Rapport Speċjali
Nru19 2019

L-INEA: il-benefiċċji twasslu iżda n-nuqqasijiet tal-FNE għad iridu jiġu indirizzati

Dwar ir-rapport: Il-missjoni tal-INEA hija li tappoġġa lill-Kummissjoni, lill-promoturi tal-proġetti u lill-partijiet ikkonċernati billi tipprovdi għarfien espert u ġestjoni ta’ programmi f’dak li jirrigwarda l-proġetti ta’ infrastruttura, riċerka u innovazzjoni fl-oqsma tat-trasport, tal-enerġija u tat-telekomunikazzjoni u li tippromwovi sinerġiji fost dawn l-attivitajiet.
L-INEA ġiet fdata bi 93 % tal-baġit totali tal-FNE u b’7 % tal-baġit ta’ H2020. Dawn jammontaw għal EUR 33.6 biljun, li huwa l-akbar baġit immaniġġjat minn aġenzija eżekuttiva tal-UE.
Aħna sibna li l-INEA wettqet il-kompiti ddelegati kif iddefiniti fil-mandat tagħha u wasslet il-benefiċċji mistennija, b’xi limitazzjonijiet, relatati mar-restrizzjonijiet tal-qafas. Sibna nuqqasijiet fil-proċeduri tal-għażla taħt l-FNE li altrimenti kienu organizzati b’mod tajjeb, riskji fl-implimentazzjoni tal-programmi, u dgħufijiet fir-rappurtar dwar il-prestazzjoni.
Aħna nagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni u lill-INEA bil-għan li jtejbu l-potenzjal għal sinerġiji, isaħħu l-qafas għall-ġestjoni mill-INEA tal-programmi ddelegati, jiżguraw armonizzazzjoni u trasparenza akbar tal-proċeduri tal-għażla taħt l-FNE, jistabbilixxu kundizzjonijiet aħjar għall-implimentazzjoni f’waqtha tal-FNE, u jfasslu l-qafas tal-prestazzjoni mill-ġdid biex ir-riżultati tal-proġetti taħt l-FNE jiġu mmonitorjati aħjar.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks (INEA) twaqqfet għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 biex timplimenta partijiet mill-programmi Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) u Orizzont 2020. Hija għandha baġit totali ta’ EUR 33.6 biljun għall-kofinanzjament ta’ proġetti fl-oqsma tat-trasport, tal-enerġija u tat-telekomunikazzjoni. Aħna għażilna lill-INEA għall-awditu kemm għax dan huwa l-akbar baġit immaniġġjat minn kwalunkwe aġenzija eżekuttiva tal-UE, kif ukoll għax il-qafas legali qed jiġi rivedut attwalment għall-perjodu 2021-2027.

II

Aħna evalwajna l-ġestjoni mill-INEA tal-programmi ta’ nfiq iddelegati tal-UE. Biex għamilna dan, eżaminajna jekk l-INEA, flimkien mal-Kummissjoni, (i) wettqitx il-kompiti ddelegati lilha u kisbitx il-benefiċċji mistennija mill-esternalizzazzjoni tar-responsabbiltajiet, u (ii) issegwix proċeduri robusti għall-ġestjoni tal-FNE.

L-INEA kienet l-entità prinċipali li awditjajna. Iffukajna fuq l-attivitajiet tagħha fil-perjodu 2014-2020, bl-użu ta’ intervisti u analiżijiet dokumentarji bħala l-proċeduri prinċipali ta’ ġbir ta’ data tagħna.

III

L-INEA wasslet il-benefiċċji mistennija, b’xi limitazzjonijiet, relatati mar-restrizzjonijiet tal-qafas.

  • L-INEA tuża proċeduri standardizzati li ssimplifikaw l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ nfiq iddelegati. L-ispejjeż amministrattivi ġenerali tagħha huma attwalment taħt l-istimi inizjali, għalkemm l-ispejjeż għall-persunal huma kemxejn ogħla. Is-sinerġiji bejn l-FNE u Orizzont 2020, bejn is-setturi tal-FNE, u ma’ aġenziji oħrajn, immaterjalizzaw biss f’għadd limitat ta’ azzjonijiet.
  • L-INEA wettqet il-kompiti tagħha kif imkejla permezz ta’ ħames indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, iżda dawn mhumiex orjentati b’mod speċifiku lejn ir-riżultati, jiġifieri mhumiex immirati biex ikejlu l-implimentazzjoni tal-programmi jew l-assorbiment tal-fondi.
  • Partikolarment minħabba restrizzjonijiet tal-qafas, il-ġestjoni tal-persunal għandha xi limitazzjonijiet. Peress li l-għadd tal-persunal huwa marbut mal-programmi ddelegati, l-INEA ma tistax tirriassenja b’mod flessibbli l-persunal tagħha għall-aktar kompiti urġenti.
  • Sibna nuqqasijiet fil-koordinazzjoni tas-sejħiet tal-Kummissjoni, li mhumiex ippjanati fuq bażi pluriennali sabiex tiżdied il-prevedibbiltà għall-promoturi tal-proġetti.
IV

Sibna nuqqasijiet fil-proċeduri tal-għażla taħt l-FNE li altrimenti kienu organizzati b’mod tajjeb, riskji fl-implimentazzjoni tal-programmi, u dgħufijiet fir-rappurtar dwar il-prestazzjoni.

  • Il-proċeduri għall-għażla tal-proġetti huma organizzati tajjeb, iżda jridu jiġu armonizzati aktar fost it-tliet setturi tal-FNE. Il-livell ta’ korrelazzjoni bejn il-valutazzjoni li titwettaq mill-esperti esterni u d-deċiżjoni finali ta’ għoti li tittieħed mill-Kummissjoni tvarja fost is-setturi. Fl-FNE Trasport, il-probabbiltà li proġett jintgħażel hija indipendenti mill-punteġġi mogħtija mill-esperti esterni għall-proġetti rakkomandati. Jeħtieġ li r-raġunijiet għat-tbegħid mill-valutazzjoni jiġu dokumentati aħjar. Din hija problema partikolari għal 14-il proġett tal-FNE-T (li jiswew madwar EUR 711-il miljun f’għotjiet) li l-Kummissjoni għażlet iżda li l-esperti esterni ma kinux irrakkomandaw għall-finanzjament għal raġunijiet ta’ maturità, kwalità jew impatt.
  • Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġu kkjarifikati aktar il-kriterji tal-għoti li ntużaw biex jintgħażlu l-proġetti. Il-valutazzjoni bir-reqqa tal-maturità u tal-kwalità b’mod partikolari hija essenzjali biex jiġu antiċipati problemi li jistgħu jolqtu l-implimentazzjoni f’waqtha tal-proġetti.
  • Hemm riskju li l-programm ma jiġix implimentat bis-sħiħ. Sa Jannar 2019, fil-ħames sena tal-perjodu, inqas minn kwart tal-fondi mogħtija lil proġetti kienu rriżultaw f’pagamenti. Dan iż-żborżament ta’ finanzjament bil-mod jista’ jiġi attribwit għall-implimentazzjoni mdewma u għall-eżekuzzjoni insuffiċjenti tal-proġetti.
  • Barra minn hekk, is-sistema attwali tas-sejħiet ma kinitx ta’ skoraġġiment għal proposti għal proġetti li ma kinux laħqu l-maturità. B’segwitu tal-iskeda tal-Kummissjoni għas-sejħiet għal proposti, l-INEA tat sehem sinifikanti mill-baġit tal-FNE kmieni fil-perjodu ta’ programmazzjoni. Ingħata 85 % tal-baġit tal-FNE-T taħt is-sejħiet tal-2014 u tal-2015, u l-baġit tal-FNE-T għall-2014 biss kien ta’ EUR 12-il biljun - jew 52 % tal-baġit iddelegat totali għall-perjodu. L-iżvantaġġ li ammont daqshekk kbir ġie allokat daqshekk kmieni kien li xi wħud mill-proġetti magħżula ma kinux maturi biżżejjed.
  • Minħabba li l-perjodu 2014-2020 wasal biex jintemm is-sena d-dieħla, hemm riskju li l-pagamenti, id-diżimpenji u r-riflussi se jakkumulaw sinifikattivament fix-xhur li ġejjin. Dan ikun ifisser li l-impatt potenzjali tal-programm se jiddewwem aktar. Il-monitoraġġ tal-progress tal-proġetti huwa importanti biex ikun jista’ jiġi identifikat dewmien u biex ikunu jistgħu jittieħdu azzjonijiet korrettivi. Madankollu, l-għodod ta’ monitoraġġ – bħal dispożizzjonijiet fi ftehimiet ta’ għotja u rapporti dwar l-istatus tal-azzjoni – ikunu jibbenefikaw minn titjib biex jiżguraw l-użu effettiv tal-fondi tal-UE.
  • Il-qafas tal-prestazzjoni li hemm bħalissa mhuwiex adatt sew biex juri kif il-proġetti jikkontribwixxu għall-objettivi ġenerali tal-FNE. L-INEA timmonitorja prinċipalment l-outputs tal-proġetti, iżda dan l-approċċ mhuwiex suffiċjenti biex ir-riżultati jiġu vvalutati. Għaldaqstant ma hemmx informazzjoni ċara dwar jekk jew kif il-proġetti kofinanzjati mill-UE kisbux ir-riżultati mmirati tagħhom.
V

Abbażi tas-sejbiet tagħna, aħna nirrakkomandaw azzjoni li tkun tgħin lill-Kummissjoni u lill-INEA biex:

  1. itejbu l-potenzjal għal sinerġiji bejn il-programmi FNE u H2020, u bejn is-setturi tal-FNE;
  2. isaħħu l-qafas għall-ġestjoni mill-INEA tal-programmi ddelegati;
  3. jiżguraw armonizzazzjoni u trasparenza akbar tal-proċeduri tal-għażla tal-proġetti;
  4. jistabbilixxu kundizzjonijiet aħjar għall-implimentazzjoni f’waqtha tal-FNE;
  5. ifasslu l-qafas tal-prestazzjoni mill-ġdid biex ir-riżultati tal-proġetti jiġu mmonitorjati aħjar.

Introduzzjoni

Aġenziji eżekuttivi tal-Unjoni Ewropea

01

Mill-2003 ’l hawn, il-Kummissjoni għandha d-dritt li twaqqaf aġenziji eżekuttivi għal perjodu ta’ żmien limitat biex jimmaniġġjaw kompiti speċifiċi relatati mal-programmi tal-UE1. L-ewwel aġenzija ta’ dan it-tip ġiet stabbilita lejn il-bidu tal-2004. Minn dak iż-żmien ’il hawn, il-Kummissjoni żiedet bil-mod il-mod il-volum ta’ fondi u l-għadd ta’ programmi esternalizzati lill-aġenziji eżekuttivi li issa, b’kollox, huma sitta2.

02

Bil-kontra ta’ dak li jiġri b’aġenziji deċentralizzati u korpi oħrajn, il-Kummissjoni tista’ ma tafdax aġenzija eżekuttiva b’kompiti li jirrikjedu setgħat diskrezzjonali biex għażliet politiċi jiġu kkonkretizzati f’azzjoni.

03

Fil-proposta tagħha għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027, il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza tal-aġenziji eżekuttivi fl-implimentazzjoni tal-programmi, billi dan jiġġenera ffrankar tal-ispejjeż kif ukoll ekonomiji ta’ skala u jiżgura prossimità operazzjonali għall-benefiċjarji. Skont il-Kummissjoni, jenħtieġ għalhekk li tingħata aktar kunsiderazzjoni għall-esternalizzazzjoni.

L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks

04

L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks (INEA), li tinsab fi Brussell, twaqqfet fl-20133 għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-20204. Din issuċċediet lill-Aġenzija Eżekuttiva tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T EA), li kienet immaniġġjat il-programm TEN-T tal-perjodu 2007-2013 (b’madwar 100 membru tal-persunal, u baġit ta’ EUR 7.9 biljun li tqassmu għal kważi 700 proġett). Il-missjoni tal-INEA hija li tappoġġa lill-Kummissjoni, lill-promoturi tal-proġetti u lill-partijiet ikkonċernati billi tipprovdi għarfien espert u ġestjoni ta’ programmi lil proġetti ta’ infrastruttura, riċerka u innovazzjoni fl-oqsma tat-trasport, tal-enerġija u tat-telekomunikazzjoni u li tippromwovi sinerġiji fost dawn l-attivitajiet5. Għaldaqstant l-INEA għandha rwol essenzjali fl-implimentazzjoni teknika tal-politiki settorjali tal-Kummissjoni.

05

L-INEA għandha erba’ direttorati ġenerali prinċipali (DĠ) fil-Kummissjoni, li għalihom hija timmaniġġja partijiet mill-programmi ddelegati li jidhru fit-Tabella 1.

Tabella 1 – Programmi ddelegati lill-INEA u d-DĠ prinċipali rispettivi

Programm Direttorati ġenerali prinċipali
Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE): trasport, enerġija u telekomunikazzjoni Id-DĠ MOVE (id-DĠ mexxej), id-DĠ ENER, id-DĠ CNECT
Orizzont 2020 (H2020): trasport u riċerka fl-enerġija Id-DĠ RTD, id-DĠ MOVE, id-DĠ ENER, id-DĠ CNECT
Legat tat-TEN-T 2007-2013 u Marco Polo II DĠ MOVE

Sors: Programmi ta’ ħidma tal-INEA u Memorandum ta’ Qbil bejn l-INEA u d-direttorati ġenerali prinċipali.

06

B’mod aktar speċifiku, l-INEA tħejji u tniedi sejħiet għal proposti, torganizza proċeduri ta’ evalwazzjoni u tal-għażla tal-proġetti, tħejji u tiffirma l-ftehimiet ta’ għotja, tiżgura s-segwitu tekniku u finanzjarju tal-proġetti u tagħti feedback lill-Kummissjoni. Hija għandha nfiq amministrattiv annwali ta’ madwar EUR 27 miljun u kellha kważi 300 membru tal-persunal full-time għall-2018.

Tabella 2 – Baġit iddelegat lill-INEA għall-perjodu 2014-2020 u għadd ta’ proġetti

Baġit iddelegat, (miljun EUR) Kontribuzzjoni mill-UE għall-proġetti, miljun EUR Għadd ta’ proġetti Proġetti kkompletati
FNE Trasport 23 187 22 870 711 33
FNE Enerġija 4 574 2 400 121 40
FNE Telekom 388 228 394 60
FNE Sinerġija - 21 7 -
Total għall-FNE 28 149 25 519 1 233 133
H2020 Trasport 2 276 1 757 296 28
H2020 Enerġija 3 018 2 257 312 25
Total għal H2020 5 294 4 014 608 53
Total kumplessiv (mingħajr il-WiFi4EU) 33 443 29 533 1 841 186
WiFi4EU6 128
Total kumplessiv 33 571

Sors: Informazzjoni mill-INEA, Jannar 2019.

07

L-INEA ġiet fdata bi 93 % tal-baġit totali tal-FNE u b’7 % tal-baġit ta’ H2020. Dawn jammontaw għal EUR 33.6 biljun, li huwa l-akbar baġit immaniġġjat minn aġenzija eżekuttiva tal-UE. Iż-żewġ programmi jikkofinanzjaw kważi 2 000 proġett fil-portafoll tal-INEA. Fil-perjodu 2014-2018, fit-tliet setturi tal-FNE, l-INEA organizzat 59 sejħa għal proposti u l-evalwazzjoni ta’ 2 272 proposta ta’ proġetti eliġibbli. Ingħataw għotjiet lil 1 233 proġett, li jammontaw għal appoġġ totali tal-FNE ta’ EUR 25.5 biljun (ara t-Tabella 2).

Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa

08

L-FNE, imniedi f’Jannar 2014, huwa programm emblematiku tal-Istrateġija Ewropa 2020 li jikkofinanzja investiment fl-infrastruttura fis-setturi tat-trasport, tal-enerġija u tat-telekomunikazzjoni.

09

F’dan il-programm, l-FNE Trasport (FNE-T) hija strument ewlieni ta’ finanzjament mill-UE li jintuża għall-implimentazzjoni tal-politika Ewropea dwar l-infrastruttura tat-trasport. L-objettiv prinċipali tagħha huwa li tgħin biex jiġi kkompletat in-netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T), li jinkludi toroq, linji ferrovjarji, passaġġi fuq l-ilma interni, portijiet interni u marittimi, ajruporti u terminals ferrovjarji fit-28 Stat Membru, kif ukoll konnessjonijiet transfruntiera ma’ xi pajjiżi terzi. L-FNE għandha l-għan li tiffinanzja proġetti b’valur miżjud tal-UE li jneħħu l-konġestjonijiet, joħolqu kollegamenti fejn hemm konnessjonijiet nieqsa u jikkompletaw sezzjonijiet transfruntiera, prinċipalment f’mezzi ta’ trasport sostenibbli. L-għan tal-UE huwa li hija tikkompleta n-netwerk ewlieni sal-2030 u n-netwerk komprensiv usa’ sal-2050.

10

L-FNE Enerġija (FNE-E) għandha l-għan li tagħti appoġġ finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ proġetti li huma ta’ interess komuni, jiġifieri proġetti ta’ infrastruttura ewlenija tal-enerġija, b’mod partikolari interkonnetturi transfruntiera tal-elettriku u tal-gass, grilji intelliġenti u netwerks transfruntiera għad-dijossidu tal-karbonju, li mhumiex vijabbli kummerċjalment. L-objettivi ta’ politika usa’ tagħha huma ż-żieda tal-kompetittività permezz tal-promozzjoni ta’ aktar integrazzjoni tas-suq intern tal-enerġija u l-interoperabbiltà bejn netwerks tal-elettriku u l-gass bejn il-fruntieri, waqt li ttejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-UE u tagħti kontribut għall-iżvilupp sostenibbli u l-protezzjoni tal-ambjent.

11

L-għan tal-FNE Telekom (FNE-ICT) huwa li jsir titjib għaċ-ċittadini, in-negozji u l-amministrazzjonijiet permezz tal-użu ta’ infrastruttura interoperabbli trans-Ewropej fil-qasam tat-telekomunikazzjoni. Hija tiffoka fuq il-provvediment ta’ servizzi operazzjonali li huma lesti li jintużaw u jkunu sostenibbli maż-żmien.

F’termini ta’ konnettività, l-FNE-ICT hija maħsuba biex jiġi stimulat l-investiment għall-mobilizzazzjoni u l-modernizzazzjoni ta’ netwerks tal-broadband u biex tiġi pprovduta konnettività bla fili ta’ kwalità għolja, f’komunitajiet lokali.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

12

Aħna għażilna lill-INEA għall-awditu minħabba d-daqs tal-baġits li hija qed timmaniġġja għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, u minħabba li qatt ma konna wettaqna awditu tal-prestazzjoni tagħha sa issa. Skedajna r-rapport tagħna sabiex inkunu nistgħu nikkontribwixxu għar-riflessjonijiet dwar il-qafas legali mġedded għall-programm FNE II li jmiss.

13

L-INEA kienet l-entità prinċipali li awditjajna. Minħabba l-istatus tagħha bħala aġenzija eżekuttiva, mingħajr l-ebda setgħa diskrezzjonali, dan kien ifisser ukoll awditjar tal-proċessi fil-Kummissjoni Ewropea li għandhom impatt dirett fuq il-ħidma tal-INEA.

14

Għalhekk aħna eżaminajna jekk l-INEA, flimkien mal-Kummissjoni:

  • tiksibx il-benefiċċji mistennija mill-esternalizzazzjoni tar-responsabbiltajiet u twettaqx il-kompiti ddelegati lilha;
  • tiżgurax proċeduri sodi għall-ġestjoni tal-programm FNE.
15

Għall-awditu tagħna rigward il-ġestjoni tal-programmi, aħna ffukajna fuq il-kontribut li l-INEA tagħti għall-implimentazzjoni effiċjenti u effettiva tal-FNE, li tikkostitwixxi l-biċċa l-kbira mill-baġit iddelegat tal-INEA. Aħna ma koprejniex H2020 jew il-programmi ta’ legat (Marco Polo II u TEN-T).

16

Aħna għamilna intervisti mal-INEA, mad-direttorati ġenerali prinċipali tagħha (MOVE, ENER, CNECT u RTD) u ma’ partijiet ikkonċernati oħra. Dawn kienu jinkludu l-evalwaturi esterni inkarigati mill-valutazzjoni triennali tagħha, koordinaturi Ewropej għat-TEN-T, l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) u osservaturi tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni li jintużaw mill-INEA. Attendejna laqgħat tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-INEA, tal-Grupp ta’ Konsulenza tal-INEA dwar l-FNE Trasport, tal-Kumitat tal-FNE Trasport, u (fil-kuntest tat-tħejjija minnhom ta’ rapport ta’ kunsens) tal-evalwaturi esterni fis-sejħa tal-FNE-ICT tal-2018.

17

Eżaminajna l-qafas regolatorju tal-INEA, ir-responsabbiltajiet u s-sistemi ta’ kontroll tagħha, u ttestjajna direttament il-prestazzjoni tagħha fil-ġestjoni tal-programm u l-proġetti tal-FNE. Aħna analizzajna wkoll ir-rwol tal-Kummissjoni fl-għażla finali tal-proġetti u vvalutajna l-qafas tal-prestazzjoni għall-monitoraġġ tar-riżultati.

18

B’mod speċifiku, aħna:

  • għamilna analiżi kwantitattiva u kwalitattiva tal-portafoll ġenerali tal-proġetti tal-FNE. Eżaminajna l-proċeduri tal-għażla tal-proġetti f’ħames sejħiet tal-FNE-E, erba’ sejħiet tal-FNE-T u tliet sejħiet tal-FNE-ICT. Analizzajna l-proċeduri għall-implimentazzjoni, il-kanċellazzjoni u t-terminazzjoni tal-proġetti.
  • wettaqna analiżi approfondita fuq kampjun ta’ 22 proġett fuq il-bażi tad-dokumentazzjoni disponibbli fl-INEA. Barra minn hekk, wettaqna analiżi dokumentarja fuq tmien proġetti addizzjonali li ffukat fuq il-fażi tal-għażla. Il-kriterji li użajna għall-ikkampjunar tal-proġetti kienu: il-kopertura tas-setturi varji tal-FNE, l-ammont ta’ appoġġ li jingħata mill-UE, il-kopertura ġeografika, il-bilanċ bejn il-proġetti transfruntiera u dawk mhux transfruntiera, u l-istatus tal-ikkompletar tal-proġetti.
  • analizzajna l-analiżi ta’ nofs it-terminu li l-INEA kienet wettqet għal 356 proġett tal-FNE-T7, u r-rapporti annwali li wettqet rigward l-FNE-E. Eżaminajna d-dokumentazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-proġetti u l-bidliet li kienu saru fid-dati tal-ikkompletar u fil-baġits tal-proġetti; investigajna wkoll ir-raġunijiet għad-diżimpenji u għad-dewmien fl-implimentazzjoni tal-proġetti.
  • ġbarna evidenza korroborattiva minn diversi sorsi oħra, bħall-evalwazzjoni triennali tal-INEA li l-Kummissjoni kienet niedet fl-2018, dokumenti relatati mal-evalwazzjoni u rapporti li kienu saru mis-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni.

Osservazzjonijiet

L-INEA wasslet il-benefiċċji mistennija, b’xi limitazzjonijiet, relatati mar-restrizzjonijiet tal-qafas

19

Aħna eżaminajna l-istruttura organizzattiva tal-INEA minn żewġ angoli: jekk il-ħolqien tal-Aġenzija wassalx għall-benefiċċji mistennija mid-delegar tal-programmi u jekk l-INEA wettqitx il-kompiti ddelegati tagħha.

20

Qabel ma waqqfet l-Aġenzija, fl-2013 il-Kummissjoni wettqet analiżi obbligatorja tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji (ASB)8. L-ASB ġibdet l-attenzjoni għal dawn il-benefiċċji prinċipali mid-delegar tal-kompiti lill-INEA meta mqabbla mal-ġestjoni tal-programm mill-Kummissjoni:

  • koerenza bejn il-portafoll tal-programm u simplifikazzjoni kontinwa tal-proċessi u tal-proċeduri;
  • titjib fl-effiċjenza ta’ madwar EUR 54 miljun dovut għall-ispejjeż aktar baxxi għall-persunal meħtieġa għall-ġestjoni tal-programmi lil hinn mill-Kummissjoni;
  • sinerġiji mill-fatt li oqsma ta’ politika relatati mill-qrib ikunu taħt il-kappa tal-istess aġenzija eżekuttiva, b’titjib fl-effiċjenza li x’aktarx jinkiseb wara.

L-INEA żviluppat proċeduri standardizzati li ssimplifikaw l-implimentazzjoni

21

L-INEA żviluppat għodod u proċeduri standardizzati li ssimplifikaw il-ġestjoni tal-programm. Pereżempju, il-bażi tad-data TenTec li tintuża għall-monitoraġġ tal-FNE għandha moduli żviluppati sew għall-preżentazzjoni elettronika tal-proposti u għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-proġetti. L-INEA żviluppat gwida metodoloġika għall-passi kollha taċ-ċiklu tal-ġestjoni tal-proġett. L-INEA taġixxi bħala punt ta’ kuntatt ċentrali għall-benefiċjarji billi tipprovdi servizzi ta’ helpdesk u ta’ konsulenza dwar il-preżentazzjoni ta’ proposti u dwar ir-rappurtar tal-implimentazzjoni.

22

L-INEA twassal ukoll proċeduri aktar rapidi ta’ approvazzjoni tal-għotjiet: fil-perjodu 2007-2010, iż-żmien medju għall-għoti mill-predeċessur TEN-T EA kien bejn 10 xhur u 20 xahar, filwaqt li l-medja tal-INEA, għall-perjodu 2014-2017, kienet bejn 7.7 u 8 xhur. Dan huwa kkonfermat mill-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-FNE 2014-2020, li kkonkludiet li l-ġestjoni tal-għotjiet mill-INEA wriet li hija effiċjenti ħafna9. L-evalwazzjoni esterna triennali tal-INEA rrappurtat ukoll li l-organizzazzjoni u l-governanza tagħha, kif ukoll il-proċeduri u l-prassi organizzattivi tagħha, kienu sodi, u li l-biċċa l-kbira mill-benefiċjarji kienu ndunaw li l-proċeduri kienu ġew issimplifikati kemxejn10.

L-ispejjeż amministrattivi tal-INEA huma taħt l-istimi inizjali, għalkemm l-ispejjeż għall-persunal huma kemxejn ogħla

23

Aħna eżaminajna l-ispejjeż amministrattivi tal-INEA biex nevalwaw jekk kienx hemm titjib fl-effiċjenza. Fil-perjodu 2014-2018, l-ispejjeż amministrattivi totali kienu jammontaw għal EUR 105 miljun, ammont li kien taħt il-mira inizjali ta’ EUR 111-il miljun li kienet ġiet ikkalkulata għat-titjib fl-effiċjenza msemmi aktar ’il fuq11. Dan kien dovut prinċipalment għal nefqa infrastrutturali u operattiva (EUR 6 miljun inqas) u nefqa ta’ appoġġ għall-programm (EUR 5 miljun inqas) li kienu aktar baxxi milli mistenni. Madankollu, l-ispejjeż għall-persunal kienu EUR 5 miljun (7 %) ogħla minn kemm ippjanat, minħabba li l-istima inizjali kienet ibbażata fuq spejjeż medji għall-persunal u ma ħadet l-ebda kont tal-indiċi fuq is-salarji, ir-riklassifikazzjoni tal-persunal u ż-żieda fl-ispejjeż għar-riżorsi umani.

24

Kieku l-ispejjeż amministrattivi totali kellhom jibqgħu konformi mal-istima inizjali jew taħtha tul il-ħajja kollha kemm hi tal-INEA, it-titjib fl-effiċjenza mistenni ta’ EUR 54 miljun jista’ jinkiseb. Dan se jkun jista’ jiġi vvalutat biss wara l-għeluq tal-programmi.

Is-sinerġiji mmaterjalizzaw biss f’għadd limitat ta’ azzjonijiet

25

Wieħed mill-benefiċċji mistennija prinċipali tad-delegar tal-programmi lill-INEA kien li jkunu jinkisbu sinerġiji mill-fatt li oqsma ta’ politika relatati mill-qrib ikunu taħt il-kappa ta’ aġenzija waħdanija, b’titjib fl-effiċjenza li x’aktarx jinkiseb wara.12 Ir-Regolament dwar l-FNE jirrikjedi l-koordinazzjoni tal-programmi ta’ ħidma biex is-sinerġiji bejn it-tliet setturi jiġu sfruttati, u l-adozzjoni ta’ mill-anqas sejħa multisettorjali waħda għal proposti13.

26

Aħna sibna li bosta elementi llimitaw il-possibbiltà li jinkisbu sinerġiji. Xi wħud mis-sinerġiji mistennija ma kinux realistiċi minħabba differenzi inerenti bejn l-FNE u H2020 u fi ħdan is-setturi tal-FNE. Dawn jinkludu differenzi fl-għanijiet tal-politika, fl-ambitu u fl-oqfsa legali tal-programmi, kif ukoll fir-regoli ta’ implimentazzjoni tal-programmi (tipi differenti ta’ partijiet ikkonċernati fil-mira u ta’ regoli finanzjarji u legali).

27

Minkejja dawn id-diffikultajiet, l-INEA ħadet għadd ta’ miżuri biex tikseb sinerġiji bejn H2020 u l-FNE, speċjalment fit-trasport u fl-enerġija. Għat-trasport, l-INEA identifikat oqsma tematiċi komuni miġbura f’erba’ kategoriji. Bosta inizjattivi ġew ippreżentati lid-direttorati ġenerali prinċipali, bħall-ħolqien ta’ pjattaforma tal-INEA ddedikata għas-sinerġiji ta’ H2020/tal-FNE u l-introduzzjoni ta’ indikaturi tal-innovazzjoni għall-kejl tal-prijoritajiet tal-FNE. Madankollu, sa issa nkisbu riżultati minn għadd limitat biss ta’ proġetti ta’ riċerka li ġew implimentati fl-FNE. Dan huwa dovut prinċipalment għall-fatt li l-programmi ma jallinjawx b’mod naturali u minħabba ż-żmien meħtieġ għall-proġetti ta’ riċerka biex jilħqu stat ta’ tħejjija teknoloġika. L-evalwazzjoni esterna triennali għamlet osservazzjoni wkoll dwar is-sinerġiji limitati bejn il-proġetti ta’ riċerka ta’ Orizzont 2020 u l-proġetti ta’ infrastruttura tal-FNE.

28

Minkejja l-isforzi tal-INEA, hemm inqas sinerġija fost is-setturi tal-FNE milli kien projettat inizjalment. L-unika sejħa għal sinerġija multisettorjali li tniedet sa issa ma kellhiex xi suċċess kbir, billi ħarira aktar minn nofs il-baġit tagħha ġie impenjat għal seba’ proġetti (ara t-Tabella 2). L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-FNE14 kkonfermat ukoll li l-għadd żgħir ta’ azzjonijiet li jkopru bosta setturi tal-FNE kien dovut prinċipalment għal differenzi fl-oqfsa legali settorjali. Dan jagħmilha diffiċli li jinkisbu sinerġiji permezz ta’ sejħiet multisettorjali. Eżempji ta’ inkompatibbiltajiet bħal dawn jinkludu regoli differenti fit-tliet setturi fir-rigward ta’, pereżempju, il-lok ġeografiku ta’ azzjoni jew it-tip ta’ assi eliġibbli.

29

Is-sinerġiji ma’ programmi li jiġu implimentati minn aġenziji eżekuttivi oħra u minn impriżi konġunti huma limitati wkoll. Ir-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Shift2Rail15 jistipula li, biex jinkiseb l-aħjar impatt fl-użu ta’ soluzzjonijiet innovattivi, jenħtieġu sinerġiji mill-qrib ma’ programmi oħra tal-UE, inkluża l-FNE. Minkejja sforzi reċiproċi biex tiġi kondiviża informazzjoni dwar portafolli u biex tiġi identifikata l-possibbiltà ta’ kooperazzjoni jew ta’ sinerġiji, hemm lok għal żieda fil-koordinazzjoni bejn iż-żewġ naħat bil-ħsieb li jiġu żviluppati miżuri strutturati.

30

Sfida minnhom tirrigwarda l-fatt li l-INEA u l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (EASME) jikkondividu r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ riċerka dwar l-enerġija ta’ H2020. Iż-żewġ aġenziji jikkoordinaw is-sejħiet għal proposti, iżda kull waħda minnhom tamministra l-parti tagħha tal-programm b’mod separat, jiġifieri jkun hemm spejjeż amministrattivi għaż-żewġ naħat u potenzjal limitat għal sinerġiji.

L-INEA tiffaċċja restrizzjonijiet tal-qafas

L-INEA twettaq il-kompiti tagħha u tissodisfa l-KPIs tagħha, iżda dawn mhumiex orjentati b’mod speċifiku lejn ir-riżultati, jiġifieri mhumiex immirati biex ikejlu l-implimentazzjoni effettiva tal-programmi

31

L-INEA ġiet fdata bl-implimentazzjoni ta’ partijiet mill-programmi FNE u H2020 (ara l-Anness I għal dettalji dwar ir-responsabbiltajiet rispettivi tal-Kummissjoni u tal-INEA). B’mod aktar speċifiku, l-INEA:

  • tħejji u tniedi s-sejħiet għal proposti;
  • torganizza l-evalwazzjoni tal-proġetti (inklużi l-ilqugħ tal-proposti ta’ proġetti, il-kontrolli tal-eliġibbiltà u tal-ammissibbiltà u r-reklutaġġ tal-evalwaturi esterni) u tagħti appoġġ lill-Kummissjoni matul il-proċess tal-għażla finali;
  • tħejji u tiffirma l-ftehimiet ta’ għotja, filwaqt li taġixxi bħala punt ta’ kuntatt waħdieni għall-promoturi ta’ proġetti;
  • tipprovdi segwitu tekniku u finanzjarju għall-proġetti, inkluża s-superviżjoni kuljum tal-proġetti, tal-pagamenti u l-irkupri, u tal-awditi;
  • tagħti feedback lill-Kummissjoni, permezz ta’ rapporti dwar il-portafolli tal-proġetti u rapporti oħra mfassla apposta, u statistika.
32

Aħna sibna li l-INEA twettaq il-kompiti tagħha kif iddefinit fil-mandat tagħha (il-paragrafu 31) u kif imkejjel bi tqabbil mal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs). L-INEA għandha ħames KPIs, approvati mill-Kummissjoni, biex bihom tkejjel l-effettività tal-kompiti tagħha. Fir-rapporti annwali tal-attività tagħha, hija tindirizza dawn il-KPIs bis-sħiħ u b’mod strutturat. L-INEA kellha prestazzjoni tajba b’mod konsistenti fil-KPIs kollha, u kisbet il-miri kollha bis-sħiħ (ara t-Tabella 3).

Tabella 3 – KPIs tal-INEA

Indikatur Mira Riżultati
Rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn 100 % 100 %
Rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament 100 % 100 %
Żmien meħud sal-iffirmar tal-ftehim ta’ għotja > 98 % tal-għotjiet iffirmati f’waqthom • FNE: 9 xhur (276 jum) • H2020: 8 xhur (245 jum) Inkisbu l-miri kollha bis-sħiħ
Żmien nett meħud sal-pagament > 98 % tal-pagamenti mħallsa fil-ħin • 30 jum għall-prefinanzjament • 60 jum għall-prefinanzjament ulterjuri • 90 jum għall-pagamenti interim/finali Inkisbu l-miri kollha bis-sħiħ
Rata tal-iżball pluriennali residwu misjuba waqt l-awditu ex post Rata ta’ żball taħt it-2 % 0.27 % - 0.75 %

NB: Ir-“rata ta’ eżekuzzjoni ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn” u r-“rata ta’ eżekuzzjoni ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament” jirreferu għal approprjazzjonijiet ta’ impenn baġitarju annwali u għal approprjazzjonijiet ta’ pagament annwali ppjanati - mhux għall-istimi inizjali għall-QFP kollu kemm hu.

Sors: Il-programmi ta’ ħidma annwali u r-rapporti annwali tal-attività tal-INEA għall-perjodu 2014-2018.

33

Il-KPIs tal-INEA huma essenzjali biex titkejjel il-ġestjoni amministrattiva li hija twettaq tal-appoġġ mogħti mill-UE għal proġetti. Minħabba l-mod kif inhuma mfassla attwalment, madankollu, huma jipprovdu informazzjoni limitata dwar il-kwalità tal-ġestjoni tal-programmi. Pereżempju, l-INEA timmonitorja mill-qrib il-portafoll tal-proġetti tagħha biex timmitiga r-riskji marbuta mal-implimentazzjoni kajmana tal-proġetti. L-indikaturi attwali ma jirrigwardawx suffiċjentement ir-rata ta’ implimentazzjoni tal-programmi jew l-assorbiment tal-fondi (il-paragrafu 60).

34

Aġenziji eżekuttivi oħra jużaw KPIs simili, iżda xi wħud japplikaw ukoll indikaturi li jkejlu l-effiċjenza tal-ġestjoni tas-sejħiet u tal-evalwazzjonijiet, il-monitoraġġ tal-proġetti u l-feedback lid-direttorati ġenerali prinċipali u lil klijenti oħra. F’rapport speċjali li ħriġna fl-2009 dwar l-aġenziji eżekuttivi, aħna rrakkomandajna li titwettaq superviżjoni tal-aġenziji fuq il-bażi tar-riżultati, u li kellu jsir monitoraġġ ta’ objettivi SMART permezz ta’ għadd limitat ta’ KPIs16.

L-INEA għandha restrizzjonijiet għall-flessibbiltà meta tiġi biex tassenja l-persunal tagħha għall-kompiti l-aktar urġenti

35

It-tabella tal-persunal tal-INEA jinkludi sa 318-il ekwivalenti għall-full time (FTEs) għall-perjodu sal-2020. Dan il-pjan ġie aġġustat bosta drabi bejn l-2014 u l-2018 f’konformità mar-riallokazzjoni ta’ partijiet mill-baġit tal-programmi ta’ nfiq (ara l-Figura 1).

Figura 1

It-tabella tal-persunal tal-INEA għall-perjodu 2014-2020 u l-persunal reali

Sors: RFS17, informazzjoni pprovduta mill-INEA f’Jannar-Frar 2019.

36

Rigward l-allokazzjoni tal-persunal fl-INEA, xi wħud mill-projezzjonijiet inizjali tal-ammont ta’ xogħol speċifiku għas-setturi ma kinux ibbażati fuq valutazzjoni tal-ħtiġijiet xierqa, u għalhekk l-għadd tal-persunal miftiehem spiċċa biex ma kkorrispondiex mal-ħtiġijiet reali. Barra minn hekk, il-portafoll tal-programm FNE evolva konsiderevolment; pereżempju, il-baġit għall-FNE-ICT huwa sinifikattivament akbar issa mill-istima inizjali.

37

L-INEA ma għandhiex il-flessibbiltà meħtieġa biex tirriassenja l-persunal tagħha fis-setturi għall-kompiti l-aktar urġenti, billi l-għadd tal-persunal jiġi ripartit skont il-programm u, fi ħdan kull programm, skont l-attività u d-DĠ18. Dan joħloq restrizzjoni. B’mod partikolari, taħt ir-regoli attwali l-INEA assolutament ma tistax tirriassenja l-persunal tagħha bejn l-FNE u H2020. Dan jillimita l-flessibbiltà tal-INEA biex taġġusta għal ammont ta’ xogħol fluttwanti.

38

Mill-2014 sal-2018, l-INEA kellha diffikultajiet fir-reklutaġġ biex tissodisfa l-ħtieġa ta’ persunal kwalifikat, li kienet qed tikber b’mod rapidu. Fi tmiem l-2018, hija impjegat 282 membru tal-persunal minn 298 FTE awtorizzati (ara l-Figura 1). Id-dawran tal-persunal tagħha kien ta’ 11 % fl-2016 u 9 % fl-2018. F’Settembru 2018, l-INEA adottat politika ta’ żamma tal-persunal li kienet ibbażata fuq miżuri bħall-integrazzjoni u l-orjentazzjoni għal persunal ġdid, ħinijiet flessibbli u mobbiltà interna.

Il-Kummissjoni ma għandhiex mekkaniżmu kkoordinat għall-ippjanar pluriennali ta’ sejħiet

39

Taħt il-proposta għar-Regolament dwar l-FNE għall-perjodu 2021-2027, l-iskeda u s-suġġetti tas-sejħiet ikunu stabbiliti fi programmi ta’ ħidma li jkopru perjodu ta’ tliet snin. Dan l-ippjanar pluriennali jkun itejjeb il-koordinazzjoni u l-prevedibbiltà tas-sejħiet19.

40

Matul il-perjodu 2014-2020, il-programmi ta’ ħidma, inkluż it-twaqqit tas-sejħiet, jiġu stabbiliti mid-direttorati ġenerali prinċipali u deċiżi mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Koordinazzjoni tal-FNE fuq bażi ta’ kull sena pjuttost milli fuq bażi pluriennali. L-ippjanar jiġi adattat regolarment għal bidliet fis-sitwazzjoni, bħal inizjattivi leġiżlattivi ġodda. Aħna sibna li, kultant, il-koordinazzjoni bejn id-direttorati ġenerali differenti fir-rigward tal-ippjanar tas-sejħiet ħolqot sfidi għall-INEA. Din is-sitwazzjoni hija dovuta għall-approċċi differenti li d-direttorati ġenerali jieħdu għall-ippjanar strateġiku fit-tliet setturi tal-FNE, li jiġu ddeterminati mir-rekwiżiti interni u r-restrizzjonijiet taż-żmien tagħhom. L-impatt għall-INEA huwa li jkun hemm perjodi ta’ livelli għoljin għax-xogħol ta’ tħejjija u għall-ilħuq ta’ konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet tas-sejħiet. Pereżempju, it-tieni u r-raba’ trimestri tal-2018 kienu żmien ta’ ħafna xogħol minħabba għadd għoli mhux tas-soltu ta’ sejħiet għaddejjin b’mod parallel.

Hemm nuqqasijiet fil-proċeduri tal-għażla taħt l-FNE li altrimenti kienu organizzati b’mod tajjeb, riskji fl-implimentazzjoni tal-programmi, u dgħufijiet fir-rappurtar dwar il-prestazzjoni

41

Din it-taqsima teżamina l-ġestjoni tal-FNE li twettqet mill-Kummissjoni u mill-INEA matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-proġetti: l-għażla, l-implimentazzjoni tal-programmi u r-rappurtar tal-prestazzjoni.

Il-proċeduri tal-għażla huma organizzati tajjeb, iżda jkunu jibbenefikaw minn koerenza akbar u aktar trasparenza

Il-proċeduri għall-għażla tal-proġetti huma organizzati tajjeb

42

Il-Kummissjoni tippjana s-sejħiet għal proposti u tiddefinixxi l-kriterji għall-għażla tal-proġetti f’konformità mar-regolamenti ta’ bażi20. L-INEA tikkontribwixxi għal dan ix-xogħol ta’ tħejjija permezz tal-esperjenza tagħha bl-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ proġetti preċedenti. L-INEA mbagħad tniedi s-sejħiet. F’kull sejħa, il-proposti ta’ proġetti jiġu evalwati bi tqabbil ma’ kriterji tal-eliġibbiltà, tal-għażla u tal-għoti21. L-applikazzjonijiet iridu wkoll jissodisfaw rekwiżiti formali ta’ ammissibbiltà.

43

L-evalwazzjoni tal-proposti ta’ proġetti u l-għoti tal-għajnuna finanzjarja huma strutturati f’fażijiet. Hemm żewġ fażijiet tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni għall-proposti ta’ proġetti FNE: evalwazzjoni esterna u interna. Il-proċedura hija deskritta fid-dettall fil-Kaxxa 1.

Kaxxa 1

Proċeduri ta’ evalwazzjoni fit-tliet setturi tal-FNE

  1. Kontrolli tal-ammissibbiltà u tal-eliġibbiltà, inkluż tal-kriterji tal-għażla (responsabbiltà tal-INEA). L-INEA tivverifika l-ammissibbiltà tal-proposti ta’ proġetti, kif ukoll il-kriterji ta’ eliġibbiltà u l-kriterji tal-għażla. Tal-anqas tliet esperti jridu jevalwaw kull proposta ta’ proġett. L-INEA tagħżel l-esperti bi qbil mad-direttorati ġenerali prinċipali. F’din il-fażi, il-proċess ta’ evalwazzjoni huwa l-istess fit-tliet setturi kollha.
  2. L-ewwel fażi (evalwazzjoni mill-esperti esterni, organizzata mill-INEA). F’kooperazzjoni mad-DĠ prinċipali, l-INEA torganizza sessjoni ta’ informazzjoni biex tispjega lill-esperti esterni dwar l-objettivi tas-sejħa/tal-programm ta’ ħidma u l-kriterji tal-għoti (differenti għal kull settur) li jenħtieġ li huma jużaw biex jevalwaw il-proposti ta’ proġetti u jfasslu rapporti ta’ valutazzjoni individwali. Il-valutazzjonijiet ikunu segwiti minn laqgħat ta’ kunsens, li jiġu mmoderati mill-INEA, fejn l-esperti jaslu għal valutazzjoni finali għal kull proposta ta’ proġett. Il-marka minima meħtieġa hija ta’ tlieta minn ħamsa għal kull kriterju.

    F’ċerti sejħiet, għaż-żewġ fażijiet tal-evalwazzjoni, l-INEA daħħlet osservaturi indipendenti biex jimmonitorjaw il-proċess ta’ evalwazzjoni, jiġbdu l-attenzjoni għal oqsma problematiċi, u jissuġġerixxu titjib.
  3. FNE-T FNE-E FNE-ICT
    Kriterji tal-għoti li jintużaw mill-esperti esterni - Rilevanza - Impatt - Maturità - Kwalità - Maturità - Dimensjoni transfruntiera - Esternalitajiet pożittivi u impatt tal-azzjoni fuq is-solidarjetà - Ħtieġa li jiġi megħlub ix-xkiel finanzjarju - Solidità tal-pjan ta’ implimentazzjoni - Rilevanza - Kwalità u effiċjenza tal-implimentazzjoni - Impatt - Sostenibbiltà
    Gwida dwar kif il-kriterji għandhom jiġu interpretati Informazzjoni bil-fomm li tinkludi l-materjal ta’ preżentazzjoni, iżda l-ebda linja gwida dettaljata bil-miktub Informazzjoni bil-fomm li tinkludi l-materjal ta’ preżentazzjoni, u linji gwida dettaljati bil-miktub Informazzjoni bil-fomm li tinkludi l-materjal ta’ preżentazzjoni, u linji gwida bil-miktub mill-2018 ’il hawn
    Klassifika Le Iva Iva
  4. It-tieni fażi (evalwazzjoni minn kumitat, organizzata mid-DĠ prinċipali).
  5. FNE-T FNE-E FNE-ICT
    Proċedura fid-DĠ prinċipali L-evalwazzjoni tkun f’żewġ passi: l-ewwel minn bord ta’ evalwazzjoni intern u mbagħad minn kumitat tal-għażla (it-tnejn ippreseduti mid-DĠ MOVE). Il-bord janalizza r-riżultati tal-ewwel fażi ta’ evalwazzjoni. Il-kumitat ta’ evalwazzjoni, intern għad-DĠ Enerġija, huwa inkarigat mill-valutazzjoni tal-proposti bi tqabbil ma’ kull kriterju tal-għoti, inklużi dawk applikati mill-esperti esterni waqt l-ewwel fażi ta’ evalwazzjoni. Il-proċess ta’ evalwazzjoni jsir minn kumitat ta’ evalwazzjoni (ippresedut mid-DĠ CNECT) wara li jkunu ġew ikkonsultati d-direttorati ġenerali/l-unitajiet li jkunu rilevanti għas-sejħiet.
    Kriterji tal-għoti li jintużaw fit-tieni fażi Il-kumitat tal-għażla janalizza l-proposti ta’ finanzjament li jirriżultaw mill-ħidma tal-bord ta’ evalwazzjoni intern fuq il-bażi tal-objettivi ta’ finanzjament ġenerali, il-prijoritajiet u l-kwistjonijiet ta’ politika tal-FNE-T. Jenħtieġ li din l-analiżi tinkludi b’mod partikolari r-riżultati tal-evalwazzjoni esterna u analiżi ta’: (i) il-komplementarjetà tal-azzjonijiet, (ii) il-valur miżjud tal-UE, (iii) is-sinerġiji potenzjali, (iv) ir-restrizzjonijiet baġitarji, (v) l-effett ta’ ingranaġġ tal-fondi tal-UE u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, (vi) il-bilanċ ġeografiku, (vii) l-iżvilupp bilanċjat tan-netwerk u (viii) ir-riskji ta’ finanzjament doppju. Il-kumitat jevalwa l-proposti bi tqabbil maż-żewġ kriterji tal-għoti li ġejjin: (i) il-prijorità u l-urġenza tal-azzjoni, jekk il-proġett huwiex se jneħħi l-konġestjonijiet, itemm l-iżolament fil-qasam tal-enerġija u jikkontribwixxi għas-suq intern tal-enerġija, u (ii) l-effett stimulanti tal-assistenza finanzjarja fuq l-ikkompletar tal-azzjoni. (Il-piż totali ta’ dawn iż-żewġ kriterji huwa 30 % għax-xogħlijiet u 40 % għall-istudji). Il-kumitat intern ma jwettaqx evalwazzjoni addizzjonali tal-proposti. Minflok, huwa jiċċekkja dwar ir-riskju ta’ finanzjament doppju, jindika l-kunsiderazzjonijiet rilevanti minn perspettiva ta’ politika li jenħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt it-tħejjija tal-ftehim ta’ għotja, u jivvaluta l-approċċ għall-finanzjament ibbażat fuq l-evalwazzjoni li tkun saret mill-esperti esterni.
    Tbegħid mill-pariri tal-esperti esterni F’każijiet ta’ eċċezzjoni l-bord, waqt li jiġġustifika debitament id-deċiżjonijiet tiegħu, jista’ jitbiegħed mir-rakkomandazzjonijiet tal-esperti esterni. Il-piż totali tal-valutazzjoni tal-esperti huwa 70 % għax-xogħlijiet u 60 % għall-istudji. Il-kumitat jista’ jitbiegħed mill-pariri tal-esperti, waqt li jiġġustifika debitament id-deċiżjoni tiegħu. Jenħtieġ li l-argumenti tiegħu jiġu rreġistrati b’mod ċar. Il-kumitat iserraħ fuq il-klassifika mfassla mill-esperti esterni permezz tal-kriterji ddefiniti fis-sejħiet.
    Klassifika finali tal-proposti Le. L-opinjoni tal-esperti sservi bħala l-bażi għall-ħidma tal-bord ta’ evalwazzjoni/kumitat tal-għażla intern, li jistabbilixxi l-lista finali ta’ proġetti magħżula. Iva, l-opinjoni tal-esperti sservi bħala bażi u l-kumitat ta’ evalwazzjoni jistabbilixxi kemm il-punteġġi finali kif ukoll il-klassifika tal-proposti ta’ proġetti. Iva, abbażi tal-klassifika mfassla mill-esperti esterni.
    Lista ta’ riżerva Sa issa ma ntużatx iżda fil-prinċipju ma tiġix eskluża. Sa issa ma ntużatx iżda fil-prinċipju ma tiġix eskluża. Mhux fis-sejħiet kollha.
    Ir-rwol tal-INEA Id-Direttur tal-INEA huwa membru tal-kumitat tal-għażla. L-INEA taħtar osservatur għall-evalwazzjoni interna. L-INEA taħtar osservatur għall-evalwazzjoni interna.
44

Wara l-proċess ta’ evalwazzjoni u tal-għażla, il-Kummissjoni, b’konsultazzjoni mal-kumitat tal-koordinazzjoni tal-FNE tal-Istati Membri, tadotta deċiżjoni li tinkludi l-lista ta’ proġetti magħżula. L-INEA mbagħad hija responsabbli għall-konklużjoni, il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta’ għotja rispettivi mal-promoturi tal-proġetti bħala benefiċjarji tal-fondi tal-UE.

Il-proċeduri tal-għażla tal-proġetti jeħtieġu armonizzazzjoni ulterjuri fost is-setturi tal-FNE

45

Wieħed mill-objettivi li l-INEA tkun responsabbli għas-setturi kollha tal-FNE kien biex il-proċeduri jiġu ssimplifikati u armonizzati (il-paragrafu 20). Aħna sibna li l-INEA u d-direttorati ġenerali prinċipali tagħha kienu għadhom ma analizzawx b’mod suffiċjenti l-proċeduri ta’ evalwazzjoni fit-tliet setturi tal-FNE bil-ħsieb li jidentifikaw l-aħjar prassi u mbagħad jarmonizzaw il-proċess u l-kriterji li jkunu ntużaw.

46

Kif indikat fil-Kaxxa 1, l-evalwazzjoni tal-proposti ta’ proġetti hija organizzata b’mod differenti fit-tliet setturi tal-FNE. Dawn id-differenzi huma viżibbli fil-kriterji tal-għoti (il-formulazzjoni u l-kontenut), fil-ponderazzjoni tal-kriterji (teżisti biss fl-FNE-E) u fil-klassifika tal-proposti ta’ proġetti (użat fl-FNE-E u fl-FNE-ICT, iżda mhux fl-FNE-T).

Differenzi bejn id-deċiżjoni ta’ għoti li tittieħed mill-Kummissjoni u r-rakkomandazzjoni tal-esperti

47

Billi l-esperti jiskrutinizzaw il-proposti ta’ proġetti fid-dettall, u billi l-INEA tinvesti ħin u riżorsi fl-għażla tal-esperti u fl-organizzazzjoni tal-evalwazzjonijiet, huwa mistenni li l-valutazzjoni mill-esperti esterni tikkontribwixxi għad-deċiżjoni ta’ għoti li tittieħed mill-Kummissjoni22. Anki jekk id-deċiżjoni finali tal-għoti hija f’idejn il-Kummissjoni, jenħtieġ li t-tbegħid mill-valutazzjoni esterna jkun iġġustifikat u ddokumentat tajjeb, f’konformità mal-linji gwida tal-Kummissjoni għall-amministrazzjoni tal-għotjiet għall-FNE-E jew fit-test tas-sejħiet tal-FNE-T. Dan huwa importanti għall-użu trasparenti tal-fondi tal-UE.

Għall-FNE-T, ir-rabta bejn il-valutazzjoni esterna u d-deċiżjoni ta’ għoti teħtieġ tiġi ddokumentata aħjar

48

Aħna sibna li r-rilevanza li tingħata fid-deċiżjoni finali ta’ għoti mill-Kummissjoni għar-rakkomandazzjoni tal-esperti esterni, inkluż fattur ta’ ponderazzjoni, tvarja fost is-setturi tal-FNE. Pereżempju, fl-FNE-T, punteġġi ogħla li ngħataw fl-evalwazzjoni esterna ma kinux iwasslu sistematikament għall-għażla finali tal-proġetti rakkomandati. Ċerti proġetti b’punteġġ ogħla fl-evalwazzjoni esterna ma ġewx adottati, filwaqt li oħrajn b’punteġġ aktar baxx intgħażlu. Fl-aħħar mill-aħħar, 68 % tal-proposti kollha ta’ proġetti rakkomandati mill-esperti esterni ġew ikkofinanzjati. It-teħid inkunsiderazzjoni tan-natura ta’ politika partikolari kellha rwol importanti fil-proċess tal-għażla finali, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-programm ta’ ħidma u mat-test tas-sejħiet.

49

L-impatt tal-evalwazzjoni esterna fuq l-għażla finali tal-proġetti jvarja minn settur għal ieħor minħabba differenzi fil-proċedura tal-għażla finali. Fl-FNE-T, il-punteġġi jintużaw prinċipalment biex il-proġetti jiġu elenkati f’pożizzjoni ogħla minn soll predeterminat, jew inkella taħtu, mingħajr l-ebda klassifika. Dan jirriżulta f’sistema fejn il-probabbiltà li proġett jintgħażel hija indipendenti mill-punteġġi mogħtija mill-esperti esterni għall-proġetti rakkomandati. Dan jintwera hawn taħt, fejn jittieħdu żewġ sejħiet bħala eżempji (waħda għal kull eżempju, għall-FNE-T u għall-FNE-E). Il-Figura 2 turi li, għas-sejħa tal-FNE-T, ladarba proposta ta’ proġett tkun kisbet il-punteġġ minimu ta’ tliet punti, il-probabbiltà li l-proġett jintgħażel kienet virtwalment indipendenti mill-punteġġ medju mogħti mill-esperti esterni. Aħna ma sibna l-ebda rabta sistematika bejn il-punteġġi tal-proposti ta’ proġetti rakkomandati mill-esperti esterni u l-lista finali tal-Kummissjoni li tikkonċerna l-proġetti magħżula.

Figura 2

Punteġġi mogħtija mill-esperti esterni u l-għażla finali tal-proġetti f’sejħa tal-FNE-T (MAP 2014 F01)

Probabbiltà ugwali li proġett jintgħażel irrispettivament mill-punteġġi mogħtija mill-esperti esterni

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data li waslet mingħand l-INEA.

50

B’kuntrast ma’ dan, fl-FNE-E u fl-FNE-ICT, hemm korrelazzjoni qawwija bejn il-punteġġi mogħtija mill-esperti esterni u l-għażla finali tal-Kummissjoni (ara l-Figura 3 għall-FNE-E).

Figura 3

Punteġġi tal-esperti u l-għażla finali tal-proġetti f’sejħa tal-FNE-E (2014)

Probabbiltà ogħla li proġett jintgħażel skont il-punteġġi ogħla mogħtija mill-esperti esterni

Sors: Il-QEA, ibbażat fuq data li waslet mingħand l-INEA.

51

Barra minn hekk, għall-FNE-T, il-Kummissjoni ma tirreġistrax b’mod ċar ħafna kemm l-evalwazzjoni tal-esperti esterni tittieħed inkunsiderazzjoni għall-għażla finali. Il-minuti tal-kumitat tal-għażla ma jipprovdux dettalji dwar id-deċiżjonijiet ta’ għoti. Għaldaqstant, il-proċeduri li l-Kummissjoni tapplika għall-għażla finali tal-proġetti tal-FNE-T mhumiex iddokumentati kif xieraq.

Ċerti proġetti ntgħażlu għalkemm ma rċevewx il-punteġġ minimu fil-valutazzjoni esterna

52

Aħna sibna li, f’għadd ta’ każijiet, proġetti li ma kinux ingħataw lanqas il-punteġġ minimu mill-esperti esterni xorta waħda ntgħażlu mill-Kummissjoni. Matul il-perjodu 2014-2020, il-Kummissjoni għażlet 14-il proġett tal-FNE-T, li jiswew madwar EUR 711-il miljun f’għotjiet tal-UE, li l-esperti esterni ma kinux irrakkomandaw għall-finanzjament għal raġunijiet ta’ maturità, kwalità jew impatt23. Filwaqt li rreferiet għall-evalwazzjoni li kienet saret mill-esperti esterni, l-INEA oġġezzjonat għall-għażla ta’ sitta minn dawn il-proġetti (konfinanzjament totali ta’ madwar EUR 411-il miljun) Minkejja dan, il-kumitat tal-għażla ddeċieda li jagħżilhom kollha, billi rrefera għall-“valur miżjud tal-UE” tagħhom, għall-“benefiċċji usa’ għan-netwerk”, għall-“effett ta’ ingranaġġ tal-fondi tal-UE”, jew għal “sinjal politiku lil Stat Membru ieħor”, għalkemm la dawn il-kriterji u lanqas il-piż tagħhom fl-evalwazzjoni ma huma spjegati suffiċjentement. Eżempju ta’ proġett bħal dan jingħata fil-Kaxxa 2. Fl-FNE-E, żewġ proġetti li ma kinux ġew irrakkomandati għall-finanzjament mill-esperti esterni ġew approvati għal għotjiet li kienu jiswew EUR 41 miljun b’kollox f’kofinanzjament totali tal-UE.

Kaxxa 2

Eżempju ta’ proġett irrifjutat mill-esperti u mill-INEA iżda magħżul mill-kumitat ta’ għażla tal-FNE

Proposta ta’ proġett rigward l-elettrifikazzjoni ta’ linja ferrovjarja fi Stat Membru wieħed ġiet irrifjutata mill-esperti minħabba li ma kienx se jkollha impatt reali dment li l-awtoritajiet fi Stat Membru ġar ma jirsistux bl-elettrifikazzjoni tal-istess linja matul il-fruntiera. L-INEA wkoll oġġezzjonat għal dan il-proġett, billi tat l-istess raġuni.

Minkejja dan, il-kumitat tal-għażla għażel il-proġett, li ngħata għotja ta’ EUR 19-il miljun. Sal-ġurnata tal-lum, l-awtoritajiet tal-Istati Membri ġirien għadhom ma kklassifikawx il-proġett bħala prijorità fl-ippjanar tagħhom fuq terminu twil għall-2030, u għalhekk l-impatt tal-proġett se jibqa’ baxx.

Il-kriterji tal-għoti li ġew applikati jeħtieġu aktar ċarezza

53

L-Artikolu 199 tar-Regolament Finanzjarju jirrikjedi li l-Kummissjoni tiddefinixxi kriterji tal-għoti ċari għall-għażla tal-proġetti biex b’hekk il-kwalità tal-proposti tkun tista’ tiġi vvalutata fid-dawl tal-objettivi. L-INEA torganizza sessjonijiet ta’ informazzjoni għall-esperti esterni u tipprovdi materjal ta’ informazzjoni biex tgħinhom jifhmu l-kriterji.

54

L-analiżi li wettaqna tal-punteġġi li ngħataw fl-evalwazzjonijiet esterni individwali turi diskrepanzi u inkonsistenzi fl-għoti tal-punteġġi tal-kriterji tal-għoti. Din il-fehma hija kkorroborata mill-osservaturi esterni, li josservaw li, għalkemm b’mod ġenerali l-kriterji tal-għoti jinftiehmu tajjeb, l-esperti individwali kellhom fehim differenti tal-kriterji ta’ evalwazzjoni f’għadd ta’ każijiet. Dawn id-diskrepanzi fost l-evalwazzjonijiet (ara l-eżempji fil-Kaxxa 3) ġew diskussi u nstabet pożizzjoni komuni f’laqgħat ta’ kunsens. Gwida dettaljata għall-esperti bil-miktub dwar l-interpretazzjoni tal-kriterji tal-għoti hija disponibbli fl-FNE-E u, mill-2018 ’il hawn, fl-FNE-T.

Kaxxa 3

Eżempji ta’ problemi bl-interpretazzjoni tal-kriterji tal-għoti

Ir-rapporti tal-osservaturi esterni jenfasizzaw problemi rigward iċ-ċarezza tal-kriterji:

Għandu jiġi żgurat li d-deskrizzjonijiet dettaljati tal-kriterji tal-għoti u s-sottokriterji huma konsistenti fl-evalwazzjoni kollha: eż. f’ċerti laqgħat ta’ kunsens, l-esperti kienu użaw deskrizzjonijiet kemxejn differenti tal-kriterji li ma kinux elenkati fil-materjal ta’ tħejjija tas-sejħa. (FNE ICT, sejħiet tal-2017)

Dejjem ikun hemm xi problemi bl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-kriterji tal-għoti. (…) F’din il-fażi kien importanti, kif osservat regolarment, li l-evalwaturi jitfakkru dwar xi jfissru kriterji ta’ evalwazzjoni speċifiċi f’kuntesti speċifiċi (pereżempju, kif għandhom jinterpretaw il-maturità fil-każ tax-xogħlijiet, tal-istudji u ta’ proġetti mħallta) u li l-marki jridu jkunu konsistenti mal-kummenti u mar-rimarki. F’ċerti laqgħat ta’ kunsens ġie osservat li l-esperti kellhom opinjonijiet differenti dwar x’kien espliċitu fil-proposta u x’seta’ jiġi dedott mid-deskrizzjoni tal-proposta. (FNE-T, sejħiet tal-2014 taħt il-programmi ta’ ħidma annwali u pluriennali)

55

Il-valutazzjoni bir-reqqa tal-kriterji “maturità” u “kwalità” hija essenzjali biex jiġu antiċipati problemi li jistgħu jolqtu l-implimentazzjoni f’waqtha tal-proġetti. L-INEA semmiet l-ippjanar insuffiċjentement realistiku bħala waħda mir-raġunijiet prinċipali għad-dewmien fl-implimentazzjoni. Il-problemi prinċipali identifikati mill-esperti esterni fir-rigward tal-maturità tal-proġetti jirrigwardaw l-akkwiżizzjoni tal-art, il-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u l-istat ta’ tħejjija finanzjarja jew teknika.

56

Sibna li l-esperti mhux dejjem ikunu jistgħu jivvalutaw kif xieraq il-maturità tal-proġetti abbażi tad-dokumenti ppreżentati f’applikazzjoni. Ix-xogħlijiet jistgħu jibdew sa 18-il xahar wara li proposta tiġi ppreżentata. Barra minn hekk, il-proġetti jistgħu jinkludu kemm studji kif ukoll xogħlijiet, jew ix-xogħlijiet jistgħu jitwettqu b’mod parallel ma’ studji fi proġett separat. Dan ifisser li proġett jista’ jiġi ppreżentat għalkemm il-komponent tax-xogħlijiet ikun għadu fi stadju bikri ta’ maturità. Il-valutazzjoni tal-maturità għal proġetti bħal dawn hija diffiċli, minħabba li ħafna informazzjoni rilevanti mhijiex se tkun magħrufa qabel ma l-istudju jkun ġie kkompletat.

Hemm riskju li l-FNE ma jiġix implimentat bis-sħiħ

57

Aħna eżaminajna s-sitwazzjoni attwali rigward l-implimentazzjoni tal-baġit tal-FNE u l-azzjoni li l-INEA ħadet biex tiżgura li dan qed jintuża. Biex jinkisbu benefiċċji konkreti fis-setturi tat-trasport, tal-enerġija u tat-telekomunikazzjoni, jeħtieġ li l-baġit jiġi mmaniġġjat tajjeb u jintnefaq fuq proġetti ta’ investiment rilevanti u xierqa li mbagħad jiġu implimentati fuq bażi f’waqthom.

Hemm riskju ta’ eżekuzzjoni insuffiċjenti tal-FNE

58

Ir-Regolament dwar l-FNE nnifsu stima l-ħtiġijiet ta’ finanzjament għat-trasport, għat-telekomunikazzjoni u għall-enerġija li kienu sostanzjalment ogħla mill-ammont ta’ EUR 33 biljun disponibbli fil-baġit tal-perjodu 2014-202024. Ir-regolament għall-programm predeċessur TEN-T tal-perjodu 2007-2013 ta valutazzjoni simili.

59

Minkejja dawn il-ħtiġijiet iddikjarati, il-baġit għat-TEN-T tal-perjodu 2007-2013 ma ntużax kollu kemm hu. Ir-rata ta’ assorbiment, fl-għeluq, kienet ta’ 74 % tal-baġit, b’EUR 5.5 biljun li tassew intużaw minn total ta’ EUR 7.4 biljun25. B’hekk kull raba’ euro mill-baġit ma ġiex investit. Madankollu, il-baġit kollu kemm hu kien ingħata lill-proġetti. Proġetti ta’ infrastruttura mdewma jew li ġew esegwiti insuffiċjentement kienu r-raġuni prinċipali għall-użu kajman tal-finanzjament, li eventwalment kellu impatt avvers fuq l-implimentazzjoni ġenerali tal-programm.

60

L-INEA timmonitorja l-progress tal-implimentazzjoni, iżda ma tqabblux, mutatis mutandis, mar-rata ta’ implimentazzjoni għall-programm predeċessur. Madankollu, bosta elementi jindikaw li l-użu tal-fondi tal-UE għadu kajman għall-programm kurrenti. L-INEA kienet ippjanat li l-ammont kumulattiv tal-impenji baġitarji kien se jkun EUR 19-il biljun fl-2018, iżda l-livell reali kien ta’ EUR 14-il biljun, jiġifieri 26 % inqas minn kemm mistenni26. Sa Jannar 2019, ħames snin wara l-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni, inqas minn kwart tal-fondi tal-FNE mogħtija lil proġetti kienu rriżultaw f’pagamenti (ara t-Tabella 4).

Tabella 4 – Implimentazzjoni tal-FNE għall-perjodu 2014-2020, EUR miljun

Għotjiet mogħtija lill-proġetti Impenji baġitarji Pagamenti % ta’ pagamenti/għotjiet
Trasport 22 870 11 868 5 416 24 %
Enerġija 2 400 1 836 416 17 %
Telekomunikazzjoni 228 208 100 44 %
Sinerġija 21 21 8 40 %
Total kumplessiv 25 519 13 933 5 940 23 %

Sors: Informazzjoni pprovduta mill-INEA, Jannar 2019.

61

Ir-rata ta’ pagament hija partikolarment baxxa għall-FNE-E u għall-FNE-T, f’livell ta’ 17 % u 24 % rispettivament tal-baġit inizjali. Din ir-rata baxxa tista’ tiġi attribwita għall-implimentazzjoni mdewma tal-proġetti. Sa Jannar 2019, il-ftehimiet ta’ għotja għal 76 proġett (għotjiet totali ta’ EUR 4 biljun mill-UE) kienu ġew modifikati biex id-data ta’ skadenza tal-implimentazzjoni tiġi posposta b’mill-inqas sena. Madankollu, aħna sibna li dawn il-bidliet jirriflettu biss għadd żgħir mill-każijiet ta’ dewmien. Fir-realtà, ħafna aktar proġetti jiddewmu, kif turi l-analiżi interna tal-INEA:

  • Għall-FNE-T, analiżi ta’ nofs it-terminu (MTR) ħadet kont tal-implimentazzjoni ta’ kampjun ta’ 356 proġett. Aktar minn nofs il-proġetti ddewmu: 156 b’sena jew aktar u 50 b’inqas minn sena. Bħala medja, id-dewmien fl-ikkompletar tal-proġetti kien ta’ 10.7 xhur.
  • Għall-FNE-E, fi tmiem l-2017, madwar żewġ terzi ta’ 39 proġett li kienu għaddejjin u li ġew analizzati mill-INEA ma kinux kompletament fil-ħin: dewmien medju ta’ 6.5 xhur.

Spiss, il-proġetti li ġarrbu dewmien ma kellhomx maturità meta ġew ippreżentati

62

Id-DĠ prinċipali jippjanaw sejħiet għal proposti, u għalhekk jiddeċiedu dwar id-distribuzzjoni tal-baġit (il-paragrafi 39 sa 40). Għal din ir-raġuni, l-INEA tat ħafna mill-baġit tal-FNE kmieni fil-perjodu ta’ programmazzjoni, b’85 % tal-FNE-T mogħtija permezz tas-sejħiet tal-2014 u tal-2015. Il-baġit tal-FNE-T għall-2014 biss kien ta’ EUR 12-il biljun - jew 52 % tat-total ta’ EUR 23 biljun għall-perjodu.

63

Minħabba li ġie allokat ammont daqshekk kbir mill-baġit għall-ewwel sejħiet, u minħabba li kien diffiċli għall-applikanti biex jipprevedu sejħiet futuri, xi proġetti li ntgħażlu ma kellhomx biżżejjed maturità.

64

Fin-nuqqas ta’ ppjanar ta’ sejħiet pluriennali, il-benefiċjarji ppreżentaw applikazzjonijiet minkejja l-fatt li l-maturità ta’ xi proġetti setgħet tibbenefika li kieku dawn ġew ippreżentati fi stadju aktar tard. L-analiżi interna mwettqa mill-INEA żvelat li l-livell baxx ta’ maturità tal-proposti inizjali kien kaġun komuni tal-proġetti mdewma. Il-Kaxxa 4 tippreżenta eżempju ta’ proġett li ma kienx laħaq il-maturità. Għal 8 mit-12-il proġett27 li sa issa ntemmu qabel iż-żmien, ir-raġuni kienet in-nuqqas ta’ maturità tal-proġetti.

Kaxxa 4

Eżempju ta’ proġett li ma kienx laħaq il-maturità: Kostruzzjoni ta’ interkonnessjoni tal-enerġija bejn żewġ Stati Membri

F’sejħa tal-FNE-E tal-2014, ġew ippreżentati żewġ applikazzjonijiet relatati ma’ xogħlijiet ta’ tfassil u ta’ kostruzzjoni għal interkonnessjoni tal-enerġija bejn żewġ Stati Membri.

L-esperti taw tlieta biss mill-ħames punti għall-maturità lill-proġett ta’ xogħlijiet. Il-proġett irċieva l-punteġġ minimu għall-finanzjament, iżda l-valutazzjoni ġenerali kienet li ma kienx lest. Iż-żewġ proġetti ntgħażlu, bil-proġett ta’ xogħlijiet mhux mistenni li jibda qabel Mejju 2016.

Fi tmiem l-2018, il-proġett ta’ studju ddewwem bi 22 xahar. Il-proġett ta’ xogħlijiet iddewwem b’24 xahar.

Id-dewmien huwa mmonitorjat, iżda dan ma jiżgurax li jittieħdu miżuri korrettivi li jkunu effettivi u f’waqthom

65

Huwa essenzjali li l-INEA timmonitorja, mill-qrib, l-implimentazzjoni teknika u finanzjarja tal-proġetti biex b’hekk ikunu jistgħu jittieħdu miżuri korrettivi, fil-ħin, li jkunu effettivi. L-użu tal-fondi jista’ jitħaffef billi jiġu diżimpenjati fondi minn proġetti li jkollhom prestazzjoni insuffiċjenti u jiġu injettati mill-ġdid fi proġetti oħra. Jekk proġett ma jużax l-għotja tiegħu kollha kemm hi, l-ammonti li ma jintużawx jistgħu jsiru disponibbli għal proġetti oħra permezz ta’ sejħa ġdida għal proposti. Dan huwa possibbli biss jekk l-istatus tal-proġetti jiġi mmonitorjat suffiċjentement mill-qrib biex l-implimentazzjoni dgħajfa tinqabad.

Il-ftehimiet ta’ għotja ma jorbtux b’mod dirett il-finanzjament mal-ilħuq ta’ objettivi intermedjarji

66

L-INEA twettaq superviżjoni tal-implimentazzjoni ta’ attivitajiet appoġġati fuq il-bażi ta’ ftehimiet ta’ għotja. Għalkemm il-ftehimiet fihom dispożizzjonijiet li permezz tagħhom l-INEA tkun tista’ ttemm azzjoni jekk ikun sar progress insuffiċjenti, id-dati ta’ skadenza għall-implimentazzjoni ta’ objettivi intermedjarji speċifiċi mhumiex marbuta direttament mal-finanzjament mogħti mill-UE.

Ir-rapporti dwar l-istatus tal-azzjoni mhux dejjem jiddivulgaw dewmien fil-proġetti

67

L-INEA tuża rapporti dwar l-istatus tal-azzjonijiet (ASRs) biex timmonitorja l-implimentazzjoni teknika u finanzjarja tal-proġetti tal-FNE-E u tal-FNE-T. ASRs huma rapporti ta’ progress annwali li jitħejjew mill-benefiċjarju. Huma jagħtu xi ħjiel dwar il-progress tal-proġetti, iżda hemm riskju li mhux dejjem se jiddeskrivu l-firxa sħiħa tad-dewmien jew tal-infiq insuffiċjenti, minkejja l-fatt li l-ftehimiet ta’ għotja jirrikjedu li l-benefiċjarji jirrappurtaw dwar dan. L-analiżi li wettaqna ta’ kampjun tal-ASRs28 kienet tindika li d-dewmien b’impatt fuq il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-proġetti mhux dejjem kien irrappurtat bis-sħiħ. Minflok, ġew identifikati aktar tard, matul l-MTR.

Huwa biss fir-rigward tal-FNE-T li hemm analiżi ta’ nofs it-terminu u data tat-tmiem fissa għall-implimentazzjoni

68

Fl-2010, konxju mill-isfidi li l-proġetti mhux produttivi kienu qed joħolqu għall-użu effettiv tal-fondi, id-DĠ MOVE ddeċieda li l-fondi li ma jintużawx minn proġett fi żmien perjodu speċifikat jiġu rtirati minn dak il-proġett u mroddija lura għall-baġit biex jiġu riallokati għal oħrajn. F’dan il-kuntest, id-DĠ MOVE stabbilixxa l-31 ta’ Diċembru 2023 bħala d-data ta’ skadenza finali għall-implimentazzjoni tal-FNE-T, jiġifieri li l-ebda ftehim ta’ għotja ma jista’ jiġi ffirmat jew estiż wara dik id-data. Din hija bażi meħtieġa għad-diżimpenji, inkella l-proġetti jistgħu jiġu estiżi b’mod indefinit anki mingħajr progress. Barra minn hekk, permezz tal-MTR 2017/2018 ta’ 356 proġetti, l-INEA wettqet analiżi estensiva tal-istatus ta’ implimentazzjoni tal-portafoll tal-proġetti għall-FNE-T. Bl-għajnuna ta’ esperti esterni, hija vvalutat il-progress ta’ proġetti u pproponiet adattamenti tal-ambitu tekniku, tal-baġits u tal-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni. Billi analizzat is-sitwazzjoni b’mod aktar realistiku, hija żvelat aktar dewmien mill-ASRs, u b’hekk ippermettiet li l-profili ta’ nfiq ta’ bosta proġetti jiġu aġġustati (ara l-Figura 4). Aktar minn nofs il-139 azzjoni li kellhom jintemmu sa April 2019 kienu jeħtieġu data ta’ skadenza estiża għall-implimentazzjoni jew tnaqqis fil-finanzjament.

Figura 4

Tqabbil tal-profili ta’ nfiq aggregati ta’ proġetti tal-FNE-T, skont il-ftehimiet ta’ għotja, l-ASRs u l-MTRs, f’EUR biljun

NB: Profil ta’ nfiq huwa l-baġit li jiġi allokat għal proġett matul is-snin tal-implimentazzjoni tiegħu.

Sors: L-Analiżi ta’ Nofs it-Terminu mwettqa mill-INEA, 2018.

69

Dan wassal għall-irkupru ta’ EUR 46 miljun minn dawn il-139 proġett. Għall-217-il proġett li jifdal, l-MTR ikkonkludiet li d-diżimpenji għandhom mnejn eventwalment jammontaw għal EUR 1 000 000 000, jiġifieri 20 darba aktar mis-somma rkuprata. Sa issa ma tteħditx deċiżjoni formali dwar x’azzjoni għandha tittieħed rigward din l-informazzjoni. Skont l-intervisti tagħna mal-persunal tal-INEA, id-diżimpenji futuri għandhom mnejn ikunu saħansitra ogħla.

70

Fl-FNE-E, ma hemmx pjanijiet biex jitnaqqsu l-għotjiet u biex il-fondi jiġu injettati mill-ġdid għal ġol-programm. Ma hemm l-ebda data ta’ skadenza finali għall-implimentazzjoni u l-ebda eżerċizzju ta’ MTR. Sal-ġurnata tal-lum, l-implimentazzjoni kienet aktar kajmana għall-enerġija milli għat-trasport (ara t-Tabella 4). B’konsegwenza ta’ dan, l-implimentazzjoni tal-FNE-E tista’ tiddewwem ferm wara tmiem il-perjodu ta’ programmazzjoni.

Il-passi korrettivi tal-INEA għall-proġetti li waqgħu lura fil-progress ma jindirizzawx ir-riskji bis-sħiħ

71

Għalkemm l-INEA hija kapaċi tipprevedi r-rati ta’ assorbiment b’mod pjuttost preċiż permezz tad-diversi għodod ta’ monitoraġġ li hija tuża, l-azzjoni li ttieħdet sa issa ma indirizzatx bis-sħiħ ir-riskji preżenti. Għalkemm l-INEA tirrapporta d-dewmien lid-direttorati ġenerali prinċipali, il-mandat tagħha biex tieħu azzjoni korrettiva ma ġiex spjegat fid-dettall.

72

Minħabba li l-perjodu 2014-2020 wasal biex jintemm is-sena d-dieħla, hemm riskju li l-pagamenti, id-diżimpenji u r-riflussi se jakkumulaw sinifikattivament fix-xhur li ġejjin. Dan jista’ jaffettwa l-implimentazzjoni negattivament: jekk id-diżimpenji jsiru tard wisq fil-perjodu ta’ programmazzjoni, hemm il-possibbiltà li l-INEA jkollha ftit li xejn ħin biex tinjetta fondi mill-ġdid għal ġo proġetti oħra.

73

Fir-Rapport Speċjali Nru 17/2018 tagħna dwar il-ġestjoni kondiviża tal-Fondi ta’ koeżjoni tal-UE, aħna sibna li l-miżuri biex itejbu l-assorbiment lejn tmiem perjodu ta’ programmazzjoni jistgħu ftit li xejn jagħtu kunsiderazzjoni għar-riżultati. Għaldaqstant huwa importanti li jintużaw l-għodod eżistenti kollha biex jiġi żgurat użu effettiv tal-fondi matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni kollu kemm hu. Sibna wkoll li, meta ammont kbir ta’ finanzjament ikun għadu jrid jiġi mmaniġġjat wara l-bidu ta’ programm suċċessur, jista’ jkun hemm riperkussjoni li ddewwem l-implimentazzjoni tal-programm29.

Il-qafas tal-prestazzjoni li hemm bħalissa mhuwiex adatt sew biex juri kif il-proġetti jikkontribwixxu għall-objettivi tal-programm

74

Jenħtieġ li jkun hemm mekkaniżmi stabbiliti biex jiġi mmonitorjat u evalwat jekk u kif il-proġetti jikkontribwixxux għall-ilħuq tal-objettivi tal-programm FNE. Jenħtieġ li jkun hemm ċarezza rigward min huwa inkarigat mill-monitoraġġ tar-riżultati miksuba.

75

Il-qafas tal-prestazzjoni mhijiex adatta sew għall-INEA biex timmonitorja jekk u kif il-proġetti ffinanzjati jikkontribwixxux għall-objettivi tal-programm. Sorsi legali differenti jistipulaw indikaturi u miri li għandhom jiġu mmonitorjati, iżda mhumiex ċari jew konsistenti bis-sħiħ. L-att ta’ delega lill-INEA ma jinkarigax b’mod espliċitu lill-INEA biex tiżviluppa qafas tal-prestazzjoni u tirrapporta dwar il-progress li jkun sar fil-proġetti.

76

Fl-2017, l-INEA u d-direttorati ġenerali prinċipali ffurmaw grupp ta’ ħidma biex jeżaminaw ix-xerqien tal-indikaturi li kienu ddefiniti fid-dikjarazzjoni tal-programm FNE. Il-grupp ta’ ħidma kkonkluda li l-ebda indikatur ma kien direttament adatt għall-iskopijiet ta’ monitoraġġ: huma 10 l-indikaturi li jkunu adatti b’titjib żgħir, u 34 indikatur kienu jeħtieġu titjib kbir, jew kienu kompletament mhux adatti jew jinsabu barra mill-ambitu tal-INEA. Pereżempju, għalkemm ir-Regolament dwar l-FNE jipprovdi definizzjoni ġenerali tal-kelma “konġestjoni” fil-qasam tat-trasport, din mhijiex suffiċjenti biex tkejjel il-prestazzjoni tal-proġetti f’dan ir-rigward30. Dan jista’ jwassal biex ikun hemm rappurtar inkonsistenti fost proġetti ta’ kobor differenti (ara l-Kaxxa 5).

Kaxxa 5

Eżempju ta’ rappurtar inkonsistenti dwar konġestjonijiet fost proġetti ta’ kobor differenti

Proġett tal-FNE-T wieħed li ngħata EUR 4.3 miljun għandu pjanijiet biex ineħħi sitt konġestjonijiet billi jissostitwixxi pontijiet u kanali matul sezzjoni ta’ 4.2 km ta’ passaġġi tal-ilma.

B’kuntrast ma’ dan, proġett kumpless ieħor tal-FNE-T għall-kostruzzjoni ta’ mina transfruntiera, li se tqum aktar minn EUR 500 miljun, se jneħħi konġestjoni waħda biss.

77

Fil-bidu tal-2018, l-INEA ppreżentat proposta lid-direttorati ġenerali prinċipali, għal indikaturi ġodda tat-trasport u tal-enerġija għall-FNE II. Madankollu, il-proċess kien wieqaf fiż-żmien meta sar l-awditu.

78

Minkejja dawn id-diffikultajiet, l-INEA twettaq xi monitoraġġ tal-prestazzjoni, filwaqt li tiġbor informazzjoni mingħand il-benefiċjarji għal disa’ indikaturi ta’ outputs. Biex ikopru aħjar l-outputs reali tal-proġetti, dawn l-indikaturi jvarjaw kemxejn minn dawk li hemm fir-Regolament dwar l-FNE.

79

Madankollu, dan il-monitoraġġ jiffoka l-aktar fuq l-inputs u l-outputs, bħall-għadd ta’ kilometri jew il-punti ta’ provvista għall-karburant alternattiv li nbnew, u ma jaqbadx ir-riżultati, bħall-iffrankar ta’ ħin iġġenerat jew iż-żieda fil-volumi tat-traffiku. Dan huwa skont l-atti tal-mandat u ta’ delega mad-direttorati ġenerali prinċipali tal-INEA. Għalkemm il-ftehimiet ta’ għotja għandhom annessi tekniċi b’deskrizzjonijiet tal-objettivi, l-attivitajiet u l-objettivi intermedjarji, huma ma jinkludux KPIs għall-evalwazzjoni tar-riżultati tal-proġett li, kieku, itejbu sinifikattivament il-monitoraġġ tal-prestazzjoni.

80

Aħna diġà osservajna, f’bosta rapporti ta’ qabel, li l-monitoraġġ tal-proġetti normalment ikun orjentat lejn l-outputs u jonqos milli jivvaluta r-riżultati31. B’hekk ma hemm l-ebda informazzjoni sistematika dwar jekk u kif il-proġetti kofinanzjati mill-UE, meħuda individwalment u/jew fil-kuntest tal-kurituri tan-netwerk ewlieni, laħqux l-objettivi ibbażati fuq ir-riżultati mistennija u jekk kellhomx impatt fuq l-iżvilupp ekonomiku. Permezz ta’ evalwazzjoni aktar sistematika tar-riżultati ġġenerati minn proġetti tal-FNE, il-Kummissjoni tkun tista’ kieku tivvaluta kemm l-appoġġ finanzjarju tagħha kkontribwixxa għal kwalunkwe avvanz lejn l-objettivi tal-FNE u, fl-aħħar mill-aħħar, lejn il-mira ġenerali tal-avvanz fin-netwerks trans-Ewropej (il-paragrafi 08 sa 11).

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

81

L-INEA wettqet il-kompiti ddelegati kif iddefiniti fil-mandat tagħha u wasslet il-benefiċċji mistennija, b’xi limitazzjonijiet, relatati mar-restrizzjonijiet tal-qafas. Aħna sibna nuqqasijiet fil-proċeduri tal-għażla taħt l-FNE li altrimenti kienu organizzati b’mod tajjeb, riskji fl-implimentazzjoni tal-programmi, u dgħufijiet fir-rappurtar dwar il-prestazzjoni.

82

Inkisbu l-benefiċċji mistennija mill-esternalizzazzjoni tar-responsabbiltajiet mill-Kummissjoni għall-INEA, iżda b’xi limitazzjonijiet relatati ma’ restrizzjonijiet tal-qafas. L-INEA żviluppat proċeduri standardizzati li ssimplifikaw l-implimentazzjoni tal-programmi ddelegati. L-infiq amministrattiv ġenerali tagħha huwa taħt l-istimi inizjali (il-paragrafi 20 sa 24).

83

L-INEA ħadet għadd ta’ miżuri biex tħejji l-bażi għal sinerġiji bejn H2020 u l-FNE, u fost is-setturi tal-FNE. Minkejja dan, ftit li xejn intużaw sinerġiji sa issa, minħabba xkiel fil-qafas legali, objettivi mhux allinjati tal-programmi, u livelli differenti tal-istat ta’ tħejjija tal-proġetti. L-INEA u l-EASME jikkondividu r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ riċerka dwar l-enerġija H2020, u peress li kull aġenzija tamministra separatament il-parti tagħha tal-programm, ikun hemm spejjeż amministrattivi fuq iż-żewġ naħat (il-paragrafi 25 sa 30).

Rakkomandazzjoni 1 – Jittejjeb il-potenzjal għas-sinerġiji
  1. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-INEA, fil-limiti tal-kompetenza tagħhom, ineħħu x-xkiel leġiżlattiv għas-sinerġiji, jinkludu l-elementi meħtieġa f’dokumenti strateġiċi u fi programmi ta’ ħidma, u jintroduċu dispożizzjonijiet rilevanti għall-evalwazzjoni tas-sinerġiji miksuba.
  2. Jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq valutazzjoni ta’ jekk għandhiex tiddelega l-implimentazzjoni ta’ programmi simili, bħal fil-qasam tar-riċerka tal-enerġija, lil aġenzija eżekuttiva waħda biss fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: bidu tal-implimentazzjoni tal-FNE għall-perjodu 2021-2027.

84

L-INEA wettqet il-kompiti ddelegati lilha u ssodisfat l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tagħha. Madankollu, il-qafas eżistenti joħloq restrizzjonijiet. Peress li l-għadd tal-persunal huwa marbut mal-programmi ddelegati, l-INEA ma għandhiex flessibbiltà suffiċjenti biex tirriassenja l-persunal għall-aktar kompiti urġenti. Barra minn hekk, il-KPIs tal-INEA mhumiex orjentati b’mod speċifiku lejn ir-riżultati: mhumiex immirati b’mod speċifiku biex ikejlu l-kwalità tal-ġestjoni tal-programmi (il-paragrafi 31 sa 40).

Rakkomandazzjoni 2 – Jissaħħaħ il-qafas għall-ġestjoni mill-INEA tal-programmi ddelegati
  1. Biex tindirizza fluttwazzjonijiet fuq terminu qasir fil-ħtiġijiet ta’ riżorsi umani, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiddefinixxi qafas li permezz tagħha l-INEA tkun tista’ tirrialloka persunal b’mod aktar flessibbli fost il-programmi u fihom.
  2. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-INEA jagħmlu użu minn għanijiet u indikaturi li jkunu aktar orjentati lejn ir-riżultati.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: mill-2021 ’il quddiem.

85

Il-proċeduri għall-għażla tal-proġetti tal-FNE huma organizzati tajjeb, iżda aħna sibna dgħufijiet fl-implimentazzjoni. Huma jridu jiġu armonizzati aħjar fost it-tliet setturi tal-FNE. Fl-FNE-T, il-probabbiltà li proġett jintgħażel hija indipendenti mill-punteġġi mogħtija mill-esperti esterni għall-proġetti rakkomandati. Jeħtieġ li r-raġunijiet għat-tbegħid mill-valutazzjoni jiġu ddokumentati aħjar. Barra minn hekk, hemm differenzi fl-applikazzjoni tal-kriterji tal-għoti (il-paragrafi 42 sa 56).

Rakkomandazzjoni 3 – Jiġu żgurati armonizzazzjoni u trasparenza akbar tal-proċeduri tal-għażla tal-proġetti

Bil-ħsieb li jsaħħu l-proċeduri tal-għażla tal-proġetti, jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-INEA:

  1. iwettqu analiżi strutturata tal-proċeduri fit-tliet setturi tal-FNE biex jidentifikaw l-aħjar prassi, u potenzjalment jarmonizzawhom;
  2. jiddefinixxu f’aktar dettall – kemm għall-evalwazzjoni esterna kif ukoll dik interna – il-kriterji tal-għoti; b’mod partikolari, jenħtieġ li l-kriterju tal-maturità jiġi ddefinit b’mod aktar preċiż u jenħtieġ li l-valutazzjoni tiegħu tissaħħaħ. Jenħtieġ li kriterji tal-għoti oħra jiġu fformulati b’mod aktar espliċitu u li permezz tagħhom ikun jista’ jintwera li l-proġetti magħżula se jkollhom impatt sinifikanti u valur miżjud tal-UE;
  3. jiddokumentaw aħjar ir-rabta bejn l-opinjoni tal-esperti esterni u l-valutazzjoni finali mill-Kummissjoni, b’referenza partikolari għall-ġustifikazzjoni tad-diverġenzi.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa tmiem l-2020.

86

Il-programm FNE jinsab f’riskju li ma jiġix implimentat bis-sħiħ. Dan ikun ifisser li l-effetti tal-programm jiġu posposti ulterjorment għall-ġejjieni. L-esperjenza tal-passat uriet li l-miżuri biex jitjieb l-assorbiment lejn it-tmiem tal-perjodu ta’ programmazzjoni huma f’riskju li jqisu inqas ir-riżultati. Minbarra dan, ammont għoli ta’ fondi li jkunu għadhom iridu jiġu mmaniġġjati wara li jibda programm suċċessur jista’ jkollu riperkussjoni fuq id-dewmien.

87

Ir-rata partikolarment baxxa ta’ pagamenti fl-FNE-E u fl-FNE-T hija marbuta mal-implimentazzjoni mdewma u mal-eżekuzzjoni insuffiċjenti tal-proġetti. Il-problema ta’ bażi tinsab fil-proġetti mhux produttivi, li ma jistgħux jużaw bis-sħiħ il-fondi li jingħatawlhom. Attwalment il-Kummissjoni ma tippjanax is-sejħiet tagħha għal proposti fuq bażi pluriennali, u dan jirriżulta fil-preżentazzjoni ta’ proposti li jkollhom maturità differenti.

88

Il-passi korrettivi tal-INEA għall-proġetti li waqgħu lura fil-progress ma jindirizzawx dawn ir-riskji bis-sħiħ. Il-ftehimiet ta’ għotja mudell ma jorbtux b’mod dirett il-finanzjament mal-ilħuq ta’ objettivi intermedjarji. L-għodod għall-monitoraġġ approfondit tal-proġetti jirrikjedu titjib (il-paragrafi 58 sa 73).

Rakkomandazzjoni 4 – Jiġu stabbiliti kundizzjonijiet aħjar għall-implimentazzjoni f’waqtha tal-FNE

Biex jissimplifikaw l-ippjanar pluriennali tal-allokazzjoni tal-fondi u jtejbu l-użu tal-fondi:

  1. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-INEA jiżguraw l-ippjanar fuq terminu twil u koerenti tal-impenji u s-sejħiet;
  2. Data mmirata għall-implimentazzjoni: bidu tal-implimentazzjoni tal-FNE għall-perjodu 2021-2027.

  3. Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-INEA jsaħħu r-rabta bejn il-finanzjament u l-ilħuq tal-objettivi intermedjarji ta’ proġetti;
  4. Data mmirata għall-implimentazzjoni: bidu tal-implimentazzjoni tal-FNE għall-perjodu 2021-2027.

  5. Jenħtieġ li l-Kummissjoni ssaħħaħ l-għodod għall-monitoraġġ approfondit tal-proġetti rigward l-użu ta’ finanzjament. Għas-setturi kollha tal-FNE, jenħtieġ li l-INEA tiffoka aktar fuq l-implimentazzjoni f’waqtha tal-proġetti b’kooperazzjoni mill-qrib mad-direttorati ġenerali prinċipali, mal-Istati Membri u mal-benefiċjarji. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tappoġġa lill-INEA fit-teħid ta’ passi korrettivi meta l-proġetti jkunu waqgħu lura fil-progress.
  6. Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa tmiem l-2020.

89

Il-qafas tal-prestazzjoni attwali ma jkejjilx suffiċjentement kif il-proġetti jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi tal-programm FNE. L-INEA timmonitorja l-indikaturi li jiffukaw prinċipalment fuq l-outputs tal-proġetti iżda ma jippermettux li ssir valutazzjoni tal-effiċjenza tal-programm. L-INEA ħejjiet indikaturi riveduti fl-2018, iżda l-proċess għad irid jitkompla (il-paragrafi 75 sa 80).

Rakkomandazzjoni 5 – Jitfassal il-qafas tal-prestazzjoni mill-ġdid biex ir-riżultati tal-proġetti jiġu mmonitorjati aħjar
  1. Ibbażat fuq l-esperjenza u t-tagħlimiet meħuda mill-proġetti TEN-T u FNE, jenħtieġ li l-INEA u l-Kummissjoni jiddefinixxu qafas tal-prestazzjoni li jwettaq ripartizzjoni tal-objettivi tal-programm FNE f’indikaturi ċari u li jistgħu jitkejlu, li jkopru s-setturi kollha tal-FNE, u r-riżultati mistennija mill-proġetti.
  2. Jenħtieġ li l-INEA tispeċifika dawn l-indikaturi fl-objettivi tas-sejħiet, tqishom fl-evalwazzjoni tal-proposti ta’ proġetti, timmonitorjahom permezz tal-ftehimiet ta’ għotja u tirrapporta dwarhom lill-Kummissjoni fuq bażi regolari.
  3. Data mmirata għall-implimentazzjoni: bidu tal-implimentazzjoni tal-FNE għall-perjodu 2021-2027.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sinjura Iliana Ivanova, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-25 ta’ Settembru 2019.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
President

Annessi

Anness I — Responsabbiltajiet tal-Kummissjoni u tal-INEA fil-qasam tal-ġestjoni tal-FNE

Sors: il-QEA.

Glossarju u abbrevjazzjonijiet

ASB: analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji.

ASR - Rapport dwar l-istatus tal-azzjoni: dokument li jintuża mill-benefiċjarji biex jirrappurtaw dwar il-progress tekniku tal-proġetti tagħhom meta mqabbel mal-pjan inizjali u l-użu assoċjat tal-baġit. Huwa d-dokument prinċipali li l-INEA tuża biex issegwi u tanalizza l-progress ta’ proġett.

CHAFEA - Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumatur, is-Saħħa, l-Agrikoltura u l-Ikel: il-korp li twaqqaf mill-Kummissjoni Ewropea għall-ġestjoni, f’isimha, ta’ erba’ programmi tal-UE: Il-Programm tas-Saħħa; il-Programm tal-Konsumatur; il-Programm għat-Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel – BTSF; il-Programm għall-Promozzjoni ta’ Prodotti Agrikoli.

DĠ CNECT - Direttorat Ġenerali għan-Netwerks tal-Komunikazzjonijiet, Kontenut u Teknoloġija: id-dipartiment tal-Kummissjoni responsabbli mill-iżvilupp ta’ suq uniku diġitali biex jiġġenera tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-Ewropa.

DĠ ENER - Direttorat Ġenerali għall-Enerġija: id-dipartiment tal-Kummissjoni responsabbli mill-politika tal-enerġija tal-UE: enerġija sigura, sostenibbli u bi prezz kompetittiv għall-Ewropa.

DĠ MOVE - Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport: id-dipartiment tal-Kummissjoni responsabbli mill-politika tal-UE dwar il-mobbiltà u t-trasport.

DĠ RTD - Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni: id-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni huwa responsabbli mill-politika tal-UE dwar ir-riċerka, ix-xjenza u l-innovazzjoni, bil-ħsieb li jgħin biex jinħolqu tkabbir u impjiegi u jindirizza l-akbar sfidi soċjetali.

DĠ: Direttorat Ġenerali.

EACEA - Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura: korp li twaqqaf mill-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-finanzjament, f’isimha, għall-edukazzjoni, il-kultura, l-awdjoviżiv, l-isport, iċ-ċittadinanza u l-volontarjat.

EASME - Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji: korp li twaqqaf mill-Kummissjoni għall-ġestjoni, f’isimha, ta’ bosta programmi tal-UE fl-oqsma tal-appoġġ lil u l-innovazzjoni tal-SMEs, l-ambjent, l-azzjoni klimatika, l-enerġija u l-affarijiet marittimi.

ERCEA - Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka: korp li twaqqaf mill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-ERC kif stabbilita mill-Kunsill Xjentifiku, b’responsabbiltà mill-amministrazzjoni ta’ kuljum tal-għotjiet.

FNE - Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa: faċilità li, mill-2014 ’il hawn, ipprovdiet għajnuna finanzjarja lil tliet setturi: l-enerġija (FNE-E), it-trasport (FNE-T), u t-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (FNE-ICT). F’dawn it-tliet oqsma, l-FNE tidentifika l-investimenti ta’ prijorità, inklużi l-kurituri tal-elettriku u tal-gass, l-użu tal-enerġija rinnovabbli, il-kurituri tat-trasport interkonnessi u l-mezzi ta’ trasport aktar nodfa, il-konnessjonijiet broadband b’veloċità għolja u n-netwerks diġitali.

FNE-E: Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa – Enerġija.

FNE-ICT: Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa – Telekomunikazzjoni.

FNE-T: Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa – Trasport.

FR: Regolament Finanzjarju

FTE: ekwivalenti għall-full time.

H2020 - Orizzont 2020: il-programm ta’ riċerka u innovazzjoni tal-UE għall-perjodu 2014-2020, bi kważi EUR 80 biljun ta’ finanzjament disponibbli fuq seba’ snin.

INEA - Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks: is-suċċessur għall-Aġenzija Eżekuttiva tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T EA), li nħolqot mill-Kummissjoni fl-2006 biex timmaniġġja l-implimentazzjoni teknika u finanzjarja tal-programm TEN-T. L-INEA, bil-kwartieri ġenerali tagħha fi Brussell, bdiet l-attivitajiet tagħha uffiċjalment fl-1 ta’ Jannar 2014 sabiex timplimenta partijiet mill-FNE, H 2020, u programmi oħra ta’ legat (TEN-T u Marco Polo 2007-2013).

KPI: indikatur ewlieni tal-prestazzjoni.

MTR - analiżi ta’ nofs it-terminu: fl-2018, l-INEA wettqet analiżi ta’ nofs it-terminu tal-azzjonijiet li kienu għaddejjin mis-sejħiet tal-2014 u l-2015 taħt il-programm ta’ ħidma pluriennali tagħha, bl-għan li tiżgura l-użu effiċjenti u effettiv tal-fondi tal-UE. L-azzjonijiet ġew suġġetti għal analiżi jew “komprensiva” jew inkella “dokumentarja” skont l-ammont tal-kontribuzzjonijiet li ġew allokati għalihom taħt l-FNE.

PCIs - Proġetti ta’ interess komuni: proġetti ta’ infrastruttura ewlenija, speċjalment proġetti transfruntiera li jgħaqqdu s-sistemi tal-enerġija tal-pajjiżi tal-UE. Dawn jibbenefikaw minn proċeduri aktar veloċi u aktar effiċjenti tal-għoti ta’ permessi u trattament regolatorju aħjar (billi l-ispejjeż jiġu allokati skont il-benefiċċji netti). Jistgħu jkunu appoġġati wkoll taħt l-FNE.

REA - Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka: korp li twaqqaf mill-Kummissjoni fl-2007 għall-implimentazzjoni ta’ partijiet mis-7 Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (FP7). Fl-2013 il-mandat tagħha twessa’ biex jinkludi l-ġestjoni tal-parti l-kbira minn Orizzont 2020.

S2R - Shift2Rail Joint Undertaking: inizjattiva Ewropea fis-settur ferrovjarju li ġiet stabbilita biex tfittex soluzzjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni ffukata kif ukoll soluzzjonijiet xprunati mis-suq billi taċċellera l-integrazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u avvanzati f’soluzzjonijiet innovattivi ta’ prodotti ferrovjarji.

TEN-T - Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport: ġabra ta’ żviluppi ta’ infrastruttura tat-toroq, tal-ferroviji, tal-ajru u tal-ilma fl-implimentazzjoni tal-politika tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport. In-netwerks TEN-T huma parti minn sistema’ usa ta’ Netwerks Trans-Ewropej (TENs), inklużi netwerk tat-telekomunikazzjoni (eTEN) u netwerk tal-enerġija (TEN-E) propost. L-iżvilupp tal-infrastruttura tat-TEN-T huwa marbut mill-qrib mal-implimentazzjoni u t-titjib ulterjuri tal-politika tat-trasport tal-UE.

Risposti tal-Kummissjoni

Sommarju eżekuttiv

III

It-tieni inċiż: Il-Kummissjoni temmen li l-indikaturi tal-prestazzjoni tal-INEA huma adegwati għall-kejl tal-prestazzjoni tal-INEA skont il-mandat li rċeviet mill-Kummissjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li għandha ssir distinzjoni bejn l-indikaturi tal-prestazzjoni tal-INEA u l-evalwazzjoni tar-riżultati tal-programmi stess.

L-indikaturi tal-prestazzjoni tal-INEA jipprovdu informazzjoni dwar ir-riżultati annwali fir-rigward tal-baġit ivvotat mill-Awtorità tal-Baġit (jiġifieri l-assorbiment tal-fondi).

Ir-raba’ inċiż: Matul is-snin, id-DĠs tal-FNE żiedu l-koordinazzjoni tas-sejħiet tagħhom sabiex tittaffa t-tagħbija tax-xogħol tal-INEA. Taħt is-CEF 2, l-ewwel programm ta’ ħidma pluriennali ser jinkludi l-iskeda tas-sejħiet għal proposti għall-ewwel tliet snin tal-programm, is-suġġetti u l-baġit indikattiv tagħhom kif ukoll qafas prospettiv li jkopri l-perjodu ta’ programmazzjoni kollu.

IV

L-ewwel inċiż: Id-DĠs tal-FNE diġà analizzaw il-proċeduri ta’ evalwazzjoni u ta’ selezzjoni individwali tagħhom u qed iħejju approċċ komuni fid-dawl tal-FNE 2. Dan se jittrasponi b’mod partikolari l-elementi ta’ evalwazzjoni fl-Artikolu 13 tal-abbozz tar-Regolament tas-CEF 2 fil-kriterji tal-għoti. Approċċ komuni bħal dan se jiffaċilita wkoll il-migrazzjoni tal-programm CEF għall-modulu tal-IT tal-Għotjiet elettroniċi.

Il-proġetti tas-CEF-T 14 imsemmija mill-QEA jirrappreżentaw biss 1.9 % tal-proġetti magħżula u 3 % tal-finanzjament totali. Bħala norma, l-għażla tal-proġetti hija allinjata mar-rakkomandazzjoni tal-esperti biex jinżammu l-proġetti għall-finanzjament.

It-tielet inċiż: Il-Kummissjoni tenfasizza li l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ nfiq tal-UE għall-infrastruttura b’mod partikolari ġġorr ċertu grad ta’ riskju. Il-Kummissjoni tqis li r-riskju inerenti li l-programmi CEF ma jistgħux jiġu implimentati bis-sħiħ qed jiġi ġestit b’mod kontinwu mill-Kummissjoni u mill-INEA.

Ir-raba’ inċiż: Il-forniment minn qabel tal-baġit tas-CEF-T kien approċċ ta’ politika ċar li għandu l-għan li jiffaċilita l-irkupru ekonomiku, filwaqt li jappoġġa proġetti transkonfinali sinifikanti ħafna ta’ infrastruttura diġà ffinanzjati taħt il-programm TEN-T 2007–2013, jottimizza l-assorbiment tal-baġit, u jissodisfa l-impenn li jipprovdi għall-eżekuzzjoni sħiħa tal-baġit tal-pakkett ta’ Koeżjoni (EUR 11.3 biljun) sa tmiem l-2016 li kienet l-iskadenza għall-enveloppi nazzjonali (l-Artikolu 11(2) tar-Regolament CEF).

Il-ħames inċiż: Il-ġestjoni ta’ portafoll attiv għandu jiżgura l-użu effettiv tal-fondi tal-UE u dan jista’ jinkludi, fejn xieraq, estensjonijiet u indirizzar mill-ġdid ta’ proġetti.

V

Ara t-tweġibiet tal-Kummissjoni għar-Rakkomandazzjonijiet minn 1 sa 5.

Osservazzjonijiet

29

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-koordinazzjoni bejn l-aġenziji eżekuttivi u l-impriżi konġunti (JU) tista’ tiżdied bil-ħsieb li jiġu żviluppati aktar miżuri strutturati.

Qed isiru sforzi f’dan ir-rigward; fir-rigward ta’ Shift2Rail (S2R) JU, pereżempju, l-INEA hija membru tal-Bord ta’ Politika tal-ERTMS, fejn l-ERTMS u kwistjonijiet tekniċi relatati qed jiġu kkoordinati. Hekk kif ir-riżultati minn proġetti ta’ riċerka ġestiti mill-Impriża Konġunta S2R isiru disponibbli għall-iskjerament u sa fejn huma eliġibbli taħt is-CEF, ikun hemm aktar kooperazzjoni. Dan huwa l-każ għall-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru, fejn is-CEF timplimenta r-riżultati tal-proġetti SESAR tar-riċerka appoġġati mis-SESAR JU.

Barra minn hekk, mill-inqas proġett ewlieni wieħed (magħżul matul is-sejħa ta’ CEF tal-2015 dwar it-trasport) kien appoġġat b’mod konġunt mill-INEA u mill-Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu skont il-kompetenzi rispettivi. Fl-aħħar nett, l-INEA qed tuża wkoll għarfien espert minn aġenziji regolatorji bħall-ERA, l-EMSA u l-EASA matul l-evalwazzjonijiet tal-proposti ta’ proġetti.

30

Orizzont 2020 huwa l-akbar programm li ġie ddelegat lill-Aġenziji Eżekuttivi f’termini ta’ ammont u diversi taqsimiet. Mhux biss l-Aġenziji Eżekuttivi iżda wkoll diversi DĠs u Impriżi Konġunti huma responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ partijiet ta’ Orizzont 2020. Fi żmien id-delega ta’ Enerġija ta’ Orizzont 2020 lill-INEA u l-EASME, kienu pjuttost mistennija sinerġiji bejn il-fergħa tal-Enerġija ta’ Orizzont 2020 fl-INEA ma’ Enerġija CEF u bejn il-fergħa tal-Enerġija Orizzont 2020 fl-EASME ma’ Orizzont 2020, eko-innovazzjoni u riżorsi, LIFE u CIP Eko-innovazzjoni.

F’Settembru 2018 il-Kummissjoni nediet Analiżi tal-Ispejjeż u l-Benefiċċji (CBA) li se tistudja xenarji varji fir-rigward tat-tqassim tal-programmi futuri tal-UE (jew linji ta’ programmi) li għandhom jiġu ddelegati lid-diversi Aġenziji Eżekuttivi 2021-2027. Is-CBA se tieħu kont ta’ diversi fatturi li jrendu ffrankar, li jżommu l-aġenziji f’daqs maniġġevoli, li jillimitaw kemm jista’ jkun in-numru ta’ DĠs prinċipali u l-konsistenza f’termini ta’ benefiċjarji fil-mira.

33

Il-Kummissjoni temmen li l-indikaturi tal-prestazzjoni tal-INEA huma adegwati għall-kejl tal-prestazzjoni tal-INEA skont il-mandat li rċeviet mill-Kummissjoni. L-indikaturi tal-prestazzjoni tal-INEA għandhom għalhekk jiġu distinti mill-indikaturi li jkejlu r-riżultati tal-programmi nfushom, stabbiliti mill-koleġiżlaturi fil-qafas legali tal-programmi.

L-indikaturi tal-prestazzjoni tal-INEA jipprovdu informazzjoni dwar ir-riżultati annwali fir-rigward tal-baġit ivvotat mill-Awtorità tal-Baġit (jiġifieri l-assorbiment tal-fondi).

34

Is-sett attwali ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tal-INEA tfasslu biex jirriflettu r-rwol speċifiku tal-aġenzija iżda huma simili għall-KPIs li jintużaw mill-aġenziji eżekuttivi l-oħra. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li hemm differenzi sinifikanti bejn il-programmi ġestiti minn aġenziji eżekuttivi differenti li jistgħu jispjegaw l-użu ta’ indikaturi differenti. Madankollu, il-Kummissjoni se tivvaluta l-ambitu għal aktar titjib tal-indikaturi filwaqt li żżomm l-għadd totali ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni limitat.

37

Il-Kummissjoni bħalissa qed tivvaluta l-possibilitajiet li jiġu introdotti mekkaniżmi ta’ flessibbiltà addizzjonali għall-allokazzjoni tal-persunal bejn il-programmi f’aġenzija eżekuttiva partikolari sabiex tintlaħaq effiċjenza akbar fil-ġestjoni tagħha. Madankollu, il-Kummissjoni hija marbuta mir-rispett tal-prinċipji baġitarji stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, u b’mod partikolari l-prinċipju tal-ispeċifikazzjoni; għalhekk kwalunkwe flessibbiltà bħal din hemm bżonn tiġi mfassla b’mod adegwat biex jiġi żgurat ir-rispett ta’ dan il-prinċipju.

45

Sadanittant saret analiżi tal-proċeduri tal-evalwazzjoni u tal-għażla tat-tliet setturi tal-FNE u qed jitħejja approċċ komuni fid-dawl tal-FNE 2.

48

Il-kunsiderazzjonijiet tal-punteġġ ikollhom inqas impatt minħabba li ma jkunx hemm klassifikazzjoni għall-FNE Trasport. Ir-rakkomandazzjoni tal-esperti ma tinkludix biss il-punteġġi iżda wkoll valutazzjoni kwalitattiva skont il-kriterju li l-Kummissjoni tqis fl-għażla tagħha.

Il-Kummissjoni tqis li r-raġuni ewlenija għall-proposti rakkomandati mill-esperti li mhumiex qed jiġu ffinanzjati hija l-ispariġġ bejn il-baġit disponibbli u d-domanda għall-finanzjament, mhux kunsiderazzjonijiet ta’ punteġġ.

49

It-tweġiba komuni tal-Kummissjoni għall-paragrafi 49 u 50:

Il-Kummissjoni tinnota li d-disponibbiltà tal-baġit hija differenza kbira bejn it-tliet setturi. Fit-trasport anki wara r-rakkomandazzjonijiet mill-esperti esterni, għad hemm sottoskrizzjoni għolja wisq li tillimita lill-Kummissjoni matul il-proċess tal-għażla biex tirrifjuta proposti ta’ kwalità għolja. Għall-kuntrarju taż-żewġ setturi l-oħra, il-pressjoni minn sopraskrizzjoni hija inqas rilevanti, u għalhekk hija r-raġuni għal korrelazzjoni apparenti.

52

Kif diġà ġie indikat fil-paragrafu 48, l-14-il każ imsemmija mill-QEA tal-proġetti magħżula CEF-T li ma kinux rakkomandati mill-esperti esterni jirrappreżentaw biss 1.9 % tal-proġetti magħżula u 3 % tal-finanzjament totali. Il-Kummissjoni tqis li fl-14-il każ kollha kemm huma, il-ġustifikazzjoni għall-għażla hija spjegata b’mod ċar fil-minuti tal-kumitat ta’ selezzjoni u fil-formoli ta’ evalwazzjoni individwali tal-proġetti rispettivi. Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li aktar ġustifikazzjonijiet dettaljati setgħu ġew elaborati f’dan ir-rigward. Din il-kwistjoni se tiġi indirizzata fil-kuntest tal-approċċ komuni għall-evalwazzjoni u l-proċess tal-għażla taħt is-CEF 2.

Kaxxa 2 - Eżempju ta’ proġett miċħud mill-esperti u l-INEA iżda magħżul mill-kumitat tal-għażla tas-CEF

L-azzjoni qed tiġi implimentata fi Stat Membru wieħed u se twassal għal benefiċċji sinifikanti hemmhekk, iżda huwa minnu li l-impatt tan-netwerk se jimmaterjalizza biss b’mod sħiħ permezz tal-elettrifikazzjoni fl-Istat Membru ġar. Hemm sforzi politiċi lokali biex l-elettrifikazzjoni tiġi avvanzata fl-Istat Membru ġar. Il-Kummissjoni ttenni li l-monitoraġġ regolari tal-proġett mill-INEA juri implimentazzjoni f’waqtha u effettiva.

54

Sussegwentement għall-punteġġ, il-Kummissjoni tagħti wkoll importanza partikolari lill-evalwazzjoni kwalitattiva ta’ kull kriterju mill-esperti. Il-punteġġi jippruvaw jesprimu sitwazzjoni kumplessa ħafna deskritta fit-test b’valur uniku, filwaqt li t-test jipprovdi aktar argumenti u sfumaturi.

Il-Kummissjoni tenfasizza li jistgħu jseħħu diskrepanzi u inkonsistenzi fil-punteġġ tal-kriterji tal-għoti għal raġunijiet għajr id-differenzi fil-fehim tal-kriterji ta’ evalwazzjoni, bħal dawk, relatati mal-karatteristiċi u l-esperjenza tal-esperti.

Gwida għall-esperti dwar l-interpretazzjoni tal-kriterji tal-għoti ssir disponibbli, bil-miktub jew bil-fomm, għas-setturi kollha tas-CEF.

56

Filwaqt li tabilħaqq toffri sfida, il-Kummissjoni tqis li l-valutazzjoni tal-maturità tal-proġett hija possibbli minħabba li l-implimentazzjoni tal-proġett maż-żmien tista’ tiġi adattata għal kwalunkwe kwistjoni (estensjonijiet, definizzjoni mill-ġdid, tneħħija tal-ambitu, terminazzjoni).

Il-programmi ta’ ħidma speċifiċi u t-testi tas-sejħa jispjegaw x’tip ta’ proposti huma mistennija (studji, xogħlijiet, imħalltin) u sa meta l-proġetti jridu jibdew. Ir-realtà tal-infrastruttura hija kumplessa ħafna b’fażijiet differenti li jaħdmu b’mod parallel. F’aktar u aktar każijiet, il-benefiċjarji jitfgħu offerta fuq bażi ta’ “disinn u bini” li tinkludi studji u xogħlijiet taħt kuntratt wieħed.

60

Il-Kummissjoni tqis li għas-settur tat-trasport, il-bidla minn proġetti prijoritarji għal approċċ tan-netwerk ewlieni/komprensiv tirrendi l-paraguni mhux pertinenti. Minkejja dan, il-Kummissjoni hija impenjata ħafna biex iżżid ir-rata ta’ assorbiment ta’ 74 % li ġiet iddikjarata fil-paragrafu preċedenti u l-INEA tapplika ġestjoni ta’ portafoll attiva ħafna bil-għan li tiġi mmassimizzata r-rata ta’ assorbiment tal-FNE.

Għas-CEF-T, wara r-reviżjoni kostanti tal-INEA tal-portafoll tal-proġett u l-emendi li jirriżultaw għal ftehimiet ta’ għotja ta’ ċerti proġetti li se jiddewmu, bl-applikazzjoni tal-prinċipju “use-it-or-lose-it”, qed jitħejjew sejħiet bi ħlas lura għall-2019 u l-2020. L-għan huwa li jiġi minimizzat s-sotto utilizzazzjoni tal-baġit tal-Programm.

65

Il-Kummissjoni tqis li, minbarra l-monitoraġġ tad-dewmien, hemm salvagwardji oħra li huma mfassla biex jiżguraw li “jittieħdu miżuri korrettivi effettivi fil-ħin”, bħal pereżempju t-teħid ta’ azzjoni xierqa fl-ambitu tal-qafas legali u finanzjarju applikabbli.

66

Il-Kummissjoni tqis li t-tnaqqis tal-finanzjament tal-UE f’każ ta’ dewmien mhux dejjem iwassal għar-riżultati mixtieqa f’termini ta’ implimentazzjoni. Il-biċċa l-kbira tal-fatturi ta’ dewmien ma jistgħux jiġu ġestiti b’mod sħiħ mill-benefiċjarji waħedhom. Fl-aħħar nett, huwa aktar importanti li jsiru investimenti importanti fl-infrastruttura tal-UE anki b’xi dewmien.

67

F’ċirkostanzi partikolari, ir-rapporti dwar l-istatus tal-azzjoni jistgħu ma jagħtux stampa l-aktar aġġornata tal-implimentazzjoni teknika u finanzjarja tal-proġetti. Madankollu; il-Kummissjoni tosserva li l-ASTRs mhumiex l-unika għodda ta’ monitoraġġ użata mill-INEA.

Is-sett ta’ għodod ta’ monitoraġġ eżistenti, li jinkludi l-MTR għat-trasport, jippermetti lill-INEA tidentifika kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni anki jekk ma tkunx ippreżentata b’mod sħiħ fir-rapport dwar l-istatus ta’ azzjoni, kif jindika tajjeb ir-rapport.

70

Il-portafolli tat-tliet setturi tal-FNE huma pjuttost differenti u għalhekk diffiċli biex jitqabblu. Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li t-tnaqqis tal-għotjiet ma għandux ikun ippjanat ex ante, iżda jsir biss meta jkun meħtieġ għal proġetti individwali. Dan huwa l-każ bħalissa għas-setturi kollha tal-FNE, minkejja jekk kienx organizzat eżerċizzju sħiħ MTR.

Barra minn hekk, hija prattika attwali li l-implimentazzjoni ta’ proġetti tkompli lil hinn sew mit-tmiem tal-perjodu ta’ programmazzjoni (jiġifieri tmiem l-2020). Kif previst mir-Regolament Finanzjarju, l-INEA se tagħmel l-impenji finali sal-aħħar tal-2021 u mbagħad tiġġestixxi l-eliminazzjoni gradwali tal-programm.

71

Il-Kummissjoni tqis li l-mandat tal-INEA huwa stabbilit b’mod ċar fid-diversi dokumenti ta’ governanza u l-ftehimiet ta’ għotja jagħtu lill-INEA għodod suffiċjenti biex jieħdu azzjonijiet korrettivi filwaqt li jiżguraw li l-proġetti jkomplu jiġu implimentati.

Il-kooperazzjoni bejn l-INEA u d-DĠs prinċipali tagħha hija wkoll effettiva ħafna fuq dan is-suġġett.

72

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-INEA għandha l-għodod adatti għall-ġestjoni tal-proġetti. L-impenji għal proġetti individwali huma possibbli sa tmiem l-2021 u l-INEA, f’kooperazzjoni mill-qrib mad-DĠs prinċipali tiegħu, se jagħmlu l-aħjar użu minn dan il-perjodu biex jimmassimizzaw l-użu tal-fondi tal-UE.

74

Fir-rigward tar-rwoli rispettivi tagħhom, l-INEA hija responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit, għall-monitoraġġ ta’ proġetti u għar-rappurtar lill-Kummissjoni, filwaqt li l-Kummissjoni hija responsabbli għall-monitoraġġ tal-programm kollu, u r-rapportar relatat fid-Dikjarazzjonijiet tal-Programm.

75

Il-Kummissjoni tenfasizza l-isforz lejn objettivi u indikaturi mtejba u armonizzati fil-qafas tal-prestazzjoni tas-CEF.

Hija tirrileva li l-att ta’ delega INEA jinkludi, fl-Artikolu 19(1)(a) u (b) tiegħu, id-dispożizzjonijiet neċessarji fir-rigward tar-rappurtar tal-INEA.

Hija se tivvaluta l-possibbiltà li tiċċara r-rwol tal-aġenzija f’dan ir-rigward fir-reviżjoni tal-att ta’ delegazzjoni għall-perjodu 2021-2027. Il-Kummissjoni tqis li qafas ta’ prestazzjoni li jgħaqqad il-proġetti ffinanzjati mal-objettivi tal-programm għandu jkun sforz konġunt mid-DĠ prinċipali u mill-INEA. Filwaqt li l-INEA se tikkontribwixxi bil-kbir għal skema bħal din, ir-responsabbiltajiet għandhom jinqasmu b’mod xieraq bejn id-DĠ prinċipali u l-INEA.

Kaxxa 5 — Eżempju ta’ rappurtar inkonsistenti dwar konġestjonijiet bejn proġetti ta’ kobor differenti

Il-Kummissjoni tinnota li l-kaxxa sempliċiment tiddeskrivi l-eżitu tad-definizzjoni legali tar-Regolament CEF. Madankollu, l-INEA hija kapaċi li tirrapporta b’mod korrett dwar proġetti ta’ kobor differenti, billi hemm ħafna indikaturi oħra li jintużaw mill-indikatur “konġestjoni”.

77

Il-Kummissjoni tieħu nota ta’ din l-osservazzjoni u tenfasizza li ġie stabbilit mill-ġdid grupp ta’ ħidma f’Marzu 2019 u għalhekk il-proċess reġa’ beda. Il-grupp ta’ ħidma jinkludi membri minn kull DĠ prinċipali u l-INEA biex ikopru t-tliet setturi tal-FNE.

Il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed żmien biex tikkonkludi dan il-proċess qabel il-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss (jiġifieri għas-CEF 2).

79

Filwaqt li tista’ tinġabar aktar informazzjoni dwar ir-riżultati fit-tul tal-investimenti li saru, il-Kummissjoni tenfasizza li attwalment l-INEA hija fdata speċifikament bil-ġestjoni tal-appoġġ finanzjarju għall-proġetti magħżula, li min-natura tagħhom jiffukaw fuq ir-riżultati fi tmiem il-proġett. Il-kejl tal-effetti fit-tul tal-investiment fl-infrastruttura huwa triq interessanti li fiha l-Kummissjoni hija ħerqana li tinvolvi ruħha.

80

Filwaqt li l-miżuri inkwistjoni huma mixtieqa, il-Kummissjoni tindika li jeħtieġ li tiġi prevista evalwazzjoni aktar sistematika tar-riżultati fil-livell tal-programm permezz tal-kontribut tal-INEA. Għaldaqstant, il-Kummissjoni temmen li din il-kwistjoni tmur lil hinn mill-ambitu ta’ dan l-awditu li huwa mmirat lejn il-prestazzjoni tal-INEA.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Rakkomandazzjoni 1 – Titjib tal-potenzjal għal sinerġiji

(a) Il-Kummissjoni taċċetta parzjalment r-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-proposti relatati mas-CEF2 u Orizzont Ewropa diġà jagħtu attenzjoni partikolari biex jinkisbu s-sinerġiji.

(b) Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni sa fejn din il-valutazzjoni titwettaq fil-qafas tal-Analiżi tal-Ispejjeż u l-benefiċċju li għaddejja bħalissa.

Il-Kummissjoni ma tistax tippreġudika r-riżultati ta’ din l-analiżi li se tikkunsidra diversi xenarji. Madankollu, hija tinnota li elementi oħra — bħal li l-aġenziji jinżammu f’daqs maniġġevoli, jillimitaw kemm jista’ jkun l-għadd ta’ Direttorati Ġenerali prinċipali u l-konsistenza f’termini ta’ benefiċjarji fil-mira — iridu jitqiesu fl-analiżi.

84

Rigward il-flessibbiltà fir-riassenjar tal-persunal, il-Kummissjoni bħalissa qed tħares lejn il-possibilitajiet li jiġu introdotti mekkaniżmi ta’ flessibbiltà addizzjonali għall-allokazzjoni tal-persunal bejn il-programmi f’aġenzija eżekuttiva sabiex tintlaħaq effiċjenza akbar fil-ġestjoni tagħhom. Madankollu, din il-flessibbiltà fl-allokazzjoni tal-persunal hemm bżonn li tiġi mfassla b’mod xieraq biex jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipju tal-ispeċifikazzjoni, li huwa stabbilit fir-Regolament Finanzjarju.

Rakkomandazzjoni 2 – Tisħiħ tal-qafas għall-ġestjoni tal-INEA tal-programmi delegati

(a) Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni parzjalment.

Se tivvaluta l-possibilitajiet li jiġu introdotti mekkaniżmi ta’ flessibbiltà addizzjonali għall-allokazzjoni tal-persunal bejn il-programmi f’aġenzija eżekuttiva partikolari sabiex tintlaħaq effiċjenza akbar fil-ġestjoni tagħha. Madankollu, il-Kummissjoni hija marbuta mir-rispett tal-prinċipji baġitarji stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, u b’mod partikolari l-prinċipju tal-ispeċifikazzjoni. Kwalunkwe flessibbiltà bħal din ikun hemm bżonn tiġi mfassla b’mod adegwat biex jiġi żgurat ir-rispett ta’ dan il-prinċipju. Barra minn hekk, din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata fl-ambitu tar-reviżjoni tal-qafas applikabbli għall-aġenziji eżekuttivi billi l-Kummissjoni tqis li kwalunkwe mekkaniżmu ta’ flessibbiltà bħal dan għandu jkun komuni għall-aġenziji eżekuttivi kollha.

(b) Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni u l-aġenzija għandhom rwoli differenti: L-INEA timplimenta f’isem il-Kummissjoni, u r-rappurtar tagħha jinforma lir-rappurtar tal-Kummissjoni dwar il-prestazzjoni tal-programm. Bħala tali, għandha ssir distinzjoni bejn il-prestazzjoni tal-INEA bħala Aġenzija u l-qafas ta’ prestazzjoni tal-programmi stess.

Rakkomandazzjoni 3 – Jiġi żgurat li jkun hemm aktar armonizzazzjoni u trasparenza fil-proċeduri tal-għażla tal-proġetti

(a) Il-Kummissjoni taċċetta parzjalment r-rakkomandazzjoni.

(b) Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

(c) Il-Kummissjoni taċċetta parzjalment r-rakkomandazzjoni.

86

Ir-riskju relatat mal-implimentazzjoni sħiħa ta’ programm huwa inerenti fil-programmi ta’ finanzjament kollha (UE), b’mod partikolari meta jkunu relatati mal-infrastruttura. Proġetti ta’ infrastruttura tipikament jinvolvu żminijiet twal ta’ żvilupp u implimentazzjoni. Ir-riskju ġie identifikat u l-INEA se tkompli taħdem biex timmitigah u tnaqqsu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni temmen li l-effett indirett tad-dewmien jista’ jiġi evitat jekk it-tranżizzjoni bejn iż-żewġ perjodi ta’ programmar tiġi ġestita tajjeb. Il-Kummissjoni se taħdem biex tiżgura tranżizzjoni bla xkiel.

Rakkomandazzjoni 4 – It-twaqqif ta’ kundizzjonijiet aħjar għall-implimentazzjoni f’waqtha tas-CEF

(a) Il-Kummissjoni taċċetta parzjalment r-rakkomandazzjoni.

(b) Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

(c) Il-Kummissjoni taċċetta parzjalment r-rakkomandazzjoni.

89

Ix-xogħlijiet diġà bdew biex jiġu mmonitorjati aħjar ir-riżultati tal-proġetti minn perspettiva ta’ politika.

Rakkomandazzjoni 5 – It-tfassil mill-ġdid tal-qafas ta’ prestazzjoni biex jiġu ssorveljati aħjar ir-riżultati tal-proġetti

(a) Il-Kummissjoni taċċetta parzjalment r-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni tenfasizza li grupp ta’ ħidma għal dan il-għan ġie stabbilit mill-ġdid f’Marzu 2019 li jinkludi membri minn kull DĠ prinċipali u INEA biex ikopru t-tliet setturi tal-FNE. Il-Kummissjoni tqis li hemm biżżejjed żmien biex tikkonkludi dan il-proċess qabel il-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss (jiġifieri għas-CEF 2).

(b) Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla II tal-Awditjar li tispeċjalizza fl-oqsma ta’ nfiq ta’ Investiment għall-koeżjoni, it-tkabbir u l-inklużjoni, u li hija mmexxija minn Iliana Ivanova, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Oskar Herics, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Thomas Obermayr, Kap tal-Kabinett u Laura Gores, Attaché tal-Kabinett; Pietro Puricella, Maniġer Prinċipali; Jolita Korzuniene, Kap tal-Kompitu; Susanna Rafalzik, Dieter Böckem, Thierry Lavigne, Nils Odins u Christian Verzé, Awdituri. Thomas Everett u Cathryn Lindsay ipprovdew appoġġ lingwistiku.

Mix-xellug għal-lemin: Thomas Everett, Susanna Rafalzik, Dieter Böckem, Jolita Korzuniene, Oskar Herics, Cathryn Lindsay, Nils Odins, Laura Gores, Christian Verzé, Pietro Puricella.

Noti finali

1 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta’ Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1).

2 Minbarra l-INEA, dawn huma l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (EASME), l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA), l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumatur, is-Saħħa, l-Agrikoltura u l-Ikel (CHAFEA), l-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA) u l-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERCEA).

3 Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/801/UE tat-23 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks u li tħassar id-Deċiżjoni 2007/60/KE kif emendata bid-Deċiżjoni 2008/593/KE (ĠU L 352, 24.12.2013, p. 65). Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 9235 iddelegat setgħat lill-Aġenzija.

4 Li jkopri l-perjodu minn Jannar 2014 sa Diċembru 2024.

5 L-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2019)1453 tal-25.2.2019 li tapprova l-Programm ta’ Ħidma tal-2019 tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks, il-Parti 2.

6 Parti mill-FNE ICT.

7 L-analiżi ffukat fuq proġetti li kellhom l-ogħla allokazzjoni mill-UE mis-sejħiet pluriennali tal-2014 u tal-2015. Dan kien ifisser 56 % tal-proġetti kollha tal-FNE-T, b’għotjiet li ammontaw għal total ta’ EUR 18-il biljun (80 % tal-kontribuzzjoni totali li saret mill-UE għall-FNE-T).

8 L-Analiżi tal-Ispejjeż imqabbla mal-Benefiċċji għad-delega ta’ ċerti kompiti marbutin mal-implimentazzjoni ta’ Programmi tal-Unjoni 2014-2020 lill-Aġenziji Eżekuttivi, Awwissu 2013. Qabel id-delega tal-inizjattiva WiFi4EU, twettqet ASB addizzjonali.

9 Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF), COM(2018) 66 tal-14.2.2018.

10 Din il-konklużjoni kienet ibbażata fuq stħarriġ online fost l-applikanti u l-benefiċjarji (Study Supporting the Evaluation of the Innovation and Networks Executive Agency (INEA) 2014-2016 (Studju li Jappoġġa l-Evalwazzjoni tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks (INEA) 2014-2016), il-5 ta’ Frar 2019, Centre for Strategy and Evaluation Services).

11 Il-mira ta’ EUR 111-il miljun għal titjib fl-effiċjenza teskludi l-inizjattiva WiFi4EU, li ġiet iddelegata lill-INEA fl-2018. Għalhekk, fl-2018 l-INEA kellha tkopri l-ispejjeż amministrattivi tal-operat tal-WiFi4EU, notevolment is-salarji, li inizjalment ma kinux parti mill-mira.

12 L-ASB tal-2013.

13 L-Artikolu 17(7) tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129).

14 COM(2018) 66 tal-14.2.2018: Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF).

15 Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 642/2014 tas-16 ta’ Ġunju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Shift2Rail, il-Premessa 15 (ĠU L 177, 17.6.2014, p. 9).

16 Ir-Rapport Speċjali Nru 13/2009 tal-QEA: “Id-delega tal-kompiti ta’ implimentazzjoni lill-aġenziji eżekuttivi: alternattiva ta’ suċċess?”, il-paragrafu 66.

17 Ir-rapport finanzjarju speċifiku jiġi ppreżentat lill-Kumitat għall-Aġenziji Eżekuttivi u lill-Awtorità Baġitarja f’każ ta’ delega lil aġenzija eżekuttiva ta’ kompiti relatati mal-ġestjoni ta’ programmi tal-UE.

18 F’konformità mat-Taqsima 9.2.2 tal-Guidelines for the establishment and operation of executive agencies financed from the Union budget (Linji Gwida għall-istabbiliment u l-operat tal-aġenziji eżekuttivi ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni) (id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 9109 final tat-2.12.2014).

19 Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) Nru 283/2014. L-Artikolu 19 jistipula li l-FNE għandha tiġi implimentata permezz ta’ programmi ta’ ħidma. Skont il-Kummissjoni, sal-31 ta’ Diċembru 2020 hija trid tadotta l-ewwel programmi ta’ ħidma pluriennali, inkluża skeda tas-sejħiet għal proposti, b’suġġetti u baġit indikattiv, għall-ewwel tliet snin tal-FNE l-ġdida, kif ukoll qafas projettat li jkopri l-perjodu kollu kemm hu.

20 L-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (UE) Nru 1316/2013; ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013; ir-Regolament (UE) Nru 347/2013; ir-Regolament (UE) Nru 283/2014.

21 L-Artikoli 197-199 tar-Regolament Finanzjarju. Il-kriterji ta’ eliġibbiltà huma relatati man-natura legali tal-applikanti u jinkludu konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE. Il-kriterji tal-għażla għandhom l-għan li jivvalutaw il-kapaċità tal-applikant li jikkompleta l-azzjoni proposta. Il-kriterji tal-għoti jintużaw għall-valutazzjoni tal-kwalità tal-proposti.

22 Fiż-żmien meta sar l-awditu, l-INEA qaltilna li 380 espert estern kienu ġew involuti fl-evalwazzjoni tal-proposti ta’ proġetti tal-FNE, li fuqha huwa stmat li qattgħu 5050 jum.

23 B’kollox, intgħażlu 711-il proġett għal EUR 23 biljun f’għotjiet tal-FNE-T (ara t-Tabella 2).

24 Il-Premessa 3 tar-Regolament Nru 1316/2013 dwar l-FNE stmat li r-rekwiżit ta’ investiment għan-netwerks trans-Ewropej fis-setturi tat-trasport, tat-telekomunikazzjoni u tal-enerġija għall-perjodu sal-2020 kien ta’ EUR 970 biljun.

25 Ir-rata ta’ assorbiment għat-TEN-T kienet tkun saħansitra aktar baxxa kieku t-TEN-T EA ma rnexxilhiex timpenja madwar terz tal-baġit darbtejn, billi injettat mill-ġdid fondi minn proġetti mhux produttivi għal ġo għotjiet ġodda permezz ta’ “sejħiet ta’ rifluss” li kienu jiswew EUR 2.3 biljun.

26 Wara li tiffirma l-ftehimiet ta’ għotja, l-INEA timpenja fondi f’konformità mal-pagamenti ppjanati għas-sena rilevanti. Għalhekk, impenji baġitarji jirriflettu biss parti mill-baġit mogħti lill-proġetti.

27 Madankollu, dan huwa sehem żgħir mill-1 233 proġett magħżul. It-12-il proġett kellhom kontribuzzjoni inizjali miftiehma totali ta’ EUR 112-il miljun mill-UE.

28 Pereżempju, f’5 mill-10 proġetti ta’ xogħlijiet tal-FNE-T li analizzajna, il-perjodu ta’ implimentazzjoni ġie modifikat biss wara l-eżerċizzju tal-MTR.

29 Ir-Rapport Speċjali Nru 17/2018: “L-azzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fl-aħħar snin tal-programmi għall-perjodu 2007-2013 indirizzaw l-assorbiment baxx iżda ma kinux iffukati biżżejjed fuq ir-riżultati” (http://eca.europa.eu).

30 Il-grupp ta’ ħidma kkonkluda li l-indikatur attwali dwar il-konġestjonijiet li għalihom l-INEA tiġbor data (…) jeħtieġ titjib kbir minħabba l-valur informattiv baxx tiegħu.

31 Analiżi panoramika: “Lejn settur tat-trasport ġewwa l-UE li jkollu suċċess:sfidi li jridu jiġu indirizzati”; ir-Rapport Speċjali Nru 21/2018 “L-għażla u l-monitoraġġ ta’ proġetti taħt il-FEŻR u l-FSE fil-perjodu 2014–2020 għadhom prinċipalment orjentati lejn l-outputs”; ir-Rapport Speċjali Nru 19/2018: “Netwerk ferrovjarju Ewropew ta’ veloċità għolja: mhuwiex realtà iżda huwa sistema frammentata u ineffettiva”, ir-Rapport Speċjali Nru 23/2016: “It-trasport marittimu fl-UE: f’baħar ta’ inkwiet — sar ħafna investiment li la huwa effettiv u lanqas sostenibbli”.

Kronoloġija

Avveniment Data
Il-Memorandum ta’ Ppjanar tal-Awditjar (APM) jiġi adottat / L-awditu jinbeda 4.7.2018 / 3.9.2018
L-abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lill-entità l-oħra awditjata) 28.6.2019
Ir-rapport finali jiġi adottat wara l-proċedura kontradittorja 25.9.2019
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew tal-entità l-oħra awditjata) jaslu bil-lingwi kollha 31.10.2019

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2019

PDF ISBN 978-92-847-3644-7 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/073341 QJ-AB-19-014-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-3657-7 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/985758 QJ-AB-19-014-MT-Q

© L-Unjoni Ewropea, 2019

Ir-riproduzzjoni hija awtorizzata kemm-il darba jissemma s-sors oriġinali.
Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li mhuwiex taħt id-drittijiet tal-awtur tal- L-Unjoni Ewropea, għandu jintalab permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet.

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp/mt) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.