L-attivitajiet li wettaqna fl-2020
Rapport Annwali tal-Attività
tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Cover image

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Min aħna

  • l-awditur estern tal-Unjoni Ewropea;
  • stabbilita bit-Trattat ta’ Brussell tal-1975, bdiet il-ħidma tagħha f’Ottubru 1977; Istituzzjoni Ewropea sħiħa minn meta t-Trattat ta’ Maastricht daħal fis-seħħ fl-1993;
  • sede fil-Lussemburgu;
  • Membru wieħed minn kull Stat Membru tal-UE, maħtur mill-Kunsill b’segwitu għal konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew;
  • madwar 900 membru tal-persunal, min-nazzjonalitajiet kollha tal-UE.

X’nagħmlu

  • niżguraw li l-kontijiet tal-UE jinżammu tajjeb, li din tapplika r-regoli finanzjarji tagħha b’mod korrett, u li l-politiki u l-programmi tagħha jilħqu l-objettivi intenzjonati tagħhom u jipprovdu valur għall-flus;
  • nikkontribwixxu għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE u nippromwovu l-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza;
  • inwissu dwar il-possibbiltà ta’ riskji, nipprovdu aċċertament, nindikaw fejn ikun hemm nuqqasijiet u suċċessi, u noffru gwida lil dawk li jfasslu l-politika u lil-leġiżlaturi tal-UE;
  • nippreżentaw l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħna lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali, kif ukoll lill-pubbliku ġenerali.

Daħla tal-President

Għażiż qarrej,

L-2020 kienet sena partikolarment diffiċli għall-Unjoni Ewropea u għall-Istati Membri tagħha, minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

Fl-istess ħin, f’dan iż-żmien ta’ kriżi, l-Unjoni tagħna wriet li hija tista’ tagħmel differenza f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tas-sikurezza, tas-saħħa u tal-benesseri ekonomiku taċ-ċittadini tagħna. Ittieħdu deċiżjonijiet kruċjali li se jkollhom ukoll impatt sinifikanti fuq il-finanzi tal-UE. Matul is-seba’ snin li ġejjin, l-Unjoni se tkun tista’ tonfoq EUR 1.8 triljun. Dan jinkludi l-inizjattiva “Next Generation EU”, li tiswa EUR 750 biljun, bħala r-rispons tal-UE għall-kriżi tal-COVID-19 Is-27 Stat Membru qablu li dan il-programm temporanju għall-irkupru jkun jiġi parzjalment iffinanzjat permezz tal-ħruġ ta’ dejn pubbliku. Għalhekk, dawn id-deċiżjonijiet jimmarkaw bidla verament storika fil-finanzi tal-UE.

F’dan l-isfond, aħna ħejjejna strateġija ġdida għall-perjodu 2021-2025. F’Jannar 2021 qbilna dwar tliet għanijiet strateġiċi li se jiggwidaw l-isforzi tagħna fl-awditjar tal-finanzi tal-UE fis-snin li ġejjin, kif ukoll fit-twettiq tal-bidliet meħtieġa għall-organizzazzjoni tagħna u l-użu tar-riżorsi tagħna sabiex dan nagħmluh bl-aktar mod effettiv u effiċjenti possibbli.

L-2020 kienet ukoll sena diffikultuża għalina bħala istituzzjoni. Madankollu, dan ir-Rapport tal-Attività juri li aħna laħħaqna tajjeb ħafna mal-problemi operazzjonali partikolari li rriżultaw mill-kriżi tal-COVID-19. Matul is-sena, żammejna l-kontinwità tal-operat u, f’temp ta’ ftit jiem, għamilnieha possibbli li l-membri kollha tal-persunal tagħna jaħdmu mill-bogħod.

Fir-rigward tax-xogħol tal-awditjar li wettaqna fl-2020, ingħatat prijorità lir-rapporti annwali tagħna, li kollha ġew ippubblikati fi ħdan id-dati ta’ skadenza uffiċjali. Għal dak li jirrigwarda r-rapporti speċjali u dawk analitiċi, ippubblikajna wkoll 32 rapport, filwaqt li żammejna d-dewmien fi ħdan limiti raġonevoli. Fl-aħħar nett, aħna ħriġna 11-il opinjoni, li prinċipalment jittrattaw il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 u l-inizjattiva “Next Generation EU”.

L-2020 kienet ukoll l-aħħar sena tal-perjodu strateġiku 2018-2020 tagħna. Għalhekk, dan ir-rapport jieħu l-opportunità li janalizza xi xejriet fuq terminu twil, billi jqabbel il-prestazzjoni tagħna matul l-aħħar tliet snin mal-prestazzjoni matul il-perjodu strateġiku preċedenti (2013-2017).

Nassigurawkom li se nagħmlu dak kollu li nistgħu biex inkomplu nwettqu r-rwol tagħna bħala l-awditur indipendenti estern tal-UE, billi nipprovdu valutazzjoni imparzjali tal-politiki u l-programmi tal-UE, kif ukoll tal-kwalità tal-ġestjoni finanzjarja tal-fondi tal-UE fl-Unjoni kollha u lil hinn minnha.

Nittamaw li l-informazzjoni fir-Rapport tal-Attività ta’ din is-sena tkun utli għalik.

Klaus-Heiner Lehne
Il-President

L-attivitajiet li wettaqna

Ir-rispons tagħna għall-COVID-19

Kontinwità tal-operazzjonijiet
tagħna, minkejja r-restrizzjonijiet
relatati mal-COVID-19

F’Marzu 2020, il-pandemija tal-COVID-19 laqtet lill-UE u lill-Istati Membri tagħha. Ir-restrizzjonijiet imposti fuq iċ-ċittadini u fuq in-negozji fid-dawl tal-kriżi tas-saħħa pubblika biddlu b’mod profond il-mod kif ngħixu u naħdmu. Eżatt bħal kulħadd, il-QEA, il-Membri u l-persunal tagħha kellhom jaġġustaw għal din is-sitwazzjoni l-ġdida.

Minkejja dawn iċ-ċirkustanzi diffiċli, aħna għamilna dak kollu li stajna biex inkomplu nipprovdu servizz tal-awditjar pubbliku fl-UE li jkun effettiv u biex inwasslu rapporti tal-awditjar, opinjonijiet u rapporti analitiċi f’waqthom, filwaqt li nipproteġu s-saħħa tal-persunal tagħna u tal-familji tagħhom.

Attivajna l-Pjan tal-Kontinwità tan-Negozju tagħna, li ppermettielna nieħdu l-azzjoni rapida meħtieġa, f’konformità mal-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet tal-Lussemburgu u flimkien mal-Istituzzjonijiet l-oħra tal-UE li huma bbażati hawnhekk fil-Lussemburgu. B’mod partikolari, minn nofs Marzu 2020 ’il quddiem, il-persunal kollu tagħna daħal fil-modalità ta’ xogħol diġitali mill-bogħod f’temp ta’ ftit jiem. Matul dan il-perjodu, is-sistemi tal-IT kritiċi kollha baqgħu kompletament disponibbli.

Stabbilejna wkoll proċedura eċċezzjonali li tippermetti li l-Kulleġġ jadotta dokumenti mingħajr ma jsiru laqgħat fiżiċi.

Ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u dawk sanitarji, madankollu, naqqsu drastikament il-kapaċità tagħna li nwettqu awditi fuq il-post. Sa fejn kien possibbli, aħna ġbarna evidenza b’mod elettroniku u organizzajna laqgħat li seħħew mill-bogħod mal-entitajiet awditjati tagħna.

Barra minn hekk, matul il-fażi bikrija tal-pandemija, waqqafna l-pubblikazzjonijiet kollha għal bosta ġimgħat u, minn April 2020 ’il quddiem, bdejna mill-ġdid l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni tagħna gradwalment biss u b’mod inqas intensiv.

Reviżjoni tal-Programm ta’ Ħidma 2020 tagħna
fid-dawl taċ-ċirkustanzi li qed jinbidlu
minħabba l-COVID-19

F’Mejju 2020, fi stadju bikri tal-pandemija, aħna rrevedejna l-Programm ta’ Ħidma 2020 tagħna. Fejn kien xieraq, biddilna l-ambitu tal-kompiti tagħna li jinsabu għaddejjin, u aġġustajna l-approċċ u l-iskeda ta’ żmien biex nieħdu kont ta’ ċirkustanzi li qed jinbidlu.

Iddeċidejna wkoll li nniedu żewġ rapporti analitiċi dwar ir-rispons tal-UE għall-kriżi tal-COVID-19.

F’Diċembru 2020, ippubblikajna l-ewwel wieħed minn dawn ir-rapporti analitiċi, li janalizza l-miżuri ta’ politika ekonomika li ġew adottati fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali biex jiġi limitat u miġġieled id-dannu kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19. Aħna indikajna r-riskji, l-isfidi u l-opportunitajiet għall-futur tal-koordinazzjoni ekonomika tal-UE (eż. ir-regoli fiskali, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat) u l-faċilitajiet il-ġodda tal-UE biex jiġu miġġielda l-effetti tal-kriżi tal-COVID-19, bħall-inizjattiva “Next Generation EU” (NGEU), inklużi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) jew l-Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (SURE). It-tieni rapport analitiku, li janalizza r-rispons li l-UE tat fil-livell tas-saħħa pubblika għall-COVID-19, ġie ppubblikat f’Jannar 2021.

Tħejjija ta’ strateġija ġdida għall-perjodu 2021-2025

Għal ħafna snin, aħna użajna strateġiji pluriennali biex nipprovdu orjentazzjonijiet fuq terminu twil għax-xogħol tal-awditjar li nwettqu, biex nippromwovu inizjattivi ta’ bidla organizzattiva għal titjib kontinwu u biex nibqgħu fuq quddiem nett tal-iżviluppi fl-awditjar tas-settur pubbliku.

2020: l-aħħar sena ta’
implimentazzjoni tal-istrateġija
tagħna għall-perjodu 2018-2020

L-2020 kienet l-aħħar sena ta’ implimentazzjoni tal-istrateġija tagħna għall-perjodu 2018-2020. Matul dan il-perjodu ta’ tliet snin, aħna stinkajna biex niksbu tliet għanijiet strateġiċi: li ntejbu l-valur miżjud tad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni, li nżidu l-fokus fuq l-aspetti ta’ prestazzjoni tal-azzjoni tal-UE u li niżguraw li nwasslu messaġġi ċari lill-udjenzi tagħna.

Meta mqabbel mal-perjodu tal-istrateġija preċedenti għall-2013-2017, għamilna progress f’għadd ta’ oqsma:

  • qed inwettqu aktar awditi magħżula u qed nippubblikaw aktar rapporti;
  • aktar riżorsi qed jiġu allokati għall-awditi tal-prestazzjoni;
  • l-awditi li nwettqu, sal-adozzjoni tar-rapport, qed jieħdu inqas żmien biex jiġu kkompletati;
  • il-produttività tagħna żdiedet fit-tipi kollha ta’ awditu;
  • il-partijiet ikkonċernati istituzzjonali tagħna qed jieħdu aktar interess f’xogħolna u aħna sirna nippreżentaw xogħolna aktar ta’ spiss lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-parlamenti nazzjonali; u
  • kien hemm żieda sinifikanti fl-adozzjoni tar-rapporti tagħna min-naħa tal-media.

Fi Frar 2020, aħna ppubblikajna rapport ta’ evalwazzjoni bejn il-pari dwar kif irnexxielna nimplimentaw l-istrateġija tagħna għall-perjodu 2018-2020.

Żvilupp ta’ strateġija ġdida
għall-perjodu 2021-2025

Matul l-2020, aħna bdejna wkoll inħejju l-istrateġija l-ġdida tagħna. Dan ix-xogħol ġie organizzat mill-Bord Konsultattiv dwar l-Istrateġija u l-Prospettiva tagħna.

Mill-bidu nett, l-għan tagħna kien li nħejju din l-istrateġija l-ġdida b’mod parteċipattiv billi ninvolvu b’mod attiv lill-Membri, lill-maniġers u lill-membri tal-persunal kollha. Matul is-sena, organizzajna serje ta’ sessjonijiet ta’ ħidma, webinars u stħarriġiet biex niġbru l-input u niddiskutu t-triq ’il quddiem.

F’Settembru 2020, l-ewwel abbozz tal-istrateġija ġie ppreżentat fis-Seminar annwali tal-QEA. Il-verżjoni finali ġiet adottata f’Jannar 2021.

Din l-istrateġija l-ġdida se tiggwida xogħolna bħala l-awditur indipendenti estern tal-UE għall-ħames snin li ġejjin. Għal dan il-perjodu, aħna stabbilejna għalina nfusna tliet għanijiet strateġiċi ġodda:

GĦAN 1:

Isir titjib f’dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ rendikont, it-trasparenza u l-arranġamenti tal-awditjar f’kull tip ta’ azzjoni li tittieħed mill-UE.

GĦAN 2:

L-awditi li nwettqu jiġu mmirati lejn l-oqsma u s-suġġetti fejn aħna nistgħu nipprovdu l-aktar valur miżjud. Dawn huma:

  • il-kompetittività ekonomika tal-Unjoni;
  • ir-reżiljenza fil-konfront ta’ theddid għas-sigurtà tal-Unjoni, u r-rispett għall-valuri Ewropej tal-libertà, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;
  • it-tibdil fil-klima, l-ambjent u r-riżorsi naturali;
  • il-politiki fiskali u l-finanzi pubbliċi fl-Unjoni.

GĦAN 3:

L-għoti ta’ aċċertament qawwi tal-awditjar, f’ambjent diffiċli u li qed jinbidel.

Aħna bdejna dan il-proċess ta’ żvilupp tal-istrateġija billi speċifikajna l-valuri prinċipali li huma importanti għal xogħolna. Bħala parti minn dan il-proċess, aġġornajna wkoll l-istqarrija tal-missjoni tagħna u żviluppajna viżjoni fir-rwol tagħna bħala l-awditur indipendenti estern tal-UE.

IL-VALURI TAGĦNA

Indipendenza; Integrità; Oġġettività; Trasparenza; Professjonalità.

IL-MISSJONI TAGĦNA

Permezz tax-xogħol tal-awditjar li nwettqu, li huwa indipendenti, professjonali u jħalli impatt, aħna nivvalutaw l-ekonomija, l-effettività, l-effiċjenza, il-legalità u r-regolarità tal-azzjonijiet tal-UE biex intejbu l-obbligu ta’ rendikont, it-trasparenza u l-ġestjoni finanzjarja, b’hekk insaħħu l-fiduċja taċ-ċittadini u nirrispondu b’mod effettiv kemm għall-isfidi attwali li qed tiffaċċja l-UE kif ukoll dawk li se tiffaċċja fil-futur.

IL-VIŻJONI TAGĦNA

Aħna għandna l-għan li nkunu fuq quddiem nett f’dak li jirrigwarda l-professjoni tal-awditjar tas-settur pubbliku, u li nikkontribwixxu għal Unjoni Ewropea aktar reżiljenti u sostenibbli li tiddefendi l-valuri li fuqhom hija bbażata.

Fl-aħħar nett, l-istrateġija tagħna għall-perjodu 2021-2025 tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-mezzi li se jgħinuna biex nilħqu l-għanijiet strateġiċi tagħna.

Awditjar tal-prestazzjoni u r-regolarità tal-azzjonijiet li ttieħdu mill-UE

Awditi tal-prestazzjoni,
awditi finanzjarji u awditi tal-konformità

L-awditi li nwettqu jipprovdu liċ-ċittadini tal-UE u lil dawk li jfasslu l-politika tagħha rapporti indipendenti u oġġettivi dwar kwistjonijiet ewlenin għall-futur tal-UE, billi jenfasizzaw dak li jiffunzjona tajjeb u jiġbdu l-attenzjoni għal dak li ma jiffunzjonax kif suppost.

L-awditi tal-prestazzjoni li nwettqu jindirizzaw l-effettività, l-effiċjenza u l-ekonomija tal-politiki u l-programmi tal-UE. Huma jiffukaw fuq suġġetti li jirriflettu l-problemi li l-UE qed tiffaċċja, bħall-użu sostenibbli ta’ riżorsi naturali favur l-ambjent, it-tkabbir u l-inklużjoni, l-isfidi relatati mal-migrazzjoni u mal-iżvilupp globali, is-suq uniku u l-unjoni bankarja, u l-iżgurar li l-Unjoni Ewropea tagħti rendikont u tkun effiċjenti. Dawn l-awditi għandhom l-għan li jgħinu lill-UE biex tilħaq aħjar l-objettivi ta’ politika tagħha.

L-awditi finanzjarji u tal-konformità li nwettqu għall-baġit tal-UE u għall-baġits tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ) jinkludu d-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni tagħna dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali, kif ukoll dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Aħna nistgħu wkoll nwettqu awditi tal-konformità magħżula, biex neżaminaw l-istat tal-kontabbiltà baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tal-UE, jew biex nivvalutaw jekk is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll għall-ġbir u l-infiq tal-fondi tal-UE humiex konformi mar-regoli applikabbli tal-UE u dawk nazzjonali. Fl-aħħar nett, aħna l-awditur finanzjarju ta’ għadd ta’ aġenziji, korpi deċentralizzati u Impriżi Konġunti tal-UE, kif ukoll tal-Iskejjel Ewropej.

Aħna nwettqu l-awditi kollha tagħna f’konformità ma’ standards tal-awditjar għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment.  

Programm ta’ ħidma

Il-programm ta’ ħidma tagħna
għall-2021 u lil hinn

Il-programm ta’ ħidma tagħna għall-2021 u lil hinn, li ġie ppubblikat f’Jannar 2021, itenni l-prijoritajiet tal-awditjar tagħna għall-5 snin li ġejjin u jippreżenta fid-dettall it-73 rapport, kemm rapporti speċjali kif ukoll dawk analitiċi, li biħsiebna nippubblikaw fl-2021 u fl-2022.

Wieħed minn kull erba’ kompiti tal-awditjar li għandhom jibdew fl-2021 se jittratta r-rispons li l-UE tat għall-pandemija tal-COVID-19 u l-implimentazzjoni tal-inizjattiva “Next Generation EU” (NGEU).

Aħna nħejju l-programm ta’ ħidma tal-awditjar tagħna b’mod indipendenti, iżda mhux b’mod iżolat. Nikkomunikaw ukoll mal-partijiet ikkonċernati istituzzjonali tagħna, u b’mod partikolari mal-Parlament Ewropew. Mill-2015 ’il hawn, meta bdejna dan id-djalogu għall-ewwel darba, l-għadd ta’ suġġerimenti mill-kumitati parlamentari żdied b’mod kostanti: minn 37 suġġeriment fl-2015 għal total ta’ 158 suġġeriment dwar l-awditjar riċevuti għall-programm ta’ ħidma għall-2021 u lil hinn. Madwar żewġ terzi ta’ dawn is-suġġerimenti qed jiġu kompletament jew parzjalment adottati fix-xogħol li għaddej bħalissa jew se jiġu adottati fix-xogħol futur, jew xi wħud kienu diġà ġew koperti f’rapporti li ppubblikajna reċentement.

Xogħol tal-awditjar fuq il-post

Il-biċċa l-kbira mix-xogħol tal-awditjar li nwettqu jsir fis-sede tagħna fil-Lussemburgu. L-awdituri tagħna jagħmlu wkoll għadd kbir ta’ żjarat lill-Kummissjoni Ewropea – l-entità awditjata prinċipali tagħna – u lill-istituzzjonijiet kif ukoll l-aġenziji u l-korpi tal-UE, lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri, lid-delegazzjonijiet tal-UE f’pajjiżi terzi, u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali li jimmaniġġjaw il-fondi tal-UE.

Aħna nwettqu wkoll kontrolli fuq il-post tar-riċevituri tal-fondi tal-UE, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll lil hinn mill-fruntieri tagħha. Permezz ta’ dawn il-kontrolli, aħna nsegwu r-rendikont tal-entrati u niksbu evidenza diretta għall-awditjar mingħand dawk involuti fil-ġestjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE u fil-ġbir jew fil-ħlas ta’ fondi tal-UE, kif ukoll mingħand il-benefiċjarji li jirċevuhom.

Aħna nistinkaw biex nikkompletaw l-awditi magħżula tagħna fi żmien 13-il xahar, f’konformità mal-mira stabbilita fir-Regolament Finanzjarju tal-UE.

2020: inqas awditi fuq il-post
minħabba r-restrizzjonijiet tal-COVID-19

It-timijiet tal-awditjar tagħna huma ġeneralment magħmulin minn żewġ awdituri jew tlieta, filwaqt li ż-żjarat tal-awditjar tagħna jvarjaw fit-tul minn ftit jiem għal ftit ġimgħat. Il-kontrolli fuq il-post li aħna nwettqu ġewwa l-UE jiġu ġeneralment ikkoordinati f’kollegament mal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar tal-Istati Membri kkonċernati.

Il-frekwenza u l-intensità tax-xogħol tal-awditjar li nwettqu fl-Istati Membri individwali u fil-pajjiżi benefiċjarji jiddependu mit-tip ta’ awditi li nwettqu.

Matul il-biċċa l-kbira mill-2020, ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-miżuri sanitarji (l-għeluq tal-fruntieri, ir-regoli dwar il-kwarantina, ir-rekwiżiti tal-ittestjar, eċċ.) illimitaw il-possibbiltajiet tagħna li nwettqu xogħol tal-awditjar fuq il-post.

Għalhekk, meta mqabbel mas-snin preċedenti, l-awdituri tagħna qattgħu inqas jiem jawditjaw fuq il-post. B’kollox, l-awdituri tagħna qattgħu 1 190 jum kemm fl-Istati Membri kif ukoll barra mit-territorju tal-UE (2019: 3 605 ijiem; 2018: 3 761 jum). Barra minn hekk, huma qattgħu 627 jum fl-istituzzjonijiet tal-UE, kif ukoll f’aġenziji u korpi deċentralizzati madwar l-UE, f’Impriżi Konġunti, f’organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti jew l-OECD, u f’ditti privati tal-awditjar (2019: 2 504 ijiem; 2018: 2 723 jum).

Fl-istess ħin, għamilna użu dejjem akbar mill-awditjar mill-bogħod billi użajna għodod għall-vidjokonferenzi u teknoloġija oħra tal-informazzjoni, bħall-kondiviżjoni sikura ta’ data u ta’ dokumenti, biex ninteraġixxu mal-entitajiet awditjati tagħna.

Ir-rapporti tagħna

Ir-rapporti tal-awditjar, ir-rapporti analitiċi u l-opinjonijiet tagħna huma element essenzjali tal-katina ta’ obbligu ta’ rendikont tal-UE. Huma jgħinu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jimmonitorjaw u jiskrutinizzaw l-ilħuq tal-objettivi ta’ politika tal-UE, u biex jitolbu li jingħata rendikont minn dawk responsabbli għall-ġestjoni tal-baġit tal-UE – b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċedura annwali ta’ kwittanza.

Fi snin reċenti, kif stabbilit fl-istrateġija tagħna għall-perjodu 2018-2020, aħna konna qed inżidu l-fokus tagħna fuq il-valutazzjoni tal-prestazzjoni fl-azzjonijiet tal-UE.

Rapporti speċjali u rapporti analitiċi

Fl-2020, aħna eżaminajna ħafna mill-isfidi li l-UE qed tiffaċċja fl-oqsma differenti kollha ta’ nfiq tal-UE, bħall-infiq fuq l-azzjoni klimatika, it-toroq, il-konġestjoni urbana, l-unjoni tas-swieq kapitali, id-difiża tal-kummerċ, biex insemmu biss xi ftit minnhom.

Fir-rapporti speċjali tagħna, aħna neżaminaw jekk l-objettivi tal-politiki u l-programmi magħżula tal-UE ntlaħqux, jekk ir-riżultati nkisbux b’mod effettiv u effiċjenti, u jekk l-azzjoni tal-UE pprovdietx valur miżjud – jiġifieri jekk permezz tagħha nkisbux riżultati aħjar milli setgħu nkisbu kieku l-azzjonijiet twettqu fuq livell nazzjonali biss. F’dan ir-rapport, aħna nagħmlu wkoll rakkomandazzjonijiet, fejn nidentifikaw modi kif jistgħu jiġu ffrankati l-flus, isir xogħol aħjar, tiġi evitata l-ħela jew jintlaħqu l-objettivi ta’ politika mistennija b’mod aktar effettiv.

Ir-rapporti analitiċi tagħna għandhom l-għan li jipprovdu deskrizzjoni li tispjega l-kuntest kif ukoll analiżi, spiss minn perspettiva trażversali u fuq il-bażi ta’ xogħol tal-awditjar preċedenti jew fuq informazzjoni oħra li tkun disponibbli għall-pubbliku. Aħna nistgħu nużawhom ukoll biex nippreżentaw l-analiżi tagħna ta’ oqsma jew kwistjonijiet li nkunu għadna ma awditjajniex, jew biex nistabbilixxu fatti dwar suġġetti jew problemi speċifiċi. Għall-kuntrarju tal-awditi, dawn ma jindirizzawx mistoqsijiet evalwattivi u lanqas ma jipprovdu aċċertament.

Il-paġni li ġejjin jipprovdu fehim approfondit dwar xogħolna kif ukoll eżempji ta’ rapporti mill-2020 li jkopru oqsma ta’ politika differenti.

Użu sostenibbli tar-riżorsi naturali

Azzjoni tal-UE biex tiġi indirizzata l-problema tal-iskart tal-plastik (ir-Rapport Analitiku Nru 4/2020)

L-imballaġġ waħdu, bħal pereżempju l-kontenituri tal-jogurt jew il-fliexken tal-ilma, jirrappreżenta madwar 40 % tal-użu mill-plastik u aktar minn 60 % tal-iskart tal-plastik iġġenerat fl-UE. Huwa wkoll it-tip ta’ imballaġġ bl-aktar rata baxxa ta’ riċiklaġġ fl-UE (kemxejn aktar minn 40 %). Biex tindirizza din il-problema tal-iskart li qed tikber, fl-2018 il-Kummissjoni adottat strateġija għall-plastiks, li rduppjat il-mira ta’ riċiklaġġ attwali għal 50 % sal-2025 u saħansitra 55 % sal-2030. L-ilħuq ta’ dawn il-miri jkun pass sinifikanti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-ekonomija ċirkolari tal-UE.

Dan ir-rapport analitiku eżamina r-rispons tal-UE għall-problema li qed tikber tal-iskart tal-plastik b’fokus fuq l-iskart mill-imballaġġ tal-plastik. Ir-rapport analitiku jenfasizza xi wħud mid-distakki, ir-riskji, l-isfidi u l-opportunitajiet tal-approċċ li adottat l-UE biex tindirizza l-iskart mill-imballaġġ tal-plastik.

Regoli ġodda u aktar stretti ta’ rappurtar iridu juru stampa aktar affidabbli u x’aktarx se jwasslu biex ir-rata medja ta’ riċiklaġġ tal-imballaġġ tal-plastik irrappurtata fl-UE tonqos miċ-ċifra attwali ta’ 42 % għal bilkemm 30 %. L-isfida biex tiżdied il-kapaċità ta’ riċiklaġġ fl-UE, terġa’, hija akbar minħabba l-“Konvenzjoni ta’ Basilea” l-ġdida, li daqt se tiġi applikata u li tistabbilixxi kundizzjonijiet aktar stretti għat-trasport marittimu tal-iskart tal-plastik barra mill-pajjiż. Minn Jannar 2021 ’il quddiem, il-biċċa l-kbira mill-vjeġġi tal-iskart tal-plastik huma pprojbiti. Din il-projbizzjoni, flimkien man-nuqqas ta’ kapaċità għat-trattament ta’ dan l-iskart fl-UE, tikkostitwixxi riskju ieħor għall-ilħuq tal-miri l-ġodda. Hemm ukoll riskji ta’ żieda fit-trasport marittimu illegali u fil-kriminalità marbuta mal-iskart, iżda l-qafas tal-UE huwa dgħajjef wisq biex dawn ir-riskji jiġu miġġielda.

Regoli ġodda tal-UE għandhom l-għan li jarmonizzaw u jsaħħu l-iskemi ta’ Responsabbiltà Estiża tal-Produttur, sabiex jippromwovu r-riċiklabbiltà (pereżempju permezz ta’ sistemi ta’ modulazzjoni ta’ tariffi jew anke skemi ta’ ritorn ta’ depożitu) u mhux biss imballaġġ eħfef, kif jagħmlu attwalment il-biċċa l-kbira minnhom. Ir-regoli dwar id-disinn tal-imballaġġ, li ġew riveduti mill-Kummissjoni, jistgħu jirriżultaw f’disinn ta’ imballaġġ aħjar għar-riċiklabbiltà u jistgħu jinċentivaw l-użu mill-ġdid.

Investiment għall-koeżjoni, it-tkabbir u l-inklużjoni

Ir-Rapport Speċjali Nru 20/2020: Il-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal – Jinħtieġ immirar aħjar tal-appoġġ tal-Kummissjoni

Kważi wieħed minn kull erbat itfal fl-UE jinsab f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali. Skont id-data l-aktar reċenti tal-Eurostat, dawn jammontaw għal kważi 23 miljun tifel u tifla (dawk ta’ taħt it-18-il sena). Ir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali jfisser li dawn it-tfal qed jgħixu f’unitajiet domestiċi li jbatu minn mill-inqas waħda minn dawn it-tliet kundizzjonijiet li ġejjin: riskju ta’ faqar ta’ introjtu, privazzjoni materjali estrema u intensità baxxa ħafna ta’ xogħol.

Studji enfasizzaw ripetutament li investiment bi spejjeż finanzjarji relattivament baxxi matul it-tfulija jista’ jwassal għal kisbiet matul il-ħajja. Fl-UE, il-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal tinsab f’idejn kull Stat Membru. Ir-rwol tal-Kummissjoni huwa li tikkumplementa u tappoġġa l-azzjonijiet nazzjonali dwar il-faqar fost it-tfal permezz ta’ strumenti kemm legali kif ukoll finanzjarji.

Aħna vvalutajna jekk il-Kummissjoni kinitx tat kontribut effettiv għall-isforzi tal-Istati Membri biex inaqqsu l-faqar fost it-tfal.

Aħna sibna li kien kważi impossibbli li jiġi vvalutat il-mod kif l-UE tikkontribwixxi għall-isforzi tal-Istati Membri biex inaqqsu l-faqar fost it-tfal. Ir-rilevanza u s-saħħa tal-istrumenti tal-UE eżaminati kienu limitati minħabba li dawn ma kinux legalment vinkolanti, u għodod aktar b’saħħithom, bħal pereżempju s-Semestru Ewropew jew l-appoġġ mill-fondi tal-UE, rari indirizzaw b’mod speċifiku l-faqar fost it-tfal. Għalhekk, kien diffiċli li jiġi ddeterminat jekk l-azzjoni tal-UE tikkontribwix b’mod effettiv għall-isforzi biex jiġi indirizzat dan it-tħassib importanti.

Aħna rrakkomandajna li l-Kummissjoni tinkludi azzjonijiet u objettivi biex jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal fil-pjan ta’ azzjoni tagħha għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; tiżgura gwida interna ċara għal sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż potenzjali li tindirizza direttament il-faqar fost it-tfal; timmira u timmonitorja l-investimenti biex jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal fil-perjodu 2021-2027, u tiżgura li jkun hemm evidenza affidabbli suffiċjenti li tappoġġa l-Garanzija Ewropea għat-Tfal li jmiss.

Azzjoni esterna, sigurtà u ġustizzja

Ir-Rapport Speċjali Nru 14/2020: L-għajnuna għall-iżvilupp li tingħata mill-UE lill-Kenja

L-għajnuna għall-iżvilupp li tingħata mill-UE għandha l-għan li tnaqqas u eventwalment teqred il-faqar fil-pajjiżi appoġġati billi tinċentiva l-governanza tajba u t-tkabbir ekonomiku sostenibbli.

Kull Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) ġeneralment idum minn ħames sa seba’ snin. Taħt il-11-il FEŻ, 75 pajjiż AKP irċevew total ta’ EUR 15-il biljun. L-allokazzjoni kienet ibbażata fuq ħames indikaturi: il-popolazzjoni, l-ING per capita, l-Indiċi tal-Assi Umani, l-Indiċi tal-Vulnerabbiltà Ekonomika, u l-Indikaturi Dinjija tal-Governanza. Pajjiżi b’popolazzjonijiet kbar bħall-Kenja rċevew finanzjament li kien proporzjonalment anqas.

Għall-Kenja, il-FEŻ huwa s-sors prinċipali ta’ finanzjament mill-UE. L-għajnuna li l-pajjiż irċieva taħt il-11-il FEŻ, bejn l-2014 u l-2020, kienet tammonta għal EUR 435 miljun, jiġifieri madwar 0.6 % tad-dħul mit-taxxa tiegħu.

Aħna vvalutajna jekk il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) kinux immiraw din l-għajnuna b’mod effettiv fejn tista’ tikkontribwixxi l-aktar għat-tnaqqis tal-faqar. L-awdituri ffukaw fuq l-effettività tal-għajnuna għall-iżvilupp li ġiet ipprovduta lill-Kenja permezz tal-FEŻ, li huwa s-sors prinċipali ta’ finanzjament mill-UE. Ir-rapport juża wkoll l-eżempju tal-Kenja biex jivvaluta l-metodoloġija għall-allokazzjoni tal-għajnuna għall-iżvilupp li tingħata mill-UE u biex jgħin fit-tfassil ta’ azzjonijiet ġodda fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss. L-awdituri eżaminaw jekk il-Kummissjoni u s-SEAE kinux immiraw l-appoġġ mill-FEŻ b’mod effettiv fejn jista’ jikkontribwixxi l-aktar għat-tnaqqis tal-faqar fil-Kenja.

Aħna sibna li l-għajnuna kienet mifruxa fost ħafna oqsma u li l-Kummissjoni ma kinitx spjegat kif u għalfejn is-setturi appoġġati jkunu jassistu l-aktar lill-Kenja biex tnaqqas il-faqar. Għalkemm b’mod ġenerali l-proġetti awditjati wasslu l-outputs u l-eżiti mistennija tagħhom, l-impatt tagħhom fuq l-iżvilupp kumplessiv tal-pajjiż kien għadu ma ġiex iddimostrat.

Aħna rrakkomandajna li jerġa’ jitqies l-approċċ għall-allokazzjoni tal-għajnuna li tingħata lill-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, fuq il-bażi tax-xogħol li wettaqna fil-Kenja. Nirrakkomandaw ukoll li jiġu prijoritizzati ċerti setturi fil-Kenja filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari biex l-għajnuna tiġi ffukata fuq il-kisba ta’ riżultati.

Regolamentazzjoni tas-swieq u ekonomija kompetittiva

Ir-Rapport Speċjali Nru 24/2020: Il-kontroll tal-fużjonijiet fl-UE u l-proċedimenti tal-antitrust tal-Kummissjoni: jeħtieġ li tiżdied is-sorveljanza tas-swieq

Ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE għandhom l-għan li jipprevienu l-kumpaniji milli jinvolvu ruħhom fi prattiki antikompetittivi bħal pereżempju kartelli sigrieti jew jabbużaw minn pożizzjoni dominanti. Il-Kummissjoni tista’ timponi multi fuq il-kumpaniji li jiksru dawn ir-regoli. Fl-aħħar 10 snin, l-infurzar tal-kompetizzjoni seħħ fil-kuntest ta’ tibdil sinifikanti fid-dinamika tas-suq minħabba t-tfaċċar tas-swieq diġitali, il-big data u l-algoritmi għall-iffissar tal-prezzijiet.

Fil-proċedimenti tal-antitrust tagħha, il-Kummissjoni tinforza r-regoli dwar il-kompetizzjoni tal-UE, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni (NCAs). Il-Kummissjoni hija responsabbli wkoll mir-rieżaminar ta’ fużjonijiet ta’ kumpaniji li huma sinifikattivi għas-suq intern tal-UE.

Kull sena, il-Kummissjoni teżamina aktar minn 300 notifika ta’ fużjoni u madwar 200 każ ta’ antitrust. Mill-2010 sal-2019, hija imponiet multi li ammontaw għal EUR 28.5 biljun għal każijiet ta’ ksur. Minħabba riżorsi limitati, mill-2005 ’l hawn hija wettqet biss erba’ inkjesti settorjali fuq inizjattiva proprja tagħha, li għenu biex jiġu identifikati l-każijiet ta’ ksur.

Aħna vvalutajna kemm il-Kummissjoni kienet effettiva fl-identifikazzjoni u fl-infurzar ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE rigward il-fużjonijiet u l-antitrust, u kif kienet ikkooperat mal-NCAs. L-awdituri analizzaw ukoll il-mod kif il-Kummissjoni vvalutat il-prestazzjoni proprja tagħha u rrappurtat dwarha.

Aħna sibna li d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni indirizzaw it-tħassib dwar il-kompetizzjoni. Iżda minħabba riżorsi limitati, il-kapaċitajiet għall-monitoraġġ tas-swieq u l-identifikazzjoni proprja tal-każijiet ta’ antitrust kienu limitati. L-investigazzjonijiet kienu kumplessi minħabba ammonti dejjem jiżdiedu ta’ data li trid tiġi pproċessata u t-tfaċċar ta’ swieq diġitali, u kienu għadhom ma ġewx indirizzati l-isfidi kollha. Il-kooperazzjoni mal-NCAs kienet tajba, iżda ċerti aspetti jistgħu jibbenefikaw minn koordinazzjoni aħjar. Barra minn hekk, jeħtieġ li jsir titjib fil-mod kif il-Kummissjoni tivvaluta il-prestazzjoni tal-attivitajiet tagħha u kif hija tirrapporta dwarha.

Aħna rrakkomandajna li l-Kummissjoni ttejjeb il-kapaċità tagħha fl-identifikazzjoni u fl-infurzar ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, biex tikkoopera aktar mill-qrib mal-NCAs, u biex ittejjeb ir-rappurtar dwar il-prestazzjoni.

Finanzjament u amministrazzjoni tal-Unjoni

Ir-Rapport Speċjali Nru 23/2020: L-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal: Wasal iż-żmien biex il-proċess tal-għażla jiġi adattat għall-ħtiġijiet ta’ reklutaġġ li qed jinbidlu

Kull sena, l-istituzzjonijiet tal-UE jirreklutaw madwar 1 000 membru tal-persunal permanenti ġdid għal karrieri fuq terminu twil, minn fost aktar minn 50 000 applikant għal kompetizzjonijiet miftuħa tal-EPSO, li huma ferm selettivi: ir-rata ta’ suċċess medja hija ta’ 2 %. Bejn l-2012 u l-2018, 411 000 kandidat ikkompetew għal 7 000 pożizzjoni fuq il-listi ta’ riżerva tal-EPSO: il-kompetizzjonijiet ġenerali jattiraw għexieren ta’ eluf ta’ applikanti u jistgħu jirriżultaw f’listi ta’ 200 kandidat li jkunu għaddew. L-EPSO qassar il-proċeduri tiegħu minn 18 għal 13-il xahar, iżda din id-durata għadha taqbeż il-mira proprja tiegħu ta’ 10 xhur. L-ispiża għal kull kandidat li jirnexxi hija ta’ madwar EUR 24 000: l-istruttura tal-ispejjeż hija maħsuba biex timminimizza l-ispejjeż għall-kompetizzjonijiet fuq skala kbira.

Aħna vvalutajna jekk il-proċessi tal-EPSO rnexxilhomx jattiraw u jagħżlu rekluti potenzjali adatti għall-istituzzjonijiet tal-UE b’mod f’waqtu u kosteffettiv bejn l-2012 u l-2018.

Aħna sibna li l-proċess tal-għażla tal-EPSO mhuwiex adattat tajjeb għal kompetizzjonijiet immirati u fuq skala żgħira li jistgħu jattiraw il-kandidati speċjalizzati biex japplikaw għal pożizzjonijiet fis-servizz pubbliku tal-UE. Fl-istess ħin, l-awdituri ġibdu l-attenzjoni wkoll għal għadd ta’ dgħufijiet fil-proċeduri tal-għażla, għal kandidati ġenerali, li twettqu mill-EPSO.

Aħna rrakkomandajna li jissaħħaħ il-proċess tal-għażla, jiġi introdott qafas ta’ għażla ġdid għall-kandidati speċjalizzati u jsir titjib fil-kapaċità tal-EPSO biex jadatta għall-ambjent attwali li qed jinbidel malajr.

Rapporti annwali u rapporti annwali speċifiċi

Ir-rapporti annwali prinċipalment jippreżentaw ir-riżultati tad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni tagħna dwar il-baġit tal-Unjoni Ewropea u l-baġit tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ).

Ir-rapporti annwali speċifiċi jippreżentaw ix-xogħol tal-awditjar finanzjarju annwali tagħna dwar l-aġenziji, il-korpi deċentralizzati u l-Impriżi Konġunti tal-UE, kif ukoll l-Iskejjel Ewropej.

Aħna nippubblikaw ukoll rapport dwar l-obbligazzjonijiet kontinġenti li jirriżultaw mill-attivitajiet imwettqa mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB).

Rapport Annwali dwar il-baġit tal-UE għas-sena finanzjarja 2019

Kull sena, aħna nawditjaw id-dħul u l-infiq tal-UE biex neżaminaw jekk il-kontijiet annwali humiex affidabbli u jekk it-tranżazzjonijiet tal-introjtu u tal-infiq, li fuqhom huma bbażati l-kontijiet, jikkonformawx mar-regoli finanzjarji applikabbli fil-livell tal-UE u f’dak tal-Istati Membri.

Barra minn hekk, nivvalutaw b’mod speċifiku kull qasam prinċipali tal-baġit tal-UE, ibbażat fuq is-(sub)intestaturi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP). Aħna nanalizzaw ukoll għalfejn u fejn ikunu seħħew ċerti żbalji, nagħmlu rakkomandazzjonijiet biex isir titjib kif ukoll neżaminaw jekk u kif ir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tagħna jkunu ġew applikati fil-prattika.

Dan ix-xogħol estensiv jifforma l-bażi għad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni tagħna, li aħna meħtieġa nipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’konformità mal-mandat tagħna taħt it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Baġit tal-UE:
opinjoni favorevoli dwar il-kontijiet u d-dħul

Għas-sena finanzjarja 2019, aħna tajna “opinjoni favorevoli” dwar il-kontijiet u dwar id-dħul tal-UE.

Baġit tal-UE:
opinjoni avversa dwar l-infiq

Fl-2019, l-infiq tal-UE ammonta għal EUR 159.1 biljun, li jirrappreżenta 2.1 % tat-total tal-infiq pubbliku tal-Istati Membri tal-UE u 1 % tal-introjtu nazzjonali gross tal-UE.

L-awdituri tagħna ttestjaw kampjun ta’ 747 pagament li saru lill-benefiċjarji fl-oqsma kollha ta’ nfiq, minn popolazzjoni totali li awditjajna, b’valur ta’ madwar EUR 126 biljun. Dan ifisser li aħna vvalutajna każijiet differenti fejn il-fondi tal-UE kienu ntużaw biex jipprovdu appoġġ għal proġetti ta’ infrastruttura ewlenija, SMEs, organizzazzjonijiet ta’ riċerka, bdiewa, studenti fl-Istati Membri tal-UE, u benefiċjarji f’pajjiżi mhux tal-UE.

Għas-sena finanzjarja 2019, aħna ħriġna “opinjoni avversa” dwar l-infiq tal-UE.  

Il-livell ta’ żball stmat minna għall-infiq
tal-2019 huwa ta’ 2.7 %

Għas-sena finanzjarja 2019, aħna stmajna li l-livell ta’ żball għall-infiq fl-intier tiegħu jinsab bejn 1.8 % u 3.6 %. Il-punt tan-nofs ta’ din il-firxa, magħruf bħala r-“rata tal-iżball l-aktar probabbli”, huwa ta’ 2.7 % (għas-sena finanzjarja 2018: 2.6 %):

Nota: Aħna nużaw tekniki standard tal-istatistika biex nistmaw il-livell ta’ żball. Nistgħu naffermaw, bi grad ta’ fiduċja ta’ 95 % li l-livell ta’ żball għall-popolazzjoni jinsab fil-firxa bejn il-limiti inferjuri u superjuri tal-iżball (għal aktar dettalji, ara l-Kapitolu 1, l-Anness 1.1 tar-Rapport Annwali 2019).

Aktar minn nofs il-popolazzjoni li
awditjajna hija milquta minn żball
materjali

Għas-sena finanzjarja 2019, l-infiq b’riskju għoli kien jirrappreżenta 53 % tal-popolazzjoni li awditjajna, aktar milli kien fis-sentejn preċedenti. Il-livell ta’ żball stmat għall-infiq b’riskju għoli kien ta’ 4.9 % (4.5 % għas-sena finanzjarja 2018).

L-infiq tal-UE huwa kkaratterizzat minn żewġ tipi ta’ nfiq li jinvolvu profili distinti ta’ riskju:

  • Pagamenti bbażati fuq drittijiet, b’riskju baxx: huma bbażati fuq l-issodisfar, min-naħa tal-benefiċjarji, ta’ ċerti kundizzjonijiet (inqas kumplessi): dawn jinkludu, pereżempju, fellowships għall-istudenti u għar-riċerka (taħt “Kompetittività”), għajnuna diretta għall-bdiewa (“Riżorsi naturali”), kif ukoll salarji u pensjonijiet għall-persunal tal-UE (“Amministrazzjoni”).
  • Rimborżi tal-ispejjeż, b’riskju għoli: l-UE tirrimborża l-ispejjeż eliġibbli għal attivitajiet eliġibbli (li jinvolvu regoli aktar kumplessi): dawn jinkludu proġetti ta’ riċerka (taħt “Kompetittività”), investiment fi żvilupp reġjonali u rurali (“Koeżjoni” u “Riżorsi naturali”) u proġetti ta’ għajnuna għall-iżvilupp (“Ewropa Globali”).
L-intestaturi tal-QFP li huma l-aktar
suxxettibbli għal żball:
Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u
Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi

Għas-sena finanzjarja 2019, “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” kienet is-(sub)intestatura tal-QFP li kienet l-aktar suxxettibbli għal żball, segwita minn “Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi”.

Nota: Il-livell ta’ żball stmat huwa bbażat fuq żbalji kwantifikabbli li identifikajna permezz ta’ xogħolna, notevolment bl-ittestjar ta’ kampjun ta’ tranżazzjonijiet. Aħna nużaw tekniki standard tal-istatistika biex nagħżlu dan il-kampjun u nistmaw il-livell ta’ żball (ara l-Kapitolu 1, l-Anness 1.1 tar-Rapport Annwali 2019).

Il-ġlieda kontra l-frodi fil-konfront tal-interessi finanzjarji tal-UE

Ġew irrappurtati lill-OLAF
sitt każijiet ta’ frodi suspettata

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri hija l-awditur estern tal-UE. L-awditi li nwettqu mhumiex maħsuba speċifikament biex jaqbdu l-frodi. Minkejja dan, l-awdituri tagħna jidentifikaw regolarment għadd ta’ każijiet fejn aħna jkollna suspett li setgħet tkun saret attività frodulenti.

Fl-2020, aħna rrappurtajna sitt każijiet ta’ frodi suspettata lill-OLAF (2019: 10 każijiet) li konna identifikajna matul ix-xogħol tal-awditjar li wettaqna. Ir-rapport annwali tagħna dwar il-baġit tal-UE jipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar in-natura ta’ dawn il-każijiet ta’ frodi suspettata u dwar l-irkupri finanzjarji sussegwenti rakkomandati mill-OLAF.

Rapport Annwali dwar il-prestazzjoni: l-ewwel
eżerċizzju pilota għas-sena finanzjarja 2019

Għas-sena finanzjarja 2019, bħala eżerċizzju pilota, aħna qsamna r-rapport annwali tagħna f’żewġ partijiet separati. It-tieni parti tar-rapport annwali tkopri l-prestazzjoni tal-programmi ta’ nfiq taħt il-baġit tal-UE.

Għall-ewwel darba fir-rappurtar annwali tagħna aħna rrieżaminajna r-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni (AMPR), li huwa r-rapport prinċipali ta’ livell għoli dwar il-prestazzjoni maħruġ mill-Kummissjoni.

Eżaminajna wkoll ir-riżultati miksuba mill-programmi tal-UE taħt il-QFP 2014-2020. L-iskop tagħna kien li nistabbilixxu kemm kien hemm informazzjoni rilevanti u disponibbli dwar il-prestazzjoni u, fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, li nivvalutaw kemm il-prestazzjoni tal-programmi ta’ nfiq tal-UE kienet fil-fatt tajba.

Barra minn hekk, aħna wettaqna segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar li konna għamilna f’rapporti li ġew ippubblikati fl-2016.

Rapport Annwali dwar il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2019
FEŻ:
opinjoni favorevoli dwar il-kontijiet u d-dħul;
opinjoni avversa dwar l-infiq

Il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ), li tnedew fl-1959, huma l-istrumenti prinċipali li permezz tagħhom l-UE tipprovdi għajnuna għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Huma għandhom l-għan li jegħlbu l-faqar, u li jippromwovu żvilupp sostenibbli u l-integrazzjoni ta’ pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku kif ukoll tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej fl-ekonomija dinjija. Huma jiġu ffinanzjati mill-Istati Membri tal-UE u mmaniġġjati barra mill-baġit tal-UE mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI).

Bħal fi snin preċedenti, għas-sena finanzjarja 2019 aħna ħriġna “opinjoni favorevoli” dwar il-kontijiet tal-FEŻ u dwar id-dħul, iżda ħriġna “opinjoni avversa” dwar l-infiq taħt il-FEŻ.

Rapporti Annwali Speċifiċi dwar l-aġenziji tal-UE

L-aġenziji tal-UE huma entitajiet ġuridiċi distinti li ġew stabbiliti biex iwettqu kompiti speċifiċi fil-qasam tekniku, xjentifiku jew maniġerjali li jgħinu lill-istituzzjonijiet tal-UE biex ifasslu u jimplimentaw il-politiki. B’kollox, hemm 43 aġenzija.

Nota: Għas-sena finanzjarja 2019, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) u l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) kienu għadhom mhumiex finanzjarjament awtonomi.

Opinjoni favorevoli dwar l-aġenziji kollha tal-UE
għas-sena finanzjarja 2019

Fis-sena finanzjarja 2019, il-baġit totali tal-aġenziji kollha (bl-esklużjoni tal-SRB) taħt il-mandat tagħna kien ta’ EUR 3.3 biljun (is-sena finanzjarja 2018: EUR 4.2 biljun), li huwa ekwivalenti għal madwar 2.2 % tal-baġit ġenerali tal-UE għall-2019 (is-sena finanzjarja 2018: 2.1 %).

B’mod ġenerali, l-awditu finanzjarju li wettaqna fir-rigward tal-aġenziji kkonferma r-riżultati pożittivi li kienu ġew irrappurtati fi snin preċedenti. Aħna ħriġna “opinjonijiet favorevoli” dwar il-kontijiet tal-41 aġenzija, kif ukoll dwar id-dħul u l-pagamenti li fuqhom huma bbażati dawn il-kontijiet, ħlief għal xi problemi li qed jolqtu l-pagamenti magħmula mill-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) u mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO).

2020: l-ewwel awditu trażversali dwar il-
prestazzjoni tal-aġenziji tal-UE

Fl-2020, għall-ewwel darba, aħna eżaminajna wkoll il-prestazzjoni tal-aġenziji tal-UE minn perspettiva trażversali. L-awditu li wettaqna identifika ħtieġa għal aktar flessibbiltà f’dak li jirrigwarda l-istruttura, il-funzjonament u l-istralċ potenzjali tal-aġenziji. Aħna kkonkludejna wkoll li appoġġ insuffiċjenti min-naħa tal-Istati Membri, l-industrija, il-Kummissjoni Ewropea jew l-aġenziji l-oħra jipprevieni lil xi aġenziji milli jwettqu bis-sħiħ ir-rwol tagħhom.

Rapport Annwali Speċifiku dwar l-Impriżi Konġunti għas-sena finanzjarja 2019

L-Impriżi Konġunti (JUs) huma s-sħubiji pubbliċi-privati tal-UE mal-industrija, il-gruppi ta’ riċerka u l-Istati Membri, u għandhom rwol importanti fl-implimentazzjoni ta’ aspetti speċifiċi tal-politika tar-riċerka tal-UE.

Tmienja mid-disa’ JUs qed jimplimentaw azzjonijiet speċifiċi ta’ riċerka u innovazzjoni tal-programm Orizzont 2020 fl-oqsma tat-trasport, it-trasport/l-enerġija, is-saħħa, l-industriji b’bażi bijoloġika, il-komponenti u s-sistemi elettroniċi, u r-riċerka diġitali. Id-disa’ Impriża Konġunta, Fużjoni għall-Enerġija, hija ffinanzjata mill-Euratom u hija responsabbli biex tipprovdi l-kontribuzzjoni tal-Ewropa għar-Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali (ITER).

Fl-2020, aħna awditjajna għall-ewwel darba l-kontijiet annwali u t-tranżazzjonijiet ta’ bażi tal-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew, li ġiet stabbilita fl-2018.

Opinjoni favorevoli dwar l-Impriżi Konġunti kollha
għas-sena finanzjarja 2019

Fis-sena finanzjarja 2019, aħna ħriġna “opinjonijiet favorevoli” dwar il-kontijiet, id-dħul u l-pagamenti għall-JUs kollha.

Madankollu, bħal fi snin preċedenti, l-opinjoni tal-awditjar tagħna dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta “Fużjoni għall-Enerġija” (F4E) għall-2019 hija akkumpanjata minn osservazzjoni, prinċipalment biex niġbdu l-attenzjoni għar-riskju ta’ aktar żidiet fl-ispejjeż u aktar dewmien fl-implimentazzjoni tal-proġett ITER.

Rapporti Annwali Speċifiċi dwar l-iskejjel Ewropej u dwar l-obbligazzjonijiet kontinġenti tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

Aħna nirrappurtaw kull sena dwar l-obbligazzjonijiet kontinġenti li jinħolqu b’riżultat tat-twettiq mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), il-Kunsill u l-Kummissjoni tal-kompiti tagħhom skont ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Fir-rapport tagħna dwar is-sena finanzjarja 2019, aħna nikkonkludu li l-SRB u l-Kummissjoni għamlu sforz ġust biex jiddivulgaw l-obbligazzjonijiet kontinġenti meta kellhom għalfejn jagħmlu dan.

Aħna ħriġna wkoll ir-rapport tagħna ta’ kull sena dwar il-kontijiet annwali tat-13-il-Skola Ewropea.

 

Jiġi mmarkat il-bidu tal-proċedura ta’
kwittanza tal-Parlament Ewropew

Il-pubblikazzjoni tar-rapporti annwali tagħna timmarka wkoll il-bidu tal-proċedura ta’ kwittanza, li matulha l-Parlament Ewropew jiddeċiedi – fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill – jekk il-Kummissjoni u korpi oħra jkunux immaniġġjaw il-baġit tal-UE b’mod sodisfaċenti. Jekk dan ikun il-każ, huwa jagħtihom kwittanza.

B’mod eċċezzjonali, minħabba l-COVID-19, il-preżentazzjoni tar-Rapporti Annwali tagħna għall-2019 fil-plenarja tal-Parlament Ewropew ġiet posposta għal Jannar 2021.

Opinjonijiet

Eżaminar tal-proposti tal-Kummissjoni għall-
QFP 2021-2027 u għall-inizjattiva
“Next Generation EU” (NGEU)

Mod wieħed ta’ kif nikkontribwixxu għat-titjib tal-approċċ ta’ Regolamentazzjoni Aħjar li jintuża mill-Kummissjoni huwa billi neżaminaw il-proposti tal-Kummissjoni għal leġiżlazzjoni ġdida jew riveduta. Meta dawn il-proposti leġiżlattivi jinvolvu impatt finanzjarju sinifikanti, l-opinjonijiet tagħna huma meħtieġa mid-dritt tal-UE. Istituzzjonijiet oħra jistgħu wkoll jitolbuna noħorġu opinjonijiet dwar kwistjonijiet speċifiċi oħra. L-opinjonijiet kollha tagħna jiġu ppreżentati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Fl-2020, aħna ppubblikajna 11-il opinjoni ta’ dan it-tip. Il-biċċa l-kbira minnhom huma relatati jew ma’ emendi tar-regoli eżistenti fil-QFP 2014-2020 fil-kuntest tar-rispons tal-UE għat-tifqigħa tal-COVID-19 jew ma’ proposti leġiżlattivi għall-QFP 2021-2027 u l-inizjattiva “Next Generation EU” (NGEU).

Prodotti oħra ta’ komunikazzjoni

Previżjonijiet ta’ awditi

Il-previżjonijiet ta’ awditi li nkunu se nwettqu jipprovdu informazzjoni dwar kompiti tal-awditjar (tal-prestazzjoni) li jkunu għaddejjin. Huma bbażati fuq ix-xogħol ta’ tħejjija li jsir u huma intenzjonati biex ikunu sors ta’ informazzjoni għal dawk interessati fil-politika u/jew fil-programm li jkunu qed jiġu awditjati.

Fl-2020, aħna ħriġna 14-il previżjoni ta’ awditu (2019: 18).

Ġurnal

Kull edizzjoni tal-Ġurnal tal-QEA jkun fiha artikli dwar tema speċifika, l-aktar minn perspettiva tal-awditjar, mingħand kontributuri li jaħdmu kemm fi ħdan, kif ukoll barra mill-istituzzjonijiet tal-UE.

Fl-2020, aħna ħriġna tliet edizzjonijiet: dwar “Big data and digitalisation”, dwar “Climate change and audit” u dwar “Realising European added value”.

Konferenzi u webinars

Matul l-2020, organizzajna wkoll għadd ta’ konferenzi u webinars. Dawn l-avvenimenti kollha ġew organizzati mill-bogħod u kienu miftuħa għall-partijiet interessati u ċ-ċittadini.

Żewġ eżempji ta’ konferenzi bħal dawn huma ppreżentati hawn taħt.

Ir-rispons tal-UE għall-istrateġija ta’
investiment immexxija mill-Istat taċ-Ċina

F’Ġunju 2020, aħna ospitajna webinar biex niddiskutu r-rispons tal-UE għall-istrateġija ta’ investiment immexxija mill-Istat taċ-Ċina b’rabta mar-rapport analitiku tagħna tal-2020 dwar dan is-suġġett. L-esperti akkademiċi mistiedna u l-esperti tagħna fil-QEA qasmu l-ħsibijiet tagħhom dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina, l-implikazzjonijiet tat-tkabbir ekonomiku taċ-Ċina u r-rispons tal-UE għall-investimenti Ċiniżi.

Etika u Integrità
fis-settur pubbliku

F’Settembru 2020, aħna ospitajna konferenza dwar l-Etika u l-Integrità fl-Amministrazzjoni Pubblika. L-għan tal-konferenza kien li trawwem diskussjoni dwar il-politiki etiċi tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-korrelazzjoni tagħhom mal-fiduċja tal-pubbliku fl-UE. Rappreżentanti mill-istituzzjonijiet akkademiċi, NGOs ewlenin, il-Parlament Ewropew, l-OECD, il-BEI, l-Ombudsman Ewropew u dawk li jistabbilixxu l-istandards fil-professjoni tal-awditjar ħadu sehem fid-diskussjonijiet. Il-konferenza kienet diskussjoni ta’ segwitu għar-Rapport Speċjali tal-2019 dwarL-oqfsa etiċi tal-istituzzjonijiet tal-UE li ġew awditjati: hemm lok għal titjib,” maħruġ minna.

Innovazzjoni u awditjar diġitali

L-ambizzjoni tagħna hija li nagħmlu l-aħjar użu mit-teknoloġija moderna fl-awditjar biex titwassal aktar informazzjoni li tkun ta’ kwalità aħjar għall-proċess tal-għoti ta’ rendikont. Il-ħtieġa li ninvestu fl-awditjar diġitali hija rikonoxxuta wkoll fl-istrateġija tagħna għall-perjodu 2021-2025.

Fl-2020 tkompla l-proġett
“ECA audit goes digital”

Matul l-2020 komplejna nimplimentaw il-proġett “ECA audit goes digital” biex inħejju pjan ta’ żvilupp għall-awditjar diġitali u biex nikkoordinaw l-inizjattivi differenti mwettqa mill-awli tal-awditjar. Dan il-proġett trażversali huwa mmaniġġjat minn Kumitat ta’ Tmexxija Diġitali ddedikat.

2020: proġett pilota dwar
l-awditjar diġitali għall-aġenziji
eżekuttivi tal-UE kien suċċess

Fl-2020, għall-ewwel darba, applikajna tekniki tal-awditjar diġitali għall-awditjar finanzjarju tal-aġenziji tal-UE.

L-awditjar finanzjarju tal-aġenziji tal-UE jikkonsisti minn madwar 200 proċedura tal-awditjar li jkopru oqsma bħall-pagamenti, is-salarji, l-akkwist pubbliku, il-baġit u r-reklutaġġ. Il-proġett pilota tagħna kien jiffoka fuq xi wħud minn dawn il-proċeduri għal sitt aġenziji eżekuttivi li għandhom proċeduri amministrattivi u sistemi tal-IT simili.

Dan il-proġett pilota wera l-potenzjal tal-awditjar diġitali biex jittejbu l-kwalità u l-effiċjenza tal-awditi li nwettqu.

ECALab

Fl-2020, l-ECALab, li huwa t-tim tal-laboratorju ta’ innovazzjoni interdixxiplinari tagħna, kompla jesplora teknoloġiji bħall-estrazzjoni ta’ testijiet, l-intelliġenza artifiċjali, l-estrazzjoni ta’ proċessi u l-ipproċessar ta’ data miftuħa, għal skopijiet tal-awditjar.

Barra minn hekk, l-ECAlab appoġġa 12-il kompitu tal-awditjar b’soluzzjonijiet innovattivi għall-ġbir u l-analiżi tad-data.

Ippreżentajna wkoll ix-xogħol tat-tim ECAlab f’għadd ta’ laqgħat internazzjonali u akkademiċi.

Sħubija Ewropea tal-Blockchain

Ilna mill-2018 nipparteċipaw fis-Sħubija Ewropea tal-Blockchain, li hija dikjarazzjoni li ġiet iffirmata mis-27 Stat Membru, il-Liechtenstein u n-Norveġja. B’mod partikolari, konna qed immexxu x-xogħol fuq in-notarizzazzjoni għall-Infrastruttura Ewropea ta’ Servizzi tal-Blockchain biex nużaw it-teknoloġija ta’ reġistru distribwit għall-ħolqien ta’ rendikonti tal-entrati diġitali li jkunu affidabbli, l-awtomatizzazzjoni tal-kontrolli tal-konformità u l-verifikazzjoni tal-integrità tad-data.

Fl-2020, implimentajna prototip bl-użu tar-“Reġistru tal-QEA” biex lill-utenti niggarantulhom l-integrità tal-pubblikazzjonijiet tagħna li huma disponibbli online fuq is-sit web tagħna.

Relazzjonijiet istituzzjonali

Aħna naħdmu mill-qrib mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill u mal-parlamenti nazzjonali fl-Istati Membri, billi l-impatt ta’ xogħolna jiddependi fil-biċċa l-kbira mill-użu li huma jagħmlu mir-riżultati tal-awditjar u mir-rakkomandazzjonijiet tagħna.

Il-Parlament Ewropew

F’Jannar 2020, il-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati (CCC) stiednet lill-President tagħna għal skambju ta’ fehmiet dwar il-programm ta’ ħidma tagħna għall-2020 kif ukoll dak għall-2021 u lil hinn.

Barra minn hekk, il-Membri u t-timijiet tal-awditjar tagħna jiġu mistiedna regolarment għand il-kumitati u l-korpi tal-PE, u b’mod partikolari għand il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (CONT), biex jippreżentaw ir-riżultati ta’ xogħolna.

Fi tmiem l-2019, il-CONT introduċa proċedura ġdida għall-għażla tar-rapporti speċjali u tar-rapporti analitiċi li għandhom jiġu ppreżentati fil-laqgħat tal-kumitat tiegħu.

Madankollu, is-sena 2020 kienet waħda eċċezzjonali, minħabba l-kriżi tal-COVID-19. Matul ir-rebbiegħa u s-sajf tal-2020, il-PE ma kienx f’pożizzjoni li jorganizza laqgħat fejn stajna nippreżentaw xogħolna mill-bogħod.

F’Settembru 2020, meta dan sar possibbli, aħna rġajna bdejna l-preżentazzjonijiet tagħna. B’mod ġenerali, matul l-2020, il-Membri tagħna ppreżentaw 12-il rapport speċjali u rapport analitiku wieħed lill-CONT. Għal għadd ta’ rapporti li ġew ippubblikati fl-2020 u li ntgħażlu mill-CONT, il-preżentazzjonijiet ġew posposti għall-2021.

Barra minn hekk, matul l-2020, il-Membri tagħna għamlu 18-il preżentazzjoni dwar ir-rapporti speċjali u r-rapporti analitiċi lil 10 kumitati oħra tal-PE. Xi wħud minn dawn il-laqgħat saru b’mod konġunt meta bosta kumitati kienu interessati fl-istess rapport. 

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Bħala regola, il-korpi preparatorji tal-Kunsill jittrattaw ir-rapporti speċjali kollha tagħna, iżda mhux neċessarjament ir-rapporti analitiċi jew l-opinjonijiet kollha. Fl-2020, aħna ppreżentajna 30 rapport speċjali, rapport analitiku wieħed u opinjoni waħda lil 3 kumitati tal-Kunsill (il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Kumitat tal-Politika Ekonomika u l-Kumitat tas-Servizzi Finanzjarji) u 20 grupp ta’ ħidma tal-Kunsill (2019: 26 rapport speċjali lil 22 grupp ta’ ħidma tal-Kunsill).

Fl-2020, aħna pparteċipajna wkoll fi tliet avvenimenti oħra:

  • preżentazzjoni tal-Abbozz tal-Baġit 2021 tagħna lill-Kumitat tal-Baġit;
  • preżentazzjoni tal-emendi tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti lill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Affarijiet Ġenerali; u
  • parteċipazzjoni f’avveniment online mir-Rappreżentanza Permanenti tar-Rumanija dwar l-Irkupru Ekonomiku Ewropew.
Presidenza tal-Kunsill:
Il-Kroazja: Jannar – Ġunju 2020
Il-Ġermanja: Jannar – Diċembru 2020

Fi Frar 2020, il-President Klaus-Heiner Lehne (flimkien ma’ Ivana Maletić u Rimantas Šadžius, Membri tal-QEA), iltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-Presidenza Kroata tal-Kunsill u ta’ bosta awtoritajiet nazzjonali. Barra minn hekk, huma pparteċipaw f’konferenza ta’ livell għoli dwar il-QFP il-ġdid.

Il-biċċa l-kbira mil-laqgħat matul il-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill kellhom isiru b’mod virtwali.

Mix-xellug għal-lemin: Željko Reiner, il-Viċi President tal-Parlament Kroat; Ivana Maletić, Membru tal-QEA; Klaus-Heiner Lehne, il-President tal-QEA; u Rimantas Šadžius, Membru tal-QEA.

Il-parlamenti nazzjonali

2020: il-biċċa l-kbira mil-laqgħat
mal-parlamenti nazzjonali saru
mill-bogħod

Matul l-2020, aħna ppreżentajna xogħolna f’47 laqgħa mal-parlamenti nazzjonali fi 15-il Stat Membru. Minn nofs Marzu 2020 ’il quddiem, dawn il-laqgħat kważi kollha saru f’format mill-bogħod.

Barra minn hekk, kien hemm ukoll bosta avvenimenti fejn aħna ppreżentajna xogħolna lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-awtoritajiet nazzjonali.

2020: inqas dehriet fil-Parlament Ewropew,
fil-Kunsill u fil-parlamenti nazzjonali
minħabba l-COVID-19

B’mod ġenerali, matul l-2020, aħna ppreżentajna r-riżultati ta’ xogħolna f’156 okkażjoni fil-kumitati tal-Parlament Ewropew, fil-korpi preparatorji tal-Kunsill u fil-parlamenti nazzjonali, ċifra li tirrappreżenta tnaqqis meta mqabbla mas-snin preċedenti (2019: 264; 2018: 248).

Minkejja dan, għall-perjodu 2018-2020 fl-intier tiegħu, kien hemm żieda sinifikanti fid-dehriet, b’mod partikolari, fil-Parlament Ewropew. Il-quċċata, b’133 dehra, intlaħqet fl-2018, l-aħħar sena plenarja sħiħa qabel l-elezzjonijiet ta’ Mejju 2019. Din meta mqabbla ma’ medja ta’ 84 preżentazzjoni fis-sena għall-perjodu 2013-2017.

Il-Kummissjoni Ewropea

Skambju ta’ fehmiet mal-
entitajiet awditjati tagħna
fl-ogħla livell

F’Settembru 2020, il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen tat id-diskors ewlieni fis-Seminar 2020 tal-QEA, segwit minn preżentazzjoni tal-ewwel Rapport Annwali ta’ Prospettiva Strateġika tal-Kummissjoni minn Maroš Šefčovič, il-Viċi President tal-Kummissjoni.

F’Marzu 2020, Dubravka Šuica, il-Viċi President tal-Kummissjoni, żar il-QEA għal skambju ta’ fehmiet mal-President Klaus-Heiner Lehne u ma’ Membri oħra tal-QEA. Is-suġġetti prinċipali li ġew diskussi kienu l-isfidi demografiċi fl-UE, l-importanza tad-demokrazija u, b’mod partikolari, il-“Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa”.

Dubravka Šuica, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, u Klaus-Heiner Lehne, il-President tal-QEA.

Għal bosta snin, kienet prattika stabbilita sew li l-Membri tagħna jkollhom laqgħa annwali mal-kontropartijiet tagħhom fil-Kummissjoni Ewropea.

Madankollu fl-2020, minħabba l-COVID-19, ġie maqbul li din il-laqgħa annwali tiġi posposta għal data aktar tard.  

Kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet supremi tal-awditjar oħra

Kumitat ta’ Kuntatt tas-SAIs tal-UE

Il-kooperazzjoni tagħna mal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar (SAIs) tas-27 Stat Membru sseħħ prinċipalment fi ħdan il-qafas tal-Kumitat ta’ Kuntatt tal-kapijiet tas-SAIs tal-UE. Dan il-forum jiffaċilita l-promozzjoni tax-xogħol tal-awditjar indipendenti estern fl-UE u fl-Istati Membri tagħha.

Fl-2020, aħna bdejna tip ġdid ta’ kooperazzjoni tal-awditjar, l-Awditjar tan-Network tal-UE dwar kwistjonijiet relatati mal-pandemija tal-COVID-19. L-għan huwa li jiġu kondiviżi l-għarfien u l-esperjenza, u li jiżdiedu l-viżibbiltà u l-impatt tax-xogħol tal-awditjar rilevanti tas-SAIs.

Ġiet posposta l-laqgħa annwali
tal-2020

Minħabba l-COVID-19, il-laqgħa annwali tal-2020, li kienet ippjanata li ssir f’Ottubru 2020 fil-Lussemburgu, ġiet posposta għall-2021.

Ħruġ tal-Kompendju tal-Awditjar dwar iċ-Ċibersigurtà
f’Diċembru 2020

F’Diċembru 2020, f’isem il-Kumitat ta’ Kuntatt, aħna ppubblikajna Kompendju tal-Awditjar dwar kif l-awdituri fl-Unjoni Ewropea kollha jiskrutinizzaw iċ-ċibersigurtà. Ir-rapport jipprovdi informazzjoni ġenerali rilevanti dwar iċ-ċibersigurtà fl-UE u fl-Istati Membri tagħha u jirrifletti l-attenzjoni dejjem akbar li l-awdituri qed jagħtu għar-reżiljenza tas-sistemi tal-informazzjoni u tal-infrastrutturi diġitali kritiċi. F’dan ir-rigward, huwa jipprovdi wkoll ħarsa ġenerali lejn ix-xogħol tal-awditjar rilevanti, u jibbaża fuq sejbiet reċenti mill-QEA u mis-SAIs ta’ 12-il Stat Membru tal-UE.

Din kienet it-tielet edizzjoni tal-Kompendju tal-Awditjar, li issa sar pubblikazzjoni annwali tal-Kumitat ta’ Kuntatt.

Network dwar
it-Teknoloġija u l-Innovazzjoni għall-Awditjar

F’Novembru 2020, nedejna wkoll pjattaforma ta’ kondiviżjoni tal-għarfien u ta’ kollaborazzjoni ma’ SAIs oħra tal-UE dwar it-Teknoloġija u l-Innovazzjoni għall-Awditjar (TINA).

INTOSAI

Matul l-2020, aħna komplejna nkunu involuti b’mod attiv fl-attivitajiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (INTOSAI), notevolment bħala l-Viċi President tal-Kumitat għall-Istandards Professjonali (PSC) u bħala membru tas-sottokumitati tagħha. F’Novembru 2020, ipparteċipajna fil-laqgħa virtwali tal-Bord ta’ Tmexxija tal-INTOSAI. Barra minn hekk, mexxejna l-proġett ta’ reviżjoni tal-ISSAI 200 tas-Sottokumitat tal-Awditjar Finanzjarju u l-Kontabbiltà (FAAS).

Aħna pparteċipajna wkoll fl-attivitajiet u l-proġetti ta’ korpi ta’ ħidma oħra tal-INTOSAI, notevolment dwar l-awditjar ambjentali, il-Big Data, kif ukoll il-modernizzazzjoni finanzjarja u r-riforma regolatorja. Ipparteċipajna wkoll fit-task force inkarigata mill-Professjonalizzazzjoni tal-Awdituri tal-INTOSAI (TFIAP) u fl-Inizjattiva ta’ Żvilupp tal-INTOSAI (IDI).

EUROSAI

Aħna konna wkoll involuti b’mod attiv fl-attivitajiet tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (EUROSAI), il-grupp reġjonali Ewropew tal-INTOSAI, b’mod partikolari l-gruppi ta’ ħidma tagħha dwar l-awditjar ambjentali, dwar it-teknoloġiji tal-informazzjoni, u dwar l-awditjar ta’ fondi allokati għal diżastri u katastrofijiet.

Fl-2020, waqqafna grupp tal-proġett dwar “Preparing for future risks and climate crisis: Time for audit to take a long-term view?”, fil-qafas tal-portafoll “Forward thinking and emerging issues”. Barra minn hekk, aħna kkontribwejna b’mod attiv għall-grupp tal-proġett dwar l-awditjar tar-rispons għall-COVID-19.

SAIs tal-pajjiżi kandidati u tal-pajjiżi kandidati potenzjali tal-UE

Aħna nappoġġaw ukoll is-SAIs tal-pajjiżi kandidati u tal-pajjiżi kandidati potenzjali tal-UE (l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo*, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja u t-Turkija).

Fi Frar 2020, ipparteċipajna f’konferenza dwar “Working with parliaments to improve audit impact”, organizzata mis-SAI tal-Montenegro. 

* Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-Kosovo.

Il-maniġment tagħna

Membri

Il-QEA topera bħala korp kolleġġjali ta’ Membri, wieħed minn kull Stat Membru. Wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill jaħtar kull Membru ladarba jkunu ġew innominati mill-gvernijiet nazzjonali rispettivi tagħhom. Aħna ma għandniex rwol fil-proċess tan-nomina jew tal-ħatra tal-Membri tagħna.

Il-Membri tagħna jinħatru għal mandat ta’ sitt snin li jista’ jiġġedded. Huma jwettqu l-funzjonijiet tagħhom f’indipendenza sħiħa u fl-interess ġenerali tal-UE. Hekk kif jieħdu l-kariga, huma jintrabtu solennement f’dan ir-rigward quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

Fl-2020 u fil-bidu tal-2021, il-Kunsill ħatar żewġ Membri ġodda: Helga Berger mill-Awstrija (mill-1 ta’ Awwissu 2020) u Marek Opioła mill-Polonja (mill-1 ta’ Frar 2021; dan tal-aħħar se jikkompleta l-mandat tal-ex Membru Janusz Wojciechowski, li nħatar Kummissarju tal-UE għall-agrikoltura fl-2019). Phil Wynn Owen mir-Renju Unit kien Membru sal-31 ta’ Jannar 2020.

Fl-2020, minħabba ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali, kien hemm biss tliet laqgħat fiżiċi tal-Kulleġġ (2019: 21 darba; 2018: 18-il darba). Ir-rata ta’ attendenza f’dawn il-laqgħat kienet ta’ 96 %.

Fil-bidu tal-pandemija tal-COVID-19, ġiet stabbilita proċedura eċċezzjonali li tippermetti li l-Kulleġġ jadotta dokumenti mingħajr laqgħat fiżiċi. Minn Marzu 2020 ’il quddiem, il-Kulleġġ kellu 22 laqgħa ta’ proċedura eċċezzjonali ta’ dan it-tip. Billi huma meqjusa bħala ekwivalenti għal proċedura bil-miktub, ir-rata ta’ attendenza ma tkejlitx.

Seminar 2020 tal-QEA: diskussjoni dwar
l-istrateġija għall-perjodu 2021-2025 u
l-programm ta’ ħidma għall-2021 u lil hinn

Darba fis-sena, il-Membri tagħna, is-Segretarju Ġenerali u d-diretturi jieħdu sehem f’sessjoni ta’ riflessjoni ta’ jumejn biex jiddiskutu kwistjonijiet importanti relatati mal-operat futur tal-istituzzjoni.

Is-Seminar tal-QEA ta’ din is-sena sar f’Settembru 2020 fil-bini proprju tagħna. Huwa pprovda opportunità biex jiġu diskussi l-ewwel abbozz tal-istrateġija l-ġdida tagħna għall-perjodu 2021-2025, li tħejja mill-Bord Konsultattiv dwar l-Istrateġija u l-Prospettiva, u l-programm ta’ ħidma għall-2021 u lil hinn.

Is-Seminar tal-QEA, Settembru 2020, il-Lussemburgu.

President

Il-President huwa inkarigat mill-istrateġija tal-istituzzjoni, l-ippjanar u l-ġestjoni tal-prestazzjoni, il-komunikazzjoni u r-relazzjonijiet mal-media, ir-relazzjonijiet istituzzjonali, il-kwistjonijiet legali u l-awditjar intern. Huwa jirrappreżenta wkoll l-istituzzjoni fir-relazzjonijiet esterni tagħha.

Il-Membri tagħna jeleġġu wieħed minn fosthom bħala President għal perjodu ta’ tliet snin li jista’ jiġġedded. Huwa mbagħad jassumi r-rwol tal-ewwel fost il-pari (primus inter pares).

Klaus-Heiner Lehne ġie elett President f’Settembru 2016, u reġa’ ġie elett f’Settembru 2019.

President u Membri

Nota: Fi Frar 2021. 

Awli tal-awditjar u kumitati

Il-Membri jiġu assenjati f’waħda mill-ħames awli tal-awditjar, fejn il-biċċa l-kbira mir-rapporti tal-awditjar, ir-rapporti analitiċi u l-opinjonijiet tagħna jitħejjew u jiġu adottati. L-awli tal-awditjar jallokaw il-kompiti tagħhom fost il-Membri tagħhom. Kull Membru għandu obbligu ta’ rendikont lejn l-awla, u lejn il-Qorti, għall-kompiti tal-awditjar proprji tiegħu. Ix-xogħol tal-awditjar jitwettaq minn awdituri professjonali li jaħdmu fid-direttorati tal-awli tal-awditjar.

L-awli tal-awditjar huma ppreseduti minn Dekan, li jiġi elett minn fost il-Membri ta’ dik l-awla, minnhom stess. Minn Diċembru 2020, id-Dekani tal-ħames awli tal-awditjar tal-Qorti kienu Samo Jereb, Iliana Ivanova, Bettina Jakobsen, Alex Brenninkmeijer u Tony Murphy.

Il-Kumitat għall-Kontroll tal-Kwalità tal-Awditjar (AQCC) jittratta kemm il-politiki, l-istandards u l-metodoloġija tal-awditjar tal-QEA, kif ukoll l-appoġġ u l-iżvilupp tal-awditjar u l-kontroll tal-kwalità tal-awditjar tagħha. Huwa magħmul minn Membru wieħed minn kull awla tal-awditjar u kien ippresedut minn Jan Gregor.

Id-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet strateġiċi u amministrattivi aktar ġenerali jittieħdu mill-Kumitat Amminstrattiv (KA) u, fejn ikun xieraq, mill-Kulleġġ tal-Membri, it-tnejn li huma ppreseduti mill-President. Il-Kumitat Amministrattiv huwa magħmul mill-President, id-Dekani tal-awli, il-President tal-AQCC, u l-Membru għar-Relazzjonijiet Istituzzjonali (minn tmiem l-2020, Rimantas Šadžius).

Fl-2020, minħabba l-COVID-19, il-laqgħat fiżiċi tal-awli u tal-kumitati saru sa nofs Marzu. Ir-rata ta’ attendenza medja f’dawn il-laqgħat kienet ta’ 96 % għall-awli tal-awditjar u ta’ 91 % għall-KA u l-AQCC.

Barra minn hekk, hemm kumitati oħra bħall-Kumitat tal-Etika (ippresedut minn João Figueiredo, il-Kumitat tal-Awditjar (minn tmiem l-2020 huwa ppresedut minn Ildikó Gáll-Pelcz), il-Kumitat ta’ Tmexxija Diġitali (ippresedut minn Eva Lindström) u l-Bord Konsultattiv dwar l-Istrateġija u l-Prospettiva (ippresedut minn João Figueiredo).

Il-maniġment superjuri tagħna huwa magħmul mis-Segretarju Ġenerali u d-diretturi. B’kollox, hemm 10 direttorati: 5 huma assenjati għall-awli tal-awditjar, 1 għall-AQCC, 1 għall-President u 3 għas-Segretarju Ġenerali.

Eduardo Ruiz García kien Segretarju Ġenerali sa April 2020, Philippe Froidure ħa f’idu l-pożizzjoni ad interim sa tmiem is-sena. Mill-1 ta’ Jannar 2021, Zacharias Kolias assuma l-funzjonijiet tiegħu bħala s-Segretarju Ġenerali tal-QEA li għadu kif inħatar għal terminu ta’ sitt snin.

Nota: Fi Frar 2021. 

Kejl tal-prestazzjoni

Aħna napplikaw sett ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) biex inżommu lill-maniġment tagħna infurmat dwar il-progress li jkun sar lejn l-ilħuq tal-għanijiet strateġiċi tagħna, biex jiġi ffaċilitat it-teħid ta’ deċiżjonijiet u biex tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-Qorti lill-partijiet ikkonċernati istituzzjonali tagħha. Il-KPIs jipprovdu stampa ġenerali tal-prestazzjoni tagħna bħala organizzazzjoni f’dak li jirrigwarda d-disseminazzjoni, l-impatt u l-perċezzjoni ta’ xogħolna.

Fl-2020 ġew ippubblikati 32 rapport,
minkejja r-restrizzjonijiet tal-COVID-19

Fl-2020, u minkejja ċ-ċirkustanzi diffiċli minħabba l-COVID-19, aħna ppubblikajna 32 rapport: 26 rapport speċjali u 6 rapporti analitiċi. Madankollu, dan huwa 6 rapporti inqas mit-38 ippjanati fil-Programm ta’ Ħidma 2020 li ġie rivedut, billi xi wħud mill-awditi kienu ddewmu matul is-sena.

Għadd ta’ rapporti ppubblikati

Meta l-perjodu strateġiku 2018-2020 jitqabbel ma’ dak preċedenti, nistgħu nosservaw żieda sinifikanti fl-għadd ta’ rapporti ppubblikati kull sena. Bħala medja, matul dawn l-aħħar 3 snin, aħna ħriġna 37 rapport. Dan meta mqabbel ma’ 27 rapport matul il-perjodu 2013-2017. Ir-rapporti analitiċi, li espandew il-portafoll ta’ pubblikazzjonijiet tagħna, jirrappreżentaw parti minn din iż-żieda.

B’mod ġenerali, matul l-2020, aħna ħriġna 69 pubblikazzjoni.

Sensibilizzazzjoni permezz tal-media

2020: l-interess sostnut mill-media fir-rapporti
tal-awditjar tagħna baqa’ stabbli, iżda kien
hemm tnaqqis ġenerali fil-kopertura mill-media

Fl-2020, aħna rreġistrajna madwar 32 000 artiklu online u post fuq il-media soċjali relatati mar-rapporti tal-awditjar tagħna, ma’ pubblikazzjonijiet oħra jew mal-QEA inġenerali (2019: 51 000 jum; 2018: 44 000).

Il-kopertura mill-media tista’ tvarja sinifikattivament skont is-suġġett u l-kumplessità ta’ rapport. Barra minn hekk, fatturi esterni jistgħu jinfluwenzaw b’mod qawwi l-interess tal-media fil-pubblikazzjonijiet tagħna. Dan jista’ jseħħ, b’mod partikolari, meta d-data tal-pubblikazzjoni ta’ rapport tikkoinċidi ma’ avveniment jew ma’ żvilupp tal-politika li jkunu importanti, element li jżid sostanzjalment l-interess tal-pubbliku fis-suġġett. Barra minn hekk, fi żminijiet ta’ emerġenzi, bħall-pandemija tal-COVID-19, l-attenzjoni tal-media hija partikolarment iffukata fuq kwalunkwe ħaġa li tittratta l-kriżi.

Meta mqabbel mas-snin preċedenti, l-interess fir-rapporti tal-awditjar tagħna baqa’ ġeneralment stabbli. Fl-istess ħin, kien hemm tnaqqis konsiderevoli fil-kopertura mill-media għal pubblikazzjonijiet oħra u għall-QEA inġenerali. Parzjalment, dan jista’ jiġi attribwit għall-fatt li l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni tagħna fuq il-kanali tal-media soċjali naqsu minn nofs Marzu 2020 ’il quddiem.

L-interazzjoni online mal-istampa
turi li hija ta’ suċċess

Fl-2020, aħna ħriġna 68 stqarrija għall-istampa bi 23 lingwa tal-UE, kif ukoll noti ta’ informazzjoni u avviżi għall-media f’ċerti lingwi. Tajna wkoll għadd ta’ intervisti ma’ mezzi ewlenin tal-media fl-Ewropa kollha. Barra minn hekk, organizzajna 22 sessjoni ta’ informazzjoni għall-istampa, inklużi sessjonijiet ta’ informazzjoni għall-istampa nazzjonali għar-rapport annwali. Kważi kollha kemm huma seħħew mill-bogħod, b’parteċipazzjoni ħafna ogħla u usa’, b’mod partikolari mill-media fl-Istati Membri.

Aħna ospitajna wkoll żjarat virtwali fuq il-post għall-ġurnalisti bbażati fi Brussell u fl-Istati Membri u bosta sessjonijiet ta’ informazzjoni għall-partijiet ikkonċernati tal-industrija, NGOs u gruppi ta’ riflessjoni.

1 000 000 żjara fis-sit web tagħna

Fl-2020, l-għadd ta’ żjarat fis-sit web tagħna qabeż il-1 000 000. B’mod ġenerali, kellna madwar 463 500 viżitatur individwali.

L-attività fuq il-media soċjali naqset
bin-nofs

Il-kanali ta’ komunikazzjoni tal-media soċjali huma indispensabbli u jippermettulna ninteraġixxu direttament maċ-ċittadini. Matul l-2020, fl-isfond tal-kriżi tal-COVID-19, iddeċidejna li nnaqqsu l-interazzjoni tagħna fuq il-media soċjali; b’mod ġenerali, aħna ppubblikajna 1 007 posts fuq il-media soċjali dwar il-QEA u l-ħidma tagħha fuq il-kanali tal-media soċjali tagħna (2019: 1 836).

Il-Ġurnal tal-QEA jibqa’ sors essenzjali tal-kontenut għall-posts tagħna fuq il-media soċjali. Fl-2020, madwar terz tal-posts tagħna (32 %) irriproduċew artikli li kienu ġew ippubblikati preċedentement f’Ġurnal tal-QEA (2019: 26 %).

2020: l-għadd ta’ segwaċi fuq il-media
soċjali kompla jiżdied

Sa tmiem l-2020, it-tliet kontijiet tal-media soċjali tagħna (Twitter, LinkedIn, Facebook) kienu attiraw madwar 35 000 segwaċi (2019: madwar 29 500).

Żieda ta’ ħames darbiet fil-kopertura mill-media
meta mqabbla ma’ dik tal-perjodu strateġiku
preċedenti

B’mod ġenerali, fi snin reċenti, iż-żieda fil-kopertura mill-media tar-rapporti tagħna, ta’ pubblikazzjonijiet oħra u tal-QEA inġenerali kienet sinifikanti: 42 300 artiklu online u post fuq il-media soċjali bħala medja kull sena matul il-perjodu strateġiku 2018-2020 meta mqabbla ma’ 7 300 tismija matul il-perjodu 2013-2017; fi kliem ieħor kien hemm żieda ta’ ħames darbiet.

Impatt u perċezzjoni ta’ xogħolna

Mir-rispondenti għall-istħarriġiet
tagħna, 84 % jsibu li r-rapporti
tagħna huma utli għal xogħolhom

Aħna nivvalutaw l-impatt u l-utilità probabbli ta’ xogħolna, skont il-perċezzjoni tal-qarrejja tar-rapporti tagħna fil-Parlament Ewropew, fil-Kunsill, fil-Kummissjoni, fl-aġenziji tal-UE, fir-rappreżentanzi permanenti tal-Istati Membri, fl-aġenziji tal-Istati Membri u s-SAIs, fl-NGOs, fl-istituzzjonijiet akkademiċi, fil-media u f’partijiet ikkonċernati oħra.

Mill-2018 ’il hawn, aħna wettaqna stħarriġiet elettroniċi anonimizzati biex nitolbu lill-qarrejja tar-rapporti tagħna biex jipprovdu feedback dwar għadd magħżul minnhom. F’dawn l-istħarriġiet, huma jistgħu jagħtu feedback kwalitattiv dwar ir-rapporti u jagħmlu suġġerimenti ġenerali dwar xogħolna.

Fl-2020, mill-ammont ta’ aktar minn 550 rispondent, 84 % kienu jqisu li r-rapporti tagħna huma utli għal xogħolhom u 75 % kienu jqisu li dawn kellhom impatt. Dan huwa simili għar-riżultat tas-sena li għaddiet (2019: 88 % u 81 %, rispettivament).

Segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tagħna

Ir-rakkomandazzjonijiet li għamilna fl-2016
kważi kollha ġew implimentati

Aħna nkejlu l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tagħna fuq il-bażi tas-segwitu mwettaq mill-awdituri tagħna. Għall-2020, aħna analizzajna r-rakkomandazzjonijiet li kienu saru fir-rapporti tagħna tal-2016.

L-analiżi kienet turi li 97 % tad-29 rakkomandazzjoni li konna għamilna fir-Rapport Annwali 2016 tagħna u 91 % tat-360 rakkomandazzjoni li konna għamilna fir-rapporti speċjali tagħna tal-2016 kienu ġew implimentati bis-sħiħ, fil-biċċa l-kbira mill-aspetti, jew inkella (għall-inqas) f’xi wħud mill-aspetti.

Il-persunal tagħna

Allokazzjoni tal-persunal

Fi tmiem l-2020, bħal fi snin preċedenti, kien hemm 853 post permanenti u temporanju fl-istituzzjoni tagħna. Minn dawn il-postijiet 535 kienu f’awli tal-awditjar, inklużi 114-il post f’uffiċċji tal-Membri.

Barra minn hekk, fi tmiem is-sena kellna 83 membru tal-persunal bil-kuntratt u 15-il espert nazzjonali sekondat jaħdmu magħna fi tmiem is-sena (2019: 75 u 16 rispettivament).

Reklutaġġ

Il-politika ta’ reklutaġġ tagħna ssegwi l-prinċipji ġenerali u l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-istituzzjonijiet tal-UE, u l-membri tal-persunal tagħna għandhom firxa wiesgħa ta’ kwalifiki akkademiċi u esperjenza professjonali.

Fl-2020, aħna rreklutajna 62 impjegat ġdid (2019: 77 impjegat): 18-il uffiċjal, 21 membru tal-persunal temporanju, 20 membru tal-persunal bil-kuntratt u 3 esperti nazzjonali sekondati.

Il-programm ASPIRE tagħna għall-awdituri ġie introdott fl-2017 u huwa maħsub biex jgħin l-integrazzjoni professjonali ta’ membri tal-persunal ġodda, u jippermettilhom jiksbu esperjenza fuq il-post tax-xogħol f’kompiti tal-awditjar differenti kif ukoll jieħdu sehem f’attivitajiet ta’ taħriġ immirati matul l-ewwel tliet snin tagħhom.

Aħna pprovdejna wkoll 44 internship (2019: 55) għal gradwati universitarji għal perjodu ta’ minn 3 sa 5 xhur. Minn nofs Marzu 2020, l-interns tagħna ħadmu wkoll mill-bogħod.

Profil tal-etajiet

Tliet kwarti (76 %) mill-persunal tagħna fis-servizz attiv fi tmiem l-2020 kellhom bejn 40 u 59 sena, li jirrappreżenta żieda żgħira meta mqabbel mal-2019 (2019: 74 %).

Erbgħa minn kull ħames (80 %) diretturi u maniġers prinċipali tagħna għandhom 50 sena jew aktar. Dan se jwassal għal tiġdid tal-maniġment matul il-5 sa 10 snin li ġejjin, meta jirtiraw.

Opportunitajiet indaqs

B’mod ġenerali, aħna nimpjegaw proporzjonijiet indaqs ta’ nisa u rġiel fil-forza tax-xogħol tagħna.

Aħna impenjati li nipprovdu opportunitajiet indaqs tal-karriera għall-membri tal-persunal tagħna fil-livelli kollha tal-organizzazzjoni. Aħna nimpjegaw l-istess proporzjon ta’ nisa u rġiel, u fl-2020 madwar terz tad-diretturi u tal-maniġers prinċipali tagħna kienu nisa.

Matul il-perjodu strateġiku 2018-2020, irnexxielna nżidu s-sehem ta’ nisa fil-kariga ta’ maniġers prinċipali fl-awditjar minn 21 % għal 29 %. Sabiex inżidu aktar is-sehem ta’ nisa f’pożizzjonijiet maniġerjali, aħna stabbilejna għalina nfusna mira ta’ 40 % sal-2027. Qed naħdmu wkoll fuq pjan ta’ azzjoni ġdid għal opportunitajiet indaqs.

Bl-istess mod, aħna nibqgħu impenjati li niksbu bilanċ ġeografiku fil-maniġment tagħna.

Appoġġ għall-awditjar

Metodoloġija tal-awditjar

AWARE

Fl-2020, aħna nedejna l-Accessible Web-based Audit Resource (AWARE), li hija pjattaforma diġitali interna ġdida li tipprovdi punt uniku ta’ aċċess għall-gwidi metodoloġiċi kollha tagħna dwar l-awditjar.

Taħriġ professjonali

Mixja rapida lejn it-tagħlim online

Il-kriżi tal-COVID-19 kellha wkoll impatt fuq il-metodi ta’ tagħlim tagħna. Minn nofs Marzu 2020 ’il quddiem, konna mexxejna l-attivitajiet ta’ taħriġ professjonali kollha tagħna online u ssostitwejna l-korsijiet skedati fil-klassijiet b’webinars u korsijiet virtwali.

L-2020 kienet ukoll is-sena li fiha ttieħdu ħafna tagħlimiet. Issa ninsabu ċerti li l-futur tat-tagħlim fil-QEA huwa mħallat: klassi, online, tagħlim elettroniku, moduli qosra, korsijiet fil-fond u diversi riżorsi ta’ tagħlim. Dawn il-lezzjonijiet se jgħinuna nilħqu l-aspettattivi tal-persunal tagħna b’firxa ta’ taħriġ dinamiku, rilevanti u mfassal apposta.

Taħriġ imfassal apposta offrut biex
tissaħħaħ ir-reżiljenza

Matul l-2020, aħna komplejna l-programm ta’ taħriġ tagħna għall-konsulenti tal-karrieri, il-mentors, il-faċilitaturi interni, u l-persuni ta’ kuntatt kunfidenzjali. Organizzajna wkoll korsijiet u sessjonijiet ta’ ħidma dwar ir-riżoluzzjoni tal-konflitti, id-dimostrazzjoni ta’ tmexxija reżiljenti, it-trattament ta’ sitwazzjonijiet diffiċli, jew il-ġestjoni tal-prestazzjoni b’mod effettiv. Dawn il-ħiliet huma partikolarment rilevanti matul żminijiet ta’ kriżi.

Żvilupp ta’ tmexxija u ppremjar tal-
prestazzjoni

Fl-2020, l-ewwel żewġ gruppi ta’ parteċipanti temmew b’suċċess il-Programm għall-Iżvilupp tat-Tmexxija tagħna. L-objettiv ta’ dan il-programm huwa li jlaqqa’ flimkien u jappoġġa lill-kollegi b’esperjenza minn madwar il-QEA, li għadhom mhumiex f’pożizzjonijiet maniġerjali iżda li jixtiequ jtejbu l-ħiliet ta’ tmexxija tagħhom.

Fl-2020, aħna komplejna wkoll il-“Premju għar-Rikonoxximent tal-Prestazzjoni” tagħna għall-membri tal-persunal li wrew kompetenza eċċezzjonali fit-twettiq ta’ xogħolhom. Barra minn hekk, nedejna “Premju għall-Ġestjoni tal-Għarfien” għal dawk il-membri tal-persunal li taw kontribut partikolari biex il-QEA ssir organizzazzjoni bbażata fuq l-għarfien.

2020: il-mira għat-taħriġ
professjonali nqabżet

Għal darba oħra, qbiżna l-mira tat-taħriġ professjonali (ħamest ijiem ta’ taħriġ mhux lingwistiku fis-sena għall-awdituri, stabbilita f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti, u jumejn għall-membri tal-persunal li mhumiex awdituri).

L-awdituri tagħna attendew għal medja ta’ 5.4 ijiem ta’ taħriġ (2019: 7.5) u dawk li mhumiex awdituri, medja ta’ 3.1 ijiem ta’ taħriġ (2019: 3.6).

Involviment mal-istituzzjonijiet
akkademiċi

Matul l-2020, aħna komplejna bil-kooperazzjoni tagħna mal-Università ta’ Lorraine: f’Ġunju 2020, iffinalizzajna l-ħames edizzjoni tad-diploma universitarja postgradwatorja fl-“Awditjar tal-organizzazzjonijiet u tal-politiki pubbliċi”. Tlieta mill-membri tal-persunal tagħna kisbu l-lawrja ta’ Masters tagħhom fil-ġestjoni ta’ organizzazzjonijiet pubbliċi. F’Ottubru 2020, bdejna s-sitt sena tal-programm, li hija miftuħa wkoll għall-persunal mill-Kummissjoni Ewropea.

Barra minn hekk, matul l-2020, dħalna fi sħubiji ġodda mal-Universitajiet ta’ Ċipru u ta’ Malta u komplejna bil-kooperazzjoni tagħna mal-Istitut Universitarju Ewropew (EUI), u b’mod partikolari mal-Iskola tal-Governanza Tranżnazzjonali tiegħu.

Minħabba l-COVID-19 kellna nikkanċellaw il-kors annwali tas-sajf tagħna mal-Università ta’ Pisa.

Premju tal-QEA u għotjiet għar-riċerka

Mill-2010 ’l hawn, tajna fuq bażi biennali premju akkademiku għar-riċerka fl-awditjar pubbliku: il-Premju tal-QEA.

F’April 2020, nedejna s-sitt edizzjoni ta’ dan il-premju, li kienet iffukata fuq it-tema tal-valur miżjud tal-UE u kienet iddedikata għall-memorja ta’ Marcel Mart, ex President tal-QEA.

Il-premju mar b’mod konġunt lil żewġ riċerkaturi għal:

  • artikolu dwar l-użu tal-kunċett ta’ valur miżjud tal-UE matul in-negozjati dwar il-QFP ta’ wara l-2020; u
  • ktieb dwar il-qafas tal-obbligu ta’ rendikont fil-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża tal-UE.

F’Ġunju 2020, nedejna wkoll l-14-il edizzjoni tal-Programm ta’ Għotjiet għal Riċerka Postlawrja dwar il-Finanzi Pubbliċi Ewropej, f’kollaborazzjoni mal-EUI. Waħda miż-żewġ għotjiet marret għand student tad-dottorat fis-soċjoloġija politika għar-riċerka tiegħu dwar l-approċċ tal-QEA għall-evalwazzjoni ta’ politiki, u l-oħra marret għand riċerkatur postdottorali fl-istorja għall-proġett ta’ riċerka tagħha dwar l-“impenn ambjentali” tal-QEA mill-1977 ’il hawn.

Traduzzjoni

Fl-2020, ix-xogħol tat-traduzzjoni u tal-pubblikazzjoni kompla mingħajr tfixkil kbir. Aħna ttraduċejna u rrevedejna madwar 235 000 paġna (2019: 223 000), ċifra li tinkludi 23 000 paġna ta’ xogħol esternalizzat. Aħna nittraduċu l-pubblikazzjonijiet tagħna fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Nittraduċu wkoll il-korrispondenza tagħna mal-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-lingwa nazzjonali tagħhom, kif meħtieġ mil-liġi.

Barra minn hekk, it-tradutturi tagħna spiss jipprovdu appoġġ lingwistiku matul iż-żjarat tal-awditjar kif ukoll appoġġ fl-abbozzar. Matul l-2020, huma bdew ukoll jipprovdu appoġġ matul il-laqgħat b’vidjokonferenzi.

Sigurtà tal-informazzjoni

Iċ-ċibersigurtà saret aktar rilevanti
minn qatt qabel matul il-kriżi tal-
COVID-19

Matul l-2020, billi xogħolna twettaq kważi kollu mill-bogħod, iċ-ċibersigurtà saret aktar rilevanti minn qatt qabel.

Aħna użajna sistema ġdida ta’ monitoraġġ tas-sigurtà u ta’ tfittxija tat-theddid, ċertifikati diġitali maħruġa minn Awtorità taċ-Ċertifikazzjoni pubblika għall-kriptaġġ tal-posta elettronika biex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ fajls sensittivi ma’ entitajiet esterni, u software ta’ protezzjoni kontra t-theddid għal apparati mobbli korporattivi.

B’mod ġenerali, aktar minn 70 000 theddida fuq il-web ġew imblukkati mill-filtru tal-internet tagħna, li jvarjaw minn siti web b’reputazzjoni ħażina għal kontenuti malizzjużi jew spyware/adware fost kategoriji oħra. Wettaqna wkoll bosta inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni biex inrawmu prassi tajba meta jsir xogħol mill-bogħod. B’riżultat ta’ dan, ma esperjenzajna l-ebda inċident serju ta’ sigurtà matul is-sena.

F’Settembru 2020, adottajna wkoll il-politika l-ġdida tagħna dwar il-klassifikazzjoni tal-informazzjoni, li se tkun segwita minn linji gwida ta’ implimentazzjoni u deċiżjoni speċifika relatata ma’ informazzjoni klassifikata tal-UE.

Binjiet

Attwalment aħna l-proprjetarji ta’ tliet binjiet (“K1”, “K2” u “K3”) li joperaw bħala entità teknika integrata waħda. Aħna nikru wkoll uffiċċji fil-Lussemburgu għaċ-ċentru tagħna ta’ rkupru f’każ ta’ diżastru.

Minn nofs Marzu 2020, aħna tlabna li kważi l-persunal kollu tagħna jaħdem mid-dar, u ż-żjarat esterni ġew ristretti kemm jista’ jkun.

Fl-istess ħin, ġew implimentati l-miżuri tas-saħħa u tas-sikurezza kollha meħtieġa sabiex il-persunal li jkun għadu preżenti fil-bini jkun jista’ jaħdem taħt l-aħjar kundizzjonijiet possibbli sakemm is-sitwazzjoni terġa’ lura għan-normal.

Is-sede tal-QEA fil-Plateau de Kirchberg, il-Lussemburgu.

K1

Il-binja K1, li nfetħet fl-1988, fiha uffiċċji li jesgħu sa 310 membri tal-persunal, u fiha wkoll kmamar għal-laqgħat. Il-livelli ta’ taħt l-art fihom parkeġġi, faċilitajiet tekniċi, żoni ta’ ħżin, il-librerija u l-kamra prinċipali tal-arkivji, filwaqt li s-sular ta’ fuq nett jintuża kollu kemm hu għal faċilitajiet tekniċi.

Il-binja K1 ġiet immodernizzata fl-2008 biex tkun konformi mar-rekwiżiti nazzjonali tas-saħħa, tas-sikurezza u tal-ambjent. Kull fejn possibbli, it-teknoloġija f’K1 ġiet adattata biex tkun kompatibbli ma’ dik użata f’K2 u K3.

K2

Il-binja K2 nfetħet fl-2003. Il-livelli ta’ taħt l-art fihom parkeġġi, faċilitajiet tekniċi u żoni ta’ ħżin, kif ukoll iċ-ċentru tal-fitness. Is-sular ta’ fuq nett jintuża kollu kemm hu għal faċilitajiet tekniċi. Is-sulari l-oħra jintużaw għal uffiċċji li jesgħu sa 241 membru tal-persunal, kmamar għal-laqgħat, sala tal-konferenzi b’kabini tal-interpretazzjoni, kmamar għall-vidjokonferenzi, kafetterija u spazji għal kċejjen bażiċi.

Attwalment il-binja K2 qed tiġi rinnovata, billi nottimizzaw l-ispazji tax-xogħol tagħha u naġġornaw xi wħud mill-installazzjonijiet tekniċi. B’rispons għat-tifqigħa tal-COVID-19, il-Gvern Lussemburgiż waqqaf ix-xogħlijiet kollha ta’ kostruzzjoni, u x-xogħol ta’ rinnovazzjoni tal-binja K2 ġie sospiż sakemm seta’ jerġa’ jibda f’Novembru 2020. Huwa mistenni li r-rinnovazzjoni tiġi kkompletata sa tmiem l-2022.

Kif ġie maqbul mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill f’Marzu 2014, aħna se nkopru l-ispiża ta’ din il-modernizzazzjoni mill-baġit li fadal għall-proġett ta’ kostruzzjoni tal-binja K3, li ġie kkompletat ftit snin ilu.

K3

Il-binja K3 nfetħet fl-2012. Il-livelli ta’ taħt l-art fihom parkeġġi, faċilitajiet tekniċi u żoni tal-ħżin, żoni tal-ħatt, faċilitajiet ta' ħżin tal-iskart, l-istamperija, il-kċejjen u l-arkivji. Is-sular ta’ isfel jinkludi l-kantin, kafetterija u kmamar tat-taħriġ. Hemm ukoll uffiċċji li jesgħu sa 503 membri tal-persunal, kmamar għal-laqgħat u kamra tal-IT. Is-sitt sular fih swali ta’ riċeviment, kċina u faċilitajiet tekniċi. Il-binja K3 ġiet ikklassifikata bħala “tajba ħafna” skont BREEAM, li huwa l-metodu prinċipali fid-dinja għall-evalwazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà tal-bini.

Fl-2020, iffinalizzajna r-rinnovazzjoni tad-daħla tal-parkeġġ tal-binja K3 biex intejbu l-protezzjoni fiżika tal-bini u s-sikurezza tal-persunal tagħna.

Orange week

Fi tmiem Novembru u fil-bidu ta’ Diċembru 2020, ingħaqadna fil-kampanja “Orange week” u dawwalna ż-żona tar-riċevimenti tal-binja K2 tagħna, biex b’mod simboliku nfakkru fil-ħtieġa għal soċjetà ħielsa mill-vjolenza fl-okkażjoni doppja tal-jiem internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza Kontra n-Nisa u d-Drittijiet tal-Bniedem

Ġestjoni ambjentali

Bħala istituzzjoni tal-UE, aħna impenjati li nnaqqsu kontinwament l-impatt tagħna fuq l-ambjent. Fl-2019, il-produzzjoni totali tagħna ta’ gassijiet serra kienet ta’ 9 203 tunnellati ta’ ekwivalenti ta’ diossidu tal-karbonju (tCO2e), tnaqqis ta’ 14 % mill-2014, is-sena li fiha bdejna nkejlu l-emissjonijiet tagħna ta’ CO2.

Aħna kburin biċ-ċertifikazzjoni EMAS (Skema ta’ Mmaniġġjar u Awditjar Ekoloġiċi) li ksibna: noperaw b’suċċess sistema ta’ mmaniġġjar ekoloġiku li hija konformi mal-EMAS, u nikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni ISO 14001:2015. Fl-aħħar tliet xhur tal-2019 twettaq awditu estern tal-EMAS u, b’riżultat ta’ dan, iċ-ċertifikazzjoni EMAS tagħna ġġeddet għall-perjodu 2020-2022.

Tnaqqis fl-impatt ambjentali b’konsegwenza
tal-kriżi tal-COVID-19

F’Marzu 2020, meta l-persunal tagħna ntalab jaħdem mid-dar, ħadna wkoll azzjoni immedjata biex innaqqsu l-konsum tal-enerġija tagħna. Id-dawl fil-kurituri u fl-uffiċċji, kif ukoll is-sistemi tal-ventilazzjoni u tal-arja kundizzjonata nqalbu għall-modalità “tmiem il-ġimgħa”. Il-konsum tal-elettriku u tal-ilma naqas ukoll b’mod konsiderevoli, bi 30 % u 93 %, rispettivament.

Barra minn hekk, billi kważi l-membri kollha tal-persunal tagħna kienu qed jaħdmu mill-bogħod mid-dar, l-għadd medju ta’ paġni stampati għal kull membru tal-persunal kien qrib iż-żero.

L-obbligu ta’ rendikont tagħna

Informazzjoni finanzjarja

L-istituzzjoni tagħna hija ffinanzjata mill-baġit tal-UE taħt l-intestatura tan-nefqa amministrattiva.

Fl-2020, il-baġit tagħna ammonta għal madwar EUR 152 miljun.

Il-baġit tagħna jirrappreżenta madwar 1.5 % tal-infiq amministrattiv totali tal-UE (jew inqas minn 0.1 % tal-infiq totali tal-UE).

Implimentazzjoni tal-Baġit 2020

SENA FINANZJARJA 2020 Approprjazzjonijiet finali Impenji % ta’ użu (impenji/approprjazzjonijiet) Pagamenti
Titolu 1: Persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni (elf EUR)
10 - Membri tal-istituzzjoni 11 151 10 189 91 % 10 171
12 - Uffiċjali u persunal temporanju 110 784 109 159 98 % 109 159
14 - Persunal ieħor u servizzi esterni 7 403 6 794 92 % 6 538
162 - Missjonijiet 2 840 680 24 % 571
161 + 163 + 165 - Infiq ieħor relatat ma' persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni 3 202 3 136 98 % 2 020
Subtotal għat-Titolu 1 135 380 129 958 96 % 128 459
Titolu 2: Binjiet, beni mobbli, apparat u nefqa operatorja mixxellanja
20 - Beni immobbli 3 366 3 359 99 % 1 543
210 - IT u telekomunikazzjoni 10 093 10 093 100 % 5 561
212 + 214 + 216 - Beni mobbli u kostijiet relatati 896 745 83 % 544
23 - Nefqa amministrattiva kurrenti 499 221 44 % 207
25 - Laqgħat, konferenzi 596 142 24 % 87
27 - Informazzjoni u pubblikazzjoni 1 407 1 180 84 % 732
Subtotal għat-Titolu 2 16 857 15 740 93 % 8 674
Total għall-Qorti tal-Awdituri 152 237 145 698 96 % 137 133

Baġit għall-2021

Il-Baġit 2021 jirrappreżenta żieda ta’ 0.98 % fuq dak tal-2020.

Titolu 1: Persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni 2021 2020
10 - Membri tal-istituzzjoni (elf EUR)
10 - Membri tal-istituzzjoni 10 704 11 751
12 - Uffiċjali u persunal temporanju 114 120 111 860
14 - Persunal ieħor u servizzi esterni 7 861 7 403
162 - Missjonijiet 2 988 3 370
161 + 163 + 165 - Infiq ieħor relatat ma' persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni 2 613 2 945
Subtotal għat-Titolu 1 138 286 137 329
Titolu 2: Binjiet, beni mobbli, apparat u nefqa operatorja mixxellanja
20 - Beni immobbli 3 358 3 255
210 - IT u telekomunikazzjoni 8 171 7 718
212 + 214 + 216 - Beni mobbli u kostijiet relatati 901 963
23 - Nefqa amministrattiva kurrenti 565 563
25 - Laqgħat, konferenzi 696 696
27 - Informazzjoni u pubblikazzjoni 1 745 2 613
Subtotal għat-Titolu 2 15 436 15 808
Total għall-Qorti tal-Awdituri 153 722 153 137

Awditjar intern u estern

Awditjar intern

Is-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tagħna jipprovdi pariri lill-istituzzjoni dwar kif għandha timmaniġġja r-riskji. Huwa jipprovdi servizzi indipendenti u oġġettivi ta’ aċċertament u ta’ konsulenza maħsuba biex jipprovdu valur miżjud u jtejbu l-operazzjonijiet tal-istituzzjoni tagħna. L-IAS jirrapporta lill-Kumitat tal-Awditjar Intern, li huwa magħmul minn tliet Membri tal-QEA u minn espert estern. Il-Kumitat jimmonitorja regolarment il-progress tad-diversi kompiti stipulati fil-programm ta’ ħidma annwali tal-IAS u jiżgura l-indipendenza ta’ dan is-servizz.

Fl-2020, l-IAS kompla jirrieżamina l-politika tal-QEA dwar il-ġestjoni tar-riskju u ħareġ rapporti għal tliet kompiti: “Implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Livell ta’ Servizz mal-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali”, “Attivitajiet ta’ taħriġ professjonali” u “Awditjar tal-mudell ta’ ġestjoni għal kuntratti ta’ bini/faċilitajiet”. L-IAS iffinalizza wkoll ix-xogħol prinċipali tal-awditjar għal tliet kompiti oħra, “Opportunitajiet Indaqs”, “Ġestjoni tal-frodi” u “Kontinwità tal-operat u miżuri ta’ protezzjoni tal-persunal b’rispons għall-kriżi tal-COVID-19”, li għalihom se jinħarġu rapporti fl-2021.

B’mod ġenerali, ix-xogħol tal-IAS ma żvelax xi nuqqasijiet li, min-natura jew il-kobor tagħhom, ikunu jixħtu dubju fuq l-affidabbiltà kumplessiva tas-sistemi ta’ kontroll intern stabbiliti mill-uffiċjal awtorizzanti b’delega biex jiżguraw il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet finanzjarji tagħna fl-2020.

Awditjar estern

Il-kontijiet annwali tagħna jiġu awditjati minn awditur indipendenti estern. Dan huwa importanti, billi juri li aħna napplikaw l-istess prinċipji tat-trasparenza u tal-obbligu ta’ rendikont għalina nfusna bħalma nagħmlu għall-entitajiet awditjati tagħna.

L-awditur estern tagħna – PricewaterhouseCoopers Sàrl – ippubblika r-rapport tiegħu dwar il-kontijiet tagħna għas-sena finanzjarja 2019 fl-24 ta’ April 2020.

Opinjonijiet tal-awditur estern tagħna — sena finanzjarja 2019

Dwar ir-rapporti finanzjarji tagħna:

Fl-opinjoni tagħna, ir-rapporti finanzjarji jagħtu stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri – il-QEA fil-31 ta’ Diċembru 2019, u tar-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1) u l-emendi sussegwenti tiegħu, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament Finanzjarju”, u mar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1) li jistabbilixxi regoli dettaljati tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament Finanzjarju u l-emendi sussegwenti tiegħu.

Dwar l-użu li aħna għamilna mir-riżorsi u mill-proċeduri ta’ kontroll:

Fuq il-bażi tax-xogħol tagħna deskritt f’dan ir-rapport, ma hemm xejn li laqat l-attenzjoni tagħna biex iġegħilna nemmnu li fl-aspetti materjali kollha u fuq il-bażi tal-kriterji deskritti hawn fuq:

  • Ir-riżorsi assenjati lill-Qorti ma ntużawx għall-iskopijiet intenzjonati tagħhom;
  • Il-proċeduri ta’ kontroll stabbiliti ma jipprovdux il-garanziji meħtieġa biex jiżguraw il-konformità tal-operazzjonijiet finanzjarji mar-regoli u r-regolamenti applikabbli.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2021

PDF ISBN 978-92-847-5673-5 ISSN 2362-9568 doi:10.2865/299949 QJ-AA-21-001-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-5653-7 ISSN 2362-9568 doi:10.2865/302798 QJ-AA-21-001-MT-Q
Print ISBN 978-92-847-5699-5 ISSN 1831-1318 doi:10.2865/160458 QJ-AA-21-001-MT-C

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġejt:

PDF
PDF General Report

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (https://copenhagenizeindex.eu/) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.