Il-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal - Jinħtieġ immirar aħjar tal-appoġġ tal-Kummissjoni
Dwar ir-rapport:
Il-faqar fost it-tfal jibqa’ kwistjoni serja fl-UE bi kważi wieħed minn kull erbat itfal fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali. Studji enfasizzaw ripetutament li investiment bi spejjeż finanzjarji relattivament baxxi matul it-tfulija jista’ jwassal għal kisbiet matul il-ħajja.
Aħna ddeċidejna li nwettqu dan l-awditu billi l-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal għadha sfida f’ħafna Stati Membri. L-objettiv tagħna kien li niddeterminaw jekk il-Kummissjoni kinitx tat kontribut effettiv għall-isforzi tal-Istati Membri biex inaqqsu
l-faqar fost it-tfal.
Aħna sibna li r-rilevanza tal-istrumenti mhux legalment vinkolanti tal-Kummissjoni hija limitata fin-natura tagħha, iżda għandha għodod aktar b’saħħithom għad-dispożizzjoni tagħha. Madankollu, in-nuqqas ta’ informazzjoni disponibbli direttament relatata mal-faqar fost it-tfal ifisser li l-kontribut effettiv ta’ dawn
l-għodod għall-isforzi tal-Istati Membri biex jitnaqqas il-faqar fost it-tfal kien diffiċli, jekk mhux impossibbli, li jiġi vvalutat.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.
Sommarju eżekuttiv
IIl-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali tinsab fil-qalba tal-istrateġija Ewropa 2020. L-identifikazzjoni ta’ gruppi b’riskju akbar ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, u d-determinazzjoni tar-raġunijiet wara din il-vulnerabbiltà, jirrappreżentaw il-qofol għas-suċċess f’dan il-kuntest. L-istatistika fuq perjodu ta’ 10 snin turi li t-tfal huma f’riskju akbar tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali mill-bqija tal-popolazzjoni fl-UE.
IIL-iffukar fuq it-tfal u l-indirizzar tar-rata għolja eżistenti ta’ tfal fil-faqar huma vitali għal ekonomija bbażata fuq l-għarfien sostenibbli, effiċjenti u kompetittiva u soċjetà li hija ġusta minn ġenerazzjoni għal oħra. Il-benefiċċji ekonomiċi tal-investiment fit-tfal jegħlbu b’mod sinifikanti l-ispejjeż ta’ finanzjament tal-investiment.
IIIHija primarjament ir-responsabbiltà tal-Istati Membri u tal-gvernijiet nazzjonali li jieħdu miżuri xierqa biex inaqqsu l-faqar fost it-tfal. Madankollu, il-Kummissjoni wkoll għandha rwol x’taqdi. Jenħtieġ li tappoġġa u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u l-indirizzar tal-faqar fost it-tfal. Għal dan il-għan, għandha kemm strumenti legali kif ukoll finanzjarji għad-dispożizzjoni tagħha.
IVIl-qasam tal-faqar fost it-tfal ma ġiex awditjat preċedentement mill-Qorti. Dan ir-rapport għandu l-potenzjal li jikkontribwixxi għall-inizjattivi futuri tal-Kummissjoni biex jiġu appoġġati l-isforzi tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal.
VL-objettiv ta’ dan l-awditu tal-prestazzjoni kien li jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni kinitx tat kontribut effettiv għall-isforzi tal-Istati Membri biex inaqqsu l-faqar fost it-tfal. Biex inwieġbu għal din il-mistoqsija prinċipali tal-awditjar, aħna eżaminajna jekk l-istrumenti legali tal-Kummissjoni, jiġifieri r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/11/UE tal-20 ta’ Frar 2013 intitolata – “L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ” (ir-Rakkomandazzjoni), il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-proċess tas-Semestru Ewropew, tawx kontribut fl-indirizzar tal-faqar fost it-tfal. Aħna eżaminajna wkoll kif l-użu min-naħa tal-Istati Membri tal-fondi tal-UE kkontribwixxa għal dan l-għan.
VIFilwaqt li r-Rakkomandazzjoni mhijiex strument legalment vinkolanti, kienet inizjattiva pożittiva biex jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal b’mod integrat. Minkejja dan, il-progress tal-implimentazzjoni u l-impatt tagħha fuq il-politiki nazzjonali diffiċli biex jiġi vvalutat billi ma ġewx stabbiliti miri li jistgħu jitkejlu jew stadji importanti.
VIIIl-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali żied is-sensibilizzazzjoni dwar il-politiki soċjali fl-UE, inkluż il-faqar fost it-tfal u għandu l-potenzjal li jiffoka fuq miżuri u finanzjament għall-indirizzar tal-faqar fost it-tfal għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027. Madankollu, hemm nuqqas ta’ ikkompletar ta’ pjan ta’ azzjoni biex jiġu implimentati bis-sħiħ il-prinċipji differenti tiegħu. L-istabbiliment ta’ pjan ta’ azzjoni huwa kritiku biex jipprovdi ħarsa ġenerali tal-progress tiegħu.
VIIIIl-proċess tas-Semestru Ewropew jinvolvi l-ħruġ ta’ Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż lill-Istati Membri f’oqsma ta’ politika differenti. Aħna sibna li l-Istati Membri rċevew Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż f’oqsma li jikkonċernaw politiki tal-familja u tat-tfal, li jistgħu jgħinu fit-tnaqqis tal-faqar fost it-tfal. Madankollu, il-faqar fost it-tfal rari jiġi indirizzat b’mod espliċitu u l-metodoloġija speċifika li tistabbilixxi meta jenħtieġ li jiġi pprijoritizzat il-faqar fost it-tfal għall-kunsiderazzjoni ta’ Rakkomandazzjoni Speċifika għall-Pajjiż potenzjali għadha ma ġietx definita b’mod ċar.
IXIl-leġiżlazzjoni tal-UE ma għandhiex fil-mira l-finanzjament dirett tal-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal. Kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri li saritilhom żjara ma setgħux jikkwantifikaw l-ammont ta’ fondi allokati għal proġetti li jindirizzaw direttament il-faqar fost it-tfal u għalhekk ma setgħux jivvalutaw l-effettività tagħhom.
XFil-konklużjoni kumplessiva tagħna, nirrikonoxxu li l-faqar fost it-tfal għadu kwistjoni serja fl-UE bi kważi wieħed minn kull erbat itfal għadhom f’riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali. Għalkemm il-Kummissjoni għandha rwol limitat x’taqdi, huwa diffiċli, jekk mhux impossibbli, li jiġi vvalutat jekk l-inizjattivi tagħha biex jonqos l-faqar fost it-tfal, permezz tal-użu ta’ strumenti legali u ta’ fondi tal-UE, kinux effettivi biżżejjed.
XIAħna nirrakkomandaw li jenħtieġ li l-Kummissjoni:
- tinkludi azzjonijiet u objettivi biex jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;
- ikollha gwida interna ċara biex tidentifika sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal Rakkomandazzjoni Speċifika għall-Pajjiż potenzjali direttament relatata mal-faqar fost it-tfal bħala parti mill-analiżi tagħha fi ħdan il-proċess tas-Semestru Ewropew;
- timmira u timmonitorja l-investimenti biex jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027; u
- tiżgura li jkun ġew ikkompletati l-passi meħtieġa u ġbir suffiċjenti ta’ informazzjoni għat-tħejjija tal-inizjattiva ta’ politika li ġejja dwar Garanzija Ewropea għat-Tfal.
Introduzzjoni
01Il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali tinsab fil-qalba tal-istrateġija Ewropa 2020. L-identifikazzjoni ta’ gruppi b’riskju akbar tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali, u d-determinazzjoni tar-raġunijiet wara din il-vulnerabbiltà, jirrappreżentaw il-qofol għas-suċċess f’dan il-kuntest. Persuna titqies li qiegħda f’riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali jekk tinsab f’tal-inqas waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin; fir-riskju tal-faqar, f’sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema jew tgħix b’intensità baxxa ta’ xogħol (il-paragrafu 77).
02It-tqabbil skont il-grupp ta’ età fuq perjodu ta’ 10 snin juri li t-Tfal (0-18) huma f’riskju akbar tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali mill-bqija tal-popolazzjoni fl-UE (ara l-Figura 1).
Fl-2018, 23 miljun tifel u tifla fl-UE kienu fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali, jiġifieri, wieħed minn kull erbat itfal1. Madankollu, il-livelli ta’ faqar fost it-tfal ivarjaw b’mod sinifikanti bejn Stat Membru u ieħor. Erba’ Stati Membri (ir-Rumanija, il-Bulgarija, il-Greċja u l-Italja), irreġistraw perċentwal ta’ tfal fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali ogħla minn 30 %, li jfisser li wieħed minn kull tlett tfal kienu firriskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali. Fl-Istati Membri (id-Danimarka, in-Netherlands, ir-Repubblika Ċeka u s-Slovenja) li rrappurtaw ir-rati l-aktar baxxi wieħed minn kull sitt itfal jinsab fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali (ara l-Figura 2).
Skont it-Tbassir Ekonomiku ta-Kummissjoni għall-2021, il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal tfixkil sinifikanti u biddlet il-prospetti tas-swieq tax-xogħol Ewropej. Ir-rata tal-qgħad fiż-żona tal-euro hija mistennija tiżdied minn 7.5 % fl-2019 għal madwar 9.5 % fl-2020 u 8.6 % fl-2021. B’riżultat ta’ dan, gruppi tas-soċjetà vulnerabbli huma fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali. Huwa imperattiv li l-Istati Membri jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom fi ħdan pajjiżhom u madwar l-UE biex jipproteġu lil dawk li huma l-aktar f'riskju.
05L-iffukar fuq it-tfal u l-indirizzar tar-rata għolja eżistenti ta’ tfal fil-faqar huma vitali għal ekonomija bbażata fuq l-għarfien sostenibbli, effiċjenti u kompetittiva u soċjetà li hija ġusta minn ġenerazzjoni għal oħra2. Diversi studji enfasizzaw ripetutament li l-investiment bi spiża finanzjarja relattivament baxxa matul it-tfulija jista’ jwassal għal kisbiet tul il-ħajja, mhux biss għall-individwi, iżda wkoll għas-soċjetajiet u għall-ekonomiji3. Il-benefiċċji ekonomiċi tal-investiment fit-tfal jegħlbu b’mod sinifikanti l-ispejjeż ta’ finanzjament tal-investiment4.
06Il-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal tiġi primarjament eżegwita fil-livell tal-Istati Membri. Il-gvernijiet u l-parteċipanti l-oħra fl-Istati Membri għandhom għadd ta’ inizjattivi ta’ politika soċjali u ta’ benessri li jistgħu jużaw biex jappoġġaw lit-tfal u l-familji żvantaġġati, bħal pereżempju programmi ta’ trasferiment soċjali ta’ rutina; għoti dirett ta’ servizzi u riżorsi jew programmi ta’ intervent immirati.
07Madankollu, l-UE u b’mod partikolari l-Kummissjoni wkoll għandhom rwol x’jaqdu. Hija għandha tappoġġa u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fl-qasam tal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiffaċilita wkoll il-koordinazzjoni tal-azzjoni tal-Istati Membri fl-oqsma kollha tal-politika soċjali taħt it-Titolu X – il-Politika Soċjali tat-TFUE. Għal dan l-iskop, għandha kemm strumenti legali kif ukoll finanzjarji għad-dispożizzjoni tagħha.
Ambitu u approċċ tal-awditjar
08Aħna ddeċidejna li nwettqu dan l-awditu billi t-tfal jinsabu f’riskju akbar tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali mill-bqija tal-popolazzjoni. Il-faqar fost it-tfal huwa sfida f’ħafna Stati Membri u jista’ jkollu impatti sinifikanti fuq l-opportunitajiet fi stadju aktar tard fil-ħajja, bħall-qgħad bħala adult. Il-kwistjoni attwalment tidher ħafna fuq l-aġenda politika wara l-proposta tal-Parlament Ewropew għal Garanzija għat-Tfal għall-perjodu 2021-2027 (il-paragrafi 85 sa 90).
09L-objettiv ta’ dan l-awditu tal-prestazzjoni kien li jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni kinitx tat kontribut effettiv għall-isforzi tal-Istati Membri biex inaqqsu l-faqar fost it-tfal. Biex inwieġbu għal din il-mistoqsija prinċipali tal-awditjar, aħna eżaminajna jekk l-istrumenti legali tal-Kummissjoni u l-użu mill-Istati Membri tal-fondi tal-UE kkontribwewx b’mod effettiv għall-isforzi biex jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal.
10L-awditu tagħna eżamina l-użu u l-implimentazzjoni ta’:
- ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/112/UE tal-20 ta’ Frar 2013 –
L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ” (ir-Rakkomandazzjoni), li tippromwovi approċċ integrat li jiġbor flimkien spettru wiesa’ ta’ azzjonijiet li għandhom inaqqsu l-faqar fost it-tfal; - il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (l-EPSR), mill-2017, li jinkludi 20 prinċipju, li wħud minnhom għandhom l-għan dirett jew indirett li jindirizzaw il-faqar fost it-tfal;
- il-proċess tas-Semestru Ewropew li fih il-Kummissjoni tanalizza l-politiki soċjali tal-Istati Membri u tista’ tagħmel Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż li jindirizzaw il-faqar fost it-tfal, fejn jitqies meħtieġ;
- il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-UE disponibbli taħt il-Fondi Soċjali Ewropej (FSE) fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 biex jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal;
- Indikaturi dwar il-faqar fost it-tfal madwar l-UE.
Il-Kummissjoni Ewropea kienet l-entità prinċipali li awditjajna. Barra minn hekk, żorna l-awtoritajiet Nazzjonali rilevanti fil-Ġermanja, fl-Italja, fil-Polonja u fir-Rumanija, kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali u mhux governattivi li huma attivi fil-qasam tal-indirizzar tal-faqar fost it-tfal, biex niksbu aktar informazzjoni u l-perspettiva tagħhom dwar is-suġġett. Il-kriterji għall-għażla tal-Istati Membri kienu jinkludu, fost
l-oħrajn, ir-rati tal-faqar fost it-tfal u l-allokazzjoni potenzjali tal-Istati Membri tal-FSE fil-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal. Il-pajjiżi li saritilhom żjara kienu jirrappreżentaw għażla bbilanċjata biex ikunu inklużi kemm rati għolja kif ukoll rati baxxi ta’ faqar fost it-tfal u l-allokazzjonijiet tal-FSE.
Ix-xogħol tal-awditjar kien jinkludi analiżijiet dokumentarji ta’ regolamenti, strateġiji, dokumenti ta’ politika, linji gwida, evalwazzjonijiet, rapporti ta’ monitoraġġ u dokumenti interni, kif ukoll dokumenti ppubblikati minn awtoritajiet nazzjonali, korpi ta’ riċerka, akkademiċi u organizzazzjonijiet nongovernattivi.
13Ix-xogħol li wettaqna kien jinkludi wkoll elementi li jħarsu ’l quddiem, u b’hekk nikkontribwixxu għad-diskussjoni li għaddejja dwar garanzija għat-tfal. Aħna nosservaw ukoll li x-xogħol tal-awditjar tagħna ġie kkompletat qabel it-tifqigħa tal-Covid-19, u għalhekk dan ir-rapport ma ħax inkunsiderazzjoni żviluppi ta’ politika jew bidliet oħra li seħħew b’rispons għall-pandemija attwali.
Osservazzjonijiet
Ir-Rakkomandazzjoni hija inizjattiva pożittiva iżda l-impatt tagħha huwa diffiċli, jekk mhux impossibbli, li jiġi vvalutat
Ir-Rakkomandazzjoni kienet tentattiv pożittiv biex jiġi indirizzat b’mod olistiku l-faqar fost it-tfal
14Il-Kummissjoni adottat ir-Rakkomandazzjoni fl-2013 wara inizjattiva tal-Kunsill Ewropew u konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet esperti. Id-dokument ġie adottat bħala parti mill-Pakkett ta’ Investiment Soċjali (SIP)5, ir-rispons tal-Kummissjoni biex tgħin lill-Istati Membri jindirizzaw ir-riskju dejjem jikber tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali wara l-kriżi tal-2008. L-għan tar-Rakkomandazzjoni huwa li tippromwovi approċċ integrat ta’ tliet pilastri li jikkonċerna l-aċċess għal riżorsi adegwati, aċċess għal servizzi ta’ kwalità għall-but ta' kulħadd u d-dritt tat-tfal li jipparteċipaw, b’fokus fuq it-tfal u l-familji tagħhom (ara l-Figura 3).
Filwaqt li r-Rakkomandazzjoni mhijiex legalment vinkolanti, kienet inizjattiva pożittiva biex jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal b’mod integrat. Hija għandha l-għan li tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jorganizzaw u jimplimentaw politiki li jindirizzaw il-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali permezz ta’ strateġiji multidimensjonali billi jsegwu lista ta’ prinċipji orizzontali. Hija tappella wkoll lill-Istati Membri biex jiżviluppaw l-arranġamenti meħtieġa għall-governanza, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ biex jiżguraw li l-politiki jindirizzaw b’mod effettiv il-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali, kif ukoll biex jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti rilevanti tal-UE, inkluż il-finanzjament tal-UE.
16In-natura mhux vinkolanti tar-Rakkomandazzjoni tfisser li l-Kummissjoni ma tistax tinforza l-implimentazzjoni tagħha fuq l-Istati Membri, iżda tista’ tippromwovi r-rilevanza u l-progress tagħha billi:
- tassisti lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tagħha permezz tal-iżvilupp ta’ pjan ta’ azzjoni u l-kondiviżjoni ta’ prattiki tajba fil-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal;
- timmonitorja u tirrapporta l-progress li jirriżulta fl-Istati Membri li jkun jipprevedi għat-trasparenza u t-tqabbil.
Il-Kummissjoni ma ħejjietx pjan direzzjonali
17Il-prinċipji tar-Rakkomandazzjoni u l-miżuri differenti previsti taħt it-tliet pilastri tagħha huma ta’ ambitu ġenerali u jeħtieġu aktar gwida għal implimentazzjoni effettiva. F’dan ir-rigward, il-Parlament Ewropew kien irrakkomanda li l-Kummissjoni tistabbilixxi pjan direzzjonali mal-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-approċċ tar-Regolament imsejjes fuq tliet pilastri.
18Il-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-NGOs soċjali, l-awtoritajiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet, li pparteċipaw fil-“Grupp ad hoc dwar il-Faqar u l-Benessri tat-Tfal”, kienu esprimew l-istess ħtieġa għall-Kummissjoni. Huma kienu rrakkomandaw l-istabbiliment ta’ pjan direzzjonali tal-UE li jistabbilixxi pjan viżibbli u komunikabbli, li jistabbilixxi objettivi speċifiċi, stadji ewlenin bi skedi ta’ żmien u allokazzjoni konkreta ta’ riżorsi, li jenfasizza r-rwol ta’ atturi u livelli governattivi differenti6.
19Madankollu, il-Kummissjoni ma ħejjietx tali pjan direzzjonali jew ekwivalenti u tilfet opportunità biex tipprovdi assistenza speċifika lill-Istati Membri dwar kif u sa meta jenħtieġ li jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni.
Il-pjattaforma online għall-kondiviżjoni ta’ prattiki tajba hija inizjattiva tajba, iżda jinħtieġu aktar sforzi biex jiġu identifikati l-aħjar prattiki
20L-isforzi tal-Istati Membri għall-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal kieku jibbenefikaw mill-kondiviżjoni ta’ prattiki tajba li Stati Membri oħra jkunu użaw u identifikaw. Il-Kummissjoni waqqfet Pjattaforma Ewropea għall-Investiment fit-Tfal (EPIC), li għandha l-potenzjal li twettaq dan ir-rwol.
21Il-Kummissjoni żviluppat din il-pjattaforma online bil-għan li tikkondividi l-aqwa tfassil ta’ politika għat-tfal u l-familji u biex trawwem il-kooperazzjoni u t-tagħlim reċiproku fil-qasam. Il-pjattaforma tinsab fis-seħħ mill-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni ’l hawn. L-EPIC tiġbor u xxerred prattiki innovattivi bbażati fuq l-evidenza li jista’ jkollhom impatt pożittiv fuq it-tfal u l-familji fl-Istati Membri. Il-prattiki huma allokati għal wieħed mit-tliet pilastri tar-Rakkomandazzjoni u jiġu kklassifikati bħala “prattiki emerġenti”, “prattiki promettenti” jew “l-aħjar prattiki”.
22Sal-bidu ta’ Marzu 2020, kien hemm total ta’ 130 prattika bbażati fuq l-evidenza li kienu disponibbli fuq is-sit tal-EPIC. Madankollu, tlieta minnhom biss ġew ikklassifikati bħala “l-aħjar prattiki”, fejn kollha hemm huma jappartjenu għat-tieni pilastru tar-Rakkomandazzjoni (Aċċess għal servizzi ta’ kwalità għall-but ta' kulħadd). Il-Kaxxa 1 turi dawn l-aħjar prattiki. Għall-ewwel u t-tielet pilastru tar-Rakkomandazzjoni, ma kinux ġew imtella’ u identifikati l-aħjar prattiki li kienu relatati mal-aċċess għal riżorsi adegwati u d-dritt tat-tfal li jipparteċipaw.
Kaxxa 1
Prattiki kklassifikati bħala “l-aħjar prattiki” fuq is-sit tal-EPIC, Marzu 2020
Home-Start
(Beda fl-1973 – għadu operattiv)
Implimentat fi: Id-Danimarka, l-Ungerija, l-Irlanda, in-Norveġja, ir-Renju Unit, in-Netherlands, ir-Repubblika Ċeka, Franza, Malta, il-Greċja, ir-Rumanija, il-Polonja u l-Latvja
Il-programm Home-Start huwa intervent ta’ żjarat fid-dar, li fih il-voluntiera b’esperjenza fil-kura tat-tfal jagħtu appoġġ lil familji f’diffikultà, li jkollhom tfal iżgħar minn ħames snin. Home-Start jimmira l-familji u l-ommijiet li ftit li xejn ikollhom esperjenza jew netwerk ta’ appoġġ soċjali, u li jista’ jkollhom problemi ta’ saħħa fiżika jew mentali minuri, iżda mhux serji. Huwa għandu l-għan li jnaqqas
l-istress tat-trobbija u jinkoraġġixxi l-familji, speċjalment familji li huma f’riskju ta’ abbuż u negliġenza tat-tfal, sabiex ikun jista’ jinħoloq ambjent stimulanti għat-tfal tagħhom.
Incredible years
(Beda fl-2001 – għadu operattiv)
Implimentat fi: L-Irlanda, id-Danimarka, ir-Renju Unit, l-Iżvezja, in-Norveġja, il-Finlandja, in-Netherlands u l-Portugall
Il-programm għall-ġenituri Incredible Years Preschool Basic jikkonsisti f'sessjonijiet tal-ġenituri ta’ bejn tmien ġimgħat u tnax-il ġimgħa ta’ 2-2.5 siegħa, imfassla biex jgħallmu lill-ġenituri kif jirrikonoxxu u jittrattaw il-problemi emozzjonali u ta’ mġiba tat-tfal tagħhom permezz ta’ trobbija pożittiva. Dan il-programm jista’ jintuża għal ġenituri ta’ tfal tal-età ta’ qabel l-iskola li diġà jkollhom jew qegħdin fir-riskju li jiżviluppaw problemi ta’ mġiba (inkluż imġiba antisoċjali, rabja frekwenti, u tendenza lejn il-vjolenza).
Triple P – Positive Parenting Programme
(Beda fl-1999 – għadu operattiv)
Implimentat fi: il-Belġju, l-Iżvizzera, in-Netherlands u l-Ġermanja
Il-Positive Parenting Programe huwa sistema ta’ intervent tal-familja f’diversi livelli li għandu l-għan li jipprevjeni disturbi emozzjonali u ta’ mġiba gravi fit-tfal billi jippromwovi relazzjonijiet pożittivi u ta’ għożża bejn il-ġenituri u t-tfal. Skont l-iżviluppaturi, minbarra t-titjib tal-ħiliet fit-trobbija tat-tfal, il-programm għandu l-għan li jżid is-sens ta’ kompetenza tal-ġenituri fil-kapaċitajiet tat-trobbija tagħhom, itejjeb il-komunikazzjoni tal-koppji dwar it-trobbija, u jnaqqas it-tensjoni tat-trobbija. Il-kisba ta’ kompetenzi speċifiċi tal-ġenituri tirriżulta f’komunikazzjoni tal-familja mtejba u f’kunflitt imnaqqas li min-naħa tagħha tnaqqas ir-riskju li t-tfal jiżviluppaw varjetà ta’ problemi ta’ mġiba u emozzjonali” (Sanders, Turner, et al., 2002).
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta minn EPIC, is-sitwazzjoni f’Marzu 2020.
L-għadd żgħir ta’ “l-aħjar prattiki”, l-aktar reċenti bdew fl-2001, u n-nuqqas ta’ tali prattiki għall-ewwel u għat-tielet pilastru jillimita l-effettività tal-pjattaforma EPIC biex tgħin fl-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha informazzjoni limitata dwar l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ prattiki bbażati fuq l-evidenza tal-EPIC fl-Istati Membri.
24Xi Stati Membri li saritilhom żjara infurmawna li l-inizjattivi nazzjonali effettivi huma fil-forma ta’ programmi ta’ trasferiment soċjali li permezz tagħhom il-familji jirċievu kontribuzzjoni monetarja diretta. Matul iż-żmien, tali inizjattivi jistgħu jkunu piż konsiderevoli fuq il-baġit nazzjonali. Aħna wrejna eżempju wieħed fil-Kaxxa 2.
Kaxxa 2
Eżempju ta’ miżura għall-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal fil-Polonja
L-awtoritajiet Pollakki rrappurtaw li l-aktar miżura importanti fil-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal kienet l-introduzzjoni tal-Benefiċċju għall-Familji “Family 500+ Programme”, li ġie introdott fl-1 ta’ April 2016.
It-tnaqqis sproporzjonat ta’ tfal milquta minn faqar relattiv fl-2017, meta mqabbel mal-2016 u l-perċentwal relattivament baxxa minn dak iż-żmien, sa ċertu punt huma dovuti għal dak il-programm, għalkemm sa issa għadha ma saret l-ebda valutazzjoni indipendenti dwar il-programm.
Minn April 2016 sat-30 ta’ Ġunju 2019, il-benefiċċju tal-familja ġie pprovdut lill-ewwel wild skont l-introjtu u lil kull wild sussegwenti indipendentement mill-introjtu.
Il-Kunsill Ewropew esprima wkoll it-tħassib li dan kellu effett negattiv fuq il-parteċipazzjoni tal-ġenituri fis-suq tax-xogħol – speċjalment in-nisa.
Mill-1 ta’ Lulju 2019 'l hawn, ġiet introdotta bidla, u dan il-programm issa jipprovdi appoġġ finanzjarju universali/mhux dipendenti fuq l-introjtu għal 6.8 miljun tifel u tifla fil-Polonja.
Madankollu, dan il-benefiċċju mhuwiex mingħajr l-iżvantaġġi tiegħu. L-ispejjeż annwali totali ta’ dan il-programm ammontaw għal madwar 23 biljun PLN fl-2017 u fl-2018 (madwar 1.1 % tal-PDG7) u huma mistennija li jiżdiedu għal 40 biljun mill-2020 ’il quddiem.
Il-monitoraġġ u r-rappurtar huma affettwati minn informazzjoni limitata
25Monitoraġġ effettiv tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni huwa għodda oħra li l-Kummissjoni tista’ tuża biex tippromwovi r-rilevanza tagħha għall-Istati Membri. B’mod partikolari, rappurtar regolari tal-progress li jkun sar fi Stati Membri differenti jiżgura t-trasparenza u jipprovdi bażi għal tqabbil u inkoraġġiment. Madankollu, dan jeħtieġ indikaturi li jistgħu jitkejlu u miri realistiċi, kif ukoll mekkaniżmu ta’ rappurtar xieraq.
26Ir-Rakkomandazzjoni, f’dan ir-rigward, appellat lill-Istati Membri biex isaħħu l-użu ta’ approċċi bbażati fuq l-evidenza billi jagħmlu użu sħiħ mill-istatistika eżistenti, mid-data amministrattiva u mill-qafas ta’ monitoraġġ propost, li jikkonsisti fi 32 indikatur8.
27Madankollu, aħna sibna li l-indikaturi proposti ma jkoprux il-miżuri kollha proposti mir-Rakkomandazzjoni. Għat-tielet pilastru, ma ġew stabbiliti l-ebda indikaturi għal kwalunkwe waħda mill-miżuri li jaqgħu taħtu.
28Il-progress tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni huwa diffiċli biex jiġi vvalutat billi ma ġewx stabbiliti miri li jistgħu jitkejlu u lanqas stadji importanti f’dan il-kuntest. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri kienu esploraw il-possibbiltà li jistabbilixxu dawn il-miri, iżda fl-aħħar nett l-Istati Membri ma appoġġawhomx.
29Minkejja dawn il-limitazzjonijiet, hemm tal-inqas xi informazzjoni disponibbli permezz tal-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali (KPS), li fih il-Kummissjoni hija membru. Il-KPS huwa kumitat konsultattiv ta’ politika għall-Ministri fil-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO). Filwaqt li jibbenefika mill-għarfien espert fil-politika, u mill-appoġġ analitiku u segretarjali tal-Kummissjoni, il-kompiti tal-KPS jinkludu l-monitoraġġ tas-sitwazzjoni soċjali u l-iżvilupp ta’ politiki ta’ protezzjoni soċjali fl-Istati Membri u fl-Unjoni. Huwa jipprovdi aġġornament annwali permezz ta’ “Il-portafoll tematiku ta’ ninvestu fit-tfal” għall-maġġoranza tal-indikaturi elenkati fil-qafas ta’ monitoraġġ tar-Rakkomandazzjoni.
Huwa diffiċli, jekk mhux impossibbli, li jitkejjel l-impatt dirett u kwantitattiv tar-Rakkomandazzjoni
30Jenħtieġ li l-implimentazzjoni effettiva tar-Rakkomandazzjoni ssegwi strateġija/politika nazzjonali għall-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal, li tidentifika l-oqsma fejn Stat Membru jemmen li jeħtieġ li primarjament jinvolvi ruħu fil-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal u kif dan jenħtieġ li jseħħ. L-eżistenza u l-kontenut ta’ din l-istrateġija jkunu wkoll indikazzjoni tal-impatt tar-Rakkomandazzjoni.
31Wara t-talba tal-Kummissjoni, in-Netwerk Ewropew dwar il-Politika Soċjali (ESPN) ħejja studju tal-politiki nazzjonali sabiex ikejjel il-progress tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni9. Dan l-istudju pprovda informazzjoni konkreta u komparabbli għal kull Stat Membru kif ukoll għal seba’ pajjiżi oħra.
32Is-sejba kumplessiva tal-analiżi tal-ESPN hija li l-progress modest li sar fid-direzzjoni deskritta fir-Rakkomandazzjoni huwa insuffiċjenti, f'dak li jirrigwarda l-iskala tal-problema, f’ħafna pajjiżi. L-esperti enfasizzaw li ħafna mill-pajjiżi b’livelli għoljin jew għoljin ħafna ta’ faqar fost it-tfal jew ta' esklużjoni soċjali għamlu progress limitat f’ħafna oqsma u xi wħud minnhom fil-fatt dgħajfu l-approċċ tagħhom f’diversi oqsma. Il-pajjiżi li diġà kellhom politiki u programmi b’saħħithom u livelli baxxi ta’ faqar fost it-tfal jew esklużjoni soċjali fil-biċċa l-kbira tagħhom żammewhom fis-seħħ.
33L-istudju osserva wkoll li huwa diffiċli, jekk mhux impossibbli, li jiġi vvalutat sa liema punt it-titjib individwali jista’ jiġi attribwit għar-Rakkomandazzjoni nfisha, iżda indika li ftit li xejn kien hemm tibdil fil-politiki nazzjonali f’ħafna pajjiżi. Filwaqt li din mhijiex sorpriża għall-Istati Membri fejn il-proporzjonijiet tal-faqar fost it-tfal huma baxxi jew medji, huma esprimew tħassib partikolari li ħafna mill-Istati Membri bi proporzjonijiet għoljin u għoljin ħafna ma mxewx lejn approċċ aktar integrat u multidimensjonali. Din il-konklużjoni tikkorrobora dak li konna sibna fl-erba’ Stati Membri li saritilhom żjara (il-Ġermanja, l-Italja, il-Polonja, ir-Rumanija).
34L-istudju kien ressaq rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti10, li kellhom l-għan li jġibu aktar urġenza u effettività fl-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni ma wettqitx segwitu fir-rigward tagħhom.
Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali: inizjattiva soċjali progressiva u globali, bi prinċipji ta’ natura ġenerali dwar it-tfal
35Fis-17 ta’ Novembru 2017, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, fis-Summit Soċjali ta’ Gothenburg għall-Impjiegi Ġusti u t-Tkabbir, ipproklamaw b’mod konġunt il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (l-EPSR)11. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jaqsmu r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tiegħu. L-EPSR jirrappreżenta strument mhux legalment vinkolanti ieħor disponibbli għall-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal, fejn il-Kummissjoni ma tistax tinforza l-implimentazzjoni tiegħu fuq l-Istati Membri.
36L-EPSR huwa mfassal bħala qafas biex iwassal Ewropa aktar ġusta għaċ-ċittadini b’dimensjoni soċjali b’saħħitha. Dan jinkludi 20 prinċipju fformulati, fil-maġġoranza tagħhom, bħala drittijiet li għandhom l-għan li jwasslu għal attività leġiżlattiva u mhux leġiżlattiva fil-livell tal-Istati Membri.
37L-20 prinċipju huma maqsuma fi tliet kategoriji, biex jappoġġaw swieq tax-xogħol inklużivi u li jiffunzjonaw tajjeb u sistemi ta’ protezzjoni soċjali, (i) Opportunitajiet indaqs u aċċess għas-suq tax-xogħol, (ii) Kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, (iii) Protezzjoni u inklużjoni soċjali.
38L-EPSR huwa akkumpanjat minn “tabella ta’ valutazzjoni soċjali” biex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tiegħu billi jiġu rintraċċati x-xejriet u l-prestazzjonijiet fl-Istati Membri fi12-il qasam u jiġi inkluż fil-proċess tas-Semestru Ewropew.
Id-drittijiet tat-tfal huma koperti minn Prinċipju speċifiku fl-EPSR
39Mill-20 prinċipju tal-EPSR, wieħed minnhom, il-Prinċipju 11 (Kura tat-tfal u l-appoġġ għat-tfal) taħt il-kategorija Protezzjoni u inklużjoni soċjali, isemmi b’mod espliċitu l-ħtieġa li jsir investiment fit-tfal billi jindika li:
- it-tfal għandhom id-dritt għal edukazzjoni bikrija tat-tfal affordabbli u kura ta’ kwalità tajba;
- it-tfal għandhom id-dritt għall-protezzjoni mill-faqar. it-tfal li ġejjin minn ambjent żvantaġġat għandhom id-dritt għal miżuri speċifiċi biex jissaħħu l-opportunitajiet indaqs.
Għadd ta’ prinċipji oħra huma rilevanti għat-tfal u jistgħu jaffettwaw kemm direttament kif ukoll indirettament il-faqar fost it-tfal (eż. prinċipji relatati mal-edukazzjoni, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-protezzjoni soċjali u s-saħħa), madankollu, dawn ma jirreferux speċifikament għat-tfal.
41L-EPSR żied l-għarfien tal-politiki soċjali fl-UE, inkluż il-faqar fost it-tfal. Mod wieħed ta’ kif seħħ dan kien permezz tal-aġġornament tal-Linji Gwida dwar l-Impjieg. Il-linji gwida dwar l-impjieg huma prijoritajiet u miri komuni għall-politiki tal-impjieg proposti mill-Kummissjoni Ewropea, maqbula mill-gvernijiet nazzjonali u adottati mill-Kunsill tal-UE. Fl-2018, il-Linji Gwida dwar l-Impjieg ġew aġġornati biex jieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji tal-Pilastru. Dawn il-Linji Gwida jiddeterminaw l-ambitu u d-direzzjoni tal-koordinazzjoni tal-politika tal-Istati Membri u jikkontribwixxu għall-proċess tas-Semestru Ewropew.
42Madankollu, aħna nosservaw li l-EPSR ipprovda biss prinċipji ġenerali diġà koperti mir-Rakkomandazzjoni f’aktar dettall fil-forma ta’ miżuri speċifiċi.
- Għall-ewwel parti tal-Prinċipju 11 dwar ECEC affordabbli, diġà kienu jeżistu miżuri qabel l-adozzjoni tal-EPSR. Ir-Rakkomandazzjoni tappella għal strateġiji integrati biex jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal, li jinkludi l-ECEC.
- It-tieni parti tal-Prinċipju 11 tirrigwarda d-dritt tat-tfal għall-protezzjoni mill-faqar. Ir-Rakkomandazzjoni tipprovdi li t-tfal ikollhom aċċess għal riżorsi u servizzi komprensivi u integrati, li jkunu jindirizzaw dan id-dritt.
L-EPSR jista’ jibbenefika minn pjan ta’ azzjoni
43Meta approva l-EPSR, il-Kunsill Ewropew12 ikkjarifika li dan jenħtieġ li jiġi implimentat kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri, li għalih il-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkondividu r-responsabbiltà. Filwaqt li ħafna mill-għodda biex jitwettaq il-Pilastru huma f’idejn l-Istati Membri, kif ukoll is-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet tal-UE – u l-Kummissjoni Ewropea b’mod partikolari – jistgħu jgħinu billi jistabbilixxu l-qafas strateġiku u jagħtu direzzjoni.
44Il-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea 2019-2024 innotaw l-intenzjoni li “tressaq pjan ta’ azzjoni għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali”13. F’Jannar 2020, il-Kummissjoni ppreżentat komunikazzjoni14 li tistabbilixxi t-triq lejn tali Pjan ta’ Azzjoni u nediet diskussjoni wiesgħa mal-pajjiżi kollha tal-UE, mar-reġjuni, u mas-sħab rilevanti kollha. Huwa previst li l-Pjan ta’ Azzjoni se jiġi ppreżentat fil-bidu tal-2021, kważi erba’ snin wara l-adozzjoni tiegħu; huwa se jappella għal azzjoni mill-atturi fil-livelli kollha: il-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali. Filwaqt li dan il-pjan ta’ azzjoni previst huwa żvilupp pożittiv, ir-realizzazzjoni tiegħu hija importanti biex tingħata ħarsa ġenerali lejn il-progress fl-implimentazzjoni tal-prinċipji differenti, inkluż il-Prinċipju 11 dwar id-drittijiet tat-tfal.
L-EPSR x’aktarx se jkollu rwol prominenti fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027.
45Ir-Regolament propost għall-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE +), għall-perjodu 2021-2027, jiffoka fuq l-investiment fin-nies u jappoġġa t-twettiq tal-EPSR. Barra minn hekk, Ewropa aktar soċjali li timplimenta l-EPSR hija inkluża f’wieħed mill-ħames objettivi ta’ politika identifikati mir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni propost (RDK) għall-perjodu 2021-202715.
46Skont il-proposta, sabiex jiġi żgurat li tiġi ppreżentata kif xieraq id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa kif stabbilita fl-EPSR, jenħtieġ li l-Istati Membri jallokaw mill-inqas 25 % tar-riżorsi nazzjonali tal-FSE+ tagħhom taħt ġestjoni kondiviża biex irawmu l-inklużjoni soċjali16. Il-qasam ta’ politika tal-inklużjoni soċjali jinkludi referenza għat-tfal, madankollu l-ebda mira jew livell speċifiku ta’ appoġġ għadu ma ġie propost biex jiġi allokat għal dan l-għan.
47Jenħtieġ li l-Proposta għar-Regolament tal-FSE+ tispeċifika li l-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipji u d-drittijiet stabbiliti fl-EPSR. Din l-enfasi l-ġdida proposta fuq l-EPSR rigward il-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027, għandha l-potenzjal li tiffoka l-miżuri u l-finanzjament fuq l-indirizzar tal-faqar fost it-tfal.
Is-CSRs tas-Semestru Ewropew rari jindirizzaw il-faqar fost it-tfal b’mod espliċitu
Progress limitat lejn il-miri għat-tnaqqis tal-faqar fl-2020
48Introdott fl-2010, is-Semestru Ewropew huwa ċiklu annwali ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika u fiskali, imfassal speċifikament biex jikkoordina l-isforzi nazzjonali biex jintlaħqu l-miri tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Għalhekk, huwa għandu jikkontribwixxi biex tintlaħaq il-mira ewlenija dwar il-faqar u l-esklużjoni soċjali biex mill-inqas 20 miljun persuna joħorġu mir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali sal-2020, meta mqabbla mal-2008.
49Sa liema punt se tinkiseb din il-mira jiddependi fil-biċċa l-kbira mill-Istati Membri. Huma stabbilixxew il-miri nazzjonali tal-faqar proprji tagħhom fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riformi tagħhom (PNR). Aħna nosservaw li anke jekk jintlaħqu l-miri nazzjonali kollha sal-2020, l-għadd totali ta’ persuni li jinħarġu mill-faqar mhux se jilħaq il-mira ta’ 20 miljun li hija prevista mill-Istrateġija Ewropa 2020 (ara l-Anness I bid-dettalji għal kull Stat Membru).
50Id-data tal-Eurostat17 tindika li fl-2018 kien għad hemm 109.2 miljun persuna fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali. It-tnaqqis kumplessiv għall-UE-28 huwa 7.15 miljun persuna li jinħarġu mill-faqar meta mqabbel mal-2008, li jfisser li l-progress sa issa kien limitat u għalhekk huwa improbabbli li jintlaħqu l-miri tal-2020.
Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jinkludu kwistjonijiet relatati mal-faqar fost it-tfal, iżda l-proċess sottostanti jeħtieġ iktar kjarifika
51Il-faqar fost it-tfal jaqa’ taħt l-element tal-faqar u l-esklużjoni soċjali tal-istrateġija Ewropa 2020 u għalhekk huwa parti mill-proċess annwali tas-Semestru Ewropew tal-Kummissjoni li jinvolvi l-ħames fażijiet prinċipali li ġejjin:
- il-Kummissjoni tħejji Rapporti tal-Pajjiż għal kull Stat Membru,
- l-Istati Membri jippreżentaw il-PNR tagħhom (politiki ekonomiċi) u l-Programmi ta’ Stabbiltà jew Konverġenza (dwar il-politiki baġitarji), u
- il-Kummissjoni tipproponi r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż (minn hawn ’il quddiem imsejħa s-CSR),
- il-Kunsill jadotta s-CSRs, li huma indirizzati lill-Istati Membri u li mistennija jiġu implimentati permezz tat-tfassil tal-politika nazzjonali,
- il-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni sussegwenti tas-CSR.
Ir-Rapporti tal-Pajjiżi huma l-punt tat-tluq tal-proċess tas-Semestru Ewropew. Huma fihom valutazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ kull Stat Membru u tal-progress li sar lejn l-ilħuq tal-miri ta’ Ewropa 2020. Is-CSRs jindirizzaw b’mod ġenerali kwistjonijiet identifikati fir-Rapporti tal-Pajjiżi.
53Aħna rrieżaminajna r-Rapporti tal-Pajjiżi tal-2019 għal sitt Stati Membri, fejn tlieta minnhom kellhom l-ogħla rata ta’ riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali għat-tfal fl-201818. Aħna sibna li l-Kummissjoni vvalutat il-faqar fost it-tfal b’mod koerenti f’dawn ir-rapporti u identifikatu bħala kwistjoni problematika, fejn xieraq.
54Kriterju importanti fil-pass sussegwenti għal meta l-Kummissjoni tqis abbozz ta’ CSR dwar il-faqar fost it-tfal, huwa li tivvaluta jekk ir-rata ta’ riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali tal-UE għat-tfal hijiex “għolja” jew “għolja ħafna”. Aħna nosservaw li l-livelli tas-sollijiet interni użati għall-klassifikazzjoni ta’ rati ta’ faqar fost it-tfal bħala “għolja” jvarjaw minn 28 % sa 31 % għas-snin eżaminati (2015-2017). Dawn is-sollijiet huma stabbiliti ’l fuq mil-livelli medji tal-UE ta’ 24.3 % sa 27.1 % għall-perjodu korrispondenti u l-impatti fuq liema Stati Membri qed jiġu meqjusa għal CSR possibbli relatat direttament mal-faqar fost it-tfal.
55Mill-2015 sal-2017 aħna sibna 28 istanza fejn l-Istati Membri kellhom rata ta’ f’riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali li kieku tikklassifikahom fil-kategorija “għolja” jew "għolja ħafna” għas-snin rilevanti (ara l-Figura 4). Barra minn hekk, għall-14-il Stat Membru li ġew osservati fl-2015, din ir-rata kienet marret għall-agħar għal tnejn minnhom meta mqabbla mal-2016 (il-Bulgarija, ir-Rumanija).
Aħna sibna li l-Istati Membri kollha b’rata ta’ riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali vvalutata bħala “għolja” jew “għolja ħafna” mill-Kummissjoni19, irċevew CSRs f’oqsma oħra li jikkonċernaw politiki tal-familja u tat-tfal, pereżempju fil-qasam ta’ introjtu li jappoġġa l-adegwatezza tal-protezzjoni soċjali. Dawn is-CSRs jistgħu jgħinu fit-tnaqqis tal-faqar fost it-tfal. Aħna nosservaw li Stat Membru wieħed, l-Irlanda, irċieva CSR espliċitament dwar il-faqar fost it-tfal matul il-perjodu 2016 sa 2019 (ara l-Kaxxa 3).
Kaxxa 3
Eżempju ta’ CSR relatat mal-faqar fost it-tfal għall-Irlanda fl-2016
Fl-2016, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għamel rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż għall-Irlanda rigward il-faqar fost it-tfal biex:
Tespandi u tħaffef l-implimentazzjoni ta' politiki ta' attivazzjoni għal żieda fl-intensità tax-xogħol ta' unitajiet domestiċi u l-indirizzar tar-riskju tal-faqar għat-tfal. Issegwi miżuri għal inċentivi ta' impjieg bit-tnaqqis gradwali ta' benefiċċji u pagamenti supplementari. Ittejjeb il-provvista ta’ kura tat-tfal full time, ta' kwalità u għall-but ta’ kulħadd.20
Is-servizzi tal-Kummissjoni f’dan il-kuntest spjegaw li d-definizzjoni u l-proposta ta’ CSRs ma tiddependix biss fuq ir-rata ta’ riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali għat-tfal, iżda wkoll fuq:
- jekk l-isfida (il-kwistjoni) kinitx ġiet indirizzata qabel fis-Semestru Ewropew;
- jekk kinitx bdiet l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet diġà adottati;
- jekk inbidlux iċ-ċirkustanzi fl-Istat Membru u f’dan ir-rigward l-indikaturi relatati b’mod indirett mal-faqar fost it-tfal;
- sfidi urġenti oħrajn li l-Istat Membru jista’ jkun qed jiffaċċja minħabba limitu fuq l-għadd ta’ CSRs li jistgħu jiġu proposti lil Stat Membru f’sena waħda.
Għalkemm il-Kummissjoni tanalizza l-faqar fost it-tfal meta tkun qed tħejji r-Rapporti tal-Pajjiżi fi ħdan il-proċess tas-Semestru Ewropew, il-metodoloġija speċifika stabbilita meta jkun jenħtieġ li l-Faqar fost it-Tfal jingħata prijorità għall-kunsiderazzjoni ta’ CSR potenzjali ma ġietx definita b’mod ċar.
L-effettività tal-finanzjament tal-UE għall-2014-2020 biex jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal ma tistax tiġi vvalutata.
59Il-proċess biex jiġi stabbilit kif l-Istati Membri jużaw u jallokaw il-fondi tal-UE huwa mod ieħor kif il-Kummissjoni tista’ tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal. Il-Kummissjoni jista’ jkollha impatt fi tliet stadji fi ħdan dan il-proċess. L-ewwel pass huwa t-tfassil ta’ RDK, it-tieni wieħed huwa permezz ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija (FS) u t-tielet wieħed huwa permezz tal-Programmi Operazzjonali (PO), l-aħħar tnejn fil-livell tal-Istati Membri. Aħna niddeskrivu dan il-proċess għall-perjodu ta’ programmazzjoni attwali fil-Figura 5.
Ir-RDK għall-fondi SIE ma għandux fil-mira l-faqar fost it-tfal direttament
60Ir-RDK21 jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni għal seba’ fondi ta’ ġestjoni kondiviża. Huwa jistabbilixxi r-regoli ewlenin li jirregolaw il-fondi għall-perjodu 2014-2020. Ir-RDK fih id-dispożizzjonijiet ewlenin li jikkonċernaw il-programmazzjoni tal-objettivi tal-politika ta' Koeżjoni u l-infiq korrispondenti għall-perjodu 2014-2020.
61Permezz tar-rwol tagħha fit-tfassil tal-proposta għar-RDK, il-Kummissjoni tista’ tinfluwenza l-allokazzjoni u l-użu sussegwenti tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (Fondi SIE) biex tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal. Wieħed mill-istrumenti ewlenin tar-RDK għal dan l-iskop huwa t-twaqqif ta’ Objettivi Tematiċi (OT) u ta’ Prijoritajiet ta’ Investiment (PI) rilevanti.
62L-OT huma ddefiniti fir-RDK u jippreżentaw objettivi li jenħtieġ li jkunu sostnuti mill-Fondi SIE. Ir-RDK jidentifika 11-il Objettiv Tematiku (OT), li jiddefinixxu setturi u oqsma ta’ intervent fejn l-appoġġ tal-UE permezz tal-Fondi SIE jista’ jagħti l-akbar valur miżjud. L-Objettivi Tematiċi (OT)22 huma maqsuma fi Prijoritajiet ta’ Investiment (PIs)23.
63Ir-RDK huwa kkomplimentat mir-regolamenti speċifiċi għall-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR). B’kollox, taħt ir-Regolamenti speċifiċi għall-FSE u l-FEŻR hemm 57 PI. L-ebda wieħed mill-PI ma huwa speċifikament iddedikat biex jindirizza l-faqar fost it-tfal.
64Għall-perjodu 2014-2020 ir-RDK introduċa wkoll strument ġdid li għandu l-għan li jżid l-effettività tal-interventi tal-FSIE, il-“kundizzjonalitajiet ex ante” (EACs). L-EACs jistabbilixxu rekwiżiti minimi fil-bidu tal-implimentazzjoni tal-programmi u jinkludu rekwiżiti strateġiċi u regolatorji li l-Istati Membri jridu jilħqu qabel ma jirċievu l-fondi tal-UE. Għall-EACs relatati mal-faqar (ara l-Kaxxa 4).
Kaxxa 4
Meta jkunu qed iħejju l-PO taħt il-FEŻR, l-FK u l-FSE taħt il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, l-Istati Membri jridu jiżguraw l-issodisfar ta’ dawn il-kundizzjonijiet.
Objettiv tematiku | EAC tematika | Tip |
OT 9. Promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, il-ġlieda kontra l-faqar u kull diskriminazzjoni | EAC 9.1. L-eżistenza u l-implimentazzjoni ta' qafas ta' politika strateġika nazzjonali għat-tnaqqis tal-faqar li jimmira l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol fid-dawl tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi | Strateġiku |
L-EAC relatata mal-OT 9 dwar il-faqar “Promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, ġlieda kontra l-faqar u kwalunkwe diskriminazzjoni” titqies issodisfata jekk Stat Membru jkollu fis-seħħ “Qafas ta’ politika strateġika nazzjonali għat-tnaqqis tal-faqar, bil-għan ta’ inklużjoni attiva”. L-Istati Membri kollha li saritilhom żjara adottaw strateġiji ta’ kontra l-faqar b’reazzjoni għall-kundizzjonalità ex ante 9.1 u l-Kummissjoni osservat li fl-erba’ Stati Membri kollha li saritilhom żjara l-EAC 9.1 ġiet issodisfata.
66Madankollu, il-kriterji biex tiġi ssodisfata l-EAC tal-inklużjoni soċjali ma tirrikjedix li l-Istati Membri jistabbilixxu miri għat-tnaqqis tal-faqar u lanqas ma tispeċifika gruppi vulnerabbli li jinkludu t-tfal li għandhom jiġu mmirati. Il-leġiżlazzjoni tal-UE ma għandha l-ebda finanzjament immirat direttament għall-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal.
L-ammont ta’ fondi SIE li jindirizzaw direttament il-faqar fost it-tfal mhuwiex magħruf.
67Il-FS huma pjanijiet ta' investiment strateġiku għall-Istati Membri tal-UE, li jindikaw liema huma l-prijoritajiet nazzjonali ta' nfiq tagħhom għall-fondi SIE matul perjodu ta' seba' snin. Il-FS jinkludu l-għanijiet u l-OT li jridu jinkisbu minn Stat Membru li għandhom x’jaqsmu mal-ħtiġijiet ta’ investiment u żvilupp speċifiċi tagħhom. Dawn l-għanijiet huma elaborati f’aktar dettall fil-PO individwali relatati. Jenħtieġ li l-kundizzjonijiet li magħhom tista’ titkejjel il-prestazzjoni ta’ dawn il-programmi jkunu adegwati u jistabbilixxu indikaturi rilevanti, li jippermettu valutazzjoni tal-effettività tagħhom.
68Il-FS jkopru l-perjodu ta' programmazzjoni kollu kemm hu u jinkludu l-ħames fondi SIE kollha. Hemm FS wieħed għal kull Stat Membru li huwa mħejji fuq il-bażi tal-PNR li jippreżentaw il-politiki u l-miżuri tal-pajjiż għas-sostenn tat-tkabbir u tal-impjiegi, u għall-ilħuq tal-miri ta' Ewropa 2020, is-CSRs li huma rilevanti u l-aktar reċenti u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill.
69Il-FS huwa suġġett għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni u jinkludi informazzjoni dwar il-ħtiġijiet ta’ żvilupp tal-Istati Membri; l-OT magħżula; il-lista ta’ PO għal kull Stat Membru; sommarju tal-evalwazzjonijiet ex ante u sommarju tal-valutazzjoni tal-kundizzjonalitajiet ex ante, fost oħrajn.
70Filwaqt li l-FS għall-erba’ Stati Membri li saritilhom żjara stabbilixxew miri għat-tnaqqis tal-faqar inġenerali, l-ebda wieħed minnhom ma kien stabbilihom biex inaqqas il-faqar fost it-tfal b’mod espliċitu.
71Aħna analizzajna ħames PO u ppruvajna nidentifikaw il-fondi allokati biex jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal. Madankollu, it-tfal fil-faqar mhumiex grupp fil-mira espliċitu għall-interventi mill-fondi SIE u ma hemm l-ebda kriterji ta’ għażla orizzontali/kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà mmirati lejn l-appoġġ finanzjarju għal tfal fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali. Fih innifsu, mhuwiex possibbli li jiġi stabbilit jekk dawn l-interventi kinux ta’ benefiċċju dirett għat-tfal fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali24. Il-Figura 6 turi l-finanzjament massimu tal-UE kif indikat mill-awtoritajiet nazzjonali li huwa potenzjalment disponibbli biex jindirizza, fost l-oħrajn, il-faqar fost it-tfal fil-ħames PO inklużi fil-kampjun.
Madankollu, l-informazzjoni dwar kemm minn dawn il-fondi SIE kienu qed jindirizzaw direttament il-faqar fost it-tfal ma kinitx disponibbli. Kull PO eżaminat jinkludi miżuri li indirettament huwa mistenni li jikkontribwixxu b’mod pożittiv għall-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal. Tali miżuri jinkludu fondi li għandhom il-mira ta’ inklużjoni ta’ persuni f’riskju tal-faqar bil-għan li jtejbu l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol jew li jippromwovu l-impjieg.
73Barra minn hekk, miżuri relatati mal-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, għalkemm mhux immirati speċifikament lejn tfal fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali, dawn jistgħu potenzjalment jibbenefikaw minnhom indirettament. Tali taħlita ta’ miżuri indiretti bħal din tidher fil-Kaxxa 5.
Kaxxa 5
Eżempju ta’ miżuri li potenzjalment jistgħu jkunu ta’ benefiċċju indirett għal tfal fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali - PO reġjonali għal Warmińsko-Mazurskie Voivodeship iffinanzjat mill-FEŻR u l-FSE
L-awtoritajiet Pollakki identifikaw għadd ta’ interventi imrawma mill-PO li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju dirett jew indirett għal tfal li jinsabu f'riskju jew jistgħu jaqgħu fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali. Dawn il-miżuri huma mmirati lejn:
- Il-promozzjoni tal-inklużjoni ta’ persuni f’riskju tal-faqar – Prijorità ta’ investiment 9i, assistenza u appoġġ fir-rigward tal-kompetenzi soċjali, professjonali u edukattivi u fil-qasam tas-saħħa.
- It-titjib fl-aċċess għall-kura tat-tfal u l-edukazzjoni preprimarja – Attivitajiet ikkofinanzjati taħt il-prijoritajiet ta’ investiment 8iv (investiment fl-infrastruttura tal-kura tat-tfal u l-finanzjament tal-ispejjeż tal-kura tat-tfal sabiex jippromwovi l-impjieg tal-ġenituri); 10i u 10a (investimenti fil-faċilitajiet edukattivi u tal-preprimarja u l-finanzjament tal-edukazzjoni preprimarja).
- It-titjib fl-aċċess għas-servizzi tas-saħħa u tal-kura – il-PO jipprevedi attivitajiet taħt il-prijorità ta’ investiment 9iv li hija mmirata biex ittejjeb l-aċċess għal (i) servizzi tas-saħħa, b’mod partikolari l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ programmi għall-identifikazzjoni bikrija ta’ nuqqasijiet fl-iżvilupp u r-riabilitazzjoni ta’ tfal b’diżabilità jew f’riskju ta’ diżabilità; il-prevenzjoni ta’ taħsir tas-snien u l-prevenzjoni tal-kanċer tal-għonq tal-utru u (ii) servizzi ta’ kura ta’ appoġġ, fost l-oħrajn, il-foster care u s-servizzi ta’ kura ġenerali, pereżempju, il-klabbs tal-iskejjel.
Minħabba l-limitazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ma tistax tikkwantifika l-ammont ta’ fondi allokati għal proġetti li jindirizzaw direttament il-faqar fost it-tfal u konsegwentement tivvaluta l-effettività tagħhom. Din is-sitwazzjoni hija aktar aggravata min-nuqqas ta’ objettivi u miri fil-FS u l-PO magħżula li jistgħu jindikaw x’hemm ippjanat biex jinkiseb fil-qasam. Barra minn hekk, kull meta jiġu adottati indikaturi tar-riżultati, dawn huma speċifiċi għall-programm u ma jurux b’mod ċar kif l-investimenti ffinanzjati huma ta’ benefiċċju għal tfal fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali.
L-indikaturi jirriflettu s-sitwazzjoni tal-faqar fost it-tfal b’mod differenti
75Indikaturi ta’ sinifikat jipprovdu informazzjoni rilevanti lil dawk li jfasslu l-politika u lil min qiegħed jimplimentahom. L-indikaturi jinfurmawhom dwar kemm politika hija effettiva fil-prattika u tippermettilhom jieħdu azzjonijiet korrettivi, fejn meħtieġ.
L-AROPE jippermetti tqabbil tar-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali fl-Istati Membri kollha
76L-indikatur li jkejjel il-faqar fl-UE u huwa l-indikatur ewlieni għall-monitoraġġ tal-mira dwar il-faqar tal-Istrateġija UE 2020 huwa l-AROPE – li hija l-abbrevjazzjoni ta’ “fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali”.
77L-AROPE huwa indikatur multidimensjonali magħmul minn tliet subindikaturi. It-tliet subindikaturi jingħataw l-istess importanza u jistgħu jikkoinċidu parzjalment ma’ xulxin. L-AROPE juri l-ammont totali ta’ persuni li jinsabu f’tal-inqas waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet li ġejjin (persuni f’aktar minn sitwazzjoni waħda jingħaddu darba biss):
- F’riskju tal-faqar – Is-sehem ta’ nies b’introjtu disponibbli (wara trasferiment soċjali) taħt is-soll ta’ dawk f’riskju tal-faqar, li huwa stabbilit għal 60 % tal-introjtu medju disponibbli ta’ Stat Membru wara trasferimenti soċjali.
- F’sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema – L-inabbiltà li jixtru xi oġġetti meqjusa bħala mixtieqa jew meħtieġa biex imexxu ħajja adegwata, tindika r-rata ta’ deprivazzjoni materjali. L-indikatur ikejjel il-perċentwal tal-popolazzjoni li ma tistax taffordja tal-anqas 40 minn 9 affarijiet f’lista ta’ ċerti oġġetti jew servizzi għad-dar. Id-deprivazzjoni materjali estrema hija ddefinita bħala l-inabbiltà forzata li wieħed iħallas għal mill-inqas erba’ mill-affarijiet fuq il-lista.
- Jgħixu f’unitajiet domestiċi b’intensità baxxa ħafna ta’ xogħol – Dan huwa ddefinit bħala l-għadd ta’ persuni li jgħixu f’unità domestika fejn il-membri ta’ età lavorattiva ħadmu inqas minn 20 % tal-potenzjal totali tagħhom matul it-12-il xahar ta’ qabel. Unitajiet domestiċi magħmula biss minn tfal, ta’ studenti inqas minn 25-il sena u/jew minn persuni li għandhom 60 sena jew aktar huma kompletament esklużi mill-kalkolu tal-indikatur.
L-Indikatur tad-Deprivazzjoni tat-Tfal jiffoka speċifikament fuq is-sitwazzjoni tat-tfal
78Bħala parti mill-inizjattiva tal-UE biex jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal, fl-2013 il-Kummissjoni ħabbret il-bidu ta’ xogħol ta’ tħejjija għal indikatur ta’ deprivazzjoni materjali speċifiku għat-tfal. B’mod simili għal indikatur ta’ deprivazzjoni materjali (bħas-subindikatur ta’ AROPE), l-indikatur tad-deprivazzjoni tat-tfal jirrappreżenta l-proporzjon ta’ tfal minn 1 sa 15-il sena li huma nieqsa minn, għal raġunijiet ta’ affordabbiltà, oġġetti ta’ kuljum. Il-lista ta’ 17-il oġġett fiha oġġetti speċifiċi għat-tfal filwaqt li żżomm ukoll xi oġġetti tad-dar mill-indikatur ta’ deprivazzjoni materjali għall-popolazzjoni kollha. It-tfal se jiġu kklassifikati bħala mċaħħda jekk ma jkollhomx mill-inqas tliet oġġetti minn din il-lista ta’ 17-il oġġett (ara l-Anness II).
79F’Marzu 2018, ħames snin wara li tħabbar, l-indikatur ta’ deprivazzjoni materjali speċifiku għat-tfal kien ġie eventwalment adottat mill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali. F’Lulju 2019, ġiet ippubblikata l-ewwel (u sa issa l-unika) data dwar id-deprivazzjoni tat-tfal (miġbura abbażi ta’ stħarriġ). Hija kienet tikkonċerna biss id-data għall-2014 peress li l-ebda data oħra ma kienet disponibbli. L-indikatur tad-deprivazzjoni tat-tfal mhux se jkun disponibbli kull sena, iżda kull tliet snin u mill-2021 ’il quddiem25.
80Meta l-indikatur tad-deprivazzjoni materjali speċifiku għat-tfal jitqabbel mas-subindikatur tad-deprivazzjoni materjali fl-AROPE (l-indikatur ta’ deprivazzjoni materjali serja) (ara l-Anness II) għall-istess grupp ta’ età, l-indikatur ta’ deprivazzjoni tat-tfal fl-Istati Membri kollha juri valuri ogħla mill-indikatur ta’ deprivazzjoni materjali (ara l-Figura 7).
Kemm il-ħtiġijiet kif ukoll l-istandards tal-għajxien tat-tfal jistgħu jkunu differenti minn dawk ta’ adulti, anke fl-istess unitajiet domestiċi. Billi l-indikatur ta’ deprivazzjoni materjali speċifiku għat-tfal huwa aktar iffukat fuq il-qagħda tat-tfal, huwa jagħti stampa differenti u aktar speċifika tal-livell reali tal-faqar fost it-tfal.
Il-kejl tal-faqar fost it-tfal ivarja fost l-Istati Membri
82Indikatur huwa r-rappreżentanza ta’ xejra li ssegwi l-bidla li tista’ titkejjel f’qasam ta’ politika matul iż-żmien. L-AROPE hija l-indikatur ewlieni biex jitkejjel il-faqar fl-Istrateġija UE 2020. Il-vantaġġ prinċipali tal-AROPE huwa li jippermetti tqabbil bejn
l-Istati Membri u tul iż-żmien, minħabba l-ġbir standardizzat tiegħu fis-Sistema Statistika Ewropea.
Madankollu, fl-Istati Membri kollha li saritilhom żjara, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom għadd ta’ indikaturi proprji tagħhom, li huma jqisu rilevanti għas-sitwazzjoni nazzjonali tagħhom u li huma jużaw fl-istrateġiji u fil-politiki tagħhom u għal skopijiet ta’ monitoraġġ. B’riżultat ta’ dan, teżisti informazzjoni differenti dwar il-livell ta’ faqar u l-faqar fost it-tfal fl-Istati Membri (ara l-Kaxxa 6).
Kaxxa 6
Tqabbil tal-AROPE (0-17) u l-indikaturi nazzjonali
SM | 2014 | 2015 | 2016 | 2017 |
Il-Ġermanja | ||||
AROPE 0-17 | 19.6 % | 18.5 % | 19.3 % | 18.0 % |
Ċensiment fuq skala żgħira | 15.1 % | 14.6 % | 15.4 % | 15.2 % |
SOEP | 21.7 % | 22.6 % | 23.1 % | M/A |
Sors: l-Eurostat; Armuts- und Reichtumsbericht der Bundesregierung – https://www.armuts-und-reichtumsbericht.de/DE/Indikatoren/Armut/Armutsrisikoquote/A01-Indikator-Armutsrisikoquote.html. | ||||
Il-Polonja | ||||
AROPE 0-17 | 28.2 % | 26.6 % | 24.2 % | 17.9 % |
Rata tal-Faqar kif Iddefinita mill-Leġiżlazzjoni 0-17 | 19.3 % | 19.3 % | 18.1 % | 14.8 % |
Sors: l-Eurostat u d-data tal Uffiċċju tal-Istatistika tal-Polonja (https://stat.gov.pl/obszary-tematyczne/warunki-zycia/ubostwo-pomoc-spoleczna/zasieg-ubostwa-ekonomicznego-w-polsce-w-2017-r-,14,5.html). |
Indikaturi u informazzjoni li jvarjaw dwar il-faqar fost it-tfal fl-Istati Membri, ibbażati fuq data nazzjonali mhux armonizzata, jagħmluha diffiċli għall-partijiet ikkonċernati biex jivvalutaw is-sitwazzjoni tal-faqar fost it-tfal.
L-informazzjoni għall-inizjattiva ta’ politika dwar Garanzija Ewropea għat-tfal jeħtieġ li tkun suffiċjenti
Garanzija għat-Tfal proposta mill-Parlament Ewropew
85F’April 2019, il-Parlament Ewropew emenda r-Regolament propost dwar l-FSE+ għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-202726 u ppropona li tiġi introdotta skema ta’ Garanzija Ewropea għat-Tfal27 biex jindirizza l-faqar fost it-tfal. Il-proposta emendata għall-FSE+ tinkludi rekwiżit li kull Stat Membru jenħtieġ li jalloka 5 % tar-riżorsi mill-FSE+ tiegħu għal miżuri sabiex jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal. Dawn ir-riżorsi jistgħu jikkontribwixxu wkoll direttament għall-implimentazzjoni tal-inizjattiva futura ta’ Garanzija għat-Tfal.
86Fl-2018, il-Kummissjoni bdiet l-implimentazzjoni tal-Fażi I tal-Azzjoni Preparatorja għal Garanzija għat-Tfal mitluba mill-Parlament Ewropew.
- L-ewwel fażi tal-Azzjoni Preparatorja, li hija studju ta' fattibbiltà, ġie iffinalizzat f’April 2020. Huwa fittex li jesplora l-fattibbiltà ta’ Garanzija għat-Tfal billi analizza l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ tali skema, u biex jivvaluta jekk kinitx se tagħti valur miżjud lill-oqfsa eżistenti tal-UE u dawk nazzjonali u b’hekk tkun strument addizzjonali utli.
- It-tieni fażi tal-Azzjoni Preparatorja hija studju ekonomiku u ta' fattibbiltà li jħares lejn l-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ garanzija għat-tfal fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali fl-UE. Dan għandu jiġi kkompletat f’Mejju 2021.
- Waqt it-tielet fażi se titwettaq l-implimentazzjoni ta’ tlieta sa ħames proġetti pilota, fuq livell lokali, fl-Istati Membri mill-UNICEF. Din se tieħu sal-2022. Il-Fażi III se tikkonsisti minn sensiela ta’ proġetti pilota li għandhom jiġu implimentati f’erba’ Stati Membri. Se tinkludi wkoll sensiela ta’ segwiti programmatiċi u tal-politika nazzjonali fil-fond u l-iżvilupp ta’ Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Faqar fost it-Tfal u l-Esklużjoni Soċjali f’għadd ta’ Stati Membri.
L-Azzjoni Preparatorja għall-Garanzija għat-Tfal, partikolarment l-istudju ta’ fattibbiltà taħt il-Fażi I u l-istudju ta’ fattibbiltà ekonomika taħt il-Fażi II, se tittieħed inkunsiderazzjoni fl-iżvilupp tal-inizjattiva ta’ politika. Iż-żewġ fażijiet jeħtieġu l-ġbir u l-kollazzjoni ta’ informazzjoni li hija komprensiva, f'waqtha u ta’ kwalità adegwata. Inkella, hemm ir-riskju li l-azzjonijiet xierqa ma jkunux jistgħu jittieħdu u jistgħu ma jkunux disponibbli fondi adegwati.
88L-ewwel fażi tal-istudju ma tipprovdix ħarsa ġenerali komprensiva, u lanqas eżempji ta’ azzjonijiet iffinanzjati mill-FSE, li kienu effettivi fl-indirizzar tal-Faqar fost it-Tfal. Filwaqt li hemm ħarsa ġenerali tal-finanzjament disponibbli permezz tal-fondi SIE, iċ-ċifri ppreżentati huma biss stimi billi l-istudju jikkonkludi li l-investimenti fit-tfal ma jidhirx b’mod ċar fil-qafas strateġiku u ta’ monitoraġġ tal-biċċa l-kbira mill-fondi tal-UE.
89L-informazzjoni attwalment disponibbli mill-ewwel fażi tal-Azzjoni Preparatorja għal Garanzija għat-Tfal (studju ta' fattibbiltà) għalhekk tagħmilha diffiċli biex tittieħed deċiżjoni infurmata tajjeb dwar kif jenħtieġ li tiġi mfassla garanzija għat-tfal, inklużi l-miżuri u l-finanzjament meħtieġa biex ikun hemm impatt pożittiv fuq il-livell tal-faqar fost it-tfal fl-UE u biex jiġi żgurat l-impenn tal-Istati Membri.
90Barra minn hekk, aħna nosservaw li l-finalizzazzjoni tat-tielet fażi (pilota) se ssir l-aktar kmieni fl-2022, jiġifieri fiż-żmien li fih, f’ċirkostanzi normali, ikun diġà beda l-perjodu ta' programmazzjoni u jkunu ġew adottati l-programmi operazzjonali rilevanti tal-FSE.
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
91Il-faqar fost it-tfal jibqa’ kwistjoni serja fl-UE bi kważi wieħed minn kull erbat itfal għadhom fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali.
92Il-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal taqa’ primarjament taħt il-kompetenza tal-Istat Membru, iżda l-Kummissjoni għandha rwol x’taqdi wkoll. Filwaqt li r-rilevanza tal-istrumenti mhux legalment vinkolanti tagħha hija limitata min-natura tagħha, hija għandha għodod ħafna aktar b’saħħithom għad-dispożizzjoni tagħha bħalma huma l-proċess tas-semestru u l-immirar tal-fondi tal-UE permezz tal-FS u l-PO. Madankollu, in-nuqqas ta’ informazzjoni disponibbli direttament relatata mal-faqar fost it-tfal ifisser li l-kontribut effettiv ta’ dawn l-għodda għall-isforzi tal-Istati Membri biex jitnaqqas il-faqar fost it-tfal huwa diffiċli, jekk mhux impossibbli, li jiġi vvalutat.
Ir-Rakkomandazzjoni hija inizjattiva pożittiva iżda l-impatt tagħha huwa diffiċli, jekk mhux impossibbli, li jiġi vvalutat
93Ir-Rakkomandazzjoni, għalkemm mhux legalment vinkolanti, tirrappreżenta inizjattiva pożittiva biex jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal b’mod olistiku, permezz ta’ approċċ integrat (il-paragrafi 14 u 15). Il-Kummissjoni pprovdiet xi għajnuna speċifika lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tagħha, madankollu r-Rakkomandazzjoni ma kinitx akkumpanjata minn pjan direzzjonali tal-UE li stabbilixxa pjan ta’ implimentazzjoni viżibbli u komunikabbli għall-Istati Membri (il-paragrafi 18 u 19). Il-pjattaforma ta’ EPIC ftit għandha informazzjoni dwar l-aħjar prattiki li bihom l-Istati Membri jindirizzaw il-faqar fost it-tfal (il-paragrafu 22).
94Il-progress tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni ma jistax jiġi vvalutat billi ma ġewx stabbiliti miri li jistgħu jitkejlu u lanqas stadji importanti (il-paragrafu 28). L-istudju tal-ESPN tal-2017 fuq talba tal-Kummissjoni kkorrobora li huwa diffiċli, jekk mhux impossibbli, li jiġi vvalutat sa liema punt it-titjib fil-politiki nazzjonali tal-Istati Membri jista’ jiġi attribwit għar-Rakkomandazzjoni nfisha, iżda indika li ftit li xejn kien hemm bidla f’ħafna pajjiżi (il-paragrafu 33).
Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali: inizjattiva soċjali progressiva u globali, bi prinċipji ta’ natura ġenerali dwar it-tfal
95L-EPSR żied l-għarfien tal-politiki soċjali fl-UE, inkluż il-faqar fost it-tfal. Madankollu, il-Prinċipju 11 huwa ta’ natura ġenerali u diġà jinsab kopert mir-Rakkomandazzjoni f’aktar dettall, fil-forma ta’ miżuri speċifiċi (il-paragrafi 40 sa 42).
96Se jiġi ppreżentat pjan ta’ azzjoni biex jiġi implimentat bis-sħiħ l-EPSR kmieni fl-2021. Filwaqt li dan il-pjan ta’ azzjoni previst huwa żvilupp pożittiv, ir-realizzazzjoni tiegħu hija kritika biex tingħata ħarsa ġenerali lejn il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-prinċipji (il-paragrafu 44).
97L-implimentazzjoni tal-EPSR hija inkluża f’wieħed mill-ħames objettivi ta’ politika identifikati mir-RDK propost għall-perjodu 2021-2027. Din l-enfasi l-ġdida proposta fuq l-EPSR rigward il-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027, għandha l-potenzjal li tiffoka l-miżuri u l-finanzjament fuq l-indirizzar tal-faqar fost it-tfal (il-paragrafi 45 sa 47).
Rakkomandazzjoni 1 – Jenħtieġ li l-Pjan ta’ Azzjoni għall-EPSR jinkludi l-faqar fost it-tfalJenħtieġ li l-Kummissjoni tinkludi azzjonijiet u objettivi biex jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal fil-pjan ta’ azzjoni tagħha għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: bidu tal-perjodu 2021-2027 tal-QFP.
Is-CSRs tas-Semestru Ewropew rari jindirizzaw il-faqar fost it-tfal b’mod espliċitu
98Is-Semestru Ewropew huwa mfassal biex jikkoordina l-isforzi nazzjonali biex jintlaħqu l-miri tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Il-progress li sar sa issa lejn il-mira li 20 miljun persuna joħorġu mill-faqar sal-2020 jindika li x’aktarx li tali mira ma tintlaħaqx (il-paragrafi 48 sa 50).
99Kriterju importanti waqt li jkunu qegħdin jiġu kkunsidrati abbozzi ta’ CSRs dwar il-faqar fost it-tfal għal Stat Membru huwa l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tar-rata tal-UE ta’ tfal fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali bħala “għolja” jew “għolja ħafna”. Is-soll intern użat għal dan l-iskop huwa aktar għoli mil-livelli medji tal-UE għall-faqar fost it-tfal għall-perjodu kkonċernat (il-paragrafu 54).
100Mill-2016 sal-2019, inħarġu Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż lill-Istati Membri f’oqsma li jaffettwaw il-politiki tal-familja u tat-tfal, iżda Stat Membru wieħed biss irċieva CSR speċifikament dwar il-faqar fost it-tfal (il-paragrafu 56). Is-servizzi tal-Kummissjoni f’dan il-kuntest spjegaw li l-proċess biex jiddefinixxu u jipproponu Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż ma jiddependix biss mir-rata tar-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali tat-tfal, iżda wkoll minn valutazzjoni ta’ fatturi addizzjonali (il-paragrafu 57). Madankollu, il-metodoloġija speċifika li tistabbilixxi meta jkun jenħtieġ li l-faqar fost it-tfal jingħata prijorità għall-kunsiderazzjoni ta’ CSR potenzjali għadha ma ġietx iddefinita b’mod ċar (il-paragrafu 58).
Rakkomandazzjoni 2 – Analiżi u valutazzjoni tal-faqar fost it-tfal ibbażat fuq gwida interna ċaraJenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha gwida interna ċara biex tidentifika sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal CSR potenzjali direttament relatata mal-faqar fost it-tfal bħala parti mill-analiżi tagħha fi ħdan il-proċess tas-Semestru Ewropew.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: Bidu tal-proċess tas-Semestru Ewropew 2021.
L-effettività tal-finanzjament tal-UE għall-2014-2020 biex jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal ma tistax tiġi vvalutata
101Il-Kummissjoni tista’ tinfluwenza l-allokazzjoni tal-fondi tal-UE użati biex jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal permezz tat-tfassil tal-proposta tar-RDK u l-approvazzjoni tal-FS u tal-PO fil-livell tal-Istati Membri (il-paragrafu 59).
102Ir-RDK jiddefinixxi s-setturi u l-oqsma ta’ intervent fejn l-appoġġ tal-UE permezz ta’ fondi jista’ jagħti l-akbar valur miżjud. Madankollu, l-investimenti tagħha mhumiex immirati direttament lejn il-faqar fost it-tfal (il-paragrafi 61 sa 63).
103Aħna nosservaw li l-PO kollha eżaminati jinkludu miżuri li indirettament jistgħu jikkontribwixxu b’mod pożittiv għall-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal. Madankollu, minħabba li ma hemmx prijorità ta’ investiment speċifika jew indikatur rilevanti dwar il-faqar fost it-tfal, la l-Kummissjoni u lanqas l-Istati Membri ma għandhom informazzjoni dwar kemm intużaw fondi SIE biex jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal direttament u x’kien inkiseb f’dan il-qasam (il-paragrafi 71 sa 74).
Rakkomandazzjoni 3 - Immirar u monitoraġġ tal-investimenti biex jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027Jenħtieġ li Il-Kummissjoni tiżgura li l-Programmi u l-FS għall-2021-2027 jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod adegwat il-faqar fost it-tfal. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li meta jkun hemm finanzjament assenjat għall-ġlieda diretta kontra l-faqar fost it-tfal, dan jiġi rifless b’mod ċar fil-loġika ta’ intervent tal-FS u tal-Programmi.
Jenħtieġ li Il-Kummissjoni tistabbilixxi qafas ta’ monitoraġġ li jippermetti li jinġabru l-outputs u r-riżultati tal-investimenti SIE tal-2021-2027 li saru biex jiġi indirizzat il-faqar tal-gruppi kollha ta' età kollha, inklużi t-tfal.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: bidu tal-perjodu 2021-2027 tal-QFP.
L-indikaturi jirriflettu s-sitwazzjoni tal-faqar fost it-tfal b’mod differenti
104L-AROPE, l-indikatur li jkejjel il-faqar fl-UE huwa l-indikatur ewlieni għall-monitoraġġ tal-mira tal-istrateġija tal-UE għall-2020 dwar il-faqar. Huwa indikatur multidimensjonali magħmul minn tliet subindikaturi (il-paragrafi 76 u 77).
105Fl-2013, il-Kummissjoni ħabbret il-bidu ta’ xogħol ta’ tħejjija għal indikatur ta’ deprivazzjoni materjali speċifiku għat-tfal, li eventwalment ġie adottat fl-2018. L-indikatur ta’ deprivazzjoni materjali speċifiku għat-tfal huwa aktar iffukat fuq il-qagħda tat-tfal. Għalhekk, huwa jagħti stampa differenti u aktar speċifika tal-livelli reali ta’ faqar fost it-tfal. Madankollu, dan se jkun disponibbli kull tliet snin u mill-2021 ’il quddiem (il-paragrafi 78 sa 81).
106Il-vantaġġ prinċipali tal-AROPE huwa li jippermetti tqabbil bejn l-Istati Membri u matul iż-żmien. Madankollu, fl-Istati Membri kollha li saritilhom żjara, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom għadd ta’ indikaturi proprja tagħhom, li huma jqisu rilevanti għas-sitwazzjoni nazzjonali tagħhom. Dan jirriżulta f'diversi indikaturi nazzjonali u informazzjoni dwar il-faqar fost it-tfal madwar l-UE, li jagħmilha diffiċli għall-partijiet ikkonċernati biex jivvalutaw is-sitwazzjoni meta jużaw sorsi ta’ data nazzjonali mhux armonizzata (il-paragrafi 82 sa 84).
L-informazzjoni għall-implimentazzjoni tal-inizjattiva ta’ politika dwar Garanzija Ewropea għat-tfal jeħtieġ li tkun suffiċjenti
107F’April 2019, il-Parlament Ewropew emenda r-Regolament propost dwar l-FSE+ għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027 u ppropona li tiġi introdotta skema ta’ Garanzija Ewropea għat-Tfal biex jindirizza l-faqar fost it-tfal (il-paragrafu 85).
108Fl-2018, il-Kummissjoni nediet azzjoni preparatorja għal Garanzija Ewropea għat-Tfal. Il-Fażi I, studju ta' fattibbiltà, kellha l-għan li tivvaluta l-fattibbiltà, l-għażliet ta’ implimentazzjoni u l-valur miżjud ta’ tali inizjattiva. L-istudju preparatorju qed jitwettaq fi tliet fażijiet distinti. L-iskeda tal-azzjoni se tagħmilha diffiċli li jkun hemm informazzjoni kompleta u f’waqtha għall-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet (il-paragrafi 85 sa 86).
Rakkomandazzjoni 4 – Jiġi żgurat li l-passi meħtieġa u ġbir suffiċjenti ta’ informazzjoni jkunu ġew ikkompletati għat-tħejjija tal-inizjattiva ta’ politika li ġejja dwar Garanzija Ewropea għat-TfalJenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li nġabret u ġiet analizzata informazzjoni suffiċjenti u affidabbli dwar il-miżuri u l-finanzjament meħtieġa biex ikun hemm impatt pożittiv fuq il-livell tal-faqar tat-tfal fl-UE, għall-iżvilupp ta’ Garanzija għat-Tfal.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: bidu tal-perjodu 2021-2027 tal-QFP.
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sinjura Iliana Ivanova, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-15 ta’ Lulju 2020.
Għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Klaus-Heiner Lehne
Il-President
Annessi
Anness I – Miri nazzjonali tal-faqar Ewropa 2020
UE/Stat Membru | Faqar u esklużjoni soċjali |
EU-28 | Jiġu megħjuna mill-inqas 20 miljun persuna biex joħorġu mir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali (meta mqabbel mas-sena 2008)* |
Il-Belġju | − 380 000 persuna |
Il-Bulgarija | Tnaqqis b’260 000 tal-għadd ta’ persuni li jgħixu fil-faqar monetarju |
Ir-Repubblika Ċeka | − 100 000 persuna |
Id-Danimarka | Tnaqqis ta' 22 000 tal-għadd ta’ nies li jgħixu f’unitajiet domestiċi b’intensità baxxa ħafna ta’ xogħol |
Il-Ġermanja | Tnaqqis b’20 % tal-għadd ta’ persuni qiegħda fit-tul (qiegħda għal aktar minn sena) meta mqabbel mal-2008 (li jfisser tnaqqis ta’ 320 000 persuna qiegħda fit-tul) |
L-Estonja | Tnaqqis għal rata ta’ 15 % tal-għadd ta’ persuni li jgħixu fir-riskju tal-faqar wara trasferimenti soċjali (meta mqabbla ma’ 17.5 % fl-2010) |
L-Irlanda | Tnaqqis b’għadd minimu ta’ 200 000 il-persuni li jgħixu f’faqar kumbinat (jew faqar konsistenti, f'riskju tal-faqar jew inkella deprivazzjoni bażika) |
Il-Greċja | − 450 000 persuna |
Spanja | − 1 400 000 sa − 1 500 000 persuna |
Franza | − 1 900 000 persuna (imqabbla mal-2007) |
Il-Kroazja | Tnaqqis għal 1 220 000 l-għadd ta' persuni li jgħixu fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali |
L-Italja | − 2 200 000 persuna |
Ċipru | − 27 000 persuna jew tnaqqis tar-rata tal-popolazzjoni għal 19.3 % (meta mqabbla ma’ 23.3 % fl-2008) |
Il-Latvja | Tnaqqis b’121 000 tal-għadd ta’ persuni li jgħixu fir-riskju tal-faqar wara trasferimenti soċjali u/jew f’unitajiet domestiċi b’intensità baxxa ħafna ta’ xogħol |
Il-Litwanja | − 170 000 persuna u limitu ta’ 814 000 persuna fl-2020 |
Il-Lussemburgu | − 6 000 persuna |
L-Ungerija | − 450 000 persuna |
Malta | − 6 560 persuna |
In-Netherlands | Tnaqqis b'100 000 tal-għadd ta’ persuni (fl-età ta' 0-64) li jgħixu f’unità domestika mingħajr impjieg (meta mqabbla mal-2008) |
L-Awstrija | − 235 000 persuna |
Il-Polonja | − 1 500 000 persuna |
Il-Portugall | − 200 000 persuna |
Ir-Rumanija | − 580 000 persuna |
Is-Slovenja | − 40 000 persuna |
Is-Slovakkja | Tnaqqis għal rata ta’ 17.2 % tal-għadd ta’ persuni li jgħixu fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali (meta mqabbla ma’ 20.6 % fl-2008) |
Il-Finlandja | Tnaqqis għal 770 000 l-għadd ta' persuni li jgħixu f'riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali |
L-Iżvezja | Tnaqqis għal sew taħt l-14% il-perċentwal ta' nisa u irġiel (fl-età ta' 20-64) li mhumiex fil-forza tax-xogħol (apparti studenti full-time), dawk qiegħda fit-tul jew dawk fuq liv fit-tul minħabba mard |
Ir-Renju Unit | L-ebda mira fil-programm Nazzjonali ta’ Riforma, iżda jeżistu miri numeriċi taħt il-kappa tal-Att tal-2010 dwar il-Faqar Fost it-Tfal u l-Istrateġija dwar il-Faqar fost it-Tfal 2011-2014 |
Sors ta’ informazzjoni u kummenti |
Il-mira tal-UE kif stabbilita miIl-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, “Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv” – COM(2014) 130 final, Brussell, 2014 (p. 14). Fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali, imqassar għal AROPE, jirreferi għas-sitwazzjoni ta’ persuni jew f’riskju tal-faqar monetarju jew inkella fi stat ta’ deprivazzjoni materjali estrema jew li jgħixu f’unità domestika b’intensità ta’ xogħol baxxa ħafna. L-għadd totali ta’ persuni fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali huwa inqas mis-somma tal-għadd ta’ persuni f’kull waħda mit-tliet forom ta’ faqar jew esklużjoni soċjali billi xi persuni huma affettwati simultanjament minn aktar minn waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet. * 2008 tittieħed bħala sena bażi minħabba li parti kbira mill-indikaturi soċjali biex jitkejlu t-tliet dimensjonijiet tal-faqar huma disponibbli biss mill-2008 ’il quddiem. Il-monitoraġġ jirreferi għall-UE-27 billi l-Kroazja ssieħbet fl-UE fl-2013 u d-data hija disponibbli biss mill-2010 ’il quddiem. Il-miri nazzjonali kif stabbiliti fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma l-aktar reċenti. Id-definizzjonijiet tal-miri nazzjonali huma komparabbli mal-mira tal-UE ħlief għall-Bulgarija, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Latvja, in-Netherlands u l-Iżvezja (ara r-rimarki speċifiċi għall-pajjiż). Il-kalkolu tal-valuri fil-mira huwa differenti mill-kalkolu tal-valur fil-mira tal-UE għall-Estonja, Franza, il-Kroazja, is-Slovakkja, il-Finlandja u l-Iżvezja (ara r-rimarki speċifiċi għall-pajjiż). |
Anness II – Tqabbil ta’ punti fil-lista ta’ indikaturi ta’ deprivazzjoni materjali estrema u ta' deprivazzjoni materjali speċifika għat-tfal
Deprivazzjoni materjali estrema | Deprivazzjoni materjali speċifika għat-tfal |
Ħlas tal-kera jew kontijiet tal-utilitajiet | Minuri: Ħwejjeġ ġodda |
Id-dar tinżamm sħuna b’mod adegwat | Minuri: Żewġ pari żraben |
Jintlaħqu l-ispejjeż mhux mistennija | Minuri: Frott frisk u ħxejjex ta’ kuljum |
Jiġi kkunsmat laħam, ħut jew proteina ekwivalenti kull jumejn | Minuri: Laħam, tiġieġ, ħut kuljum |
Ġimgħa btala l-bogħod mid-dar | Minuri: Kotba adatti |
Karozza | Minuri: Tagħmir ta’ divertiment għal barra |
Magna tal-ħasil | Minuri: Logħob ta’ ġewwa |
TV tal-kulur | Minuri: Attivitajiet ta’ divertiment |
Telefown | Minuri: Ċelebrazzjonijiet |
Minuri: Jiġu mistednin il-ħbieb | |
Minuri: Ħarġiet tal-iskola | |
Minuri: Btala | |
Unità domestika: Tinbidel għamara antika | |
Unità domestika: Arretrati | |
Unità domestika: Internet | |
Unità domestika: Id-dar tinżamm sħuna b’mod adegwat | |
Unità domestika: Karozza |
Anness III – Perċentwal tal-popolazzjoni (fl-età ta’ 0-17) fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali (AROPE) fl-UE (2008-2018)
N | POST/ŻMIEN | 2008 | 2009 | 2010 | 2011 | 2012 | 2013 | 2014 | 2015 | 2016 | 2017 | 2018 |
1 | L-Unjoni Ewropea | 26.5 | 26.5 | 27.6 | 27.3 | 28.1 | 27.9 | 27.8 | 27.1 | 26.4 | 24.9 | 24.3 |
2 | Żona tal-euro | 23.6 | 24.1 | 25.2 | 25.3 | 25.5 | 25.0 | 25.7 | 25.4 | 25.3 | 24.3 | 23.5 |
3 | Il-Belġju | 21.3 | 20.5 | 23.2 | 23.3 | 22.8 | 21.9 | 23.2 | 23.3 | 21.6 | 22.0 | 23.2 |
4 | Il-Bulgarija | 44.2 | 47.3 | 49.8 | 51.8 | 52.3 | 51.5 | 45.2 | 43.7 | 45.6 | 41.6 | 33.7 |
5 | Ir-Repubblika Ċeka | 18.6 | 17.2 | 18.9 | 20.0 | 18.8 | 16.4 | 19.5 | 18.5 | 17.4 | 14.2 | 13.2 |
6 | Id-Danimarka | 12.7 | 14.0 | 15.1 | 15.7 | 14.9 | 15.4 | 14.5 | 15.7 | 13.9 | 14.5 | 15.2 |
7 | Il-Ġermanja | 20.1 | 20.4 | 21.7 | 19.9 | 18.4 | 19.4 | 19.6 | 18.5 | 19.3 | 18.0 | 17.3 |
8 | L-Estonja | 19.4 | 24.5 | 24.0 | 24.8 | 22.4 | 22.3 | 23.8 | 22.5 | 21.2 | 18.8 | 17.9 |
9 | L-Irlanda | 26.6 | 31.4 | 34.1 | 34.1 | 33.2 | 34.4 | 30.4 | 29.0 | 27.3 | 25.2 | 23.9 |
10 | Il-Greċja | 28.7 | 30.0 | 28.7 | 30.4 | 35.4 | 38.1 | 36.7 | 37.8 | 37.5 | 36.2 | 33.3 |
11 | Spanja | 30.1 | 32.0 | 33.3 | 32.2 | 32.4 | 32.6 | 35.8 | 34.4 | 32.9 | 31.3 | 29.5 |
12 | Franza | 21.2 | 21.2 | 22.9 | 23.0 | 23.2 | 20.8 | 21.6 | 21.2 | 22.6 | 22.1 | 22.9 |
13 | Il-Kroazja | Mhux applikabbli | Mhux applikabbli | 29.4 | 31.1 | 34.8 | 29.3 | 29.0 | 28.2 | 26.6 | 25.8 | 23.7 |
14 | L-Italja | 28.4 | 28.7 | 29.5 | 31.5 | 34.1 | 32.0 | 32.1 | 33.5 | 33.2 | 32.1 | 30.6 |
15 | Ċipru | 21.5 | 20.2 | 21.8 | 23.4 | 27.5 | 27.7 | 24.7 | 28.9 | 29.6 | 25.5 | 25.5 |
16 | Il-Latvja | 32.4 | 38.4 | 42.2 | 44.1 | 40.0 | 38.4 | 35.3 | 31.3 | 24.7 | 23.9 | 22.5 |
17 | Il-Litwanja | 29.1 | 30.8 | 35.8 | 34.6 | 31.9 | 35.4 | 28.9 | 32.7 | 32.4 | 31.6 | 28.0 |
18 | Il-Lussemburgu | 20.9 | 23.7 | 22.3 | 21.7 | 24.6 | 26.0 | 26.4 | 23.0 | 22.7 | 23.6 | 23.5 |
19 | L-Ungerija | 33.4 | 37.2 | 38.7 | 40.4 | 41.9 | 43.9 | 41.8 | 36.1 | 33.6 | 31.6 | 23.8 |
20 | Malta | 25.0 | 26.5 | 26.7 | 27.8 | 31.0 | 33.0 | 31.8 | 28.4 | 24.0 | 23.0 | 22.8 |
21 | In-Netherlands | 15.5 | 17.5 | 16.9 | 18.0 | 16.9 | 17.0 | 17.1 | 16.8 | 17.6 | 16.6 | 15.2 |
22 | L-Awstrija | 22.9 | 20.8 | 22.4 | 22.1 | 20.9 | 22.9 | 23.3 | 22.3 | 20.0 | 23.0 | 21.6 |
23 | Il-Polonja | 32.9 | 31.0 | 30.8 | 29.8 | 29.3 | 29.8 | 28.2 | 26.6 | 24.2 | 17.9 | 17.2 |
24 | Il-Portugall | 29.5 | 28.7 | 28.7 | 28.6 | 27.8 | 31.7 | 31.4 | 29.6 | 27.0 | 24.2 | 21.9 |
25 | Ir-Rumanija | 50.9 | 50.6 | 48.1 | 49.2 | 52.5 | 51.4 | 50.7 | 46.8 | 49.2 | 41.7 | 38.1 |
26 | Is-Slovenja | 15.3 | 15.1 | 15.2 | 17.3 | 16.4 | 17.5 | 17.7 | 16.6 | 14.9 | 15.1 | 13.1 |
27 | Is-Slovakkja | 24.3 | 23.7 | 25.3 | 26.0 | 26.6 | 25.5 | 23.6 | 24.9 | 24.4 | 22.5 | 23.8 |
28 | Il-Finlandja | 15.1 | 14.0 | 14.2 | 16.1 | 14.9 | 13.0 | 15.6 | 14.9 | 14.7 | 15.1 | 16.0 |
29 | L-Iżvezja | 17.3 | 18.8 | 19.2 | 20.3 | 19.4 | 20.2 | 20.5 | 19.8 | 19.9 | 19.4 | 20.6 |
30 | Ir-Renju Unit | 29.6 | 27.4 | 29.7 | 26.9 | 31.2 | 32.6 | 31.2 | 30.3 | 27.2 | 27.4 | 29.9 |
Nota: Mhux applikabbli: Mhux disponibbli.
Sors: l-Eurostat, data estratta fl-20.12.2019.
Akronimi u abbrevjazzjonijiet
AROP: Fir-riskju tal-faqar
AROPE: Fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali
CSR: Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż
EPSR: Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali
ESPN: Netwerk Ewropew dwar il-Politika Soċjali
ESS: Is-Sistema Ewropea tal-Istatistika
FS: Ftehim ta’ sħubija
FSIE: Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej
KPS: Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali
OT: Objettiv Tematiku
PNR: Programmi Nazzjonali ta’ Riforma
PO: Programm Operazzjonali
RDK: Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni
Glossarju
Il-Faqar fost it-Tfal: jindika l-perċentwal ta’ tfal (fl-età ta’ 0-17) fl-Unjoni Ewropea (UE) li jinsabu fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali (AROPE). It-tfal huma fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali jekk jgħixu f’unitajiet domestiċi b’tal-inqas waħda minn dawn it-tliet kundizzjonijiet li ġejjin: fir-riskju tal-faqar wara t-trasferimenti soċjali (faqar ta’ introjtu), deprivazzjoni materjali estrema jew b’intensità ta’ xogħol baxxa ħafna.
Fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali (AROPE): Ir-rata ta’ persuni fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali tikkorrispondi għas-somma totali ta’ persuni li huma f’riskju tal-faqar (AROP), jew f’sitwazzjoni ta’ deprivazzjoni materjali estrema jew li jgħixu f’unitajiet domestiċi b’intensità baxxa ħafna ta’ xogħol. Il-persuni jingħaddu darba biss anke jekk ikunu preżenti f’bosta subindikaturi. Ir-rata AROPE, is-sehem tal-popolazzjoni totali li hija fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali, hija l-indikatur ewlieni biex tiġi mmonitorjata l-mira tal-Istrateġija UE 2020 dwar il-faqar.
Il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE): jinkludu l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd. Dawn huma mmaniġġjati b’mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea u mill-pajjiżi tal-UE.
Ftehim ta’ sħubija (FS): Ftehimiet li jsiru bejn il-Kummissjoni Ewropea u kull wieħed mill-Istati Membri għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. Huma jippreżentaw il-pjanijiet tal-awtoritajiet nazzjonali dwar kif għandu jintuża l-finanzjament mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, u jiddeskrivu fil-qosor l-għanijiet strateġiċi u l-prijoritajiet ta’ investiment ta’ kull pajjiż, filwaqt li jorbtuhom mal-għanijiet kumplessivi tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Huma jinkludu wkoll, fost l-oħrajn, sommarju tal-valutazzjoni ta’ kemm il-kundizzjonalitajiet ex ante applikabbli jkunu ġew issodisfati, u jekk dawn ma jkunux ġew issodisfati - tal-azzjonijiet li għandhom jittieħdu, il-korpi responsabbli u l-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni ta’ dawk l-azzjonijiet, kif ukoll id-deskrizzjoni tal-metodoloġija u l-mekkaniżmi biex tiġi żgurata l-konsistenza fil-funzjonament tal-oqfsa ta’ prestazzjoni. Huma jitħejjew mill-Istat Membru fi djalogu mal-Kummissjoni u jridu jiġu adottati mill-Kummissjoni.
Il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (KPS): huwa kumitat konsultattiv ta’ politika għall-Ministri fil-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO).
Kundizzjonalitajiet ex ante huma kundizzjonijiet ibbażati fuq kriterji ddefiniti minn qabel u stabbiliti fir-RDK, li jitqiesu bħala prerekwiżiti meħtieġa għall-użu effettiv u effiċjenti tal-finanzjament mill-UE għall-fondi SIE kollha. Meta jkunu qed iħejju l-PO taħt il-FEŻR, l-FK u l-FSE għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, l-Istati Membri jridu jivvalutaw jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunux ġew issodisfati. Jekk dan ma jkunx il-każ, ikun jeħtieġ li jitħejjew pjanijiet ta’ azzjoni biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet ikunu ġew issodisfati sal-31 ta’ Diċembru 2016.
Objettiv Tematiku (OT): huwa element strutturanti tal-Ftehimiet ta' Sħubija. Huwa predeterminat mil-leġiżlazzjoni u jippreżenta objettivi li jenħtieġ li jkunu appoġġati mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej. L-objettivi tematiċi jistabbilixxu rabta mal-objettivi strateġiċi fil-livell tal-UE.
Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR): Il-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali jindirizza t-twassil ta’ drittijiet ġodda u aktar effettivi għaċ-ċittadini, u huwa mibni fuq 20 prinċipju ewlieni. Ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea fis-Summit Soċjali għall-Impjiegi Ġusti u t-Tkabbir f’Gothenburg fis-17 ta’ Novembru 2017. It-twettiq tal-prinċipji u tad-drittijiet iddefiniti taħt il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huwa responsabbiltà konġunta tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri, is-sħab soċjali u partijiet ikkonċernati oħra.
Programm Operazzjonali (PO): PO jistipula l-prijoritajiet u l-objettivi speċifiċi ta’ Stat Membru u jiddeskrivi kif il-finanzjament (kofinanzjament mill-UE u kofinanzjament nazzjonali pubbliku u privat) se jintuża matul perjodu partikolari (ġeneralment ta’ seba’ snin) għall-finanzjament ta' proġetti. Il-finanzjament tal-PO jista’ jiġi mill-FEŻR, mill-FK u/jew mill-FSE.
Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż (CSR): huma dokumenti mħejjija mill-Kummissjoni Ewropea għal kull pajjiż, li janalizzaw is-sitwazzjoni ekonomika tiegħu u li jipprovdu rakkomandazzjonijiet dwar miżuri li huwa għandu jadotta matul perjodu ta’ bejn 12 u 18-il xahar.
Ir-rata ta’ riskju ta’ faqar (AROP) hija subkomponent ta’ AROPE: Ir-rata ta’ riskju ta’ faqar hija s-sehem ta’ persuni b’introjtu disponibbli ekwivalizzat (wara t-trasferiment soċjali) taħt il-soll tar-riskju ta’ faqar, li huwa stabbilit għal 60 % tal-introjtu disponibbli ekwivalizzat medjan nazzjonali wara t-trasferimenti soċjali.
Semestru Ewropew: Ċiklu ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika u fiskali fi ħdan l-UE. Huwa parti mill-qafas ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni Ewropea. Il-fokus tiegħu huwa fuq il-perjodu tal-ewwel sitt xhur ta’ kull sena, b’hekk jissejjaħ – is-“semestru”. Matul is-Semestru Ewropew, l-Istati Membri jallinjaw il-politiki baġitarji u ekonomiċi tagħhom mal-objettivi u r-regoli li dwarhom ikun intlaħaq qbil fil-livell tal-UE.
Sistema Statistika Ewropea (ESS): Is-sħubija bejn l-awtorità tal-istatistika Komunitarja, li hija l-Kummissjoni (l-Eurostat), u l-istituti nazzjonali tal-istatistika (NSIs) u awtoritajiet nazzjonali oħra responsabbli f’kull Stat Membru għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea. Din is-Sħubija tinkludi wkoll il-pajjiżi taż-ŻEE u tal-EFTA. L-Istati Membri jiġbru data u jikkumpilaw statistika għall-iskopijiet nazzjonali u tal-UE. L-ESS tiffunzjona bħala netwerk li fih ir-rwol tal-Eurostat huwa li tmexxi l-proċess ta’ armonizzazzjoni tal-istatistika b’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika.
Strateġija Ewropa 2020: hija l-istrateġija tal-UE għat-tkabbir biex ikun hemm irkupru mill-kriżi għall-10 snin li jmiss, u hija maqsuma f'5 miri ewlenin li jkopru: l-impjieg; ir-riċerka u l-iżvilupp; il-klima/l-enerġija; l-edukazzjoni; l-inklużjoni soċjali u t-tnaqqis tal-faqar.
Tim tal-awditjar
Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.
Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla II tal-Awditjar li tispeċjalizza fl-oqsma ta’ nfiq ta’ Investiment għall-koeżjoni, it-tkabbir u l-inklużjoni, u li hija mmexxija mis-Sinjura Iliana Ivanova, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Tony Murphy, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Wolfgang Stolz, Kap tal-Kabinett u Brian Murphy, Attaché tal-Kabinett; Pietro Puricella, Maniġer Prinċipali; Michele Zagordo, Kap tal-Kompitu; Marija Grguric, Cristina-Ioana Jianu, Agota Krenusz, Annekatrin Langer u Bernard Witkos, Awdituri; Peter Borsos, Assistent tal-Kabinett; Niamh Mahon, Segretarju tal-Kabinett; Eve Ryan, Trainee tal-Kabinett; Hannah Critoph u Zuzanna Filipski pprovdew appoġġ lingwistiku.
B’konsegwenza tal-pandemija tal-COVID-19 u l-kundizzjonijiet stretti ta’ konfinament, ma seta’ jittieħed l-ebda ritratt tat-tim tal-awditjar.
Noti finali
1 L-Eurostat, sett tad-data “People at risk of poverty or social exclusion”.
2 Pakkett ta’ Investiment Soċjali, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni - inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020”, COM(2013) 83 final, l-20 ta’ Frar 2013, p. 13.
3 L-UNICEF, A brief review of the social and economic returns to investing in children, Ġunju 2012, disponibbli minn: https://www.unicef.org/socialpolicy/files/Investing_in_Children.pdf.
4 L-UNICEF, Right in Principle and in Practice: A Review of the Social and Economic Returns to Investing in Children, Social and Economic Working Paper, 2012, p. 33. Disponibbli minn: https://www.unicef.org/socialpolicy/files/Investing_in_Children.pdf.
5 Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, “Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020”, COM(2013) 83 final, l-20 ta’ Frar 2013, p. 13.
6 Communication to Commissioner László Andor, DG EMPL, “Common Proposals for Implementing the Recommendation on Child Poverty and Well-being through a partnership approach”, l-1 ta' Frar 2013.
7 Il-PDG skont data tal-Eurostat fl-2018 kien ta’ 2.120 biljun zloty.
8 Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 112/2013 dwar "L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ".
9 Hugh Frazer u Eric Marlier, “Progress across Europe in the implementation of the 2013 EU Recommendation on 'Investing in children: Breaking the cycle of disadvantage', A study of national policies”, 2017.
10 Idem, pp. 33-35.
11 https://www.socialsummit17.se/.
12 Laqgħa tal-Kunsill Ewropew (l-14 ta' Diċembru 2017) – Konklużjonijiet.
13 Ara “Unjoni li Tirsisti għal Aktar - L-Aġenda tiegħi għall-Ewropa” mill-kandidat għal President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen – Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss 2019-2024.
14 COM(2020) 14 final, “Ewropa Soċjali B’Saħħitha għal Tranżizzjonijiet Ġusti”, l-14 ta’ Jannar 2020.
15 COM(2018) 375 final, 2018/0196 (COD), l-Artikolu 4.
16 2018/0206 (COD), il-Preambolu 22.
17 Ara l-Eurostat, data, estratta fis-7.1.2020.
18 It-tliet rati l-aktar għolja – ir-Rumanija (38.1 %), il-Bulgarija (33.7 %) u l-Greċja (33.3 %).
Tliet Stati Membri miżjura, iżda mhux fost l-ogħla rati– l-Italja, il-Ġermanja u l-Polonja.
19 Ħlief għall-Greċja, billi ma kinitx suġġetta għall-proċessi tas-Semestru Ewropew qabel
l-2019.
20 COM(2016) 328 final.
21 Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013.
22 Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-Artikolu 9.
23 Ir-Regolament (UE) Nru 1304/2013, l-Artikolu 3; ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013, l-Artikolu 5.
24 IT: Programmi Operazzjonali Nazzjonali għall-Inklużjoni – CCI 2014IT05SFOP001; RO OP Kapital Uman – CCI 2014RO05M9OP001; PL: PO Għarfien Edukazzjoni Tkabbir – CCI 2014PL05M9OP001; PO Reġjonali għar-reġjun ta’ Warmińsko-Mazurskie 2014PL16M2OP014; DE: PO Stat Ħieles tas-Sassonja għall-FSE – CCI 2014DE05SFOP012.
25 Ir-Regolament (UE) 2019/1700.
26 Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ April 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+)(COM(2018)0382 - C8-0232/2018 - 2018/0206(COD)).
27 L-emenda 39, il-Premessa 22 b (ġdida) tar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ April 2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) (COM (2018) 0382 – C8–0232/2018 -2018/0206 (COD)).
Kronoloġija
Avveniment | Data |
---|---|
Il-Memorandum ta’ Ppjanar tal-Awditjar (APM) jiġi adottat / L-awditu jinbeda | 10.4.2019 |
L-abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lill-entità l-oħra awditjata) | 4.6.2020 |
Ir-rapport finali jiġi adottat wara l-proċedura kontradittorja | 15.7.2020 |
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew tal-entità l-oħra awditjata) jaslu bil-lingwi kollha | 12.8.2020 |
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2020
ISBN 978-92-847-5094-8 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/139721 | QJ-AB-20-017-MT-N | |
HTML | ISBN 978-92-847-5081-8 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/503645 | QJ-AB-20-017-MT-Q |
DRITTIJIET TAL-AWTUR
© L-Unjoni Ewropea, 2020.
Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.
Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, pereżempju f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.
Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.
Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.
Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li dawn ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-QEA, inti mħeġġeġ biex teżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.
Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.
Kif tikkuntattja lill-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
- bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Kif issib tagħrif dwar l-UE
Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu
Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp/mt) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.