
Il-LEADER u l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità jiffaċilitaw l-impenn lokali iżda l-benefiċċji addizzjonali għadhom ma jidhrux suffiċjentement
Dwar ir-rapport:Il-LEADER huwa l-approċċ parteċipatorju minn isfel għal fuq biex jiġu involuti l-komunitajiet lokali fil-proċessi ta’ żvilupp tal-proġetti u tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Huwa jinvolvi spejjeż u riskji żejda meta mqabbel ma’ programmi tradizzjonali ta’ nfiq tal-UE (minn fuq għal isfel). Aħna eżaminajna jekk l-approċċ LEADER wassalx benefiċċji li ġġustifikaw l-ispejjeż u r-riskji addizzjonali tiegħu, u tajna segwitu għar-Rapport Speċjali 2010 tagħna dwar dan is-suġġett. Sibna li, iżjed minn 10 snin wara, sar titjib f’ċerti oqsma u li l-approċċ LEADER jiffaċilita l-impenn lokali. Madankollu, għad hemm ftit li xejn evidenza li l-benefiċċji huma akbar mill-ispejjeż u r-riskji mġarrba. Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni komprensiva tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-LEADER u tivvaluta l-approċċ tal-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.
Sommarju eżekuttiv
I L-UE introduċiet il-programm LEADER fl-1991 bħala inizjattiva minn isfel għal fuq biex tappoġġa l-iżvilupp ta’ żoni rurali żvantaġġati permezz ta’ proġetti li jindirizzaw ħtiġijiet lokali. Mill-2014 ’il hawn, l-UE użat l-approċċ LEADER (magħruf bħala żvilupp lokali mmexxi mill-komunità) għal diversi flussi ta’ finanzjament tal-UE f’żoni rurali, urbani u kostali.
II Il-karatteristika prinċipali tal-approċċ LEADER hija l-applikazzjoni ta’ metodi parteċipatorji u minn isfel għal fuq biex jiġu involuti l-komunitajiet lokali fil-proċessi ta’ żvilupp tal-proġetti u tat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Il-gruppi ta’ azzjoni lokali, magħmula minn sħab mis-soċjetajiet pubbliċi, privati u ċivili jimmaniġġjaw l-attivitajiet. Fil-perjodu 2014-2020, l-UE ppjanat li tipprovdi finanzjament f’ammont sa EUR 9,2 biljun għal-LEADER u għall-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità.
III L-approċċ LEADER jinvolvi spejjeż u riskji żejda meta mqabbel ma’ programmi tradizzjonali ta’ nfiq tal-UE (minn fuq għal isfel). Jinħolqu spejjeż addizzjonali mit-twaqqif u t-tmexxija tal-istrutturi amministrattivi tal-gruppi ta’ azzjoni lokali. Jinħolqu riskji addizzjonali mill-proċeduri twal, mir-rekwiżiti amministrattivi żejda għad-detenturi tal-proġetti, u minn kunflitti ta’ interess potenzjali.
IV Xi wħud minn dawn l-ispejjeż u riskji żejda huma ġġustifikati jekk il-gruppi ta’ azzjoni lokali jagħtu benefiċċji addizzjonali meta mqabbla mal-programmi tradizzjonali ta’ nfiq tal-UE (minn isfel għal fuq). Il-gwida tal-Kummissjoni tagħti x’tifhem li dawn il-benefiċċji jidhru fil-għamla ta’ kapital soċjali mtejjeb, governanza lokali mtejba u riżultati msaħħa li jingħataw mill-proġetti.
V L-awditu li wettaqna jkopri l-perjodu ta’ finanzjament 2014-2020 tal-UE. Aħna eżaminajna jekk l-approċċ LEADER wassalx benefiċċji li ġġustifikaw l-ispejjeż u r-riskji addizzjonali tiegħu, b’mod partikolari meta mqabbel mal-programmi tradizzjonali ta’ nfiq tal-UE (minn fuq għal isfel). Sabiex nivvalutaw dan, eżaminajna jekk huwa ffaċilitax l-impenn lokali u rriżultax fi proġetti b’benefiċċji dimostrabbli f’termini ta’ governanza lokali, kapital soċjali mtejjeb u riżultati msaħħa. Ivverifikajna wkoll jekk l-introduzzjoni tal-approċċ plurifond il-ġdid irriżultatx f’koordinazzjoni aħjar tal-appoġġ għall-iżvilupp lokali.
VI Dan l-awditu jagħti segwitu wkoll għar-rapport speċjali tagħna tal-2010 dwar il-LEADER li jivvaluta jekk il-Kummissjoni indirizzatx id-dgħufijiet identifikati. Permezz ta’ dan ir-rapport, l-għan tagħna huwa li nipprovdu fehim approfondit u rakkomandazzjonijiet f’waqthom għall-evalwazzjoni kontinwa li l-Kummissjoni twettaq rigward l-approċċ LEADER.
VII Iżjed minn 10 snin wara r-rapport speċjali tagħna tal-2010 dwar il-LEADER, l-awditu tagħna juri li sar titjib f’ċerti oqsma u li l-approċċ LEADER jiffaċilita l-impenn lokali. Madankollu, hemm ftit li xejn evidenza li l-benefiċċji tal-approċċ LEADER huma akbar mill-ispejjeż u r-riskji li jġorr.
VIII Filwaqt li l-biċċa l-kbira mill-Istati Membri applikaw proċeduri pertinenti biex jagħżlu u japprovaw gruppi ta’ azzjoni lokali, xi wħud applikaw standards tal-kwalità li kienu inqas eżiġenti meta għażlu l-istrateġiji ta’ żvilupp lokali. Sibna li Stat Membru wieħed ma inkludiex kriterji għall-kwalità fil-proċess tal-għażla tiegħu. Il-proċess ta’ applikazzjoni u approvazzjoni tal-proġetti kien ikkumplikat (billi kien jinvolvi sa tmien passi) u kien jinkludi rekwiżiti amministrattivi żejda għad-detenturi tal-proġett meta mqabbel ma’ programmi tradizzjonali ta’ nfiq. L-awtoritajiet pubbliċi ma baqgħux jiddominaw il-korpi ta’ għażla tal-proġetti (kif konna sibna fl-2010), iżda dawn spiss ma kinux rappreżentattivi tal-komunità lokali jew ma kellhomx bilanċ bejn il-ġeneri.
IX Sibna li l-gruppi ta’ azzjoni lokali għażlu proġetti li kienu f’konformità mal-objettivi wesgħin stabbiliti fl-istrateġiji ta’ żvilupp lokali tagħhom. Xi wħud mill-Istati Membri u l-gruppi ta’ azzjoni lokali użaw il-LEADER biex jiffinanzjaw kompiti statutorji ta’ awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew muniċipali jew attivitajiet oħra li għalihom kienu jeżistu programmi speċifiċi oħra ta’ finanzjament tal-UE u dawk nazzjonali.
X Filwaqt li tnejn minn sitta fost ir-rakkomandazzjonijiet tagħna tal-2010 kienu ġew indirizzati, sibna li l-qafas għal monitoraġġ u evalwazzjoni li jintuża mill-Kummissjoni għadu ma pprovdiex evidenza tal-benefiċċji addizzjonali tal-LEADER. Fl-opinjoni tagħna tal-2018 dwar il-proposti tal-Kummissjoni għall-politika agrikola komuni l-ġdida, sħaqna li l-Kummissjoni għandha ssegwi l-prinċipju ta’ “l-ewwel evalwa” meta tirrevedi leġiżlazzjoni eżistenti. Il-Kummissjoni tinsab fil-proċess li tevalwa l-benefiċċji tal-LEADER.
XI Fid-dawl tal-ispejjeż u r-riskji addizzjonali meta mqabbla ma’ mudelli ta’ finanzjament oħra u n-nuqqas kontinwu ta’ benefiċċji dimostrabbli, nirrakkomandaw li l-Kummissjoni tevalwa l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-LEADER u tivvaluta l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità.
Introduzzjoni
L-evoluzzjoni tal-approċċ LEADER
01 Il-LEADER, introdott fl-1991, huwa l-metodu parteċipatorju minn isfel għal fuq li l-UE tuża għall-politika ta’ żvilupp rurali, u li ġie estiż aktar tard lejn iż-żoni kostali u urbani. Huwa ċċentrat madwar gruppi ta’ azzjoni lokali (GAL) u gruppi ta’ azzjoni lokali għas-sajd (GALS) magħmula minn membri ta’ komunitajiet rurali jew kostali mis-settur privat u dak pubbliku. Il-gruppi ta’ azzjoni lokali jimmotivaw lill-komunitajiet fil-kontribut għat-tfassil ta’ strateġija ta’ żvilupp lokali, u huma responsabbli biex jinizjaw u jiffinanzjaw proġetti għall-issodisfar tal-ħtiġijiet lokali.
02 L-aspettattiva tal-approċċ Leader hija li jkun hemm valur miżjud meta mqabbel ma’ ġestjoni tradizzjonali minn fuq għal isfel tal-fondi tal-UE. Skeda Informattiva tal-Kummissjoni tal-2006 dwar l-approċċ LEADER tiddeskrivih bħala bbażat fuq seba’ karatteristiċi ewlenin. Il-LEADER iqis li n-nies lokali huma l-aħjar esperti biex jimmotivaw l-iżvilupp tat-territorju tagħhom (“approċċ minn isfel għal fuq”), iddefinit bħala żona koeżiva żgħira (10 000 – 150 000 abitant) b’identità lokali (“approċċ ibbażat fuq iż-żona”). F’din iż-żona, l-atturi lokali jinġabru fi grupp ta’ azzjoni lokali (“sħubija lokali”), li jippromwovi rabtiet bejn l-atturi lokali (“networking”). Barra minn hekk, gruppi ta’ azzjoni lokali f’reġjuni jew Stati Membri differenti jidħlu għal proġetti konġunti biex jaħdmu fuq soluzzjonijiet komuni għal sfidi lokali simili (“kooperazzjoni”). Huwa mistenni li approċċi minn isfel għal fuq u interazzjoni bejn setturi differenti fil-livell lokali (“strateġija integrata u multisettorjali”) jimmobilizzaw il-potenzjal lokali. Mistenni wkoll li gruppi lokali jkunu fl-aqwa pożizzjoni biex jidentifikaw soluzzjonijiet lokali integrati għal problemi lokali u jistgħu jirreaġixxu aktar malajr kif ukoll jġibu magħhom soluzzjonijiet ġodda għall-iżvilupp lokali (“innovazzjoni”). Ikun tajjeb li l-parteċipazzjoni fit-teħid ta’ deċiżjonijiet lokali tiġġenera entużjażmu u impenn ogħla u għalhekk tista’ tirriżulta fi żvilupp rurali lokali aħjar u aktar sostenibbli1.
03 Kif osservajna fir-rapport tagħna tal-20102, l-approċċ LEADER ifittex li jiffaċilita l-impenn u l-emanċipazzjoni lokali permezz tal-iżvilupp, it-twassil u l-allokazzjoni tar-riżorsi tal-istrateġija lokali. Dan jieħu vantaġġ mill-għarfien espert u l-esperjenza tal-komunitajiet lokali biex jiddefinixxi l-ħtiġijiet ta’ żvilupp tagħhom.
04 L-assenjar ta’ dawn il-kompiti lill-gruppi ta’ azzjoni lokali joħloq spejjeż u riskji addizzjonali. Spejjeż żejda jinkludu l-infiq tal-gruppi ta’ azzjoni lokali biex jippreparaw u jimmaniġġjaw it-twettiq tal-istrateġiji ta’ żvilupp lokali tagħhom, u biex jagħtu appoġġ lill-benefiċjarji fl-iżvilupp ta’ proġetti. Dawn l-ispejjeż ikopru wkoll l-infiq tal-Istati Membri fuq l-approvazzjoni ta’ gruppi ta’ azzjoni lokali (pereżempju, l-ingaġġar ta’ konsulenti biex jiġi appoġġat il-proċess ta’ approvazzjoni).
05 L-appoġġ mogħti taħt il-LEADER għall-ispejjeż amministrattivi u operazzjonali tal-gruppi ta’ azzjoni lokali huwa limitat f’livell ta’ 25 % tal-finanzjament pubbliku totali (il-finanzjament mill-UE miżjud mal-finanzjament pubbliku nazzjonali, reġjonali jew lokali). Dawn l-ispejjeż jinkludu l-faċilitazzjoni tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta’ żvilupp lokali u l-għoti ta’ għajnuna lil benefiċjarji potenzjali biex jiżviluppaw proġetti.
06 Riskji addizzjonali jinħolqu mill-proċeduri twal, mir-rekwiżiti żejda għad-detenturi tal-proġetti, u minn kunflitti ta’ interess potenzjali. Riskji oħra jirriżultaw minn korpi deċiżjonali li ma jkunux rappreżentattivi tal-komunità lokali jew ma jkollhomx bilanċ bejn il-ġeneri3.
07 It-teħid ta’ deċiżjonijiet lokali għandu l-potenzjal li jwassal benefiċċji addizzjonali. Il-gwida tal-Kummissjoni għall-evalwazzjoni tal-approċċ LEADER4 tagħti x’tifhem li dawn il-benefiċċji jidhru:
- f’kapital soċjali mtejjeb,
- f’governanza lokali mtejba,
- f’riżultati msaħħa li jingħataw mill-proġetti.
08 Għalhekk, il-ġustifikazzjoni tal-programm ma tistrieħx fuq kriterji ekonomiċi bħall-falliment tas-suq jew il-privazzjoni relattiva. Tabilħaqq, din issa tapplika fiż-żoni rurali kollha, inklużi dawk li fihom il-prestazzjoni ekonomika hija sinifikattivament ogħla mill-medja tal-UE. Studju riċenti tal-Kummissjoni sab li ż-żoni rurali semiurbani bbenefikaw aktar minn żviluppi ekonomiċi u demografiċi reċenti milli dawk periferiċi5.
09 Mill-2014 sal-2020, il-LEADER kien parti obbligatorja mill-programmi tal-iżvilupp rurali kollha. Minn dan il-punt ’il quddiem, il-leġiżlazzjoni tal-UE kienet titlob li l-Istati Membri, ħlief il-Kroazja, jonfqu mill-inqas 5 % tal-finanzjament għall-iżvilupp rurali tagħhom fuq il-LEADER. Il-kontribuzzjoni minima tal-Kroazja matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 kienet stabbilita f’rata ta’ nofs il-perċentwal tal-Istati Membri l-oħra, jiġifieri 2.5 %. Skont id-data pprovduta mill-Kummissjoni, il-finanzjament tal-UE ppjanat għal-LEADER huwa ta’ EUR 7 biljun fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 (madwar 7 % tal-finanzjament għall-iżvilupp rurali totali). L-għadd totali ta’ proġetti LEADER (għall-perjodu 2014-2020) ammonta għal 143 487 sa tmiem l-2020. Il-programmi tal-iżvilupp rurali ġew estiżi biex ikopru l-2021 u l-2022.
10 Il-politika tas-sajd tal-UE ilha mill-2007 tuża l-approċċ LEADER, u l-perjodu 2014-2020 ra l-introduzzjoni tal-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD). Dan il-kunċett aġġornat japplika l-approċċ LEADER fil-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) kollha ħlief il-Fond ta’ Koeżjoni6. L-evoluzzjoni tal-approċċ LEADER, kif tidher fil-Figura 1, wasslet għal żieda sinifikanti fl-appoġġ finanzjarju u fl-għadd ta’ gruppi ta’ azzjoni lokali, b’mod partikolari fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013.
11 Fil-perjodu 2014-2020, l-UE ppjanat li tipprovdi finanzjament f’ammont sa EUR 9.2 biljun għal-LEADER u għall-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità (ara t-Tabella 1). Il-finanzjament pubbliku totali (inkluż il-finanzjament nazzjonali) kien mistenni li jilħaq EUR 12.5 biljun. Il-biċċa l-kbira minn dan (76 % tal-ammont ippjanat u 84 % tal-ammont iddikjarat fl-2020) kienet relatata mal-iżvilupp rurali.
Tabella 1 – Kontribuzzjoni tal-UE skont il-fluss ta’ finanzjament (f’miljun EUR; 2014-2020)
Fond tal-UE | Ippjanat | Finanzjament għall-proġetti approvati* | Imħallas |
---|---|---|---|
Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali | 7 010 | Data mhux disponibbli** | 3 026 |
Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd | 548 | 362 | 178 |
Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali | 1 095 | 848 | 349 |
Fond Soċjali Ewropew | 530 | 278 | 82 |
Total | 9 183 | 3 635 |
*Il-finanzjament tal-proġett approvat huwa l-ammont tal-finanzjament mill-UE li l-Istati Membri rriżervaw (impenjaw) għal proġetti fid-deċiżjonijiet tagħhom dwar l-approvazzjoni tal-proġetti.
**L-ammont totali impenjat (dak taħt il-FAEŻR u dak pubbliku nazzjonali) huwa ta’ EUR 7 439 miljun iżda ma hemmx ripartizzjoni disponibbli.
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea.
Figura 1 – Żieda fil-finanzjament għal-LEADER (Għadd ta’ gruppi ta’ azzjoni lokali u finanzjament mill-UE ppjanat)
Nota: 1991-2006: Appoġġ għall-iżvilupp rurali (il-FAEGG u l-FAEŻR); 2007-2013: il-FAEŻR u l-FES; 2014-2020: il-FAEŻR, il-FEMS, il-FEŻR u l-FSE. *inklużi l-GALS
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea.
12 L-awtoritajiet nazzjonali u (skont l-istruttura politika tagħhom) reġjonali tal-Istati Membri pproduċew dokumenti ta’ programmazzjoni bħal ftehimiet ta’ sħubija kif ukoll programmi operazzjonali u tal-iżvilupp rurali. Dawn id-dokumenti stabbilew prijoritajiet ta’ finanzjament nazzjonali jew reġjonali. Il-Kummissjoni eżaminat u approvat dawn id-dokumenti. Il-Kummissjoni żżomm ir-responsabbiltà globali għall-infiq, iżda l-Istati Membri approvaw il-gruppi ta’ azzjoni lokali u l-istrateġiji ta’ żvilupp lokali, ipproċessaw l-applikazzjonijiet tal-proġetti u t-talbiet għall-pagament tagħhom, u mmonitorjaw u evalwaw ir-riżultati. Il-Figura 2 turi r-responsabbiltajiet ewlenin tal-atturi tal-approċċ LEADER.
Figura 2 – Responsabbiltajiet ewlenin tal-atturi tal-approċċ LEADER
Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni mid-dokumenti tal-Kummissjoni.
13 Il-Kummissjoni stabbiliet l-indikaturi7 u l-miri8 li ġejjin biex timmonitorja l-programm LEADER għall-perjodu 2014-2020:
- perċentwal tal-popolazzjoni rurali koperta minn strateġiji ta’ żvilupp lokali (mira ta’ 53.5 %),
- perċentwal tal-popolazzjoni rurali li tibbenefika minn servizzi/infrastrutturi mtejbin (mira ta’ 16.4 %),
- Impjiegi maħluqa fi ħdan proġetti LEADER appoġġati (mira ta’ 44 109 impjiegi).
L-Anness I jelenka l-indikaturi u l-miri speċifiċi relatati mal-LEADER u mal-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità stabbiliti fir-Regolamenti tal-fondi differenti tal-UE.
14 L-Istati Membri setgħu jagħżlu bejn li jappoġġaw gruppi ta’ azzjoni lokali minn fond tal-UE wieħed (“approċċ monofond”) jew aktar (“approċċ plurifond”). Dawn setgħu wkoll jiddeżinjaw fond wieħed bħala l-“fond ewlieni”, li jkun ikopri l-ispejjeż amministrattivi kollha tal-gruppi ta’ azzjoni lokali. Fil-perjodu 2014-2020, 17 mit-28 Stat Membru applikaw l-approċċ plurifond b’taħlitiet ta’ fondi differenti, bl-għan li jikkoordinaw aħjar l-appoġġ għall-iżvilupp lokali u jirrinforzaw ir-rabtiet bejn iż-żoni rurali, urbani u tas-sajd (ara l-Figura 3).
Figura 3 – Approċċi għall-finanzjament li ntużaw mill-Istati Membri
Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-Kummissjoni Ewropea (2017): Guidelines. Evaluation of LEADER/CLLD, p. 10 u Kah, S. (2021), Update: Implementing cohesion policy funds through multi-Fund CLLD (Data korretta f’Ġunju 2021).
15 Fil-perjodu 2021-2027, il-LEADER u l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità huma rregolati bir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (UE) 2021/1060. Regoli ġodda dwar il-Politika Agrikola Komuni (PAK), li daħlu fis-seħħ f’Diċembru 20219, japplikaw għal-LEADER.
16 Kif stabbilit fil-paragrafu 12, jenħtieġ li l-Istati Membri jiddeskrivu l-approċċi LEADER u l-approċċi tal-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità tagħhom fil-programmi rilevanti tagħhom. L-Istati Membri bdew jippreżentaw il-programmi operazzjonali ġodda tagħhom lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni, u kellhom jippreżentaw il-pjanijiet strateġiċi tal-PAK tagħhom, inkluż il-finanzjament tal-iżvilupp rurali mil-LEADER, sa tmiem l-2021. Il-qafas regolatorju jipprevedi finanzjament għal inizjattivi LEADER u għal inizjattivi tal-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità mill-2022 ’il quddiem10. Fl-istess waqt, l-infiq fuq il-LEADER se jkompli, abbażi ta’ fondi mhux minfuqa mill-perjodu preċedenti.
Awditi preċedenti
17 Aħna osservajna dgħufijiet b’rabta mal-ġestjoni tal-LEADER fir-rapport annwali tagħna tal-200011. F’rapport speċjali tal-201012, sibna li l-gruppi ta’ azzjoni lokali implimentaw ħafna proġetti li kienu ta’ benefiċċju għal negozji u komunitajiet lokali. Osservajna wkoll dgħufijiet rigward:
- il-proċeduri tal-għażla tal-proġetti fejn it-teħid ta’ deċiżjonijiet kien dominat mill-awtoritajiet pubbliċi u r-regoli dwar il-kunflitti ta’ interess potenzjali ma kinux ċari;
- l-applikazzjoni tal-approċċ minn isfel għal fuq fejn xi wħud mill-gruppi ta’ azzjoni lokali ma ppromovewx l-impenn lokali;
- il-kapaċità tal-gruppi ta’ azzjoni lokali biex jiżviluppaw soluzzjonijiet lokali li kienu distinti minn miżuri tradizzjonali għall-iżvilupp rurali, eż. billi ffinanzjaw proġetti li setgħu ġew iffinanzjati taħt programmi ta’ nfiq oħra;
- il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, b’mod partikolari rigward il-benefiċċji miksuba permezz tal-approċċ LEADER.
18 Fl-2013, ippubblikajna valutazzjoni ta’ segwitu13 li wriet ċertu titjib. Dan it-titjib kien jinkludi regoli aktar ċari għall-kumitati għat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-gruppi ta’ azzjoni lokali (ara l-paragrafu 17, il-punt 1), iżda l-biċċa l-kbira mid-dgħufijiet baqgħu. Aħna poġġejna l-valutazzjoni aġġornata li wettaqna ta’ dawn il-kwistjonijiet fl-Anness II.
Ambitu u approċċ tal-awditjar
19 L-approċċ LEADER ifittex li jiffaċilita l-impenn u l-emanċipazzjoni lokali (ara l-paragrafu 03), u dan jinvolvi spejjeż u riskji żejda (ara l-paragrafi 04 u 05). Dawn l-ispejjeż u r-riskji żejda huma ġġustifikati jekk benefiċċji addizzjonali jkunu akbar minnhom meta mqabbla ma’ programmi tradizzjonali ta’ nfiq tal-UE (minn fuq għal isfel) (b’mod partikolari l-programm għall-iżvilupp rurali tal-UE). Il-mistoqsija prinċipali tal-awditjar kienet “Il-LEADER/l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità wassal benefiċċji li jiġġustifikaw l-ispejjeż u r-riskji addizzjonali tiegħu?” Biex nivvalutaw dan, aħna eżaminajna jekk:
- il-LEADER u l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità ffaċilitawx l-impenn lokali;
- il-LEADER u l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità rriżultawx fi proġetti b’benefiċċji dimostrabbli f’termini ta’ governanza lokali, kapital soċjali mtejjeb u riżultati msaħħa;
- l-introduzzjoni tal-approċċ plurifond il-ġdid irriżultax f’koordinazzjoni aħjar tal-appoġġ għall-iżvilupp lokali.
20 Dan l-awditu jagħti segwitu wkoll għall-awditu preċedenti tagħna (ara l-paragrafi 17 u 18) li vvaluta jekk, iżjed minn 10 snin wara, il-Kummissjoni indirizzatx id-dgħufijiet identifikati. Permezz ta’ dan ir-rapport, l-għan tagħna huwa li nipprovdu fehim approfondit u rakkomandazzjonijiet f’waqthom għall-evalwazzjoni kontinwa li l-Kummissjoni twettaq rigward l-approċċ LEADER.
21 Aħna koprejna l-perjodu 2014-2020. Eżaminajna 10 Stati Membri għal dan l-awditu, u 2 gruppi ta’ azzjoni lokali ġew koperti f’kull Stat Membru. Fil-Ġermanja, iffukajna fuq is-Sassonja, u fil-Portugall fuq il-parti kontinentali (jiġifieri minbarra Madeira u l-Azores). L-għażla tagħna tal-Istati Membri kellha bħala għan il-bilanċ ġeografiku u l-kopertura tal-approċċ, sew monofond sew plurifond, kif ukoll ir-rati ogħla u iżjed baxxi ta’ nfiq tal-LEADER u tal-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità (ara l-Figura 4).
Figura 4 – L-Istati Membri u r-reġjuni magħżula, u l-approċċ ta’ finanzjament li ntuża mill-GAL magħżula
Sors: il-QEA, ibbażat fuq mappa pprovduta mill-Eurostat.
22 Aħna għażilna l-gruppi ta’ azzjoni lokali abbażi tal-finanzjament allokat, it-tip ta’ fondi tal-UE użati, kif ukoll iż-żona u l-popolazzjoni koperti.
23 Aħna eżaminajna:
- l-organizzazzjoni u l-proċeduri fl-Istati Membri u l-gruppi ta’ azzjoni lokali kollha magħżula, abbażi tad-dokumentazzjoni u r-risposti għall-kwestjonarji tal-awditjar;
- l-informazzjoni dwar 95 proġett, magħżula abbażi tal-ispejjeż tagħhom (baxxi, medji, għoljin), is-setturi kkonċernati u l-fondi tal-UE użati. Dawn il-proġetti għandhom spejjeż totali ta’ EUR 7.5 miljun, b’finanzjament mill-UE ta’ EUR 4.9 miljun (ara l-Anness III);
- l-attivitajiet tal-Kummissjoni b’rabta mal-LEADER u mal-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità, permezz ta’ reviżjonijiet dokumentarji u laqgħat bil-vidjo ma’:
- l-erba’ direttorati ġenerali responsabbli (Agrikoltura u Żvilupp Rurali (DG AGRI), Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Inklużjoni (DG EMPL), Affarijiet Marittimi u Sajd (DG MARE) u Politika Reġjonali u Urbana (DG REGIO)),
- l-awtoritajiet tal-Istati Membri,
- ir-rappreżentanti tal-gruppi ta’ azzjoni lokali,
- id-detenturi tal-proġetti, u
- l-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati u l-esperti internazzjonali.
Osservazzjonijiet
Il-gruppi ta’ azzjoni lokali jiffaċilitaw l-impenn lokali, iżda jinvolvu spejjeż addizzjonali u proċessi ta’ approvazzjoni li jimxu bil-mod
24 Fit-taqsimiet li ġejjin, niddiskutu kif l-Istati Membri u l-gruppi ta’ azzjoni lokali ffaċilitaw l-impenn lokali u b’liema spiża. Nibdew billi nanalizzaw l-ispejjeż tal-LEADER. Wara, neżaminaw kif l-Istati Membri approvaw il-gruppi ta’ azzjoni lokali u l-istrateġiji tagħhom u mbagħad kif il-gruppi ta’ azzjoni lokali għażlu l-proġetti LEADER.
Il-gruppi ta’ azzjoni lokali jinvolvu spejjeż addizzjonali
25 Kif spjegat fl-introduzzjoni, il-gruppi ta’ azzjoni lokali huma fil-qofol tal-LEADER u tal-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità. Dawn jistgħu jirċievu l-finanzjament mill-UE għal skopijiet differenti (ara l-Figura 5). L-Istati Membri, ir-reġjuni, il-gruppi ta’ azzjoni lokali u d-detenturi tal-proġetti jridu jipprovdu wkoll sehem tal-finanzjament.
26 Jenħtieġ li l-Istati Membri joħolqu l-kundizzjonijiet it-tajba biex il-gruppi ta’ azzjoni lokali jwettqu l-kompiti tagħhom, b’mod partikolari biex iġibu flimkien partijiet ikkonċernati lokali differenti u biex jappoġġawhom fl-iżvilupp ta’ proġetti li jipprovdu benefiċċji għall-iżvilupp lokali. Sabiex jagħmlu dan, jenħtieġ li jagħtu awtonomija lill-gruppi ta’ azzjoni lokali u jżommu l-piż amministrattiv tagħhom baxx kemm jista’ jkun14.
Figura 5 – Finanzjament mill-UE ppjanat għal-LEADER u għall-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità (2014-2020; f’biljun EUR)
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea.
27 L-approċċ parteċipattiv LEADER jinvolvi strutturi u attivitajiet ta’ ġestjoni addizzjonali b’appoġġ tal-istrateġija ta’ żvilupp lokali, li jġibu magħhom spejjeż żejda. Ir-Regolament jillimita dawn l-ispejjeż amministrattivi u operazzjonali f’rata ta’ 25 % (ara l-paragrafu 05). Xi wħud mill-Istati Membri naqqsu dan il-limitu aktar sa 20 %.
28 It-Tabella 2 tagħti ħarsa ġenerali lejn il-finanzjament LEADER ippjanat u mħallas (fi tmiem l-2020) għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. Din turi li l-Istati Membri ppjanaw li jonfqu 17 % fuq spejjeż amministrattivi u operazzjonali tal-gruppi ta’ azzjoni lokali. Dan jinsab sew fi ħdan il-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE.
Tip ta’ spiża | Finanzjament LEADER ippjanat (2014–2020) | Infiq LEADER irrappurtat (sa tmiem l-2020) | ||
---|---|---|---|---|
Miljun EUR | % tal-finanzjament LEADER totali ppjanat | Miljun EUR | % tal-finanzjament LEADER imħallas | |
Spejjeż preparatorji | 81.6 | 1 % | 67.4 | 2 % |
Spejjeż amministrattivi u operazzjonali | 1 673.6 | 17 % | 1 038 | 24 % |
Attivitajiet ta’ kooperazzjoni | 380.9 | 4 % | 98.6 | 2 % |
Spejjeż tal-proġetti | 7 794.2 | 78 % | 3 054.4 | 72 % |
Total (l-Istati Membri kollha u r-Renju Unit) | 9 930.2 | 100 % | 4 258.4 | 100 % |
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea.
29 Skont ir-rappurtar tal-Kummissjoni, fi tmiem l-2020 il-proġetti tal-komunità lokali kienu jirrappreżentaw EUR 3.1 biljun jew 72 % tal-infiq LEADER irrappurtat. B’mod ġenerali, il-gruppi ta’ azzjoni lokali nefqu ftit li xejn fuq l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni (2 %) kif ukoll fuq spejjeż preparatorji (2 %). L-ispejjeż amministrattivi u operazzjonali tal-gruppi ta’ azzjoni lokali ammontaw għal EUR 1.04 biljun (24 % tal-infiq totali f’dak l-istadju). F’diversi Stati Membri fejn l-infiq irrappurtat fuq proġetti LEADER kien baxx, il-proporzjon ta’ dawn l-ispejjeż kien għoli. Pereżempju fil-Greċja, il-Portugall u s-Slovakkja, fi tmiem l-2020, dawn kienu l-istess, jew qabżu l-ammont minfuq fuq il-proġetti. Il-pagamenti għall-perjodu 2014-2020 jistgħu jsiru sa tmiem l-2023 u s-sehem tal-infiq amministrattiv meta mqabbel mal-infiq tal-proġett għandu t-tendenza li jonqos matul iċ-ċiklu tal-perjodu ta’ programmazzjoni.
30 It-Tabella 3 turi r-ripartizzjoni tal-infiq irrappurtat f’10 Stati Membri u reġjuni magħżula. Il-Figura 6 tqabblu mal-finanzjament ippjanat totali għal-LEADER. Bħala medja, l-Istati Membri kienu rrappurtaw 39 % tal-finanzjament tal-proġett LEADER ippjanat bħala mħallas. L-Estonja kienet ħallset 72 % tal-finanzjament tal-proġetti ppjanat tagħha, il-Greċja kienet ħallset 13 %, u s-Slovakkja kienet għadha ma ħallset għall-ebda proġett.
Tabella 3 – Infiq LEADER irrappurtat għal kull tip ta’ spiża (miljun EUR; fi tmiem l-2020)
Stat Membru/ reġjun | Spejjeż preparatorji | Spejjeż amministrattivi | Attivitajiet ta’ kooperazzjoni | Spiża tal-proġetti | Total |
---|---|---|---|---|---|
Iċ-Ċekja | - | -* | 0.2 | 64.5 | 64.7 |
Il-Ġermanja (is-Sassonja) | - | 19.4 | 2.5 | 200.5 | 222.4 |
L-Estonja | 1.6 | 12.5 | 2.3 | 48.8 | 65.2 |
L-Irlanda | 1.3 | 44.3 | 0.8 | 77.6 | 124.0 |
Il-Greċja | 3.2 | 43.1 | 0.2 | 46.4 | 92.9 |
L-Awstrija | - | 33.8 | 8.0 | 68.7 | 110.5 |
Il-Portugall (Kontinentali) | 1.4 | 36.0 | 0.5 | 36.0 | 73.9 |
Ir-Rumanija | 2.0 | 77.3 | 0.1 | 268.4 | 347.8 |
Is-Slovakkja | 1.1 | 0.4 | 0 | 0 | 1.5 |
L-Iżvezja | 3.4 | 28.3 | 3.2 | 63.0 | 97.9 |
L-Istati Membri/ ir-reġjuni magħżula | 14.0 | 295.1 | 17.8 | 873.9 | 1 200.8 |
L-Istati Membri kollha (u r-Renju Unit) | 67.4 | 1 038.0 | 98.6 | 3 054.4 | 4 258.4 |
*It-tabella ta’ hawn fuq ma tinkludi l-ebda ċifra għall-ispejjeż amministrattivi taċ-Ċekja għaliex dawn huma koperti mill-fond għall-iżvilupp reġjonali (il-fond prinċipali taċ-Ċekja) minflok mill-fond għall-iżvilupp rurali.
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea.
Figura 6 – Infiq LEADER irrappurtat fl-iżvilupp rurali għall-Istati Membri u r-reġjuni magħżula (fi tmiem l-2020)
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea.
Il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri applikaw proċeduri pertinenti biex japprovaw gruppi ta’ azzjoni lokali iżda xi wħud minnhom ma applikawx rekwiżit ta’ kwalità minimu meta għażlu strateġiji ta’ żvilupp lokali
31 Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħtu appoġġ lill-gruppi ta’ azzjoni lokali meta dawn jistabbilixxu l-istrateġiji ta’ żvilupp lokali tagħhom, kemm finanzjarjament (appoġġ preparatorju) kif ukoll permezz ta’ rekwiżiti ċari dwar il-kwalità u gwida ċara. Imbagħad jenħtieġ li jivvalutaw il-gruppi ta’ azzjoni lokali b’mod ġust u trasparenti, fiż-żmien stipulat, u japprovaw biss dawk li jipprovdu strateġiji li jissodisfaw l-istandards tal-kwalità.
32 Jenħtieġ li l-gruppi ta’ azzjoni lokali jinvolvu lill-komunitajiet lokali tagħhom fil-proċess ta’ żvilupp tal-istrateġiji tagħhom permezz ta’ taħlita ta’ metodi, bħal avvenimenti ta’ taħriġ, sessjonijiet ta’ ħidma jew seminars, bl-użu tal-għarfien tagħhom taż-żona lokali. Fir-rapport speċjali preċedenti tagħna dwar il-LEADER, osservajna dgħufijiet fil-mod kif il-gruppi ta’ azzjoni lokali ppromovew l-impenn lokali. Din id-darba sibna li l-gruppi ta’ azzjoni lokali magħżula kollha kienu daħlu għal attivitajiet ta’ dan it-tip u żviluppaw l-istrateġiji ta’ żvilupp lokali tagħhom permezz ta’ proċess minn isfel għal fuq.
33 L-Istati Membri kellhom jiddefinixxu l-kriterji għall-approvazzjoni tal-gruppi ta’ azzjoni lokali, u jivvalutaw l-istrateġiji proposti bi tqabbil magħhom. Il-proċess kien jinvolvi espressjoni ta’ interess jew diversi sejħiet għal proposti; preparament ta’ abbozzi ta’ strateġiji; valutazzjoni mill-Istati Membri rigward l-istrateġiji, u, fejn meħtieġ, reviżjoni. L-Istati Membri kellhom jagħżlu strateġiji u japprovaw gruppi ta’ azzjoni lokali sa tmiem l-2017 (sentejn wara li beda l-infiq f’żoni oħra tal-politika agrikola komuni)15. Il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri kisbu dan fl-2016, l-Irlanda u ċ-Ċekja ħadu aktar żmien, u s-Slovakkja kkompletat l-approvazzjoni f’Marzu 2018 (ara l-Figura 7 u l-Kaxxa 1).
34 B’mod ġenerali, sibna li l-Istati Membri kienu taw appoġġ għal u ssorveljaw il-proċess ta’ approvazzjoni sew matul is-sessjonijiet ta’ ħidma, l-avvenimenti ta’ taħriġ u l-eżerċizzji ta’ bini tal-kapaċità għall-gruppi ta’ azzjoni lokali. Għadd ta’ awtoritajiet maniġerjali pprovdew gwida għall-komunitajiet lokali fil-forma ta’ materjal ta’ informazzjoni, manwal jew waqqfu punti ta’ kuntatt għall-mistoqsijiet.
Figura 7 – Durata tal-proċess ta’ approvazzjoni tal-gruppi ta’ azzjoni lokali fl-10 Stati Membri magħżula
Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri. “Data ta’ skadenza relattiva”: jenħtieġ li l-ewwel fażi ta’ strateġija u ta’ għażla tal-GAL tintemm sentejn wara l-approvazzjoni tal-ftehim ta’ sħubija tagħhom; “Data ta’ skadenza assoluta” (linja ħamra): Jenħtieġ li l-approvazzjoni tal-istrateġija ta’ żvilupp lokali tintemm sal-31 ta’ Diċembru 2017 (l-Artikolu 33(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.
Żvilupp twil tal-istrateġiji lokali fis-Slovakkja
L-iżvilupp tal-istrateġiji ta’ żvilupp lokali fis-Slovakkja dam sentejn u nofs, u ntemm tliet xhur wara l-iskadenza ta’ Diċembru 2017.
Fiż-żmien meta wettaqna l-awditu, tliet snin wara, ma kien ġie ffinanzjat l-ebda proġett.
Il-Kummissjoni kienet konxja mill-proċess twil u l-azzjoni meħtieġa sabiex dan jitħaffef.
35 Il-Kummissjoni kienet irrakkomandat li l-Istati Membri jkollhom strateġiji ta’ żvilupp lokali vvalutati abbażi ta’ standards tal-kwalità u jikkompetu ma’ xulxin16. Permezz ta’ dan l-approċċ, il-Kummissjoni kellha l-għan li tiżgura li l-gruppi ta’ azzjoni lokali magħżula jkunu dawk li ppreżentaw l-istrateġiji li kienu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ kwalità minimi.
36 L-Istati Membri kienu meħtieġa jiddefinixxu l-kriterji ta’ valutazzjoni għall-għażla tal-istrateġiji ta’ żvilupp lokali. Dawn kienu jinkludu d-definizzjoni tal-istandards tal-kwalità, li l-istrateġiji kollha kellhom jissodisfaw17. Aħna sibna li disa’ Stati Membri ddefinew standards tal-kwalità iżda fiċ-Ċekja, fil-Greċja u fis-Slovakkja kienu inqas eżiġenti. Ir-Rumanija ma ddefinietx dawn l-istandards tal-kwalità.
37 It-Tabella 4 tagħti ħarsa ġenerali lejn l-għadd ta’ strateġiji ppreżentati u magħżula għal kull Stat Membru kopert mill-awditu li wettaqna. Sitt Stati Membri għażlu l-gruppi ta’ azzjoni lokali kollha li ppreżentaw l-istrateġiji tagħhom. Ir-Rumanija rduppjat l-għadd ta’ gruppi ta’ azzjoni lokali ppjanati inizjalment (minn 120 għal 239).
Tabella 4 – Għażla tal-gruppi ta’ azzjoni lokali/strateġiji ta’ żvilupp lokali
Stat Membru | Għadd ta’ strateġiji ppreżentati | Għadd ta’ strateġiji magħżula |
---|---|---|
Iċ-Ċekja | 179 | 178 |
Il-Ġermanja (is-Sassonja) | 350 | 350 |
L-Estonja | 34 | 34 |
L-Irlanda | 30 | 30 |
Il-Greċja | 50 | 50 |
L-Awstrija | 77 | 77 |
Il-Portugall | 175 | 92 |
Ir-Rumanija | 239 | 239 |
Is-Slovakkja | 121 | 110 |
L-Iżvezja | 53 | 48 |
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Istati Membri magħżula.
Il-gruppi ta’ azzjoni lokali approvaw il-proġetti aktar bil-mod milli antiċipat
38 Biex jagħżlu proġetti li jipprovdu benefiċċji għall-iżvilupp lokali, jenħtieġ li l-gruppi ta’ azzjoni lokali jistabbilixxu kriterji li jkunu xierqa għaż-żona lokali tagħhom, u japplikaw proċeduri ġusti u trasparenti. L-appoġġ LEADER u l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità huwa disponibbli għal:
- proġetti tal-komunità lokali;
- attivitajiet ta’ kooperazzjoni bejn żewġ gruppi ta’ azzjoni lokali jew aktar mill-istess Stat Membru jew minn pajjiżi differenti (tal-UE u mhux tal-UE).
39 Minn 10 Stati Membri, 7 użaw applikazzjonijiet online, għażliet ta’ spejjeż issimplifikati jew għodod oħra biex itaffu l-proċess tal-għażla. F’erba’ Stati Membri (il-Greċja, il-Portugall, iċ-Ċekja u s-Slovakkja), il-proċess ta’ applikazzjoni u approvazzjoni tal-proġetti kien partikolarment ikkumplikat u ħa ħafna żmien.
40 Il-proċess kien jinvolvi sa tmien passi u ħa, bħala medja, madwar sena, b’każijiet estremi li damu iżjed minn sentejn. L-applikanti l-ewwel kellhom japplikaw mal-grupp ta’ azzjoni lokali, li vverifika l-eliġibbiltà u jekk il-proġett kienx jaqbel mal-istrateġija ta’ żvilupp lokali. Imbagħad ippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom lill-awtoritajiet responsabbli. Fil-Greċja, l-applikanti kellhom jippreżentaw applikazzjoni kemm elettronika kif ukoll fuq karta. Dawn ir-rekwiżiti amministrattivi żejda kkontribwew għal sitwazzjoni fejn, fiż-żmien meta wettaqna l-awditu, l-Istati Membri kienu kkompletaw u ħallsu għal relattivament ftit proġetti (39 % tal-infiq tal-proġetti LEADER ippjanat).
41 Skont il-gwida tal-Kummissjoni, jenħtieġ li l-istrateġiji ta’ żvilupp lokali jaqdu skopijiet lokali u li l-proġetti magħżula jikkontribwixxu għall-objettivi tal-istrateġiji18. Il-gruppi ta’ azzjoni lokali stabbilew objettivi u kriterji tal-għażla tal-proġetti li kienu pjuttost ġenerali fl-istrateġiji ta’ żvilupp lokali tagħhom. B’hekk, il-gruppi ta’ azzjoni lokali setgħu jagħżlu firxa wiesgħa ta’ proġetti.
L-approċċ LEADER jiffaċilita l-impenn lokali iżda n-nisa u ż-żgħażagħ huma sottorappreżentati fil-gruppi ta’ azzjoni lokali
42 Il-gruppi ta’ azzjoni lokali jipprovdu forum għall-komunikazzjoni fi ħdan il-komunitajiet lokali biex jitfasslu u jingħataw l-istrateġiji ta’ żvilupp lokali, permezz tal-bidu, l-iżvilupp u l-finanzjament ta’ proġetti lokali. Huma għandhom rwol biex jiġbru l-komunitajiet lokali flimkien u biex jinvolvuhom fl-iżvilupp lokali. L-approċċ LEADER jieħu vantaġġ mill-għarfien espert u l-esperjenza tal-komunitajiet lokali biex jiddefinixxi l-ħtiġijiet ta’ żvilupp tagħhom. Barra minn hekk, dan l-approċċ inħoloq biex jipprovdi pjattaforma għall-komunikazzjoni bejn livelli differenti tal-gvern, minn komunitajiet lokali sal-gvern reġjonali u dak nazzjonali, u biex jagħti inċentiv għal kooperazzjoni eqreb ta’ dan it-tip.
43 Jenħtieġ li l-gruppi ta’ azzjoni lokali jirrappreżentaw il-komunitajiet lokali tagħhom u jinvolvu l-partijiet ikkonċernati lokali rilevanti kollha. Skont il-leġiżlazzjoni, jenħtieġ li l-ebda grupp tal-partijiet ikkonċernati speċifiku ma jirrappreżenta aktar minn 49 % tad-drittijiet tal-vot ta’ gruppi ta’ azzjoni lokali, u l-proporzjon tal-voti minn awtoritajiet pubbliċi fil-proċess tal-għażla tal-proġetti jrid ikun inqas minn 50 %19. Skont il-gwida tal-Kummissjoni, jenħtieġ li l-korpi deċiżjonali jkolhom bilanċ bejn il-ġeneri u jkollhom rappreżentazzjoni ġusta ta’ gruppi fil-mira speċifiċi, bħaż-żgħażagħ, il-minoranzi etniċi u l-persuni żvantaġġati20.
44 Sibna li l-gruppi ta’ azzjoni lokali li eżaminajna pprovdew forum għall-komunikazzjoni lokali, u kkonformaw mar-rekwiżiti legali rigward il-kompożizzjoni tal-korpi deċiżjonali tal-gruppi. Dan fisser li l-awtoritajiet pubbliċi ma baqgħux jiddominaw il-proċess (kif sibna fl-2010). L-analiżi li wettaqna wriet li l-irġiel okkupaw 60 % jew aktar tal-pożizzjonijiet f’10 minn 18-il grupp ta’ azzjoni lokali li mingħandhom irċevejna d-data. Iż-żgħażagħ kienu sottorappreżentati. Minn 20 grupp ta’ azzjoni lokali li eżaminajna, 16 ma kellhom lil ħadd taħt l-età ta’ 30 sena fil-korpi deċiżjonali tagħhom21. Dan joħloq ir-riskju li l-korpi deċiżjonali ma jqisux il-fehmiet u l-interessi tagħhom fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet.
Il-benefiċċji addizzjonali tal-LEADER u tal-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità għadhom ma jidhrux
45 Fir-rapport speċjali preċedenti tagħna dwar il-LEADER, ikkonkludejna li ma kienx hemm evidenza suffiċjenti tal-valur miżjud tal-approċċ LEADER, u rrakkomandajna li l-Kummissjoni tieħu passi urġenti biex tiżgura li hija setgħet tagħti rendikont tal-valur miżjud u tal-ġestjoni finanzjarja soda tal-LEADER. Kif imsemmi fil-paragrafu 07, il-Kummissjoni tistenna li l-LEADER jidher f’riżultati msaħħa li jingħataw mill-proġetti, u f’kapital soċjali mtejjeb u governanza lokali mtejba.
46 Fit-taqsimiet li ġejjin, inqisu kull wieħed minn dawn l-aspetti, wieħed wara l-ieħor, billi l-ewwel neżaminaw jekk il-Kummissjoni għamlitx progress, fl-aħħar 10 snin, fiż-żamma ta’ rendikont tal-benefiċċji tal-LEADER. Wara neżaminaw jekk il-proġetti għall-iżvilupp lokali LEADER wasslux riżultati msaħħa, u fl-aħħar jekk hemmx evidenza li l-approċċ LEADER jwassalx għal kapital soċjali mtejjeb u governanza mtejba fil-komunitajiet lokali.
Il-Kummissjoni bdiet tevalwa l-benefiċċji tal-LEADER
47 Ir-rieżaminar li wettaqna tas-sistema ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni rilevanti wera li waħda mir-rakkomandazzjonijiet ewlenin mir-Rapport Speċjali tal-2010 dwar il-LEADER rigward l-għoti ta’ rendikont għall-benefiċċji tal-LEADER ma kinitx ġiet implimentata bis-sħiħ (ara l-paragrafu 17 u l-Anness II).
48 Kif spjegat fil-paragrafu 13, il-Kummissjoni timmonitorja u tirrapporta dwar il-kisbiet tal-programm LEADER bl-użu ta’ tliet indikaturi stabbiliti fir-Regolament. It-Tabella 5 turi data rrappurtata dwar il-LEADER fir-Rapport Annwali tal-Attività 2019 tad-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali:
Indikatur | Mira (għall-2023) | Data rrappurtata |
---|---|---|
% tal-popolazzjoni rurali koperta minn strateġiji ta’ żvilupp lokali | 53.5 % | 60.6 % |
% tal-popolazzjoni rurali li tibbenefika minn servizzi/infrastrutturi mtejba | 16.4 % | 13.54 % |
L-għadd ta’ impjiegi maħluqa permezz ta’ proġetti li ngħataw appoġġ | 44 109 | 13 337 |
Sors: il-QEA, ibbażat fuq ir-Rapport Annwali tal-Attività 2019 tad-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali.
49 Dawn l-indikaturi ma jagħtux appoġġ għal valutazzjoni sinifikattiva tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-approċċ LEADER. Tabilħaqq, fir-rapporti preċedenti tagħna, inkluż ir-Rapport dwar il-Prestazzjoni tal-201922, osservajna li l-indikaturi użati huma prinċipalment indikaturi tal-input u tal-output u ma jkejlux riżultati jew il-valur miżjud tal-programmi ta’ nfiq. Fir-rapport tagħna dwar il-LEADER tal-2010, irrakkomandajna li l-Kummissjoni tieħu passi urġenti biex tiżgura li hija tista’ tagħti rendikont tal-benefiċċji tal-approċċ LEADER u li l-monitoraġġ ikun immirat lejn indikaturi ta’ tali benefiċċji, tal-effiċjenza u tal-effettività, aktar milli tal-implimentazzjoni.
50 Il-leġiżlazzjoni tirrikjedi li l-Kummissjoni tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar kif iwettqu l-valutazzjonijiet tal-programmi għall-iżvilupp rurali u operazzjonali tagħhom. L-evalwazzjonijiet tal-programmi fi tmiem il-perjodu, jiġifieri l-evalwazzjonijiet ex post, għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni, jew mill-Istati Membri, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni23.
51 Il-Kummissjoni ħarġet żewġ dokumenti gwida biex tagħti appoġġ lill-evalwazzjoni tal-LEADER u tal-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità mill-Istati Membri fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020: linji gwida ta’ evalwazzjoni24 u manwal dwar l-evalwazzjoni25. Il-Kummissjoni hija meħtieġa wkoll li tipprovdi rapport ta’ sinteżi tal-evalwazzjonijiet ex post li jitwettqu mill-Istati Membri sal-31 ta’ Diċembru 2025 għall-programmi operazzjonali u sal-31 ta’ Diċembru 2027 għall-programmi tal-iżvilupp rurali26.
52 Fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, il-Kummissjoni kellha tippreżenta r-rapport ta’ sinteżi għall-iżvilupp rurali sal-31 ta’ Diċembru 201627. Dan ir-rapport ġie ffinalizzat f’April 2018 u ppubblikat f’Lulju 202028. Dan kien jinkludi taqsima qasira dwar il-LEADER, iżda ma pprovdiex valutazzjoni tal-benefiċċji tal-LEADER.
53 Il-Kummissjoni għadha ma ħarġitx l-evalwazzjoni proprja tagħha tal-approċċ LEADER. Fl-opinjoni tagħna tal-2018 dwar il-proposti tal-Kummissjoni għall-politika agrikola komuni l-ġdida, irrakkomandajna li l-Kummissjoni ssegwi l-prinċipju ta’ “l-ewwel evalwa” meta tiġi tirrevedi l-leġiżlazzjoni29. Attwalment il-Kummissjoni qed twettaq evalwazzjoni tal-impatt li l-parti tal-approċċ LEADER iffinanzjata mill-fond għall-iżvilupp rurali għandha fuq l-iżvilupp territorjali bbilanċjat. Din l-evalwazzjoni għandha l-għan li teżamina r-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza, il-koerenza u l-valur miżjud30. Il-Kummissjoni qed tippjana li tippubblika din l-evalwazzjoni fl-2023.
L-Istati Membri użaw il-LEADER biex jiffinanzjaw proġetti dderivati mill-istrateġiji lokali, iżda għal xi wħud kienu jeżistu programmi ta’ nfiq speċifiċi oħra
54 Fin-nuqqas ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni jew ta’ data tal-monitoraġġ rilevanti biex jingħata rendikont tal-benefiċċji tal-proġetti LEADER, ivvalutajna jekk il-LEADER u l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità kellhomx il-potenzjal li jikkontribwixxu għall-iżvilupp lokali u wasslux riżultati msaħħa. Dan għamilnieh billi analizzajna jekk kinux jidderivaw mill-istrateġiji ta’ żvilupp lokali (ara l-paragrafu 41) ippreparati mill-gruppi ta’ azzjoni lokali, u għalhekk jekk kellhomx il-potenzjal li jirrispondu għall-ħtiġijiet lokali. Użajna wkoll il-linji gwida ta’ evalwazzjoni mogħtijin mill-Kummissjoni li jiddefinixxu riżultati msaħħa f’termini tat-tip ta’ proġetti meta mqabbla mal-implimentazzjoni mingħajr il-metodu LEADER31.
55 Ivvalutajna 95 proġett f’termini ta’ dawn il-kriterji introdotti fil-paragrafu 54. Dan ibbażajnieh fuq awtovalutazzjonijiet mill-gruppi ta’ azzjoni lokali. Eżaminajna l-plawżibbiltà ta’ dawn l-awtovalutazzjonijiet u ddiskutejna l-valutazzjoni, li konna wettaqna, mal-awtoritajiet u għadd ta’ detenturi tal-proġetti.
56 Sibna li dawn il-proġetti indirizzaw l-objettivi ġenerali wesgħin stabbiliti fl-istrateġiji ta’ żvilupp lokali (ara l-paragrafu 41). Għadd ta’ proġetti kellhom il-potenzjal li jikkontribwixxu għall-iżvilupp lokali. Identifikajna wkoll proġetti li huma miżjuda mad-dmirijiet statutorji u mhux koperti minn skemi speċifiċi.
57 Madankollu, sibna li xi wħud mill-Istati Membri koperti mill-awditu li wettaqna użaw finanzjament taħt il-LEADER jew taħt l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità biex jiffinanzjaw proġetti li tipikament huma kompiti statutorji tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew muniċipali (bħall-finanzjament għal toroq tal-irħula jew dwal tat-toroq). Barra minn hekk, sibna proġetti li huma indirizzati speċifikament minn miżuri ta’ żvilupp rurali li mhumiex LEADER, u permezz ta’ programmi ta’ nfiq tal-UE oħra (ara l-Kaxxa 2).
58 Pereżempju, il-Ġermanja (is-Sassonja) użat il-LEADER biex tiffinanzja firxa wiesgħa ta’ servizzi rurali bażiċi. Hija allokat EUR 364.3 miljun, 41.5 % tal-finanzjament għall-iżvilupp rurali ppjanat tagħha, għal-LEADER – l-ogħla sehem fost l-Istati Membri u r-reġjuni kollha fl-UE. Għalhekk, l-attivitajiet tradizzjonali tal-Gvern Lokali fil-Ġermanja (is-Sassonja) kellhom jgħaddu minn gruppi ta’ azzjoni lokali. Dan kien jinkludi finanzjament għal toroq tal-irħula, dwal u manutenzjoni tat-toroq u proġetti ta’ estensjoni tal-kindergartens. Skont ir-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu dwar l-iżvilupp rurali, sat-30 ta’ Ġunju 2019 is-Sassonja kienet użat fondi LEADER biex tiffinanzja 112-il proġett tad-dwal tat-toroq (li jiswew EUR 5.5 miljun f’nefqa pubblika), 84 triq tal-irħula (EUR 13-il miljun) u 62 proġett tal-kindergartens (EUR 6.3 miljun)32.
Proġetti ffinanzjati mil-LEADER li għalihom kienu jeżistu miżuri u programmi ta’ nfiq speċifiċi oħra
Iċ-Ċekja u r-Rumanija: Appoġġ għall-modernizzazzjoni tal-azjendi agrikoli u l-bdiewa żgħażagħ
FAEŻR
Grupp ta’ azzjoni lokali wieħed fir-Rumanija għażel 10 proġetti ta’ investiment fl-azjendi agrikoli bi spejjeż totali ta’ EUR 1.7 miljun. Dawn kienu jirrappreżentw kważi nofs l-ispejjeż totali tal-proġetti magħżula kollha. It-tieni grupp Rumen ħallas l-appoġġ lill-bdiewa żgħażagħ fi tmien każijiet bħala somma f’daqqa għal total ta’ EUR 240 000. L-Istati Membri kollha għandhom miżuri speċifiċi biex jagħtu appoġġ lill-bdiewa żgħażagħ taħt il-Pilastru I tal-PAK, u r-Rumanija tipprovdi appoġġ speċifiku taħt il-Pilastru II.
Iż-żewġ gruppi ta’ azzjoni lokali fiċ-Ċekja għażlu 47 proġett ta’ investiment fl-azjendi agrikoli bi spejjeż ta’ madwar EUR 2 miljun, kważi nofs l-ispejjeż totali tal-proġetti magħżula kollha. Wieħed minn dawn il-gruppi ta’ azzjoni lokali nefaq madwar 80 % tal-ispejjeż tal-proġett totali tiegħu fuq proġetti agrikoli.
Dawn il-proġetti taw lill-bdiewa finanzjament mill-UE l-aktar għal investimenti fi stalel u tagħmir ġodda jew taw appoġġ lin-negozju ġdid ta’ bdiewa żgħażagħ.
Il-bdiewa interessati jistgħu japplikaw għall-finanzjament għall-iżvilupp rurali barra mill-kuntest tal-LEADER u għalhekk l-użu tal-finanzjament LEADER f’tali każijiet jidduplika arranġamenti eżistenti.
59 Din is-sitwazzjoni kienet ta’ tip partikolari li konna identifikajna fl-2010. Dak iż-żmien, il-Kummissjoni qablet li, fil-prinċipju, jenħtieġ li l-LEADER ma jagħtix appoġġ lill-attivitajiet normali tal-gvernijiet lokali. Fir-rapport speċjali tagħna tal-2015 dwar l-appoġġ mill-UE għall-infrastruttura rurali33, għamilna osservazzjonijiet simili dwar il-finanzjament ta’ toroq rurali fil-Ġermanja (is-Sassonja) u rrakkomandajna li l-Istati Membri jiżguraw li l-fondi għall-iżvilupp rurali tal-UE ma jissostitwux fondi pubbliċi oħra ddedikati għall-istess qasam ta’ politika.
60 Fl-Irlanda u l-Iżvezja, sibna li fil-parti l-kbira dan ġie evitat minħabba r-regoli ta’ eliġibbiltà ta’ dawn il-pajjiżi:
- L-awtoritajiet Irlandiżi eskludew mill-finanzjament LEADER għadd ta’ setturi u attivitajiet li għalihom kienu jeżistu għażliet ta’ finanzjament oħra, inklużi l-agrikoltura, ir-rinnovazzjoni ta’ proprjetà residenzjali privata u xogħol ta’ manutenzjoni ġenerali mill-korpi pubbliċi, kif ukoll proġetti li diġà rċevew finanzjament ieħor mill-UE jew finanzjament nazzjonali ieħor.
- L-Iżvezja kellha regoli kontra l-ispejjeż għall-finanzjament biex jitwettqu kompiti statutorji jew biex jiġu ssodisfati rekwiżiti legali tal-UE jew dawk nazzjonali (eż. konformità ma’ direttiva tal-UE). Hija rrikjediet ukoll li l-proġetti LEADER u tal-iżvilupp lokali mmexxija mill-komunità jkunu ta’ benefiċċju għall-komunità lokali usa’, mhux biss għal detenturi ta’ proġetti individwali.
Filwaqt li ċ-ċirkustanzi ta’ Stati Membri individwali jvarjaw, fil-fehma tagħna, dawn ir-regoli huma prattiki tajbin li jistgħu jikkontribwixxu għal ġestjoni finanzjarja soda tal-programm LEADER.
Filwaqt li l-esperti jqisu li huwa diffiċli li jiġu evalwati ċerti benefiċċji potenzjali tal-approċċ LEADER, sibna wkoll evidenza li dan jista’ jsir
61 Flimkien ma’ riżultati tal-proġetti mtejba, il-Kummissjoni tiddefinixxi l-benefiċċji tal-LEADER f’termini tal-kapital soċjali mtejjeb u governanza mtejba. Il-linji gwida ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni jipprovdu d-definizzjonijiet li ġejjin:
- Kapital soċjali huwa kunċett multidimensjonali, li jinkludi karatteristiċi tal-organizzazzjonijiet soċjali bħal networks, normi, u fiduċja soċjali li jiffaċilitaw il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni għall-benefiċċju reċiproku.
- Governanza tinkludi l-istituzzjonijiet, il-proċessi u l-mekkaniżmi, li permezz tagħhom il-partijiet ikkonċernati pubbliċi, ekonomiċi u tas-soċjetà ċivili jartikolaw l-interessi tagħhom, jeżerċitaw id-drittijiet ġuridiċi tagħhom, jissodisfaw l-obbligi tagħhom u jimmedjaw id-differenzi tagħhom.
62 Dokumentazzjoni speċjali turi li teżisti firxa ta’ sfidi biex wieħed jipprova jkejjel it-titjib fil-kapital soċjali u fil-governanza lokali, inkluża d-definizzjoni komunement aċċettata ta’ dawn il-kunċetti34. Għalhekk l-esperti jirrikonoxxu li huwa diffiċli li jiġu evalwati dawn il-benefiċċji potenzjali tal-LEADER.
63 Flimkien mar-rapport ta’ sinteżi tal-Kummissjoni (ara l-paragrafu 52), analizzajna r-rapporti ta’ evalwazzjoni ex post tal-Istati Membri koperti mill-awditu li wettaqna, prinċipalment mill-perjodu 2007-2013, għal evidenza ta’ kapital soċjali mtejjeb u governanza lokali mtejba. Il-biċċa l-kbira mir-rapporti ex post tal-Istati Membri ma koprewx dawn il-kunċetti. L-evalwazzjoni ex post Żvediża tal-perjodu 2007-2013 ipprovdiet sejbiet espliċiti b’rabta mal-governanza lokali. Fil-fehma tal-evalwaturi, il-LEADER ma kkontribwiex b’mod pożittiv għall-“governanza vertikali”, jiġifieri għall-pożizzjoni tal-gruppi ta’ azzjoni lokali b’rabta ma’ awtoritajiet u istituzzjonijiet oħra. F’termini ta’ “governanza orizzontali”, jiġifieri l-kooperazzjoni ma’ partijiet ikkonċernati reġjonali oħra, l-evalwaturi enfasizzaw li l-LEADER kien wassal għall-impenn fl-affarijiet pubbliċi lokali tar-rappreżentanti kemm min-negozji lokali kif ukoll mis-soċjetà ċivili.
L-approċċ plurifond iżid il-kumplessità għall-finanzjament ta’ proġetti għall-iżvilupp lokali
64 Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) jikkonsistu f’ħames flussi ta’ finanzjament differenti, kull wieħed bir-regoli speċifiċi proprji tiegħu (ara l-paragrafu 10). Dan jirrikjedi koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli tal-Istati Membri biex jiżguraw sinerġiji u jevitaw trikkib fil-livelli tal-programmi u f’dak tal-proġetti. Il-leġiżlazzjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 tindirizza b’mod espliċitu l-ħtieġa għal din il-koordinazzjoni35.
65 Skont il-Kummissjoni, huwa utli u prattiku li jiġu stabbiliti kumitati ta’ monitoraġġ konġunti għall-programmi differenti. Aħna sibna li dan għamluh 4 biss minn 10 Stati Membri koperti mill-awditu li wettaqna.
66 Madankollu, l-Istati Membri sabu soluzzjonijiet oħra biex jiffaċilitaw il-fluss ta’ informazzjoni. L-awtoritajiet maniġerjali għal kull wieħed mill-fondi individwali fl-Awstrija u l-Ġermanja (is-Sassonja) kienu rrappreżentati fil-kumitati ta’ monitoraġġ tal-fondi l-oħra kollha. L-Estonja kienet stabbiliet awtorità maniġerjali konġunta għall-fondi għall-iżvilupp rurali u s-sajd.
67 Iż-żewġ flussi ta’ finanzjament (il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali) tal-Politika Agrikola Komuni se jiġu ppjanati permezz tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, bħala parti mir-riforma ta’ wara l-2020. B’riżultat ta’ dan, l-iżvilupp rurali jista’ jkollu rabta inqas stretta mat-tliet flussi ta’ finanzjament l-oħra (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura).
68 Il-Kummissjoni stenniet li l-approċċ plurifond iwessa’ l-firxa ta’ setturi lokali, partijiet ikkonċernati u detenturi tal-proġetti involuti fil-gruppi ta’ azzjoni lokali, biex b’hekk tissaħħaħ il-kooperazzjoni lokali. Hija stenniet ukoll li l-inklużjoni ta’ erba’ fondi tal-UE tkun tippermetti li l-gruppi ta’ azzjoni lokali jindirizzaw ħtiġijiet lokali kumplessi b’mod aktar komprensiv u b’iżjed flus.
69 Il-Kummissjoni ma pprovdietx ċifri komprensivi dwar l-għadd ta’ gruppi ta’ azzjoni lokali li qed jużaw l-approċċ plurifond. Skont id-data kkompilata disponibbli l-aktar reċenti36, 3 337 grupp ġew approvati fl-Istati Membri kollha (inkluż ir-Renju Unit) għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. Minnhom, 813 (24 %) użaw aktar minn fond wieħed tal-UE (ara l-Figura 8). Il-biċċa l-kbira minn dawn il-gruppi ta’ azzjoni lokali bi plurifond użaw taħlita ta’ finanzjament mill-fond għall-iżvilupp rurali, il-fond għall-iżvilupp reġjonali u l-fond soċjali, u disgħa fl-UE kollha użaw l-erba’ fondi disponibbli (tmienja fl-Iżvezja u wieħed fil-Polonja).
Figura 8 – Gruppi ta’ azzjoni lokali b’monofond u dawk bi plurifond fil-perjodu 2014-2020
Sors: il-QEA, ibbażat fuq Kah, S. (2021), Update: Implementing cohesion policy funds through multi-Fund CLLD (Data korretta f’Ġunju 2021).
70 L-approċċ plurifond kien ġdid għall-gruppi ta’ azzjoni lokali u għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, u l-gruppi ta’ azzjoni lokali kienu qed jittrattaw ma’ fondi soċjali u reġjonali għall-ewwel darba. Għalhekk id-dokument ta’ gwida tal-Kummissjoni37 enfasizza l-ħtieġa għal linji ċari ta’ responsabbiltà u teħid ta’ deċiżjonijiet. Dan kien jirrikjedi koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli tal-Istati Membri, mhux tal-inqas sabiex il-gruppi ta’ azzjoni lokali jiġu pprovduti regoli u gwida ċari, idealment minn punt uniku ta’ kuntatt.
71 Mill-Istati Membri koperti mill-awditu tagħna, l-Iżvezja kellha l-aktar arranġamenti regolarizzati għall-ġestjoni tal-approċċ plurifond. Hija kienet ħatret awtorità maniġerjali unika u grupp ta’ koordinazzjoni tal-fondi, u kellha biss tliet programmi relatati: programm tal-iżvilupp rurali nazzjonali, programm tas-sajd nazzjonali u programm nazzjonali tal-finanzjament tal-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità mill-fondi reġjonali u soċjali.
72 B’kuntrast ma’ dan, fiċ-Ċekja u l-Portugall, it-taħlita ta’ fondi differenti b’objettivi u regoli differenti, u awtoritajiet maniġerjali differenti li applikaw regoli u gwidi differenti, wasslu biex l-approċċ plurifond kien aktar diffiċli li jiġi mmaniġġjat skont l-awtoritajiet maniġerjali. (Il-Figura 9 turi arranġamenti differenti għall-ġestjoni tal-approċċ plurifond fl-Iżvezja, iċ-Ċekja u l-Portugall). Ma sibna l-ebda evidenza fl-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar ir-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri jew fil-minuti tal-laqgħat annwali tagħhom li l-Kummissjoni kienet interveniet, eż. billi tat feedback bil-miktub dwar il-ġestjoni tal-approċċ plurifond lill-Istati Membri jew billi rrikjediet pjanijiet ta’ azzjoni fejn meħtieġ.
Figura 9 – Arranġamenti għall-ġestjoni tal-approċċ plurifond
Sors: il-QEA, ibbażat fuq mapep ipprovduti mill-Eurostat.
73 Sabiex jiġi ssimplifikat l-approċċ plurifond, il-Kummissjoni introduċiet xi karatteristiċi ġodda għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027:
- L-Istati Membri jridu jorganizzaw sejħa konġunta (li tinvolvi l-fondi kkonċernati kollha) biex jagħżlu l-istrateġiji ta’ żvilupp lokali u dawk tal-gruppi ta’ azzjoni lokali u jistabbilixxu kumitat konġunt għall-monitoraġġ ta’ dawn l-istrateġiji38.
- Jekk Stat Membru jagħżel fond ewlieni, l-istrateġija ta’ żvilupp lokali fl-intier tagħha (jiġifieri l-ġestjoni u l-kontroll tal-proġetti kollha) tkun suġġetta għar-regoli ta’ dak il-fond, filwaqt li l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-pagamenti għal proġetti individwali jibqgħu rregolati mir-regoli tal-fond li jiffinanzja l-proġett inkwistjoni39.
Sibna li fi tmiem Diċembru 2021, is-sejħiet konġunti kienu għadhom mhux possibbli. Il-Kummissjoni infurmatna li dan kien minħabba l-estensjoni tal-perjodu ta’ tranżizzjoni għall-Politika Agrikola Komuni ġdida (inkluż il-fond għall-iżvilupp rurali tal-UE) sal-2022, li kien ifisser li r-regoli preċedenti tal-perjodu 2014-2020 jkunu jkomplu japplikaw.
74 Fl-Iżvezja, minkejja r-regolarizzazzjoni introdotta, l-awtoritajiet qiesu l-plurifond bħala ineffettiv u għalja biex jiġi mmaniġġjat, b’mod partikolari billi l-fondi tas-sajd, il-fondi reġjonali u l-fondi soċjali flimkien kienu jirrappreżentaw biss 20 % tal-finanzjament għall-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità fil-perjodu 2014-2020. Dawn ikkummissjonaw studju li jivvaluta l-finanzjament tal-inizjattivi kollha fl-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità mill-Fond Agrikolu40 li sab li, fil-perjodu 2014-2020, il-gruppi ta’ azzjoni lokali kienu taw appoġġ għal proġetti simili taħt fondi differenti (eż. fl-oqsma tat-turiżmu u tal-integrazzjoni), u li iżjed minn 90 % tal-proġetti kollha appoġġati taħt it-tliet fondi l-oħra tal-UE setgħu jiġu ffinanzjati mill-flus tal-iżvilupp rurali.
75 B’riżultat ta’ dan, l-Iżvezja x’aktarx li ma tkomplix l-approċċ plurifond. Mill-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra li ġew intervistati, irċevejna risposta mħallta li indikat li l-biċċa l-kbira minnhom mhumiex favur l-użu tal-approċċ plurifond fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali u tal-ġejjieni.
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
76 L-awditu li wettaqna eżamina jekk l-approċċ LEADER wassalx benefiċċji li ġġustifikaw l-ispejjeż u r-riskji addizzjonali, b’mod partikolari meta mqabbel mal-programmi tradizzjonali ta’ nfiq tal-UE (minn fuq għal isfel).
77 Iżjed minn 10 snin wara l-aħħar rapport speċjali tagħna dwar il-LEADER, sibna li sar titjib f’ċerti oqsma u li l-LEADER joħloq strutturi li jiffaċilitaw l-impenn lokali. Madankollu, l-approċċ LEADER jinvolvi spejjeż amministrattivi u operazzjonali ogħla, proċessi ta’ approvazzjoni li jimxu aktar bil-mod, u ma rriżultax fi proġetti b’benefiċċji addizzjonali dimostrabbli. B’mod ġenerali, nikkonkludu li hemm ftit li xejn evidenza li l-benefiċċji tal-approċċ LEADER huma akbar mill-ispejjeż u r-riskji li jinvolvi.
78 Il-LEADER, minħabba l-approċċ parteċipatorju tiegħu, jinvolvi spejjeż amministrattivi u operazzjonali għoljin. Ir-Regolament tal-UE jillimita dawn l-ispejjeż f’rata ta’ 25 %. Fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, l-Istati Membri ppjanaw li jonfqu 17 % fuq spejjeż amministrattivi u operazzjonali. Dawn l-ispejjeż jinkludu l-faċilitazzjoni tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta’ żvilupp lokali u l-għoti ta’ għajnuna lil benefiċjarji potenzjali biex jiżviluppaw proġetti. Skont ir-rappurtar tal-Kummissjoni, fi tmiem l-2020, dawn l-ispejjeż ammontaw għal EUR 1.04 biljun (24 % tal-infiq totali f’dak l-istadju, li huwa fil-limiti tar-Regolament). Is-sehem ta’ dawn l-ispejjeż meta mqabbel mal-infiq tal-proġetti għandu t-tendenza li jonqos matul iċ-ċiklu tal-perjodu ta’ programmazzjoni (il-paragrafi 25-30).
79 Sibna li l-gruppi ta’ azzjoni lokali rnexxielhom jippromwovu l-impenn lokali meta kienu qed jiżviluppaw l-istrateġiji ta’ żvilupp lokali tagħhom, li jikkostitwixxi titjib fis-sitwazzjoni li konna sibna iżjed minn 10 snin ilu. Il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri koperti mill-awditu li wettaqna applikaw proċeduri pertinenti biex jagħżlu u japprovaw gruppi ta’ azzjoni lokali bbażati fuq dawn l-istrateġiji, iżda xi wħud applikaw standards tal-kwalità li kienu inqas eżiġenti meta għażlu l-istrateġiji ta’ żvilupp lokali. Sibna li xi Stat Membru wieħed ma inkludiex kriterji għall-kwalità fil-proċess tal-għażla tiegħu. Kieku, kien ikun possibbli li jingħata fokus fuq l-aħjar strateġiji ta’ żvilupp lokali (il-paragrafi 31-37).
80 Sibna li l-proċess ta’ applikazzjoni u approvazzjoni tal-proġetti kien ikkumplikat u kien jinkludi rekwiżiti amministrattivi żejda għad-detenturi tal-proġetti meta mqabbla mal-programmi tradizzjonali ta’ nfiq. Dan ikkontribwixxa għal sitwazzjoni fejn, fiż-żmien meta wettaqna l-awditu, l-Istati Membri kienu kkompletaw u ħallsu għal relattivament ftit proġetti (39 %). Sibna wkoll li l-kriterji tal-għażla tal-proġetti LEADER kienu, fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, pjuttost ġenerali, u b’hekk il-gruppi ta’ azzjoni lokali setgħu jagħżlu firxa wiesgħa ta’ proġetti (il-paragrafi 38-41).
81 Il-proċess tal-għażla tal-proġetti ma baqax formalment dominat mill-awtoritajiet pubbliċi (kif konna sibna fl-2010) u l-gruppi ta’ azzjoni lokali rnexxielhom jiffaċilitaw l-impenn lokali. Fl-2021 sibna, madankollu, li l-biċċa l-kbira mill-gruppi ta’ azzjoni lokali ma kellhomx bilanċ bejn il-ġeneri u ż-żgħażagħ kienu sottorappreżentati. Dan joħloq ir-riskju li l-korpi deċiżjonali ma jqisux il-fehmiet u l-interessi tagħhom fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet (il-paragrafi 42-44).
82 Filwaqt li xi wħud mir-rakkomandazzjonijiet tal-2010 tagħna kienu ġew indirizzati, sibna li l-qafas għal monitoraġġ u valutazzjoni li jintuża mill-Kummissjoni għadu ma pprovdiex evidenza tal-benefiċċji addizzjonali tal-LEADER meta mqabbel ma’ finanzjament tradizzjonali. L-esperti jqisu li huwa diffiċli li jintwerew xi partijiet minn dawn il-benefiċċji – jiġifieri l-kapital soċjali u l-governanza lokali. Fl-opinjoni tagħna tal-2018 dwar il-proposti tal-Kummissjoni għall-politika agrikola komuni l-ġdida, sħaqna li l-Kummissjoni għandha ssegwi l-prinċipju ta’ “l-ewwel evalwa” meta tirrevedi leġiżlazzjoni eżistenti. Il-Kummissjoni bdiet tevalwa l-benefiċċji tal-LEADER (il-paragrafi 47-53 u 61-63).
83 L-analiżi li wettaqna tal-proġetti LEADER uriet li dawn indirizzaw l-objettivi ġenerali wesgħin stabbiliti fl-istrateġiji ta’ żvilupp lokali (ara l-paragrafu 80). Madankollu, sibna proġetti li huma indirizzati speċifikament minn miżuri ta’ żvilupp rurali li mhumiex LEADER, u permezz ta’ programmi ta’ nfiq tal-UE oħra. Xi wħud mill-Istati Membri u l-gruppi ta’ azzjoni lokali użaw il-LEADER biex jiffinanzjaw proġetti li tipikament huma kompiti statutorji ta’ awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew muniċipali (il-paragrafi 54-60).
84 L-approċċ plurifond kien karatteristika ġdida għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, li ġie introdott biex jiġi kkoordinat aħjar l-appoġġ għall-iżvilupp lokali u biex jiġu rinfurzati r-rabtiet bejn iż-żoni rurali, urbani u tas-sajd. B’mod ġenerali, sibna li l-approċċ plurifond, fil-forma attwali tiegħu, iżid il-kumplessità għall-finanzjament tal-proġetti għall-iżvilupp lokali (il-paragrafi 64-75).
Rakkomandazzjoni 1 – Titwettaq evalwazzjoni komprensiva tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-LEADER
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa b’mod komprensiv kemm l-ispejjeż kif ukoll il-benefiċċji. Jenħtieġ li din l-evalwazzjoni għal-LEADER tkopri (il-punti a-e):
- L-applikazzjoni ta’ proċess tal-għażla ta’ gruppi ta’ azzjoni lokali li jalloka l-flus fuq strateġiji ta’ żvilupp lokali li jkunu ta’ kwalità;
- Azzjonijiet li jnaqqsu l-ispejjeż u l-kumplessitajiet amministrattivi (eż. piż amministrattiv żejjed għad-detenturi tal-proġetti, proċeduri tal-għażla twal);
- Il-livell sa fejn il-korpi deċiżjonali huma rappreżentattivi, li jinkludi skont l-età, il-ġeneru u gruppi oħra fil-mira;
- Il-livell sa fejn proġetti ffinanzjati taħt il-LEADER iġibu magħhom benefiċċji addizzjonali meta mqabbla ma’ proġetti li mhumiex LEADER u
- Il-livell sa fejn il-fondi LEADER jintużaw għall-finanzjament tal-kompiti statutorji tal-korpi tal-UE, nazzjonali, reġjonali jew lokali.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: l-2023
Rakkomandazzjoni 2 – Jiġi vvalutat l-approċċ tal-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità
Meta tivvaluta l-effettività u l-effiċjenza tal-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkopri, sa fejn ikun possibbli, l-elementi deskritti fil-qosor fil-punti (a) sa (e) tar-Rakkomandazzjoni 1.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: l-2025 (għall-evalwazzjonijiet ex post tal-perjodu 2014-2020)
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla I, immexxija mis-Sinjura Joëlle ELVINGER, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fl-4 ta’ Mejju 2022.
Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
Il-President
Annessi
Anness I – Indikaturi speċifiċi relatati mal-LEADER u mal-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità
Tabella 6 – FAEŻR | FEMS | FEŻR | FSE |
---|---|---|---|
![]() |
![]() |
L-ebda indikatur speċifiku għas-CLLD | L-ebda indikatur speċifiku għas-CLLD |
O.18: Popolazzjoni koperta mill-GAL O.19: Għadd ta’ GAL magħżula O.20: Għadd ta’ proġetti LEADER appoġġati O.21: Għadd ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni appoġġati O.22: Għadd u tip ta’ promoturi tal-proġetti O.23: Numru uniku ta’ identifikazzjoni tal-GAL involuti fi proġett ta’ kooperazzjoni |
|
||
![]() |
![]() |
||
T21/R22: perċentwal tal-popolazzjoni rurali koperta minn strateġiji ta’ żvilupp lokali T22/R23: perċentwal tal-popolazzjoni rurali li tibbenefika minn servizzi/infrastrutturi mtejba T23/R24: impjiegi maħluqa permezz ta’ proġetti appoġġati (LEADER) |
|
Sorsi: il-FAEŻR: l-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 808/2014; il-FEMS: l-Anness tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1014/2014.
Anness II – Segwitu mill-QEA tar-Rapport Speċjali 5/2010 mwettaq għal dan ir-rapport tal-awditjar
Rakkomandazzjonijiet | Risposta tal-Kummissjoni | Segwitu tal-QEA | ||
---|---|---|---|---|
Rakkomandazzjoni 1 | ||||
Minħabba n-nuqqasijiet persistenti, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-leġiżlazzjoni tipprovdi ċarezza dwar l-istandards meħtieġa fil-każ speċifiku tal-LEADER. Ftit rekwiżiti sempliċi fil-livell tal-UE jistgħu jissostitwixxu l-ħtieġa ta’ regoli ta’ operat diverġenti fil-livell tal-programm, jissimplifikaw proċeduri, itejbu konsistenza u jipprovdu standards ta’ kontroll ċari fl-oqsma li ġejjin: | ||||
|
|
|
||
|
|
|
||
|
|
|
||
Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm proċeduri effettivi fir-rigward tad-dgħufijiet identifikati f’dan ir-rapport, u li l-operat korrett ta’ dawn il-proċeduri jkun taħt superviżjoni. |
|
|||
Rakkomandazzjoni 2 | ||||
Ir-Regolament Finanzjarju jipprojbixxi kull azzjoni li tista’ tirriżulta f’kunflitt ta’ interessi. Minħabba dan, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm salvagwardji effettivi fis-seħħ u għandhom jiċċekkjaw li dawn joperaw b’mod korrett. Il-membri tal-kumitati tal-valutazzjoni tal-proġett jew fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet tal-LAGs [GAL] bi kwalunkwe interess personali, politiku, professjonali jew ta’ negozju f’proposta għal proġett għandhom jagħmlu dikjarazzjoni bil-miktub tal-interess. Għandhom ikunu assenti minn kull diskussjoni, valutazzjoni jew deċiżjoni dwar il-proġett u l-kwistjoni għandha tiġi riferita lill-awtorità ta’ tmexxija f’konformità mar-Regolament Finanzjarju. | Il-Kummissjoni taqbel mal-Qorti li, fir-rigward tal-proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet, jenħtieġ li jkun hemm regoli ċari dwar il-kunflitti ta’ interess, li jenħtieġ jiġu segwiti b’mod strett. L-Artikolu 61(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 jipprevedi li fil-livell tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, is-sħab ekonomiċi u soċjali, kif ukoll rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili jridu jikkostitwixxu mill-inqas 50 % tas-sħubija. Il-Kummissjoni se tippromwovi wkoll prattiki tajbin permezz tal-“Gwida dwar l-applikazzjoni tal-assi tal-LEADER” u se titlob lill-Istati Membri jiżguraw u jivverifikaw salvagwardji effettivi. |
|
||
Rakkomandazzjoni 3 | ||||
Il-Kummissjoni għandha tirrevedi flimkien mal-Istati Membri jekk il-miżuri eżistenti jillimitawx il-kapaċità tal-LAGs [GAL] li jfasslu u jimplimentaw strateġiji innovattivi, multisettorjali, u lokali biex jiksbu l-objettivi tal-Assi 1–3 tal-politika għall-iżvilupp rurali. L-Istati Membri għandhom jemendaw ir-regoli tagħhom kif meħtieġ biex jippermettu lil-LAGs jiżviluppaw soluzzjonijiet lokali li ma jikkorrispondux mal-miżuri għall-iżvilupp rurali. | Dejjem huwa possibbli li jsiru modifiki tal-programmi tal-iżvilupp rurali (PŻR) sabiex tittejjeb l-implimentazzjoni tal-istrateġiji lokali. Barra minn hekk, il-“Gwida dwar l-applikazzjoni tal-assi tal-LEADER” tista’ tiġi rriveduta sabiex tittejjeb il-gwida għall-Istati Membri rigward il-finanzjament tal-proġetti (innovattivi) lil hinn mill-katalogu ta’ miżuri. Minn tmiem l-2009 ’il hawn, diversi Stati Membri għandom l-għan li jemendaw il-programmi tagħhom biex itejbu l-implimentazzjoni effettiva tal-metodu LEADER billi jippermettu aktar flessibbiltà prinċipalment permezz tal-introduzzjoni ta’ miżuri integrati jew speċjali. Sa punt konsiderevoli, din hija konsegwenza tad-diskussjonijiet immexxija mill-Kummissjoni fil-qafas tas-sottokumitat għal-LEADER tan-Network Ewropew għall-Iżvilupp Rurali. |
|
||
Rakkomandazzjoni 4 | ||||
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Istati Membri jirrevedu l-istrateġiji tal-LAGs [GAL] għall-perjodu 2007-2013 u għandhom jirrikjedu li l-LAGs jistabbilixxu objettivi li jistgħu jitkejlu, li jkunu speċifiċi għar-reġjun lokali tagħhom, u li jistgħu jinkisbu mill-programm LEADER għall-bqija tal-perjodu. L-Istati Membri mbagħad għandhom jobbligaw lil-LAGs jagħtu rendikont tal-ilħuq tal-objettivi tal-istrateġija lokali tagħhom, tal-ilħuq tal-valur miżjud permezz tal-approċċ Leader, u għall-effiċjenza tan-nefqa tal-għotja u l-ispejjeż tal-ħidma. | Ir-rapporti ta’ evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu li kellhom jitressqu fi tmiem l-2010 se jinkludu rakkomandazzjonijiet għall-modifiki tal-programm tal-iżvilupp rurali biex il-kontenut tal-programm jiġi allinjat mal-objettivi. Il-Kummissjoni se tieħu din l-opportunità biex tiddiskuti l-implimentazzjoni tal-Assi 4 mal-Istati Membri u b’mod partikolari l-possibbiltà li jittejbu l-kwalità tal-istrateġiji ta’ żvilupp lokali u l-implimentazzjoni tagħhom permezz ta’, fost oħrajn, monitoraġġ u evalwazzjoni mtejba fil-livell tal-GAL. Huma previsti b’mod partikolari l-ġbir u t-tixrid tal-prattika tajba dwar il-monitoraġġ fil-livell tal-GAL permezz tan-Network Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (ENRD) u dwar l-evalwazzjoni fil-kuntest tan-Network ta’ Evalwazzjoni Ewropea għall-Iżvilupp Rurali. |
|
||
Barra minn dan, l-Istati Membri għandhom iqisu jekk din ir-responsabbilità addizzjonali għall-ġestjoni finanzjarja soda tippermettix li s-sistemi eżistenti ta’ ġestjoni, sorveljanza u kontroll jiġu regolarizzati, b’inqas ħtieġa ta’ ċċekkjar dwar il-konformità tal-miżuri mal-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà. |
|
|||
Rakkomandazzjoni 5 | ||||
Minħabba r-responsabbiltà tagħha li tiżgura l-ġestjoni finanzjarja soda tal-baġit tal-UE, il-Kummissjoni għandha tiċċekkja programmi tal-futur f’biżżejjed dettall fir-rigward ta’ elementi speċifiċi li huma fundamentali għall-valur miżjud, l-effettività u l-effiċjenza tal-LEADER. | F’dan il-kuntest tal-approvazzjoni tal-programmi għall-perjodu ta’ programmazzjoni attwali taħt ġestjoni kondiviża, il-Kummissjoni eżaminat l-elementi ewlenin previsti fl-Anness 2 tar-Regolament (KE) Nru 1974/2006. Madankollu, elementi ta’ ġestjoni addizzjonali oħra tal-LEADER jridu jiġu ddefiniti mill-awtoritajiet maniġerjali wara l-approvazzjoni tal-programmi bi qbil mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. |
|
||
L-Istati Membri fil-futur ghandhom jiżguraw li l-LAGs [GAL] jikkoreġu kull dgħufija identifikata fil-proċess tal-għażla b’tali mod li l-LAGs ikollhom strateġiji u pjanijiet ta’ implimentazzjoni tal-ogħla standard. |
|
|||
Rakkomandazzjoni 6 | ||||
Il-Kummissjoni ghandha tieħu passi ta’ malajr biex tiżgura li hija tista’ tagħti rendikont tal-valur miżjud u tal-ġestjoni finanzjarja soda tal-LEADER. Il-monitoraġġ għandu jkun immirat lejn indikaturi tal-valur miżjud, tal-effiċjenza u tal-effettività tal-approċċ LEADER, aktar milli tal-implimentazzjoni. Id-data għandha tkun verifikata minn ras il-għajn, tal-inqas fuq bażi ta’ kampjun. Minħabba l-firxa u n-natura tal-LEADER u d-diffikultajiet li kienu esperjenzati s’issa fl-ilħuq ta’ data relevanti, komparabbli u affidabbli, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra approċċi aktar effiċjenti u effettivi, bħall-monitoraġġ fid-dettall ta’ kampjuni statistikament validi ta’ LAGs [GAL], bis-saħħa ta’ indikaturi, spezzjonijiet u studji strutturati ta’ każijiet appoġġati minn verifikazzjoni tajba tad-data minn evalwatur indipendenti. | Hemm djalogu permanenti mal-Istati Membri biex itejbu l-implimentazzjoni tal-approċċ LEADER permezz tas-sottokumitat għal-LEADER tan-Network Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (ENRD). Il-Kummissjoni tinsab ukoll fi djalogu mal-Istati Membri rigward it-titjib tal-Qafas Komuni ta’ Monitoraġġ u Evalwazzjoni, inklużi l-indikaturi tal-monitoraġġ għal-LEADER. Il-Kummissjoni reċentement iffinalizzat abbozz finali ta’ dokument ta’ ħidma dwar il-valutazzjoni tal-impatti tal-LEADER fiż-żoni rurali. Minħabba d-differenzi bejn l-istrateġiji, ma tistax tinġabar l-istess informazzjoni fil-GAL kollha billi l-implimentazzjoni ta’ strateġija lokali hija mmotivata mill-proċessi. L-evalwazzjoni individwali trid tiġi limitata sabiex tiġi rispettata r-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-effiċjenza tal-proċess ta’ evalwazzjoni stess. |
|
||
Il-Kummissjoni ghandha tikkoordina l-Istati Membri biex tiżgura li s-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll jipprovdu assigurazzjoni dwar l-ekwanimità u t-trasparenza tal-proċeduri; data komparabbli tal-ispejjeż; filwaqt li jikkomplementaw il-monitoraġġ tal-effettività u l-effiċjenza. |
|
Anness III – Lista ta’ proġetti awditjati (Nefqa f’Mejju 2021)
Deskrizzjoni tal-proġett | Tip ta’ promotur tal-proġett | Nefqa totali (f’euro) | Kontribuzzjoni mill-UE (f’euro) | FSIE |
---|---|---|---|---|
Iċ-Ċekja | ||||
Rikostruzzjoni tal-parti ċentrali ta’ muniċipalità (il-bankina u daħliet tal-postijiet ta’ waqfien tal-karozzi tal-linja) | Korp pubbliku | 98 069.98 | 93 166.48 | FEŻR |
Skola primarja mingħajr barrieri | Korp pubbliku | 77 822.80 | 73 931.73 | FEŻR |
Xiri ta’ makkinarju ta’ azjenda agrikola (tagħmir għat-tagħbija multifunzjonali) | SME | 29 420.99 | 11 297.66 | FAEŻR |
Xiri ta’ tagħmir għar-rikostruzzjoni ta’ vaguni ferrovjarji storiċi | SME | 6 268.63 | 1 805.35 | FAEŻR |
Kampijiet ta’ matul il-jum għat-tfal | GAL | 100 389.34 | 85 330.94 | FSE |
Investimenti fl-azjendi agrikoli, fl-istalel u fil-makkinarju għall-produzzjoni mill-annimali | Azjenda agrikola privata | 194 224.11 | 74 582.03 | FAEŻR |
Xiri ta’ makkinarju tal-azjenda agrikola (trattur) | SME | 77 867.57 | 22 269.18 | FAEŻR |
Xiri ta’ makkinarju tal-azjenda agrikola (tagħmir għat-tagħbija u trasportatur) | SME | 62 725.56 | 24 086.62 | FAEŻR |
Xiri ta’ pompa tas-sħana għal dar tal-alloġġ tat-turisti | SME | 7 061.04 | 2 033.58 | FAEŻR |
Akkwist ta’ tagħmir għal ħanut tal-ħaddied (forġa artistika) | SME | 3 510.91 | 1 011.14 | FAEŻR |
Il-Ġermanja (is-Sassonja) | ||||
Konverżjoni għal faċilità ta’ kura matul il-jum inklużiva għat-tfal | Korp pubbliku | 375 000.00 | 300 000.00 | FAEŻR |
Demolizzjoni ta’ dar tal-familja mitluqa waħda | Persuna privata | 9 196.32 | 7 357.06 | FAEŻR |
Rinnovazzjoni ta’ dar tal-kappillan antika għal użu privat | Persuna privata | 160 000.00 | 128 000.00 | FAEŻR |
Kostruzzjoni ta’ pont tas-sajd għal persuni b’diżabbiltà | NGO | 70 753.80 | 47 688.23 | FEMS |
Bandli tal-avventura inklużivi bi sfond ġeoloġiku | NGO | 41 003.44 | 32 802.75 | FAEŻR |
Rikostruzzjoni u rikondizzjonar ta’ poliklinika antika għar-risistemazzjoni ta’ tobba ġodda | SME | 200 000.00 | 160 000.00 | FAEŻR |
Rinnovazzjoni mingħajr barrieri ta’ kamra tal-banju f’appartament privat | Persuna privata | 5 463.87 | 4 371.10 | FAEŻR |
Demolizzjoni ta’ dar tal-apprendistat antika | Kooperattiva agrikola | 15 000.00 | 12 000.00 | FAEŻR |
Rinnovazzjoni ta’ dwal tat-toroq | Korp pubbliku | 2 981.16 | 2 384.93 | FAEŻR |
Rikostruzzjoni ta’ kontejners għal djar tal-vaganzi | SME | 29 152.85 | 23 322.28 | FAEŻR |
L-Estonja | ||||
Modernizzazzjoni ta’ pixxina - kostruzzjoni ta’ pixxina tas-saħħa u tat-tfal | Korp pubbliku | 80 000.00 | 64 000.00 | FAEŻR |
Żvilupp ta’ workshop għall-ipproċessar tas-suf - akkwiżizzjoni ta’ magna tat-tqardix u l-adattament tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni | SME | 25 706.24 | 23 135.61 | FAEŻR |
Xiri ta’ trejler tat-trasport għall-baqar u n-nagħaġ (użu kondiviż minn tliet azjendi agrikoli) | SME | 4 043.60 | 3 234.88 | FAEŻR |
Soluzzjonijiet ta’ projezzjoni awdjoviżwali għal ċentru ta’ edukazzjoni tal-istorja | NGO | 10 000.00 | 8 000.00 | FAEŻR |
Rikostruzzjoni ta’ bini ta’ stazzjon ferrovjarju antik f’kamra għall-istennija tat-trasport pubbliku u mużew | NGO | 72 911.64 | 58 329.28 | FAEŻR |
Xiri ta’ magna għall-qtugħ tal-ġebel għall-ipproċessar tal-ġebel fuq is-sit | SME | 65 040.00 | 52 032.00 | FAEŻR |
Taħriġ fit-turiżmu tan-natura għall-istudenti tal-iskola | Korp pubbliku | 3 233.16 | 2 586.52 | FAEŻR |
Kostruzzjoni ta’ parks tal-iskejzjar | NGO | 17 836.94 | 14 269.54 | FAEŻR |
Xiri ta’ tagħmir għax-xogħol komunitarju ta’ knisja | NGO | 4 943.13 | 3 954.47 | FAEŻR |
Installazzjoni ta’ ħaxix artifiċjali għal grawnd tal-isport | NGO | 139 999.80 | 111 999.84 | FAEŻR |
L-Irlanda | ||||
Żvilupp u kostruzzjoni ta’ bini | NGO | 500 000.00 | 314 000.00 | FAEŻR |
Park tal-iskejzjar komunitarju | NGO | 127 671.00 | 80 177.39 | FAEŻR |
Espansjoni ta’ skola tal-irkib taż-żwiemel | SME | 56 062.97 | 35 207.55 | FAEŻR |
Kampanja ta’ kummerċjalizzazzjoni għal kumpanija privata | SME | 19 374.37 | 12 167.10 | FAEŻR |
Ippjanar soċjoekonomiku komunitarju | GAL | 26 442.90 | 16 606.14 | FAEŻR |
Xiri ta’ tagħmir tal-kompjuter f’negozju tat-turiżmu rurali | Privat | 5 008.25 | 3 145.18 | FAEŻR |
Bini tal-kapaċità f’ċentru tal-viżitaturi | NGO | 52 170.10 | 32 762.82 | FAEŻR |
Xogħlijiet ta’ titjib fuq sit ta’ wirt | NGO | 200 000.00 | 125 600.00 | FAEŻR |
Titjib ta’ faċilitajiet ta’ negozju | SME | 117 567.47 | 73 832.37 | FAEŻR |
Studju ekoloġiku u dwar il-bijodiversità | NGO | 8 966.70 | 5 631.09 | FAEŻR |
Il-Greċja | ||||
Festival tal-mużika | NGO | 31 520.00 | 28 112.69 | FAEŻR |
Titjib tal-infrastruttura tat-toroq | Entità Pubblika | 580 000.00 | 517 302.00 | FAEŻR |
Proġett ta’ NGO kulturali | Assoċjazzjoni Kulturali | 13 633.42 | 12 159.65 | FAEŻR |
Xogħlijiet ta’ titjib fuq skola għal persuni bi bżonnijiet speċjali | Assoċjazzjoni ta’ ġenituri u ħbieb ta’ tfal bi bżonnijiet speċjali | 182 329.93 | 162 620.06 | FAEŻR |
Proġett ta’ NGO kulturali | Assoċjazzjoni Kulturali | 10 515.20 | 9 378.50 | FAEŻR |
Proġett ta’ akkomodazzjoni turistika | Privat | 265 803.55 | 239 223.20 | FAEŻR |
Ħolqien ta’ linja tal-produzzjoni ġdida | Privat | 125 040.00 | 112 048.34 | FAEŻR |
Modernizzazzjoni tan-negozju | Privat | 11 113.00 | 9 958.36 | FAEŻR |
Finanzjament ta’ unità tan-negozju ġdida | Privat | 57 220.60 | 51 275.38 | FAEŻR |
Finanzjament ta’ unità tal-produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib | Privat | 61 017.48 | 54 677.76 | FAEŻR |
L-Awstrija | ||||
L-esplorazzjoni ta’ ħwienet b’kunċett popup lokali | Assoċjazzjoni turistika | 102 398.29 | 32 767.46 | FAEŻR |
Żvilupp ta’ produzzjoni u pproċessar ta’ ħxejjex u ħwawar ta’ kwalità għolja | Kooperattiva | 341 956.33 | 109 426.02 | FAEŻR |
Appoġġ għall-istabbiliment tal-ewwel skola Montessori fir-reġjun | Kooperattiva | 57 126.95 | 27 177.60 | FAEŻR |
Żvilupp ta’ kunċett ta’ “Raħal Intelliġenti” permezz ta’ “Ħsieb Proġettwali” | Korp pubbliku | 7 560.00 | 3 628.80 | FAEŻR |
Ssplorazzjoni ta’ toroq ġodda lejn proġetti innovattivi (Proġett ta’ kooperazzjoni ta’ tliet GAL Awstrijaċi, inklużi t-tnejn awditjati) |
NGO | 376 305.71 | 240 000.00 | FAEŻR |
Osservatorju fuq skala żgħira għal astronomi dilettanti, skejjel u pubbliku interessat | NGO | 55 929.40 | 26 145.60 | FAEŻR |
Appoġġ lil negozji ġodda għal intraprenditorija sostenibbli f’setturi tan-negozju differenti | NGO | 85 608.00 | 41 091.84 | FAEŻR |
Produzzjoni u kummerċjalizzazzjoni ta’ ħatab | Kooperattiva | 15 000.00 | 4 800.00 | FAEŻR |
Ġestjoni tradizzjonali ta’ mergħat fuq muntanji wieqfa | NGO | 23 850.00 | 11 448.00 | FAEŻR |
Il-Portugall (Kontinentali) | ||||
Konverżjoni ta’ mtieħen antiki f’akkomodazzjoni turistika | Impriża individwali (Empresário em Nome Individual) |
181 561.09 | 72 624.47 | FAEŻR |
Xiri ta’ tagħmir tal-kċina industrijali għall-produzzjoni ta’ marmellati, ċatni, zlazi eċċ. | SME | 47 378.22 | 12 507.59 | FAEŻR |
Konservazzjoni u restawr ta’ mtieħen u ż-żoni tal-madwar (mużew fil-beraħ) | Korp pubbliku | 149 000.00 | 89 400.00 | FAEŻR |
Rikondizzjonar tal-forn tal-ħatab ta’ komunità | Korp pubbliku | 8 285.90 | 3 597.44 | FAEŻR |
Xiri ta’ tagħmir għall-produzzjoni tal-ġobon ta’ maħleb | SME | 171 066.39 | 68 551.57 | FAEŻR |
Appoġġ għall-ħolqien tal-impjiegi f’birrerija tal-birra artiġjanali | SME | 10 458.24 | 5 229.12 | FSE |
Xiri ta’ tagħmir għal birrerija tal-birra artiġjanali | SME | 31 571.56 | 12 628.63 | FEŻR |
Appoġġ għall-ħolqien tal-impjiegi f’kumpanija tal-assistenza fit-triq | SME | 6 052.62 | 5 144.73 | FSE |
Modernizzazzjoni u xiri ta’ tagħmir għal ġinnasju | SME | 99 195.60 | 39 678.23 | FEŻR |
Modernizzazzjoni ta’ unità tal-akkomodazzjoni lokali | SME | 31 013.41 | 12 405.36 | FEŻR |
Ir-Rumanija | ||||
Kostruzzjoni ta’ passaġġi taċ-ċiklisti f’raħal | Awtorità pubblika | 81 624.00 | 72 906.56 | FAEŻR |
Xiri ta’ makkinarju agrikolu | SME | 160 226.27 | 143 114.11 | FAEŻR |
Xiri ta’ tagħmir għal azjenda tat-trobbija tan-naħal semisussistenzjarja | SME | 13 975.50 | 12 482.92 | FAEŻR |
Xiri ta’ tagħmir għal tassidermista | SME | 1 047.31 | 935.46 | FAEŻR |
Xiri ta’ makkinarju agrikolu (bidwi żagħżugħ) | SME | 84 574.13 | 75 541.62 | FAEŻR |
Xiri ta’ makkinarju agrikolu (bidwi żagħżugħ) | SME | 27 951.00 | 24 965.83 | FAEŻR |
Stabbiliment ta’ ħanut tas-sbuħija f’raħal | SME | 23 292.50 | 20 804.86 | FAEŻR |
Ċentru tas-servizz soċjali integrat f’raħal | NGO | 5 820.00 | 5 198.42 | FAEŻR |
Kostruzzjoni ta’ ħaxix artifiċjali | Awtorità pubblika | 3 979.20 | 3 554.22 | FAEŻR |
Stabbiliment ta’ prattika tal-fiżjoterapija f’belt żgħira | SME | 23 292.50 | 20 804.86 | FAEŻR |
Is-Slovakkja | ||||
Rikostruzzjoni u rinnovazzjoni ta’ bini għall-produzzjoni ta’ networks komposti | SME | 177 424.76 | 97 583.62 | FEŻR |
Tagħmir għall-produzzjoni ta’ girlandi artifiċjali nofshom lesti | SME | 103 524.20 | 56 938.31 | FEŻR |
Xiri ta’ karozza bi tmien postijiet għat-trasport lokali (eż. tfal, anzjani) | Korp pubbliku (muniċipalità) | 34 210.53 | 32 500.00 | FEŻR |
Sistema ta’ dranaġġ pubbliku | Korp pubbliku | 25 000.00 | 18 750.00 | FAEŻR |
Disinn u kostruzzjoni ta’ mogħdija edukattiva | Korp pubbliku | 24 936.70 | 18 702.53 | FAEŻR |
Rikostruzzjoni ta’ toroq tal-irħula | Korp pubbliku | 22 233.18 | 16 674.89 | FAEŻR |
L-Iżvezja | ||||
Soluzzjonijiet innovattivi tat-trasport pubbliku għal turisti u persuni lokali (Studju tal-fattibbiltà) | NGO | 29 930.67 | 14 965.34 | FAEŻR |
Ċentru għall-kura tal-klieb matul il-jum - Riintegrazzjoni vokazzjonali tal-persuni b’diżabbiltà | SME | 108 894.76 | 54 447.38 | FSE |
Skola tal-għawm għal persuni lokali f’reġjuni b’popolazzjoni skarsa | SME | 15 585.82 | 7 792.91 | FEŻR |
Proġett ta’ GAL biex tingħata għajnuna lin-negozji ġodda | GAL | 26 852.69 | 13 426.34 | FAEŻR |
Kummerċjalizzazzjoni diretta ta’ fiera bbażata fuq l-IT ta’ prodotti tal-ikel lokali | NGO | 54 600.31 | 27 300.15 | FAEŻR |
Proġett tal-isport għall-promozzjoni tal-integrazzjoni ta’ abitanti lokali u migranti | NGO | 106 785.60 | 53 392.80 | FAEŻR |
Metodi ġodda ta’ preservazzjoni tas-sajd kummerċjali lokali (Studju tal-fattibbiltà) | NGO | 6 736.32 | 3 368.16 | FEMS |
Proġett ta’ GAL biex jingħata appoġġ liż-żgħażagħ fid-disinn u l-implimentazzjoni tal-proġetti proprji tagħhom (FAEŻR) | GAL | 153 930.76 | 76 965.38 | FAEŻR |
Proġett ta’ GAL biex jingħata appoġġ liż-żgħażagħ fid-disinn u l-implimentazzjoni tal-proġetti proprji tagħhom (FEŻR) | GAL | 38 519.59 | 19 259.79 | FEŻR |
Proġett teatrali u catering ta’ speċjalitajiet tal-ikel lokali | NGO | 66 640.00 | 33 320.00 | FAEŻR |
Akronimi u abbrevjazzjonijiet
CLLD: Żvilupp lokali mmexxi mill-komunità
DĠ AGRI: Id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
DĠ EMPL: Id-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni
DĠ MARE: Id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd
DĠ REGIO: Id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana
ENRD: Network Ewropew għall-Iżvilupp Rurali
FAEGG: Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija
FARNET: Network Ewropew dwar iż-Żoni tas-Sajd
FEMS: Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd
FES: Fond Ewropew għas-Sajd
FEŻR: Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali
FSE: Fond Soċjali Ewropew
FSIE: Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej
GAL: Grupp ta’ Azzjoni Lokali
GALS: Grupp ta’ Azzjoni Lokali għas-Sajd
il-FAEŻR: Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali
LEADER: Liaison entre actions de développement de l'économie rurale – Rabtiet bejn l-azzjonijiet għall-iżvilupp tal-ekonomija rurali
PAK: Politika Agrikola Komuni
PO: Programm Operazzjonali
PŻR: Programm tal-Iżvilupp Rurali
UE: Unjoni Ewropea
Glossarju
Deadweight huwa effett li jseħħ meta l-finanzjament jiġi pprovdut sabiex jagħti appoġġ lil benefiċjarju li kien jagħmel l-istess għażla fin-nuqqas tal-għajnuna. F’każijiet bħal dawn, l-eżitu ma jistax jiġi attribwit għall-politika, u l-għajnuna mħallsa lill-benefiċjarju ma jkollha l-ebda impatt. Għalhekk, il-proporzjon tal-infiq li jiġġenera deadweight mhuwiex effettiv fih innifsu, minħabba li ma jikkontribwix għall-ilħuq tal-objettivi. Fil-kuntest ta’ dan l-awditu, din hija sitwazzjoni fejn proġett issussidjat kien jitwettaq kompletament jew parzjalment mingħajr l-għajnuna ta’ għotja.
Falliment tas-suq: Falliment tas-suq jirreferi għad-distribuzzjoni ineffiċjenti tal-oġġetti u s-servizzi fis-suq ħieles. Il-fallimenti tas-suq jista’ jseħħ fis-suq għal diversi raġunijiet, inkluż pereżempju esternalitajiet, l-hekk imsejħa beni pubbliċi, informazzjoni mhux perfetta fis-suq jew kontroll tas-suq (monopolju/oligopolju).
Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE): ħames fondi tal-UE prinċipali, li jaħdmu flimkien biex jagħtu appoġġ lill-iżvilupp ekonomiku fl-Istati Membri kollha, bi qbil mal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020: il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR); il-Fond Soċjali Ewropew (FSE); il-Fond ta’ Koeżjoni (FK); il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR); il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS).
Governanza u Kapital soċjali t-tnejn huma termini li jitħawdu u jiġu kkontestati. F’dan ir-rapport, nirreferu għad-definizzjonijiet tal-Kummissjoni (ara l-paragrafu 61).
Strateġija ta’ żvilupp lokali (CLLD): Sett koerenti ta’ operazzjonijiet li għandu l-għan li jilħaq l-objettivi u l-ħtiġijiet lokali, li jikkontribwixxu għall-kisba tal-istrateġija Ewropa 2020, u li tiġi deżinjata u implimentata minn GAL.
Risposti tal-Kummissjoni
Tim tal-awditjar
Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi futuri u l-interess politiku u pubbliku.
Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla I tal-Awditjar, Użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, li hija mmexxija minn Joëlle Elvinger, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa inizjalment minn João Figueiredo(†), Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Paula Betencourt, Kap tal-Kabinett u Quirino Mealha, Attaché tal-Kabinett.
L-awditu ġie ffinalizzat minn Eva Lindström, Membru tal-QEA, li ngħatat appoġġ minn Katharina Bryan, Kap tal-Kabinett; Michael Bain u Florence Fornaroli, Maniġers Prinċipali; Joanna Kokot, Kap tal-Kompitu; Vasileia Kalafati, Anca Florinela Cristescu, Liia Laanes, Marika Meisenzahl (inkluż id-disinn grafiku) u Anna Zalega, awdituri. Daniela Jinaru, Jan Kubat, Michael Pyper u Marek Říha pprovdew appoġġ lingwistiku.

Noti finali
1 Is-sit web tal-Kummissjoni dwar il-LEADER.
2 Ir-Rapport Speċjali 5/2010: L-implimentazzjoni tal-approċċ Leader għall-iżvilupp rurali.
3 Ir-Rapport Speċjali 5/2010: L-implimentazzjoni tal-approċċ Leader għall-iżvilupp rurali.
4 Id-dokument ta’ ħidma tan-Network Ewropew għall-Iżvilupp Rurali: LEADER: 30 years and preparing for the future: delivering LEADER’s unique added value.
5 Il-Kummissjoni Ewropea, id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni il-Parti 2/3 SWD(2021) 166 final.
6 Jiġifieri l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR).
7 L-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 808/2014.
8 Ir-Rapport Annwali tal-Attività 2019, id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali.
9 Ir-Regolament (UE) 2021/2115.
10 L-Artikolu 86(1) tar-Regolament (UE) 2021/1060.
11 Ir-Rapport Annwali għas-sena finanzjarja 2000.
12 Ir-Rapport Speċjali 5/2010: L-implimentazzjoni tal-approċċ Leader għall-iżvilupp rurali.
13 Ir-Rapport Speċjali 19/2013: Rapport 2012 dwar is-segwitu tar-Rapporti Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
14 Guidance for Member States and programme authorities on CLLD in the ESI Funds.
15 L-Artikolu 33(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.
16 Guidance for Member States and programme authorities on CLLD in the ESI Funds, it-Taqsima 7.3, pp. 42-43.
17 Guidance for Member States and programme authorities on CLLD in the ESI Funds, it-Taqsima 7.3, p. 42.
18 Guidance for Member States and programme authorities on CLLD in the ESI Funds, pp. 24-25.
19 L-Artikoli 32(2)(b) u 34(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.
20 Guidance for Member States and programme authorities on CLLD in the ESI Funds, p. 27.
21 Iż-żgħażagħ għandhom minn 18 sa 30 sena; ara d-dokument tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni Ewropea (2019): Youth Policy essentials, p. 6.
22 Ir-Rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-prestazzjoni tal-baġit tal-UE – Status fi tmiem l-2019.
23 L-Artikoli 54-57 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.
24 Linji Gwida, Evalwazzjoni tal-LEADER/tas-CLLD.
25 Il-Kummissjoni Ewropea (2018): FARNET Guide #15 - Evaluating CLLD. Handbook for LAGs and FLAGs.
26 L-Artikolu 57(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (UE) 2020/2220.
27 L-Artikolu 87(2) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005.
28 Il-Kummissjoni Ewropea (2020): Synthesis of Rural Development Programmes (RDPs) ex-post evaluations of period 2007-2013, il-Lussemburgu, pp. 222-234.
29 L-Opinjoni tal-QEA tal-2018 rigward il-proposti tal-Kummissjoni għal regolamenti relatati mal-Politika Agrikola Komuni għall-perjodu wara l-2020.
30 Pjan Direzzjonali tal-Evalwazzjoni: Evalwazzjoni tal-impatt tal-LEADER fuq l-iżvilupp territorjali bbilanċjat.
31 Linji Gwida, Evalwazzjoni tal-LEADER/tas-CLLD.
32 Zentralbewertung des Entwicklungsprogramms für den ländlichen Raum 2014 – 2020 im Freistaat Sachsen. Endbericht, p. 257.
33 Ir-Rapport Speċjali 25/2015: L-appoġġ mill-UE għall-infrastruttura rurali.
34 Nardone, G., Sisto, R., Lopolito, A., Social Capital in the LEADER Initiative: a methodological approach, Journal of Rural Studies, il-Vol. 26, il-Ħarġa 1, l-2010, pp. 63-72.
Pisani, E., Franceschetti, G.; Secco, L. u Asimina C. (ed., 2017), Social Capital and Local Development: From Theory to Empirics. Cham (l-Iżvizzera).
Claridge, T. (2020), Current definitions of social capital - Academic definitions in 2019, inkluża link għall-preżentazzjoni “Social capital - is there an accepted definition in 2020?”
Shucksmith, M. (2002), Endogenous Development, Social Capital and Social Inclusion: perspectives from leader in the UK, Sociologia Ruralis, 40(2), pp. 208-218.
Thuesen, A. A. (2010), Is LEADER elitist or inclusive? Composition of Danish LAG boards in the 2007-2013 rural development and fisheries programmes, Sociologia ruralis, 50(1), pp. 31-45.
35 Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, inkluż l-Anness I (qafas strateġiku komuni).
36 Kah, S. (2021), Update:Implementing cohesion policy funds through multi-Fund CLLD (Data korretta f’Ġunju 2021).
37 Il-Kummissjoni Ewropea (2016), FARNET Guide #10: Starting CLLD implementation in practice.
38 L-Artikolu 31(3) tar-Regolament (UE) 2021/1060.
39 L-Artikolu 31(4)-(6) tar-Regolament (UE) 2021/1060.
40 Är det möjligt att finansiera alla insatser inom lokalt ledd utveckling genom jordbruksfonden? Uppföljningsrapport 2019:11 (Huwa possibbli li jiġu ffinanzjati l-inizjattivi kollha fis-CLLD mill-Fond Agrikolu [FAEŻR]? Ir-rapport ta’ segwitu tal-2019: 11).
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (https://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022
ISBN 978-92-847-8076-1 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/753968 | QJ-AB-22-012-MT-N | |
HTML | ISBN 978-92-847-8086-0 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/858618 | QJ-AB-22-012-MT-Q |
DRITT TAL-AWTUR
© L-Unjoni Ewropea, 2022
Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija stabbilita fid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-QEA dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Għalhekk, bħala regola ġenerali, l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat dment li jingħata kreditu xieraq u li kwalunkwe bidla tiġi indikata. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.
Irid jinkiseb permess addizzjonali jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza.
Fejn ikun inkiseb tali permess, dan għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.
Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, jista’ jkun meħtieġ li titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.
Figura 2:
- Ikoni
magħmulin minn Freepik minn fuq https://flaticon.com.
- Ikona
magħmula minn pongsakornRed minn fuq https://flaticon.com.
Il-Figuri 3 u 4:
- Ikoni
magħmulin minn Freepik minn fuq https://flaticon.com.
- Ikona
magħmula minn xnimrodx minn fuq https://flaticon.com.
- Ikona
magħmula minn Smashicons minn fuq https://flaticon.com.
Figura 5:
- Ikoni
magħmulin minn Freepik minn fuq https://flaticon.com.
- Ikona
magħmula minn xnimrodx https://flaticon.com.
Kaxxa 2: Ikona magħmula minn Freepik minn fuq https://flaticon.com.
Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid.
Il-familja ta’ siti web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuqhom, dawn, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.
Użu tal-logo tal-QEA
Ma jistax isir użu mil-logo tal-QEA mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.
Kif tikkuntattja lill-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
- bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Kif issib tagħrif dwar l-UE
Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: https://eur-lex.europa.eu
Data Miftuħa mill-UE
Il-portal Data Miftuħa mill-UE (https://data.europa.eu/mt) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-data mill-UE. Id-data tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.