Rapport Speċjali
07 2020

Implimentazzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni: l-ispejjeż huma komparattivament baxxi, iżda ma hemmx informazzjoni suffiċjenti biex jiġi vvalutat l-iffrankar li jirriżulta mis-simplifikazzjoni

Dwar ir-rapport: L-implimentazzjoni tal-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni permezz tal-programmi operazzjonali tinvolvi għadd ta’ attivitajiet, li jiġġeneraw spejjeż għall-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-benefiċjarji.
Aħna eżaminajna jekk l-ispejjeż li ġġarrbu mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni humiex komparabbli ma’ skemi simili oħra li jibnu fuq informazzjoni kompleta, konsistenti u koerenti, u jekk l-informazzjoni dwar l-ispejjeż tippermettix li titwettaq analiżi u li jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-leġiżlazzjoni bħal, pereżempju, is-simplifikazzjoni tar-regoli.
Aħna kkonkludejna li l-ispiża kumplessiva ppreżentata mill-Kummissjoni, f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni, hija baxxa meta mqabbla ma’ fondi oħra tal-UE u ma’ programmi ffinanzjati internazzjonalment. Madankollu, aħna kkonkludejna li d-data sottostanti dwar l-ispejjeż, li kienet inġabret mill-Kummissjoni, ma kinitx kompleta, konsistenti u koerenti biżżejjed biex tkun tista’ tintuża, pereżempju, biex jiġi vvalutat l-impatt li s-simplifikazzjoni tar-regoli tal-UE jkollha fuq il-mod kif għandhom jiġu implimentati l-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

Il-Politika ta’ Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE tirrappreżenta madwar terz tal-infiq kumplessiv taħt il-baġit tal-UE. L-għan ġenerali tal-politika huwa li jitnaqqsu d-disparitajiet fl-iżvilupp fost ir-reġjuni. L-ammont ta’ fondi allokati għall-Politika ta’ Koeżjoni, li hija l-politika prinċipali ta’ investiment tal-UE, kien EUR 352 biljun matul il-perjodu 2014-2020, jew 37 % tal-infiq kumplessiv mill-baġit tal-UE f’dan il-perjodu.

II

Il-Politika ta’ Koeżjoni tiġi implimentata taħt ġestjoni kondiviża, li jfisser li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkondividu bejniethom ir-responsabbiltà mill-implimentazzjoni tal-politika u tal-fondi relatati, inklużi l-attivitajiet ta’ kontroll. Għalkemm il-Kummissjoni tibqa’ responsabbli mill-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE, il-ġestjoni u l-kontroll reali tal-fondi u l-programmi tal-UE huma ddelegati lill-awtoritajiet tal-Istati Membri. Il-kompiti u l-attivitajiet ta’ dawn l-awtoritajiet huma stipulati fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni; huma jinkludu l-għażla tal-proġetti li għandhom jiġu kkofinanzjati, u l-kontroll tagħhom.

III

L-implimentazzjoni tal-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni tiġġenera l-ispejjeż. Dan japplika għall-kompiti u l-attivitajiet kollha tal-awtoritajiet inkarigati mill-programmi fl-Istati Membri, kif ukoll għal dawk tal-Kummissjoni.

IV

F’dan l-awditu, aħna eżaminajna jekk dawn l-ispejjeż humiex komparabbli ma’ skemi simili oħra u jekk l-informazzjoni sottostanti hijiex kompleta, konsistenti u koerenti. Aħna eżaminajna wkoll jekk din l-informazzjoni tippermettix li titwettaq analiżi u li jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-leġiżlazzjoni u s-simplifikazzjoni tar-regoli. Is-sejbiet u l-konklużjonijiet tagħna huma rilevanti għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027 u biex tiżdied l-effettività tal-ġestjoni u tas-sistemi ta’ kontroll fl-Istati Membri għall-perjodu 2021-2027.

V

Aħna sibna li l-ispiża kumplessiva ppreżentata mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni hija komparattivament baxxa meta mqabbla ma’ fondi oħra tal-UE u ma’ programmi ffinanzjati internazzjonalment. Madankollu, aħna kkonkludejna li d-data sottostanti dwar l-ispejjeż, li kienet inġabret mill-Kummissjoni, ma kinitx kompleta, konsistenti u koerenti biżżejjed biex tkun tista’ tintuża, pereżempju, biex jiġi vvalutat l-impatt li s-simplifikazzjoni tar-regoli tal-UE jkollha fuq il-mod kif għandhom jiġu implimentati l-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni.

VI

Aħna sibna li minkejja li l-ispejjeż, li ġew iddikjarati lill-Kummissjoni għall-kofinanzjament, huma magħrufa, ftit li xejn informazzjoni jew l-ebda informazzjoni ma hija disponibbli rigward l-ispejjeż li ma jiġux iddikjarati. Biex tikseb aktar informazzjoni dwar il-parti mhux iddikjarata, il-Kummissjoni twettaq inkjesti lill-Istati Membri biex tagħti stima tal-ispejjeż amministrattivi. Aħna qajjimna dubji rigward il-kompletezza, il-konsistenza u l-preċiżjoni tad-data li fuqha hija bbażata l-istima l-aktar reċenti tal-2018. Madankollu, dan l-istudju jista’ jservi bħala bażi għal tqabbil ġeneriku u ta’ livell għoli. Aħna nqisu li, kif ġie rrappurtat mill-Kummissjoni fl-istudju li wettqet fl-2018, l-ispejjeż ta’ 2.3 % li l-Istati Membri ġarrbu fl-implimentazzjoni tal-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni huma simili jew aktar baxxi meta mqabbel ma’ dawk ta’ skemi oħra ffinanzjati internazzjonalment.

VII

Abbażi ta’ studju tal-2017, il-Kummissjoni stmat li, għall-perjodu 2014-2020, huwa mistenni li l-introduzzjoni ta’ 21 miżura ta’ simplifikazzjoni twassal għal tnaqqis fl-ispejjeż amministrattivi. Madankollu, aħna wettaqna stħarriġ li wera li l-biċċa l-kbira mill-Istati Membri jistennew li l-ispejjeż amministrattivi se jiżdiedu fil-perjodu 2014-2020.

VIII

Bħala parti mill-memorandum ta’ spjegazzjoni għall-proposta leġiżlattiva għall-perjodu 2021-2027, il-Kummissjoni ppreżentat żewġ stimi, meħuda mill-istudju tal-2018, li huma relatati ma’ miżuri individwali speċifiċi ta’ simplifikazzjoni. Aħna nqisu li, għal waħda mill-istimi, kien imissu ntuża xenarju aktar realistiku fil-memorandum ta’ spjegazzjoni.

IX

Il-Kummissjoni introduċiet u pproponiet bosta miżuri ta’ simplifikazzjoni fir-Regolamenti applikabbli għall-perjodu 2014-2020 u għall-perjodu 2021-2027. L-impatt monetarju ta’ ħafna minn dawn il-miżuri ta’ simplifikazzjoni ġie stmat f’bosta studji, jiġifieri l-istudji tal-2012, tal-2017 u tal-2018. Madankollu, il-kumplessità tal-prattiki amministrattivi li jintużaw mill-awtoritajiet tal-Istati Membri ma tteħditx inkunsiderazzjoni. Abbażi tax-xogħol preċedenti li wettaqna, aħna nqisu li minħabba dawn il-prattiki l-iffrankar tal-ispejjeż mistenni mill-miżuri ta’ simplifikazzjoni jista' ma jintlaħaqx.

X

Aħna nirrakkomandaw li jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  • tħabbar dak li se jiġi eżaminat, u meta, għall-istudji regolari tagħha relatati mal-ispejjeż amministrattivi;
  • tivvaluta jekk l-iffrankar stmat fl-ispejjeż amministrattivi mmaterjalizzax;
  • teżamina l-prattiki amministrattivi fl-Istati Membri.

Introduzzjoni

Il-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni u kif dawn jiġu mmaniġġjati

01

L-għan tal-Politika ta’ Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE (li f’dan ir-rapport tissejjaħ “Politika ta’ Koeżjoni”) huwa li tnaqqas id-disparitajiet bejn ir-reġjuni, li tirristruttura żoni industrijali li jkunu sejrin lura u li tħeġġeġ il-kooperazzjoni transfruntiera, transnazzjonali u interreġjonali fl-Unjoni Ewropea.

02

In-nefqa għall-qasam tal-Politika ta’ Koeżjoni tirrappreżenta madwar 37 % tal-infiq kumplessiv mill-baġit tal-UE. Il-fondi allokati għall-Politika ta’ Koeżjoni, li hija l-politika prinċipali ta’ investiment tal-UE, kienu jammontaw għal EUR 346 biljun fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 (l-allokazzjoni totali għall-UE u l-Istati Membri kienet ta’ EUR 466 biljun) u EUR 352 biljun fil-perjodu 2014-2020 (l-allokazzjoni totali għall-UE u l-Istati Membri kienet ta’ EUR 473 biljun).

03

Il-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE hija strutturata madwar tlieta mill-ħames Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej1 (FSIE): il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond ta’ Koeżjoni (FK) u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE). Dawn it-tliet fondi huma magħrufin bħala l-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE. Il-FEŻR, l-FK u l-FSE huma rregolati minn regoli komuni, suġġetti għal eċċezzjonijiet previsti fir-regolamenti speċifiċi li jirregolaw kull fond.

04

Il-Politika ta’ Koeżjoni tiġi implimentata taħt ġestjoni kondiviża2, li jfisser li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkondividu bejniethom ir-responsabbiltà mill-implimentazzjoni tal-politika u tal-fondi relatati. Dawn il-fondi jiġu implimentati permezz ta’ programmi operazzjonali, imfassla mill-Istati Membri u adottati mill-Kummissjoni, li jagħtu dettalji dwar kif l-Istati Membri se jonfqu l-fondi tal-UE matul perjodu ta’ programmazzjoni. Il-programmi operazzjonali jiffinanzjaw proġetti magħżula mill-awtoritajiet maniġerjali tal-Istati Membri u mwettqa mill-benefiċjarji.

05

Għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 kien hemm 441 PO għall-Koeżjoni. Kważi 90 % ta’ dawn il-PO kienu diġà ngħalqu lejn tmiem l-20193. Għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 hemm 391 PO. Dawn il-PO għadhom għaddejjin.

06

Għal kull PO, l-Istat Membru jinnomina awtoritajiet inkarigati biex jimplimentaw il-programmi: awtorità maniġerjali; awtorità ta’ ċertifikazzjoni; u awtorità tal-awditjar. Il-kompiti u l-attivitajiet tagħhom huma stipulati fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (RDK)4.

  • L-awtorità maniġerjali hija responsabbli mill-implimentazzjoni tal-PO. Hija tivvaluta, imbagħad tagħżel, l-applikazzjonijiet għal proġetti, u tivverifika u timmonitorja l-implimentazzjoni tagħhom.
  • L-awtorità ta’ ċertifikazzjoni hija responsabbli mill-aggregazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż ippreżentati mill-benefiċjarji ta’ kull proġett f’dikjarazzjonijiet ta’ nfiq u applikazzjonijiet għal pagament. Hija tippreżenta dawn lill-Kummissjoni biex titlob rimborż, kif ukoll biex tħejji l-kontijiet annwali tal-PO.
  • L-awtorità tal-awditjar hija responsabbli mill-forniment ta’ opinjoni indipendenti annwali dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet, il-legalità tal-infiq imġarrab u l-funzjonament tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll.
07

L-Istati Membri jistgħu, fuq inizjattiva proprja tagħhom, jistabbilixxu wkoll korpi oħra bħal korpi ta’ koordinazzjoni jew korpi intermedjarji biex jassistu fl-implimentazzjoni ta’ programmi operazzjonali. Korp ta’ koordinazzjoni jwettaq funzjonijiet orizzontali li huma rilevanti għal bosta programmi operazzjonali. Il-korpi intermedjarji huma korpi pubbliċi jew privati li jaġixxu taħt ir-responsabbiltà ta’ awtorità nominata, l-aktar għal programm operazzjonali wieħed, u jwettqu dmirijiet f’isem din l-awtorità fir-rigward tal-benefiċjarji li jimplimentaw l-operazzjonijiet.

08

Fi ħdan il-Kummissjoni, żewġ Direttorati Ġenerali huma responsabbli mill-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE: id-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (DĠ EMPL) u d-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana (DĠ REGIO).

09

Il-Kummissjoni tinnegozja u tapprova programmi operazzjonali mal-Istati Membri, tipprovdi gwida u struzzjonijiet lill-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar kif għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom, u twettaq kontrolli fil-livell tal-Istati Membri jew kontrolli bbażati fuq dokumentazzjoni biex timmonitorja l-implimentazzjoni tal-politika. Minbarra dawn il-kompiti ta’ kuljum, il-Kummissjoni tipproponi l-leġiżlazzjoni bażika tal-qasam tal-politika li jsawwar il-qafas tal-politika u tevalwa l-oqfsa tal-passat.

10

L-aktar attivitajiet sinifikanti tal-awtoritajiet nominati tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni jidhru fil-Figura 1.

Figura 1

Attivitajiet imwettqa minn parteċipanti fil-Politika ta’ Koeżjoni, u spejjeż relatati

Nota: L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu korpi intermedjarji taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet maniġerjali u ta’ ċertifikazzjoni.

Sors: il-QEA.

Spejjeż tal-implimentazzjoni tal-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni

11

L-attivitajiet meħtieġa għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ programmi, inklużi l-ġestjoni, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, l-informazzjoni u l-kommunikazzjoni, il-kontroll kif ukoll l-awditjar (ara wkoll il-paragrafi 06 sa 09) jiġġeneraw spejjeż amministrattivi f’bosta livelli (ara l-Figura 1):

L-ispejjeż tal-implimentazzjoni tal-programmi, li jiġġarrbu:

mill-Kummissjoni, biex tissorvelja u tivverifika l-implimentazzjoni fl-Istati Membri (bħal spejjeż għall-persunal, studji, evalwazzjonijiet, analiżijiet, azzjonijiet ta’ tixrid ta’ informazzjoni u konsulenza); kif ukoll

mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, biex ifasslu l-programmi u l-emendi tagħhom, u għall-attivitajiet ta’ ġestjoni, monitoraġġ, evalwazzjoni, informazzjoni u komunikazzjoni, kontroll kif ukoll awditjar (bħal spejjeż għall-persunal, konsulenza, spejjeż tal-IT)5.

L-ispejjeż tal-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet magħżula, li jiġġarrbu:

mill-benefiċjarji biex japplikaw għal appoġġ finanzjarju, iwettqu l-proġetti, jirrappurtaw, u jitolbu r-rimborż (bħal spejjeż għall-persunal, spejjeż materjali u servizzi).

12

L-ispejjeż tal-implimentazzjoni ta’ fondi jistgħu jiġu ffinanzjati mill-baġit tal-UE jew mill-baġit tal-Istati Membri (nazzjonali jew reġjonali), jew minn kombinament ta’ dawn:

  1. Xi spejjeż jiġu koperti biss mill-baġit tal-UE. Dawn huma spejjeż li jiġġarrbu mill-Kummissjoni, bħala assistenza teknika pprovduta fuq l-inizjattiva proprja tagħha, bħal spejjeż għall-miżuri tal-bini ta’ kapaċità amministrattiva, għat-twettiq ta’ studji, għall-evalwazzjonijiet, għall-azzjonijiet għat-tixrid ta' informazzjoni eċċ.6. Il-baġit tal-UE jkopri wkoll spejjeż amministrattivi normali, bħall-ispejjeż għall-persunal u l-ispejjeż tal-bini.
  2. Xi spejjeż jiġu koperti permezz ta’ kofinanzjament kemm mill-baġit tal-UE kif ukoll mill-baġit tal-Istati Membri. Dawn l-ispejjeż jiġġarrbu mill-Istati Membri u jiġu ddikjarati bħala assistenza teknika. Tali spejjeż jistgħu jkunu relatati ma’ attivitajiet jew operazzjonijiet implimentati permezz ta’ programm speċifiku operazzjonali ta’ assistenza teknika jew permezz ta' prijorità fi programm operazzjonali ġenerali. L-operazzjonijiet ta’ assistenza teknika jridu jirrispettaw ir-rekwiżiti kollha skont ir-regoli tal-Politika ta’ Koeżjoni fir-rigward ta’, pereżempju, il-proċeduri tal-għażla, l-arranġamenti ta’ kontroll u tal-awditjar, l-akkwist pubbliku, ir-regoli ta’ eliġibbiltà, jew ir-rekwiżiti ta’ rappurtar.
  3. Xi spejjeż huma koperti mill-baġits tal-Istati Membri biss. Il-Kummissjoni ma tirċievi l-ebda informazzjoni dwar dawn l-ispejjeż, billi dawn jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-RDK.

Kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi liema spejjeż jiffinanzja mill-baġit nazzjonali, u għal liema spejjeż jirrikjedi kofinanzjament, billi jiddikjarahom bħala assistenza teknika.

13

Ir-relazzjoni bejn l-ispejjeż amministrattivi u l-assistenza teknika tidher fiċ-ċirku bil-kulur fil-Figura 2, fejn iċ-ċirku ta’ ġewwa jikkonċerna l-ispejjeż imġarrba mill-Kummissjoni (ara l-paragrafu 12 (1)). It-tieni u t-tielet ċrieki huma relatati ma’ assistenza teknika ddikjarata lill-Kummissjoni mill-Istati Membri (ara l-paragrafu 12 (2)). Iċ-ċirku ta’ barra jirrappreżenta l-ispejjeż amministrattivi mġarrba mill-Istati Membri, iżda mhux iddikjarati lill-Kummissjoni (ara l-paragrafu 12 (3)), li l-Kummissjoni għandha l-għan li tagħti stima tagħhom fl-istudji (ara l-paragrafu 15). Id-diversi kuluri użati għaċ-ċirku akbar juru liema awtorità ġarrbet l-ispejjeż u jidher, pereżempju, li l-biċċa l-kbira mill-ispejjeż jiġġarrbu mill-Istati Membri, u li l-awtoritajiet maniġerjali jonfqu aktar minn 50 % tal-ispejjeż ta’ assistenza teknika tal-Istati Membri.

Figura 2

Ripartizzjoni tal-ispejjeż amministrattivi u l-assistenza teknika

Nota: L-ammont ta’ EUR 474 biljun jinkludi finanzjament mill-UE (EUR 352 biljun, ara l-paragrafu 02) u kofinanzjament nazzjonali.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data tal-Kummissjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2020.

14

Ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (RDK) jistabbilixxi limiti għall-miżura li permezz tagħha l-Istati Membri jistgħu jiddikjaraw l-ispejjeż bħala assistenza teknika. Għall-perjodu 2014-2020, huwa permess li l-Istati Membri jitolbu r-rimborż tal-ispejjeż bħala assistenza teknika għal ammont sa 4 % tal-fondi allokati lilhom7. L-RDK jistipula wkoll iċ-ċirkostanzi li taħthom dan il-limitu jista’ jiżdied għal 6 %. L-Anness I jagħti ħarsa ġenerali lejn l-ammonti totali allokati għall-Politika ta’ Koeżjoni (EUR 473 biljun), u għall-assistenza teknika (EUR 14-il biljun), fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 għal kull Stat Membru. Skont liema huwa l-programm, l-UE tikkofinanzja bejn 50 % u 100 % tal-ispejjeż ta’ AT ddikjarati.

15

Bejn l-2010 u l-2018, il-Kummissjoni kkummissjonat ħames studji biex tagħti stima tal-livell tal-ispejjeż tal-implimentazzjoni tal-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni kif ukoll stima tal-impatt tal-miżuri biex jiġu ssimplifikati r-regoli u d-dispożizzjonijiet introdotti fid-diversi proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni (ara l-Kaxxa 1).

Kaxxa 1

Studji tal-Kummissjoni biex jiġi stmat il-livell tal-ispejjeż tal-implimentazzjoni tal-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni u l-impatt tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni

Għall-perjodi ta’ programmazzjoni mill-2007 sal-2027, il-Kummissjoni kkummissjonat ħames studji li jagħtu stima tal-livell tal-ispejjeż amministrattivi u l-impatt tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni:

  • 2010 – Studju li jagħti stima tal-ispejjeż amministrattivi u l-ammont ta’ xogħol għall-awtoritajiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-FEŻR u l-FK għall-perjodu 2007-20138;
  • Ġunju 2012 – Studju li jagħti stima tal-ispejjeż amministrattivi relatati mal-FSE għall-perjodu 2007-20139;
  • Lulju 2012 – Studju li jagħti stima tal-impatt fuq l-ispejjeż amministrattivi tal-FEŻR u tal-FK, tal-bidliet introdotti fil-proposta leġiżlattiva għall-perjodu 2014-202010;
  • 2017 – Studju li jirrieżamina l-impatt ta’ 21 miżura ta’ simplifikazzjoni magħżula li ġew introdotti fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għall-perjodu 2014-2020 għall-5 Fondi SIE kollha bbażati fuq il-fażi inizjali tal-implimentazzjoni tal-perjodu 2014-202011;
  • 2018 – Studju li jistabbilixxi linja bażi ġdida għall-ispejjeż amministrattivi u l-piż amministrattiv għall-5 Fondi SIE kollha għall-perjodu 2014–2020 u l-impatt antiċipat relatat ta’ għadd ta’ miżuri mir-Regolament propost għall-perjodu 2021-202712.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

16

F’dan l-awditu aħna eżaminajna l-ispejjeż, li ġġarrbu mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri, għall-implimentazzjoni tal-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni permezz ta’ programmi operazzjonali. Aħna eżaminajna wkoll jekk l-informazzjoni li l-Istati Membri jridu jirrappurtaw lill-Kummissjoni, rigward l-ispejjeż, kinitx tikkostitwixxi bażi suffiċjenti għat-teħid ta’ deċiżjonijiet maniġerjali f’dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni u s-simplifikazzjoni tar-regoli u d-dispożizzjonijiet.

17

Is-sejbiet u l-konklużjonijiet tagħna huma rilevanti għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027 u biex tiżdied l-effettività tal-ġestjoni u tas-sistemi ta’ kontroll fl-Istati Membri għall-perjodu 2021-2027.

18

Aħna eżaminajna l-ispejjeż tal-implimentazzjoni tal-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni u staqsejna l-mistoqsijiet tal-awditjar li ġejjin:

  1. L-ispejjeż kumplessivi tal-implimentazzjoni tal-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni ppreżentati mill-Kummissjoni huma komparabbli ma’ skemi simili oħra li jibnu fuq informazzjoni dettaljata dwar l-ispejjeż li hija kompleta, konsistenti u koerenti?
  2. Id-data sottostanti dwar l-ispejjeż tippermetti li titwettaq analiżi u li jittieħdu deċiżjonijiet f’dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni u s-simplifikazzjoni tar-regoli?
19

Ix-xogħol tal-awditjar li wettaqna għall-finijiet ta’ dan ir-rapport kopra kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-awtoritajiet tal-Istati Membri:

Aħna vvalutajna l-proċeduri tal-Kummissjoni, kif ukoll l-informazzjoni disponibbli dwar l-ispejjeż li l-Kummissjoni u l-Istati Membri kienu ġarrbu, fid-DĠ REGIO u fid-DĠ EMPL. Aħna eżaminajna wkoll il-metodi mfassla mid-dipartiment ċentrali tal-Kummissjoni (id-Direttorat Ġenerali għall-Baġit) biex tingħata stima tal-ispejjeż, imġarrba mill-Kummissjoni, tal-kontrolli f’dak li jikkonċerna l-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni.

Biex niżguraw bilanċ ġeografiku, aħna għażilna ħames Stati Membri minn dawk li ġew ivvalutati minn qabel mill-Kummissjoni u tqiesu li huma aktar avvanzati fil-ġbir u fl-użu ta’ informazzjoni dwar l-ispejjeż. Fiċ-Ċekja, fil-Polonja u fil-Portugall aħna wettaqna x-xogħol tagħna billi żorna l-awtoritajiet rilevanti, filwaqt li fl-Awstrija u fil-Latvja organizzajna vidjokonferenzi u wettaqna analiżijiet dokumentarji għall-awtoritajiet rilevanti. Għal dawn l-Istati Membri aħna:

irrieżaminajna l-proċeduri għar-reġistrazzjoni, il-verifika u r-rappurtar tal-ispejjeż għall-implimentazzjoni tal-fondi u l-programmi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni użati mill-awtoritajiet ta’ koordinazzjoni nazzjonali, mill-awtoritajiet maniġerjali, mill-awtoritajiet ta’ ċertifikazzjoni u mill-awtoritajiet ta’ awditjar, li kienu involuti fl-implimentazzjoni ta’ 15-il programm operazzjonali;

eżaminajna d-data rrappurtata u użata fl-istudju tal-2018 (ara l-Kaxxa 1); u

ivvalutajna d-disponibbiltà u l-kwalità ta’ din id-data.

Aħna intervistajna uffiċjali tal-awtoritajiet tal-Istati Membri u membri tal-persunal tal-Kummissjoni fid-DĠ BUDG, fid-DĠ EMPL u fid-DĠ REGIO.

Barra minn hekk, aħna wettaqna żewġ stħarriġiet fil-livell tal-Istati Membri.

Stedinna lill-awtoritajiet kollha inkarigati mill-programm biex jipparteċipaw fi stħarriġ dwar il-ġbir, l-analiżi u r-rappurtar ta’ informazzjoni dwar l-ispejjeż amministrattivi kif ukoll dwar il-proċessi u l-fehmiet relatati. Irċevejna risposti mingħand 131 awtorità fost 591 (22 %) li jinsabu f’26 Stat Membru.

Aħna stħarriġna l-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar kollha tal-UE, u ħeġġiġniehom biex jipprovdu informazzjoni addizzjonali dwar l-ispejjeż tal-implimentazzjoni tal-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni u l-iskemi ta’ għajnuna nazzjonali, kif ukoll informazzjoni dwar l-awditi tagħhom rigward dawn il-kwistjonijiet. Minn 28 istituzzjoni suprema tal-awditjar, irċevejna risposti mingħand 15 minnhom.

Aħna rrieżaminajna l-istudji li twettqu bejn l-2010 u l-2018 dwar l-ispejjeż tal-implimentazzjoni tal-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni u dwar il-miżuri ta’ simplifikazzjoni (ara l-Kaxxa 1). Flimkien, dawn l-istudji kienu jkopru t-tliet perjodi ta’ programmazzjoni bejn l-2007 u l-2027.

20

Sabiex neżaminaw id-data dwar l-ispejjeż u l-proċeduri relatati, aħna ffukajna prinċipalment fuq il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. L-awditu kopra l-informazzjoni li kienet disponibbli għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri fil-31 ta' Diċembru 2018.

21

Ix-xogħol tal-awditjar li wettaqna la kien jinkludi:

  1. eżaminar tal-benefiċċji li ġew iġġenerati mill-proċeduri relatati mal-implimentazzjoni tal-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni; u lanqas
  2. eżaminar tal-ispejjeż amministrattivi tal-operazzjonijiet magħżula fil-livell tal-benefiċjarju (ara l-paragrafu 11).

Osservazzjonijiet

L-ispejjeż kumplessivi għall-implimentazzjoni tal-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni li ġew irrappurtati huma komparattivament baxxi, iżda bbażati fuq data li ma kinitx suffiċjentement kompleta, konsistenti u koerenti

22

L-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe politika jew programm iġġarrab spejjeż, prinċipalment għall-persunal, għas-sistemi tal-IT, għall-bini u għas-servizzi. Barra minn hekk, sabiex jintwera liċ-ċittadini Ewropej li l-politiki qed jiġu implimentati b’mod effiċjenti, jenħtieġ li informazzjoni kompleta, koerenti u konsistenti dwar l-ispejjeż issir disponibbli pubblikament. Jenħtieġ li l-ispejjeż jinżammu baxxi: aktar ma jkunu kbar, inqas ikun hemm fondi disponibbli biex tassew tiġi implimentata l-politika.

Il-Kummissjoni tirrapporta kull sena dwar l-ispejjeż tal-implimentazzjoni tal-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni, iżda dan ir-rappurtar mhuwiex konsistenti fuq tul ta’ żmien

23

Ir-Regolament Finanzjarju tal-UE jirrikjedi li l-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni tal-ispejjeż u tal-benefiċċji tal-kontrolli fir-rapporti annwali tal-attività (RAA) ta’ kull DĠ13. Il-Kummissjoni tiddefinixxi “l-ispejjeż tal-kontrolli” bħala l-ispejjeż involuti fil-biċċa l-kbira mill-aspetti tal-implimentazzjoni tal-infiq tal-UE, inklużi l-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni. Fil-Kummissjoni, dan jinkludi spejjeż primarjament relatati mal-membri tal-persunal tagħha involuti fl-implimentazzjoni tal-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni, bħall-programmazzjoni, il-monitoraġġ, il-ġestjoni finanzjarja, l-assistenza amministrattiva u teknika, u l-awditjar. It-Tabella 1 turi d-data għall-perjodu mill-2013 sal-2018.

Tabella 1

Informazzjoni dwar l-ispejjeż tal-kontrolli fir-rapporti annwali tal-attività tal-Kummissjoni

2013 2014 2015 2016 2017 2018
Politika tal-Impjiegi
Spiża tal-kontrolli (miljun EUR) (1) 25.51 24.65 24.57 24.55 26.56 13.28
Pagamenti li saru taħt il-FSE (miljun EUR) 13 763.80 10 609.27 10 301.91 8 132.00 9 780.26 13 917.14
Spiża tal-kontrolli (Spiża tal-kontrolli / pagamenti li saru taħt il-FSE) 0.19 % 0.23 % 0.24 % 0.30 % 0.27 % 0.09 %
Spiża tal-kontrolli tal-Istati Membri għall-FSE (Spiża tal-kontrolli / Allokazzjoni totali tal-FSE għall-perjodu ta’ programmazzjoni) 4.80 % 4.80 % 4.80 % 4.80 % 4.80 % 2.76 %
Politika Reġjonali
Spiża tal-kontrolli (miljun EUR) (1) mhux disponibbli 75.27 70.57 74.49 74.42 73.69
Pagamenti li saru taħt il-FEŻR u l-FK (miljun EUR) 48 812.14 40 598.00 28 485.54 26 394.20 39 305.17
Spiża tal-kontrolli (Spiża tal-kontrolli / Pagamenti li saru taħt il-FEŻR u l-FK) 0.14 % 0.15 % 0.17 % 0.26 % 0.28 % 0.19 %
Spiża tal-kontrolli tal-Istati Membri għall-FEŻR u għall-FK (Spiża tal-kontrolli / Allokazzjoni totali tal-FEŻR u tal-FK għall-perjodu ta’ programmazzjoni) 2.10 % 2.10 % 2.10 % 2.10 % 2.10 % 2.26 % għall-FEŻR u 1.84 % għall-FK

(1) Dan huwa kalkolu li sar mill-Kummissjoni Ewropea għar-Rapport Annwali tal-Attività. Għall-perjodu mill-2013 sal-2017 jiġu ppubblikati l-valuri perċentwali, għall-2018 jiġi ppubblikat l-ammont assolut.

Sors: ir-Rapporti Annwali tal-Attività tal-Kummissjoni Ewropea.

24

Fir-RAA tagħha, il-Kummissjoni tippreżenta l-ispejjeż tal-kontrolli li hija ġarrbet bħala perċentwal tal-pagamenti li jkunu saru. Ftit li xejn isiru pagamenti fis-snin bikrin ta' perjodu ta’ programmazzjoni, meta l-Istati Membri jkunu qed jistabbilixxu l-programmi, u l-proġetti ma jkunux għadhom operazzjonali. Madankollu, l-ispejjeż imġarrba mill-Kummissjoni huma relattivament stabbli u ma jvarjawx ħafna skont il-volum ta’ fondi żborżati. Il-varjazzjonijiet fil-perċentwal ippubblikat huma fil-biċċa l-kbira r-riżultat ta’ varjazzjonijiet fil-volum tal-pagamenti li jsiru għall-programmi.

25

Bħad-DĠ l-oħra tal-Kummissjoni, id-DĠ li huma responsabbli mill-Politika ta’ Koeżjoni (id-DĠ EMPL u d-DĠ REGIO) jagħtu stima tal-ispejjeż tagħhom billi jużaw metodu stabbilit mid-dipartimenti ċentrali tal-Kummissjoni. Dan jikkonsisti fil-multiplikazzjoni tal-għadd tal-persunal allokat biex tiġi esegwita l-Politika ta’ Koeżjoni bi spiża medja għal kull membru tal-persunal stabbilita għal kull kategorija ta’ persunal. Wara rakkomandazzjonijiet li saru mis-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni, il-metodu ta’ allokazzjoni tal-persunal ġie aġġornat fl-2018. B’mod partikolari, kif spjega fir-RAA tiegħu, id-DĠ EMPL irfina l-metodu li kien juża biex jagħti stima tar-riżorsi tal-membri tal-persunal involuti, metodu li kien ilu ma jiġi aġġornat mill-2013. Din il-bidla, flimkien ma’ żewġ riorganizzazzjonijiet amministrattivi kif ukoll mal-ammont ta’ xogħol sinifikattivament akbar marbut mas-semestru tal-UE, li ġie rrappurtat biss fir-RAA 2018, kellha l-effett ta’ tnaqqis b’50 % tal-ispejjeż irrappurtati tad-DĠ EMPL relatati mal-ġestjoni kondiviża. Dan jixħet dubju rigward il-preċiżjoni tal-ispejjeż irrappurtati għall-perjodu 2013-2017. Aħna nqisu li l-metodu aġġornat li l-Kummissjoni qed tuża issa jippermettilha li tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament Finanzjarju (il-paragrafu 23).

L-Istati Membri għandhom biss informazzjoni mhux kompleta dwar l-ispejjeż amministrattivi

26

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu liema spejjeż jiddikjaraw lill-Kummissjoni bħala assistenza teknika (ara l-paragrafu 14). It-tip ta’ spejjeż iddikjarati jvarja minn awtorità għal oħra, anke fi ħdan Stati Membri individwali. Xi Stati Membri jagħżlu li ma jiddikjarawx l-ispejjeż amministrattivi eliġibbli kollha proprji tagħhom bħala AT. Huma jistgħu jagħmlu dan, pereżempju, sabiex jużaw aktar mill-fondi disponibbli għal proġetti operazzjonali. Il-Figura 3 turi t-tipi ta’ spejjeż li l-awtoritajiet ddikjaraw bħala AT f’kull wieħed mill-ħames Stati Membri li awditjajna. It-tabella turi wkoll li ċerti Stati Membri għażlu li ma jiddikjarawx, parzjalment jew kompletament, ċerti tipi ta’ spejjeż. Għall-ispejjeż li ma jiġux iddikjarati lilha, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda informazzjoni dwar l-ammont jew it-tip ta’ spejjeż (ara wkoll il-paragrafu 13).

Figura 3

Finanzjament ta’ spejjeż amministrattivi fl-Istati Membri awditjati

Stati Membri Tip ta’ spiża tal-kontrolli koperta mill-assistenza teknika / Awtorità Spejjeż għall-persunal Spejjeż ta’ materjal Spejjeż ġenerali Spejjeż esterni
L-Awstrija Korp ta’ Koordinazzjoni
(OROK biss)
Iddikjarati kompletament Mhux iddikjarati Mhux iddikjarati Mhux iddikjarati
L-Awstrija Awtorità Maniġerjali Iddikjarati parzjalment Iddikjarati parzjalment Iddikjarati parzjalment Iddikjarati parzjalment
L-Awstrija Korpi Intermedjarji tal-Awtoritajiet Maniġerjali (1) Mhux iddikjarati Mhux iddikjarati Mhux iddikjarati Iddikjarati parzjalment
L-Awstrija Awtorità ta’ Ċertifikazzjoni (2) Mhux iddikjarati Mhux iddikjarati Mhux iddikjarati Iddikjarati parzjalment
L-Awstrija Korpi Intermedjarji tal-Awtoritajiet ta’ Ċertifikazzjoni (3) Iddikjarati parzjalment Iddikjarati parzjalment Iddikjarati parzjalment Iddikjarati parzjalment
L-Awstrija Awtorità tal-Awditjar Mhux iddikjarati Mhux iddikjarati Mhux iddikjarati Mhux iddikjarati
Iċ-Ċekja Korp ta’ Koordinazzjoni Iddikjarati kompletament Iddikjarati fil-biċċa l-kbira mill-każijiet Iddikjarati kompletament Iddikjarati parzjalment
Iċ-Ċekja Awtorità Maniġerjali Iddikjarati kompletament Iddikjarati parzjalment Iddikjarati parzjalment Iddikjarati parzjalment
Iċ-Ċekja Korpi Intermedjarji tal-Awtoritajiet Maniġerjali Iddikjarati kompletament Iddikjarati parzjalment Iddikjarati parzjalment Iddikjarati parzjalment
Iċ-Ċekja Awtorità ta’ Ċertifikazzjoni Iddikjarati kompletament Iddikjarati parzjalment Mhux iddikjarati Iddikjarati kompletament
Iċ-Ċekja Awtorità tal-Awditjar Iddikjarati kompletament Iddikjarati fil-biċċa l-kbira mill-każijiet Iddikjarati fil-biċċa l-kbira mill-każijiet L-ebda informazzjoni
Il-Latvja Awtorità Maniġerjali Iddikjarati fil-biċċa l-kbira mill-każijiet Iddikjarati fil-biċċa l-kbira mill-każijiet Iddikjarati fil-biċċa l-kbira mill-każijiet Iddikjarati fil-biċċa l-kbira mill-każijiet
Il-Latvja Korpi Intermedjarji tal-Awtoritajiet Maniġerjali Iddikjarati parzjalment Iddikjarati parzjalment Iddikjarati parzjalment Iddikjarati parzjalment
Il-Latvja Awtorità ta’ Ċertifikazzjoni Iddikjarati parzjalment Mhux iddikjarati Iddikjarati parzjalment Mhux applikabbli
Il-Latvja Awtorità tal-Awditjar Iddikjarati fil-biċċa l-kbira mill-każijiet Iddikjarati fil-biċċa l-kbira mill-każijiet Iddikjarati kompletament Iddikjarati kompletament
Il-Portugall Korp ta’ Koordinazzjoni Iddikjarati kompletament Iddikjarati kompletament Iddikjarati kompletament Iddikjarati kompletament
Il-Portugall Awtorità Maniġerjali Iddikjarati kompletament Iddikjarati kompletament Iddikjarati kompletament Iddikjarati kompletament
Il-Portugall Korpi Intermedjarji tal-Awtoritajiet Maniġerjali Iddikjarati parzjalment Iddikjarati parzjalment Iddikjarati parzjalment Iddikjarati parzjalment
Il-Portugall Awtorità ta’ Ċertifikazzjoni Iddikjarati kompletament Iddikjarati kompletament Iddikjarati kompletament Iddikjarati kompletament
Il-Portugall Awtorità tal-Awditjar Iddikjarati parzjalment Iddikjarati kompletament Iddikjarati parzjalment Iddikjarati kompletament
Il-Portugall Struttura ta’ Awditjar Distinta - Awditu tal-Operazzjonijiet Iddikjarati kompletament Iddikjarati kompletament Iddikjarati kompletament Iddikjarati kompletament
Il-Polonja Awtorità Maniġerjali Iddikjarati kompletament Iddikjarati kompletament L-ebda informazzjoni Iddikjarati kompletament
Il-Polonja Korpi Intermedjarji tal-Awtoritajiet Maniġerjali Iddikjarati kompletament Iddikjarati kompletament Iddikjarati parzjalment Iddikjarati kompletament
Il-Polonja Awtorità ta’ Ċertifikazzjoni (4) Iddikjarati kompletament Iddikjarati kompletament L-ebda informazzjoni Iddikjarati kompletament
Il-Polonja Awtorità tal-Awditjar Iddikjarati kompletament Iddikjarati kompletament Mhux applikabbli Iddikjarati kompletament

(1) Il-KI tal-AM tal-FEŻR mhumiex iffinanzjati permezz tal-assistenza teknika.

(2) L-AĊ tal-FSE ma tiddikjara l-ebda spiża taħt l-assistenza teknika.

(3) L-AĊ tal-FSE ma għandha l-ebda KI.

(4) Fil-Polonja, l-AĊ hija parti funzjonali separata mill-AM.

Sors: il-QEA.

27

Ir-risposti għall-istħarriġ li wettaqna jindikaw li l-AT tkopri parti sinifikanti mill-ispejjeż amministrattivi tal-Istati Membri, iżda mhux kollha (ara l-Figura 2). Fi kliem ieħor, l-Istati Membri jiffinanzjaw proporzjon tal-ispejjeż amministrattivi mis-sorsi nazzjonali jew reġjonali proprji tagħhom, u ma jiddikjarawhx lill-Kummissjoni.

28

Għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, li għalih ftit PO biss għadhom miftuħin, 10 % tal-awtoritajiet tal-Istati Membri li rrispondew għall-istħarriġ tagħna ffinanzjaw l-ispejjeż kollha tagħhom minn sorsi nazzjonali. Fl-estrem l-ieħor, 13 % ffinanzjaw l-ispejjeż kollha tagħhom minn AT (ara t-Tabella 2).

Tabella 2

Proporzjon tal-AT fl-ispejjeż amministrattivi għall-perjodu 2007-2013, kif stmat mir-rispondenti għall-istħarriġ

Proporzjon ta' AT mit-total tal-ispejjeż amministrattivi % tar-rispondenti
0 % 10 %
1 %-25 % 9 %
26 %-50 % 11 %
51 %-75 % 7 %
76 %-99 % 9 %
100 % 13 %
Mhux magħruf 41 %
Total 100 %

Sors: il-QEA.

29

Il-Kummissjoni stmat l-ammont iddikjarat bħala proporzjon tat-total tal-ispejjeż amministrattivi tal-Istati Membri, billi interrogat lill-Istati Membri kollha. Hija waslet għal firxa stmata ta’ bejn 30 % u 70 %14 (għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 għall-FEŻR u għall-FK) fl-2010, u 68 %15 (għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 għall-5 fondi SIE kollha) fl-2018.

30

L-istħarriġ li wettaqna juri li 41 % tar-rispondenti ma kinux kapaċi jagħtu stima tal-proporzjon tal-ispejjeż iffinanzjati minn AT (ara t-Tabella 2). Minkejja li l-ispejjeż iddikjarati għall-AT huma magħrufa, fil-biċċa l-kbira mill-każijiet (91 % tar-rispondenti) ma kien hemm l-ebda rekwiżit fil-livell nazzjonali biex jiġu identifikati l-ispejjeż totali. Din is-sitwazzjoni ma tikkonċernax biss il-korpi li jimplimentaw il-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni: 20 % biss tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar ikkonfermaw li tali rekwiżiti kienu jeżistu għal skemi ta’ finanzjament purament reġjonali jew nazzjonali.

31

Filwaqt li l-awtoritajiet tal-Istati Membri, billi huma korpi pubbliċi, għandhom sistemi kontabilistiċi li jirreġistraw l-ispejjeż li jġarrbu, 62 % tal-awtoritajiet li rrispondew għall-istħarriġ tagħna kienu parti minn organizzazzjonijiet akbar, bħal ministeri. Dan ifisser li jista’ jkun diffiċli li jiġu identifikati separatament l-ispejjeż relatati mal-attività tal-awtoritajiet inkarigati mill-programmi li jimplimentaw il-Politika ta’ Koeżjoni minn dawk tal-organizzazzjoni akbar fejn, pereżempju, jikkondividu l-bini jew is-sistemi tal-informazzjoni.

L-istudju ad hoc imwettaq mill-Kummissjoni fl-2018 li ta stima tal-ispejjeż amministrattivi kien ibbażat fuq data tal-input li ma kinitx suffiċjentement kompleta, konsistenti jew koerenti

32

Billi informazzjoni kompleta dwar l-ispejjeż amministrattivi tal-Istati Membri mhijiex disponibbli, il-Kummissjoni twettaq studji perjodikament biex tagħti stima ta’ dawn l-ispejjeż. Dawn l-istudji twettqu minn konsulenti f'madwar il-ħames sena tal-perjodi ta’ programmazzjoni u rriżultaw fi studji li nħarġu fl-2010 (FK u FEŻR); fl-2012 (FSE) u fl-2018 għall-ħames Fondi SIE kollha (ara l-Kaxxa 1).

33

Għall-istudju tal-2018, il-konsulent talab lill-awtoritajiet kollha tal-Istati Membri biex jipprovdu informazzjoni dwar l-ispejjeż amministrattivi permezz ta’ kwestjonarju. Dawn l-awtoritajiet kienu jinkludu awtoritajiet maniġerjali, awtoritajiet ta’ ċertifikazzjoni u awtoritajiet tal-awditjar, kif ukoll korpi nazzjonali ta’ koordinazzjoni, iżda ma kinux jinkludu għadd sinifikanti ta’ korpi intermedjarji.

34

L-awtoritajiet tal-Istati Membri ma kinux obbligati legalment li jirrispondu, u fil-fatt mhux kollha rrispondew. Ir-rata tar-rispons kienet tvarja bejn 13 % (il-Ġermanja) u 100 % (id-Danimarka u s-Slovenja)16. Il-kopertura finali fl-Istati Membri kollha għall-ħames fondi SIE kollha kienet ta’ 39 %17.

35

Lir-rispondenti għall-istħarriġ tagħna li ma kinux imlew il-kwestjonarju tal-konsulent għall-istudju tal-2018, aħna tlabniehom ir-raġuni għaliex ma kinux għamlu dan. Xi wħud irrispondew li r-raġuni kienet minħabba nuqqas ta’ riżorsi tal-persunal kif ukoll minħabba nuqqas ta' data faċilment disponibbli. Rispondenti oħra rrispondew li t-twaqqit magħżul għall-kwestjonarju ma kienx ottimu peress li l-attivitajiet jitqassmu b’mod mhux uniformi matul perjodu ta’ programmazzjoni (minħabba l-funzjonament naturali tal-qasam ta’ politika) u l-ispejjeż amministrattivi tal-Istati Membri tqassmu wkoll b’mod mhux uniformi matul il-perjodu. B’konsegwenza tal-fatt li r-rispons għall-kwestjonarju ma kienx komplet, il-konsulent kellu jagħmel aġġustamenti biex jikkumpensa għan-nuqqas ta’ data u jimla l-vojt. Dan sar billi ntużaw risposti validi minn rispondenti “simili”18.

36

Għal dawk l-Istati Membri li rrispondew, ir-riżorsi meħtieġa biex jikkompletaw l-eżerċizzju ma kinux eċċessivi: ir-rispondenti għall-istħarriġ tagħna indikaw li qattgħu medja ta’ 1.7 ġimgħat ta’ xogħol biex jirrispondu għall-kwestjonarju.

37

L-awditu li wettaqna fl-Istati Membri magħżula u r-risponsi għall-istħarriġ tagħna juru li d-data tal-input ipprovduta lill-konsulent ma kinitx suffiċjentement kompleta, konsistenti u koerenti għar-raġunijiet li ġejjin:

  • L-awtoritajiet fil-ħames Stati Membri kollha awditjati sostnew li l-ambitu u l-metodoloġija tal-eżerċizzju, kif ukoll il-mistoqsijiet, ma kinux ċari u li ma kienx hemm linji gwida xierqa.
  • Ir-rispondenti għall-istħarriġ tagħna setgħu jisiltu ftit aktar minn 50 % tal-informazzjoni meħtieġa għall-kwestjonarju tal-konsulent, mis-sistemi ta’ informazzjoni tagħhom. Konsegwentement, huma kellhom jużaw stimi għal parti kbira mid-data meħtieġa.
  • Għall-ħames Stati Membri kollha awditjati, ftit li xejn twettqet verifikazzjoni tad-data sottostanti tar-risposti li ngħataw mill-awtoritajiet: il-konsulent għamel biss kontrolli tal-plawżibbiltà tad-data.
  • Fir-risposti tagħhom, xi wħud mill-awtoritajiet ta' erbgħa mill-ħames Stati Membri awditjati mhux dejjem inkludew l-informazzjoni rigward il-korpi intermedjarji
  • Xi awtoritajiet fil-ħames Stati Membri awditjati kollha rrappurtaw biss l-ispejjeż li kienu ġew iffinanzjati permezz ta' AT, li ma jirrappreżentawx it-totalità tal-ispejjeż amministrattivi.
  • Fi tnejn mill-ħames Stati Membri awditjati, xi informazzjoni rrappurtata mhijiex relatata biss mal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020.
  • F’erbgħa mill-ħames Stati Membri awditjati, l-ispejjeż ma ġewx irrappurtati b’mod konsistenti: aħna sibna spejjeż li ma kinux inklużi fir-rappurtar relatat mal-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni. F’wieħed mill-Istati Membri miżjura, aħna sibna wkoll spejjeż irrappurtati, li ma kinux relatati kollha kemm huma mal-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni (ara l-Kaxxa 2).

Kaxxa 2

Problemi li nstabu fir-risposti pprovduti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri

Fi Stat Membru wieħed, awtorità tal-awditjar irrappurtat biss l-ispejjeż ġenerali tal-uffiċċju prinċipali tagħha, iżda l-ispejjeż ġenerali relatati ma’ 35 lok reġjonali ma kinux inklużi. L-istess awtorità inkludiet spejjeż relatati mal-persunal fl-intier tiegħu, madankollu xi membri tal-persunal jawditjaw nefqa li ma tkunx relatata mal-Politika ta’ Koeżjoni.

38

Żewġ awtoritajiet sostnew li, kieku ngħataw avviż minn qabel, setgħu jiksbu aktar informazzjoni u ta’ kwalità aħjar. Kieku l-ħtieġa li tingħata tali informazzjoni kienet ġiet ikkomunikata mill-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni, huma kienu jistgħu jfasslu s-sistemi u l-proċeduri tagħhom b’mod li setgħet tiġi ġġenerata l-informazzjoni meħtieġa, u l-forniment tad-data kien ikun ferm eħfef, aktar effiċjenti u aktar preċiż.

39

Għall-FEŻR u għall-FK, l-istudju tal-2018 jagħti riżultati simili ħafna għal dawk tal-istudju preċedenti tal-2010. Madankollu, fl-istudju tal-2018 l-ispejjeż tal-Istati Membri għall-FSE ġew stmati f'livell ta' 2.8 %, filwaqt li fl-istudju tal-2012 ġew stmati f'livell ta' 4.8 %. Skont l-istudju tal-2018, dan it-tnaqqis kbir fl-ispejjeż jista’ jiġi attribwit primarjament għal tnaqqis fl-ispejjeż (i) tal-monitoraġġ u tal-evalwazzjoni; (ii) tal-verifikazzjonijiet ta’ talbiet għar-rimborż b’mod partikolari minħabba użu estensiv ta’ opzjonijiet ta’ spejjeż simplifikati (SCO); u (iii) tal-attivitajiet ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni19.

Id-data disponibbli turi li l-ispejjeż amministrattivi huma komparattivament baxxi

40

Huwa mistenni li l-ispiża amministrattiva tal-Politika ta’ Koeżjoni tkun raġonevoli meta mqabbla ma’ programmi oħra ta’ finanzjament ta’ investiment fil-livell Ewropew jew f'dak internazzjonali.

41

Id-dgħufijiet li rrappurtajna fil-paragrafi 33 sa 39 iqajmu dubji dwar il-kompletezza, il-konsistenza u l-koerenza tad-data miġbura għall-istudju tal-2018. Konsegwentement, meta tiġi analizzata d-data, dan in-nuqqas ta’ affidabbiltà jrid jittieħed inkunsiderazzjoni, li jfisser li d-data hija xierqa biss għal tqabbil ġeneriku. Minkejja dan, anke jekk jingħata lok għal marġni mdaqqas ta’ żball, id-data disponibbli turi li l-ispejjeż amministrattivi tal-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni huma komparattivament baxxi meta mqabbla ma’ programmi Ewropej u internazzjonali oħra.

42

L-istudju tal-2018 juri li, għall-Istati Membri, l-ispiża medja tal-implimentazzjoni tal-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni kienet ta’ 2.3 %20 tal-ammont totali tal-fondi allokati. Mill-fondi SIE kollha, l-FK huwa l-irħas, bi spejjeż amministrattivi ta’ 1.8 %, segwit mill-FEŻR (2.3 %) u l-FSE (2.8 %) (ara t-Tabella 1). L-istudju jikkonkludi21 li dawn id-differenzi jirriflettu n-naturi differenti tal-fondi, pereżempju, il-programmi tal-FK tipikament ikollhom inqas proġetti biex iwettqu, iżda ta’ skala akbar, meta mqabbel mal-FSE jew ikollhom varjanzi fil-volum finanzjarju. Għaldaqstant, in-natura differenti tal-fondi trid tittieħed inkunsiderazzjoni fi kwalunkwe tqabbil li jsir. L-istudju tal-2018 jagħti x'jifhem li l-ispejjeż tal-implimentazzjoni tal-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni huma taħt dawk għall-FAEŻR (8.3 %) u għall-FEMS (4.4 %).

43

B’żieda mal-ispejjeż tal-Istati Membri, l-ispejjeż tal-Kummissjoni għall-2018 huma stmati f'livell ta’ 0.36 % tat-total tal-impenji ta’ finanzjament li twettqu taħt il-Politika ta’ Koeżjoni. Minn dawn, l-ispejjeż tad-DĠ EMPL jammontaw għal 0.18 % tal-fondi impenjati għall-FSE, u l-ispejjeż tad-DĠ REGIO jammontaw għal 0.42 % tal-fondi impenjati għall-FK u għall-FEŻR.

44

L-istudju tal-2018 jirreferi wkoll għal studji preċedenti, li wrew li l-ispejjeż tal-implimentazzjoni tal-Fondi SIE huma raġonevoli skont it-tqabbil internazzjonali. Dawn l-istudji sabu li l-ispejjeż tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-Fondi SIE kienu komparabbli mal-ispejjeż amministrattivi ġenerali tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), bi strutturi ta’ ġestjoni u ta’ implimentazzjoni li huma sostanzjalment simili, li kienu jammontaw għal 4.5 % tal-ispejjeż tal-programmi. L-ispejjeż amministrattivi tal-programmi ta’ sħubija globali u reġjonali tal-Bank Dinji jammontaw għal 11 %.

L-informazzjoni disponibbli dwar l-ispejjeż ma kinitx adegwata biex jiġi vvalutat l-impatt tas-simplifikazzjoni tar-regoli tal-UE

45

L-informazzjoni dwar l-ispejjeż amministrattivi tal-implimentazzjoni tal-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni hija partikolarment rilevanti f’żewġ stadji ta’ kwalunkwe perjodu ta’ programmazzjoni:

  1. meta tiġi proposta leġiżlazzjoni għal perjodu ta’ programmazzjoni u r-regoli jiġu mmodifikati, ma jitkomplewx jew jiġu introdotti; u
  2. meta jingħalaq perjodu ta’ programmazzjoni u l-ammont finali tal-ispejjeż amministrattivi jkun jista’ jinħadem u jiġi vvalutat bi tqabbil mas-suppożizzjonijiet tal-bidu.
46

Sabiex jiġu ġġustifikati l-bidliet fid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi fl-RDK il-ġdid, jenħtieġ li l-istudji jippreżentaw l-informazzjoni u jservu bħala bażi ta’ evidenza biex il-Kummissjoni tikseb fehim tajjeb tal-kumplessità tar-regoli u tal-prattiki amministrattivi li huma rilevanti għall-ispejjeż amministrattivi. Jenħtieġ li l-informazzjoni tippermetti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jivvalutaw liema miżuri ta’ simplifikazzjoni għandhom mnejn ikunu effettivi u liema impatt huwa mistenni minnhom, filwaqt li jitqiesu l-benefiċċji regolatorji. Ladarba l-implimentazzjoni tal-programmi tkun suffiċjentement avvanzata, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkejjel l-effetti u tanalizza l-impatt tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni, fejn dawn jiġu applikati jew huwa ppjanat li jiġu applikati fil-perjodu ta’ programmazzjoni sussegwenti.

Il-Kummissjoni hija aktar ottimista mill-Istati Membri, f’dak li jirrigwarda l-iffrankar relatat mas-simplifikazzjoni regolatorja fil-perjodu 2014-2020

47

Aħna eżaminajna l-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni rigward l-impatt tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni u qabbilnieha mal-fehmiet tal-Istati Membri dwar l-ispejjeż amministrattivi għall-perjodu 2014-2020. L-istudji li twettqu għall-Kummissjoni bejn l-2010 u l-2018 (ara l-Kaxxa 1) kienu bbażati fuq informazzjoni li kienet ġejja jew minn stadji bikrin fl-istess perjodu ta’ programmazzjoni jew inkella fuq informazzjoni mill-perjodu ta’ programmazzjoni preċedenti li ntuża bħala xenarju bażi biex jiġi stmat l-impatt futur tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni li ġew introdotti jew proposti. Fiż-żewġ xenarji, l-informazzjoni disponibbli ma kinitx suffiċjenti biex jiġi vvalutat l-impatt tal-bidliet li kienu riżultat tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni.

48

Eżempju ta’ użu ta’ informazzjoni minn stadju bikri tal-perjodu ta’ programmazzjoni huwa l-istudju tal-2017 (ara l-Kaxxa 1). Matul ix-xogħol tal-awditjar preċedenti22, aħna sibna li l-implimentazzjoni bil-mod fil-perjodu 2014-2020 kienet wasslet għal rata ta’ assorbiment approssimattiva ta’ 10 % biss tal-fondi disponibbli taħt il-FEŻR, il-FSE u l-FK sal-ewwel semestru tal-2017. B’sempliċiment 10 % ta’ assorbiment tal-fondi allokati, jinvolvi sfida li jiġu stmati l-effetti tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni eżaminati billi l-bidliet fir-regoli, b’mod ġenerali, ikunu jirrikjedu bidla fil-proċeduri, il-kisba ta’ għarfien ġdid u l-organizzazzjoni ta’ taħriġ. L-istudju tal-2018 jikkonferma li l-impatt tal-bidliet fir-regoli seta’ jimmaterjalizza biss b’xi dewmien u li jkun diffiċli li tiġi pprovduta evidenza konklużiva li l-bidliet irriżultaw f’impatt fuq l-ispejjeż amministrattivi23.

49

L-istudji li twettqu sa issa (ara l-Kaxxa 1) kellhom l-għan li jagħtu stima tal-livell massimu stabbilit fil-leġiżlazzjoni għall-assistenza teknika mid-diversi fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni u li juru l-iffrankar futur mistenni, li l-miżuri ta’ simplifikazzjoni jistgħu jirrendu. Madankollu, il-Kummissjoni għadha ma vvalutatx jekk dan l-iffrankar sarx realtà. Għalkemm kważi l-programmi operazzjonali kollha tal-perjodu 2007-2013 issa ngħalqu (ara l-paragrafu 05), il-Kummissjoni għadha ma kejlitx u lanqas ma vvalutat id-differenza bejn l-impatt stmat u l-impatt reali tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni.

50

Fl-istudju li l-Kummissjoni wettqet fl-2017 (ara l-Kaxxa 1), hija rrieżaminat jekk il-21 miżura ta’ simplifikazzjoni magħżula, li ġew introdotti fl-RDK tal-perjodu 2014-2020, kinux iġġeneraw it-tnaqqis mistenni għall-5 Fondi SIE kollha (ara l-Anness III).

51

L-istudju wera li, b’mod ġenerali, il-21 miżura ta’ simplifikazzjoni huma mistennija li se jnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi relatati mal-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni għall-amministrazzjoni pubblika b’firxa ta’ minn 4 % sa 8 % għall-FEŻR u l-FK u b’firxa ta’ minn 2 % sa 5 % għall-FSE24. L-istudju wera wkoll li s-soll regolatorju għall-assistenza teknika, attwalment stabbilit f'rata ta' 4 % tal-fondi allokati, jista’ jitnaqqas għal bejn 3.7 % u 3.8 % għall-Fondi SIE.

52

Fl-istħarriġ li wettaqna kif ukoll fiż-żjarat lill-awtoritajiet ta’ implimentazzjoni, aħna staqsejna lill-awtoritajiet ta’ implimentazzjoni dwar kif qed jipprevedu li se jevolvu l-ispejjeż amministrattivi għall-perjodu 2014-2020, meta mqabbel mal-perjodu 2007-2013. Madwar 58 % tar-rispondenti kienu qed jipprevedu li l-ispejjeż tagħhom kienu se jiżdiedu u 20 % tar-rispondenti ma kienu qed jipprevedu l-ebda tibdil, li jfisser li 78 % jemmnu li l-ispejjeż amministrattivi jew se jiżdiedu jew inkella se jibqgħu l-istess bħal fil-perjodu preċedenti. Skont ir-rispondenti, l-aktar fatturi importanti li l-awtoritajiet tal-Istati Membri qed jipprevedu li se jikkontribwixxu għal żieda fl-ispejjeż huma l-għadd ta’ atti legali tal-UE u d-diffikultajiet fl-interpretazzjoni tagħhom, kif ukoll l-għadd ta’ kompiti imposti mil-leġiżlazzjoni fuq l-awtoritajiet inkwistjoni.

53

L-aspettattiva tal-maġġoranza tar-rispondenti tal-Istati Membri li se jkun hemm żieda fl-ispejjeż amministrattivi tikkontradixxi l-valutazzjoni tal-Kummissjoni, li tipprevedi tnaqqis fl-ispejjeż amministrattivi.

Mhuwiex ċert x'se jkun l-impatt tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni proposti għall-perjodu 2021-2027

54

Fil-paragrafu 41, aħna indikajna li d-data li ntużat għall-istudju tal-2018 kienet xierqa biss għal tqabbil ġeneriku. B’riżultat ta’ dan, l-użu ta’ komponenti individwali mill-istudju tal-2018, bħala bażi għal modifiki dettaljati tar-regoli leġiżlattivi jidher diffiċli ħafna, u jkun tajjeb li jsir b’kawtela. Il-Kummissjoni tikkonfermah dan fil-memorandum ta’ spjegazzjoni għall-proposta tal-RDK il-ġdid, billi tiddikjara li ħafna mis-simplifikazzjonijiet “huma diffiċli biex jiġu kkwantifikati finanzjarjament bil-quddiem”25. Minkejja dan, fil-memorandum ta’ spjegazzjoni, il-Kummissjoni għażlet u ppreżentat żewġ stimi speċifiċi dwar modifiki speċifiċi għal dispożizzjonijiet fir-Regolament għall-perjodu 2021-2027 propost (ara l-Kaxxa 3).

Kaxxa 3

Stimi magħżula mill-istudju tal-2018 li ddaħħlu fil-memorandum ta’ spjegazzjoni għall-RDK il-ġdid

  • “Aktar użu tal-għażliet tal-kostijiet issimplifikati (jew pagamenti bbażati fuq kundizzjonijiet) għall-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni jista’ sostanzjalment inaqqas il-kostijiet amministrattivi totali – b’20-25 % jekk dawn l-għażliet jiġu applikati kullimkien”.
  • “L-approċċ aktar proporzjonat għall-kontroll u l-awditi jimplika tnaqqis maġġuri fl-għadd ta’ verifiki fil-piż tal-awditi għal programmi ta’ “riskju baxx”, u b’hekk jitnaqqsu l-kostijiet amministrattivi totali tal-FEŻR u tal-Fond ta’ Koeżjoni bi 2-3 % u l-kostijiet għal programmi affettwati b’ammont ħafna akbar”.
55

L-istima li tikkonċerna l-użu akbar li jsir mill-opzjonijiet ta’ spejjeż simplifikati (ara l-ewwel inċiż fil-Kaxxa 3) hija waħda minn żewġ stimi li saru fl-istudju tal-2018 għall-din il-miżura ta’ simplifikazzjoni. Madankollu, l-istudju tal-2018 stess jirreferi għal din l-istima speċifika bħala xenarju “estrem”, li “attwalment mhuwiex realistiku”. Skont l‑istudju, xenarju aktar “realistiku” ikun jirriżulta fi ffrankar minn 1 %-2 %26. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma ppreżentatx ix-xenarju aktar realistiku għad-diskussjoni leġiżlattiva.

56

Fl-istudju imwettaq mill-Kummissjoni fil-2018 (ara l-Kaxxa 1) ġie eżaminat l-impatt mistenni ta’ 8 mit-80 miżura ta’ simplifikazzjoni, li ġew introdotti fil-proposta għall-perjodu 2021-2027. Il-Kummissjoni identifikat it-tmien miżuri bħala partikolarment rilevanti għal valutazzjoni tal-impatt. L-istudju ma jispeċifikax kif il-Kummissjoni għażlet dawn il-miżuri.

57

Meta mqabbel mal-perjodu 2014-2020, li ntuża bħala sitwazzjoni bażi, l-istudju jikkonkludi li t-tmien miżuri ta’ simplifikazzjoni proposti se jwasslu għal tnaqqis ta’ sempliċiment 0.2 punti perċentwali27 fuq l-ispejjeż amministrattivi għall-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni u għall-FEMS. Żewġ miżuri jikkostitwixxu madwar 80 % ta’ dan it-tnaqqis: tnaqqis fl-għadd ta’ verifikazzjonijiet u l-ambitu estiż ta’ SCOs (ara l-paragrafu 39).

58

Aħna sibna li l-Istati Membri li stħarriġna jidhru li jaqblu li l-ispejjeż amministrattivi għall-awtoritajiet tal-Istati Membri se jonqsu għall-perjodu 2021-2027. Sabiex dan it-tnaqqis jimmaterjalizza, ir-rispondenti mill-Istati Membri ddikjaraw li l-fatturi prinċipali għal dan ikunu jikkostitwixxu dispożizzjonijiet aktar ċari, tnaqqis fl-għadd ta’ atti legali tal-UE, inqas kompiti għall-awtoritajiet, kif ukoll aktar użu ta’ SCOs. Fl-opinjoni tagħna dwar l-RDK propost għall-perjodu 2021-2027, aħna nikkonfermaw li l-qafas leġiżlattiv isegwi struttura ġenerali simplifikata u li fih għadd inqas ta’ regolamenti, li huma konsiderevolment iqsar28.

59

Madankollu, l-opinjoni tagħna29 tistipula wkoll li għadd ta’ dispożizzjonijiet mhumiex ċari biżżejjed rigward l-implimentazzjoni tagħhom. Tali dispożizzjonijiet jistgħu jwasslu wkoll għal sitwazzjoni fejn ir-riżorsi amministrattivi jinħlew f'diskussjoni li bla meħtieġ dwar il-mod kif għandhom jiġu implimentati, u fejn ikun hemm ħtieġa akbar li l-Kummissjoni tagħti gwida. Abbażi ta’ dan, hemm riskju li t-tnaqqis fl-ispejjeż amministrattivi jista’ jkun iżgħar minn dak li kien stmat, jew li assolutament ma jimmaterjalizzax (ara l-paragrafu 57).

60

Għall-perjodi ta’ programmazzjoni preċedenti u attwali, il-mekkaniżmu ta’ kofinanzjament għall-assistenza teknika lill-Istati Membri kien ibbażat fuq spejjeż li, fil-biċċa l-kbira, kienu magħmulin minn attivitajiet imwettqa mill-membri tal-persunal. Dan jinvolvi riskji marbuta ma’ kriterji ta’ pagament u ta’ eliġibbiltà li ma jkunux preċiżi. Għall-perjodu 2021-2027, fir-regolament propost jiġi ssuġġerit li jkun tajjeb li dan il-mekkaniżmu jinbidel u li, minflok, il-kofinanzjament ikun ibbażat fuq rata fissa ta’ nfiq operazzjonali30, u dan għandu jnaqqas sinifikattivament ir-riskju finanzjarju u ta’ konformità relatat mal-assistenza teknika.

61

Barra minn hekk, fir-regolament propost għall-perjodu 2021-2027 tiġi ssuġġerita bidla fil-limitu għall-appoġġ f’dak li jirrigwarda l-assistenza teknika (ara l-paragrafu 14 u l-Kaxxa 4). B’mod ġenerali, u minħabba r-rata aktar baxxa ta’ finanzjament għall-assistenza teknika relatata mal-Fond ta’ Koeżjoni u għall-appoġġ tal-FEŻR, taħt il-mira Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi, aħna nqisu li jkun mistenni li din il-bidla twassal għal tnaqqis sinifikanti fil-fondi tal-UE li jintefqu mill-baġit tal-UE fuq l-assistenza teknika li tingħata lill-Istati Membri.

Kaxxa 4

Limitu għall-finanzjament b’rata fissa tal-assistenza teknika li tingħata lill-Istati Membri fil-proposta tal-RDK għall-perjodu 2021–2027

Il-perċentwal għall-finanzjament tal-assistenza teknika għall-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni huwa limitat għal:

  • 2.5 % għall-appoġġ tal-FEŻR taħt il-mira Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi, u għall-appoġġ tal-Fond ta’ Koeżjoni;
  • 4 % għall-appoġġ tal-FSE+; u
  • 5 % għall-programmi skont l-Artikolu 4(1) (c) (vii) tar-Regolament FSE+.
62

Xi Stati Membri jistgħu jġarrbu spejjeż ogħla mil-limitu b’rata fissa (ara l-Kaxxa 4 u l-Figura 2) u għadd ta’ Stati Membri se jonfqu ammonti sinifikanti ta’ flus fuq l-ispejjeż amministrattivi. Aħna nqisu li dan jista’ jimmotiva lill-Istati Membri biex ifittxu mezzi għal tnaqqis fl-ispejjeż permezz ta’ simplifikazzjoni tar-regoli għall-perjodu 2021-2027 li, indirettament, imexxi ’l quddiem t-tfittxija ta' aktar simplifikazzjoni tar-regoli tal-UE. Element rilevanti ieħor f’din it-tfittxija jkun l-eżaminar, min-naħa tal-Istati Membri, tal-proċessi u l-proċeduri amministrattivi tagħhom bil-għan li jidentifikaw kwalunkwe ineffiċjenzi jew kumplessitajiet mhux meħtieġa.

Il-Kummissjoni ma eżaminatx elementi importanti li huma rilevanti għat-teħid tad-deċiżjonijiet u għas-simplifikazzjoni tar-regoli

63

Kif indikat fid-Dokument Informattiv u Analitiku li wettaqna dwar is-Simplifikazzjoni31, xi wħud mill-akbar oqsma ta’ simplifikazzjoni jinsabu fi proċeduri nazzjonali u reġjonali li huma indipendenti mir-regolamenti tal-UE u li għalhekk ma jistgħux jiġu influwenzati mill-Kummissjoni.

64

F’xi wħud mill-istudji msemmija fil-Kaxxa 1, il-Kummissjoni vvalutat għadd ta’ miżuri ta’ simplifikazzjoni għall-perjodu 2014-2020 u għall-perjodu 2021-2027 (ara l-paragrafu 48) biex tiddetermina l-impatt monetarju tagħhom. Għall-istudju li twettaq fil-2018 min-naħa tal-Kummissjoni, il-konsulent ġabar informazzjoni mill-Istati Membri billi bagħtilhom kwestjonarji, (ara l-paragrafu 33). Qabel ma l-kwestjonarji jiġu ppreżentati, il-konsulent identifika l-kompiti amministrattivi, f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, u stabbilixxa lista dettaljata fir-rapport tal-metodoloġija bbażat fuq id-dispożizzjoni msemmija fl-RDK tal-perjodu 2014-2020 u f’regolamenti oħra relatati (ara l-Anness II).

65

Filwaqt li l-istudju jeżamina l-adozzjoni tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni introdotti fil-livell tal-UE, huwa ma jindirizzax il-prattiki u l-informazzjoni dwar il-mod kif l-Istati Membri jwettqu dawn il-kompiti. Ix-xogħol tal-awditjar li wettaqna għad-Dokument Informattiv u Analitiku dwar is-Simplifikazzjoni32 wera li l-prattiki amministrattivi u l-ispejjeż amministrattivi relatati mal-awtoritajiet u mal-benefiċjarji jvarjaw b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri u l-programmi operazzjonali33. Aħna sibna li dan kien il-każ, pereżempju, rigward il-mod kif l-applikazzjonijiet għall-proġetti jiġu ppreżentati, id-daqs tal-applikazzjonijiet għall-proġetti u l-ammont ta’ informazzjoni li l-applikanti jiġu mitluba jipprovdu34. Dan kieku kien jipprovdi lill-konsulent b’fehim aħjar rigward ir-raġunijiet għal-livell tal-ispejjeż amministrattivi u seta’ jkun jista’ jikkwalifika l-impatt mistenni tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

66

Aħna sibna li l-ispiża kumplessiva ppreżentata mill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni hija komparattivament baxxa meta mqabbla ma’ fondi oħra tal-UE u ma’ programmi ffinanzjati internazzjonalment. Madankollu, aħna kkonkludejna li d-data sottostanti dwar l-ispejjeż, li kienet inġabret mill-Kummissjoni, ma kinitx kompleta, konsistenti u koerenti biżżejjed biex tkun tista’ tintuża, pereżempju, biex jiġi vvalutat l-impatt li s-simplifikazzjoni tar-regoli tal-UE jkollha fuq il-mod kif għandhom jiġu implimentati l-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni.

67

L-Istati Membri jiddikjaraw, lill-UE, parti mill-ispejjeż tagħhom relatati mal-implimentazzjoni tal-programmi, għar-rimborż. Din tissejjaħ assistenza teknika. Għalkemm l-ispejjeż iddikjarati għall-assistenza teknika huma magħrufa, f’xi każijiet ftit li xejn hemm informazzjoni disponibbli, jew ma hemm l-ebda informazzjoni, dwar il-parti mhux iddikjarata li hija addizzjonali għall-assistenza teknika. Għaldaqstant, minn żmien għal ieħor, il-Kummissjoni twettaq studji biex tagħti stima kumplessiva tal-ispejjeż amministrattivi; l-aħħar studju ppubblikat fl-2018 jagħti stima tal-ispejjeż amministrattivi għall-perjodu 2021-2027. Aħna sibna li, filwaqt li d-data sottostanti ma kinitx suffiċjentement koerenti, konsistenti u lanqas kompleta, madankollu l-istudju seta’ jkun utli għal tqabbil ġeneriku. Barra minn hekk, żewġ awtoritajiet tal-Istati Membri kkonfermaw il-fehma tagħna li setgħu pprovdew aktar informazzjoni u ta’ kwalità aħjar kieku ngħataw avviż minn qabel (il-paragrafi 26 sa 39).

68

Meta qabbilna l-ispejjeż tal-implimentazzjoni tal-fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni ma’ dawk irrappurtati minn organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, aħna sibna li l-ispejjeż ta’ 2.3 % mġarrba mill-Istati Membri, kif ġie rrappurtat mill-Kummissjoni, huma komparattivament baxxi (il-paragrafi 40 sa 44).

Rakkomandazzjoni 1 – Jittejjeb l-approċċ għall-istudji dwar l-ispejjeż amministrattivi, billi jitħabbar dak li se jiġi eżaminat u meta

Sabiex tiġi żgurata rata sinifikanti ta’ rispons għall-istudji li tkun tippermetti li jiġu vvalutati elementi speċifiċi u li jinsiltu konklużjonijiet dwarhom, jenħtieġ li l-Kummissjoni, għall-istudji futuri tagħha:

  1. tippreżenta notifika ta’ tħabbir lill-Istati Membri dwar l-istudju, fi stadju bikri fil-perjodu ta’ programmazzjoni;
  2. fin-notifika ta’ tħabbir għall-Istati Membri dwar l-istudju, tinkludi informazzjoni dwar x’kontenut u data jeħtieġ li jiġu pprovduti u sa meta;
  3. tappoġġa lill-Istati Membri matul il-ġbir u l-konsolidazzjoni tad-data;
  4. tiżgura li d-data miġbura tiġi vverifikata bħala parti mill-istudji, filwaqt li jittieħed kont tal-proċeduri ta’ verifikazzjoni tal-Istati Membri u tal-UE li diġà huma fis-seħħ, biex jiġi żgurat li din tkun ta’ kwalità suffiċjenti.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: għal (a) u (b): tmiem l-2021 u għal (c) u (d): tmiem l-2024.

69

Il-maġġoranza tal-istudji tal-Kummissjoni saru fl-istadju bikri tal-perjodi ta’ programmazzjoni. Madankollu, billi l-miżuri ta’ simplifikazzjoni jimmaterjalizzaw b’xi dewmien, il-valutazzjoni tal-impatt tagħhom fi stadju bikri ssir diffikultuża jew jitnaqqsilha s-sinifikat tagħha. Għall-perjodu 2007-2013, il-Kummissjoni għadha ma vvalutatx id-differenza bejn l-impatt stmat u l-impatt reali tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni, minkejja li kważi l-programmi operazzjonali kollha għall-perjodu 2007-2013 ngħalqu (il-paragrafi 47 sa 49).

70

Abbażi ta’ studju tal-2017, il-Kummissjoni stmat li, għall-perjodu 2014-2020, huwa mistenni li l-introduzzjoni ta’ 21 miżura ta’ simplifikazzjoni twassal għal tnaqqis fl-ispejjeż amministrattivi ta’ 4 % sa 8 % għall-FEŻR u għall-FK u ta’ 2 % sa 5 % għall-FSE. Madankollu, l-istħarriġ li wettaqna juri li l-maġġoranza tar-rispondenti tal-Istati Membri huma tal-opinjoni li l-ispejjeż amministrattivi se jiżdiedu fil-perjodu 2014-2020 (il-paragrafi 50 sa 52).

Rakkomandazzjoni 2 – Jiġi vvalutat jekk l-iffrankar stmat fl-ispejjeż amministrattivi mmaterjalizzax

Meta l-implimentazzjoni tal-programmi tkun avvanzata biżżejjed, jenħtieġ li l-Kummissjoni teżamina kampjun ta’ programmi operazzjonali, billi tibda bil-programmi operazzjonali tal-perjodu 2014-2020, biex tkejjel l-effetti u tanalizza l-impatt ta’ miżuri ta’ simplifikazzjoni.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2022.

71

Bħala parti mill-memorandum ta’ spjegazzjoni għall-proposta leġiżlattiva għall-perjodu 2021-2027, il-Kummissjoni ppreżentat żewġ stimi, ibbażati fuq l-istudju tal-2018, li huma relatati ma’ miżuri individwali speċifiċi ta’ simplifikazzjoni; waħda minn dawn l-istimi ġiet ikkaratterizzata mill-awtur tal-istudju bħala mhux realistika. Aħna nqisu li, għall-memorandum ta’ spjegazzjoni, kellu jintuża bħala bażi x-xenarju aktar realistiku (il-paragrafi 54 sa 55).

72

Abbażi tal-istudju li twettaq fl-2018, il-Kummissjoni stmat li l-ispejjeż amministrattivi fil-perjodu 2021-2027 ikunu madwar 0.2 punti perċentwali inqas minn dawk tal-perjodu 2014-2020. L-istħarriġ li wettaqna jindika li l-awtoritajiet tal-Istati Membri li rrispondew jikkonfermaw din il-valutazzjoni jekk, pereżempju, jiġu ċċarati d-dispożizzjonijiet, jiġu proposti inqas atti leġiżlattivi tal-UE u inqas kompiti għall-Istati Membri, u jekk jiżdied l-użu ta’ SCOs. Madankollu, l-opinjoni tagħna dwar il-proposta leġiżlattiva l-ġdida turi li xi dispożizzjonijiet mhumiex ċari, u dan iqajjem dubji dwar jekk l-iffrankar stmat huwiex se jimmaterjalizzax jew le (il-paragrafi 56 sa 59).

73

Fil-proposta leġiżlattiva għall-perjodu 2021-2027, inbidlu r-regoli għar-rimborż tal-assistenza teknika. Jekk din il-proposta tiġi adottata, l-assistenza teknika se titħallas b’rata fissa tan-nefqa operazzjonali, b’limitu applikabbli għal kull fond taħt il-Politika ta’ Koeżjoni. Permezz ta’ din il-bidla, huwa mistenni li r-riskji finanzjarji u ta’ konformità relatati mal-assistenza teknika jitnaqqsu sinifikattivament u jwasslu għal tnaqqis sinifikanti fil-fondi tal-UE li jintefqu fuq l-assistenza teknika pprovduta lill-Istati Membri (il-paragrafi 60 sa 62).

74

Il-Kummissjoni introduċiet u pproponiet bosta miżuri ta’ simplifikazzjoni fir-Regolamenti applikabbli għall-perjodu 2014-2020 u għall-perjodu 2021-2027. L-impatt monetarju ta’ ħafna minn dawn il-miżuri ta’ simplifikazzjoni ġie stmat mill-Kummissjoni. Madankollu, il-kumplessità tal-prattiki amministrattivi li jintużaw mill-awtoritajiet tal-Istati Membri ma tteħditx inkunsiderazzjoni. Abbażi tax-xogħol preċedenti li wettaqna, aħna nqisu li xi wħud mill-akbar oqsma ta’ simplifikazzjoni jistgħu jinsabu fil-proċeduri nazzjonali u reġjonali li huma indipendenti mir-regolamenti tal-UE (il-paragrafi 63 sa 65).

Rakkomandazzjoni 3 – Jiġu eżaminati l-prattiki amministrattivi fl-Istati Membri

Fi djalogu mal-Istati Membri, u diġà għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-prattiki u l-proċeduri amministrattivi fil-livell tal-Istati Membri bil-ħsieb li telimina l-ineffiċjenzi (bħall-gold-plating) u xxerred eżempji ta’ prattiki u proċeduri amministrattivi effiċjenti mal-awtoritajiet tal-Istati Membri rilevanti kollha.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2021.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sinjura Iliana Ivanova, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-26 ta’ Frar 2020.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
Il-President

Annessi

Anness I - Ħarsa ġenerali lejn l-allokazzjoni totali taħt il-Politika ta’ Koeżjoni u l-assistenza teknika għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 għal kull Stat Membru (f’EUR)

Stati Membri 2014-2020
Allokazzjoni Totali għall-PO
2014-2020
Allokazzjoni Totali ta’ Assistenza Teknika
Il-Belġju 4 694 736 243 125 169 239
Il-Bulgarija 8 700 725 709 344 945 848
Iċ-Ċekja 29 544 467 130 989 172 991
Id-Danimarka 810 178 396 37 127 934
Il-Ġermanja 30 366 253 079 1 091 204 875
L-Estonja 4 665 144 886 127 019 229
L-Irlanda 1 977 710 171 28 213 058
Il-Greċja 20 428 360 921 721 851 079
Spanja 42 441 119 299 776 314 024
Franza 28 501 806 801 940 126 804
Il-Kroazja 9 921 375 168 371 897 191
L-Italja 53 257 045 945 1 738 915 895
Ċipru 873 633 561 27 440 714
Il-Latvja 5 192 727 708 119 195 651
Il-Litwanja 7 887 717 226 251 006 331
Il-Lussemburgu 88 283 382 4 747 036
L-Ungerija 25 420 619 357 227 587 211
Malta 865 226 493 23 940 736
In-Netherlands 2 399 304 517 91 849 186
L-Awstrija 2 977 566 143 92 134 060
Il-Polonja 90 592 769 609 2 947 106 892
Il-Portugall 27 554 810 814 771 793 290
Ir-Rumanija 26 873 144 609 970 594 833
Is-Slovenja 3 818 092 784 142 875 882
Is-Slovakkja 17 399 739 144 649 440 476
Il-Finlandja 2 620 478 202 78 369 592
L-Iżvezja 3 467 697 138 139 441 168
Ir-Renju Unit 19 617 168 835 652 388 811
Total 472 957 903 270 14 481 870 037

Nota: Il-kooperazzjoni transfruntiera tal-UE mhijiex inkluża. Ammonti fil-31.12.2018.
Sors: il-Kummissjoni Ewropea.

Anness II - Kompiti amministrattivi identifikati mill-konsulent f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni

Isem tal-kompitu Referenza għall-FEŻR/għall-FK u l-FSE fir-regolamenti
Elaborazzjoni tal-ftehim ta’ sħubija RDK, il-Parti II - l-Artikoli 14-17
Rapport ta’ progress RDK, il-Parti II - l-Artikolu 52
Koordinazzjoni nazzjonali M/A
Tħejjija tal-programmi RDK, il-Parti II - l-Artikoli 26-31
Evalwazzjoni ex ante RDK, il-Parti II - l-Artikolu 55
Valutazzjoni Ambjentali Strateġika (fejn applikabbli) RDK, il-Parti II - l-Artikolu 55(4)
Stabbiliment tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll RDK, il-Parti II - l-Artikolu 72
Nomina tal-awtoritajiet RDK, il-Parti IV - l-Artikoli 123, 124
Żgurar tal-kundizzjonalitajiet ex ante RDK, il-Parti II - l-Artikolu 19
Kompiti oħra ta’ tħejjija tal-programmi M/A
Kompiti ġenerali oħra ta’ ġestjoni  
Informazzjoni u komunikazzjoni RDK, il-Parti III - l-Artikolu 115
Stabbiliment, operat u gwida tax-xogħol tal-kumitat ta’ monitoraġġ RDK, il-Parti IV - l-Artikolu 125(2a), RDK, il-Parti II - l-Artikolu 47
Żgurar ta’ sistema għall-ġbir, għad-dokumentazzjoni u għall-ħżin tad-data (FSE: inkluża data relatata mal-parteċipanti) RDK, l-Artikolu 72(d), l-Artikolu 112(3), l-Artikolu 125(2a, 2d, 2e, 4d, 8), l-Artikolu 140
Stabbiliment u użu ta’ sistema għall-iskambju elettroniku ta’ informazzjoni mal-benefiċjarji (koeżjoni elettronika) RDK, il-Parti IV - l-Artikolu 122 (3), l-Artikolu 140
Żgurar tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u nondiskriminazzjoni RDK, il-Parti II - l-Artikolu 7
Kompiti ġenerali oħra ta’ ġestjoni M/A
Kompiti ta’ ġestjoni finanzjarja  
Żgurar ta’ separazzjoni adegwata tal-funzjonijiet u sistemi għar-rappurtar u għall-monitoraġġ fejn l-awtorità responsabbli tafda t-twettiq tal-kompiti f’idejn korp ieħor RDK, il-Parti II - l-Artikolu 72(a, b, e, h), il-Parti IV - l-Artikolu 112(2), l-Artikolu 125(1)
Korrezzjoni ta’ irregolaritajiet RDK, il-Parti II - l-Artikolu 72(h)
Miżuri effettivi u proporzjonati kontra l-frodi RDK, il-Parti II - l-Artikolu 72(h), il-Parti IV - l-Artikolu 112(2), l-Artikolu 125(4c)
Ġestjoni tal-istrumenti finanzjarji RDK, il-Parti II - l-Artikoli 37-46
Investiment territorjali integrat RDK, il-Parti II - l-Artikolu 36
Żvilupp lokali mmexxi mill-komunità u LEADER RDK, il-Parti II - l-Artikoli 34-35
Kompiti oħra ta’ ġestjoni finanzjarja M/A
Kompiti oħra relatati ma’ proġetti  
Għażla ta’ operazzjonijiet u informazzjoni tal-benefiċjarji RDK, il-Parti IV - l-Artikolu 125 (3), l-Artikolu 72(c)
Żgurar ta’ proċess ta’ verifikazzjoni xieraq u ta’ verifiki amministrattivi xierqa L-Artikolu 72(c, g, h), l-Artikolu 122(3), l-Artikolu 125(4a, 4b, 4d, 5, 6, 8), l-Artikolu 140
Verifikazzjonijiet amministrattivi fir-rigward ta’ kull applikazzjoni għar-rimborż mill-benefiċjarji RDK, il-Parti IV - l-Artikolu 125(4a, 5a)
Verifikazzjonijiet fuq il-post RDK, il-Parti IV - l-Artikolu 125(4a, 5b, 6)
Tfassil tad-dikjarazzjoni ta’ ġestjoni u s-sommarju annwali tar-rapporti finali tal-awditjar u ta’ kontrolli mwettqa RDK, il-Parti IV - l-Artikolu 125(4e)
Ġestjoni ta’ proġetti maġġuri RDK, il-Parti III - l-Artikoli 100-103
Ġestjoni ta’ għotjiet globali RDK, il-Parti IV - l-Artikolu 123(7)
Kompiti oħra relatati ma’ proġetti M/A
Kompiti ta’ rappurtar, monitoraġġ u evalwazzjoni  
Rapporti annwali ta’ implimentazzjoni RDK, il-Parti IV - l-Artikolu 125(2b)
Tħejjija u t-trażmissjoni ta’ data finanzjarja lill-KE, inkluż tbassir rigward il-pagamenti RDK, il-Parti III - l-Artikolu 112
Monitoraġġ u evalwazzjonijiet matul il-perjodu ta’ programmazzjoni (FSE: inkluż il-ġbir ta’ data relatata mal-parteċipanti) RDK, il-Parti IV - Artikolu 56, Parti III - Artikolu 114
Valutazzjoni u monitoraġġ ta’ operazzjonijiet li jiġġeneraw dħul nett wara l-ikkompletar RDK, il-Parti II - l-Artikolu 61
Kompiti oħra ta’ rappurtar, monitoraġġ u evalwazzjoni M/A
Kompiti oħra ta’ ġestjoni tal-programmi M/A
Tfassil u preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal pagament lill-Kummissjoni RDK, il-Parti IV - l-Artikolu 126(a)
Ċertifikazzjoni tan-nefqa li ddaħħlet fil-kontijiet RDK, il-Parti IV - l-Artikolu 125(c)
Żgurar li waslet informazzjoni adegwata mill-AM RDK, il-Parti IV - l-Artikolu 126(e)
Jittieħed kont tar-riżultati tal-awditi kollha RDK, il-Parti IV - l-Artikolu 126(f)
Żamma ta’ rekords tan-nefqa ddikjarata lill-Kummissjoni RDK, il-Parti IV - l-Artikolu 126(g)
Kontabbiltà ta’ ammonti li jistgħu jiġu rkuprati jew ta’ ammonti miġbuda wara kanċellazzjoni RDK, il-Parti IV - l-Artikolu 126(h)
Kompiti oħra ta’ ċertifikazzjoni M/A
Tħejjija, preżentazzjoni u aġġornar tal-istrateġija tal-awditjar RDK, il-Parti IV - l-Artikolu 127(4)
Awditi tas-sistemi RDK, il-Parti IV - l-Artikolu 127(1)
Awditi tal-operazzjonijiet RDK, il-Parti IV - l-Artikolu 127(1)
Awditjar tal-kontijiet RDK, il-Parti IV - l-Artikolu 127(1)
Tħejjija u preżentazzjoni tar-rapport annwali ta’ kontroll RDK, il-Parti IV - l-Artikolu 127(5)
Kompiti oħra tal-awditjar M/A
 

Sors: Spatial Foresight u t33, “New assessment of ESIF administrative costs and burden”, Ottubru 2018.

Anness III - 21 miżura ta’ simplifikazzjoni magħżula, li ġew introdotti fl-RDK tal-perjodu 2014-2020 u analizzati għal tnaqqis mistenni fl-ispejjeż amministrattivi

Miżura ta’ simplifikazzjoni
Il-Ftehimiet ta’ Sħubija jissostitwixxu l-Qafas ta’ Referenza Strateġika Nazzjonali u l-Pjan Strateġiku Nazzjonali
Konċentrazzjoni tematika akbar
Indikaturi komuni u qafas imsaħħaħ ta’ monitoraġġ
Armonizzazzjoni tar-regoli
Kontroll proporzjonat/livell minimu ta’ kontrolli fuq il-post
Koeżjoni elettronika/governanza elettronika mal-benefiċjarji
Regoli aktar sempliċi għall-proġetti li jiġġeneraw id-dħul
Perjodu taż-żamma iqsar għad-dokumenti
Proċedura simplifikata ta’ modifikazzjoni tal-programmi
Simplifikazzjoni tad-dokument tal-programm
Rapport indipendenti dwar il-kwalità għall-proġetti maġġuri
Il-fornituri tat-taħriġ jew tat-trasferiment tal-għarfien jitqiesu bħala benefiċjarji
Żvilupp lokali mmexxi mill-Komunità (CLLD) u gruppi ta’ azzjoni lokali
Investiment territorjali integrat (ITI)
Fużjoni tal-AM-AĊ/tnaqqis fl-għadd ta’ AP
Għotjiet u assistenza ripagabbli bħala opzjonijiet ta’ spejjeż simplifikati (SCO)
Pjanijiet ta’ azzjoni konġunti
Pagamenti bil-quddiem
Stabbiliment ta’ kriterji bil-quddiem għall-kopertura tal-assigurazzjoni
Proċedura aċċellerata għall-proċess tal-għażla
Regoli speċjali ta’ kalkolu għall-kumpens
 

Sors: SWECO, t33 u Spatial Foresight, “Use of new provisions on simplification during the early implementation phase of ESIF”, Ġunju 2017.

Akronimi u abbrevjazzjonijiet

AT: Assistenza teknika.

DĠ BUDG: Direttorat Ġenerali għall-Baġit.

DĠ EMPL: Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi.

DĠ REGIO: Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana.

FEMS: Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd.

IT: Teknoloġija tal-informazzjoni.

KI: Korp intermedjarju.

RDK: Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni.

RF: Regolament Finanzjarju.

SCO: Opzjoni ta’ spejjeż simplifikati.

Glossarju

Assistenza teknika: Appoġġ għal attivitajiet meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ programm, inklużi, fost oħrajn, il-ġestjoni, il-monitoraġġ, il-kontroll u l-awditjar. Fil-fatt huwa appoġġ monetarju li jingħata mill-baġit tal-UE biex ikopri l-ispejjeż tal-implimentazzjoni ta’ politiki differenti tal-UE. Huwa magħmul minn AT fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni u AT fuq l-inizjattiva tal-Istati Membri.

Awtorità maniġerjali (AM): Din hija awtorità pubblika nazzjonali, reġjonali jew lokali (jew kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor), li ġiet nominata minn Stat Membru biex timmaniġġja PO. Il-kompiti tagħha jinkludu l-għażla tal-proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati, il-monitoraġġ ta’ kif jitwettqu l-proġetti, u r-rappurtar lill-Kummissjoni dwar l-aspetti finanzjarji u r-riżultati miksuba. L-awtorità maniġerjali hija wkoll il-korp li jimponi korrezzjonijiet finanzjarji fuq il-benefiċjarji wara li jkunu twettqu awditi mill-Kummissjoni, mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) jew minn kwalunkwe awtorità fl-Istat Membru.

Awtorità ta’ ċertifikazzjoni (AĊ): Dawn huma awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, reġjonali jew lokali responsabbli mit-tħejjija tal-kontijiet annwali tal-programmi operazzjonali u li jiċċertifikaw il-kompletezza u l-preċiżjoni tagħhom. Huma wkoll responsabbli mill-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għal pagament lill-Kummissjoni. L-AĊ jistgħu jwettqu kontrolli li jirriżultaw fl-identifikazzjoni ta’ każijiet ta’ frodi suspettata.

Awtorità tal-awditjar (AA): Korpi indipendenti, nazzjonali jew reġjonali, responsabbli biex jistabbilixxu jekk il-kontijiet annwali ppreżentati mill-awtoritajiet ta’ ċertifikazzjoni jagħtux stampa ġusta u eżatta, jekk l-infiq iddikjarat lill-Kummissjoni huwiex legali u regolari, u jekk is-sistemi ta’ kontroll tal-PO jiffunzjonawx tajjeb. L-AA jistgħu jindirizzaw miżuri kontra l-frodi stabbiliti mill-AM permezz tal-awditi tagħhom tas-sistemi u jistgħu jidentifikaw każijiet ta’ frodi suspettata permezz tal-awditi li jwettqu tal-operazzjonijiet/tat-tranżazzjonijiet.

Awtoritajiet inkarigati mill-programmi: Il-korpi tal-Istat Membru inkarigati mill-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali ffinanzjati mill-FSIE. Hemm tliet tipi: awtoritajiet maniġerjali (li ħafna drabi jingħataw appoġġ minn korpi intermedjarji), awtoritajiet ta’ ċertifikazzjoni u awtoritajiet tal-awditjar.

Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE): Aktar minn nofs il-finanzjament tal-UE jitwassal permezz tal-ħames fondi strutturali u ta’ investiment Ewropej li għandhom l-għan li jnaqqsu l-iżbilanċi reġjonali fl-Unjoni Ewropea kollha, b’oqfsa ta’ politika stabbiliti għall-perjodu baġitarju tal-QFP ta’ seba’ snin. Dawn huma mmaniġġjati b’mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Istati Membri tal-UE. Il-fondi jinkludu: il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR); il-Fond Soċjali Ewropew (FSE); il-Fond ta’ Koeżjoni (FK), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR); u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS).

Korp Intermedjarju: Korp intermedjarju huwa kwalunkwe korp jew servizz pubbliku jew privat li jaġixxi taħt ir-responsabbiltà ta’ awtorità maniġerjali, jew li jwettaq dmirijiet f’isem awtorità bħal din fir-rigward ta’ benefiċjarji li jimplimentaw operazzjonijiet.

Programm Operazzjonali (PO): PO jistipula l-prijoritajiet u l-objettivi speċifiċi ta’ Stat Membru u jiddeskrivi kif il-finanzjament (kofinanzjament mill-UE u kofinanzjament nazzjonali pubbliku u privat) se jintuża matul perjodu partikolari (ġeneralment ta’ seba’ snin) għall-finanzjament ta' proġetti. Il-finanzjament tal-PO jista’ jiġi mill-FEŻR, mill-FK u/jew mill-FSE.

Rapport Annwali tal-Attività (RAA): Ir-RAA jindikaw ir-riżultati tal-operazzjonijiet b’referenza, fost oħrajn, għall-objettivi stabbiliti, ir-riskji assoċjati u l-forma ta’ kontroll intern. Mill-eżerċizzju tal-baġit tal-2001 ’il hawn għall-Kummissjoni u mill-2003 ’l hawn għall-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea (UE), l-“uffiċjal awtorizzanti b’delega” irid jippreżenta RAA lill-istituzzjoni tiegħu dwar it-twettiq ta’ dmirijietu, flimkien ma’ informazzjoni finanzjarja u ta’ ġestjoni.

Spejjeż amministrattivi: Spejjeż imġarrba mill-Kummissjoni (spejjeż amministrattivi tal-Kummissjoni) u mill-awtoritajiet tal-Istati Membri (spejjeż amministrattivi tal-Istati Membri) fl-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni.

Valutazzjoni tal-impatt ex ante: Għodda ta’ politika li għandha l-għan li tiġbor l-evidenza (inklużi r-riżultati mill-evalwazzjonijiet) sabiex titwettaq valutazzjoni ta’ jekk l-azzjoni leġiżlattiva jew mhux leġiżlattiva tal-UE fil-futur hijiex iġġustifikata u kif din l-azzjoni tista’ titfassal bl-aħjar mod biex tilħaq l-objettivi ta’ politika mixtieqa. Valutazzjoni tal-impatt trid tidentifika u tiddeskrivi l-problema li għandha tiġi ttrattata, tistabbilixxi objettivi, tifformula għażliet ta' politika u tivvaluta l-impatti ta’ dawn l-għażliet. Is-sistema ta’ valutazzjoni tal-impatt li tintuża mill-Kummissjoni ssegwi approċċ integrat li jivvaluta l-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi ta’ firxa ta’ għażliet ta’ politika, u b’hekk tintegra s-sostenibbiltà fit-tfassil tal-politiki tal-Unjoni.

Risposti tal-Kummissjoni

Sommarju eżekuttiv

Ara t-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi minn I sa VI:

"Il-politika ta' Koeżjoni hija l-politika ewlenija tal-investiment tal-UE. L-ispiża medja tal-implimentazzjoni ta’ din il-politika mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri hija inqas minn 3 % tal-fondi totali tal-Politika ta’ Koeżjoni. Il-Kummissjoni tqis li din l-ispiża hija baxxa meta mqabbla ma’ fondi oħra tal-UE u programmi ffinanzjati internazzjonalment.

F’konformità mal-prinċipju tal-ġestjoni kondiviża, l-Istati Membri u l-Kummissjoni huma responsabbli għall-ġestjoni u l-kontroll ta’ programmi f’konformità mar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom stabbiliti fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (CPR) u fir-regoli speċifiċi għall-Fondi (l-Artikolu 73 tar-CPR). Il-Kummissjoni tikkoopera mal-Istati Membri biex tiżgura koordinazzjoni effettiva fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programmi.

VII

Il-Kummissjoni tinnota li fl-istħarriġ tal-QEA, dawk li wieġbu jemmnu li l-ispejjeż amministrattivi tagħhom se jiżdiedu, li hija kwistjoni ta’ perċezzjoni.

VIII

Il-Kummissjoni rreferiet, fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta tas-CPR, għar-riżultati preliminari tal-istudju, filwaqt li kienet kawta u enfasizzat id-diffikultà li l-miżuri f’termini finanzjarji jiġu kkwantifikati minn qabel. Barra minn hekk, it-test tal-memorandum fih dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà u ma jimplikax li se jimmaterjalizza x-xenarju inqas konservattiv.

Il-metodoloġija segwita mill-konsulent biex tivvaluta l-impatt tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni futuri naqqset dak l-impatt, filwaqt li qieset ir-riluttanza ta’ xi Stati Membri li jimplimentaw dawn il-miżuri, kif ukoll il-prattiki ta’ kisi tad-deheb li dehru fil-perjodi ta’ programmazzjoni 2007–2013 u 2014–2020.

X

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjonijiet.

Introduzzjoni

11

Il-Kummissjoni tikkoopera mal-Istati Membri biex tiżgura koordinazzjoni effettiva fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-programmi. F’konformità mal-prinċipju tal-ġestjoni kondiviża, l-Istati Membri u l-Kummissjoni huma responsabbli għall-ġestjoni u l-kontroll ta’ programmi f’konformità mar-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom stabbiliti fis-CPR u fir-regoli speċifiċi għall-Fondi (l-Artikolu 73 tar-CPR).

Osservazzjonijiet

25

Il-Kummissjoni tenfasizza li t-tnaqqis sinifikanti tal-ispejjeż tal-kontrolli tad-DĠ EMPL wara l-bidla fil-metodoloġija fl-2018 jirriżulta minn żewġ xejriet kumulattivi:

  • Xi riorganizzazzjonijiet interni, b’mod partikolari fl-2015, l-2016 u l-2017;
  • Involviment dejjem akbar tal-persunal minn unitajiet ġeografiċi fil-proċess tas-semestru tal-UE minn sena għall-oħra.

Il-Kummissjoni użat l-istess metodoloġija matul il-perjodu 2013–2017, fejn l-ispejjeż tal-kontrolli rrapportati baqgħu relattivament stabbli. Mill-2018, il-Kummissjoni użat il-metodoloġija aġġornata, li wasslet għal tnaqqis sostanzjali fl-ispejjeż irrapportati ta’ kontrolli tad-DĠ EMPL. Dan huwa dovut għall-fatt li l-persunal li jokkupa funzjonijiet li qabel kienu jingħaddu fl-ispiża tal-kontrolli huma esklużi mill-kalkolu skont il-metodoloġija l-ġdida. Għandu jiġi nnutat li dan ma jfissirx li d-dejta tal-2013–2017 ma kinitx preċiża.

49

Il-limiti massimi tal-għajnuna teknika proposta (TA) għall-2021–2027 diġà huma konsistenti mal-ispejjeż tal-assistenza teknika rrappurtati fl-istudju għall-2014–2020. Il-limiti massimi proposti jirriflettu b’mod adegwat l-esperjenza tal-passat. L-impatt possibbli tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni kif propost fl-inizjattiva leġiżlattiva għadu ma ġiex ikkunsidrat.

52

Il-Kummissjoni tinnota li fl-istħarriġ tal-QEA, dawk li wieġbu jemmnu li l-ispejjeż amministrattivi tagħhom se jiżdiedu, li hija kwistjoni ta’ perċezzjoni.

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 54 u 55:

Il-Kummissjoni rreferiet, fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta tas-CPR, għar-riżultati preliminari tal-istudju, filwaqt li kienet kawta u enfasizzat id-diffikultà li l-miżuri f’termini finanzjarji jiġu kkwantifikati minn qabel. Barra minn hekk, it-test tal-memorandum fih dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà u ma jimplikax li se jimmaterjalizza x-xenarju inqas konservattiv.

Il-metodoloġija segwita mill-konsulent biex tivvaluta l-impatt tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni futuri naqqset dak l-impatt, filwaqt li qieset ir-riluttanza ta’ xi Stati Membri li jimplimentaw dawn il-miżuri, kif ukoll il-prattiki ta’ kisi tad-deheb li dehru fil-perjodi ta’ programmazzjoni 2007–2013 u 2014–2020.

56

Il-miżuri proposti ġew issuġġeriti mill-Kummissjoni fir-rigward tal-impatt probabbli tagħhom u l-kapaċità li tikkwantifikah.

59

Matul in-negozjati dettaljati ħafna li saru fil-Kunsill u fil-Parlament li qed iseħħu l-aktar wara l-pubblikazzjoni tal-opinjoni tal-QEA, l-ebda wieħed mill-koleġislaturi ma esprima xi diffikultajiet f’dan ir-rigward.

60

Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li tali simplifikazzjoni msemmija mill-QEA se twassal ukoll għal iffrankar fl-ispejjeż amministrattivi kemm għall-Istati Membri kif ukoll għas-servizzi tagħha stess.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

66

"Il-politika ta' Koeżjoni hija l-politika ewlenija tal-investiment tal-UE. L-ispiża medja tal-implimentazzjoni ta’ din il-politika mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri hija inqas minn 3 % tal-fondi totali tal-Politika ta’ Koeżjoni. Il-Kummissjoni tqis li din l-ispiża hija baxxa meta mqabbla ma’ fondi oħra tal-UE u programmi ffinanzjati internazzjonalment.

Il-Kummissjoni tenfasizza li, għalkemm id-data sottostanti dwar l-ispejjeż mhux dejjem kienet sħiħa u/jew konsistenti, din ma kellha l-ebda impatt fuq l-affidabilità tal-ispejjeż irrappurtati.

Rakkomandazzjoni 1 – Titjib tal-approċċ għal studji ta’ spejjeż amministrattivi billi jitħabbar dak li se jiġi eżaminat u meta

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Rakkomandazzjoni 2 – Tivvaluta jekk kienx hemm iffrankar tal-ispejjeż amministrattivi stmati

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

71

Il-Kummissjoni rreferiet, fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta tas-CPR, għar-riżultati preliminari tal-istudju, filwaqt li kienet kawta u enfasizzat id-diffikultà li l-miżuri f’termini finanzjarji jiġu kkwantifikati minn qabel. Barra minn hekk, it-test tal-memorandum fih dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà u ma jimplikax li se jimmaterjalizza x-xenarju inqas konservattiv.

72

Matul in-negozjati dettaljati ħafna li saru fil-Kunsill u fil-Parlament li qed iseħħu l-aktar wara l-pubblikazzjoni tal-opinjoni tal-Qorti, l-ebda wieħed mill-koleġislaturi ma esprima xi diffikultajiet f’dan ir-rigward.

Rakkomandazzjoni 3 – Il-prattiki amministrattivi ta’ l-eżamin fl-Istati Membri

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jistabbilixxu r-riżultati tal-awditi tagħha tal-politiki u l-programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla II tal-Awditjar li tispeċjalizza fl-oqsma ta’ nfiq ta’ Investiment għall-koeżjoni, it-tkabbir u l-inklużjoni, u li hija mmexxija mis-Sinjura Iliana Ivanova, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Pietro Russo, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Chiara Cipriani, Kap tal-Kabinett, Benjamin Jakob, Attaché tal-Kabinett; Niels-Erik Brokopp, Maniġer Prinċipali; Ildikó Preiss, Kap tal-Kompitu; Ana Popescu, Angelika Zych, Cristina-Ioana Jianu, Remus Blidar, Sara Pimentel u Zuzana Gullova, Awdituri. Richard Moore pprovda appoġġ lingwistiku.

Mix-xellug għal-lemin: Chiara Cipriani, Angelika Zych, Benjamin Jakob, Pietro Russo, Niels-Erik Brokopp, Zuzana Gullova, Sara Pimentel.

Noti finali

1 Il-FSIE jinkludu wkoll il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS).

2 L-Artikolu 59 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

3 Il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni riċevuta f’nofs Novembru 2019 mingħand il-Kummissjoni.

4 L-Artikoli 125, 126 u 127 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 (RDK).

5 L-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 (RDK).

6 L-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 (RDK).

7 L-Artikolu 119 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 (RDK).

8 SWECO, “Regional governance in the context of globalisation: reviewing governance mechanisms and administrative costs - Administrative workload and costs for Member State public authorities of the implementation of ERDF and Cohesion Fund”, Ġunju 2010.

9 EPEC u COWI, “Study measuring Current and Future Requirements on Administrative Cost and Burden of Managing the ESF”, Ġunju 2012.

10 SWECO u t33, “Measuring the impact of changing regulatory requirements to administrative cost and administrative burden of managing EU Structural Funds (ERDF and Cohesion Funds)”, Lulju 2012.

11 SWECO, t33 u Spatial Foresight, “Use of new provisions on simplification during the early implementation phase of ESIF”, Ġunju 2017.

12 Spatial Foresight u t33, “New assessment of ESIF administrative costs and burden”, Ottubru 2018.

13 L-Artikolu 74 (9) tar-Regolament (UE, EURATOM) Nru 2018/1046 u l-Artikolu 66 (9) tar-Regolament (UE, EURATOM) Nru 966/2012 (RF).

14 Il-Kummissjoni Ewropea (2010), studju intitolat “Regional governance in the context of globalisation: reviewing governance mechanisms and administrative costs”, SWECO, p. 26. L-informazzjoni kkwotata hija relatata biss mal-FEŻR u mal-FK u tkejjel il-proporzjon tal-ispejjeż tal-AT meta mqabbel mal-ispejjeż għall-persunal biss.

15 Il-Kummissjoni Ewropea (2018), studju intitolat “New assessment of ESIF administrative costs and burden”, Foresight Spatial u t33, p. 37.

16 Dawn iċ-ċifri tar-rata tar-risposti jvarjaw minn dawk li ġew ippubblikati fir-rapport. Iċ-ċifri tagħna jirreferu biss għat-tliet fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni, filwaqt li ċ-ċifri fir-rapport jirreferu għall-ħames fondi SIE kollha.

17 Il-Kummissjoni Ewropea (2018), studju intitolat “New assessment of ESIF administrative costs and burden”, Foresight Spatial u t33, p. 26, it-Tabella 2.1.

18 Il-Kummissjoni Ewropea (2018), studju intitolat “New assessment of ESIF administrative costs and burden”, Foresight Spatial u t33, p. 30.

19 Il-Kummissjoni Ewropea (2018), studju intitolat “New assessment of ESIF administrative costs and burden”, Foresight Spatial u t33, il-paragrafu 4.2.

20 Kalkolu mwettaq mill-QEA, ibbażat fuq id-data mill-istudju tal-Kummissjoni Ewropea (2018) “New assessment of ESIF administrative costs and burden”, Spatial Foresight u t33, it-Tabella 3.1 u l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, Pjattaforma tad-data miftuħa, Ottubru 2019.

21 Il-Kummissjoni Ewropea (2018), studju intitolat “New assessment of ESIF administrative costs and burden”, Foresight Spatial u t33, p. 8.

22 Ir-Rapport Speċjali Nru 17/2018 dwar l-azzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fl-aħħar snin tal-programmi għall-perjodu 2007-2013 indirizzaw l-assorbiment baxx iżda ma kinux iffukati biżżejjed fuq ir-riżultati.

23 Spatial Foresight u t33, “New assessment of ESIF administrative costs and burden”, Ottubru 2018, p. 110.

24 SWECO, Spatial Foresight u t33, “Use of new provisions on simplification during the early implementation phase of ESIF”, Ġunju 2017, it-Tabella 1, p. 17.

25 Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi, 29.5.2018, COM(2018) 375 final.

26 Spatial Foresight u t33, “New assessment of ESIF administrative costs and burden”, Ottubru 2018, pp. 105-106.

27 Spatial Foresight u t33, “New assessment of ESIF administrative costs and burden”, Ottubru 2018, it-Tabella 5.13.

28 L-Opinjoni Nru 6/2018 tal-QEA, il-paragrafu 24.

29 L-Opinjoni Nru 6/2018 tal-QEA, bħal pereżempju l-paragrafi 28, 32, 37, 38, 62, 101, 117.

30 L-Artikolu 31 tal-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi, COM(2018) 375 final tad-29 ta’ Mejju 2018.

31 Id-Dokument Informattiv u Analitiku – Simplifikazzjoni fit-twettiq tal-Politika ta’ Koeżjoni wara l-2020 – Mejju 2018, il-paragrafi 62 sa 72.

32 Id-Dokument Informattiv u Analitiku - Simplifikazzjoni fit-twettiq tal-Politika ta’ Koeżjoni wara l-2020 – Mejju 2018.

33 Ara n-Nota18 f’qiegħ il-paġna.

34 Id-Dokument Informattiv u Analitiku – Simplifikazzjoni fit-twettiq tal-Politika ta’ Koeżjoni wara l-2020 – Mejju 2018, il-paragrafi 62 sa 72.

Kronoloġija

Avveniment Data
Il-Memorandum ta’ Ppjanar tal-Awditjar (APM) jiġi adottat / L-awditu jinbeda 30.5.2018
L-abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lill-entità l-oħra awditjata) 6.1.2020
Ir-rapport finali jiġi adottat wara l-proċedura kontradittorja 26.2.2020
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni jaslu bil-lingwi kollha 23.3.2020

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2020

PDF ISBN 978-92-847-4548-7 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/84536 QJ-AB-20-007-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-4514-2 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/506429 QJ-AB-20-007-MT-Q

DRITTIJIET TAL-AWTUR

© L-Unjoni Ewropea, 2020.

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, pereżempju f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur. Softwer jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.

Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li dawn ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-QEA, inti mħeġġeġ biex teżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza.

Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp/mt) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.