
Appoġġ taħt il‑FEŻR għall‑kompetittività tal‑SMEs: Dgħufijiet fit‑tfassil inaqqsu l‑effettività tal‑finanzjament
Dwar ir-rapport:Aħna vvalutajna jekk il‑Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għenx biex titjieb il‑kompetittività tal‑intrapriżi żgħar u medji (SMEs) fil‑perjodu 2014-2020. Sibna li l‑Istati Membri kellhom l-għan li jiffinanzjaw għadd kbir ta’ SMEs aktar milli jimmiraw il‑fatturi ewlenin li jillimitaw il‑kompetittività tal‑SMEs.
Il‑biċċa l‑kbira mis‑sejħiet iffinanzjaw investimenti produttivi speċifiċi mingħajr ebda impatt dejjiemi fuq il‑kompetittività. Il‑proġetti ġew mogħtija l‑aktar permezz ta’ proċeduri tal-għażla u għotjiet mhux kompetittivi.
L‑appoġġ stimula r‑rieda tal‑SMEs li jinvestu, għalkemm bosta kienu jagħmlu l‑istess investimenti, kieku, mingħajr finanzjament pubbliku. F’xi każijiet, l‑appoġġ affettwa b’mod negattiv il‑prospetti ekonomiċi ta’ SMEs oħra li jikkompetu fl‑istess swieq. Aħna nirrakkomandaw li jsir titjib tad‑disinn tas‑sejħiet tal‑SMEs, rieżaminar tal‑proċeduri tal-għażla taħt il‑FEŻR għall-għotjiet, u tingħata prijorità lill-użu tal-għajnuna ripagabbli.
Rapport speċjali tal‑QEA skont l‑Artikolu 287(4), it‑tieni subparagrafu, TFUE.
Sommarju eżekuttiv
I L‑intrapriżi żgħar u medji (SMEs) huma pilastru tal‑ekonomija tal‑UE, u l‑politika tal‑UE għandha l-għan li żżid il‑kompetittività tagħhom. Il‑Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) jikkontribwixxi għal dan l‑objettiv. It‑titjib tal‑kompetittività tal‑SMEs kien it‑tieni l‑akbar objettiv tematiku tal‑FEŻR għall‑perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, b’baġit ta’ madwar EUR 40.3 biljun.
II Aħna eżaminajna jekk il‑FEŻR ikkontribwiex għat‑titjib tal‑kompetittività tal‑SMEs għall‑perjodu 2014-2020, billi vvalutajna kif ġew indirizzati l-ħtiġijiet tal‑SMEs mill‑programmi tal‑FEŻR, f’kuntest fejn is‑sejħiet għal programmi u l‑proċeduri tal-għażla kienu żguraw li l‑SMEs benefiċjarji żiedu l‑kompetittività tagħhom. Għażilna programmi taħt il‑FEŻR li kienu jindirizzaw l‑objettiv tematiku 3 “Titjib tal‑kompetittività tal‑SMEs” fil-Ġermanja, fl‑Italja, fil‑Polonja u fil‑Portugall. B’kollox, il‑kampjun tagħna kien magħmul minn 24 proġett.
III Matul il‑perjodu 2014-2020, l‑Istati Membri ma kinux meħtieġa jallinjaw il‑miżuri dwar il‑kompetittività tal‑SMEs fil‑programmi taħt il‑FEŻR mal‑istrateġiji nazzjonali/reġjonali.
IV Sa tmiem l‑2019, il‑FEŻR kien ippjana li jappoġġa direttament 0.8 miljun SME mill‑kważi 25 miljun b’kollox fl‑UE (3.3 %). L‑awditu li wettaqna wera li l‑Istati Membri ħadu approċċi ta’ finanzjament li jvarjaw permezz tal‑programmi nazzjonali jew reġjonali tagħhom taħt il‑FEŻR. Bosta Stati Membri kellhom l-għan li jiffinanzjaw għadd kbir ta’ SMEs aktar milli jimmiraw il‑fatturi ewlenin li jillimitaw il‑kompetittività tal‑SMEs. Dan imbagħad spiss irriżulta fi proġetti fuq skala żgħira li ma kellhomx il‑massa kritika ta’ finanzjament meħtieġa biex jagħmlu differenza reali fil‑kompetittività tal‑SMEs.
V B’mod ġenerali, għall‑erba’ Stati Membri koperti minn dan l‑awditu, aħna nikkonkludu li l‑appoġġ taħt il‑FEŻR għall‑perjodu 2014-2020 stimula r‑rieda tal‑SMEs li jinvestu. Madankollu, l‑effettività tiegħu biex iżid il‑kompetittività tagħhom kienet imxekkla minn nuqqasijiet fl‑approċċ ta’ finanzjament meħud mill‑awtoritajiet maniġerjali tal‑Istati Membri. B’mod partikolari, aħna sibna li:
- Fil‑biċċa l‑kbira mill‑programmi taħt il‑FEŻR, is‑sejħiet għas‑sottomissjoni tal‑proġetti naqsu milli jindirizzaw l‑ostakli kolla rilevanti għall‑kompetittività li ltaqgħu magħhom l‑SMEs benefiċjarji. Minflok, huma sempliċiment ikkofinanzjaw investimenti produttivi speċifiċi bħax‑xiri ta’ makkinarju ġdid. B’konsegwenza ta’ dan, f’ħafna każijiet, il‑proġetti taħt il‑FEŻR ma rriżultawx f’titjib li jista’ jintwera, fis‑sitwazzjoni kompetittiva tal‑SMEs fir‑rigward tal‑operazzjonijiet u l‑pożizzjoni tagħhom fis‑suq, l‑internazzjonalizzazzjoni tagħhom, is‑sitwazzjoni finanzjarja tagħhom jew il‑kapaċità tagħhom li jinnovaw.
- Il‑finanzjament tal‑proġetti taħt il‑FEŻR seħħ l‑aktar permezz ta’ sejħiet u proċeduri tal-għażla mhux kompetittivi, li fihom kull applikazzjoni li ssodisfat il‑kriterji tal-għażla minimi rċeviet finanzjament.
- Il‑finanzjament taħt il‑FEŻR ħa l‑forma ta’ għotjiet aktar milli strumenti finanzjarji, jiġifieri forom ta’ appoġġ ripagabbli bħal self, garanziji jew ekwità. Madankollu, l‑ebda waħda mill‑SMEs awditjati ma semmiet diffikultajiet fl-aċċess għall‑finanzjament, bħala fattur ewlieni li jillimita l‑kompetittività. L-użu ta’ forom ta’ appoġġ ripagabbli kieku seta’ jippermetti lill‑fond jappoġġa aktar negozji.
VI Filwaqt li xi SMEs benefiċjarji fil‑kampjun tagħna rnexxielhom itejbu l‑kompetittività tagħhom minħabba l‑proġett iffinanzjat mill‑FEŻR, il‑biċċa l‑kbira minnhom ma rnexxielhomx. Bosta kienu jagħmlu l‑istess investiment, kieku, anki mingħajr il‑finanzjament tal‑UE. F’xi każijiet, il‑finanzjament mill‑FEŻR affettwa b’mod negattiv il‑prospetti ekonomiċi tal‑SMEs mhux benefiċjarji li kienu qed jikkompetu fl‑istess swieq bħall‑SMEs benefiċjarji. Dan naqqas l‑effett kumplessiv tal‑appoġġ mogħti mill‑UE.
VII Aħna stabbilejna s‑sejbiet tagħna fil‑kuntest tat‑tnedija tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ programmi taħt il‑FEŻR għall‑perjodu 2021-2027, u nirrakkomandaw li l‑Kummissjoni tistieden u tappoġġa lill‑Istati Membri biex:
- tirrieżamina t‑tfassil tas‑sejħiet taħt il‑FEŻR;
- tirrieżamina l‑proċeduri tal-għażla taħt il‑FEŻR għall-għotjiet; u
- tipprijoritizza l-użu ta’ għajnuna ripagabbli għall‑kompetittività tal‑SMEs.
Dan huwa mistenni li jgħin lill‑Kummissjoni u lill‑Istati Membri jagħmlu użu aħjar mill‑finanzjament mogħti mill‑FEŻR biex tiżdied il‑kompetittività tal‑SMEs matul il‑perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027.
Introduzzjoni
Intrapriżi żgħar u medji fl‑UE
01 Fl‑2018, kien hemm kważi 25 miljun intrapriża fl‑Istati Membri tal‑EU-28. Kważi kollha (99.8 %) ġew ikklassifikati bħala SMEs (intrapriżi żgħar u medji) u 92.9 % kellhom inqas minn 10 impjegati. L‑SMEs joperaw fi kważi s‑setturi ekonomiċi kollha u f’ambjenti lokali u nazzjonali li jvarjaw ħafna bejniethom. Huma jistgħu jkunu negozji ġodda innovattivi jew intrapriżi tradizzjonali. Jista’ jkollhom ukoll strutturi ta’ sjieda li jvarjaw (ara l‑Kaxxa 1).
X’inhi SME?
Il‑Kummissjoni tiddefinixxi l‑intrapriżi żgħar u medji (SMEs) bħala intrapriżi b’inqas minn 250 impjegat u jew b’fatturat annwali ta’ mhux aktar minn EUR 50 miljun jew inkella b’karta tal‑bilanċ annwali ta’ mhux aktar minn EUR 43 miljun. Id‑definizzjoni tiddistingwi wkoll bejn tliet kategoriji differenti: mikrointrapriżi, intrapriżi żgħar u intrapriżi ta’ daqs medju.
Definizzjoni ta’ SMEs
Kategorija | Impjegati | Fatturat (miljun EUR) jew Total tal‑karta tal‑bilanċ (miljun EUR) | |
---|---|---|---|
Mikro | < 10 | ≤ 2 | ≤ 2 |
Żgħar | < 50 | ≤ 10 | ≤ 10 |
Medji | < 250 | ≤ 50 | ≤ 43 |
Sors: Commission Recommendation of 6 May 2003 concerning the definition of micro, small, and medium-sized enterprises (2003/361/EC).
02 L‑SMEs huma sors importanti ta’ impjiegi u tkabbir ekonomiku, jimpjegaw 63 % tal‑forza tax‑xogħol tal‑UE u jiġġeneraw 52 % tal‑valur miżjud fl‑UE (ara t‑Tabella 1). Fl‑2018, l-għedud kienu jvarjaw bejn l‑Istati Membri, fejn l‑Italja kellha l‑akbar għadd ta’ SMEs (3.7 miljun) u Malta l-iżgħar (31 700).
Tabella 1 – Għadd ta’ intrapriżi, impjegati u valur miżjud (2018, EU-28(1))
Daqs | Għadd ta’ Intrapriżi | Valur miżjud(2) | Impjegati | |||
---|---|---|---|---|---|---|
Miljun | % | EUR miljun | % | Miljun | % | |
Mikro (< 10) | 23.13 | 92.9 | 1 484 106 | 18.9 | 41.54 | 27.8 |
Żgħar (< 50) | 1.49 | 6.0 | 1 303 380 | 16.6 | 29.54 | 19.7 |
Medji (< 250) | 0.23 | 0.9 | 1 313 263 | 16.7 | 23.80 | 15.9 |
Total ta’ SMEs | 24.85 | 99.8 | 4 100 750 | 52.2 | 94.87 | 63.4 |
Kbar (> 250) | 0.05 | 0.2 | 3 753 154 | 47.8 | 54.76 | 36.6 |
Total | 24.90 | 100 | 7 853 904 | 100 | 149.63 | 100 |
Nota: (1) L‑EU-28 ikkalkulata bħala EU-27 bir‑Renju Unit; (2) Valur miżjud huwa l‑introjtu gross mill‑attivitajiet operatorji wara l-aġġustament għas‑sussidji operattivi u t‑taxxi indiretti.
Sors: il‑QEA, ibbażat fuq statistika tal‑Eurostat li tikklassifika l‑intrapriżi skont id‑daqs iddeterminat mill-għadd ta’ impjegati.
Il‑politika tal‑UE dwar l‑SMEs tiffoka fuq il‑kompetittività
03 F’konformità mal‑prinċipju tas‑sussidjarjetà1, l‑Istati Membri u l‑Kummissjoni jikkondividu r‑responsabbiltà għall‑appoġġ lill‑SMEs. Din il‑politika tal‑UE hija bbażata fuq l‑Artikolu 173 tat‑TFUE2, li għandu l-għan li jsaħħaħ il‑kompetittività tal‑SMEs permezz ta’ inizjattivi li jtejbu l‑ambjent tan‑negozju u jżidu l‑produttività ta’ bażi industrijali bil‑potenzjal li tikkompeti globalment, filwaqt li tiżgura l-ħolqien tal‑impjiegi u l‑effiċjenza tar‑riżorsi. L‑Istati Membri huma primarjament responsabbli għall‑implimentazzjoni tal‑politiki relatati mal‑SMEs. Il‑Kummissjoni tappoġġa lill‑SMEs permezz ta’ inizjattivi regolatorji, il‑finanzjament mill‑UE, is‑sensibilizzazzjoni u l‑iskambju ta’ prattiki tajba.
04 Il‑qafas strateġiku prinċipali għall‑politika tal‑UE fl-għoti ta’ appoġġ lill‑SMEs għall‑perjodu 2014-2020 huwa s-“Small Business Act” għall‑Ewropa (SBA)3, li għandu l-għan li jtejjeb l‑ambjent tan‑negozju li fih joperaw l‑SMEs. Il‑qafas ġie estiż permezz ta’:
- l‑inizjattiva favur in‑negozji l-ġodda u n‑negozji li qed jespandu4 fl‑2016; u
- l‑istrateġija għall‑SMEs5 fl‑2020 li żiedet il‑fokus fuq l-għajnuna lill‑SMEs fit‑tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.
05 Fl-aħħar nett, l‑SMEs huma meqjusa wkoll f’politiki aktar globali bħall‑politika industrijali tal‑UE6, l‑istrateġija Ewropa 20207 u, aktar reċentement, il‑Patt Ekoloġiku Ewropew8.
L‑SMEs qed jitilfu l‑kompetittività meta mqabbla mal‑intrapriżi l‑kbar
06 Il‑Kummissjoni tiddeskrivi l‑kompetittività ta’ intrapriża bħala l‑kapaċità li tikseb vantaġġ fis‑suq billi tnaqqas l‑ispejjeż tagħha, iżżid il‑produttività, ittejjeb, tiddivrenzja u tinnova f’termini ta’ kwalità ta’ prodotti/servizzi, u ttejjeb il‑kummerċjalizzazzjoni u l‑markar9.
07 L‑indikatur prinċipali biex tinqabad il‑kompetittività ta’ kumpanija huwa l‑produttività tagħha. Barra minn hekk, hemm modi oħra biex tiġi vvalutata l‑kompetittività10:
- Il‑kompetittività preċedenti jew dik attwali tista’ titkejjel permezz tal‑profittabbiltà tal‑intrapriżi, is‑sehem mis‑suq li tinkludi l‑esportazzjoni, is‑sopravivenza u t‑tkabbir;
- Indikaturi oħra jirriflettu n‑natura dinamika tas‑swieq u jaqbdu l‑potenzjal għal kompetittività futura, prinċipalment relatata mal‑kapaċità tal‑intrapriża fil‑qasam tar‑riċerka, l-iżvilupp u l‑innovazzjoni (RŻ&I).
08 Għall‑UE fl‑intier tagħha mill‑2011 sal‑2018, l‑istatistika tal‑Eurostat11 turi li l‑kompetittività tal‑SMEs (jiġifieri dawk b’inqas minn 250 impjegat) naqset sinifikattivament meta mqabbla mal‑intrapriżi l‑kbar. Tliet indikaturi ewlenin juru din ix‑xejra:
- iż-żieda fil‑fatturat kienet tmien darbiet iżgħar għall‑SMEs milli għall‑intrapriżi l‑kbar, li wassal għal telf konsiderevoli fis‑sehem tal‑SMEs mis‑suq (ara l‑Figura 1);
Figura 1 – Tkabbir fil‑fatturat għall‑SMEs u l‑intrapriżi l‑kbar (2011-2018)
Sors: il‑QEA, ibbażat fuq l‑istatistika tan‑negozju tal‑Eurostat li tikklassifika l‑intrapriżi skont id‑daqs iddeterminat mill-għadd ta’ impjegati u l‑ekonomija tan‑negozju totali; ħlief attivitajiet finanzjarji u tal‑assigurazzjoni.
- kważi l‑impjiegi l-ġodda kollha nħolqu minn intrapriżi kbar, għalhekk is‑sehem tal‑SMEs mill‑impjiegi kumplessivi naqas minn 67 % għal 63 % (ara l‑Figura 2);
Figura 2 – Tkabbir fl-għadd ta’ impjegati għall‑SMEs u l‑intrapriżi l‑kbar (2011-2018)
Sors: il‑QEA, ibbażat fuq l‑istatistika tan‑negozju tal‑Eurostat li tikklassifika l‑intrapriżi skont id‑daqs iddeterminat mill-għadd ta’ impjegati u l‑ekonomija tan‑negozju totali; ħlief attivitajiet finanzjarji u tal‑assigurazzjoni.
- il‑valur miżjud, li jirrifletti l‑introjtu mill‑operazzjonijiet, żdied bi 11 % fl‑intrapriżi l‑kbar, iżda kien staġnat għall‑SMEs. B’riżultat ta’ dan, l‑SMEs kienu jirrappreżentaw 52 % tal‑valur miżjud fl‑2018 meta mqabbel ma’ 58 % fl‑2011 (ara l‑Figura 3).
Figura 3 – Tkabbir fil‑valur miżjud għall‑SMEs u l‑intrapriżi l‑kbar (2011-2018)
Sors: il‑QEA, ibbażat fuq l‑istatistika tan‑negozju tal‑Eurostat li tikklassifika l‑intrapriżi skont id‑daqs iddeterminat mill-għadd ta’ impjegati u l‑ekonomija tan‑negozju totali; ħlief attivitajiet finanzjarji u tal‑assigurazzjoni.
09 Barra minn hekk, ftit kienu l‑SMEs Ewropej li għamlu negozju f’livell internazzjonali fl‑2018, fejn 2.7 % esportaw barra mit‑territorju tal‑UE u 4.9 % esportaw lejn Stati Membri oħra. Meta mqabbel ma’ dan, 59 % tal‑intrapriżi l‑kbar esportaw barra mit‑territorju tal‑UE u 58 % lejn Stati Membri oħra12.
Finanzjament mill‑UE għall‑SMEs
Il‑FEŻR huwa wieħed mill‑akbar sorsi ta’ finanzjament mill‑UE għall‑SMEs, b’objettiv tematiku speċifiku dwar il‑kompetittività
10 Il‑Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE), u b’mod partikolari l‑Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), huma fost l‑akbar programmi tal‑UE li jipprovdu appoġġ finanzjarju għall‑SMEs. Matul il‑perjodu 2014-2020, il‑programmi ffinanzjati mill‑FEŻR allokaw EUR 54.4 biljun għal miżuri relatati mal‑SMEs, permezz ta’ prijoritajiet speċifiċi msejħa “objettivi tematiċi” (jew OT).
11 Il‑biċċa l‑kbira mill‑OT tal‑FEŻR għall‑perjodu 2014-2020 jistgħu jikkontribwixxu direttament jew indirettament biex tiżdied il‑kompetittività tal‑SMEs. L‑OT 3, “Titjib tal‑kompetittività tal‑SMEs”, huwa t‑tieni l‑akbar OT f’termini ta’ fondi tal‑FEŻR allokati, b’EUR 40.3 biljun minn total ta’ EUR 201.5 biljun mill‑baġit tal‑UE minn Ġunju 2021 ’il quddiem (ara l‑Figura 4).
Figura 4 – Perjodu 2014-2020: Finanzjament ippjanat taħt il‑FEŻR skont l‑objettiv tematiku (f’biljun EUR)
Sors: il‑QEA, adattat mill‑Portal tad‑Data Miftuħa tal‑FSIE.
12 L‑Anness I jiġbor fil‑qosor it‑tipi differenti ta’ miżuri ta’ finanzjament għall‑SMEs taħt il‑FEŻR skont il‑kodiċi ta’ intervent, fir‑rigward ta’ diversi objettivi tematiċi. L‑OT3 primarjament jappoġġa l-iżvilupp tal‑potenzjal tal‑kompetittività tal‑SMEs, billi jindirizza l‑prijoritajiet ta’ investiment li ġejjin:
- il‑promozzjoni tal‑intraprenditorija;
- l-iżvilupp ta’ mudelli ġodda ta’ negozju, b’mod partikolari fir‑rigward tal‑internazzjonalizzazzjoni;
- l-għoti ta’ appoġġ lil kapaċitajiet avvanzati għall-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi; u
- l-għoti ta’ appoġġ lill‑kapaċità tal‑SMEs biex jikbru fis‑swieq reġjonali, nazzjonali u internazzjonali u jinvolvu ruħhom fi proċessi ta’ innovazzjoni.
13 B’mod ġenerali, tliet kwarti tal‑finanzjament mill‑FEŻR għall‑SMEs (75 %) jipprovdihom b’appoġġ dirett.
14 Il‑Grupp tal‑BEI u l‑programmi tal‑UE li ġejjin ukoll ipprovdew finanzjament: COSME (kompetittività tal‑SMEs)13, Orizzont 2020 (riċerka u innovazzjoni)14 u Ewropa Kreattiva (kultura)15.
Fondi addizzjonali tal‑UE rilaxxati għall‑SMEs b’rispons għall‑pandemija tal‑COVID‑19
15 Fl‑2020, l‑UE adottat ir‑regolamenti dwar CRII/CRII+16 sabiex il‑fondi tal‑perjodu 2014-2020 li kien jifdal setgħu jintużaw b’mod aktar flessibbli biex jittaffa l‑impatt ekonomiku tal‑pandemija tal‑COVID‑19. L‑inizjattivi introduċew ukoll arranġamenti flessibbli li kienu jippermettu lill‑Istati Membri jonfqu l‑fondi mill‑UE b’mod aktar faċli. L‑aktar bidliet rilevanti f’dan ir‑rigward, sa Ottubru 2021, kienu:
- iż-żieda fil‑fondi tal‑FEŻR għal investimenti produttivi ġeneriċi b’allokazzjoni addizzjonali ta’ EUR 5.8 biljun, jiġifieri 38 % aktar mill‑ammonti ppjanati fl‑2019;
- it‑trasferiment ta’ EUR 1.6 biljun (bejn wieħed u ieħor 5 %) mill‑fondi tal‑FEŻR għar‑reġjuni aktar żviluppati17; u
- il‑fokus fuq l-għoti ta’ appoġġ għall‑kapital operatorju u l-għoti ta’ għajnuna lill‑SMEs li sabu ruħhom f’diffikultajiet
16 F’Diċembru 2020, il‑Kunsill u l‑Parlament Ewropew adottaw il‑proposta tal‑Kummissjoni għall‑inizjattiva Next Generation EU (NGEU)18, li tinkorpora l‑faċilità REACT‑EU. Din il‑faċilità għandha l-għan li tnaqqas distakk potenzjali fil‑finanzjament matul l‑2021 u l‑2022 sakemm jiġu adottati l‑programmi għall‑perjodu 2021-2027. F’Ottubru 2021, EUR 6.6 biljun ta’ fondi tal‑FEŻR (jew 19 % tal‑baġit totali ta’ REACT‑EU19) ġew allokati għall‑kompetittività tal‑SMEs u għall-iżvilupp tan‑negozju tagħhom. Attwalment qed inwettqu awditu tar‑rispons immedjat li l‑Kummissjoni tat għall‑pandemija tal‑COVID‑19 permezz ta’ CRII, CRII + u REACT‑EU20.
17 Għall‑perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027, l‑UE se tkompli tiffinanzja miżuri biex issaħħaħ il‑kompetittività tal‑SMEs:
- il‑FEŻR21 se jappoġġa l‑kompetittività tal‑SMEs fi ħdan l‑istess objettiv ta’ politika bħar‑RD&I, ICT u t‑tisħiħ tal-ħiliet;
- sa Ottubru 2021, REACT‑EU kienet allokat EUR 6.6 biljun addizzjonali lill‑finanzjament mogħti mill‑FEŻR għall‑perjodu 2014-2020 għan‑negozji bi prezzijiet tal‑2020;
- Orizzont Ewropa speċifikament assenjat EUR 7.1 biljun għall‑innovazzjoni tal‑SMEs22, u InvestEU se jiffinanzja l‑Investimenti fin‑Negozju għall‑SMEs u l‑kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja; u
- il‑Faċilità għall‑Irkupru u r‑Reżiljenza (RRF)23 se tipprovdi wkoll appoġġ lill‑SMEs. Dan il‑finanzjament jeħtieġ li jiġi allokat sal‑2023 u li jintefaq sal‑2026.
Ambitu u approċċ tal‑awditjar
18 L‑awditu li wettaqna eżamina r‑rwol tal‑FEŻR biex jikkontribwixxi għaż-żieda fil‑kompetittività tal‑SMEs għall‑perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. B’mod partikolari, aħna vvalutajna jekk:
- l‑awtoritajiet maniġerjali tal‑Istati Membri ħadux approċċi simili meta fasslu l‑miżuri biex iżidu l‑kompetittività tal‑SMEs taħt il‑programmi nazzjonali u reġjonali tagħhom taħt il‑FEŻR f’termini ta’ mmirar tal‑fondi tal‑OT3 u l‑ilħuq tal‑mira kumplessiva ta’ sensibilizzazzjoni;
- l‑appoġġ taħt il‑FEŻR kienx għen biex tiżdied il‑kompetittività tagħhom;
- l‑approċċ ta’ finanzjament tal‑programm taħt il‑FEŻR fl‑erba’ Stati Membri weġibx għall-ħtiġijiet tal‑SMEs; u
- il‑programmi taħt il‑FEŻR organizzawx sejħiet u proċeduri tal-għażla u żborżawx finanzjament sabiex jimmassimizzaw l‑impatt tal‑infiq tal‑FEŻR fuq il‑kompetittività tal‑SMEs.
19 L‑awditu li wettaqna ffoka fuq il‑perjodu 2014-2020 sa tmiem l‑2019:
- Għażilna programmi taħt il‑FEŻR li kienu jindirizzaw l‑objettiv tematiku 3 “Titjib tal‑kompetittività tal‑SMEs” fil-Ġermanja, fl‑Italja, fil‑Polonja u fil‑Portugall. Dawn kienu l‑erba’ Stati Membri bl‑akbar ammont assolut ippjanat taħt l‑OT3 (ara l‑Figura 5). F’kull Stat Membru, aħna eżaminajna żewġ Programmi Operazzjonali (PO) reġjonali għall‑perjodu 2014-2020. Għal dawn it‑tmien programmi, aħna vvalutajna 16‑il sejħa u proċedura tal-għażla li jikkorrispondu għall‑OT3. Eżaminajna wkoll PO nazzjonali jew tematiku wieħed għal kull Stat Membru biex nivvalutaw il‑koordinazzjoni u l‑komplementarjetà mal‑PO reġjonali, ħlief għall-Ġermanja, li ma għandha l‑ebda programm nazzjonali.
- Għal kull PO reġjonali, aħna awditjajna tliet proġetti; jiġifieri kampjun kumplessiv ta’ 24 proġett (ara l‑Anness II). Minn dawn, 22 minnhom taw appoġġ dirett lill‑investimenti tal‑SMEs u 2 taw appoġġ lill‑entitajiet li jipprovdu assistenza lill‑SMEs.
- Il‑proġetti ntgħażlu bil-għan li jipprovdu eżempji illustrattivi dwar il‑funzjonament tas‑sejħa.
L‑analiżi li wettaqna teskludi l‑iskemi ta’ emerġenza li twaqqfu wara l‑pandemija tal‑COVID‑19 (ara l‑paragrafi 15-16) iżda tinkludi rieżami tal‑programmi emendati. Aħna eskludejna wkoll is‑sejħiet u l‑benefiċjarji fl‑oqsma tat‑turiżmu, tal‑intermedjarji finanzjarji u dawk il‑miżuri fejn intużaw strumenti finanzjarji billi diġà koprejna dawn is‑suġġetti f’awditi preċedenti24.
20 Għat‑22 proġett fejn il‑FEŻR kien ipprovda appoġġ finanzjarju dirett lill‑SMEs, aħna eżaminajna kif il‑kompetittività kumplessiva tal‑kumpaniji kienet evolviet b’segwitu għall‑ikkompletar tal‑proġett. B’mod partikolari, ivvalutajna l‑operazzjonijiet tagħhom u l‑pożizzjoni tagħhom fis‑suq, l‑internazzjonalizzazzjoni tagħhom25, is‑sitwazzjoni finanzjarja tagħhom u l‑kapaċità ta’ innovazzjoni tagħhom. Fejn possibbli, użajna wkoll bażijiet ta’ data biex inqabblu l‑prestazzjoni tal‑SMEs benefiċjarji ma’ intrapriżi simili (b’fatturat u għadd ta’ impjegati simili u li jikkompetu fl‑istess swieq lokali u reġjonali) (ara l‑paragrafu 36).
21 Aħna eżaminajna dokumenti tad‑Direttorat Ġenerali tal‑Kummissjoni għall‑Politika Reġjonali u Urbana (DĠ REGIO) u tad‑Direttorat Ġenerali għas‑Suq Intern, l‑Industrija, l‑Intraprenditorija u l‑SMEs (DĠ GROW).
22 Eżaminajna wkoll dokumenti rilevanti li l‑awtoritajiet maniġerjali, l‑SMEs benefiċjarji u l‑partijiet terzi għamlu disponibbli fl‑erba’ Stati Membri, analizzajna r‑rapporti, u vvalutajna data relatata mal‑proġetti ffinanzjati mill‑UE.
23 Intervistajna u ppreżentajna kwestjonarji lill‑awtoritajiet fl‑Istati Membri magħżula u lill‑24 benefiċjarju kollha fil‑kampjun tagħna, u kkonsultajna ma’ universitajiet u ċentri ta’ riċerka tal‑SMEs rilevanti, assoċjazzjonijiet tan‑negozju u entitajiet oħra fil‑livell reġjonali, nazzjonali u tal‑UE.
24 Minħabba r‑restrizzjonijiet sanitarji u tas‑saħħa fis‑seħħ, l‑intervisti kollha saru b’mod virtwali, inklużi dawk li saru mal‑SMEs benefiċjarji, u ma kienx possibbli li jitwettqu kontrolli fuq il‑post. Għalhekk ma stajniex nivvalutaw bis-sħiħ ir‑realtà tal‑investimenti kofinanzjati. Lanqas ma stajna niċċekkjaw il‑preċiżjoni tal‑informazzjoni ta’ monitoraġġ irrappurtata lill‑Kummissjoni mill‑awtoritajiet nazzjonali li kienu qed jimplimentaw il‑programmi taħt il‑FEŻR.
25 Minħabba r‑rilevanza ekonomika tal‑SMEs għall‑ekonomija tal‑UE u l‑ammonti ta’ appoġġ taħt il‑FEŻR involuti, ir‑rapport tagħna għandu l‑potenzjal li jipprovdi input utli biex jgħin lill‑Kummissjoni u lill‑Istati Membri jagħmlu użu aħjar mill‑finanzjament mogħti mill‑FEŻR biex iżidu l‑kompetittività tal‑SMEs għall‑perjodu 2021-2027.
Osservazzjonijiet
L-użu tal‑FEŻR mill‑Istati Membri biex itejbu l‑kompetittività tal‑SMEs mhuwiex immirat suffiċjentement
26 Aħna rrieżaminajna kif l‑Istati Membri kienu fasslu l‑programmi taħt il‑FEŻR tagħhom u l‑approċċ ta’ finanzjament tagħhom biex jappoġġaw miżuri li għandhom l-għan li jżidu l‑kompetittività tal‑SMEs. B’mod partikolari, eżaminajna jekk l‑approċċi ta’ finanzjament tal‑Istati Membri kinux immiraw l‑oqsma bl‑akbar potenzjal ta’ tkabbir, jekk is‑sehem tal‑SMEs kienx ippjanat li jintlaħaq matul il‑perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 u, bħala medja, il‑finanzjament li kull SME benefiċjarja setgħet tistenna li tirċievi.
Billi l‑programmi ma kinux meħtieġa li jimmiraw l‑oqsma bl‑aktar potenzjal ta’ tkabbir, hemm riskju li l‑appoġġ taħt il‑FEŻR jkun nieqes minn massa kritika
27 Għall‑perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, ir‑regolament tal‑FEŻR ma kienx jeħtieġ li l‑Istati Membri jistabbilixxu strateġiji dwar kif l-aħjar jappoġġaw il‑kompetittività tal‑SMEs tagħhom taħt l‑OT3. Bi tqabbil ma’ dan, fir‑rigward tal‑finanzjament mill‑FEŻR taħt l‑objettiv tematiku “riċerka u innovazzjoni” (OT 1), l‑Istati Membri kellhom jiżviluppaw strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti (RIS3) bħala bażi biex jidentifikaw l‑oqsma bl‑aktar potenzjal ta’ vantaġġ kompetittiv u jfasslu l‑programmi tagħhom kif meħtieġ.
28 Fir‑rigward tat‑TO3, il‑Kummissjoni talbet biss lill‑Istati Membri biex juru li l‑miżuri tal‑FEŻR tagħhom kienu koerenti mal‑qafas strateġiku tal‑SBA26 li għandu l-għan li jtejjeb l‑ambjent tan‑negozju tal‑SMEs. Il‑Kummissjoni ħeġġet lill‑Istati Membri biex jipprijoritizzaw l‑oqsma identifikati fl‑RIS3 tagħhom meta jallokaw fondi għall‑kompetittività tal‑SMEs. Madankollu, billi ma kien hemm l‑ebda rekwiżit legali biex il‑miżuri tal‑FEŻR jiġu allinjati mal‑istrateġiji nazzjonali/reġjonali dwar il‑kompetittività tal‑SMEs, il‑Kummissjoni kellha biss mezzi limitati biex tiżgura li l‑finanzjament mill‑FEŻR kien immirat lejn iż-żoni bl‑ogħla potenzjal ta’ tkabbir.
29 Għall‑perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027, hemm kundizzjonijiet abilitanti għall‑finanzjament tal‑SMEs taħt l‑objettivi speċifiċi 1.1 (RŻI) u 1.4 (żvilupp tal-ħiliet), iżda mhemmx kundizzjoni abilitanti meta l‑programmi tal‑FEŻR jallokaw il‑fondi għall‑objettiv speċifiku 1.3 (kompetittività tal‑SMEs27).
30 Għall‑perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, l‑Istati Membri ħadu diversi approċċi biex jallokaw l‑appoġġ taħt il‑FEŻR għall‑kompetittività tal‑SMEs taħt l‑OT3. Il‑Lussemburgu u n‑Netherlands ma allokaw l‑ebda riżorsa tal‑FEŻR għall‑kompetittività tal‑SMEs, filwaqt li oħrajn allokaw proporzjon sinifikanti tal‑finanzjament tagħhom li kien wasal mill‑FEŻR. Il‑Polonja, l‑Italja u l‑Portugall allokaw l‑akbar ammonti assoluti, filwaqt li l‑Portugall, ir‑Renju Unit u l-Iżvezja allokaw l‑ogħla proporzjon ta’ fondi tal‑FEŻR (ara l‑Figura 5).
Figura 5 – 2014-2020: Appoġġ mill‑FEŻR taħt l‑OT3 skont l‑Istat Membru fl‑2020 (f’biljun EUR – ammonti ppjanati sal‑2023)
Nota: KT = Kooperazzjoni territorjali jew Programmi Operazzjonali taħt Interreg. Ripartizzjoni tal‑appoġġ taħt il‑FEŻR skont l‑Istat Membru għall‑programmi operazzjonali taħt il‑KT mhijiex disponibbli, b’hekk tintuża d‑denominazzjoni komuni “KT”.
Sors: il‑QEA, adattat mill‑Portal tad‑Data Miftuħa tal‑FSIE.
31 L‑appoġġ taħt il‑FEŻR għall‑perjodu 2014-2020 kellu l-għan li jilħaq 3.3 % tal‑SMEs kollha fl‑UE sal‑2023 u 6.1 % wara r‑reviżjoni tal‑programmi tal‑2020 (ara l‑paragrafu 33). Sa tmiem l‑2019, il‑FEŻR kien appoġġa direttament 0.5 miljun SME minn kważi 25 miljun fl‑UE (1.9 %).
32 Il‑programmi tal‑FEŻR tal‑Istati Membri ħadu wkoll approċċi differenti għall-għadd ta’ SMEs iffinanzjati taħt l‑Objettiv Tematiku 3 (ara l‑Figura 6). Fl‑Irlanda pereżempju, aktar minn 67 000 SME kienu mistennija li jirċievu finanzjament fl‑2019 (jew aktar minn 25 % tal‑SMEs kollha). F’għedud assoluti, Franza kienet immirat il‑biċċa l‑kbira min‑negozji (kważi 160 000 SME). Meta mqabbel ma’ dan, Stati Membri oħra kellhom l‑intenzjoni li jappoġġaw biss ftit mijiet ta’ kumpaniji, bħall‑Awstrija (435 SME iffinanzjati)28.
Figura 6 – Appoġġ taħt il‑FEŻR għall‑kompetittività tal‑SMEs (OT3) skont l‑Istat Membru (ċifri tal‑2019)
Nota: Il‑Lussemburgu u n‑Netherlands ma allokawx fondi għall‑OT3. Għall‑POs tal‑Interreg (kooperazzjoni territorjali): ripartizzjoni tal‑appoġġ taħt il‑FEŻR skont l‑Istat Membru mhijiex disponibbli, b’hekk tintuża d‑denominazzjoni komuni “Interreg”.
Sors: il‑QEA, mill‑Portal tad‑Data Miftuħa tal‑FSIE.
33 Bħala medja, il‑programmi taħt il‑FEŻR ipprovdew madwar EUR 42 000 għal kull SME benefiċjarja. Madankollu, l‑analiżi li wettaqna turi li kien hemm differenzi sinifikanti bejn l‑Istati Membri f’termini tal‑ammont reali ta’ finanzjament li kull SME benefiċjarja rċeviet, minn madwar EUR 392 000 għal kull proġett fl‑Awstrija għal inqas minn EUR 1 000 fl‑Irlanda. B’mod ġenerali, fl‑2019, sitt Stati Membri tal‑UE allokaw medja ta’ inqas minn EUR 30 000 għal kull proġett (l‑Irlanda, Franza, id‑Danimarka, l-Iżvezja, Spanja u r‑Renju Unit). Proġetti b’ammont daqshekk baxx ta’ finanzjament jiffaċċjaw ir‑riskju li ma jilksbux il‑massa kritika meħtieġa biex jagħmlu differenza reali għall‑kompetittività tal‑SMEs.
34 Fl‑2019, l‑implimentazzjoni tal‑programmi taħt il‑FEŻR kienet għaddejja sew, b’aktar minn nofs l‑SMEs immirati diġà appoġġati (ara l‑Anness III). It‑tifqigħa tal‑COVID‑19 wasslet għal reviżjoni tal‑programmi biex jiġu appoġġati l‑SMEs matul il‑pandemija (ara wkoll il‑paragrafi 15-16). Għalhekk, il‑miri ġew riveduti ’l fuq u l‑SMEs immirati għall‑appoġġ kważi rduppjaw (minn madwar 800 000 SME fl‑2019 għal 1.5 miljun SME fl‑2020). Dan kien influwenzat b’mod partikolari mill‑Italja, li kellha l-għan li tappoġġa ammont ta’ SMEs li kien sitt darbiet aktar, li jirrappreżentaw żieda ta’ aktar minn 500 000 negozju li kellhom jiġu appoġġati. Ħames Stati Membri addizzjonali wkoll irduppjaw, u aktar, il‑miri tagħhom. Fiż-żmien meta twettaq l‑awditu, konna għadna mhux f’pożizzjoni li nivvalutaw jekk il‑miri riveduti humiex realistiċi u jekk dawk l‑Istati Membri humiex se jkollhom il‑kapaċità li jipprovdu appoġġ effettiv għal għadd akbar ta’ SMEs bħal dan.
L‑appoġġ taħt il‑FEŻR ma tejjibx sinifikattivament il‑kompetittività tal‑SMEs appoġġati
35 Aħna eżaminajna kampjun ta’ 22 proġett li kienu jinvolvu appoġġ finanzjarju dirett taħt il‑FEŻR lill‑SMEs biex naraw kif kienet evolviet il‑kompetittività attwali u potenzjali tagħhom b’segwitu għat‑tlestija tal‑proġett. Fir‑rigward tal‑SMEs ivvalutajna:
- l‑operazzjonijiet u l‑pożizzjoni fis‑suq tagħhom (tkabbir fil‑bejgħ, sehem mis‑suq, spejjeż, profittabbiltà, produttività tax‑xogħol);
- l‑internazzjonalizzazzjoni (l‑intensità tal‑esportazzjoni, is‑sehem tal‑esportazzjoni, il‑preżenza fi swieq barranin ġodda barra);
- is‑sitwazzjoni finanzjarja tagħhom (awtonomija finanzjarja, il‑proporzjon attwali tagħhom); u
- il‑kapaċità ta’ innovazzjoni tagħhom (attivitajiet ta’ innovazzjoni, riċerka u żvilupp ta’ prodott jew ta’ servizz).
Ivvalutajna wkoll jekk l‑appoġġ taħt il‑FEŻR immirax fatturi ta’ kompetittività b’mod komprensiv biex l‑SMEs ikunu adattati għall‑futur.
36 Fejn possibbli, aħna qabbilna l‑prestazzjoni ekonomika u finanzjarja tal‑SMEs benefiċjarji ma’ parametri referenzjarji tal‑industrija, u mal‑prestazzjoni ta’ intrapriżi simili (f’termini ta’ fatturat u impjegati) li jikkompetu fl‑istess suq reġjonali jew nazzjonali. Għal din l‑analiżi, aħna użajna l‑istatistika Ewropea u nazzjonali u l‑bażijiet ta’ data kummerċjali (ara l‑Anness IV għal aktar dettalji dwar l‑indikaturi).
Xi wħud mill‑SMEs li ġew eżaminati bbenefikaw mill‑appoġġ taħt il‑FEŻR, iżda mhux il‑maġġoranza
37 L‑appoġġ tal‑FEŻR stimula investimenti fl‑SMEs benefiċjarji tal‑kampjun tagħna: il‑benefiċjarji użawh biex jespandu l‑kapaċità tal‑produzzjoni tagħhom billi xtraw tagħmir ġdid (14 minn 22 proġett) jew żiedu s‑siti tal‑produzzjoni (6 minn 22).
38 Il‑biċċa l‑kbira mill‑SMEs awditjati għamlu bidliet inkrementali żgħar fil‑kompetittività, iżda mhux il‑fatturi kollha tal‑kompetittività tjiebu, bħall‑kapaċità tal‑esportazzjoni u tar-R&Ż. Il‑Kaxxa 2 turi l‑kontribu li sar mill‑proġetti taħt il‑FEŻR għall‑kompetittività ta’ żewġ SMEs benefiċjarji. Iż-żewġ proġetti ppermettew lill‑SMEs jibqgħu fis‑suq permezz ta’ titjib inkrementali minkejja kompetizzjoni intensa.
Kontributi limitati għall‑kompetittività tal‑SMEs
SME b’xogħol ta’ maljerija fil‑Portugall użat il‑finanzjament mill‑FEŻR biex tikkomplementa t‑38 magna eżistenti tagħha b’magni tax‑xogħol bil‑labar ċirkolari ġodda. Dawn kienu aktar veloċi u offrew għażliet ta’ wisa’ differenti u malji eħfef. L‑investiment ġab miegħu benefiċċji limitati biss billi l‑SME benefiċjarja ma setgħetx iżżomm il‑kompetittività akbar tagħha. Wara żieda inizjali fil‑profittabbiltà fil‑bidu tal‑proġett (x’aktarx mhux attribwibbli lill‑proġett), il‑bejgħ, il‑valur miżjud gross, il‑produttività, il‑profitt operazzjonali u l‑marġnijiet tal‑profitt kollha naqqsu qabel l‑ikkompletar tal‑proġett.
SME fl‑Italja li tipproduċi għaġin tipiku tar‑reġjun użat il‑finanzjament mill‑FEŻR biex tixtri makkinarju teknoloġikament avvanzat. Dan tejjeb il‑kwalità tal‑prodott u naqqas l‑ispejjeż fissi tal‑produzzjoni. Minkejja ż-żieda fil‑produzzjoni, il‑bejgħ ma żdiedx u l‑SME tilfet sehem mis‑suq reġjonali u nazzjonali, u ħaduh il‑kompetituri diretti tagħha.
39 Il‑valutazzjoni kumplessiva tagħna hija li l‑biċċa l‑kbira mill‑proġetti eżaminati rriżultaw, fl-aħjar każ, f’titjib inkrementali għal prodotti, servizzi jew proċessi speċifiċi fi ħdan l‑SME benefiċjarja. Filwaqt li l‑appoġġ taħt il‑FEŻR seta’ tejjeb ċerti aspetti, dan ma għamilx differenza notevoli għall‑kompetittività kumplessiva tal‑SMEs. Dan iqajjem dubji dwar il‑benefiċċji tal‑appoġġ taħt il‑FEŻR (ara l‑paragrafi 40-46).
Il‑profittabbiltà żdiedet fi kważi nofs l‑SMEs benefiċjarji
40 Il‑finanzjament mill‑FEŻR għen biex jiżdied il‑bejgħ f’14 mit‑22 SME ikkampjunat, filwaqt li 10 wrew żieda fil‑profittabbiltà tagħhom. It‑tliet kriterji l-oħra li użajna biex nivvalutaw l‑operazzjonijiet u l‑pożizzjoni fis‑suq tagħhom urew titjib iżgħar. Kwart minnhom tejbu s‑sehem tagħhom mis‑suq, filwaqt li madwar terz naqqsu l‑ispejjeż tagħhom u/jew tejbu l‑produttività tax‑xogħol (ara l‑Figura 7). Il‑biċċa l‑kbira mill‑SMEs benefiċjarji intervistati indikaw li ħafna drabi l‑effetti ta’ fatturi esterni (prodotti u marki ġodda li jidħlu fis‑suq, xejriet tas‑suq li qed jinbidlu, riorganizzazzjonijiet interni) ġeneralment kienu jegħlbu l‑impatt tal‑proġett.
Figura 7 – Bidliet fl‑operazzjonijiet u fil‑pożizzjoni fis‑suq (għadd ta’ SMEs)
Sors: valutazzjoni, imwettqa mill‑QEA, li tinkludi 22 proġett taħt il‑FEŻR.
Mill‑SMEs analizzati, ftit aktar minn terz biss żiedu l‑attivitajiet ta’ esportazzjoni tagħhom
41 Mhux l‑SMEs kollha huma orjentati lejn l‑esportazzjoni. Qabel ma beda l‑proġett taħt il‑FEŻR, 17 mit‑22 SME ikkampjunat biegħu l‑prodotti tagħhom prinċipalment fis‑suq lokali, reġjonali jew nazzjonali. Nofshom kienu qed jesportaw inqas minn 10 % tal‑bejgħ tagħhom jew ma kienu qed jesportaw xejn.
42 L‑analiżi li wettaqna wriet li 9 mit‑22 SMEs benefiċjarji żiedu l‑esponiment internazzjonali tagħhom b’segwitu għall‑appoġġ taħt il‑FEŻR. Minn dawn, seba’ SMEs irnexxielhom iżidu l‑intensità tal‑esportazzjoni tagħhom, ħamsa żiedu sehemhom tal‑bejgħ internazzjonali u erbgħa rnexxielhom jidħlu fi swieq barranin ġodda (ara l‑Figura 8).
43 Meta l‑intrapriżi fittxew inizjattivi ta’ espansjoni jew ta’ diversifikazzjoni permezz ta’ inizjattivi speċifiċi biex jilħqu swieq internazzjonali ġodda, dan mhux dejjem żied l‑esportazzjonijiet. Dawn l‑inizjattivi kienu jikkonsistu l‑aktar fi proġetti li jinvolvu l‑parteċipazzjoni tal‑SMEs f’fieri kummerċjali. Madankollu, dawn ma kinux ikkomplementati minn strateġija ta’ internazzjonalizzazzjoni jew ta’ penetrazzjoni tas‑suq tal‑esportazzjoni, analiżi fil‑fond ta’ swieq immirati jew taħriġ tal‑persunal fil‑kummerċ internazzjonali.
Figura 8 – Bidliet fl‑internazzjonalizzazzjoni (għadd ta’ SMEs)
Sors: valutazzjoni, imwettqa mill‑QEA, tal‑kampjun li jinkludi 22 proġett taħt il‑FEŻR.
Inqas minn terz tal‑SMEs benefiċjarji tejbu s‑sitwazzjoni finanzjarja tagħhom
44 L‑analiżi li wettaqna wriet ukoll li 8 mit‑22 SME fil‑kampjun tagħna tejbu l‑indikaturi finanzjarji tagħhom. Huma tejbu l‑kapaċità tagħhom li jissodisfaw impenji fuq terminu twil (awtonomija finanzjarja), li minnhom sitta tejbu wkoll il‑kapaċità tagħhom li jħallsu djun fuq terminu qasir (proporzjon attwali). Is‑sitwazzjoni finanzjarja tal‑SMEs l-oħra jew ma wriet l‑ebda bidla sinifikanti jew inkella marret għall‑agħar wara l‑proġett (ara l‑Figura 9).
Figura 9 – Bidliet fis‑sitwazzjoni finanzjarja (għadd ta’ SMEs)
Sors: valutazzjoni, imwettqa mill‑QEA, tal‑kampjun li jinkludi 22 proġett taħt il‑FEŻR.
Kważi l‑proġetti kollha fittxew innovazzjoni ta’ prodott/servizz, iżda ftit kienu dawk li użaw ir-RŻ&I bis-sħiħ
45 Mit‑22 proġett, 21 investew fl‑innovazzjoni, prinċipalment fil‑prodotti jew is‑servizzi tagħhom, iżda wkoll fil‑proċessi tagħhom. Il‑biċċa l‑kbira mill‑proġetti żviluppaw innovazzjoni inkrementali permezz tal‑akkwist ta’ tagħmir ġdid li ppermetta lill‑SMEs jiżviluppaw il‑karatteristiċi tekniċi speċifiċi tal‑prodotti attwali tal‑SMEs. F’disa’ każijiet, aħna qisna li l‑proġett taħt il‑FEŻR għandu l‑potenzjal li jżid il‑kompetittività tal‑SMEs (ara l‑Figura 10). F’sitta mid‑disa’ każijiet, l‑SMEs żviluppaw prodotti li kienu għadhom ma jeżistux fis‑suq li fih kienu joperaw (wieħed minnhom bi privattiva rreġistrata biex tipproteġi l‑proprjetà intellettwali tiegħu).
46 Tliet proġetti taħt il‑FEŻR ukoll kellhom impatt pożittiv fuq il‑kapaċità ta’ R&Ż fuq terminu twil tal‑SMEs benefiċjarji (ara l‑Figura 10). Id‑19‑il proġett li jifdal ma indirizzawx dan il‑fattur ewlieni, li b’hekk jillimita l‑kompetittività tal‑SMEs. Aħna osservajna wkoll li l‑maġġoranza l‑kbira tal‑SMEs fil‑kampjun tagħna ma kkooperawx ma’ entitajiet oħra f’dak li għandu x’jaqsam mar‑riċerka, l-iżvilupp u l‑innovazzjoni (ara l‑paragrafu 62).
Figura 10 – Bidliet fil‑kapaċità innovattiva (għadd ta’ SMEs)
Sors: valutazzjoni, imwettqa mill‑QEA, tal‑kampjun ta’ 22 proġett taħt il‑FEŻR.
L‑appoġġ taħt il‑FEŻR irriżulta f’“effetti ta’ spostament” f’xi wħud mill‑każijiet
47 Ir‑regoli tal‑UE dwar l-għajnuna mill‑Istat għandhom l-għan li jillimitaw id‑distorsjonijiet fil‑kompetizzjoni u kwalunkwe effett negattiv minn intervent pubbliku29. L‑appoġġ taħt il‑FEŻR biex tissaħħaħ il‑kompetittività tal‑SMEs jikkostitwixxi vantaġġ għal sett magħżul ta’ intrapriżi mogħti mill‑awtoritajiet pubbliċi li jużaw ir‑riżorsi tal‑Istat. Madankollu, l-għajnuna tal‑FEŻR tista’ tkun eżentata mir‑regoli dwar l-għajnuna mill‑Istat jekk l‑awtoritajiet kompetenti jqisu li din ma toħloqx distorsjoni fil‑kompetizzjoni30.
48 Aħna identifikajna ħames każijiet li fihom l‑appoġġ taħt il‑FEŻR seta’ affettwa b’mod avvers il‑prospetti ekonomiċi tal‑SMEs mhux benefiċjarji li jikkompetu fl‑istess swieq, u konsegwentement il‑kompetittività kumplessiva tal‑SMEs, għal żewġ każijiet partikolari (ara l‑Kaxxa 3). Dan huwa magħruf bħala “effett ta’ spostament”, u r‑riskju huwa partikolarment għoli meta l‑appoġġ ikun immirat lejn l‑SMEs li joperaw prinċipalment fis‑swieq lokali u/jew reġjonali.
Effetti ta’ spostament iġġenerati minn proġetti taħt il‑FEŻR
Fil‑Polonja, SME waħda li tispeċjalizza fix‑xogħlijiet fit‑toroq irċeviet għotja mill‑FEŻR biex tiżviluppa asfalt aktar ekoloġiku. Dan tejjeb il‑proċessi ta’ kostruzzjoni tagħha u ppermettielha tissottometti offerti aktar baxxi għal kuntratti pubbliċi lokali u reġjonali. Peress li l‑prezz kien il‑fattur deċiżiv, l‑SME kisbet sehem mis‑suq mingħand il‑kompetituri lokali tagħha.
Fl‑Italja, SME fis‑settur tal‑mekkanika tal‑metall irċeviet għotja mill‑FEŻR biex tixtri magna ta’ kontroll numeriku. Din il‑kumpanija żiedet b’mod konsiderevoli s‑sehem individwali tas‑suq tagħha, li rriżulta fi tkabbir aktar baxx (jew saħansitra tnaqqis) fil‑bejgħ għall‑kompetituri diretti tagħha.
Bejgħ: SMEs benefiċjarji vs kompetituri lokali
Sors: il‑QEA, ibbażat fuq informazzjoni finanzjarja minn bażi ta’ data kummerċjali.
L-għoti ta’ appoġġ għal proġetti awtonomi jillimita l‑impatt potenzjali tal‑FEŻR
49 Aħna vvalutajna jekk l‑approċċ ta’ finanzjament tal‑programmi taħt il‑FEŻR fl‑erba’ Stati Membri li ġew awditjati kienx jissodisfa l-ħtiġijiet tal‑SMEs u jekk kienx għen biex tiżdied il‑kompetittività tagħhom.
Il‑maġġoranza tal‑appoġġ taħt il‑FEŻR ġie allokat għal proġetti awtonomi, mingħajr ma ġew indirizzati l‑fatturi ewlenin li jillimitaw il‑kompetittività tal‑SMEs
50 B’mod ġenerali, għall‑perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 u bosta objettivi tematiċi flimkien, ġew allokati EUR 40.6 biljun (75 % tal‑finanzjament totali mill‑FEŻR) għall‑appoġġ għall‑SMEs permezz ta’ proġetti awtonomi mmirati lejn SMEs individwali (ara l‑Anness I). L‑analiżi li wettaqna fuq kampjun ta’ 11-il programm taħt il‑FEŻR, 24 proġett appoġġati mill‑FEŻR taħt l‑OT3 u s‑16‑il sejħa relatata (ara wkoll il‑paragrafu 63) turi li dawn il‑proġetti ġġeneraw biss effetti konsegwenzjali limitati. Dan ifisser li l‑benefiċċji tal‑appoġġ taħt il‑FEŻR lil SMEs individwali eżaminati ma kinux estiżi għal dawk li ma rċevew l‑ebda appoġġ finanzjarju dirett.
51 Aħna tlabna wkoll lill‑SMEs fil‑kampjun tagħna biex jidentifikaw il‑fatturi prinċipali li jżommuhom milli jżidu l‑kompetittività tagħhom (ara l‑Figura 11). Il‑biċċa l‑kbira mill‑SMEs fil‑kampjun tagħna wieġbu li kien hemm bosta ostakli. Dawk li ssemmew l‑aktar ta’ spiss kienu d‑diffikultajiet biex jinstabu ħaddiema tas‑sengħa, l‑ostakli regolatorji u l‑piż amministrattiv. Dawn ir‑riżultati jirriflettu s‑sejbiet ta’ studji reċenti oħra li twettqu mill‑Kummissjoni, mill-BĊE u mill‑BEI31.
Figura 11 – Ostakli prinċipali għall‑kompetittività tal‑SMEs (għadd ta’ SMEs)
Sors: il‑QEA, ibbażat fuq it‑tweġibiet tat‑22 SME fil‑kampjun għall‑kwestjonarji tagħna.
52 Madankollu, għat‑tmien programmi reġjonali kollha taħt il‑FEŻR li ġew eżaminati, aħna sibna li l‑proġetti normalment kienu jindirizzaw fattur speċifiku tal‑kompetittività mingħajr ma kienu jindirizzaw il-ħtiġijiet tal‑intrapriżi f’sens usa”. Dan jirriskja li jfixkel l‑effettività tal‑appoġġ taħt il‑FEŻR.
53 Il‑biċċa l‑kbira mill‑proġetti fil‑kampjun tagħna ffukaw fuq l‑akkwiżizzjoni ta’ makkinarju tal‑produzzjoni ġdid jew tagħmir teknoloġikament aktar avvanzat. Dan ippermetta lill‑benefiċjarji jżidu l‑kapaċità tal‑produzzjoni u jimmanifatturaw prodotti ta’ kwalità ogħla u b’karatteristiċi aktar avvanzati. Madankollu, mhux il‑proġetti kollha kienu jindirizzaw suffiċjentement il-ħtiġijiet kruċjali biex tiġi żgurata l‑effettività tal‑proġetti, u f’xi każijiet l‑SMEs spiċċaw jinvestu riżorsi sinifikanti mingħajr ma tejbu l‑kompetittività kumplessiva tagħhom (ara l-eżempju fil‑Kaxxa 4).
Opportunità mitlufa
SME fl‑Italja, li timmanifattura prodotti tal-ħwejjeġ ta’ kwalità għolja, irċeviet appoġġ taħt il‑FEŻR biex toħloq marka ġdida proprja tagħha u taċċessa swieq ġodda. Għalkemm il‑kumpanija żviluppat il‑linja ta’ prodotti, naqset milli ġġib il‑prodott fis‑suq. Il‑proġett kien nieqes mill‑attivitajiet komplementari fundamentali meħtieġa biex tinbiegħ il‑linja l-ġdida ta’ prodotti u biex tiġi kkummerċjalizzata l‑marka l-ġdida. Il‑bejgħ li għamlet il‑kumpanija naqas wara l‑implimentazzjoni tal‑proġett, u l‑livell ta’ prestazzjoni tagħha kien taħt dak tas‑suq nazzjonali u dak reġjonali u l‑kompetituri diretti.
54 L‑analiżi li wettaqna wriet ukoll li l‑ebda wieħed mill‑proġetti awditjati ma indirizza l‑kwistjoni tal-aċċess għal ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati (li skont l‑SMEs fil‑kampjun tagħna kienet il‑fattur prinċipali li jillimita l‑kompetittività tagħhom). Pereżempju, l‑ebda proġett ma kkombina l‑appoġġ għall‑investiment mal-aġġornament tal-ħiliet disponibbli fil‑kumpanija. Għalkemm dawn l‑attivitajiet tal-aħħar ġeneralment jingħataw appoġġ mill‑FSE, aħna osservajna li żewġ sejħiet biss ipprovdew il‑possibbiltà li jiġi kkombinat l‑appoġġ mill‑FSE u l‑FEŻR fi proġett wieħed.
55 Aħna eżaminajna wkoll jekk l‑awtoritajiet maniġerjali kinux proattivi biex jidentifikaw kif l-aħjar jidentifikaw u jappoġġaw il-ħtiġijiet tal‑SMEs biex iżidu l‑kompetittività tagħhom. L‑analiżi li wettaqna tissuġġerixxi li l‑biċċa l‑kbira mis‑sejħiet eżaminati kellhom il‑potenzjal għal approċċ aktar komprensiv, li flimkien setgħu jindirizzaw bosta mill‑ostakli għall‑kompetittività tal‑SMEs. Pereżempju, il‑biċċa l‑kbira mis‑sejħiet kienu jeħtieġu li l‑SMEs jinkludu fl‑applikazzjoni tal‑proġett tagħhom pjan ta’ direzzjoni tan‑negozju li jidentifika l-ħtiġijiet u l‑isfidi speċifiċi tagħhom.
56 Madankollu, aħna sibna li l‑biċċa l‑kbira mill‑awtoritajiet maniġerjali ma użawx dawn il‑pjanijiet ta’ direzzjoni tan‑negozju biex jipproponu pakkett ta’ appoġġ finanzjarju u mhux finanzjarju. Minflok, huma prinċipalment użaw il‑pjanijiet biex jivvalutaw ir‑rilevanza tal‑investiment propost.
57 Il‑biċċa l‑kbira mis‑sejħiet ma għamlux possibbli li jiġu sottomessi proposti għal proġetti li jindirizzaw diversi komponenti tal‑kompetittività tal‑SMEs (eż. RŻ&I, innovazzjoni produttiva, kwalifikazzjoni u internazzjonalizzazzjoni) simultanjament. Mill‑14-il sejħa eżaminati 3 biss kellhom l-għan li jindirizzaw diversi fatturi (ara l-eżempju fil‑Kaxxa 5). Dan kien ifisser li l‑SMEs kellhom japplikaw għal diversi sejħiet separati jekk riedu jindirizzaw firxa ta’ fatturi li jillimitaw il‑kompetittività tagħhom.
Sejħa li tindirizza l-ħtiġijiet differenti tal‑SMEs b’mod komprensiv
Ir‑reġjun tal‑Puglia fl‑Italja nieda żewġ sejħiet bil-għan li jindirizza l-ħtiġijiet differenti tal‑SMEs u joħloq sinerġiji bejn diversi tipi ta’ investimenti tal‑SMEs. Filwaqt li r‑reġjun iffinanzja prinċipalment assi tanġibbli, l‑investimenti kellhom jimxu id f’id mal‑investimenti fir-RŻ&I. L‑SMEs setgħu jiffinanzjaw ukoll investimenti komplementari bħall‑akkwiżizzjoni tas‑servizzi jew l‑ispejjeż tal‑internazzjonalizzazzjoni.
58 L‑awtoritajiet maniġerjali lanqas ma fittxew li jfasslu sejħiet li jikkombinaw appoġġ finanzjarju u dak mhux finanzjarju, b’eċċezzjoni waħda (ara l‑Kaxxa 6).
Il‑kombinament ta’ servizzi ta’ konsulenza għall‑SMEs ma’ appoġġ finanzjarju
Fil-Ġermanja, il‑banek pubbliċi jaġixxu bħala intermedjarji fil-ġestjoni tal‑programmi taħt il‑FEŻR. Huma joffru wkoll lill‑SMEs pariri u informazzjoni dwar kombinamenti ta’ miżuri mfassla għall-ħtiġijiet tan‑negozju tagħhom, permezz ta’ programmi ta’ appoġġ u garanziji tal‑UE fil‑livell nazzjonali u dak reġjonali. Dan jgħin biex jitnaqqsu l‑ispejjeż amministrattivi u ta’ informazzjoni tal‑SMEs.
Fokus limitat fuq il‑kapaċità ta’ innovazzjoni u riċerka tal‑SMEs
Miri mhux ambizzjużi għall‑finanzjament mill‑FEŻR għal prodotti ġodda għall‑kumpanija jew ġodda għas‑suq
59 Sal‑2020, il‑mira tal‑FEŻR kienet li jiġu appoġġati 23 153 intrapriża biex jintroduċu prodotti ġodda għall‑kumpanija32 u 8 209 biex jintroduċu prodotti ġodda għas‑suq33 sal‑2023. Dan ifisser li madwar 2 % biss tal‑SMEs benefiċjarji għandhom jirċievu finanzjament mill‑FEŻR matul il‑perjodu 2014-2020.
60 Il‑biċċa l‑kbira mis‑sejħiet li eżaminajna għenu lill‑SMEs jiżviluppaw prodotti, servizzi jew proċessi li kienu innovattivi għall‑intrapriża (ara l‑paragrafu 45). Madankollu, huma ma inċentivawx b’mod effettiv l‑SMEs biex jintroduċu prodotti li kienu ġodda għas‑suq, jiżviluppaw ir-R&Ż jew jikkollaboraw ma’ entitajiet mill‑ambjent mhux tan‑negozju. Il‑Kaxxa 7 turi wieħed mill‑ftit eżempji fil‑kampjun tagħna b’fokus qawwi fuq ir-RŻ&I.
Sejħa b’fokus qawwi fuq ir-RŻ&I
Ir‑reġjun Pollakk ta’ Lódzkie nieda sejħa għal proġetti reġjonali innovattivi ħafna mill‑SMEs. Il‑kriterji tal-għażla kienu jinkludu l‑allinjament mal‑istrateġiji reġjonali ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, l‑innovazzjoni u l‑implimentazzjoni tar‑riżultati tar-R&Ż. Dawn tal-aħħar attiraw l‑ogħla ponderazzjoni, b’mod partikolari fejn il‑benefiċjarji wettqu r‑riċerka tagħhom stess.
Terz tal‑SMEs benefiċjarji eżaminati kkooperaw mal‑istituzzjonijiet tar‑riċerka
61 Il‑kooperazzjoni mal‑istituzzjonijiet tar‑riċerka għandha l‑potenzjal li tindirizza waħda mid‑dgħufijiet ewlenin li jaffettwaw il‑kompetittività tal‑SMEs, it‑trasferiment insuffiċjenti tal‑output tar-RŻ&I għal prodotti jew servizzi tan‑negozju. Aħna sibna li 6 mit‑22 SME fil‑kampjun tagħna qalu li sa issa kienu diġà kkooperaw ma’ istituzzjonijiet ta’ riċerka jew ipparteċipaw fi proġetti kollettivi ta’ RŻ&I (ara l-eżempju fil‑Kaxxa 8).
Proġett kollettiv immirat lejn it‑trasferiment tat‑teknoloġija f’settur tal‑industrija
Il‑FEŻR iffinanzja proġett kollettiv ta’ kondiviżjoni tal-għarfien żviluppat fis‑settur taż-żraben Portugiż. L‑azzjoni kienet tinvolvi l‑kondiviżjoni ta’ metodi u riżultati minn proġetti differenti ta’ R&Ż, xi wħud iffinanzjati wkoll taħt il‑FEŻR. Dan wassal għall-użu tat‑teknoloġija tal‑laser għall‑qtugħ u l‑inċiżjoni, it-tħaffif tal‑produzzjoni taż-żraben, iż-żieda fil‑preċiżjoni u t‑tnaqqis tal‑ispejjeż tax‑xogħol. L‑azzjoni ppromwoviet ukoll l‑ittestjar u d‑dimostrazzjoni tal‑avvanzi teknoloġiċi, l-iżvilupp ta’ prototipi mmirati lejn il-ħtiġijiet tal‑konsumatur, l-użu ta’ materjali ġodda, u l-iżvilupp ta’ għodod tal‑Industrija 4.0 bħal ħanut ċibernetiku interattiv.
Proġetti li jappoġġaw diversi SMEs huma l-eċċezzjoni, għalkemm ħafna SMEs jibbenefikaw minn servizzi ta’ konsulenza
62 Proġetti kollettivi, li jindirizzaw il-ħtiġijiet u l‑opportunitajiet komuni ta’ diversi SMEs, għandhom il‑potenzjal li jippermettu lill‑SMEs jikkondividu r‑riskji, inaqqsu l‑averżjoni għar‑riskju tagħhom, jikkondividu l‑ispejjeż u jilħqu l‑objettivi tagħhom aktar malajr. Madankollu, l‑analiżi li wettaqna wriet li ftit proġetti biss fil‑kampjun tagħna ġew implimentati minn gruppi ta’ intrapriżi jew entitajiet oħra (eż. assoċjazzjonijiet tan‑negozju, ċentri tat‑teknoloġija, eċċ.). Il‑Kaxxa 9 tagħti l-eżempju ta’ proġett kollettiv bħal dan, b’effetti konsegwenzjali pożittivi fuq għadd kbir ta’ SMEs oħra.
Proġett kollettiv biex jippromwovi marka reġjonali
Ir‑reġjun ta’ Wielkopolskie fil‑Polonja ddeċieda li jippromwovi l‑marka reġjonali tiegħu barra mill‑pajjiż biex iżid il‑potenzjal ekonomiku tagħha. Il‑proġett kien jinkludi kampanja pubbliċitarja u attivitajiet promozzjonali esterni, L‑involviment ta’ korp governattiv ta spinta lill‑kredibbiltà tal‑intrapriżi reġjonali u ffaċilita l‑kuntatti ma’ investituri barranin. Dan l‑approċċ ta’ kummerċjalizzazzjoni reġjonali għandu l‑potenzjal li minnu jibbenefikaw għadd kbir ta’ SMEs.
63 L‑SMEs li intervistajna enfasizzaw il-ħtieġa għal azzjonijiet kollettivi li jippromwovu jew jipproteġu l‑produzzjoni lokali, iżda huma raw ftit li xejn valur miżjud fin‑networks tan‑negozju. L‑ebda waħda minnhom ma qieset l-aċċess għal dawn in‑networks bħala vantaġġ kompetittiv.
64 Meta mqabbla mal‑intrapriżi l‑kbar, l‑istrutturi ta’ ġestjoni interna tal‑SMEs huma inqas komprensivi u inqas żviluppati. Għalhekk, ħtieġa ewlenija tal‑SMEs hija li jkun hemm aċċess għal opportunitajiet ta’ konsulenza, ikkowċjar u networking ta’ kwalità għolja34 (ara l-eżempju fil‑Kaxxa 10).
Servizzi ta’ konsulenza għal diversi SMEs permezz ta’ assoċjazzjonijiet tan‑negozju
Fil-Ġermanja, huwa stmat li 150 000 kumpanija b’madwar 2.4 miljun impjegat huma mistennija li se jesperjenzaw bidliet ġenerazzjonali. Il‑FEŻR jiffinanzja proġetti fejn l‑assoċjazzjonijiet tan‑negozju jipprovdu servizz ta’ konsulenza kkwalifikat lill‑SMEs f’dan l‑istadju. B’mod partikolari, huma jgħinu biex jinstabu suċċessuri meta l‑maniġment superjuri jirtira, biex jiġi evitat tfixkil fl‑attivitajiet u jiġi evitat li l‑SMEs ikollhom iwaqqfu l‑operazzjonijiet. Din l‑azzjoni kollettiva hija ta’ benefiċċju għal diversi SMEs.
65 Fl‑2019, il‑FEŻR ipprova appoġġ mhux finanzjarju (pariri, gwida u servizzi ta’ konsulenza) lil 44 % tal‑intrapriżi appoġġati (382 000 minn fost 861 600 intrapriża). Fl‑2020, minħabba l‑programmazzjoni mill-ġdid u ż-żieda riżultanti fl-għadd ta’ SMEs appoġġati taħt il‑FEŻR, dan is‑sehem naqas għal 27 % (madwar 400 000 minn 1.5 miljun SMEs)35.
Il‑proċeduri tal-għażla tal‑FEŻR mhumiex suffiċjentement kompetittivi u l‑biċċa l‑kbira mill‑appoġġ jiġi pprovdut permezz ta’ għotjiet aktar milli permezz ta’ għajnuna ripagabbli
66 L‑awtoritajiet maniġerjali li jimplimentaw il‑programmi taħt il‑FEŻR fl‑Istati Membri huma responsabbli mill-għażla tal‑operazzjonijiet36. Meta jagħmlu dan, jenħtieġ li jiżguraw li l‑operazzjonijiet jikkontribwixxu għall‑ilħuq tal‑objettivi speċifiċi u r‑riżultati tal‑prijorità rilevanti. It‑tip ta’ sejħa (kompetittiva jew mhux) jenħtieġ li tintgħażel b’rabta mal‑objettiv speċifiku u r‑riżultati mistennija tal‑appoġġ. B’mod partikolari, ir‑Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għall‑2021-2027 jeħtieġ li l‑kriterji tal-għażla applikati jimmassimizzaw il‑valur miżjud tal‑kontribuzzjoni tal‑Fondi SIE.
67 Aħna eżaminajna l‑mod li bih il‑programmi taħt il‑FEŻR kienu organizzaw il‑proċeduri tal-għażla tagħhom u qisna jekk ipprovdewx finanzjament mill‑UE biss lill‑proposti ta’ proġetti li kienu jistħoqquh l‑aktar. Analizzajna wkoll il‑punt sa fejn il‑programmi għamlu użu minn forom differenti ta’ finanzjament ta’ proġetti taħt il‑FEŻR għall‑kompetittività tal‑SMEs, inklużi strumenti finanzjarji (jiġifieri għajnuna ripagabbli bħal self, garanziji jew ekwità) u għotjiet, u jekk qisux x’tip ta’ finanzjament kienu jeħtieġu l‑SMEs benefiċjarji.
Il‑proċeduri tal-għażla tal‑biċċa l‑kbira mill‑programmi taħt il‑FEŻR mhumiex imfassla biex jagħtu finanzjament lill‑proposti tal‑proġetti l‑aktar kompetittivi
68 L‑analiżi li wettaqna wriet li l‑biċċa l‑kbira mis‑sejħiet awditjati ma kinux jiżguraw kompetizzjoni bejn l‑applikanti, billi l‑maġġoranza l‑kbira tal‑applikazzjonijiet kellhom jissodisfaw biss ir‑rekwiżiti minimi tal-għażla (ara l‑Kaxxa 11). Il‑biċċa l‑kbira mis‑sejħiet għażlu l‑proġetti kollha meta kisbu l-għadd minimu ta’ punti, irrispettivament mill‑punteġġ tal‑proġetti l-oħra. F’rapport preċedenti aħna konna diġà enfasizzajna n‑nuqqas ta’ kompetizzjoni bejn l‑applikazzjonijiet għall‑proġetti matul il‑proċeduri tal-għażla37.
Proċedura tal-għażla mhux ambizzjuża
Fir‑reġjuni Ġermaniżi eliġibbli għall‑FEŻR, l‑SMEs jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ ta’ investiment individwali biex jistabbilixxu negozji ġodda, jespandu negozju eżistenti jew jiddiversifikaw. L‑appoġġ ġeneralment jingħata bil‑kundizzjoni li l‑benefiċjarji joħolqu l‑impjiegi. Fis‑Sassonja t’Isfel, fejn l‑iskema tiffinanzja wkoll l‑akkwiżizzjonijiet ta’ SMEs eżistenti, sistema ta’ punteġġ tikklassifika l‑proġetti eliġibbli kollha. Madankollu, hija ma tiddistingwix suffiċjentement bejn il‑proġetti lil hinn mill‑eliġibbiltà bażika tagħhom.
L‑ewwelnett, il‑kundizzjonijiet għall‑SMEs applikanti biex jiksbu l‑punteġġ minimu meħtieġ mhumiex ambizzjużi. Il‑kumpaniji jridu sempliċiment ikunu intrapriżi żgħar marbuta bi ftehim kollettiv u joħolqu mill‑inqas impjieg wieħed bl‑investiment.
It‑tieni nett, sa tmiem l‑2021, ma kien hemm l‑ebda kompetizzjoni bejn l‑applikazzjonijiet, u kull proposta li kisbet il‑punteġġ minimu rċeviet finanzjament. Ġew injorati fatturi bħaż-żieda sostenibbli fil‑kompetittività jew l‑espansjoni tas‑suq, filwaqt li l‑innovazzjoni (prodotti/teknoloġiji ġodda) kellha biss impatt żgħir fuq id‑deċiżjonijiet.
69 It‑twaqqit tas‑sejħiet huwa fattur ieħor li jista’ jipprevieni l-għażla tal‑aktar proġetti promettenti:
- Sejħiet magħluqa (jiġifieri proċeduri limitati biż-żmien) jinċentivaw lill‑intrapriżi biex japplikaw meta l‑fondi jkunu disponibbli, aktar milli meta l‑fondi jkunu meħtieġa. Dan huwa partikolarment importanti fir‑rigward tal‑appoġġ għall‑innovazzjoni, billi s‑sejħiet magħluqa jistgħu ma jkunux adatti biex jindirizzaw il-ħtieġa tan‑negozji għal innovazzjoni regolari u għal sinkronizzazzjoni max‑xejriet tas‑suq38. Il‑biċċa l‑kbira mis‑sejħiet awditjati kienu sejħiet magħluqa.
- Is‑sejħiet miftuħa, li kontinwament huma għaddejjin, bl-għażla u l‑finanzjament tal‑proġetti għaddejjin, ma jiżgurawx il‑kompetizzjoni bejn l‑applikazzjonijiet. Il‑proġetti kollha li jiksbu l‑punteġġ minimu tal-għażla jirċievu finanzjament sakemm ikun għad fadal fondi, biex b’hekk it‑twaqqit isir kunsiderazzjoni aktar b’saħħitha milli l‑mertu tal‑proġett.
Sejħiet miftuħa b’dati ta’ skadenza interim għandhom il‑potenzjal li jegħlbu dawn l-iżvantaġġi, filwaqt li jiżguraw il‑kompetizzjoni bejn l‑applikazzjonijiet u l‑finanzjament tal‑proġetti bl‑ogħla punteġġ.
Il‑FEŻR fil‑biċċa l‑kbira jappoġġa l‑kompetittività tal‑SMEs b’għotjiet, meta strumenti finanzjarji u għotjiet ripagabbli jistgħu jkunu aktar effettivi
70 Għal ħafna snin, il‑Kummissjoni tat parir lill‑awtoritajiet maniġerjali tal‑Istati Membri biex ma jagħtux għotjiet waħedhom lill‑SMEs billi hemm indikazzjonijiet li l‑appoġġ mogħti mill‑UE huwa effettiv (jew kważi daqstant effettiv) meta l-għotja titnaqqas jew tiġi sostitwita minn strumenti finanzjarji (jiġifieri għajnuna rimborżabbli bħal selfiet jew garanziji)39.
71 Madankollu, għall‑perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, l-għotjiet baqgħu bil‑bosta l‑aktar forma użata ta’ appoġġ finanzjarju dirett għall‑kompetittività tal‑SMEs. B’mod ġenerali, dawn ammontaw għal 66 % tal‑finanzjament totali tal‑FEŻR allokat għall‑kompetittività tal‑SMEs (ara l‑Figura 12).
Figure 12 – Ammonti ppjanati taħt il‑FEŻR allokati għall‑kompetittività tal‑SMEs (OT3) sa tmiem l‑2019
Noti: (1) Għażilna li nużaw l‑2019 bħala s‑sena bażi biex nevitaw li nxekklu l‑analiżi b’bidliet marbuta mal‑pandemija tal‑COVID‑19; (2) It‑total mhuwiex ekwivalenti għall‑ammont tal‑FEŻR għall‑OT3 peress li mhuwiex possibbli li ssir distinzjoni bejn it‑tip ta’ appoġġ finanzjarju għal kull objettiv tematiku.
Sors: il‑QEA, ibbażat fuq il‑Portal tad‑Data Miftuħa tal‑FSIE.
72 L‑analiżi li wettaqna wriet li 18 mit‑22 SME benefiċjarja fil‑kampjun tagħna bbenefikaw esklussivament minn għotjiet. F’dan il‑kuntest, aħna identifikajna approċċ innovattiv fil‑Portugall li jikkombina għotjiet u għajnuna rimborżabbli li jinċentiva lill‑SMEs benefiċjarji biex jaqbżu l‑miri tal‑proġetti, sakemm dawn ikunu suffiċjentement ambizzjużi (ara l‑Kaxxa 12).
Għotjiet ikkombinati ma’ għajnuna rimborżabbli
Sal‑2018, l‑awtoritajiet Portugiżi appoġġaw proġetti ta’ innovazzjoni produttiva permezz ta’ skema finanzjarja ibrida. L‑SMEs benefiċjarji rċevew għajnuna rimborżabbli, li setgħu parzjalment jikkonvertu f’għajnuna mhux rimborżabbli fi tmiem il‑proġett jekk jaqbżu l‑miri.
L-għan tal-għajnuna rimborżabbli kien li jiġi ingranat l-użu tal‑finanzjament mill‑UE għall‑benefiċċju ta’ aktar intrapriżi. Għajnuna mhux rimborżabbli għandha l‑potenzjal li tinċentiva lill‑SMEs biex jużaw il‑finanzjament mill‑UE biex jagħtu l-aħjar prestazzjoni tagħhom.
73 Meta ġew mistoqsija, l‑ebda waħda mill‑SMEs ma ddikjarat li l-aċċess għall‑kapital kien jikkostitwixxi ostaklu potenzjali għall‑kompetittività (ara l‑Figura 11). Madankollu, huma rċevew għotjiet biex jixtru magni ġodda li potenzjalment inaqqsu l‑ispejjeż, minkejja li s‑self bimgħax żero jew baxx seta’ kopra l‑investiment kollu jew tal‑inqas parti minnu. Dan kieku kien jagħmilha possibbli li jiġu ingranati l‑fondi disponibbli tal‑FEŻR u li jingħata appoġġ sinifikanti lil aktar SMEs.
Il‑biċċa l‑kbira mill‑SMEs benefiċjarji, kieku, kienu jagħmlu investimenti simili mingħajr il‑FEŻR jew kwalunkwe finanzjament pubbliku ieħor
74 L‑analiżi li wettaqna wriet ukoll li 19 mit‑22 SME, kieku, kienu jagħmlu l‑istess investimenti jew investimenti simili anki mingħajr il‑FEŻR jew kwalunkwe finanzjament pubbliku ieħor (ara l‑paragrafu 50). Minn fost l‑SMEs, 2 qalu li kieku kienu jinvestu eżattament bl‑istess mod, filwaqt li 17 qalu li kieku kienu jinvestu aktar tard jew inaqqsu l‑firxa tal‑investiment.
75 Mill‑SMEs benefiċjarji 3 biss qalu li ma kinux jagħmlu l‑investiment mingħajr l-għajnuna pubblika. Dan jikkonferma r‑riskju ta’ deadweight f’dan it‑tip ta’ skemi ta’ appoġġ taħt il‑FEŻR, li diġà identifikat f’rapporti preċedenti40. Deadweight jista’ jiġi evitat biss jekk il‑finanzjament ikun immirat lejn proġetti li l‑entità privata ma timplimentax mod ieħor, billi l‑ispejjeż ikunu jkunu akbar mill‑benefiċċji finanzjarji.
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
76 Għall‑perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, ir‑regolament tal‑FEŻR ma kienx jeħtieġ li l‑Istati Membri jallinjaw il‑miżuri dwar il‑kompetittività tal‑SMEs fil‑programmi taħt il‑FEŻR mal‑istrateġiji nazzjonali/reġjonali. B’riżultat ta’ dan, il‑Kummissjoni kellha biss mezzi limitati biex tiżgura li l‑finanzjament mill‑FEŻR kien immirat lejn l‑oqsma bl‑aktar potenzjal ta’ tkabbir (ara l‑paragrafi 26-29).
77 Sa tmiem l‑2019, l-aħħar sena qabel it‑tifqigħa tal‑pandemija tal‑COVID‑19, il‑FEŻR kellu l-għan li jipprovdi appoġġ dirett lil 0.8 miljun SME minn total ta’ kważi 25 miljun fl‑UE (3.3 %). Aħna sibna li l‑approċċi tal‑Istati Membri kienu jvarjaw, fejn xi wħud immiraw l‑appoġġ taħt il‑FEŻR lejn ftit mijiet ta’ kumpaniji filwaqt li oħrajn qassmu l‑finanzjament b’mod aktar wiesa”. Fl‑Irlanda, pereżempju, il‑FEŻR kien mistenni li jipprovdi finanzjament lil aktar minn 67 000 SME (jew aktar minn 25 % tal‑SMEs kollha fil‑pajjiż), filwaqt li l‑programm Awstrijak taħt il‑FEŻR appoġġa biss 435 kumpanija. Konsegwentement, l‑ammont ta’ finanzjament għal kull SME jvarja ħafna bejn l‑Istati Membri. Meta l‑programmi taħt il‑FEŻR jifirxu l‑finanzjament disponibbli fuq wisq SMEs, potenzjalment hemm riskju għoli li l‑appoġġ tal‑FEŻR jkun nieqes mill‑massa kritika meħtieġa biex jagħmel differenza reali għall‑kompetittività tal‑SMEs (ara l‑paragrafi 30-33).
78 Fl‑2020, bħala rispons għall‑pandemija tal‑COVID‑19, ħafna Stati Membri pprogrammaw mill-ġdid il‑programmi taħt il‑FEŻR tagħhom, fil‑kuntest tal‑inizjattivi CRII/CRII+ u REACT‑EU. Din il‑programmazzjoni mill-ġdid wasslet għal finanzjament addizzjonali għall‑SMEs kif ukoll żieda sinifikanti fl-għadd ta’ SMEs immirati. Dan huwa partikolarment il‑każ fl‑Italja fejn l‑appoġġ taħt il‑FEŻR issa qed jimmira lejn aktar minn 630 000 SME (jiġifieri aktar minn 500 000 negozju addizzjonali) (ara l‑paragrafu 34).
79 Fl‑erba’ Stati Membri awditjati, l‑appoġġ taħt il‑FEŻR għall‑perjodu 2014-2020 li ngħata għall‑kompetittività tal‑SMEs stimula r‑rieda tal‑SMEs li jinvestu. Madankollu, l‑effettività tiegħu biex iżid il‑kompetittività tagħhom kienet imxekkla minn nuqqasijiet li ġejjin fl‑approċċ ta’ finanzjament meħud mill‑awtoritajiet maniġerjali fl‑Istati Membri (ara l‑paragrafi 35-48):
- Il‑biċċa l‑kbira mis‑sejħiet għas‑sottomissjoni tal‑proġetti ma indirizzawx l‑ostakli kollha rilevanti għall‑kompetittività li jiltaqgħu magħhom l‑SMEs benefiċjarji, u sempliċiment ikkofinanzjaw investimenti produttivi speċifiċi (bħax‑xiri ta’ makkinarju ġdid). F’ħafna każijiet eżaminati, il‑proġetti taħt il‑FEŻR ma rriżultawx f’titjib li jista’ jintwera fis‑sitwazzjoni kompetittiva tal‑SMEs fir‑rigward tal‑operazzjonijiet u l‑pożizzjoni tagħhom fis‑suq, l‑internazzjonalizzazzjoni, is‑sitwazzjoni finanzjarja jew il‑kapaċità ta’ innovazzjoni tagħhom.
- Is‑sejħiet rarament iffinanzjaw investimenti fi proċessi oħra li jżidu l‑valur biex tiżdied il‑kompetittività fuq terminu twil tal‑SMEs (eż. iż-żieda tal‑kapaċitajiet ta’ RŻ&I tal‑SMEs jew il‑penetrazzjoni minnhom ta’ swieq ġodda). Xi ftit proġetti offrew servizzi ta’ konsulenza mfassla apposta għall‑SMEs biex jegħlbu ostakli speċifiċi għall‑kompetittività.
- Il‑proġetti fil‑biċċa l‑kbira appoġġaw SMEs individwali aktar milli grupp ta’ intrapriżi, u b’hekk illimitaw is‑sensibilizzazzjoni tal‑FEŻR għall‑SMEs.
- Il‑finanzjament tal‑proġetti seħħ l‑aktar permezz ta’ sejħiet u proċeduri tal-għażla mhux kompetittivi, li fihom kull applikazzjoni li ssodisfat il‑kriterji tal-għażla minimi rċeviet finanzjament.
- Il‑finanzjament ħa l‑forma ta’ għotjiet aktar milli forom ta’ appoġġ ripagabbli (bħal self jew garanziji). Madankollu, l‑ebda waħda mill‑SMEs awditjati ma semmiet diffikultajiet fl-aċċess għall‑finanzjament bħala ostaklu ewlieni biex tiżdied il‑kompetittività. L-użu ta’ forom ta’ appoġġ ripagabbli, kieku, seta’ jippermetti lill‑fond jappoġġa aktar negozji.
80 Aħna sibna wkoll li bosta SMEs benefiċjarji kienu jagħmlu l‑istess investimenti kieku anki mingħajr finanzjament mill‑UE. F’xi każijiet, l‑appoġġ taħt il‑FEŻR affettwa b’mod negattiv il‑prospetti ekonomiċi tal‑SMEs mhux benefiċjarji li jikkompetu fl‑istess swieq reġjonali jew nazzjonali bħall‑SMEs benefiċjarji. Dan naqqas l‑effett kumplessiv nett tal‑appoġġ tal‑UE (ara l‑paragrafi 49-75).
Rakkomandazzjoni 1 – Rieżaminar tat‑tfassil tas‑sejħiet tal‑FEŻR
Jenħtieġ li l‑Kummissjoni tistieden lil u tappoġġa lill‑Istati Membri biex ifasslu sejħiet li jinkoraġġixxu s‑sottomissjoni ta’ proposti li huma aktar probabbli li jkunu effettivi fiż-żieda tal‑kompetittività tal‑SMEs. Fil‑prattika, dan ikun ifisser l‑organizzazzjoni ta’ sejħiet immirati lejn:
- L‑indirizzar ta’ bosta fatturi li jillimitaw il‑kompetittività fi ħdan proġett. Dawn jistgħu jkunu, pereżempju, il‑kombinament tar‑riċerka u l‑innovazzjoni mal‑investimenti, l‑appoġġ għat‑taħriġ u l‑bini tal‑kapaċità, it‑tfassil ta’ strateġija tas‑suq tal‑esportazzjoni eċċ.
- It‑tisħiħ tal‑kooperazzjoni bejn l‑SMEs u korpi oħra (eż. SMEs oħra, assoċjazzjonijiet ta’ negozji, universitajiet/organizzazzjonijiet ta’ riċerka).
- L-għoti ta’ appoġġ għall‑parteċipazzjoni tal‑SMEs f’servizzi u networks ta’ konsulenza (bħal pereżempju n‑Network Enterprise Europe, organizzazzjonijiet Cluster, iċ-Ċentri ta’ Innovazzjoni tan‑Negozju, in‑Network Ewropew taċ-Ċentri tan‑Negozju u l‑Innovazzjoni, eċċ).
Data mmirata għall‑implimentazzjoni: sa tmiem l‑2023.
Rakkomandazzjoni 2 – Rieżaminar tal‑proċeduri tal-għażla tal‑FEŻR għall-għotjiet
Jenħtieġ li l‑Kummissjoni tistieden lil u tagħti appoġġ lill‑Istati Membri sabiex jirrieżaminaw il‑proċeduri tal-għażla tal‑FEŻR, b’mod partikolari għall‑finanzjament tal-għotjiet, bl-għan li jagħżlu proġetti:
- permezz ta’ proċess mhux kompetittiv biss meta debitament iġġustifikat; u
- fuq il‑bażi ta’ kriterji tal-għażla u sollijiet ambizzjużi sabiex tinkiseb l-aħjar relazzjoni bejn l‑ammont ta’ appoġġ, l‑attivitajiet li se jitwettqu u l‑ilħuq tal‑objettivi.
Data mmirata għall‑implimentazzjoni: sa tmiem l‑2023.
Rakkomandazzjoni 3 – Jiġi prijoritizzat l-użu ta’ għajnuna ripagabbli għall‑kompetittività tal‑SMEs
Jenħtieġ li l‑Kummissjoni tistieden lil u tagħti appoġġ lill‑Istati Membri sabiex:
- Strumenti finanzjarji, jiġifieri għajnuna ripagabbli bħal self jew garanziji jew ekwità, jiġu prijoritizzati għall‑finanzjament tal‑kompetittività tal‑SMEs.
- L-għotjiet jintużaw biss għal każijiet ta’ ħtieġa ċara (bħall‑indirizzar ta’ fallimenti tas‑suq) jew fejn huwa meħtieġ li jintlaħqu objettivi speċifiċi ta’ politika (pereżempju standards aħjar għal ekonomija ċirkolari, ekoloġika u aktar ġusta). Kull meta jkun possibbli jenħtieġ li l-għotjiet jiġu pprovduti flimkien ma’ strumenti finanzjarji.
Data mmirata għall‑implimentazzjoni: sa tmiem l‑2023.
Dan ir‑Rapport ġie adottat mill‑Awla II, immexxija mis‑Sinjura Iliana Ivanova, Membru tal‑Qorti tal‑Awdituri, fil‑Lussemburgu fis-6 ta’ April 2022.
Għall‑Qorti tal‑Awdituri

Klaus‑Heiner Lehne Il‑President
Annessi
Anness I – Perjodu 2014-2020: Finanzjament mill‑FEŻR għall‑SMEs skont il‑kodiċi ta’ intervent (f’miljun EUR)
Tip ta’ appoġġ | Kodiċi ta’ intervent | Intefaq sa tmiem l‑2019 | Ippjanat sal‑2023 (n+3) | % ta’ dak ippjanat |
---|---|---|---|---|
Appoġġ individwali għall‑SMEs | 001. Investiment produttiv ġeneriku fl‑SMEs | 15 649 | 19 154 | 35 |
056. Investiment fl‑infrastruttura, il‑kapaċitajiet u t‑tagħmir fl‑SMEs marbuta direttament mar-RŻ&I | 3 175 | 4 518 | 9 | |
064. Proċessi ta’ riċerka u innovazzjoni fl‑SMEs | 4 306 | 7 710 | 14 | |
067. Żvilupp tan‑negozju tal‑SMEs, appoġġ għall‑intraprenditorija u l‑inkubazzjoni | 5 757 | 9 271 | 17 | |
Total tal‑appoġġ permezz ta’ proġetti individwali | 28 887 | 40 652 | 75 | |
Networking u Kooperazzjoni | 062. Trasferiment tat‑teknoloġija, u kooperazzjoni bejn l‑universitajiet u l‑intrapriżi li huma ta’ benefiċċju primarjament għall‑SMEs | 2 272 | 5 095 | 9 |
063. Appoġġ tar‑raggruppamenti u networks kummerċjali li huma ta’ benefiċċju primarjament għall‑SMEs | 667 | 2 338 | 4 | |
004. Investiment produttiv marbut mal‑kooperazzjoni bejn intrapriżi kbar u SMEs għall-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi tal‑ICT | 48 | 209 | 1 | |
Servizzi konsultattivi | 066. Servizzi ta’ appoġġ avvanzat għall‑SMEs u gruppi ta’ SMEs | 2 200 | 3 822 | 7 |
Infrastruttura | 072. Infrastruttura tan‑negozju għall‑SMEs | 905 | 2 289 | 4 |
Total tal‑appoġġ permezz ta’ proġetti kollettivi | 6 012 | 13 753 | 25 | |
Total tal‑appoġġ għall‑SMEs | 34 899 | 54 405 | 100 |
Nota: L‑ammonti jirreferu għal bosta objettivi tematiċi.
Sors: il‑QEA, adattat mill‑Portal tad‑Data Miftuħa tal‑FSIE.
Anness II – Lista ta’ proġetti magħżula
Sors: il‑QEA.
Anness III – Il‑finanzjament mill‑FEŻR għall‑OT3 u l-għadd ippjanat/reali ta’ SMEs li għandu jintlaħaq sal‑2023 għal kull Stat Membru (sa tmiem l‑2019); tibdil li sar fl‑2020 b’rispons għall‑pandemija tal‑COVID‑19
Finanzjament mill‑FEŻR għall‑OT3 | Id‑ditti kollha li rċevew appoġġ (Indikatur komuni CO01) | |||||||||||
---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Stat Membru | Ippjanat għall‑2019 (f’miljun EUR) |
Ippjanat għall‑2020 (f’miljun EUR) |
∆ (f’miljun EUR) |
∆ (%) | għal kull SME 2019 (f’EUR) |
għal kull SME 2020 (f’EUR) |
Reali 2019 | Ippjanati għall‑2019 | % tal‑SMEs milħuqa | Ippjanati għall‑2020 | ∆ (SMEs ippjanati) |
∆ (% ippjanat) |
Il‑Belġju | 242.7 | 255.8 | 13.0 | 5 % | 35 701 | 11 677 | 18 245 | 6 799 | 268 % | 21 902 | 15 103 | 222 % |
Il‑Bulgarija | 592.9 | 946.3 | 353.5 | 60 % | 74 341 | 33 558 | 5 620 | 7 975 | 70 % | 28 200 | 20 225 | 254 % |
Iċ-Ċekja | 969.5 | 1 127.7 | 158.2 | 16 % | 161 618 | 156 974 | 2 825 | 5 999 | 47 % | 7 184 | 1 185 | 20 % |
Id‑Danimarka | 68.0 | 61.9 | - 6.1 | - 9 % | 24 286 | 24 300 | 1 570 | 2 800 | 56 % | 2 546 | - 254 | - 9 % |
Il-Ġermanja | 2 142.9 | 2 112.2 | - 30.7 | - 1 % | 41 241 | 27 859 | 26 035 | 51 960 | 50 % | 75 816 | 23 856 | 46 % |
L‑Estonja | 296.9 | 274.7 | - 22.2 | - 7 % | 51 367 | 24 529 | 9 102 | 5 780 | 157 % | 11 200 | 5 420 | 94 % |
L‑Irlanda | 65.2 | 21.2 | - 43.9 | - 67 % | 961 | 994 | 65 057 | 67 838 | 96 % | 21 370 | - 46 468 | - 68 % |
Il‑Greċja | 1 410.3 | 2 635.2 | 1 224.8 | 87 % | 56 196 | 31 056 | 1 797 | 25 097 | 7 % | 84 853 | 59 756 | 238 % |
Spanja | 2 554.0 | 2 328.4 | - 225.6 | - 9 % | 25 030 | 30 389 | 63 057 | 102 039 | 62 % | 76 620 | - 25 419 | - 25 % |
Franza | 1 392.5 | 1 543.9 | 151.4 | 11 % | 8 735 | 9 161 | 49 717 | 159 412 | 31 % | 168 534 | 9 122 | 6 % |
Il‑Kroazja | 970.0 | 1 470.8 | 500.8 | 52 % | 150 855 | 80 004 | 8 651 | 6 430 | 135 % | 18 384 | 11 954 | 186 % |
L‑Italja | 3 837.8 | 5 873.7 | 2 035.9 | 53 % | 42 462 | 9 313 | 53 191 | 90 381 | 59 % | 630 709 | 540 328 | 598 % |
Ċipru | 70.0 | 67.0 | - 3.0 | - 4 % | 97 765 | 76 136 | 442 | 716 | 62 % | 880 | 164 | 23 % |
Il‑Latvja | 296.2 | 310.0 | 13.8 | 5 % | 107 902 | 72 940 | 3 413 | 2 745 | 124 % | 4 250 | 1 505 | 55 % |
Il‑Litwanja | 546.7 | 566.7 | 20.0 | 4 % | 245 158 | 254 127 | 6 038 | 2 230 | 271 % | 2 230 | 0 | 0 % |
L‑Ungerija | 2 215.3 | 2 820.3 | 605.0 | 27 % | 96 736 | 163 119 | 8 194 | 22 901 | 36 % | 17 290 | - 5 611 | - 25 % |
Malta | 57.7 | 64.7 | 7.0 | 12 % | 40 037 | 39 065 | 1 044 | 1 440 | 73 % | 1 655 | 215 | 15 % |
L‑Awstrija | 170.4 | 171.5 | 1.1 | 1 % | 391 686 | 394 223 | 186 | 435 | 43 % | 435 | 0 | 0 % |
Il‑Polonja | 6 674.2 | 7 193.9 | 519.8 | 8 % | 161 161 | 129 916 | 20 611 | 41 413 | 50 % | 55 374 | 13 961 | 34 % |
Il‑Portugall | 4 139.6 | 4 191.3 | 51.6 | 1 % | 299 193 | 283 538 | 9 041 | 13 836 | 65 % | 14 782 | 946 | 7 % |
Ir‑Rumanija | 1 229.7 | 1 982.8 | 753.1 | 61 % | 108 850 | 27 795 | 3 539 | 11 297 | 31 % | 71 338 | 60 041 | 531 % |
Is‑Slovenja | 445.1 | 427.4 | - 17.7 | - 4 % | 59 345 | 56 985 | 4 836 | 7 500 | 64 % | 7 500 | 0 | 0 % |
Is‑Slovakkja | 802.1 | 761.6 | - 40.5 | - 5 % | 76 172 | 62 860 | 6 232 | 10 530 | 59 % | 12 116 | 1 586 | 15 % |
Il‑Finlandja | 272.4 | 273.2 | 0.8 | 0 % | 49 173 | 75 880 | 2 673 | 5 540 | 48 % | 3 600 | - 1 940 | - 35 % |
L-Iżvezja | 311.5 | 340.3 | 28.8 | 9 % | 25 868 | 27 046 | 19 009 | 12 042 | 158 % | 12 581 | 539 | 4 % |
Ir‑Renju Unit | 2 058.2 | 1 991.7 | - 66.5 | - 3 % | 15 134 | 15 065 | 56 267 | 135 997 | 41 % | 132 204 | - 3 793 | - 3 % |
Interreg | 515.9 | 510.9 | - 5.0 | - 1 % | 33 233 | 22 697 | 14 720 | 15 523 | 95 % | 22 510 | 6 987 | 45 % |
UE | 34 347.7 | 40 325.0 | 5 977.3 | 17 % | 42 059 | 26 775 | 461 112 | 816 655 | 56 % | 1 506 063 | 689 408 | 84 % |
Sors: il‑QEA, adattat mill‑Portal tad‑Data Miftuħa tal‑FSIE.
Anness IV – Indikaturi użati biex tiġi vvalutata bidla fil‑kompetittività tal‑SMEs
Operazzjonijiet u pożizzjoni fis‑suq | |
Tkabbir fil‑bejgħ | Tkabbir fil‑bejgħ |
Sehem mis‑suq | Bejgħ ta’ intrapriżi bħala proporzjon tal‑bejgħ tal‑industrija jew tal‑kompetitur |
Spejjeż |
|
Profittabbiltà |
|
Produttività tax‑xogħol |
|
Internazzjonalizzazzjoni | |
Esportazzjonijiet | Intensità tal‑esportazzjoni (esportazzjonijiet/bejgħ imwettqa minn intrapriżi) |
Sehem mill‑esportazzjonijiet | Esportazzjonijiet tal‑intrapriżi/esportazzjonijiet tal‑industrija |
Pajjiżi ġodda | Jekk il‑benefiċjarju esportax lejn pajjiżi ġodda jew le |
Sitwazzjoni finanzjarja | |
Awtonomija finanzjarja | Ekwità/assi |
Proporzjon attwali | Assi attwali/obbligazzjonijiet attwali |
Kapaċità ta’ innovazzjoni | |
Innovazzjoni ta’ prodotti jew ta’ servizzi | Jekk il‑benefiċjarju żviluppax prodotti jew servizzi innovattivi jew le |
Attivitajiet ta’ R&Ż | Jekk il‑benefiċjarju rawwimx jew le l‑attivitajiet ta’ R&Ż tiegħu |
Sors: il‑QEA.
Akronimi u abbrevjazzjonijiet
FEŻR: Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali
FSE: Fond Soċjali Ewropew
FSIE: Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej
NGEU: Next Generation EU
OT: Objettiv Tematiku
OT1: Tisħiħ tar‑riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l‑innovazzjoni
OT3: Tisħiħ tal‑kompetittività tal‑SMEs
PO: Programm Operazzjonali
R&Ż: Riċerka u żvilupp
RIS3: Strateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti
RRF: Faċilità għall‑Irkupru u r‑Reżiljenza
RŻ&I: Riċerka, żvilupp u innovazzjoni
SBA: Small Business Act
SME: Intrapriżi żgħar u medji
Glossarju
Awtorità maniġerjali: L‑awtorità nazzjonali, reġjonali jew lokali (pubblika jew privata) deżinjata minn Stat Membru biex timmaniġġja programm iffinanzjat mill‑UE.
Deadweight: Sitwazzjoni fejn attività ffinanzjata mill‑UE kienet timxi ’l quddiem anke li kieku ma rċevietx għajnuna pubblika.
Effett ta’ spostament: Titjib fil‑prestazzjoni ta’ SME li jirriżulta minn appoġġ pubbliku għad‑detriment tal‑kompetituri tagħha.
Faċilità għall‑Irkupru u r‑Reżiljenza: Il‑mekkaniżmu ta’ appoġġ finanzjarju tal‑UE biex jiġi mmitigat l‑impatt ekonomiku u soċjali tal‑pandemija tal‑COVID‑19 u jiġi stimulat l‑irkupru, filwaqt li tiġi promossa t‑trasformazzjoni ekoloġika u diġitali.
Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali: Fond tal‑UE li jsaħħaħ il‑koeżjoni ekonomika u soċjali fl‑UE billi jiffinanzja investimenti li jnaqqsu l-iżbilanċi bejn ir‑reġjuni.
Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej: Il-ħames fondi prinċipali tal‑UE li flimkien jipprovdu appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku fl‑UE kollha: il‑Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il‑Fond Soċjali Ewropew, il‑Fond ta’ Koeżjoni, il‑Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, u l‑Fond Ewropew għall‑Affarijiet Marittimi u s‑Sajd.
Intrapriża: Entità involuta f’attività ekonomika.
Kompetittività: B’referenza għal intrapriża, vantaġġ miksub permezz ta’ spejjeż aktar baxxi, produttività akbar, titjib, divrenzjar u innovazzjoni fil‑prodotti u s‑servizzi, u kummerċjalizzazzjoni u markar aħjar.
Kundizzjoni abilitanti: Kundizzjoni li tenħtieġ minn qabel għall‑implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tal‑objettivi speċifiċi.
Objettiv tematiku: Ir‑riżultat kumplessiv intenzjonat ta’ prijorità ta’ investiment, ripartit f’objettivi speċifiċi għal skopijiet ta’ implimentazzjoni.
Perjodu ta’ programmazzjoni: Il‑perjodu li fih jiġi ppjanat u implimentat programm ta’ nfiq tal‑UE.
Programm operazzjonali: Il‑qafas bażiku għall‑implimentazzjoni tal‑proġetti ta’ koeżjoni ffinanzjati mill‑UE f’perjodu stabbilit, li jirrifletti l‑prijoritajiet u l‑objettivi stabbiliti fi ftehimiet ta’ sħubija bejn il‑Kummissjoni u Stati Membri individwali.
Qafas finanzjarju pluriennali: Il‑pjan ta’ nfiq tal‑UE li jistabbilixxi prijoritajiet (ibbażat fuq l‑objettivi ta’ politika) u limiti massimi, taħt sitt intestaturi prinċipali, ġeneralment għal seba’ snin. Huwa jipprovdi l‑istruttura li fi ħdanha jiġu stabbiliti l‑baġits annwali tal‑UE, u jillimita l‑infiq għal kull kategorija tan‑nefqa. Il‑QFP attwali jkopri l‑perjodu 2021-2027, u dak preċedenti kopra l‑perjodu 2014-2020.
Strateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti: Strateġija nazzjonali jew reġjonali li tistabbilixxi prijoritajiet għall‑bini ta’ vantaġġ kompetittiv billi tiżviluppa u tqabbel il‑punti b’saħħithom tar‑riċerka u l‑innovazzjoni mal-ħtiġijiet tan‑negozju u ġġib konverġenza fil‑prestazzjoni tal‑innovazzjoni.
Risposti tal‑Kummissjoni:
Tim tal‑awditjar
Ir‑rapporti speċjali tal‑QEA jippreżentaw ir‑riżultati tal‑awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal‑UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il‑QEA tagħżel u tfassal dawn il‑kompiti tal‑awditjar biex timmassimizza l‑impatt tagħhom billi tqis ir‑riskji għall‑prestazzjoni jew għall‑konformità, il‑livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi futuri u l‑interess politiku u pubbliku.
Dan l‑awditu tal‑prestazzjoni twettaq mill‑Awla II tal‑Awditjar li tispeċjalizza fl‑oqsma ta’ nfiq ta’ Investiment għall‑koeżjoni, it‑tkabbir u l‑inklużjoni, u li hija mmexxija minn Iliana Ivanova, Membru tal‑QEA. L‑awditu tmexxa minn Pietro Russo, Membru tal‑QEA, li ngħata appoġġ minn Chiara Cipriani, Kap tal‑Kabinett u Benjamin Jakob, Attaché tal‑Kabinett; Niels‑Erik Brokopp, Maniġer Prinċipali; Enrico Grassi, Kap tal‑Kompitu; Angel Ramallo Ros, Angelika Zych,u Sara Pimentel, Awdituri.

Mix‑xellug għal‑lemin: Sara Pimentel, Enrico Grassi, Pietro Russo, Angela Ramallo Ros, Benjamin Jakob, Niels‑Erik Brokopp.
Noti finali
1 L‑Artikolu 5 tat‑TUE.
2 L‑Artikolu 173 tat‑TFUE (“L‑Unjoni u l‑Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu l‑kondizzjonijiet neċessarji għall‑kompetittività tal‑industrija tal‑Unjoni”).
3 “Aħseb l‑Ewwel fiż-Żgħir”, “Att dwar in‑Negozji ż-Żgħar” għall‑Ewropa, COM(2008) 394 final tal‑25.6.2008 u r‑reviżjoni tiegħu COM(2011) 78 final tat‑23.2.2011.
4 “ “Il‑mexxejja li jmiss tal‑Ewropa: l‑Inizjattiva favur in‑Negozji l-ġodda u n‑Negozji li qed jespandu”, COM(2016) 733 final.
5 “ “Strateġija għall‑SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali”, COM(2020) 103 final.
6 “Politika Industrijali Integrata għall‑Era tal‑Globalizzazzjoni, Il‑Kompetittività u s‑Sostenibbiltà fix‑Xena Prinċipali”, COM(2010) 614 final tat‑28.10.2010, il‑verżjoni aġġornata tagħha “Strateġija Industrijali Ġdida għall‑Ewropa”, COM(2020) 102 final tal‑10.3.2020 u “Aġġornament tal‑Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal‑2020:Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall‑irkupru tal‑Ewropa”, COM(2021) 350 final tal-5.5.2021.
7 Ewropa 2020, Strateġija Ewropea għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, COM(2010) 2020 tat-3.3.2010.
8 Il‑Patt Ekoloġiku Ewropew, COM(2019) 640 final tal‑11.12.2019.
9 Il‑Kummissjoni, Draft thematic guidance fiche for desk officers on SME competitiveness,, il‑verżjoni 2 tat‑13.3.2014.
10 Ara, pereżempju, ir‑rapport bil‑kompitu tal‑Kummissjoni“Background documents for the European Semester – Measuring Competitiveness”, Ref. Ares (2018)1 159 686, 1.3.2018.
11 L‑istatistika tal‑Eurostat hija disponibbli biss għal daqsijiet differenti ta’ intrapriżi abbażi tal-għadd ta’ impjegati.
12 Ibbażat fuq id‑data tal‑Eurostat dwar l‑attività kummerċjali li tikklassifika l‑intrapriżi skont il‑klassi tad‑daqs.
13 Ir‑Regolament Nru 1287/2013 li jistabbilixxi Programm għall‑Kompetittività tal‑Intrapriżi u l‑SMEs (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 33‑49).
14 Ir‑Regolament Nru 1291/2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 ‑il‑Programm Qafas għar‑Riċerka u l‑Innovazzjoni (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 104-173).
15 Ir‑Regolament Nru 1295/2013 li jistabbilixxi l‑Programm Ewropa Kreattiva (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 221-237).
16 Ir‑Regolament 2020/460 li jemenda r‑Regolamenti 1301/2013 u 1303/2013, 30.3.2020 (Inizjattiva ta’ Investiment fir‑Rispons għall‑Coronavirus ‑CRII) u r‑Regolament 2020/558 li jemenda r‑Regolamenti 1301/2013 u 1303/2013 fir‑rigward ta’ miżuri speċifiċi biex tingħata flessibbiltà eċċezzjonali għall-użu tal‑fondi SIE b’reazzjoni għat‑tifqigħa tal‑COVID‑19, 23.4.2020 (Inizjattiva ta’ Investiment fir‑Rispons għall‑Coronavirus Plus ‑CRII +).
17 “Id‑dashboard tal‑Coronavirus:ir‑rispons tal‑Politika ta’ koeżjoni tal‑UE għall‑kriżi” tal‑Kummissjoni.
18 Komunikazzjoni tal‑Kummissjoni, “Il‑mument tal‑Ewropa:Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss”, COM(2020) 456 final tas‑27.5.2020.
19 Il‑Portal tad‑Data Miftuħa, id‑dashboard REACT‑EU.
20 il‑QEA; programm ta’ ħidma 2022+; Diċembru 2021.
21 Ir-Regolament 2021/1058 tat‑30.6.2021 (OJ L 231, 24.6.2021, pp. 60‑93).
22 Ir-Regolament 2021/695 li jistabbilixxi Orizzont Ewropa, tat‑28 ta’ April 2021. 70 % tal‑baġit allokat lill‑Kunsill Ewropew tal‑Innovazzjoni.
23 Ir- Regolament 2021/241 li jistabbilixxi l‑Faċilità għall‑Irkupru u r‑Reżiljenza, 12 ta’ Frar 2021, (ĠU L 57, 18.2.2021, pp. 17‑75): Tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, inklużi l‑koeżjoni ekonomika, l‑impjiegi, il‑produttività, il‑kompetittività, ir‑riċerka, żvilupp u innovazzjoni, u suq intern li jiffunzjona tajjeb b’SMEs b’saħħithom.
24 Ir‑Rapport Speċjali 9/2016 “L‑implimentazzjoni tal‑baġit tal‑UE permezz ta’ strumenti finanzjarji” u r‑Rapport Speċjali 27/2021 “Appoġġ mill‑UE lit‑turiżmu: Ħtieġa għal orjentazzjoni strateġika ġdida u approċċ ta’ finanzjament aħjar”.
25 Ara wkoll ir- Rapport Speċjali 7/2022 “Strumenti ta’ internazzjonalizzazzjoni tal‑SMEs”.
26 Il‑kundizzjonalità ex ante 3.1 “Twettqu azzjonijiet speċifiċi sabiex tiġi appoġġata l‑promozzjoni tal‑intraprenditorija filwaqt li ġie kkunsidrat l‑Att dwar in‑Negozji ż-Żgħar”.
27 L-Artikolu 15 u l‑Anness IV relatat dwar il‑kundizzjonijiet abilitanti tematiċi tar‑Regolament (UE) 2021/1060 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il‑Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il‑Fond Soċjali Ewropew Plus, il‑Fond ta’ Koeżjoni, il‑Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l‑Fond Ewropew għall‑Affarijiet Marittimi, is‑Sajd u l‑Akkwakultura (ĠU L 231, 30.6.2021, pp. 159‑706).
28 Indikatur komuni tal‑FEŻR “Id‑ditti kollha li jirċievu appoġġ” (CO01). Data mill‑Portal tad‑Data Miftuħa tal‑FSIE.
29 Il‑Kapitolu 1 tat‑Titolu VII tat‑TFUE, u Council Regulation No 994/98 on the Block Exemption Regulations for State aid of 7 May 1998.
30 Ara r‑regoli tal-“għajnuna de minimis” (ir‑Regolament tal‑Kummissjoni Nru 1407/2013tat‑18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-għajnuna de minimis – ĠU L 352, 24.12.2013, p. 1) u r‑Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (ir‑Regolament tal‑Kummissjoni Nru 651/2014 tas‑17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas‑suq intern – ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1)
31 Il‑Kummissjoni Ewropea, Flash Eurobarometer 486, “SMEs, start‑ups, scale-ups and entrepreneurship”, Settembru 2020; il‑Bank Ċentrali Ewropew, Survey on the access to finance of enterprises (SAFE), Ġunju 2021; il‑Bank Ewropew tal‑Investiment, Regional Cohesion in Europe 2020‑2021 – Insights from the EIB Investment Survey, Settembru 2021.
32 Mira stabbilita fl‑2020 għall‑2023 rigward l‑indikatur komuni tal‑output CO29 “Riċerka, Innovazzjoni: Numru ta’ impriżi [intrapriżi] appoġġati biex jiġu introdotti prodotti ġodda lid‑ditta” relatati mal‑OT3.
33 Mira stabbilita fl‑2020 għall‑2023 rigward l‑indikatur komuni tal‑output CO28 “Riċerka, Innovazzjoni: Numru ta’ impriżi [intrapriżi] appoġġati biex jiġu introdotti prodotti ġodda fis‑suq” relatati mal‑OT3.
34 Commission Ex‑post evaluation of Cohesion Policy programmes 2007‑2013, Support to SMEs – Increasing Research and Innovation in SMEs and SME Development, Frar 2016.
35 Portal tad‑Data Miftuħa tal‑FSIE. Mira stabbilita fl‑2020 għall‑2023 rigward l‑indikatur komuni tal‑output “CO04:Ditti li jirċievu appoġġ mhux finanzjarju (konsulenza)” relatat mal‑OT3.
36 L‑Artikolu 125 tar- Regolament Nru 1303/2013 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il‑Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il‑Fond Soċjali Ewropew Plus, il‑Fond ta’ Koeżjoni, il‑Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l‑Fond Ewropew għall‑Affarijiet Marittimi, is‑Sajd u l‑Akkwakultura (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 320‑469).
37 Ir‑Rapport Speċjali 21/2018 bit‑titolu “L-għażla u l‑monitoraġġ ta’ proġetti taħt il‑FEŻR u l‑FSE fil‑perjodu 2014-2020 għadhom prinċipalment orjentati lejn l‑outputs”.
38 European Commission, “Regional policy for smart growth of SMEs, Guide for Managing Authorities and bodies in charge of the development and implementation of Research and Innovation Strategies for Smart Specialisation”, 2013.
39 Il‑Kummissjoni Ewropea, “What are counterfactual impact evaluations teaching us about enterprise and innovation support”, 2012, DG REGIO.
40 Ir‑Rapport Speċjali 4/2011dwar “l‑awditu tal‑Faċilità ta’ Garanzija għall‑SMEs”; ir‑Rapport Annwali dwar l‑implimentazzjoni tal‑baġit għas‑sena finanzjarja 2013, (ĠU C 398, 12.11.2014, pp. 1-288); u r-Rapport Speċjali 8/2018dwar l-“appoġġ mill‑UE għal investimenti produttivi fin‑negozji ‑jeħtieġ li jkun hemm fokus akbar fuq id‑durabbiltà”.
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (https://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022
ISBN 978-92-847-7966-6 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/2066 | QJ-AB-22-010-MT-N | |
HTML | ISBN 978-92-847-7951-2 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/62859 | QJ-AB-22-010-MT-Q |
DRITTIJIET TAL-AWTUR
© L-Unjoni Ewropea, 2022
Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija stabbilita fid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-QEA dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), kontenut tal-QEA li huwa proprjetà tal-UE huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Għalhekk, bħala regola ġenerali, l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat dment li jingħata kreditu xieraq u li kwalunkwe bidla tiġi indikata. Dawk li jużaw mill-ġdid il-kontenut tal-QEA ma jistgħux jgħawġu t-tifsira jew il-messaġġ oriġinali. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.
Irid jinkiseb permess addizzjonali jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza.
Fejn ikun inkiseb tali permess, dan għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.
Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, jista’ jkun meħtieġ li titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.
Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid.
Il-familja ta’ siti web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuqhom, dawn, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.
Użu tal-logo tal-QEA
Il-logo tal-QEA ma jridx jintuża mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.
Kif tikkuntattja lill-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
- bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Kif issib tagħrif dwar l-UE
Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: https://eur-lex.europa.eu
Data Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Data Miftuħa mill-UE (https://copenhagenizeindex.eu/) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-data mill-UE. Id-data tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.