Rapport Speċjali
28 2022

Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (SURE) Il-finanzjament taħt SURE kkontribwixxa għall-preservazzjoni tal-impjiegi matul il-kriżi tal-COVID-19, iżda l-impatt sħiħ tiegħu mhuwiex magħruf

Dwar ir-rapport:L-impatt ekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19 poġġa miljuni ta’ impjiegi f’riskju. F’dan l-isfond, l-UE stabbiliet strument temporanju msejjaħ SURE (Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza). SURE pprovda sa EUR 100 biljun f’self lill-Istati Membri skont termini favorevoli għal skemi ġodda għaż-żamma tal-impjiegi, jew biex jiġu estiżi dawk eżistenti. Aħna nikkonkludu li l-Kummissjoni rreaġiet malajr għall-isfida, li jirrifletti l-kuntest ta’ emerġenza. Filwaqt li hemm indikazzjonijiet li l-finanzjament taħt SURE laħaq miljuni ta’ persuni, in-nuqqas ta’ data komprensiva mingħand l-Istati Membri jillimita l-kapaċità tal-Kummissjoni li tivvaluta kemm ġew ippreservati impjiegi. Nirrakkomandaw li l-Kummissjoni tevalwa l-esperjenza miksuba fir-rigward ta’ SURE biex tieħu tagħlimiet għal kriżijiet futuri.

Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 24 lingwa fil-format li ġejt:
PDF
PDF Awditu tal-appoġġ li ngħata mill-UE biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE)

Sommarju eżekuttiv

I Il-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat xokk qawwi għall-ekonomija Ewropea bi tfixkil sinifikanti fis-suq tax-xogħol, li poġġa miljuni ta’ impjiegi f’riskju. F’dan l-isfond, l-UE stabbiliet strument temporanju msejjaħ SURE (Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza), biex l-Istati Membri jiġu megħjuna jindirizzaw l-impatt tal-pandemija fuq is-swieq tax-xogħol tagħhom. B’mod partikolari, l-istrument tfassal biex jappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ skemi ġodda għaż-żamma tal-impjiegi jew fl-estensjoni ta’ dawk eżistenti. Il-Kunsill għażel li jespandi l-ambitu tal-iskema inizjalment proposta mill-Kummissjoni sabiex SURE jkun jista’ jintuża wkoll biex jappoġġa miżuri relatati mas-saħħa.

II Għall-kuntrarju tal-appoġġ tradizzjonali fil-qasam tal-politika soċjali ffinanzjat mill-baġit tal-UE, SURE jipprovdi self b’terminu twil lill-Istati Membri skont termini finanzjarji favorevoli. Il-Kummissjoni timmaniġġja l-istrument u tista’ tissellef sa EUR 100 biljun fuq is-swieq kapitali. Sa Awwissu 2022, il-Kunsill kien approva EUR 93.3 biljun f’assistenza finanzjarja lil 19-il Stat Membru, li minnhom kważi EUR 92 biljun (98 %) kienu ġew żborżati. Il-perjodu ta’ disponibbiltà jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2022, għalkemm il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jestendi dan il-perjodu, abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni.

III Aħna wettaqna awditu ta’ SURE minħabba l-importanza tiegħu bħala miżura ta’ rpar tal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19. Barra minn hekk, l-appoġġ finanzjarju minn SURE, li jilħaq sa EUR 100 biljun, huwa sinifikanti. Aħna vvalutajna jekk l-istrument kienx effiċjenti u effettiv biex itaffi r-riskju ta’ qgħad fl-UE.

IV B’mod ġenerali, nikkonkludu li l-Kummissjoni rreaġiet malajr u b’mod effiċjenti għall-isfida li tgħin lill-Istati Membri jippreservaw l-impjiegi. Irnexxielha tikseb appoġġ mill-UE lill-Istati Membri b’mod aktar rapidu milli huwa l-każ taħt proċeduri ta’ finanzjament standard. Il-qafas SURE rrifletta l-kuntest ta’ emerġenza u llimita r-riskju finanzjarju għall-baġit tal-UE. Filwaqt li fil-livell aggregat hemm xi indikazzjonijiet li l-appoġġ taħt SURE laħaq miljuni ta’ persuni, in-nuqqas ta’ data komprensiva mingħand l-Istati Membri jillimita l-kapaċità tal-Kummissjoni li tivvaluta r-riżultati miksuba minn SURE.

V Il-Kummissjoni pproponiet regolament ġdid u innovattiv, li wara ġie approvat mill-Kunsill b’mod f’waqtu, xahrejn biss wara d-deżinjazzjoni tal-COVID-19 bħala pandemija. L-appoġġ taħt SURE ppermetta li l-Istati Membri joħolqu skemi għaż-żamma tal-impjiegi jew jestendu dawk li kienu diġà jeżistu iżda, minħabba ċ-ċirkustanzi differenti ħafna ta’ kull suq tax-xogħol nazzjonali, l-approċċi meħuda madwar l-UE kienu jvarjaw b’mod sinifikanti.

VI Il-finanzjament SURE huwa bbażat fuq self, mhux fuq għotjiet. Id-domanda tal-Istati Membri għal dan is-self kienet konformi mal-baġit ta’ EUR 100 biljun propost mill-Kummissjoni. Waħda mill-karatteristiċi uniċi ta’ SURE hija li l-Istati Membri kollha pprovdew garanziji, sa 25 % tas-self kollu mħallas taħt SURE, li kollha huma mistennija jitħallsu lura sal-2050. Dawn il-garanziji jservu bħala buffer biex jiġi protett il-baġit tal-UE, billi, f’każ ta’ inadempjenza, dawn għandhom mnejn jintalbu qabel ir-riżorsi proprji tal-Kummissjoni.

VII SURE huwa strument ta’ rispons għall-kriżijiet fejn l-iżborż rapidu tal-fondi huwa essenzjali. Il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri rċevew l-ewwel żborż tagħhom inqas minn xahar wara li għamlu t-talba. Billi l-iskemi għaż-żamma tal-impjiegi huma suxxettibbli għal użu ħażin, ir-Regolament SURE jirrikjedi li l-ftehimiet ta’ self mal-Istati Membri jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-kontrolli u l-awditi, biex jiġi minimizzat ir-riskju ta’ frodi u irregolarità. Il-Kummissjoni nediet stħarriġ ad hoc dwar is-sistemi nazzjonali ta’ awditjar u kontroll fil-bidu tal-2022, meta l-biċċa l-kbira mill-finanzjament kien diġà ġie żborżat lill-Istati Membri. L-Istati Membri kollha għajr wieħed irrappurtaw każijiet ta’ irregolaritajiet u frodi allegata. Madankollu, f’Settembru 2022, billi ma kienet taf bl-ebda irregolarità jew frodi kbar fir-rigward tar-responsabbiltajiet proprji tagħha skont il-leġiżlazzjoni, il-Kummissjoni ma kienet nediet l-ebda investigazzjoni speċifika f’din il-kwistjoni.

VIII Hemm indikazzjonijiet, fil-livell aggregat, li SURE laħaq miljuni ta’ impjegati u individwi li jaħdmu għal rashom matul l-aktar perjodu sever tal-kriżi u, flimkien ma’ miżuri oħra ta’ appoġġ għall-politika, ikkontribwixxa biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad. Madankollu, it-tfassil tal-istrument ma jippermettix li l-impatt ta’ SURE, f’termini ta’ outputs u riżultati, fi ħdan l-iskemi nazzjonali jiġi identifikat b’mod separat. L-effett huwa li l-Kummissjoni ma tistax tivvaluta r-riżultati ta’ SURE f’kull Stat Membru. Pereżempju, in-nuqqas ta’ data komprensiva mingħand l-Istati Membri jfisser li l-għadd ta’ persuni u negozji appoġġati minn SURE – il-kontribut potenzjali tal-istrument biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad – ma jistax jiġi vvalutat bis-sħiħ. Id-data mingħand l-Istati Membri dwar miżuri relatati mas-saħħa rrappurtata lill-Kummissjoni hija aktar limitata. Fir-Regolament SURE, mhuwiex obbligatorju li titwettaq evalwazzjoni.

IX Nirrakkomandaw li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni komprensiva ta’ SURE, bil-ħsieb li jittieħdu tagħlimiet għal strumenti futuri potenzjali għall-kriżijiet.

Introduzzjoni

Sfond

01 Matul il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri tal-UE ħadu għadd ta’ miżuri tas-saħħa pubblika biex jillimitaw it-tixrid tal-coronavirus. Dawn il-miżuri, flimkien mal-inċertezza ekonomika miġjuba mill-pandemija u t-tfixkil fil-katina tal-provvista kkawżat mill-għeluq tal-fruntieri u tal-fabbriki, irriżultaw fi tnaqqis sinifikanti kemm fil-produzzjoni kif ukoll fil-konsum fl-UE. Fl-istadji bikrija tal-pandemija, dawn il-miżuri kienu jinkludu lockdowns li wasslu għall-għeluq temporanju ta’ diversi setturi tal-ekonomija tal-UE, bħat-turiżmu u l-ospitalità1.

02 Il-kontrazzjoni ekonomika li rriżultat, u li nħasset b’mod partikolarment qawwi fl-Istati Membri tan-Nofsinhar tal-UE, poġġiet miljuni ta’ impjiegi f’riskju. Fl-2020 iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) stma li madwar 45 miljun impjieg, jiġifieri 23 % tal-forza tax-xogħol, fis-suq tax-xogħol tal-EU-27 iffaċċjaw riskju għoli ħafna ta’ tfixkil minħabba l-COVID-19, u li 22 % oħra tal-forza tax-xogħol tal-UE – l-aktar ħaddiema b’ħiliet minn medji sa aktar baxxi fis-settur tas-servizzi – kienu esposti għal xi riskju sinifikanti2.

03 F’dan l-isfond, u fuq bażi temporanja, l-UE stabbiliet SURE (Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza) biex l-Istati Membri jiġu megħjuna jindirizzaw l-impatt tal-pandemija fuq is-swieq tax-xogħol tagħhom. L-istrument jappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ miżuri ġodda jew estiżi għaż-żamma tal-impjiegi. Dawn l-iskemi jipprovdu appoġġ pubbliku għall-introjtu għas-sigħat mhux maħduma għan-negozji li jesperjenzaw diffikultajiet ekonomiċi. L-istrumenti għaż-żamma tal-impjiegi jinkludu skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, ta’ assenza bil-permess u ta’ sussidju tal-pagi.

Dwar SURE

04 L-objettiv primarju ta’ SURE huwa li jipprovdi assistenza finanzjarja lill-Istati Membri li qed jesperjenzaw tfixkil ekonomiku serju, jew li huma mhedda serjament minn tali tfixkil. Fil-finanzjament tal-iskemi għaż-żamma tal-impjiegi, fl-aħħar mill-aħħar, SURE għandu l-għan li jnaqqas l-inċidenza tal-qgħad u t-telf tal-introjtu (ara l-Figura 1). Huwa jappoġġa l-impjiegi eżistenti; ma jiffinanzjax skemi għall-qgħad.

Figura 1 – Objettivi prinċipali ta’ SURE

Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni.

05 Il-proposta leġiżlattiva inizjali tal-Kummissjoni għal SURE kienet limitata għall-objettiv tal-impjiegi3. Meta adotta r-Regolament SURE f’Mejju 2020, il-Kunsill iddeċieda li jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biex jappoġġa miżuri relatati mas-saħħa (ara l-Figura 2).

Figura 2 – Tipoloġija ta’ azzjonijiet iffinanzjati taħt SURE

Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni.

06 SURE jipprovdi self lill-Istati Membri u huwa ffinanzjat permezz ta’ teħid b’self. L-istrument huwa mmaniġġjat mill-Kummissjoni, u jkopri l-operazzjonijiet ta’ teħid b’self, kif ukoll l-amministrazzjoni u l-iżborż tas-self. Id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (DĠ ECFIN), bħala d-DĠ ewlieni, ikkoordina t-twaqqif u l-implimentazzjoni tal-istrument, f’kollaborazzjoni mill-qrib mad-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (DĠ EMPL) u d-Direttorat Ġenerali għall-Baġit (DĠ BUDG) (ara t-Tabella 1).

Tabella 1 – Rwoli u responsabbiltajiet tad-DĠ

DĠ ECFIN DĠ EMPL DĠ BUDG
  • L-iżvilupp ta’ gwida dwar liema tip ta’ skemi jistgħu jitqiesu eliġibbli għal appoġġ taħt SURE u mudelli rigward il-mod kif jintalab il-finanzjament SURE;
  • Il-valutazzjoni tal-miżuri nazzjonali taħt SURE (b’mod konġunt mad-DĠ EMPL);
  • Il-valutazzjoni tal-konformità ma’ nefqa pubblika li tkun żdiedet għal għarrieda u b’mod qawwi (kundizzjonijiet ta’ skattar għal self taħt SURE);
  • L-abbozzar tal-proposta tal-Kummissjoni għad-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill;
  • Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni finanzjarja u l-produzzjoni ta’ rapporti biannwali.
  • Il-valutazzjoni tal-miżuri nazzjonali taħt SURE (b’mod konġunt mad-DĠ ECFIN);
  • Il-verifikazzjoni li ma kien hemm l-ebda trikkib mal-għotjiet tal-Fond Soċjali Ewropew;
  • Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni finanzjarja: l-għoti ta’ inputs għar-rapporti biannwali (bil-koordinazzjoni tad-DĠ ECFIN).
  • It-tħejjija ta’ mudelli ta’ ftehim ta’ garanzija u self;
  • Id-determinazzjoni mal-Istati Membri tal-karatteristiċi tas-self (eż. il-maturità);
  • Il-ħruġ ta’ bonds, l-amministrazzjoni tas-self, it-trattament tal-iżborżi u l-ħlasijiet lura;
  • Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni finanzjarja permezz tal-produzzjoni ta’ rapporti finanzjarji trimestrali.

Sors: il-QEA.

07 SURE huwa strument temporanju. Il-perjodu ta’ disponibbiltà tiegħu jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2022, sakemm il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, ma jiddeċidix li jestendih.

Pakkett finanzjarju

08 Skont ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tissellef sa EUR 100 biljun fuq is-swieq kapitali biex tiffinanzja l-appoġġ taħt SURE4. Kull Stat Membru li jixtieq jibbenefika mill-appoġġ taħt SURE jibgħat talba lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tivvaluta kull talba u, jekk din tkun tikkonforma mal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tar-regolament, tipproponi li l-Kunsill japprova l-assistenza finanzjarja taħt SURE. Din id-deċiżjoni tieħu l-forma ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill għal self back-to-back (self maħruġ bl-istess termini bħal dawk li l-Kummissjoni rċeviet fuq is-swieq kapitali) li jirrappreżenta assistenza finanzjarja lill-Istat Membru kkonċernat.

09 Biex tiffinanzja l-istrument, il-Kummissjoni ħarġet bonds fuq is-swieq kapitali. Il-bonds maħruġa mill-Kummissjoni kellhom diversi maturitajiet, li jvarjaw minn 5 snin sa 30 sena. L-interess tal-investituri fil-bonds SURE kien qawwi.

10 Barra minn hekk, u għall-ewwel darba, il-Kummissjoni ħarġet il-bonds taħt l-istrument SURE bħala bonds soċjali (ara l-Kaxxa 1).

Kaxxa 1

Bonds soċjali u l-qafas għall-bonds soċjali ta’ SURE

Il-bonds soċjali huma ddefiniti bħala strumenti li jiġbru fondi għal proġetti ġodda u eżistenti b’eżiti soċjali pożittivi.

Il-qafas għall-bonds soċjali ta’ SURE huwa allinjat mal-Prinċipji tal-Bonds Soċjali stabbiliti mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Suq Kapitali, li hija organizzazzjoni ta’ awtoregolamentazzjoni u assoċjazzjoni kummerċjali għall-parteċipanti fis-swieq kapitali. Skont dan il-qafas, il-Kummissjoni hija meħtieġa tippubblika rapporti, abbażi ta’ data pprovduta mill-Istati Membri, dwar l-allokazzjoni tar-rikavati minn SURE, it-tip ta’ nefqa u l-impatt tal-assistenza finanzjarja taħt SURE.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

11 Aħna vvalutajna jekk SURE kienx rispons effiċjenti u effettiv biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-UE mill-pandemija tal-COVID-19 u jekk ġiex implimentat b’mod effiċjenti mill-Kummissjoni. B’mod partikolari, eżaminajna jekk:

  • it-twaqqif tal-istrument kienx f’waqtu;
  • ġewx stabbiliti arranġamenti xierqa biex jiġi limitat ir-riskju finanzjarju għall-baġit tal-UE permezz ta’ SURE;
  • il-qafas leġiżlattiv għal SURE u l-implimentazzjoni tiegħu kinux jirriflettu s-sitwazzjoni ta’ kriżi filwaqt li mminimizza r-riskju ta’ frodi u irregolarità;
  • il-Kummissjoni żviluppatx qafas robust għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-iskemi nazzjonali għaż-żamma tal-impjiegi ffinanzjati minn SURE u għall-evalwazzjoni tal-impatt tagħhom; u
  • SURE kienx effettiv biex jgħin lill-Istati Membri jipproteġu l-impjiegi.

12 Il-perjodu ta’ żmien kopert kien minn April 2020, meta l-Kummissjoni pproponiet ir-Regolament SURE, sa tmiem ix-xogħol tal-awditjar fuq il-post f’Settembru 2022. Il-fokus tal-awditu kien il-Kummissjoni. Il-valutazzjonijiet tal-implimentazzjoni ta’ SURE fil-livell tal-Istati Membri individwali u tal-ġestjoni mill-Kummissjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self kienu barra mill-ambitu tal-awditjar.

13 Aħna ksibna data u informazzjoni mingħand id-DĠ prinċipali tal-Kummissjoni li huma responsabbli minn SURE, kif ukoll mingħand l-Eurostat. Ikkonsultajna lill-Eurofound (l-aġenzija tal-UE għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol) u liċ-Ċentru għall-Istudji Politiċi Ewropej (is-CEPS, li huwa grupp ta’ riflessjoni tal-UE).

14 Bħala parti mix-xogħol tal-awditjar li wettaqna, aħna:

  • irrieżaminajna l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, il-gwida tal-Kummissjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni mal-Istati Membri u dokumenti rilevanti oħra;
  • intervistajna rappreżentanti tal-Kummissjoni, tas-CEPS u tal-Eurofound;
  • analizzajna l-proċessi għall-applikazzjoni u r-rappurtar dwar SURE għal kampjun ta’ talbiet għal assistenza finanzjarja; u
  • eżaminajna r-risposti tal-Istati Membri għall-istħarriġ tal-Kummissjoni kmieni fl-2022 biex nivvalutaw ir-riskju ta’ irregolaritajiet u frodi.

15 Aħna wettaqna awditu ta’ SURE minħabba l-importanza rrappurtata tiegħu bħala miżura ta’ rpar tal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 u bħala prevenzjoni kontra żieda drastika fil-qgħad bħalma kien maħsub inizjalment. Barra minn hekk, l-appoġġ finanzjarju minn SURE, li jilħaq sa EUR 100 biljun, huwa sinifikanti.

Osservazzjonijiet

L-istrument SURE kien rispons f’waqtu biex jittaffa r-riskju ta’ qgħad matul il-pandemija tal-COVID-19

16 Aħna eżaminajna jekk l-istrument kienx rispons f’waqtu biex jittaffa r-riskju ta’ qgħad matul il-pandemija tal-COVID-19, u analizzajna b’mod partikolari l-kronoloġija tal-proċessi involuti mid-data li fiha ġiet iddikjarata l-pandemija. Eżaminajna wkoll jekk il-Kummissjoni vvalutatx b’mod xieraq il-livell mistenni tad-domanda għal self taħt SURE biex tistabbilixxi l-pakkett finanzjarju u l-istima mill-Kummissjoni tal-iffrankar finanzjarju ipotetiku għall-Istati Membri miksub permezz ta’ SURE.

L-UE introduċiet SURE malajr

17 L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddikjarat il-pandemija fil-11 ta’ Marzu 2020. Fit-2 ta’ April, inqas minn xahar wara, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill il-proposta tagħha għal Regolament SURE. F’dan il-punt, il-Kummissjoni kienet diġà bdiet negozjati mal-Istati Membri dwar l-impenn tagħhom li jipprovdu garanziji konġunti għal parti mit-teħid b’self.

18 Xahrejn wara d-deżinjazzjoni tal-COVID-19 bħala pandemija, fid-19 ta’ Mejju 2020, il-Kunsill adotta r-regolament, b’xi modifiki bħall-estensjoni tal-ambitu tal-assistenza finanzjarja taħt SURE biex jinkludi wkoll miżuri relatati mas-saħħa (ara l-paragrafu 05).

19 SURE huwa uniku, u għaldaqstant huwa diffiċli li jitqabbel ma’ strumenti oħra simili. Madankollu, filwaqt li, bħala medja, għaddew sitt xhur bejn il-proposta mill-Kummissjoni u l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ emendi għar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni5 b’rispons għall-kriżijiet preċedenti, ir-Regolament SURE ġie adottat fi żmien xahrejn. Dan kien strumentali biex l-ewwel self jiġi żborżat lill-Istati Membri kmieni matul il-kriżi tal-COVID-19.

20 Wara l-adozzjoni tar-regolament f’Mejju 2020, il-Kummissjoni ġabret finanzjament fuq is-swieq kapitali u żborżat l-ewwel self lill-Istati Membri f’Ottubru tal-istess sena (ara l-Figura 3).

Figura 3 – Il-perjodu mid-dikjarazzjoni tal-pandemija sal-ewwel żborż taħt SURE kien qasir

Sors: il-QEA, ibbażat fuq dokumenti tal-Kummissjoni.

Id-domandi tal-Istati Membri għall-finanzjament taħt SURE kienu konformi mal-istima tal-Kummissjoni

21 SURE jipprovdi assistenza finanzjarja lill-Istati Membri li qed jiffaċċjaw tfixkil fis-suq tax-xogħol b’riżultat tal-pandemija tal-COVID-19. Sabiex jitkejjel il-livell mistenni tad-domanda għal self taħt SURE, fi tmiem Marzu 2020, il-Kummissjoni ħejjiet tliet xenarji, filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni t-tul potenzjali tal-lockdowns, l-ambitu tagħhom u l-għadd ta’ pajjiżi li talbu self. Dan wassal għal stima tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament, ta’ bejn EUR 50 biljun u EUR 100 biljun, għal skemi għaż-żamma tal-impjiegi. Il-Kummissjoni għażlet li tipproċedi fuq il-bażi tax-xenarju bl-ogħla ħtiġijiet ta’ finanzjament (EUR 100 biljun), minħabba l-inċertezza dwar l-impatt sħiħ tal-pandemija tal-COVID-19 prevalenti f’dak iż-żmien.

22 L-istima tal-Kummissjoni kienet suffiċjenti biex tiġi ssodisfata d-domanda fl-UE kollha għal appoġġ finanzjarju minn SURE, għalkemm il-Kunsill kien inkluda miżuri relatati mas-saħħa fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament. Tmien Stati Membri (id-Danimarka, il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja) għażlu li ma jagħmlux użu minn SURE. Dawn l-Istati Membri kollha diġà kellhom skemi stabbiliti għaż-żamma tal-impjiegi ffinanzjati fil-livell nazzjonali.

23 Sa Awwissu 2022, il-Kunsill kien approva total ta’ EUR 93.3 biljun f’assistenza finanzjarja lil 19-il Stat Membru. Minn dan it-total, kważi EUR 92 biljun (98 %) kienu ġew żborżati sa Awwissu 2022 (ara l-Figura 4).

Figura 4 – Ammonti tal-iżborżi taħt SURE (EUR 91.8 biljun, Awwissu 2022)

Sors: il-QEA, ibbażat fuq id-data tal-Kummissjoni dwar l-iżborżi taħt SURE.

24 Kważi nofs l-appoġġ ġie pprovdut lil żewġ Stati Membri, l-Italja u Spanja. Żewġ Stati Membri biss, il-Polonja u r-Rumanija, fejn l-infiq fuq miżuri eliġibbli għal appoġġ taħt SURE kien aktar baxx milli previst, ma talbux għall-iżborż tas-self kollu disponibbli.

Il-Kummissjoni tistma li l-Istati Membri potenzjalment iffrankaw madwar EUR 8 biljun permezz ta’ SURE

25 Raġuni waħda għal-livell għoli ta’ domanda tal-Istati Membri għal appoġġ taħt SURE hija l-possibbiltà ta’ aċċess għall-finanzjament bi spiża relattivament baxxa. Il-Kummissjoni stmat li bis-saħħa tal-klassifikazzjoni tal-kreditu AAA tal-UE, l-assistenza finanzjarja pprovduta taħt SURE wasslet għal iffrankar ta’ EUR 8.5 biljun f’pagamenti ta’ mgħax għall-Istati Membri meta mqabbel ma’ dak li ipotetikament kienu jħallsu kieku ssellfu l-istess ammont fuq is-suq kapitali huma stess6.

26 Aħna vverifikajna li l-iffrankar tal-imgħax stmat jirrifletti d-daqs tas-self u d-differenza bejn il-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-UE u dik tal-Istati Membri individwali. Dawn huma kkonċentrati f’ħamsa mill-Istati Membri benefiċjarji (l-Italja, Spanja, ir-Rumanija, il-Polonja u l-Greċja), u jvarjaw bejn EUR 0.5 biljun u EUR 3.8 biljun, u jirrappreżentaw kważi 86 % tal-iffrankar totali stmat.

L-istrument SURE jinvolvi riskju finanzjarju limitat għall-baġit tal-UE

27 Ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet u r-regoli li jinsabu fir-Regolament SURE u fuq il-ftehimiet ta’ garanzija mal-Istati Membri, aħna analizzajna jekk ġewx stabbiliti arranġamenti biex jiġi limitat ir-riskju finanzjarju għall-baġit tal-UE.

L-Istati Membri ggarantew 25 % tas-self kollu taħt SURE

28 Għalkemm il-finanzjament taħt SURE huwa bbażat fuq self, u mhux fuq għotjiet, għad hemm riskju għall-baġit tal-UE jekk ikun hemm Stat Membru wieħed jew diversi Stati Membri li jkunu inadempjenti fil-ħlasijiet lura tas-self tagħhom. Din hija r-raġuni għalfejn element ewlieni ta’ SURE kien li l-Istati Membri kollha qablu li jipprovdu garanziji irrevokabbli fuq talba, approporzjon tas-sehem relattiv tagħhom mill-introjtu nazzjonali gross totali tal-UE, li jkopri 25 % tal-pakkett finanzjarju taħt SURE. Il-bqija jiġi ggarantit mill-baġit tal-UE.

29 Il-garanziji tal-Istati Membri tfasslu biex jaġixxu bħala buffer sabiex jiġi protett il-baġit tal-UE. Jekk l-Istati Membri jonqsu milli jagħmlu ħlas lura fil-ħin, il-Kummissjoni tista’ żżomm lill-Istati Membri l-oħra kollha responsabbli. F’każ ta’ kwalunkwe inadempjenza, skont il-leġiżlazzjoni l-Kummissjoni “hija mistennija teżamina l-possibbiltà” li l-baġit tal-UE jintuża biex jitħallsu lura d-djun pendenti7. Madankollu, hija għandha wkoll l-għażla li l-ewwel tagħmel prelevament mill-garanziji tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni qaltilna li dan x’aktarx kien se jkun il-kors ta’ azzjoni ppreferut tagħha. F’każ li jiġi eżawrit il-buffer ta’ garanzija kollu tal-Istati Membri, li jammonta għal EUR 25 biljun, id-dejn li jifdal ikun jitħallas lura mill-baġit tal-UE. Dawn l-arranġamenti jipprovdu lill-investituri garanzija li hemm riskju limitat ħafna li l-UE tkun inadempjenti fid-djun tagħha minħabba l-klassifikazzjoni tal-kreditu AAA tagħha (ara l-paragrafu 25).

Regoli prudenzjali addizzjonali jillimitaw aktar ir-riskju finanzjarju għall-baġit tal-UE

30 Barra minn hekk, ir-Regolament SURE jinkludi żewġ mekkaniżmi prinċipali (imsejħa “regoli prudenzjali”) biex itaffu l-iskopertura annwali massima u għal kull Stat Membru8:

  • l-ammont annwali totali ripagabbli huwa limitat għal EUR 10 biljun, 10 % tal-finanzjament totali disponibbli taħt SURE. Il-Kummissjoni ħarġet bonds b’maturitajiet differenti biex tilħaq dan l-għan; u
  • mhux aktar minn 60 % tal-finanzjament totali disponibbli jista’ jingħata lil kwalunkwe tliet Stati Membri.

Fil-fehma tagħna dawn ir-regoli prudenzjali jillimitaw aktar ir-riskju finanzjarju għall-baġit tal-UE f’każ li Stat Membru jkun inadempjenti.

31 SURE jipprovdi finanzjament lill-Istati Membri permezz ta’ self. Il-ħlas lura huwa mistenni li jsir bejn l-2025 u l-2050, b’maturità medja ta’ 14.5-il sena9. Il-Figura 5 tagħti ripartizzjoni, skont il-pajjiż, tad-dati ta’ maturità differenti u turi t-tħaddim tar-regoli prudenzjali. Pereżempju, bejn l-2025 u l-2050, hemm tliet snin meta l-ammont massimu ta’ EUR 10 biljun ta’ self huwa mistenni jitħallas lura. Għall-kuntrarju ta’ xi kriżijiet preċedenti, ħafna Stati Membri kienu jeħtieġu appoġġ fl-istess ħin. L-Istati Membri bagħtu t-talbiet tagħhom għall-fondi totali u bil-maturità tas-self preferuta tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni pprogrammat self differenti taħt SURE b’maturitajiet differenti.

Figura 5 – Maturitajiet tas-self taħt SURE u skeda ta’ ħlas lura għal kull Stat Membru

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni dwar il-maturitajiet tas-self taħt SURE u l-iskedi ta’ ħlas lura.

Il-Kummissjoni stabbiliet qafas flessibbli għal SURE, li ma kienx isegwi l-arranġamenti ta’ finanzjament standard

32 Aħna vvalutajna jekk il-qafas ta’ governanza għal SURE kienx jirrifletti l-kuntest ta’ emerġenza. Analizzajna wkoll il-proċessi li l-Kummissjoni stabbiliet biex titlob u tagħti assistenza finanzjarja taħt SURE, sal-iżborż lill-Istati Membri, u kkorroborajna l-analiżi tagħna abbażi ta’ kampjun ta’ każijiet. Fl-aħħar nett, ivvalutajna jekk il-Kummissjoni ħaditx l-ewwel passi biex tivvaluta r-riskju ta’ frodi u irregolaritajiet fl-implimentazzjoni tal-iskemi għaż-żamma tal-impjiegi ffinanzjati minn SURE fil-livell tal-Istati Membri.

Il-qafas ta’ SURE jirrifletti l-kuntest ta’ emerġenza

33 SURE huwa strument ta’ rispons għall-kriżijiet, imfassal biex jipprovdi assistenza finanzjarja temporanja u ripagabbli lill-Istati Membri. Għaldaqstant, il-qafas ta’ SURE – li jinkludi r-regolament innifsu flimkien mal-għażliet magħmula mill-Kummissjoni fit-tħaddim tiegħu – huwa deliberatament aktar sempliċi mill-proċeduri ta’ finanzjament standard tal-Kummissjoni.

34 Pereżempju, ir-Regolament SURE ma kienx jirrikjedi li l-Kummissjoni twettaq analiżi tal-ambitu u tat-tfassil tal-iskemi nazzjonali eżistenti jew dawk ippjanati għaż-żamma tal-impjiegi meta tivvaluta t-talbiet tal-Istati Membri għal assistenza finanzjarja. Billi dawn l-iskemi kienu jvarjaw sinifikattivament (f’termini tad-daqs, is-settur u l-fatturat tal-kumpaniji appoġġati, il-gruppi ta’ ħaddiema eliġibbli, il-livell u d-durata tal-iskema, u l-inklużjoni ta’ projbizzjoni fuq is-sensji) fl-Istati Membri kollha, analiżi bħal din kieku kienet iddewwem sinifikattivament l-iżborż tas-self.

Il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament SURE kienu ġenerali u l-Kummissjoni vvalutathom f’kuntatt mill-qrib mal-Istati Membri

35 Mid-19-il Stat Membru li rċevew fondi taħt SURE, 11 allokaw l-assistenza finanzjarja biex joħolqu skemi ġodda għaż-żamma tal-impjiegi, u 8 biex jestendu jew jimmodifikaw l-iskemi eżistenti (ara l-Figura 6).

Figura 6 – Skemi ġodda ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u estensjonijiet ta’ dawk preeżistenti ffinanzjati minn SURE

Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni pprovduta mill-Eurofound.

36 Ir-Regolament SURE10 stabbilixxa żewġ kundizzjonijiet prinċipali għall-użu tal-istrument:

  • żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika relatata direttament mal-iskemi għaż-żamma tal-impjiegi (il-kundizzjoni ta’ skattar);
  • l-appoġġ taħt SURE jrid jintuża għal skemi għaż-żamma tal-impjiegi (jiġifieri skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar jew miżuri simili) jew għal miżuri relatati mas-saħħa (il-kundizzjoni ta’ eliġibbiltà).

37 Ibbażat fuq ir-rieżaminar li wettaqna ta’ kampjun ta’ 31 każ (inklużi miżuri relatati mas-saħħa), aħna sibna li l-Kummissjoni vvalutat b’mod adegwat jekk dawn iż-żewġ kundizzjonijiet għall-użu ta’ SURE kinux ġew issodisfati.

38 Il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà stabbiliti fir-regolament kienu ġenerali, u taw lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni konsiderevoli biex jiddeċiedu fejn jimmiraw il-finanzjament tal-UE. Dan għamel il-kompitu tal-Kummissjoni li tivvaluta t-talbiet għal appoġġ inqas oneruż. Għalhekk, il-verifiki mwettqa mill-Kummissjoni kienu limitati biex jikkonfermaw li l-miżuri li għalihom intalbu fondi jkunu jgħinu lill-persuni jżommu l-impjiegi tagħhom fil-kuntest tal-COVID-19. Madankollu, il-leġiżlazzjoni ma kinitx tirrikjedi li l-Kummissjoni tivvaluta l-kosteffettività tal-miżuri. Il-leġiżlazzjoni tiddikjara li l-Istrument SURE “għandu jikkomplementa l-miżuri nazzjonali ... billi jipprovdi assistenza finanzjarja11. Il-Kummissjoni qieset li dan ir-rekwiżit kien iggarantit mill-kundizzjonijiet marbuta mal-istrument u li ma kien hemm l-ebda ħtieġa li tiġi vvalutata l-komplementarjetà tal-appoġġ taħt SURE ma’ miżuri nazzjonali oħra fl-Istati Membri.

39 Bil-ħsieb li tiffaċilita l-iżborż rapidu tal-fondi, il-Kummissjoni żammet ukoll kuntatti bilaterali mill-qrib mal-Istati Membri matul il-proċess ta’ valutazzjoni tal-iskemi proposti sabiex, pereżempju:

  • tispjega l-kundizzjonijiet għall-użu tal-istrument (b’mod partikolari permezz ta’ laqgħat bilaterali fil-livell tekniku qabel ma l-Istati Membri jippreżentaw it-talba formali għal assistenza). Pereżempju, xi drabi l-Kummissjoni kellha tikkjarifika lill-Istati Membri li ċerti miżuri nazzjonali ma kinux eliġibbli għal appoġġ taħt SURE (ara l-Kaxxa 2);
  • tikseb kjarifiki addizzjonali, fejn meħtieġ, fir-rigward tal-informazzjoni ppreżentata mill-Istati Membri.

Kaxxa 2

Miżuri nazzjonali li mhumiex eliġibbli għal SURE

  • Appoġġ lill-persuni qiegħda (eż. benefiċċji jew politiki attivi tas-suq tax-xogħol)
  • Appoġġ lill-persuni inattivi (eż. studenti, pensjonanti)
  • Appoġġ ta’ likwidità u garanziji għan-negozji, mhux relatati mal-impjiegi (eż. spejjeż tal-elettriku/ilma, sussidji għall-kirjiet, miżuri ta’ darba għall-SMEs biex jevitaw fallimenti)
  • Tnaqqis fl-ispejjeż indiretti tax-xogħol tad-ditti mingħajr l-ebda rekwiżit li jinżammu l-impjiegi (eż. tnaqqis ġenerali fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali)
  • Appoġġ dirett għall-introjtu lill-impjegati (eż. tnaqqis fl-obbligi tat-taxxa tal-impjegati billi dawn il-miżuri ma jipproteġux direttament l-impjiegi u ma jipprevenux it-telf ta’ impjiegi)
  • Differimenti tal-obbligazzjonijiet tat-taxxa tad-ditti, bħall-posponiment tal-pagament tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, billi dawn il-miżuri mhumiex nefqa pubblika

Sors: il-QEA, ibbażat fuq dokumenti tal-Kummissjoni.

40 F’każijiet fejn il-Kummissjoni osservat użu aktar baxx tal-fondi taħt SURE meta mqabbel ma’ dak li kien ippjanat, il-Kummissjoni kienet attiva biex tinvolvi lilha nfisha f’diskussjonijiet mal-awtoritajiet nazzjonali biex tgħinhom jagħmlu użu mill-finanzjament disponibbli – bħall-adozzjoni ta’ miżuri eliġibbli addizzjonali, jew l-estensjoni ta’ dawk eżistenti.

L-ambitu tal-istrument SURE ġie estiż mill-Kunsill biex jiġu ffinanzjati miżuri relatati mas-saħħa, u dan naqqas il-fokus primarju tiegħu fuq l-impjiegi

41 Ir-Regolament SURE jirrikonoxxi li l-impjiegi huma l-għan primarju tiegħu. L-inklużjoni tal-finanzjament ta’ miżuri relatati mas-saħħa (li eżempji tagħhom jinsabu fil-Figura 2) tnaqqas il-fokus primarju marbut maż-żamma tal-persuni f’impjieg. Filwaqt li l-miżuri relatati mas-saħħa huma eliġibbli, dawn iridu jibqgħu “anċillari”12.

42 Il-gwida informali tal-Kummissjoni, li ġiet diskussa u maqbula fi grupp ta’ ħidma tal-Kunsill ta’ Awwissu 2020, kienet li jenħtieġ li s-sehem tal-infiq totali taħt SURE fuq miżuri relatati mas-saħħa fi Stat Membru ma jaqbiżx il-15 %. B’mod ġenerali, dan il-limitu massimu ġie rrispettat, billi l-infiq mill-Istati Membri fuq miżuri relatati mas-saħħa kien jirrappreżenta madwar 5 % tal-baġit totali ta’ SURE.

43 Fl-aħħar nett, madankollu, il-Kummissjoni, appoġġata mill-Kunsill, interpretat it-terminu “anċillari” tar-regolament bħala li jfisser li jenħtieġ li l-proporzjon tal-infiq taħt SURE fuq miżuri relatati mas-saħħa f’kull Stat Membru ma jaqbiżx il-50 %. Mis-seba’ Stati Membri li allokaw finanzjament taħt SURE għal miżuri relatati mas-saħħa, erbgħa żammew il-proporzjon ta’ dan l-infiq għal inqas minn 15 %. Il-Portugall uża 23 % tas-self tiegħu taħt SURE fuq miżuri relatati mas-saħħa, u l-Ungerija u r-Rumanija kważi 50 %. It-12-il Stat Membru li jifdal ma użawx din il-faċilità.

Il-Kummissjoni żborżat rapidament il-fondi lill-Istati Membri

44 Il-Kummissjoni wettqet rapidament il-valutazzjoni tagħha tat-talbiet tal-Istati Membri. B’riżultat ta’ dan, 13 mid-19-il Stat Membru li talbu finanzjament taħt SURE rċevew l-ewwel żborż f’inqas minn xahar mit-talba għall-fondi, u 5 Stati Membri fi żmien xahar ieħor wara. L-Istat Membru l-ieħor talab li jirċievi l-fondi aktar tard, jiġifieri ħames xhur wara t-talba.

Il-ftehimiet ta’ self taħt SURE kienu jinkludu dispożizzjonijiet rigward ir-riskju ta’ frodi u irregolarità, iżda l-qafas legali ma kienx jirrikjedi valutazzjoni tar-robustezza tas-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri

45 Il-miżuri ta’ rispons għall-kriżijiet, bħall-iskemi għaż-żamma tal-impjiegi ffinanzjati minn SURE, huma partikolarment suxxettibbli għal irregolaritajiet u użu ħażin potenzjali, kif ġie indikat min-network iffinanzjat mill-Kummissjoni, jiġifieri l-Pjattaforma Ewropea li tindirizza x-xogħol mhux iddikjarat13, u minn diversi rapporti mill-Istituzzjonijiet supremi tal-awditjar14.

46 Ir-Regolament SURE jirrikjedi li l-ftehim ta’ self ma’ kull Stat Membru jinkludi dispożizzjonijiet rigward il-verifiki u l-awditi, biex jiġi minimizzat ir-riskju ta’ frodi u irregolarità, kif meħtieġ fir-Regolament Finanzjarju15. Il-Kummissjoni għandha sistemi mfassla biex ikopru n-nuqqas ta’ frodi u irregolaritajiet bejn l-UE u l-Istati Membri. L-Istati Membri huma responsabbli mill-użu xieraq tal-fondi fil-livell nazzjonali, biex jipprevienu l-irregolaritajiet u l-frodi, u potenzjalment biex mingħand ir-riċevituri jirkupraw fondi li jkunu ntużaw b’mod ħażin. Il-qafas legali ma jirrikjedix li l-Kummissjoni tivvaluta r-robustezza tas-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri li jirregolaw l-implimentazzjoni tal-miżuri nazzjonali appoġġati mill-fondi tal-UE. F’konformità mal-qafas legali biex jintlaħaq qbil dwar is-self, il-Kummissjoni ffukat fuq ir-responsabbiltajiet tal-UE bħala sellief, u tal-Istati Membri bħala mutwatarji. Pereżempju, bħala kontroll ex post, il-verifiki mwettqa mill-Kummissjoni jkopru jekk il-miżuri tal-Istati Membri li jingħataw appoġġ minn SURE humiex konsistenti ma’ dawk fid-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill. Aħna nosservaw li l-użu ta’ self bħala mekkaniżmu biex jiġi pprovdut finanzjament ifisser li r-responsabbiltajiet legali tal-Kummissjoni b’rabta mal-frodi u l-irregolarità huma inqas estensivi minn meta hija tipprovdi finanzjament b’għotjiet taħt il-politika ta’ Koeżjoni.

47 F’Jannar 2022, b’rispons għall-awditu li wettaqna, u sabiex tikseb aktar informazzjoni dwar it-tħaddim tal-ftehimiet ta’ self fil-prattika, il-Kummissjoni wettqet stħarriġ ad hoc fl-Istati Membri benefiċjarji ta’ SURE dwar is-sistemi ta’ awditjar u kontroll. F’dan iż-żmien, madwar 95 % tas-self kien diġà ġie żborżat. Fir-risposti tagħhom għall-istħarriġ, l-Istati Membri rrappurtaw li, għall-miżuri appoġġati minn SURE, kienu qed jużaw is-sistemi ta’ awditjar u kontroll li kienu stabbiliti qabel il-pandemija. B’eċċezzjoni waħda, l-Istati Membri kollha rrappurtaw li kienu qabdu każijiet ta’ irregolaritajiet jew frodi. F’dawn il-każijiet kollha, l-Istat Membru kkonċernat wettaq investigazzjoni. Dan wassal għal azzjoni legali biex jiġu rkuprati fondi li kienu ntużaw b’mod mhux xieraq fi 13-il Stat Membru16. Jekk il-Kummissjoni jkollha dubji serji dwar l-użu tal-fondi taħt SURE mill-Istati Membri, hija għandha l-għażla li tniedi investigazzjonijiet. F’Settembru 2022 il-Kummissjoni ma kienet wettqet l-ebda investigazzjoni, fuq il-bażi li ma kinitx taf b’xi irregolaritajiet jew frodi kbar fir-rigward tar-responsabbiltajiet proprji tagħha skont il-leġiżlazzjoni kif stabbilit fil-paragrafu preċedenti. L-użu tas-self ifisser li l-irregolaritajiet potenzjali fl-iskemi nazzjonali jillimitaw ir-riskju finanzjarju għall-baġit tal-UE. Minkejja dan, għad hemm riskju reputazzjonali għall-UE jekk il-miżuri appoġġati finanzjarjament mill-baġit tal-UE jiġu pperċepiti bħala li huma suxxettibbli għal frodi.

Is-self taħt SURE għen biex jiġu ffinanzjati l-iskemi nazzjonali għaż-żamma tal-impjiegi maħsuba biex irażżnu ż-żieda fil-qgħad matul il-kriżi tal-COVID-19

48 Aħna eżaminajna jekk SURE laħaqx l-objettiv kumplessiv tiegħu li jiffinanzja skemi nazzjonali mfassla biex jappoġġaw lill-ħaddiema fl-Istati Membri matul il-kriżi u jtaffu r-riskji ta’ qgħad. It-tfassil tal-istrument ma jippermettix li l-impatt ta’ SURE f’dawn l-iskemi jiġi identifikat b’mod separat. Aħna analizzajna d-data pprovduta mill-Eurostat u mill-Eurofound, kif ukoll l-informazzjoni mill-Kummissjoni, u studju komparattiv tal-FMI.

49 Wieħed mill-modi prinċipali li bihom il-gvernijiet nazzjonali fittxew li jiġġieldu żieda potenzjali fil-qgħad kien permezz tal-użu ta’ skemi għaż-żamma tal-impjiegi, li kienu eliġibbli għall-appoġġ taħt SURE (ara l-Kaxxa 3). Dawn l-iskemi u miżuri simili ppermettew lill-impjegaturi li esperjenzaw tnaqqisiet temporanji fid-domanda jew fil-produzzjoni (b’mod partikolari matul il-fażijiet tal-lockdown tal-pandemija) inaqqsu s-sigħat tal-impjegati tagħhom minflok ma jagħtuhom is-sensja. B’dan il-mod l-impjegati setgħu jżommu l-impjieg tagħhom filwaqt li jżommu l-livelli tal-introjtu.

Kaxxa 3

L-użu ta’ skemi għaż-żamma tal-impjiegi matul il-pandemija

Il-baġits tal-iskemi għaż-żamma tal-impjiegi fl-UE matul il-pandemija kienu bla preċedent. Skont id-data pprovduta mill-Eurofound, bejn Marzu u Settembru 2020, aktar minn 40 miljun ħaddiem u kważi 4 miljun impjegatur fl-UE għamlu użu minn skemi u miżuri ta’ protezzjoni tal-impjiegi. Dan ifisser li aktar minn 20 % tal-forza tax-xogħol tal-UE bbenefikaw minn allowances għal xogħol b’ħinijiet iqsar jew għal qgħad temporanju. Fl-eqqel tal-kriżi finanzjarja u ekonomika fl-2009, inqas minn 1.8 miljun ħaddiem kienu koperti minn skemi ta’ protezzjoni tal-impjiegi. In-nefqa fuq dawn l-iskemi nazzjonali fl-ewwel mewġa tal-pandemija kienet kważi 10 darbiet ogħla milli kienet matul il-kriżi finanzjarja kollha tal-perjodu 2008-201017.

50 Fl-2021 l-Eurofound18 ippubblikat studju li jqabbel l-impatt fuq il-qgħad wara l-kriżi finanzjarja tal-2008 ma’ dak tal-kriżi tal-COVID-19. Dan l-istudju sab li ż-żieda fir-rati tal-qgħad fl-ewwel sena tal-kriżi tal-COVID-19 fl-Istati Membri li jibbenefikaw minn SURE kienet aktar baxxa milli matul il-kriżi finanzjarja tal-perjodu 2008-2010. Filwaqt li l-pandemija wasslet għal tnaqqis sinifikanti fl-attività ekonomika, dan ma ġiex tradott fi tnaqqis ekwivalenti fir-rati ta’ impjieg, li naqsu b’ammont relattivament żgħir. Filwaqt li t-tnaqqis fil-produzzjoni domestika grossa kien akkumpanjat minn tnaqqis sinifikanti fis-sigħat maħduma, ma kien hemm l-ebda żieda kbira korrispondenti fil-qgħad19. Skont l-Eurofound, bejn it-tieni trimestru tal-2019 u t-tieni trimestru tal-2020, filwaqt li s-sehem ta’ ħaddiema impjegati iżda li ma jaħdmux irdoppja għal 17 %, l-impjiegi fl-UE naqsu bi 2.4 % biss.

51 L-approċċ tal-UE jista’ jitqabbel ma’ dak tal-Istati Uniti. Skont studju tal-2022 mill-FMI20, fl-Istati Uniti ż-żieda fil-qgħad ikkawżata mill-COVID-19 kienet xprunata l-aktar minn ħaddiema li ngħataw is-sensja temporanjament: fit-tieni trimestru tal-2020, il-ħaddiema li ngħataw is-sensja temporanjament kienu jirrappreżentaw aktar minn 70 % tal-persuni li kienu għadhom kemm sfaw qiegħda. Matul l-2020 kollha, l-impjiegi fl-Istati Uniti naqsu b’6.2 % u r-rata tal-qgħad żdiedet b’4.4 punti perċentwali, meta mqabbla ma’ 1.4 % u 0.4 punti perċentwali rispettivament fl-UE.

L-impatt ta’ SURE ma jistax jiġi vvalutat bis-sħiħ minħabba limitazzjonijiet fid-data ta’ monitoraġġ u n-nuqqas ta’ evalwazzjoni ex post

52 Aħna vvalutajna jekk il-Kummissjoni żviluppatx qafas robust għall-monitoraġġ u r-rappurtar tal-implimentazzjoni ta’ SURE. Għal dak il-fini, aħna analizzajna l-proċessi ta’ monitoraġġ li l-Kummissjoni tuża, mill-ġbir ta’ data mill-Istati Membri sal-pubblikazzjoni tar-rapporti biannwali dwar l-użu tal-assistenza finanzjarja. Ivvalutajna wkoll jekk il-Kummissjoni ppjanatx evalwazzjoni tal-istrument skont ir-regoli interni tagħha.

Ir-rekwiżiti ta’ monitoraġġ u rappurtar jiffukaw fuq l-użu tal-assistenza finanzjarja aktar milli fuq ir-riżultati miksuba

53 Ir-rekwiżiti ta’ monitoraġġ u rappurtar għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri, previsti fir-Regolament SURE, jiffukaw prinċipalment fuq l-użu tal-assistenza finanzjarja u l-outputs, aktar milli fuq dak li nkiseb permezz tal-iskemi nazzjonali għaż-żamma tal-impjiegi appoġġati minn SURE f’termini ta’ riżultati.

54 Il-monitoraġġ finanzjarju mwettaq mill-Kummissjoni, minbarra li vverifika jekk il-miżuri rrappurtati kinux konformi ma’ dawk adottati mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, iffoka fuq il-mod li bih intuża s-self u fuq in-nefqa totali tal-miżuri ffinanzjati taħt SURE. Dan ippermetta li l-Kummissjoni tkun involuta b’mod proattiv f’diskussjonijiet mal-awtoritajiet nazzjonali fil-każijiet fejn l-użu tal-fondi SURE kien aktar baxx milli ppjanat (ara l-paragrafu 40).

55 Il-Kummissjoni tistma li, fid-19-il Stat Membru li użaw l-istrument, SURE appoġġa madwar 31.5 miljun persuna u 2.5 miljun ditta fl-2020. L-Istati Membri fejn il-biċċa l-kbira mill-persuni ngħataw appoġġ kienu: l-Italja (10.8 miljun), Spanja (5.7 miljun) u l-Polonja (3.6 miljun). Aktar minn 1 000 000 persuna ngħataw appoġġ ukoll f’5 Stati Membri oħra: il-Greċja, iċ-Ċekja, il-Belġju, il-Portugall u r-Rumanija. F’Awwissu 2022, il-Kummissjoni stmat li madwar 9 miljun persuna fl-2021 kienu qed jibbenefikaw minn skemi għaż-żamma tal-impjiegi ffinanzjati minn SURE21.

56 Madankollu, id-data rrappurtata mill-Istati Membri dwar l-outputs koperti, bħall-għadd ta’ impjegati u ditti, kienet ġeneralment ibbażata fuq stimi, mhux dejjem kienet komprensiva, kif ġie rrappurtat fir-rapporti biannwali ta’ SURE, u xi drabi kienet tvarja sinifikattivament. Din id-data kienet tifforma l-bażi tar-rapporti li ġew ippreżentati mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (ara l-Kaxxa 4).

Kaxxa 4

Eżempji ta’ limitazzjonijiet fid-data ta’ monitoraġġ

Fir-rigward tad-data rrappurtata mill-Istati Membri li osservajna, ibbażat fuq l-informazzjoni pprovduta mir-rapporti biannwali ta’ SURE:

  • varjazzjonijiet fid-data rrappurtata minn diversi Stati Membri matul iż-żmien;
  • trikkib bejn l-għadd ta’ riċevituri ta’ appoġġ f’miżuri differenti;
  • għall-2020, erba’ Stati Membri ma rrappurtawx dwar il-kopertura settorjali ta’ SURE, u tnejn ma rrappurtawx dwar id-daqs tad-ditti li jibbenefikaw mill-appoġġ;
  • għall-2021, Stat Membru wieħed la rrapporta dwar il-ħaddiema koperti minn SURE u lanqas dwar id-ditti li ngħataw appoġġ.

57 Matul iż-żmien, l-Istati Membri pprovdew aktar data. Madankollu, din id-disponibbiltà akbar tad-data wasslet ukoll għal varjazzjonijiet sinifikanti bejn id-data rrappurtata f’rapporti biannwali differenti. Pereżempju, l-għadd ta’ persuni li bbenefikaw mill-appoġġ fl-2021 ġie rrappurtat li kien 5 miljun, 3 miljun u 9 miljun fit-tieni, it-tielet u r-raba’ rapporti biannwali rispettivament.

58 Il-verifiki mwettqa mill-Kummissjoni fuq id-data dwar l-outputs irrappurtata mill-Istati Membri kienu limitati u ffukati fuq konsistenza wiesgħa ma’ sottomissjonijiet preċedenti kif ukoll mal-ispiża tal-miżuri, bl-użu ta’ diversi sorsi ta’ data disponibbli dwar is-suq tax-xogħol (eż. l-Eurostat). Dawn koprew biss valutazzjoni ta’ jekk l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru dwar l-għadd ta’ benefiċjarji tal-fondi taħt SURE (f’termini ta’ impjegati, persuni li jaħdmu għal rashom jew ditti, u skont is-settur) dehritx li kienet “plawżibbli”.

59 Barra minn hekk, b’mod ġenerali l-Istati Membri pprovdew l-informazzjoni fil-livell aggregat. In-nuqqas ta’ data dettaljata dwar l-outputs u r-riżultati tal-iskemi nazzjonali għaż-żamma tal-impjiegi jfisser li mhuwiex possibbli li jiġu identifikati l-benefiċjarji prinċipali tal-miżuri nazzjonali ffinanzjati minn SURE22. Filwaqt li l-pandemija tal-COVID-19 irriżultat f’xokk kbir għas-suq tax-xogħol, mhux is-setturi, il-kumpaniji u l-gruppi ta’ ħaddiema kollha ntlaqtu bl-istess mod. L-impjegati b’impjiegi inqas siguri, l-individwi li jaħdmu għal rashom u l-gruppi vulnerabbli tal-forza tax-xogħol (bħan-nisa, l-impjegati akbar fl-età, il-persuni mhux nattivi, il-persuni b’diżabbiltà u dawk b’livell inqas ta’ edukazzjoni) kienu aktar probabbli li jiġu affettwati mill-miżuri ta’ tbegħid soċjali u minn restrizzjonijiet oħra, li jfixklu serjament il-prospetti tax-xogħol tagħhom23.

60 Il-Kummissjoni ma talbet l-ebda data mingħand l-Istati Membri dwar x’kien inkiseb bil-miżuri relatati mas-saħħa, fuq il-bażi li kellhom ambitu u objettivi li kienu differenti ħafna (ara l-paragrafi 41-43). Dawn il-miżuri jistgħu jiġu ffinanzjati minn għadd ta’ strumenti ta’ finanzjament differenti, kemm tal-UE kif ukoll nazzjonali, u tipikament jiġu implimentati b’mod deċentralizzat minn għadd kbir ta’ awtoritajiet u korpi differenti, u dan iwassal għal riskju ta’ finanzjament doppju. B’mod ġenerali, il-miżuri relatati mas-saħħa jirrappreżentaw madwar EUR 3.2 biljun tat-total tal-pakkett finanzjarju taħt SURE, u jvarjaw sinifikattivament f’dak li jirrigwarda n-natura u l-ambitu tagħhom.

Ir-rapporti biannwali tal-Kummissjoni dwar l-użu tal-assistenza finanzjarja taħt SURE jistgħu jipprovdu biss stimi ġenerali tar-riżultati

61 Sa tmiem Settembru 2022, il-Kummissjoni, f’konformità mar-Regolament24, kienet ippubblikat erba’ rapporti biannwali dwar l-użu tal-assistenza finanzjarja taħt SURE. Dawn ir-rapporti huma l-bażi biex il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-partijiet ikkonċernati l-oħra jinżammu infurmati. Dawn ir-rapporti jinkludu informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza finanzjarja (pereżempju, l-ammonti li għad iridu jitħallsu, l-iskedi ta’ ħlas lura) u dwar il-punt sa fejn l-okkorrenzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw SURE baqgħu fis-seħħ.

62 Ir-Regolament SURE ma jirrikjedix li l-Kummissjoni tirrapporta dwar ir-riżultati, u lanqas dwar l-effettività tal-istrument, iżda l-qafas għall-bonds soċjali jirrikjedi rappurtar tal-impatt (ara l-Kaxxa 1). Sabiex jikkonformaw ma’ dan ir-rekwiżit, ir-rapporti biannwali jinkludu wkoll informazzjoni dwar ir-riżultati miksuba permezz tal-iskemi għaż-żamma tal-impjiegi ffinanzjati minn SURE (ara l-Kaxxa 5).

Kaxxa 5

Rappurtar dwar ir-riżultati ta’ SURE

Skont il-Kummissjoni, il-miżuri ta’ appoġġ għall-politika, inklużi dawk appoġġati minn SURE, fl-2020 ipprevenew b’mod effettiv li madwar 1.5 miljun persuna jispiċċaw qiegħda fl-Istati Membri benefiċjarji ta’ SURE25.

Din l-istima hija bbażata fuq mudell ekonometriku standard li jqabbel id-data storika tas-suq tax-xogħol mad-data reali mingħand l-Istati Membri. Bħall-mudelli kollha, din hija simulazzjoni.

Skont il-Kummissjoni, jenħtieġ li din iċ-ċifra tiġi interpretata b’kawtela billi huwa diffiċli li jiġi vvalutat x’kien jiġri fis-suq tax-xogħol li kieku ma kienx hemm SURE, u r-rati ta’ impjieg huma influwenzati minn firxa wiesgħa ħafna ta’ fatturi.

Il-Kummissjoni ma evalwatx l-istrument SURE

63 Skont ir-Regolament Finanzjarju, il-“Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet” u l-“Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar”, il-Kummissjoni hija mistennija tevalwa l-prestazzjoni tal-programmi tal-UE fir-rigward tal-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE26. Jenħtieġ li dawn l-evalwazzjonijiet jivvalutaw b’mod kritiku u oġġettiv jekk strument tal-UE kienx adattat għall-iskop tiegħu u jekk laħaqx l-objettivi intenzjonati tiegħu bi spiża minima abbażi ta’ evidenza robusta kemm tas-suċċessi kif ukoll tan-nuqqasijiet27. Barra minn hekk, fil-qafas tal-“Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali”, il-Kummissjoni ħadet l-impenn li tevalwa l-esperjenza miksuba fir-rigward ta’ SURE28. Ir-Regolament SURE, madankollu, ma jirrikjedix speċifikament li l-Kummissjoni tevalwa l-prestazzjoni tal-istrument.

64 Għal inizjattivi li ġew proposti bħala kwistjoni ta’ urġenza matul il-pandemija tal-COVID-19, li għalihom ma twettqux konsultazzjoni pubblika u valutazzjoni tal-impatt, f’April 2021 il-Kummissjoni kienet speċifikat li se “[t]istabbilixxi b’mod ċar kif u meta l-att se jiġi sussegwentement evalwat”29 f’dokument ta’ ħidma tal-persunal li ġie ppubblikat mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-proposta leġiżlattiva. Billi r-Regolament SURE ġie adottat f’Mejju 2020, dan ma sarx għal SURE.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

65 Il-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat xokk qawwi għall-ekonomija Ewropea, bi tfixkil sinifikanti fis-suq tax-xogħol, li poġġa miljuni ta’ impjiegi f’riskju. B’mod ġenerali, aħna nikkonkludu li l-Kummissjoni rreaġiet malajr għall-isfida li tgħin lill-Istati Membri jippreservaw l-impjiegi, billi kisbet appoġġ mill-UE għall-Istati Membri seba’ xhur wara li kienet ġiet iddikjarata l-pandemija, aktar rapidament milli huwa l-każ taħt proċeduri ta’ finanzjament standard. Il-qafas ta’ governanza rrifletta l-kuntest ta’ emerġenza u l-Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (SURE) temporanju tfassal b’tali mod li jillimita r-riskju finanzjarju għall-baġit tal-UE. Filwaqt li fil-livell aggregat hemm xi indikazzjonijiet li l-appoġġ taħt SURE laħaq miljuni ta’ persuni, it-tfassil tal-istrument – fejn l-UE pprovdiet finanzjament b’self biex tappoġġa skemi nazzjonali – u n-nuqqas ta’ data komprensiva mingħand l-Istati Membri jillimitaw il-kapaċità tal-Kummissjoni li tivvaluta r-riżultati miksuba minn SURE.

66 SURE ġie stabbilit u mniedi f’kuntest ta’ emerġenza, meta kienu qed jiġu implimentati miżuri restrittivi biex jiġi limitat it-tixrid tal-coronavirus u meta l-Istati Membri kienu qed jiffaċċjaw żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika. F’dan l-isfond, il-Kummissjoni pproponiet regolament ġdid u innovattiv li wara ġie approvat mill-Kunsill b’mod f’waqtu, xahrejn biss wara d-deżinjazzjoni tal-COVID-19 bħala pandemija. Il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri, (19), għażlu li jużaw l-istrument, u kważi nofs l-appoġġ totali ta’ EUR 100 biljun mar għall-Italja u Spanja. L-appoġġ taħt SURE ppermetta li l-Istati Membri joħolqu skemi għaż-żamma tal-impjiegi jew jestendu dawk li kienu diġà jeżistu. B’mod ġenerali, inħolqu skemi ġodda għaż-żamma tal-impjiegi fl-Istati Membri tal-Lvant tal-UE iżda, minħabba ċ-ċirkustanzi differenti ħafna ta’ kull suq tax-xogħol nazzjonali, l-approċċi li ttieħdu fl-UE kollha varjaw sinifikattivament. Il-Kummissjoni stmat li l-Istati Membri bi klassifikazzjoni tal-kreditu aktar dgħajfa minn tal-UE flimkien iffrankaw madwar EUR 8.5 biljun fi mgħax meta mqabbel ma’ dak li kienu jħallsu li kieku għażlu li jieħdu s-self huma stess (ara l-paragrafi 17-26).

67 L-istruttura ta’ appoġġ taħt SURE kienet ġdida, u llimitat ir-riskju għall-baġit tal-UE. Il-finanzjament huwa bbażat fuq self, mhux fuq għotjiet, u l-Istati Membri kollha (inklużi dawk li għażlu li ma jagħmlux użu minn SURE) ipprovdew garanziji irrevokabbli fuq talba, sa 25 % tas-self kollu mħallas taħt l-istrument, li kollha huma mistennija li jitħallsu lura sal-2050. Dawn il-garanziji jservu bħala buffer biex jiġi protett il-baġit tal-UE, billi, f’każ ta’ inadempjenza, il-garanziji tal-Istati Membri jistgħu jintalbu qabel ir-riżorsi proprji tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, hemm regoli prudenzjali stabbiliti biex itaffu l-iskopertura għal kull sena u għal kull Stat Membru. B’mod ġenerali, kien hemm domanda qawwija għal self taħt SURE, bi kważi EUR 92 biljun żborżati sa Awwissu 2022 (ara l-paragrafi 27-31).

68 SURE huwa strument ta’ rispons għall-kriżijiet fejn l-iżborż rapidu tal-fondi huwa prijorità. Il-proċeduri tal-Kummissjoni f’SURE kienu aktar sempliċi mill-interventi normali tal-Kummissjoni. Pereżempju, ir-Regolament SURE huwa qasir iżda wiesa’ fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ skattar u ta’ eliġibbiltà, filwaqt li jagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni konsiderevoli biex jiddeċiedu fejn jimmiraw il-finanzjament tal-UE. B’konsegwenza ta’ dan, ma kien hemm l-ebda verifika mill-Kummissjoni dwar jekk il-miżuri nazzjonali appoġġati minn SURE kinux kosteffettivi jew ikkomplementati minn skemi oħra. L-estensjoni tal-ambitu tal-istrument SURE biex jiffinanzja miżuri relatati mas-saħħa naqqset il-fokus primarju tiegħu fuq l-impjiegi. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni, appoġġata mill-Kunsill, kienet aċċettat li 3 mid-19-il Stat Membru jużaw aktar minn 15 % tas-self tagħhom taħt SURE fuq miżuri relatati mas-saħħa (ara l-paragrafi 32-43).

69 Il-Kummissjoni żborżat malajr il-finanzjament lill-Istati Membri: il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri rċevew l-ewwel żborż tagħhom inqas minn xahar wara t-talba tagħhom. L-iskemi għaż-żamma tal-impjiegi huma suxxettibbli għal użu ħażin, u r-Regolament SURE jirrikjedi li l-ftehimiet ta’ self mal-Istati Membri jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sistemi ta’ kontrolli u awditi, biex jiġi minimizzat ir-riskju ta’ frodi u irregolarità. Il-Kummissjoni nediet stħarriġ ad hoc dwar is-sistemi ta’ awditjar u kontroll fl-Istati Membri fil-bidu tal-2022, meta l-biċċa l-kbira mill-finanzjament kien diġà ġie żborżat. L-Istati Membri kollha għajr wieħed irrappurtaw każijiet ta’ irregolaritajiet u frodi allegata, li wasslu għall-irkupru ta’ fondi li ntużaw b’mod mhux xieraq fi 13-il Stat Membru. F’Settembru 2022, billi ma kienet taf bl-ebda irregolarità jew frodi kbar fir-rigward tar-responsabbiltajiet proprji tagħha skont il-leġiżlazzjoni, il-Kummissjoni ma kienet nediet l-ebda investigazzjoni speċifika f’dan ir-rigward (ara l-paragrafi 44-47).

70 Hemm indikazzjonijiet, fil-livell aggregat, li SURE laħaq miljuni ta’ impjegati u individwi li jaħdmu għal rashom matul l-aktar perjodu sever tal-kriżi u, flimkien ma’ miżuri oħra ta’ appoġġ għall-politika, ikkontribwixxa biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad. Madankollu, it-tfassil tal-istrument ma jippermettix li l-impatt ta’ SURE, f’termini ta’ outputs u riżultati, fi ħdan l-iskemi nazzjonali jiġi identifikat b’mod separat. L-effett huwa li l-Kummissjoni ma tistax tivvaluta r-riżultati ta’ SURE f’kull Stat Membru. Pereżempju, in-nuqqas ta’ data komprensiva mingħand l-Istati Membri jfisser li l-għadd ta’ persuni u negozji appoġġati minn SURE – il-kontribut potenzjali tal-istrument biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad – ma jistax jiġi vvalutat bis-sħiħ. Hemm ukoll ftit li xejn data ta’ monitoraġġ dwar miżuri relatati mas-saħħa, fuq il-bażi li kellhom ambitu u objettivi li kienu differenti ħafna. Fir-Regolament SURE, mhuwiex obbligatorju li titwettaq evalwazzjoni (ara l-paragrafi 48-64).

Rakkomandazzjoni – Evalwazzjoni ta’ SURE

Bil-ħsieb li tieħu tagħlimiet għal strumenti ta’ emerġenza futuri potenzjali, u f’konformità mal-impenn tagħha fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa l-esperjenza miksuba fir-rigward ta’ SURE. Jenħtieġ li tali evalwazzjoni tinkludi: il-punt sa fejn SURE u l-miżuri nazzjonali li ġew appoġġati minnu pprovdew valur miżjud (għall-objettivi kollha ta’ SURE, inklużi l-miżuri relatati mas-saħħa); jekk SURE kkomplementax il-miżuri nazzjonali, u kif ikkomplementahom; u jekk il-qafas ta’ SURE kienx effettiv fil-minimizzazzjoni tar-riskju ta’ irregolaritajiet u frodi, fid-dawl tal-każijiet irrappurtati mill-Istati Membri.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa tmiem it-tielet trimestru tal-2024.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sra Annemie Turtelboom, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tad-9 ta’ Novembru 2022.

 

Għall-Qorti tal-Awdituri

Tony Murphy
Il-President

Abbrevjazzjonijiet

CEPS: Iċ-Ċentru għall-Istudji Politiċi Ewropej

DĠ BUDG: Id-Direttorat Ġenerali għall-Baġit

DĠ ECFIN: Id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

DĠ EMPL: Id-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni

Eurofound: Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol

SURE: Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza

Glossarju

Eurofound: Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol, aġenzija tal-UE li tipprovdi informazzjoni, pariri u għarfien espert fil-qasam tal-politika soċjali tal-UE fuq il-bażi ta’ informazzjoni komparattiva, riċerka u analiżi.

Miżuri relatati mas-saħħa: Miżuri li għandhom l-għan li jnaqqsu l-perikli okkupazzjonali u jiżguraw il-protezzjoni tal-ħaddiema u ta’ dawk li jaħdmu għal rashom fuq il-post tax-xogħol, u, fejn xieraq, xi miżuri oħra relatati mas-saħħa.

Miżuri simili għall-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar: Miżuri tas-suq tax-xogħol għajr skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar li jipproteġu l-impjiegi permezz tas-sussidjar tal-appoġġ għall-introjtu għall-impjegati u għal dawk li jaħdmu għal rashom.

Skema ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar: Programm pubbliku li, f’ċerti ċirkustanzi, jippermetti li n-negozji li jkunu qed jesperjenzaw diffikultajiet ekonomiċi jnaqqsu b’mod temporanju s-sigħat maħduma mill-impjegati tagħhom, li jingħataw appoġġ pubbliku għall-introjtu għas-sigħat mhux maħduma.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla II tal-Awditjar li tispeċjalizza f’Investiment għall-koeżjoni, it-tkabbir u l-inklużjoni, u li hija mmexxija minn Annemie Turtelboom, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Iliana Ivanova, Membru tal-QEA, li ngħatat appoġġ minn James Verity, Kap tal-Kabinett u Ivan Genchev, Attaché tal-Kabinett; Pietro Puricella, Maniġer Prinċipali; Jussi Bright, Kap tal-Kompitu; Fernando Pascual Gil, Andras Augustin Feher, Zeljko Mimica u Cristina Jianu, Awdituri.

Mix-xellug għal-lemin: Fernando Pascual Gil, James Verity, Jussi Bright, Iliana Ivanova, Ivan Genchev, Pietro Puricella, Zeljko Mimica.

Noti finali

1 Marcus, J. S. et al.: The impact of COVID-19 on the Internal Market, il-Parlament Ewropew, 2021.

2 Pouliakas, K.; Branka, J.: EU jobs at highest risk of COVID-19 social distancing: Is the pandemic exacerbating the labour market divide?, No 1, dokument ta’ ħidma tas-Cedefop, 2020.

3 Il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Kunsill għal SURE, COM(2020) 139.

4 L-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2020/672.

5 Għal Regolamenti dwar Dispożizzjonijiet Komuni relatati mal-perjodi ta’ programmazzjoni 2007-2013 u 2014-2020: Ir-Regolament (UE) Nru 1083/2013 u r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 rispettivament.

6 SURE: Two Years On: fourth bi-annual report, COM(2022) 483.

7 L-Artikolu 11(5) tar-Regolament (UE) 2020/672.

8 L-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2020/672.

9 SURE: Two Years On: fourth bi-annual report, COM(2022) 483.

10 L-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672.

11 L-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2020/672.

12 L-Artikolu 1.2 tar-Regolament (UE) 2020/672.

13 COVID-19: combating fraud in short-term financial support schemes, European Platform tackling undeclared work, Mejju 2021.

14 L-Istituzzjonijiet supremi tal-awditjar tal-Kroazja (2021), tal-Irlanda (2021), tal-Latvja (2020).

15 L-Artikolu 13.1 tar-Regolament (UE) 2020/672 kif meħtieġ mill-Artikolu 220(5) tar-Regolament (UE) 2018/1046.

16 18-il xahar ta’ SURE: it-tielet rapport biannwali, COM(2022) 128.

17 COVID-19: Implications for employment and working life, COVID-19 series, Eurofound, Publications Office of the European Union, Luxembourg, 2021.

18 Monitoring convergence in the European Union: Looking backwards to move forward - Upward convergence through crises, Eurofound, Challenges and prospects in the EU series, 2021.

19 Commission report on labour market and wage developments in Europe, Diċembru 2021, p. 45.

20 European Labor Markets and the COVID-19 Pandemic: Fallout and the Path Ahead, Fond Monetarju Internazzjonali, Marzu 2022.

21 SURE: Two Years On: fourth bi-annual report, COM(2022) 483.

22 COVID-19: Implications for employment and working life, COVID-19 series, Eurofound, Publications Office of the European Union, Luxembourg, 2021.

23 EU jobs at highest risk of COVID-19 social distancing, is-Cedefop, 2020.

24 L-Artikolu 14.1 tar-Regolament (UE) 2020/672.

25 SURE: Two Years On: fourth bi-annual report, COM(2022) 483.

26 L-Artikolu 34 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046. Il-paragrafu I.3 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet, 12.5.2016, p. 1. SWD(2021) 305, Better Regulation Guidelines, 3.11.2021, p. 23.

27 Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Regolazzjoni aħjar: Ningħaqdu flimkien biex nagħmlu liġijiet aħjar, COM(2021) 219, pp. 16-17. SWD(2021) 305, Better Regulation Guidelines, 3.11.2021, p. 23.

28 The European Pillar of Social Rights Action Plan, 2021, p. 18.

29 Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Regolazzjoni aħjar: Ningħaqdu flimkien biex nagħmlu liġijiet aħjar, COM(2021) 219, pp. 13-14.

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (https://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022

PDF ISBN 978-92-847-9176-7 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/186149 QJ-AB-22-026-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-9184-2 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/306459 QJ-AB-22-026-MT-Q

DRITT TAL-AWTUR

© L-Unjoni Ewropea, 2022

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija stabbilita fid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-QEA dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Għalhekk, bħala regola ġenerali, l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat dment li jingħata kreditu xieraq u li kwalunkwe bidla tiġi indikata. Dawk li jużaw mill-ġdid il-kontenut tal-QEA ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Irid jinkiseb permess addizzjonali jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza.

Fejn ikun inkiseb tali permess, dan għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, jista’ jkun meħtieġ li titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.

Ikoni tal-Figuri 1 u 2: Għal dawn il-figuri ntużaw riżorsi minn Flaticon.com. © Freepik Company S.L. Id-drittijiet kollha huma riżervati.

Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid.

Il-familja ta’ siti web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuqhom, dawn, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.

Użu tal-logo tal-QEA

Ma jistax isir użu mil-logo tal-QEA mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-­indirizz tal-eqreb ċentru għalik online (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).

Bit-telefown jew bil-miktub
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja lil dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696,
  • permezz ta’ din il-formola:european-union.europa.eu/contact-eu/write-us_mt.

KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE

Online
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa (european-union.europa.eu).

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tara jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE minn op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tad-dokumentazzjoni lokali tiegħek (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex (eur-lex.europa.eu).

Data miftuħa tal-UE
Il-portal data.europa.eu jagħti aċċess għal settijiet tad-data miftuħa mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE. Dawn jistgħu jitniżżlu u jerġgħu jintużaw mingħajr ħlas, għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali. Il-portal jagħti aċċess ukoll għal għadd kbir ta’ settijiet tad-data mill-pajjiżi Ewropej.