Rapport Speċjali
Nru25 2019

Il-kwalità tad-data fil-qasam tal-appoġġ baġitarju: dgħufijiet f’xi indikaturi u fil-verifikazzjonijiet tal-pagament għas-segmenti varjabbli

Dwar ir-rapport: L-appoġġ baġitarju huwa forma ta’ għajnuna li tingħata mill-UE u li tinvolvi t-trasferiment ta’ fondi lit-Teżor nazzjonali ta’ pajjiż sieħeb, suġġett għall-konformità ta’ dak il-pajjiż mal-kundizzjonijiet maqbula għall-pagament. Il-pagamenti relatati mal-appoġġ baġitarju jsiru fil-forma ta’ segmenti fissi jew segmenti varjabbli. L-ammonti mħallsa minn segmenti varjabbli jiddependu fuq il-prestazzjoni miksuba mill-pajjiżi sħab, li titkejjel permezz ta’ indikaturi tal-prestazzjoni predefiniti. Aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni kinitx użat data rilevanti u affidabbli dwar il-prestazzjoni għall-iżborż ta' segmenti varjabbli tal-appoġġ baġitarju. Aħna nikkonkludu li terz tal-indikaturi tal-prestazzjoni li ġew irrieżaminati kellhom dgħufijiet minħabba l-mod kif tfasslu, li setgħu jwasslu għal interpretazzjonijiet differenti dwar jekk il-miri kinux intlaħqu. Barra minn hekk, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar jekk kinux inkisbu l-indikaturi tas-segmenti varjabbli mhux dejjem kienet affidabbli. Aħna nagħmlu għadd ta’ rakkomandazzjonijiet bl-għan li tittejjeb il-formulazzjoni tal-indikaturi, jiżdied l-użu tal-indikaturi tal-eżitu u tittejjeb il-verifikazzjoni tad-data dwar il-prestazzjoni li tintuża għall-iżborż ta’ segmenti varjabbli.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

L-appoġġ baġitarju huwa forma ta’ għajnuna li tingħata mill-UE u li tinvolvi t-trasferiment ta’ fondi lit-Teżor nazzjonali ta’ pajjiż sieħeb, suġġett għall-konformità ta’ dak il-pajjiż mal-kundizzjonijiet maqbula għall-pagament. B’medja ta’ EUR 1.69 biljun f’pagamenti annwali, l-UE hija l-akbar fornitur ta’ appoġġ baġitarju. Il-pagamenti relatati mal-appoġġ baġitarju jsiru fil-forma ta’ segmenti fissi jew segmenti varjabbli. Madwar 44 % tal-pagamenti għall-appoġġ baġitarju tal-UE huma relatati ma’ segmenti varjabbli. F’xi pajjiżi tal-viċinat tal-UE, dan il-proporzjon jilħaq id-90 %. L-ammonti mħallsa minn segmenti varjabbli jiddependu fuq il-prestazzjoni miksuba mill-pajjiżi sħab, li titkejjel permezz ta’ indikaturi tal-prestazzjoni predefiniti.

II

Aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni kinitx użat data rilevanti u affidabbli dwar il-prestazzjoni għall-iżborż ta' -segmenti varjabbli tal-appoġġ baġitarju. Għal terz tal-indikaturi tal-prestazzjoni li ġew irrieżaminati, aħna nikkonkludu li dawn tfasslu b'mod li jdgħajjef ir-rilevanza tagħhom, u ma jippermettux li r-riżultati jitkejlu b’mod oġġettiv, b’hekk dan jimmina r-rilevanza tagħhom. Barra minn hekk, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar jekk kinux inkisbu l-indikaturi tas-segment varjabbli mhux dejjem kienet affidabbli, u dan wassal biex xi wħud mill-pagamenti ma kinux iġġustifikati biżżejjed.

III

Filwaqt li l-indikaturi tal-prestazzjoni għas-segmenti varjabbli ġew allinjati mal-istrateġiji għall-iżvilupp settorjali tal-pajjiżi sħab, il-biċċa l-kbira minnhom kienu ffukati fuq azzjonijiet ta’ terminu qasir aktar milli fuq riżultati aktar fit-tul, inkluż fuq il-progress li nkiseb matul iż-żmien lejn l-ilħuq tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli. Barra minn hekk, aktar minn terz tal-indikaturi kienu ġew iddefiniti b’mod vag jew kellhom linji bażi skorretti, jew inkella ma kellhom ebda linja bażi. Dan wassal għal interpretazzjonijiet differenti dwar jekk il-miri kinux intlaħqu, u b’hekk l-analiżi tat-talbiet għal żborż saret aktar kumplessa u inqas oġġettiva.

IV

Il-biċċa l-kbira mis-segmenti varjabbli li ġew irrieżaminati pprovdew l-effett intenzjonat, jiġifieri li jinċentivaw lill-pajjiżi sħab biex javvanzaw fl-aġendi ta’ riforma tagħhom billi jkollhom miri suffiċjentement ambizzjużi. Il-ftit eċċezzjonijiet li sibna kienu jikkonċernaw indikaturi li l-miri tagħhom setgħu jintlaħqu faċilment, jew li kienu ntlaħqu permezz tax-xogħol li twettaq minn donaturi oħra jew minn esperti esterni mħallsa mill-UE. F’6 kuntratti minn 24, l-għadd ta’ indikaturi li ntużaw f’kull segment varjabbli kien għoli wisq, u dan ikkumplika aktar il-proċess ta’ żborż.

V

It-talbiet għal żborż għal segmenti varjabbli fihom analiżi dwar l-issodisfar tal-kundizzjonijiet maqbula u dwar l-indikaturi tal-prestazzjoni. Dawn it-talbiet jitħejjew mill-pajjiżi sħab u għalhekk, l-affidabbiltà tad-data dwar il-prestazzjoni sottostanti tiddependi fuq il-kapaċità ta’ dawn il-pajjiżi biex jipproduċuha. Aħna sibna li f’5 kuntratti biss mill-24 li kienu ntgħażlu, il-Kummissjoni waslet għal konklużjonijiet espliċiti dwar jekk id-data dwar il-prestazzjoni meħtieġa għall-kalkolu tal-indikaturi tas-segment varjabbli kinitx affidabbli. Meta ġew analizzati t-talbiet għal żborż, id-Delegazzjonijiet tal-UE wettqu diversi proċeduri biex jivverifikaw l-affidabbiltà ta’ din id-data. Xi wħud minn dawn il-proċeduri ma jiżgurawx li l-pagamenti ta’ segmenti varjabbli jkunu bbażati fuq data affidabbli u, għalhekk, mhumiex kompletament iġġustifikati.

VI

Meta erġajna wettaqna l-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward il-kisba tal-indikaturi u kkalkulajna mill-ġdid il-pagamenti ta’ segmenti varjabbli għal total ta’ EUR 234 miljun, aħna sibna diskrepanzi li jammontaw għal EUR 16.7 miljun. Minn dan l-ammont, EUR 13.3 miljun ma kinux iġġustifikati biżżejjed, jew inkella ma kinux konformi mad-dispożizzjonijiet kuntrattwali. Ammont ta’ EUR 3.4 miljun tħallas mingħajr ma kien hemm progress reali. Barra minn hekk, EUR 26.3 miljun maqsuma fi tliet segmenti varjabbli tħallsu lill-Moldova mingħajr dokumentazzjoni suffiċjenti rigward ir-raġunijiet li jsostnu dawn il-pagamenti.

VII

Aħna nagħmlu sitt rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni sabiex:

  • Iżżid l-użu tal-indikaturi tal-eżitu għas-segmenti varjabbli;
  • Ittejjeb il-formulazzjoni tal-indikaturi tal-prestazzjoni;
  • Tissalvagwardja l-effett ta’ inċentiv tas-segmenti varjabbli;
  • Tissimplifika l-proċess ta’ żborż għas-segmenti varjabbli;
  • Ittejjeb il-valutazzjonijiet tal-kapaċità tal-pajjiżi biex jipprovdu d-data dwar il-prestazzjoni li tintuża f’segmenti varjabbli;
  • Ittejjeb il-verifikazzjoni tad-data dwar il-prestazzjoni li tintuża biex jiġu żborżati s-segmenti varjabbli.

Introduzzjoni

Il-kunċett ta’ appoġġ baġitarju

01

L-appoġġ baġitarju huwa forma ta’ għajnuna li tingħata mill-UE u li tinvolvi t-trasferiment ta’ fondi lit-Teżor nazzjonali ta’ pajjiż sieħeb, suġġett għall-konformità ta’ dak il-pajjiż mal-kundizzjonijiet maqbula għall-pagament. Il-finanzjament riċevut b’dan il-mod jiġi inkorporat fil-baġit tal-pajjiż sieħeb, li min-naħa tiegħu jista' jużah kif huwa jqis li jkun xieraq. Il-Kummissjoni tiddeskrivi l-appoġġ baġitarju bħala mezz biex titwassal għajnuna effettiva u biex jinkisbu riżultati durabbli sabiex jiġu appoġġati l-isforzi ta' riforma tal-pajjiżi sħab tal-UE kif ukoll l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli (SDGs).

02

Minbarra t-trasferiment tar-riżorsi finanzjarji, l-appoġġ baġitarju jinvolvi: (i) djalogu mal-pajjiż sieħeb dwar ir-riformi jew ir-riżultati ta’ żvilupp, li jistgħu jiġu appoġġati permezz tal-appoġġ baġitarju, (ii) valutazzjoni tal-progress li nkiseb, u (iii) appoġġ għall-iżvilupp tal-kapaċità. L-appoġġ baġitarju jirrappreżenta bidla lil hinn mill-fokus tradizzjonali fuq l-attivitajiet (eż. proġetti) lejn l-għajnuna orjentata lejn ir-riżultati.

03

L-UE hija l-akbar fornitur ta’ appoġġ baġitarju fil-livell globali (kemm permezz tal-baġit tal-UE kif ukoll permezz tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp). Matul il-perjodu 2014-2017, l-UE impenjat madwar 11 % (ara l-Anness I tal-baġit tagħha maħsub għall-għajnuna bilaterali għall-iżvilupp fuq l-appoġġ baġitarju: medja annwali ta’ madwar EUR 2.13 biljun). Fl-2017, hija pprovdiet appoġġ baġitarju lil 90 pajjiż u territorju, li b'kollox irċevew EUR 1.8 biljun. Fil-kuntratti kollha ta’ appoġġ baġitarju li kienu għaddejjin, l-ammont totali impenjat kien ta’ EUR 12.7 biljun. Il-Figura 1 turi ripartizzjoni ta’ dawn iċ-ċifri skont ir-reġjun, kemm għall-baġit ġenerali tal-UE kif ukoll għall-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp.

Figura 1

Impenji u żborżi li kienu għaddejjin għall-appoġġ baġitarju fi tmiem l-2017, skont ir-reġjun

(f’miljun EUR)

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq id-dokument intitolat EC Budget Support Trends & Results 2018, (Tendenzi u Riżultati tal-Appoġġ Baġitarju tal-KE għall-2018).

04

L-appoġġ baġitarju tal-UE jirrikjedi li jkun hemm fis-seħħ politiki rilevanti u kredibbli, u li dawn jiġu implimentati b’mod effettiv mill-pajjiż riċevitur. Skont ir-Regolament Finanzjarju, pajjiż jista’ jitqies eliġibbli għal appoġġ baġitarju meta1:

  • Il-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi tal-pajjiż sieħeb tkun trasparenti, kredibbli u effettiva biżżejjed;
  • Il-pajjiż sieħeb ikun stabbilixxa politiki settorjali u nazzjonali li jkunu kredibbli u rilevanti biżżejjed;
  • Il-pajjiż sieħeb ikun stabbilixxa politiki makroekonomiċi orjentati lejn l-istabbiltà;
  • Il-pajjiż sieħeb ikun stabbilixxa aċċess suffiċjenti u f’waqtu għal informazzjoni baġitarja komprensiva u solida.
05

Il-Kummissjoni Ewropea tuża tliet tipi ta’ kuntratti ta’ appoġġ baġitarju.

  1. Il-kuntratti relatati mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGC), li jappoġġaw il-politiki u l-istrateġiji nazzjonali biex jiksbu progress lejn l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli.
  2. Il-kuntratti relatati mal-Prestazzjoni tar-Riformi Settorjali (SRPC), li jappoġġaw riformi settorjali speċifiċi.
  3. Il-kuntratti relatati mal-Istat u l-Bini ta’ Reżiljenza (SRBC), li jiġu pprovduti lil pajjiżi li jkunu f’sitwazzjonijiet fraġli biex jiżguraw il-funzjonijiet vitali tal-Istat jew biex jappoġġaw il-proċessi lejn il-governanza demokratika.
06

Il-biċċa l-kbira mill-programmi ta’ appoġġ baġitarju tal-Kummissjoni Ewropea huma bbażati fuq l-SRPCs (74 % tal-impenji kollha ta’ appoġġ baġitarju li kienu għaddejjin fl-2017). F’termini ta’ finanzjament, l-akbar erba’ setturi li jirċievu appoġġ bl-użu tal-SRPCs huma: l-edukazzjoni, l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, is-saħħa u l-enerġija.

Segmenti varjabbli bħala inċentiv biex jinkisbu r-riżultati

07

Qabel kull żborż, il-Kummissjoni tanalizza jekk il-kundizzjonijiet ġenerali mehmużin mal-kuntratt ta’ appoġġ baġitarju jkunux ġew issodisfati. Fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, dawn il-kundizzjonijiet huma dawk relatati mal-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-għoti ta' appoġġ baġitarju (ara l-paragrafu 04). Il-pagamenti relatati mal-appoġġ baġitarju jsiru fil-forma ta’ segmenti fissi jew segmenti varjabbli. Is-segmenti fissi jitħallsu jew bis-sħiħ (jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha) jew inkella ma jitħallsux (jekk ma tiġix issodisfata kundizzjoni waħda jew aktar). Is-segmenti varjabbli jintużaw biex jinħolqu inċentivi għall-pajjiżi sħab biex itejbu l-implimentazzjoni tal-politika, u jitħallsu abbażi tal-prestazzjoni miksuba f'dak li jirrigwarda l-indikaturi u l-miri tal-prestazzjoni speċifikati, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet ġenerali kollha. Dawn jistgħu jitħallsu jew bis-sħiħ jew inkella parzjalment. L-indikaturi tal-prestazzjoni li jintużaw għal segmenti varjabbli jistgħu jintgħażlu minn fost is-sistemi ta’ monitoraġġ diġà użati mill-pajjiż sieħeb, jew permezz ta’ qafas komuni ta’ valutazzjoni tal-prestazzjoni maqbul mal-pajjiż sieħeb u ma' donaturi oħra.

08

Għall-politiki pubbliċi jistgħu jintużaw tipi differenti ta’ indikaturi tal-prestazzjoni (ara l-Kaxxa 1). B’mod ġenerali, il-Kummissjoni tirrakkomanda l-użu ta’ indikaturi tal-eżitu, iżda tipi oħra ta’ indikaturi jistgħu jkunu xierqa wkoll skont il-kuntest speċifiku tal-pajjiż sieħeb jew tas-settur ikkonċernat.

Kaxxa 1

Tipi ta’ indikaturi tal-prestazzjoni, flimkien ma' eżempji

Definizzjoni* Eżempji illustrattivi ta’ indikaturi mill-kuntratti awditjati**
Inputs Riżorsi finanzjarji, umani u materjali li jiġu mmobilizzati għall-implimentazzjoni tal-programm
  • Baġit allokat għal proġetti speċifiċi għan-nisa
Proċess L-azzjonijiet ta’ politika u regolatorji li ttieħdu
  • Adozzjoni ta’ regolamenti f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kontroll tal-ikel fuq il-fruntieri
Outputs Il-konsegwenzi immedjati u konkreti tar-riżorsi li ntużaw u l-miżuri li ttieħdu
  • Binjiet pubbliċi rinnovati
  • Mekkaniżmi kummerċjali ġodda fil-livell lokali
  • Tfassil ta’ Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Ġestjoni għall-Għalliema
Eżiti Riżultati li nkisbu fil-livell tal-benefiċjarji
  • Edukazzjoni ta’ kwalità pprovduta lil studenti Sirjani f’komunitajiet ospitanti u f’kampijiet
  • Żieda fil-perċentwal ta’ komunitajiet moqdija minn servizzi regolari tat-trasport tal-passiġġieri
  • Kopertura tal-assigurazzjoni tas-saħħa għal persuni li jinsabu fil-limitu tal-faqar
Impatt Il-konsegwenzi tal-eżiti f’termini tal-impatt fuq l-objettiv usa’
  • Tnaqqis tar-rata ta’ mortalità tat-trabi
  • Tnaqqis tal-erja tal-uċuħ tar-raba’ tal-koka
  • Titjib fil-kontroll u fir-rappurtar tal-infiq

Sors: *European Commission Budget Support guidelines 2017 (Linji Gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Appoġġ Baġitarju 2017) u ** il-QEA.

09

Kull indikatur tal-prestazzjoni huwa assoċjat ma’ valur finanzjarju. Mod wieħed kif il-Kummissjoni tikkalkula l-ammonti żborżati fis-segment varjabbli huwa billi żżid l-ammont assoċjat ma’ kull indikatur tal-prestazzjoni li jkun inkiseb mill-pajjiż. Dan ifisser li aktar ma pajjiż sieħeb jikseb indikaturi, aktar ikun għoli l-proporzjon tas-segment varjabbli mħallas.

10

Fl-2017, 44 % tal-pagamenti li saru mill-Kummissjoni għall-kuntratti ta’ appoġġ baġitarju kienu relatati ma’ segmenti varjabbli2. F’xi pajjiżi tal-viċinat tal-UE, dan il-proporzjon jilħaq id-90 %. Il-Figura 2 turi ripartizzjoni skont il-pajjiż tas-segmenti varjabbli mħallsa għall-SRPCs fl-2017.

Figura 2

Żborżi tas-segmenti varjabbli għal Kuntratti ta’ Prestazzjoni tar-Riforma Settorjali, fl-2017

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data tal-KE.

L-iżborż ta' segmenti varjabbli

11

Il-proċess għall-iżborż ta’ segment varjabbli jibda b’talba għal żborż mill-pajjiż sieħeb. Din it-talba tinkludi analiżi tal-punt sa fejn ikunu nkisbu l-indikaturi tal-prestazzjoni relatati. Id-Delegazzjonijiet tal-UE janalizzaw it-talbiet u jħejju nota ta’ evalwazzjoni. Abbażi ta’ din in-nota, u wara l-approvazzjoni tal-kumitat ta’ direzzjoni għall-appoġġ tal-baġit, il-Kummissjoni tiddeċiedi l-ammont tas-segment varjabbli li għandu jitħallas (ara l-Figura 3).

12

L-analiżi tal-prestazzjoni tal-pajjiż sieħeb li takkumpanja t-talba għal żborż hija bbażata fuq data mis-sistemi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni proprji. Dawn is-sistemi huma għalhekk is-sors primarju ta’ informazzjoni għal żborż ta’ segmenti varjabbli.

Figura 3

Proċess ta’ żborż

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq il-Linji Gwida tal-KE dwar l-Appoġġ Baġitarju.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

13

Il-kunsens tal-UE dwar l-Iżvilupp adottat fl-2017 jirrikonoxxi r-rwol ċentrali tal-appoġġ baġitarju fit-trawwim tal-isforzi mwettqa mill-pajjiżi sħab lejn il-kisba tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli (SDGs). Meta titqies l-importanza tas-segmenti varjabbli f’pagamenti ta’ appoġġ baġitarju u l-fatt li d-data dwar il-prestazzjoni li fuqha huma bbażati dawk il-pagamenti toriġina mill-pajjiżi riċevituri, data skorretta jew mhux affidabbli tkun timplika li l-pagamenti ta’ appoġġ baġitarju ma jippremjawx ir-riżultati reali kif intenzjonat. Dan idgħajjef serjament l-iskop proprju tal-appoġġ baġitarju. Il-fokus ta’ dan l-awditu kien għaldaqstant li jiskrutinizza l-kwantità u l-kwalità (jiġifieri r-rilevanza u l-affidabbiltà) tal-indikaturi tal-prestazzjoni użati fis-segmenti varjabbli, kif ukoll l-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward tat-talbiet għall-pagamenti.

14

Il-mistoqsija prinċipali tal-awditjar kienet: “Il-Kummissjoni għamlet użu minn data rilevanti u affidabbli dwar il-prestazzjoni għall-iżborż ta’ segmenti varjabbli tal-appoġġ baġitarju?” Sabiex inwieġbu din il-mistoqsija, aħna qsamnieha fiż-żewġ sottomistoqsijiet li ġejjin.

  1. Il-kuntratti ta’ appoġġ baġitarju kienu jinkludu indikaturi li jippermettu li r-riżultati rilevanti fis-setturi appoġġati jiġu mmonitorjati b’mod effettiv?
  2. Il-Kummissjoni vverifikat b’mod effettiv l-affidabbiltà tad-data dwar il-prestazzjoni ppreżentata fit-talbiet għal żborżi ta’ segmenti varjabbli?
15

L-awditu kopra kampjun ta’ 24 kuntratt ta’ prestazzjoni ta’ riforma settorjali (ara l-Anness II) għat-8 pajjiżi sħab li rċevew l-ogħla ammonti ta’ żborżi ta’ segmenti varjabbli mħallsa fl-20173. Dawn il-pajjiżi rċevew 43.29 % tat-total tal-pagamenti ta’ segmenti varjabbli għal dik is-sena. Is-segmenti varjabbli awditjati għall-kuntratti magħżula kienu jinvolvu total ta’ 248 indikatur tal-prestazzjoni. L-Anness III jagħti dettalji dwar il-pagamenti li saru fl-2017 u dwar is-setturi awditjati.

16

Għall-kuntratti magħżula, aħna eżaminajna l-valutazzjoni li twettqet mill-Kummissjoni f'dak li jirrigwarda l-kapaċità tas-sistemi tal-pajjiżi biex jipprovdu data affidabbli dwar il-prestazzjoni. Aħna ċċekkjajna wkoll it-tfassil tad-dispożizzjonijiet tal-kuntratti ta’ appoġġ baġitarju, b’mod partikolari l-kwalità tal-indikaturi tal-prestazzjoni li ntużaw fis-segmenti varjabbli. Fl-aħħar nett, eżaminajna l-verifikazzjonijiet li twettqu mill-Kummissjoni tad-data ppreżentata fit-talbiet għal żborż ta’ segmenti varjabbli. Meta eżaminajna dawn il-verifikazzjonijiet, aħna wettaqna eżami dokumentarju tal-fajls tal-pagamenti li tħejjew mill-Kummissjoni u analizzajna mill-ġdid l-ilħuq tal-miri kif ukoll il-kalkolu tal-pagamenti ta’ segmenti varjabbli. Imbagħad, qabbilna l-konklużjonijiet tagħna ma’ dawk tal-Kummissjoni.

17

L-awditu kien jinkludi żjarat fi tliet pajjiżi: il-Ġordan, il-Georgia u l-Bolivja. Matul dawn iż-żjarat, li twettqu fi Frar u f’Marzu tal-2019, aħna intervistajna membri tal-persunal tal-Kummissjoni, rappreżentanti ta’ awtoritajiet nazzjonali kif ukoll donaturi/partijiet ikkonċernati oħra. Minbarra l-proċeduri li twettqu għall-bqija tal-pajjiżi magħżula, f’dawn it-tliet pajjiżi aħna wettaqna mill-ġdid il-verifikazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni f'dak li jirrigwarda t-talbiet għal żborżi ta’ segmenti varjabbli u l-pagamenti relatati u qabbilna r-riżultati li ksibna ma’ dawk tal-analiżi li wettqet il-Kummissjoni. Barra minn hekk, aħna wettaqna kontroverifiki tad-data dwar il-prestazzjoni li ġiet iddikjarata mill-pajjiżi sħab ma’ sorsi oħra ta’ evidenza minn esperti esterni u donaturi oħra biex nivvalutaw l-affidabbiltà tagħha.

Osservazzjonijiet

It-tfassil tal-indikaturi tas-segment varjabbli dgħajjef ir-rilevanza tagħhom

18

Aħna eżaminajna: (i) jekk l-indikaturi tal-prestazzjoni humiex rilevanti biex jinkisbu l-objettivi tal-kuntratti ta’ appoġġ baġitarju u jekk humiex allinjati mal-politiki tal-pajjiżi; u (ii) jekk jipprovdux bażi soda għall-monitoraġġ ta' riżultati sinifikattivi.

L-indikaturi huma konsistenti mal-istrateġiji settorjali tal-pajjiż, iżda jiffukaw prinċipalment fuq azzjonijiet ta’ terminu qasir aktar milli fuq riżultati aktar fit-tul

19

Il-Kummissjoni tqis l-appoġġ baġitarju bħala mezz ta’ twassil tal-għajnuna bbażat fuq ir-riżultati. Filwaqt li l-għajnuna bbażata fuq il-proġetti tiġi żborżata għal infiq eliġibbli, is-segmenti varjabbli tal-appoġġ baġitarju jiġu żborżati meta l-pajjiżi sħab jissodisfaw il-kundizzjonijiet ġenerali u jiksbu r-riżultati maqbula preċedentement, imkejla permezz ta’ indikaturi tal-prestazzjoni magħżula. Għaldaqstant, ir-rilevanza tas-segmenti varjabbli tiddependi fuq jekk dawn l-indikaturi tal-prestazzjoni jkejlux ir-riżultati sinifikattivi.

20

Kif ippreżentat fil-Kaxxa 1, hemm ħames tipi ta’ indikaturi. L-indikaturi tal-input, tal-proċess u tal-output huma l-aktar rilevanti għall-ġestjoni ta’ kuljum tal-programmi ta’ nfiq pubbliku. L-indikaturi tal-eżitu u tal-impatti jkejlu l-effetti fuq terminu itwal, bħall-progress tar-riformi u tal-programmi lejn l-objettivi stabbiliti; pereżempju l-SDGs. Il-Figura 4 tinkludi eżempju ta’ tipi differenti ta’ indikaturi li jintużaw għal wieħed mill-programmi ta’ appoġġ baġitarju fil-Bolivja.

Figura 4

Katina ta’ riżultati u tipi differenti ta’ indikaturi tal-prestazzjoni

Sors: Il-katina tar-riżultati tal-Kumitat ta’ Għajnuna għall-Iżvilupp tal-OECD, li tintuża fil-qasam tal-azzjonijiet esterni tal-UE.

21

Il-linji gwida dwar l-appoġġ baġitarju jippermettu li jintuża kwalunkwe tip ta’ indikatur imsemmi hawn fuq. Madankollu, skont il-Kummissjoni, ikun tajjeb li tingħata preferenza lill-indikaturi tal-eżitu, minħabba li dawn jinkoraġġixxu t-tfassil ta’ politika bbażata fuq l-evidenza, jipproteġu l-ispazju politiku għall-pajjiżi sħab biex jagħżlu l-politiki u l-istrateġiji proprji tagħhom biex ikunu jistgħu jiksbu dawn l-eżiti, u jistimulaw domanda għal informazzjoni statistika ta’ kwalità għolja. Aktar ma tkun kbira l-fiduċja fl-abbiltà tal-gvern tal-pajjiż sieħeb li jipproduċi data affidabbli, aktar għandu jkun hemm enfasi fuq l-indikaturi tal-eżiti. Aħna nqisu wkoll li l-indikaturi tal-impatt huma utli biex jitkejlu r-riżultati, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kisba tal-SDGs.

22

L-analiżi li wettaqna ta’ 248 indikatur fil-kuntratti awditjati turi li dawn huma allinjati mal-istrateġiji settorjali tal-pajjiżi sħab. Madankollu, l-iżborżi ta’ segmenti varjabbli huma bbażati prinċipalment fuq indikaturi tal-input, tal-proċess u tal-output, li flimkien jammontaw għal 87 % tal-għadd kumplessiv ta’ indikaturi. Kienu biss 33 indikatur (13 %) li ntużaw biex ikejlu l-eżiti u l-impatti — ara l-Figura 5.

Figura 5

Tipi ta’ indikaturi li ntużaw għal segmenti varjabbli fil-programmi awditjati

Sors: Il-QEA.

23

Aħna sibna li l-biċċa l-kbira mill-indikaturi tal-eżitu u tal-impatt intużaw f’pajjiżi b’ekonomiji b’introjtu baxx u medju baxx, filwaqt li fil-pajjiżi b’introjtu medju superjuri, bħall-Ġordan u l-Georgia, li kellhom kapaċità aħjar li jipproduċu data dwar il-prestazzjoni, intużaw biss erba’ indikaturi tal-eżitu u ma ntuża l-ebda indikatur tal-impatt. Dan juri li l-għażla tal-indikaturi mhijiex neċessarjament marbuta mal-istatus ta’ żvilupp tal-pajjiżi.

24

L-indikaturi tal-input li ntużaw fis-segmenti varjabbli awditjati kienu relatati prinċipalment mal-akkwist ta’ oġġetti (18-il każ) u ma’ żidiet fl-allokazzjonijiet baġitarji (9 każijiet). Iż-żidiet fil-baġits jew fl-akkwist ta’ tagħmir jista’ jkollhom il-potenzjal li jiskattaw bidliet f’qasam ta’ interess partikolari, iżda dan ma jfissirx li awtomatikament se jinkiseb progress sinifikattiv.

25

L-indikaturi tal-proċess jista’ jkollhom rwol utli, b’mod partikolari meta l-politika jkollha l-għan li tikseb bidliet fil-qafas regolatorju. Madankollu, kif indikat fil-Linji Gwida, jenħtieġ li dawn ma jiffukawx biss fuq il-proċessi, iżda jenħtieġ li jkejlu wkoll l-aspetti kwalitattivi, eż. l-elementi li entità li trid tiġi stabbilita hija mistennija li tkopri, eċċ.4 Madankollu, dan mhux dejjem kien il-każ. Il-Kaxxa 2 tippreżenta xi eżempji ta’ indikaturi, li ma kienu jispeċifikaw l-ebda rekwiżit minimu tal-kwalità rigward il-kontenut jew l-istruttura tal-informazzjoni li trid tiġi ppreżentata. Dan jagħmilha diffiċli biex jiġi żgurat li s-segmenti varjabbli jippremjaw il-proċessi ta’ kwalità tajba.

Kaxxa 2

Eżempji ta’ indikaturi tal-proċess mingħajr ebda speċifikazzjoni kwalitattiva

Fil-kuntratt għall-pjan ta’ azzjoni dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża tal-Moldova (il-Kuntratt Nru 15), indikatur wieħed jirrigwarda qafas regolatorju approvat għar-reġistrazzjoni obbligatorja ta’ reati rrappurtati, mingħajr ebda referenza għall-kwalità/kontenut ta’ dan il-qafas.

Fil-kuntratt dwar l-enerġija għall-Ġordan (il-Kuntratt Nru 4), il-mira għal indikatur wieħed tirreferi għal struttura għad-djalogu ta’ politika bejn diversi partijiet ikkonċernati, immexxija mill-Ministeru għall-Enerġija u r-Riżorsi Minerali, li hija operattiva u tiltaqa’ regolarment, mingħajr ebda speċifikazzjoni addizzjonali dwar kemm-il darba għandhom isiru l-laqgħat.

Terz mill-indikaturi ma jippermettux li r-riżultati jitkejlu b’mod oġġettiv

26

L-indikaturi li ntużaw biex jitkejjel il-progress fl-implimentazzjoni ta’ politika pubblika jeħtieġ li jkunu speċifiċi, ikollhom miri kkwantifikati u li jistgħu jitkejlu, u fejn applikabbli, linja bażi affidabbli. Inkella, ma jkunx possibbli li l-progress li nkiseb jitkejjel b’mod oġġettiv. L-indikaturi, il-linji bażi u l-miri jridu jiġu maqbula meta l-kuntratti ta’ appoġġ baġitarju jiġu fformulati, u jridu jiġu speċifikati fil-ftehim ta’ finanzjament. Għalkemm il-Linji Gwida jiddikjaraw li jkun tajjeb li bidliet fl-indikaturi jiġu evitati, jista’ jkun meħtieġ li l-miri jiġu emendati matul l-implimentazzjoni tal-kuntratt biex jiġu riflessi ċirkustanzi ġodda, jew biex jiġu kkoreġuti żbalji fid-definizzjoni tal-linji bażi jew fil-kalkolu tal-indikaturi.

27

L-analiżi li wettaqna turi li 72 indikatur (jiġifieri 29 % tal-kampjun tagħna) ma kinux speċifiċi biżżejjed. Indikaturi mhux speċifiċi huma partikolarment problematiċi matul il-proċess ta’ analiżi tat-talbiet għal żborż: hemm riskju ta’ ġudizzji konfliġġenti rigward jekk ikunux intlaħqu l-miri. Dan min-naħa tiegħu jista’ mbagħad iwassal biex jinkisbu diversi riżultati meta jiġi kkalkulat l-ammont ta’ segmenti varjabbli li jrid jitħallas.

28

Fost l-indikaturi, 29 % ġew ifformulati b’mod vag mingħajr ebda mira kkwantifikata, bl-użu ta’ kliem bħal “titjib”, “żieda fil-fokus”, u “provvediment ta’ evidenza”. Aħna osservajna li l-kuntratti fis-settur agrikolu kienu jinkludu l-ogħla għadd ta’ indikaturi speċifiċi (86.5 %), filwaqt li fil-Ġestjoni tal-Finanzi Pubbliċi (PFM), 60 % biss tal-indikaturi kienu speċifiċi. Il-Kaxxa 3 tagħti eżempji ta’ indikaturi mhux speċifiċi u l-implikazzjonijiet għall-kalkolu tal-iżborżi ta’ segmenti varjabbli.

Kaxxa 3

Eżempji ta’ indikaturi/miri mhux speċifiċi

  • Fil-kuntratt dwar l-“Appoġġ għat-tieni fażi tar-riforma edukattiva fil-Ġordan” (il-Kuntratt Nru 1), il-mira għall-Indikatur Nru 5 kienet: 6 skejjel ġodda mgħammra u operazzjonali b’mezzi/ambjent ta’ tagħlim adegwati u riżorsi umani adegwati. Il-konformità mat-terminu “adegwat” u kif dan jenħtieġ li jiġi kkwantifikat għall-kalkolu tal-pagament ma kienx speċifikat b’mod suffiċjenti fil-Ftehim ta’ Finanzjament u għaldaqstant kien miftuħ għal interpretazzjonijiet differenti. B’konsegwenza ta’ dan, l-espert estern li nħatar mill-Kummissjoni biex janalizza jekk il-miri kinux intlaħqu kellu jiżviluppa l-metodoloġija proprja tiegħu biex jivvaluta dawn il-kriterji. Dan ifisser li dawn il-kriterji ma kinux ġew stabbiliti minn qabel fil-ftehim ta’ finanzjament, u għalhekk ma kienx hemm qbil dwarhom mal-pajjiż sieħeb.
  • L-Indikatur Nru 2.1 tal-kuntratt dwar l-“Appoġġ għar-riforma tal-politika tal-finanzi pubbliċi” fil-Georgia (il-Kuntratt Nru 8) jgħid dan li ġej: Il-Ministeru għall-Finanzi jorganizza sensiela ta’ diskussjonijiet pubbliċi dwar il-governanza fiskali [...]. Dan l-indikatur ma jispeċifikax l-għadd u n-natura tal-laqgħat.
29

Aħna sibna wkoll eżempji tajbin fejn il-Kummissjoni kienet għamlet sforzi biex tkejjel il-progress għall-indikaturi li ma setgħux jiġu analizzati faċilment. Fil-każ li jingħata fil-Kaxxa 4, il-Kummissjoni kienet wittiet it-triq għall-komunità kollha tad-donaturi fil-qasam tal-edukazzjoni.

Kaxxa 4

Il-kejl tal-kwalità tal-edukazzjoni – eżempju tajjeb

Fil-kuntratt dwar l-“Appoġġ baġitarju lill-Ministeru għall-Edukazzjoni tal-Ġordan biex jindirizza l-kriżi tar-refuġjati Sirjani”, il-Kummissjoni użat dan l-indikatur: Edukazzjoni ta’ kwalità pprovduta lil studenti Sirjani fi skejjel b’xift uniku u doppju f'komunitajiet ospitanti u f'kampijiet, li tkun kumparabbli mal-istandards tal-Ġordan u ma' dawk irrakkomandati fil-pajjiż.

Dan kien indikatur tal-eżitu li ntuża biex titkejjel il-kwalità tal-edukazzjoni pprovduta lill-istudenti Sirjani. Il-valur tal-indikatur inkiseb permezz ta’ stħarriġ li twettaq f’kampjun ta’ skejjel. F’kull skola, il-kwalità tal-edukazzjoni tkejlet billi ġew ivvalutati 10 fatturi differenti (bħall-osservazzjonijiet tal-lezzjonijiet, l-involviment tal-ġenituri u tal-istudenti, rappreżentanza ugwali bejn is-subien, il-bniet, ir-refuġjati u l-Ġordanjani) fuq skala ta’ 4 livelli. Il-punteġġi li nkisbu (punteġġi għall-prestazzjoni tal-kwalità) intużaw biex l-iskejjel jingħataw grad minn A+ (tajjeb) sa C (jeħtieġ li jsir titjib).

Dan l-indikatur kien l-ewwel wieħed li kejjel il-kwalità tal-edukazzjoni fil-Ġordan; huwa ntuża sussegwentement minn donaturi oħra u ddaħħal fil-Qafas Komuni tar-Riżultati f’dan il-pajjiż.

Madankollu, meta vverifikajna l-kisba tal-indikaturi, aħna identifikajna xi dgħufijiet (ara l-Kaxxa 10).

L-ebda linja bażi jew linji bażi skorretti għal 41 % tal-indikaturi tal-progress

30

Biex ir-riżultati jitkejlu b’mod effettiv, li jkun hemm indikaturi ddefiniti b’mod speċifiku u mhux ambigwu mhumiex l-uniku prerekwiżit. Il-progress jista’ jitkejjel biss jekk il-miri stabbiliti jkunu jistgħu jitqabblu mas-sitwazzjoni qabel l-intervent: fi kliem ieħor, mal-linja bażi. Fost il-85 indikatur analizzat li għalihom kienu meħtieġa linji bażi (jiġifieri għal dawk l-indikaturi li analizzaw il-progress5), aħna sibna problemi f’35 minnhom li kienu relatati ma’: (i) nuqqas ta’ valuri bażi meħtieġa (15), u (ii) linji bażi skorretti jew mhux aġġornati (20).

31

Kien hemm 15-il indikatur mingħajr ebda linja bażi identifikata. Dawn kienu mifruxa fuq 4 kuntratti ta’ appoġġ baġitarju (il-Kuntratti Nri 6, 7, 8 u 17) mill-24 kuntratt magħżul. Ir-raġuni prinċipali għan-nuqqas ta’ linji bażi kienet li l-pajjiżi sħab ma kinux immonitorjaw is-sitwazzjoni qabel il-bidu tal-kuntratt ta’ appoġġ baġitarju. Madankollu, aħna sibna eżempji fejn, f’sitwazzjoni simili, il-Kummissjoni kienet użat l-ewwel segment varjabbli tal-kuntratt ta’ appoġġ baġitarju sabiex titlob lill-pajjiż sieħeb biex jikkalkula l-linja bażi. F’każijiet oħra, il-Kummissjoni kienet wettqet ix-xogħol meħtieġ (jiġifieri stħarriġ) biex tikkalkula l-linji bażi nieqsa. Aħna nqisu li dawn huma prattiki tajba. L-eżempju tax-xogħol meħtieġ imwettaq mill-Kummissjoni biex tivvaluta b’mod preċiż il-progress li nkiseb għall-indikatur rilevanti fis-segmenti sussegwenti huwa deskritt fil-Kaxxa 5.

Kaxxa 5

Stabbiliment ta’ linji bażi

L-Indikatur Nru 3 tal-kuntratt dwar ir-riforma settorjali biex tiżdied il-prestazzjoni tas-settur tal-enerġija tar-Rwanda (il-Kuntratt Nru 19) huwa eżempju ta’ prattika tajba fl-istabbiliment ta’ linji bażi permezz tas-sostituzzjoni ta’ data nieqsa ma’ sorsi oħra ta’ informazzjoni. Dan l-indikatur jitkejjel permezz ta’ stħarriġ annwali matul il-kuntratt kollu. Madankollu, fiż-żmien meta kien qed jitfassal il-Ftehim Finanzjarju, dan l-istħarriġ ma kienx disponibbli, għaldaqstant ma kienx jeżisti valur bażi. Sabiex jiġi stabbilit il-valur bażi, id-Delegazzjoni tal-UE wettqet analiżi komprensiva u kontroverifiki ta’ sorsi alternattivi ta’ data bħall-Istrateġija dwar l-Enerġija mill-Bijomassa tal-2009, il-valutazzjoni tal-Global Alliance for Cooking Stove tal-2012, u r-rapport tal-Wood fuel Integrated Supply/Demand Overview Mapping. Abbażi ta’ dan, id-Delegazzjoni tal-UE setgħet tiddefinixxi linja bażi rilevanti.

32

Barra minn hekk, 20 indikatur kellhom linji bażi skorretti jew mhux aġġornati. Fi 11-il każ minn dawn, data ġdida rilevanti għall-kalkolu korrett tal-linja bażi saret disponibbli wara li ġie ffirmat il-kuntratt ta’ appoġġ baġitarju. Għalkemm huwa possibbli li l-ftehim ta’ finanzjament relatat jiġi emendat sabiex jirrifletti l-linja bażi korretta, f’dawn il-każijiet il-Kummissjoni ma kinitx għamlet dan. L-użu ta’ linji bażi skorretti jew mhux aġġornati rriżulta wkoll f’indikaturi li kellhom miri aktar baxxi mil-linji bażi reali. Il-Kaxxa 6 fiha xi eżempji.

Kaxxa 6

Eżempji ta’ indikaturi mingħajr linji bażi jew b’linji bażi skorretti

Nuqqas ta’ linji bażi

Għall-kuntratt dwar l-“Impjieg u edukazzjoni vokazzjonali u taħriġ” fil-Georgia, (il-Kuntratt Nru 7), meta ġie ffirmat il-ftehim ta’ finanzjament fl-2014 ma ġiet iddefinita l-ebda linja bażi, għall-ebda wieħed mill-ħames indikaturi li jkejlu l-progress. B’riżultat ta’ dan, il-linja bażi għaż-żieda meħtieġa kienet żero, li jfisser li kwalunkwe progress irrappurtat jista’ jitqies bħala li huwa biżżejjed biex tintlaħaq il-mira. Pereżempju, il-kuntratt kien jinkludi miri biex jiżdied l-għadd relattiv ta’ għalliema li rċevew xi tip ta’ taħriġ inizjali u kontinwu. Madankollu, ma kienet disponibbli ebda data dwar l-għadd ta’ għalliema li kienu diġà qed jirċievu t-tip ta’ taħriġ imkejjel. Barra minn hekk, il-kunċetti ta’ taħriġ “inizjali” u “kontinwu” ġew żviluppati biss fl-2016, u għalhekk meta ġew stabbiliti l-miri ma kienx possibbli li wieħed ikun jaf x’kienet is-sitwazzjoni tal-linja bażi. Billi ebda linja bażi ma kienet disponibbli, il-Kummissjoni qieset l-iżviluppi usa’ fis-settur tal-edukazzjoni minflok il-valuri tal-indikaturi.

Linji bażi mhux diżaggregati

F’xi wħud mill-każijiet, il-linja bażi ġiet ipprovduta, iżda ma kinitx diżaggregata biżżejjed biex tippermetti li jitkejjel il-progress. Il-mira għall-Indikatur Nru 1 ta’ kuntratt mal-Bolivja (il-Kuntratt Nru 9), kienet tirrikjedi li istituzzjonijiet speċifiċi jħarrġu għadd ta’ membri tal-persunal fl-2016. Il-linja bażi kienet tinkludi informazzjoni dwar l-għadd ta’ korsijiet ta’ taħriġ li ġew offruti fl-2013. Madankollu, hija ma pprovdietx l-għadd ta’ membri tal-persunal li kienu mħarrġa minn istituzzjoni partikolari, għaldaqstant ma kinitx diżaggregata biżżejjed. Id-dokumentazzjoni addizzjonali pprovduta lilna wriet li, skont iċ-ċentru ta’ taħriġ ikkunsidrat, l-għadd ta’ membri tal-persunal li tħarrġu fl-2013 diġà kien jaqbeż iż-żewġ miri stabbiliti għall-2016, f’każ wieħed bi 2 % u fl-ieħor bi 42 %. F’dan il-każ, in-nuqqas ta’ linja bażi diżaggregata b’mod xieraq wassal biex jiġu stabbiliti miri modesti.

Linji bażi skorretti

Fil-kuntratt intitolat “Programm ta’ Appoġġ għall-Pjan tas-Settur tal-Edukazzjoni” fil-Pakistan (il-Kuntratt Nru 24), il-linja bażi għall-Indikatur Nru 5 kienet relatata mal-għadd ta’ studenti li jibbenefikaw minn skema eżistenti ta’ boroż ta’ studju. Madankollu, il-mira kienet tikkostitwixxi minn perċentwal ta’ bniet eliġibbli li jirċievu stipendji b'mod f'waqtu. Għalhekk il-linja bażi ma kinitx marbuta direttament mal-mira stabbilita.

L-indikaturi ġeneralment jipprovdu l-effett ta’ inċentiv intenzjonat, iżda hemm wisq minnhom

33

Objettiv primarju tal-appoġġ baġitarju huwa li l-pajjiżi sħab jingħataw inċentivi biex isegwu l-perkors tar-riformi maqbula. Għal dan il-għan, l-indikaturi li jintużaw għal segmenti varjabbli jenħtieġ li jirrikjedu sforz sinifikattiv mill-pajjiż riċevitur. Huwa mistenni li l-miri assoċjati jilħqu wkoll bilanċ tajjeb bejn l-ambizzjoni u l-faċilità li jintlaħqu6.

34

Aħna sibna li l-biċċa l-kbira mis-segmenti varjabbli li ġew irrieżaminati kellhom l-effett li jinċentivaw lill-pajjiżi sħab biex jimplimentaw ċerti aspetti tal-istrateġiji ta’ żvilupp tagħhom. Madankollu, il-miri użati għall-11 mill-indikaturi magħżula kienu faċli ħafna biex jintlaħqu. Dan l-għadd jinkludi 4 indikaturi li l-miri stabbiliti tagħhom kienu baxxi ħafna minħabba l-użu skorrett tal-linji bażi (ara l-paragrafi 31 sa 32). Il-Kaxxa 7 tippreżenta xi eżempji ta’ indikaturi li kellhom effett ta’ inċentiv limitat. Barra minn hekk, għal 12-il indikatur addizzjonali li jinvolvu 3 kuntratti fil-Moldova (il-Kuntratt Nru 16), il-Bolivja (il-Kuntratt Nru 10) u l-Pakistan (il-Kuntratt Nru 23), il-miri ntlaħqu fil-biċċa l-kbira permezz tal-appoġġ ipprovdut mill-assistenza teknika mħallsa mill-UE jew minn donaturi oħra. Fil-fehma tagħna, tali indikaturi għandhom sjieda limitata u l-effett ta’ inċentiv tagħhom huwa dgħajjef, minħabba li ma jirrikjedu ebda involviment sinifikanti mill-pajjiżi sħab.

Kaxxa 7

Eżempji ta’ indikaturi b’miri li jistgħu jintlaħqu faċilment

F’kuntratt mal-Bolivja (il-Kuntratt Nru 9), parti mis-segment varjabbli kienet saret bil-kundizzjoni li jiġu organizzati żewġ laqgħat plenarji, matul l-2015, minn istituzzjoni responsabbli għall-implimentazzjoni tal-istrateġija kontra t-traffikar tad-droga. L-organizzazzjoni regolari ta’ laqgħat plenarji għall-monitoraġġ tal-istrateġija tagħmel parti mill-attività normali tagħha, u mhijiex attività li jeħtieġ li tiġi mħeġġa permezz ta’ indikatur tas-segment varjabbli.

Il-mira għall-Indikatur Nru 4 tal-istess kuntratt hija l-produzzjoni ta’ rapport li juri l-konformità tal-pajjiż sieħeb mal-kundizzjonijiet tal-appoġġ baġitarju tal-UE. Dan ir-rapport, madankollu, jagħmel parti mill-proċess standard ta’ żborż għall-appoġġ baġitarju u għalhekk, ma kellux jitqies bħala indikatur tas-segment varjabbli.

35

Il-Linji Gwida jissuġġerixxu li l-għadd ta’ indikaturi tas-segment varjabbli ġeneralment huwa mistenni li jvarja minn 3 sa 10. Ammont kbir wisq ta' indikaturi jnaqqas l-effett ta’ inċentiv u jagħmel il-monitoraġġ aktar ikkumplikat. Il-kuntratti awditjati kellhom bejn 4 u 34 indikatur għal kull segment7. Dawn l-indikaturi imbagħad ġew ripartiti ulterjorment f’subindikaturi, li ħafna drabi kienu jinkludu bosta miri. Pereżempju, il-kuntratt għall-għoti ta' appoġġ biex jiġi implimentat pjan ta’ azzjoni għal-liberalizzazzjoni tal-viża fil-Moldova (il-Kuntratt Nru 15) kien jinkludi 95 mira indipendenti. Dan l-għadd kbir ta’ indikaturi u miri ma jwassalx għal fokus fuq l-objettivi prinċipali tal-politika tal-kuntratti ta’ appoġġ baġitarju. Għalkemm il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-problemi marbuta mal-għadd kbir ta’ indikaturi f’dokumenti interni tagħha, dan ma influwenzax il-formulazzjoni tal-kuntratti (ara l-Kaxxa 8).

Kaxxa 8

Għadd kbir ta’ indikaturi

Id-dokumenti ta’ tħejjija għall-kuntratt “Appoġġ għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali” fil-Moldova, (il-Kuntratt Nru 17) isemmu li f'dan il-pajjiż huwa kruċjali li jitfasslu ftit kundizzjonijiet iffukati, billi l-eżistenza ta’ għadd kbir ta' kundizzjonijiet kumplessi tista’ tikkontribwixxi għal nuqqas ta’ appoġġ baġitarju settorjali. Dan l-aspett ġie injorat matul it-tfassil, billi l-kuntratt għall-iżborż tas-segment varjabbli tal-2017 kien jinkludi 28 “kundizzjoni/kriterju/attività għall-iżborż” li kienu komposti, li mbagħad inqasmu f’39 kundizzjoni sekondarja.

Il-kwalità tal-verifikazzjonijiet mwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-ilħuq tal-indikaturi kienet tvarja, u dan wassal biex xi pagamenti ma kinux iġġustifikati biżżejjed

36

It-talbiet għal żborż ippreżentati mill-pajjiżi riċevituri jinkludu analiżi tal-progress fis-setturi appoġġati mill-kuntratti ta’ appoġġ baġitarju tagħhom, kif ukoll informazzjoni dwar l-issodisfar tal-kundizzjonijiet maqbula u dwar l-ilħuq tal-indikaturi tal-prestazzjoni. Id-dossier normalment jinkludi rapport dwar il-progress f’qasam partikolari (settur), rapporti separati dwar l-issodisfar ta’ kull kundizzjoni u skedi li jikkonċernaw kull indikatur, flimkien ma' evidenza ta’ sostenn (eż. ittri minn uffiċċju tal-istatistika, rapporti dwar l-istħarriġ, eċċ.). Ara l-Figura 3 li tiddeskrivi l-proċess ta’ żborż għall-appoġġ baġitarju.

37

It-talbiet tal-pajjiżi sħab huma bbażati fuq data mis-sistemi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni proprji tagħhom. Dawn is-sistemi huma għalhekk sors primarju ta’ informazzjoni għad-deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-iżborż. Madankollu, il-pajjiżi għandhom fis-seħħ kapaċitajiet u sistemi differenti għall-ġbir, il-ħżin, l-analiżi u l-użu tad-data. Konsegwentement, qabel il-bidu tal-operazzjonijiet ta’ appoġġ baġitarju, jeħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta s-sistemi fis-seħħ użati għat-tfassil tal-indikaturi tal-prestazzjoni li jkunu se jintużaw għall-pagamenti sussegwenti ta’ segmenti varjabbli. B’mod partikolari, id-Delegazzjonijiet tal-UE jridu jiddeterminaw jekk id-dgħufijiet fis-sistemi tal-istatistika, fid-disponibbiltà tad-data u fl-analiżi tal-politika humiex jikkompromettu b’mod sinifikanti l-validità tat-talbiet għal żborż li jiġu ppreżentati mill-pajjiżi.

38

Għall-kuntratti li ġew irrieżaminati, aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni kinitx ivvalutat tajjeb l-affidabbiltà tad-data tal-prestazzjoni meta għażlet l-indikaturi tal-prestazzjoni għas-segmenti varjabbli. Aħna rrieżaminajna wkoll jekk il-Kummissjoni kinitx wettqet eżaminar bir-reqqa tat-talbiet għal żborż ta’ segmenti varjabbli u jekk kinitx ikkalkulat b’mod korrett l-ammont li kellu jiġi żborżat.

Il-Kummissjoni ma siltet l-ebda konklużjoni dwar il-kapaċità tal-pajjiżi li jipproduċu d-data meħtieġa għall-indikaturi

39

Id-Delegazzjonijiet tal-UE huma mitluba jipprovdu ħarsa ġenerali tas-sistemi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni tal-pajjiż sieħeb (għall-pajjiż inġenerali u għas-settur partikolari fil-każ tal-SRPC), li tivvaluta jekk il-politika pubblika tal-pajjiż hijiex konformi mal-objettivi tal-UE u jekk il-kapaċità istituzzjonali hijiex ikkunsidrata suffiċjenti biex tiġi implimentata l-politika. Barra minn hekk, il-Linji Gwida jirrikjedu li qabel ma jitfasslu l-kuntratti ta’ appoġġ baġitarju, iridu jiġu analizzati l-affidabbiltà u d-disponibbiltà tad-data, u jiġu evalwati d-dgħufijiet tas-sistemi tal-istatistika.

40

Aħna analizzajna l-valutazzjonijiet li twettqu mill-Kummissjoni billi użajna kriterji stabbiliti mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat). L-Eurostat żviluppa għodda msejħa Snapshot biex tgħin lid-Delegazzjonijiet tal-UE jivvalutaw il-punti tajbin u d-dgħufijiet tas-sistemi nazzjonali tal-istatistika fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Aħna sibna li l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-appoġġ baġitarju jkopru r-rekwiżiti ewlenin ta’ din l-għodda. Madankollu, Snapshot hija għodda aktar komprensiva u tipprovdi spjegazzjonijiet dettaljati dwar kif għandhom jitkejlu oqsma partikolari8, li huma rilevanti għall-valutazzjoni tas-sistemi tal-istatistika. Ġeneralment, il-membri tal-persunal fid-Delegazzjonijiet mhumiex konxji dwar din l-għodda.

41

Ir-rieżaminar li wettaqna tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni f'dak li jirrigwarda s-sistemi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni wriet li, fil-prattika, ġeneralment il-Kummissjoni tiddeskrivi u tivvaluta l-elementi msemmija fil-Linji Gwida, iżda dawn l-elementi huma mifruxa f'bosta dokumenti. Madankollu, għalkemm ċerti dgħufijiet speċifiċi għas-settur issemmew fil-maġġoranza tal-kuntratti (18-il kuntratt minn 24), il-Kummissjoni siltet b'mod espliċitu konklużjonijiet dwar l-affidabbiltà tad-data tal-prestazzjoni li hija meħtieġa għall-kalkolu tal-indikaturi tas-segment varjabbli f'5 kuntratti fil-Ġordan biss9. Huwa importanti li tinsilet konklużjoni dwar l-affidabbiltà tad-data għall-għażla tal-indikaturi, għall-monitoraġġ u għall-analiżi tal-iżborż.

Il-Kummissjoni vverifikat l-affidabbiltà tad-data li tappoġġa t-talbiet għal żborż, iżda mhux dejjem b’mod approfondit

42

Id-Delegazzjonijiet tal-UE jridu janalizzaw it-talbiet għal żborż li ġew ippreżentati mill-pajjiżi sħab (inklużi l-valuri tal-indikaturi tal-prestazzjoni relatati) qabel ma jiġi żborżat il-pagament tas-segment varjabbli. Aħna sibna diversi proċeduri ta’ verifikazzjoni, li xi wħud minnhom ma kinux jipprovdu l-aċċertament meħtieġ għall-ġustifikazzjoni tal-pagamenti sussegwenti.

43

B’mod ġenerali, il-Kummissjoni applikat tliet tipi differenti ta’ proċeduri ta’ verifikazzjoni: (i) analiżi dokumentarja u kalkolu aritmetiku mwettaq mill-ġdid tal-valuri tal-indikaturi bl-użu ta’ data pprovduta mill-pajjiżi sħab, (ii) l-istess metodu kkomplementat bi żjarat fuq il-post biex tiġi vverifikata l-affidabbiltà tad-data pprovduta, u (iii) esternalizzazzjoni lil esperti esterni inkarigati mill-kalkolu tal-indikaturi tal-prestazzjoni jew mill-verifikazzjoni tad-data pprovduta mill-pajjiż sieħeb.

44

Għal 14-il kuntratt minn 24 li ġew awditjati, l-uffiċjali tad-Delegazzjoni tal-UE wettqu żjarat fuq il-post biex jikkomplementaw l-analiżi u jivverifikaw ċerta data li ġiet ipprovduta (ara l-Kaxxa 9), u għal 16-il kuntratt, huma impjegaw esperti esterni biex janalizzaw l-issodisfar tal-kundizzjonijiet għas-segmenti varjabbli, xi drabi minbarra ż-żjarat fuq il-post proprji tagħhom. Fil-pajjiżi tal-viċinat, l-użu ta’ esperti kien sistematiku, filwaqt li fil-bqija tal-pajjiżi awditjati, id-Delegazzjonijiet irreklutaw esperti f’5 kuntratti biss minn 13.

45

Il-linji gwida dwar l-appoġġ baġitarju jirrakkomandaw li jiġu involuti esperti biex jassistu f’eżerċizzji ta’ verifikazzjoni fejn ikun hemm dubji serji dwar il-kwalità tad-data pprovduta. Madankollu, fin-nuqqas ta’ konklużjonijiet ċari dwar il-kapaċità tal-pajjiżi sħab li jipproduċu tali data (ara l-paragrafi 39 sa 41), huwa diffiċli li jiġi deċiż jekk din l-assistenza min-naħa tal-esperti hijiex verament meħtieġa. Għall-kuntratti awditjati, l-ispiża medja tal-missjonijiet ta’ verifikazzjoni tal-esperti kienet ta’ madwar EUR 110 000.

Kaxxa 9

Verifikazzjoni tat-talbiet għal żborż min-naħa tal-Kummissjoni

Biex tivvaluta t-talba għal żborż għall-kuntratt ta’ riforma settorjali biex tiżdied il-prestazzjoni tas-settur agrikolu tar-Rwanda (il-Kuntratt Nru 18), id-Delegazzjoni tal-UE wettqet analiżi komprensiva tal-informazzjoni ppreżentata mill-Gvern tar-Rwanda u kkomplementatha bi żjarat fuq il-post u talbiet għal kjarifiki lill-awtoritajiet nazzjonali. B'mod speċifiku, fil-każ tal-Indikatur Nru 5a, il-mira għall-ewwel sena kienet ta’ 80 000 ettaru ta’ art li għandha tintuża għall-agroforestrija f’ċerti żoni. Id-Delegazzjoni wettqet żjara fuq il-post li wriet li l-informazzjoni ppreżentata ma kinitx korretta, billi l-attivitajiet fiż-żona ma kinux limitati għall-agroforestrija. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma rrilaxxatx il-pagament relatat ma’ dan l-indikatur fis-segment.

46

Għal 6 kuntratti10 mill-24 kuntratt magħżul, aħna sibna li l-Kummissjoni ma wettqitx verifikazzjoni addizzjonali fuq id-data li ntużat bħala bażi għall-pagament tas-segmenti varjabbli. Dan huwa fil-biċċa l-kbira dovut għall-fatt li d-Delegazzjonijiet tal-UE iddependew kompletament fuq il-preċiżjoni tad-data dwar il-prestazzjoni li ġiet pprovduta minn pajjiżi sħab, jew fuq ix-xogħol ta’ verifikazzjoni li twettaq minn esperti esterni f’isem il-Kummissjoni, mingħajr ma wettqu verifika ulterjuri tad-data pprovduta. F’dawn il-każijiet, huwa aktar diffiċli għall-Kummissjoni li tidentifika fit-talbiet għal żborż id-data dwar il-prestazzjoni mhux affidabbli, u dan iżid ir-riskju li jsiru pagamenti mhux iġġustifikati ta’ segmenti varjabbli. Il-Kaxxa 10 tippreżenta eżempju ta’ nuqqasijiet f’rieżaminar estern, li ma nqabdux mill-Kummissjoni.

Kaxxa 10

Eżempji ta’ nuqqasijiet li nstabu fix-xogħol ta’ espert estern

Għall-Kuntratt Nru 2, li jappoġġa lill-Ministeru għall-Edukazzjoni fil-Ġordan biex jindirizza l-kriżi tar-refuġjati Sirjani, il-Kummissjoni impjegat espert biex jivvaluta d-data ddikjarata mill-Ministeru tal-Edukazzjoni għal xi wħud mill-indikaturi tas-segment varjabbli. L-espert ivvalida d-data li ġiet iddikjarata mill-Ministeru billi wettaq żjarat fuq il-post għal kampjun ta’ 30 skola. Ibbażat fuq ir-rapport tal-espert, il-Kummissjoni żborżat is-segment varjabbli.

Aħna analizzajna x-xogħol tal-espert u żorna xi wħud mill-iskejjel ikkampjunati, u identifikajna l-kwistjonijiet li ġejjin:

  1. Il-kampjunar tal-iskejjel ma kienx aleatorju, iżda kien ibbażat fuq rakkomandazzjonijiet magħmulin minn tim ta' konsulenti esterni fi ħdan l-UNESCO u ġie approvat mill-Ministeru għall-Edukazzjoni. Kien hemm riskju li l-kampjun kien ippreġudikat.
  2. Minkejja li l-espert effettivament żar it-30 skola kkampjunata, id-data ġiet imqabbla biss għal 17 minnhom. Dan minħabba li l-Ministeru ma kellux l-informazzjoni għall-bqija tal-iskejjel. Għalhekk, il-konklużjonijiet li nsiltu mill-espert estern dwar l-affidabbiltà tas-sistema tal-IT tal-Ministeru kienu bbażati fuq evidenza insuffiċjenti.
  3. Il-kontrolli fuq il-post tal-membri tal-persunal li jaħdmu fl-iskejjel kienu jirreferu biss għall-għalliema, iżda l-mira għall-Indikatur Nru 1 kienet tirreferi wkoll għall-membri tal-persunal li mhumiex għalliema, għalhekk il-konklużjonijiet li nsiltu dwar dan l-indikatur ma kinux kompleti.
  4. L-espert ikkonkluda li d-data li nġabret fuq il-post ikkonfermat id-data tal-Ministeru. Għall-Indikaturi Nru 1 (għadd ta’ membri tal-persunal) u 2 (għadd ta’ studenti), din il-konklużjoni nkisbet permezz ta' tqabbil bejn ir-riżultati totali għall-kampjun. Madankollu, ir-riżultati individwali għal kull skola juru differenzi sinifikanti (pożittivi u negattivi) li jiġu kkumpensati meta jiġu kkalkulati l-ammonti totali.

Għal xi segmenti varjabbli, id-data dwar il-prestazzjoni li ġiet ipprovduta mill-pajjiżi sħab ma kinitx tiġġustifika l-pagamenti magħmula

47

Rigward il-pagamenti ta’ segmenti varjabbli li ġew irrieżaminati, li jammontaw għal EUR 234 miljun, għal 5 pajjiżi minn 8, il-valutazzjoni li wettaqna tal-evidenza li tappoġġa l-ilħuq tal-indikaturi tas-segment varjabbli turi riżultati li huma differenti minn dawk aċċettati mill-Kummissjoni, li jammontaw għal EUR 13.3 miljun, li fihom pajjiż wieħed (il-Pakistan) jirrappreżenta differenza ta’ 19 % meta mqabbel mal-pagamenti ta’ segmenti varjabbli. Barra minn hekk, aħna sibna wkoll li l-Kummissjoni żborżat EUR 3.4 miljun lil żewġ pajjiżi abbażi ta’ indikaturi marbuta ma’ linji bażi li ġew stabbiliti b’mod skorrett. Għalkemm kien hemm obbligu kuntrattwali biex isir il-pagament, billi l-valur fil-mira kien intlaħaq, ma kien sar l-ebda progress reali fis-settur mkejjel permezz tal-indikatur. It-Tabella 1 tiġbor fil-qosor dawn l-ammonti għal kull pajjiż li saritlu żjara.

Tabella 1 – Diskrepanzi meta mqabbel mal-valutazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni

Pajjiż Segment varjabbli rrieżaminat
(f’EUR)
Differenzi meta mqabbel mal-valutazzjoni tagħna
(f’EUR)
Referenza tal-kuntratt u tal-indikaturi Raġuni għad-diskrepanzi
(għal kull indikatur)
Ammonti mħallsa mingħajr progress reali
(f’EUR)
Il-Bolivja 32 800 000 0 0
L-Etjopja 29 520 000 0 2 000 000
(Kuntratt Nru 14: Indikatur Nru 7)
Il-Georgia 19 400 000 1 000 000 Kuntratt Nru 6:
Indikaturi Nri 1.2 u 1.7
Indikatur Nru 1.2: Intlaħaq xahrejn wara d-data ta' skadenza
Indikatur Nru 1.7: Mira ma ntlaħqitx
0
Il-Ġordan 45 750 000 6 000 000 Kuntratt Nru 1:
Indikatur Nru 5
Intlaħaq sentejn wara l-iskadenza 0
Il-Moldova 26 345 111 1 000 000 Kuntratt Nru 16:
Indikaturi Nri 2.1 u 2.2
Indikatur Nru 2.1: Intlaħaq xahar wara d-data ta' skadenza
Indikatur Nru 2.1: Intlaħaq 3 xhur wara d-data ta' skadenza
0
Il-Pakistan 25 665 625 4 968 750 Kuntratt Nru 23:
Indikaturi 5, 6 u 8
Kuntratt Nru 24:
Indikaturi Nri 4, 6.2 u 6.3
Indikaturi 5,6 u 8. Miri ma ntlaħqux
Indikaturi Nri 4 u 6.3: Evidenza skorretta
Indikatur Nru 6.2: Miri ma ntlaħqux
0
Ir-Rwanda 27 667 500 332 500 Kuntratt Nru 20:
Indikatur Nru 2
Intlaħaq sena wara l-iskadenza 1 437 500
(Kuntratt Nru 19: Indikatur Nru 5; Kuntratt Nru 20: Indikatur Nru 4)
Il-Vjetnam 27 000 000 0 0
TOTAL 234 148 236 13 301 250 3 437 500

Sors: Il-QEA

48

Il-kwistjonijiet prinċipali li sibna kienu relatati ma’: (i) miri li ntlaħqu tard u wara d-data ta' skadenzi stabbiliti; (ii) kejl tar-riżultati bbażat fuq linji bażi li ġew stabbiliti b’mod skorrett; (iii) evidenza skorretta jew insuffiċjenti li ġiet ipprovduta biex tiġġustifika l-ilħuq tal-indikaturi; u iv) miri li assolutament ma ntlaħqux. Il-Figura 6 turi t-tipi u l-proporzjon ta’ diskrepanzi li nstabu fil-valutazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni.

Figura 6

Tipi ta’ diskrepanzi

Sors: Il-QEA.

49

Fil-Kaxxa 11 jiġi deskritt wieħed mill-każijiet fejn ikkunsidrajna li l-pajjiżi sħab ipprovdew evidenza skorretta.

Kaxxa 11

Evidenza bbażata fuq kampjun ippreġudikat

Il-mira għall-Indikatur Nru 6.3 tal-kuntratt relatat mal-Edukazzjoni fil-Pakistan (il-Kuntratt Nru 24) kienet li l-istudenti li jirċievu vawċers kellhom jilħqu rata ta’ attendenza skolastika ekwivalenti ta' mill-inqas 80 %. L-evidenza pprovduta mill-pajjiż sieħeb uriet rata ta’ attendenza, li kienet ogħla mill-valur fil-mira (87 %), u għalhekk il-Kummissjoni qieset li din il-mira kienet intlaħqet. Skont ir-rapport dwar il-Konformità tal-Assistenza Teknika, l-evidenza pprovduta kellha tkopri l-istudenti kollha matul is-sena. Madankollu, l-analiżi li wettaqna wriet li meta l-awtoritajiet nazzjonali kkalkulaw ir-rata ta’ attendenza għall-istudenti kollha, huma kienu ħadu inkunsiderazzjoni kwart biss tal-istudenti li kienu rċevew il-vawċers. Barra minn hekk, dan il-kampjun ittieħed fil-bidu tas-sena skolastika, meta r-rata tal-attendenza tkun l-ogħla. Għalhekk, aħna kkonkludejna li l-evidenza ta’ sostenn ma kinitx robusta, billi l-kampjun kien ippreġudikat.

Fil-każ imsemmi hawn fuq, il-Kummissjoni kkunsidrat il-miri li ntlaħqu u ħallset il-pagament kollu dovut.

50

F’erba’ kuntratti aħna sibna ħames każijiet ta’ indikaturi11 li l-miri tagħhom kienu ntlaħqu wara d-data ta’ skadenza stipulata fil-ftehimiet ta’ finanzjament. Barra minn hekk, għal ħames indikaturi oħra12, aħna nqisu li l-pajjiżi sħab ma laħqux il-miri; madankollu, il-Kummissjoni qieset li dawn il-miri kienu ntlaħqu. Il-Kaxxa 12 tipprovdi eżempji taż-żewġ każijiet.

Kaxxa 12

Miri li ntlaħqu wara d-data ta’ skadenzi jew parzjalment, jew inkella miri li ma ntlaħqux

Fil-każ tal-Indikatur Nru 5 tal-kuntratt relatat mal-Edukazzjoni fil-Ġordan (il-Kuntratt Nru 1) il-mira ntlaħqet wara d-data ta’ skadenza. Il-mira għal dan l-indikatur kienet li jinbnew sitt skejjel ġodda sal-2015. L-iskejjel tlestew biss fl-2017 u s-segment varjabbli tħallas f’Diċembru 2017. Il-proċeduri ta’ akkwist li ħadu fit-tul u li rriżultaw fl-implimentazzjoni tardiva tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali kienu r-raġuni għal dan id-dewmien konsiderevoli.

Sabiex tieħu inkunsiderazzjoni dan id-dewmien, il-Kummissjoni estendiet il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-kuntratt sa Diċembru 2017, iżda ma mmodifikatx id-data ta’ skadenza għall-kostruzzjoni tal-iskejjel (2015).

Il-mira għall-Indikatur Nru 6 tal-kuntratt relatat mal-Edukazzjoni fil-Pakistan (il-Kuntratt Nru 23) kien jinkludi żewġ attivitajiet: it-tfassil ta’ kurrikulu għat-tagħlim tal-Ingliż u l-approvazzjoni tal-kotba tal-iskola għal ċerti livelli ta’ edukazzjoni. Aħna sibna li fiż-żmien meta ntalab l-iżborż, nofs il-kotba tal-iskola biss kienu ġew approvati u għalhekk inqisu li t-tieni parti tal-mira ma kellhiex titqies bħala li kienet intlaħqet.

Il-mira għall-Indikatur Nru 1.7 tal-kuntratt relatat mal-Agrikoltura fil-Georgia (il-Kuntratt Nru 6) kienet l-adozzjoni ta’ programm tal-istat dwar skemi ta’ ċertifikazzjoni għall-produzzjoni bijorganika. Il-Gvern ikkunsidra dan l-indikatur bħala li kien intlaħaq minħabba l-adozzjoni tal-Programm tal-Istat tiegħu għar-Riabilitazzjoni tal-Pjantaġġuni tat-Tè. Madankollu, l-għan iddikjarat tal-programm huwa li jappoġġa l-użu effettiv tal-pjantaġġuni tat-tè fil-Georgia, li jżid il-produzzjoni tat-tè, inkluża l-produzzjoni tat-tè bijoloġiku, u li jsaħħaħ l-awtosuffiċjenza u l-potenzjal tal-esportazzjoni, u mhux l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni bijorganika nfishom. Aħna nikkunsidraw li din il-mira ma kinitx intlaħqet, billi l-programm ma jimmirax speċifikament iċ-ċertifikazzjoni ta’ prodotti bijoloġiċi. L-eżaminatur estern kien tal-istess fehma.

Fil-każijiet imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni ħallset il-pagament kollu dovut.

51

Aħna sibna tliet każijiet fejn il-Kummissjoni kienet għamlet żborżi skont id-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet ta’ finanzjament, peress li l-pajjiżi sħab kienu laħqu l-miri maqbula. Madankollu, minħabba l-użu ta’ linja bażi jew valuri fil-mira li kienu ġew stabbilit b’mod skorrett, ma kien hemm l-ebda progress reali fis-setturi fil-mira. Il-Kaxxa 13 tipprovdi aktar dettalji dwar xi wħud minn dawn il-każijiet.

Kaxxa 13

Miri stabbiliti bl-użu ta’ linji bażi skorretti – ma nkiseb ebda progress reali

L-indikatur Nru 7 tal-kuntratt relatat mat-Trasport fl-Etjopja (il-Kuntratt Nru 14) jirrigwarda l-perċentwal ta’ trakkijiet b’tagħbija eċċessiva. Il-mira stabbilita kienet li dan il-perċentwal jitnaqqas għal 9 % minn valur bażi ta’ 11 %. Ir-riżultat li nkiseb fi tmiem il-perjodu eżaminat kien ta' 6 % u għalhekk il-mira ntlaħqet u l-ammont korrispondenti tħallas skont id-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta’ finanzjament. Madankollu, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-pajjiż sieħeb fit-talba għal żborż, il-valur bażi reali kien ta’ 6 %. Fil-verità, ma kien hemm l-ebda progress fit-tnaqqis tal-għadd reali ta’ trakkijiet b’tagħbija eċċessiva.

It-tieni eżempju ta’ linja bażi skorretta li wasslet għal pagament mingħajr ma kien sar progress reali biżżejjed huwa l-Indikatur Nru 5 tal-kuntratt relatat mal-Enerġija fir-Rwanda (il-Kuntratt Nru 19). Dan l-indikatur ikejjel is-sehem tal-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija. Il-valur bażi li ntuża fil-kuntratt kien jikkorrispondi għal 292 GWh iġġenerati fl-2015. Il-valur reali għas-sena bażi kien żbaljat. Skont id-data li ġiet irrappurtata mill-awtoritajiet nazzjonali, dan il-valur kellu jkun ta’ 368 GWh. Meta mqabbla mal-linja bażi, il-mira stabbilita għas-segment varjabbli awditjat kienet ta’ 14.5 GWh addizzjonali li ġew iġġenerati minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Ir-riżultat li nkiseb għal dan l-indikatur fil-perjodu awditjat kien ta’ 361.5 GWh li wassal għall-pagament tal-ammont korrispondenti, minkejja li kien hemm tnaqqis fil-proporzjon tal-elettriku ġġenerat minn sorsi rinnovabbli.

52

Minbarra d-diskrepanzi kkwantifikati fit-Tabella 1, aħna ma stajniex nikkonfermaw il-korrettezza ta’ żewġ pagamenti ta’ segmenti varjabbli minħabba n-nuqqas ta’ evidenza suffiċjenti li tappoġġa l-valuri rrappurtati għal 5 indikaturi13 (ara l-eżempji fil-Kaxxa 14). Dawn l-indikaturi jirrappreżentaw ammont żborżat ta’ EUR 3.77 miljun.

Kaxxa 14

Nuqqas ta’ evidenza suffiċjenti

Fil-Kuntratt Nru 5, li kellu l-għan li jappoġġa l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fil-Ġordan, l-Indikatur Nru 1.2 kien relatat mal-lakuni fit-taħriġ tal-persunal tal-Unitajiet ta’ Kontroll Intern (ICU) f’ministeri u aġenziji nazzjonali differenti. Il-mira kienet li jitħarrġu l-membri tal-persunal tal-ICU li ma kinux ipparteċipaw fit-taħriġ matul is-sena ta’ qabel (ma kien hemm l-ebda mira numerika). Espert estern li ġie impjegat mill-Kummissjoni kkonkluda li aktar minn 85 % tal-membri tal-persunal mill-ICUs kollha kienu attendew kors ta’ taħriġ addizzjonali li kien ġie offrut. Għaldaqstant, huwa kkonkluda li l-indikatur kien intlaħaq. Billi r-rapport tal-espert ma kienx jispeċifika kif ġie kkalkulat il-perċentwal ta’ 85 %, aħna ma stajniex inwettqu l-kalkolu mill-ġdid jew nikkonfermaw li l-lakuni kollha kienu koperti mit-taħriġ. Ma kien hemm l-ebda informazzjoni jew data disponibbli dwar dak li kien inkluż fil-perċentwal ta’ 85 %.

L-Indikatur Nru 3 fil-kuntratt relatat mal-programm għall-iżvilupp tal-komunità fil-Pakistan (il-Kuntratt Nru 22) intuża biex ikejjel, fl-istimi tal-ispejjeż tal-istrateġiji għall-iżvilupp tad-distretti, is-sehem tal-allokazzjonijiet baġitarji li kienu maħsuba għal proġetti ta’ żvilupp lokali mmexxija mill-komunità. Madankollu, ma setgħetx tiġi stabbilita rabta bejn l-istimi tal-ispejjeż distrettwali rrappurtati u l-istrateġiji għall-iżvilupp tad-distretti pprovduti bħala dokument ta’ sostenn. Bl-istess mod, ir-rapport li twettaq mill-espert li ġie impjegat mill-Kummissjoni biex jivvaluta dan l-indikatur ma jippreżentax rikonċiljazzjoni bejn l-istimi tal-ispejjeż distrettwali u l-istrateġiji għall-iżvilupp tad-distretti. Għalhekk, aħna ma stajniex nikkonfermaw ir-riżultat irrappurtat.

Pagamenti li ngħataw lill-Moldova ma kinux iddokumentati b'mod suffiċjenti

53

Għalkemm dan mhuwiex marbut direttament mal-verifikazzjoni tal-indikaturi tal-prestazzjoni, aħna sibna li l-Kummissjoni kienet ħallset tliet segmenti varjabbli lill-Moldova, li ammontaw għal EUR 26.3 miljun, mingħajr ma ddokumentat b’mod suffiċjenti r-raġunijiet li jsostnu dawn il-pagamenti (ara l-Kaxxa 15).

Kaxxa 15

Dokumentazzjoni tal-pagamenti li ngħataw lill-Moldova

Il-ftehimiet ta’ finanzjament tal-appoġġ baġitarju jinkludu d-dritt għall-Kummissjoni li tissospendi l-ftehim ta' finanzjament jekk il-pajjiż sieħeb jikser obbligu relatat mar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt, u f’każijiet serji ta’ korruzzjoni (l-Artikolu 236(4) tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, Lulju 2018).

Minħabba tħassib dwar l-istat tad-demokrazija fil-pajjiż, f’Lulju u f’Ottubru 2017, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipposponi l-pagament ta’ bosta segmenti varjabbli u ddikjarat li t-twaqqit tal-pagament kien se jiġi kkjarifikat billi jittieħed inkunsiderazzjoni r-rispett tal mekkaniżmi demokratiċi effettivi, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem fil-Moldova. Ir-raġuni ewlenija għal din id-deċiżjoni kienet l-adozzjoni imminenti tal-liġi elettorali l-ġdida fil-Moldova, li ma kinitx konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja, korp konsultattiv tal-Kunsill tal-Ewropa fil-qasam tal-liġi kostituzzjonali.

Minkejja dan, fil-11 ta’ Diċembru 2017 inħarġet awtorizzazzjoni għal pagament. Din ma kinitx sostnuta b’valutazzjoni li turi t-titjib tal-mekkaniżmi demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem fil-Moldova, li kienet ir-raġuni prinċipali għalfejn inizjalment kien inżamm il-pagament.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

54

Aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni kinitx użat data rilevanti u affidabbli dwar il-prestazzjoni għall-iżborż ta' segmenti varjabbli tal-appoġġ baġitarju. Għal terz tal-indikaturi tal-prestazzjoni li ġew irrieżaminati, aħna nikkonkludu li dawn tfasslu b'mod li jdgħajjef ir-rilevanza tagħhom, u ma jippermettux li r-riżultati jitkejlu b’mod oġġettiv, b’hekk dan jimmina r-rilevanza tagħhom. Barra minn hekk, il-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar jekk kinux inkisbu l-indikaturi tas-segmenti varjabbli, mhux dejjem kienu affidabbli, u dan wassal għal xi pagamenti li ma kinux iġġustifikati biżżejjed.

55

Aħna sibna li l-indikaturi tal-prestazzjoni tas-segment varjabbli kienu allinjati tajjeb mal-istrateġiji għall-iżvilupp settorjali tal-pajjiżi sħab. Madankollu, il-biċċa l-kbira minnhom kienu ffukati fuq azzjonijiet ta’ terminu qasir aktar milli fuq riżultati aktar fit-tul, inkluż il-progress lejn l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli. Mill-248 indikatur li rrieżaminajna, 13 % biss kienu jkejlu l-eżiti jew l-impatti fis-setturi appoġġati (ara l-paragrafi 22 sa 25). L-użu ta’ indikaturi tal-eżitu jkun jippermetti lill-Kummissjoni biex tkejjel aħjar ir-riżultati aktar fit-tul fis-setturi appoġġati, inkluż il-progress lejn l-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

Rakkomandazzjoni 1 – Jiżdied l-użu tal-indikaturi tal-eżitu fis-segmenti varjabbli

Jenħtieġ li l-Kummissjoni żżid il-proporzjon tas-segmenti varjabbli li jitħallsu abbażi tal-ilħuq tal-indikaturi tal-eżitu.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2021

56

Aktar minn terz tal-indikaturi ġew iddefiniti b’mod vag jew kellhom linji bażi skorretti, jew inkella ma kellhom l-ebda linja bażi. Dan ippermetta li jsiru interpretazzjonijiet differenti dwar jekk il-miri kinux intlaħqu, u għamel l-analiżi tat-talbiet għal żborż aktar kumplessa u inqas oġġettiva (ara l-paragrafi 26 sa 32).

Rakkomandazzjoni 2 – Tittejjeb il-formulazzjoni tal-indikaturi tal-prestazzjoni

Jenħtieġ li l-Kummissjoni ttejjeb l-arranġamenti ta’ kontroll tal-kwalità sabiex tiżgura li l-indikaturi tal-prestazzjoni tas-segmenti varjabbli jkejlu r-riżultati li nkisbu mill-pajjiżi sħab b’mod oġġettiv. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari biex:

  1. jintużaw indikaturi tal-prestazzjoni li huma speċifiċi u li ma jippermettux interpretazzjonijiet differenti;
  2. jintużaw valuri u miri bażi.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2021

57

Objettiv importanti tas-segmenti varjabbli tal-appoġġ baġitarju huwa li jingħataw inċentivi lill-pajjiżi sħab biex javvanzaw fl-aġendi ta’ riforma tagħhom. Il-biċċa l-kbira mis-segmenti varjabbli li ġew irrieżaminati kien fihom indikaturi li l-miri tagħhom kienu bbilanċjati b'mod ġust minħabba li kienu ambizzjużi u setgħu jintlaħqu faċilment, u aħna nqisu li huma pprovdew l-effett ta’ inċentiv intenzjonat. Il-ftit eċċezzjonijiet li sibna kienu jikkonċernaw indikaturi li l-miri tagħhom setgħu jintlaħqu faċilment, ħafna drabi minħabba l-użu ta’ linji bażi skorretti, jew li kienu nkisbu permezz tax-xogħol imwettaq minn donaturi oħra jew minn esperti esterni mħallsa mill-UE (ara l-paragrafi 33 sa 34).

Rakkomandazzjoni 3 – Jiġi ssalvagwardjat l-effett ta’ inċentiv tas-segmenti varjabbli

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. taġġorna l-informazzjoni relatata mal-linja bażi qabel ma tiffirma l-kuntratt jew tikkoreġi l-valuri bażi matul l-implimentazzjoni tal-kuntratt, jekk ikun meħtieġ, billi temenda l-kuntratt ta’ appoġġ baġitarju;
  2. tevita sitwazzjonijiet li fihom il-pajjiż sieħeb jilħaq il-miri esklussivament bis-saħħa tal-assistenza teknika ffinanzjata mill-UE.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2021

58

L-għadd ta’ indikaturi użati għal kull segment varjabbli ħafna drabi kien għoli wisq u kien jaqbeż l-għadd irrakkomandat mil-linji gwida tal-Kummissjoni. Dan ikkumplika aktar il-proċess ta’ żborż (ara l-paragrafu 35).

Rakkomandazzjoni 4 – Jiġi ssimplifikat il-proċess ta’ żborż għas-segmenti varjabbli

Jenħtieġ li l-Kummissjoni toqgħod lura milli tuża subindikaturi sabiex tillimita l-għadd reali ta’ indikaturi sal-ammont massimu deskritt mil-linji gwida.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2021

59

It-talbiet għal żborż tas-segmenti varjabbli fihom data dwar il-prestazzjoni li turi l-punt sa fejn il-kundizzjonijiet maqbula u l-indikaturi tal-prestazzjoni jkunu ġew issodisfati. Peress li t-talbiet jitħejjew mill-pajjiżi sħab, l-affidabbiltà tad-data dwar il-prestazzjoni sottostanti tiddependi fuq il-kapaċità ta’ dawn il-pajjiżi biex jipproduċuha. Aħna sibna li l-Kummissjoni ġeneralment ivvalutat il-kapaċità tal-pajjiżi sħab billi eżaminat l-elementi prinċipali tas-sistemi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni tagħhom, kif meħtieġ mil-linji gwida tagħha dwar l-appoġġ baġitarju. Madankollu, il-Kummissjoni waslet għal konklużjonijiet dwar jekk id-data dwar il-prestazzjoni meħtieġa għall-kalkolu tal-indikaturi tas-segment varjabbli kinitx affidabbli f’5 kuntratti biss mill-24 kuntratt magħżul (ara l-paragrafi 36 sa 41). Huwa importanti li tinsilet konklużjoni dwar l-affidabbiltà tad-data għall-għażla tal-indikaturi, għall-monitoraġġ u għall-analiżi tal-iżborż.

Rakkomandazzjoni 5 – Jittejbu l-valutazzjonijiet tal-kapaċità tal-pajjiżi li jipprovdu d-data dwar il-prestazzjoni li tintuża fis-segmenti varjabbli

Meta tfassal operazzjoni ta’ appoġġ baġitarju, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-affidabbiltà tad-data dwar il-prestazzjoni, li għandha tintuża bħala bażi għall-iżborż ta’ segment varjabbli. Jenħtieġ li l-valutazzjoni tasal għal konklużjoni espliċita dwar jekk is-sistemi li jintużaw biex tiġi prodotta din id-data humiex affidabbli biżżejjed jew le, u tista’ tkun ibbażata fuq valutazzjonijiet eżistenti li jkunu twettqu minn korpi rikonoxxuti oħra.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2021

60

Aħna sibna li d-Delegazzjonijiet tal-UE wettqu diversi proċeduri ta’ verifikazzjoni meta analizzaw it-talbiet għal żborż. F’xi każijiet, il-membri tal-persunal tad-Delegazzjonijiet tal-UE wettqu żjarat fuq il-post biex jivverifikaw id-data li ġiet ipprovduta minn pajjiżi sħab, filwaqt li f’każijiet oħra, huma bbażaw bis-sħiħ fuq din id-data, jew fuq rieżaminar estern imwettaq minn esperti f’isem il-Kummissjoni, mingħajr ma wettqu xogħol ta’ verifikazzjoni ulterjuri. Dan ma jipprovdix l-aċċertament meħtieġ għall-ġustifikazzjoni tal-pagamenti sussegwenti ta’ segmenti varjabbli (ara l-paragrafi 42 sa 46).

Rakkomandazzjoni 6 – Tittejjeb il-verifikazzjoni tad-data dwar il-prestazzjoni li tintuża biex jiġu żborżati s-segmenti varjabbli

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. teżamina l-evidenza sottostanti li tappoġġa d-data dwar il-prestazzjoni li tiġi pprovduta mill-pajjiżi sħab fit-talba għal żborż, dment li hija ma tkunx diġà kkonkludiet b’mod espliċitu li din id-data hija affidabbli;
  2. meta tuża r-rieżaminar estern, tirrikjedi li t-termini ta’ referenza jkunu jinkludu l-verifikazzjoni tal-affidabbiltà tad-data ewlenija dwar il-prestazzjoni pprovduta mill-pajjiżi sħab. Qabel ma tiżborża s-segment varjabbli, jenħtieġ li tivverifika li l-esperti jkunu kkonformaw ma’ dan ir-rekwiżit.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2021

61

Meta wettaqna mill-ġdid il-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni f'dak li jirrigwarda l-ilħuq tal-indikaturi u kkalkulajna mill-ġdid il-pagamenti tas-segmenti varjabbli, aħna sibna diskrepanzi meta mqabbel mal-ammonti mħallsa mill-Kummissjoni. B’mod ġenerali, abbażi tal-informazzjoni disponibbli dwar il-prestazzjoni, aħna nistmaw li minn total ta’ EUR 234 miljun ta’ pagamenti ta’ segment varjabbli li ġew irrieżaminati, aħna sibna diskrepanzi li jammontaw għal EUR 16.7 miljun. Minn dan l-ammont, EUR 13.3 miljun ma kinux iġġustifikati biżżejjed, jew inkella ma kinux konformi mad-dispożizzjonijiet kuntrattwali. Ammont ta’ EUR 3.4 miljun tħallas mingħajr ma kien hemm progress reali. Barra minn hekk, EUR 26.3 miljun maqsuma fi tliet segmenti varjabbli tħallsu lill-Moldova mingħajr dokumentazzjoni suffiċjenti rigward ir-raġunijiet li jsostnu dawn il-pagamenti (ara l-paragrafi 47 sa 53).

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla III, immexxija mis-Sinjura Bettina JAKOBSEN, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-12 ta’ Novembru 2019.

Għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
President

Annessi

Anness I — Sehem ta’ appoġġ baġitarju f’impenji bilaterali tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA)

Pajjiżi 2014 2015 2016 2017 Medja (2014-2017)
L-Awstrija 0.69 % 1.01 % 0.10 % 1.24 % 0.76 %
Il-Belġju 2.50 % 1.85 % 1.41 % 0.15 % 1.48 %
Ir-Repubblika Ċeka 1.52 % 0.00 % 0.00 % 0.44 % 0.49 %
Id-Danimarka 3.83 % 0.00 % 0.73 % 0.91 % 1.36 %
Il-Finlandja 3.75 % 3.89 % 0.00 % 2.98 % 2.65 %
Franza 2.86 % 1.86 % 6.11 % 9.30 % 5.03 %
Il-Ġermanja 1.29 % 4.55 % 2.12 % 3.42 % 2.84 %
Il-Greċja 1.04 % 0.00 % 0.00 % 0.00 % 0.26 %
L-Ungerija m/a 0.65 % 0.00 % 0.00 % 0.22 %
L-Irlanda 2.30 % 3.76 % 0.00 % 0.00 % 1.52 %
L-Italja 1.28 % 0.40 % 0.24 % 0.56 % 0.62 %
Il-Lussemburgu 3.21 % 0.81 % 2.93 % 1.98 % 2.23 %
In-Netherlands 0.67 % 0.00 % 0.00 % 0.00 % 0.17 %
Il-Polonja 0.00 % 0.00 % 0.00 % 0.00 % 0.00 %
Il-Portugall 0.55 % 0.71 % 0.52 % 0.58 % 0.59 %
Is-Slovakkja 0.00 % 0.00 % 0.00 % 0.00 % 0.00 %
Is-Slovenja 0.00 % 0.00 % 0.00 % 0.00 % 0.00 %
Spanja 1.33 % 1.29 % 0.17 % 0.30 % 0.77 %
L-Iżvezja 2.39 % 0.13 % 0.00 % 1.96 % 1.12 %
Ir-Renju Unit 2.09 % 1.21 % 0.18 % 0.01 % 0.87 %
Il-Kummissjoni tal-UE 9.31 % 12.71 % 14.67 % 9.08 % 11.45 %
           
Medja tal-UE 2.03 % 1.66 % 1.39 % 1.57 % 1.66 %
Medja tal-UE mingħajr l-Istituzzjonijiet 1.65 % 1.11 % 0.73 % 1.19 % 1.17 %

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq https://stats.oecd.org/

Anness II — Kuntratti awditjati

Numru tal-kuntratt Pajjiż Settur appoġġat
Kuntratt Nru  1 282613 Il-Ġordan Edukazzjoni
Kuntratt Nru  2 365198 Edukazzjoni
Kuntratt Nru  3 377271 Enerġija
Kuntratt Nru  4 389306 Enerġija
Kuntratt Nru  5 357967 Ġestjoni tal-finanzi pubbliċi
Kuntratt Nru  6 387662 Il-Georgia Agrikoltura
Kuntratt Nru  7 344313 Edukazzjoni vokazzjonali
Kuntratt Nru  8 361908 Riforma tal-politika tal-finanzi pubbliċi
Kuntratt Nru  9 363227 Il-Bolivja Ġlieda kontra d-droga
Kuntratt Nru  10 368977 Ilma
Kuntratt Nru  11 337591 Agrikoltura
Kuntratt Nru  12 377182 Agrikoltura
Kuntratt Nru  13 383001 L-Etjopja Saħħa
Kuntratt Nru  14 367551 Trasport
Kuntratt Nru  15 348701 Il-Moldova Pjan ta’ azzjoni għal-liberalizzazzjoni tal-viża
Kuntratt Nru  16 353323 Riforma tal-politika tal-finanzi pubbliċi
Kuntratt Nru  17 371907 Agrikoltura
Kuntratt Nru  18 376376 Ir-Rwanda Agrikoltura
Kuntratt Nru  19 375269 Enerġija
Kuntratt Nru  20 364033 Ambjent
Kuntratt Nru  21 357701 Il-Vjetnam Saħħa
Kuntratt Nru  22 337112 Il-Pakistan Agrikoltura
Kuntratt Nru  23 289807 Edukazzjoni
Kuntratt Nru  24 356359 Edukazzjoni

Anness III — Żborżi ta’ segmenti varjabbli fl-2017 għal kuntratti ta’ prestazzjoni tar-riforma settorjali

Pajjiżi Total tas-segment varjabbli 2017
(f’EUR)
% Setturi awditjati Ammonti awditjati
(f’EUR)
Il-Marokk 120 984 995 18.75 %
Il-Ġordan 69 506 667 10.77 % Edukazzjoni, Enerġija, Riforma tal-Amministrazzjoni Pubblika 45 750 000
Il-Georgia 37 900 000 5.87 % Agrikoltura, Impjiegi, Finanzi Pubbliċi 19 400 000
Il-Bolivja 32 800 000 5.08 % Agrikoltura, Ġlieda kontra d-Drogi, Ilma u Sanità 32 800 000
L-Etjopja 29 520 000 4.57 % Saħħa, Trasport 29 520 000
Il-Moldova 29 345 111 4.55 % Agrikoltura, Ġustizzja, Finanzi Pubbliċi 26 345 111
Ir-Rwanda 27 667 500 4.29 % Agrikoltura, Enerġija, Ambjent 27 667 500
Il-Vjetnam 27 000 000 4.18 % Saħħa 27 000 000
Il-Pakistan 25 665 625 3.98 % Agrikoltura, Edukazzjoni 25 665 625
It-Tuneżija 25 000 000 3.87 %
L-Albanija 20 775 000 3.22 %
In-Niġer 17 850 000 2.77 %
Il-Bangladesh 16 500 000 2.56 %
Il-Kolombja 15 000 000 2.32 %
Il-Botswana 14 510 000 2.25 %
Il-Honduras 12 030 000 1.86 %
L-Afrika t’Isfel 10 466 458 1.62 %
Is-Senegal 10 450 000 1.62 %
Il-Burkina Faso 9 700 000 1.50 %
Il-Kirgiżistan 9 500 000 1.47 %
L-Alġerija 9 000 000 1.39 %
Il-Benin 8 000 000 1.24 %
L-Indoneżja 7 500 000 1.16 %
L-Ukrajna 7 500 000 1.16 %
Il-Kambodja 7 200 000 1.12 %
L-Armenja 7 000 000 1.08 %
Il-Ghana 6 200 000 0.96 %
In-Nepal 6 000 000 0.93 %
Il-Perù 5 880 000 0.91 %
Greenland 4 634 634 0.72 %
Il-Laos 4 000 000 0.62 %
Il-Guyana 3 800 000 0.59 %
Ir-Repubblika Dominicana 2 687 500 0.42 %
Samoa 2 360 238 0.37 %
Il-Gżejjer Falkland 1 000 000 0.15 %
Tonga 375 000 0.06 %
TOTAL 645 308 728 100 %

Sors: Il-QEA (Il-pajjiżi b’tipa grassa huma dawk li ġew magħżula għall-awditu).

Anness IV — Valutazzjoni fil-qosor

IL-BOLIVJA L-ETJOPJA IL-PAKISTAN IR-RWANDA IL-VJET­NAM
Kun­tratt Nru 9 Kun­tratt Nru 10 Kun­tratt Nru 11 Kun­tratt Nru 12 Kun­tratt Nru 13 Kun­tratt Nru 14 Kun­tratt Nru 22 Kun­tratt Nru 23 Kun­tratt Nru 24 Kun­tratt Nru 18 Kun­tratt Nru 19 Kun­tratt Nru 20 Kun­tratt Nru 21
Valutazzjoni komprensiva tal-kapaċità? L L L P L P L L L P P L P
Għadd ta’ indikaturi (għal kull segment annwali 2017) 8 10 8 6 6 10 6 8 8 8 7 4 8
Għadd ta’ indikaturi riportati minn snin preċedenti li tħallsu fl-2017 0 0 0 0 0 0 0 0 0 0 4 0 0
Miri indipendenti 24 10 12 12 6 10 6 8 15 8 11 4 12
Indikaturi mhux speċifiċi 1 1 2 2 1 1 1 1 2 0 0 0 0
Mingħajr linja bażi (il-QEA: jenħtieġ li jkun hemm linja bażi) 0 0 0 0 0 0 0 0 0 0 0 0 0
Linja bażi żbaljata 1 0 0 0 1 10 0 0 1 0 1 2 0
Mira modesta wisq 1 1 0 0 0 1 0 0 2 0 0 1 0
Missjoni fuq il-post imwettqa mid-Delegazzjonijiet tal-UE biex jiġi vvalutat l-issodisfar tal-kundizzjonijiet? L L I I L I L L L I L I L
Użu ta’ esperti esterni biex jiġi vvalutat l-issodisfar tal-kundizzjonijiet? L L L L L L I I I I L L I
Żbalji aritmetiċi fl-iżborżi? L L L L L L L L L L L L L
Il-metodoloġija għall-kalkolu tal-pagament ġiet applikata b’mod korrett? I I I I L I I L L I I I I
Diskrepanzi mal-valutazzjoni tal-QEA fir-rigward tal-ilħuq tal-mira/tas-sottomiri. 2.2 u 3.3 3.1 u 5 L L L 7 L 5,6 u 8 4, 6.2, u 6.3 L 5 2 u 4 L
Diskrepanzi mal-valutazzjoni tal-QEA rigward l-ammont li jrid jitħallas Impatt biss fi żborż ulter­juri Ebda Impatt fil-paga­ment. Presta­zzjoni. >80 % L L L EUR 2 miljun L EUR 1.50 miljun EUR 3.47 miljun L EUR 1.2 miljun EUR 0.57 miljun L
IL-GEORGIA IL-ĠORDAN IL-MOLDOVA
Kun­tratt Nru  6 Kun­tratt Nru  7 Kun­tratt Nru  8 Kun­tratt Nru  1 Kun­tratt Nru  2 Kun­tratti Nri  3/4 Kun­tratt Nru  5 Kun­tratt Nru  15 Kun­tratt Nru  16 Kun­tratt Nru  17
Valutazzjoni komprensiva tal-kapaċità? L I I L L I P I I P
Għadd ta’ indikaturi (għal kull segment annwali 2017) 11 15 14 0 5 9 10 34 12 28
Għadd ta’ indikaturi riportati minn snin preċedenti li tħallsu fl-2017 0 3 0 2 0 0 0 3 0 0
Miri indipendenti 12 34 21 2 6 10 20 95 22 39
Indikatur mhux speċifiku 0 7 3 2 0 1 5 35 4 4
Mingħajr linja bażi (il-QEA: jeħtieġ li jkun hemm linja bażi) 1 5 3 0 0 0 0 0 0 6
Linja bażi żbaljata 1 0 0 1 1 0 1 0 0 0
Miri modesti wisq 0 0 1 0 0 0 0 0 3 0
Missjoni/jiet fuq il-post imwettqa mid-Delegazzjonijiet tal-UE biex jiġi vvalutat l-issodisfar tal-kundizzjonijiet? I I I I I L I I I I
Esperti esterni ingaġġati biex jivvalutaw l-issodisfar tal-kundizzjonijiet? I I I I I I I I I I
Żbalji aritmetiċi fl-iżborżi? L L L I L L L I L L
Il-metodoloġija għall-kalkolu tal-pagament ġiet applikata b’mod korrett? I I I I L I L L I I
Diskrepanzi mal-valutazzjoni tal-QEA fir-rigward tal-ilħuq tal-mira/tas-sottomiri. Indika­turi Nri 1.2 u 1.7 L L Indika­tur Nru 5 L L L I (l-indika­turi kollha) L L
Diskrepanzi mal-valutazzjoni tal-QEA rigward l-ammont li jrid jitħallas. EUR 1 miljun L L EUR 6 miljun L L L EUR 5.1 miljun EUR 6.4 miljun EUR 14.8 miljun

NOTA: I: Iva; L: Le; P: Parzjalment.

Risposti tal-Kummissjoni

Sommarju eżekuttiv

I

Appoġġ baġitarju jitqies bħala pakkett, li jinkludi trasferiment finanzjarju, djalogu politiku, bini tal-kapaċità u monitoraġġ tal-prestazzjoni. Dawn l-elementi huma kollha importanti biex l-istrument ikun effettiv. Is-segmenti fissi huma soġġetti għal progress meta mqabbla mal-kundizzjonijiet ġenerali derivati mill-kriterji tal-eliġibbiltà tal-appoġġ baġitarju, filwaqt li l-ammont tas-segmenti varjabbli jkun proporzjonat mal-prestazzjoni mqabbla ma’ xi indikaturi speċifiċi.

II

Il-Linji gwida dwar l-Appoġġ Baġitarju jiddefinixxu l-kriterji li jridu jiġu applikati meta jiġu ddefiniti l-indikaturi tas-segmenti varjabbli u tal-proċess tal-verifika tagħhom. Tingħata preferenza lill-użu ta’ indikaturi definiti sew ta’ politiki ta’ pajjiżi sħab u lill-oqfsa ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni.

III

Minħabba li l-indikaturi tas-segmenti varjabbli huma mfassla biex jitkejlu fuq bażi annwali, il-miri li jridu jintlaħqu huma essenzjalment fuq terminu qasir. Il-Kummissjoni trid tidentifika miri li jkunu jistgħu jinkisbu b’mod raġonevoli minn sena għall-oħra. Dan ma jimpedixxix lil dak li jkun milli jipprova jappoġġja aktar l-użu ta’ indikaturi tal-eżitu, speċjalment f’setturi li bbenefikaw minn assistenza fit-tul mill-UE, iżda jeħtieġ li t-taħlita bejn it-tipi differenti ta’ indikaturi tiġi żgurata.

Il-bażi tad-data tal-Kummissjoni li tkopri l-indikaturi kollha tal-prestazzjoni użati matul il-kuntratti ta’ appoġġ baġitarju tal-2014–2018 turi li taħlita bilanċjata ta’ tipi differenti ta’ indikaturi: Inputs, proċess, outputs u eżiti/riżultati fuq terminu itwal intużaw jew qed jintużaw. Il-kampjun awditjat kien fih aktar programmi approvati qabel l-2014, u għalhekk inqas iffukati fuq ir-riżultati fuq terminu itwal.

IV

Il-linji gwida dwar l-appoġġ baġitarju jirrakkomandaw l-użu ta’ bejn tlieta u għaxar indikaturi. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-messaġġ li għadd kbir ta’ indikaturi jistgħu jwasslu biex jintilef il-fokus tal-politika u għal valutazzjoni aktar ikkumplikata tat-talba għall-iżborż. Madankollu, f’każijiet eċċezzjonali, jistgħu jiġu aċċettati aktar minn għaxar indikaturi, jekk dan ikun iġġustifikat mill-qafas tal-politika u mill-preferenzi tal-pajjiż sieħeb.

V

Il-Kummissjoni tqis li l-affidabbiltà tas-sistema statistika tal-pajjiżi sħab hija analizzata fil-valutazzjoni tal-konformità mal-kriterji tal-eliġibbiltà tal-politika pubblika għall-appoġġ baġitarju u għandha tkun tinstab ukoll fil-Qafas tal-Immaniġġjar tar-Riskju. Il-formula riveduta riċentament tan-nota tal-iżborż teħtieġ rapportar dwar l-aġġornamenti tal-kapaċità analitika u tal-kwalità tad-data tal-pajjiż, ma’ kull talba għall-iżborż.

VI

Il-Kummissjoni tqis li l-pagament lill-Moldova qies l-evoluzzjoni pożittiva tas-sitwazzjoni tar-rispett tal-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem fil-Moldova fi żmien il-pagament iżda setgħet ġiet dokumentat aħjar.

VII

L-ewwel inċiż: Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

It-tieni inċiż: Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

It-tielet inċiż: Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Ir-raba’ inċiż: Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Il-ħames inċiż: Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Is-sitt inċiż: Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Introduzzjoni

01

Ara t-tweġiba għas-sommarju eżekuttiv - il-paragrafu I.

02

Minbarra li jippromwovi r-riżultati, filwaqt li juża s-sistemi tal-pajjiżi u jallinja mal-politiki tal-pajjiżi, l-appoġġ baġitarju jrawwem ukoll l-akkontabbiltà domestika.

Osservazzjonijiet

19

Il-Kummissjoni tikkonferma li l-iżborżi ta’ appoġġ baġitarju jsiru “ex post” biex tiġi ppremjata l-prestazzjoni tajba. F’dan il-kuntest, kif tgħid sew il-QEA, il-kundizzjonijiet ġenerali, jiġifieri l-progress fl-implimentazzjoni tal-politika pubblika rilevanti, ir-riforma tal-immaniġġjar finanzjarju pubbliku, it-trasparenza u l-istabbiltà makroekonomika huma kollha importanti fil-valutazzjoni tar-riżultati.

21

Id-disinn tas-segmenti varjabbli jrid ikun adatt għall-kuntest tal-pajjiż u tal-politika. L-indikaturi jenħtieġ li jintgħażlu skont ir-rilevanza tagħhom f’dak il-kuntest. Jenħtieġ li tingħata preferenza lill-indikaturi tal-eżitu meta applikabbli u b’mod ġenerali wieħed għandu jipprova juża taħlita ta’ tipi differenti ta’ indikaturi, inklużi indikaturi tal-input.

Meta jiġu definiti l-indikaturi, għandhom jitqiesu l-frekwenza annwali tal-iżborżi tal-appoġġ baġitarju kif ukoll il-kapaċità tal-pajjiżi sħab li jikkontrollaw l-eżiti u l-impatt.

22

Valutazzjoni interna mill-Kummissjoni tas-sett sħiħ tal-indikaturi użati fis-segmenti varjabbli (total ta’ 3642 indikatur) li jkopru l-perjodu mill-2014 sal-2018 turi li 33.7 % tal-indikaturi huma indikaturi tal-eżitu, 26.8 % indikaturi tal-output, 35.4 % indikaturi tal-proċess u s-sehem żgħir li jifdal (4.1 %) huwa magħmul minn indikaturi tal-input u tal-impatt.

Il-kampjun awditjat kien fih aktar programmi approvati qabel l-2014, u għalhekk inqas iffukati fuq ir-riżultati fuq terminu itwal. Il-prattika attwali hija li jintużaw indikaturi differenti aktar bilanċjati.

23

L-għażla tal-indikaturi hija marbuta wkoll mal-maturità tal-politika pubblika u ma’ għadd ta’ kwistjonijiet speċifiċi għall-kuntest (problemi ta’ attribuzzjoni, governanza tas-settur, diviżjoni tal-kompiti bejn is-sħab fl-iżvilupp eċċ.).

Għandu jiġi nnutat li mill-2017 ‘l hawn, il-Ġordan ma għadux ikkunsidrat pajjiż bi dħul medju superjuri iżda wieħed bi dħul medju inferjuri, skont il-klassifikazzjoni tal-Bank Dinji.

24

Il-Kummissjoni tqis li l-indikaturi tal-input jista’ jkollhom rwol utli f’ċerti każijiet u li jservu fl-istadji inizjali tar-riforma biex jgħinu jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għal riżultati aktar fit-tul aktar tard. Fil-programmi ta’ appoġġ baġitarju, mill-2014 is-sehem tal-indikaturi tal-input f’segmenti varjabbli huwa biss ta’ 4 % (ara t-tweġiba għall-paragrafu 22).

25

L-indikaturi tal-proċess huma importanti biex jiġi vvalutat il-progress fil-kapaċitajiet u fil-governanza tajba ta’ settur. Barra minn hekk, meta jitqies il-programm sħiħ ta’ appoġġ baġitarju, l-aspetti kwalitattivi jitqiesu meta jiġi vvalutat il-progress fl-implimentazzjoni kumplessiva tal-politika pubblika. Dawn jistgħu jiġu indirizzati wkoll permezz ta’ djalogu u bini ta’ kapaċità, u għalhekk l-importanza li l-impatt tal-appoġġ baġitarju ma jintrabatx mal-indikaturi tas-segmenti varjabbli biss.

Kaxxa 2 — Eżempji ta’ indikaturi tal-proċess mingħajr speċifikazzjonijiet kwalitattivi

B’referenza għall-Moldova (kuntratt 15: Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża)

Il-pjan ta’ azzjoni dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża (PALV) huwa eżerċizzju li huwa skrutinizzat ħafna mill-istituzzjonijiet Ewropej u mill-Istati Membri u teżisti sistema (tal-UE) ta’ monitoraġġ estern b’saħħitha ħafna. Filwaqt li ma hemm l-ebda referenza fil-matriċi tal-politika għal xi qafas regolatorju li għandu jiġi adottat, il-kwalità tal-qafas hija definita b’mod ċar fl-acquis communautaire relatat, għalhekk il-qafas (il-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża) huwa definit f’dokumenti oħra. Ta’ min jinnota li ġew ippreżentati lill-Parlament u lill-Kunsill ħames rapporti tal-PALV li juru progress sodisfaċenti.

B’referenza għall-Ġordan (kuntratt 4: Appoġġ għall-enerġija)

Il-fokus ta’ din il-mira kien li jiġi żgurat li l-istruttura ta’ djalogu ta’ politika ġiet stabbilita u saret operazzjonali (jiġifieri li kienet qed tiltaqa’ b’mod regolari u mhux stabbilita b’mod amministrattiv biss). Biex tiżgura s-sjieda tal-gvern, il-Kummissjoni ppermettiet lill-pajjiż sieħeb jiddeċiedi dwar l-istruttura, il-kompożizzjoni u l-frekwenza eżatti tal-laqgħat.

27

Il-Kummissjoni tenfasizza li s-sejba tal-QEA li l-indikaturi mhumiex speċifiċi biżżejjed toriġina minn varjetà ta’ raġunijiet sottostanti, kif juru l-eżempji fil-paragrafu 28 u fil-Kaxxa 3. Fil-maġġoranza tal-każijiet, dawn ma wasslux għal konklużjonijiet differenti dwar il-valutazzjoni tal-indikatur mill-QEA u mill-Kummissjoni.

Kaxxa 3 — Eżempji ta’ indikaturi/miri mhux speċifiċi

B’referenza għall-Ġordan (kuntratt 1):

L-espert estern li analizza l-ilħiq tal-mira ma żviluppax kompletament il-kriterji tiegħu stess u qagħad fuq kriterji li kienu diġà spjegati fid-Dispożizzjonijiet Tekniċi u Amministrattivi (DTA) tal-Ftehim ta’ Finanzjament biex jiddetermina li t-tagħmir tal-iskejjel kien adegwat, bħall-fatt li l-iskejjel se jinbnew u jkunu mgħammra skont il-linji gwida tal-Ġordan tal-2018 u pprovduti b’pannelli solari għall-ħiters tal-ilma u sistemi oħra ta’ enerġija rinnovabbli u effiċjenti fl-enerġija. It-TDA jistabbilixxu wkoll li l-għalliema l-ġodda jkunu tal-anqas segwew kors ta’ taħriġ ta’ introduzzjoni għall-għalliema.

Barra minn hekk, il-karattru “adegwat” tal-mezzi/tal-ambjent tat-tagħlim u tar-riżorsi umani f’dawk l-iskejjel jeħtieġ li jinżamm flessibbli biex jadatta għal sitwazzjoni ta’ kriżi fluwida ħafna, b’mijiet ta’ eluf ta’ studenti refuġjati ġodda li kellhom bżonn jibdew imorru l-iskola. Fl-aħħar nett, il-karattru “adegwat” ġie diskuss fid-dettall fid-djalogu politiku regolari bejn id-Delegazzjoni tal-UE u l-Ministeru tal-Edukazzjoni.

B’referenza għall-Ġordan (kuntratt 8):

L-objettiv speċifiku tal-indikatur kien li jissensibilizza lill-partijiet konċernati dwar ir-Regoli Fiskali u l-Governanza Fiskali. Il-mezzi tal-interpretazzjoni kienu l-minuti tal-laqgħat u l-intervisti mal-partijiet interessati. L-indikatur kien maħsub biex jippromwovi kultura ta’ trasparenza u akkontabbiltà pubblika lejn iċ-ċittadini. Il-valutazzjoni saret bir-reqqa u ħarset lejn il-minuti tal-laqgħat u l-intervisti mal-partijiet ikkonċernati.

Kaxxa 4 — Il-kejl tal-kwalità tal-edukazzjoni — eżempju tajjeb

Din il-prattika tal-kejl tal-indikaturi relatati mal-kwalità tal-edukazzjoni hija essenzjali u l-mudell li nbeda f’dan il-Programm ta’ Appoġġ Baġitarju ġie kkuppjat minn donaturi oħra fil-Ġordan. Jibqa’ fokus essenzjali tal-appoġġ sussegwenti kollu għas-sistema tal-Edukazzjoni tal-Ġordan li ġie pprovdut mill-UE minn dak iż-żmien.

Dan l-indikatur issa huwa parti mill-Pjan Strateġiku tal-Edukazzjoni 2018–22 u l-unità rilevanti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni rċeviet taħriġ dwar il-metodoloġija biex tibda tagħmel il-valutazzjonijiet mal-pajjiż kollu.

Huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-ġbir tad-data għal xi indikatur għandu jsir parti mill-eżerċizzju regolari tal-ġbir tad-data tal-pajjiż u għandhom jiġu evitati metodi ta’ darba, għaljin u twal imwettqa biss għall-programm ta’ appoġġ baġitarju.

30

Il-Kummissjoni taqbel li għandhom jiġu definiti linji bażi għall-indikaturi meta jkun rilevanti u jekk meħtieġ li jiġu aġġornati.

31

Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 30.

32

Il-Kummissjoni taqbel li l-linji bażi għandhom jiġu aġġornati bid-data rilevanti, meta jkun fattibbli, filwaqt li jitqiesu l-kostijiet tat-tranżazzjonijiet biex jiġu emendi l-kuntratti tal-appoġġ baġitarju.

Kaxxa 6 — Eżempji ta’ indikaturi bla linji bażi jew b’linji bażi mhux korretti

B’referenza għall-Ġordan (kuntratt 7):

Il-kuntratt “Impjieg u edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali” jinkludi erba’ indikaturi li jirreferu għal żieda (pereż. fit-taħriġ) matul iż-żmien. F’żewġ każijiet, il-Ftehim ta’ Finanzjament jirreferi għal-linja bażi tal-31 ta’ Diċembru 2013, li ma kinitx disponibbli fil-ħin tal-iffirmar tal-Ftehim ta’ Finanzjament.

Fir-rigward tal-każ speċifiku msemmi hawnhekk, ma kienx hemm linji bażi definiti għall-indikaturi fil-Ftehim ta’ Finanzjament. Għalhekk, kien meħtieġ li jintużaw sorsi addizzjonali għall-valutazzjoni tal-indikatur 2.2.1 (żieda ta’ 15 % tal-għalliema li kienu qed jirċievu taħriġ inizjali f’konformità mal-politika l-ġdida dwar l-iżvilupp tal-għalliema tal-ETV) u l-indikatur 2.2.2 (15 % tal-għalliema li kienu qed jirċievu taħriġ tul il-ħajja). Peress li l-indikaturi ma kellhomx linji bażi, l-unika xejra li kienet qed tiżdied setgħet tqieset bħala suffiċjenti għall-pagament. Għalhekk, l-evalwaturi u l-Kummissjoni qiesu l-iżviluppi fis-settur biex laħqu konklużjoni sinifikanti fid-dawl tan-natura tal-indikatur.

B’referenza għall-Bolivja (kuntratt 9):

Għandu jiġi nnutat li għalkemm il-miri għall-2016 kienu inqas ambizzjużi meta mqabbla mal-linja bażi, il-miri għall-2017 u l-2018 kienu aktar eżiġenti, u b’hekk ġew żgurati r-riżultati mixtieqa.

34

Il-Kummissjoni tinnota li l-bini tal-kapaċità tal-UE ġeneralment għandu l-għan li jikkontribwixxi għal żieda sostenibbli fil-kapaċità f’pajjiżi sħab, anke wara li jintemm il-programm ta’ appoġġ baġitarju. L-ambitu tagħhom huwa usa’ u jikkomplementaw u mhux jieħdu post l-inċentiv ipprovdut mill-indikaturi. Il-Kummissjoni tqis li dan kien il-każ fit-tliet kuntratti msemmija mill-QEA.

Kaxxa 7 — Eżempji ta’ indikaturi b’miri faċli biex jintlaħqu

Huwa importanti li jiġi enfasizzat li kemm l-indikaturi 4 “It-tisħiħ tal-Osservatorju Bolivjan dwar id-Drogi” kif ukoll 7 “L-iżvilupp tal-qafas istituzzjonali tal-CONALTID” (Consejo Nacional de lucha contra el tráfico ilícito de drogas) huma dwar it-tisħiħ tar-rwol tal-CONALTID fir-rigward tal-koordinazzjoni interistituzzjonali biex tittejjeb l-effettività tal-istrateġija appoġġjata.

Minħabba n-nuqqas preċedenti ta’ koordinazzjoni interistituzzjonali, dan l-indikatur huwa indikatur approssimattiv biex jitkejjel il-livell tal-impenn tal-Gvern lejn l-istrateġija.

Għalkemm l-indikatur (fil-kuntratt 9) jista’ jidher modest, huwa importanti ħafna f’dan il-kuntest peress li jinċentiva l-koordinazzjoni meħtieġa bejn il-Ministeri differenti involuti fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi u d-delitti konnessi miegħu. Dan huwa eżempju fejn, bl-għarfien tal-kuntest lokali, id-Delegazzjoni tal-UE rrikonoxxiet l-importanza tal-konsolidazzjoni tal-funzjoni ta’ koordinazzjoni ta’ istituzzjoni ġdida (CONALTID). Għalhekk jeħtieġ li l-ambizzjoni ta’ indikatur tiġi vvalutata fil-kuntest speċifiku. L-istess japplika għall-indikatur 4, li jitqies bħala prova li l-CONALTID kienet qed taqdi r-rwol tagħha ta’ koordinazzjoni u li s-sistema ta’ monitoraġġ kienet qed taħdem b’mod sostenibbli.

35

In-numru ta’ indikaturi taħt il-Pjan ta’ Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża (PALV) fil-Moldova joħroġ mid-djalogu politiku u mill-ftehim sussegwenti mal-pajjiż sieħeb. F’dan il-każ speċifiku, il-preferenza kienet li fil-matriċi tal-politika tal-Gvern jiġu inklużi l-indikaturi kollha. Dan tqies mill-awtoritajiet bħala inċentiv addizzjonali biex jiġi implimentat il-Pjan ta’ Azzjoni kollu.

Kaxxa 8 — Għadd kbir ta’ indikaturi

Il-matriċi ta’ politika fil-Moldova tinkludi seba’ kundizzjonijiet jew indikaturi ewlenin (kif stabbilit fil-ftehim ta’ finanzjament), li jikkorrispondu għas-seba’ oqsma tal-istrateġija nazzjonali. Imbagħad hemm 28 subindikatur, li huma speċifiċi u rilevanti biex l-istrateġija tiġi implimentata tajjeb.

37

Fil-fażi tad-disinn, il-Kummissjoni tivvaluta l-informazzjoni dwar l-affidabbiltà tad-data biex tiddeċiedi liema sors ta’ verifika huwa l-aktar xieraq u meta jsir disponibbli. Dgħufijiet fis-sistema statistika tas-setturi appoġġjati jitolbu miżuri ta’ mitigazzjoni, pereż. rieżami minn esperti esterni, assistenza kumplimentari mill-UE (jew donaturi oħra) biex titjieb il-kapaċità statistika.

39

Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu V.

41

Il-Kummissjoni tqis li billi tikkombina l-analiżi tal-kriterju tal-eliġibbiltà tal-politika pubblika u l-Qafas tal-Immaniġġjar tar-Riskju, tkun tista’ tikseb biżżejjed informazzjoni dwar il-kwalità tas-sistema ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni tal-pajjiż sieħeb.

42

Tintuża varjetà ta’ proċeduri ta’ verifika biex jiġi garantit livell ta’ assigurazzjoni li jiġġustifika l-pagamenti sussegwenti. Ara l-paragrafu 43.

43

Għal kull żborż, il-Kummissjoni tuża taħlita ta’ tipi differenti ta’ proċeduri ta’ verifika biex tivvaluta l-konformità. Id-Delegazzjonijiet u l-Kwartieri Ġenerali jagħmlu rieżami dokumentarju tad-dokumenti ta’ sostenn kollha għal kull żborż. Meta jkun meħtieġ, jistgħu jsiru wkoll żjarat fuq il-post. Bl-istess mod, jistgħu jintużaw esperti esterni meta n-natura tal-informazzjoni tkun speċjalizzata ħafna jew meta l-valutazzjoni tal-ilħiq tal-miri tkun teħtieġ valutazzjoni kwalitattiva b’saħħitha.

44

Missjonijiet esterni ta’ esperti jridu jintużaw b’mod komplementari. Il-valur miżjud tagħhom ġej mill-indipendenza u mill-għarfien espert addizzjonali tagħhom, u jenħtieġ li ma jissostitwixxux il-verifika u d-deċiżjoni diretti tad-Delegazzjoni, iżda jippermettu kontroverifika tar-riżultati.

45

Il-Kummissjoni tikkondividi l-analiżi tal-QEA li l-kwalità tad-data mill-pajjiżi sħab għandha tkun fattur importanti fl-użu tal-esperti għall-verifika. Madankollu, l-użu ta’ esperti esterni jista’ jkun iġġustifikat anke jekk is-sistema ta’ monitoraġġ tal-pajjiż tkun affidabbli. F’ċerti każijiet, l-UE teħtieġ għarfien espert tekniku ħafna biex tkun tista’ tivverifika kriterji speċifiċi rilevanti għall-kalkolu tal-indikatur.

46

L-appoġġ baġitarju, bħala strument ta’ sħubija u fiduċja, jaħdem f’diversi setturi, fejn is-sħab fl-iżvilupp kienu qed jiddependu fuq ir-rappurtar regolari ta’ pajjiżi sħab.

Il-Kummissjoni ssib li, f’każijiet partikolari, id-dokumenti ta’ sostenn ipprovduti mis-sieħeb tal-implimentazzjoni, flimkien mal-valutazzjoni u mal-kjarifiki tal-esperti esterni fuq talba mill-awtoritajiet, taw biżżejjed informazzjoni biex issir kontroverifika u tintlaħaq konklużjoni dwar l-affidabbiltà tad-data.

Kaxxa 10 — Eżempji ta’ nuqqasijiet misjuba fil-ħidma tal-espert estern

a) Il-kampjunar għall-kuntratt 2 fil-Ġordan sar f’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ sħab rilevanti oħra, inkluż l-UNESCO. Il-kriterji tal-għażla tal-kampjun kienu bbażati fuq elementi, fosthom:

  • Skejjel pubbliċi tal-Ministeru tal-Edukazzjoni f’żoni urbani (inklużi l-iskejjel mikrija);
  • Skejjel u spazji ta’ tagħlim fil-kampijiet tar-rifuġjati;
  • Skejjel b’xift wieħed jew doppju (densità għolja);
  • Rappreżentanza ta’ ċikli primarji u sekondarji;
  • Rappreżentanza fil-kampjun pilota tas-sistema EMIS (OpenEMIS, UNESCO);
  • Korrelazzjoni bejn l-iskejjel magħżula u l-konċentrazzjoni ta’ refuġjati Sirjani fir-reġjun/belt.

Għalhekk, il-proposti għall-inklużjoni tal-iskejjel saru fl-interess li jkun hemm varjetà wiesgħa ta’ kriterji u li tiġi żgurata l-inklużjoni ta’ tmien direttorati b’konċentrazzjoni għolja ta’ studenti Sirjani. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni ma kienx involut direttament fl-għażla tal-iskejjel għall-kampjun biex jiġi evitat kwalunkwe preġudizzju possibbli fil-proċess tal-għażla. Minflok kien it-tim ta’ konsulenza flimkien mal-UNESCO li għamlu l-proposti wara li ntgħażlu mill-bażi tad-data tal-iskejjel (mhux l-EMIS li ma kienx funzjonali f’dak iż-żmien), filwaqt li l-Ministeru tal-Edukazzjoni kien jeħtieġlu ovvjament japprova l-kampjun sabiex jiffaċilita l-aċċess għall-iskejjel.

b) It-30 skola kollha kienu inklużi fil-bażi ta’ data għall-missjoni ta’ verifika fuq il-post, madankollu, ir-rapport tal-missjoni korrispondenti semma biss 17-il skola (paġni 14 u 16/17) peress li data EMIS komparabbli kienet disponibbli biss għal dawk is-17 fiż-żmien il-missjoni. Għalhekk il-konklużjonijiet li waslu għalihom l-esperti esterni saru abbażi bl-aħjar kampjun disponibbli dak iż-żmien.

d) Il-konsulenti ħarsu lejn ir-reġistri reali tal-iskola u lejn ir-reġistrazzjonijiet reali dakinhar taż-żjara, u huwa dan li ġie rreġistrat fil-bażi tad-data fil-kolonni rispettivi. Il-Kummissjoni tqis li dawn id-differenzi huma mistennija, f’kuntest ta’ kriżi fluwidu ħafna fejn il-popolazzjoni skolastika u l-attendenza kienu qed jinbidlu.

47

B’referenza għall-Pakistan, il-Kummissjoni taqbel li għall-erba’ indikaturi (indikaturi 5 u 6 tal-kuntratt 23 u indikaturi 4 u 6.3 tal-kuntratt 24) l-evidenza li ssostni r-riżultati kellha dgħufijiet u fil-futur se tirrimedja għal dan.

Għall-kuntratt 23 (programm ta’ edukazzjoni ta’ Sindh), l-indikatur 8, il-Kummissjoni tqis li l-evidenza pprovduta wriet li l-miri ntlaħqu.

Għall-indikatur 8, il-mira tqieset li ntlaħqet abbażi tal-pjan ta’ ħidma annwali tal-PEACe (Provincial Education Assessment Centre) b’baġit propost kemm għall-PEACE kif ukoll għas-SESLOAF filwaqt li l-“Completion report on implementation of Sindh Education SESLOAF” ta’ 74 paġna wera li s-SESLOAF ġie implimentat biex itejjeb it-tagħlim tal-istudenti.

Il-Kummissjoni taċċetta li l-indikatur seta’ ġie fformulat b’mod aktar ċar u li dan wassal għal kalkoli differenti, li jwasslu għal differenzi marġinali biss fir-riżultati miksuba. Madankollu, irrilevanti mil-liema metodu jintuża, ir-riżultati miksuba huma sinifikanti f’termini ta’ żieda fl-iskala tal-iskema tal-kupuni li wasslet biex ħafna aktar tfal jattendu l-iskola.

Għall-indikatur 4, il-Kummissjoni taqbel li hemm anomaliji żgħar fl-istatistika disponibbli. Din id-dgħufija kienet diġà ġiet identifikata meta kien qed jiġi identifikat u fformulat il-proġett. Konsegwentement, il-Kummissjoni pprovdiet assistenza teknika lis-Sistema ta’ Informazzjoni tal-Maniġment tal-Edukazzjoni biex tindirizza dan. Għalhekk, il-Kummissjoni ħadet miżuri xierqa u effiċjenti biex timmitiga r-riskju li jirriżulta min-nuqqasijiet identifikati fl-istatistika.

Fir-rigward tal-Ġeorġja u r-referenza għal-liġi dwar iż-żerriegħa, l-indikatur 1.2 (kuntratt 6), il-Kummissjoni tirrikonoxxi d-dewmien qasir ta’ xahrejn. Il-Kummissjoni qieset li ż-żmien addizzjonali ntuża biex titjieb il-kwalità tal-proċess (proċess aktar parteċipattiv u inklużiv, li jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati kollha) u l-kwalità tar-riżultat (il-liġi dwar iż-żerriegħa issa tikkonforma mal-istandards internazzjonali u tal-UE u tistabbilixxi bażi soda għal settur regolat tajjeb). Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat id-deċiżjoni tal-Gvern li jgħaġġel l-attivitajiet biex jikkumpensa għad-dewmien fl-adozzjoni tal-Liġi u biex jiżgura implimentazzjoni rapida (tħejjija ta’ leġiżlazzjoni sekondarja anke qabel ma l-liġi ġiet adottata formalment, perjodu ta’ żmien imqassar għaċ-ċertifikazzjoni tal-qamħ, sitt xhur biss wara d-dħul fis-seħħ tal-liġi dwar iż-żerriegħa). Fil-dawl ta’ dan kollu, il-Kummissjoni ddeċidiet li dawn l-isforzi għandhom jiġu ppremjati, minkejja d-dewmien qasir.

Kaxxa 11 — Evidenza bbażata fuq kampjun preġudikat

Rigward l-evidenza pprovduta għall-indikatur 6.3 tal-kuntratt tal-edukazzjoni KP fil-Pakistan (kuntratt 24), mhijiex l-Assistenza Teknika li tiddetermina l-interpretazzjoni tal-evidenza meħtieġa.

Il-Ftehim ta’ Finanzjament ma jispeċifikax metodu ta’ kampjunar biex titkejjel ir-rata tal-attendenza. Għalhekk, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ir-riżultati tar-rata tal-attendenza skolastika kif diġà mkejla, li kienet ogħla mill-valur fil-mira, u b’hekk ikkunsidrat li l-mira ntlaħqet.

50

Il-Kummissjoni tqis li fi tlieta mill-ħames każijiet (indikatur 1.2 tal-kuntratt 6, indikatur 2.1 u 2.2 tal-kuntratt 16), id-dewmien qasir ta’ bejn xahar u tliet xhur biex tintlaħaq l-iskadenza kien dovut għal passi kwalitattivi addizzjonali mwettqa mill-awtorità ta’ implimentazzjoni biex tiġi żgurata prestazzjoni ta’ kwalità għolja (jiġifieri t-tfassil ta’ liġi li ġiet adottata f’konformità mal-aħjar prattiki tal-amministrazzjoni pubblika wara proċess ta’ konsultazzjoni estensiv) u ma kellu l-ebda riperkussjoni fuq l-istadji li kien imiss tar-riforma.

Kien ikun kontroproduċenti li l-merti tal-isforzi addizzjonali tas-sieħeb ma jiġux rikonoxxuti billi ssir insistenza fuq skadenza inflessibbli. Fir-raba’ każ (indikatur 5 tal-kuntratt 1), ara t-tweġiba għall-Kaxxa 12.

Kaxxa 12 — Miri li ntlaħqu wara l-iskadenzi, intlaħqu parzjalment jew ma ntlaħqux

B’referenza għall-Ġordan (kuntratt 1):

Fl-2015, il-kuntratt ġie estiż sa tmiem l-2017 speċifikament biex jippermetti lill-gvern jiffinalizza l-kostruzzjoni ta’ sitt skejjel u l-ilħiq tal-indikatur 2.2 kif permess mid-Dispożizzjonijiet Tekniċi u Amministrattivi tal-Ftehim ta’ Finanzjament li jgħid (l-Artikolu 2.2) li “in the event that a portion of the funds should thereafter remain unspent, the Beneficiary and the European Commission may agree to one additional payment based upon an assessment of the outstanding targets, conducted along the same principles as for the previous two variable tranches. This additional disbursement, if justified, would be made by the end date of the operational implementation phase and could be added to the last variable tranche payment”. Dan kien il-każ.

  • 1/ Il-skadenza inizjali ta’ sentejn kienet stabbilita f’kuntest politiku biex jingħata appoġġ waqt kriżi f’sitwazzjoni eċċezzjonali. Kienet ambizzjuża ħafna, meta wieħed iqis il-perjodi ta’ żmien meħtieġa għall-offerti għal xogħlijiet fis-settur pubbliku, u l-isforz meħtieġ biex jinbnew u jiġu mgħammra sitt skejjel. Dan kien rikonoxxut sew mill-awtoritajiet Ġordaniżi li talbu b’mod proattiv biex l-iskadenza tiġi estiża fiż-żmien tal-introduzzjoni ta’ dan l-indikatur, kif ukoll aktar tard matul l-implimentazzjoni. Il-Kummissjoni mmonitorjat mill-qrib l-implimentazzjoni, u tat l-estensjonijiet meħtieġa għall-ftehim ta’ finanzjament u b’hekk aġġustat is-sitwazzjoni.
  • 2/ Il-Kummissjoni għamlet impenji politiċi importanti biex tappoġġja lill-Ġordan ilaħħaq mal-konsegwenzi tal-kriżi Sirjana, permezz ta’ diversi konferenzi tad-donaturi u dikjarazzjonijiet politiċi ta’ livell għoli matul il-ħajja ta’ dan il-kuntratt. Iż-żieda tal-indikatur 5 f’dan il-ftehim ta’ finanzjament kienet parti mill-pakkett tal-Kummissjoni taħt dawn il-wegħdiet.
  • 3/ L-iżborż ġie rilaxxat għal miri miksuba biss. Bl-eċċezzjoni ta’ skola waħda li tlestiet fl-2017, il-ħames skejjel l-oħra bdew gradwalment jieħdu studenti Sirjani mill-2016, meta jitqies l-għadd globali ta’ refuġjati Sirjani li diġà kienu fil-Ġordan dak iż-żmien, dan kien sforz ta’ min ifaħħru biex jingħata aċċess għall-edukazzjoni lit-tfal refuġjati.

B’referenza għall-Pakistan (kuntratt 23) il-mira għall-indikatur 6 kienet fil-biċċa l-kbira ssodisfata billi ġie żviluppat il-kurrikulu tal-lingwa Ingliża u tħejjew il-manuskritti tal-kotba tal-iskola.

B’referenza għall-Ġordan (kuntratt 6):

Fir-rigward tal-indikatur 1.7, il-mira ġiet issodisfata skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Finanzjament fir-rigward tal-formulazzjoni tal-mira u tas-sors ta’ verifika tagħha, li tirreferi għall-adozzjoni ta’ programm tal-istat b’digriet. Il-Programm tal-Istat għall-Plantazzjoni u r-Riabilitazzjoni tat-Tè kellu l-għan, fost l-oħrajn, li jżid il-produzzjoni tat-tè inkluż il-produzzjoni tat-tè bio. Tqies ukoll li l-għażla tat-tè kienet strateġika minħabba l-potenzjal sinifikanti tiegħu għall-produzzjoni organika. Għalkemm l-indikatur seta’ jiġi fformulat aħjar, is-sospensjoni tal-pagament ma kinitx tkun skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Finanzjament u kienet tikser l-obbligi tagħna vis-à-vis l-awtoritajiet Ġeorġjani.

Kaxxa 13 — Miri ssettjati abbażi ta’ linji bażi mhux korretti — ma sar l-ebda progress reali

B’referenza għall-Etjopja (kuntratt 14): Minħabba l-progress sostanzjali fit-tnaqqis tat-tagħbija eċċessiva tal-trakkijiet f’dawn l-aħħar snin (kif muri fit-tabella hawn taħt), il-Kummissjoni qieset li l-pagament huwa ġustifikat, minkejja l-valutazzjoni mill-ġdid tal-linja bażi tal-2011/2012 f’rieżami tas-settur li sar qrib id-data tal-iżborż. Fil-fatt, l-objettivi fit-tul ippjanati lejn l-2020 inkisbu ferm qabel kien mistenni.

Fiż-żmien il-Ftehim ta’ Finanzjament, il-Kummissjoni stipulat il-linja bażi abbażi tal-aħjar informazzjoni possibbli disponibbli u kellha tħallas abbażi ta’ dak li ġie ffirmat miż-żewġ partijiet. Il-Kummissjoni ssostni li kien hemm l-argumenti legali għal pagamenti abbażi tal-indikatur.

Kaxxa 14 — Nuqqas ta’ evidenza suffiċjenti

B’referenza għall-Ġordan (kuntratt 5):

L-indikatur 1.2 (fil-kuntratt 5, li jappoġġja l-immaniġġjar tal-finanzi pubbliċi fil-Ġordan) ġie vvalutat billi ġew analizzati l-listi tal-attendenza, iffirmati mill-parteċipanti fil-korsijiet ta’ taħriġ offruti lill-persunal tal-Unitajiet tal-Kontroll Intern (Internal Control Units - ICU). Għandu jiġi enfasizzat li l-istabbiliment tal-ICU huwa wieħed mill-kisbiet reċenti ewlenin fl-immaniġġjar tal-finanzi pubbliċi, b’appoġġ mill-programm attwali tal-UE.

B’referenza għall-indikatur 3 fil-programm tal-iżvilupp tal-komunità (il-kuntratt 22, il-Pakistan), il-kalkoli tal-istimi tal-kost distrettwali la kienu espliċiti u lanqas speċifikament marbuta mal-istrateġiji tal-iżvilupp distrettwali (district development strategies - DDS) għall-pagament matul is-sena finanzjarja 2016/2017. Dan se jiġi kkoreġut u għas-sena finanzjarja 2018/2019 l-istimi tal-kost distrettwali se jkunu marbuta mad-DDS għall-aħħar pagament ippjanat għall-2020.

53

Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-Kaxxa 15.

Kaxxa 15 — Dokumentazzjoni tal-pagamenti lill-Moldova

Il-Kummissjoni tqis li l-pagament kien iġġustifikat, iżda l-evoluzzjoni pożittiva tas-sitwazzjoni tar-rispett tal-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem fil-Moldova fi żmien il-pagament setgħet ġiet dokumentata aħjar.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

54

Il-Linji gwida dwar l-Appoġġ Baġitarju jiddefinixxu l-kriterji li jridu jiġu applikati meta jiġu ddefiniti l-indikaturi tas-segmenti varjabbli u tal-proċess tal-verifika tagħhom. Tingħata preferenza lill-użu ta’ indikaturi definiti sew ta’ politiki ta’ pajjiżi sħab u lill-oqfsa ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni.

55

Il-bażi tad-data tal-Kummissjoni li tkopri l-indikaturi kollha tal-prestazzjoni użati matul il-kuntratti ta’ appoġġ baġitarju tal-2014–2018 turi li taħlita bilanċjata ta’ tipi differenti ta’ indikaturi: inputs, proċess, outputs u eżiti/ir-riżultati fuq terminu itwal intużaw jew qed jintużaw. Il-kampjun awditjat kien fih aktar programmi approvati qabel l-2014, u għalhekk inqas iffukati fuq ir-riżultati fuq terminu itwal. Il-prattika attwali hija li jintużaw tipi differenti ta’ indikaturi aktar bilanċjati.

Rakkomandazzjoni 1 — Żieda fl-użu tal-indikaturi tal-eżitu f’segmenti varjabbli

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni taqbel mar-rakkomandazzjoni li tuża aktar l-indikaturi tal-eżitu, meta jkun xieraq. Madankollu, f’ċerti każijiet, l-indikaturi tal-eżitu mhumiex kompatibbli ma’ skeda ta’ żborżi annwali u jħabbtu wkoll wiċċhom ma’ problemi ta’ attribuzzjoni, jiġifieri l-Gvern mhuwiex fil-kontroll tal-ilħuq tal-miri.

Rakkomandazzjoni 2 — Titjib fil-formulazzjoni tal-indikaturi tal-prestazzjoni

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Rakkomandazzjoni 3 — Salvagwardja tal-effett ta’ inċentiv tas-segmenti varjabbli

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Fir-rigward tal-punt b, il-kuntratti ta’ bini tal-kapaċità tal-UE ġeneralment għandhom l-għan li jikkontribwixxu għal żieda sostenibbli fil-kapaċità f’pajjiżi sħab. L-ambitu tagħhom huwa usa’ u jikkomplementaw u mhux jieħdu post l-inċentiv ipprovdut mill-indikaturi.

Rakkomandazzjoni 4 — Simplifikazzjoni tal-proċess tal-iżborż għas-segmenti varjabbli

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

59

Il-Kummissjoni tqis li l-affidabbiltà tas-sistema statistika tal-pajjiżi sħab hija analizzata fil-valutazzjoni tal-konformità mal-kriterji tal-eliġibbiltà tal-politika pubblika għall-appoġġ baġitarju u għandha tkun tinstab ukoll fil-Qafas ta’ Mmaniġġjar tar-Riskju. Il-formula riveduta riċentament tan-nota tal-iżborż teħtieġ rapportar dwar l-aġġornamenti tal-kapaċità analitika u tal-kwalità tad-data tal-pajjiż, ma’ kull talba għall-iżborż.

Rakkomandazzjoni 5 — Titjib tal-valutazzjonijiet tal-kapaċità tal-pajjiżi li jipprovdi data tal-prestazzjoni użata fis-segmenti varjabbli

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

60

Il-Kummissjoni tuża taħlita ta’ proċeduri ta’ verifika għal kull talba għal żborż. Rieżami dokumentarju mill-persunal fid-Delegazzjoni u fil-Kwartieri Ġenerali tal-evidenza kollha ta’ appoġġ u skambju addizzjonali ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet, kif ukoll it-twettiq ta’ missjonijiet fuq il-post jekk rilevanti u l-impjegar ta’ esperti esterni jekk ikun hemm bżonn ta’ għarfien espert speċjalizzat.

Rakkomandazzjoni 6 — Titjib tal-verifika tad-data tal-prestazzjoni użata biex jiġu żborżati s-segmenti varjabbli

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni taqbel mal-punt a, li tirrieżamina l-evidenza sottostanti li tappoġġja d-data tal-prestazzjoni jekk din id-data ma tkunx ġiet espliċitament iddikjarata affidabbli.

Il-Kummissjoni taċċetta wkoll ir-rakkomandazzjoni b.

61

Kif spjegat fit-tweġiba għall-kaxxa 12, il-Kummissjoni tqis li l-ammont ta’ EUR 6 miljun għall-Ġordan ma għandux jiġi inkluż fl-ammont kumplessiv tad-diskrepanza, peress li dan il-pagament sar wara li ntlaħqet il-mira u fil-perjodu ta’ żmien mogħti mill-estensjoni tal-ftehim ta’ Finanzjament.

Għall-Pakistan, il-Ġeorġja u l-Moldova, jekk jogħġbok ara t-tweġiba għall-Kaxxa 15 u għall-paragrafu 47.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jistabbilixxu r-riżultati tal-awditi tagħha tal-politiki u l-programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla III tal-Awditjar Azzjoni esterna/Sigurtà u ġustizzja, immexxija minn Hannu Takkula, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Turo Hentila, Kap tal-Kabinett u Helka Nykaenen, Attaché tal-Kabinett; Alejandro Ballester Gallardo, Maniġer Prinċipal; Piotr Zych, Kap tal-Kompitu; Eva Coria Paramas, Roberto Ruiz Ruiz, Erika Söveges u Nita Tennila, Awdituri. Richard Moore pprovda appoġġ lingwistiku.

Mix-xellug għal-lemin: Turo Hentila, Helka Nykaenen, Hannu Takkula, Alejandro Ballester Gallardo, Nita Tennila, Piotr Zych, Erika Söveges, Roberto Ruiz Ruiz.

Noti finali

1 L-Artikolu 236(1) tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni; Lulju 2018.

2 EC Budget Support – Trends and Results, 2018, (Appoġġ Baġitarju tal-KE — Tendenzi u Riżultati, 2018), p. 61.

3 Bl-eċċezzjoni tal-Marokk, huwa s-suġġett ta’ Rapport speċjali ta-QEA li għandu jiġi ppubblikat fl-2020.

4 Budget Support guidelines 2017, (Linji Gwida dwar l-Appoġġ Baġitarju 2017), p. 138.

5 Fil-kampjun tagħna hemm 163 indikatur b’miri li ma kinux jirrikjedu linja bażi, minħabba li ma jkejlux l-iżvilupp ta’ varjabbli partikolari (eż. l-“approvazzjoni ta’ liġi” jew l-“għadd ta’ laqgħat li jsiru”). Dawn l-indikaturi ma jiġux ikkunsidrati għal din il-valutazzjoni.

6 Budget support guidelines, 2017, (Linji Gwida dwar l-Appoġġ Baġitarju, 2017), p. 139.

7 Dan in-numru ma jinkludix l-indikaturi minn segmenti tas-snin preċedenti.

8 Snapshot tipprovdi metodi ta’ analiżi għall-oqsma ewlenin li ġejjin, li huma meħtieġa għall-valutazzjoni tas-sistemi tal-istatistika: (i) L-oqfsa legali, istituzzjonali u strateġiċi li jappoġġaw il-produzzjoni tal-istatistika u l-monitoraġġ fil-livell nazzjonali u settorjali; (ii) L-adegwatezza tar-riżorsi (jiġifieri l-kwantità u l-kwalità tar-riżorsi umani, it-tagħmir u l-finanzjament); (iii) Id-determinanti tal-kwalità tad-data (jiġifieri l-impenn fil-kwalità, l-indipendenza professjonali, l-imparzjalità, l-oġġettività, il-metodoloġija u proċeduri xierqa); u iv) Ir-relazzjonijiet mal-utenti (jiġifieri r-rilevanza u l-aċċessibbiltà).

9 Il-Kuntratti Nri 1, 2, 3, 4 u 5.

10 Il-Kuntratti Nri 2, 5, 13, 14, 23 u 24.

11 L-Indikatur Nru 2 tal-Kuntratt Nru 20, l-Indikatur Nru 1.2 tal-Kuntratt Nru 6, l-Indikatur Nru 5 tal-Kuntratt Nru 1 u l-Indikaturi Nri 2.1 u 2.2 tal-Kuntratt Nru 16.

12 L-Indikaturi Nri 5, 6 u 8 tal-Kuntratt Nru 23, l-Indikatur Nru 6.2 tal-Kuntratt Nru 24 u l-Indikatur Nru 1.7 tal-Kuntratt Nru 6.

13 L-Indikaturi Nri 3 u 6 tal-Kuntratt Nru 22 u l-Indikaturi Nri 1.2, u 3 tal-Kuntratt Nru 5.

Kronoloġija

Avveniment Data
Il-Memorandum ta’ Ppjanar tal-Awditjar (APM) jiġi adottat / L-awditu jinbeda 20.11.2018
L-abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lill-entità l-oħra awditjata) 20.9.2019
Ir-rapport finali jiġi adottat wara l-proċedura kontradittorja 12.11.2019
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew tal-entità l-oħra awditjata) jaslu bil-lingwi kollha 5.12.2019

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2019

PDF ISBN 978-92-847-4058-1 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/429932 QJ-AB-19-023-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-4062-8 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/548570 QJ-AB-19-023-MT-Q

© L-Unjoni Ewropea, 2019

Ir-riproduzzjoni hija awtorizzata kemm-il darba jissemma s-sors oriġinali.
Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li mhuwiex taħt id-drittijiet tal-awtur tal- L-Unjoni Ewropea, għandu jintalab permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet.

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp/mt) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.