Rapport Speċjali
27 2022

Appoġġ mill-UE għall-kooperazzjoni transfruntiera ma’ pajjiżi tal-viċinat Appoġġ siewi, iżda l-implimentazzjoni bdiet tard ħafna u jeħtieġ li l-problemi fil-koordinazzjoni jiġu indirizzati

Dwar ir-rapport:Il-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera huma element ewlieni tal-politika Ewropea tal-viċinat. Sa ftit taż-żmien ilu, dawn kienu għadhom ukoll wieħed mill-ftit oqsma ta’ kooperazzjoni mar-Russja. Aħna sibna li l-programmi kienu mmirati lejn ħtiġijiet rilevanti u pprovdew appoġġ siewi lil reġjuni fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera esterna tal-UE. Madankollu, l-implimentazzjoni tagħhom bdiet tard ħafna u l-komplementarjetà tagħhom ma’ programmi oħra ffinanzjati mill-UE ma kinitx suffiċjenti, kif kien l-involviment tad-Delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi tal-viċinat. Aħna nagħmlu rakkomandazzjonijiet bil-għan li jiġu indirizzati dawn il-problemi ta’ koordinazzjoni u komplementarjetà, u jissaħħaħ il-monitoraġġ tar-riżultati tal-programmi. Dan se jkun essenzjali billi l-kooperazzjoni transfruntiera qed tiffaċċa futur diffiċli: L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja qajmet dubji serji dwar nofs il-programmi proposti għall-perjodu 2021-2027.

Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 24 lingwa fil-format li ġejt:
PDF
PDF Rapport speċjali: Koperazzjoni transfruntiera ma’ pajjiżi tal-viċinat

Sommarju Eżekuttiv

I Il-kooperazzjoni transfruntiera hija element ewlieni tal-politika Ewropea tal-viċinat, li tkopri 16-il pajjiż tul il-fruntiera esterna tal-UE. Sa ftit taż-żmien ilu, din kienet għadha wkoll wieħed mill-ftit ħafna oqsma ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u r-Russja. Għall-perjodu 2014-2020, il-Kummissjoni stabbiliet 15-il programm konġunt ma’ pajjiżi tal-viċinat (programmi ENI CBC). B’kontribuzzjoni totali mill-UE ta’ kważi EUR 1 000 000 000, dawn il-programmi huma intenzjonati biex ikunu ta’ benefiċċju kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-pajjiżi tal-viċinat li magħhom jikkondividu direttament fruntiera tal-art jew tal-baħar.

II Aħna wettaqna l-awditu tagħna fi żmien meta l-programmi tal-perjodu 2014-2020 kienu qed joqorbu lejn it-tmiem tal-implimentazzjoni tagħhom. Dan ir-rapport se jservi biex jinforma t-twaqqif tal-programmi proposti għall-perjodu ta’ finanzjament 2021-2027.

III L-objettiv tagħna kien li niddeterminaw jekk il-programmi kinux effettivi fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni territorjali bejn il-fruntieri esterni tal-UE. Biex inwieġbu din il-mistoqsija prinċipali tal-awditjar, aħna eżaminajna jekk:

  • il-programmi kinux immirati lejn ħtiġijiet u prijoritajiet identifikati b’mod ċar li kienu komuni għar-reġjuni tul il-fruntieri esterni tal-UE u kinux jikkomplementaw programmi oħra ffinanzjati mill-UE;
  • il-proġetti kinux ġew magħżula u implimentati b’mod effiċjenti u effettiv;
  • il-Kummissjoni u l-awtoritajiet maniġerjali għamlux użu effettiv mill-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni, u ħadux tagħlimiet bil-ħsieb li jsaħħu l-ġestjoni tal-programmi transfruntieri proposti għall-perjodu ta’ finanzjament 2021-2027.

IV Sibna li l-programmi kienu mmirati lejn ħtiġijiet rilevanti, iżda l-komplementarjetà tagħhom ma’ programmi oħra ffinanzjati mill-UE kienet insuffiċjenti u l-involviment tad-Delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi tal-viċinat seta’ jitjieb aktar. Għajr ftit eċċezzjonijiet, il-proġetti ġew magħżula u implimentati b’mod effiċjenti u effettiv. Madankollu, identifikajna dgħufijiet fil-qafas ta’ monitoraġġ tar-riżultati tal-programmi, rigward l-aggregazzjoni tar-riżultati u r-rappurtar dwar is-sostenibbiltà tal-benefiċċji wara l-għeluq tal-proġetti. Il-programmi rnexxielhom jiksbu distribuzzjoni bbilanċjata tal-parteċipanti fil-proġetti mill-UE u minn pajjiżi tal-viċinat. Hemm salvagwardji fis-seħħ biex jiġi mmitigat ir-riskju ta’ frodi; madankollu, il-programmi ma jistgħux jużaw b’mod effettiv għodda tal-IT għar-rappurtar ta’ frodi,, li ġiet irakkomandata mill-Kummissjoni, minħabba nuqqas ta’ aċċess mill-pajjiżi parteċipanti mhux tal-UE.

V Aħna nikkonkludu li l-programmi tal-perjodu 2014-2020 ipprovdew appoġġ relevanti u siewi lir-reġjuni fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera esterna tal-UE. Madankollu, il-programmi ġarrbu dewmien sinifikanti sakemm bdew jiġu implimentati u kienu għadhom għaddejjin matul l-awditu tagħna. Għaldaqstant, kien għadu kmieni wisq biex nivvalutaw l-effettività kumplessiva tagħhom. Il-qafas legali għall-programmi tal-perjodu 2021-2027 jibbaża fuq it-tagħlimiet meħuda. Il-bidliet introdotti għandhom il-potenzjali li jiffaċilitaw il-bidu tal-implimentazzjoni tal-programmi. Madankollu, huma jġibu magħhom riskji addizzjonali u jnaqqsu s-superviżjoni mwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ proġetti ta’ infrastruttura kbar li jistgħu jkunu ta’ importanza strateġika fir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi msieħba.

VI Il-kooperazzjoni transfruntiera ma’ pajjiżi tal-viċinat qed tiffaċċa futur diffiċli: bħala parti minn rispons usa’ għall-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, il-Kummissjoni ssospendiet il-ftehimiet ta’ finanzjament għall-programmi mar-Russja u mal-Belarussja. L-invażjoni tefgħet ukoll dubju serju fuq nofs il-programmi proposti għall-perjodu ta’ finanzjament 2021-2027. Fin-Nofsinhar, il-programm tal-Baċir tal-Baħar Mediterran ikompli joffri forum għal djalogu u kooperazzjoni bejn il-pajjiżi parteċipanti. Madankollu, l-għadd ta’ proġetti konġunti bejn il-parteċipanti Iżraeljani u Għarab jibqa’ baxx, anke jekk l-eżistenza stess ta’ tali proġetti konġunti tista’ titqies fiha nfisha bħala suċċess.

VII B’riżultat tal-awditu li wettaqna, aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:

  • ittejjeb il-koordinazzjoni bejn il-programmi li jkollhom trikkib ġeografiku parzjali;
  • issaħħaħ l-involviment tad-Delegazzjonijiet tal-UE;
  • tadatta għodda tal-IT għar-rappurtar ta’ frodi;
  • tipprovdi gwida dwar il-monitoraġġ tas-sostenibbiltà wara l-għeluq tal-proġetti;
  • tikkonsulta s-servizzi rilevanti kollha dwar proġetti ta’ infrastruttura kbar;
  • issaħħaħ l-użu ta’ indikaturi komuni.

Introduzzjoni

Koperazzjoni transfruntiera ma’ pajjiżi tal-viċinat

01 Il-kooperazzjoni transfruntiera (CBC) hija element ewlieni tal-politika Ewropea tal-viċinat, li tkopri 16-il pajjiż tul il-fruntiera esterna tal-UE (ara l-mappa fl-Anness I). Sa ftit taż-żmien ilu, din kienet għadha wkoll wieħed mill-ftit ħafna oqsma ta’ kooperazzjoni u ta’ djalogu kontinwu bejn l-UE u r-Russja. Il-programmi CBC tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat (ENI)1 huma intenzjonati biex ikunu ta’ benefiċċju kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-pajjiżi tal-viċinat li magħhom jikkondividu direttament fruntiera tal-art jew tal-baħar. Matul il-perjodu ta’ finanzjament 2014-2020, il-programmi ENI CBC kellhom tliet objettivi strateġiċi2:

  • li jippromwovu l-iżvilupp ekonomiku u soċjali fir-reġjuni fuq iż-żewġ naħat tal-fruntieri komuni;
  • li jindirizzaw sfidi komuni fl-ambjent, is-saħħa pubblika, is-sikurezza u s-sigurtà;
  • li jippromwovu kundizzjonijiet u modalitajiet aħjar biex tiġi żgurata l-mobbiltà ta’ persuni, oġġetti u kapital.

02 Għall-perjodu 2014-2020, il-Kummissjoni stabbiliet 15-il programm CBC (kif ukoll proġett għall-finanzjament ta’ appoġġ tekniku) li jiġbru flimkien finanzjament mill-ENI u mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), għal total ta’ kważi EUR 1 000 000 000. Fl-istess ħin, il-programmi jikkontribwixxu għall-politiki esterni u reġjonali tal-UE3. Mill-15-il programm, 7 jkopru l-kooperazzjoni mar-Russja, 6 jkopru l-viċinat tal-Lvant, u ż-2 programmi li jifdal ikopru l-viċinat tan-Nofsinhar. Il-Figura 1 telenka l-programmi individwali u turi l-allokazzjonijiet għal kull programm.

Figura 1 – Allokazzjonijiet tal-UE għall-programmi ENI CBC tal-perjodu 2014-2020

* Nota: il-programm għal Nofs l-Atlantiku ma ġiex adottat.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq id-dokument ta’ Programmazzjoni 2014 tal-Kummissjoni.

03 Il-biċċa l-kbira mill-programmi ta’ finanzjament tal-UE li jappoġġaw il-kooperazzjoni mar-Russja ġew sospiżi b’rispons għall-annessjoni illegali tal-Krimea fl-20144. Il-programmi ENI CBC baqgħu eċċezzjoni sal-bidu ta’ Marzu 2022, meta l-UE ssospendiet il-ftehimiet ta’ finanzjament mar-Russja u l-Belarussja, b’rispons għall-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fl-24 ta’ Frar 2022.

Arranġamenti ta’ governanza

04 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni ENI CBC5 jiddefinixxi r-rwoli u l-kompiti tal-korpi kollha inkarigati mill-programmi. Il-programmi ENI CBC jiġu implimentati jew permezz ta’ proġetti magħżula b’sejħiet għal proposti, jew inkella permezz ta’ proġetti ta’ infrastruttura kbar (LIPs) magħżula permezz ta’ għotja diretta. Il-kumitati konġunti ta’ monitoraġġ huma responsabbli mill-għażla tal-proġetti u mill-monitoraġġ tal-prestazzjoni tagħhom. Dawn jinvolvu awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali (minn Stati Membri u pajjiżi terzi), u l-Kummissjoni Ewropea tista’ tipparteċipa bħala osservatur. L-awtoritajiet maniġerjali maħtura mill-Istati Membri jirrappurtaw lill-Kummissjoni u jimplimentaw il-programmi ENI CBC f’konformità mal-prinċipju ta’ “ġestjoni kondiviża”, inkluż għal proġetti implimentati barra mill-UE (li tipikament jiġu implimentati direttament mill-Kummissjoni). Pereżempju, il-Kunsill Reġjonali tal-Karelia t’Isfel fil-Finlandja jaġixxi bħala l-awtorità maniġerjali għall-programm tax-Xlokk tal-Finlandja–ir-Russja. Għall-biċċa l-kbira mill-awtoritajiet maniġerjali, din ir-responsabbiltà tiġi flimkien mal-ġestjoni ta’ Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej oħra. Il-Figura 2 turi l-korpi inkarigati mill-programmi ta’ programm CBC standard u tiddeskrivi r-rwoli tagħhom.

Figura 2 – Korpi ta’ programm CBC standard

Nota: kull pajjiż parteċipanti fi programm ENI CBC kellu jidentifika awtorità nazzjonali.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 897/2014.

05 Id-Direttorat Ġenerali għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir (DĠ NEAR) huwa responsabbli mill-ġestjoni kumplessiva tal-finanzjament tal-ENI. Huwa jikkollabora ma’ servizzi oħra tal-Kummissjoni responsabbli mill-politiki tematiċi, kif ukoll mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u mad-Delegazzjonijiet tal-UE. Id-DĠ NEAR immaniġġja l-ġestjoni tal-programmi ENI CBC sa tmiem l-2019. Fl-1 ta’ Jannar 2020, dawn ġew ittrasferiti għad-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana (DĠ REGIO)6. Minbarra l-programmi ENI CBC li ġew ittrasferiti reċentement, id-DĠ REGIO kien ukoll responsabbli mill-programm tar-Reġjun tal-Baħar Baltiku u dak Tranżnazzjonali tad-Danubju (it-tnejn iffinanzjati parzjalment mill-ENI), u mill-programmi CBC taħt l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

06 L-objettiv ta’ dan l-awditu kien li jiddetermina jekk il-programmi ENI CBC kinux effettivi fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni territorjali bejn il-fruntieri esterni tal-UE. Biex inwieġbu għal din il-mistoqsija prinċipali tal-awditjar, aħna indirizzajna tliet sottomistoqsijiet:

  1. Il-programmi ENI CBC kienu mmirati lejn ħtiġijiet u prijoritajiet identifikati b’mod ċar li kienu komuni għar-reġjuni tul il-fruntieri esterni tal-UE u kienu jikkomplementaw programmi oħra ffinanzjati mill-UE?
  2. Il-proġetti ENI CBC ġew magħżula u implimentati b’mod effiċjenti u effettiv?
  3. Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet maniġerjali għamlu użu effettiv mill-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni, u ħadu tagħlimiet bil-ħsieb li jsaħħu l-ġestjoni tal-programmi CBC (Interreg NEXT) proposti għall-perjodu ta’ finanzjament 2021-2027?

07 L-awditu ffoka fuq il-programmi ENI CBC li qegħdin joqorbu lejn tmiem l-implimentazzjoni tagħhom (b’data ta’ skadenza regolatorja tal-31 ta’ Diċembru 2023 biex jikkompletaw l-attivitajiet) bil-ħsieb li jservi biex jinforma t-twaqqif tal-programmi proposti għall-perjodu ta’ finanzjament 2021-2027. Aħna vvalutajna l-akbar programmi tal-perjodu 2014-2020 fir-reġjuni tat-Tramuntana, tal-Lvant u tan-Nofsinhar, bil-għan li niksbu kopertura finanzjarja u ġeografika tajba. Dawn it-tliet programmi flimkien jirrappreżentaw madwar 44 % tat-total tal-finanzjament ENI CBC ippjanat għall-perjodu 2014-2020 (ara l-Figura 3):

  • ix-Xlokk tal-Finlandja–ir-Russja (SEFR), awtorità maniġerjali f’Lappeenranta;
  • il-Polonja-il-Belarussja–l-Ukrajna (PL-BY-UA), awtorità maniġerjali f’Varsavja;
  • il-Baċir tal-Baħar Mediterran (MED), awtorità maniġerjali f’Cagliari (Sardenja).

Figura 3 – Ambitu tal-awditjar: allokazzjonijiet lit-tliet programmi ENI CBC (ENI u FEŻR)

Sors: il-QEA, ibbażat fuq id-dokument ta’ Programmazzjoni 2014 tal-Kummissjoni.

08 Analizzajna d-dokumenti li pprovdewlna l-Kummissjoni u s-SEAE fir-rigward tal-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-programmi ENI CBC tal-perjodu 2014-2020, u tat-tagħlimiet meħuda għall-programmi CBC li ġejjin tal-perjodu 2021-2027. Barra minn hekk, għamilna diversi intervisti ma’ rappreżentanti ta’ diversi servizzi tal-Kummissjoni, s-SEAE, it-TESIM (proġett ta’ appoġġ tekniku għall-programmi ENI CBC) u l-programm Interact (appoġġ tekniku għal programmi interni Interreg tal-UE), u d-Delegazzjonijiet tal-UE għall-Ġordan, il-Libanu, ir-Russja, l-Ukrajna u t-Tuneżija.

09 Bejn Ottubru u Novembru 2021, wettaqna żjarat fuq il-post fil-Finlandja, il-Polonja, ir-Russja u l-Ukrajna. Aħna ssostitwejna ż-żjara fis-Sardenja (ippjanata għal Diċembru 2021) b’laqgħat bil-vidjo minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Iltqajna ma’ awtoritajiet maniġerjali u ma’ korpi oħra inkarigati mill-programmi, kif ukoll ma’ rappreżentanti ta’ 15-il proġett li eżaminajna fid-dettall (5 proġetti minn kull wieħed mit-3 programmi; ara l-Anness III). Għażilna dawn il-proġetti billi ħadna inkunsiderazzjoni l-materjalità, il-kopertura ta’ għanijiet tematiċi diversi, u l-progress fl-impliementazzjoni tagħhom. L-Anness IV jagħti sommarju tal-valutazzjoni li wettaqna ta’ dawn il-proġetti.

10 Minbarra l-programmi transfuntieri ma’ pajjiżi tal-viċinat, hemm programmi transfruntieri bejn Stati Membri tal-UE, u anke ma’ pajjiżi ta’ qabel l-adeżjoni. F’dan l-awditu ma koprejniex dawn il-programmi, billi dawn għandhom bażijiet ġuridiċi u karatteristiċi distinti, u ġew evalwati reċentement:

  • Fi ħdan l-UE, il-kooperazzjoni transfruntiera hija parti minn qafas ta’ politika usa’ ta’ Kooperazzjoni Territorjali Ewropea, magħrufa komunement bħala Interreg. Il-FEŻR iddedika madwar EUR 10.1 biljun għall-kooperazzjoni territorjali. Reċentement ippubblikajna rapport speċjali dwar il-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntieri fi ħdan l-UE7.
  • L-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni jiffinanzja programmi transfruntieri mhux biss tul il-fruntiera esterna tal-UE (eż. il-Kroazja/is-Serbja), imma anke bejn pajjiżi ta’ qabel l-adeżjoni nfushom (eż. is-Serbja/il-Montenegro). Reċentement il-Kummissjoni vvalutat8 il-prestazzjoni tal-programmi CBC fost il-pajjiżi ta’ qabel l-adeżjoni.

11 Nirrikonoxxu li l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fl-24 ta’ Frar 2022, iffaċilitata mill-Belarussja, kellha impatt profond fuq il-programmi ENI CBC kollha li jinkludu r-Russja, il-Belarussja, l-Ukrajna jew il-Moldova, u fuq is-sostenibbiltà tal-proġetti sottostanti. Il-valutazzjoni li wettaqna tal-proġetti ffinanzjati taħt il-programmi SEFR u PL-BY-UA tirrifletti s-sitwazzjoni kif kienet fi tmiem l-2021, qabel l-invażjoni, meta aħna kkompletajna l-fażi tax-xogħol fuq il-post ta’ dan l-awditu. Nagħtu sommarju tal-iżviluppi l-aktar reċenti li seħħew wara l-awditu, fi Frar-Ġunju 2022, fil-paragrafi 85-88.

Osservazzjonijiet

Il-programmi ENI CBC kienu mmirati lejn ħtiġijiet rilevanti, iżda l-komplementarjetà tagħhom ma’ programmi oħra ffinanzjati mill-UE kienet insuffiċjenti u l-bidu tagħhom ġarrab dewmien sinifikanti.

12 F’din it-taqsima, aħna neżaminaw jekk il-programmi ENI CBC:

  1. identifikawx prijoritajiet li jindirizzaw sfidi komuni tar-reġjuni tal-fruntiera, bl-involviment ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti;
  2. stabbilewx kif se jikkomplementaw u jikkoordinaw ma’ programmi oħra ffinanzjati mill-UE;
  3. kinux twaqqfu b’mod f’waqtu biex jiffaċilitaw il-bidu tal-implimentazzjoni tal-proġetti.

Il-programmi identifikaw prijoritajiet allinjati mal-isfidi komuni tar-reġjuni tal-fruntiera u ġew żviluppati b’mod parteċipattiv

Rispons għall-isfidi tar-reġjuni tal-fruntiera

13 Il-programmi operattivi konġunti (JOPs), imħejjija mill-Istati Membri tal-UE u mill-pajjiżi msieħba, huma dokumenti ewlenin li jistabbilixxu l-qafas u l-prijoritajiet għal programmi ENI CBC individwali. F’Ġunju 2015, l-awtoritajiet maniġerjali (MAs) għat-tliet programmi li vvalutajna fid-dettall ippreżentaw il-JOPs lill-Kummissjoni. Huma inkludew analiżi dettaljata tal-isfidi li jiffaċċaw ir-reġjuni tal-fruntiera, kif ukoll opportunitajiet potenzjali minn kooperazzjoni akbar bejn dawn ir-reġjuni.

14 Il-Kummissjoni analizzat l-abbozzi tal-verżjonijiet ta’ kull JOP, b’mod partikolari biex tivvaluta l-konformità tagħhom mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni ENI CBC9, u wieġbet lill-awtoritajiet maniġerjali b’osservazzjonijiet dettaljati. Għajr għal kwistjoni kontenzjuża li taffettwa r-relazzjonijiet bilaterali mar-Russja (deskritta fil-paragrafu 80), id-direttorati-ġenerali tal-Kummissjoni u s-SEAE pprovdew opinjonijiet favorevoli u rrakkomandaw biss bidliet żgħar lill-JOPs.

15 Kull waħda mit-tliet JOPs li vvalutajna inkludiet erba’ objettivi tematiċi. Dan huwa l-għadd massimu possibbli mill-11 li huma previsti fid-dokument ta’ programmazzjoni tal-UE10. L-għażla tagħhom tirrifletti l-kunsens miksub bejn il-pajjiżi parteċipanti. Sibna li l-objettivi tematiċi kienu konformi mal-analiżi tal-isfidi u d-dgħufijiet tar-reġjuni stabbiliti fil-JOPs. Il-Figura 4 turi l-objettivi tematiċi magħżula mill-15-il programm ENI CBC u l-finanzjament allokat. L-ebda wieħed mill-programmi ma għażel l-Objettivi Tematiċi 9 “Promozzjoni u kooperazzjoni fir-rigward tal-enerġija sostenibbli u s-sigurtà tal-enerġija” jew 11 “Oqsma oħra”.

Figura 4 – Objettivi tematiċi magħżula mill-programmi ENI CBC u l-finanzjament allokat mill-UE

Sors: il-QEA, ibbażat fuq ir-Rieżami ta’ nofs it-terminu tal-programmi ENI CBC, Dokument konġunt SEAE-DĠ NEAR, 11.6.2018, p. 19, u fuq id-data rappurtata mill-programmi (baġit approvat fit-30.6.2021).

16 Għall-perjodu ta’ finanzjament preċedenti (2007-2013), il-Kummissjoni kienet elenkat 26 eżempju ta’ objettivi għal “skopijiet illustrattivi biss”11, li jfisser li l-programmi kienu ħielsa jiżviluppaw objettivi oħra. L-evalwazzjoni ex post imwettqa mill-Kummissjoni sabet li dawn il-programmi ma kinux iffukati biżżejjed u rrakkomandat li jitjieb il-fokus strateġiku tagħhom sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tagħhom12. Għalkemm il-programmi tal-perjodu 2014-2020 setgħu jagħżlu massimu ta’ 4 mill-11-il objettiv tematiku predefiniti, il-kopertura tematika tagħhom baqgħet wiesgħa ħafna, u tvarja mill-wirt kulturali sal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Dan, min-naħa tiegħu, naqqas il-kumparabbiltà bejn programmi individwali u għamel il-monitoraġġ tar-riżultati fil-livell kumplessiv tal-politika aktar diffiċli (ara l-paragrafi 60-71).

17 Għall-perjodu ta’ finanzjament 2021-2027, il-Kummissjoni ddeċidiet li tissimplifika aktar l-ambitu tal-programmi, billi tistabbilixxi ħames objettivi ta’ politika komuni għall-programmi kollha13 u żewġ objettivi speċifiċi addizzjonali għall-programmi Interreg14.

Kontribut tal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali għall-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet u l-prijoritajiet

18 Kull programm kellu jiġi mħejji “permezz ta’ ftehim komuni tal-pajjiżi parteċipanti kollha”15. Fil-każijiet tal-programmi PL-BY-UA u SEFR, l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali kienu involuti b’mod qawwi fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet u l-prijoritajiet permezz tal-involviment tagħhom f’kumitati konġunti ta’ programmazzjoni (JPCs), li abbozzaw il-JOPs inizjali bejn l-2013 u l-2015. Fil-każ tal-programm SEFR, il-post fejn tinsab l-awtorità maniġerjali fi ħdan il-kunsill reġjonali tal-Karelia t’Isfel għen ukoll biex jagħti lill-programm dimensjoni reġjonali b’saħħitha u jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati lokali fil-programmazzjoni. B’kuntrast ma’ dan, għall-programm MED, li jkopri 112-il reġjun, it-13-il pajjiż parteċipanti kienu rrappreżentati mill-awtoritajiet ċentrali nazzjonali (akkumpanjati mir-rappreżentanti reġjonali minn 4 pajjiżi).

19 Barra minn hekk, kull programm kien meħtieġ jipprovdi kofinanzjament ta’ mill-inqas 10 % tal-kontribuzzjoni mill-UE, filwaqt li kien ħieles li jiddetermina s-sors, l-ammont u d-distribuzzjoni tiegħu16. Il-kontribuzzjoni mill-UE għall-programmi kollha ammontat għal madwar EUR 950 miljun. Din ġiet ikkomplementata b’EUR 270 miljun minn sorsi oħra, biex b’hekk il-finanzjament kumplessiv disponibbli għall-programmi ENI CBC laħaq il-EUR 1.2 biljun. Il-Figura 5 turi s-sorsi ta’ finanzjament tal-programm.

Figura 5 – Sorsi ta’ finanzjament għall-programmi tal-perjodu 2014-2020

Nota: il-programmi li jinvolvu lill-Finlandja ma jirrappurtawx il-kofinanzjament ipprovdut mill-proġetti (li jammonta għal mill-inqas 10 % tal-ispejjeż eliġibbli).

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data rappurtata mill-programmi (baġit approvat fit-30.6.2021).

20 F’ċerti każijiet, il-pajjiżi parteċipanti sabu li kien importanti li jżidu l-kofinanzjament tal-programmi b’fondi nazzjonali lil hinn mill-10 % obbligatorju. Pereżempju, il-Finlandja u r-Russja t-tnejn li huma kkontribwew madwar 25 % tal-finanzjament tal-programm SEFR, filwaqt li l-UE kopriet il-50 % li jifdal. Dan enfasizza s-sjieda qawwija tal-programm min-naħa tal-pajjiżi parteċipanti. F’każijiet oħra, il-kofinanzjament iġġarrab biss mill-benefiċjarji tal-proġetti. Il-Figura 6 turi s-sorsi ta’ finanzjament għal kull programm ENI CBC.

Figura 6 – Sorsi ta’ finanzjament għal kull programm tal-perjodu 2014-2020

Nota: il-programmi li jinvolvu lill-Finlandja ma jirrappurtawx il-kofinanzjament ipprovdut mill-proġetti (li jammonta għal mill-inqas 10 % tal-ispejjeż eliġibbli).

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data rappurtata mill-programmi (baġit approvat fit-30.6.2021).

21 L-evalwazzjoni ex post imwettqa mill-Kummissjoni tal-programmi tal-perjodu 2007-2013 irrakkomandat li jiżdied il-kofinanzjament nazzjonali biex tinkiseb sħubija aktar ibbilanċjata ma’ pajjiżi oħra tal-viċinat17. Madankollu, il-Kummissjoni ma ppromwovietx kontribuzzjonijiet ogħla mill-pajjiżi msieħba tal-viċinat, pereżempju matul seminars ta’ informazzjoni fil-bidu tal-perjodu ta’ finanzjament 2021-2027.

Kontribut tas-soċjetà ċivili għall-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet u l-prijoritajiet

22 Ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili ġew ikkonsultati dwar it-tħejjija tat-tliet programmi. Kull waħda mit-tliet awtoritajiet maniġerjali, assistita mill-fergħat f’pajjiżi msieħba, organizzat konsultazzjonijiet pubbliċi dwar il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-programmi. Dawn attiraw għadd kbir ta’ parteċipanti, inklużi rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u NGOs, deċiżuri lokali u reġjonali, u SMEs. Tali konsultazzjonijiet kienu utli għat-trawwim ta’ sjieda lokali tal-programmi u biex jiġu żgurati r-rilevanza u l-konsistenza tagħhom mal-istrateġiji ta’ żvilupp tar-reġjuni.

Il-programmi ENI CBC stabbilew kif se jikkomplementaw programmi u strateġiji oħra tal-UE, iżda l-koordinazzjoni operazzjonali ma kinitx suffiċjenti

Koerenza u komplementarjetà ma’ programmi u strateġiji makroreġjonali oħra tal-UE

23 Kull wieħed mit-tliet JOPs eżaminati rrikonoxxa l-ħtieġa li jkun hemm koordinazzjoni tajba u koerenza ma’ politiki, programmi u strateġiji oħra tal-UE li magħhom ikollu trikkib ġeografiku u tematiku. Il-Kummissjoni għamlet sforzi biex tevita kwalunkwe finanzjament doppju ta’ proġetti u tidentifika sinerġiji possibbli. Għaldaqstant, matul ir-rieżaminar tagħha tal-abbozzi ta’ JOPs (ara l-paragrafu 13), il-Kummissjoni għamlet rakkomandazzjoni lill-awtoritajiet maniġerjali biex jiddeskrivu aktar il-koordinazzjoni bejn il-programm u inizjattivi oħra u biex jistabbilixxu konsultazzjoni informali mal-Kummissjoni dwar proġetti magħżula qabel ma jagħtu l-għotjiet.

24 L-awtoritajiet maniġerjali fil-Polonja u f’Sardenja aċċettaw dawn ir-rakkomandazzjonijiet u, fi tmiem kull sejħa għal proposti, qabel l-ikkuntrattar tal-proġetti, ippreżentaw il-lista ta’ il-proġetti magħżula mill-kumitati konġunti ta’ monitoraġġ (JMCs) rispettivi tagħhom lill-Kummissjoni. L-awtoritajiet maniġerjali u l-JMCs qiesu kemm jista’ jkun il-kummenti tal-Kummissjoni u tad-Delegazzjonijiet tal-UE dwar proġetti individwali. B’kuntrast ma’ dan, il-programm SEFR ma ħoloqx tali mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni informali mal-Kummissjoni, jew ma’ programmi oħra tal-UE.

25 Il-programm MED, li għandu l-aktar ambitu ġeografiku wiesa’ (li jkopri seba’ Stati Membri tal-UE u sitt pajjiżi msieħba tal-Mediterran18), għandu trikkib ma’ għadd kbir ta’ inizjattivi fiż-żona tal-Mediterran. Huwa uniku għaliex, għall-kuntrarju ta’ programmi ENI CBC oħra (li l-biċċa l-kbira tagħhom huma bilaterali), il-proġetti tiegħu jlaqqgħu flimkien lill-parteċipanti minn erba’ jew ħames pajjiżi, u xi drabi saħansitra aktar. F’dan ir-rigward, il-proġetti MED tal-ENI CBC jixbhu ħafna lill-programmi reġjonali tal-ENI19. Il-JOP jinkludi sett ta’ tabelli li jiġbru fil-qosor il-koerenza tal-programm MED ma’ programmi bilaterali oħra tal-UE ma’ pajjiżi individwali tan-Nofsinhar tal-Mediterran. Madankollu, dawn it-tabelli ma jirreferux għall-programmi reġjonali tal-ENI, u dan jista’ jwassal għat-telf ta’ opportunitajiet biex jiġu sfruttati l-komplementarjetajiet.

26 It-tliet JOPs identifikaw strateġiji makroreġjonali rilevanti tal-UE u vvalutaw is-sinerġiji u l-komplementarjetajiet tal-programmi mal-objettivi tagħhom. Dawn inkludew l-Istrateġija għar-Reġjun tad-Danubju, l-Istrateġija għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku, u l-Istrateġija għar-Reġjun Adrijatiku u Jonju. Barra minn hekk, il-pajjiżi tal-viċinat jipparteċipaw fi tliet inizjattivi reġjonali importanti: is-Sħubija tal-Lvant20, l-Unjoni għall-Mediterran (UgħM) u d-Dimensjoni tat-Tramuntana. L-Anness II juri l-kopertura ġeografika tal-istrateġiji u l-inizjattivi. Il-Kummissjoni u d-Delegazzjonijiet tal-UE kkonsultati dwar il-proġetti ENI CBC ivverifikaw li kkomplementaw il-proġetti żviluppati taħt dawn l-oqfsa u li ma kienx hemm trikkib magħhom.

27 Fil-każ tal-programm MED, l-evalwazzjoni ex post enfasizzat il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-UgħM21. B’konsegwenza ta’ dan, l-awtorità maniġerjali kkonkludiet memorandum ta’ qbil mal-UgħM fl-10 ta’ April 2019. Eżempju konkret ta’ din il-kooperazzjoni akbar kien l-involviment tas-segretarjat tal-UgħM fit-tħejjija tal-aħħar sejħa mit-tliet sejħiet għal proposti organizzati mill-programm MED22.

Komplementarjetà ma’ programmi CBC oħra li għandhom trikkib parzjali

28 Kull wieħed mit-tliet programmi għandu trikkib ġeografiku ma’ għadd ta’ programmi transfruntieri (interni u esterni) oħra: is-SEFR ma’ 6, il-PL-BY-UA ma’ 9, u l-MED ma’ 21 programm ieħor. Barra minn hekk, dawn il-programmi jikkondividu wkoll diversi objettivi tematiċi. Kien hemm ċertu livell ta’ koordinazzjoni. Pereżempju, avvenimenti ta’ informazzjoni organizzati mill-programm “Interact” u mill-proġett ta’ appoġġ tekniku “TESIM” servew bħala opportunità għall-awtoritajiet maniġerjali ta’ programmi CBC differenti biex jinteraġixxu ma’ xulxin, jiddiskutu sfidi komuni, u jiskambjaw l-aħjar prattiki. Fuq bażi ad hoc, jekk l-awtoritajiet maniġerjali kellhom dubji dwar il-proġetti matul il-proċess tal-għażla, huma kkonsultaw programmi oħra. Kien f’okkażjoni waħda biss li l-awtorità maniġerjali għall-programm MED bagħtet il-lista ta’ proġetti “standard” magħżula lil programmi CBC oħra bħala parti minn konsultazzjoni bejn il-programmi.

29 Madankollu, in-nuqqas kumplessiv ta’ koordinazzjoni strutturata matul l-għażla tal-proġetti jfisser li l-programmi transfruntieri għandhom mnejn jitilfu opportunitajiet potenzjali biex jikkomplementaw u jirrinforzaw lil xulxin. L-analiżi ta’ sfond li l-Kummissjoni wettqet qabel il-perjodu 2021-2027 ikkonfermat il-ħtieġa li tiġi stabbilita tali koordinazzjoni23.

Involviment tad-Delegazzjonijiet tal-UE

30 Id-Delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi msieħba ġew ikkonsultati dwar it-tfassil tal-programmi ENI CBC. Fi tmiem kull sejħa għal proposti, il-Kummissjoni bagħtet informazzjoni fil-qosor dwar il-proġetti magħżula mill-JMCs, qabel ma jingħataw kuntratt mill-awtoritajiet maniġerjali, lid-Delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi kkonċernati24. Id-Delegazzjonijiet tal-UE pprovdew kummenti biex jiżguraw il-konsistenza tal-proġetti CBC mal-finanzjament minn sorsi oħra. Il-Kummissjoni u s-SEAE xi kultant talbu l-parir tagħhom dwar proġetti ENI CBC, kif ukoll dwar problemi aktar ġenerali li jaffettwaw il-programmi.

31 Madankollu, erbgħa mill-ħames Delegazzjonijiet tal-UE li intervistajna25 esprimew il-ħtieġa li jkunu involuti aktar mill-qrib fil-proċess tal-għażla (pereżempju, bħala osservaturi f’funzjoni konsultattiva) u fil-monitoraġġ tal-proġetti, billi huma:

  • jiffukaw fuq l-assistenza bilaterali tal-UE (portafoll akbar taħt il-ġestjoni diretta tagħhom) iżjed milli fuq il-proġetti ENI CBC (taħt ġestjoni kondiviża), minkejja rabtiet potenzjali bejn it-tnejn;
  • għandhom biss informazzjoni limitata biex jivvalutaw trikkib potenzjali (jew nuqqas ta’ sinerġiji) ma’ proġetti ffinanzjati minn sorsi oħra, billi l-listi li jirċievu għall-kummenti jkun fihom biss sommarju tal-proġetti ENI CBC magħżula. Id-Delegazzjoni għar-Russja ġiet ikkonsultata biss dwar l-LIPs u mhux dwar proġetti “standard”;
  • mhumiex involuti fil-monitoraġġ tal-proġetti. Dan iħallihom f’pożizzjoni fejn ma jkunux jistgħu jidentifikaw proġetti bi prestazzjoni fqira, u ma jkunux ippreparati meta jintalbu jintervienu f’każijiet ta’ rkupri li ma jkunux ta’ suċċess;
  • xi kultant jirreferu għal proġetti ENI CBC ta’ suċċess waqt djalogu politiku u laqgħat ta’ livell għoli oħra, imma mhux sistematikament, billi mhumiex infurmati b’mod suffiċjenti dwar tali stejjer ta’ suċċess;
  • ġew ikkonsultati dwar prijoritajiet adatti għas-sett il-ġdid ta’ programmi tal-perjodu 2021-2027 u pprovdew input bil-miktub f’dokument konġunt26. Madankollu, l-ebda waħda mill-ħames Delegazzjonijiet ma ġiet mistiedna għal-laqgħat tal-JPC tal-perjodu 2021-2027.

32 Għalkemm l-awtoritajiet maniġerjali għandhom rwol ċentrali fil-“ġestjoni kondiviża”, il-programmi ENI CBC jikkontribwixxu għall-politika esterna tal-UE. Madankollu, billi d-Delegazzjonijiet tal-UE mhumiex involuti sistematikament, ma jistgħux jesploraw bis-sħiħ il-komplementarjetà tal-programmi ma’ politiki oħra tal-UE u jingranaw il-benefiċċji politiċi ta’ kooperazzjoni transfruntiera ta’ suċċess. Dan ġie osservat ukoll mill-evalwazzjoni ex post imwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-programmi CBC tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ENPI) tal-perjodu 2007-2013, li rrakkomandat involviment aktar attiv tad-Delegazzjonijiet tal-UE27. Bl-istess mod, mill-inqas żewġ Delegazzjonijiet tal-UE rrakkomandaw bil-miktub lill-Kummissjoni li jenħtieġ li l-koordinazzjoni bejn id-Delegazzjonijiet tal-UE u l-programmi u l-proġetti tkun aktar mill-viċin u formalizzata. Barra minn hekk, is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni rrapporta “dgħufijiet importanti ħafna” fil-koordinazzjoni tal-assistenza kumplessiva tal-UE pprovduta lil pajjiż partikolari (inkluż taħt id-dimensjoni esterna tal-politiki interni tal-UE) bejn id-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni, is-SEAE u d-Delegazzjonijiet tal-UE. Madankollu, il-Kummissjoni ma tatx segwitu għal dawn is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet għall-programmi Interreg NEXT tal-perjodu 2021-2027 (ara l-paragrafi 73-79).

It-twaqqif tal-programmi ġarrab dewmien sostanzjali, u dan naqqas iż-żmien għall-implimentazzjoni tal-proġetti ENI CBC

Twaqqif tal-JOPs

33 Il-programmi operattivi konġunti ġew imnedija b’dewmien sinifikanti. It-tliet abbozzi ta’ JOPs eżaminati ġew ippreżentati f’Lulju 2015, u l-Kummissjoni damet madwar sitt xhur biex approvathom wara li ġew ippreżentati. Sa Diċembru 2017, il-Kummissjoni kienet iffirmat ftehimiet ta’ finanzjament ma’ mill-inqas pajjiż wieħed mhux tal-UE taħt kull wieħed mit-tliet programmi, li jfisser li d-dati ta’ skadenza regolatorji kollha ġew irrispettati. Madankollu, il-passi sussegwenti fit-tnedija tal-programmi kienu ħadu ħafna żmien u dewmu l-bidu tal-implimentazzjoni tal-proġetti, li setgħu jibdew biss fil-ħames jew fis-sitt sena tal-perjodu ta’ finanzjament (ara l-Figura 7).

Figura 7 – Passi ewlenin fit-twaqqif tal-programmi

Sors: il-QEA, ibbażat fuq rapporti annwali (parti teknika) ippreżentati mit-tliet programmi.

34 Ir-raġunijiet għad-dewmien kienu jvarjaw minn programm għal ieħor:

  • Fil-każ tal-programm PL-BY-UA, kien biss f’Lulju 2018 li l-Kummissjoni kkomplementat il-proċess formali tal-ħatra tal-awtorità maniġerjali, jiġifieri seba’ xhur wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta’ finanzjament mal-Belarussja, u minkejja l-fatt li l-istess ministeru kien diġà nħatar biex jimmaniġġja fondi oħra tal-UE fil-Polonja.
  • Fil-każ tal-programm SEFR, l-ostaklu kien ir-ratifika tal-ftehim ta’ finanzjament mid-Duma Russa, li ġiet ikkompletata biss f’Awwissu 2018.
  • Kien biss f’Mejju 2019 li l-Kummissjoni ħatret l-awtorità maniġerjali tal-programm MED, minkejja li identifikat “dgħufijiet sinifikanti” fis-sistema ta’ ġestjoni u kontroll. Kien għad hemm dgħufijiet żgħar saż-żmien meta wettaqna l-awditu. Pereżempju, il-JMC tal-programm kien għadu ma approvax nota dwar miżuri kontra l-frodi. Is-segretarjat tekniku konġunt (JTS) tal-programm twaqqaf biss fi Frar 2020, li jfisser li l-awtorità maniġerjali, assistita miż-żewġ fergħat, ħadet ħsieb l-ewwel sejħa għal proposti kollha kemm hi – kompitu li normalment tiddelega lill-JTS. Minbarra dan, l-aħħar ftehim ta’ finanzjament (mal-Eġittu) ma ġiex iffirmat qabel Jannar 2018.

35 Id-dewmien fit-twaqqif tal-programm MED kellu impatt dirett fuq l-organizzazzjoni tas-sejħa għal proposti. Dan fisser li l-proġetti magħżula matul l-ewwel sejħa setgħu jibdew l-implimentazzjoni biss fl-2019. Min-naħa tiegħu, id-dewmien wassal għal tnaqqis sinifikanti fil-baġit, id-durata u l-ambitu tal-proġetti magħżula matul it-tieni sejħa, li kienu oriġinarjament intenzjonati biex ikunu proġetti “strateġiċi”. Is-sejħa finali (għal proġetti ta’ “kapitalizzazzjoni”, fl-2020) setgħet isseħħ biss minħabba li, sadanittant, il-Kummissjoni kienet estendiet id-data ta’ skadenza regolatorja għall-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-programmi minħabba l-pandemija tal-COVID-19 (ara l-paragrafu 52).

Azzjonijiet preparatorji

36 Biex jiffaċilitaw bidu f’waqtu għall-implimentazzjoni tal-programmi, it-tliet awtoritajiet maniġerjali wettqu “azzjonijiet preparatorji” (permessi mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni ENI CBC) li ġew adattati għaċ-ċirkustanzi. B’mod partikolari, huma organizzaw l-ewwel sejħiet għal proposti qabel il-ħatra formali tagħhom mill-Kummissjoni, u qabel ma daħlu fis-seħħ il-ftehimiet ta’ finanzjament mal-pajjiżi msieħba (il-finanzjament tal-proġetti kien kundizzjonali fuq il-fatt li l-ħatra tal-awtorità maniġerjali u r-ratifika tal-ftehimiet ta’ finanzjament ikunu ta’ suċċess). Madankollu, dawn l-azzjonijijet preparatorji ma setgħux jikkumpensaw għad-dewmien sinifikanti ffaċċat fit-twaqqif tal-JOPs.

Fil-biċċa l-kbira minnhom, il-proġetti ġew magħżula u implimentati b’mod effiċjenti u effettiv, iżda bi dgħufijiet fil-qafas ta’ monitoraġġ u rappurtar tar-riżultati

37 F’din it-taqsima, aħna nivvalutaw jekk:

  1. il-proċess tal-għażla fis-seħħ kienx trasparenti u mfassal biex jintgħażlu il-proġetti li jkunu l-aktar adatti f’termini tar-relevanza, id-dimensjoni transfruntiera u s-sostenibbiltà fit-tul tagħhom;
  2. il-Kummissjoni u l-awtoritajiet maniġerjali pprovdewx gwida għall-ġestjoni tal-programmi u l-implimentazzjoni tal-proġetti, inkluża gwida dwar salvagwardji biex jiġi mmitigat ir-riskju ta’ frodi;
  3. il-proġetti ENI CBC għamlux progress sodisfaċenti fl-implimentazzjoni u kisbux jew x’aktarx jiksbu r-riżultati intenzjonati tagħhom;
  4. il-programmi u l-proġetti ENI CBC użawx qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni sod.

Il-proċess tal-għażla fis-seħħ kien fil-biċċa l-kbira trasparenti u mfassal biex jintgħażlu l-proġetti ENI CBC li jkunu l-aktar adatti

Valutazzjoni tar-rilevanza, tad-dimensjoni transfruntiera, u tas-sostenibbiltà tal-proġetti

38 Is-sejħa għal proposti taħt it-tliet programmi inkludiet kriterji tal-għażla li kellhom l-għan li jiżguraw li l-applikazzjonijiet tal-proġetti magħżula kienu jindirizzaw l-isfidi identifikati fil-JOP, kienu relevanti għall-objettivi tal-programmi u għall-prijorità magħżula, kienu jippromwovu l-kooperazzjoni transfruntiera u kien se jkollhom impatt dejjiemi fuq l-iżvilupp tar-reġjuni tal-fruntieri. Il-piż ta’ dawn il-kriterji kien ivarja minn programm għal ieħor u bejn sejħiet individwali għal proposti. Madankollu, kienu suffiċjenti biex jimminimizzaw ir-riskju li proposta taqbeż is-soll minimu meħtieġ għall-għażla mingħajr ma tipprovdi deskrizzjoni tajba tar-relevanza u l-impatt transfruntier tagħha.

Klassifikazzjoni tal-proġetti

39 Kull proposta għal proġett li ġiet ippreżentata kellha tgħaddi minn kontroll tal-konformità amministrattiva u ta’ eliġibbiltà qabel ma tiġi aċċettata għall-fażi tal-evalwazzjoni. Fi tmiem kull sejħa, it-tliet programmi kklassifikaw il-proposti skont il-punteġġ li kisbu fil-proċess tal-evalwazzjoni. Il-proċessi tal-għażla għat-tliet programmi kienu trasparenti, għajr għal dokumentazzjoni insuffiċjenti tal-ġustifikazzjoni għall-għoti ta’ punteġġ ġdid lil xi proposti għal proġetti taħt il-programm SEFR (ara l-Kaxxa 1).

Kaxxa 1

Għoti ta’ punteġġ ġdid b’mod mhux trasparenti lil ċerti proġetti SEFR

Il-JMC tal-programm SEFR ħatar kumitat konġunt tal-għażla li jikkonsisti minn rappreżentanti tal-gvern fil-livell ċentrali u dak reġjonali. Dan il-kumitat għandu s-setgħa li jaġġusta l-punteġġi ta’ evalwazzjoni ta’ proposti individwali għal proġetti, li jiġu assenjati minn assessuri indipendenti.

Madankollu, meta l-kumitat evalwa mill-ġdid u ta punteġġ ġdid lil proposti għal proġetti fil-laqgħat tiegħu, huwa għamel dan mingħajr ma ddokumenta b’mod adegwat ir-raġunijiet għall-bdil tal-punteġġi, u għalhekk mingħajr it-trasparenza meħtieġa. Din il-kwistjoni tqajmet ukoll mill-awtorità tal-awditjar inkarigata mill-programm, li qieset li d-dokumentazzjoni tal-minuti tal-laqgħat tal-kumitat konġunt tal-għażla għall-ewwel erba’ ċikli tas-sejħa għal proposti hija inadegwata. Għall-aħħar żewġ ċikli tas-sejħa, id-dokumentazzjoni tjiebet, anke b’riżultat tar-rakkomandazzjonijiet tal-awtorità tal-awditjar.

L-għoti ta’ punteġġ ġdid kellu impatt dirett u sostanzjali fuq id-deċiżjonijiet ta’ finanzjament. Fit-tielet ċiklu, pereżempju, proġett wieħed ingħata punteġġ ġdid, minn 166.33 punt għal 133. Għaldaqstant, filli kien wieħed mill-aqwa proġetti u filli spiċċa ma kkwalifika għall-ebda finanzjament.

Bilanċ ġeografiku tal-benefiċjarji tal-proġetti

40 Is-sejħiet għal proposti kienu jirrikjedu li kull proġett, sabiex ikun eliġibbli, ikun magħmul minn tal-inqas benefiċjarju wieħed mill-UE u tal-inqas wieħed mill-pajjiż tal-viċinat mhux tal-UE. Il-Figura 8 turi li t-tliet programmi rnexxielhom jiksbu distribuzzjoni ugwali tal-parteċipanti fil-proġetti minn pajjiżi tal-UE u dawk mhux tal-UE, meta nqisu t-tipi kollha ta’ benefiċjarji (ewlenin jew ta’ tip ieħor) u l-kategoriji kollha tal-proġetti (dawk magħżula permezz ta’ sejħiet għal proposti u dawk magħżula permezz ta’ għotja diretta).

Figura 8 – Benefiċjarji tal-proġetti ENI CBC (il-kategoriji kollha)

Nota: jekk l-istess organizzazzjoni kienet involuta f’diversi proġetti, aħna għoddejnieha kull darba. It-tabella tinkludi kemm LIPs kif ukoll proġetti magħżula permezz ta’ sejħiet għal proposti.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data mill-awtorità maniġerjali u rekords fil-bażi ta’ data Keep.eu (aċċessata fil-5.4.2022).

41 It-tliet programmi kisbu wkoll qsim ibbilanċjat tal-baġit. Il-programm MED kien jirrikjedi espliċitament li kull proġett jiddedika mill-inqas 50 % tal-ispejjeż diretti tiegħu lill-attivitajiet implimentati fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran. B’riżultat ta’ dan, madwar 48 % tal-baġit tal-programm ġie allokat lil pajjiżi tal-UE u 52 % lil pajjiżi msieħba tal-Mediterran. Iż-żewġ programmi l-oħra rnexxielhom ukoll jallokaw il-baġits tagħhom fost il-pajjiżi msieħba fi proporzjon ibbilanċjat28.

42 Madankollu, il-benefiċjarji ewlenin minn pajjiżi tal-UE baqgħu prevalenti fuq dawk minn pajjiżi msieħba. Il-Figura 9 turi li madwar terz biss tal-benefiċjarji ewlenin oriġinaw minn pajjiżi mhux tal-UE. Taħt il-programm MED, l-għadd ta’ benefiċċjarji ewlenin varja ħafna wkoll minn pajjiż parteċipanti għal ieħor: filwaqt li 60 benefiċjarju ewlieni oriġinaw mill-Italja, Spanja, u l-Ġreċja biss, l-10 pajjiżi li jifdal kellhom bejn 0 u 5 benefiċjari ewlenin kull wieħed.

Figura 9 – Benefiċjarji ewlenin ta’ proġetti ENI CBC

Nota: din it-tabella tinkludi biss proġetti magħżula permezz ta’ sejħiet għal proposti.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data mill-awtorità maniġerjali u rekords fil-bażi ta’ data Keep.eu (aċċessata fil-5.4.2022).

43 Il-proporzjon baxx ta’ benefiċjarji ewlenin minn pajjiżi mhux tal-UE kien bejn wieħed u ieħor l-istess fil-programmi ENPI tal-perjodu 2007-2013. Kien biss fil-każ tal-programm MED li dan il-proporzjon żdied minn madwar 6 % għal 16 %. L-awtoritajiet maniġerjali għat-tliet programmi ressqu raġunijiet simili biex jispjegaw is-sottorappreżentazzjoni tagħhom: il-benefiċjarji mill-pajjiżi mhux tal-UE spiss ma jkollhomx esperjenza bi proġetti tal-UE, iħossuhom inqas komdi japplikaw għal appoġġ, jiffaċċaw piż amministrattiv (inklużi diffikultajiet fit-trasferiment ta’ fondi barra mill-pajjiż) jew ma jkollhomx il-ħiliet lingwistiċi meħtieġa.

Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet maniġerjali pprovdew gwida utli dwar l-implimentazzjoni tal-proġetti u dwar il-mitigazzjoni tar-riskju ta’ frodi

Parteċipazzjoni fil-JMCs u l-gwida pprovduta

44 Il-JMCs huma responsabbli mill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-programmi u mill-progress lejn l-objettivi tal-programmi (ara l-paragrafu 04). Il-Kummissjoni pparteċipat, bħala osservatur, fil-biċċa l-kbira mil-laqgħat tal-JMC organizzati mill-programmi SEFR u MED. Matul l-intervisti li wettaqna, iż-żewġ awtoritajiet maniġerjali laqgħu l-appoġġ u l-parteċipazzjoni attiva tagħha. Madankollu, fil-każ tal-programm PL-BY-UA, il-Kummissjoni pparteċipat f’waħda biss mill-ħames laqgħat tal-JMC bejn l-2016 u l-2020. Uffiċjal tat-TESIM ipparteċipa fil-laqgħat kollha tal-JMC għat-tliet programmi, bħala osservatur.

45 Abbażi tal-intervisti li wettaqna, l-awtoritajiet maniġerjali, il-JTSs u l-fergħat kienu sodisfatti bil-gwida u l-assistenza li rċevew mingħand il-Kummissjoni, li ġew ipprovduti malajr ħafna meta kienu meħtieġa. Bl-istess mod, laqgħu l-appoġġ tekniku mfassal apposta li ngħata mingħand it-TESIM. Dan tal-aħħar kien ipprovda wkoll taħriġ utli, inkluż dwar il-ġestjoni ta’ programmi/proġetti, u ħejja skedi informattivi għall-benefiċjarji, bħal dwar l-akkwist pubbliku jew l-għajnuna mill-Istat. Fl-aħħar nett, il-benefiċjarji kollha tal-proġetti li intervistajna pprovdew kummenti pożittivi ferm dwar l-interazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet maniġerjali, il-JTSs u l-fergħat.

Salvagwardji għall-mitigazzjoni tar-riskju ta’ frodi

46 L-awtoritajiet maniġerjali għat-tliet programmi qiesu li rċevew biżżejjed gwida dwar il-mitigazzjoni tar-riskju ta’ frodi. B’mod partikolari, it-TESIM żviluppa gwida dwar il-ġestjoni tar-riskju għall-korpi inkarigati mill-programmi u għall-awtoritajiet nazzjonali, inkluż dwar ir-riskji ta’ frodi u l-korruzzjoni29. F’konformità ma’ din il-gwida, it-tliet programmi vvalutaw ir-riskji fil-livell tal-proġett bħala parti mill-kontrolli ta’ eliġibbiltà u amministrattivi fuq il-proposti għal proġetti u wettqu valutazzjonijiet tar-riskju regolari fir-rigward ta’ proġetti li għadhom għaddejjin. Għall-programmi awditjati tal-perjodu 2014-2020, it-tliet awtoritajiet maniġerjali kkonfermaw li, fiż-żmien meta wettaqna l-awditu, ma kienu rrappurtaw l-ebda proġett bħala każ suspettat ta’ frodi.

47 In-nota ta’ gwida tal-Kummissjoni għall-programmi ENI CBC ħeġġet lill-awtoritajiet maniġerjali biex jużaw għodda tal-IT iddedikata magħrufa bħala “Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet”30 biex jirrappurtaw l-irregolaritajiet. Madankollu, il-korpi ta’ kontra l-frodi minn għadd limitat biss ta’ pajjiżi mhux tal-UE (eż. l-Iżvizzera u l-pajjiżi ta’ qabel l-adeżjoni) għandhom aċċess għal din is-sistema.

48 Il-ftehimiet ta’ finanzjament iffirmati ma’ pajjiżi msieħba inkludew dispożizzjonijiet għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet, frodi u korruzzjoni. B’mod partikolari, huma kien fihom klawżoli li jiffaċilitaw l-irkupru ta’ fondi li ntefqu b’mod mhux dovut minn benefiċjarji stabbiliti f’pajjiżi msieħba. Madankollu, dawn il-klawżoli jeskludu lil entitajiet privati. Barra minn dan, il-ftehimiet ta’ finanzjament ma’ żewġ pajjiżi msieħba tal-Mediterran kienu jeskludu wkoll ċerti entitajiet iffinanzjati pubblikament, bħal muniċipalitajiet u intrapriżi pubbliċi, mid-definizzjoni ta’ “entitajiet pubbliċi”. Għaldaqstant, tali dispożizzjonijiet ifissru li dawn iż-żewġ pajjiżi huma responsabbli biss li jħallsu lura l-fondi li ntefqu b’mod mhux dovut minn korpi tal-gvern ċentrali, li rari jipparteċipaw fi proġetti CBC.

49 L-awtoritajiet maniġerjali għat-tliet programmi li eżaminajna implimentaw salvagwardji biex inaqqsu l-għadd ta’ rkupri li ma jkunux ta’ suċċess, b’mod partikolari b’rabta ma’ benefiċjarji privati f’pajjiżi mhux tal-UE (bħal garanziji bankarji, sehem massimu limitat ta’ finanzjament ta’ proġett, jew pagamenti frazzjonati). Barra minn dan, is-siti web tagħhom jinkludu jew jagħmlu referenza diretta għal għodda online għall-iżvelar ta’ informazzjoni protetta. L-esperjenza mis-sett preċedenti ta’ programmi (2007-2013) tissuġġerixxi li l-ammonti li ma jistgħux jiġu rkuprati mingħand il-benefiċjarji għandhom it-tendenza li jkunu pjuttost baxxi. Sa Ottubru 2021, l-“irkupri kontenzjużi” kienu jlaħħqu l-EUR 5.9 miljun31. Dan huwa madwar 0.6 % tal-allokazzjoni kumplessiva tal-UE ta’ EUR 947 miljun għall-programmi tal-perjodu 2007-2013. L-ammont totali rrinunzjat għal benefiċjarji privati f’pajjiżi msieħba kien saħansitra aktar baxx: EUR 210 891, jew 0.02 % tal-allokazzjoni totali tal-UE32.

Il-proġetti awditjati kienu fit-triq it-tajba biex jiksbu l-outputs intenzjonati tagħhom iżda xi wħud kellhom impatt transfruntier

Implimentazzjoni tal-proġetti

50 Il-bidu tal-implimentazzjoni tal-programmi ENI CBC tal-perjodu 2014-2020 kien iddewwem b’mod sinifikanti (ara l-paragrafu 33). Il-Figura 10 turi l-progress tat-tliet programmi sa tmiem l-2021:

Figura 10 – Il-progress tal-programmi fil-31 ta’ Diċembru 2021

Nota: il-programm PL-BY-UA kien għadu qed jikkuntratta proġetti ġodda matul l-2022.

Sors: il-QEA, ibbażat fuq id-data tal-programmi.

51 B’mod ġenerali, il-pandemija tal-COVID-19 kienet tirrikjedi li l-proġetti jagħmlu xi aġġustamenti mill-ġdid (fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, it-trasfriment online tal-attivitajiet u l-estensjoni tal-iskedi). It-tliet awtoritajiet maniġerjali wrew flessibbiltà f’dak li għandu x’jaqsam mal-indirizzar ta’ dewmien u diffikultajiet oħra fl-implimentazzjoni. L-awtoritajiet maniġerjali għall-programmi SEFR u MED stħarrġu b’mod proattiv il-proġetti kollha fil-bidu tal-pandemija biex jidentifikaw problemi potenzjali u jaqblu dwar miżuri ta’ mitigazzjoni. Kien biss fil-każ tal-programm PL-BY-UA li l-konsegwenzi tal-pandemija wasslu għall-kanċellazzjoni ta’ proġett: il-benefiċjarji ta’ sitt proġetti semmew il-pandemija tal-COVID-19 bħala waħda mir-raġunijiet għall-kanċellazzjoni tagħhom. Madankollu, dan il-programm irnexxielu wkoll jirrialloka tfaddil ta’ EUR 3 miljun lil 12-il proġett CBC relatati mal-kura tas-saħħa biex jgħin fil-ġlieda kontra l-pandemija (l-ebda wieħed minn dawn ma ġie inkluż fil-kampjun tagħna). Bl-istess mod, erbgħa mill-proġetti tal-programm MED adattaw l-attivitajiet tagħhom biex jgħinu fil-ġlieda kontra l-pandemija, inkluż “Aquacycle” (proġett fil-kampjun tagħna) li adatta l-monitoraġġ tal-ilma mormi biex jinkludi d-detezzjoni tal-virus COVID-19.

52 B’risposta għall-pandemija, il-Kummissjoni emendat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni33, u tat lill-programmi ENI CBC kollha flessibbiltà baġitarja akbar u estendiet id-data ta’ skadenza għall-ikkompletar tal-attivitajiet b’sena, sal-31 ta’ Diċembru 2023.

53 Minbarra l-pandemija tal-COVID-19, ċerti proġetti ġew affettwati minn sitwazzjonijiet ekonomiċi diffiċli fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran (eż. il-kriżi finanzjarja severa fil-Libanu). Għal dawn il-proġetti, l-awtorità maniġerjali u l-JTS (f’konsultazzjoni mat-TESIM) ipprovdew assistenza biex jingħelbu d-diffikultajiet finanzjarji, bħal meta jirċievu pagamenti minn barra l-pajjiż.

54 L-Anness III jipprovdi deskrizzjoni tal-15-il proġett li eżaminajna fid-dettall. L-Anness IV jinkludi stampa ġenerali tar-riżultati tad-diversi aspetti vvalutati.

55 Mill-15-il proġett, 6 kienu ġew implimentati kif ippjanat, f’termini ta’ ambitu, baġit u skeda ta’ żmien. Ħames proġetti oħra kienu ffaċċaw problemi żgħar u kienu jirrikjedu xi aġġustamenti mill-ġdid, prinċipalment minħabba l-pandemija tal-COVID-19. L-erba’ proġetti li jifdal ma kinux ġew implimentati b’mod sodisfaċenti u kienu ġarrbu dewmien sostanzjali.

Outputs, eżiti u impatt transfruntier tal-proġetti

56 Abbażi tal-informazzjoni disponibbli fiż-żmien meta wettaqna l-awditu, aħna nqisu li 7 mill-15-il proġett awditjat kisbu jew x’aktarx jiksbu l-outputs u l-eżiti intenzjonati tagħhom. Tliet proġetti ffaċċaw diffikultajiet, iżda rkupraw u l-benefiċjarji ewlenin u l-imsieħba tagħhom huma impenjati li jwasslu l-outputs ippjanati. Proġett wieħed wassal l-output prinċipali tiegħu, iżda l-eżitu transfruntier prinċipali tiegħu għadu ma nkisibx (ara l-paragrafu 59). Għall-erba’ proġetti li jifdal, ma stajniex nikkonfermaw jekk kinux kisbu r-riżultati intenzjonati tagħhom jew jekk x’aktarx humiex se jagħmlu dan. Dan kien minħabba n-nuqqas ta’ rapporti finali (żewġ proġetti), restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar b’rabta mal-COVID-19 (proġett wieħed) u, f’każ wieħed, dgħufijiet fir-rappurtar tal-proġetti.

57 Għall-iskopijiet ta’ dan l-awditu, użajna d-definizzjoni li ġejja biex nivvalutaw l-“impatt transfruntier” tal-proġetti awditjati: l-implimentazzjoni konġunta tal-attivitajiet mill-imsieħba li tirriżulta fl-intensifikazzjoni ta’ rabtiet transfruntieri u sħubijiet transfruntieri sostenibbli u/jew fit-tneħħija tal-ostakli transfruntieri għall-iżvilupp soċjoekonomiku sostenibbli34. Mill-15-il proġett, 9 kellhom dimensjoni transfruntiera qawwija (jew potenzjal biex iwasslu għal benefiċċji transfruntieri, fil-każ ta’ proġetti li kienu għadhom għaddejjin). Imsieħba miż-żewġ naħat tal-fruntiera kienu involuti b’mod attiv fl-implimentazzjoni tal-proġetti (għalkemm xi drabi fi gradi li jvarjaw, skont l-irwol tagħhom). Bl-istess mod, x’aktarx ir-reġjuni fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera kienu se jibbenefikaw, mill-inqas sa ċertu punt, mir-riżultati ta’ kull wieħed mill-proġetti. Madankollu, il-valutazzjoni li wettaqna saret qabel l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. Bħala parti minn rispons usa’, il-Kummissjoni ssospendiet il-ftehimiet ta’ finanzjament għall-programmi mar-Russja u mal-Belarussja, u għalhekk intilfet kwalunkwe dimensjoni transfruntiera ta’ proġetti li jinvolvu dawn il-pajjiżi. Ir-riperkussjonijiet tal-kunflitt qajmu wkoll inċertezzi rigward il-benefiċċji transfruntiera dejjiema ta’ ċerti proġetti ffinanzjati taħt programmi li jinvolvu l-Ukrajna u l-Moldova.

58 Fil-każ ta’ ħames proġetti oħra, sibna li l-impatt transfruntier kien aktar dgħajjef (għal xi wħud minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar b’rabta mal-COVID-19). Pereżempju, fil-każ tal-proġett għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Tuberkulożi, it-tagħmir djanjostiku li nxtara mis-sieħeb tal-proġett Pollakk kien diġà qiegħed jintuża għad-djanjożi ta’ mard tal-pulmun, inklużi patoloġiji relatati mal-COVID-19. Madankollu, matul iż-żjara tagħna f’Ottubru 2021 (qabel l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja), l-isptar Rzeszow spjega li reċentement l-ebda pazjent Ukren ma kien irċieva trattament hemmhekk. Mill-istatistika dwar l-użu tat-tagħmir, mhuwiex ċar sa liema punt it-tagħmir serva biex issir djanjożi u jitwaqqaf it-tifrix tat-tuberkulożi – l-objettiv transfruntier prinċipali tal-proġett. Minbarra dan, il-kooperazzjoni bejn l-isptarijiet f’Rzeszow u f’Nyzhnya Apsha kienet limitata strettament għall-implimentazzjoni u r-riżultati tanġibbli tal-proġett, mingħajr l-ebda prospett ta’ kooperazzjoni kontinwa. Dan imur kontra l-kunċett ta’ sħubijiet transfruntieri sostenibbli espress fid-definizzjoni ta’ “impatt transfruntier” (aħna nivvalutaw il-prospetti tal-proġetti biex iwasslu riżultati sostenibbli fil-paragrafi 69-71).

59 Fl-aħħar nett, proġett wieħed fil-kampjun tagħna sa issa għad ma għandu l-ebda dimensjoni transfruntiera: it-triq reġjonali 885 li twassal għall-fruntiera Pollakka mal-Ukrajna (ara l-Kaxxa 2).

Kaxxa 2

Triq rinnovata li tispiċċa eżattament mal-fruntiera nazzjonali

Ir-rinnovazzjoni tat-triq 885, li reġgħet infetħet għat-traffiku fil-bidu tal-2021, kellha l-għan li tagħmel ir-reġjuni tal-fruntiera bejn il-Polonja u l-Ukrajna aktar aċċessibbli u żżid it-traffiku internazzjonali. Il-kisba tal-impatt transfruntier intenzjonat kienet kundizzjonali fuq il-ftuħ ta’ punt ta’ qsim tal-fruntiera f’Malhowice u r-rinnovazzjoni taż-żewġ toroq ta’ konnessjoni Ukreni.

Madankollu, ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni għall-punt ta’ qsim tal-fruntiera, li suppost kellhom jiġu kkompletati fl-2020, ma għaddewx mill-kontrolli ta’ eliġibbiltà għal finanzjament mill-programm, u bdew biss fl-2021, bl-ikkompletar skedat għall-2025. Bl-istess mod, ir-rinnovazzjoni tat-toroq Ukreni, ippjanata wkoll għall-2020, bdiet biss fl-2021. Minħabba r-riperkussjonijiet tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, il-punt ta’ qsim tal-fruntiera u r-rotot ta’ konnessjoni x’aktarx mhumiex se jiġu kkompletati fil-futur qarib.

Sakemm jinfetaħ il-punt ta’ qsim tal-fruntiera l-ġdid, it-triq rinnovata tista’ taqdi biss lill-abitanti tal-villaġġ Pollakk ta’ Malhowice, bħala waħda miż-żewġ toroq li jgħaqqdu l-villaġġ mal-belt ta’ Przemyśl li tinsab fil-viċin. Il-popolazzjoni ta’ Malhowice hija ta’ madwar 200 persuna biss, filwaqt li l-mira għat-triq rinnovata hija ta’ 4 000 vettura kuljum.

Sors: il-QEA.

Informazzjoni limitata dwar ir-riżultati kumplessivi miksuba fil-livell tal-programmi u dwar is-sostenibbiltà tagħhom, minkejja monitoraġġ adegwat tal-proġetti mill-awtoritajiet maniġerjali

Indikaturi

60 Id-dokument ta’ programmazzjoni tal-programmi tal-perjodu 2014-202035 jipprevedi l-użu ta’ indikaturi komuni tal-output (COIs) biex jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmi. Huwa ppjana wkoll l-aggregazzjoni tal-indikaturi tul il-katina kollha kemm hi, mill-proġett sal-prijorità tal-programm, l-objettiv tematiku, is-CBC fl-intier tagħha u, fl-aħħar nett, sal-livell tal-ENI. Id-dokument kien jirrikjedi li l-programmi jadottaw “mill-inqas xi wħud” mit-38 COI li ġew żviluppati minn Interact ENPI, il-preċedessur tat-TESIM. Madankollu, il-programmi ddefinew fil-biċċa l-kbira l-indikaturi tal-output speċifiċi tagħhom, u użaw biss ftit mis-COIs (ara l-Figura 11).

Figura 11 – Użu baxx tal-indikaturi komuni tal-output

Sors: analiżi mill-QEA tal-JOPs approvati.

61 L-awtoritajiet maniġerjali għat-tliet programmi spjegaw l-użu baxx tas-COIs bil-fatt li l-attivitajiet tal-programmi għandhom ambitu ħafna usa’ mit-38 COI predefinit. Madankollu, billi l-biċċa l-kbira mill-outputs tal-programmi mhumiex koperti mis-COIs, il-Kummissjoni se tiffaċċa diffikultajiet biex taggrega l-outputs u biex tivvaluta r-riżultati tal-programmi ENI CBC fil-livell kumplessiv tal-politika.

62 Minbarra s-COIs, Interact ENPI ħejja wkoll gwida għall-programmi dwar l-iżvilupp ta’ indikaturi tar-riżultati (indikaturi tal-eżitu)36. Madankollu, il-programmi ma kinux obbligati li jużaw din il-gwida. Fl-2016, grupp ta’ ħidma dwar il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni organizzat mit-TESIM osserva li l-15-il programm ENI CBC kellhom varjetà wiesgħa ta’ indikaturi tar-riżultati (b’kollox 129), bi ftit ħafna possibiltajiet għal aggregazzjoni fil-livell ta’ strument [ENI]37.

63 Aħna osservajna dgħufijiet simili bl-indikaturi ddefiniti fil-livell tal-proġett. B’mod partikolari, taħt il-programm SEFR, dawn kienu prinċipalment speċifiċi għal kull proġett individwali, li jagħmilha impossibbli li jiġu aggregati għall-programm fl-intier tiegħu. Min-naħa tiegħu, il-programm MED uża sistema ta’ kategorizzazzjoni b’kodiċijiet biex jiżgura li l-indikaturi speċifiċi għal proġett kienu marbutin mal-indikaturi tal-output iddefiniti għall-programm. Madankollu, tliet proġetti fil-kampjun tagħna użaw l-istess kodiċi biex ikejlu outputs differenti. Għalhekk, meta jinġabru fil-qosor fil-livell tal-programm, dawn l-indikaturi se jkun fihom ħafna elementi differenti u mhux se jipprovdu stampa ċara. Kien biss il-programm PL-BY-UA li għamilha obbligatorja li l-proġetti jagħżlu indikaturi minn lista predefinita biss. Dan ir-rekwiżit jagħmilha aktar faċli li jiġu aggregati l-indikaturi u li jitkejjel il-progress kumplessiv għal dan il-programm partikolari.

Monitoraġġ tal-proġetti

64 F’konformità mal-prinċipju ta’ “ġestjoni kondiviża”, il-Kummissjoni ma timmonitorjax il-proġetti direttament u tiddependi fuq l-awtoritajiet maniġerjali għal dan l-iskop (filwaqt li fl-aħħar mill-aħħar tibqa’ responsabbli mill-ġestjoni tal-fondi tal-UE). F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tirċievi informazzjoni essenzjali dwar il-progress tal-programmi waqt il-laqgħat tal-JMC, jekk tipparteċipa (ara l-paragrafu 44), u, darba fis-sena biss, mill-awtoritajiet maniġerjali meta jippreżentaw ir-rapporti annwali tagħhom. Madankollu, dawn ir-rapporti ma fihomx informazzjoni speċifika għal proġett, għajr fil-każ tal-LIPs.

65 L-awtoritajiet maniġerjali tat-tliet programmi li eżaminajna, assistiti mill-JTSs u l-fergħat tagħhom, żviluppaw proċess ta’ monitoraġġ li jippermetti monitoraġġ komprensiv tal-proġetti. Dan jinkludi monitoraġġ ta’ kuljum (komunikazzjoni regolari bejn il-JTS u l-benefiċċjarji), attendenza għal-laqgħat ta’ tnedija (taħt il-programmi SEFR u MED), valutazzjonijiet perjodiċi tar-riskju tal-proġett, analiżi tar-rapporti dwar il-progress finanzjarju u narrattiv ippreżentati mill-benefiċjarji ewlenin, kontrolli fuq il-post, u żjarat ta’ monitoraġġ lill-proġetti magħżula abbażi tal-valutazzjonijiet tar-riskju.

66 Il-15-il proġett kollha fil-kampjun tagħna ppreżentaw id-dokumentazzjoni meħtieġa biex juru l-progress tagħhom u aħna nqisu li 14 kienu ġew immonitorjati b’mod adegwat. Fejn xieraq, disgħa minn dawn il-proġetti kienu ġew suġġetti għal żjarat fuq il-post (jew tali żjarat kienu ppjanati fl-ewwel nofs tal-2022). Ikklassifikajna l-monitoraġġ ta’ LIP885 (deskritt fil-Kaxxa 2) bħala parzjalment sodisfaċenti biss, billi ma rċieva l-ebda żjara fuq il-post minkejja li kien l-akbar proġett iffinanzjat taħt il-programm PL-BY-UA. Tali żjara setgħet identifikat in-nuqqas ta’ punt ta’ qsim tal-fruntiera fi stadju aktar bikri fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġett.

Monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati

67 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni jirrikjedi li “minbarra l-monitoraġġ ta’ kuljum”, l-awtoritajiet maniġerjali jwettqu “monitoraġġ tal-programm u tal-proġetti li jkunu orjentati lejn ir-riżultati”38. It-TESIM ħejja gwida dwar il-monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati (MOR) li enfasizzat l-importanza li l-prestazzjoni tal-proġetti tiġi vvalutata f’termini ta’ rilevanza, effiċjenza, effettività u sostenibbiltà39. Madankollu, l-approċċi tal-awtoritajiet maniġerjali għall-MOR kienu jvarjaw. Il-programm SEFR ippreveda MOR għall-proġetti kollha b’baġit ta’ aktar minn EUR 1 000 000 jew li ġew ivvalutati bħala ta’ riskju għoli, u 10 proġetti kien sarilhom MOR sa tmiem l-2021. Taħt il-programm MED, l-ewwel żjarat relatati mal-MOR li qatt saru lil proġetti seħħew fil-bidu tal-2022. B’kuntrast ma’ dan, l-ebda MOR ta’ proġetti ma seħħ taħt il-programm PL-BY-UA, u ma hemm l-ebda wieħed ippjanat.

68 Ir-Regolament Interreg il-ġdid għall-perjodu ta’ finanzjament 2021-2027 ma għadux jirrikjedi MOR ta’ programmi jew proġetti. Il-programmi se jkunu suġġetti għall-istess qafas ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni bħal dawk taħt il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej40. Il-qafas legali jintroduċi evalwazzjonijiet obbligatorji tal-programmi mill-Istati Membri41. Madankollu, għall-proġetti, il-qafas ġdid ma jipprevedi l-ebda mekkaniżmu simili għall-MOR għal valutazzjoni indipendenti tal-prestazzjoni ta’ proġett f’termini ta’ rilevanza, effiċjenza, effettività u sostenibbiltà.

Sostenibbiltà tar-riżultati

69 It-tliet programmi kollha vvalutaw il-proposti għal proġetti għas-sostenibbiltà matul il-fażi tal-għażla (ara l-paragrafu 38) u kienu jirrikjedu li fir-rapporti finali l-proġetti jirrappurtaw dwar is-sostenibbiltà. L-awtorità maniġerjali għall-programm SEFR timmonitorja s-sostenibbiltà tal-proġetti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom fl-istadji kollha: matul il-fażi tal-għażla, bħala parti mill-kriterji tal-għażla; matul il-fażi tal-implimentazzjoni, bħala parti mill-valutazzjoni tar-riskju tal-proġett; u matul il-fażi tar-rappurtar, fir-rapporti finali tal-proġetti. Tali attenzjoni għas-sostenibbiltà matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġett iżżid il-probabbiltà ta’ benefiċċji dejjiema u aħna qisnieha bħala prattika tajba.

70 Il-valutazzjoni li wettaqna tas-sostenibbiltà, li hija miġbura fil-qosor fl-Anness IV, iffukat fuq il-prospetti tal-proġetti biex iwasslu għal riżultati sostenibbli. Dan kien minħabba li ċerti proġetti kienu għadhom għaddejjin fiż-żmien meta għamilna ż-żjarat tagħna (ara l-paragrafu 56). Abbażi tad-dokumenti disponibbli u tal-intervisti li wettaqna mal-imsieħba tal-proġetti, inqisu li 11 mill-15-il proġett li eżaminajna kellhom ċans tajjeb li jwasslu benefiċċji sostenibbli. Għal tliet proġetti, is-sostenibbiltà tiddependi fuq fatturi esterni (eż. l-evoluzzjoni tal-pandemija tal-COVID-19, l-adozzjoni ta’ bidliet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali). Fl-aħħar nett, fil-każ tal-proġett għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Tuberkulożi, ma kien hemm l-ebda prospett ta’ kooperazzjoni kontinwa bejn l-imsieħba (ara l-paragrafu 58). Il-valutazzjoni li wettaqna saret qabel l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, li tefgħet dubju serju fuq is-sostenibbiltà tar-riżultati tal-proġetti li jinvolvu lill-Belarussja, ir-Russja jew l-Ukrajna.

71 Rekwiżiti legali speċifiċi dwar is-sostenibbiltà japplikaw għal proġetti li fihom komponent infrastrutturali: iridu jkomplu jissodisfaw l-objettivi oriġinali tagħhom għal ħames snin wara l-għeluq (jiġifieri, wara li jirċievu l-pagament finali mill-awtorità maniġerjali)42 Madankollu, għal tipi oħra ta’ proġetti, il-Kummissjoni ma stabbilietx rekwiżit simili biex tintwera s-sostenibbiltà tal-benefiċċji transfruntiera tagħhom jew tas-sħubijiet maħluqa. Barra minn hekk, il-programmi tal-perjodu 2014-2020 ma jirrikjedux li l-proġetti jirrappurtaw dwar is-sostenibbiltà tar-riżultati tagħhom wara l-għeluq tal-proġett. Il-JTS Pollakk qed jippjana li jivvaluta ċerti aspetti tas-sostenibbiltà għal kampjun (mill-inqas 10 %) tal-proġetti magħluqa. Matul l-intervista li wettaqna, l-awtorità maniġerjali għall-programm MED spjegat li kienet qed tqies li tintroduċi rekwiżit għall-proġetti biex jippreżentaw “rapporti dwar is-sostenibbiltà” (eż. sena jew sentejn wara l-għeluq tal-programm).

Il-programmi NEXT jibbaaw fuq it-tagħlimiet meħuda iżda jiffaċċaw riskji addizzjonali u l-impatt sinifikanti ta’ sfidi politiċi

72 F’din it-taqsima, aħna nanalizzaw jekk:

  1. il-Kummissjoni ħaditx inkunsiderazzjoni t-tagħlimiet meħuda mill-programmi CBC li ġew implimentati fil-perjodi 2007-2013 u 2014-2020 meta pproponiet il-qafas leġiżlattiv għall-perjodu 2021-2027; u jekk dawn il-bidliet jiffaċilitawx it-twaqqif f’waqtu tal-programmi Interreg NEXT;
  2. il-programmi ENI CBC jistgħux iservu bħala miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja, minbarra li jipprovdu l-outputs intenzjonati tagħhom.

Il-bidliet jirriflettu t-tagħlimiet meħuda, iżda ċerti miżuri ta’ simplifikazzjoni jirriżultaw fi tnaqqis fis-superviżjoni mill-Kummissjoni

Tagħlimiet meħuda

73 Il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni ex post tal-programmi CBC tal-perjodu 2007-2013, u użat ir-riżultati fil-proposta tagħha għar-Regolament Interreg il-ġdid, li ġie ppreżentat f’Mejju 201843. Madankollu, id-dewmien twil fl-istabbiliment tal-programmi ENI CBC (ara l-paragrafu 33) kien ifisser li ma kienx hemm rieżami ta’ nofs it-terminu tal-programmi tal-perjodu 2014-2020, eżerċizzju MOR tal-programmi ENI CBC individwali, analiżi ta’ sfond għall-programmi l-ġodda tal-perjodu 2021-202744, kif ukoll dokument konġunt dwar programmazzjoni strateġika45 li kienu lkoll disponibbli fil-ħin biex jinfurmaw il-proposta tal-Kummissjoni.

74 Ir-Regolament Interreg, adottat f’Ġunju 2021, fih għadd kbir ta’ bidliet regolatorji li jirriflettu t-tagħlimiet meħuda u li huma relevanti għall-programmi Interreg NEXT, is-suċċessuri tas-sett attwali ta’ programmi CBC46. Dawn il-miżuri jissimplifikaw il-ġestjoni tal-programmi Interreg NEXT u għandhom il-potenzjal li jaċċelleraw l-istabbiliment tal-programmi (ara l-paragrafi 82-84). Madankollu, dawn il-bidliet iġibu magħhom riskji addizzjonali li jenfasizzaw l-importanza ta’ monitoraġġ mill-qrib mill-Kummissjoni u mis-SEAE (ara l-paragrafi 76-84). Il-bidliet l-aktar importanti jikkonċernaw:

  1. l-allinjament tal-programmi ENI CBC mal-programmi Interreg;
  2. l-abolizzjoni tal-proċedura tal-ħatra għall-awtoritajiet maniġerjali;
  3. id-data ta’ skadenza għall-iffirmar tal-ftehimiet ta’ finanzjament;
  4. ir-responsabbiltà għall-irkupri mill-benefiċjarji privati min-naħa tal-pajjiżi parteċipanti;
  5. il-proċedura ssimplifikata għal-LIPs;
  6. l-indikaturi komuni tal-output u tar-riżultati.

75 Barra minn hekk, biex jiġu indirizzati diffikultajiet iffaċċati minn proġetti transfruntieri u tiġi ffaċilitata l-konformità tagħhom mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni ddeċidiet li, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-għanjuna għall-ispejjeż imġarrba mill-benefiċjarji li jipparteċipaw fil-proġetti Interreg NEXT tkun titqies “kompatibbli mas-suq intern” u eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika ta’ għajnuna mill-Istat47. Dan se jiffaċilita t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġetti.

(a) Allinjament tal-ENI CBC mal-programmi Interreg

76 L-aktar bidla prominenti hija li r-Regolament Interreg48 jgħaqqad flimkien il-programmi Interreg kollha ffinanzjati mill-UE – dawk fi ħdan l-UE u dawk ma’ pajjiżi mhux tal-UE – taħt sett uniku ta’ regoli, filwaqt li jippreserva ċerti karatteristiċi speċifiċi tal-programmi Interreg NEXT. B’mod partikolari, dawn il-programmi kofinanzjati mill-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali se jkomplu jibbenefikaw minn rati ta’ prefinanzjament u ta’ kofinanzjament ogħla, simili għal dawk taħt l-ENI CBC. L-allinjament mar-regoli tal-Interreg għandu l-potenzjal li jissimplifika l-proċeduri u jsaħħaħ is-sinerġiji bejn programmi CBC interni u esterni. Il-Kummissjoni se tirċievi wkoll data dwar il-proġetti aktar ta’ spiss: L-awtoritajiet maniġerjali se jkollhom jirrappurtaw erba’ darbiet fis-sena dwar l-implimentazzjoni finanzjarja u darbetjn fis-sena dwar l-indikaturi tal-output u tar-riżultati miksuba49.

(b) Abolizzjoni tal-proċedura tal-ħatra għall-awtoritajiet maniġerjali

77 Ir-Regolament Interreg jabolixxi l-proċedura tal-ħatra għall-awtoritajiet maniġerjali, li għall-programmi tal-perjodu 2014-2020 ġiet ikkompletata biss fl-2018 jew l-2019 (ara wkoll il-paragrafu 33). Dan se jindirizza waħda mir-raġunijiet għad-dewmien biex tinbeda l-implimentazzjoni tal-programmi attwali. Madankollu, matul il-proċedura tal-ħatra għall-programm MED tal-perjodu 2014-2020, il-Kummissjoni skopriet “dgħufijiet sinifikanti” fis-sistema ta’ ġestjoni u kontroll​tal-programm. Għaldaqstant, l-abolizzjoni tal-proċedura fiha r-riskju li tali dgħufijiet sinifikanti ma jiġux identifikati fil-futur.

(c) Data ta’ skadenza għall-iffirmar tal-ftehimiet ta’ finanzjament

78 Għall-perjodu ta’ finanzjament li jmiss, ir-Regolament Interreg jistabbilixxi data ta’ skadenza għall-iffirmar tal-ftehim ta’ finanzjament minn mill-inqas pajjiż wieħed mhux tal-UE, l-istess bħar-Regolament ta’ Implimentazzjoni ENI CBC. Barra minn hekk, ir-regolament jistabbilixxi data ta’ skadenza ġdida għall-pajjiżi parteċipanti l-oħra kollha biex jiffirmaw50. Għalhekk, fil-kuntest tal-programmi tal-baċir tal-baħar il-ġodda (madwar il-Baħar Mediterran u l-Baħar l-Iswed), se jkun fl-interess tal-pajjiżi msieħba kollha li jiffirmaw ftehimiet ta’ finanzjament fil-ħin biex isiru eliġibbli.

(d) Responsabbiltà għall-irkupri mingħand benefiċjarji privati tal-pajjiżi msieħba

79 Id-dispożizzjonijiet relatati mal-irkupri mingħand benefiċjari stabbiliti f’pajjiżi mhux tal-UE (ara wkoll il-paragrafu 48) urew li huma punt kontenzjuż matul in-negozjati tal-ftehimiet ta’ finanzjament għall-programmi tal-perjodu 2014-2020. Għall-perjodu 2021-2027, ir-Regolament Interreg il-ġdid ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejn jekk il-benefiċjarji jkunux entitajiet privati jew pubbliċi51, li jfisser li pajjiżi mhux tal-UE se jkunu responsabbli wkoll mill-irkupri li ma jkunux ta’ suċċess magħmula minn benefiċjarji privati. Din id-dispożizzjoni tkompli ssaħħaħ il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE kontra ammonti irrekuperabbli. Madankollu, fl-istess ħin, il-pajjiżi msieħba jipperċepixxu dan bħala bidla partikolarment diffiċli52. Dan ifisser li d-diskussjonijiet dwar l-irkupri għandhom mnejn itawlu n-negozjati tal-ftehimiet ta’ finanzjament il-ġodda, jew iwasslu għal konsegwenzi avversi bħall-esklużjoni ta’ benefiċjarji privati minn ċerti programmi Interreg NEXT.

(e) Proċedura simplifikata għal proġetti ta’ infrastruttura kbar

80 Fil-perjodu 2014-2020, il-proġetti ta’ infrastruttura kbar (LIPs) kellhom jiġu inklużi fl-abbozz ta’ JOPs u kienu suġġetti għal approvazzjoni f’żewġ stadji mill-Kummissjoni. Għall-programmi Interreg NEXT, dan mhux se jibqa’ jkun il-każ. Minflok, se jkun meħtieġ li jintbagħtu lista ta’ LIPs ippjanati u noti kunċettwali qosra lill-Kummissjoni fi stadju aktar tard, għal informazzjoni biss53. Il-limitu fuq il-finanzjament għal-LIPs (huma setgħu jirrappreżentaw mhux aktar minn 30 % tal-kontibuzzjoni mill-UE għal programm fil-perjodu 2014-2020) tneħħa wkoll. Dan se jnaqqas is-superviżjoni tal-LIPs mill-Kummissjoni, anke jekk dawn il-proġetti jistgħu jkunu ta’ importanza strateġika fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi msieħba. Pereżempju, taħt il-programm tal-perjodu 2014-2020, wara konsultazzjoni bejn is-servizzi, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni negattiva dwar żewġ proposti LIP, minħabba “kwistjonijiet pendenti” mar-Russja fil-qasam tat-trasport. Wara diskussjonijiet mal-awtoritajiet Finlandiżi, il-Kummissjoni ssuġġeriet soluzzjoni alternattiva; madankollu, fl-aħħar mill-aħħar il-proġetti ma mmaterjalizzawx.

(f) Indikaturi komuni tal-output u tar-riżultati

81 Għall-perjodu ta’ finanzjament 2021-2027, il-Kummissjoni ressqet titjib importanti relatat mal-indikaturi tal-prestazzjoni (ara wkoll il-paragrafi 60-62). L-Artikolu 34 tar-Regolament Interreg jirreferi għall-indikaturi tal-output u tar-riżultati ddefiniti fir-Regolament dwar il-FEŻR54. Dan tal-aħħar fih sett komprensiv ta’ 96 indikatur komuni tal-output (li minnhom 13 huma intenzjonati speċifikament għall-programmi Interreg) u 65 indikatur komuni tar-riżultati (b’7 indikaturi tar-riżultati għal Interreg). Il-Kummissjoni ħejjiet gwida dettaljata għall-programmi biex tiżgura l-applikazzjoni korretta tal-indikaturi komuni55. Madankollu, l-Artikolu 34 ma jobbligax lill-programmi jużaw biss l-indikaturi komuni u jippermettilhom jiżviluppaw indikaturi speċifiċi għall-programm minbarra dawk iddefiniti fir-Regolament dwar il-FEŻR. Għalhekk, ma hemmx garanzija li, fil-futur, il-Kummissjoni se tkun tista’ taggrega faċilment ir-riżultati kollha miksuba mill-programmi Interreg NEXT.

Azzjonijiet biex jiġi ffaċilitat l-istabbiliment f’waqtu tal-programmi Interreg NEXT

82 Il-Kummissjoni bdiet diskussjonijiet dwar il-perjodu ta’ finanzjament il-ġdid sa minn Mejju-Ġunju 2018, meta ppreżentat sensiela ta’ proposti leġiżlattivi li jirregolaw l-istrumenti ta’ finanzjament tal-futur. Il-Kummissjoni u s-SEAE ppreżentaw linji gwida (dokument konġunt) dwar il-programmazzjoni tal-programmi Interreg NEXT lill-Istati Membri sa minn Jannar 202056. Madankollu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill damu sa Diċembru 2020 biex jaqblu dwar il-qafas finanzjarju kumplessiv, u sa Ġunju 2021 biex jadottaw ir-Regolament Interreg finali.

83 F’Jannar 2022, il-Kummissjoni ddeċidiet dwar l-allokazzjonijiet finanzjarji u ż-żoni ġeografiċi għal programmi Interreg NEXT individwali57. L-allokazzjoni kumplessiva żdiedet minn EUR 1 053 miljun58 għall-perjodu 2014-2020 għal EUR 1 125 miljun għall-perjodu 2021-2027 (żieda ta’ 6.9 %). Żewġ pajjiżi ġodda – l-Alġerija u t-Turkija – ingħaqdu mal-JPC fit-tħejjija tal-programm MED il-ġdid. Madankollu, f’Jannar 2022, il-Polonja ddeċidiet li ma tkomplix bil-format PL-BY-UA, iżda li minflok tħejji programm ġdid mal-Ukrajna biss, filwaqt li tħalli miftuħa l-possibbiltà għall-Belarussja biex tissieħeb jekk is-sitwazzjoni tinbidel b’mod konsiderevoli fil-futur59. F’Awwissu 2022, il-Kummissjoni adottat id-dokument ta’ strateġija pluriennali għal Interreg NEXT60. Sa Ottubru 2022 – fi tmiem it-tieni sena tal-perjodu ta’ finanzjament il-ġdid – seba’ programmi Interreg NEXT kienu ġew ippreżentati uffiċjalment lill-Kummissjoni.

84 Anke jekk il-programmi l-ġodda għandhom mnejn jiffrankaw il-ħin billi jneħħu l-proċedura tal-ħatra għall-awtoritajiet maniġerjali (ara l-paragrafu 77), il-bidu tal-implimentazzjoni tagħhom se jiddependi wkoll fuq l-iffirmar u d-dħul fis-seħħ ta’ ftehimiet ta’ finanzjament ġodda, li f’ċerti pajjiżi jeħtieġ li jiġu ratifikati. In-negozjati u r-ratifika tal-ftehimiet ta’ finanzjament kienu sors kbir ta’ dewmien għall-programmi SEFR u MED attwali (ara l-paragrafu 33). Għall-perjodu li jmiss, ir-Regolament Interreg jistabbilixxi data ta’ skadenza għall-iffirmar tal-ftehimiet ta’ finanzjament (ara l-paragrafu 78). Madankollu, id-data ta’ skadenza l-ġdida x’aktarx mhux se tnaqqas id-dewmien fir-ratifika tagħhom, li tiddependi mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-pajjiżi msieħba.

Sfidi politiċi u l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja jenfasizzaw l-importanza tal-programmi iżda anke l-limiti tagħhom fit-titjib tal-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi parteċipanti

85 Minbarra li joffru benefiċċji fil-livell reġjonali, skont kemm il-Kummissjoni kif ukoll is-SEAE, il-programmi transfruntieri ma’ pajjiżi tal-viċinat għandhom skop importanti ieħor: li jibnu u jżommu l-fiduċja bejn il-pajjiżi tal-UE u dawk mhux tal-UE u li jsaħħu l-kuntatt bejn il-persuni.

86 Sa Frar 2022, il-kooperazzjoni transfruntiera baqgħet waħda mill-ftit ħafna oqsma fejn l-UE xorta kkofinanzjat il-kooperazzjoni mar-Russja (ara l-paragrafu 03). Minkejja tensjonijiet fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja li xi kultant affettwaw il-programmi (ara l-paragrafu 80), il-JMC u l-JPC offrew forum għal djalogu kontinwu bejn ministeri u awtoritajiet reġjonali mill-Finlandja u mir-Russja, li fih rappreżentant tal-Kummissjoni spiss ipparteċipa bħala osservatur. Il-laqgħa l-aktar reċenti tal-JPC saret fil-21 ta’ Frar 2022.

87 Madankollu, l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fl-24 ta’ Frar 2022 fissret it-tmiem ta’ tali kooperazzjoni. Il-Kummissjoni rreaġiet malajr:

  • Bħala parti minn rispons usa’, fil-bidu ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni ddeċidiet li tissospendi l-ftehimiet ta’ finanzjament tal-perjodu 2014-2020 u l-proċess ta’ programmazzjoni għall-programmi tal-perjodu 2021-2027 mar-Russja u mal-Belarussja, li appoġġat l-aggressjoni militari61;
  • Fit-8 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni ppreżentat proposta leġiżlattiva għall-inizjattiva “Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Rifuġjati fl-Ewropa” (CARE), li se tippermetti r-riallokazzjoni tal-finanzjament ta’ koeżjoni tal-UE b’appoġġ għar-rifuġjati Ukreni62;
  • F’Lulju 2022, il-Kummissjoni ppreżentat proposta leġiżlattiva li tadatta r-regoli ta’ implimentazzjoni dwar l-ENI CBC, biex tidderieġi l-finanzjament ENI CBC b’appoġġ għar-rifuġjati Ukreni u tgħin lill-benefiċjarji tal-UE tal-programmi li l-ftehimiet ta’ finanzjament tagħhom kienu ġew sospiżi63.

88 L-invażjoni tefgħet dubju serju fuq 9 mis-17-il programm Interreg NEXT proposti reċentement li jkunu jinvolvu lir-Russja u l-Belarussja (ara l-paragrafu 83). Id-disa’ programmi flimkien jammontaw għal madwar EUR 304 miljun, jew kważi 30 % tal-allokazzjoni totali prevista.

89 Fin-Nofsinhar, il-programm MED ikompli jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn pajjiżi msieħba tal-Mediterran. Il-JMC tiegħu serva bħala forum li laqqa’ flimkien ministeri u awtoritajiet nazzjonali mis-seba’ Stati Membri tal-UE parteċipanti, Iżrael u l-ħames pajjiżi parteċipanti Għarab64, filwaqt li rappreżentant tal-Kummissjoni attenda bħala osservatur. Hemm għadd kbir ta’ parteċipanti fil-proġetti minn kull pajjiż imsieħeb tal-Mediterran, pereżempju 42 mill-Palestina u 11 mill-Iżrael. Madankollu, huwa importanti li jiġi osservat li l-imsieħba tal-proġetti minn dawn iż-2 pajjiżi jipparteċipaw biss fi 3 proġetti konġunti mit-80 proġett li jiġu ffinanzjati taħt dan il-programm65, anke jekk l-eżistenza stess ta’ tali proġetti konġunti fiha nfisha tista’ titqies bħala suċċess. Skont l-awtorità maniġerjali, is-sitwazzjoni hija simili għall-proġetti konġunti bejn parteċipanti mill-Iżrael u mill-Ġordan, u hija dovuta għal pressjoni soċjali miż-żewġ naħat biex tiġi evitata tali kooperazzjoni. Għal dawn il-proġetti, l-identitajiet tal-imsieħba mhumiex iddivulgati, f’konformità mal-kuntratti ta’ għotja tagħhom.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

90 Nikkonkludu li l-programmi transfruntieri ffinanzjati mill-UE fil-perjodu 2014-2020 ma’ pajjiżi tal-viċinat (ENI CBC) ipprovdew appoġġ rilevanti u siewi lir-reġjuni fuq iż-żewġ naħat tal-fruntieri esterni tal-UE. Madankollu, il-programmi ġarrbu dewmien sinifikanti sakemm bdew jiġu implimentati u kienu għadhom għaddejjin matul l-awditu tagħna. Għaldaqstant, kien għadu kmieni wisq biex nivvalutaw l-effettività kumplessiva tagħhom. Barra minn hekk, il-programmi fihom dgħufijiet fil-monitoraġġ tar-riżultati u fir-rappurtar dwarhom. Minbarra dan, l-isfidi politiċi attwali se jħallu impatt kbir fuq nofs il-programmi proposti għall-perjodu 2021-2027 (magħrufin bħala “Interreg NEXT”).

91 It-tliet programmi li vvalutajna fid-dettall identifikaw prijoritajiet u għażlu objettivi tematiċi li kienu allinjati mal-ħtiġijiet tar-reġjuni tal-fruntiera. Dawn ġew żviluppati b’mod parteċipattiv li involva konsultazzjonijiet ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, inkluż awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili. Il-programmi rrikonoxxew il-ħtieġa għal koordinazzjoni tajba u koerenza ma’ politiki, programmi, strateġiji makroreġjonali u inizjattivi oħra tal-UE. It-tliet programmi kollha għandhom trikkib ġeografiku u tematiku parzjali ma’ programmi ENI CBC oħra. Madankollu, il-koordinazzjoni matul l-għażla u l-implimentazzjoni tal-proġetti, ma’ dawn il-programmi baqgħet mhux sistematika (ara l-paragrafi 13-29).

Rakkomandazzjoni 1 – Titjieb il-koordinazzjoni bejn il-programmi

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. meta tirrieżamina l-abbozz ta’ programmi Interreg NEXT, tivvaluta jekk programmi bi trikkib ġeografiku parzjali jkunux ħadu l-impenn li jiżguraw koordinazzjoni bejn il-programmi, komplementarjetajiet u sinerġiji;
  2. Fir-rwol ta’ monitoraġġ tagħha, tivverifika l-implimentazzjoni effettiva tal-koordinazzjoni stabbilita bejn il-programmi.

Data mmirata għall-implimentazzjoni għal (a): il-31 ta’ Diċembru 2022

Data mmirata għall-implimentazzjoni għal (b): it-30 ta’ Ġunju 2023

92 Id-Delegazzjonijiet rilevanti tal-UE ġew ikkonsultati dwar il-komplementarjetà tal-proġetti magħżula mal-finanzjament minn sorsi oħra (UE jew oħrajn). Madankollu, billi l-programmi ENI CBC jikkontribwixxu għall-politika esterna tal-UE, involviment aktar mill-qrib tad-Delegazzjonijiet tal-UE fil-proċess tal-għażla (pereżempju, bħala osservaturi f’funzjoni konsultattiva) u fil-monitoraġġ tal-proġetti huwa essenzjali biex jiġu ingranati l-benefiċċji politiċi ta’ kooperazzjoni transfruntiera ta’ suċċess (ara l-paragrafi 30-32).

Rakkomandazzjoni 2 – Jissaħħaħ l-involviment tad-Delegazzjonijiet tal-UE

Fil-funzjoni konsultattiva tagħha, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinvolvi sistematikament, bħala osservaturi, lis-SEAE u lid-Delegazzjonijiet rilevanti tal-UE fix-xogħol tal-kumitati konġunti ta’ programmazzjoni u tal-kumitati konġunt ta’ monitoraġġ.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 31 ta’ Marzu 2023

93 Il-programmi tal-perjodu 2014-2020 tnedew b’dewmien sinifikanti, prinċipalment minħabba l-“proċedura tal-ħatra” u n-negozjar tal-ftehimiet ta’ finanzjament mal-pajjiżi msieħba. Minkejja “azzjonijiet preparatorji” meħuda mill-awtoritajiet maniġerjali, l-implimentazzjoni tal-proġetti setgħet tibda biss fil-ħames jew fis-sitt sena tal-perjodu ta’ finanzjament (ara l-paragrafi 33-36).

94 Is-sejħiet għal proposti għal proġetti kellhom l-għan li jiżguraw li l-applikazzjonijiet magħżula kellhom deskrizzjoni tajba tar-relevanza, tal-impatt transfruntier, u tas-sostenibbiltà fit-tul tal-proġetti. Għajr għal eżempji ta’ għoti okkażjonali ta’ punteġġ ġdid taħt il-programm tax-Xlokk tal-Finlandja–ir-Russja mingħajr ġustifikazzjoni bil-miktub adegwata, il-proċessi tal-għażla tat-tliet programmi kienu trasparenti. Il-programmi rnexxielhom jiksbu distribuzzjoni bbilanċjata tal-parteċipanti fil-proġetti minn pajjiżi tal-UE u dawk mhux tal-UE. Madankollu, il-benefiċjarji ewlenin minn pajjiżi tal-UE jibqgħu prevalenti fuq dawk minn pajjiżi msieħba (ara l-paragrafi 37-43).

95 Il-korpi inkarigati mill-programmi, li ltqajna magħhom, apprezzaw il-gwida li rċevew mill-Kummissjoni u l-proġett ta’ appoġġ tekniku TESIM, inkluż dwar il-mitigazzjoni tar-riskju ta’ frodi. Madankollu, l-għodda tal-IT tal-Kummissjoni għar-rappurtar ta’ frodi potenzjali (is-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet) kienet ta’ użu limitat għall-programmi ENI CBC, minħabba nuqqas ta’ aċċess mill-pajjiżi parteċipanti mhux tal-UE. L-awtoritajiet maniġerjali qiesu li l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fil-laqgħat tal-kumitati konġunti ta’ monitoraġġ kienet ta’ għajnuna. Il-benefiċjarji tal-proġetti kollha li intervistajna pprovdew kummenti pożittivi ħafna dwar l-interazzjonijiet tagħhom mal-korpi inkarigati mill-programmi (ara l-paragrafi 44-49).

Rakkomandazzjoni 3 – Tiġi adattata għodda tal-IT għal kontra l-frodi

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippermetti li l-korpi kontra l-frodi f’pajjiżi mhux tal-UE (identifikati fi ftehimiet ta’ finanzjament) jirrappurtaw irregolaritajiet potenzjali direttament permezz tas-Sistema ta’ Ġestjoni tal-Irregolaritajiet.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: il-31 ta’ Diċembru 2023

96 Il-biċċa l-kbira mill-proġetti li awditjajna huma fit-triq it-tajba biex jiksbu l-outputs u l-eżiti intenzjonati tagħhom; madankollu, minħabba l-pandemija tal-COVID-19 il-proġetti kienu meħtieġa jagħmlu xi aġġustamenti mill-ġdid. L-awtoritajiet maniġerjali wrew flessibbiltà fir-rigward tal-indirizzar ta’ dewmien u ta’ diffikultajiet oħra fl-implimentazzjoni kkawżati mill-pandemija. Filwaqt li l-biċċa l-kbira mill-proġetti kellhom potenzjal qawwi li jwasslu benefiċċji transfruntieri, ħamsa kellhom impatt transfruntier aktar dgħajjef, f’xi wħud mill-każijiet parzjalment minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar b’rabta mal-COVID-19. Proġett wieħed – triq reġjonali – sa issa għad ma għandu l-ebda dimensjoni transfruntiera (ara l-paragrafi 50-59).

97 It-tliet programmi ddefinew l-aktar indikaturi tal-output speċifiċi għall-programm u użaw biss ftit indikaturi komuni tal-output biex jimmonitorjaw il-progress. Dan ifisser li l-Kummissjoni se tiffaċċa diffikultajiet biex taggrega r-riżultati tal-programmi ENI CBC fil-livell kumplessiv tal-politika. Aħna osservajna dgħufijiet simili bl-indikaturi ddefiniti fil-livell tal-proġetti (ara l-paragrafi 60-63).

98 L-awtoritajiet maniġerjali mmonitorjaw b’mod adegwat il-proġetti kollha fil-kampjun tagħna, għajr għal wieħed. Il-monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati huwa għodda importanti biex issir valutazzjoni indipendenti tal-prestazzjoni tal-proġetti f’termini ta’ relevanza, effiċjenza, effettività u sostenibbiltà. Madankollu, l-approċċi tal-awtoritajiet maniġerjali għal tali monitoraġġ tal-proġetti kienu jvarjaw. Barra minn hekk, il-monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati tal-proġetti mhux se jibqa’ obbligatorju għall-programmi tal-perjodu 2021-2027 (ara l-paragrafi 64-68).

99 Il-valutazzjoni li wettaqna tas-sostenibbiltà ffukat fuq il-prospetti tal-proġetti biex iwasslu għal riżultati sostenibbli u saret qabel l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. Hija wriet li l-biċċa l-kbira mill-proġetti kkampjunati kellhom probabbiltà tajba li jwasslu benefiċċji sostenibbli. Għal tliet proġetti, is-sostenibbiltà kienet tiddependi fuq fatturi esterni, bħall-evoluzzjoni tal-pandemija tal-COVID-19 u, f’każ ieħor, ma kien hemm l-ebda prospett ta’ kooperazzjoni kontinwa bejn l-imsieħba tal-proġett. Madankollu, il-programmi ma jirrikjedux li l-proġetti jirrappurtaw dwar is-sostenibbiltà tar-riżultati tagħhom wara li dawn jingħalqu (ara l-paragrafi 69-71).

Rakkomandazzjoni 4 – Tiġi pprovduta gwida dwar il-monitoraġġ tas-sostenibbiltà wara l-għeluq tal-proġett

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi gwida, fil-forma ta’ pariri u appoġġ, dwar il-monitoraġġ tas-sostenibbiltà tal-proġetti (iffinanzjati mill-programmi ENI CBC u Interreg NEXT), fejn tirrakkomanda li l-proġetti li jaqbżu ċertu valur u/jew b’komponent infrastrutturali jirrappurtaw lill-awtoritajiet maniġerjali dwar is-sostenibbiltà tar-riżultati tagħhom wara l-għeluq tal-proġetti.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: il-31 ta’ Diċembru 2023

100 Ir-Regolament Interreg il-ġdid ilaqqa’ flimkien il-programmi transfruntieri kollha (programmi intra-UE u dawk li jinvolvu pajjiżi mhux tal-UE) taħt sett uniku ta’ regoli, filwaqt li jippreżerva xi karatteristiċi speċifiċi tal-programmi Interreg NEXT. Ir-regolament ikompli jibni fuq it-tagħlimiet meħuda mis-settijijet preċedenti ta’ programmi u jintroduċi bidliet li jissimplifikaw il-ġestjoni tal-programmi l-ġodda u li għandhom il-potenzjal li jiffaċilitaw il-bidu tal-implimentazzjoni tagħhom. Madankollu, dawn il-bidliet iġibu magħhom riskji addizzjonali li jenfasizzaw l-importanza ta’ monitoraġġ mill-qrib mill-Kummissjoni u mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (ara l-paragrafi 73-79).

101 B’mod partikolari, għall-perjodu 2021-2027, mhux se jkun hemm limitu fuq il-finanzjament għal proġetti ta’ infrastruttura kbar bħala proporzjon tal-kontribuzzjoni mill-UE għall-baġit totali ta’ programm. Tali proġetti mhux se jibqgħu suġġetti għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni. Dan se jnaqqas is-superviżjoni mill-Kummissjoni ta’ proġetti ta’ infrastruttura kbar, anke jekk dawn il-proġetti jistgħu jkunu ta’ importanza strateġika fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi msieħba (ara l-paragrafu 80).

Rakkomandazzjoni 5 – Jiġu kkonsultati s-servizzi kollha rilevanti dwar proġetti ta’ infrastruttura kbar

Minħabba l-importanza strateġika ta’ proġetti ta’ infrastruttura kbar fir-relazzjonijiet bilaterali ma’ pajjiżi msieħba, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li d-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana (DĠ REGIO) jikkonsulta lid-direttorati ġenerali relevanti kollha, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lid-Delegazzjonijiet tal-UE, dwar il-lista ta’ proġetti ppjanati u dwar noti kunċettwali relatati.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: il-31 ta’ Diċembru 2022

102 Għall-perjodu ta’ implimentazzjoni 2021-2027, il-Kummissjoni żviluppat sett komprensiv ta’ indikaturi komuni tal-output u tar-riżultati, inklużi dawk intenzjonati speċifikament għall-programmi Interreg. Madankollu, l-indikaturi komuni ma jiggarantux aggregazzjoni sempliċi, billi programmi individwali jistgħu wkoll jiżviluppaw indikaturi addizzjonali speċifiċi għall-programm (ara l-paragrafu 81).

Rakkomandazzjoni 6 – Jissaħħaħ l-użu tal-indikaturi komuni

Meta tirrieżamina l-abbozz ta’ programmi Interreg NEXT, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-konsistenza tal-indikaturi, u tippromwovi l-aktar użu wiesa’ possibbli tal-indikaturi komuni tal-output u tal-eżitu.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: immedjatament

103 Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna kienu diġà ilhom mill-2018 li bdew diskussjonijiet dwar il-perjodu ta’ finanzjament 2021-2027. Madankollu, minħabba dewmien fl-adozzjoni tal-qafas legali, seba’ abbozzi ta’ programm Interreg NEXT kienu ġew ippreżentati lill-Kummissjoni biex jiġu approvati biss matul l-2022. Il-bidu tal-implimentazzjoni tal-programmi l-ġodda se jiddependi wkoll minn kemm idumu n-negozjati tal-ftehimiet ta’ finanzjament il-ġodda u, f’ċerti każijiet, mir-ratifika tagħhom (ara l-paragrafi 82-84).

104 Minbarra li jipprovdu benefiċċji fil-livell reġjonali, il-programmi transfruntieri kkontribwew biex tinbena u tinżamm il-fiduċja bejn il-pajjiżi tal-UE u l-pajjiżi tal-viċinat, kif ukoll bejn il-pajjiżi tal-viċinat infushom. Sa ftit taż-żmien ilu, il-programmi transfruntieri kienu għadhom wieħed mill-ftit ħafna oqsma ta’ kooperazzjoni u ta’ djalogu kontinwu bejn l-UE u r-Russja. Bħala parti minn rispons usa’ għall-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, il-Kummissjoni ssospendiet il-ftehimiet ta’ finanzjament għall-programmi transfruntieri mar-Russja u mal-Belarussja. F’Lulju 2022, il-Kummissjoni ppreżentat proposta leġiżlattiva li tkun tidderieġi l-finanzjament ENI CBC biex jappoġġa lir-rifuġjati Ukreni u jgħin lill-benefiċjarji tal-UE tal-programmi sospiżi. Madankollu, l-invażjoni tefgħet dubju serju fuq il-futur ta’ nofs il-programmi Interreg NEXT proposti (ara l-paragrafi 85-88).

105 Fin-Nofsinhar, il-kumitat konġunt ta’ monitoraġġ tal-programm tal-Baċir tal-Baħar Mediterran ikompli joffri forum għal djalogu u kooperazzjoni bejn is-seba’ Stati Membri parteċipanti tal-UE, Iżrael u l-ħames pajjiżi parteċipanti Għarab. Madankollu, l-għadd ta’ proġetti konġunti bejn il-parteċipanti Iżraeljani u Għarab jibqa’ baxx, anke jekk l-eżistenza stess ta’ tali proġetti konġunti tista’ titqies fiha nfisha bħala suċċess (ara l-paragrafu 89).

 

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla III, immexxija mis-Sinjura Bettina Jakobsen, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-8 ta’ Novembru 2020.

 

Għall-Qorti tal-Awdituri

Tony Murphy
Il-President

Annessi

Anness I – Mappa tal-programmi ENI CBC

Nota: Mappa interattiva hija disponibbli fuq is-sit web ta’ TESIM.

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, © EuroGeographics Association għal-limiti amministrattivi

Anness II – Kopertura ġeografika tal-istrateġiji makroreġjonali u l-inizjattivi reġjonali tal-UE ma’ pajjiżi tal-viċinat

Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni dwar is-sħubija ppubblikata mill-istrateġiji u l-inizjattivi.

Anness III – Proġetti magħżula għal eżaminar dettaljat

Isem tal-proġett Objettiv tematiku Perjodu ta’ implimentazzjoni Kontribuzzjoni mill-UE (EUR) Kopertura ġeografika
Programm ENI CBC tax-Xlokk tal-Finlandja–ir-Russja
Il-proġett StartUp Connect se jappoġġa l-intraprenditorija tan-negozji l-ġodda u l-kooperazzjoni fost l-SMEs, kif ukoll jifforma komunità ta’ mexxejja tan-negozju attivi u motivati b’ambizzjonijiet u kapaċitajiet għal suċċess globali.
  1. Żvilupp tan-negozji u tal-SMEs
    1.11.2018- 30.4.2021 387 588 Il-Finlandja, ir-Russja
    Il-proġett ta’ infrastruttura kbir Multipass Port se jtejjeb il-punti ta’ qsim tal-fruntiera fil-portijiet b’kapaċità throughput akbar li taqdi l-flussi tal-merkanzija u tal-passiġġieri u tiżviluppa kooperazzjoni kummerċjali b’saħħitha u regolari kif ukoll professjonali bejn il-Port Marittimu tal-Passiġġieri ta’ San Pietruburgu fir-Russja u l-Port ta’ Hamina Kotka fil-Finlandja.
    1. Promozzjoni tal-ġestjoni tal-fruntieri, kif ukoll tas-sigurtà u l-mobbiltà fil-fruntieri
      1.3.2019- 31.8.2021 960 000 Il-Finlandja, ir-Russja
      Il-proġett Cycling se jikkontribwixxi għall-adozzjoni ta’ approċċ ġdid għall-iżvilupp taċ-ċikliżmu u ta’ rotot ċiklabbli bejn ir-Russja u l-Finlandja billi jtejjeb l-infrastruttura, is-sikurezza, il-mobbiltà u l-ambjent u billi jagħti appoġġ għall-iżvilupp soċjali u għal approċċi sostenibbli.
      1. Promozzjoni tal-ġestjoni tal-fruntieri, kif ukoll tas-sigurtà u l-mobbiltà fil-fruntieri
        1.11.2018- 31.10.2021 949 944 Il-Finlandja, ir-Russja
        L-objettivi tal-proġett OneDrop huma li tiġi studjata, imfassla u żviluppata metodoloġija mobbli bbażata fuq l-impjanti għall-purifikazzjoni tal-ilma għal soluzzjoni ekoloġikament sikura u ekonomika għat-trattament tal-ilma.
        1. Protezzjoni ambjentali, u mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih
          1.4.2019- 31.5.2022 568 388 Il-Finlandja, ir-Russja
          Il-proġett Safecon għandu l-għan li jtejjeb il-kompetenza fis-sigurtà fuq il-post tax-xogħol tal-industrija tal-kostruzzjoni fiż-żona transfruntiera, sabiex tiżdied il-produttività tal-industrija kif ukoll jitnaqqsu l-ispejjeż soċjali u l-ħsara lill-bniedem.
          1. Appoġġ lill-edukazzjoni, lir-riċerka, lill-iżvilupp teknoloġiku u lill-innovazzjoni
            1.11.2018- 31.10.2021 431 375 Il-Finlandja, ir-Russja
            Programm ENI CBC tal-Polonja-il-Belarussja-l-Ukrajna
            MichaelAndYouth – Il-kostruzzjoni ta’ ċentri tal-edukazzjoni għaż-żgħażagħ fil-Polonja u l-Ukrajna, inklużi akkomodazzjoni, sala tal-konferenzi u teatru, biex jiġi pprovdut spazju għal sessjonijiet ta’ ħidma kulturali u artistiċi.
            1. Promozzjoni tal-kultura lokali u preservazzjoni tal-wirt storiku
              1.10.2018- 28.2.2022 2 360 080 Il-Polonja, l-Ukrajna
              VirTour – L-iżvilupp ta’ rotta turistika virtwali – bl-użu ta’ sit web u applikazzjoni mobbli – abbażi ta’ riċerka storika dwar il-ħajja tal-familja tal-Prinċep Sanguszko.
              1. Promozzjoni tal-kultura lokali u preservazzjoni tal-wirt storiku
                1.11.2019- 30.9.2020 40 271 Il-Polonja, l-Ukrajna
                LIP885 – Ir-rinnovazzjoni ta’ kważi 7 km tat-triq reġjonali Nru 885 fuq il-fruntiera tal-Istat, bejn Przemyśl, Hermanowice, u l-fruntiera tal-Istat.
                1. It-titjib tal-aċċessibbiltà għar-reġjuni, l-iżvilupp ta’ trasport sostenibbli u reżistenti għall-klima kif ukoll ta’ networks u sistemi ta’ komunikazzjoni.
                  8.10.2018- 8.10.2021 6 750 000 Il-Polonja, l-Ukrajna
                  Tnaqqis tar-riskju ta’ inċidenzi ta’ tuberkulożi fiż-żoni tal-fruntiera tal-Ukrajna u l-Polonja permezz tal-kostruzzjoni ta’ sptar tat-tuberkulożi għal 100 sodda f’Zakarpattya Oblast, u t-titjib tat-tagħmir mediku fl-Isptar Frederic Chopin ġewwa Rzeszow.
                  1. Sfidi komuni fil-qasam tas-sikurezza u tas-sigurtà
                    1.1.2019- 31.12.2021 5 760 000 Il-Polonja, l-Ukrajna
                    BCPMonitoring – Il-ħolqien ta’ sistema għal skambju ta’ informazzjoni bejn l-aġenziji tal-fruntieri tal-Ukrajna u tal-Polonja, l-għoti ta’ tagħmir bħal drones u tagħmir ieħor lill-gwardji tal-fruntiera Ukreni, u t-twaqqif ta’ sistema ta’ sorveljanza ġdida fuq in-naħa Pollakka.
                    1. Promozzjoni tal-ġestjoni tal-fruntieri, kif ukoll tas-sigurtà u l-mobbiltà fil-fruntieri
                      21.8.2018- 21.8.2021 2 203 607 Il-Polonja, l-Ukrajna
                      Il-programm ENI CBC tal-Baċir tal-Baħar Mediterran
                      Medusa – Il-proġett se jippromwovi u jiżviluppa turiżmu tal-avventura li jkun sostenibbli fil-pajjiżi tal-Mediterran.
                      1. Żvilupp tan-negozji u tal-SMEs
                        1.9.2019- 31.8.2022 2 985 583 Spanja, il-Ġordan, il-Libanu, l-Italja, it-Tuneżija
                        BestMedGrape – Il-proġett jippromwovi t-trasferiment teknoloġiku, iżid l-opportunitajiet għan-negozju u jikkondividi informazzjoni fiż-żona tal-Mediterran dwar l-isfruttar tal-iskart tal-għeneb.
                        1. Appoġġ lill-edukazzjoni, lir-riċerka, lill-iżvilupp teknoloġiku u lill-innovazzjoni
                          1.9.2019- 31.8.2022 2 658 892 L-Italja, Franza, it-Tuneżija, il-Libanu, il-Ġordan
                          Medtown – Dan il-proġett kellu l-għan li jirrinforza l-ekonomija soċjali u solidali, kif ukoll ir-rwol taċ-ċittadini u tal-awtoritajiet lokali, biex jiġu prodotti politiki soċjali, sabiex jiġu miġġielda l-faqar, l-inugwaljanza u l-esklużjoni soċjali. Il-koproduzzjoni ta’ politiki soċjali biex jiġu miġġielda l-faqar, l-inugwaljanza u l-esklużjoni soċjali.
                          1. Promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u jiġi miġġieled il-faqar
                            5.9.2019- 4.9.2022 2 979 779 Spanja, il-Portugall, il-Greċja, il-Ġordan, il-Palestina, it-Tuneżija
                            Berlin – Il-proġett se jimplimenta miżuri transfruntieri, jappoġġa riabilitazzjonijiet enerġetiċi innovattivi u kosteffettivi f’binjiet pubbliċi, abbażi tal-kunċett tal-grilja nano.
                            1. Protezzjoni ambjentali, u mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih
                              2.9.2019- 1.9.2022 2 581 441 Ċipru, il-Greċja, Iżrael, l-Italja
                              Aquacycle – Il-proġett se jipprovdi appoġġ lir-R&Ż għall-ġestjoni sostenibbli u mhux konvenzjonali tar-riżorsi tal-ilma permezz ta’ teknoloġija ekoinnovattiva bi prezz baxx u l-governanza parteċipattiva.
                              1. Protezzjoni ambjentali, u mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih
                                1.9.2019- 31.8.2022 2 554 812 Il-Greċja, Spanja, Malta, il-Libanu, it-Tuneżija
                                Total ta’ proġetti magħżula     34 171 760  

                                Anness IV – Ħarsa ġenerali lejn il-valutazzjoni li wettaqna tal-proġetti ENI CBC awditjati

                                Nota: il-valutazzjoni li wettaqna tas-sostenibbiltà ffukat fuq il-prospetti tal-proġetti biex iwasslu għal riżultati sostenibbli. Dan kien minħabba li ċerti proġetti kienu għadhom għaddejjin fiż-żmien meta għamilna ż-żjarat tagħna.

                                Sors: il-QEA.

                                Dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà: Dan l-Anness jagħti sommarju tal-valutazzjoni li wettaqna tal-15-il proġett ENI CBC fil-31 ta’ Jannar 2021. Għaldaqstant, ma jirriflettix ir-riperkussjonijiet li l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja tal-24 ta’ Frar 2022 jista’ jkollha fuq il-proġetti SEFR u PL-BY-UA, f’termini tal-ilħuq tal-outputs u fuq is-sostenibbiltà tar-riżultati tagħhom.

                                Akronimi u abbrevjazzjonijiet

                                AM: Awtorità maniġerjali

                                CBC: Kooperazzjoni transfruntiera

                                COI: Indikatur komuni tal-output

                                DĠ NEAR: Id-Direttorat Ġenerali għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir

                                DĠ REGIO: Id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana

                                ENI: L-Istrument Ewropew ta’ Viċinat

                                ENPI: Strument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija

                                FEŻR: Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali

                                Interreg NEXT: Programmi transfruntieri mal-pajjiżi msieħba tal-viċinat li għandhom jiġu implimentati matul il-perjodu ta’ finanzjament 2021-2027.

                                Interreg: Akronimu li bih ġeneralment huma magħrufa il-programmi ta’ kooperazzjoni interreġjonali fi ħdan l-UE.

                                JMC: Kumitat konġunt ta’ monitoraġġ

                                JOP: Programm operattiv konġunt

                                JPC: Kumitat konġunt ta’ programmazzjoni

                                JTS: Segretarjat tekniku konġunt

                                LIP: Proġett ta’ infrastruttura kbir

                                MED: Programm tal-Baċir tal-Baħar Mediterran

                                MOR: Monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati

                                PL-BY-UA: Programm tal-Polonja-il-Belarussja-l-Ukrajna

                                SEAE: Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

                                SEFR: Programm tax-Xlokk tal-Finlandja–ir-Russja

                                TESIM: Proġett ta’ assistenza teknika ffinanzjat mill-UE Appoġġ Tekniku għall-Implimentazzjoni u l-Ġestjoni tal-Programmi ENI CBC

                                UgħM: Unjoni għall-Mediterran

                                Glossarju

                                Awtorità maniġerjali: L-awtorità nazzjonali, reġjonali jew lokali deżinjata minn Stat Membru biex timmaniġġa programm iffinanzjat mill-UE.

                                Benefiċjarju ewlieni: Entità deżinjata mill-imsieħba tal-proġett, responsabbli mill-ġestjoni u l-koordinazzjoni tal-proġett kollu kemm hu u tagħti rendikont direttament lill-Awtorità Maniġerjali għall-progress operazzjonali u finanzjarju tal-attivitajiet kollha tal-proġett.

                                Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali: Fond tal-UE li jsaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-UE billi jiffinanzja investimenti li jnaqqsu l-iżbilanċi soċjali u ekonomiċi bejn ir-reġjuni.

                                Kooperazzjoni Territorjali Ewropea: Qafas għall-kooperazzjoni transfruntiera, tranżnazzjonali u interreġjonali li jiggwida l-iskambji ta’ politika u l-implimentazzjoni ta’ azzjoni konġunta, magħruf komunement bħala Interreg.

                                Kooperazzjoni transfruntiera: Kooperazzjoni bejn Stat Membru wieħed jew aktar u pajjiż terz jew territorju wieħed jew aktar tul il-fruntieri tal-art u tal-baħar esterni u kontigwi tal-UE, u kooperazzjoni tranżnazzjonali fuq territorji tranżnazzjonali akbar, jew madwar il-baċiri tal-baħar.

                                Kumitat konġunt ta’ monitoraġġ: Korp li jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ programm operattiv, li jinkludi rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, u l-Kummissjoni bħala osservatur.

                                Kumitat konġunt ta’ programmazzjoni: Korp li jidentifika l-ħtiġijiet u l-prijoritajiet u jħejji abbozz ta’ programm operattiv, li jinkludi rappreżentanti tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, u l-Kummissjoni bħala osservatur.

                                Proġett ta’ infrastruttura kbir: Fil-każ tal-ENI CBC, proġett, li jkun jinkludi sett ta’ xogħlijiet, attivitajiet jew servizzi fejn jiġi allokat sehem mill-baġit ta’ mill-inqas EUR 2.5 miljun għall-akkwiżizzjoni ta’ infrastruttura. Dawn il-proġetti jintgħażlu permezz ta’ għotja diretta.

                                Programm operattiv konġunt: Jistabbilixxi l-prijoritajiet ta’ Stat(i) Membru/i u ta’ pajjiż(i) terz(i) kif ukoll l-objettivi tematiċi, u jiddeskrivi fil-qosor kif il-finanzjament (kofinanzjament tal-UE u ta’ Stati Membri u pajjiżi terzi) se jintuża biex jiġu ffinanzjati l-proġetti. JOP jitħejja mill-Istat(i) Membru/i u mill-pajjiż(i) terz(i) parteċipanti u jrid jiġi approvat mill-Kummissjoni qabel ma jkunu jistgħu jsiru xi pagamenti mill-baġit tal-UE.

                                Segretarjat tekniku konġunt: Uffiċċju li jassisti lill-Awtorità Maniġerjali u lill-kumitat konġunt ta’ monitoraġġ ta’ programm transfruntier, kif ukoll li jinforma lill-benefiċjarji dwar opportunitajiet ta’ finanzjament potenzjali u jappoġġa l-implimentazzjoni tal-proġett.

                                Risposti tal-Kummissjoni u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)

                                https://www.eca.europa.eu/mt/Pages/DocItem.aspx?did=62741

                                Tim tal-awditjar

                                Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

                                Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla III tal-Awditjar, Azzjoni esterna, sigurtà u ġustizzja, li hija mmexxija minn Bettina Jakobsen, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa inizjalment minn Leo Brincat, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Romuald Kayibanda, Kap tal-Kabinett u Annette Farrugia, Attaché tal-Kabinett.

                                L-awditu ġie ffinalizzat minn Bettina Jakobsen, Membru tal-QEA, li ngħatat appoġġ minn Katja Mattfolk, Kap tal-Kabinett, u Aino Rantanen, Attaché tal-Kabinett; Michael Bain, Maniġer Prinċipali; Jiri Lang, Kap tal-Kompitu; Karel Meixner u Erika Söveges, Awdituri. Michael Pyper ipprovda appoġġ lingwistiku. Giuliana Lucchese ipprovdiet appoġġ fid-disinn grafiku.

                                Noti finali

                                1 Għall-fini ta’ dan ir-rapport, “programmi ENI CBC” tfisser programmi CBC ma’ pajjiżi tal-viċinat (pajjiżi tal-politika Ewropea tal-Viċinat u r-Russja) matul il-perjodu 2014-2020, li huma ffinanzjati mill-UE.

                                2 Programming document for EU support to ENI Cross-Border Cooperation (2014-2020), Dokument Konġunt tal-Kummissjoni – is-SEAE, 8.10.2014, p. 4.

                                3 Id-DĠ REGIO 2020Annual Activity Report – Annexes, l-Anness 7I: Assurance for ENI CBC (p. 100).

                                4 Il-Kunsill Ewropew Il-Konklużjonijiet EUCO 147/14, 16.7.2014, il-punt 6.

                                5 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 897/2014 tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera ffinanzjati mill-Istrument Ewropew ta’ Viċinat.

                                6 Ir-Rapport Annwali tal-Attività 2019 tad-DĠ REGIO, 25.6.2020, p. 15.

                                7 Ir-Rapport Speċjali 14/2021: “Kooperazzjoni Interreg: Il-potenzjal tar-reġjuni transfruntieri tal-Unjoni Ewropea għadu ma ġiex sfruttat bis-sħiħ”.

                                8 Il-Kummissjoni Ewropea, Mid-term evaluation of cross border cooperation programmes between IPA II beneficiaries, Awwissu 2021.

                                9 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 897/2014 tal-Kummissjoni.

                                10 Programming document for EU support to ENI Cross-Border Cooperation (2014-2020), il-punt 6.3.

                                11 ENPI CBC Strategy Paper 2007-2013, pp. 25-26.

                                12 Il-Kummissjoni Ewropea, Ex-post Evaluation of ENPI CBC programmes 2007-2013, Jannar 2018, ir-Rakkomandazzjoni 1, p. 57.

                                13 L-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/1058 dwar il-FEŻR u dwar il-Fond ta’ Koeżjoni. L-objettivi speċifiċi għall-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni huma: (1) Ewropa aktar kompetittiva u aktar intelliġenti, (2) Ewropa aktar ekoloġika, (3) Ewropa aktar konnessa, (4) Ewropa aktar soċjali u inklużiva, u (5) Ewropa eqreb taċ-ċittadini.

                                14 L-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2021/1059 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg) appoġġata mill-FEŻR u mill-istrumenti ta’ finanzjament esterni. L-objettivi speċifiċi għall-Interreg huma: (1) governanza aħjar tal-kooperazzjoni, u (2) Ewropa b’inqas periklu u aktar sigurtà.

                                15 L-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 897/2014 tal-Kummissjoni.

                                16 L-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 897/2014 tal-Kummissjoni.

                                17 Ex-post Evaluation of 2007-2013 ENPI CBC Programmes, ir-Rakkomandazzjoni 3.1, p. 61.

                                18 Ċipru, Franza, il-Greċja, l-Italja, Malta, il-Portugall, Spanja, u l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Palestina u t-Tuneżija. Id-deżinjazzjoni tal-“Palestina” f’dan ir-rapport ma għandhiex tiġi interpretata bħala rikonoxximent ta’ Stat tal-Palestina u hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri dwar din il-kwistjoni. L-Alġerija ssieħbet uffiċjalment fil-programm fl-2019 bħala l-14-il pajjiż; madankollu, il-ftehim ta’ finanzjament għadu ma ġiex iffirmat.

                                19 Ara s-sit web tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni reġjonali mal-imsieħba mill-viċinat tan-Nofsinhar.

                                20 F’Ottubru 2020, il-Kunsill iddeċieda li jnaqqas il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet ċentrali Belarussi, u li jkompli l-kooperazzjoni taħt is-Sħubija tal-Lvant f’livell mhux politiku, filwaqt li jintensifika l-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili. Fit-28 ta’ Ġunju 2021, l-awtoritajiet Belarussi ssospendew il-parteċipazzjoni tagħhom fis-Sħubija tal-Lvant.

                                21 Ex-post evaluation of the 2007-2013 ENPI CBC programmes, ir-Rakkomandazzjoni 2.1, p. 59.

                                22 Sejħa għal proġetti ta’ kapitalizzazzjoni ppubblikata fuq is-sit web tal-programm MED.

                                23 The Background analysis on future NDICI CBC programmes, Draft Final Report, it-22 ta’ Novembru 2019, l-Anness 1, l-Anness 2, u l-Anness 5.

                                24 Fil-każ tal-programm SEFR, din il-konsultazzjoni kienet limitata biss għal-LIPs.

                                25 Delegazzjonijiet tal-UE għall-Ġordan, il-Libanu, ir-Russja, it-Tuneżija; id-Delegazzjoni għall-Ukrajna kienet l-unika eċċezzjoni.

                                26 Il-Kummissjoni u s-SEAE, Joint paper on Interreg NEXT Strategic Programming 2021-2027, 20.1.2020.

                                27 Ex-post Evaluation of 2007-2013 ENPI CBC Programmes, ir-Rakkomandazzjoni 2.1, pp. 59-60.

                                28 Ibbażat fuq data fil-bażi ta’ data Keep.eu, imniżżla fil-5.4.2022.

                                29 TESIM, Managing the risks of the ENI CBC programmes, Lulju 2019, it-Taqsima 4.4.

                                30 Nota tal-11.9.2017, Ref. Ares(2017)4429026, p. 2.

                                31 Is-sitwazzjoni attwali tal-programmi ENI CBC ta’ Ottubru 2021, data finanzjarja konsolidata u ppreżentata lill-Kummissjoni mit-TESIM.

                                32 TESIM, Measures to minimise the risk of Partner Country liabilities, Novembru 2021, p. 2.

                                33 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/879 tal-Kummissjoni.

                                34 Specific terms of reference for the mid-term evaluation of cross border cooperation programmes between IPA II beneficiaries, p. 8.

                                35 Programming document for EU support to ENI Cross-Border Cooperation (2014-2020), il-punt 6.5.

                                36 Guidance for developing result indicators in ENI CBC programmes, Interact ENPI, Diċembru 2014.

                                37 Proċedimenti tal-laqgħa tal-grupp ta’ ħidma dwar il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, organizzat mit-TESIM, 13-14 ta’ Diċembru 2016, p. 4.

                                38 L-Artikolu 78(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 897/2014 tal-Kummissjoni.

                                39 Factsheet on result-oriented monitoring, 19.9.2019, p. 3.

                                40 Għal aktar dettalji, ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: Performance, monitoring and evaluation of the European Regional Development Fund, the Cohesion Fund and the Just Transition Fund in 2021-2027, SWD(2021) 198 final.

                                41 Ara l-Artikoli 41-45 tar-Regolament (UE) 2021/1060 – “Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni”.

                                42 L-Artikolu 39(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 897/2014 tal-Kummissjoni.

                                43 Il-proposta tal-Kummissjoni għar-Regolament Interreg COM(2018) 374, 29.5.2018.

                                44 Background analysis on the future NDICI CBC programmes, abbozz ta’ rapport finali, it-22 ta’ Novembru 2019.

                                45 Joint paper on Interreg NEXT Strategic Programming 2021-2027.

                                46 Għal ħarsa ġenerali kompleta lejn it-22 bidla regolatorja, ara TESIM,Key features of Interreg NEXT and main changes compared to the ENI CBC Implementing Rules, aġġornat f’Lulju 2021.

                                47 Ara l-Premessa 5 u l-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/1237 dwar id-dikjarazzjoni ta’ ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat.

                                48 Ir-Regolament (UE) 2021/1059.

                                49 Ibid., l-Artikolu 32.

                                50 Ibid., l-Artikoli 59(2) u 59(3).

                                51 Ibid., l-Artikolu 52(3).

                                52 TESIM, CBC NEXT: the voices of Partner Countries were heard, 1.7.2021.

                                53 L-Artikoli 57(3) u 57(4) tar-Regolament (UE) 2021/1059.

                                54 L-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/1058.

                                55 Ara d-“deskrizzjoni metodoloġika” għal kull indikatur fl-Anness 1 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal SWD(2021) 198 dwar il-Prestazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, 8.7.2021.

                                56 Joint paper on Interreg NEXT strategic programming 2021-2027.

                                57 Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/74 tal-Kummissjoni u d-Deċiżjoni ta’ Iimplimentazzjoni (UE) 2022/75 tal-Kummissjoni.

                                58 Dan jinkludi EUR 100 miljun inizjalment allokati għall-programm ta’ Nofs l-Atlantiku li wara ġie kkanċellat.

                                59 Din il-bidla kienet għadha ma ġietx riflessa fid-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-istess xahar. Ara l-artiklu tal-aħbarijiet Modification of the Programme for the years 2021-2027, 11.1.2022.

                                60 Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2022) 5740 tal-Kummissjoni li tistabbilixxi d-dokument ta’ strateġija pluriennali fir-rigward tal-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera esterna, 12.8.2022.

                                61 Stqarrija għall-istampa, Il-Kummissjoni tissospendi l-kooperazzjoni transkonfinali u l-kooperazzjoni transnazzjonali mar-Russja u l-Belarussja, 4.3.2022.

                                62 Il-proposta tikkonsisti f’emendi għar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni u għar-Regolament dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn. Ara l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni, 8.3.2022.

                                63 Il-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament COM(2022) 362 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-programmi ENI CBC wara tfixkil fl-implimentazzjoni tal-programm, 22.7.2022.

                                64 L-Eġittu, il-Ġordan, il-Libanu, il-Palestina u t-Tuneżija.

                                65 Il-proġetti “Artolio”, “Decost”, “SME4smartcities”.

                                Kuntatt

                                IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
                                12, rue Alcide De Gasperi
                                1615 Luxembourg
                                LUXEMBOURG

                                Tel. +352 4398-1
                                Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
                                Sit web: eca.europa.eu
                                Twitter: @EUAuditors

                                Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
                                Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (https://europa.eu).

                                Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022

                                PDF ISBN 978-92-847-9128-6 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/34494 QJ-AB-22-025-MT-N
                                HTML ISBN 978-92-847-9149-1 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/9474 QJ-AB-22-025-MT-Q

                                DRITT TAL-AWTUR

                                © L-Unjoni Ewropea, 2022

                                Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija stabbilita fid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-QEA dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

                                Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Għalhekk, bħala regola ġenerali, l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat dment li jingħata kreditu xieraq u li kwalunkwe bidla tiġi indikata. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

                                Irid jinkiseb permess addizzjonali jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza.

                                Fejn ikun inkiseb tali permess, dan għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

                                Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, jista’ jkun meħtieġ li titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

                                Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid.

                                Il-familja ta’ siti web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuq dawn, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.

                                Użu tal-logo tal-QEA

                                Ma jistax isir użu mil-logo tal-QEA mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

                                KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

                                Personalment
                                Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-­indirizz tal-eqreb ċentru għalik online (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).

                                Bit-telefown jew bil-miktub
                                Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja lil dan is-servizz:

                                • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
                                • fuq dan in-numru standard: +32 22999696,
                                • permezz ta’ din il-formola:european-union.europa.eu/contact-eu/write-us_mt.

                                KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

                                Online
                                L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa (european-union.europa.eu).

                                Pubblikazzjonijiet tal-UE
                                Tista’ tara jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE minn op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tad-dokumentazzjoni lokali tiegħek (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).

                                Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
                                Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex (eur-lex.europa.eu).

                                Data miftuħa tal-UE
                                Il-portal data.europa.eu jagħti aċċess għal settijiet tad-data miftuħa mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE. Dawn jistgħu jitniżżlu u jerġgħu jintużaw mingħajr ħlas, għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali. Il-portal jagħti aċċess ukoll għal għadd kbir ta’ settijiet tad-data mill-pajjiżi Ewropej.