Publication document thumbnail

Ejjew Nesploraw l-Ewropa!

Insellmulek, merħba fl-UE!

Aħna ġejjin minn pajjiżi differenti u nitkellmu ilsna differenti, iżda l-kontinent Ewropew huwa darna lkoll. Il-pajjiżi ilhom jaħdmu flimkien sa mill-bidu nett tal-Unjoni Ewropea (UE) biex jgħinu lil xulxin u jiżguraw li l-pajjiżi tal-UE jgħixu flimkien fil-paċi. Issa dalwaqt se jkun imiss lill-ġenerazzjoni tiegħek biex tieħu din ir-responsabbiltà. Inti l-futur tal-UE!

Mela ejja niskopru aktar dwar l-UE flimkien. Fl-ewwel erba’ taqsimiet, se tiskopri x’inhi l-Unjoni Ewropea, kif saret kif nafuha llum, u kif din taffettwa l-ħajja tiegħek ta’ kuljum. Tista’ taqra dan il-ktejjeb taqsima taqsima, jew tista’ tagħżel dawk it-taqsimiet li l-aktar jinteressawk.

Kultant se nistiednuk tieħu sehem fid-diskussjonijiet issuġġeriti f’kull taqsima, u li tittestja lilek innifsek u tara kemm tgħallimt. Se ssib it-tweġibiet għall-attivitajiet u għall-kwiżżijiet fit-Taqsima 5.

Is-sorsi addizzjonali li jinsabu fit-Taqsima 6 se jgħinuk tiskopri aktar dwar l-UE.

Għal aktar informazzjoni, kwiżżijiet u logħob, ara li żżur is-sit tal-internet tar-Rokna tat-Tagħlim.

Lest(a)? Tlaqna!

  HTML PDF PRINT
Din il-pubblikazzjoni tinsab fil-formati li ġejjin HTML PDF Ejjew Nesploraw l-Ewropa! Paper Ejjew Nesploraw l-Ewropa!

L-UE: Magħqudin fid-diversità

Il-kontinent tal-Ewropa huwa varjat ħafna mhux biss ġeografikament iżda wkoll kulturalment. Dan ikopri 44 pajjiż u aktar minn 700 miljun persuna jsejħulu darhom.

F’27 minn dawn il-pajjiżi Ewropej, għandna xi ħaġa importanti li hija komuni għalina lkoll: aħna lkoll parti mill-Unjoni Ewropea. Minbarra li aħna ċittadini jew residenti ta’ pajjiżna, aħna wkoll ċittadini jew residenti tal-UE.

Għandna kulturi u tradizzjonijiet differenti, iżda bejnietna naqsmu wkoll għanijiet u valuri. Dan huwa miġbur fil-qosor fil-motto tal-UE: “Magħquda fid-diversità”.

X’inhi l-Unjoni Ewropea?

L-Unjoni Ewropea hija sħubija bejn il-pajjiżi Ewropej, magħrufa bħala l-Istati Membri, li ddeċidew li jingħaqdu biex isawru futur aħjar flimkien. Il-pajjiżi tal-UE jaħdmu flimkien mill-qrib biex jagħmlu l-ħajja tan-nies tagħhom aħjar filwaqt li jirrispettaw il-kultura u t-tradizzjonijiet uniċi ta’ kull pajjiż.

L-UE mhux dejjem kienet kbira daqs kemm hi llum. Meta l-pajjiżi Ewropej bdew jikkooperaw ekonomikament fl-1952, dawn kienu sitta biss: il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu u n-Netherlands. Maż-żmien, aktar u aktar pajjiżi ddeċidew li jingħaqdu, kif se tiskopri fit-Taqsima 3. L-UE bħalissa għandha 27 Stat Membru.

Attività 1

Il-mappa fil-ġenb turik il-pajjiżi kollha tal-UE – tista’ taqta' x’jisimhom il-bliet kapitali tagħhom?

1 – L-AWSTRIJAI – PRAGA15 – IL-KROAZJAXV – BUDAPEST
2 – IL-BELĠJUII – STOKKOLMA16 – IL-LATVJAXVI – VILNIUS
3 – IL-BULGARIJAIII – PARIĠI17 – IL-LITWANJAXVII – IL-BELT VALLETTA
4 – IĊ-ĊEKJAIV – BRUSSELL18 – IL-LUSSEMBURGUXVIII – ŻAGREB
5 – ĊIPRUV – BERLIN19 – MALTAXIX – BRATISLAVA
6 – ID-DANIMARKAVI – VJENNA20 – IN-NETHERLANDSXX – MADRID
7 – L-ESTONJAVII – RUMA21 – IL-POLONJAXXI – RIGA
8 – IL-FINLANDJAVIII – ATENI22 – IL-PORTUGALLXXII – BUKAREST
9 – FRANZAIX – DUBLIN23 – IR-RUMANIJAXXIII – LISBONA
10 – IL-ĠERMANJAX – SOFIJA24 – IS-SLOVAKKJAXXIV – LJUBLJANA
11 – IL-GREĊJAXI – NIKOSIJA25 – IS-SLOVENJAXXV – VARSAVJA
12 – L-IRLANDAXII – TALINN26 – SPANJAXXVI – AMSTERDAM
13 – L-ITALJAXIII – ĦELSINKI27 – L-UNGERIJAXXVII – IL-LUSSEMBURGU
14 – L-IŻVEZJAXIV – KOPENĦAGEN    

Mur għat-tweġibiet

Mappa tal-UE.

Is-sitt pajjiżi fundaturi huma l-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu u n-Netherlands. Id-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit ingħaqdu mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Jannar 1973, biex b’hekk l-għadd ta’ Stati Membri tela’ għal disgħa. Il-Greċja ssieħbet fl-1981, segwita mill-Portugall u Spanja fl-1986. Fl-1995, l-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja ngħaqdu mal-Unjoni Ewropea. L-akbar tkabbir seħħ fl-2004, meta 10 pajjiż issieħbu fl-UE: Ċipru, iċ-Ċekja, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja. Il-Bulgarija u r-Rumanija ssieħbu fl-2007, u l-Kroazja kienet l-aħħar pajjiż li ssieħeb fl-UE fl-2013.

Kont taf?

L-UE għandha disa’ reġjuni li huma ġeografikament ’il bogħod ħafna mill-kontinent Ewropew. Dawn it-territorji ekstra-Ewropej (magħrufa wkoll bħala “reġjuni ultraperiferiċi”) huma: Il-Guyana Franċiża, il-Guadeloupe, il-Martinique, il-Mayotte, ir-Réunion u Saint Martin (Franza), l-Azores u Madeira (il-Portugall), u l-Gżejjer Kanarji (Spanja).

Kont taf?

Il-kontinent tal-Ewropa ssemma għal Europa, prinċipessa mill-mitoloġija Griega. Skont il-mit, Zeus, l-alla tas-sema u tar-ragħad, sar iħobbha u ħadha lejn il-gżira ta’ Kreta biex tgħix miegħu hemm.

Ritratt pittura minn Jean Limosin ta’ Europa li qed tinħataf minn Zeus fil-forma ta’ barri.

© Renaud Camus

Magħqudin …

Il-pajjiżi tal-UE huma diversi, iżda huma magħqudin b’valuri, b’simboli u b’għanijiet importanti. Ħafna pajjiżi tal-UE jużaw ukoll l-istess munita: l-euro. Biex tifhem x’inhi l-UE, huwa importanti li tkun taf x’inhu dak li jgħaqqad il-pajjiżi tagħha.

VALURI KOMUNI TAL-UE

Il-pajjiżi kollha li jissieħbu fl-UE jimpenjaw ruħhom għall-istess sett ta’ valuri. Dawn huma stabbiliti fid-dokumenti legali msejħa t-trattati1, li fihom regoli li jiggwidaw il-ħidma tal-UE.

Meta l-pajjiżi jissieħbu fl-UE, huma jwiegħdu li jirrispettaw dawn il-valuri u li jipproteġu u jiddefendu ċ-ċittadini kollha tal-UE. Li tkun ċittadin jew residenti tal-UE jfisser li trid taqsam u tirrispetta dawn il-valuri wkoll.

Il-Valuri tal-Unjoni Ewropea
  • ID-DINJITÀ TAL-BNIEDEM

    Kull persuna ħaqqha d-dinjità u r-rispett għal dak li hi.

  • ID-DEMOKRAZIJA

    Dan ifisser, pereżempju, li nistgħu nivvotaw u nkunu kandidati fl-elezzjonijiet. Il-pajjiżi tal-UE u l-UE nnifisha huma demokraziji rappreżentattivi.

  • STAT TAD-DRITT

    L-UE u l-Istati Membri tagħha jaġixxu skont liġijiet miktuba b’mod demokratiku. L-istat tad-dritt jeħtieġ ukoll li s-sistema tal-ġustizzja tkun indipendenti.

  • IL-LIBERTÀ

    Iċ-ċittadini kollha tal-UE huma liberi. Dan ifisser, pereżempju, li nistgħu naħsbu u nesprimu lilna nfusna liberament, nagħżlu r-reliġjon tagħna, u li għandna d-dritt għall-edukazzjoni, il-privatezza u l-proprjetà.

  • L-UGWALJANZA

    Iċ-ċittadini kollha tal-UE huma ugwali. Dan ifisser li l-liġijiet japplikaw għal kulħadd bl-istess mod, u li ħadd ma jiġi ddiskriminat minħabba s-sess, ir-reliġjon, ir-razza jew karatteristiċi personali oħrajn tiegħu jew tagħha.

  • ID-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM

    Id-drittijiet tal-bniedem huma d-drittijiet u l-libertajiet bażiċi li jappartjenu għal kulħadd fid-dinja, mit-twelid sal-mewt. Dawn jinkludu, pereżempju, id-dinjità, il-ġustizzja, l-ugwaljanza, ir-rispett u l-indipendenza. Dawn id-drittijiet huma definiti u protetti mil-liġi.

Dawn il-valuri u d-drittijiet tagħna bħala ċittadini tal-UE huma stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Kont taf?

Id-drittijiet tat-tfal huma speċifikament imsemmija fl-Artikolu 24 tal-Karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali.

Agħti ħarsa lejn Il-pjan tal-Unjoni Ewropea għad-drittijiet tat-tfal li nkiteb għat-tfal u magħhom: https://europa.eu/!cCrRBW

Kont taf?

Huwa illegali li ssir diskriminazzjoni kontra xi ħadd minħabba l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru tiegħu fl-UE. Pereżempju, id-drittijiet tal-persuni LGBTI (leżbjani, gay, bisesswali, transġeneri u intersesswali) iridu jiġu rrispettati fl-edukazzjoni, fl-impjiegi u fil-kura tas-saħħa.

Iddiskuti fi gruppi

Xi jfissru għalik il-valuri tal-UE? Kif turi li inti tirrispetta d-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet tal-bniedem fil-klassi, fid-dar, waqt btala jew mal-ħbieb?

SIMBOLI KOMUNI TAL-UE

Bħalma kull pajjiż għandu l-bandiera, l-innu u l-jum nazzjonali tiegħu, anke l-Unjoni Ewropea.

Il-bandiera Ewropea tissimbolizza l-unità u l-armonija fost il-pajjiżi tal-UE. Din hija blu bi 12-il stilla tad-deheb f’ċirku, għaliex kemm in-numru kif ukoll il-forma jirrappreżentaw il-perfezzjoni u l-għaqda. Il-mexxejja tal-UE adottawha bħala l-bandiera uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-1985. Tista’ taraha tperper fuq bini tal-parlamenti, bini ieħor u monumenti madwar l-UE kollha. Dan juri li l-pajjiżi tal-UE huma magħqudin u jaġixxu flimkien.

L-innu Ewropew huwa msejjaħ Ode to Joy. Dan huwa bbażat fuq poeżija ta’ Friedrich von Schiller. Il-kompożitur u l-pjanist famuż Ludwig van Beethoven uża l-poeżija għad-Disa’ Sinfonija, tiegħu, li parti minnha aktar tard saret l-innu Ewropew. Dan jirrappreżenta l-ideali Ewropej tal-libertà, tal-paċi u tas-solidarjetà. Fis-Sinfonija ta’ Beethoven, kor ikanta l-poeżija bil-Ġermaniż, iżda meta tintuża bħala l-innu Ewropew ma għandhiex kliem, mużika biss.

Jum l-Ewropa huwa fid-9 ta’ Mejju. F’dan il-jum fl-1950, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin ta’ Franza, Robert Schuman, introduċa l-idea għal forma ġdida ta’ kooperazzjoni li biha tkun inkonċepibbli gwerra oħra bejn il-pajjiżi Ewropej. Id-Dikjarazzjoni ta’ Schuman, kif inhi magħrufa, kienet l-ewwel pass kbir biex tinħoloq l-UE li nafu llum. Din hija r-raġuni għaliex ta’ kull sena f’din il-ġurnata niċċelebraw il-paċi u l-unità fl-Ewropa. Oqgħod attent/a għall-attivitajiet li jfakkru dan il-jum speċjali f’pajjiżek.

  Tista’ tisma’ l-innu Ewropew hawnhekk.

Iddiskuti fi gruppi

X’inhuma s-simboli ta’ pajjiżek? Minn fejn ġejjin? Taf is-simboli ta’ xi pajjiż ieħor tal-UE?

Ġieli rajt il-bandiera Ewropea f’pajjiżek? Fejn?

L-GĦANIJIET KOMUNI TAL-UE

Il-pajjiżi tal-UE mhumiex biss magħqudin b’valuri u b’simboli komuni; qablu wkoll fuq sett ta’ għanijiet li jiggwidaw il-ħidma tal-Unjoni Ewropea bħala unità waħda. Meta l-mexxejja tal-UE jieħdu deċiżjonijiet b’mod kollettiv għall-pajjiżi kollha tal-UE, jagħtu attenzjoni mill-qrib lil dawn l-għanijiet sabiex il-pajjiżi kollha tal-UE jibqgħu magħqudin. Tgħallem aktar dwar min jagħmel xiex fl-UE fit-Taqsima 4.

It-tmien għanijiet tal-Unjoni Ewropea
  • Il-paċi, il-promozzjoni tal-valuri tal-UE u l-benesseri ta’ kulħadd
  • Il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja
  • Ekonomiji Ewropej b’saħħithom u sostenibbli
  • L-inklużjoni soċjali u l-ugwaljanza
  • Il-progress xjentifiku u teknoloġiku
  • Is-solidarjetà fost il-pajjiżi tal-UE
  • Ir-rispett għall-kulturi u l-lingwi tal-Ewropa
  • L-unjoni ekonomika u monetarja

L-EURO

Ħafna pajjiżi tal-UE jikkondividu wkoll munita komuni: l-euro. Illum, 20 pajjiż tal-UE biddlu l-muniti nazzjonali tagħhom mal-euro u aktar minn 347 miljun persuna jużawh kuljum. Flimkien, dawn il-pajjiżi jiffurmaw iż-żona tal-euro.

Kont taf?

Il-karti tal-flus tal-euro ġew iddisinjati minn Reinhold Gerstetter, artist grafiku u disinjatur Ġermaniż. Fuqhom hemm bibien u twieqi bi stili arkitettoniċi differenti, li jissimbolizzaw il-ftuħ u l-konnessjoni. Filwaqt li l-karti tal-flus tal-euro huma kollha l-istess f’kull pajjiż, il-muniti huma kemxejn differenti. Naħa minnhom, iddisinjata minn Luc Luycx, disinjatur Belġjan li jaħdem għaz-Zekka Rjali Belġjana, turi mappa tal-Ewropa u hija l-istess għal kull pajjiż. Fuq in-naħa l-oħra, kull pajjiż għandu d-disinn tiegħu.

Mappa taż-żona tal-euro

Il-pajjiżi tal-UE li huma parti miż-żona tal-euro huma l-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja u Spanja. Xi pajjiżi huma pajjiżi tal-UE iżda ma jużawx l-ewro. Dawn huma l-Bulgarija, iċ-Ċekja, id-Danimarka, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u l-Iżvezja.

Attività 2

Tista’ taqta’ minn liema pajjiż ġejjin dawn il-muniti tal-euro?

  Tista’ ssib xi għajnuna fuq dan is-sit web.

Ritratt ta’ muniti tal-euro differenti minn madwar l-UE.

Mur għat-tweġibiet

… fid-diversità!

Filwaqt li jaħdmu flimkien lejn għanijiet li jaqsmu bejniethom, il-pajjiżi tal-UE jiċċelebraw il-kulturi u t-tradizzjonijiet rikki ta’ xulxin, li jagħmlu lill-UE tant unika u diversa. Il-fatt li aħna lkoll differenti jagħmel il-ħajja aktar interessanti, u l-istess jgħodd għall-pajjiżi tal-UE! Din hija r-raġuni għaliex il-pajjiżi tal-UE jgħożżu d-differenzi tagħhom kif ukoll is-similaritajiet tagħhom.

IL-LINGWI TAL-UE

Fl-Ewropa huma mitkellma aktar minn 200 lingwa. L-UE għandha 24 lingwa uffiċjali: Il-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Irlandiż, l-Ispanjol, l-Iżvediż, il-Kroat, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, in-Netherlandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven u it-Taljanl-Ungeriż. Il-biċċa l-kbira tagħhom jappartjenu għal tliet gruppi jew “familji” kbar: Ġermaniċi, Rumanzi jew Slavoniċi.

Ejjew naraw kif tgħid “L-għodwa t-tajba” jew “Saħħa” f’uħud minn dawn l-ilsna.

LINGWI ĠERMANIĊI

ID-DANIŻ: God morgen

IL-ĠERMANIŻ: Guten Morgen

L-INGLIŻ: Good morning

IN-NETHERLANDIŻ: Goedemorgen

L-IŻVEDIŻ: God morgon

LINGWI RUMANZI

IL-FRANĊIŻ: Bonjour

L-ISPANJOL: Buenos días

IL-PORTUGIŻ: Bom dia

IR-RUMEN: Bună dimineaţa

IT-TALJAN: Buongiorno

LINGWI SLAVI

IL-BULGARU: Dobró útro

IĊ-ĊEK: Dobré ráno

IL-KROAT: Dobro jutro

IL-POLLAKK: Dzień dobry

IS-SLOVAKK: Dobré ráno

IS-SLOVEN: Dobro jutro

Tista’ tara x-xebħ bejn il-familji f’dawn l-eżempji. Iżda hemm lingwi oħrajn tal-UE li ma jappartjenux għal dawn il-familji tal-lingwi.

Ejjew naraw kif tgħid “L-għodwa t-tajba” jew “Bonġu” f’uħud minn dawn l-ilsna.

L-ESTONJAN: Tere hommikust

IL-FINLANDIŻ: Hyvää huomenta

IL-GRIEG: Kalimera

L-IRLANDIŻ: Dia dhuit

IL-LATVJAN: Labrīt

IL-LITWAN: Labas rytas

IL-MALTI: L-Għodwa t-Tajba

L-UNGERIŻ: Jó reggelt

Skopri aktar dwar il-lingwi tal-UE u sir af kif inhuma mitkellma hawnhekk: https://europa.eu/!W6n6gn

Minħabba li għandha din il-firxa wiesgħa ta’ lingwi uffiċjali inti tista’ tikkuntattja lill-UE u tirċievi tweġiba b’waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ pajjiżek, jekk din tkun lingwa uffiċjali tal-UE. Il-politiċi jistgħu jikkomunikaw ukoll bil-lingwa tagħhom stess, għal darb’oħra dejjem jekk din tkun lingwa uffiċjali tal-UE, għaliex it-tradutturi u l-interpreti jgħinuhom jaħdmu flimkien. Id-deċiżjonijiet meħuda mill-UE huma disponibbli fl-24 lingwa uffiċjali, u għalhekk il-pubbliku jista’ jsegwi dak li jkun qed jiġri.

Iddiskuti fi gruppi

Qed titgħallem lingwa oħra tal-UE fl-iskola? Hija differenti ħafna minn tiegħek?

Kemm-il lingwa taf? Hemm xi lingwa partikolari li tixtieq titgħallem? Għaliex?

Attività 3

Qed tagħrafhom dawn il-monumenti? Qabbel ir-ritratt mal-pajjiż tal-UE.

Ritratt tal-Atomium fil-Belġju.

Ritratt tal Il-Monasteru ta’ Rila fil il-Bulgarija.

Ritratt tal-Pont Charles fiċ-Ċekja.

Ritratt ta’ Nyhavn fid-Danimarka.

Ritratt tal-Bieb ta’ Brandenburg fil-Ġermanja.

Ritratt tal-Kastell ta' Toompea u t-Torri Pikk Hermann l-Estonja

Ritratt tal-Katidral ta’ San Patrizju fl-Irlanda.

Ritratt tal-Akropolis ta’ Ateni fil-Greċja.

Ritratt ta’ La Sagrada Familia fi Spanja.

Ritratt tat-Torri Eiffel fi Franza.

Ritratt ta’ Banski dvori, is-sede tal-Gvern Kroat fil-Kroazja.

Ritratt tat-Torri ta’ Pisa fl-Italja.

Ritratt tal-Kastell ta’ Kyrenia f’Ċipru.

Ritratt tal-Kastell ta’ Turaida fil-Latvja.

Ritratt tat-Torri ta’ Gediminas fil-Litwanja.

Ritratt tal-Palazz Gran Dukali fil-Lussemburgu.

Ritratt tal-Bini tal-Parlament Ungeriż fl-Ungerija.

Ritratt tal-Konkatidral ta’ San Ġwann f’Malta.

Ritratt ta’ Mtieħen tar-Riħ fin-Netherlands.

Ritratt tal-Palazz ta’ Schönbrunn fl-Awstrija.

Ritratt tal-Kastell ta’ Wawel fil-Polonja.

Ritratt tat-Torri Belem fil-Portugal.

Ritratt tal-Kastell ta’ Bran fir-Rumanija.

Ritratt tal-Lag Bled fis-Slovenja.

Ritratt tal-Kastell ta’ Bratislava fis-Slovakkja.

Ritratt tal-Katidral ta’ Ħelsinki fil-Finlandja.

Ritratt tal Avicii Arena fl-Iżvezja.

© Cris from Lisboa • © Florin Şarpe • © Pixabay - Elstef • © Dennis Jarvis • © Arild Vågen • © Krzysztof Golik • © Ad Meskens • © Hotice Hsu • © Penny Morlock • © C messier • © Diliff • © Fawksik

Mur għat-tweġibiet

PAJSAĠĠI U MONUMENTI EWROPEJ

Mill-mergħat u mill-bwar tal-Alpi sal-Baħar Adrijatiku turquoise, l-Unjoni Ewropea toffri firxa wiesgħa ta’ pajsaġġi diversi. L-UE hija wkoll dar għal tradizzjonijiet kulturali rikki u għal monumenti mill-isbaħ li huma magħrufa madwar id-dinja. Minn palazzi rinaxximentali u katidrali gotiċi għal parks u pjazez mill-isbaħ, hemm ħafna x’wieħed jara u jgawdi fil-pajjiżi kollha tal-UE.

Din hija biss togħma ta’ ftit mid-diversità kulturali rikka tal-pajjiżi tal-UE. Iżda hemm ħafna aktar x’tiskopri! Ara l-logħba L-UE: x’inhi? biex issir taf aktar dwar kull pajjiż tal-UE.

Attività: kwiżż tat-tmiem it-Taqsima 1

  Tista’ ssemmi żewġ affarijiet li jgħaqqdu lill-pajjiżi tal-UE?

  Kemm-il pajjiż tal-UE ma jużax l-euro?

  Kemm-il lingwa uffiċjali għandha l-UE?

  X’jirrappreżentaw l-istilel fuq il-bandiera tal-UE?

  Tista’ tispjega x’inhuma d-drittijiet tal-bniedem u kif inhuma relatati mal-UE?

Mur għat-tweġibiet

L-UE fil-ħajja ta’ kuljum tiegħek

Anke jekk mhux dejjem nirrealizzaw, l-Unjoni Ewropea għandha parti importanti fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Din it-taqsima turik xi wħud mill-ħafna benefiċċji li tgħix fl-UE.

Ħajja mingħajr fruntieri

L-Unjoni Ewropea tagħmilha faċli għaċ-ċittadini tagħha biex jiċċaqilqu liberament minn pajjiż tal-UE għal ieħor. Dawn jistgħu jgħixu, jistudjaw jew jaħdmu fi kwalunkwe pajjiż tal-UE.

Kont taf?

Is-sit web Your Europe joffrilek għajnuna u pariri prattiċi dwar il-ħajja, ix-xogħol u l-ivvjaġġar f’pajjiżi oħra tal-UE.

L-UE tappoġġa lin-nies li jridu jqattgħu ħin barra minn pajjiżhom biex jitgħallmu lingwa, jibbenefikaw minn esperjenzi ġodda u jsiru jafu kulturi oħrajn. Hemm ħafna opportunitajiet x’tesperjenza f’pajjiżi oħrajn. Kompli aqra biex tiskopri x’inhuma!

Studja, ivvolontarja u skopri

Jekk tixtieq tistudja, titħarreġ jew tieħu sehem fi skambju taż-żgħażagħ f’wieħed minn 33 pajjiż madwar l-Ewropa u lil hinn minnha, iċċekkja l-opportunitajiet disponibbli taħt il-programm Erasmus+. Il-programm huwa miftuħ kemm għall-adoloxxenti kif ukoll għall-adulti minn pajjiżi tal-UE u minn pajjiżi mhux tal-UE, kemm jekk huma studenti, għalliema jew persuni oħra li jaħdmu.

  Isma’ l-esperjenzi ta’ żgħażagħ li ħadu sehem fi skambju taż-żgħażagħ tal-Erasmus+.

Bis-saħħa tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, l-adulti żgħażagħ jistgħu jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżhom (jew f’pajjiżhom) għal kawża li hija importanti għalihom. Dan jista’ jkun xi ħaġa bħall-bini ta’ skate park ġdid jew għajnuna lil nies fil-bżonn, jew anke tindif tal-bajjiet.

Il-programm DiscoverEU jagħti lill-persuni ta’ 18-il sena ċ-ċans li jakkwistaw pass biex jivvjaġġaw mingħajr ħlas biex jesploraw l-UE għal massimu ta’ xahar (1).

Xogħol fl-UE

Taf x’tixtieq tagħmel wara li tispiċċa l-iskola jew l-università, jew għadek qed taħseb dwar dan? Mhux dejjem faċli li tiddeċiedi x’tixtieq tagħmel biex taqla’ l-ħobża ta’ kuljum, iżda l-bidu ta’ karriera ma jfissirx li trid tieqaf tesplora l-UE. Bħala ċittadin tal-UE, tista’ taħdem f’pajjiż ieħor tal-UE – u ma jkollokx bżonn permess tax-xogħol. Għandek l-istess aċċess għas-suq tax-xogħol u l-istess kundizzjonijiet tax-xogħol, drittijiet u obbligi bħall-persuni li jgħixu f’dak il-pajjiż.

Xi drabi l-akkwist ta’ xi ħiliet u kwalifiki addizzjonali biex issib xogħol jista’ jkun diffiċli. L-iskema tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE tgħin liż-żgħażagħ jitħarrġu fil-ħiliet li jeħtieġu l-impjegaturi. Dan jista’ jieħu l-għamla ta’ taħriġ fuq post tax-xogħol jew gwida personali għall-karriera.

Is-sit web dwar l-Impjiegi tal-EURES jista’ jgħinek ladarba tibda tfittex impjieg, traineeship jew apprendistat f’pajjiż ieħor tal-UE. Dan jgħin ukoll lill-impjegaturi biex isibu kandidati f’pajjiżi oħrajn tal-UE biex jimlew il-postijiet vakanti tagħhom.

Iddiskuti fi gruppi

Tixtieq tistudja jew tagħmel volontarjat barra mill-pajjiż? Fejn tixtieq tmur? Kif tibbenefika minn esperjenza bħal din?

L-Ivvjaġġar fl-UE

L-ivvjaġġar fl-Ewropa sar aktar faċli maż-żmien. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE neħħew il-kontrolli fil-fruntieri tagħhom, u saru parti miż-żona Schengen. Dan ifisser li ma għandekx bżonn turi l-passaport tiegħek meta tivvjaġġa bejn 23 pajjiż tal-UE (l-Awstrija, il-Belġju, iċ-Ċekja, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, l-Iżvezja, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja, is-Slovakkja, Spanja u l-Ungerija) u erba’ pajjiżi mhux tal-UE (l-Iżlanda, l-Iżvizzera, il-Liechtenstein u in-Norveġja).

Iżda l-qsim tal-fruntieri huwa biss l-ewwel pass.

L-Ivvjaġġar fl-UE

  Bħala resident tal-UE, tista’ tkompli tuża l-mowbajl tiegħek bħalma tagħmel f’pajjiżek! Fil-passat, ittelefonati jew l-użu ta’ data mobbli barra mill-pajjiż kienu għaljin ħafna. Illum, dawn it-tariffi tar-roaming ma għadhomx japplikaw u inti tħallas l-istess prezz għall-użu tal-mowbajl tiegħek daqs li kieku qiegħed id-dar.

  Xorta tista’ tara s-serje tat-TV favorita tiegħek għaliex l-UE tiżgura li tista’ taċċessa l-abbonamenti diġitali tiegħek kull fejn tkun.

  Jekk il-vjaġġ tiegħek jiġi kkanċellat, kemm jekk ikun bix-xarabank, bilferrovija, bil-vapur jew bl-ajruplan, għandek id-dritt li titlob li tieħu flusek lura minħabba li l-UE tipproteġi d-drittijiet tiegħek. L-UE hija l-unika żona fid-dinja fejn in-nies huma protetti b’sett sħiħ ta’ drittijiet tal-passiġġieri.

  Jekk ikollok inċident jew timrad meta tkun qed tivvjaġġa fl-UE, il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tiżgura li tista’ tara tabib jew iċċempel ambulanza għall-istess prezz bħan-nies tal-pajjiż:

Video: My EHIC story – Efi’s mother

Kont taf?

Jekk issib ruħek f’periklu fi kwalunkwe pajjiż tal-UE, tista’ ċċempel in-numru Ewropew ta’ emerġenza 112, minn kwalunkwe telefown, mingħajr ħlas.

Il-finanzjament tal-UE jagħmel differenza fejn tgħix

L-Unjoni Ewropea tgħin biex ittejjeb il-ħajja tan-nies billi tappoġġa impjiegi ġodda, tibni infrastruttura ġdida u timmodernizza servizzi pubbliċi bħall-iskejjel u l-isptarijiet. Agħti ħarsa fl-inħawi fejn tgħix, l-UE tista’ tkun ħafna eqreb milli taħseb!

L-UE għenet biex tiffinanzja eluf ta’ proġetti matul is-snin, pereżempju:

  mużew għall-apert fuq il-fruntiera bejn iċ-Ċekja u l-Ġermanja;

  faċilità sportiva ġdida f’distrett rurali fil-Polonja;

  id-distribuzzjoni tal-frott, tal-ħxejjex u tal-ħalib fl-iskejjel fil-pajjiżi kollha tal-UE;

  pixxina ġdida fi Brussell;

  estensjoni tal-metro ta’ Ateni.

  Ara xi proġetti ffinanzjati mill-UE f’diversi reġjuni madwar l-Ewropa: https://kohesio.ec.europa.eu/mt/ u https://europa.eu/!f7tV3t

Kont taf?

L-UE torganizza ħafna inizjattivi fejn il-bliet Ewropej jistgħu jikkompetu għal titolu u jippreżentaw il-kisbiet tagħhom. Kull sena, il-bliet Ewropej jikkompetu biex jirbħu titoli bħall-Kapitali Ewropea tal-Kultura, il-Kapitali Ewropea tal-Innovazzjoni, il-Kapitali Ewropea taż-Żgħażagħ u l-Kapitali Ekoloġika Ewropea.

Id-drittijiet u s-sikurezza tal-konsumaturi

L-Unjoni Ewropea għandha wkoll influwenza fuq il-ħajja tiegħek ta’ kuljum permezz ta’ liġijiet u regoli speċifiċi li jiżguraw is-sikurezza tiegħek u jipproteġu d-drittijiet tiegħek bħala konsumatur kullimkien fl-UE.

Prodotti bħall-ikel, il-ġugarelli u l-kożmetiċi jridu jissodisfaw rekwiżiti stretti ta’ sikurezza qabel ma jkunu jistgħu jinbiegħu fl-UE.

Kont taf?

Hemm aktar minn 100 000 espert fl-UE li jivverifikaw is-sikurezza tal-ikel mir-razzett sakemm jasal fuq il-mejda tal-ikel.

Il-liġi tal-UE tagħtik ukoll garanzija minima ta’ sentejn meta tixtri oġġetti tal-konsum. Għalhekk, jekk tinkisirlek il-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ wara sena, din ikollha tissewwa jew tinbidel mingħajr ħlas, irrispettivament minn fejn kont xtrajtha fl-UE.

Il-liġi tal-UE tiżgura wkoll li meta tixtri oġġetti online, int għandek id-dritt li tħassar l-ordni tiegħek jew tirritorna dak li tkun xtrajt fi żmien 14-il jum jekk jerġa’ jibdielek.

Kont taf?

Jekk ikollok problemi bi prodott mixtri f’pajjiż ieħor tal-UE, tista’ tikkuntattja lin-Network taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi.

Int għandek id-dritt għal informazzjoni preċiża dwar il-kwalità tal-prodotti li tixtri, irrispettivament minn fejn tinsab fl-UE. Ir-regoli tal-UE dwar it-tikkettar jgħinuk issib malajr u faċilment jekk prodott ikunx organiku, effiċjenti fl-użu tal-enerġija jew magħmul bl-użu ta’ metodi tradizzjonali. Dan ifisser li tista’ tieħu deċiżjonijiet informati sew dwar x’għandek tixtri.

Attività 4

Ħares madwar id-dar tiegħek jew lejn il-ħwienet li żżur u ara kemm tista’ ssib minn dawn it-tikketti. Taf xi jfissru?

Immaġni turi t-tikketti differenti tal-UE li jistgħu jinstabu fuq il-prodotti mixtrija fl-UE: it-tikketta tal-Kummerċjalizzazzjoni CE, L-Ekotikketta tal-UE Il-logo organiku tal-UE, it-Tikketta tal-Enerġija tal-UE, l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi tal-UE.

Mur għat-tweġibiet

Inlaħħqu mal-era diġitali

Ħafna minna ma jistgħux jimmaġinaw il-ħajja mingħajr l-Internet jew mingħajr it-teknoloġiji diġitali. Meta naraw il-films, nixtru jew nużaw mappa biex insibu d-direzzjoni ta’ xi post, spiss nagħmlu dan online.

Madankollu, mhux kulħadd fl-Unjoni Ewropea għandu l-istess opportunitajiet biex jaċċessa u juża t-teknoloġija, speċjalment dawk li jgħixu f’żoni li jinsabu ’l bogħod minn bliet kbar. L-UE qed taħdem kontinwament biex tipprovdi aċċess għall-Internet lil dawk kollha li jgħixu fl-UE. Bis-saħħa ta’ inizjattiva ffinanzjata mill-UE, il-hotspots tal-Wi-Fi Wifi4EU, ġew stabbiliti f’madwar 8 000 komunità madwar l-UE. Tista’ tikkonnettja mal-internet mingħajr ħlas fil-mużewijiet, f’libreriji, fi pjazez, f’parks u f’żoni oħra pubbliċi fejn tara s-simbolu Wifi4EU.

Filwaqt li l-aċċess għall-Internet jagħtina ħafna vantaġġi, bħall-aċċess faċli għall-informazzjoni u servizzi effiċjenti, dan joħloq ukoll riskji għalina. Il-programm Internet aħjar għat-tfal jgħin lit-tfal u liż-żgħażagħ jibqgħu sikuri meta jużaw l-Internet jew it-teknoloġiji mobbli.

Kont taf?

X’inhi l-intelliġenza artifiċjali?

Qatt rajt robot? Kont taf li l-ismartphone tiegħek ukoll juża l-intelliġenza artifiċjali? Skopri kollox dwar il-futur diġitali tal-Ewropa fis-serje animata Digital Explorers.

Kont taf?

L-UE kkonvinċiet lill-kumpaniji ewlenin tat-teknoloġija u tal-midja minn Twitter sa Disney biex jiffurmaw l-Alleanza għal Protezzjoni Aħjar tat-Tfal Online. Il-membri tal-alleanza jimpenjaw ruħhom li jagħmlu l-ispazji online aħjar għaż-żgħażagħ, pereżempju billi jindirizzaw il-bullying ċibernetiku u l-kontenut li jagħmel ħsara.

Il-midja soċjali, il-ħwienet online u l-apps tal-mowbajl jeħtiġuk tafda lill-kumpaniji b’informazzjoni personali li hemm riskju li tintilef jew li tinsteraq. Bis-saħħa tar-Regolament Ġenerali tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR), l-informazzjoni personali tiegħek – l-isem, l-indirizz, l-età eċċ. – hija protetta. Ma tistax tintuża mingħajr permess jew għal finijiet li ma tkunx qbilt fuqhom.

L-Internet għamel it-tiftix u l-aċċess għall-informazzjoni faċli u veloċi. Madankollu, informazzjoni mhux preċiża jew li tagħmel ħsara tista’ tinxtered malajr online, speċjalment fuq il-pjattaformi tal-midja soċjali. L-UE tesponi b’mod attiv tali diżinformazzjoni u taħdem flimkien mal-kumpaniji tal-midja soċjali biex tillimita t-tixrid tagħha.

Attività 5

Kollha nistgħu ngħinu biex inwaqqfu t-tixrid ta’ informazzjoni qarrieqa online. X’mistoqsijiet għandek tistaqsi lilek innifsek qabel ma titfa’ storja fuq il-midja soċjali? Ara xi suġġerimenti utli dwar kif għandek tidentifika t-teoriji ta’ kospirazzjoni.

Mur għat-tweġibiet

Il-ħarsien tal-ambjent

Aħna ngawdu n-natura b’ħafna modi, mill-ikel delizzjuż li nieklu sal-mixi li nagħmlu f’pajsaġġi mill-isbaħ. Iżda aktar importanti minn hekk, niddependu fuq in-natura għall-arja, għall-ilma, għall-enerġija u għall-materja prima tagħna. Peress li t-tniġġis ma jiqafx mal-fruntieri, il-pajjiżi jridu jaħdmu flimkien biex jieħdu ħsieb l-ambjent. It-tibdil fil-klima għamel il-kompitu tal-protezzjoni tal-ambjent aktar urġenti minn qatt qabel. L-Unjoni Ewropea għandha l-għan li ssir newtrali għall-klima sal-2050, u li tieħu azzjoni biex tiżgura li nibbenefikaw minn ambjent naturali li jiffjorixxi.

Kont taf?

Il-pjan tal-UE li tagħmel lill-Ewropa l-ewwel kontinent newtrali għall-klima fid-dinja sal-2050 jissejjaħ il-Patt Ekoloġiku Ewropew.

  Sir af aktar dwar il-Patt Ekoloġiku hawnhekk:

https://europa.eu/!tW86xp

Natura 2000 tipproteġi madwar 2 000 speċi ta’ annimali u pjanti u 230 tip ta’ ħabitat madwar l-UE. Dan jirrappreżenta 18 % taż-żona tal-art tal-UE u 6 % tal-ilmijiet tagħha, li jagħmilha l-akbar network ta’ żoni protetti fid-dinja!

Kont taf?

Il-programm LIFE tal-UE, li jiffinanzja proġetti li jipproteġu l-ambjent u jiġġieldu t-tibdil fil-klima, ikkofinanzja aktar minn 6 000 proġett matul l-aħħar 30 sena.

Bis-saħħa tal-liġijiet tal-UE, nistgħu nibbenefikaw minn ilma tax-xorb u tal-għawm nadif kważi kullimkien fl-UE. L-ibħra tagħna qed isiru aktar nodfa b’modi oħrajn ukoll: l-UE pprojbixxiet il-plastik li jintuża darba biss, li jammonta għal 70 % tal-iskart kollu fil-baħar. Sabiex jiġi mminimizzat it-tniġġis tal-ħamrija u tal-arja kif ukoll tal-ilma, l-UE tippromwovi prattiki ta’ biedja sostenibbli. Poġġiet limiti fuq l-użu ta’ pestiċidi kimiċi u perikolużi u l-fertilizzanti.

Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima hija prijorità ewlenija għall-UE. B’hekk, il-pajjiżi tal-UE qablu li minn issa sal-2030 għandhom:

  inaqqsu drastikament l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u l-użu tal-enerġija tagħhom;

  jipproduċu aktar mill-enerġija tagħhom minn sorsi rinnovabbli (bħall-enerġija eolika, solari jew idroelettrika).

Kont taf?

Il-mod kif niksbu l-enerġija tagħna għandu rwol importanti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Tgħallem aktar f’dawn il-vidjos:

  https://europa.eu/learning-corner/eu-energy-policy_mt

Iddiskuti fi gruppi

Bħala medja, kull persuna fl-UE tarmi aktar minn kilo ta’ skart kuljum. Ara l-vidjow:

  https://europa.eu/learning-corner/food-waste_mt

Qed tagħraf lilek innifsek f’dan il-vidjow?

X’affarijiet żgħar tista’ tagħmel fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum li jgħinuk tgħix b’mod aktar ekoloġiku?

  Sir af aktar dwar dak li tagħmel I-UE biex tipproteġi I-ambjent u tiġġieled it-tibdil fil-klima.

L-appoġġ għax-xjenza u l-innovazzjoni

Ix-xjenza u t-teknoloġija jmissu kważi kull parti tal-ħajja tagħna ta’ kuljum – mill-ikel li nieklu, il-mediċini li nieħdu u l-kura tas-saħħa li nirċievu sat-trasport li nużaw u kif naħdmu u nqattgħu l-ħin liberu tagħna. L-Unjoni Ewropea tgħin lix-xjenzati, lir-riċerkaturi u lill-innovaturi minn madwar l-Ewropa biex itejbu ħajjitna u jsolvu wħud mill-akbar sfidi li qed tiffaċċja d-dinja.

L-UE tiffinanzja r-riċerka xjentifika. Pereżempju, il-programm ta’ riċerka u innovazzjoni tagħha ppermetta lix-xjenzati:

  joħolqu l-ewwel immaġni li qatt saret ta’ toqba sewda bit-Teleskopju Event Horizon;

  jiskopru tliet pjaneti simili għad-dinja, li huwa wkoll abitabbli;

  jiżviluppaw mod kif jiġi identifikat kanċer fin-nifs ta’ persuna.

Ara xi skoperti xjentifiċi oħrajn magħmula bis-saħħa tal-finanzjament tal-UE.

Kont taf?

L-UE trid tara aktar nisa u bniet involuti fix-xjenza. Kull sena, tniedi l-Premju tal-UE għall-innovaturi nisa, li jiċċelebra mexxejja nisa fl-innovazzjoni u għandu l-għan li jispira lill-ġenerazzjoni li jmiss biex issegwi l-passi tagħhom.

Matul il-pandemija tal-COVID-19, l-UE għenet lill-produtturi tal-vaċċini jkopru l-ispejjeż tarriċerka u tal-iżvilupp tal-vaċċini. Ix-xjenzati setgħu jipproduċu diversi vaċċini sikuri u effettivi kontra l-COVID-19 inqas minn sena wara li bdiet il-pandemija.

Il-pajjiżi tal-UE ngħaqdu flimkien biex jixtru u jqassmu l-vaċċini madwar l-UE.

Iddiskuti fi gruppi

Tista’ taħseb dwar problema li tixtieq li x-xjenza ssolvi? Għaliex?

Kont taf?

Il-programm satellitari tal-UE – Copernicus – huwa l-aktar sistema avvanzata fid-dinja għall-monitoraġġ tal-pjaneta u għat-traċċar tal-bidliet fil-klima u fl-ambjent.

Sir af aktar dwar Copernicus:

  https://www.copernicus.eu/mt

L-UE fid-dinja

Minbarra li għandha impatt fuq il-ħajja tagħna ta’ kuljum, l-Unjoni Ewropea għandha wkoll rwol sinifikanti fil-bqija tad-dinja.

L-UE għandha ftehimiet kummerċjali ma’ ħafna pajjiżi differenti madwar id-dinja, bħall-Kanada, il-Ġappun u l-Istati Uniti, li jagħmluha aktar faċli li jsir negozju bejniethom. Il-ftehimiet kummerċjali kollha nnegozjati mill-UE huma trasparenti u jeħtieġu li s-sħab kummerċjali jipproteġu d-drittijiet tal-ħaddiema u l-ambjent.

Wieħed mill-valuri ewlenin tal-UE huwa s-solidarjetà, kemm bejn il-pajjiżi tal-UE kif ukoll ma’ pajjiżi oħrajn. L-UE taħdem biex ittemm il-faqar, tippreserva l-paċi, u tagħti għajnuna umanitarja. Network kbir ta’ esperti umanitarji f’aktar minn 40 pajjiż madwar id-dinja jippermetti lill-UE tipprovdi ikel, kenn, kura medika u edukazzjoni għal xi wħud mill-aktar persuni vulnerabbli tad-dinja.

Kont taf?

Flimkien, il-pajjiżi tal-UE huma l-akbar donaturi ta’ għajnuna umanitarja fid-dinja.

Meta jkun hemm diżastri mhux mistennija fl-Ewropa jew x’imkien ieħor fid-dinja, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jipprovdu għajnuna u assistenza permezz ta’ sistema ta’ rispons koordinat magħrufa bħala l-Mekkaniżmu għall-Protezzjoni Ċivili. Mill-2001, ġie attivat aktar minn 420 darba biex iwieġeb għall-emerġenzi.

  Sir af aktar dwar ir-rwol tal-UE fid-dinja:

  Dwar il-kummerċ.

  Fuq l-iżvilupp u kooperazzjoni.

  Fuq l-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili.

Attività: kwiżż tat-tmiem it-Taqsima 2

  Veru jew falz: l-UE taffettwa biss il-ħajja tiegħek ta’ kuljum meta tivvjaġġa barra mill-pajjiż.

  Liema programm jippermettilek tagħmel volontarjat barra minn pajjiżek għal kawża għal qalbek?

  Veru jew falz: fl-UE, tista’ tirritorna l-prodotti li tkun xtrajt online fi żmien xahar minn meta tkun xtrajthom.

  X’inhi Natura 2000?

  Tista’ tispjega kif l-UE tipproteġi d-data personali tiegħek, bħal ismek, l-età, jew l-indirizz tiegħek?

Mur għat-tweġibiet

L-UE: vjaġġ tul iż-żmien

L-Unjoni Ewropea mhux dejjem kienet l-istess bħal dik tal-lum, u lanqas ma kienet dejjem magħrufa bl-istess isem. Din inħolqot pass pass, u l-ambizzjoni li ispirat lill-fundaturi tagħha għadha tmexxiha sal-lum. Dawn huma wħud mill-avvenimenti storiċi li wasslu għall-UE, u l-ħafna bidliet li għaddiet minnhom matul is-snin.

1945

Tintemm it-tieni Gwerra Dinjija fl-Ewropa.

Kien hemm ħafna vittmi, u bliet sħaħ inqerdu bil-bombi fl-Ewropa. In-nies huma ddeterminati li qerda bħal din qatt ma terġa’ sseħħ.

Id-Dikjarazzjoni ta’ Schuman.

Fid-9 ta’ Mejju, Robert Schuman jagħmel diskors li fih jippreżenta pjan għal forma ġdida ta’ kooperazzjoni politika fl-Ewropa. L-idea hija li n-nazzjonijiet tal-Ewropa jimmaniġġaw b’mod konġunt il-produzzjoni tal-faħam u tal-azzar, peress li dan ifisser li l-ebda pajjiż ma jista’ b’mod sigriet jarma lilu nnifsu kontra l-oħrajn.

  Aqra d-Dikjarazzjoni ta’ Schuman kollha.

1950

1951

It-Trattat ta’ Pariġi li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar jiġi ffirmat mill-Belġju, minn Franza, mill-Ġermanja, mill-Italja, mil-Lussemburgu u min-Netherlands, li ddeċidew li jaħdmu flimkien u li jgħinu biex l-Ewropa tinbena mill-ġdid mill-fdalijiet tal-gwerra.

L-iffirmar tat-Trattati ta’ Ruma.

Is-sitt pajjiżi jaħdmu tant tajjeb flimkien li ddeċidew li jingħaqdu flimkien f’oqsma oħra. Il-ħolqien tal-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE)2 u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom). Flimkien mal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, dawn jiffurmaw dawk li huma magħrufa b’mod komuni bħala l-Komunitajiet Ewropej.

1957

1962

Tiġi stabbilita l-politika agrikola komuni. Hija waħda mill-eqdem politiki tal-UE, li tappoġġa lill-bdiewa u tiżgura li l-Ewropa jkollha provvista stabbli ta’ ikel affordabbli, sikur u ta’ kwalità tajba.

Minn sitt pajjiżi għal disgħa. Id-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit jissieħbu fil-Komunitajiet Ewropej.

1973

1979

Isiru l-ewwel elezzjonijiet diretti għall-Parlament Ewropew. Għall-ewwel darba, iċ-ċittadini Ewropej jistgħu jivvutaw għal min jirrappreżentahom fil-Parlament Ewropew. L-elezzjonijiet Ewropej isiru kull 5 snin.

Il-Greċja tingħaqad mal-Komunitajiet Ewropej, u ssir l-10 Stat Membru.

1981

1986

Spanja u l-Portugall jissieħbu fil-Komunitajiet Ewropej, u b’hekk in-numru totali ta’ membri jitla’ għal 12.

Jiġi stabbilit il-programm Erasmus biex jgħin liż-żgħażagħ Ewropej jistudjaw, jitħarrġu u jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżhom.

1987

1992

Jiġi ffirmat it-Trattat ta’ Maastricht. Tinħoloq l-Unjoni Ewropea. It-trattat jintroduċi ċ-ċittadinanza Ewropea u jistabbilixxi regoli ċari għall-euro, il-munita futura. Isaħħaħ ukoll il-politika barranija u ta’ sigurtà u jżid il-kooperazzjoni fil-ġustizzja u fl-affarijiet interni.

Il-Ftehim ta’ Schengen ineħħi l-kontrolli kollha fuq il-fruntieri bejn is-seba’ pajjiżi li ffirmawh (bħalissa ffirmawh 27 pajjiż – ara d-dettalji fit-Taqsima 2).

1995

1995

L-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja jissieħbu fl-UE. Issa hemm 15-il Stat Membru.

Jiġi ffirmat it-Trattat ta’ Nizza. L-għan ewlieni tiegħu huwa li jirriforma l-istituzzjonijiet tal-UE biex tħejji għall-akbar tkabbir3 fl-istorja tal-UE.

2001

2002

Il-karti u l-muniti tal-euro jsiru l-munita legali fi 12-il pajjiż tal-UE (ara aktar fit-Taqsima 1).

10 pajjiżi ġodda jissieħbu fl-UE: iċ-Ċekja, Ċipru, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja, s-Slovenja, u l-Ungerija. Qatt qabel ma daħlu daqshekk pajjiżi fl-UE f’daqqa.

2004

2007

Il-Bulgarija u r-Rumanija jissieħbu fl-UE, li issa għandha 27 Stat Membru.

Jiġi ffirmat it-Trattat ta’ Lisbona. Dan jintroduċi struttura ġdida li tagħti lill-UE rwol aktar b’saħħtu fid-dinja u li tagħti aktar piż lill-vuċijiet taċ-ċittadini u tal-gvernijiet nazzjonali.

2007

2012

Il-Premju Nobel għall-Paċi jingħata lill-UE għar-rwol tagħha fit-trasformazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-Ewropa minn kontinent ta’ gwerra għal kontinent ta’ paċi. L-UE tuża l-flus tal-premju biex tgħin lit-tfal li ma għandhomx iċ-ċans li jikbru fil-paċi.

Il-Kroazja tingħaqad mal-UE, u ssir t-28 Stat Membru.

2013

2017

Jispiċċaw it-tariffi tar-roaming. Ir-residenti tal-UE issa jistgħu jċemplu, jibagħtu l-messaġġi u jaqbdu mal-Internet fuq il-mowbajls tagħhom fi kwalunkwe post fl-UE, mingħajr spejjeż żejda.

Brexit. Wara referendum fl-2016, ir-Renju Unit joħroġ uffiċjalment mill-UE.

2020

2020

NextGenerationEU. Matul il-pandemija tal-COVID-19, ħafna negozji jitilfu d-dħul u bosta nies jisfaw qiegħda. NextGenerationEU tipprovdi EUR 750 biljun addizzjonali f’self u f’għotjiet lill-pajjiżi tal-UE biex tgħinhom jibnu mill-ġdid l-ekonomiji tagħhom b’mod sostenibbli. Ara: https://europa.eu/!Y7xG3F

Jitnieda l-programm il-ġdid Erasmus+. Bi kważi d-doppju tal-baġit preċedenti, dan se jkun ta’ benefiċċju għal 10 miljun persuna ta’ kull età u ta’ kull sfond fl-Ewropa u lil hinn minnha biex jiksbu esperjenzi differenti f’pajjiż ieħor (ara aktar fit-Taqsima 2).

2021

Kont taf?

Kull azzjoni meħuda mill-UE hija bbażata fuq trattati ffirmati mill-pajjiżi kollha tal-UE wara li jkunu ġew innegozjati u miftiehma. Madankollu, biex trattat isir operattiv jieħu xi ftit taż-żmien, kultant anke diversi snin. Din hija r-raġuni għaliex xi drabi se tara żewġ dati differenti għall-istess trattat: id-“data tal-iffirmar” u d-“data tad-dħul fis-seħħ”.

Sir af aktar dwar it-trattati tal-UE.

TRID TKUN TAF AKTAR DWAR L-UE MATUL IS-SNIN?

Mur fuq vjaġġ lura fiż-żmien fl-iskeda ta’ żmien tal-UE biex tiskopri mumenti importanti fl-istorja li għamlu lill-UE dik li hi llum:

  https://europa.eu/!7NjkqX

Kont taf?

Ħafna mexxejja viżjonarji – kemm irġiel kif ukoll nisa – ispiraw l-UE li ngħixu fiha llum. Mingħajr l-enerġija u l-motivazzjoni tagħhom, ma nistgħux ngħixu fil-paċi u fl-istabbiltà li jidhru tant normali għalina. Tgħallem dwar il-pijunieri tal-UE:

  https://europa.eu/!NVpBPk

Attività: kwiżż tat-tmiem it-Taqsima 3

  Tista’ ssemmi s-sitt pajjiżi fundaturi tal-UE? X’inhu l-isem tal-komunità li waqqfu fl-1951?

  Pajjiżek, f’liema sena ssieħeb fl-UE? Pajjiżek jinsab fiż-żona tal-euro? Pajjiżek jinsab fiż-żona Schengen?

  Liema kien dak il-pajjiż li ssieħeb fl-UE l-aktar reċentement?

  Xi premju ngħatat l-UE fl-2012 u għal liema raġuni?

  Min huma l-pijunieri tal-UE?

Mur għat-tweġibiet

L-UE: kif taħdem

Forsi smajt bid-deċiżjonijiet meħudin minn “Brussell”. Din hija espressjoni li spiss tintuża biex tirreferi għall-Unjoni Ewropea, peress li dan huwa l-post fejn il-biċċa l-kbira tal-istituzzjonijiet tal-UE għandhom il-kwartieri ġenerali tagħhom. X’inhuma eżattament ir-rwoli tagħhom u x’tip ta’ deċiżjonijiet jistgħu jieħdu? Xi rwol għandhom il-gvernijiet nazzjonali fl-UE? Din it-taqsima se tgħidlek dwar kif taħdem l-UE. Se titgħallem ukoll dwar kif tista’ ssemma’ leħnek fil-livell Ewropew.

Min huma l-atturi ewlenin tal-UE?

Il-pajjiżi tal-UE qablu b’mod ċar dwar dak li l-Unjoni Ewropea għandha u ma għandhiex tagħmel; l-għan hu li l-UE taġixxi biss meta għan ikun jista’ jintlaħaq aħjar jekk l-azzjoni tittieħed fil-livell tal-UE minflok fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali. Ir-regoli huma definiti fit-trattati tal-UE li tgħallimt dwarhom fit-Taqsima 3.

Ejja nagħtu ħarsa lejn l-istituzzjonijiet tal-UE, fejn l-atturi ewlenin mill-pajjiżi kollha tal-UE jiltaqgħu, jiddiskutu, u jiddeċiedu dwar il-liġijiet flimkien.

IL-PARLAMENT EWROPEW

Ritratt tal-bini Louise Weiss, li huwa l-bini prinċipali tal-kwartieri ġenerali tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu.

Huwa l-vuċi taċ-ċittadini tal-UE.

  Fejn jinsab?

Strasburgu (Franza), Brussell (il-Belġju) u l-Lussemburgu (il-Lussemburgu).

  Min jaħdem hemm?

  • 705 Membri tal-Parlament Ewropew (MEPs). L-MEPs mhumiex raggruppati skont in-nazzjonalità tagħhom. Jappartjenu għal gruppi minn diversi pajjiżi li jaqsmu fehmiet politiċi simili.
  • Dawn jirrappreżentaw liċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-UE.
  • Dawn jiġu eletti direttament miċ-ċittadini tal-UE kull 5 snin. In-numru ta’ MEPs li jirrappreżentaw kull pajjiż jiddependi mid-daqs tal-popolazzjoni tal-pajjiż.

  Min hija l-President?

Mit-18 ta’ Jannar 2022, il-President tal-Parlament Ewropew hija Roberta Metsola.

Ritratt tal-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola

  X’jagħmel?

  • Il-Parlament Ewropew jiddibatti u jadotta l-leġiżlazzjoni tal-UE flimkien mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
  • Huwa jiddeċiedi dwar il-baġit tal-UE flimkien mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
  • Jimmonitorja -użu xieraq tal-fondi tal-UE u jissorvelja istituzzjonijiet oħrajn tal-UE, b’mod partikolari l-Kummissjoni Ewropea. Huwa jeleġġi lill-President tal-Kummissjoni Ewropea u għandu d-dritt li japprova u jkeċċi lill-Kummissjoni Ewropea kollha.

  Sir af aktar dwar il-Parlament Ewropew.

IL-KUNSILL EWROPEW

Ritratt tal-Bini Europa, is-sede tal-Kunsill Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fi Brussell.

Dan jirrappreżenta l-ogħla livell ta’ kooperazzjoni politika bejn l-Istati Membri tal-UE.

  Fejn jinsab? Brussell (il-Belġju).

  Min jaħdem hemm?

Kapijiet ta’ Stat u Kapijiet ta’ Gvern tal-pajjiżi kollha tal-UE, ippreseduti minn president.

  Min huwa l-President?

Charles Michel – Maħtur mill-mexxejja nazzjonali (Kapijiet ta’ Stat jew Gvern tal-pajjiżi tal-UE).

Ritratt Charles Michel, li huwa President tal-Kunsill Ewropew

  X’jagħmel?

Il-Kunsill Ewropew jistabbilixxi l-prijoritajiet ewlenin tal-UE u d-direzzjoni ġenerali tal-politika, iżda ma jgħaddix liġijiet. Dak huwa x-xogħol tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Il-laqgħat tiegħu jissejħu summits u jsiru fi Brussell mill-inqas erba’ darbiet fis-sena.

  Sir af aktar dwar il-Kunsill Ewropew.

Kont taf?

Ara wkoll dan id-dokumentarju qasir għal aktar informazzjoni dwar il-Kunsill:

  https://europa.eu/!Xm48xu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, magħruf ukoll bħala l-Kunsill – jew il-Kunsill tal-Ministri, jirrappreżenta lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-UE.

  Fejn jinsab? Brussell (il-Belġju).

  Min jaħdem hemm?

  • Ministri mill-pajjiżi kollha tal-UE. Dawn jirrappreżentaw l-interessi ta’ pajjiżhom fl-UE.
  • Is-suġġett li jkun qed jiġi diskuss jiddetermina liema ministru tal-gvern ikun meħtieġ li jattendi; jekk il-laqgħa tkun dwar it-tniġġis, il-ministri għall-ambjent mill-pajjiżi kollha tal-UE jiltaqgħu, jekk is-suġġett ikun l-agrikoltura, imbagħad jattendu l-laqgħa l-ministri responsabbli għall-agrikoltura, u l-bqija.

  Kif taħdem il-presidenza?

Il-pajjiżi tal-UE kollha jkollhom iċ-ċans li jieħdu l-presidenza tal-laqgħat, b’pajjiż wieħed li jkollu l-presidenza tal-Kunsill għal 6 xhur.

https://www.consilium.europa.eu/mt/council-eu/presidency-council-eu/

  X’jagħmel?

  • Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddibatti u jadotta l-leġiżlazzjoni tal-UE flimkien mal-Parlament Ewropew.
  • Dan jieħu deċiżjonijiet dwar il-baġit tal-UE flimkien mal-Parlament Ewropew.
  • Jiddefinixxi u jpoġġi fil-prattika l-politika barranija u ta’ sigurtà tal-UE. Pereżempju, jieħu deċiżjonijiet dwar ftehimiet internazzjonali u dwar it-tkabbir tal-UE.

  Sir af aktar dwar il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Kont taf?

Għal ċerti deċiżjonijiet, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi b’vot ta’ maġġoranza, filwaqt li għal oħrajn il-pajjiżi kollha jeħtieġ li jaqblu. Għal deċiżjonijiet importanti, pereżempju l-ammissjoni ta’ pajjiż ġdid fl-UE, il-ministri tal-pajjiżi kollha tal-UE jeħtieġ li jaqblu.

  Aktar informazzjoni dwar ir-regoli tal-votazzjoni fil-Kunsill

https://www.consilium.europa.eu/mt/council-eu/voting-system/

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Ritratt tal-Berlaymont, li huwa l-bini ewlieni tal-Kummissjoni Ewropea fi Brussell.

Dan jippromwovi l-interess ġenerali tal-UE.

  Fejn tinsab? Brussell (il-Belġju).

  Min jaħdem hemm?

  • President wieħed u 26 Kummissarju.

  Sir af aktar dwar il-Kummissarji attwali.

  • Kull pajjiż tal-UE jinnomina Kummissarju wieħed, li jeħtieġ li jiġi approvat mill-Parlament Ewropew. Ix-xogħol tiegħu mhuwiex li jirrappreżenta l-fehmiet ta’ pajjiżu iżda pjuttost li jaħdem fl-interess komuni tal-UE, ma’ kull Kummissarju responsabbli għal qasam partikolari ta’ attività tal-UE.

  Min hija l-President?

Ursula von der Leyen – maħtura mill-mexxejja nazzjonali (Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern tal-pajjiżi tal-UE), bl-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

Ritratt ta’ Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea;

  X’tagħmel?

  • Il-Kummissjoni Ewropea hija responsabbli għall-ippjanar, it-tħejjija u l-proposta ta’ liġijiet ġodda tal-UE, inkluż il-baġit tal-UE.
  • Hija timmaniġġa u timplimenta fil-prattika l-politiki tal-UE u timplimenta l-baġit.
  • Tiżgura li l-pajjiżi tal-UE jsegwu l-Liġi Ewropea.
  • Tirrappreżenta lill-UE madwar id-dinja flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE4).
Kont taf?

Filwaqt li l-kwartieri ġenerali tal-Kummissjoni jinsabu fi Brussell, għandha rappreżentazzjonijiet fil-pajjiżi kollha tal-UE. L-UE għandha delegazzjonijiet madwar id-dinja li jaġixxu bħall-ambaxxati tal-UE. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar l-uffiċċji tal-UE madwar id-dinja fit-Taqsima 6.

  Sir af aktar dwar il-Kummissjoni Ewropea.

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea spiss jissejħu flimkien bħala t-“trijanglu istituzzjonali” tal-UE, minħabba li għalkemm għandhom rwoli distinti, dak li jagħmlu huwa relatat.

Agħti ħarsa lejn il-graff ta’ hawn taħt biex tifhem kif taħdem.

  Il-Kunsill Ewropew – il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern – jistabbilixxi l-prijoritajiet tal-UE.

  Abbażi ta’ dawn, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi liġijiet ġodda.

  Il-proposti jiġu riveduti u emendati, aċċettati jew miċħuda mill-Parlament Ewropew, flimkien mal-Kunsill tal-Ministri. Ladarba jaslu għal ftehim, dawn japprovaw il-liġijiet.

  Il-Kummissjoni Ewropea tiżgura li l-pajjiżi kollha tal-UE josservaw il-liġijiet il-ġodda tal-UE. Jekk le, tista’ tieħu azzjoni kontrihom.

It-trijangolu interistituzzjonali tal-UE

Il-Kunsill Ewropew => jistabbilixxi l-prijoritajiet tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea => tipproponi liġijiet ġodda => timplimenta il-baġit => tiżgura li l-pajjiżi tal-UE jirrispettaw u jimxu mal-liġijiet tal-UE. Il-Parlament Ewropew => jadotta l-liġijiet u l-baġit. Il-Kunsill tal-Ministri => jadotta l-liġijiet u l-baġit. Tirrevedi l-liġijiet proposti u jew temendahom, tadottahom jew tirrifjutahom. Meta jaslu għal ftehim => Liġi Ġdida!

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA TAL-UNJONI EWROPEA

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tiżgura li l-liġijiet tal-UE jiġu osservati u applikati kif xieraq f’kull pajjiż tal-UE. Jekk pajjiż ma japplikax il-liġi kif suppost, il-Kummissjoni Ewropea tista’ toħroġ twissija formali; jekk il-pajjiż ma jikkonformax mar-regoli, il-Kummissjoni tista’ ttellgħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija bbażata fil-Lussemburgu u hi magħmula minn imħallef wieħed minn kull pajjiż tal-UE.

Sir af aktar dwar istituzzjonijiet u korpi oħrajn tal-UE li forsi smajt bihom.

Kont taf?

Mhux kull min jaħdem fl-UE huwa politikant; hemm ukoll avukati, tradutturi, interpreti u esperti oħra li jaħdmu għall-istituzzjonijiet tal-UE. Jekk din it-tip ta’ karriera tinteressak, tista’ tibda bi traineeship f’waħda mill-istituzzjonijiet.

  Sir af aktar dwar it-traineeship.

Kont taf?

Tista’ żżur il-biċċa l-kbira tal-istituzzjonijiet tal-UE! Ħafna jorganizzaw żjarat għall-iskejjel u għaż-żgħażagħ ukoll. Żjarat virtwali huma possibbli wkoll!

  Sir af aktar.

Iddiskuti fi gruppi

X’benefiċċji hemm għaċ-ċittadini, għall-gvernijiet u għall-interess komuni Ewropew li jkunu rrappreżentati fl-UE? X’inhuma l-iżvantaġġi? Wara li taqra din it-taqsima, taħseb li huwa preċiż li tgħid li “Brussell” iddeċidiet xi ħaġa?

Il-vuċi tiegħek tgħodd!

Kont taf?

Biex tiżgura li l-vuċi tiegħek tinstema', l-UE ħolqot il-pjattaforma għall-parteċipazzjoni tat-Tfal. Dan huwa post sikur fejn tista' taqsam dak li taħseb dwar kwistjonijiet importanti ma' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet. Tista' tikkuntattja lil tfal oħra, tinteraġixxi, tiddiskuti u titgħallem dwar id-drittijiet tiegħek. Tista' wkoll titgħallem dwar il-liġijiet u l-politiki f'lingwa li tiffavorixxi t-tfal u tikkuntattja organizzazzjonijiet qrib il-post fejn tgħix! Sir af aktar:

  https://europa.eu/!vFVX3J

Issa rajt kif il-pajjiżi tal-UE jiddeċiedu dwar liġijiet komuni fl-istituzzjonijiet tal-UE. Dan il-proċess ma jkunx komplut mingħajr il-vuċi tiegħek! Bħala ċittadin Ewropew tista’ ssemma’ leħnek fil-politiki tal-UE b’diversi modi ladarba tilħaq l-età tal-vot (li hija 18 fil-parti l-kbira tal-pajjiżi tal-UE, 17 fil-Greċja u 16 fl-Awstrija u f’Malta). Il-Belġju u l-Ġermanja naqqsu l-età tal-vot għall-elezzjonijiet Ewropej li ġejjin għal 16.

L-ewwel nett, tista’ tivvota fl-elezzjoni ġenerali ta’ pajjiżek. Kif rajna aktar kmieni f’din it-taqsima, il-gvern elett se jirrappreżenta lil pajjiżek fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li għandu rwol importanti fid-deċiżjoni dwar il-liġijiet tal-UE.

Il-Membri tal-Parlament Ewropew (MEPs) jiġu eletti kull 5 snin, u xi wħud minnkom se jkollhom biżżejjed żmien biex jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej li jmiss fl-2024, għalhekk huwa importanti li żżomm ruħek aġġornat(a) b'dak li għaddej fil-Parlament Ewropew:

https://www.europarl.europa.eu/portal/mt

L-MEPs eletti huma l-vuċi tan-nies u, flimkien mal-Kunsill, jiddeċiedu dwar il-liġijiet tal-UE li jaffettwaw ħafna aspetti ta' ħajjitna, pereżempju:

· liema pestiċidi huma sikuri biex jintużaw fuq l-ikel imkabbar fl-UE;

· kemm tħallas għal telefonati bil-mowbajl meta tmur f'pajjiż ieħor tal-UE;

· nagħmlu l-ġugarelli tat-tfal sikuri;

· it-tindif tal-arja li nieħdu n-nifs minnha u tal-ilma li nixorbu u li ngħumu fih;

· nagħmluha aktar faċli li wieħed jistudja f'università f'pajjiż ieħor tal-UE.

Kif jirrappreżentawna l-MEPs? Iċċekkja dan il-vidjo biex tifhem kif l-MEPs li neleġġu jipproteġu l-interessi tagħna:

  hhttps://www.europarl.europa.eu/at-your-service/mt/be-heard/elections

Tista’ tagħti l-opinjoni tiegħek billi tieħu sehem f’konsultazzjonijiet pubbliċi online. Qabel ma tagħmel proposti għal liġijiet ġodda tal-UE, il-Kummissjoni tfittex l-opinjonijiet taċ-ċittadini u tal-partijiet interessati permezz ta’ dawn il-konsultazzjonijiet.

Sir af dwar l-aħħar konsultazzjonijiet pubbliċi:

  https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say_mt

Tista’ tibda jew tieħu sehem f’inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej. Tista’ tistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproponi liġi dwar suġġett għal qalbek. Madankollu, biex l-inizjattiva tiġi kkunsidrata, hemm bżonn ta’ miljun persuna minn madwar l-UE biex jappoġġawha u jiffirmawha.

Sir af dwar l-aħħar inizjattiva taċ-ċittadini:

  https://europa.eu/citizens-initiative/_mt

Dan il-vidjow se jispjegalek il-proċess tal-inizjattivi taċ-ċittadini:

  https://audiovisual.ec.europa.eu/mt/video/I-158444

Kont taf?

L-ewwel inizjattiva li qatt saret miċ-ċittadini tal-UE “Right2Water” ġabret 1.6 miljun firma. Dan wassal biex il-Kummissjoni tippreżenta proposta biex tittejjeb il-kwalità tal-ilma għan-nies madwar l-Ewropa. Fl-2021, il-proposta saret liġi ġdida tal-UE.

Tista’ taqsam dak li huwa importanti għalik permezz tad-Djalogi tal-UE dwar iż-Żgħażagħ jew permezz tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ. Dawn huma dibattiti pubbliċi ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-UE, bħall-MEPs u l-politikanti nazzjonali, reġjonali u lokali. Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ.

Iddiskuti fi gruppi

Fuqiex taħseb li għandhom jiffukaw dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-UE? Kieku kellek issemma’ leħnek ma’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-UE, liema suġġett(i) tiddiskuti?

Attività: kwiżż tat-tmiem it-Taqsima 4

  Xi tfisser “MEP” u lil min jirrappreżentaw? Kemm hemm MEPs?

  X’inhi d-differenza bejn il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea?

  Jekk il-ministru tal-Edukazzjoni ta’ pajjiżek se jiltaqa’ f’laqgħa tal-UE, liema istituzzjoni qed torganizza l-laqgħa?

  Veru jew falz: il-Kummissjoni Ewropea tgħaddi liġijiet fl-UE.

  X’inhu l-għadd minimu ta’ ċittadini tal-UE meħtieġ biex jappoġġaw inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej?

Mur għat-tweġibiet

Grazzi talli esplorajt l-UE magħna u talli segwejt l-istorja tal-kontinent tagħna minn gwerra katastrofika għal kooperazzjoni u opportunitajiet kbar.

L-istorja tal-UE ma spiċċatx. Il-kontinent qed jiffaċċja sfidi ġodda: it-tibdil fil-klima, il-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19, it-tensjonijiet bejn ir-reġjuni u u t-trasformazzjoni diġitali, biex insemmu biss ftit. Hemm ħafna xogħol xi jsir sabiex l-Ewropa tkun tista’ tkompli tipprovdi l-paċi u l-prosperità għan-nies tagħha.

Issa li tgħallimt dwar l-UE, wasal iż-żmien li tagħmel l-istorja tagħha tiegħek stess.

Iddiskuti fi gruppi

X’inhuma xi wħud mill-isfidi l-kbar li se jaffaċċjaw pajjiżek u l-UE fil-futur? Tista’ tuża t-Taqsima 2 għall-ispirazzjoni, jew fittex ideat fl-aħbarijiet. Fuq liema sfidi taħseb li għandha tiffoka l-UE, u għaliex?

Ladarba tkun iddeċidejt dwar l-aktar sfida importanti fil-futur, aħseb dwar x’tista’ tagħmel l-UE dwarha. Jekk qed tagħmel dan l-iskola, qabbel l-ideat tiegħek ma’ dawk ta’ sħabek tal-klassi.

Liema sfidi jissemmew l-aktar? Tistgħu taqblu dwar x’jistgħu jkunu l-aqwa tliet tweġibiet tal-UE għal dawn l-isfidi?

Soluzzjonijiet għall-attivitajiet

Taqsima 1

Attività 1

Sib il-pajjiżi u l-bliet kapitali tal-UE

1 - L-Awstrija: Vjenna; 2 - Il-Belġju: Brussell; 3 - Il-Bulgarija: Sofija; 4 - Iċ-Ċekja: Praga; 5 - Ċipru: Nikosija; 6 - Id-Danimarka: Kopenħagen; 7 - L-Estonja: Talinn; 8 - Il-Finlandja: Ħelsinki; 9 - Franza: Pariġi; 10 - Il-Ġermanja: Berlin; 11 - Il-Greċja: Ateni; 12 - L-Irlanda: Dublin; 13 - L-Italja: Ruma; 14 - L-Iżvezja: Stokkolma; 15 - Il-Kroazja: Żagreb; 16 - Il-Latvja: Riga; 17 - Il-Litwanja: Vilnius; 18 - Il-Lussemburgu: Il-Lussemburgu; 19 - Malta: Il-Belt Valletta; 20 - In-Netherlands: Amsterdam; 21 - Il-Polonja: Varsavja; 22 - Il-Portugall: Lisbona; 23 - Ir-Rumanija: Bukarest; 24 - Is-Slovakkja: Bratislava; 25 - Is-Slovenja: Ljubljana; 26 - Spanja: Madrid; 27 - L-Ungerija: Budapest

Mur lura

Attività 2

Aqta’ minn liema pajjiż ġejja l-munita

Ritratt ta’ muniti tal-euro differenti minn madwar l-UE.

1 - l-Italja; 2 - Spanja; 3 - Il-Lussemburgu; 4 - L-Estonja; 5 - Malta; 6 - L-Awstrija; 7 - Il-Finlandja; 8 - Il-Greċja; 9 - Is-Slovenja; 10 - Il-Ġermanja

1. © Ministero dell'Economia e delle Finanze, Italia – 2. © Ministerio de Asuntos Económicos y Transformación Digital, España – 3. © Banque Centrale du Luxembourg – 4. © Eesti Pank – 5. © Bank Centrali ta' Malta – 6. © Münze Österreich AG – 7. © Valtiovarainministeriö – Finansministeriet, Suomi – 8. © Hellenic Republic Ministry of Finance - Υπουργείο Οικονομικών της Ελληνικής Δημοκρατίας – 9. © Ministrstvo za Finance, Slovenija – 10. © Bundesverwaltungsamt, Deutschland

Mur lura

Attività 3

Agħqqad il-monumenti mal-pajjiżi tal-UE.

1 - L-Atomium • il-Belġju; 2 - Il-Monasteru ta’ Rila • il-Bulgarija; 3 - Il-Pont ta’ Charles • iċ-Ċekja; 4 - Nyhavn • id-Danimarka; 5 - Il-Bieb ta’ Brandenburg • il-Ġermanja; 6 - Il-Kastell ta' Toompea u t-Torri Pikk Hermann • l-Estonja; 7 - Il-Katidral ta’ San Patrizju • l-Irlanda; 8 - L-Akropoli ta’ Ateni • il-Greċja; 9 - Is-Sagrada Familia • Spanja; 10 - It-Torri Eiffel • Franza; 11 - Banski dvori, is-sede tal-Gvern Kroat • il-Kroazja; 12 - It-Torri ta’ Pisa • l-Italja; 13 - Il-Kastell ta’ Kyrenia • Ċipru; 14 - Il-Kastell Turaida • il-Latvja; 15 - It-Torri Gediminas • il-Litwanja; 16 - Il-Palazz Gran Dukali • il-Lussemburgu; 17 - Il-bini tal-Parlament Ungeriż • l-Ungerija; 18 - Il-Katidral ta’ San Ġwann • Malta; 19 - L-imtieħen tar-riħ • in-Netherlands; 20 - Il-Palazz Schönbrunn • l-Awstrija; 21 - Il-Kastell Wawel • il-Polonja; 22 - It-Torri Belem • il-Portugall; 23 - Il-Kastell Bran • ir-Rumanija; 24 - Il-Lag Bled • is-Slovenja; 25 - Il-Kastell ta’ Bratislava • is-Slovakkja; 26 - Il-Katidral ta’ Ħelsinki • il-Finlandja; 27 - Avicii Arena (Globen) • l-Iżvezja

Mur lura

Kwiżż tat-tmiem it-Taqsima 1

  Il-pajjiżi tal-UE huma magħqudin bl-istess valuri, simboli u għanijiet, u xi wħud huma wkoll magħqudin bl-istess munita, bl-euro.

  Hemm 27 pajjiż tal-UE u 20 jużaw l-euro, filwaqt li sebgħa minnhom ma jagħmlux dan.

  L-UE għandha 24 lingwa uffiċjali.

  L-istilel fuq il-bandiera tal-UE jissimbolizzaw l-unità u l-armonija.

  Id-drittijiet tal-bniedem huma sett ta’ drittijiet bażiċi li jappartjenu għal kull bniedem mit-twelid. Huma konnessi mal-UE b’żewġ modi: Id-drittijiet tal-bniedem huma wieħed mill-valuri komuni tal-UE, u huma protetti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

Mur lura

Taqsima 2

Attività 4

Qed tagħrafhom dawn it-tikketti? Xi jfissru?

Il-markatura CE tindika li prodott jissodisfa r-rekwiżiti tal-UE dwar is-sikurezza, is-saħħa u l-protezzjoni ambjentali. Hija meħtieġa għal prodotti li jiġu kkummerċjalizzati fl-UE, irrispettivament minn fejn ġew manifatturati fid-dinja.

L-Ekotikketta tal-UE tingħata lil prodotti li jissodisfaw standards ambjentali għoljin matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom: mill-estrazzjoni tal-materja prima sal-produzzjoni, id-distribuzzjoni u r-rimi. Illum, aktar minn 75 000 prodott mibjugħ fis-suq tal-UE għandhom l-Ekotikketta tal-UE.

Il-logo organiku tal-UE jindika li l-prodott huwa organiku u prodott fl-UE. Il-logo jista’ jintuża biss fuq prodotti li jkun fihom mill-inqas 95 % ta’ ingredjenti organiċi u li jirrispettaw aktar kundizzjonijiet stretti għall-5 % li jifdal.

It-tikketta tal-enerġija tal-UE turi l-klassifika ta’ ċertu apparat tad-dar fuq skala minn A sa G (jew A+++ sa D, skont l-apparat). Kodiċi tal-kulur huwa assoċjat ma’ ittra: il-ħadra hi l-aktar waħda effiċjenti fl-użu tal-enerġija u l-ħamra hi l-inqas waħda.

Is-sistema tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE tipproteġi l-ismijiet ta’ prodotti li joriġinaw minn reġjuni speċifiċi tal-UE u li għandhom kwalitajiet speċifiċi jew li jgawdu reputazzjoni tajba.

Sir af aktar:   https://europa.eu/!dFYMtQ

Mur lura

Attività 5

X’inhuma l-mistoqsijiet li għandek tistaqsi lilek innifsek qabel ma taqsam il-kontenut fuq il-midja soċjali?

Is-sors huwa affidabbli – l-aħbarijiet ġejjin minn organizzazzjoni tal-aħbarijiet stabbilita sew?

Tista’ ssib il-kredenzjali tal-awtur u l-pubblikazzjonijiet preċedenti?

L-istorja tista’ temminha u hija kkonfermata f’sorsi affidabbli oħrajn?

It-titlu u l-kontenut ipprovaw ibeżżgħuk u/jew jirrabjawk?

Mur lura

Kwiżż tat-tmiem it-Taqsima 2

  Falz – l-UE hija preżenti fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum b’ħafna modi, mill-ħafna proġetti li tiffinanzja (pereżempju biex ittejjeb il-konnessjonijiet tat-trasport fejn tgħix jew il-kwalità tal-arja li tieħu) għal-liġijiet li tgħaddi biex tipproteġi d-drittijiet tiegħek meta tixtri online u offline!

  Il-programm li jippermettilek tagħmel volontarjat barra minn pajjiżek għal kawża għal qalbek jissejjaħ il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà.

  Falz – għandek ġimagħtejn biex tirritorna prodott li tkun xtrajt online jekk jerġa’ jibdielek minnu.

  Natura 2000 hija network ta’ żoni protetti fl-UE.

  Bis-saħħa tar-Regolament Ġenerali tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR), l-informazzjoni personali tiegħek – l-isem, l-indirizz, l-età eċċ. – hija protetta. Ma tistax tintuża mingħajr il-permess tiegħek jew għal finijiet li ma jkunx qbilt dwarhom.

Mur lura

Taqsima 3

Kwiżż tat-tmiem it-Taqsima 3

  Is-sitt pajjiżi fundaturi tal-UE huma l-Belġju, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu u n-Netherlands. Il-komunità li stabbilixxew fl-1951 kienet tissejjaħ il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar.

  Ara l-mapep fit-Taqsimiet 1 u 3 biex issib it-tweġiba t-tajba.

  Il-Kroazja huwa l-aktar pajjiż riċenti li ssieħeb fl-UE, fl-2013.

  L-UE ngħatat il-Premju Nobel għall-Paċi fl-2012 għar-rwol tagħha fit-trasformazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-Ewropa minn kontinent ta’ gwerra għal kontinent ta’ paċi.

  Il-pijunieri tal-UE huma n-nisa u l-irġiel viżjonarji li kkontribwixxew biex jagħmlu l-UE dak li hija llum.

Mur lura

Taqsima 4

Kwiżż tat-tmiem it-Taqsima 4

  MEP tfisser Membri tal-Parlament Ewropew. L-MEPs jirrappreżentaw liċ-ċittadini tal-UE, u hemm 705 b’kollox.

  Il-Kunsill Ewropew jiġbor flimkien il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE biex jiddeċiedu dwar il-prijoritajiet politiċi tal-UE u l-għanijiet ewlenin għall-futur tal-UE. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, min-naħa l-oħra, huwa fejn il-ministri tal-gvernijiet nazzjonali jiddiskutu u jadottaw liġijiet tal-UE dwar suġġett speċifiku.

  Jekk il-ministru tal-Edukazzjoni ta’ pajjiżek ikun se jattendi laqgħa tal-UE, dan se jmur għand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

  Falz – il-Kummissjoni Ewropea tipproponi liġijiet ibbażati fuq l-għanijiet ġenerali stabbiliti mill-Kunsill Ewropew. Il-liġijiet jgħaddu mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

  L-għadd minimu ta’ ċittadini tal-UE meħtieġa biex jappoġġaw inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej huwa ta’ miljun, minn minn tal-anqas seba’ pajjiżi tal-UE, minħabba li dan huwa l-għadd ta’ firem meħtieġa qabel ma l-Kummissjoni tkun tista’ tikkunsidra inizjattiva bħal din.

Mur lura

Aktar informazzjoni dwar l-UE

Nittamaw li wara li qrajt din il-pubblikazzjoni sirt taf aktar dwar l-UE, kif taħdem u x’tagħmel għall-ħajja tiegħek ta’ kuljum. Jekk trid tiskopri aktar, hawn ftit ideat:

L-UE online

IR-ROKNA TAT-TAGĦLIM

Is-sit web interistituzzjonali tal-UE għal dawk li għandhom bejn 5 snin u 18-il sena u l-għalliema u l-ġenituri tagħhom, b’logħob, vidjows u ħafna materjali oħra ta’ tagħlim disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE.

  https://europa.eu/learning-corner/home_mt

EUROPA

is-sit web uffiċjali tal-UE, fejn se ssib informazzjoni dwar il-politiki tal-UE, links għas-siti web tal-istituzzjonijiet tal-UE, eċċ.

  https://europa.eu/european-union/index_mt

IL-PORTAL EWROPEW TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Informazzjoni dwar l-opportunitajiet fl-Ewropa u lil hinn minnha, dwar l-impjiegi, l-edukazzjoni, l-ivvjaġġar għaż-żgħażagħ, eċċ.

  https://europa.eu/youth/EU_mt

L-EWROPA TIEGĦEK

Sit web b’pariri għan-nies li jgħixu fl-UE dwar varjetà ta’ suġġetti prattiċi.

  https://europa.eu/youreurope/citizens/index_mt.htm

IL-PUBBLIKAZZJONIJIET TAL-UE

Sit web b’varjetà ta’ pubblikazzjonijiet PDF, fuq eBook u stampati dwar l-UE.

  https://op.europa.eu/mt/publications

L-UE personalment

Madwar l-Ewropa kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni lokali tal-UE. Sib l-indirizz tal-eqreb ċentru tiegħek hawnhekk:

  https://europa.eu/european-union/contact_mt

L-UE fuq it-telefown jew bil-posta elettronika

EUROPE DIRECT

servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-UE:

  bit-telefown, bla ħlas minn kwalunkwe post fl-UE biex titkellem ma’ operatur li jitkellem il-lingwa tiegħek5:
       00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),

  fuq in-numru standard:   +32 22999696 jew

  bil-posta elettronika:   https://europa.eu/european-union/contact_mt

Tista’ tikseb ukoll informazzjoni tal-UE f’kull pajjiż tal-UE minn:

Ir-rappreżentanzi tal-Kummissjoni Ewropea

  https://commission.europa.eu/about-european-commission/contact/representations-member-states_mt

L-uffiċċji ta’ kollegament tal-Parlament Ewropew

  https://www.europarl.europa.eu/at-your-service/mt/stay-informed/liaison-offices-in-your-country

Tista’ tikseb informazzjoni tal-UE f’partijiet oħra tad-dinja minn:

Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea

  https://eeas.europa.eu/headquarters/headquarters-homepage/area/geo_mt

Segwi lill-Kummissjoni Ewropea fuq il-midja soċjali

-----------------------------

1 Trattat. ftehim sinifikanti li jorbot lil żewġ nazzjonijiet jew aktar. It-trattati tal-UE sawru lill-UE matul is-snin u jkomplu jiggwidaw il-ħidma tagħha llum.

2 Waħda mill-ideat ewlenin wara l-KEE kienet li tikkondividi suq komuni u li tagħmilha aktar faċli li jsir negozju flimkien.

3 Tkabbir: kull meta pajjiż jew grupp ta’ pajjiżi jissieħbu fl-UE, dan jissejjaħ tkabbir tal-UE.

4 Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna huwa responsabbli għall-politika barranija u ta’ sigurtà, filwaqt li l-Kummissjoni tittratta l-kummerċ, l-għajnuna umanitarja u l-ftehimiet internazzjonali ma’ pajjiżi jew ma’ organizzazzjonijiet oħrajn, bħall-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima.

5 In-numru freephone ta’ Europe Direct huwa disponibbli biss jekk tkun qed iċċempel minn ġewwa l-UE.

Dan il-ktejjeb Ejjew nesploraw l-Ewropa! huwa disponibbli hawnhekk:

https://europa.eu/learning-corner/home_mt

https://op.europa.eu/mt/publications

Il-Kummissjoni Ewropea
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
Servizz Editorjali u l-Outreach fil-Mira
1049 Brussell
IL-BELĠJU

Manuskritt aġġornat f'April 2023

Illustrazzjonijiet: © Thomas d’Addario

L-immaġnijiet kollha © Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor.

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2023

Print ISBN 978-92-76-60356-6 doi:10.2775/435430 NA-03-22-253-MT-C
PDF ISBN 978-92-76-60383-2 doi:10.2775/692734  NA-03-22-253-MT-N
HTML ISBN 978-92-76-99433-6  doi:10.2775/095858 NA-03-22-253-MT-Q

© L-Unjoni Ewropea, 2023

Il-politika tal-użu mill-ġdid tad-dokumenti tal-Kummissjoni Ewropea hija bbażata fuq id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/833/UE tat-12 ta’ Diċembru 2011 dwar l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti tal-Kummissjoni (ĠU L 330, 14.12.2011, p. 39).

Għajr jekk ikun indikat mod ieħor, l-użu mill-ġdid ta’ dan id-dokument huwa awtorizzat bil-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC-BY 4.0) (https://creativecommons.org/licenses/by/4.0/). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa permess kemm-il darba jingħata kreditu xieraq u jiġu indikati t-tibdiliet kollha.

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ elementi li mhumiex proprjetà tal-Unjoni Ewropea, jista’ jkun hemm bżonn li jintalab permess direttament mid-detenturi tad-drittijiet rispettivi.