Rapport Speċjali
08 2021

L-appoġġ li l-Frontex tagħti lill-ġestjoni tal-fruntieri esterni: mhuwiex suffiċjentement effettiv sal-ġurnata tal-lum

Dwar ir-rapport: F’dan l-awditu, aħna wettaqna valutazzjoni ta’ jekk il-Frontex kinitx qed twettaq erbgħa mis-sitt attivitajiet primarji tagħha b’mod effettiv biex tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri, u b’hekk tappoġġa lill-Istati Membri fil-prevenzjoni, id-detezzjoni, u r-rispons għall-immigrazzjoni illegali u għall-kriminalità transfruntiera. Eżaminajna wkoll l-istat ta’ tħejjija tal-Frontex biex tissodisfa l-mandat il-ġdid u estiż tagħha tal-2019.

Aħna kkonkludejna li l-appoġġ li l-Frontex tagħti għall-Istati Membri/pajjiżi assoċjati ma’ Schengen fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u l-kriminalità transfruntiera mhuwiex suffiċjentement effettiv. Aħna sibna li l-Frontex ma implimentatx bis-sħiħ il-mandat tagħha tal-2016 u enfasizzajna bosta riskji relatati mal-mandat tal-Frontex tal-2019.

Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġejt:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

Il-Konvenzjoni ta’ Schengen ħolqot spazju uniku ta’ moviment mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni. Is-sorveljanza u l-kontroll tal-fruntieri esterni huma essenzjali biex jiffaċilitaw il-moviment liberu tal-persuni u tal-merkanzija fi ħdan dan l-ispazju, filwaqt li għandhom l-għan li jiggarantixxu s-sigurtà interna u jservu bħala prevenzjoni ta’ theddid potenzjali fil-fruntieri.

II

Il-Frontex, li ġiet stabbilita fl-2004, saret l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta bl-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2016/1624. Dan estenda sinifikattivament il-mandat oriġinali tagħha u taha s-setgħa li tiffaċilita l-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri fil-fruntiera esterna tal-UE, fejn l-Istati Membri jżommu r-responsabbiltà.

III

Tliet snin biss wara, ir-Regolament (UE) 2019/1896 żied is-setgħat tal-Frontex biex issaħħaħha minn rwol ta’ appoġġ u ta’ koordinazzjoni għal rwol operazzjonali. Dan kien jinvolvi żieda esponenzjali fir-riżorsi, introduzzjoni ta’ korp permanenti ta’ 10 000 membru tal-persunal operazzjonali sal-2027 u baġit medju ta’ EUR 900 miljun kull sena.

IV

Aħna wettaqna awditu ta’ jekk il-Frontex kinitx qed twettaq erbgħa mis-sitt attivitajiet primarji tagħha b’mod effettiv biex tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri, u b’hekk tappoġġa lill-Istati Membri fil-prevenzjoni, id-detezzjoni, u r-rispons għall-immigrazzjoni illegali u għall-kriminalità transfruntiera. Eżaminajna wkoll l-istat ta’ tħejjija tal-Frontex biex tissodisfa l-mandat il-ġdid u estiż tagħha tal-2019. Din hija l-ewwel darba li ħarisna lejn kif il-Frontex twettaq dawn l-attivitajiet, kif inhuma ddefiniti fir-Regolament tal-2016. Ir-rapport tagħna huwa f’waqtu peress li l-aħħar evalwazzjoni esterna tal-aġenzija ġiet ippubblikata f’Lulju 2015, u r-Regolament (UE) 2019/1896 ġie approvat mingħajr valutazzjoni tal-impatt. L-awditu kopra l-perjodu minn tmiem l-2016 (meta r-responsabbiltajiet il-ġodda tal-Frontex daħlu fis-seħħ) sa Frar 2020.

V

B’mod ġenerali, aħna sibna li l-appoġġ li l-Frontex tagħti għall-Istati Membri/pajjiżi assoċjati ma’ Schengen fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u l-kriminalità transfruntiera mhuwiex suffiċjentement effettiv. Aħna sibna li l-Frontex ma implimentatx bis-sħiħ il-mandat tagħha tal-2016 u enfasizzajna bosta riskji relatati mal-mandat tal-Frontex tal-2019.

VI

Sibna li għalkemm hemm qafas għall-iskambju ta’ informazzjoni funzjonali fis-seħħ biex jappoġġa l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, dan ma kienx jiffunzjona tajjeb biżżejjed biex jipprovdi għarfien tas-sitwazzjoni preċiż, komplet u aġġornat dwar il-fruntiera esterna tal-UE. Għadu ma ġiex stabbilit qafas għall-iskambju ta’ informazzjoni adegwat għall-kriminalità transfruntiera. Dan jaffettwa l-kapaċità tal-Frontex u tal-Istati Membri biex jimmonitorjaw il-fruntieri esterni u, jekk ikun meħtieġ, jirrispondu malajr għal kwalunkwe theddida li tinqabad.

VII

Il-Frontex sabitha diffiċli tuża r-rappurtar li jsir mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ kontroll fil-fruntieri skont is-sistema Ewropea ta’ sorveljanza tal-fruntieri u hemm restrizzjonijiet legali dwar l-użu tad-data li tinsab fis-sistemi pan-UE għall-iskopijiet ta’ analiżi tar-riskju. Barra minn hekk, hija ma tistax tapplika l-mudell integrat komuni għall-analiżi tar-riskju li l-biċċa l-kbira mill-Istati Membri japplikaw.

VIII

Problemi kontinwi ta’ kompletezza u kwalità tad-data jolqtu l-proċess tal-ġbir ta’ data involut fil-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà tal-Frontex, minkejja li l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu l-informazzjoni li l-Frontex teħtieġ.

IX

Fir-rigward tal-operazzjonijiet konġunti, l-iskjerament ta’ riżorsi għall-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-immirar tal-kriminalità transfruntiera għadu mhuwiex żviluppat suffiċjentement fl-attivitajiet ta’ kuljum tal-Frontex. Billi l-Frontex għandha nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-ispiża u l-prestazzjoni reali, ir-rappurtar operazzjonali li jitwettaq minnha jonqos milli jinforma b’mod adegwat lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet.

X

Il-Frontex ma ħaditx il-miżuri meħtieġa biex tadatta l-organizzazzjoni tagħha għall-indirizzar tal-mandat li rċeviet fl-2016. Aħna identifikajna nuqqasijiet fl-ippjanar tar-riżorsi umani fi ħdan l-unità tal-analiżi tar-riskju u dik tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà, u fil-komunikazzjoni bejn l-unitajiet koperti mill-awditu, li jirrappreżentaw riskju importanti għall-effettività tar-rwol operazzjonali l-ġdid tal-Aġenzija.

XI

Fl-aħħar nett, aħna nqisu li hemm riskju sinifikanti li l-Frontex se titħabat biex twettaq il-mandat assenjat lilha mir-Regolament (UE) 2019/1896. Iż-żieda esponenzjali fir-riżorsi li saru disponibbli ġiet maqbula mingħajr valutazzjoni tal-ħtiġijiet u tal-impatt fuq l-Istati Membri, u mingħajr evalwazzjoni tal-attivitajiet tal-Frontex mill-2015 ’il hawn.

XII

Abbażi ta’ dawn il-konklużjonijiet, aħna nindirizzaw rakkomandazzjonijiet speċifiċi lill-Frontex u lill-Kummissjoni biex:

  • jittejbu l-qafas għall-iskambju ta’ informazzjoni u l-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea;
  • jiġi aġġornat u implimentat il-mudell integrat komuni għall-analiżi tar-riskju u jiġi żgurat aċċess għal sorsi oħra ta’ informazzjoni;
  • jiġi żviluppat il-potenzjal tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà;
  • jittejjeb ir-rispons operazzjonali tal-Frontex;
  • jiġu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw mill-mandat il-ġdid tal-Frontex.

Introduzzjoni

01

Id-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni ta’ Schengen fl-1995 ra l-abolizzjoni tal-fruntieri interni, u l-istabbiliment taż-Żona Schengen għall-moviment liberu u mingħajr restrizzjonijiet tal-persuni. Attwalment, iż-Żona Schengen tinkludi 26 pajjiż Ewropew1.

02

Fil-konklużjonijiet tas-summit tal-UE li sar f’Laeken f’Diċembru 2001, l-Istati Membri ddikjaraw li ġestjoni aħjar tal-kontrolli fil-fruntieri esterni tal-Unjoni se tgħin fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, in-networks tal-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin. Fl-istess konklużjonijiet, il-Kunsill tal-UE jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ifasslu arranġamenti għall-kooperazzjoni bejn is-servizzi responsabbli għall-kontroll fil-fruntieri esterni u biex jeżaminaw il-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jinħolqu mekkaniżmu jew servizzi komuni għall-kontroll fil-fruntieri esterni2.

03

Sabiex tiġi implimentata l-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni stabbilew il-Frontex3 fl-20044. L-Aġenzija nħolqot taħt il-premessa li r-responsabbiltà għall-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri esterni hija kondiviża mal-Istati Membri u din ma nbidlitx tul l-emendi sussegwenti tar-regolament ta’ twaqqif tal-Frontex.

04

L-ewwel mandat tal-Aġenzija kien li ssaħħaħ u tappoġġa l-kooperazzjoni interaġenzjali u dik operazzjonali fost l-aġenziji tal-kontroll fil-fruntieri tal-Istati Membri, u li tiżviluppa u tippromwovi politiki komuni dwar it-taħriġ, il-valutazzjoni tar-riskju u l-operazzjonijiet konġunti. Kif meħtieġ, l-isem oriġinali tagħha kien l-“Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kooperazzjoni Operattiva fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea”.

05

Ir-regolament ta’ twaqqif tal-Frontex ġie emendat erba’ darbiet: fl-20075, fl-20116, fl-20167 u fl-20198, u kull emenda espandiet progressivament il-mandat, il-funzjonijiet u l-baġit tal-aġenzija (minn EUR 19-il miljun fl-2006 għal EUR 330 miljun fl-2019).

06

L-ewwel emenda, fl-2007, espandiet il-mandat inizjali permezz tal-hekk imsejjaħ “regolament RABIT”, li permezz tiegħu l-Aġenzija setgħet tiskjera timijiet ta’ intervent rapidu fil-fruntieri lejn l-Istati Membri. It-timijiet ikunu jintervienu, għal perjodu limitat, fuq talbet kwalunkwe Stat Membru li jkun qed iħabbat wiċċu ma’ sitwazzjonijiet urġenti u eċċezzjonali li jirriżultaw minn influss kbir ta’ migranti permezz ta’ mezzi irregolari. Din kienet l-ewwel darba li saret referenza għal “immigrazzjoni”, fenomenu li mhuwiex imsemmi fir-Regolament tal-2004.

07

Fl-2011, flussi ta’ migrazzjoni fil-Baħar Mediterran li kienu qed jiżdiedu, ikkawżati primarjament minn avvenimenti politiċi fl-Afrika ta’ Fuq, flimkien ma’ nuqqasijiet u limitazzjonijiet min-naħa operazzjonali tal-aġenzija, wasslu għat-tieni emenda tal-Att ta’ twaqqif tal-Frontex. Il-bidliet prinċipali kienu jikkonċernaw it-tħaddim mill-Frontex tas-sistemi tal-informazzjoni, ukoll fi ħdan is-sistema Ewropea ta’ sorveljanza tal-fruntieri; rwol ta’ koordinazzjoni akbar f’operazzjonijiet konġunti ta’ ritorn; operazzjonijiet konġunti u proġetti pilota; u possibbiltà ġdida għall-Frontex biex tixtri tagħmir waħidha jew bi sjieda konġunta ma’ Stat Membru, u biex tibgħat uffiċjali ta’ kollegament f’pajjiżi terzi.

08

Matul il-quċċata tal-migrazzjoni fl-2015, il-koleġiżlaturi tal-UE u l-Kummissjoni kienu tal-fehma li l-Frontex, li kellha mandat limitat biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-iżgurar tal-fruntieri esterni tagħhom, ma kellhiex ammont suffiċjenti ta’ persunal u ta’ tagħmir. Għar-riżorsi tagħha l-Frontex serrħet fuq kontributi volontarji mill-Istati Membri, u ma kellhiex l-awtorità li twettaq operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-fruntieri u sforzi ta’ tfittxija u salvataġġ. Huma kellhom tħassib li dawn il-limitazzjonijiet ikunu jfixklu l-abbiltà tal-Frontex li tindirizza u tirrimedja b’mod effettiv is-sitwazzjoni maħluqa mill-kriżi tar-refuġjati. Dan wassal fl-2016 għat-tielet emenda, li daħlet fis-seħħ fis-6 ta’ Ottubru 2016, tar-regolament ta’ twaqqif tal-Aġenzija9 u għall-għoti tal-isem ġdid “Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta” lill-Frontex b’kompiti u setgħat imsaħħa kemm fin-naħa operazzjonali kif ukoll f’dik ta’ monitoraġġ/koordinazzjoni tal-ġestjoni tal-fruntieri. Ir-regolament stabbilixxa wkoll il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, li tikkonsisti fl-Aġenzija u fl-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ġestjoni tal-fruntieri.

09

L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/1624 jiddefinixxi l-komponenti tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri (ara l-Kaxxa 1). Għall-ewwel darba, il-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri kellha l-għan legalment, kif iddikjarat fil-Premessa 2 tar-regolament, li “l-qsim tal-fruntieri esterni jiġi ġestit [immaniġġjat] b’mod effiċjenti u li jiġu indirizzati l-isfidi migratorji u t-theddidiet futuri potenzjali f’dawk il-fruntieri, u b’hekk jingħata kontribut biex tiġi indirizzata l-kriminalità serja b’dimensjoni transfruntiera u jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà interna fl-Unjoni. Fl-istess ħin, jeħtieġ li tittieħed azzjoni b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali u b’mod li jiġi ssalvagwardjat il-moviment liberu tal-persuni fi ħdan l-Unjoni”.

Kaxxa 1

Komponenti tal-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri

  1. Kontroll tal-fruntieri, inklużi miżuri biex jiġi ffaċilitat il-qsim leġittimu tal-fruntieri u, fejn xieraq, miżuri relatati mal-prevenzjoni u l-individwazzjoni [d-detezzjoni] tal-kriminalità transfruntiera, bħall-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, it-traffikar tal-bnedmin u t-terroriżmu, u miżuri relatati mar-riferiment ta’ persuni li jkollhom bżonn, jew li jixtiequ japplikaw għal, protezzjoni internazzjonali;
  2. operazzjonijiet ta’ tfittxija u salvataġġ għal persuni f’diffikultà fil-baħar, varati u mwettqa f’konformità mar-regolamenti tal-UE u mal-liġi internazzjonali, li jsiru f’sitwazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu tul operazzjonijiet ta’ sorveljanza fuq il-fruntiera fil-baħar;
  3. analiżi tar-riskji għas-sigurtà interna u tat-theddid li jistgħu jaffettwaw il-funzjonament jew is-sigurtà tal-fruntieri esterni;
  4. kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, appoġġati u kkoordinati mill-aġenzija;
  5. kooperazzjoni bejn l-aġenziji mal-awtoritajiet nazzjonali f’kull Stat Membru li huma responsabbli għall-kontroll tal-fruntieri jew għal kompiti oħra mwettqa fil-fruntiera u fost l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-UE;
  6. kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi fl-oqsma koperti mir-Regolament dwar il-Frontex, b’enfasi fuq pajjiżi ġirien u dawk il-pajjiżi terzi li ġew identifikati permezz ta’ analiżi tar-riskju bħala pajjiżi ta’ oriġini u/jew ta’ tranżitu għall-immigrazzjoni illegali;
  7. miżuri tekniċi u operazzjonali fiż-żona Schengen li huma relatati mal-kontroll fuq il-fruntieri u mfassla biex jindirizzaw l-immigrazzjoni illegali u biex jiġġieldu r-reati transfruntiera b’mod aktar effettiv;
  8. ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma s-suġġett ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn finali maħruġa minn Stat Membru;
  9. l-użu tal-aħħar teknoloġija, inklużi sistemi ta’ informazzjoni fuq skala kbira;
  10. mekkaniżmu ta’ kontroll tal-kwalità, b’mod partikolari l-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen u l-possibbiltà ta’ mekkaniżmi nazzjonali, biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri;
  11. mekkaniżmi ta’ solidarjetà, b’mod partikolari l-istrumenti ta’ finanzjament tal-UE.
10

L-ambizzjoni tal-koleġiżlaturi tal-UE u tal-Kummissjoni kienet li tinkiseb Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta msaħħa u kompletament operazzjonali “sabiex tindirizza t-tħassib taċ-ċittadini fir-rigward tas-sigurtà u s-sikurezza għall-Unjoni”10. Kif meħtieġ, f’Settembru 2018, jiġifieri sentejn biss wara li l-emenda preċedenti daħlet fis-seħħ, il-Kummissjoni Ewropea ressqet proposta għal regolament ġdid għall-aġenzija. Il-Kunsill irrefera għal ħtieġa urġenti bħala ġustifikazzjoni għan-nuqqas ta’ jew valutazzjoni tal-impatt għal-leġiżlazzjoni l-ġdida jew inkella evalwazzjoni tal-mandat preċedenti. Ir-regolament il-ġdid daħal fis-seħħ fl-4 ta’ Diċembru 2019. L-Anness I juri l-bidliet prinċipali fil-mandat tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fl-emendi tal-2016 u tal-2019.

11

Il-miżura ewlenija ta’ din l-emenda kienet li jiġi stabbilit korp permanenti, l-ewwel servizz tal-infurzar tal-liġi tal-UE bl-uniformi. L-għan ta’ dan il-korp ikun li jindirizza d-“distakk bejn il-kapaċitajiet u l-aspettattivi” li jirriżulta mill-fatt li l-aġenzija tiddependi mill-Istati Membri/pajjiżi assoċjati ma’ Schengen għal kontributi f’termini ta’ gwardji tal-fruntiera u tagħmir. Magħmul minn persunal statutorju tal-Frontex u minn persunal sekondat fuq bażi obbligatorja mill-pajjiżi Ewropej għal perjodi fuq terminu kemm twil kif ukoll qasir, il-korp se jinbena gradwalment sakemm jilħaq 10 000 membru tal-persunal fl-2027, inklużi 3 000 gwardja tal-fruntiera u tal-kosta, skorti għar-ritorn u esperti tar-ritorn (ara l-Figura 1 u l-Figura 2). ). Fl-istess ħin, il-baġit tal-Frontex huwa mistenni li jiżdied minn EUR 460 miljun fl-2020 għal medja ta’ EUR 900 miljun fis-sena, biex ikopri l-kompiti u l-funzjonijiet imtejba tal-aġenzija11 (ara l-Figura 3).

Figura 1

Forza tax-xogħol reali tal-Frontex, 2005-2019

Sors: il-QEA, ibbażat fuq ir-Rapporti Annwali tal-Frontex.


Figura 2

Kapaċità tal-korp permanenti għal kull sena u kategorija

Sors: il-QEA, ibbażat fuq ir-Regolament (UE) 2019/1896.


Figura 3

Baġit Annwali tal-Frontex

Sors: il-QEA, ibbażat fuq ir-Rapporti Annwali tal-Frontex.

12

Il-kompiti li ġejjin huma meqjusa bħala l-attivitajiet primarji tal-Frontex sabiex tappoġġa lill-Istati Membri/pajjiżi assoċjati ma’ Schengen fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE, deskritti mill-Frontex fit-termini li ġejjin:

  • monitoraġġ tas-sitwazzjoni għandu jipprovdi stampa kemm jista’ jkun dettaljata, preċiża u aġġornata tas-sitwazzjoni fil-fruntieri esterni tal-UE;
  • analiżi tar-riskju għandha tibni stampa tax-xejriet u t-tendenzi fil-migrazzjoni irregolari u fl-attività kriminali transfruntiera, inkluż it-traffikar tal-bnedmin, fil-fruntieri esterni;
  • valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà għandhom jevalwaw il-kapaċità u l-livell ta’ tħejjija ta’ kull Stat Membru li jiffaċċja sfidi fil-fruntieri esterni tiegħu, inkluża l-pressjoni migratorja;
  • operazzjonijiet konġunti u interventi rapidi fil-fruntieri (magħrufa bħala rispons operazzjonali), ikkoordinati u organizzati mill-Frontex, għandhom jassistu lill-Istati Membri f’żoni esterni li jinsabu taħt pressjonijiet migratorji sinifikanti. Fl-operazzjonijiet tagħha, l-aġenzija tiskjera timijiet Ewropej ta’ Gwardji tal-Fruntiera u tal-Kosta flimkien ma’ bastimenti, inġenji tal-ajru, vetturi u tagħmir tekniku ieħor ipprovdut mill-Istati Membri;
  • operazzjonijiet ta’ ritorn għandhom jassistu lill-Istati Membri fuq talba, jew fuq inizjattiva tal-aġenzija, fit-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn billi jorganizzaw jew jikkoordinaw operazzjonijiet nazzjonali u konġunti bejn Stati Membri differenti, jassistuhom f’operazzjonijiet ta’ ritorn furzat u fi tluq volontarju; jorganizzaw jew jikkoordinaw operazzjonijiet ta’ ritorn, li għalihom il-mezzi ta’ trasport u l-iskorti tar-ritorn huma pprovduti mill-pajjiż destinatarju li ma jkunx tal-UE.
  • taħriġ tal-Frontex għandu jiżviluppa kurrikuli ta’ taħriġ u korsijiet speċjalizzati f’varjetà ta’ oqsma biex jiġu garantiti l-ogħla livelli ta’ għarfien professjonali fost il-gwardji tal-fruntiera fl-Ewropa kollha.
13

L-ispejjeż operazzjonali ta’ dawn l-attivitajiet huma ppreżentati fil-Figura 4.

Figura 4

Spejjeż operazzjonali fl-2017 u fl-2019

Sors: il-QEA, ibbażat fuq ir-Rapporti Finanzjarji tal-Frontex.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

14

Għal dan l-awditu, aħna eżaminajna erbgħa mis-sitt attivitajiet primarji tal-Frontex biex naraw kemm kienu effettivi biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri, u kemm il-Frontex hija mħejjija sew biex tissodisfa l-mandat il-ġdid tagħha.

15

Biex inwieġbu għall-mistoqsija prinċipali tal-awditjar, aħna indirizzajna tliet sottomistoqsijiet:

  1. Il-Frontex qed twettaq il-mandat tagħha tal-2016 fir-rigward tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali?
  2. Il-Frontex qed twettaq il-mandat tagħha tal-2016 biex tiġġieled il-kriminalità transfruntiera?
  3. Il-Frontex hija mħejjija sew biex tissodisfa l-mandat il-ġdid u estiż tagħha tal-2019?
16

Fl-2019, aħna rrappurtajna dwar l-operazzjonijiet ta’ ritorn imwettqa mill-Frontex (28 % tal-ispejjeż operazzjonali)12. Dan l-awditu tal-prestazzjoni ffoka fuq l-erba’ attivitajiet prinċipali l-oħra tal-Frontex: monitoraġġ tas-sitwazzjoni, analiżi tar-riskju, valutazzjoni tal-vulnerabbiltà u rispons operazzjonali. Billi l-ġestjoni tar-riżorsi miġbura flimkien (9 %) hija komplementarja għar-rispons operazzjonali (48 %), din ġiet inkluża b’mod indirett fi ħdan l-ambitu tal-awditu. Flimkien, fl-2019 dawn l-attivitajiet kienu jirrappreżentaw 64 % tal-ispejjeż operazzjonali tal-Frontex li ammontaw għal EUR 236.7 miljun (ara l-Figura 4).

17

Din hija l-ewwel darba li ħarisna lejn kif il-Frontex twettaq dawn l-attivitajiet, kif inhuma ddefiniti fir-regolament tal-2016. Ir-rapport tagħna huwa f’waqtu peress li l-aħħar evalwazzjoni esterna tal-aġenzija ġiet ippubblikata f’Lulju 2015, u r-Regolament (UE) 2019/1896 ġie approvat mingħajr valutazzjoni tal-impatt.

18

Dawn l-attivitajiet primarji tal-aġenzija huma maħsuba biex jappoġġaw lill-awtoritajiet nazzjonali, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE, fil-kontroll effettiv tal-fruntieri esterni tagħhom, u jirrinfurzaw lil xulxin b’mod reċiproku. Falliment f’qasam wieħed ta’ attività jista’ jkollu impatt negattiv fuq oqsma oħra ta’ attività. Min-naħa l-oħra, azzjoni effettiva f’attività waħda jista’ jkollha impatt pożittiv reċiproku fuq attivitajiet f’oqsma oħra. Pereżempju, l-identifikazzjoni korretta u l-korrezzjoni ta’ vulnerabbiltà li tkun ġiet identifikata matul il-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà jistgħu jirriżultaw f’kontroll operazzjonali msaħħaħ, u b’hekk itejbu l-għarfien tas-sitwazzjoni u jwasslu għal analiżi tar-riskju aktar kompleta (ara l-Figura 5).

Figura 5

Kontribut mistenni tal-attivitajiet primarji tal-Frontex għall-kontroll effettiv fil-fruntieri

Sors: il-QEA.

19

L-awditu kopra l-perjodu minn tmiem l-2016 (is-sena meta r-responsabbiltajiet il-ġodda tal-Frontex daħlu fis-seħħ) sa Frar 2020. L-attivitajiet tal-Frontex rigward ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tagħhom mhumiex inklużi fl-ambitu ta’ dan l-awditu.

20

Biex wettaqna l-awditu, aħna żorna l-parti awditjata tagħna, jiġifieri l-Frontex, u ltqajna ma’ rappreżentanti tal-unitajiet varji tal-aġenzija. Aħna kellna wkoll laqgħat mal-awtoritajiet tal-fruntieri tal-Polonja u tal-Italja, bħala kampjun ta’ pajjiżi fejn l-aġenzija kienet qed twettaq operazzjonijiet konġunti fuq l-art, bl-ajru u marittimi, u żorna faċilitajiet fejn dawn l-operazzjonijiet kienu qed jitwettqu. Aħna bgħatna kwestjonarji lill-25 Stat Membru l-ieħor u rċevejna 20 risposta (ara l-Anness II - l-ebda risposta minn Ċipru, il-Greċja, l-Irlanda, in-Netherlands u s-Slovenja). Fl-aħħar nett, ix-xogħol tal-awditjar tagħna kien jinkludi analiżijiet, mhux fuq il-post, tad-dokumentazzjoni riċevuta mill-Frontex u mill-awtoritajiet nazzjonali Taljani u Pollakki, kif ukoll rapporti u dokumenti ppubblikati mill-awtoritajiet nazzjonali, il-korpi ta’ riċerka u l-akkademiċi.

Osservazzjonijiet

Hemm nuqqasijiet fl-informazzjoni disponibbli għall-Frontex u fl-attivitajiet tagħha għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali

21

F’din it-taqsima aħna eżaminajna jekk il-Frontex hijiex qed twettaq il-mandat tagħha tal-2016 fir-rigward tal-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali billi:

  1. tinqeda b’qafas għall-iskambju ta’ informazzjoni biex tipprovdi stampa dettaljata, preċiża u aġġornata tas-sitwazzjoni fil-fruntieri esterni tal-UE;
  2. twettaq l-attivitajiet tagħha b’tali mod li tappoġġa lill-Istati Membri/pajjiżi assoċjati ma’ Schengen; u
  3. tipprovdi informazzjoni dwar l-impatt jew l-ispiża tal-attivitajiet tagħha.
22

Il-Figura 6 tiġbor fil-qosor is-sejbiet tagħna.

Figura 6

Dgħufijiet li nqabdu fl-attivitajiet primarji tal-Frontex waqt l-għoti ta’ appoġġ għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali

Sors: il-QEA.

Hemm lakuni u inkonsistenzi fil-qafas għall-iskambju ta’ informazzjoni

Monitoraġġ tas-sitwazzjoni

23

Ir-Regolament (UE) Nru 1052/2013 stabbilixxa s-sistema Ewropea ta’ sorveljanza tal-fruntieri (EUROSUR)13, li hija qafas għall-iskambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni bejn il-Frontex u d-diversi awtoritajiet nazzjonali li huma involuti fis-sorveljanza tal-fruntieri. Fi ħdan dan il-qafas, il-Frontex tikkondividi l-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea mal-Istati Membri. L-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea hija interfaċċa grafika li tippreżenta data u informazzjoni dwar l-inċidenti kważi f’ħin reali li jiġu riċevuti mingħand diversi awtoritajiet tal-fruntieri nazzjonali miġbura flimkien fiċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni, kif ukoll data li nkisbet mill-għodod ta’ sorveljanza skjerati, bħal sensuri, pjattaformi u sorsi oħra (ara l-Figura 7). B’dan il-mod, il-Frontex tfittex li tappoġġa lill-Istati Membri billi ttejjeb il-monitoraġġ tas-sitwazzjoni u l-kapaċità ta’ reazzjoni tul il-fruntieri esterni u ż-żona prefruntiera.

Figura 7

Qafas tal-EUROSUR u networks taċ-Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni (NCC)

Sors: il-QEA.

24

Dan ir-regolament, li jiżviluppa l-Acquis ta’ Schengen, jirrikjedi li l-Istati Membri/il-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen jirreġistraw l-avvenimenti rilevanti kollha li jseħħu tul il-linja tal-fruntiera bejn il-punti ta’ qsim tal-fruntiera tal-art (magħrufa bħala “l-fruntiera l-ħadra”) u fi ħdan il-fruntiera marittima (magħrufa bħala l-“fruntiera l-blu”). Huwa ma jobbligahomx jirrappurtaw avvenimenti li jseħħu fil-proprja punti ta’ qsim tal-fruntieri.

25

L-intenzjoni tar-regolament kienet li jipprovdi lill-Frontex informazzjoni raġonevolment robusta biex tikkontribwixxi għall-istampa tas-sitwazzjoni rigward avvenimenti li jseħħu fil-fruntiera esterna tul ir-rotot migratorji prinċipali, eż. il-Mediterran Ċentrali, tal-Lvant u tal-Punent, kif ukoll ir-rotta fuq l-art tal-Balkani tal-Punent. Madankollu, l-RS Nru 20/201914 tagħna osserva dgħufijiet fl-implimentazzjoni tar-regolament mill-Istati Membri (ara l-Kaxxa 2).

Kaxxa 2

L-EUROSUR – Dgħufijiet identifikati fir-Rapport Speċjali Nru 20/2019 tal-QEA

  • Filwaqt li xi wħud mill-pajjiżi tabilħaqq idaħħlu data fl-EUROSUR fuq bażi ta’ kważi f’ħin reali, oħrajn jagħmlu dan darba fil-ġimgħa biss. Dan ifisser li inċident fil-fruntiera (jiġifieri l-wasla ta’ grupp kbir ta’ migranti) għandu mnejn ma jidhirx fis-sistema Ewropea sa ġimgħa wara.
  • L-Istati Membri/il-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen jippreżentaw ir-rapporti tagħhom f’formati differenti, li jfisser li d-data ma tistax tiġi aggregata faċilment u tista’ lanqas biss tkun aċċessibbli għal Stati Membri oħra/pajjiżi assoċjati oħra ma’ Schengen għal raġunijiet tekniċi. B’riżultat ta’ dan, il-kwalità tad-data tista’ tbati.
  • Xi Stati Membri/pajjiżi assoċjati ma’ Schengen jirrappurtaw inċidenti fuq bażi ta’ każ b’każ, filwaqt li oħrajn jipprovdu biss data aggregata.
  • Xi Stati Membri/pajjiżi assoċjati ma’ Schengen joħolqu rapport ta’ inċident għal kull individwu, filwaqt li oħrajn joħolqu rapport ta’ inċident wieħed li jkopri bosta persuni. Dan ifisser li l-istatistika dwar l-għadd ta’ inċidenti rrappurtati hija diffiċli biex tintuża minħabba li mhijiex konsistenti jew kumparabbli. Jagħmilha wkoll diffiċli għall-Frontex biex timmonitorja l-iżviluppi u tipprijoritizza l-allokazzjoni ta’ riżorsi addizzjonali kif meħtieġ.
26

Minbarra l-eżenzjonijiet għall-punti ta’ qsim tal-fruntieri tal-art u tal-baħar, l-Istati Membri/il-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen mhumiex obbligati jirrappurtaw qsim illeċitu tal-fruntieri tal-ajru, la fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri tal-ajru u lanqas fl-ispazju tal-ajru nazzjonali. Filwaqt li minoranza ta’ Stati Membri/pajjiżi assoċjati ma’ Schengen jirrappurtaw b’mod volontarju avvenimenti fil-fruntieri li jseħħu fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri, il-maġġoranza ma jagħmluhx, dan. Dan ifisser li l-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea kkompilata mill-Frontex ma tipprovdix stampa kważi f’ħin reali tas-sitwazzjoni fil-fruntiera tal-ajru tal-UE, jew fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri tal-art u tal-baħar. Dan huwa kkorroborat ukoll mir-risposti tal-Istati Membri għall-kwestjonarju tagħna.

27

Barra minn hekk, ma hemm l-ebda standard maqbul li qed jopera fost l-Istati Membri rigward il-kapaċitajiet ta’ prestazzjoni li t-tagħmir tagħhom ta’ sorveljanza tal-fruntieri, jew ta’ kontroll ieħor, ikollu. Dan jikkomplika r-rwol tal-Frontex fl-identifikazzjoni ta’ vulnerabbiltajiet potenzjali għall-kapaċitajiet ta’ detezzjoni tal-Istati Membri għall-kontroll tal-fruntieri, u jista’ jwassal għal qsim tal-fruntieri li ma jinqabadx u għalhekk għal rappurtar insuffiċjenti tal-avvenimenti fl-EUROSUR.

28

L-istabbiliment tan-network taċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni (NCC) fit-30 Stat Membru/pajjiż assoċjat ma’ Schengen kollha jista’ jitqies bħala kisba sinifikanti. L-NCC jikkoordina u jiskambja informazzjoni fost l-awtoritajiet responsabbli għas-sorveljanza tal-fruntieri esterni fuq l-art u fil-baħar fil-livell nazzjonali, kif ukoll mal-NCCs l-oħra u mal-aġenzija. Meta bosta awtoritajiet nazzjonali jkunu involuti fil-kontroll tal-fruntieri, l-NCC spiss jintuża bħala “pjattaforma” għat-trawwim ta’ kooperazzjoni interaġenzjali fost bosta organizzazzjonijiet li tagħhom ministeri differenti jkunu s-sidien. L-NCC huwa responsabbli għaż-żamma tal-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali.

29

Minkejja dan, in-network ma implimentax bis-sħiħ il-funzjonijiet kollha li ġew stabbiliti fir-regolament. Pereżempju, il-livelli operazzjonali u tal-analiżi tal-EUROSUR ma ġewx implimentati b’mod komprensiv jew konsistenti. L-Anness III jipprovdi informazzjoni dwar il-funzjonijiet stabbiliti fir-regolament u l-implimentazzjoni tagħhom mid-diversi Stati Membri u membri assoċjati ma’ Schengen.

Analiżi tar-Riskju

30

Il-Frontex sabitha diffiċli tuża d-data tal-EUROSUR għal skopijiet statistiċi ta’ analiżi tar-riskju minħabba li l-Istati Membri/il-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen ma jippreżentawx ir-rapporti tagħhom tal-EUROSUR b’mod konsistenti u jużaw formati differenti, kif irrappurtat fil-Kaxxa 2. Barra minn hekk, il-livell ta’ rappurtar fi ħdan il-livelli ta’ analiżi u dawk operazzjonali tal-EUROSUR huwa minimu minħabba tħassib tal-Istati Membri dwar is-sigurtà, u l-Frontex ma tistax isserraħ fuqu għal analiżijiet tar-riskju mwettqa fil-livell tal-UE. Il-livell operazzjonali ma fih l-ebda informazzjoni dwar ir-riżorsi jew dwar is-sottolivelli operazzjonali fil-biċċa l-kbira mill-każijiet minħabba li n-network ma kienx akkreditat qabel Jannar 201815. Biex tegħleb dawn il-problemi bl-EUROSUR, l-unità tal-analiżi tar-riskju tal-Frontex titlob input statistiku min-network ta’ analiżi tar-riskju tal-Frontex (FRAN) li jiġi pprovdut direttament mill-Istati Membri/pajjiżi assoċjati ma’ Schengen mingħand is-sistemi nazzjonali tagħhom u jinkludi data dwar it-tipi kollha ta’ fruntieri.

L-attivitajiet tal-Frontex ma kinux żviluppati b’mod suffiċjenti biex jipprovdu appoġġ effettiv lill-Istati Membri/pajjiżi assoċjati ma’ Schengen

Monitoraġġ tas-sitwazzjoni

31

Ta’ kuljum, il-Frontex tibgħat informazzjoni f’waqtha u rilevanti lill-awtoritajiet nazzjonali rigward is-sitwazzjoni fil-fruntieri esterni permezz tal-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea. Hija tipprovdi wkoll informazzjoni dwar avvenimenti speċifiċi li jseħħu fiż-żoni operazzjonali assenjati għall-operazzjonijiet konġunti tal-Frontex. Barra minn hekk, il-Frontex toffri servizzi biex tappoġġa u żżid il-valur tal-attivitajiet operazzjonali tal-Istati Membri. Hija tipprovdi wkoll pjattaformi ta’ sorveljanza f’ħin reali (bħas-sorveljanza mill-ajru) li permezz tagħhom setgħu jintbagħtu risponsi operazzjonali f’ħin reali għal avvenimenti f’każijiet fejn ir-riżorsi tal-Istati Membri/tal-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen jew ir-riżorsi tal-operazzjonijiet konġunti kienu preżenti. Dan jista’ jkun utli ħafna f’sitwazzjonijiet ta’ diffikultà. L-Istati Membri għarfu l-benefiċċju ta’ dawn is-servizzi fir-risponsi tagħhom għall-kwestjonarju tagħna.

32

Madankollu, l-għarfien tas-sitwazzjoni li l-Frontex għandha dwar l-avvenimenti li jseħħu fil-fruntieri esterni kważi f’ħin reali huwa mfixkel minn dgħufijiet (f’termini ta’ kompletezza, konsistenza u puntwalità) fil-kwalità tad-data li tintuża biex tiġi ġġenerata l-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea, kif deskritt fil-Kaxxa 2 u l-paragrafu 24. Dan jirriżulta f’taħlita ta’ stampi tas-sitwazzjoni nazzjonali minflok stampa unika u uniformi tas-sitwazzjoni Ewropea. Sfortunatament, tentattivi preċedenti biex jiġi omoġenizzat id-dħul tad-data (b’mod partikolari bl-adozzjoni ta’ reviżjonijiet differenti tal-manwal tal-EUROSUR) ma kkoreġewx dawn il-problemi.

Analiżi tar-Riskju

33

Minn meta twaqqfet il-Frontex fl-2004, il-mandat tagħha kien u għadu jinkludi l-analiżi tar-riskju fil-qalba tagħha. L-objettiv ta’ din l-analiżi tar-riskju huwa li tinforma t-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-Frontex, l-Istati Membri u l-Kummissjoni. L-analiżi tar-riskju tappoġġa l-attivitajiet tal-Frontex, eż. l-identifikazzjoni ta’ modi operandi u rotot tal-migrazzjoni ġodda, il-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera billi jiġu identifikati rotot ta’ faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin, dokumenti frodulenti, u traffikar tal-bnedmin, li lkoll jagħmlu parti mill-kompetenza operazzjonali tal-aġenzija.

34

Minbarra l-informazzjoni tal-EUROSUR, il-Frontex tiġbor ukoll firxa wiesgħa ta’ data mingħand l-Istati Membri, il-korpi tal-UE, il-pajjiżi u l-organizzazzjonijiet sħab, kif ukoll mingħand l-operazzjonijiet tagħha stess (speċjalment f’intervisti ta’ akkoljenza tal-migranti u sessjonijiet ta’ ġbir ta’ informazzjoni dwarhom) sabiex tidentifika l-fatturi ewlenin li jinfluwenzaw u jixprunaw ix-xejriet migratorji. Dan jinkludi valutazzjonijiet tat-topografija, id-demografija, il-prevenzjoni tal-kriżijiet, il-ġeopolitika u l-intelligence, li mhumiex disponibbli fl-EUROSUR. Il-Frontex tuża wkoll data b’sors miftuħ (jiġifieri mingħand sħab oħra tal-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali) dwar is-sitwazzjoni fil-fruntieri tal-Ewropa u lil hinn minnha. Il-FRAN, li huwa n-network iddedikat ta’ esperti fl-intelligence u analisti tar-riskju, jipproduċi rapporti kull tliet xhur.

35

Il-prodotti prinċipali tal-Frontex mingħand l-unità tal-analiżi tar-riskju huma:

  • analiżi tar-riskju annwali;
  • analiżijiet tar-riskju speċjali dwar il-Balkani tal-Punent u l-fruntieri tal-Lvant tal-UE;
  • informazzjoni ad hoc dwar riskji emerġenti, li spiss tiġi ġġenerata b’rispons għal talbiet speċifiċi ta’ informazzjoni mingħand il-Kummissjoni jew il-Kunsill.
36

L-attivitajiet ta’ analiżi tar-riskju mwettqin mill-Frontex ikkontribwew biex tinbena l-FRAN, li hija komunità ta’ analisti tar-riskju u esperti fl-intelligence Ewropej. Billi qablet dwar standards komuni u applikathom, il-Frontex iffaċilitat il-komunikazzjoni fost il-kollegi minn pajjiżi oħra. Barra minn hekk, permezz tal-FRAN l-Istati Membri kollha għandhom aċċess għad-data ta’ xulxin, relatata mal-FRAN, għall-attivitajiet nazzjonali tagħhom ta’ analiżi tar-riskju.

37

Madankollu, għal raġunijiet legali u għall-iskop ta’ protezzjoni tad-data, il-Frontex ma għandhiex aċċess, għal skopijiet ta’ analiżi tar-riskju, għad-data li tinsab fis-sistemi pan-UE li l-eu-LISA16 (responsabbli għat-tmexxija operattiva ta’ sistemi tal-IT fuq skala kbira) hija l-host tagħhom, sistemi li huma strumenti essenzjali għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE dwar l-ażil, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-migrazzjoni. Dawn is-sistemi, li jżommu rekords tad-data dwar il-viżi, l-applikazzjonijiet għall-ażil u l-movimenti tal-persuni, il-persuni neqsin (speċjalment it-tfal) u l-informazzjoni dwar ċerti proprjetajiet, ma jipprovdux lill-Frontex xi rapporti statistiċi li hija tista’ tuża għal skopijiet ta’ analiżi tar-riskju, minbarra l-istatistika disponibbli għall-pubbliku.

38

Il-Frontex ingħatat il-kompitu li tiżviluppa17 mudell integrat komuni għall-analiżi tar-riskju (CIRAM) li jenħtieġ li jiġi applikat mill-aġenzija u mill-Istati Membri18. Mill-20 Stat Membru li rrispondew għall-kwestjonarju tagħna, 95 % qed japplikaw din il-metodoloġija komuni għall-analiżi tar-riskju nazzjonali tagħhom. Madankollu, l-aġenzija nnifisha ma tistax tapplika l-mudell minħabba li ma tistax tivvaluta b’mod adegwat il-vulnerabbiltà ta’ sezzjonijiet speċifiċi tal-fruntieri (ara l-Kaxxa 3). Għalkemm l-Istati Membri/il-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen jikkondividu r-riżorsi tagħhom tal-kontroll tal-fruntieri u l-pjanijiet ta’ skjerament rispettivi mal-unità ta’ valutazzjoni tal-vulnerabbiltà tal-Frontex, din tal-aħħar ma kkondividitx din l-informazzjoni, fiż-żmien meta wettaqna l-awditu, mal-unità tal-analiżi tar-riskju tal-Frontex stess.

Kaxxa 3

Frontex u l-applikazzjoni tas-CIRAM

Is-CIRAM jiddefinixxi r-riskju bħala funzjoni ta’ theddida, vulnerabbiltà u impatt:

  • “theddida” hija forza li taġixxi fuq il-fruntieri esterni kkaratterizzata kemm mill-kobor kif ukoll mill-probabbiltà tagħha;
  • “vulnerabbiltà” hija ddefinita bħala l-kapaċità tas-sistema biex timmitiga t-theddida;
  • “impatt” huwa determinat bħala l-konsegwenzi potenzjali tat-theddida.

Sabiex tivvaluta b’mod xieraq jekk il-mitigazzjoni ppjanata ta’ theddida hijiex se tkun effettiva, il-Frontex teħtieġ li tkun taf ir-riżorsi li huma disponibbli għas-sistema u kif l-iskjerament tagħhom huwa ppjanat biex b’hekk tkun tista’ tivvaluta b’mod adegwat x’vulnerabbiltà tirriżulta, jekk ikun hemm, u x’jista’ jkun l-impatt potenzjali. Billi din l-informazzjoni mhijiex disponibbli għall-unità tal-analiżi tar-riskju tal-Frontex, l-aġenzija ma tistax tapplika l-metodoloġija CIRAM għall-prodotti tal-analiżi tar-riskju tagħha.

39

B’rispons għall-kwestjonarju tagħna, l-Istati Membri rrappurtaw li apprezzaw il-kwalità tal-prodotti tal-analiżi tar-riskju tal-Frontex. Madankollu, huma rrappurtaw ukoll li n-nuqqas ta’ sistema ta’ distribuzzjoni komuni u strutturata jillimita d-disponibbiltà u l-impatt ta’ dawn il-prodotti. Pereżempju, il-Frontex one-stop shop (FOSS) hija l-unika pjattaforma formali u komuni li tikkondividi l-informazzjoni fost il-gwardji tal-fruntiera Ewropej, u l-Istati Membri jemmnu li l-informazzjoni disponibbli dwarha hija utli ħafna għall-attivitajiet tal-gwardji tal-fruntiera. Madankollu, l-aċċess għall-FOSS huwa limitat għal dawk il-gwardji tal-fruntiera li jipparteċipaw fl-operazzjonijiet tal-Frontex, u biss sakemm ikunu skjerati. Barra minn hekk, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC), li pprovda t-teknoloġija ta’ bażi tal-FOSS, ma għadux jipprovdi aġġornamenti tas-software, manutenzjoni jew funzjonalità tal-helpdesk. Dan jirrappreżenta riskju għall-kontinwità tal-pjattaforma u, għalhekk, għall-informazzjoni li fiha. Sal-ġurnata tal-lum, ma kien hemm l-ebda diskussjoni fi ħdan il-Frontex rigward sostituzzjoni għall-FOSS.

Valutazzjoni tal-vulnerabbiltà

40

Il-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà tirrikjedi li l-Frontex timmonitorja u tivvaluta d-disponibbiltà tat-tagħmir tekniku, tas-sistemi, tal-kapaċitajiet, tar-riżorsi u tal-infrastruttura tal-Istati Membri kif ukoll il-persunal ikkwalifikat u mħarreġ kif xieraq li huwa meħtieġ għall-kontroll tal-fruntieri. Lill-unità tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà, l-Istati Membri jeħtiġilhom ifornulha l-informazzjoni meħtieġa biex il-valutazzjoni tkun tista’ sseħħ. L-objettiv huwa li jiġu vvalutati l-kapaċità u l-livell ta’ tħejjija tal-Istati Membri biex jiffaċċjaw theddid u sfidi attwali u futuri fil-fruntieri esterni. Jenħtieġ li din il-valutazzjoni tkopri l-kapaċità tal-Istati Membri li jwettqu l-kompiti kollha tal-ġestjoni tal-fruntieri, inkluża l-kapaċità tagħhom li jittrattaw il-wasla potenzjali ta’ għadd kbir ta’ persuni fuq it-territorju tagħhom.

41

Il-proċess ta’ valutazzjoni tal-vulnerabbiltà daħal fir-raba’ sena tal-operat tiegħu fl-2020 wara li ġie introdott bir-Regolament (UE) 2016/1624. Matul dan il-perjodu, il-Frontex kkompilat stampa mingħajr preċedent tal-kapaċitajiet u l-vulnerabbiltajiet tal-Istati Membri f’sezzjonijiet tal-fruntiera individwali, bħalma l-Istati Membri rrappurtaw ukoll fir-risponsi tagħhom għall-kwestjonarju tagħna. Il-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà tal-2017 u l-2018 ġew ikkompletati minkejja restrizzjonijiet serji fir-riżorsi, element li kellu impatt fuq il-kwalità tax-xogħol. Pereżempju, fl-2016 il-Frontex kellha biss 3 karigi allokati għall-kompitu, ċifra li telgħet għal 23 kariga (li minnhom imtlew 15) fl-2018, u 25 kariga (li minnhom imtlew 23) fl-2019. Aħna analizzajna kampjun ta’ ħames valutazzjonijiet u sibna li l-unità tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà ma kinitx osservat il-fatt li Stat Membru wieħed ma kienx iddikjara punt wieħed ta’ qsim tal-fruntieri tal-art tiegħu fl-2017 u fl-2018, li jfisser li dan ma ġiex ivvalutat mill-unità tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà.

42

Il-proċess ta’ valutazzjoni tal-vulnerabbiltà żviluppa hekk kif il-metodoloġija tiegħu ġiet irfinuta. Madankollu, għalkemm l-Istati Membri huma meħtieġa jipprovdu data affidabbli, l-unità tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà tal-Frontex tkompli tirrapporta problemi kontinwi relatati mal-inkompletezza u l-kwalità baxxa tad-data tal-Istati Membri li tifforma l-bażi għall-proċedura. Fl-2019, pereżempju, ir-rati ta’ kkompletar tad-data fost l-Istati Membri/il-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen kienu jvarjaw minn 53 % sa 98 %. Fir-risposti tagħhom għall-kwestjonarju tagħna, żewġ Stati Membri semmew is-sigurtà nazzjonali bħala ġustifikazzjoni għar-rifjut tagħhom li jipprovdu lill-Frontex l-informazzjoni li hija kienet talbet.

43

Fl-aħħar nett, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-regolament tal-2016, attwalment il-proċess ta’ valutazzjoni tal-vulnerabbiltà huwa limitat għall-kapaċitajiet u l-vulnerabbiltajiet nazzjonali. Il-valutazzjonijiet ma twettqux fil-livell tal-UE jew dak reġjonali. Aħna sibna li valutazzjoni fl-UE kollha tkun:

  • l-aktar xierqa fil-kuntest tal-iskjerament futur tal-korp permanenti tal-Frontex. Il-kapaċità proprja tal-Frontex li tindirizza l-isfidi fil-fruntieri esterni tkun tista’ mbagħad tiġi evalwata regolarment;
  • tidentifika kwalunkwe vulnerabbiltà li tikkoinċidi f’pajjiżi ġirien jew f’pajjiżi li jagħmlu parti mill-istess ambjent operattiv reġjonali. Dawn il-vulnerabbiltajiet joħolqu interdipendenza fost l-Istati Membri kkonċernati;
  • tevalwa l-iskala u l-effiċjenza tal-kooperazzjoni fost id-diversi aġenziji tal-UE involuti19.

Rispons operazzjonali

44

Minn meta ġiet stabbilita, ir-rispons operazzjonali tal-Frontex iffoka prinċipalment fuq l-għoti ta’ appoġġ lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, fil-biċċa l-kbira permezz ta’ operazzjonijiet konġunti fil-fruntieri esterni (prinċipalment fuq il-baħar, iżda wkoll fuq l-art jew fl-ajruporti). Operazzjonijiet ta’ dan it-tip jitwettqu kemm b’riżorsi nazzjonali kif ukoll b’riżorsi (umani u tekniċi) li jinġabru flimkien mill-pajjiżi parteċipanti jew jiġu pprovduti mill-Frontex, u kkoordinati mill-Frontex. Dawn jintalbu mill-Istati Membri, jiġu prijoritizzati mill-Frontex abbażi tal-importanza tagħhom u r-riżorsi disponibbli, u jiġu implimentati skont pjan operazzjonali.

Operazzjonijiet konġunti

45

Il-lok tar-rotot tal-migrazzjoni irregolari lejn l-Unjoni Ewropea li huma l-aktar importanti fisser li kważi 80 % tal-baġit għall-operazzjonijiet konġunti tal-Frontex huwa ddedikat għal operazzjonijiet imwettqa fuq il-baħar. Xi wħud minn dawn (eż. Minerva u Poseidon) ikopru wkoll kontrolli fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri, iżda l-fokus prinċipali huwa essenzjalment is-sorveljanza tal-fruntieri, u l-biċċa l-kbira mill-operazzjonijiet ilhom attivi mill-2006 u l-2007. Aħna nippreżentaw informazzjoni aktar dettaljata dwar l-operazzjonijiet marittimi konġunti tal-Frontex fl-Anness IV. L-effettività tal-appoġġ ipprovdut lill-Istati Membri tal-Mediterran, għall-ġestjoni tal-pressjonijiet migratorji ta’ dawn l-aħħar 15-il sena, ġiet ikkonfermata mill-partijiet kollha li intervistajna u ma ġietx analizzata ulterjorment f’dan l-awditu.

46

Il-Frontex talloka l-biċċa l-kbira mill-20 % li jifdal tal-baġit għall-operazzjonijiet konġunti tagħha għall-istabbiliment ta’ punti fokali fil-portijiet marittimi, l-ajruporti u l-punti ta’ qsim tal-fruntieri tal-art, fejn il-Frontex tagħmel disponibbli gwardji tal-fruntiera f’punti ewlenin fil-fruntieri esterni tal-UE. L-awditu vvaluta l-valur miżjud tal-punti fokali tal-art u tal-ajru tal-Frontex (l-ajruporti internazzjonali huma pperċepiti bħala li huma esposti ħafna għall-migrazzjoni irregolari). Il-konklużjoni tal-awditu kienet li dawn għandhom impatt minuri fuq il-kontroll ġenerali tal-fruntieri. Dan kien minħabba l-volum żgħir ta’ riżorsi umani skjerati, id-durata qasira tal-iskjerament tagħhom u l-għadd żgħir ta’ punti fokali, li jipparteċipaw fl-operazzjonijiet.

Intervent rapidu fil-fruntieri

47

Stat Membru taħt pressjoni urġenti u eċċezzjonali fil-fruntiera esterna tiegħu, speċjalment fejn għedud kbar ta’ nazzjonali mhux tal-UE jkunu qed jippruvaw jidħlu fit-territorju tiegħu illegalment, jista’ jitlob lill-Frontex biex tiskjera intervent rapidu fil-fruntiera fit-territorju tiegħu għal perjodu limitat. Sa issa, il-Greċja biss attivat il-mekkaniżmu, f’erba’ okkażjonijiet.

48

L-effettività tal-interventi rapidi fil-fruntieri tal-Frontex tirrikjedi familjarità fost dawk involuti fil-proċess, u l-istabbiliment ta’ proċeduri effettivi fl-Istati Membri biex jitolbu intervent ta’ dan it-tip (ara l-Kaxxa 4).

Kaxxa 4

Tfixkil għall-interventi rapidi tal-Frontex

  • L-intervent rapidu fil-Greċja fl-2020 kien suċċess, l-aktar minħabba li kien hemm infrastruttura preeżistenti u l-intervent ħa vantaġġ mill-għarfien espert, mill-koordinazzjoni u mill-istrutturi ta’ rappurtar li kienu jeżistu, kif ukoll mill-esperjenza miksuba mingħand l-operazzjoni konġunta Poseidon.

    Madankollu, jekk ikun meħtieġ intervent rapidu barra miż-żoni operazzjonali tal-operazzjoni marittima konġunta prinċipali, il-Frontex trid torganizza eżerċizzji regolari li jinvolvu lill-Istati Membri – speċjalment l-ospitanti potenzjali ta’ intervent rapidu – biex b’hekk dawk kollha involuti jkunu mħejjija sew. Eżerċizzji annwali regolari għal interventi rapidi ilhom isiru mill-2007. Madankollu, ma kien hemm l-ebda eżerċizzju fl-2019.
  • Fil-kampjun tar-rapporti ta’ valutazzjoni tal-vulnerabbiltà li eżaminajna (ara l-paragrafu 41), aħna sibna li 40 % tal-Istati Membri ma kellhomx proċeduri fis-seħħ biex jitolbu intervent rapidu tal-Frontex. F’dawn il-każijiet, aħna osservajna li:
  • l-Istati Membri ma kinux iddefinew kriterji li jkunu jiskattaw talba lill-Frontex għal assistenza permezz ta’ intervent rapidu;
  • il-proċeduri nazzjonali tal-Istati Membri ma kinux jinkludu proċedura għall-għemil ta’ talba ta’ intervent rapidu tal-Frontex;
  • kien hemm nuqqas ta’ informazzjoni dettaljata dwar il-pjan ta’ eskalazzjoni f’sitwazzjoni ta’ kriżi.

Ġabriet ta’ riżorsi umani

49

F’konformità mar-Regolament (UE) 2016/1624, il-Frontex kienet stabbiliet, fost l-oħrajn, ġabra ta’ timijiet ta’ gwardji Ewropej tal-fruntiera u tal-kosta, inkluża riżerva ta’ reazzjoni rapida u ġabra ta’ tagħmir tekniku. Il-kontribut tal-Frontex għall-ġabra tat-timijiet ta’ gwardji Ewropej tal-fruntiera u tal-kosta jiġi fil-għamla ta’ membri tat-timijiet, li huma sekondati lill-Frontex mill-Istati Membri/pajjiżi assoċjati ma’ Schengen permezz ta’ sejħiet miftuħa annwali għar-reklutaġġ (ara l-Figura 8). Skont il-Frontex, l-iskjerament tal-membri tat-timijiet sekondati serva bħala test – għalkemm fuq skala żgħira ħafna – ta’ mudell ġdid għall-iskjeramenti tar-riżorsi umani skont ir-regolament tal-2019.

50

Kull sena, il-Frontex tivvaluta l-ħtiġijiet tagħha f’dak li jirrigwarda r-riżorsi umani u t-tagħmir tekniku, abbażi tal-prijoritajiet identifikati mill-analiżi tar-riskju u l-informazzjoni disponibbli mis-sena preċedenti: analiżi ta’ data li tirriżulta minn skjeramenti ta’ riżorsi umani kif ukoll l-effettività u l-effiċjenza tat-tipi differenti ta’ tagħmir tekniku. Abbażi ta’ din l-informazzjoni, l-aġenzija tniedi proċess ta’ negozjar (magħruf bħala negozjati bilaterali annwali), li r-riżultat tiegħu jkun il-kontribut li jsir minn kull pajjiż għall-attivitajiet operazzjonali.

Figura 8

Ġabriet ta’ riżorsi umani u tekniċi tal-Frontex, u l-iskjerament tagħhom fir-rispons operazzjonali tal-Frontex

Sors: il-QEA.

51

Aħna sibna li l-Istati Membri wettqu l-obbligi tagħhom li jistabbilixxu riżervi ta’ reazzjoni rapida. Il-Kummissjoni ġġustifikat l-istabbiliment ta’ korp permanenti ta’ 10 00020 minħabba l-lakuna fil-wegħdiet ta’ riżorsi umani mill-Istati Membri. Madankollu, aħna sibna li l-biċċa l-kbira minn din il-lakuna (85 % fl-2019) tikkorrispondi għal 3 minn 17-il kategorija ta’ esperti fl-operazzjonijiet konġunti tagħhom (espert ta’ dokumenti f’livell avvanzat, uffiċjal ta’ sorveljanza tal-fruntieri u uffiċjal ta’ detezzjoni tal-vetturi misruqa). Barra minn hekk, il-livell ta’ skjerament ġenerali tal-membri tat-timijiet tal-Istati Membri/tal-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen jgħaddi dak li ġie maqbul fin-negozjati (ara l-Figura 9).

Figura 9

Riżorsi umani mitluba, maqbula u skjerati

Sors: il-QEA, ibbażat fuq ir-rapporti tal-Frontex dwar ir-riżorsi operazzjonali.

52

Aħna sibna li l-Frontex ma attribwietx importanza suffiċjenti lir-rwol ta’ medjatur kulturali, jew lil kif il-ħiliet u l-attitudnijiet meħtieġa jvarjaw minn dawk ta’ interpretu. Dan il-profil ma kienx ġie inkluż fid-Deċiżjoni Nru 38/2016 tal-Bord Amministrattiv, li ddefiniet il-profili tal-gwardji tal-fruntiera għat-timijiet ta’ Gwardji Ewropej tal-Fruntiera u tal-Kosta. Barra minn hekk, dan ma ġiex inkluż fid-deċiżjoni tal-2020 tal-Bord Amministrattiv21 biex jiġi stabbilit il-korp permanenti. Minflok, din id-deċiżjoni inkludiet il-medjazzjoni kulturali fost il-kompiti li għandhom jitwettqu mill-ispeċjalisti tar-ritorn, u permezz tagħha l-uffiċjali ta’ informazzjoni ġew meħtieġa juru għarfien kulturali avvanzat dwar il-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu.

53

Ir-rwol ta’ interpretu huwa li jiffaċilita l-komunikazzjoni billi jiżgura li kwalunkwe kumment li jsir jiġi tradott b’mod preċiż; b’kuntrast ma’ dan, medjatur kulturali huwa meħtieġ jifhem id-differenzi kulturali u n-normi soċjali ta’ kulturi differenti, filwaqt li jispira fiduċja f’dawk li waslu reċentement fil-fruntiera, bil-għan li jiġi evitat tkissir fil-komunikazzjoni. Waqt l-operazzjonijiet marittimi, fil-punt ta’ akkoljenza medjatur kulturali jikkomunika ma’ migranti li jkunu għaddew minn vjaġġ twil u iebes u li spiss ikunu psikoloġikament trawmatizzati minħabba li jkunu ġew esposti għal traffikar, vjolenza abbażi tal-ġeneru, jew tortura. Ir-rwol tal-medjatur huwa kruċjali fil-proċess ta’ akkoljenza u fil-ġbir tal-intelligence (dwar il-faċilitaturi, ir-rotot, il-modi operandi, eċċ.), u jagħti input lil tali proċessi kruċjali tal-Frontex bħalma hija l-analiżi tar-riskju.

Il-Frontex ma pprovdietx informazzjoni dwar l-impatt jew l-ispiża tal-attivitajiet tagħha

54

L-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) 2016/1624 jistipula li l-aġenzija “għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku informazzjoni preċiża u komprensiva dwar l-attivitajiet tagħha”.

55

Għalkemm il-Frontex tikkomunika b’mod estensiv dwar l-attivitajiet tagħha22, ir-rappurtar li hija twettaq (kemm iċ-ċirkolazzjoni pubblika kif ukoll dik limitata) mhux dejjem janalizza l-prestazzjoni tagħha u l-impatt reali tal-attivitajiet tagħha. Dan seta’ wassal għal proċess deċiżjonali leġiżlattiv li ma kienx suffiċjentement infurmat.

56

Fil-qasam tal-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà, il-Frontex tippubblika ħarsa ġenerali lejn l-attività tagħha. Din għandha ċirkolazzjoni ristretta, u tirrapporta dwar l-għadd ta’ rakkomandazzjonijiet maħruġa u l-livell ta’ implimentazzjoni mill-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, fil-qasam tal-analiżi tar-riskju, il-Frontex ma tippubblikax ħarsa ġenerali lejn l-attività tagħha ta’ analiżi tar-riskju għas-sena, u lanqas ma tivvaluta l-impatt tal-prodotti tagħha.

57

Il-Frontex tipproduċi għadd kbir ta’ rapporti23 li suppost għandhom il-għan li jevalwaw l-Operazzjonijiet Konġunti. Madankollu, tliet aspetti ewlenin tal-attivitajiet tagħha mhumiex iddivulgati.

58

L-ewwel nett, ir-regolamenti24 jirrikjedu li l-Frontex tevalwa r-riżultati tal-operazzjonijiet konġunti. Madankollu, l-aġenzija ma twettaqx evalwazzjoni robusta ta’ dawn l-attivitajiet. Fir-rapport tagħha dwar l-operazzjonijiet marittimi konġunti, minkejja l-importanza tagħhom bħala proporzjon tal-attivitajiet totali tagħha, il-Frontex ma tiddistingwix bejn ir-riżultati tal-appoġġ tagħha stess u dawk tal-attivitajiet nazzjonali mwettqa fil-perkors normali tad-dmirijiet mill-Istat Membru ospitanti. Barra minn hekk, ir-rapporti ma jiddikjarawx li huma jippreżentaw ir-riżultati u l-attivitajiet imwettqa kemm mill-Frontex kif ukoll mill-awtoritajiet nazzjonali, fiż-żona operazzjonali, matul il-perjodu operazzjonali.

59

It-tieni, fir-rapporti tagħha dwar ir-riżorsi operazzjonali, il-Frontex tipprovdi informazzjoni dwar ir-riżorsi meħtieġa, impenjati u skjerati, iżda ma tispjega l-ebda devjazzjoni, u lanqas ma tidentifika l-impatt ta’ kwalunkwe lakuna. Ir-rapporti ma jipprovdux stampa ċara tal-effettività jew tad-dgħufijiet tal-kontribut reali li l-Istati Membri jagħtu għall-operazzjonijiet konġunti, u jistgħu jwasslu lill-qarrejja biex jinterpretaw ħażin l-eżistenza tal-lakuni (ara l-paragrafu 51).

60

It-tielet, il-Frontex ma tipprovdix informazzjoni dwar l-ispiża reali tal-operazzjonijiet konġunti tagħha, la aggregati, u lanqas diżaggregati skont l-operazzjoni (marittima u bl-ajru) u t-tip ta’ spejjeż (eż. riżorsi umani u tagħmir ħafif, jew tagħmir tqil). Abbażi tar-raġunament li d-data finali hija disponibbli biss fis-sena n+2, il-Frontex tippreżenta biss spejjeż ibbażati fuq stimi li jistgħu jiżvelaw differenzi sinifikanti.

Il-Frontex ma tappoġġax il-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera b’mod effettiv

61

F’din it-taqsima aħna eżaminajna jekk il-Frontex hijiex qed twettaq il-mandat tagħha tal-2016 fir-rigward tal-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera, billi:

  1. tinqeda b’qafas għall-iskambju ta’ informazzjoni biex tipprovdi stampa dettaljata, preċiża u aġġornata tas-sitwazzjoni fil-fruntieri esterni tal-UE; u
  2. twettaq l-attivitajiet b’tali mod li tappoġġa lill-Istati Membri/pajjiżi assoċjati ma’ Schengen.
62

Ir-riżultat tal-analiżi li wettaqna huwa stabbilit fil-Figura 10 u jista’ jiġi kkuntrastat mal-kontribut mistenni li huwa deskritt fil-qosor fil-Figura 5.

Figura 10

Nuqqasijiet li nstabu fl-attivitajiet primarji tal-Frontex waqt l-għoti ta’ appoġġ għall-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera

Sors: il-QEA.

Għadu ma ġiex stabbilit qafas għall-iskambju ta’ informazzjoni adegwat biex jappoġġa l-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera

63

Mudell ta’ ġestjoni integrata tal-fruntieri li jiffunzjona jirrikjedi l-ġbir u l-kondiviżjoni sistematiċi ta’ informazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti kollha u mill-aġenziji kollha tal-UE. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-informazzjoni li tagħti input lill-mudell u lill-prodotti analitiċi tiegħu ma tkunx limitata għall-awtoritajiet tal-gwardja tal-fruntiera, iżda jenħtieġ li tinkludi l-awtoritajiet rilevanti kollha bħall-aġenziji tal-pulizija u l-awtoritajiet doganali li huma responsabbli għall-ġestjoni tal-fruntieri.

64

Għalkemm ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri ilha mill-2016 kondiviża bejn l-Istati Membri/il-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen u l-Frontex, għadu ma jeżistix qafas komuni ġenerali ta’ ġestjoni integrata tal-fruntieri għall-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni. Huwa mistenni li l-EUROSUR tipprovdi l-infrastruttura u l-għodod meħtieġa għall-monitoraġġ tal-fruntieri esterni, u tappoġġa kemm lill-Frontex kif ukoll lill-Istati Membri fil-ġlieda tagħhom kontra l-kriminalità transfruntiera. Ir-Regolament (UE) Nru 1052/2013 stabbilixxa l-EUROSUR fl-2013, iżda ma ġiex aġġornat biex jirrifletti l-mandat il-ġdid tal-Frontex sa Diċembru 2019 skont ir-Regolament (UE) 2019/1896. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti l-ġodda ta’ rappurtar deskritti fil-qosor f’din ir-reviżjoni se jidħlu fis-seħħ biss f’Diċembru 2021. Madankollu, hemm limitazzjonijiet importanti għal din is-sistema:

  • skont ir-Regolament EUROSUR, kull Stat Membru/pajjiż assoċjat ma’ Schengen għandu ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni responsabbli għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni. Madankollu, l-Istati Membri/il-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen mhumiex obbligati jiżguraw li l-awtoritajiet rilevanti kollha meħtieġa biex tinbena stampa affidabbli tas-sitwazzjoni jkunu rappreżentati fiċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni. Dan ifixkel l-implimentazzjoni effettiva tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri. Id-dwana u l-gwardji tal-fruntiera huma rikonoxxuti bħala sħab strateġiċi f’kompiti ta’ kontroll tal-fruntieri fil-fruntieri esterni tal-UE, iżda attwalment ma hemm l-ebda qafas eżistenti għall-iskambju ta’ informazzjoni għall-kondiviżjoni tad-data u tal-intelligence;
  • ma hemm l-ebda konsistenza fost l-Istati Membri meta jirrappurtaw reati transfruntiera fl-EUROSUR. Il-Frontex ippruvat taqbel dwar katalgu ta’ inċidenti ta’ kriminalità transfruntiera mal-Istati Membri/pajjiżi assoċjati ma’ Schengen, iżda klassifikazzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali differenti kkumplikaw il-kompitu. Konsegwentement, billi ma hemm l-ebda rekwiżit ta’ rappurtar vinkolanti fis-seħħ, u ma hemm l-ebda gwida disponibbli għall-gwardji tal-fruntiera dwar liema avvenimenti għandhom jiġu rrappurtati, ir-rappurtar huwa inkonsistenti. Ir-risponsi tal-Istati Membri għall-kwestjonarju tagħna wkoll irriflettew din is-sitwazzjoni.
65

Biex tanalizza b’mod strateġiku r-riskji tal-kriminalità transfruntiera bħala parti mill-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri, il-Frontex tirrikjedi informazzjoni sħiħa. Madankollu, l-informazzjoni dwar l-immigrazzjoni illegali biss tiġi kondiviża mal-Frontex, u mhux informazzjoni relatata ma’ oqsma oħra ta’ responsabbiltà bħad-dwana, is-sajd, jew il-kontroll ambjentali.

L-appoġġ tal-Frontex għall-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera huwa limitat

66

Il-Frontex għandha l-kompitu li tappoġġa lill-Istati Membri/pajjiżi assoċjati ma’ Schengen fil-ġlieda tagħhom kontra l-kriminalità transfruntiera organizzata (f’kooperazzjoni ma’ aġenziji Ewropej rilevanti oħra). Tali appoġġ ikun jinvolvi li l-Frontex tipprovdi lill-Istati Membri/pajjiżi assoċjati ma’ Schengen għarfien tas-sitwazzjoni mtejjeb fil-livell Ewropew, jiġifieri billi twettaq analiżi tar-riskju tal-kriminalità transfruntiera u permezz tal-ESP, kif ukoll billi tidentifika kwalunkwe vulnerabbiltà li l-Istati Membri jiffaċċjaw biex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom ta’ kontroll tal-fruntieri u tagħti bidu għal rispons operazzjonali konġunt meta jkun meħtieġ.

67

L-għarfien li l-Frontex ikollha tas-sitwazzjoni dwar il-kriminalità transfruntiera huwa mfixkel mhux biss min-nuqqas ta’ qafas adegwat għall-iskambju ta’ informazzjoni, iżda wkoll mill-fatt li s-CIRAM ilu mill-2012 ma jiġi aġġornat biex jinkludi informazzjoni dwar il-kriminalità transfruntiera b’rispons għall-estensjoni tal-mandat tal-aġenzija fl-2016.

68

Il-fokus li ilu jeżisti fuq l-immigrazzjoni illegali wassal ta’ bilfors biex il-prodotti tal-analiżi tar-riskju tal-Frontex ikollhom ċertu preġudizzju ġeografiku (ara l-paragrafu 45 u l-Anness IV), billi l-eżistenza ta’ rotot migratorji fil-Mediterran ilha tippersisti għal żmien twil. Dan ifisser li, għalkemm dawn il-prodotti żiedu l-għarfien li l-awtoritajiet tal-fruntieri għandhom dwar il-pressjoni mill-immigrazzjoni illegali f’ċerti sezzjonijiet tal-fruntiera, huma ma jirriflettux bl-istess mod l-isfidi l-oħra li sezzjonijiet oħra tal-fruntiera esterna qed jiffaċċjaw.

69

Biex tindirizza dan, il-Frontex stabbiliet il-komunità tal-intelligence marittima u network ta’ analiżi tar-riskju fl-2018 bil-ħsieb li tiżviluppa kapaċitajiet marittimi għall-analiżi tar-riskju kontra l-kriminalità transfruntiera u tappoġġa l-kooperazzjoni tal-UE dwar il-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta. Għalkemm dan in-network ikopri biss il-qasam marittimu, diġà wera li huwa utli, pereżempju billi ġibed l-attenzjoni tal-awtoritajiet tal-gwardja tal-fruntiera għall-fenomenu tal-kuntrabandu tad-droga f’bastimenti kummerċjali. Madankollu, il-MIC-RAN huwa ġeografikament limitat, minkejja r-rilevanza tiegħu għal ġestjoni integrata effettiva tal-fruntieri esterni25.

70

Kien biss fil-proċess ta’ valutazzjoni tal-vulnerabbiltà tal-2019 illi l-unità tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà tal-Frontex bdiet tivvaluta l-kapaċità tal-Istati Membri/tal-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen li jidentifikaw u jiġġieldu l-kriminalità transfruntiera. Fl-2020, 5 minn 200 mistoqsija kienu dwar il-kriminalità transfruntiera. Ma kien hemm l-ebda mistoqsija dwar is-sikurezza tal-persunal skjerat f’punti ta’ qsim tal-fruntieri, li jistgħu jkunu żona ta’ riskju minħabba t-theddida li tinħoloq mill-ġellieda barranin u mit-terroriżmu.

71

Billi attwalment il-kapaċitajiet ta’ detezzjoni fil-fruntieri tal-ajru tal-Istati Membri huma eżenti mill-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-vulnerabbiltà tal-Frontex, ma hemm l-ebda sorveljanza ċentralizzata effettiva tal-kapaċità tal-Istati Membri li jispezzjonaw, jidentifikaw jew jinterċettaw il-qsim potenzjalment illegali tal-fruntieri tal-ajru fil-livell tal-UE (ara l-Kaxxa 5). Barra minn hekk, il-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà tal-Frontex ma testendix għall-valutazzjoni ta’ jekk l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri/tal-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen humiex lesti li jipprovdu data ta’ kwalità fuq bażi f’waqtha għall-iskopijiet ta’ għarfien tas-sitwazzjoni u analiżi tar-riskju, billi dan il-qasam jaqa’ fi ħdan il-kompetenza nazzjonali.

Kaxxa 5

Eżempju ta’ lakuna ta’ informazzjoni li taffettwa l-monitoraġġ effettiv tal-fruntiera tal-ajru

Il-gruppi tal-kriminalità organizzata qed jesploraw il-potenzjal li jużaw l-Ewropa bħala pjattaforma ta’ esportazzjoni fi swieq oħra, inqas saturati u potenzjalment aktar profittabbli, minħabba li l-provvista tal-kokaina fl-UE taqbeż id-domanda. Pereżempju, membri ta’ grupp tal-kriminalità organizzata ġew arrestati fl-2018 bħala parti minn investigazzjoni dwar il-kuntrabandu tal-kokaina bl-użu ta’ kurrieri tal-ajru bejn l-Irlanda, l-Awstralja u New Zealand. Avvenimenti bħal dawn mhumiex irreġistrati fl-EUROSUR.

Sors: l-Europol, EU drugs markets report 2019 tal-EMCDDA, p. 137.

Din il-lakuna għandha konsegwenzi f’bosta livelli:

  1. nuqqas ta’ detezzjoni u wkoll ta’ rappurtar ta’ avvenimenti li jseħħu fil-fruntiera esterna, li jirriżulta f’nuqqas ta’ intelligence bħala bażi għal analiżi tar-riskju li setgħet, kieku, tippermetti li l-gwardji tal-fruntiera jkunu mħejjija aħjar u li modi operandi ġodda jiġu identifikati;
  2. in-nuqqas ta’ intelligence għal skopijiet ta’ analiżi tar-riskju jista’ jfisser li kontrolli effettivi fil-fruntieri ma jitwettqux minħabba li l-gwardji tal-fruntiera li jkunu fuq xogħol fil-punt tad-dħul ma jkunux suffiċjentement imħejjija;
  3. l-isfidi li jiffaċċjaw sezzjonijiet speċifiċi tal-fruntiera jistgħu ma jiġux rikonoxxuti bis-sħiħ, u b’hekk potenzjalment jimminaw il-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà tal-Frontex.
72

Fir-rigward tar-rispons operazzjonali, il-Frontex għadha ma żviluppatx suffiċjentement il-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-immirar tal-kriminalità transfruntiera fl-attivitajiet tagħha ta’ kuljum. L-għodod li l-aġenzija tuża, bħalma huma l-jiem ta’ azzjoni konġunta, huma apprezzati mill-Istati Membri. Jiem ta’ azzjoni konġunta jlaqqgħu flimkien diversi Stati Membri, awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, u organizzazzjonijiet internazzjonali biex jindirizzaw diversi reati, bħall-kuntrabandu tad-drogi u tal-armi, l-immigrazzjoni illegali, u t-traffikar tal-bnedmin. Fir-risposti tagħhom għall-kwestjonarju tagħna, l-Istati Membri jqisu dan bħala esperjenza ta’ tagħlim, li jistgħu jużaw aktar fi ħdan l-istituzzjoni ta’ oriġini tagħhom. Madankollu, l-impatt tar-rispons operazzjonali huwa limitat għaż-żona ġeografika tal-Istati Membri parteċipanti għad-durata tal-operazzjonijiet.

Il-Frontex għadha mhijiex lesta li timplimenta l-mandat tagħha tal-2019 b’mod effettiv

73

Aħna eżaminajna jekk il-Frontex hijiex lesta li tilqa’ l-isfida tal-mandat tagħha tal-2019, u jekk l-Istati Membri humiex f’pożizzjoni li jipprovdu lill-aġenzija l-informazzjoni kollha li hija teħtieġ biex twettqu.

Il-Frontex għadha ma adattatx għar-rekwiżiti tal-mandat tagħha tal-2016

74

Aħna eżaminajna jekk l-introduzzjoni tar-responsabbiltà għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri u l-kompitu l-ġdid tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà, fil-mandat tal-Frontex fl-2016, wasslitx biex il-Frontex tagħmel rievalwazzjoni strateġika immedjata tal-ħtiġijiet tagħha ta’ riżorsi umani fil-qasam tal-analiżi tar-riskju u f’dak tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà. Madankollu, l-aġenzija rrispondiet għar-responsabbiltajiet il-ġodda tagħha b’mod ad hoc, u kien biss fl-2019 li bdiet tindirizza l-ħtiġijiet tagħha b’mod sistematiku.

75

Wara l-introduzzjoni tal-mandat il-ġdid tagħha fl-2016, it-taqsima tal-operazzjonijiet ġiet assenjata r-responsabbiltà għall-attività l-ġdida ta’ valutazzjoni tal-vulnerabbiltà, u allokat il-kompitu lill-unità tal-analiżi tar-riskju tagħha. Fl-2017, il-Frontex ġiet riorganizzata, u t-taqsima nqasmet fi tnejn. L-attivitajiet tal-analiżi tar-riskju u tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà ġew separati u mqiegħda fi ħdan waħda minn dawn it-taqsimiet, li jisimha t-taqsima għall-għarfien tas-sitwazzjoni u l-monitoraġġ. L-unità tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà ġiet stabbilita u kellha persunal minn membri preċedenti tal-unità tal-analiżi tar-riskju, iżda ma kien hemm l-ebda analiżi formali biex jiġu identifikati l-profili tal-ħiliet meħtieġa u l-għadd ta’ persuni meħtieġa għal kull profil. Dan influwenza l-kwalità tax-xogħol (ara l-paragrafu 41).

76

Fl-2019, it-taqsima tas-sitwazzjoni u l-monitoraġġ tal-Frontex fittxet li tidentifika l-ħtiġijiet preżenti u futuri tagħha fl-unità tal-analiżi tar-riskju u f’dik tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà. Aħna sibna li:

  • l-unità tal-analiżi tar-riskju għandha nuqqas ta’ analisti bi profili differenti (eż. kriminoloġija, ħiliet ta’ analiżi antiċipatorji, u analiżi tematika, b’mod partikolari analiżi tar-riskju marittimu);
  • l-unità tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà teħtieġ li tiddetermina l-ħiliet u l-kapaċità meħtieġa tagħha, tidentifika kwalunkwe lakuna, u tibni pjan ta’ talent fuq terminu itwal f’konformità mal-objettivi strateġiċi tagħha.
77

Filwaqt li l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn id-diversi unitajiet tan-negozju tal-Frontex minn dejjem kienu importanti, issa huma essenzjali minħabba r-rwol operazzjonali l-ġdid li l-Frontex adottat meta ġie introdott il-korp permanenti. Id-Dokument ta’ Programmazzjoni tal-Frontex għall-perjodu 2018-2020 irrikonoxxa li, minkejja kultura ta’ flessibbiltà fil-ħidma ta’ kuljum ta’ kull dipartiment, “kultura silo” hija operattiva. Kultura ta’ operat fi ħdan id-dipartimenti mingħajr il-ġbir ta’ informazzjoni disponibbli tista’ timmina l-interkonnettività tal-attivitajiet tal-Frontex. Pereżempju, il-Frontex ma stabbilietx proċeduri għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni rilevanti dwar il-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà fost l-unitajiet tan-negozju sa Frar 2020. Għad irid jiġi żviluppat mekkaniżmu strutturat għall-kondiviżjoni tar-riżultati tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà ma’ unitajiet tan-negozju oħra tal-Frontex.

Il-mandat tal-2019 jipproġetta żieda rapida u esponenzjali fir-riżorsi tal-Frontex

78

Skont ir-regolament il-ġdid, il-Frontex se jkollha korp permanenti li sal-2027 se jkollu sa 10 000 membru tal-persunal operazzjonali għad-dispożizzjoni tiegħu (ara l-Figura 2 u l-paragrafu 11). Il-baġit tal-Frontex huwa mistenni jiżdied minn EUR 460 miljun fl-2020 (ara l-Figura 3) għal bejn, wieħed u ieħor, medja annwali ta’ EUR 900 miljun għall-perjodu 2021-2027. Il-kobor taż-żieda ppjanata kemm fil-baġit kif ukoll fil-persunal jista’ jitkejjel ukoll f’termini ta’ persuni-jiem disponibbli għal operazzjonijiet konġunti. Mil-livell attwali ta’ 300 000 persuna-jum (ara l-Figura 9) dan se jiżdied għal 2 270 000 persuna-jum bejn wieħed u ieħor, aktar minn 7.5 darbiet il-livell attwali ta’ riżorsi umani skjerati.

79

L-impatt potenzjali fuq l-Istati Membri tal-istabbiliment tal-korp permanenti ma ġiex ivvalutat. Hemm 81 % tal-Istati Membri li rrispondew għall-kwestjonarju tagħna li jantiċipaw li r-Regolament tal-2019 se jkollu impatt fuq l-għedud tal-persunal tagħhom, bil-ħtieġa ta’ reklutaġġ addizzjonali u tat-taħriġ ta’ gwardji tal-fruntiera ġodda fl-istennija li l-Frontex se tirrekluta l-korp permanenti tagħha minn persunal li attwalment huwa assenjat għall-kontroll tal-fruntiera nazzjonali. Dan se jkollu konsegwenzi baġitarji u organizzattivi. L-Istati Membri huma wkoll inċerti dwar l-impatt potenzjali tal-għadd tal-persunal li għandu jiġi reklutat mill-Frontex għal kull profil u għal kull kategorija kif previst fir-Regolament, u d-durata ta’ skjeramenti futuri.

80

L-aħħar evalwazzjoni esterna tal-aġenzija ġiet ippubblikata f’Lulju 2015. Għalkemm ir-Regolament (UE) 2016/1624 kien jirrikjedi li r-riżultati tal-Frontex jiġu evalwati sa Ottubru 2019, l-evalwazzjoni ma saritx hekk kif il-mandat il-ġdid tal-aġenzija daħal fis-seħħ f’Novembru 2019. Skont ir-Regolament (UE) 2019/1896, l-evalwazzjoni esterna li jmiss trid titwettaq sal-5 ta’ Diċembru 2023. Dan huwa perjodu sinifikanti li matulu jkunu saru trasformazzjonijiet kbar fil-mandat, l-istruttura u r-rwol tal-aġenzija.

81

Fl-aħħar nett, għalkemm il-leġiżlazzjoni tagħti setgħa eżekuttiva lill-korp permanenti, din tista’ tkun inqas effettiva jekk l-Istat Membru ospitanti ma jipprovdix awtorizzazzjoni26 biex jitwettqu kompiti bħal kontrolli tal-identità, awtorizzazzjoni tad-dħul, u twettiq tas-sorveljanza tal-fruntieri. Madankollu, il-gwardji tal-fruntiera li jżuru Stati Membri oħra ma għandhomx il-permess jużaw is-sistemi ta’ informazzjoni tal-pajjiżi ospitanti biex iwettqu kontrolli fil-fruntieri27. Dan ikun jirrestrinġi b’mod serju l-attivitajiet li l-korp permanenti jista’ jwettaq matul l-iskjeramenti.

Hemm riskju li l-Frontex tista’ tonqos milli tikseb l-informazzjoni biex tiżviluppa l-attivitajiet tagħha kontra l-kriminalità transfruntiera

82

L-Istati Membri kollha, għajr Spanja, jittrasferixxu manwalment id-dettalji tal-inċidenti li jinqabdu fuq il-fruntieri tagħhom, mis-sistemi nazzjonali tagħhom għall-EUROSUR u l-JORA. L-operaturi huma obbligati wkoll jaqilbu d-dettalji tal-inċidenti għall-Ingliż, għalkemm b’livelli ta’ profiċjenza fil-lingwa li jkunu jvarjaw.

83

Rekwiżiti addizzjonali ta’ rappurtar tal-EUROSUR se jiddaħħlu gradwalment fuq perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ sentejn, f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/1896. Fit-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju tagħna, l-Istati Membri rrappurtaw li r-rekwiżiti ta’ rappurtar eżistenti tagħhom diġà huma piż sinifikanti, u li ma kinux żguri dwar il-kapaċità tagħhom li jwettqu l-ammont ta’ xogħol akbar tagħhom dment li l-proċess għat-trażmissjoni tad-data bejn is-sistemi nazzjonali u l-bażi ta’ data tal-EUROSUR ma jkunx awtomatizzat. Ir-rappurtar ta’ avvenimenti fil-punt ta’ qsim tal-fruntieri tal-art u tal-ajru jirrappreżenta żieda importanti fix-xogħol. Pereżempju, skont l-Eurostat, 409 miljun passiġġier li vvjaġġaw lejn/minn postijiet barra l-UE għaddew mill-punti ta’ qsim tal-fruntieri tal-ajru tal-UE fl-2018.

84

Minkejja l-mandat tagħha li tieħu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti għad-dmirijiet tagħha fir-rigward tal-Kummissjoni u l-Istati Membri, skont l-Istati Membri għadu ma jidhirx l-involviment dirett tal-Frontex fi kwalunkwe tentattiv biex il-proċess jiġi awtomatizzat aktar.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

85

B’mod ġenerali, aħna sibna li l-appoġġ li l-Frontex tagħti għall-Istati Membri/pajjiżi assoċjati ma’ Schengen fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u l-kriminalità transfruntiera mhuwiex suffiċjentement effettiv. Aħna sibna li l-Frontex ma implimentatx bis-sħiħ il-mandat tagħha tal-2016 u enfasizzajna bosta riskji relatati mal-mandat tal-Frontex tal-2019.

86

Nippreżentaw il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħna dwar il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u l-kriminalità transfruntiera għal kull waħda mill-attivitajiet prinċipali tal-Frontex: skambju ta’ informazzjoni, analiżi tar-riskju, valutazzjoni tal-vulnerabbiltà u rispons operazzjonali.

87

Aħna sibna li għalkemm hemm qafas għall-iskambju ta’ informazzjoni funzjonali fis-seħħ biex jappoġġa l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, dan ma kienx jiffunzjona tajjeb biżżejjed biex jipprovdi għarfien tas-sitwazzjoni preċiż, komplet u aġġornat dwar il-fruntiera esterna tal-UE (il-paragrafi 25 sa 29 u l-Kaxxa 2). Għadu ma ġiex stabbilit qafas għall-iskambju ta’ informazzjoni adegwat għall-kriminalità transfruntiera (il-paragrafi 63 sa 65).

88

Il-Frontex tibgħat informazzjoni f’waqtha u rilevanti dwar il-migrazzjoni rigward is-sitwazzjoni fil-fruntieri esterni u tipprovdi informazzjoni dwar avvenimenti speċifiċi (il-paragrafu 31). Madankollu, in-nuqqas ta’ informazzjoni (il-paragrafi 2632), standards tekniċi għat-tagħmir ta’ kontroll fil-fruntieri (il-paragrafu 27), katalgu komuni għar-rappurtar tal-kriminalità transfruntiera, informazzjoni kważi f’ħin reali dwar is-sitwazzjoni fil-fruntiera tal-ajru tal-UE, u d-dewmien fl-aġġornament tas-CIRAM (il-paragrafi 6467) jimminaw il-ħolqien ta’ stampa sħiħa tas-sitwazzjoni fil-fruntieri esterni tal-UE.

89

F’termini ta’ kriminalità transfruntiera, hemm ukoll distakk bejn il-mandat stabbilit fir-regolamenti tal-Frontex u l-ambjent regolatorju li fih topera l-aġenzija: mhux l-awtoritajiet rilevanti kollha (eż. id-Dwana) ġew inklużi fir-Regolament EUROSUR, u b’hekk mhux l-avvenimenti rilevanti kollha qed jiġu rrappurtati (il-paragrafu 64).

90

Ir-Regolament 2019/1896 introduċa rekwiżiti addizzjonali sinifikanti ta’ rappurtar tal-EUROSUR għall-Istati Membri, u huwa mistenni li l-proċess għat-trażmissjoni tad-data bejn is-sistemi nazzjonali u l-bażi ta’ data tal-EUROSUR jeħtieġ li jiġi awtomatizzat jekk l-Istati Membri jridu jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti (il-paragrafi 8283). Madankollu, skont l-Istati Membri, għadu ma jidhirx l-involviment dirett tal-Frontex f’tentattivi biex il-proċess jiġi awtomatizzat aktar (il-paragrafu 84).

Rakkomandazzjoni 1 – Jittejbu l-qafas għall-iskambju ta’ informazzjoni u l-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea
  1. Sabiex ittejjeb il-qafas eżistenti tal-EUROSUR, jenħtieġ li l-Frontex:

    1. tivvaluta regolarment il-kwalità tad-data li tintuża biex tipproduċi l-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea;
    2. timmonitorja u tappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni korretta tal-EUROSUR billi tistabbilixxi proċeduri maqbula b’mod konġunt biex in-nuqqasijiet identifikati jiġu indirizzati;
    3. tmexxi lill-Istati Membri fl-istabbiliment ta’ katalgu komuni għar-rappurtar ta’ inċidenti ta’ kriminalità transfruntiera;
    4. tappoġġa lill-Istati Membri billi tawtomatizza t-traduzzjoni u l-proċess ta’ trasferiment bejn is-sistemi nazzjonali u l-bażi ta’ data tal-EUROSUR.
  2. Biex tiżgura l-interoperabbiltà tat-tagħmir miġbur u tiffaċilita l-akkwiżizzjoni mill-Istati Membri ta’ kapaċitajiet li huma teknikament kompatibbli mal-kapaċitajiet ta’ kontroll tal-fruntieri, jenħtieġ li l-Frontex tistabbilixxi standards tekniċi għat-tagħmir, bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri rappreżentati fil-Bord Amministrattiv tal-Frontex.
  3. Sabiex tiżgura d-disponibbiltà ta’ stampa tas-sitwazzjoni Ewropea kompleta, jenħtieġ li l-Kummissjoni tesplora modi ġodda biex tikseb kooperazzjoni effettiva bejn il-Frontex u korpi rilevanti oħra li għalihom ir-Regolament 1896/2019 mhuwiex applikabbli direttament.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: nofs l-2022.

91

Il-Frontex sabitha diffiċli tuża r-rappurtar tal-EUROSUR, u hemm restrizzjonijiet legali dwar l-użu tad-data li tinsab fis-sistemi pan-UE li l-eu-LISA hija l-host tagħhom għal skopijiet ta’ analiżi tar-riskju (il-paragrafi 3037). Għalkemm il-Frontex hija marbuta mil-leġiżlazzjoni, hija ma tistax tapplika l-mudell integrat komuni għall-analiżi tar-riskju minħabba li ma tistax tivvaluta l-vulnerabbiltà ta’ sezzjonijiet speċifiċi tal-fruntieri meta l-Istati Membri ma jipprovdux l-informazzjoni meħtieġa (il-paragrafu 38).

92

L-impatt tal-analiżi tar-riskju tal-migrazzjoni mwettqa mill-Frontex jiddgħajjef minħabba n-nuqqas ta’ network ta’ distribuzzjoni aċċessibbli b’mod wiesa’ għall-prodotti tagħha. Konsegwentement, dan ifisser li l-gwardji tal-fruntiera ma għandhomx aċċess faċilment disponibbli għall-prodotti tal-Frontex, minkejja li tali prodotti jistgħu jkunu utli ħafna għat-twettiq ta’ dmirijiethom (il-paragrafu 39). Barra minn hekk, il-Frontex ma għandhiex l-informazzjoni li hija teħtieġ biex twettaq analiżi tar-riskju dwar il-kriminalità transfruntiera (il-paragrafu 65) għajr għal kategoriji speċifiċi marbuta mal-immigrazzjoni illegali. Barra minn hekk, il-mudell integrat komuni għall-analiżi tar-riskju ma ġiex aġġornat biex jirrifletti din id-dimensjoni tar-riskji fil-fruntieri (il-paragrafu 67). B’riżultat ta’ dan, il-Frontex ma tistax tipprovdi analiżi tal-aspetti rilevanti kollha tal-kriminalità transfruntiera, minkejja li dan ikun jippermetti lill-Istati Membri/pajjiżi assoċjati ma’ Schengen jieħdu miżuri xierqa biex jindirizzaw jew jimmitigaw ir-riskji li jiġu identifikati (il-paragrafi 6869).

Rakkomandazzjoni 2 – Jiġi aġġornat u implimentat il-mudell integrat komuni għall-analiżi tar-riskju (CIRAM) u jiġi żgurat aċċess għal sorsi oħra ta’ informazzjoni
  1. Jenħtieġ li l-Frontex:

    1. tirrapporta dwar il-konformità tal-Istati Membri mal-użu tal-qafas tal-EUROSUR biex tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa għall-analiżi tar-riskju abbażi tas-CIRAM.
    2. taġġorna s-CIRAM biex jinkorpora l-kriminalità transfruntiera;
    3. tiffaċilita d-disponibbiltà usa’ ta’ prodotti tal-analiżi tar-riskju fost il-gwardji tal-fruntiera fl-Ewropa.
  2. Jenħtieġ li l-Frontex u l-Kummissjoni jieħdu azzjoni biex jiżguraw l-iżvilupp ta’ rapporti statistiċi mfassla apposta għall-finijiet tal-analiżi tar-riskju u tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà tal-Frontex idderivati mis-sistemi li l-eu-LISA hija l-host tagħhom u minn sorsi oħra (eż. awtoritajiet oħra u aġenziji oħra tal-UE b’responsabbiltajiet ta’ kontroll tal-fruntieri).

Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2022.

93

Il-Frontex ingħatat il-kompitu li twettaq valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà tal-Istati Membri fl-2016 biex tivvaluta l-kapaċità u l-livell ta’ tħejjija tagħhom li jiffaċċjaw theddid u sfidi preżenti u futuri fil-fruntieri esterni (il-paragrafi 4041). Għalkemm jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu l-informazzjoni mitluba mill-Frontex, problemi kontinwi relatati mal-inkompletezza u l-kwalità baxxa tad-data jolqtu l-proċess tal-ġbir ta’ data (il-paragrafu 42). F’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-regolament tal-2016, attwalment il-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà mwettqa mill-Frontex hija limitata għal-livell nazzjonali, u l-ebda proċess bħal dan mhuwa qed iseħħ fil-livell tal-UE, reġjonali jew interstatali, għalkemm dan ikun jgħin biex jiġu identifikati duplikazzjonijiet, jew biex tiġi evalwata l-kooperazzjoni fost l-aġenziji tal-UE (il-paragrafu 43).

94

L-unità tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà tal-Frontex bdiet tivvaluta l-vulnerabbiltajiet tal-kriminalità transfruntiera tal-Istati Membri fl-2019 biss, u l-kapaċità tagħha li twettaq tali valutazzjonijiet għadha qed tiġi żviluppata (il-paragrafi 7071).

Rakkomandazzjoni 3 – Jiġi żviluppat il-potenzjal tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà
  1. Jenħtieġ li l-Frontex tidentifika u tindirizza, b’ħidma mal-Istati Membri, il-problemi kontinwi relatati mal-ġbir ta’ data li qed jaffettwaw il-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà, billi tidentifika l-problemi li jaffettwaw l-għoti ta’ informazzjoni mill-Istati Membri u tistabbilixxi pjan direzzjonali biex tirrettifika s-sitwazzjoni;
  2. Jenħtieġ li l-Frontex tiżviluppa l-metodoloġija u l-kapaċitajiet tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà tagħha biex:

    1. tivvaluta b’mod effettiv il-vulnerabbiltajiet tal-kriminalità transfruntiera;
    2. tidentifika u tivvaluta kwalunkwe vulnerabbiltà eventwali li tikkoinċidi li tkun taffettwa bosta pajjiżi f’reġjuni speċifiċi;
    3. timmonitorja każijiet fejn azzjonijiet biex jiġu indirizzati vulnerabbiltajiet identifikati f’pajjiż speċifiku jistgħu jwasslu għall-ħolqien ta’ effetti negattivi f’pajjiżi ġirien.

    Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2022.

  3. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis il-benefiċċji potenzjali li testendi l-ambitu tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà tal-Frontex għal livell reġjonali u tal-UE.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: meta l-qafas regolatorju jiġi rivedut.

95

Il-Frontex wettqet erba’ interventi rapidi fil-fruntieri biex tgħin lill-Istati Membri li qed jiffaċċjaw pressjoni migratorja urġenti u eċċezzjonali fil-fruntieri esterni tagħhom. Il-Frontex ilha mill-2007 twettaq eżerċizzji annwali biex tħarreġ il-partijiet kollha li jistgħu jkunu involuti. L-ebda eżerċizzju bħal dan ma twettaq fl-2019 (il-paragrafi 4748 u l-Kaxxa 4).

96

Minkejja l-importanza, kemm minn perspettiva umana kif ukoll minn dik tal-intelligence, li ssir akkoljenza tal-migranti matul operazzjonijiet konġunti għall-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, il-Frontex ma tatx importanza suffiċjenti lir-rwol ta’ medjatur kulturali (il-paragrafi 5253).

97

Il-Frontex hija aġenzija li għandha l-attenzjoni tal-pubbliku. Madankollu, għalkemm estensiv, ir-rappurtar min-naħa tagħha spiss jonqos milli jinforma lill-qarrejja dwar il-prestazzjoni reali tagħha jew dwar l-impatt reali tal-attivitajiet tagħha. Pereżempju, ir-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-operazzjonijiet konġunti ma jiddistingwux bejn ir-riżultati tal-attivitajiet tal-Frontex u dawk tal-attivitajiet nazzjonali; ma jipprovdux stampa ċara tal-effettività jew tad-dgħufijiet tal-kontribut reali li l-Istati Membri jagħtu għall-operazzjonijiet konġunti, lanqas ma jipprovdu informazzjoni dwar l-ispiża reali tal-operazzjonijiet konġunti (il-paragrafi 55 sa 60). Dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet leġiżlattivi jeħtieġu informazzjoni robusta biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati (il-paragrafu 51).

Rakkomandazzjoni 4 – Jittejjeb ir-rispons operazzjonali tal-Frontex

Jenħtieġ li l-Frontex:

  1. twettaq eżerċizzji regolari għal interventi rapidi, speċjalment għall-ospitanti potenzjali ta’ intervent rapidu, biex tiżgura li f’każ ta’ ħtieġa l-partijiet kollha involuti jkunu mħejjija tajjeb;
  2. tiddefinixxi l-qafas ta’ kompetenza għal medjatur kulturali u tieħu azzjoni biex l-Istati Membri jsegwu l-istess approċċ;
  3. tiżviluppa metodoloġija biex tevalwa r-riżultati tal-attivitajiet operazzjonali tagħha, b’mod partikolari għall-operazzjonijiet konġunti tagħha;
  4. tippubblika l-ispejjeż finali tal-operazzjonijiet tagħha ladarba dawn ikunu disponibbli.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2022.

98

Il-Frontex ma ħaditx il-miżuri meħtieġa biex tadatta l-organizzazzjoni tagħha b’tali mod li tkun tindirizza l-mandat li rċeviet fl-2016. Aħna identifikajna nuqqasijiet fl-ippjanar tar-riżorsi umani fi ħdan l-unità tal-analiżi tar-riskju u dik tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà (il-paragrafi 74 sa 76), li t-tnejn li huma għadhom nieqsa mill-kompetenzi meħtieġa.

99

Wara l-introduzzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1896 u l-bidla fundamentali tal-attività tal-Frontex minn rwol ta’ appoġġ u ta’ koordinazzjoni għal rwol operazzjonali bl-introduzzjoni tal-korp permanenti, aħna qbadna problemi fil-komunikazzjoni fost l-unitajiet koperti minn dan l-awditu. Il-Frontex topera f’silos (il-paragrafu 77) u dan jikkontradixxi l-interdipendenzi li huma inerenti fl-attivitajiet koperti minn dan l-awditu.

100

Biex twettaq il-mandat il-ġdid tagħha, il-Frontex se jkollha 10 000 uffiċjal operazzjonali ġdid għad-dispożizzjoni tagħha sal-2027 (korp permanenti), u se tirċievi baġit medju ta’ EUR 900 miljun kull sena. Dawn iċ-ċifri jirrappreżentaw żieda enormi fuq is-sitwazzjoni attwali. Huma ġew iffissati fin-nuqqas ta’ kriterji stabbiliti għad-determinazzjoni tal-ħtiġijiet tal-Frontex għal mandat li mhuwiex iddefinit b’mod preċiż, mingħajr aċċess għal informazzjoni dwar l-ispiża reali u l-impatt tal-operazzjonijiet tal-Frontex (il-paragrafi 57 sa 60) u mingħajr valutazzjoni tal-impatt tagħha fuq l-Istati Membri (il-paragrafu 79).

101

B’referenza li saret għal ħtieġa urġenti, ir-regolament il-ġdid ġie approvat mingħajr valutazzjoni tal-impatt jew evalwazzjoni ta’ jekk il-Frontex kinitx wettqet il-mandat preċedenti tagħha (il-paragrafu 80). Barra minn hekk, l-Istati Membri jantiċipaw sfidi baġitarji u organizzattivi li jirriżultaw mill-impatt tal-korp permanenti fuq l-għedud tal-persunal tagħhom (il-paragrafu 79). Minbarra dan, mhuwiex ċar li l-korp permanenti se jkun jista’ jiffunzjona kif maħsub (il-paragrafu 81).

Rakkomandazzjoni 5 – Jiġu indirizzati l-isfidi tal-mandat tal-Frontex tal-2019

Jenħtieġ li l-Frontex:

  1. twettaq analiżi formali biex tidentifika l-ħtiġijiet tal-persunal tagħha, speċjalment fl-oqsma tal-analiżi tar-riskju u l-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà;
  2. ittejjeb il-proċeduri ta’ komunikazzjoni interna tagħha biex tiżgura li sseħħ il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni fuq bażi tal-“ħtieġa ta’ għarfien”.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2021.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla III, immexxija mis-Sinjura Bettina Jakobsen, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fid-29 ta’ April 2021.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
Il-President

Annessi

Anness I – Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta – informazzjoni addizzjonali dwar il-mandati tal-2016 u tal-2019

Mandat tal-2016 Mandat tal-2019
Introduzzjoni ta’ rwol superviżorju: il-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà

Il-Frontex twettaq valutazzjonijiet obbligatorji tal-vulnerabbiltà biex tevalwa l-kapaċità ta’ Stati Membri individwali li jiffaċċjaw sfidi fil-fruntieri esterni tagħhom, billi tivvaluta t-tagħmir u r-riżorsi li huma disponibbli għall-Istati Membri. B’segwitu għall-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà, id-Direttur Eżekuttiv tal-Frontex jista’ jiddeċiedi li jirrakkomanda sett ta’ miżuri lil Stat Membru biex jindirizza kwalunkwe vulnerabbiltà identifikata fil-mod kif tiffunzjona s-sistema ta’ ġestjoni tal-fruntieri nazzjonali tiegħu.
L-ebda bidla sinifikanti fil-mandat
Stabbiliment ta’ riżerva ta’ reazzjoni rapida ta’ gwardji tal-fruntiera u tagħmir tekniku li l-Istati Membri se jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Frontex

L-Istati Membri fejn huwa rreġistrat dan it-tagħmir huma meħtieġa li jqegħiduh għad-dispożizzjoni tal-Frontex kull meta jkun meħtieġ.

Il-Frontex tista’ tuża riżerva ta’ 1 500 uffiċja li jistgħu jiġu skjerati fi żmien 3 ijiem. Dawn jiffurmaw forza ta’ reazzjoni rapida li għandha tintbagħat fil-fruntieri li jkunu taħt pressjoni akuta.
Stabbiliment ta’ korp permanenti

Il-Frontex se jkollha 10 000 membru tal-persunal operazzjonali ġdid sal-2027, inklużi 1 500 għar-riżerva ta’ reazzjoni rapida, bħala appoġġ għall-Istati Membri fuq il-post fl-isforzi tagħhom biex jipproteġu l-fruntieri esterni tal-UE, biex jiġġieldu l-kriminalità transfruntiera u biex jirritornaw migranti irregolari.

Dan il-korp permanenti se jkun magħmul minn gwardji tal-fruntiera u tal-kosta impjegati mal-aġenzija (3 000), u persunal sekondat fuq bażi obbligatorja mill-pajjiżi Ewropej.

Ir-regolament jikkonferixxi setgħat eżekuttivi fuq il-korp permanenti. Il-persunal operazzjonali skjerat se jkun jista’ jwettaq kompiti ta’ kontroll tal-fruntieri u kompiti ta’ ritorn, bħal kontrolli tal-identità, awtorizzazzjoni tad-dħul fil-fruntieri esterni, u twettiq ta’ sorveljanza tal-fruntieri — biss bil-qbil tal-Istat Membru ospitanti.
Operazzjonijiet ta’ ritorn

Il-Frontex tadotta rwol akbar fil-hotspots tal-akkoljenza tal-migrant28. Lil hinn mir-rwol tagħha li tirreġistra l-migranti u tiskrinjahom biex tistabbilixxi n-nazzjonalitajiet tagħhom, il-Frontex hija responsabbli wkoll għar-ritorn ta’ dawk li ma jikkwalifikawx għall-ażil.
Operazzjonijiet ta’ ritorn

L-Aġenzija tista’ tappoġġa lill-Istati Membri fl-istadji kollha tal-proċess ta’ ritorn (inklużi l-attivitajiet ta’ qabel ir-ritorn, tassistihom fil-proċess tal-identifikazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-koordinazzjoni jew l-organizzazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn, inkluż permezz tal-kiri ta’ inġenji tal-ajru għall-fini ta’ tali operazzjonijiet u l-organizzazzjoni ta’ ritorni fuq titjiriet skedati jew permezz ta’ mezzi oħra tat-trasport eċċ.), filwaqt li l-Istati Membri jibqgħu responsabbli għad-deċiżjonijiet ta’ ritorn.
L-ebda bidla fir-regolament. Sistema Ewropea ta’ sorveljanza tal-fruntieri (EUROSUR)

Biex jittejbu l-operazzjonijiet tal-EUROSUR, ir-regolament jinkorporaha fil-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u jwessa’ l-ambitu tal-EUROSUR biex jinkludi l-biċċa l-kbira mill-komponenti tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri. Dan ifisser kapaċità ta’ identifikazzjoni, antiċipazzjoni u reazzjoni aktar effettivi għall-kriżijiet fil-fruntieri esterni tal-UE u f’pajjiżi mhux tal-UE.
Kooperazzjoni ma’ pajjiżi mhux tal-UE

Rwol akbar fil-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni dwar il-ġestjoni tal-fruntieri bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi mhux tal-UE.

L-aġenzija tista’ tniedi operazzjonijiet konġunti f’pajjiżi terzi ġirien tal-UE. Ftehimiet dwar l-Istatus huma prekundizzjoni għal kooperazzjoni operazzjonali ta’ dan it-tip.
Kooperazzjoni akbar ma’ pajjiżi mhux tal-UE

Suġġett għal qbil minn qabel mill-pajjiż ikkonċernat, il-Frontex tista’ tniedi operazzjonijiet konġunti u tiskjera persunal barra mit-territorju tal-UE, u lil hinn mill-pajjiżi ġirien tal-UE, biex tipprovdi appoġġ għall-ġestjoni tal-fruntieri.
Skjerament ta’ uffiċjali ta’ kollegament fl-Istati Membri

Biex jiġi żgurat monitoraġġ regolari tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri kollha.

Il-Frontex kienet diġà bagħtet Uffiċjali ta’ Kollegament f’pajjiżi mhux tal-UE biex jiffaċilitaw id-djalogu u l-kooperazzjoni fuq il-post.
Funzjonijiet ġodda
Kooperazzjoni mal-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali u monitoraġġ tal-miżuri li jittieħdu mill-Istat Membru fir-rigward tar-ritorn.
Il-Frontex se tappoġġa lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera. Sistema Ewropea ta’ informazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar
Il-Frontex tadotta rwol akbar fil-ġestjoni tal-flussi dejjem jiżdiedu ta’ vjaġġaturi leġittimi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE, billi hija l-host tal-unità ċentrali futura tas-sistema Ewropea ta’ informazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar (ETIAS), u tappoġġa lill-Istati Membri fl-iskjerament tas-sistema ta’ dħul u ħruġ.
Introduzzjoni ta’ ġestjoni integrata tal-fruntieri għall-mandat tal-Frontex li tirrikjedi analiżi tar-riskju kemm tal-kriminalità transfruntiera kif ukoll tax-xejriet migratorji. Analiżi tar-riskju
Il-Frontex se tipproduċi analiżi tar-riskju strateġika għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri kull sentejn, li tagħti input liċ-ċiklu ta’ politika strateġika pluriennali għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri.

Anness II – Risponsi tal-Istati Membri għall-Kwestjonarju tal-QEA

Anness III – Implimentazzjoni tal-EUROSUR mit-30 Stat Membru/pajjiż assoċjat ma’ Schengen

Il-figura ta’ hawn taħt tiddeskrivi fil-qosor il-funzjonijiet li ġew stabbiliti fir-regolament u tipprovdi l-informazzjoni l-aktar reċenti disponibbli rigward l-implimentazzjoni tagħhom mid-diversi Stati Membri/pajjiżi assoċjati ma’ Schengen.

Nota: Hemm Stat Membru wieħed li ma ħax sehem fl-adozzjoni tar-regolament EUROSUR u mhuwiex marbut bih jew suġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

Tliet pajjiżi oħra huma meqjusa bħala M/A għal ħafna funzjonijiet minħabba li s-sitwazzjonijiet tal-fruntieri tagħhom ma jeħtiġux dawn. Żewġ pajjiżi oħra li għandhom entrati M/A relatati mad-definizzjoni ta’ sezzjonijiet tal-fruntiera u l-attivitajiet ta’ sorveljanza korrispondenti minħabba li fiż-żmien tar-rapport is-sezzjonijiet tal-fruntiera tagħhom kienu ġew assenjati livell ta’ impatt baxx u f’każijiet bħal dawn ma kinux obbligati jiddeskrivu reazzjoni korrispondenti.

Sors: SWD(2018) 410 tal-Kummissjoni.

  • Iċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni huwa operazzjonali

Kull Stat Membru huwa meħtieġ li jaħtar, jopera u jżomm ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni li jikkoordina u jiskambja informazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali kollha responsabbli għas-sorveljanza fuq il-fruntiera esterna, kif ukoll fost iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni l-oħrajn u l-aġenzija.

  • Iċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni jikkoopera mal-awtoritajiet kollha ta’ sorveljanza tal-fruntieri

Iċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni jiżgura l-iskambju f’waqtu ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni f’waqtha bejn l-awtoritajiet nazzjonali kollha responsabbli għas-sorveljanza tal-fruntiera esterna, kif ukoll ma’ ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni oħrajn u mal-aġenzija.

  • Iċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni jwettaq il-funzjonijiet elenkati fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1052/2013

Iċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni:

  • jiżgura l-iskambju f’waqtu ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet ta’ tfittxija u salvataġġ, tal-infurzar tal-liġi, tal-ażil u tal-immigrazzjoni fil-livell nazzjonali;
  • jistabbilixxi u jżomm l-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali;
  • jagħti appoġġ għall-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ sorveljanza tal-fruntiera nazzjonali;
  • jikkoordina s-sistema ta’ sorveljanza tal-fruntiera nazzjonali, skont il-liġi nazzjonali;
  • jikkontribwixxi biex regolarment ikejjel l-effetti tal-attivitajiet ta’ sorveljanza tal-fruntiera nazzjonali;
  • jikkoordina miżuri operazzjonali ma’ Stati Membri oħrajn.
  • Iċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni jopera 24/7

Iċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni jopera 24 siegħa kuljum u 7 ijiem fil-ġimgħa.

  • Iċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni jżomm l-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali

Iċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni jistabbilixxi u jżomm stampa tas-sitwazzjoni nazzjonali filwaqt li jipprovdi lill-awtoritajiet kollha li għandhom responsabbiltà għall-kontroll u għas-sorveljanza tal-fruntieri esterni fuq livell nazzjonali b’informazzjoni effettiva, preċiża u f’waqtha. L-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali hija magħmula minn informazzjoni li tinġabar mis-sistema ta’ sorveljanza tal-fruntiera nazzjonali, kif ukoll sensuri stazzjonarji u mobbli operati fil-livell nazzjonali, missjonijiet ta’ pattulja, kif ukoll awtoritajiet u sistemi nazzjonali rilevanti oħra, inklużi uffiċjali ta’ kollegament, ċentri operazzjonali u punti ta’ kuntatt. Hija tinkludi wkoll informazzjoni pprovduta mill-Frontex, iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni fi Stati Membri oħra, u s-sistemi ta’ rappurtar tal-vapuri. Hemm tliet livelli fi ħdan l-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali – il-livell tal-avvenimenti, il-livell operazzjonali u l-livell tal-analiżi.

  • II-livell tal-avvenimenti fi ħdan l-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali jiġi stabbilit

Il-livell tal-avvenimenti fi ħdan l-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali huwa mibni minn inċidenti li jikkonċernaw:

  • qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri inkluża informazzjoni dwar inċidenti li joħolqu riskju għall-ħajjiet tal-migranti;
  • kriminalità transfruntiera;
  • sitwazzjonijiet ta’ kriżi;
  • avvenimenti oħrajn, bħal vetturi, bastimenti u mezzi oħra u persuni mhux identifikati u suspettużi li jkunu preżenti fuq il-fruntieri esterni, kif ukoll kull avveniment ieħor li jista’ jkollu impatt sinifikanti fuq il-kontroll tal-fruntieri esterni.
  • Il-livell operazzjonali fi ħdan l-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali jiġi stabbilit

Il-livell operazzjonali fi ħdan l-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali huwa mibni minn informazzjoni li tikkonċerna:

  • ir-riżorsi proprji tal-Istati Membri, li jistgħu jinkludu riżorsi militari li jassistu missjoni ta’ infurzar tal-liġi, u żoni operazzjonali, li jkun fihom informazzjoni dwar il-pożizzjoni, l-istatus u t-tip ta’ riżorsi proprji u dwar l-awtoritajiet involuti. Ta’ min jinnota li ċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni jista’ jiddeċiedi, fuq talba tal-awtorità nazzjonali responsabbli għal dawk ir-riżorsi, li jirrestrinġi l-aċċess għal dik l-informazzjoni fuq bażi tal-ħtieġa ta’ għarfien;
  • it-territorju u l-kundizzjonijiet tat-temp fil-fruntieri esterni.
  • Il-livell tal-analiżi fi ħdan l-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali jiġi stabbilit

Il-livell tal-analiżi fi ħdan l-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali huwa mibni minn:

  • informazzjoni dwar żviluppi u indikaturi ewlenin;
  • rapporti analitiċi, xejriet ta’ klassifikazzjoni tar-riskju, monitoraġġ reġjonali u noti ta’ informazzjoni;
  • informazzjoni analizzata li hija rilevanti, b’mod partikolari, għall-attribuzzjoni tal-livelli tal-impatt għal sezzjonijiet tal-fruntieri esterni;
  • xbihat ta’ referenza, mapep tal-isfond, validazzjoni ta’ informazzjoni analizzata u analiżi tal-bidliet (xbihat ta’ osservazzjoni tad-dinja), kif ukoll l-identifikazzjoni ta’ bidliet, data ġeoreferenzjata u mapep esterni li juru l-permeabilità tal-fruntieri.
  • L-istampa tas-sitwazzjoni tas-sezzjonijiet tal-fruntiera tiġi kondiviża mal-Istati Membri ġirien

Iċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni tal-Istati Membri ġirien jikkondividu bejniethom l-istampa tas-sitwazzjoni tas-sezzjonijiet tal-fruntieri esterni ġirien, direttament u kważi f’ħin reali, b’rabta ma’:

  • inċidenti u avvenimenti sinifikanti oħrajn li jinsabu fil-livell tal-avvenimenti;
  • ir-rapporti dwar l-analiżi tattika tar-riskji kif jinsabu fil-livell tal-analiżi.
  • Konformità mal-protezzjoni tad-data

Meta l-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali tintuża għall-ipproċessar ta’ data personali, dik id-data għandha tiġi pproċessata skont id-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data.

  • Is-sezzjonijiet tal-fruntiera ġew iddefiniti

Kull Stat Membru jaqsam (jiddividi) il-fruntieri esterni tiegħu fuq l-art u fil-baħar f’sezzjonijiet tal-fruntiera u jagħti notifika lill-aġenzija dwar id-diviżjoni. L-aġenzija u l-Istat Membru flimkien jevalwaw l-attribuzzjoni tal-livelli tal-impatt.

  • L-attivitajiet ta’ sorveljanza jikkorrispondu għal-livelli tal-impatt attribwiti

L-Istati Membri jiżguraw li l-attivitajiet ta’ sorveljanza li jitwettqu fis-sezzjonijiet tal-fruntieri esterni jkunu jikkorrispondu mal-livelli tal-impatt attribwiti bil-mod segwenti:

  • meta jiġi attribwit livell tal-impatt baxx lil sezzjoni tal-fruntiera esterna, l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli jorganizzaw sorveljanza regolari fuq il-bażi tal-analiżi tar-riskju u jiżguraw li jkunu qed jinżammu biżżejjed persunal u riżorsi fiż-żona tal-fruntiera lesti għat-traċċar, l-identifikazzjoni u l-interċettazzjoni;
  • meta jiġi attribwit livell tal-impatt medju lil taqsima tal-fruntiera esterna, flimkien mal-miżuri ta’ hawn fuq, l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli jiżguraw li qed jittieħdu miżuri adatti ta’ kontroll (sorveljanza) f’dik it-taqsima tal-fruntiera u jinnotifikaw liċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni li l-miżuri ttieħdu.
  • meta jiġi attribwit livell tal-impatt għoli lil sezzjoni tal-fruntiera esterna, flimkien mal-miżuri meħuda għall-każijiet ta’ impatt medju, l-Istati Membri jiżguraw, permezz taċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni, li l-awtoritajiet nazzjonali li joperaw f’dik is-sezzjoni tal-fruntiera jingħataw l-appoġġ meħtieġ u li jittieħdu miżuri rinforzati ta’ sorveljanza. Dak l-Istat Membru jista’ jitlob appoġġ mill-aġenzija suġġett għall-kundizzjonijiet għall-bidu ta’ operazzjonijiet konġunti jew interventi rapidi.

Iċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni għandu jinforma regolarment lill-aġenzija dwar il-miżuri meħuda fis-sezzjonijiet tal-fruntiera nazzjonali li jkunu ġew attribwiti livell tal-impatt għoli.

F’dawk il-każijiet meta jiġi attribwit livell tal-impatt medju jew għoli lil waħda mis-sezzjonijiet tal-fruntiera esterna tiegħu li tkun tinsab maġenb is-sezzjoni tal-fruntiera ta’ Stat Membru ieħor, iċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni jikkuntattja liċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni tal-Istat Membru ġar u jipprova jikkoordina l-miżuri transkonfinali neċessarji.

Anness IV – Attivitajiet ta’ operazzjonijiet marittimi

Il-Frontex ilha torganizza operazzjonijiet marittimi konġunti mill-2006. Filwaqt li l-ismijiet ta’ dawn l-operazzjonijiet inbidlu matul is-snin, il-Frontex kellha preżenza kontinwa f’dawn iż-żoni ġeografiċi.

Il-figura ta’ hawn taħt tiddeskrivi fil-qosor il-ħin meta dawn l-operazzjonijiet kienu attivi u fejn ġew lokalizzati.

Hera (Atlantiku tal-Grigal)

Imnedija fl-2006 Hera kienet ir-rispons għal żieda enormi, f’daqqa, fl-immigrazzjoni irregolari mill-Afrika tal-Punent lejn il-Gżejjer Kanarji ta’ Spanja fl-Oċean Atlantiku, wara l-għeluq tar-rotta tal-Istrett ta’ Ġibiltà minħabba l-installazzjoni minn Spanja tas-SIVE (Sistema Integrata ta’ Sorveljanza Esterna) u minħabba rispons qawwi mill-awtoritajiet Marokkini għat-tentattivi ta’ migranti potenzjali biex jitilqu.

Indalo (Mediterran tal-Punent)

Imnedija f’Novembru 2007, Indalo kienet l-ewwel operazzjoni konġunta matul il-kosta Mediterranja ta’ Spanja. Taħt din l-operazzjoni, il-Frontex skjerat pattulji għad-detezzjoni tal-migrazzjoni irregolari provenjenti mir-rotta migratorja, li kienet reġgħet infetħet, mill-kosta tal-Afrika ta’ Fuq (il-Marokk u l-Alġerija).

Minerva (portijiet marittimi tal-Mediterran tal-Punent)

Imnedija f’Awwissu 2007 bl-iskop li jitwettaq kontroll eżawrjenti tal-kosta tan-Nofsinhar ta’ Spanja kontinentali, Minerva fittxet li tqawwi l-kontrolli fil-fruntieri fi ħdan il-portijiet marittimi ta’ Algeciras u Almería; twettaq kontrolli tal-identità fil-port marittimu ta’ Ceuta; u tiżgura l-kontroll tal-ilmijiet kostali Spanjoli li raw l-akbar għadd ta’ wasliet ta’ migranti mill-Alġerija u mill-Marokk.

Minerva wasslet għar-rinfurzar tal-Operazzjoni Qsim tal-Istrett (Operación Paso del Estrecho), operazzjoni sajfija li l-awtoritajiet Spanjoli ilhom iwettqu mill-1987 (perjodu mill-15 ta’ Ġunju sal-15 ta’ Settembru). L-iskop tagħha huwa li torganizza l-moviment transfruntier tal-ħaddiema migranti u l-familji tagħhom minn partijiet differenti tal-Ewropa (prinċipalment Franza, il-Belġju u l-Ġermanja) li jirritornaw lejn l-Afrika ta’ Fuq għall-btala annwali tagħhom.

Triton (Mediterran Ċentrali)

Fl-1 ta’ Novembru 2014, il-Frontex nediet l-operazzjoni Triton biex jitwettaq xogħol ta’ pattulja fil-Mediterran u biex l-Italja tiġi megħjuna tlaħħaq mal-influss ta’ migranti fuq xtutha. Triton kopriet iż-żoni operazzjonali kemm tal-operazzjoni Hermes (in-Nofsinhar ta’ Sqallija u ż-żona madwar il-gżejjer ta’ Lampedusa u Pantelleria) kif ukoll tal-operazzjoni Aeneas (fil-kosti tal-Kalabrija u tal-Pulja). L-operazzjonijiet Hermes u Aeneas, it-tnejn li huma ntemmu fil-31 ta’ Ottubru 2014.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Taljani għalqu l-operazzjoni Mare Nostrum, li kienet operazzjoni navali u bl-ajru li damet sena u li kienet tnediet mill-Gvern Taljan fit-18 ta’ Ottubru 2013 sabiex tiġi indirizzata ż-żieda fl-immigrazzjoni lejn l-Ewropa matul it-tieni nofs tal-2013 u l-għarqa tal-migranti ’l barra mill-kosta ta’ Lampedusa. Minflok iffukat fuq it-tfittxija u s-salvataġġ, bħalma għamlet l-operazzjoni Mare Nostrum, l-operazzjoni Triton iffukat fuq il-protezzjoni tal-fruntieri.

Themis (Mediterran Ċentrali)

Imnedija fi Frar 2018, l-operazzjoni Themis issostitwiet lil Triton. Fuq talbet l-awtoritajiet Taljani, iż-żona operazzjonali tagħha ġiet aġġustata miż-żona operazzjonali tal-2017 li kienet tal-operazzjoni konġunta Triton, billi tnaqqset iż-żona operazzjonali fil-Mediterran ċentrali u tkabbret dik tal-Baħar Adrijatiku. Bħala parti mill-operazzjoni Themis, il-preżenza tal-Frontex tkompli fil-hotspots Taljani, fejn l-uffiċjali skjerati mill-aġenzija jassistu lill-awtoritajiet Taljani fir-reġistrazzjoni tal-migranti, fit-teħid tal-marki tas-swaba’ tagħhom u fil-konferma tan-nazzjonalitajiet tagħhom.

Poseidon (Mediterran tal-Lvant)

Poseidon bdiet fl-2006 meta l-Greċja talbet lill-Frontex għal assistenza fis-sorveljanza tal-fruntiera tagħha tal-baħar u dik tal-art tagħha mat-Turkija.

L-operazzjoni konġunta hija diviża f’żewġ fergħat: l-operazzjoni Poseidon Sea, li tissorvelja l-fruntieri tal-baħar tal-UE mat-Turkija fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar Eġew; u l-operazzjoni Poseidon Land, li tissorvelja l-fruntiera tal-art tax-Xlokk tal-UE mat-Turkija fuq ix-Xmara Evros.

Akronimi u abbrevjazzjonijiet

CIRAM: Mudell integrat komuni għall-analiżi tar-riskju

eu-LISA: L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja

Europol: L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi

EUROSUR: Is-sistema Ewropea ta’ sorveljanza tal-fruntieri

FOSS: Frontex one-stop shop

FRAN: Network ta’ analiżi tar-riskju tal-Frontex

JORA: Applikazzjoni konġunta ta’ rappurtar dwar l-operazzjonijiet

MIC-RAN: Komunità tal-intelligence marittima u network ta’ analiżi tar-riskju

Glossarju

Ċentru Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni (NCC): Korp li jikkoordina l-attivitajiet fost l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tal-fruntieri tal-Istati Membri u jservi bħala hub għalihom biex jiskambjaw informazzjoni ma’ xulxin u mal-Frontex.

Espert ta’ dokumenti f’livell avvanzat: Uffiċjal li jwettaq eżamijiet bir-reqqa ta’ firxa wiesgħa ta’ dokumenti relatati mal-ivvjaġġar.

Fruntieri esterni: Fruntiera, li tinkludi ajruporti u portijiet tal-baħar, tal-lagi jew tax-xmajjar, bejn Stat Membru tal-UE u pajjiż mhux tal-UE.

Fruntieri interni: Fruntiera bejn l-Istati Membri tal-UE, li tinkludi l-ajruporti u l-portijiet tal-baħar, tax-xmajjar u tal-lagi li tintuża għall-ivvjaġġar u l-kummerċ fi ħdan l-UE.

Ġestjoni integrata tal-fruntieri: Koordinazzjoni u kooperazzjoni fost l-awtoritajiet u l-aġenziji, tal-UE u tal-Istati Membri, li jkunu involuti fis-sigurtà u fil-faċilitazzjoni tal-kummerċ fil-fruntieri esterni tal-UE.

Għarfien tas-sitwazzjoni: Għarfien tas-sitwazzjoni ta’ attività transfruntiera illegali fil-fruntieri esterni, abbażi ta’ monitoraġġ, detezzjoni u traċċar kontinwi.

Intervent rapidu fil-fruntieri: Intervent imniedi u kkoordinat mill-Frontex biex jassisti Stat Membru li jinsab taħt pressjoni urġenti u eċċezzjonali fil-fruntiera esterna tiegħu.

Komunità tal-intelligence marittima u network ta’ analiżi tar-riskju: Network biex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet marittimi tal-Istati Membri għall-analiżi tar-riskju u tiġi appoġġata l-kooperazzjoni fost il-gwardji tal-kosta tal-UE fil-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera.

Kontroll fil-fruntieri: Kontrolli u sorveljanza mwettqa fi fruntiera fuq dawk li jaqsmu jew biħsiebhom jaqsmu.

Kriminalità transfruntiera: Attività kriminali b’dimensjoni transfruntiera fl-ippjanar, l-eżekuzzjoni jew l-impatt tagħha.

Mudell integrat komuni għall-analiżi tar-riskju (CIRAM): Il-metodoloġija għall-analiżi tar-riskju li l-Frontex u l-Istati Membri jużaw sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni dwar is-sigurtà tal-fruntieri, biex b’hekk jingħata kontribut għal koerenza akbar fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni.

Network ta’ analiżi tar-riskju tal-Frontex (FRAN): Network li jgħaqqad il-Frontex ma’ esperti, tal-Istati Membri, fl-analiżi tar-riskju u tal-intelligence.

Punt ta’ qsim tal-fruntiera: Post fejn fruntiera tista’ tinqasam legalment.

Sorveljanza fil-fruntieri: Monitoraġġ ta’ fruntiera biex in-nies ma jitħallewx jaqsmu illegalment.

Risposti tal-Kummissjoni

Sommarju eżekuttiv

Tweġibiet komuni mill-Kummissjoni għall-paragrafi I-XII:

Il-Kummissjoni hi sodisfatta bir-rapport tal-QEA dwar il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Frontex. Il-Kummissjoni tindika li tara l-fokus speċifiku tar-rapport tal-QEA fil-kuntest usa’ ta’ kif il-Frontex tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni effettiva tal-Ġestjoni Integrata Ewropea tal-Fruntieri. Ir-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta tal-2019 jipprovdi l-bażi biex jiġu indirizzati bosta mir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-QEA. L-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Kummissjoni diġà bdiet. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li hija ssegwi mill-qrib l-implimentazzjoni tar-Regolament EBCG.

Il-ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni bl-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri hija kruċjali għall-moviment liberu tal-persuni fl-Unjoni. Il-Frontex ġiet stabbilita fl-2004 biex tassisti lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-aspetti operazzjonali tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni. Il-Frontex gradwalment matul is-snin tejbet il-mandat u l-oqsma tar-responsabbiltajiet tagħha u bir-Regolament (UE) 2016/1624, il-Frontex ingħatat il-kompitu li timplimenta l-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri, bħala responsabbiltà kondiviża tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, li tlaqqa’ flimkien il-Frontex u l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ġestjoni tal-fruntieri, inkluż il-gwardji tal-kosta sal-punt li jwettqu operazzjonijiet ta’ sorveljanza tal-fruntieri marittimi. L-Aġenzija għandha rwol operazzjonali importanti u tappoġġa u tikkoordina l-attivitajiet flimkien mal-Istati Membri li jibqgħu primarjament responsabbli għall-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE.

L-attivitajiet primarji tal-Frontex huma relatati mal-appoġġ tal-Istati Membri fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-miżuri relatati mal-prevenzjoni u d-detezzjoni tal-kriminalità transfruntiera, fejn xieraq, huma inklużi fil-komponent tal-kontroll tal-fruntieri tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri. Madankollu, il-Kummissjoni tfakkar li meta timplimenta l-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri, l-Aġenzija hija marbuta bil-limiti tal-mandat tagħha stess kif definit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) 2019/1896 (ir-Regolament EBCG il-ġdid). L-appoġġ tal-Frontex lill-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera għandu jsir bħala parti mill-appoġġ għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE.

Il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-mudell integrat komuni għall-analiżi tar-riskju ġie żviluppat u għandu jiġi applikat mill-Frontex għall-analiżi tar-riskju tagħha mwettqa skont il-mandat tagħha u mill-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tixtieq tindika li r-Regolament EBCG il-ġdid li daħal fis-seħħ f’Diċembru 2019 fil-fatt ma kienx preċedut minn valutazzjoni tal-impatt sħiħa. Madankollu, il-progress fl-implimentazzjoni tar-Regolament EBCG tal-2016 ġie rrappurtat regolarment permezz ta’ sensiela ta’ rapporti dedikati dwar l-operazzjonalizzazzjoni tiegħu u r-rapporti ta’ progress dwar l-Implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, li identifikaw lakuni u nuqqasijiet li tqiesu kif xieraq mill-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni għar-Regolament EBCG rivedut li ġie nnegozjat mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill u adottat minnhom u daħal fis-seħħ f’Diċembru 2019.

Għar-rakkomandazzjonijiet, ara t-tweġibiet tal-Kummissjoni fit-taqsima rispettiva.

Introduzzjoni

01

L-acquis ta’ Schengen huwa vinkolanti u għandu jiġi applikat ukoll minn dawk l-Istati Membri li magħhom il-kontroll fil-fruntieri interni għadu ma ġiex abolit.

07

Sa mill-istabbiliment tal-Frontex, l-Istati Membri jżommu r-responsabbiltà primarja għall-ġestjoni tas-sezzjonijiet tagħhom tal-fruntieri esterni u konsegwentement dejjem eżerċitaw il-funzjoni ta’ kmand u kontroll fuq l-operazzjonijiet konġunti ospitati minnhom rispettivament.

10

Il-proposta għar-Regolament il-ġdid dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-fatt ma kinitx preċeduta minn valutazzjoni tal-impatt sħiħa. Madankollu, il-progress fl-implimentazzjoni tal-ewwel Regolament EBCG kien qed jiġi rrappurtat regolarment permezz ta’ serje ta’ rapporti ddedikati dwar l-operazzjonalizzazzjoni tiegħu u r-rapporti ta’ Progress dwar l-Implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, li identifikaw lakuni u nuqqasijiet li tqiesu kif xieraq mill-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni għar-Regolament il-ġdid dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.

Osservazzjonijiet

24

Bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2019/1896, mill-5 ta’ Diċembru 2021, l-Istati Membri/il-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen se jkollhom jirrappurtaw fil-EUROSUR l-avvenimenti kollha inkluż meta jinstabu f’punti ta’ qsim tal-fruntiera jew matul operazzjonijiet ta’ sorveljanza tal-fruntieri tal-ajru.

Kaxxa 2 - EUROSUR – Dgħufijiet identifikati fir-Rapport Speċjali Nru 20/2019 tal-QEA

Bid-dħul fis-seħħ f’Mejju 2021 tar-Regolament ta’ implimentazzjoni l-ġdid, dwar l-istampa tas-sitwazzjoni, l-avvenimenti għandhom jiġu rrappurtati fl-istampa tas-sitwazzjoni rilevanti mhux aktar tard minn 24 siegħa wara li jkunu nstabu.

26

Dan ir-rappurtar kien fuq bażi volontarja skont ir-Regolament EUROSUR preċedenti (UE 1052/2013). Bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2019/1896, mill-5 ta’ Diċembru 2021, l-Istati Membri/il-pajjiżi assoċjati ta’ Schengen se jkollhom jirrappurtaw fli-EUROSUR l-avvenimenti kollha inkluż meta jinstabu f’punti ta’ qsim tal-fruntieri jew matul operazzjonijiet ta’ sorveljanza tal-fruntieri tal-ajru. Sorveljanza tal-fruntieri tal-ajru issa hija definita bħala “is-sorveljanza ta’ kwalunkwe titjira ta’ inġenju tal-ajru b’ekwipaġġ jew mingħajru u l-passiġġieri jew il-merkanzija tiegħu lejn jew mit-territorji tal-Istati Membri, li mhijiex titjira interna kif definit fil-punt 3 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2016/399”.

27

F’konformità mal-konklużjoni tal-evalwazzjoni tal-EUROSUR (COM (2018) 632), fl-2021 il-Kummissjoni se tadotta Regolament ta’ Implimentazzjoni dwar l-istampi tas-sitwazzjoni tal-EUROSUR li se jistandardizza l-informazzjoni skambjata fl-EUROSUR u jistabbilixxi l-obbligi ta’ rappurtar tad-diversi partijiet ikkonċernati tal-EUROSUR.

28

Bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2019/1896, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-EUROSUR 2.0 jitwessa’ biex ikopri l-kontrolli fil-punti tal-qsim tal-fruntieri u s-sorveljanza tal-fruntieri tal-ajru, iżda wkoll ir-rappurtar dwar movimenti sekondarji mhux awtorizzati. Fil-prinċipju, il-EUROSUR tkopri l-biċċa l-kbira tal-komponenti tal-Ġestjoni Integrata Ewropea tal-Fruntieri, minbarra r-ritorni. Filwaqt li jibni fuq is-suċċess taċ-ċentru nazzjonali ta’ koordinazzjoni (NCC) il-EUROSUR il-ġdid se jkompli jżid ir-rwol tal-NCC bħala pedament tal-koordinazzjoni bejn l-aġenziji fil-livell nazzjonali, peress li aktar aġenziji se jkunu involuti fl-EUROSUR fil-livell nazzjonali.

30

Anke jekk hemm marġni għal titjib, il-Frontex qed tagħmel użu mid-data tal-EUROSUR għal skopijiet ta’ analiżi tar-riskju fuq bażi ta’ kuljum iżda żviluppat ukoll għodod oħra li għadhom mhumiex integrati bis-sħiħ mal-EUROSUR.

Kemm ir-Regolament (UE) 2019/1896 kif ukoll l-att ta’ implimentazzjoni l-ġdid dwar l-istampi tas-sitwazzjoni tal-EUROSUR jiċċaraw li l-Aġenzija għandha tintegra u tiżviluppa d-diversi netwerks u għodod tal-analiżi tar-riskju tagħha fil-qafas tal-EUROSUR, bħan-Netwerk ta’ Analiżi tar-Riskju tal-Frontex (FRAN).

Rigward il-kwistjoni tal-akkreditazzjoni tas-sistemi u n-Netwerks, l-att ta’ implimentazzjoni l-ġdid dwar l-istampi tas-sitwazzjoni tal-EUROSUR jistabbilixxi Bord għall-Akkreditazzjoni tas-Sigurtà (SAP) bħala awtorità indipendenti tal-akkreditazzjoni tas-sigurtà. Is-SAP se jiżgura l-akkreditazzjoni tal-Kostitwent Ewropew tal-EUROSUR, inklużi s-sistemi u n-netwerks rilevanti tal-FRONTEX, iżda wkoll l-interkonnessjoni tas-sistemi u n-netwerks nazzjonali mal-EUROSUR.

31

Il-Kummissjoni hi sodisfatta bil-valutazzjoni pożittiva tas-servizzi pprovduti mill-Frontex. L-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1896 li jwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-EUROSUR se twassal għal servizzi ġodda ta’ Fużjoni tal-EUROSUR ibbażati fuq il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji fil-livell tal-Unjoni.

32

Bir-Regolament il-ġdid dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (EBCG), id-definizzjoni tal-istampa tas-sitwazzjoni fil-EUROSUR evolviet lejn approċċ “iċċentrat madwar id-data” fejn id-display grafika u l-interfaċċa tal-utent għandhom jintgħażlu mill-utenti skont is-sitwazzjoni operazzjonali u l-ħtiġijiet ta’ kmand u kontroll tagħhom.

Il-kompletezza, il-konsistenza u l-puntwalità u l-kwalità tad-data huma indirizzati fid-dettall fir-Regolament ta’ implimentazzjoni l-ġdid fl-istampi tas-sitwazzjoni tal-EUROSUR, li joħolqu obbligi ċari u li jistgħu jitkejlu għall-partijiet ikkonċernati tal-EUROSUR. Huwa għalhekk li r-Regolament ta’ implimentazzjoni l-ġdid dwar l-istampa tas-sitwazzjoni tal-EUROSUR jiffoka aktar fuq l-obbligu ta’ rapportar milli fuq il-mod kif għandhom jiġu ġestiti l-istampi tas-sitwazzjoni nazzjonali.

34

Bl-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1896 u l-att ta’ implimentazzjoni l-ġdid dwar l-istampi tas-sitwazzjoni tal-EUROSUR, din id-data u l-informazzjoni kollha se tinġabar fil-qafas tal-EUROSUR permezz ta’ standards legalment vinkolanti.

39

Ir-responsabbiltà għad-distribuzzjoni tal-informazzjoni u s-servizzi tal-EUROSUR lill-gwardji tal-fruntiera nazzjonali hija kompetenza nazzjonali, b’mod partikolari l-kompiti taċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni. Il-Frontex ma tistax tilħaq direttament lill-gwardji tal-fruntiera individwali fil-kuntest ta’ operazzjonijiet nazzjonali jew operazzjonijiet konġunti. Dan imur kontra l-prinċipju li r-responsabbiltà primarja għall-Ġestjoni tal-Fruntieri għandha tibqa’ f’idejn l-Istat Membru.

41

Il-Kummissjoni tinnota li d-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva (LFS), li takkumpanja r-Regolament EBCG 2016 ipprovdiet riżorsi umani sostanzjali għall-implimentazzjoni tal-mandat il-ġdid, inkluż għall-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà. L-allokazzjoni interna tar-riżorsi fi ħdan l-Aġenzija tinsab f’idejn id-Direttur Eżekuttiv.

43

L-objettiv tal-proċess ta’ valutazzjoni tal-vulnerabbiltà huwa li titwettaq valutazzjoni mmirata relatata mas-sitwazzjoni ta’ Stat Membru jew saħansitra tas-sezzjonijiet speċifiċi tal-fruntiera. Dan il-kamp ta’ applikazzjoni mmirat jippermetti lill-Aġenzija tidentifika rakkomandazzjonijiet konkreti ħafna, inkluż it-tip ta’ miżuri korrettivi meħtieġa u l-iskadenza għall-implimentazzjoni tagħhom.

51

Bejn l-2016 u l-2018, l-iskjeramenti ġew affettwati serjament minn lakuni persistenti li spiss irendu l-appoġġ tal-Aġenzija parzjalment ineffettiv. Pereżempju, l-eżerċizzju ta’ wegħdiet annwali tal-2018 bejn l-Aġenzija EBCG u l-Istati Membri rriżulta fil-kopertura ta’ 49 % biss tal-gwardji tal-fruntiera u 45 % tat-tagħmir kopert skont il-ħtiġijiet tal-Aġenzija għal attivitajiet fuq il-fruntieri tal-art. Dawn il-lakuni spiss ġew diskussi fil-livell politiku fil-Kunsill u wasslu lill-Kummissjoni biex tipproponi mekkaniżmu ġdid f’Settembru 2018.

It-tfassil u l-kapaċità ġenerali tal-korp permanenti ġew proposti mhux biss biex jiġu indirizzati l-lakuni rikorrenti fl-iskjerament tal-appoġġ tal-Frontex kif esperjenzat fil-perjodu 2016–2018 iżda biex jiġi stabbilit mekkaniżmu permanenti iżda flessibbli biex jipprovdi għall-kapaċità kollettiva tal-UE li tittratta t-tipi kollha ta’ sfidi fil-fruntieri esterni, inklużi sitwazzjonijiet ta’ kriżi mmultiplikati u biex tappoġġa r-ritorni mill-Istati Membri.

64

Il-EUROSUR issir il-qafas integrat għall-iskambju ta’ informazzjoni u għall-kooperazzjoni operazzjonali fi ħdan il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.

Din l-evoluzzjoni tal-EUROSUR se sseħħ gradwalment. Ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa ġew identifikati fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali biex jappoġġaw din l-evoluzzjoni.

Ir-rapportar marbut ma’ moviment transfruntier tal-merkanzija u t-traffikar illeċitu assoċjat taħt il-EUROSUR jitwettaq f’konformità sħiħa mal-obbligi, ir-restrizzjonijiet jew il-kompetenzi ta’ rapportar diġà eżistenti li jikkonċernaw iż-żona doganali kif ukoll ir-rapportar ta’ kontroll sistematiku, b’mod partikolari taħt is-Sistema ta’ Kontroll tal-Importazzjoni 2 (ICS2) skont l-Artikolu 186 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447, jew il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar ir-riskju taħt is-Sistema ta’ Ġestjoni tar-Riskji Doganali (CRMS) skont l-Art 86 tal-istess Regolament u s-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali (CIS) stabbilita bir-Regolament Nru 515/97. Mhux se tidduplika l-mekkaniżmi ta’ rappurtar stabbiliti mal-Istati Membri dwar kwistjonijiet ta’ prestazzjoni doganali u doganali: l-informazzjoni rilevanti tista’ tinkiseb minn sorsi eżistenti tal-Kummissjoni.

65

L-analiżi strateġika tar-riskji tal-kriminalità transfruntiera hija rilevanti biss jekk ikollha impatt fuq il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE. L-inċidenti tas-sajd u r-reati ambjentali ma jikkwalifikawx bħala reat transfruntier. L-informazzjoni rilevanti tinkiseb permezz tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji fil-livell tal-Unjoni permezz tal-Frontex u fil-livell nazzjonali permezz tal-NCCs.

69

Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza u jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni filwaqt li tiġi ppreservata s-sigurtà, l-Aġenzija fl-2021 se tintegra u tiżviluppa d-diversi networks u għodod ta’ analiżi tar-riskju tagħha fil-qafas tal-EUROSUR, bħan-Network ta’ Analiżi tar-Riskju tal-Frontex (FRAN), in-Network Ewropew għall-Analiżi tar-Riskju tal-Frodi tad-Dokumenti (EDF-RAN) jew in-Network għall-Analiżi tar-Riskju tal-Komunità tal-Intelligenza Marittima (MIC-RAN).

71

Kemm ir-Regolament (UE) 2019/1896 kif ukoll l-att ta’ implimentazzjoni l-ġdid dwar l-istampi tas-sitwazzjoni tal-EUROSUR se jipprovdu l-kapaċità ta’ monitoraġġ tal-kwalità tad-data u tal-kwalità tas-servizz fl-EUROSUR permezz ta’ indikaturi u jittrażmettuha liċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni u lill-istrutturi rilevanti ta’ kmand u kontroll użati għall-operazzjonijiet tal-Aġenzija, bħala parti mis-servizzi ta’ fużjoni tal-EUROSUR.

76

Il-Kummissjoni tixtieq tenfasizza li l-Frontex għandha tindirizza dawn in-nuqqasijiet fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-mandat il-ġdid.

78

Matul il-proċess leġiżlattiv, il-Kummissjoni pprovdiet lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dettalji li jissostanzjaw il-ħtieġa għall-kapaċità tal-persunal ta’ 10.000 korp permanenti, sabiex il-koleġiżlatur ikun jista’ jieħu deċiżjoni infurmata f’dan ir-rigward.

Dan id-daqs propost kien ibbażat fuq il-livell indikattiv ta’ impenn għall-Aġenzija EBCG f’dawn l-aħħar snin. Fl-2018, effettivament ġew irreġistrati 7300 gwardja tal-fruntiera fil-pula tal-Aġenzija għal dan il-għan. Barra minn hekk, 1500 gwardja tal-fruntiera ġew nominati taħt ir-Riżerva ta’ Reazzjoni Rapida u 650 skorta għar-ritorn u speċjalisti tar-ritorn ġew irreġistrati fir-riżervi ta’ ritorn. Barra minn hekk, bħala parti mill-10.000 membru tal-persunal, 650 uffiċjal mhux se jkunu jistgħu jiġu stazzjonati bħala membri tat-tim.

Lil hinn mill-konsolidazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ akkomunament eżistenti ta’ dak iż-żmien, id-daqs tal-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta ġie definit biex jirrifletti l-ħtiġijiet operazzjonali attwali u futuri biex l-Istati Membri jiġu appoġġati b’mod effettiv fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri u r-ritorni u biex tiġi żgurata r-rieda tal-UE li timmaniġġja tajjeb il-fruntieri esterni, inkluż l-indirizzar ta’ kwalunkwe kriżi futura.

79

L-istabbiliment tal-korp permanenti se jkollu impatt limitat fuq ir-riżorsi tal-Istati Membri anke jekk ivarja minn kategorija għall-oħra.

Il-proċess ta’ reklutaġġ imniedi mill-Aġenzija għall-Kategorija 1 fl-2019 ma mmirax speċifikament għall-gwardji tal-fruntiera tal-Istati Membri iżda minflok fittex profil ħafna usa’ relatat mal-infurzar tal-liġi, għalhekk ma hemm l-ebda impatt dirett fuq ir-riżorsi tal-Istati Membri.

Għall-kategorija 2 tal-korp permanenti (issekondar fit-tul ta’ 24 xahar), l-impatt fuq ir-riżorsi tal-Istati Membri se jkun limitat ħafna. Pereżempju, fl-2021 l-Istati Membri kollha huma mistennija jissekondaw total ta’ 400 uffiċjal li jirrappreżentaw frazzjoni żgħira ħafna tal-persunal totali tal-awtoritajiet tal-gwardja tal-fruntieri tal-Istati Membri li għandhom mill-inqas 120 000 membru tal-persunal.

L-uffiċjali tal-Kategorija 3 tal-korp permanenti se jservu bħala riżerva/aggregazzjoni li għandha tiġi attivata f’każ ta’ ħtiġijiet operattivi żejda. Kull uffiċjal tal-kategorija 3 jista’ jissejjaħ biex iservi fl-operazzjonijiet tal-Frontex sa 4 xhur fis-sena, iżda normalment huwa mistenni jibqa’ fis-servizzi nazzjonali proprji.

Barra minn hekk, l-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) Nru 2019/1896 jipprovdi għall-appoġġ finanzjarju sinifikanti mħallas lill-Istati Membri għall-iżvilupp fit-tul tar-riżorsi umani rilevanti fid-dawl tal-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-korp permanenti, b’mod partikolari biex jirreklutaw u jħarrġu l-uffiċjali l-ġodda li jista’ jkollhom bżonn jissostitwixxu l-uffiċjali ssekondati fil-Kategorija 2 u skjerati fil-kategorija 3 tal-korp permanenti. Il-mekkaniżmu ta’ appoġġ saħansitra jikkumpensa lill-Istati Membri għall-investimenti ta’ taħriġ li saru fil-persunal il-ġdid tal-Aġenzija tal-Kategorija 1 jekk kienu eżatt qabel ir-reklutaġġ fis-servizzi attivi tal-awtoritajiet tal-fruntieri.

80

Il-Kummissjoni fil-fatt se twettaq evalwazzjoni bir-reqqa tar-Regolament EBCG attwalment fis-seħħ sal-5 ta’ Diċembru 2023. Filwaqt li mhijiex meħtieġa li tkun evalwazzjoni esterna kif indikat fir-rapport tal-Qorti, il-Kummissjoni se tibda lejn tmiem 2021/il-bidu tal-2022 l-proċess biex taħtar kuntattur estern biex jappoġġa l-proċess. It-twaqqit ta’ din l-evalwazzjoni ġie diskuss bir-reqqa u ntlaħaq qbil dwaru matul in-negozjati tar-Regolament EBCG tal-2019. L-evalwazzjoni jeħtieġ li titwettaq malajr kemm jista’ jkun iżda xorta tħalli biżżejjed żmien għall-implimentazzjoni effettiva ta’ elementi ġodda introdotti mir-Regolament. Dan japplika b’mod partikolari għall-korp permanenti, li sar operazzjonali u skjerat biss mill-1 ta’ Jannar 2021. B’din l-iskeda ta’ żmien biss, l-evalwazzjoni tista’ toffri tagħlimiet siewja għall-Frontex jew feedback sinifikanti għal emendi futuri possibbli tar-Regolament.

81

Diġà taħt ir-Regolament EBCG tal-2016 u r-regolamenti fundaturi preċedenti tal-Frontex, l-uffiċjali tal-Istati Membri skjerati mill-Frontex kienu eżerċitaw is-setgħat eżekuttivi taħt l-istruzzjonijiet u s-superviżjoni tal-Istat Membru ospitanti. L-unika novità tar-Regolament EBCG tal-2019 hija li anke l-parti speċifika tal-persunal statutorju tal-Aġenzija (Kategorija 1 tal-korp permanenti) jingħataw is-setgħat eżekuttivi taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-uffiċjali ta’ Stat Membru.

82 – 83

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni l-ġdid dwar l-istampa tas-sitwazzjoni fuq EUROSUR huwa mfassal biex jiffaċilita l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni, l-interfaċċi bejn magna u oħra u t-teknoloġiji tal-ipproċessar tal-ogħla livell (bħall-għodod tal-Intelliġenza Artifiċjali).

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri u l-Aġenzija jiżviluppaw interfaċċi tekniċi biex irawmu interkonnessjonijiet bejn magna u oħra u jużaw għodod ta’ appoġġ għad-deċiżjonijiet biex jassistu lill-operaturi tal-EUROSUR fil-kompiti tagħhom.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

85

L-att fundatur tal-Frontex (ir-Regolament (UE) 2019/1896) huwa żvilupp tal-acquis ta’ Schengen dwar il-kontroll tal-fruntieri kif previst fl-Artikolu 77 (2) (b) tat-TFUE. Ir-Regolament ma jinvoka l-ebda dispożizzjoni tat-Trattati rigward il-kooperazzjoni tal-pulizija. Konsegwentement, ir-rwol tal-Frontex fil-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera huwa limitat mit-Trattati u l-mandat tagħha stess.

87

Ir-Regolament EBCG il-ġdid u r-Regolament ta’ implimentazzjoni dwar l-istampi tas-sitwazzjoni tal-EUROSUR se jindirizzaw din il-kwistjoni.

Il-EUROSUR issa se tintegra lil FRAN u netwerks oħra ta’ analiżi tar-riskju tal-Frontex fil-qafas tal-EUROSUR u tistabbilixxi qafas koerenti ta’ skambju ta’ informazzjoni.

L-informazzjoni dwar il-kriminalità transfruntiera hija rilevanti biss jekk ikollha impatt fuq il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE. L-inċidenti tas-sajd u r-reati ambjentali ma jikkwalifikawx bħala reat transfruntier. L-informazzjoni rilevanti tinkiseb permezz tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji fil-livell tal-Unjoni permezz tal-Frontex u fil-livell nazzjonali permezz tal-NCCs.

Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 65.

88

Dawn id-dgħufijiet qed jiġu indirizzati mir-Regolament (UE) 2019/1896 — li kien barra mill-ambitu tal-awditu u għadu għaddej xogħol fuq l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ implimentazzjoni korrispondenti, bħall-iżvilupp ta’ standards tekniċi għat-tagħmir, l-aġġornament tas-CIRAM, l-implimentazzjoni tal-EUROSUR.

Barra minn hekk, bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2019/1896, mill-5 ta’ Diċembru 2021, l-Istati Membri/il-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen se jkollhom jirrappurtaw fil-EUROSUR l-avvenimenti kollha inkluż meta jinstabu f’punti ta’ qsim tal-fruntieri jew matul operazzjonijiet ta’ sorveljanza tal-fruntieri tal-ajru.

Ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 29.

89

L-att ta’ implimentazzjoni dwar l-istampi tas-sitwazzjoni tal-EUROSUR se jiċċara l-obbligi ta’ rappurtar relatati mal-kriminalità transfruntiera u b’mod partikolari t-traffikar tal-merkanzija.

90

Skont ir-Regolament (UE) 2019/1896, il-Frontex timmaniġġja l-istampa tas-Sitwazzjoni Ewropea u n-netwerk ta’ komunikazzjoni, tistabbilixxi l-istandards tekniċi għall-iskambju ta’ informazzjoni, inkluż l-iżgurar tal-awtomazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni mal-Istati Membri u sorsi rilevanti oħra.

Rakkomandazzjoni 1 – Titjib tal-qafas għall-iskambju ta’ informazzjoni u l-istampa tas-sitwazzjoni Ewropea

c). Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Il-kooperazzjoni effettiva bejn il-Frontex u korpi rilevanti oħra għall-fini ta’ stampa kompleta tas-sitwazzjoni Ewropea għandha sseħħ fil-qafas tal-mekkaniżmu ta’ rappurtar definit fir-regolament ta’ implimentazzjoni dwar l-istampa tas-sitwazzjoni tal-EUROSUR.

91

Anke jekk ikun għad hemm spazju fejn wieħed itejjeb, il-Frontex tuża d-data tal-EUROSUR għal skopijiet ta’ analiżi tar-riskju fuq bażi ta’ kuljum iżda żviluppat ukoll għodod oħra li għadhom mhumiex integrati bis-sħiħ mal-EUROSUR.

Ara t-tweġiba għall-paragrafu 30.

92

Għad-distribuzzjoni tal-prodotti tal-analiżi tar-riskji tal-Frontex, jekk jogħġbok ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 39.

B’rabta mal-informazzjoni biex titwettaq analiżi tar-riskju dwar il-kriminalità transfruntiera, jekk jogħġbok ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 65.

Dwar l-integrazzjoni ta’ diversi netwerks u għodod tal-analiżi tar-riskji jekk jogħġbok ara t-tweġiba tal-Kummissjoni għall-paragrafu 69.

Rakkomandazzjoni 2 – Aġġornament u implimentazzjoni tal-mudell integrat komuni għall-analiżi tar-riskju (CIRAM) u aċċess sigur għal sorsi oħra ta’ informazzjoni

b). Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni parzjalment.

Fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 28(2)(i) tar-Regolament (UE) Nru2019/1896, il-Kummissjoni qed tippjana li tesplora l-iżvilupp ta’ Servizzi ta’ Fużjoni ġodda tal-EUROSUR abbażi tal-kooperazzjoni mal-EU-Lisa kif previst fl-Artikolu 68(1)(h) tar-Regolament. Madankollu, bħala parti minn dawn l-isforzi, il-Kummissjoni se jkollha bżonn tivverifika l-kompatibbiltà tal-bażijiet legali tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira rilevanti, u għalhekk filwaqt li l-Kummissjoni se tieħu azzjoni f’din id-direzzjoni, l-iżvilupp ta’ rapporti statistiċi mfassla apposta derivati mis-sistemi kollha stazzjonati tal-eu-LISA ma jistax jiġi żgurat.

93

L-objettiv tal-proċess huwa li titwettaq valutazzjoni mmirata relatata mas-sitwazzjoni ta’ Stat Membru jew saħansitra tas-sezzjonijiet speċifiċi tal-fruntiera. Dan il-kamp ta’ applikazzjoni mmirat jippermetti lill-Aġenzija tidentifika rakkomandazzjonijiet konkreti ħafna, inkluż it-tip ta’ miżuri korrettivi meħtieġa u l-iskadenza għall-implimentazzjoni tagħhom.

94

Il-Kummissjoni tinnota li kienet teżisti ċerta kontroversja dwar l-interpretazzjoni skont ir-Regolament EBCG tal-2016 għall-valutazzjoni tal-kapaċitajiet tal-Istati Membri biex jindirizzaw il-kriminalità transfruntiera. Skont ir-Regolament tal-2019, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà f’dan ir-rigward ġie ċċarat. L-Art. 32 (2) tar-Regolament tal-2019 jispeċifika li l-Aġenzija għandha timmonitorja l-kapaċitajiet tal-Istati Membri meħtieġa għall-kontroll tal-fruntieri kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1) li jipprevedi d-definizzjoni ta’ kontroll fuq il-fruntieri, inklużi miżuri (...), fejn xieraq: miżuri relatati mal-prevenzjoni u l-qbid tal-kriminalità transfruntiera fil-fruntieri esterni, b’mod partikolari il-faċilitazzjoni ta’ dħul ta’ migranti, it-traffikar tal-bnedmin u t-terroriżmu; (…).

Rakkomandazzjoni 3 — Żvilupp tal-potenzjal ta’ valutazzjoni tal-vulnerabbiltà

c). Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjoni.

97

Il-Kummissjoni talbet ta’ spiss fil-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija tal-Frontex biex tivvaluta u tiddiskuti regolarment ir-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-attivitajiet operazzjonali, bil-ħsieb li tindirizza d-dgħufijiet u ttejjeb l-effiċjenza u l-impatt ta’ dawn l-attivitajiet.

98

In-nuqqasijiet fl-ippjanar tar-riżorsi umani fl-unitajiet tal-analiżi tar-riskju u tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà għandhom jiġu indirizzati fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-mandat il-ġdid u tal-istruttura organizzattiva l-ġdida.

99

Ir-rwol primarju tal-Frontex minn dejjem kien l-għoti tal-appoġġ operazzjonali u l-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni operazzjonali fost l-awtoritajiet tal-gwardji tal-fruntieri tal-Istati Membri filwaqt li f’konformità mat-Trattati, ir-responsabbiltà primarja tibqa’ tal-Istat Membru għall-kontroll tat-taqsima rispettiva tagħhom tal-fruntieri esterni.

Ir-Regolament (UE) 2019/1896 ma estendiex b’mod sinifikanti l-kamp ta’ applikazzjoni tal-mandat operazzjonali tal-Aġenzija, bl-eċċezzjoni tar-ritorni u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, iżda rriforma l-kapaċitajiet tal-Aġenzija (korp permanenti, tagħmir) biex timplimenta dan il-mandat.

100

Id-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva li takkumpanja l-proposta tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta ta’ Settembru 2018 stabbiliet ħarsa ġenerali dettaljata dwar kif ġew identifikati l-baġit/ir-riżorsi proposti, inkluż dwar il-kostijiet stmati tal-operazzjonijiet. Barra minn hekk, matul il-proċess leġiżlattiv il-Kummissjoni pprovdiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill aktar dettalji li jissostanzjaw il-ħtiġijiet għall-kapaċità tal-10,000 persunal tal-korp permanenti, inkluż it-tqabbil indikattiv tal-ħtiġijiet operazzjonali li għalihom huwa meħtieġ l-appoġġ tal-Aġenzija, sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni infurmata f’dan ir-rigward.

Il-Frontex irċeviet riżorsi addizzjonali bħala rispons għal kriżi tal-migrazzjoni mingħajr preċedent sabiex tkompli tirfed l-isforzi operazzjonali attwali u futuri previsti. Il-Ftehim politiku dwar ir-Regolament 2019/1896 li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill inkluda żieda qawwija fir-riżorsi umani u finanzjarji tal-aġenzija (eż. il-bini ta’ korp permanenti ta’ 10 000 membru tal-persunal).

101

Ir-Regolament il-ġdid adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill sabiex tiġi indirizzata l-ħtieġa imperattiva għal aktar żvilupp tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, inkluża l-Frontex.

Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni wkoll għas-sitt rapporti kompluti dwar l-operazzjonalizzazzjoni tar-Regolament EBCG 2016 adottat bejn l-2017 u l-2018 bil-ħsieb li jiġi mmonitorjat il-progress u jiġu identifikati n-nuqqasijiet.

Fir-rigward tal-korp permanenti, diġà skont ir-Regolament EBCG tal-2016 u r-regolamenti fundaturi preċedenti tal-Frontex, l-uffiċjali tal-Istati Membri skjerati mill-Frontex kienu eżerċitaw is-setgħat eżekuttivi taħt l-istruzzjonijiet u s-superviżjoni tal-Istat Membru ospitanti. L-unika novità tar-Regolament EBCG tal-2019 hija li anke l-parti speċifika tal-persunal statutorju tal-Aġenzija (Kategorija 1 tal-korp permanenti) tingħata s-setgħat eżekuttivi bl-istess kundizzjonijiet bħall-uffiċjali tal-Istati Membri.

Risposti tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex)

25

L-Aġenzija hija konxja ta’ dawn in-nuqqasijiet u dawn ġew identifikati fir- “RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-evalwazzjoni tas-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR)” imħejji mill-Kummissjoni fl-2018 f’kooperazzjoni mal-Frontex u l-Istati Membri/Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen (SM/SAC). Dawn is-sejbiet sussegwentement tqiesu fir-REG (UE) 2019/1896 bid-dispożizzjoni skont l-Artikolu 24(3) li l-“Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi d-dettalji tal-livelli ta’ informazzjoni tal-istampi tas-sitwazzjoni u r-regoli għall-istabbiliment ta’ stampi tas-sitwazzjoni speċifiċi. L-att ta’ implimentazzjoni għandu jispeċifika t-tip ta’ informazzjoni li għandha tiġi pprovduta, l-entitajiet responsabbli għall-ġbir, l-ipproċessar, l-arkivjar u t-trażmissjoni ta’ informazzjoni speċifika, il-limiti ta’ żmien massimi għar-rappurtar, ir-regoli dwar is-sigurtà tad-data u l-protezzjoni tad-data u l-mekkaniżmi tal-kontroll tal-kwalità relatati.” Dan l-att ta’ implimentazzjoni għadu ma ġiex ippubblikat u għalhekk il-ħidma dwar l-implimentazzjoni għadha ma bdietx.

27

F’konformità mar-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Frontex, l-għan tal-iżvilupp ta’ Standards Tekniċi għat-tagħmir huwa li jiġu żgurati l-interoperabbiltà u l-kompatibbiltà tal-mezzi tekniċi użati matul l-attivitajiet operazzjonali tal-UE.

Abbażi ta’ metodoloġija definita mill-Frontex f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-Kummissjoni, l-Aġenzija se tiżviluppa proċess ta’ standardizzazzjoni ġenerali li se jinkludi fost l-oħrajn, l-iżvilupp ta’ Standards Tekniċi għat-tagħmir użat fl-operazzjonijiet tal-Frontex, u l-iżvilupp ta’ standards tekniċi għall-iskambju tal-informazzjoni.

30

In-nuqqas diġà ġie identifikat matul valutazzjoni li saret mill-Kummissjoni Ewropea fl-2018 u huwa indirizzat fl-Att ta’ Implimentazzjoni dwar l-Istampi tas-Sitwazzjoni tal-EUROSUR. Ir-rappurtar ta’ FRAN se jiġi inkluż fil-qafas integrat tal-EUROSUR għall-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni operazzjonali.

31

Il-Frontex bdiet ukoll tipprovdi informazzjoni f’ħin reali dwar avvenimenti fiż-żoni prefruntieri tal-fruntieri esterni tal-UE, lil hinn mill-oqsma operazzjonali tal-operazzjonijiet konġunti kkoordinati tal-Frontex. Ta’ min jinnota wkoll li bis-saħħa tal-informazzjoni pprovduta mill-Inġenju tal-Ajru ta’ Sorveljanza tal-Frontex lill-Awtoritajiet tat-Tiftix u s-Salvataġġ (inkluż ta’ Pajjiżi Terzi), matul l-2020 il-Frontex ikkontribwixxiet biex issalva l-ħajjiet ta’ kważi 10 000 migrant fil-Mediterran Ċentrali biss.

38

Ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ implimentazzjoni tas-CIRAM mill-Aġenzija jmorru lil hinn min-nuqqas ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Vulnerabbiltà (VA) ta’ taqsimiet speċifiċi tal-fruntiera fi ħdan il-Frontex. Barra minn hekk, l-ambitu tal-analiżi tar-riskju huwa ħafna usa’ (li jkopri l-elementi kollha tal-Ġestjoni Integrata Ewropea tal-Fruntieri), meta mqabbel mal-firxa ta’ VA li hija limitata għal attivitajiet ta’ kontroll tal-fruntieri u għal ftit aspetti oħra. Il-VA llum hija ppożizzjonata bħala mekkaniżmu ta’ kontroll tal-kwalità u ma tkoprix l-ambitu sħiħ tal-Vulnerabbiltà kif deskritt fil-mudell CIRAM 2.0.

Kaxxa 3

Din l-informazzjoni hija biss parzjalment disponibbli għall-Frontex minħabba r-restrizzjonijiet imposti mid-deċiżjoni tal-Istati Membri. L-Aġenzija għandha biss għażliet limitati biex tapplika l-metodoloġija sħiħa tas-CIRAM għall-prodotti tal-analiżi tar-riskju tagħha.

43

Għalkemm l-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà (VA) fil-fatt qed jiffukaw fuq il-valutazzjoni tar-riżorsi nazzjonali tal-Istati Membri/Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen (SM/SAC) u l-prontezza ġenerali, mill-bidu ġew stabbiliti diversi inizjattivi biex imorru lil hinn minn sempliċi valutazzjoni tal-kapaċitajiet nazzjonali.

Dawn jinkludu dawn li ġejjin:

  • Valutazzjonijiet Konġunti Rapidi tal-Vulnerabbiltà, f’każ ta’ sfida emerġenti fil-fruntieri esterni tal-UE li taffettwa SM/SAC multipli.
  • Eżerċizzji ta’ simulazzjoni reġjonali biex tiġi vvalutata l-prontezza tal-SM/SAC ġirien fil-konfront ta’ xenarju ta’ kriżi futura potenzjali fil-fruntieri esterni tagħhom.
  • Rapport biannwali dwar l-attivitajiet tal-VA maħruġ lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni (F’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 32(11) tar-Regolament EBCG 2.0) b’analiżi tal-isfidi u n-nuqqasijiet komuni ffaċċjati mill-awtoritajiet tal-kontroll tal-fruntieri fl-UE kollha, lil hinn mill-valutazzjoni tal-kapaċitajiet nazzjonali.
  • Prodotti ta’ għarfien biex jappoġġaw l-attivitajiet ta’ ppjanar tal-Partijiet Ikkonċernati tal-EBCG (Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta). Tali prodotti jippermettu li s-sejbiet tal-VA jikkontribwixxu għal diversi proċessi ta’ ppjanar tal-Aġenzija (f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti mir-Regolament EBCG 2.0 (bħall-Artikolu 9, l-Artikolu 54 u 64).
46

Fil-fruntiera tal-art, minbarra l-attivitajiet operazzjonali fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera kif indikat fl-osservazzjonijiet, il-Frontex tikkoordina l-implimentazzjoni ta’ attivitajiet operazzjonali fis-sezzjonijiet tal-fruntieri bejn il-punti ta’ qsim tal-fruntiera, l-hekk imsejħa “fruntieri ħodor”. Dawn l-attivitajiet operazzjonali jikkonsistu prinċipalment fl-għoti ta’ appoġġ għall-kapaċitajiet ta’ sorveljanza tal-fruntieri tal-Istati Membri ospitanti. Dawn l-attivitajiet operazzjonali huma sinifikanti fid-daqs u r-riżultati.

Barra minn hekk, il-Frontex twettaq attivitajiet operazzjonali b’setgħat eżekuttivi fil-pajjiżi terzi fejn ikun ġie konkluż il-Ftehim tal-UE dwar l-Istatus ma’ dak il-pajjiż terz. Dan huwa l-każ diġà mal-Albanija u l-Montenegro.

Kaxxa 4

L-Aġenzija tirrikonoxxi l-valur tal-esperjenza akkumulata minn attivitajiet operazzjonali tul il-fruntieri esterni inklużi dawk miksuba minn Interventi Rapidi fil-Fruntieri attwali, kif ukoll eżerċizzji regolari.

Matul l-2019 ma kien hemm l-ebda Eżerċizzju ta’ Intervent Rapidu minħabba l-fatt li l-mandat il-ġdid kien qed jiġi nnegozjat mil-leġiżlatur bil-ħsieb tal-adozzjoni.

Ir-Regolament tal-2019 introduċa bidliet sinifikanti u evoluzzjoni tal-kapaċità u l-kapaċità ta’ rispons tal-EBCG, b’mod partikolari permezz tal-istabbiliment tal-Korp Permanenti. Dawn il-bidliet jiddefinixxu ħtiġijiet kompletament ġodda għal eżerċizzji ta’ interventi rapidi tagħhom.

Żewġ Interventi Rapidi fil-Fruntieri li tnedew fl-2020 matul il-mewġa tal-pandemija tal-COVID-19 kienu ta' suċċess.

Ir-Regolament tal-2019 jipprevedi li l-Istat Membri għandhom jadottaw pjan ta’ kontinġenza għall-ġestjoni tal-fruntieri u r-ritorn tagħhom. F’konformità mal-istrateġiji għall-ġestjoni integrata nazzjonali tal-fruntieri, il-pjanijiet ta’ kontinġenza għandhom jiddeskrivu kull miżura u riżors neċessarji għar-rinfurzar possibbli tal-kapaċitajiet, fosthom il-loġistika u l-appoġġ kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll mill-Aġenzija.

Il-parti tal-pjanijiet ta’ kontinġenza li tirrikjedi iżjed appoġġ mill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta għandhom jitħejjew b’mod konġunt mill-Istat Membru kkonċernat u mill-Aġenzija, b’koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri ġirien.

Għandha tindirizza l-osservazzjoni dwar in-nuqqas ta’ proċeduri biex jintalab Intervent Rapidu.

49

L-attività pilota fl-2018 u l-2019 tħejjiet bil-ħsieb li jiġi ttestjat kif il-kunċett ta’ Membri Sekondati tat-Tim jista’ jiġi żviluppat aktar f’termini ta’ skjeramenti għal perjodi itwal minn tliet xhur. Dan sar aktar evidenti ladarba n-negozjati tar-Regolament tal-2019 kienu qed jaslu għall-konklużjoni tagħhom u l-kunċett tal-Korp Permanenti beda jagħti l-frott, speċjalment bil-Kategorija 2 tiegħu ta’ sekondar fit-tul.

52

Il-Frontex tirrikonoxxi d-distinzjoni bejn il-kompiti assoċjati mal-interpretazzjoni u dawk assoċjati mal-medjazzjoni kulturali.

Il-medjazzjoni kulturali hija meqjusa bħala kompitu ġenerali li huwa parti mir-responsabbiltajiet tal-profili kollha tal-Korp Permanenti. L-uffiċjali jitgħallmu kif javviċinaw ċittadini ta’ pajjiżi terzi filwaqt li jirrispettaw id-dinjità u l-isfond kulturali tagħhom fit-taħriġ u fis-sessjonijiet ta’ informazzjoni operazzjonali li ta’ spiss jinkludu l-kontribut tal-organizzazzjonijiet umanitarji bħall-IOM. B’mod partikolari dawk involuti fl-appoġġ għall-ġestjoni tal-migrazzjoni bħall-esperti tad-Debriefing jipparteċipaw fit-tutorials ipprovduti mill-Konsulenti tad-Debriefing li jkopru wkoll il-qasam tal-medjazzjoni kulturali.

Il-profil ta’ medjatur kulturali ma ġiex stabbilit separatament minħabba li l-approċċ tal-Frontex huwa li tgħaqqad u toħloq profil multifunzjonali minflok ma tassenja rwol wieħed biss lil persuna waħda. Minbarra dan, ir-riżorsi umani b’ħiliet ta’ medjazzjoni kulturali biss mhumiex neċessarjament aċċessibbli mill-entitajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri li sal-2020 kienu l-fornituri ewlenin għall-attivitajiet operazzjonali.

Il-medjazzjoni kulturali hija importanti ħafna wkoll fil-qasam tar-ritorn, b’mod partikolari fil-każ ta’ kooperazzjoni u konsulenza minn pajjiżi terzi (il-konsulenza tinkludi taħdit mal-persuna (potenzjalmenti) rimpatrijata dwar il-possibbiltajiet ta’ ritorn volontarju, il-proċeduri ta’ ritorn, l-obbligi u l-possibbiltajiet għal appoġġ għar-riintegrazzjoni). Fit-taħriġ għall-attività rilevanti tal-Ispeċjalisti tar-Ritorn tingħata ħafna attenzjoni lil dawn il-ħiliet u l-attitudnijiet li jindirizzaw id-differenzi kulturali.

56

Fl-2021, id-Diviżjoni tas-Sensibilizzazzjoni tas-Sitwazzjoni u l-Monitoraġġ qed twettaq rieżami tal-portafoll u metriċi pilota biex tkejjel l-impatt u s-sodisfazzjon dwar il-prodotti mwassla.

58

Ir-Rapporti ta’ Evalwazzjoni jipprovdu valutazzjoni tal-impatt tal-attività li tikkonsisti mhux biss mir-riżorsi addizzjonali li huma pprovduti bħala riżultat tal-operazzjoni konġunta, iżda wkoll bħala riżultat tal-isforzi miżjuda fil-livell nazzjonali, minħabba l-operazzjoni konġunta wkoll. Dawn l-isforzi mhumiex biss f’termini ta’ riżorsi addizzjonali li qed isiru disponibbli, iżda wkoll bħala riżultat tar-rwol ta’ koordinazzjoni li l-Aġenzija ġġib bl-esperjenza u l-għarfien espert tagħha lill-Istati Membri. Huwa diffiċli li dawn l-elementi jitkejlu.

60

Il-Frontex hija obbligata tipproduċi rapporti ta’ evalwazzjoni fi żmien 60 jum mill-konklużjoni tal-Operazzjonijiet Konġunti. L-Istati Membri huma obbligati wkoll li jippreżentaw it-talbiet tal-ispejjeż tagħhom fi żmien 75 jum. B’riżultat ta’ dan, il-Frontex jista’ ma jkollhiex l-informazzjoni disponibbli fil-mument tal-abbozzar tar-rapport biex tipprovdi ċ-ċifri attwali ddikjarati.

L-ispejjeż imġarrba taħt kull Operazzjoni Konġunta, imqassma f’kategoriji ta’ spejjeż huma indikati fir-Rapporti ta’ Evalwazzjoni Finali rispettivi b’distribuzzjoni limitata. Id-data hija bbażata fuq monitoraġġ aġġornat ta’ skjeramenti u pagamenti eżegwiti pproċessati sal-mument tal-ġenerazzjoni tar-Rapporti. Madankollu, l-ispiża reali finali tal-Operazzjoni Konġunta hija disponibbli biss fis-sena N+2 meta jiġu eżegwiti l-pagamenti kollha skont il-Ftehimiet dwar l-Għotja. Barra minn hekk, id-data finanzjarja aġġornata ta’ kuljum hija disponibbli għall-maniġers permezz tas-sistema tal-IT sabiex jiġi appoġġat it-teħid tad-deċiżjonijiet.

62

Minbarra d-deskrizzjoni tal-Qorti, nuqqas addizzjonali huwa kkawżat mill-provvista limitata ta’ informazzjoni relatata mal-kriminalità transfruntiera mis-servizzi kollha fil-livell nazzjonali li huma involuti fil-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera. Dan jikkonċerna wkoll lill-awtoritajiet doganali.

L-awtoritajiet nazzjonali kollha li huma responsabbli mill-ġestjoni integrata tal-fruntieri jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni għall-analiżi tar-riskji u għall-valutazzjoni tal-vulnerabbiltajiet, u b’hekk jippermettu t-tħejjija u l-implimentazzjoni tar-rispons operazzjonali komprensiv għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera.

Barra minn hekk, il-Frontex qed tikkoopera wkoll ma’ aġenziji oħra tal-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera, filwaqt li qed tagħmel sforz biex tnaqqas il-lakuni ta’ sensibilizzazzjoni u tiżgura sinerġija ma’ entitajiet oħra b’mandat, b’mod partikolari l-Europol u l-Interpol. L-impenn estensiv fiċ-Ċiklu ta’ Politika tal-UE/EMPACT jappoġġa dan il-proċess.

69

Sabiex tkompli tappoġġa l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-kriminalità transfruntiera fil-qasam marittimu, fl-2020 il-Frontex nediet ukoll id-Djalogi Marittimi ta’ kull Ġimagħtejn mal-entitajiet kollha tal-Frontex u l-Istati Membri involuti fil-monitoraġġ tad-dominju marittimu għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar Bastimenti ta’ Interess potenzjali mmonitorjati f’ħin reali mal-fruntieri tal-UE. Sabiex jiġi kkomplementat l-użu ta’ diversi servizzi u wara valutazzjoni konġunta, l-inġenji tal-ajru ta’ sorveljanza tal-Frontex jew il-monitoraġġ bis-satellita jiġu attivati direttament u l-informazzjoni tiġi kkomunikata lill-Istati Membri kompetenti permezz tan-Network taċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni.

72

L-Operazzjonijiet Konġunti (JOs) għandhom karattru multifunzjonali u jikkontribwixxu għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità transfruntiera. Jiem ta’ Azzjoni Konġunta (JADs) żviluppati taħt iċ-Ċiklu ta’ Politika tal-UE/EMPACT jaqblu mal-aspettattivi tal-Istati Membri tal-UE u huma interkonnessi b’mod qawwi mal-Operazzjonijiet Konġunti. Barra minn hekk, xi Proġetti Pilota ddedikati żviluppati mill-Frontex jibnu l-kapaċità għal aktar kontroazzjoni tal-kriminalità transfruntiera. L-Aġenzija tipparteċipa wkoll fl-attivitajiet operazzjonali kkoordinati minn entitajiet oħra, speċjalment l-Interpol u l-Europol, iżda wkoll azzjonijiet imħejjija mill-awtoritajiet doganali taħt il-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kooperazzjoni Doganali (Operazzjonijiet Doganali Konġunti).

Il-qafas tal-EMPACT jippermetti li jiġu ssimplifikati l-isforzi u l-kontribut tal-Frontex b’mod kollettiv ma’ entitajiet oħra taħt pjattaforma mifruxa mal-UE kollha u taħt miri stabbiliti mill-UE għall-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali serja.

Matul l-2020 minkejja l-pandemija, il-Frontex ikkoordinat 3 Ijiem ta’ Azzjoni Konġunta (JADs) taħt iċ-Ċiklu ta’ Politika tal-UE/EMPACT, kollha implimentati bl-użu tal-pjattaforma tal-Operazzjonijiet Konġunti tal-Frontex li għaddejjin, arrikkiti b’elementi addizzjonali li jtejbu l-impatt tal-infurzar tal-liġi.

Tabilħaqq, hemm il-ħtieġa għal aktar żvilupp tar-rispons operazzjonali mmirat lejn il-kriminalità transfruntiera bl-involviment ta’ diversi awtoritajiet tal-Istati Membri tal-UE, Aġenziji tal-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali kif ukoll Pajjiżi Terzi. L-esperjenzi miġbura matul il-Jiem ta’ Azzjoni Konġunta u l-ħtiġijiet tal-Istati Membri tal-UE għandhom iservu l-iskop tat-tħejjija ta’ attivitajiet operazzjonali imfassla apposta u mmirati aktar fil-futur qarib.

76

Fl-2020 tnieda programm ta’ trasformazzjoni bil-għan li jtejjeb il-proċessi diviżjonali, l-effettività tar-riżultati u li juża r-riżorsi b’mod aktar effiċjenti.

77

Politika ta’ kondiviżjoni formali fuq bażi ta’ ħtieġa ta’ tagħrif ġiet stabbilita f’Novembru 2019 u fi Frar 2020 ġiet adottata politika ta’ kondiviżjoni tad-data.

82

B’referenza għar-Regolament (UE) Nru 1052/2013, il-Frontex offriet u ppromwoviet sa mill-2013 interfaċċa awtomatizzata tal-ipprogrammar (API) imsejħa l-EUROSUR Node Integration Interface (NII) li tippermetti lill-Istati Membri/lil SAC li jipparteċipaw fl-EUROSUR jikkonnettjaw is-sistemi nazzjonali tagħhom u jiffaċilitaw skambju awtomatizzat ta’ informazzjoni.

83

Ir-Regolament (UE) Nru 2019/1896 jeħtieġ bidla fundamentali għall-EUROSUR, li issa saret qafas integrat għall-iskambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni operazzjonali (mhux sistema), iċċentrata fuq id-data u anjostika tas-sistema. Dan flimkien ma’ standards operazzjonali u tekniċi li għandhom jiġu żviluppati mill-Frontex se jkompli jrawwem skambju awtomatizzat ta’ informazzjoni bejn l-SM/SAC u l-Frontex u bejniethom.

84

Il-Frontex mhijiex uffiċjalment parti mill-proċess ta’ adattament għall-att ta’ implimentazzjoni dwar l-istampi tas-sitwazzjoni tal-EUROSUR. Il-ħidma fuq dawn l-istandards tista’ tibda biss ladarba l-Att ta’ Implimentazzjoni dwar l-Istampa tas-Sitwazzjoni tal-EUROSUR jidħol fis-seħħ.

90

Ir-Regolament (UE) Nru 2019/1896 jeħtieġ bidla fundamentali għall-EUROSUR, li issa saret qafas integrat għall-iskambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni operazzjonali (mhux sistema), iċċentrata fuq id-data u anjostika tas-sistema. Dan flimkien ma’ standards operazzjonali u tekniċi li għandhom jiġu żviluppati mill-Frontex se jkompli jrawwem skambju awtomatizzat ta’ informazzjoni bejn l-MS/SAC u l-Frontex u bejniethom. Il-ħidma fuq dawn l-istandards tista’ tibda biss ladarba l-Att ta’ Implimentazzjoni dwar l-Istampa tas-Sitwazzjoni tal-EUROSUR jidħol fis-seħħ.

Rakkomandazzjoni 1(a)

Frontex taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Id-dispożizzjonijiet legali huma definiti fl-Att ta’ Implimentazzjoni dwar l-Istampa tas-Sitwazzjoni tal-EUROSUR. Ladarba jidħlu fis-seħħ, il-Frontex tibda bl-implimentazzjoni.

Rakkomandazzjoni 1(b)

Frontex taċċetta r-rakkomandazzjoni.

92

Is-CIRAM tinsab fil-proċess li tiġi aġġornata, u bħala riżultat il-Frontex tista’ tipprovdi analiżi ta’ ħafna aspetti rilevanti tal-kriminalità transfruntiera, li jippermettu lill-SM/Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen jieħdu miżuri xierqa biex jindirizzaw jew jimmitigaw ir-riskji identifikati.

Rakkomandazzjoni 2(a)

Frontex taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Rakkomandazzjoni 2(b)

Frontex taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Frontex diġà tinsab f’kuntatt ma’ eu-LISA u DĠ HOME biex tiżgura l-forniment ta’ din id-data.

Rakkomandazzjoni 3(a)

Frontex taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Rakkomandazzjoni 3(b)

Frontex taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Rakkomandazzjoni 4

Frontex taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Rakkomandazzjoni 5

Frontex taċċetta r-rakkomandazzjoni.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla III tal-Awditjar, Azzjoni esterna, sigurtà u ġustizzja, li hija mmexxija minn Bettina Jakobsen, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Leo Brincat, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Romuald Kayibanda, Kap tal-Kabinett, u Annette Farrugia, Attaché tal-Kabinett; Sabine Hiernaux‑Fritsch, Maniġer Prinċipali; Maria Luisa Gomez‑Valcarcel, Kap tal-Kompitu; Marc Mc Guinness u Renata Radvanska, Awdituri.

Noti finali

1 22 Stat Membru tal-UE (il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja u l-Iżvezja), flimkien mal-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera.

2 Il-konklużjonijiet tal-Presidenza, il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f’Laeken tal-14-15 ta’ Diċembru 2001, il-punt 42 (SN 300/1/01 REV 1).

3 Mill-Franċiż “Frontières extérieures”.

4 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004 tas-26 ta’ Ottubru 2004 (ĠU L 349, 25.11.2004, p. 1).

5 Ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi mekkaniżmu għall-ħolqien ta’ Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 30).

6 Ir-Regolament (UE) Nru 1168/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 (ĠU L 304, 22.11.2013, p. 1).

7 Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 1).

8 Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).

9 Ir-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.

10 COM(2018) 631: Proposta għal regolament ġdid dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.

11 COM(2018) 631 final.

12 Ir-Rapport Speċjali Nru 24/2019 tal-QEA dwar L-asil, ir-rilokazzjoni u r-ritorn ta’ migranti: Wasal iż-żmien li tingħata spinta biex jiġu indirizzati d-disparitajiet bejn l-objettivi u r-riżultati.

13 Ir-Regolament (UE) Nru 1052/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 (ĠU L 295, 6.11.2013, p. 11).

14 Ir-Rapport Speċjali Nru 20/2019 tal-QEA: Sistemi ta’ informazzjoni tal-UE li jappoġġjaw il-kontroll fil-fruntieri - għodda b’saħħitha, iżda tenħtieġ aktar enfasi fuq data li tkun f’waqtha u kompleta.

15 SWD(2018) 410, p. 22 tal-Kummissjoni, u l-RS Nru 20/2019 tal-QEA, il-paragrafu 27.

16 https://www.eulisa.europa.eu/

17 L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1168/2011.

18 L-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2016/1624.

19 Ir-Rapport Speċjali Nru 22/2020 tal-QEA indirizza l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji, li hija komponent importanti tal-EIBM.

20 COM(2018) 250 final.

21 Id-Deċiżjoni Nru 1/2020 tal-4 ta’ Jannar 2020 tal-Bord Amministrattiv dwar l-adozzjoni tal-profili li għandhom isiru disponibbli għall-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.

22 Ir-Rapport Speċjali Nru 22/2020 tal-QEA:

23 Disponibbli fuq https://frontex.europa.eu/about-frontex/key-documents/.

24 L-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2016/1624 u l-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019.

25 L-Europol, EU drugs markets report 2019 tal-EMCDDA, p. 137.

26 L-Artikolu 82 tar-Regolament (UE) 2019/1896.

27 Ir-Rapport Speċjali Nru 20/2019 tal-QEA, il-paragrafu 22.

28 Faċilità li tinsab f’punt fuq il-fruntiera esterna tal-UE li jiffaċċja pressjoni migratorja qawwija u li taġixxi bħala l-ewwel ċentru ta’ akkoljenza fejn il-migranti li jaslu jiġu identifikati, rreġistrati u jitteħdulhom il-marki tas-swaba’.

Kronoloġija

Avveniment Data
Il-Memorandum ta’ Ppjanar tal-Awditjar (APM) jiġi adottat / L-awditu jinbeda 22.10.2019
L-abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lill-entità l-oħra awditjata) 17.1.2021
Ir-rapport finali jiġi adottat wara l-proċedura kontradittorja 20.4.2021
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni jaslu bil-lingwi kollha 7.5.2021
Ir-risposti uffiċjali tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta [Frontex] jaslu bil-lingwi kollha 14.4.2021

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2021

PDF ISBN 978-92-847-6082-4 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/327 QJ-AB-21-010-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-6106-7 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/712245 QJ-AB-21-010-MT-Q

DRITTIJIET TAL-AWTUR

© L-Unjoni Ewropea, 2021.

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il membri tal persunal tal QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella u jissostitwixxi l permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il permess direttament mingħand id detenturi tad drittijiet tal awtur:

Il Figuri 5, 6 u 8: Ikoni magħmulin minn Pixel perfect minn fuq https://flaticon.com.

Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.

Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuqhom, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.

Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Il-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri ma jridx jintuża mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (https://copenhagenizeindex.eu/) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.