Sommarju eżekuttiv
I Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) hija l-awditur estern tal-finanzi tal-UE1. F’din il-kapaċità, aħna naġixxu bħala l-gwardjan indipendenti tal-interessi finanzjarji taċ-ċittadini tal-UE, u nikkontribwixxu għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE2.
II Dan id-dokument jippreżenta r-riżultati tal-awditu annwali li wettaqna tal-aġenziji tal-UE u l-korpi l-oħra tal-UE (kollettivament imsejħa “l-aġenziji”) għas-sena finanzjarja 2021, kif ukoll riżultati addizzjonali tal-awditjar relatati mal-aġenziji, li jinkludu xogħol dwar suġġett orizzontali relatat mar-riskju ta’ kunflitti ta’ interess, li twettaq mill-QEA matul l-istess sena.
III B’mod ġenerali, l-awditu li wettaqna tal-aġenziji għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2021 ipproduċa riżultati pożittivi, f’konformità ma’ dawk li rrappurtajna fi snin preċedenti. Permezz tad-dikjarazzjonijiet ta’ assigurazzjoni maħruġa għal kull aġenzija, aħna pprovdejna:
- opinjonijiet mhux kwalifikati (favorevoli) tal-awditjar dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-aġenziji kollha;
- opinjonijiet mhux kwalifikati (favorevoli) tal-awditjar dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet tal-aġenziji kollha;
- opinjonijiet mhux kwalifikati (favorevoli) tal-awditjar dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-aġenziji kollha, ħlief għall-eu-LISA, li għaliha ħriġna opinjoni kwalifikata.
IV Minkejja dan, għall-biċċa l-kbira mill-aġenziji aħna niġbdu l-attenzjoni għal oqsma fejn jista’ jsir titjib fil-paragrafi ta’ Osservazzjonijiet u dawk intitolati “Kwistjoni oħra”, kif ukoll fl-osservazzjonijiet li ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-awditjar. B’kollox, aħna għamilna 77 osservazzjoni dwar 33 aġenzija biex nindirizzaw oqsma li jeħtieġu aktar titjib bħall-akkwist pubbliku, il-ġestjoni baġitarja, ir-reklutaġġ u s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll.
V Barra minn hekk, ipproponejna wkoll l-azzjonijiet ta’ hawn taħt li għandhom jittieħdu biex jiġu indirizzati dawn l-oqsma fejn jista’ jsir titjib:
- Jenħtieġ li l-aġenziji kkonċernati jkomplu jtejbu l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku tagħhom, filwaqt li jiżguraw konformità sħiħa mar-regoli applikabbli, biex jiżguraw li jiksbu l-aħjar valur possibbli għall-flus. B’mod partikolari, meta jimplimentaw kuntratti qafas, jenħtieġ li l-aġenziji jużaw biss kuntratti speċifiċi biex jakkwistaw oġġetti jew servizzi koperti mill-kuntratt qafas assoċjat.
- Biex jiġu solvuti l-livelli eċċessivi ta’ riporti, jenħtieġ li l-aġenziji kkonċernati jkomplu jtejbu kemm l-ippjanar baġitarju tagħhom kif ukoll iċ-ċikli ta’ implimentazzjoni tagħhom.
- Jenħtieġ li n-Network tal-Aġenziji tal-UE jikkuntattja lill-Kummissjoni u lil-leġiżlaturi biex jipproponi bidliet fil-qafas regolatorju li jiddefinixxu sett minimu ta’ regoli applikabbli għall-membri tal-bordijiet tal-aġenziji tal-UE b’rabta mal-kunflitt ta’ interess u r-“revolving door”.
- Jenħtieġ li l-aġenziji jqawwu l-proċeduri u l-kontrolli interni tagħhom dwar sitwazzjonijiet potenzjali ta’ “revolving door”, sabiex jiżguraw konformità sħiħa mar-regoli applikabbli.
- Jenħtieġ li l-aġenziji jintroduċu regoli interni għall-membri tal-bordijiet tagħhom dwar kunflitti ta’ interess inġenerali u dwar sitwazzjonijiet ta’ “revolving door” inpartikolari.
- Jenħtieġ li l-aġenziji jimmonitorjaw b’mod attiv l-attività professjonali tal-membri tal-persunal superjuri tagħhom (inklużi dawk li jkunu telqu mill-Aġenzija fl-aħħar sentejn) sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw sitwazzjonijiet ta’ “revolving door” mhux iddikjarati u jiżguraw konformità ma’ restrizzjonijiet imposti preċedentement.
X’awditjajna
01 L-aġenziji tal-UE huma entitajiet legali distinti stabbiliti permezz ta’ att ta’ leġiżlazzjoni sekondarja biex iwettqu kompiti tekniċi, xjentifiċi jew maniġerjali speċifiċi li jgħinu lill-istituzzjonijiet tal-UE biex ifasslu u jimplimentaw il-politiki. Huma jinsabu fi Stati Membri differenti u għandhom influwenza sinifikanti f’oqsma ta’ importanza essenzjali għall-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini Ewropej, bħas-saħħa, is-sikurezza, is-sigurtà, il-libertà u l-ġustizzja.
02 Hemm tliet tipi ta’ aġenziji tal-UE: aġenziji deċentralizzati, aġenziji eżekuttivi tal-Kummissjoni u korpi oħra. Id-differenzi bejniethom huma deskritti hawn taħt.
03 L-għadd tal-aġenziji żdied matul is-snin. Ir-Rapport tagħna għall-2021 ikopri 44 aġenzija, kif jidher fil-Figura 1, 3 aktar mir-Rapport tagħna għall-2020. It-tliet aġenziji l-ġodda huma:
- l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA), li bdiet topera fis-17 ta’ Ottubru 2019 u ilha finanzjarjament awtonoma mis-26 ta’ Mejju 2021;
- l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), li beda jopera fl-1 ta’ Ġunju 2021 u ilu finanzjarjament awtonomu mill-24 ta’ Ġunju 2021;
- l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għas-Saħħa u għall-Qasam Diġitali (HaDEA), stabbilita fis-16 ta’ Frar 2021.
Nota: Is-sena msemmija fil-figura tirreferi għas-sena meta l-att fundatur tal-aġenzija (jew il-predeċessur tagħha) daħal fis-seħħ.
Sors: il-QEA.
04 L-aġenziji eżekuttivi kollha jinsabu fi Brussell. L-aġenziji deċentralizzati u korpi oħra jinsabu mxerrdin mal-UE kollha fi Stati Membri differenti, kif jidher fil-Figura 2. Is-sedi tagħhom jiġu deċiżi mill-Kunsill jew b’mod konġunt mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew.
L-aġenziji deċentralizzati jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-politiki
05 It-33 aġenzija deċentralizzata3 għandhom rwol importanti fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE, speċjalment għal kompiti li huma ta’ natura teknika, xjentifika, operazzjonali jew regolatorja. Ir-rwol tagħhom huwa li jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-politiki u li jirrinfurzaw il-kooperazzjoni Ewropea billi jiġbru flimkien il-kompetenzi tekniċi u dawk speċjalizzati disponibbli fil-livell tal-UE u f’dak tal-gvernijiet nazzjonali. Huma stabbiliti permezz ta’ Regolament tal-Kunsill, jew tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, biex joperaw għal perjodu indefinit.
L-aġenziji eżekuttivi tal-Kummissjoni Ewropea jimplimentaw il-programmi tal-UE
06 Is-seba’ aġenziji eżekuttivi tal-Kummissjoni4 jwettqu kompiti eżekuttivi u operazzjonali relatati mal-programmi tal-UE, bħall-għoti ta’ appoġġ lill-partijiet ikkonċernati fit-twettiq tal-Patt Ekoloġiku Ewropew (CINEA) u l-ġestjoni ta’ ċerti proġetti taħt Orizzont Ewropa (REA). Huma stabbiliti biex joperaw għal perjodu ta’ żmien fiss (attwalment sal-31 ta’ Diċembru 2028).
Korpi oħra għandhom mandati speċifiċi
07 L-erba’ korpi l-oħra huma l-EIT, l-UPPE, l-ESA u l-SRB. L-EIT huwa korp indipendenti u deċentralizzat tal-UE li jiġbor flimkien riżorsi xjentifiċi, kummerċjali u edukattivi biex jistimula l-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-UE billi jipprovdi finanzjament permezz ta’ għotjiet. L-UPPE huwa korp indipendenti tal-UE li jinvestiga u jħarrek ir-reati kontra l-baġit tal-UE. L-ESA ngħatat il-kompitu li tiggarantixxi l-forniment regolari u ekwu ta’ karburanti nukleari lill-utenti tal-UE, f’konformità mat-Trattat Euratom. L-SRB huwa l-awtorità ewlenija tal-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni fl-Unjoni Bankarja Ewropea. Il-missjoni tiegħu hija li jiżgura r-riżoluzzjoni ordnata ta’ banek li qed ifallu jew probabbilment se jfallu, b’impatt kemm jista’ jkun minimu fuq l-ekonomija reali u fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri tal-UE. Minbarra r-rapport tagħna, kull sena nipproduċu wkoll rapport dwar l-obbligazzjonijiet kontinġenti tal-SRB5.
L-aġenziji huma ffinanzjati minn diversi sorsi u taħt intestaturi differenti tal-QFP
08 Fl-2021, it-total tal-baġit tal-aġenziji kollha (eskluż l-SRB) kien ta’ EUR 4.1 biljun (2020: EUR 3.7 biljun). Dan huwa ekwivalenti għal 2.5 % tal-Baġit Ġenerali tal-UE għall-2021 (2020: 2.3 %), kif jidher fil-Figura 3.
09 Il-baġit tal-SRB għall-2021 kien ta’ EUR 9.7 biljun (2020: EUR 8.1 biljun). Dan jikkonsisti f’kontribuzzjonijiet mogħtija minn banek biex jiġi stabbilit il-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (EUR 9.6 biljun) u biex tiġi ffinanzjata n-nefqa amministrattiva tal-SRB (EUR 119-il miljun).
10 Il-baġits tal-aġenziji deċentralizzati u tal-korpi l-oħra jkopru n-nefqa għall-persunal, in-nefqa amministrattiva u n-nefqa operazzjonali tagħhom. L-aġenziji eżekuttivi jimplimentaw programmi li huma ffinanzjati mill-baġit tal-Kummissjoni. Il-baġits proprji tagħhom, li fl-2021 kienu jammontaw għal EUR 326 miljun (2020: EUR 273 miljun), ikopru biss in-nefqa għall-persunal u n-nefqa amministrattiva proprji tagħhom. L-ammont (approprjazzjonijiet ta’ pagament) li ntefaq mill-aġenziji eżekuttivi fl-2021 fuq l-implimentazzjoni ta’ programmi f’isem il-Kummissjoni ammonta għal EUR 13.1-il biljun (2020: EUR 14.9-il biljun).
Sors: l-abbozz tal-Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2021; il-kontijiet annwali finali tal-Unjoni Ewropea 2021 u r-Rapporti Annwali tal-Attività tal-aġenziji eżekuttivi għall-2021, informazzjoni kkompilata mill-QEA.
11 Il-biċċa l-kbira mill-aġenziji, inklużi l-aġenziji eżekuttivi kollha, huma ffinanzjati kważi għalkollox mill-baġit ġenerali tal-UE. L-oħrajn huma ffinanzjati kompletament jew parzjalment minn tariffi u imposti li jitħallsu mill-industriji, u minn kontribuzzjonijiet diretti li jsiru minn pajjiżi li jipparteċipaw fl-attivitajiet tagħhom. Il-Figura 4 turi ripartizzjoni tal-baġits tal-aġenziji skont is-sors tad-dħul.
Figura 4 – Baġits tal-aġenziji għall-2021 skont is-sors tad-dħul
* Il-kontijiet tal-EUSPA għall-2021 jippreżentaw baġit finali ta’ EUR 44.1 miljun, filwaqt li d-dħul reali kien jammonta għal EUR 1.8 biljun. Din id-differenza hija spjegata minn attivitajiet operazzjonali li huma ffinanzjati permezz ta’ dħul assenjat; dawn huma inklużi fil-baġit approvat bħala entrata pro memoria.
Nota: Mhumiex inklużi dħul mixxellanju jew riżervi baġitarji oħra.
Sors: il-kontijiet annwali finali tal-aġenziji għall-2021, informazzjoni kkompilata mill-QEA.
12 Il-Figura 5 tippreżenta l-baġits tal-aġenziji għall-2021. Dawn huma ripartiti skont it-tip ta’ nfiq (it-Titolu I – spejjeż għall-persunal, it-Titolu II – nefqa amministrattiva, u t-Titolu III – nefqa operazzjonali, flimkien ma’ kwalunkwe titolu ieħor użat), mhux skont l-attività. B’mod ġenerali, il-baġit għall-persunal tal-aġenziji u dak amministrattiv tagħhom jirrappreżentaw madwar 14 % tal-ammont totali ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament disponibbli għall-Intestatura 7 tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) – Amministrazzjoni pubblika Ewropea. Dan huwa kumparabbli ma’ 47 % għall-Kummissjoni, 18 % għall-Parlament, 9 % għas-SEAE u 5 % għall-Kunsill.
Figura 5 – Infiq tal-aġenziji għall-2021, għal kull titolu tal-baġit
* Il-kontijiet tal-EUSPA għall-2021 jippreżentaw baġit finali ta’ EUR 44.1 miljun, filwaqt li d-dħul reali kien jammonta għal EUR 1.8 biljun. Din id-differenza hija spjegata minn attivitajiet operazzjonali li huma ffinanzjati permezz ta’ dħul assenjat u li huma inklużi fil-baġit approvat bħala entrata pro memoria.
** Iċ-ċifra għall-SRB tikkonsisti f’żewġ partijiet: il-Parti I b’EUR 119-il miljun għall-amministrazzjoni tal-Bord u l-Parti II b’EUR 9 574 miljun għall-Fond. Ma tinkludix ir-Riżerva.
Sors: il-kontijiet annwali finali tal-aġenziji għall-2021, informazzjoni kkompilata mill-QEA.
13 Il-Figura 6 turi l-għadd ta’ membri tal-persunal li kull aġenzija impjegat fi tmiem l-2021. B’kollox, l-aġenziji impjegaw 14 431 membru tal-persunal (2020: 12 881). Din iċ-ċifra tikkorrispondi għall-għadd reali ta’ postijiet okkupati minn uffiċjali permanenti, membri tal-persunal temporanji u bil-kuntratt, kif ukoll esperti nazzjonali sekondati fil-31 ta’ Diċembru 2021. Billi jittieħdu t-tabelli tal-persunal approvati fil-baġit ġenerali tal-UE bħala bażi, madwar 17 % tal-persunal kollu tal-UE jaħdmu għall-aġenziji. Dan huwa kumparabbli ma’ 50 % li jaħdmu għall-Kummissjoni, 14 % għall-Parlament, 6 % għall-Kunsill u 4 % għas-SEAE.
Figura 6 – Għadd ta’ membri tal-persunal f’kull aġenzija fi tmiem l-2021
Sors: informazzjoni kkompilata mill-QEA.
L-arranġamenti baġitarji u ta’ kwittanza huma simili għall-aġenziji kollha, ħlief għall-EUIPO, is-CPVO u l-SRB
14 Għall-biċċa l-kbira mill-aġenziji deċentralizzati u korpi oħra, kif ukoll għall-aġenziji eżekuttivi kollha tal-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma responsabbli mill-proċeduri annwali baġitarji u ta’ kwittanza. L-iskeda ta’ żmien tal-proċedura ta’ kwittanza tintwera fil-Figura 7.
15 Madankollu, żewġ aġenziji deċentralizzati li huma kompletament awtofinanzjati (is-CPVO u l-EUIPO) huma suġġetti għal proċeduri baġitarji u ta’ kwittanza amministrati rispettivament mill-Kunsill Amministrattiv jew mill-Kumitat tal-baġit tagħhom, iżda mhux mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill6. Bl-istess mod, il-proċedura annwali baġitarja u ta’ kwittanza tal-SRB taqa’ taħt ir-responsabbiltà esklużiva tal-Bord tiegħu.
In-Network tal-Aġenziji tal-UE jiffaċilita l-kooperazzjoni interaġenzjali u l-komunikazzjoni mal-partijiet ikkonċernati
16 Ġie stabbilit Network tal-Aġenziji tal-UE (l-EUAN) mill-aġenziji bħala pjattaforma ta’ kooperazzjoni interaġenzjali biex isaħħaħ il-viżibbiltà tal-aġenziji, biex jidentifika titjib possibbli fl-effiċjenza, u biex jippromwovi azzjonijiet b’valur miżjud ċar tal-UE. Huwa jirrikonoxxi l-ħtieġa tal-aġenziji li jikkomunikaw b’mod aktar ikkoordinat mal-partijiet ikkonċernati tagħhom u mal-pubbliku ġenerali dwar kwistjonijiet ta’ tħassib komuni, u jipprovdi punt ċentrali għall-ġbir u t-tixrid ta’ informazzjoni fost l-aġenziji kollha. Fl-2015, l-EUAN approva l-ewwel strateġija pluriennali tiegħu inklużi l-prijoritajiet li huma implimentati fi programmi ta’ ħidma annwali li jispeċifikaw l-attivitajiet tiegħu u l-objettivi tiegħu. Fl-2020, l-EUAN approva t-tieni strateġija pluriennali tiegħu (2021-2027)7 li tinkorpora d-direzzjoni politika u strateġika tal-Kummissjoni madwar żewġ pilastri strateġiċi:
- l-EUAN bħala mudell eżemplari għall-eċċellenza amministrattiva;
- l-EUAN bħala sieħeb istituzzjonali stabbilit sew.
17 L-EUAN huwa ppresedut kull sena minn aġenzija differenti fuq bażi ta’ rotazzjoni, u l-laqgħat plenarji kkoordinati mill-Uffiċċju ta’ Appoġġ Komuni jsiru darbtejn fis-sena. Il-QEA tikkoopera mal-EUAN billi tikkondividi prattiki tajba u tipprovdi informazzjoni dwar il-proċessi u r-riżultati tal-awditjar.
18 Fil-qofol tal-ħidma tal-EUAN u fil-qalba taż-żewġ strateġiji pluriennali hemm l-aspett tal-kondiviżjoni tas-servizzi, l-għarfien u l-kompetenzi. Xi eżempji ta’ kooperazzjoni jinkludu l-kondiviżjoni ta’ servizzi fl-oqsma tal-irkupru minn diżastri, il-kontabbiltà, l-akkwisti konġunti, kwistjonijiet relatati mal-COVID-19 u l-protezzjoni tad-data.
L-awditu li wettaqna
Il-mandat tagħna
19 Kif meħtieġ mill-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, aħna awditjajna:
- il-kontijiet tal-44 aġenzija kollha, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (jiġifieri l-karta tal-bilanċ, ir-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja, ir-rapport tal-flussi tal-flus, ir-rapport tal-bidliet fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (li jaggregaw l-operazzjonijiet baġitarji kollha u n-noti ta’ spjegazzjoni kollha) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2021, u
- il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.
20 Fuq il-bażi tar-riżultati tal-awditu li wettaqna, aħna nipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, jew lill-awtoritajiet ta’ kwittanza l-oħra, dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni waħda dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet ta’ kull aġenzija u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Aħna nikkomplementaw id-dikjarazzjonijiet ta’ assigurazzjoni b’osservazzjonijiet sinifikanti tal-awditjar, fejn ikun xieraq.
Aħna nirrappurtaw il-każijiet ta’ frodi suspettata lill-korpi rilevanti tal-UE, jiġifieri l-OLAF u l-UPPE
21 Nikkooperaw mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) fi kwistjonijiet relatati ma’ frodi suspettata u ma’ attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE, u mal-UPPE fi kwistjonijiet relatati ma’ reati suspettati kontra l-interessi finanzjarji tal-UE. Ninnotifikaw lill-OLAF jew lill-UPPE rigward kwalunkwe suspett li jinqala’ matul ix-xogħol tal-awditjar li nwettqu, minkejja li l-awditi li nwettqu mhumiex maħsuba speċifikament biex jidentifikaw il-frodi.
Tkompli d-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri tal-awditjar fil-QEA
22 Kif issemma f’rapporti ta’ snin preċedenti8, il-QEA ilha tuża l-awditu annwali tal-aġenziji tal-UE bħala opportunità biex tittestja l-potenzjal tal-proċeduri tal-awditjar awtomatizzati. L-awditjar tal-aġenziji jikkonsisti f’madwar 200 proċedura tal-awditjar li jkopru oqsma bħall-pagamenti, is-salarji, l-akkwist, il-baġit, ir-reklutaġġi u l-kontijiet annwali. Għas-sena finanzjarja 2021, aħna estendejna l-użu ta’ proċeduri relatati mas-salarji u l-estrazzjoni tad-data lejn l-aġenziji kollha. L-ittestjar li wettaqna rigward il-legalità u r-regolarità tal-impenji u tal-pagamenti u rigward l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali xorta waħda kopra l-aġenziji eżekuttivi tal-UE biss, billi kienu jikkondividu ambjent tal-IT li kien suffiċjentement simili.
23 Aħna biħsiebna nesploraw il-possibbiltajiet li nespandu l-użu tagħna ta’ tekniki tal-awditjar diġitali lejn oqsma oħra u lejn l-aġenziji kollha. Madankollu, f’dan qed inħabbtu wiċċna ma’ xkiel serju minħabba li, kif jidher fil-Figura 8, għad hemm lakuni fl-użu ta’ għodod tal-IT standardizzati, b’mod partikolari fir-rigward tal-aġenziji deċentralizzati. Barra minn hekk, għalkemm xi aġenziji għandhom l-istess sistemi tal-IT, aħna identifikajna diskrepanzi fil-mod kif jużaw xi wħud mill-funzjonalitajiet ta’ dawn l-għodod. Dan in-nuqqas ta’ konsistenza huwa fattur ieħor li jfixkel l-opportunitajiet għall-espansjoni tal-użu tal-proċeduri tal-awditjar diġitali. Għas-sena finanzjarja 2022, qed inniedu proġett pilota biex jiġu diġitalizzati aspetti tal-awditu dwar l-akkwist pubbliku tal-aġenziji tal-UE.
L-opinjonijiet tagħna
Ir-riżultati mill-awditi annwali relatati mal-aġenziji għas-sena finanzjarja 2021 huma pożittivi
24 B’mod ġenerali, l-awditu li wettaqna tal-kontijiet annwali tal-aġenziji għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2021 kellu riżultati pożittivi (ara l-Figura 9). Madankollu, qajjimna osservazzjonijiet dwar irregolaritajiet u dgħufijiet li jolqtu l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-akkwisti.
Figura 9 – Opinjonijiet tal-awditjar annwali dwar il-kontijiet, id-dħul u l-pagamenti tal-aġenziji għall-perjodu 2019-2021
Sors: il-QEA.
Opinjonijiet “favorevoli” dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-aġenziji kollha
25 Għas-sena finanzjarja 2021, il-QEA toħroġ opinjonijiet mhux kwalifikati (“favorevoli”) tal-awditjar dwar il-kontijiet tal-44 aġenzija kollha (ara l-Figura 9).
Il-paragrafi ta’ “Osservazzjonijiet” huma importanti għall-fehim tal-kontijiet tal-EMA, tal-Frontex, tal-SRB u tal-EIGE
X’inhuma l-paragrafi ta’ “Osservazzjonijiet”?
Il-paragrafi ta’ “Osservazzjonijiet” jiġbdu l-attenzjoni tal-qarrejja għal kwistjoni, ippreżentata jew divulgata fil-kontijiet, li hija tant ta’ importanza li hija fundamentali biex il-qarrejja jifhmu l-kontijiet, jew id-dħul jew il-pagamenti ta’ bażi.
26 Fis-sena finanzjarja 2021, aħna użajna l-paragrafi ta’ “Osservazzjonijiet” fir-rapporti tagħna dwar erba’ aġenziji: l-EMA, il-Frontex, l-SRB u l-EIGE.
27 Il-kontijiet tal-EMA jinkludu divulgazzjonijiet sinifikanti dwar il-kirja fl-uffiċċji preċedenti tal-EMA f’Londra. Din il-kirja tibqa’ għaddejja sal-2039 u ma tinkludix klawżola ta’ rexissjoni, iżda l-uffiċċji jistgħu jiġu ssullokati jew assenjati, suġġett għall-kunsens ta’ sid il-kera. F’Lulju 2019, l-EMA laħqet ftehim ma’ sid il-kera tagħha, u ssullokat l-uffiċċji preċedenti tagħha lil sullokatur b’effett minn Lulju 2019 ’il quddiem, taħt kundizzjonijiet li huma konsistenti mat-termini tal-kirja prinċipali. It-terminu tas-sullokazzjoni jdum sakemm il-kirja tal-EMA tiskadi f’Ġunju 2039. Peress li l-EMA tibqa’ parti għall-kirja prinċipali, hija tista’ titqies responsabbli għall-ammont kollu li għad irid jitħallas skont l-obbligi kuntrattwali tal-kirja prinċipali jekk is-sullokatur jonqos milli jissodisfa l-obbligi tiegħu. Fil-31 ta’ Diċembru 2021, it-total stmat tal-kera pendenti, tat-tariffi għas-servizzi assoċjati u tal-assigurazzjoni ta’ sid il-kera, li jrid jitħallas mill-EMA sa tmiem it-terminu lokatizju, kien ta’ EUR 383 miljun.
28 Il-Frontex hija ffinanzjata mill-baġit tal-UE u minn kontribuzzjonijiet li jaslu mingħand pajjiżi taż-żona Schengen (SAK) li mhumiex fl-UE. Il-kontijiet tal-Frontex jinkludu divulgazzjoni li l-kontribuzzjonijiet tal-pajjiżi taż-żona Schengen li mhumiex fl-UE ma ġewx ikkalkulati b’mod korrett. B’riżultat ta’ dan, il-pajjiżi taż-żona Schengen li mhumiex fl-UE ħallsu EUR 2.6 miljun inqas milli kellhom jagħmlu, ammont li ġie kkumpensat mill-baġit tal-UE. Madankollu, minħabba li kien hemm surplus fl-2021, dan ma kellu l-ebda impatt fuq id-dħul operattiv tar-rapport tal-prestazzjoni finanzjarja għall-2021.
29 L-SRB huwa espost għal litigazzjoni li hija assoċjata mal-ġbir minnu ta’ kontribuzzjonijiet għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, kif ukoll għal litigazzjoni li hija assoċjata mal-kompiti li jwettaq fil-kapaċità tiegħu bħala l-awtorità ta’ riżoluzzjoni. Il-kontijiet tal-SRB jinkludu divulgazzjoni li tiddeskrivi l-appelli amministrattivi u l-proċedimenti ġudizzjarji relatati mal-kontribuzzjonijiet ex ante bejn xi banek u awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni u l-SRB, kif ukoll azzjonijiet legali oħra mressqa kontra l-SRB quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. L-impatt li jista’ jkollhom fuq ir-rapporti finanzjarji tal-SRB għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2021 (b’mod partikolari fir-rigward ta’ obbligazzjonijiet kontinġenti, provvedimenti u obbligazzjonijiet) huwa suġġett għal awditu annwali speċifiku, kif stipulat skont l-Artikolu 92(4) tar-Regolament SRM.
30 L-EIGE ddivulga obbligazzjoni kontinġenti fil-kontijiet tiegħu li se tiġġarrab jekk il-Qorti Suprema Litwana tiddeċiedi kontra l-EIGE f’kawża li għadha għaddejja dwar ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija. L-impatt finanzjarju potenzjali huwa stmat f’ammont ta’ EUR 22 000.
L-impatt tal-gwerra ta’ aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna
31 Aħna ġbidna l-attenzjoni għad-divulgazzjonijiet ta’ tliet aġenziji (l-EASO, l-EUSPA u l-SRB) rigward l-impatt tal-gwerra ta’ aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna fuq l-attivitajiet tagħhom. Iffaċċjat b’domanda akbar għal assistenza mill-Istati Membri li jirċievu rifuġjati mill-Ukrajna, l-EASO talab riżorsi umani u finanzjarji addizzjonali. L-attivitajiet tal-EUSPA ntlaqtu mill-interruzzjoni fl-użu tal-lanċjaturi Russi Soyuz għas-satelliti Galileo. L-SRB jivvaluta li l-gwerra żiedet ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja, b’mod partikolari r-riskji ta’ kreditu fir-rigward tal-iskoperturi tal-banek fil-konfront ta’ kontropartijiet fir-Russja, fil-Belarussja u fl-Ukrajna u b’self lil ditti domestiċi l-aktar esposti għall-effetti tal-gwerra.
Opinjonijiet “favorevoli” dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet tal-aġenziji kollha
32 Għas-sena finanzjarja 2021, il-QEA toħroġ opinjonijiet mhux kwalifikati (“favorevoli”) tal-awditjar dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet tal-aġenziji kollha (ara l-Figura 9).
Il-paragrafu ta’ “Osservazzjonijiet” jgħin fil-fehim tad-dħul tal-SRB
33 Aħna użajna wkoll paragrafu ta’ “Osservazzjonijiet” fir-rapport tagħna dwar l-SRB, minħabba li parti mid-dħul tal-SRB fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-SRF hija taħt tilwima legali. Dan huwa rilevanti għall-opinjoni tagħna dwar id-dħul tal-SRB minħabba li, skont xi jkun l-eżitu tal-litigazzjoni, l-SRB għandu mnejn jikkalkula mill-ġdid l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet minn ċerti banek.
Il-paragrafu intitolat “Kwistjoni oħra” jindirizza problema li hija ta’ importanza speċifika għad-dħul tal-SRB
X’inhuma l-paragrafi intitolati “Kwistjoni oħra”?
Il-paragrafi intitolati “Kwistjoni oħra” jippreżentaw problemi sinifikanti, minbarra dawk ippreżentati jew divulgati fil-kontijiet, li minkejja dan huma rilevanti għall-fehim tal-kontijiet jew tad-dħul jew il-pagamenti ta’ bażi.
34 Fis-sena finanzjarja 2021, aħna użajna l-paragrafu intitolat “Kwistjoni oħra” għall-SRB biss. Ir-Regolament SRM ma jistabbilix qafas ta’ kontroll komprensiv u konsistenti biex jiżgura l-affidabbiltà tal-informazzjoni pprovduta mill-banek lill-SRB għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante lill-SRF. Madankollu, l-SRB iwettaq kemm verifiki tal-konsistenza u verifiki analitiċi fir-rigward tal-informazzjoni, kif ukoll xi verifiki ex post fil-livell tal-banek. Barra minn hekk, l-SRB ma jistax jirrilaxxa dettalji dwar il-kalkoli tal-kontribuzzjonijiet aġġustati skont ir-riskju, għal kull bank, billi dawn huma interkonnessi u jinkludu informazzjoni kunfidenzjali dwar banek oħra. Dan jista’ jaffettwa t-trasparenza ta’ dawn il-kalkoli. Aħna osservajna li għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet għall-2021 u l-2022, l-SRB tejjeb it-trasparenza lejn il-banek billi organizza fażi ta’ konsultazzjoni. F’din il-konsultazzjoni, l-SRB ikkomunika data li ppermettiet lill-banek jissimulaw il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-2021 u tal-2022.
Opinjonijiet “favorevoli” dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-aġenziji, ħlief għall-eu-LISA
35 Għas-sena finanzjarja 2021, aħna ħriġna opinjonijiet mhux kwalifikati (“favorevoli”) tal-awditjar dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għal 43 mill-44 aġenzija (ara l-Figura 9).
36 Għall-eu-LISA, ħriġna opinjoni kwalifikata. Mit-28 pagament li awditjajna, 6 ma kinux konformi (ara l-Kaxxa 1). Tlieta minn dawn il-pagamenti kienu relatati ma’ kuntratt speċifiku li implimenta kuntratt qafas mingħajr ma kien jispeċifika d-dettalji tas-servizzi meħtieġa (il-kwantitajiet u d-dati tal-konsenja), u b’hekk ma kienx joħloq impenn legali ċar. Aħna identifikajna wkoll pagamenti oħra, barra mill-kampjun inizjali tagħna, li kienu marbuta ma’ dak il-kuntratt u kienu milquta mill-istess nuqqas ta’ konformità. It-tliet pagamenti l-oħra li mhumiex konformi, mill-kampjun inizjali tagħna, kienu relatati ma’ tliet kuntratti speċifiċi differenti, li ddevjaw b’mod fundamentali mill-kuntratti qafas korrispondenti. L-ammont totali tal-infiq milqut huwa ta’ EUR 18.11-il miljun. Dan jirrappreżenta 6.2 % tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament totali disponibbli fl-2021.
Problemi relatati mal-ippjanar baġitarju u l-akkwist tal-eu-LISA
Għas-sena finanzjarja 2019, aħna rrappurtajna dwar ir-riskji assoċjati mal-prattika tal-għoti ta’ riżorsi lill-eu-LISA qabel ma kienet ġiet adottata l-leġiżlazzjoni li tiddefinixxi r-rekwiżiti għas-sistemi tal-IT li għandhom jiġu żviluppati. Sibna li dawn ir-riskji mmaterjalizzaw: il-pressjoni tal-ħin li rriżultat fuq l-eu-LISA biex timpenja u tonfoq il-fondi qabel ma jiskadu, kienet ikkontribwiet għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità fil-proċeduri ta’ akkwist u fl-implimentazzjoni tal-kuntratti. Dawn il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità kienu jinkludu l-assenza ta’ informazzjoni, f’kuntratt speċifiku, dwar il-kwantitajiet u d-dati tal-konsenja tas-servizzi miksuba, u bidliet fil-kamp ta’ applikazzjoni, fid-durata jew fil-valur tal-kuntratt li jmorru lil hinn mill-flessibbiltà permessa mir-Regolament Finanzjarju. B’riżultat ta’ dan, aħna ħriġna opinjoni kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti tal-eu-LISA li saru fl-2021. Is-sena l-oħra, ikkwalifikajna l-opinjoni tagħna dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti tal-eu-LISA għall-2020 fuq każijiet simili ta’ nuqqasijiet ta’ konformità fl-implimentazzjoni tal-kuntratti.
Azzjoni 1 li għandha tittieħed
Jenħtieġ li l-eu-LISA ttejjeb il-proċeduri ta’ akkwist u l-ġestjoni tal-kuntratti tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tad-definizzjoni tas-servizzi u l-oġġetti miksuba fil-kuntratti speċifiċi u l-limitazzjoni tal-bidliet fil-kamp ta’ applikazzjoni, fid-durata u fil-valur tal-kuntratti għall-flessibbiltà permessa mir-Regolament Finanzjarju.
Jenħtieġ li l-eu-LISA tikkuntattja wkoll lill-Kummissjoni biex tipproponi bidliet fl-ippjanar baġitarju pluriennali tagħha, sabiex tirċievi biss fondi għall-iżvilupp ta’ sistemi meta l-leġiżlazzjoni (inklużi r-regolamenti delegati jew ta’ implimentazzjoni) li tiddefinixxi r-rekwiżiti assoċjati tiġi adottata, u meta l-ambitu tal-proġett ikun jista’ jiġi speċifikat b’dettall suffiċjenti.
Il-paragrafu ta’ “Osservazzjonijiet” jgħin fil-fehim tal-pagamenti tal-Frontex
37 Il-kontijiet tal-Frontex jinkludu divulgazzjoni rigward EUR 18.1-il miljun ta’ pagamenti li saru fl-2021 għall-implimentazzjoni ta’ impenn baġitarju mill-2020 riportat għall-2021 mingħajr ma l-Frontex daħlet f’impenn legali qabel tmiem l-2020, kif meħtieġ mir-Regolament Finanzjarju tal-UE. Aħna kkomunikajna dwar din il-problema fir-Rapport Annwali Speċifiku 2020 tagħna9. It-total tal-pagamenti fl-2021 kien ta’ EUR 18 375 458. Il-Frontex irrettifikat dan in-nuqqas ta’ konformità permezz ta’ impenji legali sussegwenti matul l-2021.
Il-paragrafi intitolati “Kwistjoni oħra” dwar problemi ta’ importanza speċifika għall-pagamenti tal-HaDEA
38 Aħna niġbdu l-attenzjoni għall-fatt li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/17310 kienet tinkariga lid-Direttur Ġenerali tad-DĠ SANTE bl-awtorità li jaġixxi bħala d-Direttur interim tal-HaDEA sakemm il-HaDEA kisbet il-kapaċità operazzjonali biex timplimenta l-baġit proprju tagħha. Fid-19 ta’ Frar 2021, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ SANTE ddelega dik l-awtorità lil uffiċjal ieħor tad-DĠ SANTE, billi ħatru bħala d-Direttur interim tal-HaDEA. L-Artikolu 26 tar-Regolament Finanzjarju tal-HaDEA jippermetti li s-setgħat baġitarji jiġu ddelegati. Madankollu, ma jistax jiġi interpretat bħala li jippermetti li tiġi ddelegata l-awtorità kollha tad-Direttur interim, minħabba li dan ikun jikser id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni.
L-osservazzjonijiet tagħna jindirizzaw oqsma fejn jista’ jsir titjib
39 B’kollox, aħna għamilna 77 osservazzjoni rigward 33 aġenzija, li jiġbdu l-attenzjoni għal oqsma fejn huwa meħtieġ aktar titjib. Dawn l-għedud jinkludu ż-żewġ osservazzjonijiet li servew bħala l-bażi għall-opinjoni kwalifikata għall-eu-Lisa, kif ukoll l-osservazzjoni koperta mill-paragrafu intitolat “Kwistjoni oħra” għall-HaDEA. Għal finijiet ta’ tqabbil, għas-sena finanzjarja 2020 għamilna 60 osservazzjoni. Il-biċċa l-kbira mill-osservazzjonijiet jikkonċernaw nuqqasijiet fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku, fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll u fil-ġestjoni baġitarja. Id-dgħufijiet fil-proċeduri ta’ akkwist pubbliku jibqgħu l-aktar sors sinifikanti ta’ pagamenti irregolari.
40 Il-Figura 10 u l-Figura 11 juru l-għadd ta’ tipi differenti ta’ osservazzjonijiet li tqajmu għat-33 aġenzija fir-rapport tagħna kollu.
Id-dgħufijiet fl-akkwist pubbliku qed jiżdiedu u jibqgħu l-akbar sors ta’ pagamenti irregolari
41 L-objettiv tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku huwa li tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta bejn l-offerenti u li jiġu akkwistati oġġetti u servizzi bl-aħjar prezz, filwaqt li jiġu rrispettati l-prinċipji tat-trasparenza, tal-proporzjonalità, tat-trattament indaqs u tan-nondiskriminazzjoni. Aħna awditjajna l-akkwist fl-44 aġenzija kollha. Għal 22 aġenzija (l-ACER, l-Uffiċċju BEREC, is-CdT, is-CEPOL, is-CPVO, l-EASO, l-EBA, l-EEA, l-EIGE, l-EIOPA, l-Eismea, l-ELA, l-EMA, l-EMSA, l-ENISA, l-ESMA, l-EUIPO, l-eu-LISA, l-EU-OSHA, l-Eurofound, l-Eurojust u l-Frontex), aħna rrappurtajna kuntratti li kienu ntlaqtu minn diversi tipi ta’ nuqqasijiet fl-akkwist pubbliku, li jinkludu pagamenti li saru fis-sena finanzjarja 2021 li rriżultaw minn proċeduri ta’ akkwist irregolari li kienu ġew irrappurtati fi snin preċedenti. Il-Kaxxa 2 tippreżenta eżempji ta’ irregolaritajiet tipiċi fl-implimentazzjoni ta’ kuntratti ta’ akkwist.
Eżempju ta’ implimentazzjoni irregolari ta’ kuntratti
Is-CEPOL kellha kuntratt qafas, validu sa Marzu 2022, għal servizzi ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kuntratt ma kienx jinkludi ċerti pajjiżi barra mit-territorju tal-UE. Is-servizzi tal-ivvjaġġar għal dawn il-pajjiżi kienu koperti minn kuntratti oħra sa tmiem l-2020. Fis-sajf 2021, minkejja s-sitwazzjoni imprevedibbli tal-ivvjaġġar, sar probabbli li s-CEPOL tkun teħtieġ torganizza attivitajiet fiżiċi f’pajjiżi mhux tal-UE. Wara li vvalutat is-sitwazzjoni u d-diversi għażliet disponibbli, is-CEPOL għażlet li tuża l-kuntratt qafas li kien jeżisti, biex tkopri l-avvenimenti f’dawn il-pajjiżi għalkemm dawn l-avvenimenti ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kuntratt. Dan kien imur kontra r-Regolament Finanzjarju. Is-CEPOL ħadet nota ta’ din id-deċiżjoni fir-reġistru tagħha tal-eċċezzjonijiet. Il-pagamenti assoċjati, li ammontaw għal EUR 76 590 fl-2021, huma irregolari.
42 Aħna nosservaw żieda fl-għadd ta’ osservazzjonijiet dwar l-akkwist li qajjimna matul l-aħħar 3 snin finanzjarji (minn 20 fl-2019 u 18 fl-2020, għal 34 fl-2021), kif ukoll fl-għadd ta’ aġenziji kkonċernati (minn 11 fl-2019 u 14 fl-2020, għal 22 fl-2021). Kif jidher fil-Figura 12, ilna mis-sena finanzjarja 2019 inqajmu osservazzjonijiet ġodda kull sena relatati mal-akkwist għal żewġ aġenziji (is-CEPOL u l-EMA).
Figura 12 – L-osservazzjonijiet tagħna dwar id-dgħufijiet u l-irregolaritajiet fl-akkwist pubbliku saru aktar frekwenti matul l-aħħar tliet snin
Sors: il-QEA.
Azzjoni 2 li għandha tittieħed
L-iżbalji relatati mal-akkwist pubbliku jibqgħu t-tip l-aktar frekwenti ta’ żbalji li jinqabdu permezz tal-awditi li nwettqu rigward l-aġenziji. Jenħtieġ li l-aġenziji kkonċernati jkomplu jtejbu l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku tagħhom, filwaqt li jiżguraw konformità sħiħa mar-regoli applikabbli, biex jiżguraw li jiksbu l-aħjar valur possibbli għall-flus.
B’mod partikolari, meta jimplimentaw kuntratti qafas, jenħtieġ li l-aġenziji jużaw biss kuntratti speċifiċi biex jakkwistaw oġġetti jew servizzi koperti mill-kuntratt qafas assoċjat. Jenħtieġ ukoll li l-aġenziji jiżguraw li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet għall-modifikazzjoni, tal-kuntratti eżistenti, stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju.
Is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll huma milquta minn dgħufijiet
43 Għal 16-il aġenzija (l-ACER, is-Cedefop, is-CEPOL, l-EASA, l-EBA, l-EIOPA, l-Eismea, l-EIT, l-ELA, l-ENISA, l-UPPE, l-ESMA, l-Europol, l-EUSPA, il-Frontex u l-HaDEA), aħna nirrappurtaw dgħufijiet fis-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll għajr dawk li jikkonċernaw l-akkwisti jew ir-reklutaġġi. Għal dawn is-16-il aġenzija, l-osservazzjonijiet tagħna jinkludu l-każijiet potenzjali ta’ kunflitt ta’ interess, il-kontrolli ex ante/ex post neqsin, il-ġestjoni inadegwata tal-impenji baġitarji u legali, u n-nuqqas ta’ rappurtar ta’ problemi fir-reġistru tal-eċċezzjonijiet.
44 Il-Figura 11 turi l-aktar tipi komuni ta’ dgħufijiet li identifikajna fil-kontroll intern u l-Kaxxa 3 tipprovdi eżempji ta’ dgħufijiet bħal dawn b’rabta mar-riskju ta’ kunflitt ta’ interess.
Problemi ta’ governanza u kunflitti ta’ interess jistgħu jimpedixxu l-effettività tal-aġenziji tal-UE
Ir-rwol tat-tliet awtoritajiet superviżorji Ewropej – l-EBA, l-EIOPA u l-ESMA – huwa li jiżguraw kundizzjonijiet ekwi għas-superviżjoni tas-servizzi finanzjarji. Ir-Regolamenti fundaturi tagħhom jinkludu diversi dispożizzjonijiet biex jiżguraw li l-Membri tal-Bordijiet tas-Superviżuri tagħhom “jaġixxu b’mod indipendenti u oġġettiv fl-interess uniku tal-Unjoni kollha kemm hi” u la “jfittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet minn kwalunkwe Gvern [...] jew minn kwalunkwe entità pubblika jew privata oħra”11.
Skont ir-regoli ta’ proċedura tal-awtoritajiet superviżorji Ewropej, il-membri tal-Bord tas-Superviżuri li jkollhom kunflitt ta’ interess ma jistgħux jieħdu sehem fid-diskussjonijiet jew fil-votazzjoni tal-Bord dwar il-kwistjoni kkonċernata. Madankollu, il-membri jistgħu jibqgħu preżenti fil-laqgħa jekk ħadd ma joġġezzjona (l-EBA u l-EIOPA) jew sakemm il-maġġoranza tal-membri ma tivvotax biex teskludihom (l-ESMA). Dan joħloq riskju għall-indipendenza tal-Bordijiet, għall-inqas fl-apparenza.
Fi snin preċedenti, aħna kkomunikajna f’diversi rapporti speċjali dwar problemi ta’ governanza li jolqtu l-awtoritajiet superviżorji Ewropej, u l-impatt detrimentali ta’ dawn il-problemi fuq l-objettivi tagħhom.
Fir-rapport speċjali tagħna dwar it-testijiet tal-istress għall-banek12, aħna sibna li l-awtoritajiet nazzjonali għandhom involviment sinifikanti fl-istruttura ta’ governanza tal-EBA, peress li l-Bord tas-Superviżuri tal-EBA jinkludi rappreżentanti nazzjonali li l-ħatra tagħhom mhija suġġetta għall-ebda approvazzjoni mill-korpi tal-UE. Dan jista’ jwassal għal tensjonijiet, billi l-membri tal-Bord jistgħu jaġixxu biex jippromwovu interessi purament nazzjonali aktar milli interessi usa’ Ewropej.
Fir-rapport speċjali tagħna dwar is-superviżjoni tal-assigurazzjoni13, aħna osservajna li l-effiċjenza u l-effettività tax-xogħol tal-EIOPA spiss kienu jiddependu mill-kwalità tal-input mill-awtoritajiet nazzjonali, u kienu jiddependu mir-rieda tagħhom li jikkooperaw. L-istruttura ta’ governanza attwali tal-EIOPA tagħti lill-awtoritajiet nazzjonali s-setgħa li jinfluwenzaw il-punt sa fejn ix-xogħol proprju tagħhom jiġi eżaminat, u l-konklużjonijiet ta’ dan l-eżaminar. Il-BoS japprova d-dokumenti ewlenin kollha, bħall-istrateġija ta’ sorveljanza tal-EIOPA. Dan jista’ jikkomprometti l-indipendenza tal-EIOPA u jippreveniha milli tilħaq l-objettivi tagħha.
Fir-rapport speċjali tagħna dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus14, aħna sibna li l-persunal tal-EBA wettaq investigazzjonijiet bir-reqqa ta’ ksur potenzjali tad-dritt tal-UE, iżda sibna evidenza bil-miktub ta’ tentattivi ta’ lobbjar fil-konfront tal-membri tal-Bord matul il-perjodu meta l-Bord kien qed jiddelibera dwar rakkomandazzjoni potenzjali. Fl-aħħar mill-aħħar, il-Bord tas-Superviżuri ċaħad l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni.
Fir-rapport speċjali tagħna dwar il-fondi ta’ investiment15, aħna sibna li l-ESMA qed tiffaċċja sfidi fl-użu tal-għodod tagħha b’mod effettiv. Dawn l-isfidi jinkludu problemi kkawżati mill-istruttura ta’ governanza tal-ESMA stess, id-dipendenza tagħha mir-rieda tajba tal-awtoritajiet nazzjonali u mir-rieda tal-Bord tas-Superviżuri proprju tagħha. Aħna sibna li t-tnejn li huma ppreferew għodod ta’ konverġenza “mhux invażivi”, li l-effettività tagħhom għadha ma ntwerietx u li spiss ma rriżultawx f’superviżjoni effettiva u konsistenti. Dan illimita l-effettività tal-ESMA.
Fil-każijiet kollha, aħna rrakkomandajna li l-Kummissjoni tqis il-possibbiltà li tipproponi bidliet fl-istruttura ta’ governanza tal-awtoritajiet superviżorji Ewropej li jkunu jippermettulhom jużaw is-setgħat tagħhom b’mod aktar effettiv. Madankollu, fl-2019, il-leġiżlatur ma aċċettax l-istruttura ta’ governanza riveduta proposta mill-Kummissjoni16.
Id-dgħufijiet fir-reklutaġġ huma relatati ta’ spiss mal-proċess ta’ evalwazzjoni
45 Għal disa’ aġenziji (l-Uffiċċju BEREC, is-Cedefop, l-EBA, l-EIGE, l-EMA, l-UPPE, l-EUSPA, il-Frontex u l-SRB) aħna nirrappurtaw dgħufijiet relatati ma’ diversi aspetti tal-proċeduri ta’ reklutaġġ, inklużi l-proċessi ta’ evalwazzjoni u l-avviżi ta’ postijiet vakanti. Il-Figura 11 turi l-aktar tipi komuni ta’ dgħufijiet li jikkonċernaw proċeduri ta’ reklutaġġ.
Dgħufijiet fil-ġestjoni baġitarja tipikament jirriżultaw f’ammonti kbar ta’ riporti jew pagamenti tard
46 Għal 10 aġenziji (l-ACER, is-Cedefop, l-EACEA, l-UPPE, l-ERCEA, l-EUIPO, l-eu-LISA, l-FRA, il-Frontex, il-HaDEA) aħna nirrappurtaw dgħufijiet relatati ma’ diversi aspetti tal-ġestjoni baġitarja, pereżempju riporti eċċessivi ta’ approprjazzjonijiet u rati għoljin ta’ pagamenti tard. Il-Figura 11 turi l-aktar tipi komuni ta’ dgħufijiet li jikkonċernaw il-ġestjoni baġitarja.
47 Il-Figura 13 turi l-livell ta’ riporti, għal kull titolu tal-baġit u għal kull aġenzija. Filwaqt li r-Regolament Finanzjarju tal-UE ma jistabbilix limiti massimi għal dawn ir-riporti u n-natura pluriennali tal-operazzjonijiet tista’ tispjega għadd minnhom, livelli eċċessivi ta’ riporti jistgħu jindikaw dewmien fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ ħidma jew tal-pjanijiet għall-akkwist. Alternattivament, dawn jistgħu jindikaw problema strutturali, ippjanar baġitarju dgħajjef, jew possibbilment ksur tal-prinċipju baġitarju tal-annwalità. Aħna nirrappurtaw dgħufijiet bħal dawn li jikkonċernaw erba’ aġenziji (l-ACER, l-EACEA, l-eu-LISA u l-FRA).
Figura 13 – Livell ta’ riporti li jolqtu kull titolu tal-baġit
Sors: il-kontijiet annwali finali tal-aġenziji għall-2021, informazzjoni kkompilata mill-QEA.
Azzjoni 3 li għandha tittieħed
Biex jiġu solvuti l-livelli eċċessivi ta’ riporti, jenħtieġ li l-aġenziji kkonċernati jkomplu jtejbu kemm l-ippjanar baġitarju tagħhom kif ukoll iċ-ċikli ta’ implimentazzjoni tagħhom.
Dgħufijiet u prattika tajba fil-mod kif l-aġenziji jittrattaw sitwazzjonijiet potenzjali ta’ “revolving door”
48 Għas-sena finanzjarja 2021, aħna kkomplementajna x-xogħol tal-awditjar rikorrenti tagħna dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-aġenziji u dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul u tal-pagamenti tagħhom b’analiżi ta’ kif l-aġenziji ttrattaw sitwazzjonijiet potenzjali ta’ “revolving door”. Il-Kaxxa 4 tispjega x’inhuma sitwazzjonijiet ta’ “revolving door”, u kif dawn jirrigwardaw ir-riskju ta’ kunflitt ta’ interess u l-manipulazzjoni tal-politika.
X’inhuma s-sitwazzjonijiet ta’ “revolving door” u għalfejn huma importanti?
L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) tiddefinixxi l-kunċett ta’ “revolving door” kif ġej: Jistgħu jinħolqu kunflitti ta’ interess u jippreżentaw ir-riskju ta’ manipulazzjoni tal-politika fil-moviment bejn pożizzjonijiet fis-setturi pubbliċi u privati. Meta l-funzjonijiet ikopru oqsma li huma magħluqa jew li kienu kkontrollati direttament mill-eks uffiċjal pubbliku, dan il-fenomenu tal-hekk imsejjaħ “revolving door” jista’ jiġi perċepit bħala li jagħti vantaġġ inġust f’termini ta’ informazzjoni, relazzjonijiet jew kwalunkwe tip ieħor ta’ vantaġġ miksub fil-funzjonijiet pubbliċi preċedenti. F’xi każijiet, l-uffiċjali pubbliċi jista’ jkollhom it-tentazzjoni li jieħdu jew jiġu perċepiti li ħadu deċiżjonijiet li ma jkunux fl-interess pubbliku, iżda fl-interess ta’ impjegatur preċedenti jew tal-ġejjeni. 17
Fil-kuntest tal-UE, l-Ombudsman Ewropew tispjega li18 meta uffiċjal pubbliku jitlaq lejn is-settur privat, dan spiss jiġi deskritt bħala li jkun għadda mir-“revolving door”. Dan jista’ jippreżenta riskju għall-integrità tal-istituzzjonijiet tal-UE minħabba li għarfien siewi minn ġewwa jista’ jidħol fis-settur privat, jew minħabba li l-eks uffiċjali jistgħu jagħmlu lobbjar fil-konfront tal-eks kollegi tagħhom jew inkella uffiċjali eżistenti jistgħu jiġu influwenzati minn impjieg futur possibbli.
Li wieħed jieħu attività esterna bi ħlas waqt li jkun qed jaħdem għal istituzzjoni jew korp tal-UE, bħal aġenzija, jista’ jippreżenta riskji simili għal li wieħed jieħu impjieg ġdid wara li jitlaq mis-servizz pubbliku tal-UE.
49 L-aġenziji huma partikolarment suxxettibbli għar-riskju ta’ sitwazzjonijiet ta’ “revolving door” minħabba li jserrħu fuq persunal temporanju, u dan huwa fatt li jinvolvi rati għoljin ta’ dawran tal-persunal, u l-mudell ta’ governanza tagħhom, li jinkludi bordijiet li l-membri tagħhom għandhom it-tendenza li jservu għal żmien relattivament qasir. Għal xi aġenziji, dan ir-riskju jogħla aktar minħabba setgħat regolatorji sinifikanti (eż. l-EBA, l-EIOPA u l-ESMA) jew rabtiet mal-industrija (eż. l-EASA, l-ECHA jew l-EFSA). Iddeċidejna li neżaminaw dan is-suġġett minħabba l-importanza tiegħu mhux biss għall-funzjonament xieraq tal-aġenziji tal-UE, iżda wkoll għar-reputazzjoni tagħhom u, b’mod aktar ġenerali, għar-reputazzjoni tal-UE fl-intier tagħha.
50 Aħna eżaminajna każijiet bejn l-2019 u l-2021 li fihom persunal superjuri attwali jew preċedenti ta’ aġenzija (diretturi eżekuttivi, diretturi u uffiċjali fil-gradi AD14-16) beda impjieg wara li telaq minn aġenzija jew wettaq attività esterna mħallsa waqt li kien qed jaħdem għal aġenzija. Eżaminajna wkoll każijiet simili li jaffettwaw membri u eks membri tal-bordijiet tal-aġenziji, każijiet li xi aġenziji kienu vvalutaw biss abbażi tar-regoli interni tagħhom stess. L-ambitu tagħna kien jinkludi 40 aġenzija. Dawk li ma tqisux kienu biss iċ-Chafea, li ngħalqet fl-2021, u t-tliet aġenziji li saru operazzjonali jew awtonomi biss fl-2021 (l-ELA, l-UPPE u l-HaDEA). Il-Kaxxa 5 tispjega l-istandards legali rilevanti.
Il-qafas legali tal-UE applikabbli għall-ġestjoni tar-riskji ta’ “revolving door”
Ir-regoli applikabbli għat-trattament ta’ sitwazzjonijiet potenzjali ta’ “revolving door” u r-riskju assoċjat ta’ kunflitt ta’ interess huma stabbiliti, primarjament, fir-Regolamenti tal-Persunal tal-UE19. Dawn ir-regoli japplikaw għall-persunal preċedenti u attwali tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, inklużi l-aġenziji tal-UE. Ir-regoli jinkludu dan li ġej:
- Il-membri tal-persunal iridu jinfurmaw lill-Aġenzija tagħhom jekk jippjanaw li jibdew impjieg fi żmien sentejn wara li jitilqu miċ-ċivil tal-UE.
- Qabel ma tagħti jew tirrifjuta awtorizzazzjoni lil eks membri tal-persunal biex iwettqu attività esterna jew impjieg ġdid, aġenzija trid tikkonsulta lill-Kumitat Konġunt tagħha.
- Jekk aġenzija tqis li hemm riskju ta’ kunflitt ta’ interess, hija tista’ tipprojbixxi lill-membru tal-persunal milli jaċċetta l-impjieg, jew tagħti approvazzjoni biss suġġett għal kundizzjonijiet.
- Aġenzija trid tipprojbixxi wkoll lill-eks uffiċjali superjuri tagħha milli jagħmlu lobbjar jew promozzjoni fil-konfront tal-persunal tal-istituzzjoni matul it-12-il xahar wara li jitilqu mis-servizz.
- Aġenzija trid tippubblika lista annwali tal-każijiet ivvalutati fil-kuntest tar-riskju ta’ lobbjar u promozzjoni.
Madankollu, dawn ir-regoli ma japplikawx għall-membri tal-bordijiet tal-aġenziji, minħabba li ma jitqisux bħala parti mill-persunal tal-aġenziji. Minkejja dan, disa’ aġenziji għandhom regoli interni li jittrattaw dan il-qasam.
Il-qafas legali attwali huwa nieqes minn rekwiżiti ċari dwar il-konformità u l-monitoraġġ
51 Kif imsemmi fil-Kaxxa 5, ir-Regolamenti tal-Persunal (inklużi r-regoli tagħhom relatati ma’ sitwazzjonijiet ta’ “revolving door” u kunflitti ta’ interess b’mod aktar ġenerali), fihom infushom ma japplikawx għall-membri tal-bordijiet tal-aġenziji, li ma jagħmlux parti mill-persunal tal-aġenziji. Lanqas ma jikkonċernaw lill-membri tal-kumitati xjentifiċi tal-aġenziji, tal-gruppi ta’ esperti u ta’ korpi simili oħra. Dan iħalli vojt legali, minħabba li ma hemm l-ebda bażi legali komuni li tiddefinixxi livell minimu ta’ rekwiżiti għal dawn il-kategoriji ta’ persuni li jaħdmu għall-aġenziji tal-UE, b’rabta mar-riskju ta’ kunflitt ta’ interess u sitwazzjonijiet ta’ “revolving door”. Il-kompitu li jiġu stabbiliti regoli applikabbli jitħalla f’idejn kull aġenzija individwali.
52 Il-qafas legali tal-UE għall-ġestjoni tar-riskju ta’ sitwazzjonijiet ta’ “revolving door” jistabbilixxi obbligi limitati ħafna għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE (inklużi l-aġenziji tal-UE) biex jimmonitorjaw il-konformità tal-persunal attwali u preċedenti mar-rekwiżiti tar-“revolving door”. Huwa ma jiddefinix il-mod kif jista’ jsir dan il-monitoraġġ u lanqas l-għodod li jistgħu jintużaw għal dak l-iskop. B’konsegwenza ta’ dan, il-biċċa l-kbira mill-aġenziji ma jkollhom involviment fl-ebda attività ta’ monitoraġġ ta’ dan it-tip, u x’aktarx li każijiet ta’ “revolving door” mhux iddikjarati u l-ksur tar-restrizzjonijiet imposti fuq il-persunal li jitlaq b’rabta mal-impjiegi l-ġodda tagħhom jibqgħu ma jinqabdux.
53 Ir-regoli relatati mal-monitoraġġ u t-trattament ta’ sitwazzjonijiet ta’ “revolving door” u r-riskju assoċjat ta’ kunflitt ta’ interess mhumiex suffiċjentement espliċiti dwar l-obbligu għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE kkonċernati li jippubblikaw lista annwali ta’ każijiet ivvalutati fil-kuntest tar-riskju ta’ lobbjar u promozzjoni. L-Ombudsman Ewropew diġà rrappurtat dwar din il-problema fl-2017 (ara l-Kaxxa 6). Ir-regoli rilevanti fir-Regolamenti tal-Persunal ma nbidlux minn dak iż-żmien ’il hawn.
L-Ombudsman Ewropew appellat għal aktar trasparenza dwar il-valutazzjoni tal-każijiet b’rabta mar-riskju ta’ lobbjar u promozzjoni
F’rapport tal-201720, l-Ombudsman Ewropew iddikjarat li jenħtieġ li l-informazzjoni tiġi ppubblikata għall-każijiet kollha vvalutati, irrispettivament minn jekk l-istituzzjoni adottatx il-fehma li l-attività okkupazzjonali notifikata tista’, jew tkun, tinvolvi lobbjar u promozzjoni. Hija ddikjarat ukoll li dan huwa meħtieġ biex tiġi żgurata applikazzjoni effettiva u sinifikanti tal-Artikoli 16(3) u 16(4). L-Ombudsman Ewropew iddikjarat li jenħtieġ li l-informazzjoni li tkun se tiġi ppubblikata tinkludi:
- isem il-membru tal-persunal superjuri kkonċernat;
- id-data tat-tluq tal-membru tal-persunal superjuri;
- it-tip ta’ kariga okkupata mill-membru tal-persunal superjuri u deskrizzjoni tad-dmirijiet imwettqa matul l-aħħar tliet snin fiċ-ċivil tal-UE;
- isem l-impjegatur futur u deskrizzjoni tat-tip ta’ dmirijiet li għandhom jitwettqu fl-impjieg il-ġdid; alternattivament, deskrizzjoni tal-attivitajiet intenzjonati bħala persuna li taħdem għal rasha;
- jekk l-impjegatur futur jew il-kumpanija li tkun proprjetà tagħha nnifisha jkunu rreġistrati fir-Reġistru tat-Trasparenza tal-UE, ħolqa għall-entrata fir-reġistru rilevanti;
- il-valutazzjoni dettaljata tal-każ mill-istituzzjoni, inkluża l-konklużjoni tagħha dwar jekk tawtorizzahiex – b’miżuri ta’ mitigazzjoni jew mingħajrhom – u dikjarazzjoni dwar jekk x’aktarx li l-attività maħsuba tinvolvi lobbjar u promozzjoni u b’hekk tiġġustifika l-impożizzjoni ta’ projbizzjoni ta’ lobbjar u ta’ promozzjoni.
Azzjoni 4 li għandha tittieħed
Jenħtieġ li n-Network tal-Aġenziji tal-UE jikkuntattja lill-Kummissjoni u lil-leġiżlaturi biex jipproponi bidliet fil-qafas regolatorju li jiddefinixxu sett minimu ta’ regoli applikabbli għall-membri tal-bordijiet tal-aġenziji tal-UE b’rabta mal-kunflitt ta’ interess u r-“revolving door”. Fejn xieraq, jenħtieġ li regoli simili japplikaw ukoll għal membri ta’ kumitati xjentifiċi, gruppi ta’ esperti u korpi simili barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal.
L-aġenziji jikkonformaw fil-biċċa l-kbira mal-obbligi legali tagħhom
54 Meta membru tal-persunal attwali jew preċedenti jinnotifika aġenzija dwar il-pjanijiet tiegħu li jibda impjieg ġdid, l-aġenzija għandha 30 jum ta’ xogħol biex toħroġ deċiżjoni. L-ebda limitu ta’ żmien bħal dan ma huwa stabbilit għal attivitajiet esterni. Qabel ma tieħu deċiżjoni, l-Aġenzija trid tikkonsulta lill-Kumitat Konġunt.
55 Matul l-aħħar tliet snin (2019-2021), 20 biss mill-40 aġenzija li eżaminajna kienu qiesu xi każijiet potenzjali ta’ “revolving door” relatati mal-membri tal-persunal superjuri tagħhom. Ħamsa biss kienu vvalutaw xi każijiet relatati ma’ membri tal-bordijiet tagħhom, li kienu bdew impjieg ġdid jew attività esterna. Kif jidher fil-Figura 14, l-għadd totali ta’ każijiet ivvalutati kien 71, li minnhom 43 kienu jikkonċernaw persunal superjuri u 28 kienu jikkonċernaw membri tal-Bord. Dawn l-għedud huma bbażati fuq l-informazzjoni li rċevejna mill-aġenziji, li, min-naħa tagħhom, kienu serrħu b’mod ġenerali fuq awtodikjarazzjonijiet mill-persunal u mill-membri tal-Bord ikkonċernati. Aħna ma wettaqna l-ebda investigazzjoni biex nidentifikaw każijiet mhux iddikjarati.
Figura 14 – Il-biċċa l-kbira mill-aġenziji vvalutaw ftit li xejn każijiet, jew l-ebda każ
Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni li ġiet riċevuta mill-aġenziji.
56 Aħna eżaminajna kampjun ta’ 17 minn dawn il-każijiet u kkonkludejna li l-aġenziji b’mod ġenerali kienu jikkonformaw mar-rekwiżiti legali applikabbli. Il-ksur li identifikajna f’sitt aġenziji (ara l-Figura 15) kien jikkonċerna l-obbligu li tiġi ppubblikata l-lista ta’ każijiet ivvalutati, li jiġi kkonsultat il-Kumitat Konġunt, jew li tinħareġ deċiżjoni formali fi żmien 30 jum ta’ xogħol.
Azzjoni 5 li għandha tittieħed
Jenħtieġ li l-aġenziji jqawwu l-proċeduri u l-kontrolli interni tagħhom dwar sitwazzjonijiet potenzjali ta’ “revolving door”, sabiex jiżguraw konformità sħiħa mar-regoli applikabbli. B’mod partikolari, jenħtieġ li huma:
- joħorġu deċiżjonijiet formali fi ħdan il-limitu ta’ żmien applikabbli;
- jikkonsultaw lill-Kumitat Konġunt dwar il-każijiet kollha qabel ma joħorġu deċiżjoni;
- jippubblikaw lista tal-każijiet kollha vvalutati b’rabta mar-riskju ta’ lobbjar u promozzjoni.
Ftit aġenziji biss imorru lil hinn mir-rekwiżiti legali minimi meta jittrattaw sitwazzjonijiet potenzjali ta’ “revolving door”
57 Disa’ aġenziji (l-EBA, l-EIOPA, l-EIT, l-EMA, l-ESMA, l-EUIPO, l-Europol, l-FRA u l-SRB) kienu introduċew ir-regoli interni proprji tagħhom biex jittrattaw in-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni tal-UE li jirregolaw l-attivitajiet tal-membri tal-bordijiet tal-aġenziji. Ara l-Kaxxa 7.
Eżempji ta’ regoli tar-“revolving door” mill-EMA u l-EIT
Ir-regoli interni tal-EMA jirrikjedu li l-membri tal-Bord (u s-sostituti tagħhom) jinnotifikaw lill-EMA minnufih bl-intenzjoni tagħhom li jkollhom involviment f’attivitajiet okkupazzjonali ma’ kumpaniji farmaċewtiċi. Mill-mument meta tirċievi din in-notifika, l-EMA trid tirrestrinġi l-persuna kkonċernata minn involviment ulterjuri fl-attivitajiet tal-Bord. Regoli simili japplikaw ukoll għall-membri tal-kumitati xjentifiċi tal-EMA u tal-gruppi ta’ esperti tagħha.
L-EIT għandu Kodiċi ta’ Kondotta Tajba, li jindirizza kunflitti ta’ interess għall-membri tal-Bord ta’ Tmexxija. Dan jipprevieni lill-membri tal-Bord milli jieħdu kwalunkwe pożizzjoni, imħallsa jew mhux imħallsa, fi kwalunkwe negozju, ċentru ta’ riċerka jew università li jipparteċipaw fil-Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni tal-EIT jew li jirċievu għotjiet tal-EIT, għal sentejn wara li jitilqu mill-kariga tagħhom.
58 Il-31 aġenzija li jifdal jieħdu inkunsiderazzjoni biss każijiet potenzjali ta’ “revolving door” li jikkonċernaw il-persunal attwali u preċedenti tagħhom. B’riżultat ta’ dan, frazzjoni żgħira biss tal-każijiet potenzjali ta’ “revolving door” tal-membri tal-bord tal-aġenziji huma suġġetti għal kwalunkwe valutazzjoni (ara l-Figura 16). Dan jista’ jirriżulta f’kunflitti ta’ interess perċepiti jew reali, li potenzjalment iwasslu għal:
- deċiżjonijiet li ma jitteħdux fl-interess pubbliku, iżda fl-interess tal-impjegatur futur tal-membru tal-Bord ikkonċernat;
- vantaġġi inġusti għal ċerti entitajiet tas-settur privat f’termini ta’ informazzjoni privileġġjata jew relazzjonijiet/lobbjar.
Figura 16 – Ftit li xejn jiġu vvalutati każijiet ġodda potenzjali ta’ “revolving door” relatati mal-membri tal-bordijiet tal-aġenziji
Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni li ġiet riċevuta mill-aġenziji.
Azzjoni 6 li għandha tittieħed
Jenħtieġ li l-aġenziji jintroduċu regoli interni għall-membri tal-bordijiet tagħhom dwar kunflitti ta’ interess inġenerali u dwar sitwazzjonijiet ta’ “revolving door” inpartikolari.
59 Inġenerali, aħna sibna li l-aġenziji jserrħu kważi esklużivament fuq awtodikjarazzjonijiet mill-membri tal-persunal ikkonċernati għall-identifikazzjoni ta’ sitwazzjonijiet potenzjali ta’ “revolving door” u r-riskju assoċjat ta’ kunflitti ta’ interess. Il-biċċa l-kbira mill-aġenziji ma jieħdu l-ebda pass biex jaqbdu jekk il-membri tal-persunal attwali jistgħux ikunu qed iwettqu attivitajiet esterni mhux iddikjarati, jew jekk l-eks membri tal-persunal tagħhom ħadux impjiegi ġodda mingħajr ma infurmaw lill-aġenzija. Lanqas ma jimmonitorjaw jekk l-eks membri tal-persunal jikkonformawx ma’ xi restrizzjonijiet imposti fuqhom b’rabta mal-impjiegi l-ġodda tagħhom. Madankollu, aħna identifikajna erba’ eżempji ta’ prattiki tajba fejn l-aġenziji introduċew proċeduri għall-monitoraġġ ta’ dan. Ara l-Kaxxa 8.
Erba’ aġenziji biss (l-Uffiċċju BEREC, l-SRB, l-EBA u l-ESMA) għandhom proċeduri fis-seħħ għall-monitoraġġ tal-konformità mar-regoli relatati mar-“revolving door”
L-Uffiċċju BEREC għandu proċeduri fis-seħħ biex iwettaq verifiki kampjun fuq il-konformità tal-eks membri tal-persunal mal-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal. Dawn il-verifiki jiffukaw fuq membri tal-persunal superjuri u fuq membri tal-persunal li jew kienu pprojbiti milli jkollhom involviment f’ċerta attività okkupazzjonali jew inkella tħallew jaċċettaw impjieg ġdid suġġett għal ċerti limitazzjonijiet.
L-SRB għandu proċeduri biex iwettaq verifiki tal-konformità fuq eks membri tal-persunal li telqu mill-SRB fl-aħħar sentejn, inkluż l-użu ta’ bażijiet ta’ data disponibbli għall-pubbliku.
Azzjoni 7 li għandha tittieħed
Jenħtieġ li l-aġenziji jwettqu monitoraġġ attiv tal-attività professjonali tal-membri tal-persunal superjuri tagħhom (inklużi dawk li jkunu telqu mill-Aġenzija fl-aħħar sentejn) sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw sitwazzjonijiet ta’ “revolving door” mhux iddikjarati u jiżguraw konformità ma’ restrizzjonijiet imposti preċedentement.
Dokumenti oħra relatati mal-aġenziji maħruġa mill-QEA
60 Minbarra rapporti tal-awditjar li speċifikament ikopru l-aġenziji, matul l-2021 u l-ewwel sitt xhur tal-2022, il-QEA ħarġet ukoll għadd ta’ rapporti speċjali dwar l-implimentazzjoni ta’ politiki tal-UE, li għamlu referenza għal għadd ta’ aġenziji, u lista sħiħa hija inkluża fil-Figura 17.
L-aġenziji qed iwettqu segwitu għall-osservazzjonijiet tal-awditjar mis-snin preċedenti
61 Aħna nipprovdu informazzjoni dwar l-istatus tal-azzjonijiet ta’ segwitu li ttieħdu mill-aġenziji b’rispons għall-osservazzjonijiet mis-snin preċedenti. Il-Figura 18 turi li, għall-139 osservazzjoni li ma kinux ġew indirizzati sa tmiem l-2020, azzjoni korrettiva kienet ġiet ikkompletata f’67 każ, u kienet għadha għaddejja f’39 każ fl-2021. Għal 22 aġenzija (l-ACER, l-Uffiċċju BEREC, is-CEPOL, is-CPVO, l-EASA, l-EASO, l-EFSA, l-Eismea, l-EIT, l-EMA, l-EMCDDA, l-ERA, l-ESMA, l-ETF, l-EUIPO, l-eu-LISA, l-Eurofound, l-Eurojust, l-Europol, l-FRA, il-Frontex, u l-SRB), aħna nirrappurtaw total ta’ 48 osservazzjoni minn snin preċedenti li għadhom ma ġewx implimentati, u li 9 minnhom huma pendenti.
Figura 18 – Sforzi mill-aġenziji biex iwettqu segwitu għall-osservazzjonijiet mis-snin preċedenti
Sors: il-QEA.
62 Il-Kaxxa 9 tispjega l-istatuses differenti tas-segwitu li ntuża f’dan id-dokument u tagħti eżempji ta’ sitwazzjonijiet tipiċi li għalihom japplikaw.
Spjegazzjonijiet tal-istatus tas-segwitu li ntuża f’dan id-dokument
Ikkompletat: L-Aġenzija introduċiet titjib biex tindirizza l-osservazzjoni, li huwa appoġġat minn evidenza u vverifikat mill-QEA.
Għadu għaddej: Hemm xi evidenza li ttieħdet azzjoni korrettiva, iżda l-proċess għadu mhux implimentat bis-sħiħ jew komplet.
Pendenti: L-ebda reazzjoni għall-osservazzjoni jew nuqqas ta’ qbil mill-Aġenzija.
M/A: L-osservazzjoni ma għadhiex applikabbli, jew skada l-kuntratt li kien ipprovoka l-osservazzjoni inkwistjoni. Applikabbli wkoll meta, minħabba bidla fiċ-ċirkustanzi, l-ispiża biex tiġi indirizzata l-problema tkun akbar mill-benefiċċji.
Lista ta’ akronimi li jintużaw għall-aġenziji u l-korpi l-oħra tal-UE
| Akronimu | Isem sħiħ | Akronimu | Isem sħiħ | |
|---|---|---|---|---|
| ACER | L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija | EMA | L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini | |
| L-Uffiċċju BEREC | L-Aġenzija għall-Appoġġ tal-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi | EMCDDA | Iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga | |
| CdT | Iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea | EMSA | L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima | |
| Cedefop | Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali | ENISA | L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà | |
| CEPOL | L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi | UPPE | L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew | |
| Chafea | L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumatur, is-Saħħa, l-Agrikoltura u l-Ikel | ERA | L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji | |
| CINEA | L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Klima, l-Infrastruttura u l-Ambjent | ERCEA | L-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka | |
| CPVO | L-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti | ESA | L-Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom | |
| EACEA | L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura | ESMA | L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq | |
| EASA | L-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea | ETF | Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ | |
| EASO | L-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Ażil | EUIPO | L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea | |
| EBA | L-Awtorità Bankarja Ewropea | eu-LISA | L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja | |
| ECDC | Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard | EU-OSHA | L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol | |
| ECHA | L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi | Eurofound | Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol | |
| EEA | L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent | Eurojust | L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali | |
| EFCA | L-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd | Europol | L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi | |
| EFSA | L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel | EUSPA | L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali | |
| EIGE | L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi | FRA | L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali | |
| EIOPA | L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol | Frontex | L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta | |
| Eismea | L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u għall-SMEs | HaDEA | L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għas-Saħħa u għall-Qasam Diġitali | |
| EIT | L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija | REA | L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għar-Riċerka | |
| ELA | L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol | SRB | Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni |
Tim tal-awditjar
It-tielet ringiela (mix-xellug għal-lemin): Janis Gaisonoks, Marco Corradi, Peter Eklund, Joao Pedro Bento, Ivo Koppelmaa, Emmanuel Djoffon (Awdituri).
It-tieni ringiela (mix-xellug għal-lemin): Sergio Gascon Samper (Awditur), Alexandra Mazilu (Disinjatur Grafiku), Nikolaos Alampanos, Armin Hosp, Leonidas Tsonakas, Paulo Oliveira, (Awdituri), Ioanna Michali (Assistenta).
L-ewwel ringiela (mix-xellug għal-lemin): Rimantas Šadžius (Membru tal-QEA), Julio Cesar Santin Santos, Mirko Gottmann (Awdituri), Michal Machowski (Maniġer Prinċipali), Christine Becker (Awditur), Mindaugas Pakstys (Kap tal-Kabinett).
Membri tat-tim tal-awditjar li mhumiex fir-ritratt: John Sweeney (Maniġer Prinċipali), Di Hai, Matthias Blaas (Attachés), Iveta Adovica, Santiago Fuentes, Joaquin Hernandez Fernandez, Marc Hertgen, Tomas Mackevicius, Hans Christian Monz, Roberto Sanz Moratal, Svetoslava Tashkova (Awdituri), Chantal Kapawa (Assistenta).
Nixtiequ nagħtu ġieħ speċjali lis-Sur Alex Brenninkmeijer (1951-2022), Membru tal-QEA, li mexxa dan l-awditu sa April 2022.
Noti finali
1 L-Artikoli 285 sa 287 (ĠU C 326, 26.10.2012, pp. 169-171).
2 Aktar informazzjoni dwar ix-xogħol li nwettqu tista’ tinstab fir-rapporti tal-attività tagħna, fir-rapporti annwali tagħna dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE, fir-rapporti speċjali tagħna, fl-analiżijiet panoramiċi tagħna, kif ukoll fl-opinjonijiet tagħna dwar liġijiet ġodda jew liġijiet aġġornati tal-UE jew deċiżjonijiet oħra b’implikazzjonijiet għall-ġestjoni finanzjarja (www.eca.europa.eu).
3 L-ACER, l-Uffiċċju BEREC, is-Cedefop, is-CdT, is-CEPOL, is-CPVO, l-EASA, l-EASO, l-EBA, l-ECDC, l-ECHA, l-EEA, l-EFCA, l-EFSA, l-EIGE, l-EIOPA, l-ELA, l-EMA, l-EMCDDA, l-EMSA, l-ENISA, l-ERA, l-ESMA, l-ETF, l-EUIPO, l-eu-LISA, l-EU-OSHA, l-EUSPA, l-Eurofound, l-Eurojust, l-Europol, l-FRA, il-Frontex.
4 Iċ-CINEA, l-EACEA, l-Eismea, l-ERCEA, il-HaDEA, l-REA u ċ-Chafea (li waqfu jeżistu fl-1 ta’ April 2021).
5 Ara r-Rapport tagħna għas-sena finanzjarja 2020.
6 L-Analiżi Panoramika 01/2014: “Lakuni, duplikazzjonijiet u sfidi: analiżi panoramika tal-arranġamenti tal-UE fir-rigward tal-obbligu ta’ rendikont u tal-awditjar pubbliku”, il-paragrafu 84.
7 2021-2027 Strategy for the EU Agencies Network, Brussell, id-9 ta’ Novembru 2020.
8 Ir-Rapport Annwali dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2019: il-paragrafi 2.34-2.41.
9 Ir-Rapport Annwali dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2020: il-paragrafu 3.30.15.
10 Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/173 li tistabbilixxi l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Klima, għall-Infrastruttura u għall-Ambjent, l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għas-Saħħa u għall-Qasam Diġitali, l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għar-Riċerka, l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u għall-SMEs, l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Kunsill Ewropew tar-Riċerka, u l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura.
11 L-Artikoli 42 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, Nru 1094/2010 u Nru 1095/2010.
12 Ir-Rapport Speċjali 10/2019 tal-QEA: “Testijiet tal-istress għall-banek fl-UE kollha: inġabar ammont kbir ta’ informazzjoni dwar il-banek, iżda jinħtieġu koordinazzjoni aħjar u fokus akbar fuq ir-riskji”.
13 Ir-Rapport Speċjali 29/2018 tal-QEA: “L-EIOPA tat kontribut importanti għas-superviżjoni u l-istabbiltà fis-settur tal-assigurazzjoni, iżda għad fadal xi sfidi sinifikanti”.
14 Ir-Rapport Speċjali 13/2021 tal-QEA: “L-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus fis-settur bankarju huma frammentati u l-implimentazzjoni mhijiex suffiċjenti”.
15 Ir-Rapport Speċjali 04/2022 tal-QEA: “Fondi ta’ investiment: l-azzjonijiet tal-UE għadhom ma ħolqux suq uniku reali li minnu jibbenefikaw l-investituri”.
16 Il-proposti tal-Kummissjoni dwar emendi għar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, Nru 1094/2010 u Nru 1095/2010, COM(2017) 536 final.
17 OECD Public Integrity Handbook; il-Kapitolu 13.3.2.
18 The European Ombudsman’s work on revolving doors.
19 L-Artikoli 12, 12b, 16 u 17 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-UE għall-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Komunità Ekonomika Ewropea u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.
20 Report of the European Ombudsman on the publication of information on former senior staff so as to enforce the one-year lobbying and advocacy ban.
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (https://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022
| ISBN 978-92-847-8841-5 | doi:10.2865/944870 | QJ-AH-22-001-MT-N | ||
| HTML | ISBN 978-92-847-8817-0 | doi:10.2865/18029 | QJ-AH-22-001-MT-Q |
KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik online (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).
Bit-telefown jew bil-miktub
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja lil dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696,
- permezz ta’ din il-formola:european-union.europa.eu/contact-eu/write-us_mt.
KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE
Online
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa (european-union.europa.eu).
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tara jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE minn op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tad-dokumentazzjoni lokali tiegħek (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex (eur-lex.europa.eu).
Data miftuħa tal-UE
Il-portal data.europa.eu jagħti aċċess għal settijiet tad-data miftuħa mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE. Dawn jistgħu jitniżżlu u jerġgħu jintużaw mingħajr ħlas, għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali. Il-portal jagħti aċċess ukoll għal għadd kbir ta’ settijiet tad-data mill-pajjiżi Ewropej.
