Rapport Speċjali
12 2021

Il-Prinċipju ta’ Min Iniġġes Iħallas: Applikazzjoni inkonsistenti fil-politiki u fl-azzjonijiet ambjentali tal-UE

Dwar ir-rapport:It-tniġġis jirrappreżenta spiża sinifikanti għas-soċjetà u huwa tħassib ewlieni għaċ-ċittadini tal-UE. Bl-applikazzjoni tal-Prinċipju ta’ Min Iniġġes Iħallas (PPP), min iniġġes jingħata inċentiv biex jevita d-dannu ambjentali u jinżamm responsabbli għat-tniġġis li jikkawża. B’mod ġenerali, aħna sibna li l-PPP huwa rifless u jiġi applikat f’diversi livelli fil-politiki ambjentali differenti tal-UE u l-kopertura kif ukoll l-applikazzjoni tiegħu ma kinux kompleti. Xi drabi, il-baġit tal-UE jintuża biex jiffinanzja azzjonijiet ta’ tindif li, skont il-PPP, kellhom jiġġarrbu minn min iniġġes. Aħna nirrakkomandaw li tissaħħaħ l-integrazzjoni tal-PPP fil-leġiżlazzjoni ambjentali, jiġi rinforzat ir-reġim dwar ir-responsabbiltà ambjentali fil-livell tal-UE, u jiġu protetti aħjar il-fondi tal-UE milli jintużaw għal finanzjament ta’ proġetti li jenħtieġ li jiġu ffinanzjati minn min iniġġes.

Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġejt:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

Il-Prinċipju ta’ Min Iniġġes Iħallas huwa wieħed mill-prinċipji ewlenin li fuqhom hija bbażata l-politika ambjentali tal-Unjoni Ewropea (UE). L-applikazzjoni tal-prinċipju tfisser li min iniġġes iġarrab l-ispejjeż tat-tniġġis ikkawżat minnu, inkluż l-ispiża tal-miżuri meħuda għall-prevenzjoni, għall-kontroll u għar-rimedjazzjoni tat-tniġġis kif ukoll l-ispejjeż li dan jimponi fuq is-soċjetà. Bl-applikazzjoni tal-prinċipju, min iniġġes jingħata inċentiv biex jevita d-dannu ambjentali u jinżamm responsabbli għat-tniġġis li jikkawża. Huwa wkoll min iniġġes, u mhux il-kontribwent, li jkopri l-ispiża tar-rimedjazzjoni.

II

Dan ir-rapport jiffoka fuq jekk il-prinċipju kienx ġie applikat tajjeb f’erba’ oqsma ta’ politika ambjentali tal-UE: it-tniġġis industrijali, l-iskart, l-ilma u l-ħamrija. Aħna vvalutajna jekk l-azzjonijiet tal-Kummissjoni relatati mad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali li tirregola d-dannu ambjentali kkawżat minn attività ekonomika kinux wasslu għal riżultati. Fl-aħħar nett, aħna vvalutajna jekk il-Kummissjoni u l-Istati Membri kinux ipproteġew il-baġit tal-UE milli jintuża biex jiġġarrbu l-ispejjeż li kellhom jitħallsu minn min iniġġes. Matul il-perjodu 2014-2020, il-baġit tal-UE ppjanat għall-politika ta’ koeżjoni u għall-Programm LIFE kien jammonta għal madwar EUR 29 biljun fuq proġetti mmirati speċifikament lejn il-protezzjoni tal-ambjent. Aħna eżaminajna l-infiq u l-azzjoni tal-UE matul il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020.

III

Aħna ddeċidejna li nawditjaw dan is-suġġett minħabba li:

  • It-tniġġis jirrappreżenta spiża sinifikanti għas-soċjetà u huwa tħassib ewlieni għaċ-ċittadini tal-UE;
  • Il-Prinċipju ta’ Min Iniġġes Iħallas huwa għodda ewlenija għat-twassil tal-objettivi ambjentali tal-Ewropa b’mod effiċjenti u ġust;
  • Dan ir-rapport jidentifika opportunitajiet għal titjib fl-integrazzjoni tal-prinċipju fil-leġiżlazzjoni ambjentali futura u fil-finanzjament mill-UE ta’ proġetti ta’ rimedjazzjoni ambjentali; u
  • Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu huma rilevanti wkoll għall-iskrutinju, min-naħa tal-Parlament u tal-Kunsill, tal-leġiżlazzjonijiet ambjentali kollha u tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali, li mistennija tiġi ffinalizzata fl-2023.
IV

B’mod ġenerali, aħna sibna li l-Prinċipju ta’ Min Iniġġes Iħallas huwa rifless u jiġi applikat f’diversi livelli fil-politiki ambjentali differenti tal-UE, u l-kopertura u l-applikazzjoni tiegħu ma kinux kompleti. F’dak li jirrigwarda r-responsabbiltà ambjentali, l-azzjonijiet tal-Kummissjoni biex tappoġġa l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali mill-Istati Membri ma kinux solvew id-dgħufijiet ewlenin, bħall-kunċetti u d-definizzjonijiet ewlenin mhux ċari u n-nuqqas ta’ sigurtà finanzjarja f’każijiet ta’ insolvenza. Xi drabi, il-baġit tal-UE jintuża biex jiffinanzja azzjonijiet ta’ tindif li, skont il-Prinċipju ta’ Min Iniġġes Iħallas, kellhom jiġġarrbu minn min iniġġes.

V

Aħna nirrakkomandaw lill-Kummissjoni biex:

  • tivvaluta l-ambitu għat-tisħiħ tal-integrazzjoni tal-Prinċipju ta’ Min Iniġġes Iħallas fil-leġiżlazzjoni ambjentali;
  • tqis li tirrinforza l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali; u
  • tipproteġi l-fondi tal-UE milli jintużaw għal finanzjament ta’ proġetti li jenħtieġ li jiġu ffinanzjati minn min iniġġes.

Introduzzjoni

01

Il-politika ambjentali tal-Unjoni Ewropea (UE) għandha l-għan li tiżgura li ċ-ċittadini kollha tal-UE jgħixu f’ambjent b’saħħtu fejn ir-riżorsi naturali jiġu mmaniġġjati b’mod sostenibbli, u l-bijodiversità tiġi protetta1. F’dawn l-aħħar deċennji, l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija naqsu b’mod sinifikanti2, madankollu t-tniġġis u d-dannu ambjentali għadhom sfida sinifikanti.

02

Madwar l-UE, 26 % tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art għad iridu jiksbu “status kimiku tajjeb”, u madwar 60 % tal-ilmijiet tal-wiċċ (xmajjar, lagi, u ilmijiet ta’ tranżizzjoni u dawk kostali) mhumiex fi status kimiku u ekoloġiku tajjeb3. Hemm madwar 2.8 miljun sit fl-UE li huma potenzjalment ikkontaminati, primarjament mill-attività industrijali u r-rimi tal-iskart4. It-tniġġis tal-arja, l-akbar riskju għas-saħħa ambjentali fl-UE, jagħmel ħsara wkoll lill-veġetazzjoni u lill-ekosistemi5.

L-oriġini tal-Prinċipju ta’ Min Iniġġes Iħallas

03

L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) introduċiet għall-ewwel darba l-Prinċipju ta’ Min Iniġġes Iħallas (PPP) fl-19726. Huwa ddikjara li jenħtieġ li min iniġġes iġarrab l-ispejjeż tat-twettiq tal-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ kontroll tat-tniġġis introdotti mill-awtoritajiet pubbliċi, biex jiġi żgurat li l-ambjent ikun fi stat aċċettabbli. Dawk li jfasslu l-politika jistgħu jużaw dan il-prinċipju biex irażżnu t-tniġġis u jirrestawraw l-ambjent. Bl-applikazzjoni tiegħu, min iniġġes jingħata inċentiv biex jevita d-dannu ambjentali u jinżamm responsabbli għat-tniġġis li jikkawża. Huwa wkoll min iniġġes, u mhux il-kontribwent, li jkopri l-ispejjeż li jinħolqu mit-tniġġis. F’termini ekonomiċi, dan jikkostitwixxi l-“internalizzazzjoni” ta’ “esternalitajiet ambjentali negattivi”. Meta l-ispejjeż tat-tniġġis jiġu imposti fuq min iniġġes, il-prezz tal-oġġetti u s-servizzi jiżdied biex jinkludi dawn l-ispejjeż. Għaldaqstant, il-preferenza tal-konsumatur għal prezzijiet aktar baxxi se tkun inċentiv għall-produtturi biex jikkummerċjalizzaw prodotti li jniġġsu inqas7.

04

Mill-1972 ’il hawn, l-ambitu tal-PPP kiber gradwalment (il-Figura 1)8. Inizjalment, il-prinċipju ffoka biss fuq l-ispejjeż għall-prevenzjoni u għall-kontroll tat-tniġġis, iżda aktar tard ġie estiż biex jinkludi l-ispejjeż għall-miżuri li l-awtoritajiet ħadu biex jindirizzaw l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa. Estensjoni oħra tal-prinċipju kopriet ir-responsabbiltà ambjentali: jenħtieġ li min iniġġes iħallas għad-dannu ambjentali li kkawża, irrispettivament minn jekk it-tniġġis li wassal għad-dannu kienx taħt il-limiti legali (imsejjaħ “tniġġis residwu permissibbli”) jew kienx aċċidentali9.

Figura 1

Espansjoni tal-PPP

Sors: il-QEA.

05

Fl-1992, id-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp (komunement magħrufa bħala d-“Dikjarazzjoni ta’ Rio”10) inkludiet il-PPP bħala wieħed mis-27 prinċipju gwida għall-iżvilupp sostenibbli futur.

Il-PPP fl-UE

Qafas ta’ politika

06

Il-PPP huwa l-bażi tal-politika ambjentali tal-UE. L-Artikolu 191(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)11 tal-2007 jiddikjara li: “Il-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent [...] għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta' prekawzjoni u fuq il-prinċipji li azzjoni preventiva għandha tittieħed, li l-ħsara lill-ambjent għandha, bħala prijorità tissewwa f'ras il-għajn u li min iniġġes għandu jħallas”. Il-leġiżlaturi tal-UE mhumiex marbuta bil-prinċipju meta jippromulgaw il-politika tal-UE f’oqsma differenti minn dak tal-ambjent, anke meta jista’ jkollhom impatt ambjentali sinifikanti, eż. it-trasport, is-sajd, jew il-politika agrikola.

07

Il-Kummissjoni Ewropea hija responsabbli għall-abbozzar ta’ proposti għal leġiżlazzjoni ambjentali li għandhom ikunu bbażati fuq il-PPP, filwaqt li l-Istati Membri huma responsabbli għat-traspożizzjoni, għall-applikazzjoni u għall-infurzar tad-direttivi u r-regolamenti ambjentali tal-UE. Il-leġiżlaturi tal-UE u dawk nazzjonali għandhom diversi strumenti biex japplikaw il-PPP, kif jidher fil-Figura 2.

Figura 2

Strumenti għall-implimentazzjoni tal-PPP

Sors: il-QEA, adattat mid-dokument tal-Kummissjoni Ewropea intitolat, “Principle of EU Environmental Law, The Polluter Pays Principle”.

08

Matul l-aħħar deċennji, l-UE adottat firxa wiesgħa ta’ leġiżlazzjoni fil-qasam ambjentali. Il-politiki jkopru kwistjonijiet ambjentali, bħall-bijodiversità, il-forestrija, l-użu tal-ħamrija u tal-art, l-ilma u l-arja. Politiki oħra jimmiraw speċifikament sorsi ta’ tniġġis, bħas-sustanzi kimiċi, it-tniġġis industrijali, u l-iskart. L-aktar partijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni ambjentali għall-applikazzjoni tal-PPP jinkludu:

  • Id-Direttiva 2010/75/UE dwar l-Emissjonijiet Industrijali (IED) tistabbilixxi limiti tal-emissjonijiet ibbażati fuq sistema ta’ permessi għal madwar 52 000 installazzjoni industrijali kbira fl-UE. L-IED hija bbażata fuq approċċ integrat sabiex il-permessi jkollhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-prestazzjoni ambjentali kollha tal-impjant, li tkopri, eż. l-emissjonijiet ta’ sustanzi niġġiesa, l-użu ta’ materja prima, l-effiċjenza fl-enerġija u r-restawr tas-sit mal-għeluq.
  • Id-Direttiva Qafas 2008/98/KE dwar l-Iskart tkopri l-immaniġġjar tal-iskart. Strumenti legali oħra jindirizzaw kwistjonijiet u tipi speċifiċi ta’ skart, bħall-iskart mill-imballaġġ, il-plastik li jintuża darba biss, it-tagħmir elettriku u elettroniku, il-batteriji u l-akkumulaturi, il-vetturi li ma għadhomx jintużaw, l-iskart mill-minjieri, il-landfills u l-vjeġġi ta’ skart.
  • Id-Direttiva Qafas 2000/60/KE dwar l-Ilma (WFD) tkopri l-politika tal-ilma, flimkien mad-Direttivi assoċjati, inklużi d-Direttiva 91/271/KEE dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi u d-Direttiva (EU) 2020/2184 dwar l-Ilma tajjeb għax-xorb kif ukoll id-Direttiva 2007/60/KE dwar l-Għargħar. Leġiżlazzjoni oħra speċifika għas-settur tkopri t-tniġġis li jaffettwa l-ilma, bħad-Direttiva 2009/128/KE dwar il-Pestiċidi jew id-Direttiva 91/676/KEE dwar in-Nitrati.
  • Id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali 2004/35/KE (ELD) tistabbilixxi l-qafas tal-UE għar-responsabbiltà ambjentali. Ir-responsabbiltà ambjentali tfisser li l-operaturi ekonomiċi li jikkawżaw dannu lill-ambjent huma responsabbli biex iħallsu għar-rimedjazzjoni tiegħu, u b’hekk jingħataw inċentiv biex jevitaw id-dannu. Skont l-ELD, meta dannu ambjentali sinifikanti lill-art, lill-ilma u lill-bijodiversità jirriżulta minn attività ekonomika li titqies bħala riskjuża (kif spjegat fid-dettall fl-Anness III tal-ELD), l-operatur responsabbli huwa meħtieġ li jieħu l-miżuri ta’ rimedjazzjoni kollha meħtieġa bi spejjeż tiegħu stess. Għal attivitajiet ekonomiċi li mhumiex meqjusa bħala ambjentalment riskjużi, inkluża l-biedja, l-ELD tirrikjedi li l-operaturi jirrimedjaw id-dannu lill-bijodiversità meta jkollhom tort jew ikunu negliġenti biss.
  • Il-kumpaniji li jaħżnu sustanzi kimiċi perikolużi huma wkoll suġġetti għad-Direttiva 2012/18/UE Seveso, li l-għan tagħha huwa l-prevenzjoni ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi perikolużi.
  • Id-Direttiva 2009/147/KE dwar l-Għasafar u d-Direttiva 92/43/KEE dwar il-Ħabitats, imsejħa d-“Direttivi dwar in-Natura”, jiffurmaw is-sinsla tal-politika tal-UE dwar il-bijodiversità. Id-Direttivi dwar in-Natura jirrikjedu li l-Istati Membri jipproteġu l-ħabitats naturali. L-Istati Membri jistgħu jużaw il-finanzjament mill-UE biex jagħmlu dan. Id-Direttiva dwar il-Ħabitats tiddikjara b’mod espliċitu li l-PPP għandu applikazzjoni limitata għall-konservazzjoni tan-natura. L-ELD tkopri d-dannu sinifikanti kkawżat lil speċijiet u ħabitats protetti.
09

Ma hemm ebda leġiżlazzjoni qafas unika tal-UE li tindirizza t-tniġġis tal-ħamrija. Madankollu, madwar 35 strument leġiżlattiv, strateġiku, politiku u finanzjarju ġew identifikati bħala potenzjalment rilevanti għall-protezzjoni tal-ħamrija12.

Finanzjament mill-UE

10

It-tniġġis jiġġenera spejjeż sinifikanti għaċ-ċittadini tal-UE. Ma hemm ebda valutazzjoni komprensiva tal-ispiża sħiħa tat-tniġġis għas-soċjetà. Studju reċenti li twettaq għall-Kummissjoni stma li n-nuqqas li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE jammonta għal madwar EUR 55 biljun fis-sena fi spejjeż u benefiċċji mitlufa13.

11

Sehem sinifikanti tal-baġit tal-UE huwa ddedikat għall-kisba tal-objettivi tal-UE relatati mat-tibdil fil-klima u mal-ambjent. Matul il-perjodu 2014-2020, l-UE impenjat lilha nfisha li tonfoq mill-inqas 20 % tal-baġit totali tagħha fuq l-azzjoni dwar il-klima. L-UE tintegra l-objettivi ambjentali f’ħafna mill-programmi ta’ finanzjament tagħha. Pereżempju, matul il-perjodu 2014-2020, il-Kummissjoni kklassifikat infiq ta’ EUR 66 biljun taħt il-politika agrikola komuni u ta’ EUR 1 000 000 000 fuq is-sajd bħala li huwa ta' benefiċċju għall-bijodiversità, għalkemm rapport reċenti juri li dawn iċ-ċifri ġew stmati b’mod eċċessiv14.

12

Il-baġit tal-UE jappoġġa proġetti għat-tindif ta’ siti mniġġsa u għall-protezzjoni ambjentali prinċipalment permezz tal-fondi taħt il-politika ta’ koeżjoni (jiġifieri l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni), taħt it-tema wiesgħa ta’ “Ambjent u Effiċjenza fir-Riżorsi”, u l-programm LIFE (LIFE). Dawn jappoġġaw l-ispiża tal-infrastruttura meħtieġa għat-trattament tal-ilma mormi u l-immaniġġjar tal-iskart f’ċerti Stati Membri, u miżuri li jimmonitorjaw l-istat tal-ambjent u l-iżvilupp ta’ infrastruttura favur l-ambjent15.

13

LIFE16 huwa programm tal-UE li jindirizza l-ambjent u t-tibdil fil-klima. Għall-perjodu 2014-2020, il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għamel EUR 2.6 biljun disponibbli għas-sottoprogramm ambjentali taħt LIFE.

14

Matul il-perjodu 2014-2020, il-baġit tal-UE ppjanat għall-politika ta’ koeżjoni u LIFE jammonta għal madwar EUR 29 biljun għal proġetti mmirati speċifikament lejn il-protezzjoni tal-ambjent (il-Figura 3).

Figura 3

Stampa ġenerali tal-fondi tal-UE taħt il-politika ta’ Koeżjoni u s-sottoprogramm ambjentali LIFE riżervati għal proġetti ambjentali (il-perjodu 2014-2020, f’EUR biljun)

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data li ġiet estratta f’April 2021 mill-bażi ta’ data tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-infiq tal-UE ppjanat taħt il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment tal-UE u s-sottoprogramm LIFE għall-ambjent.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

15

It-tniġġis jirrappreżenta spiża sinifikanti għas-soċjetà u huwa tħassib ewlieni għaċ-ċittadini tal-UE. Il-Prinċipju ta’ Min Iniġġes Iħallas huwa għodda ewlenija għat-twassil tal-objettivi ambjentali tal-Ewropa b’mod effiċjenti u ġust. F’rapporti preċedenti, aħna sibna każijiet fejn il-PPP ma ġiex applikat17. Madankollu, preċedentement aħna ma eżaminajniex il-PPP per se. Dan ir-rapport jidentifika opportunitajiet għal titjib fl-integrazzjoni tal-PPP fil-leġiżlazzjoni ambjentali futura u fil-finanzjament mill-UE ta’ proġetti ta’ rimedjazzjoni ambjentali. Il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu huma rilevanti għall-Parlament u għall-Kunsill għall-iskrutinju tal-leġiżlazzjonijiet ambjentali kollha u tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-ELD, li mistennija tiġi ffinalizzata fl-2023.

16

Aħna eżaminajna l-qafas ta’ politika tal-UE għall-PPP. Iffukajna fuq jekk:

  • il-prinċipju kienx ġie applikat tajjeb f’erba’ oqsma ta’ politika ambjentali tal-UE: it-tniġġis industrijali, l-iskart, l-ilma u l-ħamrija;
  • l-azzjonijiet tal-Kummissjoni relatati mal-ELD kinux wasslu għal riżultati;
  • il-Kummissjoni u l-Istati Membri kinux ipproteġew il-baġit tal-UE milli jintuża biex jiġġarrbu l-ispejjeż li kellhom jitħallsu minn min iniġġes.
17

Aħna eżaminajna l-infiq u l-azzjoni tal-UE matul il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020. Ma ffukajniex l-awditu fuq is-settur tal-enerġija u dak tal-klima, u fuq it-tniġġis tal-arja, billi aħna koprejna dawn is-suġġetti f’bosta rapporti oħra18. Eskludejna t-taxxi ambjentali tal-Istati Membri mill-ambitu tagħna.

18

Fix-xogħol tal-awditjar tagħna, aħna:

  • eżaminajna r-rapporti tal-Kummissjoni u dawk tal-aġenziji rilevanti u azzjonijiet oħra relatati mal-applikazzjoni tal-PPP fil-politiki tal-UE;
  • ksibna spjegazzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-implimentazzjoni tal-ELD fl-Italja, fil-Polonja u fil-Portugall. Aħna għażilna dawn l-Istati Membri abbażi tal-għadd ta’ każijiet irrappurtati taħt l-ELD u b’kont meħud tal-bilanċ ġeografiku;
  • skrutinizzajna 42 proġett ta’ rimedjazzjoni ambjentali. Għamilna dan billi għażilna proġetti ddedikati għar-restawr tal-ambjent b’valur ta’ EUR 180 miljun mill-Fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni u LIFE, fl-Italja, fil-Polonja u fil-Portugall, matul il-perjodu 2014-2020. Aħna għażilna dawn il-proġetti billi kienu qed jiffinanzjaw xogħol ta’ dekontaminazzjoni kkawżat minn tniġġis magħmul mill-bniedem.

Osservazzjonijiet

Il-PPP huwa l-bażi tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE

19

Aħna eżaminajna kif l-UE integrat il-PPP f’oqsma leġiżlattivi ewlenin, bħall-IED għat-tniġġis industrijali, id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart għall-iskart, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma għat-tniġġis tal-ilma, u diversi direttivi u regolamenti relatati mat-tniġġis tal-ħamrija. Aħna vverifikajna jekk dawn kienx fihom dispożizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-PPP u sa liema punt min iniġġes kien responsabbli biex iħallas għat-tniġġis ikkawżat minnu.

Il-PPP japplika għall-installazzjonijiet li jniġġsu l-aktar iżda l-ispiża tat-tniġġis residwu għas-soċjetà għadha għolja

Figura 4

It-tniġġis industrijali fil-qosor

Sors: l-Eurostat u l-EEA.

20

L-IED tkopri 33 settur industrijali (l-Anness I). F’xi setturi industrijali, din tkopri l-installazzjonijiet kollha. F’oħrajn, hija tkopri installazzjonijiet akbar (pereżempju, impjanti tal-enerġija b’input termiku nominali totali ta’ aktar minn 50 megawatt).

21

L-installazzjonijiet koperti jeħtieġu permess biex joperaw, li jistabbilixxi regoli speċifiċi u limiti tal-emissjonijiet ibbażati fuq konklużjonijiet dwar l-“Aqwa Tekniki Disponibbli” (BAT, Best Available Techniques). Id-dokumenti ta’ referenza dwar il-BAT huma dokumenti assoċjati li jipprovdu soluzzjonijiet tekniċi biex jillimitaw it-tniġġis filwaqt li jżommu l-installazzjonijiet industrijali ekonomikament vijabbli. Il-Kummissjoni tirrieżamina u taġġorna l-konklużjonijiet tal-BAT regolarment, l-installazzjonijiet kollha eżistenti kkonċernati jridu jikkonformaw magħhom wara perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ erba’ snin, u installazzjonijiet ġodda jridu jkunu konformi immedjatament. L-awtoritajiet tal-Istati Membri jispezzjonaw l-installazzjonijiet li jkunu koperti mill-IED, jippenalizzaw f’każ li dawn ma jkunux konformi u jagħlquhom fl-aktar każijiet serji.

22

Fl-2020, il-Kummissjoni ppubblikat evalwazzjoni tal-IED19, li wriet li l-ispiża tad-dannu kkawżat mill-emissjonijiet fl-arja tal-installazzjonijiet kollha tal-IED kienet naqset b’madwar 50 % bejn l-2010 u l-2017. Il-Kummissjoni stmat l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-IED għal ċerti setturi: pereżempju, fis-settur tal-ħadid u tal-azzar, il-konformità mal-IED tiswa madwar EUR 90 miljun fis-sena, filwaqt li l-prevenzjoni tat-tniġġis tiffranka EUR 932 miljun fis-sena20. Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew21, il-Kummissjoni ħabbret li se tipproponi reviżjoni tal-miżuri tal-UE li jindirizzaw it-tniġġis ikkawżat minn installazzjonijiet industrijali kbar.

23

Is-sidien tal-installazzjonijiet iridu jġarrbu l-ispiża tal-konformità mal-kundizzjonijiet tal-permessi tal-IED tagħhom. Dan jinkludi t-teħid ta’ miżuri biex l-emissjonijiet jinżammu fi ħdan limiti legali, li jfisser li dawn jinternalizzaw l-ispiża tal-prevenzjoni u tal-kontroll tat-tniġġis. Madankollu, il-fondi pubbliċi jistgħu jappoġġaw azzjonijiet li jmorru lil hinn mill-istandards eżistenti22. Jekk l-installazzjonijiet jikkawżaw dannu ambjentali sinifikanti, huma jkunu suġġetti għall-ELD (il-paragrafi 42-62), li jfisser li jridu jħallsu għar-rimedjazzjoni. Il-maġġoranza (17) tal-Istati Membri ma jżommux l-installazzjonijiet responsabbli meta d-dannu ambjentali jkun irriżulta minn emissjonijiet li kienu fil-limiti tal-permess tagħhom23, u l-installazzjoni ma kellhiex tort jew ma kinitx negliġenti.

24

L-IED tkopri l-installazzjonijiet industrijali li jniġġsu l-aktar, kif spjegat fid-dettall fil-paragrafu 20. L-IED ma tirrikjedix li l-installazzjonijiet ikopru l-ispiża tal-impatt mit-tniġġis residwu għas-soċjetà. Fl-2014, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) stmat li l-ispiża tad-dannu mit-tniġġis residwu tal-arja għas-soċjetà kkawżat minn 14 000 faċilità industrijali kbira matul il-perjodu 2008-2012 kienet bejn EUR 329 biljun u EUR 1 053 biljun24.

25

Fost it-42 proġett ta’ rimedjazzjoni ambjentali li eżaminajna, aħna sibna proġett li kellu l-għan li jindirizza t-tniġġis iġġenerat minn impjant kbir tal-azzar u tal-ħadid, li ma kienx konformi mal-IED (il-Kaxxa 1).

Kaxxa 1

In-nuqqas ta’ konformità mal-IED wassal għal tniġġis sinifikanti: il-każ ta’ impjant kbir tal-azzar fl-Italja

Fl-2005, il-Qorti Suprema tal-Italja ddeċidiet li kumpanija li kellha s-sjieda ta’ impjant kbir tal-azzar u tal-ħadid kienet responsabbli għat-tniġġis tal-arja, ir-rimi ta’ materjali perikolużi, u l-emissjoni ta’ partikoli. Fl-2010, il-muniċipalità fejn jinsab l-impjant sostniet li t-tindif tad-dannu ambjentali kien se jiswa EUR 2 biljun u ħadet azzjoni legali biex tikseb kumpens. Fl-2011, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) sabet li l-Italja ma kinitx konformi mal-IED. Fl-2015, il-kumpanija ttieħdet mill-Istat. Fl-2017, proċedimenti kriminali li ngħataw bidu mill-ġudikatura kontra s-sidien preċedenti tal-impjant irriżultaw f’soluzzjoni alternattiva għat-tilwim li taqbeż il-EUR 1 000 000 000. Il-flus li ġew irkuprati qed jintużaw mill-Istat Taljan għal attivitajiet ta’ dekontaminazzjoni. Fl-2019, qorti tal-appell fl-Italja tat kumpens lill-muniċipalità iżda l-kumpanija ma setgħetx tħallas għad-dannu.

Proġett ta’ EUR 375 000 li ġie ffinanzjat mill-UE kellu l-għan li jidentifika u jindirizza t-tniġġis u kien jikkonċerna muniċipalità oħra li kienet tinsab qrib l-impjant tal-azzar u tal-ħadid. Il-proġett kien jikkonsisti f’analiżi ambjentali u valutazzjoni tar-riskju ta’ erja agrikola ta’ kważi 6 000 ettaru. Il-proġett identifika kontaminazzjoni industrijali serja li kienet tippreżenta riskji sinifikanti għas-saħħa.

Il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart tirrifletti l-PPP, iżda ma tiżgurax li min iniġġes ikopri l-ispiża sħiħa tat-tniġġis

Figura 5

L-iskart fil-qosor

Sors: id-data kollha pprovduta mill-Eurostat.

26

L-iskart huwa sors ta’ tniġġis fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija. Il-qafas leġiżlattiv tal-UE dwar l-iskart ifittex li japplika “ġerarkija tal-iskart” (il-Figura 6) biex jitnaqqas l-iskart u jintuża skart inevitabbli bħala riżorsa.

Figura 6

Il-ġerarkija tal-iskart

Sors: id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart.

27

Id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jilħqu miri vinkolanti25. Pereżempju, jenħtieġ li 55 % tal-iskart muniċipali jitħejja għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ sal-2025 (jiżdied għal 60 % sal-2030 u għal 65 % sal-2035, b’mhux aktar minn 10 % li jintbagħat f’landfill).

28

Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart tirrikjedi li, “skont il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, il-kostijiet tal-immaniġġjar tal-iskart inkluż għall-infrastruttura neċessarja u l-operat tagħha, għandhom jinġarru mill-produttur oriġinali tal-iskart jew mid-detentur attwali jew preċedenti tal-iskart”. L-Istati Membri jiddeċiedu jekk l-ispejjeż tal-immaniġġjar tal-iskart għandhomx jiġġarrbu mill-utent aħħari (eż. il-konsumatur li jarmi l-iskart) jew inkella parzjalment jew kompletament mill-produttur tal-prodott li jkun sar skart. Din tissejjaħ “Responsabbiltà Estiża tal-Produttur” (EPR). L-EPR mhijiex l-uniku mod biex jiġi implimentat il-PPP. Pereżempju, id-Direttiva dwar il-Boroż tal-Plastik tirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu miżuri, bħal miri ta’ tnaqqis nazzjonali u/jew strumenti ekonomiċi (eż. tariffi, taxxi).

29

L-iskemi ta’ EPR jagħmlu lill-produtturi responsabbli għall-immaniġġjar tal-prodotti tagħhom ladarba dawn isiru skart. Għaldaqstant, il-prezz li jitħallas mill-produtturi u mill-konsumaturi jirrifletti l-ispiża tal-immaniġġjar tal-iskart, u b’hekk titnaqqas l-ispiża għall-awtoritajiet pubbliċi u l-kontribwenti. Huma jagħtu wkoll inċentiv lill-produtturi biex jiżviluppaw prodotti aktar ekoloġiċi li jevitaw skart mhux meħtieġ. L-iskemi ta’ EPR huma obbligatorji għal ċerti flussi ta’ skart, bħall-iskart elettriku u elettroniku, il-batteriji, l-akkumulaturi u l-vetturi, u se jkunu meħtieġa għall-iskart kollu mill-imballaġġ, għall-plastik li jintuża darba biss u għall-irkaptu tas-sajd sal-2024.

30

Jenħtieġ li t-tariffi imposti fuq iċ-ċittadini jew fuq in-negozji jkunu proporzjonali għall-iskart iġġenerat u jieħdu kont tad-dannu ambjentali kkawżat. Studju wieħed dwar il-finanzjament tal-immaniġġjar tal-iskart26 iddikjara li l-evidenza tissuġġerixxi li l-esternalitajiet ambjentali huma sa ċertu punt biss internalizzati fit-tariffi tal-utenti mħallsa mill-unitajiet domestiċi.

31

Matul il-perjodu 2014-2020, il-baġit tal-UE ppjana li jikkontribwixxi, prinċipalment permezz tal-politika ta’ koeżjoni, EUR 4.3 biljun għall-finanzjament tal-infrastruttura għall-immaniġġjar tal-iskart għall-ġbir, is-separazzjoni u t-trattament tal-iskart.

Min iniġġes ma jġarrabx l-ispejjeż sħaħ relatati mat-tniġġis tal-ilma

Figura 7

L-ilma fil-qosor

Sors: id-data kollha pprovduta mill-valutazzjoni tal-EEA 2018 European waters assessment..

32

Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tistabbilixxi qafas komuni għall-protezzjoni tat-tipi kollha tal-ilma fl-UE u għall-prevenzjoni ta’ deterjorament ulterjuri tal-kwalità tal-ilma. Hija tistabbilixxi objettivi għall-korpi tal-wiċċ u l-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art.

33

L-OECD stmat27 li l-Istati Membri diġà jonfqu madwar EUR 100 biljun fis-sena fuq il-provvista tal-ilma u s-sanità, u li se jkunu jeħtieġu (ħlief il-Ġermanja) li jżidu dak l-ammont b’aktar minn 25 % biex jilħqu l-objettivi tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-trattament tal-ilma mormi u l-ilma tajjeb għax-xorb. Dan ma jinkludix l-investimenti meħtieġa għat-tiġdid tal-infrastruttura eżistenti jew għall-ilħuq tal-objettivi tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u tad-Direttiva dwar l-Għargħar.

34

L-Artikolu 9 tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma jirrikjedi li l-Istati Membri “jikkunsidraw il-prinċipju ta’ rkuprar tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma, inklużi l-ispejjeż tal-ambjent u tar-riżorsi, [...], u bi qbil partikolarment mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas”. L-Istati Membri huma meħtieġa jiżguraw li l-kontribuzzjoni mis-settur industrijali, is-settur agrikolu u dak tal-unitajiet domestiċi għall-irkupru tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma tkun adegwata meta mqabbla mal-użu li huma jagħmlu mill-ilma. Il-Figura 8 ta’ hawn taħt turi l-użu tal-ilma skont is-settur ekonomiku.

Figura 8

Użu tal-ilma skont is-settur ekonomiku fl-Ewropa, fl-2017

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-EEA għall-membri tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u għall-pajjiżi li jikkooperaw.

35

Meta jistabbilixxu l-politika tal-ipprezzar tal-ilma tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti soċjali, ambjentali u ekonomiċi tal-irkupru tal-ispejjeż. Għalhekk, huma għandhom id-diskrezzjoni biex jiddeċiedu min huwa mistenni li jħallas, kemm, u għal liema servizz. Id-Deċiżjoni C-525/12 tal-QĠUE kkonfermat li l-Istati Membri mhux neċessarjament iridu japplikaw il-kunċett tal-irkupru tal-ispejjeż għall-użu kollu tal-ilma.

36

Fl-UE, l-utenti jħallsu bħala medja għal madwar 70 % tal-ispiża tal-provvista tas-servizzi tal-ilma (permezz tat-tariffi fuq l-ilma), filwaqt li l-fondi pubbliċi jiffinanzjaw it-30 % li jifdal, għalkemm hemm differenzi konsiderevoli bejn ir-reġjuni u l-Istati Membri28. Normalment, l-unitajiet domestiċi tal-UE jħallsu għall-biċċa l-kbira mill-ispiża relatata mas-servizzi tal-provvista tal-ilma u tas-sanità29, minkejja li jikkunsmaw biss 10 % tal-ilma, kif jidher fil-Figura 8. L-agrikoltura, is-settur li jeżerċita l-aktar pressjonijiet fuq ir-riżorsi rinnovabbli tal-ilma ħelu30, tikkontribwixxi l-inqas. Studju tal-2011 stma li fi Franza l-ispejjeż addizzjonali mħallsa minn unitajiet domestiċi minħabba tniġġis agrikolu żdiedu b’EUR 494 għal kull unità domestika fis-sena għal-lokalitajiet l-aktar milquta31.

37

Fl-2019, il-Kummissjoni identifikat32 li l-Istati Membri kellhom jagħmlu aktar progress biex jintegraw l-ispejjeż ambjentali u tar-riżorsi fl-ipprezzar tal-ilma. Filwaqt li kien sar progress fl-indirizzar ta’ sustanzi niġġiesa speċifiċi, għal ħafna intrapriżi l-prezz tal-ilma ma jkoprix l-ispejjeż sħaħ imposti minħabba s-sustanzi niġġiesa li huma jirrilaxxaw fl-ilma.

38

Il-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż huwa diffiċli biex jiġi applikat għal tniġġis li joriġina minn sorsi diffużi, pereżempju mill-agrikoltura, fejn huwa diffiċli li min iniġġes jiġi identifikat. Ħafna drabi s-settur agrikolu ma jħallasx għat-trattament tal-ilma mormi, minħabba li l-parti l-kbira mill-ilma li dan is-settur juża ma jiġix mormi fid-drenaġġ (u għalhekk l-ilma ma jiġix trattat). Fl-UE, it-tniġġis agrikolu diffuż permezz tan-nitrati u tal-pestiċidi huwa l-kawża prinċipali tan-nuqqas tal-ilma ta’ taħt l-art milli jikseb status kimiku tajjeb. It-tniġġis ikkawżat min-nitrati jippreżenta riskju kbir għall-futur tal-korpi ta’ ilma ta’ taħt l-art, hekk kif l-esperti urew33 li kwantitajiet vasti ta’ nitrati huma attwalment maħżuna fis-saffi tal-blat bejn il-ħamrija u l-korp ta’ ilma ta’ taħt l-art. Billi n-nitrati jgħaddu bil-mod minn bejn il-blat, jista’ jgħaddi seklu jew aktar biex is-sustanzi niġġiesa jilħqu l-korp ta’ ilma ta’ taħt l-art, u dan idewwem l-impatt tal-bidliet fil-prattiki agrikoli fuq il-kwalità tal-ilma ta’ taħt l-art.

Ebda qafas leġiżlattiv kumplessiv tal-UE għall-protezzjoni kontra t-tniġġis tal-ħamrija

Figura 9

It-tniġġis tal-ħamrija fil-qosor

Sors: Sinjali tal-EEA 2019, JRC, Status of local soil contamination in Europe, Eionet National Reference Centre Soil.

39

Diversi direttivi u regolamenti tal-UE jikkontribwixxu għall-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tat-tniġġis tal-ħamrija, u jkopru s-setturi li l-aktar li jagħmlu pressjoni fuq il-ħamrija, bħall-industrija u l-agrikoltura (pereżempju l-paragrafi 20-25 u 38). Fl-2006, il-Kummissjoni pproponiet “Direttiva Qafas dwar il-Ħamrija” li kopriet il-prevenzjoni tal-kontaminazzjoni u d-degradazzjoni tal-ħamrija kif ukoll l-identifikazzjoni, ir-reġistrazzjoni u r-rimedjazzjoni ta’ siti kontaminati. Il-Parlament Ewropew adotta opinjoni pożittiva dwar il-proposta, iżda mhux il-Kunsill. Il-Kummissjoni rtirat il-proposta f’Mejju 2014.

40

Ma hemm ebda objettiv komuni għall-UE kollha li huwa relatat mat-tniġġis tal-ħamrija u mar-rimedju ta’ siti kontaminati. Studju34 ffinanzjat mill-Kummissjoni wera li xi wħud mill-Istati Membri kellhom fis-seħħ leġiżlazzjoni nazzjonali komprensiva ħafna, filwaqt li oħrajn ma kellhomx azzjoni koordinata dwar il-protezzjoni tal-ħamrija.

41

Id-dekontaminazzjoni tal-ħamrija mniġġsa tiswa ħafna flus: fl-2006, il-Kummissjoni stmat li l-ispiża totali tat-tindif tal-ħamrija kkontaminata fl-UE kienet tammonta għal EUR 119-il biljun35. Il-baġits pubbliċi, inklużi l-fondi tal-UE, jiffinanzjaw aktar minn 42 % tal-attivitajiet ta’ rimedjazzjoni36: ħafna attivitajiet li jniġġsu seħħew żmien twil ilu, li jżid ir-riskju li min iniġġes jew ma għadux jeżisti, jew ma jistax jiġi identifikat jew inkella huwa insolventi. Barra minn hekk, huwa diffiċli li l-PPP jiġi applikat f’każijiet ta’ kontaminazzjoni diffuża tal-ħamrija minħabba d-diffikultà inerenti li r-responsabbiltà tiġi attribwita lil entitajiet speċifiċi li jniġġsu.

Il-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni biex ittejjeb l-operat tal-ELD ma kisibx ir-riżultati mistennija

42

Aħna rrieżaminajna l-evalwazzjoni tal-ELD imwettqa fl-2016 u vvalutajna jekk l-azzjonijiet li l-Kummissjoni ħadet b’rispons għaliha minn dak iż-żmien ’il hawn kinux indirizzaw il-lakuni identifikati.

B’segwitu għall-evalwazzjoni tal-ELD, il-Kummissjoni adottat pjan ta’ azzjoni biex tindirizza l-lakuni identifikati

43

Id-Direttiva kienet tirrikjedi li:

  • Sa April 2013, l-Istati Membri jippreżentaw lill-Kummissjoni data dwar il-każijiet kollha ta’ dannu ambjentali li ġew irrimedjati skont l-ELD matul il-perjodu 2007-2013, imbagħad fl-2022 u minn dak iż-żmien ’il quddiem kull ħames snin; u
  • Il-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-2014 imbagħad fl-2023 u minn dak iż-żmien ’il quddiem fuq ċiklu ta’ ħames snin.
44

L-Istati Membri rrappurtaw 1 230 każ li ġew ittrattati skont l-ELD matul il-perjodu 2007-201337. Kif jidher fil-Figura 10, l-għadd ta’ każijiet kien ivarja b’mod sinifikanti fost l-Istati Membri, b’żewġ pajjiżi, l-Ungerija u l-Polonja, li rrappurtaw aktar minn 85 % tal-għadd totali ta’ każijiet. Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni kkonkluda li r-raġuni prinċipali għal dawn id-differenzi kbar kienet l-applikazzjoni mhux uniformi tal-ELD fl-Istati Membri kollha38.

Figura 10

Każijiet relatati mal-ELD irrappurtati mill-Istati Membri tal-EU għall-perjodu 2007-2013

Sors: il-QEA, ibbażat fuq l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fl-2016.

45

L-evalwazzjoni tal-ELD imwettqa mill-Kummissjoni fl-2016 ikkonkludiet li d-Direttiva baqgħet rilevanti u li l-Istati Membri għamlu progress fl-ilħuq tal-objettivi tagħha. Madankollu, din sabet li xi kwistjonijiet, jew minn perspettiva tat-tfassil tal-politika jew minn dik tal-implimentazzjoni, fixklu l-effiċjenza u l-effettività tar-reġim ta’ responsabbiltà:

  • nuqqas ta’ data konsistenti u komparabbli dwar l-implimentazzjoni tal-ELD;
  • nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni mill-partijiet ikkonċernati dwar ir-reġim;
  • kunċetti u definizzjonijiet ewlenin mhux ċari;
  • limitazzjonijiet tal-kamp ta’ applikazzjoni minħabba eċċezzjonijiet u difiżi; u
  • nuqqas ta’ sigurtà finanzjarja f’każijiet ta’ insolvenza.
46

Ibbażat fuq din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni, f’konsultazzjoni ma’ esperti mill-Istati Membri, adottat Programm ta’ Ħidma Pluriennali tal-ELD (MAWP) għall-perjodu 2017-202039 biex tindirizza l-lakuni identifikati. Fl-2020, il-Kummissjoni approvat programm ta’ ħidma ġdid b’azzjonijiet għall-perjodu 2021-202440.

47

Waħda mill-azzjonijiet indirizzat ir-rappurtar tad-data. L-evalwazzjoni kkonkludiet li l-kwalità tad-data rrappurtata kienet fqira u ppreveniet lill-Kummissjoni milli tasal għal konklużjonijiet sodi rigward l-implimentazzjoni tal-ELD. L-evalwazzjoni ddikjarat li, filwaqt li xi wħud mill-Istati Membri ppreżentaw data dettaljata u strutturata tajjeb, oħrajn ma pprovdewx l-informazzjoni kollha meħtieġa għal valutazzjoni kompleta.

48

Biex ittejjeb il-koerenza u l-kwalità tad-data, fl-2017 il-Kummissjoni żviluppat Sistema ta’ Informazzjoni għall-ELD. Madankollu, is-sistema mhijiex operazzjonali. Il-Kummissjoni qed tippjana li tinkoraġġixxi l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni, billi torganizza diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar il-mod kif għandu jiġi organizzat il-ġbir tad-data fil-livell nazzjonali. Minħabba d-differenzi fis-sistemi legali ma hemm ebda aċċertament li din is-sistema l-ġdida se tappoġġa analiżi konsistenti madwar l-UE.

Il-kunċetti ewlenin tal-ELD għadhom mhux definiti

49

L-ELD tiddefinixxi tliet tipi ta’ dannu ambjentali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jiġifieri għall-ispeċijiet u l-ħabitats naturali protetti, l-ilma u l-art41. Id-Direttiva tapplika meta tali “dannu ambjentali” jitqies “sinifikattiv”. Id-Direttiva ma tispeċifikax il-kriterji għall-valutazzjoni tad-dannu jew għad-determinazzjoni tas-soll tas-sinifikanza għad-dannu li jaffettwa l-ilmijiet u l-art.

50

L-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fl-2016 issuġġeriet li n-nuqqas ta’ ċarezza u l-applikazzjoni uniformi ta’ kunċetti ewlenin tal-ELD (“dannu ambjentali” u “sinifikanza”) kienu fixklu l-objettiv tad-Direttiva li jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent fl-UE42.

51

L-interpretazzjoni ta’ dak li jikkostitwixxi dannu ambjentali sinifikattiv u għalhekk dak li huwa suġġett għall-PPP skont id-Direttiva, tvarja b’mod sinifikanti fost l-Istati Membri. Avveniment li jiskatta l-applikazzjoni tal-ELD fi Stat Membru wieħed mhux neċessarjament jiskattaha fi Stat Membru ieħor. Fil-każ speċifiku tad-definizzjoni ta’ dak li jikkostitwixxi “dannu lill-art”, l-ELD tirreferi biss għad-dannu li joħloq riskju sinifikattiv għas-saħħa tal-bniedem, iżda mhux għall-ambjent.

52

Skont il-MAWP għall-perjodu 2017-2020, il-Kummissjoni impjegat kuntrattur biex ifassal dokument ta’ “Fehim Komuni” biex jipprovdi kjarifika ulterjuri dwar kunċetti ewlenin tal-ELD. La l-Kummissjoni u lanqas l-Istati Membri ma approvawh43.

53

Fl-2017, il-Parlament Ewropew iddikjara li “l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni differenti “tal-limitu minimu ta’ materjalità” għad-dannu ambjentali jikkostitwixxu wieħed mill-ostakoli ewlenin għall-applikazzjoni uniformi u effikaċi tal-ELD”44. Il-Parlament Ewropew appella lill-Kummissjoni biex tirrevedi d-definizzjoni ta’ “dannu ambjentali” u tiċċara l-kunċett ta’ “limitu minimu ta’ materjalità”.

54

Fl-2019, emenda għall-ELD45 kienet tirrikjedi li l-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida dwar it-terminu “dannu ambjentali” sa tmiem l-2020. Wara konsultazzjonijiet mal-Istati Membri, il-Kummissjoni ħarġet avviż f’Marzu 202146 dwar l-interpretazzjoni legali tagħha tad-definizzjoni ta’ “dannu ambjentali”. L-interpretazzjoni tal-Kummissjoni mhijiex vinkolanti u ma fihiex kriterji jew limiti minimi speċifiċi li skonthom jenħtieġ li tiġi applikata l-ELD, billi dan ikun jirrikjedi bidla leġiżlattiva.

55

In-Network tal-Unjoni Ewropea għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali (IMPEL) identifika l-ħtieġa li l-prattikanti nazzjonali jikkondividu l-esperjenzi għad-detezzjoni, l-identifikazzjoni u d-determinazzjoni tad-dannu ambjentali. Biex jissodisfa din il-ħtieġa, l-IMPEL qed jiżviluppa manwal għall-partijiet ikkonċernati li jagħti dettalji rigward il-kriterji għall-valutazzjoni tad-“dannu ambjentali”, li qed jippjana li jippubblika fl-202147. Fil-programm ta’ ħidma tagħha għall-perjodu 2021-2024, il-Kummissjoni ddikjarat li qed tippjana li tikkoopera mal-proġett IMPEL, u li tuża l-outputs tal-proġett bħala parti mill-bini tal-kapaċitajiet. Il-Kummissjoni ma ppjanat ebda azzjoni speċifika dwar dan fil-programm ta’ ħidma tagħha għall-perjodu 2021-2024.

Xi wħud mill-Istati Membri jirrikjedu li l-kumpaniji industrijali jassiguraw lilhom infushom kontra r-riskji ambjentali

56

Meta l-ispejjeż tar-rimedjazzjoni relatati mad-dannu ambjentali jaqbżu l-assi tal-operatur, f’każ ta’ insolvenza, huwa ma jkunx jista’ jikkompleta l-azzjoni ta’ rimedjazzjoni, u b’hekk l-ispejjeż jiġġarrbu mill-fondi pubbliċi.

57

L-Istati Membri ma kinux obbligati jipprovdu informazzjoni dwar l-ispejjeż tar-rimedjazzjoni għaċ-ċiklu ta’ rappurtar tal-perjodu 2007-2013. L-Istati Membri li pprovdew informazzjoni dwar tali spejjeż kienu 12, u 96 % tal-proġetti ta’ rimedjazzjoni kienu jiswew inqas minn EUR 1 000 00048. L-analiżi li wettaqna tal-proġetti ta’ rimedjazzjoni li l-ispejjeż tagħhom iġġarrbu mill-baġit tal-UE wriet li dawn ta’ spiss kienu jikkonċernaw każijiet fejn l-ispejjeż tar-rimedjazzjoni kienu konsiderevoli meta mqabbla mal-kapaċità finanzjarja tal-operatur, u fejn is-sigurtà finanzjarja ma kinitx fis-seħħ (il-paragrafu 68).

58

L-ELD tirrikjedi li l-Istati Membri “iħajjru l-iżvilupp ta’ strumenti u suq ta’ sigurtà finanzjarja [...] bl-iskop li jiffaċilitaw l-użu ta’ garanziji finanzjarji mill-operaturi biex ikopru r-responsabbiltajiet tagħhom”49. Is-sigurtà finanzjarja tista’ tieħu l-forma, fost l-oħrajn, ta’ polza tal-assigurazzjoni, kontribuzzjoni għal fond ambjentali, garanzija bankarja, bond, jew riżerva proprja. L-Istati Membri mhumiex obbligati li jagħmlu din is-sigurtà finanzjarja obbligatorja.

59

Kif jidher fil-Figura 11, seba’ Stati Membri (iċ-Ċekja, l-Irlanda, Spanja, l-Italja, il-Polonja, il-Portugall u s-Slovakkja) jeħtieġu sigurtà finanzjarja għal xi responsabbiltajiet ambjentali jew għal kollha kemm huma.

Figura 11

Sigurtà finanzjarja għar-responsabbiltajiet tal-ELD fl-UE

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data minn rapport ta’ Stevens & Bolton LLP.

60

Studju mħejji għall-Parlament Ewropew ikkonkluda li l-problema tal-insolvenza tista’ tiġi indirizzata permezz ta’ sigurtà finanzjarja obbligatorja. Pereżempju, il-Portugall jimponi sigurtà finanzjarja obbligatorja għall-attivitajiet kollha ambjentalment riskjużi identifikati fl-ELD. Il-Portugall jaċċetta firxa wiesgħa ta’ strumenti ta’ sigurtà finanzjarja, inklużi poloz tal-assigurazzjoni, garanziji bankarji, fondi ambjentali u fondi proprji. Il-Portugall ma rrapporta ebda każ ta’ insolvenza li ppreviena l-applikazzjoni tar-responsabbiltà ambjentali50.

61

Bħala parti mill-MAWP għall-perjodu 2017-2020, il-Kummissjoni ffinanzjat studju dwar id-disponibbiltà ta’ poloz tal-assigurazzjoni u d-domanda għalihom fl-Istati Membri51. Dan l-istudju sab li l-poloz tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltajiet tal-ELD, jiġifieri l-aktar strument popolari għas-sigurtà finanzjarja, ma kinux disponibbli b’mod wiesa’ madwar l-UE, u f’xi wħud mill-Istati Membri ma kinux jeżistu. Huwa sab ukoll li d-disponibbiltà mhux neċessarjament kienet tikkorrispondi mad-domanda, u li kien hemm pajjiżi fejn id-disponibbiltà kienet għolja, iżda d-domanda kienet baxxa. Madankollu, l-istudju wera wkoll li fl-Istati Membri fejn is-sigurtà finanzjarja għar-responsabbiltajiet tal-ELD kienet obbligatorja, l-obbligu ta spinta lill-iżvilupp tas-suq tal-assigurazzjoni.

62

Fil-programm ta’ ħidma tagħha għall-perjodu 2021-2024, il-Kummissjoni qed tippjana li twettaq studju ta’ segwitu biex teżamina t-trikkib bejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali preeżistenti dwar ir-responsabbiltà ambjentali u l-applikazzjoni tal-ELD f’kull Stat Membru. Hija tippjana wkoll li tinkoraġġixxi lill-Istati Membri li ma introduċewx sigurtà finanzjarja obbligatorja għar-responsabbiltajiet tal-ELD biex iqisu l-estensjoni tar-rekwiżiti ta’ sigurtà finanzjarja obbligatorji eżistenti biex jinkludu rekwiżiti għal responsabbiltajiet taħt l-ELD u biex iqisu l-impożizzjoni ta’ responsabbiltà sekondarja fuq persuni oħra bħal diretturi u uffiċjali, kif ukoll kumpaniji omm52.

L-UE ffinanzjat proġetti ta’ rimedjazzjoni ambjentali

63

Jenħtieġ li l-awtoritajiet tal-Istati Membri jiżguraw li kull meta jkun possibbli, min iniġġes iġarrab l-ispejjeż relatati mat-tniġġis ikkawżat minnu. Il-linji gwida tal-UE dwar l-użu tal-fondi pubbliċi għall-protezzjoni ambjentali53 jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li taħthom tali investiment huwa possibbli fir-rigward tal-PPP:

  • Għat-tnaqqis tat-tniġġis mill-emissjonijiet industrijali, il-finanzjament pubbliku huwa permess meta l-investiment ikun intenzjonat biex jaqbeż l-istandards tal-UE jew iżid il-protezzjoni ambjentali fin-nuqqas ta’ kwalunkwe standard bħal dan (il-paragrafu 23). Il-finanzjament pubbliku huwa permess ukoll għat-tħejjija ta’ standards futuri tal-UE;
  • Għat-tindif ta’ siti kontaminati, il-finanzjament pubbliku huwa permess meta min iniġġes ma jkunx ġie identifikat jew ma jkunx jista’ jinżamm legalment responsabbli għall-finanzjament tar-rimedjazzjoni;
  • Għall-proġetti tal-immaniġġjar tal-iskart, il-finanzjament pubbliku ma jistax jintuża biex operatur li jiġġenera l-iskart jiġi permess li jinħeles mill-ispiża tat-trattament tiegħu.
64

Biex nivverifikaw l-applikazzjoni tal-PPP meta proġetti jiġu kofinanzjati minn fondi tal-UE, aħna analizzajna 42 proġett (il-Figura 12) b’valur ta’ EUR 180 miljun mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (SIE) u mill-programm LIFE. Il-proġetti kienu jinsabu fi 8 reġjuni fi 3 Stati Membri - 19 fl-Italja, 10 fil-Polonja u 13 fil-Portugall. Aħna rrieżaminajna jekk, meta ffinanzjat dawn il-proġetti, l-awtorità responsabbli kinitx qieset l-applikazzjoni tal-PPP, notevolment billi fittxet li tidentifika lil min iniġġes, billi talbet il-konteniment tat-tniġġis u d-dekontaminazzjoni taż-żona kkonċernata, u billi tat bidu għal proċeduri biex tirkupra l-fondi pubbliċi li ntefqu.

Figura 12

Proġetti magħżula

Sors: il-QEA.

Il-fondi tal-UE ntużaw biex jitnaddaf it-tniġġis orfni

65

It-tniġġis orfni huwa tniġġis li seħħ fil-passat u fejn il-PPP ma jistax jiġi applikat minħabba li min iniġġes jew mhuwiex magħruf, jew ma għadux jeżisti jew inkella ma jistax jinżamm responsabbli. L-ELD tirrikonoxxi dan u tapplika biss għat-tniġġis li seħħ wara l-2007. L-aktar sorsi sinifikanti ta’ tniġġis orfni huma attivitajiet industrijali preċedenti, li kkontaminaw il-ħamrija b’metalli, qatran u sustanzi perikolużi oħra54.

66

Mit-42 proġett li eżaminajna, 20 huma relatati ma’ tniġġis orfni (b’baġit ta’ EUR 62.1 miljun). F’dawn il-każijiet, il-PPP ma setax jiġi applikat u kienu ntużaw fondi pubbliċi, kif jidher fil-Kaxxa 2.

Kaxxa 2

It-tniġġis orfni fil-Portugall u fl-Italja fejn il-PPP ma japplikax

Fl-2011, il-Portugall elenka 175 minjiera abbandunata li kienu jirrikjedu dekontaminazzjoni estensiva minħabba li kien fihom sulfur metalliku jew minerali radjuattivi. Aħna eżaminajna tliet proġetti ffinanzjati mill-FSIE relatati ma’ minjieri abbandunati, u li kienu joperaw bejn is-seklu 19 u s-seklu 20. Bejn l-2015 u l-2021, il-kontribuzzjoni ppjanata mill-UE tammonta għal EUR 9.1 miljun. Il-proġetti jinvolvu r-riabilitazzjoni tal-minjieri u taż-żoni tal-madwar. Peress li l-attivitajiet ta’ estrazzjoni seħħew għexieren ta’ snin ilu, ebda operatur ma jista’ jinżamm responsabbli, billi dawn jew ma għadhomx jeżistu u ma għadhomx responsabbli, jew inkella ma kellhom ebda obbligu legali li jiddekontaminaw l-art meta kienu joperaw.

Aħna eżaminajna proġett li ġie ffinanzjat mill-ESI, b’valur ta’ EUR 1.9 miljun, biex tiġi ddekontaminata biċċa art fil-Puglia (l-Italja) li preċedentement kienet okkupata minn impjant tal-enerġija tal-gass li kien jopera bejn nofs is-seklu 19 u s-snin 60. L-impjant ikkontamina madwar 20 000 m2 ta’ art u ilma ta’ taħt l-art b’metalli, idrokarburi, asbestos u sustanzi oħra perikolużi. Il-muniċipalità għandha s-sjieda tal-art u kellha parti mill-kumpanija li kienet topera l-impjant. L-awtoritajiet Taljani wettqu analiżi ambjentali bejn l-1999 u l-2004; wara, huma naddfu l-ħamrija u attwalment qed inaddfu l-akwifer. Ebda leġiżlazzjoni ambjentali ma ppreveniet lill-impjant milli jniġġes waqt li kien qed jopera.

Il-fondi tal-UE ntużaw ukoll meta l-awtoritajiet nazzjonali naqsu milli jinfurzaw il-leġiżlazzjoni ambjentali u jġiegħlu lil min iniġġes iħallas

67

Aħna identifikajna 8 proġetti f’Campania fl-Italja li rċevew EUR 27.2 miljun f’fondi tal-UE biex inaddfu t-tniġġis li seħħ meta l-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE kienet diġà fis-seħħ. L-operaturi responsabbli għal-landfills għall-iskart muniċipali ma kinux konformi mal-leġiżlazzjoni ambjentali fis-seħħ. L-awtoritajiet pubbliċi responsabbli għas-sorveljanza ta’ dawn is-siti ma obbligawx lil dawn l-operaturi biex inaddfu t-tniġġis li kkawżaw. Dan l-użu tal-finanzjament mill-UE ma jirrispettax il-PPP, kif jidher fil-Kaxxa 3.

Kaxxa 3

Nuqqas ta’ infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali li jwassal għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-PPP f’reġjun Taljan

Fl-2007, il-QĠUE55 ddeċidiet li, għal għadd ta’ landfills, l-Italja ma kinitx ikkonformat mar-regoli tal-UE dwar l-iskart tal-landfills fuq perjodu ta’ żmien twil, u kkawżat dannu sinifikanti lill-ambjent.

Il-muniċipalitajiet jew il-kumpaniji tal-utilitajiet bi sjieda pubblika kienu joperaw it-tmien landfills li eżaminajna, li minnhom erbgħa kienu koperti mid-deċiżjoni msemmija hawn fuq, għall-ġbir ta’ skart solidu urban bejn is-snin 70 u l-bidu tas-snin 2000. Madankollu, huma ma rrispettawx ir-rekwiżiti ambjentali tal-UE li kienu fis-seħħ, u dan ikkawża dannu ambjentali serju. Il-kontribuzzjoni mill-Fond SIE ppjanata għat-8 proġetti ta’ rimedjazzjoni tal-landfills f’Campania fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 kienet tammonta għal EUR 27.2 miljun.

Pereżempju, waħda mil-landfills ma kinitx mgħammra biex tipproteġi l-ħamrija, il-wiċċ tal-ilma ta’ taħt l-art jew l-arja mit-tniġġis. L-operatur ma pproteġiex is-sit kontra r-rimi illegali ta’ skart, inkluż dak perikoluż, la matul l-operat u lanqas wara l-għeluq. L-awtoritajiet Taljani użaw EUR 2.2 miljun f’fondi tal-UE biex jiddekontaminaw is-sit fl-2017 u fl-2018, u wara dan il-Kummissjoni qieset is-sit tal-landfill preċedenti bħala konformi mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE.

In-nuqqas ta’ sigurtà finanzjarja biex tkopri r-responsabbiltà ambjentali jżid ir-riskju li l-ispejjeż jiġġarrbu mill-kontribwenti

68

Meta l-operaturi ma jkollhomx sigurtà finanzjarja suffiċjenti, jista’ jkun li ma jkunux jistgħu jkopru l-ispiża tar-rimedjazzjoni tat-tniġġis li jkunu kkawżaw (il-paragrafi 56-62). Aħna sibna 4 proġetti ta’ rimedjazzjoni bħal dawn, b’valur ta’ EUR 33 miljun, fejn operatur, identifikat bħala l-parti responsabbli għat-tniġġis, kien falla. B’riżultat ta’ dan, kellhom jintużaw fondi pubbliċi biex il-ħamrija u l-ilma jiġu ddekontaminati. Dan ma jirrispettax il-PPP, kif jidher fil-Kaxxa 4.

Kaxxa 4

Eżempji ta’ nuqqas ta’ sigurtà finanzjarja li wassal għal nuqqas ta’ applikazzjoni tal-PPP

Fl-1995, ftit snin wara li waqqfet il-produzzjoni, kumpanija li tipproduċi prodotti tal-asbestos fl-Italja ddikjarat stat ta’ falliment. Qabel ma bdiet il-proċedura ta’ likwidazzjoni, il-kumpanija kienet bdiet azzjoni ta’ tindif għad-dannu ambjentali kkawżat mill-produzzjoni tagħha, fuq talba tal-Ministeru Taljan tal-Ambjent. Madankollu, hekk kif bdew il-proċedimenti ta’ falliment, l-amministratur tal-falliment waqqaf il-finanzjament għar-rimedjazzjoni. B’riżultat ta’ dan, l-awtoritajiet pubbliċi reġjonali komplew id-dekontaminazzjoni. Il-proġett li awditjajna rċieva EUR 7.1 miljun f’appoġġ mill-UE. Dan kien jinvolvi t-twaqqigħ ta’ bini ’l fuq mil-livell tal-pjan terran u l-iżgurar li l-materjali li kien fihom l-asbestos u li kienu maħżuna taħt l-art ikunu sikuri. L-awtoritajiet ikkompletaw ix-xogħol fl-2019. Huma nedew proċedimenti legali biex jirkupraw il-fondi użati għall-operazzjoni ta’ tindif iżda jqisu li jista' jkun li ma jirnexxilhomx jirkupraw il-flus minn kumpanija li għaddejja minn proċedimenti ta’ falliment.

Fil-Polonja, l-awtoritajiet ambjentali sabu sustanzi tossiċi fl-ilma ta’ taħt l-art u fil-ħamrija fejn kien jinsab impjant kimiku. It-tniġġis tal-ilma ta’ taħt l-art joħloq riskju għas-saħħa tar-residenti fil-qrib u jista’ jinfirex għal żona Natura 2000. Fl-2000, l-awtoritajiet reġjonali bdew proċedura ta’ azzjoni ta’ rimedjazzjoni kontra l-kumpanija tal-kimika li naqset milli tiddekontamina s-sit. Fl-2014, il-kumpanija ddikjarat falliment u bdiet proċedimenti ta’ likwidazzjoni. L-awtoritajiet ippreżentaw talba matul il-proċedimenti ta’ insolvenza fl-2016, iżda l-amministratur tal-falliment ma ħa ebda azzjoni ta’ rimedjazzjoni u biegħ partijiet tal-installazzjonijiet li kienu qed jipprevienu r-rilaxx ta’ sustanzi kimiċi.

Skont l-awtoritajiet, l-infrastruttura qed tkompli tiddeterjora u t-tniġġis qed ikompli jinfirex, u d-deċiżjoni legali li timponi miżuri preventivi jew ta’ rimedju tista’ tkun impossibbli li tiġi infurzata minħabba l-falliment. B’riżultat ta’ dan, l-awtoritajiet użaw fondi pubbliċi, inklużi EUR 17.3 miljun mill-FSIE, biex jirrimedjaw id-dannu ambjentali fl-ewwel żona ta’ 27 ettaru. L-awtoritajiet jistmaw li t-tniġġis ikopri ftit eluf ta’ ettari u li l-ispiża totali tar-rimedjazzjoni tista’ taqbeż il-EUR 540 miljun.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

69

Il-Prinċipju ta’ Min Iniġġes Iħallas (PPP) huwa l-bażi tal-politika ambjentali tal-UE u jirrikjedi li jenħtieġ li min iniġġes iġarrab l-ispejjeż relatati mat-tniġġis ikkawżat minnu, inkluż l-ispiża tal-miżuri meħuda għall-prevenzjoni, għall-kontroll u għar-rimedjazzjoni tat-tniġġis kif ukoll l-ispejjeż li dan jimponi fuq is-soċjetà.

70

Aħna eżaminajna l-qafas ta’ politika tal-UE għall-PPP, billi ffukajna fuq l-applikazzjoni tiegħu għall-oqsma ta’ politika ambjentali tal-UE, l-azzjonijiet tal-Kummissjoni relatati mad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali (ELD), u jekk il-baġit tal-UE kienx protett milli jġarrab spejjeż li kellhom jitħallsu minn min iniġġes.

71

B’mod ġenerali, aħna sibna li l-PPP huwa rifless f’diversi livelli fil-politiki ambjentali differenti tal-UE u li l-kopertura u l-applikazzjoni tiegħu ma kinux kompleti. L-azzjonijiet tal-Kummissjoni biex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-ELD min-naħa tal-Istati Membri ma kinux solvew id-dgħufijiet ewlenin. Xi drabi, il-baġit tal-UE jintuża biex jiffinanzja azzjonijiet ta’ tindif li, skont il-PPP, kellhom jiġġarrbu minn min iniġġes.

72

Il-PPP jiġi applikat b’mod differenti fil-politiki ambjentali differenti tal-UE. Fir-rigward tal-emissjonijiet industrijali, aħna kkonkludejna li l-PPP jiġi applikat għall-installazzjonijiet industrijali li jniġġsu l-aktar, li huma koperti mid-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (IED). Is-sidien tal-installazzjonijiet iridu jġarrbu l-ispiża tal-konformità mal-kundizzjonijiet tal-permessi tagħhom, inkluż billi jieħdu miżuri biex jillimitaw l-emissjonijiet taħt il-limiti tal-emissjonijiet. L-IED ma tapplikax għal installazzjonijiet iżgħar u ma tirrikjedix li l-installazzjonijiet ikopru l-ispiża tat-tniġġis residwu għas-soċjetà (il-paragrafi 20-25). Għalkemm il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart tirrikjedi li l-Istati Membri japplikaw il-PPP bis-sħiħ, id-diskrepanza fil-finanzjament għadha wiesgħa u huma meħtieġa investimenti pubbliċi sinifikanti biex jintlaħqu l-miri għar-riċiklaġġ (il-paragrafi 26-31). Filwaqt li kien sar progress fl-indirizzar ta’ sustanzi niġġiesa speċifiċi, għal ħafna intrapriżi l-prezz tal-ilma ma jkoprix l-ispejjeż imposti minħabba s-sustanzi niġġiesa li dawn jirrilaxxaw fl-ilma. L-irkupru tal-ispiża tas-servizzi tal-ilma huwa diffiċli biex jiġi applikat għal tniġġis li joriġina minn sorsi diffużi, pereżempju mill-agrikoltura (il-paragrafi 32-38). Ma hemm l-ebda qafas ġenerali tal-UE għall-protezzjoni tal-ħamrija, għalkemm ħafna partijiet tal-leġiżlazzjoni jikkontribwixxu indirettament għat-tnaqqis tal-pressjonijiet ambjentali (il-paragrafi 39-41).

Rakkomandazzjoni 1 – Jiġi vvalutat l-ambitu għat-tisħiħ tal-integrazzjoni tal-Prinċipju ta’ Min Iniġġes Iħallas fil-leġiżlazzjoni ambjentali

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-bidliet regolatorji u amministrattivi kif ukoll l-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji kumplessivi fir-rigward tal-applikazzjoni aħjar tal-Prinċipju ta’ Min Iniġġes Iħallas, b’mod partikolari:

  1. it-tnaqqis tal-limiti tal-emissjonijiet biex it-tniġġis residwu jkompli jitnaqqas;
  2. l-indirizzar tat-tniġġis tal-ilma diffuż mis-sorsi kollha, inkluż mill-agrikoltura.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2024

73

L-ELD tistabbilixxi l-qafas tal-UE għar-responsabbiltà ambjentali, ibbażat fuq il-PPP. Aħna sibna li l-ELD tipprevedi applikazzjoni parzjali tal-PPP f’każ ta’ dannu ambjentali. L-aktar data reċenti disponibbli dwar l-implimentazzjoni tal-ELD, għalkemm mhux kompleta, tindika lakuni fl-implimentazzjoni tal-ELD fl-Istati Membri kollha (il-paragrafi 44-48). L-ELD ma tiddefinixxix xi kunċetti ewlenin b’mod ċar, li jirriżultaw f’interpretazzjonijiet u applikazzjonijiet differenti fil-livell tal-Istati Membri (il-paragrafi 49-55). In-nuqqas ta’ sigurtà finanzjarja obbligatorja fil-livell tal-UE jfisser li fil-prattika l-kontribwenti jħallsu għall-ispejjeż tar-rimedjazzjoni meta operatur li jikkawża dannu ambjentali jsir insolventi (il-paragrafi 56-62). Aħna kkonkludejna li l-azzjonijiet tal-Kummissjoni sa issa ma rnexxielhomx jindirizzaw in-nuqqasijiet tal-ELD.

Rakkomandazzjoni 2 – Jitqies li tiġi rinforzata l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali

Aħna nirrakkomandaw li, permezz tal-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali li mistennija ssir sa April 2023, il-Kummissjoni teżamina l-ambitu biex:

  1. ittejjeb il-kriterji għad-definizzjoni tad-dannu ambjentali li għalih jenħtieġ li tapplika d-Direttiva;
  2. tagħmel aktar użu minn strumenti li jipprovdu sigurtà finanzjarja.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2023

74

Aħna sibna li l-UE tiffinanzja proġetti li kellhom jitħallsu minn min iniġġes (il-paragrafi 63-68). F’każijiet ta’ tniġġis orfni, meta l-entità responsabbli ma setgħetx tiġi identifikata jew tinżamm responsabbli, l-użu tal-finanzjament pubbliku kien ġustifikabbli u meħtieġ biex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni (il-paragrafi 65-66). Il-finanzjament jintuża wkoll meta l-awtoritajiet responsabbli jkunu naqsu milli jinfurzaw il-leġiżlazzjoni ambjentali fi żmien debitu (il-paragrafu 67). In-nuqqas ta’ sigurtà finanzjarja biex tiġi koperta r-responsabbiltà ambjentali ġiegħel ukoll lill-awtoritajiet biex jużaw fondi pubbliċi biex jirrestawraw żoni mniġġsa, meta min iniġġes kien insolventi (il-paragrafu 68).

Rakkomandazzjoni 3 – Jiġu protetti l-fondi tal-UE milli jintużaw għal finanzjament ta’ proġetti li jenħtieġ li jiġu ffinanzjati minn min iniġġes

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. fil-kapaċità superviżorja tagħha, tagħmel l-użu mill-fondi tal-UE għal azzjonijiet ta’ tindif tat-tniġġis kundizzjonali fuq kontrolli, f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri, li jivverifikaw li l-awtoritajiet rilevanti ħadu l-passi kollha meħtieġa biex min iniġġes iħallas għat-tniġġis li huwa jkun responsabbli għalih;
  2. teżamina l-ambitu għal bidliet leġiżlattivi li jirrikjedu l-użu ta’ sigurtà finanzjarja għal riskji ambjentali għall-operaturi.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2025

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla I, immexxija mis-Sur Samo Jereb, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tad-19 ta’ Mejju 2021.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
Il-President

Anness

Anness I – Setturi koperti mid-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali

Id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali tapplika għas-setturi li ġejjin. F’xi wħud mis-setturi, hija tkopri biss installazzjonijiet li jaqbżu ċertu daqs.

  • L-industriji tal-enerġija: kombustjoni ta’ karburanti f’installazzjonijiet, raffinar taż-żejt minerali u l-gass, produzzjoni tal-kokk, u gassifikazzjoni jew tidwib ta’ faħam u karburanti oħrajn
  • Il-produzzjoni u l-ipproċessar tal-metalli: xiwi jew tagħqid bis-sħana tal-minerali tal-metall, produzzjoni ta’ ħadid mill-forġa jew azzar, u pproċessar tal-metalli tal-ħadid u mhux tal-ħadid
  • L-industrija minerarja: produzzjoni ta’ siment, ġir u ossidu tal-manjesju, u asbestos, manifattura ta’ prodotti bbażati fuq l-asbestos, u ħġieġ, tidwib ta’ sustanzi minerali, u manifattura bin-nar ta’ prodotti taċ-ċeramika
  • L-industrija tal-kimika: produzzjoni ta’ kimiċi organiċi u inorganiċi, fertilizzanti, prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jew bijoċidi, prodotti farmaċewtiċi, u splussivi
  • L-immaniġġjar tal-iskart: rimi jew irkupru ta’ skart perikoluż, skart f’impjanti tal-inċinerazzjoni jew tal-koinċinerazzjoni, u skart mhux perikoluż, u mmaniġġjar ta’ landfills
  • Il-produzzjoni ta’ polpa minn injam jew materjali fibrużi oħra, kif ukoll karta u kartun, u pannelli tal-injam
  • It-trattament minn qabel jew it-tiżbigħ ta’ fibri/tessuti
  • L-ikkunzar tal-ġlud
  • L-iskarnar tal-annimali, u t-trattament u l-ipproċessar ta’ prodotti tal-ikel minn materja prima tal-annimali u veġetali
  • It-tneħħija jew ir-riċiklaġġ ta’ karkassi u skart tal-annimali
  • It-trobbija intensiva tat-tjur jew tal-ħnieżer
  • It-trattament fil-wiċċ ta’ sustanzi, oġġetti jew prodotti bl-użu ta’ solventi organiċi
  • Il-produzzjoni ta’ faħam jew elettrografit permezz ta’ ħruq jew grafitizzazzjoni
  • Il-qbid ta’ nixxigħat tad-diossidu tal-karbonju għall-finijiet ta’ ħżin ġeoloġiku
  • Il-preservazzjoni ta’ injam u prodotti tal-injam b’kimiċi
  • It-trattament indipendenti tal-ilma mormi f’ċirkustanzi speċifiċi

Akronimi u abbrevjazzjonijiet

BAT: L-Aqwa Tekniki Disponibbli

EEA: L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent

ELD: Id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali

EPR: Responsabbiltà Estiża tal-Produttur

FSIE: Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej

IED: Id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali

IMPEL: Implimentazzjoni u Infurzar tal-Liġi Ambjentali

MAWP: Programm ta’ Ħidma Pluriennali

OECD: L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi

PPP: Il-Prinċipju ta’ Min Iniġġes Iħallas

WFD: Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma

Glossarju

Azzjoni klimatika: Azzjoni biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u l-impatt tiegħu.

Fertilizzant: Kwalunkwe sustanza (sintetika jew organika) li fiha nutrijent wieħed jew aktar tal-pjanti u li tiġi applikata fil-ħamrija biex iżżomm jew ittejjeb il-fertilità.

Fond ta’ Koeżjoni: Fond tal-UE għat-tnaqqis tad-disparitajiet ekonomiċi u soċjali fl-UE bil-finanzjament ta’ investimenti fl-Istati Membri fejn l-introjtu nazzjonali gross għal kull abitant ikun inqas minn 90 % tal-medja tal-UE.

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR): Fond tal-UE li jsaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-UE billi jiffinanzja investimenti li jnaqqsu l-iżbilanċi bejn ir-reġjuni.

Il-Prinċipju ta’ Min Iniġġes Iħallas: Il-prinċipju li jirrikjedi li jenħtieġ li min iniġġes iġarrab l-ispejjeż tat-tniġġis ikkawżat minnu, inkluż l-ispiża tal-miżuri meħuda għall-prevenzjoni, għall-kontroll u għar-rimedjazzjoni tat-tniġġis kif ukoll l-ispejjeż li dan jimponi fuq is-soċjetà.

Internalizzazzjoni: Miżuri meħuda biex il-benefiċċji jew l-ispejjeż mhux imħallsa jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kompożizzjoni tal-prezzijiet tal-oġġetti u s-servizzi.

L-Aqwa Tekniki Disponibbli (BAT): Teknoloġija industrijali, tfassil ta’ installazzjoni u miżuri operazzjonali bl-aħjar prestazzjoni ambjentali, kif determinati permezz ta’ evalwazzjoni tal-aħjar prattiki hekk kif jevolvu matul iż-żmien. Użati biex jistabbilixxu valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet u kundizzjonijiet tal-permessi.

LIFE: L-istrument finanzjarju li jappoġġa l-implimentazzjoni tal-politika ambjentali u klimatika tal-UE permezz tal-kofinanzjament ta’ proġetti fl-Istati Membri.

Limitu tal-emissjonijiet: Il-massa, espressa f’termini ta’ ċerti parametri speċifiċi, konċentrazzjoni u/jew livell ta’ emissjoni, li ma jistgħux jinqabżu matul perjodu wieħed jew aktar ta’ żmien.

Politika Agrikola Komuni: Il-politika unika u unifikata tal-UE dwar l-agrikoltura, li tinkludi sussidji u firxa ta’ miżuri oħra maħsuba biex jiggarantixxu s-sigurtà alimentari, jiżguraw standard tal-għajxien ġust għall-bdiewa tal-UE, jippromwovu l-iżvilupp rurali u jipproteġu l-ambjent.

Responsabbiltà Estiża tal-Produttur (EPR): Approċċ li jżid l-istadju ta’ wara l-użu mill-konsumatur ta’ ċiklu tal-ħajja ta’ prodott, inkluż ir-riċiklaġġ u r-rimi, mar-responsabbiltajiet ambjentali tal-produttur.

Responsabbiltà għad-dannu ambjentali: L-operaturi ekonomiċi li jagħmlu ħsara lill-ambjent huma responsabbli li jħallsu għar-rimedjazzjoni tagħha.

Sigurtà finanzjarja: Kwalunkwe strument finanzjarju, bħal polza tal-assigurazzjoni, kontribuzzjoni għal fond ambjentali, garanzija bankarja, bond, jew riżerva proprja, li jiżgura li kumpanija tkun tista’ tissodisfa l-obbligu finanzjarju tagħha fil-każ ta’ responsabbiltà.

Risposti tal-Kummissjoni

Sommarju eżekuttiv

I

Il-Kummissjoni tfakkar li l-Patt Ekoloġiku Ewropew jenfasizza li huwa biss bl-użu sħiħ tal-ipprezzar u ta’ riformi tat-taxxa mfassla tajjeb li l-Ewropa tista’ tilħaq l-objettivi ambjentali tagħha b’mod effiċjenti u ġust. Ispirata mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni se taħdem biex issaħħaħ l-implimentazzjoni tal-Prinċipju ta’ Niġġes Iħallas (PPP) fil-liġi tal-Unjoni Ewropea u fil-politiki nazzjonali korrispondenti sabiex tgħin biex tintlaħaq l-ambizzjoni tal-UE ta’ tniġġis żero għal ambjent mingħajr tossiċità u biex tappoġġa l-politiki dwar il-klima, l-enerġija u l-ekonomija ċirkolari.

III

Ir-raba’ inċiż - Il-Kummissjoni tqis li l-konklużjonijiet u r-rakkmandazzjonijiet huma rilevanti għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill peress li għandhom kompetenza sinifikanti fl-applikazzjoni tal-PPP u fl-implimentazzjoni tar-Riforma tat-Taxxa Ambjentali (ETR, Environmental Tax Reform).

IV

Il-Kummissjoni tfakkar li filwaqt li qed tagħmel sforzi biex tapplika l-PPP fil-politika ambjentali, wieħed mill-istrumenti ewlenin biex jinkiseb dan, jiġifieri t-taxxi, normalment huwa soġġett għall-unanimità fil-kodeċiżjoni. Għalhekk, l-applikazzjoni sħiħa teħtieġ l-involviment tal-Istati Membri.

Fir-rigward tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali (ELD, Environmental Liability Directive), azzjoni ewlenija tal-Kummissjoni, l-adozzjoni tal-Linji Gwida dwar fehim komuni tal-ħsara ambjentali, ġiet kompluta biss f’Marzu 2021 wara konsultazzjonijiet estensivi. Għalhekk, huwa prematur li wieħed jikkonkludi li ma rnexxilux isolvi dgħufija ewlenija. Rigward in-nuqqas ta’ sigurtà finanzjarja mandatorja, il-Kummissjoni taqbel li l-kwistjoni tas-sigurtà finanzjarja għadha tħassib leġittimu u se tħares lejn dan mill-qrib fil-kuntest tal-evalwazzjoni mistennija sa April 2023.

Il-baġit tal-UE xi drabi huwa ġġustifikat fl-użu tiegħu biex jiffinanzja azzjonijiet ta’ tindif.

V

L-ewwel inċiż - Il-Kummissjoni taċċetta l-ħtieġa li teżamina kif il-PPP jiġi applikat fit-twettiq tal-impenji tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 1.a, u parzjalment taċċetta r-rakkomandazzjoni 1.b fir-rigward tal-kompetenzi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha.

It-tieni inċiż - Il-Kumissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

L-evalwazzjoni tal-ELD se teżamina l-ambitu biex il-PPP jiġi applikat aħjar.

It-tielet inċiż - Il-Kumissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni se tiżgura li d-dritt applikabbli tal-UE jiġi rispettat fir-rigward tal-passi li huma meħtieġa sabiex min iniġġes ikollu jħallas għat-tniġġis li hu responsabbli għalih u se tiżgura li l-Istati Membri jkunu konxji mill-obbligi tagħhom f’dan ir-rigward.

Introduzzjoni

03

L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) tqis l-istrumenti tal-ipprezzar inklużi t-taxxi ambjentali bħala għodda importanti għat-twettiq tal-PPP. Dan jinkludi l-imposti, l-intaxxar tat-tniġġis li huwa permess, ir-responsabbiltà ambjentali u l-eliminazzjoni gradwali ta’ sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent.

04

Il-PPP jkopri wkoll l-impatti fuq is-soċjetà u fuq il-benesseri.

06

Il-Kummissjoni tqis l-applikazzjoni tal-Prinċipju Min Iniġġes Iħallas f’oqsma oħra li jaffettwaw l-ambjent, eż. it-trasport, is-sajd u l-politika agrikola.

Il-Kummissjoni tqis li l-PPP huwa implimentat fil-Politika Agrikola Komuni (PAK) permezz ta’, fost l-oħrajn, is-sistema ta’ sanzjonijiet tal-kundizzjonalità 1 fejn it-tnaqqis tal-pagamenti tal-PAK huwa applikat meta l-bdiewa ma jirrispettawx il-liġi rilevanti applikabbli tal-UE dwar l-ambjent u l-klima inklużi ċerti regoli statutorji (eż. id-Direttiva dwar in-Nitrati).

Barra minn hekk, il-PAK jista’ jappoġġa direttament prattiki, investimenti, eċċ. għall-ambjent u l-klima, li jikkumpensaw biss l-azzjonijiet li jmorru lil hinn mill-obbligi legali rilevanti.

07

L-Istati Membri għandhom kompetenza sinifikanti biex jiddeċiedu jekk u kif għandhom japplikaw il-PPP f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jiġifieri li l-miżuri ta’ politika jiġu deċiżi f’livell kemm jista’ jkun qrib iċ-ċittadin u għalhekk fil-livell tal-Unjoni biss fejn meħtieġ. Il-Kummissjoni qed tappoġġa lill-Istati Membri fir-riforma tat-taxxa u fl-eliminazzjoni gradwali ta’ sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent.

08

Ir-raba’ inċiż - Il-Kummissjoni tfakkar li d-dannu ambjentali jinkludi mhux biss id-dannu lir-riżorsa naturali nnifisha (jiġifieri l-ispeċijiet protetti u l-ħabitats naturali; l-ilma; u l-art) iżda wkoll l-indeboliment ta’ servizzi tar-riżorsi naturali pprovduti mir-riżorsa.

10

Ir-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali (EIR, Environmental Implementation Review) huwa għodda bil-għan li ttejjeb l-implimentazzjoni tal-liġi u l-politika ambjentali tal-UE. Għandu l-għan li jindirizza l-kawżi tan-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni u jipprova jsib soluzzjonijiet qabel il-problemi jsiru urġenti.

11

Il-ħtiġijiet ta’ investiment biex titwettaq it-tranżizzjoni ekoloġika jeħtieġu investiment addizzjonali biex jintlaħqu l-miri attwali tal-politika tal-UE dwar il-klima u l-ambjent għall-2030 ta’ madwar EUR 470 biljun fis-sena56.

12

L-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) issegwi l-prinċipju ta’ kofinanzjament, sabiex tkun żgurata r-responsabbiltà tal-politiki fuq il-post. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta’ Koeżjoni jikkofinanzjaw, fost l-oħrajn, attivitajiet kemm fis-setturi tal-iskart kif ukoll tal-ilma biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-acquis ambjentali u rekwiżiti li jmorru lil hinn minn dawk previsti, tali fondi jikkofinanzjaw ukoll investimenti fil-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u tal-ħamrija kif ukoll fl-infrastruttura, u investimenti fir-riġenerazzjoni u d-dekontaminazzjoni ta’ siti abbandunati. Barra minn hekk, l-ambitu tal-appoġġ tal-FEŻR jinkludi investimenti f’teknoloġiji innovattivi biex tittejjeb il-protezzjoni ambjentali fis-settur tal-iskart, tal-ilma u fir-rigward tal-ħamrija.

Osservazzjonijiet

21

Id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (IED) tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti ċerta flessibbiltà biex jistabbilixxu valuri limitu tal-emissjonijiet anqas stretti (l-Artikolu 15(4)). Dan huwa possibbli biss f’każijiet speċifiċi fejn il-valutazzjoni turi li l-kisba ta’ livelli ta’ emissjonijiet assoċjati mal-Aħjar Metodi Tekniċi Disponibbli (BAT) kif deskritti fil-konklużjonijiet tal-BAT twassal għal spejjeż sproporzjonalment ogħla meta mqabbla mal-benefiċċji ambjentali minħabba l-pożizzjoni ġeografika jew il-kundizzjonijiet ambjentali lokali jew il-karatteristiċi tekniċi tal-installazzjoni. L-awtorità kompetenti għandha dejjem tiddokumenta l-ġustifikazzjoni tagħha għall-għoti ta’ tali derogi.

Barra minn hekk, il-Kapitolu III tal-IED dwar impjanti kbar tal-kombustjoni jinkludi ċerti strumenti ta’ flessibbiltà (Pjan Nazzjonali Tranżizzjonali, deroga għal tul ta’ ħajja limitat, eċċ.).

23

Id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali (ELD) tapplika għad-“dannu ambjentali” li d-definizzjoni tiegħu tinkludi referenzi differenti għas-sinifikat.

24

Il-Kummissjoni tqis li l-PPP huwa inkorporat fl-approċċ kollu tal-IED u jkopri wkoll it-tniġġis fil-limiti legali, peress li dawn il-limiti legali jsiru aktar stretti maż-żmien. L-operaturi għandhom jinvestu, jiġifieri jħallsu sabiex jibqgħu fil-limiti. Il-fatt li l-kundizzjonijiet tal-permess għandhom ikunu bbażati fuq l-Aħjar Metodi Tekniċi Disponibbli (BAT), u li dawn il-BATs jiġu rieżaminati, imsaħħa u aġġornati perjodikament; iwassal lis-setturi industrijali biex jinvestu b’mod kostanti f’tagħmir bi prestazzjoni aħjar u li jniġġes anqas, sabiex jikkonformaw ma’ limiti ta’ emissjonijiet aktar stretti.

L-IED ma teħtieġx li l-installazzjonijiet iħallsu l-impatt fuq is-soċjetà ta’ tniġġis li jkun fil-limiti tal-permess tagħhom.

35

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu politiki tal-ipprezzar tal-ilma li jkollhom inċentivi adegwati biex l-ilma jintuża b’mod effiċjenti u li jinkludu, skont il-PPP, kontribuzzjonijiet adegwati għall-ikrupru tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma tad-diversi setturi li jużaw l-ilma (hemm ċerta marġni ta’ diskrezzjoni li tippermetti li jitqiesu l-elementi soċjali, ekonomiċi jew ambjentali, eż. tariffi soċjali, tariffi li jqisu l-iskarsezza tal-ilma).

36

Il-Kummissjoni tqis li l-unitajiet domestiċi jġarrbu l-biċċa l-kbira tal-ispiża tal-purifikazzjoni tal-ilma (relatati mal-kontaminazzjoni minn attivitajiet oħra, inkluża l-agrikoltura), filwaqt li l-agrikoltura tuża kwantità kbira ta’ ilma li ma jiġix purifikat. L-applikazzjoni tal-ipprezzar tal-ilma għall-irkupru tal-ispejjeż tas-servizzi (inklużi l-ispejjeż ambjentali) hija “erga omnes”, filwaqt li għall-fini tas-sanzjonar tal-ksur, il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas huwa applikabbli fil-livell ta’ min iniġġes.

38

L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas hija prinċipalment f’idejn l-Istati Membri, li jridu jintegraw dan il-prinċipju fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali. L-applikazzjoni ta’ multi hija dejjem fil-livell individwali wara l-ksur tar-regoli nazzjonali jew tal-UE.

39

Il-Kummissjoni qed taġġorna l-Istrateġija Tematika tal-UE dwar il-Ħamrija fl-2021 biex tindirizza d-degradazzjoni tal-ħamrija u tal-art b’mod komprensiv u biex tgħin biex tinkiseb in-newtralità fir-rigward tad-degradazzjoni tal-art sal-2030. Il-Pjan ta’ Azzjoni ġdid għal Tniġġis Żero għall-Arja, l-Ilma u l-Ħamrija jagħti ħarsa lejn it-tniġġis tal-ħamrija u r-rimedjazzjoni ta’ siti kontaminati, b’mod partikolari.

Hemm għadd ta’ strumenti u miżuri fil-PAK attwali li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta’ attivitajiet li jillimitaw it-tniġġis tal-ħamrija.

40

Għall-installazzjonijiet industrijali li jniġġsu l-aktar, l-IED tipprevedi approċċ integrat għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-emissjonijiet fl-arja, fl-ilma u fil-ħamrija, għall-ġestjoni tal-iskart, għall-effiċjenza enerġetika u għall-prevenzjoni tal-aċċidenti.

41

Għal attivitajiet li jniġġsu li seħħew żmien ilu, ir-riskju huwa ogħla li min iniġġes ma jkunx għadu jeżisti, ma jistax jiġi identifikat jew li jkun insolventi. Madankollu, huwa possibbli li jiġi applikat il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas anki f’uħud minn dawn il-każijiet, ċertament meta jkun hemm fis-seħħ liġijiet tal-ħamrija u skemi ta’ responsabbiltà fil-livell nazzjonali. Fir-rigward tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali, jekk id-dannu ambjentali jirriżulta minn attivitajiet li seħħew “iżda li ma ntemmux qabel” it-30 ta’ April 2007, id-Direttiva għandha tapplika skont il-paragrafu 34 tas-sentenza fil-Kawżi Magħquda C-379/08 u C-380/08.

54

L-Avviż jippreżenta analiżi dettaljata ħafna biex jispjega kif id-dispożizzjonijiet eżistenti għandhom jiġu applikati fil-prattika.

Fir-rigward tal-validità legali tal-avviż, il-Kummissjoni tenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja biss tista’ tipprovdi interpretazzjoni definittiva tal-ELD u tenfasizza li dan l-avviż jirrappreżenta l-fehim tal-Kummissjoni tal-interpretazzjoni legali korretta tal-ELD.

56

Il-Kummissjoni tqis is-sitwazzjoni deskritta mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri bħala riskju serju.

57

Il-Kummissjoni tqis, b’mod simili għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li aktar ma jkunu kbar l-ispejjeż tar-rimedjazzjoni, aktar ikun kbir ir-riskju li l-operatur ma jkollux ir-riżorsi biex jagħmel tajjeb għal dawn l-ispejjeż mingħajr sigurtà finanzjarja.

60

Il-Kummissjoni tqis, b’mod simili għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li s-sigurtà finanzjarja obbligatorja għandha tnaqqas ir-riskju li l-ispejjeż jiġu ttrasferiti lejn il-fondi pubbliċi minħabba insolvenza.

63

It-tieni inċiż - Skont l-IED, ir-rapport ta’ bażi huwa l-bażi biex jiġu vvalutati l-attivitajiet ta’ rimedjazzjoni li għandhom jitwettqu mill-operatur mal-waqfien definittiv tal-attività. Skont il-“Gwida tal-Kummissjoni dwar rapporti ta’ bażi skont l-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2010/75/UE dwar emissjonijiet industrijali” (2014/C 136/03), fejn rilevanti, l-istorja tas-sit u t-tniġġis storiku għandhom jiġu inklużi wkoll fir-rapport ta’ bażi; u b’hekk l-attivitajiet ta’ rimedjazzjoni jenħtieġ li jsiru permezz ta’ finanzjament privat.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

71

Il-Kummissjoni qed taġixxi wkoll biex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-PPP mill-Istati Membri, iżda minkejja dan, dan il-prinċipju għadu mhuwiex qed jiġi applikat bis-sħiħ.

72

Huwa f’idejn l-Istati Membri li jiżguraw li t-tniġġis fil-limiti tal-permess tagħhom jiġi pprezzat.

Għall-ilma, hemm spiża tar-riżorsi u spiża tat-tniġġis assoċjati mal-estrazzjoni (żejda).

L-emissjonijiet fil-limiti legali jeħtieġu wkoll investimenti, peress li dawn ir-rekwiżiti legali jsiru aktar stretti maż-żmien.

Ċerti installazzjonijiet iżgħar huma koperti mid-Direttiva dwar l-Impjanti tal-Kombustjoni Medji (MCPD, Medium Combustion Plant Directive) (UE) 2015/2193 dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċerti sustanzi niġġiesa fl-arja minn impjanti tal-kombustjoni medji. Din id-Direttiva tapplika għal impjanti tal-kombustjoni b’input termali kklassifikat daqs jew akbar minn Megawatt 1 u anqas minn 50 Megawatt irrispettivament mit-tip ta’ karburant li jużaw. Avolja l-PPP mhuwiex imsemmi b’mod espliċitu hemmhekk, l-installazzjonijiet ikkonċernati jiffaċċjaw ukoll prezz fuq it-tniġġis meta jġarrbu l-ispejjeż tal-konformità mar-rekwiżiti tal-MCPD.

Rakkomandazzjoni 1 – Jiġi vvalutat l-ambitu għat-tisħiħ tal-integrazzjoni tal-Prinċipju ta’ Min Iniġġes Iħallas fil-leġiżlazzjoni ambjentali

Il-Kummissjoni taċċetta l-ħtieġa li teżamina kif il-PPP jiġi applikat fit-twettiq tal-impenji tal-Patt Ekoloġiku Ewropew billi twettaq evalwazzjoni tal-applikazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu u taħdem mal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-PPP inkluż l-ipprezzar u l-eliminazzjoni gradwali ta’ sussidji li jagħmlu ħsara għall-ambjent.

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 1.a.

Il-Kummissjoni se tipproponi reviżjoni tal-miżuri tal-UE li jindirizzaw it-tniġġis minn installazzjonijiet industrijali kbar fil-bidu tal-2022, kif imħabbar fil-Patt Ekoloġiku Ewropew. L-għan tar-reviżjoni huma li jsir progress lejn l-ambizzjoni tal-UE ta’ tniġġis żero għal ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi u li jiġu appoġġati l-politiki dwar il-klima, l-enerġija u l-ekonomija ċirkolari.

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni 1b parzjalment.

Fil-qafas tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt, l-Istrateġija għall-Bijodiversità u l-Pjan ta’ Azzjoni ġdid għal Tniġġis Żero jistabbilixxu l-azzjonijiet li l-Kummissjoni se tieħu biex tindirizza t-tniġġis tal-ilma.  Fil-proposta tagħha għall-PAK il-ġdida l-Kummissjoni rrinforzat il-kundizzjonalità, u dan jippermetti li t-tniġġis diffuż jiġi indirizzat aħjar; dan l-aspett din qed jiġi suġġett għal proċedura ta’ kodeċiżjoni. Il-Kummissjoni taċċetta li jenħtieġ li tqis l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas fil-politiki regolatorji tagħha, skont il-Linji Gwida tagħha għal Regolamentazzjoni Aħjar. Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta r-rakkomandazzjoni biex tqis l-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji u l-bidliet regolatorji u amministrattivi ta’ miżuri speċifiċi li jkunu fil-kompetenza tal-Istati Membri.

73

L-ELD tiddefinixxi l-kunċetti ewlenin u l-kunċetti relatati huma definiti f’direttivi oħra (bħad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma) li huma marbuta mill-qrib mal-ELD. Irriżulta diffiċli li jiġi żviluppat fehim komuni tal-implikazzjonijiet sħaħ tad-definizzjonijiet ta’ dawn il-kunċetti. Il-Linji Gwida tal-Kummissjoni adottati f’Marzu 2021 jindirizzaw il-ħtieġa għal fehim bħal dan.

Rakkomandazzjoni 2 – Jitqies li tiġi rinforzata l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali

Il-Kummissjoni taċċetta r-Rakkomandazzjoni 2 (a).

Il-Kummissjoni taċċetta li fil-fatt hemm nuqqas fl-ELD ta’ kriterji espliċiti għall-valutazzjoni tad-dannu lill-ilma u lill-art tat-tip li l-Anness I tal-ELD jipprevedi għall-valutazzjoni tad-dannu lill-ispeċijiet protetti u lill-ħabitats naturali. Il-fatt li jkun hemm kriterji legalment vinkolanti għad-dannu tal-ilma u tal-art jista’ jkun utli tabilħaqq u l-Kummissjoni se tqis dan fil-kuntest tal-evalwazzjoni.

Il-Kummissjoni taċċetta r-Rakkomandazzjoni 2 (b).

Rakkomandazzjoni 3 – Jiġu protetti l-fondi tal-UE milli jintużaw għal finanzjament ta’ proġetti li jenħtieġ li jiġu ffinanzjati minn min iniġġes

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Fl-ambitu tal-ġestjoni kondiviża, hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jagħżlu operazzjonijiet li fihom jenħtieġ li jiġu applikati l-kundizzjonijiet rakkomandati mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

  1. Permezz ta’ mekkaniżmi stabbiliti fil-qafas legali għall-politika ta’ koeżjoni, il-Kummissjoni se tiżgura li d-dritt applikabbli tal-UE jkun rispettat fir-rigward tal-passi meħtieġa biex min iniġġes iħallas għat-tniġġis li huwa jkun responsabbli għalih u se tiżgura li l-Istati Membri jkunu konxji mill-obbligi tagħhom f’dan ir-rigward.
  2. Il-Kummissjoni se teżamina dan l-aspett fir-rigward tal-kuntest tar-Rakkomandazzjoni 2.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex ikollhom impatt massimu billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla I tal-Awditjar, Użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, li hija mmexxija minn Samo Jereb, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Viorel Ştefan, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Roxana Banica, Kap tal-Kabinett u Olivier Prigent, Attaché tal-Kabinett; Colm Friel, Maniġer Prinċipali; Frédéric Soblet, Kap tal-Kompitu; Roberto Resegotti, Deputat Kap tal-Kompitu, Georgios Karakatsanis, Katarzyna Radecka-Moroz, u Anna Sfiligoi, Awdituri. Disinn grafiku minn Marika Meisenzahl. Cathryn Lindsay ipprovdiet appoġġ lingwistiku.

Noti finali

1 Ibbażat fuq il-viżjoni ppreżentata fid-dokument intitolat General Union Environment Action Programme to 2020.

2 General Union Environment Action Programme to 2020, “Living well, within the limits of our planet”, p. 14.

3 EEA, EEA 2018 water assessment.

4 EEA, Contamination from local sources, 2020.

5 EEA, Air quality in Europe, 2019.

6 OECD, Recommendation of the Council on Guiding Principles concerning International Economic Aspects of Environmental Policies, 2020.

7 Jans, Jan H. u Vedder, Hans H. B., European Environmental Law, 2008.

8 OECD, The Polluter-Pays Principle, Analyses and Recommendations, 1992.

9 OECD, Recommendation of the Council concerning the Application of the Polluter-Pays Principle to Accidental Pollution, 1989.

10 UNCED, Rio Declaration on Environment and Development, 1992.

11 It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

12 Ecologic Institute, Updated Inventory and Assessment of Soil Protection Policy Instruments in EU Member States, 2017.

13 The costs of not implementing EU environmental law, Rapport Finali, 2019.

14 Ir-Rapport Speċjali Nru 13/2020 - Bijodiversità agrikola: il-kontribuzzjoni mill-PAK ma waqqfitx it-tnaqqis.

15 Informazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Ambjent u l-Effiċjenza fir-Riżorsi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni.

16 Ir-Regolament (UE) 1293/2013.

17 Ara, pereżempju, ir-Rapporti Speċjali Nru 19/2018, Nru 22/2016, Nru 23/2015, Nru 02/2015, Nru 04/2014, Nru 23/2012, Nru 20/2012 tal-QEA.

18 Ara pereżempju r-Rapport Speċjali Nru 23/2018 - It-tniġġis tal-arja: Saħħitna għadha mhix qed tiġi protetta biżżejjed, ir-Rapport Speċjali Nru 18/2020 - Is-Sistema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet: l-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti kienet teħtieġ immirar aħjar, u r-Rapport Speċjali Nru XX/2021 dwar il-PAK u l-Klima.

19 Il-Kummissjoni Ewropea, Evaluation of the Industrial Emissions Directive (IED), SWD(2020) 181 final.

20 Ricardo Energy & Environment, Ex-post assessment of costs and benefits from implementing BAT under the IED, 2018.

21 Il-Patt Ekoloġiku Ewropew.

22 Il-Kummissjoni Ewropea, Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020, ĠU C 200, 2014.

23 L-Artikolu 8.4(a) u (b) tad-Direttiva 2004/35/KE.

24 EEA, Costs of air pollution from European industrial facilities 2008–2012, 2014.

25 Il-miri vinkolanti prinċipali għal diversi flussi ta’ skart huma miġbura fil-qosor fir-Rapport Analitiku Nru 04 tal-QEA: Azzjoni tal-UE biex tiġi indirizzata l-problema tal-iskart tal-plastik.

26 Study on investment needs in the waste sector and on the financing of municipal waste management in Member States, 2019.

27 OECD, Financing Water Supply, Sanitation and Flood Protection, 2020.

28 OECD, Financing Water Supply, Sanitation and Flood Protection, 2020.

29 Fitness Check of the WFD, SWD(2019) 439 final, p. 64.

30 EEA, Use of freshwater resources in Europe, 2020.

31 Assessing water pollution costs of farming in France, République Française, Ministère de l'écologie, id-Dipartiment għall-Ekonomija, għall-Valutazzjoni u għall-Integrazzjoni tal-Iżvilupp Sostenibbli, Studji u dokumenti, Nru 52, 2011.

32 Fitness Check of the WFD, SWD(2019) 439 final.

33 Ascott, M.J., Gooddy, D.C., Wang, L. et al., Global patterns of nitrate storage in the vadose zone, 2017.

34 Ecologic Institute, Updated Inventory and Assessment of Soil Protection Policy Instruments in EU Member States, 2017.

35 Stima għall-EU-25 (inkluż ir-Renju Unit, bl-esklużjoni tal-Bulgarija, il-Kroazja, u r-Rumanija), Impact Assessment of the Thematic Strategy on Soil Protection, SEC(2006) 620.

36 JRC, Status of local soil contamination in Europe, 2018.

37 SWD/2016/0121 final, p. 21.

38 SWD/2016/0121 final, p. 37 u 70.

39 Multi-Annual ELD Work Programme (MAWP) for the period 2017-2020.

40 Multi-Annual ELD Rolling Work Programme (MARWP) for the period 2021-2024.

41 L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/35/KE.

42 SWD/2016/0121 final, p. 60.

43 Ir-rapporti tat-18 sat-22 laqgħa tal-grupp ta’ esperti tal-gvernijiet dwar l-ELD .

44 Il-Premessa 9 tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Ottubru 2017.

45 Ir-Regolament (UE) 2019/1010.

46 Avviż tal-Kummissjoni 2021/C 118/01.

47 It-termini ta’ referenza tal-proġett IMPEL.

48 SWD/2016/0121 final, p. 35.

49 L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/35/KE.

50 Fogleman, V., Improving financial security in the context of the Environmental Liability Directive, 2020, pp. 127-128.

51 Fogleman, V., Improving financial security in the context of the Environmental Liability Directive, 2020.

52 Multi-Annual ELD Rolling Work Programme (MARWP) for the period 2021-2024, pp. 8-9.

53 Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020, 2014/C 200.

54 EEA, Soil contamination: the unsettling legacy of industrialisation, 2019.

55 Sentenza tal-Qorti tas-26 ta’ April 2007 fil-Kawża C-135/05.

56 Identifying Europe’s recovery needs (Nidentifikaw il-ħtiġijiet ta’ rkupru tal-Ewropa), COM(2020) 456

Kronoloġija

Avveniment Data
Il-Memorandum ta’ Ppjanar tal-Awditjar (APM) jiġi adottat / L-awditu jinbeda 11.3.2020
L-abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni
(jew lill-entità l-oħra awditjata)
26.3.2021
Ir-rapport finali jiġi adottat wara l-proċedura kontradittorja 19.5.2021
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew tal-entità l-oħra awditjata) jaslu bil-lingwi kollha 14.6.2021

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2021

PDF ISBN 978-92-847-6288-0 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/840024 QJ-AB-21-014-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-6294-1 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/436791 QJ-AB-21-014-MT-Q

DRITTIJIET TAL-AWTUR

© L-Unjoni Ewropea, 2021.

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.

Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuqhom, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.

Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (https://copenhagenizeindex.eu/) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.