L-attivitajiet li wettaqna fl-2021
Rapport Annwali tal-Attività tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Min aħna
- il-QEA hija l-awditur estern tal-Unjoni Ewropea;
- stabbilita bit-Trattat ta’ Brussell tal-1975, bdiet topera f’Ottubru 1977;
- Istituzzjoni Ewropea sħiħa sa mill-1993 taħt it-Trattat ta’ Maastricht;
- is-sede tagħha tinsab fil-Lussemburgu;
- hija korp kolleġġjali ta’ 27 Membru, wieħed minn kull Stat Membru tal-UE, maħtur mill-Kunsill b’segwitu għal konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew;
- timpjega madwar 900 membru tal-persunal, min-nazzjonalitajiet kollha tal-UE.
X’nagħmlu
- niżguraw li l-kontijiet tal-UE jinżammu b’mod xieraq, u li din tapplika r-regoli finanzjarji tagħha b’mod korrett, u li l-politiki u l-programmi tal-UE jilħqu l-objettivi intenzjonati tagħhom u jipprovdu valur għall-flus;
- nikkontribwixxu għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-UE u nippromwovu l-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza;
- inwissu dwar il-possibbiltà ta’ riskji, nipprovdu aċċertament, nindikaw fejn ikun hemm nuqqasijiet u suċċessi, u noffru gwida lil dawk li jfasslu l-politika u lil-leġiżlaturi tal-UE;
- nippreżentaw l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħna lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali, kif ukoll lill-pubbliku ġenerali.
Daħla tal-President

Għażiż qarrej,
Fl-2021, il-pandemija tal-COVID-19 kompliet tkun ta’ piż kbir fuq l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha.
F’dawn iż-żminijiet diffiċli, l-UE qed tipprovdi assistenza finanzjarja fuq skala mingħajr preċedent. Minbarra r-riżorsi baġitarji tradizzjonali maqbula bħala parti mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-perjodu 2021-2027, l-UE nediet l-inizjattiva “Next Generation EU” (NGEU), pakkett għall-irkupru magħmul minn fondi supplementari bbażati fuq titoli ta’ dejn.
F’dan il-kuntest, adottajna strateġija ġdida f’Jannar għall-perjodu 2021-2025, li taħtha se niffukaw fuq tliet għanijiet strateġiċi. Dawn se jiggwidaw l-isforzi tagħna biex nawditjaw il-finanzi tal-UE matul is-snin li ġejjin, nagħmlu l-bidliet meħtieġa fl-organizzazzjoni tagħna u nużaw ir-riżorsi tagħna b’mod effettiv u effiċjenti.
Dan ir-rapport tal-attività jagħti ħarsa ġenerali lejn il-ħidma tagħna fl-2021, li kienet l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni għall-istrateġija l-ġdida tagħna. Barra minn hekk, huwa jipprovdi informazzjoni dwar il-maniġment, il-persunal, l-appoġġ għall-awditjar u l-finanzi tagħna.
Minkejja l-pandemija li għaddejja bħalissa, żammejna l-kontinwità tal-operat matul is-sena u adattajna kontinwament għall-kundizzjonijiet tax-xogħol li qed jinbidlu.
Fl-2021, ippubblikajna r-rapporti annwali kollha tagħna sad-dati ta’ skadenza uffiċjali. Għal dak li jirrigwarda r-rapporti speċjali u dawk analitiċi, ippubblikajna wkoll 32 rapport, filwaqt li żammejna d-dewmien fi ħdan limiti raġonevoli.
Iċ-ċittadini tal-UE kif ukoll il-partijiet ikkonċernati u s-sħab istituzzjonali tagħna, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak tal-Istati Membri, jistgħu jkomplu jorbtu fuqna biex nipprovdulhom rapporti indipendenti u oġġettivi dwar kwistjonijiet ewlenin għall-ġejjieni tal-UE, billi nenfasizzaw dak li jiffunzjona tajjeb, niġbdu l-attenzjoni għal dak li ma jiffunzjonax kif suppost, u nirrakkomandaw bidliet.
Aħna nuru solidarjetà mal-Ukrajna. Ikkundannajna bil-qawwa l-invażjoni Russa tal-Ukrajna u organizzajna għajnuna umanitarja għall-vittmi tal-aggressjoni Russa. Dawn huma żminijiet ta’ swied il-qalb għall-Ewropa. Issa aktar minn qatt qabel, jeħtieġ li l-UE turi l-għaqda.
Nittamaw li l-informazzjoni fir-Rapport tal-Attività ta’ din is-sena tkun utli għalik.

Klaus-Heiner Lehne
Il-President
Daqqa t’għajn lejn l-2021
L-attivitajiet li wettaqna
Xogħol matul il-COVID-19
Fl-2021, komplejna naħdmu fi ħdan il-limiti tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u s-saħħa pubblika relatati mal-COVID. Il-kapaċità tagħna li nwettqu awditi fuq il-post kienet għadha ristretta sinifikattivament. Komplejna nittrasformaw il-mod kif naħdmu u nadattaw għas-sitwazzjoni l-ġdida.
Il-persunal tagħna rnexxielu jadatta kontinwament għall-kundizzjonijiet tax-xogħol li kienu qed jinbidlu u malajr tgħallem għodod ġodda. Deher ċar li stajna nagħmlu bidliet rapidi fil-metodi ta’ ħidma tagħna meta meħtieġ, filwaqt li nkomplu nipprovdu servizz tal-awditjar pubbliku effettiv fl-UE.
Irnexxielna noħorġu rapporti tal-awditjar, opinjonijiet u rapporti analitiċi f’waqthom. Ilħaqna konklużjonijiet sinifikattivi u għamilna rakkomandazzjonijiet rilevanti, f’kuntest fejn kultant ħdimna virtwalment għalkollox. Fil-ġejjieni, se nistinkaw biex napplikaw b’suċċess l-esperjenza tas-sentejn li għaddew u nsaħħu l-valur miżjud u l-effiċjenza taż-żjarat tagħna fuq il-post billi nikkombinawhom ma’ ħidma virtwali.
L-istrateġija ġdida tagħna għall-perjodu 2021-2025
Għal ħafna snin, użajna strateġiji pluriennali biex nimmappjaw mogħdija fuq terminu twil għax-xogħol tal-awditjar li nwettqu, biex nippromwovu bidla organizzattiva għal titjib kontinwu u biex nibqgħu fuq quddiem nett tal-iżvilupp fl-awditjar tas-settur pubbliku.
Fi tmiem l-2021, aħna kkompletajna l-ewwel sena tal-istrateġija ġdida tagħna għall-perjodu 2021-2025. L-għanijiet strateġiċi tagħna għal dan il-perjodu ta’ ħames snin huma li: isir titjib f’dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ rendikont, it-trasparenza u l-arranġamenti tal-awditjar f’kull tip ta’ azzjoni li tittieħed mill-UE; l-awditi li nwettqu jiġu mmirati lejn l-oqsma u s-suġġetti fejn aħna nistgħu nipprovdu l-aktar valur miżjud; l-għoti ta’ aċċertament qawwi tal-awditjar, f’ambjent diffiċli u li qed jinbidel.
Biex inqiegħdu l-istrateġija tagħna fil-prattika, qbilna dwar miżuri ta’ implimentazzjoni għal kull għan u objettiv, assenjajna responsabbiltajiet, u stabbilejna dati ta’ skadenza. Din is-sena għamilna progress tajjeb f’diversi azzjonijiet, notevolment:
- irrieżaminajna r-rapport annwali tagħna u l-approċċ tagħna għall-awditu sottostanti tad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni;
- abbozzajna approċċ tal-awditjar strateġiku għall-inizjattiva “Next Generation EU” (NGEU), fejn inkludejna l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF);
- fassalna pjan ta’ azzjoni dwar il-frodi;
- irrieżaminajna s-sistema tagħna tal-programmazzjoni ta’ ħidma;
- stabbilejna indikaturi tal-prestazzjoni rilevanti biex nimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-istrateġija tagħna; u
- ifformulajna strateġija ta’ komunikazzjoni ġdida.
Awditjar tal-prestazzjoni u r-regolarità tal-azzjonijiet li ttieħdu mill-UE
L-awditi li nwettqu jipprovdu liċ-ċittadini tal-UE u lil dawk li jfasslu l-politika tagħha rapporti indipendenti u oġġettivi dwar kwistjonijiet ewlenin għall-ġejjieni tal-UE, billi jenfasizzaw dak li jiffunzjona tajjeb u jiġbdu l-attenzjoni għal dak li ma jiffunzjonax kif suppost.
L-awditi tal-prestazzjoni li nwettqu jindirizzaw l-effettività, l-effiċjenza u l-ekonomija tal-politiki u l-programmi tal-UE. Huma jiffukaw fuq suġġetti li jirriflettu l-problemi li l-UE qed tiffaċċja, bħal:
- l-użu sostenibbli ta’ riżorsi naturali favur l-ambjent;
- it-tkabbir u l-inklużjoni;
- l-isfidi relatati mal-migrazzjoni u mal-iżvilupp globali;
- is-suq uniku u l-unjoni bankarja; u
- l-iżgurar li l-Unjoni Ewropea tagħti rendikont u tkun effiċjenti.
Dawn l-awditi għandhom l-għan li jgħinu lill-UE biex tilħaq aħjar l-objettivi tal-politika tagħha.
L-awditi finanzjarji u tal-konformità li nwettqu għall-baġit tal-UE u għall-baġits tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ) jinkludu d-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni tagħna dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali, kif ukoll dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi.
Aħna nistgħu wkoll nwettqu awditi tal-konformità magħżula, biex neżaminaw l-istat tal-kontabbiltà baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tal-UE, jew biex nivvalutaw jekk is-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll għall-ġbir u l-infiq tal-fondi tal-UE humiex konformi mar-regoli applikabbli tal-UE u dawk nazzjonali.
Fl-aħħar nett, aħna l-awditur estern għal għadd ta’ aġenziji, korpi deċentralizzati u Impriżi Konġunti tal-UE, kif ukoll tal-Iskejjel Ewropej.
Aħna nwettqu l-awditi kollha tagħna f’konformità ma’ standards tal-awditjar għas-settur pubbliku li huma aċċettati internazzjonalment.
Programm ta’ ħidma
Il-Programm ta’ Ħidma 2022+ tagħna, li ġie ppubblikat f’Diċembru 2021, jiġbed l-attenzjoni għall-prijoritajiet tal-awditjar tagħna għas-snin li ġejjin u jippreżenta fid-dettall id-79 rapport, kemm rapporti speċjali kif ukoll dawk analitiċi, li biħsiebna nippubblikaw mill-2022 ’il quddiem.
Aktar minn żewġ terzi tal-kompiti tal-awditjar il-ġodda għall-2022 huma allinjati b’mod qawwi mad-direzzjonijiet stabbiliti fl-istrateġija tagħna għall-perjodu 2021-2025, notevolment biex jiġu mmirati oqsma u suġġetti fejn nistgħu nżidu l-aktar valur. L-erba’ oqsma strateġiċi tagħna huma: il-kompetittività ekonomika tal-Unjoni; ir-reżiljenza fil-konfront ta’ theddid għas-sigurtà tal-Unjoni, u r-rispett għall-valuri Ewropej tal-libertà, id-demokrazija u l-istat tad-dritt; it-tibdil fil-klima, l-ambjent u r-riżorsi naturali; il-politiki fiskali u l-finanzi pubbliċi fl-Unjoni. Barra minn hekk, qed nippjanaw li nippubblikaw 16-il rapport dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw ir-rispons tal-UE għall-COVID-19, bħall-akkwist ta’ vaċċini, u sensiela ta’ awditi dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (l-inizjattiva Next Generation EU (NGEU)).
Aħna nħejju l-programm ta’ ħidma tal-awditjar tagħna b’mod indipendenti, iżda mhux b’mod iżolat. Nikkomunikaw ukoll mal-partijiet ikkonċernati istituzzjonali tagħna u b’mod partikolari mal-Parlament Ewropew. Mill-2015 ’il hawn, meta bdejna dan id-djalogu għall-ewwel darba, l-għadd ta’ suġġerimenti mill-kumitati parlamentari żdied b’mod kostanti: minn 37 suġġeriment fl-2015 għal 164 suġġeriment dwar l-awditjar għall-Programm ta’ Ħidma 2022+. Kważi żewġ terzi ta’ dawn is-suġġerimenti qed jiġu kompletament jew parzjalment adottati fix-xogħol li għaddej bħalissa jew se jiġu adottati fix-xogħol tal-ġejjieni, u xi wħud diġà ġew koperti fir-rapporti l-aktar reċenti tagħna. Għall-ewwel darba, irċevejna wkoll 8 ideat addizzjonali tal-awditjar li ġew ippreżentati minn 10 Rappreżentazzjonijiet Permanenti tal-Istati Membri.

Xogħol tal-awditjar fuq il-post
Il-biċċa l-kbira mix-xogħol tal-awditjar li nwettqu jsir fis-sede tagħna fil-Lussemburgu. Taħt ċirkustanzi normali, l-awdituri tagħna jagħmlu wkoll għadd kbir ta’ żjarat lill-Kummissjoni Ewropea – l-entità awditjata prinċipali tagħna – u lill-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE, lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri, lid-delegazzjonijiet tal-UE f’pajjiżi mhux tal-UE, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet internazzjonali li jimmaniġġjaw il-fondi tal-UE.
Normalment inwettqu wkoll żjarat lir-riċevituri tal-fondi tal-UE, fuq il-post, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll lil hinn mill-fruntieri tagħha. Permezz ta’ dawn il-kontrolli, aħna nsegwu r-rendikont tal-entrati u niksbu evidenza diretta għall-awditjar mingħand dawk involuti fil-ġestjoni tal-politiki u l-programmi tal-UE u fil-ġbir jew fil-ħlas ta’ fondi tal-UE, kif ukoll mingħand il-benefiċjarji. Fl-2021, wettaqna l-biċċa l-kbira minn dawn il-kontrolli virtwalment.
Nistinkaw biex nadottaw l-awditi magħżula tagħna fi żmien 13-il xahar, f’konformità mal-mira stabbilita fir-Regolament Finanzjarju tal-UE.

It-timijiet tal-awditjar tagħna huma ġeneralment magħmulin minn żewġ awdituri jew tlieta, filwaqt li ż-żjarat tal-awditjar tagħna jvarjaw fit-tul minn ftit jiem għal ftit ġimgħat. Il-kontrolli fuq il-post li aħna nwettqu ġewwa l-UE jiġu ġeneralment ikkoordinati f’kollegament mal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar (SAIs) tal-Istati Membri kkonċernati.
Għall-biċċa l-kbira mill-2021, ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-miżuri tas-saħħa pubblika (l-għeluq tal-fruntieri, ir-regoli dwar il-kwarantina, ir-rekwiżiti tal-ittestjar, eċċ.) komplew jillimitaw il-kapaċità tagħna li nwettqu xogħol tal-awditjar fuq il-post.

Għalhekk, meta mqabbel mas-snin ta’ qabel il-COVID-19, l-awdituri tagħna qattgħu sinifikattivament inqas jiem jawditjaw fuq il-post. B’kollox qattgħu 857 jum fl-Istati Membri u barra mit-territorju tal-UE meta mqabbla ma’ 1 190 jum fl-2020 u 3 605 ijiem fl-2019. Qattgħu wkoll 299 jum fl-istituzzjonijiet tal-UE, f’aġenziji u korpi deċentralizzati madwar l-UE, f’Impriżi Konġunti, f’organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti u l-OECD, u f’ditti privati tal-awditjar. Iċ-ċifri korrispondenti għall-2020 u għall-2019 kienu ta’ 627 jiem u 2 504 ijiem, rispettivament.
Fl-istess ħin, ikkumpensajna għall-kontrolli fuq il-post limitati billi nqdejna aktar b’awditjar mill-bogħod u billi ġbarna evidenza b’mod elettroniku. Użajna għodod tal-vidjokonferenzi u teknoloġija oħra tal-informazzjoni, bħall-kondiviżjoni sikura ta’ data u ta’ dokumenti, biex ninteraġixxu mal-entitajiet awditjati tagħna.
Ir-rapporti tagħna
Ir-rapporti tal-awditjar, ir-rapporti analitiċi u l-opinjonijiet tagħna huma element essenzjali tal-katina ta’ obbligu ta’ rendikont tal-UE. Huma jgħinu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jimmonitorjaw u jiskrutinizzaw l-ilħuq tal-objettivi ta’ politika tal-UE, u biex jitolbu li jingħata rendikont – minn dawk responsabbli għall-ġestjoni tal-baġit tal-UE – b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċedura annwali ta’ kwittanza.
Rapporti speċjali u rapporti analitiċi
Fl-2021, ippubblikajna 32 rapport speċjali u rapport analitiku li jindirizzaw ħafna mill-isfidi li l-UE qed tiffaċċja fl-oqsma differenti ta’ nfiq u ta’ politiki tal-UE. Dawn kienu jinkludu l-azzjoni klimatika, l-ambjent, id-diġitalizzazzjoni, il-migrazzjoni, l-unjoni tas-swieq kapitali u l-istat tad-dritt, biex insemmu biss ftit minnhom. Tnejn mir-rapporti kienu relatati mal-COVID-19, wieħed rigward ir-rispons tal-UE fil-livell tas-saħħa pubblika u l-ieħor dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru. Bdejna wkoll neżaminaw l-inizjattiva ta’ rkupru Next Generation EU, b’mod partikolari l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.
Fir-rapporti speċjali tagħna, aħna neżaminaw jekk l-objettivi tal-politiki u l-programmi magħżula tal-UE ntlaħqux, jekk ir-riżultati nkisbux b’mod effettiv u effiċjenti, u jekk l-azzjoni tal-UE pprovdietx valur miżjud – jiġifieri jekk permezz tagħha nkisbux riżultati aħjar milli setgħu nkisbu kieku l-azzjonijiet twettqu fuq livell nazzjonali biss. F’dawn ir-rapporti, aħna nagħmlu wkoll rakkomandazzjonijiet, fejn nidentifikaw modi kif jistgħu jiġu ffrankati l-flus, isir xogħol aħjar, tiġi evitata l-ħela jew jintlaħqu l-objettivi ta’ politika mistennija b’mod aktar effettiv.
Ir-rapporti analitiċi tagħna għandhom l-għan li jipprovdu deskrizzjonijiet li jispjegaw il-kuntest kif ukoll analiżi, spiss minn perspettiva trażversali u fuq il-bażi ta’ xogħol tal-awditjar preċedenti jew ta’ informazzjoni oħra li tkun disponibbli għall-pubbliku. Nistgħu nużawhom ukoll biex nippreżentaw l-analiżi tagħna ta’ oqsma jew kwistjonijiet li nkunu għadna ma awditjajniex, jew biex nistabbilixxu fatti dwar suġġetti jew problemi speċifiċi. Għall-kuntrarju tal-awditi, dawn ma jindirizzawx mistoqsijiet evalwattivi u lanqas ma jipprovdu aċċertament.
Il-paġni li ġejjin jipprovdu fehim approfondit dwar xogħolna kif ukoll eżempji ta’ rapporti speċjali mill-2021 li jkopru oqsma ta’ politika differenti.
Użu sostenibbli tar-riżorsi naturali

Il-produzzjoni tal-ikel hija responsabbli għal 26 % tal-emissjonijiet globali ta’ gassijiet serra. L-agrikoltura, b’mod partikolari s-settur tal-bhejjem, hija responsabbli għall-biċċa l-kbira minn dawn l-emissjonijiet. Mill-2013 ’il hawn, l-azzjoni klimatika kienet u għadha wieħed mill-objettivi prinċipali tal-Politika Agrikola Komuni – il-PAK. Il-Kummissjoni attribwiet aktar minn EUR 100 biljun – aktar minn kwart tal-baġit totali tal-PAK – għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih matul il-perjodu 2014-2020.
Aħna vvalutajna jekk il-PAK kinitx appoġġat prattiki ta’ mitigazzjoni tal-klima li kellhom il-potenzjal li jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-agrikoltura. Eżaminajna wkoll jekk il-PAK inċentivatx l-adozzjoni ta’ prattiki ta’ mitigazzjoni effettivi fil-perjodu 2014-2020 aħjar milli fil-perjodu 2007-2013.
Sibna li l-EUR 100 biljun ta’ finanzjament taħt il-PAK dwar l-azzjoni klimatika fil-perjodu 2014-2020 ftit li xejn kellhom impatt fuq l-emissjonijiet agrikoli, li ma nbidlux sinifikattivament mill-2010 ’l hawn. Il-biċċa l-kbira mill-miżuri ta’ mitigazzjoni li jirċievu appoġġ mill-PAK għandhom potenzjal baxx li jimmitigaw it-tibdil fil-klima. Il-PAK rari tiffinanzja miżuri b’potenzjal għoli ta’ mitigazzjoni tal-klima.
Irrakkomandajna li l-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tiżgura li l-PAK tnaqqas l-emissjonijiet mill-agrikoltura; tieħu passi biex tnaqqas l-emissjonijiet mill-ħamrija organika kkultivata u skulata; u tirrapporta regolarment dwar il-kontribut tal-PAK għall-mitigazzjoni tal-klima.
Investiment għall-koeżjoni, it-tkabbir u l-inklużjoni

Matul dawn l-aħħar tliet għexieren ta’ snin kien hemm żieda qawwija fl-ivvjaġġar fl-Ewropa. L-UE żviluppat livell armonizzat ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri. Il-kriżi tal-COVID-19 kellha impatt kbir fuq ħafna setturi tal-ekonomija, u s-settur tal-ivvjaġġar u dak tat-turiżmu kienu fost l-ewwel li ntlaqtu direttament Dan irriżulta f’għadd kbir ta’ titjiriet li ġew ikkanċellati, u kien segwit minn talbiet għal rimborż mill-passiġġieri milquta. Il-linji tal-ajru u l-organizzaturi tal-pakketti tal-ivvjaġġar ffaċċjaw problemi ta’ likwidità serji, u l-Istati Membri pprovdewlhom livelli bla preċedent ta’ appoġġ.
Aħna vvalutajna kif il-kriżi tal-COVID-19 affettwat id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru u jekk id-drittijiet ta’ aċċess għall-informazzjoni u d-dritt għal rimborż għall-passiġġieri tal-ajru ġewx salvagwardjati. Eżaminajna wkoll kif l-Istati Membri taw appoġġ lil-linji tal-ajru b’għajnuna mill-Istat u jekk din l-għajnuna kinitx marbuta mal-protezzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri.
Sibna li l-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat il-fatt li l-passiġġieri tal-ajru ma kinux infurmati bis-sħiħ dwar id-drittijiet tagħhom, u li kien hemm riskju li konsegwentement jitilfu l-flus li kienu intitolati għalihom. Sibna wkoll li l-qafas temporanju għall-għajnuna mill-Istat stabbilit mill-Kummissjoni ffaċilita l-għoti ta’ livelli bla preċedent ta’ għajnuna mill-Istat li ngħatat mill-Istati Membri lil-linji tal-ajru u lill-organizzaturi ta’ pakketti tal-ivvjaġġar, li tammonta għal EUR 34.7 biljun. Filwaqt li l-Kummissjoni kkjarifikat li l-Istati Membri setgħu jorbtu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri mal-għajnuna mill-Istat, dan ma kienx il-każ għall-għajnuna mogħtija lil-linji tal-ajru. Barra minn hekk, sibna li l-Kummissjoni ppruvat tipproteġi d-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru iżda kellha setgħat ta’ infurzar limitati.
Irrakkomandajna li l-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tiżgura protezzjoni aħjar tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru u informazzjoni dwarhom; taħdem mal-Istati Membri biex tindirizza modi kif ittejjeb il-koordinazzjoni bejniethom u tieħu azzjoni ulterjuri biex torbot l-għajnuna mill-Istat lil-linji tal-ajru aktar mill-qrib mar-rimborż tal-passiġġieri; tieħu azzjoni biex ittejjeb l-għodod u l-leġiżlazzjoni għas-salvagwardja tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru; u tqis ir-rilevanza tar-rakkomandazzjonijiet għal modi oħra tat-trasport.
Azzjoni esterna, sigurtà u ġustizzja

Il-Konvenzjoni ta’ Schengen ħolqot spazju uniku li ppermetta l-moviment bejn pajjiżi firmatarji mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni. Is-sorveljanza u l-kontroll tal-fruntieri esterni tagħha huma essenzjali biex jiffaċilitaw il-moviment liberu tal-persuni u tal-merkanzija fi ħdan l-ispazju, filwaqt li għandhom l-għan li jiggarantixxu s-sigurtà interna u jservu bħala prevenzjoni ta’ theddid potenzjali fil-fruntieri. Fl-2016, il-Frontex saret l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u ngħatat is-setgħa li tiffaċilita l-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri fil-fruntiera esterna tal-UE, fejn l-Istati Membri jżommu r-responsabbiltà.
Fl-2019, setgħetha ssaħħu aktar biex tgħaddi minn rwol ta’ appoġġ u ta’ koordinazzjoni għal rwol operazzjonali. Dan kien jinvolvi żieda esponenzjali fir-riżorsi, introduzzjoni ta’ korp permanenti ta’ 10 000 membru tal-persunal operazzjonali sal-2027 b’baġit medju ta’ EUR 900 miljun kull sena.
Aħna vvalutajna jekk il-Frontex kinitx qed twettaq l-attivitajiet primarji tagħha b’mod effettiv biex tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri. Eżaminajna wkoll kemm kienet imħejjija biex tissodisfa l-mandat il-ġdid u estiż tagħha.
Sibna li l-appoġġ li l-Frontex tagħti għall-Istati Membri/pajjiżi assoċjati ma’ Schengen fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u l-kriminalità transfruntiera ma kienx suffiċjentement effettiv. Sibna wkoll li l-Frontex ma kinitx implimentat bis-sħiħ il-mandat tagħha tal-2016 u enfasizzajna diversi riskji relatati mal-mandat tal-Frontex tal-2019.
Irrakkomandajna li jittejbu l-qafas għall-iskambju ta’ informazzjoni u l-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea; jiġi aġġornat u implimentat il-mudell integrat komuni għall-analiżi tar-riskju u jiġi żgurat aċċess għal sorsi oħra ta’ informazzjoni; jiġi żviluppat il-potenzjal tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà; jittejjeb ir-rispons operazzjonali tal-Frontex; u jiġu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw mill-mandat il-ġdid tal-Frontex.
Regolamentazzjoni tas-swieq u ekonomija kompetittiva

Il-ħasil tal-flus huwa l-prattika ta’ leġittimizzazzjoni tar-rikavat minn attività kriminali fejn jiġi ffiltrat fl-ekonomija regolari biex tinħeba l-oriġini illegali tiegħu. Fi ħdan l-Ewropa, l-Europol tistma l-valur ta’ tranżazzjonijiet suspettużi għal mijiet ta’ biljuni ta’ euro, b’ekwivalenti ta’ 1.3 % tal-prodott domestiku gross tal-UE.
L-UE adottat l-ewwel Direttiva tagħha dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus fl-1991 sabiex tiġġieled kontra t-theddidiet għas-suq intern mill-ħasil tal-flus, u, sussegwentement, sabiex tipprevieni l-finanzjament tat-terroriżmu. Ġiet aġġornata l-aħħar fl-2018. Sabiex tkun effettiva, id-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus tiddependi fuq l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali. Għadd ta’ korpi tal-UE jaqdu rwol ukoll, bħall-Kummissjoni (żvilupp tal-politiki, monitoraġġ tat-traspożizzjoni), l-Awtorità Bankarja Ewropea (analiżi, investigazzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, iffissar ta’ standards) u l-Bank Ċentrali Ewropew (superviżjoni prudenzjali tal-banek, inkluż ir-riskji ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu).
Aħna vvalutajna jekk l-azzjoni tal-UE fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus fis-settur bankarju ġietx implimentata sew.
Sibna frammentazzjoni istituzzjonali u koordinazzjoni fqira kumplessivament fil-livell tal-UE f’termini ta’ passi għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, u ta’ azzjoni fejn ġew identifikati riskji. Fil-prattika, azzjonijiet biex il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jiġu miġġielda għadhom jiġu sorveljati fil-livell nazzjonali, u l-qafas ta’ sorveljanza tal-UE mhuwiex suffiċjenti biex jiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni.
Irrakkomandajna inpartikolari li jiġi prijoritizzat ir-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu b’mod aktar ċar; li jiġi stabbilit qafas għar-rappurtar ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni; u li jinħarġu linji gwida biex jiffaċilitaw skambji standardizzati ta’ informazzjoni bejn is-superviżuri fil-livell nazzjonali u tal-UE.
Finanzjament u amministrazzjoni tal-Unjoni

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri hija mezz biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri permezz ta’ promozzjoni attiva tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-istadji kollha u fl-oqsma kollha tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika. Il-Kummissjoni ħadet l-impenn li timplimenta l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, u l-Parlament Ewropew u l-Kunsill enfasizzaw il-ħtieġa li l-UE twettaq l-impenji ta’ livell għoli tagħha għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri.
Il-Kummissjoni tiddeskrivi l-progress lejn il-kisba ta’ ugwaljanza sħiħa bejn il-ġeneri bħala li huwa bil-mod. Il-Parlament Ewropew jirrikonoxxi li l-pandemija aggravat l-inugwaljanzi strutturali eżistenti bejn il-ġeneri, u argumenta favur l-użu tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u l-ibbaġitjar skont il-ġeneru fir-rispons għall-irkupru wara l-COVID-19, kif ukoll favur l-applikazzjoni tat-tagħlimiet meħuda dwar l-effetti detrimentali tal-kriżijiet ekonomiċi preċedenti fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.
Aħna vvalutajna jekk l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri kinitx ġiet applikata fil-baġit tal-UE mill-2014 ’il quddiem biex tiġi promossa l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. B’mod partikolari, eżaminajna jekk il-qafas tal-Kummissjoni għall-appoġġ tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri kienx xieraq; jekk iċ-ċiklu baġitarju tal-UE kienx jieħu inkunsiderazzjoni l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; u jekk l-ugwaljanza bejn il-ġeneri kinitx ġiet inkorporata f’ħames programmi ta’ finanzjament magħżula tal-UE.
Sibna li l-Kummissjoni kienet għadha ma ssodisfatx l-impenn tagħha għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-baġit tal-UE. L-istrateġija tagħha għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri ma kinitx tippromwovi suffiċjentement l-użu tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, u l-qafas istituzzjonali tagħha kien għadu ma jappoġġax bis-sħiħ l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri. Barra minn hekk, iċ-ċiklu baġitarju tal-UE ma ħax kont adegwat tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-Kummissjoni ftit li xejn tat attenzjoni għall-analiżi tal-ġeneru tal-politiki u l-programmi li eżaminajna.
Irrakkomandajna inpartikolari li l-qafas istituzzjonali għall-appoġġ tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri jissaħħaħ; li jitwettqu analiżijiet tal-ġeneru fir-rigward tal-ħtiġijiet u l-impatti għal programmi u strumenti ta’ finanzjament tal-UE; li jintużaw objettivi u indikaturi relatati mal-ġeneri biex jiġi mmonitorjat il-progress; li tiġi żviluppata sistema għat-traċċar tal-fondi li jagħtu appoġġ għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u kull sena jsiru rapporti dwar ir-riżultati miksuba f’termini ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri.
Rapporti annwali u rapporti annwali speċifiċi
Ir-rapporti annwali prinċipalment jippreżentaw ir-riżultati tad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni tagħna dwar il-baġit tal-Unjoni Ewropea u l-baġit tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ), iżda jkopru wkoll aspetti relatati mal-ġestjoni baġitarja u finanzjarja kif ukoll mal-prestazzjoni.
Ir-rapporti annwali speċifiċi jippreżentaw ix-xogħol tal-awditjar annwali tagħna dwar l-aġenziji u korpi oħra tal-Unjoni, l-Impriżi Konġunti, kif ukoll l-Iskejjel Ewropej.
Aħna nippubblikaw ukoll rapport dwar l-obbligazzjonijiet kontinġenti li jirriżultaw mill-attivitajiet imwettqa mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB).

Rapport Annwali dwar il-baġit tal-UE għas-sena finanzjarja 2020
Kull sena, aħna nawditjaw id-dħul u l-infiq tal-UE biex neżaminaw jekk il-kontijiet annwali humiex affidabbli u jekk it-tranżazzjonijiet tal-introjtu u tal-infiq, li fuqhom huma bbażati l-kontijiet, jikkonformawx mar-regoli finanzjarji applikabbli fil-livell tal-UE u f’dak tal-Istati Membri.
Barra minn hekk, nivvalutaw b’mod speċifiku kull qasam prinċipali tal-baġit tal-UE, ibbażat fuq is-(sub)intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP). Aħna nanalizzaw ukoll għalfejn u fejn ikunu seħħew ċerti żbalji, nagħmlu rakkomandazzjonijiet biex isir titjib kif ukoll neżaminaw jekk u kif ir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tagħna jkunu ġew applikati fil-prattika.
Dan ix-xogħol estensiv jifforma l-bażi għad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni tagħna, li aħna meħtieġa nipprovdu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’konformità mal-mandat tagħna taħt it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
Għas-sena finanzjarja 2020, aħna tajna “opinjoni favorevoli” dwar il-kontijiet u dwar id-dħul tal-UE.
Fl-2020, l-infiq tal-UE kien ta’ EUR 173.3 biljun, l-ekwivalenti ta’ 1.1 % tal-introjti nazzjonali grossi (ING) ikkombinati tal-EU-27 u tar-Renju Unit.
L-awdituri tagħna ttestjaw kampjun ta’ 728 pagament li saru lill-benefiċjarji fl-oqsma kollha ta’ nfiq, minn popolazzjoni totali tal-awditjar b’valur ta’ madwar EUR 148 biljun. Dan ifisser li aħna vvalutajna każijiet varji fejn il-fondi tal-UE kienu ntużaw biex jipprovdu appoġġ għal proġetti ta’ infrastruttura ewlenija, SMEs, organizzazzjonijiet ta’ riċerka, bdiewa, studenti fl-Istati Membri tal-UE, u benefiċjarji f'pajjiżi terzi.
Għas-sena finanzjarja 2020, ħriġna “opinjoni avversa” dwar l-infiq tal-UE.
Għas-sena finanzjarja 2020, aħna stmajna li l-livell ta’ żball għall-infiq fl-intier tiegħu jinsab bejn 1.8 % u 3.6 %. Il-punt tan-nofs ta’ din il-firxa, magħruf bħala r-“rata tal-iżball l-aktar probabbli”, huwa ta’ 2.7 %, jiġifieri l-istess bħal dak għas-sena finanzjarja 2019.
Nota: Aħna nużaw tekniki standard tal-istatistika biex nistmaw il-livell ta’ żball. Nistgħu naffermaw, bi grad ta’ fiduċja ta’ 95 % li l-livell ta’ żball għall-popolazzjoni jinsab fil-firxa bejn il-limiti inferjuri u superjuri tal-iżball (għal aktar dettalji, ara l-Kapitolu 1, l-Anness 1.1 tar-Rapport Annwali 2020).
Għas-sena finanzjarja 2020, l-infiq b’riskju għoli rrappreżenta 59 % tal-popolazzjoni li awditjajna, meta mqabbel ma’ 53 % is-sena l-oħra. Il-livell ta’ żball stmat għall-infiq b’riskju għoli kien ta’ 4.0 %, meta mqabbel ma’ 4.9 % għas-sena finanzjarja 2019.
L-infiq tal-UE huwa kkaratterizzat minn żewġ tipi ta’ nfiq li jinvolvu profili distinti ta’ riskju:
- Pagamenti bbażati fuq drittijiet, b’riskju baxx: Ibbażati fuq l-issodisfar, min-naħa tal-benefiċjarji, ta’ ċerti kundizzjonijiet (inqas kumplessi): dawn jinkludu fellowships għall-istudenti u għar-riċerka (taħt “Kompetittività”), għajnuna diretta għall-bdiewa (“Riżorsi naturali”), kif ukoll salarji u pensjonijiet għall-persunal tal-UE (“Amministrazzjoni”).
- Rimborżi tal-ispejjeż, b’riskju għoli: L-UE tirrimborża l-ispejjeż eliġibbli għal attivitajiet eliġibbli (li jinvolvu regoli aktar kumplessi). Dawn jinkludu proġetti ta’ riċerka (taħt “Kompetittività”), investiment fi żvilupp reġjonali u rurali (“Koeżjoni” u “Riżorsi naturali”) u proġetti ta’ għajnuna għall-iżvilupp (“Ewropa Globali”).
Għas-sena finanzjarja 2020, “Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi” kienet is-subintestatura tal-QFP li kienet l-aktar suxxettibbli għal żball, segwita minn “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali”.
Nota: Il-livell ta’ żball stmat huwa bbażat fuq żbalji kwantifikabbli li identifikajna permezz tax-xogħol tagħna, notevolment bl-ittestjar ta’ kampjun ta’ tranżazzjonijiet. Aħna nużaw tekniki standard tal-istatistika biex nagħżlu dan il-kampjun u nistmaw il-livell ta’ żball (ara l-Kapitolu 1, l-Anness 1.1 tar-Rapport Annwali 2020).
Bħala l-awditur estern tal-UE, aħna ma għandniex mandat biex ninvestigaw każijiet ta’ frodi suspettata. Għalhekk, l-awditi li nwettqu mhumiex maħsuba speċifikament biex jaqbdu l-frodi. Madankollu, l-awdituri tagħna jidentifikaw regolarment każijiet fejn aħna jkollna suspett li setgħet tkun saret attività frodulenti.
Aħna rrappurtajna 15-il każ ta’ frodi suspettata lill-OLAF wara li ġew identifikati matul ix-xogħol tal-awditjar li wettaqna fl-2021. Irrappurtajna sitt każijiet bħal dawn fl-2020. Ir-rapport annwali tagħna dwar il-baġit tal-UE jipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar in-natura ta’ dawn il-każijiet ta’ frodi suspettata u dwar l-irkupri finanzjarji sussegwenti rakkomandati mill-OLAF.
F’Ġunju 2021, bdejna wkoll nikkollaboraw mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) f’konformità mal-arranġament amministrattiv iffirmat fit-3 ta’ Settembru 2021. Lill-UPPE rrappurtajnielu żewġ każijiet li konna identifikajna matul ix-xogħol tal-awditjar li wettaqna fl-2021.
Rapport annwali dwar il-prestazzjoni
Aħna qsamna r-rapport annwali tagħna f’żewġ partijiet separati bħala proġett pilota ta’ sentejn, li beda bir-rapport annwali għas-sena finanzjarja 2019. It-tieni parti tar-rapport annwali tkopri l-prestazzjoni tal-programmi ta’ nfiq taħt il-baġit tal-UE.
Eżaminajna jekk u kif il-Kummissjoni u l-koleġiżlaturi użaw it-tagħlimiet meħuda minn perjodi preċedenti tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għal titjib fit-tfassil u l-prestazzjoni tal-programmi ta’ nfiq għall-perjodu 2021-2027.
Eżaminajna wkoll ir-riżultati miksuba mill-programmi tal-UE taħt il-QFP 2014-2020. L-iskop tagħna kien li nistabbilixxu kemm kien hemm informazzjoni rilevanti u disponibbli dwar il-prestazzjoni u, fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, li nivvalutaw kemm il-prestazzjoni tal-programmi ta’ nfiq tal-UE kienet fil-fatt tajba.
F’dan il-kuntest, irrieżaminajna r-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni (AMPR), li huwa r-rapport prinċipali ta’ livell għoli dwar il-prestazzjoni maħruġ mill-Kummissjoni rigward il-baġit tal-UE.
Barra minn hekk, aħna wettaqna segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar li konna għamilna f’rapporti speċjali li ġew ippubblikati fl-2017.
Rapport Annwali dwar il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp għas-sena finanzjarja 2020

Il-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp (FEŻ), li tnedew fl-1959, kienu l-istrumenti prinċipali tal-UE biex din tipprovdi għajnuna għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Huma għandhom l-għan li jegħlbu l-faqar, u li jippromwovu żvilupp sostenibbli u l-integrazzjoni ta’ pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) kif ukoll tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej (PTEE) fl-ekonomija dinjija. Huma jiġu ffinanzjati mill-Istati Membri tal-UE u mmaniġġjati barra mill-baġit tal-UE mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI). Dawn se jkomplu jiġu implimentati u rrappurtati separatament sakemm jingħalqu.
Għall-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, l-għajnuna għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp lill-pajjiżi AKP u l-PTEE hija ffinanzjata mill-baġit tal-UE.
Bħal fi snin preċedenti, għas-sena finanzjarja 2020 aħna ħriġna “opinjoni favorevoli” kemm dwar il-kontijiet tal-FEŻ kif ukoll dwar id-dħul, iżda “opinjoni avversa” dwar l-infiq taħt il-FEŻ. Il-livell ta’ żball stmat minna għall-infiq huwa ta’ 3.8 % (3.5 % għas-sena finanzjarja 2019).
Rapporti Annwali Speċifiċi dwar l-aġenziji tal-UE
L-aġenziji tal-UE huma entitajiet ġuridiċi distinti li ġew stabbiliti biex iwettqu kompiti speċifiċi fil-qasam tekniku, xjentifiku jew maniġerjali li jgħinu lill-istituzzjonijiet tal-UE biex ifasslu u jimplimentaw il-politiki. B’kollox, hemm 43 aġenzija.
Nota: L-ELA u l-UPPE ma ġewx awditjati fl-2020, billi kienu għadhom ma kinux finanzjarjament awtonomi. Il-mappa tinkludi wkoll l-aġenzija l-aktar reċenti, jiġifieri l-HaDEA (l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għas-Saħħa u għall-Qasam Diġitali), li ġiet stabbilita fl-1 ta’ April 2021. Fl-istess ħin, iċ-Chafea ma baqgħetx teżisti, u l-INEA u l-EASME ngħataw l-isem ġdid ta’ CINEA (l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Klima, għall-Infrastruttura u għall-Ambjent) u EISME (l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u għall-SMEs), rispettivament. Barra minn hekk, il-GSA ngħatat l-isem ġdid EUSPA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali) fit-12 ta’ Mejju 2021.
Fis-sena finanzjarja 2020, il-baġit totali tal-aġenziji kollha taħt il-mandat tagħna (bl-esklużjoni tal-SRB) kien ta’ EUR 3.7 biljun, ekwivalenti għal 2.2 % tal-baġit ġenerali tal-UE għall-2020. Iċ-ċifri korrispondenti għas-sena finanzjarja 2019 kienu EUR 3.3 biljun u 2.2 %.
B’mod ġenerali, l-awditu li wettaqna fir-rigward tal-aġenziji kkonferma r-riżultati pożittivi li kienu ġew irrappurtati fi snin preċedenti. Aħna ħriġna “opinjonijiet favorevoli” dwar il-kontijiet tal-41 aġenzija u dwar id-dħul. Iċċertifikajna l-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet kollha tal-aġenziji, ħlief għall-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), l-Aġenzija għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u l-Aġenzija għaċ-Ċibersigurtà (ENISA). Għal dawn it-tliet aġenziji, ħriġna opinjonijiet kwalifikati, prinċipalment minħabba irregolaritajiet fil-proċeduri ta’ akkwist u minħabba lakuni fil-proċedura ta’ delega għall-awtorizzazzjoni ta’ operazzjonijiet baġitarji.
Rapport Annwali Speċifiku dwar l-Impriżi Konġunti għas-sena finanzjarja 2020
L-Impriżi Konġunti (JUs) huma s-sħubiji pubbliċi-privati tal-UE mal-industrija, il-gruppi ta’ riċerka u l-Istati Membri, u għandhom rwol importanti biex jagħtu appoġġ għal proġetti mmotivati mis-suq fl-oqsma strateġiċi tar-riċerka u l-innovazzjoni, u għaldaqstant fl-implimentazzjoni tal-politika tar-riċerka tal-UE.
Tmienja mid-disa’ JUs jimplimentaw azzjonijiet speċifiċi ta’ riċerka u innovazzjoni taħt il-programm Orizzont 2020 fl-oqsma tat-trasport, l-enerġija, is-saħħa, l-industriji b’bażi bijoloġika, il-komponenti u s-sistemi elettroniċi, u r-riċerka diġitali. Id-disa’ JU, Fużjoni għall-Enerġija, hija ffinanzjata mill-Euratom u hija responsabbli biex tipprovdi l-kontribuzzjoni tal-Ewropa għar-Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali (ITER).
Fis-sena finanzjarja 2020, aħna ħriġna “opinjonijiet favorevoli” dwar il-kontijiet, id-dħul u l-pagamenti għall-JUs kollha.
Madankollu, bħal fi snin preċedenti, l-opinjoni tal-awditjar tagħna dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta “Fużjoni għall-Enerġija” (F4E) għall-2020 kienet akkumpanjata minn osservazzjoni, prinċipalment biex niġbdu l-attenzjoni għar-riskju ta’ aktar żidiet fl-ispejjeż u aktar dewmien fl-implimentazzjoni tal-proġett ITER.
Rapporti Annwali Speċifiċi dwar l-iskejjel Ewropej u dwar l-obbligazzjonijiet kontinġenti tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni
Ħriġna r-rapport annwali tagħna dwar ir-rieżaminar tal-kontijiet annwali konsolidati tat-13-il skola Ewropea għas-sena finanzjarja 2020. Filwaqt li r-rieżaminar li wettaqna ma żvelax żbalji materjali fil-kontijiet, għadna ma konniex kapaċi nikkonfermaw li l-ġestjoni finanzjarja tal-Iskejjel kienet konformi bis-sħiħ mar-Regolament Finanzjarju u mar-Regolamenti tal-Persunal.
Aħna nirrappurtaw kull sena wkoll dwar l-obbligazzjonijiet kontinġenti li jinħolqu b’riżultat tat-twettiq mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), il-Kunsill u l-Kummissjoni tal-kompiti tagħhom skont ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Fir-rapport tagħna dwar is-sena finanzjarja 2020, aħna nikkonkludu li l-SRB u l-Kummissjoni għamlu sforz ġust biex jiddivulgaw l-obbligazzjonijiet kontinġenti meta kellhom għalfejn jagħmlu dan.
Il-pubblikazzjoni tar-rapporti annwali tagħna timmarka wkoll il-bidu tal-proċedura ta’ kwittanza, li matulha l-Parlament Ewropew jiddeċiedi – fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill – jekk il-Kummissjoni u korpi oħra jkunux immaniġġjaw il-baġit tal-UE b’mod sodisfaċenti. Jekk dan ikun il-każ, huwa jagħtihom kwittanza.

F’Ottubru 2021, bdejna nippreżentaw ir-Rapporti Annwali 2020 tagħna lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew u lill-Kumitat tal-Baġit tal-Kunsill. Sussegwentement, ippreżentajniehom ukoll lill-Parlament Ewropew fis-sessjoni plenarja tiegħu u lill-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji.
Barra minn hekk, matul l-2021, ippreżentajna r-rapporti annwali tagħna lill-parlamenti nazzjonali u lill-gvernijiet ta’ 20 Stat Membru.
Opinjonijiet
Bħala l-awditur indipendenti estern tal-UE, nikkontribwixxu għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja billi noħorġu opinjonijiet dwar il-proposti tal-Kummissjoni għal leġiżlazzjoni ġdida jew riveduta. Meta dawn il-proposti leġiżlattivi jinvolvu impatt finanzjarju sinifikanti, id-dritt tal-UE jirrikjedi li niġu kkonsultati. Istituzzjonijiet oħra jistgħu wkoll jitolbuna noħorġu opinjonijiet dwar kwistjonijiet speċifiċi oħra. L-opinjonijiet kollha tagħna jiġu ppreżentati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Fl-2021, aħna ppubblikajna żewġ opinjonijiet ta’ dan it-tip. L-ewwel waħda tikkonċerna proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi r-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit. It-tieni waħda tirrigwarda emendi ta’ regoli eżistenti li għandhom l-għan li kemm isaħħu l-prevedibbiltà għall-Istati Membri kif ukoll jiċċaraw il-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim meta jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji.
Prodotti oħra ta’ komunikazzjoni
Previżjonijiet ta’ awditi
Il-previżjonijiet ta’ awditi li nkunu se nwettqu jipprovdu informazzjoni dwar kompiti tal-awditjar (tal-prestazzjoni) li jkunu għaddejjin. Huma bbażati fuq ix-xogħol ta’ tħejjija li jsir u huma intenzjonati biex ikunu sors ta’ informazzjoni għal dawk interessati fil-politika u/jew fil-programm li jkunu qed jiġu awditjati.
Fl-2021, aħna ħriġna 6 previżjonijiet ta’ awditi (14 fl-2020).
Ġurnal
Kull edizzjoni tal-Ġurnal tal-QEA jkun fiha artikli dwar tema speċifika, l-aktar minn perspettiva tal-awditjar, mingħand kontributuri li jaħdmu kemm fi ħdan, kif ukoll barra mill-istituzzjonijiet tal-UE.
Fl-2021, ħriġna tliet edizzjonijiet, li indirizzaw “Strategy development in a rapidly changing world”, “The new CAP creating new horizons” u “Disasters and crisis management”.

Konferenzi u webinars
Fl-2021, (ikko)organizzajna wkoll għadd ta’ konferenzi u webinars. Il-biċċa l-kbira minn dawn l-avvenimenti kienu għadhom organizzati mill-bogħod u kienu miftuħa għall-partijiet interessati.
Hawn taħt huma ħames eżempji.

Matul il-Presidenza Portugiża tal-UE, it-Tribunal de Contas Portugiż u l-QEA organizzaw konferenza dwar “European funds – management control and accountability”, f’Lisbona fil-21 u t-22 ta’ Ġunju 2021. Din kienet l-ewwel laqgħa fiżika ta’ dan it-tip mill-bidu tal-pandemija tal-COVID-19 fil-bidu tal-2020. Delegazzjonijiet taż-żewġ istituzzjonijiet supremi tal-awditjar iltaqgħu ma’ rappreżentanti ta’ livell għoli tal-Portugall u ddiskutew is-suġġetti li ġejjin: il-prijoritajiet u l-isfidi ta’ bażi għall-qafas finanzjarju pluriennali u l-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza; il-finanzjament Ewropew u t-tranżizzjoni klimatika; il-ġejjieni diġitali; is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi; u l-ġestjoni u l-kontroll tal-Fondi Ewropej.

Fid-9 ta’ Lulju 2021, il-QEA ospitat konferenza virtwali ta’ livell għoli dwar il-governanza finanzjarja fl-UE. L-għan tagħha kien li trawwem diskussjoni dwar ir-reżiljenza tas-settur finanzjarju tal-UE, u dwar il-livell ta’ tħejjija tiegħu li jiffaċċja l-kriżi li jmiss u jagħti appoġġ għall-irkupru ekonomiku. Is-Sur Valdis Dombrovskis, il-Viċi Presidenti Eżekuttiv tal-Kummissjoni, fetaħ il-konferenza, li għaliha attendew kelliema distinti u membri ta’ bordijiet mill-UE u mill-istituzzjonijiet internazzjonali, l-Istati Membri, is-settur finanzjarju u l-akkademja.

Fis-6 ta’ Ottubru 2021, il-QEA organizzat sessjoni ta’ ħidma ibrida biex tirrifletti fuq il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa ma’ Federica Mogherini, li hija r-Rettur tal-Kulleġġ tal-Ewropa u eks Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin kif ukoll il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea. Hija enfasizzat diversi aspetti tal-pandemija, li hija ħasset li kienu se jsawru d-diskussjonijiet dwar il-ġejjieni tal-Ewropa. Il-membri tal-persunal tal-QEA ġew mistiedna jesprimu l-ideat tagħhom dwar il-ġejjieni tal-Ewropa mill-perspettiva tagħhom mhux biss bħala awdituri, iżda wkoll bħala ċittadini tal-UE.

Fl-1 ta’ Ottubru 2021, it-8 Konferenza dwar is-Swieq Finanzjarji Internazzjonali li ġġib l-isem “Developing Capital Markets in the Baltics” seħħet f’Vilnius. Il-konferenza bniet fuq ir-rakkomandazzjonijiet u l-konklużjonijiet stabbiliti fir-Rapport Speċjali 25/2020: L-Unjoni tas-Swieq Kapitali – Bidu bil-mod lejn għan ambizzjuż. Ħafna kelliema ta’ livell għoli, li jinkludu s-Sa Ingrida Šimonytė, Prim Ministru tar-Repubblika tal-Litwanja u Werner Hoyer, President tal-Bank Ewropew tal-Investiment, inġabru flimkien biex jiddibattu dwar kif suq uniku għall-kapital jista’ jiġi żviluppat bl-aħjar mod – filwaqt li ċ-ċittadini, in-negozji u l-gvernijiet jiġu pprovduti opportunitajiet effettivi ta’ investiment u finanzjament.

Fil-Konferenza 2021 tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima fi Glasgow – is-summit tal-COP26 – il-QEA kkoospitat żewġ avvenimenti paralleli: il-QEA kkontribwiet permezz ta’ diskussjoni organizzata mal-EUROSAI dwar il-kontributi tal-awdituri esterni biex l-ambizzjoni klimatika tiġi kkonkretizzata fi twettiq, u ospitat b’mod konġunt, flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), avveniment dwar it-tmexxija tal-finanzi lejn adattament għat-tibdil fil-klima. Eva Lindström, Membru tal-QEA, ippreżentat ir-riżultati tal-awditu mwettaq mill-QEA dwar il-finanzi sostenibbli, u Ambroise Fayolle, il-Viċi President tal-BEI, ippreżentat il-Pjan ta’ Adattament il-ġdid tal-BEI.
Innovazzjoni u awditjar diġitali
Il-QEA żiedet l-isforzi tagħha li tagħmel l-aħjar użu mit-teknoloġija moderna u tekniki ġodda fl-awditjar biex twassal aktar informazzjoni li tkun ta’ kwalità aħjar għall-proċess tal-għoti ta’ rendikont. Il-Qorti nqdiet aktar ukoll bit-teknoloġija u d-data fl-awditjar bħala prijorità ewlenija fl-istrateġija tagħha għall-perjodu 2021-2025.
F’Lulju 2021, il-Qorti adottat il-pjan ta’ żvilupp tagħha għall-użu akbar mid-data u t-teknoloġija fl-awditjar. Il-pjan jistabbilixxi għanijiet u objettivi għall-ħames snin li ġejjin biex isir użu aħjar mit-teknoloġija b’appoġġ għall-objettivi tal-awditjar tal-QEA.
Wara l-adozzjoni ta’ dan il-pjan, il-QEA ħolqot tim ġid, D.A.T.A. (Data u Teknoloġija għall-Awditjar). DATA huwa tim ċentralizzat ta’ esperti – prinċipalment xjentisti tad-data u awdituri tal-IT – li jagħti appoġġ lit-timijiet tal-awditjar u huwa responsabbli mill-implimentazzjoni tal-pjan ta’ żvilupp fil-Qorti kollha.
Matul l-2021, bnejna t-tim permezz ta’ reklutaġġ kemm estern kif ukoll intern, notevolment billi inkludejna xjentisti tad-data mill-ECAlab, il-laboratorju għall-innovazzjoni tal-QEA. Dan huwa l-pass li jmiss fl-espansjoni fuq proġetti pilota u servizzi preċedenti tal-ECAlab.
Filwaqt li l-fokus tagħna mexa lejn it-twassil ta’ soluzzjonijiet tanġibbli lill-awdituri tagħna fuq skala akbar, il-ħtieġa għar-riċerka u l-innovazzjoni għadha sinifikanti. Permezz tal-ECALab u t-tim DATA, komplejna nesploraw teknoloġiji bħalma huma l-estrazzjoni ta’ data, l-estrazzjoni ta’ proċessi u l-intelliġenza artifiċjali. Pereżempju, stabbilejna servizz ta’ Awtomatizzazzjoni tal-Proċess Robotiku (APR) biex jipprovdi ġbir ta’ evidenza għall-awditjar li jkun ċentralizzat u awtomatizzat, u b’hekk ittejbu l-veloċità u l-affidabbiltà tat-tniżżil ta’ dokumenti ta’ sostenn. L-APR intużat fi 17-il kompitu tal-awditjar.
Konna involuti b’mod attiv fil-grupp tat-Teknoloġija emerġenti tal-Kumitat Interistituzzjonali għat-Trasformazzjoni Diġitali, fejn ħdima biex nintroduċu teknoloġiji bħall-intelliġenza artifiċjali, ir-realtà awmentata jew il-blockchain fl-istituzzjonijiet tal-UE. F’Settembru 2021, iddeċidejna li niffukaw fuq ħidma mal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE biex niżviluppaw approċċ għall-ingranaġġ ta’ teknoloġiji ta’ reġistru distribwit biex jaqdu l-ħtiġijiet speċifiċi tagħna.
L-ECAlab kompla wkoll irawwem il-kondiviżjoni tal-għarfien internazzjonali permezz ta’ TiNA, li huwa network imniedi mill-QEA li jlaqqa’ flimkien professjonisti mis-SAIs tal-Istati Membri biex jikkondividu u jikkollaboraw dwar “Teknoloġija u innovazzjoni għall-awditjar”.
Relazzjonijiet istituzzjonali
Aħna naħdmu mill-qrib mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill, mal-parlamenti nazzjonali u mal-gvernijiet tal-Istati Membri, billi l-impatt ta’ xogħolna jiddependi fil-biċċa l-kbira mill-użu li huma jagħmlu mis-sejbiet tal-awditjar u mir-rakkomandazzjonijiet tagħna.
Il-Parlament Ewropew
F’Marzu 2021, il-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati (CCC) stiednet lill-President tal-QEA għal skambju ta’ fehmiet dwar l-istrateġija tagħna għall-perjodu 2021-2025 kif ukoll dwar il-Programm ta’ Ħidma tagħna għall-2021 u lil hinn u l-Programm ta’ Ħidma 2022+ tagħna.
Il-Membri u t-timijiet tal-awditjar tal-QEA jiġu mistiedna regolarment għal-laqgħat tal-kumitati u l-korpi tal-PE, b’mod partikolari il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (CONT), biex jippreżentaw ir-riżultati ta’ xogħolna.
Għall-biċċa l-kbira mill-2021, il-PE kompla jorganizza l-laqgħat plenarji u tal-kumitati tiegħu f’forma ibrida. Minkejja r-restrizzjonijiet relatati mal-pandemija, il-QEA dehret 147 darba quddiem il-PE, l-ogħla għadd annwali li qatt kien hemm.
B’mod ġenerali, fl-2021, il-Membri tagħna ppreżentaw 19-il rapport speċjali u 4 rapporti analitiċi lill-CONT. Il-Membri relaturi tal-QEA pparteċipaw ukoll fi 13-il seduta ta’ smigħ tal-Kumitat CONT dwar il-kwittanza għall-2020 u 5 seduti ta’ smigħ dwar il-kwittanza għall-2019.
Barra minn hekk, il-Membri tagħna għamlu 46 preżentazzjoni dwar ir-rapporti speċjali, ir-rapporti analitiċi, u l-opinjonijiet lil 17-il kumitat ieħor tal-PE. Xi wħud minn dawn il-laqgħat saru b’mod konġunt meta diversi kumitati kienu interessati fl-istess rapport.
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Bħala regola, il-korpi preparatorji tal-Kunsill jittrattaw ir-rapporti speċjali kollha tagħna f’qasir żmien wara l-pubblikazzjoni, iżda mhux neċessarjament ir-rapporti analitiċi u l-opinjonijiet kollha. Fl-2021, aħna ppreżentajna 28 rapport speċjali u opinjoni waħda lil 2 kumitati tal-Kunsill (il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju u l-Kumitat tas-Servizzi Finanzjarji) u 18-il grupp ta’ ħidma tal-Kunsill.
Fl-2021, il-President tal-QEA Klaus-Heiner Lehne u Membri oħra tal-QEA pparteċipaw ukoll f’sitt laqgħat mar-Rappreżentanti Permanenti għall-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, il-Kumitat tal-Baġit tal-Kunsill stieden lill-maniġment rilevanti tal-QEA biex jippreżenta l-istrateġija tagħna għall-perjodu 2021-2025, il-Programm ta’ Ħidma għall-2021 u lil hinn u l-Programm ta’ Ħidma 2022+, l-istrateġija diġitali għall-awditjar tal-aġenziji, u l-abbozz tal-baġit għall-2022.
Il-Portugall: Jannar – Ġunju 2021
Is-Slovenja: Lulju – Diċembru 2021
Il-biċċa l-kbira mil-laqgħat tal-Kunsill tal-UE saru mill-bogħod. Minkejja dan, il-Membri tal-QEA pparteċipaw f’xi laqgħat fiżiċi, pereżempju:
- F’April 2021, il-Membru tal-QEA João Figueiredo ppreżenta l-messaġġi ewlenin tal-QEA relatati ma’ xogħolna rigward l-ambjent f’laqgħa informali tal-Kunsill tal-ministri tal-ambjent tal-UE f’Lisbona.
- F’Novembru 2021, il-President tal-QEA Klaus-Heiner Lehne u l-Membru tal-QEA Tony Murphy iltaqgħu mal-Ministru tal-Finanzi Sloven fil-kapaċità tiegħu bħala President tal-ECOFIN, qabel il-preżentazzjoni tar-Rapport Annwali 2020 lill-ministri tal-finanzi tal-UE.

Parlamenti nazzjonali u gvernijiet tal-Istati Membri
Fl-2021, minkejja r-restrizzjonijiet imposti mill-pandemija li għaddejja, aħna ppreżentajna l-ħidma tagħna f’97 laqgħa mal-parlamenti nazzjonali f’21 Stat Membru. Dawn il-laqgħat kienu prinċipalment fiżiċi (80 laqgħa fiżika u 17-il laqgħa virtwali).
Il-Membri u l-maniġment tagħna ppreżentaw il-ħidma tagħna f’107 laqgħat mal-gvernijiet u l-korpi governattivi tal-Istati Membri f’20 Stat Membru fl-2021. Dawn il-laqgħat kienu prinċipalment fiżiċi (81 laqgħa fiżika u 26 laqgħa virtwali).
Il-Kummissjoni Ewropea
Il-Membri tal-QEA u l-Kummissarji għandhom kuntatt bilaterali regolari dwar kompiti tal-awditjar ippjanati u li għadhom għaddejjin.
Għal bosta snin, kienet ukoll prattika stabbilita sew li l-Membri tagħna jkollhom laqgħa annwali mal-kontropartijiet tagħhom fil-Kummissjoni Ewropea.
Madankollu, fl-2021, minħabba l-pandemija tal-COVID-19 li għadha għaddejja, huma qablu li jipposponu din il-laqgħa annwali.
Kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet supremi tal-awditjar oħra
Kumitat ta’ Kuntatt tal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar tal-UE
Il-kooperazzjoni tagħna mal-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar (SAIs) tas-27 Stat Membru sseħħ prinċipalment fi ħdan il-qafas tal-Kumitat ta’ Kuntatt tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-UE. Dan il-forum jiffaċilita d-djalogu u l-iskambju bejn is-SAIs tal-Istati Membri tal-UE u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
Fl-2021, tajna bidu – flimkien mas-SAIs tal-Belġju u l-Ġermanja – għal attività ta’ kooperazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ Next Generation EU, notevolment dwar l-awditjar tal-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-pjanijiet Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali. L-inizjattiva tagħna ntlaqgħet tajjeb ħafna, billi l-awdituri u l-maniġers tal-awditjar ta’ 18-il SAI tal-UE għamlu użu mill-possibbiltà li jiltaqgħu u jiddiskutu regolarment kwistjonijiet pertinenti u approċċi tal-awditjar.
Taħt ċirkustanzi normali, il-Kumitat ta’ Kuntatt jiltaqa’ kull sena. Madankollu, minħabba l-COVID-19, il-laqgħa annwali, li kienet skedata biex issir f’Ottubru 2020 ġiet posposta għall-2022. Il-QEA organizzat laqgħa interim online, li saret f’Novembru 2021.
F’Lulju 2021, f’isem il-Kumitat ta’ Kuntatt, aħna ppubblikajna Kompendju tal-Awditjar dwar l-isfidi relatati mal-pandemija tal-COVID-19. Ir-rapport jipprovdi informazzjoni dwar l-impatt tal-pandemija u r-rispons għaliha fuq livell nazzjonali u dak supranazzjonali, u jagħti ħarsa ġenerali lejn ix-xogħol tal-awditjar pertinenti mwettaq u li ġie ppubblikat fl-2020 mis-SAIs tal-UE.

Din kienet ir-raba’ edizzjoni tal-Kompendju tal-Awditjar, li sar pubblikazzjoni annwali tal-Kumitat ta’ Kuntatt.

Il-pjattaforma ta’ kondiviżjoni tal-għarfien u kollaborazzjoni ma’ SAIs oħra tal-UE dwar Teknoloġija u Innovazzjoni għall-Awditjar (TINA), li nedejna f’Novembru 2020, issa għandha 498 utent irreġistrat minn 26 SAI tal-UE, mill-Kummissjoni u mill-QEA.
In-network organizza 12-il avveniment online dirett dwar suġġetti bħalma huma l-awtomatizzazzjoni tal-proċess robotiku, l-estrazzjoni ta’ proċessi, il-blockchain u ċ-ċibersigurtà, b’medja ta’ 60 parteċipant għal kull sessjoni.
SAIs tal-pajjiżi kandidati u tal-pajjiżi kandidati potenzjali tal-UE
Aħna nappoġġaw ukoll is-SAIs tal-pajjiżi kandidati u tal-pajjiżi kandidati potenzjali tal-UE (l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo[*], il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja u t-Turkija).
Fl-2021, tajna appoġġ lis-SIGMA (Appoġġ għal Titjib fil-Governanza u l-Ġestjoni), li hija inizjattiva konġunta tal-OECD u tal-Unjoni Ewropea, fl-organizzazzjoni ta’ sessjonijiet ta’ ħidma dwar l-awditjar tan-nefqa pubblika relatata mal-COVID-19.
[*] Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244 (1999) u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-Dikjarazzjoni tal-Indipendenza tal-Kosovo.
INTOSAI
Fl-2021, komplejna bl-involviment attiv tagħna fl-attivitajiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (INTOSAI). Bħala Viċi President tal-Kumitat tal-Istandards Professjonali (PSC), ipprovdejna input lit-Task Force tal-INTOSAI dwar l-Ippjanar Strateġiku u kkollaborajna b’mod attiv mal-Presidenti l-oħra tal-Għan. F’Novembru 2021, attendejna għal-laqgħa virtwali tal-Bord ta’ Tmexxija tal-INTOSAI.
Aħna pparteċipajna wkoll fis-sottokumitati tal-PSC kif ukoll fl-attivitajiet u l-proġetti ta’ korpi ta’ ħidma oħra tal-INTOSAI, notevolment dwar l-awditjar ambjentali, il-Big Data, il-modernizzazzjoni finanzjarja u r-riforma regolatorja, kif ukoll l-evalwazzjoni tal-politiki u l-programmi pubbliċi. Ipparteċipajna wkoll fit-task force inkarigata mill-Professjonalizzazzjoni tal-Awdituri tal-INTOSAI u fl-Inizjattiva ta’ Żvilupp tal-INTOSAI.
EUROSAI
Aħna konna wkoll involuti b’mod attiv fl-attivitajiet tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (EUROSAI), il-grupp reġjonali Ewropew tal-INTOSAI, b’mod partikolari l-gruppi ta’ ħidma tagħha dwar l-awditjar ambjentali, dwar it-teknoloġiji tal-informazzjoni, u dwar l-awditjar ta’ fondi allokati għal diżastri u katastrofijiet, u t-task force inkarigata mill-awditjar u l-etika.
Fl-2021, tajna segwitu għax-xogħol tal-grupp tal-proġett dwar “Preparing for future risks and climate crisis: Time for audit to take a long-term view?’ (immexxi b’mod konġunt mal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar tar-Renju Unit) fil-kuntest tal-portafoll “Forward thinking and emerging issues”. Ikkontribwejna b’mod attiv ukoll għall-grupp tal-proġett dwar l-awditjar tar-rispons għall-COVID-19.
Flimkien mal-EUROSAI, organizzajna avveniment parallel fil-COP26 dwar “Translating climate action into delivery”.
Il-maniġment tagħna
Membri
Il-QEA topera bħala korp kolleġġjali ta’ Membri, wieħed minn kull Stat Membru. Wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill jaħtar kull Membru ladarba l-gvernijiet nazzjonali rispettivi tagħhom ikunu nnominawhom. Aħna ma għandniex rwol fil-proċess tan-nomina jew tal-ħatra tal-Membri tagħna.
Il-Membri tagħna jinħatru għal mandat ta’ sitt snin li jista’ jiġġedded. Huma jwettqu l-funzjonijiet tagħhom f’indipendenza sħiħa u fl-interess ġenerali tal-UE. Hekk kif jieħdu l-kariga, huma jintrabtu solennement f’dan ir-rigward quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Fl-2021, il-Kunsill ħatar Membru Pollakk ġdid, Marek Opioła, biex jikkompleta l-mandat tal-eks Membru Janusz Wojciechowski mill-1 ta’ Frar 2021. Is-Sur Wojciechowski nħatar Kummissarju tal-UE għall-Agrikoltura fl-2019.
Il-Membru Portugiż tagħna, João Figueiredo, sfortunatament miet fid-29 ta’ Ġunju 2021. Il-proċedura ta’ nomina biex il-mandat tiegħu jiġi kkompletat kienet għadha għaddejja fi tmiem l-2021.
Il-Kulleġġ iltaqa’ f’20 okkażjoni fl-2021. Minħabba l-pandemija, il-biċċa l-kbira minn dawn il-laqgħat saru b’mod ibridu, u xi Membri pparteċipaw mill-Qorti filwaqt li oħrajn attendew mill-bogħod. Ir-rata ta’ attendenza f’dawn il-laqgħat kienet ta’ 97 %. Il-Membri pparteċipaw ukoll fil-laqgħat tal-awli u tal-kumitati (ara wkoll Awli u kumitati tal-awditjar).
Darba fis-sena, il-Membri tagħna, is-Segretarju Ġenerali u d-diretturi jmorru seminar ta’ jumejn biex jiddiskutu kwistjonijiet importanti relatati mal-istrateġija, il-ħidma u l-organizzazzjoni fit-tul tal-QEA.
Matul is-Seminar tal-QEA ta’ din is-sena, il-Membri ddiskutew is-suġġetti ewlenin li ġejjin:
- il-ġejjieni tad-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni;
- l-istrument Next Generation EU;
- il-ġejjieni tar-rapport dwar il-prestazzjoni;
- it-tagħlimiet meħuda mill-kriżi tal-coronavirus;
- l-involviment tal-QEA fil-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa;
- l-istrateġija ta’ komunikazzjoni tal-QEA; u
- il-Programm ta’ Ħidma 2022+.
Il-President
Il-President huwa inkarigat mill-istrateġija tal-istituzzjoni, l-ippjanar u l-ġestjoni tal-prestazzjoni, il-komunikazzjoni u r-relazzjonijiet mal-media, ir-relazzjonijiet istituzzjonali, il-kwistjonijiet legali u l-awditjar intern. Il-President jirrappreżenta wkoll il-QEA fir-relazzjonijiet esterni tagħha.
Il-Membri tagħna jeleġġu wieħed minn fosthom bħala President għal perjodu ta’ tliet snin li jista’ jiġġedded. Il-persuna eletta mbagħad tassumi r-rwol tal-ewwel fost il-pari (primus inter pares), tippresiedi l-laqgħat tal-Qorti u tiżgura li d-deċiżjonijiet tal-Qorti jiġu implimentati.
Klaus-Heiner Lehne ġie elett President f’Settembru 2016, u reġa’ ġie elett f’Settembru 2019.
Nota: Fi Frar 2022.
Awli tal-awditjar u kumitati
Il-Membri jiġu assenjati f’waħda mill-ħames awli tal-awditjar, fejn il-biċċa l-kbira mir-rapporti tal-awditjar, ir-rapporti analitiċi u l-opinjonijiet tagħna jiġu adottati. L-awli tal-awditjar jallokaw il-kompiti tagħhom fost il-Membri tagħhom. Kull Membru għandu obbligu ta’ rendikont lejn l-awla, u lejn il-Qorti, għall-kompiti tal-awditjar proprji tiegħu. L-awdituri professjonali li jaħdmu għad-direttorati tal-awli tal-awditjar iwettqu x-xogħol tal-awditjar.
Il-Membri għal kull awla tal-awditjar jagħżlu Dekan għal perjodu ta’ sentejn li jista’ jiġġedded. F’Diċembru 2021, id-Dekani tal-ħames awli tal-awditjar tal-Qorti kienu Samo Jereb, Iliana Ivanova, Bettina Jakobsen, Mihails Kozlovs u Tony Murphy.
Il-Kumitat għall-Kontroll tal-Kwalità tal-Awditjar (AQCC) jittratta kemm il-politiki, l-istandards u l-metodoloġija tal-awditjar tal-QEA, kif ukoll l-appoġġ u l-iżvilupp tal-awditjar u l-kontroll tal-kwalità tal-awditjar tagħha. Huwa magħmul minn Membru wieħed minn kull awla tal-awditjar u ppresedut minn Jan Gregor.
Il-Kumitat Amministrattiv (KA) u, fejn ikun xieraq, il-Kulleġġ tal-Membri, it-tnejn li huma ppreseduti mill-President, jieħdu deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet strateġiċi u amministrattivi usa’. Il-Kumitat Amministrattiv huwa magħmul mill-President, id-Dekani tal-awli, il-President tal-AQCC, u l-Membru għar-Relazzjonijiet Istituzzjonali (f’Diċembru 2021, Rimantas Šadžius).
Fl-2021, il-laqgħat tal-awli, tal-KA u tal-AQCC ammontaw, b’kollox, għal 95, 12 u 9, rispettivament. Minħabba l-pandemija, il-biċċa l-kbira minn dawn il-laqgħat saru b’mod ibridu. Ir-rata ta’ attendenza f’dawn il-laqgħat kienet ta’ 98 %, 96 % u 96 %, rispettivament.
Kumitati oħra jinkludu l-Kumitat tal-Etika (ippresedut minn Joëlle Elvinger), il-Kumitat tal-Awditjar Intern (ippresedut minn Ivana Maletić), u l-Bord Konsultattiv dwar il-Prospettiva (li f’Diċembru 2021 kien ippresedut minn Helga Berger).
Il-maniġment superjuri tagħna huwa magħmul mis-Segretarju Ġenerali u d-diretturi. B’kollox, hemm 10 direttorati, fejn 5 huma assenjati għall-awli tal-awditjar, 1 għall-AQCC, 1 għall-Presidenza u 3 għas-Segretarjat Ġenerali.
Fl-1 ta’ Jannar 2021, Zacharias Kolias assuma l-funzjonijiet tiegħu bħala s-Segretarju Ġenerali tal-QEA għal terminu ta’ sitt snin.
Nota: Fi Frar 2022.
Kejl tal-prestazzjoni
Aħna napplikaw sett ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) biex inżommu lill-maniġment tal-Qorti infurmat dwar il-progress li jkun sar lejn l-ilħuq tal-għanijiet strateġiċi tagħna, biex jiġi ffaċilitat it-teħid ta' deċiżjonijiet u biex tiġi pprovduta informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-Qorti lill-partijiet ikkonċernati istituzzjonali tagħha. Aġġornajna l-KPIs biex nappoġġaw l-istrateġija tagħna għall-perjodu 2021-2025. Is-sett ta’ ħames KPIs li ġej jipprovdi stampa ġenerali tal-prestazzjoni tagħna bħala organizzazzjoni f’dak li jirrigwarda d-disseminazzjoni, l-impatt u l-perċezzjoni tax-xogħol tagħna:
- għadd ta’ rapporti ppubblikati (meta mqabbel mal-pjan);
- preżenza fil-media;
- impatt u perċezzjoni tax-xogħol tagħna (feedback mill-partijiet ikkonċernati);
- drabi fejn nidhru quddiem istituzzjonijiet oħra, parlamenti nazzjonali u gvernijiet tal-Istati Membri, kif ukoll attivitajiet internazzjonali;
- implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-QEA.
Fl-2021, minkejja ċ-ċirkustanzi diffiċli minħabba l-COVID-19, aħna ppubblikajna 32 rapport, l-istess għadd daqs dak fl-2020. Dawn kienu jikkonsistu f’27 rapport speċjali u 5 rapporti analitiċi. Madankollu, dan huwa 8 rapporti inqas mill-40 rapport ippjanati fil-Programm ta’ Ħidma għall-2021 u lil hinn, billi xi wħud mill-awditi kienu ddewmu matul is-sena.
Għadd ta’ rapporti ppubblikati
B’mod ġenerali, fl-2021, aħna ħriġna 55 pubblikazzjoni.
Preżenza fil-media
Fl-2021, aħna rreġistrajna madwar 67 000 artiklu online u post fuq il-media soċjali relatati mar-rapporti tal-awditjar tagħna, ma’ pubblikazzjonijiet oħra jew mal-QEA inġenerali. Dan jirrappreżenta żieda sinifikanti fil-kopertura meta mqabbla ma’ snin preċedenti (2020: 32 000; 2019: 51 000).
Il-kopertura mill-media tista’ tvarja b’mod sostanzjali skont is-suġġett u l-kumplessità ta’ rapport. Fatturi esterni, bħal avveniment importanti jew żvilupp ta’ politika, jistgħu wkoll jinfluwenzaw l-interess mill-media fil-pubblikazzjonijiet tagħna. Barra minn hekk, waqt emerġenzi, bħall-pandemija tal-COVID-19, l-attenzjoni tal-media hija partikolarment iffukata fuq materjal rilevanti għall-kriżi.
Mil-lockdown tal-COVID-19 ’il hawn, ippromwovejna l-pubblikazzjonijiet tagħna virtwalment, li ppermettielna nżidu l-kuntatti mal-ġurnalisti. Dan kellu impatt pożittiv fuq il-kopertura tagħna mill-media.
Meta mqabbel mas-snin preċedenti, l-interess fir-rapporti tal-awditjar tagħna żdied sinifikattivament. Dan kien ukoll il-każ għal pubblikazzjonijiet oħra u għall-QEA inġenerali, u l-kopertura mill-media laħqet livell qrib dawk ta’ qabel il-COVID.
Fl-2021, ħriġna 49 stqarrija għall-istampa bi 23 lingwa tal-UE, kif ukoll noti ta’ informazzjoni, avviżi għall-media u dikjarazzjonijiet awdjo (lesti għall-użu) b’ċerti lingwi. Fassalna wkoll dokumenti ta’ pożizzjoni biex jiġu ppubblikati f’gazzetti influwenti u tajna għadd ta’ intervisti ma’ mezzi ewlenin tal-media fl-Ewropa kollha, li jkopru r-radju, it-TV u l-gazzetti stampati. Barra minn hekk, organizzajna 26 briefing online għall-istampa, inklużi briefings għall-istampa nazzjonali għar-rapport annwali. B’kollox, il-briefings tagħna attiraw 527 ġurnalist, li l-biċċa l-kbira minnhom jirrappreżentaw mezzi ewlenin tal-media nazzjonali fl-Istati Membri tal-UE.
Fl-2021, għal darba oħra lħqana ’l fuq minn 1 000 000 żjara fis-sit web tagħna, li kienu jinvolvu madwar 546 000 viżitatur uniku.
Il-kanali ta’ komunikazzjoni tal-media soċjali jippermettulna ninteraġixxu direttament maċ-ċittadini. Fl-2021, fl-isfond tal-kriżi tal-COVID-19, komplejna nnaqqsu l-attività tagħna fuq il-media soċjali; b’mod ġenerali, aħna tfajna 718-il post dwar il-QEA u l-ħidma tagħha fuq il-kanali tal-media soċjali tagħna (2020: 1 007 posts).
Fl-2021, aħna komplejna nirreferu għall-artikli tal-Ġurnal tal-QEA fil-posts tagħna fuq il-media soċjali. Għaldaqstant, 28 % tal-posts tagħna rriproduċew artikli li kienu ġew ippubblikati preċedentement f’Ġurnal tal-QEA (2020: 32 %).
Sa tmiem l-2021, it-tliet kontijiet tal-media soċjali tagħna (Twitter, LinkedIn, Facebook) kienu attiraw madwar 39 000 segwaċi, jiġifieri żieda minn 35 000 fl-2020.
Impatt u perċezzjoni tax-xogħol tagħna
Aħna nivvalutaw l-impatt u l-utilità probabbli ta’ xogħolna, skont il-perċezzjoni tal-qarrejja tar-rapporti tagħna fil-Parlament Ewropew, fil-Kunsill, fil-Kummissjoni, fl-aġenziji tal-UE, fir-rappreżentanzi permanenti tal-Istati Membri, fl-aġenziji tal-Istati Membri u s-SAIs, fl-NGOs, fl-istituzzjonijiet akkademiċi, fil-media u f’partijiet ikkonċernati oħra.
Mill-2018 ’il hawn, aħna wettaqna stħarriġiet elettroniċi anonimizzati biex nitolbu lill-qarrejja tagħna jipprovdu feedback kwalitattiv dwar rapporti magħżula u jagħmlu suġġerimenti ġenerali għall-ħidma tagħna.
Fl-2021, 83 % ta’ kważi 500 rispondent kienu jqisu li r-rapporti tagħna kienu utli għax-xogħol tagħhom u 79 % kienu jqisu li dawn kellhom impatt. Dan huwa simili għar-riżultat tas-sena li għaddiet (2020: 84 % u 75 %, rispettivament).
Drabi fejn nidhru quddiem istituzzjonijiet oħra, parlamenti nazzjonali u gvernijiet tal-Istati Membri, kif ukoll attivitajiet internazzjonali
B’mod ġenerali, fl-2021, aħna ppreżentajna r-riżultati ta’ xogħolna f’419-il okkażjoni quddiem il-kumitati tal-Parlament Ewropew, il-korpi preparatorji tal-Kunsill, il-parlamenti nazzjonali, u l-gvernijiet tal-Istati Membri.
Barra minn hekk, ipparteċipajna f’154 attività internazzjonali. Dawn kienu jinkludu l-attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali tal-awditjar pubbliku, b’mod partikolari l-INTOSAI u l-EUROSAI, kif ukoll avvenimenti bilaterali ma’ SAIs oħra, konferenzi, laqgħat, u attivitajiet mmirati lejn udjenza usa’.
Fl-2021, aġġornajna l-KPI tagħna rigward id-drabi li nidhru biex ninkludu l-gvernijiet tal-Istati Membri u l-attivitajiet internazzjonali.
B’mod ġenerali, żidna sinifikattivament l-interazzjoni tagħna mal-partijiet ikkonċernati Ewropej u internazzjonali tagħna, u lħaqna livelli li qabżu dawk ta’ qabel il-pandemija tal-COVID-19.
Implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-QEA
Aħna nkejlu l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tagħna fuq il-bażi tas-segwitu mwettaq mill-awdituri tagħna. Għall-2021, aħna analizzajna r-rakkomandazzjonijiet li kienu saru fir-rapporti tagħna tal-2017.
L-analiżi kienet turi li 94 % tal-35 rakkomandazzjoni li konna għamilna fir-Rapport Annwali 2017 tagħna u 89 % tal-161 rakkomandazzjoni li konna għamilna fir-rapporti speċjali tagħna tal-2017 kienu ġew implimentati jew bis-sħiħ, jew f’xi wħud mill-aspetti, jew inkella fil-biċċa l-kbira mill-aspetti.
Il-persunal tagħna
Allokazzjoni tal-persunal
Fi tmiem l-2021, bħal fi snin preċedenti, kien hemm 853 post permanenti u temporanju fil-QEA. Minn dawn il-postijiet 527 kienu f’awli tal-awditjar, inklużi 104 postijiet fil-kabinetti tal-Membri.
Barra minn hekk, kellna 92 membru tal-persunal bil-kuntratt u 25 espert nazzjonali sekondat jaħdmu magħna fi tmiem is-sena (2020: 83 u 15 rispettivament).
Reklutaġġ
Il-politika ta’ reklutaġġ tagħna ssegwi l-prinċipji ġenerali u l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-istituzzjonijiet tal-UE, u l-membri tal-persunal tagħna għandhom firxa wiesgħa ta’ kwalifiki akkademiċi u esperjenza professjonali.
Fl-2021, aħna rreklutajna 80 impjegat ġdid (2020: 62 impjegat), li jikkonsistu f’16-il uffiċjal, 21 membru tal-persunal temporanju, 30 membru tal-persunal bil-kuntratt, u 13-il espert nazzjonali sekondat.
Il-programm ASPIRE tagħna għall-awdituri huwa maħsub biex jiffaċilita l-integrazzjoni professjonali ta’ membri tal-persunal ġodda, u jippermettilhom jiksbu esperjenza fuq il-post tax-xogħol f’kompiti tal-awditjar differenti kif ukoll jieħdu sehem f’attivitajiet ta’ taħriġ immirati matul l-ewwel tliet snin tagħhom.
Aħna pprovdejna wkoll 56 internship (2020: 44) għal gradwati universitarji, li damu minn 3 sa 5 xhur. Fl-2021, it-trainees tagħna ħadmu mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom għas-sessjonijiet ta’ Marzu u Mejju, u b’mod ibridu simili għal persunal ieħor tal-QEA għas-sessjoni ta’ Ottubru, u b’hekk ġew ikkombinati x-xogħol fuq il-post u dak mill-bogħod.
Profil tal-etajiet
Tliet kwarti (76 %) tal-persunal tagħna fis-servizz attiv fi tmiem l-2021 kellhom bejn 40 u 59 sena, simili għall-2020.
Kważi tlieta minn kull erba’ (73 %) diretturi u maniġers prinċipali tagħna għandhom 50 sena jew aktar (2020: 80 %). Dan se jwassal għal tiġdid tal-maniġment matul il-5 sa 10 snin li ġejjin, meta jirtiraw.
Opportunitajiet indaqs
B’mod ġenerali, aħna nimpjegaw proporzjonijiet indaqs ta’ nisa u rġiel fil-forza tax-xogħol tagħna.
Aħna impenjati li noffru opportunitajiet indaqs tal-karriera għall-membri tal-persunal tagħna fil-livelli kollha tal-organizzazzjoni. Nimpjegaw proporzjonijiet indaqs ta’ nisa u rġiel, u aktar minn terz (36 %) tad-diretturi u tal-maniġers prinċipali tagħna kienu nisa fl-2021 (35 % fl-2020).
Il-proporzjon ta’ maniġers prinċipali nisa fl-awditjar fil-QEA laħaq 37.5 % (29 % fl-2020), li huwa qrib il-mira tal-2027 ta’ 40 %. Bil-politika pluriennali u l-pjan ta’ azzjoni l-ġodda tagħna għall-perjodu 2021-2025, imxejna minn politika ta’ opportunitajiet indaqs għal approċċ usa’ għad-Diversità u l-Inklużjoni fl-2021.
Bl-istess mod, aħna nibqgħu impenjati li niksbu bilanċ ġeografiku fil-maniġment tagħna.
Appoġġ għall-awditjar
Metodoloġija tal-awditjar

Fl-2021, għamilna l-pjattaforma diġitali interna AWARE (Accessible Web-based Audit Resource) tagħna disponibbli fuq is-sit web tagħna. Din tipprovdi punt uniku ta’ aċċess għall-pubbliku għall-metodoloġija u l-gwida tagħna dwar l-awditjar.
Taħriġ professjonali
Kif antiċipat, it-tagħlim online kien in-norma fl-2021. Abbażi tal-esperjenza miksuba fis-sena preċedenti, stajna norganizzaw għadd rekord ta’ attivitajiet ta’ tagħlim (616) dwar diversi suġġetti li jvarjaw mill-awditjar sal-protezzjoni tad-data. Fi ftit okkażjonijiet, is-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika kienet tagħti lok għal taħriġ ibridu jew fil-klassi.
L-għadd kbir ta’ attivitajiet online, flimkien man-nuqqas ta’ restrizzjonijiet fuq l-għedud ta’ parteċipanti, kellu impatt pożittiv fuq l-indikaturi tat-taħriġ, li żdiedu sinifikattivament meta mqabbla mal-2020.
Għal darba oħra, qbiżna l-mira tat-taħriġ professjonali ta’ ħamest ijiem taħriġ mhux lingwistiku fis-sena għall-awdituri, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti, u jumejn għall-membri tal-persunal li mhumiex awdituri.
L-awdituri tagħna attendew għal medja ta’ 8.5 ijiem taħriġ (5.4 fl-2020), filwaqt li l-persunal mhux tal-awditjar attenda għal medja ta’ 4.2 ijiem taħriġ (3.1 fl-2020).
Il-prijorità tagħna hija li nagħtu appoġġ għall-attività tal-awditjar tal-QEA billi noffru taħriġ rilevanti u f’waqtu. Għalhekk komplejna norganizzaw korsijiet imfassla apposta dwar diversi suġġetti. Dawn kienu jinkludu l-ekonomija ċirkolari, il-moviment liberu matul il-kriżi tal-COVID-19, il-governanza baġitarja tajba, ir-reġjuni tal-faħam fi tranżizzjoni, l-akkwist pubbliku, il-QFP 2021-2027 il-ġdid, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u l-Kodiċi Doganali tal-UE.
Intensifikajna l-attivitajiet ta’ taħriġ tagħna fil-qasam tal-frodi, l-etika u l-integrità, u organizzajna diversi korsijiet u preżentazzjonijiet dwar suġġetti relatati. Stedinna lil ħarrieġa u kelliema mill-OLAF, l-UPPE, l-Eurojust u t-Transparency International biex jikkondividu l-għarfien u l-esperjenza tagħhom mal-persunal tagħna.
Bħal fl-2020, il-Jum it-Taħriġ 2021 sar Ġimgħa ta’ Taħriġ Virtwali. Ħadna l-opportunità biex nimxu lil hinn mill-fruntieri fiżiċi billi stedinna kelliema minn barra t-territorju tal-Ewropa. Il-Fiera tal-Awditjar kienet tinkludi (fl-ordni ta’ kif jidhru) is-SAIs tal-Awstralja, tal-Afrika t’Isfel, tal-Brażil, tal-Ġappun u tal-Kanada. Saru preżentazzjonijiet oħra interessanti ħafna dwar suġġetti li jinkludu l-ambjent, il-komunikazzjoni u l-analiżi tad-data.
Ottubru 2021 kien id-disa’ Xahar iddedikat għaċ-Ċibersigurtà Ewropea (ECSM), li hija inizjattiva li tippromwovi s-sigurtà online u toħloq sensibilizzazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà fost iċ-ċittadini tal-UE. Il-QEA kellha l-unur li tospita b’mod konġunt l-avveniment tal-ftuħ mal-Kummissjoni Ewropea. Ħejjejna programm ippakkjat li dam xahar u li laqqa’ flimkien esperti ewlenin taċ-ċibersigurtà mill-istituzzjonijiet tal-UE u l-pari tagħhom fil-Lussemburgu.
F’Novembru 2021, organizzajna l-ewwel “Clear Language Days” fil-QEA. Mibnija madwar il-Clear Language Awards, li hija ċerimonja li tiċċelebra u tippremja l-aqwa rapporti speċjali tal-QEA, il-ġimgħa tematika kienet opportunità biex nirriflettu dwar kitba ċara u l-isfidi li nħabbtu wiċċna magħhom meta nindirizzaw lill-pubbliku.
Fl-2021, komplejna l-programm ta’ taħriġ tagħna għall-konsulenti tal-karrieri, il-mentors, il-faċilitaturi interni, u l-persuni ta’ kuntatt kunfidenzjali. Biex nagħtu appoġġ lill-persunal tagħna fl-ambjent ibridu l-ġdid u ngħinu biex tiżdied ir-reżiljenza, organizzajna diversi preżentazzjonijiet u sessjonijiet ta’ ħidma dwar suġġetti bħalma huma l-COVID-19, is-solitudni u l-bullying fuq il-post tax-xogħol, il-fastidju matul il-lockdown, il-mindfulness, u l-importanza tal-iskonnessjoni waqt it-telexogħol.
Traduzzjoni
Fl-2021, ittraduċejna u rrevedejna ’l fuq minn 227 000 paġna (2020: 235 000), li jinkludu 29 800 paġna ta’ xogħol esternalizzat. Minbarra dan, it-tradutturi tagħna pparteċipaw fl-attivitajiet tal-awditjar tagħna, billi offrew appoġġ lingwistiku matul iż-żjarat tal-awditjar, il-laqgħat online u fil-kitba tar-rapporti. Barra minn hekk, kienu involuti f’xogħol ta’ komunikazzjoni, fejn taw pariri lingwistiċi u tejbu l-kwalità billi fasslu messaġġi apposta għall-udjenza fil-mira, pereżempju permezz ta’ adattament kulturali.
Irreklutajna u ħarriġna tim tal-lingwa Irlandiża bil-ħsieb li niksbu output simili għal gruppi oħra tal-lingwa mill-2022 ’il quddiem.
Sigurtà tal-informazzjoni
Billi l-persunal tal-QEA baqa’ konness bis-sħiħ mal-apparati tiegħu minħabba l-pandemija tal-COVID-19, iċ-ċibersigurtà baqgħet partikolarment rilevanti fl-2021. Ħabbatna wiċċna ma’ ċiberattakki u ksur ta’ data li seħħew b’mod rikorrenti, iżda installajna applikazzjonijiet ġodda biex nipprovdu protezzjoni aktar robusta għall-istituzzjoni tagħna.
Wara li s-sena l-oħra adottajna l-politika l-ġdida tagħna dwar il-klassifikazzjoni tal-informazzjoni, ħejjejna linji gwida dwar il-klassifikazzjoni tal-informazzjoni tal-QEA, li jinkludu gwida dwar l-għoti ta’ aċċess għal din l-informazzjoni permezz ta’ pjattaforma ta’ kondiviżjoni interna.
Adottajna wkoll id-Deċiżjoni 41-2021 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE. Stedinna lir-rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea għal żjara ta’ valutazzjoni fiż-żona amministrattiva msaħħa tagħna biex tinkiseb approvazzjoni għall-ipproċessar mill-QEA ta’ informazzjoni “Ristretta għall-UE”.
Ir-riżultati prinċipali għal dan il-perjodu kienu:
- L-ewwel żewġ kampanji ta’ phishing simulati fil-Qorti biex titkejjel is-sensibilizzazzjoni ċibernetika tal-utenti.
- EU Sign adottata bħala s-soluzzjoni uffiċjali tal-iffirmar elettroniku għall-QEA. EU Sign huwa servizz ta’ firmar elettroniku pprovdut mill-Kummissjoni Ewropea.
- L-installazzjoni ta’ għodda ġdida għall-protezzjoni ta’ direttorji u fajls sensittivi.
Is-sena 2021 kienet waħda ta’ sfida fir-rigward tal-ġestjoni tal-vulnerabbiltajiet, minħabba l-għadd kbir ta’ theddidiet li kienu jirrikjedu azzjoni fil-pront mit-timijiet tal-IT biex jirrimedjaw difetti kritiċi fis-software.
Binjiet
Attwalment aħna l-proprjetarji ta’ tliet binjiet (“K1”, “K2” u “K3”) li joperaw bħala entità teknika integrata waħda. Nikru wkoll uffiċċji fil-Lussemburgu għaċ-ċentru tagħna ta’ rkupru f’każ ta’ diżastru.
Minħabba l-kriżi tal-COVID-19 li għadha għaddejja, kważi l-persunal kollu tagħna ħadem mid-dar fl-2021 u ż-żjarat esterni kienu ristretti kemm jista’ jkun. Il-biċċa l-kbira mill-persunal tal-QEA tlaqqmu ladarba l-vaċċini saru disponibbli. Dan, flimkien ma’ tnaqqis fl-għadd ta’ infezzjonijiet ġodda tal-COVID-19 matul is-sajf, ippermetta lill-QEA tirrikjedi li l-persunal jaħdem fil-bini b’mod regolari matul il-ħarifa. F’konformità ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE, mit-13 ta’ Settembru 2021, il-QEA introduċiet minimu obbligatorju ta’ jumejn fl-uffiċċju fil-ġimgħa (medja ta’ kull xahar). Wara li tfaċċa l-varjant Omicron, dan tnaqqas għal jum wieħed fil-ġimgħa.
Fl-istess ħin, implimentajna l-miżuri tas-saħħa u tas-sikurezza kollha meħtieġa sabiex il-persunal li kien għadu preżenti fil-bini seta’ jaħdem taħt l-aħjar kundizzjonijiet possibbli sakemm ikun hemm ritorn għan-normal.
Fl-2021, il-kmamar għal-laqgħat tal-Qorti ġew adattati biex ikunu jistgħu jsiru laqgħat ibridi.
K1
Il-binja K1, li nfetħet fl-1988, fiha uffiċċji li jesgħu sa 310 membri tal-persunal, u fiha wkoll kmamar għal-laqgħat. Il-livelli ta’ taħt l-art fihom il-parkeġġi, faċilitajiet tekniċi, żoni ta’ ħżin, il-librerija u l-kamra prinċipali tal-arkivji, filwaqt li s-sular ta’ fuq nett jintuża kollu kemm hu għal faċilitajiet tekniċi.
Il-binja K1 ġiet immodernizzata fl-2008 biex issir konformi mar-rekwiżiti nazzjonali tas-saħħa, tas-sikurezza u tal-ambjent. Kull fejn possibbli, it-teknoloġija f’K1 ġiet adattata biex tkun kompatibbli ma’ dik użata f’K2 u K3.
K2
Il-binja K2 nfetħet fl-2003. Il-livelli ta’ taħt l-art fihom il-parkeġġi, il-faċilitajiet tekniċi, iż-żoni ta’ ħżin, u ċ-ċentru tal-fitness. Is-sular ta’ fuq nett jintuża kollu kemm hu għal faċilitajiet tekniċi. Is-sulari l-oħra jintużaw għal uffiċċji li jesgħu sa 241 membru tal-persunal, kmamar għal-laqgħat, sala tal-konferenzi b’kabini tal-interpretazzjoni, kmamar għall-vidjokonferenzi, kafetterija u spazji bażiċi għall-kċejjen.
Attwalment il-binja K2 qed tiġi rinnovata biex tiġi ottimizzata l-organizzazzjoni tal-ispazji tax-xogħol tagħha u biex jiġu aġġornati xi wħud mill-installazzjonijiet tekniċi. Wara li ġew sospiżi fil-bidu tal-kriżi tal-COVID-19, ix-xogħlijiet bdew f’Novembru 2020 u huwa mistenni li jiġu kkompletati sa tmiem l-2022.
Kif ġie maqbul mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill f’Marzu 2014, aħna qed inkopru l-ispiża ta’ din il-modernizzazzjoni billi nużaw il-baġit li fadal mill-proġett ta’ kostruzzjoni tal-binja K3, li ġie kkompletat ftit snin ilu.
K3
Il-binja K3 nfetħet fl-2012. Il-livelli ta’ taħt l-art fihom parkeġġi, faċilitajiet tekniċi u żoni tal-ħżin, żoni tal-ħatt, faċilitajiet ta’ ħżin tal-iskart, l-istamperija, il-kċejjen u l-arkivji. Is-sular ta’ isfel jikkonsisti fil-kantin, kafetterija u kmamar tat-taħriġ. Hemm ukoll uffiċċji li jesgħu sa 503 membri tal-persunal, kmamar għal-laqgħat u kamra tal-IT. Is-sitt sular fih swali ta’ riċeviment, kċina u faċilitajiet tekniċi. Il-binja K3 ġiet ikklassifikata bħala “tajba ħafna” skont BREEAM, li huwa l-metodu ewlieni dinji għall-evalwazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tas-sostenibbiltà tal-bini.

Is-sede tal-QEA fil-Plateau de Kirchberg, il-Lussemburgu.
Ġestjoni ambjentali
Bħala istituzzjoni tal-UE, aħna għandna d-dmir li napplikaw il-prinċipju tal-ġestjoni ambjentali tajba fl-attivitajiet kollha tagħna. Għalhekk, aħna impenjati li nnaqqsu kontinwament l-impatt tagħna fuq l-ambjent. Kull sena, nimmonitorjaw u nanalizzaw l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġġenerati mill-attivitajiet tagħna
Il-QEA hija kburija biċ-ċertifikazzjoni EMAS (Skema ta’ Ġestjoni u Verifika Ambjentali) li kisbet. Noperaw b’suċċess sistema ta’ ġestjoni ambjentali li hija konformi mal-EMAS, u nikkonformaw bis-sħiħ mar-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni ISO 14001:2015.
Minn Marzu 2020 ’il hawn, il-pandemija kellha effett fuq l-indikaturi ambjentali tagħna li kien pożittiv b’mod li ma jistax jiċċaħħad, kif ġej:
- l-emissjonijiet tas-CO2 mill-ivvjaġġar relatat max-xogħol u mill-ivvjaġġar lejn ix-xogħol u lura naqsu drastikament;
- l-indikaturi marbuta direttament mal-preżenza tal-persunal fuq il-post, bħall-konsum tal-karti u tal-ilma u l-produzzjoni tal-iskart, naqsu drastikament minħabba t-telexogħol tal-massa; u
- il-konsum tal-enerġija naqas ukoll, għalkemm sa livell inqas, matul il-perjodi ta’ lockdown u minħabba tnaqqis fl-okkupanza meta l-persunal fil-biċċa l-kbira tiegħu ħadem b’telexogħol mid-dar.
Fl-2020, il-produzzjoni totali tagħna ta’ gassijiet serra kienet ta’ 6 144 tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ diossidu tal-karbonju (tCO2e), tnaqqis ta’ 14 % mill-2014, is-sena li fiha bdejna nkejlu l-emissjonijiet tagħna ta’ CO2.
Il-Qorti se tippreżenta f’rapport speċifiku l-isforzi li saru lejn is-sostenibbiltà fl-2021.
L-obbligu ta’ rendikont tagħna
Informazzjoni finanzjarja
L-istituzzjoni tagħna hija ffinanzjata mill-baġit tal-UE taħt l-intestatura tan-nefqa amministrattiva.
Fl-2021, il-baġit tagħna ammonta għal madwar EUR 153.7 miljun.
Il-baġit tagħna jirrappreżenta madwar 1.5 % tal-infiq amministrattiv totali tal-UE (inqas minn 0.1 % tal-infiq totali tal-UE).
Implimentazzjoni tal-Baġit 2021
SENA FINANZJARJA 2021 | Approprjazzjonijiet finali | Impenji | % ta’ użu (impenji/ approprjazzjonijiet) | Pagamenti |
Titolu 1: Persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni | (elf EUR) | |||
10 – Membri tal-istituzzjoni | 10 654 | 10 138 | 95 % | 10 111 |
12 – Uffiċjali u persunal temporanju | 114 511 | 112 601 | 98 % | 112 601 |
14 – Persunal ieħor u servizzi esterni | 7 835 | 7 152 | 91 % | 6 861 |
162 – Missjonijiet | 1 529 | 383 | 25 % | 266 |
161 + 163 + 165 – Infiq ieħor relatat ma’ persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni | 2 660 | 2 519 | 95 % | 2 144 |
Subtotal għat-Titolu 1 | 137 189 | 132 793 | 97 % | 131 983 |
Titolu 2: Binjiet, beni mobbli, apparat u nefqa operatorja mixxellanja | ||||
20 – Beni immobbli | 4 306 | 4 306 | 100 % | 2 282 |
210 – IT u telekomunikazzjoni | 9 141 | 9 141 | 100 % | 4 484 |
212 + 214 + 216 – Beni mobbli u kostijiet relatati | 880 | 837 | 95 % | 470 |
23 – Nefqa amministrattiva kurrenti | 385 | 324 | 84 % | 296 |
25 – Laqgħat, konferenzi | 496 | 90 | 18 % | 69 |
27 – Informazzjoni u pubblikazzjoni | 1 325 | 1 074 | 81 % | 739 |
Subtotal għat-Titolu 2 | 16 533 | 15 772 | 95 % | 8 340 |
Total għall-Qorti tal-Awdituri | 153 722 | 148 565 | 97 % | 140 323 |
Baġit 2022
Il-Baġit 2022 jirrappreżenta żieda ta’ 5.48 % fuq iċ-ċifra tal-2021.
SENA FINANZJARJA 2021 | 2022 | 2021 |
Titolu 1: Persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni | (elf EUR) | |
10 – Membri tal-istituzzjoni | 11 715 | 10 704 |
12 – Uffiċjali u persunal temporanju | 120 838 | 114 120 |
14 – Persunal ieħor u servizzi esterni | 8 444 | 7 861 |
162 – Missjonijiet | 2 452 | 2 988 |
161 + 163 + 165 – Infiq ieħor relatat ma’ persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni | 2 732 | 2 613 |
Subtotal għat-Titolu 1 | 146 181 | 138 286 |
Titolu 2: Binjiet, beni mobbli, apparat u nefqa operatorja mixxellanja | ||
20 – Beni immobbli | 3 778 | 3 358 |
210 – IT u telekomunikazzjoni | 8 228 | 8 171 |
212 + 214 + 216 – Beni mobbli u kostijiet relatati | 944 | 901 |
23 – Nefqa amministrattiva kurrenti | 574 | 565 |
25 – Laqgħat, konferenzi | 675 | 696 |
27 – Informazzjoni u pubblikazzjoni | 1 761 | 1 745 |
Subtotal għat-Titolu 2 | 15 960 | 15 436 |
Total għall-Qorti tal-Awdituri | 162 141 | 153 722 |
Nota: Iċ-ċifri rrappurtati jirrigwardaw il-baġit inizjali.
Awditjar intern u estern
Awditjar intern
Is-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tagħna jipprovdi pariri lill-istituzzjoni dwar kif għandha timmaniġġja r-riskji. Huwa jipprovdi servizzi indipendenti u oġġettivi ta’ aċċertament u ta’ konsulenza maħsuba biex jipprovdu valur miżjud u jtejbu l-operazzjonijiet tal-istituzzjoni tagħna. L-IAS jirrapporta lill-Kumitat tal-Awditjar Intern, li huwa magħmul minn tliet Membri tal-QEA u minn espert estern. Il-Kumitat jimmonitorja regolarment il-progress tad-diversi kompiti stipulati fil-programm ta’ ħidma annwali tal-IAS u jiżgura l-indipendenza ta’ dan is-servizz.
Fl-2021, l-IAS kompla jirrieżamina l-politika tal-QEA dwar il-ġestjoni tar-riskju u ħareġ rapporti għal tliet kompiti: “Opportunitajiet Indaqs”, “Ġestjoni tal-frodi” u “Kontinwità tal-operat u miżuri ta’ protezzjoni tal-persunal b’rispons għall-kriżi tal-COVID-19”. L-IAS iffinalizza wkoll ix-xogħol prinċipali tal-awditjar għal żewġ kompiti oħra, “Governanza tal-IT” u “Il-proċess ta’ reklutaġġ” li għalihom se jinħarġu rapporti fl-2022.
B’mod ġenerali, ix-xogħol tal-IAS ma żvelax xi nuqqasijiet li, min-natura jew il-kobor tagħhom, ikunu jixħtu dubju fuq l-affidabbiltà kumplessiva tas-sistemi ta’ kontroll intern stabbiliti mill-uffiċjal awtorizzanti b’delega biex jiżguraw il-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet finanzjarji tagħna fl-2021.
Awditjar estern
Il-kontijiet annwali tagħna jiġu awditjati minn awditur indipendenti estern. Dan huwa importanti, billi juri li aħna napplikaw l-istess prinċipji tat-trasparenza u tal-obbligu ta’ rendikont għalina nfusna bħalma napplikaw għall-entitajiet li nawditjaw.
L-awditur estern tagħna – PricewaterhouseCoopers Sàrl – ippubblika r-rapport tiegħu dwar il-kontijiet tagħna għas-sena finanzjarja 2020 fis-6 ta’ Mejju 2021.
Opinjonijiet tal-awditur estern tagħna – sena finanzjarja 2020
Dwar ir-rapporti finanzjarji tagħna:
“Fl-opinjoni tagħna, ir-rapporti finanzjarji ta’ akkumpanjament jagħtu stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri – il-QEA (il-“Kumpanija”) fil-31 ta’ Diċembru 2020, u tar-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).”
Dwar l-użu li aħna għamilna mir-riżorsi u mill-proċeduri ta’ kontroll:
“Fuq il-bażi tax-xogħol tagħna deskritt f’dan ir-rapport, ma hemm xejn li laqat l-attenzjoni tagħna biex iġegħilna nemmnu li fl-aspetti materjali kollha u fuq il-bażi tal-kriterji deskritti hawn fuq:
- ir-riżorsi assenjati lill-QEA ma ntużawx għall-għanijiet li għalihom kienu intenzjonati;
- il-proċeduri ta’ kontroll stabbiliti ma jipprovdux il-garanziji meħtieġa biex jiżguraw il-konformità tal-operazzjonijiet finanzjarji mar-regoli u r-regolamenti applikabbli.”
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (https://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022
ISBN 978-92-847-7459-3 | ISSN 2362-9568 | doi:10.2865/294758 | QJ-AA-22-001-MT-N | |
HTML | ISBN 978-92-847-7430-2 | ISSN 2362-9568 | doi:10.2865/850873 | QJ-AA-22-001-MT-Q |
ISBN 978-92-847-7491-3 | ISSN 1831-1318 | doi:10.2865/56409 | QJ-AA-22-001-MT-C |
DRITTIJIET TAL-AWTUR
© L-Unjoni Ewropea, 2022.
Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija stabbilita fid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-QEA dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Għalhekk, bħala regola ġenerali, l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat dment li jingħata kreditu xieraq u li kwalunkwe bidla tiġi indikata. Dawk li jużaw mill-ġdid il-kontenut tal-QEA ma jistgħux jgħawġu t-tifsira jew il-messaġġ oriġinali. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.
Irid jinkiseb permess addizzjonali jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza.
Fejn ikun inkiseb tali permess, dan għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.
L-użu mill-ġdid tar-ritratti li ġejjin huwa awtorizzat dment li jiġu indikati d-detentur tad-drittijiet tal-awtur, is-sors u, fejn ikun meħtieġ, l-ismijiet tal-fotografi:
* © L-Unjoni Ewropea 2022, sors: il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
* © L-Unjoni Ewropea, sors: il-Kummissjoni Ewropea/Jennifer Jacquemart.
* © L-Unjoni Ewropea, sors: il-Kummissjoni Ewropea/John Charlton.
* © L-Unjoni Ewropea, sors: il-Kummissjoni Ewropea/Xavier Lejeune.
* © L-Unjoni Ewropea, sors: il-Kummissjoni Ewropea/Boryana Katsarova.
* © L-Unjoni Ewropea 2021, sors: il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
* © L-Unjoni Ewropea, sors: il-Kummissjoni Ewropea/Seyllou Diallo/Stefan Heunis.
* © L-Unjoni Ewropea, sors: il-Parlament Ewropew/Daina Le Lardic.
* © L-Unjoni Ewropea 2022, sors: il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
* © L-Unjoni Ewropea 2022, sors: il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
* © L-Unjoni Ewropea 2021, sors: il-Parlament Ewropew.
Għall-istampi li ġejjin, ir-riproduzzjoni hija awtorizzata dment li ssir referenza għas-sors:
* © L-Unjoni Ewropea 2021, sors: il-Kumitat ta’ Kuntatt tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-Unjoni Ewropea.
Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, jista’ jkun meħtieġ li titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur:
* © Getty Images/Xavier Lejeune; © Getty Images/Stadratte; © Getty Images/gorodenkoff.
* © Getty Images/Darwel.
* © Getty Images/RADZONIMO.
* © Getty Images/EmirMemedovski.
* © Getty Images/insta_photos.
* © Getty Images/serts.
* © Getty Images/Jevtic.
* © Getty Images/Denis Suslov.
* © Getty Images/Vertigo3d.
* © Getty Images/typhoonski.
* © Getty Images/tommy.
* © Pixabay/Alexas Fotos; © Getty Images/valio84sl & beijingstory; © Nuno André Ferreira.
* © MicroStockHub/Getty Images.
* © Il-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika tal-Litwanja/l-Assoċjazzjoni Bankarja Litwana.
* © UKCOP26.ORG
* © GLOBAL VIEW SPRL – fotografu: Simon Schmitt. Periti tal-binjiet: Paul Noël (1988) u Jim Clemes (2004 u 2013).
Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid.
Il-familja ta’ siti web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuqhom, dawn, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.
Użu tal-logo tal-QEA
Il-logo tal-QEA ma jridx jintuża mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.
Kif tikkuntattja lill-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
- bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Kif issib tagħrif dwar l-UE
Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: https://eur-lex.europa.eu
Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (https://copenhagenizeindex.eu/) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.