Il‑Qorti Ewropea tal‑Awdituri
L‑attivitajiet li wettaqna fl‑2023

Cover image

Il‑Qorti Ewropea tal‑Awdituri

Min aħna

  • l‑awditur estern tal‑Unjoni Ewropea (UE);
  • stabbilita bit‑Trattat ta’ Brussell tal‑1975, bdiet topera f’Ottubru 1977;
  • Istituzzjoni Ewropea sa mill‑1993 taħt it‑Trattat ta’ Maastricht;
  • korp kolleġġjali ta’ 27 Membru, 1 minn kull Stat Membru tal‑UE, maħtur mill‑Kunsill b’segwitu għal konsultazzjoni mal‑Parlament Ewropew;
  • madwar 950 membru tal‑persunal, min‑nazzjonalitajiet kollha tal‑UE.

X’nagħmlu

  • niżguraw li l‑kontijiet tal‑UE jinżammu b’mod xieraq, u li din tapplika r‑regoli finanzjarji tagħha b’mod korrett, u li l‑politiki u l‑programmi tal‑UE jilħqu l‑objettivi intenzjonati tagħhom u jipprovdu valur għall‑flus;
  • nikkontribwixxu għat‑titjib tal‑ġestjoni finanzjarja tal‑UE u nippromwovu l‑obbligu ta’ rendikont u t‑trasparenza;
  • inwissu dwar il‑possibbiltà ta’ riskji, nipprovdu aċċertament, nindikaw fejn ikun hemm nuqqasijiet u suċċessi, u noffru gwida lil dawk li jfasslu l‑politika u lil‑leġiżlaturi tal‑UE;
  • nippreżentaw l‑osservazzjonijiet u r‑rakkomandazzjonijiet tagħna lill‑Parlament Ewropew, lill‑Kunsill, lill‑gvernijiet u l‑parlamenti nazzjonali, kif ukoll lill‑pubbliku ġenerali.

Daħla tal‑President

Għażiż qarrej,

Hekk kif nilħqu l‑punt nofsani tal‑baġit fit‑tul tal‑UE għall‑perjodu 2021‑2027, huwa evidenti li l‑isfidi li ġew iffaċċjati minn meta ġie adottat kienu kemm mingħajr preċedent kif ukoll mhux mistennija, u dan poġġa pressjoni sinifikanti fuq il‑kapaċità tiegħu. Filwaqt li l‑baġit tal‑UE jibda jadatta l‑fokus tiegħu sabiex jindirizza l‑kwistjonijiet l‑aktar urġenti bħall‑appoġġ għall‑Ukrajna, il‑migrazzjoni u r‑rati tal‑imgħax relatati mal‑finanzjament tan‑NextGenerationEU li telgħin f’daqqa, huwa jrid ikompli jwettaq il‑prijoritajiet li għandu bħal: ir‑riċerka u l‑innovazzjoni, l‑investimenti fit‑tibdil fil‑klima u t‑tranżizzjoni diġitali.

F’dan l‑ambjent, bħall‑istituzzjonijiet kollha tal‑UE, il‑Qorti Ewropea tal‑Awdituri (QEA) jeħtiġilha tkun reattiva u kapaċi tagħti rispons sabiex naqdu r‑rwol tagħna bħala l‑awdituri esterni indipendenti tal‑UE. Matul l‑2023, b’mod konsistenti pprovdejna valutazzjonijiet imparzjali tal‑politiki u l‑programmi tal‑UE, filwaqt li evalwejna l‑ġestjoni finanzjarja tal‑fondi tal‑UE madwar l‑Unjoni u lil hinn minnha, u vvalutajna l‑valur għall‑flus li diversi politiki u inizjattivi pprovdew.

Dan ir‑rapport joffri ħarsa ġenerali komprensiva lejn l‑attivitajiet u l‑pubblikazzjonijiet tagħna fl‑2023, u jipprovdi informazzjoni dwar il‑maniġment tagħna, il‑persunal tagħna u l‑funzjonijiet ta’ appoġġ għall‑awditjar tagħna.

Ir‑rapporti annwali kollha tagħna li jagħtu dettalji dwar ir‑riżultati tax‑xogħol tal‑awditjar finanzjarju u tal‑konformità li wettaqna fuq il‑baġit tal‑UE, il‑Faċilità għall‑Irkupru u r‑Reżiljenza, u l‑Fondi Ewropej għall‑Iżvilupp ġew ippubblikati sad‑dati ta’ skadenza uffiċjali. Ir‑rapporti speċjali ppubblikati tagħna li jiffukaw fuq oqsma speċifiċi ta’ nfiq u ta’ politika koprew firxa ta’ suġġetti li jinkludu: il‑politika industrijali tal‑UE dwar il‑batteriji, il‑miri klimatiċi, l‑ugwaljanza għall‑persuni b’diżabilità u l‑prestazzjoni tal‑Faċilità għall‑Irkupru u r‑Reżiljenza.

Barra minn hekk, ħriġna erba’ opinjonijiet li fihom eżaminajna l‑proposti leġiżlattivi tal‑Kummissjoni. Dawn indirizzaw kwistjonijiet kruċjali bħalma hija l‑istabbiliment tal‑Faċilità għall‑Ukrajna u oħra dwar arranġamenti biex ir‑riżorsi finanzjarji proprji l‑ġodda tal‑Unjoni Ewropea jsiru disponibbli.

Dawn l‑azzjonijiet juru d‑dedikazzjoni kontinwa tagħna għall‑prijoritizzazzjoni ta’ kwistjonijiet li jolqtu l‑benesseri taċ‑ċittadini tal‑UE b’mod dirett.

Meta nħarsu ’l quddiem lejn l‑2024, x’aktarx li l‑baġit tal‑UE se jkompli jevolvi u jikber biex jilqa’ l‑isfidi li ħerġin. Bl‑elezzjonijiet li ġejjin, nistennew bidliet fil‑Parlament Ewropew u fil‑Kummissjoni, filwaqt li nilqgħu l‑perspettivi u l‑opportunitajiet ġodda li se jġibu magħhom. Fost dawn il‑bidliet, il‑QEA tibqa’ soda fl‑impenn tagħha favur l‑obbligu ta’ rendikont u t‑trasparenza. Se nkomplu nipprovdu rapporti indipendenti u oġġettivi dwar kwistjonijiet ewlenin għall‑ġejjieni tal‑UE liċ‑ċittadini tal‑UE, lill‑partijiet ikkonċernati istituzzjonali, u lis‑sħab kemm fil‑livell tal‑UE kif ukoll f’dak tal‑Istati Membri.

Sadanittant, nistiednek taqra l‑ħarsa ġenerali dettaljata lejn l‑attivitajiet u l‑kisbiet tagħna f’din l‑aħħar sena, u tibqa’ infurmat dwar l‑attivitajiet li għad iridu jsiru.

Tony Murphy
Il‑President

L‑2023 mad‑daqqa t’għajn

L‑attivitajiet li wettaqna

L‑istrateġija tagħna għall‑perjodu 2021‑2025

Nużaw strateġiji pluriennali biex niggwidaw ix‑xogħol tal‑awditjar li nwettqu, nippromwovu bidla organizzattiva għal titjib kontinwu u nibqgħu fuq quddiem nett tal‑iżvilupp fl‑awditjar tas‑settur pubbliku.

2023: implimentazzjoni tal‑istrateġija
– progress tajjeb

Fi tmiem l‑2023, lestejna t‑tielet sena tal‑istrateġija tagħna għall‑perjodu 2021‑2025. L‑għanijiet strateġiċi tagħna għal dan il‑perjodu ta’ 5 snin huma li: isir titjib f’dak li jirrigwarda l‑obbligu ta’ rendikont, it‑trasparenza u l‑arranġamenti tal‑awditjar f’kull tip ta’ azzjoni li tittieħed mill‑UE; l‑awditi li nwettqu jiġu mmirati lejn l‑oqsma u s‑suġġetti fejn nistgħu nipprovdu l‑aktar valur miżjud; l‑għoti ta’ aċċertament qawwi tal‑awditjar, f’ambjent diffiċli u li qed jinbidel.

Biex inqiegħdu l‑istrateġija tagħna fil‑prattika, qbilna dwar miżuri ta’ implimentazzjoni għal kull għan u objettiv, assenjajna responsabbiltajiet, u stabbilejna dati ta’ skadenza. Din is‑sena komplejna nagħmlu progress tajjeb f’diversi azzjonijiet, notevolment:

  • għażilna kompiti tal‑awditjar li jkopru b’mod xieraq l‑oqsma strateġiċi;
  • wettaqna diversi awditi li ffukaw fuq diversi aspetti tal‑Faċilità għall‑Irkupru u r‑Reżiljenza (RRF), inkluża t‑tieni opinjoni tal‑awditjar tagħna dwar in‑nefqa fil‑qafas tal‑RRF f’konformità mal‑approċċ strateġiku tagħna għall‑inizjattiva “NextGenerationEU” (NGEU);
  • ifformulajna pjan ta’ azzjoni għall‑interazzjoni tagħna mal‑partijiet ikkonċernati istituzzjonali;
  • wettaqna rieżami ta’ nofs it‑terminu dwar il‑progress tal‑miżuri ta’ implimentazzjoni tal‑istrateġija.

Awditjar tal‑prestazzjoni u r‑regolarità tal‑azzjonijiet li ttieħdu mill‑UE

Awditi tal‑prestazzjoni,
awditi finanzjarji u awditi
tal‑konformità

L‑awditi li nwettqu jipprovdu liċ‑ċittadini tal‑UE u lil dawk li jfasslu l‑politika tagħha rapporti indipendenti u oġġettivi dwar kwistjonijiet ewlenin għall‑ġejjieni tal‑UE, billi jenfasizzaw dak li jiffunzjona tajjeb, jiġbdu l‑attenzjoni għal dak li ma jiffunzjonax kif suppost, u jirrakkomandaw bidliet.

L‑awditi tal‑prestazzjoni li nwettqu jindirizzaw l‑ekonomija, l‑effiċjenza u l‑effettività tal‑politiki u l‑programmi tal‑UE. Huma jiffukaw fuq suġġetti li jirriflettu l‑problemi li qed tħabbat wiċċha magħhom l‑UE, bħal:

  •  il‑kompetittività ekonomika tal‑Unjoni;
  •  ir‑reżiljenza fil‑konfront ta’ theddid għas‑sigurtà tal‑Unjoni, u r‑rispett għall‑valuri Ewropej tal‑libertà, id‑demokrazija u l‑istat tad‑dritt;
  •  it‑tibdil fil‑klima, l‑ambjent u r‑riżorsi naturali;
  •  il‑politiki fiskali u l‑finanzi pubbliċi tal‑Unjoni.

Dawn l‑awditi għandhom l‑għan li jgħinu lill‑UE biex tilħaq aħjar l‑objettivi tal‑politika tagħha.

L‑awditi finanzjarji u l‑awditi tal‑konformità li nwettqu jkopru l‑baġit tal‑UE, il‑Faċilità għall‑Irkupru u r‑Reżiljenza u l‑baġits tal‑Fondi Ewropej għall‑Iżvilupp (FEŻ). Aħna nipprovdu Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni dwar l‑affidabbiltà tal‑kontijiet annwali, kif ukoll dwar il‑legalità u r‑regolarità tat‑tranżazzjonijiet ta’ bażi.

Jaf inwettqu wkoll awditi tal‑konformità magħżula, biex neżaminaw l‑istat tal‑kontabbiltà baġitarja u l‑ġestjoni finanzjarja tal‑UE, jew biex nivvalutaw jekk is‑sistemi ta’ ġestjoni u kontroll għall‑ġbir u l‑infiq tal‑fondi tal‑UE humiex konformi mar‑regoli applikabbli tal‑UE u dawk nazzjonali.

Fl‑aħħar nett, aħna l‑awditur estern għal għadd kbir ta’ aġenziji, korpi deċentralizzati u Impriżi Konġunti tal‑UE, kif ukoll tal‑Iskejjel Ewropej.

Inwettqu l‑awditi kollha tagħna f’konformità ma’ standards tal‑awditjar għas‑settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment.

Programm ta’ ħidma

Il‑Programm ta’ Ħidma 2024+ tagħna

Il‑Programm ta’ Ħidma 2024+ tagħna, li ġie ppubblikat f’Diċembru 2023, jiġbed l‑attenzjoni għall‑prijoritajiet tal‑awditjar li għandna għas‑snin li ġejjin u jippreżenta fid‑dettall it‑73 rapport, kemm rapporti speċjali kif ukoll dawk analitiċi, li biħsiebna nippubblikaw mill‑2024 ’il quddiem, minbarra r‑rapporti annwali tagħna ta’ kull sena. Huwa allinjat b’mod qawwi mal‑oqsma ta’ prijorità stabbiliti fl‑istrateġija tagħna għall‑perjodu 2021‑2025.

Taħt “Il‑kompetittività ekonomika tal‑Unjoni”, nippjanaw li nippubblikaw rapporti li fost l‑oħrajn ikopru l‑intelliġenza artifiċjali, it‑trasformazzjoni diġitali, il‑politika industrijali dwar l‑idroġenu, u l‑industrija tal‑mikroċipep.

Taħt “Ir‑reżiljenza fil‑konfront ta’ theddid għas‑sigurtà tal‑Unjoni, u r‑rispett għall‑valuri Ewropej tal‑libertà, id‑demokrazija u l‑istat tad‑dritt”, nippjanaw li nippubblikaw rapporti li jindirizzaw l‑għeruq ta’ dak li jikkawża l‑migrazzjoni fl‑Afrika u l‑mobbiltà militari.

Taħt “It‑tibdil fil‑klima, l‑ambjent u r‑riżorsi naturali”, nippjanaw li nippubblikaw rapporti li jkopru firxa wiesgħa ta’ suġġetti, fosthom is‑sigurtà tal‑provvista tal‑gass fl‑Unjoni, l‑adattament għat‑tibdil fil‑klima u l‑biedja organika.

Taħt “Il‑politiki fiskali u l‑finanzi pubbliċi tal‑Unjoni”, nippjanaw li nippubblikaw rapporti bħal: kompetizzjoni tat‑taxxa dannuża, riżorsa proprja bbażata fuq l‑iskart mill‑imballaġġ tal‑plastik u l‑Fond Ewropew għall‑Investimenti Strateġiċi.

Fl‑oqsma strateġiċi kollha, nippjanaw ukoll li neżaminaw il‑Faċilità għall‑Irkupru u r‑Reżiljenza, u nkopru suġġetti bħalma huma s‑sistemi ta’ kontroll fl‑Istati Membri, u l‑pilastri ekoloġiċi u diġitali tal‑istrument.

Xogħol tal‑awditjar fuq il‑post

Il‑biċċa l‑kbira mix‑xogħol tal‑awditjar li nwettqu jsir fis‑sede tagħna fil‑Lussemburgu. L‑awdituri tagħna jagħmlu wkoll għadd kbir ta’ żjarat lill‑Kummissjoni Ewropea – l‑entità awditjata prinċipali tagħna – u lill‑istituzzjonijiet, l‑aġenziji u l‑korpi tal‑UE, lill‑awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl‑Istati Membri, lid‑delegazzjonijiet tal‑UE f’pajjiżi mhux tal‑UE, kif ukoll lill‑organizzazzjonijiet internazzjonali li jimmaniġġjaw il‑fondi tal‑UE.

Inżuru wkoll lir‑riċevituri tal‑fondi tal‑UE, fuq il‑post, kemm fi ħdan l‑UE kif ukoll lil hinn mill‑fruntieri tagħha. Permezz ta’ dawn il‑verifiki, insegwu r‑rendikont tal‑entrati u niksbu evidenza diretta għall‑awditjar mingħand dawk involuti fil‑ġestjoni tal‑politiki u l‑programmi tal‑UE u fil‑ġbir jew fil‑ħlas ta’ fondi tal‑UE, kif ukoll mingħand il‑benefiċjarji.

Aktar verifiki fuq il‑post

It‑timijiet tal‑awditjar tagħna huma ġeneralment magħmulin minn żewġ awdituri jew tlieta, filwaqt li ż‑żjarat tal‑awditjar tagħna jvarjaw fit‑tul minn ftit jiem sa ftit ġimgħat. Il‑verifiki fuq il‑post jibqgħu essenzjali għax‑xogħol tal‑awditjar li nwettqu. Fi ħdan l‑UE, ġeneralment jiġu kkoordinati b’kollegament mal‑istituzzjonijiet supremi tal‑awditjar (SAIs) tal‑Istati Membri kkonċernati.

Fl‑2023 żidna ż‑żjarat tagħna fuq il‑post sinifikattivament meta mqabbla mat‑tliet snin ta’ qabel, meta kienu għadhom fis‑seħħ parzjalment ir‑restrizzjonijiet fuq l‑ivvjaġġar u dawk tas‑saħħa pubblika relatati mal‑COVID‑19. B’kollox qattajna 3 527 jum fl‑Istati Membri u barra mit‑territorju tal‑UE meta mqabbla ma’ 2 039 jum fl‑2022, 857 jum fl‑2021, 1 190 jum fl‑2020 u 3 605 ijiem fl‑2019. L‑awdituri tagħna qattgħu wkoll 1 370 jum f’istituzzjonijiet, aġenziji u korpi tal‑UE, kif ukoll f’diversi organizzazzjonijiet internazzjonali u ditti privati tal‑awditjar. Iċ‑ċifri korrispondenti għall‑2022, għall‑2021, għall‑2020 u għall‑2019 kienu ta’ 945, 299, 627 u 2 504 ijiem, rispettivament.

Minbarra verifiki fuq il‑post, bqajna nużaw l‑awditjar mill‑bogħod u bqajna niġbru l‑evidenza b’mod elettroniku. Użajna għodod tal‑vidjokonferenzi u teknoloġija oħra tal‑informazzjoni, bħall‑kondiviżjoni sikura ta’ data u ta’ dokumenti, biex ninteraġixxu mal‑entitajiet awditjati tagħna.

Ir‑rapporti tagħna

Ir‑rapporti tal‑awditjar, ir‑rapporti analitiċi u l‑opinjonijiet tagħna huma element essenzjali tal‑katina ta’ obbligu ta’ rendikont tal‑UE. Jgħinu lill‑Parlament Ewropew u lill‑Kunsill biex jimmonitorjaw u jiskrutinizzaw l‑ilħuq tal‑objettivi ta’ politika tal‑UE, u biex jitolbu li jingħata rendikont minn dawk responsabbli għall‑ġestjoni tal‑finanzjament mogħti mill‑UE, b’mod partikolari fil‑kuntest tal‑proċedura annwali ta’ kwittanza.

Rapporti speċjali u rapporti analitiċi

Fl‑2023, ippubblikajna 35 rapport speċjali u rapport analitiku li jindirizzaw ħafna mill‑isfidi li qed tħabbat wiċċha magħhom l‑UE fl‑oqsma differenti ta’ nfiq u ta’ politiki tal‑UE. Dawn kienu jinkludu l‑unjoni tal‑enerġija, it‑tibdil fil‑klima u l‑għajnuna għall‑iżvilupp, it‑trasport intermodali tal‑merkanzija, il‑politika industrijali tal‑UE dwar il‑batteriji, l‑ugwaljanza għall‑persuni b’diżabilità, is‑superviżjoni bankarja tal‑UE, il‑bijokarburanti u l‑kunflitt ta’ interess fl‑infiq fl‑oqsma tal‑koeżjoni u tal‑agrikoltura tal‑UE, biex insemmu biss ftit minnhom. Tlieta mir‑rapporti kienu relatati mal‑inizjattiva tal‑irkupru NextGenerationEU: is‑sistema ta’ kontroll tal‑Kummissjoni għall‑Faċilità għall‑Irkupru u r‑Reżiljenza, il‑ġestjoni tad‑dejn tal‑NGEU fil‑Kummissjoni u l‑qafas ta’ monitoraġġ tal‑prestazzjoni tal‑Faċilità għall‑Irkupru u r‑Reżiljenza.

Fir‑rapporti speċjali tagħna neżaminaw jekk intlaħqux l‑objettivi tal‑politiki u l‑programmi magħżula tal‑UE, jekk ir‑riżultati nkisbux b’mod effettiv u effiċjenti, u jekk l‑azzjoni tal‑UE pprovdietx valur miżjud – jiġifieri jekk permezz tagħha nkisbux riżultati aħjar milli setgħu nkisbu kieku l‑azzjonijiet twettqu fuq livell nazzjonali biss. F’dawn ir‑rapporti nagħmlu wkoll rakkomandazzjonijiet, fejn nidentifikaw modi kif jistgħu jiġu ffrankati l‑flus, isir xogħol aħjar, tiġi evitata l‑ħela jew jintlaħqu l‑objettivi ta’ politika mistennija b’mod aktar effettiv.

Ir‑rapporti analitiċi tagħna għandhom l‑għan li jipprovdu deskrizzjonijiet li jispjegaw il‑kuntest kif ukoll analiżi, spiss minn perspettiva trażversali u fuq il‑bażi ta’ xogħol tal‑awditjar preċedenti jew ta’ informazzjoni oħra li tkun disponibbli għall‑pubbliku. Nistgħu nużawhom ukoll biex nippreżentaw l‑analiżi tagħna ta’ oqsma jew kwistjonijiet li nkunu għadna ma awditjajniex, jew biex nistabbilixxu fatti dwar suġġetti jew problemi speċifiċi. Għall‑kuntrarju tal‑awditi, dawn ma jindirizzawx mistoqsijiet evalwattivi u lanqas ma jipprovdu aċċertament.

Il‑paġni li ġejjin jipprovdu fehim approfondit dwar xogħolna kif ukoll eżempji ta’ rapporti speċjali mill‑2023 li jkopru oqsma ta’ politika differenti.

Użu sostenibbli tar‑riżorsi naturali
Rapport Speċjali 18/2023: Il‑miri tal‑UE għall‑klima u għall‑enerġija – Il‑miri għall‑2020 inkisbu, iżda ftit hemm indikazzjoni li l‑azzjonijiet biex jintlaħqu l‑miri għall‑2030 se jkunu suffiċjenti

It‑tibdil fil‑klima huwa sfida globali, waħda li għandha effett sinifikanti fuq il‑ħajja taċ‑ċittadini tal‑UE. Maż‑żmien, l‑UE stabbiliet miri għall‑klima u għall‑enerġija dejjem aktar ambizzjużi biex twieġeb għall‑isfida. Dawn jinkludu miri għall‑2020 u l‑2030 għat‑tnaqqis tal‑emissjonijiet ta’ gassijiet serra, iż‑żieda fl‑użu tal‑enerġija rinnovabbli, u l‑promozzjoni tal‑effiċjenza fl‑enerġija. L‑Istati Membri kienu meħtieġa jippreżentaw Pjanijiet Nazzjonali għall‑Enerġija u l‑Klima għall‑perjodu 2021‑2030, li fihom iddeskrivew fil‑qosor il‑politiki mmirati lejn l‑ilħuq ta’ dawn il‑miri. L‑UE impenjat lilha nfisha li tonfoq mill‑inqas 20 % tal‑baġit tagħha għall‑perjodu 2014‑2020 fuq l‑azzjoni klimatika. Għall‑baġit tal‑UE għall‑perjodu 2021‑2027, din iċ‑ċifra żdiedet għal 30 %, madwar EUR 87 miljun fis‑sena. Dan l‑ammont huwa inqas minn 10 % tal‑investiment totali meħtieġ biex jintlaħqu l‑miri għall‑2030, li huwa stmat f’ammont ta’ madwar EUR 1 000 000 000 000 fis‑sena. Huwa previst li l‑bqija tal‑investiment se jiġi minn fondi nazzjonali u privati.

Ivvalutajna jekk l‑UE komplietx tibni fuq azzjonijiet li kellhom suċċess biex tilħaq il‑miri tagħha għall‑enerġija u għall‑klima għall‑2030.

Sibna li l‑UE kienet tassew laħqet il‑miri tagħha għall‑2020. Madankollu, din il‑kisba kienet dovuta wkoll għall‑kontribut ta’ fatturi esterni. Il‑Kummissjoni ma vvalutatx il‑punt sa fejn dan il‑progress kien ir‑riżultat tal‑politiki aktar milli ta’ fatturi esterni, bħall‑kriżi finanzjarja fl‑2009 u l‑kontribut eżatt tal‑pandemija tal‑COVID‑19 fl‑2020. Barra minn hekk, għandha biss stampa parzjali tal‑azzjonijiet li kienu ta’ suċċess għall‑ilħuq tal‑miri għall‑2020. It‑tnaqqis fl‑emissjonijiet tal‑gassijiet serra tal‑UE mar tajjeb meta mqabbel ma’ dak ta’ pajjiżi industrijalizzati oħra. Madankollu, il‑kunsiderazzjoni tal‑emissjonijiet tal‑gassijiet serra tal‑UE għall‑2020 ma tinkludix emissjonijiet li jseħħu b’riżultat tal‑kummerċ, ikkawżati mir‑rilokazzjoni tal‑emissjonijiet tal‑karbonju (li, jekk jiġu inklużi, huwa meqjus li jiżdiedu b’xi 8 %), u mill‑avjazzjoni u t‑tbaħħir internazzjonali (rispettivament 3.4 % u 3.6 %). Il‑Kummissjoni identifikat is‑setturi li kienu ta’ suċċess, jiġifieri dawk koperti mill‑Iskema għall‑Iskambju ta’ Kwoti tal‑Emissjonijiet tal‑UE, iżda ma għandhiex data dwar il‑kost li ġie jiswa lill‑baġit tal‑UE, lill‑baġits nazzjonali u lis‑settur privat talli ntlaħqu l‑miri tal‑UE. Minbarra dan, il‑Pjanijiet Nazzjonali għall‑Enerġija u l‑Klima wkoll ma għandhomx data dwar il‑ħtiġijiet ta’ investiment u s‑sorsi ta’ finanzjament biex jivvalutaw jekk dawn il‑pjanijiet humiex bażi soda biex jintlaħqu l‑miri għall‑2030. B’mod ġenerali, sa issa ftit sibna indikazzjoni li l‑miri ambizzjużi tal‑UE għall‑2030 se jissarrfu f’azzjoni suffiċjenti.

Irrakkomandajna li l‑Kummissjoni tipprovdi aktar trasparenza dwar il‑prestazzjoni tal‑UE u tal‑Istati Membri tagħha dwar l‑azzjoni klimatika u l‑enerġija; tieħu kont tal‑emissjonijiet ta’ gassijiet serra kollha kkawżati mill‑UE, inklużi l‑emissjonijiet inkorporati fil‑kummerċ u dawk ġejjin mill‑avjazzjoni internazzjonali u n‑navigazzjoni; tappoġġa l‑impenn tal‑Istati Membri biex jiksbu l‑miri għall‑2030.

Investiment għall‑koeżjoni, it‑tkabbir u l‑inklużjoni
Rapport Speċjali 15/2023: Il‑politika industrijali tal‑UE dwar il‑batteriji – Jinħtieġ impetu strateġiku ġdid

L‑iżvilupp u l‑produzzjoni tal‑batteriji saru imperattiv strateġiku għall‑UE, filwaqt li jippermettu t‑tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. Biex tgħin lill‑UE ssir mexxejja globali fil‑produzzjoni u fl‑użu sostenibbli tal‑batteriji, fl‑2018 il‑Kummissjoni ppubblikat pjan ta’ azzjoni strateġiku dwar il‑batteriji. Huwa jkopri l‑istadji differenti tal‑katina tal‑valur, jidentifika għanijiet strateġiċi u jipproponi firxa ta’ għodod biex dawn jintlaħqu.

Ivvalutajna jekk il‑Kummissjoni kinitx effettiva fil‑promozzjoni ta’ politika industrijali Ewropea dwar il‑batteriji. Eżaminajna l‑objettivi ta’ politika u l‑għodod ta’ intervent stabbiliti fil‑pjan ta’ azzjoni tal‑2018 tal‑Kummissjoni kif ukoll il‑progress fl‑implimentazzjoni tiegħu.

Sibna li l‑promozzjoni mill‑Kummissjoni ta’ politika industrijali tal‑UE dwar il‑batteriji kienet effettiva, minkejja nuqqasijiet fil‑monitoraġġ, fil‑koordinazzjoni u fl‑immirar, kif ukoll il‑fatt li l‑aċċess għall‑materja prima jibqa’ sfida strateġika ewlenija għall‑katina tal‑valur tal‑batteriji tal‑UE. Il‑Kummissjoni fil‑biċċa l‑kbira wettqet l‑azzjonijiet l‑aktar sinifikanti fil‑pjan ta’ azzjoni tagħha, u stabbiliet strumenti ewlenin b’appoġġ għas‑settur tal‑batteriji. Madankollu, hija qed timmonitorja l‑katina tal‑valur tal‑batteriji fl‑UE abbażi ta’ data limitata u ta’ sikwit skaduta, u ma analizzatx il‑produzzjoni tal‑batteriji tal‑UE li hija meħtieġa biex jintlaħaq l‑għan doppju tan‑newtralità klimatika u li jinżamm settur kompetittiv tal‑karozzi fl‑UE. Dan iżid ir‑riskju li l‑għan ta’ emissjonijiet żero għall‑2035 tal‑Kummissjoni ma jintlaħaqx minħabba produzzjoni insuffiċjenti tal‑batteriji, jew li dan jintlaħaq fuq il‑bażi ta’ batteriji jew vetturi elettriċi importati. Huwa jżid ukoll l‑inċertezza dwar is‑sigurtà tal‑provvista tal‑materja prima meħtieġa biex issostni l‑produzzjoni fl‑UE. Għalkemm il‑kapaċità tal‑produzzjoni taċ‑ċelloli tal‑batteriji tal‑joni tal‑litju qed tiżviluppa rapidament fl‑EU‑27 u tista’ tiżdied minn 44 gigawatt‑siegħa fl‑2020 għal madwar 1 200 sal‑2030, l‑użu reali ta’ tali kapaċità mhuwiex żgurat u jista’ jitqiegħed f’riskju minħabba fatturi ġeopolitiċi u ekonomiċi. Minbarra dan, il‑Kummissjoni ma għandhiex stampa ġenerali tal‑appoġġ pubbliku totali mogħti lill‑industrija, u dan ifixkel l‑abbiltà tagħha li tiżgura koordinazzjoni u mmirar adegwati. Fl‑aħħar nett, il‑kundizzjonijiet għall‑appoġġ finanzjarju għal Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni jiddependu mill‑post fejn jinsabu.

Irrakkomandajna li l‑Kummissjoni taġġorna l‑pjan ta’ azzjoni strateġiku dwar il‑batteriji, b’fokus partikolari fuq l‑iżgurar tal‑aċċess għall‑materja prima; issaħħaħ il‑monitoraġġ b’data regolari, aġġornata u komprensiva; ittejjeb il‑koordinazzjoni u l‑immirar tal‑finanzjament tal‑UE għall‑katina tal‑valur tal‑batteriji; u tiżgura li l‑parteċipanti kollha fi Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni dwar il‑batteriji jkollhom kundizzjonijiet ekwivalenti fl‑aċċess għall‑appoġġ finanzjarju pubbliku.

Azzjoni esterna, sigurtà u ġustizzja
Rapport Speċjali 21/2023: L‑Inizjattiva Spotlight biex tintemm il‑vjolenza kontra n‑nisa u l‑bniet – Ambizzjuża iżda sa issa kellha impatt limitat

Il‑vjolenza kontra n‑nisa u l‑bniet hija wieħed mill‑aktar ksur sistematiku u mifrux tad‑drittijiet tal‑bniedem. Fl‑2017, l‑Unjoni Ewropea nediet l‑Inizjattiva Spotlight fi sħubija strateġika globali man‑Nazzjonijiet Uniti (NU). L‑objettiv prinċipali tal‑inizjattiva huwa li tiżgura li n‑nisa u l‑bniet kollha, speċjalment dawk li huma emarġinati u vulnerabbli, jgħixu ħielsa mill‑vjolenza u l‑prattiki dannużi. L‑Inizjattiva Spotlight hija ffinanzjata mill‑UE b’kontribuzzjoni ta’ EUR 497 miljun, li minnhom EUR 465 miljun huma mmaniġġjati min‑NU f’4 kontinenti u f’aktar minn 26 pajjiż.

Ivvalutajna jekk l‑Inizjattiva Spotlight kinitx mod effiċjenti u effettiv biex il‑Kummissjoni tindirizza l‑vjolenza kontra n‑nisa u l‑bniet.

Sibna li l‑Inizjattiva Spotlight kienet tentattiv ambizzjuż biex il‑Kummissjoni tindirizza l‑vjolenza kontra n‑nisa u l‑bniet, iżda l‑impatt tagħha sa issa għadu limitat. Filwaqt li l‑inizjattiva kisbet l‑outputs u kienet ta’ benefiċċju għan‑nisa u l‑bniet, huwa diffiċli li jiġi vvalutat sa liema punt kisbet ir‑riżultati intenzjonati tagħha. Aħna identifikajna wkoll lok għal effiċjenza akbar u valur aħjar għall‑flus. L‑għażla tal‑Kummissjoni tas‑sieħeb ta’ implimentazzjoni, in‑NU, kienet deċiżjoni politika bl‑għan li tappoġġa l‑multilateraliżmu. Hi u tagħżel is‑sieħeb ta’ implimentazzjoni, il‑Kummissjoni ma qabblitx bir‑reqqa l‑istrutturi alternattivi għall‑implimentazzjoni u l‑kostijiet relatati tagħhom. Sibna wkoll li kien hemm eżempji tajbin ta’ kooperazzjoni bejn il‑partijiet ikkonċernati prinċipali, iżda l‑implimentazzjoni ta’ approċċ armonizzat f’pajjiżi b’kuntesti li jvarjaw kienet diffiċli, u l‑għadd kbir ta’ organizzazzjonijiet ta’ implimentazzjoni tan‑NU żied il‑kumplessità fil‑governanza. Minbarra dan, l‑inizjattiva Spotlight ma għandhiex valutazzjoni adegwata tal‑valur għall‑flus. Il‑Kummissjoni kienet konxja li l‑għażla tan‑NU kienet timplika kostijiet ogħla, iżda ma ppruvatx tinnegozja kostijiet indiretti aktar baxxi mill‑massimu stabbilit fil‑ftehim qafas. Barra minn hekk, l‑arranġamenti ta’ monitoraġġ u rappurtar tal‑Inizjattiva Spotlight ma jippermettux li ssir valutazzjoni soda tal‑prestazzjoni tal‑programmi. Barra dan, filwaqt li l‑għan kien li l‑attivitajiet isiru sostenibbli, ma nstab l‑ebda donatur ġdid, u dan joħloq riskju għas‑sostenibbiltà tal‑attivitajiet. Fl‑aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l‑kondiviżjoni tal‑għarfien, sibna li attwalment din tinsab imxerrda ’l hemm u ’l hawn, u mhijiex faċilment aċċessibbli għall‑utenti interessati.

Irrakkomandajna li l‑Kummissjoni, għal inizjattivi futuri ta’ żvilupp globali, twettaq analiżi bir‑reqqa tal‑opzjonijiet ta’ implimentazzjoni u tiddokumenta bis‑sħiħ il‑ġustifikazzjonijiet għar‑reġjuni u l‑pajjiżi magħżula u għall‑allokazzjonijiet ta’ finanzjament tagħhom; tinkorpora t‑tagħlimiet meħuda f’azzjonijiet futuri li jibnu fuq l‑Inizjattiva Spotlight; fir‑rigward ta’ azzjonijiet futuri għall‑iżvilupp, iżżid il‑proporzjon ta’ finanzjament li jilħaq lill‑benefiċjarji finali u tivvaluta l‑kosteffettività; u ssaħħaħ is‑sostenibbiltà u l‑bini u l‑kondiviżjoni tal‑għarfien għall‑bqija tal‑Inizjattiva Spotlight.

Regolamentazzjoni tas‑swieq u ekonomija kompetittiva
Rapport Speċjali 26/2023: Il‑qafas ta’ monitoraġġ tal‑prestazzjoni tal‑Faċilità għall‑Irkupru u r‑Reżiljenza – Jitkejjel il‑progress li sar fl‑implimentazzjoni iżda dan mhux suffiċjenti biex il‑prestazzjoni tintwera

B’rispons għall‑pandemija tal‑COVID‑19, ġie stabbilit fond għall‑irkupru li jiswa aktar minn EUR 800 biljun (fi prezzijiet attwali) – in‑NextGenerationEU (NGEU). Fil‑qalba tiegħu hemm il‑Faċilità għall‑Irkupru u r‑Reżiljenza (RRF), stabbilita fi Frar 2021, b’valur totali massimu ta’ EUR 723 biljun li jinkludi sa EUR 338 biljun f’għotjiet u sa EUR 385 biljun f’self (fi prezzijiet tal‑2022).

Ivvalutajna jekk il‑qafas ta’ monitoraġġ tal‑RRF huwiex xieraq għall‑kejl tal‑prestazzjoni tagħha maż‑żmien. Billi r‑regolamenti li jirregolaw l‑RRF ma jiddefinux il‑kunċett ta’ “prestazzjoni”, użajna d‑definizzjoni li ġeneralment napplikaw fix‑xogħol tal‑awditjar tagħna – kejl ta’ kemm azzjoni, proġett jew programm iffinanzjati mill‑UE jkunu laħqu l‑objettivi tagħhom tajjeb u ta’ kemm jipprovdu valur għall‑flus b’mod tajjeb.

Sibna li l‑qafas ta’ monitoraġġ tal‑RRF ikejjel il‑progress fl‑implimentazzjoni iżda mhuwiex suffiċjenti biex ikejjel il‑prestazzjoni ġenerali tal‑RRF. Filwaqt li l‑istadji importanti u l‑miri jikkontribwixxu għall‑kejl tal‑progress fl‑implimentazzjoni tal‑investimenti u tar‑riformi, ivarjaw fl‑ambizzjoni u fil‑biċċa l‑kbira jiffukaw fuq l‑outputs aktar milli fuq ir‑riżultati. Minbarra dan, l‑indikaturi komuni huma maħsuba li jimmonitorjaw, u jirrappurtaw dwar il‑progress lejn l‑ilħuq tal‑objettiv speċifiku u ġenerali tal‑RRF. Madankollu, dawn ma jkoprux bis‑sħiħ is‑sitt pilastri tal‑RRF (inkorporati fl‑objettiv ġenerali tal‑RRF); lanqas ma jirriflettu għalkollox il‑progress li sar lejn l‑ilħuq ta’ stadji importanti u miri marbuta mal‑investimenti u speċjalment ir‑riformi. Barra minn hekk, b’mod simili għall‑istadji importanti u l‑miri, xi wħud biss mill‑indikaturi komuni jkejlu r‑riżultati, u l‑ebda wieħed minnhom ma jirreferi b’mod espliċitu għall‑impatt. Inqisu li l‑istadji importanti u l‑miri tal‑RRF u l‑indikaturi komuni tagħha huma komplementari iżda ma jkoprux bis‑sħiħ l‑aspetti kollha tal‑prestazzjoni tal‑RRF. Sibna wkoll li, b’mod ġenerali, id‑data li ġiet irrappurtata għall‑istadji importanti u l‑miri tiġi mmonitorjata u vverifikata mill‑qrib iżda għad hemm riskji għall‑affidabbiltà tad‑data, speċjalment fil‑livell tar‑riċevitur finali. Id‑data rrappurtata dwar l‑indikaturi komuni hija pjuttost limitata u fil‑biċċa l‑kbira bbażata fuq stimi, u hija suġġetta biss għal verifiki bażiċi ta’ plawżibbiltà mill‑Kummissjoni. Fl‑aħħar nett, it‑tabella ta’ valutazzjoni tal‑irkupru u r‑reżiljenza (“it‑Tabella ta’ Valutazzjoni”), jiġifieri l‑għodda tal‑Kummissjoni għar‑rappurtar dwar l‑implimentazzjoni tal‑RRF, hija faċli għall‑utent iżda hija milquta minn problemi ta’ kwalità tad‑data u hija nieqsa mit‑trasparenza f’ċerti aspetti.

Irrakkomandajna li l‑Kummissjoni tiżgura qafas komprensiv ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni tal‑prestazzjoni; ittejjeb il‑kwalità tad‑data dwar l‑indikaturi komuni; ittejjeb it‑trasparenza u l‑kwalità tad‑data li tiġi rrappurtata fit‑Tabella ta’ Valutazzjoni; u tiżgura rappurtar aktar informattiv u konsistenti li jkun allinjat mar‑rekwiżiti legali kollha.

Finanzjament u amministrazzjoni tal‑Unjoni
Rapport Speċjali 05/2023: Ix‑xenarju finanzjarju tal‑UE – Struttura frammentata li teħtieġ aktar simplifikazzjoni u obbligu ta’ rendikont

Ix‑xenarju finanzjarju tal‑UE evolva matul għexieren ta’ snin. Il‑qalba tiegħu hija l‑baġit tal‑UE u l‑istrumenti li huma kompletament integrati fih, iżda jinkludi wkoll strumenti barra mill‑baġit tal‑UE. Dawn l‑istrumenti maħluqa reċentement immultiplikaw matul l‑aħħar 15‑il sena. Dan seħħ prinċipalment b’rispons għal kriżijiet differenti, kif ukoll minħabba restrizzjonijiet legali u prattiċi fuq l‑użu tal‑istrumenti li diġà kienu jeżistu.

Ivvalutajna jekk il‑multiplikazzjoni u d‑diversità tal‑istrumenti fix‑xenarju finanzjarju tal‑UE humiex iġġustifikati. L‑għan tal‑awditu li wettaqna kien li jipprovdi fehim approfondit tat‑tfassil tal‑arranġamenti attwali, u li jidentifika l‑ambitu potenzjali għas‑simplifikazzjoni u r‑razzjonalizzazzjoni tax‑xenarju finanzjarju tal‑UE, abbażi ta’ analiżi ta’ strumenti magħżula.

Sibna li, anke jekk kien hemm raġunijiet għall‑ħolqien ta’ tipi ġodda ta’ strumenti, l‑approċċ frammentat li ttieħed għall‑istabbiliment tax‑xenarju finanzjarju tal‑UE rriżulta fi struttura frammentata ta’ strumenti b’sorsi differenti ta’ finanzjament u arranġamenti ta’ governanza differenti. Il‑biċċa l‑kbira mill‑istrumenti ma segwewx il‑prattika tajba li jinkludu evidenza ċara li l‑alternattiva magħżula u t‑tfassil tagħha kienu dawk l‑aktar adatti. Aħna sibna wkoll li mhux l‑istrumenti kollha għandhom arranġamenti ta’ għoti ta’ rendikont pubbliku adegwati. L‑UE introduċiet rappurtar integrat, iżda mhumiex koperti l‑istrumenti kollha. Barra minn dan, il‑QEA ma għandhiex il‑mandat li tawditja xi strumenti barra mill‑baġit tal‑UE. Għal xi wħud minn dawk l‑istrumenti, hemm lakuna fl‑awditu tal‑prestazzjoni tagħhom u ma hemm l‑ebda sorveljanza mill‑Parlament Ewropew. Osservajna wkoll il‑progress reċenti li sar fuq il‑konsolidazzjoni ta’ diversi strumenti. Madankollu, il‑potenzjal għas‑simplifikazzjoni għadu ma ġiex sfruttat bis‑sħiħ, b’mod partikolari għal dawk l‑istrumenti li jipprovdu assistenza finanzjarja.

Irrakkomandajna li l‑Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe strument ġdid li tipproponi jkun fih valutazzjoni tat‑tfassil u l‑għażliet magħżula, u tikkondividi din il‑prattika tajba mal‑Kunsill; tikkompila u tippubblika informazzjoni dwar ix‑xenarju finanzjarju kumplessiv tal‑UE; tipproponi l‑integrazzjoni tal‑Fond għall‑Modernizzazzjoni fil‑baġit tal‑UE; u tipproponi l‑integrazzjoni u l‑konsolidazzjoni tal‑istrumenti ta’ għajnuna finanzjarja li jeżistu.

Rapporti annwali u rapporti annwali speċifiċi

Ir‑rapporti annwali prinċipalment jippreżentaw ir‑riżultati tad‑Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni tagħna dwar il‑baġit tal‑Unjoni Ewropea, il‑Faċilità għall‑Irkupru u r‑Reżiljenza u l‑baġit tal‑Fondi Ewropej għall‑Iżvilupp (FEŻ), iżda jkopru wkoll aspetti relatati mal‑ġestjoni baġitarja u finanzjarja kif ukoll mal‑prestazzjoni.

Ir‑rapporti annwali speċifiċi jippreżentaw ix‑xogħol tal‑awditjar annwali li wettaqna dwar l‑Aġenziji tal‑UE u korpi oħra tal‑Unjoni, l‑Impriżi Konġunti tal‑UE, kif ukoll l‑Iskejjel Ewropej.

Nippubblikaw ukoll rapport dwar l‑obbligazzjonijiet kontinġenti li jinħolqu b’riżultat tal‑attivitajiet imwettqa mill‑Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, il‑Kunsill jew il‑Kummissjoni.

Rapport Annwali dwar il‑baġit tal‑UE għas‑sena finanzjarja 2022

Kull sena, nawditjaw id‑dħul u n‑nefqa tal‑UE biex neżaminaw jekk il‑kontijiet annwali humiex affidabbli u jekk it‑tranżazzjonijiet tal‑introjtu u tan‑nefqa, li fuqhom huma bbażati l‑kontijiet, jikkonformawx mar‑regoli finanzjarji applikabbli fil‑livell tal‑UE u f’dak tal‑Istati Membri.

Barra minn hekk, nivvalutaw b’mod speċifiku oqsma prinċipali tal‑baġit tal‑UE, abbażi tas‑(sub)intestaturi tal‑qafas finanzjarju pluriennali (QFP) u l‑Faċilità għall‑Irkupru u r‑Reżiljenza. Aħna nanalizzaw ukoll għalfejn u fejn ikunu seħħew ċerti żbalji, nagħmlu rakkomandazzjonijiet biex isir titjib kif ukoll neżaminaw jekk u kif ir‑rakkomandazzjonijiet preċedenti tagħna jkunu ġew implimentati.

Dan ix‑xogħol estensiv jifforma l‑bażi għad‑Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni tagħna, li aħna meħtieġa nipprovdu lill‑Parlament Ewropew u lill‑Kunsill f’konformità mal‑mandat tagħna taħt it‑Trattat dwar il‑Funzjonament tal‑Unjoni Ewropea.

Baġit tal‑UE: opinjoni favorevoli
dwar il‑kontijiet u d‑dħul

Għas‑sena finanzjarja 2022, tajna “opinjoni favorevoli” dwar il‑kontijiet u dwar id‑dħul tal‑UE.

Baġit tal‑UE:
opinjoni avversa dwar in‑nefqa

Fl‑2022, l‑infiq tal‑baġit tal‑UE kien ta’ EUR 196 biljun, l‑ekwivalenti ta’ 1.3 % tal‑introjti nazzjonali grossi kkombinati tal‑EU‑27.

Għas‑sena finanzjarja 2022, ħriġna “opinjoni avversa” dwar in‑nefqa tal‑UE.

Żball stmat 4.2 %
(nefqa baġitarja tal‑2022)

Għas‑sena finanzjarja 2022, stmajna li l‑livell ta’ żball għan‑nefqa baġitarja jinsab bejn 3.1 % u 5.3 %. Il‑punt tan‑nofs ta’ din il‑firxa, magħruf bħala r‑“rata tal‑iżball l‑aktar probabbli”, żdied meta mqabbel mas‑sena l‑oħra, minn 3.0 % għal 4.2 %.

66 % tal‑popolazzjoni
tal‑baġit tal‑UE li awditjajna
hija milquta minn żball materjali

Għas‑sena finanzjarja 2022, in‑nefqa b’riskju għoli rrappreżentat 66 % tal‑popolazzjoni li awditjajna, meta mqabbel ma’ 63 % is‑sena l‑oħra. Il‑livell ta’ żball stmat għan‑nefqa b’riskju għoli kien ta’ 6.0 %, meta mqabbel ma’ 4.7 % għas‑sena finanzjarja 2021.

L‑infiq tal‑UE huwa kkaratterizzat minn żewġ tipi ta’ nefqa li jinvolvu profili distinti ta’ riskju:

  • Nefqa b’riskju baxx: Din prinċipalment tinkludi pagamenti bbażati fuq drittijiet, parti min‑nefqa amministrattiva (“Salarji u pensjonijiet għall‑persunal tal‑UE”) u appoġġ baġitarju lil pajjiżi mhux tal‑UE. Il‑pagamenti bbażati fuq drittijiet jinkludu għajnuna diretta għall‑bdiewa (“Riżorsi naturali u ambjent”) u azzjonijiet għall‑istudenti kif ukoll azzjonijiet oħra ta’ mobbiltà (“Koeżjoni, reżiljenza u valuri”).
  • Nefqa b’riskju għoli, rimborżi tal‑ispejjeż: L‑UE tirrimborża l‑ispejjeż eliġibbli għal attivitajiet eliġibbli (li jinvolvu regoli aktar kumplessi). Dawn jinkludu proġetti ta’ riċerka (taħt “Suq uniku, diġitali u innovazzjoni”), investiment fl‑iżvilupp reġjonali u rurali (“Koeżjoni, reżiljenza u valuri” u “Riżorsi naturali u ambjent”), u proġetti ta’ għajnuna għall‑iżvilupp (“Viċinat u d‑dinja”).
L‑intestaturi tal‑QFP li huma
l‑aktar suxxettibbli għal żball huma
“Koeżjoni, reżiljenza u valuri”
u “Suq uniku, innovazzjoni u diġitali”

Għas‑sena finanzjarja 2022, “Koeżjoni, reżiljenza u valuri” kienet is‑subintestatura tal‑QFP li kienet l‑aktar suxxettibbli għal żball, segwita minn “Suq uniku, diġitali u innovazzjoni”.

Nefqa fil‑qafas tal‑RRF:
opinjoni kwalifikata

Fl‑2022, għat‑tieni darba, xogħolna kopra n‑nefqa fil‑qafas tal‑RRF li għaliha nipprovdu opinjoni separata. Dan jirrifletti l‑fatt li l‑RRF hija strument temporanju mwassal u ffinanzjat b’mod li huwa fundamentalment differenti għall‑infiq normali tal‑baġit taħt il‑QFP. Il‑popolazzjoni li awditjajna ammontat għal EUR 53.7 biljun b’kollox u kienet tinkludi l‑iżborżi kollha ‑ it‑13 li huma.

Għas‑sena finanzjarja 2022, ħriġna “opinjoni kwalifikata” dwar in‑nefqa fil‑qafas tal‑RRF. L‑evidenza kumplessiva għall‑awditjar li ksibna permezz tax‑xogħol li wettaqna turi li mit‑13‑il pagament fil‑qafas tal‑RRF (u l‑approvazzjonijiet relatati tal‑prefinanzjamenti), 11 kienu milquta minn sejbiet kwantitattivi. Sitta minn dawn il‑pagamenti kienu milquta minn żball materjali. Identifikajna wkoll każijiet ta’ tfassil dgħajjef fl‑istadji importanti jew fil‑miri, u problemi bl‑affidabbiltà tal‑informazzjoni li l‑Istati Membri inkludew fid‑dikjarazzjoni ta’ ġestjoni tagħhom.

Każijiet ta’ frodi suspettata
li ġew irrappurtati lill‑OLAF u lill‑UPPE

Bħala l‑awditur estern tal‑UE, aħna ma għandniex mandat biex ninvestigaw każijiet ta’ frodi suspettata. Għalhekk, l‑awditi li nwettqu mhumiex maħsuba speċifikament biex jaqbdu l‑frodi. Madankollu, meta l‑awdituri tagħna jidentifikaw każijiet li fihom nissuspettaw li jaf tkun saret attività frodulenti, għandna l‑obbligu nirrappurtaw dawk il‑każijiet lill‑awtoritajiet kompetenti.

Fl‑2023, aħna rrappurtajna 19‑il każ ta’ frodi suspettata lill‑Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l‑Frodi (OLAF) wara li ġew identifikati matul ix‑xogħol tal‑awditjar li wettaqna. Minn dawk il‑każijiet, 17 ġew irrappurtati wkoll lill‑Uffiċċju tal‑Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE). Fl‑2022, irrappurtajna 14‑il każ ta’ frodi suspettata lill‑OLAF u 6 minn dawk il‑każijiet lill‑UPPE wkoll. Ir‑rapport annwali tagħna dwar il‑baġit tal‑UE jipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar in‑natura tal‑każijiet ta’ frodi suspettata u, meta applikabbli u/jew disponibbli, dwar l‑irkupri finanzjarji sussegwenti rakkomandati mill‑OLAF.

Rapport Annwali dwar il‑Fondi Ewropej għall‑Iżvilupp għas‑sena finanzjarja 2022
FEŻ: opinjoni favorevoli
dwar il‑kontijiet u d‑dħul;
opinjoni avversa dwar in‑nefqa

Il‑Fondi Ewropej għall‑Iżvilupp (FEŻ), imnedija fl‑1959, kienu l‑istrumenti prinċipali tal‑UE biex tipprovdi għajnuna għall‑kooperazzjoni għall‑iżvilupp lil pajjiżi Afrikani, tal‑Karibew u tal‑Paċifiku (AKP) u lil pajjiżi u territorji ekstra‑Ewropej (PTEE). Huma jiġu ffinanzjati mill‑Istati Membri tal‑UE u mmaniġġjati barra mill‑baġit tal‑UE mill‑Kummissjoni Ewropea u mill‑Bank Ewropew tal‑Investiment (BEI). Dawn se jkomplu jiġu implimentati u rrappurtati separatament sakemm jingħalqu.

Għall‑qafas finanzjarju pluriennali 2021‑2027, l‑għajnuna għall‑kooperazzjoni għall‑iżvilupp lill‑pajjiżi AKP u l‑PTEE hija ffinanzjata mill‑baġit tal‑UE.

Fl‑2022, l‑infiq taħt il‑FEŻ ammonta għal EUR 2.4 biljun b’kollox.

Bħal fi snin preċedenti, għas‑sena finanzjarja 2022 aħna ħriġna “opinjoni favorevoli” kemm dwar il‑kontijiet tal‑FEŻ kif ukoll dwar id‑dħul, iżda ħriġna “opinjoni avversa” dwar in‑nefqa taħt il‑FEŻ. Il‑livell ta’ żball stmat minna għan‑nefqa huwa ta’ 7.1 % (4.6 % għas‑sena finanzjarja 2021).

Rapporti Annwali Speċifiċi dwar l‑aġenziji tal‑UE

L‑aġenziji tal‑UE huma entitajiet ġuridiċi distinti li ġew stabbiliti biex iwettqu kompiti speċifiċi fil‑qasam tekniku, xjentifiku jew maniġerjali li jgħinu lill‑istituzzjonijiet tal‑UE biex ifasslu u jimplimentaw il‑politiki. B’kollox, fl‑2022 kien hemm 43 aġenzija, jiġifieri 1 inqas milli fl‑2021 minħabba l‑istralċ tal‑Aġenzija Eżekuttiva għall‑Konsumatur, is‑Saħħa, l‑Agrikoltura u l‑Ikel (Chafea).

Aġenziji tal‑UE: opinjoni favorevoli
għall‑biċċa l‑kbira mill‑aġenziji;
erba’ opinjonijiet kwalifikati

Fis‑sena finanzjarja 2022, il‑baġit totali tal‑aġenziji kollha taħt il‑mandat tagħna (bl‑esklużjoni tal‑SRB) kien ta’ EUR 4.5 biljun, ekwivalenti għal 3 % tal‑baġit ġenerali tal‑UE għall‑2022. Iċ‑ċifri korrispondenti għas‑sena finanzjarja 2021 kienu EUR 4.1 biljun u 2.5 %.

B’mod ġenerali, l‑awditu li wettaqna fir‑rigward tal‑aġenziji kkonferma r‑riżultati pożittivi li kienu ġew irrappurtati fi snin preċedenti. Aħna ħriġna “opinjonijiet favorevoli” dwar il‑kontijiet tal‑43 aġenzija u dwar id‑dħul. Iċċertifikajna l‑pagamenti li fuqhom huma bbażati l‑kontijiet tal‑aġenziji kollha, ħlief għaċ‑Ċentru tat‑Traduzzjoni għall‑Korpi tal‑Unjoni Ewropea (CdT), l‑Aġenzija tal‑Unjoni Ewropea għat‑Taħriġ fl‑Infurzar tal‑Liġi (CEPOL), iċ‑Ċentru Ewropew għall‑Prevenzjoni u l‑Kontroll tal‑Mard (ECDC) u l‑Aġenzija tal‑Unjoni Ewropea għat‑Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal‑IT fuq Skala Kbira fl‑Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (EU‑LISA). Għal dawn l‑erba’ aġenziji, ħriġna opinjoni kwalifikata, prinċipalment minħabba irregolaritajiet fil‑proċeduri ta’ akkwist, nuqqas ta’ awtorità delegata għal tidħil f’impenji legali jew VAT ineliġibbli.

Rapport Annwali Speċifiku dwar l‑Impriżi Konġunti għas‑sena finanzjarja 2022

L‑Impriżi Konġunti (JUs) huma sħubijiet bejn il‑Kummissjoni Ewropea, l‑industrija, u – f’xi każijiet – organizzazzjonijiet tar‑riċerka, organizzazzjonijiet intergovernattivi u Stati parteċipanti. Il‑missjoni prinċipali tagħhom hija li jrawmu t‑trasformazzjoni tal‑għarfien xjentifiku f’innovazzjonijiet rivoluzzjonarji kummerċjabbli fi ħdan viżjoni strateġika li s‑sħab jikkondividu.

Fl‑2021, il‑Kunsill adotta regolamenti ġodda li jistabbilixxu 11‑il JU biex jimplimentaw azzjonijiet taħt il‑programmi Orizzont Ewropa u Ewropa Diġitali, li huma l‑programmi pluriennali ta’ riċerka u innovazzjoni għall‑perjodu finanzjarju 2021‑2027. Dawn il‑JUs jimplimentaw l‑aġendi speċifiċi tagħhom ta’ riċerka u innovazzjoni fl‑oqsma tat‑trasport, l‑enerġija, is‑saħħa, l‑industriji b’bażi bijoloġika, it‑teknoloġiji diġitali ewlenin, is‑supercomputing, is‑sistemi intelliġenti tan‑networks u ċ‑ċibersigurtà.

Mill‑11‑il JU, 8 diġà kienu qed joperaw taħt il‑programm preċedenti (Orizzont 2020), u se jkomplu taħt il‑programmi l‑ġodda bħala entitajiet legali ġodda, b’ismijiet ġodda u mandati riveduti. Minbarra l‑JUs li diġà qed operaw, ġew stabbiliti tlieta oħra ġodda: il‑JU Networks u Servizzi Intelliġenti, il‑JU Saħħa Globali, li kisbu l‑awtonomija finanzjarja tagħhom f’Ottubru 2023, u ċ‑Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza fil‑qasam taċ‑Ċibersigurtà, li se jikseb l‑awtonomija finanzjarja tiegħu fl‑2024. Il‑QEA se tawditja ż‑żewġ JUs li kisbu l‑awtonomija finanzjarja tagħhom fl‑2023.

Barra minn hekk, hemm JU oħra, “Fusion for Energy”, li hija ffinanzjata mill‑Euratom u mill‑Istati Membri tagħha. Hija responsabbli biex tipprovdi l‑kontribuzzjoni tal‑Ewropa għar‑Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali (ITER).

Impriżi Konġunti:
opinjoni favorevoli dwar il‑JUs kollha

Għas‑sena finanzjarja 2022, ħriġna “opinjonijiet favorevoli” dwar il‑kontijiet, id‑dħul u l‑pagamenti għat‑tmien JUs li baqgħu joperaw taħt il‑programmi l‑ġodda ta’ riċerka, u għall‑“Fusion for Energy” (F4E). Madankollu, fissirna tħassib dwar l‑impatt li l‑ġestjoni ta’ diversi proġetti li jikkoinċidu jista’ jkollha fuq il‑persunal u fuq ir‑riżultati tal‑proġetti. Niġbdu l‑attenzjoni għal diversi JUs li rriportaw proġetti miċ‑ċiklu baġitarju preċedenti għaċ‑ċiklu baġitarju ta’ bħalissa, u jħeġġuhom ilestu dawn il‑proġetti ta’ legat mill‑aktar fis possibbli.

Bħal fi snin ta’ qabel, l‑opinjoni favorevoli tal‑awditjar tagħna dwar il‑kontijiet għall‑2022 tal‑“Fusion for Energy” (F4E) JU kienet tinkludi “osservazzjoni”. Dan kien prinċipalment biex tinġibed l‑attenzjoni għall‑fatt li l‑istima attwali ta’ EUR 19‑il biljun ta’ finanzjament mill‑UE hija bbażata fuq stadji importanti u suppożizzjonijiet tal‑kostijiet għall‑2016, li se jkunu suġġetti għal reviżjoni sinifikanti, mistennija sa tmiem l‑2024.

Rapporti Annwali Speċifiċi dwar l‑iskejjel Ewropej u dwar l‑obbligazzjonijiet kontinġenti tal‑Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

Għas‑sena finanzjarja 2022, ħriġna r‑rapport annwali tagħna dwar ir‑rieżaminar tal‑kontijiet annwali konsolidati tat‑13‑il skola Ewropea. L‑analiżi li wettaqna ma żvelat l‑ebda żball materjali fil‑kontijiet.

Aħna nirrappurtaw kull sena wkoll dwar l‑obbligazzjonijiet kontinġenti li jinħolqu b’riżultat tat‑twettiq mill‑Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), il‑Kunsill u l‑Kummissjoni tal‑kompiti tagħhom skont ir‑Regolament dwar il‑Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Fir‑rapport tagħna dwar is‑sena finanzjarja 2022, nikkonkludu li ma hemm xejn li laqat l‑attenzjoni tagħna biex iġegħilna nemmnu li l‑obbligazzjonijiet kontinġenti tal‑Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, tal‑Kummissjoni u tal‑Kunsill, li jinħolqu mit‑twettiq tal‑kompiti ta’ riżoluzzjoni tagħhom, huma materjalment iddikjarati b’mod skorrett.

Opinjonijiet

Eżaminar tal‑proposti leġiżlattivi
tal‑Kummissjoni

Bħala l‑awditur indipendenti estern tal‑UE, nikkontribwixxu għat‑titjib tal‑ġestjoni finanzjarja billi noħorġu opinjonijiet dwar il‑proposti tal‑Kummissjoni għal leġiżlazzjoni ġdida jew riveduta. Meta dawn il‑proposti leġiżlattivi jinvolvu impatt finanzjarju sinifikanti, id‑dritt tal‑UE jirrikjedi li niġu kkonsultati. Istituzzjonijiet oħra jistgħu wkoll jitolbuna noħorġu opinjonijiet dwar kwistjonijiet speċifiċi oħra. L‑opinjonijiet kollha tagħna jiġu ppreżentati lill‑Parlament Ewropew u lill‑Kunsill.

Fl‑2023, ippubblikajna erba’ opinjonijiet ta’ dan it‑tip. Dawn kienu jikkonċernaw prinċipalment il‑proposti leġiżlattivi tal‑Kummissjoni għall‑stabbiliment tal‑Faċilità għall‑Ukrajna, l‑istabbiliment ta’ miżuri li jsaħħu s‑solidarjetà u l‑kapaċitajiet fl‑UE tad‑detezzjoni, it‑tħejjija u r‑rispons għat‑theddid u l‑inċidenti taċ‑ċibersigurtà (l‑“Att tal‑UE dwar is‑Ċibersolidarjetà”) u l‑emendar tar‑regolament dwar l‑arranġamenti għat‑tqegħid għad‑dispożizzjoni tar‑riżorsi finanzjarji proprji l‑ġodda tal‑Unjoni Ewropea.

Ġurnal tal‑QEA

Kull edizzjoni tal‑Ġurnal tal‑QEA jkun fiha artikli dwar tema speċifika, l‑aktar minn perspettiva tal‑awditjar, mingħand kontributuri li jaħdmu kemm fi ħdan, kif ukoll barra mill‑istituzzjonijiet tal‑UE.

Fl‑2023, ħriġna żewġ edizzjonijiet, li jindirizzaw il‑progress tat‑tranżizzjoni tal‑enerġija tal‑UE u l‑politika dwar il‑migrazzjoni u l‑UE.

Konferenzi u seminars

Fl‑2023, organizzajna wkoll il‑konferenzi u s‑seminars li ġejjin, li kienu miftuħa għall‑partijiet interessati:

  • seminar dwar ir‑riforma li jmiss tal‑qafas ta’ governanza ekonomika tal‑UE;
  • konferenza online dwar il‑futur tal‑istatistika uffiċjali: indipendenza u obbligu ta’ rendikont fl‑era tal‑big data;
  • konferenza u wirja tal‑arti “The Limits of our world”;
  • konferenza bit‑tema “Il‑ġustizzja soċjali u l‑ugwaljanza għal kulħadd? Sfidi, appoġġ u inklużjoni għall‑komunità LGBTIQ+ fl‑UE u fl‑istituzzjonijiet tal‑UE”;
  • konferenza dwar l‑implimentazzjoni tal‑RRF – riskji, sfidi u opportunitajiet;
  • “Konferenza dwar il‑Koeżjoni 2023 – Evalwazzjoni tal‑politika ta' Koeżjoni tal‑UE – sfidi u opportunitajiet”;
  • workshop annwali 2023 bejn il‑QEA u l‑OLAF;
  • workshop konġunt bejn il‑QEA, l‑OLAF u l‑UPPE dwar il‑ġlieda kontra l‑frodi fl‑akkwist pubbliku.
Seminar tal‑QEA fl‑2023
dwar il‑perspettiva strateġika tal‑UE
u l‑awtonomija strateġika miftuħa tal‑UE

Darba fis‑sena, il‑Membri tagħna, is‑Segretarju Ġenerali u d‑diretturi jmorru seminar ta’ jumejn biex jiddiskutu kwistjonijiet importanti relatati mal‑istrateġija, il‑ħidma u l‑organizzazzjoni fit‑tul tal‑QEA.

Matul is‑Seminar tal‑QEA ta’ din is‑sena, li sar fi Brussell, il‑Membri ddiskutew is‑suġġetti ewlenin li ġejjin:

  • il‑perspettiva strateġika tal‑UE, u kif il‑prijoritajiet futuri tal‑UE jaf ikollhom impatt fuq il‑ħidma fit‑tul tal‑QEA;
  • awtonomija strateġika miftuħa tal‑UE, li tiffoka b’mod partikolari fuq id‑dipendenza enerġetika;
  • il‑Programm ta’ Ħidma 2024+.

Relazzjonijiet istituzzjonali

Aħna naħdmu mill‑qrib mal‑Parlament Ewropew, mal‑Kunsill, mal‑parlamenti nazzjonali/reġjonali u mal‑gvernijiet tal‑Istati Membri, billi l‑impatt ta’ xogħolna jiddependi fil‑biċċa l‑kbira mill‑użu li huma jagħmlu mis‑sejbiet tal‑awditjar u mir‑rakkomandazzjonijiet tagħna.

Il‑Parlament Ewropew

Fl‑2023, il‑Parlament Ewropew (PE) kompla l‑parteċipazzjoni fiżika regolari fil‑plenarja u l‑laqgħat tal‑kumitati għal istituzzjonijiet u korpi oħra. L‑għadd totali ta’ dehriet mill‑QEA żdied għal 164, meta mqabbel ma’ 134 fl‑2022.

Il‑kumitati u l‑korpi tal‑PE, b’mod partikolari l‑Kumitat għall‑Kontroll tal‑Baġit (CONT), regolarment jistiednu lill‑Membri u lit‑timijiet tal‑awditjar tal‑QEA biex jippreżentaw ir‑riżultati tax‑xogħol tagħna fil‑laqgħat tagħhom.

B’mod ġenerali, fl‑2023, il‑Membri tagħna ppreżentaw 13‑il rapport speċjali u 2 rapporti analitiċi lill‑CONT. Huma pparteċipaw ukoll f’16‑il seduta ta’ smigħ pubblika tal‑CONT dwar il‑kwittanza għall‑2022, inkluża l‑preżentazzjoni tar‑Rapport Annwali 2022 tagħna minn Tony Murphy, il‑President tal‑QEA.

Barra minn hekk, il‑Membri taw 27 preżentazzjoni dwar ir‑rapporti speċjali u r‑rapporti analitiċi lil 16‑il kumitat ieħor tal‑PE, xi wħud f’laqgħat konġunti ma’ kumitati interessati oħra.

Fi Frar 2023, il‑Konferenza tal‑Presidenti tal‑Kumitati stiednet lill‑President tal‑QEA għal skambju ta’ fehmiet dwar il‑Programm ta’ Ħidma 2023+ tagħna u dwar il‑konsultazzjoni dwar il‑Programm ta’ Ħidma 2024+. F’Mejju, Tony Murphy, il‑President tal‑QEA, ħa sehem fil‑plenarja tal‑PE b’rabta mal‑kwittanza għall‑2021. F’Ottubru, huwa ltaqa’ mal‑President tal‑PE Roberta Metsola u ppreżenta r‑Rapport Annwali 2022 lill‑plenarja tal‑PE. Il‑Membri tal‑Awla I ltaqgħu wkoll mal‑Koordinaturi tal‑AGRI f’Ġunju biex jiddiskutu l‑kooperazzjoni ulterjuri, u l‑Kumitat CONT żar il‑QEA f’Ottubru biex ikollu skambju ta’ fehmiet mal‑kulleġġ.

Il‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea

Fl‑2023, l‑għadd totali ta’ dehriet tal‑QEA baqa’ stabbli f’ammont ta’ 81 meta mqabbel mal‑2022 (82).

Bħala regola, il‑korpi preparatorji tal‑Kunsill jittrattaw ir‑rapporti speċjali kollha tagħna f’qasir żmien wara l‑pubblikazzjoni, iżda mhux neċessarjament ir‑rapporti analitiċi u l‑opinjonijiet kollha. Fl‑2023, ippreżentajna 29 rapport speċjali, rapport analitiku wieħed u opinjoni waħda lil 22 kumitat u grupp ta’ ħidma differenti tal‑Kunsill.

Fl‑2023, ir‑rappreżentanti tal‑QEA attendew ukoll għal 23 laqgħa li kienu ddedikati għall‑kwittanza tal‑baġit tal‑UE għas‑snin finanzjarji 2021 u 2022.

Presidenza tal‑Kunsill
L‑Iżvezja: Jannar – Ġunju 2023
Spanja: Lulju – Diċembru 2023
 

Tony Murphy, il‑President tal‑QEA, flimkien ma’ Eva Lindström, il‑Membru għar‑Relazzjonijiet Istituzzjonali, iltaqgħu mal‑Ministru għall‑Finanzi Żvediż f’Novembru 2022. F’Ġunju 2023, il‑President flimkien mal‑Membru tal‑QEA Baudilio Tomé Muguruza ltaqgħu mal‑Viċi President tal‑Gvern Spanjol, is‑Segretarju tal‑Istat u l‑Ministru tal‑Finanzi biex jiddiskutu l‑prijoritajiet tal‑Presidenza tal‑Kunsill. F’Novembru, il‑President flimkien mal‑Membru tal‑QEA Annemie Turtelboom iltaqgħu ma’ rappreżentanti ewlenin tal‑Gvern u l‑Parlament Belġjani qabel il‑Presidenza tal‑Kunsill tagħhom fl‑2024. Flimkien mal‑Membru tal‑QEA għar‑rapport annwali Jan Gregor, huwa ltaqa’ wkoll mal‑Ministru tal‑Finanzi Belġjan, qabel il‑preżentazzjoni tar‑Rapport Annwali 2022 lill‑Kunsill ECOFIN f’Novembru wkoll. Barra minn hekk, fl‑2023 il‑Membri u l‑maniġment tal‑QEA pparteċipaw f’15‑il laqgħa ma’ rappreżentanti tar‑Rappreżentanzi Permanenti għall‑UE.

Parlamenti nazzjonali/reġjonali u gvernijiet tal‑Istati Membri

Laqgħat ma’
parlamenti nazzjonali/reġjonali
 

Fl‑2023, il‑Membri u l‑persunal tagħna ppreżentaw ix‑xogħol tagħna f’91 laqgħa mal‑parlamenti nazzjonali/reġjonali f’19‑il Stat Membru. Il‑biċċa l‑kbira mil‑laqgħat saru mal‑kumitati li jittrattaw il‑baġit, l‑affarijiet finanzjarji u/jew l‑awditjar u l‑affarijiet tal‑UE.

Laqgħat ma’
gvernijiet tal‑Istati Membri
 

Fl‑2023, il‑Membri u l‑maniġment tagħna ppreżentaw ix‑xogħol tagħna f’120 laqgħa mal‑gvernijiet u l‑korpi governattivi tal‑Istati Membri f’25 Stat Membru. Il‑biċċa l‑kbira mil‑laqgħat saru mal‑ministri/ministeri tal‑finanzi.

Il‑Kummissjoni Ewropea

Il‑Membri tal‑QEA u l‑Kummissarji għandhom kuntatti bilaterali regolari dwar kompiti tal‑awditjar/ta’ rieżaminar ippjanati u li għadhom għaddejjin.

Għal bosta snin, kienet ukoll prattika stabbilita sew li l‑Membri tagħna jkollhom laqgħa annwali mal‑kontropartijiet tagħhom fil‑Kummissjoni Ewropea. Dawn il‑laqgħat jipprovdu opportunità biex jittieħed rendikont, u biex nirriflettu dwar kif nistgħu nkomplu nsaħħu l‑kooperazzjoni tagħna.

F’Novembru 2023, din it‑tradizzjoni kompliet meta ż‑żewġ kulleġġi ltaqgħu fi Brussell. Il‑Membri tal‑QEA u l‑Kummissarji ddiskutew kif il‑baġit tal‑UE jikkontribwixxi għall‑kisba tal‑prijoritajiet ekoloġiċi u diġitali tal‑Unjoni, u kif il‑baġit tal‑UE qed jixpruna l‑irkupru ekonomiku Ewropew wara l‑pandemija tal‑COVID‑19. Huma affermaw mill‑ġdid ukoll l‑impenn komuni tagħhom li jiżguraw li l‑fondi tal‑Unjoni Ewropea jiġu mmaniġġjati skont l‑ogħla standards ta’ obbligu ta’ rendikont, trasparenza u ġestjoni finanzjarja tajba. Barra minn hekk, tennew l‑importanza ta’ sforzi komuni fis‑salvagwardja tal‑interessi finanzjarji tal‑UE.

Kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet supremi tal‑awditjar oħra

Kumitat ta’ Kuntatt tal‑istituzzjonijiet supremi tal‑awditjar tal‑UE

Il‑kooperazzjoni tagħna mal‑istituzzjonijiet supremi tal‑awditjar (SAIs) tas‑27 Stat Membru sseħħ prinċipalment fi ħdan il‑qafas tal‑Kumitat ta’ Kuntatt tal‑Istituzzjonijiet Supremi tal‑Awditjar tal‑UE. Dan il‑forum jiffaċilita d‑djalogu u l‑iskambju bejn is‑SAIs tal‑Istati Membri tal‑UE u l‑QEA.

Fi tmiem l‑2023, għalaqna l‑Awditu tan‑Network tal‑UE dwar il‑COVID‑19. Bħala outputs prinċipali, ippubblikajna Kompendju tal‑Awditjar wieħed dwar il‑COVID‑19 (li jkopri x‑xogħol tal‑awditjar tas‑SAIs tal‑UE fl‑2020) u madwar 70 skeda informattiva online sa tmiem l‑2023 li jkopru x‑xogħol tal‑awditjar relatat mal‑COVID mill‑perjodu 2020‑2023.

Komplejna wkoll bl‑attività ta’ kooperazzjoni tagħna dwar l‑awditjar tal‑implimentazzjoni tal‑Faċilità għall‑Irkupru u r‑Reżiljenza (RRF), li għaliha organizzajna skambju ta’ awdituri fuq il‑post f’Ottubru 2023 fil‑bini tagħna. Dan kien jinkludi sensiela ta’ workshops u rriżulta f’sitt kunċetti preliminari tal‑awditjar li jkopru diversi aspetti tal‑implimentazzjoni tal‑RRF.

Barra minn hekk, bdejna l‑Awditu tan‑Network tal‑UE (EUNA) dwar l‑Enerġija. F’Novembru pparteċipaw rappreżentanti ta’ 19‑il SAI tal‑UE fil‑laqgħa ta’ tnedija f’The Hague.

Laqgħa annwali tal‑2023

F’Ġunju 2023, il‑laqgħa annwali tal‑Kumitat ta’ Kuntatt tal‑Kapijiet tas‑SAIs tal‑UE saret f’Lisbona. Id‑diskussjonijiet prinċipali ffukaw fuq it‑tema “Enerġija – kif is‑SAIs tal‑UE jistgħu jikkontribwixxu għal implimentazzjoni aħjar u reżiljenti tal‑miri għall‑2030”. L‑avveniment irreveda wkoll l‑implimentazzjoni tal‑Faċilità għall‑Irkupru u r‑Reżiljenza, li kienet it‑tema prinċipali tal‑laqgħa tal‑Kumitat ta’ Kuntatt tal‑2022.

SAIs ta’ pajjiżi kandidati tal‑UE u tal‑pajjiżi kandidati potenzjali tal‑UE

Nappoġġjaw ukoll is‑SAIs tal‑pajjiżi kandidati tal‑UE (l‑Albanija, il‑Bożnija‑Ħerzegovina, il‑Georgia, il‑Moldova, il‑Montenegro, il‑Maċedonja ta’ Fuq, is‑Serbja, it‑Turkija u l‑Ukrajna) u tal‑pajjiżi kandidati potenzjali tal‑UE (il‑Kosovo1).

Fit‑tieni nofs tal‑2023, assistejna fir‑reviżjoni tal‑qafas ta’ kooperazzjoni tan‑Network, adottat f’Diċembru 2023.

1 Dan l‑isem huwa mingħajr preġudizzju għall‑pożizzjonijiet dwar l‑istatus, u huwa konformi mar‑Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal‑Kunsill tas‑Sigurtà tan‑Nazzjonijiet Uniti dwar is‑sitwazzjoni li tikkonċerna l‑Kosovo (UNSCR 1244/1999) u l‑Opinjoni Konsultattiva tal‑Qorti Internazzjonali tal‑Ġustizzja (QIĠ) dwar il‑kwistjoni tal‑“Konformità mad‑dritt internazzjonali tad‑dikjarazzjoni unilaterali ta’ indipendenza fir‑rigward tal‑Kosovo” tat‑22 ta’ Lulju 2010.

INTOSAI

Fl‑2023, komplejna bl‑involviment attiv tagħna fl‑attivitajiet tal‑Organizzazzjoni Internazzjonali tal‑Istituzzjonijiet Supremi tal‑Awditjar (INTOSAI). Bħala President tal‑Kumitat tal‑Istandards Professjonali (PSC), organizzajna żewġ laqgħat tal‑Kumitat ta’ Tmexxija li rriżultaw fl‑adozzjoni ta’ dokumenti li biddlu l‑prattiki ta’ ħidma attwali, ir‑reklutaġġ għall‑Forum għad‑Dikjarazzjonijiet Professjonali tal‑INTOSAI u l‑Pjan ta’ Żvilupp Strateġiku (SDP) tal‑Kumitat għall‑perjodu 2023‑2028. L‑implimentazzjoni tal‑SDP 2023‑2028 tinvolvi diversi miżuri biex tittejjeb iċ‑ċarezza u jiġu diġitalizzati d‑dikjarazzjonijiet tal‑INTOSAI.

Ipparteċipajna wkoll fis‑sottokumitati tal‑PSC kif ukoll fl‑attivitajiet u l‑proġetti ta’ korpi ta’ ħidma oħra tal‑INTOSAI, bħal dawk dwar l‑awditjar ambjentali, l‑istabbiltà finanzjarja u ekonomika, l‑evalwazzjoni tal‑politiki pubbliċi, u l‑big data.

EUROSAI

Konna wkoll involuti b’mod attiv fl‑attivitajiet tal‑Organizzazzjoni Ewropea tal‑Istituzzjonijiet Supremi tal‑Awditjar (EUROSAI), il‑grupp reġjonali Ewropew tal‑INTOSAI, b’mod partikolari l‑gruppi ta’ ħidma tagħha dwar l‑awditjar ambjentali u t‑teknoloġiji tal‑informazzjoni, kif ukoll fi proġetti fl‑oqsma ta’ kwistjonijiet emerġenti, intelliġenza artifiċjali u metodoloġija tal‑awditjar.

Il‑maniġment tagħna

Membri

Il‑QEA topera bħala korp kolleġġjali ta’ Membri, wieħed minn kull Stat Membru. Wara konsultazzjoni mal‑Parlament Ewropew, il‑Kunsill jaħtar kull Membru ladarba l‑gvernijiet nazzjonali rispettivi tagħhom ikunu nnominawhom. Aħna ma għandniex rwol fil‑proċess tan‑nomina jew tal‑ħatra tal‑Membri tagħna.

Il‑Membri tagħna jinħatru għal mandat ta’ sitt snin li jista’ jiġġedded. Huma jwettqu l‑funzjonijiet tagħhom f’indipendenza sħiħa u fl‑interess ġenerali tal‑UE. Hekk kif jieħdu l‑kariga, huma jintrabtu solennement f’dan ir‑rigward quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja tal‑Unjoni Ewropea.

Fl‑2023, il‑Kunsill ħatar Membru Estonjana ġdida, Keit Pentus‑Rosimannus (mill‑1 ta’ Jannar), u Membru Slovakka ġdida, Katarína Kaszasová (mis‑16 ta’ Ottubru). Barra minn hekk, il‑Kunsill ġedded il‑mandat tal‑Membru Ungeriż, Ildikó Gáll‑Pelcz, għal perjodu ieħor ta’ 6 snin (mill‑1 ta’ Settembru).

Wara l‑ħatra tagħha bħala l‑Kummissarju Bulgaru ġdida, Iliana Ivanova rriżenjat bħala Membru tal‑QEA b’effett mid‑19 ta’ Settembru 2023.

Il‑proċeduri ta’ nomina b’rabta mal‑ħatra ta’ Membru Portugiż ġdid u Membru Bulgaru ġdid kienu għadhom għaddejjin fi tmiem l‑2023.

Fl‑2023 saru 24 laqgħa tal‑kulleġġ. Ir‑rata ta’ attendenza f’dawn il‑laqgħat kienet ta’ 88 %. Il‑Membri pparteċipaw ukoll fil‑laqgħat tal‑awli u tal‑kumitati (ara wkoll Awli u kumitati tal‑awditjar).

Il‑President

Il‑President huwa inkarigat mill‑istrateġija tal‑istituzzjoni, l‑ippjanar u l‑ġestjoni tal‑prestazzjoni, il‑komunikazzjoni u r‑relazzjonijiet mal‑media, ir‑relazzjonijiet istituzzjonali, il‑kwistjonijiet legali u l‑awditjar intern. Il‑President jirrappreżenta wkoll il‑QEA fir‑relazzjonijiet esterni tagħha.

Il‑Membri tagħna jeleġġu wieħed minn fosthom bħala President għal perjodu ta’ tliet snin li jista’ jiġġedded. Il‑persuna eletta mbagħad tassumi r‑rwol tal‑ewwel fost il‑pari (primus inter pares), tippresiedi l‑laqgħat tal‑kulleġġ u tiżgura li d‑deċiżjonijiet tiegħu jiġu implimentati.

Tony Murphy ġie elett President f’Ottubru 2022.

Nota: fi Frar 2024.

Awli tal‑awditjar u kumitati

Il‑Membri jiġu assenjati f’waħda mill‑ħames awli tal‑awditjar, fejn il‑biċċa l‑kbira mir‑rapporti tal‑awditjar, ir‑rapporti analitiċi u l‑opinjonijiet tagħna jiġu adottati. L‑awli tal‑awditjar jallokaw il‑kompiti tagħhom fost il‑Membri tagħhom. Kull Membru għandu obbligu ta’ rendikont lejn l‑awla, u lejn il‑kulleġġ, għall‑kompiti tal‑awditjar proprji tiegħu. L‑awdituri professjonali li jaħdmu għad‑direttorati tal‑awli tal‑awditjar iwettqu x‑xogħol tal‑awditjar.

Il‑Membri għal kull awla tal‑awditjar jagħżlu Dekan għal perjodu ta’ sentejn li jista’ jiġġedded. Fl‑2023, id‑Dekani tal‑ħames awli tal‑awditjar tagħna kienu Joëlle Elvinger, Annemie Turtelboom, Bettina Jakobsen, Mihails Kozlovs u Jan Gregor.

Il‑Kumitat għall‑Kontroll tal‑Kwalità tal‑Awditjar (AQCC) jittratta kemm il‑politiki, l‑istandards u l‑metodoloġija tal‑awditjar tal‑QEA, kif ukoll l‑appoġġ u l‑iżvilupp tal‑awditjar u l‑kontroll tal‑kwalità tal‑awditjar tagħha. Huwa magħmul minn Membru wieħed minn kull awla tal‑awditjar u, mit‑28 ta’ Settembru 2023, huwa ppresedut minn Baudilio Tomé Muguruza.

Il‑Kumitat Amministrattiv (KA) u, fejn ikun xieraq, il‑kulleġġ tal‑Membri, it‑tnejn li huma ppreseduti mill‑President, jieħdu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet strateġiċi u amministrattivi usa’. Il‑Kumitat Amministrattiv huwa magħmul mill‑President, id‑Dekani tal‑awli, il‑President tal‑AQCC, u l‑Membru għar‑Relazzjonijiet Istituzzjonali (Eva Lindström).

Fl‑2023, il‑laqgħat tal‑awli, tal‑KA u tal‑AQCC b’kollox ammontaw għal 103, 15 u 11, rispettivament. Ir‑rata ta’ attendenza għal dawn il‑laqgħat kienet ta’ 92 %, 88 % u 88 %, rispettivament.

Kumitati oħra jinkludu l‑Kumitat tal‑Etika (ippresedut minn George Marius Hyzler, mill‑4 ta’ Lulju 2023), il‑Kumitat tal‑Awditjar Intern (ippresedut minn Hannu Takkula), u l‑Bord Konsultattiv dwar il‑Prospettiva (ippresedut minn Helga Berger).

Il‑maniġment superjuri tagħna huwa magħmul mis‑Segretarju Ġenerali u d‑diretturi. B’kollox, hemm 10 direttorati, fejn 5 huma assenjati għall‑awli tal‑awditjar, 1 għall‑AQCC, 1 għall‑Presidenza u 3 għas‑Segretarjat Ġenerali.

Nota: F’Jannar 2024.

Kejl tal‑prestazzjoni

Aħna napplikaw sett ta’ indikaturi ewlenin tal‑prestazzjoni (KPIs) biex inżommu lill‑maniġment tal‑Qorti infurmat dwar il‑progress li jkun sar lejn l‑ilħuq tal‑għanijiet strateġiċi tagħna, biex jiġi appoġġat it‑teħid ta' deċiżjonijiet u biex tiġi pprovduta informazzjoni dwar il‑prestazzjoni tal‑Qorti lill‑partijiet ikkonċernati istituzzjonali tagħha. Aġġornajna l‑KPIs biex nappoġġaw l‑istrateġija tagħna għall‑perjodu 2021‑2025. Is‑sett ta’ KPIs li ġej jipprovdi stampa ġenerali tal‑prestazzjoni tagħna bħala organizzazzjoni f’dak li jirrigwarda d‑disseminazzjoni, l‑impatt u l‑perċezzjoni tax‑xogħol tagħna:

  • għadd ta’ rapporti ppubblikati;
  • preżenza fil‑media;
  • impatt u perċezzjoni tax‑xogħol tagħna (feedback mill‑partijiet ikkonċernati);
  • drabi fejn nidhru quddiem istituzzjonijiet oħra, parlamenti nazzjonali/reġjonali u gvernijiet tal‑Istati Membri, kif ukoll attivitajiet internazzjonali;
  • implimentazzjoni tar‑rakkomandazzjonijiet tal‑QEA.
35 rapport ippubblikati fl‑2023

Ippubblikajna 35 rapport fl‑2023. Dawn kienu jikkonsistu f’29 rapport speċjali u 6 rapporti analitiċi. L‑għadd ta’ rapporti ppubblikati fl‑2023 huwa ogħla mill‑aħħar sentejn (2022: 29 rapport u 2021: 32 rapport).

Preżenza fil‑media

Il‑kopertura mill‑media
kompliet tiżdied

Fl‑2023, irreġistrajna aktar minn 22 000 artiklu tal‑istampa (ippubblikati online) relatati mar‑rapporti tal‑awditjar tagħna, ma’ pubblikazzjonijiet oħra jew mal‑QEA inġenerali, u b’hekk ikkonfermajna x‑xejra ’l fuq fil‑kopertura li ġiet osservata matul dawn is‑snin reċenti (2022: 20 000; 2021: 18 000). Kważi 54 000 post fil‑media soċjali juru l‑kontinwazzjoni ta’ tkabbir organiku, u l‑għedud għall‑2022 huma outlier2 (2022: 110 000; 2021: 49 000).

2 Fl‑2022 osservajna għargħar ta’ posts tal‑media soċjali identiċi ġġenerati permezz ta’ networks tendenzjużi (apparentement bl‑użu ta’ bots ukoll). Dawn ġew skattati l‑aktar mir‑rapporti speċjali tagħna dwar l‑akkwist tal‑vaċċini kontra l‑COVID‑19 u l‑korruzzjoni kbira fl‑Ukrajna.

Il‑kopertura mill‑media tista’ tvarja b’mod sostanzjali skont is‑suġġett u l‑kumplessità ta’ rapport. Fatturi esterni, bħal avveniment importanti jew żvilupp ta’ politika, jistgħu wkoll jinfluwenzaw l‑interess mill‑media fil‑pubblikazzjonijiet tagħna. Barra minn hekk, waqt l‑emerġenzi, bħall‑pandemija jew il‑gwerra ta’ aggressjoni mir‑Russja fl‑Ukrajna, l‑attenzjoni tal‑media hija partikolarment iffukata fuq materjal rilevanti għall‑kriżi.

Interazzjoni dejjem tikber mal‑istampa

Ilna mill‑2020 nippromwovu l‑pubblikazzjonijiet tagħna virtwalment, u b’hekk stajna nżidu l‑kuntatti mal‑ġurnalisti tal‑mezzi tax‑xandir nazzjonali fl‑Istati Membri tal‑UE.

Fl‑2023, ħriġna 45 stqarrija għall‑istampa b’24 lingwa tal‑UE, kif ukoll diversi noti ta’ informazzjoni, avviżi għall‑media u dikjarazzjonijiet awdjo (lesti għall‑użu) b’ċerti lingwi. Tajna wkoll għadd ta’ intervisti ma’ mezzi ewlenin tal‑media fl‑Ewropa kollha, li jkopru r‑radju, it‑TV u l‑gazzetti stampati. Barra minn hekk, organizzajna 21 sessjoni ta’ informazzjoni għall‑istampa online, u 6 sessjonijiet ta’ informazzjoni għall‑istampa addizzjonali speċifiċi għall‑pajjiż għar‑rapport annwali. B’kollox, is‑sessjonijiet ta’ informazzjoni tagħna attiraw 590 ġurnalist, li l‑biċċa l‑kbira minnhom jirrappreżentaw mezzi ewlenin tal‑media nazzjonali fl‑Istati Membri tal‑UE.

1 000 000 żjara u nofs
fis‑sit web tal‑QEA

Fl‑2023, nedejna s‑sit web tal‑QEA l‑ġdid tagħna. Ksibna aktar minn 1 000 000 żjara u nofs fis‑sit web tagħna, b’madwar 700 000 viżitatur uniku, li jirrappreżenta żieda ta’ aktar minn 14 % meta mqabbel mal‑2022.

2023: l‑għadd ta’ segwaċi
fuq il‑media soċjali
kompla jiżdied

Sa tmiem l‑2023, it‑3 kontijiet tal‑media soċjali prinċipali tagħna (X (dak li qabel kien Twitter), LinkedIn, Facebook) kienu attiraw ’il fuq minn 48 000 segwaċi, jiġifieri żieda minn 45 000 fl‑2022 u 39 000 fl‑2021.

Impatt u perċezzjoni tax‑xogħol tagħna

85 % tar‑rispondenti
għall‑istħarriġiet tagħna jsibu
li r‑rapporti tagħna huma utli
għal xogħolhom

Nivvalutaw l‑impatt u l‑utilità probabbli ta’ xogħolna, skont il‑perċezzjoni tal‑qarrejja tar‑rapporti tagħna fil‑Parlament Ewropew, fil‑Kunsill, fil‑Kummissjoni, fl‑aġenziji tal‑UE, fir‑rappreżentanzi permanenti tal‑Istati Membri, fl‑aġenziji tal‑Istati Membri u l‑SAIs, fl‑NGOs, fl‑istituzzjonijiet akkademiċi, fil‑media u f’partijiet ikkonċernati oħra.

Mill‑2018 ’il hawn, wettaqna stħarriġiet elettroniċi anonimizzati biex nitolbu lill‑qarrejja tagħna jipprovdu feedback kwalitattiv dwar rapporti magħżula u jagħmlu suġġerimenti ġenerali għall‑ħidma tagħna.

Fl‑2023, 85 % ta’ madwar 1 060 rispondent kienu jqisu li r‑rapporti tagħna kienu utli għax‑xogħol tagħhom u 78 % kienu jqisu li dawn kellhom impatt. Dan huwa simili għar‑riżultat tas‑sena li għaddiet (2022: 82 % u 78 %, rispettivament).

Drabi fejn nidhru quddiem istituzzjonijiet oħra, parlamenti nazzjonali/reġjonali u gvernijiet tal‑Istati Membri, kif ukoll attivitajiet internazzjonali

L‑interazzjoni mal‑partijiet
ikkonċernati tagħna laħqet livell
għoli ġdid

Kumplessivament, fl‑2023, l‑interazzjoni tagħna mal‑partijiet ikkonċernati Ewropej u internazzjonali tagħna reġgħet laħqet livell għoli ġdid. Ippreżentajna r‑riżultati ta’ xogħolna f’456 okkażjoni quddiem il‑kumitati tal‑Parlament Ewropew, il‑korpi preparatorji tal‑Kunsill, il‑parlamenti nazzjonali/reġjonali, u l‑gvernijiet tal‑Istati Membri (2022: 437; 2021: 419).

Barra minn hekk, ipparteċipajna f’221 attività internazzjonali. Dawn kienu jinkludu l‑attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali tal‑awditjar pubbliku, b’mod partikolari l‑INTOSAI u l‑EUROSAI, kif ukoll avvenimenti bilaterali ma’ SAIs oħra, konferenzi, laqgħat, u attivitajiet mmirati lejn udjenza usa’ (2022: 178; 2021: 154).

Implimentazzjoni tar‑rakkomandazzjonijiet tal‑QEA

Kważi r‑rakkomandazzjonijiet kollha tagħna
tal‑2019 ġew implimentati,
tal‑inqas sa ċertu punt

Aħna nkejlu l‑implimentazzjoni tar‑rakkomandazzjonijiet tagħna fuq il‑bażi tas‑segwitu mwettaq mill‑awdituri tagħna. Għall‑2023, analizzajna r‑rakkomandazzjonijiet indirizzati lill‑Kummissjoni u lil istituzzjonijiet oħra fir‑rapporti tagħna tal‑2019.

L‑analiżi kienet turi li, mir‑rakkomandazzjonijiet li ngħataw segwitu, 100 % mill‑15 li għamilna fir‑Rapport Annwali 2019 tagħna, u 85 % tal‑208 li għamilna fir‑rapporti speċjali tagħna għall‑2019 kienu ġew implimentati jew bis‑sħiħ, jew f’xi wħud mill‑aspetti, jew inkella fil‑biċċa l‑kbira mill‑aspetti.

Il‑persunal tagħna

Allokazzjoni tal‑persunal

Fi tmiem l‑2023, kellna 882 post permanenti u temporanju3 (873 fl‑2022). Id‑disa’ postijiet addizzjonali ngħataw mill‑awtorità baġitarja fuq bażi temporanja għall‑awditu tal‑inizjattiva NGEU. Minn dawn il‑postijiet 559 kienu f’awli tal‑awditjar, inklużi 104 postijiet fil‑kabinetti tal‑Membri. Il‑Presidenza tinkludi l‑President u l‑Kabinett tiegħu, id‑Direttorat tal‑Presidenza, is‑Servizzi Legali u s‑Servizz tal‑Awditjar Intern.

3 Li jinkludu postijiet temporanjament vakanti.

Barra minn hekk, kellna 86 membru tal‑persunal bil‑kuntratt u 26 espert nazzjonali sekondat jaħdmu magħna fi tmiem is‑sena (2022: 91 u 33 rispettivament).

Reklutaġġ

Il‑politika ta’ reklutaġġ tagħna ssegwi l‑prinċipji ġenerali u l‑kundizzjonijiet tal‑impjieg tal‑istituzzjonijiet tal‑UE, u l‑membri tal‑persunal tagħna għandhom firxa wiesgħa ta’ kwalifiki akkademiċi u esperjenza professjonali.

Fl‑2023, irreklutajna 95 impjegat ġdid (2022: 107): 27 uffiċjal, 47 membru tal‑persunal temporanju, 17‑il membru tal‑persunal bil‑kuntratt, u 4 esperti nazzjonali sekondati. Fl‑ispirtu tas‑solidarjetà, tat‑tagħlim reċiproku u tal‑kooperazzjoni, is‑sekondar tal‑ħames esperti nazzjonali Ukreni li ngħaqdu mal‑QEA fl‑2022 ġie estiż għal sena addizzjonali, minn Lulju 2023 sa Lulju 2024. Ipprovdejna wkoll 64 traineeship (2022: 60) għal gradwati universitarji, li damu minn 3 sa 5 xhur. Mill‑64 trainee, 62 tħallsu mill‑QEA u 2 irċevew remunerazzjoni mingħand l‑Istat Membru tagħhom.

Il‑programm ta’ integrazzjoni (onboarding) ASPIRE għall‑awdituri tfassal biex il‑QEA tkun tista’ tirrekluta u tilqa’ awdituri ġodda fil‑livell tal‑QEA, biex ikunu jistgħu jieħdu sehem f’attivitajiet ta’ taħriġ immirati u biex jiksbu esperjenza fuq il‑post tax‑xogħol kemm fl‑awditjar tal‑konformità/finanzjarju kif ukoll f’dak tal‑prestazzjoni fl‑ewwel 3 snin tagħhom.

Profil tal‑etajiet

Tliet kwarti (75 %) tal‑persunal tagħna fis‑servizz attiv fi tmiem l‑2023 kellhom bejn 40 u 59 sena, l‑istess bħal fl‑2022.

Hemm 73 % tal‑maniġers tagħna li għandhom 50 sena jew aktar (2022: 72 %). Dan se jwassal għal tiġdid ta’ parti sostanzjali mill‑maniġment tagħna matul il‑5 sa 10 snin li ġejjin.

Opportunitajiet indaqs

B’mod ġenerali, nimpjegaw proporzjonijiet indaqs ta’ nisa u rġiel fil‑forza tax‑xogħol tagħna.

Aħna impenjati li noffru opportunitajiet indaqs tal‑karriera għall‑membri tal‑persunal tagħna fil‑livelli kollha tal‑organizzazzjoni. Nimpjegaw proporzjonijiet indaqs ta’ nisa u rġiel, u fi snin reċenti żdied is‑sehem ta’ diretturi u maniġers prinċipali nisa fostna minn 33 % fl‑2019 għal 38 % fl‑2023.

Il‑proporzjon ta’ maniġers prinċipali nisa fl‑awditjar fil‑QEA laħaq il‑50 % (41.4 % fl‑2022), li huwa ’l fuq mill‑mira tal‑2027 ta’ 40 %. F’konformità mal‑pjan ta’ Azzjoni dwar id‑Diversità u l‑Inklużjoni (2021‑2025) tal‑QEA, fl‑2023 ippubblikajna l‑ewwel rapport annwali dwar id‑D&I (għall‑2022).

Bl‑istess mod, aħna nibqgħu impenjati li niksbu bilanċ ġeografiku fil‑maniġment tagħna.

Wara l‑adozzjoni f’Diċembru 2022 tad‑Deċiżjoni Nru 50‑2022 dwar il‑politika tal‑Qorti Ewropea tal‑Awdituri għall‑iżgurar ta’ post tax‑xogħol rispettuż u ħieles mill‑fastidju, wettaqna diversi azzjonijiet (eż. ħatra ta’ medjaturi interni u konsulenti kunfidenzjali, taħriġ obbligatorju għall‑maniġers, ħolqien ta’ paġna web iddedikata fuq is‑sit tal‑intranet tal‑QEA) biex nimplimentaw id‑deċiżjoni.

Barra minn hekk, fl‑2023, għall‑ewwel darba twettaq awditu estern dwar l‑aċċessibbiltà fiżika tal‑bini tal‑QEA. Dan irriżulta fi studju b’rakkomandazzjonijiet u azzjonijiet potenzjali biex il‑bini tal‑QEA jsir aktar aċċessibbli għal kulħadd, inklużi l‑persuni b’diżabilità. Se nibdew l‑implimentazzjoni tal‑azzjonijiet maqbula fl‑2024 billi nikkummissjonaw pjan biex intejbu s‑sinjalar relatat mal‑aċċessibbiltà fil‑bini kollu tal‑QEA. Barra minn hekk, se nikkooperaw ma’ istituzzjonijiet oħra tal‑UE biex noħolqu mod armonizzat biex inkejlu l‑progress u nirrappurtaw dwar ir‑reklutaġġ ta’ persuni b’diżabilità, kif irrakkomandat mir‑Rapport Speċjali 20/2023 li jġib it‑titolu “Nappoġġaw lill‑persuni b’diżabilità: L‑impatt prattiku tal‑azzjoni mill‑UE huwa limitat”.

Etika

Il‑linji gwida dwar l‑etika tal‑QEA huma bbażati fuq il‑valuri tal‑indipendenza, l‑integrità, l‑oġġettività, it‑trasparenza u l‑professjonaliżmu. Il‑QEA tirrikonoxxi r‑rekwiżiti stabbiliti fil‑Kodiċi tal‑Etika tal‑Intosai (ISSAI 130) u inkludiethom fil‑linji gwida dwar l‑etika tagħha, li huma applikabbli għall‑Membri u għall‑persunal kollu tal‑QEA.

Il‑QEA affermat mill‑ġdid l‑impenn tagħha favur it‑trasparenza billi rrevediet id‑deċiżjoni tagħha dwar l‑aċċess pubbliku għad‑dokumenti. L‑iskop kien li tiġi riflessa l‑evoluzzjoni tal‑ġurisprudenza Ewropea, u li tiġi ssimplifikata l‑proċedura għat‑tweġiba għal talbiet ta’ aċċess għad‑dokumenti u għal talbiet konfermatorji. Id‑deċiżjoni l‑ġdida ġiet ippubblikata f’Il‑Ġurnal Uffiċjali f’Settembru 2023.

Bħala parti minn riforma reċenti tal‑qafas etiku tagħna, aġġornajna r‑regoli interni dwar ir‑rappurtar ta’ irregolaritajiet serji (żvelar ta’ informazzjoni protetta), sabiex nagħmluhom aktar ċari, aktar dettaljati, u nipprovdu aktar informazzjoni lill‑persunal. Biex nenfasizzaw l‑importanza li nagħtu lill‑protezzjoni tal‑informaturi, is‑sett il‑ġdid ta’ regoli huwa stabbilit f’deċiżjoni tal‑kulleġġ.

Il‑Kumitat tal‑Etika tal‑QEA jirrieżamina kwistjonijiet etiċi rilevanti, li jinkludu l‑attivitajiet esterni tal‑Membri, biex jirrispetta l‑istandards tal‑QEA. Jikkonsisti fi tliet membri maħtura mill‑kulleġġ, li jinkludu żewġ Membri tal‑QEA u membru estern wieħed magħżula abbażi tal‑kapaċitajiet u l‑kwalitajiet professjonali tagħhom. Il‑Kumitat iltaqa’ ħames darbiet fl‑2023.

Appoġġ għall‑awditjar

Trasformazzjoni diġitali tal‑awditjar

Il‑QEA tkompli ttejjeb l‑effiċjenza tal‑proċessi tal‑awditjar tagħha billi ssaħħaħ l‑integrazzjoni u l‑interoperabbiltà tas‑sistemi eżistenti tagħha. B’mod parallel, hija implimentat attivitajiet ta’ awditjar tal‑IT, ta’ xjenza tad‑data avvanzata, u ta’ awtomatizzazzjoni, bħala parti mill‑pjan ta’ żvilupp tagħha biex it‑teknoloġija għall‑awditjar tintuża aħjar. Kompliet ukoll l‑attivitajiet ta’ innovazzjoni tagħha bil‑għan li tidentifika teknoloġija emerġenti li tista’ tintuża b’modi ġodda biex tappoġġa x‑xogħol tal‑awditjar.

Komunikazzjoni diġitali
mal‑partijiet ikkonċernati

Fl‑2023, l‑istudjo tal‑QEA l‑ġdid ntuża b’mod estensiv għat‑twassil ta’ aġġornamenti għall‑istampa online, laqgħat mal‑partijiet ikkonċernati, konferenzi ibridi u vidjos promozzjonali mill‑Membri tal‑QEA dwar prodotti tal‑QEA kif ukoll vidjos interni tal‑QEA dwar is‑sensibilizzazzjoni u vidjos informattivi interni tal‑QEA.

B’mod aktar speċifiku, huwa wassal 23 laqgħa ta’ informazzjoni għall‑istampa, 9 rapporti bil‑vidjo, 6 aġġornamenti tax‑xogħol tal‑QEA, 4 laqgħat mal‑partijiet ikkonċernati, 2 intervisti televiżivi, vidjo ta’ avveniment wieħed u konferenza online waħda. Ipproduċa wkoll sitt vidjos dwar l‑attrazzjoni tal‑Lussemburgu u 10 vidjos interni.

Integrazzjoni diġitali
u awtomatizzazzjoni

L‑integrazzjoni tas‑sistemi ta’ informazzjoni tal‑awditjar kompliet bl‑objettiv li tittejjeb l‑interoperabbiltà bejn is‑sistemi li diġà jeżistu u li l‑utent jiġi offrut esperjenza b’inqas xkiel. Dan jinkludi s‑sistema ta’ dokumentazzjoni tal‑awditjar prinċipali tagħna ASSYST, is‑sistema ta’ ġestjoni tal‑awditjar AMS. Tnediet sistema ġdida ta’ ġestjoni tal‑fluss tax‑xogħol għall‑approvazzjoni tad‑dokumenti (PASS), li qed tintegra mal‑EU Sign li tippermetti firma elettronika kwalifikata. Ġew stabbiliti wkoll għodod biex jiġi ffaċilitat u aċċellerat ir‑rieżaminar tad‑dokumenti. L‑użu tal‑Maħżen tad‑Data tal‑QEA ġie estiż b’aktar rapporti li jippermettu viżwalizzazzjoni u monitoraġġ interattivi tad‑data.

Servizzi avvanzati tax‑xjenza
tad‑data u awditjar tal‑IT

It‑tim DATA (Data u Teknoloġija għall‑Awditjar), li ġie stabbilit fl‑2021, kompla jaħdem fuq l‑implimentazzjoni tal‑pjan ta’ żvilupp għal użu aħjar mit‑teknoloġija b’appoġġ għall‑objettivi tal‑awditjar tal‑QEA.

Il‑membri tat‑tim DATA ħadmu mill‑qrib mat‑timijiet tal‑awditjar biex jifhmu l‑proċessi u l‑ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. Skont il‑kumplessità tal‑ħtieġa, ix‑xogħol varja minn involviment għal żmien qasir sa parteċipazzjoni fuq skala sħiħa f’kompiti tal‑awditjar, kemm għax xjentisti tad‑data kif ukoll għall awdituri tal‑IT.

It‑tim DATA mexxa, jew ipparteċipa f’diversi proġetti fil‑QEA kollha:

  • proġett pilota biex jiġi vvalutat kif jista’ jsir użu effettiv mill‑pjattaforma e‑Procurement tal‑Kummissjoni Ewropea;
  • involviment ta’ esperti tad‑data għat‑task force tal‑NGEU;
  • żvilupp ta’ għodda prototip b’estrazzjoni tat‑test avvanzata u funzjonalitajiet ta’ tiftix semantiku għall‑produzzjoni tal‑QEA stess; u
  • appoġġ lill‑awdituri biex jisselezzjonaw l‑aħjar għażliet minn dawk disponibbli fl‑“infrastruttura tax‑xjenza tad‑data” stabbilita fl‑2022, li tagħti lok għall‑ipproċessar tad‑data kif ukoll għall‑analiżi u l‑viżwalizzazzjoni avvanzati.

Wara l‑aċċellerazzjoni rapida fl‑iżvilupp tal‑Intelliġenza Artifiċjali (IA), b’mod partikolari fil‑qasam tal‑IA ġenerattiva, it‑tim DATA ħejja analiżi tal‑opportunitajiet u l‑isfidi tal‑IA għall‑QEA u għax‑xogħol tal‑awditjar tagħna. Bħala segwitu bdew jiżviluppaw proposta għal strateġija dwar l‑użu tal‑IA fil‑proċess tal‑awditjar.

Innovazzjoni

Tnieda approċċ ġdid għall‑innovazzjoni li jserraħ fuq tip ġdid ta’ “Proġetti ta’ Innovazzjoni Qosra” (SIPs) u fuq il‑ħolqien ta’ laboratorju tal‑innovazzjoni li se jkun qed jiffoka fuq l‑ittestjar ta’ teknoloġiji ġodda. L‑SIPs tipikament jiġu skattati minn utenti li jixtiequ jippruvaw b’mod dirett għodda jew teknoloġija ġdida, filwaqt li l‑IT tassenja maniġer tal‑proġett biex jakkumpanja lill‑utent u jieħu ħsieb l‑aspetti teknoloġiċi u ta’ governanza tal‑IT. L‑ewwel SIPs jinkludu l‑użu ta’ droni għall‑awditjar u l‑ittestjar ta’ għodod ta’ ġestjoni tal‑awditjar kummerċjali li jistgħu jissostitwixxu l‑ASSYST u l‑użu ta’ IA ġenerattiva.

B’mod parallel, tnediet il‑ħidma għall‑istabbiliment ta’ Ċentru ta’ Kompetenza multidixxiplinari dwar l‑Intelliġenza Artifiċjali biex jappoġġa l‑istrateġija tal‑QEA msemmija hawn fuq dwar l‑IA.

Il‑QEA kompliet tkun involuta b’mod attiv fil‑grupp tat‑Teknoloġija emerġenti tal‑Kumitat Interistituzzjonali għat‑Trasformazzjoni Diġitali, b’fokus fuq ix‑xogħol dwar l‑intelliġenza artifiċjali fl‑2023.

Komunikazzjoni viżiva

Nagħmlu l‑outputs tagħna
aktar aċċessibbli

L‑użu ta’ elementi viżivi u viżwalizzazzjoni tad‑data li jkunu konvinċenti sar aktar u aktar importanti fil‑kuntest tal‑interazzjoni mal‑partijiet ikkonċernati tagħna u l‑kuntatt maċ‑ċittadini tal‑UE. Fl‑2023, it‑tim tad‑disinn grafiku fid‑Dipartiment tal‑Komunikazzjoni tal‑QEA kompla jagħti appoġġ dirett lit‑timijiet tal‑awditjar, u pprovdilhom infografika u illustrazzjonijiet imfassla apposta għal ħtiġijiethom u f’konformità mal‑identità viżiva tal‑QEA.

Jekk nużaw elementi viżivi fil‑komunikazzjoni tagħna, ir‑riżultati tax‑xogħol tal‑awditjar tagħna jistgħu jsiru aktar viżibbli, jinftiehmu aħjar, u b’hekk ikunu aktar aċċessibbli għaċ‑ċittadini u għall‑partijiet ikkonċernati, sabiex nagħtu valur akbar lix‑xogħol tal‑awditjar tagħna u nsaħħu l‑impatt tar‑rapporti tagħna. It‑tnedija ta’ sit web ġdid f’April 2023 tkompli tirrinforza dan l‑isforz, b’dehra aktar moderna u funzjonalitajiet imtejba.

Metodoloġija tal‑awditjar

AWARE

Il‑pjattaforma diġitali interna tagħna AWARE (Accessible Web‑based Audit Resource) tiddeskrivi l‑metodoloġija u l‑gwida tagħna dwar l‑awditjar. Huwa disponibbli fuq is‑sit web tagħna. Din tipprovdi punt uniku ta’ aċċess għall‑pubbliku għall‑metodoloġija tal‑awditjar tagħna.

Taħriġ professjonali

2023: il‑miri tat‑taħriġ
professjonali nqabżu

Fl‑2023, erġajna qbiżna l‑mira tat‑taħriġ professjonali ta’ 5 ijiem taħriġ mhux lingwistiku fis‑sena għall‑awdituri, f’konformità mar‑rakkomandazzjonijiet tal‑Federazzjoni Internazzjonali tal‑Kontabilisti, u jumejn għall‑membri tal‑persunal li mhumiex awdituri.

L‑awdituri tagħna attendew għal medja ta’ 6.7 ijiem taħriġ mhux lingwistiku (6.9 fl‑2022 u 8.5 fl‑2021), li minnhom 4.5 ijiem kienu taħriġ relatat mal‑attivitajiet prinċipali (relatati mal‑awditjar). Il‑persunal mhux tal‑awditjar tagħna attenda għal medja ta’ 3.0 ijiem taħriġ (3.6 fl‑2022 u 4.2 fl‑2021). Bħal fl‑2022, il‑kemxejn tnaqqis minn sena għal oħra fiż‑żewġ indikaturi jista’ jiġi spjegat mir‑ritorn gradwali tat‑taħriġ fil‑klassijiet/wiċċ imb wiċċ, li jipprovdi esperjenza ta’ apprendiment aħjar, iżda fih innifsu jakkomoda inqas nies mill‑alternattivi online.

Taħriġ imfassal apposta
għall‑awdituri

It‑tim tat‑taħriġ professjonali l‑ħin kollu jistinka biex iwassal taħriġ ta’ kwalità għolja għall‑persunal tagħna, b’attenzjoni partikolari għat‑taħriġ relatat mal‑attivitajiet prinċipali (relatat mal‑awditjar). Waħda mill‑prijoritajiet ewlenin hija li jiżdied u jissaħħaħ l‑għarfien dwar l‑oqsma tal‑awditjar tagħna/l‑oqsma ta’ politika tal‑UE, b’kooperazzjoni mal‑awli tal‑awditjar tagħna. Fl‑2023, għall‑awli tal‑awditjar kollha organizzajna diversi sessjonijiet ta’ taħriġ dwar oqsma ta’ politika, li koprew suġġetti prijoritarji li kienu ġew identifikati fil‑bidu tas‑sena.

Komplejna wkoll inħarrġu lill‑persunal tagħna dwar in‑NextGenerationEU (NGEU), u l‑Faċilità għall‑Irkupru u r‑Reżiljenza (RRF). Dan kien jinkludi l‑kors ta’ taħriġ emblematiku tagħna fuq jumejn dwar l‑RRF, li nwasslu b’kooperazzjoni mal‑Istitut Ewropew tal‑Amministrazzjoni Pubblika. Barra minn hekk, organizzajna sessjonijiet dwar ir‑riskji, l‑isfidi u l‑opportunitajiet tal‑RRF u taħditiet dwar l‑RRF fejn esperti esterni ppreżentaw il‑fehmiet tagħhom dwar suġġetti relatati mal‑RRF.

F’Ġunju 2023, aġġornajna l‑programm ta’ taħriġ tagħna dwar l‑użu tad‑data u t‑teknoloġija fl‑awditjar. Fl‑aħħar ta’ Novembru saret sessjoni pilota dwar l‑introduzzjoni għall‑Intelliġenza Artifiċjali li se tiġi segwita minn aktar sessjonijiet fl‑2024.

Qafas ta’ kompetenza ġdid
għall‑awdituri

Fi Frar 2023, nedejna proġett biex niddefinixxu qafas ta’ kompetenza ġdid għall‑awdituri tagħna. Dan il‑qafas se jiddeskrivi fil‑qosor il‑kompetenzi tal‑awdituri finanzjarji, tal‑konformità u tal‑prestazzjoni tal‑QEA, li huma fundamentali biex iwettqu l‑kompiti tagħhom b’suċċess. Dan jibni fuq il‑gwida tal‑INTOSAI u fuq il‑kontribut li rċevejna mill‑konsultazzjoni ta’ 15‑il Istituzzjoni Suprema tal‑Awditjar. Il‑proġett qiegħed fl‑aħħar stadju tiegħu, u mistenni li jitlesta fl‑ewwel 6 xhur tal‑2024. Dan se jipprovdi l‑bażi għall‑valutazzjoni tal‑ħtiġijiet ta’ tagħlim u żvilupp u jistruttura l‑offerta ta’ taħriġ tal‑attivitajiet prinċipali tal‑QEA abbażi ta’ kompetenzi ewlenin.

Traduzzjoni

Fl‑2023, ittraduċejna u rrevedejna ’l fuq minn 208 000 paġna (2022: 203 700), li jinkludu 12 900 paġna ta’ xogħol esternalizzat. It‑timijiet tal‑lingwa jużaw kemm għodod megħjuna mill‑kompjuter kif ukoll teknoloġiji ta’ traduzzjoni awtomatika biex jissimplifikaw il‑proċess tat‑traduzzjoni. Ħejjejna 52 pubblikazzjoni li japplikaw u jikkontrollaw l‑istandards tal‑identità editorjali u viżiva tal‑QEA. It‑tradutturi tagħna pparteċipaw ukoll fl‑attivitajiet tal‑awditjar tagħna, billi offrew assistenza lingwistika kemm matul iż‑żjarat tal‑awditjar, il‑laqgħat online jew ibridi kif ukoll fil‑kitba tar‑rapporti biex iċ‑ċarezza tal‑lingwa tkun żgurata. Barra minn hekk, kienu involuti f’xogħol ta’ komunikazzjoni, fejn taw pariri lingwistiċi u tejbu l‑kwalità billi fasslu messaġġi apposta għall‑udjenza fil‑mira, pereżempju permezz ta’ adattament kulturali.

Ċibersigurtà

Ċibersigurtà:
theddidiet dejjem jiżdiedu

It‑Tim tas‑Sigurtà tal‑IT tal‑QEA huwa inkarigat biż‑żamma tas‑sigurtà tas‑servizzi tal‑IT tagħna. Din, huma jiksbuha bl‑appoġġ tal‑Iskwadra Interistituzzjonali ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal‑Kompjuters, is‑CERT‑UE. Dan l‑appoġġ wera li kien partikolarment ta’ għajnuna fit‑trattament tal‑inċident ċibernetiku li seħħ f’Lulju 2023. Is‑sigurtà ta’ waħda mill‑gateways tagħna ma setgħetx tibqa’ garantita. Madankollu, investigazzjonijiet ulterjuri ma żvelaw l‑ebda ksur tad‑data u l‑ebda sistema oħra kompromessa.

Sar progress fl‑implimentazzjoni tal‑pjan dwar iċ‑ċibersigurtà għall‑perjodu 2022‑2024, u għadd kbir ta’ azzjonijiet diġà tlestew jew qed jitlestew. Waħda mill‑azzjonijiet l‑aktar rilevanti li ġew implimentati kienet is‑sostituzzjoni tas‑soluzzjoni VPN permezz ta’ teknoloġija ta’ aċċess remot b’fiduċja żero.

Il‑phishing kompla jkun it‑theddida ċibernetika prevalenti. Il‑QEA rrinforzat is‑soluzzjonijiet tas‑sigurtà tal‑email biex tkampja aħjar bl‑emails malizzjużi.

Fl‑2023 saru diversi kampanji ta’ phishing, inkluża kampanja li twettqet fil‑livell interistituzzjonali bit‑tmexxija tal‑QEA. Irreġistrajna żieda fl‑għadd ta’ persunal tal‑QEA li identifika u rrapporta l‑messaġġi ta’ phishing, filwaqt li bdejna wkoll nużaw għodda ġdida li tippermettilna nwettqu kampanji mmirati ta’ phishing.

Is‑sensibilizzazzjoni dwar iċ‑ċibersigurtà fost il‑persunal tal‑QEA baqgħet wieħed mill‑punti fokali prinċipali tat‑tim ISO. Minbarra l‑forma tradizzjonali ta’ komunikazzjoni bħal sessjonijiet ta’ taħriġ u bullettini, ġew ippubblikati diversi vidjos f’format ta’ intervista, billi wrew li huma teknika ta’ komunikazzjoni effettiva u moderna.

Il‑QEA lestiet ukoll l‑onboarding mas‑SECABC, li hija sistema ospitata mill‑Kummissjoni Ewropea, biex tiffaċilita l‑iskambju ta’ posta elettronika kriptata fost l‑istituzzjonijiet, il‑korpi u l‑aġenziji tal‑UE.

Azzjonijiet oħra jinkludu wkoll l‑attivazzjoni tal‑għażla “do not forward” f’Outlook u l‑projbizzjoni tal‑applikazzjoni TikTok.

Fl‑aħħar nett, il‑QEA kienet attiva fit‑tħejjija tar‑regolament interistituzzjonali l‑ġdid dwar iċ‑ċibersigurtà u diġà tapplika ħafna mid‑dispożizzjonijiet tiegħu.

Binjiet

Post tax‑xogħol inklużiv, sikur
u li jirrispetta l‑ambjent

Nemmnu b’mod ferm li post tax‑xogħol tajjeb huwa essenzjali biex jintlaħqu l‑għanijiet strateġiċi tal‑QEA. L‑impatt dirett fuq il‑benesseri tal‑persunal jikkontribwixxi biex il‑QEA ssir post tax‑xogħol attraenti.

Il‑viżjoni tagħna hija li lill‑impjegati kollha nipprovdulhom post tax‑xogħol sostenibbli, b’ambjent tax‑xogħol kollaborattiv, orjentat lejn il‑benesseri, sikur, inklużiv u li jirrispetta l‑ambjent.

Bħalissa aħna l‑proprjetarji ta’ tliet binjiet fid‑distrett Luxembourg Kirchberg (il‑binjiet “K1”, “K2” u “K3”) li joperaw bħala entità teknika integrata waħda. Nikru wkoll uffiċċji fil‑Lussemburgu għaċ‑ċentru tagħna ta’ rkupru f’każ ta’ diżastru.

Ġestjoni ambjentali

Bħala istituzzjoni tal‑UE, għandna d‑dmir li napplikaw il‑prinċipju tal‑ġestjoni ambjentali tajba fl‑attivitajiet kollha tagħna. Għalhekk, aħna impenjati li nnaqqsu kontinwament l‑impatt tagħna fuq l‑ambjent. Kull sena, nimmonitorjaw u nanalizzaw l‑emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġġenerati mill‑attivitajiet tagħna.

Il‑QEA hija kburija biċ‑ċertifikazzjoni EMAS (Skema ta’ Ġestjoni u Verifika Ambjentali) li kisbet. Noperaw b’suċċess sistema ta’ ġestjoni ambjentali li hija konformi mal‑EMAS, u nikkonformaw bis‑sħiħ mar‑rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni ISO 14001:2015.

Wara t‑tiġdid b’suċċess taċ‑ċertifikazzjoni EMAS sal‑2025, l‑awditu annwali tal‑verifikazzjoni esterna tal‑EMAS sar f’Ottubru 2023. Ir‑riżultati kienu ta’ suċċess, ma nstab l‑ebda nuqqas ta’ konformità u ġew identifikati ħafna prattiki tajba.

Fl‑aħħar nett, ġie approvat pjan ta’ azzjoni ġdid tal‑EMAS għall‑perjodu 2023‑2025.

Azzjonijiet biex nindirizzaw
il‑kriżi tal‑enerġija

Il‑QEA ħadet diversi miżuri biex tindirizza l‑kriżi tal‑enerġija wara l‑pjan “Niffrankaw il‑Gass għal Xitwa Sikura” tal‑Kummissjoni u tal‑Kunsill. Ilħaqna tnaqqis ta’ 21 % għall‑perjodu 2022‑2023 meta mqabbel mal‑konsum medju matul il‑5 snin ta’ qabel.

Il‑QEA tibqa’ tieħu inkunsiderazzjoni r‑rakkomandazzjoni li ħareġ il‑Gvern tal‑Lussemburgu biex it‑temperatura tal‑binjiet li jitħaddmu mill‑awtoritajiet pubbliċi tiġi llimitata għal 20 C.

Wara l‑awditu tal‑enerġija tal‑binjiet tal‑QEA fl‑2022, ħadna l‑passi meħtieġa biex innaqqsu l‑konsum tal‑enerġija fil‑binjiet, bħall‑implimentazzjoni ta’ diversi miżuri matul is‑sajf tal‑2023: żidna t‑temperatura f’żoni bl‑arja kundizzjonata, tfejna s‑sistemi ta’ ventilazzjoni u tkessiħ f’xi żoni tal‑binjiet u naqqasna t‑tidwil fil‑kurituri u fit‑turġien K1 u K2 sad‑dawl ta’ sigurtà minima.

Pjan direzzjonali għat‑tnaqqis
tal‑emissjonijiet sal‑2030

Fl‑2022, twettaq studju dwar il‑potenzjal li jitnaqqsu l‑emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal‑QEA. It‑tnaqqis potenzjali tal‑emissjonijiet ġie vvalutat abbażi ta’ kalkoli annwali tal‑impronta tal‑karbonju u ideat miġbura matul il‑konsultazzjoni tad‑dipartimenti u l‑persunal kollha tal‑QEA fir‑rebbiegħa tal‑2022. It‑timijiet operazzjonali identifikaw u evalwaw 371 idea għat‑tnaqqis tal‑emissjonijiet, li wasslu għal 3 pjanijiet direzzjonali. Abbażi ta’ din ir‑riflessjoni, adottajna programm ambjentali ġdid għall‑perjodu 2023‑2025.

Rappurtar dwar is‑sostenibbiltà

Fl‑2023, ippubblikajna t‑tieni rapport tal‑QEA dwar is‑sostenibbiltà tagħna, li jikkorrispondi għas‑sena 2022. Ir‑rappurtar dwar is‑sostenibbiltà huwa l‑eżerċizzju tal‑evalwazzjoni, tal‑kejl u tar‑rappurtar dwar kif l‑organizzazzjoni tindirizza u timmaniġġja l‑impatti materjali tagħha fuq l‑ekonomija, fuq is‑soċjetà u fuq l‑ambjent. Ir‑rapport dwar is‑sostenibbiltà jagħti ħarsa ġenerali lejn l‑impatti tal‑operazzjonijiet tagħna. Jirrapporta wkoll kif fl‑awditi tagħna neżaminaw jekk il‑fondi tal‑UE humiex qed jappoġġaw tkabbir sostenibbli u inklużiv fl‑Ewropa u madwar id‑dinja. Huwa jipprovdi wkoll informazzjoni dwar l‑impatt tal‑istruttura tagħna u l‑modi li bihom noperaw mil‑lat amministrattiv sabiex inwettqu din il‑missjoni.

Ir‑rappurtar tagħna dwar is‑sostenibbiltà għas‑sena 2023 huwa mehmuż bħala Anness ta’ dan ir‑rapport.

Introduzzjoni

01 Dan l‑anness jiddeskrivi l‑isforzi kontinwi li qed nagħmlu biex inkunu istituzzjoni sostenibbli. Aħna u nagħżlu l‑kontenut, ispirajna ruħna mill‑istandards tal‑Inizjattiva Globali ta’ Rappurtar1 (GRI), u adattajniehom għall‑kuntest u l‑karatteristiki tagħna bħala istituzzjoni pubblika. L‑anness jiddeskrivi kif aħna nindirizzaw l‑impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tax‑xogħol li nwettqu, kemm internament kif ukoll esternament.

02 Din hija t‑tielet darba li rrappurtajna dwar is‑sostenibbiltà. L‑ewwel rapport dwar l‑2021 huwa disponibbli hawnhekk, u t‑tieni, dwar l‑2022, jista’ jinsab hawnhekk. Nistednuk tikkonsulta ż‑żewġ rapporti preċedenti sabiex tikkomplementa r‑rapport tal‑2023.

03 Meta dan id‑dokument kien qed jitħejja, ċerta data – b’mod partikolari dwar il‑konsum tar‑riżorsi – kienet għadha mhix disponibbli. Meta dan kien il‑każ, użajna ċ‑ċifri għall‑2022.

04 Għal aktar informazzjoni dwar l‑attivitajiet u r‑rapporti tal‑awditjar tal‑Qorti Ewropea tal‑Awdituri (QEA), jekk jogħġbok żur is‑sit web tagħna: www.eca.europa.eu. Tista’ wkoll:

  • issegwina fuq X (dak li qabel kien magħruf bħala Twitter)
  • tara l‑paġna tagħna fuq LinkedIn u Facebook
  • tara l‑vidjos tagħna fuq YouTube

1 L‑Inizjattiva Globali ta’ Rappurtar hija organizzazzjoni internazzjonali mingħajr skop ta’ qligħ. Il‑GRI tipproduċi Linji Gwida għar‑Rappurtar dwar is‑Sostenibbiltà, li huma mingħajr ħlas, biex il‑kumpaniji u l‑organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jirrappurtaw il‑prestazzjoni ekonomika, ambjentali, soċjali u ta’ governanza tagħhom. Il‑qafas tal‑GRI għar‑rappurtar dwar is‑sostenibbiltà jgħin lill‑kumpaniji jidentifikaw, jiġbru u jirrappurtaw din l‑informazzjoni b’mod ċar u kumparabbli.

Standards ekonomiċi

Prestazzjoni ekonomika

05 Id‑dispożizzjonijiet finanzjarji li jirregolaw il‑QEA huma stabbiliti fit‑Trattat dwar il‑Funzjonament tal‑UE2. Fl‑2023, il‑baġit tagħna kien ta’ EUR 175.1 miljun (EUR 162.1 miljun fl‑2022), b’rata ta’ eżekuzzjoni ta’ 98 % (98.5 % fl‑2022 u 97 % fl‑2021). Il‑baġit tagħna jirrappreżenta madwar 1.5 % tan‑nefqa amministrattiva totali tal‑UE (inqas minn 0.1 % tal‑infiq totali tal‑UE).

06 Il‑kontijiet annwali tagħna jitfasslu mill‑Uffiċjal tal‑Kontabbiltà tal‑QEA, u jiġu awditjati fuq bażi annwali minn awditur estern. Il‑kontijiet annwali awditjati, flimkien mar‑rapporti tal‑awditur estern, jintbagħtu lill‑Kummissjoni Ewropea għal skopijiet ta’ konsolidazzjoni, u lill‑Parlament Ewropew u lill‑Kunsill.

07 Aħna nagħtu ħarsa ġenerali lejn l‑implimentazzjoni tal‑baġit tagħna, u nispjegaw avvenimenti li kellhom impatt sinifikanti fuq ix‑xogħol li wettaqna fir‑Rapport annwali tagħna dwar il‑ġestjoni baġitarja u finanzjarja. Ir‑rapport jintbagħat lill‑Kummissjoni Ewropea, lill‑Parlament Ewropew u lill‑Kunsill.

2 l‑Artikoli 310 sa 325.

L‑għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli tan‑NU f’kuntest tal‑UE

08 Bħala istituzzjoni suprema tal‑awditjar, il‑QEA għandha kontribut siewi x’tagħti, permezz tal‑awditi tagħha, biex jintlaħqu s‑17‑il għan ta’ żvilupp sostenibbli (SDGs) tan‑Nazzjonijiet Uniti (NU). F’konformità mal‑mandat u l‑prijoritajiet tagħna, aħna nimmonitorjaw l‑implimentazzjoni, nittraċċaw il‑progress, u nidentifikaw titjib fl‑SDGs kollha.

09 Filwaqt li ma wettaqna l‑ebda awditu li jiffoka speċifikament fuq l‑implimentazzjoni tal‑SDGs, ippubblikajna għadd ta’ rapporti dwar suġġetti rilevanti għal SDG wieħed jew aktar. Fl‑2023, ippubblikajna 35 rapport, kemm rapporti speċjali kif ukoll dawk analitiċi. Minn dawn ir‑rapporti, 89 % (62 % fl‑2022) koprew suġġetti li huma rilevanti għall‑ilħuq tal‑SDGs tan‑NU. It‑tabella ta’ hawn taħt tagħti stampa ġenerali tar‑rabta bejn ir‑rapporti tagħna u l‑SDGs. Informazzjoni aġġornata regolarment dwar dan is‑suġġett hija disponibbli hawnhekk.

Tabella 1 – Kontenut rilevanti tal‑SDGs tan‑NU fir‑rapporti tal‑QEA tal‑2023

Rapport SDG relatat
Ir‑Rapport Speċjali 01/2023: “Għodod li ffaċilitaw l‑ivvjaġġar ġewwa l‑UE matul il‑pandemija tal‑COVID‑19 – Inizjattivi rilevanti, b’impatt li jvarja bejn suċċess u użu limitat”. M/A
Ir‑Rapport Speċjali 02/2023: “L‑adattament tar‑regoli tal‑politika ta' koeżjoni biex jirrispondu għall‑COVID‑19 – Il‑fondi jintużaw b'mod aktar flessibbli, iżda hija meħtieġa riflessjoni dwar il‑politika ta' koeżjoni bħala għodda ta' reazzjoni għall‑kriżijiet”.
Ir‑Rapport Speċjali 03/2023: “Integrazzjoni tas‑suq intern tal‑elettriku – Arkitettura legali kumplessa, dewmien, dgħufijiet fil‑governanza u sorveljanza tas‑suq inkompleta jfixklu l‑ilħuq sħiħ tal‑objettiv ambizzjuż”.
Ir‑Rapport Speċjali 04/2023: “L‑Alleanza Globali Kontra t‑Tibdil fil‑Klima(+) – Il‑kisbiet ma laħqux l‑ambizzjonijiet”.
Ir‑Rapport Speċjali 05/2023: “Ix‑xenarju finanzjarju tal‑UE – Struttura frammentata li teħtieġ aktar simplifikazzjoni u obbligu ta’ rendikont”. M/A
Ir‑Rapport Speċjali 06/2023: “Il‑kunflitt ta’ interess fl‑infiq fl‑oqsma tal‑koeżjoni u tal‑agrikoltura tal‑UE – Hemm qafas fis‑seħħ iżda jeżistu lakuni fil‑miżuri ta’ trasparenza u ta’ identifikazzjoni”.
Ir‑Rapport Speċjali 07/2023: “It‑tfassil tas‑sistema ta’ kontroll tal‑Kummissjoni għall‑RRF – Minkejja li qed jiġi ppjanat xogħol estensiv, fil‑mudell il‑ġdid ta’ implimentazzjoni għad hemm nuqqas fl‑aċċertament u fl‑obbligu ta’ rendikont fil‑livell tal‑UE”.
Ir‑Rapport Speċjali 08/2023: “Trasport intermodali tal‑merkanzija – L‑UE għadha ’l bogħod milli tittrasferixxi l‑merkanzija lil hinn mit‑toroq”.
Ir‑Rapport Speċjali 09/2023: “L‑iżgurar tal‑ktajjen tal‑provvista tal‑prodotti agrikoli matul il‑COVID‑19 – Ir‑rispons tal‑UE kien rapidu, iżda ma kienx immirat biżżejjed mill‑Istati Membri”.
Ir‑Rapport Speċjali 10/2023: “L‑Azzjoni preparatorja fuq ir‑riċerka dwar id‑difiża – Xi tagħlimiet ittieħdu, iżda l‑valur bħala testbed għal żieda fl‑infiq tal‑UE fuq id‑difiża tnaqqas minħabba restrizzjonijiet ta’ żmien u minħabba riżultati limitati”.
Ir‑Rapport Speċjali 11/2023: “Appoġġ mill‑UE għad‑diġitalizzazzjoni tal‑iskejjel – Investimenti sinifikanti, iżda l‑Istati Membri jonqsilhom fokus strateġiku fl‑użu tal‑finanzjament mogħti mill‑UE”.
Ir‑Rapport Speċjali 12/2023: “Superviżjoni mill‑UE tar‑riskju ta’ kreditu tal‑banek – Il‑BĊE żied l‑isforzi tiegħu iżda huma meħtieġa aktar sforzi biex jiżdied l‑aċċertament li r‑riskju ta’ kreditu jiġi mmaniġġjat u kopert b’mod xieraq”.
Ir‑Rapport Speċjali 13/2023: “Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati – Programm għad‑dwana solidu b’potenzjal mhux sfruttat u b’implimentazzjoni mhux uniformi”.
Ir‑Rapport Speċjali 14/2023: “Programmazzjoni tal‑Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall‑Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali: Programmi komprensivi b’defiċjenzi fil‑metodi għall‑allokazzjoni tal‑fondi u għall‑monitoraġġ tal‑impatt”.
Ir‑Rapport Speċjali 15/2023: “Il‑politika industrijali tal‑UE dwar il‑batteriji – Jinħtieġ impetu strateġiku ġdid”.
Ir‑Rapport Speċjali 16/2023: “Il‑ġestjoni tad‑dejn tal‑NGEU fi ħdan il‑Kummissjoni – Bidu inkoraġġanti, iżda jinħtieġ aktar allinjament mal‑aħjar prattika”.
Ir‑Rapport Speċjali 17/2023: “Ekonomija ċirkolari – It‑tranżizzjoni min‑naħa tal‑Istati Membri miexja bil‑mod minkejja l‑azzjoni tal‑UE”.
Ir‑Rapport Speċjali 18/2023: “Il‑miri tal‑UE għall‑klima u għall‑enerġija – Il‑miri għall‑2020 inkisbu, iżda ftit hemm indikazzjoni li l‑azzjonijiet biex jintlaħqu l‑miri għall‑2030 se jkunu suffiċjenti”.
Ir‑Rapport Speċjali 19/2023: “L‑isforzi tal‑UE għal ġestjoni sostenibbli tal‑ħamrija – Standards mhux ambizzjużi u mmirar limitat”.
Ir‑Rapport Speċjali 20/2023: “Nappoġġaw lill‑persuni b’diżabilità – L‑impatt prattiku tal‑azzjoni mill‑UE huwa limitat”.
Ir‑Rapport Speċjali 21/2023: “L‑Inizjattiva Spotlight biex tintemm il‑vjolenza kontra n‑nisa u l‑bniet – Ambizzjuża iżda sa issa kellha impatt limitat”.
Ir‑Rapport Speċjali 22/2023: “Enerġija rinnovabbli lil hinn mill‑kosta fl‑UE – Pjanijiet ambizzjużi għat‑tkabbir, iżda s‑sostenibbiltà tibqa’ sfida”.
Ir‑Rapport Speċjali 23/2023: “Ir‑ristrutturar u t‑tħawwil tal‑vinji fl‑UE – Impatt mhux ċar fuq il‑kompetittività u ambizzjoni ambjentali limitata”.
Ir‑Rapport Speċjali 24/2023: “Bliet intelliġenti – Soluzzjonijiet tanġibbli, iżda l‑frammentazzjoni hija ta’ sfida għall‑adozzjoni usa’ tagħhom”.
Ir‑Rapport Speċjali 25/2023: “Il‑politika tal‑akkwakultura tal‑UE – Produzzjoni staġnata u riżultati mhux ċari minkejja finanzjament akbar mill‑UE”.
Ir‑Rapport Speċjali 26/2023: “Il‑qafas ta’ monitoraġġ tal‑prestazzjoni tal‑Faċilità għall‑Irkupru u r‑Reżiljenza – Jitkejjel il‑progress li sar fl‑implimentazzjoni iżda dan mhux suffiċjenti biex il‑prestazzjoni tintwera”.
Ir‑Rapport Speċjali 27/2023: “Skrinjar tal‑investiment dirett barrani fl‑UE – Ittieħdu l‑ewwel passi, iżda għad hemm limitazzjonijiet sinifikanti fl‑indirizzar effettiv ta’ riskji għas‑sigurtà u l‑ordni pubbliku”. M/A
Ir‑Rapport Speċjali 28/2023: “L‑akkwist pubbliku fl‑UE – Inqas kompetizzjoni għal kuntratti aġġudikati għal xogħlijiet, oġġetti u servizzi fl‑10 snin li jippreċedu l‑2021”.
Ir‑Rapport Speċjali 29/2023: “L‑appoġġ mill‑UE għal bijokarburanti sostenibbli fit‑trasport – It‑triq ’il quddiem mhijiex ċara”.
Ir‑Rapport Analitiku 01/2023: “Finanzjament mill‑UE permezz tal‑politika ta’ koeżjoni u l‑Faċilità għall‑Irkupru u r‑Reżiljenza: Analiżi komparattiva”. M/A
Ir‑Rapport Analitiku 02/2023: “Azzjonijiet tal‑UE biex jiġi indirizzat l‑ammont dejjem jiżdied ta’ skart perikoluż”.
Ir‑Rapport Analitiku 03/2023: “It‑trasport ta’ annimali ħajjin fl‑UE: sfidi u opportunitajiet”.
Ir‑Rapport Analitiku 04/2023: “Id‑diġitalizzazzjoni tal‑ġestjoni tal‑fondi tal‑UE”.
Ir‑Rapport Analitiku 05/2023: “Riforma tal‑governanza ekonomika tal‑UE: Opportunitajiet b’riskji u sfidi”.
Ir‑Rapport Analitiku 06/2023: “Ir‑rapport annwali tal‑Kummissjoni dwar il‑ġestjoni u l‑prestazzjoni għall‑baġit tal‑UE għall‑2022”.

Prattiki fl‑akkwist pubbliku

10 Il‑prattiki kollha tal‑QEA fl‑akkwist pubbliku huma suġġetti għar‑Regolament Finanzjarju3, u l‑proċeduri ta’ akkwist pubbliku li dan jistabbilixxi nużawhom meta nakkwistaw oġġetti, servizzi jew xogħlijiet. Il‑Kundizzjonijiet ġenerali għal kuntratti ta’ provvista, servizzi u xogħlijiet huwa dokument pubbliku, disponibbli fuq is‑sit web tagħna, li jistabbilixxi r‑relazzjoni kuntrattwali bejn il‑QEA u l‑fornituri, il‑provdituri ta’ servizzi u l‑kuntratturi tagħha.

11 Fl‑2023, il‑QEA xtrat oġġetti u servizzi li jammontaw għal EUR 23 426 750.05 (EUR 5 512 853 fl‑2022 u EUR 15 215 515 fl‑2021), li minnhom ix‑xiri mingħand fornituri lokali ammonta għal EUR 21 453 665.05 (EUR 4 848 701 fl‑2022 u EUR 10 144 812 fl‑2021). Il‑perċentwal tal‑infiq fuq fornituri lokali kien ta’ 91.58 % (88 % fl‑2022 u 67 % fl‑2021).

12 Fl‑interessi tat‑trasparenza, il‑prattiki u l‑proċeduri li nużaw għall‑akkwist pubbliku jsiru pubbliċi. Il‑paġna web tagħna telenka s‑sejħiet għall‑offerti fil‑QEA, l‑ippjanar ta’ kuntratti ta’ valur baxx u medju, il‑listi annwali ta’ kuntratti, u l‑kundizzjonijiet ġenerali għall‑kuntratti ta’ provvista, servizzi u xogħlijiet tal‑Qorti Ewropea tal‑Awdituri.

3 Ir‑Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal‑Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir‑regoli finanzjarji applikabbli għall‑baġit ġenerali tal‑Unjoni.

Ġlieda kontra l‑korruzzjoni

13 Fir‑rigward tal‑operazzjonijiet ivvalutati għar‑riskji ta’ korruzzjoni, jeħtiġilna niddistingwu bejn operazzjonijiet esterni u interni. “Operazzjonijiet esterni” tirreferi għal operazzjonijiet jew tranżazzjonijiet taħt il‑baġit tal‑UE, li aħna nivverifikaw bħala parti mix‑xogħol tal‑awditjar li nwettqu.

14 Bħala l‑awditur estern tal‑UE, il‑QEA ma għandhiex mandat biex tinvestiga każijiet ta’ frodi suspettata fil‑konfront tal‑interessi finanzjarji tal‑UE. Madankollu, għalkemm jista’ jkun diffiċli biex il‑każijiet ta’ frodi jiġu identifikati permezz ta’ proċeduri standard tal‑awditjar, ix‑xogħol tal‑awditjar li nwettqu jiżvela għadd ta’ każijiet ta’ frodi suspettata kull sena. Dawn il‑każijiet jiġu rrappurtati lill‑OLAF, l‑Uffiċċju tal‑Unjoni Ewropea ta’ Kontra l‑Frodi, permezz ta’ mekkaniżmi u kanali ta’ kooperazzjoni stabbiliti bejn iż‑żewġ organizzazzjonijiet. Jekk jitqies meħtieġ, dawn jistgħu jiġu rrappurtati wkoll fl‑istess ħin lill‑Uffiċċju tal‑Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE).

15 L‑ebda każ ta’ frodi ma ġie rrappurtat fl‑2023 b’rabta ma’ operazzjonijiet interni.

16 Fir‑rigward tat‑taħriġ preventiv, fl‑2023 organizzajna 24 kors ta’ taħriġ dwar il‑politiki u l‑proċeduri ta’ kontra l‑korruzzjoni (21 fl‑2022 u 15 fl‑2021), li damu total ta’ 175 siegħa (156 siegħa fl‑2022 u 76 siegħa fl‑2021).

17 Għal dawn l‑avvenimenti attendew 1 069 parteċipant4 (612 fl‑2022, u 1 011 fl‑2021), u kienu miftuħa għall‑persunal kollu tal‑QEA, inklużi l‑Membri tal‑QEA.

4 Iċ‑ċifra turi l‑għadd totali ta’ persuni li attendew.

Standards soċjali

Impjieg

18 Aħna niddependu fuq il‑ħiliet u l‑motivazzjoni tal‑persunal tagħna biex nilħqu l‑objettivi tal‑programm ta’ ħidma annwali tagħna. Għalhekk, hija prijorità ewlenija tagħna li nirreklutaw il‑persuni t‑tajba fil‑ħin opportun, u l‑politiki dwar l‑involviment tal‑persunal huma vitali. It‑Tabella 2 turi s‑sitwazzjoni tal‑persunal tagħna fi tmiem l‑2023, skont in‑nazzjonalità u t‑tip ta’ impjegat:

Tabella 2 – Il‑persunal tal‑QEA fil‑31.12.20235

Pajjiż Uffiċjali Persunal temporanju Persunal bil‑kuntratt SNEs Total tal‑persunal
L‑Awstrija 7 5   1 13
Il‑Belġju 44 7 9   60
Il‑Bulgarija 28 7     35
Il‑Kroazja 3 6 2 1 12
Ċipru 4 4 1   9
Ir‑Repubblika Ċeka 26 4 1 1 32
Id‑Danimarka 6 4     10
L‑Estonja 9 4 1   14
Il‑Finlandja 13 5   1 19
Franza 79 24 18 3 124
Il‑Ġermanja 63 14 2   79
Il‑Greċja 36 18 6 3 63
L‑Ungerija 24 6 2   32
L‑Irlanda 10 8 1   19
L‑Italja 52 13 7   72
Il‑Latvja 10 5 1 1 17
Il‑Litwanja 14 5 5   24
Il‑Lussemburgu 3 4 5 1 13
Malta 5 6     11
In‑Netherlands 8 4     12
Il‑Polonja 52 7 4 2 65
Il‑Portugall 26 9 9   44
Ir‑Rumanija 46 9 2 2 59
Is‑Slovakkja 9 3   3 15
Is‑Slovenja 10 6 3   19
Spanja 44 11 7 1 63
L‑Iżvezja 13 2   1 16
L‑Ukrajna   1   5 6
Ir‑Renju Unit 9 3     12
Għadd totali 653 204 86 26 969

Sors: il‑QEA.

Fi tmiem l‑2023, impjegajna 969 membru tal‑persunal6 (954 fl‑2022), li 67.4 % minnhom huma uffiċjali (68.2 % fl‑2022). Il‑persunal tagħna jiġi reklutat mis‑27 Stat Membru kollha tal‑UE u mir‑Renju Unit. Għal informazzjoni dwar ir‑reklutaġġ fl‑2023, ara t‑taqsima “Reklutaġġ” fil‑parti prinċipali ta’ dan id‑dokument.

19 Għal statistika dwar il‑bilanċ bejn il‑ġeneri fil‑QEA, ara t‑taqsima “Opportunitajiet indaqs” fid‑dokument prinċipali.

20 Fl‑1 ta’ Jannar 2022, il‑QEA adottat mudell tax‑xogħol ibridu, li jintroduċi approċċ flessibbli għall‑ħin tax‑xogħol bħala komponent essenzjali tal‑ġestjoni tar‑riżorsi umani. Minn dak iż‑żmien ’il hawn, il‑ħin flessibbli huwa l‑arranġament tax‑xogħol prestabbilit, li jippermetti lill‑persunal jikseb bilanċ aħjar bejn ix‑xogħol u l‑ħajja privata, filwaqt li jqis il‑ħtiġijiet tas‑servizz. L‑arranġament jikkontribwixxi wkoll b’mod pożittiv għall‑bilanċ bejn il‑ġeneri u l‑effiċjenza organizzazzjonali.

21 Il‑QEA tipparteċipa f’inizjattiva ta’ livell għoli, imnedija mill‑Kummissarju Johannes Hahn, biex iżżid aktar l‑attraenza tal‑Lussemburgu bħala post tax‑xogħol, bl‑għan li jintlaħaq ftehim dwar azzjonijiet speċifiċi li għandhom jiġu implimentati mill‑istituzzjonijiet kollha tal‑UE bbażati fil‑Lussemburgu. L‑istituzzjonijiet qablu li jniedu 4 gruppi ta’ ħidma biex jaħdmu fuq l‑iżvilupp ta’ 12‑il azzjoni speċifika. Grupp ta’ ħidma wieħed huwa ppresedut mid‑Direttur għar‑Riżorsi Umani tal‑QEA. Dan jikkonsisti f’2 sottogruppi ta’ ħidma: wieħed dwar il‑komunikazzjoni interistituzzjonali konġunta, u t‑tieni wieħed iddedikat għat‑trawwim tar‑relazzjonijiet mal‑akkademja Ewropea – magħruf ukoll bħala n‑Network REA – li huwa mmexxi mill‑QEA.

5 Din it‑tabella tippreżenta l‑persunal effettiv li kien qed jaħdem mal‑QEA fil‑31 ta’ Diċembru 2023 (857 membru tal‑persunal permanenti u temporanju, 26 espert nazzjonali sekondat u 86 membru tal‑persunal bil‑kuntratt). It‑tabella ma tinkludix lill‑25 Membru tal‑QEA. Barra minn hekk, l‑għadd ta’ postijiet permanenti u temporanji (ippreżentati fil‑paġna 50 tad‑dokument prinċipali) huwa għola minn dan (882 post) minħabba li jinkludi l‑postijiet vakanti fi tmiem l‑2023.

6 Bl‑esklużjoni ta’ 25 Membru tal‑QEA.

Opportunitajiet indaqs, diversità u inklużjoni

22 Il‑QEA timpjega fuq il‑bażi ta’ opportunitajiet indaqs, u aħna impenjati li noffru opportunitajiet tal‑karriera ndaqs għall‑persunal tagħna fil‑livelli kollha fl‑Istituzzjoni. Il‑prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs huwa minqux fl‑Artikolu 1 tar‑Regolamenti tal‑Persunal, li jipprojbixxi d‑diskriminazzjoni għal kwalunkwe raġuni. Dan jinkludi ugwaljanza sħiħa bejn l‑irġiel u n‑nisa fuq il‑post tax‑xogħol.

23 Fl‑2023, il‑QEA kompliet timplimenta b’mod attiv il‑politika tagħha dwar id‑diversità u l‑inklużjoni (D&I) li tnediet fl‑2021. Din inkludiet il‑pubblikazzjoni interna ta’ aġġornament tal‑linji gwida dwar l‑opportunitajiet indaqs għall‑persunal, u sejħiet differenti għal espressjonijiet ta’ interess għar‑reklutaġġ ta’ medjaturi u konsulenti kunfidenzjali, kemm interni kif ukoll esterni; u aġġornament tal‑linji gwida dwar ir‑ritorn għax‑xogħol wara liv tal‑mard fit‑tul. Sa mill‑bidu tal‑2023, offrejna wkoll inizjattiva dwar l‑ewwel għajnuna għas‑saħħa mentali lill‑persunal.

24 Fl‑2023 ukoll, il‑QEA saret membru tal‑ International Dual Career Network (IDCN) fil‑Lussemburgu, li hija organizzazzjoni globali li tiffoka fuq l‑għoti ta’ appoġġ għall‑iżvilupp tal‑karriera u għall‑benesseri tas‑sħab u tal‑konjuġi tal‑impjegati tagħna. L‑IDCN toffri firxa wiesgħa ta’ servizzi, minn fehim approfondit dwar is‑suq tax‑xogħol lokali, sa għoti ta’ għajnuna fejn jidħlu CVs, avvenimenti ta’ networking, u għoti ta’ aċċess lil networks tan‑negozju lokali permezz ta’ membri oħra tal‑IDCN. Is‑sħab u l‑konjuġi kollha tal‑impjegati tal‑QEA bbażati fil‑Lussemburgu jistgħu jissieħbu mal‑IDCN.

25 Din is‑sena, il‑QEA ġiet innominata għal Premju tal‑Ombudsman għal Amministrazzjoni Tajba b’rikonoxximent tal‑Ġimgħa ta’ Sensibilizzazzjoni dwar id‑Diżabilità, li organizzajna aħna (kategorija: eċċellenza fid‑diversità u l‑inklużjoni). Il‑Premju tal‑Ombudsman Ewropew għal Amministrazzjoni Tajba jirrikonoxxi l‑ħidma mwettqa mill‑korpi tal‑UE li jkollha impatt pożittiv viżibbli u dirett fuq il‑ħajja tan‑nies fl‑Ewropa u lil hinn minnha. L‑għan huwa li dawn l‑eżempji jitwasslu lil udjenza usa’, u li tinxtered prattika tajba fi ħdan l‑istituzzjonijiet.

26 Ma ġie rrappurtat l‑ebda inċident ta’ diskriminazzjoni fl‑2023.

Libertà ta’ assoċjazzjoni u negozjar kollettiv

27 Il‑membri kollha tal‑persunal huma suġġetti għar‑Regolamenti tal‑Persunal għall‑Uffiċjali tal‑Unjoni Ewropea u l‑Kundizzjonijiet tal‑Impjieg applikabbli għall‑Aġenti l‑Oħra tal‑Unjoni Ewropea.

28 Il‑membri tal‑persunal tal‑QEA jgawdu mil‑libertà ta’ assoċjazzjoni. Dan huwa rregolat minn ftehim qafas mal‑unions tal‑persunal, li ġie ffirmat fl‑2018. Fost affarijiet oħra, il‑ftehim jirregola r‑rwol u l‑funzjonijiet tal‑unions tal‑persunal u l‑proċeduri ta’ konċiljazzjoni, kif ukoll id‑dritt tal‑persunal li jistrajkja. Sal‑lum, l‑unika union tal‑persunal li ffirmat dan il‑ftehim hija l‑Union Syndicale Luxembourg (USL).

29 Il‑persunal huwa rrappreżentat ukoll mill‑Kumitat tal‑Persunal, li jinkludi impjegati ta’ diversi gradi u gruppi ta’ funzjoni. Il‑Kumitat tal‑Persunal jista’ jiddiskuti mal‑Amministrazzjoni kwalunkwe mistoqsija mqajma mill‑persunal tal‑QEA.

30 Il‑Kumitat tal‑Persunal huwa previst fl‑Artikolu 9 tar‑Regolamenti tal‑Persunal, li jirrikjedi li l‑Kumitat jiġi kkonsultat f’għadd ta’ oqsma, bħall‑promozzjonijiet, iċ‑ċertifikazzjoni, u l‑irtirar bikri. Il‑Kumitat tal‑Persunal huwa rrappreżentat ukoll f’diversi kumitati konsultattivi (Taħriġ Professjonali, IT u Informazzjoni, Saħħa u Sigurtà, u Forniment tal‑Ikel). Barra minn hekk, huwa jagħti l‑opinjoni tiegħu dwar ċerti kwistjonijiet amministrattivi, bħal kompetizzjonijiet interni, reklutaġġ, tiġdid ta’ kuntratti, riklassifikazzjoni fil‑grad, u missjonijiet.

31 Fl‑2023, il‑paga minima ta’ dħul tagħna kienet għall‑persunal bil‑kuntratt fil‑grupp ta’ funzjoni FG I, grad 3 u skala 3, li jikkorrispondi għal salarju ta’ EUR 3 119.25 fix‑xahar. B’paragun ma’ dan, il‑paga minima fix‑xahar fil‑Lussemburgu għal ħaddiem tas‑sengħa kienet ta’ EUR 3 085.11 fl‑2023.

Taħriġ u edukazzjoni

32 Mill‑pandemija ’l hawn, u b’ambjent tax‑xogħol ibridu li issa jinsab fis‑seħħ, it‑taħriġ ikkombina taħriġ online ma’ korsijiet b’attendenza fiżika. Fl‑2023, organizzajna total ta’ 544 attività ta’ tagħlim (663 fl‑2022) dwar firxa wiesgħa ta’ suġġetti, għal total ta’ 12 041 parteċipant (16 014 fis‑sena preċedenti). Għal aktar informazzjoni dwar l‑attivitajiet ta’ taħriġ tagħna, ara t‑taqsima “Taħriġ professjonali” fil‑parti prinċipali ta’ dan id‑dokument.

Standards ambjentali

Il‑politika ambjentali tagħna

33 Il‑QEA adottat l‑ewwel politika ambjentali (EMAS) tagħha fl‑2014. Dan il‑proċess huwa bbażat fuq ċiklu ta’ tliet snin. Fi tmiem l‑2022, it‑tielet ċiklu tal‑EMAS tagħna intemm b’suċċess, meta ċ‑ċertifikazzjoni EMAS tagħna7 ġiet imġedda għal tliet snin oħra.

34 Permezz ta’ din il‑politika, il‑QEA impenjat ruħha li:

  • tieħu miżuri għall‑prevenzjoni tat‑tniġġis u għat‑tnaqqis tal‑emissjonijiet tad‑diossidu tal‑karbonju;
  • tippromwovi l‑użu effiċjenti tal‑enerġija u tieħu miżuri biex tnaqqas il‑konsum tal‑elettriku u tal‑ilma;
  • tiżgura użu aktar effiċjenti tal‑karti sabiex jitnaqqas il‑konsum;
  • tinkludi kriterji ambjentali fil‑proċeduri ta’ akkwist pubbliku tagħha;
  • tintroduċi l‑aħjar prattiki fir‑rigward tal‑immaniġġjar tal‑iskart;
  • tħeġġeġ lill‑membri kollha tal‑persunal jaġixxu b’mod sostenibbli u jikkontribwixxu b’mod attiv biex jintlaħqu l‑miri tal‑politika.

35 Għalhekk, f’Marzu 2023, aħna stabbilejna objettivi ġodda u ambizzjużi għall‑perjodu 2023‑2025, inkluż pjan ta’ azzjoni aġġornat.

7 Il‑QEA tikkonforma mar‑rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni tal‑istandard tal‑kwalità maqbul internazzjonalment ISO 14001:2015 (Sistema ta’ ġestjoni ambjentali), u għandha ċ‑ċertifikazzjoni uffiċjali ISO 14001.

Sommarju tar‑riżultati ambjentali

36 Aħna nimmonitorjaw regolarment il‑konsum tagħna tal‑utilitajiet, u ninsabu ħerqana li nieħdu diversi miżuri biex dan innaqqsuh. Pereżempju, ħadna diversi miżuri biex innaqqsu l‑konsum tal‑enerġija tagħna: immodernizzajna s‑sistemi ta’ ventilazzjoni, issostitwejna b’mod kontinwu l‑bozoz konvenzjonali b’bozoz LED li jikkunsmaw inqas enerġija, u naqqasna l‑ħin ta’ ventilazzjoni u tkessiħ matul ix‑xhur tas‑sajf.

37 Iċ‑ċifri għall‑konsum tal‑utilitajiet ikunu ġeneralment disponibbli waqt it‑tieni kwart tas‑sena ta’ wara, u għalhekk kienu għadhom mhux disponibbli għall‑2023 meta sar dan ir‑rapport. Għalhekk analizzajna x‑xejriet tal‑konsum għall‑2022 meta mqabbla ma’ dawk għall‑2021.

Tabella 3 – Il‑konsum tal‑utilitajiet għall‑2022 vs l‑2021, u x‑xejra mill‑2014 ’il hawn

Indikaturi għal kull FTE8 F’sena waħda Mill‑2014 ’il hawn
Elettriku 3.57 MWh/FTE − 2.7 % − 34.5 %
Tisħin (konsum standardizzat) 3.08 MWh/FTE − 6.0 % − 22.2 %
Karti 2 929.33 paġna/FTE + 46.5 % − 83.5 %
Emissjonijiet 8.25 tCO2e/FTE + 3.9 % − 29.5 %
Skart9 109.13 kg/FTE + 39.9 % − 33.7 %
Ilma 7.37 m³/FTE + 24.0 % − 45.3 %

Sors: il‑QEA.

38 Iż‑żidiet kbar fl‑indikaturi għall‑ilma, il‑ġenerazzjoni tal‑iskart u l‑konsum tal‑karti huma kollha marbuta mar‑ritorn għax‑xogħol tal‑persunal fil‑binjiet tal‑QEA wara li tneħħew ir‑restrizzjonijiet tal‑COVID. Hekk kif il‑persunal gradwalment reġa’ lura l‑uffiċċju, l‑għadd ta’ ikliet imħejjija fil‑kantin tal‑QEA żdied, bħalma żdiedu wkoll il‑konsum tal‑ilma u l‑ġenerazzjoni tal‑iskart.

39 Bħala parti mill‑isforzi ambjentali tagħna, inżommu kont tal‑impronta tal‑karbonju tagħna, u dan bl‑għan li nnaqqsuha. L‑emissjonijiet tagħna ta’ gassijiet serra (GHG) għall‑2022 ammontaw għal 7 989 tCO2e, tnaqqis ta’ 25 % mill‑2014 ’il hawn. Din hija konsegwenza diretta tal‑pjanijiet ta’ azzjoni li ħadna fil‑passat.

8 FTE: membru tal‑persunal ekwivalenti għall‑full‑time.

9 Il‑parametri tal‑kejl mhumiex ekwivalenti bejn l‑2014 u l‑2022.

Graff 1 – Emissjonijiet kumplessivi ta’ gassijiet serra għall‑2022

Sors: kalkolu mwettaq minn 21 Solutions, abbażi ta’ data tal‑QEA.

Graff 2 – Bidla fl‑impronta tal‑karbonju kumplessiva tal‑QEA mill‑2014 ’il hawn

Sors: kalkolu mwettaq minn 21 Solutions, abbażi ta’ data tal‑QEA.

Bijodiversità

40 L‑impatt tal‑attivitajiet tagħna fuq il‑bijodiversità huwa limitat. Madankollu, aħna nimmonitorjaw u nivvalutaw l‑impatti tagħna mil‑lat ta’ severità, frekwenza u livell ta’ kontroll. Jekk problema ssir sinifikanti, nieħdu azzjoni biex intaffu kwalunkwe riskju assoċjat.

41 Fl‑2023, aħna wettaqna analiżi estiża tal‑impatti tal‑attività tagħna u tal‑binjiet tagħna fuq il‑bijodiversità. L‑akbar impatt tagħna kien fuq il‑mobbiltà u l‑użu tal‑bini. Is‑sorsi prinċipali ta’ dan l‑impatt kienu l‑ivvjaġġar relatat max‑xogħol (prinċipalment, missjonijiet tal‑awditjar fuq il‑post) u l‑ivvjaġġar ta’ kuljum lejn l‑uffiċċju. It‑tieni l‑akbar impatt kien fuq l‑użu tagħna tal‑binjiet: il‑konsum tal‑enerġija, l‑użu tat‑tagħmir, ir‑riżorsi u t‑tagħmir tal‑IT, u l‑forniment tal‑ikel.

42 Biex nikkumpensaw għall‑impatt negattiv tagħna, aħna nistinkaw biex nagħmlu impatt pożittiv fuq il‑bijodiversità permezz ta’ diversi azzjonijiet u proġetti li, għalkemm jaf jidhru modesti, jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għas‑sensibilizzazzjoni fost il‑persunal. Fl‑2023, eżempji kienu jinkludu l‑azzjonijiet li ġejjin:

  • attivitajiet tal‑ekokomunità tal‑QEA: voluntiera fost il‑membri tal‑persunal jieħdu ħsieb ġnien komunitarju li jinsab fil‑bini tal‑QEA u waqqfu librerija taż‑żrieragħ; aħna ffirmajna sħubija ma’ NGO lokali natur&ëmwelt Fondation Hëllef fir d´Natur, u ħawwilna s‑siġar f’foresta lokali (tħawlu madwar 1 000 siġra bħala parti minn 2 azzjonijiet differenti); u organizzajna “Repair cafés” fejn voluntiera sewwew oġġetti tad‑dar miksura għall‑kollegi tagħhom.
  • trobbija tan‑naħal: komplejna nrabbu b’suċċess diversi kolonji tan‑naħal fil‑ġnien li jinsab fil‑bini tal‑QEA, u pproduċejna l‑għasel tagħna stess. Din l‑attività hija mmaniġġjata mill‑voluntiera. L‑għasel li nipproduċu jintuża bħala rigali għal skopijiet ta’ protokoll.
  • Għall‑ewwel darba, stabbilejna għalina nfusna mira li tista’ titkejjel f’dak li jikkonċerna l‑bijodiversità fil‑pjan ta’ azzjoni ambjentali l‑ġdid tagħna bl‑għan li nżidu l‑ispazji ekoloġiċi b’1 % sa tmiem l‑2025.
  • Aħna organizzajna l‑ewwel workshop dwar il‑bijodiversità għall‑persunal biex nissensibilizzaw dwar l‑impatt tat‑telf tal‑bijodiversità, u offrejna lill‑persunal żjara ggwidata tat‑torri tal‑ilma Ban de Gasperich bl‑għan li jifhem il‑problemi relatati mal‑ġestjoni tal‑ilma.

Sensibilizzazzjoni

43 Komplejna norganizzaw avvenimenti, lekċers u kondiviżjoni tal‑għarfien għall‑persunal, u qsamna l‑għarfien u s‑sejbiet mir‑rapporti tagħna fl‑istituzzjonijiet tal‑UE:

  • ipparteċipajna fil‑jiem interistituzzjonali tal‑EMAS tal‑UE, fejn ippreżentajna r‑rapport tagħna dwar is‑sostenibbiltà għall‑2022, ir‑rapport tagħna dwar ir‑rispons tal‑aġenziji tal‑UE għall‑kriżi tal‑enerġija u r‑rappurtar dwar is‑sostenibbiltà, u l‑inizjattiva “Repair café”.
  • Fl‑2023, iffirmajna konvenzjoni mal‑Ministeru tat‑Trasport tal‑Lussemburgu biex niżviluppaw pjan ta’ mobbiltà ħalli nsaħħu l‑użu tal‑mobbiltà mhux motorizzata min‑naħa tal‑persunal.
  • Bdejna nimmonitorjaw l‑iskart aktar mill‑qrib, billi nużaw software speċjalizzat u billi nixtru mwieżen elettroniċi.
  • Organizzajna diversi moduli ta’ taħriġ dwar is‑sensibilizzazzjoni ambjentali għall‑persunal, inkluż taħriġ online għal membri tal‑persunal ġodda fil‑forma ta’ “Climate Fresk” (workshop dwar ix‑xjenza fundamentali wara t‑tibdil fil‑klima), u lekċer dwar l‑analiżi tar‑riskju sistemiku.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: https://eca.europa.eu/mt/contact
Sit web: https://eca.europa.eu
Twitter: @EUauditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (https://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2024

PDF ISBN 978-92-849-1987-1 ISSN 2362-9568 doi:10.2865/270876 QJ-AA-24-001-MT-N
HTML ISBN 978-92-849-1896-6 ISSN 2362-9568 doi:10.2865/792377 QJ-AA-24-001-MT-Q
PRINT ISBN 978-92-849-1907-9 ISSN 1831-1318 doi:10.2865/017 QJ-AA-24-001-MT-C

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 24 lingwa fil-format li ġejt:

PDF
PDF General Report

DRITT TAL‑AWTUR

© L‑Unjoni Ewropea, 2024

Il‑politika tal‑Qorti Ewropea tal‑Awdituri (QEA) dwar l‑użu mill‑ġdid hija stabbilita fid‑Deċiżjoni Nru 6‑2019 tal‑QEA dwar il‑politika tad‑data miftuħa u l‑użu mill‑ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id‑drittijiet tal‑awtur), il‑kontenut tad‑dokumenti tal‑QEA li jkun proprjetà tal‑UE huwa liċenzjat taħt il‑liċenzja tal‑Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Għalhekk, bħala regola ġenerali, l‑użu mill‑ġdid huwa awtorizzat dment li jingħata kreditu xieraq u li kwalunkwe bidla tiġi indikata. Dawk li jużaw mill‑ġdid il‑kontenut tal‑QEA ma jistgħux ibiddlu s‑sinifikat jew il‑messaġġ oriġinali. Il‑QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal‑użu mill‑ġdid.

Irid jinkiseb permess addizzjonali jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il‑membri tal‑persunal tal‑QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza.

Fejn ikun inkiseb tali permess, dan għandu jikkanċella u jissostitwixxi l‑permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l‑użu.

L‑użu mill‑ġdid tar‑ritratti li ġejjin huwa awtorizzat dment li jiġu indikati d‑detentur tad‑drittijiet tal‑awtur, is‑sors u, fejn ikun meħtieġ, l‑ismijiet tal‑fotografi:

* © L‑Unjoni Ewropea, 2023. Sors: il‑Qorti Ewropea tal‑Awdituri.

* (it‑tieni ringiela, mal‑lemin): © L‑Unjoni Ewropea, 2021. Sors: Il‑Kummissjoni Ewropea – fotografu: Christophe Licoppe. Periti tal‑bini: André Polak, Lucien De Vestel u Jean Gilson.

*, *, * © L‑Unjoni Ewropea, 2023. Sors: il‑Qorti Ewropea tal‑Awdituri.

* © L‑Unjoni Ewropea, 2023. Sors: il‑Parlament Ewropew/Alexis Haulot.

* © L‑Unjoni Ewropea, 2023. Sors: Il‑Kummissjoni Ewropea/Christophe Licoppe.

Anness – Ir‑rappurtar tagħna dwar is‑sostenibbiltà għall‑2023:

Faċċata: © L‑Unjoni Ewropea, 2017. Sors: il‑Qorti Ewropea tal‑Awdituri. Periti tal‑binjiet: Paul Noël (1988) u Jim Clemes (2004 u 2013).

Tabella 1 – ikoni SDG: Dritt tal‑Awtur © In‑Nazzjonijiet Uniti. Id‑drittijiet kollha huma riżervati. Il‑kontenut ta’ din il‑pubblikazzjoni ma ġiex approvat min‑Nazzjonijiet Uniti u ma jirriflettix il‑fehmiet tan‑Nazzjonijiet Uniti jew tal‑uffiċjali tagħha. L‑ikoni għal‑lingwi uffiċjali mhux tan‑NU jew tniżżlu minn fuq Trello jew inkella nħolqu mill‑Qorti Ewropea tal‑Awdituri. In‑Nazzjonijiet Uniti ma tassumi l‑ebda responsabbiltà jew obbligu li joħorġu mit‑traduzzjoni tat‑test tal‑ikoni SDG għal lingwi uffiċjali mhux tan‑NU.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal‑UE, jista’ jkun meħtieġ li titlob il‑permess direttament mingħand id‑detenturi tad‑drittijiet tal‑awtur:

* (l‑ewwel ringiela, max‑xellug): © stock.adobe.com/Rusland.

* (l‑ewwel ringiela, mal‑lemin): © stock.adobe.com/kunakorn.

* (it‑tieni ringiela, mal‑lemin): © shutterstock.com/Artem Kontratiev.

* (it‑tielet ringiela, max‑xellug): © stock.adobe.com/katafree.

* (it‑tieni ringiela, mal‑lemin): © stock.adobe.com/ufly.

* (ir‑raba’ ringiela, max‑xellug): © stock.adobe.com/Suheyp.

* (ir‑raba’ ringiela, mal‑lemin): © stock.adobe.com/Семен Саливанчук.

* © stock.adobe.com/Antony Weerut.

* © stock.adobe.com/phonlamaiphoto.

* ©stock.adobe.com/AungMyo.

* © depositphotos.com/XavierLejeune.

* (mix‑xellug għal‑lemin, ritratti tal‑faċċata): © depositphotos.com/Andrey Popov/Kav777; © depositphotos.com/Salajean.

* © Tribunal de Contas de Portugal (il‑Qorti tal‑Awditjar Portugiża), 2023. Perit tal‑bini: Diogo de Boitaca.

* © GLOBAL VIEW SPRL – fotografu: Simon Schmitt. Periti tal‑binjiet: Paul Noël (1988) u Jim Clemes (2004 u 2013).

Anness – Ir‑rappurtar tagħna dwar is‑sostenibbiltà għall‑2023:

*, * it‑tabella u l‑graffs tfasslu bl‑użu ta’ ikoni mingħand Flaticon.com. © Freepik Company S.L. Id‑drittijiet kollha huma riżervati.

Software jew dokumenti li jkunu koperti mid‑drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill‑politika tal‑QEA dwar l‑użu mill‑ġdid.

Il‑familja ta’ siti web istituzzjonali tal‑Unjoni Ewropea, fid‑dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l‑QEA ma għandha l‑ebda kontroll fuq dawn, inti mħeġġeġ taqra l‑politiki tagħhom dwar il‑privatezza u dwar id‑drittijiet tal‑awtur.

Użu tal‑logo tal‑QEA

Ma jistax isir użu mil‑logo tal‑QEA mingħajr ma jinkiseb il‑kunsens tagħha minn qabel.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-­indirizz tal-eqreb ċentru għalik online (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).

Bit-telefown jew bil-miktub
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja lil dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696,
  • permezz ta’ din il-formola:european-union.europa.eu/contact-eu/write-us_mt.

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Online
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa (european-union.europa.eu).

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tara jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE minn op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tad-dokumentazzjoni lokali tiegħek (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex (eur-lex.europa.eu).

Data miftuħa tal-UE
Il-portal data.europa.eu jagħti aċċess għal settijiet tad-data miftuħa mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE. Dawn jistgħu jitniżżlu u jerġgħu jintużaw mingħajr ħlas, għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali. Il-portal jagħti aċċess ukoll għal għadd kbir ta’ settijiet tad-data mill-pajjiżi Ewropej.