, nillimitaw in-nuqqasijiet tal-ilma u nindirizzaw il-konsegwenzi l-oħra ta’ tibdil estrem fit-temperatura. L-UE ħadet impenn favur Patt Ekoloġiku Ewropew, pakkett estensiv ta’ miżuri biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, filwaqt wiegħdet ukoll li se ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050.

Ara aktar dettalji fil-Kapitlu 4 “X’hemm fuq l-aġenda tal-UE?”.

play video ARA L-FILMAT: Patt Ekoloġiku tal-UE europa.eu/!NCbMdf

Il-finanzjament tal-UE fir-reġjun tiegħek

Il-pajjiżi u r-reġjuni tal-UE mhumiex biss differenti fid-daqs; għandhom ukoll livelli differenti ta’ ġid. Matul is-snin kien hemm eluf ta’ proġetti li rċevew finanzjament mill-UE. Dawn il-proġetti kienu ta’ fejda għall-pajjiżi individwali tal-UE iżda anke għall-UE kollha kemm hi għax ħolqu l-impjiegi, taw spinta lit-tkabbir ekonomiku u tejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.

In-nies mhux dejjem ikunu konxji li l-UE tkun iffinanzjat jew qed tiffinanzja xi proġetti fil-lokalità tagħhom. Madankollu, il-proġetti appoġġati b’finanzjament tal-UE kienu ta’ ġid għan-nies tal-lokalità jew tar-reġjun għax ikunu ħolqu mijiet ta’ impjiegi ġodda, żviluppaw rabtiet strateġiċi tat-trasport, tejbu l-infrastruttura tal-enerġija, varaw il-broadband, investew fir-riċerka u l-innovazzjoni, u ħarsu l-wirt kulturali u ż-żoni ta’ ġmiel naturali.

Żur dawn il-websites u ara xi eżempji ta’ proġetti f’pajjiżek li kisbu finanzjament mill-UE. Żgur tintebaħ li l-UE hi ferm eqreb tiegħek milli immaġinajt: kohesio.ec.europa.eu/mt/

Bis-saħħa tal-finanzjament tal-UE, inti tista’ taqbad mal-internet mingħajr ħlas fil-libreriji, fil-ġonna pubbliċi, fil-mużewijiet u f’żoni pubbliċi oħra madwar l-Ewropa kull fejn jidher dan is-sinjal.

KONT TAF LI?

Il-programm Ewropa Kreattiva għandu l-għan li jrawwem id-diversità kulturali tal-Ewropa. Iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew, il-Kapitali Ewropej tal-Kultura u l-Jiem Ewropej tal-Patrimonju jħeġġu lil aktar nies biex jiskopru l-għeruq kulturali komuni tal-Ewropa.

Sir af aktar dwar il-kultura u l-kreattività fl-UE: ec.europa.eu/culture/mt

L-investiment tal-UE fir-riċerka

Ix-xjenza kapaċi tittrasforma l-mod kif ngħixu. Għaldaqstant, l-UE qed tinvesti l-biljuni tal-ewro fir-riċerka u l-innovazzjoni biex tiġġieled it-tibdil fil-klima, tagħti spinta lit-tkabbir u lill-impjiegi u tindirizza l-isfidi l-oħra li għandna. Il-programm ta’ finanzjament ewlieni tal-UE f’dan il-qasam jissejjaħ Orizzont Ewropa. Iċ-ċiklu ta’ finanzjament preċedenti ta’ Orizzont Ewropa għen biex jitħaffef l-iżvilupp tal-vaċċini, investa fi proġetti li jipproteġu l-bijodiversità, u uża s-satellita Galileo biex ikollna sistemi u mapep tal-GPS aktar preċiżi. Il-baġit allokat ta’ €95.5 biljun għall-programm Orizzont Ewropa 2021-2027 jixhed l-importanza ta’ dan il-programm għall-futur tal-Ewropa. L-enfasi se tkun fuq it-teknoloġiji ekoloġiċi, fuq l-intelliġenza artifiċjali (IA) u fuq ħafna aktar.

Sir af aktar dwar Orizzont Ewropa: europa.eu/!Xf47NRP

Ara iktar dettalji dwar il-baġit tal-UE fil- Kapitlu 4

Infografika li turi l-proporzjon tal-baġit tal-UE li jintefaq għall-amministrazzjoni.

L-UE allokat €2,018 biljun għall-2021-2027, inkluż il-fondi ta’ NextGenerationEU. 4% ta’ dawn jintefqu għall-amministrazzjoni

EŻERĊIZZJU 16 L-UE FIL-ĦAJJA TA’ KULJUM TIEGĦEK

Dawn huma 10 eżempji ta’ kif l-UE taħdem għalik fil-ħajja ta’ kuljum. Agħżel l-aktar tlieta importanti għalik, qabbel it-tweġibiet tiegħek ma’ ta’ sħabek tal-klassi u spjega għalfejn għażilthom.

Tista’ tivvjaġġa, tistudja, taħdem u tgħix f’kull pajjiż tal-UE. Il-moviment liberu tal-persuni hu possibbli bis-saħħa tas-suq uniku tal-UE.

L-UE neħħiet ix-xkiel għall-kummerċ ħieles bejn il-pajjiżi membri tagħha. Dan ifisser li tista’ tipproduċi, tbigħ u tixtri prodotti minn kull fejn tixtieq fl-UE. Ifisser ukoll li l-konsumaturi għandhom għażla usa’ ta’ prodotti u prezzijiet orħos.

Il-Ftehim ta’ Schengen neħħa l-kontrolli fil-fruntieri bejn ħafna mill-pajjiżi tal-UE. Issa tista’ taqsam ħafna mill-fruntieri fl-UE mingħajr ma turi l-passaport tiegħek.

Meta tkun qed tivvjaġġa f’xi pajjiż ieħor tal-UE, tista’ timrad jew ikollok xi inċident. Bil-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa, inti tista’ tikseb trattament mediku urġenti li ma jistax jistenna sakemm tmur lura pajjiżek. Tirċievi kura tas-saħħa barra minn pajjiżek u tħallas l-istess tariffi bħan-nies ta’ dak il-pajjiż.

Roħos l-ivvjaġġar bl-ajru. L-UE neħħiet il-monopolji nazzjonali u fetħet il-bibien għall-kompetizzjoni fis-settur tal-avjazzjoni. Issa hemm aktar u aktar bliet li għandhom l-ajruporti tagħhom, u hemm aktar titjiriet diretti bejniethom. Issaħħu wkoll id-drittijiet tal-passiġġieri.

Fl-aħħar snin roħos ukoll l-użu tal-mowbajls u tal-apparati intelliġenti. Ir-regoli tal-UE naqqsu ġmielhom l-ispejjeż (b’aktar minn 90% mill-2007) billi stabbilew limitu massimu għall-prezzijiet. It-tariffi tar-roaming tneħħew f’Ġunju 2017 u allura meta tuża l-mowbajl barra minn pajjiżek, issa tħallas daqslikieku għadek f’pajjiżek.

Bħala ċittadin tal-UE, inti s-sid tad-dejta tiegħek. L-organizzazzjonijiet jew il-kumpaniji ma jistgħux jipproċessaw l-informazzjoni personali tiegħek mingħajr il-kunsens tiegħek, u għandek id-dritt tkun taf liema informazzjoni għandhom dwarek.

Id-dritt tal-UE jipproteġik meta tordna jew tixtri xi prodott minn xi mkien li ma jkunx ħanut fiżiku. Pereżempju, jekk tiffirma abbonament jew kuntratt fit-triq jew tixtri online, u tbiddel fehemtek, għandek id-dritt tikkanċella l-ordni tiegħek jew tirritorna dak li tkun xtrajt fi żmien 14-il jum.

Bħala konsumatur, inti jaf tkun trid “tixtri oġġetti ekoloġiċi”. It-tikketta tal-enerġija tal-UE tgħinek tagħmel l-għażla t-tajba. Ħafna prodotti bħal bozoz, magni tal-ħasil, friġġijiet u televixins għandhom it-tikketta tal-enerġija tal-UE. Din tagħmilha eħfef għax-xerrejja biex jagħrfu l-aktar prodotti effiċjenti fl-użu tal-enerġija, għax ikunu kklassifikati bħala “A”.

Fl-UE, inti tgawdi wkoll ilma nadif għall-għawm u ilma tajjeb għax-xorb. It-tniġġis tal-ambjent m’għandux konfini u għalhekk l-UE daħħlet limiti obbligatorji għall-Ewropa kollha b’rabta mat-tniġġis tal-arja u tal-ilma. Il-pajjiżi tal-UE jridu jiżguraw li ma jaqbżux dawn il-livelli.