Għajnuna umanitarja li tingħata mill-UE għall-edukazzjoni: tgħin lit-tfal fil-bżonn, iżda jenħtieġ li tkun fuq żmien itwal u tilħaq aktar bniet
Dwar ir-rapport:
Il-Kummissjoni żiedet l-għajnuna għall-edukazzjoni f’emerġenzi u kriżijiet fit-tul sa 10 % tal-għajnuna umanitarja totali tagħha fl-2019. Aħna vvalutajna l-mod kif il-Kummissjoni mmaniġġjat dan il-livell ġdid ta’ appoġġ. Sibna li l-proġetti kienu rilevanti u kisbu
r-riżultati mistennija tagħhom, iżda laħqu inqas bniet milli subien. Il-biċċa l-kbira mill-proġetti fil-kampjun tagħna kienu qosra wisq meta mqabbla mal-ħtiġijiet, u l-Kummissjoni ma identifikatx suffiċjentement opportunitajiet għal kosteffettività akbar. Għalkemm il-biċċa l-kbira mill-proġetti komplew ikunu ta’ benefiċċju għat-tfal wara li kienu ntemmu, il-proġetti dwar il-flus kontanti għall-edukazzjoni ftit li xejn għamlu biex inaqqsu d-dipendenza mill-assistenza fi flus kontanti. Aħna nirrakkomandaw li jiġi pprovdut finanzjament fuq żmien itwal, tittejjeb l-analiżi tal-ispejjeż, jiġi pprovdut aktar appoġġ għall-bniet u tittejjeb is-sostenibbiltà tal-proġetti ta’ assistenza fi flus kontanti.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.
Sommarju eżekuttiv
IL-edukazzjoni hija prijorità għal miljuni ta’ tfal li ma jattendux skola, f’żoni milquta minn kriżi. Din mhux biss tipprovdilhom opportunitajiet ta’ tagħlim, iżda żżid ukoll ir-reżiljenza tagħhom. Tgħin ukoll biex tipproteġihom u tippermettilhom jiżviluppaw il-kwalitajiet li se jkunu ta’ benefiċċju għall-ġejjieni tagħhom.
IIPermezz tad-Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej (ECHO) tal-Kummissjoni Ewropea, l-UE tipprovdi għajnuna umanitarja bbażata fuq il-ħtiġijiet għal dawk milquta minn diżastri. Hija għandha l-għan li timmaniġġja operazzjonijiet umanitarji skont il-prinċipji tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività. L-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija prinċipju gwida ieħor.
IIIDan l-aħħar, l-UE żiedet l-għajnuna għall-edukazzjoni sa 10 % tal-għajnuna umanitarja totali tagħha, ekwivalenti għal EUR 160 miljun fl-2019. Din l-għajnuna għandha l-għan ta’ restawr u żamma tal-aċċess għal edukazzjoni li tkun sikura u ta’ kwalità matul il-kriżijiet umanitarji. Hija tappoġġa ħafna tipi ta’ attivitajiet, li jinkludu: bini jew riabilitazzjoni ta’ klassijiet, forniment ta’ materjali ta’ taħriġ u għamara, taħriġ tal-għalliema u għajnuna lit-tfal biex jirritornaw l-iskola billi tipprovdi flus kontanti għall-familji u tgħin lit-tfal ilaħħqu permezz ta’ programmi ta’ edukazzjoni aċċellerata.
IVL-iskop prinċipali tal-awditu kien li titwettaq valutazzjoni ta’ jekk l-għajnuna umanitarja li tingħata mill-UE għall-edukazzjoni kinitx effettiva biex tgħin lit-tfal u jekk twasslitx b’mod effiċjenti. L-awditu kopra proġetti fil-Ġordan u fl-Uganda mill-2017 sal-2019. Ir-rapport għandu l-għan li jikkontribwixxi għat-titjib tal-ġestjoni tal-Kummissjoni f’qasam fejn il-finanzjament kien qed jiżdied b’mod kostanti f’dawn l-aħħar snin.
VAħna sibna li l-proġetti kienu rilevanti u kkoordinati tajjeb, u li l-Kummissjoni indirizzat il-problemi li kienet identifikat matul iż-żjarat ta’ monitoraġġ. Il-proġetti kisbu l-biċċa l-kbira mir-riżultati ppjanati tagħhom. Madankollu, huma għamlu użu limitat mill-gwida rilevanti mogħtija mill-Kapaċità Msaħħa ta’ Rispons, tal-ECHO, li tipprovdi finanzjament għas-sħab biex jiżviluppaw metodoloġiji u linji gwida għat-tisħiħ tal-effettività tal-azzjonijiet umanitarji.
VIAħna sibna wkoll li l-proġetti ma kinux jimmiraw biżżejjed bniet, minkejja li dawn kienu jħabbtu wiċċhom ma’ żvantaġġi akbar, bħar-riskju ta’ żwieġ bikri. Barra minn hekk, bosta mill-proġetti kkampjunati ma laħqux il-proporzjon fil-mira ta’ bniet.
VIIIl-biċċa l-kbira mill-proġetti fil-kampjun tagħna inizjalment kellhom durata ta’ bejn 10 xhur u 12-il xahar. Din ma kinitx twila biżżejjed biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet edukattivi ta’ tfal fi kriżijiet fit-tul, u xi proġetti ġew estiżi. Id-durata qasira żiedet ukoll il-piż amministrattiv fuq is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, u b’hekk it-twassil tal-għajnuna kien inqas effiċjenti.
VIIIIl-Kummissjoni ma analizzatx l-ispejjeż tal-proġetti suffiċjentement biex tidentifika opportunitajiet għal kosteffettività akbar. Hija ma qabblitx l-ispiża tal-attivitajiet, jew il-proporzjon ta’ oġġetti u servizzi li l-benefiċjarji kienu jirċievu, ma’ proġetti simili jew ma’ fażijiet preċedenti tal-istess proġett. Dan kien il-każ mhux biss waqt l-għażla ta’ proposti għal proġetti, iżda wkoll waqt il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ proġetti.
IXWara li ntemmu l-proġetti, ħafna minnhom komplew ikunu ta’ benefiċċju għat-tfal. Madankollu, l-ECHO ftit li xejn għamel biex inaqqas id-dipendenza tal-benefiċjarji mill-assistenza fi flus kontanti fi ħdan il-proġetti kkampjunati dwar il-flus kontanti għall-edukazzjoni. Ħafna minn dawn il-proġetti kienu jirrikjedu finanzjament ripetut, minħabba li ma kellhomx rabtiet ma’ programmi ta’ għajnuna fuq żmien itwal u, lill-benefiċjarji, ftit li xejn kienu jirreferulhom soluzzjonijiet ta’ għajxien.
XIbbażat fuq dawn il-konklużjonijiet, aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- tagħmel użu akbar mir-riżultati tal-proġetti taħt Kapaċità Msaħħa ta’ Rispons;
- tipprovdi aktar appoġġ għall-bniet;
- tipprovdi finanzjament fuq żmien itwal għall-edukazzjoni fi kriżijiet fit-tul;
- ittejjeb l-analiżi tal-ispejjeż fl-għażla u l-monitoraġġ ta’ proġetti tal-edukazzjoni;
- iżżid is-sostenibbiltà tal-proġetti dwar flus kontanti għall-edukazzjoni.
Introduzzjoni
L-edukazzjoni hija prijorità għal miljuni ta’ tfal li ma jattendux skola, f’żoni milquta minn kriżi
01Huwa stmat li 64 miljun tifel u tifla fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma jattendux skola primarja1. Nofs dawn it-tfal li ma jattendux skola jgħixu f’żoni milquta minn kunflitti. Il-bniet huma aktar żvantaġġati, b’mod ġenerali, billi hemm probabbiltà akbar li ma jattendux skola milli fil-każ tas-subien f’pajjiżi milquta minn kunflitti2.
02Issa, il-kriżi umanitarja medja ddum aktar minn disa’ snin. Kważi tliet kwarti min-nies li rċevew assistenza umanitarja fl-2018 kienu ilhom seba’ snin jew aktar f’pajjiżi milquta minn kriżi3.
03L-edukazzjoni f’emerġenzi u kriżijiet fit-tul (EiE) mhux biss tipprovdi opportunitajiet ta’ tagħlim, iżda żżid ir-reżiljenza tat-tfal. Hija tista’ tipprovdi wkoll protezzjoni fiżika immedjata kif ukoll għarfien u ħiliet li jsalvaw il-ħajja4. Waħda mir-raġunijiet prinċipali biex jiġu pprovduti attivitajiet edukattivi organizzati fi stadju bikri f’emerġenzi hija biex jitnaqqas l-impatt psikosoċjali tat-trawma fuq it-tfal. It-taqlib u l-insigurtà li jkunu inerenti f’sitwazzjonijiet ta’ rifuġjati jistgħu jdgħajfu l-iżvilupp fiżiku, intellettwali, psikoloġiku, kulturali u soċjali tat-tfal. Madankollu, l-EiE tista’ tagħti lit-tfal tama għall-ġejjieni, sens ta’ normalità u sikurezza, u tiżgura l-akkwiżizzjoni ta’ ħiliet bażiċi4.
04It-tfal milquta minn kriżijiet jenfasizzaw l-importanza tal-edukazzjoni5. Il-ġenituri u l-mexxejja ta’ komunitajiet milquta minn kunflitti wkoll iqisu li l-edukazzjoni tat-tfal hija waħda mill-prijoritajiet l-aktar importanti tagħhom, u xi drabi jagħżlu lilha minflok servizzi bażiċi oħra6 7.
Dan l-aħħar, il-Kummissjoni żiedet l-għajnuna għall-edukazzjoni sa 10 % tal-għajnuna umanitarja totali tagħha
05Permezz tad-Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej (ECHO), l-UE tipprovdi għajnuna umanitarja għal dawk milquta minn diżastri8. L-ECHO s-soltu ma jintervenix direttament fuq il-post. L-azzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja ffinanzjati mill-ECHO jiġu implimentati minn organizzazzjonijiet sħab, bħal Organizzazzjonijiet Umanitarji Nongovernattivi (NGOs), Organizzazzjonijiet Internazzjonali (OI) u aġenziji ta’ sokkors tan-Nazzjonijiet Uniti. L-ECHO jibqa’ responsabbli mill-istrateġija u l-implimentazzjoni tal-għajnuna umanitarja tal-Unjoni Ewropea. Huwa jiffinanzja azzjonijiet li jiġu proposti mis-sħab, u jimmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom.
06Ir-Regolament dwar l-Għajnuna Umanitarja u r-Regolament Finanzjarju jirrikjedu li l-Kummissjoni timmaniġġja operazzjonijiet umanitarji skont il-prinċipji tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività. L-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija prinċipju gwida ieħor tal-għajnuna umanitarja tal-UE9.
07L-UE stipulat il-qafas ta’ politika tagħha għall-edukazzjoni f’emerġenzi u kriżijiet fit-tul fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ Mejju 201810. L-Istati Membri tal-UE approvaw dan il-qafas fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2018. Il-qafas iffoka fuq erba’ oqsma prijoritarji strateġiċi (ara l-Figura 1). Qabel dan, l-appoġġ kien iggwidat minn Komunikazzjoni tal-2008, li ppreżentat argument favur l-inklużjoni tal-edukazzjoni fl-għajnuna umanitarja11.
Il-Kummissjoni tappoġġa ħafna tipi ta’ attivitajiet għall-edukazzjoni. Dawn jinkludu: bini jew riabilitazzjoni ta’ klassijiet, akkomodazzjoni għall-persunal u latrini: forniment ta’ materjali ta’ taħriġ u għamara; taħriġ tal-għalliema; għoti ta’ edukazzjoni aċċellerata bħala għajnuna lit-tfal biex jirritornaw l-iskola; sensibilizzazzjoni tal-ġenituri rigward l-importanza tal-edukazzjoni; għoti ta’ flus kontanti għall-familji biex b’hekk it-tfal jistgħu jattendu l-iskola; u għoti ta’ appoġġ psikosoċjali għat-tfal.
09Permezz tal-finanzjament tiegħu taħt il-Kapaċità Msaħħa ta’ Rispons (KMR), l-ECHO għandu l-għan li jagħti l-kapaċità lis-settur umanitarju biex dan jipprovdi għajnuna b’mod aktar effettiv. Il-KMR jipprovdi finanzjament lil inizjattivi li jintroduċu u jiżviluppaw modi ġodda ta’ ħidma (pereżempju metodoloġiji u linji gwida).
10L-ECHO jalloka fondi għal kriżijiet abbażi ta’ valutazzjoni kwalitattiva tal-ħtiġijiet. L-allokazzjoni tal-finanzjament tieħu inkunsiderazzjoni wkoll fatturi bħalma huma: il-livell ta’ allokazzjonijiet preċedenti, l-għadd ta’ sħab preżenti fuq il-post, l-aċċess għall-benefiċjarji, u l-koordinazzjoni fost is-sħab umanitarji. Hija tieħu inkunsiderazzjoni wkoll l-impenn fil-Komunikazzjoni ta’ Mejju 2018 biex lill-edukazzjoni jiġu ddedikati 10 % tal-baġit tal-UE għall-għajnuna umanitarja.
11L-ECHO kien diġà beda jżid il-finanzjament għall-edukazzjoni fl-2016, meta l-infiq żdied b’EUR 51 miljun meta mqabbel mas-sena preċedenti (ara l-Figura 2). F’konformità mal-Komunikazzjoni tal-2018, l-ECHO kompla jalloka b’mod sinifikanti aktar finanzjament għall-edukazzjoni, u laħaq 10 % tal-baġit tal-UE għall-għajnuna umanitarja fl-2019.
L-akbar 10 riċevituri ta’ għajnuna f’emerġenza tal-UE għall-edukazzjoni fil-perjodu 2017-2019 irċevew total ta’ EUR 188 miljun. L-akbar erba’ riċevituri kienu t-Turkija (EUR 84 miljun), il-Ġordan (EUR 18-il miljun), is-Sirja (EUR 16-il miljun) u l-Uganda (EUR 16-il miljun).
Tabella 1
Finanzjament mill-ECHO għall-EiE fil-perjodu 2017-2019 – l-ewwel 10 pajjiżi riċevituri fil-lista tal-klassifika
Pajjiż | Impenjati (M EUR) | |
1 | It-Turkija | 84.8 |
2 | Il-Ġordan* | 18.0 |
3 | Is-Sirja | 16.0 |
4 | L-Uganda* | 15.7 |
5 | Il-Libanu | 13.9 |
6 | Is-Somalja | 10.2 |
7 | L-Iraq | 9.6 |
8 | L-Iran | 8.3 |
9 | L-Etjopja | 5.7 |
10 | Il-Mali | 5.6 |
187.8 |
* Pajjiżi li ġew inklużi fl-awditu.
Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni.
Ambitu u approċċ tal-awditjar
13L-awditu li wettaqna eżamina kif il-Kummissjoni kienet immaniġġjat il-livell ogħla ta’ appoġġ tagħha għall-edukazzjoni f’emerġenzi u fi kriżijiet fit-tul. Fl-2019, l-għajnuna mogħtija mill-Kummissjoni għall-edukazzjoni laħqet il-mira tagħha ta’ 10 % tal-għajnuna umanitarja totali tal-UE. L-awditu li wettaqna kellu l-għan li jiżgura li dan il-livell ġdid ta’ finanzjament jintuża b’mod effettiv u effiċjenti, u li jagħmel rakkomandazzjonijiet għal titjib ibbażat fuq is-sejbiet tagħna.
14L-awditu vvaluta l-effettività u l-effiċjenza tal-għajnuna mogħtija mill-UE għall-edukazzjoni f’emerġenzi u kriżijiet fit-tul. Aħna staqsejna l-mistoqsijiet li ġejjin:
- L-għajnuna umanitarja tal-UE kienet effettiva biex tgħin lit-tfal?
- Il-Kummissjoni wasslet l-għajnuna tagħha b’mod effiċjenti?
L-awditu kopra żewġ pajjiżi, il-Ġordan u l-Uganda, u b’hekk aħna stajna neżaminaw ir-rispons tal-ECHO għal kriżijiet fit-tul f’żewġ kuntesti differenti. L-impenji tal-UE għall-finanzjament tal-EiE fil-Ġordan u l-Uganda mill-2017 sal-2019 kienu ta’ EUR 18-il miljun u EUR 16-il miljun, rispettivament (ara l-paragrafu 12). It-Turkija, l-akbar riċevitur tal-finanzjament tal-EiE mill-UE, ma ġietx inkluża fl-ambitu tal-awditu li wettaqna peress li l-infiq rilevanti kien diġà ġie inkluż f’awditu tal-QEA li twettaq fl-201812.
16Aħna eżaminajna seba’ proġetti fil-Ġordan u erbgħa fl-Uganda li bdew fl-2017, fl-2018 u fl-2019 (ara l-Anness I). Għażilna dawn il-pajjiżi abbażi tal-ammont ta’ finanzjament mill-UE pprovdut għall-EiE mill-2017 sal-2019. Kriterji addizzjonali kienu jinkludu l-ħtieġa li jiġu koperti sħab differenti inkarigati mill-implimentazzjoni u li jkun jista’ jsir kampjunar kemm ta’ proġetti magħluqa kif ukoll ta’ dawk li kienu għadhom għaddejjin.
17Aħna wettaqna l-awditu bejn Novembru 2019 u Ġunju 2020. Minħabba l-COVID-19, ma stajniex inżuru proġetti fuq il-post. Aħna organizzajna intervisti mal-persunal tal-Kummissjoni fi Brussell qabel ma ġew introdotti r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Imbagħad, organizzajna vidjokonferenzi mal-impjegati tal-Kummissjoni u mas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni fil-kwartieri ġenerali tagħhom u fuq il-post fil-Ġordan u fl-Uganda. Għalhekk, l-osservazzjonijiet u l-konklużjonijiet tagħna huma bbażati fuq ir-rieżaminar li wettaqna tad-dokumentazzjoni (pereżempju: proposti għal proġetti, rapporti ta’ monitoraġġ, u indikaturi tar-riżultati) u fuq l-iskambji tagħna mal-Kummissjoni u mas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni.
Osservazzjonijiet
L-għajnuna umanitarja mogħtija mill-UE għall-edukazzjoni għenet lit-tfal fil-bżonn, iżda laħqet inqas bniet milli subien
18Biex tgħin lit-tfal b’mod effettiv, jenħtieġ li l-Kummissjoni13:
- timmira l-għajnuna tagħha lejn fejn din tkun rilevanti u l-aktar meħtieġa;
- taħdem flimkien mas-sħab tagħha u ma’ organizzazzjonijiet umanitarji oħra fil-qasam;
- timmonitorja l-proġetti u tindirizza kwalunkwe xkiel għall-kisba tar-riżultati;
- tiżgura li l-proġetti jiksbu l-outputs u l-eżiti ppjanati tagħhom u tagħmel użu mir-riżultati tal-proġetti taħt Kapaċità Msaħħa ta’ Rispons;
- tieħu kont ta’ kwistjonijiet ta’ ġeneru meta tivvaluta l-ħtiġijiet biex b’hekk il-proporzjon ta’ bniet fil-mira u milħuqa jirrifletti l-iżvantaġġi akbar li jħabbtu wiċċhom magħhom.
Għalhekk, aħna eżaminajna jekk il-proġetti kinux konsistenti mal-qafas ta’ politika tal-Kummissjoni u jekk kinux jimmiraw lit-tfal fil-bżonn. Aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni ħadmitx ma’ partijiet ikkonċernati oħra biex timmassimizza l-komplementarjetà u jekk il-monitoraġġ tal-proġetti tagħha identifikax problemi ewlenin li dwarhom trid tittieħed azzjoni korrettiva. Aħna vvalutajna jekk il-proġetti kisbux l-outputs u l-eżiti ppjanati tagħhom u jekk għamlux użu mill-gwida li tirriżulta minn inizjattivi ffinanzjati mill-Kapaċità Msaħħa ta’ Rispons tal-ECHO. Aħna eżaminajna wkoll jekk il-proġetti pprovdewx appoġġ suffiċjenti lill-bniet.
20Il-Figura 3 tagħti sommarju tas-sejbiet li ħarġu mill-eżaminar li wettaqna tal-proġetti kkampjunati fiż-żmien meta wettaqna l-awditu rigward ir-rilevanza, il-koordinazzjoni, il-monitoraġġ, ir-riżultati u l-appoġġ tagħhom għall-bniet.
Il-proġetti kienu rilevanti
21Aħna sibna li l-proġetti kollha fil-kampjun tagħna kienu konsistenti mal-qafas ta’ politika rilevanti. L-Anness I jelenka l-attivitajiet varji mwettqa mill-proġetti. Madankollu, l-ECHO żied sinifikattivament il-firxa u l-livell tal-appoġġ tiegħu għall-edukazzjoni (ara l-Figura 2) qabel ma żviluppa l-qafas ta’ politika fl-2018. Dan ikkontribwixxa għal nuqqas ta’ kontinwità fil-finanzjament mogħti mill-Kummissjoni għal proġett wieħed fil-kampjun tagħna. Il-Proġett Nru 9 appoġġa l-iżvilupp tat-tfulija bikrija fl-Uganda fl-2017 u l-2018, li ma kienx parti mill-pjan nazzjonali ta’ rispons fl-edukazzjoni. L-ECHO waqaf jagħti appoġġ wara li l-Komunikazzjoni ta’ Mejju 2018 iffukat aktar fuq l-edukazzjoni primarja u fuq programmi ta’ edukazzjoni aċċellerata.
22Għall-kampjun tagħna ta’ proġetti, aħna sibna li l-Kummissjoni u s-sħab tagħha kienu wettqu valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet bl-użu ta’ approċċ parteċipattiv mar-residenti lokali. Pereżempju, saru diskussjonijiet fi gruppi fokus mal-għalliema, mal-ġenituri u mat-tfal biex jinkiseb għarfien dwar l-isfidi speċifiċi li dawn kienu qed iħabbtu wiċċhom magħhom u dwar il-fehmiet tagħhom rigward il-kontenut tal-proġett rilevanti. Imbagħad, din l-informazzjoni intużat waqt l-ippjanar tal-proġett.
23Il-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet ħadu kont ukoll ta’ kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tat-tfal. Pereżempju, il-Proġett Nru 4 fil-Ġordan kien jinkludi servizz ta’ “mixi sal-iskola”, billi diskussjoni fi grupp fokus enfasizzat il-fatt li s-sikurezza waqt l-ivvjaġġar lejn l-iskola kienet raġuni waħda għan-nuqqas ta’ attendenza. Il-Proġett Nru 2 introduċa t-taħriġ tal-għalliema biex jiġi indirizzat il-bullying wara li diskussjoni fi grupp fokus identifikat dan bħala problema.
Il-proġetti kienu kkoordinati tajjeb
24Iż-żieda rapida fil-finanzjament mogħti mill-ECHO għall-edukazzjoni, minn EUR 12-il miljun fl-2015 għal EUR 166 miljun fl-2019, kienet tfisser li koordinazzjoni tajba kienet partikolarment importanti biex il-komplementarjetà tiġi żgurata u biex id-duplikazzjoni tiġi evitata. Is-sħab tal-ECHO inkarigati mill-implimentazzjoni pparteċipaw fir-raggruppamenti jew gruppi ta’ ħidma tas-settur tal-edukazzjoni fil-Ġordan u fl-Uganda. Dawn kellhom l-għan li jiżguraw koordinazzjoni tajba fost il-parteċipanti kollha fl-EiE (ara l-Kaxxa 1).
Kaxxa 1
Is-sħab tal-ECHO ħadmu ma’ organizzazzjonijiet umanitarji oħra biex jippjanaw u jimplimentaw proġetti ta’ għajnuna
Il-proġetti kkampjunati kienu jinkludu attivitajiet komplementari:
- il-Proġetti Nru 4 u Nru 8 użaw ir-riżultati ta’ valutazzjonijiet konġunti tal-ħtiġijiet biex jgħinu fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet;
- il-Proġett Nru 7 fil-Ġordan wettaq kontroverifika tad-data dwar il-benefiċjarji ma’ bażi ta’ data tan-NU biex jiġi żgurat li ma jingħatax appoġġ lill-istess benefiċjarji;
- il-Proġett Nru 4 fil-Ġordan ipprovda servizz ta’ “mixi lejn l-iskola”, li ta appoġġ għall-funzjonament ta’ proġett ieħor li jiffoka fuq skejjel formali;
- il-Proġetti Nru 2 u Nru 3 għat-tfal vulnerabbli fil-Ġordan iffrankaw ħin u riżorsi billi użaw mistoqsijiet mill-valutazzjoni tal-edukazzjoni inklużiva żviluppata mill-Proġett Nru 5.
Għalkemm il-koordinazzjoni ġeneralment ħadmet tajjeb, aħna sibna xi eżempji ta’ nuqqas ta’ komplementarjetà:
- Il-Proġett Nru 8 fl-Uganda kellu rata ta’ reġistrazzjoni aktar baxxa minn dik antiċipata għall-programm ta’ edukazzjoni aċċellerata (PEA) tiegħu. Dan kien parzjalment dovut għall-fatt li organizzazzjonijiet oħra kabbru l-programmi ta’ edukazzjoni aċċellerata tagħhom. Pereżempju, id-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (DEVCO), tal-Kummissjoni Ewropea, iffinanzja wkoll l-edukazzjoni aċċellerata permezz tal-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza tal-Unjoni Ewropea għall-Afrika (EUTF). Fil-fatt, billi ċ-ċentri tal-PEA rċevew aktar assistenza milli rċevew l-iskejjel primarji, qamu t-tensjonijiet. Id-disparità fl-appoġġ tant kienet kbira li studju tal-opportunitajiet ta’ tranżizzjoni għall-istudenti tal-PEA fl-Uganda sab li l-ebda mit-tfal intervistati ma ried jagħmel it-tranżizzjoni għal ġewwa l-iskola primarja prinċipali formali.
- Fl-Uganda, kien hemm nuqqas ta’ komplementarjetà bejn skola primarja li ngħatatilha appoġġ mill-Proġett Nru 8 fil-kampjun tagħna u proġett fil-qrib dwar ilma, sanità u iġjene (WASH) li ma kienx iffinanzjat mill-ECHO. B’riżultat ta’ dan, inizjalment l-iskola ma kellhiex konnessjoni ma’ sors tal-ilma pprovdut mis-sieħeb tal-WASH.
ECHO mmonitorja l-proġetti u indirizza problemi li identifika
26L-uffiċjali tal-ECHO fuq il-post jwettqu żjarat ta’ monitoraġġ tal-proġetti. Huma jirrappurtaw ir-riżultati ta’ dawn iż-żjarat, inkluża kwalunkwe problema identifikata, lis-sħab tagħhom biex tittieħed azzjoni korrettiva. Pereżempju:
- Il-monitoraġġ mill-ECHO tal-Proġett Nru 8 fi skola primarja fl-Uganda enfasizza n-nuqqas ta’ koordinazzjoni mas-sħab tal-WASH (ara l-paragrafu 25). Wara ż-żjara ta’ monitoraġġ li twettqet tmien xhur wara l-bidu tal-proġett, il-problema ngħatatilha segwitu u l-iskola ngħatatilha konnessjoni mal-provvista tal-ilma.
- Monitoraġġ mill-ECHO ta’ proġett ta’ żvilupp tat-tfulija bikrija fl-Uganda (il-Proġett Nru 9) sab li l-ġenituri kellhom jixtru ġagagi għal ċerimonja tal-gradwazzjoni għal uliedhom sabiex jirċievu ċ-ċertifikat meħtieġ biex jirreġistraw lil uliedhom fl-iskola primarja. Wara ż-żjara ta’ monitoraġġ, din il-prattika ma tkomplietx, billi l-awtoritajiet tal-edukazzjoni tal-Uganda fil-fatt ma kinux jirrikjedu ċertifikat għad-dħul fl-iskola primarja.
Madankollu, l-ECHO ma infurmax sistematikament lis-sħab bil-miktub dwar is-sejbiet li ħarġu miż-żjarat ta’ monitoraġġ. Pereżempju, f’Ottubru 2018, ECHO wettaq żjara ta’ monitoraġġ fuq il-post ta’ proġett fil-Ġordan (il-Proġett Nru 5). Huwa rrapporta s-sejbiet tiegħu lis-sieħeb bil-fomm, minflok bil-miktub, u inkluda talba għal prodotti ta’ komunikazzjoni bil-miktub jew bil-vidjo. Is-sieħeb fehem ħażin it-talba u dam sat-tieni fażi tal-proġett, seba’ xhur wara, biex jipproduċi l-materjal ta’ komunikazzjoni (il-Proġett Nru 6). Aħna sibna wkoll xi dgħufijiet relatati mal-ispejjeż għall-monitoraġġ (ara l-paragrafu 57) u mal-proporzjon ta’ bniet miksub b’rabta mal-mira (ara l-paragrafu 38).
Il-proġetti kisbu r-riżultati mistennija tagħhom
28L-ECHO juża żewġ tipi ta’ indikaturi biex ikejjel ir-riżultati tal-proġetti. L-indikaturi tar-riżultati jkejlu l-outputs tal-proġett (jiġifieri prodotti u servizzi pprovduti mill-proġett, bħal klassijiet mibnija, korsijiet ta’ taħriġ mogħtija, jew tagħmir ipprovdut). Indikaturi tal-objettivi speċifiċi jkejlu l-eżiti (jiġifieri t-titjib fis-sitwazzjoni tal-benefiċjarji, bħal: aċċess għal opportunitajiet ta’ tagħlim, aktar għarfien, jew sens imtejjeb ta’ benesseri).
29Fil-kampjun tagħna, kien hemm sitt proġetti magħluqa (ara l-Anness I). Dawn il-proġetti kellhom 30 indikatur tar-riżultati b’kollox. Għal 27 minn dawn l-indikaturi (90 %), il-proġetti kisbu 100 % jew aktar tal-outputs immirati (ara l-Figura 4).
Aħna sibna eżempju wieħed fejn l-output kien f’eċċess tal-mira iżda ma ntużax kif kien maħsub. Il-Proġett Nru 10 fl-Uganda bena klassijiet għal skejjel primarji f’żewġ postijiet: Bidibidi, insedjament eżistenti, u Omugo, li kien qed jistenna influss kbir ta’ rifuġjati. Madankollu l-40 000 rifuġjat antiċipat ma waslux f’Omugo u, fi tmiem il-proġett f’Marzu 2018, 3 biss mill-5 skejjel mibnija hemmhekk kienu qed joperaw kif ippjanat. Miż-żewġ skejjel li fadal, waħda baqgħet vojta sas-sena skolastika l-ġdida fl-2019, u l-oħra ntużat bħala skola sekondarja minn proġett iffinanzjat taħt “Education Cannot Wait”.
31Filwaqt li l-kejl tal-outputs huwa relattivament sempliċi (eż. l-għadd ta’ klassijiet mibnija jew l-għadd ta’ għalliema mħarrġa), il-kejl tal-bidliet fil-ħajja tal-benefiċjarji, l-eżitu tal-proġett, huwa aktar diffiċli. Madankollu, il-proġetti fil-kampjun tagħna kien fihom xi eżempji tajba ta’ kif dan sar (ara l-Kaxxa 2).
Kaxxa 2
Eżempji ta’ kejl tal-eżiti
Il-Proġett Nru 5 fil-Ġordan kien jinvolvi taħriġ fl-edukazzjoni inklużiva u taħriġ dwar sett ta’ għodod għal għalliema li jaħdmu mat-tfal b’diżabbiltà. Għaż-żewġ tipi ta’ taħriġ, is-sieħeb:
- wettaq kwestjonarji ta’ qabel u ta’ wara t-taħriġ. Ir-rata ta’ rispons kienet ogħla minn 80 %, u 93 % tar-rispondenti sabu li l-għarfien tagħhom kien tjieb f’mill-inqas wieħed mill-oqsma tal-kors;
- analizza l-firxa ta’ din iż-żieda (mhux indikatur tal-objettiv speċifiku). Il-punteġġ medju żdied minn 61 % għal 76 % u minn 54 % għal 61 % għall-edukazzjoni inklużiva u t-taħriġ dwar sett ta’ għodod, rispettivament. Minħabba ż-żieda relattivament modesta fl-għarfien li rriżultat mit-taħriġ dwar sett ta’ għodod, is-sieħeb ippjana li jirrieżamina l-materjal ta’ taħriġ tagħhom.
Il-Proġett Nru 4, ukoll fil-Ġordan, ipprovda lit-tfal appoġġ psikosoċjali. Sabiex jitkejjel it-titjib:
- l-istudenti ngħataw l-istess kwestjonarju dwar l-integrità psikosoċjali qabel u wara li rċevew l-appoġġ, bir-riżultati li ġejjin:
- il-punteġġi medji telgħu minn 48 % għal 78 %, li juri li t-tfal kienu bbenefikaw mill-programm;
- il-punteġġi medji għall-grupp ta’ kontroll (studenti li ma kinux irċevew appoġġ) niżlu minn 57 % għal 53 %.
Il-proġetti magħluqa fil-kampjun tagħna kellhom 11-il indikatur tal-objettiv speċifiku. Dawn l-indikaturi kejlu l-eżiti, bħal: “% ta’ subien u bniet tal-età għall-iskola li kontinwament jaċċessaw opportunitajiet ta’ tagħlim ta’ kwalità u protettivi” (il-Proġetti Nru 1, Nru 2, Nru 10, u Nru 11) jew “% ta’ tfal b’diżabbiltà li juru benesseri psikosoċjali mtejjeb minħabba interventi tal-proġett” (il-Proġett Nru 5). Għal disgħa minn dawn l-indikaturi (82 %), il-proġetti kisbu 100 % jew aktar tal-eżiti mmirati (ara l-Figura 5).
It-tisħiħ tas-sistemi u tas-sħubijiet kien waħda mill-erba’ prijoritajiet strateġiċi tal-Kummissjoni fil-qafas ta’ politika tagħha għall-2018 (ara l-paragrafu 07). Il-Kapaċità Msaħħa ta’ Rispons tal-ECHO ffinanzjat żewġ proġetti rilevanti għall-edukazzjoni fi kriżijiet fit-tul fil-perjodu 2018-2019:
- il-proġett “Improving Learning Environments Together (ILET)” (EUR 0.6 miljun), li kellu l-għan li jindirizza l-isfidi tal-kejl tal-kwalità tal-EiE. Il-proġett żviluppa metodu biex in-nies tiġi mgħallma tiġbor data, tanalizzaha, u tużaha għat-titjib tal-funzjonament tal-iskejjel. Rapport li jippreżenta ħarsa ġenerali lejn ir-riżultati tal-proġett ġie ppubblikat f’Mejju 2018;
- il-proġett “Strengthening Coordination in Education in Emergencies” (EUR 1 000 000), li kellu l-għan li jibni fehim aħjar ta’ assistenza fil-għamla ta’ flus kontanti jew vawċers sabiex ikun jista’ jsir użu aktar sistematiku tal-flus kontanti fl-edukazzjoni. B’riżultat tal-proġett, fi Frar 2019 ġew ippubblikati linji gwida li jiddeskrivu elementi ewlenin li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’fażijiet differenti ta’ proġett ta’ assistenza fi flus kontanti.
Ir-riżultati tal-analiżi li wettaqna jidhru fit-Tabella 2. Aħna sibna li, għalkemm kienet prijorità strateġika, l-ECHO għamel użu limitat mir-riżultati tal-proġetti taħt Kapaċità Msaħħa ta’ Rispons:
- Il-proġett ILET kien rilevanti bis-sħiħ għal ħames proġetti, u parzjalment għal tnejn. Dawn il-proġetti kellhom l-għan li jipprovdu aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità, u ġew implimentati fi żmien meta r-riżultati tal-ILET kienu disponibbli. Madankollu, proġett wieħed biss fil-fatt uża r-riżultati tal-proġett ILET għall-kejl tal-kwalità (il-Proġett Nru 8).
- Il-linji gwida tal-KMR dwar assistenza fi flus kontanti kienu rilevanti u disponibbli għal erbgħa mill-proġetti tagħna. L-ebda wieħed minn dawn il-proġetti ma rrefera speċifikament għal-linji gwida tal-KMR, iżda huma tabilħaqq applikaw approċċ simili għal-linji gwida fil-prattika (il-Proġetti Nru 3, Nru 6, Nru 7 u Nru 8).
Tabella 2
L-ECHO jagħmel użu limitat mill-proġetti tal-KMR
Pajjiż | Proġett | Kapaċità Msaħħa ta’ Rispons | |
ILET | Assistenza fi flus kontanti | ||
Il-Ġordan | 2 | ||
3 | ◯ | ||
4 | |||
5 | |||
6 | ◯ | ||
7 | ◯ | ||
L-Uganda | 8 | ⬤ | ◯ |
= il-gwida tal-KMR hija rilevanti għall-proġett, u disponibbli | |
= il-gwida tal-KMR hija parzjalment rilevanti għall-proġett | |
⬤ | = il-proġett juża l-gwida tal-KMR. |
◯ | = il-proġett ma jużax il-gwida tal-KMR, iżda japplika approċċ simili. |
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni/mis-Sħab.
Il-proġetti laħqu inqas bniet milli subien
35Il-qafas ta’ politika tal-ECHO jenfasizza l-effett sproporzjonat ta’ emerġenzi u ta’ kriżijiet fit-tul fuq l-edukazzjoni tal-bniet. Dan ġie kkonfermat mill-analiżi tal-ħtiġijiet ta’ xi proġetti fil-kampjun tagħna. Pereżempju:
- Il-Proġett Nru 6 fil-Ġordan appoġġa lit-tfal b’diżabbiltà, u sab li l-bniet speċjalment kienu jħabbtu wiċċhom ma’ xkiel fl-aċċess għall-edukazzjoni (eż. minħabba stigma, fastidju u trattament ħażin mill-għalliema);
- il-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet għal tliet proġetti ta’ assistenza fi flus kontanti fil-Ġordan (il-Proġetti Nri 1-3) ġibdu l-attenzjoni għar-riskju li l-bniet jitilqu mill-iskola qabel il-waqt minħabba żwieġ bikri, li jintuża bħala mod kif wieħed ikampa fi kriżi, b’effetti irriversibbli f’ħajjet il-bniet;
- l-analiżi tal-ħtiġijiet għal proġett tal-2018 fl-Uganda sabet li kien hemm rappreżentanza ndaqs ta’ bniet u subien fl-ewwel snin tal-iskola primarja, iżda maż-żmien kien hemm aktar bniet li telqu qabel il-waqt (il-Proġett Nru 8);
- fl-evalwazzjoni tal-proposta għal proġett fil-kampijiet ta’ rifuġjati fil-Ġordan, l-ECHO kkummenta li l-bniet kienu f’riskju li jitilqu mill-iskola qabel il-waqt kif ukoll li jkunu involuti f’xogħol tad-dar u suġġetti għal vjolenza u żwieġ bikri (il-Proġett Nru 4).
Fi ħdan il-proġetti kien hemm xi attivitajiet li speċifikament kienu jindirizzaw lin-nisa u l-bniet, u li kienu mmirati lejn xkiel li gruppi vulnerabbli, bħall-ommijiet minuri, iħabbtu wiċċhom miegħu (ara l-Kaxxa 3).
Kaxxa 3
Attivitajiet li jindirizzaw speċifikament lil ommijiet minuri
Il-Proġett Nru 8 fl-Uganda kien immirat lejn il-grupp vulnerabbli ta’ ommijiet minuri. F’7 Ċentri tal-PEA f’Yumbe, il-proġett ta appoġġ lil 122 omm minuri biex jattendu skola.
Ix-xkiel għall-edukazzjoni kien jinkludi:
- responsabbiltajiet ta’ indukrar tat-tfal, billi ta’ spiss l-ommijiet minuri kienu mistennija jibqgħu d-dar biex jieħdu ħsieb lil uliedhom;
- id-distrazzjoni minħabba t-tarbija fil-klassi, li tikkomprometti l-kwalità tat-tagħlim;
- il-pressjoni mill-pari li twassal biex l-omm u l-wild ma jkunux mixtieqa fil-klassi.
Is-sensibilizzazzjoni tal-komunità, il-klabbs għall-protezzjoni tat-tfal, u l-komunikazzjoni ta’ messaġġi bir-radju kienu fost it-tekniki li l-programm uża biex jegħleb din l-isfida. Fuq livell prattiku, xi Ċentri tal-PEA kellhom indokratur preżenti biex jieħu ħsieb lit-trabi filwaqt li ommijiethom attendew klassijiet.
Madankollu, il-proporzjon ta’ bniet fil-mira ta’ xi wħud mill-proġetti kkampjunati tagħna ma kienx jirrifletti l-iżvantaġġi akbar li dawn kienu jħabbtu wiċċhom magħhom (ara l-paragrafu 35). Pereżempju huwa diffiċli biex jitreġġa’ lura żwieġ bikri, u għalhekk miżuri preventivi huma partikolarment rilevanti. Minkejja dan, 8 mill-11-il proġett fil-kampjun tagħna kellhom l-għan li jagħtu appoġġ lil 50 % tal-bniet. Mit-tliet proġetti li jifdal, wieħed kellu l-għan li jagħti appoġġ lil 60 % tal-bniet minħabba s-sitwazzjoni aktar vulnerabbli tagħhom (il-Proġett Nru 4). Iż-żewġ proġetti l-oħra fil-kampjun tagħna kellhom l-għan li jilħqu saħansitra inqas bniet. Wieħed, fil-Ġordan, kellu mira ta’ 40 % biss tal-bniet (il-Proġett Nru 3), filwaqt li l-ieħor, fl-Uganda, kellu mira ta’ 44 % tal-bniet (il-Proġett Nru 11). Il-mira ta’ 40 % fil-Proġett Nru 3 kienet aktar baxxa mill-mira ta’ 50 % fiż-żewġ fażijiet preċedenti (il-Proġetti Nru 1 u Nru 2). Mira ta’ 40 % ma kinitx konsistenti mal-impenji ta’ politika tal-ECHO, jew mal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet imwettqa mis-sieħeb stess, li rrakkomandat aktar appoġġ lil bniet vulnerabbli, b’mod partikolari dawk f’riskju ta’ żwieġ bikri.
38Għalkemm kien hemm miri għall-proporzjon ta’ bniet, dawn ma kinux inklużi fl-indikaturi formali tal-proġetti (ara l-paragrafu 29). Barra minn hekk, bosta azzjonijiet iffinanzjati mill-ECHO ma laħqux dawn il-miri. Il-Figura 6 turi l-perċentwal fil-mira ta’ bniet għall-proġetti fil-kampjun tagħna meta mqabbel mal-perċentwal li fil-fatt inkiseb. Il-Proġett Nru 1, pereżempju, kien ikun jista’ jagħti appoġġ lil 132 tifla oħra kieku laħaq il-mira tiegħu.
L-ECHO għandu għodda, l-indikatur tal-ġeneru u tal-età, għall-valutazzjoni ta’ kemm l-azzjonijiet umanitarji jintegraw sew il-kunsiderazzjonijiet ta’ ġeneru. L-għan tal-indikatur huwa li jtejjeb il-kwalità tal-azzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja. L-ECHO jagħti punteġġ ta’ 0, 1 jew 2 fl-istadju tat-tfassil, f’dak interim u f’dak tar-rapport finali ta’ azzjoni, skont kemm mill-erba’ kriterji relatati mal-ġeneru l-azzjoni tissodisfa. L-erba’ kriterji huma: analiżi tal-ħtiġijiet u rappurtar skont il-ġeneru; evitar u mitigazzjoni tal-effetti negattivi fuq il-gruppi ta’ ġeneru; parteċipazzjoni ta’ gruppi ta’ ġeneru fit-tfassil/fl-implimentazzjoni; u adattament tal-azzjoni għall-ħtiġijiet tal-gruppi ta’ ġeneru.
40Għalkemm bosta proġetti fil-kampjun tagħna ma mmirawx jew ma laħqux biżżejjed bniet, dan ma laqatx il-punteġġ tagħhom billi l-proporzjon ta’ ġeneru ma kienx kriterju speċifiku. Lil 7 mill-11-il proġett fil-kampjun tagħna, l-ECHO ta l-punteġġ massimu ta’ 2. Huwa mistenni li l-punteġġ massimu jintuża biss jekk proġett jissodisfa l-erba’ kriterji kollha (ara t-Tabella 3). Anke fejn l-ECHO ta marka aktar baxxa, din ma kinitx relatata mal-proporzjon fil-mira jew miksub ta’ bniet. L-ECHO ma mmonitorjax sistematikament il-proporzjonijiet ta’ ġeneru. Għalhekk, l-indikatur tal-ġeneru u tal-età ma skattax l-azzjoni korrettiva meħtieġa meta l-proġetti ma mmirawx jew ma laħqux biżżejjed bniet.
Tabella 3
L-indikatur tal-ġeneru u tal-età użat mill-ECHO ma ġibidx l-attenzjoni għal azzjonijiet li taw appoġġ insuffiċjenti lill-bniet
Pajjiż | Proġett | Għadu għaddej | Punteġġ tal-indikatur tal-ġeneru u tal-età | % fil-mira ta’ bniet | |
mhux milħuq jew mhux fit-triq it-tajba | taħt il-50 % | ||||
Il-Ġordan | 1 | 1 | x | ||
2 | 2 | x | |||
3 | * | 1 | x | x | |
4 | * | 2 | x | ||
5 | 2 | ||||
6 | * | 1 | |||
7 | * | 2 | |||
L-Uganda | 8 | * | 1 | x | |
9 | 2 | ||||
10 | 2 | x | |||
11 | 2 | x |
*proġett li għadu għaddej, punteġġ tal-indikatur interim
2 | = jissodisfa l-erba’ kriterji kollha |
1 | = jissodisfa żewġ/tliet kriterji |
0 | = ma jissodisfa l-ebda kriterju/jissodisfa kriterju wieħed biss |
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni/mis-Sħab.
Il-proġetti kienu ta’ terminu qasir wisq, fatt li kkontribwixxa għal xi ineffiċjenzi
41Biex twassal l-għajnuna umanitarja għall-edukazzjoni fi kriżijiet fit-tul b’mod effiċjenti, jenħtieġ li l-Kummissjoni14:
- Tipprovdi appoġġ, kemm ta’ terminu qasir kif ukoll fuq żmien itwal, lit-tfal f’konformità mal-impenn tagħha tal-2016 għal finanzjament pluriennali fil-Grand Bargain.
- Tikseb l-akbar valur possibbli għall-flus fl-użu li hija tagħmel mill-finanzjament umanitarju.
- Tippjana li r-riżultati tagħmilhom sostenibbli ladarba l-għajnuna umanitarja tintemm, pereżempju billi trawwem l-awtodipendenza u tagħti appoġġ għall-għajxien.
Għalhekk aħna vvalutajna jekk il-Kummissjoni kinitx tipprattika finanzjament pluriennali u jekk il-proġetti kinux twal suffiċjentement biex jindirizzaw ħtiġijiet edukattivi fi kriżijiet fit-tul. Aħna analizzajna kif il-Kummissjoni kienet tikseb valur għall-flus u kif kienet tiżgura li l-ispejjeż tal-proġetti kienu raġonevoli. Fejn kien rilevanti, aħna qabbilna l-ispejjeż ta’ attivitajiet simili fi proġetti differenti fil-kampjun tagħna. Aħna eżaminajna wkoll jekk il-proġetti komplewx jibbenefikaw lit-tfal wara li kienu ntemmu, jekk naqqsux id-dipendenza tal-benefiċjarji mill-assistenza fi flus, u jekk kinux marbuta ma’ għajnuna għall-iżvilupp fuq żmien itwal.
43Il-Figura 7 tagħti sommarju tas-sejbiet li ħarġu mill-eżaminar li wettaqna tal-proġetti kkampjunati fir-rigward tad-durata, l-analiżi tal-ispejjeż, u s-sostenibbiltà tagħhom.
Il-biċċa l-kbira mill-proġetti fil-kampjun tagħna kienu twal bejn 10 u 12-il xahar, li ma kienx suffiċjenti biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet edukattivi fuq żmien itwal fi kriżijiet fit-tul
44Minkejja l-impenn tagħha għall-finanzjament umanitarju pluriennali u minkejja l-fatt li, fi kriżi fit-tul, il-ħtiġijiet tal-edukazzjoni ta’ spiss ikunu fuq terminu medju sa twil, il-Kummissjoni talloka fondi lir-reġjuni u lill-pajjiżi fuq bażi annwali permezz ta’ Deċiżjoni Dinjija (DD) annwali. Id-DD tal-2019 allokat total ta’ EUR 1.5 biljun, li kienu jinkludu:
- EUR 260 miljun għall-kriżi Sirjana (is-Sirja, il-Libanu, il-Ġordan u l-Eġittu), li minnhom EUR 16.5 miljun (6 %) kienu għall-edukazzjoni;
- EUR 113-il miljun għall-Qarn tal-Afrika (Djibouti, l-Etjopja, il-Kenja, is-Somalja u l-Uganda), li minnhom EUR 22.5 miljun (20 %) kienu għall-edukazzjoni.
Imbagħad, il-Pjanijiet Annwali ta’ Implimentazzjoni Umanitarja (PIU) jiddefinixxu r-rispons li l-ECHO jkun ta għal kriżi jew reġjun partikolari. Pereżempju, isiru PIU annwali għall-kriżi Sirjana u għall-Qarn tal-Afrika.
46L-għodod tal-ECHO huma maħsuba għar-rispons għall-kriżijiet. Attwalment l-ECHO jista’ jiffinanzja proġetti ta’ EiE għal massimu ta’ 24 xahar minn PIU wieħed. Huwa jista’ jkompli jiffinanzja l-istess proġett wara 24 xahar minn PIU sussegwenti, iżda din id-deċiżjoni tista’ tittieħed biss aktar tard, mhux fiż-żmien tal-għażla tal-proġett oriġinali. Dan iċ-ċiklu ta’ programmazzjoni jiżgura l-flessibbiltà ta’ reazzjoni għall-emerġenzi, iżda jillimita l-għadd ta’ proġetti fuq żmien itwal li jiġu ffinanzjati.
47Ir-Regolament dwar l-Għajnuna Umanitarja15 ma jistabbilixxi l-ebda limitu fuq id-durata tal-finanzjament mogħti mill-ECHO. Il-limiti stabbiliti fid-DD jew fil-PIU huma r-riżultat ta’ teħid intern ta’ deċiżjonijiet (ara l-Figura 8). Minn perspettiva regolatorja, ikun possibbli għall-ECHO li jiffinanzja proġetti itwal ta’ EiE minn PIU wieħed.
Il-kampjun tagħna kellu 11-il proġett: 7 fil-Ġordan u 4 fl-Uganda. Id-durata ppjanata inizjali ta’ 9 mill-11-il proġett kienet ta’ 12-il xahar jew inqas. Id-durata inizjali medja tal-proġetti fiż-żewġ pajjiżi kienet ta’ 13-il xahar. Fl-Uganda din żdiedet għal 21 xahar wara li l-proġetti ġew estiżi (ara l-Figura 9). Il-kriżijiet fiż-żewġ pajjiżi huma fit-tul. Il-kriżi Sirjana bdiet fl-2012, u fl-Uganda għedud sinifikanti ta’ rifuġjati ilhom jaslu mill-2016. Il-proġetti li awditjajna kienu operattivi bejn l-2017 u l-2019.
Il-prattika ta’ finanzjament ta’ proġetti għal sena mhijiex konformi mal-impenn fil-Grand Bargain li jiżdied l-ippjanar pluriennali. Barra minn hekk, l-impenn tal-ECHO li jalloka 10 % tal-għajnuna umanitarja għall-edukazzjoni (ara l-paragrafu 10) fisser li kien hemm disponibbli finanzjament fuq żmien itwal. Il-proġetti li jdumu sena ma jkoprux il-ħtiġijiet edukattivi pluriennali tat-tfal fi kriżijiet fit-tul. Dan intwera mill-fatt li bosta minn dawn il-proġetti ġew iffinanzjati għal snin addizzjonali mill-ECHO. Evalwazzjoni reċenti tal-għajnuna umanitarja mogħtija mill-UE sabet li ċ-ċiklu ta’ finanzjament annwali tal-ECHO kien jinvolvi spejjeż għoljin ta’ ġestjoni, u rrakkomandat li l-ECHO jimplimenta programmazzjoni pluriennali fejn possibbli16.
50Il-finanzjament ta’ azzjonijiet għal sena jżid il-piż amministrattiv kemm għall-ECHO kif ukoll, b’mod partikolari, għas-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni. L-ECHO jrid jivvaluta aktar proposti, filwaqt li s-sieħeb irid iħejji l-proposti u japplika għand il-Ministeru tal-Edukazzjoni għall-approvazzjoni (ara t-Tabella 4). Proġetti li jdumu sena jistgħu jipprekludu kuntratti itwal tal-persunal u jwasslu għal aktar dawran tal-persunal17. Il-finanzjament umanitarju pluriennali jista’ jnaqqas l-ispejjeż ta’ ġestjoni18. Barra minn hekk, fil-Ġordan, is-sħab iridu japplikaw għand il-Ministeru tal-Edukazzjoni għall-approvazzjoni għal kull proġett. Dan il-proċess jista’ jieħu bejn 3 u 5 xhur, li jista’ jkollu impatt sinifikanti fuq proġett ta’ 12-il xahar.
Tabella 4
Piż amministrattiv tal-proġetti skont it-tul
Proġetti f’perjodu ta’ tliet snin | Korp responsabbli | |||
tliet proġetti ta’ sena | proġett wieħed ta’ tliet snin | DĠ ECHO | Sieħeb | |
Proposti għal proġetti | 3 | 1 | x | |
Valutazzjoni tal-proposta għal proġett fil-fażi tal-għażla | 3 | 1 | x | |
Applikazzjoni lill-Ministeru tal-Edukazzjoni għall-approvazzjoni tal-proġett | 3 | 1 | x |
Sors: il-QEA.
Żvantaġġ ieħor tal-finanzjament fuq terminu qasir huwa ż-żmien inqas li jipprovdi għat-twassil ta’ rispons ta’ kwalità. Hemm inqas żmien biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ ġeneru u biex jitwasslu soluzzjonijiet aktar sostenibbli. Ir-rapport tal-Grand Bargain fl-2019 (“Three Years On”) sab li l-finanzjament pluriennali mhux biss naqqas il-piż amministrattiv tal-għajnuna umanitarja iżda wkoll tejjeb l-effiċjenza u l-effettività tagħha. Mill-proġetti kkampjunati tagħna, is-sħab kollha inkarigati mill-implimentazzjoni ddikjaraw li durata ta’ proġett li tkun itwal minn sena tkun tissodisfa aħjar il-ħtiġijiet edukattivi tat-tfal fi kriżijiet fit-tul. Huma kienu favur proġetti ta’ sentejn sa ħames snin għall-kuntest fil-Ġordan u l-Uganda biex ikun jista’ jsir ippjanar aħjar, li jkun jirriżulta f’rispons ta’ kwalità aħjar.
L-ECHO ma analizzax suffiċjentement l-ispejjeż tal-proġetti
52Biex jagħżel il-proġetti, l-ECHO jistipula l-prinċipji ġenerali fil-PIU (ara l-paragrafu 45). Dawn jipprovdu lis-sħab informazzjoni dwar l-ammont ta’ finanzjament mill-ECHO li jkun disponibbli, it-tip ta’ azzjoni li l-ECHO se jiffinanzja, u kif l-ECHO se jivvaluta l-proposti tas-sħab. Is-sħab ifasslu l-proġetti tagħhom stess f’konformità mal-prinċipji ġenerali tal-PIU u jipproponuhom lill-ECHO għall-finanzjament.
53Il-verifikazzjoni standard imwettqa mill-ECHO tal-adattezza tas-sħab u l-eliġibbiltà tal-ispejjeż tista’ tipprovdi xi aċċertament li l-ispejjeż huma raġonevoli. Qabel ma jiffirma Ftehim Qafas ta’ Sħubija, l-ECHO jwettaq valutazzjoni ex ante tal-adatteza tas-sieħeb. Is-sħab iridu jgħaddu minn din il-valutazzjoni tal-kapaċità teknika u loġistika tagħhom. Għalkemm dan jipprovdi xi aċċertament dwar il-proċeduri tas-sħab, mhijiex garanzija li l-ispejjeż fil-proposti tagħhom għal proġetti huma kompetittivi. L-ECHO jivverifika sistematikament ukoll l-eliġibbiltà tal-ispejjeż tal-proġetti, fatt li jista’ jirriżulta fi ffrankar tal-ispejjeż. Pereżempju fl-Uganda dan irriżulta fit-tneħħija ta’ Land Cruiser li jiswa EUR 37 000, mill-baġit tal-proġett (il-Proġett Nru 10).
54L-ECHO jwettaq ukoll xi analiżi tal-kosteffettività biex jipprovdi aċċertament dwar il-kompetittività u r-raġonevolezza tal-ispejjeż proposti. Il-Proġett Nru 7 fil-kampjun tagħna, implimentat fil-Ġordan, ipprovda eżempju tajjeb ta’ kif analizzar tal-ispejjeż jista’ jikkontribwixxi għall-kosteffettività. L-ECHO qies li l-ispiża għal kull benefiċjarju fil-proposta għall-proġett kienet għalja wisq (EUR 2 700 għal kull tifel/tifla). L-ammont tnaqqas għal EUR 1 700 għal kull tifel u tifla, biex b’hekk l-effiċjenza tal-proġett ittejbet. Dan it-tip ta’ analiżi tal-ispejjeż jista’ jnaqqas ukoll ir-riskju ta’ frodi, billi proporzjonijiet mhux tas-soltu tal-ispejjeż, jew bidliet mhux tas-soltu maż-żmien, jistgħu jkunu indikaturi ta’ attività irregolari.
55Madankollu, aħna sibna dgħufijiet fl-analiżi tal-ispejjeż tal-11-il proġett li ġew ikkampjunati. L-analiżi mill-ECHO tal-ispejjeż tal-proposti għal proġetti ma kinitx twettqet b’manjiera konsistenti. L-analiżi tal-ispejjeż li kienet twettqet kienet limitata u l-ECHO ma użahiex suffiċjentement biex iżid l-effiċjenza tal-proġetti (ara l-Kaxxa 4).
Kaxxa 4
L-analiżi mill-ECHO tal-ispejjeż tal-proġett – eżempji ta’ dgħufijiet
Inkonsistenza: L-analiżi mill-ECHO tal-ispiża tal-bini tal-klassijiet f’żewġ proġetti fid-Distrett ta’ Yumbe, l-Uganda, ma kinitx konsistenti, billi:
- għall-Proġett Nru 9, l-ispiża unitarja bbaġitjata għal kull blokk ta’ klassijiet kienet ta’ EUR 48 000; din, l-ECHO ma kkontestahiex billi qies li s-sieħeb kellu vantaġġ komparattiv fl-infrastruttura u għalhekk assuma li l-ispejjeż kienu raġonevoli;
- għall-Proġett Nru 10 (l-istess distrett), l-ispiża unitarja bbaġitjata għal kull blokk ta’ klassijiet kienet ta’ EUR 23 000; din, l-ECHO qies li kienet għolja meta mqabbla mal-ispiża stmata ta’ EUR 18 000 fil-linji gwida ta’ rispons għall-kriżijiet.
Analiżi insuffiċjenti: għall-Proġett Nru 10, fl-Uganda:
- il-proporzjon stmat tal-ispejjeż minfuqa fuq oġġetti u servizzi għall-benefiċjarji kien ta’ 60 %, skont l-evalwazzjoni mill-ECHO f’Marzu 2017 dwar il-proposta;
- il-proporzjon reali tal-ispejjeż li ntefqu fuq oġġetti u servizzi għall-benefiċjarji kien ta’ 79 %.
Dan wera li kien hemm ambitu konsiderevoli għal effiċjenza akbar, iżda l-analiżi mill-ECHO ma qabblitx il-proporzjon ma’ proġetti oħra jew qieset jekk kienx ineffiċjenti.
Ir-riżultati tal-analiżi ma ntużawx: ukoll għall-Proġett Nru 10:
- l-ispiża stmata għal kull benefiċjarju kienet ta’ EUR 37, skont l-evalwazzjoni mill-ECHO tal-proposta;
- l-ispiża reali għal kull benefiċjarju fi tmiem il-proġett kienet ta’ EUR 66.
L-ECHO ma użax din l-analiżi u lanqas ma esplora r-raġunijiet għall-varjazzjoni sabiex jislet tagħlimiet dwar il-kosteffettività.
Sa minn Diċembru 2018, meta kien qed jagħżel il-proposti għal proġetti, l-ECHO vvaluta l-kosteffettività tagħhom bħala “baxxa”, “medja” jew “għolja”. Madankollu, ma hemmx linji gwida dwar il-kriterji ta’ klassifikazzjoni jew it-tip ta’ analiżi tal-ispejjeż meħtieġa biex titwettaq il-valutazzjoni. Il-kampjun tal-awditjar li ħadna kien jinkludi tliet proġetti (tal-2019) (il-Proġetti Nru 3, Nru 6 u Nru 7), kollha kemm huma fil-Ġordan, fejn l-ECHO applika dan l-approċċ. Il-klassifikazzjoni mill-ECHO għall-kosteffettività tat-tliet proġetti kollha kienet “medja”. Madankollu, anke fil-każ tal-Proġett Nru 7 li l-ECHO qies bħala għali wisq (ara l-paragrafu 54), ma kien hemm l-ebda tqabbil mal-ispejjeż unitarji ta’ proġetti simili oħra.
57Mhux biss meta jiġu ppjanati l-proġetti, iżda wkoll matul l-implimentazzjoni, it-tqabbil tal-ispejjeż ma’ proġett simili jista’ jgħin biex jiġu identifikati opportunitajiet għal kosteffettività mtejba. Madankollu, meta kien qed jimmonitorja l-proġetti, l-ECHO ma analizzax l-ispejjeż tagħhom.
58Aħna identifikajna żewġ tipi ta’ analiżi li l-ECHO seta’ wettaq meta kien qed jippjana u jimplimenta proġetti biex jidentifika opportunitajiet għaż-żieda tal-kosteffettività tagħhom, iżda li ma wettaqx:
- tqabbil tal-ispiża tal-attivitajiet ma’ dawk fi proġett simili jew fażijiet preċedenti tal-istess proġett (ara l-Kaxxa 5);
- tqabbil tal-proporzjon ta’ oġġetti u servizzi riċevuti mill-benefiċjarji mal-proporzjon fi proġetti simili jew fażijiet preċedenti tal-istess proġett (ara l-Kaxxa 6).
Kaxxa 5
Żieda fil-kosteffettività - tqabbil li l-ECHO seta’ wettaq rigward l-ispiża ta’ attivitajiet
Spejjeż ta’ proġetti simili: il-Proġetti Nru 9 u Nru 10 it-tnejn kienu jinvolvu l-kostruzzjoni ta’ blokok ta’ klassijiet fl-istess insedjament tar-rifuġjati fl-Uganda, iżda l-ispiża unitarja għal kull blokk għall-Proġett Nru 9 kienet 46 % ogħla minn dik għall-Proġett Nru 10, kif ġej:
- spiża unitarja reali għal kull blokk għall-Proġett Nru 10 (28 blokk ta’ klassijiet): EUR18 300;
- spiża unitarja reali għal kull blokk għall-Proġett Nru 9 (22 blokk ta’ klassijiet): EUR 26 700.
Filwaqt li kien hemm xi differenzi fit-tfassil, l-ECHO ma qabbilx l-ispejjeż differenti u lanqas ma esplora jekk il-varjazzjonijiet kinux jirrappreżentaw opportunitajiet għall-iffrankar tal-ispejjeż.
Spiża għal kull benefiċjarju: fil-Proġetti Nru 1 sa Nru 3, li huma proġetti konsekuttivi ta’ assistenza fi flus kontanti ta’ sena implimentati fil-Ġordan mill-istess sieħeb, l-ispiża għal kull benefiċjarju żdiedet kull sena, kif ġej:
- EUR 833 fl-2017;
- EUR 893 fl-2018; u
- EUR 914 fl-2019.
Għalkemm l-ammont ta’ assistenza fi flus kontanti baqa’ l-istess, l-ECHO ma analizzax għalfejn l-ispejjeż kienu żdiedu.
Tariffi tat-trasferiment ta’ flus kontanti: fi proġetti ta’ assistenza fi flus kontanti, is-sħab ħallsu tariffa lill-banek għall-ġestjoni tal-pagamenti lill-benefiċjarji. Dawn it-tariffi ta’ trasferiment fi flus kontanti kienu jvarjaw ħafna bħala proporzjon tal-ispejjeż totali, saħansitra fl-istess pajjiż. Fil-Ġordan, pereżempju:
- il-firxa ta’ tariffi kienet bejn 1.0 % u 2.9 %;
- l-iffrankar potenzjali mit-tnaqqis tat-tariffa ta’ 2.9 % (il-Proġett Nru 7) għal 1.0 % kien ikun ta’ EUR 17 500 (ekwivalenti għal għajnuna lil 21 benefiċjarju addizzjonali).
Kaxxa 6
Żieda fil-kosteffettività - tqabbil li l-ECHO seta’ wettaq rigward il-proporzjon ta’ oġġetti u servizzi riċevuti mill-benefiċjarji
Tqabbil bejn il-fażijiet: Sieħeb wieħed implimenta żewġ proġetti suċċessivi ta’ sena fil-Ġordan bi proporzjonijiet differenti ħafna ta’ oġġetti u servizzi li laħqu lill-benefiċjarji, kif ġej:
- proporzjon ta’ oġġetti u servizzi riċevuti mill-benefiċjarji fl-ewwel fażi (il-Proġett Nru 5): 61% fil-proposta, 76 % matul l-implimentazzjoni;
- proporzjon ta’ oġġetti u servizzi riċevuti mill-benefiċjarji fil-proposta għat-tieni fażi (il-Proġett Nru 6): 53 %
L-ECHO seta’ qabbel il-proporzjon ta’ oġġetti u servizzi għall-benefiċjarji fil-proposta għat-tieni fażi mal-proporzjon fl-ewwel fażi, u seta’ raġonevolment jistenna li s-sieħeb jilħaq livell simili.
Tqabbil bejn il-proġetti: L-ECHO seta’ qabbel il-proporzjon ta’ flus kontanti li jaslu għand il-benefiċjarji fil-Proġett Nru 7 mal-proporzjon ta’ flus kontanti u servizzi edukattivi li jilħqu lill-benefiċjarji fit-tliet proġetti konsekuttivi implimentati minn sieħeb ieħor, kif ġej:
- għall-Proġett Nru 7, proġett ta’ assistenza fi flus kontanti fil-Ġordan fl-2019, il-proporzjon ta’ flus kontanti li waslu għand il-benefiċjarji kien ta’ 34 %;
- fil-proġetti implimentati minn sieħeb ieħor fl-2017, l-2018 u l-2019, il-proporzjon ta’ flus kontanti u servizzi edukattivi li laħqu lill-benefiċjarji kien ta’ 68 %, 61 % u 60 %, rispettivament.
L-ECHO seta’ pprova jikseb livell simili ta’ effiċjenza, u seta’ wkoll qabbel dan il-proporzjon mal-mira ta’ 85 % li hija proposta fil-gwida tal-ECHO dwar trasferimenti ta’ flus kontanti fuq skala kbira ta’ aktar minn EUR 10 miljun (għalkemm dan jinkludi firxa wiesgħa ta’ attivitajiet ta’ appoġġ).
Tqabbil bejn l-użu/in-nuqqas ta’ użu ta’ assistenza fi flus kontanti: Il-gwida tal-ECHO tiddikjara li l-użu ta’ trasferimenti ta’ flus kontanti jirriżulta fit-twassil ta’ aktar għajnuna għand il-benefiċjarji. Madankollu, il-proporzjonijiet medji fil-kampjun tagħna kienu kif ġej:
- fil-ħames proġetti fejn l-assistenza fi flus kontanti kienet attività prinċipali, il-proporzjon medju ta’ flus kontanti u servizzi edukattivi li laħqu lill-benefiċjarji kien ta’ 56 %;
- fis-sitt proġetti l-oħra, il-proporzjon medju ta’ oġġetti u servizzi li laħqu lill-benefiċjarji kien ta’ 66 %.
Għalhekk, l-assistenza fi flus kontanti ma rriżultatx fit-twassil ta’ aktar għajnuna għand il-benefiċjarji.
Ħafna attivitajiet komplew ikunu ta’ benefiċċju għat-tfal wara li l-proġetti kienu ntemmu, iżda l-proġetti ta’ assistenza fi flus kontanti ftit li xejn għamlu biex inaqqsu d-dipendenza tal-benefiċjarji
59Il-proġetti wettqu firxa ta’ attivitajiet li komplew ikunu ta’ benefiċċju għat-tfal wara li l-proġetti kienu ntemmu. Dawn l-ativitajiet kienu jinkludu:
- appoġġ għall-edukazzjoni formali jew l-għoti ta’ edukazzjoni aċċellerata;
- taħriġ għall-għalliema fl-edukazzjoni inklużiva, edukazzjoni aċċellerata, ħiliet psikosoċjali jew ħiliet għall-ħajja biex l-għarfien tagħhom jiżdied u biex l-ambjent edukattiv jittejjeb;
- bini ta’ skejjel, ċentri ta’ tagħlim, latrini, jew akkomodazzjoni tal-għalliema;
- forniment ta’ tagħmir għat-tfal b’diżabbiltà;
- forniment ta’ basktijiet tal-iskola u uniformijiet;
- appoġġ psikosoċjali għat-titjib tal-benesseri psikosoċjali;
- sensibilizzazzjoni u bini tal-kapaċitajiet għal partijiet ikkonċernati differenti sabiex jinħoloq ambjent edukattiv aktar abilitanti u aktar ta’ appoġġ;
- produzzjoni ta’ politika nazzjonali għall-edukazzjoni inklużiva u promozzjoni tal-adozzjoni tagħha fis-sistema skolastika.
Ħafna minn dawn l-attivitajiet normalment huma assoċjati mal-għajnuna għall-iżvilupp. Fil-fatt, id-DEVCO u l-EUTF bnew ukoll klassijiet u pprovdew taħriġ tal-għalliema għall-programmi ta’ edukazzjoni aċċellerata fl-Uganda. Madankollu, il-proġetti DEVCO u EUTF kienu erba’ snin twal, filwaqt li l-proġetti tal-ECHO kienu iqsar u kellhom jiġu estiżi biex jilħqu l-objettivi tagħhom.
61Kien hemm xi eżempji ta’ għajnuna umanitarja tal-UE li torbot direttament mal-għajnuna għall-iżvilupp li tingħata mill-UE. Pereżempju, il-proġetti tal-ECHO bnew skejjel fl-Uganda, imbagħad proġetti ffinanzjati taħt “Education Cannot Wait” ħallsu s-salarji tal-għalliema u pprovdew għamara. Xi studenti tal-programmi ta’ edukazzjoni aċċellerata li ngħatalhom appoġġ minn proġett iffinanzjat mill-ECHO fl-Uganda (il-Proġett Nru 8) komplew biex attendew taħriġ vokazzjonali ffinanzjat mill-EUTF.
62Madankollu, l-ECHO tilef xi opportunitajiet biex isaħħaħ aktar ir-rabta mal-għajnuna għall-iżvilupp:
- Sieħeb partikolari pprovda tagħlim aċċellerat (iffinanzjat mill-EUTF) u appoġġ psikosoċjali għat-tfal tal-iskola primarja (iffinanzjat mill-ECHO) f’xi wħud mill-istess postijiet. Madankollu, huwa implimenta azzjonijiet għall-għajxien biex jipprovdi lill-benefiċjarji mezz biex jaqilgħu l-għajxien, iffinanzjat mill-EUTF, f’żoni differenti tal-insedjamenti, u tilef opportunità li jqiegħed fil-prattika l-konnessjoni umanitarja/ta’ żvilupp imfittxija tal-UE, jiġifieri l-“approċċ nexus”. Ir-rapport finali tal-ECHO għal dan il-proġett iddikjara li l-proġett kien imissu għamel rabtiet strateġiċi ma’ inizjattivi ta’ żvilupp fuq żmien itwal (bħall-programm EUTF) biex l-effettività tiegħu tiżdied (il-Proġett Nru 11).
- L-analiżi mwettqa mill-ECHO tar-rapport finali għal proġett fl-Uganda ddikjarat li s-sieħeb ma kienx żviluppa opportunitajiet suffiċjentement biex jorbot l-azzjoni ma’ azzjonijiet ta’ żvilupp fuq żmien itwal (il-Proġett Nru 10).
- L-evalwazzjoni mwettqa mill-ECHO tal-proposta għal proġett wieħed tal-2018 fil-Ġordan qieset li l-proġett ma kienx jappoġġa suffiċjentement l-istrateġiji fuq żmien itwal biex il-ħtiġijiet umanitarji jitnaqqsu. L-uniku suġġeriment kien li donaturi oħra jiffinanzjaw attivitajiet, li ma seħħx (il-Proġett Nru 5).
- Rapporti ta’ monitoraġġ tal-ECHO għal proġett ieħor fil-Ġordan qiesu li l-proġett ma ħax vantaġġ suffiċjenti mill-opportunitajiet ta’ appoġġ ta’ strateġiji fuq żmien itwal biex jitnaqqsu l-ħtiġijiet umanitarji u l-vulnerabbiltajiet ta’ bażi (b’mod partikolari fil-kamp ta’ Azraq) (il-Proġett Nru 4).
- Kien hemm studju li segwa l-progress ta’ 2 971 student wara l-parteċipazzjoni tagħhom fi programm ta’ edukazzjoni aċċellerata fl-Uganda fl-2018. Dan sab li 2 015 (68 %) ma kienu qed jistudjaw imkien. Kienu biss 956 (32 %) li għamlu t-tranżizzjoni b’suċċess lejn edukazzjoni primarja, sekondarja jew vokazzjonali. Ir-rapport enfasizza l-ħtieġa għal aktar investiment u appoġġ biex it-tfal jiġu megħjuna jagħmlu t-tranżizzjoni lejn opportunitajiet ta’ wara l-PEA (il-Proġett Nru 8).
Il-PIU jappellaw biex l-azzjonijiet ikollhom rabtiet ma’ programmi fuq żmien itwal għal aktar sostenibbiltà. Pereżempju, l-anness tekniku tal-PIU tal-2018 għall-kriżi reġjonali fis-Sirja kien jirrikjedi azzjonijiet għall-edukazzjoni biex tiġi żgurata l-kontinwità tat-tagħlim permezz ta’ ppjanar xieraq, inklużi strateġiji ta’ ħruġ u t-tranżizzjoni lejn għajnuna għall-iżvilupp. Madankollu, l-ECHO ftit li xejn għamel biex inaqqas id-dipendenza tal-benefiċjarji mill-assistenza fi flus kontanti, li kienet attività ewlenija f’ħames proġetti fil-kampjun tagħna (erbgħa fil-Ġordan u waħda fl-Uganda, ara l-Anness I). L-objettiv tal-assistenza fi flus kontanti kien li t-tfal ikunu jistgħu jaċċessaw l-edukazzjoni. Madankollu, wara li ntemmu l-proġetti, il-likwidità kienet għadha meħtieġa biex b’hekk it-tfal ikunu jistgħu jkomplu jattendu l-iskola. Pereżempju, il-Proġetti Nru 1, Nru 2 u Nru 3 fil-kampjun tagħna taw appoġġ lill-istess 700 tifel u tifla fil-Ġordan għall-2017, l-2018 u l-2019. Il-1 290 benefiċjarju tal-Proġett Nru 7 fil-Ġordan ingħataw appoġġ ukoll matul il-fażi preċedenti.
64Waħda mir-raġunijiet għalfejn dawn il-proġetti kienu jirrikjedu finanzjament ripetut kienet li l-istess proġetti ma kellhomx strateġiji ta’ ħruġ b’rabtiet ma’ programmi aktar sostenibbli. Il-proġetti ftit li xejn għamlu biex lill-benefiċjarji jirreferulhom soluzzjonijiet ta’ għajxien għat-tnaqqis tad-dipendenza tagħhom mill-assistenza fi flus kontanti. L-evalwazzjoni mwettqa mill-ECHO tar-rapport finali għall-Proġett Nru 2 fil-Ġordan fl-2018 sabet li s-sieħeb xorta waħda ma kienx semma strateġija possibbli ta’ ħruġ mill-assistenza fi flus kontanti, li minnha kienu dipendenti l-familji l-aktar vulnerabbli, bħal unitajiet domestiċi mmexxija min-nisa. L-evalwazzjoni mwettqa mill-ECHO tal-proposta għall-Proġett Nru 3 fl-2019 mill-istess sieħeb bħall-Proġett Nru 2, sabet li s-sieħeb ma weriex biżżejjed mogħdijiet tranżizzjonali għal azzjoni ta’ żvilupp għall-ġejjieni.
65Żewġ proġetti ta’ assistenza fi flus kontanti fl-2019 kellhom miri li l-benefiċjarji jersqu lejn soluzzjonijiet ta’ għajxien. Il-Proġett Nru 3 fil-Ġordan kien stabbilixxa mira ta’ 8 % tal-benefiċjarji resqin lejn soluzzjonijiet ta’ għajxien aktar sostenibbli sa tmiem il-proġett biex b’hekk ma jkunux jibqgħu jeħtieġu assistenza fi flus kontanti. Il-Proġett Nru 7 fil-Ġordan kellu mira ta’ 5 % (65 minn 1 290 benefiċjarju). Dawn il-miri kienu modesti u kienu jfissru li aktar minn 90 % tal-benefiċjarji għaż-żewġ proġetti jkunu jibqgħu dipendenti mill-assistenza fi flus kontanti. Il-monitoraġġ imwettaq mill-ECHO tal-Proġett Nru 7 fil-Ġordan sab li xi tfal komplew jaħdmu minkejja li rċevew assistenza fi flus kontanti, minħabba n-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ għajxien u riżorsi finanzjarji tal-familja. It-tliet proġetti l-oħra ta’ assistenza fi flus kontanti (il-Proġetti Nru 1, Nru 2 u Nru 8) ma kellhomx miri għal soluzzjonijiet ta’ għajxien.
66Wieħed mill-kriterji dwar l-indikatur tar-reżiljenza tal-ECHO jivvaluta jekk il-proġetti jeħdux opportunitajiet biex jagħtu appoġġ għal strateġiji fuq żmien twil biex il-ħtiġijiet umanitarji jitnaqqsu. L-ECHO sab li l-biċċa l-kbira mill-proġetti ma ssodisfawx dan il-kriterju suffiċjentement, bir-riżultat li nkiseb punteġġ finali ta’ 1 għal dan l-indikatur. L-ECHO ta l-marka sħiħa ta’ 2 lil ftit li xejn proġetti (ara t-Tabella 5).
Tabella 5
L-indikatur tar-reżiljenza tal-ECHO juri li l-biċċa l-kbira mill-proġetti ma tawx appoġġ bis-sħiħ lil strateġiji fuq żmien itwal
Indikatur tar-Reżiljenza | ||||
Pajjiż | Proġett | Għadu għaddej | Punteġġ finali/interim (*) | |
Fuq il-post | Kwartieri ġenerali | |||
Il-Ġordan | 1 | 1 | 1 | |
2 | 1 | 1 | ||
3 | * | 1 | 1 | |
4 | * | 1 | 1 | |
5 | 2 | 2 | ||
6 | * | 1 | 1 | |
7 | * | 1 | 1 | |
L-Uganda | 8 | * | 1 | 1 |
9 | 1 | 2 | ||
10 | 1 | 2 | ||
11 | 1 | 2 |
* Punteġġ interim għal proġetti li għadhom għaddejjin.
2 | = jissodisfa l-erba’ kriterji kollha |
1 | = jissodisfa żewġ/tliet kriterji |
0 | = jilħaq kriterju wieħed/ma jilħaq l-ebda kriterju |
Sors:il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni.
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
67B’mod ġenerali, l-għajnuna mogħtija mill-UE għenet lit-tfal fil-bżonn, u l-proġetti kisbu r-riżultati mistennija tagħhom. Madankollu, huma ma laħqux biżżejjed bniet. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira mill-proġetti fil-kampjun tagħna kienu qosra wisq meta mqabbla mal-ħtiġijiet edukattivi tat-tfal, u dan naqqas l-effiċjenza. Is-sejbiet mill-eżaminar li wettaqna ta’ 11-il proġett huma miġbura fil-qosor fl-Anness II.
68Il-proġetti kienu rilevanti u kkoordinati tajjeb, u l-Kummissjoni indirizzat il-problemi li kienet identifikat matul iż-żjarat ta’ monitoraġġ. Il-proġetti kisbu l-biċċa l-kbira mir-riżultati ppjanati tagħhom. Madankollu, il-Kummissjoni għamlet użu limitat mir-riżultati tal-proġetti tagħha taħt Kapaċità Msaħħa ta’ Rispons. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma mmiratx biżżejjed bniet, għalkemm dawn kienu jħabbtu wiċċhom ma’ żvantaġġi akbar. Barra minn hekk, bosta mill-proġetti ma laħqux il-proporzjon fil-mira ta’ bniet (il-paragrafi 18 sa 40).
Rakkomandazzjoni 1 – Jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel użu akbar mir-riżultati tal-proġetti taħt Kapaċità Msaħħa ta’ RisponsJenħtieġ li l-Kummissjoni tuża l-gwida rilevanti għall-għajnuna umanitarja għall-edukazzjoni li tirriżulta minn inizjattivi ffinanzjati mill-fondi tagħha taħt Kapaċità Msaħħa ta’ Rispons b’mod aktar sistematiku.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: Proġetti ffinanzjati minn Jannar 2022 ’il quddiem.
Rakkomandazzjoni 2 – Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi aktar appoġġ għall-bniet fi proġetti tal-edukazzjoniJenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi aktar appoġġ għall-bniet billi:
- permezz tal-PIU tinforma lis-sħab li se tagħti prijorità lill-finanzjament ta’ proġetti li jimmiraw mill-inqas 50 % tal-bniet dment li ma tkunx hemm ġustifikazzjoni bbażata fuq il-kuntest;
- tinkludi indikatur standard għall-proporzjon ta’ bniet fil-proġett;
- timmonitorja sistematikament il-proporzjonijiet ta’ ġeneru u s-sensittività ta’ ġeneru tal-proġetti tal-edukazzjoni ffinanzjati mill-UE matul iż-żjarat ta’ monitoraġġ tagħha u tieħu l-azzjoni meħtieġa biex tgħin tindirizza l-ħtiġijiet tal-bniet.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: Proġetti ffinanzjati minn Jannar 2022 ’il quddiem.
69Inizjalment, il-biċċa l-kbira mill-proġetti fil-kampjun tagħna kienu twal bejn 10 u 12-il xahar, durata li ma kinitx suffiċjentement twila biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet edukattivi tat-tfal fi kriżijiet fit-tul. Id-durata qasira żiedet il-piż amministrattiv fuq is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni, u b’hekk it-twassil tal-għajnuna kien inqas effiċjenti (il-paragrafi 41 sa 51).
Rakkomandazzjoni 3 – Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi finanzjament fuq żmien itwal għall-edukazzjoni fi kriżijiet fit-tulSabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet edukattivi tat-tfal fi kriżijiet fit-tul b’mod effiċjenti, jenħtieġ li l-Kummissjoni:
- tagħti appoġġ lil proġetti tal-edukazzjoni għal mill-inqas sentejn, dment li ma jkunx hemm ġustifikazzjoni bbażata fuq il-ħtiġijiet jew fuq il-kuntest għal durata iqsar;
- tiddefinixxi d-durata ta’ dawn il-proġetti fil-bidu tal-azzjoni, sabiex il-benefiċċji tal-finanzjament fuq żmien itwal ikunu jistgħu jimmaterjalizzaw.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: Proġetti ffinanzjati minn Jannar 2022 ’il quddiem.
70Il-Kummissjoni ma analizzatx l-ispejjeż tal-proġetti suffiċjentement biex tidentifika opportunitajiet għal kosteffettività akbar. Hija ma qabblitx l-ispiża tal-attivitajiet, jew il-proporzjon ta’ oġġetti u servizzi li l-benefiċjarji kienu jirċievu, ma’ proġetti simili jew ma’ fażijiet preċedenti tal-istess proġett. Dan kien il-każ mhux biss waqt l-għażla ta’ proposti għal proġetti, iżda wkoll waqt il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ proġetti (il-paragrafi 52 sa 58).
Rakkomandazzjoni 4 – Jenħtieġ li l-Kummissjoni ttejjeb l-analiżi tal-ispejjeż fl-għażla u l-monitoraġġ ta’ proġetti tal-edukazzjoniMeta tanalizza l-baġits jew l-ispejjeż reali tal-proġetti proposti, jenħtieġ li l-Kummissjoni:
- sistematikament tqabbel l-ispiża tal-attivitajiet prinċipali ma’ dawk ta’ proġett simili jew fażi preċedenti tal-istess proġett;
- tqabbel il-proporzjon ta’ oġġetti, inklużi flus kontanti, u servizzi riċevuti mill-benefiċjarji mal-proporzjon fi proġetti simili jew fażi preċedenti tal-istess proġett;
- tuża r-riżultati ta’ din l-analiżi tal-ispejjeż meta tagħżel il-proġetti u meta temenda l-baġit tagħhom sabiex ittejjeb l-effiċjenza jew tirrifjuta proposti ineffiċjenti.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: Proġetti ffinanzjati minn Jannar 2022 ’il quddiem.
71Wara li ntemmu l-proġetti, ħafna minnhom komplew ikunu ta’ benefiċċju għat-tfal. Madankollu, il-Kummissjoni ftit li xejn għamlet biex tnaqqas id-dipendenza tal-benefiċjarji mill-assistenza fi flus kontanti fi ħdan il-proġetti kkampjunati dwar il-flus kontanti għall-edukazzjoni. Ħafna minn dawn il-proġetti kienu jirrikjedu finanzjament ripetut, billi ma kellhomx rabtiet ma’ programmi ta’ għajnuna fuq żmien itwal u, lill-familji benefiċjarji, ftit li xejn kienu jirreferulhom soluzzjonijiet ta’ għajxien (il-paragrafi 59 sa 66).
Rakkomandazzjoni 5 – Jenħtieġ li l-Kummissjoni ttejjeb is-sostenibbiltà ta’ proġetti dwar il-flus kontanti għall-edukazzjoni fi kriżijiet fit-tulMeta tiffinanzja proġetti dwar il-flus kontanti għall-edukazzjoni fi kriżijiet fit-tul, jenħtieġ li l-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rabtiet ma’ programmi ta’ żvilupp fuq żmien itwal u, lil ammont akbar ta’ familji benefiċjarji, tirreferilhom soluzzjonijiet ta’ għajxien.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: Proġetti ffinanzjati minn Jannar 2022 ’il quddiem.
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla III, immexxija mis-Sinjura Bettina JAKOBSEN, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fit-8 ta’ Diċembru 2020.
Għall-Qorti tal-Awdituri
Klaus-Heiner Lehne
Il-President
Annessi
Anness I – Attivitajiet tal-proġetti
Numru tal-proġett | 1 | 2 | 3 | 4 | 5 | 6 | 7 | 8 | 9 | 10 | 11 |
Pajjiż | Il-Ġordan | Il-Ġordan | Il-Ġordan | Il-Ġordan | Il-Ġordan | Il-Ġordan | Il-Ġordan | L-Uganda | L-Uganda | L-Uganda | L-Uganda |
Tip ta’ sieħeb | INGO | INGO | INGO | NGO | INGO | INGO | INGO | INGO | NU | NGO | NGO |
Status | magħluq | magħluq | għadu għadde* | għadu għadde** | magħluq | għadu għadde* | għadu għadde* | għadu għadde* | magħluq | magħluq | magħluq |
Finanzjament taħt l-ECHO għall-edukazzjoni (MEUR) | 1.7 | 2.4 | 1.0 | 2.0 | 1.2 | 1.0 | 2.3 | 10.0 | 1.3 | 1.5 | 0.4 |
Elementi li jappoġġaw l-edukazzjoni formali | X | X | X | X | X | X | X | X | X | X | |
Edukazzjoni mhux formali (Klassijiet ta’ rimedju/Programm ta’ tagħlim aċċellerat) | X | X | X | X | X | X | X | ||||
Kostruzzjoni/riabilitazzjoni | X | X | X | X | |||||||
Tagħmir u materjali tat-tfal | X | X | X | X | X | ||||||
Flus kontanti għall-edukazzjoni | X | X | X | X | X | ||||||
Assistenza bit-trasport għall-iskejjel (Flus kontanti, servizz ta’ mixi sal-iskola) | X | X | X | ||||||||
Appoġġ psikosoċjali lit-tfal | X | X | X | X | X | X | |||||
Taħriġ tal-għalliema/persunal li jgħallem | X | X | X | X | X | X | X | X | |||
Għajnuniet/tagħmir għat-tagħlim | X | X | X | X | X | ||||||
Sensibilizzazzjoni/Bini tal-kapaċitajiet (komunità)/Promozzjoni ta’ politika/Rappreżentazzjoni | X | X | X | X | X | X | X | X |
* proġett li kien għadu għaddej fil-31.5.2020 jew ir-rapport finali ma kienx disponibbli sal-31.5.2020.
** rapport finali disponibbli fil-31.8.2020.
Anness II – Sommarju tas-sejbiet mill-proġetti li kkampjunajna
Glossarju
Education Cannot Wait (ECW): Fond globali li permezz tiegħu l-gvernijiet u l-partijiet ikkonċernati internazzjonali fl-oqsma tal-għajnuna umanitarja u tal-għajnuna għall-iżvilupp jikkollaboraw biex jagħtu reazzjoni rapida għall-ħtiġijiet tal-edukazzjoni ta’ tfal u żgħażagħ milquta minn kriżijiet.
Edukazzjoni Aċċellerata: L-għoti ta’ edukazzjoni f’temp ta’ żmien imqassar lil tfal u żgħażagħ li jkunu tiflu l-opportunità li jieħdu xi partijiet mill-edukazzjoni tagħhom minħabba faqar, emarġinazzjoni, kunflitt jew kriżi.
Grand Bargain Ftehim fost l-akbar donaturi u organizzazzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja biex jindirizza n-nuqqas ta’ fiduċja fis-settur u jżid l-effettività u l-effiċjenza ta’ xogħolhom.
Akronimi u abbrevjazzjonijiet
DD: Deċiżjoni Dinjija
DEVCO: Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp, tal-Kummissjoni Ewropea
ECHO: Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej, tal-Kummissjoni Ewropea
EiE: Edukazzjoni f’Emerġenzi u Kriżijiet fit-Tul
EUTF: Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza tal-Unjoni Ewropea għall-Afrika
ILET: Improving Learning Environments Together
KMR: Kapaċità Msaħħa ta’ Rispons
NU: Nazzjonijiet Uniti
PEA: Programm ta’ Edukazzjoni Aċċellerata
PIU: Pjan ta’ Implimentazzjoni Umanitarja
UNHCR: Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati
WASH: Assistenza dwar Ilma, Sanità u Iġjene
Tim tal-awditjar
Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex ikollha l-impatt massimu tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.
Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla III tal-Awditjar, Azzjoni esterna/sigurtà u ġustizzja, li hija mmexxija minn Bettina Jakobsen, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Hannu Takkula, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Turo Hentilä, Kap tal-Kabinett, u Nita Tennilä, Attaché tal-Kabinett; Sabine Hiernaux-Fritsch u Alejandro Ballester Gallardo, Maniġers Prinċipali; Helka Nykänen u Mark Marshall, Kapijiet tal-Kompitu; u Eva Coria, Awditur.
Noti finali
1 L-Istitut tal-Istatistika tal-Unesco, ċifra mill-2017, http://uis.unesco.org/en/news/new-education-data-sdg-4-and-more#slideoutmenu.
2 COM(2018) 304 final tat-18 ta’ Mejju 2018 “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Edukazzjoni f’Emerġenzi u kriżijiet fit-tul”.
3 Global humanitarian overview 2019, United Nations coordinated support to people affected by disaster and conflict, p. 4.
4 Id-dokument ta’ politika tad-DĠ ECHO Nru 10 (Marzu 2019), education in emergencies.
5 Save the Children (2015), What children tell us they want in times of emergency and crisis? 16-il studju minn 8 organizzazzjonijiet li jkopru 17-il emerġenza differenti li jirriflettu l-ilħna ta’ 8 749 tifel u tifla. Save the Children/Norwegian Refugee Council (2014), Hear it from the children/why education in emergencies is critical.
6 Save the Children/Norwegian Refugee Council (2014), Hear it from the children/why education in emergencies is critical.
7 KUMM(2008) 55 finali tal-5 ta’ Frar 2008 “Post Speċjali għat-Tfal fl-Azzjoni Esterna tal-UE” u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal relatat, Children in Emergency and Crisis situations (SEC(2008) 135).
8 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta’ Ġunju 1996.
9 Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar il-Ġeneru fl-Għajnuna Umanitarja SWD(2013) 290 final.
10 COM(2018) 304 final.
11 COM(2008) 55 final u SEC(2008) 136.
12 Ir-Rapport Speċjali Nru 27/2018 – Il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija.
13 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta’ Ġunju 1996 rigward l-Għajnuna Umanitarja, il-qafas ta’ politika tal-UE għall-edukazzjoni f’emerġenzi (COM(2018) 304 final, KUMM(2008) 55 finali u SEC(2008) 136), u l-Kunsens Ewropew dwar l-għajnuna umanitarja (ĠU C 25 tat-30.1.2008).
14 Il-Grand Bargain, ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (2017), l-Artikolu 30, u r-Regolament Finanzjarju (2018), l-Artikolu 33, JOIN (2017) 21 final tas-7.6.2017 dwar “Approċċ Strateġiku għar-Reżiljenza fl-azzjoni esterna tal-UE”.
15 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta’ Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja.
16 Comprehensive evaluation of European Union humanitarian aid, 2012-2016, ir-rapport finali mill-International Development Consulting (ICF).
17 Kumitat Internazzjonali tas-Sokkors: The Grand Bargain: Three years on: Multi-year humanitarian financing.
18 SWD(2019)3 final tal-10.1.2019, Comprehensive Evaluation of EU Humanitarian Aid, 2012-2016, u r-Rapport 2017 tal-FAO, http://www.fao.org/3/a-i8040e.pdf, p. 15.
19 Education in Emergencies Project Mapping Report (Rapport dwar l-Immappjar ta’ Proġett ta’ Edukazzjoni f’Sitwazzjonijiet ta’ Emerġenza) (Mejju 2020), li jinsab fuq https://ec.europa.eu/echo/sites/echo-site/files/eie_mapping_report.pdf
20 Overseas Development Institute (2016) “A common platform for education in emergencies and protracted crises: Evidence paper.” (“Pjattaforma komuni għall-edukazzjoni f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u waqt kriżijiet fit-tul: Dokument ta’ evidenza”) ODI, Londra
21 “DG ECHO Thematic Policy Document no 10. Education in Emergencies in EU-funded Humanitarian Aid Operations” (Id-Dokument ta’ Politika Tematika Nru 10 tad-DĠ ECHO. L-Edukazzjoni f’Sitwazzjonijiet ta’ Emerġenza f’Operazzjonijiet ta’ Għajnuna Umanitarja ffinanzjati mill-UE) (Lulju 2019), https://ec.europa.eu/echo/files/news/eie_in_humanitarian_assistance.pdf
Kronoloġija
Avveniment | Data |
---|---|
Il-Memorandum ta’ Ppjanar tal-Awditjar (APM) jiġi adottat / L-awditu jinbeda | 12.11.2019 |
L-abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lill-entità l-oħra awditjata) | 13.10.2020 |
Ir-rapport finali jiġi adottat wara l-proċedura kontradittorja | 8.12.2020 |
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew tal-entità l-oħra awditjata) jaslu bil-lingwi kollha | 14.1.2021 |
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2021
ISBN 978-92-847-5586-8 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/698493 | QJ-AB-21-002-MT-N | |
HTML | ISBN 978-92-847-5560-8 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/995657 | QJ-AB-21-002-MT-Q |
DRITTIJIET TAL-AWTUR
© L-Unjoni Ewropea, 2021.
Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.
Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, pereżempju f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.
Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.
Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.
Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li dawn ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-QEA, inti mħeġġeġ biex teżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.
Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.
Kif tikkuntattja lill-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
- bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Kif issib tagħrif dwar l-UE
Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu
Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (https://copenhagenizeindex.eu/) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.