
Broadband fl-Istati Membri tal-UE: minkejja l-progress li sar, mhumiex se jintlaħqu l-miri kollha ta’ Ewropa 2020
Dwar ir-rapport Broadband, jiġifieri l-aċċess aktar rapidu u ta’ kwalità aħjar għall-internet, qed isir dejjem aktar importanti mhux biss għall-kompetittività tan-negozji, iżda wkoll billi jgħin fl-inklużjoni soċjali. Bħala parti mill-istrateġija Ewropa 2020 tagħha, l-UE ssettjat miri għall-broadband, inkluż li sal-2020, l-Ewropej kollha jkollhom aċċess għal broadband veloċi. Biex tappoġġa dawn l-objettivi, l-UE qiegħdet madwar EUR 15-il biljun għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri fil-perjodu 2014-2020. Aħna sibna li b’mod ġenerali, qed isir titjib fil-kopertura bil-broadband madwar l-UE, iżda li l-miri ta’ Ewropa 2020 mhumiex se jintlaħqu kollha. Iż-żoni rurali, fejn is-settur privat għandu inqas inċentiv biex jinvesti, għadhom mhumiex konnessi daqstant tajjeb daqs l-ibliet, u l-mira għar-rata ta’ użu ta’ broadband ultraveloċi għadha sinifikattivament ’il bogħod milli tintlaħaq.
Sommarju eżekuttiv
Dwar il-broadband
IBroadband huwa t-terminu komuni li jintuża biex ifisser veloċitajiet akbar tal-internet u karatteristiċi tekniċi oħra li jippermettu l-aċċess għal jew jipprovdu kontenut, applikazzjonijiet u servizzi ġodda. Żieda fl-importanza tad-data diġitali issa tfisser li konnessjonijiet tajbin tal-internet huma essenzjali mhux biss sabiex in-negozji Ewropej jibqgħu kompetittivi fl-ekonomija globali, iżda wkoll b’mod aktar ġenerali għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali.
IIBħala parti mill-istrateġija Ewropa 2020 tagħha, fl-2010 l-UE ssettjat tliet miri għall-broadband, jiġifieri li: sal-2013, l-Ewropej kollha jkollhom aċċess għal broadband bażiku (sa 30 Megabit kull sekonda, Mbps); sal-2020, jiġi pprovdut broadband veloċi (aktar minn 30 Mbps) lill-Ewropej kollha; sal-2020, jiġi żgurat li 50% jew aktar tal-unitajiet domestiċi fl-Ewropa jkunu qed jużaw broadband ultraveloċi (aktar minn 100 Mbps). Biex tappoġġa dawn l-objettivi, l-UE implimentat sensiela ta’ miżuri ta’ politika u miżuri regolatorji u qiegħdet madwar EUR 15-il biljun għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri għall-perjodu 2014-2020, permezz ta’ diversi sorsi u tipi ta’ finanzjament, inkluż self ta’ EUR 5.6 biljun mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI).
Kif wettaqna l-awditu tagħna
IIIAħna indirizzajna l-effettività tal-azzjoni li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri ħadu biex jilħqu l-objettivi ta’ Ewropa 2020 għall-broadband.
IVL-awditu kopra l-perjodi ta' programmazzjoni 2007-2013 u 2014-2020 kif ukoll is-sorsi kollha ta’ finanzjament mill-UE, inkluż l-appoġġ mogħti mill-BEI. Ix-xogħol tal-awditjar tagħna kien jinvolvi dawk il-partijiet kollha tal-Kummissjoni li kellhom rwoli sinifikanti fil-broadband, kif ukoll il-BEI. Biex nifhmu fid-dettall il-problemi nazzjonali relatati, aħna ffukajna fuq ħames Stati Membri: l-Irlanda, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Polonja u l-Italja. Aħna żorna wkoll diversi partijiet interessati oħra (bħall-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali, assoċjazzjonijiet kummerċjali u tat-telekomunikazzjoni, assoċjazzjonijiet tal-konsumatur u trade unions).
X'sibna
VAħna sibna li b’mod ġenerali, qed isir titjib fil-kopertura bil-broadband madwar l-UE, iżda li l-miri ta’ Ewropa 2020 mhumiex se jintlaħqu kollha. Iż-żoni rurali, fejn is-settur privat għandu inqas inċentiv biex jinvesti fil-provvista ta’ broadband, għadhom mhumiex konnessi daqstant tajjeb daqs l-ibliet, u l-mira għar-rata ta’ użu ta’ broadband ultraveloċi għadha sinifikattivament ’il bogħod milli tintlaħaq.
VIF’termini tat-tliet miri, filwaqt li kważi l-Istati Membri kollha laħqu l-mira għall-kopertura bil-broadband bażiku sal-2013, dan x’aktarx li mhux se jkun il-każ għall-mira tal-2020 għall-broadband veloċi. Fil-biċċa l-kbira mill-Istati Membri, iż-żoni rurali jibqgħu problematiċi: sa nofs l-2017, 14-il Stat Membru kellhom kopertura ta’ inqas minn 50 % fiż-żoni rurali. Għat-tielet mira relatata mar-rata ta’ użu ta’ broadband ultraveloċi, 15 % biss tal-unitajiet domestiċi kienu abbonaw għal konnessjonijiet tal-internet ta’ din il-veloċità sa nofs l-2017, imqabbel ma’ mira ta’ 50 % sal-2020. Minkejja dawn il-problemi, jekk il-pjanijiet tagħhom jiġu implimentati kif intenzjonat, tlieta mill-ħames Stati Membri eżaminati jistgħu jkunu f’pożizzjoni tajba biex jilħqu l-objettivi tal-Kummissjoni għall-2025, fosthom li l-unitajiet domestiċi kollha għandu jkollhom aċċess għal broadband ultraveloċi, li jista’ jilħaq il-veloċità ta’ 1 Gbps. L-Istati Membri vvalutaw b’mod pożittiv l-appoġġ mogħti mill-Kummissjoni, iżda ma hemmx koordinazzjoni tal-monitoraġġ fost id-Direttorati Ġenerali
VIIL-Istati Membri kollha kienu żviluppaw strateġija għall-broadband, iżda kien hemm xi dgħufijiet f’dawk minnhom li eżaminajna. Xi Stati Membri ffinalizzaw l-istrateġija tagħhom tard, u l-miri tagħhom mhux dejjem kienu konsistenti ma’ dawk f’Ewropa 2020. Mhux l-Istati Membri kollha kienu indirizzaw l-isfidi relatati mal-infrastruttura preeżistenti tal-internet tagħhom (l-infrastruttura tagħhom tat-telefown), b’implikazzjonijiet potenzjali għal veloċità adegwata fit-terminu medju u f’dak fit-tul.
VIIIDiversi fatturi llimitaw il-progress tal-Istati Membri lejn l-ilħuq tal-miri tagħhom għall-broadband. Il-finanzjament f’żoni rurali u suburbani ma ġiex indirizzat b’mod xieraq fi tlieta mill-Istati Membri li eżaminajna, u proġett kbir tal-BEI li kien appoġġat permezz tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi ma ffukax fuq dawk iż-żoni fejn l-appoġġ mis-settur pubbliku huwa l-aktar meħtieġ. Aħna sibna li l-ambjenti legali u kompetittivi ħolqu problemi f’żewġ Stati Membri. Barra minn hekk, sibna li fi Stat Membru wieħed kien hemm nuqqas ta’ koordinazzjoni minn perjodu ta' programmazzjoni għall-ieħor.
X'nirrakkomandaw
IXAħna nagħmlu rakkomandazzjonijiet fi tliet oqsma, dwar l-ippjanar strateġiku, l-ambjent regolatorju u l-istimulazzjoni tal-kompetizzjoni permezz ta’ finanzjament. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jinkludu dan li ġej:
- Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżviluppaw pjanijiet ġodda għall-perjodu wara l-2020.
- Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkjarifika l-applikazzjoni tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat, billi xi Stati Membri qed jinterpretawhom b’mod li jista’ jillimita l-investiment tagħhom fil-broadband. Jenħtieġ ukoll li hija tappoġġa l-isforzi li jsiru mill-Istati Membri biex jistimulaw aktar kompetizzjoni fil-provvista ta’ servizzi tal-broadband billi tinċentiva l-istabbiliment ta’ netwerks xierqa u taggrega proġetti li jkunu ta’ daqs aktar żgħir fi proġetti ta’ daqs kritiku, fejn dan ikun xieraq.
- Jenħtieġ li l-BEI jiffoka l-appoġġ tiegħu permezz tal-FEIS u tal-Fond tal-Broadband għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa fuq proġetti żgħar u ta’ daqs medju f’żoni fejn l-appoġġ mis-settur pubbliku huwa l-aktar meħtieġ, f’konformità mal-għan li jingħata appoġġ għal proġetti aktar riskjużi.
Introduzzjoni
Broadband u l-importanza tiegħu
01Id-data diġitali permezz tal-internet qed ikollha rwol dejjem akbar fil-ħajja taċ-ċittadini, fil-gvern u fil-kummerċ. Sabiex l-Ewropa tibqa’ kompetittiva fl-ekonomija globali, huwa essenzjali li l-livelli ta’ veloċità tal-internet u ta’ aċċess għalih, kif ipprovduti mill-broadband ikunu tajbin. Pereżempju:
- żieda ta’ 10 % fil-konnessjonijiet tal-broadband f’pajjiż tista’ tirriżulta f’żieda ta’ 1 % fil-PDG per capita kull sena1;
- żieda ta’ 10 % fil-konnessjonijiet tal-broadband tista’ żżid il-produttività tax-xogħol b’1.5 % matul il-ħames snin li ġejjin2; u
- investimenti fil-broadband jgħinu wkoll biex tiġi pprovduta edukazzjoni ta’ kwalità, jippromwovu l-inklużjoni soċjali u jibbenefikaw reġjuni rurali u remoti.
Xi partijiet interessati3 huma tal-opinjoni li l-broadband huwa tant importanti li għandu jitqies bħala utilità essenzjali, flimkien ma’ utilitajiet oħra bħat-toroq, l-ilma, l-elettriku u l-gass.
02It-terminu “broadband”, fil-kuntest tal-aċċess għall-internet, ma għandux tifsira teknika speċifika iżda jintuża biex jirreferi għal kull infrastruttura għal aċċess għall-internet b’veloċità għolja li tkun dejjem mixgħula u aktar rapida mill-aċċess tradizzjonali bil-linja normali tat-telefown. Il-Kummissjoni ddefiniet tliet kategoriji ta’ veloċitajiet tad-download:
- “Broadband bażiku” għal veloċitajiet bejn 144 Kbps u 30 Mbps;
- “Broadband veloċi” għal veloċitajiet bejn 30 u 100 Mbps; u
- “Broadband ultraveloċi” għal veloċitajiet ogħla minn 100 Mbps.
Netwerk ta' aċċess għall-broadband huwa ġeneralment magħmul minn tliet partijiet: in-netwerk ta’ bażi, il-konnessjonijiet tal-mil tan-nofs u dawk tal-aħħar mil sal-utent aħħari (ara l-Figura 1)4.
Figura 1
Segmenti ta’ netwerk tal-broadband
Sors: Il-QEA.
Meta tkun qed tiġi vvalutata l-veloċità tal-internet issir distinzjoni importanti bejn il-veloċità tad-download u dik tal-upload. Veloċità tad-download tirreferi għar-rata li biha d-data tasal minn sistema remota, bħal fil-każ ta’ bbrawżjar fuq l-internet jew streaming tal-vidjos; veloċità tal-upload tirreferi għar-rata li biha d-data tintbagħat għal sistema remota, bħal fil-każ ta’ vidjokonferenzi. Karatteristiċi tekniċi oħra qed isiru dejjem aktar rilevanti għall-provvista ta’ ċerti servizzi (bħal vidjokonferenzi, cloud computing, sewqan konness u saħħa elettronika). It-tip ta’ infrastruttura użata jiddefinixxi l-limitu massimu tal-veloċità tal-konnessjoni. Hemm ħames tipi ta’ infrastruttura li jistgħu jipprovdu servizzi tal-broadband: linji tal-fibrottika, kejbil koassjali, linji tat-telefown tar-ram, terrestri mingħajr fili (siti/torrijiet ta’ antenni) u satellita (ara t-Tabella 1). Minħabba żvilupp teknoloġiku rapidu, hemm teknoloġiji oħra li wkoll qegħdin jiżviluppaw il-kapaċità li jipprovdu servizzi tal-broadband veloċi (ara l-Kaxxa 1).
Bil-fili jew mingħajr fili | Infrastruttura | Veloċità indikattiva tad-download | Veloċità indikattiva tal-upload |
---|---|---|---|
Bil-fili | Fibra | sa 2.5 Gbps | sa 1.2 Gbps |
Kejbil koassjali | 300 Mbps sa 2 Gbps | sa 50 Mbps | |
Linja tat-telefown tar-ram | 5 Mbps sa 100 Mbps | sa 10 Mbps | |
Mingħajr fili | Terrestri mingħajr fili | 60 Mbps | sa 10 Mbps |
Satellita | sa 20 Mbps | sa 8 Mbps |
1Il-veloċità effettiva li l-konsumaturi jirċievu tiddependi mill-fornituri u mill-aġġornamenti tekniċi.
Sors: L-analiżi tal-QEA bbażata fuq Acreo Swedish ICT.
Kaxxa 1
Żviluppi teknoloġiċi
- Soluzzjonijiet ibridi fil-qasam tal-komunikazzjoni bl-internet jikkombinaw in-netwerk tal-linji tat-telefown tar-ram u n-netwerk mobbli 4G biex iżidu l-veloċità għall-konsumaturi, bl-użu ta’ gateway speċifika (tip ta’ modem). Din is-soluzzjoni diġà qed tintuża fil-Belġju u fin-Netherlands b’veloċitajiet ta’ 30 Mbps f’żoni li qabel ma kinux moqdijin tajjeb.
- L-industrija tas-satellita attwalment qed twassal il-broadband bis-satellita tal-ġenerazzjoni li jmiss. Żewġ innovazzjonijiet reċenti huma s-satelliti bi throughput għoli u s-satelliti fl-orbita li mhumiex ġeostazzjonarji. Bl-użu ta’ dawn it-tipi ta’ satelliti, konnessjonijiet ta’ aktar minn 30 Mbps jistgħu jiġu offruti fil-futur lil għadd akbar ta’ konsumaturi li jgħixu f’żoni rurali jew f’żoni remoti.
- 5G, netwerks mobbli tal-ħames ġenerazzjoni huma l-istandard li jmiss ta’ telekomunikazzjoni mingħajr fili. Il-5G huwa ppjanat li jkollu kapaċità ogħla mill-4G attwali, biex b’hekk jippermetti densità ogħla ta’ utenti tal-broadband mobbli, u jappoġġa komunikazzjonijiet minn apparat għal apparat, li jkunu aktar affidabbli, u li jaħdmu permezz ta’ magni kbar. Il-5G għandu tliet elementi: (1) broadband mobbli aktar b’saħħtu, (2) Internet tal-Oġġetti massiv, (3) servizzi kritiċi ta’ missjoni (bħal karozzi awtonomi). Il-5G jirrikjedi infrastruttura tal-mil tan-nofs ibbażata fuq il-fibra, li permezz tagħha l-5G jikkomplementa, iżda ma jissostitwix, netwerks tal-broadband b’veloċità għolja li jkunu qrib l-utenti aħħari.
Kull waħda minn dawn it-teknoloġiji għandha l-karatteristiċi proprji tagħha, kif ukoll l-ispejjeż u l-benefiċċji tagħha, mil-linji tat-telefown tar-ram eżistenti li jirrappreżentaw l-irħas teknoloġija għal veloċità aktar baxxa, sal-fibra li twassal l-ogħla veloċità bi spiża ogħla. Applikazzjonijiet futuri relatati mal-Internet tal-Oġġetti (ara l-Kaxxa 2) se jkunu jirrikjedu veloċitajiet ogħla, skala akbar u aktar affidabbiltà minn dawn in-netwerks5. B’mod ġenerali, it-tnedija ta’ teknoloġija li tipprovdi veloċitajiet ogħla hija aktar għalja minn teknoloġija li twassal veloċitajiet aktar baxxi, għalkemm l-ispejjeż tal-manutenzjoni huma aktar baxxi. Barra minn hekk, huwa wkoll probabbli li l-ispejjeż għall-ġestjoni mġarrba mill-operaturi jitnaqqsu progressivament hekk kif in-netwerks preeżistenti jiġu dekummissjonati.
Kaxxa 2
L-Internet tal-Oġġetti
L-Internet tal-Oġġetti huwa netwerk ta’ tagħmir fiżiku li għandu l-kapaċità jittrasferixxi data mingħajr il-ħtieġa ta’ interazzjoni bejn bniedem u ieħor jew bejn bniedem u kompjuter. Xi eżempji jinkludu: Djar intelliġenti (eż. fejn it-termostat, id-dwal, il-mużika jistgħu jkunu kkontrollati), Bliet intelliġenti (eż. fejn id-dwal fit-toroq, id-dwal tat-traffiku, il-parking jistgħu jkunu kkontrollati), karozzi awtonomi, Biedja intelliġenti (fejn data dwar l-indewwa tal-ħamrija jew l-użu ta’ pestiċidi jistgħu jiġu kkombinati ma’ immaġnijiet avvanzati).
Politiki tal-UE għall-broadband
06Ewropa 2020, li tniedet fl-2010, hija l-istrateġija fit-tul tal-EU għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv6. Hija fiha seba’ inizjattivi ewlenin. Waħda minnhom, “Aġenda Diġitali għall-Ewropa”7, tistipula miri għal internet veloċi u ultraveloċi biex jiġi mmassimizzat il-potenzjal ekonomiku u soċjali tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT), b’mod partikolari l-internet, għaċ-ċittadini u n-negozji tal-UE. L-Aġenda Diġitali, li ġiet aġġornata fl-20128, tistipula tliet objettivi għall-broadband:
- li sal-2013, l-Ewropej kollha jkollhom aċċess għal broadband bażiku;
- li jiġi żgurat li sal-2020, l-Ewropej kollha jkollhom kopertura bil-broadband veloċi (> 30 Mbps); u
- li jiġi żgurat li sal-2020, 50 % jew aktar tal-unitajiet domestiċi fl-Ewropa jkunu qed jużaw broadband ultraveloċi (> 100 Mbps).
L-ewwel żewġ miri jiffukaw fuq il-forniment ta’ ċerti veloċitajiet, filwaqt li t-tielet waħda hija relatata mad-domanda mill-utenti. Dawn il-miri saru referenza għall-ordni pubbliku fl-UE kollha, u taw direzzjoni lill-investiment pubbliku u dak privat. Il-mira kumparabbli għall-Istati Uniti tal-Amerka tingħata fil-Kaxxa 3.
Kaxxa 3
Miri għall-broadband fl-Istati Uniti tal-Amerka
Fl-Istati Uniti, il-Pjan Nazzjonali għall-Broadband “Connecting America” (Nikkollegaw l-Amerka) ġie adottat f’Marzu 2010 u rrakkomanda li l-pajjiż jadotta u jsegwi l-ilħuq ta’ sitt għanijiet għall-2020, li l-ewwel wieħed minnhom kien li mill-inqas 100 miljun dar fl-Istati Uniti għandu jkollhom aċċess, bi prezzijiet li jilħqu l-but ta’ kulħadd, għal veloċitajiet effettivi tad-download ta’ mill-inqas 100 megabit kull sekonda u għal veloċitajiet effettivi tal-upload ta’ mill-inqas 50 megabit kull sekonda. Għaldaqstant, l-objettivi ma kinux jinkludu il-100 % tal-popolazzjoni, u l-miri kienu jispeċifikaw il-veloċitajiet effettivi tal-upload u tad-download.
Fl-2010, il-Kummissjoni stipulat ukoll qafas komuni għal azzjoni fil-livell tal-UE u f’dak tal-Istati Membri għall-ilħuq ta’ dawn il-miri. Ir-rekwiżiti għall-Istati Membri kienu jinkludu l-ħtieġa li: (i) sal-2012 jiżviluppaw u joperaw pjanijiet nazzjonali għall-broadband; (ii) jieħdu miżuri, fosthom dispożizzjonijiet ġuridiċi, biex jiffaċilitaw l-investiment fil-broadband; u (iii) jużaw bis-sħiħ il-Fondi Strutturali u tal-Iżvilupp Rurali.
08F’Settembru 2016, f’Komunikazzjoni komunement magħrufa bħala s-“Soċjetà tal-Gigabits għall-2025”9 il-Kummissjoni identifikat tliet objettivi strateġiċi għall-2025 li jikkomplementaw dawk stipulati fl-Aġenda Diġitali għall-2020:
- Konnettività ta’ mill-inqas 1 gigabit10 għall-ixpruni (motivaturi) soċjoekonomiċi prinċipali kollha (bħall-iskejjel, iċ-ċentri tat-trasport u l-fornituri ewlenin tas-servizzi pubbliċi);
- kull żona urbana u kull rotta ewlenija tat-trasport terrestri jkollhom kopertura tal-5G mingħajr interruzzjonijiet; u
- il-familji (unitajiet domestiċi) Ewropej kollha, rurali jew urbani jkollhom aċċess għal konnettività tal-internet li toffri veloċità tad-download ta’ mill-inqas 100 Mbps, li jista’ jiġi aġġornat għal veloċitajiet bil-Gigabits.
Appoġġ finanzjarju li jingħata mill-UE għall-infrastrutturi tal-broadband
09Fl-2013, il-Kummissjoni Ewropea stmat li se jkunu meħtieġa sa EUR 250 biljun biex jintlaħqu l-miri tal-2020 għall-broadband11. Madankollu, permezz tal-użu mill-ġdid ta’ infrastruttura eżistenti u l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar it-Tnaqqis tal-Ispejjeż12 dawn l-ammonti jistgħu jonqsu13.
10Is-settur tat-telekomunikazzjoni huwa l-investitur privat ewlieni fl-infrastrutturi tal-broadband. Xi segmenti tas-suq, bħaż-żoni rurali, mhumiex attraenti għal investituri privati. Għalhekk, biex tkun tista’ tiġi pprovduta konnettività aċċettabbli tal-broadband f’dawn iż-żoni, jeħtieġ li s-settur pubbliku, sew jekk nazzjonali, reġjonali jew muniċipali jikkontribwixxi għall-finanzjament. L-UE hija sors addizzjonali ta’ finanzjament li jikkomplementa sorsi oħra ta’ finanzjament pubbliku (nazzjonali, reġjonali jew lokali) f’żoni li huma suġġetti għal falliment tas-suq. F’xi Stati Membri hija tista’ tikkostitwixxi s-sors prinċipali ta’ finanzjament pubbliku.
11Għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, kważi EUR 15-il biljun, inkluż self ta’ EUR 5.6 biljun mill-BEI, qed jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri mill-UE għall-appoġġ tal-broadband. Din hija żieda sinifikanti meta mqabbel mat-EUR 3 biljun li kienu ġew allokati għall-perjodu 2007-2013. Dan l-ammont jirrappreżenta madwar 6 % tal-investiment totali meħtieġ. Hemm ħames sorsi prinċipali ta’ finanzjament (ara t-Tabella 2).
Sors ta’ finanzjament | Tip ta’ appoġġ | Ammont fil-perjodu ta’ programmazzjoni (miljun EUR) |
|
---|---|---|---|
2014-2020 | 2007-2013 | ||
Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE): | |||
Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), | Għotjiet | 6 019 | 2 456 |
Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) | Għotjiet | 921 | 282 |
Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS)1 | Self | 2 032 | - |
Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) | |||
Strument tad-Dejn tas-CEF | Self | 16 | |
Inizjattiva WIFI4EU | Għotjiet | 120 | |
Fond tal-Broadband għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEBF), li minnu | Ekwità | 240 | - |
mill-Kummissjoni | 100 | ||
mill-BEI u mill-FEIS | 140 | ||
Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) | Self | 5 600 | |
Total disponibbli | 14 948 | 2 738 |
1L-ammonti għall-FEIS huma dawk fi tmiem Ġunju 2017.
Sors: L-analiżi tal-QEA bbażata fuq data tal-Kummissjoni u tal-BEI.
12Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, timmaniġġja l-Fondi Strutturali (il-FEŻR u l-FAEŻR). Il-Kummissjoni tipprovdi wkoll garanzija b’appoġġ għall-proġetti ffinanzjati mill-BEI. Il-BEI huwa responsabbli għall-ġestjoni tas-self proprju tiegħu u għall-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS). Il-Kummissjoni timmaniġġja l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF), u parti mill-finanzjament disponibbli għall-broadband taħt is-CEF hija prevista li tiġi investita fil-Fond tal-Broadband għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEBF). Dan il-fond se jkun immaniġġjat minn Maniġer ta’ Fondi indipendenti u se jkollu l-mandat li jaġixxi skont it-termini ta’ referenza maqbula mill-BEI, mill-Kummissjoni u mis-sħab l-oħra involuti fil-finanzjament.
Ambitu u approċċ tal-awditjar
13L-awditu indirizza l-effettività tal-azzjoni li l-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-BEI ħadu biex jilħqu l-objettivi ta’ Ewropa 2020 għall-broadband. Dan huwa partikolarment rilevanti billi d-data ta' skadenza tal-2020 qed toqrob u billi l-Kummissjoni kkomunikat objettivi ġodda għall-2025. Biex nagħmlu dan, aħna eżaminajna:
- jekk huwiex probabbli li l-Istati Membri jilħqu l-objettivi ta’ Ewropa 2020 għall-broadband u jekk il-Kummissjoni mmonitorjatx dan il-progress;
- jekk l-Istati Membri kinux żviluppaw strateġija xierqa biex jilħqu dawn l-objettivi; u
- jekk l-Istati Membri kinux implimentaw b’mod effettiv l-istrateġija tagħhom – inklużi l-miżuri u s-sorsi ta’ finanzjament magħżula (bl-inklużjoni tal-BEI) u l-ambjenti regolatorji, kompetittivi u teknoloġiċi stabbiliti.
Aħna eżaminajna wkoll l-appoġġ mogħti mill-Kummissjoni għal kull wieħed minn dawn it-tliet aspetti.
14Dan l-awditu kopra s-sorsi kollha ta’ finanzjament elenkati fit-Tabella 2: il-FEŻR, il-FAEŻR, is-CEF, il-FEIS, is-self mill-BEI u s-CEBF. Huwa ffoka fuq ħames Stati Membri: l-Irlanda, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Polonja u l-Italja. Dawn l-Istati Membri jirrappreżentaw madwar 40 % tal-popolazzjoni tal-UE, u ntgħażlu biex jipprovdu bilanċ raġonevoli f’termini ta’ firxa ġeografika u aspetti tal-kopertura bil-broadband, bħar-ruralità u l-ispiża għall-abbonament. L-awditu kopra l-perjodi ta’ programmazzjoni 2007-2013 u 2014-2020.
15Fil-livell tal-UE, l-awditu kopra d-Direttorati Ġenerali kollha tal-Kummissjoni li kellhom rwoli sinifikanti fil-broadband14, kif ukoll il-BEI f’dak li jirrigwarda l-FEIS u s-CEBF. It-tim tal-awditjar żar diversi partijiet interessati u NGOs rilevanti fi Brussell u fl-Istati Membri: assoċjazzjonijiet tat-telekomunikazzjoni, assoċjazzjonijiet tal-konsumatur u assoċjazzjonijiet tal-intrapriżi. Iż-żjarat li saru fl-Istati Membri eżaminati kienu jinkludu ministeri responsabbli għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-broadband, korpi responsabbli għall-ġestjoni tal-programmi ffinanzjati permezz tal-fondi SIE, l-Uffiċċji ta’ Kompetenza fil-Broadband, u l-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali. Aħna bbenefikajna wkoll mill-input li esperti fit-telekomunikazzjoni tawna dwar l-osservazzjonijiet, il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li jidhru f’dan ir-rapport.
Osservazzjonijiet
Għalkemm qed isir titjib fil-kopertura bil-broadband madwar l-UE, huwa probabbli li xi wħud mill-miri ta’ Ewropa 2020 mhumiex se jintlaħqu
16Aħna qabbilna l-progress li sar mill-Istati Membri mill-2010 'l hawn mat-tliet miri tal-Aġenda Diġitali (ara l-paragrafi 6 u 7). Ħadna kont ukoll ta’ jekk kienx probabbli li l-Istati Membri jilħqu l-miri għall-2025, u vvalutajna l-monitoraġġ li twettaq mill-Kummissjoni u l-appoġġ li tat lill-Istati Membri.
Sal-2016, l-Istati Membri kollha kirnu laħqu l-mira għall-kopertura bil-broadband bażiku
Mira 1: sal-2013, l-Ewropej kollha jkollhom aċċess għal broadband bażiku
17Fi tmiem l-2013, l-Istati Membri kollha minbarra t-tliet Stati Baltiċi (l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja) kienu laħqu l-mira għall-kopertura bil-broadband bażiku. Sa tmiem Ġunju 2016, prattikament iċ-ċittadini kollha fl-UE kellhom aċċess għal netwerks tal-broadband bażiku u 98 % tal-unitajiet domestiċi kellhom aċċess għal konnessjonijiet tal-broadband fissi.
Sal-2020, tnejn mill-ħames Stati Membri eżaminati jistgħu jilħqu l-mira għall-kopertura ta’ 30 Mbps, iżda fil-biċċa l-kbira mill-Istati Membri ż-żoni rurali jibqgħu problematiċi
Mira 2: jiġi żgurat li sal-2020, l-Ewropej kollha jkollhom kopertura bil-broadband veloċi (> 30 Mbps)
18Għal din il-mira, aħna sibna li sar titjib sinifikanti fil-biċċa mill-Istati Membri. Madwar l-UE, il-proporzjon tal-unitajiet domestiċi li għandhom aċċess għal broadband veloċi żdied minn 48 % fl-2011 għal 80 % f’Ġunju 2017. Sa dik id-data, Malta kienet diġà laħqet din il-mira. Madankollu, għad baqa’ differenzi kbar bejn l-Istati Membri: fil-Greċja u fi Franza il-kopertura kienet laħqet madwar 50 %, u f’seba’ Stati Membri oħra l-kopertura baqgħet inqas minn 80 % (ara l-Figura 2).
Figura 2
Kopertura ta’ 30 Mbps fl-Istati Membri kollha fl-2011 u fl-2017
Nota: ma kien hemm l-ebda data disponibbli dwar is-sitwazzjoni f’Ċipru u fil-Kroazja fl-2011.
Sors: L-analiżi tal-QEA bbażata fuq data tal-Kummissjoni.
Fil-ħames Stati Membri awditjati, ix-xejra kienet ukoll tindika li kien hemm żieda fil-kopertura bejn l-2011 u l-2017 (ara l-Figura 3). Billi kkombinaw investimenti privati u investimenti pubbliċi, l-Ungerija, l-Irlanda u l-Italja rnexxielhom iżidu sinifikattivament il-kopertura tagħhom bil-broadband veloċi mill-2011 'il hawn. Barra minn hekk, dawn it-tliet Stati Membri għandhom pjanijiet biex ikomplu jżidu din il-kopertura f’żoni rurali u suburbani.
20Madankollu, fil-każ tal-Irlanda u tal-Italja, ibbażat fuq il-progress li sar fil-passat u l-pjanijiet attwali, mhuwiex probabbli li ċ-ċittadini kollha se jkollhom aċċess għal kopertura ta’ 30 Mbps sal-2020. Żewġ Stati Membri, l-Ungerija u l-Ġermanja, għadhom jistgħu jiksbu kopertura ta’ 30 Mbps għal 100 % tal-popolazzjoni tagħhom sal-2020, skont il-pjanijiet ta’ implimentazzjoni tagħhom. Fil-Polonja, fi tmiem l-2017, il-pjanijiet ta’ implimentazzjoni ma kinux jinkludu l-kopertura, sal-2020, ta’ 13 % tal-unitajiet domestiċi, primarjament dawk f’żoni suburbani u rurali (ara l-paragrafu 57).
Figura 3
Evoluzzjoni tal-kopertura ta’ 30 Mbps fil-ħames Stati Membri eżaminati, mill-2011 sal-2017
Sors: L-analiżi tal-QEA bbażata fuq data tal-Kummissjoni.
Din iż-żieda ġenerali fil-kopertura bil-broadband veloċi taħbi diskrepanza sinifikanti bejn il-kopertura fiż-żoni urbani u dawk rurali. Madwar l-UE, il-kopertura fiż-żoni rurali fl-2016 kienet ta’ 47 % tal-unitajiet domestiċi, imqabbla mal-medja kumplessiva ta’ 80 %15. Tliet Stati Membri biss, Malta, il-Lussemburgu u n-Netherlands, li huma Stati relattivament żgħar jew urbanizzati kellhom kopertura fiż-żoni rurali tagħhom li kienet ekwivalenti għal dik fiż-żoni urbani (ara l-Figura 4). F’ħafna Stati Membri, il-kopertura fiż-żoni rurali hija ferm inqas mill-kopertura totali u għal 14-il Stat Membru l-kopertura bil-broadband b’veloċità għolja fiż-żoni rurali hija inqas minn 50 %. Mingħajr kopertura tajba bil-broadband, hemm ir-riskju li ż-żoni rurali ma jkunux jistgħu jgawdu minn ċerti benefiċċji ekonomiċi u soċjali (ara l-paragrafu 1).
22Fi Franza, il-pjan nazzjonali għall-broadband, li ġie aġġornat fl-2013, kellu l-għan li jikseb kopertura b’veloċità ta’ 30 Mbps għall-popolazzjoni kollha sal-2022, bi 80 % tal-popolazzjoni konnessa permezz tal-fibra. Madankollu, f’rapport li nħareġ f’Jannar 2017, il-Qorti tal-Awdituri Franċiża esprimiet dubji dwar ir-rilevanza tal-użu tal-fibra f’ċerti żoni, peress li l-ispejjeż għall-fibra huma għoljin u ż-żmien għall-implimentazzjoni huwa twil wisq. Franza issa qed tikkunsidra l-użu ta’ teknoloġiji oħra bħal konnessjonijiet 4G fissi mingħajr fili f’ċerti żoni.
Figura 4
Kopertura ta’ 30 Mbps fiż-żoni rurali mqabbla ma’ kopertura totali fl-2017
Sors: L-analiżi tal-QEA bbażata fuq data tal-Kummissjoni.
Filwaqt li mhuwiex probabbli li l-biċċa l-kbira mill-Istati Membri eżaminati jilħqu l-mira għar-rata ta’ użu sal-2020 …
Mira 3: jiġi żgurat li sal-2020, 50 % jew aktar tal-unitajiet domestiċi fl-Ewropa jkunu qed jużaw broadband ultraveloċi (> 100 Mbps)
23Id-disponibbiltà ta’ broadband ultraveloċi hija prerekwiżit għall-unitajiet domestiċi li jabbonaw għal servizzi tal-broadband b’veloċità ta’ 100 Mbps. Madankollu, ir-rata ta’ użu hija wkoll immotivata mid-domanda u tiddependi minn bosta elementi varjabbli bħall-età u l-livell ta’ edukazzjoni tal-popolazzjoni, il-prezz tal-abbonament u l-kapaċità tal-akkwist. Il-Mira 3 tibqa’ sfida kbira għall-Istati Membri kollha. Għalkemm ir-rata ta’ użu żdiedet mill-2013 'il hawn, fl-2017 kienet għadha inqas minn 20 % f’19-il Stat Membru, ferm inqas mill-mira ta’ 50 %. Madwar l-UE, 15 % biss tal-unitajiet domestiċi Ewropej kienu abbonaw għal konnessjonijiet ta’ mill-inqas 100 Mbps sa nofs l-2017 (ara l-Figura 5). Aħna nosservaw li l-miri tas-Soċjetà tal-Gigabits għall-2025 (il-paragrafu 8) ma jinkludux mira għar-rata ta’ użu.
Figura 5
Abbonamenti għal konnessjonijiet ta’ 100 Mbps fl-2013 u fl-2017
Sors: L-analiżi tal-QEA bbażata fuq data tal-Kummissjoni.
Fil-ħames Stati Membri eżaminati, ir-rata ta’ użu kienet tvarja minn inqas minn 5 % għal kważi 30 % fl-2017. Għal dawn il-ħames Stati Membri, bl-eċċezzjoni tal-Ungerija, ir-rata ta’ żieda fl-użu li seħħet mill-2013 sa issa mhijiex biżżejjed biex tkun tista’ tintlaħaq il-mira għar-rata ta’ użu ta’ 50 % sal-2020 (ara l-Figura 6).
Figura 6
Evoluzzjoni tal-abbonamenti għal konnessjonijiet ta’ 100 Mbps fil-ħames Stati Membri eżaminati, mill-2013 sal-2017
Sors: L-analiżi tal-QEA bbażata fuq data tal-Kummissjoni.
… tlieta mill-Istati Membri eżaminati jistgħu, fuq il-bażi tal-pjanijiet attwali tagħhom, ikunu f’pożizzjoni tajba biex jilħqu l-miri għall-2025
25Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2016, dwar is-Soċjetà tal-Gigabits, il-Kummissjoni ssettjat tliet objettivi strateġiċi għall-2025. Dawn l-objettivi jikkomplementaw dawk li ġew stabbiliti fl-Aġenda Diġitali għall-2020 u jirrikjedu veloċitajiet ta’ minn 100 Mbps sa 1 Gbps.
26Kif spjegat hawn fuq (ara l-paragrafu 20), mhuwiex probabbli li l-Irlanda u l-Italja jiksbu l-kopertura ta’ 30 Mbps għal 100 % tal-popolazzjoni sal-2020. Madankollu, jekk il-pjanijiet attwali tagħhom jiġu implimentati kif intenzjonat, huma jkunu, flimkien mal-Ungerija, f’pożizzjoni aħjar biex jilħqu l-miri għall-2025. F’dawn l-Istati Membri, it-teknoloġiji li jintużaw biex tiżdied il-kopertura, prinċipalment il-kejbil koassjali u l-fibra, jippermettu veloċitajiet ta’ aktar minn 100 Mbps, li f’xi każijiet jistgħu jittellgħu sa 1 Gbps. Iż-żewġ Stati Membri l-oħra jkollhom jadattaw il-pjanijiet tagħhom biex jirriflettu l-miri għall-2025.
L-Istati Membri vvalutaw b’mod pożittiv l-appoġġ mogħti mill-Kummissjoni, iżda ma hemmx koordinazzjoni tal-monitoraġġ li twettaq fost id-Direttorati Ġenerali
27Aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni pprovdietx gwida dwar il-broadband lill-Istati Membri u jekk tathomx appoġġ fl-implimentazzjoni prattika tal-pjanijiet tagħhom. Eżaminajna wkoll jekk il-Kummissjoni appoġġatx lill-Istati Membri fil-monitoraġġ tal-progress tagħhom, kif ukoll jekk inkoraġġithomx biex jindirizzaw in-nuqqasijiet li kellhom fl-ilħuq tal-objettivi għall-broadband.
Il-gwida u l-appoġġ tal-Kummissjoni koprew bosta kwistjonijiet u ngħataw b'mod kontinwu biex titjieb l-implimentazzjoni
28Il-Kummissjoni pprovdiet firxa wiesgħa ta’ gwida, li kopriet għadd ta’ suġġetti differenti. Din kienet tinkludi Komunikazzjonijiet (bħal-Linji gwida tal-UE għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b'rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband16), gwidi ta’ spjegazzjoni f’oqsma differenti, imħejjija minn partijiet terzi għall-Kummissjoni (bħad-dokumenti “Guide to High-speed broadband investment”17 (Gwida għal Investiment fil-broadband b’veloċità għolja) u “The broadband State aid rules explained, An eGuide for Decision Makers”18 (Spjegazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-broadband, Gwida elettronika għal Dawk li jieħdu d-Deċiżjonijiet)), kif ukoll id-disseminazzjoni ta’ prattika tajba. Eżempju ta’ gwida utli pprovduta mill-Kummissjoni jingħata fil-Kaxxa 4.
Kaxxa 4
L-immappjar tal-Broadband
L-immappjar huwa element ewlieni tal-ippjanar ta’ netwerks tal-broadband u jipprovdi l-bażi għall-valutazzjoni tal-UE dwar l-għajnuna li tista’ tingħata mill-Istat għal dawn il-proġetti. L-immappjar ta’ netwerks tal-broadband jgħin biex il-finanzjament jiġi mmirat b’mod aktar effettiv u jiffaċilita l-ippjanar. Min-naħa l-oħra, immappjar medjrokri jista’ jirriżulta f’vijabbiltà finanzjarja fqira kemm tal-investiment pubbliku kif ukoll ta’ dak privat.
L-immappjar tal-broadband huwa l-ġbir u l-preżentazzjoni ta’ data relatata mal-implimentazzjoni tal-broadband. Dan l-immappjar mhuwiex marbut biss mal-viżwalizzazzjoni ġeoreferenzjali; huwa jinkludi l-proċess intier ta’ ġbir tad-data. Dan jista’ jkun data dwar l-implimentazzjoni tal-infrastruttura tal-broadband infisha, jiġifieri l-kejbils tar-ram jew tal-fibra, u jista’ wkoll ikun relatat mal-infrastruttura, bħall-kanali u l-pajpijiet. Barra minn hekk, fl-immappjar tal-broadband iridu jitqiesu kemm il-forniment u d-domanda reali għas-servizzi tal-broadband kif ukoll l-investimenti eżistenti u ppjanati fl-infrastruttura tal-broadband.
Fi studju li sar għall-Kummissjoni19 ġew analizzati l-inizjattivi għall-immappjar tal-broadband u tal-infrastrutturi fl-Ewropa u madwar id-dinja, u ġew żvluppati erba’ tipi ta’ mmappjar tal-broadband: l-immappjar tal-infrastrutturi, l-immappjar tal-investimenti, l-immappjar tas-servizzi u l-immappjar tad-domanda. Il-mapep u l-istatistika li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku huma l-eżiti l-aktar viżibbli tal-immappjar tal-broadband fl-Istati Membri tal-UE u, fil-biċċa l-kbira mill-każijiet, jikkombinaw l-erba’ tipi ta’ mmappjar tal-broadband.
Minbarra gwida bil-miktub, il-Kummissjoni pprovdiet appoġġ tekniku prattiku (eż. JASPERS20), għarfien espert u gwida għall-Istati Membri f’kuntesti differenti (eż. l-issodisfar tal-kundizzjonalitajiet ex ante, inkluż l-immappjar, kif imsemmi hawn fuq21, u l-implimentazzjoni tal-Programmi Operazzjonali). Il-Kummissjoni stabbiliet ukoll in-netwerk Ewropew tal-Uffiċċji ta’ Kompetenza fil-Broadband (ara l-Kaxxa 5).
30Il-ħames Stati Membri eżaminati rrappurtawlna li huma qiesu li l-appoġġ, kemm dak formali kif ukoll dak informali, li ngħata mill-Kummissjoni, kien pożittiv.
Kaxxa 5
In-netwerk Ewropew tal-Uffiċċji ta’ Kompetenza fil-Broadband (BCO)
F’Novembru 2015, il-Kummissarji tad-DĠ CNECT, tad-DĠ AGRI u tad-DĠ REGIO stiednu lill-Istati Membri biex jieħdu sehem, fuq bażi volontarja, fl-istabbiliment ta’ netwerk tal-BCOs. L-intenzjoni kienet li kull BCO jagħti parir liċ-ċittadini u lin-negozji, u jipprovdi appoġġ tekniku lir-rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar modi kif jistgħu jinvestu b’mod effettiv fil-broadband, inkluż bl-użu ta’ fondi tal-UE.
Il-BCOs ġew stabbiliti sa tmiem l-2016. F’Jannar 2017, il-Kummissjoni stabbiliet Faċilità ta' Appoġġ li tgħin lill-BCOs fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti, sessjonijiet ta’ ħidma u seminars ta’ taħriġ, kif ukoll fl-immaniġġjar u l-animazzjoni ta’ forums online, dwar suġġetti rilevanti għall-BCOs. Il-vantaġġ potenzjali tan-netwerk tal-BCOs huwa li dawn jistgħu jittrattaw firxa aktar wiesgħa ta’ kwistjonijiet u kompiti, inklużi kwistjonijiet relatati ma’ politika, milli jkun jista’ speċjalist tekniku.
Il-Kummissjoni wettqet monitoraġġ regolari, iżda b’mod li ma kienx ikkoordinat biżżejjed
31Il-Kummissjoni twettaq monitoraġġ regolari tas-sitwazzjoni attwali tal-broadband fl-Istati Membri u taggrega l-informazzjoni fil-livell tal-UE. Madankollu, ma jsir l-ebda monitoraġġ komuni bejn id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni li permezz tiegħu jkun jista’ jingħata appoġġ għall-ilħuq tal-miri ta’ Ewropa 2020 għall-broadband.
32Il-persunal tad-DĠ CNECT iżur lill-Istati Membri kull sena u joħroġ rapporti regolatorji u dwar is-suq bħall-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI) u r-Rapport tal-Progress Diġitali Ewropew (EDPR). Permezz ta’ dawn id-dokumenti, l-Istati Membri jkunu jistgħu jevalwaw il-progress tagħhom matul iż-żmien u jqabbluh ma’ dak ta’ Stati Membri oħra. Għalkemm il-Kummissjoni tiġbor id-data rilevanti uu rrappurtatha fl-EDPR u l-predeċessuri tiegħu, l-indikaturi tal-konnettività li jiġu rrappurtati fid-DESI ma jinkludux il-Mira 3 (li 50% tal-unitajiet domestiċi jkunu abbonati għal konnessjonijiet ta’ aktar minn 100 Mbps).
33Il-monitoraġġ imwettaq mid-DĠ REGIO huwa bbażat fuq l-indikaturi ddefinti għal kull Programm Operazzjonali u jsir permezz tal-Kumitati ta' Monitoraġġ li fihom il-Kummissjoni għandha rwol konsultattiv u tar-Rapport Annwali ta’ Implimentazzjoni. L-indikatur komuni tal-output, li huwa ddefinit mill-Kummissjoni għall-infiq taħt il-FEŻR, ma jippermettix li jsir monitoraġġ tal-progress fl-ilħuq tat-tliet miri tal-Aġenda Diġitali għall-2020, billi huwa ddefinit bħala “Unitajiet domestiċi addizzjonali li għandhom aċċess għall-broadband ta' mill-inqas 30 Mbps” u ma jagħmilx distinzjoni bejn broadband veloċi (aktar minn 30 Mbps) u broadband ultraveloċi (aktar minn 100 Mbps). Dan huwa wkoll il-każ għall-FAEŻR, fejn id-DĠ AGRI ddefinixxa l-indikatur tal-output bħala l-“Popolazzjoni li tibbenefika minn servizzi/infrastrutturi mtejbin (tal-IT jew oħrajn)”. Kemm għall-FEŻR kif ukoll għall-FAEŻR, l-indikaturi komuni ma jiddistingwux bejn broadband veloċi u broadband ultraveloċi.
34L-eżaminar li wettaqna tal-Istati Membri magħżula wera għadd ta’ każijiet ta’ dewmien li jaffettwaw l-ilħuq tal-miri ta’ UE 2020. Fil-każ tal-Irlanda, l-implimentazzjoni tal-Pjan Nazzjonali għall-Broadband ilha tiffaċċja dewmien mill-2015. Fil-Ġermanja, in-negozjati dwar il-prodott ta’ aċċess lokali virtwali diżaggregat (VULA) (il-paragrafu 48) ħadu ħafna żmien u dan seta’ kellu effettu negattivi fuq il-kompetittività. Fl-aħħar nett, fil-każ tal-Polonja, il-monitoraġġ tal-Programmi Operazzjonali ma aċċennax il-problema relatata mal-użu insuffiċjenti tal-infrastruttura ta’ bażi (il-paragrafi 76 sa 78). Fiż-żmien meta sar l-awditu, l-ebda wieħed minn dawn it-tliet nuqqasijiet ma kien ġie identifikat espliċitament mill-monitoraġġ tal-Kummissjoni, u l-awtoritajiet tal-Istati Membri kkonċernati ma kienu ħadu l-ebda azzjoni korrettiva.
L-Istati Membri kollha kienu żviluppaw strateġija għall-broadband, iżda kien hemm xi dgħufijiet f’dawk li eżaminajna
35Aħna eżaminajna jekk l-Istati Membri kinux fasslu strateġiji u ssettjawx objettivi bbażati fuq l-objettivi ta’ Ewropa 2020 għall-broadband, kif ukoll jekk dawn kienx fihom informazzjoni kompleta dwar l-identifikazzjoni tar-riżorsi disponibbli, is-sorsi ta’ finanzjament u r-responsabbiltajiet għall-implimentazzjoni tiegħu. Eżaminajna wkoll jekk l-Istati Membri pprovdewx analiżi li kienet tiġġustifika l-għażla tat-teknoloġija (fibrottika, linji tat-telefown tar-ram, kejbil koassjali, antenna, satellita) għall-partijiet differenti tan-netwerk ta' aċċess għall-broadband (ara l-paragrafu 3).
L-Istati Membri kollha kienu żviluppaw strateġija, iżda ffinalizzawhom tard u l-miri tagħhom mhux dejjem kienu konsistenti ma’ dawk f’Ewropa 2020
Twaqqit tal-istrateġiji
36Taħt l-inizjattiva ewlenija tal-UE, “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” (il-paragrafu 6), l-Istati Membri kienu meħtieġa li “sal-2012 jiżviluppaw u joperaw pjanijiet nazzjonali għall-broadband li jilħqu l-miri dwar il-kopertura u l-veloċità u l-użu ddefiniti fl-Ewropa 2020”.
37Aħna sibna li l-Istati Membri kollha eżaminati kienu żviluppaw strateġija għall-broadband, iżda li kienet l-Irlanda biss li ħarġet l-istrateġija tagħha sad-data ta’ skadenza tal-2012 (ara t-Tabella 3). L-erba’ Stati Membri l-oħra ppubblikaw l-istrateġija tagħhom fl-2014 u fl-2015. L-Irlanda rrevediet l-istrateġija tagħha lejn tmiem l-2015 minħabba l-fallimenti tas-suq li ġew identifikati. Dawn l-adozzjonijiet tardivi tal-istrateġiji żviluppati mill-Istati Membri naqqsu ż-żmien disponibbli għall-implimentazzjoni minn tmien snin għal ħames jew sitt snin, li jista’ jagħmilha aktar diffiċli biex dawn l-Istati Membri jilħqu l-miri għaż-żieda fil-kopertura bil-broadband sal-2020.
Stat Membru | Data ta’ pubblikazzjoni tal-istrateġija |
---|---|
L-Irlanda | Awwissu 2012: Pjan Nazzjonali għall-Broadband. Sussegwentement rivedut f’Diċembru 2015 |
Il-Polonja | Jannar 2014: Pjan Nazzjonali għall-Broadband |
Il-Ġermanja | Awwissu 2014: Aġenda Diġitali 2014-2017 |
L-Ungerija | Diċembru 2014: Strateġija Nazzjonali għall-Infokomunikazzjoni |
L-Italja | Marzu 2015: Strateġija nazzjonali għall-broadband ultraveloċi |
Konsistenza mal-objettivi ta’ Ewropa 2020
38Aħna eżaminajna jekk l-Istati Membri ssettjawx objettivi bbażati fuq l-objettivi ta’ Ewropa 2020 għall-broadband. Kif ġie enfasizzat fit-Tabella 4, aħna sibna li l-Istati Membri kollha eżaminati kienu inkludew kemm il-Mira 1 kif ukoll il-Mira 2, għall-kopertura bil-broadband bażiku u l-kopertura bil-broadband veloċi rispettivament, fl-istrateġiji tagħhom. Għal erbgħa mill-ħames Stati Membri li ġew eżaminati, il-Mira 1 kienet diġà ntlaħqet meta l-istrateġiji ġew ippubblikati. F’xi każijiet, il-miri ssettjati kienu aktar ambizzjużi mill-miri ta’ Ewropa 2020:
- Fil-Ġermanja, għall-Mira 2, minflok il-kopertura ta’ 30 Mbps sal-2020, il-mira hija li 100 % tal-popolazzjoni jkollha kopertura b’veloċità ta’ 50 Mbps sal-2018; u
- Fl-Ungerija, għall-Mira 2, l-objettiv huwa li kull unità domestika jkollha aċċess għal servizz tal-internet b’veloċità minima ta’ 30 Mbps sal-2018, aktar milli sal-2020.
Miri | Il-Ġermanja | L-Ungerija | L-Irlanda | L-Italja | Il-Polonja |
---|---|---|---|---|---|
Mira 1: Broadband bażiku għall-popolazzjoni kollha sal-2013 | ✓✓ | ✓ | ✓ | ✓ | ✓ |
Mira 2: Kopertura ta’ 30 Mbps għall-popolazzjoni kollha sal-2020 | ✓✓ | ✓✓ | ✓ | ✓ | ✓ |
Mira 3: Aktar minn 50 % tal-unitajiet domestiċi jkunu abbonati għal konnessjonijiet ta’ 100 Mbps sal-2020 | ✘ | ~ | ✘ | ~ | ~ |
Didaskalija: ✓ : l-istess mira; ✓✓ : mira aktar diffiċli; ~ mira għall-kopertura iżda l-ebda mira għar-rata ta’ użu; ✘ l-ebda mira.
39Xi strateġiji tal-Istati Membri kellhom aktar dettall dwar il-miri tagħhom mill-miri ta' livell għoli ta' Ewropa 2020. Fl-Ungerija, l-istrateġija ssettjat miri addizzjonali għal veloċitajiet minimi tad-download u tal-upload ta’ 7.5 u 1.7 Mbps rispettivament. Fl-Irlanda, id-dokument ta’ strateġija ssettja l-veloċità minima tad-download għal 30 Mbps u kien jinkludi miri addizzjonali relatati ma’, pereżempju, il-veloċità minima tal-upload u d-disponibbiltà tas-servizzi.
40L-ebda wieħed mill-Istati Membri eżaminati ma kien jinkludi, fl-istrateġija tiegħu, mira nazzjonali relatata mal-Mira 3, jiġifieri li 50 % tal-unitajiet domestiċi jkunu qed jużaw broadband ultraveloċi ta’ mill-inqas 100 Mbps. L-Ungerija, il-Polonja u l-Italja inkludew miri biex l-unitajiet domestiċi jkollhom kopertura ta’ 100 Mbps. (Il-kopertura hija kundizzjoni neċessarja, iżda mhux suffiċjenti, biex tkun tista’ tintlaħaq il-mira għar-rata ta’ użu.) Fl-Italja, il-mira hija li tiġi pprovduta kopertura ta’ mill-inqas 100 Mbps lil 85 % tal-popolazzjoni u lill-binjiet pubbliċi kollha kif ukoll liż-żoni industrijali, lill-hubs tal-loġistika, u liż-żoni b’interess eknomiku kbir. Għalkemm l-istrateġija tal-Italja ma tinkludix mira għar-rata ta’ użu, il-pjan ta’ investiment tagħha, li jistipula kif biħsiebha timplimenta l-istrateġija tagħha, kien fil-fatt jinkludi mira għar-rata ta’ użu. Fl-Ungerija u fil-Polonja, il-miri huma li, sal-2020, 50 % tal-unitajiet domestiċi jkollhom aċċess għal servizzi b’veloċitajiet ta’ mill-inqas 100 Mbps.
L-istrateġiji li l-Istati Membri eżaminati ppreżentaw lill-Kummissjoni mhux dejjem kienu kompleti
41Għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, il-Kummissjoni żviluppat Kundizzjonalitajiet ex ante (EAC) li tfasslu biex jiġi żgurat li jkun hemm stabbiliti l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-użu effettiv u effiċjenti tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej. Bħala kundizzjoni biex jirċievu finanzjament, l-Istati Membri kienu meħtieġa jiddeterminaw jekk l-EACs rilevanti kinux ġew issodisfati u jiddokumentaw dan fil-Ftehimiet ta’ Sħubija22 jew fil-Programmi Operazzjonali (PO) tagħhom (jew jistabbilixxu pjanijiet biex jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet sa tmiem l-2016).23
42L-EAC relatata mal-infrastruttura tal-broadband kienet tapplika għall-Istati Membri li jkunu qed ifittxu kofinanzjament taħt il-FEŻR u kienet tirrikjedi li dawn ikollhom stabbilit pjan nazzjonali jew reġjonali għall-broadband li jkun fih:
- pjan ta' investimenti ta’ infrastruttura bbażat fuq analiżi ekonomika li tqis l-infrastruttura privata u pubblika eżistenti u l-investimenti ppjanati;
- mudelli ta' investiment sostenibbli li jsaħħu l-kompetizzjoni u jipprovdu aċċess għal infrastruttura u servizzi miftuħa, li jilħqu l-but ta' kulħadd, ikunu ta' kwalità u jkunu validi anke fil-ġejjieni, f’konformità mar-regoli dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat; u
- miżuri biex jiġi stimulat l-investiment privat.24
Il-ħames Stati Membri eżaminati kollha kkunsidraw li l-EAC dwar il-broadband kienet ġiet issodisfata. Bħala parti mill-eżaminar li wettqet tal-Ftehimiet ta’ Sħubija u tal-programmi operazzjonali, il-Kummissjoni wkoll ikkunsidrat li, għal dawn l-Istati Membri, il-kundizzjoni kienet ġiet issodisfata. Madankollu, aħna sibna dgħufijiet fil-pjanijiet tal-Istati Membri għall-investimenti fl-infrastrutturi. L-ewwel nett, kif indikat fil-paragrafu 40 hawn fuq, l-ebda wieħed mill-Istati Membri eżaminati ma kellu miri, fl-istrateġija tiegħu, għar-rata ta’ użu b’kopertura ta’ 100 Mbps, it-tielet mira għall-broadband fl-istrateġija Ewropa 2020. It-tieni nett, il-pjanijiet tal-Ġermanja għall-broadband ma kinux kompleti.
44Fil-Ġermanja, element importanti tal-istrateġija għall-broadband kien il-proċess tal-immappjar tal-broadband li nbeda fl-2010. Mingħajr data ta’ kwalità tajba miksuba minn dan il-proċess, u l-identifikazzjoni konsegwenti ta’ fejn huwa probabbli li s-settur privat jinvesti u fejn huwa meħtieġ aktar intervent pubbliku, l-awtoritajiet mhumiex f’pożizzjoni li jiżviluppaw il-“pjan ta’ investimenti fl-infrastrutturi” komprensiv meħtieġ mill-EAC. Mit-tnedija tagħha fl-2010 ’l hawn, sar titjib sinifikanti fil-kwalità tad-data tal-immappjar tal-broadband, iżda din xorta waħda mhux dejjem hija sodisfaċenti, billi l-operaturi l-kbar tal-broadband ma jaġġornawx il-mappa bl-istess rata li jimplimentaw in-netwerk.
Mhux l-Istati Membri kollha eżaminati indirizzaw l-isfidi relatati mal-infrastruttura preeżistenti tagħhom
45Kull wieħed mill-Istati Membri eżaminati jopera fi ħdan l-ambjent tekonoloġiku, kompetittiv u legali proprju tiegħu; dan jinfluwenza l-mod kif kull wieħed qed ifittex li jilħaq il-miri ta’ Ewropa 2020. Il-Polonja u l-Ungerija għandhom infrastruttura preeżistenti tar-ram għas-sistemi tat-telefown li hija relattivament inqas żviluppata. Meta l-awtoritajiet pubbliċi użaw il-mudell ta’ finanzjament tad-defiċit biex joħorġu sejħiet għall-offerti pubbliċi fil-qasam tal-infrastruttura tal-broadband (ara l-Kaxxa 6), ir-riżultat normalment kien soluzzjonijiet bl-użu tal-kejbil u tal-fibra.
Kaxxa 6
Appoġġ mis-settur pubbliku għall-broadband
Skont il-Kummissjoni25 hemm erba’ mudelli ta’ appoġġ mis-settur għall-broadband:
- Investiment dirett (mudell ta’ investiment muniċipali taħt ġestjoni pubblika) – fejn l-implimentazzjoni u l-operat tan-netwerk huma kkontrollati minn awtorità pubblika u n-netwerk huwa disponibbli għall-operaturi kollha (magħruf bħala netwerk ta’ aċċess miftuħ bl-ingrossa);
- Investiment indirett (mudell ta’ investiment muniċipali taħt ġestjoni privata) – fejn kumpanija privata kkuntrattata mill-awtoritajiet pubbliċi tibni netwerk miftuħ li permezz tiegħu l-operaturi jistgħu jipprovdu servizzi tiegħu lil konsumaturi individwali;
- Appoġġ għall-inizjattivi mmexxija mill-komunità (il-mudell tal-broadband komunitarju) – approċċ minn isfel għal fuq fejn l-implimentazzjoni tal-broadband issir permezz ta’ inizjattiva privata li tinvolvi ċittadini lokali; u
- Sussidju għall-operaturi (mudell ta’ finanzjament tad-defiċit) – awtorità pubblika tipprovdi l-finanzjament meħtieġ biex jitnaqqas id-defiċit fl-investiment bejn dak li hu kummerċjalment vijabbli għas-settur privat u dak li hu meħtieġ biex tiġi pprovduta infrastruttura adegwata.
Il-Ġermanja, l-Italja u l-Irlanda għandhom infrastruttura preeżistenti tar-ram li hija żviluppata tajjeb. Fil-Ġermanja u fl-Italja, meta l-mudell ta’ finanzjament tad-defiċit intuża fis-sejħiet għall-offerti pubbliċi fil-qasam tal-infrastruttura tal-broadband, it-tendenza kienet li tintuża l-infrastruttura tar-ram li kienet proprjetà tal-operatur preeżistenti (l-operatur nazzjonali storiku tat-telekomunikazzjoni). Fl-Irlanda, il-mudell ta’ finanzjament tad-defiċit jintuża għas-sejħa għall-offerti pubbliċi relatata mal-Pjan Nazzjonali għall-Broadband, iżda l-proċess ta’ sejħiet għall-offerti huwa mfassal b’tali mod li ma hemmx inċentiv biex jintuża r-ram minħabba r-rekwiżiti tal-veloċità. Fl-Italja, fl-2016 l-awtoritajiet iddeċidew li jużaw il-mudell ta’ investiment dirett għas-sejħiet għall-offerti pubbliċi biex jimplimentaw il-broadband fuq netwerk ta’ aċċess miftuħ bl-ingrossa. Dan irriżulta f’żieda fl-użu tal-fibra u f’aċċess għal infrastruttura u għal servizzi bi prezzijiet li jilħqu l-but ta’ kulħadd.
47Fil-Ġermanja, l-operatur preeżistenti qed jagħmel użu estensiv mit-teknoloġija tal-vectoring biex itejjeb il-kopertura tiegħu bil-broadband. Din hija teknoloġija li tippermetti veloċità akbar bl-użu tal-linji tar-ram. Permezz tal-vectoring, attwalment jistgħu jintlaħqu veloċitajiet ta’ bejn is-60 u l-100 Mbps. Fil-futur, jista’ jkun possibbli li jintlaħqu veloċitajiet ta’ aktar minn 100 Mbps għad-downloads.
48It-teknoloġija tal-vectoring għandha l-vantaġġ li hija irħas mill-installazzjoni ta’ infrastruttura ġdida. Madankollu, din it-teknoloġija għandha wkoll il-limitazzjonijiet tagħha. L-ewwel nett, il-veloċitajiet irreklamati jistgħu jinkisbu minn għadd limitat ta’ utenti; aktar ma jkun hemm utenti konnessi, aktar ma tkun baxxa l-veloċità. It-tieni nett, it-teknoloġija tal-vectoring hija soluzzjoni fuq terminu qasir: mhijiex valida anke fil-ġejjieni bħalma huma l-fibra u l-kejbil koassjali. Filwaqt li tista’ tkun tajba biżżejjed biex tilħaq il-miri ta’ Ewropa 2020, jista’ jkun li din it-teknoloġija ma tkunx biżżejjed biex tissodisfa l-ambizzjonijiet tas-Soċjetà tal-Gigabits għall-2025, meta se jkunu meħteġa veloċitajiet ta’ 1 Gbps (il-paragrafu 8). It-tielet nett, il-prerekwiżit għall-vectoring huwa li fornitur wieħed biss ikollu aċċess fiżiku għall-aħħar mil (il-Figura 1), u dan jista’ jillimita l-kompetizzjoni. Biex tindirizza din il-problema, u wara diskussjonijiet estensivi mal-Kummissjoni, f’Settembru 2016 il-Ġermanja nnotifikat l-intenzjoni tagħha li tuża prodott ta’ aċċess lokali virtwali diżaggregat (VULA) f’dak li jirrigwarda t-tnedija tal-infrastruttura tal-broadband iffinanzjata mill-fondi pubbliċi (ara l-Kaxxa 7).
Kaxxa 7
Regolazzjoni tal-Vectoring permezz ta’ prodotti VULA fil-Ġermanja
Prodott VULA jirrikjedi li l-operatur tan-netwerk jittrasporta t-traffiku tad-data tal-kompetituri f’kundizzjonijiet simili għal dawk li l-kompetituri kien ikollhom li kieku kellhom aċċess fiżiku għal-linji tar-ram. Dan iħalli l-possibbiltà li l-kompetituri jagħmlu l-offerti diversifikati proprji tagħhom għal internet b’veloċità għolja lilll-konsumaturi tagħhom anke meta t-teknoloġija tal-vectoring tintuża mill-operatur tan-netwerk.
F’Settembru 2016, il-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar tliet prodotti VULA proposti minn kumpaniji tat-telekomunikazzjoni għall-proġetti rispettivi tagħhom ta’ implimentazzjoni tal-broadband taħt l-iskema nazzjonali tal-broadband. F’Awwissu 2017, il-Kummissjoni ppubblikat deċiżjoni li fiha hija ddikjarat li kienet tal-fehma li l-introduzzjoni ta’ prodotti VULA tista’ tikkumpensa għall-effetti negattivi tal-vectoring, fil-każ ta’ infrastruttura tal-broadband iffinanzjata mill-fondi pubbliċi.
Madankollu, is-soluzzjoni VULA hija kumplessa u xi esperti jqisu li din hija pass lura. Operaturi alternattivi jistgħu jużaw biss is-servizzi offruti mill-operatur preeżistenti billi l-prodotti l-ġodda tagħhom ma jingħatawx appoġġ fil-livell tas-servizzi. B’riżultat ta’ dan, l-operaturi alternattivi spiss jiddeċiedu li jibdew jużaw netwerks tal-fibra wara li jirrealizzaw li l-bini tal-infrastruttura proprja tagħhom hija kummerċjalment aktar vijabbli (ara wkoll il-paragrafu 66).
Diversi fatturi llimitaw il-progress tal-Istati Membri lejn l-ilħuq tal-miri għall-broadband
49Aħna eżaminajna l-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-broadband fl-Istati Membri biex nidentifikaw fatturi li jillimitaw il-progress tal-Istati Membri lejn l-ilħuq tal-miri għall-broadband. Aħna ffukajna fuq il-finanzjament fiż-żoni rurali, l-ambjenti regolatorji u kompetittivi stabbiliti, u l-koordinazzjoni bejn il-perjodi ta’ programmazzjoni differenti u fost id-diversi sorsi ta’ finanzjament.
F’xi Stati Membri, il-finanzjament f’żoni rurali u suburbani mhuwiex qed jiġi indirizzat b’mod xieraq
50Aħna eżaminajna jekk l-Istati Membri u l-BEI analizzawx il-ħtiġijiet għall-broadband f’żoni differenti (żoni urbani, suburbani u rurali26). Ivverifikajna wkoll jekk dawn identifikawx u allokawx sorsi rilevanti ta’ finanzjament biex jindirizzaw kull żona skont il-karatteristiċi tagħha, u b’hekk jiżguraw il-komplementarjetà u jevitaw id-duplikazzjonijiet.
51Kif ġie spjegat fil-paragrafu 9, l-ammont meħtieġ biex jintlaħqu l-miri tal-2020 għall-broadband kien stmat li jlaħħaq sa EUR 250 biljun fl-2013. Skont l-istima tal-BEI, nofs l-ispejjeż jikkonċernaw żoni rurali, fejn tgħix 20 % tal-popolazzjoni.
Stati Membri eżaminati
52L-operaturi privati jipprovdu l-biċċa l-kbira mill-investimenti għall-broadband. Il-finanzjament li jifdal – id-“defiċit fil-finanzjament” – jiġi deċiż fil-livell nazzjonali. Erbgħa mill-Istati Membri eżaminati (l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja u l-Polonja) identifikaw id-defiċit fil-finanzjament. Għalkemm l-Istati Membri kollha eżaminati użaw fondi tal-UE, bl-eċċezzjoni tal-Polonja u l-Ungerija, il-biċċa l-kbira mill-appoġġ pubbliku għall-broadband jiġi mill-baġit nazzjonali.27 Tlieta mill-ħames Stati Membri eżaminati identifikaw żoni fejn il-veloċità tal-broadband ma kinitx suffiċjenti u rriżervaw xi fondi pubbliċi u finanzjament mill-FSIE.
53Aħna sibna li, mill-Istati Membri li kienu identifkaw id-defiċit fil-finanzjament, l-Ungerija u l-Italja biss kienu allokaw biżżejjed riżorsi biex jiksbu kopertura bil-broadband veloċi għall-unitajiet domestiċi kollha. Fil-perjodu 2014-2015, l-awtoritajiet Ungeriżi wettqu eżerċizzju tal-immappjar tal-broadband u stabbilew li kien jeħtieġ li 883 000 sit jiġu koperti. L-operaturi privati daħlu għall-impenn li jkopri 384 000 sit, biex b’hekk kien fadal ftit inqas minn 500 000 sit li għalihom kellu jsir intervent pubbliku. L-awtoritajiet ħarġu bosta sejħiet għal proposti u allokaw EUR 164 miljun mill-FEŻR u EUR 29 miljun mill-baġit nazzjonali biex jissussidjaw l-operaturi permezz tal-mudell ta’ finanzjament tad-defiċit b’sussidju totali ta’ EUR 193 miljun għal investiment totali, inkluż finanzjament privat ta’ EUR 240 miljun.
54L-awtoritajiet Taljani wettqu eżerċizzju tal-immappjar tal-broadband fl-2016 u l-2017, u impenjaw EUR 3 biljun biex jiffinanzjaw il-broadband fiż-żoni kollha li ma kinux kummerċjalment vijabbli. L-awtoritajiet iddeċidew li jużaw il-mudell ta’ investiment dirett (il-Kaxxa 6) biex jistabbilixxu netwerk ta’ aċċess miftuħ bl-ingrossa. Fiż-żmien meta sar l-awditu, l-allokazzjoni ta’ sorsi pubbliċi kienet għadha ma ġietx iffinalizzata iżda kienet stmata li se tammonta għal EUR 1.4 biljun mill-FEŻR u mill-FAEŻR (inkluż il-kofinanzjament nazzjonali) u EUR 1.6 biljun minn sorsi nazzjonali oħra.
55Fl-Irlanda, il-proċess tal-immappjar tal-broadband, li nbeda fl-2013, iddefinixxa ż-żona ta’ intervent, oriġinarjament 757 000 sit, li kellha tiġi koperta mill-Pjan Nazzjonali għall-Broadband. L-immappjar ġie ffinalizzat f’April 2017 u rriżultaw li kien hemm 540 000 sit fiż-żona ta’ intervent pubbliku, peress li l-operatur preeżistenti kien iddeċieda li jkopri 300 000 sit u peress li nżdiedu xi siti addizzjonali. L-ammont allokat mill-Gvern Irlandiż għall-implimentazzjoni tal-broadband kien ta’ EUR 275 miljun għall-perjodu mill-2016 sal-2021, inkluż ammont ta’ EUR 75 miljun mill-FEŻR. Għalkemm il-proċess ta’ sejħiet għall-offerti ma kienx ġie kkompletat fiż-żmien meta sar l-awditu, huwa improbabbli ħafna li din is-somma se tkun biżżejjed biex tpatti għad-defiċit fil-finanzjament. Barra minn hekk, bejn Settembru 2017 u Jannar 2018, tnejn mit-tliet offerenti li kien għad baqa’ ddeċidew li jirtiraw mill-proċess. Billi kien għad baqa’ offerent wieħed biss fil-proċess ta’ sejħiet għall-offerti, l-impatt fuq l-ispiża u fuq it-twaqqit tal-implimentazzjoni tal-broadband kien għadu mhuwiex ċar sa Marzu 2018.
56Fil-Ġermanja, l-awtoritajiet ma identifikawx l-ispiża totali biex ikun hemm kopertura b’veloċità ta’ 30 Mbps għall-unitajiet domestiċi kollha, u għalhekk ma indirizzawx id-defiċit fil-finanzjament b’mod ċentralizzat.28 Il-Gvern Ġermaniż irriżerva aktar minn EUR 4 biljun permezz tal-programm federali għall-broadband għall-perjodu mill-2014 sal-2017 biex jiffinanzja l-proġetti tal-muniċipalitajiet f’dan il-qasam. Is-16-il “Länder” (stat reġjonali) u l-bank federali tal-investiment29 għandhom il-programmi ta’ finanzjament proprji tagħhom.30 Barra minn hekk, il-fondi tal-UE għall-broadband jammontaw għal EUR 362 miljun: EUR 225 miljun mill-FAEŻR u EUR 137 miljun mill-FEŻR. Fl-aħħar nett, mill-2014 sa issa l-BEI ta sitt selfiet ta’ EUR 2.2 biljun. Madankollu, fin-nuqqas ta’ analiżi mill-awtoritajiet Ġermaniżi dwar id-defiċit fil-finanzjament, mhuwiex ċar jekk dan il-livell ta’ appoġġ pubbliku ikunx biżżejjed biex tinkiseb kopertura ta’ 30 Mbps għal 100 % tal-popolazzjoni.
57Fil-Polonja, skont l-istima tal-Pjan Nazzjonali għall-Broadband, li ġie ppubblikat f’Jannar 2014, kien hemm 5.7 miljun unità domestika li kienu għad iridu jingħataw kopertura bil-broadband veloċi, u l-ispiża totali għal dan kienet tammonta għal EUR 4.3 biljun. L-operaturi privati kellhom ikopru 3.1 miljun unità domestika f’żoni kummerċjalment vijabbli bi spiża ta’ EUR 2 biljun sa EUR 3 biljun. Il-fondi mill-FEŻR li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-PO Digital Poland huma stmati li jammontaw bejn EUR 1.3 biljun u EUR 2.2 biljun fil-pjan nazzjonali għall-broadband. Madankollu, fiż-żmien meta sar l-awditu, tnejn mill-għodod nazzjonali ta’ finanzjament speċifikati fil-Pjan Nazzjonali għall-Broadband31 kienu għadhom ma ġewx stabbiliti u kienu għadhom ma ġewx identifikati sorsi potenzjali ġodda ta’ finanzjament għall-iżvilupp tal-broadband Sa Jannar 2018, kienu ġew organizzati tliet sejħiet għal proposti għall-PO Digital Poland u kien ġie implimentat strument finanzjarju wieħed. Aħna sibna li, bil-maġġoranza tal-fondi mill-FEŻR diġà impenjati, huwa possibbli li madwar 1.3 miljun unità domestika – fost dawk l-aktar diffiċli biex jiġu konnessi – jistgħu jibqgħu mingħajr konnessjoni jekk ma jinstabux sorsi addizzjonali ta’ finanzjament.
Finanzjament mill-BEI
58L-istrateġija tal-BEI, fil-Pjanijiet Operazzjonali tiegħu għall-perjodu 2014-2016 u l-perjodu 2017-2019, tieħu inkunsiderazzjoni t-tliet miri tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa fir-rigward tal-broadband. Għall-finanzjament tal-infrastruttura tal-broadband, il-BEI jista’ juża firxa ta’ selfiet u strumenti finanzjarji, skont id-daqs tal-proġetti u l-livelli ta’ riskju. Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) għandu l-għan li jiffinanzja proġetti aktar riskjużi ta’ daqs medju jew kbir (EUR 15-il miljun sa EUR 50 miljun u aktar minn EUR 50 miljun rispettivament). Il-Fond tal-Broadband għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEBF), li ma kienx operazzjonali fi tmiem Diċembru 2017, huwa primarjament intenzjonat li jipprovdi finanzjament sa EUR 30 miljun għal proġetti ta’ daqs aktar żgħir.
59Mill-2015 sal-2017, il-BEI pprovda EUR 2 biljun mill-FEIS għall-finanzjament ta’ proġetti relatati mal-broadband. Aħna eżaminajna proġett iffinanzjat permezz tal-FEIS, li kien jirrappreżenta madwar kwart ta’ din is-somma –is-selfa mill-FEIS kienet ta’ EUR 500 miljun, fejn l-ispiża totali tal-proġett kienet tammonta għal EUR 1.8 biljun. Il-proġett kellu l-għan li jżid il-kopertura bil-broadband permezz tal-użu tal-fibra.
60Aħna sibna tliet dgħufijiet serji relatati ma’ dan il-proġett. L-ewwel nett, il-proġett ma ffukax fuq żoni li ma kinux moqdijin tajjeb, iżda żied il-kopertura bil-broadband b’veloċità għolja prinċipalment f’żoni li kienu diġà kummerċjalment vijabbli, bħall-bliet. It-tieni nett, aħna ma sibniex evidenza li l-FEIS kien l-aħjar għodda ta’ finanzjament. Fil-fatt, dan il-proġett seta’ jiġi ffinanzjat b’selfa mill-BEI, minħabba d-daqs tiegħu u minħabba ż-żoni fejn ġie implimentat il-broadband. It-tielet nett, għal ċerti żoni, il-proġett kien diġà rċieva għotjiet mill-FEŻR ta’ kważi EUR 400 miljun, u dan naqqas ir-riskju għall-BEI.
61Id-daqs ippjanat tas-CEBF huwa ta’ madwar EUR 500 miljun: EUR 100 miljun ipprovduti mill-Kummissjoni permezz tas-CEF32, EUR 140 miljun ipprovduti mill-BEI (fondi proprji u l-FEIS), EUR 150 miljun ipprovduti minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u banek promozzjonali nazzjonali oħra33, u mira ta’ mill-inqas EUR 100 miljun ipprovduti minn investituri privati. Fiż-żmien meta sar l-awditu, is-CEBF kien ippjanat li jkun operazzjonali fil-bidu tal-2018. Dan il-fond huwa intenzjonat li jiffinanzja proġetti relatati mal-broadband, li għandhom riskju ogħla u huma fuq skala iżgħar, f’żoni li mhumiex moqdijin tajjeb, permezz ta’ ekwità u kważi ekwità. Proġetti li jkunu ta’ daqs aktar żgħir jistgħu jiġu aggregati flimkien sabiex jilħqu daqs kritiku u jikkwalifikaw għal appoġġ mis-CEBF.
62Is-CEBF għandu l-għan li, mill-2017 sal-2021, jinvesti kull sena f’madwar 7 sa 12-il proġett relatat mal-broadband, f’20 pajjiż. Huwa mistenni li dan jappoġġa l-implimentazzjoni tal-broadband biex bejn 3 miljun u 6 miljun unità domestika addizzjonali jkollhom aċċess għalih. Huwa intenzjonat li jikkomplementa l-għodod l-oħra ta’ finanzjament disponibbli mill-BEI billi jiffoka fuq proġetti li jkunu ta’ daqs aktar żgħir. Madankollu, minħabba d-daqs immirat tiegħu ta’ madwar EUR 500 miljun, is-CEBF jista’ jagħti biss kontribuzzjoni limitata għall-investiment meħtieġ f’żoni fejn il-kopertura bil-broadband tkun baxxa.
L-ambjent legali u kompetittiv joħloq problemi f’xi Stati Membri
63Aħna eżaminajna jekk l-Istati Membri kinux stabbilew ambjent legali u regolatorju xieraq, intenzjonat li jħeġġeġ il-kompetizzjoni għas-servizzi tal-broadband, f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE. Għaldaqstant, aħna analizzajna kull Stat Membru eżaminat f’dak li jirrigwarda:
- ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aċċess irregolat għan-netwerks ta’ “aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss”34.
- id-direttiva dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' netwerks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi35, u
- ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar obbligi mhux diskriminatorji konsistenti u metodoloġiji tal-ikkostjar li jippromwovu l-kompetizzjoni u jtejbu l-ambjent ta’ investiment fil-broadband36.
Aħna sibna li l-Ungerija, l-Italja u l-Polonja kellhom ambjenti regolatorji u kompetittivi adegwati għall-broadband. Fil-każ tal-Irlanda u tal-Ġermanja, aħna sibna dgħufijiet li kienu jirriżultaw fi problemi relatati mal-kompetizzjoni.
65Fl-Irlanda, il-ComReg, l-Awtorità Regolatorja Nazzjonali (ARN), iddokumentat fl-2015 u l-2016 bosta lmenti mill-operaturi li kienu relatati mal-aċċess għan-netwerk u l-ipprezzar tiegħu, għal każijiet li seħħew mill-2010 'l quddiem. Il-proċess ta’ analiżi tal-ilmenti kien twil u f’xi każijiet irriżulta f’azzjoni legali (li l-eżiti tagħha ma kinux magħrufa fiż-żmien meta sar l-awditu), peress li l-operatur preeżistenti ma kienx ikkonforma mad-deċiżjoni jew mar-rimedju. B’konsegwenza ta’ dan, il-kapaċità tal-Irlanda li tinforza d-deċiżjonijiet u r-rimedji regolatorji kienet limitata. Aħna nosservaw li l-ComReg qed tfittex li żżid is-setgħat tagħha.
66Fil-Ġermanja, aħna sibna tliet dgħufijiet li kienu jaffettwaw l-ambjent kompetittiv:
- Minkejja l-obbligu legali, eżistenti għal aktar minn erba’ snin li għandu jkun faċli li wieħed jibdel l-operatur, kif indikat mill-għadd ta’ lmenti li rċeviet l-ARN jidhru li l-konsumaturi għadhom isibuha diffiċli biex ibiddlu l-fornitur tal-broadband, billi l-proċess huwa twil u spiss jikkawża problemi.
- Test indipendenti, li twettaq fl-2015 u l-2016, wera li 12 % biss tal-utenti kienu qed jirċievu r-rata massima ta’ trasferiment tad-data, kif iddikjarat fil-kuntratt tagħhom.37
- Operaturi alternattivi lmentaw dwar it-tip ta’ servizzi li huma jistgħu joffru bl-użu ta’ VULA, u l-metodu użat għar-regolazzjoni tat-teknoloġija tal-vectoring (il-paragrafi 47 sa 48). B’riżultat ta’ dan, xi operaturi ddeċidew li jibnu n-netwerk tal-fibra proprju tagħhom.
Għajnuna mill-Istat għal investimenti fil-broadband
67L-investiment pubbliku li jsir mill-Istati Membri fil-broadband, bħal forom oħra ta’ investiment, huwa suġġett għal regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, li min-naħa tagħhom huma intenzjonati li jillimitaw kwalunkwe distorsjoni tal-kompetizzjoni li tista’ tirriżulta minn appoġġ li jingaħta mis-settur pubbliku38. Il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-broadband ġew adottati fl-2009 u riveduti f’Jannar 2013. Huma jistipulaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ intervent li jista’ jsir mill-Istat fil-qasam tal-broadband, f’dak li jirrigwarda veloċitajiet ta’ 30 Mbps, billi jiddefinixxu żoni differenti bħala suwed, griżi jew bojod, skont kemm tkun kbira l-kompetizzjoni għall-provvista ta’ kopertura39. Iż-żoni bojod huma, fil-prinċipju, eliġibbli għall-għajnuna mill-Istat. Fiż-żoni griżi, il-Kummissjoni trid twettaq analiżi aktar dettaljata sabiex tivverifika jekk huwiex meħtieġ li jsir intervent mill-Istat. Fiż-żoni suwed, is-servizzi tal-broadband jiġu pprovduti f’kundizzjonijiet kompetittivi u l-għajnuna mill-Istat hija awtorizzata biss f’ċerti kundizzjonijiet, li jinkludu jekk din l-għajnuna tippermettix li ssir “bidla radikali” fil-provvista ta’ servizzi.
68Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija li, filwaqt li dawn il-linji gwida jirreferu għall-Aġenda Diġitali li ssemmi speċifikament il-veloċità ta’ 30 Mbps, huma japplikaw ukoll għall-mira ta’ 100 Mbps u għall-miri tas-Soċjetà tal-Gigabits. Madankollu, xi Stati Membri jinterpretaw il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat b’mod differenti: huma tal-fehma li huwa pprojbit li jingħata finanzjament pubbliku huwa pprojbit meta b’riżultat tal-intervent il-veloċità tiżdied għal aktar minn 30 Mbps fiż-żoni suwed u griżi. Din id-differenza fl-interpretazzjoni wasslet biex l-Istati Membri jagħżlu li ma jużawx investiment pubbliku biex jappoġġaw lill-operaturi fiż-żoni suwed u griżi.
Esklużjoni ta’ investiment pubbliku
69Attwalment, ma hemm l-ebda obbligu legali li l-operaturi jimplimentaw il-pjanijiet ta’ implimentazzjoni tagħhom li jkunu saru matul il-proċess tal-immappjar. Operatur jista’ jiddeċiedi li ma jimplimentax il-broadband f’żona fejn qabel kien ippjana li jinvesti fiha. Għall-kuntrarju ta’ dan, operatur jista’ jiddeċiedi wkoll li jimplimenta l-broadband f’żona fejn qabel kien ippjana li ma jinvestix, bir-riżultat li dan jista’ jwassal għall-esklużjoni ta’ investimenti pubbliċi (ara l-Kaxxa 8). Iż-żewġ każijiet jirriżultaw f’dewmien fil-kopertura bil-broadband f’żoni fejn ikun hemm falliment tas-suq.
Kaxxa 8
Esklużjoni ta’ infrastruttura pubblika minn investimenti privati f’żoni li mhumiex moqdijin tajjeb
Wara li ġew identifikati ż-żoni fejn kien hemm falliment tas-suq, xi Stati Membri ppruvaw jiżguraw finanzjament privat f’żoni kummerċjalment vijabbli, billi kkonkludew ftehimiet mal-operaturi. Madankollu, ir-riżultati tal-immappjar mhumiex vinkolanti fl-Istati Membri kollha u l-konsultazzjoni pubblika dwar iż-żoni bojod u griżi tieħu ħafna ħin. F’każ li seħħ fil-Ġermanja, l-operatur preeżistenti ddeċieda li jinvesti f’żoni li qabel kienu kkategorizzati bħala “żoni fejn hemm falliment tas-suq” ladarba kien ippjanat li jsir investiment pubbliku jew li dan kien inbeda. L-operatur preeżistenti għażel li jagħmel konnessjonijiet fis-siti fejn seta’ jkun hemm l-akbar qligħ – eżempju ta’ “għażla selettiva”. B'riżultat ta' dan, il-proġett iffinanzjat mill-pubbliku kellu jagħmel konnessjonijiet bejn is-siti li kien fadal, li kienu l-aktar diffiċli u l-aktar għaljin, u dan żied l-ispiża tal-appoġġ pubbliku.
Xi Stati Membri tejbu l-proċess ta’ koordinazzjoni tal-investimenti fil-broadband, iżda aħna sibna nuqqas ta’ koordinazzjoni minn perjodu ta' programmazzjoni għall-ieħor f’wieħed mill-Istati Membri eżaminati.
70Aħna vverifikajna jekk l-Istati Membri mmaniġġjawx u kkoordinawx il-proġetti relatati mal-broadband fil-livell xieraq u jekk żgurawx l-ekonomiji ta' skala, flimkien ma’ kapaċità teknika u amministrattiva xierqa. Aħna vverifikajna wkoll jekk l-Istati Membri kkoordinawx il-miżuri tagħhom minn perjodu ta' programmazzjoni għall-ieħor sabiex jagħtu l-aħjar kontribut għall-istrateġija tal-Istati Membri.
Koordinazzjoni tal-proċess ta’ investiment fil-broadband
71Fi tlieta mill-Istati Membri eżaminati, l-Irlanda, l-Italja u l-Ungerija, aħna sibna li l-livell xieraq ta’ koordinazzjoni appoġġa l-implimentazzjoni tal-broadband u żgura l-ekonomiji ta' skala. Pereżempju, fl-Irlanda, l-implimentazzjoni tal-Pjan Nazzjonali għall-Broadband huwa ssorveljat mid-Dipartiment tal-Komunikazzjoni, l-Azzjoni Klimatika u l-Ambjent (DCCAE). Id-DCCAE jiżgura li l-istrateġija għall-broadband tiġi implimentata permezz ta’ sussidji pubbliċi (il-FEŻR u l-baġit nazzjonali), u jimmaniġġja l-proċess relatat ta’ sejħiet għall-offerti fil-livell nazzjonali.
72Fl-Italja, fis-snin tal-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, ma kinitx qed issir koordinazzjoni bejn il-FEŻR, il-FAEŻR u l-fondi nazzjonali bħala sorsi ta’ finanzjament għall-broadband. Fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, l-implimentazzjoni tal-pjan nazzjonali għall-broadband tinsab taħt ir-responsabbiltà ta’ entità unika, l-Infratel, kumpanija li hi kompletament il-proprjetà tal-Ministeru tal-Iżvilupp Ekonomiku. L-Infratel hija inkarigata mill-implimentazzjoni u mill-monitoraġġ tal-pjan nazzjonali għall-broadband u dan jinkludi l-immaniġġjar tal-proċess ta’ sejħiet għall-offerti. Hija qed tikkoordina wkoll il-finanzjament mis-sorsi nazzjonali u reġjonali, kif ukoll mill-FEŻR u mill-FAEŻR. B’dan il-mod, is-sorsi differenti ta’ appoġġ finanzjarju qed jikkontribwixxu b’mod ikkoordinat biex jintlaħqu l-miri għall-broadband.
73Fl-Ungerija, il-gvern ħareġ il-pjan nazzjonali tiegħu għall-broadband fl-2014 (Strateġija Nazzjonali għall-Infokomunikazzjoni) u l-Programm għall-Internet Superveloċi (SZIP) tnieda fl-2015 biex jiżgura l-implimentazzjoni tal-broadband veloċi. Għall-implimentazzjoni tal-infrastruttura tal-broadband, il-finanzjament mill-FEŻR u dak nazzjonali qed jiġu mmaniġġjati b’mod ċentralizzat għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020.
74Fil-Polonja, aħna sibna li sar titjib fil-koordinazzjoni tas-sorsi ta’ finanzjament. Fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, il-FEŻR intuża flimkien ma’ finanzjament nazzjonali. Filwaqt li l-linji ta' demarkazzjoni bejn il-programmi operazzjonali nazzjonali u dawk reġjonali ġew stabbiliti b’mod ċar, kien hemm dewmien fin-notifikazzjoni tal-iskema ta' għajnuna għall-infrastruttura ta’ bażi f’kull PO reġjonali, u dan min-naħa tiegħu, irriżulta f’dewmien fl-implimentazzjoni tal-“aħħar mil”. Fil-perjodu 2014-2020, peress li l-appoġġ jingħadda fil-qafas ta’ PO uniku taħt il-FEŻR, aħna ma sibniex problemi ta’ duplikazzjoni.
75Fil-Ġermanja, aħna sibna nuqqas ta’ koordinazzjoni fl-użu tad-diversi sorsi ta’ finanzjament. Ir-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tal-broadband tinsab fil-livell reġjonali (Länder) u dak muniċipali, filwaqt li l-appoġġ finanzjarju jingħata fil-livell nazzjonali u dak reġjonali, u dan jirriżulta fi frammentazzjoni tal-infrastruttura tal-broadband. Minbarra l-fondi tal-UE li saru disponibbli permezz ta’ żewġ programmi tal-FAEŻR u tmien programmi tal-FEŻR, kif ukoll il-finanzjament federali mill-pjan nazzjonali relatat mal-Aġenda Diġitali għall-perjodu 2014-2017, 16-il Länder u l-bank federali tal-investiment40 għandhom il-programmi ta’ finanzjament proprji tagħhom (il-paragrafu 56). Fi tmiem Diċembru 2017, għalkemm aktar minn EUR 3 biljun kienu ġew allokati għall-gvernijiet reġjonali, kien għadu ma ġie ffinalizzat l-ebda proġett.
Koordinazzjoni minn perjodu ta' programmazzjoni għall-ieħor fil-Polonja
76Fil-Polonja, aħna sibna li l-awtoritajiet naqsu milli jiżguraw li jsir użu kkoordinat tal-fondi, kemm fil-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti, kif ukoll f’dak attwali.
77Fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, EUR 240 miljun ta’ fondi tal-UE ntużaw għall-bini ta’ infrastruttura tal-broadband f’żoni li ma kinux moqdijin tajjeb f’ħames reġjuni differenti fil-Lvant tal-Polonja, bi spiża totali għall-proġetti li ammontat għal EUR 347 miljun. Il-proġetti ġew ittrattati bħala proġetti kbar u ġew approvati direttament mill-Kummissjoni. Huma kienu wkoll suġġetti għal deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. L-awtoritajiet nazzjonali u dawk reġjonali stennew li l-konnessjonijiet tal-aħħar mil kienu se jitwettqu direttament minn operaturi privati, jew li l-operaturi privati kienu se jingħataw appoġġ permezz ta’ finanzjament mill-PO Digital Poland fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020.
78Madankollu, is-sejħiet għal proposti fil-qafas ta’ dan il-PO ma inċentivawx lill-offerenti biex jiġu konnessi mal-infrastruttura ta’ bażi li kienet ġiet iffinanzjata fil-perjodu 2007-2013. Fiż-żmien meta sar l-awditu f’Ġunju2017, kien qed jintuża inqas minn 1 % tal-kapaċità tal-infrastruttura ta’ bażi. Aħna ma rċevejna l-ebda evidenza li tindika li l-Polonja ħadet azzjoni effettiva biex tindirizza dan l-użu insuffiċjenti.
Konklużjoni u rakkomandazzjonijiet
79Aħna nikkonkludu li, minkejja l-progress li sar, mhumiex se jintlaħqu l-miri kollha għall-broadband sal-2020. Sal-2016, l-Istati Membri kollha kienu laħqu l-mira għall-kopertura bil-broadband bażiku. Huwa possibbli li tnejn mill-ħames Stati Membri eżaminati jilħqu l-mira għall-kopertura ta’ 30 Mbps sal-2020, iżda fil-biċċa l-kbira mill-Istati Membri ż-żoni rurali jibqgħu problematiċi. Fl-aħħar nett, filwaqt li huwa probabbli li l-ebda wieħed mill-Istati Membri eżaminati mhuwa se jilħaq il-mira għar-rata ta’ użu sal-2020, tlieta mill-Istati Membri eżaminati jistgħu, fuq il-bażi tal-pjanijiet attwali tagħhom, ikunu f’pożizzjoni tajba biex jilħqu l-miri għall-2025. L-Istati Membri vvalutaw b’mod pożittiv l-appoġġ mogħti mill-Kummissjoni, iżda ma hemmx koordinazzjoni tal-monitoraġġ fost id-Direttorati Ġenerali (il-paragrafi 16 sa 34).
80Għalkemm l-Istati Membri kollha kienu żviluppaw strateġija għall-broadband, xi wħud ġew ippubblikati aktar tard mid-data ta' skadenza tal-2012 u kien hemm dgħufijiet fl-istrateġiji tal-Istati Membri li eżaminajna. L-istrateġiji mhux dejjem kienu konsistenti mal-miri ta’ UE 2020: filwaqt li xi wħud issettjaw miri li kienu aktar impenjattivi minn dawk fl-istrateġija UE 2020, l-ebda wieħed mill-Istati Membri li eżaminajna ma kien jinkludi, fl-istrateġija tiegħu, mira nazzjonali relatata mal-Mira 3, jiġifieri li 50 % tal-unitajiet domestiċi jkunu qed jużaw broadband ultraveloċi (il-paragrafi 36 sa 40). Skont l-arranġamenti dwar il-kundizzjonalità ex ante li jirregolaw il-Fondi SIE għall-perjodu 2014-2020, l-Istati Membri huma meħtieġa jkollhom pjanijiet nazzjonali jew reġjonali stabbiliti b’dettalji dwar l-investimenti ppjanati. Il-Kummissjoni vvalutat li dawn il-kundizzjonijiet kienu ġew issodisfati għall-Istati Membri kollha eżaminati, iżda aħna sibna eżempju fejn element ewlieni kien nieqes: il-Ġermanja ma kinitx żviluppat data ta’ kwalità suffiċjenti biex tifforma l-bażi ta’ pjan komprensiv ta’ investiment, għalkemm kien sar titjib fil-kwalità tad-data għall-immappjar fis-snin reċenti (il-paragrafu 41).
81Id-deċiżjonijiet tal-Istati Membri dwar l-investimenti fil-broadband huma affettwati mill-infrastruttura preeżistenti tagħhom. Għall-kuntrarju tal-Polonja u l-Ungerija, l-infrastruttura preeżistenti tas-sistemi tat-telefown kienu preeżistenti tfisser li l-Italja, l-Irlanda u l-Ġermanja kellhom infrastruttura tar-ram żviluppata tajjeb. L-Italja u l-Irlanda fasslu l-investimenti tagħhom biex jinċentivaw lill-offerenti jibdlu l-infrastruttura mir-ram għall-fibra, li tista’ tipprovdi veloċitajiet ħafna akbar. Min-naħa l-oħra, il-Ġermanja qed tagħmel użu estensiv mit-teknoloġija tal-“vectoring”. Din it-teknoloġija għandha l-vantaġġ li tippermetti veloċità akbar bl-użu ta’ linji tar-ram, iżda ma toffrix il-veloċità tal-fibra, li hija valida anke fil-ġejjieni u tista’ tillimita wkoll il-kompetizzjoni (il-paragrafi 45 sa 48).
82Diversi fatturi ambjentali llimitaw il-progress tal-Istati Membri lejn l-ilħuq tal-miri għall-broadband. Dawn kienu relatati mal-ambjenti tal-finanzjament, tal-kompetittività u dak legali.
83F’termini ta’ finanzjament, mill-Istati Membri eżaminati, il-Ġermanja biss ma identifikatx l-appoġġ finanzjarju meħtieġ mis-settur pubbliku, id-“defiċit fil-finanzjament”. Filwaqt li l-Ġermanja poġġiet għamlet disponibbli aktar minn EUR 8 biljun, li kienu ġejjin minn diversi sorsi, mhuwiex ċar jekk dan l-ammont huwiex se jkun biżżejjed. Mill-erba’ Stati Membri l-oħra, l-Ungerija u l-Italja biss allokaw biżżejjed riżorsi pubbliċi biex jilħqu l-Mira 2, jiġifieri broadband veloċi għall-unitajiet domestiċi kollha. Fil-Polonja, pereżempju, tnejn mill-għodod finanzjarji speċifikati fil-pjan nazzjonali tagħha ma kinux ġew stabbiliti, u sorsi potenzjali ġodda ta’ finanzjament ma kinux ġew identifikati (il-paragrafi 52 sa 57).
84Il-BEI għandu firxa ta’ selfiet u ta’ stumenti finanzjarji, skont id-daqs tal-proġetti u l-livell ta’ riskju. Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) huwa intenzjonat li jiffinanzja proġetti aktar riskjużi u aktar kbar. Aħna eżaminajna selfa ta’ EUR 500 miljun li saret mill-BEI minn dan il-fond għal proġett relatat mal-broadband. Dan il-proġett ma ffukax fuq l-implimentazzjoni tal-broadband f’żoni bojod u griżi u kien diġà bbenefika minn appoġġ taħt il-FEŻR ta’ kważi EUR 400 miljun. Għalhekk, is-selfa ma kinitx konformi mal-objettiv li jiġu ffinanzjati proġetti relatati mal-broadband li jkunu aktar riskjużi (il-paragrafi 58 sa 60).
85L-ambjent legali u kompetittiv li ġie stabbilit mill-Ungerija, l-Italja u l-Polonja kien adegwat. Fl-Irlanda, il-limitazzjonijiet fuq is-setgħa tal-awtorità regolatorja nazzjonali biex tinforza d-deċiżjonijiet tagħha jistgħu jnaqqsu l-possibbiltà ta’ kompetizzjoni effettiva, filwaqt li l-ambjent kompetittiv fil-Ġermanja kien affettwat minn għadd ta’ problemi. Il-Ġermanja kienet ukoll affettwata mill-fatt li l-operaturi ma kinux legalment marbuta bl-impenji li kienu daħlu għalihom qabel fir-rigward tal-pjanijiet tagħhom ta’ investiment, u dan potenzjalment wassal għal aktar dewmien fil-provvista ta’ broadband f’żoni fejn il-kompetizzjoni kienet limitata. Fl-2013, il-Kummissjoni aġġornat il-linji gwida tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat għall-broadband. Madankollu, aħna sibna li xi Stati Membri qed jinterpretaw il-linji gwida b’mod li jista’ jillimita l-finanzjament pubbliku li jagħmlu disponibbli għall-broadband f’żoni fejn diġà hemm kopertura ta’ 30 Mbps (il-paragrafi 63 sa 69).
86Minħabba l-firxa ta’ sorsi differenti ta’ finanzjament disponibbli għall-Istati Membri, u l-perjodi twal ta’ żmien involuti, huwa essenzjali li jkun hemm koordinazzjoni effettiva biex l-investiment fil-broadband ikun ta’ suċċess. Fl-Irlanda, l-Italja u l-Ungerija, aħna sibna li l-livelli xierqa ta’ koordinazzjoni appoġġaw il-provvista ta’ broadband u żguraw l-ekonomiji ta' skala. Dan ma kienx il-każ fil-Ġermanja. Fl-aħħar nett, il-Polonja nefqet madwat EUR 240 miljun fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 fuq l-infrastruttura tal-broadband fil-Lvant tal-pajjiż. Madankollu, l-operaturi ma kellhomx inċentiv biex jużaw din l-infrastruttura sussegwentement, u inqas minn 1 % minnha kien qed jintuża fiż-żmien meta wettaqna l-awditu tagħna f’Ġunju 2017, filwaqt li ma kien hemm l-ebda evidenza li tindika li l-awtoritajiet Pollakki kienu ħadu xi azzjoni biex jindirizzaw din il-problema (il-paragrafi 76 sa 78).
87Ir-rakkomandazzjonijiet tagħna huma miġburin biex ikopru tliet oqsma: ippjanar strateġiku, ambjent regolatorju u stimulazzjoni tal-kompetizzjoni.
Ippjanar strateġiku
- Jenħtieġ li l-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri kollha, ibbażat fuq il-progress attwali tagħhom bi tqabbil mat-tliet miri ta’ UE 2020, biex jaċċennaw dawk l-oqsma fejn dawn il-miri jistgħu ma jintlaħqux sal-2020 u biex jinkludu, fejn possibbli, azzjoni korrettiva.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: Settembru 2018.
- Jenħtieġ li l-Istati Membri kollha, bħala parti mit-tħejjijiet għall-perjodu ta' programmazzjoni wara l-2020, jiżviluppaw pjanijiet riveduti biex juru kif biħsiebhom jilħqu l-miri rilevanti ta’ livell għoli għall-broadband wara l-2020 sew jekk huma l-miri tas-Soċjetà tal-Gigabits għall-2025 jew oħrajn.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: Diċembru 2019.
- Jenħtieġ li l-Kummissjoni, għall-perjodu ta’ programmazzjoni wara l-2020, tiżviluppa indikaturi tal-output u tar-riżultati, li jkunu komuni u konsistenti, biex jintużaw fil-programmi operazzjonali tal-Istati Membri, u li permezz tagħhom ikun jista’ jiġi ttraċċat il-progress li jkun sar bi tqabbil mal-objettivi rilevanti ta’ livell għoli, filwaqt li jittieħed kont tal-ħtieġa li l-għadd ta’ indikaturi jkun limitat.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: Diċembru 2019.
Ambjent regolatorju
- Jenħtieġ li l-Istati Membri kollha janalizzaw il-mandat tal-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali tagħhom skont il-qafas regolatorju rivedut tal-UE għat-telekomunikazzjoni, bil-ħsieb li jiżguraw li jkunu jistgħu jimponu r-rakkomandazzjonijiet u r-rimedji tagħhom (inklużi penali għan-nuqqas ta’ konformità) fuq l-operaturi.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: Diċembru 2019.
- Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkjarifika għall-Istati Membri l-applikazzjoni tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat f’dak li jirrigwarda l-mira ta’ 100 Mbps u l-miri tas-Soċjetà tal-Gigabits.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: Diċembru 2018.
Stimulazzjoni tal-kompetizzjoni permezz ta’ finanzjament
- Jenħtieġ li l-Kummissjoni tappoġġa l-Istati Membri biex jinċentivaw l-istabbiliment ta’ netwerk ta’ aċċess miftuħ bl-ingrossa f’żoni bojod u griżi permezz tal-iżvilupp ta’ qafas legali, gwida u linji gwida adegwati. Dan it-tip ta’ netwerk għandu jkun jista’ jiffaċilita ambjent kompetittiv adegwat, li jwassal għall-provvista ta’ servizzi aħjar għall-utenti.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: sa Ġunju 2020.
- Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiddissemina l-aħjar prattiki, toħroġ gwida u linji gwida biex tinċentiva, fejn ikun xieraq, l-aggregazzjoni ta' proġetti ta’ daqs aktar żgħir mill-awtoritajiet fl-Istati Membri, bil-ħsieb li jinkisbu l-ekonomiji ta' skala. B’hekk proġetti ta’ dan it-tip ikunu kummerċjalment aktar vijabbli bir-riżultat li l-aċċess għall-finanzjament ikun aktar faċli.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: Diċembru 2018.
- Jenħtieġ li l-BEI jiffoka l-appoġġ tiegħu permezz tal-FEIS u tas-CEBF fuq proġetti żgħar u ta’ daqs medju f’żoni bojod u griżi f’konformità mal-għan li jingħata appoġġ għal proġetti aktar riskjużi. Barra minn hekk, jenħtieġ li meta jiġu kkompletati l-proġetti l-indikaturi tal-output u tar-riżultati jkunu inkludu, fejn ikun rilevanti, l-għadd ta’ siti koperti u konnessi fiż-żoni bojod u griżi, u indikazzjoni tal-veloċitajiet tal-broadband li jkunu jistgħu jintlaħqu.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: Diċembru 2018.
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla II, immexxija mis-Sinjura Iliana IVANOVA, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-21 ta’ Marzu 2018.
Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner LEHNE
President
Anness
Mapep tal-Ewropa b’kopertura ta’ 30 Mbps


Glossarju u abbrevjazzjonijiet
CEF: Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa
DĠ: Direttorat Ġenerali
DĠ CNECT: DĠ Netwerks tal-Komunikazzjonijiet, Kontenut u Teknoloġija
DĠ COMP: DĠ Kompetizzjoni
DĠ AGRI: DĠ Agrikoltura u Żvilupp Rurali
DĠ ECFIN: DĠ Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji
DĠ REGIO: DĠ Politika Reġjonali u Urbana
FEIS: Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi
FEŻR: Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali
FSIE: Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej
Gbps: Unità ta’ trasferiment ta’ data ekwivalenti għal 1 000 000 000 bit kull sekonda.
Infrastruttura ta’ bażi: Il-hardware primarju b’veloċità għolja u l-linji ta’ trażmissjoni ta’ netwerk tat-telekomunikazzjoni (bħall-internet).
Kbps: Unità ta’ trasferiment ta’ data ekwivalenti għal 1 000 bit kull sekonda.
Kundizzjonalitajiet ex ante: Kundizzjonijiet li huma bbażati fuq kriterji predefiniti li jitqiesu bħala prerekwiżiti meħtieġa għall-użu effettiv u effiċjenti tal-appoġġ li jingħata mill-Unjoni. Meta jħejju l-Programmi Operazzjonali (PO) taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) matul il-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, l-Istati Membri jridu jivvalutaw jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunux ġew issodisfati. Jekk dan ma jkunx il-każ, ikun jeħtieġ li jitħejjew pjanijiet ta’ azzjoni biex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet ikunu ġew issodisfati sal-31 ta’ Diċembru 2016.
Mbps: Unità ta’ trasferiment ta’ data ekwivalenti għal 1 000 000 bit kull sekonda.
Objettivi ta’ Ewropa 2020 għall-broadband: Objettivi relatati mal-broadband li huma stipulati fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, waħda mis-seba’ inizjattivi ewlenin tal-Istrateġija Ewropa 2020 li ġiet adottata mill-Kummissjoni fl-2010. Dawn l-objettivi huma li (i) sal-2013, l-Ewropej kollha jkollhom aċċess għal broadband bażiku (minn 144 Kbps sa 30 Mbps); (ii) jiġi żgurat li sal-2020, l-Ewropej kollha jkollhom kopertura bil-broadband veloċi (> 30 Mbps); u (iii) jiġi żgurat li sal-2020, 50 % jew aktar tal-unitajiet domestiċi fl-Ewropa jkunu qed jużaw broadband ultraveloċi (> 100 Mbps).
Objettivi tas-Soċjetà tal-Gigabits għall-2025: F’Settembru 2016, f’Komunikazzjoni komunement magħrufa bħala s-“Soċjetà tal-Gigabits għall-2025” il-Kummissjoni identifikat tliet objettivi strateġiċi għall-2025 li jikkomplementaw dawk stipulati fl-Aġenda Diġitali għall-2020.
Operaturi preeżistenti: Kumpanija li kienet tiffunzjona bħala monopolju, iżda li issa tipprovdi servizzi b’mod kompetittiv. Ħafna operaturi preeżistenti wirtu vantaġġi mill-istatus preċedenti tagħhom bħala monopolji (eż. netwerks u konsumaturi).
PNB: Pjan Nazzjonali għall-Broadband
PO: Programm Operazzjonali
Rata ta’ użu: Fil-kuntest ta’ dan ir-rapport, ir-rata ta’ użu hija indikatur magħżul mill-Kummissjoni Ewropea. Hija ddefinita bħala l-perċentwal tal-unitajiet domestiċi li għandhom abbonament għall-broadband imqabbel mal-għadd totali ta’ unitajiet domestiċi.
UE: Unjoni Ewropea
Noti finali
1 L. Holt, M. Jamison, “Broadband and contributions to economic growth: lessons from the US experience” (Broadband u l-kontribut għat-tkabbir ekonomiku: tagħlimiet meħuda mill-esperjenza tal-Istati Uniti), Politika dwar it-Telekomunikazzjoni, il-Volum 33 p. 575-581; Broadband enabled innovation (Innovazzjoni permezz tal-broadband), il-Forum tal-Mexxejja tal-Industrija Globali, ITU, 2011.
2 Ara l-verżjoni riveduta tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (2012).
3 Pereżempju, il-Forum tal-Komunità Intelliġenti tal-Kanada u l-BDO tal-Kanada.
4 Il-Kummissjoni Ewropea, “Guide to high-speed broadband investment” (Gwida għal investiment fil-broadband b’veloċità għolja), 2014.
5 “The State of Broadband” (L-Istat tal-Broadband), Il-Kummissjoni tal-Broadband għall-Iżvilupp Sostenibbli, ITU & Unesco, Settembru 2017.
6 KUMM(2010) 2020 “Ewropa 2020, Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv”.
7 KUMM(2010) 245.
8 KUMM(2012) 784. Billi din hija komunikazzjoni tal-Kummissjoni, ma tirrappreżentax liġi vinkolanti tal-UE, u ma għandha l-ebda awtorità obbligatorja.
9 COM(2016) 587.
10 Gigabit kull sekonda huwa ekwivalenti għal 1000 Mbps, li huwa sinifikattivament aktar rapidu mill-miri ta’ Ewropa 2020.
11 Il-Kummissjoni Ewropea, ”The socio-economic impact of bandwith” (L-impatt soċjoekonomiku tal-bandwidth), 2013, p. 207.
12 Id-Direttiva 2014/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar miżuri biex tonqos l-ispiża għall-installazzjoni ta’ netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja (ĠU L 155, 23.5.2014, p. 1).
13 Il-Bullettin tal-Aħbarijiet fil-qosor tal-organizzazzjoni Fibre to the Home Council Europe dwar “Costs for a fibre based Gigabit Society significant but achievable” (L-ispejjeż għal Soċjetà tal-Gigabits ibbażata fuq il-fibra huma sinifikanti iżda jistgħu jitħallsu), Konferenza tal-FTTH, Marsilja, 16.2.2017.
14 Id-DĠ CNECT, id-DĠ REGIO, id-DĠ AGRI, id-DĠ ECFIN u d-DĠ COMP.
15 Id-diskrepanza bejn il-kopertura fiż-żoni urbani u fiż-żoni rurali ġiet enfasizzata fid-diskors li sar f’Novembru 2017 mill-Kummissarju Hogan: https://ec.europa.eu/commission/commissioners/2014-2019/hogan/announcements/speech-broadband-competence-office-launch-event-20th-november-2017-brussels_en.
16 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2013/C 25/01 dwar il-Linji Gwida tal-UE għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b'rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband.
17 Il-Ħarġa Nru 1.1, 22.10.2014, li ssostitwiet il-ħarġa preċedenti tal-Gwida għal Investiment fil-Broadband, ippubblikata fl-2011.
18 Ir-rapport finali, 2013, WIK-Consult GmbH (SMART 2013/0064).
19 Studju mwettaq minn TÜV Rheinland u WIK Consult għall-Kummissjoni Ewropea “Broadband and infrastructure mapping study SMART 2012/0022” (Immappjar tal-broadband u tal-infrastrutturi SMART 2012/0022), 2014.
20 Assistenza Konġunta ta’ Appoġġ għal Proġetti fir-Reġjuni Ewropej. L-appoġġ li ngħata għall-broadband permezz ta’ JASPERS kien jikkonsisti prinċipalment f’appoġġ lill-Istati Membri biex iwettqu l-analiżi tagħhom tal-Ispejjeż imqabbla mal-Benefiċċji u biex japplikaw għall-finanzjament ta’ proġetti kbar taħt il-FEŻR. Għal aktar informazzjoni dwar JASPERS, ara r-Rapport Speċjali Nru 1/2018 tal-QEA “Assistenza Konġunta ta’ Appoġġ għal Proġetti fir-Reġjuni Ewropej (JASPERS) – wasal iż-żmien biex l-assistenza tiġi mmirata aħjar”.
21 Fl-2017, il-Kummissjoni ddeċidiet li timplimenta metodoloġija komuni għall-immappjar sal-2018.
22 Il-Ftehimiet ta’ Sħubija jiddeskrivu l-pjanijiet tal-awtoritajiet nazzjonali dwar kif biħsiebhom jużaw il-finanzjament mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, u jiddeskrivu fil-qosor l-għanijiet strateġiċi u l-prijoritajiet ta’ investiment ta’ kull pajjiż, filwaqt li jorbtuhom mal-għanijiet kumplessivi tal-istrateġija Ewropa 2020.
23 Għal aktar dettallji dwar l-EACs, ara r-RS Nru 15/2017 “Il-kundizzjonalitajiet ex ante u r-riżerva ta’ prestazzjoni fil-qasam ta’ Koeżjoni: strumenti innovattivi iżda għadhom mhumiex effettivi”.
24 L-Artikolu 19 u l-Anness XI tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
25 https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/main-financing-tools.
26 Żoni urbani huma żoni b’aktar minn 500 abitant/km2; żoni subrubani għandhom bejn 100 u 500 abitant/km2; żoni rurali huma żoni b’inqas minn 100 abitant/km².
27 53 % fl-Italja, 73 % fl-Irlanda u aktar minn 90 % fil-Ġermanja.
28 Ditta ta’ konsulenza stmat li l-ispiża għall-implimentazzjoni tal-fibra hija ta’ EUR 45 biljun, jekk jerġgħu jintużaw is-sinerġiji mal-infrastruttura li diġà teżisti. WIK- Studie Treiber für den Ausbau hochbitratiger Infrastrukturen, p. 8.
29 Kreditanstalt für Wiederaufbau (KfW).
30 Pereżempju, il-Bavarja allokat EUR 1.5 biljun għall-broadband.
31 Fondi minn “Investimenti Pollakki” u fondi miftuħa tal-pensjonijiet li jammontaw minn EUR 1.75 biljun sa EUR 2.5 biljun (PLN 7 biljun - PLN 10 biljun).
32 Dan l-ammont ta’ EUR 100 miljun jiġi mill-EUR 156 miljun allokati għall-istrument finanzjarju tas-CEF.
33 Bħall-KfW Bankengruppe, il-Cassa Depositi e Prestiti u l-Caisse des dépôts et consignations.
34 Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2010/572/UE.
35 Id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51)
36 Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/466/UE.
37 Ir-Regolament dwar it-Trasparenza, ta’ Ġunju 2017, għandu l-għan li jindirizza din il-problema billi se jkun jirrikjedi li l-fornituri tas-servizzi fissi u mobbli jipprovdu aktar informazzjoni dwar, fost affarijiet oħra, ir-rata reali ta’ trasferiment tad-data.
38 L-Artikoli 26 u 107 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
39 Fiż-żoni bojod l-ebda fornitur tas-servizzi ta' aċċess għall-broadband mhuwa qed jopera attwalment u mhuwiex mistenni li jkun hemm fornitur ta’ dan it-tip fit-tliet snin li ġejjin. Fiż-żoni griżi hemm fornitur wieħed (ibbażat fuq l-infrastruttura) li huwa diġà attiv, madankollu, mhuwiex probabbli li netwerk ieħor jiġi żviluppat fit-tliet snin li ġejjin. Fiż-żoni suwed hemm jew se jkun hemm mill-inqas żewġ netwerks tal-broadband bażiku ta’ operaturi differenti fit-tliet snin li ġejjin.
40 Kreditanstalt für Wiederaufbau (KfW).
1 https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/european-commission-joins-forces-help-bringing-more-broadband-rural-areas
Avveniment | Data |
---|---|
Adozzjoni tal-APM / Bidu tal-awditu | 14.12.2016 |
L-abbozz tar-rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lil parti awditjata oħra) | 31.1.2018 |
Adozzjoni tar-rapport finali wara l-proċedura kontradittorja | 21.3.2018 |
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew ta’ parti awditjata oħra) riċevuti bil-lingwi kollha | 25.4.2018 |
Tim tal-awditjar
Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma speċifiċi tal-baġit. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta' introjtu jew ta' nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.
Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla II tal-Awditjar li tispeċjalizza fl-oqsma ta’ nfiq ta’ Investiment għall-koeżjoni, it-tkabbir u l-inklużjoni. Is-Sinjura Iliana Ivanova, id-Dekan ta' din l-Awla, hija l-Membru Relatur. Hija ngħatat appoġġ minn Mihail Stefanov, Kap tal-Kabinett u James Verity, Attaché tal-Kabinett; Niels-Erik Brokopp, Maniġer Prinċipali; Romuald Kayibanda, Kap tal-Kompitu; Przemyslaw Dowgialo, Alessandra Falcinelli, Anna Fiteni, Agota Marczinko, Ana Popescu, Michael Spang, Lutz Venske, u Angelika Zych, Awdituri.

Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2018
ISBN 978-92-872-9765-5 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/366685 | QJ-AB-18-008-MT-N | |
HTML | ISBN 978-92-872-9846-1 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/9388 | QJ-AB-18-008-MT-Q |
© L-Unjoni Ewropea, 2018
Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li ma jaqax taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, irid jintalab il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.
KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f’dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
- bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt
KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE
Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, mill-EU Bookshop fl-indirizz li ġej: https://publications.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu/homepage.html?locale=mt
Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.