
L-ivvjaġġar fl-Ewropa matul il-pandemija tal-coronavirus (COVID-19)
L-ivvjaġġar kien diffiċli matul dawn l-aħħar ftit snin minħabba l-pandemija tal-COVID-19 iżda tilqim mifrux u t-tnedija taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE għenu biex l-affarijiet isiru aktar faċli.
Filwaqt li l-maġġoranza tal-pajjiżi tal-UE neħħew il-biċċa l-kbira tar-rekwiżiti tal-ivvjaġġar u tas-saħħa, għadhom qed jitfaċċaw varjanti ġodda tal-coronavirus. Il-qawmien mill-ġdid tal-virus jista’ jwassal għall-ħtieġa li l-pajjiżi tal-UE (jerġgħu) jintroduċu ċerti rekwiżiti tal-ivvjaġġar jew tas-saħħa.
Il-pjattaforma Re-open EU tkompli tipprovdi l-aktar informazzjoni reċenti mill-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-miżuri tas-saħħa u s-sikurezza pubblika. Hija disponibbli kemm bħala sit web kif ukoll bħala applikazzjoni mobbli.
L-iskema Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE ġiet estiża sat-30 ta’ Ġunju 2023. L-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa huma responsabbli mill-ħruġ taċ-ċertifikat, li jista’ jkun meħtieġ bħala prova tat-tilqim, l-ittestjar jew il-fejqan mill-COVID-19, għal skopijiet ta’ vvjaġġar.
Aktar informazzjoni:
Ivvjaġġar lejn l-UE u minnha
Id-drittijiet tal-passiġġieri
B’eluf ta’ snin ta’ storja, wirt kulturali għani u xenarji spettakolari, l-Ewropa tħaddan uħud mill-aktar destinazzjonijiet tal-ivvjaġġar popolari fid-dinja. Minn meded ta’ muntanji għal bajjiet bir-ramel u minn kampanja pittoreska għal bliet kożmopolitani b’eluf ta’ mużewijiet u galleriji tal-arti, il-vjaġġatur għandu wisq x’jiskopri. U issa huwa eħfef biex tesploraha, bis-saħħa tal-Unjoni Ewropea (UE).
Pereżempju, tista’ tivvjaġġa lejn 26 pajjiż Ewropew mingħajr ma ssirlek spezzjoni fil-fruntieri, u tista’ tieħu miegħek il-kelb jew il-qattus. Għandek aċċess faċli għall-kura tas-saħħa jekk jinqalagħlek il-bżonn u bl-ewro huwa ħafna aktar faċli li ddur u tagħmel akkwisti tajbin fix-xiri. Tista’ tuża l-mowbajl bħal meta tkun id-dar, mingħajr ħlasijiet addizzjonali, u issa l-abbonamenti online tiegħek jivvjaġġaw miegħek ukoll.
L-Ewropa, minbarra li tattira miljuni ta’ viżitaturi minn pajjiżi terzi, hija d-destinazzjoni ta’ ħafna mill-abitanti tagħha stess li jħobbu jesploraw l-għadd kbir ta’ bliet u pajjiżi fuq l-għatba tal-bieb tagħhom.
Illum, l-Ewropej jistgħu jivvjaġġaw faċilment madwar l-Ewropa daqskemm huwa faċli jivvjaġġaw f’pajjiżhom. Issa li tneħħew ħafna mill-kontrolli tal-passaporti u bl-użu tal-istess munita fi 19-il pajjiż tal-UE, l-ewro, sar ħafna iżjed faċli li wieħed jivvjaġġa. Il-ħolqien ta’ suq uniku fejn in-nies, il-prodotti, is-servizzi u l-flus jistgħu jiċċaqilqu liberament ġab miegħu għażla usa’ u prezzijiet orħos.
U bis-saħħa tal-pass il-ġdid tal-ivvjaġġar, ħafna u ħafna aktar żgħażagħ Ewropej qed isiru jafu l-kontinent tagħhom u qed igawdu l-wirt kulturali għani tiegħu mingħajr ħlas.
Bħalissa l-UE hi magħmula minn 27 pajjiż. Ir-Renju Unit (UK) ħalla l-UE fil-31 ta’ Jannar 2020. Skont il-“Ftehim dwar il-Ħruġ” bejn l-UE u r-Renju Unit, il-liġi tal-UE xorta tapplika fir-Renju Unit sat-tmiem ta’ perjodu ta’ tranżizzjoni, li sakemm ma jiġix estiż, se jibqa’ għaddej sal-31 ta’ Diċembru 2020. Għalhekk, sal-31 ta’ Diċembru 2020, kollox se jibqa’ l-istess għal min jivvjaġġa lejn l-UE u r-Renju Unit u minnhom. Għalaktar informazzjoni dwar it-tluq tar-Renju Unit mill-UE, żur: https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/qanda_20_104
ID-DOKUMENTI LI SE JKOLLOK BŻONN
IĊ-ĊITTADINI TAL-UE
Il-passaport jew il-karta tal-identità
It-tfal irid ikollhom il-passaport jew il-karta tal-ID tagħhom.
Mhux se jkollok bżonn viża biex tivvjaġġa fl-UE.
Bis-saħħa tar-regoli ta’ Schengen, li huma parti mil-liġi tal-UE, ħafna mill-pajjiżi tal-UE neħħew il-kontrolli fil-fruntieri tagħhom.
Anki l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera huma membri ta’ Schengen għalkemm mhumiex parti mill-UE. Dan ifisser, pereżempju li int tista’ tmur tiskijja fl-Iżvizzera mingħajr ma toqgħod turi l-passaport tiegħek meta taqsam il-fruntiera.
B’mod eċċezzjonali, jistgħu jiġu introdotti kontrolli fil-fruntieri interni għal perjodu limitat jekk ikun hemm theddida serja għas-sigurtà interna.

Meta tivvjaġġa lejn pajjiżi tal-UE mhux ta’ Schengen, jew tirritorna minnhom, ikollok bżonn tippreżenta passaport jew karta tal-ID validu/a.
Kull min jaqsam il-fruntieri esterni tal-UE (pereżempju, ikun ġej fl-UE minn barra l-Unjoni Ewropea jew minn pajjiż mhux taż-żona Schengen), fosthom ċittadini tal-UE, issa huwa soġġett għal kontrolli sistematiċi mal-bażijiet ta’ data.
Meta tivvjaġġa fl-UE, jkollok bżonn iġġorr il-passaport jew il-karta tal-ID tiegħek għax jaf ikunu meħtieġa għall-finijiet ta’ identifikazzjoni jew sikurezza. Tajjeb tkun taf li l-unika karta tal-ID valida hija dik li tinkiseb mill-awtoritajiet nazzjonali.
Qabel ma tivvjaġġa barra mill-UE, iċċekkja liema dokumenti huma meħtieġa mill-pajjiż mhux tal-UE li tkun qed tippjana li żżur.
https://europa.eu/youreurope/citizens/travel/entry-exit/eu-citizen/index_mt.htm
ĊITTADINI MHUX TAL-UE
Nota: iċ-ċittadini tal-Iżlanda, tal-Liechtenstein, tan-Norveġja u tal-Iżvizzera huma ttrattati bħala ċittadini tal-UE għall-finijiet tal-ivvjaġġar u tad-dħul fil-pajjiżi tal-UE, minħabba li dawn l-erba’ pajjiżi huma parti miż-żona Schengen.
Passaport
Ikollok bżonn passaport validu.
Viża
Hemm aktar minn 60 pajjiż u territorju li ċ-ċittadini tagħhom ma jeħtiġux viża biex iżuru l-UE għal massimu ta’ 90 jum. Il-lista ta’ pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom jeħtieġu viżi biex jivvjaġġaw lejn l-Irlanda tvarja kemxejn mill-pajjiżi l-oħra tal-UE.
Tista’ tapplika għal viża għand il-konsulat jew l-ambaxxata tal-pajjiż tal-UE li tippjana li żżur (jew dak li huwa d-destinazzjoni ewlenija tiegħek). Jekk għandek viża Schengen, tista’ tivvjaġġa lejn il-pajjiżi Schengen kollha. Jekk għandek viża għal permanenza twila jew permess ta’ residenza li nħariġlek minn wieħed mill-pajjiżi ta’ Schengen, int tista’ toqgħod għal massimu ta’ 90 jum f’pajjiżi oħra ta’ Schengen. Jista’ jkollok bżonn viża biex iżżur il-pajjiżi tal-UE li mhumiex fix-Schengen. Għal aktar informazzjoni, żur:
https://europa.eu/youreurope/citizens/travel/entry-exit/non-eu-nationals/index_mt.htm


BIEX TASAL
BIT-TRIQ
Il-liċenzja tas-sewqan
Liċenzja tas-sewqan valida maħruġa f’pajjiż tal-UE hija rikonoxxuta mal-UE kollha kif ukoll fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein, fin-Norveġja u fl-Iżvizzera.
Issa kull liċenzja ġdida maħruġa tiġi stampata fuq kard tal-plastik f’format standard Ewropew. Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, minbarra li jkollok fuqek liċenzja valida tas-sewqan, teħtieġ ukoll ikollok iċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tal-vettura tiegħek.
Sewwieqa mhux tal-UE għandhom jivverifikaw jekk għandhomx bżonn permess tas-sewqan internazzjonali biex isuqu fil-pajjiżi tal-UE li se jżuru, b’mod partikolari jekk qed jippjanaw li jżuru l-Irlanda, Ċipru, Malta u Spanja.
L-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur
Tmur fejn tmur fl-UE, il-polza tal-assigurazzjoni tal-vettura tiegħek awtomatikament tipprovdilek il-kopertura minima meħtieġa mil-liġi (responsabbiltà ta’ parti terza). Dan japplika wkoll għall-Iżlanda, għal-Liechtenstein, għan-Norveġja u għall-Iżvizzera. Jekk f’pajjiżek għandek assigurazzjoni kompresiva, spiss din tkopri wkoll l-ivvjaġġar lejn pajjiżi oħra, iżda qabel tivvjaġġa jenħtieġ li tivverifika f’liema pajjiżi din tapplika u l-perjodu ta’ validità.
Il-formola Ewropea biex tirrapporta inċident, li tista’ tiksibha mingħand l-assiguratur tiegħek jew online, hija dokument standard disponibbli f’ħafna lingwi li bih ikun eħfef għalik li tagħmel dikjarazzjoni fuq il-post f’każ li jkollok inċident f’pajjiż ieħor.
Il-karta l-ħadra mhix obbligatorja meta tivvjaġġa fl-UE, iżda sservi ta’ prova rikonoxxuta fuq livell internazzjonali ta’ assigurazzjoni tar-responsabbiltà minima ta’ terzi. Jekk ma jkollokx il-karta l-ħadra fuqek, jenħtieġ li jkollok fuqek iċ-ċertifikat tal-assigurazzjoni.
Pedaġġi u vinjetti
Ħafna pajjiżi jitolbu ħlas għall-użu tat-toroq tagħhom jew b’pedaġġi (ibbażati fuq id-distanza) jew inkella b’“vinjetti” (ibbażati fuq il-ħin). L-UE tissorvelja dawn l-iskemi tat-tariffi biex taċċerta li jkunu proporzjonati u li ma jiddiskriminawx kontra n-nonresidenti jew l-utenti okkażjonali.
Is-sigurtà fis-sewqan
Fil-pajjiżi kollha tal-UE, iridu jintlibsu ċ-ċinturini ta’ sikurezza fil-vetturi kollha mgħammra bihom. It-tfal irid ikollhom trażżin xieraq għalihom.
L-użu ta’ mowbajl waqt is-sewqan iżid ħafna r-riskju ta’ inċident u huwa pprojbit fil-pajjiżi kollha tal-UE kif ukoll fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein, fin-Norveġja u fl-Iżvizzera, sakemm ma tużax sett hands-free.
Il-livell massimu ta’ kontenut tal-alkoħol fid-demm permess ivarja bejn 0 mg/ml u 0.8 mg/ml, skont il-pajjiż. Is-sewwieqa li jsuqu b’veloċità għolja jew li jixorbu u jsuqu jistgħu jiġu intraċċati permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni transfruntier imtejjeb.
Ftakar li f’Ċipru, fl-Irlanda, u f’Malta trid issuq fuq ix-xellug tat-triq, u li f’xi pajjiżi, bħall-Belġju, Franza, in-Netherlands, u l-Portugall, normalment trid iċċedi lit-traffiku li jkun ġej minn fuq il-lemin tiegħek.
X’inhuma l-limiti tal-veloċità fi Spanja? Hemm bżonn nilbes elmu meta nsuq ir-rota fl-Iżvezja? Għar-regoli kollha importanti dwar is-sikurezza fit-toroq, niżżel l-App Going Abroad mingħajr ħlas: http://ec.europa.eu/transport/road_safety/going_abroad/index_mt.htm
Vetturi elettriċi
Hemm aktar minn 150 000 punt tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi madwar l-Unjoni Ewropea u l-UE qed tgħin biex tiżgura li fil-futur ikun hemm ħafna aktar. Plakek standardizzati madwar il-kontinent ifissru li s-sewwieqa ta’ vetturi elettriċi jistgħu jiċċarġjaw il-karozza tagħhom kullimkien fl-UE bħalma jagħmlu f’pajjiżhom. Iċċekkja l-mappa tal-istazzjonijiet tal-fjuwils alternattivi: https://www.eafo.eu
Xarabanks u kowċis
L-UE qed ittejjeb kontinwament l-istandards tas-sikurezza għall-passiġġieri tax-xarabanks u l-kowċis, pereżempju dan l-aħħar introduċiet regoli aktar stretti dwar l-użu ta’ materjali reżistenti għan-nar fil-vetturi. Jekk fix-xarabanks u fil-kowċis jitwaħħlu ċintorini ta’ sikurezza, huwa obbligatorju li dawn jintlibsu mal-UE kollha.
Iċ-Ċikliżmu
Għaliex ma tesplorax l-Ewropa bir-rota? EuroVelo, in-netwerk Ewropew tar-rotot taċ-ċikliżmu, jgħaqqad il-kontinent kollu u xi wħud mill-attrazzjonijiet ewlenin tiegħu, b’16-il rotta taċ-ċikliżmu ta’ distanza twila li jkopru 70 000 km. Ħu gost dur fl-irħula u fil-bliet tal-Ewropa billi tuża waħda mill-mijiet ta’ skemi ta’ kiri ta’ roti self-service, li wħud minnhom ġew kofinanzjati mill-UE. www.en.eurovelo.com
BL-AJRU
Il-ħolqien ta’ suq uniku Ewropew fit-trasport bl-ajru aktar minn 25 sena ilu wassal għal titjiriet orħos u għażla akbar ta’ trasportaturi, rotot u servizzi għall-passiġġieri.
L-Ewropa għandha wieħed mill-aqwa rekords ta’ sikurezza tal-avjazzjoni fid-dinja. Sabiex is-sikurezza tkompli titjieb, linji tal-ajru li joriġinaw minn barra l-UE għandu jkollhom awtorizzazzjoni li tikkonferma l-konformità tagħhom mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali. Barra minn hekk, l-inġenji tal-ajru tagħhom jistgħu jiġu spezzjonati fl-Ewropa u ma jitħallewx joperaw fl-ispazju tal-ajru Ewropew jekk jinstab li ma jkunux sikuri jew li ma jkunux issorveljati b’mod suffiċjenti mill-awtoritajiet tagħhom.
Ir-regoli komuni tal-UE dwar il-kontrolli tas-sigurtà għall-passiġġieri għall-bagalji tal-kabina u tal-istiva japplikaw għat-titjiriet kollha li jitilqu mill-ajruporti tal-UE. Hemm restrizzjonijiet fuq likwidi li jistgħu jittieħdu fil-kabina u lista komuni ta’ oġġetti li mhumiex permessi fil-bagalji tal-kabina jew tal-istiva.
BIL-FERROVIJA
Il-ferrovija tibqa’ waħda mill-aktar forom sikuri u popolari ta’ trasport fl-Ewropa. L-UE għandha aktar minn 220 000 km ta’ linji ferrovjarji. Hemm madwar 8 000 km ta’ linji ta’ veloċità għolja fuq rotot importanti bħal Pariġi–Brussell–Amsterdam–Cologne, Milan–Ruma u Barcelona–Madrid, u qed jinbnew oħrajn.
BL-ILMA
Hemm bosta rotot importanti tal-baħar li minnhom il-pajjiżi tal-UE joffru servizzi regolari u ta’ kwalità għolja bħala alternattiva għat-triq, l-ajru jew il-ferrovija jew f’kombinazzjoni magħhom. L-UE tinsab minn ta’ quddiem nett fit-titjib tas-sikurezza marittima u l-promozzjoni ta’ standards għolja. Fl-2018 daħlu fis-seħħ regoli ġodda biex titjieb is-sikurezza tal-vapuri li jġorru l-passiġġieri fl-ilmijiet tal-UE.
MAPPA
IŻ-ŻONI TAL-ĦIN
IL-FLUS
L-ewro
Bħalissa, l-ewro (€) tintuża minn madwar żewġ terzi taċ-ċittadini tal-UE, jew aktar minn 340 miljun persuna fi 19-il pajjiż tal-UE: L-Awstrija, il-Belġju, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja u Spanja (ara l-mappa inserita).
Andorra, Monaco, San Marino u l-Belt tal-Vatikan jużaw l-ewro bħala l-munita nazzjonali bi qbil mal-UE. Għadd ta’ pajjiżi u territorji, bħall-Kosovo u l-Montenegro, jużaw l-ewro bħala l-munita de facto tagħhom.
F’pajjiżi Ewropej barra miż-żona tal-ewro, ħafna lukandi, ħwienet u ristoranti, b’mod partikolari f’żoni tat-turisti, jaċċettaw pagament bl-ewro kif ukoll bil-munita nazzjonali, għalkemm mhumiex obbligati legalment jagħmlu dan.
Il-kards u l-flus kontanti
Fil-pajjiżi taż-żona tal-ewro, ħlasijiet transfruntieri bl-ewro, fosthom meta tiġbed il-flus b’magna awtomatika u tħallas bil-kard, jiswewk l-istess bħal f’pajjiżek. Mill-15 ta’ Diċembru 2019, kull min jgħix barra ż-żona tal-ewro issa jgawdi l-istess benefiċċji, iżda jista’ jkun li xorta jkollu jħallas tariffa tal-kambju tal-munita.
Barra minn hekk, bis-saħħa tar-regoli li ġew introdotti dan l-aħħar, m’għandekx għalfejn tħallas aktar meta tħallas bil-karta tal-kreditu jew tad-debitu u se tkun protett aktar meta tagħmel il-pagamenti tiegħek. Mid-19 ta’ April 2020, se tkun tista’ tivverifika u tqabbel faċilment l-imposti tal-kambju meta tħallas barra minn pajjiżek bil-kard tiegħek jew meta tiġbed il-flus.
Ibblokka l-kards tal-bank mitlufa jew misruqa minnufih billi ċċempel lill-entità li tkun ħarġithomlok. Ħu nota tan-numru li għandek iċċempel qabel ma tivvjaġġa.
Jekk tidħol fl-UE jew toħroġ minnha b’somma ta’ € 10 000 jew aktar fi flus kontanti (jew l-istess ammont f’muniti oħrajn) trid tiddikjarahom lill-awtoritajiet doganali.
Xi drabi jkun hemm tariffi ta’ tranżazzjoni għoljin ħafna biex issarraf ċekk minn pajjiż ieħor tal-UE. F’ħafna pajjiżi tal-UEċ-ċekkijiet m’għadhomx aċċettati bħala mezz ta’ pagament.
IX-XIRI
FL-UE
Ma hemmx limiti ta’ x’tista’ tixtri u tieħu miegħek meta tivvjaġġa bejn il-pajjiżi tal-UE, sakemm ikun għall-użu personali tiegħek u mhux biex jerġa’ jinbiegħ. It-taxxi (il-VAT u d-dazji tas-sisa) huma inklużi fil-prezz li tħallas u ma tista’ teħel l-ebda taxxa oħra f’xi pajjiż ieħor tal-UE.
Madankollu, japplikaw regoli speċjali fil-każ ta’ prodotti soġġetti għad-dazji tas-sisa, bħall-prodotti tal-alkoħol u t-tabakk. Kull pajjiż jista’ jfassal il-livelli ta’ gwida tiegħu biex jiddetermina jekk it-tabakk u l-alkoħol ikunux għall-użu tiegħek stess. Jekk tkun qed iġġorr kwantità akbar ta’ dawn il-prodotti, jista’ jkun li jsirulek xi mistoqsijiet biex ikun aċċertat li ma għandek l-ebda intenzjoni kummerċjali. Madankollu, il-livelli gwida stabbiliti mill-pajjiżi ma jistgħux ikunu inqas minn kif ġej:


ID-DĦUL FL-UE
Jekk tkun dieħel fl-UE minn pajjiż li mhux fl-UE, tista’ ddaħħal miegħek prodotti mingħajr VAT u dazji tas-sisa għall-użu personali sal-limiti stipulati hawn taħt. L-istess jgħodd jekk tkun ġej minn territorji oħrajn fejn ir-regoli tal-UE dwar il-VAT u s-sisa ma jgħoddux.
Hemm limitu massimu jew minimu fuq l-ammont ta’ tabakk li tista’ ġġib fl-UE skont il-pajjiż. Għalhekk, iċċekkja r-regoli doganali tal-pajjiż tal-UE li se żżur.

* Kull ammont jirrappreżenta 100 % tat-total permess għall-prodotti tat-tabakk. Dawn tista’ tikkombinahom kif trid iżda ma tistax taqbeż il-limitu totali. Pereżempju: 100 sigarett (50 % tal-kwota permessa) + 50 sigarillo (50 % tal-kwota permessa) = 100 % tal-kwota totali permessa.
** Għal spirti u nbid imsaħħaħ jew frizzanti, kull wieħed minn dawn l-ammonti jirrappreżenta 100 % tat-total tal-kwota permessa, li int tista’ taqsamha. Pereżempju, tista’ ġġib nofs litru spirtu u litru nbid imsaħħaħ; it-tnejn jirrappreżentaw nofs din il-kwota permessa.
Il-vjaġġaturi taħt is-17-il sena ma jistgħux igawdu minn dawn l-allokazzjonijiet tal-alkoħol u tas-sigaretti.
Jekk qed tivvjaġġa minn pajjiż tal-UE għal ieħor minn pajjiż mhux tal-UE (eż. l-Iżvizzera) ikollok bżonn tiċċekkja r-regoli doganali ta’ dak il-pajjiż.
Prodotti oħra, fosthom fwejjaħ
- Sa valur ta’ €430 għall-vjaġġaturi bl-ajru u bil-baħar.
- Sa valur ta’ €300 għal vjaġġaturi oħra.
Xi pajjiżi tal-UE japplikaw limitu minimu għall-vjaġġaturi taħt il-15-il sena, iżda dan m’għandux ikun aktar baxx minn €150.
Ikel
Ma hemm l-ebda restrizzjoni ġenerali fuq il-ġarr ta’ prodotti tal-laħam jew tal-ħalib meta tivvjaġġa fl-UE. Madanakollu, kun ċert li ma ġġibx ikel li fih il-laħam,il-ħalib jew prodotti oħra fl-UE minn pajjiżi mhux tal-UE għax dawn jistgħu jġorru patoġeni perikolużi li jistgħu jikkawżaw mard lill-bhejjem tal-UE bħall-Marda tal-Ilsien u d-Dwiefer u d-Deni Afrikan tal-Ħnieżer. L-uniċi eċċezzjonijiet huma għal dawk li jivvjaġġaw bi kwantitajiet żgħar għall-konsum personali minn Andorra, il-Gżejjer Faroe, Greenland, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, San Marino jew l-Iżvizzera.
Skopri aktar:
https://europa.eu/youreurope/citizens/travel/carry/alcohol-tobacco-cash/index_mt.htm
https://ec.europa.eu/food/animals/animalproducts/personal_imports_en
Tinsiex tieħu basket miegħek meta tmur tixtri. Ir-regoli tal-UE qed jgħinu biex jitnaqqas l-użu ta’ basktijiet tal-plastik ħfief li jħammġu u jagħmlu ħsara lill-ambjent. Ħafna pajjiżi jitolbuk tħallas għal kull basket li titlob meta tixtri.
GĦAJNUNA GĦALL-KONSUMATURI
Bħala konsumatur, tkun fejn tkun fl-UE, għandek il-garanzija għal trattament ġust, prodotti li jilħqu l-istandards aċċettabbli u d-dritt għal rimedju jekk xi ħaġa ma tmurx sew.
Kun af x’inti tiekol
Bil-liġijiet stretti fuq il-produzzjoni, l-ipproċessar u l-bejgħ tal-ikel, tista’ sserraħ rasek mill-ogħla standards ta’ sigurtà alimentari. Ir-regoli tat-tikkettar tal-ikel ifissru informazzjoni ċara, komprensiva u preċiża dwar il-kontenut tal-ikel.
Kun af x’inti tixtri
Teżisti protezzjoni minn medda wiesgħa ta’ prattiki kummerċjali inġusti kemm online u kemm fil-ħwienet. Il-kaxxi mmarkati minn qabel fuq is-siti web huma pprojbiti, u hekk tevita li tixtri assigurazzjoni tal-ivvjaġġar bla ma tkun trid meta tixtri biljett tal-ajru online.
Qabbel il-prezzijiet
Il-prezz sħiħ, bil-VAT inkluż, tal-prodotti kollha għall-bejgħ irid jintwera b’mod ċar, kif ukoll il-prezz tal-unità, il-prezz ta’ kilo jew ta’ litru. Meta tibbukkja titjira online, il-prezz totali tal-biljett, inkluż l-imposti u t-taxxi,iridu jkunu viżibbli mill-bidu tal-proċess tar-riżervazzjoni.
Solvi kull problema
In-Netwerk taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (ECC-Net) jagħti informazzjoni prattika dwar id-drittijiet tal-konsumaturi tal-UE kif ukoll pariri u assistenza mingħajr ħlas rigward ilmenti jew tilwim transfruntier. Hemm ċentru f’kull pajjiż tal-UE kif ukoll fl-Iżlanda u fin-Norveġja. Hemm ukoll app utli tal-ivvjaġġar ta’ ECC-Net b’ħafna għajnuna u informazzjoni prattika.
Fittex it-tikketta

L-ekotikketta tal-UE tista’ tgħinek tidentifika prodotti, lukandi, hostels taż-żgħażagħ jew siti tal-kampeġġ ekoloġiċi.

Dan il-logo jgħinek issib prodotti organiċi.
ID-DRITTIJIET TIEGĦEK
L-UE hija l-unika żona fid-dinja fejn iċ-ċittadini huma protetti minn sett sħiħ ta’ drittijiet tal-passiġġieri, kemm jekk jivvjaġġaw bl-ajruplan, bil-ferrovija, bix-xarabank, bil-kowċ jew bil-vapur. Il-passiġġieri tal-UE għandhom id-dritt għal informazzjoni preċiża, f’waqtha u aċċessibbli, assistenza fil-każ ta’ interruzzjoni fit-trasport u, f’ċerti ċirkostanzi, kumpens fil-każ ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil.
Niżżel l-app biex tkun tista’ tiċċekkja x’inhuma d-drittijiet tiegħek u kif tibbenefika minnhom:
https://europa.eu/youreurope/citizens/travel/passenger-rights/index_mt.htm
Barra minn hekk, ir-regoli tal-UE jipproteġuk meta tixtri vaganzi jew vjaġġi kollox kompriż li jikkombinaw mill-anqas żewġ tipi differenti ta’ servizzi tal-ivvjaġġar (bħal titjira u lukanda jew kiri ta’ karozza) permezz tal-istess sit tar-riżervazzjoni online jew sit ta’ riżervazzjoni online illinkjat.
Qabel titlaq: il-vjaġġaturi jeħtiġilhom jirċievu informazzjoni ċara dwar il-pakkett tal-ivvjaġġar tagħhom (inkluż id-destinazzjoni/destinazzjonjiet tal-ivvjaġġar, il-lista ta’ servizzi inklużi u numru ta’ emerġenza). Jeħtiġilhom ikunu infurmati wkoll dwar id-drittijiet tagħhom, pereżempju għandek drittijiet akbar b’rabta mal-kanċellazzjoni jew jekk l-organizzatur ifalli.
Meta tkun hemm: vjaġġaturi li jsibu ruħhom f’diffikultà huma intitolati għal assistenza bħal informazzjoni dwar is-servizzi tas-saħħa u assistenza konsulari.
Passiġġieri li għandhom diżabbiltà jew li għandhom mobbiltà mnaqqsa
Passiġġieri li għandhom diżabbiltà jew li għandhom mobbiltà mnaqqsa huma intitolati għal assistenza b’xejn fl-ajruporti, fl-istazzjonijiet tal-ferrovija, fil-portijiet u f’terminals tal-kowċis deżinjati kif ukoll abbord inġenji tal-ajru, ferroviji, vapuri u kowċis. Jaqbel li tavża lit-trasportatur jew lill-operatur tat-terminali bil-bżonnijiet speċifiċi tiegħek dakinhar li tibbukkja, meta tixtri l-biljett minn qabel jew mill-inqas 48 siegħa qabel tivvjaġġa (36 siegħa meta tivvjaġġa bil-kowċ).
Sir af aktar:
https://europa.eu/youreurope/citizens/travel/transport-disability/reduced-mobility/index_mt.htm

Jekk qed tivvjaġġa bil-karozza u għandek karta ta’ parkeġġ għall-persuni b’diżabbiltà f’pajjiżek, tista’ tuża l-faċilitajiet ta’ parkeġġ għall-persuni b’diżabbiltà f’pajjiżi oħra tal-UE, imma ċċekkja x’kundizzjonijiet lokali japplikaw. Fittex is-simbolu tas-siġġu tar-roti.
Fittex rimedju
Jekk matul il-vjaġġ tħoss li drittijietek ma ġewx rispettati u tixtieq tfittex rimedju, l-ewwel jeħtieġlek tikkuntattja lit-trasportatur jew lill-operatur tat-terminal. Jekk dawn jonqsu mill-obbligi tagħhom, tista’ tikkuntattja lill-korp ta’ infurzar nazzjonali għall-mezz ta’ trasport speċifiku tiegħek.
Ċempel fuq in-numru tal-freephone ta’ Europe Direct 00 800 6 7 8 9 10 11 għal aktar tagħrif u għad-dettalji tal-korp ta’ infurzar rilevanti.
BIEX TIBQA’ F’SAĦĦTEK
L-aċċess għall-kura tas-saħħa
Bħala ċittadin ta’ pajjiż tal-UE, jew tal-Iżlanda, tal-Liechtenstein, tan-Norveġja jew tal-Iżvizzera, jekk timrad waqt żjara temporanja f’wieħed minn dawn il-postijiet, int intitolat/a għall-istess kura tas-saħħa bħan-nies assigurati hemm (mingħajr ħlas f’xi pajjiżi).
Għalhekk, tinsiex tieħu l-Karta tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea (EHIC) miegħek fil-vjaġġi tiegħek. Il-karta hija disponibbli mingħajr ħlas, normalment mingħand l-assiguratur tas-saħħa nazzjonali tiegħek, u tixhed li int assigurat f’wieħed mill-pajjiżi elenkati hawn fuq. Jekk ikollok tħallas għall kura tas-saħħa, għandek iżżomm il-kontijiet, il-preskrizzjonijiet u r-riċetti kollha tiegħek biex tkun tista’ tapplika għar-rimborż fil-pajjiż li żżur jew meta tmur lura pajjiżek.
Sib kif tapplika għall-karta: https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=563&langId=mt
L-assigurazzjoni tal-ivvjaġġar
Il-Karta tal-Assikurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea ma tiħux post l-assigurazzjoni tal-ivvjaġġar għax ma tkoprix spejjeż bħar-ripatriazzjoni jew is-salvataġġ fil-muntanji f’postijiet tal-iskijjar. Jista’ jkun li jkollok bżonn tuża assigurazzjoni tal-ivvjaġġar biex tkopri tali riskji.
Il-mediċini
Ir-riċetta tat-tabib tiegħek hija valida fil-pajjiżi kollha tal-UE, iżda għandek tiċċekkja li l-mediċina preskritta tkun awtorizzata għall-bejgħ u hija disponibbli fil-pajjiż li se żżur. Kun ċert li r-riċetta tinkludi l-informazzjoni kollha rilevanti dwarek, dwar it-tabib li kiteb ir-riċetta u l-prodott preskritt. Issa bir-riċetti elettroniċi l-vjaġġaturi jistgħu jiġbru l-mediċina preskritta elettronikament mit-tabib tagħhom minn spiżerija f’xi pajjiżi tal-UE, u t-tobba dalwaqt se jkunu jistgħu jaċċessaw informazzjoni importanti dwar il-pazjent bil-lingwa tagħhom. Iċċekkja biex tara jekk dawn is-servizzi humiex disponibbli fejn int sejjer:
https://ec.europa.eu/health/ehealth/electronic_crossborder_healthservices_mt
L-immunizzazzjoni
B’mod ġenerali, m’għandek l-ebda rekwiżit ta’ immunizzazzjoni meta tivvjaġġa fl-UE. Madankollu, hemm xi rekwiżiti jew rakkomandazzjonijiet għal ċerti territorji barranin tal-UE. Qabel ma tmur, iċċekkja mat-tabib tiegħek.
L-ilma għall-għawm

Fl-2018 aktar minn 95 % tas-siti tal-ilma għall-għawm tal-UE laħqu r-rekwiżiti minimi tal-kwalità tal-ilma u aktar minn 85 % laħqu l-livell aktar strett “eċċellenti”. Iċċekkja l-mappa interattiva biex tiskopri x’inhi l-kwalità tal-ilma fil-post fejn int sejjer:
https://www.eea.europa.eu/themes/water/europes-seas-and-coasts/assessments/state-of-bathing-water
ŻOMM KUNTATT
Il-mobiles
Ir-residenti tal-UE jistgħu jużaw il-mobiles meta jivvjaġġaw fl-UE bħalma jagħmlu f’pajjiżhom, mingħajr ma jħallsu l-ebda ħlas addizzjonali. Dan japplika wkoll għall-Iżlanda, għal-Liechtenstein u għan-Norveġja (iżda mhux għall-Iżvizzera). Madanakollu, jekk ikollok data mingħajr limitu jew irħisa ħafna fil-pakkett domestiku tiegħek, tista’ tikseb volum kbir, iżda mhux limitat ta’ data tar-roaming fl-UE mingħajr ħlasijiet addizzjonali. Lil hinn minn dan il-volum, l-operatur tiegħek jista’ jibda japplika ħlas addizzjonali tar-roaming (anqas minn € 4.5/GB). Jekk qed tippjana li toqgħod f’pajjiż ieħor tal-UE għal ftit xhur, jista’ jkun li tkun trid tiċċekkja l-politika tal-użu ġust tar-“roaming daqslikieku f’pajjiżek” tal-operatur tiegħek.
Wi-Fi

L-aċċess b’xejn għall-internet huwa disponibbli b’mod usa’ bis-saħħa ta’ hotspots tal-Wi-Fi iffinanzjati mill-UE li ġew stabbiliti f’madwar 8 000 komunità lokali mal-Ewropa kollha. Tista’ taqbad mal-internet b’xejn f’libreriji, pjazez, parks u mużewijiet u żoni oħra pubbliċi fejn tara s-simbolu WiFi4EU.
Ibgħat postcard!
Il-bolol jistgħu jintużaw biss fil-pajjiż fejn tixtrihom.
Il-plakek
Kważi l-pajjiżi kollha tal-UE għandhom plakek b’żewġ pinnijiet, minbarra Ċipru, l-Irlanda u Malta, li għandhom plakek bi tliet pinnijiet.
AFFARIJIET X’TAGĦMEL
Għal ideat u informazzjoni dwar x’tara u x’tagħmel, żur is-sit web dwar id-destinazzjonijiet tat-turisti Ewropej (visiteurope.com) jew żur is-siti web tal-organizzazzjonijiet nazzjonali tat-turisti ta’ kull pajjiż tal-UE.
![]() |
![]() |
![]() |
![]() |
Austria | austria.info |
![]() |
Il-Belġju | visitflanders.com http://www.wallonia.be/en/visit |
![]() |
Il-Bulgarija | bulgariatravel.org/en |
![]() |
Ċipru | visitcyprus.com |
![]() |
Iċ-Ċekja | czechtourism.com |
![]() |
Il-Ġermanja | germany.travel |
![]() |
Id-Danimarka | visitdenmark.com |
![]() |
Spanja | spain.info/en/ |
![]() |
L-Estonja | visitestonia.com |
![]() |
Franza | int.rendezvousenfrance.com |
![]() |
Il-Finlandja | visitfinland.com |
![]() |
Il-Greċja | visitgreece.gr |
![]() |
L-Ungerija | gotohungary.com |
![]() |
Il-Kroazja | croatia.hr |
![]() |
L-Italja | italia.it/en |
![]() |
L-Irlanda | discoverireland.ie |
![]() |
Il-Lussemburgu | visitluxembourg.com |
![]() |
Il-Litwanja | lithuania.travel/en |
![]() |
Il-Latvja | latvia.travel |
![]() |
Malta | visitmalta.com |
![]() |
In-Netherlands | holland.com |
![]() |
Il-Portugall | visitportugal.com |
![]() |
Il-Polonja | poland.travel |
![]() |
Ir-Rumanija | romania.travel/en |
![]() |
L-Iżvezja | visitsweden.com |
![]() |
Is-Slovakkja | slovakia.travel |
![]() |
Is-Slovenja | slovenia.info |
Kull sena, l-UE tippromwovi ħafna proġetti u avvenimenti kulturali madwar l-Ewropa. Tappoġġa, b’mod partikolari, il-Kapitali Ewropej tal-Kultura, inizjattiva li għandha l-għan tenfasizza d-diversità kulturali rikka tal-Ewropa, u torganizza eżibizzjonijiet u avvenimenti li jiċċelebraw il-kultura lokali tal-bliet magħżula.
Il-belt storika ta’ Rijeka, fejn jinsab il-port prinċipali tal-Kroazja, u Galway, il-bieb għall-kosta sabiħa tal-Punent tal-Irlanda, huma l-Kapitali Ewropej tal-Kultura fl-2020. Għal aktar informazzjoni: https://rijeka2020.eu/en https://galway2020.ie/en
Il-belt Żvediża ta’ Gothenburg u l-belt Spanjola ta’ Málaga huma l-Kapitali Ewropej għat-Turiżmu Intelliġenti għall-2020. Għal iktar informazzjoni: https://smarttourismcapital.eu/cities-2020-winners/
Bis-saħħa tar-regoli l-ġodda tal-UE, issa tista’ tgawdi mill-abbonamenti online tiegħek għal films, avvenimenti sportivi, kotba elettroniċi, video games u servizzi tal-mużika mingħajr ħlas addizzjonali jew restrizzjonijiet meta tivvjaġġa f’pajjiż tal-UE. Dan japplika wkoll fl-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja.
Vjaġġaturi żgħażagħ
Lill-Ewropej ta’ 18-il sena, l-UE ilha mill-2018 tagħtihom l-opportunità li jivvjaġġaw mingħajr ħlas madwar l-Ewropa għal perjodu ta’ mhux aktar minn xahar u jiskopru l-wirt kulturali għani tal-kontinent. Sa issa, madwar 70 000 żagħżugħ u żagħżugħa ngħataw pass tal-ivvjaġġar. Sir af aktar: https://europa.eu/youth/discovereu
Iż-żgħażagħ Ewropej jistgħu japprofittaw minn aktar minn 70 000 skont fuq avvenimenti kulturali, akkomodazzjoni, edukazzjoni, servizzi u prodotti f’36 pajjiż madwar l-Ewropa bil-Karta Ewropea taż-Żgħażagħ.Tista’ tikseb skontijiet kważi kullimkien fl-UE, mir-Rijksmuseum f’Amsterdam, Disneyland f’Pariġi jew is-Sagrada Familia f’Barcelona għall-kosti xemxin ta’ Ċipru, Malta jew il-Greċja. Skopri l-iskontijiet: https://www.eyca.org/discounts
L-ANNIMALI DOMESTIĊI
Bil-passaport tal-UE għall-annimali domestiċi, li jista’ jinkiseb mingħand veterinarju, faċli li tivvjaġġa bil-kelb, il-qattus jew in-nemes. Il-kelb, il-qattus u n-nemes ilkoll jeħtieġu passaport u għall-iskopijiet ta’ identifikazzjoni, irid ikollhom mikroċippa elettronika jew ikollhom tpinġija fuq ġisimhom li tkun tinqara b’mod ċar, applikata qabel Lulju 2011. L-annimali domestiċi jridu jkunu mlaqqma kontra r-rabbja u d-dettalji għandhom jitniżżlu fil-passaport għall-annimali domestiċi tagħhom. It-tilqim irid jitwettaq wara li tkun iddaħħlet il-mikroċippa jew tkun saret it-tpinġija.
Il-klieb iridu jingħataw trattament speċifiku kontra d-duda (tapeworm) minn veterinarju qabel ma jivvjaġġaw lejn il-Finlandja, l-Irlanda u Malta. Id-dettalji tat-trattament iridu jidhru fuq il-passaport tal-annimal domestiku u l-kelb ikun jista’ mbagħad jivvjaġġa bejn jum u ħamest ijiem wara t-trattament.
https://ec.europa.eu/food/animals/pet-movement/ms-websites_en
F’KAŻ TA’ EMERĠENZA
In-numru Ewropew ta’ emerġenza: 112
Sabiex tikkuntattja lis-servizzi ta’ emerġenza fi kwalunkwe pajjiż tal-UE minn kwalunkwe sett tat-telefown, fiss jew mobile, ċempel 112 mingħajr ħlas.
Irrapporta kull serqa lill-pulizija tal-post. Meta tagħmel it-talba għall-kumpens jew it-talba għall-assigurazzjoni tiegħek jenħtieġ li tehmeż ir-rapport tal-pulizija. Jekk il-passaport jew il-karta tal-ID tiegħek insterqulek, irrapporta lill-konsulat jew lill-ambaxxata ta’pajjiżek kif ukoll lill-pulizija.
Ftakar ukoll, jekk tinsab barra mill-UE u pajjiżek ma jkollux konsolat lokali, tista’ titlob għajnuna konsolari minn pajjiżi ieħor tal-UE, pereżempju f’każ ta’ kriżi, mard serju jew jekk titlef il-passaport.
KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE
WIĊĊ IMB WIĊĊ
Fl-Ewropa kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni lokali tal-UE. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru tiegħek hawn: https://europa.eu/european-union/contact_mt
BIT-TELEFOWN JEW BL-EMAIL
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja lil dan is-servizz:
- permezz ta’ numru tat-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (xi operaturi jistgħu jitolbu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq in-numru standard li ġej: +32 22999696 jew
- bl-email permezz ta’: https://europa.eu/european-union/contact_mt
KIF ISSIB INFORMAZZJONI DWAR L-UE
ONLINE
Informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web tal-Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt
PUBBLIKAZZJONIJIET TAL-UE
Tista’ tniżżel jew tordna pubblikazzjonijiet tal-UE mingħajr ħlas u anke bi ħlas minn: https://publications.europa.eu/mt/publications.
Tista’ tikseb diversi kopji ta’ pubblikazzjonijiet mingħajr ħlas billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru lokali ta’ informazzjoni tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).
IL-LIGI TAL-UE U DOKUMENTI RELATATI
Sabiex ikollok aċċess għal informazzjoni legali mill-UE, inkluż il-liġi tal-Unjoni kollha mill-1952 fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur EUR-Lex fuq: http://eur-lex.europa.eu
DATA MIFTUĦA MILL-UE
Il-Portal tad-Data Miftuħa tal-UE (http://data.europa.eu/euodp/mt) jipprovdi aċċess għas-settijiet tad-data mill-UE. Id-data tista’ titniżżel u terġa’ tintuża mingħajr ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll għal skopijiet mhux kummerċjali.
Dwar
Il-Kummissjoni Ewropea
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
Is-Servizz Editorjali u l-Outreach fil-Mira
1049 Bruxelles/Brussel
BELGIQUE/BELGIË
Manuskritt li tlesta fi Frar 2020
Il-Kummissjoni Ewropea ma hija responsabbli għall-ebda konsegwenza li tirriżulta mill-użu mill-ġdid ta’ din il-pubblikazzjoni.
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2020
© L-Unjoni Ewropea, 2020

Il-politika tal-użu mill-ġdid tad-dokumenti tal-Kummissjoni Ewropea hija bbażata fuq id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/833/UE tat-12 ta’ Diċembru 2011 dwar l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti tal-Kummissjoni (ĠU L 330, 14.12.2011, p. 39).
Għajr jekk ikun indikat mod ieħor, l-użu mill-ġdid ta’ dan id-dokument huwa awtorizzat bil-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC-BY 4.0) (https://creativecommons.org/licenses/by/4.0/). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa permess kemm-il darba jingħata kreditu xieraq u jiġu indikati t-tibdiliet kollha.
Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ elementi li mhumiex proprjetà tal-Unjoni Ewropea, jista’ jkun hemm bżonn li jintalab permess direttament mid-detenturi tad-drittijiet rispettivi.
Illustrazzjonijiet: © L-Unjoni Ewropea, © iStock
Is-sit web “L-Ewropa Tiegħek” jagħtik aktar pariri dwar id-drittijiet tiegħek meta tgħix, taħdem u tivvjaġġa fl-UE: ec.europa.eu/youreurope
IDENTIFIKATURI
ISBN 978-92-76-18106-4 | doi:10.2775/7974 | NA-03-20-262-MT-C | |
ISBN 978-92-76-18043-2 | doi:10.2775/032120 | NA-03-20-262-MT-N | |
HTML | ISBN 978-92-76-18071-5 | doi:10.2775/660476 | NA-03-20-262-MT-Q |