Preżentazzjoni tar-Rapporti Annwali 2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Kelmtejn dwar l-“Awditu tal-UE fil-qosor 2019”
L-“Awditu tal-UE fil-qosor 2019” jipprovdi ħarsa ġenerali lejn ir-Rapporti Annwali 2019 tagħna dwar il-baġit ġenerali tal-UE u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, fejn aħna nippreżentaw id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati. Huwa jiddeskrivi wkoll is-sejbiet ewlenin tagħna rigward id-dħul u l-oqsma prinċipali ta’ nfiq taħt il-baġit tal-UE u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, kif ukoll is-sejbiet relatati mal-ġestjoni baġitarja u finanzjarja, u s-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tagħna.
It-testi sħaħ tar-rapporti jista’ jinstab fuq is-sit web eca.europa.eu.
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) hija l-awditur indipendenti estern tal-UE. Aħna nwissu dwar riskji, nipprovdu aċċertament, niġbdu l-attenzjoni għal nuqqasijiet u prattika tajba, u noffru gwida lil dawk li jfasslu l-politika u lil-leġiżlaturi tal-UE dwar kif jista’ jsir titjib fil-ġestjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE. Permezz tax-xogħol li nwettqu, aħna niżguraw li ċ-ċittadini tal-UE jkunu jafu kif qed jintnefqu flushom.
Kelmtejn ta’ qabel mill-President

Ir-rapport annwali tagħna għas-sena finanzjarja 2019, li hija ta’ qabel tal-aħħar fil-perjodu għall-2014-2020, ġie ffinalizzat matul żminijiet diffiċli kemm għall-UE kif ukoll għall-Istati Membri tagħha. Aħna, bħala l-awditur estern tal-Unjoni Ewropea, għamilna dak kollu li stajna biex inkomplu nipprovdu servizz tal-awditjar pubbliku fl-UE li jkun effettiv minn mindu faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19.
Bħal fi snin preċedenti, aħna nikkonkludu li l-kontijiet tal-UE jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-UE. Aħna nagħtu opinjoni favorevoli dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-Unjoni Ewropea għall-2019. Id-dħul għall-2019 kien legali u regolari, u kien ħieles minn żball materjali.
Għall-2019, l-istima tagħna għar-rata ta’ żball kumplessiva fl-infiq awditjat hija ta’ 2.7 % (2018: 2.6 %).
Hemm ċerti żviluppi pożittivi f’oqsma sinifikanti ta’ nfiq tal-UE. Fl-oqsma fejn aħna nipprovdu valutazzjoni speċifika, il-livell ta’ żball fl-intestatura “Amministrazzjoni” huwa taħt is-soll ta’ materjalità; għal “Riżorsi naturali”, b’kont meħud tal-livell ta’ żball stmat minna (1.9 %) u ta’ evidenza oħra disponibbli, insibu li dan huwa qrib is-soll ta’ materjalità. Jenħtieġ li jiġi osservat li l-pagamenti diretti, li jirrappreżentaw 70 % tal-infiq fuq “Riżorsi naturali”, kienu sinifikattivament taħt is-soll ta’ materjalità. Fl-istess ħin, l-infiq li jifdal għal “Riżorsi naturali”, “Koeżjoni” u “Kompetittività” qed ikompli jkun milqut minn żball materjali.
Għal bosta snin, aħna awditjajna d-dħul u l-infiq tal-UE billi għamilna distinzjoni bejn dawk l-oqsma tal-baġit fejn inqisu li r-riskju għal-legalità u r-regolarità huwa għoli, u dawk fejn inqisu li r-riskju huwa baxx. Matul l-aħħar tliet snin, aħna ħriġna opinjoni kwalifikata dwar l-infiq. Skont l-istandards internazzjonali tal-awditjar, aħna stajna nagħmlu dan minħabba li qisna li l-iżbalji ma kinux pervażivi u kienu prinċipalment limitati għall-infiq b’riskju għoli.
Dovut għall-mod kif il-baġit tal-UE huwa kompost u kif dan jevolvi matul iż-żmien, il-proporzjon ta’ nfiq b’riskju għoli fil-popolazzjoni li awditjajna żdied minn EUR 61 biljun fl-2018 għal EUR 66.9 biljun. Fl-2019, dan irrappreżenta proporzjon sostanzjali ta’ madwar 53 % tal-popolazzjoni li awditjajna għall-2019. Fl-istess ħin, qed ikompli jkun hemm żbalji materjali fi nfiq b’riskju għoli: aħna nistmaw li l-livell ta’ żball f’dan it-tip ta’ nfiq huwa ta’ 4.9 % (2018: 4.5 %). F’dan l-isfond, aħna ħriġna opinjoni avversa dwar l-infiq.
F’Lulju 2020, il-Kunsill Ewropew laħaq ftehim politiku dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għall-2021-2027 u dwar l-istrument ta’ rkupru temporanju, in-“Next Generation EU”. Dan il-ftehim jimmarka bidla storika fil-finanzi tal-UE. L-UE se tonfoq sinifikattivament aktar milli nefqet fil-perjodu ta’ seba’ snin preċedenti biex jiġi indirizzat l-impatt ekonomiku u soċjali tal-kriżi tal-COVID-19, filwaqt li l-pagamenti tal-UE se jiżdiedu prattikament bid-doppju fl-ewwel snin. F’dawn iż-żminijiet ta’ kriżi, huwa essenzjali li l-infiq tal-UE jwassal malajr għal riżultati u b’hekk jintwera l-valur miżjud tal-kooperazzjoni u s-solidarjetà Ewropea.
Għaldaqstant, il-ġestjoni tal-finanzi tal-UE b’mod tajjeb u effettiv se ssir saħansitra aktar importanti. Dan jinvolvi responsabbiltà akbar kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-Istati Membri, iżda anki għalina fi ħdan il-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Fis-snin li ġejjin, se jibqa’ jkollna rwol attiv u viżibbli fl-appoġġ tal-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza għall-forom kollha ta’ finanzi tal-UE, billi nanalizzaw kemm il-baġit tal-UE kif ukoll l-appoġġ finanzjarju pprovdut permezz tal-istrument “Next Generation EU”.

Klaus-Heiner LEHNE
Il-President tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Riżultati kumplessivi
Sejbiet ewlenin
Sommarju tad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni 2019
Il-QEA tagħti opinjoni favorevoli dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-Unjoni Ewropea għall-2019.
Id-dħul għall-2019 kien legali u regolari, u kien ħieles minn żball materjali.
L-opinjoni tagħna dwar l-infiq għas-sena finanzjarja 2019 hija avversa.
- B’mod kumplessiv, il-livell ta’ żball stmat fl-infiq mill-baġit tal-UE għall-2019 kien ta’ 2.7 % (2018: 2.6 %). L-infiq b’riskju għoli (prinċipalment dak ibbażat fuq rimborżi), li ta’ sikwit ikun suġġett għal regoli kumplessi, kien milqut minn livell materjali ta’ żball ta’ 4.9 % (2018: 4.5 %). Din is-sena, dovut l-aktar għal żieda fl-infiq għal “Koeżjoni”, il-proporzjon ta’ dan it-tip ta’ nfiq żdied għal 53.1 %, rata li tirrappreżenta parti sostanzjali mill-popolazzjoni li awditjajna. Għall-kuntrarju tat-tliet snin preċedenti, l-iżball għalhekk huwa pervażiv, u din hija l-bażi għal opinjoni avversa dwar l-infiq.
- Dgħufijiet fil-kontrolli ex post jaffettwaw l-informazzjoni dwar ir-regolarità pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea. Dan huwa rifless fl-istimi tagħha tar-“riskju fil-waqt tal-pagament”, li huma aktar baxxi mill-istimi tagħna tal-livelli ta’ żball għal “Koeżjoni” u għal “Kompetittività”. Għal “Riżorsi naturali”, l-istima mill-Kummissjoni tar-riskju fil-waqt tal-pagament hija konsistenti mal-istima tagħna.
- Fl-2019, kien hemm żieda sinifikanti fit-talbiet għall-pagamenti għall-fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (SIE) f’“Koeżjoni”. Fl-istess ħin, fis-sitt sena tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2014-2020, l-użu jew l-“assorbiment” tal-fondi SIE mill-Istati Membri baqa’ għaddej aktar bil-mod milli kien ippjanat. Dan ikkontribwixxa għal żieda fl-impenji pendenti għall-fondi SIE.
- Aħna nirrappurtaw il-każijiet kollha ta’ frodi suspettata li jinqabdu matul ix-xogħol tal-awditjar tagħna lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF). Mis-747 tranżazzjoni li eżaminajna għad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni 2019 tagħna, kien hemm 9 każijiet bħal dawn.


It-test sħiħ tar-Rapporti Annwali 2019 tagħna dwar il-baġit tal-UE u dwar l-attivitajiet iffinanzjati mit-8, mid-9, mill-10 u mill-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp huwa disponibbli fuq is-sit web tagħna (eca.europa.eu).
X’awditjajna
Il-baġit tal-UE għall-2019 f’ċifri
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw baġit annwali tal-UE, fi ħdan il-qafas ta’ baġit fuq terminu itwal maqbul għal perjodu ta’ bosta snin (magħruf bħala l-“qafas finanzjarju pluriennali” jew il-QFP). Il-perjodu attwali huwa mill-2014 sal-2020.
Il-Kummissjoni għandha r-responsabbiltà aħħarija biex tiżgura li l-baġit jintefaq kif suppost. Fl-2019, l-infiq ammonta għal total ta’ EUR 159.1 biljun, li huwa l-ekwivalenti ta’ 2.1 % tal-infiq totali tal-gvernijiet estiżi tal-Istati Membri tal-UE u 1.0 % tal-introjtu nazzjonali gross tal-UE.
Minn fejn jiġu l-flus?
B’kollox, għall-2019, id-dħul ammonta għal EUR 163.9 biljun. Il-baġit tal-UE huwa ffinanzjat b’diversi mezzi. L-akbar sehem (EUR 105.5 biljun) jitħallas mill-Istati Membri, proporzjonalment għall-introjtu nazzjonali gross tagħhom (ING). Sorsi oħra jinkludu dazji doganali (EUR 21.4 biljun), il-kontribuzzjoni bbażata fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud li tinġabar mill-Istati Membri (EUR 17.8 biljun) u, pereżempju, il-kontribuzzjonijiet u r-rifużjonijiet li jirriżultaw mill-ftehimiet u l-programmi tal-Unjoni Ewropea (EUR 12.6 biljun).
Fuq xiex jintefqu l-flus?
Il-baġit tal-UE jintefaq fuq firxa wiesgħa ta’ oqsma, bħal:
- it-trawwim tal-iżvilupp ekonomiku ta’ reġjuni strutturalment aktar dgħajfa
- il-promozzjoni tal-innovazzjoni u tar-riċerka
- il-proġetti ta’ infrastruttura tat-trasport
- it-taħriġ għal persuni qiegħda
- il-biedja u l-promozzjoni tal-bijodiversità
- il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima
- il-ġestjoni tal-fruntieri
- l-għajnuna għall-pajjiżi ġirien u dawk li qed jiżviluppaw.
Madwar żewġ terzi tal-baġit jintefaq taħt dik li hija magħrufa bħala “ġestjoni kondiviża”, fejn huma l-Istati Membri li jiddistribwixxu l-fondi, jagħżlu l-proġetti u jimmaniġġjaw l-infiq tal-UE (eż. bħal fil-każ ta’ “Riżorsi naturali” jew “Koeżjoni”).
Id-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna dwar il-baġit tal-UE
Kull sena, aħna nawditjaw id-dħul u l-infiq tal-UE, billi neżaminaw jekk il-kontijiet annwali humiex affidabbli u jekk it-tranżazzjonijiet ta’ bażi tal-introjtu u tal-infiq jikkonformawx mar-regoli tal-UE u dawk nazzjonali.
Dan ix-xogħol jifforma l-bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna li tiġi pprovduta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Aħna neżaminaw l-infiq fil-mument meta r-riċevituri finali tal-fondi tal-UE jkunu wettqu attivitajiet jew ġarrbu spejjeż, u meta l-Kummissjoni tkun aċċettat dan l-infiq. Fil-prattika, dan ifisser li l-popolazzjoni tagħna ta’ tranżazzjonijiet tkopri l-pagamenti interim u dawk finali. Aħna ma eżaminajniex il-pagamenti ta’ prefinanzjament ħlief jekk kienu ġew approvati fl-2019.
Il-popolazzjoni li awditjajna għall-2019 kienet tammonta għal EUR 126.1 biljun. Il-Figura 1 tippreżenta, għal kull intestatura tal-QFP, il-pagamenti tal-2019 u l-popolazzjoni li kienet suġġetta għall-awditjar tagħna.
Figura 1
Pagamenti tal-2019 u l-popolazzjoni li awditjajna
Din is-sena, “Riżorsi naturali” kkostitwiet l-akbar sehem mill-popolazzjoni kumplessiva li awditjajna (47 %), segwita minn “Koeżjoni” (23 %) u “Kompetittività” (13 %).
Għal aktar informazzjoni dwar l-approċċ tal-awditjar tagħna u dwar il-mod kif naslu għall-opinjoni tagħna dwar l-infiq, ara Informazzjoni ġenerali.
X’sibna
Il-kontijiet tal-UE jippreżentaw stampa vera u ġusta
Il-kontijiet tal-UE għall-2019 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, ir-riżultati finanzjarji tal-UE u tal-assi u l-obbligazzjonijiet tagħha fi tmiem is-sena, skont l-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku.
Għalhekk, aħna nistgħu nagħtu opinjoni favorevoli dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet, kif ilna nagħmlu kull sena mill-2007 ’l hawn.
Id-dħul għall-2019 huwa legali u regolari
Aħna nikkonkludu li d-dħul huwa ħieles minn żball materjali. Barra minn hekk, aħna eżaminajna għażla ta’ sistemi relatati mad-dħul u vvalutajniehom bħala kumplessivament effettivi, bl-eċċezzjoni tal-kontrolli interni ewlenin għar-riżorsi proprji tradizzjonali (RPT) użati fil-Kummissjoni u f’ċerti Stati Membri, li sibna li kienu parzjalment effettivi. Aħna sibna wkoll li l-kontrolli mwettqa mill-Istati Membri biex jitnaqqas in-nuqqas doganali fihom dgħufijiet importanti li jeħtieġu azzjoni mill-UE.
Il-livell ta’ żball stmat minna għall-2019 żdied
Għall-infiq fl-intier tiegħu, aħna nistmaw li l-livell ta’ żball jinsab bejn 1.8 % u 3.6 %. Il-punt tan-nofs ta’ din il-firxa, magħruf bħala r-“rata tal-iżball l-aktar probabbli”, huwa ta’ 2.7 % (ara l-Figura 2). Dan jirrappreżenta żieda meta mqabbel mas-sentejn preċedenti (2017: 2.4 %, 2018: 2.6 %).
Figura 2
Livell ta’ żball stmat għall-baġit tal-UE fl-intier tiegħu
Nota:
Aħna nużaw tekniki standard tal-istatistika biex nistmaw il-livell ta’ żball. Aħna nistgħu naffermaw, bi grad ta’ fiduċja ta’ 95 % li l-livell ta’ żball għall-popolazzjoni jinsab fil-firxa bejn il-limiti inferjuri u superjuri tal-iżball (għal aktar dettalji, ara l-Kapitolu 1, l-Anness 1.1 tar-Rapport Annwali 2019).
Aktar minn nofs il-popolazzjoni li awditjajna hija milquta minn żball materjali
Fl-2019, għal darb’oħra sibna li l-mod kif l-infiq ġie żborżat għandu impatt fuq ir-riskju ta’ żball. F’dan il-kuntest, aħna niddistingwu bejn l-infiq b’riskju għoli, prinċipalment ibbażat fuq ir-rimborż tal-ispejjeż, u dak b’riskju baxx, prinċipalment il-pagamenti bbażati fuq drittijiet (ara l-kaxxa hawn taħt).
X’inhuma pagamenti bbażati fuq drittijiet u pagamenti bbażati fuq ir-rimborż tal-ispejjeż?
L-infiq tal-UE huwa kkaratterizzat minn żewġ tipi ta’ nfiq li jinvolvu profili distinti ta’ riskju:
- Pagamenti bbażati fuq drittijiet, li huma bbażati fuq l-issodisfar, min-naħa tal-benefiċjarji, ta’ ċerti kundizzjonijiet (inqas kumplessi): dawn jinkludu fellowships għall-istudenti u għar-riċerka (taħt “Kompetittività”), għajnuna diretta għall-bdiewa (“Riżorsi naturali”), kif ukoll salarji u pensjonijiet għall-persunal tal-UE (“Amministrazzjoni”).
- Rimborżi tal-ispejjeż, fejn l-UE tirrimborża l-ispejjeż eliġibbli għal attivitajiet eliġibbli (li jinvolvu regoli aktar kumplessi): dawn jinkludu proġetti ta’ riċerka (taħt “Kompetittività”), investiment fi żvilupp reġjonali u rurali (“Koeżjoni” u “Riżorsi naturali”) u proġetti ta’ għajnuna għall-iżvilupp (“Ewropa Globali”).
L-aktar żbalji komuni li sibna fl-infiq b’riskju għoli kienu:
- proġetti ineliġibbli u ksur tar-regoli tas-suq intern (b’mod partikolari nuqqas ta’ konformità mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku) f’“Koeżjoni”.
- benefiċjarji, attivitajiet jew spejjeż ineliġibbli għal “Żvilupp rurali, miżuri tas-suq, l-ambjent, l-azzjoni klimatika u s-sajd”, li jirrappreżentaw madwar 30 % tal-pagamenti f’“Riżorsi naturali”;
- spejjeż ineliġibbli għal “Riċerka”, responsabbli għal programmi li jirrappreżentaw madwar 55 % tal-pagamenti f’“Kompetittività”; u
- nuqqas ta’ konformità mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku, proċeduri irregolari għall-għoti ta’ għotjiet, nuqqas ta’ dokumenti ta’ sostenn u spejjeż ineliġibbli f’“Ewropa Globali”.
Fl-2019, l-infiq b’riskju għoli żdied meta mqabbel mat-tliet snin preċedenti u kien jirrappreżenta l-maġġoranza, 53 %, tal-popolazzjoni li awditjajna. Dan kien dovut l-aktar għal żieda ta’ EUR 4.8 biljun fil-popolazzjoni li awditjajna għal “Koeżjoni”. Il-livell ta’ żball stmat għall-infiq b’riskju għoli huwa ta’ 4.9 % (4.5 % fl-2018).
L-istima tar-rata tal-iżball l-aktar probabbli għall-infiq b’riskju baxx (li kien jirrappreżenta s-47 % li kien jifdal tal-popolazzjoni li awditjajna u li prinċipalment kien jinkludi pagamenti bbażati fuq drittijiet) kienet taħt is-soll ta’ materjalità tagħna ta’ 2 % (ara l-Figura 3).
Figura 3
Ir-rati ta’ żball jirriflettu l-livell ta’ riskju
Fil-Figura 4 jingħata tqabbil bejn il-livelli ta’ żball stmati fid-diversi oqsma ta’ nfiq bejn l-2015 u l-2019. Aktar informazzjoni dwar ir-riżultati tingħata fil-kapitolu Ħarsa aktar mill-qrib lejn id-dħul u l-oqsma ta’ nfiq u fil-kapitoli rilevanti tar-
Figura 4
Il-livell ta’ żball stmat minna għal oqsma magħżula ta’ nfiq
tal-UE
Nota:
Il-livell ta’ żball stmat huwa bbażat fuq żbalji kwantifikabbli li identifikajna permezz tax-xogħol tagħna, notevolment bl-ittestjar ta’ kampjun ta’ tranżazzjonijiet. Aħna nużaw tekniki standard tal-istatistika biex nagħżlu dan il-kampjun u nistmaw il-livell ta’ żball (ara l-Kapitolu 1, l-Anness 1.1 għar-Rapport Annwali 2019).
Tqabbil bejn il-livell ta’ żball stmat mill-Kummissjoni u dak stmat minna
Kull direttorat ġenerali (DĠ) tal-Kummissjoni jipproduċi rapport annwali tal-attività. Dan jinkludi dikjarazzjoni li fiha d-Direttur Ġenerali jipprovdi aċċertament li r-rapport jippreżenta l-informazzjoni finanzjarja b’mod xieraq u li t-tranżazzjonijiet taħt ir-responsabbiltà tiegħu huma legali u regolari. Għal dan l-iskop, id-DĠ kollha pprovdew stimi tal-livelli ta’ żball fl-infiq tagħhom.
Għal dawk l-intestaturi tal-QFP li għalihom nipprovdu valutazzjoni speċifika, aħna qabbilna l-livelli ta’ żball stmati mill-Kummissjoni ma’ dawk stmati minna.
It-tqabbil juri li ċ-ċifri tal-Kummissjoni huma taħt l-istimi li wettaqna għal “Kompetittività” u “Koeżjoni”. Dan jirrifletti d-dgħufijiet li sibna fl-awditi ex post, li huma parti kritika tas-sistema ta’ kontroll. Aħna rrappurtajna f’aktar dettall dwar dawn id-dgħufijiet fil-partijiet li jittrattaw l-intestaturi differenti tal-QFP.
B’mod kumplessiv, l-istima mill-Kummissjoni tar-riskju fil-waqt tal-pagament għall-2019 hija ta’ 2.0 %. Din tinsab fil-lat inferjuri tal-firxa tal-istimi proprji tagħna tal-livell ta’ żball (bejn 1.8 % u 3.6 %).
Aħna rrappurtajna disa’ każijiet ta’ frodi suspettata lill-OLAF
Frodatur huwa xi ħadd li jiffalsifika dokument, jew jaħbi informazzjoni, sabiex jikseb vantaġġ finanzjarju jew vantaġġ ekonomiku ieħor. Għalhekk, l-istima tagħna tal-livell ta’ żball fil-baġit tal-UE la hija kejl ta’ frodi u lanqas ta’ ineffiċjenza jew ħela. Pjuttost, hija stima tal-flus li ma ntużawx skont ir-regoli u r-regolamenti applikabbli u għalhekk ma kellhomx jitħallsu.
Aħna nirrappurtaw il-każijiet kollha ta’ frodi suspettata li jinqabdu matul ix-xogħol tal-awditjar tagħna lill-OLAF, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi, li mbagħad jiddeċiedi jekk għandux jinvestiga u jagħti segwitu għal dawn il-każijiet, fejn ikun xieraq f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali. Fl-2019, mis-747 tranżazzjoni li eżaminajna għad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni 2019 tagħna, aħna rreferejna 9 każijiet ta’ frodi suspettata lill-OLAF, simili għall-għadd ta’ każijiet irrappurtati fi snin preċedenti. Minn dawn il-każijiet, l-OLAF fetaħ ħames investigazzjonijiet. F’erba’ każijiet, l-OLAF iddeċieda li ma jiftaħx investigazzjoni.


Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar is-sejbiet prinċipali tingħata fil-Kapitolu 1 tar-Rapport Annwali 2019 tagħna. It-test sħiħ tar-rapport annwali tagħna huwa disponibbli fuq is-sit web tagħna (eca.europa.eu).
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja fl-2019
Il-baġit disponibbli ġie implimentat kważi kompletament
Ir-Regolament dwar il-QFP jistabbilixxi ammonti massimi għal kull waħda mis-seba’ snin tal-QFP (“limiti massimi tal-QFP”). Limiti massimi separati jiġu stabbiliti għall-obbligi finanzjarji l-ġodda tal-UE (approprjazzjonijiet ta’ impenn) u għall-pagamenti li jistgħu jsiru mill-baġit tal-UE (approprjazzjonijiet ta’ pagament).
Figura 5
Implimentazzjoni tal-baġit fl-2019
Fl-2019, l-approprjazzjonijiet ta’ impenn kienu kważi ntużaw kompletament: EUR 165.2 biljun mill-baġit finali ta’ EUR 166.2 biljun (99.4 %). Kif permess mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament dwar il-QFP, dawn l-approprjazzjonijiet u l-użu tagħhom qabżu kemxejn il-limitu massimu tal-QFP (EUR 164.1 biljun). Dan kien prinċipalment dovut għall-użu ta’ strumenti speċjali (bħar-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza, il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, l-Istrument ta’ Flessibbiltà, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, il-Marġni ta’ Kontinġenza, il-flessibbiltà speċifika biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u biex tissaħħaħ ir-riċerka, u l-marġini globali għall-impenji).
Fl-2019, għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament kien hemm disponibbli EUR 166.7 biljun, skont il-limitu massimu tal-QFP, u EUR 148.5 biljun skont il-baġit finali tal-awtorità baġitarja. L-ammont imħallas kien ta’ EUR 146.2 biljun, EUR 19-il biljun inqas mill-ammont impenjat.
L-impenji pendenti qed ikomplu jiżdiedu
L-impenji pendenti komplew jiżdiedu, u laħqu EUR 298.0 biljun sa tmiem l-2019 (ara l-Figura 6). Fl-2019, dawn kienu ekwivalenti għal 2.7 snin ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn, u jirrappreżentaw żieda meta mqabbla ma’ 2.3 snin fl-2012, is-sena korrispondenti tal-QFP preċedenti. Iż-żewġ raġunijiet prinċipali għal-livell storikament għoli tal-impenji pendenti huma l-approprjazzjonijiet ta’ impenn li sistematikament jaqbżu l-approprjazzjonijiet ta’ pagament, u l-ħtiġijiet ta’ pagament li qed jiġu posposti għall-QFP li jmiss, prinċipalment dovut għad-dewmien fl-implimentazzjoni tal-fondi SIE.
Figura 6
Impenji pendenti fi tmiem is-sena
Assorbiment aktar bil-mod tal-fondi SIE meta mqabbel mal-QFP preċedenti
Sa tmiem l-2019, ir-rata ta’ assorbiment kumulattiva mill-fondi SIE baqgħet aktar baxxa minn dik taħt il-QFP preċedenti: għall-QFP attwali, 40 % biss tal-allokazzjonijiet totali tal-fondi SIE (EUR 465 biljun) kienu tħallsu, meta mqabbla ma’ 46 % sa tmiem l-2012, is-sena korrispondenti tal-QFP preċedenti. Taħt il-QFP attwali, disa’ Stati Membri biss kellhom rati ta’ assorbiment li kienu ogħla meta mqabbla mal-QFP preċedenti (ara l-Figura 7).
Figura 7
Rata ta’ assorbiment skont l-Istat Membru – tqabbil bejn l-2019 u l-2012
Inqas minn 20 % tal-appoġġ tal-UE permezz ta’ strumenti finanzjarji taħt ġestjoni kondiviża kien wasal għand ir-riċevituri finali
L-istrumenti finanzjarji taħt ġestjoni kondiviża (FISMs) huma għodda ta’ twassil għall-għoti ta’ appoġġ finanzjarju (self, garanziji u investimenti fl-ekwità) mill-baġit tal-UE. B’kollox, EUR 16.9 biljun ġew impenjati mill-fondi SIE għal dawn l-istrumenti taħt il-QFP 2014-2020 (ara l-Figura 8). Sal-bidu tal-2019, EUR 7.0 biljun kienu tħallsu lill-FISMs. Minn dan l-ammont, EUR 2.8 biljun kienu waslu għand ir-riċevituri finali fil-forma ta’ self, garanziji u investimenti fl-ekwità. Għalhekk, fil-bidu tas-sitt sena tal-QFP attwali, madwar 17 % biss tal-finanzjament totali mill-fondi SIE, li ġie impenjat permezz tal-FISMs, kien wasal għand ir-riċevituri finali.
Figura 8
Pagamenti lir-riċevituri finali għal strumenti finanzjarji taħt ġestjoni kondiviża
Riskji prinċipali għall-baġit tal-UE fis-snin li ġejjin
L-approprjazzjonijiet ta’ pagament jistgħu ma jkunux suffiċjenti biex ikopru n-nefqa relatata mal-COVID-19 li ġiet fornuta minn qabel fl-2020
F’Mejju 2020, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw bidliet għall-baġit tal-UE għall-2020 u approvaw għadd ta’ miżuri li jipprovdu likwidità addizzjonali u flessibbiltà eċċezzjonali għall-infiq taħt il-fondi SIE b’reazzjoni għall-effetti ekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19.
Waħda minn dawn il-miżuri tinvolvi l-forniment minn qabel ta’ EUR 14.6 biljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament fl-2020 u fl-2021 għal miżuri relatati mal-COVID-19, li minnhom EUR 8.5 biljun se jsiru disponibbli fl-2020. Meta jitqies l-ammont totali disponibbli mill-fondi SIE li jista’ jiġi impenjat u mħallas għan-nefqa relatata mal-COVID-19 fl-2020, hemm riskju li l-approprjazzjonijiet ta’ pagament tal-2020 jistgħu ma jkunux biżżejjed biex ikopru l-ħtiġijiet kollha.
Ir-riskju totali rrappurtat mill-Kummissjoni ma jinkludix il-fond ta’ garanzija tal-FEIS
Il-Kummissjoni tirrapporta kull sena dwar ir-riskji mġarrba mill-baġit tal-UE fir-rigward ta’ self kopert direttament mill-baġit tal-UE u ta’ operazzjonijiet finanzjarji koperti minn garanzija. Fil-31 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni rrappurtat li:
- ir-riskju totali kkombinat għal dawn it-tipi ta’ operazzjonijiet kien stmat għal EUR 72.7 biljun, li jkopri kemm il-kapital kif ukoll l-imgħax.
- ir-riskju annwali (jiġifieri l-ammont massimu li l-UE jkollha tħallas f’sena finanzjarja kieku dawk l-operazzjonijiet kollha kienu inadempjenti) ammonta għal EUR 4.5 biljun.
L-ammont tar-riskju totali rrappurtat mill-Kummissjoni ma jinkludix l-operazzjonijiet relatati mal-FEIS. Fil-31 ta’ Diċembru 2019, l-esponiment tal-baġit tal-UE għal pagamenti futuri possibbli fir-rigward tal-garanzija tal-FEIS kien jammonta għal EUR 22 biljun f’operazzjonijiet iffirmati, li minnhom EUR 17.7 biljun kienu ġew żborżati. Iż-żieda ta’ dan l-ammont żborżat mar-riskju totali kkalkulat mill-Kummissjoni tkun iżżid b’mod sinifikanti r-riskju totali għal EUR 90.5 biljun (il-31 ta’ Diċembru 2018: EUR 90.3 biljun) (ara l-Figura 9).
Figura 9
Esponiment tal-baġit tal-UE
Jeħtieġ li jiġi vvalutat mill-ġdid l-esponiment futur tal-baġit tal-UE
L-Artikolu 210(3) tar-Regolament Finanzjarju jiddikjara li l-obbligazzjonijiet kontinġenti li jirriżultaw mill-garanziji baġitarji jew mill-assistenza finanzjarja mġarrba mill-baġit tal-UE jistgħu jitqiesu bħala sostenibbli, dment li l-previżjoni pluriennali tagħhom tkun fi ħdan il-limiti ffissati mir-Regolament li jistabbilixxi l-QFP u fi ħdan il-limitu massimu fuq approprjazzjonijiet ta’ pagament annwali. Attwalment, dan mhuwiex il-każ. Madankollu, sabiex jiġi mmitigat it-tnaqqis mistenni fir-ritmu ekonomiku b’segwitu għall-kriżi tal-COVID-19, jista’ jkun hemm ħtieġa ta’ ammont sinifikanti ta’ aktar self u garanziji mill-baġit tal-UE fis-snin li ġejjin. Hemm ukoll riskju akbar li l-benefiċjarji ma jkunux jistgħu jħallsu lura dan is-self jew li jintalbu garanziji.
Il-mandat tal-awditjar tagħna jkopri biss parti mill-operazzjonijiet tal-BEI
Il-Grupp tal-BEI – il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) – jikkontribwixxi għall-objettivi tal-UE bl-użu ta’ taħlita ta’ operazzjonijiet iffinanzjati jew appoġġati minn fondi mill-baġit tal-UE, u r-riżorsi proprji tal-Grupp tal-BEI. Ir-rwol tal-Grupp tal-BEI fl-appoġġ tal-politiki tal-UE kiber b’mod sinifikanti matul il-perjodu tal-oqfsa finanzjarji pluriennali l-aktar reċenti, hekk kif żdied l-użu tal-istrumenti finanzjarji.
Attwalment, aħna nawditjaw l-operazzjonijiet tal-Grupp tal-BEI abbażi ta’ ftehim tripartitiku bejn il-Kummissjoni, il-BEI u l-QEA. Dan japplika kemm għall-operazzjonijiet ta’ self taħt il-mandat mogħti lill-Bank mill-Unjoni Ewropea kif ukoll għall-operazzjonijiet immaniġġjati mill-Bank li jiddaħħlu fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u li jiġu garantiti minn dan tal-aħħar. Dan il-ftehim se jiskadi fl-2020, u attwalment qed jiġi nnegozjat wieħed ġdid.
Madankollu, bħalissa parti kbira mill-operazzjonijiet tal-BEI – dawk li mhumiex iffinanzjati jew appoġġati mill-baġit tal-UE – ma taqax fil-mandat tal-awditjar tagħna u għalhekk ukoll mhix koperta minn dan il-ftehim tripartitiku. Minħabba li dawn l-operazzjonijiet jikkontribwixxu b’mod sinifikanti lejn l-ilħuq tal-objettivi tal-UE, u r-rwol dejjem akbar tal-BEI fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE, aħna nqisu li eżaminar estern indipendenti tar-regolarità u l-prestazzjoni tagħhom ikun ta’ benefiċċju.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- timmonitorja mill-qrib il-ħtiġijiet ta’ pagament u tieħu azzjoni, fl-ambitu tal-mandat istituzzjonali tagħha, bil-ħsieb li tiżgura d-disponibbiltà tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament fid-dawl tal-ħtiġijiet straordinarji li jirriżultaw mill-kriżi tal-COVID-19.
- tinkludi r-riskji kollha relatati ma’ operazzjonijiet ta’ self u ta’ garanzija fir-rappurtar tagħha dwar l-esponiment tal-baġit tal-UE, inklużi dawk iġġenerati mill-fond ta’ garanzija tal-FEIS.
- tivvaluta mill-ġdid, fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19, jekk il-mekkaniżmi eżistenti biex jiġi mmitigat l-esponiment tal-baġit tal-UE għar-riskju humiex suffiċjenti u xierqa.
Aħna nirrakkomandaw ukoll li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jappellaw lill-BEI biex jippermetti li l-QEA tawditja l-attivitajiet ta’ finanzjament kollha tiegħu, inklużi dawk li ma jaqgħux taħt mandat speċifiku tal-UE.

Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar is-sejbiet prinċipali li jirrigwardaw il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja tingħata fil-Kapitolu 2 tar-
Ħarsa aktar mill-qrib lejn id-dħul u l-oqsma ta’ nfiq

Dħul
EUR 163.9 biljun
X’awditjajna
L-awditu tagħna kopra l-parti tal-baġit tal-UE li tikkonċerna d-dħul, u li permezz tiegħu hija tiffinanzja l-infiq. Aħna eżaminajna ċerti sistemi ewlenin ta’ kontroll użati għall-ġestjoni tar-riżorsi proprji, u kampjun ta’ tranżazzjonijiet relatati mad-dħul.
Il-kontribuzzjonijiet li saru mill-Istati Membri, ibbażati fuq l-introjtu nazzjonali gross (ING) tagħhom kienu jirrappreżentaw 64 % tad-dħul totali tal-UE fl-2019, filwaqt li d-dħul mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) kien jirrappreżenta 11 %. Dawn il-kontribuzzjonijiet jiġu kkalkulati bl-użu ta’ statistika u stimi makroekonomiċi pprovduti mill-Istati Membri.
Ir-riżorsi proprji tradizzjonali (RPT), li jikkonsistu f’dazji doganali fuq importazzjonijiet miġbura mill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri f’isem l-UE, ipprovdew 13 % oħra tad-dħul tal-UE. It-12 % li jifdal ġew minn sorsi oħra (eż. kontribuzzjonijiet u rifużjonijiet li jirriżultaw minn ftehimiet u programmi tal-UE, imgħax fuq pagamenti li jsiru tard u fuq multi, kif ukoll dħul ieħor).
X’sibna
Ammont li kien suġġett għall-awditjar | Kien milqut minn żball materjali? | EUR 163.9 biljun | Le – L-ammont kien ħieles minn żball materjali kemm fl-2019 kif ukoll fl-2018 |
---|
Miżuri preventivi u korrettivi
B’mod kumplessiv, is-sistemi relatati mad-dħul li eżaminajna kienu effettivi, filwaqt li l-kontrolli interni ewlenin tal-RPT li vvalutajna fil-Kummissjoni u f’ċerti Stati Membri kienu parzjalment effettivi. Aħna sibna wkoll li l-kontrolli mwettqa mill-Istati Membri biex jitnaqqas in-nuqqas doganali fihom dgħufijiet importanti li jeħtieġu azzjoni mill-UE.
L-istess bħas-sena l-oħra, aħna sibna għadd ta’ dgħufijiet fil-ġestjoni mwettqa mill-Istati Membri f’dak li jirrigwarda d-dazji doganali stabbiliti iżda li jkunu għadhom ma nġabrux. Dawn kienu jinkludu, b’mod partikolari, dewmien fin-notifika ta’ djun doganali u l-infurzar tardiv tal-irkupru ta’ dawn id-djun. Aħna osservajna wkoll għal darb’oħra li l-Kummissjoni ħadet wisq żmien biex tirriżolvi n-nuqqasijiet li hija qabdet fl-Istati Membri, dwar ir-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT u l-RPT.
Barra minn hekk, aħna osservajna żewġ nuqqasijiet kbar fil-kontrolli mwettqa mill-Istati Membri biex jitnaqqas in-“nuqqas doganali”, jiġifieri l-ammonti evażi li ma jkunux inqabdu mis-sistemi kontabilistiċi tal-RPT tal-Istati Membri. Waħda minnhom tikkonċerna nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-UE f’dak li jirrigwarda l-prestazzjoni ta’ kontrolli doganali biex jiġi mmitigat ir-riskju ta’ importazzjonijiet sottovalwati fl-Unjoni Doganali kollha kemm hi. Id-dgħufija l-oħra hija relatata mal-fatt li l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jidentifikaw l-operaturi ekonomiċi l-aktar riskjużi fil-livell tal-UE għall-awditi ta’ wara r-rilaxx.
Għar-raba’ sena konsekuttiva, fir-rapport annwali tal-attività tagħha, il-Kummissjoni ħarġet riżerva rigward il-preċiżjoni tal-valur tal-RPT miġbura. Din ir-riżerva tieħu kont tal-każijiet ta’ sottovalwazzjoni ta’ tessuti u żraben minn xi importaturi miċ-Ċina li nqabdu fir-Renju Unit. Billi r-Renju Unit irrifjuta li jkopri t-telf stmat ta’ EUR 2.1 biljun, il-Kummissjoni rreferiet il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’Marzu 2019. Il-proċedimenti jinsabu għaddejjin.
Il-Kummissjoni kkompletat iċ-ċiklu ta’ verifikazzjoni pluriennali tagħha fuq l-ING tal-Istati Membri f’April 2020 u stabbiliet għadd ta’ riżervi rigward il-mod kif l-Istati Membri kkumpilaw id-data dwar l-ING.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- tipprovdi lill-Istati Membri appoġġ regolari fl-għażla tal-importaturi l-aktar riskjużi għall-awditi ta’ wara r-rilaxx, b’mod partikolari billi tiġbor u tanalizza data rilevanti dwar l-importazzjonijiet fil-livell tal-UE u tikkondividi r-riżultati tal-analiżi tagħha mal-Istati Membri;
- tistabbilixxi proċeduri ta’ monitoraġġ u ta’ segwitu aktar robusti, inkluż l-istabbiliment ta’ dati ta’ skadenza, għar-riżoluzzjoni ta’ nuqqasijiet relatati mal-RPT li jinqabdu fl-Istati Membri.


Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tad-dħul tal-UE tingħata fil-Kapitolu 3 tar-Rapport Annwali 2019 tagħna.

Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi
Total tal-infiq: EUR 21.7 biljun
X’awditjajna
Il-programmi ta’ nfiq f’dan il-qasam ta’ politika għandhom rwol importanti biex jistimulaw it-tkabbir u joħolqu l-impjiegi fl-UE u biex irawmu soċjetà inklużiva. Il-programm ta’ riċerka u innovazzjoni Orizzont 2020 (H2020) (u l-predeċessur tiegħu, is-Seba’ Programm Kwadru), kif ukoll il-programm Erasmus+ għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira mill-infiq. Programmi oħra jipprovdu finanzjament għall-programm spazjali Galileo (is-sistema globali ta’ navigazzjoni bis-satellita tal-UE), il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) u r-Reattur Termonukleari Internazzjonali (ITER).
Għall-2019, l-infiq li kien suġġett għall-awditjar f’dan il-qasam kien ta’ EUR 16.7 biljun (ara l-Figura 1). Il-biċċa l-kbira minn dan l-infiq ġie mmaniġġjat b’mod dirett mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tipprovdi pagamenti bil-quddiem lill-benefiċjarji pubbliċi jew privati mal-iffirmar ta’ ftehim ta’ għotja jew ta’ deċiżjoni ta’ finanzjament u, hekk kif il-proġetti kofinanzjati tagħhom jagħmlu progress, tirrimborża parti mill-ispejjeż totali li huma jikkomunikaw, filwaqt li tnaqqas minnhom dawk il-pagamenti bil-quddiem.
Il-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni kienu jirrappreżentaw kważi nofs (46 %) l-infiq li awditjajna fl-2019.
X’sibna
Ammont li kien suġġett għall-awditjar | Kien milqut minn żball materjali? | Stima tal-livell tal-iżball l-aktar probabbli: | EUR 16.7 biljun | Iva | 4.0 % (2018: 2 %) |
---|
B’mod kumplessiv, aħna nistmaw li l-livell ta’ żball f’“Kompetittività” huwa materjali.
Fl-2019, 51 mill-130 tranżazzjoni li eżaminajna kienu milquta minn żbalji.
Il-biċċa l-kbira mill-iżbalji kienu relatati ma’ spejjeż ineliġibbli, bħal spejjeż għall-persunal iddikjarati b’mod eċċessiv jew ir-rimborż ta’ spejjeż tal-ivvjaġġar li jew ma kinux relatati mal-proġett tal-UE awditjat jew inkella fil-fatt ma ġġarrbux. Aħna sibna wkoll każijiet ta’ kriterji tal-għażla diskriminatorji stipulati fl-avviżi dwar kuntratt jew fid-dokumenti tal-offerta.
Eżempju – spejjeż għall-persunal li kienu ineliġibbli
Fi proġett wieħed ta’ H2020, il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kkalkulati mill-benefiċjarju kienu ogħla minn dawk li fil-fatt tħallsu. Barra minn hekk, il-benefiċjarju kien ikkalkula l-ispejjeż għall-persunal ta’ wieħed mill-membri tal-persunal abbażi ta’ rata fis-siegħa ddikjarata b’mod eċċessiv.
Miżuri preventivi u korrettivi
Il-Kummissjoni kienet applikat miżuri korrettivi li naqqsu l-livell ta’ żball stmat minna għal dan il-kapitolu b’0.65 punt perċentwali.
Madankollu, kien hemm informazzjoni suffiċjenti disponibbli biex jiġu pprevenuti, jew biex jinqabdu u jiġu kkoreġuti tmien każijiet oħra fejn sibna, u kkwantifikajna, xi żbalji. Li kieku din l-informazzjoni kollha ntużat biex jiġu kkoreġuti l-iżbalji, il-livell ta’ żball stmat minna għal dan il-kapitolu kien ikun aktar baxxa b’1.1 punti perċentwali.
Orizzont 2020
Ir-regoli għad-dikjarazzjoni tal-ispejjeż għall-persunal taħt H2020 huma kumplessi, minkejja li saru sforzi għas-simplifikazzjoni. B’mod partikolari, il-kalkolu tal-ispejjeż għall-persunal jibqa’ sors prinċipali ta’ żball u, f’xi aspetti, il-metodoloġija tal-kalkolu saret aktar kumplessa milli kienet taħt programmi ta’ riċerka preċedenti. Fi kważi t-tranżazzjonijiet ta’ riċerka kollha milquta minn żbalji, ir-rata fis-siegħa (jew ta’ kull xahar) kienet ġiet ikkalkulata b’mod skorrett.
Preċedentement, aħna rrappurtajna dwar it-titjib fit-tfassil tal-programm u fl-istrateġija ta’ kontroll użata mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ H2020. Is-simplifikazzjoni ffaċilitat aktar il-ħajja tal-parteċipanti u kkontribwiet biex jitnaqqas ir-riskju ta’ żball, pereżempju billi ġiet stabbilita rata fissa ġenerali għal spejjeż indiretti.
Waħda mill-istrateġiji biex tingħata spinta lir-riċerka Ewropea hija li tiżdied il-parteċipazzjoni tas-settur privat, speċjalment permezz ta' negozji ġodda u SMEs. Madankollu, aħna osservajna li l-proġetti implimentati minn dawn it-tipi ta’ benefiċjarji kellhom probabbiltà akbar li jiġu milquta minn żball, u dan jindika ħtieġa għal informazzjoni aħjar u gwida ulterjuri.
Valutazzjoni tax-xogħol ta’ awdituri oħra
Bħala parti mix-xogħol tagħna, aħna rrieżaminajna awditi mwettqa kemm mill-Kummissjoni kif ukoll mill-awdituri esterni li jaħdmu f’isimha. F’xi wħud mill-fajls li rrieżaminajna, aħna sibna dgħufijiet fid-dokumentazzjoni tax-xogħol tal-awditjar li sar, fil-konsistenza tal-ikkampjunar u fir-rappurtar, kif ukoll fil-kwalità tal-proċeduri tal-awditjar. Matul dawn l-aħħar sentejn, ma stajniex niddependu fuq il-konklużjonijiet ta’ 17 mill-40 awditu li ġew irrieżaminati.
Ir-rappurtar tal-Kummissjoni dwar ir-regolarità tal-infiq fuq “Kompetittività”
Is-sena li għaddiet, aħna rrappurtajna problema relatata mal-metodu tal-Kummissjoni għall-kalkolu ta’ rata ta’ żball rappreżentattiva għal H2020. B’segwitu għal dan, il-Kummissjoni kkalkulat mill-ġdid l-istimi tar-rata ta’ żball tagħha. B’riżultat ta’ dan, ir-rata ta’ żball irrappurtata għal H2020 fl-2019 kienet 0.34 punt perċentwali ogħla milli kienet tkun kieku kienet ibbażata fuq l-approċċ preċedenti.
Filwaqt li nilqgħu din l-azzjoni ta’ rimedju fil-pront, hija ma tiħux inkunsiderazzjoni l-kwistjonijiet pendenti li jikkonċernaw l-awditi ex post tal-Kummissjoni u timplika li r-rata ta’ żball ikkalkulata mill-Kummissjoni għal H2020 għadha ddikjarata b’mod insuffiċjenti.
X’nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- twettaq kontrolli aktar immirati fuq it-talbiet dwar l-ispejjeż li jiġu ppreżentati mill-SMEs u ssaħħaħ il-kampanja ta’ informazzjoni u ttejjeb il-gwida tagħha dwar ir-regoli ta’ finanzjament ta’ H2020, b’fokus partikolari fuq l-SMEs;
- twettaq kampanja biex tfakkar lill-benefiċjarji kollha ta’ H2020 dwar ir-regoli għall-kalkolu u għad-dikjarazzjoni tal-ispejjeż tal-persunal;
- tissimplifika aktar ir-regoli dwar l-ispejjeż għall-persunal taħt il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ programmi ta’ riċerka (Orizzont Ewropa);
- għal Orizzont 2020:
- tindirizza n-nuqqasijiet fir-rigward tad-dokumentazzjoni tax-xogħol tal-awditjar li jkun sar, il-konsistenza tal-kampjunar u l-kwalità tal-proċeduri tal-awditjar, u
- tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li l-awdituri jkunu kompletament konxji mir-regoli applikabbli u tivverifika l-kwalità tax-xogħol tagħhom.




Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE għal “Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi” tingħata fil-Kapitolu 4 tar-Rapport Annwali 2019 tagħna.

Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali
Total tal-infiq: EUR 53.8 biljun
X’awditjajna
L-infiq taħt din is-subintestatura għandu l-għan li jsaħħaħ il-kompetittività u jnaqqas id-disparitajiet fl-iżvilupp fost l-Istati Membri u r-reġjuni differenti tal-UE. Il-finanzjament isir permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond ta’ Koeżjoni (FK), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u skemi oħra, bħall-Istrument Ewropew ta’ Viċinat, il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE).
Il-ġestjoni tal-biċċa l-kbira mill-infiq hija kondiviża bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. L-UE tikkofinanzja programmi operazzjonali (PO) pluriennali, li minnhom jiġu ffinanzjati l-proġetti. Fi ħdan il-Kummissjoni, id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana (DĠ REGIO) huwa responsabbli mill-implimentazzjoni tal-FEŻR u l-FK, filwaqt li d-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (DĠ EMPL) huwa responsabbli għall-FSE.
Għar-Rapport Annwali 2019, l-infiq li kien suġġett għall-awditjar tagħna f’dan il-qasam kien ta’ EUR 28.4 biljun (EUR 23.6 biljun għall-2018) (ara l-Figura 1). F’konformità mal-approċċ tagħna, dan l-ammont kien jinkludi nfiq b’valur ta’ EUR 26.7 biljun mis-snin preċedenti li l-Kummissjoni kienet aċċettat jew approvat fl-2019. Il-pagamenti li saru fl-2019, li jammontaw għal EUR 52 biljun u li huma relatati mal-infiq li hija ma kinitx għadha aċċettat, ma kinux parti mill-popolazzjoni li awditjajna.
X’sibna
Ammont li kien suġġett għall-awditjar | Kien milqut minn żball materjali? | Stima tal-livell tal-iżball l-aktar probabbli: | EUR 28.4 biljun | Iva | 4.4 % (2018: 5.0 %) |
---|
B’mod kumplessiv, aħna nistmaw li l-livell ta’ żball f’“Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” huwa materjali.
Fl-2019, aħna ttestjajna 236 tranżazzjoni, li minnhom 220 kienu diġà ġew ivverifikati mill-awtoritajiet tal-awditjar fl-Istati Membri qabel ma l-infiq kien ġie ddikjarat lill-Kummissjoni bħala li kien eliġibbli. F’29 minn dawn it-tranżazzjonijiet, sibna żbalji li ma kinux inqabdu minn dawn il-kontrolli. Wara li nżidu dawn l-64 żball li nstabu preċedentement mill-awtoritajiet tal-awditjar, u b’kont meħud tal-korrezzjonijiet finanzjarji korrispondenti sussegwentement applikati mill-awtoritajiet inkarigati mill-programmi (b’valur totali ta’ EUR 334 miljun għall-perjodi 2007-2013 u 2014-2020 meħudin flimkien), aħna nistmaw li l-livell ta’ żball huwa ta’ 4.4 %.
Proġetti ineliġibbli u ksur tar-regoli tas-suq intern (bħal nuqqas ta’ konformità mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku u mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat) ikkontribwew l-aktar għal-livell ta’ żball stmat minna, segwiti mill-infiq ineliġibbli. L-għadd u l-impatt tal-iżbalji li nqabdu juru li hemm riskju inerenti għoli ta’ żball f’dan il-qasam u li l-kontrolli tal-awtoritajiet maniġerjali għadhom ħafna drabi ineffettivi biex jipprevienu jew jaqbdu irregolaritajiet fl-infiq li jiġi ddikjarat mill-benefiċjarji.
Eżempju ta’ proġett ineliġibbli
Fil-Portugall, awtorità lokali talbet kofinanzjament mill-UE għall-ispejjeż tal-bini ta’ mogħdija urbana. Il-kuntratt kien ingħata fl-2015, b’perjodu ta’ erba’ xhur għall-ikkompletar. Fir-realtà, il-proġett kien diġà ġie kkompletat fiżikament meta ġiet ippreżentata l-applikazzjoni. Dan ma kienx konformi mal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà, li ma jippermettux il-finanzjament għal proġetti li diġà ġew kkompletati.
Aħna sibna żewġ każijiet oħra ta’ nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 65(6) tal-RDK fl-Italja.
Valutazzjoni tax-xogħol tal-awtoritajiet tal-awditjar
L-awtoritajiet tal-awditjar fl-Istati Membri għandhom rwol kritiku fil-qafas ta’ aċċertament u ta’ kontroll fil-qasam tal-Koeżjoni, b’mod partikolari biex jiżguraw li r-rati tal-iżball residwu jibqgħu taħt is-soll ta’ materjalità ta’ 2 %.
Din is-sena, aħna rrieżaminajna x-xogħol ta’ 18 minn 116-il awtorità tal-awditjar b’rabta ma’ 20 pakkett ta’ aċċertament għall-perjodu 2014-2020 u ma’ 4 pakketti ta’ għeluq għall-perjodu 2007-2013. F’dawn il-każijiet kollha, l-awtoritajiet tal-awditjar kienu rrappurtaw rata tal-iżball residwu taħt is-soll ta’ 2 %. Madankollu, żbalji li ma nqabdux mill-awtoritajiet tal-awditjar kellhom impatt fuq ir-rati tal-iżball residwu rrappurtati u kienu jimplikaw li fil-fatt dawn kienu ogħla minn 2 % għal 9 mill-20 pakkett ta’ aċċertament għall-perjodu 2014-2020. Għal tmienja minn dawn il-pakketti, il-Kummissjoni kienet waslet għal riżultati simili.
F’dawn l-aħħar tliet snin li fihom eżaminajna x-xogħol tal-awtoritajiet tal-awditjar, aħna sibna li għal madwar nofs il-pakketti ta’ aċċertament eżaminati (kemm f’termini tal-għadd ta’ pakketti kif ukoll ta’ nfiq), huma kienu rrappurtaw b’mod skorrett rati tal-iżball residwu taħt is-soll ta’ 2 %. Għad hemm bżonn ta’ titjib sinifikanti qabel ma nkunu nistgħu niddependu fuq ix-xogħol tagħhom u fuq ir-rati tal-iżball residwu rrappurtati. Il-fatt li l-isforzi konġunti mwettqa mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet tal-awditjar irriżultaw f’“nota ta’ prattika tajba” għad-dokumentazzjoni tax-xogħol tal-awtoritajiet tal-awditjar jikkostitwixxi l-ewwel pass lejn aktar titjib.
Rappurtar mid-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana (DĠ REGIO) u mid-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (DĠ EMPL) dwar ir-regolarità tal-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni
Ir-RAA (Rapporti Annwali tal-Attività) huma l-għodod prinċipali tad-DĠ tal-Kummissjoni biex jirrappurtaw jekk ikollhomx aċċertament raġonevoli li l-proċeduri ta’ kontroll tal-Istati Membri jiżguraw ir-regolarità tal-infiq.
Fir-RAA, id-DĠ tal-Kummissjoni jiddikjaraw riżerva jekk, għal PO, id-dgħufijiet fis-sistema ta’ ġestjoni u kontroll rilevanti tal-Istat Membru jkunu jfissru riskju materjali għall-baġit tal-UE. Għal dan il-għan, jenħtieġ li huma jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha disponibbli fiż-żmien meta ssir il-valutazzjoni, inklużi r-rati ta’ żball irrappurtati mill-awtoritajiet tal-awditjar. Madankollu, aħna sibna li dawn ir-rati ta’ żball kienu fil-biċċa l-kbira rati proviżorji għal infiq li kien inkluż fil-kontijiet annwali li l-Kummissjoni kienet għadha ma aċċettatx. Għalhekk, ir-riżervi jistgħu ma jkoprux ir-riskji materjali kollha.
Id-DĠ tal-Kummissjoni jipprovdu wkoll rata ta’ żball fir-RAA bħala indikatur ewlieni tal-prestazzjoni (KPI) dwar ir-regolarità. Fl-2019, id-DĠ REGIO rrapporta KPI ogħla u d-DĠ EMPL rrapporta KPI taħt il-livell ta’ materjalità ta’ 2 %. Fir-Rapport Annwali 2018 tagħna, aħna konna kkonkludejna, li għal diversi raġunijiet, jenħtieġ li l-KPI jitqies bħala rata minima u li l-Kummissjoni tista’ tagħmel xogħol addizzjonali fis-snin sussegwenti qabel ma dan isir finali. Il-Kummissjoni kkonfermat li din is-sitwazzjoni hija valida wkoll għall-2019.
Hija użat dawn ir-rati ta’ żball fl-AMPR 2019 biex tipprovdi informazzjoni dwar ir-regolarità fil-qasam tal-politika ta’ Koeżjoni. Hija rrappurtat riskju kumplessiv fil-waqt tal-pagament ta’ bejn 2.2 % u 3.1 %, li jikkonferma livell materjali ta’ żball f’dan il-qasam. Madankollu, minħabba n-nuqqasijiet tax-xogħol imwettaq mill-awtoritajiet tal-awditjar u l-problemi li identifikajna rigward ir-rati tal-iżball residwu rrappurtati fiż-żewġ RAA tad-direttorati ġenerali, aħna nqisu li r-rati aggregati fl-AMPR huma stmati b’mod insuffiċjenti, u attwalment ma nistgħux niddependu fuqhom.
X’nirrakkomandaw
Aħna enfasizzajna li tnejn mir-rakkomandazzjonijiet tagħna mis-sena li għaddiet jirrigwardaw problemi li erġajna sibna u għalhekk ma ġewx ripetuti. Barra minn hekk, aħna identifikajna problemi ġodda u nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- tikkjarifika xi jfissru operazzjonijiet li “tlestew fiżikament” u/jew li ġew “implimentati bis-sħiħ”. Dan ikun jgħin lill-Istati Membri biex jivverifikaw li l-operazzjonijiet jikkonformaw mal-Artikolu 65(6) tal-RDK u jevitaw in-nuqqas ta’ detezzjoni ta’ operazzjonijiet ineliġibbli. Jenħtieġ li jiġi kkjarifikat li din il-kundizzjoni tirrelata biss ma’ xogħlijiet jew attivitajiet li huma meħtieġa biex jinkiseb l-output tal-operazzjoni, u mhux ma’ aspetti finanzjarji u amministrattivi;
- tanalizza s-sorsi prinċipali tal-iżbalji li ma jinqabdux u tiżviluppa l-miżuri meħtieġa, flimkien mal-awtoritajiet tal-awditjar, biex ikun hemm titjib fl-affidabbiltà tar-rati tal-iżball residwu rrappurtati.



Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE għal “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” tingħata fil-Kapitolu 5 tar-Rapport Annwali 2019 tagħna.

Riżorsi naturali
Total tal-infiq: EUR 59.5 biljun
X’awditjajna
Dan il-qasam ta’ nfiq ikopri l-politika agrikola komuni (PAK), il-politika komuni tas-sajd, u parti mill-infiq tal-UE fuq l-ambjent u l-azzjoni klimatika.
Il-PAK tirrappreżenta 98 % tal-infiq fuq “Riżorsi naturali”. It-tliet objettivi ġenerali tagħha stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE huma:
- produzzjoni vijabbli tal-ikel, b’enfasi fuq l-introjtu agrikolu, il-produttività agrikola u l-istabbiltà tal-prezz;
- ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-azzjoni klimatika, b’enfasi fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, il-bijodiversità, il-ħamrija u l-ilma; u
- żvilupp territorjali bbilanċjat fiż-żoni rurali.
L-infiq tal-PAK taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) jinqasam f'żewġ kategoriji ġenerali:
- pagamenti diretti lill-bdiewa, li huma ffinanzjati kompletament mill-baġit tal-UE; u
- miżuri tas-suq fis-settur agrikolu, li huma wkoll iffinanzjati kompletament mill-baġit tal-UE, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti miżuri kofinanzjati mill-Istati Membri, bħall-miżuri ta’ promozzjoni u l-iskema ta’ frott, ħxejjex u ħalib għall-iskejjel.
Barra minn hekk, il-PAK tappoġġa strateġiji u proġetti ta’ żvilupp rurali permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR). Mill-bidu tal-perjodu 2014-2020 ’il hawn, il-FAEŻR ifforma parti mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE) u kien suġġett għar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni rigward il-FSIE.
Għall-2019, l-infiq li kien suġġett għall-awditjar f’dan il-qasam kien ta’ EUR 59.4 biljun (ara l-Figura 1).
Il-Kummissjoni tikkondividi l-ġestjoni tal-PAK mal-Istati Membri.
X'sibna
Ammont li kien suġġett għall-awditjar | Kien milqut minn żball materjali? | Stima tal-livell tal-iżball l-aktar probabbli: | EUR 59.4 biljun | Qrib is-soll ta’ materjalità | 1.9 % (2018: 2.4 %) |
---|
B’mod kumplessiv, aħna nsibu li l-livell ta’ żball f’“Riżorsi naturali” huwa qrib il-materjalità.
Bħal fi snin preċedenti, għall-pagamenti diretti li huma prinċipalment ibbażati fuq l-erja tal-art agrikola ddikjarata mill-bdiewa u li jirrappreżentaw 70 % tal-infiq għal “Riżorsi naturali”, il-livell ta’ żball ma kienx materjali. Għall-bqija tal-oqsma (żvilupp rurali, miżuri tas-suq, sajd, ambjent u azzjoni klimatika), ir-riżultati tagħna jindikaw livell materjali ta' żball.
Pagamenti diretti lill-bdiewa: 70 % tal-infiq
L-għodda prinċipali ta’ ġestjoni għall-pagamenti diretti hija s-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll (SIAK), li tinkorpora s-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Irqajja’ tal-Art (LPIS). Is-SIAK għenet biex jitnaqqas il-livell ta’ żball fil-pagamenti diretti, filwaqt li l-kontribut tal-LPIS huwa partikolarment sinifikanti.
Aħna vverifikajna 95 pagament dirett; sibna li 81 kienu ħielsa minn żball, u qbadna żbalji żgħar fit-tranżazzjonijiet li kien jifdal.
Żvilupp rurali, miżuri tas-suq, sajd, ambjent u azzjoni klimatika: 30 % tal-infiq
Aħna sibna li 30 mill-156 tranżazzjoni ttestjati f’dan il-qasam, kienu milquta minn żball. Is-sorsi prinċipali ta' żball kienu l-benefiċjarji, l-attivitajiet jew l-spejjeż ineliġibbli (ara l-eżempju).
Eżempju: proġett ineliġibbli f'żona rurali
Benefiċjarju, li l-attività primarja tiegħu hija l-kultivazzjoni tar-raba’ f’azjenda agrikola ta’ aktar minn 1 000 ettaru, kien ippreżenta proposta għal proġett biex jibni faċilità ta’ ħżin għall-għalf tal-annimali. L-awtoritajiet nazzjonali approvaw il-proposta taħt miżura għall-iżvilupp ta’ azjendi agrikoli tal-bhejjem u għall-użu ta’ teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli. Madankollu, il-benefiċjarju kien uża l-għajnuna biex jibni faċilità ta’ ħżin għaċ-ċereali. Dan kien imur kontra r-regoli nazzjonali, li taħthom l-appoġġ għall-kostruzzjoni ta’ faċilitajiet ta’ ħżin għall-għelejjel kien disponibbli biss għal azjendi agrikoli iżgħar.
Rappurtar mid-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (DĠ AGRI) dwar ir-regolarità tal-infiq taħt il-PAK
Id-direttur ta’ kull aġenzija tal-pagamenti jipprovdi lid-DĠ AGRI dikjarazzjoni annwali ta’ ġestjoni dwar l-effettività tas-sistemi ta’ kontroll tal-aġenzija tiegħu, flimkien ma’ rapport dwar il-kontrolli amministrattivi u l-kontrolli fuq il-post (“statistika ta’ kontroll”) mwettqa mill-aġenziji. Mill-2015 ’il hawn, sabiex jipprovdu aċċertament addizzjonali, il-korpi taċ-ċertifikazzjoni kienu meħtieġa jagħtu opinjoni annwali għal kull aġenzija tal-pagamenti dwar il-legalità u r-regolarità tal-infiq li għalih l-Istati Membri jkunu talbu rimborż.
Id-DĠ AGRI juża l-istatistika ta’ kontroll tal-aġenziji tal-pagamenti, jagħmel aġġustamenti bbażati fuq ir-riżultati tal-awditi li jitwettqu mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni u fuq il-kontrolli proprji tiegħu tas-sistemi u l-infiq tal-aġenziji tal-pagamenti, biex jikkalkula ċifra għar-“riskju fil-waqt tal-pagament”. Id-DĠ AGRI stma li r-riskju fil-waqt tal-pagament huwa ta’ madwar 1.9 % għall-infiq taħt il-PAK fl-intier tiegħu fl-2019. Huwa stma wkoll riskju fil-waqt tal-pagament ta’ madwar 1.6 % għall-pagamenti diretti, 2.7 % għall-iżvilupp rurali u 2.8 % għall-miżuri tas-suq.
Skont id-DĠ AGRI, il-korpi taċ-ċertifikazzjoni kisbu titjib sinifikanti fix-xogħol li wettqu fl-2019, iżda josserva wkoll xi limitazzjonijiet fl-affidabbiltà tar-riżultati tax-xogħol imwettaq mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni, minħabba dgħufijiet fil-mod kif xi wħud minnhom iwettqu l-kampjunar u l-kontrolli tagħhom.
Aħna nqisu li l-estensjoni tar-rwol tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni li saret fl-2015 biex jipprovdu opinjoni dwar ir-regolarità tal-infiq taħt il-PAK kienet tikkostitwixxi żvilupp pożittiv. Madankollu, meta erġajna wettaqna t-tranżazzjonijiet li diġà kienu ġew ivverifikati mill-korpi taċ-ċertifikazzjoni, aħna identifikajna oqsma fejn jeħtieġ li jsir aktar titjib, li huma simili għal dawk identifikati mill-Kummissjoni.
Politiki u proċeduri kontra l-frodi fil-PAK
Il-frodi hija att jew ommissjoni mwettqa b’intenzjoni ta’ qerq li jirriżulta f’pagamenti mhux dovuti. Il-metodoloġija tal-awditjar tagħna hija mfassla biex tivverifika jekk it-tranżazzjonijiet awditjati humiex ħielsa minn irregolarità materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball mhux intenzjonat. Fl-ittestjar li nwettqu fuq it-tranżazzjonijiet kull sena, aħna nidentifikaw każijiet ta’ frodi suspettata fl-infiq taħt il-PAK.
Kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri huma responsabbli milli jindirizzaw il-frodi fl-infiq taħt il-PAK. Id-DĠ AGRI jipprovdi taħriġ u gwida dwar ir-riskji ta' frodi għall-korpi ta’ ġestjoni u kontroll tal-Istati Membri. Barra minn hekk, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) tal-Kummissjoni jinvestiga każijiet ta’ frodi suspettata f’kooperazzjoni mal-korpi investigattivi nazzjonali.
Fi Frar 2019, id-DĠ AGRI nieda proġett pilota biex jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jużaw Arachne, għodda tal-IT li tista’ tgħin lill-aġenziji tal-pagamenti biex jidentifikaw proġetti, benefiċjarji u kuntratturi li jkunu esposti għal riskju ta’ frodi, kunflitt ta’ interess u irregolaritajiet, għall-fini ta’ valutazzjoni ulterjuri. Diġà jeżisti approċċ simili għall-infiq fil-qasam tal-Koeżjoni.
Aħna sibna li:
- l-aħħar darba li d-DĠ AGRI kien aġġorna l-analiżi tiegħu tar-riskju ta’ frodi kienet fl-2016;
- la l-OLAF u lanqas id-DĠ AGRI ma kienu vvalutaw il-miżuri tal-Istati Membri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi fl-infiq taħt il-PAK;
- minn Marzu 2020, 12-il aġenzija tal-pagamenti f’9 Stati Membri kienu qed jipparteċipaw fil-proġett pilota Arachne.
X'nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- taġġorna l-analiżi tagħha tar-riskji ta’ frodi fir-rigward tal-PAK b’mod aktar frekwenti;
- twettaq analiżi tal-miżuri tal-Istati Membri għall-prevenzjoni tal-frodi, u
- tħeġġeġ it-tixrid tal-aħjar prattiki fl-użu ta’ Arachne biex tkompli tinkoraġġixxi lill-aġenziji tal-pagamenti biex jagħmlu użu minnha.



Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE fuq “Riżorsi naturali” tingħata fil-Kapitolu 6 tar-Rapport Annwali 2019 tagħna.

Sigurtà u ċittadinanza
Total tal-infiq: EUR 3.3 biljun
X’awditjajna
Dan il-qasam ta’ nfiq jiġbor flimkien diversi politiki li l-objettiv komuni tagħhom huwa li jissaħħaħ il-kunċett ta’ ċittadinanza Ewropea billi tinħoloq żona ta’ libertà, ġustizzja u sigurtà mingħajr fruntieri interni.
Il-ġestjoni tal-implimentazzjoni ta' “Sigurtà u ċittadinanza” fil-biċċa l-kbira hija kondiviża bejn l-Istati Membri u d-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni (DĠ HOME) tal-Kummissjoni. Il-fondi l-aktar importanti taħt din l-intestatura huma:
- il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF), li l-għan tiegħu hu li jikkontribwixxi għall-ġestjoni effettiva tal-flussi migratorji u għall-iżvilupp ta’ approċċ komuni tal-UE f’dak li jirrigwarda l-asil u l-immigrazzjoni; u
- il-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF), li jiffinanzja l-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi fi ħdan l-UE u l-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE.
Fl-2019, dawn iż-żewġ fondi kienu jirrappreżentaw kemxejn inqas minn nofs (45 %) l-infiq tal-UE f’dan il-qasam.
L-infiq minn 14-il aġenzija deċentralizzata li huma involuti fl-implimentazzjoni ta’ prijoritajiet ewlenin tal-UE fl-oqsma tal-migrazzjoni u s-sigurtà, il-kooperazzjoni ġudizzjarja u s-saħħa jirrappreżenta 29 % oħra. Aħna nirrappurtaw separatament dwar l-aġenziji tal-UE fir-rapporti annwali speċifiċi tagħna u f’sommarju annwali intitolat “Rapport Annwali dwar l-aġenziji tal-UE għas-sena finanzjarja 2019”.
Għall-2019, il-valur tal-infiq li kien suġġett għall-awditjar f’dan il-qasam kien ta’ EUR 3.0 biljun (ara l-Figura 1).
X'sibna
Fl-2019, aħna rrieżaminajna s-sistemi magħżula li jkopru l-politiki prinċipali ta’ dan il-qasam ta’ nfiq, inkluż ix-xogħol li twettaq mill-awtoritajiet nazzjonali tal-awditjar għall-AMIF u l-ISF, u eżaminajna għadd żgħir ta’ tranżazzjonijiet.
L-awtoritajiet tal-awditjar kollha eżaminati kienu żviluppaw u implimentaw proċeduri dettaljati u ta’ kwalità suffiċjenti biex jirrappurtaw kif meħtieġ skont ir-regoli applikabbli. F’ċerti każijiet, bħall-kopertura minima fil-każ tas-sottokampjunar, il-Kummissjoni sabet li x-xogħol tal-awtoritajiet tal-awditjar kien insuffiċjenti. Aħna identifikajna nuqqasijiet addizzjonali fix-xogħol tagħhom, għalkemm dawn ma kinux materjali.
Fir-rigward tal-gwida tal-Kummissjoni għal dawn l-awtoritajiet tal-awditjar, aħna osservajna l-ħtieġa għal kjarifika ulterjuri fir-rigward tal-approċċ tal-użu ta’ kampjunar mhux statistiku. Barra minn hekk, aħna sibna li xi awtoritajiet tal-awditjar kienu jvarjaw fid-definizzjoni tagħhom ta’ “pagament interim”. Dan affettwa l-komparabbiltà tar-riżultati tal-awditjar tagħhom.
Rapporti annwali tal-attività u arranġamenti oħra ta' governanza
B’mod kumplessiv, l-informazzjoni li d-DĠ HOME u d-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi (DĠ JUST) ipprovdew fir-rapporti annwali tal-attività tagħhom f’dak li jirrigwarda r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi kienet tikkorrobora s-sejbiet u l-konklużjonijiet tagħna.
X'nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- toħroġ gwida għall-awtoritajiet tal-awditjar tal-Istati Membri dwar il-kampjunar u l-kalkolu tar-rata ta’ żball; u
- tagħtihom struzzjonijiet biex jiddokumentaw ix-xogħol tagħhom b’mod xieraq.



Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE għal “Sigurtà u ċittadinanza” tingħata fil-Kapitolu 7 tar-Rapport Annwali 2019 tagħna.

Ewropa Globali
Total tal-infiq: EUR 10.1 biljun
X’awditjajna
Dan il-qasam ikopri l-infiq fl-oqsma ta’ politika barranija, il-promozzjoni tal-valuri tal-UE f’pajjiżi barranin, l-appoġġ għal pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali tal-UE, kif ukoll l-għajnuna għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja li tiġi pprovduta lil pajjiżi li qed jiżviluppaw u lil pajjiżi ġirien (bl-eċċezzjoni tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp).
L-infiq għal “Ewropa Globali” jiġi implimentat:
- direttament minn għadd ta' direttorati ġenerali tal-Kummissjoni, b'mod l-aktar notevoli mid-Direttorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (DĠ DEVCO), u d-Direttorat Ġenerali għall-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir (DĠ NEAR), jew mis-sede tagħhom fi Brussell jew inkella permezz ta' delegazzjonijiet tal-UE f'aktar minn 150 pajjiż riċevitur;
- indirettament mill-pajjiżi benefiċjarji u organizzazzjonijiet internazzjonali, bl-użu ta’ firxa wiesgħa ta’ strumenti ta’ kooperazzjoni u metodi ta’ twassil.
Għall-2019, il-valur tal-infiq li kien suġġett għall-awditjar f’dan il-qasam kien ta’ EUR 8.2 biljun (ara l-Figura 1).
X'sibna
Fl-2019, aħna sibna 11-il żball li kellhom impatt finanzjarju fuq l-ammonti ddebitati lill-baġit tal-UE. Sibna wkoll 11-il każ ieħor fejn kien hemm nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet legali u finanzjarji.
It-tranżazzjonijiet relatati mal-appoġġ baġitarju u l-proġetti implimentati minn organizzazzjonijiet internazzjonali taħt l-“approċċ nozzjonali” (fejn parti mill-ispejjeż mhux eliġibbli għal finanzjament mill-UE jistgħu jiġu ffinanzjati minn donaturi oħra taħt miżura kofinanzjata b’mod konġunt) kienu inqas suxxettibbli għal żball. Fl-2019, ma qbadna l-ebda żball f’dawn l-oqsma.
Studju dwar ir-RER tad-DĠ NEAR
Fl-2019, il-ħames studju tad-DĠ NEAR dwar ir-rata tal-iżball residwu (RER) twettaq minn kuntrattur estern f’ismu, biex jistma l-livell ta’ żball li kien jifdal wara l-ikkompletar tal-kontrolli ta’ ġestjoni kollha għall-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni ta’ żbalji fil-qasam intier ta' responsabbiltà tiegħu.
Għat-tielet sena konsekuttiva, ir-RER kumplessiva stmata mill-istudju kienet taħt is-soll ta’ materjalità tal-Kummissjoni stess, li huwa ta’ 2 %.
L-istudju dwar ir-RER imwettaq mill-Kummissjoni ma jikkostitwix inkarigu ta’ aċċertament jew awditu. Aħna għad għandna riżervi dwar l-affidabbiltà tar-riżultati tal-istudju.
Fatturi li joħolqu distorsjoni fir-riżultati tal-istudju dwar ir-RER imwettaq mill-Kummissjoni
- limitazzjonijiet fil-kontrolli fuq il-proċeduri tal-akkwist pubbliku (eż. rigward ir-raġunijiet għar-rifjut ta’ kandidati li ma ntgħażlux, il-konformità tal-offerent magħżul mal-kriterji kollha tal-għażla u tal-għoti, jew il-ġustifikazzjonijiet għal għotjiet diretti).
- il-metodu użat biex tiġi stmata r-RER, li jagħti lill-kuntrattur marġni wiesa' għall-interpretazzjoni meta jistma żbalji individwali.
Barra minn hekk, għal madwar nofs it-tranżazzjonijiet ikkampjunati għall-istudju, l-istudju dwar ir-RER jiddependi kompletament jew parzjalment fuq ix-xogħol ta’ kontroll preċedenti. Għal dawn it-tranżazzjonijiet, il-kuntrattur ma jwettaq l-ebda kontroll jew inkella iwettaq kontrolli limitati, u minflok jiddependi fuq xogħol li jkun twettaq preċedentement. L-iskop tal-istudju dwar ir-RER huwa li jidentifika l-iżbalji li ma jkunux inqabdu minn xogħol ta’ kontroll preċedenti. Minħabba li jiddependi fuq ix-xogħol ta’ kontroll preċedenti, l-istudju dwar ir-RER ma jkejjilx dawn l-iżbalji kompletament.
Fir-Rapporti Annwali 2017 u 2018 tagħna, aħna konna rrappurtajna dwar limitazzjonijiet fil-metodoloġija għall-istudju dwar ir-RER. B'riżultat ta' dan, għad-Dikjarazzjonijiet ta' Assigurazzjoni 2018 u 2019 tagħna, aħna wettaqna kontrolli addizzjonali f’oqsma fejn konna sibna tali limitazzjonijiet. Aħna għażilna b'mod aleatorju sitt tranżazzjonijiet minn studji dwar ir-RER li twettqu preċedentement – medja ta' żewġ tranżazzjonijiet għal kull delegazzjoni tal-UE li żorna. Tlieta minnhom kienu milquta minn żball.
Preċedentement, aħna konna rrakkomandajna li l-Kummissjoni żżid il-ponderazzjoni, fil-kampjun tar-RER, tal-għotjiet taħt ġestjoni diretta, minħabba li r-riskju ta’ żball tagħhom huwa relattivament għoli. B'rispons għal dan, id-DĠ NEAR introduċa rata ta’ żball addizzjonali għall-għotjiet taħt ġestjoni diretta (ir-“rata tal-għotja”). Madankollu, għal din ir-rata, huwa applika livell ta’ fiduċja aktar baxx (80 %) minn dak għar-RER kumplessiva (95 %). B’riżultat ta’ dan, l-istima ta’ żball għall-għotjiet taħt ġestjoni diretta kienet inqas preċiża, minkejja li għandhom livell ogħla ta’ riskju.
Rieżaminar tar-rapport annwali tal-attività tad-DĠ NEAR
Ir-rieżaminar li wettaqna tar-Rapport Annwali tal-Attività 2019 tad-DĠ NEAR ma wera l-ebda informazzjoni li għandha mnejn tikkontradixxi s-sejbiet tagħna. Madankollu, id-DĠ NEAR ma għamilx referenza għal-limitazzjonijiet tal-istudju dwar ir-RER, li huwa element importanti għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tad-DĠ.
X'nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- tiddivulga l-limitazzjonijiet tal-istudju dwar ir-RER fir-RAA 2020 tad-DĠ NEAR u fir-RAA futuri tiegħu;
- iżżid il-livell ta’ fiduċja li juża d-DĠ NEAR fil-metodoloġija tiegħu biex jikkalkula r-rata tal-għotja biex ikun tal-istess livell li jiġi applikat għall-bqija tal-popolazzjoni RER, biex jirrifletti b’aktar preċiżjoni r-riskju ogħla fil-qasam tal-għotjiet taħt ġestjoni diretta; u
- tidentifika tipi ta’ żbalji rikorrenti, bħall-VAT u r-reġistrazzjoni tal-ħin, u ssaħħaħ il-kontrolli fuq dawn l-iżbalji.



Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE għal “Ewropa Globali” tingħata fil-Kapitolu 8 tar-Rapport Annwali 2019 tagħna.

Amministrazzjoni
Total tal-infiq: EUR 10.4 biljun
X’awditjajna
L-awditu tagħna kopra n-nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE: il-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Awdituri, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, l-Ombudsman Ewropew, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.
Fl-2019, l-istituzzjonijiet u l-korpi nefqu total ta’ EUR 10.4 biljun fuq l-amministrazzjoni (ara l-Figura 1). Dan l-ammont kien jinkludi nfiq fuq riżorsi umani (madwar 60 % tat-total), bini, tagħmir, enerġija, komunikazzjoni u IT.
Awditur estern jawditja r-rapporti finanzjarji proprji tagħna. Kull sena, aħna nippubblikaw l-opinjoni u r-rapport tal-awditjar f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fuq is-sit web tagħna.
X'sibna
Ammont li kien suġġett għall-awditjar | Kien milqut minn żball materjali? | EUR 10.4 biljun | Le – L-ammont kien ħieles minn żball materjali kemm fl-2019 kif ukoll fl-2018 |
---|
Fl-2019, aħna eżaminajna sistemi ta' superviżjoni u kontroll magħżula tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data. Aħna eżaminajna wkoll 45 tranżazzjoni.
Bħal fi snin preċedenti, aħna nistmaw li l-livell ta’ żball huwa taħt is-soll ta’ materjalità.
Aħna ma identifikajniex xi kwistjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw lill-Kunsill, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kumitat tar-Reġjuni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew lill-Qorti tal-Awdituri. Għall-Kummissjoni, aħna sibna inqas żbalji relatati mal-ispejjeż għall-persunal u mal-ġestjoni tal-allowances tal-familja mill-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni (PMO) meta mqabbla ma’ snin preċedenti. Fir-rigward tal-Parlament Ewropew, qbadna żbalji f’pagament wieħed li sar lil partit politiku. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għadu ma żviluppax politika dwar il-funzjonijiet sensittivi f’konformità mal-istandards ta’ kontroll intern tiegħu. Huwa ma ħareġ l-ebda definizzjoni ta’ karigi jew funzjonijiet sensittivi, u lanqas wettaq analiżi tar-riskju bil-ħsieb li jadotta kontrolli għall-mitigazzjoni tar-riskju u, fl-aħħar mill-aħħar, politika tal-mobbiltà interna. Aħna sibna wkoll li l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ilu mill-2014 ma jwettaq valutazzjoni komprensiva tar-riskju.
Inqas uffiċjali tal-UE, aktar persunal kuntrattwali
Aħna analizzajna wkoll kif is-sitwazzjoni tal-persunal fl-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE kienet inbidlet bejn l-2012 u l-2018. Sibna li huma kienu naqqsu l-għadd ta’ postijiet għal uffiċjali (jiġifieri persunal permanenti u temporanju) b’1 409 (3 %), filwaqt li żiedu gradwalment l-għadd ta’ persunal kuntrattwali minn 8 709 għal 11 962. Matul dan il-perjodu, il-proporzjon ta’ persunal kuntrattwali fil-previżjonijiet dwar il-forza tax-xogħol totali kiber minn 17 % għal 22 %.
L-għadd ta’ persunal kuntrattwali addizzjonali li ġie impjegat matul is-sena jvarja b’mod sinifikanti minn istituzzjoni għal oħra. Dan jirrifletti parzjalment il-mod kif kompiti ġodda li ġejjin minn prijoritajiet li jevolvu malajr u r-rispons għal sitwazzjonijiet speċjali jew urġenti, bħall-kriżi tal-migrazzjoni, żiedu mal-ammont ta’ xogħol f’oqsma speċifiċi.
Bejn l-2012 u l-2018, l-ispejjeż totali tas-salarji żdiedu bi 15 %, minn EUR 4 116-il miljun għal EUR 4 724 miljun. L-ispejjeż tas-salarji żdiedu bi 12 % għall-persunal permanenti u temporanju, u b'59 % għall-persunal kuntrattwali. Il-fatturi prinċipali kienu l-espansjoni fil-forza tax-xogħol totali, l-indiċjar annwali tal-pagi, il-promozzjonijiet tal-persunal u ż-żidiet fl-iskala fi ħdan il-gradi. Għall-persunal kuntrattwali, kien hemm ukoll żieda fis-sehem tal-persunal fl-ogħla gradi III u IV.
X'nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li:
- il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jimplimenta politika biex jittratta l-funzjonijiet sensittivi, billi juża valutazzjoni tar-riskju komprensiva li twassal għall-identifikazzjoni ta’ kontrolli għall-mitigazzjoni tar-riskju li jieħdu inkunsiderazzjoni id-daqs tal-kumitat u n-natura ta' xogħlu.


Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-infiq tal-UE għal “Amministrazzjoni” tingħata fil-Kapitolu 9 tar-Rapport Annwali 2019 tagħna.

Fondi Ewropej għall-Iżvilupp
Total tal-infiq: EUR 3.8 biljun
X’awditjajna
Imnedija fl-1959, il-FEŻ huma l-istrument prinċipali li permezz tiegħu l-Unjoni Ewropea (UE) tipprovdi għajnuna għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp lill-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u lill-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej (PTEE). Il-ftehim ta’ sħubija li ġie ffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 għal perjodu ta’ 20 sena (“il-Ftehim ta’ Cotonou”) huwa l-qafas attwali li jirregola r-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi AKP u l-PTEE. L-objettiv prinċipali tiegħu huwa t-tnaqqis, u eventwalment il-qerda tal-faqar.
Fl-2019, il-valur totali tal-infiq li kien suġġett għall-awditjar f’dan il-qasam kien ta’ EUR 3.4 biljun. Dan l-infiq jirrigwarda t-8, id-9, l-10 u l-11-il FEŻ.
Il-FEŻ huma mmaniġġjati mill-Kummissjoni, barra mill-qafas tal-baġit ġenerali tal-UE, u d-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (DĠ DEVCO) huwa d-DĠ prinċipali responsabbli.
X'sibna
Il-kontijiet għall-2019 jippreżentaw b’mod ġust il-pożizzjoni finanzjarja tal-FEŻ, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħhom, il-fluss tal-flus tagħhom u l-bidliet fl-assi netti.
Aħna nikkonkludu wkoll li d-dħul tal-FEŻ kien ħieles minn żball materjali.
Ammont li kien suġġett għall-awditjar | Kien milqut minn żball materjali? | Stima tal-livell tal-iżball l-aktar probabbli | EUR 3.4 biljun | Iva | 3.5 % (2018: 5.2 %) |
---|
Biex nawditjaw ir-regolarità tat-tranżazzjonijiet, aħna eżaminajna kampjun ta’ 126 tranżazzjoni li kien rappreżentattiv tal-firxa sħiħa tal-infiq li sar fi ħdan il-FEŻ. Dan kien jinkludi 17-il tranżazzjoni li kienu relatati mal-Fond Fiduċjarju Bêkou u l-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza għall-Afrika, 89 tranżazzjoni li ġew awtorizzati minn 19-il delegazzjoni tal-UE, u 20 pagament li ġew approvati mis-servizzi ċentrali tal-Kummissjoni.
Peress li parti mill-popolazzjoni li awditjajna kienet koperta mill-istudju tal-2019 dwar ir-rata tal-iżball residwu (RER) imwettaq mid-DĠ DEVCO, fil-kampjun tagħna aħna inkludejna 14-il tranżazzjoni li għalihom applikajna, wara aġġustament, ir-riżultati ta’ dan l-istudju. B’hekk, id-daqs totali tal-kampjun kien ta’ 140 tranżazzjoni, li huwa konformi mal-mudell ta’ aċċertament tagħna. Fejn konna qbadna żbalji fit-tranżazzjonijiet, aħna analizzajna s-sistemi rilevanti biex nidentifikaw id-dgħufijiet.
Bħal fi snin preċedenti, il-Kummissjoni u s-sħab tagħha inkarigati mill-implimentazzjoni wettqu aktar żbalji fi tranżazzjonijiet relatati ma’ stimi ta’ programmi, għotjiet, ftehimiet ta’ kontribuzzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u ftehimiet ta’ delega ma’ aġenziji ta’ kooperazzjoni tal-Istati Membri tal-UE milli għamlu f’forom oħra ta’ appoġġ (bħalma huma dawk li jkopru l-kuntratti ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi). Mill-65 tranżazzjoni ta’ dan it-tip li eżaminajna, 25 (38 %) kien fihom żbalji kwantifikabbli, li kienu jirrappreżentaw 71.7 % tal-livell ta’ żball stmat. F’żewġ oqsma, it-tranżazzjonijiet eżaminati ma kienx fihom żbalji. Dawn kienu l-appoġġ baġitarju (7 tranżazzjonijiet awditjati) u tranżazzjonijiet fejn kien ġie applikat l-“approċċ nozzjonali” fi proġetti b’multidonaturi, li ġew implimentati minn organizzazzjonijiet internazzjonali (13-il tranżazzjoni awditjata).
Eżempju: Infiq mhux imġarrab: impenji ppreżentati bħala nfiq
Il-Kummissjoni kkonkludiet ftehim ta’ delega ma’ organizzazzjoni internazzjonali li jikkonċerna proġett reġjonali ta’ żvilupp tas-settur privat implimentat f'bosta pajjiżi tal-Karibew. Il-valur totali tal-kuntratt kien ta’ EUR 27.2 miljun, b’kontribuzzjoni mill-UE li tammonta għal EUR 23.9 miljun. Waqt li konna qed neżaminaw ir-ripartizzjoni tal-infiq li takkumpanja r-rapport finanzjarju, aħna osservajna li l-ammonti rappurtati, għal-linji baġitarji kollha, ma kinux jikkorrispondu mal-kontabbiltà sottostanti. L-ispejjeż irrappurtati kienu EUR 2.3 miljun ogħla mill-ispejjeż li fil-fatt iġġarrbu għall-perjodu kkonċernat. Il-biċċa l-kbira minn din id-differenza rriżultat mill-fatt li l-benefiċjarju kien ippreżenta ammonti impenjati għal infiq futur bħala nfiq li diġà ġġarrab, filwaqt li l-bqija rriżultat minn diversi aġġustamenti.
Miżuri preventivi u korrettivi
F’disa’ każijiet ta’ żbalji li kellhom impatt finanzjarju fuq l-ammonti ddebitati lill-baġit tal-UE (u f’sitt każijiet oħra ta’ żbalji), il-Kummissjoni kellha informazzjoni suffiċjenti biex tipprevieni, jew biex taqbad u tikkoreġi, l-iżball qabel ma taċċetta l-infiq. Li kieku l-Kummissjoni għamlet użu xieraq minn din l-informazzjoni kollha li kellha għad-dispożizzjoni tagħha, il-livell ta’ żball stmat kien ikun aktar baxx b’1.4 punti perċentwali. Aħna sibna erba’ tranżazzjonijiet oħra milquta minn żbalji li kien imisshom inqabdu mill-awdituri u s-superviżuri esterni. Dawn il-każijiet ikkontribwew 0.4 punti perċentwali għal-livell ta' żball stmat.
Studju dwar ir-RER tad-DĠ DEVCO
Fl-2019, it-tmien studju tad-DĠ DEVCO dwar ir-rata tal-iżball residwu (RER) kien twettaq minn kuntrattur estern, biex jistma l-livell ta’ żball li kien jifdal wara l-ikkompletar tal-kontrolli ta’ ġestjoni kollha għall-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-korrezzjoni ta’ żbalji fil-qasam intier ta' responsabbiltà tiegħu. Għall-istudju tiegħu tal-2019 dwar ir-RER, id-DĠ DEVCO kabbar id-daqs tal-kampjun minn 240 għal 480 tranżazzjoni. B’hekk huwa seta’ jippreżenta rati ta' żball separati għall-infiq iffinanzjat mill-baġit ġenerali tal-UE u għall-infiq iffinanzjat mill-FEŻ, flimkien mar-rata ta’ żball kumplessiva għat-tnejn f’daqqa. Għar-raba’ sena konsekuttiva, ir-RER kumplessiva stmata mill-istudju kienet taħt is-soll ta’ materjalità tal-Kummissjoni stess, li huwa ta’ 2 %.
L-istudju dwar ir-RER ma jikkostitwix inkarigu ta’ aċċertament jew awditu; huwa bbażat fuq il-metodoloġija relatata mal-istudju dwar ir-RER u l-manwal ipprovdut mid-DĠ DEVCO. Bħal fi snin preċedenti, aħna identifikajna limitazzjonijiet li kkontribwew għall-istima insuffiċjenti tar-rata tal-iżball residwu. L-istudji tat-tliet snin preċedenti wkoll kellhom dgħufijiet u rrappurtaw RER li kienet taħt is-soll ta’ materjalità.
Fatturi li joħolqu distorsjoni fir-riżultati tal-istudju dwar ir-RER imwettaq mill-Kummissjoni
- limitazzjonijiet fil-kontrolli fuq il-proċeduri tal-akkwist pubbliku (eż. rigward ir-raġunijiet għar-rifjut ta’ kandidati li ma ntgħażlux, il-konformità tal-offerent magħżul mal-kriterji kollha tal-għażla u tal-għoti; jew il-ġustifikazzjonijiet għal għotjiet diretti).
- għadd baxx ta’ kontrolli fuq il-post fil-pajjiżi fejn jiġu implimentati l-proġetti.
- Il-metodu ta' stima għar-RER, li jagħti lill-kuntrattur diskrezzjoni wiesgħa biex jiddeċiedi jekk hemmx raġunijiet loġistiċi u legali li huma suffiċjenti biex jipprevienu l-aċċess f’waqtu għad-dokumenti ta’ tranżazzjoni u, għalhekk, biex issir stima tar-rata ta’ żball.
Barra minn hekk, għal aktar minn nofs it-tranżazzjonijiet (58 %), ir-RER tiddependi kompletament jew parzjalment fuq ix-xogħol ta’ kontroll preċedenti. Għal dawn it-tranżazzjonijiet, il-kuntrattur iwettaq kontrolli limitati jew inkella ma jwettaq l-ebda kontroll, u minflok jiddependi fuq ix-xogħol preċedenti mwettaq bħala parti mill-qafas ta’ kontroll tad-DĠ DEVCO. Id-dipendenza żejda fuq ix-xogħol ta’ kontroll preċedenti tmur kontra l-iskop tal-istudju dwar ir-RER, li huwa li jidentifika l-iżbalji li ma jkunux inqabdu preċiżament minn dawn il-kontrolli.
Aspetti tal-prestazzjoni
L-awditu li wettaqna mhux biss ippermettielna neżaminaw ir-regolarità tat-tranżazzjonijiet, iżda wkoll li nagħmlu osservazzjonijiet dwar aspetti relatati mal-prestazzjoni tat-tranżazzjonijiet magħżula. Ibbażat fuq sett ta’ mistoqsijiet tal-awditjar, aħna wettaqna kontrolli fuq proġetti li kienu jew ikkompletati jew inkella kważi kkompletati, u għamilna osservazzjonijiet individwali fuq proġetti fejn kien rilevanti għall-awditu kumplessiv tagħna.
Iż-żjarat li wettaqna fuq il-post żvelaw każijiet fejn il-finanzjament kien intuża b’mod effettiv u kkontribwixxa għall-ilħuq tal-objettivi tal-proġett. Għall-kuntrarju, aħna osservajna wkoll każijiet fejn l-effiċjenza u l-effettività tal-azzjoni kienu ġew kompromessi, billi l-oġġetti, is-servizzi jew ix-xogħlijiet akkwistati ma kinux qed jintużaw kif ippjanat, jew is-sostenibbiltà tal-proġett ma kinitx ġiet żgurata.
Eżempju: Proġett fejn is-sostenibbiltà ma kinitx ġiet żgurata
Il-Kummissjoni ffirmat ftehim ta’ kontribuzzjoni ma’ organizzazzjoni internazzjonali għal proġett biex tiġi appoġġata l-edukazzjoni vokazzjonali fil-Kosta tal-Avorju. L-awditu li wettaqna sab li s-sostenibbiltà tal-proġett ma kinitx ġiet żgurata. Mill-2012 ’il hawn, il-baġit operattiv ipprovdut mill-gvern għall-iskejjel vokazzjonali kien naqas bi 52 %. Fl-istess perjodu ta' żmien, il-popolazzjoni tal-istudenti kienet żdiedet b’130 %. B'riżultat ta' dan, il-finanzjament pubbliku ma kienx suffiċjenti biex l-iskejjel jipprovdu manutenzjoni għall-bini u t-tagħmir tagħhom u biex jixtru l-provvisti konsumabbli meħtieġa.
Rieżaminar tar-Rapport Annwali tal-Attività tad-DĠ DEVCO
Aħna nsibu li n-nuqqas ta’ riżervi fir-RAA 2019 tad-DĠ DEVCO mhuwiex iġġustifikat u nqisu li dan jirriżulta parzjalment mil-limitazzjonijiet tal-istudju dwar ir-RER.
Barra minn hekk, għall-ewwel darba, il-Kummissjoni applikat regola li tiddikjara li riżerva ma tkunx meħtieġa jekk il-qasam individwali ta’ nfiq li tkun tkopri jirrappreżenta inqas minn 5 % tat-total tal-pagamenti u jkollha impatt finanzjarju ta’ inqas minn EUR 5 miljun. Konsegwentement, ma għadhomx isiru riżervi f'ċerti oqsma fejn dawn ikunu saru fi snin preċedenti, anke jekk ir-riskju korrispondenti jibqa' jippersisti.
X'nirrakkomandaw
Aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- ittejjeb aktar il-metodoloġija u l-manwal li jintużaw għall-istudju dwar ir-RER biex jiġu indirizzati l-problemi li identifikajna fir-rapport, sabiex ir-rata ta' żball irrappurtata fl-istudju tkun aktar affidabbli;
- toħroġ riżervi għall-oqsma kollha li jinsab li għandhom livell għoli ta’ riskju, irrispettivament mis-sehem tat-total tal-infiq u l-impatt finanzjarju tagħhom.


Tixtieq tkun taf aktar? Informazzjoni dettaljata dwar l-awditu li wettaqna tal-FEŻ tingħata fir-Rapport Annwali 2019 dwar l-attivitajiet iffinanzjati mit-8, mid-9, mill-10 u mill-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp.
Informazzjoni ġenerali
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u x-xogħol tagħha
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) hija l-awditur indipendenti estern tal-Unjoni Ewropea. Is-sede tagħha tinsab fil-Lussemburgu u timpjega madwar 900 persuna min-nazzjonalitajiet kollha tal-UE f’attivitajiet professjonali u ta’ appoġġ.
Il-missjoni tagħna hija li nikkontribwixxu għat-titjib tal-amministrazzjoni u tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE, u li nippromwovu l-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza, kif ukoll li naġixxu bħala l-gwardjan indipendenti tal-interessi finanzjarji taċ-ċittadini tal-UE.
Ir-rapporti u l-opinjonijiet tal-awditjar tagħna huma element essenzjali fil-katina ta’ obbligu ta’ rendikont tal-UE. Dawn jintużaw biex jintalab rendikont mingħand dawk li huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE: il-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-UE, u l-amministrazzjonijiet fl-Istati Membri.
Aħna nwissu dwar riskji, nipprovdu aċċertament, nindikaw nuqqasijiet u prassi tajba, u noffru gwida lil dawk li jfasslu l-politika u lil-leġiżlaturi tal-UE dwar kif jistgħu jtejbu l-ġestjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE. Permezz tax-xogħol tagħna, aħna niżguraw li ċ-ċittadini tal-Ewropa jkunu jafu kif qed jintefqu flushom.

L-output tagħna
Aħna noħorġu:
- rapporti annwali, li prinċipalment fihom ir-riżultati ta’ xogħol tal-awditjar finanzjarju u tal-konformità relatat mal-baġit tal-UE u mal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp, iżda wkoll ma’ aspetti li jirrigwardaw il-ġestjoni u l-prestazzjoni tal-baġit;
- rapporti speċjali, li jippreżentaw ir-riżultati ta’ awditi magħżula dwar oqsma speċifiċi ta’ politika jew ta’ nfiq, jew dwar kwistjonijiet baġitarji jew ta’ ġestjoni;
- rapporti annwali speċifiċi dwar l-aġenziji, il-korpi deċentralizzati u l-impriżi konġunti tal-UE;
- opinjonijiet dwar liġijiet ġodda jew liġijiet aġġornati b’impatt sinifikanti fuq il-ġestjoni finanzjarja – jew fuq talba ta’ istituzzjoni oħra jew inkella fuq l-inizjattiva tagħna stess;
- rapporti analitiċi, li jipprovdu deskrizzjoni ta’ politiki, sistemi, strumenti jew suġġetti aktar iffukati, jew informazzjoni dwarhom.
Fl-aħħar nett, il-previżjonijiet ta’ awditi li noħorġu jippreżentaw informazzjoni ġenerali dwar kompitu tal-awditjar li jkun għad irid jitwettaq jew li jkun għaddej.
L-approċċ tal-awditjar għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna, fil-qosor
L-opinjonijiet fid-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħna huma bbażati fuq evidenza oġġettiva miksuba minn ittestjar tal-awditjar f’konformità mal-istandards internazzjonali tal-awditjar.
Kif indikat fl-istrateġija tagħna għall-2018-2020, aħna ddeċidejna li nivvalutaw l-għażliet għall-użu tal-informazzjoni dwar il-legalità u r-regolarità li l-partijiet awditjati kienu pprovdew, li jfisser li fil-futur, aħna għandna l-intenzjoni li, fejn ikun possibbli, nibbażaw l-opinjoni tal-awditjar tagħna fuq id-dikjarazzjoni magħmula mill-(maniġment tal-)Kummissjoni. Madankollu, aħna ltqajna ma’ diffikultajiet, bħal fir-rigward tad-disponibbiltà ta’ informazzjoni f’waqtha u affidabbli, li attwalment qed ifixklu l-progress tagħna.
Affidabbiltà tal-kontijiet
Il-kontijiet annwali tal-UE jipprovdu informazzjoni kompleta u preċiża?
Kull sena, id-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni jiġġeneraw mijiet ta’ eluf ta’ entrati kontabilistiċi, filwaqt li jiġbru informazzjoni minn ħafna sorsi differenti (inklużi l-Istati Membri). Aħna nivverifikaw li l-proċessi kontabilistiċi jaħdmu kif suppost u li d-data kontabilistika li tirriżulta tkun kompleta, tkun irreġistrata b'mod korrett u tkun ippreżentata kif xieraq fir-rapporti finanzjarji tal-UE. Għall-awditu tal-affidabbiltà tal-kontijiet, aħna ilna napplikaw l-approċċ ta’ attestazzjoni minn meta fformulajna l-ewwel opinjoni tagħna fl-1994.
- Aħna nevalwaw is-sistema kontabilistika biex niżguraw li din tipprovdi bażi tajba għall-produzzjoni ta' data affidabbli.
- Aħna nivvalutaw proċeduri kontabilistiċi ewlenin biex niżguraw li dawn jiffunzjonaw b’mod korrett.
- Aħna nwettqu kontrolli analitiċi tad-data kontabilistika biex niżguraw li din tiġi ppreżentata b’mod konsistenti u tkun tidher raġonevoli.
- Aħna niċċekkjaw b’mod dirett kampjun ta’ entrati kontabilistiċi biex niżguraw li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi jkunu jeżistu u li dawn ikunu ġew irreġistrati b’mod preċiż.
- Aħna nivverifikaw ir-rapporti finanzjarji biex niżguraw li dawn jippreżentaw is-sitwazzjoni finanzjarja b’mod ġust.
Regolarità tat-tranżazzjonijiet
It-tranżazzjonijiet relatati mal-introjtu u mal-pagamenti kontabilizzati bħala spejjeż, u li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-UE, huma konformi mar-regoli?
Il-baġit tal-UE jinvolvi miljuni ta’ pagamenti lil benefiċjarji, kemm fl-UE kif ukoll fil-bqija tad-dinja. Il-biċċa l-kbira minn dan l-infiq huwa mmaniġġjat mill-Istati Membri. Biex niksbu l-evidenza li neħtieġu, aħna nivvalutaw is-sistemi li permezz tagħhom l-introjtu u l-pagamenti kontabilizzati bħala spejjeż (jiġifieri l-pagamenti finali u l-ikklerjar tal-pagamenti bil-quddiem) jiġu amministrati u vverifikati, u neżaminaw kampjun ta’ tranżazzjonijiet.
Fejn it-termini tal-istandards internazzjonali tal-awditjar rilevanti ikunu ġew issodisfati, aħna nanalizzaw u nerġgħu nwettqu l-kontrolli li jkunu twettqu minn dawk responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE. Għaldaqstant, aħna nieħdu kont sħiħ ta’ kull miżura korrettiva li tkun ittieħdet fuq il-bażi ta’ dawn il-kontrolli.
- Aħna nivvalutaw is-sistemi għad-dħul u l-infiq biex niddeterminaw kemm dawn huma effettivi biex jiżguraw li t-tranżazzjonijiet huma regolari.
- Aħna nieħdu kampjuni statistiċi ta’ tranżazzjonijiet biex nipprovdu bażi għal ittestjar dettaljat mill-awdituri tagħna. Aħna neżaminaw it-tranżazzjonijiet ikkampjunati fid-dettall, inklużi dawk għand ir-riċevituri finali (eż. bdiewa, istituti tar-riċerka jew kumpaniji li jipprovdu xogħlijiet jew servizzi permezz ta’ akkwist pubbliku), biex niksbu evidenza li kull avveniment ta’ bażi jkun jeżisti, ikun ġie rreġistrat kif xieraq u jkun jikkonforma mar-regoli biex isiru pagamenti.
- Aħna nanalizzaw l-iżbalji u nikklassifikawhom bħala kwantifikabbli jew mhux kwantifikabbli. It-tranżazzjonijiet ikunu milquta minn żball kwantifikabbli jekk, ibbażat fuq ir-regoli, il-pagament ma kellux jiġi awtorizzat. Aħna nestrapolaw l-iżbalji kwantifikabbli biex niksbu livell ta’ żball stmat għall-baġit kumplessiv tal-UE u għal kull qasam li fih nagħmlu valutazzjoni speċifika.
- Nużaw il-livell ta’ 2 % bħala s-soll ta’ materjalità għall-opinjoni tagħna. Aħna nieħdu kont ukoll ta' informazzjoni rilevanti oħra, bħal rapporti annwali tal-attività u rapporti minn awdituri esterni oħra.
- Jekk insibu li l-livell ta’ żball fit-tranżazzjonijiet awditjati jkun materjali, irridu niddeterminaw jekk l-iżball ikunx "pervażiv". Aħna nistgħu nqisuh bħala pervażiv għal diversi raġunijiet, inkluż meta nsibuh f'proporzjon sostanzjali tal-popolazzjoni li awditjajna. F'dan il-każ, huwa jifforma l-bażi għal opinjoni avversa. Mill-2016 'il hawn, aħna nidentifikaw l-oqsma ta’ riskju baxx u l-oqsma ta' riskju għoli tal-baġit tal-UE. Meta l-infiq b'riskju għoli milqut minn żball materjali jikkostitwixxi parti sostanzjali tal-popolazzjoni li awditjajna, aħna nqisu l-iżball bħala pervażiv u għaldaqstant, nagħtu opinjoni avversa.
- Aħna niddiskutu s-sejbiet kollha tagħna kemm mal-awtoritajiet fl-Istati Membri kif ukoll mal-Kummissjoni sabiex nikkonfermaw li l-fatti tagħna huma korretti.

Il-prodotti kollha tagħna jiġu ppubblikati fuq is-sit web tagħna: http://www.eca.europa.eu. Aktar informazzjoni dwar il-proċess tal-awditjar għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tingħata fl-Anness 1.1 – Approċċ u metodoloġija tal-awditjar, tal-Kapitolu 1 fir- tar-Rapport Annwali 2019 tagħna.
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2020
ISBN 978-92-847-5281-2 | doi:10.2865/04646 | QJ-02-20-696-MT-N | |
HTML | ISBN 978-92-847-5258-4 | doi:10.2865/667921 | QJ-02-20-696-MT-Q |
DRITTIJIET TAL-AWTUR
© L-Unjoni Ewropea, 2020.
Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.
Għall-istampi li ġejjin, l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat dment li jissemmew id-detentur tad-drittijiet tal-awtur, is-sors u l-isem tal-fotografi/periti (fejn indikat):
P. *: © L-Unjoni Ewropea, 2020, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
P. *: © L-Unjoni Ewropea, 2013, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Periti: Paul Noël (binja K1, 1988) u Jim Clemes (binja K2, 2004 u binja K3, 2013).
P. *: © L-Unjoni Ewropea, 2018, il-Parliament Ewropew / Mathieu Cugnot.
P. * (xellug): © L-Unjoni Ewropea, 2015 / Angelos Tzortzinis.
P. * (lemin): © L-Unjoni Ewropea 2011 / Philippe Terasse.
P. *: © L-Unjoni Ewropea, 2020 / Etienne Ansotte.
P. *: © L-Unjoni Ewropea, 2019, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
P. *: © L-Unjoni Ewropea, 2020, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, pereżempju f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.
Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur:
P. *: © Shutterstock / Rawpixel.com.
P. *: © Shutterstock / Nopphon_1987.
P. * (fuq nett fuq ix-xellug): © Shutterstock / Pressmaster.
P. * (fuq nett fuq il-lemin): © Shutterstock / geniusksy.
P. * (isfel nett): © Shutterstock / MONOPOLY919.
P. * (xellug): © Shutterstock / Jaggat Rashidi.
P. * (lemin): © Shutterstock / Pagina.
P. * (xellug): © Shutterstock / MMCez.
P. * (lemin): © Shutterstock / Ekaterina Kondratova.
P. * (xellug): © Shutterstock / stockphoto mania.
P. * (lemin): © Shutterstock / Riccardo Mayer.
Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.
Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li dawn ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-QEA, inti mħeġġeġ biex teżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.
Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.
Kif tikkuntattja lill-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
- bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Kif issib tagħrif dwar l-UE
Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu
Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (https://copenhagenizeindex.eu/) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.