Rapport Speċjali
Nru14 2018

Iċ-Ċentri ta’ Eċċellenza Kimiċi, Bijoloġiċi, Radjoloġiċi u Nukleari tal-UE: jeħtieġ li jsir aktar progress

Dwar ir-rapport L-inizjattiva tal-UE dwar iċ-Centri ta’ Eċċellenza CBRN hija l-iskema prinċipali għall-mitigazzjoni tat-theddid u r-riskji kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari li jkunu ġejjin minn barra t-territorju tal-UE. Għalkemm dawn ir-riskji huma baxxi, hemm sinjali li qegħdin jiżdiedu u, li kieku kellhom jimmaterjalizzaw, l-impatt tagħhom fuq is-saħħa, l-ambjent u l-ekonomija globali jista’ jkun kbir. Din l-Inizjattiva għandha l-għan li ssaħħaħ il-kapaċitajiet tal-pajjiżi sħab permezz ta’ proġetti għall-bini tal-kapaċitajiet u ta’ netwerk għall-kooperazzjoni. Aħna eżaminajna jekk l-Inizjattiva tal-UE dwar is-CBRN kinitx immitigat it-theddid CBRN, u kkonkludejna li hija rnexxielha tagħmel dan iżda li għad baqa’ ħafna sfidi. Aħna nagħmlu għadd ta’ rakkomandazzjonijiet għat-titjib tal-Inizjattiva.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

Mill-2010 ’l hawn, l-UE fittxet li timmitiga r-riskji kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (CBRN) li jkunu ġejjin minn ’l hinn mill-fruntieri tagħha permezz tal-Inizjattiva tal-UE dwar iċ-Ċentri ta’ Eċċellenza CBRN (“l-Inizjattiva”). Din l-Inizjattiva hija l-akbar programm ċivili ta' sigurtà esterna tal-UE u hija ffinanzjata permezz tal-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi b’baġit ta’ EUR 130 miljun għas-snin 2014-2020. L-Inizjattiva hija waħda mill-għodod prinċipali1 għall-mitigazzjoni tat-theddid u r-riskji CBRN li jkunu ġejjin minn barra t-territorju tal-UE.

II

Sabiex nivvalutaw sa liema punt l-Inizjattiva kkontribwiet għall-mitigazzjoni tar-riskji CBRN li jkunu ġejjin minn barra t-territorju tal-UE, aħna eżaminajna l-approċċ tal-ġestjoni tar-riskji, l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva fil-pajjiżi sħab u s-sistemi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni. Matul dan l-eżerċizzju aħna wettaqna segwitu tar-rakkomandazzjonijiet li saru fir-Rapport Speċjali Nru 17/2014 tal-QEA (“L-inizjattiva tal-UE dwar iċ-Centri ta’ Eċċellenza tista’ tikkontribwixxi b’mod effettiv għall-mitigazzjoni ta’ riskji kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari li jkunu ġejjin minn barra l-UE?”), li ttratta l-istruttura tal-iskema.

III

Aħna nikkonkludu li l-Inizjattiva kkontribwiet għall-mitigazzjoni ta’ dan it-theddid CBRN, iżda għad baqa’ ħafna sfidi. Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) implimentaw bis-sħiħ tlieta mis-sitt rakkomandazzjonijiet, li jinsabu fir-Rapport Speċjali Nru 17/2014 li wettaqna qabel, u implimentaw tnejn minnhom parzjalment. Il-pajjiżi sħab issa huma aktar involuti fl-inizjazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti, l-organizzazzjoni fil-livell reġjonali ssaħħet u l-kooperazzjoni bejn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-korpi ta’ implimentazzjoni tjiebet. Filwaqt li sar xi progress, ir-rwol tad-delegazzjonijiet tal-UE u r-rapidità tal-implimentazzjoni tal-proġetti għadhom mhumiex sodisfaċenti. Waħda mir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tagħna, fejn ipproponejna li l-finanzjament mill-UE jiġi kkonċentrat fl-oqsma l-aktar rilevanti għas-sigurtà tal-UE u li ġiet aċċettata mill-Kummissjoni, ma ġietx implimentata.

IV

Sa issa, għadu ma ġiex żviluppat approċċ adegwat tal-ġestjoni tar-riskji għall-attivitajiet tal-Inizjattiva fl-intier tagħha, fl-istadju tal-għażla tal-proġetti u għall-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tal-pajjiżi sħab.

V

Il-Kummissjoni tipprovdi għodod u metodoloġija lill-pajjiżi sħab biex tgħinhom jivvalutaw il-ħtiġijiet proprji tagħhom u biex jiżviluppaw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali għall-mitigazzjoni tar-riskji CBRN. Madankollu, ma tingħatax gwida suffiċjenti dwar kif jenħtieġ li r-riskji jiġu identifikati u prijoritizzati. Minkejja dan l-iżvantaġġ, il-kwestjonarju dwar il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet u l-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali għadhom elementi ewlenin li jirfdu l-Inizjattiva. Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax tirreaġixxi malajr biżżejjed għat-talbiet li jsiru mill-pajjiżi sħab kollha għal assistenza biex jidentifikaw u jipprijoritizzaw il-ħtiġijiet tagħhom; dan għandu r-riskju li jdewwem serjament it-tħejjija kemm tal-kwestjonarji kif ukoll tal-pjanijiet ta’ azzjoni.

VI

Minbarra t-titjib li rriżulta mir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tagħna, għadd ta’ aspetti tal-Inizjattiva ġew żviluppati fil-pajjiżi sħab. L-Inizjattiva ppromwoviet kultura ta’ sikurezza u ta’ kooperazzjoni. Timijiet nazzjonali CBRN inħatru fil-maġġoranza tal-pajjiżi sħab. Il-proġetti taw il-biċċa l-kbira mill-outputs tagħhom; il-partijiet ikkonċernati apprezzaw b’mod speċjali l-eżerċizzji operazzjonali ta’ bini tal-kapaċitajiet.

VII

Il-kooperazzjoni reġjonali nbdiet iżda għad għandha xi nuqqasijiet billi l-pajjiżi sħab ma jinteraġixxux biżżejjed u jixtiequ jindirizzaw il-ħtiġijiet nazzjonali tagħhom l-ewwel.

VIII

Mill-pubblikazzjoni tar-Rapport Speċjali Nru 17/2014 preċedenti tagħna, l-involviment tad-delegazzjonijiet tal-UE tjieb. Madankollu, id-delegazzjonijiet tal-UE ma kinux attivi biżżejjed fil-promozzjoni tal-Inizjattiva u fil-mobilizzazzjoni tar-rieda politika. Ir-riskji CBRN ma ġewx inklużi sistematikament fid-djalogu ta’ politika, ta’ sigurtà jew dak politiku. L-interazzjoni bejn id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni u mal-komunità tad-donaturi, partikolarment dwar il-kwistjoni tal-finanzjament li potenzjalment kien disponibbli, kienet limitata.

IX

In-nuqqas ta’ objettivi ċari, indikaturi rilevanti u data miġbura fuq il-post dgħajjef il-valutazzjoni tal-eżitu u l-impatt tal-proġetti kif ukoll l-Inizjattiva fl-intier tagħha.

X

Il-portal tas-CBRN li huwa bbażat fuq il-web għandu potenzjal konsiderevoli bħala database operazzjonali għall-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-attivitajiet tal-Inizjattiva, iżda għadu mhuwiex repożitorju effettiv, komplet, aġġornat u strutturat tal-attivitajiet, tat-tagħlimiet meħuda u tal-aħjar prattiki.

XI

Għalhekk, aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni u s-SEAE:

  • jipprijoritizzaw l-attivitajiet fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tar-riskji sistemiċi;
  • isaħħu d-dimensjoni reġjonali tal-Inizjattiva;
  • ikomplu jsaħħu r-rwol tad-delegazzjonijiet tal-UE fl-Inizjattiva;
  • jidentifikaw is-sinerġiji potenzjali u sorsi oħra ta’ finanzjament disponibbli;
  • iżidu l-obbligu ta’ rendikont u l-viżibbiltà tal-attivitajiet u tar-riżultati permezz ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni aħjar;
  • ibiddlu kompletament il-portal ibbażat fuq il-web biex ikun hemm aċċess faċli għall-informazzjoni kollha li tirrigwarda l-attivitajiet tal-Inizjattiva.

Introduzzjoni

01

Episodji bħall-użu reċenti tal-gass sarin u l-gass tal-kloru fl-Iraq u fis-Sirja, kif ukoll tal-aġent VX li jattakka s-sistema nervuża fl-ajruport ta’ Kuala Lumpur fi Frar 2017, it-tifqigħa tal-marda tal-vajrus tal-Ebola fl-Afrika tal-Punent fl-2014-2016 u l-kollass tar-reattur nukleari ta’ Fukushima fl-2011 huma tfakkiriet qawwija tal-perikli li jistgħu jirriżultaw meta jseħħu riskji kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (CBRN). Sew jekk jiġu rilaxxati aċċidentalment jew inkella deliberatament, l-aġenti kimiċi, il-mard bijoloġiku pandemiku u epiżotiku, u s-sustanzi radjoloġiċi u nukleari jistgħu jkunu ta’ theddid sinifkanti għas-saħħa, l-ambjent u l-ekonomija globali.

02

Il-Kummisjoni tqis li l-probabbiltà li r-riskji CBRN jimmaterjalizzaw hija baxxa, iżda l-impatt ta’ okkorrenza jista’ jkun kbir2. Filwaqt li l-biċċa l-kbira mill-komunità internazzjonali ffirmat trattati u konvenzjonijiet internazzjonali3 li jirregolaw l-użu ta’ armi u materjali CBRN, hemm għadd ta’ stati li ma implimentawhomx, u oħrajn għad iridu jirratifikaw il-ftehimiet. Komponenti CBRN qed jiġu akkwistati u użati b’intenzjonijiet malizzjużi, u t-theddida hija mistennija tkompli tikber fis-snin li ġejjin4. Minbarra l-użu malizzjuż ta’ sustanzi CBRN, jistgħu jseħħu wkoll aċċidenti naturali jew aċċidenti kkawżati mill-bniedem.

03

Fil-livell tal-UE, id-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni (DĠ HOME) tal-Kummissjoni jikkoordina l-politika domestika tal-UE dwar is-CBRN5 biex jiġu mmitigati t-theddid u r-riskji assoċjati. Billi t-theddid CBRN ma għandux fruntieri, l-UE ma tistax tillimita l-azzjonijiet tagħha għaż-żona tal-UE. Fil-fatt, il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea6 u l-Parlament Ewropew7 enfasizzaw ripetutament l-importanza li jkun hemm rabta bejn il-politiki tas-sigurtà interna u s-sigurtà esterna tal-UE, li jkopru kwistjonijiet relatati mas-CBRN. Il-Kummissjoni Ewropea ddikjarat ukoll li l-azzjoni esterna tal-UE trid tirrifletti, tikkomplementa u tikkontribwixxi għas-sigurtà interna tal-UE8. L-appoġġ dejjem akbar li qed jingħata għas-setturi tas-sigurtà huwa sostnut mill-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea 20169.

04

L-Inizjattiva tal-UE dwar iċ-Ċentri ta’ Eċċellenza CBRN (“l-Inizjattiva”), immaniġġjata mid-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (DĠ DEVCO), hija l-iskema prinċipali, iżda mhix l-unika waħda, għall-mitigazzjoni tat-theddid CBRN li jkun ġej minn barra t-territorju tal-UE. Id-DĠ DEVCO jwettaq azzjonijiet oħra ta’ mitigazzjoni li jinkludu r-rinforz tas-sistemi ta' kontroll tal-esportazzjoni f’oġġetti b'użu doppju (materjal CBRN b’applikazzjonijiet kemm ċivili kif ukoll militari) u r-ridirezzjonar ta’ xjenzjati li jkollhom għarfien dwar it-teknoloġija b'użu doppju.

05

L-objettiv prinċipali tal-Inizjattiva huwa li ssaħħaħ il-kapaċità fuq terminu twil tal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, kif ukoll tal-korpi amministrattivi responsabbli għall-indirizzar tat-theddid CBRN u li tħeġġeġ kooperazzjoni dejjiema bejniethom10. L-Inizjattiva tiffinanzja prinċipalment proġetti għall-bini tal-kapaċitajiet iżda l-benefiċċji mhumiex limitati għall-proġetti. Il-karatteristika prinċipali tagħha hija li tistabbilixxi u tikkonsolida netwerks CBRN (jew Ċentri ta’ Eċċellenza) ta’ kooperazzjoni bejn u fi ħdan il-pajjiżi sħab. In-netwerk huwa organizzat madwar segretarjati reġjonali fejn issir kondiviżjoni tal-għarfien u l-kompetenzi.

06

F’termini finanzjarji, l-Inizjattiva hija l-akbar azzjoni unika taħt l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP)11 u l-akbar programm ċivili ta' sigurtà esterna tal-UE. L-IcSP jindirizza kwistjonijiet relatati ma’ kunflitti, paċi u sigurtà, li ma jistgħux jiġu indirizzati b’mod effettiv taħt strumenti oħra ta’ kooperazzjoni tal-UE12.

07

Il-baġit għall-Inizjattiva kien ta’ EUR 109 miljun għall-perjodu 2009-2013 u ta’ EUR 130 miljun għall-perjodu 2014-2020. Dan ifisser li, bejn iż-żewġ perjodi, il-medja annwali naqset minn EUR 22 miljun għal EUR 19-il miljun (ara l-Anness I).

08

L-Inizjattiva tniedet f'Mejju 201013. Aħna eżaminajna l-istruttura tagħha fir-Rapport Speċjali Nru 17/2014: “L-inizjattiva tal-UE dwar iċ-Centri ta' Eċċellenza tista' tikkontribwixxi b'mod effettiv għall-mitigazzjoni ta' riskji kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari li jkunu ġejjin minn barra l-UE?” Aħna kkonkludejna li l-inizjattiva tista’ tagħmel dan, iżda li bosta elementi għad iridu jiġu finalizzati (ara l-Anness II). L-istruttura organizzazzjonali tal-Inizjattiva, għalkemm mill-aħħar awditu li sar inbidlet kemxejn, tibqa’ kumplessa minħabba li tiddependi minn netwerk estensiv kemm ta’ korpi tal-UE (is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna “SEAE”, id-DĠ DEVCO, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka “JRC”), atturi mhux tal-UE (l-Istitut Interreġjonali ta' Riċerka tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kriminalità u l-Ġustizzja “UNICRI”, it-Tim ta’ Governanza, is-segretarjati reġjonali, it-timijiet nazzjonali), esperti fis-CBRN, partijiet ikkonċernati ċivili u militari kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali oħra (ara l-Figura 1). L-aktar bidla notevoli mill-aħħar awditu li wettaqna kienet l-involviment akbar min-naħa tal-JRC u ta’ esperti fuq il-post ikkuntrattati mid-DĠ DEVCO.

Figura 1

Stampa ġenerali tal-organizzazzjoni tal-Inizjattiva dwar iċ-Ċentri ta' Eċċellenza

Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

09

Din l-organizzazzjoni, li tinvolvi ħafna atturi mill-qasam CBRN, l-approċċi minn isfel għal fuq, kif ukoll dawk nazzjonali u reġjonali, ikkombinati flimkien jagħmlu l-Inizjattiva mekkaniżmu ta’ appoġġ uniku. Il-gvernijiet tal-pajjiżi sħab jaħtru “punt fokali nazzjonali” (PFN), li huwa r-rappreżentant primarju tagħhom għall-Inizjattiva, responsabbli għall-kollegament mal-partijiet ikkonċernati fil-qasam tas-CBRN fil-livell nazzjonali (tim nazzjonali, benefiċjarji tal-proġetti u atturi lokali oħra) u f’dak internazzjonali.

10

Iċ-Ċentri ta' Eċċellenza huma mibnija madwar tmien segretarjati reġjonali (ara l-Anness III). Is-segretarjati reġjonali huma pjattaformi għall-promozzjoni u għall-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni fil-livell reġjonali u f’dak internazzjonali. Dawn jikkollegaw mal-punti fokali nazzjonali fir-reġjun tagħhom u jipprovdulhom appoġġ, jorganizzaw diskussjonijiet reġjonali madwar mejda, jiffaċilitaw il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni, jimmonitorjaw, sa ċertu punt, l-attivitajiet reġjonali u jippromwovu l-Inizjattiva.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

11

Wieħed mill-objettivi prinċipali ta’ dan l-awditu tal-prestazzjoni fir-rigward tal-Inizjattiva tal-UE dwar iċ-Centri ta' Eċċellenza CBRN kien li jsir segwitu tal-azzjonijiet li ttieħdu mis-SEAE u mill-Kummissjoni biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet li saru fir-Rapport Speċjali Nru 17/2014, jiġifieri li:

  1. jikkonċentraw il-finanzjament mill-UE fl-oqsma tal-aktar rilevanza għas-sigurtà tal-UE;
  2. iżidu l-kapaċitajiet tas-segretarjati reġjonali;
  3. iżidu r-rwol tad-delegazzjonijiet tal-UE;
  4. jinvolvu lill-pajjiżi sħab fl-inizjazzjoni tal-proġetti u fl-implimentazzjoni tagħhom;
  5. inaqqsu l-perjodu ta' żmien bejn il-proposti għal proġetti u l-implimentazzjoni tal-proġetti;
  6. itejbu l-kooperazzjoni bejn il-korpi responsabbli għat-teħid ta' deċiżjonijiet u l-korpi ta' implimentazzjoni.
12

Filwaqt li l-awditu preċedenti tagħna kien jikkonċentra fuq l-istruttura tal-Inizjattiva, din id-darba aħna estendejna l-ambitu tal-awditjar biex ninkludu valutazzjoni tal-approċċ tal-ġestjoni tar-riskji, l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva fil-pajjiżi sħab, u s-sistemi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni. L-għan tagħna kien li nwieġbu għall-mistoqsija: L-Inizjattiva dwar iċ-Centri ta' Eċċellenza kkontribwiet b'mod sinifikanti għall-mitigazzjoni ta' riskji kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari li jkunu ġejjin minn barra t-territorju tal-UE?

13

Biex inwieġbu din il-mistoqsija, aħna indirizzajna tliet sottomistoqsijiet:

  1. Il-Kummissjoni u s-SEAE adottaw approċċ adegwat tal-ġestjoni tar-riskji?
  2. L-Inizjattiva ġiet żviluppata b’mod sodisfaċenti fil-pajjiżi sħab?
  3. Ġew stabbiliti sistemi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni effettivi biex jidentifikaw, jivvalutaw u jirrappurtaw ir-riżultati tal-Inizjattiva dwar iċ-Centri ta' Eċċellenza?
14

Aħna wettaqna l-awditu tagħna bejn Frar u Ottubru 2017. Eżaminajna d-dokumentazzjoni ta' sostenn u intervistajna rappreżentanti mill-Kummissjoni (id-DĠ DEVCO, id-DĠ JRC, id-DĠ ECHO, id-DĠ NEAR u d-DĠ HOME), mis-SEAE, mill-UNICRI, mit-Tim ta’ Governanza u parteċipanti fil-Ħames Laqgħa Internazzjonali tal-Punti Fokali Nazzjonali li saret fi Brussell.

15

Aħna wettaqna żjarat tal-awditjar fi tliet pajjiżi sħab: il-Georgia (Ġunju 2017), il-Ġordan u l-Libanu (Settembru 2017). Dawn il-pajjiżi huma parti mill-Viċinat, il-qasam ta’ prijorità tal-Inizjattiva, u l-ewwel tnejn jospitaw segretarjati reġjonali14. Intervistajna lill-kapijiet tas-segretarjati reġjonali, lill-koordinaturi reġjonali, lill-esperti fil-qasam tal-assistenza teknika fuq il-post, lill-punti fokali nazzjonali, lid-delegazzjonijiet tal-UE, 15-il benefiċjarju tal-proġetti u 3 kuntratturi tal-UE (implimentaturi tal-proġetti). Stħarriġna lis-segretarjati reġjonali kollha (8) u kampjun ta’ partijiet ikkonċernati oħra (elenkati hawn taħt) sabiex niksbu informazzjoni ġenerali dwar l-Inizjattiva. Analizzajna wkoll ir-risposti bil-miktub kollha li waslu mingħand:

  1. is-segretarjati reġjonali (irrispondew 5 minn 8);
  2. il-punti fokali nazzjonali (irrispondew 11 minn 18);
  3. id-delegazzjonijiet tal-UE (irrispondew 14 minn 18);
  4. l-implimentaturi tal-proġetti (irrispondew 6 minn 7);
  5. il-punti ta’ kuntatt CBRN tal-UE (irrispondew 5 minn 10).

Osservazzjonijiet

Għad trid tinkiseb prijoritizzazzjoni tal-attivitajiet li hija bbażata fuq ir-riskju

Hemm ħtieġa urġenti li ssir prijoritizzazzjoni tal-attivitajiet u l-infiq

16

Biex jiġi żgurat li jsir l-aħjar użu mir-riżorsi limitati, fir-Rapport Speċjali Nru 17/2014 aħna rrakkomandajna li l-finanzjament jiġi prijoritizzat fl-oqsma l-aktar rilevanti għas-sigurtà tal-UE. Skont id-DĠ HOME, ir-riskji CBRN li jolqtu l-aktar direttament is-sigurtà tal-UE jinsabu fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tas-Sħubija tal-Lvant15, segwiti mill-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq, li flimkien jirrappreżentaw 20 % tal-pajjiżi sħab. Minkejja dan, il-prijoritajiet ġeografiċi tad-DĠ DEVCO (ix-Xlokk u l-Lvant tal-Ewropa, il-Lvant Nofsani, l-Afrika ta’ Fuq u s-Saħel, il-Kosta Atlantika Afrikana, u l-Afrika tal-Lvant u Ċentrali) ikopru 70 % tal-pajjiżi sħab, li ħafna minnhom ma jitqisux li għandhom l-akbar riskji CBRN diretti għall-UE.

17

Fil-fatt, id-DĠ DEVCO u s-SEAE ħeġġew lil aktar pajjiżi sħab sabiex jissieħbu fl-Inizjattiva. B'riżultat ta' dan, l-għadd ta’ pajjiżi sħab kompla jiżdied minflok ma l-isforzi ġew ikkonċentrati fuq għadd aktar limitat ta’ pajjiżi16. F’Ottubru 2017, l-għadd ta’ pajjiżi sħab żdied bi 15, minn 43 għal 58, minn meta sar l-aħħar awditu tagħna ’l hawn (ara l-Anness IV) u l-interess fl-Inizjattiva qed ikompli jikber17. Billi r-riżorsi huma limitati, l-espansjoni ġeografika timplika li, bħala medja, tingħata inqas assistenza finali għal kull pajjiż.

18

Fiż-żmien meta sar ir-Rapport Speċjali Nru 17/2014, aħna eżaminajna s-sistemi għall-għażla u l-implimentazzjoni tal-ewwel 40 proġett. Aħna qabbilna l-allokazzjoni ta’ finanzjament għall-proġetti mill-Proġetti Nru 1 sa Nru 40 (l-ewwel perjodu) mal-Proġetti Nru 41 sa Nru 60 (it-tieni perjodu). Il-Figura 2 turi li x-Xlokk u l-Lvant tal-Ewropa, li huma prijorità għall-UE, kienu globalment l-akbar riċevituri ta’ finanzjament għall-proġetti (21 %) iżda rċevew inqas finanzjament fl-aħħar perjodu. Mill-Proġett Nru 41 ’il quddiem, il-Kosta Atlantika Afrikana, li, minbarra l-Marokk, mhix parti mill-Viċinat, kienet l-akbar benefiċjarju. Ir-reġjun tax-Xlokk tal-Asja huwa t-tielet l-ogħla riċevitur finanzjarju iżda mhuwiex waħda miż-żoni ta’ riskji ta’ prijorità għolja. Għalkemm ir-riskji huma ogħla fil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq u s-Saħel (ara l-paragrafu 16)18, dawn ir-reġjuni (ħlief għar-reġjun tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf) irċevew l-aktar sehem baxx ta’ finanzjament fit-tieni perjodu. B’mod ġenerali, huma rċevew 13 % u 9 %, rispettivament, tal-finanzjament għall-proġetti. Ir-reġjuni li jirrappreżentaw l-akbar riskji CBRN diretti għall-UE (ara l-paragrafu 16) irċevew b’kollox 43 % tal-allokazzjoni totali għall-proġetti. Għalhekk, il-proġetti mhumiex prijoritizzati fuq il-bażi ta’ riskji marbuta mal-lokalità ġeografika. Dan imur kontra r-rakkomandazzjoni preċedenti tagħna, li l-Kummissjoni kienet aċċettat.

19

Wara li jadottaw approċċ xprunat mid-domanda jew approċċ minn isfel għal fuq19, ir-reġjuni jippreżentaw proposti għal proġetti lid-DĠ DEVCO. Madankollu, il-Kummissjoni tagħżel liema proġetti tiffinanzja iżda ma tapplikax kriterji tal-għażla bbażati fuq ir-riskju, minkejja li d-dokument ta’ ħidma proprju tagħha jgħid li s-sigurtà tal-UE tkun tibbenefika minn użu aktar estensiv ta’ valutazzjonijiet tat-theddid u tar-riskji20. Minflok, il-proposti għal proġetti jiġu ammessi fuq il-bażi ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel, proċedura li l-Kummissjoni tittama li tistimula l-kompetizzjoni fost ir-reġjuni. Li jiġri fil-prattika, huwa li l-fondi tal-Inizjattiva jinfirxu fuq għadd akbar ta’ pajjiżi sħab.

Figura 2

Allokazzjoni finanzjarja għal kull reġjun mill-2010 sa Ottubru 2017

Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ibbażat fuq data meħuda mill-CRIS u mill-portal tas-CBRN u pprovduta mill-JRC.

20

Barra minn hekk, l-ebda qasam tematiku ma jingħata prijorità. Filwaqt li l-miżuri ta’ prevenzjoni kienu l-fokus prinċipali tal-politika domestika inizjali tal-UE dwar is-CBRN21, il-qafas legali tal-IcSP22 ma jispeċifikax liema miżuri tal-politika esterna dwar il-mitigazzjoni jenħtieġ li jiġu prijoritizzati (tħejjija, prevenzjoni, detezzjoni jew rispons). Madankollu, l-esperti tad-DĠ HOME u tad-DĠ DEVCO jirrakomandaw li, bħala l-ewwel pass, jeħtieġ li l-materjal CBRN jiġi identifikat u sikurizzat. Aħna identifikajna tliet proġetti biss li kienu jikkonċentraw fuq l-identifikazzjoni tal-faċilitajiet CBRN u l-materjal li jinsab fihom. Barra minn hekk, 5 proġetti biss minn 66, li jirrappreżentaw 9 % tal-infiq, kienu jittrattaw esklussivament ir-riskji kimiċi (ara l-Anness V), għalkemm iċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-UE (INTCEN) iqis li din hija t-theddida li għandha l-akbar probabbiltà li timmaterjalizza.

21

Fl-2017, il-Kummissjoni bdiet tuża l-Inizjattiva biex tindirizza aktar kwistjonijiet relatati mas-sigurtà bħall-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità, il-protezzjoni ta’ infrastrutturi kritiċi, il-ġlieda kontra t-traffikar ta’ mediċini ffalsifikati, is-sigurtà marittima, u l-isplussivi. Minħabba li r-riżorsi tal-Inizjattiva huma limitati, il-Kummissjoni biħsiebha tiffinanzja dawn l-attivitajiet il-ġodda minn linji baġitarji oħra, filwaqt li tagħmel użu mill-istrutturi taċ-Ċentri ta' Eċċellenza. Madankollu, għad hemm għadd kbir ta’ miżuri li huma meħtieġa biex jiġu indirizzati r-riskji CBRN tradizzjonali23. Il-punti fokali nazzjonali mmobilizzaw l-isforzi tagħhom fil-qasam tas-CBRN u jistennew li jaraw riżultati. L-espansjoni tal-Inizjattiva għal oqsma tematiċi oħra tirrikjedi xogħol addizzjonali, filwaqt li għad fadal ħafna xi jsir fil-qasam tas-CBRN.

L-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-pajjiżi sħab għadha tieħu wisq żmien u mhix ibbażata fuq valutazzjonijiet tar-riskji sistemiċi

22

Il-JRC fassal kwestjonarju dwar il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet (NAQ) għall-pajjiżi sħab. Il-mistoqsijiet kienu ġeneriċi u relatati ma’ suġġetti bħall-eżistenza jew le ta’ qafas legali nazzjonali fil-pajjiżi sħab, jew ta’ qafas istituzzjonali li jirregola s-sikurezza u s-sigurtà tal-materjali u l-faċilitajiet CBRN. Il-kunċett ta’ riskju ma ġiex inkorporat fil-metodolġija tal-JRC u ma kienx hemm gwida suffiċjenti dwar kif jenħtieġ li r-riskji jiġu identifikati u prijoritizzati. Il-lakuni identifikati permezz tal-kwestjonarju huma l-bażi għall-iżvilupp ta’ Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali (NAP) CBRN għall-mitigazzjoni ta’ dawn ir-riskji.

23

L-esperti tal-JRC assistew lit-timijiet nazzjonali CBRN tal-pajjiżi sħab24 biex iwieġbu għall-mistoqsijiet iżda n-NAQ jibqa’ eżerċizzju ta' awtovalutazzjoni mwettaq mill-pajjiżi sħab. Biex jitwettqu l-eżerċizzji tan-NAQ u tan-NAP, il-Kummissjoni tirrakkomanda li t-timijiet nazzjonali jinkludu rappreżentanti minn firxa wiesgħa ta’ ministeri (ara l-Figura 1) u punti oħra ta’ kuntatt rikonoxxuti25. L-analiżi tagħna turi li t-timijiet nazzjonali ma inkludewx b’mod sistematiku esperti magħżula mill-firxa sħiħa ta’ oqsma CBRN.

24

Sa Ottubru 2017, 26 pajjiż sieħeb minn 58 (45 %) kienu ffinalizzaw in-NAQ tagħhom u 18-il pajjiż sieħeb biss (31 %) kienu fasslu NAP. Minbarra dan, 4 pajjiżi sħab fasslu NAP mingħajr ma applikaw il-metodoloġija tan-NAQ (ara l-Anness I).

25

Raġuni waħda għall-fatt li mhux il-pajjiżi sħab kollha għaddew mill-proċessi tan-NAQ/tan-NAP hi li dan huwa eżerċizzju volontarju li jirrikjedi rieda politika. Raġuni oħra għalfejn għadd limitat ta’ pajjiżi sħab kienu ffinalizzaw l-kwestjonarji għall-valutazzjoni tal-ħtiġijiet u l-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali tagħhom hija l-instabbiltà politika f’ċerti pajjiżi sħab, li kienet tikkomplika l-ippjanar. Fl-aħħar nett, il-JRC ma setax jirreaġixxi malajr biżżejjed għad-domandi kollha li saru għall-assistenza fir-rigward tan-NAQ/tan-NAP.

26

Id-domanda dejjem tikber mill-pajjiżi sħab biex jitwettqu l-eżerċizzji tan-NAQ/tan-NAP u l-espansjoni kontinwa tal-Inizjattiva għamlu pressjoni sinifikanti fuq ir-riżorsi umani tal-JRC. Ir-riżorsi allokati għall-Inizjattiva tnaqqsu minn 200 persuna/xahar fl-2015 għal 105 fl-2017. L-inkapaċità tal-JRC li jlaħħaq mal-ammont ta’ xogħol li kellu rriżultat f’dewmien sinifikanti fl-organizzazzjoni ta’ sessjonijiet ta’ ħidma. Fil-31 ta’ Ottubru 2017, iż-żmien medju ta’ stennija għal sessjoni ta’ ħidma tan-NAQ jew tan-NAP, wara l-preżentazzjoni ta’ talba jew attendenza f’sessjoni ta’ ħidma preċedenti, kien ta’ 19-il xahar. Hemm ir-riskju li jintilef il-momentum jekk l-eżerċizzji tan-NAQ u tan-NAP ma jitwettqux fil-ħin, u b’hekk, il-kredibbiltà tal-Inizjattiva tkun kompromessa.

Ċerti aspetti tal-Inizjattiva ġew żviluppati b’mod sodisfaċenti fil-pajjiżi sħab

L-Inizjattiva għenet biex tissaħħaħ il-governanza CBRN fil-pajjiżi sħab u tiżdied il-kooperazzjoni reġjonali…

27

Iż-żewġ suċċessi ewlenin tal-Inizjattiva huma l-istabbiliment ta’ timijiet nazzjonali CBRN u l-inizjazzjoni ta’ kooperazzjoni reġjonali. It-twaqqif tal-istrutturi nazzjonali ħa ħafna żmien u għaldaqstant, l-implimentazzjoni tal-attivitajiet iddewmet. Madankollu, sa Ottubru 2017, il-maġġoranza kbira tal-pajjiżi (ara l-Anness I) kienu ħatru punt fokali nazzjonali u ħolqu tim nazzjonali biex jiżguraw il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji u jtejbu l-governanza nazzjonali CBRN. Il-governanza tiġi rinforzata aktar permezz tal-eżerċizzji tan-NAQ u tan-NAP (ara l-paragrafi 22 u 24).

28

Is-segretarjati reġjonali26 jassistu lill-pajjiżi sħab biex jivvalutaw u jindirizzaw il-ħtiġijiet tagħhom kif ukoll biex jiffaċilitaw il-koordinazzjoni tagħhom. Huma jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ netwerk CBRN. Madankollu, fir-Rapport Speċjali Nru 17/2014 aħna osservajna li dawn kellhom nuqqas ta’ kompetenza teknika. Id-DĠ DEVCO implimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjoni tagħna bl-iskjerament ta’ sitt esperti fil-qasam tal-assistenza teknika fuq il-post (magħrufa bħala “OSAs” u minn hawn ’il quddiem imsejħa “esperti fuq il-post”) għal seba’ segretarjati reġjonali27. Dawn l-esperti fuq il-post jikkontribwixxu għall-bini tal-governanza CBRN fil-pajjiżi sħab billi jagħtu appoġġ tekniku lit-timijiet nazzjonali, lill-punti fokali nazzjonali u lis-segretarjati reġjonali. Huma jorganizzaw sessjonijiet ta’ taħriġ u eżerċizzji, jiffaċilitaw il-laqgħat tat-timijiet nazzjonali u jħejju s-sessjonijiet ta’ ħidma tan-NAQ u tan-NAP u jattendu għalihom. Huma jikkontribwixxu wkoll għat-titjib fil-kooperazzjoni reġjonali billi jifformulaw ħtiġijiet u proġetti, jabbozzaw termini ta’ referenza u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni ta’ proġetti reġjonali. Il-pajjiżi sħab għandhom opinjoni pożittiva ta’ dawn l-esperti fuq il-post.

29

Is-segretarjati reġjonali tejbu wkoll il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra28 (ara l-Kaxxa 1). Pereżempju, is-segretarjati reġjonali assistew lil sitt pajjiżi sħab biex ikunu jistgħu jirċievu appoġġ mill-Unità ta' Appoġġ għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi.

Kaxxa 1

Kooperazzjoni dejjem tikber ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra

F’Ottubru 2017, b’segwitu għall-kriżi tal-Ebola, il-Presidenza Taljana tas-Sħubija Globali tal-G7 u ċ-Ċentri ta' Eċċellenza CBRN tal-UE organizzaw sessjoni ta’ ħidma ma’ 11-il pajjiż Afrikan biex jidentifikaw miżuri għall-mitigazzjoni ta’ riskji għall-bijosikurezza u l-bijosigurtà fl-Afrika.

Għall-ewwel darba, il-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet tqabblu mal-pjanijiet ta' azzjoni li ġew żviluppati f’konformità ma’ bosta inizjattivi u obbligi internazzjonali29, u b’hekk l-informazzjoni eżistenti fir-rigward tad-diversi inizjattivi setgħet tiġi kkoordinata u kkonsolidata. Id-DĠ DEVCO biħsiebu jkompli dan l-eżerċizzju biex jirfina aktar il-miżuri li jittrattaw il-prijoritajiet ewlenin tal-bijosikurezza u l-bijosigurtà għal azzjoni futura.

30

Fir-Rapport Speċjali Nru 17/2014, aħna rrappurtajna li l-pajjiżi sħab ma kinux involuti biżżejjed fl-għażla tal-proġetti, għalkemm l-Inizjattiva suppost li kellha tkun mibnija fuq approċċ minn isfel għal fuq.

31

Mill-Proġett Nru 33 (Marzu 2013), il-proġetti qed jiġu diskussi f’laqgħat reġjonali madwar mejda u l-għadd ta’ proġetti proposti mid-DĠ DEVCO b’approċċ minn isfel għal fuq huwa d-doppju30 (20) tal-għadd ta’ proġetti b’approċċ minn fuq għal isfel (9) (ara l-Anness VI). Mill-inqas nofs il-proġetti31 jinvolvu esperti lokali fl-implimentazzjoni tagħhom. Ir-rakkomandazzjoni tagħna, li tinsab fir-Rapport Speċjali Nru 17/2014 li wettaqna qabel, ġiet implimentata bis-sħiħ. Il-proġetti tal-Inizjattiva issa jippromwovu sens akbar ta’ sjieda lokali u kultura ta’ kunsens.

32

Il-perjodu ta’ żmien bejn il-proposti għal proġetti u l-implimentazzjoni tagħhom, li aħna rrakkomandajna li kellu jitqassar, għadu twil (ara l-Anness VI) – aktar minn 18-il xahar bħala medja. Reċentement, il-Kummissjoni bidlet l-approċċ għall-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-benefiċjarji, iżda għadu kmieni wisq biex jiġi ddeterminat kemm dan il-metodu l-ġdid se jaċċellera l-bidu tal-attivitajiet tal-proġetti. Għalhekk, aħna nikkonkludu li r-rakkomandazzjoni ġiet implimentata parzjalment.

33

Għadhom ma jeżistux pjanijiet ta’ azzjoni reġjonali. Il-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali li ġew iffinalizzati qajmu diskussjonijiet dwar il-possibbiltà li jiġu żviluppati attivitajiet/proġetti reġjonali. Barra minn hekk, is-segretarjati reġjonali, xi kultant bl-appoġġ tal-esperti fuq il-post, jiġbru u jikkonsolidaw informazzjoni dwar il-ħtiġijiet nazzjonali sabiex jistabbilixxu l-prijoritajiet reġjonali. B’riżultat taż-żieda fil-fiduċja u tas-sens akbar ta’ sjieda, beda jitfaċċa approċċ reġjonali domestiku fi tliet reġjuni (ara l-Kaxxa 2).

Kaxxa 2

Identifikazzjoni tal-ħtiġijiet reġjonali

F’April 2016, esperti nazzjonali mill-pajjiżi sħab kollha tax-Xlokk tal-Asja ltaqgħu għall-ewwel darba biex jiddiskutu l-prijoritajiet reġjonali (ibbażat fuq analiżi tan-NAQ, tal-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali, tal-proġetti preċedenti/li jinsabu għaddejjin u tal-listi ta’ prijoritajiet). Mil-laqgħa ħarġu seba’ proposti għal proġetti reġjonali. Filwaqt li dan huwa indikatur pożittiv ta’ inizjattiva akbar, il-proposti kienu jirrikjedu reviżjoni sinifikanti, li wasslet għad-deċiżjoni biex jintbagħat espert fuq il-post fir-reġjun mill-2018 ’il quddiem.

Is-Segretarjat tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa analizza l-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali eżistenti fir-reġjun, il-proposti għal proġetti li saru fil-passat inklużi dawk li ġew rifjutati. Huwa stieden ukoll lill-punti fokali nazzjonali biex jelenkaw il-prijoritajiet tagħhom. Fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, fl-2016 ir-reġjun adotta strateġija reġjonali li kienet telenka 10 prijoritajiet. Ir-reġjun qed jiffinalizza t-termini ta’ referenza għal proposta għal proġett dwar il-ġestjoni tal-iskart kimiku u bijoloġiku.

Fil-Kosta Atlantika Afrikana, il-punti fokali nazzjonali vvalutaw li l-attivitajiet proposti mill-implimentaturi tal-proġetti ma kinux jaqblu mal-ħtiġijiet lokali, minħabba li t-termini ta’ referenza ma kinux speċifiċi biżżejjed. Esperti lokali ġew impjegati biex jiġbru informazzjoni, janalizzaw u jiddefinixxu l-ħtiġijiet reali, u biex jiżviluppaw proposti għal proġetti. It-termini ta’ referenza għal żewġ proposti reċenti għal proġetti32 ġew abbozzati fuq din il-bażi. Din il-prattika tista’ tnaqqas it-tul tal-fażi tal-bidu.

34

Il-proġetti taw l-outputs kollha ppjanati tagħhom jew xi wħud minnhom. Ħafna proġetti kienu jinkludu taħriġ, li kien ivarja minn introduzzjoni ġenerali u sensibilizzazzjoni sa eżerċizzji aktar operazzjonali ta’ bini tal-kapaċitajiet. Xi kultant il-proġetti kienu jinvolvu żjarat ta’ studju fl-Istati Membri tal-UE, ipprovdew tagħmir CBRN, ipproduċew materjal edukattiv – bħal manwali, linji gwida dwar l-aħjar prattika, manwali dwar il-metodoloġija u pjanijiet ta’ rispons nazzjonali – u kkontribwew għall-adozzjoni jew għar-reviżjoni ta’ leġiżlazzjoni u ta’ regolamenti (ara l-Kaxxa 3).

Kaxxa 3

Premjijiet għall-istejjer ta’ suċċess

Il-punti fokali nazzjonali u l-kapijiet tas-segretarjati reġjonali huma mħeġġa jippromwovu l-istejjer ta’ suċċess tal-Inizjattiva. Il-premjijiet taċ-Ċentri ta' Eċċellenza li ġew ippreżentati fil-Ħames Laqgħa Annwali tal-PFN kienu rikonoxximent ta’ xi wħud minn dawn il-kisbiet.

Iż-Żambja rċeviet il-premju għall-istorja nazzjonali li kellha l-akbar suċċess talli rrevediet il-qafas legali nazzjonali tagħha għall-ġestjoni tar-riskji CBRN. Dan irriżulta fl-Att Emendatorju Nru 2 tal-2015 għal-Liġi Kontra t-Terroriżmu, li wassal għall-ħolqien ta’ ċentru nazzjonali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu li, fost responsabbiltajiet oħra, huwa inkarigat mill-kapaċitajiet ta’ detezzjoni, kontroll u rispons għar-riskji CBRN.

35

L-eżerċizzji ta' simulazzjoni u l-eżerċizzji fuq il-post33 li jitwettqu taħt l-awspiċi tal-Inizjattiva huma apprezzati ħafna mill-pajjiżi sħab34 (ara l-Kaxxa 4). Dawk mistħarrġa qalu li jixtiequ li jiġu ffinanzjati aktar eżerċizzji fuq il-post (b’taħriġ rilevanti li jsir qabel), billi huma jqisu li dawn huma l-aħjar forma ta’ tagħlim prattiku.

Kaxxa 4

Eżerċizzju ta' simulazzjoni FALCON I

Il-Pajjiżi tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf kienu l-aħħar reġjun li ssieħeb fl-Inizjattiva. Għalkemm l-ebda proġett reġjonali għadu ma ġie żviluppat, is-segretarjat reġjonali ħoloq dinamika fir-reġjun billi fi Frar 2016 organizza sessjoni ta’ ħidma u eżerċizzju ta' simulazzjoni teoretika, li kienu jiffukaw fuq id-detezzjoni ta’ riskji nukleari u r-rispons għalihom, u kienu iffinanzjati prinċipalment mill-Emirati Għarab Magħquda u mill-Inizjattiva Globali għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu Nukleari. L-eżerċizzju “FALCON”, li kien l-ewwel wieħed ta’ dan it-tip, tfassal biex isaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni, kif ukoll biex itejjeb ix-xenarji nazzjonali adottati minn kull pajjiż35. L-Inizjattiva Globali għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu Nukleari, l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika u l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali attendew għall-avveniment bħala osservaturi.

It-tieni eżerċizzju huwa ppjanat għall-perjodu 2018-2019. Il-FALCON II se jiffoka l-ewwel fuq il-bini tal-kapaċitajiet ta’ detezzjoni u rispons fil-qasam radjoloġiku, u mbagħad fuq l-eżerċizzji ta' simulazzjoni u l-eżerċizzji fuq il-post.

… iżda għad hemm ostakli importanti li qed ixekklu l-kisba tal-potenzjal sħiħ tal-Inizjattiva …

36

Minkejja l-kisbiet li ġew osservati fit-taqsima preċedenti, għad baqa’ ostakli importanti. Dawn ixekklu l-Inizjattiva milli tikseb il-potenzjal sħiħ tagħha li toħloq komunità CBRN interkonnessa fil-livelli nazzjonali, reġjonali u internazzjonali.

… fil-pajjiż sieħeb

37

Għadd ta’ fatturi affettwaw b'mod negattiv il-livell sa fejn ġiet imsaħħa l-governanza CBRN u ġew immitigati r-riskji fil-pajjiżi sħab. Dawn kienu jinkludu limitazzjonijiet fuq il-mandat u fuq l-istatus legali tat-tim nazzjonali fl-intier tiegħu, u b’mod partikolari tal-PFN. Ostakli oħra kienu jinkludu n-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-membri tat-tim nazzjonali, l-instabbiltà politika u n-nuqqas ta’ finanzjament. L-esperti fuq il-post iffaċilitaw il-laqgħat tat-tim nazzjonali f’għadd ta’ pajjiżi, iżda dan l-appoġġ mhuwiex sostenibbli fuq perjodu fit-tul.

38

Il-punti fokali nazzjonali huma atturi ewlenin tan-netwerk billi huma jikkoordinaw ix-xogħol li jkun sar mill-partijiet ikkonċernati fil-qasam tas-CBRN fil-pajjiżi rispettivi tagħhom u huma l-punti ta’ kuntatt nazzjonali għall-Inizjattiva. Il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li dawn isiru l-punt ta’ dħul uniku għall-kwistjonijiet kollha relatati mas-CBRN. Madankollu, huma spiss ma jingħatawx biżżejjed prominenza u awtorità suffiċjenti mid-diversi istituzzjonijiet li jikkostitwixxu t-tim nazzjonali u mill-gvernijiet proprji tagħhom.

39

Mill-pubblikazzjoni tar-Rapport Speċjali Nru 17/2014, id-DĠ DEVCO bagħat uffiċjali tal-IcSP responsabbli għall-kooperazzjoni reġjonali li jkunu għal terminu twil f’erba’ delegazzjonijiet biss tal-UE36 (Nairobi, Manila, Dakar u Islamabad). L-ewwel tnejn minn dawn il-pajjiżi jospitaw segretarjati reġjonali, għall-kuntrarju tal-aħħar tnejn. L-uffiċjali tal-IcSP responsabbli għall-kooperazzjoni reġjonali li jkunu għal terminu twil jikkollegaw mad-delegazzjonijiet l-oħra tal-UE fir-reġjuni li fihom huma jkunu ntbagħtu. Madankollu, ir-responsabbiltajiet tagħhom mhumiex limitati biss għal kwistjonijiet relatati mas-CBRN iżda jinkludu attivitajiet oħra ta’ sigurtà37.

40

L-involviment tad-delegazzjoni tal-UE fil-promozzjoni tal-Inizjattiva u fil-mobilizzazzjoni tar-rieda politika fi ħdan il-pajjiż u r-reġjuni żdied iżda xorta għadu mhuwiex biżżejjed. Il-kwistjonijiet relatati mas-CBRN ma ġewx inklużi sistematikament fid-djalogu ta’ politika, ta’ sigurtà jew dak politiku. Il-firxa tal-informazzjoni tagħhom spiss kienet tiddependi mill-preżenza ta’ uffiċjali tal-IcSP responsabbli għall-kooperazzjoni reġjonali li jkunu għal terminu twil fir-reġjun. F’xi pajjiżi f’reġjuni prijoritarji ma kien hemm l-ebda involviment fil-qasam CBRN mid-delegazzjoni tal-UE. B’mod ġenerali, aħna nqisu li s-SEAE u l-Kummissjoni implimentaw parzjalment ir-rakkomandazzjoni preċedenti tagħna.

… jew fir-reġjun u lil hinn minnu

41

L-analiżi kumplessiva li wettaqna wriet li fil-biċċa l-kbira mill-proġetti, il-kooperazzjoni reġjonali ma kinitx objettiv primarju, peress li l-pajjiżi sħab kollha jixtiequ jindirizzaw il-ħtiġijiet nazzjonali tagħhom l-ewwel. Filwaqt li huwa ċar li jeħtieġ li jinħoloq bilanċ bejn l-iżvilupp tal-kapaċitajiet nazzjonali għall-mitigazzjoni ta’ riskji CBRN u r-rinfurzar tal-kooperazzjoni reġjonali, il-proporzjon ta’ attivitajiet nazzjonali mqabbla ma’ dawk reġjonali fost il-proġetti li għalihom aħna kellna informazzjoni suffiċjenti, kien ta’ 70:30.

42

Ir-rinfurzar tan-netwerks CBRN fil-livell nazzjonali u dak reġjonali huwa rekwiżit ewlieni biex jiġi żgurat rispons adegwat f’każ ta’ inċident li jinvolvi aġenti CBRN. L-Inizjattiva għandha l-għan li tgħin lill-pajjiżi sħab fil-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni. Madankollu, l-interazzjoni reġjonali ma kinitx frekwenti. Il-laqgħat reġjonali madwar mejda (ara l-Figura 1 u l-Anness I), fejn jiġu diskussi l-proġetti, ġeneralment isiru darbtejn fis-sena iżda l-esperti nazzjonali jiġu mistiedna darba biss, u dan jillimita l-kompetenzi disponibbli. Kull sena, id-DĠ DEVCO jorganizza wkoll laqgħa mal-kapijiet tas-segretarjati reġjonali biss. Il-punti fokali nazzjonali u l-esperti fuq il-post qalu li jeħtieġ li jsiru laqgħat reġjonali fuq bażi aktar regolari, li jiġu mistiedna esperti internazzjonali, li jiġu organizzati sessjonijiet ta’ ħidma/sessjonijiet ta’ taħriġ qosra u li jitwettqu aktar eżerċizzji ta' simulazzjoni u eżerċizzji fuq il-post.

43

Attwalment, ma hemm l-ebda forum jew spazju ta’ diskussjoni fejn jiġu kondiviżi l-linji gwida, l-aħjar prattiki, l-istudji jew it-tagħlimiet meħuda minn organizzazzjonijiet internazzjonali jew minn proġetti tal-UE ffinanzjati taħt programmi oħra (pereżempju l-programm għall-Prevenzjoni ta’ u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità, is-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka, il-Fond għas-Sigurtà Interna-Pulizija u Orizzont 2020) fil-qasam tas-CBRN mal-pajjiżi sħab.

… fl-esplorazzjoni ta’ possibbiltajiet oħra ta’ finanzjament

44

Il-futur tal-Inizjattiva jiddependi fil-biċċa l-kbira mill-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali. Dawn il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali jelenkaw ħafna miżuri (ara l-eżempji fl-Anness V) li ma jistgħux jitwettqu bis-sħiħ bl-użu biss tal-baġits nazzjonali u tar-riżorsi tal-Inizjattiva, filwaqt li jeżistu sorsi oħra ta’ finanzjament li jistgħu jintużaw, bħal pereżempju l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp jew l-Istrument għall-Kooperazzjoni dwar is-Sikurezza Nukleari.

45

In-NAP huwa dokument ewlieni li jiffaċilita l-koordinazzjoni tad-donaturi fil-qasam tas-CBRN u b’hekk jippermetti li riżorsi oħra jiġu mmirati lejn il-bini tal-kapaċitajiet nazzjonali (ara l-Kaxxa 5).

Kaxxa 5

Żvilupp tal-pjan ta' azzjoni nazzjonali tal-Georgia

Fl-2015, il-Georgia adottat il-pjan ta' azzjoni nazzjonali CBRN tagħha għall-perjodu 2015-2019. Għalkemm dan ma ġiex żviluppat bl-użu tal-metodoloġija ta’ valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-Inizjattiva, in-NAP tal-Georgia kien wieħed minn tal-ewwel li ġew adottati fost il-pajjiżi sħab.

Huwa jinkludi 30 prijorità u 118-il miżura speċifika. Il-Kunsill ta’ Koordinazzjoni Interaġenzjali tal-Georgia jiltaqa’ kull sena biex jiddiskuti l-implimentazzjoni tan-NAP. Id-donaturi jiġu wkoll mistiedna għal dan l-avveniment.

Eżitu ewlieni tal-laqgħa speċjali dwar il-Koordinazzjoni tad-Donaturi, li saret f’Novembru 2017, kien dokument ta’ valutazzjoni tal-ħtiġijiet, li ġie kkompilat min-naħa tal-Georgia u li mistenni jgħin lid-donaturi, inkluż lill-UE, fl-ippjanar tal-assistenza tagħhom fil-qasam tas-CBRN. Żewġ Stati Membri tal-UE offrew assistenza relatata mar-rispons mediku f’każ ta' emerġenza/mal-protezzjoni ċivili u t-taħriġ ta’ unitajiet militari fil-qasam CBRN. Barra minn hekk, donatur importanti mhux mill-UE ħabbar li fil-futur l-assistenza kollha relatata mas-CBRN li tingħata lill-Georgia se tkun allinjata man-NAP.

46

Id-delegazzjonijiet tal-UE jista’ jkollhom rwol sinifikanti fl-identifikazzjoni ta’ sorsi oħra ta’ finanzjament. Huma jistgħu jinkludu suġġetti relatati mas-CBRN bħas-sikurezza alimentari, il-bijosikurezza, il-bijosigurtà, it-tniġġis kimiku, l-istandards ta' sikurezza, l-oqfsa legali CBRN fil-proġetti ffinanzjati fis-setturi tradizzjonali tal-iżvilupp (eż. l-agrikultura, l-ambjent, is-saħħa, il-ġustizzja). Madankollu, il-biċċa l-kbira mid-delegazzjonijiet tal-UE li ġew mistħarrġa ma ppruvawx jiksbu fondi addizzjonali għall-attivitajiet CBRN.

47

Il-maġġoranza kbira tad-delegazzjonijiet tal-UE li ġew mistħarrġa indikaw li l-laqgħat ta’ koordinazzjoni tad-donaturi mal-Istati Membri tal-UE kienu għadhom ma seħħewx.

48

Minkejja l-fatt li l-Viċinat huwa qasam ta’ prijorità għall-Inizjattiva u għall-UE b’mod ġenerali, sa issa l-involviment tad-DĠ NEAR kien limitat. Interazzjoni akbar tad-DĠ DEVCO ma’ Direttorati Ġenerali oħra tal-Kummissjoni, pereżempju d-DĠ NEAR u d-DĠ ECHO, tgħin ukoll biex jimtlew in-nuqqasijiet identifikati li l-Inizjattiva ma setgħetx tindirizza.

Monitoraġġ u evalwazzjoni inadegwati

49

Jenħtieġ li l-Inizjattiva tiddivulga r-riżultati miksuba, sabiex tidderieġi l-għażliet strateġiċi u operazzjonali futuri, u tiġġenera l-livell ta’ interess u ta’ involviment politiku meħtieġ għas-suċċess tagħha.

50

Filwaqt li għandu r-responsabbiltà kumplessiva għall-monitoraġġ tal-Inizjattiva, id-DĠ DEVCO jiddependi minn partijiet ikkonċernati oħra biex jagħtu l-feedback meħtieġ. Dawn jiġbru informazzjoni, jimmonitorjaw u jevalwaw l-attivitajiet tal-Inizjattiva permezz ta’:

  1. portal ibbażat fuq il-web taċ-Ċentri ta' Eċċellenza CBRN (“il-portal”);
  2. laqgħat tal-kumitat ta' tmexxija mal-implimentaturi tal-proġetti;
  3. kumitati ta’ koordinazzjoni mas-SEAE, mal-JRC, mal-UNICRI, mat-Tim ta’ Governanza u mal-esperti fuq il-post;
  4. rapporti mill-UNICRI, mit-Tim ta’ Governanza, mill-esperti fuq il-post u mill-implimentaturi tal-proġetti;
  5. missjonijiet ta' monitoraġġ fuq il-post orjentat lejn ir-riżultati;
  6. rapporti ta’ evalwazzjoni tal-JRC.

Il-portal: għodda potenzjali ta’ informazzjoni u monitoraġġ

51

Il-portal huwa pjattaforma bbażata fuq il-web b’aċċess ristrett li, skont id-DĠ DEVCO, jenħtieġ li tinkludi d-dokumentazzjoni kollha relatata mal-proġetti. Huwa intenzjonat ukoll li jinforma lill-partijiet ikkonċernati dwar l-attivitajiet ippjanati kif ukoll li jippubblika l-minuti tal-laqgħat ewlenin u l-listi ta’ kuntatt. Madankollu, l-informazzjoni ppubblikata hija sporadika, mhux kompleta, strutturata ħażin u mhix faċilment aċċessibbli f’format li huwa faċli għall-utent (jew aċċessibbli minn fuq apparat mobbli). Il-JRC huwa responsabbli għall-manutenzjoni tal-portal, iżda jiddependi mid-DĠ DEVCO biex jipprovdi d-dokumentazzjoni relatata mal-proġetti. Attwalment, il-portal mhux qed jissodisfa l-potenzjal tiegħu bħala għodda operazzjonali u ta’ ġestjoni (ara l-Anness VII), jew bħala forum għad-diskussjoni (ara l-paragrafu 43).

52

L-implimentaturi tal-proġetti jiddependu mill-portal biex jitgħallmu minn proġetti preċedenti. Billi l-portal huwa inkomplet u ma jinkludix inventarju tal-outputs tal-proġetti, l-implimentaturi tal-proġetti ma għandhomx aċċess sistematiku għal din l-informazzjoni. Dan irriżulta f’ċerta duplikazzjoni tal-attivitajiet. Pereżempju, xi programmi introduttorji ta’ taħriġ fil-qasam tas-CBRN ġew ripetuti f’bosta proġetti mingħajr ma reġa’ ntuża materjal simili li kien diġà ġie prodott, liema użu seta' naqqas l-ispejjeż tal-proġetti.

Għodod oħra ta’ monitoraġġ

53

La d-DĠ DEVCO, il-JRC, is-segretarjati reġjonali u lanqas il-punti fokali nazzjonali ma ġabru jew ikkonsolidaw l-informazzjoni sistematikament f’xi post barra mill-portal. L-għadd kbir ta’ atturi involuti, iż-żamma ħażina ta’ rekords u l-informazzjoni inkompleta dwar il-proġetti jikkumplikaw u jdgħajfu s-sorveljanza, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-proġetti mill-Kummissjoni.

54

Id-DĠ DEVCO wettaq segwitu tal-attivitajiet tal-proġetti fil-laqgħat tal-kumitat ta' tmexxija. Madankollu, minħabba li d-DĠ DEVCO ma żammx rekords tajbin aħna ma stajniex nikkonfermaw li l-laqgħat kienu saru fuq bażi regolari u li l-obbligi kuntrattwali kienu ġew rispettati.

55

Fir-Rapport Speċjali Nru 17/2014, aħna rrakkomandajna li jsir titjib fil-kooperazzjoni bejn il-korpi responsabbli għat-teħid ta' deċiżjonijiet u l-korpi ta' implimentazzjoni billi, pereżempju, jerġa’ jiġi stabbilit il-kumitat ta’ koordinazzjoni. Dawn il-laqgħat issoktaw fl-2014 u normalment kienu jsiru darbtejn fis-sena. Huma ffaċilitaw il-ġestjoni tal-Inizjattiva billi pprovdew stampa globali tal-attivitajiet imwettqa mid-diversi atturi ewlenin38. Aħna nqisu li r-rakkomandazzjoni li għamilna fir-Rapport Speċjali Nru 17/2014 preċedenti tagħna ġiet implimentata bis-sħiħ.

56

Id-DĠ DEVCO jimmonitorja wkoll ir-riżultati fuq il-bażi ta’ żjarat fuq il-post imwettqa minn esperti esterni. Fiż-żmien meta sar l-awditu tagħna, 6 rapporti biss ta’ monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati kienu ġew iffinalizzati għal 60 proġett implimentat permezz tal-Inizjattiva, u wieħed minn dawn ir-rapporti kien relatat mal-assistenza teknika fuq il-post. Iż-żjarat ta’ monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati ma twettqux għal proġetti implimentati mill-JRC, għalkemm dawn ma jistgħux jiġu evalwati mill-JRC innifsu.

L-evalwazzjoni tar-riżultati mhix sodisfaċenti

57

Minħabba n-nuqqas ta’ objettivi ċari u ddefiniti tajjeb, flimkien man-nuqqas ta’ indikaturi rilevanti tal-eżiti/tal-impatt, kemm fil-livell tal-Inizjattiva kif ukoll fil-livell tal-proġetti39, ma kienx possibbli li r-riżultati jiġu vvalutati f’termini ta’ titjib tal-kapaċitajiet ta’ mitigazzjoni u tħejjija għar-riskji u t-theddid CBRN. Barra minn hekk, il-kisbiet tal-Inizjattiva ma setgħux jitkejlu minħabba li l-eżiti u l-impatt tal-proġetti ma kinux marbuta mal-objettivi globali.

58

Il-JRC huwa responsabbli għall-evalwazzjonijiet kollha tal-proġetti, iżda minn Settembru 2016 ’il hawn, huwa esternalizza l-biċċa l-kbira minn dawn l-evalwazzjonijiet lil esperti esterni. L-evalwazzjonijiet kollha kienu bbażati fuq kontrolli ta’ dokumenti u jiddependu mill-input ipprovdut mill-JRC. Aħna sibna li terz tal-evalwazzjonijiet tal-proġetti ma kinux ġew ikkompletati minħabba li ma kienx hemm disponibbli dokumentazzjoni suffiċjenti relatata mal-proġetti (ara l-paragrafu 51).

59

Minkejja li kienu bbażati fuq kontrolli ta’ dokumenti, l-evalwazzjonijiet finali ħadu medja ta’ 19-il xahar wara l-pubblikazzjoni tar-rapporti finali (u anke aktar wara l-ikkompletar tal-proġetti). L-evalwazzjonijiet ta’ nofs it-terminu ma ġewx iffinalizzati qabel ma l-proġetti kienu kważi kompleti. Ir-rakkomandazzjonijiet, fejn dawn saru, spiss kienu effettivament inutli billi kien tard wisq biex jiġu applikati40.

60

Il-fatt li l-biċċa l-kbira mill-proġetti huma attivitajiet awtonomi u mhumiex akkumpanjati minn pjan fuq terminu aktar fit-tul ma jgħinx biex dawn ikunu sostenibbli. Il-maġġoranza kbira tal-proġetti li eżaminajna kellhom nuqqas ta’ dispożizzjonijiet biex jiżguraw is-sostenibbiltà tal-eżiti tagħhom. Anke jekk xi proġetti pprovdew tagħmir CBRN lil dawk li jagħtu l-ewwel għajnuna, ħafna pajjiżi sħab ma għandhomx tagħmir bażiku, u b’hekk, ta’ spiss l-attivitajiet implimentati kienu avvanzati wisq għall-kapaċitajiet tekniċi tagħhom. Billi r-riskji u t-theddid CBRN mhumiex l-ogħla prijorità, il-finanzjament nazzjonali huwa limitat, u dan jipperikola l-kontinwazzjoni tal-eżiti miksuba. Huma ftit biss mill-attivitajiet ta' taħriġ – inklużi l-eżerċizzji ta’ taħriġ lil min iħarreġ – li tkomplew wara tmiem il-proġett.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

61

L-Inizjattiva hija l-akbar programm ċivili ta’ sigurtà esterna tal-UE. Il-kunċett iħaddan approċċ bejn l-aġenziji u reġjonali uniku, bl-involviment ta’ ħafna atturi (ara l-paragrafi 8 sa 10). B’mod ġenerali, l-Inizjattiva hija waħda mill-għodod prinċipali għall-mitigazzjoni tat-theddid u r-riskji CBRN li jkunu ġejjin minn barra t-territorju tal-UE (il-paragrafu 4). Aħna nikkonkludu li l-Inizjattiva kkontribwiet għall-mitigazzjoni ta’ dan it-theddid CBRN, iżda għad baqa’ ħafna sfidi (ara l-paragrafi 16 sa 60).

62

Il-Kummissjoni u s-SEAE implimentaw bis-sħiħ tlieta mis-sitt rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-Rapport Speċjali Nru 17/2014 tagħna, u implimentaw parzjalment tnejn minnhom (l-Anness II u l-paragrafi 11, 16 sa 21, 28, 30 sa 32, 39 sa 40 u 55). Il-pajjiżi sħab issa huma aktar involuti fl-inizjazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti, l-organizzazzjoni fil-livell reġjonali ssaħħet u l-kooperazzjoni bejn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-korpi ta’ implimentazzjoni tjiebet. Filwaqt li sar xi progress, ir-rwol tad-delegazzjonijiet tal-UE u r-rapidità tal-implimentazzjoni tal-proġetti għadhom mhumiex sodisfaċenti (il-paragrafi 27 sa 48). Waħda mir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tagħna, fejn ipproponejna li l-finanzjament mill-UE jiġi kkonċentrat fl-oqsma l-aktar rilevanti għas-sigurtà tal-UE u li ġiet aċċettata mill-Kummissjoni, ma ġietx implimentata (ara l-paragrafi 16 sa 21).

63

Is-suċċess tal-Inizjattiva jiddependi mill-kapaċità li tadatta u tindirizza l-isfidi ewlenin li issa qed tiffaċċja. Ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin, li huma maħsuba biex jindirizzaw in-nuqqasijiet li rriżultaw mill-awditu, għandhom l-għan li jsaħħu u jsostnu aktar l-Inizjattiva.

64

Sa issa, għadu ma ġiex żviluppat approċċ adegwat tal-ġestjoni tar-riskji għall-attivitajiet tal-Inizjattiva fl-intier tagħha, fl-istadju tal-għażla tal-proġetti u għall-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tal-pajjiżi sħab (il-paragrafi 18 sa 23).

65

Il-Kummissjoni tipprovdi għodod u metodoloġija lill-pajjiżi sħab biex tgħinhom jivvalutaw il-ħtiġijiet proprji tagħhom u biex jiżviluppaw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali għall-mitigazzjoni tar-riskji CBRN (ara l-paragrafi 22 u 23). Madankollu, ma tingħatax gwida suffiċjenti dwar kif jenħtieġ li r-riskji jiġu identifikati u prijoritizzati (ara l-paragrafi 23). Minkejja dan l-iżvantaġġ, il-kwestjonarju dwar il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet u l-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali għadhom elementi ewlenin li jirfdu l-Inizjattiva. Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax tirreaġixxi malajr biżżejjed għat-talbiet li jsiru mill-pajjiżi sħab kollha għal assistenza biex jidentifikaw u jipprijoritizzaw il-ħtiġijiet tagħhom; dan għandu r-riskju li jdewwem serjament it-tħejjija kemm tal-kwestjonarji kif ukoll tal-pjanijiet ta’ azzjoni (ara l-paragrafu 26).

Rakkomandazzjoni 1 Jiġu prijoritizzati l-attivitajiet fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tar-riskji sistemiċi

Jenħtieġ li l-Kummissjoni u s-SEAE:

  1. iwettqu analiżi konġunta fil-livell tal-UE biex jidentifikaw ir-riskji CBRN esterni għall-UE u jorbtu b’mod komprensiv l-azzjoni interna u dik esterna.

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tinkorpora l-valutazzjonijiet tar-riskji sistemiċi fil-metodoloġiji tal-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet u l-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali;
  1. tirreaġixxi malajr għat-talbiet li jsiru mill-pajjiżi sħab kollha għal assistenza biex jiffinalizzaw l-eżerċizzji tagħhom relatati mal-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet u mal-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Ġunju 2019.

66

Minbarra t-titjib li rriżulta mir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tagħna, fil-pajjiżi sħab ġew żviluppati għadd ta’ aspetti tal-Inizjattiva. L-Inizjattiva ppromwoviet kultura ta’ sikurezza u ta’ kooperazzjoni (ara l-paragrafi 22 u 31). Timijiet nazzjonali CBRN inħatru fil-maġġoranza tal-pajjiżi sħab. Il-proġetti taw il-biċċa l-kbira mill-outputs tagħhom; il-partijiet ikkonċernati apprezzaw b’mod speċjali l-eżerċizzji operazzjonali ta’ bini tal-kapaċitajiet (ara l-paragrafi 34 sa 35).

67

Il-kooperazzjoni reġjonali nbdiet iżda għad għandha xi nuqqasijiet billi l-pajjiżi sħab ma jinteraġixxux biżżejjed u jixtiequ jindirizzaw il-ħtiġijiet nazzjonali tagħhom l-ewwel (ara l-paragrafi 33, 41 sa 43).

Rakkomandazzjoni 2 Tissaħħaħ id-dimensjoni reġjonali tal-Inizjattiva

Jenħtieġ li l-Kummissjoni żżid l-għadd ta’ attivitajiet reġjonali, bħall-eżerċizzji ta' simulazzjoni u l-eżerċizzji fuq il-post.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Diċembru 2019.

68

Mill-pubblikazzjoni tar-Rapport Speċjali Nru 17/2014 tagħna, l-involviment tad-delegazzjonijiet tal-UE fl-Inizjattiva tjieb. Madankollu, huma ma kinux attivi biżżejjed fil-promozzjoni tal-Inizjattiva u fil-mobilizzazzjoni tar-rieda politika (ara l-paragrafi 39 u 40). Il-kwistjonijiet CBRN ma ġewx inklużi b’mod sistematiku fid-djalogu ta’ politika u ta’ sigurtà jew dak politiku.

Rakkomandazzjoni 3 Jissaħħaħ aktar ir-rwol tad-delegazzjonijiet tal-UE fl-Inizjattiva

Jenħtieġ li l-Kummissjoni u s-SEAE flimkien:

  1. jassenjaw ir-responsabbiltajiet fil-qasam tas-CBRN lill-punti fokali deżinjati u/jew lill-uffiċjali tal-IcSP responsabbli għall-kooperazzjoni reġjonali li jkunu għal terminu twil fid-delegazzjonijiet kollha tal-UE;
  2. jinkludu r-riskji CBRN fid-djalogu ta’ politika u ta’ sigurtà u dak politiku.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Diċembru 2018.

69

L-interazzjoni bejn id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni u mal-komunità tad-donaturi, partikolarment dwar il-kwistjoni tal-finanzjament li potenzjalment kien disponibbli, kienet limitata (ara l-paragrafi 44 sa 48).

Rakkomandazzjoni 4 Jiġu identifikati s-sinerġiji potenzjali u sorsi oħra ta’ finanzjament disponibbli

Jenħtieġ li d-DĠ DEVCO u s-SEAE jaħdmu flimkien ma’ Direttorati Ġenerali rilevanti oħra tal-Kummissjoni, b’mod partikolari mad-DĠ NEAR, kif ukoll ma’ donaturi oħra sabiex jidentifikaw is-sinerġiji potenzjali u sorsi oħra ta’ finanzjament disponibbli li jistgħu jintużaw aħjar biex jappoġġaw l-attivitajiet CBRN.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Ġunju 2019.

70

Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni li twettqu mill-Kummissjoni ma kinux adegwati minħabba li l-informazzjoni kienet sporadika u mhux kompleta, ir-rekords ma nżammux tajjeb u ma kienx hemm biżżejjed involviment mill-pajjiżi sħab (ara l-paragrafi 51 sa 60). In-nuqqas ta’ objettivi ċari, indikaturi rilevanti u data miġbura fuq il-post dgħajjef il-valutazzjoni tal-eżitu u l-impatt tal-proġetti kif ukoll l-Inizjattiva fl-intier tagħha.

Rakkomandazzjoni 5 Jiżdiedu l-obbligu ta' rendikont u l-viżibbiltà tal-attivitajiet u tar-riżultati permezz ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni aħjar

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tikkonkretizza l-objettiv ġenerali tal-Inizjattiva f’objettivi aktar speċifiċi li jistgħu jintużaw fil-livell tal-proġetti, biex b’hekk ir-riżultati jkunu jistgħu jitkejlu mil-livell tal-proġetti sal-livell nazzjonali, reġjonali u dak tal-Inizjattiva.
  2. tiddefinixxi l-indikaturi tal-eżiti u tal-impatt, biex b’hekk l-effettività tal-Inizjattiva tkun tista’ tiġi vvalutata bi tqabbil mal-objettivi ssettjati.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Diċembru 2019.

71

Il-portal tas-CBRN li huwa bbażat fuq il-web għandu potenzjal konsiderevoli bħala database operazzjonali għall-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-attivitajiet tal-Inizjattiva, iżda għadu mhuwiex repożitorju effettiv, komplet, aġġornat u strutturat tal-attivitajiet, tat-tagħlimiet meħuda u tal-aħjar prattiki (ara l-paragrafi 51 sa 59).

Rakkomandazzjoni 6 Jinbidel kompletament il-portal ibbażat fuq il-web biex ikun hemm aċċess faċli għall-informazzjoni kollha li tirrigwarda l-attivitajiet tal-Inizjattiva

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li:

  1. l-informazzjoni kollha rilevanti tkun disponibbli fuq il-portal tagħha bbażat fuq il-web, bil-livelli xierqa ta’ awtorizzazzjoni għall-aċċess;
  2. l-aħjar prattiki u l-linji gwida jkunu aċċessibbli permezz tal-portal CBRN.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: Diċembru 2018.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla III, immexxija mis-Sur Karel PINXTEN, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu, fil-laqgħa tagħha tal-24 ta’ April 2018.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President

Annessi

Anness I

L-Inizjattiva f’ċifri

Perjodu 2009-2013 2014-2017 2020
Baġit EUR 109 mijun
Medja annwali = ± 22
EUR 76 miljun
Medja annwali = ± 19
EUR 130 miljun
Allokati EUR 97 miljun għall-proġetti
EUR 41 miljun għall-assistenza (bini tal- kapaċitajiet u governanza)

Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri bbażat fuq il-CRIS.

8 reġjuni u 58 pajjiż sħab f’Ottubru 2017

Għadd ta’ AAF NAS SEEE MIE GCC ECA CA SEA Total
Pajjiżi sħab 10 6 (+1) 10 3 3 11 5 10 58
Punti Fokali Nazzjonali 10 6 10 3 3 11 5 9 57
Timijiet nazzjonali 10 1 9 3 0 10 3 8 46
Laqgħat madwar mejda 12 7 14 9 5 9 6 13 NA
Kwestjonarji ffinalizzati dwar il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet 6 1 4 2 1 5 3 4 26
Pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali ffinalizzati 4 0 3 1 0 4 0 6 18

Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ibbażat fuq dokumenti tal-JRC, rapporti dwar l-assistenza teknika fuq il-post, minuti tal-laqgħat madwar mejda u l-CRIS.

Anness II

Segwitu tar-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-Rapport Speċjali Nru 17/2014

Rakkomandazzjonijiet Status attwali Referenzi fit-test
Il-finanzjament mill-UE jiġi kkonċentrat fl-oqsma tal-aktar rilevanza għas-sigurtà tal-UE sabiex b’hekk jinkiseb l-aktar benefiċċju dirett. Mhux implimentata Paragrafi 16 sa 21
Jiżdiedu l-kapaċitajiet tas-segretarjati reġjonali billi jiżdiedu l-kompetenzi tekniċi Implimentata bis-sħiħ Paragrafu 28
Jiżdied ir-rwol tad-delegazzjonijiet tal-UE, b’mod partikolari fil-pajjiżi fejn ġie stabbilit segretarjat reġjonali. Implimentata parzjalment Paragrafi 39 sa 40
Jittieħdu miżuri biex il-pajjiżi sħab ikunu involuti mhux biss meta jinbdew il-proġetti iżda wkoll fl-implimentazzjoni tagħhom. Dan iżid is-sjieda tagħhom tal-miżuri u jiżgura s-sostenibbiltà tagħhom. Implimentata bis-sħiħ Paragrafi 30 sa 31
Jitkomplew l-isforzi biex jittejbu l-proċeduri sabiex jitnaqqas il-perjodu ta' żmien bejn il-proposti għal proġetti u l-implimentazzjoni tal-proġetti. Implimentata parzjalment Paragrafu 32
Titjieb il-kooperazzjoni bejn il-korpi responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-korpi ta’ implimentazzjoni, pereżempju billi tingħata ħajja mill-ġdid lill-kumitat ta’ koordinazzjoni. Implimentata bis-sħiħ Paragrafu 55

Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Anness III

Segretarjati reġjonali u pajjiżi sħab f’Ottubru 2017

Abbrevjazzjoni Reġjun Pajjiżi involuti
SEA Ix-Xlokk tal-Asja Il-Brunei, il-Kambodja, l-Indoneżja, il-Laos, il-Malasja, il-Myanmar, il-Filippini, Singapore, it-Tajlandja, il-Vjetnam
AAF Kosta Atlantika Afrikana Il-Benin, il-Kamerun, il-Kosta tal-Avorju, il-Gabon, il-Liberja, il-Mauritania, il-Marokk, is-Senegal, Sierra Leone, it-Togo
NAS L-Afrika ta’ Fuq u s-Saħel L-Alġerija, il-Burkina Faso, il-Libja, il-Mali, il-Marokk, in-Niġer, it-Tuneżija
SEEE Ix-Xlokk u l-Lvant tal-Ewropa L-Albanija, l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Georgia, il-Moldova, il-Montenegro, is-Serbja, l-Ukrajna
CA L-Asja Ċentrali L-Afganistan, il-Kirgiżistan, il-Pakistan, it-Taġikistan, l-Użbekistan
MIE Il-Lvant Nofsani L-Iraq, il-Ġordan, il-Libanu
ECA L-Afrika tal-Lvant u Ċentrali Il-Burundi, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, l-Etjopja, il-Ghana, il-Kenja, il-Malawi, ir-Rwanda, is-Seychelles, it-Tanzanija, l-Uganda, iż-Żambja
GCC Pajjiżi tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf L-Emirati Għarab Magħquda, il-Qatar, l-Arabja Sawdija

Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri bbażat fuq id-DĠ DEVCO u s-SEAE.

Anness IV

Distribuzzjoni ġeografika tal-Inizjattiva

Anness V

Eżempji ta’ prijoritajiet CBRN li nsiltu mill-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali ta’ erba’ pajjiżi sħab

Sors: Posters tal-UNICRI bbażati fuq l-informazzjoni li ngħatat mill-Kosta tal-Avorju, mil-Libanu, mir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Laos u mill-Georgia.

Anness VI

Lista ta’ proġetti

Numru Titolu tal-proġett Baġit f’EUR Reġjun Minn isfel għal fuq Formulazzjoni tal-idea Data tal-bidu Data tat-tmiem Oqsma CBRN koperti
66 MEDISAFE – Il-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu u t-tisħiħ tas-sikurezza tal-mediċini fl-Afrika tal-Lvant u Ċentrali Fil-fażi ta’ tħejjija ECA ibridu CB
65 Tisħiħ tal-ġestjoni tal-iskart kimiku u bijoloġiku fil-pajjiżi tal-Asja Ċentrali biex tittejjeb il-mitigazzjoni tar-riskji għas-sigurtà u għas-sikurezza 3 000 000 CA Iva 2.6.16 CB
64 EU P2P - Programm tal-2017 dwar il-Kontroll tal-Esportazzjoni għal oġġetti b'użu doppju 3 000 000 NAS, SEEE Le RN
63 Provvediment ta’ tagħmir CBRN speċjalizzat għat-taħriġ tal-persunal li jkun inkarigat mill-kontrolli transkonfinali 1 000 000 NAS Iva Relatata ma’ P 55 CBRN
62 Appoġġ Tekniku fuq il-Post mogħti liċ-Ċentru ta' Eċċellenza CBRN (CoE) Fil-fażi ta’ tħejjija SEA MA CBRN
61 Ġestjoni tajba tal-kimiċi u l-iskart assoċjat tagħhom fl-Asja tax-Xlokk (SEACHEM) 2 999 815 SEA Iva 3.4.14 1.9.17 1.9.20 C
60 Appoġġ mogħti liċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tal-Afrika tal-Lvant u Ċentrali fir-rigward tas-Sigurtà Nukleari 3 500 000 ECA Iva 8.11.16 7.11.19 RN
59 Tisħiħ tas-Segretarjat Reġjonali taċ-Ċentru ta' Eċċellenza CBRN għar-Reġjun tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf 285 000 GCC MA 15.9.15 14.9.16 CBRN
58 Provvediment ta’ tagħmir speċjalizzat għall-forensika CBRN fir-Reġjun CoE fis-SEEE 1 871 115 SEEE Iva 8.4.14 relatata ma’ P 57 15.1.17 30.4.18 CBRN
57 Tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-forensika fuq il-postijiet tar-reat fit-twettiq ta’ investigazzjonijiet dwar l-inċidenti CBRN fir-reġjun taċ-Ċentri ta' Eċċellenza tax-Xlokk u l-Lvant tal-Ewropa 1 399 670 SEEE Iva 8.4.14 14.1.20 CBRN
56 Assistenza teknika fuq il-post 2 Assistenza teknika fuq il-post mogħtija lis-Segretarjati taċ-Ċentri ta' Eċċellenza kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari f’Alġier u f’Tashkent 2 130 250 CA, NAS MA 10.11.19 CBRN
55 Tisħiħ tal-kapaċitajiet transkonfinali għall-kontroll u d-detezzjoni ta’ sustanzi CBRN 3 500 000 NAS, AAF Iva 2.7.13 30.9.19 CBRN
54 Bini tal-kapaċitajiet għat-tħejjija u r-rispons mediku għal inċidenti CBRN 2 999 965 MIE Iva 26.2.14 17.7.19 CBRN
53 Tisħiħ tal-oqfsa legali nazzjonali u provvediment ta’ taħriġ speċjalizzat dwar il-bijosikurezza u l-bijosigurtà fil-pajjiżi tal-Asja Ċentrali 5 000 000 CA Iva 25.3.15 22.12.15 21.12.18 B
52 Provvediment ta’ tagħmir CBRN speċjalizzat għal dawk li jagħtu l-ewwel għajnuna fir-Reġjun CoE fis-SEEE 1 697 563 SEEE Iva 10.7.13 relatata ma’ P 44 11.12.15 10.6.18 CBRN
51 Assistenza teknika fuq il-post mogħtija lis-segretarjati taċ-Ċentri ta' Eċċellenza kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari fil-Georgia, fil-Kenja u fil-Marokk 2 969 700 SEEE, CA, AAF MA 15.9.15 14.9.18 CBRN
50 Provvediment ta’ tagħmir speċjalizzat biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ tħejjija u ta’ rispons għal riskji CBRN 2 634 042 AAF, ECA Iva 1.4.14 1.10.15 30.6.19 CBRN
49 Proġett dwar is-Saħħa fil-Pakistan 927 608 CA Le 5.1.15 4.1.18 B
48 Ġestjoni reġjonali mtejba ta’ tifqigħat li jseħħu fil-pajjiżi sħab taċ-ċentri ta’ eċċellenza CBRN tar-reġjun tal-Kosta Atlantika Afrikana. 3 499 600 AAF Iva 1.6.14 1.1.16 31.12.18 B
47 Programm ta' sensibilizzazzjoni tal-UE għal oġġetti b'użu doppju - Ix-Xlokk tal-Asja 3 472 100 SEA Iva 3.4.14 1.9.15 31.8.18 CBRN
46 Titjib tal-kapaċitajiet CBRN tax-Xlokk tal-Asja biex jindirizzaw il-mitigazzjoni ta’ riskji CBRN fir-rigward tal-ewwel rispons, il-bijosikurezza u l-bijosigurtà, is-sensibilizzazzjoni u l-qafas legali tas-CBRN 3 000 000 SEA Iva 3.4.14 107.15 9.7.18 CBRN
45 Stabbiliment ta’ Laboratorju Mobbli għal interventi in situ f’siti ta’ tifqigħat VHF flimkien mal-Bini tal-Kapaċità CBRN fl-Afrika tal-Punent (EUWAM-Lab) 2 579 854 AAF Le 18.9.14 17.11.17 B
44 Tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-ewwel rispons għal riskji CBRN u tal-kooperazzjoni reġjonali fix-Xlokk tal-Ewropa, il-Kawkasu tan-Nofsinhar, il-Moldova u l-Ukrajna 2 953 550 SEEE Iva 10.7.13 1.1.15 30.4.18 CBRN
43 Programm ta’ sensibilizzazzjoni tal-UE għal oġġetti b'użu doppju 2 249 250 SEEE, MIE, GCC,
NAS, CA
Le 1.9.15 30.6.17 CBRN
42 Sigurtà u sikurezza kimika fir-reġjun tal-Afrika Ċentrali u tal-Lvant 2 978 000 ECA, AAF Iva 6.5.14 5.1.15 4.1.18 C
41 Faċilitajiet kimiċi ta’ riskju għoli u mitigazzjoni tar-riskji fir-reġjun AAF 3 000 000 AAF, NAS Iva 1.6.14 1.1.15 31.12.17 C
40 Tisħiħ ta’ Laboratorji tas-Saħħa biex jiġu minimizzati riskji bijoloġiċi potenzjali 4 495 712 SEEE, NAS, MIE, CA Le 18.12.13 17.12.17 B
39 Tisħiħ tas-Sigurtà tas-Saħħa fil-portijiet, fl-Ajruporti u fil-Postijiet tal-qsim tal-fruntiera fuq l-art 1 432 757 CA,
GCC, MIE,
NAS
Le 24.7.13 23.11.15 B
38 Sensibilizzazzjoni għall-kontroll tal-esportazzjoni għal oġġetti b’użu doppju 3 500 000 CA, MIE Le 30.12.13 29.7.19 CBRN
37 Prevenzjoni ta’ Mard li Jinġarr minn Vettur fir-reġjuni tal-Mediterran u tal-Baħar l-Iswed permezz tal-ħolqien ta’ netwerks ġodda MEDILABSECURE 3 626 410 SEEE, MIE,
NAS
Le 6.1.14 5.7.18 B
36 Żvilupp ulterjuri u konsolidazzjoni tal-Programm Mediterranju għat-Taħriġ għal Interventi Epidemjoloġiċi (“MediPIET”) 6 400 000 SEEE, MIE,
NAS
Le 1.1.14 31.12.17 B
35 AAF - Ġestjoni ta’ skart 3 871 800 AAF Iva 20.3.13 1.1.14 31.12.17 CB
34 Tisħiħ tal-Kapaċitajiet fir-Rispons għal riskji CBRN u f’każijiet ta’ Emerġenza Kimika u Medika 3 914 034 MIE Iva 1.9.12 23.12.13 22.6.17 CBRN
33 Tisħiħ tal-Qafas Legali Nazzjonali CBRN u Provvediment ta’ taħriġ speċjalizzat u tekniku għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ tħejjija u rispons għal riskji CBRN 2 699 069 AAF, ECA Iva 20.3.13 15.9.13 28.2.17 CBRN
32 Stabbiliment ta’ Programm Mediterranju għat-Taħriġ għal Interventi Epidemjoloġiċi (MediPIET) 400 000 MIE, NAS, SEEE,
AAF
Le 1.1.13 31.12.14 B
31 Netwerk ta’ universitajiet u istituti għas-sensibilizzazzjoni għat-tħassib dwar l-użu doppju ta’ materjali kimiċi 614 883 CA,
MIE, AAF, NAS, SEEE,
SEA
Iva 21.12.12 20.4.15 C
30 Netwerk ta’ Eċċellenza għall-Forensika Nukleari fir-Reġjun tax-Xlokk tal-Asja 600 000 SEEE, SEA Iva 21.12.12 20.12.16 RN
29 Żvilupp tar-Riżorsi Umani Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sikurezza, is-Sigurtà u s-Salvagwardji Nukleari permezz ta’ Programm Universitarju ta’ Masters imwettaq fit-Tajlandja 624 451 SEA Iva 21.12.12 20.3.16 RN
28 Appoġġ għall-iżvilupp ta’ sistema integrata nazzjonali ta’ sigurtà għal materjali nukleari u radjuattivi 1 000 000 SEA Iva 21.12.12 20.12.16 RN
27 Ġestjoni ta’ bijoriskji 480 000 SEA Iva 21.12.12 30.6.15 B
26 Prerekwiżit għat-tisħiħ tal-oqfsa legali nazzjonali tas-CBRN 299 936 MIE, NAS Iva 17.12.12 16.12.14 CBRN
25 Żvilupp ta’ għarfien u trasferiment tal-aħjar prattika dwar il-ġestjoni tal-bijosikurezza/bijosigurtà/bijoriskji 434 010 MIE Le 12.12.12 11.4.15 B
24 Żvilupp ta’ metodoloġija għad-detezzjoni u l-ġestjoni ta’ materjali RN, u l-protezzjoni tal-pubbliku minn dawn il-materjali 599 830 AAF Iva 18.12.12 17.12.17 RN
23 Bini tal-kapaċitajiet ta’ identifikazzjoni u r-rispons għal theddid minn sustanzi kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari 492405 AAF, SEEE, MIE, NAS, SEA Le 10.12.12 9.12.14 CBRN
22 Provvediment ta’ taħriġ tekniku speċjalizzat għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ dawk li jagħtu l-ewwel għajnuna f’każ ta’ inċidenti CBRN 677 766 AAF, SEA Iva 17.12.12 16.12.14 CBRN
21 Bini tal-kapaċitajiet ta’ kontroll fil-fruntieri reġjonali għall-identifikazzjoni u d-detezzjoni ta’ materjali CRN 700 000 AAF,
SEA
Iva 21.12.12 20.12.16 CRN
20 mhux kuntrattat
19 Żvilupp ta’ proċeduri u linji gwida għall-ħolqien u t-titjib ta’ sistemi għall-ġestjoni tal-informazzjoni u ta’ mekkaniżmi għall-iskambju ta’ data, li jkunu siguri, għal materjali CBRN taħt kontroll regolatorju 400 000 AAF, CA, ECA,
MIE, NAS, SEEE, SEA
Le 1.3.13 30.6.15 CBRN
18 Netwerk Internazzjonali ta’ universitajiet u istituti għas-sensibilizzazzjoni għat-tħassib dwar l-użu doppju ta’ materjali fil-bijoteknoloġija 399 719 AAF, CA,
MIE,
NAS, SEEE, SEA
Le 1.3.13 31.12.14 B
17 Stabbiliment ta’ Pjan Nazzjonali ta’ Rispons fil-Ghana u fil-Kenja għar-rispons għal avvenimenti mhux awtorizzati li jkunu jinvolvu materjali kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (CBRN) 240 000 ECA,
AAF
Iva 15.5.13 15.5.15 CBRN
16 Appoġġ mogħti għall-iżvilupp ta’ sistema integrata nazzjonali ta’ sigurtà nukleari 400 000 NAS, AAF Iva 1.1.13 30.9.15 RN
15 Tisħiħ tal-bijosikurezza u l-bijosigurtà tal-laboratorji permezz tal-iżvilupp ta’ sistema iso-bank għal-laboratorji 480 000 SEA Le 1.8.13 30.6.15 CBRN
14 Provvediment ta’ taħriġ speċjalizzat u tekniku għat-tisħiħ tal-Kapaċitajiet tal-Ewwel Rispons (CBRN FRstCap) 400 000 SEEE Le 1.4.13 31.3.15 CBRN
13 Bini tal-kapaċitajiet u sensibilizzazzjoni għall-identifikazzjoni u r-rispons għal theddid minn materjali kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari fil-pajjiżi tal-Afrika sub-Saħarjana 319 924 ECA Le 1.1.13 30.6.15 CBRN
12 Kondiviżjoni ta’ esperjenzi bejn il-pajjiżi tal-UE u tax-Xlokk tal-Asja dwar ir-rinforz tal-leġiżlazzjonijiet u r-regolamenti fil-qasam tal-bijosikurezza u l-bijosigurtà, kif ukoll sistemi rileventi ta’ ġestjoni tal-laboratorji permezz taċ-Ċentru Reġjonali ta’ Eċċellenza - il-fażi 2 320 000 SEA Le 1.4.13 31.3.15 B
11 Promozzjoni ta’ prattika tajba u proċeduri bejn l-aġenziji għall-valutazzjoni tar-riskji relatati mal-użu ħażin ta’ materjal kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari 1 915 452 AAF,
MIE,
NAS, SEEE,
SEA
Le 1.1.13 31.12.14 CBRN
10 Żvilupp ta’ korsijiet ta’ tagħlim elettroniku għall-mitigazzjoni tar-riskji CBRN 399 806 AAF,
CA,
ECA,
MIE,
NAS, SEEE,
SEA
Iva 1.1.13 31.3.15 CBRN
9 Pjan Nazzjonali ta’ Rispons fil-Libanu għal Avvenimenti CBRN 159 900 MIE Le 1.1.13 31.12.14 CBRN
8 Prerekwiżit għat-tisħiħ tal-oqfsa legali nazzjonali tas-CBRN 800 000 SEA Iva 1.1.13 30.6.15 CBRN
7 Linji gwida, proċeduri u standardizzazzjoni dwar il-bijosikurezza/bijosigurtà 1 199 576 SEEE, SEA Iva 1.1.13 31.3.15 B
6 Żvilupp ta’ għarfien u trasferiment tal-aħjar prattika dwar il-ġestjoni tal-iskart kimiku u bijoloġiku 480 000 SEA Iva 1.1.13 31.12.14 CB
5 Żvilupp ta’ għarfien u trasferiment tal-aħjar prattika dwar il-monitoraġġ tal-importazzjoni/esportazzjoni ta’ materjali CBRN 1 440 000 AAF,
CA,
MIE,
NAS
Le 1.1.13 31.12.14 CBRN
4 Programm dwar ir-Rispons għas-CBRN bejn l-Aġenziji (ICP) 959 675 SEEE,
SEA
Iva 1.1.13 31.12.14 CBRN
3 Żvilupp ta’ għarfien u trasferiment tal-aħjar prattika dwar il-ġestjoni ta’ bijosikurezza/bijosigurtà/bijoriskju 1 920 000 AAF,
NAS,
SEEE,
SEA
Iva 1.1.13 30.6.15 B
2 Bini tal-kapaċitajiet għall-identifikazzjoni u r-rispons għal theddid minn sustanzi Kimiċi, Bijoloġiċi, Radjoloġiċi u Nukleari (CBRNcap) 160 000 SEEE Le 1.1.13 31.3.15 CBRN
1 Identifikazzjoni u tisħiħ tal-kapaċitajiet forensiċi fil-qasam tal-prevenzjoni ta’ kriminalità organizzata u traffikar illeċitu ta’ aġenti kimiċi, inklużi taħriġ u tagħmir għal uffiċjali tad-dwana fl-ewwel punti ta’ kuntatt 640 000 SEEE Le 1.1.13 31.3.15 C

Sors: Il-portal tas-CBRN u l-CRIS.

Anness VII

L-informazzjoni li tinsab jew li ma tinsabx fil-portal

Sors: Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Risposti tal-Kummissjoni u tas-SEAE

Sommarju eżekuttiv

III

Il-Kummissjoni u s-SEAE jaqblu mal-konklużjoni tal-Qorti. Madankollu, dawn ma jaqblux mal-kummenti tal-Qorti b'rabta man-nuqqas ta’ implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni dwar il-konċentrazzjoni tal-finanzjament mill-UE f’żoni li huma l-aktar rilevanti għas-sigurtà tal-UE.

L-approċċ minn isfel għal fuq, għall-perikli kollha u volontarju hu l-karatteristika ewlenija tal-Inizjattiva dwar iċ-Ċentri ta’ Eċċellenza kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (CBRN CoE - Chemical, Biological, Radiological and Nuclear Centres of Excellence), filwaqt li l-promozzjoni u s-sostenn tal-kooperazzjoni reġjonali fil-qasam tas-CBRN, bl-għan li jiġi kkontribwit għall-protezzjoni tal-UE minn theddidiet minn barra, jirrappreżentaw l-għan globali tagħha.

L-objettiv 3 tal-Pjan ta’ Azzjoni rivedut tal-UE dwar is-CBRN (Komunikazzjoni COM(2017) 610) intitolat “Pjan ta’ Azzjoni għat-titjib tal-istat ta’ tħejjija kontra riskji ta’ sigurtà kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari” jirrikonoxxi l-potenzjal sħiħ u l-kisbiet tal-Inizjattiva, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ ħolqien ta’ “effett mera” meta jsaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Inizjattiva u ma’ atturi internazzjonali oħra biex jiġi kkontribwit għas-sigurtà interna tal-UE.

Skont dawn il-karatteristiċi fundamentali, l-Inizjattiva għandha titqies li hi sforz dejjiemi biex jinbnew kapaċitajiet reġjonali effettivi għall-mitigazzjoni tar-riskji CBRN. L-ewwel snin tal-implimentazzjoni tagħha kienu ddedikati għall-bini tal-kunfidenza fi ħdan u bejn il-pajjiżi sħab, biex jinbnew il-pedamenti għalihom biex jiġu diskussi kwistjonijiet relatati mas-sigurtà u jiġu proposti proġetti reġjonali li jiffokaw fuq dominji dejjem aktar sensittivi relatati mas-sigurtà. Madankollu, fid-dawl tal-approċċ minn isfel għal fuq u volontarju, tali proċess ma jistax ikun sfurzat biex l-Inizjattiva ma titlifx il-kredibbiltà tagħha. L-Inizjattiva laħqet stadju ta’ maturità u kunfidenza ta’ livell għoli mal-pajjiżi sħab fl-aħħar sentejn, li llum jippermettu għall-kooperazzjoni fil-fond fis-sigurtà CBRN. Kunfidenza, parteċipazzjoni u appoġġ akbar għall-Inizjattiva mill-pajjiżi sħab ippermettew biex il-Kummissjoni tibda tmexxi diskussjonijiet reġjonali madwar mejda u proposti għal proġetti ta’ gwida. Żviluppi bħal dawn ma kinux omoġeni, peress li kull wieħed mit-8 reġjuni jippreżenta l-partikolaritajiet tiegħu stess u hu affettwat minn numru ta’ fatturi li jinfluwenzaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni f'termini tal-allokazzjoni tal-finanzjament. Għaldaqstant, għad li l-Kummissjoni hi konxja u konvinta li l-Viċinat tal-UE għandu jirrappreżenta l-fokus primarju tal-Inizjattiva u l-ewwel riċevitur tal-proġetti tagħha, is-sitwazzjonijiet f’uħud mir-reġjuni tal-viċinat u l-impatt tagħha fuq il-fattibbiltà ta’ ċerti azzjonijiet iridu jittieħdu f’kunsiderazzjoni wkoll.

Pereżempju, fil-Lvant Nofsani (Middle East - MIE), l-interess ta’ pajjiżi sħab fit-tfittix ta’ kooperazzjoni reġjonali hu mxekkel mill-kriżi fis-Sirja, mis-sitwazzjoni fl-Iraq u mill-flussi ta’ refuġjati u ta’ persuni spostati li kkawżaw. Avvenimenti bħal dawn wasslu biex il-Ġordan, l-Iraq innifsu u l-Libanu (membri tas-CoE tal-MIE) jiffokaw aktar fuq kwistjonijiet domestiċi milli fuq kooperazzjoni reġjonali.

Ir-reġjun tal-Afrika ta’ Fuq u tas-Saħel (North Africa and Sahel - NAS), fejn il-kooperazzjoni bdiet aktar tard milli f’reġjuni oħra, ukoll hu affettwat minn kriżijiet reġjonali marbuta mas-sitwazzjoni fil-Libja. Minkejja t-tali kundizzjonijiet diffiċli, is-Segretarjat Reġjonali tas-CoE ġestit mhux biss biex il-kooperazzjoni tkompli għaddejja, iżda biex jitnieda proġett fil-qasam tal-kontroll tal-fruntieri, qasam fejn il-bini ta’ kapaċitajiet reġjonali hu importanti biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-UE kontra theddidiet relatati mal-kriminalità organizzata, mad-drogi u mat-traffikar tal-bnedmin.

Suġġetti sensittivi bdew jiġu indirizzati wkoll fir-reġjun tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa (South East and Eastern Europe, SEEE), fejn dan l-aħħar tnieda proġett immirat lejn “It-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-forensika fix-xeni ta’ reati fl-investigazzjoni ta’ inċidenti CBRN fir-reġjun tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa” permezz tal-kondiviżjoni ta’ informazzjoni u permezz tal-organizzazzjoni ta’ eżerċizzji subreġjonali.

Fir-rigward tar-reġjuni tas-CoE li jinsabu lil hinn mill-viċinat tal-UE, importanti li jiġi indikat li r-rilevanza ta’ dawn għas-sigurtà tal-UE m’għandhiex tiġi ssottovalutata f’dak li għandu x’jaqsam mas-CBRN. Dan hu minnu, b’mod partikolari għall-qasam Bijoloġiku: mard tal-bniedem u mard tal-annimali bħall-Ebola u l-Influwenza Avjarja t-tnejn oriġinaw barra mill-viċinat tal-UE, iżda kienu jirrappreżentaw riskji konkreti għas-saħħa pubblika taċ-ċittadini tal-UE u għall-ekonomija ta’ din. Is-CoE kkontribwixxew għall-prevenzjoni ta’ riskji bħal dawn permezz ta’ diversi proġetti li kellhom x’jaqsmu mal-ġestjoni tat-tifqigħat fir-reġjuni tal-Faċċata Afrikana tal-Atlantiku u tax-Xlokk tal-Asja. Fid-dawl ta’ dan, ta’ min jinnota li d-distanza ma tirrappreżentax garanzija għall-protezzjoni. Finalment din hi r-raġuni għaliex il-Kummissjoni (DĠ DEVCO) qed tikkunsidra li tibni pont bejn il-Viċinat tal-UE u r-reġjuni l-oħra fil-qasam tal-bijosikurezza u tal-bijosigurtà: l-azzjonijiet barra mill-Viċinat tal-UE għandhom jirriflettu l-azzjonijiet fiha, u l-Programm tal-Mediterran għat-Taħriġ fl-Epidemjoloġija tal-Interventi (MediPIET) jista’ jservi bħala mudell.

Pereżempju, l-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ mitigazzjoni tar-riskji CBRN fir-reġjun tal-Afrika tal-Lvant u Ċentrali (Eastern and Central Africa, ECA) hi importanti, peress li s-sigurtà CBRN f’din il-parti tad-dinja faċilment tista’ tħalli impatt fuq reġjuni oħra, li jinkludu l-UE. Il-proġett 60 dwar it-tisħiħ tas-sigurtà nukleari fir-reġjun tal-ECA jgħin biex jissaħħu r-reġimi tal-politika nukleari, biex jiġi evitat it-traffikar ta’ materjali radjoloġiċi u nukleari (RN) perikolużi, li jinkludu sorsi orfni ta’ RN. Materjali RN ta’ riskju għoli bħal dawn jinsabu f’riskju li jiġu ttraffikati permezz ta’ portijiet lejn bnadi oħra tad-dinja. L-istess japplika għal-laboratorji fir-reġjun tal-ECA, mnejn jistgħu jinsterqu patoġeni u aġenti bijoloġiċi (fid-dawl tal-miżuri insuffiċjenti ta’ sigurtà biex jiġu protetti dawn il-laboratorji).

Minbarra dawn l-isforzi, l-abbozz tad-Dokument ta’ Azzjoni 2018 dwar it-Tibdil fil-Klima jipprevedi rwol primarju għas-CoE, li hu indikat bħala l-pjattaforma għas-sensitizzazzjoni tal-pajjiżi sħab dwar is-sigurtà fit-tibdil tal-klima permezz tat-timijiet nazzjonali u tal-Punti Fokali Nazzjonali (PFN). Id-dokument jipprovdi wkoll riżorsi addizzjonali lis-CoE, biex iniedu u jiffinanzjaw proġetti ġodda li jindirizzaw ir-riskji imposti għall-UE u għall-Ġirien tagħha mill-migrazzjoni ta’ vetturi tal-mard minħabba t-tibdil fil-klima. Din l-azzjoni se tibni fuq in-netwerks ta’ bijosigurtà stabbiliti mill-P37 MEDILABSECURE u mill-Proġetti 32 u 36 li jappoġġjaw il-Programm MediPIET.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni temmen li l-valutazzjoni ta’ jekk din ir-rakkomandazzjoni għandhiex titqies issodisfata jew le għandha tkun ibbażata fuq definizzjoni aktar kumplessa u komposta ta’ “l-aktar żoni rilevanti għas-Sigurtà tal-UE”, b’kunsiderazzjoni tan-natura u tal-ambitu tar-riskji u tat-theddidiet CBRN, kif ukoll tal-karatteristiċi fundamentali tal-Inizjattiva dwar iċ-Ċentri ta’ Eċċellenza CBRN.

IV

Il-Kummissjoni u s-SEAE jaqblu li approċċ komprensiv u sistematiku ta’ valutazzjoni tar-riskji li jkopri r-riskji intenzjonali, naturali u aċċidentali (li nbeda) se ikun ta’ benefiċċju għall-inizjattiva u se juri aħjar il-valur tiegħu, kemm għall-pajjiżi u għar-reġjuni sħab kif ukoll għall-UE nfisha.

Fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Inizjattiva, l-għodod u l-għarfien espert ipprovduti mill-Kummissjoni lill-pajjiżi sħab jippermettu għall-identifikazzjoni tal-perikli (fuq il-bażi tat-300 mistoqsija tal-kwestjonarju ta’ valutazzjoni tal-ħtiġijiet - NAQ) u tar-riskji bbażati fuq l-elenkar tal-kapaċitajiet li huma assenti jew parzjalment sodisfaċenti (identifikati bħala lakuni fir-riżultati tal-NAQ). Dawn is-sejbiet huma l-bażi għall-iżvilupp ta’ Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali (NAP) dwar is-CBRN għall-mitigazzjoni tar-riskji identifikati. Matul id-diskussjonijiet, it-tim nazzjonali hu mitlub jagħti prijorità lil dwn l-azzjonijiet skont l-informazzjoni preċedenti li jkollu dwar il-probabbiltà li r-riskju speċifiku jkun prevalenti fil-pajjiż. Dan l-approċċ nieda l-interess tal-pajjiżi sħab u tat-timijiet tal-Kummissjoni f’metodoloġija aktar komprensiva u oġġettiva ta’ valutazzjoni tar-riskju, (bl-appoġġ tal-assistenza fuq il-post) li kienet qed tiġi diskussa u li hi fil-proċess li tiġi inkorporata fil-proċess NAQ-NAP. Din l-għodda mtejba ta’ valutazzjoni tar-riskju se tallinja mar-riskji identifikati matul l-eżerċizzju tal-NAQ u se issir parti mid-diskussjonijiet tad-dokument tal-NAP dwar is-CBRN b’appoġġ tal-prijoritizzazzjoni tal-azzjonijiet tal-NAP.

Biex jissaħħaħ l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju, is-servizzi tal-Kummissjoni u s-SEAE bdew jużaw sorsi addizzjonali ta’ informazzjoni u valutazzjonijiet tar-riskju prodotti minn sorsi miftuħa, minn sorsi kummerċjali jew minn sorsi klassifikati.

Madankollu, irid jiġi spjegat li s-sorsi ta’ informazzjoni relatati mas-sigurtà jkopru primarjament ir-riskji intenzjonali u, għalhekk, ma jkoprux il-firxa sħiħa tar-riskji CBRN (naturali, aċċidentali) indirizzati mill-Inizjattiva tas-CoE. Għaldaqstant, riskji mhux intenzjonali (aċċidentali, naturali) huma vvalutati b’metodoloġiji komplimentari, li gradwalment qed jiġu integrati fil-metodoloġija tas-CoE.

V

Il-komponent tal-valutazzjoni tar-riskju se jissaħħaħ u jiġi inkorporat fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet u fil-metodoloġija tal-pjan ta’ azzjoni nazzjonali. Dan għandu jservi biex iżid l-għarfien fost il-pajjiżi sħab għall-importanza tat-twettiq ta’ valutazzjoni tar-riskju, biex jiġu introdotti approċċi u gwida possibbli, kif ukoll biex jingħataw appoġġ aħjar meta jipprijoritizzaw l-azzjonijiet.

Barra minn hekk, ir-rilevanza u n-numru dejjem akbar ta’ Eżerċizzji ta’ Simulazzjoni u Prattiċi se jsaħħu l-valutazzjoni tar-riskju, peress li dawn se jgħinu fl-identifikazzjoni tan-nuqqas ta’ kapaċitajiet fil-pajjiżi sħab u tar-riskji rappreżentati minnu.

VI

Minbarra dan, l-Inizjattiva stabbilixxiet netwerk reġjonali u dinji konsolidat ta’ Punti Fokali li jittrattaw kwistjonijiet relatati mas-CBRN, jafdaw lil xulxin u jiskambjaw informazzjoni anki barra mil-laqgħat uffiċjali tas-CoE.

Evidenza ta’ suċċess (impatt indirett tan-netwerk tas-CoE) riċenti ħafna (Marzu 2018) seħħet fir-reġjun tal-Faċċata Afrikana tal-Atlantiku (AAF), fejn il-Punt Fokali Nazzjonali tal-Burkina Faso, informat mill-awtoritajiet tiegħu dwar is-serq ta’ materjal Radjoloġiku fil-pajjiż, dlonk informa lill-Punt Fokali Nazzjonali tal-Mali biex jiġu diskussi l-miżuri possibbli għall-indirizzar tal-kwistjoni u għall-attivazzjoni tal-kooperazzjoni fil-fruntieri permezz tas-CoE.

VII

Is-Segretarjati Reġjonali u l-Punti Fokali Nazzjonali jifhmu li b’mod progressiv jistgħu jsiru punt uniku ta’ kuntatt jew punt ta’ dħul uniku għall-indirizzar ta’ kwistjonijiet CBRN reġjonali u materjali. Dawn jistgħu jaqdu rwol importanti f’din il-koordinazzjoni, fl-għoti ta’ appoġġ fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti reġjonali (eż. is-sessjoni ta’ ħidma ta’ wara l-Ebola fir-Rabat fil-Punent tal-Afrika f’Ottubru 2017), fl-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ azzjoni reġjonali jew fit-twittija tat-triq għall-eżerċizzji ta’ simulazzjoni jew transfruntiera reġjonali.

Bħala eżempju ta’ kooperazzjoni reġjonali bħal din, is-segretarjat tas-CoE tal-Asja Ċentrali ġie propost f’Marzu 2018 mill-president tal-BACAC (l-Assoċjazzjoni għall-Bijosikurezza għall-Asja Ċentrali u għall-Kawkasu) biex jaqsam l-organizzazzjoni tal-konferenza reġjonali annwali tiegħu fit-tmiem l-2018, f’konnessjoni mill-qrib mal-ISTC u mal-proġett 53 kurrenti tas-CoE.

VIII

Il-proċess lejn involviment akbar tad-Delegazzjonijiet tal-UE fl-Inizjattiva nbeda mis-servizzi tal-Kummissjoni u mis-SEAE b’mod konġunt. Sar ċertu progress, u issa hemm fis-seħħ kuntatti regolari u msaħħa mas-Segretarjati Reġjonali, mal-implimentaturi u mat-Tim ta’ Governanza. Ċerti Delegazzjonijiet ipprovdew appoġġ kruċjali biex ikkonvinċew lil pajjiżi sħab ewlenin jieħdu sehem (l-Etjopja, il-Mongolja, il-Pakistan, is-Sierra Leone), jew biex taw spinta ġdida lill-parteċipazzjoni tagħhom billi ġibdu l-attenzjoni politika lejn l-Inizjattiva.

Il-kisba tal-involviment sħiħ tad-Delegazzjonijiet kollha f’59 pajjiż sieħeb tas-CoE hi għan kemxejn ambizzjuż meta jitqies il-baġit li dejjem qed jiċkien, il-volumi dejjem akbar ta’ xogħol u ż-żmien meħtieġ biex jitlesta dan il-proċess. Madankollu, il-Kummissjoni u s-SEAE huma kunfidenti tant li jaffermaw li jinsabu fid-direzzjoni tajba għall-kisba ta’ dan l-għan.

F’Jannar 2018, biex jinkiseb involviment aktar sistemiku tad-Delegazzjonijiet tal-UE f’pajjiżi sħab u potenzjali u biex tiżdied il-viżibbiltà politika tal-Inizjattiva fil-pajjiż(i) tal-akkreditament tagħhom, il-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet (HoD) rispettivi ġew mistiedna, permezz ta’ nota uffiċjali, biex jieħdu azzjonijiet speċifiċi.

Barra minn hekk, minn tmiem l-2017, l-Inizjattiva ġiet introdotta fl-aġenda ta’ djalogi politiċi/“raggruppamenti tas-sigurtà”.

Il-ħidma tal-Uffiċjali ta’ Kooperazzjoni Reġjonali f’Dakar, f’Islamabad, f’Manila u f’Nairobi wasslet biex id-Delegazzjonijiet tar-reġjuni rispettivi jkunu informati ferm aħjar dwar l-attivitajiet tas-CoE CBRN.

IX

Is-SEAE introduċa subobjettivi aġġustati u indikaturi tal-prestazzjoni fil-Programm Indikattiv Pluriennali tal-IcSP 2018-2020, wara diskussjoni mal-Kummissjoni.

Tnieda eżerċizzju ta’ titjib tal-indikaturi u tal-oqfsa loġiċi ma’ konsulent estern biex jittejbu d-dokumenti ta’ programmazzjoni, it-termini ta’ referenza kif ukoll ir-rapportar.

X

Il-portal tas-CoE CBRN tal-UE hu għodda importanti ta’ kollaborazzjoni għal inizjattiva, li hi deċentralizzata għalkollox u attiva fi tmien (8) reġjuni tad-dinja. Hu rikonoxxut li dan laħaq il-limitu tal-kapaċità tiegħu. Skont in-natura tiegħu stess, il-portal hu wieħed kollaborattiv, u evolva hekk kif l-inizjattiva kibret għas-60 pajjiż kurrenti, bil-ħtieġa konsegwenti ta’ aġġustamenti. Bħalissa qed tiġi aġġornata l-istruttura tal-portal kurrenti.

Minħabba l-evoluzzjoni veloċi tat-teknoloġiji tal-IT, ittieħdet deċiżjoni favur ħidma parallela fuq l-iżvilupp tal-back office ta’ portal ġdid, imsejjes fuq protokoll standard differenti ta’ softwer, li se jtejjeb il-portabilità, il-manutenzjoni, l-aġġornar u s-sostenibbiltà tiegħu. Bħalissa Ċentru tar-Riċerka Konġunta (Joint Research Centre, JRC) qed jagħmel l-istudju tal-fattibbiltà għal dan l-iżvilupp.

XI

Il-Kummissjoni u s-SEAE jaċċettaw ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Qorti.

Introduzzjoni

02

Il-qasam tas-CBRN hu theddida li qed tevolvi u hemm indikazzjonijiet ta’ xejra li qiegħda tiżdied, speċjalment rigward is-sustanzi kimiċi.

04

Tabilħaqq, id-DĠ DEVCO qed jiżgura li tinżamm din ir-rabta u qed jevita xogħol doppju bejn l-azzjonijiet imsemmija, li lkoll għandhom l-għan li jimmitigaw ir-riskji tas-CBRN. B’mod partikolari, il-komponent ta’ kontroll tal-esportazzjonijiet b’użu doppju tal-Inizjattiva tal-UE bejn il-pari (Partner to Partner - P2P) hu ġestit mid-DEVCO fil-qafas tas-CoE CBRN (Proġetti 38, 43, 47, 64); filwaqt li ċ-Ċentru Internazzjonali tax-Xjenza u t-Teknoloġija (ISTC) u ċ-Ċentru tax-Xjenza u t-teknoloġija fl-Ukrajna (STCU) ġew appoġġjati minn diversi proġetti (53, 52, 50), attivitajiet u eżerċizzji (Sunkar, Lionshield) u kienu involuti f’dawn bħala implimentaturi.

09

Parti mir-rwol tad-Delegazzjonijiet tal-UE fil-kuntest tal-Inizjattiva tas-CoE hi l-kollegament ma’ awtoritajiet nazzjonali u ma’ Ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE fil-pajjiżi rispettivi biex jiġi żgurat li l-ħidma tal-PFN tkun ferm magħrufa u sostnuta mit-tnejn li huma. L-appoġġ politiku hu kruċjali biex il-ħidma ta’ koordinazzjoni dwar is-CBRN tal-Punt Fokali Nazzjonali tkun effettiva.

Osservazzjonijiet

16

Ara wkoll it-tweġiba għall-paragrafu III.

Id-DĠ HOME jiffoka l-aktar fuq riskji intenzjonali u loġikament jiffoka fuq it-theddidiet immedjati għall-UE fil-fruntieri tagħha. L-Inizjattiva dwar is-CoE hu programm fit-tul li għandu l-għan li jipprevjeni r-riskji ta’ periklu kollha (mhux biss dawk intenzjonati iżda anki dawk aċċidentali u naturali). L-attivitajiet tas-CoE jinkludu proġetti reġjonali iżda anki assistenza teknika fuq il-post (On-site Technical Assistance, OSA), NAQs, NAPs u appoġġ għall-governanza ġenerali tas-CBRN. L-attivitajiet kollha qed jaqdu l-istess skop u huma komplimentari ma’ xulxin. Għalhekk, is-sehem tal-proġetti f’termini tal-finanzjament m’għandux jitqies iżolat mill-bqija tal-attivitajiet.

Il-viċinat tan-Nofsinhar tal-Mediterran (NAS u MIE) tabilħaqq hu żona ta’ prijorità li però hi ferm kumplessa, fejn il-proġetti reġjonali ltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jibdew qabel livell suffiċjenti ta’ kunfidenza u ta’ maturità, kif spjegat hawn taħt.

L-MIE hu reġjun li ilu snin jaffaċċja sitwazzjoni ferm kumplessa tas-sigurtà. Kundizzjonijiet bħal dawn għamlu tassew impenjattiv l-għan li titrawwem il-kooperazzjoni reġjonali fost il-pajjiżi sħab tas-CoE. Minflok, il-Libanu, l-Iraq u l-Ġordan huma ferm aktar iffokati fuq il-kwistjonijiet u fuq il-ħtiġijiet nazzjonali tagħhom. Minkejja dan, id-diskussjoni u l-iskambji ssoktaw: il-Kummissjoni temmen li dan għandu jitqies li hu suċċess tal-Inizjattiva minnu nnifsu.

Barra minn hekk, id-DĠ DEVCO diġà beda jikkuntattja lis-sħab tas-CoE tal-MIE bħala prijorità fil-qafas tal-Programm il-ġdid tiegħu ta’ Taħriġ u ta’ Tutoraġġ sostnut mis-CoE (P68), bl-għan li jsaħħaħ il-kapaċitajiet CBRN tagħhom. Fl-istess ħin, id-DĠ DEVCO qed jinsisti mad-Delegazzjonijiet tal-UE biex iħeġġu l-użu ta’ Strumenti ta’ finanzjament oħra (primarjament l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp - DCI, Development Cooperation Instrument, l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat - ENI, European Neighbourhood Instrument) biex jissodisfaw il-ħtiġijiet nazzjonali fuq bażi bilaterali. L-idea wara dawn iż-żewġ azzjonijiet hi li jintużaw mezzi oħra biex jintlaħqu l-istess għanijiet ta’ bini ta’ kapaċità tas-CoE, peress li l-indirizzar tal-ħtiġijiet tas-sħab jippreparahom ukoll biex jerġgħu jniedu l-kooperazzjoni reġjonali fil-ħin opportun. Fil-kuntest ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni, tinħass biċ-ċar l-importanza li d-diskussjoni tibqa’ għaddejja fil-qafas tas-CoE, minkejja l-istaġnar relattiv tal-proġetti u tal-attivitajiet.

Rigward ir-reġjun SEEE, li fih 10 pajjiżi inklużi dawk mill-Balkani tal-Punent u mill-Kawkasu, dan indiriza b’mod effettiv l-isfidi ta’ interess għall-UE, hekk kif il-pajjiżi bdew jiffokaw fuq suġġetti ta’ “sigurtà tanġibbli”, li jinkludu l-Forensika RN u l-Ewwel Rispons għal inċidenti CBRN, kif ukoll jorganizzaw eżerċizzji konġunti li jittestjaw l-impatt tal-proġetti.

Fir-reġjun NAS, il-kooperazzjoni bdiet aktar tard milli fl-oħrajn, iżda malajr laħqet kwistjonijiet li huma kruċjali għar-reġjun innifsu daqs kemm huma għall-interess tas-sigurtà tal-UE. P55, billi hu mmirat lejn “It-tisħiħ tal-kapaċità transfruntiera għall-kontroll u għad-detezzjoni ta’ sustanzi CBRN” għandu impatt fuq il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata. Id-diffikultajiet li affaċċja l-proġett huma dovuti għall-fatt li dan jindirizza suġġetti ferm sensittivi u jindirizza l-istrutturi ta’ “sigurtà tanġibbli” tal-pajjiżi sħab, li jinkludu l-militar.

17

Il-Kummissjoni u s-SEAE huma konxji mir-riżorsi limitati disponibbli. Tabilħaqq, din hi r-raġuni li qed timmotiva d-deċiżjoni li s-CoE CBRN ma jiġux estiżi ġeografikament biex jinkludu l-parti tan-Nofsinhar tal-Afrika (l-Afrika t’Isfel, in-Namibja, eċċ.) u lanqas l-Amerika t’Isfel jew Ċentrali, minkejja l-ambitu globali tal-Inizjattiva u tal-għanijiet tagħha. Numru żgħir ħafna biss ta’ pajjiżi sħab potenzjali, primarjament fil-viċinat (usa’) tal-UE, li jirrappreżentaw il-“lakuni” ewlenin fil-kopertura tal-Inizjattiva fi ħdan Segretarjati Reġjonali eżistenti, hu fil-mira, hekk kif dawn il-pajjiżi jġibu riskji/assi importanti relatati mas-CBRN (eż. il-Każakistan), jew huma meqjusa bħala assi minnhom infushom għall-kapaċità tal-persunal tagħhom biex jistimola kooperazzjoni/żvilupp li qed jistaġnaw tal-Inizjattiva (il-Kuwajt).

Il-kontribuzzjoni in natura mill-pajjiżi sħab tikkontribwixxi biex jiżdied il-livell ta’ riżorsi disponibbli għall-mitigazzjoni tar-riskji CBRN, u hekk ukoll il-finanzjament addizzjonali mill-assistenza bilaterali mill-pajjiżi tal-UE u mhux tal-UE (eż. il-Polonja u l-Istati Uniti fis-SEEE; Franza u l-Ġermanja fl-AAF).

Minkejja dan, għad li hu minnu li l-espansjoni ġeografika timplika anqas assistenza finanzjarja bħala medja għal kull pajjiż, hu minnu wkoll li l-ambitu u l-għan tal-Inizjattiva huma s-sostenn tal-kooperazzjoni reġjonali, peress li minħabba n-natura tagħhom, ir-riskji CBRN jaqsmu l-fruntieri nazzjonali. l-Etjopja, il-Kuwajt, il-Pakistan jew l-Ażerbajġan ilkoll huma pajjiżi sħab ġodda tas-CoE li jsaħħu l-impatt tal-kooperazzjoni reġjonali tas-CoE. Matul id-diskussjoni riċenti madwar mejda dwar l-Asja Ċentrali f’Dushanbe (Marzu 2018), il-Pakistan pereżempju offra li jaqsam il-kapaċitajiet bijoloġiċi u RN ta’ livell għoli tiegħu mal-pajjiżi sħab tiegħu fis-CA.

Li kieku l-proġetti kienu limitati għal numri żgħar ta’ pajjiżi, dawn ma jħallux impatt fuq is-sigurtà CBRN b’mod effettiv bħal meta jkun kopert reġjun sħiħ wieħed. Għaldaqstant, iż-żieda fin-numru ta’ pajjiżi sħab minflok għandha titqies bħala mod kif titwettaq l-Inizjattiva fis-sħuħija tagħha u finalment jittejbu r-riżultati tal-għanijiet ta’ mitigazzjoni tar-riskji CBRN tagħha u, konsegwentement, is-sigurtà tal-UE.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni użat ir-reputazzjoni tajba tas-CoE CBRN fost il-pajjiżi sħab u n-netwerk tagħha biex timmira lejn il-pajjiżi li l-UE wriet interess strateġiku li taħdem magħhom: dan kien il-każ għall-Afganistan, imbagħad għall-Pakistan u għall-Etjopja (li issa saru membri), iżda anki għan-Niġerja u għall-Eġittu, li l-Kummissjoni involviet f’taħditiet bilaterali għad li dawn għadhom ma ssiħbux fl-Inizjattiva.

Finalment, għandha titfakkar in-natura intrinsika tal-Inizjattiva dwar is-CoE: l-approċċ minn isfel għal fuq u volontarju tagħha ma kienx jagħmilha naturali għas-servizzi tal-Kummissjoni/għas-SEAE li jirrifjutaw pajjiżi li jieħdu impenn biex jieħdu sehem fi sforzi reġjonali għall-mitigazzjoni tar-riskji CBRN u fil-ġlieda kontra t-theddidiet CBRN.

18

L-ispjegazzjoni għal din il-bidla fil-finanzjament tal-proġetti tista’ tiġi artikolata fuq żewġ binarji.

L-ewwel, fir-rigward tas-settur CBRN, il-kunċett ta’ “riskju għall-UE” m’għandux ikun limitat għall-viċinat tal-UE. Kif spjegat fit-tweġiba għall-para III, l-aktar riskji riċenti għall-UE fil-qasam Bijoloġiku kienu mardiet tal-bniedem u tal-annimali (Ebola u Influwenza Avjarja) li oriġinaw minn barra l-Viċinat. F’dawn il-każijiet, il-proġetti dedikati għall-AAF u għas-SEA taw prijorità lil interess immedjat tal-UE, għad li barra l-viċinat tagħhom. Dan l-eżempju juri kif, speċjalment fil-qasam Bijoloġiku, id-distanza ma tirrappreżentax garanzija għas-sigurtà. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hi konvinta li l-enfasi fuq il-Viċinat hi importanti ħafna iżda m’għandhiex tiġi konċepita b’mod strett wisq, fid-dawl tan-natura tar-riskji CBRN. Fid-dawl ta’ din l-idea, id-DĠ DEVCO qed jesplora l-possibbiltà li juża l-programm MediPIET ibbażat fuq il-viċinat (proġett 36) bħala mudell biex iniedi proġetti simili f’reġjuni oħra, bl-għan li jipprevjeni u jimmitiga r-riskji fil-qasam Bijoloġiku.

L-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ mitigazzjoni tar-riskji CBRN fir-reġjun tal-Afrika tal-Lvant u Ċentrali (ECA) hi importanti, peress li s-sigurtà CBRN f’din il-parti tad-dinja faċilment tista’ tħalli impatt fuq reġjuni oħra, li jinkludu l-UE. Il-proġett 60 dwar it-tisħiħ tas-sigurtà nukleari fir-reġjun tal-ECA jgħin biex jissaħħu r-reġimi tal-politika nukleari, biex jiġi evitat it-traffikar ta’ materjali radjoloġiċi u nukleari (RN) perikolużi, li jinkludu sorsi orfni ta’ RN. Materjali RN ta’ riskju għoli bħal dawn jinsabu f’riskju li jiġu ttraffikati permezz ta’ portijiet lejn bnadi oħra tad-dinja. L-istess japplika għal-laboratorji fir-reġjun tal-ECA, mnejn jistgħu jinsterqu patoġeni u aġenti bijoloġiċi (fid-dawl tal-miżuri insuffiċjenti ta’ sigurtà biex jiġu protetti dawn il-laboratorji).

It-tieni, il-kundizzjonijiet anormali ta’ ċerti reġjuni fil-viċinat tal-UE, kif spjegati fit-tweġiba għall-paragrafu III, affettwaw b’mod negattiv il-kapaċità tad-diskussjonijiet madwar mejda li jifformulaw proġetti reġjonali, kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-opportunità li tiffinanzjahom. Pereżempju, enfasi nazzjonali mill-pajjiżi sħab fir-reġjun MIE ma ffavorixxietx proposti għal proġetti b’ambitu reġjonali, li hu l-għan finali tal-Inizjattiva. Fir-reġjun tal-Afrika ta’ Fuq u tas-Saħel, il-kooperazzjoni bdiet aktar tard milli f’reġjuni oħra, iżda proġett fuq suġġett sensittiv u importanti ħafna bħall-kontroll tal-fruntieri tnieda f’reġjun delikat bħal dan. Sitwazzjonijiet diffiċli f’dawn iż-żewġ oqsma kienu għall-Kummissjoni kemm opportunità li tniedi proġetti fuq suġġetti relatati mas-“sigurtà tassew tanġibbli” kif ukoll, tabilħaqq, sfida f’termini tan-numru ta’ proġetti.

Is-sitwazzjoni hi differenti għas-SEEE. Ir-reġjun hu wieħed mill-aktar avvanzati fost it-tmien reġjuni tas-CoE f’termini tal-impenn u tar-rieda tas-sħab li jikkooperaw u jieħdu azzjonijiet flimkien fuq suġġetti sensittivi (bħall-forensika RN riċentement). Dan ir-reġjun intgħażel għall-ittestjar ta’ inizjattiva ġdida tal-Kummissjoni għal kompetizzjoni tar-riċerka CBRN li se titnieda f’Ġunju 2018 matul il-laqgħa annwali mal-PFN kollha. Is-SEEE kien l-ewwel li bbenefika minn konnessjoni mqarrba maċ-Ċentru ta’ Vyskov CBRN tan-NATO fl-2017, u l-ewwel wieħed li integra proġetti ta’ Orizzont 2020 tad-DĠ HOME bħal EDEN u l-avviż elettroniku, li saħħew id-dimensjoni interna-esterna tas-CBRN bħala prijorità stabbilita fil-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid tal-UE dwar is-CBRN. Id-DĠ DEVCO diġà involva lid-Direttorati ġeografiċi tiegħu u lid-DĠ NEAR biex jużaw il-finanzjament mid-DCI u mill-ENI biex jiffinanzjaw proġetti li jindirizzaw kwistjonijiet bilaterali.

19

L-għażla tal-proġetti fuq bażi ta’ kriterji ta’ min jiġi l-ewwel mhux bilfors għandha titqies fi stricto sensu. Minflok, hi sinjal ta’ prijorità mogħtija lill-proġetti li huma l-aktar maturi biex jiġu ffinanzjati qabel oħrajn li jistħoqqilhom konsultazzjoni ulterjuri jew kooperazzjoni reġjonali (bħal fir-reġjun NAS fejn kien hemm bżonn jgħaddi ż-żmien biex jinkiseb l-ewwel proġett reġjonali matur, P55). Waħda mill-aktar kisbiet rikonoxxuti tas-CoE hi li din l-inizjattiva rnexxielha tistabbilixxi komunità dinjija vera dwar is-CBRN. F’dan is-sens, id-dinamika imitattiva pożittiva hi mħeġġa mill-għażla ta’ sostenn b’finanzjament lill-aktar membri u reġjuni attivi.

L-istimolazzjoni ta’ kompetizzjoni pożittiva fost id-59 pajjiż sieħeb kienet ukoll, finalment, l-objettiv tal-premji ta’ “storja ta’ suċċess” imnedija fl-aħħar laqgħa Annwali tal-Punti Fokali Nazzjonali.

Fir-rigward tal-estensjoni tal-pajjiżi sħab, ara t-tweġiba għall-paragrafu 17.

20

B’mod ġenerali, in-natura minn isfel għal fuq tal-Inizjattiva tippermetti lill-Kummissjoni tmexxi u tiggwida d-diskussjonijiet, iżda mhux li ġġiegħel lill-pajjżi sħab jiddiskutu suġġetti u jniedu proġetti f’dominji (anki fi ħdan l-ispettru CBRN) li mhumiex meqjusa bħala ħtiġijiet reġjonali kondiviżi. Dan ikun ixekkel il-kredibbiltà tal-Inizjattiva u jixħet f’riskju l-progress miksub mill-Inizjattiva, anki f’oqsma sensittivi.

Fil-fatt, diversi minn fost il-proġetti fil-lista kategorizzata taħt “CBRN” tabilħaqq jindirizzaw il-komponent C u B, kif ukoll (kultant) RN ukoll. Pereżempju, P54 “Bini ta’ kapaċità għall-istat ta’ tħejjija u għar-rispons mediċi għal inċidenti CBRN” ikopri l-ispettru CBRN sħiħ, iżda ġie żviluppat wara d-domandi mir-reġjun wara l-attakki kimiċi bis-Sarin fis-Sirja; f’dan il-każ, l-għoti ta’ taħriġ lin-nies fil-qasam kimiku kien ifisser ukoll kontribuzzjoni għall-bini ta’ kapaċità Bijoloġika. Jista’ jiġi applikat l-istess raġunament għall-proġetti 34, 46 u 54. Barra minn hekk, proġetti mmirati lejn it-tisħiħ tal-oqfsa legali CBRN nazzjonali għandhom jitqiesu bħala li jkopru kwistjonijiet f’dan il-qasam kollu (jiġifieri P33).

Madankollu, il-Kummissjoni taqbel li, f’kunsiderazzjoni tal-evoluzzjoni tal-Inizjattiva lejn temi aktar orjentati lejn is-sigurtà, il-kooperazzjoni ma’ INTCEN għandha tissaħħaħ. Bl-introduzzjoni tal-objettiv 3 intitolat “Il-bini ta’ rabtiet interni-esterni u ta’ involviment aktar b’saħħithom fis-Sigurtà CBRN ma’ sħab reġjonali u internazzjonali ewlenin tal-UE”) fil-“Pjan ta’ Azzjoni għat-titjib tal-istat ta’ tħejjija kontra riskji ta’ sigurtà kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari” datat it-18 ta’ Ottubru 2017 (ara COM (2017) 610 final), hi prevista kooperazzjoni interistituzzjonali aktar sistematika.

21

Il-Kummissjoni taqbel mal-Qorti dwar il-ħtieġa li ma tixxekkilx l-Inizjattiva billi tiġi estiża ferm lil hinn mil-limiti tematiċi tagħha, speċjalment fid-dawl tal-ħidma strutturali li timplika l-enfasi fuq suġġetti ġodda f’termini tal-espansjonijiet tal-kapaċitajiet fi ħdan it-Timijiet Nazzjonali.

Madankollu, il-Kummissjoni u s-SEAE jemmnu li l-potenzjal tal-istrutturi tas-CoE biex jappoġġaw azzjonijiet oħra ta’ interess tal-UE ffinanzjati minn linji baġitarji differenti għandu jintuża fl-aħjar interess tal-UE biex jintlaħqu l-għanijiet relatati mas-sigurtà CBRN.

F’dan is-sens, l-espansjoni tal-Inizjattiva għal oqsma tematiċi oħra (jiġifieri l-isplussivi) hi marbuta b’mod dirett mal-inkarigi politiċi, li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-effett “mera” tal-Istrateġija Globali tal-UE, ara l-“Pjan ta’ Azzjoni għat-titjib tal-istat ta’ tħejjija kontra riskji ta’ sigurtà kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari” COM(2017) 610 final.

Finalment, l-approċċ minn isfel għal fuq tal-Inizjattiva jista’ jitqies bħala assigurazzjoni kontra r-riskju ta’ tbegħid eċċessiv mis-CBRN: diversi pajjiżi sħab u Segretarjati Reġjonali fil-fatt diġà esprimew it-tħassib tagħhom dwar din il-possibbiltà.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u l-iżviluppi, hi l-opinjoni tal-Kummissjoni wkoll li l-interpretazzjoni tad-dominju CBRN m’għandhiex tkun estensiva wisq, u għandha tkun limitata għal dawk ir-riskji fl-intersezzjoni bejn is-CBRN u l-kriminalità organizzata (bħal mediċini ffalsifikati u t-traffikar ta’ dawn) u xorta waħda għandha tiġi evalwata fuq bażi ta’ każ b’każ.

22

Il-Kummissjoni se tinkorpora l-komponent ta’ valutazzjoni tar-riskju fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet u fil-metodoloġija tal-pjan ta’ azzjoni nazzjonali. Dan għandu jservi biex iżid l-għarfien fost il-pajjiżi sħab għall-importanza tat-twettiq ta’ valutazzjoni tar-riskju, biex jiġu introdotti approċċi u gwida possibbli, kif ukoll biex jingħataw appoġġ aħjar meta jipprijoritizzaw l-azzjonijiet.

23

Il-kompożizzjoni tat-Tim Nazzjonali hi r-responsabbiltà sħiħa tal-Pajjiż Sieħeb u tal-PFN, kif ukoll l-involviment fil-proċess NAQ/NAP ta’ esperti nazzjonali oħra, li mhumiex parti mit-Tim Nazzjonali. Minkejja dan, il-Kummissjoni spiss tipproponi parteċipanti addizzjonali li jistgħu jiġu kkunsidrati mill-PFN.

Il-Kummissjoni kienet qed taħtar timijiet tal-OSA anki fuq il-bażi tal-ħtiġijiet speċifiċi f’kull reġjun, anki bl-għan li tneħħi d-diskrepanzi identifikati fil-kapaċità.

Bħalissa, ir-reġjuni kollha huma koperti mill-assistenza Fuq il-post.

25

Hu supponut li ż-żieda tal-viżibbiltà politika tal-Inizjattiva se tistimola r-rieda politika tal-pajjiżi sħab biex jimplimentaw il-proċessi NAQ/NAP.

Minħabba l-implimentazzjoni ta’ politika ġenerali ta’ tnaqqis tal-persunal li qed tipproduċi l-impatti tagħha f’termini tal-persunal dedikat għall-Inizjattiva CoE, kien sfida tassew biex fl-2017 il-pajjiżi sħab kollha jiġu akkumpanjati fit-talba tagħhom li jwettqu l-NAQs u l-NAPs.

Il-JRC qed iħejji skeda tentattiva għall-2018 u għall-2019 li tindirizza t-talbiet differenti riċevuti mill-pajjiżi sħab. Filwaqt li jiżgura li l-metodoloġija NAQ-NAP tiġi rrispettata bis-sħiħ meta l-pajjiżi sħab jiġu assistiti mill-Kummissjoni Ewropea u li l-proċess ikun taħt it-tmexxija tiegħu, il-JRC se jibbaża fuq l-appoġġ ipprovdut mill-esperti fl-OSA u/jew mill-esperti esterni. Ir-riżorsi (id-disponibbiltà tal-esperti u l-baġit għall-ivvjaġġar u għal-laqgħat) biex isiru NAQs u NAPs żdiedu għas-sena 2018 u 2019.

26

Il-fatt li l-pajjiżi sħab issa ġejjin wieħed wara l-ieħor biex jirċievu appoġġ għall-NAQs u għall-NAPs għandu jitqies bħala sinjal pożittiv tal-avvanzi tal-Inizjattiva. Id-data dwar il-ħtiġijiet CBRN nazzjonali spiss tkun sensittiva ħafna, u għalhekk għadda naqra żmien sakemm is-sħab kienu lesti u kunfidenti li jaqsmu din l-informazzjoni ma’ attur estern bħall-UE. Madankollu, din il-fażi ta’ eżitazzjoni issa tidher li waslet fi tmiemha, u dieħla dinamika pożittiva u kompetittiva għall-wiri ta’ impenn favur l-Inizjattiva u/jew għall-wiri tal-NAP bħala kisba.

F'dan is-sens, l-Inizjattiva dwar is-CoE hi ftit vittma tas-suċċess tagħha stess, peress li issa l-Kummissjoni teħtieġ li żżid il-kapaċità tagħha biex tipprovdi appoġġ tekniku f’termini kwantitattivi, minkejja nuqqas ċar ta’ riżorsi biex tagħmel dan.

37

Ir-rikonoxximent istituzzjonali tal-PFN u l-appoġġ politiku għall-PFN normalment jiddependu mill-importanza mogħtija minn awtoritajiet politiċi ta’ livell għoli lill-Inizjattiva dwar is-CoE. Iż-żieda tal-viżibbiltà politika tal-Inizjattiva hi fil-mira ta’ involviment aktar sistemiku tad-Delegazzjonijiet tal-UE fil-promozzjoni tal-Inizjativa, inkluż l-appoġġ diplomatiku tar-rwol tal-PFN. Ir-rwol tal-Uffiċjal tal-Kooperazzjoni Reġjonali, fejn jeżisti, hu essenzjali wkoll.

Il-viżibbiltà tas-Segretarjati Reġjonali hi importanti wkoll. Għal din ir-raġuni, id-DĠ DEVCO ddeċieda li jżid il-baġit għall-attivitajiet tas-Segretarjati Reġjonali mill-2018.

38

L-istruzzjoni mibgħuta mis-SEAE fis-26 ta’ Jannar 2018 lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi sħab tas-CoE tfittex b’mod espliċitu l-kisba ta’ dan l-objettiv billi titlob, fost l-oħrajn, l-iżvilupp ta’ attivitajiet immirati lejn “iż-żieda tal-għarfien dwar l-Inizjattiva, l-objettivi u l-eżitu tagħha fost l-Istati Membri tal-UE, l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti u donaturi importanti oħra”, “eżerċizzju li jista’ jirriżulta wkoll fit-trasformazzjoni progressiva tal-PFN/tat-Tim Nazzjonali f’punt wieħed ta’ kuntatt għall-proġetti u għall-attivitajiet kollha relatati mas-CBRN fil-pajjiżi rispettivi tagħhom”.

Biex tiżdied il-prominenza tal-PFN, hu essenzjali li d-DĠ DEVCO u s-SEAE jaħdmu flimkien biex jistabbilixxu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fost il-PFN infushom, is-Segretarjati Reġjonali u d-Delegazzjonijiet tal-UE. Il-punt tat-tluq jista’ jkun koordinazzjoni sempliċi u loġistika: id-Delegazzjonijiet tal-UE għandhom jitħeġġu biex jorganizzaw Diskussjonijiet madwar Mejda jew laqgħat informali ad hoc mal-Kap tas-Segretarjat Reġjonali u xi PFN mir-reġjun fid-Delegazzjonijiet, li jinvolvu wkoll lil Ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE, kif ukoll awtoritajiet lokali. Il-kostijiet ikunu kontenuti, speċjalment fid-dawl tal-baġit għall-viżibbiltà/għal-loġistika mogħti lis-Segretarjati Reġjonali, iżda l-impatt ikun sinifikanti f’termini tal-viżibbiltà u tal-awtorità għall-PFN.

39

Biex tiġi enfasizzata l-importanza tar-rwol tal-Uffiċjali tal-Kooperazzjoni Reġjonali għall-Inizjattiva, fil-21 ta’ Frar 2018 intbagħtet nota konġunta bejn is-SEAE/id-DĠ DEVCO lil dawk id-Delegazzjonijiet tal-UE, fejn appoġġ bħal dan tqies li hu neċessarju.

40

Il-proċess lejn involviment akbar tad-Delegazzjonijiet tal-UE fl-Inizjattiva nbeda mid-DĠ DEVCO u mis-SEAE b’mod konġunt. Inkiseb ċertu progress. Issa hemm fis-seħħ kuntatti regolari u msaħħa mas-Segretarjati Reġjonali, mal-implimentaturi u mat-Tim ta’ Governanza. Ċerti Delegazzjonijiet ipprovdew appoġġ kruċjali biex ikkonvinċew lil pajjiżi sħab ewlenin jieħdu sehem, jew biex taw spinta ġdida lill-parteċipazzjoni tagħhom billi ġibdu l-attenzjoni politika lejn l-Inizjattiva.

Il-kisba tal-involviment sħiħ tad-Delegazzjonijiet kollha f’59 pajjiż sieħeb tas-CoE hi għan kemxejn ambizzjuż biex jinkiseb fi 3-4 snin, meta jitqies il-baġit li dejjem qed jiċkien, il-volumi dejjem akbar ta’ xogħol u ż-żmien meħtieġ biex jitlesta dan il-proġett. Madankollu, il-Kummissjoni u s-SEAE huma kunfidenti tant li jaffermaw li jinsabu fid-direzzjoni tajba għall-kisba ta’ dan l-għan.

Riċentement ferm, is-Segretarju Ġenerali tas-SEAE kompla jaċċellera dan il-proċess billi bagħat Noti uffiċjali għall-attenzjoni tal-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet fil-pajjiżi sħab tas-CoE (Jannar 2018) kif ukoll lid-Deputat Segretarju Ġenerali tas-SEAE għall-Affarijiet Politiċi u lid-Diretturi Ġenerali (Novembru 2017) biex iżid l-involviment tad-Delegazzjonijiet tal-UE u l-viżibbiltà politika tal-Inizjattiva rispettivament.

Il-ħidma tal-Uffiċjali ta’ Kooperazzjoni Reġjonali f’Dakar, f’Islamabad, f’Manila u f’Nairobi wasslet biex id-Delegazzjonijiet tar-reġjuni rispettivi jkunu informati ferm aħjar dwar l-attivitajiet tas-CoE CBRN. Fix-Xlokk tal-Asja, issa saret prattika komuni li d-Delegazzjonijiet jagħmlu diskorsi ta’ ftuħ fl-avvenimenti tal-proġetti. L-uffiċjali ppermettew ukoll is-sensibilizzazzjoni fost ir-rappreżentazzjonijiet diplomatiċi tal-Istati Membri tal-UE.

L-Inizjattiva kisbet viżibbiltà politika meta ġie organizzat Panil tas-CoE CBRN bil-PFN, bis-Segretarjat Ġenerali, bl-UNICRI u bil-JRC tal-KE fil-kuntest ta’ Sessjoni ta’ Ħidma tal-ARF kopreseduta mill-UE dwar “Is-sensibilizzazzjoni u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni tal-ARF fuq il-mitigazzjoni tar-riskji kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (CBRN)” li sar fil-Filippini f’Settembru 2015.

L-Inizjattiva kienet parti mill-azzjonijiet imsemmija fil-Pjan ta’ Azzjoni BANDAR SERI BEGAWAN biex tissaħħaħ is-Sħubija Mtejba ASEAN-UE (2013 - 2017) u hi parti mis-suċċessur ta’ dan, il-Pjan ta’ Azzjoni ASEAN-UE (2018 – 2022). Din kienet ukoll parti mill-Pjan ta’ Ħidma ASEAN-UE għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali (2014 - 2017). L-azzjonijiet tas-CoE dwar is-CBRN ġew irrapportati b’mod kostanti fl-isfond tal-pjanijiet.

41

Għad li d-DĠ DEVCO jagħraf li diversi proġetti spiċċaw jiffokaw aktar fuq l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-pajjiżi sħab milli fuq livell reġjonali, hu minnu wkoll li ebda approċċ reġjonali ma jista’ jitwettaq bis-sħiħ fin-nuqqas ta’ kapaċitajiet nazzjonali xierqa.

Barra minn hekk, diversi proġetti mwettqa tassew kienu reġjonali fl-ambitu u fl-approċċ tagħhom - MediPIET kien immirat lejn il-viċinat kollu tal-UE; P41 dwar il-Faċilitajiet Kimiċi ta’ Riskju Għoli u l-Mitigazzjoni tar-Riskji fir-Reġjun AAF; u P48 dwar il-Ġestjoni reġjonali mtejba tat-tifqigħat fiċ-Ċentri ta’ Eċċellenza CBRN tal-Pajjiżi Sħab tal-AAF.

42

L-organizzazzjoni tal-laqgħat hi fost l-attivitajiet tas-Segretarjati Reġjonali li għalihom id-DĠ DEVCO ddeċieda li jżid il-baġit tas-Segretarjati reġjonali mill-2018.

Mill-2016 ’il quddiem, DEVCO beda jinkludi Eżerċizzji ta’ Simulazzjoni u Prattiċi fil-proġetti rilevanti kollha.

L-iskambji msaħħa bejn is-servizzi tad-DĠ DEVCO, tad-DĠ ECHO u tad-DĠ NEAR li jittrattaw il-programmi reġjonali ta’ ġestjoni tad-diżastri u li jesploraw il-possibbiltà ta’ xi eżerċizzji u ta’ taħriġ komuni, mill-pajjiżi ta’ interess komuni fejn huma stabbiliti n-netwerks (l-Alġerija, il-Marokk, il-Ġordan, il-Georgia), se jimmiraw li jikkonsolidaw l-inizjattiva u jittrasformawha f’netwerk uniku u b’saħħtu.

44

Il-Kummissjoni u s-SEAE jaqblu bis-sħiħ ma’ dan il-punt. Tabilħaqq, dawn diġà bdew jinvolvu lid-Direttorati Ġenerali rilevanti fid-DĠ DEVCO kif ukoll fid-DĠ NEAR biex jistabbilixxu sinerġiji u jżidu s-sorsi ta’ finanzjament għall-Inizjattiva.

Dan il-proċess hu ffaċilitat mill-fatt li n-netwerk reġjonali li ġie stabbilit permezz tas-CoE jippermetti lil korpi oħra tal-UE jużaw l-Inizjattiva bħala pjattaforma għall-programmi u għall-proġetti tagħhom.

Eżempju tal-adattabilità tas-CoE hu pprovdut mill-abbozz tad-Dokument ta’ Azzjoni 2018 dwar it-Tibdil fil-Klima, li jipprevedi rwol primarju għas-CoE, li huma indikati bħala l-pjattaforma għas-sensitizzazzjoni tal-pajjiżi sħab dwar ir-rabta tas-sigurtà tat-tibdil fil-klima permezz tat-timijiet nazzjonali u tal-PFN tagħhom. Id-dokument jipprovdi wkoll riżorsi addizzjonali lis-CoE, biex iniedu proġett ġdid li jindirizza r-riskji imposti għall-UE u għall-ġirien tagħha mill-migrazzjoni tal-mardiet u tal-vetturi tagħhom minħabba t-tibdil fil-klima.

Barra minn hekk, għaddejjin diskussjonijiet esploratorji għal trasferiment possibbli tal-MediPIET (bħalissa ffinanzjat permezz tal-proġetti 32 u 36 tas-CoE) lid-DĠ NEAR wara l-2019 bħala assi tal-Viċinat Ewropew. Jekk jirnexxi, mudell bħal dan jista’ jiġi ripetut għal proġetti oħra tas-CoE, speċjalment fil-viċinat tal-UE.

46

L-istruzzjoni mibgħuta fis-26 ta’ Jannar 2018 mis-SEAE lill-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi sħab tas-CoE tfittex il-kisba ta’ dan l-objettiv b’mod espliċitu (ara wkoll it-tweġiba għall-paragrafu 38). L-istedina għall-“ħatra ta’ membru tal-persunal fi ħdan it-taqsima politika tad-Delegazzjoni biex jaħdem bħala punt ta’ kuntatt fil-pajjiż(i) ta’ akkreditament tiegħek” għandha tistimola lid-Delegazzjonijiet tal-UE biex jimplimentaw dan il-kompitu wkoll.

Id-Delegazzjonijiet tal-UE fir-reġjun SEA qed jappoġġjaw lill-pajjiżi sħab fl-użu tal-(abbozz tal-) NAPs tagħhom biex jesploraw l-opportunitajiet ta’ finanzjament mingħand donaturi oħra. Pereżempju, f’Sessjoni ta’ Ħidma tal-ARF kopreseduta mill-UE dwar “Is-sensibilizzazzjoni u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni fl-ARF dwar il-mitigrazzjoni tar-riskji kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (CBRN)” li saret fil-Filippini f’Settembru 2015, ġie allokat il-ħin għal “sessjonijiet ta’ tlaqqigħ” fejn il-pajjiżi sħab setgħu jiltaqgħu ma’ pajjiżi donaturi potenzjali u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali (l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa - WHO, l-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi - OPCW, l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika).

48

Il-Kummissjoni taqbel mal-osservazzjoni. L-iskambji ta’ informazzjoni bejn id-DĠ DEVCO u NEAR/ECHO diġà jeżistu, iżda jistgħu jsiru formali.

Fir-rigward tal-Georgia, id-DĠ ECHO ssieħeb f’missjoni ta’ identifikazzjoni mmexxija mid-DĠ NEAR għall-programm ta’ azzjoni annwali (Annual Action Programme, AAP) dwar is-sigurtà, l-istat tad-dritt u l-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ kriżijiet f’Jannar 2018. Anki fuq il-bażi tal-valutazzjoni tal-ħtiġijiet ipprovduta mill-Gvern tal-Georgia, id-DĠ NEAR qed jiddefinixxi l-assistenza dwar is-CBRN fl-APP tal-2018. Permezz ta’ involviment ulterjuri, l-UE se tindirizza d-dgħjufijiet strutturali fil-koordinazzjoni nazzjonali tas-CBRN.

Barra minn hekk, sa minn tmiem l-2017, id-DĠ NEAR u d-DĠ DEVCO kienu qed jesploraw il-fattibbiltà tat-trasferiment tal-kontroll tal-proġett MediPIET lid-DĠ NEAR sa mill-2020.

50

Wieħed mill-kompiti ewlenin tal-Uffiċjali tal-Kooperazzjoni Reġjonali (persunal tad-DĠ DEVCO) hu l-monitoraġġ tal-inizjattiva fir-reġjuni rispettivi tagħhom. L-informazzjoni tagħhom hi kkombinata mal-monitoraġġ kuntrattwali tal-Maniġer tal-Proġetti fid-DĠ DEVCO. Informazzjoni mingħand partijiet ikkonċernati oħra hi kkunsidrata u tinkludi l-għodod imsemmija mill-Qorti.

Il-Kummissjoni taqbel li l-qafas loġiku ġenerali (inklużi l-indikaturi tal-eżitu/ tal-impatt) mil-livell tal-proġetti sal-livell tal-inizjattiva jrid jiġi ddefinit aħjar. Bl-użu ta’ approċċ komprensiv u sistemiku tal-valutazzjoni tar-riskju, u bl-użu tal-NAQs u tal-NAPs bħala għodod għall-kejl tal-progress fil-pajjiżi sħab, dan se ikun jista’ jinkiseb fil-futur qarib.

L-involviment tal-pajjiż sħab fil-monitoraġġ tal-proġetti qed jikber. Diversi Segretarjati Reġjonali dan l-aħħar iddeċidew li jorganizzaw b’mod regolari (darbtejn (2) sa erba' (4) darbiet fis-sena) laqgħat ta’ progress fis-segretarjati li jiġbru l-implimentaturi kollha tal-proġetti, minbarra laqgħat ta’ progress ta’ kull sitt (6) xhur mal-Kummissjoni Ewropea.

51

Il-portal tas-CoE CBRN tal-UE hu għodda importanti ta’ kollaborazzjoni għall-Inizjattiva, li hi deċentralizzata għalkollox u attiva fi tmien (8) reġjuni tad-dinja. Skont in-natura tiegħu stess, il-portal hu wieħed kollaborattiv, u evolva hekk kif l-Inizjattiva kibret għas-60 pajjiż kurrenti, bil-ħtieġa konsegwenti ta’ aġġustamenti. Bħalissa qed tiġi aġġornata l-istruttura tal-portal kurrenti.

Minħabba l-evoluzzjoni veloċi tat-teknoloġiji tal-IT, ittieħdet id-deċiżjoni favur ħidma parallela fuq l-iżvilupp tal-back office ta’ portal ġdid, imsejjes fuq protokoll standard differenti ta’ softwer, li se jtejjeb il-portabilità, il-manutenzjoni, l-aġġornar u s-sostenibbiltà tiegħu. Bħalissa l-JRC qed jagħmel l-istudju tal-fattibbiltà għal dan l-iżvilupp. Dan jinkludi s-simplifikazzjoni tal-livelli ta’ aċċess u tar-rwoli tal-utenti reġistrati, ir-riorganizzazzjoni tal-istruttura tal-modulu tar-repożitorju tad-dokumenti u r-riattivazzjoni ta’ forum għad-diskussjonijiet. Il-JRC se jkompli jaġġorna l-Portal tas-CoE hekk kif id-dokumenti u r-riżultati relatati mal-proġetti jsiru disponibbli għall-JRC, li jinħażnu bil-livelli xierqa ta’ aċċess.

L-aħjar prattiki u l-linji gwida ta’ proġetti oħra tal-UE relatati mas-CBRN (iffinanzjati permezz tal-AP CBRN tal-UE jew inkella permezz tal-programm ta’ Riċerka dwar is-Sigurtà, meta possibbli) se jsiru aċċessibbli permezz tal-Portal tas-CoE.

52

Rapporti ta’ progress (kull sitt (6) xhur) jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tas-segretarjat reġjonali u tal-PFN. L-aċċess għal riżultati speċifiċi tal-proġetti hu soġġett għal approvazzjoni minn qabel tal-pajjiżi sħab (klawżola ta’ kunfidenzjalità għal informazzjoni sensittiva speċifika għall-pajjiżi).

Id-dokumenti u r-riżultati relatati mal-proġetti tas-CoE jinħażnu fil-Portal tas-CoE bil-livelli xierqa ta’ drittijiet ta’ aċċess u ta’ konsultazzjoni/editjar. Biex ikun hemm repożitorju ta’ dokumenti aktar faċli għall-utenti, qed tiġi żviluppata riorganizzazzjoni tal-istruttura tal-modulu tar-repożitorju tad-dokumenti, kif ukoll skema aktar issimplifikata rigward id-drittijiet ta’ konsultazzjoni/editjar.

53

Kif rikonoxxut fit-tweġiba għall-paragrafu 51, il-ġabra sistematika ta’ informazzjoni u ż-żamma rekords mill-atturi kollha involuti għandhom jittejbu u se jittejbu. Madankollu, dan se jibqa’ diffiċli qabel ma l-portal isir kompletament operazzjonali u affidabbli, li mhux dejjem kien il-każ fl-imgħoddi, sitwazzjoni li wasslet għal konfużjoni u għall-inkompletezza msemmija tal-informazzjoni.

54

Ara t-tweġibiet għall-paragrafi 51 u 53.

56

L-evalwazzjoni tal-ROM (ġestita mill-Kwartieri ġenerali tad-DĠ DEVCO għall-unitajiet kollha) ma ssirx għall-proġetti kollha, iżda għal kampjun limitat ta’ proġetti biss skont il-prijoritajiet mogħtija mill-Kapijiet ta’ Unità fuq bażi annwali u b’baġit ta’ aktar minn miljun (1) euro.

Ovvjament, dan ma jfissirx li l-Kummissjoni m’għandhiex bżonn tiżgura li jkun hemm l-għodod addizzjonali xierqa ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni tal-proġetti biex jiġu ppreservati r-riżultati tal-proġetti. Din hi r-raġuni għaliex il-JRC ingħata l-kompitu li jagħmel evalwazzjoni teknika sistematika tal-proġetti kollha tas-CoE.

57

Il-Kummissjoni tagħraf din id-dgħufija f’termini tal-objettivi, tal-indikaturi kif ukoll tal-ħtieġa li tiġi żviluppata rabta ċara bejniethom. Biex ineħħu din id-diskrepanza, id-DEVCO u l-JRC diġà qed jaħdmu fuq l-iżvilupp ta’ indikaturi billi jużaw l-isforzi diġà mwettqa fil-qasam tal-kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju bħala bażi. B’mod parallel, l-enfasi akbar tal-Inizjattiva fuq l-organizzazzjoni tal-Eżerċizzji ta’ Simulazzjoni u Prattiċi reġjonali u subreġjonali se tikkontribwixxi wkoll, peress li l-eżerċizzji jistgħu jservu bħala indikaturi tal-impatt tal-proġetti.

58

Qed isir sforz addizzjonali biex jiġi żgurat li l-Portal tas-CoE jiġi aġġornat b’mod regolari bid-dokumenti relatati mal-proġetti disponibbli għall-JRC. Il-Portal tas-CoE jintuża bħala repożitorju tad-dokumenti prodotti fl-ambitu tal-proċess ta’ evalwazzjoni.

F’ċerti każijiet, l-evalwazzjoni kienet ikkomplimentata minn sorsi oħra li mhumiex dokumentazzjoni relatata mal-proġetti.

Il-ġbir tal-informazzjoni għall-finijiet ta’ evalwazzjoni jsir b’mod sistematiku fil-kumitati ta’ tmexxija tal-proġetti u permezz ta’ formoli speċifiċi ta’ feedback (għall-komponenti ta’ taħriġ). Dan l-aħħar sentejn kemm esperti ta’ livell għoli mill-Istati Membri kif ukoll esperti tal-OSA qed jiġu involuti u l-feedback tagħhom qed jintuża.

59

Minħabba l-implimentazzjoni ta’ politika ġenerali ta’ tnaqqis tal-persunal li qed tipproduċi l-impatti tagħha f’termini tal-persunal tal-JRC dedikat għall-Inizjattiva CoE, bi qbil mad-DĠ DEVCO, il-JRC ħatar u kkoordina esperti indipendenti fir-riċerka u fl-innovazzjoni fl-oqsma C, B u RN għall-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-proġetti skont il-metodoloġija ta’ evalwazzjoni approvata mid-DĠ DEVCO.

Għal kull proġett inħarġu rapporti ta’ evalwazzjoni standardizzati mit-tim ta’ esperti assenjat għall-kompitu, taħt is-superviżjoni tat-Task Force tal-JRC. Barra minn hekk, il-JRC qed jagħmel sforzi biex jaġġorna l-evalwazzjoni tal-proġetti tas-CoE u joħroġ ir-rapporti ta’ evalwazzjoni fil-ħin biex jittieħdu azzjonijiet speċifiċi fuq ir-rakkomandazzjonijiet possibbli, u diġà sar titjib.

60

Hu ttamat li ż-żieda tal-involviment tad-Delegazzjonijiet tal-UE se jssaħħaħ is-sostenibbiltà tar-riżultati milħuqa bl-implimentazzjoni tal-proġetti fil-qafas tal-Inizjattiva wkoll.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

62

Il-Kummissjoni ma taqbilx li ma ġietx implimentata r-rakkomandazzjoni li jiġi kkonċentrat il-finanzjament mill-UE fl-aktar oqsma rilevanti għas-sigurtà tal-UE.

Ara t-tweġiba għall-paragrafu III kif ukoll it-tweġibiet għall-paragrafi 16, 17, 18 u 19.

65

Il-Kummissjoni se tinkorpora l-komponent ta’ valutazzjoni tar-riskju fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet u fil-metodoloġija tal-pjan ta’ azzjoni nazzjonali. Dan għandu jservi biex iżid l-għarfien fost il-pajjiżi sħab għall-importanza tat-twettiq ta’ valutazzjoni tar-riskju, biex jiġu introdotti approċċi u gwida possibbli, kif ukoll biex jingħataw appoġġ aħjar meta jipprijoritizzaw l-azzjonijiet.

Rakkomandazzjoni 1

Il-Kummissjoni u s-SEAE jaċċettaw ir-rakkomandazzjoni.

  1. Is-SEAE u s-servizzi tal-Kummissjoni se jesploraw il-possibbiltà li jagħmlu analiżi bħal din.

    L-interazzjonijiet mad-DĠ HOME u mal-Grupp Konsultattiv tiegħu dwar is-CBRN li jinvolvu lil koordinaturi maħtura ġodda tas-CBRN mill-Istati Membri tal-UE se jkomplu u se jissaħħu fejn xieraq u fejn jistgħu jinstabu s-sinerġiji (pereż. immappjar tal-faċilitajiet u tal-esperti eżistenti ta’ taħriġ fis-CBRN; il-parteċipazzjoni f’eżerċizzji ta’ simulazzjoni u prattiċi transfruntiera).
  2. Il-komponent tal-valutazzjoni tar-riskju se jiġi inkorporat fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tas-CoE u fil-metodoloġija tal-pjan ta’ azzjoni nazzjonali. Dan għandu jservi biex iżid l-għarfien fost il-pajjiżi sħab għall-importanza tat-twettiq ta’ valutazzjoni tar-riskju, biex jiġu introdotti approċċi u gwida possibbli, kif ukoll biex jingħataw appoġġ aħjar meta jipprijoritizzaw l-azzjonijiet.
  3. Il-Kummissjoni (DĠ DEVCO u JRC) ħejjiet skeda tentattiva għall-2018 u għall-2019 li tindirizza t-talbiet differenti riċevuti mill-pajjiżi sħab. Filwaqt li jiżgura li l-metodoloġija NAQ-NAP tiġi rrispettata bis-sħiħ meta l-pajjiżi sħab jiġu assistiti mill-Kummissjoni Ewropea u li l-proċess ikun taħt it-tmexxija tiegħu, il-JRC se jibbaża fuq l-appoġġ ipprovdut mill-esperti fl-OSA u/jew mill-esperti esterni u se jiġu ddedikati r-riżorsi xierqa għall-missjonijiet.
Rakkomandazzjoni 2

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni u diġà bdiet timplimenta l-attivitajiet reġjonali li jinkludu eżerċizzji prattiċi u ta’ simulazzjoni f’livell reġjonali u subreġjonali.

Id-diskussjoni Reġjonali tas-CoE madwar mejda turi livell li dejjem jibqa’ jiżdied ta’ sjieda u ta’ grad ta’ inizjattivi għall-bini ta’ netwerks reġjonali, għall-kooperazzjoni u għat-twaqqif ta’ attivitajiet kif ukoll għas-sensibilizzazzjoni fost l-organizzazzjonijiet internazzjonali jew reġjonali (l-Unjoni Afrikana, ASEAN, ISTC, STCU, WHO, OPCW, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, 1540 il-Kumitat ta’ Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi, BACAC, eċċ.).

Il-possibbiltà li jiġu organizzati eżerċizzji u taħriġ konġunti ma’ programmi kurrenti ta’ ġestjoni tad-diżastri ġestiti mid-DĠ ECHO u mid-DĠ NEAR se tkompli tiġi esplorata.

Rakkomandazzjoni 3

Il-Kummissjoni u s-SEAE jaċċettaw ir-rakkomandazzjoni.

  1. Is-SEAE u l-Kummissjoni se jesploraw il-possibbiltà li jestendu r-responsabbiltà għas-CBRN għall-Esperti kontra t-terroriżmu f’dawk id-delegazzjonijiet fejn ġew innominati.
  2. Il-qasam tas-CBRN diġà hu inkluż f’uħud mid-djalogi dwar is-sigurtà. Fil-futur dan jista’ jsir fuq bażi aktar regolari.
Rakkomandazzjoni 4

Il-Kummissjoni u s-SEAE jaċċettaw ir-rakkomandazzjoni.

Id-DĠ DEVCO diġà beda d-diskussjoni mad-DĠ NEAR u mad-Direttorati Ġeografiċi rilevanti tiegħu stess, kif ukoll mad-DĠ ECHO dwar il-ġestjoni tad-diżastri.

Rakkomandazzjoni 5

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Il-JRC u t-tim ta’ appoġġ estern eżistenti tad-DĠ DEVCO għall-Monitoraġġ Orjentat lejn ir-Riżultati qed jipprovdu appoġġ lid-DĠ DEVCO għat-titjib u għas-simplifikazzjoni tal-indikaturi u għall-allinjament bejn il-Programm Indikattiv Pluriennali, il-Programmi ta’ Azzjoni Annwali u l-proġetti implimentati.

Rakkomandazzjoni 6

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Il-portal tas-CoE CBRN tal-UE hu għodda importanti ta’ kollaborazzjoni għal inizjattiva, li hi deċentralizzata għalkollox u attiva fi tmien (8) reġjuni tad-dinja. Skont in-natura tiegħu stess, il-portal hu wieħed kollaborattiv, u evolva hekk kif l-Inizjattiva kibret għas-60 pajjiż kurrenti, bil-ħtieġa konsegwenti ta’ aġġustamenti. Bħalissa qed tiġi aġġornata l-istruttura tal-portal kurrenti.

Minħabba l-evoluzzjoni rapida tat-teknoloġiji tal-IT, ittieħdet deċiżjoni favur ħidma parallela fuq l-iżvilupp tal-back office ta’ portal ġdid, imsejjes fuq protokoll standard differenti ta’ softwer, li se jtejjeb il-portabilità, il-manutenzjoni, l-aġġornar u s-sostenibbiltà tiegħu. Bħalissa l-JRC qed jagħmel l-istudju tal-fattibbiltà għal dan l-iżvilupp.

  1. Bħalissa qed tiġi aġġornata l-istruttura tal-Portal tas-CoE kurrenti. Dan jinkludi s-simplifikazzjoni tal-livelli ta’ aċċess u tar-rwoli tal-utenti reġistrati, ir-riorganizzazzjoni tal-istruttura tal-modulu tar-repożitorju tad-dokumenti u r-riattivazzjoni ta’ forum għad-diskussjonijiet. Il-JRC se jkompli jaġġorna l-Portal tas-CoE, hekk kif id-dokumenti u r-riżultati relatati mal-proġetti jsiru disponibbli għall-JRC, li jinħażnu bil-livelli xierqa ta’ aċċess.
  2. L-aħjar prattiki u l-linji gwida ta’ proġetti oħra tal-UE relatati mas-CBRN (iffinanzjati permezz tal-AP CBRN tal-UE jew inkella permezz tal-programm ta’ Riċerka dwar is-Sigurtà, meta possibbli) se jsiru aċċessibbli permezz tal-Portal tas-CoE.

Abbrevjazzjonijiet u Akronimi

AAF: Kosta Atlantika Afrikana

CA: L-Asja Ċentrali

CBRN: Kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari

DĠ DEVCO: Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp

DĠ ECHO: Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej

DĠ NEAR: Direttorat Ġenerali għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir

ECA: L-Afrika tal-Lvant u Ċentrali

GCC: Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf

IcSP: Strument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi

INTCEN: Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-UE

JRC: Ċentru Konġunt tar-Riċerka

MIE: Il-Lvant Nofsani

NAP: Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali

NAQ: Kwestjonarju dwar il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet

NAS: L-Afrika ta’ Fuq u s-Saħel

PFN: Punt fokali nazzjonali

SEA: Ix-Xlokk tal-Asja

SEAE: Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

SEEE: Ix-Xlokk u l-Lvant tal-Ewropa

UNICRI: Istitut Interreġjonali ta' Riċerka tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kriminalità u l-Ġustizzja

Noti finali

1 Jeżistu azzjonijiet oħra bħar-rinforz ta’ sistemi ta' kontroll tal-esportazzjoni f’oġġetti b'użu doppju (materjal CBRN b’applikazzjonijiet kemm ċivili kif ukoll militari) u r-ridirezzjonar ta’ xjenzjati li jkollhom għarfien dwar it-teknoloġija b'użu doppju.

2 COM(2017) 610 final tat-18 ta’ Ottubru 2017 “Pjan ta' Azzjoni għat-titjib tal-istat ta' tħejjija kontra riskji ta' sigurtà kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari”.

3 Pereżempju, ir-Riżoluzzjoni 1540 tal-KSNU, il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi, il-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u t-Trattat dwar il-Projbizzjoni ta’ Armi Nukleari.

4 Pool Reinsurance Company. Terrorism threat and mitigation report (Rapport dwar it-theddida u l-mitigazzjoni tat-terroriżmu). Awwissu-Diċembru 2016. Clingendael Strategic Monitor 2017.

5 Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tas-sigurtà kimika, bijoloġika, radjoloġika u nukleari fl-Unjoni Ewropea - Pjan ta’ Azzjoni CBRN tal-UE. Id-Dok. 15505/1/09 REV 1, it-12 ta’ Novembru 2009.
COM(2014) 247 final “Komunikazzjoni dwar approċċ ġdid tal-UE għad-detezzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji CBRN-E”.
COM(2017) 610 final.

6 L-Abbozz ta' Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna Mġedda għall-Unjoni Ewropea 2015-2020, l-10 ta’ Ġunju 2015, id-Dokument 9798/15.
Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Rapport Speċjali Nru 17/2014 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri "L-inizjattiva tal-UE dwar iċ-Ċentri ta’ Eċċellenza tista’ tikkontribwixxi b'mod effettiv għall-mitigazzjoni ta' riskji kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari li jkunu ġejjin minn barra l-UE?", is-26 ta’ Ottubru 2015, id-Dokument 13279/15.
Joint declaration by the President of the European Council, the President of the European Commission, and the Secretary General of the North Atlantic Treaty Organization (Dikjarazzjoni Konġunta mill-President tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Kummissjoni Ewropea u s-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana). Id-Dikjarazzjoni konġunta UE-NATO tal-2016.
Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-Azzjoni Esterna tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu. Id-Dokument 10384/17, id-19 ta’ Ġunju 2017.

7 Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta’ April 2015 dwar ir-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri fil-kuntest tal-kwittanza lill-Kummissjoni 2013. Id-Dokument P8_TA(2015)0119.
Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Lulju 2015 dwar l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà. P8_TA(2015)0269.
Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Novembru 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni. P8_TA(2016)0440.

8 SWD(2017) 278 final “Comprehensive Assessment of EU Security Policy, accompanying the document: Communication from the Commission to the European Parliament, the European Council and the Council – Ninth progress report towards an effective and genuine Security Union” (Valutazzjoni Komprensiva tal-Politika ta’ Sigurtà tal-UE, li takkumpanja d-dokument: Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill – Id-disa' rapport ta' progress lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina).

9 Shared Vision, Common action: A Stronger Europe. A Global Strategy for the European Union’s Foreign and Security Policy (Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b'Saħħitha. Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea, Ġunju 2016).

10 Il-Programm ta' Azzjoni Annwali tal-2017 għall-Artikolu 5 tal-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi: Dokument ta’ azzjoni għall-mitigazzjoni tar-riskji relatati ma’ materjali jew aġenti CBRN u għat-tħejjija kontra dawn ir-riskji.

11 Ir-Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribbwixxi għall-istabbiltà u l-paċi (ĠU L 77, 15.3.2014, p. 1).

12 Instrument contributing to Stability and Peace (IcSP) Thematic Strategy Paper 2014-2020 (Id-Dokument Tematiku ta' Strateġija 2014-2020 dwar l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi). Il-Programm Indikattiv Pluriennali 2014-2017 (Anness).

13 Il-proġetti pilota u l-ippjanar ġew iffinanzjati taħt il-Programm ta’ Azzjoni Annwali tal-2009 għall-mitigazzjoni tar-riskji relatati ma’ materjali jew ma’ aġenti CBRN u għat-tħejjija kontra dawn ir-riskji.

14 Is-segretarjati reġjonali tax-Xlokk u tal-Lvant tal-Ewropa kif ukoll dawk tal-Lvant Nofsani.

15 L-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna.

16 L-Etjopja, il-Kuwajt, il-Pakistan u Sierra Leone ssieħbu fl-Inizjattiva fl-2017 u l-Mongolja ssieħbet f’Marzu 2018.

17 Il-Każakistan esprima interess biex jissieħeb.

18 Stockholm International Peace Research Institute Yearbook 2017 (L-Annwarju 2017 tal-Istitut Internazzjonali ta' Riċerka dwar il-Paċi ta' Stokkolma).

19 Il-pajjiżi sħab (it-tim nazzjonali) jidentifikaw il-ħtiġijiet li jkunu speċifiċi għall-pajjiż tagħhom u jiddiskutu fil-livell reġjonali l-azzjonijiet li jistgħu jittieħdu biex jiġu indirizzati r-riskji u t-theddid CBRN komuni.

20 SWD(2017) 278 final, il-PARTI 1/2, p. 13.

21 Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tas-sigurtà kimika, bijoloġika, radjoloġika u nukleari (CBRN) fl-Unjoni Ewropea – Pjan ta’ Azzjoni CBRN tal-UE. Id-Dok. 15505/1/09 REV 1, it-12 ta’ Novembru 2009.

22 Ir-Regolament (UE) Nru 230/2014.
Instrument contributing to Stability and Peace (IcSP) (Strument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP)) – Dokument Tematiku ta' Strateġija 2014-2020.

23 B'analoġija, fl-ewwel Pjan ta’ Azzjoni CBRN, l-Istati Membri tal-UE kienu meħtieġa jieħdu 124 azzjoni relatati ma’ prevenzjoni, detezzjoni, tħejjija u rispons.

24 It-timijiet nazzjonali CBRN jikkoordinaw ix-xogħol u jikkondividu l-informazzjoni fil-pajjiżi tagħhom fost l-istituzzjonijiet bħal ministeri, aġenziji kif ukoll faċilitajiet ta’ riċerka u edukattivi li jkunu involuti f’diversi livelli fil-mitigazzjoni tar-riskji CBRN.

25 Pereżempju, il-punti ta’ kuntatt għall-INTERPOL, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, ir-Riżoluzzjoni 1540 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi, l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura, l-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi, l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika, il-Programm għall-Prevenzjoni, l-istat ta' Preparazzjoni u r-Rispons għal Diżastri Naturali u Diżastri Kkaġunati mill-Bniedem, eċċ.

26 Is-segretarjat reġjonali huwa magħmul minn kap tas-segretarjat u minn koordinatur reġjonali tal-UNICRI.

27 Espert wieħed fuq il-post ikopri żewġ reġjuni: l-Afrika ta’ Fuq u s-Saħel u l-Lvant Nofsani.

28 L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi, il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi, l-Interpol u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

29 L-Inizjattiva tal-UE dwar iċ-Ċentri ta’ Eċċellenza CBRN, ir-Regolamenti Internazzjonali dwar is-Saħħa tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, ir-Riżoluzzjoni 1540 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi.

30 L-ambitu tal-awditjar tagħna ġie estiż għal u kien jinkludi l-Proġett Nru 60. Madankollu, għal dan il-kalkolu aħna ħadna inkunsiderazzjoni wkoll il-proġetti kollha sal-Proġett Nru 66. Il-proġetti ta’ assistenza teknika fuq il-post ġew esklużi.

31 Esklużi l-kuntratti għall-assistenza teknika fuq il-post u għall-forniment ta’ tagħmir.

32 It-trasport ta’ oġġetti perikolużi, u s-sikurezza alimentari.

33 L-eżerċizzji ta' simulazzjoni jinvolvu diskussjoni fost il-parteċipanti biex jidentifikaw u jipproponu azzjonijiet ta’ rispons. L-eżerċizzji fuq il-post jittestjaw il-kapaċitajiet operazzjonali ta’ reazzjoni għal inċident CBRN.

34 Pereżempju, il-Proġetti Nri 4, 9, 17, 21, 22, 23, 33, 34, 42, 44, 46 u 47.

35 L-Emirati Għarab Magħquda ospitaw l-avveniment li fih ipparteċipaw ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, ir-Renju tal-Marokk, l-Istat tal-Qatar, ir-Renju tal-Arabja Sawdija, l-Istat tal-Kuwajt, is-Saltna tal-Oman u r-Renju tal-Bahrain.

36 Il-post ta’ uffiċjal tal-IcSP responsabbli għall-kooperazzjoni reġjonali li jkun għal terminu twil allokat għal Amman ġie ttrasferit għad-DĠ NEAR.

37 Bħall-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-protezzjoni ta’ infrastruttura kritika u l-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu.

38 Id-DĠ DEVCO, is-SEAE, l-espert fuq il-post, l-UNICRI u t-Tim ta’ Governanza.

39 Għal kważi 70 % tal-proġetti.

40 Pereżempju: l-evalwazzjoni finali tal-Proġett Nru 6 rrakkomandat li jsir titjib fil-ġestjoni tal-ħin u tar-riżorsi finanzjarji. Jekk ir-riżorsi ma jkunux biżżejjed, ikun tajjeb li dan jiġi identifikat minn kmieni u li min ikun inkarigat mis-sorveljanza tal-proġetti jiġi infurmat. L-evalwazzjoni ex post tal-Proġett Nru 22 irrakkomandat li jitwessa’ l-ambitu tad-definizzjonijiet tad-dixxiplini inkarigati mir-rispons f’każ ta’ emerġenza biex ikunu jinkludu bażi usa’ ta’ partijiet ikkonċernati, inklużi wkoll il-fornituri ta’ servizzi mediċi.

Avveniment Data
Adozzjoni tal-APM / Bidu tal-awditu 25.4.2017
L-abbozz tar-rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lil parti awditjata oħra) 2.3.2018
Adozzjoni tar-rapport finali wara l-proċedura kontradittorja 24.4.2018
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni u tas-SEAE riċevuti bil-lingwi kollha 25.5.2018

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla III tal-Awditjar, Azzjoni esterna/Sigurtà u ġustizzja.
Fiż-żmien meta r-rapport tal-awditjar ġie adottat, id-Dekan tal-Awla u l-Membru Relatur kien is-Sur Karel Pinxten. Wara li skada l-mandat tiegħu fit-30 ta’ April 2018, is-Sinjura Bettina Jakobsen assumiet il-kariga ta’ Membru Relatur u Dekan tal-Awla. It-tim tal-awditjar kien magħmul minn Sabine Hiernaux-Fritsch, Maniġer Prinċipali; Aurelia Petliza, Kap tal-Kompitu; Michiel Sweerts u Dirk Neumeister, Awdituri. Hannah Critoph ipprovdiet appoġġ lingwistiku.

Mix-xellug għal-lemin: Dirk Neumeister, Aurelia Petliza, Bettina Jakobsen, Michiel Sweerts.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2018

PDF ISBN 978-92-872-4728-5 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/81265 QJ-AB-18-011-MT-N
HTML ISBN 978-92-872-7284-3 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/452345 QJ-AB-18-011-MT-Q

© L-Unjoni Ewropea, 2018

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, mill-EU Bookshop fl-indirizz li ġej: https://publications.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp/mt/home?) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.