Rapport Speċjali
Nru04 2018

Assistenza mill-UE lill-Myanmar/Burma

Dwar ir-rapportAħna eżaminajna l-appoġġ għall-iżvilupp li l-UE tat lill-Myanmar/Burma u kkonkludejna li dan kien parzjalment effettiv. L-UE kellha rwol ewlieni fl-għoti ta’ appoġġ għal prijoritajiet għall-iżvilupp, u allokat finanzjament sinifikanti lill-pajjiż. Madankollu, aħna rrappurtajna xi nuqqasijiet fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet li saret mill-Kummissjoni, u fl-implimentazzjoni tal-assistenza li ngħatat mill-UE.
Fuq il-bażi tal-osservazzjonijiet f’dan ir-rapport, il-Qorti tagħmel għadd ta’ rakkomandazzjonijiet bl-għan li jsir titjib fil-ġestjoni tal-għajnuna għall-iżvilupp.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

Matul il-perjodu awditjat, il-Myanmar/Burma kien qed jesperjenza tranżizzjoni politika u ekonomika kbira u diffiċli. Fatturi bħal diżastri naturali, kunflitti etniċi u l-kapaċità limitata ta’ atturi u awtoritajiet lokali kienu qed ixekklu l-isforzi għall-iżvilupp.

II

Aħna eżaminajna jekk l-appoġġ li l-UE tat lill-Myanmar/Burma kienx effettiv. Għal din il-fini, l-awditu indirizza jekk is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Kummissjoni appoġġawx prijoritajiet stabbiliti sew fil-qasam tal-iżvilupp. Huwa eżamina wkoll kif il-Kummissjoni kienet immaniġġjat l-għajnuna għall-iżvilupp li ngħatat mill-UE u jekk l-appoġġ tal-UE għall-iżvilupp kienx laħaq l-objettivi tiegħu. L-awditu ffoka fuq l-infiq li kien ġie impenjat mill-2012 sal-2016 taħt l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI), b’segwitu għall-istabbiliment ta’ gvern ċivili fl-2011. B’kollox, l-UE allokat kważi EUR 1 biljun għall-perjodu 2012-2020.

III

Aħna kkonkludejna li l-appoġġ għall-iżvilupp li l-UE tat lill-pajjiż kien parzjalment effettiv. L-UE kellha rwol ewlieni importanti fl-għoti ta’ appoġġ għal prijoritajiet għall-iżvilupp, u allokat finanzjament sinifikanti lill-pajjiż. F’kuntest diffiċli, fejn l-istruttura istituzzjonali, il-progress fil-proċess ta’ paċi u l-pass tar-riformi kienu inċerti, l-UE rreaġiet b’mod attiv għall-ħtiġijiet tal-pajjiż. Madankollu, aħna rrappurtajna xi nuqqasijiet fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet li saret mill-Kummissjoni, u fl-implimentazzjoni tal-assistenza li ngħatat mill-UE.

IV

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiffoka fuq erba’ setturi ma kinitx konformi mal-Aġenda għall-Bidla tal-2011, u l-kapaċità tad-Delegazzjoni tal-UE li tlaħħaq mal-volum kbir ta’ xogħol ma ġietx ivvalutata. Il-Kummissjoni ma vvalutatx biżżejjed il-prijoritajiet ġeografiċi fi ħdan il-pajjiż. Il-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku ma kinitx inkluża fil-kunsiderazzjoni tal-prijoritajiet, minkejja li din hija fattur ewlieni għall-iżvilupp tal-Myanmar. Il-programmazzjoni konġunta tal-UE u l-Istati Membri individwali taħt l-Istrateġija ta’ Programmazzjoni Konġunta 2014-2016 kienet pass pożittiv.

V

Il-ġestjoni tal-għajnuna għall-żvilupp li ngħatat mill-UE kienet ġeneralment sodisfaċenti. L-azzjonijiet indirizzaw il-prijoritajiet tal-pajjiż fil-qasam tal-iżvilupp, iżda kien hemm dewmien. L-għażla tal-Kummissjoni rigward il-modalità tal-għajnuna kienet raġonevoli. Madankollu, il-ġustifikazzjoni għall-ammont ta’ finanzjament li ġie allokat għal kull settur u għal kull azzjoni ma ġietx iddokumentata. L-implimentazzjoni ddewmet ukoll minħabba li l-Programm ta' Azzjoni Annwali (PAA) 2016 qatt ma kien ġie adottat.

VI

L-implimentazzjoni tal-programmi tal-Fondi Fiduċjarji mmaniġġjati min-Nazzjonijiet Uniti kienet affettwata minn dewmien u minn assorbiment bil-mod tal-baġit għall-attivitajiet tal-programmi. Dawn il-Fondi akkumulaw bilanċi kbar ta’ flus iżda l-Kummissjoni ma żguratx li l-imgħax gwadanjat fuq il-kontribuzzjoni mill-UE jinżamm għall-azzjonijiet li kienu qed jiġu ffinanzjati. Id-dispożizzjonijiet relatati mal-kontroll tal-ispejjeż fil-kuntratti bejn l-UE u n-Nazzjonijiet Uniti ftit li xejn kellhom impatt.

VII

Matul il-perjodu 2012-2016, il-Kummissjoni ta’ spiss użat id-dipożizzjonijiet relatati mad-dikjarazzjoni tal-kriżi biex tagħmel kuntratti direttament mas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni. It-tneħħija tar-rekwiżit għal sejħiet għal proposti naqqset it-trasparenza tal-proċedura tal-għażla u rriżultat fir-riskju li jkollha effett negattiv fuq il-kosteffettività tal-proġetti.

VIII

Il-livell tal-kisba ta’ riżultati kien ivarja skont il-proġetti li ġew awditjati. Nofs biss ta’ dawn il-proġetti wasslu l-outputs ippjanati, prinċipalment minħabba dewmien fl-implimentazzjoni. L-eżiti u s-sostenibbiltà tar-riżultati ma setgħux jiġu vvalutati għal kważi nofs il-proġetti awditjati minħabba d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-programmi. Ġew osservati wkoll dgħufijiet fir-rigward tal-kwalità tal-indikaturi tal-proġetti u l-monitoraġġ tagħhom.

IX

Fuq il-bażi tal-osservazzjonijiet f’dan ir-rapport, il-Qorti tagħmel għadd ta’ rakkomandazzjonijiet bl-għan li jsir titjib fil-ġestjoni tal-għajnuna għall-iżvilupp mogħtija lill-Myanmar/Burma. Is-SEAE/il-Kummissjoni huma mitluba biex:

  • jimmiraw aħjar fuq l-oqsma ta’ appoġġ sabiex iżidu l-impatt tal-għajnuna;
  • isaħħu l-koordinazzjoni mad-DĠ ECHO;
  • jiġġustifkaw u jiddokumentaw l-allokazzjoni ta’ finanzjament għas-setturi u għall-azzjonijiet;
  • itejbu l-kosteffettività ta’ azzjonijiet b’multidonaturi;
  • itejbu l-mod kif jimmaniġġjaw il-proġetti u jiżguraw li l-azzjonijiet tal-UE jkollhom aktar viżibbiltà.

Introduzzjoni

01

Wara bosta deċennji ta’ tmexxija awtoritarja, il-Myanmar/Burma għaddej minn tranżizzjoni politika u ekonomika taħt gvern ċivili li tela fil-poter f’Marzu tal-2011. Il-gvern nieda sensiela ta’ riformi maħsuba biex isir tibdil fis-sitwazzjoni politika, demokratika u soċjoekonomika tal-pajjiż.

02

F’dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiż, il-PDG tiegħu kiber b’rata annwali medja ta’ 7.5 %1. Il-forza tax-xogħol hija żagħżugħa u l-pajjiż għandu ħafna riżorsi naturali, bħal gass, injam, deheb u ħaġar prezzjuż. Peress li l-fruntiera tiegħu tmiss mas-swieq taż-żewġ pajjiżi l-aktar ippopolati fid-dinja, iċ-Ċina u l-Indja, il-pajjiż qed jibbenefika minn żieda sinifikanti fl-investiment dirett.

03

Il-popolazzjoni tinkludi għadd kbir ta’ gruppi etniċi, li xi wħud minnhom huma involuti fi gwerer ċivili li ilhom għaddejjin żmien twil. Għad hemm tensjonijiet bejn gruppi etniċi u bejn dawk b’reliġjonijiet differenti. Il-gvern iffirma Ftehim ta' Waqfien mill-Ġlied fil-Pajjiż Kollu ma’ xi armati etniċi, iżda l-proċess ta’ paċi qed jipprogressa bil-mod. Tensjonijiet etniċi huma prevalenti fi stati fejn hemm gruppi etniċi li mhumiex Bamar, partikolarment fir-reġjuni fuq il-fruntiera fl-Istati ta’ Shan, Kachin u Rakhine (ara l-mappa fl-Anness I).

04

Fl-2016 u l-2017, reġgħet faqqgħet mill-ġdid il-vjolenza kontra l-minoranza Musulmana ta’ Rohingya fl-Istat ta’ Rakhine (ara l-mappa fl-Anness I), poplu li effettivament safa mingħajr Stat meta l-Liġi dwar iċ-Ċittadinanza Burmiża daħlet fis-seħħ fl-1982. Vjolenza rikorrenti taggrava l-kunflitt u tostakola l-isforzi umanitarji u ta’ żvilupp fir-reġjun.

05

Sabiex tħeġġeġ il-proċess tar-riformi, f’April tal-2012 l-UE ssospendiet is-sanzjonijiet imposti fuq il-gvern u sal-2013 kienet neħħiethom kollha minbarra l-embargo fuq l-armi. L-UE fetħet ukoll uffiċċju f’Yangon, li fl-2013 sar Delegazzjoni kompluta tal-UE.

06

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2013 dwar il-Qafas Komprensiv għall-politika tal-UE u l-appoġġ tagħha lill-Myanmar/Burma jistabbilixxu l-qafas tar-relazzjonijiet bilaterali. L-objettivi strateġiċi ta’ dan il-Qafas huma li (1) jiġu appoġġati l-paċi u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali, (2) tingħata assistenza għall-bini ta’ demokrazija li tiffunzjona, (3) jistimulaw l-iżvilupp u l-kummerċ (4) jingħata appoġġ għar-riintegrazzjoni tal-Myanmar fil-komunità internazzjonali.

07

F’Novembru tal-2013, saret laqgħa tat-Task Force UE-Myanmar/Burma biex jiġu ppreżentati lill-gvern l-għodod u l-istrumenti li l-UE għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tappoġġa d-demokratizzazzjoni. Saru sensiela ta’ forums, ippreseduti mir-Rappreżentant Għoli preċedenti tal-UE Catherine Ashton u minn wieħed mill-Ministri tal-Uffiċċju tal-President tal-pajjiż U Soe Thane, biex jissaħħu r-relazzjoni bilaterali f’għadd ta’ oqsma, inklużi l-assistenza għall-iżvilupp, is-soċjetà ċivili, il-proċess ta’ paċi, kif ukoll il-kummerċ u l-investiment.

08

Il-laqgħa tat-Task Force kienet segwita minn Djalogi bejn l-UE u l-Myanmar dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, fejn ġie esplorat kif l-assistenza li tingħata mill-UE tista’ tappoġġa l-isforzi biex jiġu stimulati d-drittijiet tal-bniedem, il-governanza demokratika u l-istat tad-dritt fuq il-post. L-UE offriet li tappoġġa lill-Gvern tal-Myanmar biex jirratifika l-konvenzjonijiet u l-istrumenti internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem. L-UE skjerat ukoll Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali biex tosserva l-elezzjoni ġenerali tat-8 ta’ Novembru 2015.

09

L-UE allokat aktar minn EUR 1 biljun għall-perjodu 2007-2020 (ara t-Tabella 1), prinċipalment taħt strumenti bilaterali, reġjonali u tematiċi2.

Tabella 1

Assistenza mill-UE allokata lill-Myanmar/Burma għas-snin 2007-2020

(EUR miljun)
Sors 2007-2011 2012-2013 Pakkett Speċjali 2012-2013 Total 2007-2013 2014-2020 Total 2007-2020
Strument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp
Pakkett bilaterali 32.0 93.0 125.0 688.0 813.0
Programmi tematiċi 43.9 7.7 34.0 85.6 20.6* 106.2
Programmi reġjonali 17.0 3.8 20.0 40.8 35.9* 76.7
Strumenti oħra (IfS, EIDHR, ICI+) 2.2 28.9 3.7 34.8 1.8 36.6
Total 95.1 40.4 150.7 286.2 746.3 1,032.5

* Allokazzjoni ta’ finanzjament sal-2017.

Sors: Il-Programmi Indikattivi Pluriennali (MIPs) 2007-2013 u 2014-2020 u l-Programmi ta' Azzjoni Annwali (PAA) 2007-2015.

10

Taħt il-Programm Indikattiv Pluriennali (MIP) 2007-2013, l-UE pprovdiet finanzjament bilaterali għal żewġ setturi fokali, jiġifieri l-edukazzjoni u s-saħħa. Strumenti tematiċi u finanzjament reġjonali ffukaw prinċipalment fuq il-programmi relatati mas-Sigurtà tal-Ikel u tal-Għajnuna lil Persuni Spostjati.

11

Fl-2012, sabiex iżżomm il-momentum tar-riformi, l-UE pprovdiet appoġġ ulterjuri lill-pajjiż taħt “Pakkett Speċjali” li ammonta għal EUR 150 miljun. Minħabba dan il-fnanzjament, l-appoġġ bilaterali ġie estiż biex ikopri żewġ setturi fokali oħra, jiġifieri l-bini tal-paċi u l-kummerċ.

12

Taħt il-MIP 2014-2020, il-finanzjament bilaterali li jammonta għal total ta’ EUR 688 miljun ġie allokat għal erba’ setturi fokali: l-iżvilupp rurali, l-edukazzjoni, il-governanza u l-bini tal-paċi. Flimkien mal-assistenza mogħtija lill-pajjiż taħt programmi u strumenti tematiċi u reġjonali, il-finanzjament mill-UE għall-pajjiż matul il-perjodu ta’ seba’ snin jilħaq is-EUR 746.3 miljun. Il-finanzjament li ġie allokat għal kull settur għall-perjodu 2007-2020 huwa ppreżentat fil-Figura 1.

Figura 1

Allokazzjoni ta’ finanzjament bilaterali, reġjonali u tematiku għal kull settur taħt id-DCI (f’miljun EUR)

Sorsi: Il-MIP 2007-2013, il-MIP 2014-2020, il-PAA 2007-2015.

13

Il-fondi ġew implimentati bl-użu ta’ modi ta’ ġestjoni diretta u indiretta3. Fl-2016, l-UE għaddiet 63 %4 tal-finanzjament lill-pajjiż taħt ġestjoni indiretta, fil-biċċa l-kbira permezz ta’ aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti. Kienu involuti l-Fondi Fiduċjarji li ġejjin: il-Fond Fiduċjarju għas-Sigurtà tal-Għajxien u tal-Ikel (LIFT), il-Programm għal Edukazzjoni Bażika ta’ Kwalità (QBEP), il-Fond għat-Tliet Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (3MDG) u l-Fond Konġunt għall-Paċi (JPF). Il-perċentwal tal-kontribuzzjonijiet mill-UE għall-Fondi kien ivarja bejn 11 % u 37 % (ara d-dettalji fl-Anness II). L-infiq taħt ġestjoni diretta, li kien jikkonsisti primarjament f’għotjiet, kien jirrappreżenta 37 % tal-portafoll kumplessiv.

14

Il-pajjiż irċieva appoġġ minn bosta donaturi. Matul il-perjodu 2012-2016, l-impenji tad-donaturi mis-sorsi kollha ammontaw għal total ta’ USD 8 biljun. Minbarra l-għajnuna mill-UE, il-pajjiż irċieva impenji mill-Ġappun (USD 3.3 biljun), mill-Bank Dinji (USD 1 biljun), mir-Renju Unit (USD 593 miljun) u mill-Istati Uniti (USD 477 miljun)5.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

15

L-awditu eżamina jekk l-appoġġ li l-UE tat lill-Myanmar/Burma kienx effettiv billi indirizza t-tliet mistoqsijiet li ġejjin:

  1. Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Kummissjoni appoġġaw prijoritajiet stabbiliti sew fil-qasam tal-iżvilupp?
  2. Il-Kummissjoni mmaniġġjat tajjeb l-għajnuna għall-żvilupp li ngħatat mill-UE?
  3. L-appoġġ għall-iżvilupp li ngħata mill-UE laħaq l-objettivi tiegħu?
16

L-awditu kopra l-infiq li ġie impenjat matul il-perjodu 2012-2016 u ffinanzjat taħt id-DCI. Aħna eżaminajna 20 proġett - 11-il proġett taħt il-mod ta’ ġestjoni indiretta (li minnhom 10 kienu mmaniġġjati mill-Fondi Fiduċjarji6 u wieħed kien ġie implimentat minn Aġenzija tal-Istati Membri7), u 9 proġetti taħt ġestjoni diretta8. Id-dettalji tal-proġetti awditjati jingħataw fl-Anness III.

17

Ix-xogħol tal-awditjar kien jinvolvi analiżi fl-uffiċċju ta’ evidenza dokumentarja, bħal dokumenti ta’ programmazzjoni u rapporti ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni. Kien jinkludi missjoni fuq il-post u intervisti ma’ persunal mid-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (DĠ DEVCO), mis-SEAE, mid-Delegazzjoni tal-UE u mid-Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej (DĠ ECHO), kif ukoll ma’ rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE għall-Myanmar/Burma, donaturi oħra, u sħab inkarigati mill-implimentazzjoni. Rapporti oħra tal-awditjar, ta’ verifikazzjoni9 u ta’ Monitoraġġ Orjentat lejn ir-Riżultati (MOR) li nħarġu minn korpi oħra ttieħdu inkunsiderazzjoni wkoll.

Osservazzjonijiet

Minkejja ċerti dgħufijiet, l-UE kellha rwol ewlieni fl-għoti ta’ appoġġ għal prijoritajiet stabbiliti fil-qasam tal-iżvilupp

18

Sabiex inwieġbu għall-ewwel mistoqsija tal-awditjar (ara l-paragrafu 15), aħna eżaminajna jekk is-SEAE u l-Kummissjoni kinux indirizzaw il-ħtiġijiet tal-pajjiż. Aħna eżaminajna wkoll jekk il-prijoritajiet tal-Kummissjoni fil-qasam tal-iżvilupp kinux iffukati biżżejjed u jekk hija kinitx ikkoordinathom ma’ donaturi oħra.

Is-SEAE u l-Kummissjoni indirizzaw il-ħtiġijiet tal-pajjiż

19

Is-SEAE u l-Kummissjoni rreaġew malajr għall-bidliet politiċi fil-pajjiż. Huma bdew djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem, skjeraw Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali u kienu involuti fil-proċess ta’ paċi. Id-Delagazzjoni tal-UE għall-Myanmar/Burma ġiet stabbilita fl-2013. Minkejja l-istruttura l-ġdida tad-Delegazzjoni tal-UE u l-isfidi lokali li ffaċċjaw, is-SEAE u l-Kummissjoni stabbilew djalogu ta' politika bikri u attiv mal-awtoritajiet nazzjonali u żguraw li nġabar għarfien estensiv.

20

Il-Gvern tal-Myanmar/Burma ma qabilx dwar pjan nazzjonali għall-iżvilupp tal-pajjiż. Il-ħtiġijiet tal-pajjiż kienu estensivi u koprew bosta oqsma, inklużi l-paċi, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-iżvilupp agrikolu, il-governanza u l-kapaċità istituzzjonali. L-għażla tas-setturi li kellhom jingħataw appoġġ ġiet iddeterminata f’konsultazzjoni mal-partijiet interessati, u l-gvern qies li dan kien jikkorrispondi mal-prijoritajiet ġenerali tiegħu fil-qasam tal-iżvilupp. L-UE allokat finanzjament sinifikanti lill-pajjiż biex jingħata appoġġ għall-prijoritajiet għall-iżvilupp (ara l-paragrafu 9).

L-għażla tal-prijoritajiet għall-iżvilupp ma kinitx iffukata biżżejjed

21

Fi ħdan il-qafas tal-MIPs għall-Myanmar/Burma, is-SEAE u l-Kummissjoni speċifikaw il-prijoritajiet għall-iżvilupp u l-allokazzjonijiet ta’ finanzjament. Il-programmazzjoni kellha tkun konformi mal-prijoritajiet globali tal-UE għall-politika għall-iżvilupp u timplimenta l-Aġenda għall-Bidla tal-201110. Kellha wkoll tiżgura l-koerenza u l-kumplementarjetà bejn id-diversi donaturi, kif ukoll l-allinjament mal-prijoritajiet tal-gvern.

22

L-objettiv primarju tal-Aġenda għall-Bidla tal-2011 kien li jkun hemm żieda sinifikanti fl-impatt u fl-effettività tal-politika tal-UE għall-iżvilupp. Hija rrikjediet l-involviment tal-UE f’massimu ta’ tliet setturi fokali, sabiex jiżdiedu l-impatt u l-effettività tal-assistenza tagħha. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li żżid l-għadd ta’ setturi fokali minn tnejn għal erbgħa (ara l-paragrafi 10 sa 12) ma kinitx iġġustifikata b’mod ċar skont il-linji gwida operattivi tagħha stess, u ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kapaċità tad-Delegazzjoni tal-UE li tlaħħaq ma’ portafoll għall-iżvilupp daqstant kbir f’ambjent tax-xogħol kumpless.

23

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma vvalutatx biżżejjed il-prijoritajiet ġeografiċi f’termini ta’ reġjuni. Pereżempju, l-ewwel studju dwar il-ħtiġijiet speċifiċi tal-Istat ta’ Rakhine (ara l-paragrafu 4) ma twettaqx qabel l-2017. Prijoritizzazzjoni ta’ dan it-tip setgħet żiedet l-impatt tal-appoġġ mill-UE.

24

Il-ġenerazzjoni ta’ dħul tal-gvern minn sorsi fiskali u mhux fiskali hija fattur kruċjali fl-iżvilupp sostenibbli, partikolarment f’pajjiż li għandu ħafna riżorsi naturali (ara l-paragrafu 2). Madankollu, il-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku ma ttiħdietx inkunsiderazzjoni biżżejjed meta kienu qed jiġu ddeterminati l-prijoritajiet, minkejja li hija l-qofol għall-iżvilupp tal-Myanmar.

Il-livell ta’ koordinazzjoni kien ivarja

25

Minn meta l-gvern ċivili tela’ fil-poter fil-Myanmar/Burma, kien hemm influss rapidu ta’ donaturi li kkontribwew fondi għall-iżvilupp (ara l-paragrafu 14). Il-gvern tal-pajjiż u s-sħab fil-qasam tal-iżvilupp kellhom laqgħat regolari u skambjaw informazzjoni biex jiżguraw li jkun hemm koordinazzjoni fost id-donaturi. Il-laqgħat tagħhom servew biex isir titjib fil-koerenza u fl-effettività tal-għajnuna għall-iżvilupp. L-UE pparteċipat b’mod attiv fil-forums ta’ kooperazzjoni.

26

L-UE u l-Istati Membri tagħha waqqfu l-Istrateġija ta’ Programmazzjoni Konġunta 2014-2016 biex jippromwovu l-effettività tal-għajnuna. il-Programmazzjoni Konġunta nksibet minkejja n-nuqqas ta’ pjan ta’ żvilupp nazzjonali, u kienet wieħed mill-ewwel eżempji ta’ dan it-tip fid-dinja kollha. Minkejja li ż-żieda fl-effettività tal-għajnuna kienet modesta f’termini ta’ kemm tnaqqset il-frammentazzjoni tal-għajnuna, il-proċess ta’ programmazzjoni konġunta rriżulta f’titjib fit-trasparenza, il-prevedibbiltà u l-viżibbiltà.

27

Madankollu, il-koordinazzjoni bejn id-DĠ ECHO u d-DĠ DEVCO ma kinitx adegwata. L-għajnuna umanitarja hija tassew meħtieġa f’ċerti reġjuni tal-Myanmar/Burma, partikolarment fl-Istati ta’ Rakhine u Kachin. Bejn l-2012 u l-2016 il-Kummissjoni Ewropea, permezz tad-DĠ ECHO, ipprovdiet madwar EUR 95 miljun għal programmi ta’ għajnuna favur is-sigurtà tal-ikel u biex tassisti lil vittmi tal-kunflitti. Minkejja li ż-żewġ Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni kienu attivi fil-pajjiż, l-interventi umanitarji tal-UE ma ttiħdux biżżejjed inkunsiderazzjoni meta l-programmi ġew ifformulati. Minbarra dan, ma kien hemm l-ebda pjan ta’ implimentazzjoni konġunta li ħoloq kollegament bejn l-għajnuna, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp (LRRD). Kien hemm eżempji ta’ kooperazzjoni fl-isferi tal-għajnuna umanitarja u l-għajnuna għall-iżvilupp, iżda dawn kienu aktar l-eċċezzjoni milli r-regola.

28

Barra minn hekk, id-DĠ ECHO ma kienx inkluż fl-Istrateġija ta’ Programmazzjoni Konġunta 2014-2016 iddefinita mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri (il-paragrafu 26). Din kienet opportunità mitlufa biex isir titjib l-koordinazzjoni, peress li l-assistenza umanitarja hija mistennija f’żoni ta’ kriżi fit-tul, li huwa l-każ għal xi wħud mir-reġjuni tal-pajjiż. Proċedura għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn id-DĠ DEVCO u d-DĠ ECHO ma ġietx formalizzata qabel Settembru tal-2016.

Il-mod kif il-Kummissjoni mmaniġġjat l-għajnuna għall-żvilupp li ngħatat mill-UE kien ġeneralment sodisfaċenti iżda kien affettwat minn dewmien u nuqqasijiet

29

Sabiex inwieġbu għat-tieni mistoqsija tal-awditjar (ara l-paragrafu 15), aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni kinitx identifikat u implimentat sew l-azzjonijiet u kinitx għażlet il-modalità xierqa ta’ għajnuna. Aħna eżaminajna wkoll jekk il-Kummissjoni kinitx ikkoordinat l-azzjonijiet ma’ donaturi oħra, u jekk l-azzjonijiet kinux ġew immonitorjati b’mod xieraq.

L-azzjonijiet kienu rilevanti iżda kien hemm xi xkiel

30

Taħt kull MIP il-Kummissjoni tadotta deċiżjonijiet ta’ finanzjament, jiġifieri Programmi ta' Azzjoni Annwali (PAA), li jiddefinixxu l-azzjonijiet, il-modalità tal-għajnuna u l-ammont totali ta’ finanzjament għal kull azzjoni. L-azzjonijiet magħżula kienu konformi mal-prijoritajiet determinati. Madankollu, għalkemm is-setturi fokali u l-azzjonijiet appoġġati kienu jikkonformaw mal-prijoritajiet tal-gvern (ara l-paragrafu 20), il-Kummissjoni ma ddokumentatx l-ammont ta’ finanzjament kif kien ġie ddeterminat, la għal kull wieħed mis-setturi taħt il-MIP u lanqas għal kull waħda mill-azzjonijiet taħt il-PAA.

31

Il-PAA 2016 ma ġiex adottat, peress li xi Stati Membri ma kinux favur l-approċċ propost qabel laqgħa li saret mill-Kumitat tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI). Il-Kummissjoni ddeċidiet li tirtira l-proposta. Il-fatt li l-PAA 2016 ma ġiex adottat irriżulta f’dewmien konsiderevoli fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ippjanati, peress li l-implimentazzjoni ta’ EUR 163 miljun taħt il-MIP għall-2016 ġiet posposta. Mill-allokazzjoni totali ta’ kważi EUR 1 biljun għall-perjodu 2012-2020 (ara t-Tabella 1), l-ammonti li ġew impenjati sa April tal-2017 kienu jlaħħqu t-EUR 380.7 miljun.

32

Il-kriterji operazzjonali li tqiesu meta ntgħażlu l-modalitajiet ta’ għajnuna u meta ġie żviluppat il-Pjan ta’ Implimentazzjoni kienu l-“volum ta’ xogħol futur tad-Delegazzjoni” u l-iżgurar ta’ “kombinament ta’ modalitajiet ta’ għajnuna”. L-ebda wieħed mill-PAA li ġew eżaminati ma kien jinkludi l-kriterju ta’ kosteffettività tal-attivitajiet iffinanzjati. Minkejja dan, fid-dawl tal-possibbiltajiet li kienu disponibbli, l-għażla tal-Kummissjoni fir-rigward tal-modalitajiet ta’ għajnuna kienet raġonevoli.

33

Aktar minn nofs l-ammonti impenjati ġew allokati taħt il-mod ta’ ġestjoni indiretta, u ngħaddew fil-biċċa l-kbira permezz tal-Fondi Fiduċjarji mmaniġġjati min-Nazzjonijiet Uniti (ara l-paragrafu 13). Dan ippermetta lill-Kummissjoni taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ donaturi oħra u li tkun involuta f’azzjonijiet għall-iżvilupp fuq skala kbira. Din il-modalità tal-għajnuna taffiet il-piż li kellu l-persunal tal-Kummissjoni, peress lil-ġestjoni tal-Fondi kienet primarjament ir-responsabbiltà tan-Nazzjonijiet Uniti.

L-Implimentazzjoni mill-Fondi Fiduċjarji kienet affettwata minn dewmien fl-impenn u l-żborżament tal-fondi

34

Il-Kummissjoni impenjat u żborżat il-fondi għall-Fondi Fiduċjarji b’mod rapidu, iżda l-implimentazzjoni tal-programmi tal-Fondi Fiduċjarji mmaniġġjati min-Nazzjonijiet Unit kienet affettwata minn dewmien u minn assorbiment bil-mod tal-baġit għall-attivitajiet tal-programmi. L-ammonti żborżati għall-attivitajiet tal-programmi taħt il-LIFT kienu jirrappreżentaw 53 % biss tal-kontribuzzjonijiet għall-Fond (b’durata mill-2012 sal-2018), u fil-każ tat-3MDG kenu jirrappreżentaw 68 % biss (b’durata mill-2012 sal-2017). Minkejja li l-JPF ġie stabbilit f’Diċembru 2015, 3 % biss tal-finanzjament ikkontribwit kien tħallas f’attivitajiet tal-programmi11.

35

Minħabba l-implimentazzjoni bil-mod tal-attivitajiet tal-programmi, il-bilanċi ta’ flus tal-Fondi Fiduċjarji mmaniġġjati min-Nazzjonijiet Uniti kienu mdaqqsin. Fil-każ tal-LIFT, tat-3MDG u tal-JPF, dawn ammontaw għal USD 74 miljun, USD 54 miljun u USD 18-il miljun12, rispettivament13.

36

Id-dispożizzjonijiet kuntrattwali li ġew iffirmati bejn l-UE u l-UNOPS, l-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti li timmaniġġja tlieta mill-erba’ Fondi Fiduċjarji fil-Myanmar/Burma, jippermettu lil dan tal-aħħar iżomm l-imgħax gwadanjat fuq il-fondi mogħtija bil-quddiem mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ma tirrikjedix li l-UNOPS talloka l-imgħax gwadanjat għall-attivitajiet tal-programmi.

Id-dispożizzjonijiet relatati mal-kontroll tal-ispejjeż fil-kuntratti bejn l-UE u n-Nazzjonijiet Uniti ftit li xejn kellhom impatt

37

Id-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jirregolaw il-finanzjament li l-UE tħallas għall-Fondi Fiduċjarji Multidonaturi tan-Nazzjonijiet Uniti huma stipulati fil-ftehimiet ta’ kontribuzzjoni. Dawn jiddeskrivu fil-qosor l-impenji finanzjarji taż-żewġ partijiet. Klawsola speċifika f’dawn il-ftehimiet ta’ kontribuzzjoni tiddikjara li l-ispejjeż indiretti jridu jkunu limitati għal 7 % tal-ispejjeż eliġibbli diretti mġarrba mill-Fondi. Billi l-Fondi huma mmaniġġjati min-Nazzjonijiet Uniti, il-kontroll tal-ispejjeż huwa primarjament ir-responsabbiltà tagħhom. Madankollu, il-Kummissjoni għandha wkoll obbligu li tiżgura li l-kontribuzzjonijiet tal-UE jkunu kosteffettivi. Biex tiżgura dan hija twettaq, fost oħrajn, kontrolli ta’ verifikazzjoni fuq il-Fondi.

38

Matul dawn il-kontrolli, il-verifikaturi jeżaminaw l-eliġibbiltà tal-ispejjeż li jiġu ppreżentati mill-Fondi Fiduċjarji. Skont il-ftehim li jkun intlaħaq bejn il-partijiet, jekk l-infiq jinstab li ma jkunx eliġibbli għal finanzjament mill-UE, ma jiġix rifjutat iżda jiġġarrab minn donaturi oħra, meta jkun hemm biżżejjed fondi. Dan huwa l-hekk imsejjaħ "approċċ nozzjonali". Aħna ltqajna ma’ każijiet fejn il-verifikazzjonijiet li twettqu f’isem il-Kummissjoni ppermettew li jinqabdu spejjeż ineliġibbli u fejn ġie applikat l-approċċ nozzjonali (ara l-Kaxxa 1).

Kaxxa 1

Eżempji tal-applikazzjoni tal-approċċ nozzjonali

LIFT

Fl-2012, kontroll ta’ veriifkazzjoni li twettaq mill-Kummissjoni ppermetta li jinqabdu spejjeż ineliġibbli ta’ EUR 7.35 miljun, li kienu prinċipalment ikkostitwiti minn pagamenti bil-quddiem u self, u li kienu ġew irrappurtati b’mod skorrett bħala nfiq. Bl-applikazzjoni tal-approċċ nozzjonali l-infiq ineliġibbli totali tnaqqas għal EUR 2.44 miljun, peress li l-maniġment tal-Fondi Fiduċjarji rrapporta li kien hemm biżżejjed fondi disponibbli minn donaturi oħra biex ikopru EUR 4.91 miljun tal-ispejjeż li ġew iddeterminati mill-Kummissjoni bħala ineliġibbli. Sussegwentement, il-biċċa l-kbira mill-EUR 2.44 miljun li kien jifdal ġew ikkumpensati mill-Kummissjoni permezz ta’ pagamenti oħra favur il-LIFT, u eventwalment il-bilanċ ta’ EUR 0.35 miljun ġie rkuprat mill-UNOPS.

3MDG / 3DF

Fl-2012, il-Fond għat-Tliet Mardiet (3DF) temm l-attivitajiet tiegħu, li mbagħad waqgħu taħt ir-responsabbiltà tat-3MDG. Eżerċizzju ta’ verifikazzjoni, li twettaq fl-2015, fuq il-Fond għat-Tliet Mardiet (3DF) irrapporta spejjeż indiretti ineliġibbli ta’ USD 640 000. Il-limitu massimu speċifikat għall-ispejjeż indiretti, li ammontaw għal 7 % tal-ispejjeż eliġibbli diretti speċifikati fil-ftehim ta’ kontribuzzjoni, kien inqabeż b’dan l-ammont. Meta l-maniġment tal-Fondi ġie nnotifikat dwar dan, huwa informa lill-Kummissjoni li s-somma kienet ġiet koperta mill-fondi mogħtija minn donaturi oħra.

39

L-eżempji ta’ hawn fuq juru l-limiti tal-kontroll li l-Kummissjoni tista’ teżerċita fuq il-kosteffettività tal-Fondi. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-ispejjeż li jinstabu li jkunu ineliġibbli mill-Kummissjoni eventwalment jitħallsu minn donaturi oħra. Għaldaqstant, is-sejbiet tal-kontrolli ta’ verifikazzjoni jkollhom ftit jew l-ebda impatt fuq il-kosteffettività tal-Fondi. Din hija wkoll is-sitwazzjoni għall-ispejjeż indiretti, fejn ma jkunx hemm qbil fost id-donaturi dwar l-applikazzjoni ta’ rata perċentwali xierqa.

40

F’każijiet fejn donatur ikun ukoll sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni f’azzjoni b’multidonaturi, bħal fil-QBEP (ara l-Anness II u l-Kaxxa 2), hemm riskju sinifikanti li l-ispejjeż indiretti li jaqbżu r-rata ta’ 7 % maqbula mal-UE jiġu allokati lis-sieħeb inkarigat mill-implimentazzjoni nnifsu jew lil donaturi oħra.

Kaxxa 2

Eżempju ta’ spejjeż indiretti għoljin

Fil-każ tal-QBEP, l-ispejjeż indiretti kienu darbtejn ogħla minn dawk previsti fil-kuntratti bejn l-UE u n-Nazzjonijiet Uniti: minbarra s-7 % tal-ispejjeż indiretti inklużi fil-baġit ġenerali tal-QBEP, 7 % oħra ġew inklużi fil-baġit tas-subgħotjiet għal proġetti implimentati permezz ta’ Organizzazzjonijiet Nongovernattivi (NGOs) Internazzjonali. L-ispejjeż imħallsin taħt dawn is-subgħotjiet jiġu allokati għal sorsi ta’ finanzjament li mhumiex fl-UE. Minkejja dan, il-kosteffettività kumplessiva ta’ azzjoni titnaqqas meta l-ispejjeż indiretti jiġu ddebitati darbtejn, irrispettivament mis-sors ta’ finanzjament li għalih jiġu assenjati l-ispejjeż.

Il-proċeduri kuntrattwali f’każ ta’ kriżi ġew applikati b’mod ġenerali wisq

41

Il-Kummissjoni ħadet deċiżjonijiet dwar il-proġetti kollha mmaniġġjati b’mod dirett, inkluż dwar l-ambitu u l-baġit tagħhom, u setgħet timmonitorja mill-qrib il-progress li sar matul il-ħajja ta’ proġett. Għodod bħall-eżerċizzju tal-MOR intużaw biex jassistu lill-Kummissjoni fl-immaniġġjar tagħha. Il-Kummissjoni kienet ukoll f’pożizzjoni li tieħu azzjoni matul l-andament ta’ proġett. Madankollu, kemm l-istabbiliment ta’ proġetti kif ukoll il-monitoraġġ tagħhom huma attivitajiet impenjattivi u li jieħdu ħafna ħin, speċjalment meta jkunu numerużi u mifruxin f’żoni mbegħdin b’aċċess diffiċli Għalhekk, il-Kummissjoni mmirat li tiffinanzja proġetti kbar.

42

Matul il-perjodu 2012-2016, il-Kummissjoni użat id-dispożizzjonijiet relatati mad-dikjarazzjoni tal-kriżi14 biex tagħmel kuntratti direttament mas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni mingħajr il-ħtieġa li toħroġ sejħiet għal proposti. L-użu tad-dikjarazzjoni tal-kriżi kien ifisser li kien hemm “periklu imminenti jew immedjat li jhedded li jiddeġenera f'kunflitt armat”, u l-għotjiet u l-kuntratti ta’ akkwist setgħu jiġu negozjati mingħajr ma jkun hemm il-ħtieġa ta’ sejħa għal proposti jew sejħa għall-offerti15. Inizjalment, id-dkjarazzjoni tal-kriżi kienet tapplika biss għall-Istati etniċi ta’ Chin, Kachin, Kayah, Kayin, Mon, Shan u Rakhine u fid-Diviżjoni ta’ Tanintharyi (ara l-mappa fl-Anness I). Fl-2014, il-Kummissjoni estendiet id-dikjarazzjoni tal-kriżi għall-kuntratti kollha li kienu jappoġġaw l-għanijiet għall-bini tal-paċi u tal-Istati fil-Myanmar u ġedditha kull sena. Id-dikjarazzjoni tal-kriżi kienet komprensibbli għaż-żoni affettwati direttament minn kunflitti iżda mhux daqstant għal żoni paċifiċi. It-tneħħija tar-rekwiżit għal sejħiet għal proposti naqqset it-trasparenza tal-proċedura tal-għażla u rriżultat fir-riskju li jkollha effett negattiv fuq il-kosteffettività tal-proġetti.

43

Għalkemm il-Kummissjoni nfisha ilha li invokat id-dikjarazzjoni tal-kriżi mill-2012, hija ma infurmatx lis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni dwar il-possibbiltà li jiġu applikati proċeduri flessibbli qabel l-2015 u l-2016, u mhux fl-2013 u l-2014. Filwaqt li l-Kummissjoni tat għotjiet b’mod dirett, hija talbet lis-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni biex japplikaw proċeduri ta' akkwist kuntrattwali fl-2013 u l-2014, anke fl-Istati etniċi.

Ir-riskju ta’ finanzjament doppju ma ġiex mitigat biżżejjed

44

Meta konna qed nivvalutaw kif il-Kummissjoni mmaniġġjat l-assistenza għall-iżvilupp, aħna sibna li r-riskju ta’ finanzjament doppju kien sinifikanti f’xi każijiet iżda ma ġiex mitigat (ara l-Kaxxa 3).

Kaxxa 3

Eżempji ta’ riskji ta’ finanzjament doppju

Il-Fond 3MDG jkopri tliet komponenti: (1) is-Saħħa tal-Ommijiet, tat-Trabi tat-Twelid u tat-Tfal; (2) it-Tuberkulożi, il-Malarja u l-HIV/AIDS; (3) l-Appoġġ għas-Sistemi. Il-Komponent Nru 2 huwa kopert ukoll mill-Fond Globali, li huwa bbażat f’Ġinevra, l-Iżvizzera, jopera fid-dinja kollha, inkluż fil-Myanmar/Burma, huwa kofinanzjat mill-UE, u mmaniġġjat mill-UNOPS. Il-finanzjament mit-3MDG għall-Komponent Nru 2 huwa intenzjonat speċifikament biex jikkomplementa dak li jiġi pprovdut mill-Fond Globali fil-Myanmar/Burma, u biex jimla xi lakuni li jista’ jkun hemm. Madankollu, ma kienx hemm valutazzjoni komprensiva tal-lakuni u d-duplikazzjonijiet bejn iż-żewġ Fondi16. L-ebda dettall rigward l-oqsma ta’ intervent taż-żewġ Fondi u l-baġits tagħhom ma ġie ppreżentat, la lill-Bord tal-Fond 3MDG u lanqas lill-Kummissjoni. Lanqas ma ttieħdu miżuri ta’ mitigazzjoni biex jiġi indirizzat ir-riskju ta’ finanzjament doppju.

F’każ ieħor, NGO lokali partikolari rċeviet appoġġ mill-UE għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet minn erba’ sorsi differenti ffinanzjati mill-UE, minħabba li ma saritx valutazzjoni tal-possibbiltà ta’ duplikazzjonijiet tal-finanzjament.

45

Barra minn hekk, tnejn mill-proġetti awditjati żvelaw koordinazzjoni dgħajfa ma’ donaturi oħra fil-livell tal-implimentazzjoni (ara l-Kaxxa 4).

Kaxxa 4

Eżempji ta’ opportunitajiet mitlufa f’termini ta’ koordinazzjoni

Fl-2012, il-Bank Dinji għamel impenn ta’ aktar minn USD 80 miljun għal “Programm Nazzjonali ta’ Żvilupp Immexxi mill-Komunitajiet (CDD)”. Dan il-programm ġie implimentat permezz ta’ diversi strutturi tal-gvern għall-iżvilupp, inklużi l-awtoritajiet muniċipali.

F’reġjun wieħed, l-UE ffinanzjat proġett għal EUR 5 miljun li kien jinkludi komponent tas-CDD. Fir-rapport ta’ monitoraġġ ġie osservat li l-inizjattivi kienu ġew implimentati permezz tal-istess partijiet interessati fil-livell muniċipali. Dan ħoloq strutturi paralleli u duplikazzjonijiet serji, għad li l-komunitajiet ibbenefikaw minn investiment addizzjonali fl-infrastruttura tagħhom.

F’reġjun ieħor, l-UE ffinanzjat proġett għal EUR 7 miljun li wkoll kien jinkludi komponent tas-CDD. Ir-rapport ta’ monitoraġġ indika li kien hemm nuqqas ta’ koordinazzjoni settorjali u r-riskju ta’ duplikazzjonijiet f’dan il-każ ukoll.

Kien hemm xi dgħufijiet fil-monitoraġġ tal-azzjonijiet iffinanzjati mill-UE u l-viżibbiltà kienet baxxa

46

L-azzjonijiet li twettqu mill-Kummissjoni ġew immonitorjati, irrappurtati u evalwati permezz ta’ rappurtar dwar il-proġetti, żjarat fuq il-post, rapporti dwar il-MOR, evalwazzjonijiet u awditi. Sar titjib fil-monitoraġġ fis-snin ta’ wara l-istabbiliment tad-Delegazzjoni tal-UE, iżda kien għad baqa’ xi dgħufijiet.

47

Ma kienx possibbli li jiġi vvalutat jekk kinux inkisbu l-outputs u l-eżiti stabbiliti fil-livell ta’ PAA, għal żewġ raġunijiet: xi wħud mill-PAA eżaminati ma kellhomx indikaturi tal-output jew tal-eżitu li setgħu jintużaw għall-valutazzjoni tal-azzjonijiet; anke fejn kien hemm indikaturi, ma kinitx teżisti data aggregata dwar l-outputs u l-eżiti tad-diversi azzjonijiet imwettqa f’kull settur ta’ intervent taħt il-PAA.

48

Xi wħud mill-PAA jitolbu l-istabbiliment ta’ kumitat ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni għall-azzjonijiet iffinanzjati. Fil-każijiet awditjati, dan il-kumitat jew ma kienx ġie stabbilit jew inkella kien ġie stabbilit tard. Barra minn hekk, aħna osservajna xi dgħufijiet fil-monitoraġġ f’50 % tal-proġetti awditjati (ara l-Anness IV), li nofshom kienu jinkludu proġetti tal-Fondi Fiduċjarji.

Il-Kummissjoni rreaġiet bil-mod għar-rapporti tal-missjonijiet ta’ verifikazzjoni
49

Il-Kummissjoni hija membru tal-bords tal-Fondi LIFT, 3MDG u JPF u tal-kumitat ta’ tmexxija tal-QBEP. Hija twettaq ukoll missjonijiet ta’ verifikazzjoni fl-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Kummissjoni damet biex inizjat ir-rapporti tal-missjonijiet ta’ verifikazzjoni u rreaġiet bil-mod għalihom (ara l-Kaxxa 5).

Kaxxa 5

Missjonijiet ta’ verifikazzjoni

LIFT

Fl-2012, il-Kummissjoni wettqet missjoni ta’ veriifkazzjoni fejn inqabdu spejjeż ineliġibbli li ammontaw għal EUR 7.35 miljun. L-ammont finali pendenti li kien baqa’ ma ġiex irkuprat qabel ma għaddew ħames snin oħra, f’Jannar tal-2017.

3MDG/3DF

Minkejja l-fatt li l-Fond 3DF intemm gradwalment fl-2012, l-ebda missjoni ta’ verifikazzjoni ma twettqet qabel l-2015, u r-riżultati ġew ippubblikati fl-2016, jiġifieri erba’ snin wara. L-ebda missjoni ta’ verifikazzjoni ma twettqet fir-rigward tat-3MDG.

Il-viżibbiltà tal-UE kienet baxxa.
50

Ir-rapporti tal-missjonijiet ta’ veriifkazzjoni u r-rapporti ta’ monitoraġġ indikaw li l-livell ta’ viżibbiltà tal-azzjonijiet iffinanzjati mill-UE huwa baxx. Il-livell seta’ jiġi vvalutat f’10 mill-proġetti awditjati, u fi 8 każijiet ma kienx kompletament konformi mad-dispożizzjonijiet kuntrattwali (ara l-Anness IV).

51

Wieħed mill-vantaġġi tal-Fondi Fiduċjarji tal-UE huwa ż-żieda fil-viżibbiltà. Bħala inizjatur tal-Fond Konġunt għall-Paċi, il-Kummissjoni kellha rwol importanti fit-tfassil u fl-istabbiliment tiegħu. Inizjalment hija kienet qieset il-possibbiltà li jinħoloq Fond Fiduċjarju tal-UE, iżda sussegwentement eskludietha formalment mill-istudju tat-tfassil tal-Fond, minħabba li ma setgħetx tikkonvinċi lil kontributuri potenzjali oħra dwar il-merti ta’ din il-possibbiltà.

L-ilħuq tal-objettivi kien affettwat minn dewmien fl-implimentazzjoni

52

Sabiex inwieġbu għat-tielet mistoqsija tal-awditjar (ara l-paragrafu 15), aħna eżaminajna jekk l-azzjonijiet wasslux l-outputs ippjanati u jekk kisbux l-eżiti mistennija. Id-dettalji tal-proġetti awditjati jingħataw fl-Anness III u stampa ġenerali tal-valutazzjoni tal-proġetti individwali hija ppreżentata fl-Anness IV.

Kien hemm xi riżultati tajbin, minkejja li l-kuntest kien diffiċli

53

L-objettivi tal-proġetti ffinanzjati mill-UE kienu li jkun hemm reazzjoni rapida u flessibbli fuq firxa ta’ oqsma rilevanti għat-tranżizzjoni politika tal-Myanmar, u li jingħata appoġġ għall-iżvilupp ta’ politika dwar kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali. Kemm il-fatturi esterni kif ukoll dawk interni kellhom impatt negattiv fuq it-twassil ta’ riżultati, u dgħajfu l-effettività tal-proġetti ffinanzjati. Minkejja l-kuntest diffiċli, xi wħud mill-proġetti li awditjajna kisbu riżultati tajbin (ara l-Kaxxa 6).

Kaxxa 6

Eżempji ta’ proġetti li kisbu riżultati tajbin

LIFT – Proġett relatat mal-mikrofinanzjament

L-iskop tal-proġett kien li jiżdied l-aċċess għas-self u għal servizzi finanzjarji oħra lil aktar minn 100 000 klijent bi dħul baxx fil-pajjiż, li mill-inqas nofshom huma jew nisa jew inkella joqogħdu f’żoni rurali. Il-LIFT ipprovda appoġġ lill-istituzzjonijiet mikrofinanzjarji, li ppermettielhom joperaw u jkomplu jipprovdu servizzi. Il-proġett irnexxa peress li ħafna għamlu użu mill-finanzjament biex jibdew negozju jew biex jespandu l-attivitajiet tagħhom.

3MDG – Proġett biex jingħata appoġġ għas-Saħħa tal-Ommijiet u tat-Tfal

Is-settur tas-saħħa tal-pajjiż isofri minn inadegwatezza tan-nefqa pubblika, u r-rati ta’ mortalità tal-ommijiet u tat-tfal huma għoljin ħafna. Il-proġett iffinanzjat mit-3MDG ipprovda appoġġ għar-riferiment ta’ emerġenza kemm għal nisa tqal kif ukoll għal tfal taħt il-ħames snin. Il-pazjenti rċevew pagamenti biex ikopru l-ispejjeż għat-trasport, għall-ikel u għat-trattament. Il-proġett huwa mistenni li jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-tnaqqis fir-rati ta’ mortalità tal-ommijiet u tat-tfal.

Proġett Nru 20

Dan il-proġett kien jinvolvi l-kostruzzjoni u t-titjib ta’ faċilitajiet edukattivi f’diversi postijiet fl-Istat ta’ Rakhine għal tfal mill-komunitajiet ta’ Rakhine u ta’ Rohingya, kemm dawk spostati f’pajjiżhom kif ukoll dawk le. Fi żmien iż-żjara tal-Qorti, għalkemm kien kmieni biex jiġu vvalutati l-eżiti mistennija, il-proġett kien qed iwassal l-outputs kif kien ippjanat.

Dewmien u dgħufijiet affettwaw l-implimentazzjoni tal-proġetti

54

Filwaqt li xi wħud mill-outputs ippjanati tal-proġetti awditjati twasslu fil-ħin, dan ma kienx il-każ għal ħafna minnhom. B’kollox, 75 % tal-proġetti awditjati kellhom dewmien fl-implimentazzjoni (ara l-Anness IV).

55

Fil-każ kemm ta’ proġetti tal-Fondi Fiduċjarji tan-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll ta’ proġetti taħt ġestjoni diretta, il-biċċa l-kbira kienu rilevanti għall-objettivi ddefiniti. Madankollu, kien hemm nuqqasijiet f’dan ir-rigward fi kwart tal-proġetti awditjati (ara l-Kaxxa 7).

Kaxxa 7

Eżempju ta’ proġett li kien biss parzjalment rilevanti għall-objettivi ddefiniti

L-objettiv ta’ proġett importanti għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet fil-livell istituzzjonali kien biex l-istituzzjonijiet pubbliċi u l-atturi mhux statali jissaħħu aktar. Madankollu, l-ambitu u r-riżultati tanġibbli tal-proġett kienu ġenerali wisq u ma kinux kompletament konformi mas-setturi fokali, peress li kienu wkoll relatati ma’ oqsma bħal “l-ambjent” u l-programm “Erasmus”.

56

L-objettivi tal-biċċa l-kbira mill-proġetti awditjati ssodisfaw il-kriterji SMART (speċifiċi, li jistgħu jitkejlu, li jistgħu jintlaħqu, rilevanti, marbuta mal-ħin), iżda l-indikaturi għal nofs il-proġetti li awditjajna ma kinux adegwati. B’mod ġenerali, l-ebda linja bażi jew valur fil-mira ma kienu ġew stabbiliti għal dawn il-proġetti, u dan xekkel il-monitoraġġ tar-rata ta’ implimentazzjoni, imwettaq mill-Kummissjoni, kif ukoll il-valutazzjoni tal-punt sa fejn l-objettivi kienu ntlaħqu.

57

Il-biċċa l-kbira mill-proġetti awditjati kisbu xi wħud mill-outputs ippjanati jew l-outputs ippjanati kollha. Madankollu, aħna ma stajniex nivvalutaw l-eżiti u s-sostenibbiltà tar-riżultati għal kważi nofs il-proġetti awditjati minħabba d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-programmi. Kien probabbli li l-eżiti mistennija kienu se jinkisbu f’terz biss tal-proġetti awditjati x’aktarx kienu se jinkisbu l-eżiti mistennija.

58

Skont rapporti dwar il-MOR tal-Kummissjoni, l-effettività tal-proġetti mmaniġġjati direttament fis-setturi vvalutati kienet ġeneralment “tajba”, iżda l-valutazzjoni tas-sostenibbiltà medja kienet “problematika”.

L-appoġġ li ngħata lill-Istat ta’ Rakhine ma kisibx riżultati sinifikanti
59

Minn impenn finanzjarju totali ta’ EUR 380.7 miljun favur il-pajjiż (ara l-paragrafu 31), EUR 38.8 miljun ġew allokati għall-Istat ta’ Rakhine. L-allokazzjoni finanzjarja mmirata għal dan l-Istat hija bbażata fuq it-tagħlimiet meħuda minn għadd żgħir ta’ sħab inkarigati mill-implimentazzjoni. Ir-riżultati mistennija għall-biċċa l-kbira mill-proġetti fil-kampjun tagħna li ġew implimentati fl-Istat ta’ Rakhine inkisbu parzjalment biss (ara l-Kaxxa 8).

Kaxxa 8

Proġett relatat mas-Sigurtà tal-Ikel fl-Istat ta’ Rakhine

Il-LIFT ta appoġġ lil proġett relatat mas-sigurtà tal-ikel fl-Istat ta’ Rakhine. Ir-riżultati li nkisbu meta nbeda fl-2013 ma kinux tajbin wisq għaż-żewġ raġunijiet li ġejjin

  • sfidi esterni, bħal attakki vjolenti fuq NGOs internazzjonali, u
  • defiċjenzi interni, bħal kapaċità baxxa ta’ implimentazzjoni fuq il-post u kooperazzjoni dgħajfa bejn is-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni.

Minkejja li l-maniġment tal-LIFT kien jaf bis-sitwazzjoni, wara li l-proġett skada, huwa kkuntratta l-istess sħab biex ikomplu jimplimentaw il-proġett, u ma nediex sejħa għal proposti.

60

L-objettiv tal-JPF li għadu kemm ġie stabbilit huwa li jipprovdi appoġġ lill-proċess ta’ paċi nazzjonali u inklużiv fil-Myanmar/Burma (ara l-Anness II). Madankollu, l-akbar komponent tal-Fond mhuwiex immirat lejn Rakhine. Din hija opportunità mitlufa għal dan ir-reġjun tassew vulnerabbli.

Konklużjonjiet u rakkomandazzjonijiet

61

Matul il-perjodu 2012-2016, il-Myanmar/Burma kien għaddej minn tranżizzjoni politika u ekonomika. Fatturi bħal diżastri naturali, kunflitti etniċi u l-kapaċità limitata ta’ atturi u awtoritajiet lokali kienu qed ixekklu l-isforzi għall-iżvilupp.

62

L-awditu eżamina jekk l-appoġġ li l-UE tat lill-Myanmar/Burma kienx effettiv. Aħna kkonkludejna li l-appoġġ għall-iżvilupp li l-UE tat lill-pajjiż kien parzjalment effettiv. F’kuntest diffiċli, l-UE kellha rwol importanti u ewlieni fl-għoti ta’ appoġġ għal prijoritajiet għall-iżvilupp, u allokat finanzjament sinifikanti lill-pajjiż. Madankollu, aħna rrappurtajna xi nuqqasijiet fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet li saret mill-Kummissjoni, u fl-implimentazzjoni tal-assistenza li ngħatat mill-UE.

63

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiffoka fuq erba’ setturi ma kinitx konformi mal-Aġenda għall-Bidla tal-2011 u mal-linji gwida operattivi proprji tal-Kummissjoni, u ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kapaċità tad-Delegazzjoni tal-UE li tlaħħaq mal-volum kbir ta’ xogħol. Ma saret l-ebda valutazzjoni tal-prijoritajiet ġeografiċi fi ħdan il-pajjiż. Il-ġenerazzjoni tad-dħul domestiku ma tqisitx meta kienu qed jiġu ddeterminati l-prijoritajiet għall-iżvilupp (ara l-paragrafi 22 sa 24).

Rakkomandazzjoni 1 – Il-ħtieġa li l-appoġġ ikun immirat biex jiżdied l-impatt

Jenħtieġ li l-Kummissjoni u s-SEAE:

  • jiffukaw fuq mhux aktar minn tliet oqsma speċifiċi ta’ intervent, jew jiġġustifikaw setturi ulterjuri;
  • jistimulaw il-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku;
  • jikklassifikaw il-prijoritajiet skont il-ħtiġijiet reġjonali l-aktar urġenti u l-livell ta’ appoġġ ipprovdut minn donaturi oħra fuq bażi ġeografika għall-pajjiż.

Skeda ta’ żmien: sal-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss, li jibda fl-2020.

64

Il-programmazzjoni konġunta tal-UE u l-Istati Membri individwali taħt l-Istrateġija ta’ Programmazzjoni Konġunta 2014-2016 kienet pass pożittiv (ara l-paragrafu 26). Il-koordinazzjoni bejn id-Direttorati Ġenerali li jimmaniġġjaw l-iżvilupp u l-assistenza umanitarja f’żoni ta’ kriżi fit-tul ma ħadmitx sew. Il-Kummissjoni ma fasslitx pjan ta’ implimentazzjoni konġunta għal-LRRD (ara l-paragrafu 27).

Rakkomandazzjoni 2 – Koordinazzjoni tal-interventi

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  • tiżviluppa pjan ta’ implimentazzjoni mad-DĠ ECHO li joħloq kollegament bejn l-għajnuna, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp partikolarment f’żoni ta’ kriżi fit-tul;
  • tinkludi l-għajnuna umanitarja fid-dokument il-ġdid ta’ programmazzjoni imfassal mal-Istati Membri tal-UE (Strateġija ta’ Programmazzjoni Konġunta).

Skeda ta’ żmien: sa tmiem l-2018.

65

Il-ġestjoni tal-għajnuna għall-żvilupp li ngħatat mill-UE kienet ġeneralment sodisfaċenti. L-azzjonijiet indirizzaw il-prijoritajiet tal-pajjiż fil-qasam tal-iżvilupp, iżda kien hemm dewmien. L-għażla tal-Kummissjoni rigward il-modalità tal-għajnuna kienet raġonevoli. Madankollu, il-ġustifikazzjoni ta’ kif ġie ddeterminat l-ammont ta’ finanzjament li kellu jiġi allokat għal kull settur u għal kull azzjoni ma ġietx iddokumentata. L-implimentazzjoni ddewmet ukoll, peress li l-PAA 2016 qatt ma ġie adottat (ara l-paragrafi 30 sa 33).

Rakkomandazzjoni 3 – Implimentazzjoni tal-azzjonijiet

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  • tiġġustifika u tiddokumenta l-allokazzjoni ta’ finanzjament għal kull settur fokali u għal kull azzjoni.

Skeda ta’ żmien: sal-fażi ta’ programmazzjoni tal-MIP il-ġdid (2019/2020).

66

L-implimentazzjoni tal-programmi tal-Fondi Fiduċjarji mmaniġġjati min-Nazzjonijiet Uniti kienet affettwata minn dewmien u minn assorbiment bil-mod tal-baġit għall-attivitajiet tal-programmi (il-paragrafu 34). Il-Fondi Fiduċjarji mmaniġġjati min-Nazzjonijiet Uniti akkumulaw bilanċi kbar ta’ flus iżda l-Kummissjoni ma żguratx li l-imgħax gwadanjat fuq il-kontribuzzjoni mill-UE jinżamm għall-azzjonijiet li kienu qed jiġu ffinanzjati (ara l-paragrafu 36). Id-dispożizzjonijiet relatati mal-kontroll tal-ispejjeż fil-kuntratti bejn l-UE u n-Nazzjonijiet Uniti kellhom impatt limitat (ara l-paragrafi 37 sa 40). Il-Kummissjoni rreaġiet bil-mod għar-rapporti tal-missjonijiet ta’ verifikazzjoni (ara l-paragrafu 49).

Rakkomandazzjoni 4 – Kosteffettività tal-azzjonijiet b’multidonaturi

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  • tagħmel ħilitha biex tilħaq qbil ma’ donaturi oħra dwar il-livell xieraq ta’ spejjeż indiretti.

Skeda ta’ żmien: sa tmiem l-2018.

67

Matul il-perjodu 2012-2016, il-Kummissjoni użat id-dipożizzjonijiet relatati mad-dikjarazzjoni tal-kriżi biex tagħmel kuntratti direttament mas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni. It-tneħħija ġenerali tar-rekwiżit għal sejħiet għal proposti naqqset it-trasparenza tal-proċedura tal-għażla u rriżultat fir-riskju li jkollha effett negattiv fuq il-kosteffettività tal-proġetti (ara l-paragrafi 41 sa 43).

68

Sar titjib fil-monitoraġġ matul is-snin, iżda kien hemm xi dgħufijiet. Ma kienx hemm indikaturi suffiċjenti tal-output u tal-eżitu għall-valutazzjoni tal-azzjonijiet. Il-Kummissjoni ma żguratx li l-kumitati ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni ġew stabbiliti skont id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (ara l-paragrafu 48). B’mod ġenerali, l-appoġġ tal-UE ma kienx viżibbli biżżejjed (ara l-paragrafu 50).

Rakkomandazzjoni 5 – Monitoraġġ tal-azzjonijiet

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  • tikkonsolida l-informazzjoni disponibbli sabiex l-outputs u l-eżiti stabbiliti fil-livell tal-PAA jkunu jistgħu jiġu vvalutati aħjar;

Skeda ta’ żmien: sal-2019.

  • tinsisti li jkunu applikati d-dispożizzjonijiet dwar il-viżibbiltà tal-azzjonijiet tal-UE.

Skeda ta’ żmien: sa tmiem l-2018.

69

Il-livell tal-kisba ta’ riżultati kien ivarja b’mod sinifikanti skont il-proġetti li ġew awditjati. Nofs biss tal-proġetti awditjati wasslu l-outputs ippjanati, prinċipalment minħabba dewmien fl-implimentazzjoni (ara l-paragrafu 54). Il-proġetti fil-kampjun tal-Qorti li ġew implimentati fl-Istat ta’ Rakhine ma kisbux riżultati sinifikanti (ara l-paragrafu 59). Il-fatt li l-Fond Konġunt għall-Paċi li għadu kemm ġie stabbilit mhuwiex immirat lejn ir-reġjun tassew vulnerabbli tal-Istat ta’ Rakhine, huwa opportunità mitlufa (ara l-paragrafu 60).

Rakkomandazzjoni 6 – Kisba ta’ riżultati

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  • ittejjeb il-mod kif timmaniġġja l-proġetti biex jiġi evitat dewmien fl-implimentazzjoni tagħhom;
  • terġa’ tesplora l-possibbiltà li l-isfera ta’ kompetenza tal-Fond Konġunt għall-Paċi tkun tinkludi l-Istat ta’ Rakhine.

Skeda ta’ żmien: sa tmiem l-2018.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla III, immexxija mis-Sur Karel PINXTEN, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu, fil-laqgħa tagħha tat-12 ta’ Diċembru 2017.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President

Annessi

Anness I

Mappa tal-Myanmar/Burma

Anness II

Fondi Fiduċjarji mmaniġġjati min-Nazzjonijiet Uniti

Il-Fond Fiduċjarju għas-Sigurtà tal-Għajxien u tal-Ikel (LIFT) huwa fond fiduċjarju multidonatur li għandu l-objettivi li jgħin lill-persuni fqar u żvantaġġati tal-Myanmar/Burma joħorġu mill-faqar, u li jassistihom biex jegħlbu l-malnutrizzjoni u jtejbu l-għajxien tagħhom. Il-Fond huwa mmaniġġjat mill-Uffiċċju tas-Servizzi tal-Proġetti tan-Nazzjonijiet Uniti (UNOPS).

Il-Fond għat-Tliet Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (3MDG) għandu l-objettivi li jnaqqas il-piż tat-tliet mardiet li jittieħdu (l-HIV/AIDS, it-tuberkulożi u l-malarja) u li jtejjeb is-saħħa tal-ommijiet u tat-tfal fil-Myanmar/Burma. Fl-2012, il-Fond għat-Tliet Mardiet (3DF) waqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Fond 3MDG, meta l-attivitajiet tiegħu ntemmu. Il-Fond 3MDG huwa mmaniġġjat mill-UNOPS.

Il-Programm għal Edukazzjoni Bażika ta’ Kwalità (QBEP) twaqqaf bl-objettiv li jiżdied l-aċċess ekwu għall-edukazzjoni bażika u l-iżvilupp bikri ta’ tfal żgħar, speċjalment f’komunitajiet żvantaġġati u li ma jintlaħqux faċilment Huwa mmaniġġjat mill-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF).

Il-Fond Konġunt għall-Paċi (JPF) huwa intenzjonat li jappoġġa proċess ta’ paċi nazzjonali u inklużiv fil-Myanmar/Burma. Huwa ġie stabbilit fl-2015 u huwa mmaniġġjat mill-UNOPS.

Tabella

Kontribuzzjonijiet tal- UE li ngħataw għall-Fondi Fiduċjarji mmaniġġjati min-Nazzjonijiet Uniti

(USD miljun)
Settur ta’ intervent Fond Perjodu Kontribuzzjonijiet mill-Fondi tad-Donaturi Kontribuzzjonijiet mill-UE impenjati % tal-impenji tal-UE mqabbel mal-kontribuzzjonijiet totali tad-donaturi Fi
Sigurtà tal-Ikel/
Għajxien/
Żvilupp Rurali
LIFT 2009-2017 439.7 130.2 30% 31.1.2017
Saħħa 3MDG 2012-2017 279.6 31.5 11% 1.11.2016
Edukazzjoni QBEP 2012-2017 76.6 28.5 37% 31.12.2016
Bini tal-paċi JPF 2015-2017 105.2 20.8 20% 28.2.2017

Sors: Il-QEA.

Anness III

Kampjun ta’ proġetti awditjati

(miljun)
Nru tal-Kuntratt Settur ta’ intervent Kuntrattur Ikkuntrattati Imħallsa Data tal-bidu Data ta’ tmiem l-operazzjonijiet
Fond Fiduċjarju għas-Sigurtà tal-Għajxien u tal-Ikel (LIFT) UNOPS EUR 81.8 EUR 47.5 1.1.2012 31.12.2018
1 Proġett relatat man-negozju agrikolu Kumpanija Privata USD 18.1 USD 11 18.12.2015 31.12.2018
2 Proġett relatat mas-Sigurtà tal-Ikel NGO USD 22.1 USD 15 1.3.2013 31.12.2015
3 Proġett relatat mas-Sigurtà tal-Ikel NGO USD 10.5 USD 4.3 1.1.2016 31.12.2018
4 Proġett relatat mal-mikrofinanzjament Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti USD 7.0 USD 6.7 1.11.2012 31.12.2018
5 Proġett relatat mal-Aċċess għas-Suq NGO USD 4.0 USD 3.4 11.6.2014 10.6.2017
6 Proġett relatat mas-Sigurtà tal-Ikel NGO USD 2.1 USD 0.8 10.6.2016 31.5.2019
Fond għat-Tliet Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (3MDG) UNOPS EUR 27.5 EUR 22.4 1.1.2013 31.12.2017
7 Proġett relatat mat-tuberkulożi UNOPS USD 13.0 USD 4.5 1.10.2014 31.12.2017
8 Saħħa tal-Ommijiet u tat-Tfal NGO USD 6.8 USD 5.6 1.7.2014 31.12.2017
Programm għal Edukazzjoni Bażika ta’ Kwalità (QBEP) UNICEF EUR 22.0 EUR 21.7 1.1.2013 30.6.2017
9 Kura Bikrija tat-Tfal Assoċjazzjoni Klerikali USD 4.0 USD 3.1 23.10.2014 30.6.2016
10 Rispons għall-Edukazzjoni Bikrija NGO USD 2.4 USD 1.3 15.10.2013 20.6.2017
(EUR miljun)
11 Governanza Aġenzija tal-Istati Membri 20.0 9.4 1.8.2015 31.7.2019
12 Governanza Kumpanija privata 12.2 2.4 1.10.2015 30.9.2018
13 Għajnuna lil Persuni Spostjati NGO 8.0 5.5 10.7.2012 9.4.2017
14 Bini tal-paċi Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti 7.0 3.8 15.3.2015 14.3.2019
15 Bini tal-paċi NGO 7.0 4.4 1.2.2015 31.7.2018
16 Għajnuna lil Persuni Spostjati NGO 5.6 5.0 29.12.2012 14.8.2017
17 Bini tal-paċi NGO 5.0 2.8 1.3.2015 31.8.2018
18 Bini tal-paċi NGO 5.0 1.0 1.10.2016 30.9.2020
19 Għajnuna lil Persuni Spostjati NGO 3.2 2.9 1.2.2013 30.4.2017
20 Bini tal-paċi Assoċjazzjoni Klerikali 2.0 1.6 1.1.2015 31.12.2017

Anness IV

Valutazzjoni tal-proġetti individwali - stampa ġenerali

Nru Magħżul tajjeb Rilevanti QAFAS LOĠIKU Immonitorjat tajjeb Skont l-iskeda/
assorbiment tal-baġit
Outputs imwassla X’aktarx li jikseb l-eżiti mistennija Sostenibbiltà tal-azzjoni/strateġija ta' ħruġ Viżibbiltà tal-UE
Objettivi SMART Indikaturi RACER Linja bażi/
valuri fil-mira
1 Parzjalment Iva Parzjalment Parzjalment Le Iva Iva Iva Kmieni wisq Kmieni wisq Parzjalment
2 Iva Iva Parzjalment Parzjalment Parzjalment Le Le Le Le Parzjalment Le
3 Parzjalment Iva Iva Iva Iva Parzjalment Parzjalment Parzjalment Kmieni wisq Kmieni wisq Parzjalment
4 Le Iva Iva Iva Iva Iva Iva Iva Parzjalment Parzjalment Le
5 Iva Iva Iva Iva Iva Le Le Le Le Parzjalment Le
6 Iva Iva Le Parzjalment Parzjalment Parzjalment Parzjalment Parzjalment Kmieni wisq Kmieni wisq Parzjalment
7 Le Iva Iva Iva Iva Parzjalment Le Parzjalment Kmieni wisq Kmieni wisq Mhux ivvalutata
8 Iva Iva Iva Iva Iva Iva Parzjalment Iva Iva Parzjalment Mhux ivvalutata
9 Parzjalment Parzjalment Iva Iva Iva Iva Iva Iva Iva Iva Mhux ivvalutata
10 Parzjalment Parzjalment Iva Iva Iva Iva Iva Iva Iva Kmieni wisq Le
11 Iva Iva Iva Le Le Le Parzjalment Parzjalment Kmieni wisq Kmieni wisq Mhux ivvalutata
12 Iva Parzjalment Iva Le Le Le Iva Parzjalment Kmieni wisq Kmieni wisq Mhux ivvalutata
13 Iva Iva Iva Parzjalment Le Parzjalment Le Parzjalment Parzjalment Le Mhux ivvalutata
14 Parzjalment Parzjalment Iva Parzjalment Parzjalment Iva Parzjalment Parzjalment Le Parzjalment Mhux ivvalutata
15 Iva Iva Iva Iva Iva Parzjalment Parzjalment Iva Kmieni wisq Kmieni wisq Iva
16 Parzjalment Iva Iva Parzjalment Le Iva Le Parzjalment Parzjalment Iva Mhux ivvalutata
17 Iva Iva Iva Parzjalment Parzjalment Parzjalment Parzjalment Iva Iva Iva Parzjalment
18 Parzjalment Iva Iva Parzjalment M/A Kmieni wisq Le Kmieni wisq Kmieni wisq Kmieni wisq Kmieni wisq
19 Parzjalment Parzjalment Iva Iva Le Iva Parzjalment Iva Parzjalment Parzjalment Mhux ivvalutata
20 Iva Iva Iva Iva Parzjalment Iva Parzjalment Iva Kmieni wisq Kmieni wisq Iva

Risposti tal-Kummissjoni u tas-SEAE

Sommarju eżekuttiv

IV

Fl-opinjoni tal-Kummissjoni u s-SEAE, l-għażla tal-prijoritajiet u s-setturi ta’ żvilupp kienet waħda ffukata u ntlaħaq qbil fuq l-inklużjoni tar-raba’ settur fokali mal-Kummissarju għall-Iżvilupp u l-gvern tal-Myanmar / Burma.

Bi tweġiba għaż-żieda fix-xogħol fuq il-kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-Myanmar / Burma, l-UE fetħet uffiċċju f’Yangon, li f’Settembru 2013 ġie mibdul f’Delegazzjoni tal-UE.

Id-deċiżjoni dwar il-prijoritajiet ġeografiċi tittieħed fuq bażi annwali, matul l-identifikazzjoni u l-formulazzjoni tal-Programmi ta' Azzjoni Annwali (AAP - Annual Action Programmes), sabiex takkumpanja d-dinamiċi tal-proċess tal-paċi, li huwa pjuttost imprevedibbli u volatili.

Il-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku ġiet indirizzata b’koordinazzjoni ma’ donaturi oħrajn permezz tal-Fond Fiduċjarju Pubbliku ta’ Ġestjoni Finanzjarja b’bosta donaturi amministrat mill-Bank Dinji, djalogu ta’ politika, l-appoġġ għall-parteċipazzjoni tal-Myanmar / Burma fl-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI, Extractive Industries Transparency Initiative), u passi fil-qasam tal-Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEGT - Forest Law Enforcement, Governance and Trade).

V

Wara proċess ta’ konsultazzjoni ta' programmar bir-reqqa 2012-2014, inkluż mal-gvern, u filwaqt li qieset b’mod partikolari l-ħtiġijiet u l-kapaċità tal-assorbiment tas-setturi fokali rispettivi, il-Kummissjoni ddeċidiet biex b’mod indikattiv talloka sa 35 % kull wieħed lill-ewwel żewġ setturi fokali (żvilupp rurali u edukazzjoni) u sa 15 % kull wieħed liż-żewġ setturi fokali li jifdal (il-governanza u l-konsolidazzjoni tal-paċi) fil-Programm Indikattiv Pluriennali (MIP - Multiannual Indicative Programme) tagħha għall-Myanmar / Burma.

Id-determinazzjoni tal-allokazzjoni tal-fondi għal kull azzjoni taħt l-AAPs hija parti mill-identifikazzjoni u mill-formulazzjoni ta’ azzjonijiet ġodda.

VI

F’ċerti istanzi, id-dewmien taħt Fondi Fiduċjarji ġestiti min-NU kien dovut għall-kumplessità tal-ambjent tax-xogħol u għall-feġġa mill-ġdid tal-kunflitt, bħal f’ċerti żoni etniċi.

Il-mudell ta’ kontribuzzjoni li ntlaħaq qbil fuqu mal-Organizzazzjonijiet Internazzjonali jipprevedi li l-interessi ggwadanjati fuq pagamenti ta’ prefinanzjament mhumiex dovuti ħlief jekk ir-regoli tal-Organizzazzjoni jipprevedu r-rimborż tal-interessi. Dan huwa konformi mar-Regolament Finanzjarju u l-atti bażiċi. Madankollu sabiex tiġi evitata l-akkumulazzjoni tal-prefinanzjament, il-ftehim dwar il-kontribuzzjoni fl-Artikolu 15 tal-Kundizzjonijiet Ġenerali jipprevedi li l-pagament li jmiss jista’ jinħareġ biss mal-impenn ta’ 70 % tal-pagament ta’ qablu eżatt (u 100 % tal-oħrajn ta’ qabel).

VII

Il-Kummissjoni tapplika r-regoli u l-proċeduri standard tagħha kif ukoll ir-regoli interni li jippermettu deroga, taħt ċerti kundizzjonijiet, minn dawn ir-regoli standard eż. f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Id-dispożizzjonijiet ta’ flessibbiltà f’konformità mar-Regolament Finanzjarju u l-atti bażiċi ppermettew li jiġi ffrankat il-ħin meta mqabbel ma’ approċċi standard, filwaqt li żammew bilanċ bejn il-ħeffa u t-trasparenza.

F’numru limitat ta’ okkażjonijiet, il-Kummissjoni nqdiet bl-użu tad-dispożizzjonijiet dwar id-dikjarazzjoni ta’ kriżijiet. Meta għamlet dan, kellha raġunijiet validi.

Minħabba fiċ-ċirkostanzi fil-Myanmar / Burma, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-għotjiet mogħtija permezz ta’ sejħiet għall-proposti mhumiex neċessarjament aktar kosteffettivi mill-għotjiet mogħtija taħt proċeduri flessibbli.

VIII

Filwaqt li nofs il-proġetti awditjati kisbu r-riżultati ppjanati kompletament, 40 % oħra rnexxielhom jiksbuhom parzjalment, minħabba li meta sar l-awditu kienu għadhom qed jiġu implimentati. Sadanittant diversi proġetti rreġistraw titjib fl-ilħuq tar-riżultati.

Il-Kummissjoni qed twettaq evalwazzjoni strateġika tal-pajjiż dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE fil-Myanmar / Burma fl-2018, li se tinvestiga l-eżiti u s-sostenibbiltà.

Tul is-snin, id-Delegazzjoni tal-UE għamlet titjib sostanzjali fil-monitoraġġ tal-proġetti.

IX
  • Il-Kummissjoni u s-SEAE huma tal-opinjoni li l-oqsma ta’ appoġġ huma ffukati biżżejjed.
  • Id-DĠ DEVCO u d-DĠ ECHO tal-Kummissjoni diġà saħħew il-koordinazzjoni tagħhom u se jsaħħuha aktar fil-kuntest tal-operazzjonalizzazzjoni tar-rabta bejn l-aspett umanitarju u l-iżvilupp, li għalih il-Myanmar / Burma ntgħażlet mill-Kunsill bħala pajjiż pilota.
  • Il-Kummissjoni se tiddokumenta l-allokazzjoni tal-finanzjament ta’ kull settur fokali matul il-fażi ta’ programmazzjoni tal-MIP li jmiss. Minħabba li l-ġustifikazzjoni tal-allokazzjoni tal-finanzjament għal kull azzjoni ġdida diġà tkun ġiet diskussa matul l-identifikazzjoni u l-formulazzjoni tagħhom, il-Kummissjoni se tiżgura li l-allokazzjoni tiġi ddokumentata għall-azzjonijiet taħt l-AAP tal-2018 u s-snin sussegwenti.
  • Il-Kummissjoni se tkompli tiżgura l-kosteffettività tal-azzjonijiet b’bosta donaturi b’koordinazzjoni mill-qrib mad-donaturi kontribwenti l-oħrajn, u bħala membru tal-Kumitat ta’ Tmexxija / il-Bord tal-Fondi. Madanakollu l-Kummissjoni hija wkoll marbuta mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju.
  • Il-Kummissjoni se tibqa’ attiva ħafna biex ittejjeb il-ġestjoni tal-proġetti u se tkun qed tivvaluta l-istatus tal-implimentazzjoni fuq bażi regolari.

S'issa diġà ttieħdu passi biex il-komunikazzjoni u l-viżibbiltà tal-Azzjonijiet tal-UE jiżdiedu b’mod sinifikanti.

Introduzzjoni

07

Erba’ Kummissarji attendew it-Task Force u l-Kummissarju għall-Iżvilupp Piebalgs mexxa l-Forum dwar l-Iżvilupp flimkien mal-Ministru għall-Iżvilupp Ġermaniż Niebel u l-Ministru tal-Ippjanar tal-Myanmar / Burma Kan Zaw. L-Istati Membri kollha tal-UE preżenti fil-pajjiż ukoll attendew u qablu rigward id-dokument dwar il-Programmazzjoni Konġunta inizjali u l-oqsma ta’ prijorità għall-appoġġ tal-UE u l-Istati Membri.

08

Jum qabel it-Task Force f’Nay Pyi Taw, f’Yangon ġew organizzati l-Forum dwar is-Soċjetà Ċivili Demokratika, mal-HR/VP Asthon u Aung San Suu Kyi, il-Forum dwar l-Iżvilupp u l-Forum dwar in-Negozju.

11

Il-fondi addizzjonali fil-pakkett ta’ EUR 150 miljun ma kinux biss importanti biex jappoġġaw it-tranżizzjoni, iżda ppermettew ukoll ingaġġ u djalogu aktar profond mal-gvern ċivili l-ġdid li miegħu d-donaturi kienu qegħdin jingaġġaw għall-ewwel darba.

Osservazzjonijiet

20

Fin-nuqqas ta’ Pjan iffinalizzat ta’ 20 sena dwar l-Iżvilupp Komprensiv Nazzjonali, il-Kummissjoni għamlet użu mill-Qafas għar-Riformi Ekonomiċi u Soċjali (FESR) 2012-2015 tal-gvern tal-Myanmar / Burma bħala d-dokument ta’ referenza ewlieni. L-appoġġ tal-MIP 2014-2020 għas-setturi fokali tal-edukazzjoni u l-agrikoltura kien qed jibni fuq programmi kofinanzjati tal-UE li għadhom għaddejjin (bħall-QBEP u l-LIFT) u bbaża fuq l-analiżi u r-rapporti tagħhom. Għas-settur fokali tal-edukazzjoni, ir-Riforma tas-Settur tal-Edukazzjoni Komprensiva appoġġata mill-UE pprovdiet analiżi settorjali.

21

Il-proċess ta’ konsulazzjoni dwar il-prijoritajiet ta’ żvilupp u l-allokazzjonijiet ta’ finanzjament mal-gvern tal-Myanmar / Burma kien jinkludi laqgħat f’livell ministerjali fi Brussell, Yangon u Nay Pyi Taw.

22

Il-Kummissjoni u s-SEAE jemmnu li l-għażla tal-prijoritajiet ta’ żvilupp kienet waħda ffukata. Il-proċess ta’ selezzjoni tal-erba’ setturi fokali sar bir-reqqa, kien parteċipatorju u ntlaħaq qbil dwaru mal-gvern.

L-istruzzjonijiet tal-programmar tal-Kummissjoni-SEAE konġunti għad-DCI għall-perjodu 2014-2020 jippermettu settur fokali addizzjonali f’ċirkostanzi speċifiċi, bħat-tranżizzjoni minn assistenza umanitarja għal dik għall-iżvilupp, jew theddid għas-sigurtà / għar-riskji ta’ kunflitt emerġenti, biex il-prijoritajiet essenzjali marbuta ma’ attivitajiet ta’ konsolidazzjoni tal-paċi u tal-Istat jiġu appoġġati.

Minħabba fiż-żieda sinifikanti fil-finanzjament għal Myanmar / Burma mill-2012 ’il quddiem, filwaqt li tqis il-finanzjament globali għas-setturi rispettivi u l-kapaċità ta’ assorbiment tagħhom, u bil-għan li tiżgura l-kontinwità tal-appoġġ tal-UE taħt is-setturi fokali tal-MIP 2011-2013 (bl-eċċezzjoni magħrufa tas-saħħa), il-Kummissjoni ddeċidiet li tiffinanzja l-erba’ setturi fokali taħt l-MIP 2014-2020. Dan ġie ppreżentat fil-kuntest tal-Programmazzjoni Konġunta u ntlaħaq qbil dwaru mill-Kummissarju għall-Iżvilupp u l-gvern, minħabba l-importanza politika tal-proċess ta’ paċi etnika għall-istabbiltà u l-iżvilupp.

Meta l-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni dwar il-pakkett speċjali ta’ EUR 150 miljun għall-2012-2013, din kienet akkumpanjata mill-istabbiliment ta’ uffiċċju tal-UE f’Yangon, li f’Settembru 2013 ġie mibdul f’Delegazzjoni tal-UE.

23

F’konformità mal-istruzzjonijiet dwar il-programmazzjoni msemmija hawn fuq, l-MIP 2014-2020, jippermetti l-flessibbiltà biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet mhux previsti tal-aktar komunitajiet vulnerabbli f’kuntest ta’ stat fraġli u sitwazzjonijiet ta’ kunflitt u kriżi, bħal fil-Myanmar / Burma. Proċess ta’ paċi ma jistax jiġi previst u għalhekk, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi prijoritizzazzjoni ġeografika fl-2013-2014 għall-perjodu ta’ programmazzjoni kollu tal-2014-2020. Din id-deċiżjoni tittieħed fuq bażi annwali, matul l-identifikazzjoni u l-formulazzjoni tal-AAPs, sabiex takkumpanja d-dinamiċi tal-proċess ta’ paċi. Sabiex tiżgura l-kosteffettività, il-Kummissjoni tagħmel użu minn studji rilevanti. Matul l-eżerċizzju tal-programmar, tqiesu studji aktar bikrin dwar il-ħtiġijiet tal-Istat ta’ Rakhine, li kienu kkummissjonati jew mill-UE jew minn donaturi oħrajn. Fl-2014, il-gvern qasam ukoll abbozz tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Istat ta’ Rakhine mad-donaturi, li madankollu baqa’ ma tlesta qatt. Fuq kollox, 10 % mill-finanzjament matul il-perjodu ta’ rappurtar ġie allokat lill-Istat ta’ Rakhine. Dan jirrifletti l-prijorità ġeografika ċara u rikonoxxuta. Barra minn hekk, l-għażla tal-proċess ta’ paċi bħala settur fokali uniku diġà implikat prijoritizzazzjoni ġeografika għal żoni ta’ kunflitt.

24

L-UE ilha tenfasizza l-importanza tal-ġestjoni tar-riżorsi naturali, minħabba li sehem kbir mid-dħul domestiku potenzjali huwa marbut mal-użu tal-ħafna riżorsi naturali.

L-UE appoġġat lill-gvern biex dan jaqleb għal ġestjoni aktar sostenibbli tar-riżorsi naturali tiegħu, permezz tal-EITI u l-FLEGT. L-UE pparteċipat b’mod attiv fil-proċess ta’ koordinazzjoni tad-donaturi dwar ir-riformi fil-Ġestjoni tal-Finanzi Pubbliċi.

Parti kbira mir-riżorsi naturali tal-Myanmar / Burma hija kkonċentrata f’żoni kkontestati jew f'żoni taħt il-kontroll ta’ Gruppi Etniċi Armati u mhux il-gvern. Kwalunkwe diskussjoni dwar żieda fid-dħul mit-taxxa mill-ġestjoni tar-riżorsi naturali tiddependi fuq il-progress tal-proċess ta’ paċi.

27

Il-Kummissjoni tixtieq tisħaq li kien hemm koordinazzjoni effettiva bejn id-DĠ ECHO u d-DĠ DEVCO kemm fil-livell tal-kwartieri ġenerali kif ukoll fil-livell tad-Delegazzjoni tal-UE, b’mod partikolari matul l-identifikazzjoni u l-formulazzjoni tal-azzjonijiet rilevanti f’żoni fejn id-DĠ ECHO pprovda assistenza umanitarja.

Il-Kummissjoni bdiet tagħmel fil-prattika l-Kollegament bejn l-Għajnuna, ir-Riabilitazzjoni u l-Iżvilupp (LRRD). Id-DĠ DEVCO wkoll nieda żewġ studji mmirati lejn l-identifikazzjoni ta’ interventi sensittivi għall-kunflitti għal żieda fir-reżiljenza f’żoni ta’ kriżi fit-tul.

Il-Myanmar / Burma ġie inkluż f’lista ta’ pajjiżi pilota, approvata mill-Kunsill f’Settembru 2017, biex toperazzjonalizza r-rabta bejn l-aspett umanitarju u l-iżvilupp.

Il-Proġett 20 huwa l-kontinwazzjoni u l-espansjoni ta’ proġett iffinanzjat mid-DĠ ECHO (l-Inizjattiva Children of Peace tal-UE), u b’hekk jimplimenta l-approċċ tal-LRRD. Il-kontinwazzjoni ta’ proġett 13 tinkludi komponent imsaħħaħ fuq in-nutrizzjoni mmirat biex jikkumplimenta l-appoġġ għan-nutrizzjoni tad-DĠ ECHO fit-Tramuntana tal-Istat ta’ Rakhine.

28

Ir-rapport finali ta’ Marzu 2017 tal-evalwazzjoni tal-proċess ta’ programmazzjoni konġunt tal-kooperazzjoni ta’ żvilupp tal-UE (2011-2015) jirrakkomanda wkoll li “l-kwartieri ġenerali tal-UE u tal-Istati Membri għandhom jiddefinixxu b’mod aktar preċiż il-kamp ta’ applikazzjoni jew il-perimetru globali tal-programmazzjoni konġunta u kif din tittrasforma fil-gwida tagħha, pereżempju kif l-għajnuna umanitarja, li fin-natura tagħha mhijiex programmabbli, tista’ tiġi inkluża.”

Sa mill-ftuħ tad-Delegazzjoni tal-UE, kollegi tas-SEAE, id-DĠ DEVCO u d-DĠ ECHO skambjaw il-fehmiet tagħhom fuq bażi regolari u daħlu għal missjonijiet konġunti fuq il-post.

Filwaqt li l-laqgħat bejn id-DĠ DEVCO u d-DĠ ECHO ma ġewx formalizzati qabel Settembru 2016, kienu ilhom iseħħu skambji regolari sa minn meta d-DĠ ECHO stabbilixxa ruħu fil-post il-ġdid bħala d-Delegazzjoni tal-UE f’nofs l-2014.

L-azzjonijiet kollha taħt is-settur fokali tal-konsolidazzjoni tal-paċi, li ġew adottati mill-2012 ’il quddiem kienu jirriflettu r-rabtiet, il-konsultazzjonijiet u l-koordinazzjoni meħtieġa ma’ atturi umanitarji, inkluż id-DĠ ECHO. Il-programm dwar l-Għajnuna lil Nies Imġiegħla Jitilqu minn Darhom (AUP, Aid to Uprooted People) ukoll ġie implimentat f’kooperazzjoni mill-qrib mad-DĠ ECHO u jibni fuq uħud mill-kisbiet tiegħu fl-Istati etniċi.

30

Wara proċess ta’ konsultazzjoni bir-reqqa, inkluż mal-gvern, u waqt li qieset b’mod partikolari l-ħtiġijiet u l-kapaċità tal-assorbiment tas-setturi fokali rispettivi, il-Kummissjoni ddeċidiet sabiex b’mod indikattiv talloka sa 35 % kull wieħed lill-ewwel żewġ setturi fokali (l-iżvilupp rurali u l-edukazzjoni) u sa 15 % kull wieħed liż-żewġ setturi fokali li jifdal (il-governanza u l-konsolidazzjoni tal-paċi).

Id-determinazzjoni tal-allokazzjoni tal-fondi għal kull azzjoni taħt l-AAPs hija parti mill-identifikazzjoni u l-formulazzjoni tagħhom u tqis il-ħtiġijiet u l-kapaċità ta’ assorbiment, il-modalità ta’ implimentazzjoni u l-finanzjament mis-sħab, mill-gvern u minn donaturi oħrajn, il-perjodu ta’ żmien speċifikat tal-implimentazzjoni eċċ.

31

Il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li xi Stati Membri ma kinux f’pożizzjoni li jaqblu mal-programm dwar l-appoġġ baġitarju propost, fost l-oħrajn minħabba tħassib rigward il-kuntest politiku, inkluż eskalazzjoni serja tas-sitwazzjoni fl-Istat ta’ Rakhine.

Dan wassal għal dewmien fil-finanzjament ta’ azzjoni waħda, waħda biss mill-azzjonijiet previsti fil-Myanmar / Burma. Filwaqt li għall-2016 ma ġie adottat l-ebda AAP, il-Kummissjoni adottat l-AAP tal-2017 (EUR 39 miljun) li jipprovdi aktar appoġġ tal-UE fl-oqsma tal-konsolidazzjoni tal-paċi u l-governanza.

32

Il-Kummissjoni tixtieq tisħaq li l-kriterji operazzjonali tax-xogħol li jrid isir fil-futur u t-taħlita ta’ modalitajiet ta’ għajnuna mhumiex l-uniċi kriterji operazzjonali li jitqiesu meta jkunu qed jintgħażlu l-modalitajiet ta’ għajnuna. Il-Kummissjoni tqis li l-appoġġ baġitarju huwa l-modalità ppreferuta li tikkorrispondi għall-aqwa prinċipji tal-effettività tal-għajnuna, u li jippermetti ingaġġ aktar b’saħħtu u djalogu ta’ politika rinfurzat mal-pajjiżi sħab. Madankollu, il-Kummissjoni dejjem tesplora alternattivi sabiex taħdem aktar mal-aġenziji tal-Istati Membri, u tipprova tidentifika aktar opportunitajiet għat-taħlit u kooperazzjoni aktar strateġika mal-organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-kriterju tal-kosteffettività jitqies speċifikament matul il-fażijiet ta’ identifikazzjoni u formulazzjoni ta’ azzjonijiet ġodda, u jiġi vvalutat bir-reqqa ħafna matul il-fażi tal-kuntrattar.

33

Il-ġestjoni indiretta taffiet il-piż tal-ġestjoni tal-persunal tal-Kummissjoni u ppermettiet aktar ħin biex issir enfasi inter alia fuq id-djalogu politiku, id-diskussjonijiet strateġiċi, il-koordinazzjoni u l-monitoraġġ.

34

L-infiq ftit wisq bikri tal-programmi ta’ Fondi Fiduċjarji ġestiti min-NU seħħ minħabba dewmien fl-attivitajiet ta’ bidu. L-infiq ftit inqas ta’ aktar tard xi drabi seħħ minħabba dewmien f’attivitajiet ewlenin f’oqsma fejn reġa’ faqqa’ l-konflitt.

Ir-rata ta’ nfiq hija wieħed biss mill-indikaturi li jkejlu l-prestazzjoni tal-proġetti. Barra minn hekk, ir-rata mhijiex lineari u tiddependi fuq it-tip ta’ attivitajiet iffinanzjati.

36

F’konformità mar-Regolament Finanzjarju u l-atti bażiċi, il-mudell ta’ kontribuzzjoni li ntlaħaq qbil fuqu mal-Organizzazzjonijiet Internazzjonali jipprevedi li l-interessi ggwadanjati fuq il-pagamenti tal-prefinanzjament mhumiex dovuti ħlief jekk ir-regoli tal-Organizzazzjoni jipprevedu r-rimborż tal-interessi.

L-UNOPS, f’konformità mar-regoli tiegħu, qed jalloka tali interessi lill-attivitajiet tal-programm jekk il-ftehim dwar il-kontribuzzjoni korrispondenti jistipula dan.

37

Il-Kummissjoni mhux biss tiżgura l-kosteffettività permezz ta’ missjonijiet ta’ verifika. Il-pertinenza tal-kosti l-ewwel tiġi vvalutata qabel il-firma tal-kuntratt, permezz ta’ reviżjoni bir-reqqa tal-baġit ippreżentat mill-Organizzazzjoni. Imbagħad, il-Kummissjoni tipparteċipa f’Bordijiet ta’ Fondi li jieħdu deċiżjoni rigward l-orjentazzjoni tal-programm. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirċievi għallinqas kull sena rapporti narrattivi u finanzjarji mill-Organizzazzjoni dwar l-implimentazzjoni u n-nefqa tal-programm attwali. L-analiżi ta’ dawn ir-rapporti mbagħad tiddetermina r-rilaxx attwali – u l-ammont – tal-prefinanzjament li jmiss.

Dawk il-mekkaniżmi jagħtu lill-Kummissjoni l-opportunità li tiddiskuti l-orjentazzjoni tal-programm u l-adegwatezza tal-użu tal-fondi. Il-Kummissjoni taħdem fil-ġestjoni indiretta ma’ Organizzazzjonijiet ivvalutati minn pilastru li l-proċeduri ta’ kontroll intern, awditu u kontabbiltà tagħhom diġà ġew awditjati, u meqjusa ekwivalenti għal dawk stabbiliti mill-Kummissjoni.

38

L-Artikolu 42 tar-Regoli tal-Applikazzjoni jistipula li meta l-kompiti ta’ implimentazzjoni baġitarja jkunu fdati lil entità li timplimenta azzjoni b’bosta donaturi, għandha ssir verifika dwar kemm l-ammont li jikkorrispondi għal dak imħallas mill-Kummissjoni għall-azzjoni jkun intuża mill-entità għall-azzjoni f’konformità mal-obbligi stipulati fil-ftehim iffirmat mal-entità.

Il-Kummissjoni hija permessa tapplika l-approċċ nozzjonali, li skontu, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni rilevanti jista’ jiddeċiedi li jqis li dawn ir-rekwiżiti tal-UE huma ssodisfati diment li l-ammont li jikkontribwixxu d-donaturi l-oħrajn għall-azzjoni kofinanzjata jkun biżżejjed biex jitħallsu l-attivitajiet li skont ir-regoli tal-UE huma ineliġibbli. Għalhekk kwalunkwe tnaqqis fin-nefqa ineliġibbli bl-użu tal-approċċ nozzjonali huwa kompletament konformi mal-implimentazzjoni tar-regoli fis-seħħ.

Dan il-mekkaniżmu jippermetti lill-Kummissjoni tipparteċipa f’fondi fiduċjarji b’bosta donaturi, jiġifieri li tipparteċipa fi proġetti importanti f’koordinazzjoni ma’ donaturi oħrajn. Dan spiss huwa l-aktar mod effiċjenti kif tiġi żgurata l-effiċjenza u l-effettività tal-azzjonijiet iffinanzjati mill-UE u ma jkunx possibbli li kieku kellha tiġi imposta l-allokazzjoni tal-fondi. Sabiex dan ikun jista’ jiffunzjona, l-approċċ nozzjonali jistabbilixxi r-regola li skontha, il-kontribuzzjoni tagħna se tkopri biss kosti li huma eliġibbli għall-Kummissjoni u għalhekk ma jimponix ir-regoli tal-eliġibbiltà tal-Kummissjoni għal kontribuzzjonijiet li jaslu mingħand donaturi oħrajn li għandhom regoli differenti.

Kaxxa 1 - Eżempji tal-applikazzjoni tal-approċċ nozzjonali

LIFT

Il-Kummissjoni applikat l-approċċ nozzjonali minħabba li kien hemm biżżejjed fondi disponibbli minn donaturi oħrajn biex ikopru parti min-nefqa tal-LIFT, li skont ir-regoli tal-UE kienet ineliġibbli. It-tpaċija hija forma waħda ta’ rkupru tal-fondi mis-sħab ta’ implimentazzjoni.

3MDG / 3DF

Il-Kummissjoni applikat l-approċċ nozzjonali minħabba li kien hemm biżżejjed fondi disponibbli minn donaturi oħrajn biex ikopru parti min-nefqa tat-3DF, li skont ir-regoli tal-UE kienet ineliġibbli.

39

Waqt li jkun qed isir il-kuntrattar, il-baġit tal-azzjoni jiġi ppreżentat mill-Organizzazzjoni u jiġi diskuss mill-Kummissjoni. F’konformità mar-rekwiżiti kuntrattwali tagħna, il-kosti indiretti jiġu ffissati għal 7 % tal-kosti diretti eliġibbli. Huwa argumentat li dan il-perċentwal jista’ ma jkunx biżżejjed biex ikopri l-kosti indiretti attwali mġarrba mill-Organizzazzjoni biex timplimenta l-proġetti; madankollu, il-Kummissjoni mhijiex f’pożizzjoni li taqbel fuq rata differenti ma’ donaturi oħrajn. Għal azzjonijiet b’bosta donaturi u azzjonijiet komparabbli, il-Kummissjoni ma tistax tinnegozja r-regoli dwar il-kosti indiretti tad-donaturi l-oħrajn iżda l-Kummissjoni tiżgura li r-remunerazzjoni / l-kosti indiretti mhumiex ogħla minn dawk mitluba mill-Organizzazzjoni għal kontribuzzjonijiet komparabbli (Artikolu 4.2 tal-FAFA).

40

Il-Kummissjoni se tapplika biss l-approċċ nozzjonali għan-nefqa meqjusa ineliġibbli għall-UE iżda eliġibbli għal donaturi kontribwenti oħrajn, inkluż meta s-sieħeb ta’ implimentazzjoni jkun ukoll donatur kontributur, sakemm l-ammont ikkontribwit mid-donaturi l-oħrajn għall-azzjoni kofinanzjata jkun biżżejjed biex jitħallsu l-attivitajiet li huma ineliġibbli taħt ir-regoli tal-UE.

Kaxxa 2 - Eżempju ta’ kosti indiretti għoljin

Il-Kummissjoni tikkonferma li l-ftehim iffirmat bejn il-Kummissjoni u l-UNICEF jistabbilixxi massimu ta’ 7 % ta’ kosti diretti tal-azzjoni biex jiġu kklejmjati bħala kosti indiretti. Barra minn hekk, il-ftehim jistipula li kwalunkwe kost indirett għall-azzjonijiet li jiġu implimentati minn entitajiet oħra għandu jiġi kopert minn dawn is-7 %. Id-Delegazzjoni tal-UE kkomunikat lill-UNICEF li l-fondi sejrin jiġu rkuprati jekk dawn ma jkunux jistgħu jiġu koperti bl-użu tal-approċċ nozzjonali.

41

Il-Kummissjoni qieset ukoll il-kosteffiċjenza meta ġiet biex tieħu deċiżjoni dwar id-daqs tal-proġetti.

42

Il-Kummissjoni applikat il-proċeduri flessibbli taħt id-dikjarazzjoni ta’ kriżi f’konformità mar-Regolament Finanzjarju.

Il-Kummissjoni u s-SEAE huma tal-opinjoni li proċeduri flessibbli, meta jintużaw b’mod strateġiku f’pajjiżi tad-dikjarazzjoni ta’ kriżi, jistgħu jipprovdu benefiċċji sinifikanti. Il-Kummissjoni rrikorriet għall-użu ta’ proċeduri flessibbli f’numru limitat ta’ okkażjonijiet taħt dikjarazzjonijiet ta’ kriżi suċċessivi minħabba li t-tranżizzjoni fraġli tal-Myanmar/Burma mhux dejjem kienet tippermetti assistenza għall-iżvilupp regolari. Din teħtieġ l-użu ta’ mekkaniżmi effettivi u flessibbli li jlaħħqu mar-realtijiet fil-prattika u jippermettu lill-UE twieġeb malajr għal żviluppi ġodda.

Id-dikjarazzjoni ta’ kriżi tiġi deċiża fil-livell tad-Direttur Ġenerali tad-DĠ DEVCO, wara konsultazzjoni adegwata mal-Kummissarju għall-Iżvilupp. Tali dikjarazzjoni kienet fis-seħħ matul il-perjodu ta’ referenza. Sa Lulju 2014, kienet tkopri biss l-Istati etniċi tal-Myanmar/Burma. Wara talba mid-Delegazzjoni tal-UE fl-2014 biex testendi d-dikjarazzjoni ta’ kriżi għat-territorji kollha tal-Myanmar/Burma, il-Kummissjoni ddeċidiet li testendi l-kriżi, iżda biss għal kuntratti li jappoġġaw l-għanijiet tal-konsolidazzjoni tal-paċi u l-bini tal-Istat fil-Myanmar/Burma. Bħala kundizzjoni addizzjonali għall-applikazzjoni ta’ din l-estensjoni, l-appovazzjoni minn qabel tad-direttur ġeografiku tad-DĠ DEVCO hija meħtieġa fuq bażi ta' każ b'każ. Il-Kummissjoni tixtieq tisħaq li din l-opinjoni ma ġietx utilizzata matul il-perjodu ta’ referenza. Id-dikjarazzjoni ta’ kriżi attwali se tibqa’ fis-seħħ sat-30 ta’ Ġunju 2018 u kwalunkwe estensjoni ulterjuri se tgħaddi minn proċess ta’ reviżjoni bir-reqqa.

Minkejja dan, għotja diretta tfisser proċedura nnegozjata, b’rapport li jispjega r-raġuni wara l-għażla u diskussjonijiet li jikkonċernaw in-negozjar tal-azzjonijiet u r-reġistrazzjoni kif xieraq tal-baġit. Konsegwentement, il-proċeduri jibqgħu dejjem trasparenti u konformi bis-sħiħ mal-proċeduri tar-Regolament Finanzjarju.

Għalkemm wieħed ma jistax jiċħad li f’żoni etniċi l-popolazzjoni ċivili tkun taħt periklu immedjat, kważi terz tal-Istati tal-pajjiż huma affettwati minn kunflitt u l-opportunitajiet għal miżuri ta’ medjazzjoni u għal riżoluzzjoni tal-konflitti jistgħu (u jeħtieġ) li jiġu indirizzati fiż-żoni kollha, inkluż f’Nay Pyi Taw, f’Yangon, (jew anke f’pajjiżi barranin bħat-Tajlandja, iċ-Ċina jew l-Indja), fejn jinsabu r-rappreżentanti kritiċi tal-gvern jew xi atturi rilevanti oħra. Dan jispjega r-raġuni għaliex id-dikjarazzjoni ta’ kriżi tista’ tiġi applikata wkoll għal miri ta’ konsolidazzjoni tal-paċi u tal-bini tal-Istat.

44

Il-Kummissjoni żgurat li r-riskju ta’ finanzjament doppju ġie indirizzat matul it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-kuntratti f’riskju.

Kaxxa 3 - Eżempji ta’ riskji ta’ finanzjament doppju

L-ewwel inċiż: Sabiex tnaqqas ir-riskju ta’ finanzjament doppju għal attivitajiet relatati mat-tuberkulożi, il-malarja u l-HIV/AIDS, il-Kummissjoni u donaturi oħrajn eżaminaw analiżi tal-lakuni u kwalunkwe trikkib bejn iż-żewġ fondi qabel ma l-Bord tal-Fondi seta' jieħu d-deċiżjoni ta’ finanzjement.

Iż-żewġ programmi ġew riveduti taħt il-Gruppi Strateġiċi Tekniċi għat-tuberkulożi, il-malarja u l-HIV / AIDS sabiex jiġi żgurat li ma jsir l-ebda finanzjament doppju.

It-tieni inċiż: Il-Kummissjoni baqgħet timmonitorja l-proġetti u l-attivitajiet ta’ din l-NGO lokali fuq bażi kontinwa. Waqt iż-żjara tal-Qorti, l-NGO kellha (u għad għandha) r-rwol kruċjali u kritiku li tappoġġa n-negozjati ta’ paċi bejn il-gvern u l-Organizzazzjonijiet Armati Etniċi (EAO, Ethnic Armed Organisations). Sabiex iżżomm in-negozjati ħajjin f’diversi livelli, l-UE pprovdiet appoġġ risponsiv permezz ta’ diversi għotjiet fejn l-NGO kienet qed tipparteċipa bħala ko-benefiċjarju. Barra minn hekk, ġiet ipprovduta assistenza teknika addizzjonali biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa ta’ tali influss kbir ta’ kooperazzjoni mill-UE u donaturi oħrajn f’ambjent partikolarment ta’ sfida. Din l-assistenza teknika, fost l-oħrajn ikkontribwixxiet biex jiġi evitat ir-riskju ta’ finanzjament doppju. Minħabba li l-interventi kollha ffinanzjati mill-UE mal-NGO kellhom objettivi differenti u konkreti ħafna, il-Kummissjoni sabet li ma kien hemm l-ebda trikkib fil-finanzjament.

45

Il-Kummissjoni tipprova tiżgura l-koordinazzjoni effettiva ma’ donaturi oħrajn fil-livell ta’ implimentazzjoni, iżda dejjem hemm lok għal titjib.

Kaxxa 4 - Eżempji ta’ opportunitajiet mitlufa f’termini ta’ koordinazzjoni

Il-koordinazzjoni bejn il-Bank Dinji, id-Delegazzjoni tal-UE u d-diversi sħab ta’ implimentazzjoni dwar id-diliġenza dovuta tal-klijent (CDD, customer due diligence) kienet isseħħ regolarment. Id-Delegazzjoni tal-UE u d-diversi programmi ta’ finanzjament tagħha ħarsu lejn sinerġiji mal-Bank Dinji f’diversi okkażjonijiet. Filwaqt li l-programm tal-Bank Dinji jiffoka l-aktar fuq “komponenti tanġibbli” (l-infrastruttura bażika fil-villaġġi), l-approċċ tal-UE jikkombina komponenti mhux tanġibbli (taħriġ, sessjonijiet ta’ ħidma, konsultazzjonijiet fil-komunità) ma’ oħrajn tanġibbli (infrastruttura żgħira, riabilitazzjoni) f’żona partikolari waħda.

46

Il-Kummissjoni temmen li s-sorveljanza tal-azzjonijiet iffinanzjati mill-UE u l-viżibbiltà tal-UE tjiebu matul is-snin.

Il-Kummissjoni qed tagħti importanza kbira lit-titjib ulterjuri tal-monitoraġġ tal-azzjonijiet tagħha, inkluż f’żoni li wieħed diffiċli biex jaċċessahom.

47

Fir-rigward tar-riżultati u l-eżiti fil-livell tal-AAPs, il-passi sinifikanti li ttieħdu huma l-inklużjoni ta’ qafas loġiku indikattiv għal kull azzjoni fil-livell tal-AAP u tim dedikat fid-DĠ DEVCO għall-iżgurar tal-kwalità tal-logframes. Barra minn hekk, il-Qafas tar-Riżultati tal-UE fl-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni Internazzjonali jirrifletti l-impenn tad-DĠ DEVCO biex dan jissorvelja u jirrapporta r-riżultati, isaħħaħ ir-responsabbiltà, it-trasparenza u l-viżibbiltà tal-għajnuna tal-UE.

Id-disponibbiltà tad-data hija ostakolu importanti fil-Myanmar/Burma, b’konsegwenzi importanti għall-kejl tal-outputs, l-eżiti u l-impatt.

48

Sistema ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni tinsab fis-seħħ għall-proġetti 11 u 12.

49

Il-Kummissjoni ma rreaġixxietx bil-mod għar-rapporti dwar il-missjoni ta’ verifika, iżda l-proċeduri avversi rigward is-sejbiet tagħhom ħadu ż-żmien.

Kaxxa 5 - Missjonijiet ta’ verifika

LIFT

L-ipproċessar tas-sejbiet ta’ din il-missjoni ta’ verifika tal-LIFT kien kumpless ħafna u wassal għal diskussjonijiet estensivi mal-Kwartieri Ġenerali sabiex tiġi indirizzata kif xieraq. Id-Delegazzjoni tal-UE tejbet ir-rispons tagħha fl-ipproċessar tas-sejbiet tal-missjoni ta’ verifika, kif juri r-rapport finali tat-tieni missjoni ta’ verifika għal-LIFT, li nħareġ fit-23 ta’ Settembru 2016, filwaqt li l-ittra korrispondenti ta’ informazzjoni minn qabel (ma ġie propost l-ebda rkupru) intbagħtet fit-28 ta’ Ottubru 2016.

3MDG/3DF

Mal-wasla tar-rapport ta’ qabel dak finali tal-missjoni ta’ verifika, id-Delegazzjoni tal-UE rreaġixxiet fil-ħin u lestiet il-pagament finali u l-ikklirjar għall-kuntratt tat-3DF.

50

Il-Kummissjoni, fuq bażi regolari, qed tfakkar lis-sħab ta’ implimentazzjoni dwar il-ħtieġa li jippreparaw u jimplimentaw Komunikazzjoni dettaljata u pjanijiet dwar il-Viżibbiltà sabiex jiġi żgurat livell tajjeb ta’ komunikazzjoni dwar, u l-viżibbiltà għolja ta', l-appoġġ tal-UE. Filwaqt li d-Delegazzjoni tal-UE nnutat titjib f’dan il-qasam, hija ddeċidiet ukoll li timmaniġġja l-viżibbiltà tal-UE b’mod aktar dirett permez ta’ komponent dedikat taħt kuntratt tas-servizz kbir li għadu għaddej sabiex tiżgura viżibbiltà tal-UE akbar u bgħit ta' messaġġi aktar ikkoordinat fi ħdan il-proġetti u l-programmi kollha.

F’ċerti oqsma, is-sħab ta’ implimentazzjoni kellhom jibqgħu diskreti fuq ċerti kwistjonijiet ta’ komunikazzjoni u viżibbiltà minħabba s-sensittivitajiet eżistenti dak iż-żmien u rrinforzaw il-viżibbiltà tal-programmi permezz ta’ għodod oħrajn bħall-midja soċjali, materjali awdjoviżivi, studji u pubblikazzjonijiet, avvenimenti ewlenin, eċċ.

51

Matul il-fażi tal-bidu, il-Kummissjoni ppruvat tippromwovi l-Fond Fiduċjarju tal-UE bħala parti mill-metodi ta’ implimentazzjoni li għandhom jitqiesu għall-implimentazzjoni tal-Fond Konġunt għall-Paċi (JPF, Joint Peace Fund). Minkejja l-isforzi tal-Kummissjoni, donaturi oħrajn potenzjali tal-JPF kienu kontra din il-modalità u esprimew preferenza għal fondi fiduċjarji ġestiti min-NU. Il-Kummissjoni kkonsultat ukoll lill-Istati Membri fi Brussell sabiex tippromwovi l-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-paċi.

54

Filwaqt li nofs il-proġetti awditjati kisbu r-riżultati ppjanati kompletament, 40 % oħra rnexxielhom jiksbuhom parzjalment, minħabba li meta sar l-awditu kienu għadhom qed jiġu implimentati. Sadanittant diversi proġetti rreġistraw titjib fl-ilħuq tar-riżultati.

Il-Kummissjoni tqis li hemm diversi raġunijiet li jistgħu jispjegaw għaliex il-proġetti awditjati sofrew minn dewmien fl-implimentazzjoni. Il-programmi qed jindirizzaw kuntest li joffri sfida kbir u li fih qed isseħħ tranżizzjoni kumplessa: tranżizzjoni politika u ekonomika f’nofs proċess ta’ paċi kumpless b’bosta partiti u gruppi armati. Dawn il-fatturi kollha għandhom impatt dirett. Tfixkil u l-kapaċità ta’ assorbiment baxx mhux mistenni xi drabi huma karatteristika tar-realtà tal-iżvilupp tal-Myanmar/Burma. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-proġetti taħt il-programmi ta’ konsolidazzjoni tal-paċi u l-AUP awditjati.

Kaxxa 7 - Eżempju ta’ proġett parzjalment rilevanti biss għall-objettivi definiti biss

Il-programm “Erasmus” jittratta l-edukazzjoni, wieħed mis-setturi fokali tal-MIP 2014-2020, filwaqt li l-“ambjent” kien tema trażversali għas-setturi fokali kollha. Il-Kummissjoni tisħaq ukoll li dan il-proġett jaħdem fuq bażi xprunata mid-domanda, bit-talbiet għall-bini ta’ kapaċità jiġu sottomessi lid-Delegazzjoni tal-UE mill-gvern. Għalhekk, hija meħtieġa interpretazzjoni kemxejn flessibbli tal-kamp ta’ applikazzjoni u r-riżultati, b’mod partikolari fil-perjodu bikri tat-tranżizzjoni meta s-sħab tal-iżvilupp kienu qed jingaġġaw mill-ġdid mal-gvern għall-ewwel darba f’ħafna snin.

56

Id-disponibbiltà tad-data hija limitazzjoni importanti, b’konsegwenzi importanti għall-kejl tal-outputs, l-eżiti u l-impatt tal-azzjonijiet tal-UE. Spiss huwa diffikultuż li wieħed jidentifika miri realistiċi għal ċerti indikaturi. Għalhekk ħafna mill-proġetti jwettqu reviżjoni annwali tal-logframe.

Permezz ta’ programm iffinanzjat taħt il-Programm Indikattiv Reġjonali 2014-2020, il-Kummissjoni qed tappoġġa t-titjib fis-sistema statistika fl-Istati Membri tal-ASEAN.

57

Il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li l-kampjun tal-proġetti awditjati kien fi stadji differenti ta’ implimentazzjoni. Dan jista’ jispjega parzjalment għaliex uħud mill-eżiti u s-sostenibbiltà ppjanati kien għad ma setgħux jiġu vvalutati. Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li aktar minn terz tal-proġetti awditjati sejrin jiksbu l-eżiti mistennija. Fl-2018, il-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni strateġika tal-pajjiż tal-kooperazzjoni tal-UE, f’konformità mal-Programm ta’ Ħidma għall-evalwazzjonijiet strateġiċi approvat mill-Kummissarju għall-Iżvilupp, Mimica. Din mistennija li tipprovdi lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lil partijiet ikkonċernati oħra b'sejbiet, b'konklużjonijiet u b'rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-kooperazzjoni passata, preżenti u futura tagħna mal-pajjiż.

59

Il-ksib tar-riżultati oriġinali speċifikati fil-proġetti implimentati fl-Istat ta’ Rakhine huwa ta’ sfida kbira. Is-sitwazzjoni tista’ titqies bħala waħda ta’ kriżi fit-tul, ikkaratterizzata minn diskriminazzjoni fuq terminu twil u b’għeruq fondi, spostament intern, segregazzjoni, apolidija, faqar u vulnerabbiltà. Il-Kummissjoni hija konxja sew tas-sensittività li tinvolvi l-ħidma f’kuntest politiċizzat u kumpless ħafna bħall-Istat ta’ Rakhine u tibqa’ impenjata biex tissokta bl-involviment tagħha f’dan ir-reġjun.

Kaxxa 8 - Il-proġett dwar is-Sigurtà tal-Ikel fl-Istat ta’ Rakhine

Il-LIFT qies l-alternattiva ta’ Sejħa għal Proposti miftuħa għall-kontinwazzjoni tal-proġett dwar is-sigurtà tal-ikel fl-Istat ta’ Rakhine. Abbażi tal-aċċess iggwadanjat mis-sħab ta’ implimentazzjoni magħżula għall-villaġġi fil-mira, ir-relazzjonijiet ta’ ħidma stabbiliti mal-gvern lokali u s-sitwazzjoni kumplessa immens tal-kriżi f’dan ir-reġjun, il-LIFT ikkonkluda li la kien fattibbli u lanqas realistiku li jinkisbu r-riżultati mistennija permezz ta’ sħab ġodda u mingħajr esperjenza fl-oqsma fil-mira.

Fir-rigward tal-prestazzjoni dgħajfa, il-Kummissjoni tixtieq tisħaq fuq it-tifqigħa tal-vjolenza fl-2014 u ċ-ċiklun tropikali li l-proġett kellu jaffaċċja; li lkoll dewwmu l-implimentazzjoni fuq il-post għaliex il-persunal fuq il-post ma setax jaċċessa l-villaġġi. Barra minn hekk, il-konsorzju kellu jinvesti ħafna ħin u sforz biex jibni l-fiduċja sabiex jiġi aċċettat mill-komunitajiet u mill-awtoritajiet fi żmien ta’ ostilitajiet li kienu ħafna kontra n-NU / INGO. Ftit biss kienu l-NGOs li rnexxielhom jistabbilixxu lilhom infushom bħala sħab fdati kemm mill-gvern kif ukoll mill-popolazzjoni lokali.

60

Il-Kummissjoni inkludiet objettiv speċifiku “irkupru soċjoekonomiku mtejjeb f’żoni affettwati minn kunflitti u żoni affettwati minn vjolenza interkomunali” taħt l-AAPs differenti li jiffinanzjaw il-kontribuzzjonijiet tal-UE għall-konsolidazzjoni tal-paċi. Filwaqt li l-Kummissjoni fil-bidu kienet tappoġġa l-inklużjoni tal-Istat ta’ Rakhine taħt il-Fond Konġunt għall-Paci, matul il-proċess tat-tfassil intlaħaq qbil li l-JPF jindirizza l-proċess ta’ paċi u mhux il-vjolenza interkomunali. Sħab tal-iżvilupp oħrajn ma ridux li l-JPF ikopri l-Istat ta’ Rakhine.

Id-disinn u l-arkitettura tal-JPF huma bbażati ħafna fuq il-Ftehim ta’ Waqfien mill-Ġlied fuq Livell Nazzjonali. Dan it-test ma jkoprix il-vjolenza interkomunali. Minkejja dan, il-proġetti li jinvolvu l-Istat ta’ Rakhine jistgħu jiġu ffinanzjati jekk dawn juru rabta diretta mal-implimentazzjoni tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni (NCA, National Competition Authority) u elementi formali oħrajn tal-proċess ta’ paċi, soġġetti għal ġestjoni tar-riskju rigoruża u analiżi tas-sensittività għall-kunflitti, u prinċipji ta’ “tagħmilx ħsara”.

Kif spjegat hawn fuq, l-UE żviluppat proġetti u mekkaniżmi oħrajn biex tindirizza s-sitwazzjoni tal-Istat ta’ Rakhine.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

63

Fl-opinjoni tal-Kummissjoni u s-SEAE, l-għażla tal-prijoritajiet u s-setturi ta’ żvilupp kienet waħda ffukata u l-inklużjoni tar-raba’ settur fokali kienet waħda ġġustifikata għal kollox u ntlaħaq qbil fuqha mal-gvern.

L-UE fetħet uffiċċju f’Yangon, li f’Settembru 2013 ġie mibdul f’Delegazzjoni tal-UE.

B'definizzjoni, proċess ta’ paċi ma jistax jiġi previst, u għalhekk il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi prijoritizzazzjoni ġeografika dettaljata għar-riżorsi finanzjarji kollha fl-2014. Din id-deċiżjoni tittieħed fuq bażi annwali, matul l-identifikazzjoni u l-formulazzjoni tal-AAPs, sabiex takkumpanja d-dinamiċi tal-proċess tal-paċi, li huwa imprevedibbli u volatili ħafna. Bla dubju li l-flessibbiltà hija meħtieġa (inkluż fi prijoritizzazzjoni ġeografika) biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-aktar komunitajiet vulnerabbli.

Il-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku ġiet indirizzata b’mod indirett, fost l-oħrajn permezz ta’ appoġġ tal-UE għar-riformi fil-Ġestjoni tal-Finanzi Pubbliċi, il-parteċipazzjoni fl-EITI u l-passi fil-qasam tal-FLEGT.

Rakkomandazzjoni 1 – Il-ħtieġa li jissaħħaħ l-appoġġ biex jiżdied l-impatt

Il-Kummissjoni u s-SEAE aċċettaw ir-rakkomandazzjoni u se jindirizzwaha matul il-fażi ta’ programmazzjoni tal-MIP li jmiss.

L-ewwel punt: Il-Kummissjoni u s-SEAE iġġustifikaw l-erba’ setturi fokali li jibqgħu kompletament rilevanti, kif ġie kkonfermat matul ir-Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu tal-MIP 2014-2020 li għadha għaddejja.

It-tieni punt: Il-Kummissjoni beħsiebha ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għall-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku taħt l-MIP li jmiss. Sadanittant, il-Kummissjoni se tkun qed tappoġġa d-DRM direttament permezz ta’ appoġġ ippjanat għar-riformi fil-Ġestjoni tal-Finanzi Pubbliċi u indirettament permezz tal-appoġġ kontinwat għall-proċessi bħall-EITI u l-FLEGT.

Il-Kummissjoni u s-SEAE se jqisu l-prijoritizzazzjoni ġeografika matul il-programmazzjoni tal-MIP li jmiss. Madanakollu, il-Kummissjoni u s-SEAE huma tal-opinjoni li tali prijoritizzazzjoni u kumplimentarjetà ma’ donaturi oħrajn, l-aħjar li jiġu vvalutati matul l-identifikazzjoni u l-formulazzjoni ta’ azzjonijiet ġodda.

64

Id-DĠ DEVCO u d-DĠ ECHO diġà saħħew il-koordinazzjoni tagħhom u sejrin ikomplu jsaħħuha fil-kuntest tal-operazzjonalizzazzjoni tar-rabta bejn l-aspett umanitarju u l-iżvilupp, li għalih il-Myanmar/Burma ntgħażel mill-Kunsill bħala pajjiż pilota.

Rakkomandazzjoni 2 – Il-koordinazzjoni tal-interventi

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni u se timplimentaha kif ġej:

  • Il-proċess ta’ operazzjonalizzazzjoni li għadu għaddej tar-rabta bejn l-aspett umanitarju u l-iżvilupp, li għalih il-Myanmar / Burma ntgħażel mill-Kunsill bħala wieħed mis-sitt pajjiżi pilota, se jirriżulta fi pjan ta’ azzjoni lejn nofs l-2018. Barra minn hekk, id-DĠ DEVCO u d-DĠ ECHO qed jiżviluppaw analiżi konġunta dwar strateġija ta’ reżiljenza u komprensiva biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-LRRD għal kriżijiet fit-tul fil-Myanmar/Burma.
  • Kif ġie rrakkomandat ukoll mill-evalwazzjoni tal-proċess ta’ programmazzjoni konġunta, il-Kummissjoni se tinvolvi lid-DĠ ECHO aktar mill-qrib, u se tfittex li tinkludi l-interventi umanitarji tal-Istati Membri, fl-abbozzar tad-dokument ta’ programmazzjoni konġunta l-ġdid, b’mod partikolari f’żoni ta’ kriżi fit-tul.
65

Wara proċess ta’ konsultazzjoni bir-reqqa, inkluż mal-gvern, u filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari l-ħtiġijiet u l-kapaċità tal-assorbiment tas-setturi fokali rispettivi, il-Kummissjoni ddeċidiet li talloka sa 35 % kull wieħed lill-ewwel żewġ setturi fokali (l-iżvilupp rurali u l-edukazzjoni) u sa 15 % kull wieħed liż-żewġ setturi fokali li jifdal (il-governanza u l-konsolidazzjoni tal-paċi).

Id-determinazzjoni tal-allokazzjoni tal-fondi għal kull azzjoni taħt l-AAPs hija parti mill-identifikazzjoni u mill-formulazzjoni ta’ azzjonijiet ġodda.

Rakkomandazzjoni 3 – L-implimentazzjoni tal-azzjonijiet

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni u se timplimentaha kif ġej:

Il-Kummissjoni se tiddokumenta l-allokazzjoni tal-finanzjament lil kull settur fokali matul il-fażi tal-programmazzjoni tal-MIP li jmiss.

Minħabba li l-ġustifikazzjoni tal-allokazzjoni tal-finanzjament għal kull azzjoni ġdida tiġi diskussa matul l-identifikazzjoni u l-formulazzjoni tagħhom, il-Kummissjoni se tkompli tiżgura li l-allokazzjoni tiġi ddokumentata għall-azzjonijiet taħt l-AAP tal-2018 u s-snin sussegwenti.

66

F’ċerti istanzi kien hemm dewmien minħabba l-kumplessità tal-ambjent tax-xogħol u għax reġa’ kien hemm konflitt.

Il-mudell ta’ kontribuzzjoni li ntlaħaq qbil fuqu mal-Organizzazzjonijiet Internazzjonali jipprevedi li l-interessi ggwadanjati fuq pagamenti ta’ prefinanzjament mhumiex dovuti ħlief jekk ir-regoli tal-organizzazzjoni jipprevedu r-rimborż tal-interessi. Dan huwa konformi mar-Regolament Finanzjarju u l-atti bażiċi. Madanakollu, sabiex tiġi evitata l-akkumulazzjoni tal-prefinanzjament, il-ftehim dwar il-kontribuzzjoni fl-Artikolu 15 tal-Kundizzjonijiet Ġenerali jipprevedi li l-pagament li jmiss jista’ jinħareġ biss mal-impenn ta’ 70 % tal-pagament ta’ qablu eżatt (u 100 % tal-oħrajn ta’ qabel).

Fir-rigward tal-impatt tad-dispożizzjonijiet tal-kontroll tal-ispejjeż fil-kuntratti UE-NU, il-Kummissjoni hija permessa tapplika l-approċċ nozzjonali, li skontu, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni rilevanti jista’ jiddeċiedi li jqis li r-rekwiżiti tal-UE huma ssodisfati sakemm l-ammont li jikkontribwixxu d-donaturi l-oħrajn għall-azzjoni kofinanzjata jkun biżżejjed biex jitħallsu l-attivitajiet ineliġibbli taħt ir-regoli tal-UE.

Rakkomandazzjoni 4 – Il-kosteffettività tal-azzjonijiet ta' bosta donaturi

Il-Kummissjoni tagħti kas tal-pożizzjoni tal-Qorti, iżda ma taċċettax din ir-rakkomandazzjoni.

Il-livell ta’ kosti indiretti huwa speċifiku għal kull azzjoni u l-istruttura ta’ organizzazzjoni. F’ħafna każijiet, l-organizzazzjonijiet iqisu li l-kontribuzzjoni tal-UE lejn il-kosti indiretti (b'massimu stabbilit fir-Regolament Finanzjarju ta' 7 %) mhix biżżejjed biex tkopri l-ispejjeż kollha tagħhom. Il-Kummissjoni, bħala firmatarju tal-Grand Bargain dwar l-Għajnuna Umanitarja, impenjat ruħha biex taħdem flimkien ma’ numru ta’ sħab dwar l-armonizzazzjoni tal-kwalifika ta’ dawk il-kosti (diretti vs indiretti). Dan se jinforma dibattitu akbar dwar il-livell tal-kosti indiretti.

67

Il-Kummissjoni tapplika r-regoli u l-proċeduri standard tagħha kif ukoll ir-regoli interni li jippermettu deroga, taħt ċerti kundizzjonijiet, minn dawn ir-regoli standard eż. f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Id-dispożizzjonijiet ta’ flessibbiltà, f’konformità mar-Regolament Finanzjarju u l-atti bażiċi, ippermettew li jiġi ffrankat aktar ħin meta kkumparat ma’ approċċi tradizzjonali, filwaqt li żammew bilanċ bejn il-ħeffa u t-trasparenza.

Il-Kummissjoni għamlet użu mid-dikjarazzjoni ta’ kriżi f’numru limitat ta’ okkażjonijiet, kif ukoll minn argumenti b’saħħithom biex ma tużax is-sejħa għall-proposti. Taħt ċerti ċirkostanzi, l-aġġudikazzjonijiet diretti ta’ għotjiet u kuntratti ta’ akkwist jiġu ġġustifikati fid-dawl tal-Artikolu 190 tar-RAP u tintalab kif xieraq approvazzjoni minn qabel. Barra minn hekk, għotja diretta tfisser, madankollu, proċedura nnegozjata, b’rapport li jispjega r-raġuni wara l-għażla u diskussjonijiet li jikkonċernaw in-negozjar tal-azzjonijiet u r-reġistrazzjoni kif xieraq tal-baġit. Konsegwentement, il-proċeduri jibqgħu dejjem trasparenti u konformi bis-sħiħ mal-proċeduri tar-Regolament Finanzjarju, u jibqa’ jkollhom l-għan li jiżguraw il-kosteffettività.

68

Meta twettaq l-awditu ġew awditjati diversi proġetti li kienu għadhom taħt l-implimentazzjoni, u li sadanittant laħqu tjiebu fir-rigward tal-ksib tar-riżultati.

Il-Kummissjoni qed twettaq evalwazzjoni strateġika tal-pajjiż dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE fil-Myanmar/Burma fl-2018, li se tinvestiga l-eżiti u s-sostenibbiltà.

Il-Kummissjoni qed tieħu passi importanti biex ittejjeb l-oqfsa loġiċi, inkluż l-indikaturi, u l-viżibbiltà tal-UE.

Rakkomandazzjoni 5 – Il-monitoraġġ tal-azzjonijiet

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni u se timplimentaha kif ġej:

L-ewwel punt: Il-Kummissjoni qed tiżviluppa Sistema ta’ Informazzjoni Operazzjonali (OPSYS) sabiex fost l-oħrajn taggrega d-data tal-oqfsa loġiċi tal-proġetti.

It-tieni punt: Il-Kummissjoni se tibqa’ tinsisti mas-sħab ta’ implimentazzjoni li d-dispożizzjonijiet kuntrattwali rigward il-viżibbiltà tal-azzjonijiet tal-UE jeħtieġ li jibqgħu jiġu applikati. Id-Delegazzjoni tal-UE diġà osservat titjib sostanzjali f’dan il-qasam. Il-Kummissjoni inkludiet ukoll komponent ta’ viżibbiltà sinifikanti taħt kuntratt tas-servizz kbir ġestit b’mod dirett, bil-għan li tiżgura l-messaġġi koordinati dwar l-appoġġ tal-UE u l-viżibbiltà akbar tiegħu.

69

Filwaqt li nofs il-proġetti awditjati kisbu r-riżultati ppjanati kompletament, 40 % oħra rnexxielhom jiksbuhom parzjalment, minħabba li meta sar l-awditu kienu għadhom qed jiġu implimentati. Sadanittant diversi proġetti rreġistraw titjib fl-ilħuq tar-riżultati.

Il-programmi qed jiġu implimentati f’kuntest li joffri sfida kbira u li fih qed isseħħ tranżizzjoni kumplessa. Dawn il-fatturi kollha għandhom impatt dirett fuq ħafna mill-proġetti awditjati. Il-Kummissjoni tfittex li ttaffi kemm jista’ jkun tali riskji għall-implimentazzjoni tal-programm. Tfixkil u l-kapaċità ta’ assorbiment baxx mhux mistenni xi drabi huma karatteristika tar-realtà tal-iżvilupp tal-Myanmar / Burma.

Rakkomandazzjoni 6 – Il-ksib tar-riżultati

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

L-ewwel punt: Il-Kummissjoni se tibqa’ attiva ħafna biex ittejjeb il-ġestjoni tal-proġetti kemm taħt ġestjoni diretta kif ukoll taħt ġestjoni indiretta, u se tkun qed tivvaluta l-istatus tal-implimentazzjoni u tinsisti fuq azzjoni korrettiva fuq bażi regolari. Il-Kummissjoni se tkompli twettaq ir-ROM fuq bażi regolari fil-Myanmar/Burma. Il-kampjun tal-proġett ROM se jinkludi l-proġetti li huma aktar problematiċi.

It-tieni punt: L-Istat ta’ Rakhine huwa diġà inkluż fl-isfera ta’ kompetenza tal-Fond Konġunt għall-Paċi. Madankollu, il-proġetti li jinvolvu l-Istat ta’ Rakhine jistgħu jiġu ffinanzjati biss jekk dawn juru rabta diretta mal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Waqfien mill-Ġlied fuq Livell Nazzjonali u elementi formali oħrajn tal-proċess ta’ paċi, soġġett għal valutazzjoni tar-riskju rigoruża u analiżi tas-sensittività għall-kunflitti. Hemm mekkaniżmi oħrajn li qed jipprovdu appoġġ għall-armonija interkomunali fl-Istat ta’ Rakhine.

Akronimi u abbrevjazzjonijiet

CDD: Żvilupp Immexxi mill-Komunitajiet

DCI: Strument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp

DĠ DEVCO: Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp

DĠ ECHO: Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej

EIDHR: Strument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem

ICI+: Strument għall-Kooperazzjoni ma' Pajjiżi Industrijalizzati

IcSP: Strument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (dak li qabel kien l-Istrument għall-Istabbiltà (IfS))

IDP: Persuna Spostata f'Pajjiżha

JPF: Fond Konġunt għall-Paċi

LIFT: Fond Fiduċjarju għas-Sigurtà tal-Għajxien u tal-Ikel

LRRD: Kollegament bejn l-Għajnuna, ir-Riabilitazzjoni u l-Iżvilupp

MIP: Programm Indikattiv Pluriennali

MOR: Monitoraġġ Orjentat lejn ir-Riżultati

NGO: Organizzazzjoni Nongovernattiva

PAA: Programm ta' Azzjoni Annwali

QBEP: Programm għal Edukazzjoni Bażika ta’ Kwalità

RACER: Rilevanti, Aċċettati, Kredibbli, Faċli u Robusti

SEAE: Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

SMART: Speċifiċi, Li jistgħu jitkejlu, Li jistgħu jintlaħqu, Rilevanti, Marbuta mal-ħin

SWITCH-Asia: Programm iffinanzjat mill-UE biex jgħin lill-konsumaturi u lin-negozji jibdlu għal mezzi ta’ konsum u produzzjoni sostenibbli

UNICEF: Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal

UNOPS: Uffiċċju tas-Servizzi tal-Proġetti tan-Nazzjonijiet Uniti

3DF: Fond għat-Tliet Mardiet

3MDG: Fond għat-Tliet Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju

Noti finali

1 Data tal-Bank Dinji, 2012-2016.

2 L-istrumenti ta’ finanzjament jistgħu jkunu bbażati fil-pajjiż (bilaterali), reġjonali jew ikollhom fokus tematiku speċifiku.

3 Taħt ġestjoni diretta, il-Kummissjoni Ewropea hija inkarigata mill-kompiti kollha relatati mal-mplimentazzjoni tal-baġit tal-UE, li jitwettqu direttament mid-dipartimenti tagħha fis-sede tagħha jew fid-Delegazzjonijiet tal-UE. Taħt ġestjoni indiretta, il-Kummissjoni tafda l-kompiti ta’ implimentazzjoni tal-baġit lil organizzazzjonijiet internazzjonali, l-aġenziji tal-iżvilupp tal-Istati Membri tal-UE, pajjiżi sħab jew korpi oħra.

4 Minn EUR 438 miljun għall-kuntratti kollha (Sors: Ir-Rapport 2016 dwar il-Ġestjoni tal-Assistenza Esterna).

5 Il-Ministeru tal-Ippjanar u l-Finanzi, id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Ekonomiċi Esterni, https://mohinga.info/en/dashboard/location/.

6 Il-Proġetti 1 sa 10.

7 Il-Proġett 11.

8 Il-Proġetti 12 sa 20.

9 L-awditu tal-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti li twettaq mill-Kummissjoni.

10 L-objettiv primarju tal-Aġenda għall-Bidla, li ġiet adottata fl-2011, huwa li jkun hemm żieda sinifikanti fl-impatt u fl-effettività tal-politika tal-UE għall-iżvilupp. Ara https://ec.europa.eu/europeaid/policies/european-development-policy/agenda-change_en.

11 Fil-31 ta’ Jannar 2017 għal-LIFT, fl-1 ta’ Novembru 2016 għat-3MDG u fit-28 ta’ Frar 2017 għall-JPF. Id-dati jvarjaw minħabba ċ-ċikli differenti ta’ rappurtar.

12 Ara hawn fuq.

13 L-UNICEF ma setax jipprovdi rapporti ċċertifikati tal-flussi tal-flus għall-QBEP.

14 L-Artikolu 190(2) of tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).

15 Kif iddefinit fl-Artikolu 128 tar-Regolament Finanzjarju Nru 966/2012, l-Artikolu 190(2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar l-għotjiet, l-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju Nru 966/2012, l-Artikolu 266(1)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1268/2012 dwar is-servizzi, l-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju Nru 966/2012, l-Artikolu 268(1)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1268/2012 dwar il-provvisti, l-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju Nru 966/2012, l-Artikolu 270(1)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni Nru 1268/2012 dwar ix-xogħlijiet.

16 Għall-akbar proġett taħt dan il-komponent, l-analiżi inizjali li twettqet fl-2013 indikat li din l-azzjoni kienet se tkun tirrikjedi baġit ta’ USD 0.7 miljun, filwaqt li ttieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Fond Globali kien diġà qed jagħtiha appoġġ ta’ bejn wieħed u ieħor USD 12.7 miljun. Minkejja dan, fl-2014 l-azzjoni ngħatat USD 11.4 miljun, ċifra li telgħet għal USD 13-il miljun fl-2015, iżda ma kienx hemm spjegazzjoni tar-raġuni għalfejn il-ħtiġijiet kienu żdiedu b’mod daqstant sinifikanti.

Avveniment Data
Adozzjoni tal-APM / Bidu tal-awditu 22.11.2016
L-abbozz tar-rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lil parti awditjata oħra) 11.10.2017
Adozzjoni tar-rapport finali wara l-proċedura kontradittorja 12.12.2017
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni u tas-SEAE riċevuti bil-lingwi kollha 20.12.2017

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi tal-prestazzjoni u tal-konformità tagħha f'dak li jirrigwarda oqsma baġitarji jew suġġetti ta' ġestjoni speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta' introjtu jew ta' nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla III tal-QEA, li hija responsabbli għall-awditjar tal-infiq fuq azzjoni esterna, sigurtà u ġustizzja. Fit-tħejjija tar-rapport, il-Membru Relatur, is-Sur Karel Pinxten, Dekan tal-Awla, ingħata appoġġ minn Gerard Madden, il-Kap tal-Kabinett tiegħu, Mila Strahilova, Attaché u Kap tal-Kompitu, Beatrix Lesiewicz, Maniġer Prinċipali, Roberto Ruiz Ruiz u Francesco Zoia Bolzonello, Awdituri. Cathryn Lindsay ipprovdiet appoġġ lingwistiku.

Mix-xellug għal-lemin: Francesco Zoia Bolzonello, Cathryn Lindsay, Gerard Madden, Mila Strahilova, Roberto Ruiz Ruiz, Beatrix Lesiewicz, Karel Pinxten.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2018

PDF ISBN 978-92-872-8943-8 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/985246 QJ-AB-17-025-MT-N
HTML ISBN 978-92-872-8979-7 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/44539 QJ-AB-17-025-MT-Q

© L-Unjoni Ewropea, 2018

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: http://europa.eu

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, mill-EU Bookshop fl-indirizz li ġej: https://publications.europa.eu/mt/web/general-publications/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara http://europa.eu/contact).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.