Rapport Speċjali
22 2020

Il-futur tal-aġenziji tal-UE – Potenzjal għal aktar flessibbiltà u kooperazzjoni

Dwar ir-rapport: Billi fil-passat iffukajna fuq il-prestazzjoni tal-aġenziji individwali, din hija l-ewwel valutazzjoni kumplessiva li l-QEA wettqet rigward il-kundizzjonijiet li ġew stabbiliti mill-UE biex tappoġġa lill-aġenziji kollha tal-UE fit-twassil tal-politika għall-benefiċċju taċ-ċittadini. L-awditu li wettaqna identifika ħtieġa għal aktar flessibbiltà f’dak li jirrigwarda l-istruttura, il-funzjonament u l-istralċ potenzjali tal-aġenziji. Aħna sibna wkoll li appoġġ insuffiċjenti min-naħa tal-Istati Membri, l-industrija, il-Kummissjoni jew l-aġenziji l-oħra jipprevieni lil xi aġenziji milli jwettqu bis-sħiħ ir-rwol tagħhom. Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni u l-aġenziji jevalwaw b'mod aktar għaqli l-koerenza tal-aġenziji matul il-ħajja tagħhom, u jaġġustaw ir-riżorsi kif meħtieġ; li huma jivvalutaw l-ineffiċjenzi fil-qasam ta' governanza u jtejbu r-rappurtar dwar il-prestazzjoni biex jiffukaw mhux biss fuq l-attivitajiet tal-aġenziji iżda wkoll fuq il-kontribut importanti tagħhom għall-implimentazzjoni tal-politika; u li jiffaċilitaw l-isforzi tal-aġenziji biex jikkooperaw bħala ċentri ta' kompetenza u networking.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġejt:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

L-aġenziji deċentralizzati u korpi oħra tal-UE (aġenziji tal-UE) huma korpi rregolati mid-Dritt pubbliku Ewropew u mgħammra bil-personalità ġuridika proprja tagħhom, li tiddistingwihom mill-istituzzjonijiet tal-UE. llum il-ġurnata, hemm 37 aġenzija tal-UE li jinsabu fi 23 Stat Membru u jaqdu firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet ta’ interess għaċ-ċittadini tal-UE. Il-biċċa l-kbira minnhom ġew stabbiliti bejn l-2000 u l-2010. Dawn jinkludu, fost l-oħrajn, aġenziji fl-oqsma tas-sikurezza tal-avjazzjoni, is-sikurezza alimentari, it-taħriġ vokazzjonali, l-opportunitajiet indaqs, l-istabbiltà tas-settur finanzjarju u dak bankarju, l-ambjent, il-protezzjoni tal-annimali, il-migrazzjoni u l-kontroll tal-fruntieri. Fl-2018, it-total tal-baġit annwali tagħhom kien jammonta għal EUR 4.0 biljun (ekwivalenti għal 2.8 % tal-baġit ġenerali tal-UE) u l-aġenziji kollha flimkien kienu jimpjegaw total ta’ 8 957 membru tal-persunal (13.4 % tal-membri kollha tal-persunal li jaħdmu mal-UE).

II

Billi l-QEA fil-passat iffukat prinċipalment fuq il-prestazzjoni ta’ aġenziji individwali, din hija l-ewwel valutazzjoni kumplessiva tagħha dwar il-kundizzjonijiet li ġew stabbiliti mill-UE biex din tal-aħħar tiżgura li l-aġenziji qed iwettqu b’mod effettiv il-politiki tagħha għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha. L-aġenziji tal-UE huma kkaratterizzati mid-diversi strutturi ta’ governanza, mandati u kompiti tagħhom; u nħolqu aġenziji differenti biex jilqgħu tipi differenti ta’ sfidi. Minħabba dan, l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni ġenerali tal-aġenziji tkun diffiċli. Madankollu, l-iskop komuni tagħhom huwa li jwasslu l-politiki tal-UE u l-kooperazzjoni Ewropea fl-interess taċ-ċittadini tal-UE.

III

Aħna wettaqna dan l-awditu abbażi tal-interess li l-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-aġenziji tal-UE stess esprimew. Dan ir-rapport għandu l-ħsieb li jqajjem diskussjoni dwar il-ġestjoni futura min-naħa tal-UE f'dak li jirrigwarda l-prestazzjoni tal-aġenziji tagħha. Huwa jibni fuq l-għarfien li ksibna fl-awditi finanzjarji annwali li konna wettaqna dwar l-aġenziji u f'awditi preċedenti tal-prestazzjoni li konna wettaqna dwar aġenziji individwali. Aħna kkomplementajna dan permezz ta’ rieżaminar estensiv tad-dokumenti ewlenin li konna ksibna mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-aġenziji kollha, intervisti ma’ membri tal-persunal f'karigi ewlenin tal-Kummissjoni u tal-aġenziji, stħarriġ fuq skala kbira rigward il-partijiet ikkonċernati tal-aġenziji, żewġ bordijiet ta’ esperti u ta' partijiet ikkonċernati, analiżi bl-użu ta' tekniki tal-big data rigward il-preżenza tal-aġenziji fil-midja, u tqabbil tal-qafas ta’ prestazzjoni li l-UE tuża għall-aġenziji mal-oqfsa li jintużaw fl-Istati Uniti u fl-Awstralja.

IV

Il-mistoqsija kumplessiva tal-awditjar tagħna hija jekk il-Kummissjoni u l-aġenziji stabbilewx kundizzjonijiet adegwati biex jiżguraw il-prestazzjoni tal-aġenziji tal-UE. Aħna identifikajna żewġ kriterji ewlenin li huma rilevanti għall-aġenziji kollha. L-ewwel wieħed huwa l-flessibbiltà biex jikkontribwixxu għat-twettiq tal-politiki rilevanti tal-UE u għall-kooperazzjoni Ewropea, speċjalment meta l-ambitu tal-politika huwa wiesa' u suġġett għal tibdil f’kuntest globali kumpless. Din kienet waħda mill-intenzjonijiet tal-Approċċ Komuni li ġie ffirmat mill-Kummissjoni, mill-Kunsill u mill-Parlament fl-2012, u li jirrikjedi li l-aġenziji kollha jiġu evalwati regolarment. Madankollu, fil-prattika, dan twettaq parzjalment biss u aħna identifikajna nuqqas ta’ flessibbiltà fit-twaqqif, fil-funzjonament, u fl-istralċ probabbli tal-aġenziji.

V

It-tieni kriterju għall-prestazzjoni li eżaminajna kien il-livell sa fejn l-aġenziji aġixxew bħala ċentri ta’ kompetenza u ta' networking għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE. Dan jirrikjedi li l-governanza u l-kooperazzjoni jiġu organizzati tajjeb. Aħna identifikajna każijiet fejn l-arranġamenti ta’ governanza kienu kumplessi jew dgħajfa wisq, u sibna li l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni kienet iffukata fuq l-outputs u fuq l-attivitajiet aktar milli fuq il-kontribut tagħhom għall-implimentazzjoni tal-politiki. Barra minn hekk, l-awditu li wettaqna wera li hemm nuqqas ta’ kooperazzjoni ma' u/jew appoġġ min-naħa tal-Istati Membri, l-operaturi tal-industrija, il-Kummissjoni jew aġenziji oħra, li jipprevieni lil xi aġenziji milli jwettqu r-rwol tagħhom bis-sħiħ.

VI

Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni u l-aġenziji:

  1. jiżguraw li fit-twaqqif tal-aġenziji jkun hemm rilevanza, koerenza u flessibbiltà;
  2. jallokaw ir-riżorsi b’mod aktar flessibbli;
  3. itejbu l-governanza, l-obbligu ta' rendikont u r-rappurtar f'dak li jirrigwarda l-prestazzjoni; u
  4. jsaħħu r-rwol tal-aġenziji bħala ċentri ta’ kompetenza u ta' networking.

Introduzzjoni

Diversità fl-aġenziji tal-UE

01

L-aġenziji deċentralizzati u korpi oħra tal-UE (aġenziji tal-UE) huma korpi rregolati mid-Dritt pubbliku Ewropew u mgħammra bil-personalità ġuridika proprja tagħhom, li tiddistingwihom mill-istituzzjonijiet tal-UE. Dawn jiġu stabbiliti permezz ta' att ta’ leġiżlazzjoni sekondarja. Hemm tipi ġuridiċi differenti ta' aġenziji: 6 aġenziji eżekuttivi tal-Kummissjoni u 37 aġenzija deċentralizzata tal-UE. L-aġenziji eżekuttivi tal-Kummissjoni jaġixxu bħala fergħat estiżi tal-Kummissjoni biex jimplimentaw kompiti speċifiċi f’isem il-Kummissjoni. F'dan ir-rapport, "aġenziji" tfisser aġenziji deċentralizzati u korpi oħra tal-UE, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

02

L-aġenziji jiġu stabbiliti mil-leġiżlatur (il-Kunsill u l-Parlament), abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni, għal perjodu indefinit. Dawn jitmexxew minn bord tat-tmexxija b’rappreżentanti, fost l-oħrajn, kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-Kummissjoni. Huma jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE u jappoġġaw il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-gvernijiet nazzjonali billi jiġbru flimkien il-kompetenzi tekniċi.

Figura 1

L-aġenziji u korpi oħra tal-UE kif jiġu ffinanzjati?

Sors: il-baġit ġenerali tal-UE għall-2018 u l-baġits tal-aġenziji għall-2018, informazzjoni kkompilata mill-QEA.

03

Fl-2018, il-baġit totali tal-aġenziji kollha (bl-esklużjoni tal-SRB) laħaq l-EUR 4.0 biljun (2.8 % tal-baġit ġenerali tal-UE għall-2018) (ara l-Figura 1). Għall-ismijiet sħaħ tal-aġenziji kollha msemmija f’dan ir-rapport, ara l-Anness I. Il-baġit tal-SRB għall-2018, bil-mandat speċifiku tiegħu biex jistabbilixxi fond ta’ riżoluzzjoni ffinanzjat minn istituzzjonijiet ta’ kreditu, kien jammonta għal EUR 6.9 biljun (EUR 0.1 biljun kienu għall-baġit amministrattiv tal-Bord u EUR 6.8 biljun għall-Fond). Fl-2018, l-aġenziji kienu jinsabu fi 23 Stat Membru (ara l-Figura 2) u kienu jimpjegaw 8 957 membru tal-persunal1 (13.4 % tal-membri kollha tal-persunal impjegati mill-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE) (ara l-Figura 3) mill-Istati Membri kollha.

Figura 2

Fejn jinsabu l-aġenziji u korpi oħra tal-UE?

Sors: il-QEA.

Figura 3

Min jaħdem mal-aġenziji u ma' korpi oħra tal-UE?

Sors: il-QEA.

04

L-ewwel aġenziji (is-Cedefop u l-Eurofound2) inħolqu fl-1975. Wara d-dħul fis-seħħ tal-Att Uniku Ewropew fl-1987, li kellu l-għan li jikkompleta s-suq intern sal-1992, ġew stabbiliti bosta aġenziji oħra fis-snin disgħin, iżda l-biċċa l-kbira minnhom inħolqu matul l-ewwel deċennju tal-millennju l-ġdid (ara l-Figura 4).

Figura 4

Kemm hemm aġenziji u korpi oħra tal-UE?

Nota: Is-snin imsemmijin fil-figura jirreferu għas-sena meta l-att fundatur tal-aġenzija daħal fis-seħħ.

Sors: ir-Rapport Annwali tal-QEA dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2018.

05

L-aġenziji nħolqu hekk kif tfaċċaw ħtiġijiet speċifiċi. Għadd sinifikanti minnhom ġew stabbiliti jew irċevew responsabbiltajiet addizzjonali b’reazzjoni għal kriżi (eż. l-EBA, l-EIOPA, l-ESMA u l-SRB fis-settur finanzjarju; l-EASO u l-Frontex għall-kwistjonijiet ta' migrazzjoni u kontroll fuq il-fruntiera; l-EMSA u l-EFCA għas-sikurezza marittima u l-kontroll tas-sajd. Il-biċċa l-kbira mill-aġenziji ġew stabbiliti bħala korpi ġodda biex jieħdu f'idejhom responsabbiltajiet li sa dak iż-żmien kienu jiġu eżerċitati mill-Kummissjoni u/jew mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni ġġustifikat dan minħabba n-natura teknika ħafna tal-kompiti kkonċernati jew minħabba x-xewqa għall-effiċjenza: korp speċjalizzat jista’ jwettaq l-istess kompiti b’mod aktar effiċjenti jew aktar flessibbli, u jkun ukoll aktar kapaċi li jattira persunal speċjalizzat u kompetenti kif ukoll li jibni kompetenza. Xi wħud mill-aġenziji (eż. l-Europol, l-EBA, l-EIOPA u l-ESMA) kienu suċċessuri ta’ korpi multinazzjonali fil-livell Ewropew.

06

L-aġenziji jistgħu jinġabru flimkien fi gruppi b’modi differenti, pereżempju skont il-kompiti u r-responsabbiltajiet prinċipali tagħhom:

  1. L-ewwel grupp jikkonsisti f'aġenziji li jappoġġaw is-suq intern u l-ilħuq ta' objettivi rigward is-suq intern, is-saħħa u l-ambjent relatati mar-reġistrazzjonijiet, iċ-ċertifikazzjonijiet u l-awtorizzazzjonijiet fil-livell tal-UE (eż. is-CPVO, l-EASA, l-ECHA, l-ERA, l-EUIPO, l-EFSA u l-EMA);
  2. It-tieni grupp jikkonsisti f'aġenziji li jeżerċitaw mandati fl-oqsma tas-sigurtà u l-ġustizzja, u dawn għandhom responsabbiltajiet aktar operazzjonali u jgħinu lill-Istati Membri billi jikkoordinaw attivitajiet konġunti (eż. is-CEPOL, l-EASO, l-Eurojust, l-Europol u l-Frontex);
  3. It-tielet grupp jikkonsisti f'aġenziji li għandhom prinċipalment responsabbiltajiet ta' tfassil tar-regoli u ta' superviżjoni (eż. l-ACER, l-EBA, l-EIOPA u l-ESMA, li jħejju standards tekniċi għas-settur tal-enerġija u dak finanzjarju u jiżguraw prattika superviżorja komuni fl-UE kollha);
  4. Grupp finali jikkonċerna prinċipalment ir-riċerka, il-ġbir u l-analiżi tad-data bil-għan li jappoġġa lill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE biex jiżviluppaw politiki bbażati fuq l-evidenza (eż. is-CEDEFOP, l-EIGE u l-FRA).

Bidla mill-konformità għall-prestazzjoni

07

Kull aġenzija tiġi stabbilita permezz ta’ att fundatur separat u speċifiku. Minħabba l-attivitajiet speċifiċi ta' kull aġenzija, l-aġenziji jvarjaw bejniethom f’termini ta’ mudell ta’ governanza, sorsi ta’ finanzjament, rekwiżiti ta’ evalwazzjoni, eċċ.

08

Fl-2012, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni ffirmaw Dikjarazzjoni Konġunta dwar Approċċ Komuni għall-aġenziji, li kien pass biex il-ġestjoni tinbidel minn forma ta' ġestjoni orjentata lejn il-finanzjament u l-konformità għal waħda orjentata aktar lejn il-prestazzjoni. L-Approċċ Komuni enfasizza li jenħtieġ li d-diretturi tal-aġenziji jagħtu rendikont b’mod aktar ċar f'dak li jirrigwarda l-prestazzjoni. Fost l-oħrajn, huwa ppropona struttura ta’ governanza fuq żewġ livelli meta dan iwassal għal aktar effiċjenza (bordijiet tat-tmexxija u bordijiet eżekuttivi), programmi ta’ ħidma annwali u pluriennali, rapporti annwali tal-attività, indikaturi tal-prestazzjoni għall-aġenziji u għad-diretturi tagħhom, l-introduzzjoni ta’ sistemi ta' bbaġitjar/immaniġġjar ibbażat fuq l-attività (ABB/ABM), evalwazzjonijiet esterni perjodiċi, eċċ.

09

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħarġet għodod differenti biex tiżviluppa aktar qafas ta’ ġestjoni u ta’ monitoraġġ orjentat lejn il-prestazzjoni. Dawn jinkludu Regolament Finanzjarju Qafas għall-aġenziji (tal-2013, li tħassar u ġie sostitwit fl-2019), linji gwida għat-tfassil tad-dokumenti uniċi ta' programmazzjoni (SPD), li jikkombinaw programm ta’ ħidma annwali tal-aġenzija ma' programm ta’ ħidma kontinwu ta’ tliet snin, u r-rapporti annwali tal-attività kkonsolidati (CAAR) (tal-2014 u riveduti fl-2020), li jistabbilixxu l-qafas l-aktar reċenti tal-Kummissjoni f'dak li jirrigwarda l-baġit, l-ippjanar, ir-rappurtar, il-prestazzjoni u l-governanza għall-aġenziji deċentralizzati, kif ukoll il-Linji Gwida u s-“Sett ta’ Għodod” għal Regolamentazzjoni Aħjar (2017).

10

In-Network tal-Aġenziji tal-UE (EUAN), li ġie stabbilit mill-aġenziji biex iżid il-viżibbiltà tagħhom u jidentifika sinerġiji possibbli, ukoll ikkontribwixxa għal kultura orjentata aktar lejn il-prestazzjoni. Fl-2012, l-EUAN stabbilixxa n-Network għall-Iżvilupp tal-Prestazzjoni (PDN), li jiffaċilita b’mod attiv l-iskambju ta’ prattiki u l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-prestazzjoni u, sa ċertu punt, l-iskambju ta' servizzi, fejn ikun possibbli. Il-PDN żviluppa għodod bħall-Evaluation Handbook for Agencies (2018), “Self-assessment toolbox for implementing performance/results based orientations” (2018) u bażi ta' data dwar il-KPIs (għadha għaddejja).

11

Minkejja li għad hemm grad ta' implimentazzjoni li jvarja, l-għodod u l-miżuri relatati mal-prestazzjoni msemmijin hawn fuq iġġeneraw xejra ta’ armonizzazzjoni u allinjament li qed tiżviluppa fost l-aġenziji, li l-għadd tagħhom dejjem qed jikber. Fl-istess ħin, l-għodod u l-miżuri ġġeneraw ukoll abbundanza ta’ informazzjoni, għal kull aġenzija individwali, iffukata fuq l-attivitajiet u l-output tagħha.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

12

Il-mistoqsija kumplessiva tal-awditjar tagħna hija jekk hemmx fis-seħħ kundizzjonijiet adegwati biex jiżguraw il-prestazzjoni tal-aġenziji. Fi żminijiet meta jiġu aġġustati mill-ġdid il-prijoritajiet strateġiċi u r-riżorsi skarsi tal-UE fit-twassil tal-politiki tagħha fl-interess taċ-ċittadini, dan ir-rapport huwa intenzjonat li jqajjem diskussjoni dwar il-ġestjoni futura, min-naħa tal-UE, tal-prestazzjoni tal-aġenziji tagħha. Aħna ffukajna fuq iż-żewġ kriterji li ġejjin:

  1. Jenħtieġ li t-twaqqif, il-funzjonament, u l-possibbiltà ta’ stralċ tal-aġenziji (jiġifieri ċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom) ikunu flessibbli biex jgħinu fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE u biex isaħħu l-kooperazzjoni fil-livell Ewropew. Dan ifisser li:
    1. Jenħtieġ li l-fdar ta' kompiti f’idejn aġenzija jkun l-aħjar għażla, meta mqabbla mal-għażla li l-kompiti jitwettqu jew mill-Kummissjoni stess jew inkella (skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà) mill-Istati Membri.
    2. Jenħtieġ li r-rilevanza u l-koerenza tal-aġenziji eżistenti jiġu evalwati regolarment sabiex jinkisbu s-sinerġiji possibbli u l-ekonomiji ta’ skala.
    3. L-aġenziji jeħtieġu riżorsi umani u finanzjarji adegwati biex jissodisfaw il-mandati tagħhom u jwettqu l-kompiti kollha tagħhom.
    4. Jenħtieġ li l-proċess ta’ ppjanar li jirregola x-xogħol ta’ kull aġenzija jkun flessibbli biżżejjed biex jippermettilhom li jirreaġixxu għal ambjenti li jinbidlu b'mod rapidu.
  2. Jenħtieġ li l-aġenziji jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tagħhom bħala ċentri ta’ kompetenza u networking biex jippromwovu l-kondiviżjoni ta’ kompetenzi, biex jgħaqqdu lill-Istati Membri flimkien sabiex jiksbu interessi komuni u jilħqu objettivi ta’ politika komuni fejn ikun possibbli, u biex jeżerċitaw funzjoni ta’ network għal kooperazzjoni msaħħa ma’ sħab Ewropej u internazzjonali oħra. Dan jinkludi:
    1. struttura ta’ ġestjoni adatta għall-iskop tagħha;
    2. arranġamenti adegwati tal-obbligu ta’ rendikont li jinvolvu l-partijiet ikkonċernati;
    3. komunikazzjoni tajba mal-partijiet ikkonċernati u maċ-ċittadini tal-UE;
    4. kooperazzjoni effettiva ma’ korpi oħra, kemm pubbliċi kif ukoll privati, fil-livell nazzjonali, tal-UE u dak internazzjonali.
13

Aħna ħadna s-sett ta’ kriterji tagħna mir-regolamenti speċifiċi tal-aġenziji, mir-Regolament Finanzjarju Qafas, mil-linji gwida u s-sett ta’ għodod ta’ “regolamentazzjoni aħjar” tal-Kummissjoni3, mid-Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Approċċ Komuni u mill-“Pjan direzzjonali dwar is-segwitu għall-Approċċ Komuni dwar l-aġenziji deċentralizzati tal-UE”, kif ukoll minn gwida oħra pprovduta min-Network tal-Aġenziji tal-UE.

14

L-awditu twettaq bejn Marzu u Settembru 2019. Huwa jkopri l-aġenziji deċentralizzati tal-UE u d-direttorati ġenerali (DĠ) sħab tagħhom fil-Kummissjoni (ara l-Anness II). Aħna nirreferu għall-aġenziji eżekuttivi tal-Kummissjoni għal skopijiet komparattivi biss, fejn ikun xieraq.

15

Aħna ġbarna evidenza għall-awditjar permezz ta’:

  • Rieżaminar tad-dokumenti ewlenin għall-aġenziji kollha (regolamenti bażiċi, rapporti annwali, dokumenti ta’ programmazzjoni, rapporti ta’ evalwazzjoni u tal-awditjar, valutazzjonijiet tal-impatt, minuti tal-laqgħat tal-bordijiet tat-tmexxija, eċċ.).
  • Aktar minn 250 intervista ma’ maniġers u membri tal-persunal ewlieni ta’ 21 aġenzija u 10 DĠ tal-Kummissjoni, li huma d-DĠ sħab ta’ 32 aġenzija.
  • Stħarriġ rigward 2 500 parti kkonċernata tal-aġenziji (ara l-Anness III), inklużi membri tal-bordijiet tat-tmexxija, uffiċjali tal-Istati Membri, rappreżentanti tal-industrija u tal-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi, NGOs u akkademiċi. Il-lista tal-partijiet ikkonċernati ġiet ipprovduta mill-aġenziji nfushom, iżda għamilna l-għażla finali, u żgurajna li l-gruppi prinċipali kollha tal-partijiet ikkonċernati kienu rrappreżentati. Irċevejna 1 000 risposta.
  • Analiżi bl-użu ta' tekniki tal-big data li tikkonċerna l-preżenza tal-aġenziji fil-midja, li ġew koperti mill-Monitoraġġ Ewropew tal-Media (EMM) bejn Jannar 2018 u Lulju 2019 (ara l-Anness IV). Is-sett tad-data kien fih aktar minn 200 000 artiklu tal-aħbarijiet li jsemmu l-aġenziji minn aktar minn 5 000 sors ta’ aħbarijiet differenti f’aktar minn 160 pajjiż.
  • Żewġ diskussjonijiet organizzati madwar mejda ma’ akkademiċi u prattikanti mill-Kummissjoni, mill-Kunsill u mill-Parlament. Id-diskussjonijiet ġew organizzati f’Ġunju u Settembru 2019, bi stedina miftuħa mibgħuta lil aktar minn 40 akkademiku u prattikant b'esperjenza fil-qasam ta', jew ħarġu pubblikazzjonijiet dwar, il-ġestjoni tal-aġenziji tal-UE, u 15 minnhom attendew għad-diskussjonijiet. Id-DĠ Baġit ipparteċipa wkoll bħala osservatur fl-ewwel diskussjoni.

Osservazzjonijiet

Iċ-ċiklu tal-ħajja tal-aġenziji għandu nuqqas ta' flessibbiltà

Il-Kummissjoni mhux dejjem tqis b’mod ċar l-alternattivi meta tipproponi li tiġi stabbilita aġenzija

16

Qabel ma tistabbilixxi aġenzija ġdida, il-Kummissjoni teħtieġ li tivvaluta jekk din l-għażla hijiex l-aħjar waħda, meta mqabbla ma’ alternattivi bħal pereżempju li l-kompiti jitwettqu minnha waħidha, billi tuża l-kooperazzjoni intergovernattiva, testernalizza lil entitajiet privati jew taġġusta l-missjoni ta’ aġenzija eżistenti. Jenħtieġ li l-aħjar għażla tirrifletti l-ħtiġijiet.

17

Skont il-politika għal “regolamentazzjoni aħjar” tal-Kummissjoni4, tinħtieġ valutazzjoni tal-impatt għal inizjattivi li x’aktarx ikollhom impatti ekonomiċi, ambjentali jew soċjali sinifikanti (ara l-Kaxxa 1). Qabel ma tipproponi li tiġi stabbilita aġenzija ġdida, jenħtieġ li l-Kummissjoni turi l-valur miżjud ta’ din l-għażla permezz ta’ valutazzjoni tal-impatt. Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB) tal-Kummissjoni jiskrutinizza l-kwalità tal-abbozzi ta' valutazzjonijiet tal-impatt; fil-prinċipju, qabel ma inizjattiva titressaq għall-adozzjoni mill-Kulleġġ tal-Kummissarji, tinħtieġ opinjoni pożittiva mingħand l-RSB.

Kaxxa 1

Il-mistoqsijiet li valutazzjoni tal-impatt tkun mistennija li twieġeb:

  1. X’inhi l-problema, u għaliex hija problema?
  2. Għaliex jenħtieġ li l-UE taġixxi?
  3. X’jenħtieġ li jinkiseb?
  4. Liema huma d-diversi għażliet biex jintlaħqu l-objettivi?
  5. X’inhuma l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tagħhom, u min se jiġi affettwat?
  6. Kif jitqabblu l-għażliet differenti (effettività, effiċjenza u koerenza)?
  7. Kif se jiġu organizzati l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni retrospettiva sussegwenti?

Sors: il-Kummissjoni Ewropea, Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar.

18

Mill-2004 'l hawn, valutazzjoni tal-impatt kienet qed takkumpanja l-proposti kollha tal-Kummissjoni għal aġenzija ġdida u korpi oħra, inklużi dawk l-aktar reċenti, l-UPPE (2017) u l-ELA (2018). L-RSB ta opinjoni pożittiva dwar l-UPPE, billi qies li dan tal-aħħar kien meħtieġ u li l-objettivi u l-kompiti tal-UPPE kienu ġew stabbiliti b’mod ċar. Madankollu, l-RSB żied riżerva mal-opinjoni pożittiva tiegħu dwar il-valutazzjoni tal-impatt tal-ELA, billi din ma indirizzatx b’mod ċar il-koerenza bejn l-ELA u l-aġenziji l-oħra taħt il-mandat tad-DĠ EMPL (is-Cedefop, l-Eurofound, l-EU-OSHA u l-ETF), li diġà ġie identifikat bħala trikkib minn evalwazzjoni esterna reċenti5.

19

Il-ħolqien tal-SRB ġie ppreċedut fl-2012 minn valutazzjoni tal-impatt li kienet tikkonċerna d-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek. Il-valutazzjoni ssuġġeriet li jiġu stabbiliti kulleġġi ta’ riżoluzzjoni bl-assistenza tal-EBA iżda, fl-aħħar mill-aħħar, spiċċat inħolqot aġenzija ġdida biex tiżgura funzjonament effettiv u konsistenti tal-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u biex timmaniġġja l-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni.

20

Il-ħtieġa għall-awtonomija u għall-arranġamenti kumplessi ta’ governanza assoċjati ma’ aġenzija mhux dejjem tkun ovvja. Il-GSA inpartikolari għandha awtonomija limitata ħafna fil-prattika, billi l-kompitu prinċipali tagħha huwa li tisfrutta s-sistema globali ta’ navigazzjoni bis-satellita Galileo skont ftehim ta’ delega konkluż mal-Kummissjoni (90 % tal-baġit tal-aġenzija). Bosta mir-rispondenti għall-istħarriġ enfasizzaw li s-setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-bord tat-tmexxija tal-GSA huma, għalhekk, limitati. Il-GSA timplimenta l-ftehim ta’ delega permezz ta' għadd ta' kuntratti kumplessi ma' sħab industrijali u entitajiet tas-settur pubbliku.

21

Fl-aħħar nett, aħna sibna eżempji fejn id-deċiżjoni politika li tiġi stabbilita aġenzija ġdida ttieħdet saħansitra qabel il-proposta tal-Kummissjoni u qabel ma twettqet il-valutazzjoni tal-impatt: il-FRA, l-EASO u l-ELA.

Ir-rilevanza u l-koerenza tal-aġenziji eżistenti mhumiex rivalutati suffiċjentement

22

L-iskop ewlieni għall-eżistenza ta' aġenzija jeħtieġ li jiġi rivalutat fi stadji differenti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħha sabiex jiġi vverifikat jekk għadhiex meħtieġa (rilevanti) u jekk l-azzjonijiet tagħha humiex koerenti fil-konfront tal-azzjonijiet tal-aġenziji l-oħra u d-DĠ sħab tagħhom. Il-Figura 5 turi l-bosta relazzjonijiet li jeżistu bejn l-aġenziji u d-direttorati ġenerali. Ir-rivalutazzjoni tista’ ssir b’modi differenti:

  1. permezz ta’ evalwazzjoni indipendenti tal-prestazzjoni tal-aġenzija;
  2. bħala parti minn “kontroll tal-idoneità” usa’ li jkopri l-qasam ta’ politika kollu kemm hu (ara l-paragrafu 27);
  3. permezz ta’ valutazzjoni tal-impatt ġdida meta ssir riformulazzjoni ta' regolament fundatur ta' aġenzija jew meta kompiti ġodda jiġu assenjati lill-istess aġenzija permezz ta’ regolament separat.

Figura 5

Aġenziji u korpi oħra tal-UE, DĠ sħab u suġġetti

Nota: Id-DG DEFIS ilu d-DĠ sieħeb tal-GSA mill-1 ta' Jannar 2020.

Sors: il-QEA, data kkompilata abbażi tal-klassifikazzjoni pprovduta mis-sit web tal-Kummissjoni.

23

Skont l-Approċċ Komuni, jenħtieġ li r-regolament fundatur ta’ aġenzija jinkludi jew "klawżola ta’ estinzjoni" jew inkella "klawżola ta’ rieżami" li tagħti mandat lill-Kummissjoni biex din tipproponi li temenda jew li tħassar ir-regolament meta din tal-aħħar tqis li l-aġenzija ma għadhiex iġġustifikata fir-rigward tal-objettivi assenjati tagħha (ara l-Kaxxa 2). Seba’ snin wara d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar Approċċ Komuni, 7 biss minn 37 aġenzija għandhom “klawżola ta’ estinzjoni”, u 13 għandhom “klawsola ta’ rieżami”, fir-regolamenti fundaturi tagħhom.

Kaxxa 2

L-Approċċ Komuni dwar l-istabbiliment u x-xoljiment ta’ aġenzija

Il-paragrafi 2-5 tad-Dikjarazzjoni Konġunta jistipulaw li:

  1. Jenħtieġ li d-deċiżjoni li tiġi stabbilita aġenzija ġdida tkun ibbażata fuq valutazzjoni tal-impatt oġġettiva li tqis l-għażliet rilevanti kollha.
  2. Jenħtieġ li l-atti fundaturi tal-aġenziji jkun fihom jew klawżola ta' estinzjoni jew inkella klawżola ta’ rieżami.
  3. Jenħtieġ li jintużaw kriterji komuni u oġġettivi biex jiġu vvalutati kemm l-opportunità ta' xoljiment ta' aġenziji kif ukoll il-possibbiltà ta' fużjoni tagħhom:
    • jenħtieġ li titqies il-possibbiltà ta' fużjoni ta' aġenziji f’każijiet fejn ikun hemm trikkib fost il-kompiti rispettivi tagħhom, meta s-sinerġiji bejniethom ikunu possibbli jew l-aġenziji jkunu aktar effiċjenti jekk jiddaħħlu fi struttura akbar;
    • l-għeluq ta’ aġenzija jista’ jkun soluzzjoni biex jiġu indirizzati aġenziji li ma jkollhomx prestazzjoni suffiċjenti, ħlief jekk l-aġenzija tkun għadha l-aktar għażla ta’ politika rilevanti, f’liema każ ikun jenħtieġ li l-aġenzija tiġi riformata.
24

Ir-regolamenti fundaturi ta’ 13-il aġenzija ġew riformulati bejn l-2015 u l-2019, iżda 5 proposti biss ġew akkumpanjati minn valutazzjoni tal-impatt (l-Uffiċċju BEREC, is-CEPOL, l-EASA, l-ENISA u l-ERA). Fil-ħames każijiet kollha, l-RSB finalment ta opinjoni pożittiva, iżda żied riżerva waħda jew aktar. Tliet proposti oħra kienu bbażati fuq valutazzjoni tal-impatt oħra jew kontroll tal-idoneità ieħor li twettqu reċentement (l-ACER, l-EFCA u l-EFSA). Il-ħames proposti li kien fadal ma kienu bbażati fuq l-ebda valutazzjoni tal-impatt: erbgħa minnhom tqiesu bħala rieżamijiet tekniċi (is-Cedefop, l-Eurofound, l-EU-OSHA u l-Eurojust) u waħda tqieset bħala urġenti (il-Frontex) li fisser li ma kienx hemm biżżejjed żmien biex titwettaq valutazzjoni tal-impatt.

25

Reċentement, ir-regolamenti fundaturi ta’ tliet aġenziji taħt il-mandat tad-DĠ EMPL (is-Cedefop, l-Eurofound u l-EU-OSHA) ġew riformulati; fil-każijiet kollha l-Kummissjoni kienet ippreżentat il-proposti ta’ riformulazzjoni qabel ma rċeviet ir-rapport finali ta’ evalwazzjoni konġunta tal-aġenziji. Minkejja l-kritika min-naħa tal-Parlament rigward in-nuqqas ta’ proposti speċifiċi għal fużjoni jew kolokazzjoni ta' aġenziji f’oqsma ta’ politika relatati, il-leġiżlatur adotta r-riformulazzjonijiet. Barra minn hekk, fl-2019 ġiet stabbilita aġenzija ġdida (l-ELA) legalment.

26

Matul is-snin, l-ebda waħda mill-aġenziji ma ngħalqet, ma ġiet fuża jew ma kellha l-ambitu tagħha mibdul sinifikattivament, ħlief għall-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni, li ġiet stabbilita fl-1999 u stralċata fl-2008. Matul l-aħħar 10 snin, f’żewġ okkażjonijiet, il-Kummissjoni pproponiet li aġenziji jiġu fużi għal raġunijiet ta’ koerenza, iżda ma rnexxilhiex tikseb il-qbil min-naħa tal-Parlament (ara l-Kaxxa 3). Is-sitwazzjoni għall-aġenziji tal-UE tinsab f’kuntrast qawwi ma' dik tal-aġenziji eżekuttivi tal-Kummissjoni. Meta l-Kummissjoni tqis li aġenzija eżekuttiva ma għadhiex iġġustifikata bil-ħsieb ta’ ġestjoni finanzjarja tajba, hija tista’ tiddeċiedi li tistralċjaha. Fil-passat il-Kummissjoni kienet tirriorganizza, perjodikament, ir-responsabbiltajiet tal-aġenziji eżekuttivi, l-aktar reċentement fl-2013.

Kaxxa 3

Il-Parlament irrifjuta l-proposti tal-Kummissjoni biex l-Uffiċċju BEREC jiġi integrat fl-ENISA u biex is-CEPOL tiġi fuża mal-Europol

Fl-2007, il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni li takkumpanja l-proposta għal Awtorità tas-Suq tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (li saret l-Uffiċċju BEREC fl-2009) issuġġeriet li l-ENISA tiġi fuża mal-awtorità l-ġdida iżda, minflok, il-leġiżlatur għażel li joħloq korp separat ġdid li jeżisti b'mod konġunt mal-ENISA.

Is-CEPOL tipprovdi sessjonijiet ta’ taħriġ online u fil-klassi għall-uffiċjali tal-pulizija u hija affiljata mill-qrib mal-Europol, li hija l-Aġenzija tal-UE għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi. Fl-2013, il-Kummissjoni ppreżentat pakkett leġiżlattiv, ibbażat fuq valutazzjoni tal-impatt, li fiha pproponiet li l-Europol u s-CEPOL jiġu fużi għal raġunijiet ta’ effiċjenza. Il-Parlament irrifjuta l-proposta.

27

Xi drabi, l-attivitajiet ta’ aġenzija tal-UE jiġu wkoll ivvalutati bħala parti minn kontroll tal-idoneità usa’ li jkopri l-qasam ta’ politika kollu kemm hu. Bejn l-2014 u l-2019, il-Kummissjoni wettqet bosta kontrolli tal-idoneità f’oqsma bħalma huma s-sustanzi kimiċi, il-kontroll tas-sajd u l-leġiżlazzjoni ġenerali dwar l-ikel. Dan wassal għall-kodifikazzjoni tar-regolament fundatur tal-EFCA u għall-emendar tar-regolament fundatur tal-EFSA.

28

L-Approċċ Komuni jiddikjara li jenħtieġ li kull aġenzija tal-UE tiġi evalwata kull ħames snin. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun responsabbli għall-organizzazzjoni tal-evalwazzjoni u, għal kull tieni evalwazzjoni, jenħtieġ li tiġi applikata l-klawżola ta' estinzjoni/rieżami.

29

Ir-regolamenti fundaturi ta’ bosta aġenziji għadhom ma ġewx allinjati mal-Approċċ Komuni (ara l-Figura 6):

  • Ir-regolamenti fundaturi tas-CPVO u tas-CdT ma fihomx rekwiżit ta’ evalwazzjoni, filwaqt li r-riformulazzjonijiet l-aktar reċenti tar-regolamenti tal-ACER, l-ERA, l-EUIPO u l-Europol jirrikjedu li dawn l-aġenziji jiġu evalwati għall-ewwel darba fl-2020 (l-ERA), fl-2021 (l-EUIPO), fl-2022 (l-Europol) u fl-2024 (l-ACER).
  • Għalkemm l-Approċċ Komuni jirrikjedi li evalwazzjoni ssir kull 5 snin, il-frekwenza tal-evalwazzjonijiet tvarja minn 3 snin (l-SRB) sa 10 snin (l-EMA). F’xi każijiet (l-EIGE, l-EASO u l-FRA) il-frekwenza tal-evalwazzjonijiet hija kwistjoni li taqa' f'idejn il-bord tat-tmexxija. Il-Bord tat-Tmexxija tal-FRA ddeċieda favur frekwenza ta' evalwazzjonijiet ta' ħames snin. Fl-2019 il-Bord tat-Tmexxija tal-EIGE ddeċieda li jipposponi l-evalwazzjoni ppjanata b’sentejn, u li juża l-baġit korrispondenti għal skopijiet oħra.
  • Xi aġenziji (l-EIGE u l-FRA) jew il-bordijiet tat-tmexxija tagħhom (l-EASO, l-ECDC u l-EFCA) għadhom jorganizzaw l-evalwazzjonijiet proprji tagħhom, minflok ma jħallu f'idejn il-Kummissjoni biex tmexxihom, kif preskritt mill-Approċċ Komuni.

Figura 6

Aġenziji u korpi oħra tal-UE fejn il-frekwenza tal-evalwazzjonijiet esterni mhijiex ta’ ħames snin

Sors: il-QEA.

30

Xi kultant, pjanijiet biex jinbidel il-mandat ta’ aġenzija jintużaw sabiex jiġi ġġustifikat il-posponiment ta’ evalwazzjoni, it-tnaqqis tal-ambitu ta' din tal-aħħar jew sempliċiment is-sostituzzjoni tal-istess evalwazzjoni b'valutazzjoni tal-impatt imwettqa mill-Kummissjoni. L-EASA, pereżempju, illimitat l-ambitu tal-evalwazzjoni tagħha tal-2018 għall-proċess ta' ppjanar, billi argumentat li r-reviżjoni mill-Kummissjoni tar-regolament fundatur tagħha kienet tinkludi valutazzjoni tal-impatt, għalkemm ir-regolament fundatur kien jistipula b’mod ċar evalwazzjoni sħiħa.

31

Il-prestazzjoni ta’ kull aġenzija tiġi evalwata individwalment, bl-eċċezzjoni tal-aġenziji taħt il-mandat tad-DĠ EMPL u tal-awtoritajiet superviżorji Ewropej. Fejn bosta aġenziji jkunu jaħdmu fl-istess qasam ta’ politika, approċċ alternattiv ikun li jintużaw evalwazzjonijiet ta’ prestazzjoni trażversali (jew kontrolli tal-idoneità) biex jiġu vvalutati l-koerenza u r-rilevanza tal-attivitajiet tagħhom, kif ukoll il-kontributi tagħhom għall-implimentazzjoni tal-politika. L-Istati Uniti tal-Amerka u l-Awstralja jsegwu din il-prattika (ara l-Anness V).

32

Fil-qasam tar-riċerka, il-Kummissjoni qatt ma vvalutat b’mod komprensiv il-koerenza tal-EIT mal-aġenziji eżekuttivi li joperaw taħt Orizzont 2020, li jipprovdu għotjiet għar-riċerka. L-aġenziji eżekuttivi jiġu evalwati separatament u aktar frekwentement (kull tliet snin).

L-aġenziji huma esposti għal riskji relatati ma' inadegwatezza tar-riżorsi umani u finanzjarji

33

Riżorsi umani u finanzjarji adegwati huma indispensabbli għal kwalunkwe entità biex tilħaq l-objettivi tagħha. Il-biċċa l-kbira mill-aġenziji jiġu prinċipalment iffinanzjati mill-baġit tal-UE. Tmien aġenziji (l-EUIPO, is-CPVO, is-CdT, l-EMA, l-EASA, l-ECHA, l-ESMA u, mill-2019 'il hawn, l-ERA) jiġu kompletament jew parzjalment iffinanzjati minn tariffi jew prezzijiet imposti għas-servizzi li jipprovdu. L-SRB jiġi ffinanzjat kompletament minn kontribuzzjonijiet li jsiru minn operaturi tal-industrija, filwaqt li l-EBA, l-EIOPA u l-ESMA jiġu parzjalment iffinanzjati minn kontribuzzjonijiet li jsiru min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Il-Kaxxa 4 tispjega t-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-baġit annwali u t-tabella tal-persunal tal-aġenziji.

Kaxxa 4

Baġits u tabelli tal-persunal tal-aġenziji

  • Għall-aġenziji kollha minbarra t-tliet aġenziji li huma kompletament awtofinanzjati (l-EUIPO, is-CPVO u l-SRB):

    Is-sussidju mħallas mill-Kummissjoni lill-aġenzija huwa parti mill-baġit ġenerali tal-UE, u għaldaqstant jiġi propost mill-Kummissjoni u adottat mill-awtorità baġitarja (jiġifieri l-Parlament Ewropew u l-Kunsill). Il-Kummissjoni tipproponi wkoll, u l-awtorità baġitarja (jiġifieri l-Parlament Ewropew u l-Kunsill) tadotta, it-tabella tal-persunal ta’ kull aġenzija għas-sena li jmiss.

    Barra minn hekk, il-bord tat-tmexxija ta’ kull aġenzija (jew l-ekwivalenti tiegħu) jadotta kemm il-baġit tal-aġenzija (rapport tan-nefqa u tad-dħul) kif ukoll it-tabella tal-persunal tagħha.
  • Il-baġits u t-tabelli tal-persunal tat-tliet aġenziji li huma kompletament awtofinanzjati jiġu approvati mill-bord tat-tmexxija (jew l-ekwivalenti tiegħu) jew mill-kumitat tal-baġit tal-aġenzija rispettiva, fuq proposta tad-Direttur Eżekuttiv jew tal-President.
34

Matul l-aħħar deċennju, ħafna aġenziji rċevew kompiti addizzjonali mil-leġiżlatur jew il-Kummissjoni permezz ta’ diversi strumenti:

  • reviżjoni tar-regolamenti fundaturi tagħhom;
  • l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida (eż. l-ACER, l-ECHA, l-EMA, l-eu-LISA, il-Frontex);
  • l-iffirmar mill-aġenzija ta’ ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz jew ftehimiet ta’ delega mal-Kummissjoni (l-EEA, il-Frontex, l-Europol, l-EASO, eċċ.).
35

Aħna sibna li, meta l-Kummissjoni tassenja kompiti ġodda lill-aġenziji, normalment hija tipproponi biss għadd limitat ta' riżorsi umani addizzjonali. L-eċċezzjonijiet huma l-Frontex u, sa livell inqas, l-EASO, li qed joperaw f’oqsma ta’ prijorità. Barra minn hekk, ftehim interistituzzjonali li ġie konkluż fl-2013 wassal għal tnaqqis ta’ 5 % tal-persunal, applikabbli b'mod ġenerali għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-UE fuq perjodu ta' ħames snin. Billi l-aġenziji li għadhom kif inħolqu ma ġewx affettwati minn dan it-tnaqqis, u billi l-aġenziji eżistenti ġew permessi jirċievu postijiet addizzjonali għal kompiti ġodda, l-għadd totali ta’ postijiet fl-aġenziji żdied bi 13.7 % bejn l-2013 u l-2017, minkejja dan6.

36

Id-dħul tal-biċċa l-kbira mill-aġenziji li huma parzjalment awtofinanzjati (l-EMA, l-EASA, eċċ.) normalment jiżdied b’mod proporzjonat mal-ammont ta’ xogħol tagħhom, iżda l-għadd tal-persunal tagħhom jiġi kkontrollat mill-Kummissjoni u mhux neċessarjament isegwi din iż-żieda. Pereżempju, l-ammont ta’ xogħol relatat mat-tariffi tal-EMA żdied b’31 % bejn l-2014 u l-2018, iżda l-għadd tal-persunal tagħha naqas7. L-ECHA qed tiffaċċja sfidi partikolari minħabba li ma għandha l-ebda dħul rikorrenti u minħabba li l-introjtu tagħha mill-ħlasijiet huwa diffiċli li jiġi previst.

37

Anke fejn hemm postijiet disponibbli, bosta aġenziji kellhom problemi biex jirreklutaw u jżommu l-persunal. Reċentement, il-Frontex irċeviet għadd kbir ta’ postijiet tax-xogħol ġodda, iżda kienet qed issibha diffiċli biex tirrekluta l-persunal kollu meħtieġ u fl-2018 u fl-2019 irreġistrat rati għoljin tal-postijiet tax-xogħol vakanti. L-EASO dejjem kellu diffikultà biex jattira membri tal-persunal, u r-rati tal-postijiet tax-xogħol vakanti tiegħu huma konsistentement għoljin. Il-GSA qed issibha diffiċli biex tirrekluta membri tal-persunal bil-kompetenza teknika meħtieġa. Pakketti ta’ remunerazzjoni aktar baxxa f’ċerti Stati Membri jikkostitwixxu ostaklu partikolari f'dak li jirrigwarda r-reklutaġġ.

38

L-istħarriġ li wettaqna rigward il-partijiet ikkonċernati wera rabta ċara bejn id-disponibbiltà ta' riżorsi adegwati u l-prestazzjoni tal-aġenziji. Kważi nofs ir-rispondenti ma qablux mad-dikjarazzjoni “L-aġenzija għandha riżorsi umani suffiċjenti”, iżda osservajna differenzi kbar bejn aġenzija u oħra. Aktar minn 75 % tal-partijiet ikkonċernati tal-ACER u tal-ENISA ma qablux jew ma qablu xejn, meta mqabbel mal-perċentwal ta' inqas minn 25 % ta' dawk tal-SRB, tal-EUIPO, tal-Frontex u tal-EFCA. Filwaqt li l-maġġoranza tar-rispondenti jaħsbu li l-biċċa l-kbira mill-aġenziji rnexxielhom jissodisfaw il-mandat tagħhom, l-opinjonijiet kienu jvarjaw b’mod ċar għal erba’ aġenziji fejn identifikajna nuqqasijiet ta’ riżorsi (l-ACER u l-ENISA) jew diffikultajiet relatati mar-reklutaġġ (l-EASO u l-Frontex) (ara r-riżultati dettaljati tal-istħarriġ fl-Anness III).

39

Biex jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ postijiet jew ta’ esperti nazzjonali, l-aġenziji dejjem aktar qed jesternalizzaw kompiti ewlenin lil kuntratturi privati, li mbagħad jistgħu jsiru dipendenti minnhom. Kollox ma' kollox, fl-2018, l-aġenziji kienu jimpjegaw madwar 1 500 konsulent tal-IT u persunal interim. Dan jinvolvi riskju jekk ikun hemm wisq ftit membri tal-persunal ikkwalifikati biex jissorveljaw ix-xogħol tal-kuntratturi. Xi eżempji ta' dan huma l-EASO, l-eu-LISA, l-EMA u l-GSA. Minħabba l-kumplessità tal-qafas ġuridiku għall-użu ta' membri tal-persunal estern, li jvarja sa ċertu livell fost Stati Membri differenti, hemm ukoll riskji f’termini ta’ litigazzjoni u ħsara għar-reputazzjoni. Aħna osservajna dawn ir-riskji fl-Uffiċċju BEREC, is-CPVO, l-EASO, l-ESMA, l-EUIPO, l-EBA, l-EIOPA, l-EIGE, l-EMCDDA u l-SRB8.

Kaxxa 5

Eżempji ta’ aġenziji li huma dipendenti minn kuntratturi esterni għal funzjonijiet kritiċi

L-EASO jiddependi mill-kooperazzjoni tal-Istati Membri u mis-sekondar ta’ esperti nazzjonali. Billi ftit huma l-esperti nazzjonali li jsiru disponibbli, il-persunal interim kien jirrappreżenta 43 % tal-esperti kollha skjerati fil-Greċja fl-2018, u 59 % ta’ dawk skjerati fl-Italja.

L-eu-LISA testernalizza l-biċċa l-kbira mix-xogħol fuq proġetti sensittivi tal-IT li huma parti min-negozju ewlieni tagħha għal għadd limitat ta’ kuntratturi.

L-EMA ngħatat il-kompitu mill-Parlament u mill-Kunsill biex timplimenta żewġ regolamenti ġodda li jirrikjedu l-iżvilupp u l-introduzzjoni ta’ żewġ sistemi tal-IT pan-Ewropej. Minħabba nuqqas ta’ esperti interni, l-aġenzija ingaġġat konsulenti, u b’hekk tilfet il-kontroll sħiħ fuq l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-proġetti.

B'segwitu għal sejħa għal djalogu kompetittiv, fl-2016 il-GSA ppremjat il-kuntratt għall-operazzjonijiet u s-servizzi ta' Galileo lill-istess impriża konġunta privata li kienet ilha tipprovdihom mill-2010 taħt ftehim mal-Aġenzija Spazjali Ewropea. Il-kuntratt attwali jista' jibqa' għaddej sal-2026.

40

Fi snin reċenti, il-bordijiet tat-tmexxija ta’ xi aġenziji ġibdu l-attenzjoni għar-riskji relatati ma' riżorsi limitati. Pereżempju, fl-2019 il-Bord tal-Europol irrapporta li l-baġit annwali stmat ta’ EUR 123.7 miljun fis-sena sal-2027 mhuwiex suffiċjenti biex l-Europol iwettaq bis-sħiħ il-missjoni tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-iżviluppi meħtieġa fil-ġestjoni tal-informazzjoni u l-għoti ta’ appoġġ operazzjonali kontinwu ta’ kwalità għolja lill-Istati Membri9. Eżempji oħra jinkludu l-ACER, l-EEA u l-EMA (ara l-Kaxxa 6).

Kaxxa 6

In-nuqqas ta’ riżorsi fl-ACER iwassal għal interpretazzjoni restrittiva tal-mandat tagħha

Fir-Rapport Annwali tal-Attività Kkonsolidat (CAAR) tagħha għall-2018, l-ACER ippubblikat lista twila ta’ kompiti li hija kienet naqqsitilha l-prijorità tagħha minħabba nuqqas ta’ impjegati. L-aġenzija enfasizzat li ma kellhiex persunal suffiċjenti ta’ sorveljanza tas-suq biex twettaq b’mod xieraq il-mandat tagħha (b’mod partikolari l-monitoraġġ tas-suq bl-ingrossa taħt ir-REMIT).

L-istħarriġ rigward il-partijiet ikkonċernati tagħna kkonferma li l-ACER kienet baxxiet il-livell tas-sorveljanza tagħha tas-swieq tal-enerġija.

Il-proċess ta’ ppjanar annwali huwa twil u mhux adatt għal ambjenti li jinbidlu b’mod rapidu

41

F’konformità mal-istruzzjonijiet tal-Kummissjoni, l-aġenziji jipproduċu dokumenti uniċi ta' programmazzjoni (SPDs) annwali, li jikkombinaw programm ta’ ħidma annwali ma' pjan kontinwu ta’ tliet snin. Kull SPD jitħejja taħt ir-responsabbiltà tad-direttur eżekuttiv tal-aġenzija u jiġi adottat mill-bord tat-tmexxija, filwaqt li jittieħed kont tal-kummenti li jiġu riċevuti mingħand il-Kummissjoni. Barra minn hekk, ħafna aġenziji għadhom jippjanaw b’mod strateġiku għal perjodu itwal (spiss ta’ ħames snin), kif meħtieġ mir-regolament bażiku tagħhom.

Kaxxa 7

Il-Frontex qed tiffaċċja livell baxx rikorrenti ta' implimentazzjoni tal-baġit iddedikat għall-operazzjonijiet ta’ ritorn

Aktar minn 10 % tal-baġit tal-Frontex huwa assenjat għal operazzjonijiet ta’ ritorn ta’ migranti (EUR 53.8 miljun fl-2018). Mill-2016 sal-2018, il-baġit ippjanat kien konsistentement aktar milli kien meħtieġ. L-għadd ta’ ritorni reali (200 000) baqa’ konsistentement inqas mill-għadd ta' deċiżjonijiet ta’ ritorn (500 000). L-Istati Membri għandhom ukoll l-għażla li jimplimentaw ir-ritorni fil-livell nazzjonali b’appoġġ finanzjarju mill-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF), li huwa mmaniġġjat mid-DĠ HOME, sieħeb tal-Frontex.

Id-differenza bejn il-baġit totali inizjali tal-Frontex u l-infiq reali kienet ta’ 10.3 % fl-2016, 8.9 % fl-2017 u 11.3 % fl-2018.

42

Iċ-ċiklu annwali ta’ ppjanar li jwassal għall-adozzjoni tal-SPD huwa twil ħafna, bl-ewwel verżjoni tkun abbozzata madwar 18-il xahar qabel il-bidu tal-perjodu ta’ ppjanar. Huwa partikolarment diffiċli għall-aġenziji li jkunu qed joperaw f’ambjent volatili ħafna (bħall-EASO, il-Frontex u l-SRB) (il-Kaxxa 7) biex jippjanaw il-baġit u l-operazzjonijiet tagħhom daqstant 'il quddiem. Ċerti aġenziji oħra (bħall-eu-LISA) jiffaċċjaw problemi simili minħabba inċertezzi legali meta leġiżlazzjoni ġdida tagħtihom kompiti addizzjonali (il-Kaxxa 8). Minkejja dawn il-każijiet partikolari, l-aġenziji kollha jistgħu jibbenefikaw minn ċiklu ta’ ppjanar iqsar.

Kaxxa 8

L-eu-LISA: studju ta’ każ partikolari dwar l-isfidi ta’ aġenzija ġdida

L-eu-LISA nħolqot fl-2011 u saret responsabbli mit-tmexxija operazzjonali tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Fis-snin ta’ wara, l-eu-LISA nfdat bl-immaniġġjar ta’ għadd dejjem jiżdied ta’ sistemi tal-IT fuq skala kbira, bl-objettiv li jiġu sfruttati s-sinerġiji bejn id-diversi sistemi.

Billi r-regolamenti jistabbilixxu dati ta’ skadenza qosra biex is-sistemi jsiru operazzjonali, l-eu-LISA teħtieġ tibda t-tħejjijiet sew qabel l-adozzjoni tagħhom. Billi l-adozzjoni ħafna drabi tiddewwem, madankollu, xi baġits saru disponibbli saħansitra qabel il-finalizzazzjoni tal-bażi ġuridika korrispondenti. Dan jikkumplika l-ippjanar tal-eu-LISA, partikolarment minħabba li l-Kummissjoni tirrikjedi li l-aġenziji kollha jippreżentaw l-abbozzi ta' SPDs tagħhom f’Jannar tas-sena ta’ qabel il-bidu tal-perjodu ta’ ppjanar, u għaldaqstant hija tkun teħtieġ soluzzjonijiet baġitarji kreattivi.

43

Iċ-ċikli annwali u pluriennali ta' ppjanar u tal-baġit normalment, bħala punt tat-tluq, jieħdu l-kompiti, il-baġit u r-riżorsi ta’ kull aġenzija relatati mas-sena preċedenti. Tradizzjonalment, kien hemm biss rivalutazzjoni limitata f'dak li jirrigwarda l-ħtiġijiet annwali u l-iffrankar potenzjali. L-aġenziji ma kinux u mhumiex obbligati biex jiġġustifikaw mill-ġdid bir-reqqa r-riżorsi meħtieġa għal kull waħda mill-attivitajiet ippjanati. Il-Kummissjoni tistenna li l-użu tal-SPD, kif stipulat fir-Regolament Finanzjarju Qafas il-ġdid u f'komunikazzjoni relatata tagħha ta' April 2020, se jippermetti t-twettiq ta' rieżaminar aktar bir-reqqa tal-evoluzzjoni tal-ħtiġijiet. Jenħtieġ li dan imbagħad jikkontribwixxi għall-valutazzjoni tal-ħtiġijiet (żieda/tnaqqis u/jew riallokazzjoni tar-riżorsi) bi tħejjija għal qafas finanzjarju pluriennali futur (QFP). Billi dawn l-iżviluppi seħħew parzjalment wara l-ikkompletar tax-xogħol tal-awditjar tagħna, u l-impatt probabbli se jsir evidenti biss mill-2021 'il quddiem, aħna ma vvalutajniex jekk il-qafas il-ġdid diġà tejjibx u saħħaħx il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet annwali baġitarji tal-aġenziji.

Il-potenzjal tal-aġenziji biex jaġixxu bħala ċentri għall-kondiviżjoni tal-kompetenzi u n-networking mhuwiex sfruttat bis-sħiħ

Il-kompożizzjoni tal-bord tat-tmexxija mhux dejjem tippermetti t-teħid effiċjenti ta’ deċiżjonijiet

44

Filwaqt li l-aġenziji eżekuttivi jiġu mmaniġġjati minn kumitat iżgħar ta’ tmexxija, li normalment jikkonsisti f'ħames membri li jirrappreżentaw id-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni, l-aġenziji għandhom ħafna membri fil-bordijiet tat-tmexxija li jirrappreżentaw interessi varji – u spiss jinkludu, fost l-oħrajn, l-Istati Membri, il-Kummissjoni, is-soċjetà ċivili u l-industrija. L-istruttura ta’ governanza aktar kumplessa tagħhom għandha l-għan li tgħaqqad flimkien l-interessi differenti u ssib bażi komuni għal soluzzjoni “tal-UE”. F’dan is-sens, l-aġenziji jistgħu jaġixxu bħal ċentri ta’ kompetenza u networking.

45

Il-bord tat-tmexxija ta' aġenzija huwa l-ogħla korp ta’ governanza interna (għalkemm it-terminu preċiż – “bord tas-superviżuri”, “kumitat amministrattiv”, eċċ. – jista’ jvarja minn aġenzija għal oħra). Huwa għandu rwol superviżorju b’responsabbiltà ġenerali mill-istrateġija, minn kwistjonijiet relatati mal-baġit u l-ippjanar, mill-ħatra ta’ direttur eżekuttiv u mill-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-aġenzija.

46

L-Istati Membri jistgħu jinfluwenzaw b’mod konsiderevoli l-istrateġija u l-operazzjonijiet ta’ aġenzija permezz tal-pożizzjoni tagħhom ta' maġġoranza fil-bord tat-tmexxija. B’mod partikolari, jekk il-ħtiġijiet operazzjonali u politiċi jirrikjedu li l-Istati Membri jikkooperaw mill-qrib f’oqsma politikament sensittivi, hemm ċertu inċentiv għall-Kunsill biex jittrasferixxi l-kompetenza lil aġenzija tal-UE aktar milli lill-Kummissjoni. Il-membri tal-bord li jirrappreżentaw l-Istati Membri fil-bord tat-tmexxija ma għandhomx mandat biex jimpenjaw lill-gvernijiet tagħhom u għalhekk ma jistgħux jiggarantixxu l-kooperazzjoni tal-Istati Membri tagħhom fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda mill-aġenziji (ara wkoll il-paragrafi 71-74).

47

Il-bordijiet tat-tmexxija tal-biċċa l-kbira mill-aġenziji jikkonsistu f'rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru kif ukoll membru wieħed jew aktar mill-Kummissjoni. Seba’ bordijiet tat-tmexxija jinkludu wkoll membri votanti maħtura mill-Parlament: l-ACER, l-ECDC, l-ECHA, l-EEA, l-EMA, l-EMCDDA u l-EUIPO.

48

Għalhekk, il-biċċa l-kbira mill-bordijiet tat-tmexxija għandhom 30-35 membru, kif jidher fil-Figura 7. L-aġenziji taħt il-mandat tad-DĠ EMPL (is-Cedefop, l-Eurofound u l-EU-OSHA) huma “tripartitiċi” – kull Stat Membru jibgħat rappreżentant wieħed minn organizzazzjoni tal-impjegaturi, wieħed minn organizzazzjoni tal-ħaddiema u uffiċjal wieħed tal-gvern. Dawn l-aġenziji u s-CdT għandhom sa 90 membru, u dan jagħmel il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet diffiċli u li jiġġenera spejjeż amministrattivi konsiderevoli. L-EIGE, l-EIT u (sal-2021) l-EFSA għandhom inqas membri fil-bordijiet tat-tmexxija tagħhom. Fil-biċċa l-kbira mill-aġenziji, il-livell ta’ involviment minn membri individwali tal-bord ivarja ħafna wkoll.

Figura 7

Membri votanti tal-bordijiet tat-tmexxija

Sors: il-QEA.

49

Kif indikajna f’rapporti speċjali preċedenti10, filwaqt li l-kompożizzjoni tal-bordijiet tat-tmexxija tiżgura li l-fehmiet nazzjonali jittieħdu inkunsiderazzjoni, din tista’ wkoll tfixkel il-perspettiva madwar l-UE kollha fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-aġenziji (il-Kaxxa 9). Madankollu, l-influwenza tal-Kummissjoni fil-prattika tmur ferm lil hinn mid-drittijiet tal-vot tagħha, billi hija responsabbli biex tipproponi l-baġits u t-tabelli tal-persunal tal-aġenziji kollha, ħlief dawk li jiġu ffinanzjati kompletament minn tariffi.

Kaxxa 9

Il-Bord tas-Superviżuri tal-EBA, tal-EIOPA u tal-ESMA

L-ogħla korp deċiżjonali tat-tliet awtoritajiet superviżorji Ewropej (l-ESAs) huwa l-Bord tas-Superviżuri. Huwa magħmul mill-kapijiet tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jissorveljaw l-istituzzjonijiet finanzjarji f’kull Stat Membru, flimkien ma’ rappreżentant kull wieħed, mhux votanti, mill-BĊE (għall-EBA), iż-żewġ ESAs l-oħra, il-Kummissjoni u l-BERS.

Din il-kompożizzjoni tistimula l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji Ewropej u dawk nazzjonali, u għalhekk tidher xierqa biex tindirizza r-responsabbiltajiet tal-ESA f'dak li jirrigwarda t-tfassil tar-regoli, iżda inqas xierqa għar-rwoli superviżorji tagħhom. L-ESAs iridu jiżguraw ukoll l-applikazzjoni konsistenti ta’ atti tal-UE li huma legalment vinkolanti u, fejn ikun meħtieġ, jiskattaw proċedura tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni (l-Artikolu 17 tar-Regolament dwar l-EBA). Fil-prattika, dan il-mekkaniżmu jintuża rari ħafna minħabba r-riluttanza min-naħa tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali biex jissanzjonaw lill-kollegi pari tagħhom. Bosta rispondenti għall-istħarriġ ġibdu l-attenzjoni għall-fatt li l-falliment tal-proċedura ta’ ksur tad-dritt tal-UE ntwera b’mod ċar min-nuqqas ta’ adozzjoni ta' rakkomandazzjoni min-naħa tal-EBA fil-kawża Daniża-Estonjana dwar il-ħasil tal-flus.

L-awtoritajiet baġitarji jżommu l-aġenziji taħt obbligu ta' rendikont għall-kwistjonijiet finanzjarji u ta' konformità, iżda l-prestazzjoni hija ta’ tħassib sekondarju

50

L-awtorità baġitarja tal-UE (il-Parlament u l-Kunsill) hija responsabbli mill-għoti tal-kwittanza annwali għall-kontijiet tal-biċċa l-kbira mill-aġenziji. Tradizzjonalment, hija tiffoka fuq kwistjonijiet finanzjarji u ta’ konformità, u tagħti biss attenzjoni limitata għall-prestazzjoni tal-aġenziji.

51

Il-kumitati għall-politika settorjali tal-Parlament jissorveljaw l-operazzjonijiet tal-aġenziji f’livell għoli, prinċipalment permezz tas-seduti ta’ smigħ tad-diretturi eżekuttivi tagħhom u d-diskussjoni tar-rapporti annwali tagħhom. Il-kumitati għall-politika settorjali jibagħtu wkoll opinjonijiet qosra lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit bħala kontribut għall-proċedura ta’ kwittanza, iżda l-ġbir u l-analiżi reali tal-informazzjoni dwar il-prestazzjoni huma limitati ħafna u jikkonċernaw biss lil aġenziji individwali.

52

Il-Kunsill u l-gruppi ta’ ħidma tiegħu prinċipalment iżommu lid-DĠ sħab responsabbli mill-prestazzjoni tal-aġenziji.

Figura 8

Atturi prinċipali u dokumenti ewlenin fiċ-ċiklu tal-prestazzjoni annwali

Sors: il-QEA.

53

Il-kontroll pubbliku fuq l-aġenziji li huma kompletament awtofinanzjati (l-EUIPO, is-CPVO u l-SRB – l-SRB jimmaniġġja wkoll il-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, li rċieva EUR 7.8 biljun f'kontribuzzjonijiet li żiedu l-assi totali tiegħu għal EUR 33 biljun fi tmiem l-2019) huwa saħansitra aktar limitat. Għalkemm iwettqu mandat pubbliku, fdat lilhom permezz tal-leġiżlazzjoni tal-UE, dawn l-aġenziji għandhom obbligu ta' rendikont prinċipalment lejn il-membri proprji tagħhom11, li jagħtuhom kwittanza annwali, u b’mod informali biss lejn il-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, l-EUIPO inpartikolari akkumula surpluses kbar billi d-dħul tiegħu minn tariffi u imposti ta’ spiss kien jaqbeż in-nefqa tiegħu. Aħna kkummentajna dwar dawn l-aspetti fl-opinjonijiet li ħriġna fl-2019 dwar il-proposti għar-regolamenti finanzjarji tas-CPVO u tal-EUIPO12. Ġuriżdizzjonijiet oħra joperaw b’mod differenti meta mqabbla mal-UE (ara l-Figura 8). Pereżempju, il-Kungress tal-Istati Uniti huwa l-awtorità tal-kwittanza għall-aġenziji kollha tal-Istati Uniti li huma awtofinanzjati.

L-aġenziji jirrappurtaw aktar dwar l-aspetti tal-prestazzjoni, iżda l-kontribut tagħhom għall-politiki u għall-kooperazzjoni tal-UE ma jitkejjilx b’mod ċar u lanqas ma jiġi kkomunikat liċ-ċittadini

L-aġenziji jipprovdu regolarment informazzjoni dwar il-prestazzjoni, iżda din l-informazzjoni mhux dejjem tkun rilevanti

54

Il-partijiet ikkonċernati tal-Aġenzija jeħtieġu kemm informazzjoni kwalitattiva kif ukoll informazzjoni kwantitattiva dwar il-prestazzjoni, u din jirċevuha permezz tar-rapport annwali tal-attività kkonsolidat (CAAR) u dokumenti oħra. Minbarra li jirrappurtaw kull sena, ħafna aġenziji (eż. l-EUIPO, l-ETF, l-EFSA) jipproduċu informazzjoni aktar regolari fil-forma ta’ tabelli operattivi, rapporti trimestrali, eċċ. Xi wħud minn dawn id-dokumenti huma għal użu intern biss, iżda oħrajn jiġu ppubblikati.

55

Il-biċċa l-kbira mill-aġenziji introduċew ibbaġitjar ibbażat fuq l-attività, li jfisser li huma jallokaw ir-riżorsi u/jew l-ispejjeż skont l-attività, u xi wħud (l-EASA, l-ESMA, l-ETF, l-EUIPO, l-eu-LISA) għamlu progress sinifikanti lejn ġestjoni bbażata fuq l-attività, li tinvolvi aġġornament regolari tat-tabelli ta’ valutazzjoni, b'kombinament tal-informazzjoni dwar il-baġit u dik dwar il-prestazzjoni (ara l-Anness VI). Filwaqt li l-EASA u l-ESMA kkalkulaw bis-sħiħ l-ispiża tas-servizzi li fuqhom huma bbażati t-tariffi li jimponu, it-tariffi ta' aġenziji oħra huma stabbiliti fir-regolamenti tagħhom.

56

L-aġenziji jkejlu wkoll il-prestazzjoni permezz ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs). Fl-2015, il-Kummissjoni ħarġet linji gwida dwar il-KPIs għad-diretturi tal-aġenziji13. L-indikaturi li ntużaw fil-prattika huma prinċipalment relatati mal-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali tal-aġenziji u tal-baġit tagħhom kif ukoll il-ġestjoni tar-riżorsi umani tagħhom, iżda normalment ma jippermettux li jiġu vvalutati r-riżultati jew l-effiċjenza u l-effettività tal-aġenziji fit-twettiq tal-mandat tagħhom.

57

Il-biċċa l-kbira mill-aġenziji żviluppaw ukoll objettivi operazzjonali kif ukoll indikaturi tal-prestazzjoni u miri assoċjati. Il-biċċa l-kbira minn dawn l-indikaturi jkejlu l-output aktar milli r-riżultati jew l-impatt. Bosta aġenziji (l-EASO, l-EMSA, l-EFSA, il-Frontex, eċċ.) jirrappurtaw dwar aktar minn 100 indikatur, li ħafna minnhom huma dettaljati ħafna u speċifiċi u ma jagħtu l-ebda informazzjoni dwar il-prestazzjoni ġenerali. Spiss, ir-rabta mal-objettivi ta' politika ma tkunx stabbilita b’mod ċar, la fl-SPD u lanqas fil-CAAR.

58

Għadd ta’ aġenziji aktar operazzjonali u/jew orjentati lejn in-negozju għandhom indikaturi aktar utli, li jkejlu l-kontribut tagħhom għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE. Pereżempju, l-eu-LISA għandha indikaturi tar-riżultati għad-disponibbiltà u l-ħin ta’ rispons tas-sistemi tagħha tal-IT fuq skala kbira. L-EASA hija waħda mill-ftit aġenziji li għandhom indikatur tal-impatt ċar: l-għadd ta' mwiet f'tiġrif ta' ajruplani fl-UE. L-EUIPO għandu indikaturi li jivvalutaw il-puntwalità, il-kwalità, u l-aċċessibbiltà tas-servizzi pprovduti.

59

It-tqabbil bejn is-snin huwa ta’ spiss diffiċli, billi l-indikaturi jistgħu jinbidlu minn sena għal oħra u ftit li xejn huma l-CAAR li jsemmu r-riżultati tas-snin preċedenti. Fl-aħjar każ, l-output jitqabbel mal-mira proprja indikata mill-aġenzija fl-SPD.

60

Billi l-attivitajiet tal-aġenziji huma tant diversi, mhuwiex possibbli li l-prestazzjoni tagħhom titqabbel mal-KPIs. Huwa wkoll diffiċli ħafna li wieħed iqabbel aġenziji differenti skont l-effiċjenza. L-ebda wieħed mir-rapporti tal-aġenziji ma jinkludi tqabbil ma’ korpi nazzjonali jew internazzjonali simili.

61

Fir-Rapport Analitiku tagħna tal-201914, aħna sibna li xi aġenziji jiġbru wkoll informazzjoni dwar is-sostenibbiltà, iżda spiss din l-informazzjoni hija frammentata u mhijiex kompleta. Ir-rappurtar dwar is-sostenibbiltà huwa l-prattika tal-kejl, id-divulgazzjoni u l-obbligu ta' rendikont għall-partijiet ikkonċernati interni u esterni għall-prestazzjoni organizzazzjonali lejn l-għan ta’ żvilupp sostenibbli. Aħna sibna li aġenzija waħda biss, l-EUIPO, tippubblika rapport ta’ dan it-tip.

Hemm ammont limitat ta' sensibilizzazzjoni u segwitu fil-midja f'dak li jirrigwarda l-kontribut tal-aġenziji għall-politiki u l-kooperazzjoni

62

L-aġenziji tal-UE għandhom influwenza sinifikanti fuq it-tfassil ta' politiki u t-teħid ta’ deċiżjonijiet f’oqsma ta’ importanza essenzjali għall-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-UE. Huma jistgħu jaġixxu wkoll fuq quddiem nett biex isolvu sitwazzjonijiet ta’ kriżi jew sfidi tas-soċjetà ta' terminu twil. Minbarra r-rappurtar limitat min-naħa tal-aġenziji stess dwar il-prestazzjoni, il-viżibbiltà tal-midja tal-kontribut li jingħata minnhom – pożittiv jew negattiv – hija limitata wkoll. Ftit li xejn mill-artikli tal-aħbarijiet fl-analiżi tagħna tad-data kien fihom xi informazzjoni kwalitattiva dwar il-kontribut tal-aġenziji għall-politiki u l-kooperazzjoni tal-UE, jew l-influwenza tagħhom fuq it-teħid ta' deċiżjonijiet f’isem l-Istati Membri, l-industrija u ċ-ċittadini.

63

Bejn Jannar 2018 u Lulju 2019, l-aġenziji prinċipali li ssemmew fl-aħbarijiet kienu l-Europol u l-Frontex, li dehru f’aktar minn 40 % tal-artikli kollha li analizzajna (il-Figura 9). Dawn ġew segwiti mill-EFSA, l-EASA, l-EMA u l-ECDC. Flimkien, dawn is-sitt aġenziji kienu jirrappreżentaw żewġ terzi tal-artikli. Huma lkoll jittrattaw kwistjonijiet ta’ sigurtà u/jew ta’ sikurezza, li jattiraw l-akbar attenzjoni pubblika. Xi aġenziji (bħall-EMA) dehru ftit jew wisq b’mod kostanti matul il-perjodu inkwistjoni, filwaqt li l-kopertura ta’ oħrajn kienet aktar ikkonċentrata u marbuta ma’ inċidenti u avvenimenti speċifiċi (ara l-Figura 3 u l-Figura 4 fl-Anness IV). Pereżempju, it-tiġrif tal-Boeing 737 MAX b’mod esponenzjali żied l-esponiment fil-midja tal-EASA, il-kriżi tal-glifosat żiedet il-kopertura tal-EFSA, u l-EUIPO rċieva l-attenzjoni wara s-sentenza rigward it-trademark Adidas.

Figura 9

Artikli tal-aħbarijiet miġbura fi gruppi skont l-aġenzija jew korp ieħor tal-UE

Sors: informazzjoni kkompilata mill-QEA abbażi ta’ data aggregata mis-sistema EMM, minn Jannar 2018 sa Lulju 2019.

64

L-ECDC ippubblika l-akbar għadd ta’ artikli tal-aħbarijiet dwar l-attivitajiet proprji tiegħu, segwit mill-EMA u l-EMSA. Il-kompiti ta' dawn it-tliet aġenziji jinkludu t-tixrid ta’ informazzjoni fl-oqsma tas-saħħa u s-sigurtà pubbliċi. Il-biċċa l-kbira mill-aġenziji l-oħra rarament dehru fl-aħbarijiet, anke fejn is-sensibilizzazzjoni hija parti mill-mandat tagħhom. Għall-kuntrarju tal-aġenziji li jittrattaw is-sigurtà u l-protezzjoni tal-fruntieri (il-Frontex, l-Europol), l-EASO li jappoġġa lill-Istati Membri f'dak li jirrigwarda l-asil kellu preżenza aktar baxxa fl-artikli tal-aħbarijiet koperti mill-EMM.

Il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji u korpi oħra fil-livell nazzjonali, tal-UE u dak internazzjonali ġeneralment taħdem tajjeb, b’xi ftit eċċezzjonijiet

Ir-riżultati tal-istħarriġ juru li jeħtieġ li xi aġenziji jtejbu l-kooperazzjoni

65

Il-maġġoranza (80 %) tal-partijiet ikkonċernati li stħarriġna jqisu li l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji u s-sħab tagħhom fil-livell nazzjonali, tal-UE jew dak internazzjonali ġeneralment taħdem tajjeb. Madankollu, hemm differenzi ċari fost l-aġenziji individwali. Terz mir-rispondenti jaħsbu li jinħtieġ titjib sinifikanti, pereżempju fir-relazzjonijiet ta' bejn l-aġenziji li ġejjin u xi wħud mis-sħab tagħhom:

  • l-ENISA u l-GSA mal-Istati Membri, aġenziji oħra u sħab internazzjonali,
  • l-ERA mal-Kummissjoni u mal-Istati Membri.
  • l-EMA mal-Kummissjoni,
  • l-EASA mal-Istati Membri.

L-aġenziji jaħdmu mill-qrib mad-DĠ sħab tal-Kummissjoni, iżda għandhom involviment limitat fin-negozjati tal-baġit u fir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni

66

Il-biċċa l-kbira mill-aġenziji ma għandhomx setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet (ara l-Kaxxa 10), iżda xi wħud (bħall-ECDC, l-ECHA, l-EFSA, l-EMA u l-ERA) jipproduċu opinjonijiet xjentifiċi, li huma l-bażi għad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni. Għadd żgħir ta' aġenziji (eż. l-ACER, is-CPVO, l-EASA, l-EUIPO, l-EUIPO u, f’xi oqsma, l-ECHA) għandhom is-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet.

Kaxxa 10

Id-duttrina Meroni u d-delega ta' setgħat lill-aġenziji

Il-ġurisprudenza Meroni15 tillimita d-delega ta' setgħat tal-UE lil aġenzija tal-UE għal setgħat eżekuttivi, iddefiniti b’mod ċar, li jridu jkunu kompletament issorveljati mill-awtorità tad-delega. Barra minn hekk, id-delega trid issir permezz ta' “deċiżjoni espliċita” u trid tkun meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti stipulati skont it-Trattati. Hija ma tistax tinvolvi setgħat “diskrezzjonali” sal-livell li tippermetti l-eżekuzzjoni ta’ politika ekonomika reali li timplika marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni, li twassal għal trasferiment reali ta’ responsabbiltà.

Il-biċċa l-kbira mill-aġenziji ma għandhomx setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. Fil-qasam tas-saħħa, pereżempju, l-aġenziji (bħall-EMA u l-EFSA) jivvalutaw ir-riskju, iżda l-ġestjoni tar-riskju taqa' f'idejn il-Kummissjoni, li normalment tieħu deċiżjonijiet formali ta’ awtorizzazzjoni.

Fi snin reċenti, id-duttrina Meroni ġiet ikkjarifikata, u ppermettiet id-delega ta’ xi setgħat regolatorji jew ta’ intervent, delineati b’mod preċiż, li huma suġġetti għal rieżaminar ġudizzjarju. Xi aġenziji li għandhom rwol fir-regolamentazzjoni tas-suq uniku, bħall-EASA, l-EUIPO u l-ESMA, għandhom is-setgħa li jieħdu ċerti deċiżjonijiet abbażi ta' valutazzjonijiet u kriterji tekniċi (li huma speċifikati f’atti leġiżlattivi, delegati u regolatorji) mingħajr l-approvazzjoni formali mill-Kummissjoni16.

67

Il-Kummissjoni tissorvelja l-attivitajiet tal-aġenziji permezz tal-preżenza tagħha fuq bordijiet tat-tmexxija, l-involviment tagħha fiċ-ċiklu ta’ programmazzjoni u ta’ ppjanar (hija toħroġ opinjonijiet formali dwar l-abbozzi ta’ SPDs) u għadd kbir ta’ kuntatti aktar regolari bejn id-DĠ sħab u l-aġenziji “tagħhom”. Is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS) huwa l-awditur intern statutorju tal-aġenziji kollha, ħlief dawk li huma awtofinanzjati17. L-IAS jawditja suġġetti magħżula, li huma rilevanti għal dawn l-aġenziji bbażat fuq pjanijiet tal-awditjar strateġiċi individwali, pluriennali u bbażati fuq ir-riskju, u jirrapporta dwar dan lid-diretturi eżekuttivi u lill-bordijiet tat-tmexxija rispettivi.

68

L-involviment tal-aġenziji fir-reviżjoni tar-regolamenti fundaturi tagħhom u ta' leġiżlazzjoni ewlenija oħra fil-qasam tal-operat tagħhom huwa ġeneralment limitat. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni mhux dejjem tagħmel l-aħjar użu mill-għarfien tagħhom meta proposti leġiżlattivi ġodda jkunu qed jiġu abbozzati.

69

Id-DĠ sħab jinnegozjaw mad-DĠ BUDG it-tabelli tal-persunal tal-aġenziji tagħhom u l-kontribuzzjonijiet mill-UE, qabel ma dawn jiġu inklużi fil-proposti ta' abbozz ta' baġit tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill. L-aġenziji ma għandhomx it-tendenza li jkollhom kuntatt dirett mad-DĠ BUDG u jirċievu ftit li xejn informazzjoni dwar il-progress tan-negozjati tal-baġit, u dan jista' jxekkel l-ippjanar operazzjonali tagħhom.

70

Xi wħud mill-aġenziji għandhom nuqqas kroniku ta’ riżorsi, filwaqt li oħrajn ma jistgħux jassorbu l-baġit tagħhom taħt iċ-ċiklu ta' programmazzjoni annwali. Pereżempju, ibbażat fuq ftehim politiku, il-Frontex irċeviet riżorsi addizzjonali konsiderevoli mill-2017 'il quddiem. Aħna ma sibna l-ebda evidenza li turi kif il-ħtiġijiet addizzjonali baġitarji u ta' persunal kienu ġew stabbiliti. Fil-każ tal-EU-OSHA, preċedentement aħna ddeskrivejna fil-qosor tendenza li jsiru riporti rikorrenti ta' perċentwal sinifikanti tal-baġit minn sena finanzjarja waħda għall-oħra18. Aħna nosservaw li, fil-każ ta' din l-aġenzija, sa issa r-rati ta' kanċellazzjoni għar-riporti kienu baxxi. Madankollu, inġenerali livell għoli ta' riporti jinvolvi riskji fil-ġestjoni finanzjarja tajba tar-riżorsi.

Il-kooperazzjoni mal-Istati Membri hija kruċjali, iżda mhux dejjem timxi mingħajr xkiel

71

L-Istati Membri għandhom rwol attiv fl-implimentazzjoni tal-biċċa l-kbira mill-programmi ta’ ħidma tal-aġenziji. Pereżempju:

  • Il-Frontex, l-EASO u l-eu-LISA jipprovdu appoġġ attiv lill-Istati Membri li huma l-punti ta' dħul ewlenin għall-migranti u l-applikanti għall-asil biex jidħlu fl-UE.
  • L-eu-LISA topera l-komponent ċentrali ta’ sensiela ta’ sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li huma marbuta ma’ sistemi nazzjonali19.
  • Ħafna aġenziji, bħall-EEA, l-EFSA, l-EMCDDA, l-EUIPO u l-EU-OSHA jaħdmu mill-qrib ma’ networks ta’ esperti tal-UE u/jew punti fokali nazzjonali, li jgħinu fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ ħidma tagħhom.
  • Ħafna aġenziji (bħas-CPVO, l-ECHA (ara l-Kaxxa 11), l-EMA, l-EFSA u, sa livell inqas, l-EASA) iwettqu l-kompiti ta' natura xjentifika tagħhom f'kooperazzjoni mal-Istati Membri.

Kaxxa 11

Wara aktar minn deċennju, l-ECHA għadha topera f’kuntest ta’ setgħat limitati

L-ECHA ffaċċjat għadd ta’ sfidi biex twettaq il-mandat tagħha li tippromwovi l-użu ta’ sustanzi kimiċi sikuri.

  • Is-sistema ta’ reġistrazzjoni hija bbażata fuq sottomissjonijiet mill-operaturi tal-industrija (ara l-Kaxxa 14).
  • Matul l-ewwel deċennju tal-eżistenza tagħha (2008-2017), l-ECHA tat aktar il-prijorità lir-reġistrazzjoni milli tat lill-analiżi tad-data pprovduta dwar is-sustanzi kimiċi ddikjarati. Billi ħafna sustanzi għadhom ma ġewx evalwati fid-dettall, għadu mhux ċar jekk humiex ta’ ħsara jew le. Il-pjan strateġiku tal-ECHA għall-perjodu 2019-2023 joffri approċċ ġdid u aktar ambizzjuż għall-identifikazzjoni ta’ sustanzi li jeħtieġ li jiġu rregolati.
  • Sentenza reċenti mill-Qorti Ġenerali tal-QĠUE20 annullat deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-użu ta’ ċerta sustanza fuq il-bażi ta’ opinjoni mill-kumitati xjentifiċi tal-ECHA, għar-raġuni li l-analiżi ta’ alternattivi li jkunu inqas ta' ħsara kienet insuffiċjenti.
  • L-Istati Membri għandhom kompetenza esklużiva biex jinfurzaw l-obbligu fuq il-kumpaniji biex jirreġistraw sustanzi kimiċi mal-ECHA skont ir-Regolament REACH. L-ECHA għandha biss rwol ta’ koordinazzjoni.
  • Sena wara sena, il-miri annwali tal-ECHA biex tifformula opinjonijiet dwar l-approvazzjoni ta' sustanzi attivi fil-bijoċidi ma jintlaħqux, minħabba li l-Istati Membri jdumu biex jippreżentaw ir-rapporti ta' valutazzjoni tagħhom.
  • Il-qafas finanzjarju u amministrattiv li fih topera l-ECHA huwa aktar kumpless minn dak ta' aġenziji oħra, billi l-ECHA għandha tliet baġits separati (u tabelli tal-persunal) skont tliet regolamenti differenti, u kull wieħed minnhom jaqa' taħt DĠ sieħeb differenti. Dan ikompli jillimita l-flessibbiltà tal-ECHA biex tittratta l-fluttwazzjonijiet fl-ammont ta’ xogħol.
72

Billi jassenjaw responsabbiltajiet lil aġenzija tal-UE, l-Istati Membri jżommu parti kbira mill-kontroll fuq it-teħid ta' deċiżjonijiet filwaqt li jsaħħu l-kooperazzjoni Ewropea (ara l-Kaxxa 12). Għalhekk, f’ħafna oqsma, l-aġenziji għandhom aktar rwol ta’ koordinazzjoni flessibbli, li jagħti lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali konsiderevoli.

Kaxxa 12

Kontroll fil-fruntieri, u asil: żewġ stejjer differenti21

Il-Frontex u l-EASO jiddependu ħafna mill-forniment ta' riżorsi umani (u tekniċi, fil-każ tal-Frontex) mill-Istati Membri. Iż-żewġ aġenziji jsibuha diffiċli biex jiksbu dawn ir-riżorsi, iżda jidher li l-Frontex qed ikollha relattivament aktar suċċess f’dan ir-rigward.

Fir-Rapport Speċjali Nru 6/2017: “Ir-rispons tal-UE għall-kriżi tar-refuġjati: l-approċċ 'hotspot'”, aħna wrejna li l-EASO jeħtieġ membri tal-persunal mill-Istati Membri22 (prinċipalment esperti fil-qasam tal-asil u interpreti), kif ukoll membri tal-persunal kuntrattwali, biex jissodisfa l-funzjoni ewlenija sensittiva tiegħu li jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri. Ostaklu wieħed maġġuri għall-effiċjenza operazzjonali huwa l-perjodu qasir ħafna ta’ skjerament (bejn sitta u tmien ġimgħat) tal-esperti tal-Istati Membri. Fl-2018, l-EASO mmaniġġja 2 operazzjonijiet maġġuri ta’ appoġġ (fil-Greċja u fl-Italja) li kienu jinvolvu 478 espert mill-Istati Membri u mill-pajjiżi assoċjati, kif ukoll 464 membru tal-persunal kuntrattwali.

B’reazzjoni għaż-żieda mhux mistennija fil-flussi migratorji fl-2015, il-Kummissjoni ppreżentat proposta biex jiġu emendati r-regolamenti relatati mal-EASO u mal-Frontex sabiex jiżdied u jiġi kkoordinat aħjar l-appoġġ disponibbli lill-Istati Membri li huma l-aktar esposti. Il-pakkett leġiżlattiv għall-Frontex ġie adottat f’inqas minn sena (u t-tieni pakkett, li għal darb’oħra jespandi r-responsabbiltajiet tal-Frontex, ġie adottat fl-2019), iżda għad ma hemmx qbil dwar il-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi stabbilita awtorità kompetenti fil-qasam tal-asil tal-UE.

73

F’xi oqsma, il-korpi tal-Istati Membri jkomplu joperaw b’mod parallel. Pereżempju, biex jipproteġu trademark jew disinn, il-kumpaniji jistgħu jagħżlu li japplikaw jew ma’ uffiċċji nazzjonali (għal protezzjoni nazzjonali biss) jew inkella mal-EUIPO (għal protezzjoni fl-UE kollha). Fil-qasam tas-saħħa, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jwettqu l-valutazzjonijiet tar-riskju proprji tagħhom f’oqsma fejn l-aġenziji joperaw (l-ECDC għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard, l-EFSA għas-sikurezza tal-ikel), mingħajr l-ebda obbligu li jikkoordinaw il-ħidma tagħhom mal-aġenziji. Ġiet adottata leġiżlazzjoni biex dan ir-riskju jiġi mmitigat permezz ta’ mekkaniżmi ta’ skambju ta’ informazzjoni.

74

Meta, fil-Kunsill tal-UE, l-Istati Membri jkollhom diskussjonijiet li jinvolvu l-kompetenzi tal-aġenziji, l-aġenziji nfushom ġeneralment ma jipparteċipawx iżda jiġu rrappreżentati mill-Kummissjoni.

Potenzjal għal kooperazzjoni aktar mill-qrib fost l-aġenziji fl-istess qasam ta’ politika

75

Bosta aġenziji huma attivi fl-istess qasam ta’ politika. Aħna identifikajna xi trikkib fost il-mandati u/jew l-attivitajiet tal-aġenziji li ġejjin:

  • l-EIGE u l-FRA (it-tnejn li huma attivi fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa);
  • l-EASO u l-Frontex (it-tnejn li huma jipprovdu medjaturi kulturali biex jappoġġaw lill-Istati Membri li jiffaċċjaw influssi kbar ta’ migranti);
  • l-aġenziji taħt il-mandat tad-DĠ EMPL (is-Cedefop, l-Eurofound, l-EU-OSHA u l-ELA).
76

Il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji hija waħda partikolarment mill-qrib fil-qasam tal-migrazzjoni. L-EASO, il-Frontex, l-Europol u l-FRA jaħdmu flimkien fil-“hotspots” fl-Italja u fil-Greċja. Fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (ĠAI), jiġu organizzati laqgħat regolari bejn disa’ aġenziji (is-CEPOL, l-EASO, il-Frontex, l-EIGE, l-EMCDDA, l-eu-LISA, l-Eurojust, l-Europol u l-FRA) u ż-żewġ DĠ sħab tagħhom (HOME u JUST) fil-qafas tan-Network tal-Aġenziji tal-ĠAI. Żewġ aġenziji oħra, l-EFCA u l-EMSA, jikkooperaw mal-Frontex fuq kwistjonijiet ta’ gwardja tal-kosta. Id-DĠ SANTE ilu jorganizza laqgħat regolari bejn l-aġenziji mill-2019. Kif previst fir-regolamenti fundaturi tagħhom, l-EBA, l-EIOPA u l-ESMA jaħdmu flimkien fi ħdan il-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej. F’oqsma oħra, il-kooperazzjoni hija aktar ad hoc.

77

Spiss, il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tiġi fformalizzata f’“arranġament ta’ ħidma” bilaterali jew “memorandum ta’ qbil” (ara l-Kaxxa 13). Din tista’ tiġi ffaċilitata wkoll bil-preżenza ta’ rappreżentanti ta’ aġenziji oħra (spiss bħala osservaturi) fuq il-bord tat-tmexxija. Pereżempju, it-tliet awtoritajiet superviżorji Ewropej għandhom siġġu fuq il-bordijiet tat-tmexxija ta’ xulxin – għalkemm mhux dejjem jattendu. L-EUIPO u s-CPVO huma rrappreżentati wkoll fuq il-bordijiet ta' xulxin bħala osservaturi. Iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni kkonkluda arranġament mal-aġenziji tal-UE, l-impriżi konġunti u l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, li kollha huma intitolati li jkunu rrappreżentati fuq il-Bord tat-Tmexxija tiegħu.

Kaxxa 13

L-ECHA u l-EFSA – xogħol simili, iżda mhux biżżejjed kooperazzjoni

Ħafna drabi, l-ECHA u l-EFSA jittrattaw l-istess sustanzi, iżda ftit hemm skambju ta’ informazzjoni bejn iż-żewġ aġenziji. Is-sistemi użati mill-kumpaniji biex jirreġistraw is-sustanzi kimiċi mal-ECHA u biex jippreżentaw l-informazzjoni b’mod elettroniku mhumiex marbuta jew konnessi mas-sistemi tal-EFSA.

Fl-EFSA, il-proċeduri għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet u l-informazzjoni meħtieġa jvarjaw ħafna. F'kull qasam hemm regoli speċifiċi għat-tfassil ta' applikazzjonijiet. L-EFSA żviluppat dokumenti ta’ gwida biex tgħin fl-applikazzjonijiet, iżda ftit li xejn hemm kooperazzjoni mal-ECHA f’dan ir-rigward.

Fl-2017, iż-żewġ aġenziji ffirmaw memorandum ta’ qbil ġdid (li ssostitwixxa dak preċedenti, mill-2009) dwar kooperazzjoni aktar mill-qrib bejniethom.

78

L-aġenziji jikkooperaw ukoll mill-qrib permezz tan-Network tal-Aġenziji tal-UE (EUAN), li ġie stabbilit biex iżid il-viżibbiltà tagħhom, u biex jidentifika u jippromwovi kisbiet possibbli fl-effiċjenza. Jintlaħaq qbil mill-aġenziji dwar il-prijoritajiet tiegħu fil-forma ta’ strateġija ta’ ħames snin u programmi ta’ ħidma annwali. Rwol wieħed importanti tal-EUAN huwa li tiġi żgurata komunikazzjoni effiċjenti bejn l-aġenziji u l-partijiet ikkonċernati tagħhom, prinċipalment l-istituzzjonijiet tal-UE. Disa’ subnetworks jagħtu għamla lill-azzjoni u l-interazzjoni tal-membri tiegħu u jirriżultaw f’riżultati tanġibbli li huma ta’ benefiċċju għall-UE u għaċ-ċittadini tagħha. Madankollu, l-EUAN ma għandu l-ebda setgħa eżekuttiva, mhux l-aġenziji kollha jipparteċipaw fis-subnetworks kollha, u l-kooperazzjoni tiffoka prinċipalment fuq kwistjonijiet amministrattivi aktar milli fuq dawk operazzjonali.

79

Aġenzija waħda, iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (CdT), għandha l-kooperazzjoni fost l-aġenziji bħala l-iskop ewlieni tagħha. Madankollu, mhux l-aġenziji kollha huma obbligati mir-regolamenti fundaturi tagħhom li jagħmlu użu mis-servizzi tas-CdT. Hemm ukoll xi konfużjoni fir-rigward tat-tip ta’ servizzi li għalihom l-aġenziji l-oħra jridu, jew jistgħu, jirrikorru għas-CdT. Aġenzija waħda saħansitra żviluppat is-sistema proprja tagħha biex tittratta kwistjonijiet lingwistiċi internament (memorji ta’ traduzzjoni), filwaqt li oħrajn jistgħu jużaw fornituri ta' traduzzjoni esterni privati. Fir-Rapport Annwali 2017 tagħna dwar l-aġenziji, aħna tajna l-fehma tagħna li l-kapaċità tas-CdT mhux qed tintuża bis-sħiħ, li hemm duplikazzjoni fl-iżvilupp tas-sistemi u fl-ispejjeż operazzjonali u li l-mudell kummerċjali tas-CdT u l-kontinwità ta' dan tal-aħħar setgħu kienu f’riskju.

Xi aġenziji jiddependu mill-kooperazzjoni min-naħa tal-operaturi tal-industrija

80

Xi aġenziji jiddependu wkoll mill-kooperazzjoni min-naħa tal-operaturi tal-industrija li huma suppost jirregolaw. Pereżempju, il-kompitu ta’ reġistrazzjoni tas-sustanzi kimiċi tal-ECHA jserraħ fuq sottomissjonijiet mill-operaturi tal-industrija (ara l-Kaxxa 14). Il-qafas regolatorju jipprovdi biss inċentivi limitati biex jiġi żgurat li l-informazzjoni pprovduta tkun affidabbli u aġġornata regolarment.

Kaxxa 14

L-esperjenza tal-ECHA turi d-dgħufijiet ta’ sistema bbażata fuq sottomissjonijiet mill-operaturi tal-industrija

  • L-ECHA hija responsabbli mir-reġistrazzjoni jew l-awtorizzazzjoni obbligatorji ta’ sustanzi kimiċi fl-UE, abbażi ta’ sottomissjonijiet mill-operaturi tal-industrija23. Wara li l-persunal tal-ECHA jkun għamel kontrolli formali tal-kompletezza tal-informazzjoni pprovduta f’awtodikjarazzjoni, il-kumpanija tirċievi numru ta’ reġistrazzjoni tar-REACH li jippermettilha tikkummerċjalizza s-sustanzi kimiċi tagħha. Hija tista’ żżomm dan in-numru ta’ reġistrazzjoni anke jekk sussegwentement jintwera li tkun ipprovdiet informazzjoni skorretta jew mhux kompleta. Dan l-arranġament inaqqas l-inċentiv tal-kumpanija biex tipprovdi aġġornamenti jew informazzjoni addizzjonali. Studju reċenti24 wera li mill-inqas 30 % tar-reġistrazzjonijiet kollha jistgħu ma jkunux konformi.
  • Dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni tar-REACH iddikjara li n-nuqqas ta’ konformità tal-kumpaniji mal-obbligi ta’ reġistrazzjoni tagħhom qed ifixkel l-identifikazzjoni ta’ sustanzi ta’ tħassib u l-kapaċità li tirriżulta tal-awtoritajiet biex jipproteġu lill-pubbliku u lill-ambjent. L-ECHA u l-Kummissjoni adottaw pjan ta’ azzjoni konġunt biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ konformità fil-fajls ta’ reġistrazzjoni. Il-kontrolli fuq il-kontenut se jiġu intensifikati u l-fokus se jitqiegħed fuq l-analiżi tas-sustanzi.

L-isforzi min-naħa tal-aġenziji għal sensibilizzazzjoni fil-livell internazzjonali għadhom limitati

81

Skont it-Trattat, l-aġenziji ma jistgħux jidħlu fi ftehimiet internazzjonali li jorbtu lill-UE (l-Artikolu 218 tat-TFUE). Madankollu, huma jistgħu jidħlu fi ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ kontropartijiet internazzjonali meta (1) dan ikun previst b’mod espliċitu fl-att ta’ stabbiliment tagħhom, (2) il-ftehim ta’ kooperazzjoni ma joħloqx obbligi vinkolanti u (3) ikollhom (de facto jew de jure) l-approvazzjoni tad-DĠ sħab tagħhom25.

82

Minħabba n-natura tal-attivitajiet tagħhom, ħafna aġenziji jeħtieġ li jinteraġixxu mas-sħab internazzjonali, u l-attivitajiet tagħhom għandhom riperkussjonijiet internazzjonali. Ħafna aġenziji għandhom ukoll kontropartijiet f’pajjiżi terzi, bi rwoli simili. Il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, tistabbilixxi "arranġamenti ta' ħidma" mal-aġenziji biex jorganizzaw ir-relazzjonijiet tagħhom ma' korpi jew pajjiżi terzi.

83

L-aġenziji li jaħdmu fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (b’mod partikolari l-Europol, l-Eurojust u l-Frontex) huma integrati bis-sħiħ fid-dimensjoni esterna tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (AFSJ) u huma fost l-aġenziji l-aktar attivi fil-livell internazzjonali, anke minħabba li kkonkludew sensiela ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi. Bħala eżempji għal oqsma oħra ta' politika, l-EFSA u l-EMA stabbilew rwol internazzjonali importanti. L-opinjonijiet tagħhom huma kruċjali għas-sikurezza tas-saħħa kemm fl-UE kif ukoll barra minnha. Fis-settur tal-avjazzjoni, l-EASA hija attiva regolarment f'dan il-qasam. Madankollu, ma hemm l-ebda evidenza li, b'mod ġenerali, il-potenzjal tal-aġenziji biex jappoġġaw il-Kummissjoni fil-livell internazzjonali, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda kwistjonijiet tekniċi u l-iskambju ta' informazzjoni, jiġi sfruttat bis-sħiħ.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

84

Aħna nikkonkludu li l-aġenziji qed ikollhom rwol dejjem aktar importanti fit-twassil tal-politiki tal-UE u li l-kundizzjonijiet stabbiliti kienu jappoġġaw il-prestazzjoni tal-istess politiki. Minkejja dan, filwaqt li nirrikonoxxu r-responsabbiltà tal-leġiżlatur, aħna nqisu li ma hemmx flessibbiltà suffiċjenti fl-istabbiliment u fl-operat tal-aġenziji u li l-potenzjal għalihom biex jikkooperaw għal objettivi ta’ politika komuni fl-interess taċ-ċittadini jkun jista’ jiġi sfruttat aktar.

85

Il-flessibbiltà tal-aġenziji biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' politika li qed jinbidlu hija riflessa fiċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom: il-ħolqien, l-evoluzzjoni u l-istralċ potenzjali tagħhom. Aħna nosservaw li meta l-Kummissjoni tipproponi t-twaqqif ta' aġenzija ġdida, hija mhux dejjem tqis b’mod ċar l-alternattivi, inkluża l-għażla li l-Kummissjoni twettaq il-kompiti previsti, l-għażla ta’ kooperazzjoni intergovernattiva jew l-għażla li tiġi aġġustata l-missjoni ta’ aġenzija eżistenti tal-UE. Ladarba aġenzija tkun operazzjonali, il-koerenza tagħha fil-konfront tal-aġenziji l-oħra u d-DĠ sħab, b’mod partikolari fl-istess qasam ta’ politika, ma tiġix ivvalutata b’mod suffiċjenti, matul iż-żmien, biex tippermetti li jsiru aġġustamenti (il-paragrafi 16-32).

Rakkomandazzjoni 1 – Jiġi żgurat li fit-twaqqif tal-aġenziji jkun hemm rilevanza, koerenza u flessibbiltà

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. iżżid l-użu ta' evalwazzjonijiet trażversali tal-aġenziji fil-kuntest tal-kontrolli tal-idoneità mwettqa mill-Kummissjoni tal-oqsma ta' politika differenti. Jenħtieġ li r-riżultati tal-evalwazzjonijiet jintużaw biex jiġu identifikati sinerġiji u bidliet possibbli, inklużi fużjonijiet, u, fejn ikun xieraq, biex jitħejjew proposti leġiżlattivi b'rispons għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu;
  2. tħejji kwalunkwe proposta għal aġenziji ġodda f'konformità mal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar, inklużi l-konsultazzjonijiet previsti fiha. Jenħtieġ li l-Kummissjoni turi r-rilevanza u l-koerenza ta' korpi ġodda proposti fil-konfront ta’ korpi eżistenti, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni kwalunkwe riżerva espressa mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju.

Data mmirata għar-Rakkomandazzjoni 1(a): sal-2024, sabiex tikkontribwixxi għall-proposti leġiżlattivi li jmiss għall-QFP għal wara l-2027.

Data mmirata għar-Rakkomandazzjoni 1(b): għal kwalunkwe proposta ġdida minn Settembru 2020 'il quddiem.

86

Barra minn hekk, il-flessibbiltà timplika li l-aġenziji jirċievu riżorsi adegwati skont il-ħtiġijiet tagħhom li qed jinbidlu. Aħna nosservaw li l-aġenziji jbatu speċjalment minn flessibbiltà limitata f'dak li jirrigwarda r-riżorsi, parzjalment minħabba li ċ-ċiklu ta’ ppjanar tagħhom huwa strettament marbut mal-proċeduri baġitarji tal-UE. Tradizzjonalment, l-aġenziji kienu qed jippjanaw ir-riżorsi tagħhom b’mod inkrementali, abbażi ta' snin preċedenti, anke meta l-ambjent u l-politika jirrikjedu rieżaminar aktar bir-reqqa ta’ ċerti attivitajiet (il-paragrafi 33-43).

Rakkomandazzjoni 2 – Ir-riżorsi lill-aġenziji jiġu allokati b’mod aktar flessibbli

Jenħtieġ li l-aġenziji:

  1. jiġġustifikaw b'aktar reqqa il-ħtieġa tagħhom għar-riżorsi qabel kull perjodu ġdid tal-QFP, filwaqt li jagħmlu użu effettiv mid-dokumenti uniċi ta' programmazzjoni tagħhom u jieħdu kont tas-sinerġiji possibbli u l-ekonomiji ta’ skala.
  2. Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  3. qabel kull perjodu tal-QFP, tivvaluta u tqabbel it-talbiet għal riżorsi mill-aġenziji kollha, u tipproponi li talloka r-riżorsi (żieda, tnaqqis u/jew riallokazzjoni) lill-aġenziji billi tiffoka fuq il-prijoritajiet u l-ħtiġijiet l-aktar urġenti;
  4. b'mod f'waqtu tirrieżamina t-talbiet tal-aġenziji biex jallinjaw ir-riżorsi mal-ħtiġijiet li jkunu qed jevolvu, biex ikun hemm aktar flessibbiltà fl-ippjanar baġitarju.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: sal-2024.

87

L-aġenziji tal-UE għandhom rwol importanti biex jgħaqqdu flimkien interessi differenti mill-Istati Membri bil-għan li jilħqu soluzzjonijiet ta’ politika komuni għall-UE. Madankollu, id-daqs tal-bordijiet tat-tmexxija tagħhom u d-diskrepanzi fil-fehim tar-rwol tal-membri fil-bordijiet tat-tmexxija jistgħu jfixklu t-teħid effiċjenti ta’ deċiżjonijiet (il-paragrafi 44-49).

88

L-informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-aġenziji, fil-prattika, ma kinitx marbuta suffiċjentement mal-kontribut tagħhom għall-politika, u b’hekk huwa diffiċli li dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jinżammu taħt obbligu ta' rendikont. Ir-Regolament Finanzjarju Qafas il-ġdid jintroduċi din ir-rabta, iżda l-impatt għad irid jiġi ddeterminat (il-paragrafi 50-53). B’mod ġenerali, iċ-ċittadini jirċievu ftit li xejn informazzjoni dwar il-benefiċċji li jirriżultaw mill-aġenziji (il-paragrafi 54-64).

Rakkomandazzjoni 3 – Isir titjib fil-governanza u r-rappurtar f'dak li jirrigwarda l-prestazzjoni

Jenħtieġ li l-aġenziji:

  1. itejbu l-mod kif jirrappurtaw dwar il-prestazzjoni fil-prattika billi jorbtu b’mod aktar ċar il-prestazzjoni tagħhom mal-kontribut li huma jagħtu għall-politiki tal-UE.
  2. Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  3. timmonitorja l-implimentazzjoni tal-linji gwida riveduti tagħha (C (2020)2297) relatati mal-informazzjoni dwar il-prestazzjoni li għandhom jiġu pprovduti mill-aġenziji għall-iskrutinju estern mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u miċ-ċittadini tal-UE, u b'hekk il-fokus jiġi ttrasferit minn fuq ir-rappurtar dwar l-output u l-attivitajiet għal fuq il-kontributi li jsiru għall-politiki tal-UE;
  4. tipproponi li l-leġiżlatur jirrieżamina d-daqs tal-bordijiet tat-tmexxija, fejn meħtieġ, biex isir titjib fl-effiċjenza tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet.

Data mmirata għar-Rakkomandazzjonijiet 3(a) u (b): mill-2021 'il quddiem.

Data mmirata għar-Rakkomandazzjoni 3(c): minn Settembru 2020 'il quddiem għall-proposti l-ġodda.

89

L-aġenziji tal-UE għandhom funzjoni ta’ network biex jikkondividu l-kompetenzi u jibnu kooperazzjoni mas-sħab nazzjonali, Ewropej u internazzjonali. Madankollu, l-aġenziji għadhom ma esplorawx il-possibilitajiet kollha biex jiksbu sinerġiji u ekonomiji ta’ skala fejn għandhom attivitajiet simili (il-paragrafi 76-80). Barra minn hekk, l-aġenziji jiddependu mill-appoġġ meħtieġ li jingħata mill-Istati Membri (il-paragrafi 72-75). Barra minn hekk, xi aġenziji joperaw f’oqsma ta’ politika li jkollhom dimensjoni internazzjonali qawwija, iżda xi drabi jkollhom nuqqas ta' appoġġ mill-Kummissjoni biex jikkondividu l-kompetenzi mas-sħab terzi, b’mod aktar flessibbli (il-paragrafi 81-83).

Rakkomandazzjoni 4 – Jissaħħaħ ir-rwol tal-aġenziji biex jaġixxu bħala ċentri għall-kondiviżjoni tal-kompetenzi u n-networking

Jenħtieġ li l-aġenziji:

  1. jikkooperaw aktar mill-qrib ma’ xulxin biex jidentifikaw prattiki tajba dwar il-prestazzjoni, is-sinerġiji u l-ekonomiji ta’ skala, b’mod partikolari fl-oqsma ta' politika komuni.
  2. Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  3. timmonitorja biex tara li l-Istati Membri jwasslu l-impenji ġuridiċi u politiċi tagħhom biex l-aġenziji tal-UE jingħataw l-informazzjoni, l-esperti u l-appoġġ meħtieġa għall-infurzar tad-deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-aġenziji; u fejn dawn l-impenji ma jkunux koperti b'mod suffiċjenti mill-qafas ġuridiku, jipproponu li l-leġiżlatur jiddefinixxi b’mod ċar l-obbligi tal-Istati Membri;
  4. tiżgura li l-kompetenza teknika u potenzjal ieħor tal-aġenziji jintużaw konsistentement biex jappoġġaw it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-politiki, anke f'livell internazzjonali u ma' sħab terzi.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: mill-2021 ’il quddiem.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Alex Brenninkmeijer, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fit-28 ta’ Lulju 2020.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
Il-President

Annessi

Anness I – Lista ta’ aġenziji u korpi oħra tal-UE li huma koperti minn dan ir-rapport

Akronimu Isem sħiħ Sede
ACER L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija Ljubljana, is-Slovenja
CdT Iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea Il-Belt tal-Lussemburgu, il-Lussemburgu
Cedefop Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali Tessaloniki, il-Greċja
CEPOL L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi Budapest, l-Ungerija
CPVO L-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti Angers, Franza
EASA L-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni Cologne, il-Ġermanja
EASO L-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil Il-Belt Valletta, Malta
EBA L-Awtorità Bankarja Ewropea Pariġi, Franza
ECDC Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard Stokkolma, l-Iżvezja
ECHA L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi Helsinki, il-Finlandja
EEA L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent Copenhagen,
id-Danimarka
EFCA L-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd Vigo, Spanja
EFSA L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel Parma, l-Italja
EIGE L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi Vilnius, il-Litwanja
EIOPA L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol Frankfurt, il-Ġermanja
EIT L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija Budapest, l-Ungerija
ELA L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol Bratislava, is-Slovakkja
EMA L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini Amsterdam,
in-Netherlands
EMCDDA Iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga Lisbona, il-Portugall
EMSA L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima Lisbona, il-Portugall
ENISA L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà Ateni u Heraklion,
il-Greċja
ERA L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji Valenciennes, Franza
ESA L-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom Il-Belt tal-Lussemburgu, il-Lussemburgu
ESMA L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq Pariġi, Franza
ETF Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ Turin, l-Italja
EUIPO L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea Alicante, Spanja
eu-LISA L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-tmexxija operattiva ta' sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja Tallinn, l-Estonja, Strasburgu, Franza u Sankt Johann im Pongau, l-Awstrija
EU-OSHA L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol Bilbao, Spanja
Eurofound Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol Dublin, l-Irlanda
Eurojust L-Unità ta’ Kooperazzjoni Ġudizzjarja tal-Unjoni Ewropea The Hague,
in-Netherlands
Europol L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi The Hague,
in-Netherlands
FRA L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali Vjenna, l-Awstrija
Frontex L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta Varsavja, il-Polonja
GSA L-Aġenzija tal-GNSS Ewropea (Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita) Praga,
ir-Repubblika Ċeka
L-Uffiċċju BEREC L-Aġenzija għall-Appoġġ tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi Riga, il-Latvja
SRB Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni Brussell, il-Belġju
UPPE L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew Il-Lussemburgu

Anness II – Lista ta’ DĠ sħab tal-aġenziji u korpi oħra tal-UE fi ħdan il-Kummissjoni

Isem sħiħ Aġenziji
CNECT Networks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija L-Uffiċċju BEREC, ENISA
DEFIS Industrija tad-Difiża u l-Ispazju GSA (mill-1 ta' Jannar 2020)
DGT Traduzzjoni CdT
EAC Edukazzjoni, Żgħażagħ, Sport u Kultura EIT
EMPL Impjiegi, Affarijiet Soċjali u Inklużjoni Cedefop, ELA, ETF, EU-OHSA, Eurofound
ENER Enerġija ACER
ENV Ambjent EEA, ECHA
FISMA Stabilità Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali EBA, EIOPA, ESMA, SRB
GROW Suq Intern, Industrija, Intraprenditorija u SMEs ECHA, EUIPO, GSA (sal-31 ta' Diċembru 2019)
HOME Migrazzjoni u Affarijiet Interni CEPOL, EASO, Frontex, EMCDDA,
eu-LISA, Europol
JUST Ġustizzja u Konsumaturi EIGE, Eurojust, FRA
MARE Affarijiet Marittimi u Sajd EFCA
MOVE Mobbiltà u Trasport EASA, EMSA, ERA
SANTE Saħħa u Sikurezza Alimentari CPVO, ECDC, EFSA, EMA, ECHA (bijoċidi biss)

Anness III – Data u riżultati ewlenin tal-istħarriġ rigward il-partijiet ikkonċernati

Aħna tlabna 34 aġenzija biex jipprovdulna lista tal-partijiet ikkonċernati u għamilna għażla rappreżentattiva li tinkludi l-kategoriji prinċipali tal-partijiet ikkonċernati (korpi pubbliċi nazzjonali, operaturi tal-industrija, l-istituzzjonijiet tal-UE, NGOs, akkademiċi, eċċ.). Aħna stedinna 2 500 parti kkonċernata biex jipparteċipaw fl-istħarriġ u rċevejna madwar 1 000 risposta (rata ta’ rispons ta’ 40 %). Kważi nofs ir-rispondenti kienu membri tal-bordijiet tat-tmexxija.

Tabella 1

Riżultati kumplessivi tal-istħarriġ rigward il-partijiet ikkonċernati

  Valutazzjoni pożittiva ħafna Valutazzjoni pożittiva Valutazzjoni negattiva Valutazzjoni negattiva ħafna L-ebda opinjoni
1. Il-kompożizzjoni tal-bord tat-tmexxija hija adegwata 25 % 51 % 8 % 1 % 14 %
2. L-Aġenzija tinvolvi lill-partijiet ikkonċernati u lill-esperti b'mod effettiv 30 % 59 % 6 % 1 % 4 %
3. L-arranġamenti tal-obbligu ta' rendikont huma adatti għall-iskop tagħhom 20 % 56 % 4 % 0 % 19 %
4. L-Aġenzija għandha riżorsi umani suffiċjenti 10 % 37 % 32 % 8 % 13 %
5. L-Aġenzija għandha riżorsi finanzjarji suffiċjenti (baġit) 11 % 33 % 32 % 8 % 16 %
6. L-Aġenzija għandha objettivi SMART 38 % 42 % 7 % 0 % 12 %
7. L-Aġenzija tirrapporta b’mod adegwat dwar il-prestazzjoni tagħha 53 % 36 % 5 % 1 % 5 %
8. Ir-rekwiżiti tal-evalwazzjoni huma adegwati 36 % 40 % 6 % 1 % 17 %
9. Kooperazzjoni mal-Kummissjoni 29 % 41 % 11 % 0 % 19 %
10. Kooperazzjoni ma’ Aġenziji oħra 28 % 36 % 11 % 1 % 24 %
11. Kooperazzjoni ma’ Stati Membri / korpi nazzjonali 34 % 40 % 14 % 0 % 12 %
12. Kooperazzjoni ma’ korpi terzi 28 % 29 % 8 % 2 % 33 %
13. Ir-regolament fundatur tal-Aġenzija huwa adattat għall-iskop tiegħu 23 % 48 % 17 % 2 % 12 %
14. L-Aġenzija laħqet l-objettivi operazzjonali tagħha / twettaq il-missjoni tagħha 24 % 52 % 18 % 1 % 4 %

Sors: il-QEA; id-daqs tal-kampjun = 1 000 risposta mingħand partijiet ikkonċernati ta’ 34 aġenzija u ta' korpi oħra.

Parteċipazzjoni fl-istħarriġ

Ir-riżultati l-aktar rilevanti tal-istħarriġ

Sors: stħarriġ li twettaq mill-QEA dwar il-partijiet ikkonċernati; id-daqs tal-kampjun = 1 000 risposta mingħand partijiet ikkonċernati ta’ 35 aġenzija u ta' korpi oħra.

Anness IV – Distribuzzjoni tal-aħbarijiet identifikata f’analiżi bl-użu ta’ big data

Il-Monitoraġġ Ewropew tal-Media (EMM) hija sistema kompletament awtomatika mħaddma miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni Ewropea biex tiġi analizzata midja online li tkun aċċessibbli għall-pubbliku. Din tiġbor u taggrega madwar 300 000 artiklu tal-aħbarijiet kuljum minn għażla ta' portali tal-aħbarijiet mad-dinja kollha, miktubin b'70 lingwa. F’kooperazzjoni mal-JRC, aħna analizzajna aktar id-data aggregata fl-EMM26 għal informazzjoni dwar il-frekwenza, id-distribuzzjoni ġeografika u l-istruttura tal-ħin tal-artikli tal-aħbarijiet relatati mal-aġenziji kollha, kif ukoll dwar in-network ta’ relazzjonijiet fost l-aġenziji u entitajiet oħra tal-UE u dawk nazzjonali. Din kienet l-ewwel darba li l-QEA applikat it-tekniki ta' big data għall-analiżi ta' data eżoġena mhux strutturata li tkun ġejja minn sorsi li ma jinkludux dokumenti uffiċjali tal-UE u bażijiet tad-data, bħala evidenza supplimentari f'awditu tal-prestazzjoni.

Figura 1

Distribuzzjoni ġeografika tal-artikli tal-aħbarijiet

Sors: informazzjoni kkompilata mill-QEA, abbażi ta’ data aggregata mis-sistema EMM, minn Jannar 2018 sa Lulju 2019.

Figura 2

L-20 lingwa l-aktar użati fl-artikli tal-aħbarijiet

Sors: informazzjoni kkompilata mill-QEA, abbażi ta’ data aggregata mis-sistema EMM, minn Jannar 2018 sa Lulju 2019.

Figura 3

Distribuzzjoni kull ġimgħa tal-aħbarijiet relatati mal-EMA

Sors: informazzjoni kkompilata mill-QEA, abbażi ta’ data aggregata mis-sistema EMM, minn Jannar 2018 sa Lulju 2019.

Figura 4

Distribuzzjoni kull ġimgħa tal-aħbarijiet relatati mal-EASA

Sors: informazzjoni kkompilata mill-QEA, abbażi ta’ data aggregata mis-sistema EMM, minn Jannar 2018 sa Lulju 2019.

Anness V – Il-qafas regolatorju għall-aġenziji federali fl-Istati Uniti u fl-Awstralja

L-Istati Uniti

  • Regolamentazzjoni komuni għall-aġenziji kollha. Hemm (1) regolament qafas: l-Att dwar il-Prestazzjoni u r-Riżultati tal-Gvern (Government Performance and Results Act, GPRA) tal-1993 u l-aħħar Att dwar il-Modernizzazzjoni tal-GPRA (GPRA Modernization Act) tal-2010, u (2) aġġornati kull sena sa Ġunju: iċ-Ċirkolari Nru A-11. Tħejjija, Preżentazzjoni u Eżekuzzjoni tal-Baġit (Preparation, Submission and Execution of the Budget). Il-Parti 6. Qafas Federali għall-Prestazzjoni: Ippjanar Strateġiku, Pjanijiet u Rapporti Annwali dwar il-Prestazzjoni (Federal Performance Framework: Strategic Planning, Annual Performance Plans and Reports).
  • L-aġenziji jridu jirrappurtaw dwar tliet miri/objettivi differenti: (1) miri ta’ prijorità fost l-aġenziji li jkunu miri ta' terminu twil u jirrikjedu koordinazzjoni bejn l-aġenziji, (2) miri ta’ prijorità tal-aġenzija, jiġifieri erba' jew ħames miri li għandhom jintlaħqu matul is-sentejn li jmiss, u (3) objettivi strateġiċi, jiġifieri objettivi, eżiti u impatti ta' terminu twil.
  • Tliet elementi ta’ rappurtar abbażi tal-GPRA: (1) pjanijiet strateġiċi ta’ ħames snin li jrid ikun fihom stqarrija tal-missjoni għall-aġenzija kif ukoll miri ta' terminu twil li jkunu orjentati lejn ir-riżultati, (2) pjanijiet annwali tal-prestazzjoni li jistabbilixxu l-miri tal-prestazzjoni għas-sena fiskali u jiddeskrivu kif dawn il-miri għandhom jintlaħqu u kif jistgħu jiġu vverifikati, u (3) rapporti annwali tal-prestazzjoni li jirrieżaminaw is-suċċess jew il-falliment tal-aġenzija fl-ilħuq tal-miri tal-prestazzjoni tagħha (ir-riżultati jiġu indikati skont il-programm).
  • Fir-rigward tal-informazzjoni dwar il-prestazzjoni, il-proċedura ta’ kwittanza mill-Kungress hija bbażata fuq: (1) ir-rapport annwali ppreżentat mill-Uffiċċju tal-Obbligu ta' Rendikont tal-Gvern (Government Accountability Office, GAO); (2)  ir-rapport annwali ppreżentat mill-Uffiċċju tal-Ġestjoni u l-Baġit (Office of Management and Budget, OMB)27 lis-Senat, il-Kamra tar-Rappreżentanti u l-GAO. Dan ir-rapport jiddetermina jekk il-programmi jew l-attivitajiet tal-aġenzija jissodisfawx il-miri u l-objettivi ta’ prestazzjoni, u jidentifika l-miri li ma ġewx issodisfati (imbagħad, jitfassal pjan ta’ azzjoni biex jiġu kkoreġuti d-devjazzjonijiet); u (3) il-konsolidazzjoni, mill-aġenzija, tal-pjan annwali tal-prestazzjoni u tar-rapport annwali tal-prestazzjoni bħala parti mill-proċedura ta' Ġustifikazzjoni tal-Baġit ppreżentata lill-Kungress (Congressional Budget Justification).

L-Awstralja

  • Regolamentazzjoni komuni għall-aġenziji kollha: l-Att tal-2013 dwar il-Governanza, il-Prestazzjoni u l-Obbligu ta’ Rendikont tas-Settur Pubbliku (Public Governance, Performance and Accountability Act 2013, PGPA Act), il-Kapitolu 2. Entitajiet tal-Commonwealth u l-Commonwealth, il-Partijiet 2-3. Ippjanar, prestazzjoni u obbligu ta' rendikont, id-Diviżjoni 3. Prestazzjoni tal-entitajiet tal-Commonwealth.
  • Spjegazzjoni u rappurtar tad-differenzi fl-ilħuq tal-objettivi. L-awtorità responsabbli trid: (1) tiżgura li jinżammu rekords li jirreġistraw u jispjegaw b'mod xieraq il-prestazzjoni tal-entità fl-ilħuq tal-iskopijiet tagħha; (2) tkejjel u tivvaluta l-prestazzjoni tal-entità; (3) tħejji d-dikjarazzjonijiet annwali dwar il-prestazzjoni għall-entità, hekk kif ikun prattikabbli, wara t-tmiem ta’ kull perjodu ta’ rappurtar għall-entità; u (4) tinkludi d-dikjarazzjonijiet annwali dwar il-prestazzjoni fir-rapport annwali li jitressaq fil-Parlament.
  • Awditjar tad-dikjarazzjonijiet dwar il-prestazzjoni. L-Awditur Ġenerali għandu l-possibbiltà li jeżamina u jirrapporta rigward id-dikjarazzjonijiet annwali dwar il-prestazzjoni tal-entità. Ir-rapport irid jiġi ppreżentat lill-Parlament għad-diskussjoni.

Anness VI – Ibbaġitjar/spejjeż/ġestjoni bbażat(a/i) fuq l-attività

Ibbaġitjar ibbażat fuq l-attività (ABB) jfisser l-organizzazzjoni tal-approprjazzjonijiet tal-baġit u tar-riżorsi skont l-iskop, biex b'hekk kulħadd ikun jista' jara liema politiki jiġu segwiti u, fi ħdanhom, liema attivitajiet jiffurmaw dawn il-politiki, kemm jintefqu flus fuq kull waħda minnhom, u kemm jaħdmu nies fuqhom (il-Glossarju dwar il-Baġit tal-UE tal-Kummissjoni Ewropea).

Il-metodu tal-ispejjeż ibbażati fuq l-attività (ABC) jfisser id-definizzjoni tal-ispejjeż, il-metodu tal-allokazzjoni tal-ispejjeż u l-allokazzjoni tal-ispejjeż għal attivitajiet differenti. L-ABC hija metodoloġija tal-kontabilizzar tal-ispejjeż li tidentifika l-attivitajiet f’organizzazzjoni u, lill-ispiża ta’ kull attività, tassenja riżorsi għall-prodotti u għas-servizzi kollha, skont il-konsum reali.

Is-sistema ABC timplika l-kalkolu ta' spiża sħiħa, mhux biss skont l-attività iżda wkoll skont is-“servizz speċifiku”. L-aġenziji li huma parzjalment jew kompletament awtofinanzjati jimponu tariffi fuq il-klijenti tagħhom biex jirkupraw l-ispiża tas-servizzi differenti pprovduti.

L-ABB hija l-element baġitarju u l-ABC hija l-element ekonomiku tal-kunċett usa’ ta’ ġestjoni bbażata fuq l-attività (ABM), li hija relatata prinċipalment ma’ attivitajiet operazzjonali. Huwa mistenni li l-ABM tipprovdi lill-aġenziji l-għodod biex jippjanaw, jimmonitorjaw, jirrappurtaw u jevalwaw l-attivitajiet tagħhom. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li l-objettivi, l-indikaturi, l-inputs (f’termini ta’ riżorsi umani u finanzjarji) u l-azzjonijiet ewlenin jiġu ddefiniti, ex ante, biex jiġi stipulat il-mod kif għandhom jinkisbu r-riżultati intenzjonati, kif jista’ jitkejjel il-progress lejn dawn ir-riżultati intenzjonati, u x'riżorsi huma meħtieġa biex dawn ir-riżultati jiġu prodotti (il-Kummissjoni Ewropea, id-Dokument Analitiku Nru 21).

Minbarra l-objettivi, l-attivitajiet u l-indikaturi baġitarji u ta’ output, l-implimentazzjoni tas-sistema ABM tiddependi minn: (a) korrispondenza ċara bejn l-objettivi, l-attivitajiet u l-indikaturi, (b) id-definizzjoni tal-indikaturi tar-riżultati u tal-impatt, u (c) il-monitoraġġ kontinwu tal-valuri reali għall-finijiet tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet.

L-applikazzjoni sistematika tas-sistemi ABB u ABM min-naħa tal-aġenziji biex jippjanaw, jimmonitorjaw u jevalwaw l-attivitajiet hija meħtieġa mill-“Approċċ Komuni” (ara l-paragrafu 40).

Anness VII – Lista tar-rapporti speċjali tal-QEA, fir-rigward tal-aġenziji u korpi oħra, li ġew ippubblikati matul il-perjodu 2017-2019

Nru tal-RS Titlu Aġenziji u korpi oħra
1/2017 Jenħtieġ li jsiru aktar sforzi biex il-potenzjal sħiħ tan-network Natura 2000 jiġi implimentat EEA
5/2017 Il-qgħad fost iż-żgħażagħ – il-politiki tal-UE għamlu differenza? Eurofound
6/2017 Ir-rispons tal-UE għall-kriżi tar-refuġjati: l-approċċ “hotspot” EASO, Europol, Frontex, FRA
8/2017 Il-kontrolli tas-sajd tal-UE: jenħtieġu sforzi addizzjonali EFCA
9/2017 Appoġġ mogħti mill-UE għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fl-Asja t’Isfel/ix-Xlokk tal-Asja Europol, Frontex
12/2017 Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb: titjib fil-kwalità tal-ilma u fl-aċċess għalih fil-Bulgarija, fl-Ungerija u fir-Rumanija, iżda l-ħtiġijiet ta’ investiment għadhom sostanzjali EEA
13/2017 Sistema Ewropea unika tal-ġestjoni tat-traffiku ferrovjarju: l-għażla politika qatt se ssir realtà? ERA, INEA
18/2017 Ajru Uniku Ewropew: il-kultura nbidlet, iżda għad ma hemmx ajru uniku EASA
23/2017 Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni: Bdiet il-ħidma fuq kompitu diffikultuż relatat mal-Unjoni Bankarja, iżda għad hemm ħafna xi jsir SRB
34/2017 Il-Ġlieda kontra l-Ħela tal-Ikel: opportunità għall-UE sabiex ittejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi tal-katina tal-provvista tal-ikel EEA
1/2018 Assistenza Konġunta ta’ Appoġġ għal Proġetti fir-Reġjuni Ewropej (JASPERS) - wasal iż-żmien biex l-assistenza tiġi mmirata aħjar EMSA, Eurofound, EASA
2/2018 L-effiċjenza operazzjonali tal-ġestjoni ta’ kriżijiet bankarji mill-BĊE SRB, EBA, ESMA
5/2018 Enerġija rinnovabbli għal żvilupp rurali sostenibbli: sinerġiji sinifikanti huma possibbli iżda fil-biċċa l-kbira mhumiex qed jiġu realizzati EEA
13/2018 Il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu: il-Kummissjoni indirizzat il-ħtiġijiet tal-Istati Membri, iżda hemm xi nuqqasijiet fil-koordinazzjoni u l-evalwazzjoni Eurojust, Europol
16/2018 Rieżaminar ex post tal-leġiżlazzjoni tal-UE: sistema stabbilita tajjeb, iżda mhux kompleta EEA, EMA
19/2018 Network ferrovjarju Ewropew ta’ veloċità għolja: mhuwiex realtà iżda huwa sistema frammentata u ineffettiva EEA, ERA, INEA
23/2018 It-tniġġis tal-arja: Saħħitna għadha mhix qed tiġi protetta biżżejjed EEA
24/2018 Dimostrar tal-ġbir u l-ħżin tal-karbonju u tas-sorsi innovattivi ta’ enerġija rinnovabbli fuq skala kummerċjali ġewwa l-UE: il-progress intenzjonat ma nkisibx matul dawn l-aħħar għaxar snin EEA
25/2018 Direttiva dwar l-Għargħar: inkiseb progress fil-valutazzjoni tar-riskji, iżda jeħtieġ li jsir titjib fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni EEA
28/2018 Il-maġġoranza tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni integrati f’Orizzont 2020 iffaċilitaw il-ħajja tal-benefiċjarji, iżda għad hemm lok għal titjib REA, EASME, EIT
29/2018 L-EIOPA tat kontribut importanti għas-superviżjoni u l-istabbiltà fis-settur tal-assigurazzjoni, iżda għad fadal xi sfidi sinifikanti EIOPA, EBA, ESMA
33/2018 Il-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni fl-UE: theddida dejjem akbar li tirrikjedi azzjoni addizzjonali EEA
35/2018 Trasparenza fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE mill-NGOs: jeħtieġ li jsiru aktar sforzi EACEA, EASME, ERCEA, REA
1/2019 Il-ġlieda kontra l-frodi fl-infiq tal-UE: jeħtieġ li tittieħed azzjoni UPPE
2/2019 Perikli kimiċi fl-ikel tagħna: il-politika tal-UE dwar is-sikurezza alimentari tipproteġina, iżda jeżistu ċerti diffikultajiet EFSA, EMA
10/2019 Testijiet tal-istress għall-banek fl-UE kollha: inġabar ammont kbir ta’ informazzjoni dwar il-banek, iżda jinħtieġu koordinazzjoni aħjar u fokus akbar fuq ir-riskji EBA
11/2019 Ir-regolamentazzjoni tal-UE għall-modernizzazzjoni tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru pprovdiet valur miżjud – iżda, fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, il-finanzjament ma kienx meħtieġ Eurocontrol, INEA
19/2019 L-INEA: il-benefiċċji twasslu iżda n-nuqqasijiet tal-FNE għad iridu jiġu indirizzati INEA
20/2019 Sistemi ta’ informazzjoni tal-UE li jappoġġaw il-kontroll fil-fruntieri - għodda b’saħħitha, iżda tenħtieġ aktar enfasi fuq data li tkun f’waqtha u kompleta Frontex, CEPOL, eu-LISA
24/2019 L-asil, ir-rilokazzjoni u r-ritorn ta’ migranti: Wasal iż-żmien li tingħata spinta biex jiġu indirizzati d-disparitajiet bejn l-objettivi u r-riżultati EASO, Europol, Frontex

Sors: il-QEA.

Anness VIII – Il-kompożizzjoni tal-baġit tal-aġenziji u korpi oħra tal-UE (2018)

Sors: il-QEA.

Akronimi u abbrevjazzjonijiet

ABB: Ibbaġitjar ibbażat fuq l-attività

ABC: Spejjeż ibbażati fuq l-attività

ABM: Ġestjoni bbażata fuq l-attività

AMIF: Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni

AWP: Programm ta' ħidma annwali

CAAR: Rapport annwali tal-attività kkonsolidat

CONT: Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (il-Parlament Ewropew)

DĠ AMBJENT: Direttorat Ġenerali għall-Ambjent

DĠ CNECT: Direttorat Ġenerali għan-Networks tal-Komunikazzjonijiet, il-Kontenut u t-Teknoloġija

DĠ EAC: Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Kultura

DĠ EMPL: Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni

DĠ ENER: Direttorat Ġenerali għall-Enerġija

DĠ FISMA: Direttorat Ġenerali għall-Istabilità Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali

DĠ GROW: Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs

DĠ HOME: Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni

DĠ JUST: Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi

DĠ MARE: Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd

DĠ MOVE: Direttorat Ġenerali għall-Mobilità u t-Trasport

DĠ SANTE: Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari

DĠT: Direttorat Ġenerali għat-Traduzzjoni

DG DEFIS: Direttorat Ġenerali għall-Industrija tad-Difiża u l-Ispazju

EMM: Monitoraġġ Ewropew tal-Media

ETIAS: Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar

ĠAI: Ġustizzja u Affarijiet Interni

JRC: Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea

KPI: Indikatur ewlieni tal-prestazzjoni

QFP: Qafas finanzjarju pluriennali

REFIT: Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni

REMIT: ir-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija bl-ingrossa

RSB: Bord tal-Iskrutinju Regolatorju

SIS: Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen

SMEs: Intrapriżi żgħar u medji

SPD: Dokument uniku ta’ programmazzjoni

TFUE: Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Glossarju

Approċċ Komuni: Sett ta’ prinċipji gwida, rettifikat mill-UE fl-2012, bil-għan li l-aġenziji deċentralizzati jsiru aktar koerenti, effettivi u responsabbli.

Bord eżekuttiv: Grupp ta’ tmexxija f’aġenzija deċentralizzata li jissorvelja t-tħejjija u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-bord tat-tmexxija.

Bord tat-tmexxija: Korp ta’ governanza integrali ta’ aġenzija deċentralizzata. Huwa għandu rwol superviżorju b’responsabbiltà ġenerali għal kwistjonijiet relatati mal-baġit u l-ippjanar, il-ħatra tad-direttur eżekuttiv u l-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-aġenzija.

Ċentru ta’ kompetenza u networking: Terminu li nużaw biex niddeskrivu r-rwol ta’ aġenzija deċentralizzata f’qasam ta’ politika partikolari, fis-sens li l-aġenzija deċentralizzata tista’ taġixxi bħala ċentru li jippromwovi l-kondiviżjoni ta' kompetenzi, kif ukoll li jgħaqqad flimkien l-interessi mill-Istati Membri biex jilħqu soluzzjonijiet ta’ politika komuni u jsaħħu l-kooperazzjoni ma’ sħab Ewropej u internazzjonali oħra.

Dokument uniku ta’ programmazzjoni: Dokument standard li għandu jitħejja mill-aġenziji deċentralizzati kollha u jiġi rrieżaminat mill-Kummissjoni, li jkun fih kemm ippjanar baġitarju kif ukoll ippjanar operazzjonali għal aġenzija, u b’hekk jikkostitwixxi gwida għax-xogħol tal-aġenzija u l-allokazzjoni tar-riżorsi tagħha.

Evalwazzjoni trażversali: Evalwazzjoni tal-prestazzjoni ta’ bosta aġenziji u DĠ prinċipali li joperaw fl-istess qasam ta’ politika u jwettqu azzjonijiet li jagħtu appoġġ lil xulxin b'mod reċiproku. L-għan huwa li jiġu identifikati sinerġiji u ekonomiji potenzjali ta’ skala, u li jingħelbu r-riskji bħalma huma t-trikkib, il-frammentazzjoni politika, l-isproporzjonalità, u l-"abbuż tal-mandat".

Evalwazzjoni: Deċiżjoni, ibbażata fuq l-evidenza, tal-livell sa fejn intervent eżistenti huwa 1) effettiv, 2) effiċjenti, 3) rilevanti fid-dawl tal-ħtiġijiet attwali, 4) koerenti kemm internament kif ukoll ma’ intervent ieħor tal-UE, u 5) kiseb valur miżjud tal-UE.

Ftehim dwar il-livell ta' servizz: Il-ftehim bejn l-utent aħħari u l-fornitur ta' servizz.

Ftehim ta’ kontribuzzjoni: Ftehim li jiddefinixxi l-attivitajiet fdati mill-Kummissjoni lill-aġenziji għall-implimentazzjoni tal-politiki, ir-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-aġenziji kif ukoll ir-regoli li jeħtieġ li jiġu segwiti.

Klawżola ta' estinzjoni: Dispożizzjoni ġuridika li tistipula ċ-ċirkostanzi li fihom il-kompiti tal-aġenzija jistgħu jiġu tterminati.

Klawżola ta' rieżami: Dispożizzjoni ġuridika li tistipula ċ-ċirkostanzi li fihom jenħtieġ li l-kompiti tal-aġenzija jiġu rrieżaminati u aġġustati.

Koerenza: Il-kompiti tal-aġenzija huma loġikament konsistenti ma' dawk ta’ aġenziji oħra ta' servizzi oħra tal-UE, u għalhekk jagħmel sens li jkunu parti minn amministrazzjoni unifikata u funzjonali tal-UE, li sservi biex jitwettqu objettivi ta’ politika li jkunu identifikabbli b’mod ċar.

Leġiżlatur: Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Network tal-Aġenziji tal-UE: Network ta’ aġenziji deċentralizzati stabbilit mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-Istati Membri biex iwettaq kompiti speċifiċi ta' natura ġuridika, teknika jew xjentifika.

Proċedura ta' kwittanza: Deċiżjoni li tittieħed mill-Parlament Ewropew li, fuq il-bażi ta’ rakkomandazzjoni mill-Kunsill u r-rapport annwali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, tirrilaxxa lill-Kummissjoni mir-responsabbiltà tagħha fil-ġestjoni ta’ baġit partikolari u tapprova l-għeluq tiegħu.

Qafas finanzjarju pluriennali (QFP): Baġit ta' terminu twil tal-UE, li jkopri seba’ snin. Il-QFP attwali jkopri l-perjodu 2014-2020. Huwa jistabbilixxi l-limiti fuq l-ispejjeż li l-UE se tonfoq fuq oqsma differenti ta’ attività. Jintuża mill-UE bħala appoġġ għall-prijoritajiet politiċi tagħha u biex jiġi żgurat li l-impenji li din ħadet fil-konfront taċ-ċittadini tagħha jiġu ssodisfati.

Rilevanza: Il-kompiti tal-aġenzija huma xierqa biex jintlaħqu l-objettivi ta' politika.

Valutazzjoni tal-impatt: Valutazzjoni li teżamina jekk hemmx ħtieġa għal azzjoni tal-UE u tanalizza l-impatti possibbli tas-soluzzjonijiet disponibbli.

Risposti

Risposti tal-Kummissjoni Ewropea

Sommarju eżekuttiv

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-Paragrafi minn I-V.

Il-Kummissjoni hi sodisfatta bl-enfasi tal-QEA fuq il-prestazzjoni tal-aġenziji deċentralizzati tal-UE. L-importanza u s-sehem tal-aġenziji tal-baġit tal-UE żdiedu b’mod sinifikanti matul dawn l-aħħar deċennji. Il-Kummissjoni għandha interess qawwi li tiżgura li l-aġenziji deċentralizzati jwettqu l-mandat tagħhom u li l-kompetenza tagħhom tintuża bis-sħiħ biex titwassal il-politika tal-UE.

L-aġenziji deċentralizzati huma korpi awtonomi li għandhom ir-responsabbiltà aħħarija għall-funzjonament u l-prestazzjoni tagħhom stess. Il-bordijiet ta’ ġestjoni, b’maġġoranza ta’ rappreżentanti tal-Istati Membri, jiżguraw is-superviżjoni tal-ġestjoni tal-aġenziji deċentralizzati.

Il-mandat, ir-responsabbiltajiet, il-governanza u l-arranġament ta’ finanzjament ta’ kull aġenzija deċentralizzata huma stabbiliti fl-att kostituttiv tagħha, deċiż mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill bħala leġislatur. Dawn joperaw taħt il-qafas baġitarju stabbilit mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE), il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) u r-Regolament (UE) 2018/1046 (ir-Regolament Finanzjarju), u d-deċiżjonijiet tal-awtorità baġitarja meħuda fi ħdan dak il-qafas. Il-baġit tal-aġenziji deċentralizzati huwa deċiż mill-awtorità baġitarja, filwaqt li l-limiti massimi stabbiliti mill-QFP u l-baġit annwali.

Fl-2012, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ffirmaw Dikjarazzjoni Konġunta dwar Approċċ Komuni għall-aġenziji deċentralizzati (minn hawn ’il quddiem Approċċ Komuni). Dan il-qafas politikament vinkolanti kien u jibqa’ pass importanti lejn l-iżgurar ta’ qafas koerenti għal governanza aħjar u ġestjoni tal-prestazzjoni tal-aġenziji deċentralizzati.

Il-Kummissjoni hija impenjata li tiżgura konsistenza akbar fil-mod kif il-korpi tal-Unjoni jmexxu, jippjanaw u jirrappurtaw dwar l-attivitajiet tagħhom. Bil-miżuri implimentati fl-2019 u fl-2020, il-Kummissjoni saħħet il-kundizzjonijiet biex tiżgura l-prestazzjoni u r-rappurtar minn aġenziji deċentralizzati.

Ir-Regolament Finanzjarju ta’ Qafas il-ġdid (UE) 2019/71528 (minn hawn ’il quddiem FFR) jipprovdi għal regoli koerenti u vinkolanti ta’ baġit, ta’ ppjanar, ta’ rappurtar, ta’ prestazzjoni u ta’ governanza għall-aġenziji deċentralizzati. L-aġenziji deċentralizzati kollha adattaw ir-regoli finanzjarji tagħhom għall-FFR matul l-2019 u l-2020, mingħajr ebda devjazzjoni mill-qafas ta’ governanza u prestazzjoni stabbilit fih.

Il-Komunikazzjoni relatata tal-Kummissjoni dwar it-tisħiħ tal-governanza ta’ Korpi tal-Unjoni u dwar il-linji gwida għad-Dokument ta’ Programmar Waħdieni u r-Rapport Konsolidat dwar l-Attività Annwali, adottati mill-Kulleġġ fl-20 ta’ April 2020 (C (2020) 2297, minn hawn ’il quddiem “Linji gwida tal-Kummissjoni għall-SPD u s-CAAR”), tkompli tappoġġa l-ippjanar u r-rappurtar armonizzat mill-aġenziji deċentralizzati kollha.

Issa huwa f’idejn l-aġenziji deċentralizzati li jpoġġu dan il-qafas fil-prattika u f’idejn il-bordijiet ta’ ġestjoni jissorveljawh. L-effetti tat-titjib għandhom jibdew joħorġu fid-deher mill-2021. Il-Kummissjoni hija impenjata li ssegwi l-implimentazzjoni effettiva mill-aġenziji deċentralizzati.

Fir-rigward tal-istabbiliment ta’ aġenziji, il-Kummissjoni tqis evidenza minn valutazzjonijiet tal-impatt, evalwazzjonijiet u kontribut mill-partijiet ikkonċernati skont l-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar. Il-governanza qed tiġi vvalutata fl-evalwazzjonijiet kollha mwettqa mill-Kummissjoni.

Il-kompiti tal-aġenziji deċentralizzati huma ta’ spiss permanenti u ma jirriżultawx miċ-ċiklu ta’ tfassil ta’ politika ta’ kull QFP inkluża l-governanza tagħhom. L-aġenziji huma evalwati mill-ġdid skont l-obbligi stabbiliti mil-leġiżlatur.

L-aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni tipprovdi qafas għal teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażat fuq l-evidenza. L-evalwazzjonijiet jintużaw biex jivvalutaw il-prestazzjoni tal-aġenziji u jidentifikaw sinerġiji potenzjali fil-kompiti tal-aġenziji b’ħarsa lejn l-effiċjenza, l-effettività, il-koerenza, ir-rilevanza u l-valur miżjud tal-UE tal-azzjonijiet tagħhom. Meta twettaq evalwazzjonijiet tal-oqsma ta’ politika (kontrolli tal-idoneità), il-Kummissjoni taqbel li huwa importanti li tiġi kkunsidrata l-koerenza tar-rwol u l-kompiti tal-aġenziji f’qasam ta’ politika, li jiġu identifikati sinerġiji u li titnaqqas il-burokrazija, filwaqt li jiġu kkunsidrati fużjonijiet jew għeluq potenzjali ta’ aġenziji li joperaw f’dan il-qasam. L-evalwazzjonijiet jinfurmaw ukoll id-deċiżjonijiet dwar proposti ġodda, filwaqt li l-valutazzjonijiet tal-impatt jagħtu ħarsa lejn l-għażliet differenti u l-impatti potenzjali tagħhom. Il-proċess huwa appoġġat minn konsultazzjonijiet estensivi mal-partijiet ikkonċernati.

L-allokazzjoni tar-riżorsi għall-aġenziji deċentralizzati tirrifletti l-prijoritajiet tal-baġit tal-UE. L-awtorità baġitarja tiddeċiedi dwar il-finanzjament. Il-proċess ta’ finanzjament huwa soġġett għal qafas regolatorju stabbilit sew definit fl-Artikolu 314 tat-TFUE u fir-Regolament Finanzjarju. Kemm il-Kummissjoni kif ukoll kull aġenzija deċentralizzata għandhom jirrispettaw dawn ir-regoli, li jiżguraw il-prevedibbiltà tal-finanzjament. Fl-istess ħin, ir-regoli jipprevedu l-flessibbiltà meħtieġa biex ikun hemm adattament għal ċirkostanzi ġodda jew li jinbidlu.

L-allokazzjoni baġitarja deċiża mill-awtorità baġitarja għandha tirrifletti l-prestazzjoni ta’ aġenzija deċentralizzata billi taġġusta l-baġit tagħha ’l fuq jew ’l isfel, b’kont meħud ta’ titjib possibbli fl-effiċjenza u sinerġiji inkluż bejn aġenziji li jappartjenu għall-istess cluster. Il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji deċentralizzati hija mħeġġa u l-FFR il-ġdid jiffaċilita l-użu ta’ ftehimiet fuq il-livell ta’ servizz biex tiġi formalizzata tali kooperazzjoni. Il-kooperazzjoni fil-livell internazzjonali fi ħdan il-limiti tal-mandat tal-aġenziji deċentralizzati hija daqstant ieħor importanti u l-FFR jitlob li kull aġenzija deċentralizzata tinkludi strateġija għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u/jew organizzazzjonijiet internazzjonali fid-dokumenti ta’ programmar individwali tagħhom.

VI

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjonijiet kollha indirizzati lilha.

Introduzzjoni

05

Ir-responsabbiltajiet u l-kapaċitajiet tal-aġenziji huma strettament delineati permezz tar-regolamenti kostituttivi adottati mill-koleġiżlaturi.

Il-linji gwida tal-Kummissjoni għall-SPD u għall-CAAR jiżguraw qafas ta’ baġit, ta’ ppjanar, ta’ rapportar, ta’ prestazzjoni u ta’ governanza koerenti u vinkolanti għall-korpi tal-Unjoni.

Osservazzjonijiet

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 16 u 17.

Skont il-linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar, valutazzjoni tal-impatt trid tidentifika u tiddeskrivi l-problema li trid tiġi ttrattata, tistabbilixxi l-għanijiet, tifformula l-għażliet ta’ politika, tivvaluta l-impatti ta’ dawn l-għażliet u tiddeskrivi kif se jiġu mmonitorjati r-riżultati mistennija.

Is-sistema tal-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni ssegwi approċċ integrat li jivvaluta l-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi ta’ firxa ta’ għażliet ta’ politika biex b’hekk tiġi integrata s-sostenibbiltà fit-tfassil tal-politika tal-Unjoni. Il-valutazzjoni tal-impatt tqabbel l-alternattivi, tispjega liema hija dik ippreferuta, jekk tkun teżisti alternattiva ppreferuta, jew tispjega għaliex ma ġiet identifikata l-ebda alternattiva ppreferuta. Il-valutazzjoni tal-impatt ma tiħux post id-deċiżjoni politika iżda tipprovdi evidenza biex tinforma din id-deċiżjoni. L-istruttura finali ta’ aġenzija hija r-riżultat tan-negozjati bejn il-koleġiżlaturi, li jistgħu jkunu differenti mill-proposta tal-Kummissjoni.

Meta l-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju tal-Kummissjoni jkun ta opinjoni negattiva darbtejn, huwa biss il-Viċi President għar-Relazzjonijiet Interistituzzjonali u Tbassir li jista’ jissottometti l-inizjattiva lill-Kulleġġ biex jiddeċiedi jekk għandhiex issir jew le.

18

Is-Cedefop, il-Eurofound, l-EU-OSHA u l-ETF jiżguraw koordinazzjoni u kollaborazzjoni regolari bejniethom. Din il-kollaborazzjoni tippermetti li jinħolqu sinerġiji u li jiġu evitati d-duplikazzjonijiet u li hija ta’ vantaġġ peress li tista’ tgħaqqad ix-xogħol tal-aġenziji u tipprovdi għal spazju komuni fejn l-aġenziji jistgħu jikkonsultaw lil xulxin dwar il-mod kif jaqdu l-mandat tagħhom.

Fir-rigward tal-ELA, il-Kummissjoni ttenni li wara l-ewwel valutazzjoni u diskussjoni dokumentati, is-servizzi tal-Kummissjoni inkarigati ppreżentaw verżjoni ġdida tal-Valutazzjoni tal-Impatt, li abbażi tagħha l-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju tal-Kummissjoni ħareġ opinjoni pożittiva (SEC (2018) 144) b’riżervi.

19

L-istabbiliment ta’ awtorità ta’ riżoluzzjoni ġdida tal-UE li tkun responsabbli għall-ġestjoni ta’ mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni transfruntiera fl-UE kollha kienet ikkunsidrata bħala alternattiva ta’ politika fil-valutazzjoni tal-impatt tal-2012 għad-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni (BRRD)29. Fiż-żmien tal-Valutazzjoni tal-Impatt għall-BRRD, l-Unjoni Bankarja bis-superviżjoni ċentralizzata tagħha tal-banek mill-BĊE/MSU kienet għadha ma ġietx stabbilita. Għaldaqstant, l-istabbiliment u l-operat tal-kulleġġi ta’ riżoluzzjoni bl-assistenza tal-EBA tqiesu bħala l-għażla preferuta fil-Valutazzjoni tal-Impatt.

21

Il-President ta’ dak iż-żmien tal-Kummissjoni Juncker ħabbar fl-Istat tal-Unjoni tal-2017 l-intenzjoni li titwaqqaf Awtorità Ewropea tax-Xogħol. Din id-dikjarazzjoni saret wara ħidma intensiva u n-negozjati dwar il-mobilità tal-forza tax-xogħol mill-2014 ’l hawn (l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/54, id-Direttiva 2014/67, ir-riforma tar-Regolament tal-EURES, proposti għal rieżami tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema u r-Regolament dwar il-Koordinazzjoni tas-Sigurtà Soċjali), li wrew appoġġ ċar fost id-diversi persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-Ewropa dwar il-ħtieġa li jkun hemm tali korp ġdid fil-livell Ewropew. Dan jispjega wkoll għaliex il-proposta mill-Kummissjoni ġiet adottata fil-livell politiku f’inqas minn sena.

22

L-evalwazzjonijiet regolari tal-aġenzija huma previsti mill-Approċċ Komuni u l-FFR (2019/715).

L-FFR jistabbilixxi rekwiżiti ta’ evalwazzjoni (ex-ante u retrospettivi), inkluż il-pjan ta’ azzjoni bħala segwitu għall-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet perjodiċi ġenerali sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effiċjenti tagħhom.

L-inizjattiva għat-twaqqif tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol saret b’mod indipendenti mill-proċess ta’ evalwazzjoni tal-aġenziji l-oħra fuq il-bażi tal-prijorità politika mogħtija mill-Kummissjoni u l-koleġiżlaturi dwar is-suġġett tal-mobilità tal-forza tax-xogħol tal-UE u tal-fokus transfruntier speċifiku ħafna tal-Awtorità fir-rigward tal-mandat tal-aġenziji eżistenti.

(3) L-adozzjoni tal-atti kostituttivi tal-aġenziji hija r-riżultat ta’ proċedura leġiżlattiva, normalment mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill bħala koleġiżlaturi. Il-Kummissjoni tista’ tikkontribwixxi biss għar-rilevanza u l-koerenza tal-aġenziji permezz tal-proposti leġiżlattivi tagħha u fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tal-impatt.

Hija meħtieġa valutazzjoni tal-impatt meta l-impatti ekonomiċi, ambjentali jew soċjali mistennija tal-azzjoni tal-UE għall-istabbiliment jew ir-reviżjoni tar-regolamentazzjoni tat-twaqqif ta’ aġenzija eżistenti, x’aktarx ikunu sinifikanti. Meta l-Kummissjoni ma jibqgħalha l-ebda għażla jew ftit li xejn, meta l-impatti jkunu żgħar jew ma jkunux jistgħu jiġu identifikati b’mod ċar, x’aktarx li jiġi konkluż li ma hija meħtieġa l-ebda valutazzjoni tal-impatt. Il-ħtieġa għal valutazzjoni tal-impatt għandha tiġi vvalutata fuq bażi ta’ każ b’każ u ssir meta tkun utli.

23

Filwaqt li l-Kummissjoni hija impenjata li ġġib l-atti kostituttivi kollha f’konformità mal-Approċċ Komuni, inkluż billi żżid klawżola “sunset” jew ta’ “rieżami”, id-dritt tal-Kummissjoni li tipproponi li regolament fundatur jiġi emendat jew imħassar, huwa kopert mid-dritt ġenerali ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni.

24

Skont il-linji gwida għal regolamentazzjoni aħjar, hija meħtieġa valutazzjoni tal-impatt biss meta l-impatti ekonomiċi, ambjentali jew soċjali mistennija tal-azzjoni tal-UE x’aktarx ikunu sinifikanti. Ir-regolamentazzjoni aħjar (Għodda#9) tispeċiifika li meta l-Kummissjoni ma jibqgħalha l-ebda għażla jew ftit li xejn, meta l-impatti jkunu żgħar jew ma jkunux jistgħu jiġu identifikati b’mod ċar, x’aktarx li jiġi konkluż li ma hija meħtieġa l-ebda valutazzjoni tal-impatt. Il-ħtieġa għal valutazzjoni tal-impatt għandha tiġi vvalutata fuq bażi ta’ każ b’każ u ssir meta tkun utli.

Jista’ jkun hemm ċirkostanzi fejn proposta tkun teħtieġ li tiġi ppreżentata b’mod urġenti, li ma tippermettix li ssir valutazzjoni tal-impatt. Barra minn hekk, jista’ jkun possibbli li wieħed jipproċedi direttament minn evalwazzjoni ta’ leġislazzjoni eżistenti għal proposta legali mingħajr valutazzjoni tal-impatt. Dan huwa normalment il-każ meta l-evalwazzjoni tidentifika kwistjonijiet speċifiċi, li jeħtieġ li jiġu indirizzati, u hemm ftit li xejn għażla dwar kif għandhom jiġu indirizzati.

Il-proposta għar-Regolament fundatur il-ġdid tal-Frontex fil-fatt ma kinitx preċeduta minn valutazzjoni sħiħa tal-impatt. Madankollu, l-implimentazzjoni tar-Regolament EBCG 1.0 ġiet irrappurtata b’mod regolari permezz ta’ serje ta’ rapporti ddedikati dwar l-operazzjonalizzazzjoni tagħha, li identifikat lakuni u nuqqasijiet li jistgħu jitqiesu mil-leġislazzjoni futura.

Minħabba n-natura teknika tar-reviżjoni tar-Regolamenti ta’ Twaqqif tal-Eurofound, tas-Cedefop u tal-EU-OSHA u n-nuqqas ta’ impatt soċjoekonomiku dirett, ma twettqitx valutazzjoni tal-impatt.

25

Il-Kummissjoni tinnota li l-evalwazzjoni trasversali tal-aġenziji taħt il-mandat tad-DĠ EMPL issuġġeriet numru ta’ rakkomandazzjonijiet għal kull aġenzija (ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 75), iżda l-ebda waħda minnhom ma kienet teħtieġ bidliet fil-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-aġenziji li qed jingħaqdu jew li qed jaħdmu mill-istess post ma kinux fost ir-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tixtieq tirrimarka li, fil-kuntest tan-negozjati dwar ir-reviżjoni tar-Regolamenti tat-Twaqqif tas-Cedefop, il-Eurofound u l-EU-OSHA, il-Parlament Ewropew għamel sejħa għal valutazzjoni tal-fattibbiltà u l-kosteffikaċja ta’ diversi miżuri, inklużi fużjonijiet possibbli, iżda finalment il-koleġiżlaturi ma komplewx din il-linja ta’ ħsieb u adottaw riformulazzjonijiet għall-aġenziji kif kienu.

26

B’kuntrast mas-setgħat tagħha fuq l-aġenziji eżekuttivi, il-Kummissjoni ma tistax tiddeċiedi dwar l-għeluq, il-fużjoni jew l-adattament tal-kompiti ta’ aġenzija deċentralizzata li tirrikjedi il-qbil tal-koleġiżlaturi.

Fl-aħħar nett, il-valutazzjonijiet u l-identifikazzjoni ta’ sinerġiji jitqiesu meta jitħejjew il-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni sabiex jinbidel l-att kostituttiv ta’ aġenzija deċentralizzata, inkluża l-possibbiltà ta’ fużjoni ta’ aġenziji deċentralizzati fl-istess qasam ta’ politika, għalkemm il-koleġiżlatur iżomm l-aħħar kelma dwar kwalunkwe proposta mressqa mill-Kummissjoni.

27

Il-kontroll tal-idoneità kkonferma l-iskop adattat tar-Regolament tal-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel u identifika xi nuqqasijiet, li ġew indirizzati mir-Regolament il-ġdid30.

28

Għalkemm hija l-Kummissjoni li għandha tipproponi l-leġiżlazzjoni, il-koleġiżlaturi huma responsabbli biex jadottaw ir-regoli dwar il-klawżoli ta’ evalwazzjoni u ta’ estinzjoni/rieżami.

Il-Kummissjoni stabbiliet għodod u indikaturi oħra għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni ta’ aġenzija deċentralizzata fir-rigward tal-kisba tal-objettivi ta’ politika tagħha.

29

It-tieni inċiż - Il-Kummissjoni tqis li r-reviżjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 kull tliet snin, kif stipulat fir-Regolament innifsu tiżgura t-trasparenza fir-rigward tal-implimentazzjoni tiegħu u tgħin biex titjieb l-effiċjenza u l-effettività tal-SRM.

Fil-każ tal-FRA, il-frekwenza tal-evalwazzjonijiet madankollu kienet de facto ta’ ħames snin (l-ewwel waħda saret fl-2012, it-tieni waħda fl-2017). Barra minn hekk, il-Kummissjoni adottat fil-5 ta’ Ġunju 2020 proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament tat-Twaqqif tal-FRA, li jipprovdi b’mod espliċitu, f’konformità mal-Approċċ Komuni, li l-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni kull ħames snin.

Meta wieħed iqis iċ-ċokon tal-EIGE u l-fatt li r-rakkomandazzjonijiet mill-ewwel evalwazzjoni tiegħu kienu għadhom qed jiġu implimentati, u meta wieħed iqis il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-Bord iddeċieda li jipposponi t-tieni evalwazzjoni esterna tal-EIGE mill-2020 sal-2022. Il-Kummissjoni kkunsidrat din id-deċiżjoni bħala debitament iġġustifikata.

It-tielet inċiż - fil-każ tal-FRA, il-Kummissjoni adottat fil-5 ta’ Ġunju 2020 proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament tat-Twaqqif tal-FRA, li jipprovdi b’mod espliċitu, f’konformità mal-Approċċ Komuni, li jkun f’idejn l-Kummissjoni li twettaq evalwazzjoni tal-FRA (kull ħames snin).

Fil-każ tal-EFCA, il-Kummissjoni, fil-proposta tagħha COM (2018) 368 għar-Regolament li jemenda r-Regolament dwar il-Kontroll u r-Regolament ta’ Twaqqif tal-EFCA, ipprovdiet espliċitament, f’konformità mal-Approċċ Komuni, li evalwazzjoni esterna indipendenti tal-Aġenzija għandha tiġi kkummissjonata kull ħames snin mill-Kummissjoni.

30

Fir-rigward tal-EASA, ir-raġuni li għaliha l-Bord iddeċieda dwar dan il-limitu ta’ ambitu kienet biex jillimita r-riskju ta’ duplikazzjoni u inkonsistenza tar-riżultati ta’ evalwazzjoni sħiħa fuq sett ta’ attivitajiet li x’aktarx ikunu affettwati sostanzjalment mir-Regolament tat-Twaqqif rivedut tal-2018.

31

Il-kontrolli fil-qasam tal-idoneità fil-qasam ta’ politika rilevanti jqisu wkoll ir-rwol tal-aġenziji involuti fih. Skont l-ambitu tal-valutazzjoni, pereżempju jekk trid tirrifletti l-ispeċifiċitajiet fil-mandat tal-aġenzija jew l-ostakli partikolari tal-infurzar, l-evalwazzjonijiet individwali japprezzaw aħjar dawn l-aspetti.

32

L-EIT ma ġiex stabbilit bħala aġenzija eżekuttiva, iżda pjuttost bħala operatur tal-għarfien. L-attivitajiet tiegħu huma differenti minn dawk tal-aġenziji eżekuttivi taħt programmi ta’ edukazzjoni, riċerka jew innovazzjoni. Dawn huma akbar u komplementari, u jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-Komunità u tal-Istati Membri permezz tal-integrazzjoni tat-Trijangolu tal-Għarfien (edukazzjoni għolja, riċerka u innovazzjoni) u biex inaqqsu d-distakk fl-innovazzjoni bejn l-UE u l-kompetituri ewlenin. Dan kien ikkonfermat mill-aħħar evalwazzjoni indipendenti fl-2017, li kkonfermat li l-ispejjeż amministrattivi tal-EIT huma ferm taħt il-limiti massimi stabbiliti fil-bażi legali ta’ Orizzont 2020 u huma komparattivament aktar baxxi mill-ispejjeż simili tal-aġenziji eżekuttivi.

36

Il-Kummissjoni tindika li l-evoluzzjoni tal-introjtu mit-tariffi huwa biss indikatur wieħed tal-ammont ta’ xogħol ta’ aġenzija u mhux l-uniku wieħed. Xi kompiti mhumiex akkumpanjati minn ħlas ta’ tariffa. U xi kompiti li jiġġeneraw dħul mit-tariffi jistgħu ma jiġġenerawx ammont ta’ xogħol korrispondenti.

Barra minn hekk, l-aġenziji kienu mistennija li jżidu l-effiċjenza tagħhom. Għalhekk, hemm raġuni għaliex iż-żieda fil-persunal ma segwietx b’mod mekkaniku ż-żieda fid-dħul li ġej mill-ħlasijiet, peress li l-aġenziji ffinanzjati mit-tariffi kienu marbuta wkoll bit-tnaqqis ta’ 5 % tal-persunal impost fuq il-Kummissjoni u l-korpi tal-UE.

Il-Kummissjoni tfakkar li l-EASA hija parti minn proġett pilota, li tgħaqqad id-dħul mit-tariffi bin-numru tal-persunal. Wara r-rapportar tal-aġenzija stess dwar l-attività ta’ tariffi, il-persunal baqa’ relattivament stabbli.

Dgħufija ewlenija fl-approċċ ta’ finanzjament għall-EASA hija li l-baġit tal-UE jrid jikkumpensa għan-nuqqasijiet fid-dħul mit-tariffi, iżda ma jibbenefikax minn surpluses.

Għall-ECHA, il-Kummissjoni tqis li l-isfida identifikata mill-Qorti ġejja l-aktar mill-mod atipiku kif it-tariffa tal-ECHA hija imposta u ma ssarrafx fi sfida biex taqbel mal-ammont ta’ xogħol man-numru tal-persunal (mhux minn nuqqas ta’ qbil strutturali allegat bejn il-persunal u l-ammont ta’ xogħol). Għall-kuntrarju tal-aġenziji li qed jimponu ħlas rikorrenti fuq l-industrija (eż. SRB, EMA), it-tariffa tal-ECHA hija kompletament bil-quddiem, fil-mument tar-reġistrazzjoni ta’ sustanza jew l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni. Laħqet quċċata għolja f’dawn l-aħħar snin, u mill-aħħar skadenza għar-reġistrazzjoni regolatorja skont ir-REACH fl-2018, id-dħul mit-tariffi naqas kif previst u ġie kkumpensat minn żieda fil-kontribuzzjoni ta’ bilanċ tal-UE fl-ipprogrammar tal-QFP.

37

Minkejja l-isforzi mill-Frontex, ir-rata ta’ karigi battala kienet relattivament għolja, anke minħabba l-korrezzjoni relattivament baxxa tas-salarji koeffiċjenti għal Varsavja. Filwaqt li tirrikonoxxi l-isfidi u l-ħtiġijiet eċċezzjonali relatati mal-mandat il-ġdid għal persunal ikkwalifikat mill-usa’ bażi ġeografika possibbli, il-Kummissjoni pproponiet arranġamenti tar-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta EBCG 2.0 biex il-Frontex issir aktar attraenti bħala impjegatur.

L-EASO għamel sforzi biex itejjeb ir-reklutaġġ permezz ta’ pjan li jżid 90 persunal fl-2019. Ir-reklutaġġ tjieb u 80 % tar-reklutaġġ ippjanat fl-2019 kien implimentat. Il-fatturat tal-persunal fl-2019 kien ta’ 5 % meta mqabbel mal-mira ta’ 7 %.

Fl-aħħar nett, fil-każ tal-GSA, l-Aġenzija tikkompeti għal speċjalisti fis-suq tax-xogħol mal-industrija spazjali, u mal-aġenziji spazjali (nazzjonali u Ewropej), li joffru livelli għoljin ta’ salarji. Minkejja d-diffikultajiet, il-GSA ta’ kull sena setgħet timla postijiet vakanti.

39

Id-Deċiżjoni ta’ esternalizzazzjoni normalment tikkonċerna attivitajiet li għalihom l-għarfien espert meħtieġ ma jistax isir disponibbli internament.

L-eu-LISA għandha diffikultajiet biex tattira speċjalisti fl-IT. Hemm kompetizzjoni qawwija biex jiġu reklutati l-aħjar profili. L-Aġenzija ħadet xi miżuri.

Minn meta marret Pariġi, l-EBA m’għadhiex tuża ħaddiema intermin u timpenja ruħha li tindirizza l-implikazzjonijiet tal-kontinwità tan-negozju tal-ħaddiema interim.

L-għadd kbir ta’ persuni interim fl-EASO huwa dovut għan-nuqqas ta’ esperti nazzjonali sekondati mill-Istati Membri, kif ukoll ir-rekwiżiti lingwistiċi speċifiċi għax-xogħol f’dan il-qasam.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi r-riskji ta’ dipendenza żejda fuq il-persunal estern u n-nuqqas ta’ konformità mar-regoli applikabbli dwar l-impjieg.

Kaxxa 5 - Eżempji ta’ aġenziji li għal funzjonijiet kritiċi huma dipendenti fuq kuntratturi esterni

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-EASO jiddependi mir-riżorsi umani u tekniċi pprovduti mill-Istati Membri. L-Aġenzija titlob in-nomina ta’ esperti nazzjonali, iżda d-deċiżjoni dwar l-issekondar tagħhom tibqa’ f’idejn l-Istati Membri.

Fir-rigward tal-eu-LISA, l-Aġenzija tesperjenza diffikultajiet biex tattira persunal kompetenti, speċjalment speċjalisti fl-IT. Din ir-riżorsa hija rari fl-Ewropa kollha u hemm kompetizzjoni qawwija fl-UE biex jiġu reklutati l-aħjar profili.

Kaxxa 7 - Il-Frontex qed taffaċċja implimentazzjoni baxxa rikorrenti tal-baġit għall-operazzjonijiet ta’ ritorn

L-appoġġ operattiv tal-Frontex għall-Istati Membri u l-AMIF qed jappoġġa l-attivitajiet ta’ ritorn b’mod komplementari. Ir-responsabbiltà aħħarija biex jiġu żgurati l-koordinazzjoni u s-sinerġija bejn il-fondi tal-AMIF u l-attivitajiet appoġġati mill-Aġenzija hija f’idejn l-Istati Membri. Il-fatt li jkollhom il-possibbiltà li jorganizzaw operazzjonijiet ta’ ritorn iffinanzjati permezz ta’ tal-AMIF jagħti lill-Istati Membri l-flessibbiltà meħtieġa sabiex iwettqu ritorni meta u fejn l-Aġenzija ma tkunx tista’ tipprovdi appoġġ jew meta l-Istati Membri jikkunsidraw li l-involviment tal-Aġenzija ma jkunx meħtieġ.

Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit relatat, tabilħaqq, fis-snin li għaddew l-Aġenzija esperjenzat xi diffikultajiet biex tassorbi bis-sħiħ il-baġit għar-ritorn. Madankollu, għandu jiġi nnutat li minħabba l-iżvilupp kontinwu tal-assistenza tal-Frontex fil-qasam tar-ritorn, ġie rreġistrat titjib sinifikanti fl-2019 meta l-baġit ta’ ritorn ġie impenjat għal 100 %. Għalkemm din ix-xejra kienet mistennija li tkompli fl-2020 bis-saħħa tal-akkwist ta’ networks ta’ ritorn, it-tkabbir naturali mistenni tas-servizzi u l-użu dejjem jiżdied mill-Istati Membri, il-miżuri restrittivi introdotti madwar id-dinja biex titrażżan il-firxa tal-COVID-19 naqqsu b’mod sinifikanti l-possibbiltà li l-migranti irregolari jintbagħtu lura u konsegwentement it-talbiet tal-Istati Membri indirizzati lill-Aġenzija biex jorganizzaw operazzjonijiet ta’ ritorn kemm b’titjiriet charter kif ukoll bi skeda.

42

Iċ-ċiklu ta’ ppjanar għall-aġenziji deċentralizzati jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tat-TFUE u r-Regolament Finanzjarju fir-rigward taċ-ċiklu baġitarju annwali. Iż-żmien tal-SPD huwa konformi mal-Artikolu 40 tar-Regolament Finanzjarju. L-SPD tista’ tinbidel, billi tipprovdi l-flessibilità lill-aġenziji biex jadattaw għall-bidliet.

Kaxxa 8 - eu-LISA: studju ta’ każ partikolari dwar l-isfidi ta’ aġenzija ġdida

L-ex eu-LISA li stabbiliet ir-regolament (UE) Nru 1077/2011 tħassret u ġiet issostitwita bir-Regolament (UE) 2018/1726 b’effett mill-11 ta’ Diċembru 2018.

Iż-żmien tal-adozzjoni tal-atti legali tal-Unjoni li jirregolaw is-sistemi tal-IT fuq skala kbira ġestiti mill-eu-LISA u l-interoperabbiltà tagħhom tiddependi fuq il-koleġiżlaturi tal-UE.

Il-Kummissjoni tuża l-aħjar stima tagħha taż-żmien mistenni tal-adozzjoni ta’ tali bażi legali biex tagħmel ir-riżorsi disponibbli għall-aġenziji kmieni biżżejjed fiċ-ċiklu baġitarju, filwaqt li tiżgura li l-kisba tal-objettivi ta’ politika rilevanti ma tiġix imfixkla jew ittardjata minħabba finanzjament insuffiċjenti. Il-Kummissjoni mbagħad issegwi l-proċedura leġiżlattiva f’kooperazzjoni mill-qrib mal-aġenziji, u tipprovdi appoġġ fejn meħtieġ. Madankollu, l-adozzjoni ta’ tali bażi legali tiddependi fuq il-koleġiżlaturi.

44

Il-Kummissjoni tqis li t-tqabbil ma’ aġenziji eżekuttivi mhuwiex pertinenti. Il-kompitu ewlieni tal-aġenziji eżekuttivi huwa li jimplimentaw il-programmi finanzjarji tal-UE f’isem il-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha kontroll sħiħ fuq l-aġenziji eżekuttivi. Dan huwa rifless fil-governanza tal-aġenziji eżekuttivi: il-kumitat ta’ tmexxija huwa magħmul normalment minn membri tal-maniġment superjuri tal-Kummissjoni, li jirrappreżentaw id-diversi dipartimenti tal-Kummissjoni responsabbli għall-programmi delegati lill-aġenzija eżekuttiva in kwistjoni.

45

L-FFR jarmonizza r-responsabbiltajiet ewlenin irrispettivament mill-isem mogħti fl-att kostitwenti, sakemm il-leġiżlatur ma jkunx stabbilixxa regoli differenti fir-regolament fundatur.

46

Permezz tal-FFR, il-Kummissjoni introduċiet ukoll regoli dwar l-evitar ta’ kunflitti ta’ interess għall-membri tal-bord.

48

Fil-każ tal-Eurofound, il-Bord ta’ Tmexxija bħala medja jiltaqa’ biss darba fis-sena biex jadotta l-aktar deċiżjonijiet importanti fil-Eurofound. Il-Bord Eżekuttiv ħafna iżgħar, li għandu 8 membri u li jirrappreżenta ħaddiema, impjegaturi, gvernijiet u l-Kummissjoni, jiltaqa’ bħala medja minn 4 sa 5 darbiet fis-sena.

Il-Bord Eżekuttiv iħejji d-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Bord tat-Tmexxija fil-laqgħa plenarja tiegħu jew permezz ta’ proċedura bil-miktub. It-teħid tad-deċiżjonijiet jimxi pjuttost bla xkiel fil-Eurofound, probabbilment anke minħabba r-rwol importanti tal-Bord Eżekuttiv.

Jistgħu jsiru osservazzjonijiet simili għas-Cedefop u għall-EU-OSHA.

Fi kwalunkwe każ, huwa ċar li d-daqs tal-Bord tat-Tmexxija fl-aġenziji tripartitiċi jiġi deċiż mill-koleġiżlaturi u jiġi determinat min-natura tripartitika partikolari ta’ dawn l-aġenziji tal-UE.

Fl-aħħar nett, il-bord ta’ tmexxij taċ-ĊdT huwa definit fl-att kostituttiv tiegħu kif ġej: rappreżentant minn kull aġenzija u uffiċċju tal-UE elenkati fl-att tat-twaqqif taċ-ĊdT u li magħhom is-CdT għandu arranġament ta’ ħidma; rappreżentant minn kull Stat Membru tal-UE; żewġ rappreżentanti mill-Kummissjoni; u rappreżentant wieħed mill-istituzzjonijiet u l-korpi li għandhom s-servizz ta' traduzzjoni tagħhom iżda li kkonkludew ftehim maċ-Ċentru għall-kollaborazzjoni fuq bażi volontarja.

Skont l-Artikolu 4 (1) (a) ta’ l-att ta’ twaqqif tas-CdT, kwalunkwe arranġament ma’ aġenziji u uffiċċji mwaqqfa mill-Kunsill “jista’ jaħseb għal rappreżentazzjoni fil-Bord Amministrattiv tal-aġenzija jew tal-uffiċċju li jkun parti għal dak l-arranġament”. Bħalissa, madwar nofs l-aġenziji u l-korpi li kkonkludew arranġament maċ-Ċentru qed jużaw il-possibbiltà li jkunu rappreżentati fil-Bord tat-Tmexxija.

49

Il-perspettiva tal-UE fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-aġenziji hija żgurata bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri kollha u tal-Kummissjoni fil-bordijiet maniġerjali, u l-ħtieġa li jintlaħqu ftehimiet u kompromessi.

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 50 u 51.

L-FFR għandu l-għan li jsaħħaħ il-kontroll demokratiku fejn hija meħtieġa r-responsabbiltà lejn il-Parlament Ewropew u lejn il-Kunsill.

L-awtorità tal-kwittanza, b’mod partikolari l-Kumitat CONT, tagħti kas tal-prestazzjoni tal-aġenziji.

Huma għandhom taqsima ddedikata għall-prestazzjoni għar-riżoluzzjoni ta’ kwittanza orizzontali dwar l-aġenziji tal-UE u għal kull riżoluzzjoni ta’ kwittanza ta’ kull aġenzija tal-UE.

53

Il-kontroll pubbliku fuq l-SRB huwa żgurat permezz tas-Sessjoni Plenarja tal-Bord, li jinkludi rappreżentanti minn kull Stat Membru tal-Unjoni Bankarja.

Il-kwittanza tal-EUIPO hija mogħtija mill-Kumitat tal-Baġit tal-EUIPO (li għandu żewġ rappreżentanti mill-Kummissjoni, wieħed mill-Parlament Ewropew u rappreżentant wieħed ta’ kull Stat Membru).

Il-kwittanza tas-CPVO tingħata mill-Kunsill Amministrattiv tiegħu magħmul minn rappreżentant wieħed mill-Kummissjoni u rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru.

Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali tal-aġenziji awtofinanzjati kompletament (EUPO, CPVO u SRB) huma awditjati mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

54

Il-Kummissjoni tindika li l-FFR jagħmel rabta ċara bejn il-valutazzjoni tal-prestazzjoni u l-kontribuzzjoni għall-politika tal-UE.

Il-Kummissjoni stabbiliet għodod differenti/oħrajn għall-monitoraġġ tal-evoluzzjoni tal-indikaturi ewlenin għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-Aġenziji bl-objettivi politiċi tagħhom. Huma jippermettu li din il-valutazzjoni tiġi organizzata fuq bażi annwali jew pluriennali.

56

Il-KPIs jistgħu jkunu ta’ natura differenti: l-ewwel kategorija se tkejjel il-prestazzjoni tal-attivitajiet (dak li jitwassal) u oħrajn se jkejlu kif jitwasslu l-outputs (id-dimensjonijiet finanzjarji u dawk tar-riżorsi umani). Il-linji gwida dwar il-KPIs għad-diretturi tal-aġenziji msemmija mill-QEA jipprovdu eżempji tat-tieni kategorija. Huwa aktar diffiċli li wieħed jipprovdi gwida komprensiva għall-ewwel kategorija peress li l-aġenziji qed iwettqu ħidmiet f’oqsma differenti ħafna ta’ kompetenza u ta’ natura differenti, kif rikonoxxut mill-QEA fil-paragrafu 60. L-aġenziji żviluppaw il-KPIs tagħhom stess, kif imsemmi mill-QEA fil-paragrafu 57, u għandhom l-obbligu li jinkluduhom fl-SPD tagħhom u li jirrappurtaw dwarhom kull sena fil-CAARs tagħhom.

57

L-FFR flimkien mal-linji gwida tal-Kummissjoni għall-SPD u għall-CAAR jinkludu l-obbligu li l-aġenziji jirrappurtaw dwar l-attivitajiet jew il-kisbiet ewlenin li kkontribwew għall-prijoritajiet tal-UE u dwar l-indikaturi ta’ prestazzjoni sabiex titkejjel il-kisba tal-għanijiet u r-riżultati stabbiliti fl-SPD.

L-SPD u l-CAAR jeħtieġu li l-indikaturi jintrabtu mal-objettivi tal-politika.

Barra minn hekk, ħafna mill-indikaturi żviluppati u attwalment użati mill-EASO huma r-riżultat ta’ awditi mwettqa mill-QEA jew mis-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni. L-EASO qed jipproduċi wkoll rapporti ta’ kull tliet xhur, li jipprovdu sommarju ta’ indikaturi aktar dettaljati pprovduti f’dokumenti oħra.

Fl-aħħar nett, bħal fil-każ tal-EFSA, l-indikaturi dettaljati huma l-qofol biex jinżamm rekord tal-attivitajiet mitluba, peress li l-EFSA għandha twettaq valutazzjoni tar-riskju biss, jiġifieri tipprovdi appoġġ xjentifiku/tekniku (bażi xjentifika) lill-maniġers tar-riskju.

58

L-evalwazzjonijiet jibqgħu l-għodda li permezz tagħha l-Kummissjoni tivvaluta l-implimentazzjoni tal-politika mill-aġenziji. L-evalwazzjonijiet jużaw taħlita ta’ indikaturi bħall-output, l-eżitu jew l-indikaturi tal-impatt. Min-naħa l-oħra, il-monitoraġġ annwali huwa prinċipalment ibbażat fuq indikaturi tal-produzzjoni.

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 59 u 60.

Il-linji gwida riveduti tal-Kummissjoni għall-SPD u għall-CAAR se jgħinu biex jinkiseb titjib gradwali fil-preżentazzjoni tad-dejta.

61

Il-linji gwida tal-Kummissjoni għall-SPD u għall-CAAR introduċew obbligu għal kull aġenzija li tippjana u tirrapporta dwar il-ġestjoni ambjentali. L-aġenziji se jirrapportaw sa mir-rappurtar tal-2019 (ippubblikat fl-2020) dwar l-impatt tal-operazzjonijiet amministrattivi tagħhom fuq l-ambjent. Mill-2022 se jippjanaw azzjonijiet u miri biex inaqqsu l-impatt tagħhom.

65

It-tieni inċiż - Minbarra l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fil-Bordijiet Eżekuttivi u Amministrattivi, il-koordinazzjoni hija wkoll attivata permezz ta’ netwerks ta’ awtoritajiet u korpi rappreżentattivi li jassistu lill-ERA fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.

Ir-raba’ inċiż - Il-Kummissjoni barra minn hekk tinnota li l-EASA stabbiliet mekkaniżmu estensiv ta’ konsulenza u koordinazzjoni kemm mal-Istati Membri kif ukoll mal-industrija, u b’hekk tkopri l-oqsma differenti tal-avjazzjoni.

66

Il-perimetru tas-setgħat tal-aġenzija huwa definit mill-atti kostituttivi adottati mil-leġiżlatur, u applikati f’konformità mal-prinċipji tal-Każ Meroni.

68

Bħala parti mill-proċessi tal-valutazzjoni tal-impatt u evalwazzjonijiet, l-aġenziji huma mistiedna jipprovdu input jew huma osservaturi fil-gruppi ta’ tmexxija bejn is-servizzi.

Il-Kummissjoni hija impenjata li tikkonsulta lill-aġenziji fi ħdan konsultazzjonijiet immirati fl-evalwazzjonijiet u l-valutazzjonijiet tal-impatt, sabiex jinġabar l-għarfien tagħhom, inkluż għar-reviżjonijiet tar-regolamenti tat-twaqqif tagħhom.

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 69 u 70.

L-istabbiliment tal-Abbozz ta’ Baġit isegwi l-istess proċeduri interni bħal kwalunkwe dokument ieħor soġġett għall-adozzjoni mill-Kulleġġ. Il-proċedura interna tal-Kummissjoni tippermetti lill-aġenziji jippreżentaw b’mod ċar il-ħtiġijiet tagħhom u jikkomunikaw mad-Direttorati Ġenerali li hums sħab tagħhom. Ladarba jiġi adottat, l-Abbozz tal-Baġit isir pubbliku.

Abbażi ta’ ftehim politiku, il-Frontex irċeviet riżorsi addizzjonali bi tweġiba għal kriżi ta’ migrazzjoni bla preċedent.

Il-ħtieġa għall-approprjazzjonijiet tal-baġit u l-karigi tal-persunal relatati mal-Frontex imsaħħa kienu ppreżentati fil-proposta tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Diċembru 2015. Fl-ewwel snin ta’ implimentazzjoni, il-Frontex ħabbtet wiċċha ma’ xi diffikultajiet fl-assorbiment effettiv ta’ riżorsi baġitarji li qed jiżdiedu fil-perjodu 2016-2018. Madankollu, minħabba l-isforzi msaħħa tal-Aġenzija, il-baġit tal-2019 hu assorbit kważi kollu, inkluż fil-qasam tal-operazzjonijiet ta’ ritorn. Dan juri li l-allokazzjoni inizjali tar-riżorsi baġitarji kienet korretta. Ara wkoll it-tweġiba tal-Kummissjoni għall-Kaxxa 7. Fir-rigward tal-attivitajiet operazzjonali u l-ipprogrammar ta’ proġetti ta’ riċerka u tal-IT fuq skala kbira, EU-OHSA ħadet l-approċċ li tmexxi dawn il-proġetti fuq medda ta’ sentejn sabiex tikseb impatt akbar għar-riżorsi mogħtija. Ir-riporti huma karatteristika ppjanata ta’ tali approċċ u huma previsti fil-programm ta’ ħidma tal-Aġenzija, l-ABB u l-pjan ta’ akkwist li huma approvati mill-Bord ta’ Tmexxija.

71

Ir-raba’ inċiż - Il-Kummissjoni tirrimarka li s-CPVO, l-ECHA u l-EMA jissodisfaw parti mill-ammont ta’ xogħol tagħhom (speċjalment xjentifiku) bl-għajnuna ta’ esperti disponibbli mill-Istati Membri. Peress li dan huwa previst fir-regolamenti tat-twaqqif, ġie deċiż mill-koleġiżlaturi u mhux mill-aġenziji nfushom.

Sa fejn hija kkonċernata l-ECHA, il-kompiti mwettqa mill-Istati Membri (bħal evalwazzjoni tas-sustanza) huma stabbiliti fl-Artikoli 44 u 45 (KE) Nru 1907/2006 (REACH).

Kaxxa 11 - Wara aktar minn għaxar snin, l-ECHA għadha topera f’kuntest ta’ setgħat limitati

Fi ħdan il-limiti indikati ċertu persunal tal-Aġenzija jista’ jiġi mmobilizzat għal kompiti differenti fdati lill-ECHA skont ir-REACH, is-CLP, il-BPR, il-PIC u l-POPs biex ikunu jistgħu jsiru sinerġiji u ekonomiji ta’ skala.

Kaxxa 12 - Kontroll tal-fruntieri u ażil: ġrajja ta’ żewġ stejjer31

Il-Kummissjoni taqbel li l-Frontex tiddependi l-aktar mir-riżorsi umani u tekniċi pprovduti mill-Istati Membri. Il-ħtiġijiet tal-Aġenzija matul il-kriżi tal-migrazzjoni tal-2015 biex tappoġġa lill-Istati Membri taħt pressjoni żdiedu b’erba’ darbiet. Sa issa, kienet tiddependi kompletament fuq il-ġbir flimkien volontarju tar-riżorsi tal-Istati Membri. Ir-Regolament tal-2019 dwar l-EBCG 2.0 irristruttura b’mod sinifikanti l-kapaċitajiet u l-għodod disponibbli billi pprovda lill-Aġenzija bil-fergħa operazzjonali tagħha stess (jiġifieri korp u tagħmir permanenti) u saħħaħ l-interazzjonijiet tagħha mal-awtoritajiet tal-Istati Membri bħala parti mill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta. Dan se jagħmel lill-Aġenzija operazzjonali biex tissodisfa b’mod effettiv il-mandat tagħha billi twieġeb għall-ħtiġijiet attwali u tiżgura li l-UE hija lesta b’mod strateġiku li tirrispondi għall-isfidi fil-ġejjieni.

L-EASO qiegħed kontinwament jesplora modi biex itejjeb l-operazzjonijiet tiegħu. Pereżempju, fil-Greċja, l-EASO u s-Servizz tal-Ażil Grieg issa qablu fuq mudell ġdid, fejn il-persunal skjerat mill-EASO huwa ġestit direttament mis-Servizz tal-Ażil Grieg (minflok b’mod parallel mal-awtoritajiet Griegi u ġestit mill-EASO).

73

Il-Kummissjoni tfakkar li kull Stat Membru jista’ jirreġistra biss il-marki kummerċjali fuq livell nazzjonali, filwaqt li l-EUIPO jirreġistra biss it-trade marks għat-territorju kollu tal-Unjoni. Għalhekk, is-servizzi mhumiex eżattament l-istess.

Ir-Regolament ta’ Twaqqif tal-EFSA (ir-Regolament (KE) Nru 178/2002) jipprevedi kooperazzjoni mal-Istati Membri (permezz tal-Forum Konsultattiv tiegħu u l-Artikolu 36-Network), biex tiġi promossa l-koerenza bejn l-attivitajiet/il-programmi rispettivi u possibbilment tiġi evitata d-duplikazzjoni; L-Artikolu 30 jitlob kollaborazzjoni speċifika dwar id-diverġenzi. Dispożizzjoni dwar il-kooperazzjoni hija inkluża wkoll fir-Regolament ta’ Twaqqif tal-ECDC.

75

L-ewwel inċiż - Filwaqt li ż-żewġ aġenziji huma attivi fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa, il-mandati tal-EIGE u tal-FRA huma distinti b’mod ċar:

  • Il-mandat tal-FRA għandu l-għan li jipprovdi lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri b’informazzjoni u data indipendenti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri, biex jappoġġjahom fl-iżvilupp ta’ inizjattivi bbażati fuq l-evidenza fil-qasam tad-drittijiet fundamentali. Il-FRA tiġbor data fl-oqsma deskritti fil-Qafas Pluriennali32. F’dan il-kuntest, l-FRA tiġbor ukoll data dwar is-sitwazzjoni tan-nisa, peress li l-istħarriġ u l-istudji tagħha jistgħu jiġu diżaggregati skont il-ġeneru (eż. stħarriġ dwar l-Antisemitiżmu). Madankollu, dan mhuwiex il-punt fokali tal-ħidma tagħha u huwa biss parti mill-informazzjoni li tista’ tipprovdi.
  • Il-mandat tal-EIGE huwa li jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluża l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, u jsaħħaħ il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, billi jappoġġa tfassil ta’ politika infurmat aħjar u jippromwovi sensibilizzazzjoni akbar ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u taċ-ċittadini, fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. L-EIGE jiffoka fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi b’mod ġenerali, li tkopri d-dimensjonijiet soċjali, ekonomiċi u politiċi — jiġifieri mhux biss mill-perspettiva tad-drittijiet tan-nisa iżda wkoll mill-perspettiva ta’ parteċipazzjoni, rappreżentazzjoni, għoti ta’ setgħa u viżibilità tan-nisa u l-irġiel fl-isferi kollha tal-ħajja. L-EIGE jipproduċi wkoll statistika dwar is-sessi (li huwa kunċett usa’ minn data diżaggregata skont is-sess).

Fl-2010, il-FRA u l-EIGE iffirmaw ftehim ta’ kooperazzjoni bil-għan li titjieb il-kooperazzjoni tagħhom, jiġu promossi s-sinerġiji u jiġu evitati d-duplikazzjonijiet. Il-FRA u l-EIGE għandhom ukoll laqgħat regolari biex itejbu l-kooperazzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni għandha rwol attiv biex tiżgura l-aħjar użu tar-riżorsi.

It-tielet inċiż - Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 25. Barra minn hekk, l-ELA għandha fokus operattiv transfruntier li mhuwiex il-każ għall-aġenziji l-oħra.

76

F’Settembru 2016, il-mandati tal-EMSA, l-EFCA u l-Frontex kienu, tabilħaqq, modifikati u amplifikati bl-introduzzjoni ta’ artikolu komuni relatat mal-kooperazzjoni Ewropea fuq il-Funzjoni tal-Gwardja tal-Kosta33 fir-Regolament ta’ Twaqqif rispettiv tagħhom. L-għodod ta’ kooperazzjoni użati mit-tliet aġenziji huma l-Ftehimiet dwar il-Livell ta’ Servizz (FLS), kemm jekk jipprovdu mezzi ta’ sorveljanza, kif ukoll jekk fil-kondiviżjoni tad-data jew fl-għoti ta’ appoġġ reċiproku u appoġġ għas-Servizzi ta’ Kontabbiltà.

77

L-FFR jiffaċilita l-istabbiliment ta’ Ftehimiet dwar il-Livell ta’ Servizz (FLS) bejn aġenziji u/jew il-Kummissjoni (ara l-Artikolu 59(3)).

Barra minn hekk, il-gwida riveduta tal-Kummissjoni dwar l-SPD tipprovdi għal “strateġija għall-kisba ta’ gwadanji fl-effiċjenza” fejn l-aġenziji jinfurmaw dwar “il-qsim ta’ servizzi u proġetti ta’ żvilupp tal-IT fost l-aġenziji li joperaw l-istess Stat Membru jew oqsma ta’ politika u bejn l-aġenziji u l-Kummissjoni” .

Kaxxa 13 - ECHA u EFSA – xogħol simili, mhux biżżejjed kooperazzjoni

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew ħabbar l-iżvilupp fl-2020 ta’ strateġija dwar is-sustanzi kimiċi għas-sostenibbiltà. F’dak il-qafas, hija prevista żieda fil-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-ECHA u l-EFSA u korpi xjentifiċi oħra tal-UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnutat li se tħares lejn kif tista’ tissimplifika u ssaħħaħ il-qafas legali u tanalizza kif l-aġenziji u l-korpi xjentifiċi tal-UE jistgħu jintużaw aħjar biex jimxu lejn proċess ta’ “sustanza waħda – valutazzjoni waħda”.

L-ECHA u l-EFSA jikkooperaw għal valutazzjoni tal-periklu jew tar-riskju ta’ sustanzi kimiċi f’każ ta’ sustanzi kimiċi rregolati minn biċċiet differenti ta’ leġiżlazzjoni. L-eżempji huma l-valutazzjoni tal-Bisfenol A jew tal-ftalati.

Il-Kummissjoni tat offerta għal Proġett Pilota li ġie propost mill-Parlament Ewropew li jqis il-benefiċċji kif ukoll l-isfidi tekniċi, legali u baġitarji biex jiġu armonizzati l-formati tad-data u biex tiġi żviluppata pjattaforma komuni għad-data dwar is-sikurezza kimika. Il-proġett se jeżamina wkoll possibbiltajiet biex titjieb il-kondiviżjoni tad-dejta bejn l-aġenziji (EFSA, ECHA) filwaqt li jiġu implimentati d-diversi biċċiet ta’ leġiżlazzjoni. It-tul previst tal-proġett huwa 16-il xahar.

79

Qabel ma tinħoloq aġenzija, il-Kummissjoni titlob formalment li din għandha tagħmel użu mis-servizzi lingwistiċi taċ-ĊdT. Il-Kummissjoni tiżgura li l-klawsola standard ta’ traduzzjoni tkun inkluża fl-att ta’ twaqqif ta’ aġenziji u korpi maħluqa ġodda.

82

L-FFR il-ġdida titlob lill-SPD ta’ kull aġenzija biex tinkludi strateġija għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u/jew organizzazzjonijiet internazzjonali (ara l-Artikolu 32).

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

84

Il-Kummissjoni tfakkar li t-twaqqif ta’ aġenzija deċentralizzata u l-qafas li topera fih huma r-riżultat ta’ negozjati politiċi bejn il-koleġiżlaturi. Il-Kummissjoni tipprepara l-proposti tagħha għal leġiżlazzjoni fuq il-bażi ta’ evidenza minn valutazzjonijiet tal-impatt, evalwazzjonijiet u l-input tal-partijiet ikkonċernati, skont il-linji gwida għal regolamentazzjoni aħjar. Il-kunċett ta’ flessibbiltà għandu l-limitazzjonijiet tiegħu fejn jirrikjedi bidliet fl-atti kostituttivi li jridu jiġu miftiehma mil-leġiżlatur.

85

Skont l-Approċċ Komuni, id-deċiżjoni li tinħoloq aġenzija ġdida għandha tkun ibbażata fuq valutazzjoni oġġettiva tal-impatt tal-għażliet rilevanti kollha. F’konformità ma’ dan, l-ewwel għażla tal-Kummissjoni qabel ma tipproponi li titwaqqaf aġenzija ġdida hija dejjem dik li l-Kummissjoni jew aġenzija eżistenti twettaq il-kompiti previsti. Huwa biss meta dan jew alternattivi possibbli oħra li ma jitqisux bħala l-aħjar għażla, li tiġi stabbilita aġenzija deċentralizzata.

Il-kontrolli tal-idoneità tal-oqsma ta’ politika jipprovdu informazzjoni dwar l-operat u l-koerenza tal-aġenziji fl-istess oqsma ta’ politika. Tali evalwazzjonijiet, possibbilment flimkien ma’ evalwazzjonijiet ta’ aġenziji individwali, jippermettu lill-Kummissjoni tagħmel proposti għal adattamenti tal-atti kostituttivi tal-aġenziji, fejn rilevanti.

Rakkomandazzjoni 1 – Tiġi żgurata r-rilevanza, il-koerenza u l-flessibbiltà tat-twaqqif tal-aġenziji

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 1(a).

Il-Kummissjoni taqbel li huwa importanti li tiġi kkunsidrata l-koerenza tar-rwol u l-kompiti tal-aġenziji meta jsiru evalwazzjonijiet trasversali regolari f’qasam ta’ politika (kontrolli tal-idoneità), biex jiġu identifikati sinerġiji u titnaqqas il-burokrazija, filwaqt li jiġu kkunsidrati fużjonijiet jew għeluq potenzjali ta’ aġenziji li joperaw f’dan il-qasam.

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 1(b).

86

Il-Kummissjoni tifhem li r-referenza għall-proċeduri baġitarji tal-UE tkopri kemm id-dimensjoni annwali kif ukoll dik pluriennali bħala riżultat tad-dokument uniku ta’ programmazzjoni rivedut.

Rakkomandazzjoni 2 – Allollokazzjoni tar-riżorsi lill-aġenziji b’mod aktar flessibbli

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 2 (b).

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 2 (c).

87

Il-Kummissjoni tqis li r-responsabbiltà tal-membri tal-bord ta’ tmexxija hija definita b’mod ċar fl-Approċċ Komuni u fl-atti kostituttivi tal-aġenziji.

Rakkomandazzjoni 3 – Titjib tal-governanza u r-rappurtar dwar il-prestazzjoni

Il-Kummissjoni tinnota li r-rakkomandazzjoni 3 (a) hija indirizzata lill-aġenziji. Dan l-aħħar il-Kummissjoni saħħet il-qafas applikabbli permezz tal-linji gwida ġodda tal-FFR u l-Kummissjoni relatata għall-SPD u l-CAAR u se tissorvelja l-implimentazzjoni tagħha mill-aġenziji.

Il-Kummissjoni taċċetta r-Rakkomandazzjoni 3(b).

Il-Kummissjoni taċċetta r-Rakkomandazzjoni 3(c).

Il-Kummissjoni tevalwa l-governanza tal-aġenziji u fejn xieraq tagħmel proposti leġiżlattivi f’konformità mal-Approċċ Komuni.

89

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-Artikolu 32(1) f tal-FFR jirrikjedi li l-aġenziji jistabbilixxu, fl-SPD tagħhom, strateġija għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u/jew organizzazzjonijiet internazzjonali li tirfed l-appoġġ mill-Kummissjoni.

Barra minn hekk, l-iskambju ta’ għarfien espert bejn l-Aġenziji u korpi mhux tal-UE huwa ġeneralment stabbilit permezz ta’ “arranġamenti ta’ ħidma” f’kollaborazzjoni mas-SEAE u l-Kummissjoni.

Rakkomandazzjoni 4 – It-tisħiħ tar-rwol ta’ l-aġenziji bħala ċentri għall-iskambju ta’ l-għarfien espert u n-networking

Il-Kummissjoni tinnota li r-rakkomandazzjoni 4(a) hija indirizzati lill-aġenziji. L-FFR u l-linji gwida ġodda tal-Kummissjoni relatati jeħtieġu li l-aġenziji jadottaw ‘Strateġija għall-kisba ta’ gwadanji fl-effiċjenza’.

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 4 (b), safejn jirrigwarda lilha.

Il-Kummissjoni tindika li r-responsabbiltà ewlenija hija li l-Istati Membri jipprovdu l-informazzjoni, l-għarfien espert u l-appoġġ.

Il-Kummissjoni taċċetta r-Rakkomandazzjoni 4(c).

Risposti tan-Network tal-Aġenziji tal-UE (EUAN)

In-Network tal-Aġenziji tal-UE (EUAN) jilqa’ l-osservazzjonijiet preliminari tal-awditu tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) li eżaminat jekk il-kundizzjonijiet humiex fis-seħħ biex l-Aġenziji tal-UE jkunu jistgħu jiksbu b’suċċess il-mandati u l-objettivi tagħhom.

L-EUAN jieħu nota tal-konklużjoni tal-Qorti li l-Aġenziji għandhom rwol dejjem aktar importanti fit-twassil tal-politiki tal-UE u li l-Aġenziji huma ċentrali biex jiġbru flimkien interessi differenti minn Stati Membri biex jilħqu soluzzjonijiet ta’ politika komuni għall-UE. Il-Qorti osservat ukoll li l-Aġenziji jsofru minn flessibbiltà limitata fir-riżorsi, parzjalment minħabba li ċ-ċiklu tal-ippjanar tagħhom huwa strettament marbut mal-proċess baġitarju tal-Kummissjoni, li l-Aġenziji għandhom jirċievu riżorsi adegwati skont il-ħtiġijiet li qed jinbidlu tagħhom u li l-irwol tal-Aġenziji bħala ċentri ta’ għarfien espert u networking għandu jissaħħaħ.

Ir-rapport huwa partikolarment importanti fl-isfond ta’ mandati estiżi u aktar talbiet li l-Aġenziji jiffaċċjaw mill-partijiet ikkonċernati tagħhom. B’mod parallel, madankollu, ir-riżorsi tal-Aġenziji tnaqqsu u dan poġġa f’riskju l-kapaċità tal-Aġenziji li jissodisfaw l-obbligi tagħhom. L-EUAN jilqa’ wkoll l-appell tal-Qorti biex ir-riżorsi jiġu allokati lill-Aġenziji b’mod aktar flessibbli. Tabilħaqq, l-impatt ta’ tnaqqis konsistenti fil-persunal fi snin riċenti u r-rekwiżit għall-flessibbiltà saru evidenti ħafna matul il-kriżi attwali tal-COVID-19, li matulha diversi Aġenziji kienu meħtieġa jirrispondu b’mod urġenti u, b’riżultat ta’ dan, kellhom jiddevjaw riżorsi sostanzjali biex jiżguraw koordinazzjoni essenzjali tal-UE u għarfien espert kritiku biex jiġi ffaċilitat it-teħid ta’ deċiżjonijiet f’livell Ewropew u nazzjonali matul il-pandemija.

L-EUAN jappoġġa l-passi tal-QEA biex jiġi razzjonalizzat il-proċess ta’ rieżami assoċjat ma’ dan l-awditu filwaqt li, fl-istess ħin, l-EUAN jirrikonoxxi li kull Aġenzija għandha l-personalità ġuridika tagħha stess.  L-EUAN jixtieq jenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Aġenziji u l-Kummissjoni fil-valutazzjoni tal-fattibbiltà tar-rakkomandazzjonijiet bħax-xogħol preparatorju għall-evalwazzjonijiet qabel l-implimentazzjoni tagħhom, meta jitqies il-kamp ta’ applikazzjoni uniku ta’ kull Aġenzija, inklużi d-differenzi fil-kompożizzjoni tal-korpi ta’ governanza tagħhom. Għandu jiġi evitat l-approċċ wieħed tajjeb għal kulħadd.

Fl-aħħar nett, l-EUAN jixtieq jirringrazzja lill-QEA għall-approċċ kostruttiv tagħha fl-iżvilupp tal-osservazzjonijiet preliminari u jinsab ħerqan li jkompli l-impenn kollaborattiv mal-Aġenziji.

Risposti tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA)

Il-fatt li hemm ammonti rikorrenti ta’ riporti tal-baġit huwa kkawżat min-natura pluriennali tal-operazzjonijiet u tal-kuntratti tal-aġenzija. Ir-rati ta’ kanċellazzjoni għal riporti minn snin preċedenti huma baxxi ħafna. L-EU-OSHA qed tintroduċi miżuri ġodda biex iżżid it-trasparenza tal-ippjanar finanzjarju tagħha, u dawn se jikkonfermaw il-ġestjoni tajba tar-riżorsi finanzjarji tagħha.

Risposti tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO)

Bħala rimarka introduttorja ġenerali, l-EASO ifaħħar l-analiżi estensiva tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri f’oqsma ta’ interess dirett għall-aġenziji tal-UE. Filwaqt li wieħed isib osservazzjonijiet preliminari u rakkomandazzjonijiet ta’ interess komuni għall-Aġenziji, l-EASO jikkwota d-diffikultajiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri stess fit-tfassil ta’ paraguni bejn x’inhuma l-istrutturi organizzattivi, il-missjonijiet u l-isfidi differenti tas-37 aġenzija attwali tal-UE. Għal dan il-għan, l-EASO jirrakkomanda kawtela sabiex tiġi evitata t-tentazzjoni li jiġi applikat approċċ wieħed tajjeb għal kulħadd biex titkejjel il-prestazzjoni tal-aġenziji.

L-EASO jixtieq jiġbed ukoll l-attenzjoni għall-kummenti mmirati li ġejjin dwar it-taqsimiet/il-paragrafi rilevanti tar-rapport preliminari:

Osservazzjonijiet

It-tweġiba tal-EASO (paragrafu 29):

L-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 439/201034 jipprevedi evalwazzjoni esterna indipendenti li tkopri l-impatt tal-EASO fuq il-kooperazzjoni prattika fil-qasam tal-asil u fuq is-SEKA. L-evalwazzjoni esterna indipendenti tal-Aġenzija mwettqa minn EY fl-2014, ġiet ikkummissjonata mill-EASO abbażi tat-termini ta’ referenza maħruġa mill-Bord ta’ Tmexxija bi qbil mal-Kummissjoni. Dan huwa konformi mal-istess Artikolu 46 tar-Regolament ta’ twaqqif tal-EASO. Barra minn hekk, il-paragrafu 2 tal-Artikolu 46 jipprevedi wkoll li d-deċiżjoni dwar l-għażla taż-żmien għal evalwazzjonijiet futuri għandha tiġi deċiża mill-Bord ta’ Tmexxija tal-EASO, bi qbil mal-Kummissjoni.

Fl-4  a’ Mejju 2016, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet Proposta għal Regolament dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Asil – EUAA (li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 439/2010). Skont il-Proposta l-ġdida, li għadha qed tiġi nnegozjata fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea hija mitluba tikkummissjona evalwazzjoni tal-EUAA fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament il-ġdid, u mbagħad kull ħames snin wara dan, biex tivvaluta b’mod partikolari l-impatt, l-effettività u l-effiċjenza tal-Aġenzija u l-prattiki ta’ ħidma tagħha. Din l-evalwazzjoni trid tkopri l-impatt tal-Aġenzija fuq il-kooperazzjoni prattika dwar kwistjonijiet relatati mal-asil u fuq is-SEKA. Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapport ta’ evalwazzjoni flimkien mal-konklużjonijiet tagħha dwar ir-rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bord ta’ Tmexxija. Is-sejbiet tal-evalwazzjoni għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.

It-tweġiba tal-EASO (paragrafu 37):

Ġew introdotti miżuri fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-EASO dwar il-Governanza u l-Pjan ta’ Involviment tal-Persunal biex tiġi indirizzata ir-rata ta’ dawran serju tal-impjegati li l-EASO kien qed jesperjenza, speċjalment fl-ewwel semestru tal-2018 (ir-rata fl-2018 – 10 %, ir-rata fl-2019 – 5.76 %35). Ir-rata ta’ dawran tal-impjegati fl-aħħar ta’ April 2020 kienet ta’ 1.97 %, li tidher li tinsab fit-triq it-tajba biex tibqa’ taħt is-7 % fuq bażi annwali.

L-introduzzjoni ta’ diversi miżuri għandhom l-għan kemm li tattira kif ukoll li żżomm il-persunal fl-Aġenzija. Din li ġejja hija lista mhux eżawrjenti ta’ miżuri, li tinkludi t-tisħiħ tal-komunikazzjoni interna fl-Aġenzija, arranġamenti tax-xogħol aktar flessibbli — il-konċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja – u t-tisħiħ tal-prospetti ta’ tagħlim u taħriġ għall-persunal:

  • It-tisħiħ tal-governanza tal-Aġenzija permezz ta’ ristrutturar tal-istruttura organizzattiva. Ir-ristrutturar implimentat fl-1 ta’ Jannar 2020 għandu l-għan li jistabbilixxi qafas solidu għal flussi tax-xogħol flessibbli u l-funzjonament aħjar fl-Aġenzija, flimkien ma’ viżibilità msaħħa u l-użu tal-għarfien u l-kompetenzi tal-EASO;
  • Aktar trasparenza fil-livell maniġerjali. Pereżempju, fil-pubblikazzjoni ta’ rapporti ta’ laqgħat fuq l-intranet mit-Tim ta’ Ġestjoni;
  • Sforzi kontinwi biex tiġi żgurata komunikazzjoni xierqa ma’ kollegi li jipprovdu appoġġ operazzjonali fil-qasam, eż. permezz ta’ VCs li jiġu organizzati kull ġimgħa;
  • Attenzjoni akbar għall-funzjonijiet tal-kumitat tal-persunal;
  • L-organizzar ta’ laqgħat regolari tal-persunal bejn l-unitajiet u d-dipartimenti;
  • L-introduzzjoni ta’ xogħol flessibbli (flexitime) u t-telexogħol;
  • Arranġamenti ta’ edukazzjoni aktar favorevoli;
  • Żieda fl-għadd ta’ attivitajiet ta’ “away days” tal-persunal u attivitajiet ta’ żvilupp ta’ timijiet;
  • Il-formalizzazzjoni ta’ proċedura ta’ ħruġ, li tippermetti lill-Aġenzija tiġbor feedback u tagħlimiet minn persunal lli jħalli l-Aġenzija.

Minħabba t-tifqigħa reċenti tal-Coronavirus Ġdid (COVID-19), it-tim ta’ ġestjoni tal-EASO identifika riskju kritiku ta’ tfixkil u dewmien maġġuri fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ stabbiliment tal-EASO. Id-Direttur Eżekuttiv immedjatament adotta u implimenta r-reazzjonijiet ta’ mitigazzjoni tar-riskju

It-tweġiba tal-EASO (paragrafu 39):

F’konformità mar-Regolament ta’ Twaqqif tal-EASO, jistgħu jiġu skjerati Timijiet ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (“AST”) fuq talba ta’ Stat Membru soġġett għal pressjoni partikolari (l-Artikolu 13) abbażi ta’ pjan operazzjonali (l-Artikolu 18). Skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament ta’ Twaqqif tal-EASO, b’reazzjoni għal talba bħal din, l-EASO jista’ jikkoordina l-assistenza teknika u operazzjonali meħtieġa lill-Istat Membru jew lill-Istati Membri rikjedenti u l-iskjerament, għal żmien limitat, ta’ tim ta’ appoġġ fil-qasam tal-asil.

F’konformità mar-Regolament ta’ Twaqqif tal-EASO (l-Artikoli 13, 15 u 16 tiegħu) l-Istati Membri tal-UE għandhom jagħmlu disponibbli esperti nazzjonali f’dawn l-Istati Membri tal-UE taħt pressjoni fuq talba tagħhom (eż. Malta; Ċipru; il-Greċja; l-Italja). Madankollu, minħabba l-fatt li r-rata ta’ mobilizzazzjoni tal-esperti tal-Istati Membri bħalissa hija biss ta’ 8 %, l-EASO kellu jew għandu jsib modi alternattivi biex jipprovdi l-appoġġ meħtieġ. Dan ġie enfasizzat fil-Konklużjoni tal-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2016. Din kienet ir-raġuni għaliex il-mudell ta’ ħaddiema temporanji ġie stabbilit.

Għal dan il-għan l-EASO stabbilixxa kuntratti pubbliċi ma’ aġenziji interim għall-provvista ta’ ħaddiema interim, li jikkonkludu missjonijiet f’kull pajjiż rispettiv ta’ operazzjoni (Malta, l-Italja, il-Greċja u Ċipru). Żewġ kategoriji ta’ ħaddiema temporanji qed iwettqu inkarigi għall-EASO: Ħaddiema interim li jipprovdu appoġġ temporanju f’kompiti amministrattivi relatati, li temporanjament jissostitwixxu persunal statutorju; u ħaddiema interim li jiġu stazzjonati fil-hotspots biex jipprovdu appoġġ lill-Istati Membri tal-UE bi bżonn partikolari (Malta, l-Italja, il-Greċja u Ċipru), li jissostitwixxu temporanjament l-esperti tal-Istat Membru. Il-kuntratti pubbliċi huma rregolati mid-dritt tal-Unjoni, ikkomplementati, fejn meħtieġ, mil-liġi applikabbli għall-pajjiż tal-operazzjoni. Kull waħda mill-ġurisdizzjonijiet legali għandha stabbiliti regoli nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija.

Ir-riżerva ta’ intervent għall-asil prevista fl-abbozz tar-Regolament EUAA tista’ tgħin biex tiġi indirizzata aħjar il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ skjerament, b’mod partikolari f’każijiet fejn hija meħtieġa azzjoni immedjata biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet li jikkawżaw pressjonijiet sproporzjonati u piż estrem fuq is-sistemi tal-asil u l-akkoljenza tal-Istati Membri.

It-tweġiba tal-EASO (paragrafu 42):

L-EASO jirrikonoxxi u jilqa’ l-osservazzjoni tal-QEA rigward it-tul taċ-ċiklu ta’ ppjanar u l-isfidi li dan jista’ joħloq għall-aġenziji, bħall-EASO, li joperaw f’ambjent kemxejn imprevedibbli u li qed jinbidel.

It-tweġiba tal-EASO (paragrafu 64):

Fuq il-media online biss (il-qarrejja tal-media kkonċernata), il-preżenza tal-EASO żdiedet b’mod drammatiku minn 2.1 biljun fl-2017 għal 8.2 biljuni fl-2019. Iċ-ċifri kollha (inklużi dawk ta’ hawn taħt) jinkisbu minn Meltwater Media Intelligence.

L-EASO jiffoka aktar li tintlaħaq l-udjenza milli fuq in-numru ta’ artikli. L-artikli lokali żgħar jilħqu numru limitat ta’ nies, filwaqt li n-news wires (Reuters, AFP, AP, ANSA, eċċ.) u pubblikazzjonijiet internazzjonali u nazzjonali ewlenin jilħqu miljuni f’artiklu wieħed. Sabiex ikompli jibni r-rikonoxximent tal-marka kummerċjali, l-EASO jiffoka fuq dan tal-aħħar. L-għodda tiegħu ta’ Meltwater issib li bejn l-1 ta’ Jannar 2018 u l-aħħar ta’ Lulju 2019, 10 773 artiklu semmew l-EASO (b’kuntrast mal-2 226 darba li ġie ċitat). Bejn Jannar u Lulju 2019 biss, 2 480 artiklu semmew l-EASO (aktar mill-perjodu ta’ referenza kollu ċitat).

Fl-aħħar nett, l-EASO jinnota li huwa jagħti ammont kbir ħafna ta’ attenzjoni lill-preżenza tal-media soċjali, flimkien mal-media tradizzjonali/online. L-EASO huwa konxju li ċ-ċittadin modern għandu firxa qasira ta’ attenzjoni u b’mod ġenerali jirċievi l-aħbarijiet tiegħu fuq il-kont tiegħu fuq Facebook jew fuq Twitter, aktar milli fuq il-media tradizzjonali. F’dan ir-rigward, l-EASO jippopola l-kontijiet tiegħu kontinwament u għandu rekord awdjoviżiv b’saħħtu, billi jipproduċi kontenut regolari biex iwassal l-attivitajiet u l-mandat tiegħu liċ-ċittadini fuq il-media soċjali. Żewġ eżempji huma:

It-tweġiba tal-EASO (paragrafu 65):

L-EASO jaqbel mal-osservazzjoni tal-QEA dwar l-iskop għal titjib biex l-aġenziji jiġu infurmati dwar l-eżitu tad-diskussjonijiet ewlenin li saru matul in-negozjati dwar il-baġit. Każ partikolari huwa l-baġit tal-EASO għall-2020, li sofra tnaqqis ta’ EUR 24.7 miljun mill-awtorità baġitarja matul il-konċiljazzjoni. B’riżultat ta’ dan, l-EASO qed iwettaq kompitu kumpless li jkollu jerġa’ jeżamina diversi mill-attivitajiet ippjanati tiegħu, inkluż l-ippjanar operazzjonali tiegħu stabbilit fid-dokumenti ta’ programmazzjoni tiegħu.

It-tweġiba tal-EASO (paragrafu 77):

L-EASO jaqbel dwar il-benefiċċju li tiġi stabbilita kooperazzjoni sinifikanti ma’ aġenziji oħra tal-UE li huma attivi fl-istess qasam ta’ politika. L-EASO stabbilixxa arranġamenti ta’ ħidma ma’ għadd ta’ Aġenziji tal-ĠAI, inklużi l-Frontex, il-FRA, l-Europol u l-eu-LISA. L-EASO jkompli jinvolvi ruħu wkoll abbażi ta’ pjanijiet ta’ kooperazzjoni mal-Frontex u l-eu-LISA.

Risposti tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex)

Kaxxa 7. Il-baġit tal-Frontex fil-qasam tar-ritorn mhuwiex maħsub esklussivament għall-appoġġ tal-operazzjonijiet ta’ ritorn. Sa mill-2016, il-mandat dwar ir-ritorni beda jinkludi wkoll attivitajiet ta’ qabel ir-ritorn. L-operazzjonijiet ta’ ritorn u l-attivitajiet relatati mar-ritorn kollha appoġġati mill-Frontex jiddependu ħafna minn talbiet ad hoc tal-Istati Membri bbażati fuq ħtiġijiet għal żmien qasir (li fil-parti l-kbira tagħhom jiddependu fuq id-disponibbiltà effettiva ta’ persuni rimpatrijati).

Fl-2019 ix-xejra reġgħet lura għal kif kienet : il-baġit allokat għar-ritorn inizjalment kien jammonta għal EUR 63 miljun u l-baġit implimentat kien EUR 67.4 miljun.

76

Il-qafas taċ-Ċiklu tal-Politika tal-UE/tal-EMPACT saħħaħ il-kooperazzjoni tal-Aġenziji tal-ĠAI. Din il-pjattaforma għenet biex issaħħaħ il-kuntatti reċiproċi speċjalment fost l-Europol, il-Frontex, l-Eurojust u s-CEPOL.

L-EFCA u l-EMSA jikkooperaw mal-Frontex fuq kwistjonijiet tal-gwardja tal-fruntieri abbażi tal-Arranġament ta’ Ħidma Tripartitiku ffirmat fl-2017. Il-Pjan Strateġiku Annwali huwa adottat mill-Kumitat ta’ Tmexxija rrappreżentat mid-Diretturi Eżekuttivi tat-tliet Aġenziji tal-UE.

Risposti tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA)

Osservazzjonijiet

L-aġenziji jirrapportaw aktar dwar l-aspetti tal-prestazzjoni, iżda l-kontribut tagħhom għall-politika u l-kooperazzjoni tal-UE ma jiġix imkejjel u kkomunikat liċ-ċittadini b’mod ċar

57

L-EFSA għandha kemm indikaturi tal-input/output (riżultati fil-livell operazzjonali), kif ukoll tal-eżitu u tal-impatt intermedju (riżultati fil-livell strateġiku/tal-politika), li jkejlu l-prestazzjoni globali b’mod komprensiv; dawn huma marbutin b’mod ċar fid-Dokument Uniku ta’ Programmazzjoni (SPD) u fir-Rapport dwar l-Attività Annwali (CAAR) mal-objettivi tar-regolament ta’ twaqqif u tal-istrateġija tagħha, li għall-Aġenziji huma riflessjoni tal-objettivi tal-politiki globali. Billi (ħafna) mill-Aġenziji huma korpi li jikkontribwixxu b’mod parzjali għall-implimentazzjoni tal-politiki, mhumiex f’pożizzjoni li jkejlu b’mod dirett l-impatt tax-xogħol tagħhom fuq l-objettivi tal-politiki u s-soċjetà bħala tali; dan huwa kompitu ta’ dawk li jfasslu l-politiki tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri. L-EFSA u aġenziji oħrajn huma ħerqana li jikkontribwixxu għal dan jekk tali qafas jiġi mfassal minn dawk li jfasslu l-politiki rilevanti. Madanakollu, l-EFSA diġà tikkoopera mas-sieħeb tagħha DĠ SANTE biex tkejjel l-indikaturi rilevanti għall-politiki, bħal dawk marbuta mar-reputazzjoni tal-partijiet ikkonċernati, is-sodisfazzjon u l-użu tal-parir u l-evidenza xjentifiċi li tipproduċi.

Jenħtieġ li l-indikaturi jkejlu l-prestazzjoni ta’ organizzazzjoni, li, kif indikat hawn fuq, hija rilevanti fil-livell operazzjonali (eż. inputs, outputs), kif ukoll fil-livell strateġiku (eż. eżiti, impatti). Il-prestazzjoni operazzjonali tirreferi għal dak li organizzazzjoni jenħtieġ li tikkontrolla, filwaqt li l-prestazzjoni strateġika tirreferi għal dak li għalih tista’ tikkontribwixxi organizzazzjoni, b’mod partikolari aktar ma wieħed imur oltre fil-loġika ta’ intervent tar-riżultati (jiġifieri impatti tas-soċjetà/tal-politiki). B’hekk, huwa mistenni, u hija prattika tajba għal Aġenzija bħall-EFSA, li jkollha sehem akbar ta’ indikaturi tal-prestazzjoni operazzjonali minflok dawk tal-impatt fil-livell tal-politika.

Hemm għarfien u segwitu limitat fil-midja dwar il-kontribut tal-aġenziji għall-politiki u għall-kooperazzjoni

63

Il-Komunikazzjoni tar-riskju u l-involviment mal-udjenzi fil-mira kollha tal-EFSA, bħall-industrija, l-NGOs, il-konsumaturi, l-akkademiċi, il-bdiewa, il-prattikanti u d-distributuri kienu element importanti tal-ħidma tal-EFSA. Il-Komunikazzjoni tar-riskju hija parti mill-mandat tal-EFSA stabbilit fir-regolament ta’ stabbiliment tagħha iżda l-EFSA investiet ukoll ħafna sforzi fl-istabbiliment ta’ proċessi ta’ valutazzjoni tar-riskju miftuħa u trasparenti, appoġġati minn approċċ qawwi ta’ involviment mill-partijiet ikkonċernati. Ir-Regolament riċenti dwar it-Trasparenza saħansitra jsaħħaħ aktar kemm l-isforzi ta’ involviment kif ukoll ta’ komunikazzjoni tar-riskju. Ir-riżultati kollha tal-EFSA huma disponibbli għall-pubbliku. Is-suġġetti ta’ prijorità, kif inhuma identifikati mill-EFSA f’diskussjoni mas-sħab tagħha, ta’ spiss jibbenefikaw minn kampanji speċifiċi li għandhom l-għan li jqajmu kuxjenza dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà fl-ikel li jiġu eżaminati fost il-pubbliku ġenerali. 

Figura 9 – Artikli tal-aħbarijiet skont l-aġenzija

64

L-EFSA tippubblika l-outputs xjentifiċi tagħha fil-Ġurnal tal-EFSA. L-outputs tal-attivitajiet kollha li l-EFSA tikkuntratta jew tikkofinanzja permezz ta’ għotjiet jiġu ppubblikati fil-Pubblikazzjonijiet ta’ Sostenn tal-EFSA. It-tnejn huma ġurnali xjentifiċi online b’aċċess miftuħ. Il-Ġurnal tal-EFSA ġie aċċettat fl-Indiċi taċ-Ċitazzjonijiet tax-Xjenza Estiż. L-artikli jiġu ppubblikati kontinwament, jiġifieri malli jiġi ffinalizzat l-output xjentifiku.

Il-kooperazzjoni mal-Istati Membri hija kruċjali, iżda mhux dejjem taħdem sew

71

L-EFSA żżomm kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Din tinkiseb permezz ta’ diversi mekkaniżmi, fosthom:

Il-Forum Konsultattiv (AF), korp li jinkludi rappreżentanti mill-Istati Membri, min-Norveġja u mill-Iżlanda, li jagħti pariri lill-EFSA dwar il-programm ta’ ħidma u l-prijoritajiet tagħha, bil-għan li tittejjeb il-kooperazzjoni xjentifika u li jiġi evitat ix-xogħol doppju. Il-Forum Konsultattiv għandu wkoll rwol importanti biex jidentifika, isolvi jew jispjega d-diverġenzi fl-opinjonijiet xjentifiċi bejn l-EFSA u l-awtoritajiet tal-Istati Membri.

In-network tal-Punt Fokali, li jaġixxi bħala ambaxxatur tal-EFSA fl-Istati Membri u jassisti l-kollaborazzjoni tal-EFSA mal-Forum Konsultattiv

In-Networks Xjentifiċi li għandhom fokus tematiku u li jikkonsistu minn rappreżentanti tal-Istati Membri, tan-Norveġja u tal-Iżlanda, li jipprovdu appoġġ dwar kwistjonijiet xjentifiċi, il-ġbir ta’ data, eċċ. skont il-prijoritajiet tal-EFSA. In-Network ta’ Esperti fil-Komunikazzjoni jopera bħala network xjentifiku li jiffoka l-attivitajiet tiegħu fuq l-inizjattivi u l-koordinazzjoni tal-komunikazzjoni tar-riskju.

L-EFSA, fuq proposta tal-membri tal-AF, iżżomm lista ta’ organizzazzjonijiet kompetenti tal-Istati Membri, kif previst fl-Artikolu 36 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002. L-organizzazzjonijiet f’din il-lista jistgħu jwettqu kompiti li l-EFSA tista’ tafdalhom, kif speċifikat fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2230/2004. L-EFSA għandha fis-seħħ mekkaniżmu tal-għotjiet korrispondenti biex tappoġġa l-kooperazzjoni ma’ tali organizzazzjoni.

73

Għall-EFSA, il-Forum Konsultattiv, fost l-objettivi tal-missjoni tiegħu għandu li jidentifika s-sinerġiji u jevita x-xogħol doppju. Biex tilħaq dawn l-objettivi, l-EFSA tipprovdi għodod biex tiffaċilita l-iskambju tal-informazzjoni fost il-membri tal-Forum Konsultattiv u l-EFSA dwar attivitajiet ta’ valutazzjoni tar-riskju li għaddejjin bħalissa u li huma ppjanati. Dan mhuwiex vinkolanti għall-Istati Membri. L-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jipprevedi mekkaniżmu għall-identifikazzjoni u l-indirizzar tad-diverġenzi xjentifiċi.

Rotta ta’ kooperazzjoni importanti oħra mal-Istati Membri hija n-Networks Xjentifiċi. Dawn jiġu ffurmati f’żoni identifikati mill-EFSA skont it-Termini ta’ Referenza proposti mill-EFSA u approvati mill-Forum Konsultattiv (eż. l-OĠM, il-Valutazzjoni tar-Riskju Mikrobiku, il-Ġbir ta’ data dwar il-monitoraġġ kimiku, il-Konsum tal-ikel, eċċ.). Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri huma membri f’dawk in-Networks. Il-ħidma fin-Networks tiffaċilita l-ġbir tad-data u l-iskambju tal-informazzjoni.

KAXXA 13 L-ECHA u l-EFSA – xogħol simili, mhux biżżejjed kooperazzjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea, għas-suġġetti fejn l-EFSA u l-ECHA għandhom għarfien espert konsiderevoli, ipprovdiet liż-żewġ aġenziji mandati konġunti. Dan ikompli jibni fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolament REACH.

Id-DĠ SANTE, flimkien ma’ Direttorati Ġenerali rilevanti oħra, beda sforzi biex jagħti spinta lill-kooperazzjoni bejn id-DĠs u Interaġenzjali, bl-involviment tal-Aġenziji li joperaw taħt il-patroċinju tiegħu (EFSA, ECDC, EMA, CVO) kif ukoll tal-aġenziji li l-attivitajiet tagħhom huma marbuta mill-qrib mas-saħħa u mal-ambjent (ECHA, EEA). L-għan huwa li jiġu allinjati b’mod strateġiku u żviluppati proġetti konġunti f’oqsma ta’ interess komuni.

Barra minn hekk, wara l-memorandum ta’ fehim eżistenti tagħhom, l-EFSA u l-ECHA kienu involuti f’diskussjonijiet, fil-livell tal-maniġment superjuri, bl-objettiv li jidentifikaw oqsma ta’ interess reċiproku fejn is-sinerġiji jew il-kooperazzjoni jkunu jagħmlu sens. S'issa, kien hemm diversi eżiti tanġibbli minn din id-diskussjoni li għadha għaddejja. Pereżempju, l-ECHA tipprovdi lill-EFSA, permezz ta’ SLA, appoġġ fil-preparazzjoni ta’ IUCLID bħala s-soluzzjoni għall-ġestjoni tad-data tal-ġbir u tal-ipproċessar tad-data sottomessa f’dossiers. Diġà seħħ proġett pilota dwar id-dominju tal-pestiċidi b’riżultati pożittivi. Il-kooperazzjoni mal-ECHA dwar dan l-aspett mistennija twassal għal simplifikazzjoni tal-proċess ta’ sottomissjoni tad-dossier għall-industrija.

Barra minn hekk, meta jaħdmu fuq l-istess sustanzi iżda taħt oqfsa regolatorji differenti, l-ECHA u l-EFSA jżommu lil xulxin infurmati u jesploraw possibbiltajiet għall-kooperazzjoni, pereżempju billi jaqsmu l-għarfien espert fejn jirriżultaw suġġetti ta’ interess reċiproku bħall-valutazzjoni ta’ ċerti sustanzi kimiċi.

Saru wkoll sinerġiji f’oqsma oħra, bħar-reklutaġġ konġunt tal-persunal, l-akkwist konġunt għas-servizzi komuni, il-kontribut konġunt għall-inizjattivi ta’ politika, eċċ.

L-isforzi ta’ sensibilizzazzjoni tal-aġenziji fil-livell internazzjonali għadhom limitati

83

L-interazzjonijiet tal-EFSA mal-organizzazzjonijiet internazzjonali u mal-organizzazzjonijiet f’pajjiżi terzi huma inkwadrati bid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 ta’ twaqqif tagħha. F’termini prattiċi, il-programm ta’ ħidma tal-EFSA jinkludi attivitajiet ta’ kooperazzjoni xjentifika internazzjonali. Dawn jiġu ppjanati f’konsultazzjoni u komunikazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea u jikkontribwixxu għat-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi Terzi tal-organizzazzjonijiet internazzjonali involuti.

Bħalissa, l-EFSA għandha kollaborazzjoni xjentifika għaddejja, dwar suġġetti li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha, ma’ bosta sħab internazzjonali ewlenin. Tali kooperazzjoni titwettaq taħt il-qafas tal-Memoranda ta’ Kooperazzjoni jew arranġamenti simili. L-EFSA għandha grupp ta’ persunal iddedikat li jiffaċilita l-iskambji ma’ sħab internazzjonali u organizzazzjonijiet internazzjonali.

Rakkomandazzjonijiet

Rakkomandazzjoni 2a – Alloka r-riżorsi lill-aġenziji b’mod aktar flessibbli

Fil-fehma tal-EFSA, l-allokazzjoni tar-riżorsi lill-aġenziji b’mod aktar flessibbli tista’ tinkiseb bl-aħjar mod billi titneħħa l-limitazzjoni doppja tal-baġit u tal-pjan ta’ stabbiliment u billi jiġu eliminati l-limiti massimi tal-għadd ta’ persunal fir-rigward tal-Aġenti Kuntrattwali impjegati taħt is-CEOS.

Il-possibbiltà li aktar aġenziji jiġbru tariffi tippermettilhom ukoll li jiddependu anqas fuq il-kontribut tal-UE (il-Parlament Ewropew diġà stieden lill-Kummissjoni u lill-Aġenziji biex jesploraw aktar il-ġbir tat-tariffi).

Rakkomandazzjoni 3a – Tejjeb il-governanza u r-rapportar dwar il-prestazzjoni

L-EFSA diġà tirrapporta dwar ir-riżultati tanġibbli tal-politiki (relatati mal-objettivi tar-Regolament ta’ stabbiliment u l-istrateġija multiannwali) fir-rapport annwali tal-attività bbażat fuq il-prestazzjoni. Ir-rapporti ta’ attività annwali kollha huma disponibbli għall-pubbliku. Dawn ir-rapporti jistgħu jiġu allinjati aħjar ma’ rapporti ta’ Aġenziji u istituzzjonijiet tal-UE oħra li joperaw fl-istess gruppi ta’ politiki.

Fil-fehma tal-EFSA, biex jitjiebu l-arranġamenti ta’ governanza, jistgħu jiġu definiti strutturi ta’ governanza b’diversi aġenziji fi ħdan il-gruppi ta’ politiki (eż. is-saħħa u l-ambjent). Dawn il-korpi ta’ governanza jistrutturaw il-kontribuzzjonijiet mistennija tad-diversi partijiet ikkonċernati għall-għanijiet tal-politiki maħsuba, jivvalutaw l-ippjanar u l-prestazzjoni konġunti, u jippermettu sinerġiji u servizzi konġunti.

Rakkomandazzjoni 4a — Saħħaħ l-irwol tal-aġenziji bħala ċentri għall-kondiviżjoni tal-għarfien espert u n-netwerking

Sabiex iż-żieda fil-kollaborazzjoni fost l-aġenziji tkun effiċjenti u konsistenti, l-EFSA tista’ tibbenefika minn rwol akbar tal-Kummissjoni bħala faċilitatur li jiżviluppa approċċ koordinat li għandu jiġi definit f’qafas vinkolanti li jgħaqqad il-politiki, ir-riżultati mistennija, l-outputs ewlenin, ir-riżorsi, u responsabbiltajiet fi ħdan il-gruppi ta’ politiki tal-aġenziji. Dan jippermetti li l-kontribuzzjonijiet tad-diversi aġenziji għall-għan maħsub jiġu vvalutati aħjar, iżda wkoll jixpruna l-kooperazzjoni u s-sinerġiji filwaqt li jżid l-effiċjenza ġenerali.

Risposti tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)
53

Il-kontroll pubbliku fuq l-aġenziji kompletament awtofinanzjati, inkluż l-Uffiċċju, huwa eżerċitat b’mod differenti f’konformità mal-istruttura ta’ governanza stabbilita mil-leġiżlatur. Fil-każ tal-EUIPO, ir-rilaxx jingħata mill-Kumitat tal-Baġit tal-Uffiċċju, li jinkludi rappreżentant wieħed mill-Parlament Ewropew, żewġ rappreżentanti mill-Kummissjoni u rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru. Il-Kumitat tal-Baġit tal-Uffiċċju jiddependi mhux biss minn kwistjonijiet finanzjarji u ta’ konformità iżda wkoll b’mod pjuttost estensiv minn kunsiderazzjonijiet ta’ prestazzjoni. L-Uffiċċju għandu sistema ta’ ġestjoni tal-prestazzjoni matura u stabbilita sew. Barra minn hekk, l-Assoċjazzjonijiet tal-Utenti jipparteċipaw bħala osservaturi fil-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija u tal-Kumitat tal-Baġit, u b’hekk jippermettu skrutinju pubbliku estensiv.

Ir-Regolament Finanzjarju tal-Uffiċċju, li jirregola l-implimentazzjoni tal-baġit, huwa bbażat fuq ir-Regolament Finanzjarju Qafas u huwa approvat mill-Kumitat tal-Baġit wara konsultazzjoni mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju huma awditjati mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Id-differenza fil-mod kif jiġi eżerċitat il-kontroll pubbliku tinsab fil-loġika sottostanti ż-żewġ mudelli differenti ta’ rilaxx. Tabilħaqq, l-għan tal-proċedura ġenerali tar-rilaxx huwa li l-korp rilevanti jinżamm responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, jiġifieri ż-żewġ awtoritajiet responsabbli għall-baġit tal-UE. F’każijiet fejn ma jkun involut l-ebda fond mill-baġit tal-UE, il-leġiżlatur iddeċieda li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ma għandhomx ikunu responsabbli għar-rilaxx. Din id-differenza hija wkoll rikonoxxuta mill-Abbozz tal-Baġit tal-UE36 li skontu l-istruttura ta’ finanzjament tal-aġenziji (jiġifieri jekk dawn effettivament jirċevux kontribuzzjonijiet mill-baġit tal-UE jew le) ukoll għandha impatt fuq il-proċedura ta’ rilaxx applikabbli, kif stabbilit fl-Artikolu 70(4) tar-Regolament Finanzjarju37. L-EUIPO mhuwiex soġġett għall-Artikolu 70(4) tar-Regolament Finanzjarju u għaldaqstant ir-rilaxx jingħata mill-Kumitat tal-Baġit tiegħu (l-Artikolu 176(2) tal-att kostitwenti tal-Uffiċċju).

79

Il-kollaborazzjoni bejn l-EUIPO u s-CdT tikkostitwixxi eżempju pożittiv ta’ sħubija kostruttiva. L-EUIPO tabilħaqq qed jaħdem id f’id mas-CdT fil-kuntest tal-programm ta’ kooperazzjoni bejn l-EUIPO u s-CdT 2019-2020 li jinkludi 5 proġetti ta’ modernizzazzjoni għaċ-Ċentru li jiġu implimentati b’mod konġunt miż-żewġ aġenziji.

Risposti tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)

22 (Figura 5). Fir-rigward tal-SRB, id-DĠ FISMA jaġixxi bħala DĠ sieħeb u punt ta’ dħul fil-Kummissjoni (bi status ta’ osservatur permanenti fis-Sessjonijiet Eżekuttivi u Plenarji tal-Bord). Id-DĠ FISMA, bħala tali, mhuwiex responsabbli mill-operazzjonijiet tal-SRB, li madankollu huwa responsabbli quddiem il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-SRMR.

29 (Figura 6). Skont l-Artikolu 94(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport kull tliet snin, li ma jivvalutax l-SRB bħala tali, iżda pjuttost jivvaluta l-applikazzjoni tal-SRMR b’enfasi speċjali fuq il-monitoraġġ tal-impatt potenzjali fuq il-funzjonament bla xkiel tas-suq intern.

53. L-SRB jifhem li r-referenza tal-QEA għall-kontroll pubbliku limitat fuq l-aġenziji ffinanzjati b’mod sħiħ issir fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tagħhom filwaqt li l-kontroll pubbliku fuq il-prestazzjoni ġenerali tal-SRB huwa rregolat minn diversi dispożizzjonijiet tal-SRMR, b’mod partikolari l-Artikolu 45 u l-Artikolu 46, u l-Ftehim dwar ir-responsabbiltà u s-sorveljanza bejn il-Parlament Ewropew u l-SRB.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta' politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla IV tal-Awditjar, Regolamentazzjoni tas-swieq u ekonomija kompetittiva, li hija mmexxija minn Alex Brenninkmeijer, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Alex Brenninkmeijer, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Di Hai, Attaché tal-Kabinett; Friedemann Zippel, Maniġer Prinċipali; Eddy Struyvelt, Kap tal-Kompitu; Joaquín Hernández Fernández, Arunas Juozulynas, Sevdalina Todorova, Julio Cesar Santin Santos, Benedicte Hemelaer, Christine Becker u Janis Gaisonoks, Awdituri. Il-proġett ta' analiżi tal-big data twettaq minn Claudia Albanese, Zsolt Varga u Emmanuele Fossati, xjentisti tad-data. Thomas Everett ipprovda appoġġ lingwistiku.

Noti finali

1 Dawn iċ-ċifri tal-persunal jinkludu uffiċjali, persunal temporanju u kuntrattwali, kif ukoll esperti nazzjonali sekondati.

2 Għal raġunijiet ta’ spazju, aħna nużaw abbrevjazzjonijiet/akronimi biex nirreferu għall-aġenziji kollha. L-ismijiet sħaħ jinsabu fl-Anness I.

3 Id-“Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (SWD(2017) 350).

4 Il-Kummissjoni Ewropea, “European Governance – A White Paper”, COM(2001) 428 final, u l-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar, 2015.

5 Il-Kummissjoni Ewropea, “ “Evaluation of the EU agencies under the remit of DG Employment: Eurofound, Cedefop, ETF and EU-OSHA”, Marzu 2018.

6 Il-QEA, Rapid Case Review on the implementation of the 5 % reduction of staff costs, 2017.

7 L-EMA, il-CAAR 2018, il-paragrafu ta' osservazzjonijiet.

8 Ara wkoll ir-Rapport Annwali 2018 tal-QEA dwar l-aġenziji.

9 Analiżi u valutazzjoni tar-Rapport Annwali tal-Attività Kkonsolidat 2018 tal-Europol.

10 Eż. ir-Rapport Speċjali Nru 10/2019: "Testijiet tal-istress għall-banek fl-UE kollha: inġabar ammont kbir ta’ informazzjoni dwar il-banek, iżda jinħtieġu koordinazzjoni aħjar u fokus akbar fuq ir-riskji".

11 Il-Kumitat tal-Baġit fl-EUIPO; il-Bord fis-sessjoni plenarja tiegħu għall-SRB; il-Kunsill Amministrattiv għas-CPVO.

12 L-Opinjonijiet Nru 1/2019 u Nru 3/2019 tal-QEA.

13 SWD (2015) 62 final, 13.3.2015.

14 Ir-Rapport Analitiku Nru 7/2019: Rappurtar dwar is-sostenibbiltà – Rendikont tal-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE.

15 Il-Kawżi 9/56 u 10/56, Meroni & Co, Industrie Metallurgiche v. Awtorità Għolja, 1957-58, ECR 133.

16 Il-Kawża C-270/12, ir-Renju Unit vs il-Parlament u l-Kunsill, 2014.

17 Is-CPVO, l-EUIPO, u l-SRB.

18 Il-QEA - Ir-Rapport Annwali 2018 dwar l-aġenziji tal-UE, il-para 3.14.8.

19 Ara wkoll ir-Rapport Speċjali Nru 20/2019 tal-QEA: "Sistemi ta’ informazzjoni tal-UE li jappoġġaw il-kontroll fil-fruntieri - għodda b’saħħitha, iżda tenħtieġ aktar enfasi fuq data li tkun f’waqtha u kompleta".

20 Is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2019, fil-Kawża T-837/16.

21 Ara wkoll ir-Rapport Speċjali Nru 24/2019 tal-QEA, L-asil, ir-rilokazzjoni u r-ritorn ta’ migranti: Wasal iż-żmien li tingħata spinta biex jiġu indirizzati d-disparitajiet bejn l-objettivi u r-riżultati.

22 L-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 439/2010.

23 Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH) (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

24 Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland e.V., Hintergrund und Erläuterungen zur REACH-Registrierung: Großunternehmen verstoßen gegen das EU-Chemikalienrecht und gefährden damit Mensch und Umwelt, l-20 Mejju 2019.

25 Ara wkoll Merijn Chamon u Valerie Demedts, Constitutional limits to the EU agencies’ external relations in The External Dimension of EU Agencies and Bodies (2019).

26 Għal deskrizzjoni aktar dettaljata tas-servizz li jingħata mill-Monitoraġġ Ewropew tal-Media (EMM) ara: https://ec.europa.eu/jrc/en/scientific-tool/europe-media-monitor-newsbrief.

27 L-Uffiċċju tal-Ġestjoni u l-Baġit (OMB) huwa d-diviżjoni operattiva tal-Uffiċċju Eżekuttiv tal-President tal-Istati Uniti li tamministra l-baġit federali tal-Istati Uniti u tissorvelja l-prestazzjoni tal-aġenziji federali.

28 Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta' Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1–38).

29 Ara pp. 54-56 tal-Valutazzjoni tal-Impatt: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/PDF/?uri=CELEX:52012SC0166&from=EN

30 Ir-Regolament (UE) 2019/1381 tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar it-trasparenza u s-sostenibbiltà tal-valutazzjoni tar-riskju tal-UE fil-katina alimentari u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 178/2002 u tmien biċċiet oħra ta’ leġiżlazzjoni settorjali.

31 Ara wkoll ir-rapport speċjali tal-QEA 24/2019, Ażil, rilokazzjoni u r-ritorn tal-migranti: Wasal iż-żmien li tingħata spinta biex jiġu indirizzati d-disparitajiet bejn l-objettivi u r-riżultati.

32 Dik attwali – 2018-2022 – tinkludi vittmi ta’ kriminalità u aċċess għall-ġustizzja; ugwaljanza u diskriminazzjoni abbażi ta’ kwalunkwe raġuni; is-soċjetà tal-informazzjoni u, b'mod partikolari, ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali; kooperazzjoni ġudizzjarja, ħlief f'materji ta' kriminalità; il-migrazzjoni, il-fruntieri, l-ażil u l-integrazzjoni tar-refuġjati u l-migranti; ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-intolleranza relatata; id-drittijiet tat-tfal; l-integrazzjoni u l-inklużjoni soċjali tar-Rom.

33 Ir-Regolament (Frontex) (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016. Ir-Regolament (EMSA) (UE) 2016/1625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016; Ir-Regolament (EFCA) (UE) 2016/1626 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016.

34 Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil.

35 Iċ-ċifra fl-31 ta’ Diċembru 2019.

36 L-Abbozz tal-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020 (Dokument ta’ Ħidma Parti III - Korpi stabbiliti mill-UE li għandhom personalità ġuridika u sħubija pubblika-privata).

37 Bl-eċċezzjoni taż-żewġ aġenziji kompletament awtofinanzjati, l-aġenziji deċentralizzati kollha huma soġġetti għar-rilaxx għall-implimentazzjoni tal-baġits tagħhom mill-Parlament Ewropew fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

Kronoloġija

Avveniment Data
Il-Memorandum ta’ Ppjanar tal-Awditjar (APM) jiġi adottat / L-awditu jinbeda 26.2.2019
L-abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni Ewropea (jew lill-entità l-oħra awditjata) 30.4.2020
Ir-rapport finali jiġi adottat wara l-proċedura kontradittorja 28.7.2020
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea jaslu bil-lingwi kollha 25.8.2020
Ir-risposti uffiċjali tan-Network tal-Aġenziji tal-UE (EUAN) jaslu bil-lingwi kollha 3.8.2020
Ir-risposti uffiċjali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) jaslu bil-lingwi kollha 29.7.2020
Ir-risposti uffiċjali tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Ażil (EASO) jaslu bil-lingwi kollha 28.8.2020
Ir-risposti uffiċjali tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) jaslu bil-lingwi kollha 24.7.2020
Ir-risposti uffiċjali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) jaslu bil-lingwi kollha 5.7.2020
Ir-risposti uffiċjali tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) jaslu bil-lingwi kollha 3.8.2020
Ir-risposti uffiċjali tal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRB) jaslu bil-lingwi kollha 27.7.2020

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2020

PDF ISBN 978-92-847-5198-3 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/68124 QJ-AB-20-019-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-5158-7 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/085840 QJ-AB-20-019-MT-Q

DRITTIJIET TAL-AWTUR

© L-Unjoni Ewropea, 2020.

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, pereżempju f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur:

Il-Figuri 3 u 5: Ikoni magħmulin minn Pixel perfect minn fuq https://flaticon.com.

Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.

Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li dawn ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-QEA, inti mħeġġeġ biex teżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.

Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (https://copenhagenizeindex.eu/) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.