Daħla

Ritratt ta’ Ursula von der Leyen.

Ursula von der Leyen

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea

L-2022 kienet sena ta’ żvolta għall-Ewropa. Kienet is-sena li matulha r-Russja invadiet lill-Ukrajna b’mod brutali. Iżda kienet ukoll is-sena li fiha l-Ukreni ġġieldu lura kontra l-aggressur u ispiraw kontinent sħiħ bil-qlubija tagħhom. Kienet is-sena li matulha ċ-ċittadini Ewropej laqgħu lil miljuni ta’ refuġjati tal-gwerra Ukreni fi djarhom, fl-iskejjel u f’qalbhom. Kienet is-sena li matulha l-Unjoni tagħna semmgħet leħinha u kienet magħquda favur il-valuri Ewropej tagħna: li l-libertà u d-dinjità tal-bniedem huma imprezzabbli, u li d-demokrazija u l-paċi jridu jiġu difiżi.

Nafu li l-għemil jidwi iktar mill-kliem. Meta t-tankijiet Russi qasmu lejn l-Ukrajna, ħadna azzjoni minnufih, b’għaqda, b’saħħa u b’determinazzjoni. L-UE u s-sħab tagħha imponew sanzjonijiet bla preċedent fuq ir-Russja u dawk kompliċi fil-gwerra imperjalistika tagħha. L-Unjoni kollha tagħna qamet għall-okkażjoni u wriet is-solidarjetà mal-Ukrajna u pprovdiet appoġġ umanitarju, finanzjarju u militari. L-Istati Membri ġirien fetħu l-fruntieri tagħhom għall-Ukreni li kienu qed jaħarbu mill-gwerra, u tawhom il-kenn, l-appoġġ mediku, u l-possibbiltà li jaħdmu, u lit-tfal tagħhom offrewlhom bank fil-klassijiet tagħhom. L-UE ħadet id-deċiżjoni storika li lill-Ukrajna tagħtiha status ta’ pajjiż kandidat biex tissieħeb fl-Unjoni tagħna. Illum, mill-ġdid, l-Ewropa tfisser il-futur.

Matul din is-sena li għaddiet, l-UE wriet kemm nistgħu negħlbu sfidi kbar meta b’mod ambizzjuż niġbdu ħabel wieħed flimkien. Ir-Russja ma ddikjaratx gwerra kontra l-Ukrajna biss, iżda anke kontra l-enerġija u l-ekonomija tal-Ewropa. Permezz tar-REPowerEU, qed nimmiraw li ntemmu d-dipendenza tagħna fuq il-fjuwils fossili Russi fi żmien rekord. Irnexxielna nissostitwixxu iktar minn 80 % tal-gass mill-pipelines Russi fl-ewwel tmien xhur tal-gwerra; imlejna l-faċilitajiet tal-ħżin tal-gass tagħna għal livelli rekord (iktar minn 95 % f’Novembru); naqqasna l-konsum tal-gass tagħna b’20 % bejn Awwissu u Novembru (meta mqabbel mal-5 snin ta’ qabel); u żidna l-użu tagħna ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli b’iktar minn 40 %. Anke fi żminijiet ta’ kriżi, l-UE żammet sod mal-miri klimatiċi tagħha. Żidna l-isforzi tagħna għall-wegħda li nħallu Ewropa aħjar għall-ġenerazzjoni li jmiss.

Fl-2022, il-pjan ta’ rkupru tagħna NextGenerationEU beda jiffinanzja wkoll il-proġetti ekoloġiċi u diġitali fil-post — mit-teknoloġija eolika lil hinn mill-kosta għall-ferroviji elettriċi, u mis-servizzi pubbliċi diġitali għall-isptarijiet effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Sabiex nibnu fuq dan l-impetu, u fuq is-suċċess tas-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, l-2023 għamilniha s-Sena Ewropea tal-Ħiliet. Qed inlaqqgħu flimkien lill-ħaddiema, lill-industrija, lis-sħab soċjali, lill-fornituri tat-taħriġ, u lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex nipprijoritizzaw l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali, u t-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet. Jeħtieġ li nnaqqsu l-qgħad fost iż-żgħażagħ u ngħinu lil iktar nisa biex jidħlu fis-suq tax-xogħol, għaliex irridu nisfruttaw il-potenzjal kollu tal-Ewropa. Għax huma n-nies u l-għarfien tagħhom li jixprunaw bidla pożittiva.

Fis-sena li ġejja, se nkomplu nagħmlu d-demokraziji u l-ekonomiji tagħna iktar reżiljenti, lill-industriji tagħna iktar kompetittivi, lis-soċjetajiet tagħna iktar ġusti, u lis-sħubijiet tagħna mal-bqija tad-dinja iktar b’saħħithom. Tista’ taqra iktar dwar il-progress li għamilna fuq din il-ħidma fl-2022 fil-paġni li ġejjin.

Viva l-Ewropa!

Ursula von der Leyen

Grupp ta’ Ukreni jaqsmu pont fit-tifrik tal-gwerra, erbat rġiel jerfgħu xwejħa fuq streċer.
Ċittadini Ukreni qed jaqsmu pont fit-tifrik tal-gwerra biex jaħarbu mill-belt ta’ Irpin, l-Ukrajna, nhar it-8 ta’ Marzu 2022.
© Getty Images

1. Ir-rispons tal-UE għall-gwerra tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

Introduzzjoni

Fl-2022, waqt li l-ekonomija dinjija bdiet terġa’ tqum fuq saqajha mill-pandemija tal-COVID-19, id-dinja sabet ma’ wiċċha kriżi ġeopolitika ġdida. Fl-24 ta’ Frar 2022, kważi tmien snin wara l-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol, ir-Russja nediet gwerra tal-aggressjoni kontra l-Ukrajna, li wasslet għad-devastazzjoni tal-poplu Ukren u għadha sal-lum teqred inħawi tal-pajjiż u taħsad il-ħajjiet tal-bnedmin. Apparti li ħolqu kriżi umanitarja mingħajr preċedent, l-azzjonijiet Russi kkaġunaw ukoll l-agħar kriżi tal-enerġija fl-Ewropa mis-sebgħinijiet ’l hawn. Ikkawżaw ukoll żieda fil-prezzijiet tal-ikel madwar id-dinja u komplew jaggravaw in-nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel fid-dinja.

Ir-rispons tal-Unjoni Ewropea kien magħqud, determinat u minnufih. Is-27 Stat Membru u s-sħab tagħhom madwar id-dinja kkundannaw il-gwerra tal-aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata, u ħadu azzjoni malajr u bil-qawwa biex jiżolaw lir-Russja ekonomikament u imponew għadd ta’ sanzjonijiet li jolqtu fil-laħam il-ħaj biex ifixklu l-abbiltà tar-Russja li tiffinanzja l-gwerra.

Filwaqt li wriet l-appoġġ sod tagħha għall-Ukrajna, l-UE żiedet l-appoġġ politiku, umanitarju u finanzjarju lill-pajjiż. Ħadet ukoll il-miżura eċċezzjonali li għall-ewwel darba tattiva d-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja biex tipprovdi protezzjoni minnufih lill-miljuni ta’ ċittadini Ukreni li kienu mġiegħla jaħarbu minn djarhom.

Fl-istess ħin, l-UE mmobilizzat il-mezzi kollha tagħha biex tappoġġa lill-Istati Membri fir-rispons tagħhom għall-impatti tal-gwerra tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u għall-miġja qawwija tar-refuġjati fil-pajjiżi ġirien.

Il-gwerra tal-aggressjoni Russa wasslet ukoll għal bidliet fl-arkitettura tas-sigurtà Ewropea. F’Marzu, l-UE adottat il-Boxxla Strateġika biex issaħħaħ il-pożizzjoni tal-UE fis-sigurtà u d-difiża sal-2030 (ara l-Kapitlu 8).

Minbarra din, il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet pjan rivoluzzjonarju, REPowerEU, biex twieżen il-waqfien tad-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili Russi (ara l-Kapitlu 2).

Wara d-deċiżjoni storika tal-Kunsill Ewropew f’Ġunju 2022, l-UE tat l-istatus ta’ pajjiż kandidat lill-Ukrajna (ara l-Kapitlu 8).


Solidarjetà mal-Ukrajna

Rispons immedjat u magħqud

L-UE rreaġixxiet malajr għall-gwerra tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. B’solidarjetà vera bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, fl-2022 l-UE adottat aktar minn 200 miżura b’rispons għall-invażjoni. Ir-rispons tagħha mexa fuq tliet binarji, jiġifieri li: tiżola lir-Russja u żżommha responsabbli għall-gwerra tal-aggressjoni, għall-invażjoni u għall-ksur tal-liġijiet umanitarji internazzjonali, inkluż reati tal-gwerra; timponi sett ta’ sanzjonijiet bla preċedent imfassla biex iħallu konsegwenzi gravi fuq l-ekonomija Russa u jxekklu l-abbiltà tagħha li tissokta l-gwerra tal-aggressjoni; u tagħti appoġġ estensiv lill-Ukrajna. L-UE waqfet ukoll ħidmietha mal-awtoritajiet Russi, u kompliet tagħti appoġġ lis-soċjetà ċivili, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-midja indipendenti.

Andrzej Duda, Ursula von der Leyen u Hugh Evans spalla ma’ spalla quddiem il-poster bil-kliem “Stand Up for Ukraine”.
Mix-xellug għal-lemin: Il-President tal-Polonja Andrzej Duda, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, u l-Kofundatur u CEO ta’ Global Citizen Hugh Evans waqt l-avveniment dinji għall-għoti tad-donazzjonijiet “Stand Up for Ukraine”, il-Palazz Belvedere f’Varsavja, il-Polonja, nhar id-9 ta’ April 2022.

F’April, id-dinja ngħaqdet f’solidarjetà biex tiġbor €9.1 biljun għan-nies li qed jaħarbu mill-invażjoni Russa. Dawn kienu jinkludu €1 biljun mill-baġit tal-UE u €1 biljun oħra mill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp. Il-Kummissjoni Ewropea u l-gvern Kanadiż nedew l-avveniment u l-kampanja tad-donazzjonijiet Stand Up for Ukraine, bi sħubija mal-organizzazzjoni internazzjonali tal-promozzjoni Global Citizen u bi tweġiba għas-sejħa tal-President Ukren Volodymyr Zelenskyy. Bħala rikonoxximent għall-ġenerożità tal-poplu Pollakk mar-refuġjati, l-avveniment tad-donazzjonijiet sar f’Varsavja (il-Polonja), bis-sehem tal-President Pollakk Andrzej Duda.

Bl-approċċ ta’ “Tim Ewropa”, l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-istituzzjonijiet finanzjarji, sa tmiem l-2022 immobilizzaw flimkien kważi €50 biljun f’appoġġ ġenerali lill-Ukrajna, bħala espressjoni ċara tas-solidarjetà kontinwa tal-UE mal-poplu Ukren. Dawn inkludew pakkett ta’ appoġġ bla preċedent ta’ €18-il biljun fil-forma ta’ self favorevoli, u l-Kummissjoni — f’isem l-UE — ssellfet il-fondi fis-swieq kapitali internazzjonali u se tħallashom b’pagamenti regolari fl-2023.

Din l-għajnuna finanzjarja se tgħin lill-Ukrajna tindirizza l-ħtiġijiet urġenti tagħha ta’ finanzjament fl-immedjat u tibqa’ twettaq il-funzjonijiet statali essenzjali, tiżgura l-istabbiltà makroekonomika u terġa’ tistabbilixxi l-infrastruttura kritika li qed tinqered fil-gwerra tal-aggressjoni Russa. Dan l-appoġġ jeħtieġ jingħata palata wkoll minn sħab oħra internazzjonali ħalli flimkien niżguraw li nkopru l-finanzjament kollu li teħtieġ l-Ukrajna.


L-appoġġ ġenerali mogħti lill-Ukrajna fl-2022

  • €19.7-il biljun f’assistenza finanzjarja, appoġġ baġitarju u assistenza umanitarja, mill-baġit tal-UE u direttament mingħand l-Istati Membri tal-UE.
  • Pakkett ta’ €18-il biljun biex jappoġġa l-ekonomija tal-Ukrajna.
  • €3.1 biljun f’assistenza militari permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi u xi €7 biljun mogħtija direttament mill-Istati Membri tal-UE (*).

(*) Appoġġ ipprovdut mill-Facilità Ewropea għall-Paċi jew mogħti direttament mill-Istati Membri mhux parti mill-baġit tal-UE.


Miżuri ewlenin fl-2022 li għenu lin-negozji u lill-familji Ukreni jibbenefikaw mis-Suq Uniku tal-UE


L-hekk imsejħa korsiji ta’ solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna fetħu rotot loġistiċi ġodda bil-ferroviji, bit-triq u mill-passaġġi fuq l-ilma interni biex l-Ukrajna tingħaqad mas-sħab kummerċjali dinjin. Dawn kienu vitali għall-ekonomija Ukrena biex irnexxilha tikseb lura aktar minn €15-il biljun fi dħul tant meħtieġ għall-bdiewa u n-negozji Ukreni, u biex l-Ukrajna tkun tista’ tesporta l-prodotti tagħha, b’mod partikolari l-qamħ, ħalli tkun żgurata s-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (ara l-Kapitlu 8). Fetħu l-bibien ukoll biex l-Ukrajna timporta dak li kienet teħtieġ, mill-għajnuna umanitarja sal-għalf tal-annimali u l-fertilizzanti.


Il-pjattaforma tar-Reżiljenza tal-Katina tal-Provvista u l-pjattaforma tal-Pariġġar tan-Negozji fil-Korsiji ta’ Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna għenu lill-kumpaniji Ukreni u Ewropej biex jegħlbu t-tfixkil fil-ktajjen tal-provvista internazzjonali u jsibu soluzzjonijiet għall-esportazzjoni tal-prodotti agrikoli mill-Ukrajna.


Il-kurituri tat-trasport Ewropej twessgħu biex ikunu jinkludu lill-Moldova u lill-Ukrajna biex jissaħħu l-konnessjonijiet tat-trasport mal-UE. Dawk iż-żewġ pajjiżi se jiksbu aċċess ukoll għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa li tista’ tintuża biex tappoġġa proġetti transfruntieri li jneħħu x-xkiel.

Il-ftehimiet tal-UE mal-Moldova u mal-Ukrajna se jgħinu wkoll biex jeħfief it-trasport transfruntier tal-merkanzija.


Ċerti regoli ġodda qed jiżguraw li l-importazzjonijiet Ukreni kollha jkunu jistgħu jidħlu fl-UE kompletament mingħajr dazji u kwoti. Ir-restrizzjonijiet fuq il-kummerċ li kienet timponi l-Ukrajna qabel il-gwerra, fosthom xi miżuri tal-anti-dumping u ta’ salvagwardja, ġew sospiżi.


Permezz ta’ gwida komuni, l-awtoritajiet tal-Istati Membri setgħu jiżguraw rikonoxximent malajr, ġust u flessibbli tal-kwalifiki professjonali tal-persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna.


B’regoli ġodda, l-Ukreni li ħarbu lejn l-UE setgħu jibqgħu jużaw il-liċenzji tas-sewqan Ukreni tagħhom fl-UE u jgawdu rekwiżiti inqas stretti għas-sewwieqa professjonali.


Il-Moldova u l-Ukrajna ġew sinkronizzati mal-grilja tal-elettriku kontinentali Ewropea. L-Ukrajna se tibbenefika wkoll mix-xiri konġunt tal-UE tal-gass, tal-gass naturali likwifikat u tal-idroġenu (ara l-Kapitlu 2).


L-operaturi tal-UE u Ukreni pprovdew telefonati u internet affordabbli jew bla ħlas lir-refuġjati, u SIM cards bla ħlas b’servizzi mobbli lill-Ukreni fl-Ewropa.


L-UE mmobilizzat €25 miljun biex iżżid ir-reżiljenza ċibernetika u diġitali tal-Ukrajna bħala parti mill-pakkett ta’ emerġenza ta’ €330 miljun.

Sanzjonijiet tal-UE

Minn Marzu 2014 ’l hawn, l-UE imponiet progressivament bosta sanzjonijiet kontra r-Russja, għall-bidu bħala rispons għall-annessjoni illegali tal-Krimea u Sevastopol u għad-distabbilizzazzjoni deliberata tal-Ukrajna.

Fit-23 ta’ Frar 2022, l-UE kompliet iżżid is-sanzjonijiet bħala rispons għar-rikonoxximent formali Russu taż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasti Ukreni ta’ Donetsk u Luhansk, u għad-deċiżjoni li jintbagħtu forzi armati Russi f’dawk iż-żoni. Wara l-24 ta’ Frar, bħala rispons għall-gwerra tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u l-annessjoni illegali ta’ erba’ territorji Ukreni oħra wara t-taparsi referenda li saru, l-UE imponiet iżjed sanzjonijiet. B’kollox ġew adottati disa’ pakketti ta’ miżuri restrittivi sa tmiem l-2022.

Minbarra li żiedet l-għadd totali ta’ individwi u entitajiet Russi fuq il-lista tas-sanzjonijiet għal aktar minn 1 500, l-UE adottat miżuri bla preċedent li jolqtu firxa wiesgħa ta’ setturi ekonomiċi, mill-kummerċ, it-trasport u t-teknoloġija għall-enerġija, id-difiża u l-finanzi. Dan sar biex jiġu imposti konsegwenzi ħorox fuq ir-Russja għall-azzjonijiet tagħha u ħalli maż-żmien tiddgħajjef l-abbiltà tagħha li tissokta bl-aggressjoni. Pereżempju, l-UE rrestrinġiet l-esportazzjoni ta’ teknoloġiji u oġġetti ewlenin lejn ir-Russja u pprojbiet l-importazzjoni ta’ prodotti li jiġġeneraw dħul importanti għar-Russja.

Appoġġ miċ-ċittadini għar-rispons tal-UE għall-gwerra tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

Il-miżuri li ħadet l-UE bħala rispons għall-gwerra tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna kellhom appoġġ sod fost iċ-ċittadini. Ngħidu aħna, l-Ewropej appoġġaw bil-qawwa l-għoti tal-għajnuna umanitarja (88 %) u laqgħu lin-nies li ħarbu l-gwerra (82 %). Fil-mument tal-istħarriġ, 7 minn kull 10 Ewropej qablu li jiġu imposti sanzjonijiet ekonomiċi fuq il-gvern Russu, u fuq il-kumpaniji u l-persuni (71 %), u li jingħata appoġġ finanzjarju lill-Ukrajna (70 %).

Sors: l-Ewrobarometru Flash 514, Diċembru 2022.

L-UE naqqset ukoll l-aċċess tar-Russja għas-swieq kapitali tal-UE, ngħidu aħna billi imponiet iffriżar tal-assi u projbizzjonijiet tal-finanzjament fuq għadd ta’ banek Russi, eskludiet lil ċerti banek min-network SWIFT u llimitat l-aċċess għal infrastruttura kruċjali tas-suq finanzjarju. Projbizzjoni imposta fuq it-tranżazzjonijiet mal-Bank Ċentrali tar-Russja tfisser li r-Russja ma tistax tibqa’ taċċessa l-assi tagħha maħżuna fil-banek ċentrali u fl-istituzzjonijiet privati fl-UE.

L-UE pprojbiet ukoll lill-midja tal-istat Russu milli jxandru fl-UE ħalli tiġġieled it-tixrid tal-informazzjoni żbaljata u qarrieqa. Barra minn hekk, l-UE għalqet l-ispazju tal-ajru u l-portijiet tal-UE tagħha għall-ajruplani u l-bastimenti Russi, u imponiet projbizzjoni fuq l-operaturi Russi tat-trasport bit-triq. Fost miżuri oħra, imponiet projbizzjoni fuq l-importazzjoni bil-baħar taż-żejt mhux maħdum mir-Russja, limitu massimu dinji fuq il-prezz taż-żejt miftiehem mas-sħab tal-G7, u projbizzjoni fuq l-importazzjoni tal-faħam ta’ kull għamla mir-Russja.

Is-sanzjonijiet imposti mill-UE u minn bosta pajjiżi internazzjonali bdew idgħajfu l-bażi ekonomika Russa, iċaħħdu lir-Russja minn teknoloġiji u swieq kritiċi, u jrażżnu l-abbiltà tagħha li tissokta bil-gwerra. It-tkabbir ekonomiku futur tar-Russja mistenni jimxi ferm aktar bil-mod minn swieq emerġenti oħra, ekonomiji li qed jiżviluppaw u ekonomiji avvanzati.

Miżuri finanzjarji

  • Projbizzjoni fuq il-forniment tas-servizzi tal-messaġġi finanzjarji (b’mod partikolari SWIFT) lil 10 banek Russi
  • Restrizzjonijiet tal-aċċess lir-Russja għas-swieq kapitali u finanzjarji tal-UE
  • Projbizzjoni tat-tranżazzjonijiet mal-Bank Ċentrali Russu u mal-Bank Russu għall-Iżvilupp Reġjonali
  • Projbizzjoni tal-għoti tal-karti tal-flus denominati bl-ewro lir-Russja
  • Projbizzjoni tat-tranżazzjonijiet ma’ entitajiet tal-Istat Russi
  • Projbizzjoni tal-forniment tas-servizzi tal-klassifikazzjoni tal-kreditu lill-entitajiet Russi
  • Projbizzjoni tal-għoti tal-kartieri kriptografiċi

L-ebda sanzjoni li imponiet l-UE fuq ir-Russja ma kellha tolqot il-kummerċ tal-prodotti agrikoli u tal-ikel bejn ir-Russja u l-pajjiżi li mhumiex tal-UE, u l-ebda sanzjoni ma xekklet il-provvista tat-tagħmir mediku jew tal-mediċini għall-popolazzjoni ġenerali.

Fl-istess waqt, ġie estiż ir-reġim tas-sanzjonijiet tal-UE fuq il-Belarussja minħabba l-involviment ta’ dan il-pajjiż fil-gwerra tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. Dan jinkludi firxa ta’ miżuri finanzjarji, ekonomiċi u kummerċjali. Is-sanzjonijiet ekonomiċi fuq il-Belarussja laqtu madwar 60 % tal-esportazzjonijiet Belarussi lejn l-UE. Peress li s-sanzjonijiet daħlu fis-seħħ f’Marzu sa tmiem l-2022, l-esportazzjonijiet Belarussi lejn l-UE naqsu b’65 % meta mqabbla mal-istess perjodu fl-2021. Erba’ banek Belarussi ġew esklużi mis-sistema SWIFT.

Il-Kummissjoni Ewropea ħolqot it-Task Force dwar l-Iffriżar u s-Sekwestru biex tiżgura l-implimentazzjoni effiċjenti tas-sanzjonijiet tal-UE kontra l-individwi u l-kumpaniji Belarussi u Russi elenkati u biex tesplora r-rabtiet possibbli bejn l-assi tagħhom u attivitajiet kriminali. Sa tmiem l-2022, l-UE kienet iffriżat aktar minn €20 biljun f’assi Russi.

Miżuri diplomatiċi

Sospensjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-faċilitazzjoni tal-viża lid-diplomatiċi Russi u lil uffiċjali u negozjanti Russi oħrajn.

Restrizzjonijiet tal-midja

Sospensjoni tax-xandir fl-UE minn stabbilimenti tal-istat.

  • Sputnik
  • Russia Today
  • RTR Planeta
  • Russia 24
  • TV Centre International
  • NTV / NTV Mir
  • Pervyi Kanal
  • Rossiya 1
  • REN TV

F’Novembru, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qabel li jestendi l-lista ta’ “reati tal-UE” stabbilita skont l-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea biex tkun tinkludi l-ksur tas-sanzjonijiet tal-UE. Wara d-deċiżjoni, il-Kummissjoni pproponiet Direttiva dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u penali għall-ksur tas-sanzjonijiet tal-UE.

Ġlieda kontra l-informazzjoni qarrieqa

Fl-2022, l-UE kompliet taħdem biex tiżviluppa għodod ħalli timponi prezz politiku, ekonomiku u reputazzjonali fuq dawk li jimmanipulaw l-informazzjoni u jinterferixxu biex jagħmlu l-ħsara, fosthom dawk li jimmiraw l-elezzjonijiet u l-ambjenti tal-midja libera.

Ħidmet is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna kienet tinkludi l-monitoraġġ, l-analiżi u l-kxif tal-informazzjoni qarrieqa u tal-manipulazzjoni tal-informazzjoni min-naħa tal-gvern Russu permezz ta’ komunikazzjoni msaħħa u s-sit web EUvsDisinfo.

L-UE wessgħet l-appoġġ dirett għall-isforzi Ukreni tal-komunikazzjoni strateġika u ħadmet mill-qrib mas-sħab internazzjonali tal-istess fehma, b’mod partikolari l-G7 u n-NATO, biex tiġġieled il-propaganda tal-gwerra. In-network tal-Kummissjoni kontra l-informazzjoni qarrieqa ssorvelja u analizza bosta narrattivi foloz u rrakkomanda azzjonijiet u kontronarrattivi f’rapporti ta’ kull ġimgħa mħejjija mill-Kummissjoni.

Il-logo tal-kampanja tal-UE kontra d-diżinformazzjoni bis-slogan “EU versus Disinfo” fuq sfond oranġjo.

L-UE taħdem mill-qrib ma’ diversi pjattaformi online u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra biex tiġġieled it-tixrid tal-informazzjoni qarrieqa. Mill-2018 ’l hawn, il-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni kien għodda għall-atturi rilevanti tal-industrija biex jiftiehmu fuq standards awtoregolatorji għall-ġlieda kontra l-informazzjoni qarrieqa. F’Ġunju 2022, kien hemm 34 firmatarju (pjattaformi online ewlenin, oħrajn emerġenti u speċjalizzati, partijiet ikkonċernati fl-industrija tar-reklamar, verifikaturi tal-fatti, u organizzazzjonijiet tar-riċerka u tas-soċjetà ċivili) li ffirmaw verżjoni msaħħa tal-kodiċi. Dan il-kodiċi rivedut għandu l-għan li jnaqqas l-inċentivi finanzjarji għal dawk li jxerrdu l-informazzjoni qarrieqa, tkun żgurata t-trasparenza tar-reklamar politiku u tingħata s-setgħa lill-verifikaturi tal-fatti.

Nindirizzaw il-kriżi umanitarja

Mill-bidu tal-gwerra tal-aggressjoni Russa sal-lum, il-ħtiġijiet umanitarji fl-Ukrajna żdiedu għal livelli bla preċedent. Sa tmiem l-2022, aktar minn 13-il miljun persuna fil-pajjiż ingħataw għajnuna umanitarja. Mill-appoġġ finanzjarju kollu mogħti lill-Ukrajna, €485 miljun ġew allokati għall-programmi tal-għajnuna umanitarja li jappoġġaw liċ-ċivili affettwati mill-kunflitt armat fl-Ukrajna, u €38 miljun ingħataw lill-Moldova li tant intlaqtet ħażin mill-gwerra. Il-finanzjament tal-UE għall-għajnuna umanitarja ta appoġġ vitali, inkluż aċċess għall-oġġetti u s-servizzi bażiċi, bħall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-ikel. Ingħataw ukoll €200 miljun oħra biex iwieżnu lill-persuni spostati fl-Ukrajna.

Janez Lenarčič mal-ħaddiema tal-ambulanza ħdejn vettura tal-ambulanza.
Il-Kummissarju Ewropew għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet Janez Lenarčič (fin-nofs) waqt operazzjoni tal-evakwazzjoni medika fl-ajruport ta’ Rzeszów, f’Rzeszów, il-Polonja, nhar l-10 ta’ Ġunju 2022.

L-ewwel prijorità tal-UE kienet li tipproteġi liċ-ċivili Ukreni. B’ħidma mal-awtoritajiet Ukreni tal-protezzjoni ċivili, il-Kummissjoni bdiet l-akbar operazzjoni u l-aktar waħda kumplessa fl-istorja tal-UE, permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili. B’hekk żgurat li twassal l-aktar assistenza mhux monetarja urġenti lill-Ukrajna u lill-pajjiżi ġirien, u tipprovdi evakwazzjoni sikura lil dawk li kienu qed jaħarbu mill-kunflitt armat. Sa tmiem is-sena, l-għajnuna tal-Istati Membri tal-UE u tal-pajjiżi li mhumiex fl-UE li jikkontribwixxu għall-mekkaniżmu flimkien mal-assistenza mir-riżervi tar-rescEU laħqet it-78 000 tunnellata, b’valur ta’ madwar nofs biljun ewro.

Seba’ ħaddiema tal-evakwazzjoni medika fuq mitjar quddiem ajruplan tal-evakwazzjoni medika.
Jibda jopera l-ewwel ajruplan tal-evakwazzjoni medika rescEU biex jgħin fit-trasport tal-pazjenti Ukreni, f’Rzeszów, il-Polonja, nhar it-22 ta’ Marzu 2022.

Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri u l-Uffiċċju Reġjonali għall-Ewropa tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, waqqfet ċentri ta’ triage fil-fruntiera tal-Ukrajna u fl-aktar Stati Membri affettwati biex tħaffef ir-rilokazzjoni u t-trasferimenti mediċi. L-operaturi tat-trasport Ewropej intervjenew fil-bidu tal-gwerra biex joffru trasport bla ħlas lir-refuġjati Ukreni lejn il-pajjiżi Ewropej.

Il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili kkoordina l-evakwazzjonijiet mediċi lejn il-pajjiżi tal-UE u n-Norveġja tal-persuni ċivili u tal-pazjenti militari Ukreni li kienu jeħtieġu trattament kontinwu jew għajnuna medika urġenti. Il-Kummissjoni waqqfet ċentri loġistiċi biex tidderieġi l-assistenza Ewropea u tappoġġa lis-sħab umanitarji fuq il-post. Fost dawn, infetħu ċentri mediċi f’Jasionka (il-Polonja), f’Iaşi (ir-Rumanija) u f’Košice (is-Slovakkja) biex tkun żgurata evakwazzjoni sikura tal-pazjenti u titħejja l-miġja ta’ eluf ta’ pazjenti fil-pajjiżi ġirien tal-UE. L-operazzjonijiet ta’ evakwazzjoni kellhom l-appoġġ tal-ajruplan il-ġdid tal-evakwazzjoni medika ta’ rescEU ffinanzjat mill-UE u ospitat min-Norveġja. Sa tmiem is-sena, ġew trasferiti aktar minn 1 670 pazjent lejn l-isptarijiet ta’ 19-il pajjiż Ewropew.

F’turija eżemplari tas-solidarjetà Ewropea mal-Ukrajna u mal-poplu Ukren, is-27 Stat Membru flimkien mal-Maċedonja ta’ Fuq, in-Norveġja u t-Turkija taw l-għajnuna lill-Ukrajna permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili tul is-sena kollha. Ġiet stabbilita ħażna addizzjonali tal-merkanzija meħtieġa b’mod urġenti, bħat-tagħmir mediku u l-kampijiet temporanji, biex tiċċentralizza l-oġġetti mogħtija b’donazzjoni mill-kumpaniji privati.

Assistenza li ssalva l-ħajjiet tal-Ukreni

30 pajjiż offrew l-għajnuna tagħhom

Ingħataw b’donazzjoni aktar minn 77 500 tunnellata ta’ għajnuniet mhux monetarji

1 260 ġeneratur tal-enerġija

1 105 transformers

185 ambulanza

125 vettura tat-tifi tan-nar

129 vettura tal-makkinarju tqil

33 pontun jew pontijiet bailey

Il-gwerra tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna xeħtet pressjoni wkoll fuq is-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri, li taw il-kura tas-saħħa lill-persuni spostati lejn l-UE. Bi ftehim mal-UE, il-Federazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar setgħet tagħti appoġġ tas-saħħa mentali u emozzjonali lill-persuni spostati fl-Ukrajna, fl-UE u fil-pajjiżi fiż-Żona Ekonomika Ewropea.

L-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini u l-Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa tal-Kummissjoni segwew mill-qrib il-provvisti tal-mediċini u tat-tagħmir mediku importanti, inkluż ta’ vaċċini pedjatriċi u għal mard infettiv ieħor, biex jevitaw problemi possibbli fil-katina tal-provvista. Ingħata appoġġ addizzjonali wkoll lill-Istati Membri li qed jospitaw lir-refuġjati biex jagħmlu sorveljanza tal-ilma mormi għal bosta patoġeni differenti. Il-Kummissjoni kkoordinat dawn l-azzjonijiet mas-sħab internazzjonali bħall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

Kadri Simson liebsa żigarella bil-bandiera Ukrena fuq il-pavru tal-qmis tagħha titkellem ma’ Herman Haluschenko ħdejn tank tal-gwerra mġarraf.
Il-Kummissarju Ewropea għall-Enerġija Kadri Simson (fuq ix-xellug), u l-Ministru Ukren għall-Enerġija Herman Haluschenko, fiċ-ċentru ta’ Kiev, l-Ukrajna, nhar l-1 ta’ Novembru 2022.

L-immirar persistenti u deliberat tar-Russja fuq l-infrastruttura tal-enerġija tal-Ukrajna affettwa serjament is-sistema tal-enerġija tal-pajjiż. L-UE, flimkien mal-Istati Membri tagħha u l-kumpaniji privati, ipprovdew tagħmir tal-enerġija ta’ emerġenza lill-Ukrajna li jiswa diversi miljuni ta’ ewro. Barra minn hekk, inġabru €32 miljun biex ikopru l-aktar ħtiġijiet urġenti permezz tal-Fond ta’ Appoġġ għall-Enerġija tal-Ukrajna stabbilit mill-Komunità tal-Enerġija fuq talba tal-Kummissjoni. F’Diċembru, il-President von der Leyen ħabbret li l-UE se timmobilizza madwar €30 miljun biex tixtri sa 30 miljun bozza li tiffranka l-enerġija għall-Ukrajna.

L-UE pprovdiet ukoll aktar minn €40 miljun għal kontromiżuri u tagħmir kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari mir-riżervi tar-rescEU u allokat €13-il miljun għall-bini mill-ġdid tal-laboratorji li saritilhom il-ħsara mill-okkupanti Russi f’Chernobyl.

Nilqgħu lil dawk li qed jaħarbu mill-kunflitt armat

Għall-ewwel darba fl-istorja u b’ħeffa bla preċedent, fl-4 ta’ Marzu l-UE attivat id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja biex toffri għajnuna effettiva mingħajr dewmien. Filwaqt li offriet il-protezzjoni lil dawk li kienu qed jaħarbu l-gwerra tal-aggressjoni Russa, inkluż bl-għoti ta’ status legali ċar u permess ta’ residenza fi Stat Membru tal-UE, l-UE tat ukoll aċċess għall-edukazzjoni, l-assistenza soċjali, l-impjiegi, il-kura medika u l-akkomodazzjoni.

Il-Kummissjoni waqqfet il-Pjattaforma ta’ Solidarjetà tal-UE bħala punt ċentrali li jissorvelja l-ħtiġijiet u jikkoordina r-rispons operazzjonali. Il-pjattaforma, li nqalbet ukoll bir-Russu u bl-Ukren, tippermetti lill-Istati Membri tal-UE jaqsmu bejniethom l-informazzjoni essenzjali dwar il-miġja sussegwenti ta’ miljuni ta’ persuni spostati fil-pajjiżi Ewropej. F’Marzu, il-Kummissjoni ppreżentat pjan ta’ 10 punti biex issaħħaħ il-koordinazzjoni Ewropea fl-akkoljenza tar-refuġjati.

Il-Kummissjoni nediet ukoll kampanja komunikattiva biex tinforma lir-refuġjati dwar id-drittijiet tagħhom u dwar sorsi affidabbli tal-informazzjoni meta jivvjaġġaw lejn l-UE. Sa tmiem l-2022, ġew irreġistrati uffiċjalment madwar 4.5 miljun persuna biex jiksbu protezzjoni temporanja fl-Istati Membri tal-UE.

Edukazzjoni fi żminijiet ta’ kunflitt

Il-gwerra tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna ħalliet impatt qawwi fuq is-sistema edukattiva Ukrena u affettwat lill-istudenti, lill-għalliema u lill-amministrazzjoni, u l-faċilitajiet edukattivi, li eluf minnhom ġarrbu ħsarat kbar. Bl-appoġġ tal-Unjoni Ewropea, il-UNICEF ipprovda bosta provvisti edukattivi u organizza taħriġ għall-għalliema dwar l-edukazzjoni tal-ħiliet tal-ħajja u l-appoġġ emozzjonali.

Ħamest itfal Ukreni bilqiegħda fil-klassi, iduru lejna għal ritratt.
500 000 tifel u tifla Ukreni bdew is-sena skolastika 2022/2023 fl-UE.
© UNICEF, 2022

Skont stimi tal-UE, madwar terz tar-refuġjati Ukreni kienu tfal fl-età tal-iskola. Dawn it-tfal ingħataw l-istess drittijiet u protezzjoni bħat-tfal li huma ċittadini tal-UE. Madwar nofs miljun tifel u tifla Ukreni ġew integrati fis-sistemi skolastiċi f’20 Stat Membru malli bdiet is-sena skolastika l-ġdida f’Settembru.

Il-Kummissjoni appoġġat lis-sistemi edukattivi nazzjonali b’manwal prattiku għas-sena skolastika 2022/2023, b’linji gwida dwar ir-rikonoxximent malajr tal-kwalifiki akkademiċi Ukreni, it-tagħlim bejn il-pari, il-pjattaformi online, u arranġamenti flessibbli ta’ finanzjament permezz tal-programm Erasmus+, li jappoġġa l-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport fl-Ewropa.

Anastasiia Konovalova tgħallem bit-tbissima hi u terfa’ kaxxa tal-UNICEF.
Anastasiia Konovalova ħarbet minn Odesa (l-Ukrajna), lejn Bucharest (ir-Rumanija), u llum qed tgħallem lit-tfal Ukreni fil-klassijiet tal-iskola primarja.
© UNICEF/UN0622380/Holerga, 2022

F’Ġunju, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri biex jirrieżaminaw it-talbiet tagħhom għall-għajnuna għas-sena skolastika 2022/2023 mill-iskema tal-UE għall-iskejjel biex ikunu jaħsbu wkoll fit-tfal Ukreni spostati. L-iskema tappoġġa t-tqassim tal-frott, tal-ħaxix, tal-ħalib u ta’ ċerti prodotti tal-ħalib lit-tfal tal-iskola mit-tagħlim preskolastiku sas-sekondarja. Għaldaqstant, b’kollox ġew ridistribwiti €2.9 miljun lil dawn il-pajjiżi.

Il-Kummissjoni nediet ukoll l-MSCA4Ukraine b’finanzjament ta’ €25 miljun mill-Azzjonijiet ta’ Marie Skłodowska-Curie biex tappoġġa lir-riċerkaturi li kienu qed jaħarbu l-gwerra. B’hekk setgħu jkomplu l-ħidma tagħhom fl-organizzazzjonijiet akkademiċi u mhux akkademiċi tal-Istati Membri tal-UE u fil-pajjiżi assoċjati ma’ Orizzont Ewropa, u jżommu r-rabtiet tagħhom mal-komunitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ukrajna.

Fl-2022, l-UE warrbet €100 miljun għat-tiswija tal-iskejjel Ukreni li ġarrbu ħsarat u tat €14-il miljun biex jinxtraw xarabanks tal-iskola u għat-trasport tat-tfal Ukreni. Il-Kummissjoni organizzat ukoll kampanja ta’ solidarjetà biex tappella lill-entitajiet pubbliċi u privati jagħtu xarabanks tal-iskola lill-Ukrajna. Sa Diċembru 2022, permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili, kien hemm 240 xarabank fi triqithom lejn l-Ukrajna mit-toroq tal-Istati Membri tal-UE.

Video dwar il-kampanja tal-Kummissjoni Ewropea biex jingħataw donazzjonijiet ta’ xarabanks tal-iskejjel għat-tfal Ukreni.*
VIDEO Nidderieġu l-Ġejjieni tal-Ukrajna.

Nappoġġaw lill-Istati Membri tal-UE

L-UE aġixxiet ukoll b’ħeffa u solidarjetà biex tappoġġa lill-Istati Membri waqt li kienu qed jilqgħu u jsibu akkomodazzjoni lil dawk li kienu qed jaħarbu mill-Ukrajna, u minnufih warrbet €3.5 biljun mill-istrument għall-kriżi tal-pandemija ta’ REACT-EU għal Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa. Barra minn hekk, l-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom setgħu jirridirezzjonaw il-finanzjament eżistenti biex jipprovdu assistenza materjali bażika, bħal ikel u ħwejjeġ, bl-inizjattiva CARE għal Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa. Biex tkompli żżid dan l-appoġġ, f’Ġunju l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta għal Assistenza Flessibbli għat-Territorji (FAST-CARE) biex tgħin lill-Istati Membri jagħtu l-appoġġ lir-refuġjati. B’kollox, hemm potenzjalment disponibbli sa €17-il biljun permezz ta’ CARE għall-2014–2020 (inkluż ir-REACT-EU msemmi hawn fuq) u sa €17-il biljun permezz ta’ FAST-CARE għall-2021–2027.

Il-fondi tal-affarijiet interni 2014–2020 u 2021–2027 kienu disponibbli wkoll biex jgħinu lill-Istati Membri tal-UE jilqgħu lill-persuni li kienu qed jaħarbu mill-Ukrajna. Barra minn dawk, twarrbu wkoll €400 miljun għall-Istati Membri mal-fruntiera tal-Ukrajna biex ikopru l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni, l-ikel u l-kura tas-saħħa, u bħala appoġġ għat-tmexxija tal-fruntieri.

Disa’ Stati Membri talbu l-appoġġ tal-UE permezz tal-Istrument tal-Appoġġ Tekniku biex ikunu jistgħu jimplimentaw id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja. Fost l-oħrajn, b’hekk setgħu jassistu lill-persuni li kienu qed jaħarbu mill-Ukrajna biex isibu impjieg fl-UE u biex jadattaw il-kurrikuli tal-iskejjel għall-ħtiġijiet tal-istudenti Ukreni.

Wara li ssospendiet il-programmi ta’ kooperazzjoni mar-Russja u mal-alleat tagħha l-Belarussja, l-UE użat is-€26.2 miljun li kienu mwarrba għal proġetti ma’ dawn iż-żewġ pajjiżi, biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni tal-Istati Membri mal-Moldova u l-Ukrajna.

L-UE għamlet ukoll għadd ta’ bidliet fil-qafas legali ta’ 15-il programm ta’ kooperazzjoni transfruntiera u transnazzjonali li tħarbtu minħabba l-gwerra tal-aggressjoni Russa. Dawn il-bidliet saru biex ikun żgurat li l-proġetti li jappoġġaw lill-Istati Membri u li huma ta’ benefiċċju għall-Moldovani u l-Ukreni jkunu jistgħu jibqgħu għaddejjin. Dawn inkludew ukoll il-proġetti li jappoġġaw lir-refuġjati.

FAST–CARE: Appoġġ bil-politika ta’ koeżjoni lit-territorji u lis-sħab li laqgħu lir-refuġjati Ukreni

  • Flessibbiltà sħiħa u simplifikazzjoni tal-fondi ta’ koeżjoni kollha.
  • 30 % tal-finanzjamenti jingħataw lill-awtoritajiet lokali u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.
  • Flessibbiltà għall-implimentazzjoni tal-proġetti li qed idumu minħabba nuqqas ta’ materja prima u ħaddiema.
  • Appoġġ simplifikat ta’ €100 fil-ġimgħa lil kull refuġjat għal 26 ġimgħa.
  • Prefinanzjament ta’ koeżjoni ta’ €3.5 biljun addizzjonali.

Ngħinu lill-bdiewa u lis-sajjieda

Fost l-azzjonijiet li għenu lill-aktar bdiewa tal-UE affettwati mill-gwerra kien hemm pakkett ta’ għajnuna eċċezzjonali ta’ €500 miljun. Il-bdiewa tal-UE kisbu iżjed appoġġ permezz tal-rural development funds, li kienu opportunità għall-Istati Membri biex iħallsu somma ta’ darba lill-bdiewa u lin-negozji tal-ikel agrikolu li kienu affettwati mill-gwerra. Barra minn hekk, bil-għan li tiżdied kemm jista’ jkun il-produzzjoni taċ-ċereali, ir-rilassament temporanju tar-regoli dwar in-newba tal-għelejjel għall-2022/2023 mistenni jerġa’ jibda jħaddem 1.5 miljun ettaru ta’ art.

L-użu mir-Russja tal-esportazzjonijiet tal-enerġija tagħha bħala arma kompliet taggrava s-sitwazzjoni diġà diffiċli għas-suq tal-fertilizzanti eżatt wara l-pandemija tal-COVID-19. Iż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-gass ikkawżat żieda ta’ madwar 149 % fil-prezz tal-fertilizzanti tan-nitroġenu f’Settembru 2022, meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Bħala rispons għal dan, il-Kummissjoni ppreżentat firxa wiesgħa ta’ inizjattivi biex tiżgura d-disponibbiltà u l-affordabbiltà tal-fertilizzanti fl-UE u madwar id-dinja. Fost il-miżuri li wieżnu lill-bdiewa kien hemm għajnuna finanzjarja mmirata, bħal appoġġ speċifiku permezz tal-Qafas Temporanju ta’ Għajnuna mill-Istat għall-Kriżijiet, appoġġ għal soluzzjonijiet ta’ fertilizzanti alternattivi u t-tnedija ta’ osservatorju tas-suq għall-fertilizzanti ħalli tiżdied it-trasparenza tas-suq.

Anki l-operaturi tas-sajd u tal-akkwakultura tal-UE ntlaqtu b’mod sever miż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-materja prima. Biex tgħin lil dan is-settur fi żminijiet diffiċli, l-UE attivat il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura biex tappoġġa lill-operaturi u ddaħħal għadd ta’ miżuri speċifiċi. Dawn l-inizjattivi jikkumplimentaw lil dawk disponibbli permezz tal-Qafas Temporanju ta’ Għajnuna mill-Istat għall-Kriżijiet li ġie adottat biex jgħin lill-kumpaniji tal-UE jlaħħqu mal-prezzijiet għoljin tal-enerġija u konsegwenzi oħra tal-gwerra tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (ara l-Kapitlu 2 għal aktar informazzjoni).

Appoġġ fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati tal-gwerra

L-UE ħadet għadd ta’ miżuri biex dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet Russi jinżammu responsabbli għall-ksur gravi tal-liġijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tal-liġijiet umanitarji internazzjonali fl-Ukrajna.

F’Marzu, l-Istati Membri kollha tal-UE, flimkien ma’ pajjiżi sħab oħrajn, iddeċidew li kollettivament jressqu s-sitwazzjoni fl-Ukrajna quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali. Filwaqt li kompliet tappoġġa l-ħidma tal-Qorti, l-UE wriet ir-rieda li taħdem mal-komunità internazzjonali dwar l-istabbiliment ta’ tribunal internazzjonali ad hoc jew tribunal “ibridu” biex jinvestiga u jħarrek ir-reati tal-aggressjoni Russa.

Josep Borrell u Ursula von der Leyen jixegħlu x-xemgħa quddiem għadd ta’ fotografi fl-isfond.
Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għal “Ewropa Aktar b’Saħħitha fid-Dinja” Josep Borrell (fuq il-lemin), u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen (it-tieni mil-lemin), ifakkru l-vittmi tal-gwerra fl-Ukrajna, nhar it-8 ta’ April 2022.

Sa tmiem l-2022, l-Ukrajna u 14-il Stat Membru tal-UE kienu nedew investigazzjonijiet dwar ir-reati internazzjonali li wettqet ir-Russja fl-Ukrajna. Uħud minn dawn l-Istati Membri diġà qed jaħdmu direttament mal-Ukrajna u mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust) permezz tal-Iskwadra tal-Investigazzjoni Konġunta, imwaqqfa biex tiġbor l-evidenza u tinvestiga r-reati tal-gwerra u r-reati kontra l-umanità. Il-mandat tal-Eurojust kompla jissaħħaħ f’Ġunju 2022 għax ingħatat is-setgħa tippreserva, tanalizza u taħżen l-evidenza dwar ir-reati internazzjonali.

L-UE emendat ukoll il-mandat tal-Missjoni ta’ Konsulenza tal-UE għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna biex tkun tista’ tipprovdi appoġġ wkoll lill-awtoritajiet Ukreni fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati internazzjonali mwettqa fil-kuntest tal-gwerra tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

Qabar tal-massa ħdejn knisja.
Qabar tal-massa f’Bucha, l-Ukrajna, nhar it-8 ta’ April 2022.

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Europol) waqqfet taskforce apposta biex tiġbor u tanalizza l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku ħalli tgħin lill-Ukrajna u lill-Qorti Kriminali Internazzjonali fil-monitoraġġ tal-kontenut online.

F’Novembru 2022, il-Kummissjoni ppreżentat bosta alternattivi differenti lill-Istati Membri biex tiżgura li r-Russja tinżamm responsabbli għall-attroċitajiet li twettaq waqt l-aggressjoni mhux provokata tagħha kontra l-Ukrajna. Għall-immedjat, il-Kummissjoni pproponiet li toħloq struttura finanzjarja ġdida biex timmaniġġja l-assi pubbliċi Russi ffriżati u mobilizzati, tinvestihom u tuża r-rikavat għall-Ukrajna. Aktar fit-tul, ladarba jitneħħew is-sanzjonijiet, dawn il-fondi jistgħu jintużaw biex jiżguraw li r-Russja tikkumpensa għad-danni kollha li qed tikkawża lill-Ukrajna.

Andriy Kostin dahru lejna liebes ġakkettina bil-kliem “Prosekutur tar-Reati tal-Gwerra” u Didier Reynders fuq il-lemin tiegħu jisimgħu b’attenzjoni.
Il-Prosekutur Ġenerali Ukren Andriy Kostin (fuq ix-xellug), u l-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Didier Reynders, f’Borodyanka, l-Ukrajna, nhar id-9 ta’ Ottubru 2022.

Il-bini mill-ġdid tal-Ukrajna

Il-gwerra tal-aggressjoni Russa diġà kkawżat qerda kbira f’bosta bliet u komunitajiet Ukreni, u skont il-Bank Dinji, l-ispiża tal-bini mill-ġdid mistennija tilħaq is-€600 biljun. Se jkun hemm bżonn sforz internazzjonali kollettiv biex l-Ukrajna tikseb l-għajnuna waqt li tkun qed tibni mill-ġdid il-pajjiż u l-ekonomija tagħha.

Dwar il-bini mill-ġdid fuq medda twila ta’ żmien, fil-25 ta’ Ottubru, il-Kummissjoni u l-Presidenza tal-G7 organizzaw b’mod konġunt f’Berlin (il-Ġermanja), Konferenza Esperta Internazzjonali dwar l-Irkupru, ir-Rikostruzzjoni u l-Modernizzazzjoni tal-Ukrajna. Abbażi tad-diskussjonijiet li saru f’Lugano (l-Iżvizzera), nhar l-4 u l-5 ta’ Lulju waqt il-Konferenza dwar l-Irkupru tal-Ukrajna, il-konferenza ta’ Berlin ipprovdiet għarfien espert addizzjonali dwar il-proċess tal-irkupru. L-eżitu tal-konferenza se jgħin biex tissawwar pjattaforma ta’ koordinazzjoni internazzjonali, bħalma kienet ipproponiet il-Kummissjoni f’Mejju. F’Diċembru, il-mexxejja tal-G7 qablu li jistabbilixxu din il-Pjattaforma ta’ Koordinazzjoni tad-Donaturi b’diversi aġenziji, flimkien mal-Ukrajna u s-sħab internazzjonali u b’koordinazzjoni mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali rilevanti. Il-Pjattaforma se tkun kruċjali biex tgħin fit-tqabbil tal-ħtiġijiet mar-riżorsi matul l-isforzi tat-tiswija, tal-irkupru u tal-bini mill-ġdid tal-Ukrajna. Din se tkun kopreseduta mill-UE, l-Ukrajna u l-Istati Uniti u l-ħidma tagħha se jkollha l-assistenza tas-Segretarjat tekniku, b’uffiċċju fi Brussell (il-Belġju) ospitat mill-Kummissjoni u uffiċċju ieħor fi Kiev (l-Ukrajna) ospitat mill-Gvern Ukren.

Ursula von der Leyen twassal diskors waqt il-Konferenza Esperta Internazzjonali għall-Irkupru, ir-Rikostruzzjoni u l-Modernizzazzjoni tal-Ukrajna.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen waqt il-Konferenza Esperta Internazzjonali għall-Irkupru, ir-Rikostruzzjoni u l-Modernizzazzjoni tal-Ukrajna, f’Berlin, il-Ġermanja, nhar il-25 ta’ Ottubru 2022.
Raġel jerfa’ tifla kukkużejt, b’ħarsithom lejn irdieden tar-riħ li jiġġeneraw l-enerġija nadifa.

2. Niżguraw enerġija sigura, affordabbli u sostenibbli

Introduzzjoni

Il-gwerra tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u l-fatt li l-esportazzjonijiet tal-enerġija saru arma tal-gwerra huma theddida għas-sigurtà u l-affordabbiltà tal-provvisti tal-enerġija tal-UE. L-UE wieġbet b’inizjattivi maħsuba biex iwaqqfu gradwalment id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili Russi, iwieżnu liċ-ċittadini fil-kontijiet tad-dawl, u jħaffu t-tranżizzjoni tal-UE lejn l-enerġija nadifa.

Ftit wara l-invażjoni, l-UE ppreżentat il-pjan rivoluzzjonarju REPowerEU bil-għan li tiffranka l-enerġija, tixpruna l-enerġija rinnovabbli u tiddiversifika l-provvisti tal-enerġija tal-Ewropa. Il-pjan issejjes fuq il-miżuri ambizzjużi proposti fl-2021 li jgħinu lill-UE tilħaq il-miri klimatiċi u ambjentali tagħha (ara l-Kapitlu 3). Jikkumplimenta wkoll inizjattivi preċedenti relatati mas-sigurtà, il-provvista u l-ħżin tal-enerġija.

REPowerEU għandu l-appoġġ finanzjarju parzjali tal-istrument NextGenerationEU u tal-miżuri legali meħtieġa biex tingħata spinta lit-tranżizzjoni lejn l-infrastruttura u s-sistema ġdida tal-enerġija li l-Ewropa teħtieġ. Dan il-pjan se jara li tiżdied bil-qawwa l-enerġija rinnovabbli, titħaffef l-elettrifikazzjoni, u titwettaq is-sostituzzjoni tas-sħana u tal-enerġija bbażati fuq il-fjuwils fossili fl-industrija, fil-bini u fis-settur tat-trasport.

Fl-2022, l-UE ħadet bosta miżuri ta’ emerġenza biex tindirizza l-kriżi tal-enerġija u, għall-ewwel darba fil-qasam tal-enerġija, użat l-intervent ta’ emerġenza skont l-Artikolu 122 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dan biex tiżgura li tiffranka l-gass, jitħaffu l-proċeduri tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli, u tħeġġeġ is-solidarjetà bejn l-Istati Membri f’każ ta’ diffikultajiet serji fil-provvista tal-enerġija.

Is-sigurtà tal-enerġija

Intemmu d-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili Russi

Il-gwerra tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna fixklet bil-kbir is-sistema tal-enerġija dinjija, u kkawżat bosta tbatijiet għax żdiedu l-prezzijiet tal-enerġija u ħolqot tħassib dwar is-sigurtà tal-enerġija. Ħarġet fid-dieher ukoll id-dipendenza żejda tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili mir-Russja, li fl-2021 kienu fil-livell ta’ 44 % fejn jidħlu l-importazzjonijiet tal-gass, 46 % għall-importazzjonijiet tal-faħam, u 27 % għall-importazzjonijiet taż-żejt.

Fi żmien ftit ġimgħat mill-invażjoni, l-UE ppreżentat il-Pjan REPowerEU biex ittemm id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili Russi billi tħaffef l-introduzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, ittejjeb l-effiċjenza enerġetika u l-iffrankar tal-enerġija, u tiddiversifika l-provvisti tal-enerġija.

Biex issib provvisti alternattivi tal-enerġija u tevita ċerta dipendenza żejda fuq fornitur wieħed, l-UE bdiet diskussjonijiet ma’ sħab internazzjonali affidabbli, u żgurat livelli rekord ta’ importazzjonijiet tal-gass naturali likwifikat (LNG) u konsenji alternattivi tal-gass mill-pipelines. Għal dan il-għan, f’Marzu 2022, l-UE ffirmat ftehim storiku mal-Istati Uniti, u għamlet ukoll arranġamenti oħra mal-Ażerbajġan, l-Eġittu u Iżrael.

Id-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija tal-UE

L-infografika turi d-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija importati fl-UE fl-2022 meta mqabbla mal-2021 u l-persentaġġ tal-ammont importat kull sena.

Biex tiddiversifika l-provvista tal-enerġija, fl-2022 l-UE importat biss 23% tal-gass mill-pipelines Russi, jiġifieri tnaqqis minn 44% fl-2021. Dan jinkludi kemm il-gass mill-pipeline u anki l-gass naturali likwifikat. L-importazzjonijiet tal-UE minn pipelines tal-gass ta’ fornituri oħra żdiedu minn 38% fl-2021 għal 47% fl-2022, filwaqt l-importazzjonijiet tal-UE mingħand fornituri oħra tal-gass naturali likwifikat żdied għal 30% fl-2022 minn 18% fl-2021.

Video dwar l-għanijiet u l-benefiċċji ta’ REPowerEU, il-pjan tal-Kummissjoni Ewropea li jtemm id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi.
VIDEO REPowerEU: Il-pjan tal-Kummissjoni Ewropea biex twaqqaf gradwalment il-fjuwils fossili Russi.

L-isforzi politiċi tal-UE fl-2022 taw ir-riżultati. Sa tmiem l-2022, l-UE naqqset l-importazzjonijiet tagħha tal-gass Russu mill-pipelines għal 9 %, u n-Norveġja ħadet post ir-Russja bħala l-fornitur ewlieni tal-gass għall-UE.

Bosta proġetti infrastrutturali tal-enerġija, magħrufa bħala proġetti ta’ interess komuni għenu biex l-Ewropa twettaq il-qalba għal-LNG u tittrasportah. Diversi proġetti oħra li bdew jitħaddmu fl-2022, bħall-Baltic Pipe u l-Interkonnettur Greċja–Bulgarija, kienu kruċjali biex bosta Stati Membri jiksbu alternattiva għall-gass Russu. Dan seta’ jsir bis-saħħa tal-investiment konsiderevoli li għamlet l-UE fl-aħħar għaxar snin fl-infrastruttura tal-enerġija.

L-interkonnettur bejn il-Greċja u l-Bulgarija hu proġett kruċjali għad-diversifikazzjoni tal-provvista tal-gass fix-Xlokk tal-Ewropa. Inawgurat fl-1 ta’ Ottubru 2022 f’Sofia (il-Bulgarija), dan hu rotta ewlenija għall-ġarr tal-gass mill-pipeline trans-Adrijatiku u l-Greċja lejn il-Bulgarija u l-pajjiżi ġirien. Il-proġett kiseb €45 miljun mill-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru u €39 miljun mill-fondi strutturali permezz tal-Programm Operazzjonali għall-Innovazzjoni u l-Kompetittività.

Teodora Georgieva, Stevo Pendarovski, Ilham Aliyev, Ursula von der Leyen, Roumen Radev, Kyriakos Mitsotakis, Galab Donev, Aleksandar Vučić, Nicolae-Ionel Ciucă u George Satlas bilwieqfa quddiem l-istrixxun tal-Interkonnettur Greċja–Bulgarija.
Waqt l-inawgurazzjoni tal-Interkonnettur bejn il-Greċja u l-Bulgarija, f’Sofia, il-Bulgarija, nhar l-1 ta’ Ottubru 2022. Mix-xellug għal-lemin: Uffiċjal Eżekuttiva għall-ICGB AD Teodora Georgieva, il-President tal-Maċedonja ta’ Fuq Stevo Pendarovski, il-President tal-Ażerbajġan Ilham Aliyev, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, il-President tal-Bulgarija Roumen Radev, il-Prim Ministru Grieg Kyriakos Mitsotakis, il-Prim Ministru Bulgaru Galab Donev, il-President tas-Serbja Aleksandar Vučić, il-Prim Ministru Rumen Nicolae-Ionel Ciucă, u Uffiċjal Eżekuttiv għall-ICGB AD George Satlas.

L-UE bniet ukoll kooperazzjoni mal-Eġittu, mal-Ġappun, mal-Każakistan u man-Namibja biex tħaffef il-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli, għax dan se jkollu rwol ewlieni fid-dekarbonizzazzjoni ta’ ċerti setturi (bħat-trasport fuq distanzi twal) li għalihom, il-qalba għall-fjuwils alternattivi jaf ma tkunx fattibbli jew tiswa aktar flus. Din għandha wkoll il-potenzjal li fil-futur jintużaw partijiet mill-infrastruttura eżistenti tal-pipelines tal-gass biex jiġu evitati effetti ta’ intrappolament.

Niżguraw il-ħżin u nindirizzaw l-ispejjeż għoljin

Il-gwerra tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u l-fatt li r-riżorsi tal-enerġija biddlithom f’arma tal-gwerra komplew jaggravaw is-sitwazzjoni tal-provvista fis-suq tal-enerġija li diġà kienet diffikultuża wara l-pandemija tal-COVID-19. Il-Komunikazzjoni dwar il-Prezzijiet tal-Enerġija adottati f’Ottubru 2021 offrew lill-Istati Membri għodod għal kif għandhom jieħdu l-miżuri fil-livell nazzjonali biex jindirizzaw l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija b’mod li jirrispetta r-regoli tas-Suq Uniku. Imbagħad fl-2022, il-Komunikazzjoni dwar l-interventi fis-suq tal-enerġija għall-immedjat u t-titjib fit-tul wessgħet dawk l-għodod biex ikunu jistgħu jintużaw ukoll għat-tfassil tas-suq tal-elettriku u l-Pjan REPowerEU.

L-UE ħadet ukoll azzjoni immedjata biex tiżgura li l-Ewropa żżomm sħuna matul ix-xitwa. Għaldaqstant, għarfet tiffranka l-enerġija biex tkun tista’ taħżen aktar gass għax-xhur xitwin. L-Istati Membri qablu li jieħdu għadd ta’ miżuri magħżulin minnhom stess biex inaqqsu d-domanda għall-gass bi 15 % bejn l-1 ta’ Awwissu 2022 u l-31 ta’ Marzu 2023, meta mqabbla mal-konsum medju tagħhom fil-ħames snin ta’ qabel. Filwaqt li s-sistemi tal-enerġija f’kull Stat Membru jvarjaw ġmielhom, u għalhekk hemm bżonn bosta miżuri varji, ċerti azzjonijiet ikkoordinati fil-livell tal-UE kienu vitali biex jonqos il-konsum ġenerali tal-UE fl-2022.

Il-ħżin tal-gass jaqdi rwol importanti biex niżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-UE, għax ikopri 25–30 % tal-gass ikkonsmat fl-UE matul xitwa normali. F’Ġunju 2022, l-UE adottat leġiżlazzjoni ġdida fi żmien rekord biex tiżgura li sal-1 ta’ Novembru 2022, il-ħażniet tal-gass ta’ taħt l-art fl-UE jimtlew sa mill-inqas 80 % tal-kapaċità, u sa 90 % fl-istess jum fis-snin ta’ wara, biex tiżgura provvista għax-xitwa li ġejja. Bis-saħħa tal-isforz konġunt tal-Istati Membri, ir-rati tal-ħżin qabżu dawk il-miri, u f’Novembru 2022 laħqu l-95.5 %.

Il-ħżin tal-gass tal-UE

It-tabella turi l-livelli tal-ħżin tal-gass tal-UE fl-2022 u s-sehem tal-kapaċità miksub.

Fl-2022, l-Istati Membri tal-UE żiedu l-ħżin tal-gass minn 30% tal-kapaċità fi Frar biex qabżu l-mira tal-UE ta’ 80% f’Settembru u aktar minn 95% f’Novembru.

Ittieħdet ukoll miżura ta’ emerġenza biex jitfassal ftehim ta’ solidarjetà awtomatiku bejn l-Istati Membri ġirien fl-eventwalità li jkollna skarsezzi fil-provvista. Dan jiżgura li ċ-ċittadini Ewropej jista’ jkollhom aċċess kontinwu għall-gass, anke waqt xi kriżi. Fl-istess ħin, it-tnaqqis fid-domanda għall-enerġija jibqa’ importanti fil-kuntest tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, u tal-preservazzjoni tar-riżervi tal-gass tal-Ewropa għas-snin li ġejjin.

L-UE stabbiliet ukoll Pjattaforma tal-UE għax-Xiri tal-Enerġija biex tiffaċilita x-xiri konġunt volontarju tal-gass, tal-LNG u tal-idroġenu mill-Istati Membri. Il-pjattaforma se tkun miftuħa wkoll għall-pajjiżi tal-Komunità tal-Enerġija, bħall-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna, u għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

Bi tweġiba għall-kriżi tal-enerġija, ġew emendati r-regoli tal-politika ta’ koeżjoni ħalli jappoġġaw miżuri tal-enerġija affordabbli, u biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprovdu l-appoġġ dirett tagħhom lill-familji vulnerabbli u lin-negozji żgħar u medji affettwati partikolarment miż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija.

Bl-introduzzjoni tal-Qafas Temporanju tal-Kriżijiet għall-għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri setgħu jużaw il-flessibbiltà mogħtija mir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex iwieżnu lill-ekonomiji tagħhom bla ma jdgħajfu lis-Suq Uniku. Din hi relatata l-iżjed mal-kategoriji tal-għajnuna li jappoġġaw l-isforzi tal-Istati Membri li jindirizzaw il-kwistjoni tal-prezzijiet għaljin tal-enerġija, li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u li jiffaċilitaw it-tneħħija gradwali tal-fjuwils fossili. Fl-2022, il-Kummissjoni Ewropea approvat 182 miżura nazzjonali — stmati li jlaħħqu mas-€671.78 biljun — biex tgħin lill-Istati Membri jindirizzaw il-konsegwenzi tal-gwerra tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

L-UE timmira li tnaqqas il-konsum tal-elettriku biex tindirizza l-prezzijiet għoljin

L-infografika turi l-miri tat-tnaqqis tal-konsum tal-elettriku, bħala persentaġġi.

L-UE timmira li tnaqqas il-konsum tal-elettriku biex tindirizza l-prezzijiet għaljin. Il-miri ta’ tnaqqis huma -5% għall-konsum tal-elettriku fl-eqqel sigħat u -10% għall-konsum totali tal-elettriku.

Ir-Regolament tal-Kunsill dwar intervent ta’ emerġenza li jindirizza l-prezzijiet għoljin tal-enerġija daħħal aktar miżuri urġenti, fosthom miri biex jonqos il-konsum tal-elettriku. Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll bosta proposti addizzjonali, fosthom biex jiġi stabbilit prezz referenzjarju li jiżgura pprezzar stabbli u prevedibbli għat-tranżazzjonijiet tal-LNG. L-Istati Membri qablu wkoll li jiġbru l-profitti mhux mistennija tal-kumpaniji tal-enerġija (il-produtturi tal-fjuwils fossili u tat-teknoloġiji inframarġinali) biex jiffinanzjaw l-appoġġ addizzjonali lill-familji u lin-negozji.

Barra minn hekk, l-UE adottat Mekkaniżmu ta’ Korrezzjoni tas-Suq biex tħares lill-familji u n-negozji meta l-prezzijiet tal-gass ikunu eżaġeratament għaljin, li jvarjaw mill-prezzijiet fi swieq internazzjonali oħra.

€10 biljun

Skema Finlandiża ta’ garanzija għas-self biex jitwieżnu l-produtturi tal-enerġija

€125 miljun

Skema Estonjana li tappoġġa l-ħtiġijiet tal-likwidità tal-kumpaniji fis-setturi kollha

€1.5 biljun

Skema Belġjana ta’ garanzija biex jitwieżnu l-fornituri tal-gass u tal-elettriku

€220 miljun

Miżura Spanjola li tappoġġa l-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli

€3.4 biljun

Skema Daniża ta’ self issussidjat biex jitwieżnu l-kumpaniji

€10 biljun

Skema Pollakka li tikkumpensa parzjalment lill-kumpaniji intensivi fl-enerġija għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-elettriku kkawżati mill-ispejjeż indiretti tal-emissjonijiet

L-użu effiċjenti tal-enerġija

Niffrankaw l-enerġija

L-iffrankar tal-enerġija hu l-aktar mod faċli u veloċi kif nistgħu nindirizzaw il-kriżi tal-enerġija u nraħħsu l-kontijiet. Minbarra t-tnaqqis immedjat fil-konsum tal-gass u tal-elettriku, il-Kummissjoni pproponiet li jiżdiedu l-miżuri tal-effiċjenza enerġetika fi żmien medju. Fosthom hemm iż-żieda minn 9 % għal 13 % fil-mira vinkolanti tal-2030 għall-effiċjenza enerġetika permezz tal-pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %”.

“Lesti għall-mira ta’ 55 %” tirreferi għall-mira tal-UE li tnaqqas l-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra b’mill-inqas 55 % sal-2030.

Bħala waħda mill-miżuri biex tikseb dan, l-UE jeħtieġ tnaqqas il-konsum tal-enerġija tagħha. Fl-2021, il-Kummissjoni pproponiet mira ġdida tal-iffrankar ta’ 9 % (relattiva għall-konsum fl-2020) sa tmiem id-deċennju. Bħala parti mill-Pjan REPowerEU, il-mira proposta tal-iffrankar żdiedet għal mill-inqas 13 % sal-2030.

Flimkien mal-politiki dwar l-effiċjenza enerġetika, l-inizjattivi taċ-ċittadini u tan-negozji biex jiffrankaw l-enerġija ħallew impatt pożittiv fuq il-prezzijiet, u b’hekk għamlu l-ekonomija aktar reżiljenti u ħaffu t-tranżizzjoni tal-UE lejn l-enerġija nadifa. Ma’ din l-ispinta lill-effiċjenza enerġetika jiżdiedu r-reviżjoni li għaddejja tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija u l-enfasi mogħtija lir-rinnovazzjonijiet tal-bini fil-pjanijiet tal-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri, ngħidu aħna bl-insulazzjoni u bl-installazzjoni tal-pompi tas-sħana.

Inxerrdu l-kelma dwar l-iffrankar tal-enerġija

Fl-2022, il-Kummissjoni ġeddet is-sħubija fit-tul tagħha mal-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol, filwaqt li fasslet pjan direzzjonali għal sforzi konġunti sal-2025 biex il-futbol isir forza ta’ bidla pożittiva f’ċerti oqsma ta’ prijorità, bħall-azzjoni klimatika, l-ugwaljanza għal kulħadd u l-inklużjoni soċjali.

Din il-ħidma konġunta hi parti mill-impenn tal-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol għall-Patt Klimatiku Ewropew – inizjattiva tal-UE li tħeġġeġ lin-nies, lill-komunitajiet u lill-organizzazzjonijiet jieħdu sehem fl-azzjoni klimatika u jibnu Ewropa aktar ekoloġika.

Riklam televiżiv dwar l-iffrankar tal-enerġija mħejji mid-Direttorat-Ġenerali għall-Komunikazzjoni u l-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol.
VIDEO Riklam televiżiv dwar l-iffrankar tal-enerġija bl-isem “Become a fan of saving energy too” li ntwera waqt il-kampjonati tal-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet tal-Futbol Ewropej, waqt il-kampjonati Ewropej u waqt kompetizzjonijiet ewlenin oħra, u potenzjalment laħaq aktar minn 35 miljun telespettatur f’kull partita fl-UE biss.

Kif iċ-ċittadini u n-negozji jistgħu jiffrankaw l-enerġija

Bi tnaqqis fit-temperaturi tat-tisħin u fl-użu tal-arja kundizzjonata

Jekk innaqqsu t-temperaturi tat-tisħin b’1 °C nistgħu niffrankaw xi 10 biljun metru kubu ta’ gass fis-sena.

Bit-tifi tad-dawl

B’użu aktar effiċjenti tal-apparati domestiċi

B’sewqan aktar ekonomiku

Bil-qalba lejn aktar trasport pubbliku u mobbiltà attiva

Id-diġitalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija 

Id-diġitalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija se tgħin lill-UE tilħaq l-għan tagħha tan-newtralità klimatika sal-2050, kif stabbilit fil-Patt Ekoloġiku Ewropew (ara l-Kapitlu 3). Fl-2022, il-Kummissjoni ppreżentat pjan ta’ azzjoni għad-diġitalizzazzjoni tas-sistema kollha tas-settur tal-enerġija. Dan biex is-suq tas-servizzi tal-enerġija diġitali jsir aktar sostenibbli, ċibersigur, trasparenti u kompetittiv. Se tiżgura wkoll il-privatezza u s-sovranità tad-data, u se tappoġġa l-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija diġitali.

Il-pjan jiffoka fuq kif it-teknoloġiji l-ġodda jistgħu jgħinu biex jiżdied l-użu effiċjenti tar-riżorsi tal-enerġija, teħfief l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fil-grilja, u biex il-konsumaturi u l-kumpaniji tal-UE jiffrankaw l-ispejjeż tal-enerġija. Għandu l-għan ukoll li jiżgura li d-diġitalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija tkun parti sħiħa mit-tranżizzjoni lejn l-enerġija nadifa, apparti li tkun konsistenti mal-miri diġitali għall-2030.

Id-diġitalizzazzjoni ttejjeb

l-affordabbiltà:
Ngħinu lill-konsumaturi jżidu l-kontroll fuq kemm jużaw enerġija u fuq il-kontijiet;

is-sostenibbiltà:
Niżguraw li t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali jimxu id f’id;

ir-reżiljenza:
Insaħħu ċ-ċibersigurtà tan-networks tal-enerġija.

Inħaffu l-produzzjoni tal-enerġija ekoloġika

L-enerġija rinnovabbli

L-enerġija rinnovabbli tinsab fil-qalba tal-pjanijiet tal-UE biex twaqqaf gradwalment id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili Russi u tindirizza l-kriżi klimatika. Hi l-orħos u l-aktar enerġija nadifa disponibbli, u nistgħu niġġenerawha aħna stess, u b’hekk ma nibqgħux daqshekk kostretti nimportaw l-enerġija. Fl-2022, bħala parti mill-pakkett REPowerEU, il-Kummissjoni pproponiet li żżid il-mira tal-UE għall-enerġija rinnovabbli sal-2030 għal 45 % tal-konsum totali tal-enerġija, meta mqabbla mal-mira ta’ 40 % maħsuba fil-proposti “Lesti għall-mira ta’ 55 %”.

Biex inkunu eżatti, l-għan hu li l-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli tilħaq il-kapaċità totali ta’ 1 236 GW sal-2030. Din tinkludi l-ambizzjonijiet li tiżdied il-kapaċità tal-produzzjoni tal-UE tal-enerġija mix-xemx, mir-riħ, mill-bijometan u mill-idroġenu rinnovabbli.

Appoġġ miċ-ċittadini għar-rispons tal-UE għall-kriżi tal-enerġija

Maġġoranza kbira taċ-ċittadini tal-UE huma pożittivi dwar l-aħħar inizjattivi tal-UE biex tindirizza l-kriżi tal-enerġija. B’mod partikolari, aktar minn 8 minn kull 10 ċittadini tal-UE (82 %) jaqblu li l-UE għandha tibqa’ tieħu azzjoni biex tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili Russi. Maġġoranza kbira ta’ dawk li wieġbu (83 %) jaqblu li l-gwerra tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna żiedet l-urġenza tal-investimenti fl-enerġija rinnovabbli.

Sors: l-Ewrobarometru Flash 514, Diċembru 2022.

L-Istrateġija tal-UE dwar l-Enerġija Solari li għadha kif ġiet adottata se tixpruna l-introduzzjoni tal-enerġija fotovoltajka, tikseb aktar minn 320 GW ta’ kapaċità fotovoltajka solari addizzjonali operattiva sal-2025 (aktar mid-doppju tal-livell attwali), u kważi 600 GW sal-2030. Dawn il-panelli solari addizzjonali jistgħu jieħdu post disa’ biljun metru kubu ta’ gass naturali kull sena sal-2027. 

Iċ-ċittadini u l-installaturi jistgħu jużaw l-għodda tas-Sistema tal-Informazzjoni Ġeografika Fotovoltajka biex jaraw x’potenzjal għandhom is-soqfa jew il-bjut tagħhom biex jiġġeneraw l-enerġija mix-xemx. Fil-frattemp, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali qed jużaw b’mod attiv il-Laboratorju Ġeografiku tal-Enerġija u l-Industrija, pjattaforma online ġdida li tgħinhom jidentifikaw postijiet fuq l-art u fuq il-baħar li jkunu xierqa għal impjanti ġodda tal-enerġija rinnovabbli u jevitaw żoni ta’ valur ambjentali. Dan jgħin biex tiżdied malajr il-kisba tal-enerġija mix-xemx u mir-riħ.

Frans Timmermans bi lbies u elmu protettivi qed iżur fabbrika.
Il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli mill-Patt Ekoloġiku Ewropew Frans Timmermans (it-tieni mix-xellug), qed iżur impjant pilota li jipproduċi l-azzar b’teknoloġija mingħajr fjuwils fossili, f’Luleå, l-Iżvezja, nhar il-31 ta’ Marzu 2022.

Il-Pjan REPowerEU hu msejjes fuq l-Istrateġija tal-UE dwar l-Idroġenu tal-2020 li tesplora l-potenzjal li fis-settur tat-trasport u fil-proċessi industrijali jintuża idroġenu rinnovabbli minflok idroġenu bbażat fuq il-fjuwils fossili, u li jitnedew prodotti industrijali ġodda bħall-fertilizzanti u l-azzar ekoloġiċi. Fl-2022, l-UE kompliet iżżid l-ambizzjonijiet tal-idroġenu rinnovabbli billi rdoppjat il-mira tal-2030 għal 20 miljun tunnellata ta’ idroġenu rinnovabbli. Għaxar miljun tunnellata minnhom jiġu prodotti fl-UE u l-għaxra l-oħra jiġu importati.

Anke għall-produzzjoni tal-bijometan stabbiliet mira, dik li sal-2030 tikseb 35 biljun metru kubu. Biex tilħaq din il-mira ambizzjuża, nediet Sħubija Industrijali dwar il-Bijometan li tippromwovi kollaborazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri tal-UE, ir-rappreżentanti tal-industrija, il-produtturi tal-materja prima, id-dinja akkademika u l-organizzazzjonijiet nongovernattivi.

Biex tħaffef l-introduzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u tħeġġeġ aktar investimenti, il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni dwar it-tħaffif tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u proposta biex tiġi emendata d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli. Biex tindirizza l-kriżi tal-enerġija, f’Diċembru adottat miżura temporanja ta’ emerġenza li tiffaċilita l-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija mill-bidu tal-2023.

Niffinanzjaw il-Pjan REPowerEU

Bis-saħħa tal-pjan tal-irkupru NextGenerationEU, l-Istati Membri diġà qed iwettqu riformi u investimenti skont il-pjanijiet tal-irkupru u r-reżiljenza rispettivi tagħhom biex itejbu l-effiċjenza enerġetika u jixprunaw l-użu tal-enerġija rinnovabbli. NextGenerationEU jiffinanzja, ngħidu aħna, rinnovazzjonijiet li jiffrankaw l-enerġija, parks ġodda tal-enerġija mix-xemx u mir-riħ, u ferroviji elettriċi, u għalhekk jgħin biex jitħaffu l-irkupru u t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. F’Diċembru ntlaħaq qbil politiku biex fil-pjanijiet eżistenti tal-irkupru u r-reżiljenza, l-Istati Membri jdaħħlu kapitli apposta dwar kif se jidderieġu l-investimenti lejn il-prijoritajiet tal-Pjan REPowerEU u kif se jwettqu r-riformi meħtieġa (ara l-Kapitlu 6).

L-infografika turi l-miri ewlenin tal-pjan REPowerEU bħala investiment biex tonqos id-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili Russi.

Il-pjan REPowerEU jimmira li jwaqqaf gradwalment id-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili Russi permezz ta’ tliet inizjattivi relatati. L-ewwel, l-UE jeħtieġ tiddiversifika s-sorsi tal-enerġija tagħha. It-tieni, l-UE jeħtieġ tħaffef it-tranżizzjoni mill-fjuwils fossili għall-enerġija nadifa. It-tielet inizjattiva hi li l-UE tiffranka l-enerġija. Biex jinkiseb dan, l-UE jeħtieġ iżżewweġ b’mod intelliġenti l-investimenti u r-riformi fil-pjanijiet nazzjonali u Ewropej, biex trawwem l-innovazzjoni u tħaffef il-proċessi tal-ħruġ tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli.

Ittri li jgħaqqdu l-kelmtejn “AĠIXXU ISSA” imwaħħlin ma’ bosta pallets fuq xulxin u tifel ċkejken qed imisshom.
Tifel jilgħab waqt il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP27), f’Sharm el-Sheikh, l-Eġittu, Novembru 2022.

3. Il-ħolqien ta’ Ewropa iktar ekoloġika u newtrali għall-klima

Introduzzjoni

Il-kriżi tripla tat-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità u t-tniġġis hija sfida urġenti li teħtieġ azzjoni immedjata. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jibqa’ l-pjan direzzjonali tal-UE biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi urġenti.

Barra minn hekk, żewġ avvenimenti storiċi dinjin — il-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna — servew biss biex isaħħu l-impenn tal-UE li tibqa’ fit-triq it-tajba lejn it-tranżizzjoni ekoloġika u tħaffef il-pass tal-bidla.

L-intensità dejjem tiżdied ta’ avvenimenti ta’ temp estrem fl-2022 enfasizzat il-ħtieġa għal iktar azzjoni tal-UE u internazzjonali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, biex tiżdied ir-reżiljenza għan-nixfa u biex jiġu riabilitati l-ekosistemi. Inizjattivi oħra kienu jinkludu regoli iktar b’saħħithom dwar is-sustanzi niġġiesa, it-tnaqqis tal-użu tal-pestiċidi kimiċi, l-indirizzar tal-iskart mill-imballaġġ u l-bini ta’ futur iktar sostenibbli.

It-twettiq tal-Patt Ekoloġiku Ewropew

L-istrateġija ta’ tkabbir fit-tul tal-UE hi li tiżgura n-newtralità klimatika tal-Ewropa sal-2050. Din il-mira hija msejsa fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima, flimkien mal-impenn legalment vinkolanti li jitnaqqsu l-emissjonijiet netti tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’mill-inqas 55 % sal-2030, meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew hu l-pjan tal-UE biex dan jitwettaq. Fl-2022, l-UE kompliet l-azzjoni ambizzjuża biex tilħaq l-għanijiet klimatiċi tagħha.

Wieħed mill-pilastri ewlenin tal-politika tal-UE għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-għodda ewlenija tagħha għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’mod kosteffettiv hu l-Iskema tal-UE għall-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) — suq għall-parteċipanti biex jiskambjaw kwoti tal-emissjonijiet limitati biex jiksbu effiċjenza massima. Fl-2022, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea qablu mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-reviżjoni tal-ETS tal-UE. Kien hemm qbil politiku wkoll rigward il-proposti li jikkonċernaw l-emissjonijiet u t-tneħħija tal-karbonju mill-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija, il-ħolqien ta’ fond soċjali għall-klima, u rigeward l-istandards imsaħħa tal-emissjonijiet għall-karozzi u vannijiet.

L-UE qed taħdem ukoll biex iżżid it-trasparenza tagħha fir-rigward tal-impatt soċjali u ambjentali tal-attivitajiet tal-kumpaniji. Id-Direttiva dwar ir-Rappurtar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà adottata f’Diċembru se timmodernizza u ssaħħaħ ir-regoli li jikkonċernaw it-tip ta’ informazzjoni li l-kumpaniji jridu jirrappurtaw u imponiet obbligu ta’ rappurtar fuq sett usa’ ta’ kumpaniji kbar u impriżi żgħar u ta’ daqs medju elenkati.

L-emissjonijiet domestiċi netti tal-UE fl-2022 kienu 30 % inqas mil-livelli tal-1990, u l-UE għadha fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira ta’ - 55 % sal-2030.

Azzjoni globali għall-pjaneta

Fl-2022, il-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima, il-korp internazzjonali ewlieni għall-valutazzjoni tat-tibdil fil-klima, ħareġ tliet rapporti li jikkonfermaw li d-dinja qed tisħon malajr minħabba l-influwenza tal-bniedem, u stabbilixxa trajettorji għall-adattament u għall-mitigazzjoni. L-UE kompliet timpenja ruħha mas-sħab internazzjonali biex issib modi kif tista’ tiżdied l-ambizzjoni billi jissaħħu l-miri settorjali, filwaqt li jinkisbu l-għanijiet mifruxa mal-ekonomija kollha u jiġu ppreżentati strateġiji netti żero.

Id-diplomazija tal-UE żgurat l-appoġġ fl-Assemblea Ambjentali tan-NU f’Marzu għal ftehim globali legalment vinkolanti biex jiġi miġġieled it-tniġġis mill-plastik. Il-pjan hu li sal-2024 jiġu konklużi n-negozjati. Il-ftehim futur se jkollu l-għan li jsaħħaħ l-inizjattivi u l-ftehimiet eżistenti, speċjalment fil-fażijiet tad-disinn u tal-produzzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tal-plastiks. Dan għandu jiġbor flimkien l-isforzi mill-partijiet ikkonċernati kollha biex jintlaħaq l-għan kumplessiv li tiġi eliminata t-tnixxija tal-plastik fl-ambjent.

Konferenzi tan-NU dwar it-tibdil fil-klima u l-ambjent

F’Ġunju 2022, fil-konferenzi tal-partijiet (COPs) għall-konvenzjonijiet ta’ Basel, ta’ Rotterdam u ta’ Stokkolma tan-NU — ftehimiet ambjentali bl-objettiv komuni li jipproteġu s-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent minn sustanzi kimiċi u skart perikolużi — sar progress fl-immaniġġjar tajjeb tas-sustanzi kimiċi u tal-iskart. Fost l-oħrajn kien hemm deċiżjoni importanti biex jiġi kkontrollat il-kummerċ globali tal-iskart elettroniku u jiġi evitat ir-rimi mhux ikkontrollat tiegħu. L-UE pproponiet ukoll l-iżvilupp ta’ standards globali dwar l-immaniġġjar tat-tajers użati, sors ewlieni tal-mikroplastiks. Saru sejħiet imġedda biex sal-2025 jiġu eliminati l-poliklorobifenili, li huma sustanzi kimiċi preżenti ferm fit-tagħmir elettriku antik u użati fiż-żjut.

Qabel il-konferenza annwali tan-NU dwar it-tibdil fil-klima, COP27, f’Sharm el-Sheikh, l-Eġittu, l-UE impenjat ruħha f’negozjati kostruttivi biex tixpruna l-azzjoni klimatika globali skont l-għan tal-Ftehim ta’ Pariġi li t-tisħin dinji ma jaqbiżx il-1.5 °C.

Sameh Shoukry, Frans Timmermans u John Kerry bilqiegħda ħdejn xulxin quddiem poster bil-logo tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima u bil-kelmiet “COP27 Sharm el-Sheikh Egypt 2022”.
Waqt il-Laqgħa Ministerjali dwar l-Impenn Dinji b’rabta mal-Metan, f’Sharm el-Sheikh, l-Eġittu, nhar is-17 ta’ Novembru 2022. Mix-xellug għal-lemin: Il-Ministru Eġizzjan għall-Affarijiet Barranin u l-President tal-COP27 Sameh Shoukry, il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli mill-Patt Ekoloġiku Ewropew Frans Timmermans, u l-Mibgħut Speċjali tal-Istati Uniti għall-Klima John Kerry.

Fl-Eġittu, taħt it-tmexxija tal-Viċi President Eżekuttiv Frans Timmermans, l-UE mexxiet is-sejħa fil-COP27 biex il-partijiet kollha jieħdu azzjoni urġenti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, iżda wkoll għall-adattament għall-konsegwenzi inevitabbli tat-tibdil fil-klima fid-deċennji li ġejjin.

Il-konferenza adottat Programm ta’ Ħidma dwar il-Mitigazzjoni biex jiżdiedu l-ambizzjoni u l-implimentazzjoni. Filwaqt li rrikonoxxiet il-ħtieġa urġenti li tiżdied l-azzjoni globali u li jiġu appoġġati l-iktar pajjiżi vulnerabbli li qed jiżviluppaw u li huma affettwati mit-tibdil fil-klima, l-UE appoġġat l-istabbiliment ta’ fond ġdid biex jgħin ħalli jiġu evitati, minimizzati u indirizzati t-telf u l-ħsara. Dan iwitti t-triq għal solidarjetà akbar bejn dawk fil-bżonn u dawk f’pożizzjoni li jgħinu. L-UE u l-Unjoni Afrikana ħabbru li qed jimmobilizzaw biljun ewro għal inizjattiva b’approċċ tat-“Tim Ewropa” lejn l-adattament u r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima fl-Afrika, fil-qafas tal-Global Gateway (ara l-Kapitlu 8).

Alikhan Smailov u Ursula von der Leyen bilqiegħda ħdejn xulxin, qed jiffirmaw id-dokumenti.
Il-Prim Ministru tal-Każakistan Alikhan Smailov (fuq ix-xellug), u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen qed jiffirmaw il-Memorandum ta’ Qbil bejn l-UE u l-Każakistan dwar il-materja prima, il-batteriji u l-idroġenu rinnovabbli, f’Sharm el-Sheikh, l-Eġittu, nhar is-7 ta’ Novembru 2022. Ara l-Kapitlu 2 għal aktar informazzjoni dwar l-enerġija rinnovabbli.

Fl-avveniment l-UE nediet ukoll Sħubija għall-Foresti ma’ ħames pajjiżi sħab (il-Guyana, il-Mongolja, ir-Repubblika tal-Kongo, l-Uganda u ż-Żambja), u tħabbar Pjan ta’ Investiment għal Tranżizzjoni Ġusta tal-Enerġija ambizzjuż u fit-tul għall-Afrika t’Isfel. L-UE kkonkludiet żewġ sħubijiet strateġiċi importanti dwar il-materja prima sostenibbli u l-idroġenu rinnovabbli, waħda man-Namibja u l-oħra mal-Każakistan, u żiedet il-kooperazzjoni mal-Eġittu rigward it-tranżizzjoni lejn l-enerġija nadifa, li kienet tinkludi sħubija strateġika dwar l-idroġenu rinnovabbli.

Strixxun li juri art maqsuma bin-nixfa, bis-slogan “COP15, Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni, Abidjan 2022” u bil-logo li juri ċrieki konċentriċi ta’ weraq, iljunfanti, qtar tal-ilma u idejn.

© Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni

#ForOurPlanet hi kampanja ġdida tal-UE li tnediet fl-2022 fil-kuntest tal-COP27 u tal-COP15, li se tiġi organizzata kull sena biex tikseb l-appoġġ dinji għan-natura u l-azzjoni klimatika fis-snin li ġejjin.

Il-15-il sessjoni tal-Konvenzjoni tan-NU għall-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni, li saret f’Mejju, wasslet għall-adozzjoni ta’ 38 deċiżjoni li jenfasizzaw ir-rwol tal-ġestjoni sostenibbli tal-art fl-indirizzar ta’ kriżijiet multipli. L-eżitu prinċipali kien impenn globali biex tingħata spinta lir-reżiljenza għan-nixfiet u li jsir investiment fir-riabilitazzjoni tal-art għall-prosperità futura.

L-UE appoġġat bil-qawwa l-importanza tar-riabilitazzjoni tal-ekosistemi, ir-riforestazzjoni u s-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura fil-protezzjoni tal-art u tal-ħamrija u enfasizzat ir-rabta kritika bejn il-protezzjoni tan-natura u l-indirizzar tal-impatti tan-nixfiet u tat-tibdil fil-klima.

Fl-2022, id-dinja ngħaqdet ukoll fl-ikbar konferenza dwar il-bijodiversità tad-deċennju biex jintlaħaq qbil dwar qafas globali ġdid dwar il-bijodiversità. Il-Konferenza tan-NU dwar il-Bijodiversità (COP15), oriġinarjament skedata għall-2020, saret f’żewġ partijiet minħabba l-pandemija tal-COVID-19. L-ewwel parti seħħet virtwalment f’Kunming (iċ-Ċina), mill-11 sal-15 ta’ Ottubru 2021, u matulha l-partijiet affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jiksbu l-viżjoni tal-2050 imsejħa “Ngħixu f’armonija man-natura”, billi jadottaw id-Dikjarazzjoni ta’ Kunming. Matul it-tieni parti tal-konferenza, li saret f’Montreal (il-Kanada), mis-7 sad-19 ta’ Diċembru 2022, 196 pajjiż iltaqgħu biex jilħqu ftehim globali dwar il-protezzjoni tan-natura u tal-pjaneta, sabiex jistabbilixxu għanijiet fit-tul sal-2050 u b’objettivi intermedji għall-2030. L-UE, taħt it-tmexxija tal-Kummissarju Sinkevičius, ħadmet mal-partijiet kollha biex jiġi konkluż ftehim globali ambizzjuż għall-protezzjoni, għar-riabilitazzjoni, għall-użu sostenibbli u għall-investiment fil-bijodiversità u fl-ekosistemi.

Fid-19-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali tal-Ispeċijiet tal-Fawna u tal-Flora Selvaġġi fil-Periklu (il-Konferenza Dinjija dwar l-Organiżmi Selvaġġi), li saret fil-Belt tal-Panama (il-Panama), mill-14 sal-25 ta’ Novembru 2022, l-UE kkontribwiet b’mod attiv għall-ksib ta’ eżiti ewlenin li jippermettu kummerċ sostenibbli f’iktar minn 500 speċi elenkata reċentement. Dan huwa kruċjali biex jiġi indirizzat it-telf tal-bijodiversità globali, li jhedded is-saħħa, is-sigurtà tal-ikel u l-għajxien tagħna.

Fatti dwar it-telf tal-bijodiversità

Miljun speċi jinsabu fir-riskju tal-estinzjoni.

Il-bniedem biddel radikalment tliet kwarti ta’ wiċċ id-dinja.

75 % tal-għelejjel madwar id-dinja jiddependu fuq id-dakkara.

Nofs il-prodott domestiku gross dinji jiddependi fuq in-natura.

70 % tal-mediċini kontra l-kanċer huma naturali jew imnebbħa min-natura.

Il-kampanja “The Green Track”

L-infografika turi xi ċifri dwar il-kampanja Green Track: l-għadd ta’ avvenimenti u mappa tal-waqfiet tal-avvenimenti, il-format tal-avvenimenti, is-suġġetti koperti, u l-għadd ta’ persuni milħuqa.

Bħala parti mis-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022, il-kampanja Green Track, bi tħejjija għall-Konferenza dwar il-Bijodiversità tal-COP15, ħeġġet liż-żgħażagħ fl-Ewropa biex isemmgħu leħinhom fuq it-tamiet u t-tħassib tagħhom fejn jidħlu n-natura, il-bijodiversità u l-futur sostenibbli tal-Ewropa.

Il-kampanja Green Track organizzat 32 avveniment f’21 Stat Membru madwar l-Ewropa u bi 15-il lingwa, fosthom 9 avveniment online, 2 avvenimenti ibridi u 21 avveniment fuq il-post. Saru 7 avvenimenti dwar l-ekonomija ċirkolari, 20 avveniment dwar il-bijodiversità u n-natura, 4 avvenimenti dwar it-tniġġis żero, 16-il avveniment dwar it-tibdil fil-klima u 5 avvenimenti dwar l-istil tal-ħajja. Għal dawn l-avvenimenti marru xi 1,500 parteċipant, filwaqt l-kampanja online laħqet iżjed minn 21 miljun persuna. L-avvenimenti saru b’diversi forom, uħud kienu laqgħat ta’ għoti (ta’ lbies, ta’ żrieragħ), attivitajiet fl-apert (tindif tal-bajjiet, mixjiet fil-foresti), esebizzjonijiet (dwar id-dakkara, dwar il-ħabitats u l-ispeċijiet mhedda), konferenzi u dibattiti pubbliċi (forum taż-żgħażagħ, djalogu dwar in-natura), u taħriġ u sessjonijiet ta’ ħidma (simulazzjonijiet, sessjonijiet dwar l-għana tal-għasafar).

Il-protezzjoni u r-riabilitazzjoni tan-natura tal-Ewropa

Temp estrem

L-Ewropa esperjenzat livelli rekord ta’ nixfa fl-2022. Kif previst mill-Osservatorju Ewropew tan-Nixfa, ir-rendimenti tal-għelejjel madwar il-kontinent naqsu b’mod sinifikanti u l-produzzjoni tal-enerġija majnat minħabba tnaqqis fil-ġenerazzjoni tal-enerġija idroelettrika.

Il-ħajja akkwatika u t-trasport bil-barkuni sofrew ukoll, minħabba livelli storikament baxxi tal-ilma fix-xmajjar il-kbar. Matul is-sajf, ġew irreġistrati livelli għoljin ta’ nixfa f’60 % tat-territorju tal-UE, li rriżultaw fit-telf ta’ għelejjel u ta’ infrastrutturi. Flimkien mal-miżuri tal-protezzjoni ċivili, dan sewa lill-UE iktar minn €2.4 biljun.

It-temperaturi għoljin u n-nuqqas serju ta’ xita affettwaw kważi x-xmajjar kollha madwar l-Ewropa, u xekklu l-produzzjoni tal-enerġija u t-trasport fuq ix-xmajjar.

Dawn l-avvenimenti ta’ temp estrem jistgħu jiġu evitati fil-futur billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u billi tiġi indirizzata l-kriżi klimatika. Il-pakkett ta’ proposti tal-UE “Lesti għall-Mira ta’ 55 %” se jżid l-ambizzjonijiet u l-miri f’dan il-qasam. Barra minn hekk, l-Istrateġija tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima se tgħin biex iċ-ċittadini, il-bdiewa u l-kumpaniji Ewropej ilaħhħqu mat-temp estrem.

Xatt ix-xmara Renu.
Il-livelli storikament baxxi tal-ilma fix-xmara Renu, f’Cologne, il-Ġermanja, nhar it-12 ta’ Settembru 2022.
Il-mappa turi d-distribuzzjoni tal-livelli tan-nixfa fit-territorju tal-UE.
L-Osservatorju Ewropew tan-Nixfa rreġistra livelli għoljin tan-nixfa f’aktar minn 60 % tat-territorju tal-UE.

Skont il-mappa f’Settembru 2022 tal-Indikatur Kombinat tan-Nixfa, 35% tat-territorju tal-UE kien fil-livell ta’ Twissija u 25% fil-livell ta’ Allert. L-akbar nixfiet fil-ħamrija ġew irreġistrati fl-Ewropa tal-Punent (il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, in-Netherlands, Spanja, ir-Renju Unit, u l-bqija) u fil-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant u tax-Xlokk. L-istress tal-veġetazzjoni minħabba nixfa fil-ħamrija u nuqqas ta’ veġetazzjoni affettwa kważi lit-territorju kollu tal-UE. Sa ċertu punt, l-iskarsezza tax-xita kienet imqassma indaqs mat-territorju tal-UE. Fin-Nofsinhar tal-Greċja, Spanja u l-Italja, u f’xi partijiet tal-Ewropa tal-Lvant, il-kundizzjonijiet irkupraw għalkollox. L-irkupru temporanju tal-indewwa tal-ħamrija u tal-veġetazzjoni kienu insinifikanti dak iż-żmien.

Il-protezzjoni tal-foresti u tal-organiżmi selvaġġi

In-nirien fil-foresti kienu wkoll problema serja, b’rekord ta’ iktar minn 800 000 ettaru maħruqa fl-Ewropa fl-2022. It-timijiet ta’ salvataġġ użaw is-servizz ta’ mmappjar ta’ emerġenza ta’ Copernicus, li juża immaġnijiet satellitari u data ġeospazjali oħra, biex jgħinu lil pajjiżi fosthom il-Greċja, Spanja, Franza u l-Portugall, flimkien ma’ xi pajjiżi mhux tal-UE, jiġġieldu kontra n-nirien matul is-sajf.

Is-Sistema Ewropew ta’ Informazzjoni dwar in-Nirien fil-Foresti osserva li l-istaġun tan-nirien kien estiż lil hinn mix-xhur tas-soltu ta’ Lulju, Awwissu u Settembru, b’ħafna avvenimenti kritiċi li seħħew iktar tard matul is-sena. Anke żoni li normalment ma kinux jiġu affettwati fil-passat — bħall-Ewropa Ċentrali u t-Tramuntana tal-Ewropa — iffaċċjaw nirien mhux ikkontrollati b’mod iktar regolari. Barra minn hekk, 38 % taż-żoni maħruqa fl-2022 kienu f’żoni protetti ta’ Natura 2000, għaldaqstant it-telf intanġibbli tal-bijodiversità ħalla lill-ekosistemi iktar fraġli. Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE, li oriġinarjament ġie stabbilit fl-2002 biex jipprovdi appoġġ finanzjarju għar-rikostruzzjoni taż-żoni affettwati mid-diżastri naturali, reġa’ ġie mmobilizzat fl-2022 b’rispons għall-ħsara li ħallew warajhom in-nirien mhux ikkontrollati madwar l-Ewropa.

Il-foresti għandhom rwol ewlieni fil-protezzjoni tal-ekosistemi u tal-bijodiversità Ewropej. Huma ċentrali wkoll fil-qbid tal-karbonju li kieku jiġi rilaxxat fl-atmosfera u jaggrava t-tibdil fil-klima. F’sena waħda, in-nirien mhux ikkontrollati wasslu għal telf ekonomiku stmat ta’ iktar minn €2 biljun, b’iktar minn 25 miljun tunnellata ta’ CO2 emessi fl-atmosfera. F’Settembru, fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen ħabbret l-irduppjar tal-kapaċitajiet tat-tifi tan-nar mill-ajru tal-UE, li għandhom ikunu disponibbli għall-istaġun li jmiss tan-nirien fil-foresti.

Ħaddiem tat-tifi tan-nar qed jitfa’ l-ilma bil-qawwa biex jissielet in-nirien ġo foresta.
Ħaddiem Pollakk tat-tifi tan-nar jintbagħat bħala parti mill-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili biex jissielet in-nirien fil-foresti, f’Hostens, Franza, nhar l-14 ta’ Awwissu 2022. B’kollox kienu involuti aktar minn 400 ħaddiem tat-tifi tan-nar u aktar minn 100 vettura mill-Ġermanja, l-Awstrija, il-Polonja u r-Rumanija biex jgħinu lill-ħaddiema Franċiżi tal-ewwel rispons bħala tweġiba għat-talba tal-gvern Franċiż għall-għajnuna.

F’Novembru, il-Kummissjoni pproponiet l-ewwel qafas volontarju għall-UE kollha biex tiċċertifika b’mod affidabbli l-assorbimenti tal-karbonju ta’ kwalità għolja. Jekk tiġi adottata, din l-għodda se tgħin fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u se tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi, ambjentali u ta’ tniġġis żero tal-UE.

Sa tmiem l-2022, fl-UE tħawlu kważi 9.5 miljun siġra bħala parti mill-Wegħda ta’ Tliet Biljun Siġra. Il-wegħda hija parti mill-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 u mill-Istrateġija tal-UE għall-Foresti għall-2030, l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha li tħawwel mill-inqas tliet biljun siġra addizzjonali fl-UE sal-2030, filwaqt li tirrispetta l-prinċipji ekoloġiċi.

Il-Pjan ta’ Azzjoni rivedut tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Organiżmi Selvaġġi, li huwa wkoll parti mill-Istrateġija għall-Bijodiversità, għandu l-għan li jiżgura li l-azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi twieġeb b’mod komprensiv għall-isfidi attwali. Dan issejjes fuq erba’ prijoritajiet: l-indirizzar tal-fatturi tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi, l-esplorazzjoni ta’ għodod legali u ta’ politika ġodda, it-tisħiħ tal-infurzar u t-trawwim tal-kooperazzjoni globali.

Ċertifikazzjoni tal-UE għall-assorbiment tal-karbonju

Biex tilħaq l-għan tan-newtralità klimatika sal-2050, l-UE jeħtieġ tnaqqas l-emissjonijiet tagħha għall-minimu, iżda ma tistax ixxejjinhom għalkollox. Biex tpatti għall-bqija tal-emissjonijiet, l-UE se jkollha tneħħi bosta mijiet ta’ miljuni ta’ tunnellati ta’ CO2 mill-atmosfera kull sena.

It-tipi ta’ tneħħija tal-karbonju li jistgħu jiġu ċċertifikati skont il-qafas propost huma dawn:

Sekwestru tal-karbonju fl-art agrikola bħar-restawr tal-foresti u tal-ħamrija, u mmaniġġjar tal-artijiet mistagħdra u tat-torbieri.

Ħżin permanenti, bħall-bijoenerġija mill-qbid u l-ħżin tal-karbonju, jew il-ġbir u l-ħżin dirett tal-karbonju mill-arja.

Ħżin tal-karbonju fi prodotti u materjali dejjiema, bħall-kostruzzjoni bbażata fuq l-injam.

Il-qafas taċ-ċertifikazzjoni tal-UE jiftaħ bibien ta’ opportunitajiet ġodda lil aktar negozji, bdiewa, forestiera u partijiet ikkonċernati oħra għax jistgħu japplikaw għal ċertifikazzjoni armonizzata u affidabbli.

Riabilitazzjoni tan-natura

Ir-riabilitazzjoni tan-natura tal-Ewropa — minn artijiet mistagħdra, xmajjar u foresti għal ambjenti u speċijiet tal-baħar u urbani — hija investiment kruċjali u kosteffettiv fl-ekonomija tagħna, u fis-sigurtà tal-ikel, kontra t-tibdil fil-klima u żżid ir-reżiljenza. Din tgħin ukoll biex ittejjeb il-livell tas-saħħa u tal-benesseri taċ-ċittadini tal-UE.

81 % tal-ħabitats jinsabu f’qagħda ħażina.

Kull €1 investit fir-restawr tan-natura jiġġenera bejn €8 u €38 f’benefiċċji.

Waħda minn kull tliet speċijiet tan-naħal u tal-friefet qed jonqsu.

F’Ġunju 2022, il-Kummissjoni adottat pakkett ta’ proposti biex jiġu riabilitati l-ekosistemi degradati bħala pass ewlieni biex jiġi evitat il-kollass tal-ekosistema u jiġu evitati l-agħar impatti tat-tibdil fil-klima u tat-telf tal-bijodiversità. Il-Kummissjoni tinsab ukoll fil-proċess li timmodernizza l-leġiżlazzjoni biex tiżgura d-disponibbiltà ta’ żrieragħ u ta’ materjal riproduttiv għal pjanti varji ta’ kwalità biex jintlaħqu l-objettivi tas-sostenibbiltà, tal-adattament għat-tibdil fil-klima u tal-bijodiversità.

Video dwar il-Liġi l-ġdida tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-Restawr tan-Natura, bil-għan li jitreġġgħu lura l-ekosistemi għan-nies, il-klima u l-pjaneta.
VIDEO Parteċipanti fil-Ġimgħa Ekoloġika tal-UE 2022 jitħaddtu dwar il-Liġi dwar ir-Restawr tan-Natura, Ġunju 2022.

Il-programm LIFE huwa l-istrument ta’ finanzjament tal-UE għall-ambjent u l-azzjoni klimatika. Ilu għaddej mill-1992 u kkofinanzja iktar minn 5 500 proġett fl-UE kollha u lil hinn. Wara li ssieħbet fil-programm f’Ġunju 2022, l-Ukrajna tista’ tibbenefika wkoll minn dan il-finanzjament. B’hekk l-Ukrajna setgħet tirċievi l-appoġġ biex tkun tista’ terġa’ tqum fuq saqajha mill-ħsarat kbar li kkawżat il-gwerra tal-aggressjoni Russa – mit-tniġġis u l-qerda tal-ekosistemi sa effetti oħra fit-tul. Fl-immedjat, il-programm LIFE beda jirfed l-isforzi Ukreni tar-rikostruzzjoni, qabelxejn billi saret analiżi tal-ħtiġijiet u ngħatat l-għajnuna ħalli tindirizza d-dekontaminazzjoni tal-ħamrija u tal-ilma, inkluż b’soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura. Wara l-Iżlanda, l-Ukrajna hi t-tieni pajjiż mhux tal-UE li qed jieħu sehem fil-programm LIFE.

Virginijus Sinkevičius u Ruslan Strilets jieħdu b’idejn xulxin quddiem il-bandiera Ewropea u l-bandiera Ukrena, fil-preżenza tal-Ewwel Viċi Prim Ministru Ukrena Yulia Svyrydenko.
Mix-xellug għal-lemin: Il-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, l-Oċeani u s-Sajd Virginijus Sinkevičius, l-Ewwel Deputat Prim Ministru Ukrena Yulia Svyrydenko, u l-Ministru Ukren għall-Ekoloġija u r-Riżorsi Naturali Ruslan Strilets qed jiffirmaw ftehim konġunt dwar l-assoċjazzjoni tal-Ukrajna mal-programm LIFE għall-ambjent u l-klima, fi Kiev, l-Ukrajna, nhar l-24 ta’ Ġunju 2022.

Lejn tniġġis żero

F’konformità mal-ambizzjoni li sal-2050 tieqaf il-ħsara tat-tniġġis, f’Ottubru l-Kummissjoni pproponiet regoli iktar b’saħħithom dwar l-arja, is-sustanzi niġġiesa fl-ilma tal-wiċċ u fl-ilma tal-pjan, u t-trattament tal-ilma mormi urban. Fl-aħħar mill-aħħar, dawn ir-regoli se jtejbu s-saħħa pubblika u se jnaqqsu l-imwiet qabel iż-żmien u l-kostijiet tas-saħħa fit-tul.

Il-kwalità tal-arja

Ir-regoli ġodda proposti se:

  • jistabbilixxu standards interim tal-kwalità tal-arja fl-UE sal-2030 li jkunu allinjati aħjar mal-linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa;
  • inaqqsu l-imwiet ikkawżati min-niġġies ewlieni PM2.5 meta jaqbeż il-livell tal-linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa b’aktar minn 75 % f’10 snin;
  • jiżguraw li l-persuni li jġarrbu xi dannu f’saħħithom minħabba t-tniġġis tal-arja jkollhom id-dritt għal kumpens jekk jinkisru r-regoli tal-UE dwar il-kwalità tal-arja, u d-dritt li jiġu rrappreżentati minn organizzazzjoni nongovernattiva permezz ta’ azzjoni kollettiva għal kumpens għad-danni;
  • ikunu jiswew inqas minn 0.1 % tal-prodott domestiku gross, jiġifieri mill-inqas seba’ darbiet inqas mill-ġid potenzjali li joħolqu fl-ekonomija u fis-soċjetà.

Il-kwalità tal-ilma

Il-proposti l-ġodda joħolqu:

  • standards ġodda aktar stretti għal bosta sustanzi perikolużi misjuba fl-ilma tal-wiċċ u tal-pjan;
  • obbligu biex l-Istati Membri jieħdu miżuri li jnaqqsu l-preżenza ta’ dawn is-sustanzi niġġiesa;
  • trattament aktar kosteffettiv u aktar ġust tal-ilma mormi skont il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”;
  • miżuri preventivi għall-industrija (biex tuża inqas sustanzi kimiċi industrijali jew biex tuża oħrajn differenti), u għall-bdiewa (biex jużaw inqas pestiċidi jew inqas pestiċidi li jagħmlu l-ħsara, pereżempju).

Il-proposti jwieġbu wkoll għal talbiet speċifiċi li tqajmu matul il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (ara l-Kapitlu 9), li matulha ċ-ċittadini appellaw għal tnaqqis drastiku fl-użu tal-pestiċidi u tal-fertilizzanti kimiċi u għall-iżvilupp ta’ agrikoltura sostenibbli.

Barra minn hekk, l-UE u l-Istati Mediterranji rnexxielhom jippreżentaw proposta lill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali biex tiġi ddeżinjata żona ta’ kontroll tal-emissjonijiet tal-kubrit fil-Baħar Mediterran. L-għan hu li tittejjeb il-kwalità tal-arja u tal-ilma billi jitnaqqsu s-sustanzi niġġiesa relatati mal-kubrit mit-trasport marittimu.

Il-proposta għal Regolament dwar l-użu sostenibbli tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti tintroduċi miżuri biex titnaqqas l-impronta ambjentali tas-sistema tal-ikel tal-UE u tgħin biex jittaffa t-telf ekonomiku li diġà ġġarrab minħabba t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità. Il-proposta timmira għal tnaqqis ta’ 50 % fl-użu tal-pestiċidi kimiċi u iktar perikolużi sal-2030, u għal metodi ta’ kontroll tal-organiżmi ta’ ħsara li jirrispettaw iktar lill-ambjent. F’konformità ma’ Natura 2000, se jkun hemm projbizzjoni tal-pestiċidi kollha fiż-żoni ekoloġiċi urbani, inkluż fil-parks jew il-ġonna pubbliċi, postijiet tal-logħob għat-tfal, fl-iskejjel, fil-grawnds rikreattivi jew sportivi, fil-mogħdijiet pubbliċi u fiż-żoni protetti.

It-tnaqqis tal-emissjonijiet industrijali u tat-trasport

Fl-2022, l-UE nediet ukoll l-Alleanza Industrijali tal-Katina tal-Valur tal-Fjuwils Rinnovabbli u b’Livell Baxx ta’ Emissjonijiet tal-Karbonju, li hi inizjattiva ġdida maħsuba biex tagħti spinta lill-produzzjoni u lill-provvista tal-fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-avjazzjoni u fit-trasport fuq l-ilma. Il-ħidma tal-Alleanza se tkun importanti biex jiġu żgurati l-fjuwils alternattivi meħtieġa għas-setturi li diffiċli jiġu dekarbonizzati, bħall-avjazzjoni u s-settur marittimu. Sar ukoll iktar progress fl-iżvilupp ta’ regoli dwar l-użu tal-fjuwils alternattivi f’dawn is-setturi. Jekk jiġu adottati b’suċċess fl-2023, se jistabbilixxu perkors ċar għad-dekarbonizzazzjoni ta’ dawn is-setturi.

Il-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi mmodernizzata d-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali se tnaqqas b’mod sinifikanti l-emissjonijiet dannużi li ġejjin mill-faċilitajiet industrijali u mill-ikbar azjendi tal-bhejjem fl-Ewropa, filwaqt li se tipprovdi ċertezza ta’ investiment fit-tul, se tħeġġeġ l-innovazzjoni u se żżid l-indipendenza fl-użu tal-enerġija u tar-riżorsi tal-Ewropa. Ir-reviżjoni tissejjes fuq id-Direttiva eżistenti, u tkopri madwar 50 000 faċilità agroindustrijali kbira fl-Ewropa. Dawn iridu jikkonformaw mal-limiti tal-emissjonijiet billi japplikaw l-aqwa tekniki disponibbli determinati mill-industrija, mill-esperti nazzjonali u tal-UE, u mis-soċjetà ċivili. Ir-regoli l-ġodda jinkludu l-għoti ta’ permessi iktar effettivi u appoġġ iktar immirat għall-innovazzjoni għal dawk li huma minn ta’ quddiem u għall-investimenti fl-ekonomija ċirkolari tal-industrija. Dan se jsaħħaħ ir-rabtiet bejn it-tnaqqis tat-tniġġis u d-dekarbonizzazzjoni u se jżid it-trasparenza u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess tal-permessi.

Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll proposta għal standards ġodda għall-emissjonijiet f’Novembru. Dawn l-istandards Euro 7 ġodda għandhom l-għan li jiżguraw li l-karozzi, il-vannijiet, it-trakkijiet u l-karozzi tal-linja jniġġsu ferm inqas, speċjalment fil-bliet fejn il-problemi tat-tniġġis tal-arja huma l-iktar sinifikanti, u għal perjodu ta’ żmien ħafna itwal milli skont ir-regoli attwali. Il-proposta tindirizza l-emissjonijiet mill-iżbokk tal-egżost, mill-brejkijiet u mit-tajers. Tikkontribwixxi wkoll għall-ksib ta’ standards ġodda u iktar stretti tal-kwalità tal-arja. Barra minn hekk, ir-Reġistru Ewropew dwar ir-Rilaxx u t-Trasferiment ta’ Inkwinanti se jiġi ttrasformat f’Portal tal-UE dwar l-Emissjonijiet Industrijali biex iċ-ċittadini jistgħu jsiru jafu dwar l-attivitajiet li jniġġsu fl-iktar inħawi qrib tagħhom.

X’fih ġdid ir-Regolament dwar l-Euro 7?

Għall-karozzi, il-vannijiet, it-trakkijiet u x-xarabanks:

limiti għall-emissjonijiet mill-brejkijiet,

regoli dwar it-tniġġis tal-mikroplastik tat-tajers,

konformità tal-vetturi mar-regoli tal-emissjonijiet għal perjodi itwal,

testijiet tal-emissjonijiet aktar effettivi,

monitoraġġ regolari tal-konformità,

testijiet aħjar tas-sorveljanza tas-suq.

Għall-vetturi b’magna tal-kombustjoni interna:

limiti tal-emissjonijiet newtrali għall-fjuwils u għat-teknoloġija,

regolamentazzjoni ta’ sustanzi niġġiesa oħra,

testijiet fit-triq b’iżjed kundizzjonijiet tas-sewqan.

Għall-vetturi elettriċi u ibridi rikarikabbli:

rekwiżiti għad-durabbiltà tal-batteriji.

L-għoti ta’ spinta lill-agrikoltura organika u lill-ikel ta’ kwalità

L-agrikoltura sostenibbli u t-tnaqqis tal-użu tal-pestiċidi huma kruċjali biex tiġi ggarantita s-sigurtà tal-ikel fit-tul. Fl-2021, l-Istati Membri ppreżentaw il-pjanijiet tagħhom biex jirriformaw il-Politika Agrikola Komuni skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni. F’Awwissu 2022, il-Kummissjoni approvat formalment dawn il-Pjanijiet Strateġiċi tal-Politika Agrikola Komuni, li jiddeskrivu l-użu maħsub minn kull Stat Membru tal-pagamenti diretti u l-interventi ekonomiċi biex jiġi appoġġat l-iżvilupp rurali. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida, li għandha tidħol fis-seħħ fl-2023, se twitti t-triq għal politika agrikola iktar ġusta, iktar ekoloġika u iktar effiċjenti. Se tfittex li tiżgura futur sostenibbli għall-bdiewa Ewropej, li tipprovdi appoġġ iktar immirat lill-azjendi agrikoli iżgħar u se tipprovdi flessibbiltà ikbar lill-Istati Membri tal-UE biex jadattaw il-miżuri għall-kundizzjonijiet lokali.

F’Marzu, il-Kummissjoni adottat proposta biex issaħħaħ is-sistema tal-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, inkluż l-ismijiet tal-prodotti agrikoli, tal-inbejjed u tax-xorb spirituż. Is-sistema tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tipproteġi l-ismijiet ta’ prodotti speċifiċi sabiex tippromwovi l-kwalitajiet, il-karatteristiċi jew ir-reputazzjoni uniċi marbuta mal-oriġini ġeografika tagħhom, kif ukoll l-għarfien espert tradizzjonali assoċjat mal-produzzjoni tagħhom.

Iċ-ċerimonja inawgurali tal-Premjijiet Organiċi tal-UE saret f’Settembru 2022 fi Brussell (il-Belġju), fil-Jum Organiku tal-UE. It-tmien rebbieħa – mill-Belġju, il-Ġermanja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, l-Awstrija u l-Iżvezja – ilkoll jirrappreżentaw it-tkabbir u l-innovazzjoni tas-settur organiku Ewropew, u l-kontribut li jagħti biex jonqos l-impatt tal-agrikoltura fuq il-klima u l-ambjent.

Janusz Wojciechowski jieħu b’idejn ir-rebbieħa quddiem struttura tal-injam bil-kelmiet “Premjijiet tal-UE għall-Produzzjoni Organika tal-2022”.
Ir-rebbieħa tal-Premjijiet tal-UE għall-Produzzjoni Organika tal-2022 mal-Kummissarju Ewropew għall-Agrikoltura Janusz Wojciechowski (fuq ix-xellug), fi Brussell, il-Belġju, nhar it-23 ta’ Settembru 2022.

Għajxien sostenibbli

Il-bliet u ċ-ċittadini għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fil-ħolqien ta’ Ewropa ekoloġika u sostenibbli. L-UE għandha l-għan li tappoġġa proġetti mmexxija min-nies, u lill-awtoritajiet lokali fit-tfassil konġunt ta’ din id-dinja l-ġdida permezz ta’ appoġġ finanzjarju u inizjattivi ambjentali.

Fl-2022, 100 sindku madwar l-UE ffirmaw il-Ftehim dwar il-Bliet Ekoloġiċi, u impenjaw ruħhom li l-bliet li jmexxu se jindirizzaw ħames oqsma ta’ ġestjoni ambjentali: l-arja, l-ilma, in-natura u l-bijodiversità, l-ekonomija ċirkolari u l-iskart, u l-istorbju. Din l-inizjattiva tal-UE għandha l-għan li tagħmel il-bliet iktar nodfa, iktar ekoloġiċi u iktar sani.

L-inizjattiva tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida (NEB - New European Bauhaus) li tħabbret għall-ewwel darba fl-2020, tlaqqa’ flimkien liċ-ċittadini, lill-esperti, lin-negozji u lill-istituzzjonijiet biex jimmaġinaw mill-ġdid għajxien sostenibbli fl-Ewropa u lil hinn minnha. Minbarra li toħloq pjattaforma għall-esperimentazzjoni u għall-konnessjoni, l-inizjattiva tappoġġa bidla pożittiva billi tipprovdi wkoll proġetti sbieħ, sostenibbli u inklużivi b’aċċess għall-finanzjament tal-UE.

Sabiex tappoġġa l-innovazzjoni urbana u l-kapaċitajiet u l-għarfien tal-bliet biex jibnu futur sostenibbli, l-Inizjattiva Urbana Ewropea ġiet stabbilita permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. L-ewwel sejħa għall-proposti, ippubblikata f’Ottubru, ipprovdiet finanzjament ta’ €50 miljun mill-UE biex jiġu appoġġati proġetti innovattivi tal-NEB. Il-bliet ġew mistiedna jippreżentaw ideat għal proġetti dwar l-ekonomija ċirkolari u n-newtralità karbonika, il-preservazzjoni tal-wirt kulturali, l-adattament tal-binjiet għal soluzzjonijiet ta’ akkomodazzjoni għall-but ta’ kulħadd u r-riġenerazzjoni ta’ spazji urbani f’konformità mal-valuri tal-NEB tas-sostenibbiltà, tal-inklużività u tal-estetika.

Ir-rebbieħa tal-premjijiet tal-NEB tal-2022 tħabbru fl-ewwel Festival tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida li sar f’Ġunju u li laqqa’ flimkien nies minn madwar l-UE kollha biex jiċċelebraw u jaqsmu bejniethom l-approċċi lokali u kreattivi għat-tranżizzjoni ekoloġika. Matulha ngħataw premjijiet lil proġetti minn 15-il Stat Membru differenti.

Ursula von der Leyen qed tindirizza lill-udjenza waqt diskussjoni ma’ Diébédo Francis Kéré, Monica Maggioni u Giovanna Melandri quddiem l-isfond tal-Festival tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida.
Mix-xellug għal-lemin: Il-perit kontemporanju Ġermaniż u Burkinabiż Diébédo Francis Kéré, id-Direttriċi ta’ Telegiornale 1 Monica Maggioni, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, u d-Direttriċi tal-Mużew Nazzjonali tal-Arti tas-Seklu 21 Giovanna Melandri, f’Ruma, l-Italja, nhar id-9 ta’ Ġunju 2022.

Sabiex jiġi enfasizzat l-ispirtu innovattiv taż-żgħażagħ, il-premjijiet tal-NEB jiddedikaw il-premju Stilla Promettenti (premju “Rising Star”) għal proġetti żviluppati minn persuni taħt it-30 sena. Sabiex tikkomplementa s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022, “Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida” kienet l-enfasi ta’ DiscoverEU, inizjattiva annwali li tgħin liż-żgħażagħ ta’ 18-il sena jivvjaġġaw madwar l-Ewropa kollha mingħajr ħlas. F’dan il-kuntest, ġiet żviluppata rotta tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida li l-parteċipanti jistgħu jsegwu.

Video dwar il-proġett “Ġonna tal-Futur” li rebaħ premjijiet tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida.
VIDEO Il-vot tal-pubbliku rebħu l-proġett Ċiprijott “Ġonna tal-Futur” li jbiddel żona abbandunata fi ġnien tal-komunità, fil-belt kapitali maqsuma politikament ta’ Nicosia.

Flimkien mal-Koalizzjoni tal-Edukazzjoni għall-Klima, l-UE ħabbret sejħa għat-trasformazzjoni tal-postijiet tal-apprendiment, biex jinħoloq network għat-trasformazzjoni tal-ispazji tal-apprendiment fis-soċjetà kollha.

B’rispons għall-kunflitt armat fl-Ukrajna, l-esperti tal-NEB qed janalizzaw il-ħtiġijiet ta’ akkomodazzjoni ta’ emerġenza u qed jiddisinjaw akkomodazzjoni sostenibbli bi tħejjija għar-rikostruzzjoni ta’ wara l-gwerra (ara l-Kapitlu 1).

Video dwar il-proġett tal-kunċett “FOLK”.
VIDEO Il-proġett tal-kunċett “FOLK” mill-Polonja għandu l-għan li jerġa’ jqajjem l-arkitettura rurali tradizzjonali u jħares it-teżori tal-wirt kulturali Pollakk.

Mobbiltà sostenibbli u intelliġenti

Il-Kummissjoni nediet uffiċjalment l-Alleanza għall-Avjazzjoni b’Emissjonijiet Żero, inizjattiva Ewropea volontarja bejn il-partijiet ikkonċernati privati u pubbliċi biex iħejju inġenji tal-ajru li jaħdmu bl-idroġenu u bl-elettriku għall-użu kummerċjali. Bi stima ta’ 26 000 inġenju tal-ajru b’emissjonijiet żero sal-2050, l-Alleanza se żżomm mal-impenn meħud biex is-settur jiġi allinjat mal-ambizzjoni klimatika tal-UE.

Sabiex jiġi żgurat li l-karozzi u vetturi oħra jkunu iktar sikuri, filwaqt li jiġi stabbilit ukoll qafas għall-vetturi awtomatizzati, fl-2022 daħal fis-seħħ ir-Regolament tal-UE dwar is-Sikurezza Ġenerali tal-Vetturi. Il-qafas tiegħu, li hu l-ewwel tat-tip tiegħu fid-dinja, jipproteġi lill-konsumaturi, se jagħti spinta wkoll lill-innovazzjoni u se jtejjeb il-kompetittività tal-industrija tal-karozzi tal-Ewropa.

Ngħinu lis-settur pubbliku jsir ekoloġiku

L-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku tal-Kummissjoni Ewropea ffinanzja proġett multinazzjonali li jsaħħaħ is-sostenibbiltà fit-tul tas-settur pubbliku u jnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt ħażin tiegħu fuq l-ambjent. Dan il-proġett għandu l-għan ukoll li jippromwovi l-effiċjenza, ir-responsabbiltà u t-trasparenza tal-politiki pubbliċi.

S’issa, kien hemm 23 amministrazzjoni pubblika tal-Istati Membri li qasmu l-għarfien u l-aqwa prattiki tagħhom dwar modi kif jonqos l-impatt tan-nefqa baġitarja fuq il-klima, bħal ngħidu aħna x-xiri ta’ servizzi u oġġetti li jħallu inqas impatt ambjentali, u l-promozzjoni tal-mobbiltà ekoloġika u ta’ prattiki sostenibbli tal-ivvjaġġar fuq xogħol.

Permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2021–2027, l-istrument ta’ finanzjament tal-UE li jappoġġa l-Patt Ekoloġiku, il-Kummissjoni qed tinvesti f’firxa wiesgħa ta’ proġetti tal-infrastruttura tat-trasport madwar l-UE. Dawn għandhom l-għan li jtejbu l-infrastruttura transfruntiera u li jippromwovu teknoloġiji ġodda. Fost l-eżempji hemm il-mina bejn Lyon u Torino, il-kollegament fiss tal-Istrett ta’ Fehmarn u l-proġett ferrovjarju Baltiku, Rail Baltica.

Sabiex l-infrastruttura tat-trasport tal-Ewropa tkun adattata kemm għall-użu ċivili kif ukoll għal dak tad-difiża, il-Kummissjoni adottat Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari u ressqet il-proċess tal-għotjiet għal proġetti li jappoġġaw il-mobbiltà militari. Proġetti oħra se jgħinu biex tiġi stabbilita infrastruttura biex il-mobbiltà effiċjenti fl-użu tal-enerġija u l-mobbiltà b’emissjonijiet żero jiżdiedu kif proġettat.

B’kollox, €25.8 biljun f’għotjiet huma disponibbli fil-qafas tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa biex jikkofinanzjaw proġetti tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport fl-Istati Membri tal-UE.

Wara s-Sena Ewropea tal-Ferroviji 2021, l-UE bdiet timplimenta l-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid tagħha biex tagħti spinta lill-ferroviji tal-passiġġieri fuq distanzi twal u transfruntiera. Il-Kummissjoni stiednet lill-impriżi ferrovjarji, lill-maniġers tal-infrastruttura u lill-awtoritajiet nazzjonali biex jipproponu servizzi pilota transfruntiera li jindirizzaw l-ostakli li fadal għall-ferroviji transfruntiera. It-tranżizzjoni lejn it-trasport sostenibbli, parti mill-pakkett komprensiv tal-Patt Ekoloġiku, se tiżgura li l-komunitajiet u l-ekonomija tal-UE jkunu jistgħu jirnexxu f’ambjent san u sikur, ferm wara l-2050.

Jeħtieġ inżidu t-trasport ferrovjarju transfruntier tal-passiġġieri

L-infografika turi l-persentaġġ tat-traffiku transfruntier tal-UE fl-2018, is-sehem ta’ tipi differenti ta’ vjaġġi ferrovjarji transfruntieri tal-passiġġieri fuq distanzi twal kull ġimgħa fl-2019 meta mqabbla mal-2001, u s-sehem kombinat tas-servizzi ferrovjarji transfruntieri tal-passiġġieri.

Jeħtieġ inżidu t-trasport ferrovjarju transfruntier tal-passiġġieri. Fl-2018, it-traffiku tal-passiġġieri kien 7% tat-traffiku transfruntier fl-UE, filwaqt li t-traffiku tal-merkanzija kien 52%. Fl-2019, saru 2,804 vjaġġi ferrovjarji transfruntieri tal-passiġġieri fuq distanzi twal u konvenzjonali kull ġimgħa, jiġifieri żieda minn 2,545 fl-2001, filwaqt li l-għadd ta’ vjaġġi ferrovjarji transfruntieri tal-passiġġieri fuq distanzi twal u veloċi kważi rdoppja, minn 637 kull ġimgħa fl-2001 għal 1,244 kull ġimgħa fl-2019. Kien hemm tnaqqis sinifikanti fil-vjaġġi ferrovjarji transfruntieri tal-passiġġieri ta’ billejl, minn 1,257 kull ġimgħa fl-2001 għal 445 kull ġimgħa fl-2019. B’mod ġenerali, kien hemm żieda ta’ 95% fis-servizzi transfruntieri veloċi, tnaqqis ta’ 65% fil-vjaġġi ferrovjarji transfruntieri ta’ billejl, u żieda ta’ 1% fis-servizzi transfruntieri kombinat.

Tekniku jifred wafer tas-silikon f’mikroċipep separati.
Separazzjoni teknika ta’ strutturi taċ-ċipep ġo fonderija tas-semikondutturi, fi Dresden, il-Ġermanja, nhar it-8 ta’ Frar 2022.

4. Ewropa lesta għall-era diġitali

Introduzzjoni

Il-viżjoni tal-UE li tmexxi l-Ewropa lejn l-era diġitali hija marbuta intimament mal-għan tal-UE għan-newtralità klimatika. Il-pjan tagħha ta’ 10 snin, magħruf ukoll bħala d-Deċennju Diġitali, jinkludi miri għad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi u tan-negozji, l-istabbiliment ta’ infrastrutturi diġitali bħall-5G u s-superkompjuters u l-iżgurar li ċ-ċittadini tal-UE jkunu mgħammra bil-ħiliet meħtieġa biex jinnavigaw fl-ambjent diġitali b’mod kunfidenti. Il-Programm ta’ Politika tad-Deċennju Diġitali għall-2030, adottat mill-UE fl-2022, se jiżgura li dawn il-miri jintlaħqu mill-Istati Membri.

Id-Deċennju Diġitali tal-UE se jkun era ta’ tranżizzjonijiet pijuniera lejn dinja aktar sikura u aktar sostenibbli. Għal dan l-għan, fl-2022 l-UE ħadet azzjoni biex taġġorna r-regoli taċ-ċibersigurtà, tirrikonoxxi d-drittijiet diġitali u żżid l-obbligu ta’ rendikont tal-fornituri tas-servizzi diġitali, filwaqt li stabbiliet l-infrastruttura diġitali meħtieġa u appoġġat l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali. Ipproponiet ukoll regoli ġodda għal aċċess aktar ġust għad-data u għamlet progress fir-regolamentazzjoni tad-diġitalizzazzjoni ta’ setturi differenti.

Diġitalizzazzjoni għaċ-ċittadini

Approċċ għad-diġitalizzazzjoni ċċentrat fuq il-bniedem jinsab fil-qofol tad-Deċennju Diġitali tal-UE. Dan ifisser li d-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi jridu jiġu rispettati online bl-istess mod kif inhuma offline. Fl-2022, l-UE adottat id-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali, li tistabbilixxi punti ta’ referenza ċari biex jiġi żgurat li n-nies ikunu protetti u mogħtija s-setgħa meta jinteraġixxu ma’ teknoloġiji ġodda.

L-infografika ssemmi u tispjega d-drittijiet u l-prinċipji diġitali.

L-ewwel prinċipju hu li l-bniedem jinsab fiċ-ċentru. It-teknoloġiji diġitali jeħtieġ jipproteġu d-drittijiet tan-nies, jappoġġaw id-demokrazija u jiżguraw li l-atturi diġitali kollha jaġixxu b’mod responsabbli u sikur. L-UE tippromwovi dawn il-valuri madwar id-dinja. It-tieni prinċipju hu s-solidarjetà u l-inklużjoni. It-teknoloġija jeħtieġ tgħaqqad lin-nies, mhux tifridhom. Kulħadd jeħtieġ ikollu aċċess għall-internet, għall-ħiliet diġitali, għas-servizzi pubbliċi diġitali u għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti. It-tielet prinċipju hu l-libertà tal-għażla. In-nies jeħtieġ igawdu ambjent online ġust, li jkun sikur mill-kontenut illegali u ta’ ħsara, u li jkollhom ir-riedni f’idejhom meta jinteraġixxu ma’ teknoloġiji ġodda u evolventi bħall-intelliġenza artifiċjali (AI). Ir-raba’ prinċipju hu l-parteċipazzjoni. Iċ-ċittadini jeħtieġ ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom fil-proċess demokratiku f’kull livell, u jkollhom kontroll tad-data tagħhom. Il-ħames prinċipju hu s-sikurezza u s-sigurtà. L-ambjent diġitali jeħtieġ ikun sikur u sigur. L-utenti kollha, mit-tfal sal-anzjani, jeħtieġ ikollhom ir-riedni f’idejhom u l-protezzjoni. Is-sitt prinċipju hu s-sostenibbiltà. L-apparati diġitali jeħtieġ jappoġġaw is-sostenibbiltà u t-tranżizzjoni ekoloġika. In-nies jeħtieġ ikunu jafu dwar l-impatt ambjentali u l-konsum tal-enerġija tal-apparati tagħhom.

Iċ-ċibersigurtà u r-reżiljenza

Iżjed ma l-Ewropej iqattgħu aktar ħin online u s-soċjetà ssir aktar interkonnessa, it-theddid ċibernetiku qed isir aktar komuni u potenzjalment aktar perikoluż. Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna toħloq ukoll theddida unika għaċ-ċiberdifiża tal-Ewropa.

Fl-2022, l-UE aġġornat il-leġiżlazzjoni dwar il-miżuri biex jinkiseb livell għoli ta’ ċibersigurtà komuni fl-Istati Membri kollha. F’Diċembru 2022, ippubblikat ir-regoli l-ġodda, magħrufa bħala d-Direttiva NIS2 li ħadet post id-Direttiva preċedenti dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (NIS) fis-16 ta’ Jannar 2023. Biex jgħinu ħalli jiżdied il-livell ġenerali taċ-ċibersigurtà fl-Ewropa, ir-regoli l-ġodda jespandu l-lista ta’ entitajiet u setturi kritiċi li jeħtieġ li jieħdu miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju.

Ambitu usa’: aktar setturi u servizzi bħala entitajiet essenzjali jew importanti

Fornituri tan-networks jew tas-servizzi pubbliċi tal-komunikazzjoni elettronika

Immaniġġjar tal-ilma mormi u tal-iskart

Manifattura ta’ ċerti prodotti kritiċi (bħall-prodotti farmaċewtiċi, l-apparati mediċi u s-sustanzi kimiċi)

Ikel

Servizzi diġitali (bħall-pjattaformi tas-servizzi tan-networking soċjali u s-servizzi taċ-ċentri tad-data)

L-Ispazju

Servizzi postali u tal-kurrier

Amministrazzjoni pubblika

© Adobe Stock


L-infrastruttura kritika, bħal kejbils taħt il-baħar u pipelines għat-trasport u l-komunikazzjoni, spiss huma marbuta mill-qrib ma’ ħafna servizzi diġitali differenti u għalhekk jeħtieġ li jiġu protetti. Is-sabotaġġ tal-pipelines tal-gass ta’ Nord Stream u inċidenti oħra għamluha ċara li r-reżiljenza tal-infrastruttura kritika tal-UE tinsab mhedda. Il-leġiżlazzjoni maqbula reċentement dalwaqt se tipprovdi lill-UE b’qafas legali aġġornat u komprensiv biex tissaħħaħ ir-reżiljenza kemm fiżika kif ukoll ċibernetika tal-infrastruttura kritika.

Fid-dawl tax-xenarju ta’ theddid li qed jevolvi b’mod rapidu, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li ssaħħaħ il-kapaċità ta’ twissija bikrija u rispons għat-tfixkil tal-infrastruttura kritika permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili. Il-proposta tappella wkoll għal kooperazzjoni msaħħa mas-sħab ewlenin u l-pajjiżi ġirien dwar ir-reżiljenza tal-infrastruttura kritika.

F’termini ta’ prodotti diġitali li nużaw fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, f’Settembru 2022 il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Att ġdid dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika. Bosta prodotti, bħall-monitors tat-trabi, apparati intelliġenti jew speakers attivati bil-vuċi, għad għandhom livell ta’ ċibersigurtà baxx, u minħabba f’hekk ifeġġu vulnerabilitajiet estensivi u aġġornamenti tas-sigurtà inkonsistenti. Barra minn hekk, ħafna drabi huwa diffiċli għall-utenti ta’ dawn il-prodotti li jiskopru jekk prodotti speċifiċi humiex siguri kontra t-theddid ċibernetiku. Il-proposta l-ġdida se tiżgura li l-manifatturi jtejbu s-sigurtà tal-prodotti tagħhom u t-trasparenza tal-karatteristiċi tas-sigurtà.

Thierry Breton b’webcam f’idu waqt id-diskors tiegħu fuq il-podju tal-Kummissjoni Ewropea.
Il-Kummissarju Ewropew għas-Suq Intern Thierry Breton waqt konferenza tal-aħbarijiet fuq l-Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika, fi Brussell, il-Belġju, nhar is-16 ta’ Settembru 2022.

L-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali

Il-pjattaformi online huma element ewlieni ieħor tad-dinja diġitali tal-lum. Dawn jippermettu lin-nies jikkomunikaw, jiksbu l-informazzjoni u jixtru online. Fl-istess ħin, jistgħu joħolqu wkoll riskji relatati ma’ kontenut illegali jew ta’ ħsara u prattiki inġusti tas-suq. Huwa għalhekk li l-UE introduċiet l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-Att dwar is-Swieq Diġitali, li t-tnejn daħlu fis-seħħ f’Novembru 2022.

L-Att dwar is-Servizzi Diġitali se jistabbilixxi standard ġdid bla preċedent għall-obbligu ta’ rendikont tal-pjattaformi online u tal-magni tat-tiftix fir-rigward tal-kontenut illegali u dannuż. Meta jsir applikabbli għall-ewwel darba għall-pjattaformi online kbar ħafna u għall-magni tat-tiftix online kbar ħafna għall-ħabta tal-ħarifa tal-2023, u għall-pjattaformi l-oħra kollha fi Frar 2024, dan se jipprovdi protezzjoni aħjar għall-utenti tal-internet u d-drittijiet fundamentali tagħhom online. Il-fornituri se jibbenefikaw minn sett uniku ta’ regoli tas-suq intern u l-pjattaformi iżgħar se jkunu jistgħu jespandu aktar faċilment.

B’rabta ma’ dan, l-Att dwar is-Swieq Diġitali, li se japplika mit-2 ta’ Mejju 2023, se jrażżan il-prattiki inġusti tal-pjattaformi online l-kbar, magħrufa bħala gatekeepers. Il-gatekeepers kollha se jkunu ġew iddeżinjati sas-6 ta’ Settembru 2023 u jridu jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti fl-Att sa mhux iktar tard mis-6 ta’ Marzu 2024. L-Att fih lista ta’ affarijiet li l-gatekeepers għandhom u ma għandhomx jagħmlu u li se jkollhom jikkonformaw magħha; pereżempju, mhux se jibqa’ jkun possibbli li l-gatekeepers jikklassifikaw il-prodotti tagħhom stess b’mod aktar favorevoli minn prodotti simili ta’ partijiet terzi offruti fuq il-pjattaforma tal-gatekeepers infushom.

Il-gwardjani

Il-gwardjani huma pjattaformi diġitali li jkollhom:

  • aktar minn 45 miljun utent finali attiv kull xahar, u
  • dħul ta’ €7.5 biljun jew aktar fl-aħħar 3 snin finanzjarji.

Il-gwardjani mhux se jitħallew:

  • jippromwovu żżejjed il-prodotti tagħhom stess,
  • jillimitaw il-possibbiltajiet tal-pagament għall-metodu tal-pagament tagħhom stess,
  • jerġgħu jużaw xi data personali miġbura waqt xi servizz partikolari għall-fini ta’ servizz ieħor,
  • jimponu kundizzjonijiet inġusti lill-utenti kummerċjali,
  • jinstallaw minn qabel ċerti applikazzjonijiet tas-software,
  • jirrestrinġu lill-utenti kummerċjali tal-pjattaformi,
  • jużaw ċerti prattiki ta’ raggruppamenti (bħall-bejgħ ta’ oġġetti differenti bħala pakkett).

Il-kumpaniji li ma jimxux mal-obbligi l-ġodda jistgħu jirriskjaw multi sa 10 % tad-dħul dinji tagħhom jew sa 20 % f’każ ta’ ksur ripetut.

Regolamentazzjoni tal-pjattaformi tal-kiri għal żmien qasir

Biex tipproteġi lit-turisti, il-Kummissjoni pproponiet ukoll li d-data dwar il-prenotazzjonijiet tal-kiri għal soġġorn qasir u l-akkomodazzjoni ssir aktar trasparenti, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mat-talba għal informazzjoni dwar is-sjieda, id-dettalji tal-indirizz u n-numri tar-reġistrazzjoni tan-negozju. Dan se jippermetti lill-awtoritajiet tal-bliet jaħdmu flimkien mal-pjattaformi tal-prenotazzjonijiet biex jagħlqu l-listi mhux awtorizzati u jipproteġu lill-konsumaturi milli jibbukkjaw akkomodazzjoni illegali.

Deċennju ieħor ta’ roaming

Bis-saħħa tar-Regolament dwar ir-roaming il-ġdid u mtejjeb li daħal fis-seħħ f’Lulju 2022, iċ-ċittadini jistgħu “jużaw ir-roaming daqslikieku f’pajjiżhom” għal mill-inqas 10 snin oħra u jiksbu veloċitajiet mobbli aħjar meta jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom. Jistgħu jirċievu wkoll informazzjoni dwar servizzi li huma soġġetti għal spejjeż żejda, ikollhom protezzjoni aħjar minn tariffi mhux mistennija meta l-mowbajls jaqbdu awtomatikament ma’ networks satellitari, u jirċievu informazzjoni dwar modi alternattivi biex jaqbdu ma’ servizzi ta’ emerġenza barra minn pajjiżhom fl-UE.

Ċarġer komuni

Bis-saħħa ta’ regoli ġodda, il-konsumaturi tal-UE dalwaqt se jkunu jistgħu jużaw l-istess soluzzjoni tal-iċċarġjar għall-apparati elettroniċi kollha tagħhom u jagħżlu li ma jixtrux ċarġers addizzjonali ma’ kull apparat ġdid. Sa tmiem l-2024, il-mowbajls, it-tablets u l-kameras kollha mibjugħa fl-UE se jkunu mgħammra b’port tal-iċċarġjar USB Type-C. Mir-rebbiegħa tal-2026, dan l-obbligu se jkun jgħodd ukoll għal-laptops. Dan se jippermetti lill-konsumaturi jnaqqsu l-iskart elettroniku.

It-tipi ta’ apparati elettroniċi koperti

L-infografika turi t-tipi ta’ apparati elettroniċi koperti mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġers Komuni.

It-tipi ta’ apparati elettroniċi koperti mid-Direttiva dwar iċ-Ċarġers Komuni huma t-telefowns ċellulari, il-maws, it-tastieri, il-laptops, il-qarrejja elettroniċi, is-sistemi tan-navigazzjoni portabbli, il-loudspeakers portabbli, il-kuffji, l-earbuds u l-earphones, il-consoles tal-logħob portabbli, il-kameras diġitali u t-tablets.

Stampi © Adobe Stock


Diġitali għall-industrija

Il-konnettività

Konnettività akbar tagħti spinta lill-kwalità tal-ħajja u lill-ekonomija; qed issir ukoll aktar importanti għal għajxien sostenibbli. Madankollu, għad hemm distakk diġitali bejn iż-żoni urbani, rurali u remoti.

L-Istati Membri tal-UE impenjaw ruħhom li jinvestu madwar €130 biljun mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza f’miżuri li jikkontribwixxu għat-trasformazzjoni diġitali, inklużi miżuri ta’ konnettività. Din iċ-ċifra tikkorrispondi għal 26 % tal-ammont totali ta’ fondi mitluba mill-Istati Membri fil-qafas tal-faċilità sa tmiem l-2022 u tmur ferm lil hinn mir-rekwiżit minimu ta’ 20 % għan-nefqa diġitali (ara l-Kapitlu 6 għal iktar tagħrif dwar il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza).

B’kollox, is-27 pjan nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludu miżuri ta’ konnettività b’valur ta’ madwar €16.5-il biljun. L-għan huwa li tiġi introdotta infrastruttura tan-networks diġitali matul l-erba’ snin li ġejjin, inkluż f’reġjuni rurali u remoti, biex ikunu jistgħu jirnexxu, u ħalli tingħata spinta lill-innovazzjoni u s-sostenibbiltà. L-UE se tuża l-influwenza tagħha wkoll f’investimenti fil-konnettività permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali l-ġdid, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, InvestEU u self mill-Bank Ewropew tal-Investiment.

Fl-2022, il-Kummissjoni nediet ukoll l-ewwel sejħiet għall-proposti skont il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa biex ittejjeb l-infrastruttura tal-konnettività tal-UE. Il-Kummissjoni se tikkofinanzja inizjattivi biex tgħammar ir-rotot tat-trasport ewlenin tal-Ewropa u l-komunitajiet lokali b’konnettività 5G, biex tintroduċi jew taġġorna networks essenzjali li jappoġġaw it-teknoloġiji avvanzati u biex twitti t-triq għall-istabbiliment ta’ pjattaformi diġitali operazzjonali għall-infrastruttura tat-trasport u tal-enerġija fl-UE kollha.

Il-Programm Ewropa Diġitali

B’baġit ta’ €7.5 biljun mill-2021 sal-2027, il-Programm Ewropa Diġitali l-ġdid huwa l-ewwel programm ta’ finanzjament tal-UE ffokat biex iwassal it-teknoloġija diġitali għand l-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini.

Margrethe Vestager quddiem mejda bl-iskrins li juru l-logo tal-Istitut Afrikan taċ-Ċibersigurtà fuq id-desktop.
Il-Viċi President Eżekuttiva tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għal “Ewropa Lesta għall-Era Diġitali” u l-Kummissarju Ewropea għall-Kompetizzjoni Margrethe Vestager (fuq il-lemin), waqt żjara fl-Istitut Afrikan taċ-Ċibersigurtà, f’Dakar, is-Senegal, nhar il-11 ta’ Frar 2022.

Fl-2022, tnedew diversi sejħiet għall-proposti. Dawn kienu jinkludu opportunitajiet ta’ finanzjament għal proġetti dwar l-ispazji tad-data, infrastrutturi tal-blockchain, korsijiet avvanzati ta’ taħriġ fil-ħiliet diġitali, l-intelliġenza artifiċjali (IA) u attivitajiet biex tittejjeb il-kooperazzjoni fiċ-ċibersigurtà bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

Tnedew aktar sejħiet fir-rigward taċ-ċentri nazzjonali tal-computing ta’ prestazzjoni għolja, l-introduzzjoni ta’ sistemi u networks nazzjonali avvanzati tal-infrastruttura tal-komunikazzjoni kwantistika, u ċ-ċentri Ewropej tal-innovazzjoni diġitali.

Ħaddiem bi lbies protettiv qed jaħdem fuq wafer tas-silikon.
Ħaddiem qed jaħdem fuq wafer tas-silikon ta’ 300mm fi Grenoble, Franza, nhar l-4 ta’ Frar 2022.

L-Att Ewropew dwar iċ-Ċipep: it-tisħiħ tal-kompetittività tal-Ewropa

Iċ-ċipep u s-semikondutturi huma l-elementi kostitwenti tal-prodotti elettroniċi kollha, minn apparati intelliġenti sa sistemi spazjali u ta’ difiża. Dawn għandhom rwol ċentrali fl-ekonomiji tal-lum u fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. In-nuqqas globali reċenti ta’ ċipep fixkel il-ktajjen tal-provvista, ikkawża nuqqas ta’ prodotti li jvarjaw minn karozzi sa apparati mediċi, u f’xi każijiet saħansitra ġiegħel lil xi fabbriki jagħlqu.

Biex jiġi evitat tfixkil bħal dan fil-futur, l-UE pproponiet l-Att Ewropew dwar iċ-Ċipep, li se jgħin biex tinbena l-ekosistema tas-semikondutturi tal-UE billi jindirizza diversi objettivi strateġiċi. Wieħed minn dawn huwa li tissaħħaħ it-tmexxija teknoloġika u fir-riċerka tal-UE, li se tirrinforza l-kapaċità tagħha li tkun innovattiva fid-disinn, il-manifattura u l-imballaġġ ta’ ċipep avvanzati. Fl-istess ħin, l-Att Ewropew dwar iċ-Ċipep għandu l-għan ukoll li jindirizza n-nuqqas ta’ ħiliet fil-manifattura avvanzata, sabiex l-UE tibqa’ post attraenti għall-aqwa talent fid-dinja f’dan il-qasam importanti.

Progress dwar l-Istrateġija Ewropea għad-Data

Id-data — speċjalment id-data industrijali — tgħin biex tixpruna l-ekonomija diġitali, iżda l-potenzjal sħiħ ta’ din id-data għadu fil-biċċa l-kbira mhux sfruttat. L-Att dwar id-Data, li ġie propost fl-2022, jinkludi regoli ġodda dwar min jista’ juża u jaċċessa d-data ġġenerata fl-UE fis-setturi ekonomiċi kollha.

Din l-infografika tagħti ħarsa ġenerali lejn l-għanijiet u l-benefiċċji tal-Istrateġija Ewropea għad-Data.

L-Istrateġija Ewropea għad-Data tal-2020 timmira li l-UE ssir pijuniera f’soċjetà mmexxija mid-data. L-Att dwar il-Governanza tad-Data tal-2020 jiffaċilita l-kondiviżjoni tad-data bejn is-setturi u bejn l-Istati Membri. L-Att dwar id-Data tal-2022 jiċċara min jista’ joħloq valur mid-data. Għaxar spazji komuni Ewropej tad-data li jvarjaw mill-industrija sal-mobbiltà, mill-Patt Ekoloġiku Ewropew sal-enerġija u s-saħħa. Il-konsumaturi u n-negozji jiġġeneraw id-data meta jużaw il-prodotti u s-servizzi. Bl-Att dwar id-Data, dawn se jibbenefikaw minn prezzijiet orħos għas-servizzi tas-suq ta’ wara l-bejgħ u għat-tiswija tal-oġġetti konnessi tagħhom. Illum, jekk robot ġo fabbrika jiġrilu l-ħsara, il-manifattur biss jista’ jaċċessa d-data, u għalhekk il-kumpanija jkollha bilfors iċċempel lilu għat-tiswijiet. Fil-futur, l-utent se jkun jista’ jitlob li xi servizz tat-tiswija li jaf ikun orħos jingħata aċċess għad-data. Il-konsumaturi u n-negozji se jkollhom ukoll opportunitajiet ġodda biex jużaw servizzi li jiddependu fuq l-aċċess għal din id-data. Illum, bidwi li xtara apparati mingħand manifatturi differenti (tractor, sistema tal-irrigazzjoni awtomatika) ma jistax jesternalizza l-analitika tad-data tal-apparati tiegħu. Id-data tkun magħluqa għand kull manifattur. Fil-futur, dan se jkun jista’ jirċievi pariri personalizzati mingħand kumpanija li tiġbor id-data dwar kull apparat differenti. Il-konsumaturi u n-negozji jista’ jkollhom ukoll aċċess aħjar għad-data miġbura jew iġġenerata minn apparat. Illum, jekk sid ta’ bar irid iservi kafè aħjar u l-kumpanija tal-magni tal-kafè trid ittejjeb il-prodott tagħha, il-kumpanija tista’ taċċessa d-data ġġenerata mill-magna biex tiddisinja l-ġenerazzjoni li jmiss tal-magni tal-kafè, iżda sid il-bar ma jista’ jaċċessa l-ebda informazzjoni. L-Att dwar id-Data jiċċara li fil-futur, iż-żewġ partijiet se jkunu jistgħu jaċċessaw id-data kollha li tiġbor il-magna.


Barra minn hekk, l-inizjattiva “GreenData4All” se tgħin fit-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali tal-Ewropa billi se taġġorna r-regoli tal-UE dwar id-data ambjentali ġeospazjali u dwar l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni ambjentali. L-għan huwa li d-data ssir disponibbli aktar faċilment għall-innovazzjoni u għal deċiżjonijiet ibbażati fuq l-evidenza.

Id-diġitalizzazzjoni tal-kura tas-saħħa fl-UE

Id-data dwar is-saħħa tipprovdi għarfien siewi lill-fornituri u lir-riċerkaturi tas-servizzi tal-kura tas-saħħa. Il-pandemija tal-COVID-19 aċċellerat l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ prodotti u servizzi tas-saħħa diġitali, u t-telesaħħa saret xi ħaġa komuni. Barra minn hekk, uriet li data aġġornata, affidabbli u FAIR (traċċabbli, aċċessibbli, interoperabbli u li tista’ terġa’ tintuża) hija essenzjali biex tiġi pprovduta kura effiċjenti fi żminijiet ta’ kriżi u biex jiġi żviluppat trattament effettiv.

L-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa, propost f’Mejju 2022, huwa l-ewwel spazju komuni tad-data f’qasam speċifiku li ħareġ mill-Istrateġija tal-UE għad-Data u huwa parti integrali mit-tiswir ta’ Unjoni Ewropea tas-Saħħa. Dan iqiegħed l-interessi u d-drittijiet tal-individwu fil-qalba tiegħu.

L-objettiv huwa li jiġi żgurat li l-individwi fl-UE jkollhom aktar kontroll fuq id-data elettronika tagħhom dwar is-saħħa u jkunu jistgħu jaqsmu r-rekords elettroniċi tas-saħħa tagħhom ma’ tabib tal-għażla tagħhom, anke fi Stat Membru differenti. Jiżgura wkoll qafas ġuridiku li jikkonsisti f’mekkaniżmi ta’ governanza affidabbli tal-UE u tal-Istati Membri u f’ambjent ta’ pproċessar sigur. Dan ikun jippermetti lir-riċerkaturi, lill-innovaturi, lil dawk li jfasslu l-politika u lir-regolaturi fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri jaċċessaw data elettronika rilevanti dwar is-saħħa biex jippromwovu dijanjożi, trattament u benessri aħjar tal-persuni fiżiċi, u jwasslu għal politiki mtejba u infurmati tajjeb. Għandu wkoll l-għan li jikkontribwixxi għal suq uniku ġenwin għall-prodotti u s-servizzi tas-saħħa diġitali, billi jarmonizza r-regoli, u b’hekk jagħti spinta lill-effiċjenza tas-sistema tal-kura tas-saħħa.

L-ispazju

Il-Programm Spazjali Ewropew jipprovdi data u servizzi siewja li joffru soluzzjonijiet għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, iwasslu benefiċċji soċjoekonomiċi għaċ-ċittadini, jippermettu l-innovazzjoni diġitali u jindirizzaw il-ħtiġijiet emerġenti tal-konnettività. F’Novembru 2022, l-UE u l-Istati Membri tagħha laħqu ftehim politiku li jniedu l-Programm ta’ Konnettività Sigura 2023–2027 b’baġit ta’ €2.4 biljun. Il-programm se jiskjera kostellazzjoni satellitari għall-UE, imsejħa IRIS2 (Infrastruttura għar-Reżiljenza, l-Interkonettività u s-Sigurtà bis-Satellita), bl-għajnuna ta’ sistema ġdida ta’ konnettività sigura bbażata fl-ispazju. Din is-sistema avvanzata se tipprovdi konnettività affidabbli, kosteffettiva u ultrasigura lill-gvernijiet, lin-negozji u liċ-ċittadini fl-Ewropa u lil hinn minnha. Se taħdem biswit u sserraħ fuq is-sistemi eżistenti tal-UE, bħal Copernicus, Galileo, il-programm tal-Unjoni Ewropea ta’ Komunikazzjoni Governattiva bis-Satellita u l-infrastruttura Ewropea ta’ komunikazzjoni kwantistika.

Bħala parti mis-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, il-Kummissjoni Ewropea nediet kompetizzjoni tal-isem u fetħitha għall-istudenti żgħażagħ Ewropej u Afrikani biex jagħżlu l-isem tas-sistema l-ġdida tal-konnettività bbażata fl-ispazju tal-UE. L-isem rebbieħ – IRIS2 – ippreżentawh żewġ studenti.

L-infografika turi fatti u ċifri dwar is-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju tal-UE tul l-2022.

Fl-2022, saru madwar 500,000 kejl kuljum, ġew irreġistrati 176 organizzazzjoni minn 22 Stat Membru, inqabdu 13,608 avviċinament, kien hemm 7 istanzi ta’ analiżi ta’ frammentazzjoni, 77 istanza ta’ analiżi ta’ dħul mill-ġdid, 756 istanza ta’ interess qawwi (aktar minn waħda kuljum), u ġew monitorjati 310 satelliti.

Sistema bħal din teħtieġ ukoll sorveljanza u insegwiment spazjali robusti biex tgħin fil-protezzjoni tal-infrastruttura bbażata fl-ispazju. Attiva mill-2016, is-sistema ta’ sorveljanza u insegwiment fl-ispazju tal-UE issa timmonitorja 310 satelliti tal-UE, u tevita l-kolliżjonijiet fl-ispazju. Biex tlaħħaq maż-żieda esponenzjali fl-għadd ta’ satelliti u l-ammont ta’ skart fl-orbita, fl-2022 l-UE adottat komunikazzjoni konġunta dwar approċċ tal-UE għall-ġestjoni sikura tat-traffiku fl-ispazju.

L-ispazju għandu wkoll rwol importanti f’termini ta’ difiża. F’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Sinerġiji bejn l-Industriji Ċivili, tad-Difiża u tal-Ispazju, il-pjan direzzjonali tal-UE dwar it-teknoloġiji kritiċi għas-sigurtà u d-difiża jinforma liċ-ċittadini u lill-partijiet ikkonċernati dwar l-aħħar inizjattivi dwar it-teknoloġija u r-rabtiet tagħha mas-sigurtà u d-difiża. Dan jistabbilixxi l-għan li jitnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi tal-UE relatati ma’ teknoloġiji kritiċi u ktajjen tal-valur għas-sigurtà u d-difiża.

L-Istrateġija 2.0 dwar id-Droni

Kif tħabbar fl-Istrateġija dwar il-Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti f’Novembru, l-UE nediet l-Istrateġija 2.0 dwar id-Droni. L-istrateġija tistipula 19-il miżura għal ekosistema tad-droni sikura u sostenibbli sal-2030. Dawn jinkludu regoli komuni għall-ajrunavigabbiltà, rekwiżiti ta’ taħriġ għall-bdoti, appoġġ għar-riċerka u l-innovazzjoni, u d-definizzjoni ta’ kriterji għal tikketta tad-droni approvata b’mod volontarju għaċ-ċibersigurtà. L-għan huwa wkoll li jiġi estiż l-użu tad-droni għat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija, għall-istħarriġ tal-infrastruttura kritika, għall-monitoraġġ tat-tixrid taż-żejt, u għas-sigurtà u d-difiża, filwaqt li tissaħħaħ l-aċċettazzjoni soċjali billi jiġi indirizzat it-tħassib dwar l-istorbju, is-sikurezza u l-privatezza.

Adina Vălean titħaddet quddiem prototip ta’ taxi tal-ajru.
Il-Kummissarju Ewropea għat-Trasport Adina Vălean (it-tieni mix-xellug), qed tara prototip ta’ taxi tal-ajru, fi Brussell, il-Belġju, nhar id-29 ta’ Novembru 2022.

Edukazzjoni diġitali

L-edukazzjoni diġitali u l-ħiliet diġitali

Biex iċ-ċittadini jibbenefikaw mit-tranżizzjoni, irid ikollhom il-ħiliet li jgħinuhom jirnexxu fid-dinja diġitali. L-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali tal-2022 żvela li 54 % biss taċ-ċittadini Ewropej bejn l-etajiet ta’ 16 u 74 sena għandhom ħiliet diġitali bażiċi, filwaqt li l-mira tad-Deċennju Diġitali hija ta’ 80 % sal-2030. Dan juri l-ħtieġa urġenti għal aktar azzjoni biex jinbnew is-settijiet ta’ ħiliet diġitali tal-Ewropej. Il-Pjattaforma għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali, imnedija fl-2022, għandha l-għan li tnaqqas dan id-distakk.

L-UE ħadmet ukoll mal-Istati Membri biex tidentifika l-isfidi fl-għoti ta’ edukazzjoni u ħiliet diġitali ta’ kwalità għolja lil kulħadd. L-eżitu ta’ dawn id-diskussjonijiet se jikkontribwixxi għall-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali. Fl-2022, l-UE kompliet tipprovdi linji gwida għall-għalliema u l-edukaturi dwar id-diżinformazzjoni u l-użu etiku tal-IA u d-data fit-tagħlim, li t-tnejn li huma huma elementi importanti tal-litteriżmu diġitali. Wara l-iżvilupp taċ-ċentru Ewropew tal-edukazzjoni diġitali, f’Ġunju 2022 ġiet iffurmata komunità fejn l-edukaturi jistgħu jaqsmu bejniethom l-aħjar prattiki.

L-UE ħarrġet lil 10 000 tfajla minn madwar l-Ewropa f’għadd ta’ ħiliet diġitali u intraprenditorjali permezz tal-inizjattiva msejħa “Girls Go Circular”.

F’Marzu 2022, l-UE laqqgħet l-ewwel Forum tal-Partijiet Interessati dwar l-Edukazzjoni Diġitali.

Fl-10 edizzjoni tal-Ġimgħa Ewropea tal-Ikkowdjar li saret bejn it-8 u t-23 ta’ Ottubru 2022, ġew organizzati 75 070 attività f’77 pajjiż.

Stampi © Adobe Stock

Is-superkompjuters u l-intelliġenza artifiċjali

Is-superkompjuters

Ekosistema tas-superkompjuters ta’ klassi dinjija fl-Ewropa hija essenzjali għall-promozzjoni tal-eċċellenza xjentifika u s-saħħa industrijali. Network ta’ superkompjuters jiżgura wkoll is-sovranità teknoloġika tal-UE, li jfisser li jkollha s-sjieda tat-teknoloġiji diġitali importanti tagħha.

F’Ġunju 2022, l-Impriża Konġunta Ewropea għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja (EuroHPC JU) — entità ġuridika li tippermetti lill-pajjiżi parteċipanti jiġbru flimkien ir-riżorsi biex jistabbilixxu s-superkompjuters — inawgurat is-superkompjuter LUMI f’Kajaani (il-Finlandja). Dan kien segwit f’Novembru 2022 mill-inawgurazzjoni tas-superkompjuter Leonardo f’Bolonja (l-Italja). LUMI u Leonardo huma l-aktar żewġ superkompjuters veloċi fl-Ewropa u jikklassifikaw bħala t-tielet u r-raba’ l-aktar veloċi fid-dinja, rispettivament.

Il-potenza komputazzjonali tagħhom tikkomplementa s-superkompjuters eżistenti tal-EuroHPC JU: Discoverer fil-Bulgarija, Karolina fiċ-Ċekja, MeluXina fil-Lussemburgu u Vega fis-Slovenja. Bħalissa qed jiġu stabbiliti żewġ superkompjuters oħra tal-EuroHPC: MareNostrum5 f’Barċellona (Spanja) u Deucalion fil-Portugall.

Erba’ ringieli tal-imħażen tas-superkompjuter Lumi.
Is-superkompjuter LUMI. © Fade Creative

Fl-2022, tħabbar li l-ewwel superkompjuter fuq skala eksa tal-Ewropa, Jupiter, se jiġi ospitat fiċ-Ċentru tas-Supercomputing ta’ Jülich fil-Ġermanja. Il-kapaċità fuq skala eksa tirrappreżenta pass teknoloġiku kbir għall-UE u tippromwovi bil-kbir l-eċċellenza xjentifika Ewropea. Dan se jkun ta’ benefiċċju għal teknoloġiji komplementari, bħall-computing kwantistiku, it-tewmin diġitali u l-big data.

F’Ottubru 2022, intgħażlu sitt siti madwar l-UE biex jospitaw u joperaw l-ewwel kompjuters kwantistiċi: fiċ-Ċekja, fil-Ġermanja, fi Spanja, fi Franza, fl-Italja u fil-Polonja. Il-kompjuters kwantistiċi kapaċi jwettqu kalkoli li huma kumplessi wisq għall-kompjuters standard.

L-Intelliġenza artifiċjali

L-IA hija waħda mill-aktar teknoloġiji emerġenti importanti: diġà tinsab fil-qalba ta’ ħafna mill-għodod li nużaw kuljum, bħall-algoritmi tal-midja soċjali, u se tippermetti teknoloġiji ġodda bħall-vetturi li jimxu waħedhom bla sewwieq.

Barbara Mazzolai qed teżamina l-weraq ta’ pjanta.
Ir-riċerkatriċi Barbara Mazzolai mill-Istitut Taljan tat-Teknoloġija qed taħdem fuq il-proġetti “I-Wood”, “I-Seed” u “GrowBot” fil-laboratorju tar-Robotika Soft Bijoispirata taċ-Ċentru għat-Teknoloġiji Konverġenti, f’Ġenova, l-Italja, nhar l-14 ta’ Ġunju 2022.

Fl-2022, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea komplew in-negozjati rigward l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali propost li għandu l-għan li jintroduċi qafas regolatorju komuni għall-IA. Il-Kummissjoni u l-Gvern ta’ Spanja ppreżentaw proġett pilota tal-ewwel sandbox regolatorja dwar l-IA, li jippermetti lin-negozji jesploraw l-effetti tar-regoli tal-qafas fuq ċerti proġetti tal-IA f’ambjent ikkontrollat. Dan se jgħin biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni fi żmien sentejn. It-testijiet bdew f’Ottubru 2022 u r-riżultati se jiġu ppubblikati fit-tieni nofs tal-2023.

Robot żgħir b’erba’ saqajn ħdejn is-saqajn ta’ raġel fi ġnien.
Is-sistema robotika ta’ erba’ saqajn Bert-2 li bena l-Istitut tar-Robotika u l-Mekkatronika, qrib Munich, il-Ġermanja, nhar it-8 ta’ Ġunju 2022. L-istitut jiffoka fuq l-iżvilupp ta’ firxa kbira ta’ robots li jistgħu jgħinu lill-bniedem jinteraġixxi b’mod aktar sikur u effiċjenti mal-ambjenti ta’ madwaru.

Finanzi diġitali

L-Att dwar ir-Reżiljenza Operazzjonali Diġitali

L-2022 immarkat pass importanti fir-rigward tal-pakkett dwar il-finanzi diġitali: l-Att dwar ir-Reżiljenza Operazzjonali Diġitali ġie ppubblikat fl-14 ta’ Diċembru 2022 u daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Jannar 2023. Is-settur finanzjarju qed isir aktar dipendenti fuq is-software u d-diġitalizzazzjoni, u b’hekk, ir-riskji tat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni u tal-informazzjoni (ICT) qed jiżdiedu. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida se tiżgura li d-ditti finanzjarji jkunu jistgħu jifilħu għat-theddid relatat mal-ICT. Il-banek, il-Boroż, il-kmamar tal-ikklerjar u ditti finanzjarji oħra se jkollhom jirrispettaw standards stretti biex jipprevjenu u jillimitaw l-impatt ta’ inċidenti relatati mal-ICT. Il-ftehim jintroduċi wkoll qafas ta’ sorveljanza fuq il-fornituri tas-servizzi li jipprovdu servizzi kritiċi, bħall-cloud computing, lill-istituzzjonijiet finanzjarji.

L-infografika turi l-karatteristiċi ta’ strateġija għall-finanzi diġitali tal-Ewropa.

Il-karatteristiċi ta’ strateġija għall-finanzi diġitali tal-Ewropa jinkludu: Suq Uniku Diġitali għas-servizzi finanzjarji, qafas regolatorju li jiffaċilita l-innovazzjoni, qafas li jindirizza r-riskji tat-trasformazzjoni diġitali, u spazju Ewropew tad-data finanzjarja li jippromwovi l-innovazzjoni mmexxija mid-data.

Ir-Regolament dwar il-kriptoassi

L-UE hija fost l-ewwel ġurisdizzjonijiet ewlenin fid-dinja li fasslet qafas regolatorju komprensiv għar-regoli dwar il-kriptoassi, jiġifieri r-Regolament propost dwar is-swieq tal-kriptoassi. Ir-regoli l-ġodda se jipprovdu qafas ġuridiku ċar għall-kriptoassi li mhumiex diġà regolati minn leġiżlazzjoni finanzjarja oħra tal-UE, u b’hekk se jipproteġu lill-konsumaturi, l-integrità tas-suq u l-istabbiltà finanzjarja.

Għall-“istablecoins”, jiġifieri l-kriptovaluti li huma inqas volatili mill-kriptovaluti klassiċi, il-ftehim jistabbilixxi rekwiżiti stretti dwar l-istabbiliment, l-awtorizzazzjoni u l-ġestjoni tar-riżervi, inkluża s-superviżjoni tal-UE għal “stablecoins” sinifikanti li huma sistemikament importanti. Il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi se jkollhom bżonn ukoll jiġu awtorizzati fl-UE, u b’riżultat ta’ dan, se jkunu jistgħu jipprovdu s-servizzi tagħhom fl-UE kollha.

Barra minn hekk, il-koleġiżlaturi qablu dwar il-proposta biex jiġi emendat ir-Regolament dwar it-Trasferiment ta’ Fondi. Il-ftehim jipprevedi obbligu għall-fornituri kollha ta’ servizzi tal-kriptoassi involuti fit-trasferimenti tal-kriptoassi biex jiġbru data dwar l-oriġinaturi u l-benefiċjarji tat-trasferimenti tal-kriptoassi li huma joperaw, u jagħmluhom disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti inkarigati mill-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Dawn ir-regoli l-ġodda se jtejbu b’mod sinifikanti l-monitoraġġ u t-traċċabbiltà tat-trasferimenti tal-kriptoassi u se jiżguraw il-konformità mal-miżuri rilevanti mitluba fir-Rakkomandazzjonijiet tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja.

Omm u wliedha bilqiegħda fuq bandla fil-ġnien tagħhom.

5. Inħarsu lin-nies u l-libertajiet

Introduzzjoni

Filwaqt li ċ-ċittadini tal-UE ġejjin minn sfondi differenti, dawn għandhom l-istess sett ta’ valuri li fuqhom issejset l-UE meta twaqqfet (l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea). Dawn huma: ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza u s-saltna tad-dritt, kif stabbilit fit-Trattati tal-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Fl-2022, l-UE kompliet tissielet il-pandemija u tappoġġa l-kampanji tat-tilqim fl-UE u lil hinn minnha. Issoktat ukoll b’ħidmitha biex tiżgura li l-UE tkun lesta għat-theddid futur għas-saħħa, ħadet azzjoni biex tħares il-libertà tal-moviment, il-libertà tal-espressjoni u d-drittijiet tat-tfal, u assistiet lin-nies li qed jaħarbu l-gwerra tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

Saħħa aħjar

COVID-19

Il-pandemija tal-COVID-19 għadha ma spiċċatx, qed ikomplu jfeġġu varjanti ġodda u t-tilqim għadu kruċjali biex jittaffew l-effetti dannużi tal-virus.

Fl-2022, l-istrateġija tal-UE dwar il-vaċċini kompliet turi li hi suċċess. B’kollox, mill-bidu tal-pandemija sa tmiem l-2022 ingħataw 966 099 169 doża lill-Ewropej. Madankollu, il-varjanti tal-COVID-19 li qed jevolvu jeħtieġu vaċċini adattati. Fl-2022, l-UE awtorizzat vaċċini adattati ħalli jintużaw fi programm ta’ booster ġdid biex tevita żieda fil-każijiet. Ippubblikat ukoll ir-rapport imsejjaħ Report of the COVID-19 Therapeutics Sub-group – COVID-19 therapeutic innovation booster li jipprovdi gwida dwar l-iżvilupp ta’ trattamenti ġodda għall-COVID-19.

Minbarra l-kampanji tat-tilqim li qed tagħmel bħalissa, l-UE qed tindirizza l-effetti fit-tul tal-infezzjoni tal-COVID-19, bħall-hekk imsejjaħ “Long Covid”. Il-Kummissjoni Ewropea qed tiffinanzja bosta studji fost gruppi kbar ta’ popolazzjonijiet minn madwar id-dinja tul perjodu twil taż-żmien. Il-proġetti tar-riċerka ffinanzjati minn Orizzont 2020Orizzont Ewropa qed jistħarrġu wkoll każijiet ta’ kundizzjonijiet fit-tul li jitfaċċaw wara infezzjoni tal-COVID-19.

Id f’id mal-Istati Membri tagħha, l-UE qed tibni Unjoni Ewropea tas-Saħħa soda li tipproteġi aħjar saħħet iċ-ċittadini tal-UE, tipprevjeni u tħejji għall-pandemiji futuri, u ttejjeb is-sistemi tas-saħħa ġenerali tal-Ewropa. Biex jinkiseb dan, hemm bżonn qafas legali aħjar. Ir-Regolament il-ġdid dwar it-Theddid Transfruntier għas-Saħħa, adottat fl-2022, se jipprovdi qafas legali komprensiv biex l-UE tmexxi azzjoni koordinata dwar it-tħejjija, is-sorveljanza, il-valutazzjoni tar-riskju, u miżuri ta’ twissija bikrija u ta’ rispons.

Is-servizz il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea, l-Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons Waqt Emerġenza tas-Saħħa (HERA) hu komponent importanti ieħor ta’ Unjoni tas-Saħħa soda. Il-HERA tgħin fl-iżvilupp, il-produzzjoni, l-akkwist, il-ħżin u d-distribuzzjoni ta’ kontromiżuri mediċi jekk tinqala’ xi emerġenza tas-saħħa.

Fl-2022, l-UE żiedet l-awtorità ta’ aġenzija tas-saħħa eżistenti. L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini issa tista’ twettaq monitoraġġ tas-settur tas-saħħa u tieħu azzjoni biex tevita l-iskarsezzi tal-mediċini u tiffaċilita approvazzjonijiet aktar malajr tal-mediċini ħalli ttemm kriżi tas-saħħa pubblika li jaf tinqala’. Anki ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard ingħata iżjed awtorità biex jappoġġa lill-UE u lill-Istati Membri tagħha fil-prevenzjoni u l-kontroll tat-theddid tal-mard li jittieħed.

Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE kien għodda importanti fl-eqqel waqtiet tal-pandemija, u matul l-2022 ġie estiż għal sena oħra biex jibqa’ jgħodd sat-30 ta’ Ġunju 2023. B’din l-estensjoni, in-nies se jkunu jistgħu jużaw iċ-ċertifikati tagħhom meta jivvjaġġaw madwar l-UE jekk is-sitwazzjoni epidemjoloġika tmur għall-agħar u jerġgħu jiddaħħlu xi restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar.

Biex ittejjeb l-aċċess għall-vaċċini fil-pajjiżi b’introjtu aktar baxx, l-UE flimkien mal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-finanzjament ipprovdew aktar minn €5 biljun permezz tal-inizjattiva “Aċċess Globali għall-Vaċċini kontra l-COVID-19” (ara l-Kapitlu 8 għal aktar informazzjoni dwar id-donazzjonijiet biex jiġu megħjuna l-isforzi tat-tilqim barra mill-UE).

Infermier qed jiġbed doża tal-vaċċin kontra l-COVID-19.
Infermier f’ċentru tat-tilqim, Valletta, Malta, nhar is-27 ta’ Jannar 2022.

Strateġija Dinjija tas-Saħħa

Il-mard m’għandux fruntieri fid-dinja u għalhekk hu kruċjali li jkollna Strateġija Dinjija tas-Saħħa ambizzjuża. Strateġija bħal din jeħtieġ tqis il-fatt li s-saħħa hi ġid komuni dinji li jaqdi rwol importanti fil-benesseri tal-bniedem, l-istabbiltà tas-soċjetà u l-iżvilupp sostenibbli.

Għalhekk, l-Istrateġija Dinjija tal-UE dwar is-Saħħa, adottata f’Novembru, hi msejsa fuq l-ekwità, is-solidarjetà u d-drittijiet tal-bniedem u tiffoka fuq it-titjib tas-sħubijiet ma’ reġjuni oħra ħalli tiżgura rispons aħjar għat-theddid dinji għas-saħħa. It-theddid għas-saħħa, bħar-reżistenza għall-antimikrobiċi u l-patoġeni li jistgħu jikkaġunaw pandemija, qed isiru dejjem aktar kumplessi u jiżvolġu f’kuntest ġeopolitiku li dejjem qed jinbidel. It-tibdil fil-klima, it-tibdil fil-bijodiversità u t-tniġġis qed iħallu impatt speċjali fuq is-saħħa tal-persuni u l-pajjiżi aktar vulnerabbli. Għalhekk, l-istrateġija timxi mal-prinċipji ta’ “Saħħa Waħda” u tagħraf li saħħet il-bniedem, l-annimali u l-ambjent huma lkoll marbutin mill-qrib.

Meta nħarsu ’l quddiem lejn l-2030, l-isfidi huma kbar. Ħafna pajjiżi waqgħu lura fejn jidħlu l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli tas-Saħħa tal-2030. Għaldaqstant, l-Istrateġija tas-Saħħa tal-UE se tħaddem approċċ komprensiv u se tindirizza tliet prijoritajiet essenzjali: it-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa, l-avvanz tal-kopertura universali tas-saħħa u l-ġlieda kontra t-theddid attwali u futur għas-saħħa.

L-UE se jibqa’ jkollha rwol ta’ pijunier fis-saħħa dinjija b’kollaborazzjoni mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, u se tibqa’ tibni sħubijiet internazzjonali ta’ fiduċja permezz tal-Global Gateway (ara l-Kapitlu 8). Id-diġitalizzazzjoni u r-riċerka se jkunu l-muturi ewlenin ta’ din l-Istrateġija (ara l-Kapitlu 4 għal aktar tagħrif dwar id-diġitalizzazzjoni tal-kura tas-saħħa).

Pjan tal-Ewropa kontra l-Kanċer

Il-Pjan tal-Ewropa kontra l-Kanċer li ġie adottat fl-2021, jixhed l-impenn imġedded tal-UE għall-prevenzjoni tal-kanċer u l-għoti ta’ aċċess ugwali għad-dijanjożi u t-trattament tal-kanċer. Hu element importanti ieħor tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa. Dan il-pjan mhux biss jimmira li jikseb titjib konkret għall-pazjenti, iżda għandu l-għan ukoll li jagħti appoġġ addizzjonali għal dawk li jegħlbu l-kanċer u għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa madwar l-Ewropa. L-azzjonijiet ta’ dan il-pjan qed jiġu appoġġati b’baġit ta’ €4 biljun, permezz ta’ programmi bħall-UE għas-Saħħa u l-Missjoni dwar il-Kanċer ta’ Orizzont Ewropa, maħsuba għar-riċerka u għal inizjattivi li jindirizzaw il-kanċer. Fost l-oħrajn, hemm l-iżvilupp ta’ programm ta’ taħriġ interspeċjalizzat dwar il-kanċer u network għaż-żgħażagħ li għelbu l-kanċer.

F’Diċembru 2022, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta proposta għal approċċ ġdid għall-iskrinjar tal-kanċer biex jiżgura li sal-2025, 90 % tal-popolazzjoni tal-UE li jikkwalifikaw, ikollhom aċċess għall-iskrinjar tal-kanċer tas-sider, tal-għonq tal-utru u tal-musrana. L-ambitu tal-iskrinjar twessa’ biex jibda jinkludi tliet oqsma ġodda: il-kanċer tal-prostata, tal-pulmun u tal-istonku.

Approċċ ġdid għall-iskrinjar tal-kanċer

L-infografika turi l-approċċ ġdid tal-iskrinjar ta’ tipi differenti ta’ kanċer.

Bl-iskema tal-UE għall-iskrinjar tal-kanċer, ġiet adottata proposta aġġornata dwar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Dan l-approċċ ġdid tal-iskrinjar tal-kanċer jaħseb biex l-iskrinjar jiġi estiż għall-kanċer tas-sider, tal-musrana, u tal-għonq tal-utru, u biex jiddaħħal gradwalment l-iskrinjar għall-kanċer tal-pulmun, tal-istonku u tal-prostata.


Żvilupp sinifikanti ieħor fl-2022 b’rabta mar-regoli li huma relatati mal-kanċer kien l-emenda proposta għad-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol. L-asbestos hu sustanza perikoluża ħafna preżenti f’ħafna binjiet fl-UE li tikkaġuna l-kanċer u twassal għal imwiet li jistgħu jiġu evitati. Il-ħaddiema jistgħu jiġu esposti għal din is-sustanza waqt xi rinnovazzjoni jew twaqqigħ tal-bini. Bl-emendi, l-UE se tnaqqas il-livell tal-asbestos li persuna tista’ tkun esposta għalih fuq il-lant tax-xogħol, u se tibda tapplika metodi aktar sensittivi u preċiżi għall-kejl tal-asbestos.

Matul l-2022 tnieda wkoll ir-Reġistru Ewropew tal-Inugwaljanzi b’rabta mal-Kanċer, kompitu kontinwu tan-Network tal-UE ta’ Ċentri Komprensivi tal-Kanċer, u sensiela ta’ azzjonijiet konġunti biex l-UE tappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali jwettqu ċerti inizjattivi, bħall-programm tat-tilqim kontra l-papillomavirus uman fost il-bniet u s-subien.

Stella Kyriakides liebsa maskra, bilqiegħda qed titkellem ma’ pazjent fi sptar.
Il-Kummissarju Ewropea għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari Stella Kyriakides (it-tieni mix-xellug), qed iżżur liż-żgħażagħ f’ċentru għall-kanċer, f’Ghent, il-Belġju, nhar it-12 ta’ Lulju 2022.

L-Istrateġija Farmaċewtika għall-Ewropa

L-Istrateġija Farmaċewtika għall-Ewropa, adottata fl-2020, hi pjan direzzjonali ambizzjuż bil-għan li jsaħħaħ l-innovazzjoni tal-industrija farmaċewtika, jagħmel il-mediċini aktar aċċessibbli u affordabbli, u jindirizza ċerti ħtiġijiet mediċi li għadhom mhumiex imwettqa, bħall-kisba ta’ mediċini għat-tfal u l-pazjenti b’mard rari.

Bħala l-ewwel pass biex tilħaq dawn l-għanijiet, l-UE adottat ir-Regolament dwar il-Valutazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa. Minbarra dan, fl-2022 saret valutazzjoni tal-qafas farmaċewtiku tal-UE ħalli fil-bidu tal-2023 tkun tista’ ssirlu reviżjoni. Il-bidliet li l-UE beħsiebha tagħmel se jħaffu l-aċċess għal mediċini ta’ kwalità, sikuri u affordabbli fl-Istati Membri kollha. Se jindirizzaw l-iskarsezzi u jgħinu lill-Istati Membri jaħtfu l-benefiċċji tat-teknoloġiji tal-mediċini tal-futur, u jagħmlu lill-UE mexxejja dinjija fl-innovazzjoni.

Margaritis Schinas bi lbies tal-laboratorju qed josserva ħidmet it-tekniku.
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-“Promozzjoni tal-Istil ta’ Ħajja Ewropew Tagħna” Margaritis Schinas (fuq ix-xellug), waqt il-ftuħ ta’ ċentru tar-riċerka u l-iżvilupp, f’Tessaloniki, il-Greċja, nhar il-15 ta’ Lulju 2022.

F’Lulju 2022, il-Kummissjoni adottat ukoll il-proposta għal Regolament dwar l-istandards tal-kwalità u tas-sikurezza tas-sustanzi ta’ oriġini umana, bħad-demm, it-tessuti u ċ-ċelloli, li jkunu maħsuba għal applikazzjoni fuq il-bniedem. Ir-Regolament il-ġdid jaġġorna l-leġiżlazzjoni attwali bi standards ogħla ta’ sikurezza u kwalità għaċ-ċirkolazzjoni transfruntiera ta’ dawn il-prodotti kritiċi tas-saħħa. Id-donaturi u r-riċevituri qed ikunu protetti aħjar, filwaqt li l-istandards transfruntiera jippermettu aktar solidarjetà bejn l-Istati Membri.

Fir-rebbiegħa tal-2022, il-Kummissjoni żviluppat għadd ta’ miżuri mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati tas-saħħa pubblika biex tindirizza l-piż dejjem akbar tal-mard li ma jitteħidx, bħas-saħħa mentali. L-inizjattiva “Healthier Together” għall-mard li ma jitteħidx allokat aktar minn €156 miljun għall-inizjattivi fl-2022.

Il-ħames fergħat tal-inizjattiva “Healthier Together”

1.

Determinanti tas-saħħa għall-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard

2.

Dijabete

3.

Mard tal-qalb

4.

Mard respiratorju kroniku

5.

Saħħa mentali u mard newroloġiku

Petr Dvorák, Věra Jourová, Lutz Kinkel u Piotr Stasinski waqt diskussjoni quddiem udjenza, bil-kelmiet “Medientage Mitteldeutschland 2022” fl-isfond.
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-Valuri u t-Trasparenza Věra Jourová (it-tieni mix-xellug), waqt diskussjoni dwar il-libertà tal-midja fl-Ewropa tal-Lvant mad-Direttur Ġenerali tat-Televiżjoni Ċeka Petr Dvorák (l-ewwel mix-xellug), mad-Direttur Maniġerjali taċ-Ċentru Ewropew għal-Libertà tal-Istampa u tal-Midja Lutz Kinkel (it-tielet mix-xellug), u mal-Viċi Kap Editur ta’ Gazeta Wyborcza Piotr Stasinski (ir-raba’ mix-xellug), waqt Medientage Mitteldeutschland 2022, f’Leipzig, il-Ġermanja, nhar l-1 ta’ Ġunju 2022.

Insaħħu d-demokrazija tagħna

Libertà u pluraliżmu tal-midja

Il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja huma pilastri essenzjali tas-sistemi demokratiċi bbażati fuq is-saltna tad-dritt: l-indipendenza tal-midja trid titħares fil-livell tal-UE.

Biex jitħarsu l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja fl-UE, fl-2022 ġie propost l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Midja. F’Settembru 2022, il-Kummissjoni bdiet konsultazzjoni pubblika biex tikseb il-fehmiet dwar l-aktar kwistjonijiet importanti li jaffettwaw il-funzjonament tas-suq tal-midja tal-UE, inkluż dwar tipi differenti ta’ ndħil fil-midja u xejriet ekonomiċi. Din l-inizjattiva toħroġ mill-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea li jipproponi sett ta’ miżuri favur il-parteċipazzjoni demokratika, il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-appoġġ lill-midja ħielsa u indipendenti.

Barra minn hekk, f’April 2022, il-Kummissjoni pproponiet Direttiva u adottat Rakkomandazzjoni biex ittejjeb il-protezzjoni tal-ġurnalisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem minn proċedimenti fil-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi. Il-kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika huma forma ta’ theddida legali jew litigazzjoni abbużiva li jheddu serjament id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali, bħal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni. F’Diċembru, il-Kummissjoni adottat ukoll proposta leġiżlattiva maħsuba biex issaħħaħ ir-rwol u l-indipendenza tal-korpi tal-ugwaljanza. Id-Direttivi proposti se jistabbilixxu standards minimi vinkolanti fir-rigward tal-mandat, l-indipendenza, l-effettività, ir-riżorsi u s-setgħat tal-korpi tal-ugwaljanza.

L-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Midja

Inwaqqfu l-indħil fid-deċiżjonijiet editorjali tal-midja

Inwaqqfu l-ispyware kontra l-ġurnalisti

Xandir pubbliku indipendenti u ffinanzjat kif xieraq

Trasparenza tas-sjieda tal-midja

Sistemi trasparenti u ġusti għall-kejl tal-udjenzi u allokazzjoni trasparenti u ġusta tar-reklamar tal-istat

Nistabbilixxu Bord Ewropew ġdid għas-Servizzi tal-Midja

Aktar protezzjoni lill-midja mit-tneħħija mhux ġustifikata tal-kontenut online

Valutazzjoni tal-konċentrazzjonijiet tas-suq u rekwiżiti dwar il-miżuri nazzjonali li jaffettwaw lill-midja

Rakkomandazz­joni tal-Kummissjoni

Sett ta’ prattiki tajba li jippromwovu s-salvagwardji interni dwar l-indipendenza editorjali u t-trasparenza tas-sjieda tal-midja.

Nipproteġu u nagħtu s-setgħa lit-tfal

It-tisħiħ tad-demokrazija tagħna jfisser ukoll li nagħtu s-setgħa lill-iċken fostna: 1 minn kull 5 persuni fl-UE huma tfal u żgħażagħ sa 18-il sena li għandhom id-dritt li jinstemgħu u jkunu parti mill-ħajja demokratika tas-soċjetajiet tal-UE. Biex tagħti s-setgħa lit-tfal bħala ċittadini attivi, f’Settembru 2022 l-UE nediet il-Pjattaforma tal-UE għall-Parteċipazzjoni tat-Tfal. Imfassla mat-tfal u ż-żgħażagħ, din saret bl-iskop li tgħaqqad flimkien il-mekkaniżmi eżistenti tal-parteċipazzjoni tat-tfal fil-livelli lokali, nazzjonali u tal-UE, u biex tinvolvi lit-tfal fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE. Il-pjattaforma hi rispons għal wieħed mill-eżiti tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (ara l-Kapitlu 9), jiġifieri t-tisħiħ tal-parteċipazzjoni demokratika fl-UE.

18.2 %

tal-popolazzjoni tal-UE huma tfal.

30.2 %

tal-popolazzjoni tad-dinja huma tfal.

L-UE ħolqot ukoll spazju għat-tfal biex ikunu parteċipanti attivi fis-soċjetà, b’mod partikolari billi ħolqot verżjonijiet tad-dokumenti tal-UE li huma adattati għat-tfal u billi adottat strateġija ġdida għal internet aħjar għat-tfal biex tgħin ħalli jkun żgurat li t-tfal jiġu protetti, ikunu rispettati u jingħataw is-setgħa online. Ir-regoli proposti fl-2022 se jagħmlu wkoll lill-fornituri tas-servizzi online responsabbli biex jaqbdu, jirrappurtaw u jneħħu l-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal imxerred permezz tal-pjattaformi tagħhom.

Fuq livell aktar fundamentali, il-Kummissjoni nediet in-Network tal-UE għad-Drittijiet tat-Tfal biex issegwi l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal u biex tiddiskuti l-passi li jmiss mal-Istati Membri u l-gruppi kkonċernati. Fuq livell dinji, f’Ottubru 2022 ġie adottat il-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ minn 15 sa 29 sena, biex ikollhom l-opportunità li jikkomunikaw ma’ żgħażagħ oħra tamparhom madwar id-dinja u jibnu futur aħjar.

L-UE qed tagħmel ukoll is-sistemi ġudizzjarji aktar adattati għat-tfal bil-finanzjament ta’ inizjattivi bħall-proġett Barnahus. Dan tfassal biex jagħti appoġġ tekniku lill-Istati Membri biex jipproteġu lit-tfal vittmi u xhieda tal-vjolenza. “Barnahus” li tfisser id-dar tat-tfal hi pjattaforma biex l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, is-sistemi ġudizzjarji, is-servizzi tal-protezzjoni tat-tfal, u l-prattikanti tas-saħħa mentali u fiżika jaħdmu flimkien fuq każijiet ta’ abbuż suspettat tat-tfal. Il-proġetti jikkontribwixxu wkoll biex jissaħħu l-ħiliet tal-professjonisti li jaħdmu flimkien fuq każijiet ta’ abbuż sesswali tat-tfal u biex jiżdied l-għarfien dwar din il-materja. Peress li dan il-proġett irnexxa, il-mudell tal-Barnahus qed jiġi introdott fl-Irlanda, fi Spanja, fil-Finlandja u fi Stati Membri oħra tal-UE.

Il-Kummissjoni adottat ukoll proposta biex issaħħaħ id-drittijiet tal-familji f’sitwazzjonijiet transfruntieri. L-Istati Membri għandhom liġijiet nazzjonali differenti dwar il-paternità, u għalhekk il-familji f’sitwazzjonijiet transfruntieri xi drabi jkollhom jibdew proċedimenti amministrattivi jew saħansitra ġudizzjarji biex tiġi rikonoxxuta l-paternità ta’ xi ħadd mill-ġenituri. Dawn jiswew ħafna flus, jieħdu ħafna ħin u jaf ikollhom riżultati inċerti. Bis-saħħa tal-proposta, il-paternità stabbilita fi Stat Membru partikolari se tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra kollha, mingħajr proċedura speċjali. B’hekk jitħarsu d-drittijiet fundamentali tat-tfal, filwaqt li l-familji jingħataw iċ-ċertezza legali u jonqsulhom l-ispejjeż u l-piżijiet legali.

Fid-dawl tal-gwerra tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, il-Kunsill iffoka fuq il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal f’emerġenzi.

Migrazzjoni u ażil

Il-gwerra tal-aggressjoni Russa u mhux provokata kontra l-Ukrajna kkawżat l-akbar spostament sfurzat tan-nies fl-Ewropa mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn. Dan ġara f’kuntest ta’ żieda fil-migrazzjoni irregolari minn rotot madwar il-Mediterran u l-Balkani tal-Punent, u l-użu tal-migranti mir-reġim Belarussu għal skopijiet politiċi.

Għalhekk, l-UE skattat minnufih id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja biex tilqa’ lill-persuni spostati u ħolqot pjattaforma ta’ solidarjetà biex tikkoordina l-wasla tagħhom fl-Istati Membri (ara l-Kapitlu 1). In-Network tal-Mekkaniżmu tal-UE għat-Tħejjija għall-Migrazzjoni u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Migrazzjoni, li jiġbor u jxerred l-informazzjoni dwar l-aħħar żviluppi, saħħaħ ir-rispons kollettiv tal-UE.

L-UE kompliet ittejjeb il-ġestjoni fit-tul tal-migrazzjoni permezz tan-negozjati u l-implimentazzjoni tal-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil. B’mod partikolari, il-Kunsill wera li lest jibda negozjati dwar proposti li jgħinu lill-Istati Membri jimmonitorjaw b’mod aktar effettiv il-mogħdijiet użati minn dawk li japplikaw għall-ażil fl-UE.

Ylva Johansson mal-gwardji tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta.
Il-Kummissarju Ewropea għall-Affarijiet Interni Ylva Johansson (it-tieni mix-xellug), waqt żjara f’Chisinau (il-Moldova), biex tagħraf l-isfidi tal-appoġġ li qed jaffaċċjaw il-persuni li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna, nhar it-12 ta’ Mejju 2022.

F’Ġunju 2022, l-Istati Membri għamlu dikjarazzjoni ta’ solidarjetà biex jgħinu lil ħames pajjiżi tal-Mediterran: lill-Greċja, lil Spanja, lill-Italja, lil Ċipru u lil Malta jimmaniġġjaw il-wasliet tal-migranti. Id-dikjarazzjoni nediet Mekkaniżmu ta’ Solidarjetà Volontarju biex 13-il stat parteċipant wiegħdu li se jilqgħu aktar minn 8 000 applikant għall-ażil jew benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, filwaqt li xi pajjiżi oħra indikaw l-interess tagħhom li jagħmlu kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-proġetti proposti mill-istati benefiċjarji, skont il-ħtiġijiet tagħhom fl-immaniġġjar tal-migrazzjoni.

F’Novembru u f’Diċembru 2022, il-Kummissjoni ppreżentat pjanijiet ta’ azzjoni dwar ir-rotot fil-Mediterran ċentrali u fil-Balkani tal-Punent. Dawn il-pjanijiet ta’ azzjoni proposti ppreżentaw għadd ta’ miżuri operazzjonali li jindirizzaw l-isfidi immedjati u kontinwi tul dawn ir-rotot migratorji.

L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni mġedded tal-UE kontra t-Traffikar tal-Migranti (2021–2025) kompliet matul l-2022, inkluż bit-tnedija tal-ewwel Sħubijiet Operazzjonali mal-Marokk u man-Niġer kontra l-Faċilitazzjoni tad-Dħul Klandestin f’Lulju. Minbarra dawn, f’Diċembru 2022 tnedew żewġ inizjattivi ta’ Tim Ewropa maħsuba biex jindirizzaw il-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin tal-migranti u l-immigrazzjoni irregolari mir-rotot migratorji tal-Atlantiku/tal-Punent tal-Mediterran u tal-Mediterran Ċentrali.

Abbażi tal-ewwel Strateġija tal-UE dwar ir-Ritorn Volontarju u r-Riintegrazzjoni minn April 2021, ġew stabbiliti l-istrutturi u l-għodod biex jiżguraw li r-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni jiġu ssimplifikati fis-sistema komuni tal-UE għar-ritorn. Barra minn hekk, fl-2022 imtliet il-pożizzjoni strateġika ta’ Koordinatur tar-Ritorn. Il-Koordinatur tar-Ritorn se jgħaqqad il-fergħat differenti tal-Politika tal-UE dwar ir-Ritorn u se jrawwem il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri biex il-proċess tar-ritorn jimxi mingħajr intoppi. Din il-ħidma se jkollha l-appoġġ tan-Network ta’ Livell Għoli għar-Ritorn, tal-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen u tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta.

L-infografika turi l-passi kollha li jinvolvi l-proċess tar-ritorn u tar-riammissjoni tal-migranti.

Ladarba tinħareġ id-deċiżjoni tar-ritorn, il-migranti jiġu offruti gwida biex jitħeġġu jirritornaw lura pajjiżhom b’mod volontarju. Inkella, jekk ma jikkooperawx, se jkollhom iġarrbu ritorn sfurzat. Il-programm AVRR (għal Ritorn Volontarju Assistit u Riintegrazzjoni) jaqdi rwol importanti biex jiġi ffaċilitat ir-ritorn volontarju. Dan jagħti wkoll appoġġ lill-migranti ħalli jkunu jistgħu jintegraw aktar faċilment fis-soċjetà fil-pajjiż tar-ritorn. Il-pakketti għar-riintegrazzjoni jistgħu jinkludu assistenza qabel it-tluq, assistenza bażika immedjata u assistenza wara l-wasla. Jistgħu jingħataw ukoll appoġġ għal attendenza fi skola, taħriġ vokazzjonali, jew għajnuniet lin-negozji żgħar biex jiffaċilitaw id-dħul fis-suq tax-xogħol, li tant hu importanti għal riintegrazzjoni sostenibbli.

L-UE qed taħdem ukoll fuq l-implimentazzjoni ta’ politika aktar ambizzjuża u sostenibbli dwar il-migrazzjoni legali biex tattira ħiliet u talenti ġodda lejn l-UE. Il-pakkett tal-Ħiliet u t-Talenti, adottat fl-2022, se jissimplifika l-proċeduri tal-applikazzjoni għaċ-ċittadini minn barra l-UE li jixtiequ jaħdmu fl-UE, u se jqabbel il-ħaddiema bil-ħiliet mal-ħtiġijiet tal-impjegaturi fl-UE. Dan se jkun ta’ benefiċċju għall-ekonomija tal-UE, se jsaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi li mhumiex fl-UE u se jtejjeb il-ġestjoni ġenerali tal-migrazzjoni. Barra minn hekk, il-politika l-ġdida mistennija tiffaċilita l-integrazzjoni ta’ dawk li qed jaħarbu l-gwerra tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna fis-suq tax-xogħol tal-UE, permezz tal-proġett pilota msejjaħ “Riżerva tat-Talent tal-UE” li ġie mniedi f’Ottubru 2022.

Iż-żona Schengen

Iż-żona tal-moviment liberu tal-UE, iż-żona Schengen, hi ċentrali għall-integrazzjoni u t-tkabbir Ewropej. Il-pandemija riċenti wriet li jkollna nħallsu prezz qares għat-tfixkil fil-flussi tal-persuni u tal-merkanzija. Biex issegwi aħjar il-proġett Schengen, fl-2022 il-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel Rapport annwali dwar l-Istat ta’ Schengen li jistabbilixxi x’jistgħu jagħmlu l-UE u l-Istati Membri biex iż-żona Schengen tibqa’ tiffunzjona tajjeb.

Il-Mekkaniżmu ta’ Evalwazzjoni u Monitoraġġ ta’ Schengen li ilu effettiv mill-1 ta’ Ottubru 2022 u li ġie rivedut dan l-aħħar, jipprovdi gwida ulterjuri għal valutazzjoni ta’ kemm l-Istati Membri qed jimxu tajjeb mar-regoli ta’ Schengen. Barra minn hekk, fl-2022 il-Kunsill wasal għal approċċ ġenerali dwar l-emenda għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, u mexxa ’l quddiem in-negozjati dwar kif l-aħjar jiġu indirizzati l-kontrolli fil-fruntieri waqt żminijiet diffiċli bħat-theddid għas-saħħa u l-istrumentalizzazzjoni tal-migrazzjoni.

Fl-2022 ġiet imġedda s-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen — sistema ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni użata għas-sigurtà u l-ġestjoni tal-fruntieri fl-Ewropa — biex tipprovdi tipi ġodda ta’ twissijiet u skambju aħjar tal-informazzjoni għall-kontrolli fil-fruntieri u għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi.

Biex ikollna kontrolli fil-fruntieri aktar intelliġenti u effettivi, il-Kummissjoni pproponiet ukoll id-diġitalizzazzjoni tal-proċedura tal-applikazzjoni għall-viża ta’ Schengen. Ċerti sistemi ġodda tal-informazzjoni, bħas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ li se tgħin biex jinqabdu l-frodi tal-identità u tad-dokumenti, u s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar li se twettaq skrinjar minn qabel tal-vjaġġaturi li mhumiex mill-UE u li ma jeħtiġux viża biex iżuru ż-żona Schengen, se jgħinu biex jixxejnu l-lakuni attwali tal-informazzjoni tas-sigurtà, u se jevitaw id-dewmien għall-vjaġġaturi fil-fruntieri esterni.

Iż-żona Schengen fl-2022

L-infografika turi ċifri dwar iż-żona Schengen.

Iż-żona Schengen tinkludi 26 pajjiż u tospita aktar minn 425.6 miljun persuna, li 1.5 miljun minnhom jgħixu fi stat taż-żona Schengen u jaħdmu f’ieħor. Apparti dawn, 3.5 miljun persuna jaqsmu kuljum bejn xi stati taż-żona Schengen.

Fl-2022, l-UE ddeċidiet li l-Kroazja ssodisfat il-kundizzjonijiet meħtieġa biex tkun tista’ tissieħeb fiż-żona Schengen mill-1 ta’ Jannar 2023. Għalkemm diġà marbuta parzjalment bir-regoli ta’ Schengen, il-Kroazja issa se tgawdi l-benefiċċji sħaħ tal-akbar żona tal-moviment liberu fid-dinja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni evalwat li l-Bulgarija u r-Rumanija huma lesti biex jissieħbu fiż-żona Schengen. Fl-aħħar nett, l-UE pproponiet li tissospendi l-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini ta’ Vanuatu minħabba riskji marbuta mal-programm taċ-ċittadinanza tiegħu.

Nipproteġu liċ-ċittadini

Fl-2022, l-UE ħadet passi komprensivi biex tipproteġi liċ-ċittadini tagħha u tiġġieled it-theddidiet kriminali, fosthom ir-Rakkomandazzjoni għal aktar kooperazzjoni bejn il-pulizija u kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn il-pulizija u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri. L-UE emendat ukoll ir-Regolament dwar il-Europol biex l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi tkun tista’ tipprovdi appoġġ aktar estensiv lill-Istati Membri tal-UE. Dan daħal fis-seħħ fl-2022 u se jgħin fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu.

L-UE qed tadatta u twieġeb ukoll għal forom ġodda ta’ theddidiet kriminali permezz ta’ diversi miżuri, bħal regoli ġodda li jobbligaw lill-fornituri tas-servizzi online jneħħu l-kontenut terroristiku fi żmien siegħa minn meta jirċievu l-ordni mill-awtoritajiet nazzjonali. Reviżjoni tad-Direttiva Kontra t-Traffikar se tallinja l-leġiżlazzjoni mal-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin (2021–2025). Barra minn hekk, l-UE adottat il-Pjan ta’ Azzjoni kontra t-Traffikar ta’ Oġġetti Kulturali.

Il-proposta li jitwessa’ l-mandat taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga se tippermetti rispons aħjar għall-isfidi relatati mad-drogi illegali.

Biex tiżgura li l-kriminalità, u b’mod partikolari l-kriminalità organizzata, ma trendix qligħ, saret proposta biex jitwessa’ l-ambitu tal-uffiċċji nazzjonali għall-irkupru tal-assi ħalli jiġu traċċati, irkuprati u konfiskati aktar assi kriminali. Il-proposta l-ġdida għandha l-għan li tespandi l-lista tar-reati li jippermettu l-konfiska tal-assi.

Ritratt mill-ajru ta’ bastiment tal-merkanzija qed iħott il-kontejners fil-port.
Bastiment qed iħott il-merkanzija fil-port fis-Sassonja t’Isfel, il-Ġermanja.

6. Insaħħu l-ekonomija

Introduzzjoni

Fl-2022, il-pjan ta’ rkupru tal-UE NextGenerationEU kompla jitwettaq fil-prattika u ffinanzja miżuri importanti biex jagħtu spinta lir-reżiljenza tal-ekonomija u tas-soċjetà u biex jaċċelleraw it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

Wara tkabbir b’saħħtu fl-ewwel nofs tas-sena, it-tkabbir tal-UE beda jmajna u l-inflazzjoni bdiet tirranka bħala waħda mill-konsegwenzi tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Minkejja l-isfidi, is-suq tax-xogħol baqa’ b’saħħtu.

B’perspettiva ekonomika inċerta minħabba r-riskji relatati mal-provvisti futuri tal-gass, l-UE aċċellerat it-tranżizzjoni tagħha lejn enerġija nadifa biex ittemm id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili Russi. Fl-istess ħin, l-UE kompliet il-ħidma tagħha biex issaħħaħ ir-reżiljenza tas-Suq Uniku u tappoġġa l-industrija u n-negozji fi triqithom lejn in-newtralità klimatika.

It-tkabbir ekonomiku tal-Ewropa

Xejriet

L-ekonomija tal-UE daħlet f’fażi diffiċli fit-tieni nofs tal-2022. Ix-xokkijiet ikkawżati mill-gwerra ta’ aggressjoni mir-Russja kontra l-Ukrajna kellhom impatt dirett u indirett fuq l-ekonomija tal-UE, u wasslu biex ikollha tkabbir inqas b’saħħtu u iktar inflazzjoni. Iż-żieda rapida fil-prezzijiet tal-prodotti bażiċi tal-enerġija u tal-ikel naqqset il-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi madwar l-UE.

Filwaqt li l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna kellha effett serju fuq ċerti setturi tal-ekonomija tal-UE, is-suq tax-xogħol baqa’ b’saħħtu, u bbenefika minn skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar appoġġati mill-inizjattiva SURE (Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza). Fl-2022, il-qgħad laħaq livelli baxxi rekord ta’ 6.2 %.

Kollox ma’ kollox, huwa mistenni li l-ekonomija tal-UE tkompli tespandi, iżda b’pass ferm iktar bil-mod milli kien tbassar. Il-previżjonijiet tal-attività ekonomika u tal-inflazzjoni għadhom jiddependu ħafna fuq l-evoluzzjoni tal-gwerra u l-impatti tagħha fuq il-provvista tal-gass lill-Ewropa.

F’dan il-kuntest, l-implimentazzjoni veloċi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, b’valur ta’ €723.8 biljun, li huwa fil-qalba tal-pjan ta’ rkupru ta’ NextGenerationEU għadha priorità peress li tipprovdi dak li tassew teħtieġ l-Ewropa bħalissa.

Kapitlu ġdid għall-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza

Bħala l-istrument ewlieni fil-qalba tan-NextGenerationEU, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza hija ddisinjata biex ittaffi l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija tal-coronavirus. Għandha l-għan li lill-ekonomiji u lis-soċjetajiet Ewropej tagħmilhom iktar sostenibbli, iktar reżiljenti u mħejjija aħjar għall-isfidi u għall-opportunitajiet tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

Dan tagħmlu billi tappoġġa l-implimentazzjoni tal-miżuri kruċjali ta’ investiment u ta’ riforma deskritti fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri. Dawn jinkludu firxa wiesgħa ta’ miżuri, mit-tnaqqis tal-impronta tal-karbonju tat-trasport pubbliku fil-Portugall u l-immodernizzar tas-servizzi tal-kura tas-saħħa fis-Slovakkja, għad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi fl-Estonja. Skont l-istimi tal-Kummissjoni Ewropea l-istimolu totali ta’ NextGenerationEU jista’ jixpruna t-tkabbir ekonomiku tal-UE sa 1.5 % sal-2027 u jista’ jgħin biex jinħolqu sa 1.5 miljun impjieg ġdid.

L-infografika turi l-karatteristiċi ewlenin tal-pakkett ta’ NextGenerationEU u tal-ammonti allokati.

B’kollox, il-pakkett ta’ NextGenerationEU jinkludi 806.9 biljun ewro. B’kollox, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tinkludi 723.8 biljun ewro, li 338 biljun ewro minnhom huma għotjiet u t-385.8 biljun ewro l-oħra huma self. Din tagħti l-enerġija lill-UE bil-finanzjament ta’ teknoloġiji nodfa u rinnovabbli, tipprovdi rinnovazzjoni b’titjib fl-effiċjenza enerġetika tal-binjiet, tipprovdi ċċarġjar u riforniment b’appoġġ għal trasport sostenibbli u għall-istazzjonijiet tal-iċċarġjar, tipprovdi konnessjoni bl-introduzzjoni ta’ servizzi broadband rapidi, tipprovdi modernizzazzjoni bid-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, tipprovdi espansjoni tal-cloud tad-data u tal-proċessuri sostenibbli, u tipprovdi tiġdid u titjib tal-ħiliet b’finanzjament lill-edukazzjoni u t-taħriġ li jappoġġaw il-ħiliet diġitali. Il-kontribuzzjoni ta’ NextGenerationEU għal programmi oħra hi 83.1 biljun ewro, li 50.6 biljun ewro minnhom huma għal React EU, 10.9 biljun ewro għall-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, 8.1 biljun ewro għall-Iżvilupp Rurali, 6.1 biljun ewro għal InvestEU, 5.4 biljun ewro għal Orizzont Ewropa u żewġ biljun ewro għal rescEU.

Kif taħdem il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza?

Il-Kummissjoni qed tiffinanzja lil NextGenerationEU f’isem l-Unjoni Ewropea billi tissellef fis-swieq kapitali.

Biex jibbenefikaw minn dan l-appoġġ, l-Istati Membri kellhom jippreżentaw il-pjanijiet tal-irkupru tagħhom lill-Kummissjoni. Kull pjan jistabbilixxi r-riformi u l-investimenti li jridu jsiru sa tmiem l-2026 biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jirċievu finanzjament sa ċerta allokazzjoni miftiehma minn qabel. Biex jirċievu ħlasijiet regolari, l-Istati Membri jridu jilħqu t-tappi u l-miri miftiehma sakemm iwettqu r-riformi u l-investimenti meħtieġa.

Dan is-self tal-UE allokat lil NextGenerationEU għandu jibda jitħallas lura fl-2028 u jrid ikun tħallas kollu sal-2058. Is-self se jħallsuh lura l-Istati Membri li jissellfu, filwaqt li l-għotjiet se jitħallsu lura mill-baġit tal-UE.

Sal-aħħar tal-2022, total ta’ €138.8 biljun kienu tħallsu lill-Istati Membri permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (€74.35 biljun minnhom fl-2022), kemm bħala prefinanzjament kif ukoll wara li l-Istati Membri tal-UE laħqu ċerti stadji importanti.

Barra minn hekk, diversi biljuni ta’ ewro ġew allokati, distribwiti jew tħallsu lill-Istati Membri permezz ta’ għadd ta’ programmi oħra tal-baġit tal-UE li jibbenefikaw mill-finanzjament tagħha tan-NextGenerationEU. Dan kien segwitu ta’ operazzjonijiet ta’ suċċess tas-suq tal-kapital, li permezz tagħhom il-Kummissjoni ġabret il-fondi bis-saħħa tal-ħruġ ta’ bonds tal-UE fit-tul. Sal-aħħar tal-2022, il-Kummissjoni ġabret kważi €170 biljun mis-swieq tal-kapital għall-programm NextGenerationEU tagħha. Fl-2023 il-Kummissjoni se tkompli l-operazzjonijiet ta’ teħid b’self tagħha, permezz ta’ approċċ ta’ finanzjament unifikat li jiġbor flimkien il-ħruġ kollu tagħha taħt tikketta unika tal-Bonds tal-UE.

Rapport ippubblikat f’Lulju jikkonferma li sar progress kbir fl-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u li l-aġenda ambizzjuża ta’ riforma u ta’ investiment tal-Istati Membri miexja fit-triq it-tajba. Sa Diċembru, is-27 pjan kollha għall-irkupru u r-reżiljenza kienu ġew approvati u l-Istati Membri kienu impenjaw iktar minn €200 biljun għan-nefqa fuq il-klima u €130 biljun għall-infiq fuq il-qasam diġitali. Dawn jammontaw għal iktar minn 40 % u 26 %, rispettivament, tal-ammont totali ta’ fondi mitluba mill-Istati Membri mill-Faċilità sal-aħħar tal-2022, jiġifieri ferm iżjed mill-miri ta’ 37 % u ta’ 20 % stabbiliti mir-Regolament.

Il-Faċilità hija wkoll fil-qalba tal-Pjan REPowerEU, ir-rispons tal-UE għat-tbatija soċjoekonomika u għat-tfixkil fis-suq globali tal-enerġija kkawżat mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Tappoġġa l-ippjanar u l-finanzjament ikkoordinati tal-infrastruttura, tal-proġetti u tar-riformi rilevanti tal-enerġija sabiex l-UE jkollha provvista tal-enerġija iktar affidabbli, affordabbli u sostenibbli, billi ttejjeb it-taħlita enerġetika u titbiegħed mill-fjuwils fossili Russi (ara l-Kapitlu 2). F’Diċembru, intlaħaq ftehim politiku biex jiġu inklużi kapitli ddedikati fil-pjanijiet eżistenti għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri biex jappoġġaw il-prijoritajiet tar-REPowerEU.

Bħala strument ibbażat fuq il-prestazzjoni, il-pagamenti permezz tal-faċilità jiddependu fuq kemm l-Istati Membri jilħqu l-istadji importanti u l-miri għall-investimenti u għar-riformi inklużi fil-pjanijiet rispettivi tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza. Din il-konfigurazzjoni għenet biex jiġu aċċellerati r-riformi f’xi Stati Membri, u b’hekk seta’ jiġi żgurat twettiq effettiv. Is-sistemi ta’ monitoraġġ u ta’ kontroll tal-Istati Membri — prekundizzjoni għall-approvazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza — ħolqu wkoll sens ta’ sjieda nazzjonali li huwa kruċjali għas-suċċess ta’ riformi diffiċli.

Is-sit web tat-tabella ta’ valutazzjoni għall-irkupru u r-reżiljenza jagħti stampa ċara tal-progress fl-implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u tal-pjanijiet nazzjonali.

Il-Kummissjoni qed tgħin lill-Istati Membri jimplimentaw il-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku — il-programm tal-UE li jipprovdi għarfien espert tekniku apposta għat-tfassil u għall-implimentazzjoni tar-riformi. Il-Kummissjoni wieġbet it-talbiet ta’ appoġġ ta’ 19-il Stat Membru. Barra minn hekk, 17-il Stat Membru qed jirċievu appoġġ tekniku biex jimplimentaw il-Pjan REPowerEU.

Sorsi tal-finanzjament ta’ REPowerEU

Is-self pendenti (bħalissa xi €225 biljun) mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-għotjiet ġodda li jiswew €20 biljun iffinanzjati mill-faċilità permezz ta’ diversi sorsi: jiġifieri, il-Fond għall-Innovazzjoni (60 %) u l-bejgħ antiċipat tal-kwoti tas-Sistema tal-Iskambju tal-Emissjonijiet (40 %)

€5.4 biljun mir-Riżerva tal-Aġġustament għall-Brexit li l-Istati Membri se jkunu jistgħu jittrasferixxu volontarjament lejn il-faċilità li tiffinanzja l-miżuri ta’ REPowerEU

Fondi tal-politika ta’ koeżjoni

Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa

Il-Fond għall-Innovazzjoni

Finanzjamenti nazzjonali u tal-UE li jappoġġaw l-objettivi ta’ REPowerEU

Miżuri fiskali nazzjonali

Investiment privat

Il-Bank Ewropew tal-Investiment

Qafas ta’ governanza ekonomika adattat għall-isfidi li ġejjin

Wara dibattitu pubbliku miftuħ u rikk, il-Kummissjoni ppubblikat orjentazzjonijiet għal qafas ta’ governanza ekonomika iktar sempliċi u iktar effettiv. Il-proposti tal-Kummissjoni għandhom l-għan li jippromwovu iktar sjieda nazzjonali u infurzar aħjar tal-politiki fiskali u ekonomiċi, filwaqt li jippermettu li jsiru r-riformi u l-investiment, u jnaqqsu l-proporzjonijiet għoljin tad-dejn pubbliku b’mod realistiku, gradwali u sostnut. B’dan il-mod, il-qafas riformat għandu jgħin biex tinbena l-ekonomija ekoloġika, diġitali u reżiljenti tal-futur, filwaqt li jiżgura s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fl-Istati Membri kollha.

Andrej Plenković, Ursula von der Leyen, Christine Lagarde u Paschal Donohoe bi tbissima jiddiskutu u jaqsmu l-fehmiet tagħhom.
Mix-xellug għal-lemin: Il-Prim Ministru Kroat Andrej Plenković, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew Christine Lagarde, u l-President tal-Ewrogrupp Paschal Donohoe waqt il-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta’ Ġunju 2022 fi Brussell, il-Belġju.

Il-Kroazja tipprepara biex tibda tuża l-ewro

F’Lulju, l-UE adottat l-atti legali finali meħtieġa biex il-Kroazja tkun tista’ ddaħħal l-ewro fl-1 ta’ Jannar 2023. Dan il-pass seta’ jsir wara perjodu ta’ tħejjija intensiva u bosta sforzi min-naħa tal-Kroazja biex tissodisfa r-rekwiżiti kollha meħtieġa. Biex tikkumplimenta t-tħejjijiet għal din il-bidla, saret kampanja komprensiva ta’ komunikazzjoni mmexxija mill-awtoritajiet Kroati. Il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew għenu f’dawn l-isforzi.

Bil-Kroazja, issa 20 Stat Membru tal-UE u 347 miljun ċittadin tal-UE qed jużaw din il-munita komuni tal-UE. L-ewro se tipprovdi benefiċċji prattiċi liċ-ċittadini u lin-negozji Kroati. Se tiffaċilita l-ivvjaġġar u l-ħajja barra mill-pajjiż, se żżid it-trasparenza u l-kompetittività tas-swieq, u se tiffaċilita l-kummerċ. Il-karti u l-muniti tal-ewro se jsiru wkoll simbolu tanġibbli għall-Kroati kollha tal-libertà, tal-konvenjenza u tal-opportunità li tipprovdi l-UE.

Insaħħu l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Ewropa

Il-politika reġjonali tal-UE, magħrufa wkoll bħala l-politika ta’ koeżjoni, għandha l-għan li tindirizza l-inugwaljanzi bejn ir-reġjuni. Twettaq il-prijoritajiet politiċi tal-UE, speċjalment il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

Fl-2022, il-Kummissjoni adottat il-ftehimiet ta’ sħubija 2021–2027 dwar il-fondi mill-UE mal-Istati Membri kollha. Dawn huma strumenti ewlenin f’kull perjodu ta’ finanzjament peress li jistabbilixxu l-istrateġiji ta’ kull pajjiż rigward l-investiment tal-finanzjament għar-reġjuni tal-UE fl-2021–2027. Wara t-tnedija tal-ftehimiet, ġew adottati 380 programm nazzjonali, reġjonali u tematiku tal-politika ta’ koeżjoni, inkluż pjanijiet territorjali għal tranżizzjoni ġusta u 80 programm transfruntier biex l-istrateġiji jissarrfu f’inizjattivi speċifiċi fil-prattika.

Elisa Ferreira qed tiffirma ktieb.
Il-Kummissarju Ewropea għall-Koeżjoni u r-Riformi Elisa Ferreira waqt żjara fil-Kroazja għat-tnedija tal-ftehim ta’ sħubija 2021–2027 f’Zagreb, il-Kroazja, nhar id-29 ta’ Settembru 2022.

Together

Din l-infografika turi d-distribuzzjoni tal-fondi għall-proġett “TOGETHER”.

Il-proġett Interreg España-Portugal TOGETHER 2021-2027 hu l-akbar programm ta’ finanzjament transfruntier tal-UE b’baġit ta’ 320 miljun ewro. Il-proġett TOGETHER qed jalloka 467 miljun ewro għall-kooperazzjoni fil-Majjistral tal-Ewropa, fiż-żona tal-Atlantiku u fiż-żona tal-Artiku. Qed jalloka wkoll 1.64 biljun ewro għal Tranżizzjoni Ġusta b’investimenti mmirati f’Karlovarský, Ústecký u Moravskoslezský fiċ-Ċekja.

Niżguraw tranżizzjoni ġusta

Il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta, għodda ewlenija biex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima sseħħ b’mod ġust, u li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura, diġà beda jwettaq il-wegħda tiegħu li jimmobilizza sa €55 biljun f’investiment sal-2029. Madwar 67 mis-70 pjan territorjali mistenni għal tranżizzjoni ġusta ġew adottati f’26 Stat Membru.

Fabbrika ġdida tal-kalamiti tal-materjali tal-art rari f’Ida-Virumaa, l-Estonja, kienet l-ewwel proġett li kiseb finanzjament mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta. Reġjuni oħra intensivi fl-użu tal-faħam u tal-karbonju qed jagħżlu wkoll l-ewwel investimenti permezz tal-fond.

L-appoġġ għar-reġjuni tat-tranżizzjoni ġusta żdied permezz tal-Pjattaforma għal Tranżizzjoni Ġusta, li toffri appoġġ imfassal apposta u l-iskambju tal-informazzjoni u tal-aqwa prattiki fuq il-portal tal-pjattaforma u fil-konferenzi biannwali.

Fi Frar, il-Kummissjoni ppubblikat it-tmien rapport ta’ koeżjoni li jivvaluta l-istat tar-reġjuni tal-UE f’diversi oqsma ta’ politika, inkluż l-ekonomija, l-enerġija, it-trasport, l-innovazzjoni, id-demografija u s-soċjetà. Ir-rapport sab li bis-saħħa tal-investiment tal-politika ta’ koeżjoni, il-biċċa l-kbira tar-reġjuni inqas żviluppati qed javvanzaw u li d-distakk bejnhom u bejn żoni iktar sinjuri tal-UE qed jonqos. Fl-istess ħin, hemm xi żviluppi diffiċli li jeħtieġu l-attenzjoni tal-politika, bħall-istaġnar ekonomiku f’xi oqsma, id-distakk dejjem jikber fl-innovazzjoni u t-tixjiħ demografiku.

Inpoġġu lin-nies fl-ewwel post — strateġija mġedda għar-reġjuni ultraperiferiċi

Sabiex trawwem il-koeżjoni fl-UE, fl-2022 il-Kummissjoni adottat strateġija mmodernizzata u mġedda ta’ impenn u ta’ appoġġ għar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE. Id-disa’ territorji extra-Ewropej — il-Gżejjer Kanarji (Spanja), il-Guyana Franċiża, Guadeloupe, Martinique, Mayotte, Réunion u Saint Martin (Franza), u l-Azores u Madeira (il-Portugall) — għandhom sett ta’ kundizzjonijiet strutturali distinti, kemm sfidi kif ukoll vantaġġi, li jeħtieġu soluzzjonijiet imfassla apposta. L-istrateġija l-ġdida tpoġġi lin-nies fl-ewwel post billi tipproponi miżuri konkreti biex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-ħames miljun abitant tagħhom. Dan se tagħmlu billi tappoġġa t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u tibni fuq l-assi uniċi tagħhom, bħall-popolazzjoni żagħżugħa, iż-żoni marittimi estensivi, il-bijodiversità unika tagħhom u l-potenzjal tar-riċerka. L-istrateġija se tipprovdi assistenza speċifika, filwaqt li se tiżgura li r-reġjuni ultraperiferiċi jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-politiki tal-UE u jisfruttaw il-potenzjal tagħhom.

L-istrateġija bdiet tiġi implimentata permezz ta’ żewġ strumenti ddedikati ta’ assistenza li ġew varati fl-2022: skema ta’ għotjiet żgħar b’valur ta’ €1 miljun għaż-żgħażagħ biex iwettqu proġetti lokali f’oqsma tal-għażla tagħhom u proġett b’valur ta’ €1 miljun biex jappoġġa t-turiżmu blu sostenibbli. Barra minn hekk, l-istrateġija ħabbret il-ħolqien ta’ għodda konsultattiva ġdida ddisinjata speċifikament għar-reġjuni ultraperiferiċi, strument fuq talba biex jgħin fl-iżvilupp, fl-irfinar u fl-implimentazzjoni ta’ strateġiji tal-iżvilupp reġjonali għat-territorji ultraperiferiċi.

Għodod ġodda biex issir taf iżjed fuq il-proġetti ffinanzjati mill-UE

Fl-2022, il-Kummissjoni nediet il-Kohesio, bażi tad-data pubblika ġdida li tinkludi aktar minn 1.5 miljun proġett li ġew iffinanzjati mill-Politika ta’ Koeżjoni mill-2014 sal-2020. Il-pjattaforma li qed tiġi aġġornata ta’ spiss tipprovdi aċċess trasparenti u sempliċi lill-utenti għal informazzjoni dwar il-proġetti ffinanzjati mill-UE. Iċ-ċittadini jistgħu jużaw il-Kohesio biex isiru jafu iżjed dwar l-investimenti li wettqet l-UE fir-reġjun tagħhom.

Tnediet ukoll bażi tad-data ġdida dwar il-perjodu tal-programmazzjoni 2021–2027 li tipprovdi l-informazzjoni kollha dwar l-investimenti tal-Politika ta’ Koeżjoni.

Nagħmlu s-Suq Uniku reżistenti għall-kriżijiet

Għal kważi 30 sena, is-Suq Uniku kien l-iktar assi importanti tal-UE, u ta ċertezza, skala, spinta dinjija lill-kumpaniji tagħna, u disponibbiltà wiesgħa ta’ prodotti u ta’ servizzi ta’ kwalità lill-konsumaturi.

Madankollu, xi kriżijiet reċenti kienu sfida għall-funzjonament normali tas-Suq Uniku, b’mod partikolari fl-ewwel jiem tal-pandemija tal-COVID-19, meta n-negozji u ċ-ċittadini batew minħabba restrizzjonijiet fuq id-dħul, tfixkil fil-ktajjen tal-provvista u nuqqas ta’ prevedibbiltà fir-rigward tar-regoli. Iktar reċenti, l-impatt tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna wera kemm xi ktajjen tal-provvista jistgħu jiddiżintegraw malajr u jwasslu għal skarsezzi ta’ ċerti oġġetti u servizzi fl-Ewropa u jġiegħlu lin-negozji jfittxu swieq ġodda.

Minħabba f’hekk, il-Kummissjoni pproponiet qafas ġdid biex tipproteġi l-funzjonament tas-Suq Uniku fi żminijiet ta’ kriżi. L-Istrument għall-Emerġenzi fis-Suq Uniku se jgħin biex jiġi żgurat li l-oġġetti, is-servizzi u n-nies ikunu jistgħu jkomplu jiċċaqilqu liberament fis-Suq Uniku, jissalvagwardja l-funzjonament bla intoppi tal-ktajjen tal-provvista, u jiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ oġġetti u ta’ servizzi kritiċi u l-aċċess għalihom.

It-turiżmu kien wieħed mis-setturi li ntlaqat l-iktar mill-pandemija, u l-ewwel wieħed li bbenefika minn inizjattiva ġdida biex jiġu aċċellerati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali fl-industrija kollha tal-UE. F’konformità mal-aġġornament tal-2021 tal-Istrateġija Industrijali tal-UE, fi Frar 2022 il-Kummissjoni ppubblikat il-Perkors ta’ Tranżizzjoni għat-Turiżmu — pjan maħluq b’mod konġunt mal-industrija u mas-soċjetà ċivili li jiddeskrivi fid-dettall l-inizjattivi, il-miri u l-kundizzjonijiet ewlenin biex jinkisbu t-trasformazzjonijiet doppji u r-reżiljenza fit-tul tas-settur.

Wara appell biex il-komunità tat-turiżmu tal-UE taqsam il-miżuri u l-miri konkreti tagħha, matul l-2022 ġew ippubblikati iktar minn 250 wegħda. Dawn jinkludu inizjattivi mill-awtoritajiet pubbliċi u mill-organizzazzjonijiet tal-ġestjoni tad-destinazzjonijiet biex jistabbilixxu u jwettu strateġiji għal turiżmu ambjentalment, ekonomikament u soċjalment sostenibbli, biex jippermettu lill-fornituri tas-servizzi tat-turiżmu jaħdmu b’għodod tal-prenotazzjoni online u biex jaqsmu l-informazzjoni dwar l-offerti tagħhom b’mod diġitali. Is-settur privat huwa involut ukoll b’mod attiv, u diversi kumpaniji kbar ħadu impenji konkreti biex inaqqsu l-impronta tal-karbonju, l-użu tal-ilma u l-ġenerazzjoni tal-iskart tagħhom. Barra minn hekk, kemm il-partijiet ikkonċernati privati żgħar kif ukoll dawk kbar stabbilew miri biex jipprovdu opzjonijiet ta’ turiżmu sostenibbli.

L-inizjattiva tas-Suq Uniku f’Emerġenza – qafas għall-immaniġġar tal-kriżijiet

Grupp konsultattiv

jikkoordina u jagħti pariri lill-Kummissjoni.

Ippjanar ta’ kontinġenza

Dan il-qafas japplika meta ma jkunx hemm kriżijiet u s-Suq Uniku jkun qed jaħdem kif suppost.

Viġilanza tas-Suq Uniku

Attivata b’Deċiżjoni tal-Kummissjoni meta jinqalgħu ċirkostanzi li jkunu jeżiġu miżuri ta’ viġilanza.

Suq Uniku f’Emerġenza

Attivat b’Deċiżjoni tal-Kunsill meta xi kriżi partikolari taffettwa serjament lis-Suq Uniku.

Minbarra li tħares fil-fruntieri tagħha biex issaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekonomija Ewropea, l-UE qed tindirizza wkoll oqsma fejn qed tiffaċċja dipendenzi fuq pajjiżi mhux tal-UE. Fi Frar 2022, il-Kummissjoni ħarġet it-tieni analiżi fil-fond li tiffoka fuq ħames oqsma strateġiċi: il-materjali tal-art rari u l-manjeżju, is-sustanzi kimiċi, il-pannelli solari, iċ-ċibersigurtà u s-software tat-teknoloġija tal-informazzjoni.

Abbażi tas-sejbiet, il-Kummissjoni għamlet segwitu b’diversi inizjattivi, inkluż it-tnedija tal-Alleanza Ewropea tal-Industrija Fotovoltajka Solari. Dan bl-għan li tagħti spinta lill-kapaċità tal-Ewropa li tipproduċi 30 gigawatt kull sena sal-2025 bit-teknoloġiji solari u fotovoltajċi, f’kull segment tal-katina tal-valur fotovoltajka. Jekk tilħaq dan l-objettiv, l-UE jirnexxilha tiġġenera €60 biljun ta’ prodott domestiku gross ġdid kull sena fl-Ewropa u toħloq iktar minn 400 000 impjieg ġdid.

L-istandards huma l-pedament sieket tas-Suq Uniku u tal-kompetittività globali. Mill-frekwenzi tal-Wi-Fi, għall-ġugarelli konnessi jew il-qfieli tal-iskijjar, dawn huma parti inviżibbli iżda fundamentali mill-ħajja ta’ kuljum tan-nies. Bħala parti mill-Istrateġija ta’ Standardizzazzjoni l-ġdida, il-Kummissjoni ppreżentat regoli ġodda li jistabbilixxu approċċ iktar strateġiku għall-istandards u li jseddqu l-valuri demokratiċi fl-applikazzjonijiet tat-teknoloġija. L-istrateġija l-ġdida se tkun ta’ benefiċċju għan-negozji u għall-konsumaturi għax se tiżgura l-interoperabbiltà tal-prodotti u tas-servizzi, se tnaqqas il-kostijiet, se ttejjeb is-sikurezza u se trawwem l-innovazzjoni.

Fl-2022, il-Kummissjoni ppreżentat ukoll regoli riveduti biex tiżgura li l-leġiżlazzjoni dwar id-disinn tqis aspetti diġitali ġodda tal-prodotti u tagħmilha iktar faċli, orħos u iktar prevedibbli li jiġu protetti d-disinji industrijali fl-UE kollha.

Filwaqt li l-UE għandha protezzjoni speċifika tal-indikazzjoni ġeografika għall-inbejjed, għax-xorb spirituż u għal prodotti agrikoli u tal-ikel oħra, attwalment m’hemm l-ebda protezzjoni simili għall-oġġetti artiġjanali u industrijali. B’mod simili, regoli ġodda proposti mill-Kummissjoni se jippermettu lill-produtturi jipproteġu prodotti bħall-ħġieġ ta’ Murano, id-Donegal tweed, il-porċellana ta’ Limoges, il-pożati ta’ Solingen u l-fuħħar ta’ Boleslawiec u jieħdu azzjoni kontra l-oġġetti ffalsifikati fl-Ewropa u lil hinn minnha. Dawn se jagħmluha wkoll iktar faċli għall-konsumaturi biex jirrikonoxxu l-kwalità ta’ prodotti bħal dawn.

L-istrateġija l-ġdida tal-istandardizzazzjoni se tgħin lill-industrija tal-UE matul it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.

Ċerti standards ġodda se jiddefinixxu l-kwalità tal-idroġenu u l-interoperabbiltà teknika biex l-industriji jkunu jistgħu jiddekarbonizzaw permezz tal-idroġenu.

Il-materja prima użata fil-batteriji li jħaddmu l-karozzi elettriċi u bosta apparati elettroniċi oħra trid tinkiseb skont standards stretti tal-ambjent u tax-xogħol.

Iċ-ċipep meħtieġa li jħaddmu l-arloġġi intelliġenti u apparati konnessi oħra jeħtieġu protezzjoni kbira mit-theddid ċibernetiku.

Kompetizzjoni ġusta

Prodotti ta’ kwalità bi prezzijiet ġusti kienu meħtieġa iktar minn qatt qabel f’sena tant diffiċli għall-Ewropej. Fost l-iktar għodod b’saħħithom li l-Kummissjoni Ewropea tista’ tuża biex tipproteġi lill-konsumaturi u ssostni lill-ekonomija hemm id-deċiżjonijiet tagħha dwar l-antitrust, il-fużjonijiet u l-għajnuna mill-Istat li jiżguraw li l-kompetizzjoni fis-Suq Uniku tibqa’ vibranti u ġusta.

Eżempju wieħed ta’ kif is-sistema ta’ kontroll tal-kompetizzjoni tal-UE tista’ tiddefendi l-interessi tan-nies kienet deċiżjoni ta’ Settembru tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li inġenerali kkonfermat deċiżjoni li l-Kummissjoni kienet ħadet kontra Google u imponiet multa ta’ iktar minn €4 biljun. Il-projbizzjoni tal-akkwist ta’ GRAIL minn Illumina, ftehim li kien inaqqas l-għażla ta’ testijiet tad-detezzjoni bikrija tal-kanċer, hija deċiżjoni oħra li turi kif il-politika tal-kompetizzjoni tista’ tappoġġa l-innovazzjoni. Il-Kummissjoni pprojbiet il-ftehim meta Illumina naqset milli toffri rimedji li kienu jtaffu t-tħassib tagħha.

Produzzjoni u konsum sostenibbli

Il-mudell ekonomiku attwali tagħna “nieħdu-nagħmlu-nissostitwixxu” inaqqar ir-riżorsi tagħna, iniġġes l-ambjent, jagħmel ħsara lill-bijodiversità u jixpruna t-tibdil fil-klima. Lill-Ewropa jagħmilha dipendenti wkoll fuq riżorsi minn bnadi oħra. B’dan il-ħsieb, u bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, f’Marzu 2022 il-Kummissjoni ppreżentat pakkett ta’ proposti biex il-prodotti sostenibbli jsiru n-norma fl-UE.

Il-proposti jibnu fuq is-suċċess tar-regoli eżistenti tal-UE dwar l-ekodisinn, li wasslu għal tnaqqis notevoli fil-konsum tal-enerġija tal-UE u ffrankar sinifikanti għall-konsumaturi. Fis-sena li għaddiet biss, il-konsumaturi ffrankaw €120 biljun permezz tar-rekwiżiti eżistenti tal-ekodisinn.

Il-proposta għal Regolament dwar l-ekodisinn għal prodotti sostenibbli tindirizza d-disinn tal-prodotti, li jiddetermina sa 80 % tal-impatt ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti. Testendi l-qafas eżistenti tal-ekodisinn, filwaqt li tistabbilixxi rekwiżiti biex jittejbu ċ-ċirkolarità, il-prestazzjoni enerġetika u aspetti oħra tas-sostenibbiltà ambjentali tal-prodotti.

Il-pakkett kien jinkludi wkoll strateġija ġdida biex it-tessuti jkunu jifilħu iktar, ikunu jistgħu jissewwew, ikunu jistgħu jintużaw mill-ġdid u jkunu riċiklabbli. Għandu l-għan li jindirizza l-moda mgħaġġla, il-ħela tat-tessuti u l-qerda tat-tessuti mhux mibjugħa, u tiżgura li l-produzzjoni tagħhom issir b’rispett sħiħ tad-drittijiet soċjali.

Azzjonijiet ewlenin għal prodotti ċirkolari u sostenibbli

Nagħmlu l-prodotti aktar ekoloġiċi, ċirkolari u effiċjenti fl-użu tal-enerġija permezz ta’ rekwiżiti tal-ekodisinn.

Intejbu l-prodotti u l-informazzjoni dwar is-sostenibbiltà ambjentali għall-konsumaturi u l-atturi fil-katina tal-provvista billi nintroduċu Passaporti Diġitali tal-Prodotti.

Nevitaw il-qerda tal-prodotti tal-konsumatur li ma jinbigħux.

Nippromwovu mudelli kummerċjali sostenibbli.

Nistabbilixxu rekwiżiti obbligatorji għal akkwist pubbliku ekoloġiku.

Regoli ġodda proposti mill-Kummissjoni se jiżguraw li meta jixtru l-prodotti tagħhom, il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati u ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. Kemm jekk ikunu se jixtru mowbajl jew apparat tal-kċina, il-konsumaturi se jkunu infurmati aħjar dwar kemm suppost se jservihom il-prodott u jekk jistax jissewwa. Ir-regoli l-ġodda se jipprojbixxu wkoll il-“greenwashing” u l-prattiki li jqarrqu bil-konsumaturi rigward id-durabbiltà ta’ prodott.

Meta kienet qed tfassal il-proposta, il-Kummissjoni kkonsultat lil iktar minn 12 000 konsumatur, kif ukoll kumpaniji, esperti tal-konsumaturi u awtoritajiet nazzjonali. Il-verifika tal-affidabbiltà tal-asserzjonijiet ambjentali tqieset bħala l-ikbar ostaklu għall-involviment fit-tranżizzjoni ekoloġika.

Ir-reviżjoni proposta tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini se ssaħħaħ u timmodernizza r-regoli li ilhom fis-seħħ mill-2011. Se toħloq qafas armonizzat biex tkun tista’ tiġi vvalutata u kkomunikata l-prestazzjoni ambjentali u klimatika tal-prodotti għall-bini.

Fit-tieni pakkett dwar l-ekonomija ċirkolari, ippreżentat f’Novembru, il-Kummissjoni pproponiet regoli ġodda għall-UE kollha biex tindirizza l-imballaġġ, sors dejjem jikber ta’ skart u ta’ frustrazzjoni fost il-konsumaturi. Lill-konsumaturi r-regoli l-ġodda se jiżgurawlhom id-disponibbiltà ta’ opzjonijiet ta’ imballaġġ li jista’ jerġa’ jintuża, it-tneħħija ta’ imballaġġ mhux meħtieġ, il-limitazzjoni ta’ imballaġġ żejjed u l-forniment ta’ tikketti ċari biex jappoġġaw ir-riċiklaġġ kif imiss. Il-pakkett kien jinkludi wkoll inizjattiva li tipprovdi ċarezza lill-konsumaturi u lill-industrija dwar il-plastiks b’bażi bijoloġika, kompostabbli u bijodegradabbli, li tistabbilixxi għal liema applikazzjonijiet tali plastiks huma tassew ta’ benefiċċju għall-ambjent u kif għandhom jiġu ddisinjati, jintremew u jiġu rriċiklati.

Il-kumpaniji għandhom rwol ewlieni fil-bini ta’ ekonomija u soċjetà sostenibbli. Fi Frar, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Direttiva dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva. Il-proposta għandha l-għan li tippromwovi mġiba korporattiva sostenibbli u responsabbli tul il-ktajjen tal-provvista globali. Il-kumpaniji se jkollhom jankraw id-drittijiet tal-bniedem u l-kunsiderazzjonijiet ambjentali fl-attivitajiet kummerċjali u fil-governanza korporattiva tagħhom.

Madwar nofs il-konsumaturi kkonsultati fi studju tal-UE qalu li lesti jħallsu aktar għal prodott li jservi iżjed, mingħajr il-ħtieġa ta’ tiswijiet.

Sors: studju preparatorju biex tinġabar evidenza dwar modi li jħeġġu lill-konsumaturi jaqdu rwol attiv fit-tranżizzjoni ekoloġika.

Il-prodotti tal-kostruzzjoni

jiġġeneraw 30 % tal-iskart annwali tal-UE.

Il-binjiet

jikkonsmaw 40 % tal-enerġija fl-UE.

Il-kostruzzjoni u x-xogħlijiet tal-kostruzzjoni

iħallu 9.4 % tal-marka tal-karbonju domestika totali.

Is-siment, l-azzar, l-aluminju u l-plastik

joħolqu 15 % tal-emissjonijiet tal-karbonju tal-UE.

Naċċelleraw l-investimenti sostenibbli

Huwa meħtieġ ħafna investiment privat biex l-UE tilħaq l-għan tagħha ta’ newtralità klimatika sal-2050. Il-finanzi sostenibbli jissarrfu f’orjentament mill-ġdid tal-investiment lejn attivitajiet ekonomiċi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u huma fil-qalba tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. L-UE diġà hija minn ta’ quddiem fid-dinja fir-rigward tal-istabbiliment ta’ standards ambjentali, soċjali u ta’ governanza fis-swieq finanzjarji u ħolqot sistema ta’ klassifikazzjoni bla preċedent għall-attivitajiet sostenibbli fl-UE (magħrufa bħala t-tassonomija tal-UE).

Fl-2022, il-Kummissjoni aġġornat ir-regoli bl-inklużjoni ta’ attivitajiet tranżizzjonali speċifiċi li jinvolvu t-teknoloġiji nukleari u tal-gass f’konformità mal-objettivi klimatiċi u ambjentali tal-UE, li se jsiru applikabbli mill-2023.

Liema attivitajiet relatati mal-gass huma inklużi?

  • Il-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-fjuwils fossili gassużi
  • Il-koġenerazzjoni effiċjenti tas-sħana u l-kesħa u tal-enerġija mill-fjuwils fossili gassużi
  • Il-produzzjoni tas-sħana u l-kesħa mill-fjuwils gassużi fossili f’sistema effiċjenti tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali

Liema attivitajiet relatati mal-enerġija nukleari huma inklużi?

  • Ir-riċerka, l-iżvilupp u l-użu tat-teknoloġiji avvanzati (“tal-Ġenerazzjoni IV”) li jnaqqsu kemm jista’ jkun il-ħela u jtejbu l-istandards tas-sikurezza
  • Il-proġetti tal-impjanti nukleari ġodda li jużaw teknoloġiji eżistenti għall-ġenerazzjoni tal-elettriku jew tas-sħana (“tal-Ġenerazzjoni III+”) (sal-2045)
  • L-aġġornamenti u l-modifiki tal-impjanti nukleari eżistenti bl-iskop li tittawwal il-ħajja tagħhom (sal-2040)

Tassazzjoni u dwana ġusti, sempliċi u moderni

L-aġenda tat-taxxa fit-tul tal-UE għal ambjent tan-negozju ġust u sostenibbli tistabbilixxi miżuri mmirati maħsuba biex jippromwovu l-investiment u l-imprenditorija.

F’Diċembru, il-Kummissjoni Ewropea ressqet pakkett komprensiv dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fl-era diġitali biex din taħdem aħjar għan-negozji fl-ekonomija moderna. Permezz tal-pakkett ukoll, is-sistema tal-VAT tal-UE se ssir iktar reżiljenti għall-frodi, billi se jiġi sfruttat il-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni.

Il-miżuri ewlenin proposti jinkludu l-introduzzjoni ta’ reġistrazzjoni unika tal-VAT fl-UE kollha, tranżizzjoni lejn rapportar diġitali f’ħin reali għan-negozji transfruntiera, u regoli aġġornati tal-VAT għall-pjattaformi tat-trasport tal-passiġġieri u tal-akkomodazzjoni. Il-miżuri se jagħmlu s-sistema tal-VAT tal-UE iktar adattata għall-ambjent tan-negozju globalizzat u diġitalizzat tal-lum u iktar b’saħħitha fil-ġlieda kontra l-frodi.

Il-Kummissjoni pproponiet ukoll miżuri ġodda ta’ trasparenza tat-taxxa għall-fornituri tas-servizzi kollha li jiffaċilitaw it-tranżazzjonijiet fil-kriptoassi għall-klijenti tal-UE (ara wkoll il-Kapitlu 3). Attwalment, l-utenti tal-kriptoassi jagħmlu profitti sinifikanti, li ma jiġux individwati mill-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali. Dan iwassal għal telf importanti ta’ dħul mit-taxxa għall-baġits pubbliċi. Il-Kummissjoni pproponiet li l-fornituri kollha ta’ servizzi tal-kriptoassi, ikun xi jkun id-daqs tagħhom jew il-post fejn jinsabu, iridu jirrapportaw it-tranżazzjonijiet tal-klijenti residenti fl-UE. Il-proposta testendi wkoll ir-rekwiżiti eżistenti tar-rapportar u tal-iskambju ta’ informazzjoni sabiex ikopru l-flus elettroniċi u d-deċiżjonijiet mogħtija lil individwi b’valur nett għoli.

F’Diċembru, l-Istati Membri laħqu wkoll ftehim unanimu rigward id-Direttiva li jmiss dwar l-iżgurar ta’ livell minimu globali ta’ tassazzjoni għall-gruppi multinazzjonali fl-Unjoni Ewropea. Bis-saħħa ta’ dan il-ftehim storiku, l-UE se tkun minn ta’ quddiem fl-applikazzjoni tal-ftehim globali dwar ir-riforma tat-taxxa mfassal fl-2021 mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi. Id-Direttiva tinkludi sett komuni ta’ regoli dwar kif tiġi kkalkulata r-rata minima tat-taxxa effettiva ta’ 15 %, sabiex din tiġi applikata kif suppost u b’mod konsistenti fl-UE kollha. Intlaħaq qbil dwar ir-rata minima tat-taxxa ta’ 15 % fil-livell globali minn 137 pajjiż. Ladarba tiġi implimentata, din id-Direttiva se twassal għal ġustizzja, trasparenza u stabbiltà fil-qafas internazzjonali tat-taxxa korporattiva. L-Istati Membri jridu jimplimentaw ir-regoli l-ġodda sal-31 ta’ Diċembru 2023.

Fl-2022, il-Kummissjoni nediet ukoll proċess ta’ riflessjoni dwar il-futur tat-tassazzjoni, filwaqt li qieset l-isfidi attwali u l-megatendenzi futuri. Dan akkumula f’Simpożju ta’ livell għoli dwar it-taxxa li sar f’Novembru, fejn il-ministri, il-kapijiet tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, il-partijiet ikkonċernati u l-akkademiċi ddiskutew dwar kwistjonijiet ewlenin marbuta mat-taħlita ta’ taxxi fil-futur.

Paolo Gentiloni jitkellem fuq il-podju waqt is-Simpożju tat-Taxxa tal-2022.
Il-Kummissarju Ewropew għall-Ekonomija Paolo Gentiloni waqt is-Simpożju tat-Taxxa tal-2022, fi Brussell, il-Belġju, nhar it-28 ta’ Novembru 2022.

Swieq finanzjarji iktar b’saħħithom

Finanzi tal-konsumatur: naċċelleraw l-introduzzjoni tal-pagamenti istantanji

Il-pagamenti istantanji jippermettu lin-nies jittrasferixxu l-flus fi kwalunkwe ħin u fi kwalunkwe jum fi żmien 10 sekondi, u b’hekk jiżdiedu b’mod sinifikanti l-ħeffa tat-tranżazzjonijiet u l-konvenjenza għan-nies, pereżempju, meta jħallsu l-kontijiet jew meta jirċievu trasferimenti urġenti (bħal fil-każ ta’ emerġenza medika). Dawn jgħinu wkoll biex itejbu l-fluss tal-flus u jiġġeneraw iffrankar tal-kostijiet għan-negozji, speċjalment għan-negozji żgħar u ta’ daqs medju, inkluż il-bejjiegħa bl-imnut. F’Ottubru, il-Kummissjoni ppreżentat proposta leġiżlattiva biex tagħmel il-pagamenti istantanji bl-ewro jsiru disponibbli għaċ-ċittadini u għan-negozji kollha li jkollhom kont bankarju fl-UE u fil-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea.

Benefiċċji tal-pagamenti istantanji

L-infografika turi lista tal-benefiċċji tal-pagamenti istantanji għall-konsumaturi, għan-negozji, għall-intrapriżi żgħar u medji u għall-fornituri tal-pagamenti.

Il-konsumaturi, in-negozji, l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) u l-fornituri tal-pagamenti jistgħu jibbenefikaw minn pagamenti istantanji. Bil-pagamenti istantanji, il-konsumaturi, in-negozji u l-SMEs ikunu jistgħu jirċievu flushom minnufih u tiżdidilhom l-għażla bejn il-metodi tal-pagament. Il-konsumaturi jistgħu jimmaniġġjaw aħjar il-finanzi personali tagħhom u jirċievu l-oġġetti mixtrija online aktar malajr. Min-naħa l-oħra, in-negozji u l-SMEs jistgħu jiffrankaw il-flus għax ma jkollhomx bżonn garanzija tal-pagament. Għan-negozji, l-SMEs u l-bejjiegħa tal-ħwienet titjieb ukoll il-likwidità. Benefiċċju ieħor hu li l-konsumaturi, in-negozji u l-SMEs se jkunu jistgħu jużaw b’mod produttiv sa 200 biljun ewro li bħalissa f’kull ħin ikun hemm imwaħħlin fis-sistema finanzjarja, u b’hekk jinħoloq ġid ekonomiku li jvarja minn 1.34 biljun sa 1.84 biljun ewro kull sena. Il-fornituri tal-pagamenti se jkollhom ukoll opportunitajiet ta’ innovazzjoni, bħal apps ġodda għal pagamenti bil-mowbajl. Kulħadd igawdi bil-pagamenti istantanji għax dawn jiżguraw ir-reżiljenza tas-sistema tal-pagamenti fil-ħwienet tal-UE.

Valdis Dombrovskis u Mairead McGuinness waqt konferenza tal-aħbarijiet fuq il-pagamenti istantanji.
Il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għal Ekonomija għas-Servizz tan-Nies u l-Kummissarju Ewropew għall-Kummerċ Valdis Dombrovskis (fuq ix-xellug), u l-Kummissarju Ewropea għas-Servizzi Finanzjarji, l-Istabbiltà Finanzjarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali Mairead McGuinness waqt konferenza tal-aħbarijiet fuq il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-pagamenti istantanji, fi Brussell, il-Belġju, nhar is-26 ta’ Ottubru 2022.

Lejn Unjoni tas-Swieq Kapitali iktar effiċjenti u iktar reżiljenti

L-Unjoni tas-Swieq Kapitali hija l-pjan fit-tul tal-UE biex tapprofondixxi s-Suq Uniku għall-kapital. L-għan hu li l-flus — l-investimenti u t-tfaddil — jiċċirkolaw faċilment madwar l-UE sabiex ikunu ta’ benefiċċju għall-konsumaturi, għall-investituri u għall-kumpaniji, ikunu fejn ikunu.

Fl-2022, biex tavvanza dan il-pjan, il-Kummissjoni ressqet żewġ pakketti ta’ proposti. F’Marzu, il-Kummissjoni pproponiet bidliet fir-Regolament dwar id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli biex is-saldu fis-swieq finanzjarji tal-UE jsir iktar sikur u iktar effiċjenti. Is-saldu jirreferi għall-konsenja ta’ titoli lil xerrej bi skambju għall-konsenja ta’ flus kontanti lil bejjiegħ. Is-saldu ta’ tranżazzjoni jista’ jieħu sa jumejn tan-negozju, li jista’ jirriżulta kemm f’riskji ta’ kreditu kif ukoll f’riskji legali matul dak il-perjodu. Għalhekk, l-iżgurar li dawn it-tranżazzjonijiet jiġu saldati b’mod sikur u effiċjenti huwa essenzjali għas-sistema finanzjarja tal-UE. Il-proposta għandha l-għan li tipprovdi regoli iktar proporzjonati u effettivi biex jitnaqqsu l-kostijiet tal-konformità u l-piżijiet regolatorji għad-depożitorji ċentrali tat-titoli, tiffaċilita l-kapaċità tagħhom li joffru firxa usa’ ta’ servizzi transfruntiera, u ttejjeb is-superviżjoni transfruntiera tagħhom.

It-tieni pakkett ta’ proposti jimmira lejn tliet oqsma ewlenin: it-tisħiħ tas-sistema tal-ikklerjar tal-UE, l-armonizzazzjoni tar-regoli tal-insolvenza fl-Istati Membri kollha u t-tnaqqis tal-piż għall-kumpaniji f’dak li għandu x’jaqsam mal-elenkar fil-Boroż.

Sistema tal-ikklerjar sikura, soda u kompetittiva

L-ikklerjar ċentrali jiftaħ il-bieb għal kummerċ b’inqas xkiel fis-swieq kapitali u hu kruċjali għall-istabbiltà finanzjarja tal-UE. Meta t-tranżazzjonijiet jiġu kklerjati ċentralment, il-fornitur tas-servizzi tal-ikklerjar, magħruf bħala l-kontroparti ċentrali (CCP), ikun l-intermedjarju li jiggarantixxi t-twettiq tal-kuntratti bejn ix-xerrejja u l-bejjiegħa. Dan iżid it-trasparenza u jnaqqas ir-riskji fis-swieq finanzjarji.

L-UE jeħtieġ timmodernizza s-sistema tal-ikklerjar tagħha biex tkun tista’ tirreaġixxi aktar malajr għaċ-ċirkostanzi ekonomiċi u tas-suq li kontinwament jinbidlu. Jeħtieġ ukoll issaħħaħ il-kapaċità tal-ikklerjar domestiku tagħha biex jonqsu r-riskji tad-dipendenza żejda tagħha fuq kontropartijiet ċentrali minn barra l-UE.

Bil-miżuri proposti, il-kontropartijiet ċentrali mill-UE se jkunu jistgħu jwessgħu s-servizzi tagħhom aktar faċilment biex jissodisfaw id-domanda. B’hekk se titjieb l-attraenza tas-suq tal-UE għax tiżdied il-kompetizzjoni u l-utenti tas-servizzi tal-ikklerjar jingħataw iżjed għażla.

Biex jiżguraw l-istabbiltà finanzjarja tal-UE u l-kapaċità tagħha li taġixxi b’mod awtonomu, ir-regoli l-ġodda se jeżiġu li ċerti parteċipanti fis-suq jikklerjaw mill-inqas porzjon tal-kuntratti tagħhom b’kontropartijiet ċentrali mill-UE.

Regoli armonizzati dwar l-insolvenza korporattiva

Ir-reġimi differenti tal-insolvenza li għandhom l-Istati Membri huma wieħed mill-akbar ostakli bejn is-swieq nazzjonali, u l-investituri sikwit ikollhom jikkunsidraw settijiet differenti ta’ regoli tal-Istati Membri meta jiġu biex jivvalutaw l-opportunitajiet ta’ investiment.

Il-miżuri proposti għandhom l-għan li jarmonizzaw ċerti regoli tal-insolvenza biex iħeġġu l-investiment transfruntier madwar is-Suq Uniku kollu, inaqqsu l-ispiża tal-kapital għall-kumpaniji, u finalment jgħinu biex tinkiseb l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. B’mod ġenerali, il-benefiċċji tal-proposta mistennija jaqbżu l-€10 biljun fis-sena.

Att ġdid għall-Elenkar

Illum il-kumpaniji qed ikollhom jimxu ma’ għadd ġmielu ta’ rekwiżiti meta jiġu biex jelenkaw fis-swieq pubbliċi. Il-proposta l-ġdida timmira li ttaffi l-piż amministrattiv tal-kumpaniji ta’ kull daqs, speċjalment tal-kumpaniji żgħar ħalli jkunu jistgħu jaċċessaw il-finanzjament aktar faċilment u jiġu elenkati fil-boroż.

Il-miżuri se jkomplu jgħinu fl-approfondiment tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali għax inaqqsu l-burokrazija u l-ispejjeż żejda lill-kumpaniji, u jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-investituri u l-integrità tas-suq. Dan kollu jħajjar lill-kumpaniji biex jiġu elenkati u jibqgħu elenkati fis-swieq kapitali tal-UE. B’aċċess eħfef għas-swieq pubbliċi, il-kumpaniji se jkunu jistgħu jiddiversifikaw u jikkumplimentaw aħjar is-sorsi disponibbli tal-finanzjament, u jinfetħu opportunitajiet aktar tal-investiment għall-investituri tal-UE.

Żewġt irġiel jaqraw ktieb lil tifla żgħira.
Tifla taqra ktieb mal-ġenituri tagħha f’Berlin, il-Ġermanja, nhar it-8 ta’ Awwissu 2021.

7. Nibnu Ewropa ġusta u soċjali

Introduzzjoni

Fl-2022, l-UE kompliet taħdem lejn Ewropa newtrali għall-klima, ekoloġika, ġusta u soċjali, filwaqt li avvanzat f’bosta inizjattivi mnedija preċedentement mill-Kummissjoni Ewropea. Minkejja l-isfidi esterni li ffaċċjat l-UE, l-impenn li jittejbu l-edukazzjoni, id-drittijiet soċjali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għal kull min jgħix fl-Ewropa jibqa’ prijorità; dan jinkludi l-iżgurar li l-pagi minimi jkunu adegwati u t-titjib tal-kwalità u l-affordabbiltà tal-kura fit-tul.

It-tieni Summit Ewropew Kontra r-razziżmu laqqa’ flimkien il-mexxejja tal-UE u l-organizzazzjonijiet ta’ bażi biex jikkonsolidaw il-ħidma fuq l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni. L-attenzjoni usa’ għal kwistjonijiet ta’ ugwaljanza laħqet il-qofol tagħha fit-tħabbir tar-rebbieħa tal-ewwel Premjijiet tal-Bliet Kapitali Ewropej tal-Inklużjoni u d-Diversità. Il-Forum Ewropew inawgurali dwar l-Impjiegi u d-Drittijiet Soċjali seħħ b’diskussjonijiet li ffukaw fuq kif tista’ tinkiseb tranżizzjoni ekoloġika ġusta u inklużiva.

Ekonomija ġusta għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali

Sabiex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni lejn ekonomija u kontinent newtrali għall-klima tkun ġusta għal kulħadd, il-politiki soċjali tal-UE jridu jkunu allinjati mal-prijoritajiet ekoloġiċi u diġitali tagħha. Dawn jinkludu l-appoġġ attiv għall-opportunitajiet ta’ xogħol, l-aċċess ugwali għal edukazzjoni, taħriġ u apprendiment tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi, flimkien mal-investiment fil-protezzjoni soċjali għal dawk l-aktar vulnerabbli u t-tnaqqis tal-faqar.

Fl-2022, l-Istati Membri ppreżentaw il-miri soċjali nazzjonali tagħhom għall-2030 biex iwettqu l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Flimkien, l-impenji tagħhom ipoġġu lill-UE fit-triq it-tajba biex tilħaq jew saħansitra taqbeż il-miri ewlenin tal-UE għall-impjiegi, għall-ħiliet u għat-tnaqqis tal-faqar.

Proposta ċentrali inkluża fil-pakkett leġiżlattiv “lesti għall-mira ta’ 55 %” dwar in-newtralità klimatika (ara l-Kapitlu 2) kienet il-ħolqien ta’ Fond Soċjali għall-Klima biex jappoġġa lill-unitajiet domestiċi ekonomikament żvantaġġati, lin-negozji ż-żgħar u lill-mikrointrapriżi, u lill-utenti tat-trasport billi jindirizza l-impatt tal-ipprezzar tal-karbonju fuq iċ-ċittadini.

Sena wara l-adozzjoni tal-viżjoni fit-tul tal-UE għaż-żoni rurali, aktar minn elf organizzazzjoni – fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali – ingħaqdu fil-Patt Rurali tal-2022 ħalli l-awtoritajiet pubbliċi jiġbdu iżjed ħabel wieħed f’oqsma differenti ta’ politika u jixprunaw is-sostenibbiltà u l-vitalità soċjoekonomika taż-żoni rurali.

Il-Kummissjoni Ewropea kif qed tiġġieled id-diskriminazzjoni u tippromwovi d-diversità?

  • Bil-leġiżlazzjoni, bi strateġiji u bi pjanijiet ta’ azzjoni bħal:
    • il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE Kontra r-razziżmu 2020–2025;
    • l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020–2025;
    • l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020–2025;
    • il-Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom għal Ugwaljanza, Inklużjoni u Parteċipazzjoni 2021–2030;
    • l-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà 2021–2030;
    • il-Premju għall-Kapitali Ewropej tal-Inklużjoni u d-Diversità;
    • ix-Xahar Ewropew tad-Diversità;
    • il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
  • Taħdem id f’id mal-Istati Membri tal-UE.
  • Tipprovdi finanzjament mill-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Soċjali Ewropew Plus.
  • Tappoġġa inizjattivi volontarji bħall-Karti Ewropej tad-Diversità.

Tliet miri soċjali tal-UE sal-2030: bil-qbil tal-Istati Membri kollha

L-infografika turi t-tliet miri soċjali tal-UE għall-2030, flimkien mal-impenji tal-Istati Membri fl-oqsma tal-impjiegi, tal-ħiliet u tat-tnaqqis fil-faqar.

L-Istati Membri impenjaw ruħhom li jżidu r-rata tal-impjiegi għal mill-inqas 78.5% fost il-popolazzjoni minn 20 sa 64 sena, jiġifieri iżjed mill-mira oriġinali tal-UE ta’ mill-inqas 78%. Impenjaw ruħhom ukoll li mill-inqas 57.6% tal-adulti kollha jieħdu sehem f’xi taħriġ kull sena sal-2030, meta mqabbla mal-mira tal-UE ta’ mill-inqas 60%. L-Istati Membri impenjaw ruħhom ukoll li sal-2030 jkun hemm mill-inqas 15.6 miljun persuna inqas fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali, jiġifieri iżjed mill-mira tal-UE ta’ mill-inqas 15-il miljun.

Appoġġ għall-ħaddiema

Il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri tal-UE laħqu ftehim politiku rigward id-Direttiva dwar pagi minimi adegwati, li tistabbilixxi qafas biex jiġi żgurat li l-pagi minimi nazzjonali jkunu adatti għall-iskop tagħhom — li jipprovdu kwalità tal-ħajja deċenti għall-ħaddiema. Ir-regoli l-ġodda se jippromwovu n-negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi u se jtejbu l-aċċess effettiv tal-ħaddiema għall-protezzjoni tal-paga minima fl-UE.

Barra minn hekk, id-Direttiva dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea daħlet fis-seħħ, u tiggarantixxi aktar stabbiltà lill-ħaddiema fl-Ewropa kollha u tippermettilhom jirċievu informazzjoni f’waqtha u aktar kompluta dwar l-aspetti essenzjali tal-impjieg tagħhom, bħal pereżempju l-post tax-xogħol u r-remunerazzjoni tagħhom.

Għajnuna liż-żgħażagħ biex jaħdmu

Bħala parti mis-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022, tnediet l-inizjattiva ALMA (aspira, tgħallem, aħkem, ikseb) biex tgħin liż-żgħażagħ żvantaġġati (bejn it-18 u t-30 sena) jaċċessaw is-suq tax-xogħol bejn il-fruntieri tal-UE.

L-ALMA toffri lill-parteċipanti soġġorn sorveljat barra minn pajjiżhom għal perjodu ta’ bejn xahrejn u sitt xhur fi Stat Membru ieħor tal-UE, segwit minn taħriġ intensiv u assistenza għat-tqabbil tal-impjiegi meta jmorru lura. L-ikkowċjar u l-konsulenza huma involuti f’kull stadju. Din l-inizjattiva hija ffinanzjata taħt il-Fond Soċjali Ewropew Plus, u se tikkomplementa l-programmi eżistenti bħal Erasmus+ jew il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà billi tipprovdi għal grupp ta’ żgħażagħ mhux koperti b’dawn il-programmi.

Nicolas Schmit jitħaddet ma’ grupp ta’ persuni waqt żjara fiċ-ċentru tal-iżvilupp tal-intraprenditorija soċjali, u artista qed tagħmel xi dekorazzjonijiet tal-ħġieġ.
Il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi u d-Drittijiet Soċjali Nicolas Schmit (ir-raba’ mix-xellug), qed iżur intrapriża soċjali ffinanzjata mill-Fond Soċjali Ewropew li tħaddem il-persuni b’diżabbiltà, fi Plovdiv, il-Bulgarija, Ġunju 2022.

L-inugwaljanzi soċjali u l-qgħad huma l-akbar tħassib taż-żgħażagħ Ewropej.

88 % tal-Ewropej jidhrilhom li Ewropa soċjali hi importanti għalihom personalment.

Appoġġ għall-persuni fil-bżonn

Introjtu minimu adegwat (benefiċċji fi flus li jaġixxu bħala xibka ta’ sikurezza soċjali, differenti mill-paga minima) jgħin biex jiġi żgurat li kulħadd ikun jista’ jħallas il-kontijiet tiegħu u jgħix ħajja dinjituża. Dan huwa partikolarment importanti fi żminijiet ta’ reċessjoni ekonomika, peress li jgħin biex itaffi t-tnaqqis fl-introjtu tal-unitajiet domestiċi għal dawk l-aktar fil-bżonn u jikkontribwixxi għal tkabbir sostenibbli u inklużiv. Filwaqt li jeżistu skemi ta’ introjtu minimu fl-Istati Membri kollha, l-adegwatezza, l-ilħuq u l-effettività tagħhom fl-appoġġ għall-persuni jvarjaw b’mod sinifikanti.

Fl-2021, aktar minn
95 miljun
persuna fl-UE kienu fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali.

Madwar 20 % tal-persuni mingħajr impjieg li jinsabu fir-riskju tal-faqar mhumiex eliġibbli biex jiksbu appoġġ għall-introjtu.

Xi 30 % sa 50 %
tal-popolazzjoni eliġibbli ma ħaditx sehem fl-iskemi tal-introjtu minimu.

Ir-rakkomandazzjoni timmira li:

tħares lill-aktar persuni vulnerabbli billi tnaqqas ir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali,

tagħti inċentivi u appoġġ għar-riintegrazzjoni tal-persuni li jistgħu jerġgħu lura jaħdmu fis-suq tax-xogħol,

tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-miri tal-UE għall-impjiegi u t-tnaqqis tal-faqar sal-2030,

tiggarantixxi s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi.

Fl-2022, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar introjtu minimu adegwat biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-immodernizzar tal-iskemi tagħhom ta’ introjtu minimu u biex jagħmluhom aktar effettivi biex joħorġu lin-nies mill-faqar, filwaqt li jippromwovu l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ dawk li jistgħu jaħdmu.

Is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ

Biex turi kif it-tranżizzjoni ekoloġika u t-tranżizzjoni diġitali qed jiftħu bibien ta’ opportunitajiet għaż-żgħażagħ u biex tinkludi l-perspettiva taż-żgħażagħ fil-politiki tal-UE, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen iddikjarat uffiċjalment l-2022 bħala s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ.

Video promozzjonali dwar is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, li jippreżenta l-objettivi u t-temi ewlenin ta’ din is-sena. Video dwar gruppi differenti ta’ żgħażagħ, li jenfasizza t-temi ta’ din is-sena.
VIDEO Video dwar is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ.

B’enfasi fuq is-suġġetti li huma għal qalb iż-żgħażagħ, bħat-tibdil fil-klima u l-ambjent, l-impjiegi u s-saħħa mentali, tnediet pjattaforma immersiva msejħa “Voice your Vision” biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jħallu l-messaġġi tagħhom u jsemmgħu leħinhom dwar l-oqsma ta’ politika indirizzati mis-Sena taż-Żgħażagħ.

Johannes Hahn ma’ tnax-il żagħżugħ u żagħżugħa Ewropej waqt id-Djalogu tal-Politika taż-Żgħażagħ.
Djalogu tal-Politika taż-Żgħażagħ dwar il-finanzjament tal-prijoritajiet futuri tal-UE, mal-Kummissarju Ewropew għall-Baġit u l-Amministrazzjoni Johannes Hahn (is-sitta mil-lemin), bħala parti mis-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, fi Brussell, il-Belġju, nhar il-21 ta’ Settembru 2022.

Biex tħeġġeġ il-parteċipazzjoni attiva u l-involviment, tnediet sensiela ta’ djalogi politiċi maż-żgħażagħ ħalli ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jiddibattu mal-membri tal-Kulleġġ tal-Kummissarji. Saru wkoll għadd ta’ taħdidiet taż-żgħażagħ biex iż-żgħażagħ ikunu huma stess li jwasslu l-ideat ġodda u jħajru lil sħabhom jaqdu rwol ewlieni fil-proċess tal-bidla.

Il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ ippubblika l-opportunitajiet kollha tas-Sena taż-Żgħażagħ. Taqsima partikolari ppreżentat xi stejjer ta’ ġurnalisti żgħażagħ, u taqsima oħra dwar il-politiki taż-żgħażagħ inkludiet inizjattivi li minnhom igawdu ż-żgħażagħ direttament. Il-mappa tal-attivitajiet tal-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ ippubblikat aktar minn 8 500 attività li ġew organizzati madwar l-Ewropa u lil hinn.

Video dwar it-12-il parteċipant żagħżugħ minn madwar l-Ewropa qed jaqsmu l-ħsibijiethom dwar fuq xiex għandu jiffoka l-baġit Ewropew tal-ġejjieni.
VIDEO Djalogu tal-Politika taż-Żgħażagħ dwar il-finanzjament tal-prijoritajiet futuri tal-UE, mal-Kummissarju Ewropew għall-Baġit u l-Amministrazzjoni Johannes Hahn, bħala parti mis-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, Settembru 2022.

Edukazzjoni, taħriġ u apprendiment tul il-ħajja

Fl-2022, l-Istati Membri saħħew il-kooperazzjoni tagħhom taħt il-qafas strateġiku l-ġdid taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u mmobilizzaw finanzjament sinifikanti tal-UE għas-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ. L-inizjattiva taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni tfasslet fl-2017 u tgħin lill-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jibnu sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ aktar reżiljenti u inklużivi. Ir-rapport ta’ progress tal-2022 dwar il-kisba sal-2025 taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni jqis l-implimentazzjoni tal-inizjattivi taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, ir-riformi tal-politika u l-progress lejn il-miri fil-livell tal-UE.

Fil-qasam tal-ugwaljanza, l-ekwità, l-inklużjoni u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-Kunsill adotta rakkomandazzjonijiet dwar il-mobbiltà ta’ voluntiera żgħażagħ madwar l-UE, biex il-volontarjat isir aktar aċċessibbli għal dawk b’inqas opportunitajiet. Il-Kunsill adotta Rakkomandazzjonijiet addizzjonali dwar perkorsi għas-suċċess fl-iskola biex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskola.

L-UE riedet ukoll tagħti s-setgħa lill-universitajiet biex jipprovdu edukazzjoni u riċerka aħjar u aktar inklużivi, b’żewġ stadji importanti fl-2022: il-Komunikazzjoni dwar strateġija Ewropea għall-universitajiet u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-bini ta’ konnessjonijiet għal kooperazzjoni effettiva Ewropea fl-edukazzjoni għolja. L-objettiv kien li tiġi żviluppata dimensjoni ġenwinament Ewropea fis-settur tal-edukazzjoni għolja, mibnija fuq valuri kondiviżi. L-eċċellenza u l-inklużjoni huma karatteristiċi distintivi tal-edukazzjoni għolja Ewropea. Wara sejħa mill-mexxejja tal-UE lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jissaħħu s-sħubijiet bejn l-universitajiet, l-Inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej issa għandha 44 alleanza li jinvolvu 340 istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja f’31 pajjiż.

Flimkien mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2022 dwar approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali għall-apprendiment tul il-ħajja u għall-impjegabbiltà se tgħin biex tneħħi d-diskrepanza fil-ħiliet billi tiżgura li ċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ mill-apprendiment personalizzat u mill-perkorsi tal-karriera matul il-ħajja kollha tagħhom.

Fl-2022, tnedew l-ewwel 11-il akkademja tal-għalliema tal-Erasmus+, li jikkonsistu f’182 organizzazzjoni minn 23 pajjiż, li se jirċievu total ta’ €15-il miljun fuq tliet snin biex jipprovdu lill-għalliema b’opportunitajiet ta’ apprendiment u mobbiltà. L-edukazzjoni ekoloġika u diġitali huma wkoll kruċjali biex titlesta ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni.

Mariya Gabriel qed tagħmel diskors quddiem l-istrixxun tal-35 Anniversarju ta’ Erasmus+.
Il-Kummissarju Ewropea għall-Innovazzjoni, ir-Riċerka, il-Kultura, l-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ Mariya Gabriel, waqt il-35 anniversarju ta’ Erasmus+ fi Brussell, il-Belġju, nhar l-14 ta’ Diċembru 2022.

Lil hinn minn dan, l-UE pparteċipat fis-Summit tan-NU dwar it-Trasformazzjoni tal-Edukazzjoni, u b’hekk bagħtet sinjal politiku qawwi dwar il-ħtieġa li jitħaffu l-isforzi biex jintlaħaq l-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU dwar l-edukazzjoni ta’ kwalità. Il-President von der Leyen tħabbret bħala waħda mill-ħames promoturi globali, u l-UE mexxiet sejħiet biex jiżdied il-finanzjament globali għall-edukazzjoni.

Fl-2022, l-UE u l-Istati Membri żguraw li l-istudenti ta’ kull età jkunu jistgħu jaċċessaw l-għarfien u l-ħiliet biex jgħixu b’mod aktar sostenibbli u jlaħħqu ma’ suq tax-xogħol dejjem jinbidel fl-era diġitali. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-apprendiment favur it-tranżizzjoni ekoloġika u l-iżvilupp sostenibbli u l-Qafas Ewropew ta’ Kompetenza għat-Tibdil fil-Klima u għall-Iżvilupp Sostenibbli, flimkien mad-djalogu strutturat li għaddej bħalissa dwar l-edukazzjoni u l-ħiliet diġitali, jindirizzaw il-ħtiġijiet dejjem jikbru tal-ħiliet tal-UE għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-forza tax-xogħol tal-Ewropa tkun mgħammra bil-ħiliet it-tajbin biex issir bidla lejn ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva. F’Ġunju, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni biex jappoġġa l-ħtiġijiet ta’ taħriġ tal-adulti fl-età tax-xogħol. Ir-Rakkomandazzjoni tipproponi li l-Istati Membri jistabbilixxu “kontijiet individwali tal-apprendiment” biex itejbu l-aċċess għat-taħriġ u jżommu lill-ħaddiema fl-impjieg. L-għan huwa li jiżdied l-għadd ta’ persuni involuti fit-taħriġ kull sena.

Il-Kunsill adotta wkoll Rakkomandazzjoni dwar l-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika, li tistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri li jindirizzaw l-aspetti soċjali u tal-impjiegi tal-politiki dwar il-klima, l-enerġija u l-ambjent. Dawn il-miżuri jinkludu pakkett ta’ politika komprensiv dwar edukazzjoni, taħriġ u apprendiment tul il-ħajja ta’ kwalità, affordabbli u inklużivi, u opportunitajiet indaqs.

Il-Patt għall-Ħiliet tal-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għandu l-għan li jlaqqa’ l-organizzazzjonijiet pubbliċi u privati flimkien billi jiffaċilita l-ħolqien ta’ sħubijiet dwar il-ħiliet fuq skala kbira u jħeġġiġhom jieħdu impenji konkreti għat-titjib tal-ħiliet u għat-taħriġ mill-ġdid tal-adulti. Fl-2022, il-patt laħaq 1 000 membru li impenjaw ruħhom għal offerti konkreti ta’ taħriġ għall-ħaddiema fl-Ewropa kollha, u ġabar wegħdiet biex jgħinu fit-taħriġ ta’ sitt miljun persuna. Barra minn hekk, il-programm Erasmus+ u programmi oħra tal-UE jipprovdu finanzjament sinifikanti għal inizjattivi fil-livell tal-UE u riformi fl-edukazzjoni u t-taħriġ fil-livelli nazzjonali u lokali.

F’Ottubru, il-Kummissjoni adottat proposta li tinnomina l-2023 bħala s-Sena Ewropea tal-Ħiliet. Flimkien mal-appoġġ tal-Parlament Ewropew, l-Istati Membri, u l-atturi pubbliċi u privati, din se tagħti ħajja ġdida lill-apprendiment tul il-ħajja fl-UE, se jgħin lin-nies jiksbu l-ħiliet it-tajba għal impjiegi ta’ kwalità u se jippermetti lill-kumpaniji jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħiliet tagħhom. Biex jiġi sfruttat aktar il-potenzjal sħiħ tal-forza tax-xogħol Ewropea, se jkun hemm aktar enfasi fuq in-nisa, iż-żgħażagħ u dawk il-persuni barra mill-edukazzjoni, mill-impjieg jew mit-taħriġ.

It-tisħiħ tal-miżuri għal unjoni ta’ ugwaljanza

Fl-2022, il-Kummissjoni Ewropea kompliet timplimenta l-firxa wiesgħa tagħha ta’ strateġiji ta’ ugwaljanza, li jolqtu l-ġeneru (inkluż paga ugwali), il-ġlieda kontra r-razziżmu, l-anti-Semitiżmu, id-diskriminazzjoni kontra r-Rom, il-komunità LGBTIQ u d-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà.

Ugwaljanza bejn il-ġeneri

Ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2022 dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fl-UE jqis l-inizjattivi ewlenin għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel f’dawn l-aħħar 12-il xahar fl-oqsma ewlenin tal-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020–2025.

F’Ġunju 2022 sar ftehim storiku dwar il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-kumpaniji tal-UE bid-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn is-Sessi fuq il-Bordijiet segwit minn approvazzjoni sħiħa mill-Parlament Ewropew. Il-kumpaniji tal-UE elenkati fil-Boroż tal-UE huma obbligati li jirċievu sehem ta’ 40 % tas-sess sottorappreżentat fost id-diretturi mhux eżekuttivi u 33 % fost id-diretturi kollha. Id-Direttiva timponi wkoll proċeduri ta’ ħatra ċari u trasparenti.

F’Diċembru, il-Parlament u l-Kunsill laħqu ftehim politiku dwar miżuri ta’ trasparenza fil-pagi, wara proposta mill-Kummissjoni fl-2021. Ir-regoli l-ġodda se jipprovdu aktar trasparenza u infurzar effettiv tal-prinċipju ta’ paga ugwali bejn in-nisa u l-irġiel, u se jtejbu l-aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi tad-diskriminazzjoni fil-paga.

żieda sa
26 %

Fid-dinja hemm il-potenzjal ta’ żieda sa 26 % fit-tkabbir għal min jirnexxilu jnaqqas id-distakk bejn il-ġeneri.

1 minn kull 5

Mill-inqas 1 minn kull 5 millenjali qed iħossuhom diskriminati dejjem jew sikwit, minħabba xi aspett tal-isfond tagħhom. Ir-razza u l-etniċità kienu l-aktar fatturi msemmija.

Ninvestu fin-nisa u fit-tfajliet fl-UE u madwar id-dinja

  • L-ugwaljanza bejn il-ġeneri hi element ewlieni tal-baġit il-ġdid tal-UE, ta’ NextGenerationEU u tal-finanzjament għall-azzjoni esterna tal-UE.
  • Fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri hemm iżjed minn 100 inizjattiva differenti dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.
  • Il-Programm tal-UE dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri alloka €1.55 biljun għall-perjodu 2021–2027.
  • L-Inizjattiva globali “Spotlight” tal-UE u l-UN allokat €500 miljun.
  • 85 % tal-inizjattivi tal-Istrument tal-Viċinat, tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u tal-Kooperazzjoni Internazzjonali se jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

Il-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru

Fil-Jum Internazzjonali tan-Nisa f’Marzu 2022, il-Kummissjoni pproponiet regoli għall-UE kollha biex tiġġieled kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. Id-Direttiva proposta tikkriminalizza l-istupru abbażi ta’ nuqqas ta’ kunsens, il-mutilazzjoni ġenitali femminili u l-vjolenza ċibernetika, li tinkludi l-kondiviżjoni mhux kunsenswali ta’ immaġnijiet intimi, is-cyberstalking, il-fastidju online u l-inċitament online għall-vjolenza jew il-mibegħda.

Ir-regoli proposti jsaħħu l-aċċess tal-vittmi għall-ġustizzja u jħeġġu lill-Istati Membri jimplimentaw mekkaniżmu ta’ punt uniku ta’ servizz, li jfisser li s-servizzi kollha ta’ appoġġ u protezzjoni jkunu jinsabu fl-istess post.

Ir-regoli jiddikjaraw ukoll li l-vittmi għandhom ikunu jistgħu jitolbu kumpens matul il-proċedimenti kriminali. Il-proposta tappella għal protezzjoni u appoġġ adegwati, bħal pereżempju helplines bla ħlas u ċentri ta’ kriżi ta’ stupru, u tipprovdi appoġġ immirat għall-gruppi li għandhom ħtiġijiet speċifiċi jew li jinsabu f’riskju, inklużi n-nisa li qed jaħarbu minn kunflitt armat.

UE li tieħu ħsieb

Kulħadd għandu d-dritt għal servizzi ta’ indukrar affordabbli: mill-indukrar bikri tat-tfal u l-edukazzjoni għall-indukrar fid-djar u s-servizzi bbażati fil-komunità. Il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni bikrija tat-tfal għandha impatt pożittiv fuq l-iżvilupp tat-tfal u tgħin biex jitnaqqas ir-riskju tal-esklużjoni soċjali u l-faqar, anke aktar tard fil-ħajja. L-indukrar fit-tul jagħti s-setgħa lill-persuni, li minħabba x-xjuħija, il-mard jew id-diżabbiltà jiddependu fuq l-għajnuna għall-attivitajiet ta’ kuljum, biex jibqa’ jkollhom l-awtonomija tagħhom u jgħixu b’dinjità. Madankollu, għal ħafna nies dawn is-servizzi għadhom mhumiex affordabbli, disponibbli jew aċċessibbli.

Fl-2022, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija Ewropea dwar l-Indukrar. L-istrateġija tikkontribwixxi għall-benesseri ta’ dawk li jirċievu l-indukrar, għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri u għall-ġustizzja soċjali. Dan il-pjan ambizzjuż għandu l-għan li jsaħħaħ l-aċċess għall-indukrar fit-tul affordabbli u ta’ kwalità għolja u jirrevedi l-miri dwar l-edukazzjoni u l-indukrar bikrija tat-tfal stabbiliti mill-Kunsill f’Barċellona (Spanja), kif previst fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

L-investiment fl-indukrar huwa importanti biex jiġu attirati u miżmuma t-talenti fis-settur tal-indukrar, li spiss huwa kkaratterizzat minn kundizzjonijiet tax-xogħol diffiċli u pagi baxxi, u biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ ħaddiema u jiġi ssodisfat il-potenzjal ekonomiku u tal-ħolqien tal-impjiegi tas-settur. Dan l-investiment se jtejjeb ukoll il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Peress li n-nisa għadhom iġorru l-piż ewlieni tar-responsabbiltajiet tal-indukrar, b’90 % tal-forza tax-xogħol tal-indukrar formali li huma nisa, u 7.7 miljun mara barra mill-impjieg minħabba responsabbiltajiet tal-indukrar, settur tal-indukrar effiċjenti jista’ jpatti għall-inugwaljanzi kontinwi bejn il-ġeneri bħad-differenzi fil-pagi u fil-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa.

Biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet, il-Kummissjoni qed tipproponi miżuri konkreti biex tappoġġa lill-Istati Membri fiż-żieda tal-aċċess għal servizzi tal-indukrar ta’ kwalità għolja u affordabbli, filwaqt li ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-indokraturi.

Minn Awwissu 2022, l-Istati Membri kollha kienu obbligati jibdew japplikaw ir-regoli l-ġodda tal-UE dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

Kważi 90 % tal-ħaddiema tal-kura formali huma nisa.

7.7 miljun mara mhumiex fis-suq tax-xogħol biex ikunu jistgħu jerfgħu responsabbiltajiet tal-kura mingħajr ħlas.

L-investiment fil-kura jista’ jiġġenera 13.6 miljun impjieg addizzjonali fl-UE sal-2030.

Fl-2019, 27 % biss tat-tfal fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali kisbu edukazzjoni u kura bikrija, meta mqabbla mal-35 % għall-popolazzjoni ġenerali tat-tfal.

Madwar terz tal-familji bi ħtiġijiet tal-kura fit-tul ma jużawx is-servizzi tal-kura fid-djar għax ma jifilħux iħallsu għalihom.

Stampi © Adobe Stock


L-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020–2025

L-UE ħarġet Linji gwida ġodda għal strateġiji u pjanijiet ta’ azzjoni biex tissaħħaħ l-ugwaljanza tal-LGBTIQ, li jgħinu lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri biex tiġi żgurata l-ugwaljanza tal-komunitajiet LGBTIQ tagħhom. Il-linji gwida jinkludu l-istabbiliment ta’ miri ċari għall-promozzjoni tal-ugwaljanza filwaqt li jiffokaw fuq l-aktar membri vulnerabbli tal-komunità LGBTIQ u jiżguraw il-protezzjoni tagħhom permezz ta’ perkorsi legali effettivi.

Il-Kummissjoni adottat ukoll proposta biex tarmonizza r-rikonoxximent tal-paternità fl-Istati Membri kollha, u tipproteġi d-drittijiet fundamentali tat-tfal u tipprovdi ċertezza tad-dritt għall-familji (ara l-Kapitlu 5).

Helena Dalli waqt il-pride march wara l-istrixxun bis-slogan “#UE għal kulħadd” miktub biċ-Ċirilliku Serb fuq il-kuluri tal-qawsalla.
Il-Kummissarju Ewropea għall-Ugwaljanza Helena Dalli (it-tielet mix-xellug) tattendi t-30 anniversarju tal-EuroPride, f’Belgrad, is-Serbja, nhar is-16 ta’ Settembru 2022.

Strateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà 2021–2030

Il-persuni b’diżabbiltà għandhom id-dritt għal parteċipazzjoni sħiħa fl-oqsma kollha tal-ħajja, kif għandu kulħadd. Minkejja l-progress f’xi oqsma, għad fadal ħafna ostakli. Nofs biss tal-persuni b’diżabbiltà huma impjegati meta mqabbla ma’ tlieta minn kull erba’ persuni mingħajr diżabbiltà. Fl-2021, 29.7 % tal-popolazzjoni tal-UE ta’ 16-il sena jew aktar b’diżabbiltà (limitazzjoni fl-attività) kienet f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, filwaqt li ċ-ċifra għal dawk mingħajr diżabbiltà kienet biss ta’ 18.8 %.

Fl-2022, il-Kummissjoni ppubblikat qafas ta’ monitoraġġ fejn in-nies jistgħu jsegwu l-progress li qed isir f’kull waħda mill-64 azzjoni tal-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà 2021–2030. Diġà twettqu żewġ inizjattivi ewlenin tal-istrateġija: l-istabbiliment tal-Pjattaforma tal-Persuni b’Diżabbiltà, fejn l-Istati Membri tal-UE, is-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet jaħdmu flimkien biex l-għanijiet tal-istrateġija jsiru realtà, u t-tiġdid tal-Istrateġija dwar ir-Riżorsi Umani għall-Kummissjoni Ewropea, b’miżuri li jippromwovu d-diversità u l-inklużjoni tal-persuni b’diżabbiltà.

Il-Pakkett dwar l-Impjiegi tal-Persuni b’Diżabbiltà, li għandu l-għan li jtejjeb l-eżiti tas-suq tax-xogħol tal-persuni b’diżabbiltà, tnieda f’Settembru. Il-pakkett se jgħin fl-iżvilupp ta’ politiki nazzjonali li jinvolvu l-persuni b’diżabbiltà fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

Fil-Konferenza tal-Jum Ewropew għall-Persuni b’Diżabbiltà, organizzata mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Forum Ewropew dwar il-Persuni b’Diżabbiltà, il-Viċi President għall-Valuri u t-Trasparenza, Věra Jourová, u l-Kummissarju għall-Ugwaljanza, Helena Dalli, ippreżentaw il-Premjijiet għall-Bliet Aċċessibbli tal-2023, li ppremjaw il-bliet li għamlu sforz biex itejbu l-aċċessibbiltà u l-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà. Skellefteå (l-Iżvezja), rebħet għall-approċċ innovattiv u l-impenn fit-tul tagħha għal aċċessibbiltà mtejba fl-ispazji pubbliċi u fl-infrastruttura tat-trasport.

Il-Pjattaforma tad-Diżabbiltà tal-UE tipprovdi lok ieħor biex il-partijiet ikkonċernati rilevanti jkunu jistgħu jaqsmu l-esperjenzi u l-prattiki tajbin, jitgħallmu mingħand xulxin u jikkollaboraw.

Persuna għamja nieżla t-taraġ b’bastun abjad ma’ kelb tas-servizz golden retriever.

© Adobe Stock

Unjoni Ewropea verament kontra r-razziżmu

F’Marzu 2022, bħala parti mill-miżuri tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE Kontra r-razziżmu 2020–2025, il-Kummissjoni organizzat it-tieni Summit Ewropew Kontra r-razziżmu flimkien mal-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, is-soċjetà ċivili, il-korpi tal-ugwaljanza u l-organizzazzjonijiet ta’ bażi. Mit-tnedija tal-pjan ta’ azzjoni, l-Istati Membri ntalbu jiżviluppaw pjanijiet nazzjonali kontra r-razziżmu. Is-summit kien opportunità biex jiġi diskuss il-progress li sar fl-implimentazzjoni tagħhom, b’mod partikolari l-prinċipji gwida komuni biex jiġu appoġġati t-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali kontra r-razziżmu.

Il-Kummissjoni ħadmet ukoll mal-Istati Membri fuq rapport ta’ valutazzjoni tal-oqfsa strateġiċi nazzjonali tagħhom għar-Rom bħala segwitu għall-Qafas Strateġiku l-ġdid tal-UE dwar ir-Rom għall-Ugwaljanza, għall-Inklużjoni u għall-Parteċipazzjoni, li janalizza l-impenji meħuda mill-Istati Membri u li jipprovdi gwida għal kwalunkwe titjib meħtieġ.

L-UE kompliet il-ħidma tagħha fil-ġlieda kontra r-reati ta’ mibegħda razzisti u ksenofobiċi u d-diskors ta’ mibegħda, u fl-iżgurar ta’ traspożizzjoni u implimentazzjoni xierqa tad-Deċiżjoni Qafas dwar il-Ġlieda kontra r-Reati ta’ Mibegħda u d-Diskors ta’ Mibegħda permezz tal-Liġi Kriminali, inkluż permezz ta’ proċeduri ta’ ksur.

Il-ġlieda kontra l-anti-Semitiżmu

Il-Kummissjoni bdiet l-implimentazzjoni tal-ewwel Strateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Anti-Semitiżmu u s-Sostenn tal-Ħajja Lhudija 2021–2030. Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-anti-Semitiżmu f’Marzu 2022 u stieden lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji nazzjonali kontra l-anti-Semitiżmu sa tmiem l-2022. L-Istati Membri ġew mistiedna wkoll jużaw id-definizzjonijiet operattivi mhux legalment vinkolanti tal-anti-Semitiżmu u taċ-ċaħda u d-distorsjoni tal-Olokawstu adottati mill-Alleanza Internazzjonali għat-Tfakkir tal-Olokawstu.

L-ewwel premjijiet tal-UE għad-diversità

F’April 2022, il-Kummissjoni ħabbret ir-rebbieħa tal-ewwel Premjijiet tal-Bliet Kapitali Ewropej tal-Inklużjoni u d-Diversità, li għandhom l-għan jiġbdu l-attenzjoni lejn l-irħula, il-bliet u r-reġjuni fl-UE kollha li jmexxu bl-eżempju fil-politiki inklużivi. Ir-rebbieħa, mifruxa f’ħames Stati Membri, ġew iċċelebrati għall-ħidma tagħhom fil-bini ta’ soċjetajiet aktar ġusti permezz tal-promozzjoni tad-diversità u l-inklużjoni f’termini ta’ sess, oriġini razzjali u etnika, reliġjon u twemmin, diżabbiltà, età, drittijiet LGBTIQ u integrazzjoni tar-Rom.

Imnedija fi ħdan il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-Ġlieda kontra r-razziżmu 2020–2025, il-Premjijiet Annwali tal-Bliet Kapitali Ewropej tal-Inklużjoni u d-Diversità huma parti mill-ħidma tal-Kummissjoni lejn il-kisba ta’ unjoni vera ta’ ugwaljanza, u r-rebbieħa tħabbru matul ix-Xahar Ewropew tad-Diversità tal-2022. It-tema kienet “Nibnu pontijiet”, u r-rappreżentanti min-negozji, mid-dinja akkademika, mill-organizzazzjonijiet mhux governattivi u mill-Kummissjoni Ewropea ddiskutew kif jistgħu jibnu postijiet tax-xogħol inklużivi u joħolqu politiki effettivi u intersezzjonali dwar l-inklużjoni u d-diversità li jindirizzaw diversi oqsma ta’ diskriminazzjoni f’daqqa.

Video bit-tweġibiet tar-rebbieħa dwar il-premju u dwar id-diversità u l-inklużjoni b’mod ġenerali.
VIDEO Ir-rebbieħa tal-ewwel Premju tal-Kapitali Ewropej tal-Inklużjoni u d-Diversità qed jispjegaw l-impatti lokali tal-premju, x’jimmotivahom, u l-benefiċċji ġenerali ta’ Ewropa aktar ugwali u inklużiva.
Erba’ ħaddiema tal-protezzjoni ċivili u tal-għajnuna umanitarja tal-UE lebsin l-uniformi fl-uffiċċju qed iħarsu lejn skrin kbir b’diversi mapep.
Uffiċjali miċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Rispons f’każ ta’ Emerġenza qed jikkoordinaw l-għajnuna lill-pajjiżi milquta minn diżastri, fi Brussell, il-Belġju, nhar l-4 ta’ Mejju 2022.

8. Promozzjoni tal-interessi u tal-valuri Ewropej fid-dinja

Introduzzjoni

F’sena ta’ inċertezza dejjem akbar, l-UE baqgħet mutur tal-multilateraliżmu u kienet fit-tmun tar-rispons għall-isfidi globali, billi mexxiet politika ambizzjuża tal-viċinat, uriet is-solidarjetà u żviluppat sħubijiet komprensivi biex tiżgura u tippromwovi l-paċi, l-istabbiltà, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja.

Magħquda u ddeterminati fir-rispons tagħhom għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-kriżijiet tal-ikel u tal-enerġija li rriżultaw minnha, l-UE u l-Istati Membri tagħha pprovdew għajnuna umanitarja, assistenza ta’ emerġenza u appoġġ finanzjarju, operazzjonali u militari lill-Ukrajna (ara l-Kapitlu 1).

L-Istati Membri tal-UE affermaw mill-ġdid ukoll l-impenn tagħhom li jerfgħu responsabbiltà akbar għas-sigurtà u d-difiża Ewropea, b’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab internazzjonali, biex jipproteġu l-interessi u l-valuri komuni.

Sigurtà u difiża

Il-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern quddiem il-Palazz ta’ Versailles.
Laqgħa informali tal-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern, f’Versailles, Franza, nhar il-11 ta’ Marzu 2022. © Judith Litvine / il-Ministeru Franċiża għall-Ewropa u l-Affarijiet Barranin

Sabiex itejjeb il-kapaċità tal-UE li tipproteġi ċ-ċittadini, il-valuri u l-interessi tagħha u tikkontribwixxi għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali, il-Kunsill adotta Boxxla Strateġika, li l-mexxejja tal-UE approvaw f’Marzu 2022. Skont id-direzzjoni stabbilita mid-Dikjarazzjoni ta’ Versailles, din għandha l-għan li żżid l-investiment, tisfrutta t-teknoloġiji innovattivi u kritiċi, u tibni suq Ewropew tad-difiża iktar integrat u kompetittiv. Il-pjan hu li jiżdied il-baġit tad-difiża tal-UE u li tittejjeb il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-kapaċitajiet u l-istandardizzazzjoni tat-tagħmir.

Il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO tibqa’ pilastru integrali tal-istabbiltà u tas-sigurtà Ewropea. Fl-2022, żewġ Stati Membri oħra tal-UE, il-Finlandja u l-Iżvezja, applikaw biex jissieħbu fin-NATO u abbandunaw il-pożizzjoni dejjiema tagħhom ta’ nonallinjament militari.

F’din is-sena wkoll, id-Danimarka ngħaqdet mas-26 Stat Membru l-ieħor fil-Politika tas-Sigurtà u tad-Difiża Komuni, u b’hekk kompliet tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE li jkollha rwol minn ta’ quddiem fl-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi, fil-prevenzjoni tal-kunflitti u fit-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali.

L-effetti fit-tul probabbli tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna (ara l-Kapitlu 1) fuq l-ordni tas-sigurtà Ewropea u globali kienu jeżiġu kooperazzjoni ferm iktar mill-qrib mas-sħab bħan-Nazzjonijiet Uniti, in-NATO, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, l-Unjoni Afrikana u l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN).

L-infografika turi l-objettivi ewlenin tal-Boxxla Strateġika tal-UE.

Peress li l-inċertezzi fl-ordni dinji jeħtieġu analiżi tat-theddid, il-Kunsill adotta l-Boxxla Strateġika tal-UE. L-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni tagħha jistrieħu fuq erba’ pilastri ewlenin: l-għaqda kontra t-theddid komuni, l-azzjoni malajr u deċiżiva fi żminijiet ta’ kriżi, l-investiment fil-kapaċitajiet u fit-teknoloġiji, u s-sigurtà mit-theddid u l-protezzjoni taċ-ċittadini tal-UE.

Il-Faċilità Ewropea għall-Paċi pprovdiet tagħmir militari u infrastruttura tas-sigurtà lill-forzi armati Ukreni, u b’hekk ħalliet marka deċiżiva fl-appoġġ għad-difiża tal-Ukrajna. Din kienet l-ewwel darba fl-istorja tagħha li l-UE pprovdiet tagħmir letali lil pajjiż biex jiddefendi ruħu minn aggressjoni. Permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi, l-UE appoġġat ukoll lill-pajjiżi sħab permezz ta’ miżuri ta’ assistenza, bħal fil-Moldova, fil-Mozambique, fin-Niġer, fis-Somalja u fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, u appoġġat lill-Unjoni Afrikana.

L-UE nediet ukoll il-Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-UE b’appoġġ għall-Ukrajna biex issaħħaħ il-kapaċità tal-forzi armati Ukreni sabiex jiddefendu l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment, u sabiex jiskoraġġixxu u jirrispondu għall-mossi offensivi militari futuri possibbli mir-Russja u minn aggressuri potenzjali oħra.

Josep Borrell b’ġakketta militari fost is-servizzjanti.
Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli minn “Ewropa Aktar b’Saħħitha fid-Dinja” Josep Borrell (fin-nofs), waqt id-29 Kunsill Ministerjali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, f’Łódź, il-Polonja, nhar l-1 ta’ Diċembru 2022.

L-UE u l-Istati Membri tagħha mmobilizzaw malajr il-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali biex jiżguraw viġilanza kontra l-kriminali li jieħdu vantaġġ mill-aggressjoni militari attwali fl-Ukrajna. Fil-Moldova ġie stabbilit Ċentru ta’ Appoġġ tal-UE għas-Sigurtà Interna u l-Ġestjoni tal-Fruntieri.

L-UE pprovdiet appoġġ operazzjonali u finanzjarju sħiħ lill-iktar pajjiżi esposti (ara l-Kapitlu 1). L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (il-Frontex) qed toffri appoġġ fil-fruntieri tal-UE mar-Russja u l-Ukrajna biex tassisti lill-awtoritajiet lokali ħalli jlaħħqu mal-wasliet ta’ għadd kbir ta’ refuġjati. Anke l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (il-Europol) hija preżenti fil-post u qed taħdem mill-qrib mal-Istati Membri kollha għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra r-reati, bħat-traffikar tal-bnedmin, it-traffikar tal-armi tan-nar, il-ħasil tal-flus u l-isfruttament tal-ħaddiema.

€1 biljun

ġew mobilizzati mill-Fond Ewropew għad-Difiża fl-2022 biex jissaħħu l-kapaċitajiet tad-difiża tal-UE u jinħolqu għodod ġodda għall-innovazzjoni fid-difiża.

€1.2 biljun

għal 61 proġett tar-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tad-difiża industrijali (bl-appoġġ ta’ xi 700 kumpanija) magħżula bħala parti mill-Fond Ewropew għad-Difiża fl-2021.

€2 biljun

investiment imħabbar fl-Iskema tal-UE għall-Innovazzjoni fid-Difiża (*).

(*) Tinkludi baġit mill-Fond Ewropew għad-Difiża (€1.46 biljun), flimkien ma’ kofinanzjament tal-Istati Membri (€90 miljun) u ingranaġġ mistenni ta’ €400 miljun sa €500 miljun mingħand sorsi pubbliċi u privati oħra.

€500 miljun

strument ġdid għall-immedjat li ġie propost mir-Regolament li jistabbilixxi l-Att dwar it-Tisħiħ tal-Industrija tad-Difiża Ewropea permezz tal-Att dwar l-Akkwist Komuni, u li jinċentiva lill-Istati Membri jwettqu akkwist komuni tal-prodotti tad-difiża urġenti u kritiċi mingħand l-industrija tal-UE.

€3.1 biljun

għal tagħmir u provvisti mogħtija mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi.

Nota: Din l-infografika turi l-programmi attwali u futuri.

Politika tal-viċinat u negozjati għat-tkabbir

Il-Balkani tal-Punent u t-Turkija

L-UE baqgħet impenjata għall-perspettiva Ewropea tar-reġjun u f’Lulju fetħet negozjati mal-Maċedonja ta’ Fuq u l-Albanija. Tat ukoll status ta’ kandidat lill-Bożnija-Ħerzegovina f’Diċembru.

Il-Pakkett tat-Tkabbir tal-2022 kien jinkludi ħarsa ġenerali dettaljata lejn l-implimentazzjoni tal-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent ta’ €30 biljun, bħala parti mill-istrateġija tal-Global Gateway (ara hawn taħt). Dan għandu l-għan li jnaqqas id-distakk soċjoekonomiku apparenti bejn l-UE u r-reġjun, u jtejjeb is-sigurtà tal-enerġija tar-reġjun.

Il-Kummissjoni Ewropea kkonfermat ir-rakkomandazzjoni tagħha li jitneħħa r-reġim tal-viża għall-Kosovo (din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244/1999 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo). Fil-qafas tan-negozjati tal-adeżjoni mal-UE mal-Montenegro u mas-Serbja, l-UE żammet id-djalogu regolari tagħha maż-żewġ pajjiżi kemm fil-livell politiku kif ukoll fil-livell tekniku.

Fis-6 ta’ Diċembru sar l-ewwel Summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent f’Tirana (l-Albanija) u dan kien opportunità importanti biex tiġi kkonfermata mill-ġdid il-perspettiva tal-adeżjoni tas-sħab tal-Balkani tal-Punent. Il-Kummissjoni ħabbret il-Pakkett ta’ Appoġġ għall-Enerġija, li jikkonsisti minn €1 biljun f’għotjiet biex jgħinu lill-Balkani tal-Punent jiffaċċjaw il-kriżi tal-enerġija u jippromwovu t-tranżizzjoni tagħhom lejn enerġija nadifa. Is-Summit laqa’ wkoll dikjarazzjoni konġunta mill-operaturi tat-telekomunikazzjoni tal-UE u tal-Balkani tal-Punent dwar it-tnaqqis futur fil-kostijiet tar-roaming bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent u impenn dwar l-allinjament mal-politika tal-UE dwar il-viżi.

Petr Fiala, Dimitar Kovačevski, Edi Rama u Ursula von der Leyen jieħdu b’idejn xulxin bi tbissima.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen (l-ewwel mil-lemin) qed tilqa’ (mix-xellug għal-lemin) lill-Prim Ministru taċ-Ċekja Petr Fiala, lill-Prim Ministru tal-Maċedonja ta’ Fuq Dimitar Kovačevski, u lill-Prim Ministru tal-Albanija Edi Rama, fi Brussell, il-Belġju, nhar id-19 ta’ Lulju 2022.

L-UE kompliet id-djalogu ta’ livell għoli tagħha mat-Turkija f’ċerti oqsma ta’ tħassib komuni, b’mod partikolari t-tibdil fil-klima u l-migrazzjoni. Kompla wkoll l-impenn intensiv fir-rigward tal-kummerċ.

Għajnuna finanzjarja lill-Balkani tal-Punent u lit-Turkija

€500 miljun

appoġġ baġitarju urġenti lill-Balkani tal-Punent biex jiġi indirizzat l-effett tal-kriżi tal-enerġija.

€1.8 biljun

adottati bħala għotjiet permezz tal-Qafas ta’ Investiment tal-Balkani tal-Punent għal 40 proġett ewlieni tal-investiment fl-oqsma tat-trasport, l-enerġija, l-ambjent, il-qasam diġitali, is-settur privat u l-kapital uman. Minn dawn, €500 miljun jintużaw bħala parti mill-pakkett ta’ appoġġ għall-enerġija.

L-ingranaġġ ta’ investiment totali ta’ €5.7 biljun.

€990 miljun

f’programmi tal-iżvilupp rurali permezz tal- Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni għall-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, l-Albanija, is-Serbja u t-Turkija.

Mistennija jiġġeneraw investiment ta’ aktar minn €2 biljun fiż-żoni rurali tal-Balkani tal- Punent u tat-Turkija.

Sħubija tal-Lvant

Wara d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew f’Ġunju 2022, l-UE tat status ta’ kandidat lill-Moldova u lill-Ukrajna, u perspettiva Ewropea lill-Georgia.

L-UE kompliet timplimenta l-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment ambizzjuż tagħha, bħala parti mill-istrateġija tal-Global Gateway (ara hawn taħt), fir-reġjun kollu tas-Sħubija tal-Lvant sabiex tappoġġa lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju u lit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

Ursula von der Leyen u Volodymyr Zelenskyy jieħdu b’idejn xulxin bi tbissima quddiem il-bnadar tal-Ukrajna u tal-UE.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen (fuq ix-xellug), u l-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy, fi Kyiv, l-Ukrajna, nhar it-8 ta’ April 2022.

Għas-sħab tal-Lvant, l-UE qed tinvesti €2.3 biljun biex tistimola investimenti sa €17-il biljun fis-setturi kollha. Dawn jinkludu proġetti tal-konnettività diġitali, bħat-tqegħid ta’ kejbil tal-fibrottika taħt il-Baħar l-Iswed u l-iżvilupp ta’ infrastruttura tal-broadband b’veloċità għolja. Ir-rotot tat-trasport tan-nies u tal-oġġetti bejn ir-reġjun tal-Kawkasu u l-UE huma prijorità wkoll.

L-iffirmar tal-Memorandum ta’ Qbil dwar l-enerġija mal-Ażerbajġan saħħaħ is-sigurtà tal-enerġija tal-UE u t-tranżizzjoni ekoloġika tal-Ażerbajġan.

Maia Sandu u Olivér Várhelyi jieħdu b’idejn xulxin quddiem il-bandiera Moldovana u l-bandiera Ewropea.
Il-President tal-Moldova Maia Sandu (fuq ix-xellug), u l-Kummissarju Ewropew għall-Viċinat u t-Tkabbir Olivér Várhelyi, fi Brussell, il-Belġju, nhar it-18 ta’ Mejju 2022.

Wara l-elezzjonijiet presidenzjali frawdolenti fil-Belarussja fl-2020 u l-involviment tar-reġim fil-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-UE żiedet is-sanzjonijiet tagħha kontra r-reġim tal-Belarussja. Madankollu, l-UE qed tkompli toffri appoġġ u solidarjetà lill-poplu tal-Belarussja, kemm fil-pajjiż kif ukoll fl-eżilju.

Viċinat tan-Nofsinhar

L-implimentazzjoni tal-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Viċinat tan-Nofsinhar, bħala parti mill-istrateġija tal-Global Gateway (ara hawn taħt), tinsab fi stadju avvanzat, u ssawru proġetti importanti fl-oqsma ta’ prijorità tat-tranżizzjoni ekoloġika u r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima. Fl-2022, ġew impenjati €30 biljun għal investiment fil-Viċinat tan-Nofsinhar, l-iktar fl-infrastruttura tal-enerġija rinnovabbli.

F’Novembru, l-UE u l-Eġittu intensifikaw il-kooperazzjoni tagħhom fit-tranżizzjoni lejn l-enerġija nadifa billi ffirmaw memorandum ta’ qbil rigward sħubija strateġika dwar l-idroġenu rinnovabbli.

Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna kkawżat diversi effetti avversi fil-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar, b’mod partikolari fost dawk dipendenti strutturalment fuq l-importazzjoni tal-ikel u dawk li ġa kellhom kundizzjonijiet soċjoekonomiċi deterjorati li rriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19.

Il-Kummissjoni appoġġat ir-reżiljenza tal-pajjiżi sħab permezz ta’ programmi li jindirizzaw kwistjonijiet bħall-irkupru ekonomiku, il-protezzjoni soċjali, il-ħolqien tal-impjiegi u l-agrikoltura. €225 miljun ta’ appoġġ mill-UE ġew allokati għall-Viċinat tan-Nofsinhar permezz tal-Faċilità tal-Ikel u r-Reżiljenza, sabiex jittaffew l-effetti tal-kriżijiet tal-ikel emerġenti potenzjali kkawżati minn dipendenza kbira fuq l-importazzjoni tal-ikel imfixkla mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna (ara “Sigurtà tal-ikel” hawn taħt).

Sħubijiet internazzjonali u għajnuna umanitarja

Il-Global Gateway

Fl-2022, l-UE ħadmet fuq l-introduzzjoni tal-offerta pożittiva u sostenibbli tagħha biex tiffinanzja l-investimenti, l-istrateġija tal-Global Gateway. Din ġiet varata lejn l-aħħar tal-2021 biex tappoġġa investiment kbir fi proġetti ta’ infrastruttura fiżika u virtwali, u għandha l-għan li tagħti spinta lill-kollegamenti intelliġenti, nodfa u siguri fis-settur diġitali, tal-enerġija u tat-trasport, u li ssaħħaħ is-sistemi tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tar-riċerka.

L-UE, l-Istati Membri tagħha, il-banek tal-iżvilupp u l-istituzzjonijiet finanzjarji segwew approċċ ta’ “Tim Ewropa” u qablu li jikkontribwixxu għall-mobilizzazzjoni ta’ €300 biljun sal-2027 biex jinvestu fil-pajjiżi sħab. L-ewwel pakkett kbir ta’ investimenti bejn l-Afrika u l-Ewropa tal-Global Gateway ta’ €150 biljun ġie varat fi Frar fis-Summit bejn l-UE u l-Unjoni Afrikana.

Ursula von der Leyen, Joe Biden u Joko Widodo waqt konferenza.
Mix-xellug għal-lemin: Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, il-President tal-Istati Uniti Joe Biden u l-President tal-Indoneżja Joko Widodo waqt is-summit tal-G20 f’Bali, l-Indoneżja, nhar is-16 ta’ Novembru 2022. Fil-marġini tas-Summit, ittella’ avveniment ta’ livell għoli biex jistħarreġ il-qagħda attwali wara l-ewwel sena tal-implimentazzjoni tas-Sħubija għall-Infrastruttura u l-Investiment Dinji. Is-sħubija hi sforz kollaborattiv tal-G7 biex jiffinanzja proġetti tal-infrastruttura fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Fl-ewwel sena tal-implimentazzjoni tagħha saru investimenti ewlenin biex tingħata spinta lill-konnettività diġitali permezz ta’ kejbils tad-data taħt l-ilma u konnessjonijiet terrestri bejn l-UE u s-sħab tagħha, biex tiżdied il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli permezz ta’ investimenti fl-impjanti solari u fil-parks eoliċi u biex jiżdiedu l-aċċess għall-vaċċini, għall-mediċini u għat-teknoloġiji tas-saħħa, u l-kapaċità tal-manifattura tagħhom.

B’approċċ ta’ “Tim Ewropa”, l-UE u l-Istati Membri tagħha għadhom il-fornituri ewlenin tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp madwar id-dinja, b’€71.6 biljun fl-2021 (l-aħħar data disponibbli), li jirrappreżentaw 41 % tal-assistenza globali. Flimkien jikkontribwixxu wkoll iktar minn nofs l-għajnuna globali kollha għall-edukazzjoni, filwaqt li jappoġġaw is-settur tal-edukazzjoni f’iktar minn 100 pajjiż madwar id-dinja. L-UE tibqa’ fuq quddiem nett fl-isforzi biex titwettaq l-Aġenda 2030 tan-NU u jintlaħqu l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli tagħha.

Tedros Adhanom Ghebreyesus u Jutta Urpilainen qed jiffirmaw ftehim quddiem il-bandiera tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-bandiera Ewropea u strixxun blu bi tliet logos tal-Kummissjoni Ewropea.
Id-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa Tedros Adhanom Ghebreyesus (fuq ix-xellug), u l-Kummissarju Ewropea għas-Sħubijiet Internazzjonali Jutta Urpilainen waqt l-iffirmar tal-programm ta’ sħubija bejn l-UE u d-WHO, fi Brussell, il-Belġju, nhar it-30 ta’ Novembru 2022.

L-2022 immarkat ukoll 45 sena ta’ relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN. Matul is-Summit Kommemorattiv bejn l-UE u l-ASEAN, l-UE u l-Istati Membri tagħha, b’approċċ ta’ “Tim Ewropa”, ħabbru l-mobilizzazzjoni ta’ €10 biljun bħala parti mill-Global Gateway, biex jaċċelleraw l-investimenti fl-infrastruttura fil-pajjiżi tal-ASEAN. Ġew identifikati għadd ta’ proġetti ewlenin fir-reġjun Indo-Paċifiku, bħall-Inizjattiva ta’ Konnettività Sostenibbli ta’ Tim Ewropa.

Tliet irġiel qed iħottu l-provvisti mediċi minn dgħajsa żgħira tal-injam u għadd ta’ tfal iħarsu lejhom fi Sierra Leone.
Il-wasla tal-vaċċini fi Sierra Leone, Frar 2022. © CONCERN, 2022

Sal-aħħar tal-2021, bħala appoġġ għall-isforzi tal-pajjiżi sħab biex jindirizzaw il-pandemija u l-konsegwenzi tagħha, kienu diġà ġew mobilizzati €53.7 biljun, filwaqt li tqassmu €47.7 biljun b’approċċ ta’ “Tim Ewropa”. Fl-2022, l-UE u l-Istati Membri tagħha baqgħu minn ta’ quddiem fis-solidarjetà internazzjonali fir-rigward tal-COVID-19 billi pprovdew 502.2 miljun doża tal-vaċċin lill-pajjiżi sħab. Minnhom, ingħataw 422 miljun doża permezz tal-Faċilità COVAX (1.1 miljun doża permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili) u 80.2 miljun doża bilateralment (38 miljun permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili).

L-UE allokat €300 miljun addizzjonali biex tħaffef l-għoti u l-użu tal-vaċċini f’diversi pajjiżi, il-biċċa l-kbira minnhom fl-Afrika, u €100 miljun oħra biex issaħħaħ is-sistemi tas-saħħa u ttejjeb l-aċċess għad-dijanjożi u għat-trattament. Sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet globali tas-saħħa, l-UE għenet biex jinħoloq fond internazzjonali ġdid għall-prevenzjoni, għat-tħejjija u għar-rispons f’każ ta’ pandemiji u se tikkontribwixxi €427 miljun għal dan l-għan.

Fl-2022, l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Tim Ewropa rigward il-Manifattura u l-Aċċess għall-Vaċċini, il-Mediċini u t-Teknoloġiji tas-Saħħa fl-Afrika mxiet ’il quddiem u tħabbret inizjattiva biex tappoġġa sforzi simili fl-Amerka Latina u fil-Karibew. Din se tikkomplementa u ssaħħaħ iktar ir-rabtiet soċjali, ekonomiċi u xjentifiċi bejn l-UE u l-Amerka Latina u l-Karibew.

L-UE ressqet ukoll strateġija biex issaħħaħ is-sħubija bejn l-Istati Membri tagħha u l-Kunsill ta’ Kooperazzjoni tal-Golf f’oqsma ta’ politika ewlenin, bħall-enerġija, it-tranżizzjoni ekoloġika u t-tibdil fil-klima, il-kummerċ u d-diversifikazzjoni ekonomika, l-istabbiltà reġjonali u s-sigurtà globali, l-isfidi umanitarji u tal-iżvilupp, u kuntatti iktar mill-qrib bejn il-persuni. L-UE qed tfittex li jkollha kooperazzjoni msaħħa mad-donaturi Għarab fir-rigward tal-prijoritajiet konġunti.

Għajnuna umanitarja u protezzjoni ċivili

Matul dawn l-aħħar 30 sena, l-UE għenet biex ittaffi t-tbatija ta’ miljuni ta’ persuni li kienu l-iżjed vulnerabbli f’iktar minn 110 pajjiżi. Fl-2022, il-Kummissjoni mmobilizzat €2.2 biljun ta’ għajnuna umanitarja biex tgħin sabiex jiġu indirizzati l-iżjed ħtiġijiet urġenti tal-popolazzjonijiet affettwati madwar id-dinja. Ewro minn kull seba’ tal-baġit tal-UE għall-għajnuna umanitarja jiġi allokat għal “emerġenzi minsija”, bħall-karestija fir-reġjun tas-Saħel.

Il-Kummissjoni kompliet tipprovdi wkoll finanzjament umanitarju biex tappoġġa erba’ miljun refuġjat fit-Turkija, il-biċċa l-kbira minnhom li kienu qed jaħarbu mill-gwerra fis-Sirja. Ingħataw €50 miljun oħra flimkien mat-€325 miljun ta’ għajnuna umanitarja li diġà tħabbru fl-aħħar tal-2021 għall-Programm tax-Xibka ta’ Sikurezza Soċjali ta’ Emerġenza fit-Turkija, li wassal biex il-finanzjament umanitarju totali tal-UE għat-Turkija mill-2012 sal-lum joqrob it-€3.4 biljun.

Tliet nisa bilqiegħda fl-art wara xulxin fid-dell tal-kamp tar-refuġjati ta’ Kousseri fiċ-Chad, bit-trabi ma’ djulhom. Qabla bilqiegħda quddiemhom qed teżamina t-tarbija ta’ quddiem.
Qabla qed tiċċekkja xi trabi għall-malnutrizzjoni fil-kamp tar-refuġjati ta’ Kousséri, f'Baga Sola, iċ-Chad, Mejju 2022. Il-kamp inbena bl-Għajnuna Umanitarja tal-UE wara li n-nies fin-Niġerja ħarbu mill-vjolenza ta’ Boko Haram.

L-UE ppresediet is-sitt Konferenza ta’ Brussell dwar “Appoġġ għall-futur tas-Sirja u r-reġjun” li saret fid-9 u fl-10 ta’ Mejju 2022 u li laqqgħet 55 pajjiż u 22 organizzazzjoni internazzjonali. Il-konferenza, li hija l-avveniment ewlieni b’appell għal wegħdiet ta’ donazzjonijiet għas-Sirja u għar-reġjun, immobilizzat l-għajnuna għas-Sirjani fil-pajjiż u fil-pajjiżi ġirien permezz ta’ wegħdiet ta’ donazzjonijiet li ammontaw għal iktar minn €6.4 biljun.

Żewġ żgħażagħ mexjin ħdejn tabella bil-kelmiet “Għajnuna urġenti tal-ikel” fil-kamp tar-refuġjati ta’ Kalambari fiċ-Chad.
Il-kamp tar-refuġjati ta’ Kousséri, f'Baga Sola, iċ-Chad, Mejju 2022.

Fl-2022 ġiet stabbilita għodda ġdida, il-Kapaċità ta’ Rispons Umanitarju Ewropew, biex timla l-lakuni, prinċipalment fil-loġistika, fir-rispons umanitarju għad-diżastri naturali li jseħħu għal għarrieda u għad-diżastri kkawżati mill-bniedem.

Video dwar kif l-UE u Oxfam ingħaqdu flimkien biex jerġgħu jinxtegħlu l-fran wara l-qerda tal-gwerra fis-Sirja.
VIDEO Daqqa t’id lil furnar biex jerġa’ jixgħel il-fran wara l-gwerra, f’Aleppo, is-Sirja, Marzu 2022.
L-infografika turi l-karatteristiċi ewlenin tal-inizjattiva tal-Kapaċità ta’ Rispons Umanitarju Ewropew.

L-inizjattiva tal-Kapaċità ta’ Rispons Umanitarju Ewropew se tgħin biex jingħata appoġġ lill-atturi umanitarji u lill-ħaddiema ta’ emerġenza permezz ta’ riżervi, saqaf għall-oġġetti mhux tal-ikel, u ilma, sanità u iġjene, esperti tas-saħħa u loġistiċi, servizzi loġistiċi komuni, bħall-Pont Umanitarju bl-Ajru tal-UE, ir-rotot tat-titjiriet tal-għajnuna umanitarja tal-UE, it-twassil tal-aħħar mil, is-servizzi tat-trasport u l-magazzinaġġ.

L-operazzjonijiet tal-għajnuna umanitarja ffinanzjati mill-UE jkopru varjetà ta’ setturi, inkluż is-sigurtà tal-ikel, il-kura tas-saħħa, il-kenn u l-edukazzjoni f’każ ta’ emerġenzi, iżda wkoll is-servizzi ta’ protezzjoni, inkluż kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru. L-għajnuna tingħata abbażi tal-erba’ prinċipji umanitarji fundamentali: l-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza.

L-UE tibqa’ impenjata bis-sħiħ li tippromwovi l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali sabiex tkun tista’ tilħaq l-objettivi tagħha ta’ għajnuna umanitarja u ttejjeb is-sigurtà tas-sħab umanitarji tagħha. Madankollu, il-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali għadu sfida madwar id-dinja kollha.

Żewġ tfajliet mill-Jemen ferħana qed ineħħu l-provvisti tal-iskola mill-basket tagħhom.
Il-Jemen, Ottubru 2022. Bosta tfal vulnerabbli mill-Jemen jitilqu l-iskola kmieni għax ħafna drabi l-ispejjeż assoċjati mal-attendenza fl-iskola jkunu għoljin wisq għall-ġenituri tagħhom. Bis-saħħa tal-fondi tal-UE, l-UNICEF tipprovdi provvisti għall-iskejjel lit-tfal fil-bżonn biex tiżgura li jerġgħu lura fuq il-bank tal-iskola.
© UNICEF, 2022

L-UE: donatur umanitarju ewlieni fil-Jemen

Wara 7 snin ta’ gwerra, fil-Jemen għad hemm waħda mill-agħar kriżijiet umanitarji fid-dinja. Miljuni ta’ ċittadini tal-Jemen sfaw spostati, morda u bi problemi ta’ nutrizzjoni. Barra minn hekk, aktar minn nofs il-popolazzjoni qed tbati l-iskarsezzi tal-ikel. L-għajnuna umanitarja tal-UE tgħin liċ-ċittadini tal-Jemen bl-għoti tal-ikel, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-ilma u l-kenn. Tgħin ukoll biex jittejbu s-servizzi tal-iġjene fiż-żoni bi skarsezzi kbar tal-ikel u bi problemi ta’ nutrizzjoni, fiż-żoni milquta mill-kunflitti, u fost il-popolazzjonijiet spostati.

Eżempji ta’ għajnuna umanitarja allokata fl-2022

Map Marker

Fil-Qarn tal-Afrika

€633 miljun (Tim Ewropa)
Għall-ġlieda kontra l-iskarsezzi estremi tal-ikel minħabba nixfa bla preċedent, il-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

Map Marker

Fis-Saħel u r-reġjun tal-Lag Chad

€954 miljun (l-UE u l-Istati Membri tagħha)
Għall-ġlieda kontra l-iskarsezzi akuti u deterjoranti tal-ikel fl-Afrika.

Map Marker

Fis-Sirja u l-madwar

€6.4 biljun
L-impenn totali li sar fil-Konferenza Sirjana fl-2022.
L-UE u l-Istati Membri tagħha wiegħdu €4.8 biljun. Huma l-akbar donaturi tal-għajnuna umanitarja u tar-reżiljenza lil dan ir-reġjun għax mill-2011 sal-lum allokaw €27.4 biljun.

Map Marker

Fl-Afganistan u l-madwar

Aktar minn €115-il miljun
Bħala appoġġ lill-organizzazzjonijiet umanitarji. (Apparti finanzjament ieħor bħala rispons għat-terremot bi skala devastanti ta’ 5.9 li laqat lil-Lvant tal-Afganistan f’Ġunju 2022).

Map Marker

Fil-Jemen

€170 miljun
Lil dawk milquta mill-kunflitt.
Mill-bidu tal-gwerra fl-2015 sal-lum, l-UE tat aktar minn €1.2 biljun bħala rispons għall-kriżi, fosthom €862 miljun bħala għajnuna umanitarja u €407 miljun bħala għajnuna għall-iżvilupp.

Map Marker

Myanmar/Burma

€27 miljun
Bħala rispons għall-ħtiġijiet urġenti tal-aktar persuni vulnerabbli, inkluż tal-komunitajiet spostati u milquta mill-kunflitt.

Erbat rġiel mexjin fuq blat niexef.
Għajnuna umanitarja tal-UE fiż-żoni mbiegħda tal-Afganistan, Ottubru 2022.
© Danish Refugee Council, 2022

Sigurtà tal-ikel

L-imblokk tal-esportazzjoni Ukrena u l-qerda tal-għelieqi għall-produzzjoni tal-għelejjel ġabu magħhom riskji sinifikanti kemm għad-disponibbiltà tal-ikel kif ukoll għall-affordabbiltà tal-ikel fil-viċinat tal-UE, fit-Tramuntana tal-Afrika u fil-Lvant Nofsani, iżda anke fl-Asja, fl-Afrika sub-Saħarjana u fl-Amerka Latina. Dan kien jikkonċerna b’mod partikolari l-qamħ, prodott bażiku tal-ikel.

B’approċċ ta’ “Tim Ewropa”, l-UE ġabret ir-riżorsi u l-għarfien espert flimkien mal-Istati Membri u mal-istituzzjonijiet finanzjarji tagħha biex tindirizza l-kriżi globali tal-ikel, filwaqt li rrikonoxxiet bis-sħiħ il-ħtieġa li taħdem b’mod multilaterali f’kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali.

Bħala parti mir-rispons għan-nuqqas ta’ sigurtà globali tal-ikel, l-UE mmobilizzat €600 miljun addizzjonali biex tappoġġa lill-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku affettwati, u €225 miljun għat-Tramuntana tal-Afrika u għal-Lvant Nofsani. Dan wassal biex l-appoġġ totali stmat tal-UE għas-sigurtà tal-ikel u għas-sistemi tal-ikel globali sal-2024 ilaħħaq iktar minn €8.3 biljun.

Il-kontribuzzjoni tal-UE għas-sigurtà globali madwar id-dinja

Din il-mappa turi kif il-kontribuzzjoni tal-UE għas-sigurtà globali titqassam madwar id-dinja.

B’kollox, l-UE tikkontribwixxi 8.3 biljun ewro għas-sigurtà globali madwar id-dinja, imqassmin hekk: 1.32 biljun ewro għal madwar id-dinja, 3.21 biljun ewro għall-Afrika sub-Saħarjana, 1.12 biljun ewro għall-Viċinat tan-Nofsinhar, 1.05 biljun ewro għall-Asja u l-Paċifiku, 886 miljun ewro għall-Balkani tal-Punent u t-Turkija, 384 miljun ewro għall-Amerka Latina u l-Karibew, u 294 miljun ewro għall-Viċinat tal-Lvant.

L-UE ħadmet biex iżżid il-produzzjoni tal-ikel tagħha, tiffaċilita l-kummerċ tal-ikel u tal-għalf mill-Ukrajna u ssaħħaħ il-produzzjoni lokali tal-ikel. Wara talba tal-awtoritajiet agrikoli Ukreni, l-aċċess għas-swieq tal-UE ġie ppreservat u ffaċilitat b’mod flessibbli, kemm għall-importazzjoni lejn is-swieq Ukreni kif ukoll għall-esportazzjoni minnhom. Il-korsiji ta’ solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna ħolqu rotot loġistiċi ġodda biex l-Ukrajna tiġi kkollegata mas-sħab kummerċjali globali (ara l-Kapitlu 1).

L-UE appoġġat ukoll l-isforzi tan-NU permezz tal-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali sabiex jiġi ffaċilitat it-tranżitu sikur taċ-ċereali u tal-oġġetti tal-ikel u tal-fertilizzanti relatati mill-portijiet Ukreni tal-Baħar l-Iswed għal iktar portijiet tad-distribuzzjoni.

Skont l-informazzjoni li waslet mill-Ministeru għall-Agrikoltura tal-Ukrajna, bis-saħħa ta’ dawn l-inizjattivi, minn Mejju sa Diċembru 2022 ġew esportati madwar 29 miljun tunnellata ta’ prodotti agrikoli mill-Ukrajna. F’Diċembru ġew mobilizzati €1 biljun oħra biex isostnu u jespandu l-korsiji ta’ solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna.

VIDEO Il-korsiji ta’ solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna.

Kummerċ u teknoloġija

Għodod ġodda

Sabiex tindirizza l-problema ta’ potenzi globali oħra li jużaw il-kummerċ bħala arma, l-UE introduċiet diversi għodod ġodda. Fl-2022 daħal fis-seħħ l-Istrument għall-Akkwist Internazzjonali, li lill-UE jagħtiha iktar lok ta’ mmanuvrar biex il-kumpaniji fl-UE jkollhom aċċess għas-swieq tal-akkwist pubbliku barra mill-UE.

Sar progress fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea rigward is-silta dwar l-Istrument Kontra l-Koerċizzjoni, li se jgħin lill-UE tindirizza l-koerċizzjoni ekonomika meta xi pajjiż mhux tal-UE jipprova jagħmel pressjoni fuq l-UE jew l-Istati Membri tagħha dwar l-għażliet ta’ politika. L-istrument se jagħti l-kapaċità lill-UE biex tkun tista’ timponi kontromiżuri fil-forma ta’ restrizzjonijiet tal-kummerċ, tal-investiment jew restrizzjonijiet oħra.

Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni l-ġdida dwar is-setgħa tas-sħubijiet kummerċjali għandha l-għan li ssaħħaħ il-kontribut tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE favur l-avvanz tal-iżvilupp sostenibbli u l-protezzjoni tal-klima, tal-ambjent u tad-drittijiet tal-ħaddiema fid-dinja kollha. L-approċċ il-ġdid jinkludi l-użu ta’ sanzjonijiet kummerċjali meta jinkisru d-dispożizzjonijiet ewlenin dwar il-klima u x-xogħol.

Ftehimiet

F’Ġunju, l-UE u New Zealand ikkonkludew negozjati għal ftehim kummerċjali li fih l-iktar impenji ambizzjużi ta’ sostenibbiltà li qatt kien hemm fi kwalunkwe ftehim kummerċjali tal-UE s’issa. Dan se jiftaħ opportunitajiet ġodda għall-bdiewa, għall-kumpaniji u għall-ħaddiema Ewropej.

Video dwar il-benefiċċji tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u New Zealand.
VIDEO L-UE u New Zealand jiffirmaw Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles, Ġunju 2022.

Fl-2022 komplew ukoll in-negozjati għall-ftehimiet kummerċjali mal-Awstralja u mal-Indja. Twettqet ukoll ħidma teknika u ġuridika għall-ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Mercosur. Intlaħaq ftehim politiku maċ-Ċilì biex jiġu konklużi n-negozjati għal ftehim kummerċjali.

Fl-2022, l-UE ffirmat l-ewwel ftehim komprensiv tagħha dwar it-trasport bl-ajru bejn blokk u ieħor mal-10 pajjiżi tal-ASEAN, li jkopri popolazzjoni totali bejn l-UE u l-ASEAN ta’ iktar minn 1.1 biljun persuna. Il-ftehim se jiftaħ is-swieq, se jtejjeb il-konnettività diretta u se jiġġenera benefiċċji ekonomiċi u opportunitajiet ġodda bis-saħħa tal-istabbiliment ta’ sett uniku ta’ regoli għas-servizzi tal-ajru kollha bejn l-UE u l-ASEAN. Dan se jkun ta’ benefiċċju kemm għall-konsumaturi kif ukoll għal-linji tal-ajru u għall-ajruporti. Il-ftehim huwa bbażat fuq standards għoljin komuni f’oqsma bħall-ambjent, il-kwistjonijiet tax-xogħol u l-kompetizzjoni ġusta, flimkien mas-sikurezza u s-sigurtà tal-avjazzjoni.

Ftehim komprensiv UE–ASEAN dwar it-trasport bl-ajru

Li jieħu post aktar minn 140 ftehim bilaterali ieħor dwar is-servizzi tal-ajru mal-Istati Membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja.

Oċeani u sajd

Il-ftehim il-ġdid tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ biex jintemmu s-sussidji tas-sajd dannużi huwa pass kruċjali biex jiġi żgurat li s-sussidji tas-sajd madwar id-dinja jkollhom is-sostenibbiltà bħala l-objettiv ċentrali tagħhom u b’hekk jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-oċeani. Il-ftehim jipprojbixxi s-sussidji li jikkontribwixxu għas-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, flimkien mas-sajd fl-ibħra internazzjonali mhux irregolati. Anke s-sussidji għall-istokkijiet mistada żżejjed mingħajr miżura ta’ ġestjoni tas-sajd fis-seħħ biex l-istokk jirpilja għal livell b’saħħtu huma pprojbiti.

Video li jispjega l-Ftehim dwar is-Sussidji tas-Sajd li jistabbilixxi regoli ġodda biex jonqsu s-sussidji dannużi u jitħarsu l-istokkijiet tal-ħut madwar id-dinja. Ftehim li jimmarka pass kbir ’il quddiem għas-sostenibbiltà tal-baħar.
VIDEO Kisbiet tat-12-il Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ: Ftehim dwar is-Sussidji tas-Sajd, Ġunju 2022.

Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni konġunta rigward l-Aġenda tal-UE dwar il-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani pproponiet miżuri għal oċeani sikuri, siguri, nodfa, f’saħħithom u ġestiti b’mod sostenibbli. F’konformità mal-aġenda, l-UE ħadet 52 impenn volontarju b’valur sa €7 biljun — eżempju konkret tar-rwol minn ta’ quddiem tal-UE fil-protezzjoni tal-oċeani tad-dinja. L-aġenda se taqdi rwol importanti fit-twettiq tad-dimensjoni l-blu tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Tqis ix-xejriet ewlenin, bħall-impatt aggravat tat-tibdil fil-klima, id-deklin perikoluż tal-bijodiversità u t-tibdil fil-kundizzjonijiet ġeopolitiċi.

Din l-infografika ta’ ħuta fil-baħar fuq sfond blu turi l-ħajja taħt l-ilma bħala l-14-il Għan tal-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

L-UE ħadet l-impenn li ssaħħaħ il-qafas ta’ governanza internazzjonali tal-oċeani fil-livelli globali u reġjonali, u li tikseb is-sostenibbiltà tal-oċeani sal-2030 billi tħaddem approċċ ikkoordinat u komplementari għall-isfidi komuni u għall-effetti kumulattivi.

Barra minn hekk, l-UE se tkompli tagħmel ħilitha biex l-oċean ikun spazju sikur u sigur, bħala rispons għall-kompetizzjoni dejjem ikbar fl-ilmijiet internazzjonali u l-isfidi għall-kooperazzjoni multilaterali.

Bl-aġġornament tal-politika tagħha, l-UE kkonfermat l-impenn attiv tagħha li taċċellera l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-NU u l-Għan tal-Iżvilupp Sostenibbli Nru 14.

Sħubijiet diġitali

Fil-Laqgħa Ministerjali tal-2022 tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija, l-UE u l-Istati Uniti affermaw mill-ġdid l-appoġġ tagħhom għal internet miftuħ, globali, interoperabbli, affidabbli u sigur, kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni għall-Futur tal-Internet u d-dikjarazzjoni dwar id-drittijiet u l-prinċipji diġitali Ewropej. Iż-żewġ naħat iddiskutew ukoll dwar l-implimentazzjoni ta’ prinċipji komuni tal-intelliġenza artifiċjali u qablu li jiżviluppaw pjan direzzjonali konġunt dwar l-għodod tal-evalwazzjoni u tal-kejl għal intelliġenza artifiċjali u ġestjoni tar-riskji affidabbli.

Fl-2022, l-UE nediet ukoll kunsill tal-kummerċ u t-teknoloġija mal-Indja, u sħubijiet diġitali mal-Ġappun, ma’ Singapore u mal-Korea t’Isfel.

Margrethe Vestager u Valdis Dombrovskis qed jitħaddtu ma’ tliet persuni oħra.
Il-Viċi President Eżekuttiva tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għal “Ewropa Lesta għall-Era Diġitali” u l-Kummissarju Ewropea għall-Kompetizzjoni Margrethe Vestager (it-tieni mix-xellug), flimkien mal-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għal “Ekonomija għas-Servizz tan-Nies” u l-Kummissarju Ewropew għall-Kummerċ Valdis Dombrovskis (it-tieni mil-lemin), waqt il-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti, f’Pariġi, Franza, nhar il-15 ta’ Mejju 2022.
Charles Michel, Fumio Kishida u Ursula von der Leyen ħdejn xulxin quddiem żewġ bnadar Ġappuniżi u żewġ bnadar Ewropej.
Mix-xellug għal-lemin: Il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel, il-Prim Ministru Ġappuniż Fumio Kishida, u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen waqt it-28 Summit bejn l-UE u l-Ġappun, f’Tokyo, il-Ġappun, Mejju 2022.
Ursula von der Leyen, Roberta Metsola, Charles Michel u Josep Borrell waqt is-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew.
Mix-xellug għal-lemin: Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel, u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għal “Ewropa Aktar b’Saħħitha fid-Dinja” Josep Borrell qabel dibattitu fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, Franza, nhar is-16 ta’ Frar 2022.

9. Żviluppi istituzzjonali

Introduzzjoni

Fl-2022, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea ħadmu mill-qrib flimkien mhux biss biex jirrispondu għall-emerġenzi, iżda wkoll biex itejbu t-tfassil tal-liġijiet tal-UE u jwasslu riżultati saħansitra aħjar għaċ-ċittadini tagħha. Meta wieħed iqis l-opportunitajiet u l-isfidi li hemm fi triqitna lejn l-irkupru sostenibbli, jibqa’ kruċjali li naġixxu bl-iktar mod effiċjenti possibbli, filwaqt li nżommu f’moħħna l-futur tal-UE. Il-ksib ta’ riżultati aħjar għaċ-ċittadini tal-UE billi ntejbu r-regoli tal-UE huwa objettiv komuni u r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet kollha tal-UE u tal-Istati Membri.

Inizjattivi ewlenin fl-2022

Matul is-sena, l-istituzzjonijiet għamlu progress fuq għadd ta’ inizjattivi ewlenin. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta l-Boxxla Strateġika, pjan ta’ azzjoni ambizzjuż għat-tisħiħ tal-politika tas-sigurtà u tad-difiża tal-UE sal-2030, u li jiffaċilita ftehim fost il-mexxejja tal-UE rigward it-tisħiħ tal-bażi industrijali tad-difiża tal-Ewropa (ara l-Kapitlu 8).

Fir-rigward tal-aġenda ekoloġika u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim dwar ir-reviżjoni tal-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet, il-ħolqien ta’ Fond Soċjali għall-Klima u l-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu l-ġdid ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri. Laħqu wkoll ftehim proviżorju biex jitnaqqas ir-riskju tad-deforestazzjoni u laħqu ftehim politiku dwar ir-rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà (ara l-Kapitlu 3).

Fir-rigward tal-fajls diġitali ewlenin, ftehim politiku bejn il-Parlament u l-Kunsill ippermetta l-finalizzazzjoni tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali u tal-Att dwar is-Swieq Diġitali, flimkien ma’ leġiżlazzjoni ġdida dwar iċ-ċarġers universali (ara l-Kapitlu 4).

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill irnexxielhom ukoll jilħqu ftehim politiku rigward id-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet, rigward miżuri ta’ trasparenza fil-pagi, u rigward id-Direttiva dwar pagi minimi adegwati (ara l-Kapitlu 7).

Il-Kunsill idderieġa d-diskussjonijiet dwar ir-relazzjonijiet esterni tal-UE (ara l-Kapitlu 8) u ospita s-summits bejn l-UE u l-Unjoni Afrikana u tal-Balkani tal-Punent. Barra minn hekk, fetaħ in-negozjati tal-adeżjoni mal-Albanija u mal-Maċedonja ta’ Fuq (ara l-Kapitlu 8). Il-Parlament u l-Kunsill qablu wkoll dwar biċċiet ewlenin ta’ leġiżlazzjoni dwar sussidji barranin distorsivi u l-Istrument għall-Akkwist Internazzjonali.

Ursula von der Leyen u Charles Michel mexjin lejn il-kamera bil-bnadar tal-pajjiżi tal-UE fl-isfond.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u l-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel jaslu għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew dwar l-enerġija u l-ekonomija fi Brussell, il-Belġju, nhar l-20 ta’ Ottubru 2022. L-inizjattivi ewlenin diskussi kienu x-xiri konġunt tal-gass mill-UE u t-trażżin tal-prezzijiet eċċessivi tal-gass u tal-elettriku.

Il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tgħaddi minn Stat Membru tal-UE għall-ieħor kull sitt xhur. Fl-2022, il-Parlament, il-Presidenza rotatorja Franċiża u dik Ċeka tal-Kunsill flimkien mal-Iżvezja u ma’ Spanja, il-Presidenzi li jmiss fl-2023, ġibdu ħabel wieħed flimkien sabiex javvanzaw in-negozjati interistituzzjonali kemm rigward is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil kif ukoll rigward il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, u ffirmaw pjan direzzjonali konġunt (ara l-Kapitlu 5).

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni pprovdew kontributi importanti u rilevanti lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni Ewropea, inkluż rigward il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2023, u kkontribwew b’mod attiv għar-rakkomandazzjonijiet finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew enfasizza l-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-aggressjoni militari fl-Ukrajna u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni adotta l-Manifest ta’ Marsilja, appell lill-mexxejja tal-Ewropa biex jisimgħu l-ilħna tal-miljun politiku elett fil-livell reġjonali u lokali madwar l-UE u li huma impenjati biex iqarrbu lill-Ewropa lejn il-poplu tagħha.

Ritratt ta’ David Sassoli.
L-eks President tal-Parlament Ewropew David Sassoli, li kien fil-kariga mit-3 ta’ Lulju 2019 sal-11 ta’ Jannar 2022.

President ġdid tal-Parlament

Fil-bidu tal-2022 jisogħbina li ħalliena l-eks President tal-Parlament Ewropew David-Maria Sassoli. Il-President Sassoli se jiġi mfakkar bħala mexxej Ewropew ta’ veru u promotur tad-demokrazija. F’iktar minn għaxar snin ta’ servizz fil-Parlament, huwa ddefenda bla heda lill-UE u lill-valuri tagħha, iżda kien jemmen ukoll li l-Ewropa kellha tistinka għal iktar: biex tkun iktar magħquda, tkun iktar qrib tal-poplu tagħha u tkun iktar leali lejn il-valuri tagħha.

Fil-kuntest tal-proċess elettorali ta’ nofs il-mandat, Roberta Metsola ġiet eletta bħala l-President il-ġdid fit-18 ta’ Jannar 2022, b’maġġoranza assoluta ta’ 458 vot minn 690 vot mixħut.

Il-Parlament stabbilixxa tliet kumitati parlamentari ġodda: dwar l-interferenza esterna, inkluż id-diżinformazzjoni; dwar it-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19; u ta’ inkjesta, biex jiġi eżaminat l-użu tal-Pegasus spyware.

Il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen regolarment attendiet id-dibattiti, b’mod partikolari dwar it-tħejjija jew is-segwitu tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew, u dibattiti relatati mal-Ukrajna. Fl-14 ta’ Settembru 2022, bħal kull sena hija għamlet id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni, fejn indikat il-prijoritajiet ta’ politika għall-2023 u għat-tieni nofs tal-mandat tal-Kummissjoni.

Roberta Metsola bilwieqfa qed tagħmel dikjarazzjoni fil-Parlament Ewropew.
Elezzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew: dikjarazzjoni tal-President eletta l-ġdida Roberta Metsola fi Strasburgu, Franza, nhar it-18 ta’ Jannar 2022.

Enfasi fuq iċ-ċittadini

Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa

Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, li damet sena sħiħa u li tat lill-Ewropej l-opportunità li jsemmgħu leħinhom dwar dak li huma jistennew mill-UE, ikkonkludiet il-ħidma tagħha fl-2022. Din kienet l-ikbar eżerċizzju ta’ konsultazzjoni u l-iktar wieħed estensiv tat-tip tiegħu, b’ħames miljun viżitatur individwali fuq il-pjattaforma diġitali multilingwi, u iktar minn 720 000 parteċipant li ngħaqdu f’iżjed minn 6 600 avveniment f’ħin reali, inkluż il-panels nazzjonali taċ-ċittadini u l-Panels taċ-Ċittadini Ewropej.

Omm żagħżugħa terfa’ lit-tarbija tagħha waqt id-diskors tagħha f’konferenza.
Omm żagħżugħa titkellem dwar il-futur tal-Ewropa filwaqt li terfa’ lil bintha li twieldet f’nofs il-konferenza, fi Strasburgu, Franza, nhar it-30 ta’ April 2022.

Erba’ Panels taċ-Ċittadini Ewropej ġew organizzati b’200 ċittadin kull wieħed, li ġew magħżula permezz ta’ għażla aleatorja mis-27 Stat Membru kollha, b’seba’ għajnejn li jiġu inklużi individwi li jirriflettu d-diversità tal-UE f’termini ta’ oriġini ġeografika, ġeneru, età, sfond soċjoekonomiku u livell ta’ edukazzjoni. Ingħatat attenzjoni speċjali biex jiġi żgurat li terz ta’ kull panel ikun jikkonsisti minn żgħażagħ (ta’ bejn is-16 u l-25 sena). Il-parteċipanti ddiskutew ir-rakkomandazzjonijiet tagħhom fis-sessjonijiet tal-plenarja tal-konferenza fejn membri tas-soċjetà ċivili, rappreżentanti eletti mil-livelli kollha ta’ governanza u partijiet ikkonċernati oħra ltaqgħu biex japprovaw b’mod kunsenswali 49 proposta tal-konferenza, li sussegwentement ġew ippreżentati lill-istituzzjonijiet tal-UE.

Ċittadini bilqiegħda lebsin il-maskri qed jivvotaw bit-tablets.
Għadd ta’ ċittadini qed jivvutaw waqt il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa – Grupp 3 dwar it-tibdil fil-klima, l-ambjent u s-saħħa, f’Natolin, Varsavja, il-Polonja, nhar id-9 ta’ Jannar 2022.

Fid-9 ta’ Mejju 2022, ir-rapport finali li fih il-proposti kollha u li jispjega fid-dettall 326 miżura ġie ppreżentat lill-Presidenti tal-Parlament, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni matul iċ-ċerimonja tal-għeluq tal-konferenza f’Jum l-Ewropa. Ir-riżultati huma strutturati madwar id-disa’ suġġetti tal-konferenza, li jvarjaw mit-tibdil fil-klima u s-saħħa għad-demokrazija Ewropea u t-trasformazzjoni diġitali.

Ritratt ta’ erbatax-il persuna, fosthom Ursula von der Leyen, Roberta Metsola, Emmanuel Macron u Dubravka Šuica, ilkoll b’rapport dwar l-eżitu tal-konferenza f’idejhom.
Iċ-ċerimonja tal-għeluq tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, mal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen (is-sitta mix-xellug), il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola (is-sebgħa mil-lemin), il-President ta’ Franza Emmanuel Macron (il-ħames mil-lemin), u l-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għad-Demokrazija u d-Demografija Dubravka Šuica (it-tieni mix-xellug), qed iżommu r-rapport finali bi proposti għar-riforma tal-UE, fi Strasburgu, Franza, nhar id-9 ta’ Mejju 2022.

Fis-17 ta’ Ġunju, il-Kummissjoni ppreżentat il-Komunikazzjoni rigward il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa li tivvaluta l-proposti u turi t-triq ’il quddiem. Fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni, il-President von der Leyen ikkonfermat li l-panels taċ-ċittadini se jsiru karatteristika regolari tat-tfassil tal-politika tal-Kummissjoni u ddeskriviet proposti ġodda li rriżultaw mill-konklużjonijiet tal-konferenza. Iktar minn 80 % tal-inizjattivi l-ġodda li jinsabu fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2023 huma segwitu dirett jew indirett tal-proposti tal-konferenza. Fit-2 ta’ Diċembru 2022, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni organizzaw avveniment ta’ feedback biex jispjegaw liċ-ċittadini kif l-istituzzjonijiet qed jagħtu segwitu għall-proposti tal-konferenza.

F’Diċembru, il-Kummissjoni ospitat l-ewwel Panel taċ-Ċittadini Ewropej dwar it-tnaqqis tal-ħela tal-ikel. It-tnaqqis tal-ħela, u b’mod partikolari l-ħela tal-ikel, huwa s-suġġett ta’ proposta leġiżlattiva inkluża fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2023, skont il-proposti mill-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.

Ispirata mill-konferenza, l-għodda interattiva online l-ġdida tal-Kummissjoni, il-portal semma’ leħnek, se tiġbor flimkien l-informazzjoni kollha dwar il-mekkaniżmi tal-Kummissjoni għall-involviment taċ-ċittadini. Dan iċ-ċentru online ġdid se jintegra karatteristiċi ewlenin tal-pjattaforma diġitali multilingwi tal-konferenza u se jifforma l-bażi għal sistema ġdida ta’ involviment demokratiku u ta’ innovazzjoni.

Il-kumitati konsultattivi qdew ukoll ir-rwol sħiħ tagħhom fil-konferenza. Fis-27 ta’ April 2021, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar il-konferenza, Narrattiva Ġdida għall-Ewropa, u organizza 75 avveniment madwar l-Ewropa, li 45 minnhom waħedhom kellhom iktar minn 7 600 parteċipant. Id-dokument Viżjoni tas-Soċjetà Ċivili Organizzata għall-Futur tal-Ewropa jippreżenta r-riżultati ta’ dawk il-konsultazzjonijiet, filwaqt li jispjega fid-dettall ir-rakkomandazzjonijiet u l-ideat li laħħmu t-326 proposta finali adottati mill-konferenza.

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni organizza iktar minn 120 djalogu taċ-ċittadini lokali u transfruntier u l-ideat u r-rakkomandazzjonijiet minnhom ittellgħu fil-pjattaforma. Il-Grupp ta’ Livell Għoli tiegħu dwar id-Demokrazija Ewropea adotta r-rapport finali tiegħu dwar id-demokrazija fl-UE bħala parti mill-kontribut tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-konferenza.

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

Fl-2022 ukoll kellna l-għaxar anniversarju tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej. Il-Kummissjoni ċċelebrat dan l-istadju importanti matul is-sena, flimkien mas-sħab interistituzzjonali, mal-organizzaturi tal-inizjattivi u mal-multiplikaturi. It-twassil tal-informazzjoni dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej liċ-ċittadini kien enfasi primarju tas-sena, b’avvenimenti u b’azzjonijiet promozzjonali madwar Jum l-Ewropa jew fil-Jum annwali dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej li sar fit-2 ta’ Ġunju fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

Is-seba’ inizjattiva ta’ suċċess, “Insalvaw lin-naħal u lill-bdiewa! Lejn agrikoltura favur in-naħal għal ambjent b’saħħtu”, ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni biex tiġi eżaminata fl-2022. Żewġ inizjattivi oħra ġabru iktar minn miljun firma kull waħda: “Inwaqqfu t-tneħħija tal-pinen tal-klieb il-baħar – Inwaqqfu l-kummerċ tagħhom” u “Nippreservaw il-kożmetiċi li ma jinvolvux krudeltà – nimpenjaw ruħna għal Ewropa mingħajr l-ittestjar fuq l-annimali”. Il-Kummissjoni se twieġeb għal dawn it-tliet inizjattivi fl-2023.

Fl-2022, il-Kummissjoni rreġistrat ukoll 10 inizjattivi ġodda, li appellaw għal azzjoni tal-UE f’diversi oqsma, bħall-isport, l-edukazzjoni, is-settur tal-ħwejjeġ, l-enerġija ekoloġika, il-protezzjoni tal-annimali, il-politika rurali u ambjent ħieles mit-tabakk.

Infografika li turi l-istrixxun tal-10 anniversarju tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, bis-slogan #UE Ħu l-Inizjattiva.

Ħidma fi żminijiet ta’ kriżijiet

Fl-2022, l-istituzzjonijiet tal-UE għal darb’oħra wrew reżiljenza kbira fl-indirizzar ta’ emerġenzi mhux previsti. Filwaqt li kien beda l-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19, ir-Russja bdiet l-aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tagħha kontra l-Ukrajna. L-istituzzjonijiet tal-UE ħadmu bla heda biex jappoġġaw lill-poplu Ukren fil-ġlieda tiegħu għal-libertà u biex jgħinu liċ-ċittadini u lin-negozji fl-Istati Membri jindirizzaw il-konsegwenzi tal-gwerra.

Fl-1 ta’ Marzu 2022, il-Parlament organizza sessjoni plenarja straordinarja, li matulha l-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy indirizza lill-Membri f’ħin reali minn Kiev (l-Ukrajna). Huwa saħaq li l-Ukreni “kienu qed jiġġieldu għad-drittijiet, għal-libertajiet u għall-ħajja tagħhom, kif ukoll biex ikunu membri ugwali tal-Ewropa”. Il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel, il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà Josep Borrell ipparteċipaw ukoll fid-dibattitu. Il-Parlament esprima appoġġ sod għall-Ukrajna u appella għal sanzjonijiet kontra r-Russja u għal sforzi ġodda biex l-Ukrajna tingħata l-istatus ta’ pajjiż kandidat għal sħubija fl-UE.

Sussegwentement, il-Parlament organizza dibattiti plenarji regolari u speċifiċi għall-Ukrajna u adotta 16-il riżoluzzjoni. Il-President tal-Verkhovna Rada (il-Parlament) tal-Ukrajna, Ruslan Stefanchuk, ipparteċipa personalment fis-sessjoni plenarja ta’ Ġunju 2022. Sadanittant, ministri u uffiċjali ta’ livell għoli Ukreni spiss ipparteċipaw f’diversi laqgħat tal-kumitati parlamentari u kellhom diskussjonijiet mal-Membri tal-Parlament rigward l-aħħar żviluppi fil-post.

Vsevolod Chentsov, Stanislav Kulykivskyi, Ivan Fedorov, Yulia Paevska, Oleksandra Matviichuk, Yaroslav Bozhko, Oleksandr Chekryhin għal ritratt ma’ Roberta Metsola quddiem il-bandiera Ukrena filwaqt li jżommu l-premjijiet mogħtija.
Mix-xellug għal-lemin: Il-Kap tal-Missjoni Ukrena fl-UE Vsevolod Chentsov, il-Kap tas-Servizzi Ukreni ta’ Emerġenza Statali Stanislav Kulykivskyi, is-Sindku ta’ Melitopol Ivan Fedorov, il-fundatriċi tal-unità tal-evakwazzjoni medika “Angels of Tiara” Yulia Paevska, rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi u l-Kap taċ-Ċentru għal-Libertajiet Ċivili Oleksandra Matviichuk, il-Portavuċi tal-Moviment Yellow Ribbon Civil Resistance Yaroslav Bozhko, u d-Direttur tad-Dipartiment tal-Prevenzjoni ta’ Emerġenza fi ħdan is-Servizzi Ukreni ta’ Emerġenza Statali Oleksandr Chekryhin, għal ritratt flimkien mal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola (it-tielet mil-lemin), wara l-għoti tal-Premju Sakharov 2022, fi Strasburgu, Franza, nhar l-14 ta’ Diċembru 2022.

Nonoraw lill-poplu Ukren

Il-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb 2022 tal-Parlament Ewropew ingħata lill-poplu kuraġġuż tal-Ukrajna waqt ċerimonja li saret fl-14 ta’ Diċembru.

Il-Premju li jikkonsisti f’ċertifikat u għotja ta’ €50 000 hu premju annwali li jonora lil persuni jew organizzazzjonijiet li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

Franza u ċ-Ċekja kellhom il-Presidenza b’rotazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Il-Kunsill fittex li jipprovdi rispons b’saħħtu u magħqud għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u għall-kriżi tal-ikel u tal-enerġija li rriżultat minnha. Taħt il-gwida tal-Kunsill Ewropew, issorvelja l-introduzzjoni ta’ miżuri mingħajr preċedent u l-għoti ta’ ammonti kbar ta’ assistenza lill-Ukrajna.

Il-Kummissjoni ħadet azzjoni mifruxa biex tappoġġa lill-Ukrajna fl-oqsma kollha matul is-sena u fl-2022 adottat iktar minn 200 miżura bħala rispons għall-invażjoni. Għadd sinifikanti ta’ dawn id-deċiżjonijiet jippruvaw jiżguraw li l-UE tipprovdi l-assistenza umanitarja u l-appoġġ finanzjarju meħtieġa lill-Ukrajna u tgħin lill-Istati Membri jilqgħu lill-Ukreni li kienu qed jaħarbu mill-gwerra u jindirizzaw il-konsegwenzi ekonomiċi tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna (ara l-Kapitlu 1). Għamlet ukoll għadd ta’ proposti biex tirrevedi l-politika tal-enerġija tagħha sabiex tnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili Russi (ara l-Kapitlu 2).

L-aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-poplu tagħha tikkostitwixxi sfida diretta għall-valuri tal-UE u l-ordni dinji bbażat fuq ir-regoli. Ir-Rapport annwali dwar l-Istat tad-Dritt tal-2022 għamel enfasi partikolari fuq l-importanza li jiġu rrispettati l-valuri demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt. Għall-ewwel darba, ir-rapport kien fih rakkomandazzjonijiet speċifiċi indirizzati lil kull Stat Membru biex jgħinuhom jidentifikaw fejn huwa meħtieġ titjib u biex iħeġġu r-riformi meħtieġa.

Il-Kummissjoni kompliet teżerċita r-rwol tagħha bħala gwardjan tat-trattati, u ħadet 1 410 deċiżjonijiet dwar proċeduri ta’ ksur biex tinforza d-dritt tal-UE. Ir-rispett għall-istat tad-dritt huwa kruċjali wkoll għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-UE u għall-użu effettiv tal-finanzjament tagħha. F’Diċembru 2022, il-Kunsill adotta miżuri għall-protezzjoni tal-baġit skont ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità kontra l-ksur tal-prinċipju tal-istat tad-dritt fl-Ungerija.

Il-Kummissjoni u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri komplew il-kooperazzjoni kostruttiva tagħhom rispettivament bħala s-setgħa eżekuttiva u tal-awditjar. Fil-laqgħa annwali tagħhom f’Lulju, il-membri ddiskutew kif il-baġit tal-UE jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni Ewropea, iwassal riżultati konkreti għaċ-ċittadini u jwassal valur miżjud għall-azzjoni meħuda mill-Istati Membri.

Filwaqt li indirizzat il-kriżijiet, il-Kummissjoni kompliet il-ħidma tagħha biex tiżgura teħid ta’ deċiżjonijiet trasparenti u effiċjenti permezz tal-aġenda tagħha għal Regolamentazzjoni Aħjar. Dan ifisser li l-proposti tagħha huma bbażati fuq evidenza soda, infurmati minn konsultazzjonijiet estensivi permezz tal-portal “Semma’ leħnek” u rieżaminati minn korp ta’ sorveljanza indipendenti, il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju. Il-qafas tar-Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni huwa kklassifikat minn ta’ quddiem nett mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi fir-rapport tagħha dwar l-UE rigward il-kejl tal-prestazzjoni regolatorja.

Fl-2022, il-Kummissjoni bdiet l-implimentazzjoni sħiħa tal-prinċipju ta’ “one in, one out”, li jiżgura li kwalunkwe piż introdott ġdid jiġi kkumpensat billi jitneħħew piżijiet ekwivalenti fl-istess qasam ta’ politika. L-approċċ jiffoka fuq l-impatti tal-kostijiet tal-proposti tal-Kummissjoni fuq iċ-ċittadini u n-negozji, u jikkomplementa l-programm tal-Kummissjoni dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT). Fil-qafas tar-REFIT, il-Kummissjoni tagħmel sforzi sistematiċi biex tidentifika u tħeħħi l-burokrazija u l-kostijiet bla bżonn, filwaqt li tilħaq l-objettivi ta’ politika kull meta tiġi riveduta u evalwata l-leġiżlazzjoni tal-UE. Grupp ta’ esperti ta’ livell għoli, il-Pjattaforma Fit for Future, appoġġa din il-ħidma bl-adozzjoni ta’ 10 opinjonijiet, u pprovda rakkomandazzjonijiet dwar kif jistgħu jiġu ssimplifikati l-liġijiet tal-UE u jsiru iktar effiċjenti. Il-Kummissjoni ħadmet ukoll biex tiżgura li r-Regolamentazzjoni Aħjar tindirizza u tappoġġa l-għanijiet ta’ sostenibbiltà u t-trasformazzjoni diġitali.

Prospettiva strateġika

L-UE qed tfittex li l-politiki tagħha jibqgħu validi fil-futur billi kulma jmur tinkorpora l-prospettiva fit-tfassil tal-politika. Il-prospettiva strateġika tantiċipa x-xejriet, ir-riskji u l-kwistjonijiet emerġenti, kif ukoll l-implikazzjonijiet u l-opportunitajiet potenzjali tagħhom, sabiex jinsilet għarfien utli għall-ippjanar strateġiku, għat-tfassil tal-politika u għat-tħejjija. Tinforma wkoll it-tfassil ta’ inizjattivi ġodda tal-UE u r-rieżami tal-politiki eżistenti skont l-istrumenti għal Regolamentazzjoni Aħjar. Fl-aħħar mill-aħħar, il-prospettiva strateġika se tgħin lill-UE tirreaġixxi aħjar għal sitwazzjonijiet bla preċedent u kumplessi ħafna fi sfond ta’ inċertezza li qed tiżdied.

Fl-2022, il-kooperazzjoni interistituzzjonali dwar il-prospettiva taħt il-kappa tas-Sistema Ewropea ta’ Analiżi tal-Istrateġija u l-Politiki ffukat fuq il-ġeopolitika. Inbeda proġett pilota Ewropew ta’ Analiżi tal-Istrateġija u l-Politiki dwar l-analiżi tal-prospettivi biex jiġu identifikati sinjali ta’ bidla li potenzjalment jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq l-UE fil-futur.

Lenti ta’ kamera ffokata fuq il-baħar.

Tmexxija b’suċċess tat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali bħala l-pedament għal ġejjieni sostenibbli, ġust u kompetittiv.

Ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika tal-2022 tal-Kummissjoni ffoka fuq l-interazzjoni bejn it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali fil-kuntest ġeopolitiku ġdid li qed jevolvi b’mod rapidu. Il-Kummissjoni kompliet ukoll l-analiżi tal-megatendenzi ewlenin li jaffettwaw il-futur, bħall-migrazzjoni, it-tibdil fil-klima, id-diġitalizzazzjoni u l-inugwaljanzi. Il-kooperazzjoni mal-Istati Membri, permezz tan-Network ta’ Prospettiva għall-UE kollha, li jinkludi l-Ministri għall-Futur, ġiet żviluppata iktar.

Maroš Šefčovič jagħmel id-diskors tiegħu fuq il-podju quddiem il-logo tal-Konferenza Dinjija dwar il-Ħżin tal-Enerġija.
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli mir-Relazzjonijiet Interistituzzjonali u l-Prospettiva Maroš Šefčovič, waqt il-Konferenza Dinjija dwar il-Ħżin tal-Enerġija, fi Brussell, il-Belġju, nhar il-11 ta’ Ottubru 2022.

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment

Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik online (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).

Bit-telefown jew bil-miktub

Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja lil dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696,
  • permezz ta’ din il-formola: european-union.europa.eu/contact-eu/write-us_mt.

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Online

L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa (european-union.europa.eu).

Pubblikazzjonijiet tal-UE

Tista’ tara jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE minn op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tad-dokumentazzjoni lokali tiegħek (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati

Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex (eur-lex.europa.eu).

Data miftuħa tal-UE

Il-portal data.europa.eu jagħti aċċess għal settijiet tad-data miftuħa mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE. Dawn jistgħu jitniżżlu u jerġgħu jintużaw mingħajr ħlas, għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali. Il-portal jagħti aċċess ukoll għal għadd kbir ta’ settijiet tad-data mill-pajjiżi Ewropej.

Dwar

DWAR

L-UE fl-2022 — Rapport Ġenerali dwar l-Attivitajiet tal-Unjoni Ewropea

Print ISBN 978-92-76-61859-1 ISSN 1725-6941 doi:10.2775/834338 NA-AD-23-001-MT-C

PDF ISBN 978-92-76-61856-0 ISSN 1977-3501 doi:10.2775/091979 NA-AD-23-001-MT-N

HTML ISBN 978-92-76-61805-8 ISSN 1977-3501 doi:10.2775/093390 NA-AD-23-001-MT-Q

Verżjoni interattiva ta’ din il-pubblikazzjoni, li fiha links għal kontenut online, hija disponibbli f’format PDF u HTML: http://europa.eu/general-report/mt

L-UE fl-2022 — Rapport Ġenerali dwar l-Attivitajiet tal-Unjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
Servizz Editorjali u Komunikazzjoni Mmirata
1049 Bruxelles/Brussel
BELGIQUE/BELGIË

L-UE fl-2022 — Rapport Ġenerali dwar l-Attivitajiet tal-Unjoni Ewropea ġie adottat mill-Kummissjoni Ewropea fil-21 ta’ Frar 2023 bir-referenza C(2023) 1112/3.

Il-Kummissjoni Ewropea mhijiex responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza li tirriżulta minħabba l-użu mill-ġdid ta’ din il-pubblikazzjoni.

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2023

© L-Unjoni Ewropea, 2023

Il-politika tal-użu mill-ġdid tad-dokumenti tal-Kummissjoni Ewropea hija bbażata fuq id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/833/UE tat-12 ta’ Diċembru 2011 dwar l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti tal-Kummissjoni (ĠU L 330, 14.12.2011, p. 39).

Għajr jekk ikun indikat mod ieħor, l-użu mill-ġdid ta’ dan id-dokument huwa awtorizzat bil-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC-BY 4.0) (https://creativecommons.org/licenses/by/4.0/). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa permess kemm-il darba jingħata kreditu xieraq u jiġu indikati t-tibdiliet kollha.

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ elementi li mhumiex proprjetà tal-Unjoni Ewropea, jista’ jkun hemm bżonn li jintalab permess direttament mid-detenturi tad-drittijiet rispettivi.

KREDITI

Ir-ritratti kollha huma © L-Unjoni Ewropea, ħlief jekk jingħad mod ieħor.