Effiċjenza fl-enerġija fil-bini: għadu jinħtieġ fokus akbar fuq il-kosteffettività
Dwar ir-rapport: Aħna vvalutajna jekk l-investimenti relatati mal-effiċjenza fl-enerġija fil-bini, li huma kkofinanzjati mill-UE, kinux għenu b’mod kosteffettiv lill-UE lejn l-ilħuq tal-mira tagħha tal-iffrankar tal-enerġija għall-2020. Aħna kkonkludejna li l-programmi operazzjonali u l-għażla tal-proġetti ma kinux immotivati minn raġunament ta’ kosteffettività. Filwaqt li l-Istati Membri talbu li l-bini jiġi rinnovat biex jiffranka minimu ta’ enerġija u tittejjeb il-klassifikazzjoni tal-enerġija tiegħu, għal dan xi kultant kellu jitħallas prezz għoli. Minħabba nuqqas ta’ valutazzjoni komparattiva tal-merti tal-proġetti u ta’ sollijiet minimi/massimi għall-kosteffettività, il-proġetti li jwasslu għal iffrankar akbar tal-enerġija jew għal benefiċċji oħra bi spiża aktar baxxa ma ngħatawx prijorità. Aħna nirrakkomandaw titjib fl-ippjanar, fl-għażla u fil-monitoraġġ tal-investimenti biex tittejjeb il-kosteffettività tal-infiq.
Sommarju eżekuttiv
IIffaċċjati bl-isfida relatata mal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-mexxejja tal-UE ħadu l-impenn li jiġi ffrankat 20 % tal-konsum tal-enerġija previst tal-Istati Membri tal-UE sal-2020 u 32.5 % sal-2030. It-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija tal-bini huwa għodda ewlenija biex jintlaħqu dawn il-miri. Is-settur tal-bini jirrappreżenta l-akbar sehem ta’ konsum tal-enerġija u għandu l-akbar potenzjal ta’ ffrankar tal-enerġija.
IIIl-valutazzjoni l-aktar reċenti tal-progress li sar mill-Istati Membri lejn l-ilħuq tal-miri tal-effiċjenza fl-enerġija turi li l-mira tal-UE għall-2020 x’aktarx li ma tintlaħaqx, billi l-konsum tal-enerġija fl-UE beda jerġa’ jiżdied mill-2014 ’il hawn. Aħna għandna l-għan li noħorġu rakkomandazzjonijiet li huma mistennija li jgħinu lill-UE biex tilħaq il-mira tagħha tal-effiċjenza fl-enerġija għall-2030 billi ttejjeb il-kosteffettività tal-infiq tagħha fil-qasam tal-politika ta’ Koeżjoni għall-perjodu 2021-2027.
IIIB’mod kollettiv, il-programmi operazzjonali taħt il-politika ta’ Koeżjoni allokaw baġit ta’ madwar EUR 14-il biljun, li huwa ekwivalenti għal 4 % tal-fondi kollha taħt il-politika ta’ Koeżjoni għall-perjodu 2014-2020 (EUR 357 biljun), biex tittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija tal-bini, u EUR 4.6 biljun minnhom ġew allokati għall-bini residenzjali. Barra minn hekk, l-Istati Membri bbaġitjaw EUR 5.4 biljun għall-kofinanzjament nazzjonali għall-bini kollu, li EUR 2 biljun minnhom huma allokati għall-bini residenzjali.
IVAħna żorna ħames Stati Membri (il-Bulgarija, iċ-Ċekja, l-Irlanda, l-Italja (il-Puglia), il-Litwanja) li allokaw madwar EUR 2.9 biljun mill-fondi tal-politika ta’ Koeżjoni tagħhom għall-effiċjenza fl-enerġija fil-bini. Aħna vvalutajna jekk dan il-baġit kienx qed jintuża b’mod kosteffettiv u jekk il-Kummissjoni u l-Istati Membri kinux implimentaw rakkomandazzjonijiet fir-Rapport Speċjali Nru 21/2012 tagħna dwar l-effiċjenza enerġetika fil-bini pubbliku.
VIl-Kummissjoni ħarġet gwida estensiva għat-titjib tal-investimenti relatati mal-effiċjenza fl-enerġija fil-bini, inkluża l-kosteffettività tagħhom, kif irrakkomandajna fir-Rapport Speċjali Nru 21/2012 tagħna. Aħna sibna eżempji ta’ prattika tajba: l-użu ta’ strumenti finanzjarji kkombinati ma’ għotjiet u l-modulazzjoni tal-livell tar-rata tal-għajnuna biex jiżdied l-ingranaġġ tal-finanzjament privat u jitnaqqas ir-riskju ta’ deadweight.
VIL-Istati Membri talbu li l-proġetti jkunu bbażati fuq awditjar tal-enerġija, biex jitwasslu ċerti livelli ta’ ffrankar tal-enerġija, u tittejjeb il-klassifikazzjoni tal-enerġija tal-bini. Fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, huma allokaw il-baġit għall-proġetti fuq bażi ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel, li ma kienx jippermettilhom jivvalutaw l-ispejjeż u l-benefiċċji relattivi tagħhom. Dan kien ifisser li rarament kienu jagħtu prijorità lil proġetti li jwasslu għal iffrankar tal-enerġija jew għal benefiċċji oħra bi spejjeż aktar baxxi.
VIIIs-sistema ta’ monitoraġġ ma tipprovdix data dwar l-enerġija ffrankata permezz tal-infiq ta’ fondi tal-UE fuq ir-rinnovazzjoni ta’ bini residenzjali. Dan ifisser li l-Kummissjoni ma tistax tivvaluta l-kontribuzzjoni tal-baġit tal-UE għall-mira tal-effiċjenza fl-enerġija tal-UE. L-ebda indikatur ma jkejjel il-benefiċċji l-oħra li dawn l-investimenti jistgħu jiġġeneraw.
VIIIBħal fir-Rapport Speċjali Nru 21/2012 tagħna, aħna nikkonkludu li l-infiq tal-UE fuq l-effiċjenza fl-enerġija fil-bini mhuwiex iggwidat mill-kosteffettività. Ġestjoni aħjar, speċjalment fil-qasam tal-għażla tal-proġetti, tista’ twassal għal iffrankar akbar tal-enerġija għal kull euro investit.
IXFil-kuntest ta’ ambizzjoni akbar għall-miri tal-effiċjenza fl-enerġija tal-UE u l-perspettiva ta’ ssikkar tal-baġits, l-iżgurar tal-kosteffettività tal-infiq huwa aktar importanti minn qatt qabel. Abbażi ta’ dan, aħna ħriġna r-rakkomandazzjonijiet, li huma mistennija li jgħinu lill-UE biex tilħaq il-mira tagħha tal-effiċjenza fl-enerġija għall-2030 billi ttejjeb il-kosteffettività tal-infiq tagħha fil-qasam tal-politika ta’ Koeżjoni għall-perjodu 2021-2027. Dawn ikopru l-ippjanar u l-immirar tal-investimenti; l-għażla ta’ proġetti li jwasslu għal iffrankar akbar tal-enerġija u għal benefiċċji oħra bi spejjeż aktar baxxi permezz tal-valutazzjoni tal-ispejjeż u tal-benefiċċji relattivi; l-użu ta’ indikaturi li jkejlu l-iffrankar tal-enerġija u benefiċċji oħra, kif ukoll l-ippremjar ta’ miżuri li jiffrankaw l-enerġija b’mod kosteffettiv.
Introduzzjoni
Miri u progress fil-qasam tal-Effiċjenza fl-Enerġija
01Titjib tal-effiċjenza fl-enerġija jfisser l-użu ta’ inqas dħul ta’ enerġija għal livell ekwivalenti ta’ output1. Meta jużaw l-enerġija b’mod aktar effiċjenti, iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom, jgħinu biex jipproteġu saħħithom u l-ambjent, u jtejbu l-kwalità tal-arja.
02Investimenti tipiċi fl-effiċjenza fl-enerġija, li huma kkofinanzjati mill-UE, jinkludu l-iżolament addizzjonali tal-bini, twieqi effiċjenti fl-użu tal-enerġija, sistemi ta’ kontroll termali u ammeljoramenti tas-sistemi ta’ tisħin.
Figura 1
Eżempju ta’ bini rinnovat (qabel u wara x-xogħlijiet fl-effiċjenza fl-enerġija)
© Shutterstock / Ritratt ta’ PIXEL to the PEOPLE.
Fl-2012, id-Direttiva 2012/27/UE dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija2 kienet tinkorpora l-mira tal-effiċjenza fl-enerġija ta’ 20 % għall-2020 (bi tqabbil mal-konsum tal-enerġija previst fl-2020). Id-Direttiva 2018/2002/UE riveduta dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija3 kienet tirrifletti l-mira ewlenija u aktar ambizzjuża tal-effiċjenza fl-enerġija tal-UE ta’ mill-inqas 32.5 % għall-2030.
04Il-Kummissjoni l-ġdida impenjat lilha nfisha li tapplika l-prinċipju “l-Effiċjenza Enerġetika tiġi l-Ewwel” b’fokus fuq kif l-UE tista’ ttejjeb aktar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u tħaffef ir-rati ta’ rinnovazzjoni4.
05Data mill-Eurostat (Frar 2020) turi li fl-2018 il-konsum tal-enerġija primarja fl-Istati Membri tal-UE kien 4.9 % aktar mill-miri għall-2020 (ara l-Figura 2):
Figura 2
Progress li sar mill-Istati Membri tal-UE lejn l-ilħuq tal-miri tal-effiċjenza fl-enerġija għall-2020 u għall-2030 (konsum ta’ enerġija primarja)
Sors: statistika tal-Eurostat dwar l-iffrankar tal-enerġija, Konsum tal-Enerġija Primarja fl-2018.
Il-valutazzjoni l-aktar reċenti dwar il-progress li sar mill-Istati Membri lejn l-ilħuq tal-miri tal-effiċjenza fl-enerġija turi li l-mira tal-UE għall-2020 x’aktarx li ma tintlaħaqx5. Din it-tendenza tagħmilha saħansitra aktar diffiċli biex tintlaħaq il-mira tal-UE għall-2030 li jitnaqqas il-konsum tal-enerġija b’mill-inqas 32.5 %. Jenħtieġ li l-konsum tal-enerġija jitnaqqas b’mod speċjali f’setturi bl-akbar potenzjal għall-iffrankar tal-enerġija, bħal dak tal-bini. Il-Figura 3 tipprovdi ripartizzjoni tal-konsum tal-enerġija skont is-settur fl-UE:
Figura 3
Il-konsum tal-enerġija għall-2017, skont is-settur (% tat-total)
Sors: il-QEA, ibbażat fuq id-data tal-Eurostat dwar il-Konsum finali tal-Enerġija.
Il-bini, b’mod partikolari dak residenzjali, jirrappreżenta l-akbar konsum ta’ enerġija fl-UE, segwit mis-setturi tat-trasport u tal-industrija. Dan huwa wkoll is-settur bl-akbar potenzjal ta’ ffrankar tal-enerġija disponibbli fl-Ewropa6. Fl-unitajiet domestiċi tal-UE, it-tisħin u l-ilma sħun waħedhom jammontaw għal 79 % tat-total ta’ użu finali tal-enerġija7. Ġeneralment, l-iffrankar tal-enerġija mir-rinnovazzjonijiet tal-bini jirriżulta minn titjib fis-sistemi ta’ iżolament, ta’ tisħin u ta’ tkessiħ, kif ukoll mid-dawl. Filwaqt li dan ir-rapport jiffoka fuq dawn it-tipi ta’ investimenti, ir-Rapport Speċjali Nru 1/2020 li ħriġna reċentement iffoka fuq ir-rekwiżiti minimi tal-effiċjenza fl-enerġija tal-UE u fuq it-tikketti tal-enerġija għall-apparat domestiku8.
08Il-Kummissjoni stmat li biex tintlaħaq il-mira tal-effiċjenza fl-enerġija għall-2030 ikun meħtieġ li jsir investiment ta’ madwar EUR 282 biljun fis-sena fir-rinnovazzjoni tal-istokk tal-bini tal-UE9. Jekk jitwettqu l-investimenti kollha, kemm f’bini pubbliku kif ukoll f’dak residenzjali, ibbaġitjati taħt il-politika ta’ Koeżjoni tal-UE, dawn ikunu jammontaw għal madwar EUR 2 biljun fis-sena fil-perjodu 2014-2020.
L-infiq u l-qafas legali tal-UE
09Għall-perjodu 2014-2020, taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni kienu previsti EUR 14-il biljun għal investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija f’bini kemm pubbliku kif ukoll residenzjali. L-Istati Membri żiedu dawn il-baġits b’EUR 5 biljun f’kofinanzjament nazzjonali. Ir-ripartizzjoni ta’ dan il-baġit għal kull Stat Membru hija disponibbli fl-Anness. Il-Figura 4 turi r-ripartizzjoni tal-baġit tal-UE taħt il-politika ta’ Koeżjoni għall-2014-2020 għal investiment fl-effiċjenza fl-enerġija.
Figura 4
Ripartizzjoni tal-baġit tal-UE taħt il-politika ta’ Koeżjoni għall-2014-2020 għal investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija
Sors: il-QEA.
Id-Direttiva tal-2010 dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija10 tinkludi bosta dispożizzjonijiet biex tittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija kemm ta’ bini ġdid kif ukoll ta’ dak eżistenti, bħal:
- rekwiżiti minimi tar-rendiment ta’ bini ġdid fl-użu tal-enerġija u ta’ rinnovazzjonijiet kbar ta’ bini;
- ċertifikati obbligatorji tar-rendiment fl-użu tal-enerġija li jakkumpanjaw il-bejgħ u l-kiri ta’ bini, li jiddikjaraw ir-rendiment attwali fl-użu tal-enerġija ta’ bini partikolari, u li jirrakkomandaw miżuri biex jittejjeb ir-rendiment tiegħu11 (ara l-eżempju fil-Figura 5).
Figura 5
Eżempju ta’ ċertifikat tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija
© Shutterstock / Ritratt ta’ Milagli.
Id-Direttiva tal-2012 dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija tinkludi wkoll dispożizzjonijiet biex tittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija tal-bini. Dawn jinkludu Skemi ta’ Obbligu tal-Effiċjenza fl-Enerġija, li jimponu rekwiżiti fuq partijiet obbligati, bħal kumpaniji tal-bejgħ tal-enerġija jew distributuri tal-enerġija, biex jintlaħqu l-miri kwantitattivi tal-iffrankar tal-enerġija fil-portafoll kollu tal-klijenti tagħhom. Il-Valutazzjoni tal-Impatt tad-Direttiva riveduta kkonkludiet li, sa tmiem l-2016, dawn kienu kkontribwew għal aktar iffrankar tal-enerġija (34 %) minn kwalunkwe miżura unika oħra (ftehimiet volontarji, miżuri ta’ tassazzjoni u skemi ta’ finanzjament u inċentivi).
12Id-Direttiva tal-2012 dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija kienet tirrikjedi wkoll li l-Istati Membri jippreżentaw, kull tliet snin, il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija (NEEAPs) tagħhom li għandhom ikopru miżuri sinifikanti ta’ titjib fl-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar tal-enerġija mistenni u/jew miksub. Il-Kummissjoni tevalwa l-NEEAPs u tivvaluta sa liema punt l-Istati Membri jkunu għamlu progress lejn l-ilħuq tal-miri nazzjonali tagħhom relatati mal-effiċjenza fl-enerġija. Il-Kummissjoni tibgħat il-valutazzjoni annwali tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tagħha tar-rapporti u tal-NEEAPs, il-Kummissjoni tista’ toħroġ rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri.
13Il-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECPs) se jissostitwixxu l-NEEAPs. L-Istati Membri jridu jippreżentawhom sa tmiem l-2019 u dawn se jikkostitwixxu strument ewlieni ta’ ppjanar għalihom. Huma se jkollhom ukoll rwol importanti biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet ta’ investimenti fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija. Sal-31 ta’ Jannar 2020, 18 mis-27 Stat Membru kienu ppreżentaw l-NECPs tagħhom.
Ġestjoni kondiviża bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri
14Fi ħdan il-Kummissjoni, id-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija jiżviluppa u jimplimenta l-politika dwar l-enerġija tal-UE. Huwa jifformula proposti li jippromwovu l-effiċjenza fl-enerġija, iwettaq superviżjoni tal-implimentazzjoni tad-direttivi u jimmonitorja l-progress tal-Istati Membri lejn l-ilħuq tal-miri relatati mal-enerġija bl-għajnuna taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka u tal-Aġenzija Ambjentali Ewropea.
15Id-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana huwa responsabbli mill-ġestjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u tal-Fond ta’ Koeżjoni (FK). Huwa jikkontribwixxi għall-politika dwar l-enerġija tal-UE billi jipprovdi finanzjament u jikkondividi mal-Istati Membri r-responsabbiltà f’dak li jirrigwarda l-effiċjenza u l-effettività tal-programmi. Fil-perjodu 2014-2020, huwa stabbilixxa linji gwida għall-kontenut ta’ ftehimiet ta’ sħubija u ta’ programmi u, b’segwitu għal diskussjoni mal-Istati Membri, adottahom fil-bidu tal-perjodu finanzjarju. Ladarba dawn ikunu fis-seħħ, ir-rwol prinċipali tiegħu huwa li jimmonitorja l-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi, billi jipparteċipa f’kumitati ta’ monitoraġġ u jirċievi rapporti ta’ implimentazzjoni annwali. Huwa mhuwiex involut fl-għażla tal-proġetti individwali. Fl-aħħar nett, huwa jevalwa r-riżultati tal-finanzjament.
16L-Istati Membri jistabbilixxu prijoritajiet fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u fl-NEEAPs abbażi tal-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet tagħhom. L-Istati Membri jħejju l-programmi operazzjonali u l-awtoritajiet maniġerjali maħtura għandhom jagħżlu proġetti billi jużaw proċeduri u kriterji tal-għażla xierqa, filwaqt li jieħdu kont tal-kosteffettività. Fil-perjodu 2014-2020, il-Kummissjoni pprovdiet gwida estensiva lill-awtoritajiet maniġerjali dwar il-mod kif ifasslu u jimplimentaw il-programmi tagħhom (ara l-Figura 6). L-awtoritajiet maniġerjali jimmonitorjaw l-outputs u r-riżultati tal-proġetti abbażi ta’ indikaturi tal-prestazzjoni, u jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-iffrankar tal-enerġija u dwar benefiċċji oħra mwassla mill-programmi operazzjonali.
Ambitu u approċċ tal-awditjar
17Fil-kuntest ta’ ambizzjoni akbar għall-miri tal-effiċjenza fl-enerġija tal-UE u l-perspettiva ta’ ssikkar tal-baġits, l-iżgurar tal-kosteffettività tal-infiq huwa aktar importanti minn qatt qabel. Dan ir-rapport għandu l-għan li jivvaluta kif l-investimenti relatati mal-effiċjenza fl-enerġija fil-bini, li huma kkofinanzjati mill-UE b’mod kosteffettiv, qed jgħinu lill-UE biex tilħaq il-miri tagħha. Aħna għandna l-għan li noħorġu rakkomandazzjonijiet li huma mistennija li jgħinu lill-UE biex tilħaq il-mira tagħha tal-effiċjenza fl-enerġija għall-2030 billi ttejjeb il-kosteffettività tal-infiq tagħha fil-qasam tal-politika ta’ Koeżjoni għall-perjodu 2021-2027.
18Il-mistoqsija prinċipali tal-awditjar kienet jekk l-investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija tal-bini, li huma ikkofinanzjati mill-UE, kinux intgħażlu bl-użu ta’ kriterji li x’aktarx jimmassimizzaw il-kosteffettività tagħhom. Biex inwieġbu din il-mistoqsija, aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni u l-Istati Membri kinux stabbilew il-kundizzjonijiet tajba għall-għażla ta’ investimenti kosteffettivi (inklużi valutazzjoni tal-ħtiġijiet, immirar tal-għajnuna, qafas ta’ prestazzjoni), u jekk l-Istati Membri kinux applikaw kriterji xierqa tal-għażla.
19Aħna żorna ħames Stati Membri (il-Bulgarija, iċ-Ċekja, l-Irlanda, l-Italja (il-Puglia), il-Litwanja), li ġew magħżula abbażi tal-ammont li huma nefqu fuq l-effiċjenza fl-enerġija u bl-għan li jkun hemm bilanċ ġeografiku. Għall-perjodu 2014-2020, dawn l-Istati Membri allokaw madwar EUR 2.9 biljun mill-baġit tagħhom taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni tagħhom għal dan il-qasam.
20Ix-xogħol tal-awditjar li wettaqna kien jinvolvi r-rieżami u l-valutazzjoni ta’:
- valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet nazzjonali u reġjonali u pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali għall-effiċjenza fl-enerġija,
- Programmi operazzjonali, u proċeduri tal-għażla tal-proġetti,
- sistemi ta’ monitoraġġ u data ta’ proġetti dwar l-iffrankar tal-enerġija.
Aħna ffukajna fuq l-investimenti relatati mal-effiċjenza fl-enerġija f’bini residenzjali, li ġew ikkofinanzjati mill-FEŻR u mill-FK. Aħna vvalutajna kif dawn l-investimenti jaqblu mal-politika tal-UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija. Aħna segwejna wkoll ir-Rapport Speċjali Nru 21/2012 tagħna dwar l-effiċjenza enerġetika fil-bini pubbliku, fil-Kummissjoni u fit-tliet Stati Membri li żorna dak iż-żmien (iċ-Ċekja, l-Italja u l-Litwanja), biex nivvalutaw sa liema punt il-Kummissjoni u l-Istati Membri kienu implimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħna minn dan ir-rapport12.
Osservazzjonijiet
It-titjib fil-gwida tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet kellha impatt limitat fuq l-immirar ġenerali
22Il-ftehimiet ta’ sħubija u l-programmi operazzjonali jippermettu li l-investimenti jiġu mmirati b’mod ċar meta dawn ikunu bbażati fuq valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet sodi, li jkunu jinkludu:
- valutazzjoni tal-konsum tal-enerġija u l-potenzjal għall-iffrankar tal-enerġija fis-setturi kollha biex jiġu identifikati l-kategoriji tal-bini u l-benefiċjarji fil-mira;
- identifikazzjoni tal-ostakli għall-investimenti u tal-oqsma li jeħtieġu aktar appoġġ inklużi fl-NEEAPs tal-Istati Membri;
- valutazzjoni ta’ liema forma ta’ appoġġ (eż. għotjiet jew strumenti finanzjarji) hija l-aktar adattata biex tindirizza l-ħtiġijiet identifikati u tistimula rinnovazzjoni estensiva.
L-Istati Membri li żorna ma kinux identifikaw bażi ċara għall-immirar tal-fondi tal-UE
23Il-Kummissjoni ħarġet gwida estensiva għall-Istati Membri dwar kif għandhom jivvalutaw il-ħtiġijiet u jfasslu l-programmi tagħhom li jiffinanzjaw investimenti relatati mal-effiċjenza fl-enerġija fil-bini. Il-Figura 6 tipprovdi pjan direzzjonali tal-passi ewlenin li l-Kummissjoni rrakkomandat li għandhom jiġu segwiti mill-awtoritajiet maniġerjali.
Figura 6
Pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni ta’ programm għall-finanzjament tar-rinnovazzjoni tal-enerġija tal-bini bl-użu ta’ finanzjament tal-politika ta’ Koeżjoni
Sors: il-Kummissjoni Ewropea (2014), “Technical Guidance on Financing the energy renovation of buildings with Cohesion policy funding”, p. 14.
Il-ħames Stati Membri kollha li żorna, fil-ftehimiet ta’ sħubija u l-programmi operazzjonali tagħhom, identifikaw il-ħtieġa li tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija tal-istokkijiet tal-bini tagħhom, b’mod partikolari tal-bini residenzjali. Il-biċċa l-kbira minn dawn id-dokumenti ta’ ppjanar jirreferu għal valutazzjoni tal-ħtiġijiet inkluża fl-NEEAPs jew f’dokumenti strateġiċi nazzjonali oħra dwar l-enerġija.
25Fl-NEEAPs tagħhom, il-ħames Stati Membri ma kinux inkludew l-informazzjoni kollha rrakkomandata fin-nota ta’ gwida u fil-mudell tal-Kummissjoni13, bħall-iffrankar tal-enerġija mistenni u dak miksub għal kull miżura, inklużi dawk iffinanzjati mill-UE. Id-Direttiva tal-2012 dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija ma kinitx tirrikjedi li l-Istati Membri jimplimentaw il-miżuri inklużi fl-NEEAPs tagħhom jew li jirrappurtaw dwar l-iffrankar tal-enerġija.
26It-Tabella 1 tipprovdi stampa ġenerali tal-elementi prinċipali tal-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet għall-ħames programmi operazzjonali li eżaminajna:
Tabella 1
L-elementi prinċipali tal-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet għall-ħames programmi operazzjonali li eżaminajna
| Programm operazzjonali | Il-bini kien ikklassifikat skont il-konsum tal-enerġija? | L-iffrankar potenzjali tal-enerġija u l-ħtiġijiet ta’ investimenti ġew ikkwantifikati? | Kien hemm ġustifikazzjoni ċara għall-użu tal-fondi tal-UE? |
| Il-Bulgarija Reġjuni fi Tkabbir | Le | Le | Iva |
| Iċ-Ċekja Reġjonali Integrat | Le | Le | Iva |
| L-Irlanda Reġjonali tan-Nofsinhar u tal-Lvant | Iva | Iva | Le (ara l-Kaxxa 1) |
| L-Italja (il-Puglia) Reġjonali | Le | Le | Iva |
| Il-Litwanja Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi | Iva | Iva | Iva |
Sors: il-QEA.
Kaxxa 1
Fl-Irlanda, l-użu ta’ fondi tal-UE għal skema li preċedentement kienet iffinanzjata fil-livell nazzjonali ma wassalx għal żieda fl-effiċjenza fl-enerġija
Mis-sena 2000 ’il hawn, l-Irlanda kienet implimentat skema intitolata “Better Energy Warmer Homes Scheme”, li hija ffinanzjata fil-livell nazzjonali u mmirata lejn l-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx li jinsabu f’riskju ta’ prekarjetà enerġetika, jiġifieri li ma jifilħux iħallsu tisħin xieraq. Meta fl-2014, il-fondi tal-UE bdew jikkofinanzjaw din l-iskema, l-Irlanda naqqset il-finanzjament nazzjonali għall-iskema biex il-finanzjament totali allokat għall-iskema jibqa’ stabbli għal madwar EUR 20 miljun fis-sena (ara l-Figura 7). Dan l-użu tal-fondi tal-UE mhuwiex konsistenti ma’ żieda sinifikanti jew aċċellerazzjoni tal-investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija, iżda essenzjalment issostitwixxa l-finanzjament nazzjonali.
Figura 7
Finanzjament allokat għall-“Better Energy Warmer Homes Scheme” fl-Irlanda matul iż-żmien (il-perjodu 2011-2017)
Sors: il-QEA.
Għaċ-Ċekja u l-Italja (il-Puglia), dawn is-sejbiet huma simili għal dawk li ġew irrappurtati fir-Rapport Speċjali Nru 21/2012 tagħna, fejn osservajna li l-programmi operazzjonali 2007-2013 ma kinux ibbenefikaw minn valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet xierqa. Dawn il-valutazzjonijiet la kienu identifikaw is-setturi speċifiċi fejn seta’ jinkiseb iffrankar tal-enerġija u lanqas l-alternattivi biex dan l-iffrankar jinkiseb b’mod kosteffettiv, u b’hekk jiġġustifikaw il-miżuri magħżula u l-ispiża tagħhom.
28Abbażi ta’ dan, aħna rrakkomandajna li l-finanzjament tal-politika ta’ Koeżjoni għall-perjodu 2014-2020 jiġi suġġett għat-twettiq ta’ valutazzjoni xierqa tal-ħtiġijiet fil-livell tal-programm min-naħa tal-Kummissjoni. Madankollu, tliet Stati Membri (il-Bulgarija, iċ-Ċekja u l-Italja (il-Puglia)) mill-ħamsa li żorna fl-2019 kienu għadhom ma bbażawx il-programmi operazzjonali tagħhom fuq valutazzjoni robusta tal-konsum tal-enerġija, u ma kinux ikkwantifikaw l-iffrankar potenzjali tal-enerġija u l-ħtiġijiet ta’ investimenti korrispondenti. Fil-Litwanja s-sitwazzjoni tjiebet hekk kif l-awtoritajiet nazzjonali issa jikkwantifikaw il-ħtiġijiet ta’ investiment u l-iffrankar potenzjali tal-enerġija.
L-Istati Membri huma konxji dwar l-ostakli għall-investiment, li ma ġewx indirizzati
29It-titjib fl-effiċjenza fl-enerġija jiġġenera tnaqqis sinifikanti fil-kontijiet tal-enerġija, iżda ħafna investimenti relatati mal-effiċjenza fl-enerġija fil-bini ma jseħħux minħabba ostakli fis-suq14. Dawn jinkludu nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni u għarfien espert dwar il-finanzjament u l-benefiċċji tal-effiċjenza fl-enerġija, l-ispejjeż inizjali għoljin, l-ostakli regolatorji f’bini b’bosta sjieda (spiss jirrikjedu unanimità għall-assoċjazzjonijiet tal-akkomodazzjoni), u l-inċentiv oppost jew id-dilemma bejn is-sid u l-kerrej15. Dan jirreferi għal sitwazzjoni fejn sid il-bini jħallas għall-ammeljoramenti fl-effiċjenza fl-enerġija iżda ma jkunx jista’ jirkupra l-iffrankar mill-użu mnaqqas tal-enerġija dovut lill-kerrej. B’riżultat ta’ dan, is-sid jista’ jkollu ftit inċentiv biex jinvesti fit-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija.
30Fil-Bulgarija, fiċ-Ċekja u fil-Litwanja, l-awtoritajiet maniġerjali u l-benefiċjarji tal-proġetti qalulna li d-diffikultà biex jintlaħaq ftehim fir-rigward ta’ bini b’bosta sjieda kien ostaklu ewlieni għat-titjib fl-effiċjenza fl-enerġija.
31Ostakli oħra, li jxekklu b’mod partikolari l-adozzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ Kuntrattar għar-Rendiment fl-Użu tal-Enerġija, huma relatati mar-regoli tal-akkwist pubbliku, billi hemm inċertezza legali fir-rigward tal-elementi essenzjali ta’ tali kuntratti u diffikultajiet biex issir distinzjoni bejn xogħlijiet, provvista u servizzi16, u fir-rigward tar-reġistrazzjoni ta’ dawn il-kuntratti fil-kontijiet nazzjonali tas-setturi pubbliċi. Il-Kummissjoni qed taħdem biex tneħħi dawn l-ostakli: fl-2017, l-Eurostat ippubblika nota ta’ gwida17 li tikkjarifika kif dawn il-kuntratti għandhom jiġu rreġistrati fil-kontijiet nazzjonali. Din in-nota ġiet ikkompletata fl-2018 permezz ta’ gwida ulterjuri li tħejjiet flimkien mal-BEI18.
32L-ebda wieħed mill-ħames programmi operazzjonali li eżaminajna ma ddeskriva l-ostakli li jxekklu l-investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija fit-territorju tagħhom u l-miżuri meħuda biex dawn jingħelbu. Madankollu, tnejn mill-ħames Stati Membri li żorna rrappurtaw inizjattivi speċifiċi biex jitneħħew xi wħud mill-ostakli:
- il-Litwanja ddeċidiet li maġġoranza sempliċi tas-sidien jistgħu jaqblu dwar ammeljoramenti fl-effiċjenza fl-enerġija f’bini b’ħafna appartamenti, u pprovdiet il-100 % tal-appoġġ pubbliku għal ammeljoramenti għal persuni b’introjtu baxx (ara l-Kaxxa 2);
- fl-2018, iċ-Ċekja bdiet tawtorizza lill-kooperattivi ta’ akkomodazzjoni japplikaw għall-finanzjament mill-UE għal investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija u fl-2019 bdiet kampanja pubbliċitarja nazzjonali biex tqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-finanzjament tal-effiċjenza fl-enerġija.
L-għotjiet jibqgħu l-forma prinċipali ta’ appoġġ iffinanzjat mill-UE għal investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija u mhumiex riżervati għal rinnovazzjoni estensiva
33L-investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija jiġġeneraw benefiċċji kemm għas-sidien (żieda fil-valur) kif ukoll għall-okkupanti (tnaqqis fl-ispejjeż tal-enerġija). Qabel ma jużaw livelli sinifikanti ta’ għotjiet ta’ appoġġ, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw li jużaw strumenti finanzjarji u mekkaniżmi innovattivi tas-suq bħal ikkuntrattar għar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u Skemi ta’ Obbligi tal-Effiċjenza fl-Enerġija.
34L-investimenti magħżula mill-Istati Membri fir-rinnovazzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija ta’ bini residenzjali, li jammontaw għal EUR 4.6 biljun, se jiġu ffinanzjati permezz ta’ għotjiet (72 %) u permezz ta’ strumenti finanzjarji (28 %).
35Fil-ftehim ta’ sħubija tagħhom, il-ħames Stati Membri kollha li żorna semmew l-intenzjoni li jesploraw l-użu ta’ strumenti finanzjarji biex jappoġġaw investimenti relatati mal-effiċjenza fl-enerġija fil-bini. Madankollu, sa issa, il-Litwanja biss użat il-fondi tal-UE biex timplimenta dan it-tip ta’ strument għall-bini residenzjali (ara l-Kaxxa 2).
Kaxxa 2
Prattika tajba – Il-Litwanja tuża strumenti finanzjarji għal ammeljoramenti fl-effiċjenza fl-enerġija ta’ bini b’ħafna appartamenti
Abbażi tal-esperjenza pożittiva miksuba fil-perjodu 2007-2013 f’dak li jirrigwarda l-użu ta’ strumenti finanzjarji għal tali investimenti, fil-perjodu 2014-2020, il-Litwanja stabbiliet strument finanzjarju li jipprovdi self preferenzjali għal valur ta’ EUR 314-il miljun lill-assoċjazzjonijiet tal-akkomodazzjoni. Huwa jintuża għar-rinnovazzjoni ta’ madwar 4 000 binja b’ħafna appartamenti li huwa l-objettiv tal-programm nazzjonali għar-rinnovazzjoni tal-enerġija ta’ bini residenzjali, li beda fl-2004.
Is-self huwa pprovdut fuq medja ta’ perjodu ta’ rkupru tal-ispiża ta’ 20 sena b’rata tal-imgħax fissa ta’ 3 %. Is-self jiġi mħallat ma’ għotja, minn fondi nazzjonali, li matul iż-żmien kienet tvarja bejn 15 % u 40 % tal-ammont tas-self. Għal unitajiet domestiċi b’introjtu baxx, l-għotja tkopri 100 % tal-investiment.
Il-Kummissjoni rrakkomandat lill-Istati Membri biex jużaw il-finanzjament mogħti mill-UE taħt il-politika ta’ Koeżjoni, speċjalment meta dan jingħata bħala għotjiet, biex primarjament jappoġġaw ir-rinnovazzjoni estensiva li tmur lil hinn mir-rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija u li tirriżulta f’iffrankar sinifikanti tal-enerġija (ġeneralment aktar minn 60 %19).
37It-Tabella 2 tipprovdi stampa ġenerali tat-tipi ta’ benefiċjarji, forom ta’ appoġġ u rati tal-għajnuna pubblika użati fil-ħames programmi operazzjonali li eżaminajna:
Tabella 2
Tipi ta’ benefiċjarji, forom ta’ appoġġ u rati tal-għajnuna pubblika għall-ħames programmi operazzjonali li eżaminajna
| Programm operazzjonali | Tip ta’ benefiċjarji | Forma ta’ appoġġ | Rata tal-għajnuna pubblika |
| Il-Bulgarija Reġjuni fi Tkabbir | Sidien privati | Għotja | 100 % |
| Iċ-Ċekja Reġjonali Integrat | Sidien privati | Għotja | 30 % jew 40 % (skont l-iffrankar tal-enerġija) |
| L-Irlanda Reġjonali tan-Nofsinhar u tal-Lvant | Sidien pubbliċi u privati | Għotja | 100 % |
| L-Italja (il-Puglia) Reġjonali | Entitajiet pubbliċi | Għotja | 100 % (jew 90 % għal benefiċjarji li jikkofinanzjaw 10 % tal-proġett) |
| Il-Litwanja Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi | Sidien privati | Self ikkombinat ma’ għotjiet | Għotja ta’ 15 % - 40 % Għotja ta’ 100 % għal unitajiet domestiċi b’introjtu baxx |
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-awtoritajiet maniġerjali li saritilhom żjara.
38L-użu ta’ rati differenti ta’ għajnuna pubblika fil-Litwanja hija prattika tajba biex jiżdied l-ingranaġġ tal-finanzjament privat u biex jitnaqqas ir-riskju ta’ deadweight. Permezz ta’ din il-modulazzjoni, rati ogħla tal-għajnuna ta’ għotja jiġu pprovduti għal proġetti li jinvolvu ffrankar akbar tal-enerġija, l-installazzjoni ta’ miters individwali, u għal unitajiet domestiċi b'introjtu baxx (li jgħin biex tiġi indirizzata l-prekarjetà enerġetika).
39Fiċ-Ċekja kwart biss mill-benefiċjarji ppreżentaw proġetti eliġibbli għar-rata tal-għajnuna pubblika ta’ 40 %, li kienet tirrikjedi ffrankar tal-enerġija ta’ mill-inqas 40 % u l-klassifikazzjoni tal-enerġija “B” wara x-xogħlijiet. Tliet kwarti mill-benefiċjarji ppreżentaw proġetti eliġibbli għal rata tal-għajnuna pubblika aktar baxxa (30 %), li kienet tirrikjedi biss iffrankar tal-enerġija ta’ 20 %. Il-benefiċjarji qiesu li l-benefiċċju inkrementali tar-rata ogħla tal-għajnuna ma kienx suffiċjenti biex jikkumpensa għall-ispejjeż ogħla tal-proġetti ta’ rinnovazzjoni aktar estensivi.
40Il-Bulgarija, l-Irlanda u l-Italja (il-Puglia) ma mmodulawx ir-rata tal-għajnuna pubblika biex tistimula rinnovazzjonijiet aktar estensivi jew biex tieħu inkunsiderazzjoni l-firxa jew il-kumplessità tal-investimenti, iżda – fil-każ tal-Italja (il-Puglia) – biex tieħu inkunsiderazzjoni biss ir-rieda tal-entitajiet pubbliċi li jiffinanzjaw 10 % tal-investiment. L-Irlanda spjegat li dan huwa minħabba l-fatt li waħda miż-żewġ skemi kkofinanzjati mill-UE hija mmirata lejn persuni anzjani u vulnerabbli f’riskju ta’ prekarjetà enerġetika.
41In-nuqqas ta’ modulazzjoni tal-għajnuna timplika finanzjament b’rata għolja ħafna tal-għajnuna pubblika anke għal ammeljoramenti sempliċi (eż. ammeljoramenti tad-dawl, sostituzzjonijiet ta’ bojlers) b’perjodi rapidi ta’ rkupru tal-ispiża u spejjeż unitarji modesti. Il-Kaxxa 3 tipprovdi eżempji ta’ żewġ programmi operazzjonali li huma mmirati lejn ammeljoramenti tal-effiċjenza fl-enerġija li jistgħu jitwettqu faċilment.
Kaxxa 3
Eżempji ta’ programmi operazzjonali li huma mmirati lejn ammeljoramenti tal-effiċjenza fl-enerġija li jistgħu jitwettqu faċilment
Fl-Irlanda, il-“Better Energy Warmer Homes Scheme” iffinanzjat, b’rata tal-għajnuna ta’ 100 %, proġetti li jinvolvu prinċipalment ammeljoramenti sempliċi (dry lining, iżolament tal-attiċi, lagging jackets għat-tankijiet tal-ilma sħun u iżolament tal-ħitan tal-kavità). Ammeljoramenti ta’ dan it-tip huma relattivament irħas (l-ispiża medja tal-proġetti ffinanzjati fil-perjodu 2014-2017 kienet ta’ EUR 3 161) u ġeneralment għandhom perjodi rapidi ta’ rkupru tal-ispiża. Madankollu, il-klassifikazzjoni tal-enerġija tal-biċċa l-kbira mill-unitajiet domestiċi appoġġati ma tjibitx wara l-proġett (ara l-paragrafu 85), li jikkonferma li l-investimenti ma rendewx ħafna f’termini ta’ ffrankar tal-enerġija.
Fl-Italja, il-programm operazzjonali interreġjonali għall-enerġija tal-perjodu 2007-2013 – li eżaminajna biex nagħtu segwitu għar-Rapport Speċjali Nru 21/2012 tagħna – appoġġa proġetti ta’ effiċjenza fl-enerġija fil-Campania, fil-Calabria, fil-Puglia u fi Sqallija. Is-sejħiet tiegħu tal-2014 u l-2015 għal proġetti ffinanzjati b’rata tal-għajnuna ta’ 100 % għażlu minn qabel ammeljoramenti sempliċi biss, ġeneralment ix-xiri u l-installazzjoni ta’ bozoz LED u ta’ pompi tas-sħana. Din l-għażla ppermettiet li l-awtoritajiet jonfqu malajr il-bqija tal-baġit qabel id-data tal-għeluq tal-31 ta’ Diċembru 2015. Bħala medja, hija wasslet ukoll għal perjodi rapidi ta’ rkupru tal-ispiża tal-investimenti. Madankollu, l-għażla kienet tinvolvi wkoll riskju għoli ta’ deadweight, jiġifieri li jiġu ffinanzjati ammeljoramenti normali li kieku kien jseħħu anke fin-nuqqas ta’ finanzjament mill-UE.
© Shutterstock / Ritratt ta’ Marko Mitrovicv.
Dawn l-ammeljoramenti li jistgħu jitwettqu faċilment jistgħu jirriżultaw fl-“effett ta’ intrappolament tal-klijentela”, li jirreferi għall-fatt li ladarba jiġu implimentati xi miżuri bażiċi relatati mal-effiċjenza fl-enerġija, isir inqas kosteffettiv li jiddaħħlu miżuri aktar komprensivi fil-futur20. Dan jista’ jnaqqas il-potenzjal li l-istokk tal-bini għandu f’dak li jirrigwarda l-iffrankar tal-enerġija fuq terminu medju u fit-tul, peress li l-għadd ta’ rinnovazzjonijiet li unità domestika tista’ twettaq huwa normalment limitat għal rinnovazzjoni waħda jew massimu tnejn. Il-ħtieġa għal għajnuna pubblika, speċjalment fil-forma ta’ għotjiet b’rata tal-għajnuna ta’ 100 %, hija għaldaqstant inqas xierqa għal ammeljoramenti sempliċi milli għal rinnovazzjonijiet aktar estensivi. Peress li l-ammeljoramenti sempliċi b’perjodi rapidi ta’ rkupru tal-ispiża huma ġeneralment finanzjarjament vijabbli, huma kellhom jiġu ffinanzjati mingħajr appoġġ pubbliku, jew inkella bl-użu ta’ strumenti finanzjarji.
L-għażla tal-proġetti ma kinitx immotivata biżżejjed minn raġunament ta’ kosteffettività
43Jenħtieġ li l-kosteffettività tkun fattur ewlieni determinanti fid-deċiżjonijiet dwar in-nefqa pubblika, speċjalment meta hija tkun tikkonċerna proġetti ta’ effiċjenza fl-enerġija: it-tqabbil tal-ispejjeż u tal-benefiċċji tal-investimenti jippermetti li jintgħażlu dawk li joffru ffrankar akbar tal-enerġija kif ukoll benefiċċji oħra għal kull euro investit, f’konformità mal-prinċipji tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effikaċja stipulati fl-Artikolu 33 tar-Regolament Finanzjarju21. Il-Valutazzjoni tal-Impatt għad-Direttiva proposta dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija sostniet li l-objettiv li jiġi ffrankat 20 % tal-konsum tal-enerġija previst tal-UE sal-2020 jista’ jintlaħaq billi jiġu introdotti miżuri kosteffettivi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jimplimentaw miżuri biex jistimulaw rinnovazzjoni estensiva u kosteffettiva tal-bini22.
44Il-Kummissjoni tat gwida lill-Istati Membri biex japplikaw kriterji tal-għażla li jagħtu prijorità lill-proġetti aktar kosteffettivi23. Dan jenħtieġ li jsir billi:
- jintalab li l-proġetti jkunu bbażati fuq awditjar tal-enerġija u/jew ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija. Jenħtieġ li dawn jidentifikaw u jikkwantifikaw l-opportunitajiet kosteffettivi ta’ ffrankar tal-enerġija u jippermettu l-monitoraġġ u l-verifikazzjoni tal-iffrankar effettiv tal-enerġija min-naħa tal-proġett;
- jiġu stabbiliti sollijiet minimi u/jew massimi għal parametri ewlenin, bħall-kwantità ta’ enerġija li trid tiġi ffrankata, il-klassifikazzjoni minima tal-enerġija li l-bini huwa mistenni li jikseb, il-valur nett attwali, il-perjodu sempliċi ta’ rkupru tal-ispiża24, l-ispiża għal kull unità ta’ enerġija ffrankata. Jenħtieġ li dawn is-sollijiet jimminimizzaw ir-riskju li jiġu ffinanzjati miżuri sempliċi ħafna li x’aktarx iseħħu xorta waħda (eż. sostituzzjonijiet tad-dawl, li ġeneralment jitħallsu lura malajr) kif ukoll investimenti li huma għaljin wisq meta mqabbla mal-iffrankar tal-enerġija li huma jiġġeneraw (eż. b’perjodi ta’ rkupru tal-ispiża li jkunu itwal mill-ħajja utli tal-materjali użati). Il-Figura 8 tipprovdi kategorizzazzjoni tal-investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija, filwaqt li turi li rinnovazzjonijiet aktar kumplessi u ambizzjużi normalment jinvolvu spejjeż akbar u perjodi itwal ta’ rkupru tal-ispiża;
- jiġu vvalutati l-ispejjeż u l-benefiċċji relattivi tal-proġetti, inklużi l-kobenefiċċji u l-esternalitajiet (eż. saħħa, koeżjoni soċjali, riabilitazzjoni urbana, tkabbir u impjiegi, tnaqqis tat-tniġġis fl-arja u tibdil fil-klima, iffrankar fil-baġit pubbliku ...) li l-investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija huma mistennija li jiġġeneraw u jingħataw prijorità dawk il-proġetti li jikkontribwixxu bl-aktar mod kosteffettiv għall-għanijiet tal-politika.
Figura 8
Kategorizzazzjoni tal-investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija
Sors: il-Kummissjoni Ewropea (2014), “Technical Guidance on Financing the energy renovation of buildings with Cohesion policy funding”, p. 46.
L-awditjar tal-enerġija u ċ-ċertifikati tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jiffurmaw bażi tajba għall-evalwazzjoni tal-investimenti
45Il-ħames Stati Membri kollha li żorna talbu li l-proġetti jkunu bbażati fuq awditjar tal-enerġija, ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija jew, tal-inqas, valutazzjoni tal-enerġija (fl-Irlanda, dan ma rriżultax fil-ħruġ ta’ ċertifikat li jiddikjara l-klassi tal-enerġija tal-unità domestika qabel it-twettiq tax-xogħlijiet). Dan jirrappreżenta titjib ċar, meta mqabbel mas-sejbiet tar-Rapport Speċjali Nru 21/2012 tagħna, fejn aħna rrappurtajna li fiċ-Ċekja, fl-Italja u fil-Litwanja l-awditjar tal-enerġija kien għadu mhuwiex prattika komuni. Dak iż-żmien, aħna kkonkludejna li l-awditjar tal-enerġija mhux dejjem kien obbligatorju jew ta’ kwalità tajba25 u rrakkomandajna li dan jenħtieġ li jintuża bħala r-rekwiżit primarju tal-għażla.
46Fil-ħames Stati Membri kollha li żorna, il-benefiċjarji kellhom jipprovdu ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija wara x-xogħlijiet, li jiddikjara l-klassi tal-enerġija l-ġdida u l-konsum tal-enerġija tal-unità domestika jew tal-bini rinnovat. Id-differenza fil-konsum tal-enerġija ddikjarat fiċ-ċertifikati ta’ qabel u ta’ wara x-xogħlijiet tipprovdi stima tal-enerġija ffrankata bis-saħħa tal-proġett.
47Fl-Italja (il-Puglia), l-awtorità maniġerjali talbet li l-proġetti jinstallaw sistemi biex jimmonitorjaw il-kwantità ta’ enerġija effettivament prodotta u kkunsmata fil-bini. Fil-Litwanja, ir-rata tal-għajnuna ta’ għotja, li tikkomplementa s-self ikkofinanzjat mill-UE, ġiet miżjuda għall-proġetti li jinkludu l-installazzjoni ta’ miters individwali f’unitajiet domestiċi (ara l-paragrafu 38).
48Minkejja l-limitazzjonijiet tagħhom, l-istimi bbażati fuq id-differenza fil-konsum tal-enerġija ddikjarat fiċ-ċertifikati ta’ qabel u ta’ wara x-xogħlijiet jipprovdu ċifra li hija faċli biex tinġabar tal-enerġija ffrankata f’kull proġett. Din iċ-ċifra tista’ titqabbel mal-ispiża tal-proġett biex tiġi kkalkulata l-ispiża stmata għal kull unità ta’ enerġija ffrankata. Fir-Rapport Speċjali Nru 21/2012 tagħna, aħna rrakkomandajna lill-Kummissjoni biex timmonitorja l-kosteffettività tal-programmi operazzjonali abbażi tal-ispiża għal kull unità ta’ enerġija ffrankata26. Madankollu, il-Kummissjoni ma qablitx kompletament mar-rakkomandazzjoni tagħna u ma implimentathiex.
L-awtoritajiet nazzjonali jagħżlu proġetti li huma mistennija jiffrankaw l-enerġija, iżda xi kultant bi prezz għoli
49It-Tabella 3 tipprovdi stampa ġenerali tar-rekwiżiti minimi tal-effiċjenza fl-enerġija u tas-sollijiet massimi għall-ispiża għal kull unità ta’ enerġija ffrankata għall-proġetti taħt il-ħames programmi operazzjonali li eżaminajna:
Tabella 3
Rekwiżiti minimi tal-effiċjenza fl-enerġija u sollijiet massimi għall-ispiża għal kull unità ta’ enerġija ffrankata għall-ħames programmi operazzjonali li eżaminajna
| Programm operazzjonali | Klassifikazzjoni minima tal-enerġija wara x-xogħlijiet | Iffrankar minimu tal-enerġija wara x-xogħlijiet | Spiża massima għal kull unità ta’ enerġija ffrankata? |
| Il-Bulgarija Reġjuni fi Tkabbir | C | 60 % għal rinnovazzjonijiet estensivi, inkella l-ebda minimu | Le, limiti massimi tal-ispiża għal kull metru kwadru biss |
| Iċ-Ċekja Reġjonali Integrat | Le | 20 % għall-proġetti li jirċievu rata tal-għajnuna ta’ għotja ta’ 30 % | Le, iżda kofinanzjament privat għoli (60-70 %) inaqqas ir-riskju ta’ regolamentazzjoni żejda |
| C | 30 % għall-proġetti li jirċievu rata tal-għajnuna ta’ għotja ta’ 30 % | ||
| B | 40 % għall-proġetti li jirċievu rata tal-għajnuna ta’ għotja ta’ 40 % | ||
| L-Irlanda Reġjonali tan-Nofsinhar u tal-Lvant | Titjib minimu wieħed fil-klassifikazzjoni tal-enerġija | Ebda rekwiżit | Le |
| L-Italja (il-Puglia) Reġjonali | C | 10 % (jew 30 % biex jinkiseb l-aħjar punteġġ) | Le |
| Il-Litwanja Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi | D | 20 % għall-proġetti li jirċievu rata tal-għajnuna ta’ għotja ta’ 15 % (sal-2017) | Le, iżda kofinanzjament privat għoli (60-85 %) inaqqas ir-riskju ta’ regolamentazzjoni żejda |
| C | 40 % għall-proġetti li jirċievu rata tal-għajnuna ta’ għotja ta’ 40 % (sal-31/10/2017) u ta’ 30 % (mill-1/11/2017) |
Sors: il-QEA, ibbażat fuq informazzjoni riċevuta mill-awtoritajiet maniġerjali.
50Fil-Bulgarija, fiċ-Ċekja, fl-Italja u fil-Litwanja, dawn ir-rekwiżiti minimi tal-effiċjenza fl-enerġija wara x-xogħlijiet żguraw proġetti b’livell minimu ta’ ambizzjoni27. Dan huwa żvilupp pożittiv meta mqabbel mas-sejbiet tal-awditu preċedenti tagħna.
51Madankollu, in-nuqqas ta’ limiti massimi għall-ispiża għal kull unità ta’ enerġija jinvolvi riskju li jiġu ffinanzjati proġetti li jiġġeneraw iffrankar baxx tal-enerġija b’mod proporzjonali għall-ispejjeż tagħhom. Dan jimplika li l-iffrankar finanzjarju fuq il-kontijiet tal-enerġija ġġenerat mill-proġetti jista’ ma jkunx biżżejjed biex iħallas lura l-investimenti inizjali tul il-ħajja tal-materjali użati (ġeneralment 30 sena28).
52Dan ir-riskju jkun aktar baxx meta l-benefiċjarji jikkofinanzjaw sehem għoli mill-ispejjeż tal-proġett, bħal pereżempju fiċ-Ċekja u fil-Litwanja, u jkun akbar meta l-appoġġ pubbliku jkun għoli ħafna, jiġifieri fil-Bulgarija, fl-Irlanda u fl-Italja (il-Puglia). It-Tabella 4 tipprovdi stampa ġenerali tal-medja tal-perjodu sempliċi ta’ rkupru tal-ispiża ta’ investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija appoġġati taħt il-programmi operazzjonali li eżaminajna.
Tabella 4
Medja tal-perjodu sempliċi ta’ rkupru tal-ispiża tal-investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija appoġġati għall-ħames programmi operazzjonali li eżaminajna
| Programm operazzjonali | Medja tal-perjodu sempliċi ta’ rkupru tal-ispiża tal-proġetti appoġġati |
| Il-Bulgarija Reġjuni fit-Tkabbir | Mhux disponibbli (billi ma tinġabarx data dwar l-enerġija ffrankata) |
| Iċ-Ċekja Reġjonali Integrat | 9 snin |
| L-Irlanda Reġjonali tan-Nofsinhar u tal-Lvant | Mhux disponibbli (billi ma tinġabarx data dwar l-enerġija ffrankata) |
| L-Italja (il-Puglia) Reġjonali | 24 sena |
| Il-Litwanja Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi | 11-il sena |
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-awtoritajiet maniġerjali li saritilhom żjara, bl-applikazzjoni tal-prezz tal-elettriku għall-konsumaturi tal-unitajiet domestiċi fl-2018 (https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Electricity_price_statistics).
53Il-perjodu medju u sempliċi ta’ rkupru tal-ispiża għall-proġetti ta’ effiċjenza fl-enerġija tal-programmi operazzjonali li eżaminajna kien ivarja bejn 9 u 24 sena. Dawn il-perjodi huma itwal mill-medja sempliċi ta’ 7 snin għall-5 152 proġett li huma rreġistrati fil-Pjattaforma għat-Tneħħija tar-Riskji fl-Effiċjenza fl-Enerġija. Din il-pjattaforma fiha data li ġiet ipprovduta kemm minn fondi ta’ investiment pubbliċi u privati kif ukoll minn istituzzjonijiet finanzjarji, awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, u fornituri ta’ soluzzjonijiet għall-effiċjenza fl-enerġija fl-UE kollha29. Il-Kummissjoni ħolqot din il-pjattaforma biex iżżid l-investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija fl-UE permezz tal-kondiviżjoni tad-data u l-analiżi ta’ proġetti kkompletati.
54Fl-Italja (il-Puglia), in-nuqqas ta’ limitu massimu fuq l-ispiża għal kull unità ta’ enerġija ffrankata wassal għall-finanzjament ta’ bosta proġetti li jiswew il-flus, li se jiffrankaw ftit wisq enerġija biex iħallsu lura l-ispejjeż ta’ investiment għoljin inizjali tagħhom tul il-ħajja tal-materjali użati jew tal-bini stess. Kif jidher fil-graff li ġejja, 35 % tal-proġetti x’aktarx li ma jħallsux lura l-ispiża ta’ investiment inizjali tagħhom fi żmien 30 sena.
Figura 9
Ripartizzjoni tal-proġetti ta’ effiċjenza fl-enerġija taħt il-programm operazzjonali tal-Italja (il-Puglia), skont il-perjodu ta’ rkupru tal-ispiża
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-awtoritajiet maniġerjali li saritilhom żjara u bl-applikazzjoni tal-prezz tal-elettriku għall-konsumaturi tal-unitajiet domestiċi fl-2018 (https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Electricity_price_statistics).
Fil-Bulgarija u fl-Irlanda, in-nuqqas ta’ monitoraġġ tad-data dwar l-enerġija ffrankata minn proġetti f’bini residenzjali jfisser li huwa impossibbli li tiġi vvalutata l-kosteffettività tal-investimenti.
56Fl-Irlanda, il-Programm Operazzjonali Reġjonali tan-Nofsinhar u tal-Lvant kellu l-għan li jappoġġa titjib komprensiv u ambizzjuż fl-effiċjenza fl-enerġija li tal-inqas jirriżulta f’titjib fi klassifikazzjoni waħda tal-effiċjenza fl-enerġija30. Fil-prattika, il-proġetti ma ddefinew l-ebda objettiv għall-iffrankar tal-enerġija, ma rrappurtawx dwar l-enerġija ffrankata u, għal aktar minn nofs l-unitajiet domestiċi appoġġati, ma tejbux il-klassifikazzjonijiet tal-enerġija (ara l-paragrafu 85).
57Dawn is-sejbiet huma simili għal dawk li ġew irrappurtati fir-Rapport Speċjali Nru 21/2012 tagħna, fejn ikkonkludejna li l-proġetti ta’ effiċjenza fl-enerġija fil-bini pubbliku spiss kienu għaljin wisq meta mqabbla mal-enerġija li huma ffrankaw u kellhom perjodi ta’ rkupru tal-spiża li kienu twal iżżejjed (medja ta’ madwar 50 sena)31. Abbażi ta’ dan, aħna rrakkomandajna li l-Kummissjoni tistabbilixxi perjodu sempliċi, massimu u aċċettabbli ta’ rkupru tal-ispiża u spiża ta’ investiment standard għal kull unità ta’ enerġija li għandha tiġi ffrankata meta jintagħżlu l-proġetti.
58Id-dokument tal-Kummissjoni intitolat “Technical Guidance on Financing the energy renovation of buildings with Cohesion policy funding” jindika li perjodu ta’ rkupru massimu u/jew minimu tal-ispiża jista’ jiġi ddefinit għal proġetti li huma eliġibbli għall-finanzjament; madankollu, dan jista’ jirriżulta f’effett ta’ intrappolament tal-klijentela fejn jiġu ffinanzjati b’mod prijoritarju l-proġetti li jistgħu jitwettqu faċilment32. Madankollu, fil-prattika, l-ebda waħda mill-awtoritajiet maniġerjali li saritilhom żjara ma kienet stabbiliet tali sollijiet.
Il-kriterji tal-għażla għadhom mhux qed jagħtu prijorità lill-proġetti l-aktar kosteffettivi
59It-Tabella 5 tipprovdi stampa ġenerali tal-proċeduri tal-għażla tal-proġetti, l-allokazzjoni baġitarja prinċipali u l-kriterji tal-għażla tal-proġetti użati taħt il-ħames programmi operazzjonali li eżaminajna:
Tabella 5
Proċeduri u kriterji tal-għażla tal-proġetti għall-ħames programmi operazzjonali li eżaminajna
| Programm operazzjonali | Proċedura tal-għażla tal-proġetti | Kriterji prinċipali għall-allokazzjoni tal-baġit | Kriterji prinċipali għall-għażla tal-proġetti |
| Il-Bulgarija Reġjuni fi Tkabbir | Sejħiet miftuħa (92 % tal-baġit) | Il-muniċipalitajiet jagħżlu l-bini skont kemm dan ikollu żmien, l-għadd ta’ unitajiet domestiċi, il-lokalità ..., u mhux abbażi tal-kosteffettività tal-iffrankar tal-enerġija | Għal sejħiet miftuħa ma hemm l-ebda kriterju relatat mal-kosteffettività tal-iffrankar tal-enerġija |
| Sejħa kompetittiva (8 % tal-baġit) | Għas-sejħa tal-2018 tal-Assi 2, il-kriterji li jagħtu l-biċċa l-kbira mill-punti kienu relatati mal-kosteffettività tal-iffrankar tal-enerġija | ||
| Iċ-Ċekja Reġjonali Integrat | Sejħiet miftuħa | Sejħiet miftuħa fil-pajjiż kollu | L-ebda kriterju relatat mal-kosteffettività tal-iffrankar tal-enerġija |
| L-Irlanda Reġjonali tan-Nofsinhar u tal-Lvant | Sejħiet miftuħa | Baġit allokat lill-awtoritajiet lokali abbażi tal-għadd ta’ talbiet riċevuti, u mhux abbażi tal-kosteffettività tal-iffrankar tal-enerġija | L-ebda kriterju relatat mal-kosteffettività tal-iffrankar tal-enerġija |
| L-Italja (il-Puglia) Reġjonali | Sejħa kompetittiva | Sejħa kompetittiva | Kriterji li jagħtu l-biċċa l-kbira mill-punti (65 minn 100) relatati mal-iffrankar tal-enerġija |
| Il-Litwanja Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi | Sejħiet miftuħa | Sejħiet miftuħa | L-ebda kriterju relatat mal-kosteffettività tal-iffrankar tal-enerġija |
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-awtoritajiet maniġerjali li saritilhom żjara.
60Ħlief għall-Italja (il-Puglia) u għal sejħa minuri (8 % tal-baġit) fil-Bulgarija, fil-prattika, l-awtoritajiet maniġerjali li żorna allokaw il-baġit għal proġetti ta’ effiċjenza fl-enerġija f’bini residenzjali bl-użu ta’ sejħiet miftuħa, jiġifieri fuq bażi ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel. Dan ippermetta li l-awtoritajiet maniġerjali jkollhom applikazzjonijiet kontinwi u, ġeneralment, żminijiet ta’ pproċessar rapidi.
61Madankollu, l-użu ta’ tali proċeduri ta’ sejħiet miftuħa ma jippermettix li ssir valutazzjoni tal-ispejjeż u tal-benefiċċji relattivi tal-proġetti. Dawn jinkludu l-kosteffettività tal-iffrankar tal-enerġija kif ukoll il-kobenefiċċji li l-investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija huma mistennija li jiġġeneraw (eż. titjib fis-saħħa, riabilitazzjoni urbana, kif ukoll tnaqqis fil-prekarjetà enerġetika, fil-kontijiet tal-enerġija, fit-tibdil fil-klima, fit-tniġġis tal-arja). B’riżultat ta’ dan, il-proġetti li jwasslu għal iffrankar akbar tal-enerġija jew għal benefiċċji oħra bi spejjeż aktar baxxi ma ngħatawx prijorità.
62L-Italja (il-Puglia) biss użat sejħa kompetittiva biex tivvaluta l-kosteffettività relattiva tal-proġetti ta’ effiċjenza fl-enerġija (ara l-Kaxxa 4).
Kaxxa 4
Eżempju ta’ programm operazzjonali li juża sejħa kompetittiva biex jivvaluta l-kosteffettività relattiva tal-proġetti ta’ effiċjenza fl-enerġija
Fl-Italja (il-Puglia), l-awtorità maniġerjali użat sejħa kompetittiva, u applikat kriterju wieħed relatat mal-kosteffettività tal-iffrankar tal-enerġija, li kellu jippermetti l-prijoritizzazzjoni tal-proġetti ta’ ffrankar tal-enerġija bi spejjeż aktar baxxi. Madankollu, dan ma ppreveniex il-finanzjament ta’ proġetti li jwasslu għal iffrankar baxx tal-enerġija b’mod proporzjonali mal-ispiża tagħhom. Dan huwa dovut għan-nuqqas ta’ limitu massimu fuq l-ispiża għal kull unità ta’ enerġija ffrankata (ara l-paragrafu 53) u l-piż baxx li dan il-kriterju kellu fil-prattika (3 % minflok l-20 % tal-punti disponibbli fis-sejħiet ngħataw taħt dan il-kriterju). Dan minħabba l-fatt li l-proġett l-aktar kosteffettiv, li ntuża bħala bażi biex jiġi ddeterminat il-punteġġ tal-proġetti l-oħra, kien atipiku (billi kien jinvolvi biss miżuri sempliċi bħal pannelli solari, pompi tas-sħana, valvi termostatiċi). B’riżultat ta’ dan, kważi l-proġetti l-oħra kollha (95 %) kisbu punteġġ simili ħafna (bejn 0 u 5 punti minn 20), u dan ma ppermettiex li ssir prijoritizzazzjoni effettiva. Bi tqabbil ma’ dan, fis-sejħiet taħt il-Programm Taljan għar-Riġenerazzjoni tal-bini tal-Amministrazzjoni Pubblika Ċentrali ffinanzjat fil-livell nazzjonali, dan il-kriterju jirrappreżenta 60 % tal-punti li jistgħu jingħataw lil proġett.
Dawn is-sejbiet huma simili għal dawk irrappurtati fir-Rapport Speċjali Nru 21/2012 tagħna, fejn ikkonkludejna33 li l-kosteffettività ma kinitx fattur determinanti meta l-Istati Membri allokaw finanzjament għal miżuri u proġetti ta’ effiċjenza fl-enerġija. Abbażi ta’ dan, aħna rrakkomandajna l-użu ta’ kriterji tal-għażla tal-proġetti bbażati fuq spejjeż standard ta’ investiment għal kull unità ta’ enerġija li għandha tiġi ffrankata.
64Fil-gwida intitolata “Technical Guidance on Financing the energy renovation of buildings with Cohesion Policy funding” li hija ppubblikat, il-Kummissjoni tiddikjara li l-Istati Membri jridu jużaw kriterji biex jiddeterminaw liema huma l-proġetti ta’ effiċjenza fl-enerġija li huma l-aktar kosteffettivi u li jenħtieġ li jingħataw prijorità għall-għażla34. Madankollu, is-sejbiet attwali juru li dawn, fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, ma ġewx implimentati.
Qafas ta’ prestazzjoni dgħajjef
65L-informazzjoni dwar il-prestazzjoni rigward l-infiq għall-effiċjenza fl-enerġija jenħtieġ li turi xi nkiseb bil-baġit tal-UE u turi li dan ikun intefaq tajjeb (obbligu ta’ rendikont)35. Jenħtieġ li din l-informazzjoni turi li l-Istati Membri għażlu proġetti kosteffettivi.
66Biex jiġi żgurat li l-infiq ikun orjentat lejn ir-riżultati, il-gwida tal-Kummissjoni36 tgħid li jenħtieġ li l-qafas ta’ prestazzjoni jinkludi:
- objettivi speċifiċi, li jistgħu jitkejlu, li jistgħu jintlaħqu, rilevanti u f’waqthom għal kull programm operazzjonali, li jiddefinixxu kif il-miżuri kkofinanzjati mill-UE jikkontribwixxu għall-miri tal-effiċjenza fl-enerġija tal-UE;
- indikaturi li jippermettu l-monitoraġġ tal-output fiżiku u tar-riżultati tal-proġetti. Minħabba li l-għan prinċipali tal-infiq awditjat huwa li tiġi ffrankata l-enerġija, jenħtieġ li dawn l-indikaturi jirrappurtaw primarjament dwar l-ammont ta’ enerġija ffrankata u, possibbilment, dwar riżultati oħra iġġenerati mill-proġetti. Jenħtieġ li s-sistema ta’ monitoraġġ tippermetti li din id-data tinġabar biex tirrapporta dwar l-enerġija ffrankata mill-programmi operazzjonali u, għaldaqstant, dwar il-kontribuzzjoni tal-baġit tal-UE għall-miri tal-effiċjenza fl-enerġija tal-UE;
- kundizzjonalitajiet ex ante, biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet meħtieġa għal infiq effettiv u effiċjenti jkunu fis-seħħ, u riżerva ta’ prestazzjoni, biex jiġu ppremjati l-programmi operazzjonali li jistgħu juru li ġġeneraw iffrankar tal-enerġija b’mod kosteffettiv.
L-indikaturi komuni jkejlu l-enerġija ffrankata minn investimenti f’bini pubbliku iżda mhux f’dak residenzjali
67Il-ħames programmi operazzjonali kollha li eżaminajna ddefinew objettivi speċifiċi għall-azzjonijiet ta’ effiċjenza fl-enerġija tagħhom, abbażi tal-ħtieġa li tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija tal-istokk tal-bini tagħhom, b’mod partikolari tal-bini residenzjali (ara l-paragrafu 24). L-objettivi huma rilevanti għall-mira ewlenija tal-effiċjenza fl-enerġija tal-UE u huma marbutin biż-żmien (billi jenħtieġ li r-riżultati jinkisbu sal-2023). Madankollu, l-ebda wieħed mill-programmi operazzjonali li eżaminajna ma ddefinixxa l-ammont mistenni ta’ ffrankar tal-enerġija li l-investimenti huma meħtieġa jwasslu jew l-ispiża mistennija għal kull unità ta’ enerġija ffrankata.
68Ir-Regolamenti speċifiċi għall-Fondi37 jistabbilixxu lista ta’ indikaturi tal-output komuni li l-Istati Membri huma mistennija li jużaw kull fejn l-indikatur ikun rilevanti biex jesprimi l-output tal-investiment appoġġat. Iż-żewġ indikaturi tal-output komuni li huma rilevanti għall-infiq fl-effiċjenza fl-enerġija fil-bini huma:
- L-Indikatur tal-Output Komuni Nru 31 “Numru ta’ unitajiet domestiċi bi klassifikazzjoni mtejba tal-konsum tal-enerġija”, li huwa relatat ma’ nfiq għar-rinnovazzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija ta’ bini residenzjali;
- L-Indikatur tal-Output Komuni Nru 32 “Tnaqqis fil-konsum annwali ta’ enerġija primarja ta’ bini pubbliku”, li jkejjel l-enerġija ffrankata minn infiq li jsir prinċipalment għar-rinnovazzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija tal-bini pubbliku.
Il-Figura 10 u l-Figura 11 juru l-progress li sar sal-2018 bi tqabbil mal-valur mira għall-2023 għall-Indikaturi tal-Output Komuni Nru 31 u Nru 32.
Figura 10
L-Indikatur tal-Output Komuni Nru 31 “Numru ta’ unitajiet domestiċi bi klassifikazzjoni mtejba tal-konsum tal-enerġija”
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data tal-Kummissjoni Ewropea.
Figura 11
L-Indikatur tal-Output Komuni Nru 32 “Tnaqqis fil-konsum annwali tal-enerġija primarja ta’ bini pubbliku”
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data tal-Kummissjoni Ewropea.
Għall-investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija f’bini pubbliku, l-Indikatur tal-Output Komuni Nru 32 jirrapporta dwar l-enerġija ffrankata. Iżda, għal investimenti relatati mal-effiċjenza fl-enerġija f’bini residenzjali, l-Indikatur tal-Output Komuni Nru 31 jirrapporta dwar in-numru ta’ unitajiet domestiċi bi klassifikazzjoni mtejba tal-konsum tal-enerġija, mhux dwar l-enerġija ffrankata.
71Peress li ma hemm l-ebda indikatur komuni li jirrapporta dwar l-ammont ta’ enerġija ffrankata minn investimenti f’bini residenzjali, mhuwiex possibbli li nkunu nafu kemm se tiġi ffrankata enerġija bl-investiment ta’ EUR 4.6 biljun38 ippjanati mill-baġit tal-UE għall-perjodu 2014-2020 f’investimenti relatati mal-effiċjenza fl-enerġija f’bini residenzjali. Barra minn hekk, mhuwiex possibbli li tiġi kkwantifikata l-kontribuzzjoni kollha tal-baġit tal-UE għall-miri tal-effiċjenza fl-enerġija tal-UE.
72Dawn is-sejbiet huma simili għal dawk li jinsabu fir-Rapport Speċjali Nru 21/2012 tagħna, fejn ikkonkludejna39 li l-indikaturi tal-prestazzjoni għall-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija ma kinux xierqa għall-monitoraġġ tal-programmi u li r-riżultati tal-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija fl-UE kollha ma setgħux jiġu aggregati. Abbażi ta’ dan, aħna rrakkomandajna li jintużaw indikaturi tal-prestazzjoni komparabbli fl-UE kollha. Il-Kummissjoni implimentat parzjalment din ir-rakkomandazzjoni billi introduċiet, għall-perjodu 2014-2020, l-Indikatur tal-Output Komuni Nru 32, li jirrapporta dwar l-enerġija ffrankata minn investimenti ffinanzjati mill-UE, iżda għall-bini pubbliku biss. Għall-perjodu 2021-2027, il-Kummissjoni pproponiet l-Indikatur Komuni tar-Riżultati RCR26 “Konsum finali annwali tal-enerġija (li minnu: residenzjali, privat mhux residenzjali, pubbliku mhux residenzjali)”.
73Minbarra l-indikaturi tal-output komuni, il-ħames programmi operazzjonali li eżaminajna użaw dawn l-indikaturi speċifiċi għall-programm li ġejjin, li jenħtieġ li jkunu mmirati lejn l-investimenti speċifiċi li huma jappoġġaw:
Tabella 6
Indikaturi speċifiċi tal-programm għall-ħames programmi operazzjonali li eżaminajna
| Programm operazzjonali | Indikatur | Unità ta’ kejl | Linja bażi fl-2013 | Valur fl-2018 (jew dak irrappurtat l-aktar reċentement) | Progress |
| Il-Bulgarija Reġjuni fi Tkabbir | Il-konsum finali tal-enerġija mill-unitajiet domestiċi | (f’1 000 toe*) | 2 257 | 2 319 | - |
| Konsum finali tal-enerġija mill-amministrazzjoni pubblika, il-kummerċ u s-servizzi | (f’1 000 toe) | 964 | 1 200 | - - | |
| Iċ-Ċekja Reġjonali Integrat | Konsum finali tal-enerġija tal-unitajiet domestiċi | MWh/sena | 70 027 778 | 80 497 553 | - - |
| L-Irlanda Reġjonali tan-Nofsinhar u tal-Lvant | Il-medja tar-rendiment termiku ta’ unitajiet ta’ akkomodazzjoni fir-Reġjun tax-Xlokk | kWh/m2/sena | 210 | 144 | ++ |
| L-Italja (il-Puglia) Reġjonali | Il-konsum tal-elettriku tal-amministrazzjoni pubblika għal kull unità lavorattiva | GWh | 3,2 | 3,3 | - |
| Il-Litwanja Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi | Konsum finali tal-enerġija fis-setturi tas-servizzi u tal-unitajiet domestiċi | (f’1 000 toe) | 2 110 | 2 090 | + |
* It-tunnellata tal-ekwivalenti taż-żejt (toe) hija unità ta’ enerġija ddefinita bħala l-ammont ta’ enerġija rilaxxata mill-ħruq ta’ tunnellata ta’ żejt mhux raffinat. Din hija ta’ madwar 11 630 kilowatt-siegħa (kWh).
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-awtoritajiet maniġerjali li saritilhom żjara.
74Fil-ħames Stati Membri kollha li żorna, dawn l-indikaturi tar-“riżultat” huma ta’ natura statistika u jirrappurtaw pereżempju dwar il-konsum tal-enerġija tal-bini kollu fi Stat Membru, mhux biss dwar bini li ġie rinnovat bi proġetti ffinanzjati mill-UE. Għalhekk, dawn l-indikaturi, ma jirrappurtawx dwar l-iffrankar tal-enerġija li jirriżulta minn investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija ffinanzjati mill-UE.
75Tlieta mill-ħames Stati Membri li żorna ġabru data dwar l-ammont ta’ enerġija ffrankata minn proġetti individwali, inklużi dawk li jikkonċernaw bini residenzjali. Madankollu, il-Kummissjoni ma talbitx lill-Istati Membri biex jipprovdu data għall-monitoraġġ tal-ispiża medja għal kull unità ta’ enerġija ffrankata.
76Fid-dokumenti ta’ ppjanar tagħhom, il-Kummissjoni u l-Istati Membri ddikjaraw li l-investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija jiġġeneraw ukoll benefiċċji oħra minbarra l-iffrankar tal-enerġija (eż. titjib fis-saħħa, riabilitazzjoni urbana, kwalità tal-ħajja, kif ukoll tnaqqis fil-prekarjetà enerġetika, fil-kontijiet tal-enerġija, u fit-tniġġis tal-arja). Madankollu, l-ebda wieħed mill-Istati Membri li żorna ma uża indikaturi biex ikejjel dawn il-benefiċċji addizzjonali.
L-indikaturi ma jistgħux jintużaw għall-monitoraġġ tal-kosteffettività
77L-ebda wieħed mill-indikaturi użati fil-ħames Stati Membri li żorna ma jkejjel il-kosteffettività tal-investimenti relatati mal-effiċjenza fl-enerġija fil-bini. B’segwitu għal sejbiet simili fl-awditu preċedenti tagħna, aħna rrakkomandajna l-monitoraġġ tal-ispiża għal kull unità ta’ enerġija ffrankata u tal-perjodu ta’ rkupru tal-ispiża previst u dak miksub40. Dan jista’ jgħin biex jiġu identifikati punti ta’ riferiment u sollijiet għall-għażla tal-proġetti (ara l-paragrafu 58) kif ukoll biex jiġi vvalutat ir-rendiment tal-programmi operazzjonali fit-twassil tar-riżultati intenzjonati tagħhom, meta tiġi allokata r-riżerva ta’ prestazzjoni (ara l-paragrafu 82).
78Madankollu, il-Kummissjoni ma qablitx bis-sħiħ mar-rakkomandazzjoni tagħna, billi hija qieset li l-komparabbiltà tal-indikaturi rrakkomandati tkun limitata, minħabba l-fatt li dawn l-indikaturi jiddependu fuq ħafna fatturi (eż. il-prezzijiet tal-enerġija, il-klima). Il-Kummissjoni ma fasslitx is-sistema ta’ monitoraġġ tagħha għall-perjodu 2014-2020 għall-monitoraġġ tal-kosteffettività tal-investimenti, jiġifieri billi tiġbor data dwar l-ispiża għal kull unità ta’ enerġija ffrankata. Għalhekk, minkejja ż-żieda ddikjarata fl-orjentazzjoni lejn ir-riżultati tal-infiq tal-politika ta’ Koeżjoni għall-perjodu 2014-2020, ir-rakkomandazzjoni tagħna għadha ma ġietx implimentata.
79Abbażi taċ-ċifri rrappurtati mill-Kummissjoni, aħna kkalkulajna l-ispiża medja għal kull unità domestika rinnovata (ara l-Figura 12) Madankollu, il-Kummissjoni tqis li dawn iċ-ċifri ma jirrappurtawx dwar l-ispiża reali tal-investimenti u ma jirreġistrawx il-firxa sħiħa ta’ benefiċċji pprovduti.
Figura 12
L-ispiża medja għal kull unità domestika bi klassifikazzjoni mtejba tal-konsum tal-enerġija u l-għadd ta’ unitajiet domestiċi rinnovati għal kull Stat Membru
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea (aħna kkalkulajna l-ispiża medja għal kull unità domestika bi klassifikazzjoni mtejba tal-konsum tal-enerġija bid-diviżjoni tal-infiq għar-rinnovazzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija ta’ bini residenzjali (irrappurtat fl-Anness) bl-għadd ta’ unitajiet domestiċi bi klassifikazzjoni mtejba tal-konsum tal-enerġija li ġie rrappurtat taħt l-Indikatur tal-Output Komuni Nru 31 sal-31 ta’ Diċembru 2018). Il-graff ma turix l-ispiża medja għal kull unità domestika għat-tmien Stati Membri (FI, GR, IT, MT, NL, SE, SK, UK) li rrappurtaw li ma kienx hemm unitajiet domestiċi bi klassifikazzjoni mtejba tal-konsum tal-enerġija.
Il-Kummissjoni allokat ir-riżerva ta’ prestazzjoni għall-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija fuq il-bażi tal-infiq u l-outputs, minflok fuq l-enerġija ffrankata
80Biex jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ l-azzjonijiet meħtieġa biex jiġu promossi investimenti kosteffettivi fl-effiċjenza fl-enerġija, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri biex jissodisfaw kundizzjonalità ex ante speċifika sal-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. L-azzjonijiet li kellhom jiġu implimentati biex tiġi ssodisfata din il-kundizzjonalità kienu jikkonsistu minn miżuri li jiżguraw:
- li jkun hemm fis-seħħ rekwiżiti minimi relatati mar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija;
- sistema ta’ ċertifikazzjoni tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija;
- ippjanar strateġiku dwar l-effiċjenza fl-enerġija;
- il-forniment ta’ miters individwali lill-klijenti finali.
Ħlief għall-Italja, l-Istati Membri kollha li żorna kienu implimentaw dawn l-azzjonijiet mill-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. L-Italja implimentat l-azzjonijiet (a) u (b) fl-2017, jiġifieri tliet snin wara l-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020.
82Biex tiżgura li l-programmi operazzjonali jkunu orjentati lejn ir-riżultati, l-UE warrbet riżerva ta’ prestazzjoni (ekwivalenti għal 6 % tal-finanzjament tal-politika ta’ Koeżjoni) u, f’Awwissu 2019, allokatha għall-prijoritajiet li kienu kisbu l-objettivi intermedjarji tagħhom. Fejn ikun hemm żewġ indikaturi, it-tnejn li huma jridu jiksbu mill-inqas 85 % tal-valur tal-objettiv intermedjarju tagħhom. Fejn ikun hemm tliet indikaturi (jew aktar), tnejn minnhom iridu jiksbu mill-inqas 85 % u l-indikatur l-ieħor irid jikseb mill-inqas 75 % tal-objettiv intermedjarju tiegħu.
83Kif identifikat fir-rapporti preċedenti tagħna41, objettivi intermedjarji bħal dawn huma espressi f’termini ta’ indikaturi tal-infiq u tal-output. Il-ħames programmi operazzjonali li eżaminajna esprimew l-objettivi intermedjarji għall-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija f’termini ta’ nfiq u tan-numru ta’ unitajiet domestiċi bi klassifikazzjoni mtejba tal-konsum tal-enerġija.
84Ħlief għal-Litwanja, il-Kummissjoni ddeċidiet jekk tallokax jew le r-riżerva ta’ prestazzjoni għal miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija bbażati fuq l-infiq u l-outputs, u mhux fuq l-enerġija ffrankata f’bini residenzjali jew fuq il-kosteffettività tal-investimenti.
85Fl-Irlanda, l-indikaturi “numru ta’ unitajiet domestiċi bi klassifikazzjoni mtejba tal-konsum tal-enerġija” u “ammont totali ta’ nfiq eliġibbli”, li ġew irrappurtati lill-Kummissjoni, mhumiex affidabbli. B’segwitu għall-awditu li wettaqna u għall-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Irlandiżi rrappurtaw li għal 52 % tal-unitajiet domestiċi li ġew rinnovati permezz tal-Better Energy Warmer Home Schemes fl-2017 ma kienx hemm titjib fil-klassifikazzjonijiet tal-enerġija tagħhom. Attwalment, l-awtoritajiet Irlandiżi qed jirrieżaminaw il-proġetti għall-unitajiet domestiċi li ġew rinnovati fl-2014, fl-2015, fl-2016 u fl-2018 biex jivverifikaw kemm minnhom ma kellhomx titjib fil-klassifikazzjoni tal-enerġija tagħhom.
86Għal-Litwanja, f’Awwissu 2019, abbażi ta’ rapport tal-awditjar tas-sistema nazzjonali, il-Kummissjoni qieset li kien hemm defiċjenza serja fil-kwalità u fl-affidabbiltà tas-sistema ta’ monitoraġġ kollha u tad-data dwar indikaturi komuni u speċifiċi. Dan ma kienx speċifiku għall-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija. Għalhekk, il-Kummissjoni għadha ma allokatx ir-riżerva ta’ prestazzjoni lil xi waħda mill-miżuri fil-programm operazzjonali tal-Litwanja.
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
87Aħna eżaminajna ħames programmi operazzjonali fil-Bulgarija, fiċ-Ċekja, fl-Irlanda, fl-Italja (il-Puglia), fil-Litwanja, li kienu allokaw madwar EUR 2.9 biljun mill-baġit tagħhom taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni tagħhom għal dan il-qasam. Aħna vvalutajna jekk dan il-baġit kienx intuża b’mod kosteffettiv u jekk il-Kummissjoni u l-Istati Membri kinux applikaw ir-rakkomandazzjonijiet li għamilna fir-Rapport Speċjali Nru 21/2012 dwar l-effiċjenza enerġetika fil-bini pubbliku.
88Bħalma għamilna fir-rapport preċedenti tagħna, aħna nikkonkludu li l-infiq tal-UE fuq l-effiċjenza fl-enerġija fil-bini mhuwiex iggwidat mill-kosteffettività. Minkejja titjib fil-gwida pprovduta mill-Kummissjoni, aħna sibna dgħufijiet persistenti, speċjalment fl-għażla tal-proġetti. L-investimenti ffinanzjati għadhom mhumiex iffukati fuq il-kisba tal-akbar iffrankar potenzjali tal-enerġija għall-baġit investit. Proċeduri tal-għażla tal-proġetti aktar iffukati fuq il-kosteffettività jistgħu jwasslu biex jinkiseb iffrankar akbar tal-enerġija għal kull euro investit.
89Peress li dawn il-fondi jintefqu taħt ġestjoni kondiviża, kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri huma responsabbli li jużaw il-fondi biex jiksbu l-akbar impatt. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-għażla tal-proġetti taqa’ taħt ir-responsabbiltà esklussiva tal-Istati Membri. Fil-kuntest ta’ ambizzjoni akbar għall-miri tal-effiċjenza fl-enerġija tal-UE u l-perspettiva ta’ ssikkar tal-baġits, l-iżgurar tal-kosteffettività tal-infiq huwa aktar importanti minn qatt qabel.
90Aħna sibna li l-ħtiġijiet identifikati mill-Istati Membri fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija ma setgħux jitqiesu b’mod xieraq meta kienu qed jitfasslu l-programmi operazzjonali 2014-2020 minħabba restrizzjonijiet taż-żmien. Għall-perjodu 2021-2027, l-Istati Membri kellhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima sal-31 ta’ Diċembru 2019 u l-Istrateġiji nazzjonali ta’ Rinnovazzjoni fit-Tul sal-10 ta’ Marzu 2020. Jenħtieġ li dawn id-dokumenti strateġiċi jaslu fil-ħin biex b’hekk jiġu riflessi fil-programmi ta’ politika tal-Istati Membri.
91Fir-rigward tal-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet tal-programmi operazzjonali nfushom, aħna sibna li:
- Il-ħames programmi operazzjonali kollha li eżaminajna identifikaw il-ħtieġa li tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija tal-istokkijiet tal-bini tagħhom, b’mod partikolari tal-bini residenzjali, iżda ma kkwantifikawx l-iffrankar potenzjali tal-enerġija u l-ħtiġijiet ta’ investiment korrispondenti (il-paragrafi 23 sa 28);
- L-ebda wieħed mill-ħames programmi operazzjonali eżaminati ma ddeskriva l-ostakli li jxekklu l-investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija. Madankollu, il-Litwanja u ċ-Ċekja ħadu inizjattivi biex jindirizzaw xi wħud mill-ostakli (il-paragrafi 29 sa 32);
- Minkejja investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija li jiġġeneraw fluss ta’ ffrankar ta’ spejjeż għas-sid u/jew għall-kerrej tal-bini, li joħolqu argument għall-vijabbiltà għall-użu ta’ strumenti finanzjarji li jistgħu jitħallsu lura, erbgħa mill-ħames programmi operazzjonali li eżaminajna għadhom jużaw għotjiet bħala l-uniku mezz biex jiffinanzjaw dawn l-investimenti. Il-Litwanja biss implimentat strument finanzjarju tal-UE li rnexxa u li pprovda self preferenzjali biex jgħin fit-tiġdid ta’ madwar 4 000 binja b’ħafna appartamenti (il-paragrafi 33 sa 35);
- Minkejja li l-Kummissjoni tat parir biex tinċentiva r-rinnovazzjonijiet estensivi billi tipprovdi rata ogħla tal-għajnuna għal rinnovazzjonijiet aktar estensivi, tlieta mill-ħames Stati Membri li żorna ma mmodulawx ir-rati tal-għajnuna u pprovdew għotjiet ta’ 100 % irrispettivament mill-iffrankar tal-enerġija li l-proġetti huma mistennija li jwasslu. Il-Litwanja u ċ-Ċekja kienu mmodulaw ir-rata tal-għajnuna biex jiġi mmassimizzat l-ingranaġġ tal-finanzjament privat (il-paragrafi 36 sa 42).
Qabel ma tapprova programmi li jipproponu li jintefqu fondi taħt il-politika ta’ Koeżjoni fuq miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta jekk dawn:
- humiex ibbażati fuq analiżi tal-azzjonijiet meħtieġa biex jiġu implimentati strumenti finanzjarji jew mekkaniżmi tas-suq, bħall-ikkuntrattar għar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, u jekk jippromwovux l-użu kosteffettiv ta’ għotjiet iffinanzjati mill-UE għal rinnovazzjonijiet estensivi li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi tar-rendiment fl-użu tal-enerġija, b'kont meħud tal-kundizzjonijiet speċifiċi tas-suq;
- humiex allinjati mal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima u mal-Istrateġiji nazzjonali ta’ Rinnovazzjoni fit-Tul;
- jiddefinixxux l-iffrankar tal-enerġija stmat mill-użu li jsir ta’ fondi tal-UE;
Data mmirata għall-implimentazzjoni: Fil-ħin għall-approvazzjoni tal-programmi 2021-2027.
92Fir-rigward tal-għażla tal-proġetti, aħna sibna li:
- Il-ħames Stati Membri kollha li żorna talbu li l-proġetti jkunu bbażati fuq awditjar tal-enerġija u li jipprovdu ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-bini qabel u wara x-xogħlijiet (il-paragrafi 45 sa 48);
- L-Istati Membri kollha li żorna, ħlief l-Irlanda, talbu proġetti ta’ ċerta ambizzjoni billi stabbilew klassifikazzjonijiet minimi tal-enerġija li l-bini huwa mistenni li jilħaq wara x-xogħlijiet u/jew perċentwali minimi ta’ ffrankar tal-enerġija li l-proġetti huma mistennija li jwasslu. Madankollu, ma kien hemm l-ebda limitu massimu fuq l-ispiża għal kull unità ta’ enerġija ffrankata, li rriżulta fi proġetti li kienu għaljin wisq meta mqabbla mal-enerġija li kienu mistennija li jiffrankaw (il-paragrafi 49 sa 58);
- Ħlief għall-Italja (il-Puglia), l-Istati Membri li żorna allokaw il-baġit għall-proġetti fuq bażi ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel permezz ta’ proċeduri ta’ “sejħiet miftuħa”, u dan ma jippermettix li jitqiesu l-ispiża u l-benefiċċji relattivi tal-proġetti u lanqas li jiġu pprijoritizzati proġetti li x’aktarx iwasslu għal iffrankar akbar tal-enerġija jew għal benefiċċji oħra bi spejjeż aktar baxxi (il-paragrafi 59 sa 64).
Għall-perjodu 2021-2027, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-awtoritajiet maniġerjali jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament Finanzjarju rigward il-prinċipji tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effikaċja, notevolment billi tuża proċeduri tal-għażla tal-proġetti li:
- jistabbilixxu sollijiet minimi u/jew massimi għall-parametri ewlenin (eż. il-kwantità ta’ enerġija li trid tiġi ffrankata, il-klassifikazzjoni minima tal-enerġija li l-bini huwa mistenni li jilħaq wara l-proġett, il-valur nett attwali, il-perjodu sempliċi ta’ rkupru tal-ispiża jew l-ispiża għal kull unità ta’ enerġija ffrankata);
- jivvalutaw l-ispejjeż u l-benefiċċji relattivi tal-proġetti u jagħżlu dawk li jwasslu għal iffrankar akbar tal-enerġija u għal benefiċċji oħra bi spejjeż aktar baxxi.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: Fil-ħin għall-approvazzjoni tal-programmi 2021-2027.
93Fir-rigward tal-qafas ta’ prestazzjoni, aħna sibna li:
- Ma hemmx indikatur li jkejjel l-enerġija ffrankata minn investimenti f’bini residenzjali, għaldaqstant mhuwiex possibbli li nkunu nafu l-kontribuzzjoni tal-baġit tal-UE għall-miri tal-effiċjenza fl-enerġija tal-UE. Barra minn hekk, ma hemmx indikatur li jkejjel benefiċċji oħra li dawn l-investimenti huma mistennija li jiġġeneraw (il-paragrafi 67 sa 76);
- L-ebda wieħed mill-indikaturi użati fl-Istati Membri li żorna ma jkejjel il-kosteffettività tal-investimenti fil-bini billi l-Kummissjoni ma fasslitx is-sistema ta’ monitoraġġ tagħha għall-perjodu 2014-2020 biex tipprovdi informazzjoni dwar l-ispiża għal kull unità ta’ enerġija ffrankata (il-paragrafi 77 sa 79);
- L-awtoritajiet maniġerjali kollha li żorna (ħlief l-Italja (il-Puglia)) wettqu l-azzjonijiet iddefiniti mill-kundizzjonalità ex ante għall-investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija fi żmien debitu. Madankollu, il-kriterji għall-allokazzjoni tar-riżerva ta’ prestazzjoni ma żgurawx li l-infiq ikun orjentat lejn ir-riżultati, billi l-Kummissjoni allokatha fuq il-bażi tal-infiq u l-outputs, aktar milli fuq l-enerġija ffrankata jew il-kosteffettività (il-paragrafi 80 sa 86).
Jenħtieġ li l-Kummissjoni:
- tipprovdi informazzjoni kemm dwar l-infiq aggregat kif ukoll dwar l-ammont ta’ enerġija ffrankata jew riżultati oħra ġġenerati mill-investimenti;
- tiddefinixxi indikaturi għall-monitoraġġ tal-kosteffettività tal-investimenti; u
- tuża dawn l-indikaturi meta tieħu deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni tar-riżorsi fl-analiżi ta’ nofs it-terminu għall-perjodu 2021-2027.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: Għall-punt (b), fil-ħin għall-approvazzjoni tal-programmi 2021-2027, u għall-punti (a) u (c), ladarba jiġu approvati l-programmi kollha għall-perjodu 2021-2027.
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla I, immexxija mis-Sur Nikolaos MILIONIS, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-30 ta’ Marzu 2020.
Għall-Qorti tal-Awdituri
Klaus-Heiner LEHNE
Il-President
Anness
Anness I Fondi tal-politika ta’ Koeżjoni 2014-2020 għall-effiċjenza fl-enerġija fil-bini
| Stati Membri | Baġit għall-bini residenzjali | Baġit għall-bini pubbliku | Baġit għall-bini (is-somma tal-bini residenzjali u ta’ dak pubbliku) | % tal-Baġit għall-bini fuq il-baġit totali tal-fondi tal-politika ta’ Koeżjoni fl-Istat Membru | % tal-Baġit għall-bini, li ntefaq sal-31.12.2018 | Nefqa għall-bini residenzjali sal-31.12.2018 |
| AT | 0 | 5 893 940 | 5 893 940 | 1 % | 19 % | 0 |
| BE | 12 000 000 | 26 330 513 | 38 330 513 | 2 % | 14 % | 2 004 843 |
| BG | 116 091 519 | 80 508 006 | 196 599 525 | 3 % | 15 % | 12 844 101 |
| CY | 20 500 000 | 23 500 000 | 44 000 000 | 6 % | 20 % | 7 058 821 |
| CZ | 373 969 708 | 617 437 463 | 991 407 171 | 5 % | 21 % | 90 193 054 |
| DE | 0 | 892 832 893 | 892 832 893 | 5 % | 9 % | 0 |
| DK | 0 | 0 | 0 | 0 % | 0 % | 0 |
| EE | 174 636 461 | 1 863 044 | 176 499 505 | 5 % | 46 % | 80 542 195 |
| ES | 557 157 926 | 1 028 280 396 | 1 585 438 322 | 5 % | 7 % | 80 505 722 |
| FI | 1 996 928 | 12 011 720 | 14 008 648 | 1 % | 19 % | 571 466 |
| FR | 454 230 674 | 257 357 785 | 711 588 459 | 5 % | 22 % | 126 810 646 |
| GR | 248 138 321 | 307 639 356 | 555 777 677 | 3 % | 8 % | 26 600 287 |
| HR | 90 000 000 | 181 810 805 | 271 810 805 | 3 % | 23 % | 42 350 578 |
| HU | 250 323 411 | 902 749 679 | 1 153 073 090 | 5 % | 27 % | 65 880 774 |
| IE | 84 500 000 | 0 | 84 500 000 | 8 % | 27 % | 22 653 118 |
| IT | 41 534 286 | 1 053 215 228 | 1 094 749 514 | 3 % | 10 % | 1 793 395 |
| LT | 336 171 919 | 160 392 880 | 496 564 799 | 7 % | 46 % | 208 021 084 |
| LU | 1 203 638 | 2 407 277 | 3 610 915 | 9 % | 39 % | 636 990 |
| LV | 150 000 000 | 182 545 246 | 332 545 246 | 8 % | 6 % | 6 587 902 |
| MT | 5 088 170 | 4 866 946 | 9 955 116 | 1 % | 33 % | 2 400 000 |
| NL | 9 652 206 | 20 164 314 | 29 816 520 | 3 % | 33 % | 800 000 |
| PL | 750 703 882 | 1 502 887 179 | 2 253 591 061 | 3 % | 23 % | 68 664 689 |
| PT | 143 626 068 | 442 916 876 | 586 542 944 | 3 % | 3 % | 10 061 529 |
| RO | 444 330 119 | 741 840 094 | 1 186 170 213 | 5 % | 9 % | 81 954 405 |
| SE | 13 637 164 | 12 561 834 | 26 198 998 | 2 % | 6 % | 908 540 |
| SI | 6 600 000 | 142 360 000 | 148 960 000 | 5 % | 26 % | 1 016 859 |
| SK | 111 388 554 | 474 886 480 | 586 275 034 | 4 % | 34 % | 111 338 723 |
| UK | 161 251 913 | 75 302 550 | 236 554 463 | 2 % | 14 % | 6 710 616 |
| EU-28 | 4 558 732 867 | 9 154 562 505 | 13 713 295 372 | 4 % | 18 % | 1 058 910 337 |
Sors: il-QEA, ibbażat fuq data pprovduta mill-Kummissjoni Ewropea.
Glossarju
(a) il-Fond ta’ Koeżjoni (FK): Fond tal-UE għat-tnaqqis tad-disparitajiet ekonomiċi u soċjali u għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli fl-UE bl-iffinanzjar ta’ investimenti fl-Istati Membri fejn l-introjtu nazzjonali gross għal kull abitant ikun inqas minn 90 % tal-medja tal-UE.
(b) il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR): Fond tal-UE li l-għan tiegħu huwa li jsaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni Ewropea kollha billi jikkoreġi l-iżbilanċi bejn ir-reġjuni tagħha permezz ta’ appoġġ finanzjarju, b’mod partikolari għall-oqsma ta’ prijorità bħall-innovazzjoni u r-riċerka, l-aġenda diġitali, l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u l-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, kif ukoll l-ambjent u t-trasport sostenibbli.
Awditjar tal-enerġija: Awditjar standard tal-enerġija jikkonsisti f’analiżi komprensiva tal-enerġija għas-sistemi tal-enerġija ta’ faċilità. B’mod partikolari, huwa jinkludi l-iżvilupp ta’ linja bażi għall-użu tal-enerġija tal-faċilità, kif ukoll evalwazzjoni tal-iffrankar potenzjali tal-enerġija, u l-kosteffettività ta’ miżuri ta’ konservazzjoni tal-enerġija magħżula kif xieraq.
Awtorità maniġerjali: Il-korp nazzjonali, reġjonali jew lokali maħtur mill-Istat Membru biex jimmaniġġja programm operazzjonali. Il-kompiti tagħha jinkludu l-għażla tal-proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati, il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti u r-rappurtar lill-Kummissjoni dwar ir-riżultati miksuba.
Effiċjenza fl-enerġija: Din tirreferi għall-użu ta’ inqas dħul ta’ enerġija għal livell ekwivalenti ta’ attività jew servizz ekonomiku. Investiment fl-effiċjenza fl-enerġija jipprovdi redditu ekonomiku u soċjali aħjar minn investiment fil-provvista tal-enerġija. L-effiċjenza fl-enerġija żżid il-potenzjal għal tkabbir ekonomiku, tagħmel il-kumpaniji aktar kompetittivi, tnaqqas il-kontijiet tal-enerġija tal-unitajiet domestiċi u twassal għal inqas dipendenza fuq l-importazzjoni tal-enerġija, tnaqqis fl-emissjonijiet u titjib fil-kwalità tal-arja.
Ftehimiet ta’ Sħubija: Isiru bejn il-Kummissjoni Ewropea u kull wieħed mill-Istati Membri għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020. Huma jiddeskrivu l-pjanijiet tal-awtoritajiet nazzjonali dwar kif biħsiebhom jużaw il-finanzjament mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE), u jfissru fil-qosor l-għanijiet strateġiċi u l-prijoritajiet ta’ investiment ta’ kull pajjiż, filwaqt li jorbtuhom mal-għanijiet ġenerali tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Huma jitħejjew mill-Istat Membru fi djalogu mal-Kummissjoni u jridu jiġu adottati mill-Kummissjoni.
Ikkuntrattar għar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija: Arranġament kuntrattwali bejn il-benefiċjarju u l-fornitur ta’ miżura għal titjib tal-effiċjenza fl-enerġija, ivverifikata u sorveljata matul it-terminu kollu tal-kuntratt, fejn l-investimenti (ix-xogħol, il-provvista jew is-servizz) f’dik il-miżura isir ħlas għalihom b’rabta ma’ livell ta’ titjib tal-effiċjenza fl-enerġija miftiehem kuntrattwalment jew ma’ kriterju ieħor miftiehem ta’ prestazzjoni tal-enerġija, bħal iffrankar finanzjarju (l-Artikolu 2(27) tad-Direttiva 2012/27/UE dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija).
Investiment kosteffettiv: L-alternattiva tal-ispiża l-aktar baxxa għall-kisba ta’ livell speċifiku ta’ rendiment jew l-ogħla livell ta’ alternattiva tar-rendiment għal livell speċifiku ta’ spiża. Dan l-investiment jista’ jintuża wkoll għall-paragun u l-prijoritizzazzjoni ta’ proġetti alternattivi fi ħdan programm. (Kreith, F., Goswami, Y. D. Handbook of Energy Efficiency and Renewable Energy, Taylor & Francis, Boca Raton, l-Istati Uniti tal-Amerka, 2007). Il-prinċipju tal-effiċjenza li jikkonċerna l-aħjar relazzjoni bejn ir-riżorsi użati, l-attivitajiet imwettqa u l-objettivi li ntlaħqu huwa rekwiżit għall-infiq tal-baġit tal-UE (ara l-Artikolu 33(1)(b) tar-Regolament Finanzjarju).
Kundizzjonalitajiet ex ante: Kundizzjonijiet ibbażati fuq kriterji għall-issodisfar iddefiniti minn qabel stabbiliti fir-Regolament 1303/2013 dwar Dispożizzjonijiet Komuni, li jitqiesu bħala prerekwiżiti meħtieġa għall-użu effettiv u effiċjenti tal-fondi taħt il-politika ta’ Koeżjoni tal-UE. Meta jkunu qed iħejju l-programmi operazzjonali taħt il-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, l-Istati Membri jridu jivvalutaw jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunux ġew issodisfati. Jekk dan ma jkunx il-każ, ikun jeħtieġ li jitħejjew pjanijiet ta’ azzjoni biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet ikunu ġew issodisfati sal-31 ta’ Diċembru 2016.
Metodoloġija kostottimali għall-bini: Il-metodoloġija kostottimali għandha l-għan li toħloq qafas legali biex jiżdiedu r-rekwiżiti minimi tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija tal-Istati Membri biex jiġi żgurat li jiġu adottati l-miżuri kollha li jkunu ekonomikament razzjonali.
Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-Effiċjenza fl-Enerġija (NEEAPs): Dawn huma għodod strateġiċi li l-Istati Membri jużaw għall-ippjanar, il-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija fis-setturi kollha. Huma jistabbilixxu r-responsabbiltajiet; jistgħu jistmaw il-ħtiġijiet u jallokaw il-baġits. L-NEEAPs jikkostitwixxu obbligu li jrid jiġi ssodisfat mill-Istati Membri, iżda huma ma għandhom l-ebda rabta diretta mal-Finanzjament taħt il-qasam tal-Koeżjoni. Ma hemm l-ebda rekwiżit jew obbligu legali li jiġi rappurtat l-iffrankar tal-enerġija miksub permezz tal-Fondi tal-UE, u lanqas obbligu li jintużaw fondi tal-UE biex jiffinanzjaw l-oqsma identifikati fl-NEEAPs.
Politika ta’ Koeżjoni: Il-politika ta’ investiment prinċipali tal-UE, li għandha l-għan li tnaqqas id-disparitajiet ekonomiċi u soċjali bejn ir-reġjuni u l-Istati Membri. Dan l-awditu kien jikkonċerna b’mod partikolari żewġ fondi:
Programm operazzjonali: Jistipula l-prijoritajiet u l-objettivi speċifiċi ta’ Stat Membru jew reġjun, u kif il-finanzjament (kofinanzjament mill-UE u kofinanzjament nazzjonali pubbliku u privat) mill-fondi taħt il-politika ta’ Koeżjoni jkun se jintuża matul perjodu ta’ żmien partikolari (attwalment il-perjodu 2014-2020) biex jiffinanzja l-proġetti. Dawn il-proġetti jridu jikkontribwixxu għall-ilħuq ta’ ċertu għadd ta’ objettivi speċifikati fil-livell tal-assi prijoritarju tal-programm operazzjonali. Programm operazzjonali jitħejja mill-Istat Membru u jrid jiġi approvat mill-Kummissjoni qabel ma jkunu jistgħu jsiru xi pagamenti mill-baġit tal-UE. Il-programmi operazzjonali jistgħu jiġu mmodifikati biss matul il-perjodu kopert, jekk iż-żewġ partijiet ikunu jaqblu.
Riżerva ta’ prestazzjoni: Tirrappreżenta 6 % tar-riżorsi ta’ riżerva allokati għall-FEŻR u għall-FK taħt l-għan ta’ Investiment għat-Tkabbir u l-Impjiegi. Dawn il-fondi huma inklużi fil-programmi, iżda jiġu allokati jew riallokati definittivament, skont l-eżitu tal-analiżi tal-prestazzjoni tal-2019.
Skemi ta’ Obbligi tal-Effiċjenza fl-Enerġija: Strumenti bbażati fuq is-suq, iddefiniti mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2012/27/UE dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, li jistabbilixxi rekwiżiti għall-“partijiet obbligati” biex jilħqu miri kwantitattivi tal-iffrankar tal-enerġija fil-portafoll kollu tagħhom. Il-partijiet obbligati jistgħu jkunu kumpaniji tal-bejgħ tal-enerġija fil-livell tal-konsum, u distributuri tal-enerġija jew tal-fjuwil tat-trasport.
Tim tal-awditjar
Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.
Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla I tal-Awditjar, Użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, li hija mmexxija minn Nikolaos Milionis, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn João Figueiredo, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Michael Bain, Maniġer Prinċipali; Lorenzo Pirelli, Kap tal-Kompitu; Aris Konstantinidis, Radostina Simeonova, u Jolanta Žemailaitė, Awdituri. Miroslava Chakalova‑Siddy u Richard Moore pprovdew appoġġ lingwistiku.
Mix-xellug għal-lemin:
Noti finali
1 Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1). L-Artikolu 2(4): L-output jista’ jirreferi għar-rendiment, is-servizz, l-oġġetti jew l-enerġija.
2 Ibid.
3 Id-Direttiva 2018/2002/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 210).
4 Il-Patt Ekoloġiku Ewropew - Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. COM(2019) 640 final tal-11.12.2019.
5 Il-Kummissjoni (2019) 224 final, “Valutazzjoni tal-2018 tal-progress li għamlu l-Istati Membri biex jinkisbu l-miri tal-effiċjenza enerġetika għall-2020 u l-progress lejn l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija”, kif meħtieġ mill-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2012/27/UE.
6 Dokument tal-Kummissjoni tal-2017 “Good practice in energy efficiency” – Lessons learnt, p. 18 u COM SWD(2016) 408 final, “Evaluation of the Directive 2010/31/EU on the energy performance of buildings”, p. 15.
7 Ara https://ec.europa.eu/energy/en/topics/energy-efficiency/heating-and-cooling
8 Ara r-Rapport Speċjali Nru 1/2020: “L-azzjoni tal-UE fil-qasam tal-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija: il-kontribut importanti għal effiċjenza akbar fl-enerġija tnaqqas minn dewmien sinifikanti u nuqqas ta’ konformità”.
9 Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (2016) 405 final, Impact assessment accompanying the Proposal for a Directive of the European Parliament and of the Council amending Directive 2012/27/EU on Energy Efficiency.
10 Id-Direttiva 2010/31/UE tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija.
11 L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija.
12 Ara r-Rapport Speċjali Nru 21/2012: “Il-Kosteffettività tal-Investimenti tal-Politika ta’ Koeżjoni fl-Effiċjenza Enerġetika”: www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR12_21/SR12_21_MT.PDF
13 COM(2013) 762 final: L-Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija – il-Gwida tal-Kummissjoni u SWD(2013) 180 final: Guidance for National Energy Efficiency Action Plans, it-Taqsimiet 3.2.4 u 3.2.5.
14 Il-Kummissjoni (2017): “Good practice in energy efficiency”, p. 15.
15 Rapport tal-JRC (2014), “Overcoming the split incentive barrier in the building sector”.
16 L-Aġenzija Nazzjonali Taljana għall-Enerġija: l-ENEA (2017): “The Energy Performance Contracts”.
17 Il-Kummissjoni (2017) “Eurostat Guidance note: the recording of energy performance contracts in government accounts”.
18 https://www.eib.org/attachments/pj/guide_to_statistical_treatment_of_epcs_en.pdf
19 Ara d-Direttiva tal-2010 dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija u COM (2013) 225 final, “L-appoġġ finanzjarju għall-effiċjenza enerġetika fil-bini”.
20 Ara d-dokument tal-Kummissjoni (2014), “Technical Guidance on Financing the energy renovation of buildings with Cohesion policy funding”, p. 45.
21 Ir-Regolament Finanzjarju EU/EURATOM 2018/1046 tat-18 ta’ Lulju 2018.
22 L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2012/27/UE dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija.
23 Il-Kummissjoni (2014), “Technical Guidance on Financing the energy renovation of buildings with Cohesion policy funding”.
24 Il-perjodu sempliċi ta’ rkupru tal-ispiża huwa wieħed mill-metodi ta’ evalwazzjoni għall-kosteffettività, indikat fid-dokument tal-Kummissjoni (2014), “Technical Guidance on Financing the energy renovation of buildings with Cohesion policy funding”. Huwa jkejjel iż-żmien meħtieġ għall-iffrankar akkumulat iġġenerat mill-proġett biex jinkiseb lura l-investiment inizjali.
25 Ara r-Rapport Speċjali Nru 21/2012 tagħna, il-paragrafi 41 sa 44.
26 Ara r-Rapport Speċjali Nru 21/2012, ir-Rakkomandazzjoni 2.
27 F’konformità mad-dokument tal-Kummissjoni Ewropea (2014), “Technical Guidance on Financing the energy renovation of buildings with Cohesion policy funding”, p. 55, li jirrakkomanda lill-awtoritajiet maniġerjali biex jirrikjedu li l-proġetti jżidu l-klassifikazzjoni tal-enerġija b’mill-inqas żewġ jew tliet livelli biex ikunu eliġibbli, biex b’hekk jiġi evitat li jintgħażlu dawk li jistgħu jitwettqu faċilment.
28 Abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-UE 2010/31/KE u l-Istandard Ewropew EN 15459:2007.
30 Ara t-Taqsima 4(c) tal-Programm Operazzjonali Reġjonali Irlandiż tan-Nofsinhar u tal-Lvant 2014-2020.
31 Ara r-Rapport Speċjali Nru 21/2012, il-paragrafu 52(a).
32 Il-Kummissjoni (2014), “Technical Guidance on financing the energy renovation of buildings with Cohesion Policy funding”, p. 54.
33 Ara r-Rapport Speċjali Nru 21/2012, il-paragrafu 51(b).
34 Il-Kummissjoni (2014), “Technical Guidance on Financing the energy renovation of buildings with Cohesion Policy funding”, p. 54.
35 F’konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba stabbilit fir-Regolament Finanzjarju UE/EURATOM 2018/1046 tat-18 ta’ Lulju 2018, l-Artikolu 33.
36 Il-Kummissjoni (2014), “Guidance for Member States on performance framework, review and reserve” u “Guidance on ex-ante conditionalities”.
37 L-Artikolu 5 u l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1300/2013 dwar il-Fond ta’ Koeżjoni. L-Artikolu 6 u l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1301/2013 dwar il-FEŻR.
38 Dan huwa l-baġit li ġie allokat mill-Istati Membri fil-31 ta’ Jannar 2020.
39 Ara r-Rapport Speċjali Nru 21/2012, il-paragrafu 51(c).
40 Ara r-Rapport Speċjali Nru 21/2012 tagħna, ir-Rakkomandazzjoni 2.
41 Ir-Rapport speċjali Nru 15/2017 (https://www.eca.europa.eu/mt/Pages/DocItem.aspx?did=43174), l-Opinjoni Nru 6/2018 (https://www.eca.europa.eu/mt/Pages/DocItem.aspx?did=47745), u d-Dokument Informattiv u Analitiku “Prestazzjoni fil-qasam tal-Koeżjoni” (https://www.eca.europa.eu/mt/Pages/DocItem.aspx?did=50385).
42 Ir-Regolament (EU) 2018/1999, Artikolu 2(18)
43 Adottati bħala parti mill-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha f’Novembru 2016, COM (2016) 860 final, 30.11.2016
44 Feasibility study to finance low-cost energy efficiency measures in low-income households from EU funds”, Final Report for DG Energy, August 2016, https://ec.europa.eu/energy/sites/ener/files/documents/low_cost_energy_efficiency_measures_-_final_report.pdf.
45 Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 215/2014, Artikolu 5(1)
46 COM(2018) 375 finali, 29.5.2018, ara b’mod partikolari l-Artikolu 67
Kronoloġija
| Avveniment | Data |
|---|---|
| Il-Memorandum ta’ Ppjanar tal-Awditjar (APM) jiġi adottat / L-awditu jinbeda | 23.1.2019 |
| L-abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lill-entità l-oħra awditjata) | 16.12.2019 |
| Ir-rapport finali jiġi adottat wara l-proċedura kontradittorja | 11.3.2020 |
| Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew tal-entità l-oħra awditjata) jaslu bil-lingwi kollha | 20.4.2020 |
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2020
| ISBN 978-92-847-4405-3 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/12955 | QJ-AB-20-004-MT-N | |
| HTML | ISBN 978-92-847-4372-8 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/256802 | QJ-AB-20-004-MT-Q |
DRITTIJIET TAL-AWTUR
© L-Unjoni Ewropea, 2020.
Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.
Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, pereżempju f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.
Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur:
Figura 1: © Shutterstock / Ritratt ta’ PIXEL to the PEOPLE.
Figura 5: © Shutterstock / Ritratt ta’ Milagli.
Stampa fil-Kaxxa 3: © Shutterstock / Ritratt ta’ Marko Mitrovicv.
Softwer jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.
Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li dawn ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-QEA, inti mħeġġeġ biex teżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.
Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri
Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.
Kif tikkuntattja lill-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
- bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Kif issib tagħrif dwar l-UE
Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu
Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (https://copenhagenizeindex.eu/) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.
