L-attivitajiet li wettaqna fl-2019
RAPPORT ANNWALI TAL-ATTIVITÀ
TAL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI

Cover image

Il-Membri tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (Jannar 2020).

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Min aħna

  • il-QEA hija l-awditur estern tal-Unjoni Ewropea;
  • hija ġiet stabbilita bit-Trattat ta’ Brussell tal-1975 u bdiet il-ħidma tagħha f’Ottubru 1977; mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Maastricht tal-1993, hija saret Istituzzjoni Ewropea sħiħa;
  • is-sede tagħha tinsab fil-Lussemburgu;
  • għandha Membru wieħed minn kull Stat Membru tal-UE, maħtur mill-Kunsill b’segwitu għal konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew;
  • timpjega madwar 900 membru tal-persunal, min-nazzjonalitajiet kollha tal-UE.

X'nagħmlu

  • niżguraw li l-kontijiet tal-UE jinżammu tajjeb, li din tapplika r-regoli finanzjarji tagħha b’mod korrett, u li l-politiki u l-programmi tagħha jilħqu l-objettivi intenzjonati tagħhom u jipprovdu valur għall-flus;
  • nikkontribwixxu għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE u nippromwovu l-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza;
  • inwissu dwar il-possibbiltà ta’ riskji, nipprovdu aċċertament, nindikaw fejn ikun hemm nuqqasijiet u suċċessi, u noffru gwida lil dawk li jfasslu l-politika u lil-leġiżlaturi tal-UE.
  • nippreżentaw l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħna lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali, kif ukoll lill-pubbliku ġenerali.

Kelmtejn ta’ qabel mill-President

Għażiż qarrej,

L-2019 kienet sena li fiha l-Unjoni rat ħafna bidliet: kien hemm l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, u l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida bdiet il-mandat tagħha. Il-prijoritajiet strateġiċi ġew iddefiniti mill-ġdid, u tniedu pakketti importanti ta’ strateġija politika bħalma huma l-“Patt Ekoloġiku Ewropew” jew il-Ġejjieni Diġitali tal-Ewropa (bidu tal-2020). Lejn tmiem is-sena, sar ukoll evidenti li issa l-Unjoni hija magħmula minn 27 Stat Membru.

Fl-istess ħin, l-UE tinsab ukoll f’salib it-toroq importanti f’dak li jirrigwarda l-finanzi tagħha. Aħna ninsabu fl-aħħar fażi tan-negozjati relatati mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss, u l-eżitu tagħhom se jiddetermina l-kapaċità finanzjarja tal-UE għas-seba’ snin li ġejjin. Issa, l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jridu jibnu fuq l-isforzi tal-passat biex titjieb aktar il-ġestjoni finanzjarja tal-Unjoni u jiżguraw li l-UE tikseb riżultati.

Bħala awdituri esterni, aħna nipprovdu valutazzjoni imparzjali tal-politiki u l-programmi tal-UE, kif ukoll tal-kwalità tal-ġestjoni finanzjarja tal-fondi tal-UE fl-Unjoni kollha u lil hinn minnha. Aħna nivverifikaw jekk l-infiq tal-UE jkunx konformi mar-regoli, u jekk il-politiki u l-programmi tagħha jkunux qed jipprovdu valur għall-flus.

Dan ir-rapport jagħti ħarsa ġenerali lejn ix-xogħol li wettaqna fl-2019, sena li matulha aħna ppubblikajna għadd ta’ rapporti speċjali, rapporti analitiċi, u opinjonijiet dwar suġġetti li huma attwali ħafna. Huwa jipprovdi wkoll informazzjoni dwar il-persunal, il-maniġment u l-finanzi tagħna. Nittamaw li din l-informazzjoni tkun utli għalik.

Aħna qed noħorġu dan ir-Rapport Annwali tal-Attività f’mument li qed jippreżenta sfida mingħajr preċedent għas-saħħa pubblika fl-UE u fl-Istati Membri tagħha minħabba l-pandemija tal-COVID-19. L-istituzzjoni tagħna malajr irreaġiet għal din is-sitwazzjoni skont l-istruzzjonijiet dwar is-saħħa u s-sikurezza li ngħataw mill-Gvern tal-Lussemburgu.

Nixtieq nirringrazzja lill-kollegi kollha, kemm għax-xogħol siewi tagħhom kif ukoll għall-prontezza tagħhom li jadattaw b’mod flessibbli għas-sitwazzjoni attwali. Issa jeħtieġ li aħna ningħaqdu u nagħmlu dak kollu li nistgħu biex inkomplu naqdu r-rwol tagħna bħala l-awditur estern tal-UE f’dawn iż-żminijiet diffiċli.

Klaus-Heiner Lehne
Il-President

L-attivitajiet li wettaqna

Strateġija

Progress tajjeb fl-
implimentazzjoni tal-istrateġija
tagħna

Sabiex nibqgħu fuq quddiem nett tal-iżviluppi fil-qasam tal-awditjar tas-settur pubbliku, aħna nużaw strateġiji pluriennali biex nipprovdu orjentazzjonijiet fit-tul għax-xogħol tal-awditjar tagħna u biex nagħtu spinta lill-inizjattivi ta’ bidliet organizzazzjonali għal titjib kontinwu.

Sa tmiem l-2019, aħna konna kkompletajna t-tieni sena tal-istrateġija attwali tagħna għall-perjodu 2018-2020. Matul dan il-perjodu ta’ tliet snin, l-għanijiet strateġiċi tagħna huma li: ntejbu l-valur miżjud tad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni; inżidu l-fokus fuq l-aspetti ta’ prestazzjoni tal-azzjonijiet tal-UE; u niżguraw li nwasslu messaġġi ċari lill-udjenzi kollha tagħna. Biex indaħħlu fil-prattika l-istrateġija tagħna, aħna qbilna dwar pjan ta' azzjoni li jkopri dawn l-għanijiet.

F’dawn l-aħħar sentejn, aħna għamilna progress tajjeb f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-għanijiet strateġiċi tagħna. Aħna nedejna sensiela ta’ inizjattivi u proġetti fl-oqsma kollha mmirati, u f’xi wħud minnhom morna saħansitra lil hinn minn dak li ġie stabbilit fil-pjan ta’ azzjoni, b’mod notevoli:

  • proġett pilota utli li jirrigwarda l-approċċ ta’ attestazzjoni għat-twassil tad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni;
  • żieda sinifikanti fl-għadd ta’ awditi tal-prestazzjoni u ta’ dokumenti analitiċi, kif ukoll firxa aktar diversa ta’ suġġetti li jinkludu kemm l-azzjonijiet relatati mal-infiq kif ukoll dawk regolatorji li ttieħdu mill-UE;
  • kuntatt aħjar mal-Parlament Ewropew u viżibbiltà akbar fil-midja tradizzjonali u soċjali.

Matul is-sena, grupp ta’ erba’ istituzzjonijiet supremi tal-awditjar (l-Estonja, in-Netherlands, id-Danimarka u l-Istati Uniti) wettqu evalwazzjoni bejn il-pari tal-istrateġija tagħna. Ir-rapport li sar mill-pari tagħna ġie ppubblikat f’Marzu 2020, eżatt fil-ħin biex jipprovdi input siewi għall-istrateġija tagħna li jmiss li se tibda mill-2021 ’il quddiem.

Awditjar tal-prestazzjoni u r-regolarità tal-azzjonijiet li ttieħdu mill-UE

Awditi tal-prestazzjoni,
finanzjarji u tal-konformità

L-awditi tal-prestazzjoni li nwettqu jindirizzaw l-effettività, l-effiċjenza u l-ekonomija tal-politiki u l-programmi tal-UE. Huma jiffukaw fuq suġġetti li jirriflettu l-problemi li l-UE qed tiffaċċja, bħall-użu sostenibbli ta’ riżorsi naturali favur l-ambjent, it-tkabbir u l-inklużjoni, l-isfidi relatati mal-migrazzjoni u mal-iżvilupp globali, is-suq uniku u l-unjoni bankarja, u l-iżgurar li l-Unjoni Ewropea tagħti rendikont u tkun effiċjenti. Dawn l-awditi għandhom l-għan li jgħinu lill-UE biex tilħaq aħjar l-objettivi tal-politika tagħha.

L-awditi finanzjarji u tal-konformità tagħna jinkludu d-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni tagħna dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali, kif ukoll dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Aħna nistgħu wkoll nwettqu awditi tal-konformità magħżula, biex neżaminaw l-istat tal-kontabbiltà baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tal-UE, jew biex nivvalutaw jekk is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll għall-ġbir u l-infiq tal-fondi tal-UE humiex konformi mar-regoli applikabbli tal-UE u dawk nazzjonali.

Aħna nwettqu l-awditi kollha tagħna f’konformità ma’ standards tal-awditjar għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment.

Programm ta’ ħidma

Prospettiva strateġika

Fl-2019, aħna komplejna ninkorporaw prospettiva strateġika fix-xogħol tal-awditjar tagħna sabiex nindirizzaw aħjar l-isfidi ewlenin li l-UE se tiffaċċja fil-futur permezz ta’ approċċ li jħares ’il quddiem.

Għal dan l-iskop, aħna stabbilejna Bord Konsultattiv dwar l-Istrateġija u l-Prospettiva. Wieħed mill-kompiti attwali ta’ dan il-bord, magħmul minn ħames Membri, huwa li jissorvelja t-tħejjija tal-istrateġija ta’ wara l-2020.

Il-prijoritajiet tal-awditjar li
jindirizzaw kwistjonijiet ewlenin
għall-futur tal-UE

Il-Programm ta’ Ħidma tagħna, li ġie ppubblikat f’Ottubru 2019, jistabbilixxi l-prijoritajiet tal-awditjar tagħna għas-snin li ġejjin u jippreżenta fid-dettall il-41 rapport u rapport analitiku li biħsiebna nippubblikaw fl-2020.

L-awditi li ppjanajna għall-2020 u lil hinn se jkomplu jipprovdu liċ-ċittadini tal-UE u lil dawk li jfasslu l-politika tagħha b’rapporti indipendenti dwar kwistjonijiet ewlenin għall-futur tal-UE.

Aħna nħejju l-programm ta’ ħidma tal-awditjar tagħna b’mod indipendenti, iżda mhux b’mod iżolat. Għalhekk, għalina huwa tal-akbar importanza li naħdmu flimkien mal-partijiet ikkonċernati istituzzjonali tagħna, b’mod partikolari l-Parlament Ewropew. Bħas-soltu, fil-bidu tal-2019, aħna stedinna lill-kumitati parlamentari kollha biex jissuġġerixxu suġġetti tal-awditjar potenzjali għall-Programm ta’ Ħidma tagħna.

Xogħol tal-awditjar fuq il-post

Il-biċċa l-kbira tax-xogħol tal-awditjar li nwettqu jsir fis-sede tagħna fil-Lussemburgu. L-awdituri tagħna jagħmlu wkoll għadd kbir ta’ żjarat lill-Kummissjoni Ewropea – l-entità awditjata prinċipali tagħna – u lill-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE, lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri, lid-delegazzjonijiet tal-UE f’pajjiżi terzi, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet internazzjonali li jimmaniġġjaw il-fondi tal-UE.

Aħna nwettqu wkoll kontrolli fuq il-post tar-riċevituri tal-fondi tal-UE, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll lil hinn mill-fruntieri tagħha. Permezz ta’ dawn il-kontrolli, aħna nsegwu r-rendikont tal-entrati u niksbu evidenza diretta għall-awditjar mingħand dawk involuti fil-ġestjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE u fil-ġbir jew fil-ħlas ta’ fondi tal-UE, kif ukoll mingħand il-benefiċjarji li jirċevuhom.

Aħna nistinkaw biex nikkompletaw l-awditi magħżula tagħna fi żmien 13-il xahar, f’konformità mal-mira stabbilita fir-Regolament Finanzjarju tal-UE.

L-awdituri ddedikaw 3 605 jum
għall-awditjar fuq il-post fl-UE u
lil hinn minnha

It-timijiet tal-awditjar tagħna huma ġeneralment magħmulin minn żewġ awdituri jew tlieta, filwaqt li ż-żjarat tal-awditjar tagħna jvarjaw fit-tul minn ftit jiem għal ftit ġimgħat. Il-kontrolli fuq il-post li aħna nwettqu ġewwa l-UE jiġu ġeneralment ikkoordinati f’kollegament mal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar tal-Istati Membri kkonċernati.

Il-frekwenza u l-intensità tax-xogħol tal-awditjar li nwettqu fl-Istati Membri individwali u fil-pajjiżi benefiċjarji jiddependu mit-tip ta' awditi li nwettqu. Fl-2019, l-awdituri tagħna ddedikaw 3 605 jum (2018: 3 671 jum) għall-awditjar fuq il-post – kemm fl-Istati Membri kif ukoll barra mit-territorju tal-UE.

Barra minn hekk, l-awdituri tagħna qattgħu 2 504 jum (2018: 2 723 jum) fl-istituzzjonijiet tal-UE fi Brussell u fil-Lussemburgu, kif ukoll f’aġenziji u korpi deċentralizzati madwar l-UE, f’organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti jew l-OECD, u f’ditti privati tal-awditjar.

Aħna qed nagħmlu użu dejjem akbar mill-vidjokonferenzi u minn teknoloġija oħra tal-informazzjoni, bħall-kondiviżjoni sikura ta’ data u ta’ dokumenti, biex ninteraġixxu mal-entitajiet awditjati tagħna.

Rapporti tal-awditjar, rapporti analitiċi u opinjonijiet

Ir-rapporti tal-awditjar, ir-rapporti analitiċi u l-opinjonijiet tagħna huma element essenzjali tal-katina ta’ obbligu ta’ rendikont tal-UE. Huma jgħinu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jimmonitorjaw u jiskrutinizzaw l-ilħuq tal-objettivi ta’ politika tal-UE, u biex jitolbu li jingħata rendikont minn dawk responsabbli għall-ġestjoni tal-baġit tal-UE – b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċedura annwali ta’ kwittanza.

Rapporti speċjali u dokumenti analitiċi

Fi snin reċenti, kif stabbilit fl-istrateġija tagħna għall-perjodu 2018-2020, aħna konna qed inżidu l-fokus tagħna fuq il-valutazzjoni tal-prestazzjoni fl-azzjonijiet tal-UE.

Fl-2019, aħna ppubblikajna 36 rapport speċjali u rapport analitiku li jindirizzaw ħafna mill-isfidi li l-UE qed tiffaċċja fl-oqsma differenti ta’ nfiq tal-UE, bħall-politika dwar is-sikurezza alimentari, l-enerġija rinnovabbli, il-kummerċ elettroniku, il-kontrolli fil-fruntieri, il-governanza fiskali u l-oqfsa etiċi f’istituzzjonijiet magħżula tal-UE, biex insemmu biss xi ftit minnhom.

Fir-rapporti speċjali tagħna, aħna neżaminaw jekk l-objettivi tal-politiki u l-programmi magħżula tal-UE ntlaħqux, jekk ir-riżultati nkisbux b’mod effettiv u effiċjenti, u jekk l-azzjonijiet tal-UE pprovdewx valur miżjud – jiġifieri jekk permezz tagħha nkisbux riżultati aħjar milli setgħu nkisbu kieku l-azzjonijiet twettqu fuq livell nazzjonali biss. Aħna nagħmlu wkoll rakkomandazzjonijiet, fejn nidentifikaw modi kif jistgħu jiġu ffrankati l-flus, isir xogħol aħjar, tiġi evitata l-ħela jew jintlaħqu l-objettivi ta’ politika mistennija b’mod aktar effettiv.

Ir-rapporti analitiċi tagħna għandhom l-għan li jipprovdu deskrizzjoni li tispjega l-kuntest kif ukoll analiżi, spiss minn perspettiva trażversali u fuq il-bażi ta’ xogħol tal-awditjar preċedenti jew fuq informazzjoni oħra li tkun disponibbli għall-pubbliku. Aħna nistgħu nużawhom ukoll biex nippreżentaw l-analiżi tagħna ta’ oqsma jew kwistjonijiet li nkunu għadna ma awditjajniex, jew biex nistabbilixxu fatti dwar suġġetti jew problemi speċifiċi. Għall-kuntrarju tal-awditi, dawn ma jindirizzawx mistoqsijiet ta’ evalwazzjoni jew jipprovdu aċċertament.

Il-paġni li ġejjin jipprovdu fehim approfondit dwar ix-xogħol tagħna kif ukoll eżempji ta’ rapporti mill-2019 li jkopru oqsma ta’ politika differenti.

Użu sostenibbli tar-riżorsi naturali

Rapport Analitiku Nru 1/2019: Ir-rispons tal-UE għall-iskandlu “dieselgate”

Fl-2015, ġew identifikati diskrepanzi bejn il-livelli ta’ emissjonijiet tal-vetturi mkejla fil-laboratorju u dawk imkejla fit-triq għall-magni bil-kombustjoni li jaħdmu bid-diżil. Studji żvelaw l-użu tal-hekk imsejjaħ “apparati ta’ manipulazzjoni” li kienu qed jipproduċi livelli ta’ emissjonijiet aktar baxxi matul it-testijiet uffiċjali milli taħt kundizzjonijiet ta’ sewqan normali. F’ċerti Stati Membri, l-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip irreaġew għall-iskandlu tal-emissjonijiet billi ttestjaw mill-ġdid il-vetturi tal-passiġġieri li jaħdmu bid-diżil. Dawn it-testijiet urew li, fit-triq, l-emissjonijiet tal-exhaust ta’ kważi l-vetturi ħfief kollha li jaħdmu bid-diżil u tal-klassi Euro 5 u Euro 6 kienu jaqbżu b’mod sinifikanti l-limiti applikabbli għall-NOx, xi drabi b’fattur ta’ aktar minn 10.

Aħna analizzajna l-azzjonijiet li ttieħdu kemm mill-UE kif ukoll mill-Istati Membri bħala rispons għall-iskandlu “dieselgate”. Koprejna wkoll il-bidliet li saru fis-sistema għall-kejl tal-emissjonijiet tal-vetturi wara Settembru 2015.

Aħna identifikajna aċċellerazzjoni ta’ ħafna bidliet leġiżlattivi għas-sistema tal-UE relatata mal-approvazzjoni tat-tip ta’ vettura u mal-kontrolli tal-emissjonijiet tal-vetturi. Il-Kummissjoni issa għandha s-setgħa li teżamina x-xogħol tal-awtoritajiet nazzjonali tal-approvazzjoni tat-tip, u tista’ tittestja l-vetturi u tirtira jew tissospendi l-approvazzjonijiet tat-tip tagħhom. Barra minn hekk, il-partijiet terzi interessati issa jistgħu jwettqu testijiet tal-emissjonijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea fetħet proċeduri ta’ ksur kontra xi Stati Membri. Aħna identifikajna wkoll rieda akbar ta’ bosta Stati Membri li jintroduċu restrizzjonijiet fuq it-traffiku tal-karozzi sabiex itejbu l-kwalità tal-arja, u bosta bliet Ewropej ħolqu żoni b’emissjonijiet baxxi fejn it-traffiku tal-karozzi huwa limitat jew ipprojbit.

Dan ix-xogħol ġie ppreżentat bħala rapport analitiku peress li l-impatt tal-bidliet leġiżlattivi li saru mhux se jkun kbir biżżejjed biex ikun jista’ jitkejjel fil-futur qrib. Ir-rapporti analitiċi tagħna ma jkunx fihom rakkomandazzjonijiet.

Investiment għall-koeżjoni, it-tkabbir u l-inklużjoni

Rapport Speċjali Nru 8/2019: Enerġija eolika u solari għall-ġenerazzjoni tal-elettriku: jeħtieġ li tittieħed azzjoni sinifikanti jekk iridu jintlaħqu l-miri tal-UE

L-elettriku jista’ jiġi ġġenerat jew minn sorsi mhux rinnovabbli, bħall-fjuwils fossili, l-iskart mhux rinnovabbli u l-materjali nukleari f’reatturi konvenzjonali, jew minn sorsi rinnovabbli, bħall-enerġija idroelettrika, eolika, solari, mill-bijomassa, eċċ. Is-sorsi rinnovabbli jintużaw ukoll għall-produzzjoni ta’ enerġija li tintuża għat-tisħin u t-tkessiħ, kif ukoll għal fjuwil użat għat-trasport.

Attwalment, 79 % tal-emissjonijiet totali ta’ gassijiet serra fl-UE jiġu mill-użu ta’ fjuwils fossili għall-ġenerazzjoni tal-enerġija. Sehem akbar tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli se jikkontribwixxi biex l-UE tkun tista’ tilħaq l-objettiv tagħha li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra. L-Istati Membri jiddeċiedu dwar l-aħjar mod kif jistgħu jisfruttaw ir-riżorsi tal-enerġija tagħhom u dwar kif għandhom jistrutturaw il-provvista tal-enerġija tagħhom. L-UE tista’ tappoġġa l-azzjonijiet tal-Istati Membri billi tipprovdi finanzjament addizzjonali għal investimenti fi proġetti tal-enerġija rinnovabbli.

Aħna vvalutajna l-progress li sar mill-UE u mill-Istati Membri lejn is-sehem tal-objettivi relatati mal-enerġija rinnovabbli bil-ħsieb li tintlaħaq il-mira globali tal-UE ta’ 20 % sal-2020 u ta’ 32 % sal-2030. Morna l-Ġermanja, il-Greċja, Spanja u l-Polonja biex neżaminaw jekk l-appoġġ finanzjarju għall-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-enerġija eolika u solari kienx effettiv.

Aħna sibna li, mill-2005 ’l quddiem, kien sar progress sinifikanti fis-sehem ta’ sorsi rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija, iżda r-ritmu ta’ din ix-xejra kien naqas wara l-2014. Is-sehem tas-sorsi rinnovabbli fil-ġenerazzjoni tal-elettriku fl-UE rdoppja, minn madwar 15 % (fl-2005) għal kważi 31 % (fl-2017). It-teknoloġiji responsabbli għal din iż-żieda kienu prinċipalment l-enerġija eolika u dik solari. Madankollu, l-ilħuq tal-miri se jkun jippreżenta sfida sinifikanti għal madwar nofs l-Istati Membri.

Aħna rrakkomandajna li l-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jappoġġaw implimentazzjoni ulterjuri billi jorganizzaw irkantijiet biex jallokaw il-kapaċità addizzjonali tas-sorsi rinnovabbli, jippromwovu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini, jissimplifikaw il-proċeduri amministrattivi, u jirriżolvu l-insuffiċjenzi fil-grilja. Barra minn hekk, aħna rrakkomandajna li l-Kummissjoni tirrevedi r-rekwiżiti legali għall-Istati Membri biex itejbu l-puntwalità tad-data statistika.

Azzjoni esterna, sigurtà u ġustizzja

Rapport Speċjali Nru 24/2019: L-asil, ir-rilokazzjoni u r-ritorn ta’ migranti: Wasal iż-żmien li tingħata spinta biex jiġu indirizzati d-disparitajiet bejn l-objettivi u r-riżultati

Fl-2015, l-UE esperjenzat livelli ta’ migrazzjoni li huma mingħajr preċedent kif ukoll żieda sussegwenti fl-applikazzjonijiet għall-asil. Fi snin reċenti, il-livelli ta’ migrazzjoni reġgħu lura għal dawk ta’ qabel il-kriżi. Aħna intervistajna lill-persunal fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (spiss imsejħa “Frontex”). Aħna żorna lill-awtoritajiet nazzjonali, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u nongovernattivi li jimplimentaw proġetti ffinanzjati mill-UE, u eżaminajna 20 azzjoni ta’ appoġġ li ttieħdu mill-UE fil-Greċja u fl-Italja. Iż-żewġ Stati Membri huma partikolarment affettwati minn dawn il-flussi migratorji.

Aħna vvalutajna jekk l-appoġġ li ġie ffinanzjat mill-UE kienx laħaq l-objettivi tiegħu u jekk il-proċeduri tal-asil u r-ritorn kinux effettivi u rapidi. Aħna vvalutajna wkoll jekk l-iskemi temporanji ta’ rilokazzjoni ta’ emerġenza kinux laħqu l-miri u l-objettivi tagħhom.

Aħna sibna li r-rati ta’ reġistrazzjoni u ta’ teħid tal-marki tas-swaba’ fil-hotspots kienu tjiebu b’mod sinifikanti. Madankollu, sehem għoli ta’ migranti jkomplu sejrin lejn Stati Membri oħra tal-UE u japplikaw għall-asil hemmhekk, mingħajr ma l-marki tas-swaba’ tagħhom jiġu maħżuna fid-database tal-EURODAC. Barra minn hekk, fiż-żewġ Stati Membri, il-proċeduri ta’ asil qed ikomplu jiġu affettwati minn żminijiet tal-ipproċessar li huma twal u minn konġestjonijiet. Sehem għoli ta’ kandidati li applikaw ġew fil-fatt rilokati (80 % fil-Greċja u 89 % fl-Italja). Minkejja dan, il-Kummissjoni ma mmonitorjatx il-proċess ta’ rilokazzjoni fil-pajjiżi li ilhom jirċievu migranti minn Frar 2018. Bħal fil-bqija tal-UE, l-ammont ta’ ritorni mill-Greċja u mill-Italja huwa baxx.

Aħna rrakkomandajna li l-Kummissjoni li jmiss tieħu miżuri xierqa biex ittejjeb il-ġestjoni tal-appoġġ ta’ emerġenza. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tibbaża fuq l-esperjenzi tal-passat meta tkun qed tħejji mekkaniżmi ta’ rilokazzjoni volontarja fil-futur. Fl-aħħar nett, jenħtieġ li jsir titjib fl-appoġġ mogħti mill-EASO għall-proċeduri ta’ asil u jenħtieġ li jiġi aġġustat l-appoġġ għar-ritorn mogħti mill-“Frontex”.

Regolamentazzjoni tas-swieq u ekonomija kompetittiva

Rapport Speċjali Nru 10/2019: Testijiet tal-istress għall-banek fl-UE kollha: inġabar ammont kbir ta’ informazzjoni dwar il-banek, iżda jinħtieġu koordinazzjoni aħjar u fokus akbar fuq ir-riskji

It-test tal-istress fl-UE kollha huwa evalwazzjoni tal-impatti potenzjali li xokk komuni jista’ jkollu fuq il-pożizzjoni finanzjarja u l-vijabbiltà ta’ banek Ewropej kbar. L-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) għandha l-kompitu li tniedi u tikkoordina t-testijiet tal-istress fl-UE kollha, f’kooperazzjoni mal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS). It-testijiet tal-istress fl-UE ilhom isiru mill-2011, u lkoll twettqu skont l-approċċ minn isfel għal fuq, fejn il-banek ipproduċew ir-riżultati li nkisbu mix-xenarju ta’ xokk fuq il-bażi tal-metodoloġija approvata mill-EBA.

Aħna vvalutajna l-implimentazzjoni tat-testijiet tal-istress għall-banek fl-UE kollha li jitwettqu taħt il-mandat li ngħata lill-EBA.

Aħna sibna li, fil-bidu tal-proċess, l-EBA la kienet speċifikat ir-riskji u lanqas il-livell tas-severità li hija kienet tqis bħala rilevanti għall-proċedura tal-ittestjar tal-istress. Min-naħa l-oħra, il-BERS, li kien żviluppa x-xenarju tal-istress, kien kiseb input sostanzjali mill-BĊE, kif ukoll mill-banek ċentrali nazzjonali u l-awtoritajiet nazzjonali. B’riżultat ta’ dan, l-EBA kellha nuqqas ta’ kontroll fuq ċerti stadji importanti tal-proċess. Fl-Istati Uniti, l-awtoritajiet superviżorji jserrħu fuq approċċ minn fuq għal isfel, li jagħtihom livell ferm akbar ta’ kontroll fuq ir-riżultati mogħtija mill-banek. Għall-kuntrarju ta’ dan, fl-UE, ir-rwol tal-EBA huwa limitat għat-tnedija tal-attivitajiet relatati mat-test tal-istress, għall-provvediment ta’ metodoloġija għalihom u għall-koordinazzjoni ġenerali tagħhom. It-test tal-istress tal-EBA kien jivvaluta l-vulnerabbiltà tas-sistema u tal-banek għal tnaqqis fir-ritmu ekonomiku aktar milli għal xokk finanzjarju qawwi fuq is-sistema. Filwaqt li l-EBA kellha l-objettiv li tikseb kopertura wiesgħa, ċerti banek riskjużi ġew esklużi mit-test tal-istress. L-approċċ minn isfel għal fuq tal-EBA rriżulta f’limitazzjoni tal-affidabbiltà u l-kumparabbiltà tar-riżultati mogħtija mill-banek.

Aħna rrakkomandajna li l-EBA tirrinforza l-kontroll tagħha fuq il-proċess tat-test tal-istress u tiżviluppa approċċ minn fuq għal isfel biex jikkomplementa l-approċċ minn isfel għal fuq li jintuża attwalment. Barra minn hekk, biex jissodisfa l-iskop tiegħu li jivvaluta r-reżiljenza għall-iżviluppi negattivi tas-suq, jenħtieġ li fil-futur it-test tal-istress jieħu kont dovut tar-riskji li jirriżultaw mis-sistema finanzjarja tal-UE, jiżgura livell minimu ta’ stress, u jagħmel dikjarazzjonijiet ċari dwar ir-reżiljenza tal-banek. Fl-aħħar nett, jenħtieġ li l-għażla tal-banek għat-test tal-istress ma tkunx ibbażata biss fuq id-daqs, iżda anki fuq ir-riskju.

Finanzjament u amministrazzjoni tal-Unjoni

Rapport Speċjali Nru 14/2019: “Semma’ leħnek!” il-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni jinvolvu liċ-ċittadini, iżda l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni mhumiex biżżejjed

“Regolamentazzjoni Aħjar” hija mod ta’ ħidma biex jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet politiċi jitħejjew b’manjiera miftuħa u trasparenti, ikunu infurmati mill-aħjar evidenza disponibbli u appoġġati mill-involviment komprensiv taċ-ċittadini u ta’ partijiet ikkonċernati oħra, bħalma huma l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi. Il-Kummissjoni għandha d-dmir li tikkonsulta liċ-ċittadini u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi fl-oqsma kollha ta’ azzjoni tal-Unjoni. Il-linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar jiddefinixxu l-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, u jinkludu liċ-ċittadini bħala “partijiet ikkonċernati”. Il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati – b’mod partikolari l-konsultazzjonijiet pubbliċi – jiġbru informazzjoni u fehmiet mingħand iċ-ċittadini u partijiet ikkonċernati oħra meta l-Kummissjoni tkun qed tħejji inizjattiva ta’ politika jew tevalwa interventi eżistenti. Fuq medja, il-Kummissjoni twettaq aktar minn 100 konsultazzjoni pubblika fis-sena.

Aħna vvalutajna jekk il-konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni kinux effettivi biex jilħqu liċ-ċittadini u lill-partijiet ikkonċernati, u biex jagħmlu użu mill-kontributi tagħhom. Aħna eżaminajna t-tfassil tal-qafas tal-Kummissjoni, il-mod kif il-Kummissjoni ħejjiet u wettqet għażla ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi, u kif hija pprovdiet informazzjoni dwar ix-xogħol ta’ konsultazzjoni u għamlet użu minnu. Aħna analizzajna kampjun ta’ 26 konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni li kienu twettqu bejn l-2016 u l-2018 minn 5 Direttorati Ġenerali, u wettaqna stħarriġ dwar il-perċezzjoni biex nistabbilixxu kemm fil-fatt il-parteċipanti kienu sodisfatti bil-konsultazzjonijiet pubbliċi.

Aħna sibna li l-qafas tal-Kummissjoni għall-konsultazzjonijiet pubbliċi huwa ta’ standard għoli. Barra minn hekk, kemm il-prestazzjoni tal-kampjun tagħna ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi tal-Kummissjoni, kif ukoll il-perċezzjoni tal-parteċipanti fir-rigward ta’ dawn il-konsultazzjonijiet, b’mod ġenerali, kienu sodisfaċenti. Instab li fl-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ feedback kien hemm xi dgħufijiet, eż. mhux dejjem intużat varjetà ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni, ma kien hemm l-ebda kriterju ċar għad-dispożizzjoni biex jispjega għalfejn stħarriġ ma kienx disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE, u xi wħud mill-istħarriġiet kienu twal u kumplessi.

Aħna rrakkomandajna li l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni jiġu ppubbliċizzati b’mod aktar estensiv u jiġu mmirati aħjar sabiex jiksbu viżibbiltà akbar u jippermettu li jipparteċipaw aktar nies. Aħna rrakkomandajna wkoll li l-Kummissjoni ttejjeb ir-rappurtar tagħha dwar is-segwitu għall-konsultazzjonijiet pubbliċi. Fl-aħħar nett, hemm lok għal titjib f’dak li jirrigwarda l-involviment taċ-ċittadini fit-tnedija ta’ proposti leġiżlattivi permezz tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej.

Previżjonijiet ta’ Awditi

Il-Previżjonijiet ta’ Awditi li nkunu se nwettqu jipprovdu informazzjoni dwar kompiti tal-awditjar (tal-prestazzjoni) li jkunu għaddejjin. Huma bbażati fuq xogħol ta’ tħejjija li jsir qabel ma jinbeda awditu, u huma intenzjonati biex ikunu sors ta’ informazzjoni għal dawk interessati fil-politika u/jew fil-programm li jkunu qed jiġu awditjati. Fl-2019, aħna ħriġna 18-il previżjoni ta’ awditu (2018: 12).

Rapporti annwali u rapporti annwali speċifiċi

Ir-rapporti annwali prinċipalment jippreżentaw ir-riżultati tad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni tagħna dwar il-baġit tal-Unjoni Ewropea u l-baġit tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ).

Ir-rapporti annwali speċifiċi jippreżentaw ix-xogħol tal-awditjar finanzjarju annwali tagħna dwar l-aġenziji, il-korpi deċentralizzati u l-Impriżi Konġunti tal-UE, kif ukoll l-Iskejjel Ewropej.

Aħna nippubblikaw ukoll rapport dwar l-obbligazzjonijiet kontinġenti li jirriżultaw mill-attivitajiet imwettqa mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB).

Rapport Annwali dwar il-baġit tal-UE għas-sena finanzjarja 2018

Kull sena, aħna nawditjaw id-dħul u l-infiq tal-UE biex neżaminaw jekk il-kontijiet annwali humiex affidabbli u jekk it-tranżazzjonijiet tal-introjtu u tal-infiq, li fuqhom huma bbażati l-kontijiet, jikkonformawx mar-regoli finanzjarji applikabbli fil-livell tal-UE u f’dak tal-Istati Membri.

Barra minn hekk, aħna nivvalutaw b’mod speċifiku kull qasam prinċipali tal-baġit tal-UE, ibbażat fuq is-(sub)intestaturi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 (QFP). Aħna nanalizzaw ukoll għalfejn u fejn ikunu seħħew ċerti żbalji, nagħmlu rakkomandazzjonijiet biex isir titjib kif ukoll neżaminaw jekk u kif ir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tagħna jkunu ġew applikati fil-prattika. Fl-aħħar nett, aħna nipprovdu informazzjoni dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja kif ukoll dwar aspetti relatati mal-prestazzjoni.

Dan ix-xogħol estensiv jifforma l-bażi għad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni tagħna, li aħna meħtieġa nipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’konformità mal-mandat tagħna taħt it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Baġit ġenerali tal-UE:
opinjoni favorevoli dwar il-kontijiet u d-dħul;
opinjoni kwalifikata dwar l-infiq

Fl-2018, l-infiq tal-UE ammonta għal EUR 156.7 biljun, li jirrappreżenta 2.2 % tal-infiq totali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri tal-UE u 1 % tal-introjtu nazzjonali gross tal-UE.

L-awdituri tagħna ttestjaw kampjun ta’ 728 pagament li saru lill-benefiċjarji fl-oqsma kollha ta’ nfiq, minn popolazzjoni totali tal-awditjar b’valur ta’ madwar EUR 120 biljun. Dan ifisser li aħna vvalutajna każijiet differenti fejn il-fondi tal-UE kienu ntużaw biex jipprovdu appoġġ għal proġetti ta’ infrastruttura ewlenija, SMEs, organizzazzjonijiet ta' riċerka, bdiewa, studenti fl-Istati Membri tal-UE, u benefiċjarji f'pajjiżi terzi.

Għas-sena finanzjarja 2018, aħna tajna “opinjoni favorevoli” dwar il-kontijiet u dwar id-dħul tal-UE. Minbarra dan, għat-tielet sena konsekuttiva, aħna stajna noħorġu “opinjoni kwalifikata” dwar l-infiq tal-UE.

Madwar nofs l-infiq awditjat huwa
ħieles minn żball materjali

Bħal fi snin preċedenti, aħna sibna li l-l-iżbalji ma kinux pervażivi fl-infiq tal-UE u li l-pagamenti kienu legali u regolari, bl-eċċezzjoni tal-infiq b’riskju għoli (prinċipalment dak ibbażat fuq ir-rimborż tal-ispejjeż, li huwa suġġett għal regoli kumplessi).

B’mod ġenerali, b’rata ta’ żball ta’ 2.6 %, il-Kummissjoni u l-Istati Membri sostnew il-progress li ġie osservat fis-sentejn preċedenti (is-sena finanzjarja 2017: 2.4 %; is-sena finanzjarja 2016: 3.1 %). Aħna nqisu li dan huwa sinjal inkoraġġanti.

Żball - xi jfisser?

Żball, jew pagament irregolari, huwa l-ammont ta’ flus li ma kellux jitħallas mill-baġit tal-UE minħabba li ma ntużax skont ir-regoli tal-UE u/jew dawk nazzjonali, u għaldaqstant la jikkonforma ma’ dak li l-Kunsill u l-Parlament riedu jfissru bil-leġiżlazzjoni kkonċernata tal-UE, u lanqas ma jikkonforma mar-regoli nazzjonali speċifiċi fl-Istati Membri.

Aħna nistmaw il-livell ta’ żball b’mod statistiku, fuq il-bażi ta’ żbalji kwantifikabbli (jiġifieri dawk li jistgħu jitkejlu f’termini monetarji) li aħna identifikajna billi ttestjajna kampjun ta’ tranżazzjonijiet fi ħdan il-popolazzjoni awditjata kollha tal-infiq.

L-intestatura tal-QFP li hija l-aktar
suxxettibbli għal żball:
Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

Għas-sena finanzjarja 2018, “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” kienet is-(sub)intestatura tal-QFP li kienet l-aktar suxxettibbli għal żball, segwita minn “Riżorsi naturali” u “Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi”.

Rapport Annwali dwar il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp
FEŻ:
opinjoni favorevoli dwar il-kontijiet u d-dħul;
opinjoni kwalifikata dwar l-infiq

Il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ) huma l-istrumenti prinċipali li permezz tagħhom l-UE tipprovdi għajnuna għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Huma għandhom l-għan li jegħlbu l-faqar, u li jippromwovu żvilupp sostenibbli u l-integrazzjoni ta’ pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku kif ukoll tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej fl-ekonomija dinjija. Huma jiġu ffinanzjati mill-Istati Membri tal-UE u mmaniġġjati barra mill-baġit tal-UE mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI).

Bħal fi snin preċedenti, għas-sena finanzjarja 2018 aħna ħriġna “opinjoni favorevoli” dwar il-kontijiet tal-FEŻ u dwar id-dħul, kif ukoll “opinjoni kwalifikata” dwar l-infiq taħt il-FEŻ.

Rapporti Annwali Speċifiċi dwar l-aġenziji u l-Impriżi Konġunti tal-UE

L-aġenziji tal-UE huma entitajiet ġuridiċi distinti li ġew stabbiliti biex iwettqu kompiti speċifiċi fil-qasam tekniku, xjentifiku jew maniġerjali li jgħinu lill-istituzzjonijiet tal-UE biex ifasslu u jimplimentaw il-politiki. B’kollox, hemm 43 aġenzija.

L-Impriżi Konġunti (JUs) huma s-sħubiji pubbliċi-privati tal-UE mal-industrija, il-gruppi ta’ riċerka u l-Istati Membri, u għandhom rwol importanti fl-implimentazzjoni ta' aspetti speċifiċi tal-politika tar-riċerka tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea hija l-membru pubbliku tal-Impriżi Konġunti u tirrappreżenta l-UE. B’kollox, hemm tmien JUs.

Nota: Ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Jannar 2020.

Opinjoni favorevoli għall-Aġenziji kollha ħlief
għal waħda;
opinjoni favorevoli għall-Impriżi Konġunti
kollha

Fis-sena finanzjarja 2018, it-total tal-baġit tal-aġenziji kollha (minbarra l-SRB) kien jammonta għal EUR 4.2 biljun (żieda ta’ 20 % meta mqabbel ma' baġit ta’ EUR 3.5 biljun fl-2017), li huwa ekwivalenti għal 2.9 % tal-baġit ġenerali tal-UE għall-2018 (2017: 2.7 %).

B’mod ġenerali, għas-sena finanzjarja 2018, l-awditu finanzjarju li wettaqna fir-rigward tal-aġenziji kkonferma r-riżultati pożittivi li ġew irrappurtati fi snin preċedenti. Aħna ħriġna “opinjonijiet favorevoli” dwar il-kontijiet tal-aġenziji, kif ukoll dwar id-dħul u l-pagamenti li fuqhom huma bbażati dawn il-kontijiet, ħlief għall-EASO (li għalih inħarġet opinjoni kwalifikata dwar il-pagamenti).

Aħna ħriġna wkoll “opinjonijiet favorevoli” dwar il-kontijiet, id-dħul u l-pagamenti għall-JUs kollha.

Jiġi ssenjalat il-bidu
tal-proċedura ta’ kwittanza tal-Parlament

Il-pubblikazzjoni tar-rapporti annwali tagħna tissenjala wkoll il-bidu tal-proċedura ta’ kwittanza, li matulha l-Parlament Ewropew jiddeċiedi – fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill – jekk il-Kummissjoni u korpi oħra jkunux immaniġġjaw il-baġit tal-UE b’mod sodisfaċenti. Jekk dan ikun il-każ, huwa jagħtihom “kwittanza”.

F’Ottubru 2019, aħna ppreżentajna r-rapporti annwali tagħna dwar il-baġit ġenerali tal-UE u dwar il-FEŻ lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, u sussegwentement ippreżentajniehom ukoll lill-Parlament waqt sessjoni plenarja, lill-Kunsill (Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji) u lill-parlamenti u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ 21 Stat Membru.

Rappurtar annwali ieħor:
dwar l-obbligazzjonijiet kontinġenti u
l-Iskejjel Ewropej

Aħna għandna l-obbligu li nirrappurtaw kull sena dwar l-obbligazzjonijiet kontinġenti li jinħolqu b’riżultat tat-twettiq mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, il-Kunsill u l-Kummissjoni tal-kompiti tagħhom ta’ riżoluzzjoni tal-banek. Fir-rapport tagħna tal-2018, aħna kkonkludejna li l-preżentazzjoni kontabilistika tal-SRB kienet tjiebet, iżda li jenħtieġ li l-obbligazzjonijiet kontinġenti mil-livell nazzjonali jiġu rrappurtati aħjar.

Aħna noħorġu wkoll rapport kull sena dwar il-kontijiet annwali tal-Iskejjel Ewropej. L-analiżi tagħna tar-rapporti finanzjarji għall-2018 żvelat livell materjali ta’ żball għal waħda mit-13-il Skola Ewropea.

It-triq lejn
l-awditjar diġitali

L-għan tad-diġitalizzazzjoni huwa li jsir użu mill-potenzjal tat-teknoloġija biex titwassal aktar informazzjoni li tkun ta’ kwalità aħjar għall-proċess tal-għoti ta’ rendikont. It-trasformazzjoni diġitali hija wkoll importanti ħafna kemm għax-xogħol tal-awditjar tagħna kif ukoll għall-organizzazzjoni tagħna.

Aħna stabbilejna Kumitat ta’ Tmexxija Diġitali magħmul minn ħames Membri biex imexxu dan il-proċess ta’ trasformazzjoni fis-snin li ġejjin.

Fl-2019, bħala l-ewwel inizjattiva ewlenija fil-qasam tal-awditjar, aħna nedejna skema pilota li tawtomatizza l-awditjar finanzjarju tal-aġenziji eżekuttivi. Matul dan il-proġett pilota, aħna se nużaw għodod tradizzjonali u għodod diġitali fl-istess ħin.

Opinjonijiet

Opinjonijiet: mod kif isir kontribut
għal Regolamentazzjoni Aħjar

Mod wieħed ta’ kif aħna nikkontribwixxu għat-titjib tal-approċċ Regolamentazzjoni Aħjar li jintuża mill-Kummissjoni huwa billi nippubblikaw opinjonijiet dwar il-proposti tal-Kummissjoni għal leġiżlazzjoni ġdida jew riveduta. Meta dawn il-proposti leġiżlattivi jinvolvu impatt finanzjarju sinifikanti, l-opinjonijiet tagħna huma meħtieġa mid-dritt tal-UE. Istituzzjonijiet oħra jistgħu wkoll jitolbuna noħorġu opinjonijiet dwar kwistjonijiet speċifiċi oħra. L-opinjonijiet kollha tagħna jiġu ppreżentati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Fl-2019, aħna ppubblikajna tliet opinjonijiet: dwar il-proposta rigward l-Uffiċċju Ewropew tal-Proprjetà Intellettwali, dwar il-proposta għar-Regolament Finanzjarju tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), u dwar il-proposta għar-Regolament Finanzjarju tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti.

Il-kummenti tagħna dwar il-QFP il-ġdid

Fil-bidu tal-2019, aħna ppubblikajna wkoll id-dokument Osservazzjonijiet tal-QEA fil-qosor għall-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2021-2027. F’dan ir-rapport, aħna ffukajna fuq il-proċess propost għall-istabbiliment tal-prijoritajiet ta’ nfiq għall-UE, il-flessibbiltà tal-baġit tal-UE, l-orjentament fuq il-prestazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-amministrazzjoni, kif ukoll fuq l-arranġamenti tal-obbligu ta’ rendikont u tal-awditjar.

Dan ir-rapport analitiku kien ibbażat prinċipalment fuq bosta opinjonijiet li konna ħriġna dwar il-proposti tal-Kummissjoni fl-2018, iżda wkoll fuq id-dokumenti informattivi u analitiċi reċenti tagħna u fuq rapporti oħra li jittrattaw il-finanzi tal-UE, kif ukoll fuq l-esperjenza kumulattiva tagħna.

Rata bbilanċjata ta’
pubblikazzjonijiet
matul is-sena

Matul is-sena, aħna ksibna rata pjuttost ibbilanċjata ta’ pubblikazzjonijiet, u f’Ottubru lħaqna l-quċċata meta ħriġna r-rapporti annwali tagħna.

Kwistjonijiet trażversali

Il-ġlieda kontra l-frodi fil-konfront tal-interessi finanzjarji tal-UE

Arranġament amministrattiv
li ġie ffirmat mal-OLAF

L-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) huwa l-parteċipant primarju fil-ġlieda kontra l-frodi fil-konfront tal-interessi finanzjarji tal-UE.

Ville Itälä, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF,
Klaus-Heiner Lehne, il-President tal-QEA,
Eduardo Ruiz García, is-Segretarju
Ġenerali tal-QEA.

Aħna adottajna linji gwida dettaljati għall-awdituri tagħna dwar kif għandhom jittrattaw ir-riskju ta’ frodi. Aħna ngħaddu lill-OLAF kwalunkwe suspett ta’ frodi jew ta’ attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE, li nidentifikaw matul ix-xogħol tal-awditjar tagħna jew li jiġi rrappurtat lilna. Dawn il-każijiet imbagħad jiġu trattati mill-OLAF, li jiddeċiedi dwar kwalunkwe investigazzjoni li tirriżulta, u li jikkoopera mal-awtoritajiet tal-Istati Membri fejn ikun meħtieġ.

Fl-2019, aħna ffirmajna wkoll arranġament amministrattiv li jistipula d-dispożizzjonijiet operazzjonali li jirregolaw il-kooperazzjoni tagħna mal-OLAF, inkluża l-koordinazzjoni ta’ avvenimenti ta’ taħriġ, sessjonijiet ta’ ħidma u skambji tal-persunal.

Ġew irrappurtati lill-OLAF
10 każijiet ta’ frodi suspettata

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri hija l-awditur estern tal-UE. L-awditi tagħna mhumiex maħsuba speċifikament biex jaqbdu l-frodi. Madankollu, l-awdituri tagħna jidentifikaw regolarment għadd ta’ każijiet fejn aħna jkollna suspett li setgħet tkun saret attività frodulenti.

Fl-2019, aħna rrappurtajna lill-OLAF 10 każijiet ta’ frodi suspettata (2018: 9 każijiet): 8 każijiet li konna identifikajna matul ix-xogħol tal-awditjar tagħna u 2 oħra li rriżultaw minn denunzji li kienu saru minn partijiet terzi. Ir-rapport annwali tagħna dwar il-baġit tal-UE jipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar in-natura ta’ dawn il-każijiet ta’ frodi suspettata u dwar l-irkupri finanzjarji sussegwenti rakkomandati mill-OLAF.

Fl-2019, aħna ppubblikajna wkoll żewġ rapporti speċjali marbuta mill-qrib mal-ġlieda kontra l-frodi fl-infiq tal-UE: ir-Rapport Speċjali Nru 1/2019 “Il-ġlieda kontra l-frodi fl-infiq tal-UE: jeħtieġ li tittieħed azzjoni” u r-Rapport Speċjali Nru 6/2019 “L-indirizzar tal-frodi fl-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni tal-UE: jeħtieġ li l-awtoritajiet maniġerjali jsaħħu l-identifikazzjoni, ir-rispons u l-koordinazzjoni”.

Fl-aħħar nett, aħna ddedikajna ħarġa speċjali tal-Ġurnal tal-QEA għas-suġġett tal-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni, kif ukoll għas-suġġett tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE.

Fokus fuq is-sostenibbiltà

L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU
fil-qalba tax-xogħol tal-awditjar tagħna

It-tħassib dwar is-sostenibbiltà kien suġġett prominenti fix-xogħol tal-awditjar li wettaqna fi snin reċenti, meta aħna ttrattajna prinċipalment kwistjonijiet ambjentali u klimatiċi.

Fl-2019, l-analiżi rapida dwar il-każ speċifiku tar-rappurtar dwar is-sostenibbiltà żiedet max-xogħol tagħna dwar is-sostenibbiltà. Dan ir-rapport analitiku ta ħarsa ġenerali lejn kif l-istituzzjonijiet tal-UE qed jippubblikaw informazzjoni dwar is-sostenibbiltà u lejn il-kontribut tagħhom għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU.

Aħna ospitajna wkoll konferenza – il-Forum tal-QEA rigward ir-Rappurtar dwar is-Sostenibbiltà – biex inqajmu sensibilizzazzjoni dwar is-suġġett u nlaqqgħu flimkien lill-partijiet ikkonċernati ewlenin.

F’Lulju, aħna pparteċipajna fil-Laqgħa tal-Kapijiet u l-Partijiet Ikkonċernati tas-SAIs dwar “Id-differenza li qed jagħmlu s-SAIs: Awditjar tal-implimentazzjoni tal-SDGs” fil-Forum Politiku ta’ Livell Għoli tan-NU dwar l-Aġenda 2030.

Fl-aħħar nett, aħna ppubblikajna ħarġa speċjali tal-Ġurnal tal-QEA dwar l-SDGs.

Tim tal-awditjar: “Rappurtar dwar is-sostenibbiltà:
rendikont tal-Istituzzjonijiet u l-Aġenziji tal-UE”.

Relazzjonijiet istituzzjonali

Żieda kontinwa fil-preżentazzjonijiet li jsiru lill-
Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-
parlamenti nazzjonali

Aħna naħdmu mill-qrib mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill u mal-parlamenti nazzjonali fl-Istati Membri, billi l-impatt ta’ xogħolna jiddependi fil-biċċa l-kbira fuq l-użu li huma jagħmlu mir-riżultati tal-awditjar u mir-rakkomandazzjonijiet tagħna.

Ir-rapporti tal-awditjar tagħna jiġu ppreżentati lill-kumitati parlamentari rilevanti u lill-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill. Barra minn hekk, aħna nippreżentaw ir-rapporti annwali tagħna, iżda wkoll ir-rapporti speċjali u r-rapporti analitiċi tagħna, lill-parlamenti nazzjonali.

Fl-2019, kompliet iż-żieda fil-preżentazzjonijiet tar-rapporti tagħna lil dawn il-partijiet ikkonċernati istituzzjonali, prinċipalment bis-saħħa ta’ żieda sinifikanti fil-preżentazzjonijiet li jsiru lill-parlamenti nazzjonali. Sadanittant, kien hemm inqas preżentazzjonijiet lill-PE, ukoll minħabba l-waqfa parlamentari bejn nofs April u Settembru 2019.

Laqgħat mal-Presidenti reċentement
eletti tal-istituzzjonijiet tal-UE

L-2019 kienet sena ta’ bidla fit-tmun ta’ ħafna istituzzjonijiet tal-UE: wara l-elezzjoni tagħhom, il-President tagħna ltaqa’ mal-Presidenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kunsill Ewropew.

Il-President Lehne tal-QEA u l-President tal-PE David Sassoli, il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen, u l-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel.

Il-Parlament Ewropew

Il-Membri u t-timijiet tal-awditjar tagħna jiġu mistiedna regolarment għand il-kumitati u l-korpi tal-PE, u b’mod partikolari għand il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit.

L-2019 kienet sena speċjali minħabba l-elezzjonijiet Ewropej f’Mejju 2019, li kien ifisser li l-laqgħat tal-kumitati parlamentari waqfu f’nofs April u reġgħu bdew f’Settembru. Aħna ppreżentajna 31 rapport speċjali u 10 rapporti analitiċi lil 14-il kumitat (2018: 39 rapport lil 14-il kumitat).

Wara l-elezzjonijiet, aħna wettaqna kampanja ta’ sensibilizzazzjoni biex l-MEPs jiġu infurmati dwar ix-xogħol tagħna bħala l-awditur estern tal-UE. Organizzajna wkoll sensiela ta’ sessjonijiet ta’ ħidma għall-persunal tal-PE.

Fl-aħħar nett, f’Ottubru 2019, nedejna Portal tal-Pubblikazzjonijiet, li joffri aċċess aktar faċli għall-utent għar-rapporti tagħna mhux biss għall-MEPs, iżda wkoll għall-pubbliku ġenerali.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Fl-2019, it-timijiet tal-awditjar tagħna ppreżentaw 26 rapport speċjali lil 22 grupp ta’ ħidma tal-Kunsill u lil żewġ kumitati (2018: 40 rapport lil 27 grupp ta’ ħidma).

Barra minn hekk, aħna ppreżentajna żewġ rapporti analitiċi: wieħed lill-Kumitat tal-Baġit waqt laqgħa informali tal-Kunsill fir-Rumanija, u ieħor lill-grupp ta’ ħidma dwar l-Aġenda 2030.

Aħna ħadna wkoll sehem fi skambju ta’ fehmiet mal-Kumitat tas-Servizzi Finanzjarji dwar il-Memorandum ta’ Qbil (MtQ) mal-Bank Ċentrali Ewropew, u mal-Kumitat tal-Baġit dwar l-abbozz ta’ baġit tagħna għall-2020, u ppreżentajna l-Programm ta’ Ħidma tagħna għall-2020 f’Diċembru 2019.

F’Ottubru 2019, il-President tal-Grupp tal-Euro ġie jżurna u ddiskuta s-sitwazzjoni attwali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u r-riformi futuri tagħha, kif ukoll il-kontribut li potenzjalment nistgħu nagħmlu fil-qasam tal-governanza finanzjarja u ekonomika fl-UE. Barra minn hekk, f’Mejju 2019, il-President tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Grupp tal-Euro ġie jiltaqa’ mal-Membri tagħna.

Gvernijiet u parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri

Aktar interventi fil-parlamenti nazzjonali

Il-Membri tagħna regolarment iżuru l-parlamenti nazzjonali u l-gvernijiet. Fl-2019, aħna għamilna 90 preżentazzjoni f’21 Stat Membru (2018: 50 preżentazzjoni f’14-il Stat Membru). Dan huwa l-ogħla għadd sa issa.

Il-Kummissjoni Ewropea

Skambju ta’ fehmiet mal-entitajiet
awditjati tagħna fl-ogħla livell

Għal bosta snin, kienet prattika stabbilita sew li l-Membri tagħna jkollhom laqgħa annwali mal-kontropartijiet tagħhom fil-Kummissjoni. Dawn il-laqgħat jipprovdu opportunità biex jittieħed rendikont, u biex nirriflettu dwar kif nistgħu ntejbu aktar il-kooperazzjoni tagħna.

Membri tal-QEA u l-Kulleġġ tal-Kummissarji, Ġunju 2019.

F’Ġunju 2019, din it-tradizzjoni kompliet meta l-President Jean-Claude Juncker stieden lill-Membri tagħna għal skambju ta’ fehmiet mal-Kulleġġ tal-Kummissarji fi Brussell.

Il-Bank Ċentrali Ewropew

Andrea Enria, President tal-Bord Superviżorju, il-Bank
Ċentrali Ewropew, Alex Brenninkmeijer, Membru tal-QEA,
Klaus-Heiner Lehne, il-President tal-QEA,
Ottubru 2019.

F’Ottubru 2019, mal-Bank Ċentrali Ewropew, aħna ffirmajna Memorandum ta’ Qbil li jistipula l-arranġamenti prattiċi għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni għall-awdituri tagħna dwar l-attivitajiet superviżorji tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar (SAIs)

Kumitat ta’ Kuntatt tas-SAIs tal-UE

Laqgħa annwali tal-2019
fil-Polonja

Il-kooperazzjoni tagħna mas-SAIs tal-UE sseħħ prinċipalment fil-qafas tal-Kumitat ta’ Kuntatt tal-kapijiet tas-SAIs tal-UE. Permezz ta’ dan in-netwerk ta’ SAIs tal-UE, aħna nistgħu nippromwovu x-xogħol tal-awditjar indipendenti estern fl-UE u fl-Istati Membri tagħha.

F’Ġunju 2019, aħna pparteċipajna fil-laqgħa annwali li ġiet ospitata u ppreseduta mis-SAI tal-Polonja. Id-diskussjonijiet prinċipali ffukaw fuq l-isfidi u l-opportunitajiet ta’ Ewropa Diġitali għas-SAIs tal-UE.

F’din il-laqgħa ħadna f’idejna l-presidenza tal-Kumitat ta’ Kuntatt, kif nagħmlu kull tielet sena.

Laqgħa tal-Kumitat ta’ Kuntatt; Varsavja, Ġunju 2019.

Portal online tal-Awditjar tas-Settur Pubbliku tal-UE

F’Jannar 2019, aħna nedejna portal online dwar L-Awditjar tas-Settur Pubbliku fl-Unjoni Ewropea. Dan il-portal jipprovdi informazzjoni dwar il-mandati, l-istatus, l-organizzazzjoni, ix-xogħol u l-output tal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar fl-UE u fl-Istati Membri tagħha.

Kompendju tal-awditjar dwar is-Saħħa Pubblika fl-UE

F’Diċembru 2019, f’isem il-Kumitat ta’ Kuntatt, aħna ppubblikajna t-tieni edizzjoni tal-Kompendju tal-Awditjar dwar kif l-awdituri fl-Unjoni Ewropea kollha jiskrutinizzaw is-saħħa pubblika.

Il-Kompendju jipprovdi informazzjoni ġenerali dwar is-saħħa pubblika, kif ukoll dwar il-bażijiet ġuridiċi, l-objettivi prinċipali u r-responsabbiltajiet relatati tagħha fil-livell tal-Istati Membri u dak tal-UE, u juri wkoll l-isfidi prinċipali li l-UE u l-Istati Membri tagħha qed jiffaċċjaw f’dan il-qasam. Huwa jibbaża fuq sejbiet reċenti tal-awditi li twettqu mill-QEA u mis-SAIs ta’ 23 Stat Membru tal-UE:

Fl-2019, aħna bdejna nħejju t-tielet edizzjoni tal-Kompendju tal-Awditjar, li se jiġi ppubblikat fl-2020, dwar is-suġġett taċ-Ċibersigurtà.

L-INTOSAI

Fl-2019, aħna komplejna nkunu involuti b’mod attiv fix-xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (INTOSAI), notevolment bħala l-Viċi President tal-Kumitat għall-Istandards Professjonali (minn Diċembru 2016) u bħala membru tas-sottokumitati tagħha għall-awditjar finanzjarju u l-kontabbiltà, l-awditjar tal-konformità u l-awditjar tal-prestazzjoni.

Aħna pparteċipajna wkoll fl-attivitajiet u l-proġetti ta’ korpi ta’ ħidma oħra tal-INTOSAI, notevolment dwar l-awditjar ambjentali, Big Data, il-modernizzazzjoni finanzjarja u r-riforma regolatorja, kif ukoll l-evalwazzjoni tal-politiki u l-programmi pubbliċi. Nipparteċipaw ukoll fit-task force inkarigata mill-Professjonalizzazzjoni tal-Awdituri tal-INTOSAI (TFIAP), l-Inizjattiva ta’ Żvilupp tal-INTOSAI (IDI) u l-proġett ta’ reviżjoni tal-ISSAI 200 tas-Sottokumitat tal-Awditjar Finanzjarju u l-Kontabbiltà (FAAS).

F’Settembru 2019, aħna attendejna wkoll għat-XXIII Kungress tal-INTOSAI (INCOSAI) f’Moska. Matul il-konferenza ġew diskussi b’mod estensiv żewġ temi prinċipali: it-teknoloġija tal-informazzjoni għall-iżvilupp tal-amministrazzjoni pubblika, u s-SAIs li jikkontribwixxu għall-prijoritajiet u l-għanijiet nazzjonali.

L-EUROSAI

Aħna konna wkoll involuti b’mod attiv fix-xogħol tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (EUROSAI), il-Grupp Reġjonali Ewropew tal-INTOSAI, b’mod partikolari l-gruppi ta’ ħidma tagħha dwar l-awditjar ambjentali, dwar it-teknoloġiji tal-informazzjoni u t-task force tagħha inkarigata mill-awditjar u l-etika.

Ipparteċipajna wkoll f’bosta sessjonijiet ta’ ħidma u seminars, u kkontribwejna għall-pubblikazzjoni ta’ rapport konġunt dwar il-kwalità tal-arja, flimkien ma’ 14-il SAIs Ewropea oħra.

F’Ottubru 2019, organizzajna s-17-il laqgħa annwali tal-Grupp ta’ Ħidma tal-EUROSAI dwar l-Awditjar Ambjentali, u Konferenza Konġunta dwar il-Bijodiversità.

Fl-aħħar nett, aħna attendejna għat-tielet konferenza konġunta tal-EUROSAI-ASOSAI dwar “Emerging Issues and Emergency Situations” f’Marzu 2019 fl-Iżrael, u l-ewwel seminar konġunt tal-EUROSAI-AFROSAI f’Novembru 2019 f’Lisbona, ospitat mis-SAI Portugiża.

Laqgħa annwali tad-WGEA tal-EUROSAI, Ottubru 2019.

SAIs tal-pajjiżi kandidati u tal-pajjiżi kandidati potenzjali tal-UE

Aħna nipprovdu wkoll appoġġ lis-SAIs tal-pajjiżi kandidati u tal-pajjiżi kandidati potenzjali tal-UE (l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo*, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja u t-Turkija), prinċipalment permezz ta’ netwerk simili għall-Kumitat ta’ Kuntatt kif ukoll permezz tal-appoġġ li noffru għall-attivitajiet ikkoordinati mill-OECD.

Fl-2019, 10 awdituri mis-SAIs tan-netwerk ħadu sehem fil-programm tagħna ta’ internships.

Aħna kkontribwejna wkoll b’mod attiv għal-laqgħat u l-attivitajiet tan-netwerk, li kienu jittrattaw suġġetti bħal prattiki ta’ rappurtar li jżidu l-impatt u l-awditjar diġitali.

Evalwazzjonijiet bejn il-pari ta’ SAIs oħra tal-UE

Evalwazzjoni bejn il-pari hija analiżi esterna u indipendenti ta’ element wieħed jew aktar tal-organizzazzjoni u/jew l-operazzjoni ta’ SAI minn tim ta’ pari professjonali minn SAI waħda jew aktar. Mhijiex awditu iżda valutazzjoni u parir ipprovduti b’mod volontarju mill-pari.

Laqgħa ta’ evalwazzjoni bejn il-pari, Vilnius,
Ġunju 2019.

Fl-2019, tim ta’ evalwazzjoni bejn il-pari mmexxi mis-Segretarju Ġenerali tagħna wettaq evalwazzjoni bejn il-pari tal-ISA tal-Litwanja, flimkien mas-SAI tal-Polonja u s-SAI tar-Renju Unit. L-objettiv prinċipali kien li jiġi vvalutat jekk il-prattika tal-awditjar tas-SAI tal-Litwanja tikkonformax mal-istandards internazzjonali tal-awditjar. F’Diċembru 2019, ir-rapport finali ġie ppreżentat lill-Parlament Litwan (is-Seimas).

* Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-Kosovo.

Il-maniġment tagħna

Il-Membri

Il-QEA topera bħala korp kolleġġjali ta’ Membri, wieħed minn kull Stat Membru. Wara li jikkonsulta mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill jaħtar kull Membru ladarba jkunu ġew innominati mill-gvernijiet nazzjonali rispettivi tagħhom. Aħna ma għandniex rwol fil-proċess tan-nomina jew tal-ħatra tal-Membri tagħna.

Il-Membri tagħna jinħatru għal mandat ta’ sitt snin li jista’ jiġġedded. Huma jwettqu l-funzjonijiet tagħhom f’indipendenza sħiħa u fl-interess ġenerali tal-UE. Hekk kif jieħdu l-kariga, huma jintrabtu solennement f’dan ir-rigward quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

Laqgħa tal-Kulleġġ tal-Membri tal-QEA, it-18 ta’ Lulju 2019, il-Lussemburgu.

Fl-2019, il-Kunsill ħatar erba’ Membri ġodda: Viorel Ștefan (mir-Rumanija) mill-1 ta’ Lulju 2019 u Ivana Maletić (mill-Kroazja) mill-15 ta’ Lulju 2019, u Joëlle Elvinger (mil-Lussemburgu) u François-Roger Cazala (minn Franza) mill-1 ta’ Jannar 2020. Il-Kunsill ġedded ukoll il-mandat ta’ tliet Membri li kienu diġà fil-kariga: Alex Brenninkmeijer (min-Netherlands), Nikolaos Milionis (mill-Greċja) u Klaus-Heiner Lehne (mill-Ġermanja).

Phil Wynn Owen (mir-Renju Unit) kien Membru sal-31 ta’ Jannar 2020.

F’Marzu 2020, u wara l-ħatra ta’ Janusz Wojciechowski bħala Kummissarju Ewropew f’Diċembru 2019, Membru mill-Polonja għad irid jiġi nnominat u maħtur.

Fl-2019, il-Kulleġġ tal-Membri tal-QEA ltaqa’ 21 darba (2018: 18-il darba).

Il-President

Il-President huwa inkarigat mill-istrateġija korporattiva tal-istituzzjoni, l-ippjanar u l-ġestjoni tal-prestazzjoni, il-komunikazzjoni u r-relazzjonijiet mal-midja, ir-relazzjonijiet istituzzjonali, il-kwistjonijiet legali u l-awditjar intern. Huwa jirrappreżenta wkoll l-istituzzjoni fir-relazzjonijiet esterni tagħha.

Il-Membri jagħżlu wieħed minn fosthom bħala President għal perjodu ta’ tliet snin li jista’ jiġġedded. Huwa mbagħad jassumi r-rwol tal-ewwel fost il-pari (primus inter pares).

Klaus-Heiner Lehne ġie elett President f’Settembru 2016, u reġa’ ġie elett f’Settembru 2019.

President u Membri

Nota: f’Marzu 2020.

Awli tal-awditjar u kumitati

Il-Membri jiġu assenjati f'waħda mill-ħames awli tal-awditjar tal-Qorti, fejn il-biċċa l-kbira mir-rapporti tal-awditjar, l-analiżijiet u l-opinjonijiet tagħna jitħejjew u jiġu adottati.

L-awli huma ppreseduti minn Dekan, li jiġi elett minn fost il-Membri ta’ dik l-awla, minnhom stess. F’Diċembru 2019, id-Dekani tal-ħames awli tal-awditjar tal-Qorti kienu Nikolaos Milionis, Iliana Ivanova, Bettina Jakobsen, Alex Brenninkmeijer u Lazaros S. Lazarou. Danièle Lamarque kienet il-Membru responsabbli mill-Kontroll tal-Kwalità tal-Awditjar (sa Diċembru 2019, meta skada t-terminu tagħha). Hija ppresediet il-Kumitat għall-Kontroll tal-Kwalità tal-Awditjar.

L-awli jallokaw il-kompiti tagħhom fost il-Membri tagħhom. Kull Membru għandu obbligu ta’ rendikont lejn l-awla, u lejn il-Qorti, għall-kompiti tal-awditjar tiegħu stess. Il-Membri jiġu assistiti minn kabinett. Ix-xogħol tal-awditjar jitwettaq minn awdituri professjonali li jaħdmu fid-direttorati tal-awli tal-awditjar.

Minbarra r-rwol tagħhom fl-awli tal-awditjar, xi Membri assumew ukoll rwoli addizzjonali: Oscar Herics mexxa l-Kumitat tal-Etika, Samo Jereb il-Kumitat tal-Awditjar, Eva Lindström il-Kumitat ta’ Tmexxija Diġitali u João Figueiredo l-Bord Konsultattiv dwar l-Istrateġija u l-Prospettiva. Rimantas Šadžius kien il-Membru inkarigat mir-Relazzjonijiet Istituzzjonali.

Id-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet strateġiċi u amministrattivi aktar ġenerali jittieħdu mill-Kumitat Amminstrattiv u, fejn ikun xieraq, mill-Kulleġġ tal-Membri, it-tnejn li huma ppreseduti mill-President.

Il-maniġment superjuri tal-Qorti huwa magħmul mis-Segretarju Ġenerali u d-Diretturi. B’kollox, hemm 10 direttorati: 5 huma assenjati għall-awli tal-awditjar, 1 għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Kwalità tal-Awditjar, 1 għall-President u 3 għas-Segretarju Ġenerali.

Il-maniġment superjuri tagħna

Nota: f’Marzu 2020.

Kejl tal-prestazzjoni

Aħna napplikaw sett ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) biex inżommu lill-maniġment tal-Qorti infurmat dwar il-progress li jkun sar lejn l-ilħuq tal-għanijiet strateġiċi tagħna, biex jiġi ffaċilitat it-teħid ta' deċiżjonijiet u biex tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-Qorti lill-partijiet ikkonċernati istituzzjonali tagħha. Il-KPIs jipprovdu stampa ġenerali tal-prestazzjoni tagħna bħala organizzazzjoni f’dak li jirrigwarda d-disseminazzjoni, l-impatt u l-perċezzjoni tax-xogħol tagħna.

Ġew ippubblikati 36 rapport fl-2019,
kif ippjanat

Aħna nimmonitorjaw l-għadd u t-twaqqit ta’ rapporti li jiġu ppubblikati matul is-sena. Dan jagħti indikazzjoni tal-preċiżjoni tal-ippjanar tagħna.

Fl-2019, aħna ppubblikajna 36 rapport: 25 rapport speċjali u 11-il rapport analitiku. Dan jikkorrispondi mal-għadd ta’ pubblikazzjonijiet ippjanati fil-programm ta’ ħidma.

Għadd ta’ rapporti speċjali u rapporti analitiċi ppubblikati

Barra minn hekk, aħna ħriġna 6 rapporti annwali, 3 opinjonijiet, previżjonijiet ta’ 18-il awditu u 4 pubblikazzjonijiet oħra. B’kollox, aħna pproduċejna 67 pubblikazzjoni matul is-sena.

Preżenza fil-midja

Żieda kontinwa fil-kopertura tal-
midja soċjali

Aħna nimmonitorjaw kemm-il darba x-xogħol u l-istituzzjoni tagħna jidhru fil-midja, li jista’ jvarja b’mod sinifikanti skont is-suġġett u l-kumplessità ta’ rapport. Fl-istess ħin, fatturi esterni jistgħu jinfluwenzaw ħafna l-interess tal-midja fil-pubblikazzjonijiet tagħna. Dan jista’ jseħħ meta d-data tal-pubblikazzjoni ta’ rapport tikkoinċidi ma’ avveniment jew ma’ żvilupp tal-politika li jkunu importanti, element li jista’ jżid sostanzjalment l-interess tal-pubbliku fis-suġġett.

B’kollox, aktar minn 50 000 artiklu online mingħajr ħlas u posts fuq il-midja soċjali ġew irreġistrati fl-2019.

Fl-2019, aħna osservajna żieda konsiderevoli fil-posts tagħna fuq il-midja soċjali, bis-saħħa wkoll ta’ użu aktar attiv ta’ dawn il-kanali ta’ komunikazzjoni matul is-sena.

Żieda fil-kuntatt mal-istampa

Fl-2019, aħna żidna l-kuntatt tagħna mal-istampa u mal-midja. Dan għamilnieh billi:

  • ħriġna 61 stqarrija għall-istampa bi 23 lingwa tal-UE (2018: 76), kif ukoll għadd ta’ noti ta’ informazzjoni u avviżi għall-midja b’ċerti lingwi;
  • kellna 25 sessjoni ta’ informazzjoni għall-istampa (2018: 20), inklużi sessjonijiet ta’ informazzjoni għall-istampa, kemm settorjali kif ukoll nazzjonali, dwar ir-rapport annwali. Ġeneralment, dawn is-sessjonijiet ta’ informazzjoni għall-istampa jseħħu fi Brussell.

Aħna ospitajna wkoll żjarat fuq il-post għall-ġurnalisti bbażati fi Brussell u fl-Istati Membri, u tajna bosta preżentazzjonijiet dwar selezzjoni ta’ rapporti għall-partijiet ikkonċernati tal-industrija, NGOs u gruppi ta’ riflessjoni.

Żjara fuq il-post għal ġurnalisti mill-Istati Membri, Novembru 2019, il-Lussemburgu.

1 000 000 żjara fis-sit web tagħna

Fl-2019, l-għadd ta’ żjarat fuq is-sit web tagħna qabeż il-1 000 000 għall-ewwel darba. B’mod ġenerali, kellna madwar 511 000 viżitatur individwali.

Aktar segwaċi fuq il-midja
soċjali

Matul is-sena, aħna osservajna żieda f’kemm-il darba dehrna u konna involuti fuq il-midja soċjali (speċjalment fuq Facebook, Twitter u LinkedIn), li saru parti indispensabbli mix-xogħol ta’ komunikazzjoni tagħna u li jippermettulna ninteraġixxu b’mod dirett maċ-ċittadini.

Sa tmiem l-2019, it-tliet kontijiet tal-midja soċjali tagħna kienu attiraw madwar 29 500 segwaċi (2018: madwar 22 500).

Impatt u perċezzjoni tax-xogħol tagħna

88 % tal-partijiet ikkonċernati
mistħarrġa jsibu li r-rapporti tal-
awditjar tagħna huma utli

Aħna nivvalutaw l-impatt u l-utilità probabbli ta’ xogħolna, skont il-perċezzjoni tal-partijiet ikkonċernati tagħna li ġejjin mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u l-Kummissjoni, mill-aġenziji tal-UE, mir-rappreżentanzi permanenti tal-Istati Membri, mill-aġenziji tal-Istati Membri u s-SAIs, mill-NGOs, mill-istituzzjonijiet akkademiċi, mill-midja u minn partijiet ikkonċernati oħra.

Sa mill-2018, aħna tlabna lill-partijiet ikkonċernati biex jipprovdu feedback dwar selezzjoni ta’ rapporti speċjali u rapporti analitiċi, kif ukoll dwar ir-rapport annwali, fi stħarriġiet elettroniċi anonimizzati. L-istħarriġiet jagħtu wkoll l-opportunità lill-partijiet ikkonċernati biex jagħtu feedback kwalitattiv dwar ir-rapporti u biex jagħmlu suġġerimenti ġenerali dwar ix-xogħol tal-QEA.

Fl-2019, 88 % tar-rispondenti kienu jqisu li r-rapporti tagħna kienu utli għax-xogħol tagħhom u 81 % kienu jqisu li dawn kellhom impatt. Dan huwa simili għar-riżultat tas-sena li għaddiet.

Segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tagħna

Ir-rakkomandazzjonijiet tagħna
kważi kollha ġew implimentati

Aħna nkejlu l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tagħna fuq il-bażi tas-segwitu mwettaq mill-awdituri tagħna. Għall-2019, aħna analizzajna r-rakkomandazzjonijiet li saru fir-Rapport Annwali 2015 u fir-rapporti speċjali tal-istess sena.

L-analiżi kienet turi li 96 % tar-rakkomandazzjonijiet li għamilna fir-Rapport Annwali 2015 tagħna u 94 % tar-rakkomandazzjonijiet li għamilna fir-Rapporti Speċjali tagħna tal-istess sena kienu ġew implimentati bis-sħiħ, fil-biċċa l-kbira mill-aspetti, jew inkella (għall-inqas) f’xi wħud mill-aspetti.

Il-persunal tagħna

Allokazzjoni tal-persunal

Fi tmiem l-2019, kien hemm 853 post permanenti u temporanju fl-istituzzjoni tagħna (2018: 853 post), li minnhom 534 kienu f’awli tal-awditjar, inklużi 118-il post f’kabinetti tal-Membri.

Barra minn hekk, fi tmiem is-sena kien hemm 75 membru tal-persunal kuntrattwali u 16-il espert nazzjonali sekondat jaħdmu magħna fil-QEA. (2018: 76 u 15 rispettivament).

Reklutaġġ

Il-politika ta’ reklutaġġ tagħna ssegwi l-prinċipji ġenerali u l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-istituzzjonijiet tal-UE, u l-membri tal-persunal tagħna għandhom varjetà kbira ta’ kwalifiki akkademiċi u esperjenza professjonali.

Fl-2019, aħna rreklutajna 77 impjegat (2018: 79 impjegat): 17-il uffiċjal, 33 membru tal-persunal temporanju, 21 membru tal-persunal kuntrattwali u 6 esperti nazzjonali sekondati.

Aħna pprovdejna wkoll 55 internship (2018: 60) għal gradwati universitarji għal perjodi ta’ minn 3 sa 5 xhur.

Profil tal-etajiet

Kważi tliet kwarti (74 %) mill-persunal tagħna fis-servizz attiv fi tmiem l-2019 huma bejn l-40 u d-59 sena.

Aktar minn nofs id-diretturi u l-maniġers prinċipali tagħna għandhom 50 sena jew aktar. Dan se jwassal għal tiġdid tal-maniġment matul il-5 sa 10 snin li ġejjin, meta jirtiraw.

Opportunitajiet indaqs

Aħna nipprovdu opportunitajiet indaqs għall-membri tal-persunal tagħna fir-rigward tal-karriera tagħhom, fil-livelli kollha tal-organizzazzjoni. Il-politika tagħna ta’ opportunitajiet indaqs għall-perjodu 2018-2020 tindirizza wkoll il-kwistjonijiet ta’ età u ta’ diżabbiltà. B’mod ġenerali, aħna nimpjegaw proporzjonijiet indaqs ta’ nisa u rġiel fil-forza tax-xogħol tagħna.

Aħna nibqgħu impenjati wkoll li niksbu bilanċ aħjar bejn is-sessi fil-maniġment tagħna. Fl-2019, madwar terz tad-diretturi tagħna u l-maniġers prinċipali huma nisa.

Appoġġ għall-awditjar

Taħriġ professjonali

Għadd rekord ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim

Fl-2019, aħna komplejna niddiversifikaw u nespandu l-firxa ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim li noffru lill-persunal tagħna. Organizzajna għadd rekord ta’ korsijiet ta’ taħriġ, konferenzi, preżentazzjonijiet u sessjonijiet ta’ ħidma dwar varjetà ta’ suġġetti.

Aħna komplejna wkoll nipprovdu appoġġ finanzjarju għall-persunal li jkun qed jattendi għal taħriġ u programmi esterni biex jikseb jew iżomm kwalifiki professjonali u diplomi. Nedejna wkoll Programm ta’ Żvilupp ta’ Tmexxija, li jikkonsisti f’taħriġ, ikkowċjar u mentoraġġ għall-persunal li jkun lest isaħħaħ il-ħiliet ta’ tmexxija tiegħu. Appoġġajna l-proċessi tal-HR billi ħarriġna gruppi ġodda ta’ konsulenti dwar il-karrieri, mentors u faċilitaturi interni.

Inqabżet il-mira ta’ jiem ta’ taħriġ

Għal darb’oħra, qbiżna l-mira ta’ taħriġ professjonali (ħamest ijiem ta’ taħriġ mhux lingwistiku fis-sena), stabbilita f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti. L-awdituri tagħna attendew għal medja ta’ 7.5 ijiem ta’ taħriġ; dawk li mhumiex awdituri, medja ta’ 3.6 ijiem ta’ taħriġ.

Kooperazzjoni fit-taħriġ

F’Lulju 2019, seħħet it-tieni Skola Sajf fl-awditjar u l-obbligu ta’ rendikont tas-settur pubbliku fl-Università ta’ Pisa dwar it-trasformazzjoni diġitali tal-awditjar.

Aħna komplejna wkoll bil-kooperazzjoni tagħna mal-Università ta’ Lorraine u organizzajna l-ħames edizzjoni ta’ taħriġ għal diploma universitarja postgradwatorja fl-awditjar ta’ organizzazzjonijiet u politiki pubbliċi, li twassal għal lawrja ta’ Master fil-ġestjoni ta’ organizzazzjonijiet pubbliċi. Barra minn hekk, nedejna programm postgradwatorju ġdid dwar l-elementi fundamentali tal-istatistika applikati għall-awditjar. Ftaħna wkoll dawn il-programmi għall-persunal tal-Kummissjoni Ewropea.

Fl-aħħar nett, intensifikajna l-kooperazzjoni tagħna mal-Bord Internazzjonali tal-Awdituri għan-NATO (IBAN) fil-qasam tal-attivitajiet ta’ taħriġ. F’Mejju 2019, saret sessjoni ta’ ħidma fil-Qorti dwar l-awditjar tal-politiki ta’ sigurtà u ta’ difiża, li laqqgħet flimkien awdituri li jittrattaw il-politiki ta’ sigurtà u ta’ difiża mill-Kummissjoni, in-NATO, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, l-Organizzazzjoni Konġunta għall-Kooperazzjoni fil-Qasam tal-Armamenti (OCCAR), il-Mekkaniżmu Athena, u għadd ta’ istituzzjonijiet supremi tal-awditjar tal-UE.

Sabine Chaupain-Guillot, Pro-Viċi Kanċillier
għall-Edukazzjoni fl-Università ta’ Lorraine,
Lazaros S. Lazarou, Membru tal-QEA (Frar 2019).

Tnedija ta’ ECAdemy

Ħloqna wkoll ECAdemy, għodda li permezz tagħha nistgħu nikkondividu materjal tat-tagħlim, nippubblikaw reġistrazzjonijiet ta’ konferenzi, u norganizzaw webinars ma’ kull min huwa interessat fl-awditjar pubbliku fl-UE u fl-Istati Membri tagħha.

Din il-pjattaforma ta’ tagħlim elettroniku hija aċċessibbli mingħajr ħlas għall-pubbliku ġenerali fuq https://ecademy.eca.europa.eu.

Traduzzjoni

Fl-2019, ġew tradotti u riveduti aktar minn 223 000 paġna, ċifra li tinkludi xogħol esternalizzat (2018: 251 000). Aħna nittraduċu l-pubblikazzjonijiet tagħna fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Nittraduċu wkoll il-korrispondenza tagħna mal-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-lingwa nazzjonali tagħhom kif meħtieġ mil-liġi.

Minbarra dan, it-tradutturi tagħna pparteċipaw ta’ spiss fl-attivitajiet tal-awditjar tagħna, billi pprovdew appoġġ lingwistiku matul iż-żjarat tal-awditjar kif ukoll appoġġ fl-abbozzar.

Teknoloġija tal-informazzjoni, ambjent tax-xogħol u innovazzjoni

Tranżizzjoni għal servizzi bbażati fuq
il-cloud

Intlaħaq objettiv intermedjarju importanti bit-tranżizzjoni għal servizzi bbażati fuq il-cloud, li permezz tagħha sistema faċli biex tintuża saret disponibbli f’livell ġenerali għal diversi talbiet tal-utent finali (IT, HR, faċilitajiet, sigurtà, eċċ.).

Pjan ta’ Azzjoni ġdid għas-Sigurtà tal-IT laħaq ħafna mill-objettivi tiegħu, bħal riżoluzzjoni aktar effettiva u regolari ta’ vulnerabbiltajiet tas-softwer, prevenzjoni ta’ aċċess mhux awtorizzat għal servizzi ta’ cloud, rieżaminar tal-governanza tas-sigurtà tal-informazzjoni, u titjib tal-kapaċitajiet tagħna ta’ monitoraġġ tas-sigurtà.

Fl-aħħar nett, fl-2019 ġie implimentat programm teknoloġiku ambizzjuż biex jipprovdi apparati u sistemi li permezz tagħhom il-persunal kollu jista’ jgawdi mod aktar flessibbli ta’ ħidma, eż. telexogħol, telekonferenza u xogħol mobbli.

Politika ġdida tad-data miftuħa

Fl-2019, aħna adottajna wkoll politika ġdida tad-data miftuħa. L-użu mill-ġdid ta’ dokumenti u l-proċess ta’ twassil tad-data tal-Qorti qed jiġu stabbiliti f’kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet.

ECALab

L-ECALab, it-tim tal-laboratorju ta’ innovazzjoni interdixxiplinari tagħna, kompla jesplora teknoloġiji bħall-estrazzjoni ta’ testijiet, l-intelliġenza artifiċjali u l-estrazzjoni ta’ proċessi.

Fl-2019, l-ECALab beda wkoll jappoġġa għadd ta’ kompiti tal-awditjar.

Netwerk dwar
it-Teknoloġija u l-Innovazzjoni għall-Awditjar

F’Novembru 2019, aħna nedejna wkoll in-Netwerk dwar it-Teknoloġija u l-Innovazzjoni għall-Awditjar (TINA) tas-SAIs tal-UE fil-konferenza “Big and open data” li saret fil-bini tal-Qorti fil-Lussemburgu.

Konferenza “Big and open data”, Novembru 2019, il-Lussemburgu.

Twaqqaf netwerk ieħor ta’ SAIs tal-UE dwar il-Blockchain għall-Awditjar biex jakkumpanja l-iżvilupp tal-Infrastruttura Ewropea ta’ Servizzi tal-Blockchain mill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri, li jibni fuq il-“prova tal-kunċett” tal-Qorti tal-Awdituri.

Binjiet

Attwalment aħna l-proprjetarji ta’ tliet binjiet (“K1”, “K2” u “K3”) li joperaw bħala entità teknika integrata waħda. Aħna nikru wkoll uffiċċji fil-Lussemburgu għaċ-ċentru tagħna ta’ rkupru f’każ ta’ diżastru.

K1

Il-binja K1, li nfetħet fl-1988, fiha uffiċċji li jesgħu sa 310 membri tal-persunal, u fiha wkoll kmamar għal-laqgħat. Il-livelli ta’ taħt l-art fihom il-parkeġġi, faċilitajiet tekniċi, żoni ta’ ħżin, il-librerija u l-kamra prinċipali tal-arkivji, filwaqt li s-sular ta’ fuq nett jintuża kollu kemm hu għal faċilitajiet tekniċi.

Il-binja K1 ġiet immodernizzata fl-2008 biex tkun konformi mar-rekwiżiti nazzjonali tas-saħħa, tas-sikurezza u tal-ambjent. Kull fejn possibbli, it-teknoloġija f’K1 ġiet adattata biex tkun kumpatibbli ma’ dik użata f’K2 u K3.

K2

Il-binja K2 nfetħet fl-2003. Il-livelli ta’ taħt l-art fihom il-parkeġġi, faċilitajiet tekniċi u żoni ta’ ħżin, kif ukoll iċ-ċentru tal-fitness. Is-sular ta’ fuq nett jintuża kollu kemm hu għal faċilitajiet tekniċi. Is-sulari l-oħra jintużaw għal uffiċċji li jesgħu sa 241 membru tal-persunal, kmamar għal-laqgħat, sala tal-konferenzi b'kabini tal-interpretazzjoni, kmamar għall-vidjokonferenzi, kafetterija u spazji bażiċi għall-kċejjen.

Aħna qed nimmodernizzaw il-binja K2, billi nottimizzaw l-ispazji tax-xogħol tagħha u naġġornaw xi wħud mill-installazzjonijiet tekniċi. Studju dettaljat għal dan il-proġett twettaq fl-2019, u x-xogħol beda fi tmiem is-sena. Kif il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu f’Marzu 2014, aħna se nkopru l-ispiża ta’ din il-modernizzazzjoni mill-bqija tal-baġit li fadal mill-proġett ta’ kostruzzjoni tal-binja K3, li ġie kkompletat ftit snin ilu.

K3

Il-binja K3 nfetħet fl-2012. Il-livelli ta’ taħt l-art fihom parkeġġi, faċilitajiet tekniċi u żoni tal-ħżin, żoni tal-ħatt, faċilitajiet ta' ħżin tal-iskart, l-istamperija, il-kċejjen u l-arkivji. Is-sular ta’ isfel jinkludi l-kantin, kafetterija u kmamar tat-taħriġ. Hemm ukoll uffiċċji li jesgħu sa 503 membri tal-persunal, kmamar għal-laqgħat u kamra tal-IT. Is-sitt sular fih swali ta' riċeviment, kċina u faċilitajiet tekniċi. Il-binja K3 ġiet ikklassifikata bħala “tajba ħafna” skont BREEAM, li huwa l-metodu prinċipali fid-dinja għall-evalwazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà tal-bini.

Tisħiħ ulterjuri tal-miżuri ta’ sigurtà tagħna

Fl-2019, aħna ħadna għadd ta’ miżuri biex insaħħu s-sigurtà fil-bini tal-Qorti fil-Lussemburgu. Dan kien jinkludi t-twaqqif ta’ tim armat tas-sigurtà. Ġiet iffirmata konvenzjoni mal-Pulizija tal-Lussemburgu, li tippermettilna nużaw iċ-ċentri għat-taħriġ nazzjonali tagħhom.

Eduardo Ruiz García, is-Segretarju Ġenerali tal-QEA,
u Helga Schmid, is-Segretarju Ġenerali tal-EEAS.

Qbilna wkoll mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex nipprovdu appoġġ lill-awdituri tagħna matul iż-żjarat tagħhom f’pajjiżi b’riskju għoli.

Ġestjoni ambjentali

Bħala istituzzjoni tal-UE, aħna għandna d-dmir li napplikaw il-prinċipju tal-ġestjoni ambjentali tajba fl-attivitajiet kollha tagħna. Aħna għandna l-għan li nkomplu nnaqqsu l-emissjonijiet tagħna ta’ CO2 b’mod sistematiku, u nanalizzaw regolarment l-emissjonijiet ta' gassijiet serra li jiġu ġġenerati mill-attivitajiet tagħna. Il-produzzjoni totali tagħna ta’ gassijiet serra fl-2018 kienet ta’ 10 178 tunnellata ta’ ekwivalenti għad-diossidu tal-karbonju (tCO2e), tnaqqis ta’ 3 % meta mqabbel maċ-ċifri tal-2017.

Aħna kburin biċ-ċertifikazzjoni EMAS (Skema ta’ Mmaniġġjar u Awditjar Ekoloġiċi) li ksibna: noperaw b’suċċess sistema ta’ mmaniġġjar ekoloġiku li hija konformi mal-EMAS, u nikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni ISO 14001:2015.

Fl-aħħar tliet xhur tal-2019 twettaq awditu estern tal-EMAS u, b’riżultat ta’ dan, iċ-ċertifikazzjoni EMAS tagħna ġġeddet għall-perjodu 2020-2022. Inizjattivi ġodda mexjin ’il quddiem skont il-pjan, bħall-inizjattiva ECA mingħajr plastik.

Fl-2019, installajna wkoll erba’ doqqajs fil-ġonna tagħna f’kooperazzjoni mal-Ministeru tal-Agrikoltura tal-Lussemburgu. Huwa persunal volontarju li jieħu ħsieb in-naħal. Aħna nistennew li dan ikollu impatt pożittiv fuq is-sostenibbiltà tal-pollinaturi fl-inħawi ta’ madwarna.

L-obbligu tagħna ta’ rendikont

Informazzjoni finanzjarja

L-istituzzjoni tagħna hija ffinanzjata mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea taħt l-intestatura ta’ nefqa amministrattiva.

Fl-2019, il-baġit tal-Qorti kien ta’ kważi EUR 147 miljun, li 98 % minnu ntuża matul is-sena.

Il-baġit tal-Qorti jirrappreżenta inqas minn 0.1 % tal-infiq totali tal-UE jew madwar 1.5 % tal-infiq amministrattiv totali tal-UE.

Implimentazzjoni tal-Baġit 2019

SENA FINANZJARJA 2019 Approprjazzjonijiet finali Impenji Rata ta’ użu Pagamenti
Titolu 1: Persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni (elf EUR)
10 - Membri tal-istituzzjoni 11 324 11 004 97 % 10 963
12 - Uffiċjali u persunal temporanju 107 367 106 434 99 % 106 434
14 - Persunal ieħor u servizzi esterni 6 683 6 407 96 % 6 272
162 - Vjaġġar 3 200 2 700 84 % 2 457
161 + 163 + 165 - Nefqa oħra relatata ma’ persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni 3 089 3 008 97 % 2 201
Subtotal għat-Titolu 1 131 663 129 553 98 % 128 327
Titolu 2: Binjiet, beni mobbli, apparat u nefqa operatorja mixxellanja  
20 - Beni immobbli 3 526 3 523 99 % 1 965
210 - IT u telekomunikazzjoni 8 085 8 085 100 % 5 138
212 + 214 + 216 - Beni mobbli u kostijiet relatati 976 880 90 % 769
23 - Nefqa amministrattiva kurrenti 424 339 80 % 272
25 - Laqgħat, konferenzi 620 487 78 % 302
27 - Informazzjoni u pubblikazzjoni 1 596 1 448 90 % 1 027
Subtotal għat-Titolu 2 15 227 14 762 97 % 9 473
Total għall-Qorti tal-Awdituri 146 890 144 315 98 % 137 800

Baġit għall-2020

Il-Baġit 2020 jirrappreżenta żieda ta’ 4.3 % fuq il-Baġit 2019.

BAĠIT 2020 2019
Titolu 1: Persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni (elf EUR)
10 - Membri tal-istituzzjoni 11 751 11 474
12 - Uffiċjali u persunal temporanju 111 860 107 666
14 - Persunal ieħor u servizzi esterni 7 403 6 381
162 - Vjaġġar 3 370 3 450
161 + 163 + 165 - Nefqa oħra relatata ma’ persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni 2 945 3 098
Subtotal għat-Titolu 1 137 329 132 069
Titolu 2: Binjiet, beni mobbli, apparat u nefqa operatorja mixxellanja  
20 - Beni immobbli 3 255 2 984
210 - IT u telekomunikazzjoni 7 718 7 605
212 + 214 + 216 - Beni mobbli u kostijiet relatati 963 998
23 - Nefqa amministrattiva kurrenti 563 548
25 - Laqgħat, konferenzi 696 700
27 - Informazzjoni u pubblikazzjoni 2 613 1 986
Subtotal għat-Titolu 2 15 808 14 821
Total għall-Qorti tal-Awdituri 153 137 146 890
 

Awditjar intern u estern

Awditjar intern

Is-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tagħna jipprovdi pariri lill-istituzzjoni dwar kif għandha timmaniġġja r-riskji. Huwa jipprovdi servizzi indipendenti u oġġettivi ta’ aċċertament u ta’ konsulenza maħsuba biex jipprovdu valur miżjud u jtejbu l-operazzjonijiet tal-istituzzjoni tagħna. L-IAS jirrapporta lill-Kumitat tal-Awditjar Intern, li huwa magħmul minn tliet Membri u minn espert estern. Il-Kumitat jimmonitorja regolarment il-progress tad-diversi kompiti stipulati fil-programm ta’ ħidma annwali tal-IAS u jiżgura l-indipendenza ta’ dan is-servizz.

Fl-2019, l-IAS ikkompleta tliet kompiti magħżula: “Ir-riskji u l-isfidi tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Kwalità tal-Awditjar”, “Spejjeż tal-ivvjaġġar tal-Membri u uffiċjali ta’ grad għoli, l-ispejjeż tar-rappreżentazzjoni tal-Membri u l-użu tal-flotta ta’ karozzi tal-Qorti” u l-“Attivitajiet ta’ taħriġ professjonali tal-Qorti”.

L-IAS analizza wkoll il-politika tagħna dwar il-ġestjoni tar-riskju u tliet dikjarazzjonijiet annwali pprovduti mill-uffiċjali awtorizzanti b’sottodelega. Barra minn hekk, huwa mmonitorja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu, filwaqt li żgura li l-pjanijiet ta' azzjoni maqbula kienu ġew implimentati, u pprovda parir dwar il-qafas ta’ kontroll intern ġdid li jintuża mill-Qorti.

L-awditur intern tal-Qorti ma żvelax nuqqasijiet li, min-natura jew il-kobor tagħhom, jixħtu dubji serji fuq l-affidabbiltà kumplessiva tas-sistemi ta’ kontroll intern stabbiliti mill-uffiċjal awtorizzanti b’delega biex jiżguraw il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet finanzjarji tal-QEA fl-2019.

Awditjar estern

Il-kontijiet annwali tagħna jiġu awditjati minn awditur indipendenti estern. Dan huwa importanti, billi juri li aħna napplikaw l-istess prinċipji tat-trasparenza u tal-obbligu ta’ rendikont għalina nfusna bħalma napplikaw għall-entitajiet li nawditjaw.

L-awditur estern tagħna – PricewaterhouseCoopers Sàrl – ippubblika r-rapport tiegħu dwar il-kontijiet tagħna għas-sena finanzjarja 2018 fl-4 ta’ April 2019.

Opinjonijiet tal-awditur estern tagħna — sena finanzjarja 2018

Dwar ir-rapporti finanzjarji tagħna:

“Fl-opinjoni tagħna, ir-rapporti finanzjarji jagħtu stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri - il-QEA fil-31 ta’ Diċembru 2018, u tar-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1) u l-emendi sussegwenti tiegħu, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ir-“Regolament Finanzjarju”, u mar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1) li jistabbilixxi regoli dettaljati tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament Finanzjarju u l-emendi sussegwenti tiegħu.”

Dwar l-użu li aħna għamilna mir-riżorsi u mill-proċeduri ta’ kontroll:

“Fuq il-bażi tax-xogħol tagħna kif deskritt f’dan ir-rapport, ma ġie xejn għall-attenzjoni tagħna li jġegħilna nemmnu li fl-aspetti materjali kollha u fuq il-bażi tal-kriterji deskritti hawn fuq:

  • Ir-riżorsi assenjati lill-Qorti ma ntużawx għall-iskopijiet intenzjonati tagħhom;
  • Il-proċeduri ta’ kontroll stabbiliti ma jipprovdux il-garanziji meħtieġa biex jiżguraw il-konformità tal-operazzjonijiet finanzjarji mar-regoli u r-regolamenti applikabbli.”
Kwittanza
għas-sena finanzjarja 2017

Bħall-istituzzjonijiet l-oħra kollha tal-UE, aħna suġġetti għall-proċess ta’ kwittanza.

F’Marzu 2019, il-Parlament Ewropew ta l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tagħna fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tagħna għas-sena finanzjarja 2017. Dan ifisser li l-kontijiet tagħna għall-2017 ġew ikklerjati (jiġifieri ngħalqu u ġew approvati).

Kif nagħmlu kull sena, aħna analizzajna sew il-kwistjonijiet kollha li tqajmu matul il-proċess ta’ kwittanza fir-rigward tar-responsabbiltajiet tagħna relatati mal-awditjar u mal-ġestjoni, ħadna azzjoni xierqa u rrappurtajna b’mod dettaljat lill-Parlament Ewropew dwar l-azzjonijiet ta’ segwitu li ħadna.

Evalwazzjoni bejn il-pari dwar
il-qafas etiku tagħna

Fl-aħħar nett, fl-2019 il-qafas etiku tagħna ġie suġġett għal valutazzjoni esterna mis-SAIs tal-Polonja u l-Kroazja. Ir-rapport tagħhom ġie ffinalizzat f’Jannar 2020.

Dikjarazzjoni mill-uffiċjal awtorizzanti b’delega

Skont l-Artikolu 74(9) tar-Regolamenti Finanzjarju -
Dikjarazzjoni mill-Uffiċjal awtorizzanti b’delega

Jien, hawn taħt iffirmat, is-Segretarju Ġenerali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, fil-kapaċità tiegħi bħala uffiċjal awtorizzanti b’delega, b’dan:

  • niddikjara li l-informazzjoni li hawn f’dan ir-rapport kif ukoll l-informazzjoni interna addizzjonali dwar it-twettiq tad-dmirijiet tiegħi, li fiha informazzjoni finanzjarja u ta’ ġestjoni, inkluż ir-riżultati tal-kontrolli, huma veri u preċiżi; u
  • nistqarr li għandi aċċertament raġonevoli li:
    • ir-riżorsi assenjati għall-attivitajiet deskritti f’dan ir-rapport intużaw għall-għan li għalih kienu intenzjonati u f’konformità mal-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba;
    • il-proċeduri ta' kontroll stabbiliti jipprovdu l-garanziji meħtieġa fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet u jiżguraw trattament adegwat ta' allegazzjonijiet ta’ frodi, jew ta' frodi ssuspettata; u
    • l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-kontrolli huma proporzjonati.

Dan l-aċċertament huwa bbażat fuq il-ġudizzju tiegħi u fuq l-informazzjoni li għandi għad-dispożizzjoni tiegħi, bħar-rapporti u d-dikjarazzjonijiet tal-uffiċjali awtorizzanti b’sottodelega, ir-rapporti tal-awditur intern u r-rapporti tal-awditur estern għas-snin finanzjarji preċedenti.

Nikkonferma li ma għandi l-ebda għarfien li hemm xi ħaġa mhux irrappurtata hawnhekk li tista’ tkun ta’ detriment għall-interessi tal-istituzzjoni.

Magħmula fil-Lussemburgu, is-26 ta’ Marzu 2020

Eduardo Ruiz García
Is-Segretarju Ġenerali

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2020

PDF ISBN 978-92-847-4588-3 ISSN 2362-9568 doi:10.2865/1856 QJ-AA-20-001-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-4562-3 ISSN 2362-9568 doi:10.2865/573685 QJ-AA-20-001-MT-Q
PRINT ISBN 978-92-847-4611-8 ISSN 1831-1318 doi:10.2865/84610 QJ-AA-20-001-MT-C

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġejt:

PDF
PDF General Report

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp/mt) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.