Rapport Speċjali
Nru35 2018

Trasparenza fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE mill-NGOs: jeħtieġ li jsiru aktar sforzi

Dwar ir-rapport L-organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGOs) huma atturi importanti fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE. Matul il-perjodu 2014-2017, il-Kummissjoni impenjat ammont stmat ta’ EUR 11.3 biljun biex jiġu implimentati mill-NGOs f’ħafna oqsma ta’ politika differenti tal-UE. L-awditu tagħna eżamina t-trasparenza tal-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE mill-NGOs b’fokus speċjali fuq l-azzjoni esterna li, fost l-oqsma kollha ta’ politika, hija l-akbar qasam li fih il-fondi tal-UE jiġu implimentati mill-NGOs. Aħna sibna li l-identifikazzjoni ta’ entitajiet bħala NGOs, min-naħa tal-Kummissjoni fis-sistemi tagħha, mhijiex affidabbli. Il-valutazzjoni tagħna turi li ġeneralment, l-għażla mill-Kummissjoni ta’ proġetti mmexxija mill-NGOs kienet trasparenti. Madankollu, għal xi wħud mill-korpi awditjati tan-NU, il-proċessi tal-għażla tal-NGOs ma kinux trasparenti. Il-Kummissjoni mhux dejjem tiġbor u tivverifika informazzjoni komprensiva dwar l-NGOs kollha li jiġu appoġġati. L-informazzjoni dwar il-fondi tal-UE implimentati mill-NGOs tiġi ppubblikata f’bosta sistemi, iżda l-informazzjoni disponibbli hija limitata. Aħna nikkonkludu li l-Kummissjoni ma kinitx trasparenti biżżejjed f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE mill-NGOs, u li jeħtieġ li jsiru aktar sforzi biex tiżdied din it-trasparenza. Barra minn hekk, aħna fformulajna għadd ta’ rakkomandazzjonijiet biex dan iseħħ.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

Il-Kummissjoni timplimenta rata stmata ta’ 1.7 % tal-baġit tal-UE u 6.8 % tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ) permezz ta’ NGOs. F’ħafna oqsma ta' politika, bħall-għajnuna umanitarja u l-għajnuna għall-iżvilupp, l-ambjent, kif ukoll ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-NGOs jassistu lill-Kummissjoni biex tfassal, timplimenta u timmonitorja l-programmi tal-UE. Matul il-perjodu 2014-2017, il-Kummissjoni impenjat ammont stmat ta’ EUR 11.3 biljun biex jiġu implimentati mill-NGOs. Il-Parlament Ewropew spiss esprima l-interess tiegħu fl-NGOs u fil-finanzjament tagħhom.

II

L-objettiv tal-awditu tagħna kien li jivvaluta t-trasparenza tal-fondi tal-UE li kienu s-suġġett ta’ kuntratti mal-NGOs. Aħna vvalutajna l-identifikazzjoni ta’ entitajiet bħala NGOs, min-naħa tal-Kummissjoni, fuq xiex jintnefqu l-fondi tal-UE li ġew implimentati minn dawn tal-aħħar, u jekk il-Kummissjoni ddivulgatx din l-informazzjoni b’mod trasparenti. Aħna koprejna l-oqsma ta' politika prinċipali li fihom l-NGOs jimplimentaw il-fondi tal-UE, billi ffukajna b’mod partikolari fuq il-qasam l-aktar importanti, l-azzjoni esterna.

III

Aħna kkonkludejna li l-Kummissjoni ma kinitx trasparenti biżżejjed f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE mill-NGOs.

IV

Il-klassifikazzjoni ta’ entità bħala NGO mhix affidabbli, peress li l-assenjazzjoni tal-istatus tagħha fis-sistema kontabilistika tal-Kummissjoni hija bbażata fuq awtodikjarazzjonijiet, u l-kontrolli mwettqa mill-Kummissjoni huma limitati.

V

Fir-rigward tal-azzjoni esterna, aħna sibna li l-għażla tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ proġetti mmexxija mill-NGOs kienet ġeneralment trasparenti. Madankollu, id-diversi dipartimenti tal-Kummissjoni ma applikawx il-proċeduri ta’ sottogħotjiet bl-istess mod, u l-proċeduri tal-għażla li l-korpi awditjati tan-NU applikaw għall-NGOs mhux dejjem kienu trasparenti.

VI

L-informazzjoni miġbura dwar il-fondi tal-UE implimentati mill-NGOs mhijiex uniformi. B’mod partikolari, fil-qasam tal-azzjoni esterna, il-Kummissjoni ma kellhiex informazzjoni komprensiva. Dan seħħ prinċipalment fil-każ tan-netwerks ta’ NGOs internazzjonali u tal-proġetti taħt ġestjoni indiretta. Barra minn hekk, fil-qafas ta’ ġestjoni indiretta, in-nuqqas ta’ informazzjoni disponibbli xekkel il-kontrolli mwettqa mill-Kummissjoni fuq l-ispejjeż iddikjarati.

VII

L-informazzjoni dwar il-fondi tal-UE implimentati mill-NGOs tiġi ppubblikata f’bosta sistemi, iżda l-informazzjoni ddivulgata hija limitata. Fil-qasam tal-azzjoni esterna, il-Kummissjoni ġeneralment irrappurtat data dwar l-għajnuna umanitarja u l-għajnuna għall-iżvilupp f’konformità mal-istandards internazzjonali ta’ trasparenza.

VIII

F’ħamsa mis-sitt proġetti awditjati, il-korpi tan-NU jew ma ppubblikawx il-kuntratti konklużi mal-NGOs, jew inkella ppubblikawhom biss parzjalment, u l-Kummissjoni ma vverifikatx jekk il-korpi tan-NU kinux issodisfaw dan ir-rekwiżit.

IX

Fuq il-bażi tal-osservazzjonijiet li saru f’dan ir-rapport, aħna fformulajna għadd ta’ rakkomandazzjonijiet biex tittejjeb it-trasparenza tal-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE mill-NGOs. Aħna nirrakkommandaw li l-Kummissjoni:

  1. ittejjeb l-affidabbiltà tal-informazzjoni dwar l-NGOs fis-sistema kontabilistika tagħha;
  2. tivverifika l-applikazzjoni tar-regoli u tal-proċeduri li jirrigwardaw is-sottogħotjiet lill-NGOs;
  3. ittejjeb l-informazzjoni miġbura dwar il-fondi implimentati mill-NGOs; u
  4. tadotta approċċ uniformi għall-pubblikazzjoni ta’ dettalji dwar il-fondi pprovduti lill-NGOs u tivverifika li l-korpi tan-NU jippubblkaw data kompleta u preċiża dwar il-kuntratti li jiġu konklużi mal-NGOs bl-użu ta’ finanzjament mill-UE.

Introduzzjoni

Il-kunċett ta’ NGO

01

L-interess fit-trasparenza tal-NGOs u fil-finanzjament tagħhom qed jiżdied. Pereżempju, il-Parlament Ewropew diġà ħareġ bosta studji dwar dan is-suġġett1 u “abbozz ta’ rapport dwar kontroll baġitarju tal-finanzjament ta' NGOs mill-baġit tal-UE”2.

02

L-organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGOs) huma atturi importanti fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE. Il-Kummissjoni taħdem flimkien mal-NGOs, fost sħab oħra, biex tfassal, timplimenta u timmonitorja programmi f’ħafna oqsma ta' politika tal-UE. B’mod partikolari, dan huwa l-każ fl-oqsma tal-għajnuna għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja, iżda wkoll f’oqsma oħra bħall-ambjent, ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-kultura. Madankollu, attwalment ma hemmx definizzjoni ta’ NGO li hija komuni fil-livell tal-UE (ara l-Kaxxa 1).

Kaxxa 1

X’inhi NGO?

Minkejja li t-terminu “NGO” jintuża ħafna, ma hemmx definizzjoni li hija aċċettata b’mod ġenerali fil-livell internazzjonali3. Fi ħdan l-UE, l-istatus ta’ NGO jiġi ddeterminat, f’xi wħud mill-Istati Membri, mill-forma ġuridika ta’ organizzazzjoni, filwaqt li f’oħrajn dan jiddependi min-natura tal-attivitajiet li jitwettqu.

F’Komunikazzjoni tal-1997, il-Kummissjoni identifikat ħames karatteristiċi tal-NGOs4. Dawn huma: (1) organizzazzjonijiet volontarji li għandhom eżistenza formali jew istituzzjonali; (2) mingħajr skop ta' qligħ; (3) indipendenti mill-awtoritajiet tal-gvern u dawk pubbliċi; (4) mhumiex immaniġġjati għall-gwadann personali; u (5) l-attivitajiet tagħhom iridu jikkontribwixxu, tal-inqas parzjalment, għall-ġid pubbliku.

L-NGOs u l-finanzjament mill-UE

03

L-NGOs jirċievu l-biċċa l-kbira mill-fondi tal-UE fil-kapaċità tagħhom bħala atturi inkarigati mill-implimentazzjoni meta jwettqu programmi u proġetti f’isem il-Kummissjoni5. Huma jistgħu jkunu wkoll il-benefiċjarji finali ta’ azzjoni tal-UE, pereżempju fi programmi li jsaħħu s-soċjetà ċivili.

04

Skont is-sistema kontabilistika tal-Kummissjoni (ABAC), il-fondi impenjati biex jiġu implimentati mill-NGOs kienu jammontaw għal EUR 11.3 biljun għall-perjodu 2014-2017 (ara l-Figura 1). Madankollu, din hija biss stima, bħalma jiġi indikat b’mod ċar fit-taqsima tal-osservazzjonijiet li tinsab f’dan ir-rapport.

Figura 1

Fondi tal-UE impenjati għall-NGOs, 2014-2017, skont is-sistema kontabilistika tal-Kummissjoni

Intestaturi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) u Fondi Ewropej għall-Iżvilupp Ammonti impenjati għall-NGOs Perjodu: 2014-2017 (f’miljun EUR) Total tal-ammonti impenjati Perjodu: 2014-2017 (f’miljun EUR) Perċentwal tal-ammonti impenjati għall-NGOs
1.1 Tkabbir Intelliġenti u Inklużiv/Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi 4 032 79 909 5,05%
1.2 Tkabbir Intelliġenti u Inklużiv/Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali 19 209 214 0,01%
2 Tkabbir sostenibbli: riżorsi naturali 248 241 044 0,10%
3 Sigurtà u ċittadinanza 350 12 793 2,74%
4 Ewropa Globali 5 448 40 978 13,29%
- Fondi Ewropej għall-Iżvilupp 1 217 17 833 6,82%
Total 11 314 601 771 1,88%

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq id-data pprovduta mid-DĠ BUDG.

05

Skont l-ABAC, il-biċċa l-kbira mill-fondi tal-UE allokati għall-NGOs huma maħsuba għall-azzjoni esterna. F’dan il-qasam, l-NGOs jirċievu fondi taħt l-Intestatura 4 – Ewropa Globali, tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) u mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (ara l-Figura 1). Is-servizzi kkonċernati tal-Kummissjoni huma d-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (DĠ DEVCO), id-Direttorat Ġenerali għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir (DĠ NEAR), id-Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej (DĠ ECHO) u s-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija (FPI) (ara l-Figura 2).

Figura 2

Fondi impenjati għall-NGOs, skont is-servizz tal-Kummissjoni, 2014-2017

Servizzi tal-Kummissjoni Ammonti impenjati għall-NGOs Perjodu: 2014-2017 (f’miljun EUR)
DĠ ECHO 2 904
DĠ DEVCO 2 768
DĠ RTD 884
DĠ EAC 875
ERCEA 824
DĠ NEAR 783
REA 452
OĦRAJN* 1 824
Total 11 314

* CNECT, IEEA, INEA, FPI, EACEA, ENV, EMPL, JUST, GROW, HOME, ENER, PHAE, FISMA, OĦRAJN

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq id-data pprovduta mid-DĠ BUDG.

Il-kunċett ta’ trasparenza

06

It-trasparenza hija wieħed mill-prinċipji baġitarji stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit tal-UE. Dan jirrikjedi li l-Kummissjoni tqiegħed għad-dispożizzjoni, b’mod xieraq u f’waqtu, informazzjoni dwar ir-riċevituri ta’ fondi tal-UE, inkluż meta dawn il-fondi jkunu jappoġġaw azzjonijiet implimentati mill-NGOs6. Minn perspettiva aktar ġenerali, it-trasparenza għandha tkopri l-proċess kollu kemm hu u l-livelli kollha tal-implimentazzjoni, mill-għażla ta’ azzjonijiet immexxija mill-NGOs, sal-ġbir ta’ informazzjoni dwar dawn l-azzjonijiet u d-divulgazzjoni tagħha.

07

Barra minn hekk, fil-qasam tal-azzjoni esterna, it-trasparenza hija wieħed mill-prinċipji ewlenin u li ilhom jeżistu li jirfdu l-effettività tal-għajnuna għall-iżvilupp. It-titjib tat-trasparenza fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha jsaħħaħ ukoll il-koordinazzjoni tad-donaturi u l-obbligu ta’ rendikont tal-benefiċjarji kollha, inklużi l-NGOs (ara l-Kaxxa 2).

Kaxxa 2

Trasparenza fil-qasam tal-azzjoni esterna

L-UE approvat l-impenji internazzjonali fir-rigward tat-trasparenza tal-għajnuna, b’mod partikolari fid-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna tal-2005, fil-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja tal-2007, fl-Aġenda ta' Azzjoni ta' Akkra tal-2008 u fis-Sħubija ta’ Busan għal Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp tal-2011. Fit-tħejjija għall-Forum ta’ Busan, il-Kunsill tal-UE adotta l-”Pożizzjoni Komuni tal-UE għar-Raba' Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna”, li kienet tinkludi l-Garanzija ta' Trasparenza tal-UE7. Aktar reċentement, f’Ġunju 2017 il-Kummissjoni u l-Istati Membri affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għall-prinċipju tat-trasparenza fil-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp8.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

08

Il-fondi tal-UE allokati mill-Kummissjoni biex jiġu implimentati mill-NGOs spiss jgħaddu minn bosta livelli. F’dan il-kuntest, u b’mod partikolari fl-għażla tal-applikanti għall-finanzjament, hemm ir-riskju ta’ nuqqas ta’ trasparenza. Hemm ukoll ir-riskju li l-informazzjoni, li tkun disponibbli għall-Kummissjoni, dwar l-ammonti u l-iskop tal-finanzjament li jingħata lill-NGOs ma tkunx kompleta jew affidabbli, kif ukoll ir-riskju li t-tipi kollha ta’ NGOs ma jiġux ittrattati b’mod indaqs.

09

L-objettiv prinċipali tal-awditu tagħna kien li jivvaluta t-trasparenza tal-fondi tal-UE li kienu s-suġġett ta’ kuntratti mal-NGOs. Biex nilħqu dan l-objettiv, aħna l-ewwel ivvalutajna l-identifikazzjoni ta’ entitajiet bħala NGOs, min-naħa tal-Kummissjoni; imbagħad ivvalutajna fuq xiex intnefqu l-fondi tal-UE li ġew implimentati minn dawn tal-aħħar, u jekk il-Kummissjoni ddivulgatx din l-informazzjoni b’mod trasparenti.

10

Aħna kellna l-għan li nwieġbu l-mistoqsija li ġejja: Il-finanzjament mill-UE implimentat mill-NGOs huwa trasparenti? Biex inwiġbuha, aħna qsamna l-mistoqsija prinċipali tal-awditjar fit-tliet sottomistoqsijiet li ġejjin:

  1. L-identifikazzjoni ta’ entitajiet bħala NGOs, min-naħa tal-Kummissjoni, hija affidabbli?
  2. Fil-qasam tal-azzjoni esterna, l-għażla tal-NGOs li huma responsabbili mill-implimentazzjoni tal-azzjonijiet iffinanzjati mill-UE hija trasparenti?
  3. Il-Kummissjoni tiġbor u tiddivulga l-informazzjoni dwar il-finanzjament mill-UE b’mod xieraq?
11

Aħna eżaminajna l-mod kif il-Kummissjoni identifikat l-NGOs fis-sistemi tagħhom (is-Sottomistoqsija 1). Aħna vvalutajna t-trasparenza tal-għażla tal-NGOs, kemm meta l-Kummissjoni kkonkludiet kuntratti direttament mal-NGOs kif ukoll meta l-fondi tal-UE ġew trasferiti permezz ta’ sottogħotjiet (is-Sottomistoqsija 2). Aħna eżaminajna wkoll jekk il-Kummissjoni kinitx ġabret informazzjoni dwar l-azzjonijiet implimentati mill-NGOs, u jekk kinitx ivverifikatha u ddivulgatha b’mod xieraq (is-Sottomistoqsija 3).

12

Aħna koprejna l-oqsma ta' politika prinċipali f’termini tal-volum ta’ fondi tagħhom impenjati għall-NGOs (ara l-Figura 2), jiġifieri d-direttorati ġenerali prinċipali involuti fil-qasam tal-azzjoni esterna (DĠ ECHO, DĠ DEVCO u DĠ NEAR) u żewġ direttorati ġenerali addizzjonali li kienu jallokaw fondi sinifikanti għall-NGOs: id-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (DĠ RTD) u d-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura (DĠ EAC). L-awditu kopra wkoll id-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent (DĠ ENV), peress li dan id-DĠ għandu programm speċifiku li jipprovdi appoġġ għall-NGOs fil-qasam tal-ambjent u l-azzjoni klimatika. Fl-aħħar nett, id-Direttorat Ġenerali għall-Baġit (DĠ BUDG) kien ukoll inkluż fl-ambitu tal-awditjar, peress li huwa s-servizz responsabbli għas-sistema kontabilistika tal-Kumissjoni, li tintuża għar-rappurtar dwar il-finanzjament li jingħata lill-NGOs.

13

Aħna ġbarna evidenza permezz ta’ analiżijiet dokumentarji u intervisti mwettqa ma’ bosta direttorati ġenerali tal-Kummissjoni (DĠ BUDG, DĠ DEVCO, DĠ NEAR, DĠ ECHO, DĠ RTD, DĠ EAC u DĠ ENV), kif ukoll mal-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA), mal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA) u mal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (EASME).

14

Aħna ffukajna b’mod partikolari fuq il-qasam tal-azzjoni esterna, peress li, skont is-sistema kontabilistika tal-Kummissjoni, dan huwa fejn il-biċċa l-kbira mill-fondi tal-UE ġew impenjati għall-NGOs (ara l-Figura 1). Aħna eżaminajna l-proċeduri użati għall-għażla tal-azzjonijiet implimentati mill-NGOs, l-għodod użati għall-ġbir ta’ informazzjoni dwar il-finanzjament li jingħata lill-NGOs u d-divulgazzjoni sussegwenti ta’ din l-informazzjoni.

15

Fi ħdan il-qasam tal-azzjoni esterna, aħna kkonċentrajna prinċipalment fuq il-fondi li ilhom li ġew impenjati mill-2014 sabiex neżaminaw l-azzjonijiet li ttieħdu fil-perjodu ta' programmazzjoni attwali. Aħna eżaminajna 14-il proġett immexxija mill-NGOs taħt il-modalità ta’ ġestjoni diretta9 (ara l-Anness I), u 6 proġetti implimentati minn korpi tan-NU taħt il-modalità ta’ ġestjoni indiretta10, li għalihom 10 NGOs kienu ntgħażlu biex jibbenefikaw minn sottogħotjiet (ara l-Anness II).

16

Dawn il-proġetti ntgħażlu f’żewġ stadji. Fl-ewwel stadju, aħna għażilna li nżuru żewġ pajjiżi (l-Etjopja u l-Libanu) fuq il-bażi ta’ kriterji bħad-DĠ responsabbli, il-volum ta’ fondi rrappurtati li ġew impenjati għall-NGOs u l-fattibbiltà tat-twettiq ta’ żjara tal-awditjar. Fit-tieni stadju, aħna ħadna l-kampjun ta’ proġetti li kellhom jiġu awditjati fuq il-bażi ta’ kriterji bħad-daqs tal-baġits, ir-rata ta’ implimentazzjoni miksuba, il-firxa ta’ strumenti ta’ finanzjament, il-modalitajiet ta’ ġestjoni użati u d-diversi livelli ta’ implimentazzjoni li fihom operaw l-NGOs.

17

Fi Frar 2018, aħna wettaqna żjarat tal-awditjar fl-Etjopja u fil-Libanu, fejn żorna l-uffiċċji lokali tad-DĠ ECHO, id-Delegazzjonijiet tal-UE, l-uffiċċji tal-pajjiżi ta’ bosta aġenziji tan-NU, kif ukoll rappreżentanti minn NGOs internazzjonali u lokali li kienu qed jipparteċipaw fl-implimentazzjoni ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE.

Osservazzjonijiet

L-identifikazzjoni ta’ entitajiet bħala NGOs, min-naħa tal-Kummissjoni, fis-sistemi tagħha mhijiex affidabbli

18

Aħna eżaminajna l-proċeduri differenti li ġew segwiti mid-dipartimenti tal-Kummissjoni biex jirreġistraw fis-sistemi tagħhom l-NGOs li jistgħu jintgħażlu għall-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE. Aħna eżaminajna jekk kienx hemm sistemi u programmi speċifiċi għall-NGOs, jekk kinux ivarjaw fost id-dipartimenti li żorna, il-mod kif kienu jintużaw, u l-mod kif l-entitajiet kienu jiġu identifikati u rreġistrati bħala NGOs fis-sistemi tal-Kummissjoni.

Fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, l-eliġibbiltà tal-finanzjament mill-UE ma tiddependix mill-istatus tal-NGOs

19

Inġenerali, l-NGOs japplikaw għal finanzjament mingħand il-Kummissjoni bl-istess mod bħalma jagħmlu organizzazzjonijiet oħra li jimplimentaw il-fondi tagħha. Dan għaliex ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit tal-UE ma jagħmilx distinzjoni bejn il-benefiċjarji li jkollhom status ta’ NGO u benefiċjarji oħra. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma għandhiex strateġija li hija mmirata speċifikament għall-NGOs, u d-dipartimenti tagħha ma għandhomx kriterji komuni ta’ x’jikkostitwixxi NGO.

20

Tnejn biss mid-direttorati ġenerali awditjati għandhom programmi li huma mmirati esklussivament għall-NGOs:

  • id-DĠ ENV għandu programm ta’ azzjoni għal għotjiet operattivi li huwa maħsub biex jappoġġa lill-NGOs Ewropej li joperaw fl-oqsma tal-ambjent u l-klima. F’dan il-kuntest, huwa jqis11 li NGO hija persuna ġuridika mingħajr skop ta’ qligħ, li hija indipendenti, kemm fil-livell finanzjarju kif ukoll f’dak politiku, b’mod partikolari mill-awtoritajiet tal-gvern u dawk pubbliċi, kif ukoll mill-interessi politiċi jew kummerċjali, u li hija legalment irreġistrata.
  • id-DĠ ECHO jimplimenta l-għajnuna umanitarja permezz ta’ għadd ta’ NGOs li magħhom huwa kkonkluda ftehimiet qafas ta' sħubija. Huwa jżomm mad-definizzjoni stabbilita fir-Regolament tal-Kunsill Nru 1257/96 dwar l-għajnuna umanitarja li jiddikjara li l-NGOs li jkunu eliġibbli għal finanzjament iridu jkunu organizzazjonijiet awtonomi li jaħdmu bla profitt fi Stat Membru taħt il-liġijiet li jkunu fis-seħħ f’dak il-pajjiż12.

Il-Kummissjoni twettaq kontrolli limitati fuq l-entitajiet li jiddikjaraw lilhom infushom bħala NGOs meta tkun qed tirreġistrahom fis-sistema kontabilistika

Għad ma hemmx sistema komuni ta’ reġistrazzjoni għall-applikanti
21

L-applikanti għal finanzjament mill-UE, inklużi l-NGOs, iridu jirreġistraw biex japplikaw għal finanzjament fl-oqsma ta' politika differenti. Madankollu, id-direttorati ġenerali li awditjajna għad ma għandhomx sistema komuni ta’ reġistrazzjoni għall-applikanti (ara l-Kaxxa 3).

Kaxxa 3

Eżempji tas-sistemi ta’ reġistrazzjoni għall-applikanti li jintużaw minn diversi dipartimenti tal-Kummissjoni

Id-DĠ DEVCO u d-DĠ NEAR jużaw ir-”Reġistrazzjoni Online tad-Data tal-Applikanti Potenzjali” (PADOR), sistema online li fiha l-organizzazzjonijiet li jkunu qed japplikaw għal finanzjament jirreġistraw u jaġġornaw l-informazzjoni b’mod regolari.

Id-DĠ RTD u d-DĠ EAC jużaw il-Faċilità ta’ Reġistrazzjoni Unika (URF) - is-servizz ta’ reġistrazzjoni għal finanzjament taħt programmi bħal Erasmus+, Ewropa Kreattiva, Ewropa għaċ-Ċittadini, Voluntier tal-Għajnuna tal-UE u Orizzont 2020.

Fil-każ tad-DĠ ENV, l-applikanti jippreżentaw il-proposti tagħhom billi jużaw l-għodda web “eProposal” jew inkella l-formoli ta' applikazzjoni (għal ċerti tipi ta’ proġetti, inklużi l-għotjiet operattivi maħsuba għall-NGOs).

22

Peress li dawn is-sistemi mhumiex interkonnessi, l-NGOs iridu jagħmlu reġistrazzjoni separata ma’ kull DĠ li jinteraġixxu miegħu.

23

Attwalment, il-Kummissjoni qed tiżviluppa proġett, Spazju Uniku ta’ Interkambju tad-Data Elettronika (SEDIA), li għandu jipprovdi lill-applikanti, lill-kandidati u lill-offerenti punt uniku ta’ kuntatt biex jikkomunikaw mad-dipartimenti tal-Kummissjoni. Dan se jintuża kemm għall-proċeduri ta' akkwist kif ukoll għal dawk ta’ għotja.

Il-Kummissjoni tivverifika biss b’mod limitat jekk l-entitajiet ikunux irreġistrati b’mod korrett bħala NGOs
24

Meta applikant għal finanzjament, li jkun irreġistrat, jikkonkludi kuntratt mal-Kummissjoni għall-ewwel darba, l-informazzjoni li huwa jiddikjara tkun ibbażata fuq awtodikjarazzjoni. Il-Kummissjoni tivverifika l-informazzjoni li huwa jkun ipprovda fid-diversi sistemi ta’ reġistrazzjoni u toħloq skeda informattiva dwar l-entitajiet ġuridiċi fl-ABAC.

25

F’din is-sistema, l-entitajiet ġuridiċi jistgħu jiġu “kklassifikati” bħala NGOs. Biex tiġi kklassifikata hekk, organizzazzjoni għandha tiddikjara lilha nfisha bħala li hija NGO meta tkun qed tirreġistra f’waħda mis-sistemi. Wieħed mir-rekwiżiti biex tiġi kklassifikata bħala NGO huwa li l-entità ġuridika għandha tiġi kkategorizzata bħala organizzazzjoni privata u mingħajr skop ta' qligħ. Is-servizzi ta’ validazzjoni tal-Kummissjoni jivverifikaw din il-kategorizzazzjoni. Minbarra dan, huma ma jwettqux verifikazzjoni addizzjonali fuq il-kwalifikazzjoni tal-organizzazzjoni bħala NGO, dment li d-direttorati ġenerali ma jagħmlux din il-kwalifikazzjoni bħala kriterju għall-parteċipazzjoni f’sejħa għal proposti13.

26

Minħabba n-nuqqas ta’ verifikazzjoni tal-istatus ta’ NGO, l-informazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-finanzjament ipprovdut lilhom mhijiex affidabbli. Pereżempju, fil-każ tal-Intestatura 1.1 tal-QFP – Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi, l-akbar benefiċjarji kklassifikati bħala NGOs fl-ABAC huma prinċipalment istituti tar-riċerka u universitajiet, inkluża soċjetà kooperattiva partikolari. Dawn it-tipi ta’ entitajiet mhux dejjem jistgħu jitqiesu bħala NGOs. Filwaqt li t-termini NGOs u OSĊ (organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili) ta’ spiss jintużaw b’mod interkambjabbli, l-NGOs huma subsett ta’ OSĊ, fejn dawn tal-aħħar ikopru grupp usa’ ta’ organizzazzjonijiet bħal istituti tar-riċerka jew kooperattivi14.

27

Barra minn hekk, billi l-qasam tal-NGOs mhuwiex obbligatorju fl-ABAC, il-Kummissjoni ma tidentifikax b’mod konsistenti l-NGOs kollha bħala tali fis-sistemi ta’ informazzjoni tagħha. Pereżempju, fi tnejn mill-proġetti li awditjajna15, żewġ NGOs parteċipanti, għalkemm kienu rreġistrati bħala NGOs fis-sistema ta’ reġistrazzjoni għall-applikanti (PADOR), ma ġewx ikklassiifikati bħala tali fl-ABAC.

Fil-qasam tal-azzjoni esterna, l-għażla ta’ proġetti mmexxija mill-NGOs kienet kumplessivament trasparenti, iżda kellha ċerti nuqqasijiet meta kienet titwettaq minn partijiet terzi

L-għażla, imwettqa mill-Kummissjoni, ta’ proġetti mmexxija mill-NGOs kienet ġeneralment trasparenti

28

Aħna awditjajna kampjun ta’ proġetti mmexxija mill-GOs fil-qasam ta' politika tal-azzjoni esterna, li kienu direttament immaniġġjati mill-Kummissjoni (ara l-Anness I). Aħna vvalutajna t-trasparenza tal-proċessi tal-għażla billi vverifikajna jekk l-attivitajiet imwettqa u l-objettivi stabbiliti kinux f’konformità mal-istrateġiji, jekk il-proċeduri tal-għażla kinux affidabbli, iddokumentati tajjeb, u bbażati fuq kriterji tal-għażla ċari, u jekk kienx qed isir użu xieraq minn esperjenzi preċedenti tal-NGOs. Is-sommarju tal-valutazzjoni jista’ jinstab fl-Anness III).

29

Il-proċessi tal-għażla li ġew eżaminati fil-qasam tal-għajnuna għall-iżvilupp kienu fil-biċċa l-kbira sejħiet għal proposti16. Huma kienu jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-Regolament Finanzjarju u mal-istrateġiji tal-Kummissjoni, u kienu kumplessivament jużaw kriterji tal-għażla ċari u kienu jikkomunikawhom lill-partijiet interessati kollha, kif ukoll kienu jiżguraw it-trattament indaqs tal-applikanti.

30

Aħna sibna xi nuqqasijiet fir-rigward tat-trasparenza fil-proċessi tal-għażla eżaminati, li d-DĠ ECHO wettaq fl-2014, fl-2015 u fl-2016. Dawn il-problemi, relatati mad-dokumentazzjoni tal-proċedura tal-għażla, kienu diġà ġew identifikati f’awditu preċedenti li twettaq mill-QEA17. B’riżultat ta’ dan, id-DĠ ECHO ħa miżuri korrettivi, li rriżultaw fi pjan ta’ azzjoni u f’mudell ġdid ta’ valutazzjoni fil-qosor għall-2017, li kompla ġie rivedut għall-2018, biex jipprovdi dokumentazzjoni aħjar ta’ valutazzjoni speċifika għal kull kriterju tal-għażla.

31

Il-kapaċità operazzjonali tal-applikanti hija wieħed mill-kriterji li d-DĠ DEVCO u d-DĠ NEAR japplikaw fil-proċeduri tal-għażla tagħhom. Il-kumitati ta’ evalwzzjoni jivvalutaw din il-kapaċità fuq il-bażi tal-esperjenzi preċedenti ddikjarati mill-applikanti, iżda rarament jitolbu evidenza għal dan l-għan. Id-DĠ ECHO jqis ukoll li l-esperjenzi preċedenti huma kriterju ta’ valutazzjoni rilevanti.

32

Il-Kummissjoni mhux dejjem tivverifika jekk id-dikjarazzjonijiet dwar l-esperjenzi preċedenti jkunux korretti, minħabba li s-sistemi ta’ Informazzjoni dwar il-ġestjoni tagħha ma fihomx l-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-finanzjament riċevut u dwar l-attivitajiet imwettqa mill-NGOs. Għalhekk, il-punt sa fejn din l-informazzjoni tista’ tintuża għall-għażla huwa pjuttost limitat.

33

Aħna sibna li l-Kummissjoni kienet aċċettat inkonsistenzi u dikjarazzjonijiet żbaljati dwar l-esperjenzi preċedenti meta kienet qed tagħżel tnejn mill-proġetti awditjati18.

It-trasferiment ta’ fondi permezz ta’ sottogħotjiet lil partijiet terzi bi status ta’ NGO xi kultant kellu nuqqas ta’ trasparenza

34

Aħna eżaminajna kemm l-għażla tal-NGOs kienet trasparenti meta l-għażla ma kinitx issir direttament mill-Kummissjoni. Aħna qisna jekk id-diversi dipartimenti tal-Kummissjoni kinux japplikaw b’mod konsistenti l-proċeduri biex jiżguraw it-trasparenza tal-għażla tal-NGOs li kienu jibbenefikaw minn sottogħotjiet. Barra minn hekk, aħna eżaminajna jekk dawn id-dipartiment kienu għażlu l-NGOs b’mod li jiżgura t-trattament indaqs tal-applikanti, jekk kinux użaw l-esperjenzi preċedenti biex itejbu l-għażla u jekk kinux ivverifikaw il-kapaċità tal-NGOs li jwettqu l-azzjoni ffinanzjata.

Id-diversi dipartimenti tal-Kummissjoni ma japplikawx il-proċeduri ta’ sottogħotjiet bl-istess mod
35

Taħt ġestjoni diretta, meta l-Kummissjoni tikkonkludi ftehimiet ta' għotja u deċiżjonijiet mal-kuntratturi, inklużi l-NGOs, tiġi stabbilita relazzjoni ġuridika bejn iż-żewġ partijiet. F’xi każijiet, madankollu, il-fondi tal-UE jiġu trasferiti permezz ta’ sottogħotjiet lil partijiet terzi. Tali trasferimenti permezz ta’ sottogħotjiet huma suġġett għal kundizzjonijiet speċifiċi u trasparenti19, pereżempju, il-limitu massimu li jista’ jitħallas lil parti terza huwa ta’ EUR 60 000, ħlief meta l-appoġġ finanzjarju jkun l-għan primarju tal-azzjoni20.

36

Filwaqt li l-biċċa l-kbira mid-dipartimenti awditjati tal-Kummissjoni21 japplikaw ir-regoli ġenerali mir-Regolament Finanzjarju u l-linji gwida dwar l-għotjiet li jinħarġu mid-DĠ BUDG b’mod konsistenti, id-DĠ ECHO juża interpretazzjoni differenti. Filwaqt li jsemmi l-ħtieġa li jiġu riflessi l-ħtiġijiet u l-karatteristiċi speċifiċi tal-għajnuna umanitarja, id-DĠ ECHO jqis li l-azzjonijiet kollha li jirrigwardaw għotjiet lis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni għandhom l-għan primarju li jagħtu appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi. Dan ifisser li, fil-prattika, huma ma japplikawx il-limitu massimu ta’ EUR 60 000, minħabba li s-sottogħotjiet kollha jitqiesu li jaqgħu taħt l-eċċezzjoni msemmija hawn fuq.

37

L-effett ta’ din l-interpretazzjoni huwa li jkunu jistgħu jsiru trasferimenti permezz ta’ sottogħotjiet mingħajr ma jkun hemm limitu fuq l-ammont kuntrattwali jew fuq l-għadd ta’ livelli addizzjonali tal-implimentazzjoni. In-nuqqas ta’ dawn il-limitazzjonijiet fid-DĠ ECHO jaffettwa t-trasparenza tas-sottogħotjiet.

Il-proċeduri tal-għażla li l-korpi tan-NU applikaw għall-NGOs mhux dejjem kienu trasparenti
38

Taħt ġestjoni indiretta, korp tan-NU li japplika għal fondi tal-UE għandu juri kapaċità ta’ ġestjoni finnzjarja u ta’ protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, li hija ekwivalenti għal dik tal-Kummissjoni. Jekk jirrispetta din il-kundizzjoni, huwa jista’ jagħżel is-sħab tiegħu inkarigati mill-implimentazzjoni (sottogħotjiet) skont ir-regoli u l-proċeduri proprji tiegħu22.

39

Aħna sibna li f’nofs il-proġetti taħt ġestjoni indiretta, li għażilna għall-awditu (ara l-Anness II), il-proċeduri użati mill-korpi tan-NU għall-għażla tal-NGOs kellhom nuqqas ta’ trasparenza. Dan kien minkejja l-fatt li l-Kummissjoni kienet ivvalutathom b’mod pożittiv. F’dawn it-tliet każijiet23, il-korpi tan-NU taw direttament sottogħotjiet lill-NGOs mingħajr ma żammew mal-proċeduri interni proprji tagħhom (ara l-Kaxxa 4).

Kaxxa 4

Eżempju ta’ proċess tal-għażla mwettaq minn parti terza li ma kinitx tikkonforma mar-regoli tal-għażla interni proprji tagħha

Il-Proġett 20, li ngħata lil korp tan-NU, kellu l-għan li jtejjeb ir-reżiljenza pastorali permezz tal-forniment ta’ servizz aħjar tas-saħħa tal-annimali f’żoni pastorali tal-Etjopja. Żewġ NGOs li kienu jibbenefikaw minn sottogħotjiet wettqu ċerti komponenti ta’ dan il-proġett. Il-proċedura tal-għażla li ġiet applikata mill-korp tan-NU fiż-żewġ każijiet kienet għotja diretta.

Skont il-linji gwida interni tal-korp tan-NU, l-għotjiet diretti jistgħu jingħataw biss taħt ċerti kundizzjonijiet. F’dawn il-każijiet, il-kundizzjoni użata biex tiġi ġġustifikata l-għotja diretta kienet li l-NGOs kienu diġà ngħataw il-mandat mill-gvern benefiċjarju biex jipprovdu s-servizz. Madankollu, l-NGOs ma ffirmawx il-ftehim ta’ implimentazzjoni mal-gvern reġjonali qabel ma ntgħażlu mill-korp tan-NU. Għalhekk, il-kundizzjoni għall-għażla diretta ma ġietx issodisfata.

Il-Kummissjoni mhux dejjem tiġbor u tivverifika b’mod xieraq l-informazzjoni dwar il-fondi tal-UE implimentati mill-NGOs

40

Aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni kinitx taf kif kienu qed jintużaw il-fondi tal-UE implimentati mill-NGOs u jekk din l-informazzjoni kinitx tinġabar u tiġi vverifikata b’mod xieraq. Sabiex naċċertaw dan, aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni kellhiex informazzjoni komprensiva dwar l-NGOs kollha ffinanzjati, inklużi l-attivitajiet imwettqa u l-fondi riċevuti, kif ukoll jekk kienx hemm sistemi xierqa stabbiliti għall-ġbir ta’ din l-informazzjoni. Aħna eżaminajna wkoll jekk din l-informazzjoni kinitx tippermetti lill-Kummissjoni tikkontrolla l-ispejjeż li jiġu ddikjarati.

Is-sistemi tal-Kummissjoni mhux dejjem jirreġistraw l-informazzjoni dwar il-fondi riċevuti mill-benefiċjarji kollha ta’ kuntratt

41

Aħna sibna li d-dipartimenti tal-Kummissjoni li awditjajna kienu jimmaniġġjaw l-għotjiet bl-użu ta’ sistemi differenti li kienu jinkludu ammonti differenti ta’ informazzjoni dwar il-finanzjament ipprovdut lill-benefiċjarji (ara erba’ eżempji fil-Kaxxa 5)

Kaxxa 5

Informazzjoni miġbura fid-diversi sistemi tal-Kummissjoni

Is-sistema ta’ ġestjoni tal-għotjiet użata mid-DĠ RTD tippermetti l-ġbir u l-ipproċessar ta’ informazzjoni dwar il-finanzjament riċevut minn kull parteċipant.

B’mod simili, is-sistema użata fl-EACEA tirreġistra ripartizzjoni tal-finanzjament għall-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha li kienu rreġistraw din l-informazzjoni fil-formola ta’ applikazzjoni. Is-sistema ta’ ġestjoni tal-għotjiet għal proġetti mmaniġġjati minn aġenziji nazzjonali tinkludi wkoll informazzjoni dwar il-finanzjament riċevut minn kull organizzazzjoni benefiċjarja.

Fil-każ tad-DĠ ENV, ripartizzjoni tal-finanzjament riċevut minn kull sieħeb ta’ għotja multibenefiċjarja24 hija disponibbli fis-sistema li timmaniġġja l-għotjiet taħt il-Programm LIFE, għalkemm f’kopja stampata biss, u dan ma jippermettix li din tiġi analizzata u ttrattata.

L-informazzjoni pprovduta fis-sistema tad-DĠ ECHO tinkludi reġistrazzjoni tas-sehem tal-baġit għal kull sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni. Madankollu, kwalunkwe ammont ieħor li jiġi trasferit permezz ta’ sottogħotjiet ma jiġix irreġistrat fis-sistema.

Il-mudell ta’ rappurtar finanzjarju użat mid-DĠ DEVCO u mid-DĠ NEAR jippermetti li jinkiseb rappurtar konsolidat fil-livell tal-proġetti, bi tqassim għal kull kategorija ta’ spejjeż. Madankollu ma hemm l-ebda ripartizzjoni tal-finanzjament riċevut minn kull wieħed mill-benefiċjarji taħt il-ftehim ta' għotja.

42

Għalhekk, l-informazzjoni miġbura fid-diversi sistemi tal-Kummissjoni mhijiex uniformi u mhux dejjem tippermetti r-reġistrazzjoni tal-fondi riċevuti mill-benefiċjarji kollha ta’ kuntratti.

Fil-qasam tal-azzjoni esterna, il-Kummissjoni ma għandhiex informazzjoni komprensiva dwar l-NGOs kollha li ġew appoġġati

43

Kemm fil-modalità ta’ ġestjoni diretta kif ukoll f’dik ta’ ġestjoni indiretta, aħna sibna bosta proġetti fi ħdan il-kampjun tagħna fejn il-Kummissjoni kellha informazzjoni skorretta dwar l-atturi differenti li jimplimentaw l-azzjoni ffinanzjata. Dan seħħ prinċipalment fil-każ tan-netwerks ta’ NGOs internazzjonali, fejn is-sistemi tal-Kummissjoni kellhom informazzjoni dwar l-istruttura tal-entitajiet inkarigati mill-implimentazzjoni li ma kinitx tirrifletti l-istruttura reali.

44

Għal 4 mill-14-il proġett li eżaminajna fil-modalità ta’ ġestjoni diretta25, aħna sibna li l-NGOs li ffirmaw ftehimiet ta' għotja kienu, permezz ta’ sottogħotjiet, ittrasferew l-implimentazzjoni tal-proġetti lil entitajiet oħra mill-istess netwerk, mingħajr ma rreġistraw din l-informazzjoni fis-sistemi tal-Kummissjoni (ara l-Figura 3).

Figura 3

Proġett 12 - Eżempju ta’ proġett implimentat ma’ netwerk ta’ NGOs internazzjonali

Sors: Il-QEA.

45

Minn dawn l-14-il proġett26, aħna sibna wkoll 3 każijiet fejn l-identifikazzjoni tas-sħab fis-sistemi tal-Kummissjoni kienet toħloq konfużjoni jew kienet tirreferi għal entitajiet ġuridiċi differenti fi ħdan l-istess netwerk ta’ NGOs internazzjonali. Għalhekk, l-informazzjoni disponibbli dwar liema entitajiet implimentaw l-azzjoni u liema minnhom irċevew finanzjament ma kinitx ċara.

46

Barra minn hekk, f’ħames mis-sitt proġetti li eżaminajna fil-modalità ta’ ġestjoni indiretta27, l-informazzjoni li l-Kummissjoni rċeviet mill-korpi tan-NU ma ppermettitilniex li nistabbilixxu x’finanzjament ġie riċevut jew liema attivitajiet twettqu minn kull waħda mill-NGOs li kienu jibbenefikaw minn sottogħotjiet (ara l-Anness III).

47

Fi tnejn minn dawn il-ħames proġetti, il-Kummissjoni kienet talbet informazzjoni addizzjonali u kjarifika mill-korpi tan-NU, madankollu t-tweġibiet li rċeviet kienu jew insodisfaċenti jew inkella intbagħtu biss, wara talbiet ripetuti, ladarba l-attivitajiet tal-proġett kienu diġà kompleti28.

Fil-qafas ta’ ġestjoni indiretta, in-nuqqas ta’ informazzjoni disponibbli xekkel il-kontrolli mwettqa mill-Kummissjoni fuq l-ispejjeż iddikjarati

48

Fil-każ ta’ proġetti li l-Kummissjoni timmaniġġja b’mod indirett, il-kuntratti ġeneralment jinkludu fil-baġit globali tagħhom perċentwal, stabbilit f’rata massima ta’ 7 %, biex ikopri l-ispejjeż ġenerali. F’ħames29 mis-sitt każijiet li ġew eżaminati, aħna sibna spejjeż ġenerali li kienu ġew iddikjarati għal-livelli differenti tal-implimentazzjoni; l-ewwel għall-entità fdata u t-tieni għall-NGOs li kienu jibbenefikaw minn sottogħotjiet30.

Kaxxa 6

Eżempju ta’ spejjeż indiretti li ġew iddebitati b’mod eċċessiv

Fil-Proġett 20, il-korp tan-NU kien ittrasferixxa ċerti attivitajiet lil żewġ NGOs permezz ta’ sottogħotjiet. Fil-ftehimiet li ġew iffirmati, fiż-żewġ każijiet il-baġit kien jinkludi rata fissa ta’ 7 % għall-ispejjeż ġenerali. Dawn tal-aħħar ġew inklużi wkoll fl-ammont totali tal-ispejjeż diretti li ġew iddikjarati mill-korp tan-NU lill-Kummissjoni u ntużaw bħala bażi għall-kalkolu tar-rata fissa ta’ 7 % għall-ispejjeż ġenerali li hija talbet. Dan irriżulta f’debitar eċċessiv tal-ispejjeż ġenerali għall-ispejjeż tal-azzjonijiet implimentati mill-NGOs.

49

Minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni adegwata dwar l-ispejjeż iddikjarati mill-NGOs li kienu jibbenefikaw minn sottogħotjiet, il-Kummissjoni mhux dejjem kienet f’pożizzjoni li tivverifika l-ispejjeż iddikjarati mill-NGOs kollha ffinanzjati. Dan xekkel lill-Kummissjoni milli taqbad każijiet potenzjali ta’ debitar eċċessiv.

L-informazzjoni dwar il-fondi tal-UE implimentati mill-NGOs tiġi ppubblikata f’bosta sistemi, iżda l-informazzjoni ddivulgata hija limitata

50

Aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni kinitx iddivulgat informazzjoni komprensiva u f’waqtha dwar il-fondi li li kienu s-suġġett ta’ kuntratti mal-NGOs għall-oqsma ta' politika li awditjajna. Fil-qasam tal-azzjoni esterna, aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni kinitx ikkonformat mal-istandards internazzjonali ta’ trasparenza tal-għajnuna meta kienet qed tippubblika informazzjoni dwar il-fondi tal-UE implimentati mill-NGOs. Aħna eżaminajna jekk hija kinitx ivverifikat l-adegwatezza tal-informazzjoni ddivulgata minn partijiet terzi li kellhom status ta’ NGOs li kienu jibbenefikaw minn sottogħotjiet iffinanzjati mill-UE. Barra minn hekk, għall-proġetti li awditjajna, aħna vverifikajna l-konsistenza tad-data ppubblikata fid-diversi portali relatati mat-trasparenza.

L-informazzjoni dwar il-kuntratti li jiġu konklużi ma’ NGOs tiġi ppubblikata fis-Sistema ta’ Trasparenza Finanzjarja, iżda hija inkompleta

51

Kull sena, fis-Sistema ta’ Trasparenza Finanzjarja (STF)31 tagħha, il-Kummissjoni tippubblika data dwar il-benefiċjarji ta’ finanzjment li jingħata mill-UE taħt ġestjoni diretta fl-oqsma ta’ politika kollha (ara l-Kaxxa 7). Bil-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni ex post dwar ir-riċevituri ta’ fondi tal-UE fl-STF, il-Kummissjoni tikkonforma mar-rekwiżiti tar-Regolament Finanzjarju32.

Kaxxa 7

Informazzjoni disponibbli fis-Sistema ta’ Trasparenza Finanzjarja tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni ppubblikat id-data li ġejja fl-STF:

  • il-benefiċjarju/i li jirċievi/u l-fondi;
  • l-iskop tan-nefqa;
  • il-lok tal-benefiċjarju;
  • l-ammont u t-tip ta’ nefqa (impenji biss);
  • is-servizz responsabbli li jagħti l-finanzjament;
  • il-parti tal-baġit tal-UE li tipprovdi l-finanzjament;
  • is-sena li fiha l-ammont tniżżel fil-kontijiet tal-Kummissjoni

Sors: https://ec.europa.eu/info/about-european-commission/service-standards-and-principles/transparency/funding-recipients_mt

52

Madankollu, l-STF ma tipprovdix informazzjoni komprensiva dwar il-finanzjament li jingħata lill-NGOs minħabba li:

  • l-ebda informazzjoni dwar il-pagamenti reali ma tiġi ddivulgata;
  • il-kategorija ta’ benefiċjarji “NGO” ma ġietx introdotta qabel l-2016 u ma tintużax b’mod konsistenti minħabba li ma hemmx kriterji għall-identifikazzjoni tal-NGOs; u
  • entitajiet li jirċievu finanzjament permezz ta’ sottogħotjiet ma jiġux iddivulgati.
53

Id-dipartimenti tal-Kummissjoni japplikaw approċċi differenti meta jkunu qed jiddivulgaw il-finanzjament fl-STF. Meta jikkonkludu kuntratti ma’ bosta benefiċjarji, id-DĠ RTD, id-DĠ ENV u d-DĠ EAC (permezz tal-EACEA) jippubblikaw l-ismijiet tal-benefiċjarji kollha u jinkludu ripartizzjoni tal-fondi. Id-DĠ ECHO jippubblika l-ammont finanzjarju u l-isem tal-NGO li magħha l-Kummissjoni tkun iffirmat il-ftehim ta' għotja; huwa ma jiddivulgax informazzjoni dwar sħab oħra inkarigati mill-implimentazzjoni li jkunu qed iwettqu l-azzjoni kollha jew parti minnha (ara l-Figura 3). Id-DĠ NEAR u d-DĠ DEVCO jsemmu l-ismijiet tal-NGOs li magħhom il-Kummissjoni tkun iffirmat ftehim ta' għotja, u l-koapplikanti. Madankollu, l-ammont tal-għotja huwa kollu kemm hu marbut mas-sieħeb ewlieni, mingħajr l-ebda ripartizzjoni għal kull benefiċjarju.

54

Aħna sibna li għall-14-il proġett kollha li ġew eżaminati taħt ġestjoni diretta, l-ammonti ppubblikati fl-STF kienu konsistenti ma’ dawk impenjati fil-ftehimiet ta' għotja. Madankollu, f’ħames każijiet33, xi data li ġiet ippubblikata rigward it-tip ta’ azzjoni jew il-lokalità ġeografika jew inkella s-servizz responsabbli kienet nieqsa jew skorretta.

Informazzjoni addizzjonali, inkluża dik dwar ir-riżultati, tiġi ddivulgata fuq diversi portali relatati mat-trasparenza.
55

Minbarra l-STF, il-Kummissjoni tippubblika informazzjoni dwar l-azzjonijiet iffinanzjati fuq diversi pjattaformi għall-oqsma ta' politika differenti. Pereżempju, fil-qasam tar-riċerka, il-Kummissjoni tiddivulga informazzjoni dwar il-finanzjament tagħha permezz ta’ CORDIS, li jikkostitwixxi repożitorju u portal pubbliċi dwar il-proġetti ta’ riċerka ffinanzjati mill-UE u r-riżultati tagħhom34.

56

Fil-qasam tal-azzjoni esterna, il-Kummissjoni tiddivulga informazzjoni dwar il-finanzjament li jingħata lill-NGOs permezz ta’ bosta portali web relatati mat-trasparenza tal-għajnuna: l-EU Aid Explorer35, is-Sistema ta' Informazzjoni Ewropea għar-Reazzjoni f'Każ ta' Emerġenza u Diżastri (EDRIS)36 u s-Servizz ta’ Traċċar Finanzjarju37. B’mod kumplessiv, l-informazzjoni ppubblikata dwar il-proġetti awditjati kienet konsistenti mal-finanzjament li fil-fatt ġie pprovdut.

L-informazzjoni dwar l-għajnuna umanitarja u l-għajnuna għall-iżvilupp tiġi ġeneralment iddivulgata f’konformità mal-istandards internazzjonali ta’ trasparenza

57

Il-Kummissjoni tirrapporta data dwar l-għajnuna umanitarja u l-għajnuna għall-iżvilupp sabiex tissodisfa l-impenji internazzjonali fir-rigward tat-trasparenza tal-għajnuna. Hija tirrapporta l-informazzjoni fuq is-siti web tal-OECD: is-Sistema ta’ Rappurtar tal-Kredituri38, l-Istħarriġ dwar il-Prospettivi ta' Nfiq39 u r-Reġistru tal-Inizjattiva Internazzjonali għat-Trasparenza tal-Għajnuna (IATI)40 f’konformità mal-istandards komuni internazzjonali.

Il-Kummissjoni ppubblikat data dwar l-għajnuna umanitarja u l-għajnuna għall-iżvilupp skont l-istandard komuni tal-IATI, iżda parti mid-data kienet tippreżenta xi dgħufijiet
58

Il-Kummissjoni tiddivulga data dwar l-għajnuna umanitarja u l-għajnuna għall-iżvilupp billi ssegwi qafas komuni ta’ rappurtar standard li ġie żviluppat taħt l-IATI41, inizjattiva globali li għandha l-għan li żżid it-trasparenza u l-effettività tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

59

B’mod kumplessiv, il-Kummissjoni tippubblika data skont l-istandard tal-IATI. Madankollu, aħna sibna li r-rappurtar ta’ data fil-qafas tal-IATI ma jinkludix data dwar il-fondi fiduċjarji tal-UE u informazzjoni dwar ir-riżultati tal-proġetti ffinanzjati42.

60

Għall-proġetti kkampjunati, aħna qabbilna l-informazzjoni ppubblikata fuq il-portal web tal-IATI, li huwa faċli għall-utent, mad-data reali. L-informazzjoni ġiet ippubblikata għall-proġetti kollha awditjati, iżda aħna sibna bosta żbalji fl-ammonti tal-kuntratti43, fl-iżborżamenti44 u fid-dati ta’ tmiem tal-proġetti45 (ara l-Kaxxa 8).

Kaxxa 8

Eżempji ta’ żbalji li nstabu fid-data li ġiet ippubblikata fil-portal-d tal-IATI

Fil-Proġett 11, l-ammont tal-iżborżamenti li ġie rrappurtat fl-IATI (portal-d) kien żbaljat. L-ammont iddikjarat tal-iżborżamenti kien ta’ EUR 14 000 000, iżda ċ-ċifra reali għandha tkun ta’ EUR 11 200 000, billi l-pagament finali kien għadu ma sarx (fit-2 ta’ Marzu 2018).

Fil-każ tal-Proġett 15, l-ammont tal-kuntratt li ġie ppubblikat fil-portal-d tal-IATI kien żero, filwaqt li l-ammont reali tal-kuntratt kien ta’ EUR 2 000 000 u d-data ta’ tmiem tal-proġett kienet żbaljata minħabba li din ma kinitx ġiet aġġornata biex tirrifletti estensjoni ta’ tliet xhur.

Il-korpi tan-NU ppubblikaw informazzjoni inadegwata dwar il-kuntratti konklużi mal-NGOs

61

Il-Kummissjoni tafda l-implimentazzjoni tal-proġetti taħt ġestjoni indiretta lil partijiet terzi. F’dawn il-każijiet, hija r-responsabbiltà tal-entità fdata li tiddivulga informazzjoni dwar l-għotjiet li jkunu ngħataw permezz ta’ finanzjament mill-UE46.

62

Aħna vverifikajna d-data li ġiet ippubblikata mill-korpi fdati tan-NU rigward is-sitt proġetti taħt ġestjoni indiretta tal-kampjun tagħna (ara l-Anness II). F’ħames każijiet, aħna sibna li l-korpi tan-NU jew ma ppubblikawx47 informazzjoni dwar l-għotjiet mogħtija lill-NGOs, jew inkella ppubblikawha biss parzjalment48, permezz ta’ fondi tal-UE (ara l-Kaxxa 9). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma vverifikatx li l-korpi tan-NU kienu ssodisfaw dan ir-rekwiżit.

Kaxxa 9

Eżempji ta’ korpi tan-NU li ma jippubblikawx informazzjoni dwar il-fondi tal-UE li jiġu trasferiti permezz ta’ sottogħotjiet lill-NGOs

Il-Kummissjoni fdat lil korp tan-NU l-implimentazzjoni tal-Proġett 18 li jirrigwarda l-assistenza fi flus kontanti u l-identifikazzjoni tar-refuġjati fl-Etjopja. Il-korp tan-NU mbagħad kien ittrasferixxa ċerti attivitajiet lil NGO permezz ta’ sottogħotjiet, madankollu, is-sit web tiegħu ma kien jiddivulga l-ebda informazzjoni dwar din is-sottogħotja.

Fl-Etjopja, il-Kummissjoni fdat lil korp tan-NU l-implimentazzjoni tal-Proġett 19, li kellu l-għan li jappoġġa r-riintegrazzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin. Żewġ NGOs lokali implimentaw xi wħud mill-attivitajiet tal-proġett. Fuq is-sit web tiegħu, il-korp tan-NU ppubblika biss informazzjopni limitata dwar il-kuntratti li ġew iffirmati ma’ dawn l-NGOs u ma ddivulgax l-ammonti tal-kuntratti.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

63

L-awditu li wettaqna eżamina jekk il-finanzjament mill-UE implimentat mill-NGOs kienx trasparenti. Dan kien jinkludi l-eżaminar ta’ jekk l-identifikazzjoni ta’ entitajiet bħala NGOs, min-naħa tal-Kummissjoni, kinitx affidabbli u jekk l-għażla tal-NGOs inkarigati mill-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet iffinanzjati mill-UE kinitx trasparenti. Eżaminajna wkoll il-proċess ta’ ġbir, kontroll u ddivulgar xieraq ta’ informazzjoni dwar l-NGOs. Aħna koprejna l-oqsma ta' politika prinċipali li fihom l-NGOs jimplimentaw il-fondi tal-UE, billi ffukajna b’mod partikolari fuq il-qasam ta’ finanzjament l-aktar importanti, jiġifieri dak tal-azzjoni esterna.

64

Aħna kkonkludejna li l-Kummissjoni ma kinitx trasparenti biżżejjed f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE mill-NGOs.

65

Fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, l-eliġibbiltà tal-finanzjament mill-UE ma tiddependix mill-istatus tal-NGO. Il-klassifikazzjoni ta’ entità bħala NGO mhix affidabbli, peress li l-assenjazzjoni tal-istatus tagħha fis-sistema kontabilistika tal-Kummissjoni hija bbażata fuq awtodikjarazzjonijiet, u l-kontrolli mwettqa mill-Kummissjoni huma limitati (ara l-paragrafi 18 sa 27).

66

Fil-Kummissjoni kollha, ma kien hemm l-ebda sistema għar-reġistrazzjoni tal-applikanti għall-finanzjament. Barra minn hekk, id-diversi sistemi użati għar-reġistrazzjoni tal-applikanti għall-finanzjament, inklużi l-NGOs, ma kinux interkonnessi (ara l-paragrafu 22).

Rakkomandazzjoni 1 – Titjib fl-affidabbiltà tal-informazzjoni dwar l-NGOs

Jenħtieġ li l-Kummissjoni ttejjeb il-prestazzjoni tagħha u t-trasparenza tar-rappurtar tagħha dwar l-NGOs li jimplimentaw l-azzjonijiet tal-UE. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni għandha tirċievi informazzjoni xierqa u ttejjeb l-affidabbiltà tal-informazzjoni dwar l-NGOs li jimplimentaw il-fondi tal-UE, li tinsab fis-sistema kontabilistika tagħha billi:

  1. tinkludi, fil-linji gwida interni tagħha dwar il-validazzjoni tal-entitajiet ġuridiċi, kriterji ċari għall-identifikazzjoni tal-NGOs fl-ABAC;
  2. tinkludi, fi ħdan sistema unika ta’ reġistrazzjoni, ir-rekwiżit (jew il-possibbiltà, fil-każ li l-NGOs jesprimu tħassib dwar is-sikurezza) li l-applikanti għal fondi tal-UE jiddikjaraw lilhom infushom bħala NGO, filwaqt li tiddivulga l-kriterji li jkunu se jintużaw biex l-organizzazzjoni tkun tista’ titqies bħala tali.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2020.

67

Fil-qasam tal-azzjoni esterna, aħna sibna li l-għażla tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ proġetti mmexxija mill-NGOs kienet ġeneralment trasparenti. Madankollu, f’ċerti każijiet, kien hemm xi nuqqasijiet. (ara l-paragrafi 28 sa 33).

68

Aħna sibna li d-diversi dipartimenti tal-Kummissjoni ma applikawx il-proċeduri ta’ sottogħotjiet bl-istess mod. L-interpretazzjoni, mid-DĠ ECHO, tar-regoli dwar l-appoġġ finanzjarju li jingħata lil partijiet terzi kienet aktar ġenerali minn dik ta’ direttorati ġenerali oħra u tippermetti bosta livelli tal-implimentazzjoni ma jkollhomx limitu fuq l-ammonti li jiġu trasferiti permezz ta’ sottogħotjiet (ara l-paragrafi 35 u 37).

69

Il-proċeduri tal-għażla li l-korpi awditjati tan-NU applikaw għall-NGOs mhux dejjem kienu trasparenti (ara l-paragrafi 38 u 39).

Rakkomandazzjoni 2 – Verifikazzjoni tal-applikazzjoni tar-regoli li jirrigwardaw is-sottogħotjiet

Fejn l-implimentazzjoni ta’ azzjoni taħt ġestjoni diretta tkun tirrikjedi trasferiment permezz ta’ sottogħotjiet, jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tapplika interpretazzjoni konsistenti tar-regoli applikabbli tar-Regolament Finanzjarju fost is-servizzi differenti, filwaqt li tieħu kont tal-ispeċifiċitajiet settorjali; b’mod partikolari, fejn l-implimentazzjoni ta’ azzjoni tkun tirrikjedi appoġġ finanzjarju li jingħata lil parti terza, il-kundizzjonijiet għal dan l-appoġġ għandhom jiġu ddefiniti fil-ftehim ta' għotja f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tal-2018.
  2. Meta l-korpi tan-NU jagħżlu benefiċjarji taħt ġestjoni diretta, jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  3. tivverifika li l-korpi tan-NU japplikaw b’mod korrett ir-regoli u l-proġeduri tagħhom għall-għażla tas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: minn nofs l-2019 ’il quddiem.

70

Il-Kummissjoni mhux dejjem ġabret u vverifikat b’mod xieraq l-informazzjoni dwar l-NGOs. B’mod partikolari, dawn is-sistemi mhux dejjem ippermettew ir-reġistrazzjoni tal-fondi riċevuti mill-benefiċjarji kollha ta’ kuntratti (ara l-paragrafi 41 sa 42).

71

Fil-qasam tal-azzjoni esterna, il-Kummissjoni ma kellhiex informazzjoni komprensiva dwar il-finanzjament riċevut u dwar l-attivitajiet imwettqa mill-atturi kollha inkarigati mill-implimentazzjoni. Dan seħħ prinċipalment fil-każ tan-netwerks ta’ NGOs internazzjonali u tal-proġetti taħt ġestjoni indiretta. Barra minn hekk, fil-qafas ta’ ġestjoni indiretta, in-nuqqas ta’ informazzjoni disponibbli xekkel il-kontrolli mwettqa mill-Kummissjoni fuq l-ispejjeż iddikjarati (ara l-paragrafi 43 sa 49).

Rakkomandazzjoni 3 – Titjib tal-informazzjoni dwar il-fondi implimentati mill-NGOs

Jenħtieġ li l-Kummissjoni ttejjeb l-informazzjoni miġbura dwar l-NGOs iffinanzjati billi:

  1. tippermetti li d-diversi sistemi ta’ ġestjoni tal-għotjiet jirreġistraw il-finanzjament riċevut mill-benefiċjarji kollha li jkunu kkonkludew kuntratt mal-UE, u mhux biss mill-benefiċjarju ewlieni, b’hekk din l-informazzjoni tkun tista’ tintuża għal skopijiet ta’ analiżi u ta’ trattament;
  2. Fil-qasam tal-azzjoni esterna, jenħtieġ li l-Kummissjoni ttejjeb it-traċċabbiltà tal-fondi billi:

  3. fil-każ ta’ azzjonijiet implimentati minn netwerks ta’ NGOs internazzjonali, tidentifika fis-sistemi tagħha l-entitajiet li effettivament jimplimentaw l-azzjonijiet iffinanzjati;
  4. fil-każ ta’ proġetti taħt ġestjoni indiretta permezz ta’ korpi tan-NU, tivverifika li tiġi pprovduta informazzjoni suffiċjenti dwar l-ispejjeż indiretti ddikjarati għall-NGOs iffinanzjati, b’hekk tkun tista’ titwettaq valutazzjoni tal-ispejjeż iddikjarati mill-atturi kollha inkarigati mill-implimentazzjoni.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: nofs l-2021.

72

L-informazzjoni dwar il-fondi tal-UE implimentati mill-NGOs tiġi ppubblikata f’bosta sistemi, iżda l-informazzjoni ddivulgata hija limitata, ħlief fil-qasam tal-azzjoni esterna (ara l-paragrafi 51 sa 56).

73

Ġeneralment, il-Kummissjoni ddivulgat data dwar l-għajnuna umanitarja u l-għajnuna għall-iżvilupp f’konformità mal-istandards internazzjonali ta’ trasparenza, iżda parti mid-data kienet tippreżenta xi dgħufijiet (ara l-paragrafi 58 sa 60).

74

F’ħames każijiet, il-korpi fdati tan-NU jew ma ppubblikawx il-kuntratti konklużi mal-NGOs, jew inkella ppubblikawhom biss parzjalment, u l-Kummissjoni ma vverifikatx jekk il-korpi tan-NU kinux issodisfaw dan ir-rekwiżit (ara l-paragrafi 62).

Rakkomandazzjoni 4 – Standardizzazzjoni u titjib fil-preċiżjoni tal-informazzjoni ppubblikata

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tadotta approċċ uniformi fost is-servizzi kollha għall-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni fis-Sistema ta’ Trasparenza Finanzjarja, filwaqt li tiżgura li l-benefiċjarji kollha li jkunu kkonkludew kuntratt mal-UE jiġu ddivulgati, flimkien mal-ammont tal-finanzjament mogħti.
  2. Data mmirata għall-implimentazzjoni: nofs l-2021.

    Fil-qasam tal-azzjoni esterna, jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  3. tkompli żżid il-konformità tagħha mal-istandards internazzjonali dwar it-trasparenza tal-għajnuna billi tirrapporta informazzjoni dwar ir-riżultati tal-proġetti ffinanzjati u data dwar il-fondi fiduċjarji tal-UE;
  4. tivverifika li l-korpi tan-NU jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jiddivulgaw b’mod adegwat il-kuntratti li jiġu konklużi permezz ta’ finanzjament mill-UE.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: nofs l-2021.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla V, immexxija mis-Sur Lazaros S. LAZAROU, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-5 ta’ Diċembru 2018.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President

Annessi

Anness I

Proġetti awditjati taħt ġestjoni diretta

Nru Referenza tal-kuntratt Titolu tal-kuntratt Kuntrattur Ammont (EUR) Dati għall-implimentazzjoni
Il-Libanu DĠ ECHO 1 ECHO/SYR/BUD/2016/91034 Għoti ta’ assistenza fi flus kontanti b’bosta skopijiet biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ refuġjati Sirjani vulnerabbli fil-Libanu NGO internazzjonali 31 050 000 1.6.2016 - 31.5.2017
2 ECHO/SYR/BUD/2014/91020 Intervent ta’ emerġenza għall-persuni l-aktar vulnerabbli li huma affettwati mill-kriżi fis-Sirja (il-Fażi 4) NGO internazzjonali 5 500 000 1.7.2014 - 31.3.2015
3 ECHO/SYR/BUD/2016/91024 Assistenza ta’ protezzjoni f’każ ta’ emerġenza li tingħata lir-refuġjati u lill-popolazzjonijiet ospitanti li huma affettwati mill-kunflitti u mill-ispostament fil-provinċji tat-Tramuntana u ta’ Beka'a, il-Libanu NGO internazzjonali 1 500 000 1.4.2016 - 30.4.2017
DĠ NEAR 4 2015/364-146 Titjib tal-provvista sikura tal-ilma u tal-immaniġġjar tal-iskart għall-popolazzjoni vulnerabbli li hija affettwata mill-kriżi fis-Sirja fin-Nofsinhar tal-Libanu NGO internazzjonali 2 110 823 17.9.2015 - 16.9.2017
5 2013/282-595 Tnedija ta’ approċċ globali fl-għoti ta’ appoġġ u fl-għoti tas-setgħa lill-migranti matul iċ-ċiklu kollu ta’ migrazzjoni u lir-refuġjati fil-Libanu NGO internazzjonali 1 914 506 31.7.2013 - 30.7.2016
6 2014/350-232 L-indipendenza tal-Ġudikatura fil-Libanu: prijorità soċjali NGO lokali 1 000 000 16.10.2014 - 15.5.2018
7 2015/371-135 L-OSĊ Libaniżi jsemmgħu leħinhom lejn żvilupp inklużiv u sostenibbli fil-qasam tal-agrikoltura u l-ambjent fit-Tramuntana tal-Libanu NGO internazzjonali 470 949 1.2.2016 - 28.2.2018
L-Etjopja DĠ ECHO 11 ECHO/-HF/EDF/2015/01001 Ir-raba’ Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni f'Każ ta' Emerġenza (ERM) fl-Etjopja NGO internazzjonali 14 000 000 1.1.2016 - 30.6.2017
12 ECHO/-HF/EDF/2015/01025 Distribuzzjoni urġenti ta’ żrieragħ mal-Gvern tal-Etjopja (SERGE) NGO internazzjonali 5 000 000 26.5.2016 - 25.3.2017
13 ECHO/-HF/EDF/2015/01017 Reazzjoni f'każ ta' emerġenza multisettorjali għal komunitajiet vulnerabbli ta’ ħames woredas (distretti) tar-reġjun ta’ Afar, l-Etjopja NGO internazzjonali 1 500 000 1.3.2016 - 31.8.2017
DĠ DEVCO 14 2014/343-843 Konservazzjoni tal-Bijodiversità u tal-Funzjonijiet tal-Ekosistemi kif ukoll titjib fil-benessri tal-Komunitajiet taż-Żoni Muntanjużi u tal-Artijiet Baxxi fi ħdan l-Ekoreġjun ta’ Bale NGO internazzjonali 5 000 000 9.7.2014 - 8.4.2018
15 2014/340-882 Bini tal-Kapaċità ta’ Reżiljenza u Rkupru għall-Popolazzjoni Vulnerabbli taż-żona ta’ Wag Himra, ir-reġjun ta’ Amhara, l-Etjopja NGO internazzjonali 2 000 000 17.4.2014 - 16.7.2017
16 2016/376-321 Ġestjoni tar-Riżorsi Naturali Pastorali u Agropastorali kif ukoll Inizjattivi għal Għajxien (PANRMLI) NGO lokali 197 865 1.7.2016 - 31.10.2018
17 2014/341-464 Proġett ta’ Titjib tas-Saħħa Riproduttiva tal-Komunitajiet Pastorali ta’ Afar NGO lokali 180 000 12.4.2014 - 11.4.2016

Anness II

Proġetti awditjati taħt ġestjoni diretta

Nru Referenza tal-kuntratt Titolu tal-kuntratt Kuntrattur Ammont (EUR) Dati għall-implimentazzjoni NGO li tibbenefika minn sottogħotjiet
Il-Libanu DĠ ECHO 8 ECHO/SYR/BUD/2016/91010 Provvediment ta’ protezzjoni u ta’ assistenza umanitarja lir-refuġjati li jgħixu fil-Libanu Korp tan-NU 30 000 000 1.4.2016 - 31.3.2017 NGO internazzjonali u NGO lokali
DĠ NEAR 9 2015/367-663 Għoti ta’ appoġġ lit-tfal ta’ età tal-iskola li huma affettwati mill-kriżi fis-Sirja biex ikollhom aċċess għal opportunitajiet ta’ tagħlim kif ukoll biex tiġi żgurata l-kura tas-saħħa u jitnaqqsu l-vulnerabbiltajiet tat-tfal, tan-nisa u ta’ dawk il-persuni li jindukraw fil-Libanu Korp tan-NU 37 920 556 1.9.2015 - 31.8.2017 NGO internazzjonali u NGO lokali
10 2015/371-621 Tisħiħ tal-Aċċess għal Servizzi relatati mal-Mard li Ma Jitteħidx u għal dawk tas-Saħħa Mentali fil-livell tal-Kura tas-Saħħa Primarja għal Refuġjati Sirjani vulnerabbli u l-komunitajiet Libaniżi fil-Libanu Korp tan-NU 2 308 000 1.1.2016 - 31.3.2017 NGO lokali
L-Etjopja DĠ ECHO 18 ECHO/-HF/BUD/2015/91054 Assistenza fi flus kontanti li tingħata lir-Refuġjati Somali, Eritreani, Sudaniżi tan-Nofsinhar u Sudaniżi, kif ukoll identifikazzjoni bijometrika tar-refuġjati Korp tan-NU 5 000 000 1.4.2015 - 31.3.2016 NGO internazzjonali
DĠ DEVCO 19 2015/358-720 Appoġġ għar-Riintegrazzjoni tal-Persuni Rimpatrijati fl-Etjopja Korp tan-NU 5 000 000 1.1.2015 - 31.12.2018 Żewġ NGOs lokali
20 2014/346-779 Titjib tar-Reżiljenza Pastorali (PPR) permezz ta’ forniment ta’ servizz imtejjeb tas-saħħa tal-annimali f’żoni pastorali tal-Etjopja. Korp tan-NU 9 277 294 26.7.2014 - 25.11.2018 Żewġ NGOs internazzjonali

Anness III

Valutazzjoni tal-proġetti individwali - Stampa ġenerali

Nru tal-Proġett Proċess tal-għażla ta’ proġetti mmexxija mill-NGOs, imwettaq mill-Kummissjoni Proċess tal-għażla ta’ NGOs, imwettaq minn partijiet terzi Informazzjoni dwar il-finanzjament mill-UE Użu li jsir mill-informazzjoni Pubblikazzjoni
Trasparenza tal-proċess tal-għażla Valutazzjoni tal-kapaċità tas-sħab NGOs Trasparenza tal-proċess tal-għażla Valutazzjoni tal-kapaċità tas-sħab NGOs Is-sistemi tal-Kummissjoni juru kif jitqassmu l-kompiti fl-attivitajiet tal-NGOs Is-sistemi tal-Kummissjoni juru l-finanzjament riċevut minn kull NGO L-informazzjoni tippermetti li tiġi vvalutata r-raġonevolezza tal-ispejjeż L-informazzjoni tista’ tintuża għall-identifikazzjoni u l-korrezzjoni tal-problemi ta’ implimentazzjoni L-informazzjoni tista’ tintuża għall-koordinazzjoni Sistema ta’ Trasparenza Finanzjarja IATI Portali oħra / Dokumenti tal-entitajiet fdati
1 Parzjalment Iva m/a m/a Parzjalment Iva Iva Parzjalment Iva Parzjalment Parzjalment Iva
2 Parzjalment Le m/a m/a Iva Iva Iva Iva Iva Parzjalment Parzjalment Parzjalment
3 Parzjalment Iva m/a m/a Iva Iva Iva Iva Iva Iva Iva Iva
4 Iva Iva m/a m/a Parzjalment Parzjalment Iva Iva Iva Parzjalment Parzjalment Parzjalment
5 Iva Iva Iva Iva Iva Parzjalment Iva Iva Iva Parzjalment Parzjalment Le
6 Iva Iva m/a m/a Iva le iva Iva Iva Parzjalment Parzjalment Parzjalment
7 Iva Iva Iva Iva Iva Iva Iva Iva Iva Parzjalment Parzjalment Parzjalment
8 m/a m/a Iva Iva Le Le Le Le Le m/a m/a Parzjalment
9 m/a m/a Le Iva Le Le Le Le Le m/a m/a Le
10 m/a m/a Iva Iva Parzjalment Parzjalment Le Iva Parzjalment m/a m/a Iva
11 Parzjalment Iva Iva Iva Parzjalment Iva Iva Iva Iva Iva Parzjalment Iva
12 Parzjalment Iva Iva Iva Parzjalment Parzjalment Parzjalment Iva Iva Iva Parzjalment Parzjalment
13 Parzjalment Iva m/a m/a Le Iva Iva Iva Iva Iva Parzjalment Iva
14 Iva Iva m/a m/a Iva Iva Parzjalment Iva Iva Parzjalment Parzjalment Parzjalment
15 Iva Iva m/a m/a Parzjalment Iva Iva Iva Iva Parzjalment Parzjalment Parzjalment
16 Iva Parzjalment m/a m/a Iva Le Iva Iva Iva Parzjalment Parzjalment Parzjalment
17 Iva Parzjalment m/a m/a Iva Le Iva Iva Parzjalment Parzjalment Parzjalment Parzjalment
18 m/a m/a Le Iva Parzjalment Le Le Iva Parzjalment m/a m/a Le
19 m/a m/a Iva Iva Parzjalment Le Le Iva Parzjalment m/a m/a Parzjalment
20 m/a m/a Le Iva Iva Parzjalment Le Iva Parzjalment m/a m/a Le

Risposti tal-Kummissjoni

Sommarju eżekuttiv

III

Il-Kummissjoni tqis li l-finanzjament tagħha huwa trasparenti biżżejjed u li l-NGOs ma għandhomx jiġu identifikati bħala kategorija partikolari ta’ benefiċjarji.

Fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet, dment li l-applikanti jikkonformaw mal-kriterji tal-eliġibbiltà, l-enfasi tal-Kummissjoni hija fuq id-deskrizzjoni tal-proġett u jekk din taqbilx mal-għanijiet tal-programm u kif din tista’ tikkontribwixxi għall-kisbiet tagħhom. Billi r-reġistrazzjoni tal-istatus tal-NGO mhijiex rekwiżit legali u billi l-NGOs ma għandhomx definizzjoni legali, is-sistema kontabilistika ma tirreġistrax fondi speċifikament diretti lejn is-settur tal-NGOs.

IV

Ir-reġistrazzjoni tal-istatus ta’ NGO ta’ benefiċjarji fis-sistema kontabilistika tal-Kummissjoni mhijiex obbligatorja, minħabba n-nuqqas ta’ bażi legali għat-trattament differenti tal-NGOs minn benefiċjarji oħra u fin-nuqqas ta’ definizzjoni komuni ta’ NGO. Barra minn hekk, l-ebda rekwiżit ta’ trasparenza finanzjarja ma jsemmi speċifikament li r-rappurtar dwar il-finanzjament tal-NGOs huwa meħtieġ.

Għalhekk il-Kummissjoni tqis li l-klassifikazzjoni magħmula fis-sistema kontabilistika tagħha ma tistax titqies bħala li mhijiex affidabbli.

V

Id-dipartimenti tal-Kummissjoni jużaw il-flessibilità inkluża fir-Regolament Finanzjarju biex titwassal l-għajnuna f’diversi modi.

Meta tingħata għajnuna permezz ta’ sostenn finanzjarju lil partijiet terzi, kuntesti operattivi speċifiċi, bħal għajnuna umanitarja, issa huma rikonoxxuti fir-Regolament Finanzjarju l-ġdid, li jinkludi taħt l-Artikolu 204 (l-aħħar sentenza) li “dan il-limitu jista’ jinqabeż meta l-kisba tal-objettivi tal-azzjonijiet b’xi mod ieħor tkun impossibbli jew diffiċli wisq”.

Barra minn hekk, ir-Regolament Finanzjarju ma jiddefinixxix l-għadd ta’ saffi ta’ implimentazzjoni.

VI

L-informazzjoni miġbura dwar il-fondi tal-UE implimentati minn NGOs ma tistax tkun uniformi. It-tip ta’ informazzjoni mitluba jkun jiddependi fuq il-kuntest li fih il-fondi tal-UE jiġu implimentati.

Il-Kummissjoni tixtieq tirrimarka li hija timmonitorja b’mod attiv l-implimentazzjoni tal-proġetti u twettaq il-verifiki finanzjarji meħtieġa. F’konformità mal-qafas legali rilevanti, il-Kummissjoni tista’:

  • Titlob lill-benefiċjarji jagħmlu disponibbli l-informazzjoni finanzjarja kollha dwar proġett;
  • Twettaq verifiki, inklużi verifiki fuq il-post, relatati ma’ operazzjonijiet iffinanzjati mill-UE.
IX

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjonijiet kollha ħlief l-ewwel waħda għar-raġunijiet stabbiliti fit-tweġibiet.

Introduzzjoni

1

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-interess li qed jikber fit-trasparenza tal-finanzjament ta’ NGOs.

2

Il-Kummissjoni tinnota li l-insegwiment ta’ trasparenza jenħtieġ jiġi kkontestwalizzat kif ġej:

  • Mhija mogħtija jew proposta l-ebda definizzjoni komuni tal-UE tal-NGOs mil-leġiżlatur u n-nuqqas ta’ tali definizzjoni jenħtieġ li jinkwadra l-aspettattivi rigward l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni dwar l-NGOs;
  • kull tentattiv ta’ definizzjoni ta’ NGO għandu jiġi bbilanċjat mal-bżonn li jiġi protett l-ispazju għall-immanuvrar tal-NGOs.
Kaxxa 1 - X’inhi NGO?

Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 2.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li l-kriterji ta’ komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1997 ma ġewx replikati fl-atti bażiċi tal-Kummissjoni.

B’mod speċifiku, il-Kummissjoni tixtieq tindika li fil-qasam tal-politika tal-għajnuna għall-iżvilupp, it-terminu “CSO” jintuża aktar minn NGO. COM(2012) 49249 jiddefinixxi OSĊ li l-NGOs huma subsett tagħhom.

6

L-Artikolu 35 tar-Regolament Finanzjarju ma jagħmilx referenza espliċita għall-NGOs.

Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ għajnuna umanitarja, jista’ ma jkunx xieraq li tiġi żvelata l-informazzjoni kollha miġbura f’żoni ta’ kunflitt billi dan jista’ jipperikola l-partijiet involuti. Fil-kuntest tal-għajnuna għall-iżvilupp, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni tgawdi mil-libertà ta’ diskrezzjoni biex tiddeċiedi li tiżvela informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta’ fondi tal-Unjoni f’oqsma ta’ politika sensittivi (ara l-Art 4(5) tas-CIR): “fl-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni (...) il-Kummissjoni għandha, fejn adatt, tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tiżgura l-viżibbiltà tal-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni. Dawn għandhom jinkludu miżuri li jimponu rekwiżiti ta’ viżibbiltà fuq reċipjenti ta’ fondi tal-Unjoni, minbarra f’każijiet debitament iġġustifikati.”).

Osservazzjonijiet

18

Billi r-reġistrazzjoni tal-istatus tal-NGOs mhuwiex rekwiżit legali u billi l-NGOs ma għandhomx definizzjoni legali, is-sistema kontabilistika mhijiex imfassla biex tirreġistra fondi speċifikament diretti lejn is-settur tal-NGOs. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tqisx li l-identifikazzjoni ta’ NGOs mhijiex waħda affidabbli.

19

Fid-dawl tan-nuqqas ta’ definizzjoni u n-nuqqas ta’ rekwiżiti speċifiċi għall-NGOs fir-Regolament Finanzjarju, ma hemmx raġunijiet li abbażi tagħhom il-Kummissjoni tkun teħtieġ li tiżviluppa strateġija li timmira speċifikament għall-NGOs.

20

Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 19.

23

L-applikanti se jkollhom bżonn jirreġistraw darba fis-sistema SEDIA, iżda se jenħtieġu aġġornamenti tas-sistema ta’ reġistrazzjoni tagħhom meta l-informazzjoni ma tkunx aktar valida.

24

Qed jiġu mwettqa verifiki bir-reqqa biex tiġi żgurata l-konformità ma’ kriterji ta’ eliġibbiltà, li jinkludu l-istatus ta' mingħajr fini ta’ qligħ, u d-dettalji tar-reġistrazzjoni — inkluża l-validazzjoni tal-forma legali.

Fir-rigward tal-għotjiet operattivi ta’ LIFE, l-istatuti u d-dokumenti tar-reġistrazzjoni tal-applikanti kollha jiġu vverifikati sistematikament50.

Fil-każ ta’ għajnuna umanitarja, NGO tista’ tidħol biss f’relazzjoni kuntrattwali speċifika biex timplimenta Pjan ta’ Azzjoni wara li tkun iffirmat Ftehim Qafas ta’ Sħubija (FPA, Framework Partnership Agreement). Il-Kummissjoni tivverifika bir-reqqa l-istatus tal-NGO qabel tiffirma l-FPA u tibgħat it-tagħrif lill-ABAC.

26

Il-kriterji ta’ eliġibbiltà jiġu vverifikati għall-parteċipanti kollha f’sejħiet għal proposti magħżula biex jirċievu finanzjament qabel ma jiġu ffirmati ftehimiet ta’ għotja. Dan huwa prinċipju inkorporat fir-Regolament Finanzjarju.

Ħafna universitajiet u istituti ta’ riċerka huma karitajiet, indipendenti mill-Gvern u mingħajr skop ta’ qligħ, li jaġixxu għall-ġid pubbliku. F’xi Stati Membri, dawn l-elementi jindikaw li huma NGOs. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-informazzjoni li għandha hija affidabbli, u li l-affidabbiltà tagħha ma hijiex affettwata min-nuqqas ta’ validazzjoni tal-istatus tal-NGO. In-nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-NGOs huwa dovut għall-fatt li ma hemm l-ebda definizzjoni komuni għall-UE ta’ NGO.

27

Il-bandiera tal-NGO tista’ ssir biss obbligatorja fl-ABAC jekk ikun intlaħaq ftehim dwar definizzjoni komuni ta’ x’tikkostitwixxi NGO u jekk tiġi introdotta bażi ġuridika biex jiġu identifikati l-NGOs.

Huwa obbligatorju biss li jimtela t-tip ta’ entità ġuridika għal kull reġistrazzjoni fl-ABAC. Għall-proġett 16, it-tip ta’ forma legali rreġistrata hija Organizzazzjoni Mingħajr Skop ta’ Qligħ fl-ABAC.

Is-sistema ta’ reġistrazzjoni PADOR hija lokali u ma tfornixl-informazzjoni fl-entità legali tar-reġistrazzjoni awtomatikament .

29

Il-proċeduri tal-għażla jiddependu fuq il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni (jiġifieri għotjiet, kuntratt ta’ servizz, eċċ.) li jintgħażlu skont l-objettivi tal-programm, u mhumiex ibbażati fuq il-benefiċjarji/l-isħab fl-implimentazzjoni potenzjali.

Jekk l-NGOs jistgħux jirċievu finanzjament skont l-istess kundizzjonijiet jiddependi fuq il-linji gwida l-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għall-offerti, u huwa ddeterminat ukoll abbażi tal-objettivi tal-programm.

32

Ir-Regolament Finanzjarju ma jimponix verifika sistematika tad-dokumenti kollha ta’ prova.

Obbligu ġenerali li jiġu ppreżentati d-dokumenti ta’ sostenn joħloq piż amministrattiv tqil (kemm għall-applikanti kif ukoll għall-Kummissjoni) u jista’ jdewwem sostanzjalment il-proċeduri ta’ għoti.

L-informazzjoni pprovduta trid tkun veritiera u li tkun tista’ tiġi vverifikata jekk ikun hemm xi dubju. F’każ ta’ informazzjoni qarrieqa, l-applikant jista’ jiġi eliminat mill-proċess.

33

Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, id-dikjarazzjonijiet kollha mill-benefiċjarji potenzjali mhumiex sistematikament iċċekkjati mill-Awtorità Kontraenti. Fil-fatt, applikant jista’ jkun miċħud — jew il-kuntratt jiġi tterminat — fil-każ ta’ dikjarazzjonijiet foloz.

36

Il-Kummissjoni tixtieq tirrimarka li d-DĠ ECHO uża l-flessibbiltà prevista fir-Regolament Finanzjarju.

Meta tingħata għajnuna permezz ta’ sostenn finanzjarju lil partijiet terzi, kuntesti operattivi speċifiċi, bħal għajnuna umanitarja issa huma rikonoxxuti fir-Regolament Finanzjarju l-ġdid, li jinkludi taħt l-Artikolu 204 (l-aħħar sentenza) li “dan il-limitu jista’ jinqabeż meta l-kisba tal-objettivi tal-azzjonijiet b’xi mod ieħor tkun impossibbli jew diffiċli wisq”.

Għad-DĠ ECHO, dan l-approċċ huwa ġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet operattivi importanti ħafna relatati mal-ħtieġa li l-programm tal-Għajnuna Umanitarja tal-UE jiġi implimentat malajr mill-operatur l-aktar kapaċi skont iċ-ċirkostanzi prevalenti; dan jitlob li jkun hemm flessibilità ġeneruża matul il-katina tal-implimentazzjoni tal-għajnuna umanitarja.

Barra minn hekk, ir-Regolament Finanzjarju ma jiddefinix l-għadd ta’ saffi ta’ implimentazzjoni.

37

Il-Kummissjoni tirreferi għar-risposta tagħha fil-paragrafu 36.

39

Il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li, taħt ġestjoni indiretta, sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni jista’ juża r-regoli tiegħu għall-għoti ta’ għotjiet, meta dawn ir-regoli jkunu ġew ivvalutati b’mod pożittiv. Jekk is-sistemi u l-proċeduri tal-entità jinbidlu, l-entità trid tgħarraf lill-Kummissjoni.

Filwaqt li huma soġġetti għall-valutazzjonijiet tal-pilastri, l-organizzazzjonijiet jistgħu jużaw il-proċeduri tagħhom stess, il-FAFA ma jistabbilix fid-dettall il-proċeduri kollha għall-għażla tal-NGOs. Huwa importanti li ssir distinzjoni bejn il-kunċetti bħal delegat, subdelegat, sieħeb ta’ implimentazzjoni, subgħotja u l-benefiċjarju ta’ appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi u r-rwoli ta’ dawn l-entitajiet.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li l-valutazzjoni tal-pilastri pożittiva hija mogħtija bħala prekundizzjoni għal ġestjoni indiretta. Din ma tingħatax għal ftehim speċifiku.

Kaxxa 4 — Eżempju ta’ proċess tal-għażla mwettaq minn parti terza li ma kienx konformi mar-regoli ta’ selezzjoni interna tagħha stess

Fl-għażla tal-imsieħba implimentattivi, il-kapaċità tal-imsieħba tal-gvern reġjonali f’reġjun remot u diffiċli ġiet ikkunsidrata.

L-entitajiet jistgħu l-ewwel jiżguraw sostenn minn awtoritajiet reġjonali għal proġett, imbagħad il-fondi jkunu garantiti u l-kuntratt jiġi ffirmat, u jkun wara biss li din l-entità tiffirma l-Memorandum ta’ Qbil mal-imsieħba tal-gvern reġjonali. Dan jista’ jispjega s-sekwenza fl-osservazzjoni tal-QEA.

Kaxxa 5 - Informazzjoni miġbura fid-diversi sistemi tal-Kummissjoni

Fil-każ tad-DĠ ECHO, l-għotjiet ta’ azzjoni huma għotjiet benefiċjarji uniċi mogħtija lil entitajiet li jkunu kkonkludew Ftehim Qafas ta’ Sħubija mal-ECHO. B’hekk, fis-sistema interna tiegħu, il-finanzjament tad-DĠ ECHO huwa korrettament allokat lill-entità legali li magħha l-Kummissjoni stabbiliet impenn legali skont it-termini tar-Regolament Finanzjarju.

Filwaqt li l-imsieħba implimentattivi ma jkunux dejjem magħrufa fl-istadju tat-talba, billi din l-informazzjoni tista’ tkun għadha mhux disponibbli għall-Imsieħba, is-sistema fil-fatt diġà tipprovdi sabiex din l-informazzjoni tiġi aġġornata matul l-implimentazzjoni, u definittivament qabel ir-rapport finali. L-imsieħba huma meħtieġa kuntrattwalment li jiżguraw, fl-istadju tar-rapport finali, l-adegwatezza taċ-ċifri (l-imsieħba implimentattivi u s-sehem tagħhom) taħt ġestjoni diretta.

Ir-reġistru ġenerali mibgħut mill-imsieħba tad-DĠ ECHO fl-istadju tar-rapport finali jipprovdi d-dettalji kollha tan-nefqiet imġarrba matul l-implimentazzjoni tal-azzjoni. Minbarra dan, jekk l-imsieħba jkunu jistgħu jipprovdu r-reġistru ġenerali f’konformità mar-rapportar finanzjarju tagħhom stess din tkun kontribuzzjoni għall-appel għal simplifikazzjoni li saret mill-Istituzzjonijiet Ewropej fiż-żmien tat-tħejjija tal-FPA għall-2014.

Il-ħames inċiż: Il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li l-mudelli tal-PRAG attwali jeħtieġu rapportar dwar ir-riżultati, mhux dwar il-finanzjament għal kull benefiċjarju.

42

Il-Kummissjoni tiġbor l-informazzjoni li hija teħtieġ biex tissodisfa l-obbligu tagħha li tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba. Hija tevita li tiġbor informazzjoni li mhijiex meħtieġa għal dan il-għan biex jiġi limitat il-piż amministrattiv fuq il-parteċipanti.

43

Fir-rigward ta’ netwerks ta’ NGOs internazzjonali, id-diversi servizzi tal-Kummissjoni jistgħu, f’konformità mal-atti rispettivi u mal-prijoritajiet operazzjonali bażiċi tagħhom, jaħdmu ma’ membri ta’ netwerks skont varjetà ta’ arranġamenti, kif previst skont ir-Regolament Finanzjarju.

L-entitajiet li jiffurmaw parti minn netwerk jistgħu jikkostitwixxu ir-riċevituri ta’ appoġġ finanzjarju lil persuni terzi. L-informazzjoni miġbura dwar il-fondi tal-UE implimentati mill-NGOs ma tistax tkun uniformi. It-tip ta’ informazzjoni mitluba jkun jiddependi fuq il-kuntest li fih il-fondi tal-UE jiġu implimentati.

44

Il-Kummissjoni tosserva bis-sħiħ l-obbligi ta’ rapportar tagħha, peress li l-unika relazzjoni kuntrattwali tagħha hija dik stabbilita mal-Imsieħeb tal-FPA tagħha. Din hija l-unika relazzjoni li s-STF tirrikjedi rapportar dwarha. Ara wkoll ir-risposti tal-Kummissjoni għall-Kaxxa 5.

In-netwerks ta’ NGOs internazzjonali kienu trasparenti billi pprovdew informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-arranġamenti ta’ ħidma tagħhom. L-objettiv għal dawn in-netwerks ta’ NGOs internazzjonali huwa li jiksbu titjib fl-effiċjenza billi jiġu kkonċentrati l-għarfien espert u n-know-how f’arranġament uniku fil-qasam u jkunu f’pożizzjoni li jirreaġixxu malajr għal kriżi.

Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tipprovdi aktar ċarezza sa mill-2019.

45

Il-Kummissjoni tidħol f’relazzjoni kuntrattwali mal-Imsieħeb FPA tagħha, l-unika entità legali skont it-termini tar-Regolament Finanzjarju. Barra minn dan, il-Kondizzjonijiet Ġenerali tal-FPA jistipulaw li r-relazzjoni bejn id-DĠ ECHO u l-NGO hija bbażata fuq sħubija b’responsabbiltà sħiħa tal-imsieħba għall-attivitajiet kollha implimentati permezz tal-imsieħba implimentattivi tagħha. L-imsieħba huma għalhekk meħtieġa kuntrattwalment li jiżguraw, fl-istadju tar-rapport finali, l-adegwatezza taċ-ċifri (l-imsieħba implimentattivi u s-sehem tagħhom) taħt ġestjoni diretta.

Barra minn hekk, l-iffirmar ta’ FPA ma’ NGOs ibbażati fl-UE jipprovdi garanzija għal infurzar aktar faċli ta’ kwalunkwe ftehim ta’ għotja konkluż. Dan jiżgura li l-interessi finanzjarji tal-UE jiġu protetti b'mod adegwat.

46

Għal ġestjoni indiretta, il-korpi tan-NU mhumiex taħt obbligu legali li jirreġistraw il-finanzjament tal-NGOs u għalhekk lanqas l-informazzjoni dwar is-subgħotja tagħhom speċifikament lill-NGOs ma tistax issir disponibbli fis-sistemi tal-Kummissjoni.

Ma hemm l-ebda rekwiżit fir-Regolament Finanzjarju (u ebda rekwiżit ta’ rapportar mill-awtorità baġitarja) li jiġi rreġistrat il-finanzjament riċevut mill-NGO terza taħt ġestjoni indiretta, saħansitra aktar fil-kuntest tan-nuqqas ta’ definizzjoni ta’ NGO.

Kaxxa 6 - Eżempju ta’ iċċarġjar żejjed ta’ kostijiet indiretti

Dan huwa parti mill-mod kif jiġu kkostitwiti l-għotjiet: l-għotjiet huma magħmula minn kostijiet diretti u indiretti. Il-kostijiet indiretti huma kkalkulati bħala perċentwal tal-kostijiet diretti. Huwa ċar li kemm l-entità ta’ implimentazzjoni u kemm ir-riċevituri ta’ fondi tal-UE t-tnejn għandhom kostijiet ġenerali fl-implimentazzjoni tagħhom tal-baġit tal-UE.

Għall-proġett 20, missjoni ta’ verifika esterna ġġenerat miżuri korrettivi li jinkludu rkupri.

49

F’ġestjoni indiretta, il-valutazzjoni tal-pilastru ex ante tipprovdi l-assigurazzjoni li l-Kummissjoni tista’ toqgħod fuq is-sistemi, ir-regoli u l-proċeduri tal-entità fdata, peress li huma jitqiesu ekwivalenti għal dawk użati mill-Kummissjoni. Dawn is-sistemi, ir-regoli u l-proċeduri jiggarantixxu l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Għalhekk, skont din il-modalità ta’ ġestjoni, il-Kummissjoni mhix meħtieġa li tkun f’pożizzjoni li tiċċekkja sistematikament il-kostijiet iddikjarati mill-NGOs tas-subgħotja.

Il-Kummissjoni timmonitorja b’mod attiv l-implimentazzjoni ta’ proġetti u, fejn tqis li jkun meħtieġ, tista’ twettaq il-verifiki finanzjarji meħtieġa. F’konformità mal-Anness tal-FAFA konkluż man-NU, il-Kummissjoni tista’:

  • Titlob lin-NU jagħmlu disponibbli l-informazzjoni finanzjarja kollha dwar proġett;
  • Twettaq verifiki, inklużi verifiki fuq il-post, relatati ma’ operazzjonijiet iffinanzjati mill-UE.
50

Hemm sistema ta’ twissija (permezz tal-ABAC) fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi esklużi jew soġġetti għal penali finanzjarja (EDES).

52

L-ewwel inċiż: Dan mhuwiex meħtieġ mir-Regolament Finanzjarju. Għall-biċċa l-kbira tal-proġetti, il-pagamenti huma mifruxa fuq bosta snin (u pubblikazzjoni annwali bħas-STF ma tagħtix stampa ċara ta’ pagamenti attwali).

It-tieni inċiż: Il-“bandiera” tal-NGO hija attribut maħżun f’qasam mhux obbligatorju tar-reġistrazzjoni tal-entità legali. Madankollu, dan huwa konsistentement użat biss jekk l-organizzazzjoni hija NFPO, privata u ddikjarata, u rrapportata bħala tali fis-STF.

It-tielet inċiż: L-identità tal-entitajiet li jirċievu finanzjament permezz ta’ subgħotjiet ma tkunx ippubbliċizzata iżda dawn jistgħu jiġu identifikati fir-rapportar tal-entità li pprovdiet is-subgħotjiet, sakemm tali divulgazzjoni ma tkunx tirrappreżenta riskju serju fir-rigward tal-integrità u tal-kunfidenzjalità jew theddida reali (eż. attivisti tad-drittijiet tal-bniedem).

53

Il-mudelli DEVCO għal kuntratt ta’ għotja u għall-baġit ma jipprevedux diżaggregazzjoni għal kull imsieħeb ta’ implimentazzjoni billi l-applikant ewlieni jżomm ir-responsabbiltà u l-akkontabilità sħiħa għall-ġestjoni tal-fondi kollha miġbura għal azzjoni partikolari (kontribuzzjoni tal-UE u kontribuzzjonijiet oħra). Madankollu, id-diżaggregazzjonijiet baġitarji bejn l-imsieħba f’xi każijiet huma riflessi fil-baġits u xi kultant jiġu dettaljati għal kull intestatura tal-baġit jew attivitajiet fid-deskrizzjoni tal-proposta. L-allokazzjonijiet finanzjarji jistgħu wkoll ikunu dettaljati fil-Memorandum ta’ Qbil iffirmati mill-imsieħba li jimplimentawhom.

Id-DĠ ECHO jikkunsidra li jikkonforma għalkollox mar-rekwiżiti tas-STF, kif ukoll ma’ dawk tal-FPA u tar-Regolament Finanzjarju. Skont is-STF ma hemm ebda obbligu li jiġi rrapportat lil hinn mill-imsieħeb tal-FPA.

54

Il-verifiki u l-azzjonijiet korrettivi huma maħsuba għall-proġetti 14 u 15. Is-STF tabilħaqq mhix intiża biex tagħmel segwitu ta' postijiet ġeografiċi peress li dan ma jkunx kosteffiċjenti.

59

Il-Kummissjoni hija impenjata li ssaħħaħ kultura bbażata fuq ir-riżultati u timmira biex ittejjeb il-kapaċità tagħha li tikkomunika l-impatt tal-assistenza tal-UE liċ-ċittadini. L-informazzjoni dwar ir-riżultati tal-intervent tagħna hija disponibbli għall-pubbliku bħala parti mill-impenji tagħna favur l-Inizjattiva Internazzjonali tat-Trasparenza tal-Għajnuna (IATI, International Aid Transparency Initiative), li japplikaw għat-tipi kollha ta’ strumenti ta’ azzjoni esterna.

Il-Kummissjoni bdiet tippubblika data tal-IATI dwar Fondi Fiduċjarji tal-UE f’Ottubru 2017 u data dwar ir-riżultati sa minn Novembru 2017. Ir-riżultati huma wkoll inklużi fir-“Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-Unjoni Ewropea għall-finanzjament tal-azzjonijiet esterni”.

60

L-ammonti kkuntrattati tal-proġetti awditjati ma jidhrux minħabba li d-DĠ DEVCO u NEAR jippubblikaw f’żewġ livelli ta’ ġerarkija fejn l-impenji huma ppubblikati fil-livell ta’ deċiżjonijiet ta’ finanzjament u l-iżborżi huma ppubblikati fil-livell ta’ kuntratti.

Fiż-żmien tal-awditu, id-DĠ ECHO ma kienx jippubblika tranżazzjonijiet reali ta’ pagamenti iżda stima tal-pagamenti. Minn dak iż-żmien, dan inbidel u issa l-pagamenti reali huma ppubblikati.

Kaxxa 8 - Eżempji ta’ żbalji misjuba fid-data ppubblikata fil-portal d tal-IATI

Għall-proġett 15, diġà ttieħdet azzjoni korrettiva permezz ta’ addenda teknika li timmodifika l-ammont ikkuntrattat.

62

Il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li l-obbligi relatati mat-trasparenza imposti fuq l-entitajiet fdati bl-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni skont ġestjoni indiretta huma deskritti fil-ftehimiet konklużi ma’ dawn l-entitajiet għal kull azzjoni implimentata.

Skont il-mudelli applikabbli fiż-żmien tal-awditu ir-regoli rilevanti jvarjaw, skont jekk l-Unjoni hijiex l-unika donatur jew jekk donaturi oħra jikkontribwixxux għall-proġett kif ukoll:

  • fejn l-Unjoni hija l-unika donatriċi, il-korp tan-NU huwa meħtieġ jippubblika l-informazzjoni dwar il-kuntratturi u l-benefiċjarji kollha tal-għotjiet tiegħu fuq bażi annwali. Barra minn hekk, għal kull proġett komplut, ir-rapport finanzjarju għandu jinkludi ħolqa għall-paġna web eżatta fejn l-informazzjoni dwar il-kuntratturi u l-benefiċjarji tal-għotjiet tkun disponibbli.
  • għal azzjonijiet b’bosta donaturi, il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni dwar il-kuntratturi u dawk li jirċievu l-għotjiet għandhom isegwu r-regoli tal-Organizzazzjoni Internazzjonali.

L-obbligu ta’ pubblikazzjoni huwa wieħed mill-elementi li jistgħu jiġu vverifikati mill-Kummissjoni fil-monitoraġġ ta’ proġetti.

F’ġestjoni indiretta, verifika addizzjonali wara l-pubblikazzjoni mill-Kummissjoni ma tkunx ġustifikata.

Kaxxa 9 - Eżempji ta’ korpi tan-NU li ma jippubblikawx l-informazzjoni fuq fondi tal-UE submogħtija lill-NGOs

Il-Kummissjoni tirreferi għar-risposta tagħha fil-paragrafu 62.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

64

Il-Kummissjoni tqis li l-finanzjament tagħha huwa trasparenti biżżejjed u li l-NGOs ma għandhomx jiġu identifikati bħala kategorija partikolari ta’ benefiċjarji.

Fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet, dment li l-applikanti jikkonformaw mal-kriterji tal-eliġibbiltà, l-enfażi tal-Kummissjoni hija fuq id-deskrizzjoni tal-proġett u jekk din taqbilx mal-għanijiet tal-programm u kif din tista’ tikkontribwixxi għall-kisbiet tagħhom. Billi r-reġistrazzjoni tal-istatus tal-NGO mhuwiex rekwiżit legali u billi l-NGOs ma għandhomx definizzjoni legali, is-sistema kontabilistika ma tirreġistrax fondi speċifikament diretti lejn is-settur tal-NGOs.

65

Ir-reġistrazzjoni tal-istatus ta’ NGO ta’ benefiċjarji fis-sistema kontabilistika tal-Kummissjoni mhijiex obbligatorja, minħabba n-nuqqas ta’ bażi legali għat-trattament differenti tal-NGOs minn benefiċjarji oħra u fin-nuqqas ta’ definizzjoni komuni ta’ NGO. Barra minn hekk, l-ebda rekwiżit ta’ trasparenza finanzjarja ma jsemmi speċifikament li r-rappurtar dwar il-finanzjament tal-NGOs huwa meħtieġ.

Għalhekk il-Kummissjoni tqis li l-klassifikazzjoni magħmula fis-sistema kontabilistika tagħha ma tistax titqies bħala li mhijiex affidabbli.

Rakkomandazzjoni 1 - Titjib tal-affidabbiltà tal-informazzjoni dwar l-NGOs

Il-Kummissjoni ma taċċettax din ir-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni tixtieq li tkun trasparenti għalkollox dwar il-benefiċjarji tal-fondi tal-UE, fil-limitazzjonijiet stipulati fil-qafas regolatorju attwali. Madankollu, filwaqt li l-użu tat-terminu “NGO” huwa mifrux, ma għandu l-ebda definizzjoni aċċettata b’mod ġenerali jew fuq livell internazzjonali51, jew fil-livell tal-UE. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni, fuq l-inizjattiva proprja tagħha, żviluppat sistema li permezz tagħha l-organizzazzjonijiet jiddikjaraw lilhom infushom bħala NGOs, skont il-prerekwiżit li entità legali kkonċernata tkun immarkata kemm bħala organizzazzjoni privata kif ukoll li hija mingħajr skop ta’ qligħ. Għalkemm din tista’ tirriżulta fi gruppi ta’ riċevituri differenti minn dak li jirriżulta minn kunċetti applikati fil-livell nazzjonali, il-Kummissjoni tippreferi li ssegwi dan l-approċċ prudenti, li huwa bbażat fuq kriterji oġġettivi u verifikabbli. Il-Kummissjoni tqis li kwalunkwe kriterju ulterjuri jkun jeħtieġ l-armonizzazzjoni fil-livell tal-UE tal-kunċett ta’ NGO li għandha tkun miftiehma mil-leġiżlatur. Analiżi fost il-pajjiżi tal-qafas legali tal-NGOs f’sitt ġuriżdizzjonijiet Ewropej u mhux Ewropej tindika diversi patti ta’ ftehim u d-deżinjazzjonijiet ta’ “NGO” bejn il-pajjiżi, u dan jissuġġerixxi li l-armonizzazzjoni tal-kunċett jista’ jkun problematiku52.

68

Id-dipartimenti tal-Kummissjoni jużaw il-flessibilità inkluża fir-Regolament Finanzjarju biex titwassal l-għajnuna f’diversi modi.

Ir-regoli deskritti skont ir-RF preċedenti (l-Artikolu 137) dwar l-għoti ta’ appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi ppermettew xi eċċezzjonijiet (eż. il-possibbiltà li jinqabeż l-ammont ta’ EUR 60 000 f’każijiet fejn is-sostenn finanzjarju jkun l-għan primarju tal-azzjoni). Għalhekk, l-applikazzjoni tagħhom f’kuntest speċifiku, bħal dak tal-għajnuna umanitarja, tista’ tirriżulta fi prattiki differenti bejn is-servizzi, li madankollu ma jimplikawx applikazzjoni mhux korretta tar-regoli u tal-proċeduri.

Meta tingħata għajnuna permezz ta’ appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi, kuntesti operattivi speċifiċi, bħal għajnuna umanitarja, issa huma rikonoxxuti fir-Regolament Finanzjarju l-ġdid, li jinkludi taħt l-Artikolu 204 (l-aħħar sentenza) li “dan il-limitu jista’ jinqabeż meta l-kisba tal-objettivi tal-azzjonijiet b’xi mod ieħor tkun impossibbli jew diffiċli wisq”.

Barra minn hekk, ir-Regolament Finanzjarju ma jiddefiniix l-għadd ta’ saffi ta’ implimentazzjoni.

Rakkomandazzjoni 2 - Verifikazzjoni tal-applikazzjoni korretta tar-regoli dwar is-sottogħotjiet

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

  1. Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.
  2. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-bidliet introdotti fir-Regolament Finanzjarju l-ġdid se jiżguraw l-applikazzjoni konsistenti tar-regoli rigward is-subgħotjiet.

  3. Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni timmonitorja b’mod attiv l-implimentazzjoni ta’ proġetti u tista’ twettaq il-verifiki meħtieġa dwar l-għażla tal-imsieħba ta’ implimentazzjoni tan-NU f’konformità mal-qafas legali rilevanti.

Barra minn hekk, taħt ġestjoni indiretta, il-valutazzjonijiet tal-pilastru ex ante jipprovdu assigurazzjoni lill-Kummissjoni li hija tista’ toqgħod fuq is-sistemi, ir-regoli u l-proċeduri tal-entità fdata (inklużi r-regoli u l-proċeduri dwar l-għoti ta’ finanzjament lil partijiet terzi, eż. permezz ta’ subgħotjiet u akkwist) (ara l-Artikolu 154 tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid), peress li huma jitqiesu ekwivalenti għal dawk użati mill-Kummissjoni. Jekk ivvalutati pożittivament, dawn is-sistemi, ir-regoli u l-proċeduri jiggarantixxu l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

71

Il-Kummissjoni tirreferi għat-tweġibiet tagħha fil-paragrafi 43 u 44.

Il-Kummissjoni tixtieq tirrimarka li hija timmonitorja b’mod attiv l-implimentazzjoni tal-proġetti u twettaq il-verifiki finanzjarji meħtieġa. F’konformità mal-qafas legali rilevanti, il-Kummissjoni tista’:

  • Titlob lill-benefiċjarji jagħmlu disponibbli l-informazzjoni finanzjarja kollha dwar proġett;
  • Twettaq verifiki, inklużi verifiki fuq il-post, relatati ma’ operazzjonijiet iffinanzjati mill-UE.
Rakkomandazzjoni 3 - Titjib tal-informazzjoni dwar il-fondi implimentati mill-NGOs

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

  1. Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.
  2. Id-diversi sistemi ta’ ġestjoni tal-għotjiet jirriflettu l-ispeċifiċitajiet stabbiliti għad-diversi politiki, inklużi l-modalitajiet ta’ kuntrattar.

    Għar-relazzjonijiet esterni, din se tiddependi fuq il-karatteristiċi ta’ OPSYS. F’ċerti oqsma ta’ politika (eż. ir-riċerka), dan diġà sar.

  3. Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.
  4. Għar-relazzjonijiet esterni, din se tiddependi fuq il-karatteristiċi ta’ OPSYS. F’ċerti oqsma ta’ politika (eż. ir-riċerka), dan diġà sar.

  5. Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni timmonitorja b’mod attiv l-implimentazzjoni ta’ proġetti u, fejn jitqies neċessarju, tista’ twettaq l-verifiki meħtieġa f’konformità mal-ftehim ta' delega/kontribuzzjoni/finanzjament u mal-Ftehim Qafas Finanzjarju u Amministrattiv (FAFA) rilevanti konklużi man-NU.

F’konformità ma’ dawn il-ftehimiet, l-eżekuzzjoni tal-ftehim ta' delega/kontribuzzjoni/finanzjament u l-obbligi li jinsabu fih, inkluż fuq l-ispejjeż, tista’ tkun soġġetta għal skrutinju tal-Kummissjoni, jew kwalunkwe wieħed mir-rappreżentanti awtorizzati tagħha.

Barra minn dan, f’ġestjoni indiretta, il-valutazzjoni tal-pilastru ex ante tipprovdi l-assigurazzjoni li l-Kummissjoni tista’ toqgħod fuq is-sistemi, ir-regoli u l-proċeduri tal-entità fdata, peress li huma jitqiesu ekwivalenti għal dawk użati mill-Kummissjoni. Dawn is-sistemi, ir-regoli u l-proċeduri jiggarantixxu l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

Rakkomandazzjoni 4 - Standardizzazzjoni u żieda fil-preċiżjoni tal-informazzjoni ppubblikata

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

  1. Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.
  2. Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.
  3. Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni timmonitorja b’mod attiv l-implimentazzjoni ta’ proġetti u tista’ twettaq il-verifiki meħtieġa dwar l-issodisfar mill-korpi tan-NU tal-obbligi ta’ divulgazzjoni, f’konformità mal-qafas legali rilevanti.

Akronimi u abbrevjazzjonijiet

ABAC Sistema tal-kontabbiltà abbażi tad-dovuti tal-Kummissjoni

CORDIS Servizz Komunitarju ta’ Informazzjoni dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp

CRIS Sistema Komuni ta’ Informazzjoni dwar ir-Relazzjonijiet Esterni

DĠ BUDG Direttorat Ġenerali għall-Baġit

DĠ EAC Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura

DĠ DEVCO Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp

DĠ ECHO Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej

DĠ ENV Direttorat Ġenerali għall-Ambjent

DĠ NEAR Direttorat Ġenerali għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir

DĠ RTD Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni

EACEA Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura

EASME Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji

EDRIS Sistema ta' Informazzjoni Ewropea għar-Reazzjoni f'Każ ta' Diżastri

ERCEA Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka

FEŻ Fond Ewropew għall-Iżvilupp

IATI Inizjattiva Internazzjonali għat-Trasparenza tal-Għajnuna

NGO Organizzazzjoni nongovernattiva

OECD Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi

OSĊ Organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili

PADOR Sistema ta’ Reġistrazzjoni Online tad-Data tal-Applikanti Potenzjali

QFP Qafas finanzjarju pluriennali

REA Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka

STF Sistema ta’ Trasparenza Finanzjarja

UNICEF Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal

Noti finali

1 Id-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Parlament Ewropew, EU financing for NGOs in the area of home affairs, security and migration (Finanzjament mill-UE għal NGOs fil-qasam tal-affarijiet interni, is-sigurtà u l-migrazzjoni); is-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew, Financial accountability of civil society organisations (Obbligu ta' rendikont finanzjarju tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili), Mejju 2015; id-Dipartiment għall-Politiki tal-Affarijiet Baġitarji tal-Parlament Ewropew, Democratic Accountability and Budgetary Control of non-Governmental Organisations Funded by the EU Budget (Obbligu ta’ Rendikont Demokratiku u Kontroll Baġitarju ta’ Organizzazzjonijiet Nongovernattivi Ffinanzjati mill-Baġit tal-UE), Jannar 2017.

2 L-“Abbozz ta’ Rapport dwar kontroll baġitarju tal-finanzjament ta' NGOs mill-baġit tal-UE” (2015/2345(INI) jistieden lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex tħejji rapport speċjali dwar it-trasparenza tal-finanzjament mill-UE għal NGOs.

3 L-organizzazzjonijiet internazzjonali jużaw definizzjonijiet differenti. Pereżempju, in-Nazzjonijiet Uniti (NU) tiddeskrivi NGO bħala grupp ta’ ċittadini volontarji, mingħajr skop ta' qligħ u li huwa organizzat fil-livell lokali, nazzjonali jew internazzjonali (https://outreach.un.org/ngorelations/content/about-us-0).

4 COM(1997) 241 final tas-6.6.1997, “Promoting the role of voluntary organisations and foundations in Europe” (Promozzjoni tar-rwol tal-organizzazzjonijiet u l-fondazzjonijiet volontarji fl-Ewropa), il-paragrafu 2.3, il-punti a-e.

5 L-għotjiet ta’ azzjoni kienu jirrappreżentaw 95 % tal-fondi li kienu s-suġġett ta’ kuntratti mal-NGOs fil-Baġit Ġenerali tal-UE (EUR 6.3 biljun minn total ta’ EUR 6.6 biljun) fil-perjodu 2014-2016.

6 Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1), il-Kapitolu 8, l-Artikolu 35: “Pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar riċevituri u informazzjoni oħra”.

7 Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pożizzjoni Komuni tal-UE għar-Raba' Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna, li ġew adottati fl-14 ta’ Novembru 2011.

8 Il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp huwa dikjarazzjoni konġunta mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri tagħha li tipprovdi qafas komuni komprensiv għall-kooperazzjoni Ewropea għall-iżvilupp.

9 Fil-qafas ta’ ġestjoni diretta, il-Kummissjoni hija inkarigata mill-kompiti kollha relatati mal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE, li jitwettqu direttament mis-servizzi tagħha, jew fis-sede, fid-delegazzjonijiet tal-UE jew inkella permezz ta’ aġenziji eżekuttivi tal-UE.

10 Fil-qafas tal-modalità ta’ ġestjoni indiretta, il-Kummissjoni tafda l-kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit lill-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-aġenziji tal-iżvilupp tal-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi sħab jew korpi oħra.

11 Ara s-sejħiet għal proposti għall-għotjiet operattivi li ngħataw lil NGOs li huma primarjament attivi fil-qasam tal-ambjent u/jew l-azzjoni klimatika (eż. L-identifikaturi tas-sejħiet huma LIFE-NGO-EASME-2014 u LIFE-NGO-FPA-EASME-2017).

12 Taħt dan ir-Regolament, it-tieni rekwiżit li jrid jiġi ssodisfat biex l-NGOs ikunu eliġibbli għal finanzjament huwa li jkollhom il-kwartier ġenerali ewlieni tagħhom fi Stat Membru jew f’pajjiż terz li jkun jirċievi l-għajnuna. Eċċezzjonalment, il-kwartier ġenerali jista’ jkun f’pajjiż donatur terz.

13 Pereżempju, il-Linji Gwida tad-DĠ DEVCO għall-Applikanti tas-Sejħiet għal Proposti jirrikjedu li NGO tipprovdi l-istatuti jew l-artikoli ta' assoċjazzjoni tagħha, kif ukoll id-dokumenti ta’ sostenn. Il-kumitati ta’ evalwazzjoni jivverifikaw li d-dokumenti ġuridiċi jkunu jikkorrispondu għat-tip ta’ entità.

14 COM(2012) 492 final tat-12.9.2012, “L-għeruq ta’ demokrazija u żvilupp sostenibbli: il-kooperazzjoni tal-Ewropa mas-Soċjetà Ċivili fir-relazzjonijiet esterni ” tikklassifika bħala OSĊ, fost affarijiet oħra, NGOs, organizzazzjonijiet ibbażati fil-komunità, organizzazzjonijiet ibbażati fuq it-twemmin, fondazzjonijiet, istituzzjonijiet ta' riċerka, kooperattivi, assoċjazzjonijiet professjonali u tan-negozju.

15 Il-Proġetti 7 u 16.

16 Il-Proġett 4 ntgħażel permezz ta’ proċedura ta’ għoti dirett.

17 Ir-Rapport Speċjali Nru 15/2016 “Il-Kummissjoni mmaniġġjat b'mod effettiv l-Għajnuna umanitarja pprovduta lil popolazzjonijiet milquta minn kunflitti fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar Afrikani?”, il-paragrafi 27 sa 29 (https:eca.europa.eu).

18 Il-Proġetti 16 u 17.

19 Stabbiliti fl-Artikolu 137 tar-Regolament Finanzjarju u fl-Artikolu 210 tar-Regoli tal-Applikazzjoni.

20 Ikun tajjeb li jiġi osservat li r-Regolament Finanzjarju tal-2018 jibdel il-formulazzjoni ta’ dawn ir-regoli u fl-Artikolu 204 jiddikjara: “l-ammont massimu tal-appoġġ finanzjarju li jista’ jitħallas lil parti terza li ma għandux jaqbeż is-EUR 60 000 […]. Dan il-limitu massimu jista’ jinqabeż fejn il-kisba tal-objettivi tal-azzjonijiet b’xi mod ieħor tkun impossibbli jew diffiċli wisq.”

21 Id-DĠ RTD, ENV, EAC, NEAR u DEVCO.

22 L-Artikolu 60(2)(d) tar-Regolament Finanzjarju jiddikjara li l-entitajiet fdati għandhom “japplikaw regoli u proċeduri xierqa sabiex jipprovdu finanzjament mill-fondi tal-Unjoni permezz ta’ għotjiet, akkwisti u strumenti finanzjarji”. Dan jiġi vverifikat f’valutazzjoni ex ante (“valutazzjoni tal-pilastri”) imwettqa minn awditur indipendenti f’konformità mat-termini ta’ referenza mħejjija minn kull DĠ.

23 Il-Proġetti 9, 18 u 20.

24 L-għotjiet operattivi maħsuba għall-NGOs li joperaw fl-oqsma tal-ambjent u l-klima dejjem jingħataw lil benefiċjarju uniku.

25 Il-Proġetti 4, 11, 12, u 13.

26 Il-Proġetti 11, 12 u 15.

27 Il-Proġetti 8, 9, 10, 18 u 19.

28 Il-Proġett 8. Il-korp tan-NU pprovda risposti sodisfaċenti għat-tielet talba li saret mid-DĠ ECHO wara ż-żjara fuq il-post li twettqet mill-awdituri.

29 Il-Proġetti 8, 9, 18, 19 u 20.

30 Fir-Rapport Speċjali Nru 4/2018 tagħha “Assistenza mill-UE lill-Myanmar/Burma”, il-Qorti diġà ssenjalat ir-riskju li l-ispejjeż indiretti jiġu ddebitati darbtejn fi proġetti ta’ ġestjoni indiretta li jiġu implimentati permezz ta’ parti terza bi statut ta’ NGO. Ara wkoll il-paragrafu 48 tar-Rapport Speċjali Nru 11/2017 tal-QEA “Il-Fond Fiduċjarju Bêkou tal-UE għar-Repubblika Ċentru-Afrikana: bidu promettenti minkejja xi nuqqasijiet”.

31 Sistema ta’ Trasparenza Finanzjarja: http://ec.europa.eu/budget/fts/index_en.htm.

32 L-Artikolu 35 tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u l-Artikolu 21 tar-regoli tal-applikazzjoni tiegħu: “Pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar riċevituri u informazzjoni oħra”.

33 Il-Proġetti 1, 2, 5, 14 u 15.

34 Sors: https://cordis.europa.eu/

35 https://euaidexplorer.ec.europa.eu/

36 https://webgate.ec.europa.eu/hac/

37 https://fts.unocha.org/ - immaniġġjat mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Għajnuna Umanitarja (UNOCHA).

38 https://stats.oecd.org/Index.aspx?DataSetCode=CRS1

39 https://stats.oecd.org/Index.aspx?DataSetCode=FSS

40 https://www.iatiregistry.org/

41 L-IATI tniedet fl-2008, b’segwitu għat-Tielet Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna f’Akkra.

42 Fi Frar 2018, id-DĠ DEVCO rrapporta, filwaqt li kkonforma mal-istandards tal-IATI, l-ewwel lott ta’ data dwar ir-riżultati li ttieħdet minn aktar minn 700 proġett.

43 Il-Proġetti 4, 5, 6, 7, 14, 15, 16 u 17.

44 Il-Proġetti 1, 2, 11, 12 u 13.

45 Il-Proġetti 7, 14 u 15.

46 Skont il-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-ftehimiet li ġew iffirmati bejn il-Kummissjoni u l-entitajiet fdati, dawn tal-aħħar huma obbligati li jippubblikaw, fuq is-sit web tagħhom jew fis-sistemi tagħhom, informazzjoni dettaljata dwar l-għotjiet iffinanzjati mill-UE. Huma meħtieġa jiddivulgaw it-titlu tal-kuntratt/proġett, in-natura u l-iskop tiegħu, l-isem u l-lokalità tal-benefiċjarju tal-għotja u l-ammont tal-kuntratt. Fil-każ ta’ azzjonijiet b’bosta donaturi, il-pubblikazzjoni ssegwi r-regoli tal-entità fdata.

47 Il-Proġetti 9, 18 u 20.

48 Il-Proġetti 8 u 19.

49 COM(2012) 492 final tat-12.9.2012, “L-għeruq ta’ demokrazija u żvilupp sostenibbli: Il-kooperazzjoni tal-Ewropa mas-Soċjetà Ċivili fir-relazzjonijiet esterni” jikklassifika bħala OSĊ, fost l-oħrajn, NGOs, organizzazzjonijiet ibbażati fil-komunità, organizzazzjonijiet reliġjużi, fondazzjonijiet, istituzzjonijiet ta’ riċerka, kooperattivi, assoċjazzjonijiet professjonali u dawk ta’ impriżi.

50 Nota bene: l-applikanti eliġibbli taħt LIFE ma għandhomx ikunu reġistrati bħala NGOs. Huma għandhom jissodisfaw il-kriterji kollha ta’ eliġibbiltà sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-programm ta’ azzjoni LIFE għall-għotjiet operattivi sabiex jiġu appoġġati l-NGOs ambjentali u klimatiċi Ewropej.

51 L-organizzazzjonijiet internazzjonali jużaw definizzjonijiet differenti. Pereżempju, in-Nazzjonijiet Uniti (NU) jiddeskrivu NGO bħala kwalunkwe “grupp taċ-ċittadini volontarju mingħajr skop ta’ qligħ, li huwa organizzat f’livell lokali, nazzjonali jew internazzjonali” (https://outreach.un.org/ngorelations/content/about-us-0).

52 Il-Parlament Ewropew, id-Direttorat Ġenerali għall-politiki interni, Dipartiment tal-Politika D: Affarijiet Baġitarji, l-istudju “Ir-Responsabilità Demokratika u l-Verifika tal-Baġit ta’ Organizzazzjonijiet Nongovernattivi iffinanzjati mill-Baġit tal-UE”, is-17 ta’ Novembru 2016

Avveniment Data
Adozzjoni tal-APM / Bidu tal-awditu 9.1.2018
L-abbozz tar-rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lil parti awditjata oħra) 15.10.2018
Adozzjoni tar-rapport finali wara l-proċedura kontradittorja 5.12.2018
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew ta’ parti awditjata oħra) riċevuti bil-lingwi kollha EN: 11.12.2018

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla V tal-Awditjar, Finanzjament u Amministrazzjoni tal-Unjoni, li hija mmexxija minn Lazaros S. Lazarou, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Annemie Turtelboom, Membru tal-QEA, li ngħatat appoġġ minn Dennis Wernerus, Kap tal-Kabinett; Sabine Hiernaux-Fritsch, Maniġer Priniċpali; Roberto Ruiz Ruiz, Kap tal-Kompitu; Eva Maria Coria Paramas, Erika Katalin Söveges, Maria-Luisa Gomez Valcarcel u Francesco Zoia Bolzonello, Awdituri. Hannah Critoph ipprovdiet appoġġ lingwistiku.

Mix-xellug għal-lemin: Hannah Critoph, Roberto Ruiz Ruiz, Annemie Turtelboom, Erika Katalin Söveges, Dennis Wernerus.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2018

PDF ISBN 978-92-847-1651-7 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/473143 QJ-AB-18-034-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-1629-6 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/71736 QJ-AB-18-034-MT-Q

© L-Unjoni Ewropea, 2018

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, mill-EU Bookshop fl-indirizz li ġej: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.