L-attivitajiet li wettaqna fl-2022
Rapport Annwali tal-Attività
tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Min aħna
- il-QEA hija l-awditur estern tal-Unjoni Ewropea;
- stabbilita bit-Trattat ta’ Brussell tal-1975, bdiet topera f’Ottubru 1977;
- Istituzzjoni Ewropea sa mill-1993 taħt it-Trattat ta’ Maastricht;
- is-sede tagħha tinsab fil-Lussemburgu;
- hija korp kolleġġjali ta’ 27 Membru, wieħed minn kull Stat Membru tal-UE, maħtur mill-Kunsill b’segwitu għal konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew;
- timpjega madwar 950 membru tal-persunal, min-nazzjonalitajiet kollha tal-UE.
X’nagħmlu
- niżguraw li l-kontijiet tal-UE jinżammu b’mod xieraq, u li din tapplika r-regoli finanzjarji tagħha b’mod korrett, u li l-politiki u l-programmi tal-UE jilħqu l-objettivi intenzjonati tagħhom u jipprovdu valur għall-flus;
- nikkontribwixxu għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE u nippromwovu l-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza;
- inwissu dwar il-possibbiltà ta’ riskji, nipprovdu aċċertament, nindikaw fejn ikun hemm nuqqasijiet u suċċessi, u noffru gwida lil dawk li jfasslu l-politika u lil-leġiżlaturi tal-UE;
- nippreżentaw l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħna lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali, kif ukoll lill-pubbliku ġenerali.
Daħla tal-President
Għażiż qarrej,
Fl-2022, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, filwaqt li għadhom iħabbtu wiċċhom mal-effetti tal-pandemija tal-COVID‑19 u tat-tibdil rapidu fil-klima, iffaċċjaw kriżi oħra: kriżi enormi tal-enerġija, tas-sigurtà u tal-migrazzjoni kkawżata mill-gwerra ta’ aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna. Dawn l-avvenimenti kollha għandhom impatt konsiderevoli fuq iċ-ċittadini tal-UE, l-ekonomija tal-Unjoni Ewropea u r-relazzjonijiet globali tagħha.
F’dawn iż-żminijiet diffiċli, l-UE qed tipprovdi assistenza finanzjarja fuq skala mingħajr preċedent. Matul il-perjodu 2021-2027, l-UE se tkun tista’ tonfoq EUR 1.8 triljun. Dan jinkludi sa EUR 0.8 triljun għall-istrument għall-irkupru, in-“Next Generation European Union” (NGEU).
Bħala awdituri esterni, aħna nipprovdu valutazzjoni imparzjali tal-politiki u l-programmi tal-UE, kif ukoll tal-kwalità tal-ġestjoni finanzjarja tal-fondi tal-UE fl-Unjoni kollha u lil hinn minnha. Aħna nivverifikaw jekk l-infiq tal-UE jkunx konformi mar-regoli, u jekk il-politiki u l-programmi tagħha jkunux qed jipprovdu valur għall-flus. L-istrateġija tagħna għall-perjodu 2021-2025 qed tiggwida l-isforzi tagħna biex nawditjaw il-finanzi tal-UE matul is-snin li ġejjin, nagħmlu l-bidliet meħtieġa fl-organizzazzjoni tagħna u nużaw ir-riżorsi tagħna b’mod effettiv u effiċjenti.
Dan ir-rapport tal-attività jagħti ħarsa ġenerali lejn il-ħidma u l-pubblikazzjonijiet tagħna fl-2022, li kienet it-tieni sena ta’ implimentazzjoni għall-istrateġija l-ġdida tagħna. Barra minn hekk, huwa jipprovdi informazzjoni dwar il-maniġment, il-persunal, l-appoġġ għall-awditjar u l-finanzi tagħna.
Fl-2022, ippubblikajna r-rapporti annwali kollha tagħna sad-dati ta’ skadenza uffiċjali. Ippubblikajna wkoll 29 rapport, kemm rapporti speċjali kif ukoll dawk analitiċi. Fl-aħħar nett, ħriġna tmien opinjonijiet, li jittrattaw ir-regoli finanzjarji l-ġodda applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, il-finanzjament tal-Pjan REPowerEU, strateġija ta’ finanzjament diversifikata bħala metodu ta’ teħid b’self ġenerali, u l-istabbiliment ta’ Fond Soċjali għall-Klima, fost oħrajn.
Aħna nkomplu nuru solidarjetà mal-Ukrajna u nikkundannaw bil-qawwa l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. L-UE jeħtiġilha tkompli turi solidarjetà u għaqda. Bħala l-awditur indipendenti estern tal-UE, se nagħmlu dak kollu li nistgħu biex inkomplu nwettqu r-rwol tagħna.
Iċ-ċittadini tal-UE, kif ukoll il-partijiet ikkonċernati u s-sħab istituzzjonali tagħna, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri, jistgħu jorbtu fuqna biex nipprovdulhom rapporti indipendenti u oġġettivi dwar kwistjonijiet ewlenin għall-ġejjieni tal-UE, billi nenfasizzaw dak li jiffunzjona tajjeb, niġbdu l-attenzjoni għal dak li ma jiffunzjonax kif suppost, u nirrakkomandaw bidliet.
Nittamaw li l-informazzjoni fir-Rapport tal-Attività ta’ din is-sena tkun utli għalik.
Tony Murphy
Il-President
Daqqa t’għajn lejn l-2022
L-attivitajiet li wettaqna
L-istrateġija tagħna għall-perjodu 2021-2025
Għal ħafna snin, użajna strateġiji pluriennali biex niggwidaw ix-xogħol tal-awditjar li nwettqu, nippromwovu bidla organizzattiva għal titjib kontinwu u nibqgħu fuq quddiem nett tal-iżvilupp fl-awditjar tas-settur pubbliku.
tal-istrateġija – progress tajjeb
Fi tmiem l-2022, aħna kkompletajna t-tieni sena tal-istrateġija tagħna għall-perjodu 2021-2025. L-għanijiet strateġiċi tagħna għal dan il-perjodu ta’ ħames snin huma li: isir titjib f’dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ rendikont, it-trasparenza u l-arranġamenti tal-awditjar f’kull tip ta’ azzjoni li tittieħed mill-UE; l-awditi li nwettqu jiġu mmirati lejn l-oqsma u s-suġġetti fejn aħna nistgħu nipprovdu l-aktar valur miżjud; l-għoti ta’ aċċertament qawwi tal-awditjar, f’ambjent diffiċli u li qed jinbidel.
Biex inqiegħdu l-istrateġija tagħna fil-prattika, qbilna dwar miżuri ta’ implimentazzjoni għal kull għan u objettiv, assenjajna responsabbiltajiet, u stabbilejna dati ta’ skadenza. Din is-sena komplejna nagħmlu progress tajjeb f’diversi azzjonijiet, notevolment:
- għażilna kompiti tal-awditjar li jkopru b’mod xieraq l-oqsma strateġiċi;
- bdejna għadd ta’ awditi dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), inkluża l-ewwel opinjoni tal-awditjar tagħna dwar in-nefqa taħt l-RRF f’konformità mal-approċċ strateġiku tagħna għall-inizjattiva “Next Generation EU” (NGEU);
- tejjibna l-qafas ta’ ġestjoni tal-għarfien tagħna;
- abbozzajna approċċi tal-awditjar strateġiċi dwar il-frodi u l-istat tad-dritt;
- wettaqna analiżi tal-produttività ta’ kompiti magħżula biex nidentifikaw oqsma fejn jista’ jsir titjib;
- ifformulajna pjan ta’ azzjoni għall-kooperazzjoni tagħna mal-pari.
Awditjar tal-prestazzjoni u r-regolarità tal-azzjonijiet li ttieħdu mill-UE
u awditi tal-konformità
L-awditi li nwettqu jipprovdu liċ-ċittadini tal-UE u lil dawk li jfasslu l-politika tagħha rapporti indipendenti u oġġettivi dwar kwistjonijiet ewlenin għall-ġejjieni tal-UE, billi jenfasizzaw dak li jiffunzjona tajjeb, jiġbdu l-attenzjoni għal dak li ma jiffunzjonax kif suppost, u jirrakkomandaw bidliet.
L-awditi tal-prestazzjoni li nwettqu jindirizzaw l-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività tal-politiki u l-programmi tal-UE. Huma jiffukaw fuq suġġetti li jirriflettu l-problemi li qed tħabbat wiċċha magħhom l-UE, bħal:
- it-tibdil fil-klima, l-ambjent u r-riżorsi naturali;
- il-kompetittività ekonomika tal-Unjoni;
- ir-reżiljenza fil-konfront ta’ theddid għas-sigurtà tal-Unjoni, u r-rispett għall-valuri Ewropej tal-libertà, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;
- il-politiki fiskali u l-finanzi pubbliċi tal-Unjoni.
Dawn l-awditi għandhom l-għan li jgħinu lill-UE biex tilħaq aħjar l-objettivi tal-politika tagħha.
L-awditi finanzjarji u l-awditi tal-konformità li nwettqu jkopru l-baġit tal-UE, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-baġits tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ). Aħna nipprovdu Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali, kif ukoll dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi.
Aħna nistgħu wkoll inwettqu awditi tal-konformità magħżula, biex neżaminaw l-istat tal-kontabbiltà baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tal-UE, jew biex nivvalutaw jekk is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll għall-ġbir u l-infiq tal-fondi tal-UE humiex konformi mar-regoli applikabbli tal-UE u dawk nazzjonali.
Fl-aħħar nett, aħna l-awditur estern għal għadd kbir ta’ aġenziji, korpi deċentralizzati u Impriżi Konġunti tal-UE, kif ukoll tal-Iskejjel Ewropej.
Inwettqu l-awditi kollha tagħna f’konformità ma’ standards tal-awditjar għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment.
Programm ta’ Ħidma
tagħna
Il-Programm ta’ Ħidma 2023+ tagħna, li ġie ppubblikat f’Novembru 2022, jiġbed l-attenzjoni għall-prijoritajiet tal-awditjar tagħna għas-snin li ġejjin u jippreżenta fid-dettall it-82 rapport, kemm rapporti speċjali kif ukoll dawk analitiċi, li biħsiebna nippubblikaw mill-2023 ’il quddiem. Huwa allinjat b’mod qawwi mal-oqsma ta’ prijorità stabbiliti fl-istrateġija tagħna għall-perjodu 2021-2025.
Taħt “It-tibdil fil-klima, l-ambjent u r-riżorsi naturali”, aħna nippjanaw li nwettqu 21 awditu li jkopru firxa wiesgħa ta’ suġġetti, fosthom is-sigurtà tal-enerġija, it-tniġġis, l-azzjonijiet relatati mal-klima u l-produzzjoni sostenibbli tal-ikel.
Taħt “Ir-reżiljenza fil-konfront ta’ theddid għas-sigurtà tal-Unjoni, u r-rispett għall-valuri Ewropej tal-libertà, id-demokrazija u l-istat tad-dritt”, għandna 14-il kompitu bħall-ugwaljanza għan-nies b’diżabbiltà, l-istat tad-dritt, il-mobbiltà militari u l-għajnuna għar-refuġjati.
Taħt “Il-kompetittività ekonomika tal-Unjoni”, aħna nippjanaw li nippubblikaw 12-il rapport li fost l-oħrajn ikopru d-diġitalizzazzjoni tal-iskejjel, it-trasport tal-idroġenu u l-intelliġenza artifiċjali.
Taħt “Il-politiki fiskali u l-finanzi pubbliċi tal-Unjoni”, aħna nippjanaw li nwettqu seba’ kompiti, bħas-superviżjoni bankarja fl-UE, l-investiment dirett barrani u l-irkupru tal-fondi tal-UE.
Fuq quddiem nett fl-aġenda tagħna hemm ukoll l-istrument għall-irkupru, jiġifieri l-inizjattiva Next Generation EU (NGEU), li jipprovdi sa EUR 0.8 triljun biex jintefqu f’perjodu qasir. Aħna nippjanaw li nippubblikaw 12-il rapport tal-awditjar li jeżaminaw l-NGEU, li prinċipalment ikopru l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.
Inħejju l-programm ta’ ħidma tal-awditjar tagħna b’mod indipendenti, iżda mhux b’mod iżolat. Nikkomunikaw ukoll mal-partijiet ikkonċernati istituzzjonali tagħna u b’mod partikolari mal-Parlament Ewropew. Il-kumitati parlamentari ppreżentaw 131 suġġeriment dwar l-awditjar għall-Programm ta’ Ħidma 2023+. Kważi żewġ terzi ta’ dawn is-suġġerimenti qed jiġu kompletament jew parzjalment adottati fix-xogħol li għaddej bħalissa jew se jiġu adottati fix-xogħol tal-ġejjieni, jew diġà ġew koperti fir-rapporti l-aktar reċenti tagħna. Irċevejna wkoll tmien ideat addizzjonali tal-awditjar li ġew ippreżentati minn disa’ Rappreżentazzjonijiet Permanenti tal-Istati Membri. Il-kooperazzjoni tagħna tmur lil hinn mill-istituzzjonijiet tal-UE. Fl-2022, irċevejna wkoll 29 proposta tal-awditjar minn 6 parlamenti nazzjonali b’rabta mal-isfidi attwali li qed iħabbtu wiċċhom magħhom l-UE u l-Istati Membri tagħha.
Xogħol tal-awditjar fuq il-post
Il-biċċa l-kbira mix-xogħol tal-awditjar li nwettqu jsir fis-sede tagħna fil-Lussemburgu. L-awdituri tagħna jagħmlu wkoll għadd kbir ta’ żjarat lill-Kummissjoni Ewropea – l-entità awditjata prinċipali tagħna – u lill-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE, lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri, lid-delegazzjonijiet tal-UE f’pajjiżi mhux tal-UE, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet internazzjonali li jimmaniġġjaw il-fondi tal-UE.
Inżuru wkoll lir-riċevituri tal-fondi tal-UE, fuq il-post, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll lil hinn mill-fruntieri tagħha. Permezz ta’ dawn il-verifiki, aħna nsegwu r-rendikont tal-entrati u niksbu evidenza diretta għall-awditjar mingħand dawk involuti fil-ġestjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE u fil-ġbir jew fil-ħlas ta’ fondi tal-UE, kif ukoll mingħand il-benefiċjarji. Fl-2022, wara li tnaqqsu r-restrizzjonijiet b’rabta mal-COVID, aħna żidna l-verifiki fuq il-post tagħna b’mod sostanzjali, iżda wħud mill-verifiki xorta wettaqniehom b’mod virtwali. B’ħarsitna lejn il-futur, se nistinkaw biex napplikaw b’suċċess l-esperjenza tas-snin tal-pandemija u nsaħħu l-valur miżjud u l-effiċjenza taż-żjarat tagħna fuq il-post billi nikkombinawhom ma’ ħidma virtwali.
It-timijiet tal-awditjar tagħna huma ġeneralment magħmulin minn żewġ awdituri jew tlieta, filwaqt li ż-żjarat tal-awditjar tagħna jvarjaw fit-tul minn ftit jiem għal ftit ġimgħat. Il-verifiki fuq il-post li aħna nwettqu ġewwa l-UE jiġu ġeneralment ikkoordinati f’kollegament mal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar (SAIs) tal-Istati Membri kkonċernati.
Fl-2022 żidna ż-żjarat tagħna fuq il-post meta mqabbla mas-sentejn preċedenti, meta kienu għadhom fis-seħħ ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u s-saħħa pubblika relatati mal-COVID‑19. B’kollox qattajna 2 039 jum fl-Istati Membri u barra mit-territorju tal-UE meta mqabbla ma’ 857 jum fl-2021, 1 190 jum fl-2020 u 3 605 ijiem fl-2019. L-awdituri tagħna qattgħu wkoll 945 jum fl-istituzzjonijiet tal-UE, f’aġenziji u korpi deċentralizzati madwar l-UE, f’Impriżi Konġunti, f’organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), u f’ditti privati tal-awditjar. Iċ-ċifri korrispondenti għall-2021, għall-2020 u għall-2019 kienu ta’ 299, 627 u 2 504 ijiem, rispettivament.
Fl-istess ħin, inqdejna aktar bl-awditjar mill-bogħod u billi ġbarna evidenza b’mod elettroniku. Użajna għodod tal-vidjokonferenzi u teknoloġija oħra tal-informazzjoni, bħall-kondiviżjoni sikura ta’ data u ta’ dokumenti, biex ninteraġixxu mal-entitajiet awditjati tagħna.
Ir-rapporti tagħna
Ir-rapporti tal-awditjar, ir-rapporti analitiċi u l-opinjonijiet tagħna huma element essenzjali tal-katina ta’ obbligu ta’ rendikont tal-UE. Huma jgħinu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jimmonitorjaw u jiskrutinizzaw l-ilħuq tal-objettivi ta’ politika tal-UE, u biex jitolbu li jingħata rendikont minn dawk responsabbli għall-ġestjoni tal-baġit tal-UE, b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċedura annwali ta’ kwittanza.
Rapporti speċjali u rapporti analitiċi
Fl-2022, ippubblikajna 29 rapport speċjali u rapport analitiku li jindirizzaw ħafna mill-isfidi li qed tħabbat wiċċha magħhom l-UE fl-oqsma differenti ta’ nfiq u ta’ politiki tal-UE. Dawn kienu jinkludu l-azzjoni klimatika, l-effiċjenza fl-enerġija, in-networks tal-5G, iċ-ċibersigurtà, il-frodi fil-PAK u l-istat tad-dritt, biex insemmu biss ftit minnhom. Tlieta mir-rapporti kienu marbuta mal-COVID‑19; wieħed kien jikkonċerna l-moviment liberu fl-UE matul il-pandemija, ieħor kien dwar ir-reżiljenza tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-ieħor dwar l-akkwist tal-vaċċini. Iffinalizzajna wkoll l-ewwel rapport speċjali tagħna dwar Next Generation EU, l-inizjattiva għall-irkupru: il-valutazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza.
Fir-rapporti speċjali tagħna, aħna neżaminaw jekk l-objettivi tal-politiki u l-programmi magħżula tal-UE ntlaħqux, jekk ir-riżultati nkisbux b’mod effettiv u effiċjenti, u jekk l-azzjoni tal-UE pprovdietx valur miżjud – jiġifieri jekk permezz tagħha nkisbux riżultati aħjar milli setgħu nkisbu kieku l-azzjonijiet twettqu fuq livell nazzjonali biss. F’dawn ir-rapporti, aħna nagħmlu wkoll rakkomandazzjonijiet, fejn nidentifikaw modi kif jistgħu jiġu ffrankati l-flus, isir xogħol aħjar, tiġi evitata l-ħela jew jintlaħqu l-objettivi ta’ politika mistennija b’mod aktar effettiv.
Ir-rapporti analitiċi tagħna għandhom l-għan li jipprovdu deskrizzjonijiet li jispjegaw il-kuntest kif ukoll analiżi, spiss minn perspettiva trażversali u fuq il-bażi ta’ xogħol tal-awditjar preċedenti jew ta’ informazzjoni oħra li tkun disponibbli għall-pubbliku. Nistgħu nużawhom ukoll biex nippreżentaw l-analiżi tagħna ta’ oqsma jew kwistjonijiet li nkunu għadna ma awditjajniex, jew biex nistabbilixxu fatti dwar suġġetti jew problemi speċifiċi. Għall-kuntrarju tal-awditi, dawn ma jindirizzawx mistoqsijiet evalwattivi u lanqas ma jipprovdu aċċertament.
Il-paġni li ġejjin jipprovdu fehim approfondit dwar xogħolna kif ukoll eżempji ta’ rapporti speċjali mill-2022 li jkopru oqsma ta’ politika differenti.
Użu sostenibbli tar-riżorsi naturali
L-UE identifikat il-vaċċini bħala prijorità fir-rispons għall-COVID‑19 fi stadju bikri tal-pandemija, u bdiet tiffoka fuq l-iżvilupp ta’ vaċċin sikur u effiċjenti bħala soluzzjoni biex tintemm il-kriżi tas-saħħa. Hija ħadet miżuri biex tgħin sabiex l-iskeda ta’ żmien tal-iżvilupp għall-vaċċini tiġi kompressata minn 10-15-il sena għal 12-24 xahar. Sa Novembru 2021, il-Kummissjoni kienet iffirmat kuntratti b’valur ta’ EUR 71 biljun f’isem l-Istati Membri biex tixtri sa 4.6 biljun doża ta’ vaċċini kontra l-COVID‑19. Il-biċċa l-kbira minn dawn il-kuntratti huma ftehimiet ta’ xiri bil-quddiem, li fihom il-Kummissjoni tikkondividi r-riskju tal-iżvilupp ta’ vaċċin mal-manifatturi ta’ vaċċini u tappoġġa t-tħejjija tal-kapaċità ta’ produzzjoni fuq skala kbira permezz ta’ pagamenti bil-quddiem mill-baġit tal-UE. L-UE esperjenzat xi nuqqasijiet fil-provvista fl-ewwel nofs tal-2021, iżda sa tmiem dik is-sena, kważi 952 miljun doża ta’ vaċċini kienu ġew ikkonsenjati lill-Istati Membri tal-UE u 80 % tal-popolazzjoni adulta tal-UE kienu kompletament imlaqqma.
Ivvalutajna jekk il-Kummissjoni u l-Istati Membri akkwistawx il-vaċċini kontra l-COVID‑19 b’mod effettiv sa tmiem l-2021.
Sibna li l-UE ħolqot sistema ċentralizzata mfassla apposta għall-akkwist tal-vaċċini, li rnexxielha toħloq portafoll inizjali ta’ vaċċini kandidati li jinkludi kumpaniji u teknoloġiji differenti, iżda hija bdiet l-akkwist aktar tard mir-Renju Unit u l-Istati Uniti. Sibna wkoll li n-negozjati segwew proċess ta’ akkwist li huwa stabbilit fir-Regolament Finanzjarju tal-UE, filwaqt li n-negozjati preliminari li seħħew qabel ma ntbagħtet stedina għall-offerti kienu l-qalba tal-proċess. Ma rċevejna ebda informazzjoni dwar in-negozjati preliminari għall-akbar kuntratt tal-UE, immexxija direttament mill-President tal-Kummissjoni Ewropea. It-termini tal-kuntratti evolvew matul iż-żmien u dawk li ġew iffirmati fl-2021 għandhom dispożizzjonijiet dwar kwistjonijiet ewlenin bħall-iskedi tal-konsenji u l-post tal-produzzjoni, li huma aktar b’saħħithom minn dawk li ġew iffirmati fl-2020. Madankollu, il-Kummissjoni kellha ingranaġġ limitat biex tegħleb l-isfidi fil-provvista. Meta l-UE ħabbtet wiċċa ma’ nuqqasijiet serji fil-provvista fl-ewwel nofs tal-2021, deher ċar li l-biċċa l-kbira mill-kuntratti ma kinux jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi biex jindirizzaw l-interruzzjonijiet fil-provvista. Barra minn hekk, sibna li l-Kummissjoni għadha ma skrutinizzatx jew ma wettqitx valutazzjoni komparattiva tal-proċess ta’ akkwist tagħha biex tislet tagħlimiet għal titjib fil-futur.
Irrakkomandajna li l-Kummissjoni tipproduċi linji gwida dwar l-akkwist f’każ ta’ pandemija u/jew tagħlimiet meħuda għal timijiet ta’ negozjar futuri; twettaq valutazzjoni tar-riskju fir-rigward tal-approċċ tal-akkwist tal-UE u tipproponi miżuri xierqa; twettaq eżerċizzji biex tittestja l-partijiet kollha tal-qafas aġġornat tagħha ta’ akkwist f’każ ta’ pandemija, inkluż il-ġbir ta’ informazzjoni u intelliġenza, biex tidentifika kwalunkwe dgħufija u qasam fejn jista’ jsir titjib, u tippubblika r-riżultati.
Investiment għall-koeżjoni, it-tkabbir u l-inklużjoni
Il-“ħames ġenerazzjoni” tas-sistemi tat-telekomunikazzjoni, jew il-5G, hija standard globali ġdid mingħajr fili li joffri kapaċità tad-data u veloċitajiet tat-trażmissjoni ferm ogħla. Is-servizzi tal-5G huma essenzjali għal firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet innovattivi, li għandhom il-potenzjal li jittrasformaw ħafna setturi tal-ekonomiji tagħna u jtejbu l-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini. Għalhekk il-5G huwa ta’ importanza strateġika għas-suq uniku kollu kemm hu. Fil-Pjan ta’ Azzjoni 2016 tagħha tal-5G, il-Kummissjoni ressqet l-objettiv li tiżgura kopertura tal-5G mingħajr interruzzjoni fiż-żoni urbani u matul il-mogħdijiet prinċipali tat-trasport sal-2025. F’Marzu 2021, hija estendiet l-objettiv li tiġi inkluża kopertura tal-5G għaż-żoni popolati kollha sal-2030. Filwaqt li l-5G għandu l-potenzjal li jirrilaxxa ħafna opportunitajiet għat-tkabbir, iġib miegħu ċerti riskji. Minħabba n-natura transfruntiera tat-theddid involut, kwalunkwe vulnerabbiltà jew inċident taċ-ċibersigurtà sinifikanti fi Stat Membru wieħed ikunu jolqtu l-UE fl-intier tagħha. Fl-UE kollha, l-ispiża totali tal-introduzzjoni tal-5G tista’ tilħaq l-EUR 400 biljun. Fil-perjodu 2014-2020, l-UE pprovdiet finanzjament ta’ aktar minn EUR 4 biljun għal proġetti tal-5G.
Aħna vvalutajna jekk il-Kummissjoni tatx appoġġ effettiv lill-Istati Membri biex jilħqu l-objettivi tal-UE għat-tnedija tan-networks tal-5G tagħhom u biex jindirizzaw it-tħassib dwar is-sigurtà tal-5G b’mod konċertat.
Sibna li hemm dewmien fit-tnedija ta’ networks tal-5G min-naħa tal-Istati Membri. Sa tmiem l-2020, 23 Stat Membru kienu nedew servizzi kummerċjali tal-5G u laħqu l-objettiv intermedju li jkun hemm mill-inqas belt ewlenija waħda b’aċċess għall-5G. Madankollu, mhux l-Istati Membri kollha jirreferu għall-objettivi tal-UE għall-2025 u l-2030 fl-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-5G jew fil-pjanijiet tagħhom għall-broadband. Il-livell sa fejn l-Istati Membri għadhom lura, fl-implimentazzjoni tal-5G, iqiegħed l-ilħuq tal-objettivi tal-UE f’riskju. Lill-Istati Membri, il-Kummissjoni pprovditilhom appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni 2016 għall-5G permezz ta’ inizjattivi legali kemm vinkolanti kif ukoll nonvinkolanti, gwida u l-finanzjament ta’ riċerka relatata mal-5G. Madankollu, il-Kummissjoni ma ddefinietx b’mod ċar il-kwalità mistennija tas-servizzi tal-5G. Sibna wkoll li s-sett ta’ għodod tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà tal-5G jispeċifika sett komuni possibbli ta’ miżuri biex jiġi indirizzat it-theddid għas-sigurtà tan-networks tal-5G prinċipali. Madankollu, billi ebda waħda mill-miżuri mressqa mhija legalment vinkolanti, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda setgħa tinfurzahom. Għalhekk, jibqa’ riskju li s-sett ta’ għodod fih innifsu ma jistax jiggarantixxi li l-Istati Membri jindirizzaw l-aspetti tas-sigurtà tan-networks b’mod konċertat.
Irrakkomandajna li l-Kummissjoni tippromwovi l-introduzzjoni uniformi u f’waqtha tan-networks tal-5G fi ħdan l-UE; trawwem approċċ konċertat għas-sigurtà tal-5G fost l-Istati Membri; u timmonitorja l-approċċi li l-Istati Membri jieħdu għas-sigurtà tal-5G u tivvaluta l-impatt tad-diverġenzi fuq il-funzjonament effettiv tas-suq uniku.
Azzjoni esterna, sigurtà u ġustizzja
Il-Kunsill tal-Ewropa ddefinixxa l-istat tad-dritt bħala kunċett multidimensjonali li fih, fost affarijiet oħra, l-atti pubbliċi kollha jinsabu fi ħdan il-limiti stabbiliti mil-liġi, f’konformità mal-valuri tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali, u taħt il-kontroll ta’ qrati indipendenti u imparzjali. L-UE adottat din id-definizzjoni u stabbiliet l-istat tad-dritt fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) bħala wieħed mill-valuri komuni tal-Istati Membri tagħha. Huwa prinċipju gwida tal-politika barranija tagħha. Huwa wkoll kundizzjoni essenzjali u meħtieġa għas-sħubija mal-UE. Is-sitt pajjiżi tal-Balkani tal-Punent huma pajjiżi kandidati (l-Albanija, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq u s-Serbja) jew pajjiżi kandidati potenzjali (il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo1) għas-sħubija fl-UE. Huma jirċievu finanzjament minn diversi sorsi, iżda l-UE hija l-akbar donatur tar-reġjun. L-assistenza finanzjarja mill-UE tingħata prinċipalment lil dawn il-pajjiżi permezz tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (l-IPA II fiż-żmien meta sar l-awditu). L-istat tad-dritt kien wieħed minn disa’ setturi ta’ prijorità tal-IPA II. Huwa ngħata appoġġ minn allokazzjoni baġitarja ddedikata li kienet tammonta għal EUR 700 miljun għall-perjodu 2014-2020.
Aħna vvalutajna jekk l-appoġġ mogħti mill-UE għall-istat tad-dritt fil-Balkani tal-Punent matul il-perjodu 2014-2020 kienx effettiv.
Sibna li, filwaqt li l-azzjoni tal-UE kkontribwiet għal riformi f’oqsma tekniċi u operazzjonali, bħat-titjib tal-effiċjenza tal-ġudikatura u l-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni rilevanti, kumplessivament ftit kellha impatt fuq ir-riformi fundamentali tal-istat tad-dritt fir-reġjun. Raġuni ewlenija għal dan hija r-rieda politika domestika insuffiċjenti biex tixpruna r-riformi meħtieġa. Sibna wkoll li l-appoġġ mogħti mill-UE ġewwa l-pajjiż għall-azzjoni tas-soċjetà ċivili dwar l-istat tad-dritt mhuwiex biżżejjed għall-ħtiġijiet tas-settur u l-impatt tiegħu mhuwiex immonitorjat bir-reqqa. Il-libertà tal-espressjoni hija l-qasam li għamel l-inqas progress fis-sitt pajjiżi kollha. F’xi wħud mill-pajjiżi, l-appoġġ pubbliku għar-riformi meħtieġa għall-adeżjoni qed jonqos. Barra minn hekk, sibna li l-IPA II huwa nieqes minn klawżoli ta’ kundizzjonalità stretti li jkunu jorbtu direttament ir-riformi tal-istat tad-dritt li jinsabu staġnati mal-finanzjament ristrett f’setturi oħra.
Nirrakkomandaw li l-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) isaħħu l-mekkaniżmu għall-promozzjoni tar-riformi tal-istat tad-dritt fil-proċess tat-tkabbir; jintensifikaw l-appoġġ għas-soċjetà ċivili involuta fir-riformi tal-istat tad-dritt u fl-indipendenza tal-media; jirrinforzaw l-użu tal-kundizzjonalità fl-IPA III; u jsaħħu r-rappurtar u l-monitoraġġ tal-proġetti.
1 Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mar-Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni li tikkonċerna l-Kosovo (UNSCR 1244/1999) u l-Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) dwar il-kwistjoni tal-Konformità mad-dritt internazzjonali tad-dikjarazzjoni unilaterali ta’ indipendenza fir-rigward tal-Kosovo tat-22 ta’ Lulju 2010.
Regolamentazzjoni tas-swieq u ekonomija kompetittiva
F’Lulju 2020, b’rispons għall-pandemija tal-COVID‑19, il-Kunsill Ewropew laħaq qbil dwar fond għall-irkupru ta’ aktar minn EUR 800 biljun – NextGeneration EU. Fil-qalba tiegħu hemm il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), li l-ammont tagħha jilħaq EUR 723.8 biljun b’kollox. L-għan tal-RRF huwa li timmitiga l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija u li l-ekonomiji u s-soċjetajiet tal-UE jsiru aktar sostenibbli u reżiljenti għall-futur, b’fokus speċifiku fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Biex jibbenefikaw mill-appoġġ taħt l-RRF, l-Istati Membri ssottomettew l-abbozz tagħhom ta’ pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (RRPs) lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni hija responsabbli mill-valutazzjoni tal-RRPs abbażi ta’ kriterji stipulati fir-Regolament dwar l-RRF, kif ukoll mill-forniment ta’ gwida u appoġġ lill-Istati Membri f’dak ir-rigward.
Ivvalutajna jekk il-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-RRPs kinitx xierqa u jekk il-proċess ta’ valutazzjoni u l-gwida għall-Istati Membri ġewx immaniġġjati b’mod effettiv.
Sibna li l-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza kienet inġenerali xierqa, meta jitqiesu l-kumplessità tal-proċess u r-restrizzjonijiet ta’ ħin. Madankollu, identifikajna għadd ta’ dgħufijiet, riskji u oqsma li għandhom jingħataw attenzjoni fil-futur, bħal profili ta’ pagament li kienu r-riżultat ta’ negozjati, stadji importanti u miri li mhumiex ċari, jew sistemi ta’ monitoraġġ u kontroll li kienu għadhom mhux stabbiliti kompletament fiż-żmien meta twettqet il-valutazzjoni.
Irrakkomandajna li l-Kummissjoni ttejjeb il-proċeduri ta’ valutazzjoni u d-dokumentazzjoni; tippromwovi l-iskambju ta’ prattiki tajbin fost l-Istati Membri; tagħti segwitu lill-kontribut tal-miżuri implimentati għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi; ittejjeb it-trasparenza u l-monitoraġġ tal-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”; tiżgura li jkun hemm mekkaniżmi ta’ verifika ċari fir-rigward tal-istadji importanti u l-miri u li dawn jiġu ddefiniti b’mod adegwat; tivverifika l-konformità mal-istadji importanti speċifiċi għall-monitoraġġ u l-kontroll, u tħeġġeġ l-użu tal-għodda tal-Kummissjoni għall-estrazzjoni ta’ data u l-għoti ta’ punteġġ tar-riskju.
Finanzjament u amministrazzjoni tal-Unjoni
Ir-Rapport Speċjali 11/2022: Protezzjoni tal-baġit tal-UE – jeħtieġ li jsir użu aħjar mill-blacklisting
L-UE u l-Istati Membri huma responsabbli b’mod konġunt għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE fir-rigward tal-fondi tal-UE. “Blacklisting” (jew esklużjoni) hija għodda ewlenija li l-korpi internazzjonali u l-awtoritajiet nazzjonali jużaw biex jipproteġu l-finanzi pubbliċi tagħhom. L-objettiv huwa li jiġi evitat id-dħul fi ftehimiet finanzjarji ma’ kontropartijiet mhux affidabbli, bħal dawk involuti fi frodi, korruzzjoni, imġiba professjonali ħażina, ħasil tal-flus, jew nuqqas ta’ ħlas ta’ taxxi. Fl-2020, l-UE ħallset madwar EUR 150 biljun skont ftehimiet finanzjarji. Mill-2016 ’il hawn, il-Kummissjoni kienet u għadha responsabbli biex topera s-Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni (EDES) għall-kwart tal-infiq tal-UE (EUR 39 biljun) li hija timmaniġġja b’mod dirett jew indirett. Għat-tliet kwarti tal-infiq tal-UE li jinvolvu lill-awtoritajiet nazzjonali (EUR 111-il biljun), l-Istati Membri jridu jsegwu obbligi relatati mal-esklużjoni iżda mhumiex meħtieġa jistabbilixxu sistemi ta’ esklużjoni jew bażijiet ta’ data, per se.
Ivvalutajna jekk l-esklużjoni hijiex qed tintuża b’mod effettiv biex tipproteġi l-fondi tal-UE minn kontropartijiet mhux affidabbli.
Sibna li l-esklużjoni mhijiex qed tintuża b’mod effettiv biex tipproteġi l-fondi tal-UE minn kontropartijiet mhux affidabbli. Għalkemm l-EDES għandha firxa wiesgħa ta’ sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni u proċeduri robusti ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, is-servizzi tal-Kummissjoni rreġistraw ftit li xejn esklużjonijiet fis-sistema minħabba nuqqasijiet fl-arranġamenti għall-identifikazzjoni ta’ kontropartijiet f’sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni. Fil-ġestjoni kondiviża, fejn l-EDES ma tapplikax, l-approċċi differenti tal-Istati Membri jdgħajfu l-effettività kumplessiva tal-użu tal-esklużjoni biex jiġi protett il-baġit tal-UE.
Irrakkomandajna li l-Kummissjoni testendi aktar il-firxa ta’ esklużjoni; tqawwi l-implimentazzjoni tal-EDES; ittejjeb il-monitoraġġ tal-EDES taħt ġestjoni indiretta; testendi l-EDES lejn il-ġestjoni kondiviża; tinqeda aħjar bid-data u bl-għodod diġitali għal skopijiet ta’ esklużjoni.
Rapporti annwali u rapporti annwali speċifiċi
Ir-rapporti annwali prinċipalment jippreżentaw ir-riżultati tad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni tagħna dwar il-baġit tal-Unjoni Ewropea, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-baġit tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ), iżda jkopru wkoll aspetti relatati mal-ġestjoni baġitarja u finanzjarja kif ukoll mal-prestazzjoni.
Ir-rapporti annwali speċifiċi jippreżentaw ix-xogħol tal-awditjar annwali tagħna dwar l-aġenziji tal-UE u korpi oħra tal-Unjoni, l-Impriżi Konġunti, kif ukoll l-Iskejjel Ewropej.
Aħna nippubblikaw ukoll rapport dwar l-obbligazzjonijiet kontinġenti li jirriżultaw mill-attivitajiet imwettqa mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB).
Rapport Annwali dwar il-baġit tal-UE għas-sena finanzjarja 2021
Kull sena, aħna nawditjaw id-dħul u n-nefqa tal-UE biex neżaminaw jekk il-kontijiet annwali humiex affidabbli u jekk it-tranżazzjonijiet tal-introjtu u tan-nefqa, li fuqhom huma bbażati l-kontijiet, jikkonformawx mar-regoli finanzjarji applikabbli fil-livell tal-UE u f’dak tal-Istati Membri.
Barra minn hekk, nivvalutaw b’mod speċifiku kull qasam prinċipali tal-baġit tal-UE, ibbażat fuq is-(sub)intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Aħna nanalizzaw ukoll għalfejn u fejn ikunu seħħew ċerti żbalji, nagħmlu rakkomandazzjonijiet biex isir titjib kif ukoll neżaminaw jekk u kif ir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tagħna jkunu ġew implimentati.
Dan ix-xogħol estensiv jifforma l-bażi għad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni tagħna, li aħna meħtieġa nipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’konformità mal-mandat tagħna taħt it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
opinjoni favorevoli dwar il-kontijiet u d-dħul
Għas-sena finanzjarja 2021, aħna tajna “opinjoni favorevoli” dwar il-kontijiet u dwar id-dħul tal-UE.
opinjoni avversa dwar in-nefqa
Fl-2021, l-infiq tal-UE kien ta’ EUR 181.5 biljun, l-ekwivalenti ta’ 1.3 % tal-introjti nazzjonali grossi kkombinati tal-EU-27.
Għas-sena finanzjarja 2021, ħriġna “opinjoni avversa” dwar in-nefqa tal-UE.
(nefqa baġitarja tal-2021)
Għas-sena finanzjarja 2021, aħna stmajna li l-livell ta’ żball għan-nefqa baġitarja jinsab bejn 2.2 % u 3.8 %. Il-punt tan-nofs ta’ din il-firxa, magħruf bħala r-“rata tal-iżball l-aktar probabbli”, żdied meta mqabbel mas-sena l-oħra, minn 2.7 % għal 3.0 %.
Nota: Aħna nużaw tekniki standard tal-istatistika biex nistmaw il-livell ta’ żball. Nistgħu naffermaw, bi grad ta’ fiduċja ta’ 95 %, li l-livell ta’ żball għall-popolazzjoni jinsab fil-firxa bejn il-limiti inferjuri u superjuri tal-iżball.
tal-popolazzjoni tal-baġit tal-UE li awditjajna
hija milquta minn żball materjali
Għas-sena finanzjarja 2021, in-nefqa b’riskju għoli rrappreżentat 63.2 % tal-popolazzjoni li awditjajna, meta mqabbel ma’ 59 % is-sena l-oħra. Il-livell ta’ żball stmat għan-nefqa b’riskju għoli kien ta’ 4.7 %, meta mqabbel ma’ 4.0 % għas-sena finanzjarja 2020.
L-infiq tal-UE huwa kkaratterizzat minn żewġ tipi ta’ nefqa li jinvolvu profili distinti ta’ riskju:
- Pagamenti bbażati fuq drittijiet, b’riskju baxx: dawn, li huma bbażati fuq l-issodisfar, min-naħa tal-benefiċjarji, ta’ ċerti kundizzjonijiet (inqas kumplessi), jinkludu fellowships għall-istudenti u għar-riċerka (taħt “Suq uniku, innovazzjoni u diġitali”), għajnuna diretta għall-bdiewa (“Riżorsi naturali u ambjent”), kif ukoll salarji u pensjonijiet għall-persunal tal-UE (“Amministrazzjoni pubblika Ewropea”).
- Rimborżi tal-ispejjeż, b’riskju għoli: L-UE tirrimborża l-ispejjeż eliġibbli għal attivitajiet eliġibbli (li jinvolvu regoli aktar kumplessi). Dawn jinkludu proġetti ta’ riċerka (taħt “Suq uniku, diġitali u innovazzjoni”), investiment fl-iżvilupp reġjonali u rurali (“Koeżjoni, reżiljenza u valuri” u “Riżorsi naturali u ambjent”), u proġetti ta’ għajnuna għall-iżvilupp (“Viċinat u d-dinja”).
suxxettibbli għal żball kienu “Suq uniku,
diġitali u innovazzjoni” u
“Koeżjoni, reżiljenza u valuri”
Għas-sena finanzjarja 2021, “Suq uniku, diġitali u innovazzjoni” kienet is-subintestatura tal-QFP li kienet l-aktar suxxettibbli għal żball, segwita minn “Koeżjoni, reżiljenza u valuri”.
in-nefqa
Fl-2021, għall-ewwel darba, xogħolna kopra n-nefqa taħt l-RRF fejn nipprovdu opinjoni separata dwar in-nefqa taħt din il-faċilità. Dan jirrifletti l-fatt li l-RRF hija strument temporanju mwassal u ffinanzjat b’mod li huwa fundamentalment differenti għall-infiq normali tal-baġit taħt il-QFP. Il-popolazzjoni li awditjajna kienet tinkludi l-uniku żborż tal-2021, pagament li sar lil Spanja li ammonta għal EUR 11.5-il biljun. It-talba Spanjola għall-pagament kienet tinkludi 52 stadju importanti, li Spanja qieset bħala li ntlaħqu.
Aħna ħriġna opinjoni favorevoli dwar in-nefqa taħt l-RRF. Il-valutazzjoni tagħna bbażajnieha fuq il-kundizzjoni għall-pagament, jiġifieri li l-istadji importanti u l-miri kienu ntlaħqu b’mod sodisfaċenti. Għalhekk eżaminajna jekk il-Kummissjoni kinitx ġabret evidenza suffiċjenti u xierqa biex issostni l-valutazzjoni li hija kienet wettqet ta’ din il-kundizzjoni. Il-konformità mar-regoli tal-UE u dawk nazzjonali ma tagħmilx parti minn din il-valutazzjoni. L-evidenza kumplessiva għall-awditjar li ksibna tindika li wieħed mit-52 stadju importanti li huma assoċjati mal-ewwel żborż lil Spanja ma ntlaħaqx. Il-Kummissjoni kienet għadha ma ddefinietx metodu għall-kwantifikazzjoni tal-impatt relatat man-nuqqas ta’ lħuq ta’ stadju importanti jew mira. Il-fehma tagħna stess hija li l-iżball mhuwiex materjali.
li ġew irrappurtati lill-OLAF u lill-UPPE
Bħala l-awditur estern tal-UE, aħna ma għandniex mandat biex ninvestigaw każijiet ta’ frodi suspettata. Għalhekk, l-awditi li nwettqu mhumiex maħsuba speċifikament biex jaqbdu l-frodi. Meta l-awdituri tagħna jidentifikaw każijiet li fihom nissuspettaw li jaf tkun saret attività frodulenti, aħna nirrappurtaw dawk il-każijiet lill-awtoritajiet kompetenti.
Fl-2022, aħna rrappurtajna 14-il każ ta’ frodi suspettata lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) wara li ġew identifikati matul ix-xogħol tal-awditjar li wettaqna. Sitta minn dawk il-każijiet ġew irrappurtati wkoll lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE). Fl-2021, irrappurtajna 15-il każ ta’ frodi suspettata lill-OLAF u 2 minn dawk il-każijiet lill-UPPE. Ir-rapport annwali tagħna dwar il-baġit tal-UE jipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar in-natura tal-każijiet ta’ frodi suspettata u dwar l-irkupri finanzjarji sussegwenti rakkomandati mill-OLAF.
Rapport annwali dwar il-prestazzjoni
il-prestazzjoni: l-aħħar sena
tal-proġett pilota tagħna
Aħna qsamna r-rapport annwali tagħna f’żewġ partijiet separati bħala proġett pilota, li issa kkonkluda bir-rapport annwali għas-sena finanzjarja 2021. It-tieni parti tar-rapport annwali tkopri l-prestazzjoni tal-programmi ta’ nfiq taħt il-baġit tal-UE.
It-tema prinċipali tar-rapport tal-2021 dwar il-prestazzjoni hija l-integrazzjoni ta’ ħames prijoritajiet ta’ politika orizzontali fil-baġit tal-UE:
- il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;
- il-preservazzjoni tal-bijodiversità;
- l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;
- l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti; u
- it-tranżizzjoni diġitali.
Eżaminajna jekk il-Kummissjoni inkorporatx il-prijoritajiet ta’ politika orizzontali fil-baġit tal-UE, ittraċċatx in-nefqa u rrappurtatx b’mod preċiż dwar ir-riżultati.
Eżaminajna wkoll jekk il-Kummissjoni applikatx qafas ta’ prestazzjoni xieraq biex tkejjel l-appoġġ tal-baġit tal-UE għall-prijoritajiet trażversali tal-11-il programm magħżula.
Barra minn hekk, aħna wettaqna segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar li konna għamilna f’rapporti speċjali li ġew ippubblikati fl-2018.
Rapport Annwali dwar il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2021
il-kontijiet u d-dħul;
opinjoni avversa dwar
in-nefqa
Il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ), imnedija fl-1959, kienu l-istrumenti prinċipali tal-UE biex tipprovdi għajnuna għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp lil pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u lil pajjiżi u territorji ekstra-Ewropej (PTEE). Huma jiġu ffinanzjati mill-Istati Membri tal-UE u mmaniġġjati barra mill-baġit tal-UE mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI). Dawn se jkomplu jiġu implimentati u rrappurtati separatament sakemm jingħalqu.
Għall-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, l-għajnuna għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp lill-pajjiżi AKP u l-PTEE hija ffinanzjata mill-baġit tal-UE.
Fl-2021, l-infiq taħt il-FEŻ kien ta’ EUR 3.4 biljun.
Bħal fi snin preċedenti, għas-sena finanzjarja 2021 aħna ħriġna “opinjoni favorevoli” kemm dwar il-kontijiet tal-FEŻ kif ukoll dwar id-dħul, iżda ħriġna “opinjoni avversa” dwar in-nefqa taħt il-FEŻ. Il-livell ta’ żball stmat minna għan-nefqa huwa ta’ 4.6 % (3.8 % għas-sena finanzjarja 2020).
Rapporti Annwali Speċifiċi dwar l-aġenziji tal-UE
L-aġenziji tal-UE huma entitajiet ġuridiċi distinti li ġew stabbiliti biex iwettqu kompiti speċifiċi fil-qasam tekniku, xjentifiku jew maniġerjali li jgħinu lill-istituzzjonijiet tal-UE biex ifasslu u jimplimentaw il-politiki. B’kollox, hemm 44 aġenzija.
għas-sena finanzjarja 2021
Fis-sena finanzjarja 2021, il-baġit totali tal-aġenziji kollha taħt il-mandat tagħna (bl-esklużjoni tal-SRB) kien ta’ EUR 4.1 biljun, ekwivalenti għal 2.5 % tal-baġit ġenerali tal-UE għall-2021. Iċ-ċifri korrispondenti għas-sena finanzjarja 2020 kienu EUR 3.7 biljun u 2.2 %.
B’mod ġenerali, l-awditu li wettaqna fir-rigward tal-aġenziji kkonferma r-riżultati pożittivi li kienu ġew irrappurtati fi snin preċedenti. Aħna ħriġna “opinjonijiet favorevoli” dwar il-kontijiet tal-44 aġenzija u dwar id-dħul. Iċċertifikajna l-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet kollha tal-aġenziji, ħlief għall-Aġenzija għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA). Għal din l-aġenzija, ħriġna opinjoni kwalifikata, prinċipalment minħabba irregolaritajiet fil-proċeduri ta’ akkwist.
Rapport Annwali Speċifiku dwar l-Impriżi Konġunti għas-sena finanzjarja 2021
L-Impriżi Konġunti (JU) huma s-sħubijiet pubbliċi-privati tal-UE bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-industrija, u f’xi każijiet organizzazzjonijiet tar-riċerka, organizzazzjonijiet intergovernattivi jew Stati Membri parteċipanti. Il-missjoni prinċipali tagħhom hija li jrawmu t-traduzzjoni tal-għarfien xjentifiku f’innovazzjonijiet rivoluzzjonarji kummerċjabbli fi ħdan viżjoni strateġika li hija kondiviża mis-sħab fl-industrija u fir-riċerka.
Fl-2021, il-Kunsill adotta regolamenti ġodda li jistabbilixxu 11-il JU biex jimplimentaw azzjonijiet taħt il-programmi Orizzont Ewropa u Ewropa Diġitali, li huma l-programmi pluriennali ta’ riċerka u innovazzjoni għall-perjodu finanzjarju 2021-2027. Dawn il-JUs jimplimentaw l-aġendi speċifiċi tagħhom ta’ riċerka u innovazzjoni fl-oqsma tat-trasport, l-enerġija, is-saħħa, l-industriji b’bażi bijoloġika, it-teknoloġiji diġitali ewlenin, is-supercomputing u s-sistemi intelliġenti tan-networks.
Mill-11-il JU, 8 diġà kienu qed joperaw taħt il-programm preċedenti (Orizzont 2020), u se jkomplu taħt il-programmi l-ġodda bħala entitajiet legali ġodda, b’ismijiet ġodda u mandati akbar jew kemxejn mibdula. Minbarra l-JUs li diġà qed operaw, ġew stabbiliti tlieta oħra ġodda: il-JU Networks u Servizzi Intelliġenti, il-JU Saħħa Globali u ċ-Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza fil-qasam taċ-Ċibersigurtà. Il-QEA se tawditja lil dawn it-tliet JUs ġodda għall-ewwel darba wara li jkunu kisbu l-awtonomija finanzjarja tagħhom, li hija mistennija fl-2023.
Barra minn hekk, hemm JU oħra, “Fużjoni għall-Enerġija”, li hija ffinanzjata mill-Euratom u hija responsabbli biex tipprovdi l-kontribuzzjoni tal-Ewropa għar-Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali (ITER).
għas-sena finanzjarja 2021
Fis-sena finanzjarja 2021, aħna ħriġna “opinjonijiet favorevoli” dwar il-kontijiet, id-dħul u l-pagamenti għall-JUs kollha.
Madankollu, bħal fi snin preċedenti, ħriġna l-opinjoni tal-awditjar tagħna dwar il-kontijiet annwali tal-JU “Fużjoni għall-Enerġija” (F4E) għall-2021 flimkien ma’ “osservazzjoni”, prinċipalment biex niġbdu l-attenzjoni għar-riskju ta’ aktar żidiet fl-ispejjeż u aktar dewmien fl-implimentazzjoni tal-proġett ITER.
Rapporti Annwali Speċifiċi dwar l-iskejjel Ewropej u dwar l-obbligazzjonijiet kontinġenti tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni
Fis-sena finanzjarja 2021, ħriġna r-rapport annwali tagħna dwar ir-rieżaminar tal-kontijiet annwali konsolidati tat-13-il skola Ewropea. Filwaqt li r-rieżaminar li wettaqna ma żvelax żbalji materjali fil-kontijiet, għadna ma konniex kapaċi nikkonfermaw li l-ġestjoni finanzjarja tal-Iskejjel kienet konformi għalkollox mar-Regolament Finanzjarju u mar-Regolamenti tal-Persunal.
Aħna nirrappurtaw kull sena wkoll dwar l-obbligazzjonijiet kontinġenti li jinħolqu b’riżultat tat-twettiq mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), il-Kunsill u l-Kummissjoni tal-kompiti tagħhom skont ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Fir-rapport tagħna dwar is-sena finanzjarja 2021, nikkonkludu li ma hemm xejn li laqat l-attenzjoni tagħna biex iġegħilna nemmnu li l-obbligazzjonijiet kontinġenti tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, li jinħolqu mit-twettiq tal-kompiti ta’ riżoluzzjoni tagħhom, huma materjalment iddikjarati b’mod skorrett.
il-bidu tal-proċedura ta’ kwittanza
tal-Parlament Ewropew
Il-pubblikazzjoni tar-rapporti annwali tagħna timmarka wkoll il-bidu tal-proċedura ta’ kwittanza, li matulha l-Parlament Ewropew jiddeċiedi – fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill – jekk il-Kummissjoni u korpi oħra jkunux immaniġġjaw il-baġit tal-UE b’mod sodisfaċenti. Jekk dan ikun il-każ, huwa jagħtihom kwittanza.
F’Ottubru 2022, bdejna nippreżentaw ir-Rapporti Annwali 2021 tagħna lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew u lill-Kumitat tal-Baġit tal-Kunsill. Sussegwentement, ippreżentajniehom ukoll lill-Parlament Ewropew fis-sessjoni plenarja tiegħu u lill-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji.
Barra minn hekk, matul l-2022, ippreżentajna r-rapporti annwali tagħna lill-parlamenti nazzjonali/reġjonali u lill-gvernijiet ta’ 21 Stat Membru.
Opinjonijiet
tal-Kummissjoni
Bħala l-awditur indipendenti estern tal-UE, nikkontribwixxu għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja billi noħorġu opinjonijiet dwar il-proposti tal-Kummissjoni għal leġiżlazzjoni ġdida jew riveduta. Meta dawn il-proposti leġiżlattivi jinvolvu impatt finanzjarju sinifikanti, id-dritt tal-UE jirrikjedi li niġu kkonsultati. Istituzzjonijiet oħra jistgħu wkoll jitolbuna noħorġu opinjonijiet dwar kwistjonijiet speċifiċi oħra. L-opinjonijiet kollha tagħna jiġu ppreżentati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Fl-2022, aħna ppubblikajna tmien opinjonijiet ta’ dan it-tip. Dawn prinċipalment ikkonċernaw il-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni biex jiġu emendati r-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, iżda wkoll l-introduzzjoni ta’ regoli ġodda dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej, li jippermettu lill-Istati Membri jużaw il-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza (RRPs) biex jiffinanzjaw il-Pjan REPowerEU, filwaqt li jistabbilixxu strateġija ta’ finanzjament diversifikata bħala metodu ta’ teħid b’self ġenerali, u Fond Soċjali għall-Klima.
Ġurnal tal-QEA
Kull edizzjoni tal-Ġurnal tal-QEA jkun fiha artikli dwar tema speċifika, l-aktar minn perspettiva tal-awditjar, mingħand kontributuri li jaħdmu kemm fi ħdan, kif ukoll barra mill-istituzzjonijiet tal-UE.
Fl-2022 ħriġna żewġ edizzjonijiet, waħda li tindirizza l-koeżjoni u n-Next Generation EU (“Cohesion and Next Generation EU: concord or clash” u l-oħra l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (“The EU Recovery and Resilience Facility: a jump to a resilient Europe?”).
Konferenzi u webinars
Fl-2022, (b’mod konġunt) organizzajna wkoll għadd ta’ konferenzi u webinars, li kienu miftuħa għall-partijiet interessati.
Ta’ hawn taħt huma żewġ eżempji.
fil-mudell għall-UE
Fid-29 ta’ Ġunju 2022, bħala parti mill-Konferenza dwar il-futur tal-Ewropa, il-QEA organizzat, b’kollaborazzjoni mal-SAIs tal-Ġermanja, il-Litwanja u l-Iżvezja, webinar dwar bidla fil-mudell għall-UE (“Paradigm shift for the EU– new priorities for supreme audit institutions at EU and national level?”). Il-webinar kopra l-kwistjonijiet topiċi ħafna li ġejjin: il-migrazzjoni, l-effiċjenza fl-enerġija u d-difiża. Il-membri tal-bord skambjaw ideat dwar kif l-istituzzjonijiet tal-awditjar jistgħu jadattaw għall-mudell il-ġdid waqt li l-kompiti tagħhom jinbidlu. Il-webinar ta lill-parteċipanti ċ-ċans li jagħmlu l-mistoqsijiet u jressqu l-ideat tagħhom fl-ispirtu tal-Konferenza.
il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus
Fis-16 ta’ Settembru 2022, il-QEA organizzat seminar ta’ livell għoli dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Rappreżentanti mill-istituzzjonijiet tal-UE, mill-Istati Membri, mill-FMI, mis-superviżjoni bankarja u mill-industrija nġabru biex jiddiskutu l-mudell il-ġdid tal-UE għas-superviżjoni b’rabta mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu propost mill-Kummissjoni Ewropea u l-progress li kien sar fin-negozjati sa dak iż-żmien. Huma ddiskutew suġġetti fosthom l-aspettattivi u l-fattibbiltà, l-implimentazzjoni effettiva, u l-miżuri favur il-validità fil-futur. Huma taw attenzjoni partikolari lill-arranġamenti ta’ governanza proposti għall-Awtorità l-ġdida għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus (AMLA), u kif il-korp il-ġdid se jkun jista’ jinteraġixxi b’mod effettiv ma’ awtoritajiet ta’ kontroll oħra fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali mingħajr ma jinħoloq piż regolatorju bla bżonn għall-industrija.
Trasformazzjoni diġitali tal-awditjar
Il-QEA tkompli ttejjeb l-effiċjenza tal-proċessi tal-awditjar tagħha billi ssaħħaħ l-integrazzjoni u l-interoperabbiltà tas-sistemi eżistenti tagħha. B’mod parallel, hija implimentat attivitajiet ta’ awtomatizzazzjoni, ta’ awditjar tal-IT u ta’ analitika avvanzata tad-data bħala parti mill-pjan ta’ żvilupp għal użu aħjar mit-teknoloġija għall-awditjar. Kompliet ukoll l-attivitajiet ta’ innovazzjoni tagħha bil-għan li tidentifika teknoloġija emerġenti li tista’ tintuża b’modi ġodda biex tappoġġa x-xogħol tal-awditjar.
Il-pandemija naqqset kemm l-ostakli teknoloġiċi kif ukoll dawk psikoloġiċi biex in-nies u l-organizzazzjonijiet jaħdmu u jiltaqgħu mill-bogħod, u fl-istess ħin itejbu l-ħiliet diġitali tagħhom. Il-QEA ma kinitx eċċezzjoni. Il-laqgħat mill-bogħod jew ibridi issa jintużaw b’mod regolari għal-laqgħat ta’ ħidma, speċjalment ma’ partijiet ikkonċernati esterni bħall-entitajiet awditjati u korpi tal-UE u internazzjonali oħra, u b’hekk inaqqsu l-għadd ta’ missjonijiet għal-livell neċessarju biex jintlaħqu l-objettivi tal-istituzzjoni.
Il-kmamar għal-laqgħat tagħna armajniehom b’soluzzjonijiet ta’ livell għoli għall-vidjokonferenzi, filwaqt li għamilna disponibbli soluzzjonijiet li jistgħu jinġarru, u b’hekk ippermettejna li l-laqgħat tal-gruppi jsiru minn kull rokna tal-binjiet tal-QEA.
Fl-aħħar nett, ikkonvertejna kamra għal-laqgħat waħda fi studjo televiżiv virtwali, li jippermetti r-reġistrazzjoni u l-istreaming bil-kwalità tax-xandir ta’ sessjonijiet ta’ informazzjoni għall-istampa, konferenzi ibridi b’servizz ta’ interpretar jew avvenimenti oħra bi skopijiet ta’ informazzjoni jew edukazzjoni, u b’hekk appoġġajna l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni tal-istituzzjoni.
awtomatizzazzjoni
ECAFiles, li hija s-soluzzjoni li ġiet stabbilita ftit snin ilu għall-iskambju sikur ta’ dokumenti u data mal-entitajiet awditjati, ġiet integrata bis-sistema prinċipali tagħna għall-ġestjoni tal-awditjar, ASSYST, u bis-sistema li timmaniġġja l-proċess ta’ approvazzjoni, CLEAR, u b’hekk il-komunikazzjoni mal-entitajiet awditjati matul l-awditu ġiet issimplifikata u ttejbet.
F’każijiet fejn l-aċċess programmatiku għall-bażijiet ta’ data ma kienx possibbli, aħna nedejna s-servizz ta’ awtomatizzazzjoni tal-proċess robotiku fl-2021. Dan offra alternattiva għat-tniżżil, l-issejvjar u l-iċċekkjar manwali ta’ dokumenti mill-bażijiet ta’ data, dment li d-dokumenti jsiru disponibbli fil-format utilizzabbli mitlub.
analitika avvanzata tad-data
It-tim il-ġdid, li twaqqaf fl-2021 għad-D.A.T.A. (Data u Teknoloġija għall-Awditjar) kompla jaħdem fuq l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ żvilupp għal użu aħjar mit-teknoloġija b’appoġġ għall-objettivi tal-awditjar tal-QEA.
Il-membri tat-tim D.A.T.A. ħadmu mill-qrib mat-timijiet tal-awditjar biex jifhmu l-proċessi u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. Skont il-kumplessità tal-ħtieġa, ix-xogħol varja minn attivitajiet ta’ konsulenza fuq terminu qasir għal parteċipazzjoni fuq skala sħiħa f’kompiti tal-awditjar.
It-tim D.A.T.A. mexxa bosta proġetti fil-QEA kollha, jew ħa sehem fihom: esperti tad-data għat-task force dwar l-NGEU, il-ħolqien ta’ komunità tax-xjenza tad-data għall-awdituri, u l-valutazzjoni u l-fattibbiltà ta’ magna tat-tiftix semantiku għall-produzzjoni tal-QEA stess.
Stabbilejna wkoll “infrastruttura għax-xjenza tad-data” li tippermetti l-ipproċessar tad-data u l-analiżi avvanzata u l-viżwalizzazzjoni primarjament ta’ settijiet ta’ data mhux strutturata u big data.
B’mod parallel, f’Ottubru 2022 id-dipartiment tal-IT tagħna nieda “maħżen virtwali tad-data bħala servizz”, li jippermetti lill-utent jipproċessa u janalizza data strutturata bi gradi differenti ta’ awtonomija, li jvarjaw mill-ksib ta’ rapporti predefiniti għal utenti bażiċi għall-ipproċessar ta’ data u l-ħolqien ta’ rapporti ad hoc u viżwalizzazzjonijiet għal utenti esperti.
Il-kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet supremi tal-awditjar mill-Istati Membri tal-UE dwar Teknoloġija u Innovazzjoni għall-Awditjar fil-kuntest tan-network u l-pjattaforma TiNA kompliet. Saru 11-il avveniment online ta’ TiNA dwar suġġetti li jvarjaw mill-awditjar taċ-ċibersigurtà u t-trasferiment sikur tad-data għall-użu ta’ għodod speċifiċi għall-analitika tad-data u l-estrazzjoni ta’ proċessi.
Il-QEA kompliet tkun involuta b’mod attiv fil-grupp tat-Teknoloġija emerġenti tal-Kumitat Interistituzzjonali għat-Trasformazzjoni Diġitali, fejn ħadmet biex tintroduċi teknoloġiji bħall-intelliġenza artifiċjali, ir-realtà awmentata jew il-blockchain fl-istituzzjonijiet tal-UE. Ingħata bidu għal proposta għal proġett konġunt għall-ingranaġġ ta’ teknoloġiji ta’ reġistru distribwit biex l-iskambji mal-entitajiet awditjati jkomplu jkunu sikuri.
Relazzjonijiet istituzzjonali
Aħna naħdmu mill-qrib mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill, mal-parlamenti nazzjonali/reġjonali u mal-gvernijiet tal-Istati Membri, billi l-impatt ta’ xogħolna jiddependi fil-biċċa l-kbira mill-użu li huma jagħmlu mis-sejbiet tal-awditjar u mir-rakkomandazzjonijiet tagħna.
Il-Parlament Ewropew
Fl-2022, il-Parlament Ewropew (PE) gradwalment reġa’ fetaħ il-parteċipazzjoni fiżika regolari fil-plenarja u l-laqgħat tal-kumitati għal istituzzjonijiet u korpi oħra. B’riżultat ta’ dan, l-għadd totali ta’ apparenzi tal-QEA, li fl-2022 fil-biċċa l-kbira saru fiżikament, naqsu kemxejn għal 134, meta mqabbla ma’ 147 fl-2021, meta kollha saru mill-bogħod.
Il-kumitati u l-korpi tal-PE, b’mod partikolari l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (CONT), regolarment jistiednu lill-membri u lit-timijiet tal-awditjar tal-QEA biex jippreżentaw ir-riżultati tax-xogħol tagħna fil-laqgħat tagħhom.
B’kollox, fl-2022, il-Membri tagħna ppreżentaw 16-il rapport speċjali u rapport analitiku wieħed lill-CONT. Huma pparteċipaw ukoll f’16-il seduta ta’ smigħ pubblika tal-CONT dwar il-kwittanza għall-2021, inkluża l-preżentazzjoni tar-Rapport Annwali 2021 tagħna minn Tony Murphy, il-President tal-QEA.
Barra minn hekk, il-membri taw 27 preżentazzjoni dwar ir-rapporti speċjali u r-rapporti analitiċi lil 14-il kumitat ieħor tal-PE, l-aktar waqt laqgħat konġunti ma’ kumitati interessati oħra.
F’Marzu 2022, il-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati stiednet lill-President tal-QEA għal skambju ta’ fehmiet dwar il-Programm ta’ Ħidma 2022+ tagħna u dwar il-konsultazzjoni dwar il-Programm ta’ Ħidma 2023+. Klaus Heiner Lehne, eks President tal-QEA, f’Mejju ħa sehem fil-plenarja tal-PE b’rabta mal-kwittanza għall-2020. F’Ottubru, il-President tal-QEA Tony Murphy iltaqa’ mal-President tal-PE Roberta Metsola u ppreżenta r-Rapport Annwali 2021 lill-plenarja tal-PE. Il-membri tal-AWLA II ltaqgħu wkoll mal-Koordinaturi tar-REGI f’Ġunju biex jiddiskutu l-kooperazzjoni ulterjuri, u l-Kumitat CONT żar il-QEA f’Novembru biex ikollu skambju ta’ fehmiet mal-kulleġġ.
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
L-għadd totali ta’ apparenzi mill-QEA żdied sostanzjalment għal 82 fl-2022, meta mqabbel ma’ 68 fl-2021.
Bħala regola, il-korpi preparatorji tal-Kunsill jittrattaw ir-rapporti speċjali kollha tagħna f’qasir żmien wara l-pubblikazzjoni, iżda mhux neċessarjament ir-rapporti analitiċi u l-opinjonijiet kollha. Fl-2022, ippreżentajna 26 rapport speċjali u 3 opinjonijiet lil 19-il kumitat u grupp ta’ ħidma differenti tal-Kunsill.
Fl-2022, ir-rappreżentanti tal-QEA attendew ukoll għal 29 laqgħa li kienu ddedikati għall-kwittanza tal-baġit tal-UE għas-snin finanzjarji 2020 u 2021. Barra minn hekk, il-Kumitat tal-Baġit tal-Kunsill stieden lill-maniġment tal-QEA biex jippreżenta l-Programm ta’ Ħidma 2023+ tagħna u l-abbozz ta’ baġit tagħna għall-2023.
Franza: Jannar – Ġunju 2022
Ir-Repubblika Ċeka: Lulju – Diċembru 2022
Minħabba t-tnaqqis tar-restrizzjonijiet b’rabta mal-COVID‑19, ir-rappreżentanti tal-QEA setgħu mill-ġdid jipparteċipaw fiżikament fil-biċċa l-kbira mil-laqgħat fil-Kunsill tal-UE. Madankollu, xi interazzjonijiet xorta għadhom isiru mill-bogħod. Il-modi l-ġodda ta’ ħidma ppermettewlna noffru aktar interazzjonijiet mal-Kunsill tal-UE, bħal sessjonijiet ta’ informazzjoni tekniċi mmirati dwar xi rapporti lir-Rappreżentanzi Permanenti għall-UE.
F’Lulju 2022, l-eks President tal-QEA Klaus-Heiner Lehne ltaqa’ mal-prim ministru, mal-ministru għall-affarijiet tal-UE u mal-ministru għall-finanzi Ċeki biex jiddiskutu l-prijoritajiet tal-Presidenza tal-Kunsill. F’Settembru, il-Membri tal-QEA Iliana Ivanova u Jan Gregor ipparteċipaw f’laqgħa informali mal-ministri responsabbli mill-politika ta’ Koeżjoni. F’Novembru, il-President tal-QEA Tony Murphy iltaqa’ kemm mal-prim ministru kif ukoll mal-ministru għall-finanzi Żvediżi. F’Diċembru 2022, il-President tal-QEA Tony Murphy flimkien mal-Membru tal-QEA Jan Gregor iltaqgħu mal-Ministru għall-Finanzi Ċek fil-kapaċità tiegħu bħala President tal-ECOFIN, qabel il-preżentazzjoni tar-Rapport Annwali 2021 lill-ministri għall-finanzi tal-UE. Barra minn hekk, fl-2022 il-Membri u l-maniġment tal-QEA pparteċipaw f’14-il laqgħa mar-rappreżentanti tar-Rappreżentanzi Permanenti għall-UE.
Parlamenti nazzjonali/reġjonali u gvernijiet tal-Istati Membri
parlamenti nazzjonali/reġjonali
Fl-2022, il-Membri u l-persunal tagħna ppreżentaw ix-xogħol tagħna fi 88 laqgħa mal-parlamenti nazzjonali/reġjonali f’20 Stat Membru.
gvernijiet tal-Istati Membri
Fl-2022, il-Membri u l-maniġment tagħna ppreżentaw ix-xogħol tagħna f’133 laqgħa mal-gvernijiet u l-korpi governattivi tal-Istati Membri fi 22 Stat Membru.
Il-Kummissjoni Ewropea
mal-entitajiet awditjati tagħna fl-ogħla livell
Il-Membri tal-QEA u l-Kummissarji għandhom kuntatti bilaterali regolari dwar kompiti tal-awditjar ippjanati u li għadhom għaddejjin.
Għal bosta snin, kienet ukoll prattika stabbilita sew li l-Membri tagħna jkollhom laqgħa annwali mal-kontropartijiet tagħhom fil-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-laqgħat jipprovdu opportunità biex jittieħed rendikont, u biex nirriflettu dwar kif nistgħu nkomplu nsaħħu l-kooperazzjoni tagħna.
F’Ġunju 2022, din it-tradizzjoni kompliet meta l-eks President tal-QEA Lehne stieden lill-kulleġġ tal-Kummissarji fil-Lussemburgu. Huwa kellu laqgħa bilaterali mal-President von der Leyen. Il-Membri tal-QEA u l-Kummissarji ltaqgħu f’erba’ gruppi ta’ diskussjoni li ffukaw fuq l-oqsma li ġejjin: il-Patt Ekoloġiku Ewropew; it-tranżizzjoni diġitali; id-dimensjoni globali; u l-baġit tal-UE li jmexxi l-irkupru Ewropew/rabta mal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE.
Kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet supremi tal-awditjar oħra
Kumitat ta’ Kuntatt tal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar tal-UE
Il-kooperazzjoni tagħna mal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar (SAIs) tas-27 Stat Membru sseħħ prinċipalment fi ħdan il-qafas tal-Kumitat ta’ Kuntatt tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-UE. Dan il-forum jiffaċilita d-djalogu u l-iskambju bejn l-SAIs tal-Istati Membri tal-UE u l-QEA.
Fl-2022, aħna komplejna l-Awditjar tan-Network tal-UE dwar il-COVID‑19, li rriżulta fil-pubblikzzjoni fuq is-sit web tal-Kumitat ta’ Kuntatt ta’ bosta skedi informattivi dwar ix-xogħol pertinenti li l-SAIs wettqu fl-2020 u fl-2021 dwar dan is-suġġett. Komplejna wkoll l-attività ta’ kooperazzjoni tagħna dwar l-awditjar tal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u tal-pjanijiet Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Għal dawn tal-aħħar, il-maniġers tal-awditjar u l-awdituri li jirrappreżentaw it-22 SAI tal-UE ltaqgħu regolarment u ddiskutew l-awditi tagħhom li kienu ffinalizzaw, li kienu għaddejjin u li kellhom ippjanati b’rabta mal-NGEU.
F’Mejju 2022, aħna ospitajna l-laqgħa annwali tal-Kumitat ta’ Kuntatt. Din kienet l-ewwel laqgħa fiżika tal-kapijiet tal-SAIs tal-UE mill-2019 ’il hawn, wara l-avveniment ta’ livell għoli li sar online f’Novembru 2021. Id-diskussjonijiet prinċipali ffukaw fuq il-kompiti strateġiċi u l-isfidi għall-SAIs tal-UE fil-valutazzjoni tal-valur miżjud tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali.
SAIs ta’ pajjiżi kandidati tal-UE u tal-pajjiżi kandidati potenzjali tal-UE
Aħna nappoġġjaw ukoll l-SAIs tal-pajjiżi kandidati tal-UE (l-Albanija, il-Moldova, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja, it-Turkija u l-Ukrajna) u tal-pajjiżi kandidati potenzjali tal-UE (il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo2).
Fl-2022, tajna appoġġ lis-SIGMA (Appoġġ għal Titjib fil-Governanza u l-Ġestjoni), li hija inizjattiva konġunta tal-OECD u tal-Unjoni Ewropea, fit-tmexxija ta’ laqgħa tan-Network tal-SAIs tal-pajjiżi kandidati u tal-pajjiżi kandidati potenzjali f’Pariġi.
2 Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mar-Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni li tikkonċerna l-Kosovo (UNSCR 1244/1999) u l-Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) dwar il-kwistjoni tal-Konformità mad-dritt internazzjonali tad-dikjarazzjoni unilaterali ta’ indipendenza fir-rigward tal-Kosovo tat-22 ta’ Lulju 2010.
INTOSAI
Fl-2022, komplejna bl-involviment attiv tagħna fl-attivitajiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (INTOSAI). Bħala Viċi President tal-Kumitat tal-Istandards Professjonali (PSC), ipprovdejna input lit-Task Force tal-INTOSAI dwar l-Ippjanar Strateġiku u kkollaborajna b’mod attiv mal-Presidenti l-oħra tal-Għan. F’Settembru ospitajna wkoll il-21 laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-PSC, fejn ir-rapport dwar il-modernizzazzjoni tal-qafas ta’ standards, immexxi mill-QEA, ġie adottat b’suċċess.
F’Novembru 2022 attendejna l-XXIV Kungress tal-INTOSAI (INCOSAI) f’Rio de Janeiro. Dan il-Kungress isir kull tliet snin. Huwa l-korp suprem tal-INTOSAI, fejn jittieħdu l-aktar deċiżjonijiet amministrattivi importanti tal-organizzazzjoni. Fil-Kungress ġie adottat il-Pjan Stratreġiku tal-INTOSAI għall-perjodu 2013-2028 u, wara l-SAI tal-Brażil, kienet il-QEA li bdiet taqdi r-rwol ta’ President tal-PSC. F’din il-kapaċità, il-QEA issa hija membru tal-Bord ta’ Tmexxija tal-INTOSAI.
Aħna pparteċipajna wkoll fis-sottokumitati tal-PSC kif ukoll fl-attivitajiet u l-proġetti ta’ korpi ta’ ħidma oħra tal-INTOSAI, notevolment dwar l-awditjar ambjentali, il-Big Data, il-modernizzazzjoni finanzjarja u r-riforma regolatorja, kif ukoll l-evalwazzjoni tal-politiki u l-programmi pubbliċi. Barra minn hekk, mexxejna l-proġett għall-aġġornament tal-ISSAI 140 dwar il-ġestjoni tal-kwalità għall-SAIs, u kkollaborajna mal-Inizjattiva ta’ Żvilupp tal-INTOSAI (IDI) dwar it-tfassil ta’ gwida għall-implimentazzjoni tal-istandard il-ġdid.
EUROSAI
Aħna konna wkoll involuti b’mod attiv fl-attivitajiet tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (EUROSAI), il-grupp reġjonali Ewropew tal-INTOSAI, b’mod partikolari l-gruppi ta’ ħidma tagħha dwar l-awditjar ambjentali, dwar it-teknoloġiji tal-informazzjoni, u dwar l-awditjar ta’ fondi allokati għal diżastri u katastrofijiet, u n-network għall-etika.
Fl-2022, komplejna nsegwu l-ħidma tal-grupp tal-proġett dwar “Preparing for future risks and climate crisis: Time for audit to take a long-term view?” (immexxi b’mod konġunt mal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar tar-Renju Unit) fil-kuntest tal-portafoll “Forward thinking and emerging issues”. Barra minn hekk, aħna kkontribwejna b’mod attiv għall-grupp tal-proġett dwar l-awditjar tar-rispons għall-COVID‑19.
Il-maniġment tagħna
Membri
Il-QEA topera bħala korp kolleġġjali ta’ Membri, wieħed minn kull Stat Membru. Wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill jaħtar kull Membru ladarba l-gvernijiet nazzjonali rispettivi tagħhom ikunu nnominawhom. Aħna ma għandniex rwol fil-proċess tan-nomina jew tal-ħatra tal-Membri tagħna.
Il-Membri tagħna jinħatru għal mandat ta’ sitt snin li jista’ jiġġedded. Huma jwettqu l-funzjonijiet tagħhom f’indipendenza sħiħa u fl-interess ġenerali tal-UE. Hekk kif jieħdu l-kariga, huma jintrabtu solennement f’dan ir-rigward quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Fl-2022, il-Kunsill ħatar lil Membru Sloven ġdid, Jorg Kristijan Petrovič (mis-7 ta’ Mejju ), Membru Netherlandiż ġdid, Stef Blok (mill-1 ta’ Settembru), Membru Malti ġdid, George Marius Hyzler (mill-1 ta’ Ottubru ), Membru Ċiprijott ġdid, Lefteris Christoforou (mit-2 ta’ Novembru) u Membru Litwan ġdid, Laima Liucija Andrikienė (mis-16 ta’ Novembru). Barra minn hekk, il-Kunsill ġedded il-mandati tal-Membru Ċek, Jan Gregor, tal-Membru Latvjan, Mihails Kozlovs, u tal-Membru Pollakk, Marek Opioła, għal perjodu ulterjuri ta’ sitt snin (mis-7 ta’ Mejju).
Il-Membru Netherlandiż tagħna, Alex Brenninkmeijer, sfortunatament miet fl-14 ta’ April 2022.
Il-proċedura ta’ nomina b’rabta mal-ħatra ta’ Membru Portugiż ġdid kienet għadha għaddejja fi tmiem l-2022.
Fl-2022 saru 25 laqgħa tal-kulleġġ. Ir-rata ta’ attendenza f’dawn il-laqgħat kienet ta’ 93 %. Il-Membri pparteċipaw ukoll fil-laqgħat tal-awli u tal-kumitati (ara wkoll Awli u kumitati tal-awditjar).
intejbu l-effiċjenza tagħna u
nagħmlu l-aqwa użu mir-riżorsi
tagħna f’awditi futuri
Darba fis-sena, il-Membri tagħna, is-Segretarju Ġenerali u d-diretturi jmorru seminar ta’ jumejn biex jiddiskutu kwistjonijiet importanti relatati mal-istrateġija, il-ħidma u l-organizzazzjoni fit-tul tal-QEA.
Matul is-Seminar tal-QEA ta’ din is-sena, il-Membri ddiskutew is-suġġetti ewlenin li ġejjin:
- modi biex niksbu titjib ulterjuri fl-effiċjenza u l-produttività waqt li nkunu qed infasslu r-rapporti speċjali tagħna;
- kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni prattika tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-QEA; u
- il-Programm ta’ Ħidma 2023+.
President
Il-President huwa inkarigat mill-istrateġija tal-istituzzjoni, l-ippjanar u l-ġestjoni tal-prestazzjoni, il-komunikazzjoni u r-relazzjonijiet mal-media, ir-relazzjonijiet istituzzjonali, il-kwistjonijiet legali u l-awditjar intern. Il-President jirrappreżenta wkoll il-QEA fir-relazzjonijiet esterni tagħha.
Il-Membri tagħna jeleġġu wieħed minn fosthom bħala President għal perjodu ta’ tliet snin li jista’ jiġġedded. Il-persuna eletta mbagħad tassumi r-rwol tal-ewwel fost il-pari (primus inter pares), tippresiedi l-laqgħat tal-kulleġġ u tiżgura li d-deċiżjonijiet tiegħu jiġu implimentati.
Fl-1 ta’ Ottubru 2022, Tony Murphy issostitwixxa lil Klaus‑Heiner Lehne bħala President tal-QEA.
Nota: Fi Frar 2023.
Awli tal-awditjar u kumitati
Il-Membri jiġu assenjati f’waħda mill-ħames awli tal-awditjar, fejn il-biċċa l-kbira mir-rapporti tal-awditjar, ir-rapporti analitiċi u l-opinjonijiet tagħna jiġu adottati. L-awli tal-awditjar jallokaw il-kompiti tagħhom fost il-Membri tagħhom. Kull Membru għandu obbligu ta’ rendikont lejn l-awla, u lejn il-kulleġġ, għall-kompiti tal-awditjar proprji tiegħu. L-awdituri professjonali li jaħdmu għad-direttorati tal-awli tal-awditjar iwettqu x-xogħol tal-awditjar.
Il-Membri għal kull awla tal-awditjar jagħżlu Dekan għal perjodu ta’ sentejn li jista’ jiġġedded. Fil-11 ta’ Ottubru 2022, id-Dekani tal-ħames awli tal-awditjar tagħna kienu Joëlle Elvinger, Annemie Turtelboom, Bettina Jakobsen, Mihails Kozlovs u Jan Gregor.
Il-Kumitat għall-Kontroll tal-Kwalità tal-Awditjar (AQCC) jittratta kemm il-politiki, l-istandards u l-metodoloġija tal-awditjar tal-QEA, kif ukoll l-appoġġ u l-iżvilupp tal-awditjar u l-kontroll tal-kwalità tal-awditjar tagħha. Huwa magħmul minn Membru wieħed minn kull awla tal-awditjar u, mit-2 ta’ Novembru 2022, huwa ppresedut minn Iliana Ivanova.
Il-Kumitat Amministrattiv (KA) u, fejn ikun xieraq, il-kulleġġ tal-Membri, it-tnejn li huma ppreseduti mill-President, jieħdu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet strateġiċi u amministrattivi usa’. Il-Kumitat Amministrattiv huwa magħmul mill-President, id-Dekani tal-awli, il-President tal-AQCC, u l-Membru għar-Relazzjonijiet Istituzzjonali (fl-10 ta’ Ottubru 2022, Eva Lindström).
Fl-2022, il-laqgħat tal-awli, tal-KA u tal-AQCC b’kollox ammontaw għal 113, 15 u 10, rispettivament. Ir-rata ta’ attendenza f’dawn il-laqgħat kienet ta’ 95 %, 94 % u 89 %, rispettivament.
Kumitati oħra jinkludu l-Kumitat tal-Etika (ippresedut minn Joëlle Elvinger), il-Kumitat tal-Awditjar Intern (ippresedut minn Hannu Takkula), u l-Bord Konsultattiv dwar il-Prospettiva (ippresedut minn Helga Berger).
Il-maniġment superjuri tagħna huwa magħmul mis-Segretarju Ġenerali u d-diretturi. B’kollox, hemm 10 direttorati, fejn 5 huma assenjati għall-awli tal-awditjar, 1 għall-AQCC, 1 għall-Presidenza u 3 għas-Segretarjat Ġenerali.
Nota: Fi Frar 2023.
Kejl tal-prestazzjoni
Aħna napplikaw sett ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) biex inżommu lill-maniġment tal-Qorti infurmat dwar il-progress li jkun sar lejn l-ilħuq tal-għanijiet strateġiċi tagħna, biex jiġi appoġġat it-teħid ta' deċiżjonijiet u biex tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-Qorti lill-partijiet ikkonċernati istituzzjonali tagħha. Aġġornajna l-KPIs biex nappoġġaw l-istrateġija tagħna għall-perjodu 2021-2025. Is-sett ta’ KPIs li ġej jipprovdi stampa ġenerali tal-prestazzjoni tagħna bħala organizzazzjoni f’dak li jirrigwarda d-disseminazzjoni, l-impatt u l-perċezzjoni tax-xogħol tagħna:
- għadd ta’ rapporti ppubblikati (meta mqabbel mal-pjan);
- preżenza fil-media;
- impatt u perċezzjoni tax-xogħol tagħna (feedback mill-partijiet ikkonċernati);
- drabi fejn nidhru quddiem istituzzjonijiet oħra, parlamenti nazzjonali/reġjonali u gvernijiet tal-Istati Membri, kif ukoll attivitajiet internazzjonali;
- implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-QEA.
Ippubblikajna 29 rapport meta mqabbla mat-32 fl-2021. Dawn kienu jikkonsistu fi 28 rapport speċjali u rapport analitiku wieħed.
Preżenza fil-media
fil-kopertura mill-media
Fl-2022, aħna rreġistrajna madwar 130 000 artiklu online u post fuq il-media soċjali relatati mar-rapporti tal-awditjar tagħna, ma’ pubblikazzjonijiet oħra jew mal-QEA inġenerali. Dan jirrappreżenta żieda sinifikanti fil-kopertura meta mqabbla ma’ snin preċedenti (2021: 67 000; 2020: 32 000).
Il-kopertura mill-media tista’ tvarja b’mod sostanzjali skont is-suġġett u l-kumplessità ta’ rapport. Fatturi esterni, bħal avveniment importanti jew żvilupp ta’ politika, jistgħu wkoll jinfluwenzaw l-interess mill-media fil-pubblikazzjonijiet tagħna. Barra minn hekk, waqt l-emerġenzi, bħall-pandemija tal-COVID‑19 jew il-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, l-attenzjoni tal-media hija partikolarment iffukata fuq materjal rilevanti għall-kriżi.
Mil-lockdown tal-COVID‑19 ’il hawn, ippromwovejna l-pubblikazzjonijiet tagħna virtwalment, u dan ippermettielna nżidu l-kuntatti mal-ġurnalisti.
Fl-2022, ħriġna 41 stqarrija għall-istampa b’24 lingwa tal-UE, kif ukoll noti ta’ informazzjoni, avviżi għall-media u dikjarazzjonijiet awdjo (lesti għall-użu) b’ċerti lingwi. Tajna wkoll għadd ta’ intervisti ma’ mezzi ewlenin tal-media fl-Ewropa kollha, li jkopru r-radju, it-TV u l-gazzetti stampati. Barra minn hekk, organizzajna 14-il sessjoni ta’ informazzjoni għall-istampa online, u 9 sessjonijiet ta’ informazzjoni għall-istampa addizzjonali speċifiċi għall-pajjiż għar-rapport annwali. B’kollox, is-sessjonijiet ta’ informazzjoni tagħna attiraw 350 ġurnalist, li l-biċċa l-kbira minnhom jirrappreżentaw mezzi ewlenin tal-media nazzjonali fl-Istati Membri tal-UE.
fis-sit web tal-QEA
Fl-2022, ilħqana ’l fuq minn 1 000 000 żjara u nofs fis-sit web tagħna, li kienu jinvolvu madwar 600 000 viżitatur uniku.
fuq il-media soċjali kompla
jiżdied
Sa tmiem l-2022, it-tliet profili tal-media soċjali tagħna (Twitter, LinkedIn, Facebook) kienu attiraw ’il fuq minn 45 000 segwaċi, jiġifieri żieda minn 39 000 fl-2021.
Impatt u perċezzjoni tax-xogħol tagħna
82 % jsibu li r-rapporti tagħna
huma utli għal xogħolhom
Aħna nivvalutaw l-impatt u l-utilità probabbli ta’ xogħolna, skont il-perċezzjoni tal-qarrejja tar-rapporti tagħna fil-Parlament Ewropew, fil-Kunsill, fil-Kummissjoni, fl-aġenziji tal-UE, fir-rappreżentanzi permanenti tal-Istati Membri, fl-aġenziji tal-Istati Membri u l-SAIs, fl-NGOs, fl-istituzzjonijiet akkademiċi, fil-media u f’partijiet ikkonċernati oħra.
Mill-2018 ’il hawn, wettaqna stħarriġiet elettroniċi anonimizzati biex nitolbu lill-qarrejja tagħna jipprovdu feedback kwalitattiv dwar rapporti magħżula u jagħmlu suġġerimenti ġenerali għall-ħidma tagħna.
Fl-2022, 82 % ta’ madwar 450 rispondent kienu jqisu li r-rapporti tagħna kienu utli għax-xogħol tagħhom u 78 % kienu jqisu li dawn kellhom impatt. Dan huwa simili għar-riżultat tas-sena li għaddiet (2021: 83 % u 79 %, rispettivament).
Drabi fejn nidhru quddiem istituzzjonijiet oħra, parlamenti nazzjonali/reġjonali u gvernijiet tal-Istati Membri, kif ukoll attivitajiet internazzjonali
mal-partijiet ikkonċernati tagħna
Kumplessivament fl-2022, l-interazzjoni tagħna mal-partijiet ikkonċernati Ewropej u internazzjonali tagħna reġgħet laħqet livell għoli. Ippreżentajna r-riżultati ta’ xogħolna f’437 okkażjoni quddiem il-kumitati tal-Parlament Ewropew, il-korpi preparatorji tal-Kunsill, il-parlamenti nazzjonali/reġjonali, u l-gvernijiet tal-Istati Membri (2021: 419).
Barra minn hekk, ipparteċipajna f’178 attività internazzjonali. Dawn kienu jinkludu l-attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali tal-awditjar pubbliku, b’mod partikolari l-INTOSAI u l-EUROSAI, kif ukoll avvenimenti bilaterali ma’ SAIs oħra, konferenzi, laqgħat, u attivitajiet mmirati lejn udjenza usa’ (2021: 154).
Implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-QEA
kważi kollha ġew
implimentati
Aħna nkejlu l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tagħna fuq il-bażi tas-segwitu mwettaq mill-awdituri tagħna. Għall-2022, analizzajna r-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Kummissjoni u lil istituzzjonijiet oħra fir-rapporti tagħna tal-2018.
L-analiżi kienet turi li, mir-rakkomandazzjonijiet li ngħataw segwitu, 100 % mill-14 li għamilna fir-Rapport Annwali 2018 tagħna, u 85 % tat-325 li għamilna fir-rapporti speċjali tagħna għall-2018 kienu ġew implimentati jew bis-sħiħ, jew f’xi wħud mill-aspetti, jew inkella fil-biċċa l-kbira mill-aspetti.
Il-persunal tagħna
Allokazzjoni tal-persunal
Fi tmiem l-2022, kellna 873 post permanenti u temporanju (853 fis-snin preċedenti). L-20 post addizzjonali ngħataw mill-awtorità baġitarja fuq bażi temporanja għall-awditu tal-inizjattiva NGEU. Minn dawn il-postijiet 549 kienu f’awli tal-awditjar, inklużi 104 postijiet fil-kabinetti tal-Membri.
Barra minn hekk, kellna 91 membru tal-persunal bil-kuntratt u 33 espert nazzjonali sekondat jaħdmu magħna fi tmiem is-sena (2021: 92 u 25 rispettivament).
Reklutaġġ
Il-politika ta’ reklutaġġ tagħna ssegwi l-prinċipji ġenerali u l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-istituzzjonijiet tal-UE, u l-membri tal-persunal tagħna għandhom firxa wiesgħa ta’ kwalifiki akkademiċi u esperjenza professjonali.
Fl-2022, irreklutajna 107 impjegati ġodda (2021: 80 impjegat): 33 uffiċjal, 47 membru tal-persunal temporanju, 16-il membru tal-persunal bil-kuntratt, u 11-il espert nazzjonali sekondat.
Il-programm ASPIRE tagħna għall-awdituri ġie introdott fl-2017 u huwa maħsub biex jgħin l-integrazzjoni professjonali ta’ membri tal-persunal ġodda, u jippermettilhom jiksbu esperjenza fuq il-post tax-xogħol f’kompiti tal-awditjar differenti kif ukoll jieħdu sehem f’attivitajiet ta’ taħriġ immirati matul l-ewwel tliet snin tagħhom.
Aħna pprovdejna wkoll 60 internship (2021: 56) għal gradwati universitarji, li damu minn 3 sa 5 xhur. Fl-2022, it-trainees tagħna ħadmu b’mod ibridu simili għal persunal ieħor tal-QEA għas-sessjonijiet ta’ Marzu, Mejju u ta’ Ottubru, u b’hekk ġew ikkombinati x-xogħol fuq il-post u dak mill-bogħod.
Profil tal-etajiet
Tliet kwarti (76 %) tal-persunal tagħna fis-servizz attiv fi tmiem l-2022 kellhom bejn 40 u 59 sena, l-istess bħal fl-2021.
72 % tal-maniġers tagħna għandhom 50 sena jew aktar (2021: 73 %). Dan se jwassal għal tiġdid tal-maniġment matul il-5 sa 10 snin li ġejjin, meta jirtiraw.
Opportunitajiet indaqs
B’mod ġenerali, aħna nimpjegaw proporzjonijiet indaqs ta’ nisa u rġiel fil-forza tax-xogħol tagħna.
Aħna impenjati li noffru opportunitajiet indaqs tal-karriera għall-membri tal-persunal tagħna fil-livelli kollha tal-organizzazzjoni. Nimpjegaw proporzjonijiet indaqs ta’ nisa u rġiel, u aktar minn terz (39 %) tad-diretturi u tal-maniġers prinċipali tagħna kienu nisa fl-2022 (36 % fl-2021).
Il-proporzjon ta’ maniġers prinċipali nisa fl-awditjar fil-QEA laħaq il-41.4 % (37.5 % fl-2021), li huwa ’l fuq mill-mira tal-2027 ta’ 40 %. F’konformità mal-pjan ta’ Azzjoni dwar id-Diversità u l-Inklużjoni (2021-2025) tal-QEA, fl-2022 ippubblikajna l-ewwel rapport annwali dwar id-D&I (għall-2021). Tajna bidu wkoll, għall-ewwel darba, għal awditu tal-aċċessibbiltà għall-binjiet tal-QEA.
Bl-istess mod, aħna nibqgħu impenjati li niksbu bilanċ ġeografiku fil-maniġment tagħna.
Etika
Fl-2022, il-QEA aġġornat żewġ dokumenti importanti mill-qafas etiku tagħha: il-Linji Gwida dwar l-Etika, u l-politika biex jiġi żgurat ambjent tax-xogħol rispettuż u ħieles mill-fastidju. L-aġġornament tal-Linji Gwida dwar l-Etika sar wara evalwazzjoni tal-qafas tal-etika minn konsulent estern li pprovda għadd ta’ rakkomandazzjonijiet.
Il-Kumitat tal-Etika tal-QEA jiddiskuti kwalunkwe kwistjoni etika li huwa jqis bħala rilevanti għall-istandards u r-reputazzjoni tal-QEA, inkluża l-valutazzjoni tal-attivitajiet esterni tal-Membri tagħha. Huwa magħmul minn tliet membri maħtura mill-kulleġġ fuq il-bażi ta’ proposta mill-President għal mandat ta’ tliet snin (bil-possibbiltà li jiġġedded darba): żewġ Membri tal-QEA u membru estern magħżula fuq il-bażi tal-ħiliet, l-esperjenza u l-kwalitajiet professjonali tagħhom.
Appoġġ għall-awditjar
Metodoloġija tal-awditjar
Il-pjattaforma diġitali interna tagħna AWARE (Accessible Web-based Audit Resource) tiddeskrivi l-metodoloġija u l-gwida tagħna dwar l-awditjar. Is-sena l-oħra din għamilnieha disponibbli fuq is-sit web tagħna. Din tipprovdi punt uniku ta’ aċċess għall-pubbliku għall-metodoloġija tal-awditjar tagħna.
Taħriġ professjonali
professjonali nqabżu
Fl-2022, erġajna qbiżna l-mira tat-taħriġ professjonali ta’ ħamest ijiem taħriġ mhux lingwistiku fis-sena għall-awdituri, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti, u jumejn għall-membri tal-persunal li mhumiex awdituri.
L-awdituri tagħna attendew għal medja ta’ 6.9 ijiem taħriġ mhux lingwistiku (8.5 fl-2021 u 5.4 fl-2020), li minnhom 5.0 ijiem kienu taħriġ relatat mal-attivitajiet prinċipali (relatati mal-awditjar). Il-persunal mhux tal-awditjar tagħna attenda għal medja ta’ 3.6 ijiem taħriġ (4.2 fl-2021 u 3.1 fl-2020). Dan it-tnaqqis minn sena għal oħra fiż-żewġ indikaturi jista’ jiġi spjegat mir-ritorn gradwali tat-taħriġ fil-klassijiet/wiċċ imb wiċċ, li jipprovdi esperjenza ta’ apprendiment aħjar, iżda fih innifsu jakkomoda inqas nies mill-alternattivi online.
Filwaqt li nistinkaw b’mod kostanti biex nipprovdu offerta ta’ taħriġ varjata, aħna tajna attenzjoni partikolari lil taħriġ relatat mal-attivitajiet prinċipali (relatati mal-awditjar). Dan immaterjalizza f’għadd ta’ korsijiet ġodda u inizjattivi ġodda, bħal dawk deskritti hawn taħt:
- Taħriġ relatat mal-oqsma ta’ politika: Waħda mill-prijoritajiet ewlenin fl-2022 kienet li jiżdied u jittejjeb l-għarfien dwar l-oqsma tal-awditjar tagħna/il-politiki tal-UE, b’kooperazzjoni mal-awli tal-awditjar tagħna. Taħt din l-inizjattiva organizzajna 12-il sessjoni.
- Qasam ġdid li ngħata ħafna mill-attenzjoni tagħna kien dak tan-Next Generation EU (NGEU), u b’mod partikolari l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF). L-inizjattiva emblematika ta’ taħriġ tagħna kienet kors ta’ taħriġ fuq jumejn dwar l-RRF, li wassalna b’kooperazzjoni mal-Istitut Ewropew tal-Amministrazzjoni Pubblika. Organizzajna sitt edizzjonijiet ta’ dan il-kors online maħsub biex jgħin lill-parteċipanti jifhmu d-dettalji u l-ispeċifiċitajiet tar-Regolament dwar l-RRF u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali tal-Istati Membri għall-irkupru u r-reżiljenza.
- Programmi ta’ taħriġ ġodda għall-Kapijiet ta’ Kompiti u dwar l-użu tad-data u t-teknoloġija fl-awditjar: aħna ffinalizzaja l-Qafas ta’ Kompetenza għall-Kapijiet ta’ Kompiti, li serva ta’ bażi għat-tħejjija ta’ programm ta’ taħriġ iddedikat strutturat madwar it-tliet kompetenzi ewlenin li l-Kapijiet ta’ Kompiti jenħtieġ li jkollhom: il-ġestjoni tal-proġetti, il-komunikazzjoni effettiva u t-tmexxija. B’kooperazzjoni mat-Tim D.A.T.A tal-QEA, bdejna ntejbu l-ħiliet tal-kollegi tagħna fil-qasam tal-awditjar f’dak li jikkonċerna l-użu tad-data u t-teknoloġija.
sensibilizzazzjoni għall-ambjent ibridu
l-ġdid
Organizzajna taħriġ għall-membri tal-persunal u l-maniġers tagħna dwar kif jinnavigaw ir-realtà ibrida l-ġdida mindu daħlet fis-seħħ id-deċiżjoni l-ġdida dwar ix-xogħol ibridu f’April 2022. Il-programm “Lura l-uffiċċju”, li beda f’Ġunju u baqa’ għaddej sa Ottubru, inkluda attivitajiet differenti bħal korsijiet ta’ taħriġ, preżentazzjonijiet, sessjonijiet ta’ ħidma, u kompetizzjoni fotografika. F’Novembru 2022 ġie organizzat kors obbligatorju għall-maniġers.
Komplejna l-programm ta’ taħriġ tagħna għall-konsulenti tal-karriera, mentors, faċilitaturi interni, u persuni ta’ kuntatt kunfidenzjali u tajna bidu għal programm ta’ kkowċjar intern ġdid dwar ir-reżiljenza.
Traduzzjoni
Fl-2022, ittraduċejna u rrevedejna ’l fuq minn 203 000 paġna (2021: 227 003), li jinkludu 21 133 paġna ta’ xogħol esternalizzat. Minbarra dan, it-tradutturi tagħna pparteċipaw ukoll fl-attivitajiet tal-awditjar tagħna, billi offrew appoġġ lingwistiku kemm matul iż-żjarat tal-awditjar, il-laqgħat online jew ibridi kif ukoll fil-kitba tar-rapporti. Barra minn hekk, kienu involuti f’xogħol ta’ komunikazzjoni, fejn taw pariri lingwistiċi u tejbu l-kwalità billi fasslu messaġġi apposta għall-udjenza fil-mira, pereżempju permezz ta’ adattament kulturali.
Għall-ewwel darba, ittraduċejna fil-pront il-prodotti kollha tal-QEA għall-Irlandiż, u b’hekk dawn ġew ippubblikati fil-ħin.
Ċibersigurtà
għaċ-ċibersigurtà
Il-kriżi tal-COVID‑19 ġabet magħha żieda esponenzjali fiċ-ċiberkriminalità u l-attakki ċibernetiċi sostnuti mill-Istat. It-tim tal-QEA li huwa responsabbli mis-sigurtà tal-IT kellu, aktar minn qatt qabel, il-piż kbir li jżomm is-servizzi tal-IT tagħna sikuri. Dan ma setax jinkiseb mingħajr l-appoġġ prezzjuż tal-Iskwadra ta’ Rispons f’Emerġenza relatata mal-Kompjuters, is-CERT-EU.
L-implimentazzjoni tal-pjan dwar iċ-ċibersigurtà għall-perjodu 2022-2024 bdiet b’għadd rilevanti ta’ azzjonijiet li diġà twettqu jew qegħdin jitwettqu. Barra minn hekk, taħt il-patrunaġġ tas-CERT-EU, żviluppajna pjan direzzjonali biex nevolvu għal mudell ta’ sigurtà Zero Trust, li huwa wieħed mill-prinċipji li jmexxi l-pjan dwar iċ-ċibersigurtà. L-ewwel sistema li timplimenta dan il-mudell il-ġdid hija l-pjattaforma ta’ aċċess mill-bogħod il-ġdida li fl-ewwel kwart tal-2023 se tissostitwixxi s-soluzzjoni attwali bbażata fuq il-VPN.
Fl-2022 saru diversi kampanji ta’ phishing, inkluża kampanja li twettqet fil-livell interistituzzjonali. Il-kampanji kellhom riżultati tajbin: irreġistrajna żieda fl-għadd ta’ membri tal-persunal tal-QEA li identifikaw u rrappurtaw il-messaġġi mibgħuta bl-iskop ta’ phishing.
Is-CERT-EU pprovda sessjoni ddedikata għall-maniġment ta' livell għoli tal-QEA, biex jinfurmahom dwar ix-xenarju tat-theddid attwali u l-prijoritajiet strateġiċi li jeħtieġ jiġu indirizzati.
Matul is-sena, is-Segretarju Ġenerali approva politika ġdida dwar l-illoggjar u l-awditu tas-sistemi tal-IT. Il-politika l-ġdida hija intiża biex isserraħ ras l-utenti u tipprovdi trasparenza dwar l-użu ta’ data mill-awditu u l-illoggjar tas-sistema filwaqt li tiżgura s-sigurtà tas-sistemi tagħna.
Fl-aħħar nett, il-QEA kienet attiva fit-tħejjija tar-regoli interistituzzjonali l-ġodda dwar iċ-ċibersigurtà. Għad li attwalment għadhom qed jiġu approvati, il-QEA diġà qed tapplika ħafna mid-dispożizzjonijiet tagħhom.
Binjiet
inklużiv, sikur u
li jirrispetta l-ambjent
Nemmnu b’mod ferm li post tax-xogħol tajjeb huwa essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet strateġiċi tal-QEA. L-impatt dirett fuq il-benesseri tal-persunal jikkontribwixxi biex il-QEA ssir post tax-xogħol attraenti.
Il-viżjoni tagħna hija li lill-impjegati kollha nipprovdulhom post tax-xogħol sostenibbli, b’ambjent tax-xogħol kollaborattiv, orjentat lejn il-benesseri, sikur, inklużiv u li jirrispetta l-ambjent.
Attwalment aħna l-proprjetarji ta’ tliet binjiet (“K1”, “K2” u “K3”) li joperaw bħala entità teknika integrata waħda. Nikru wkoll uffiċċji fil-Lussemburgu għaċ-ċentru tagħna ta’ rkupru f’każ ta’ diżastru.
K1
Il-binja K1, li nfetħet fl-1988, fiha uffiċċji li jesgħu sa 310 membri tal-persunal, u fiha wkoll kmamar għal-laqgħat.
Il-binja K1 ġiet immodernizzata fl-2008 biex issir konformi mar-rekwiżiti nazzjonali tas-saħħa, tas-sikurezza u tal-ambjent. Kull fejn possibbli, it-teknoloġija f’K1 ġiet adattata biex tkun kompatibbli ma’ dik użata f’K2 u K3.
K2
Il-binja K2 nfetħet fl-2003. Hija tipprovdi uffiċċji li jesgħu sa 241 membru tal-persunal, kmamar għal-laqgħat, sala tal-konferenzi b’kabini tal-interpretazzjoni, kmamar għall-vidjokonferenzi, kafetterija u spazji bażiċi għall-kċejjen.
Il-binja K2 ġiet rinnovata biex tiġi ottimizzata l-organizzazzjoni tal-ispazji tax-xogħol tagħha u jittejbu l-istallazzjonijiet tekniċi tagħha, biex b’hekk isiru aktar effiċjenti mil-lat ambjentali.
K3
Il-binja K3 nfetħet fl-2012. Is-sular ta’ isfel jikkonsisti fil-kantin, kafetterija u kmamar tat-taħriġ. Hemm ukoll uffiċċji li jesgħu sa 503 membri tal-persunal, kmamar għal-laqgħat u kamra tal-IT. Il-binja K3 ġiet ikklassifikata bħala “tajba ħafna” skont BREEAM, li huwa l-metodu ewlieni dinji għall-evalwazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà tal-bini.
Is-sede tal-QEA fil-Plateau de Kirchberg, il-Lussemburgu.
Ġestjoni ambjentali
Bħala istituzzjoni tal-UE, aħna għandna d-dmir li napplikaw il-prinċipju tal-ġestjoni ambjentali tajba fl-attivitajiet kollha tagħna. Għalhekk, aħna impenjati li nnaqqsu kontinwament l-impatt tagħna fuq l-ambjent. Kull sena, nimmonitorjaw u nanalizzaw l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġġenerati mill-attivitajiet tagħna.
Il-QEA hija kburija biċ-ċertifikazzjoni EMAS (Skema ta’ Ġestjoni u Verifika Ambjentali) li kisbet. Noperaw b’suċċess sistema ta’ ġestjoni ambjentali li hija konformi mal-EMAS, u nikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni ISO 14001:2015.
L-awditu estern ta’ verifikazzjoni tal-EMAS sar f’Ottubru 2022. Ir-riżultati kienu ta’ suċċess, ma nstab ebda nuqqas ta’ konformità u ġew identifikati ħafna prattiki tajba. B’riżultat ta’ dan, iċ-ċertifikazzjoni EMAS tagħna għall-perjodu 2023-2025 ġiet approvata.
Il-QEA se tieħu passi ulterjuri biex tikseb it-tnaqqis ta’ 15 % fil-konsum tal-gass propost f’Lulju li għadda fil-pjan tal-Kummissjoni u l-Kunsill “Niffrankaw il-gass għal xitwa sikura”. Il-QEA se tieħu inkunsiderazzjoni wkoll ir-rakkomandazzjoni li ħareġ dan l-aħħar il-Gvern tal-Lussemburgu biex it-temperatura tal-binjiet operati mill-awtoritajiet pubbliċi tiġi llimitata għal 20 C.
Fl-2022, awditu tal-enerġija tal-binjiet tal-QEA ppropona diversi opzjonijiet għall-iffrankar tal-enerġija u, b’riżultat ta’ dan attwalment qed jiġi implimentat pjan ambizzjuż biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija.
sal-2030
Fl-2022, nedejna proġett biex innaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. Huwa bbażat fuq tliet fatturi mexxejja ewlenin:
- innaqqsu l-impatt ambjentali tal-binjiet tagħna;
- nadottaw mobbiltà li tirrispetta l-ambjent, filwaqt li nieħdu inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li jitwettqu missjonijiet tal-awditjar fuq il-post, billi din hija faċilitatur fundamentali tax-xogħol tal-awditjar tagħna;
- inrawmu s-sensibilizzazzjoni u l-impenn tal-membri tal-persunal.
L-ewwel Rapport tal-QEA dwar is-sostenibbiltà li jikkorrispondi għas-sena 2021, ġie adottat mill-kulleġġ f’Settembru 2022. L-objettiv bażiku tar-responsabbiltà korporattiva huwa li jiġi żgurat li l-attivitajiet ta’ organizzazzjoni jkollhom impatt pożittiv fuq is-soċjetà, l-ambjent u l-ekonomija. Dawn huma t-tliet pilastri bażiċi li fuqhom topera r-responsabbiltà korporattiva, jew is-sostenibbiltà. Is-sostenibbiltà għaldaqstant tindirizza l-etika tal-attivitajiet ta’ organizzazzjoni, u kif topera b’mod li jkun vijabbli fuq perjodu twil.
Is-sostenibbiltà hija aktar minn sempliċement ekoloġizzazzjoni. Għandha x’taqsam ukoll mal-impatt eknonomiku, l-etika u l-governanza, ir-rispett għal-liġijiet u għar-regolamenti u, fuq kollox, in-nies. Fil-QEA, inqisu li l-persunal tagħna huwa l-aktar ass siewi li għandna, u nimplimentaw firxa sħiħa ta’ inizjattivi u azzjonijiet li jottimizzaw il-benesseri tal-persunal.
Ir-rapport jagħti ħarsa ġenerali lejn l-impatti ekonomiċi, ambjentali u soċjali tal-operazzjonijiet li nwettqu meta nawditjaw jekk il-fondi tal-UE humiex qed jappoġġaw tkabbir sostenibbli u inklużiv fl-Ewropa u fid-dinja kollha. Huwa jipprovdi wkoll informazzjoni dwar l-impatt tal-istruttura tagħna u l-modi li bihom noperaw mil-lat amministrattiv sabiex inwettqu din il-missjoni.
Ir-rapport tal-QEA dwar is-sostenibbiltà se jsir riżultat tanġibbli annwali tal-QEA li se jiġi ppubblikat fuq is-sit web tagħna.
L-obbligu ta’ rendikont tagħna
Informazzjoni finanzjarja
L-istituzzjoni tagħna hija ffinanzjata mill-baġit tal-UE taħt l-intestatura tan-nefqa amministrattiva.
Fl-2022, il-baġit tagħna ammonta għal madwar EUR 162.1 miljun.
Il-baġit tagħna jirrappreżenta madwar 1.5 % tan-nefqa amministrattiva totali tal-UE (inqas minn 0.1 % tal-infiq totali tal-UE).
Implimentazzjoni tal-Baġit 2022
| SENA FINANZJARJA 2022 | Approprjazzjonijiet finali | Impenji | % ta’ użu (impenji/ approprjazzjonijiet) |
Pagamenti |
| Titolu 1: Persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni | (elf EUR) | |||
| 10 – Membri tal-istituzzjoni | 11 590 | 11 084 | 96 % | 10 630 |
| 12 – Uffiċjali u persunal temporanju | 120 203 | 118 984 | 99 % | 118 984 |
| 14 – Persunal ieħor u servizzi esterni | 9 089 | 9 055 | 99 % | 8 783 |
| 162 – Missjonijiet | 1 647 | 1 647 | 100 % | 1 227 |
| 161 + 163 + 165 – Nefqa oħra relatata ma’ persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni | 2 752 | 2 564 | 93 % | 2 156 |
| Subtotal għat-Titolu 1 | 145 281 | 143 334 | 99 % | 141 780 |
| Titolu 2: Binjiet, beni mobbli, apparat u nefqa operatorja mixxellanja | ||||
| 20 – Beni immobbli | 4 908 | 4 9053 | 99 % | 2 274 |
| 210 – IT u telekomunikazzjoni | 8 879 | 8 879 | 100 % | 5 617 |
| 212 + 214 + 216 – Beni mobbli u kostijiet relatati | 847 | 783 | 92 % | 534 |
| 23 – Nefqa amministrattiva kurrenti | 540 | 478 | 89 % | 378 |
| 25 – Laqgħat, konferenzi | 381 | 185 | 48 % | 138 |
| 27 – Informazzjoni u pubblikazzjoni | 1 305 | 1 145 | 88 % | 834 |
| Subtotal għat-Titolu 2 | 16 860 | 16 375 | 97 % | 9 775 |
| Total għall-QEA | 162 141 | 159 709 | 99 % | 151 555 |
3 Inkluż riport b’deċiżjoni.
Baġit 2023
Il-Baġit 2023 jirrappreżenta żieda ta’ 7.97 % fuq iċ-ċifra tal-2022.
| SENA FINANZJARJA 2022 | 2023 | 2022 |
| Titolu 1: Persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni | (elf EUR) | |
| 10 – Membri tal-istituzzjoni | 11 777 | 11 715 |
| 12 – Uffiċjali u persunal temporanju | 131 876 | 120 838 |
| 14 – Persunal ieħor u servizzi esterni | 9 779 | 8 444 |
| 162 – Missjonijiet | 2 453 | 2 452 |
| 161 + 163 + 165 – Nefqa oħra relatata ma’ persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni | 2 601 | 2 732 |
| Subtotal għat-Titolu 1 | 158 486 | 146 181 |
| Titolu 2: Binjiet, beni mobbli, apparat u nefqa operatorja mixxellanja | ||
| 20 – Beni immobbli | 4 274 | 3 778 |
| 210 – IT u telekomunikazzjoni | 8 452 | 8 228 |
| 212 + 214 + 216 – Beni mobbli u kostijiet relatati | 894 | 944 |
| 23 – Nefqa amministrattiva kurrenti | 588 | 574 |
| 25 – Laqgħat, konferenzi | 580 | 675 |
| 27 – Informazzjoni u pubblikazzjoni | 1 786 | 1 761 |
| Subtotal għat-Titolu 2 | 16 574 | 15 960 |
| Total għall-QEA | 175 060 | 162 141 |
Nota: Iċ-ċifri rrappurtati jirrigwardaw il-baġit inizjali.
Awditjar intern u estern
Awditjar intern
Is-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tagħna jipprovdi servizzi indipendenti u oġġettivi ta’ aċċertament u ta’ konsulenza maħsuba biex iżidu l-valur u jtejbu l-operazzjonijiet tal-QEA. L-IAS jassisti lill-QEA fit-twettiq tal-istrateġija u l-objettivi tagħha billi jadotta approċċ sistematiku u dixxiplinat sabiex jevalwa u jtejjeb l-effettività tal-governanza, l-immaniġjar tar-riskju u l-kontroll intern tal-QEA. L-IAS jirrapporta lill-Kumitat tal-Awditjar Intern, li huwa magħmul minn tliet Membri tal-QEA u minn espert estern. Il-Kumitat jimmonitorja regolarment il-progress tad-diversi kompiti stipulati fil-programm ta’ ħidma annwali tal-IAS u jiżgura l-indipendenza ta’ dan is-servizz.
Fl-2022, l-IAS kompla jirrieżamina l-politika tal-QEA dwar il-ġestjoni tar-riskju u ħareġ rapporti għal żewġ kompiti: “Governanza tal-IT”, “Il-proċess ta’ reklutaġġ”. L-IAS iffinalizza wkoll ix-xogħol prinċipali tal-awditjar għal żewġ kompiti oħra, “Il-politika tal-QEA dwar il-bini – Ir-rinnovazzjoni tal-binja K2” u “Il-proċessi ta’ evalwazzjoni u promozzjoni” li għalihom se jinħarġu rapporti fl-2023.
B’mod ġenerali, ix-xogħol tal-IAS ma żvelax xi nuqqasijiet li, min-natura jew il-kobor tagħhom, ikunu jixħtu dubju fuq l-affidabbiltà kumplessiva tas-sistemi ta’ kontroll intern stabbiliti mill-uffiċjal awtorizzanti b’delega biex jiżguraw il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet finanzjarji tagħna fl-2022.
Awditjar estern
Il-kontijiet annwali tagħna jiġu awditjati minn awditur indipendenti estern. Dan huwa importanti, billi juri li aħna napplikaw l-istess prinċipji tat-trasparenza u tal-obbligu ta’ rendikont għalina nfusna bħalma napplikaw għall-entitajiet li nawditjaw.
L-awditur estern tagħna – ACG Auditing & Consulting Group S.r.l. – ippubblika r-rapport tiegħu dwar il-kontijiet tagħna għas-sena finanzjarja 2021 fil-5 ta’ Mejju 2022, u ħareġ opinjoni favorevoli
Opinjonijiet tal-awditur estern tagħna – sena finanzjarja 2021
Dwar ir-rapporti finanzjarji tagħna:
“Fl-opinjoni tagħna, ir-rapporti finanzjarji jagħtu stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Qorti fil-31 ta’ Diċembru 2021, u tar-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).”
Dwar l-użu li aħna għamilna mir-riżorsi u mill-proċeduri ta’ kontroll:
“Fuq il-bażi tax-xogħol deskritt f’dan ir-rapport, hija l-fehma tagħna li l-Qorti kkonformat, fl-aspetti materjali kollha, mal-kriterji deskritti hawn fuq:
- ir-riżorsi assenjati lill-Qorti ntużaw għall-iskopijiet intenzjonati tagħhom;
- il-proċeduri ta’ kontroll stabbiliti jipprovdu l-garanziji meħtieġa biex jiżguraw il-konformità tal-operazzjonijiet finanzjarji mar-regoli u r-regolamenti applikabbli.”
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (https://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2023
| ISBN 978-92-847-9806-3 | ISSN 2362-9568 | doi:10.2865/258660 | QJ-AA-23-001-MT-N | |
| HTML | ISBN 978-92-847-9812-4 | ISSN 2362-9568 | doi:10.2865/72031 | QJ-AA-23-001-MT-Q |
| ISBN 978-92-847-9811-7 | ISSN 1831-1318 | doi:10.2865/819008 | QJ-AA-23-001-MT-C |
DRITT TAL-AWTUR
© L-Unjoni Ewropea, 2023
Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija stabbilita fid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-QEA dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA li jkun proprjetà tal-UE huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Għalhekk, bħala regola ġenerali, l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat dment li jingħata kreditu xieraq u li kwalunkwe bidla tiġi indikata. Dawk li jużaw mill-ġdid il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.
Irid jinkiseb permess addizzjonali jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza.
Fejn ikun inkiseb tali permess, dan għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.
L-użu mill-ġdid tar-ritratti li ġejjin huwa awtorizzat dment li jiġu indikati d-detentur tad-drittijiet tal-awtur, is-sors u, fejn ikun meħtieġ, l-ismijiet tal-fotografi:
* © L-Unjoni Ewropea, 2022, sors: il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
* © L-Unjoni Ewropea, 2022, sors: il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
* © L-Unjoni Ewropea, 2022, sors: il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
* © L-Unjoni Ewropea, 2022, sors: il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
* © L-Unjoni Ewropea, 2022, sors: il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
* © L-Unjoni Ewropea, 2022, sors: il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
* © L-Unjoni Ewropea, 2022, sors: il-Parlament Ewropew / Alexis Haulot.
* © GLOBAL VIEW SPRL – fotografu: Simon Schmitt. Periti tal-binjiet: Paul Noël (1988) u Jim Clemes (2004 & 2013).
Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, jista’ jkun meħtieġ li titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur:
* (fuq nett, fuq ix-xellug): © depositphotos.com/ mrdoomits.
* (fuq nett, fuq il-lemin): © depositphotos.com/ Xavier Lejeune.
* (ċentrali, fuq ix-xellug): © depositphotos.com/ adriaticphoto.
* (ċentrali, fin-nofs): © depositphotos.com/ halfpoint.
* (ċentrali, fuq il-lemin): © depositphotos.com/ fran11.
* (isfel nett): © stock.adobe.com/ denizbayram.
* © stock.adobe.com/ Weyo.
* © shutterstock.com/ jamesteohart.
* © Getty Images / Tonkovic.
* © stock.adobe.com/ Negro Elkha.
* © depositphotos.com/ Tashatuvango.
* © depositphotos.com.
* © shutterstock.com/ Billy Miaron.
Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid.
Il-familja ta’ siti web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuq dawn, inti mħeġġeġ tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.
Użu tal-logo tal-QEA
Ma jistax isir użu mil-logo tal-QEA mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.
KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik online (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).
Bit-telefown jew bil-miktub
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja lil dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696,
- permezz ta’ din il-formola:european-union.europa.eu/contact-eu/write-us_mt.
KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE
Online
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa (european-union.europa.eu).
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tara jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE minn op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tad-dokumentazzjoni lokali tiegħek (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex (eur-lex.europa.eu).
Data miftuħa tal-UE
Il-portal data.europa.eu jagħti aċċess għal settijiet tad-data miftuħa mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE. Dawn jistgħu jitniżżlu u jerġgħu jintużaw mingħajr ħlas, għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali. Il-portal jagħti aċċess ukoll għal għadd kbir ta’ settijiet tad-data mill-pajjiżi Ewropej.
