L-Unjoni Ewropea
X’inhi u x’tagħmel

Din il-pubblikazzjoni hija gwida dwar l-Unjoni Ewropea (UE) u dwar x’tagħmel din.
L-ewwel taqsima tispjega fil-qosor x’inhi l-UE.
It-tieni taqsima, “X’tagħmel l-Unjoni Ewropea”, tiddeskrivi x’inhi tagħmel l-UE f’aktar minn 40 qasam differenti biex ittejjeb ħajjet in-nies fl-Ewropa u lil hinn minnha.
It-tielet taqsima, “Kif l-Unjoni Ewropea tieħu deċiżjonijiet u azzjoni”, tiddeskrivi l-istituzzjonijiet li huma fil-qalba tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE u kif id-deċiżjonijiet ta’ dawn jissarrfu f’azzjonijiet.
It-test stampat bil-kulur blu jindika hyperlinks għal aktar informazzjoni dettaljata fil-verżjonijiet HTML u PDF ta’ dan il-ktieb.
HTML | |||
---|---|---|---|
Din il-pubblikazzjoni tinsab fil-formati li ġejjin | ![]() |
![]() |
![]() |
1 L-Unjoni Ewropea fil-qosor
L-Unjoni Ewropea (UE) hija unjoni ekonomika u politika unika bejn 27 pajjiż Ewropew.
L-UE li nafu llum għandha l-għeruq tagħha f’diversi trattati ffirmati wara t-Tieni Gwerra Dinjija. L-ewwel pass kien it-trawwim tal-kooperazzjoni ekonomika, abbażi tal-idea li l-pajjiżi li jagħmlu l-kummerċ ma’ xulxin isiru ekonomikament interdipendenti u għalhekk huwa aktar probabbli li jevitaw kunflitt. Ir-riżultat kien il-Komunità Ekonomika Ewropea, maħluqa fl-1958 bil-għan inizjali li żżid il-kooperazzjoni ekonomika bejn sitt pajjiżi: il-Belġju, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu u n-Netherlands.
Minn dak iż-żmien, ingħaqdu 22 pajjiż ieħor (ir-Renju Unit ħareġ mill-UE fil-31 ta' Jannar 2020) u nħoloq suq uniku enormi (magħruf ukoll bħala s-suq intern) u qed ikompli jiżviluppa lejn il-potenzjal sħiħ tiegħu.
Dik li bdiet bħala unjoni purament ekonomika evolviet f’organizzazzjoni li tkopri ħafna oqsma ta’ politika differenti — mill-klima, l-ambjent u s-saħħa għar-relazzjonijiet esterni u s-sigurtà, il-ġustizzja u l-migrazzjoni.
L-UE tat aktar minn nofs seklu ta’ paċi, stabbiltà u prosperità, għenet biex tgħolli l-livelli ta’ għajxien u nediet munita unika Ewropea: l-euro. Aktar minn 340 miljun ċittadin tal-UE f’19-il pajjiż issa jużawha bħala l-munita tagħhom u jgawdu l-benefiċċji tagħha.
Bis-saħħa tal-abolizzjoni tal-kontrolli tal-fruntieri bejn ħafna pajjiżi tal-UE, in-nies jistgħu jivvjaġġaw liberament fil-parti l-kbira tal-kontinent. Sar ukoll ferm aktar faċli li tgħix u taħdem f’pajjiż ieħor fl-Ewropa. Iċ-ċittadini kollha tal-UE għandhom id-dritt u l-libertà li jagħżlu f’liema pajjiż tal-UE jridu jistudjaw, jaħdmu jew jirtiraw. Kull pajjiż tal-UE għandu jittratta liċ-ċittadini tal-UE eżattament bl-istess mod bħaċ-ċittadini tiegħu stess fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ xogħol, ta’ sigurtà soċjali u ta’ taxxa.
Il-magna ekonomika prinċipali tal-UE hija s-suq uniku. Dan jippermetti l-moviment liberu tal-oġġetti, is-servizzi, il-flus u n-nies. L-UE għandha l-għan li ssegwi l-istess eżempju f’oqsma oħra bħall-enerġija, l-għarfien u s-swieq kapitali biex tiżgura li l-Ewropej jiksbu wkoll il-benefiċċju massimu minn dawn ir-riżorsi.
L-UE tibqa’ ffukata biex tagħmel l-istituzzjonijiet ta’ governanza tagħha aktar trasparenti u demokratiċi. Id-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod kemm jista’ jkun miftuħ u kemm jista’ jkun viċin taċ-ċittadin. Ingħataw aktar setgħat lill-Parlament Ewropew elett b’mod dirett, filwaqt li l-parlamenti nazzjonali għandhom rwol akbar minn qabel, billi jaħdmu flimkien mal-istituzzjonijiet tal-UE.
L-UE hija rregolata mill-prinċipju ta’ demokrazija rappreżentattiva, biċ-ċittadini rrappreżentati direttament fil-livell tal-UE fil-Parlament Ewropew u l-Istati Membri rrappreżentati fil-Kunsill Ewropew u fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Iċ-ċittadini huma mħeġġa jikkontribwixxu għall-ħajja demokratika tal-UE billi jagħtu l-opinjonijiet tagħhom dwar il-politiki tal-UE matul l-iżvilupp tagħhom jew billi jissuġġerixxu titjib għal-liġijiet u l-politiki eżistenti. L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tagħti s-setgħa liċ-ċittadini biex ikollhom vuċi akbar dwar il-politiki tal-UE li jaffettwaw ħajjithom. Iċ-ċittadini jistgħu wkoll iressqu lmenti u mistoqsijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE.
Kif minqux fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, “L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.”
Dawn il-valuri huma parti integrali mill-istil ta’ ħajja Ewropew. Id-dinjità tal-bniedem tikkostitwixxi l-bażi reali tad-drittijiet fundamentali; hija trid tiġi rrispettata u protetta.
Id-drittijiet tal-bniedem huma protetti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Dawn ikopru d-dritt li tkun ħieles minn diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali tiegħek u d-dritt li jkollok aċċess għall-ġustizzja.
Fl-2012, l-UE rċeviet il-Premju Nobel għall-Paċi għall-avvanz tal-kawżi tal-paċi, tar-rikonċiljazzjoni, tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa.
Li tkun ċittadin tal-UE jfisser ukoll li tgawdi minn drittijiet politiċi. Kull ċittadin adult tal-UE għandu d-dritt li joħroġ bħala kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u li jivvota fihom, kemm jekk fil-pajjiż ta’ residenza tiegħu kif ukoll fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu.
L-UE hija bbażata fuq l-istat tad-dritt. Iċ-ċittadini kollha għandhom l-istess dritt quddiem il-liġi u kull ma tagħmel l-UE huwa bbażat fuq trattati, li jsir qbil dwarhom b’mod volontarju u demokratiku mill-pajjiżi membri tagħha. Id-dritt u l-ġustizzja huma osservati minn ġudikatura indipendenti. Il-pajjiżi li jagħmlu parti mill-UE taw ġuriżdizzjoni finali fi kwistjonijiet ta’ dritt tal-UE lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li s-sentenzi tagħha għandhom jiġu rrispettati minn kulħadd.
L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE
Fil-qalba tal-UE hemm is-27 Stat Membru tagħha u ċ-ċittadini tagħhom. Il-karatteristika unika tal-UE hija li għalkemm l-Istati Membri lkoll jibqgħu stati sovrani u indipendenti, dawn jgħaqqdu flimkien parti mis-sovranità tagħhom f’oqsma fejn dan għandu valur miżjud.
Fil-prattika, dan ifisser li l-Istati Membri jiddelegaw uħud mis-setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tagħhom lill-istituzzjonijiet kondiviżi li ħolqu, biex b’hekk id-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ interess komuni jkunu jistgħu jsiru b’mod demokratiku fil-livell tal-UE.
L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (fl-2022)
Hemm diversi istituzzjonijiet involuti fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell tal-UE, b’mod partikolari:
- il-Parlament Ewropew, li jirrappreżenta liċ-ċittadini tal-UE u li jiġi elett direttament minnhom;
- il-Kunsill Ewropew, li jikkonsisti mill-Kapijiet ta’ Stat jew tal-Gvern tal-Istati Membri tal-UE;
- il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, (imsejjaħ ukoll il-Kunsill) li jirrappreżenta lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE; kif ukoll
- il-Kummissjoni Ewropea, li tirrappreżenta l-interessi tal-UE fis-sħuħija tagħha.
Il-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri wkoll għandhom rwol fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fit-tfassil tal-liġijiet, bħal ma għandhom żewġ korpi konsultattivi. Dawn huma: il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, li jikkonsisti minn rappreżentanti tal-gvernijiet reġjonali u lokali; u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, li jinkludi rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tal-impjegati u tal-impjegaturi u tal-gruppi tal-partijiet ikkonċernati.
Ġeneralment, hija l-Kummissjoni li tipproponi liġijiet ġodda, u l-Parlament li jadottahom.
Il-korpi konsultattivi (il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni) u l-parlamenti nazzjonali huma involuti fil-proċess billi jipprovdu l-opinjonijiet tagħhom dwar il-proposti, prinċipalment mill-perspettiva tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità. Is-sussidjarjetà tfisser li, ħlief fl-oqsma fejn għandha setgħat esklużivi, l-UE taġixxi biss meta l-azzjoni tkun aktar effettiva fil-livell tal-UE milli fil-livell nazzjonali. Taħt il-prinċipju tal-proporzjonalità, l-azzjoni tal-UE għandha tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tat-Trattati tal-UE.
Imbagħad, l-Istati Membri u l-istituzzjoni jew l-istituzzjonijiet tal-UE kkonċernati jimplimentaw il-liġijiet adottati tal-UE. It-tielet taqsima ta’ din il-pubblikazzjoni fiha aktar informazzjoni dwar kif l-UE tieħu deċiżjonijiet, u kif timplimentahom.
It-trattati tal-UE
Kull azzjoni meħuda mill-UE hija msejsa fuq trattati li ġew approvati b’mod volontarju u demokratiku mill-pajjiżi kollha tal-UE. It-trattati jistabbilixxu l-objettivi tal-UE, u jfasslu r-regoli dwar kif joperaw l-istituzzjonijiet tal-UE, dwar kif jittieħdu deċiżjonijiet u dwar ir-relazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha.
F’ċerti każijiet speċifiċi, mhux l-Istati Membri kollha jieħdu sehem fl-oqsma kollha tal-politika tal-UE. Pereżempju, filwaqt li l-euro hija l-munita unika tal-UE fis-sħuħija tagħha, iż-żona tal-euro bħalissa tinkludi biss 19-il Stat Membru, filwaqt li d-Danimarka għandha klawżola ta’ nonparteċipazzjoni u l-pajjiżi l-oħra għadhom ma ssodisfawx il-kriterji biex jissieħbu. 22 Stat Membru huma membri taż-żona Schengen, li jfisser li n-nies jistgħu jaqsmu fruntiera bejn tnejn minn dawn il-pajjiżi mingħajr ma jkollhom għalfejn juru passaport. Ħames Stati Membri jżommu l-kontrolli tal-fruntieri tagħhom stess.
Ħarsa ’l quddiem
Filwaqt li tibni fuq l-aġenda strateġika miftiehma mill-mexxejja tal-UE, il-Kummissjoni ta’ von der Leyen stabbiliet perkors ġdid u ambizzjuż lejn UE aktar ekoloġika, diġitali u ġusta meta ħadet il-kariga f’Diċembru 2019.
Illum, l-UE qed twieġeb għall-isfidi ta’ dinja dejjem aktar kumplessa u li qed tinbidel malajr fl-isfond ta’ żewġ avvenimenti storiċi dinjija – il-pandemija globali, iddikjarata f’Marzu 2020, u l-aggressjoni mhux ipprovokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna fi Frar 2022. Dawn it-theddidiet ġodda ħtieġu li s-27 Stat Membru kollha jaħdmu saħansitra aktar qrib xulxin u jaġixxu aktar malajr minn qatt qabel.
Pereżempju, il-pjan ta’ rkupru tan-NextGenerationEU, għamel lill-UE aktar kapaċi tiflaħ għall-emerġenzi tas-saħħa tal-COVID-19 u dawk futuri, filwaqt li saħħaħ ir-reżiljenza tal-ekonomiji u tal-impjiegi tal-UE. Hija u tindirizza dawn il-kriżijiet, l-UE kienet magħquda sew – kemm fil-ġlieda tagħha kontra l-virus kif ukoll fis-solidarjetà tagħha mal-Ukrajna. Barra minn hekk, hija mhux biss żammet iżda aċċellerat ukoll il-perkors mimli kuraġġ tagħha lejn futur ekoloġiku u diġitali.
L-UE ma tibbażax biss fuq is-solidarjetà u fuq l-isforzi kollaborattivi tal-Istati Membri tagħha, tfittex ukoll il-kontribut u tħeġġeġ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tagħha. Eżempju reċenti ta’ dan hija l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. L-inizjattiva ċċentrata fuq iċ-ċittadin, li bdiet fir-rebbiegħa tal-2021 u li damet għaddejja sena, rat mijiet ta’ eluf ta’ persuni minn madwar l-UE kollha jingħaqdu flimkien biex jiddiskutu x’inhu importanti għalihom bħala Ewropej. L-istituzzjonijiet tal-UE issa se jeżaminaw u se jwieġbu għall-proposti mill-konferenza.
2 X’tagħmel l-Unjoni Ewropea
It-tieni parti ta’ din il-pubblikazzjoni tippreżenta sommarju ta’ dak li l-UE tagħmel f'oqsma ta’ politika differenti, inklużi ħoloq siewja għal aktar informazzjoni.
Tibdil fil-klima u l-ambjent
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew
L-azzjoni klimatika
Ambjent
L-enerġija
Trasport u vvjaġġar
L-ikel u
l-biedja
Oċeani u sajd
Ekonomija aktar b'saħħitha, ġustizzja soċjali u impjiegi
L-ekonomija,
il-finanzi u
l-euro
L-impjiegi
u l-affarijiet soċjali
Impjiegi, tkabbir u investiment
Reġjuni
Ir-riċerka u
l-innovazzjoni
Is-suq uniku
Protezzjoni tal-konsumatur
Kompetizzjoni ġusta
Taxxa u dwana
L-ispazju
L-UE fid-dinja
Affarijiet internazzjonali u sigurtà
Sħubijiet internazzjonali
Viċinat u tkabbir tal-UE
Kummerċ
Għajnuna umanitarja u protezzjoni ċivili
Valuri u drittijiet, stat tad-dritt, sigurtà
Id-drittijiet fundamentali
Il-ġustizzja u l-istat tad-dritt
L-ugwaljanza bejn il-ġeneri
Ir-razziżmu u l-ugwaljanza
L-ugwaljanza tal-LGBTIQ
Id-diżabbiltà
Il-persuni li għalqu l-50 sena
Migrazzjoni, fruntieri u sigurtà
Il-migrazzjoni
u l-ażil
Iż-żona Schengen
Affarijiet interni u sigurtà taċ-ċittadini
Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport
Edukazzjoni
u taħriġ
Iż-żgħażagħ
Il-kultura,
il-media u
l-isport

Marzu 2022
Rispons għall-COVID-19
Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal traġedja umana, lockdowns, u tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. L-UE ħadet azzjoni malajr biex tipproteġi l-ħajjiet u l-għajxien u żviluppat rispons Ewropew komuni għall-isfidi tas-saħħa pubblika u dawk ekonomiċi.

X’tagħmel l-UE
Is-solidarjetà tinsab fil-qalba tar-rispons komuni tal-UE għall-COVID-19. L-UE qed timmobilizza r-riżorsi kollha disponibbli biex tgħin lill-Istati Membri jikkoordinaw ir-risponsi nazzjonali tagħhom. Dawn jinkludu l-għoti ta’ informazzjoni oġġettiva dwar it-tixrid tal-virus, l-isforzi effettivi biex jitrażżan u azzjoni biex tissewwa l-ħsara ekonomika u soċjali li tirriżulta mill-pandemija.
Ir-riżerva medika tar-RescEU, l-ewwel ħażna komuni tal-UE ta’ tagħmir mediku ta’ emerġenza, għenet lill-Istati Membri biex jiffaċċjaw nuqqas ta’ tagħmir. L-istrateġja tal-UE għall-vaċċini għandha l-għan li tħaffef l-iżvilupp, il-manifattura u d-distribuzzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID-19. L-UE ffinanzjat bil-quddiem uħud mill-ispejjeż li jħabbtu wiċċhom magħhom il-produtturi tal-vaċċini biex iħaffu l-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ vaċċini promettenti bħala parti mill-istrateġija tagħha ta’ xiri ta’ vaċċini. Sal-lum, ħames vaċċini sikuri u effettivi ġew awtorizzati għall-użu fl-UE wara rakkomandazzjonijiet xjentifiċi pożittivi mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini.
Il-Kummissjoni kienet kisbet sa 2.6 biljun doża tal-vaċċin sa April 2021 u n-negozjati jkomplu għal dożi addizzjonali. F’Jannar 2021, il-Kummissjoni appellat lill-Istati Membri biex iħaffu l-introduzzjoni tat-tilqim fl-UE kollha. Il-konsenji tal-vaċċini lejn l-Istati Membri tal-UE qed jiżdiedu b’mod kostanti u t-tilqim qed jaqbad ir-ritmu. Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll mal-industrija biex iżżid il-kapaċità tal-manifattura tal-vaċċini.
Bdiet ħidma biex jiġu prodotti vaċċini effettivi malajr kontra l-varjanti ġodda. Fi Frar 2021, il-Kummissjoni nediet l-Inkubatur HERA biex tipprepara għall-varjanti inkwetanti tal-COVID-19 u tiżgura li jiġu żviluppati u prodotti malajr vaċċini effettivi biex jegħlbuhom.
Il-baġit tal-UE għall-2021–2027 u n-NextGenerationEU, il-pjan ta’ rkupru, se jipprovdu €1.8 triljun biex jappoġġjaw lin-nies, lill-kumpaniji u lir-reġjuni, partikolarment dawk l-aktar affettwati mill-kriżi. Barra dan, l-inizjattiva SURE (Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza) tgħin biex jiġu ppreżervati l-impjiegi u jiġu appoġġjati l-familji fi 19-il Stat Membru.
F’Marzu 2021, il-Kummissjoni ppreżentat proposta biex jinħoloq Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE biex jiffaċilita l-moviment liberu sikur taċ-ċittadini fi ħdan l-UE matul il-pandemija.
L-UE hija impenjata li tiżgura li vaċċini sikuri jilħqu l-irkejjen kollha tad-dinja. Il-Kummissjoni u Stati Membri tal-UE wiegħdu aktar minn €2.2 biljun lill-COVAX, l-inizjattiva globali mmirata biex tiżgura aċċess ekwu għall-vaċċini kontra l-COVID-19, u qed jappoġġjaw kampanji ta’ tilqim f’pajjiżi sħab.

Marzu 2022
Saħħa
Is-saħħa hija prijorità ewlenija għall-Unjoni Ewropea. Il-politika tal-UE dwar is-saħħa tikkomplementa l-politiki tal-Istati Membri biex tiżgura li kull min jgħix fl-UE jkun protett kontra theddidiet transfruntieri serji għas-saħħa u jkollu aċċess għal kura tas-saħħa ta’ kwalità.
Filwaqt li l-organizzazzjoni tal-kura tas-saħħa hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri individwali, l-UE tikkomplementa l-politiki nazzjonali biex jintlaħqu għanijiet komuni. Il-Politika tas-saħħa tal-UE tiffoka fuq l-indirizzar ta’ theddid serju għas-saħħa fl-UE kollha, il-prevenzjoni tal-mard u l-iżgurar ta’ opportunità ugwali għal saħħa tajba u kura tas-saħħa ta’ kwalità għal kulħadd. Il-ħidma flimkien tfisser tiġbor flimkien ir-riżorsi, li tiġġenera wkoll ekonomiji ta’ skala.

X’tagħmel l-UE
L-ambizzjoni tal-UE hija li tiżgura sistemi tas-saħħa fl-UE aċċessibbli, effettivi u reżiljenti. Il-ħidma tal-UE tinkludi azzjoni dwar it-tilqim (inkluż kontra l-COVID-19), il-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi, u l-prevenzjoni u l-limitazzjoni ta’ pandemiji u mard infettiv ieħor.
Ir-rwol tal-UE fit-tħejjija għal theddid transfruntier serju għas-saħħa u r-rispons għalih huwa essenzjali għall-protezzjoni tan-nies fl-Ewropa. Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen ħabbret Unjoni Ewropea tas-Saħħa aktar b’saħħitha biex jiġu indirizzati flimkien il-kriżijiet tas-saħħa, il-kanċer u l-iskarsezzi tal-mediċini.
Il-kanċer huwa kawża ewlenija ta’ mewt fl-UE, u spiża għolja għas-sistemi tas-saħħa. L-UE qed tappoġġja l-prevenzjoni, id-detezzjoni, id-dijanjożi bikrija u t-trattament kif ukoll il-kwalità tal-ħajja għall-pazjenti u s-superstiti tal-kanċer permezz tal-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer. L-UE hija attiva fil-ġlieda kontra t-tipjip permezz tal-leġiżlazzjoni dwar it-tabakk, u fil-promozzjoni ta’ stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa.
L-għan tal-Istrateġija Farmaċewtika huwa li jitjieb l-aċċess għal mediċini affordabbli għall-pazjenti, inklużi dawk li jsofru minn mard rari. Hija se tappoġġja wkoll l-innovazzjoni u l-ktajjen tal-provvista diversi, bil-ħsieb li tissaħħaħ it-tħejjija tagħna għall-kriżijiet.
L-istrument ewlieni għall-finanzjament tal-politiki tas-saħħa tal-UE huwa l-programm ta’ €5.1 biljun tal-UE għas-Saħħa. Se jiffinanzja interventi biex tingħata spinta lill-prevenzjoni tal-mard u t-tħejjija u r-reżiljenza tas-sistemi tal-kura tas-saħħa fl-UE. Barra minn hekk, il-programm Orizzont Ewropa se jinvesti €5.4 biljun fir-riċerka u l-innovazzjoni relatati mas-saħħa.
Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard jivvaluta t-theddid emerġenti sabiex l-UE u l-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa jkunu jistgħu jirreaġixxu malajr. U biex jiġi żgurat li l-pazjenti jingħataw l-aħjar trattament, il-mediċini kollha fl-UE jridu jiġu approvati fil-livell nazzjonali jew tal-UE (permezz tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini) qabel ma jidħlu fis-suq.
Il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tgħin lill-vjaġġaturi jiksbu trattament jekk jimirdu waqt li jkunu qed iżuru Stat Membru ieħor tal-UE, filwaqt li l-liġi tal-UE dwar il-kura tas-saħħa transfruntiera tistabbilixxi d-drittijiet taċ-ċittadini meta jaqsmu l-fruntieri għal kura ppjanata. Permezz tan-Networks ta' referenza Ewropej pazjenti b’mard rari jew kumpless jibbenefikaw mill-aqwa għarfien espert mill-Ewropa kollha mingħajr lanqas ma jitilqu minn pajjiżhom.


Marzu 2022
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-pjan ta’ azzjoni tal-UE biex l-Ewropa ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima. Huwa strateġija ta’ tkabbir li għandha l-għan li sal-2050 toħloq ekonomija Ewropea moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva mingħajr emissjonijiet netti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra li ma tħalli lil ħadd lura.
It-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali qed jheddu l-Ewropa u d-dinja. L-atmosfera qed tisħon u l-klima qed tinbidel.
Il-protezzjoni ambjentali u t-tkabbir ekonomiku jistgħu jimxu id f’id. Bejn l-1990 u l-2019, l-UE naqqset l-emissjonijiet tagħha ta’ gassijiet b’effett serra b'24 % filwaqt li l-ekonomija kibret b'60 %.

X’tagħmel l-UE
Il-Patt Klimatiku Ewropew jistabbilixxi l-mod kif l-Ewropa se tkun l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050. Biex tintlaħaq din il-mira jeħtieġ li tinħoloq ekonomija ċirkolari li tkun nadifa, tiġi restawrata l-bijodiversità u jitnaqqas drastikament it-tniġġis. Dan jeħtieġ azzjoni fis-setturi kollha tal-ekonomija, inklużi:
- investiment f’teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent;
- appoġġ għall-innovazzjoni fl-industrija;
- forom ta’ trasport privat u pubbliku iktar nodfa, orħos u b’inqas impatt fuq is-saħħa;
- dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija;
- assikurazzjoni li l-bini huwa aktar effiċjenti fl-enerġija;
- ħidma ma’ sħab internazzjonali biex jitjiebu l-istandards ambjentali globali.
L-UE hija impenjata li ssir newtrali għall-klima sal-2050 u stabbilixxiet il-mira li tnaqqas l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet b'effett ta’ serra b’mill-inqas 55 % taħt il-livelli tal-1990 sal-2030. L-ewwel liġi Ewropea dwar il-klima se tistabbilixxi dawn l-għanijiet u tiżgura li l-politiki kollha tal-UE jikkontribwixxu biex jintlaħqu.
Se jkun hemm bżonn ta’ investiment sinifikanti, kemm mill-UE kif ukoll mis-settur pubbliku nazzjonali flimkien mas-settur privat. Il-Pjan ta' investiment għall-Patt Ekoloġiku Ewropew se jimmobilizza tal-inqas €1 triljun f’investimenti sostenibbli, filwaqt li l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta se jiżgura li ebda reġjun ma jitħalla lura, u se jipprovdi appoġġ immirat biex jgħin fil-mobilizzazzjoni ta’ mill-inqas €55 biljun fir-reġjuni l-aktar affettwati. L-azzjoni klimatika hija parti mill-programmi ta’ nfiq ewlenin kollha tal-UE, b’mill-inqas 30 % tal-baġit għall-2021–2027 iddedikat għal inizjattivi relatati mal-klima.
Il-Patt Ekoloġiku huwa sostnut minn mira ambizzjuża biex jitwaqqaf u jitreġġa’ lura t-telf tal-bijodiversità billi nittrasformaw is-sistemi alimentari, il-foresti, l-art, l-ilma u l-użu tal-baħar, kif ukoll l-enerġija, l-ibliet u l-industrija tagħna. L-istrateġija industrijali l-ġdida tal-UE se tgħin lill-industrija tal-Ewropa tmexxi t-tranżizzjonijiet doppji lejn in-newtralità klimatika u t-tmexxija diġitali. It-teknoloġiji diġitali se jkollhom rwol importanti fil-kisba tal-mira klimatika tal-UE għall-2050, pereżempju billi jottimizzaw l-użu tal-enerġija f’ħafna setturi inklużi l-agrikoltura, it-trasport u l-manifattura.
It-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità huma theddidiet globali u l-UE se tkompli tmexxi l-isforzi internazzjonali biex tippromwovi l-implimentazzjoni ta’ politiki ambizzjużi dwar l-ambjent, il-klima u l-enerġija madwar id-dinja.

Marzu 2022
L-azzjoni klimatika
L-UE qed taħdem qatigħ biex issir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-pjan biex dan iseħħ billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, isir investiment f’teknoloġiji ekoloġiċi u jitħares l-ambjent naturali tagħna, filwaqt li jiġu indirizzati wkoll il-konsegwenzi inevitabbli tat-tibdil fil-klima.
L-UE qed tieħu azzjoni b’reazzjoni għat-tibdil fil-klima tad-dinja, b’mod partikolari it-temperaturi globali li qed jogħlew minħabba ż-żieda fil-gassijiet b'effett ta’ serra kkawżati mill-attività tal-bniedem. Temperaturi medji ogħla għandhom ħafna konsegwenzi, inklużi avvenimenti ta’ temp estrem aktar frekwenti bħal għargħar, nixfiet u maltempati. Minbarra li huma ta’ theddida diretta għan-nies, dawn jistgħu jipperikolaw ukoll il-produzzjoni tal-ikel u joħolqu skarsezzi tal-ilma, li min-naħa tagħhom jistgħu jikkawżaw ġuħ, kunflitti u migrazzjoni.

X’tagħmel l-UE
L-UE qed tmexxi l-isforzi globali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Hija qed taħdem b’mod attiv ma’ pajjiżi u reġjuni oħra biex tilħaq l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi, li għandu l-għan li jżomm it-tisħin globali sew taħt iż-2°C ’il fuq mil-livelli preindustrijali, u qed jagħmel sforzi biex jillimita ż-żieda għal 1.5°C.
L-UE hija impenjata li ssir newtrali għall-klima sal-2050 u stabbilixxiet il-mira li tnaqqas l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet b'effett ta’ serra b’mill-inqas 55 % taħt il-livelli tal-1990 sal-2030. L-ewwel liġi Ewropea dwar il-klima mhu se tħalli ebda dubju dwar dawn il-miri, filwaqt li l-pakkett ambizzjuż ta’ miżuri li jifforma l-Patt Ekoloġiku Ewropew se jippermetti liċ-ċittadini u lin-negozji tal-UE li jibbenefikaw minn tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika li tiżgura li ħadd ma jibqa’ lura.
Din it-tranżizzjoni teħtieġ azzjoni mill-partijiet kollha tal-ekonomija u tas-soċjetà. L-individwi u l-komunitajiet jistgħu jagħtu sehemhom permezz tal-Patt Klimatiku Ewropew, li jistieden lil kulħadd jipparteċipa fil-bini ta’ Ewropa aktar ekoloġika.
L-istrateġija tal-UE biex tadatta għat-tibdil fil-klima tippromwovi miżuri bħall-bini ta’ difiżi kontra l-għargħar, l-iżvilupp ta’ għelejjel tolleranti għan-nixfa u t-tibdil fir-regolamenti tal-bini, u tappoġġja l-azzjoni internazzjonali għar-reżiljenza għall-klima.
In-nuqqas ta’ indirizzar tat-tibdil fil-klima jkun jiswa ħafna flus lill-UE u lill-bqija tad-dinja. Fl-istess ħin, id-domanda dejjem tikber għal teknoloġiji nodfa tippreżenta opportunitajiet għall-innovazzjoni, il-modernizzazzjoni industrijali u l-impjiegi u t-tkabbir ekoloġiċi. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jirrappreżenta l-istrateġija ta’ tkabbir li permezz tagħha dawn l-opportunitajiet se jiġu sfruttati. L-azzjoni klimatika hija parti mill-programmi ta’ nfiq ewlenin kollha tal-UE, b’mill-inqas 30 % tal-baġit għall-2021–2027 iddedikat għal inizjattivi relatati mal-klima.
L-UE għandha sett komprensiv ta’ miżuri fis-seħħ biex tnaqqas l-emissjonijiet mis-setturi kollha tal-ekonomija. Is-sistema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tnaqqas l-emissjonijiet mill-industrija, l-impjanti tal-enerġija u l-avjazzjoni fl-Ewropa b’mod kosteffettiv. L-Istati Membri tal-UE qablu wkoll dwar miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet f’setturi oħra, bħat-trasport, il-kostruzzjoni u l-agrikoltura.


Marzu 2022
Ambjent
L-UE għandha wħud mill-ogħla standards ambjentali fid-dinja, li jipproteġu n-natura u l-kwalità tal-ħajja tan-nies, iwasslu biex l-ekonomija tkun ekoloġika u jiżguraw l-użu bir-reqqa tar-riżorsi naturali.
Madankollu, bħalissa qed niffaċċjaw sfidi globali kbar, li jinkludu t-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità u l-iskarsezza tar-riżorsi. L-indirizzar ta’ dawn l-isfidi huwa urġenti u se jeħtieġ trasformazzjoni profonda u rapida tas-soċjetà tagħna, il-mod kif ngħixu u l-mod kif nipproduċu u nikkunsmaw. L-irkupru tal-UE mill-pandemija tal-COVID-19 irid ikun ekoloġiku, irid jagħmel lill-Ewropa aktar reżiljenti u jrid ikun ġust u inklużiv għal kulħadd.
Il-politika ambjentali tal-UE għandha rwol kruċjali fl-appoġġ tal-Patt Ekoloġiku Ewropew fl-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u riġenerattiva, li tagħti lura lill-pjaneta aktar milli tieħu.

X’tagħmel l-UE
L-UE qed tistinka biex tnaqqas l-impatti ambjentali tal-produzzjoni u l-konsum ta’ oġġetti u servizzi. Huwa essenzjali li l-ekonomija ssir ċirkolari, u tkun tali li fiha l-valur tal-prodotti u l-materjali jdum kemm jista’ jkun u l-iskart u l-użu tar-riżorsi jiġi minimizzat biex tinkiseb il-mira tan-newtralità klimatika tal-UE sal-2050 u jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità.
Il-pjan ta' azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari l-ġdid, wieħed mill-pilastri ewlenin tal-Patt Ekoloġiku, għandu l-għan li jwassal biex il-prodotti sostenibbli jkunu n-normalità fl-UE. Huwa jiffoka fuq oqsma bl-akbar potenzjali bħall-elettronika, il-batteriji u l-vetturi, it-tessuti, il-kostruzzjoni u l-ikel. Skont il-Pjan, l-istrateġija għall-plastiks għandha l-għan li tagħmel l-imballaġġ tal-plastik kollu fl-UE riutilizzabbli jew riċiklabbli sal-2030, filwaqt li regoli ġodda għandhom fil-mira tagħhom il-plastik li jintuża darba biss.
L-UE għandha tissalvagwardja r-riżorsi naturali u twaqqaf it-tnaqqis tal-ispeċijiet u l-ħabitats fil-periklu. L-istrateġija għall-bijodiversità tal-UE se tespandi ż-żoni protetti fuq l-art u fil-baħar, tħawwel biljuni ta’ siġar, u tħeġġeġ prattiki ta’ biedja sostenibbli, fost inizjattivi oħra. Se tibni fuq in-network Natura 2000 eżistenti tagħha ta’ żoni naturali protetti fl-UE fejn l-attivitajiet sostenibbli tal-bniedem jistgħu jeżistu flimkien ma’ speċijiet u ħabitats rari u vulnerabbli.
Biex tipproteġi lin-nies mill-pressjonijiet u r-riskji għas-saħħa relatati mal-ambjent, l-UE timmira li tiggarantixxi ilma tax-xorb sikur u ilma għall-għawm nadif, ittejjeb il-kwalità tal-arja, tnaqqas l-istorbju u tnaqqas jew telimina l-effetti tal-prodotti kimiċi li jagħmlu l-ħsara.
L-UE għandha wkoll rwol ewlieni fl-isforzi internazzjonali biex tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli. L-isfidi ambjentali ma jiqfux mal-fruntieri. Hija meħtieġa aktar azzjoni biex jiġi żgurat li l-arja, l-oċeani u riżorsi tal-ilma oħrajn ikunu nodfa, u li tiżgura li l-art u l-ekosistemi jintużaw b’mod sostenibbli, u li t-tibdil fil-klima jinżamm f’livelli aċċettabbli. L-istandards ambjentali huma rispettati permezz tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE ma’ pajjiżi oħra.


Marzu 2022
Enerġija
Il-politika tal-enerġija tal-UE għandha l-għan li tiżgura provvista tal-enerġija sigura, kompetittiva u affordabbli, filwaqt li tilħaq il-miri tagħna dwar il-klima.
L-Ewropa qed taffaċċja numru ta’ sfidi kbar għall-enerġija. Minbarra li tiżgura provvisti tal-enerġija siguri bi prezzijiet raġonevoli għal kulħadd, l-UE trid taqleb minn ekonomija bbażata fuq il-fossili għal sistema aktar nadifa u newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju.
Biex tagħmel din it-tranżizzjoni, jeħtieġ li l-UE ssir aktar effiċjenti fl-enerġija, iżżid l-enerġija rinnovabbli, tħaddan l-innovazzjoni u t-teknoloġiji ġodda, ittejjeb il-konnessjonijiet transfruntiera tal-enerġija u tnaqqas id-dipendenza fuq l-enerġija.

X’tagħmel l-UE
Kull Stat Membru jiddefinixxi t-taħlita tal-enerġija tiegħu stess, iżda l-koordinazzjoni tar-regoli fil-livell tal-UE tippermettilhom jilħqu objettivi politiċi komuni.
Il-klima u l-enerġija huma marbuta b’mod inseparabbli. L-enerġija tirrappreżenta 75 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-UE. Biex tilħaq l-għan tagħha li ssir newtrali għall-klima sal-2050, l-UE qed tfittex li tiddefinixxi mill-ġdid kompletament is-sistema tal-enerġija tagħha.
L-Unjoni tal-Enerġija se twettaq din it-trasformazzjoni billi ttejjeb is-sinerġiji ma’ oqsma oħra ta’ politika bħat-trasport, ir-riċerka u l-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, l-ekonomija ċirkolari, u l-finanzjament sostenibbli.
Il-pakkett leġiżlattiv dwar l-enerġija nadifa għall-Ewropej kollha se jgħin biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u biex jitwettqu l-impenji tal-Ftehim ta’ Pariġi tal-UE.
Id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija permezz tal-enerġija rinnovabbli hija waħda mill-elementi ewlenin tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. L-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta hija fost it-teknoloġiji bl-akbar potenzjal. Barra minn hekk, l-UE qed tieħu passi biex ittejjeb l-effiċjenza enerġetika, inkluż billi tirrinova miljuni ta’ binjiet tal-Ewropa u permezz tal-ekodisinn u t-tikketti tal-enerġija.
L-istrateġiji tal-UE għall-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija u tal-idroġenu proposti jwittu t-triq lejn settur tal-enerġija kompletament dekarbonizzat, aktar effiċjenti u interkonness. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tħares lejn sfidi ġodda bħad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-gass, pereżempju billi tnaqqas l-emissjonijiet tal-metan.
L-indirizzar ta’ dawn l-isfidi fil-livell tal-UE jipprovdi wkoll opportunitajiet ġodda għat-tkabbir, l-impjiegi, ir-riċerka, u suq tal-enerġija aktar kompetittiv u sostenibbli. Il-konsumaturi għandhom jibbenefikaw ukoll b’mod sinifikanti f’termini tad-drittijiet tagħhom li jibdlu l-fornituri tal-enerġija, u, fl-aħħar mill-aħħar, kontijiet domestiċi aktar baxxi u inqas tniġġis tal-arja. Xi politiki u miżuri addizzjonali li jgħinu biex jiżguraw li l-UE tilħaq l-għanijiet tagħha jinkludu:
- Networks transfruntieri ġodda għall-gass u l-elettriku, inklużi proġetti biex l-enerġija rinnovabbli tiġi integrata aħjar fil-grilja;
- Miżuri biex jiżdiedu l-isforzi dwar il-batteriji, inkluż il-ħolqien tal-Alleanza Ewropea tal-Batteriji biex tinbena t-teknoloġija tal-batteriji u l-kapaċità tal-produzzjoni fl-UE;
- L-inizjattiva għar-reġjuni tal-faħam fi tranżizzjoni lejn sorsi ta’ enerġija nadifa, li ma tħalli lil ħadd jibqa’ lura; kif ukoll
- Kontribut għall-proġett internazzjonali ITER dwar il-fużjoni, wieħed mill-aktar proġetti enerġetiċi ambizzjużi fid-dinja.


Marzu 2022
Trasport u vvjaġġar
Il-politika tal-UE dwar it-trasport tgħin biex l-ekonomija tkompli timxi ’l quddiem billi tiżviluppa infrastruttura moderna li twassal għal vjaġġi aktar veloċi u sikuri, filwaqt li tippromwovi soluzzjonijiet sostenibbli u diġitali.
L-Ewropa teħtieġ konnessjonijiet tat-trasport effiċjenti biex tixpruna n-negozju, it-tkabbir u l-impjiegi, għat-turiżmu u d-divertiment, u biex iżżomm lin-nies konnessi. It-trasport huwa kontributur ewlieni għall-ekonomija, u jimpjega direttament madwar 10 miljun persuna. Il-politika tal-UE dwar it-trasport tiffoka fuq il-ħolqien ta’ żona Ewropea unika reżistenti għall-kriżi bi trasport aktar nadif u aktar ekoloġiku u b’kompetizzjoni ġusta.
Il-pjattaforma Re-open EU tipprovdi informazzjoni prattika dwar il-COVID-19 u dwar il-miżuri nazzjonali dwar is-sikurezza u l-ivvjaġġar, bħar-rekwiżiti ta’ kwarantina u ttestjar fl-Istati Membri.

X’tagħmel l-UE
Bis-saħħa tal-UE, l-aħħar 20 sena raw progress konsiderevoli fis-settur tat-trasport tal-Ewropa, bi trasport aktar sikur bl-ajru, fuq il-baħar u fit-triq; kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għall-ħaddiema tat-trasport; aktar opzjonijiet u opzjonijiet ta’ mobbiltà orħos u progress mgħaġġel lejn soluzzjonijiet iktar ekoloġiċi u diġitali.
It-trasport jirrappreżenta kwart tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-UE u l-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu l-għan li jnaqqashom b’90% sal-2050. Il-kisba ta’ mobbiltà aktar sostenibbli u intelliġenti tfisser li jiġu offruti alternattivi aktar affordabbli, aktar aċċessibbli, aktar tajbin għas-saħħa u aktar ekoloġiċi. Objettiv ewlieni huwa li tingħata spinta lill-użu ta’ vetturi nodfa u fjuwils alternattivi u jissaħħaħ ir-rwol ta’ mezzi ta’ trasport sostenibbli, bħall-ferroviji. Fl-2021, is-Sena Ewropea tal-Ferroviji tefgħet dawl fuq il-benefiċċji tal-ferrovija bħala mezz ta’ trasport sostenibbli, intelliġenti u sikur.
It-titjib fl-effiċjenza huwa kruċjali. It-teknoloġiji diġitali li jippermettu mobbiltà awtomatizzata u intelliġenti ta’ ġestjoni tat-traffiku, pereżempju, se jgħinu fl-effiċjenza filwaqt li jagħmlu t-trasport aktar nadif.
Iffinanzjata permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, b'baġit ta’ aktar minn €25.8 biljun, il-politika tal-infrastruttura tat-trasport tal-UE għandha l-għan li tgħaqqad il-kontinent kollu. Dan jinkludi t-tnaqqis tad-distakki bejn in-networks tat-trasport nazzjonali u l-appoġġ għall-investimenti fil-konnessjonijiet transfruntieri. Jagħti wkoll prijorità lil mezzi tat-trasport li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent kif ukoll l-iżvilupp ta’ infrastruttura għall-vetturi li jużaw fjuwils alternattivi.
It-trasport huwa s-sinsla tas-suq uniku, li jżomm l-ekonomija tal-UE miexja. Billi jinbena suq uniku Ewropew fl-avjazzjoni u bil-progress fl-inizjattiva tal-Ajru Uniku Ewropew, it-trasport bl-ajru jkompli jsir aktar faċli u orħos. Il-kumpaniji ferrovjarji liċenzjati issa jistgħu joffru s-servizzi tagħhom kullimkien fl-UE u l-kumpaniji tax-shipping jistgħu joperaw f’aktar pajjiżi.
Is-sikurezza u s-sigurtà huma ta’ importanza kbira. Filwaqt li hemm progress fid-direzzjoni t-tajba, madwar 18 800-il persuna xorta tilfu ħajjithom f’inċidenti tat-traffiku fl-2020. Huwa għalhekk li l-UE taħdem b’mod attiv biex ittejjeb is-sikurezza fit-toroq. Il-politika tal-UE dwar it-trasport tgħin ukoll lill-vjaġġaturi b’modi oħra: il-passiġġieri bl-ajru, bil-ferrovija, bil-vapur u bix-xarabank li jivvjaġġaw fl-UE għandhom drittijiet meta jesperjenzaw dewmien jew kanċellazzjonijiet.


Marzu 2022
L-ikel u l-biedja
Il-politika agrikola komuni tiżgura provvista ta’ ikel stabbli, prodott b’mod sostenibbli u bi prezzijiet affordabbli lill-447 miljun konsumatur tal-UE. Hija tgħin ukoll biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima, jiġu mmaniġġjati r-riżorsi naturali tagħna u jiġu appoġġjati l-impjiegi u t-tkabbir fiż-żoni rurali.
Il-politika agrikola komuni (PAK) hija applikata fil-pajjiżi kollha tal-UE u hija ffinanzjata mill-baġit tal-UE. Hija tappoġġja s-settur vitali tal-ikel u tal-biedja tal-UE, li jipprovdi kważi 40 miljun impjieg.
Kriżijiet bħat-tibdil fil-klima u l-pandemija tal-COVID-19 huma tfakkira li s-sistema tal-ikel tagħna tinsab mhedda u trid issir aktar reżiljenti. Sistema tal-ikel tal-UE iktar tajba għas-saħħa u iktar sostenibbli hija l-pedament tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

X’tagħmel l-UE
Il-PAK tipprovdi appoġġ permezz ta’ dan li ġej.
- Pagamenti diretti li jappoġġjaw id-dħul tal-irziezet. Dawn jagħmlu tajjeb għar-riskji u l-inċertezzi assoċjati mal-biedja u huma allokati bil-kundizzjoni li jiġu segwiti regoli stretti dwar is-sikurezza tal-ikel, l-ambjent u s-saħħa u l-benessri tal-annimali.
- Miżuri tas-suq biex jittrattaw sitwazzjonijiet diffiċli, bħal tnaqqis f’daqqa fid-domanda minħabba xi theddida għas-saħħa jew tnaqqis fil-prezzijiet minħabba provvista eċċessiva temporanja.
- Programmi ta’ żvilupp rurali (kofinanzjati mill-pajjiżi tal-UE) li jrawmu l-innovazzjoni u l-kompetittività biex iż-żoni rurali jsiru postijiet attraenti fejn wieħed jgħix u jaħdem.
Fl-2019, l-UE appoġġjat lill-bdiewa għal ammont ta’ €57.98 biljun, b’appoġġ għall-introjtu li kien jinkludi kważi tliet kwarti tal-ammont totali.
Proposti għall-PAK futura jfittxu li jċaqilqu l-enfasi mir-regoli u l-konformità għall-prestazzjoni u r-riżultati. Huma għandhom l-għan li jrawmu settur agrikolu sostenibbli u kompetittiv li jista’ jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-bdiewa, in-negozji agroalimentari, il-forestiera u l-komunitajiet rurali għandhom rwol essenzjali x’jaqdu f’ħafna kwistjonijiet. Waħda mill-kwistjonijiet hija l-istrateġija mill-Għalqa sal-Platt li għandha l-għan li tipproteġi l-ambjent permezz ta’ produzzjoni u konsum sostenibbli tal-ikel. L-istrateġija għandha l-għan li tippromwovi ikel tajjeb għas-saħħa għal kulħadd u tipprevjeni t-telf u l-ħela tal-ikel, filwaqt li tiżgura l-għajxien tal-bdiewa. Il-PAK futura hija marbuta mill-qrib mal-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030 u dalwaqt se tiġi implimentata mill-1 ta’ Jannar 2023, sakemm jintlaħaq ftehim finali bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Il-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel tal-UE għandha l-għan li tipproteġi s-saħħa tan-nies u l-interessi tal-konsumaturi, filwaqt li tiżgura li s-suq uniku jaħdem b’mod effiċjenti. L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel tagħti pariri dwar kwistjonijiet relatati mal-ikel biex tipproteġi lin-nies, l-annimali, il-pjanti u l-ambjent. Is-Sistema ta’ Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf tgħin biex jiġi żgurat li l-ikel li ma jikkonformax mar-regoli Ewropej jitneħħa mill-ixkafef. Kull meta jseħħu tifqigħat sinifikanti ta’ mard tal-annimali jew avvelenament mill-ikel, l-awtoritajiet tal-UE jistgħu jsegwu l-moviment tal-prodotti tal-ikel permezz tas-sistema TRACES.


Marzu 2022
Oċeani u sajd
L-oċeani tagħna jipproduċu l-biċċa l-kbira tal-ossiġenu li minnu nieħdu n-nifs, jirregolaw it-temp u l-klima tagħna u jospitaw il-maġġoranza tal-ispeċijiet tal-pjaneta. Huma wkoll xpruni importanti tal-ekonomija Ewropea, billi jipprovdulna l-ikel, l-impjiegi, it-trasport u r-rikreazzjoni. L-UE taħdem biex tipproteġi l-ibħra u l-oċeani tagħna u biex tiżgura li dawn jibqgħu ambjentalment u ekonomikament sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri.
X’tagħmel l-UE
B'fatturat ta’ €650 biljun fl-2018, u qrib 4.5 miljun impjieg, is-settur tal-ekonomija “blu” tal-UE jinsab f’qagħda tajba. L-Istrateġija tal-Ekonomija Blu Sostenibbli tal-UE tara li tisfrutta l-potenzjal għat-tkabbir sostenibbli fis-setturi tal-baħar u dawk marittimi b’mod sħiħ.

Bis-saħħa tar-riċerka u l-innovazzjoni, l-ibħra u l-oċeani huma sors ta’ enerġija rinnovabbli, minerali u farmaċewtiċi. L-UE tinsab f’pożizzjoni unika biex tiżviluppa l-enerġija rinnovabbli offshore bis-saħħa tal-għadd u tal-varjetà tal-baċiri tal-baħar u l-ispejjeż dejjem jonqsu ta’ installazzjonijiet ġodda. Proposti biex dan il-potenzjal jiġi massimizzat se jgħinu lill-UE tilħaq l-għan tagħha li ssir newtrali għall-klima sal-2050.
Filwaqt li trawwem dawn l-opportunitajiet ġodda, l-UE għandha wkoll rwol importanti fil-promozzjoni tal-isfruttament responsabbli u sostenibbli tal-ibħra, kemm fl-Ewropa kif ukoll globalment.
Il-politika komuni tas-sajd tal-UE għandha l-għan li tiżgura li s-sajd u l-akkwakultura (it-trobbija tal-ħut f’kundizzjonijiet ikkontrollati) ikunu ambjentalment, ekonomikament u soċjalment sostenibbli. L-għanijiet tagħha huma li trawwem industrija tas-sajd dinamika u sostenibbli, tħares ir-riżorsi u tipproteġi l-ambjent tal-baħar, filwaqt li tiżgura livell ġust ta’ għajxien għall-komunitajiet tas-sajd. Fiha sett ta’ regoli għall-immaniġġjar tal-flotot tas-sajd Ewropej u għall-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut. Biex jiġi evitat is-sajd żejjed, il-kwoti għall-pajjiżi tal-UE jistabbilixxu limiti fuq kemm kull speċi tista’ tinqabad, filwaqt li obbligu ta’ ħatt l-art jevita l-prattika ħalja ta’ rimi ta’ ħut mhux mixtieq.
L-UE introduċiet żoni protetti biex tissalvagwardja l-ekosistemi tal-baħar u l-bijodiversità tagħhom, flimkien mas-servizzi li jipprovdu, u għandha l-għan li tipproteġi tal-inqas 30 % tal-ibħra tal-UE sal-2030. Barra minn hekk, ir-regoli tal-UE biex jiġi indirizzat l-iskart fil-baħar inaqqsu l-impatti negattivi tal-10 prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li jinstabu l-aktar fil-bajjiet u l-ibħra tal-Ewropa, flimkien mal-irkaptu tas-sajd mitluf u abbandunat.
Il-politika komuni tas-sajd u l-politika marittima tal-UE se jiġu ffinanzjati permezz tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura. Wara l-approvazzjoni finali tiegħu, dan il-fond se jipprovdi aktar minn €6.1 biljun (2021–2027) għall-iżvilupp sostenibbli fis-settur, b’fokus partikolari fuq l-appoġġ għas-sajd kostali fuq skala żgħira.


Marzu 2022
L-ekonomija, il-finanzi u l-euro
L-Unjoni Ekonomika u Monetarja tipprovdi pedament komuni għall-istabbiltà, l-impjiegi u t-tkabbir fl-UE kollha.
L-Unjoni Ekonomika u Monetarja torbot l-ekonomiji tal-UE flimkien permezz ta’ politiki ekonomiċi u fiskali kkoordinati, ta’ regoli armonizzati għall-istituzzjonijiet finanzjarji, ta’ politika monetarja komuni u ta’ munita komuni, l-euro. Hija għodda b’saħħitha biex jinkisbu l-impjiegi, it-tkabbir, il-ġustizzja soċjali u l-istabbiltà finanzjarja. Madankollu, filwaqt li saru riformi istituzzjonali importanti biex tissaħħaħ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja f’dawn l-aħħar snin, ix-xogħol fuqha għadu għaddej.

X’tagħmel l-UE
Il-politiki ekonomiċi u finanzjarji tal-UE għandhom l-għan li:
- joħolqu l-impjiegi u jagħtu spinta lill-investiment;
- jippromwovu l-istabbiltà ekonomika;
- itejbu l-funzjonament effiċjenti tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja;
- jirregolaw l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-prodotti finanzjarji kumplessi;
- jippreservaw l-istabbiltà finanzjarja u jipproteġu lill-kontribwenti fi kriżijiet finanzjarji;
- isaħħu r-rwol internazzjonali tal-euro.
Filwaqt li s-27 Stat Membru kollha huma parti mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja, ħafna minnhom komplew bl-integrazzjoni tagħhom u adottaw l-euro bħala l-munita tagħhom. Flimkien, dawn il-pajjiżi jiffurmaw iż-żona tal-euro. Illum, l-euro qed jintuża minn aktar minn 340 miljun persuna f’19-il Stat Membru. Il-karti u l-muniti tal-euro huma simbolu tanġibbli tal-libertà, tal-konvenjenza u tal-opportunitajiet li tagħmel possibbli l-UE.
Wara l-kriżi finanzjarja tal-2008, l-UE ħadet azzjoni biex tindirizza wħud mid-dgħufijiet istituzzjonali li l-kriżi kixfet fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, biex b’hekk toħloq settur finanzjarju aktar sikur. L-UE saħħet il-governanza ekonomika, fasslet sistema biex tissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro, tejbet il-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri u ppromwoviet ir-riformi biex tħeġġeġ l-investiment. Barra minn hekk, l-UE stabbiliet regoli armonizzati biex iżżid ir-reżiljenza tal-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE u ssaħħaħ is-superviżjoni tal-banek fiż-żona tal-euro.
Is-sisien sodi li tipprovdi l-Unjoni Ekonomika u Monetarja għenu biex l-Istati Membri jkunu jifilħu għall-impatt soċjali u ekonomiku bla preċedent ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19. Il-pandemija enfasizzat il-ħtieġa ta’ rispons rapidu, deċiżiv u koordinat għall-kriżijiet. L-UE wieġbet billi ppermettiet lill-Istati Membri jitbiegħdu mir-rekwiżiti baġitarji tagħhom tas-soltu billi ħolqot l-SURE inizjattiva ta’ €100 biljun biex tassisti fil-protezzjoni tal-impjiegi u tal-ħaddiema u wettqet tnedija bla preċedent ta’ €723.8 biljun (prezzijiet attwali) għal Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-qofol ta’ NextGenerationEU. Il-Faċilità qed tiffinanzja l-investimenti u r-riformi li jinsabu fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza mħejjija mill-Istati Membri. Dawn il-miżuri se jappoġġaw it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali filwaqt li jgħinu lill-pajjiżi tal-UE joħorġu aktar b’saħħithom mill-pandemija.


Marzu 2022
Impjiegi u affarijiet soċjali
L-UE tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ aktar impjiegi u impjiegi aħjar fl-Ewropa kollha u timmira għal standards soċjali ġusti għal kulħadd, inkluż permezz tal-Fond Soċjali Ewropew Plus ta’ €99.3 biljun għall-perjodu 2021–2027.
Ir-responsabbiltà għall-politiki dwar l-impjiegi u l-affarijiet soċjali hija maqsuma bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha. Il-Kummissjoni għamlet l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment prijorità ewlenija, appoġġjata min-NextGenerationEU, il-pjan ta’ rkupru tal-UE biex tindirizza l-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19.
X’tagħmel l-UE
Il-politiki tal-UE dwar l-impjiegi u l-affarijiet soċjali tfasslu biex:
- joħolqu impjiegi ta’ kwalità fl-UE kollha;
- jgħinu lill-ħaddiema jsibu impjieg fl-Istat Membru tagħhom stess jew fi Stat Membru ieħor;
- jippromwovu l-ħiliet u l-intraprenditorija;
- jikkoordinaw u jimmodernizzaw l-iskemi tas-sigurtà soċjali;
- joħolqu kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol permezz ta’ standards minimi komuni;
- jappoġġjaw l-inklużjoni soċjali u jiġġieldu l-faqar u l-kondizzjoni ta' persuni mingħajr dar;
- jipproteġu d-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltajiet.
L-UE tipprovdi u tikkoordina l-finanzjament biex tgħin lill-Istati Membri jinvestu f’oqsma bħall-kura tat-tfal, il-kura tas-saħħa, it-taħriġ, l-infrastruttura aċċessibbli u l-għajnuna biex jinstab impjieg. Il-Fond Soċjali Ewropew Plus se jgħin lil miljuni ta’ nies jiksbu ħiliet ġodda, b’mod partikolari dawk meħtieġa għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u jsibu impjiegi aħjar. Il-garanzija għaż-Żgħażagħ tgħin biex jiġi żgurat li l-persuni kollha taħt it-30 sena jirċievu offerta konkreta u ta’ kwalità tajba ta’ impjieg, apprendistat, traineeship jew edukazzjoni kontinwa fi żmien 4 xhur minn meta jitilqu mill-edukazzjoni formali jew jisfaw qiegħda. Sadanittant, l-inizjattiva l-ġdida Aim, Learn, Master, Achieve (ALMA), għandha l-għan li tgħin liż-żgħażagħ żvantaġġjati li huma vulnerabbli fir-rigward tal-possibbiltajiet tagħhom li jaċċessaw ix-xogħol jew it-taħriġ għal raġunijiet individwali jew strutturali.
L-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa tfasslet biex tgħin lill-individwi u lin-negozji jiżviluppaw aktar ħiliet u ħiliet aħjar, u tistabbilixxi objettivi ambizzjużi li għandhom jintlaħqu sal-2025
Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jnaqqax il-prinċipji u d-drittijiet fl-oqsma tal-opportunitajiet indaqs fis-suq tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u l-protezzjoni soċjali. Pjan ta’ azzjoni biex il-prinċipji jinbidlu f’realtà jistabbilixxi miri ewlenin għall-impjiegi, it-taħriġ, u l-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali li jridu jintlaħqu sal-2030.
Ir-regoli tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali ma jissostitwixxux is-sistemi nazzjonali iżda jipproteġu d-drittijiet tas-sigurtà soċjali tal-persuni meta jiċċaqilqu fl-UE (u l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera). L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol tiżgura li r-regoli tal-UE dwar il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol jiġu infurzati b’mod ġust, sempliċi u effettiv. Il-EURES, il-portal Ewropew dwar il-mobilità fix-xogħol, jgħin biex jgħaqqad lil dawk li qed ifittxu impjieg u lill-kumpaniji li joffru impjieg, filwaqt li s-servizz tal-Europass jgħin lin-nies jibnu s-CVs tagħhom.

Marzu 2022
Impjiegi, tkabbir u investiment
L-UE hija impenjata li toħloq ambjent ta’ investiment aktar attraenti li jixpruna t-tkabbir ekonomiku u joħloq l-impjiegi. Biħsiebha tagħmel dan billi tneħħi l-ostakli għall-investiment u tiżgura li ċ-ċittadini tal-UE jkunu mgħammra bil-ħiliet meħtieġa għall-impjiegi tal-futur.
L-UE qed tindirizza l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19, filwaqt li taħdem biex tgħin liċ-ċittadini tal-UE jinnavigaw b’suċċess it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Il-mira hija li tiżgura li t-trasformazzjoni tal-ekonomija tal-UE tkun ġusta u inklużiva sabiex kull ċittadin ikun jista’ jgawdi l-benefiċċji offruti mit-tranżizzjonijiet doppji, u jiġi żgurat li ħadd ma jitħalla lura.
X’tagħmel l-UE
Il-programm InvestEU huwa element importanti tal-pjan ta’ rkupru tal-UE biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 u jinkisbu l-prijoritajiet fit-tul tal-UE. Jibni fuq is-suċċess tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, li bejn l-2015 u l-2020 immobilizza aktar minn €500 biljun ħalli jgħin biex jingħalaq id-distakk ikkawżat mill-kriżi finanzjarja tal-2007–2008. Biex jgħin fl-irkupru ulterjuri tal-investiment, InvestEU jipprovdi garanzija tal-baġit tal-UE biex jgħin lin-negozji fl-UE jaċċessaw u jattiraw il-finanzjament li jeħtieġu. Għandu l-għan li jiskatta mill-inqas €372 biljun f’investiment addizzjonali bejn l-2021 u l-2027. Il-programm jiffoka fuq erba’ oqsma ta’ politika ewlenin:
- l-infrastruttura sostenibbli,
- ir-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni,
- in-negozji żgħar u ta’ daqs medju, u
- l-investiment soċjali u l-ħiliet.
Biex jikkomplementa l-programm, iċ-ċentru ta’ konsulenza InvestEU se jaġixxi ta’ punt uniku ta’ servizz għall-identifikazzjoni, it-tħejjija u l-iżvilupp ta’ proġetti ta’ investiment madwar l-UE.
Il-xaqliba rapida lejn Ewropa newtrali għall-klima u diġitali qed tbiddel il-mod kif naħdmu. L-aġenda Ewropea għall-Ħiliet diġà qed tgħin biex tindirizza din l-isfida u tistabbilixxi l-objettivi li għandhom jintlaħqu sal-2025. Hija tħaddem il-prinċipji ewlenin tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li għandu l-għan li joħloq suq tax-xogħol Ewropew ġust u inklużiv. Biex jiġu żgurati benefiċċji konkreti għaċ-ċittadini, ġew stabbiliti miri ewlenin għall-impjiegi, it-taħriġ, u l-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali għall-2030.
Il-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u, fil-ġejjieni, il-Fond Soċjali għall-Klima propost, se jipprovdu appoġġ biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjali u reġjonali. Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll biex tidentifika miżuri u soluzzjonijiet konkreti għall-isfidi demografiċi tal-Ewropa, sabiex tappoġġja lin-nies, lir-reġjuni u lill-komunitajiet li huma l-aktar milquta.


Marzu 2022
Reġjuni
Il-politika reġjonali għandha fil-mira tagħha r-reġjuni u l-ibliet kollha tal-UE u għandha l-għan li tappoġġja l-ħolqien tal-impjiegi, il-kompetittività tan-negozji, it-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp sostenibbli u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.
L-immodernizzar tal-ajruporti ta’ Riga u ta’ Wroclaw; it-titjib tal-mobbiltà urbana f’Ateni, Sofia u Cluj-Napoca; il-preservazzjoni ta’ Mont Saint-Michel u s-salvagwardja ta’ Pompeii; l-iżvilupp ta’ infrastruttura tal-broadband fil-Litwanja kollha; l-appoġġ għan-negozji f’Utrecht u Paredes; it-tiġdid tat-trattament tal-ilma mormi fi Trenčín u Slavonski Brod; u l-promozzjoni tal-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni fl-universitajiet f’Nikosia u Ljubljana — dawn huma biss xi eżempji tal-eluf ta’ proġetti kofinanzjati mill-politika reġjonali tal-UE.

X’tagħmel l-UE
Il-politika reġjonali tirfed is-solidarjetà Ewropea, issaħħaħ it-tkabbir ekonomiku u ttejjeb il-kwalità ta’ ħajjitna permezz ta’ investiment strateġiku. Hija tiddedika l-parti l-kbira tal-finanzjament tagħha biex tgħin lill-pajjiżi u r-reġjuni anqas żviluppati tal-UE biex ilaħħqu u għalhekk inaqqsu d-disparitajiet ekonomiċi, soċjali u territorjali li għadhom jeżistu fl-UE.
Il-politika reġjonali hija mmaniġġjata b’mod konġunt mill-Kummissjoni u l-Istati Membri tal-UE u r-reġjuni tagħhom, li jagħżlu l-proġetti li se jiġu kofinanzjati mill-UE skont programmi miftiehma minn qabel mal-Kummissjoni. Il-fondi tal-UE dejjem jiġu supplimentati b’fondi nazzjonali (privati u/jew pubbliċi).
Permezz tal-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg), il-politika reġjonali tagħti attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet u l-potenzjal tar-reġjuni tal-fruntiera.
Kważi terz (€392 biljun) tal-baġit tal-UE għall-2021–2027 twarrab għall-politika reġjonali. Dawn ir-riżorsi jintużaw biex jiġu ffinanzjati infrastrutturi strateġiċi tat-trasport u tal-komunikazzjoni; biex tiġi megħjuna tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ekoloġika; biex l-intrapriżi żgħar u medji jiġu megħjuna bl-għan li jsiru aktar innovattivi u kompetittivi; biex jinħolqu opportunitajiet tax-xogħol ġodda u dejjiema; biex jissaħħu u jiġu mmodernizzati s-sistemi edukattivi; u biex tinbena soċjetà aktar inklużiva.
Barra minn hekk, taħt in-NextGenerationEU, l-Assistenza għall-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa (REACT-EU) se tipprovdi aktar minn €50 biljun ta’ riżorsi ġodda għall-programmi eżistenti fl-Istati Membri sal-2023 biex tappoġġja l-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19.
Biex jintlaħaq l-għan tal-UE li ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima, il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta se jgħin biex jiġu mmobilizzati madwar €55 biljun bejn l-2021 u l-2027 biex jiġu appoġġjati r-reġjuni l-aktar milquta mill-bidla lejn ekonomija newtrali għall-klima. Il-Fond Soċjali għall-Klima propost għandu wkoll l-għan li jgħin lill-Istati Membri jappoġġjaw it-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika għall-persuni l-aktar dipendenti fuq il-fjuwils fossili.


Marzu 2022
Riċerka u innovazzjoni
Il-programm ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni Orizzont Ewropa, ta’ €95.5 biljun, qed jgħin isaħħaħ l-impjiegi u t-tkabbir u jindirizza wħud mill-akbar sfidi tagħna.
Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma essenzjali għall-ekonomija u għas-soċjetà tagħna. Huma fil-qalba tal-isforzi Ewropej biex jinħolqu l-impjiegi u tingħata spinta lit-tkabbir u l-investiment, u jgħinu biex il-ħajja tan-nies titjieb permezz ta’ titjib f’oqsma bħall-kura tas-saħħa, it-trasport u l-enerġija. Huma jipprovdulna wkoll l-għarfien u s-soluzzjonijiet biex nindirizzaw kemm il-problemi urġenti bħall-pandemija tal-COVID-19 kif ukoll l-isfidi fit-tul bħat-tibdil fil-klima u l-ġlieda kontra l-kanċer.

X’tagħmel l-UE
L-UE hija l-akbar fabbrika tal-għarfien fid-dinja, li tirrappreżenta kważi terz mill-produzzjoni globali tax-xjenza u tat-teknoloġija. Madankollu, iffaċċjata b’kompetizzjoni li qiegħda tikber, l-UE trid li riċerka eċċellenti u ideat innovattivi ssarrafhom f’teknoloġiji u fi prodotti li jirnexxu. L-Istati Membri kollha tal-UE għandhom il-politiki ta’ riċerka u l-programmi ta’ finanzjament tagħhom stess, iżda ħafna kwistjonijiet importanti jistgħu jiġu indirizzati l-aħjar billi riċerkaturi u innovaturi f’pajjiżi differenti jiġu megħjuna biex jaħdmu flimkien. Din hija r-raġuni għaliex ir-riċerka u l-innovazzjoni huma sostnuti fil-livell tal-UE, b’mod partikolari permezz tal-Orizzont Ewropa programm.
Orizzont Ewropa huwa wieħed mill-akbar programmi ta' riċerka u l-aktar wieħed ambizzjuż fid-dinja, b’investiment ta’ €95.5 biljun ta’ finanzjament (2021–2027), flimkien mal-investiment pubbliku u privat l-ieħor li jattira dawn il-flus. Filwaqt li jkompli jibni fuq il-kisbiet tal-programm Orizzont 2020, ikompli jixpruna l-eċċellenza xjentifika tal-Ewropa permezz tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka u permezz tal-fellowships u l-iskambji ta’ Marie Skłodowska-Curie. Huwa jibbaża wkoll fuq il-parir xjentifiku, l-appoġġ tekniku u r-riċerka ddedikata tas-servizz tax-xjenza u l-għarfien tal-Kummissjoni, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka.
Orizzont Ewropa stabbilixxa serje ta’ Missjonijiet tal-UE — mod ġdid ta’ kif naħdmu flimkien biex jiġu indirizzati sfidi kbar fis-saħħa, fil-klima u fl-ambjent. Kull waħda mill-ħames missjonijiet taħdem bħala sett ta’ azzjonijiet biex jinkisbu riżultati konkreti sal-2030.
Orizzont Ewropa jappoġġja wkoll sħubijiet Ewropej, li jlaqqgħu flimkien lill-UE, lill-awtoritajiet nazzjonali u lis-settur privat biex jindirizzaw uħud mill-aktar sfidi urġenti tal-Ewropa permezz ta’ inizjattivi konġunti ta’ riċerka u innovazzjoni. Dawn se jgħinu biex tissaħħaħ iż-Żona Ewropea tar-Riċerka l-ġdida, li għandha l-għan li toħloq suq uniku tal-UE għar-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġija u tippermetti lill-pajjiżi jkunu aktar effettivi billi jallinjaw il-politiki u l-programmi tar-riċerka tagħhom.
L-aċċess miftuħ obbligatorju għall-pubblikazzjonijiet u l-prinċipji tax-xjenza miftuħa huma applikati fil-programm Orizzont Ewropa kollu.


Marzu 2022
Suq uniku
Is-suq uniku huwa wieħed mill-akbar kisbiet tal-UE. Għal 30 sena għen biex il-ħajja ta’ kuljum issir eħfef għaċ-ċittadini u n-negozji, u ppermetta li l-oġġetti, is-servizzi, in-nies u l-flus jiċċaqalqu liberament madwar l-UE.
Bis-saħħa tas-suq uniku (xi kultant imsejjaħ ukoll is-suq intern) iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jistudjaw, jgħixu, jixtru, jaħdmu u jirtiraw fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE u jgawdu prodotti mill-Ewropa kollha. Il-kumpaniji jistgħu jespandu l-operazzjonijiet tagħhom, filwaqt li l-kompetizzjoni tgħin biex jitbaxxew il-prezzijiet u jkun hemm aktar għażla għall-konsumaturi. Fl-istess ħin, l-UE taħdem biex tiżgura li dawn il-libertajiet il-kbar ma jxekklux il-ġustizzja, il-protezzjoni tal-konsumatur, id-drittijiet tal-ħaddiema, jew is-sostenibbiltà ambjentali.

X’tagħmel l-UE
Mirfud mill-istrateġija industrijali tal-UE, is-suq uniku għandu sehem essenzjali fl-appoġġ lin-negozji fit-triq lejn it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Jgħin ukoll biex jipproteġi lill-kumpaniji minn xokkijiet u kriżijiet fil-provvista filwaqt li jsaħħaħ il-kompetittività globali tagħhom.
L-UE qed taħdem biex:
- tibni fuq it-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19 u mill-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna, pereżempju, billi tindirizza l-interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista;
- tiżgura li s-suq uniku joħloq aktar opportunitajiet għall-kumpaniji u l-intraprendituri biex jespandu n-negozji tagħhom;
- tindirizza l-ostakli li jipprevjenu lin-nies milli jixtru jew ibigħu faċilment oġġetti u servizzi minn jew fi Stat Membru ieħor u lill-ħaddiema milli jiċċaqalqu liberament;
- tiżgura li l-istess regoli dwar il-ġustizzja, l-opportunitajiet u l-obbligi japplikaw ukoll għall-ekonomija diġitali;
- tgħolli l-livell tat-taħriġ mill-ġdid u tat-titjib tal-ħiliet fis-setturi industrijali kollha;
- tiżgura l-aċċess għall-finanzi, l-istandards u l-privattivi biex tibni, tiskala u tipproteġi t-tmexxija Ewropea fit-teknoloġiji innovattivi.
Alleanzi industrijali ġodda f’oqsma ewlenin fejn l-UE hija dipendenti fuq pajjiżi li mhumiex fl-UE għandhom rwol ewlieni fil-kisba tal-għanijiet tagħha. Bħala parti minn dawn l-isforzi, l-UE ppreżentat miżuri ġodda biex ittejjeb il-bidla lejn ekonomija ċirkolari u biex tiżgura provvista aktar sostenibbli ta’ materja prima kritika.
L-intrapriżi żgħar u medji jirrappreżentaw 99 % tan-negozji kollha fl-UE, u jipprovdu żewġ terzi mill-impjiegi totali fis-settur privat. Il-politiki tal-UE jħeġġu l-ħolqien ta’ negozji ġodda u jappoġġjaw lil kumpaniji innovattivi fl-isforzi tagħhom li jespandu.
B’baġit ta’ €4.2 biljun għall-2021 sal-2027, il-Programm tas-Suq Uniku jikkonsolida firxa wiesgħa ta’ attivitajiet f’oqsma bħas-sikurezza tal-ikel, il-protezzjoni tal-konsumatur, l-istandardizzazzjoni u l-kompetittività, it-tnaqqis tad-dubblikazzjonijiet u t-titjib tal-koordinazzjoni.
Il-portal L-Ewropa tiegħek jipprovdi informazzjoni dwar il-ħajja, ix-xogħol, l-ivvjaġġar, l-istudju u n-negozju f’pajjiż ieħor tal-UE. Joffri wkoll aċċess għal servizzi bħall-Pariri tal-Ewropa Tiegħek u n-netwerk SOLVIT għas-soluzzjoni tal-problemi.

Marzu 2022
Protezzjoni tal-konsumatur
Il-politika tal-konsumatur tal-UE tissalvagwardja d-drittijiet tal-konsumaturi, tiżgura li l-prodotti huma sikuri, tgħin lin-nies jagħmlu għażliet informati meta jixtru oġġetti u servizzi u toffri għodod biex jiġu solvuti l-problemi jekk xi ħaġa tmur ħażin.
Is-suq uniku tal-UE joffri lill-konsumaturi aċċess għal aktar għażla, flessibilità, kwalità u valur għall-flus. Il-politika tal-konsumatur tal-UE tiżgura li d-drittijiet tan-nies jiġu rispettati jekk jiltaqgħu ma’ xi problemi meta jixtru oġġetti jew servizzi minn Stati Membri oħra, jibnu l-fiduċja u jinkoraġġixxu l-kummerċ, inkluż online.

X’tagħmel l-UE
L-Aġenda tal-Konsumatur il-Ġdida tistabbilixxi l-istrateġija tal-UE sal-2025. Din tiddeskrivi l-miżuri li l-UE se tieħu biex twieġeb għal sfidi ġodda bħall-COVID-19 u t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Dawn jinkludu l-indirizzar tat-tħassib dwar l-ambjent u dwar is-sostenibbiltà, l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur u l-protezzjoni tal-konsumaturi vulnerabbli.
L-UE toffri lill-konsumaturi sett ta’ drittijiet prattiċi għal meta xi ħaġa tmur ħażin.
- Ix-xerrejja online għandhom 14-il jum biex jerġgħu jikkunsidraw ix-xiri tagħhom u jirtiraw ix-xirja tagħhom. Dawn jistgħu jirritornaw prodott fi żmien ġimagħtejn u jieħdu flushom lura.
- Jekk oġġett mixtri fl-UE (online jew mill-ħanut) ma jkunx kif irreklamat jew ma jaħdimx kif suppost, il-konsumatur għandu d-dritt għal mill-inqas tiswija jew sostituzzjoni bla ħlas.
- Ir-regoli tal-UE dwar il-krediti ipotekarji jiżguraw informazzjoni ċara fir-reklami u informazzjoni f’waqtha lill-konsumaturi qabel ma jiffirmaw kuntratt.
- Hemm standards minimi għad-drittijiet tal-passiġġieri fil-mezzi kollha tat-trasport, inklużi l-informazzjoni, l-assistenza u l-kumpens f’każ ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil.
L-UE tipprovdi wkoll għajnuna biex jiġu solvuti tilwimiet man-negozjanti malajr u b’mod effiċjenti. Il-pjattaforma għas-soluzzjoni online għat-tilwim tippermetti lill-konsumaturi u lin-negozjanti jsolvu tilwimiet fuq xirjiet online. In-Network taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi jipprovdi għajnuna u pariri b’xejn lill-konsumaturi fix-xirjiet transfruntiera tagħhom. Regoli ġodda tal-UE, sa mhux aktar tard min-nofs l-2023, se jagħmluha aktar faċli għall-organizzazzjonijiet biex jiddefendu l-interessi kollettivi tal-konsumaturi u jressqu azzjonijiet quddiem il-qorti.
Standards stretti dwar is-sikurezza, is-saħħa u l-ambjent japplikaw għall-ġugarelli, l-apparat elettriku, il-kożmetiċi u l-farmaċewtiċi. Regoli stretti jiżguraw li prodotti mhux sikuri jinġabru lura mis-suq biex b’hekk, kull sena, mijiet ta’ prodotti jiġu nnotifikati permezz tas-sistema ta' twissija rapida tal-UE dwar prodotti perikolużi li mhumiex tal-ikel. Fl-2021, il-Kummissjoni pproponiet li tirrevedi r-regoli dwar is-sikurezza tal-prodotti, inklużi regoli ġodda għas-swieq online, flimkien ma’ reviżjoni tar-regoli tal-UE dwar il-kreditu għall-konsumatur.
Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari jallinja d-drittijiet tal-konsumatur u dawk ambjentali, filwaqt li jiffoka fuq prodotti ta’ kwalità ogħla, dejjiema u sostenibbli.

Marzu 2022
Kompetizzjoni ġusta
Ir-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni għandhom l-għan li jiżguraw li l-kumpaniji kollha jikkompetu b’mod ġust u ugwali fis-suq uniku għall-benefiċċju tal-konsumaturi, tan-negozji u tal-ekonomija Ewropea inġenerali.
Flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u mal-qrati nazzjonali, il-Kummissjoni tinforza r-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni biex tiżgura li l-kumpaniji jikkompetu ma’ xulxin b’mod ġust. Dawn jgħinu biex jorħsu l-prezzijiet u titjieb il-kwalità, jitħeġġu l-innovazzjoni u l-effiċjenza u tinħoloq għażla ikbar għall-konsumaturi.
X’tagħmel l-UE
Il-Kummissjoni tieħu azzjoni fir-rigward ta’:
- kartelli jew arranġamenti illegali oħra bejn kumpaniji biex jevitaw milli jikkompetu ma’ xulxin jew li jistabbilixxu prezzijiet artifiċjalment għoljin;
- każijiet fejn atturi ewlenin jabbużaw mill-pożizzjoni dominanti tagħhom fis-swieq biex jippruvaw jitfgħu ’l barra lill-kompetituri jew jitolbu prezzijiet eċċessivi;
- fużjonijiet u akkwisti ta’ kumpaniji li jistgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-suq uniku;
- appoġġ finanzjarju (għajnuna mill-Istat) mill-gvernijiet tal-UE lill-kumpaniji, li jista’ jfixkel il-kompetizzjoni fis-suq uniku billi jiffavorixxi xi kumpaniji minn oħrajn; kif ukoll
- promozzjoni tal-kultura tal-kompetizzjoni fuq livell internazzjonali sabiex il-kumpaniji tal-UE jgawdu minn kompetizzjoni ġusta fi swieq fil-bqija tad-dinja.
L-infurzar tal-politika tal-kompetizzjoni huwa ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini tal-UE. Pereżempju fl-2020, stimi konservattivi mill-Kummissjoni poġġew l-iffrankar annwali tal-klijenti minn projbizzjonijiet ta’ kartelli u interventi ta’ fużjonijiet fl-UE bejn €14-il biljun u €23.3 biljun.
L-investigazzjonijiet tal-UE dwar prattiki antikompetittivi jkopru prodotti, professjonijiet u servizzi. Il-Kummissjoni tissorvelja l-assistenza li l-gvernijiet tal-UE jagħtu lin-negozji biex tiżgura li din ma tagħtix lil ċerti kumpaniji vantaġġ inġust fuq il-kompetituri tagħhom. L-għajnuna mill-Istat tista’ tkun awtorizzata jekk din tgħin jew tippromwovi lil reġjuni żvantaġġati, lil negozji żgħar u medji, ir-riċerka u l-iżvilupp, il-ħarsien tal-ambjent, it-taħriġ, l-impjiegi jew il-kultura.
Regoli ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat introdotti f’Jannar 2022 jallinjaw mal-objettivi importanti tal-UE skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dawn għandhom l-għan li jgħinu lill-Istati Membri tal-UE jilħqu l-miri ambizzjużi tal-UE dwar l-enerġija u l-klima, filwaqt li jappoġġaw proġetti għall-protezzjoni ambjentali, inkluż il-protezzjoni tal-klima u l-ġenerazzjoni tal-enerġija ekoloġika.
L-UE qed taħdem ukoll biex tiżgura li l-leġiżlazzjoni tagħha żżomm il-pass mat-trasformazzjoni diġitali. L-Att dwar is-Swieq Diġitali, pereżempju, se jipprevjeni lill-pjattaformi online li jaġixxu bħala gwardjani milli jimponu kundizzjonijiet inġusti fuq in-negozji u l-konsumaturi permezz ta’ lista ċara ta’ x’għandu u x’ma għandux isir. Fl-istess ħin l-Att dwar is-Servizzi Diġitali se jimponi obbligi vinkolanti fl-UE kollha fuq l-intermedjarji li jipprovdu servizzi diġitali li jgħaqqdu lill-konsumaturi ma’ oġġetti, servizzi jew kontenut, u b’hekk jagħmilha aktar faċli għal pjattaformi iżgħar biex jespandu fis-suq uniku kollu tal-UE.


Marzu 2022
Taxxa u dwana
Filwaqt li l-gvernijiet nazzjonali jistabbilixxu u jiġbru t-taxxi b’mod indipendenti, l-UE hija responsabbli għal unjoni doganali li tiżgura l-moviment liberu u s-sikurezza tal-merkanzija fis-suq uniku.
Il-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE huma fil-parti l-kbira liberi biex ifasslu l-liġijiet tat-taxxa tagħhom skont il-prijoritajiet nazzjonali tagħhom. Madankollu, meta jagħmlu dan, iridu jirrispettaw ċerti prinċipji fundamentali u jiżguraw li r-regoli tat-taxxa nazzjonali ma jfixklux is-suq uniku tal-UE.
L-Unjoni doganali tal-UE tagħmilha aktar faċli għall-kumpaniji biex jinnegozjaw, tarmonizza d-dazji doganali fuq oġġetti li jaslu minn barra l-UE u tgħin biex tipproteġi liċ-ċittadini tal-UE u l-ambjent.

X’tagħmel l-UE
L-UE m’għandhiex rwol dirett fiż-żieda jew fl-iffissar tar-rati tat-taxxa, iżda tissorvelja r-regoli nazzjonali tat-taxxa biex tiżgura li jippromwovu l-impjiegi u t-tkabbir u biex tiżgura li t-taxxi ta’ pajjiż wieħed ma jiddiskriminawx kontra konsumaturi, ħaddiema jew negozji minn Stati Membri oħra.
Il-gvernijiet tal-Istati Membri kollha għandhom jaqblu dwar it-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE sabiex jitqiesu l-interessi ta’ kulħadd. Għal xi taxxi — bħat-taxxa fuq il-valur miżjud jew id-dazji tas-sisa fuq il-petrol, it-tabakk u l-alkoħol — l-Istati Membri qablu dwar regoli komuni biex jissimplifikaw il-kummerċ transfruntier online u offline u jiżguraw kundizzjonijiet ekwi bejn il-kumpaniji u l-pjattaformi tal-UE u mhux tal-UE.
Fl-2021, il-Kummissjoni stabbiliet il-viżjoni tagħha għal sistema ġdida tat-tassazzjoni tal-intrapriżi tal-UE, aktar ġusta u aktar trasparenti għas-seklu 21. Din tinkludi azzjonijiet biex titnaqqas il-burokrazija, jiġu appoġġati n-negozji ż-żgħar u jiġi miġġieled l-abbuż tat-taxxa. Bil-proposta tagħha għal rata minima tat-taxxa korporattiva ta’ mill-inqas 15 % għall-kumpaniji multinazzjonali kollha, il-Kummissjoni għandha l-għan li tagħmel lill-UE minn tal-ewwel biex timplimenta l-ftehim dinji storiku dwar ir-riforma tat-taxxa tal-2021. Fl-aħħar mill-aħħar dan għandu jiżgura li l-kumpaniji kollha jiġu ntaxxati b’mod ġust, irrispettivament minn fejn jagħmlu n-negozju.
Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fis-suq uniku kollu, l-UE trid tiffunzjona bħala unjoni doganali unika, bl-istess tariffi, standards u proċeduri biex timmaniġġja l-merkanzija importata minn barra l-pajjiż. L-ebda dazju doganali ma jiġi applikat għal merkanzija li tiġi ttrasportata minn Stat Membru għal ieħor.
Fil-prattika, l-unjoni doganali tal-UE titmexxa mis-servizzi doganali nazzjonali. Huma jipproteġu lill-konsumaturi, l-annimali u l-ambjent minn oġġetti li jistgħu jkunu ta’ ħsara, filwaqt li jikkontribwixxu wkoll fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u l-kuntrabandu. Ladarba l-merkanzija tiġi kklirjata mid-dwana, tista’ tiċċirkola liberament jew tinbiegħ fi kwalunkwe post fl-Ewropa.


Marzu 2022
L-ispazju
Il-politika spazjali tal-UE tikkontribwixxi b’mod attiv għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, tistimula l-avvanzi teknoloġiċi u l-innovazzjoni, u ttejjeb il-ħajja taċ-ċittadini tal-UE.
It-teknoloġija, id-data u s-servizzi spazjali huma essenzjali għall-ħajja ta’ kuljum tal-Ewropej (eż. biex jużaw il-mowbajls, is-sistemi tan-navigazzjoni tal-karozzi u l-ATMs). Is-satelliti jipprovdu wkoll data u servizzi siewja għal firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet, mit-trasport, l-agrikoltura u l-ambjent sar-rispons għall-kriżijiet.

X’tagħmel l-UE
L-UE għandha industrija spazjali kompetittiva u li qed tikber — stmata li tiswa sa €62 biljun — li timpjega aktar minn 230,000 persuna u hija responsabbli għal terz tas-satelliti kollha li bħalissa jinsabu fl-orbita.
Il-komponenti ewlenin li ġejjin jipprovdu servizzi Ewropej ibbażati fl-ispazju ta’ kuljum.
- Copernicus huwa s-sistema tal-UE għall-osservazzjoni tad-dinja. Id-data ġġenerata mis-satelliti tagħha tintuża f’ħafna oqsma, mill-monitoraġġ tat-tibdil fil-klima u l-effetti tiegħu sad-direzzjoni tas-servizzi ta’ emerġenza u umanitarji. Id-data ta’ Copernicus intużat biex jiġu lokalizzati bastimenti f’diffikultà u biex jiġu indirizzati n-nirien fil-foresti, it-terremoti u l-għargħar, u b’hekk ġew salvati l-ħajjiet u l-proprjetà.
- Galileo, is-sistema globali tan-navigazzjoni bis-satellita tal-UE, tipprovdi informazzjoni preċiża u affidabbli dwar il-pożizzjonament u t-teħid tal-ħinijiet għall-modi kollha tat-trasport, il-vetturi, il-ferroviji, l-avjazzjoni u setturi oħrajn. Bis-saħħa ta’ Galileo, 3.2 biljun smartphone għandhom sistema tal-pożizzjonament sikura u indipendenti.
- Is-sistema reġjonali tan-navigazzjoni bis-satellita tal-UE (EGNOS) timmonitorja u tikkoreġi s-sinjali tan-navigazzjoni bis-satellita għall-utenti tal-avjazzjoni, marittimi u terrestri fil-biċċa l-kbira tal-Ewropa. 426 ajruport fl-UE diġà qed jużaw l-EGNOS biex l-inżul f’kundizzjonijiet ħżiena tat-temp ikun aktar sikur, u jevitaw id-dewmien u r-riprogrammar tar-rotot.
B’baġit ta’ €14.9 biljun, il-programm spazjali tal-UE tal-2021–2027 jibni fuq is-suċċess ta’ dawn b’enfasi fuq aktar koordinazzjoni ma’ oqsma politiki oħra tal-UE. Huwa għandu l-għan li jħeġġeġ l-avvanz xjentifiku u tekniku u jappoġġa l-kompetittività u l-kapaċità tal-innovazzjoni tal-industrija spazjali Ewropea, b’mod partikolari tal-intrapriżi żgħar u medji, tan-negozji ġodda u tan-negozji innovattivi. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll żewġ inizjattivi ewlenin biex tqawwi l-konnettività sigura permezz tas-satelliti u l-ġestjoni tat-traffiku spazjali.
Ma’ Stati Membri individwali tal-UE u mal-Aġenzija Spazjali Ewropea, l-UE żviluppat teknoloġija ta’ klassi dinjija għall-esplorazzjoni tal-ispazju. Il-kisbiet jinkludu l-iżvilupp ta’ rokits u satelliti u esploraturi robotiċi ġodda fuq il-qamar u fuq Mars. Filwaqt li l-esplorazzjoni tal-ispazju hija strateġikament u politikament importanti, l-UE qed tgħin ukoll lix-xjenzati biex jikxfu s-sigrieti tal-univers; fl-2019 għadd ta’ riċerkaturi ffinanzjati mill-UE żvelaw l-ewwel ritratt li qatt ittieħed ta’ toqba sewda (black hole).

Marzu 2022
Affarijiet internazzjonali u sigurtà
Il-politika estera u tas-sigurtà komuni tippermetti lill-UE titkellem u taġixxi b’leħen wieħed fl-affarijiet dinjin, ħalli l-Istati Membri jkunu jistgħu jindirizzaw ċerti sfidi li ma jistgħux isolvu waħedhom u jiżguraw is-sigurtà u l-prosperità taċ-ċittadini tal-UE.
Il-politika jimplimentaha r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, bl-appoġġ tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, is-servizz diplomatiku tal-UE. L-azzjonijiet esterni tal-UE huma ggwidati mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien u l-iżvilupp tagħha stess, u li tħabrek biex tippromwovi madwar id-dinja kollha, fosthom il-paċi, id-demokrazija, is-saltna tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

X’tagħmel l-UE
Filwaqt li t-theddid għas-sigurtà qed kulma jmur jiżdied u jsir aktar kumpless, il-Boxxla Strateġika tal-UE għas-sigurtà u d-difiża se ssaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tirreaġixxi għall-kriżijiet u t-theddid fl-għaxar snin li ġejjin. Il-Boxxla Strateġika tiffoka fuq li:
- tieħu azzjoni aktar malajr u b’mod aktar deċiżiv meta tinqala’ xi kriżi,
- tħares liċ-ċittadini mit-theddid li qed jinbidel malajr,
- tinvesti fil-kapaċitajiet u fit-teknoloġiji li l-UE teħtieġ, u
- tissieħeb ma’ ħaddieħor biex tilħaq għanijiet komuni.
L-UE tappoġġa lil pajjiżi li jkunu għaddejjin minn kunflitti u kriżijiet. Bil-Faċilità Ewropea għall-Paċi, l-UE qed tieħu aktar responsabbiltà bħala fornitur tas-sigurtà dinjija. Il-faċilità tiffinanzja l-ispejjeż komuni tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet militari tal-politika tas-sigurtà u tad-difiża komuni u ta’ operazzjonijiet ta’ appoġġ għall-paċi b’kooperazzjoni ma’ sħab bħall-Unjoni Afrikana. Din issaħħaħ ukoll il-kapaċitajiet tad-difiża tal-pajjiżi sħab u ta’ organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali u kienet strumentali fl-appoġġ lill-Ukrajna permezz tar-rispons tagħha għall-aggressjoni militari Russa.
Mill-invażjoni Russa fl-Ukrajna fi Frar 2022 sal-lum, l-UE ħadet ukoll passi biex tiżgura li s-sigurtà dinjija tal-ikel terġa’ tiġi stabbilita permezz tal-kooperazzjoni internazzjonali.
L-UE u l-Istati Membri tagħha għadhom l-akbar donaturi fir-rispons internazzjonali għall-kriżi fis-Sirja u jappoġġaw lin-nies fis-Sirja u r-reġjun b’investiment li jaqbeż is-€27 biljun mill-2011 ’l hawn.
Il-Global Gateway hija l-istrateġija l-ġdida tal-investiment tal-UE li tagħti spinta lill-infrastruttura intelliġenti, nadifa u sigura tal-enerġija, tat-trasport u diġitali, u li ssaħħaħ is-sistemi tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tar-riċerka madwar id-dinja. L-UE, l-Istati Membri tagħha u l-istituzzjonijiet finanzjarji tagħha, li jaġixxu flimkien bħala Tim Ewropa, għandhom l-għan li bejn l-2021 u l-2027 jimmobilizzaw investiment pubbliku u privat sa €300 biljun. Il-Global Gateway hija l-kontribut tal-UE għas-Sħubija Globali għall-Infrastruttura u l-Investiment tal-G7.

Marzu 2022
Sħubijiet internazzjonali
Is-sħubijiet u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp huma fil-qalba tal-politika barranija tal-UE. L-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-akbar donaturi ta’ għajnuna għall-iżvilupp.
L-għajnuna għall-iżvilupp hija waħda mill-pilastri tal-azzjoni tal-UE fid-dinja, flimkien mal-politiki barranin, ta’ sigurtà u kummerċjali. L-UE tippromwovi l-qerda tal-faqar, l-iżvilupp tal-bniedem, it-tkabbir sostenibbli u l-governanza tajba. Dan tagħmlu billi toħloq sħubijiet biex tindirizza sfidi globali bħat-tibdil fil-klima, it-tnaqqis tar-riżorsi naturali u l-migrazzjoni irregolari. L-UE tappoġġja multilateraliżmu effettiv u taħdem mal-partijiet ikkonċernati kollha, peress li l-isfidi attwali jitolbu governanza multilaterali u kooperazzjoni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli.

X’tagħmel l-UE
L-UE tqis is-sħubijiet internazzjonali bħala investiment f’futur vijabbli, sostenibbli u kondiviż. L-UE hija promotur ewlieni tal-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima. Il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp jistabbilixxi kif l-UE tiffoka fuq in-nies, il-pjaneta, il-prosperità, is-sliem u s-sħubija. fil-ħidma lejn l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli. L-UE tistruttura l-azzjoni esterna tagħha madwar:
- alleanzi tal-Patt Ekoloġiku;
- alleanzi għax-xjenza, it-teknoloġija, l-innovazzjoni u t-tranżizzjoni diġitali;
- alleanzi għal tkabbir sostenibbli u impjiegi, inkluż permezz ta’ investiment fl-edukazzjoni u l-ħiliet;
- sħubijiet dwar il-migrazzjoni;
- il-governanza, il-paċi u s-sigurtà u l-iżvilupp tal-bniedem, b’enfasi partikolari fuq in-nisa u ż-żgħażagħ.
Is-sħubija Afrika-UE tibqa’ prijorità ewlenija għall-UE.
Fl-2020, l-UE rreaġixxiet malajr għall-kriżi tal-COVID-19. L-approċċ tat-Tim Ewropa, li jgħaqqad ir-riżorsi, l-għarfien espert u l-għodda mill-UE, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet finanzjarji tagħha, għen lis-sħab tal-UE jtaffu l-impatt tal-pandemija. L-UE hija wkoll fuq quddiem fir-responsabbiltà li tara li jkun hemm il-vaċċini sikuri u effettivi aċċessibbli għal kulħadd. L-approċċ tat-Tim Ewropa issa qed jiġi applikat fil-baġit tal-UE għall-azzjoni esterna: l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali — Ewropa Globali.
L-UE tiddedika madwar 10 % tal-baġit tagħha għall-azzjoni esterna. Id-delegazzjonijiet tal-UE jaħdmu id f’id mal-gvernijiet, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-Istati Membri tal-UE u s-settur privat biex iżidu l-impatt tal-appoġġ tal-Ewropa. Kollettivament, l-UE u l-Istati Membri tagħha pprovdew €66.8 biljun f’għajnuna fl-2020.
Il-valuri tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt jiggwidaw l-azzjoni tal-UE fid-dinja kollha. Il-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija tal-UE jiffoka fuq il-protezzjoni u l-għoti tas-setgħa lill-individwi, il-bini ta’ soċjetajiet reżiljenti, inklużivi u demokratiċi u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha. Bis-saħħa tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa huma fuq quddiem nett tal-ħidma tal-UE.


Marzu 2022
Viċinat u tkabbir tal-UE
L-UE tinkoraġġixxi demokraziji u ekonomiji stabbli fil-pajjiżi ġirien billi tibni sħubiji mfassla apposta bbażati fuq interessi kondiviżi u kooperazzjoni fil-livell bilaterali jew reġjonali.

X’tagħmel l-UE
Il-Politika Ewropea tal-Viċinat tirregola r-relazzjonijiet tal-UE ma’ 16 mill-eqreb ġirien tagħha. Lejn in-nofsinhar: l-Alġerija, l-Eġittu, Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Libja, il-Marokk, il-Palestina*, is-Sirja u t-Tuneżija. Lejn il-lvant: l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna.
Din il-kooperazzjoni għandha l-għan prinċipalment li:
- tistabbilizza l-pajjiżi ġirien billi tindirizza l-iżvilupp ekonomiku, l-impjieg u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ, it-trasport u l-konnettività tal-enerġija, is-sigurtà u l-migrazzjoni;
- tippromwovi l-valuri tal-governanza tajba, tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem;
- tiffaċilita l-kooperazzjoni fl-livell reġjonali, pereżempju, permezz tas-Sħubija tal-Lvant u l-Unjoni għall-Mediterran.
Barra dan, fil-Viċinat tan-Nofsinhar l-UE taħdem flimkien mas-sħab tagħha biex issolvi kriżijiet bħal dawk fis-Sirja jew fil-Libja, u biex jiġu rregolati l-flussi tal-migrazzjoni.
Il-Politika ta’ Tkabbir tal-UE tkopri l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo**, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja u t-Turkija. Il-prospett tas-sħubija huwa stimulu qawwi għal riformi demokratiċi u ekonomiċi fil-pajjiżi li jixtiequ jingħaqdu mal-UE. Dan jgħin biex jitrawmu r-rikonċiljazzjoni u l-istabbiltà. Pajjiż Ewropew jista’ jsir Stat Membru tal-UE biss jekk jissodisfa l-istandards demokratiċi (inkluż l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għall-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom), għandu ekonomija tas-suq attiva u l-kapaċità li jimmaniġġja l-kompetizzjoni u l-forzi tas-suq fl-UE, u jista’ jerfa’ r-responsabbiltajiet tas-sħubija fl-UE.
It-Turkija hija s-sieħba tal-UE f’ħafna oqsma essenzjali, madankollu, f’dawn l-aħħar snin bdiet titbiegħed mill-valuri u l-prinċipji ewlenin tal-UE. Għalhekk, in-negozjati tal-adeżjoni tat-Turkija huma effettivament iffriżati. L-UE għandha interess strateġiku f’ambjent stabbli u sigur fil-Lvant tal-Mediterran u fl-iżvilupp ta’ relazzjoni kooperattiva u ta’ benefiċċju reċiproku mat-Turkija.
Fl-2020, l-UE pprovdiet għajnuna b’valur ta’ €7.47 biljun lir-reġjuni tal-viċinat u tat-tkabbir biex tgħinhom itaffu l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19. L-UE pprovdiet rispons ta’ emerġenza, appoġġjat ir-riċerka, is-sistemi tas-saħħa u tal-ilma u indirizzat il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-pandemija.
- Dan l-isem m’għandux jiġi interpretat bħala rikonoxximent ta’ Stat tal-Palestina u huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri dwar din il-kwistjoni.
- Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-opinjoni tal-QIĊ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo


Marzu 2022
Kummerċ
L-UE ssostni l-kummerċ liberu bi ħġarha. 35 miljun impjieg tal-UE huma, direttament jew indirettament, appoġġjati mill-kummerċ ma’ pajjiżi barra mill-UE. L-UE tissielet għal swieq miftuħa u bbażati fuq ir-regoli, kundizzjonijiet ekwi u l-ogħla standards internazzjonali fid-dinja kollha.
L-UE hija l-akbar setgħa kummerċjali fid-dinja u waħda mill-aktar ekonomiji miftuħa. Terz tal-prodott domestiku gross tal-UE jiddependi fuq il-kummerċ. 85 % tat-tkabbir globali futur huwa mbassar li jiġi minn barra l-Ewropa. L-UE tinnegozja u taqbel fuq ftehimiet kummerċjali internazzjonali f’isem l-Istati Membri tagħha.

X’tagħmel l-UE
Il-politika kummerċjali tal-UE tkopri l-kummerċ fi prodotti u servizzi, iżda wkoll fi kwistjonijiet bħall-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali u l-investiment dirett barrani.
Fi Frar 2021, il-Kummissjoni ppreżentat strateġija kummerċjali ġdida tal-UE, li tistabbilixxi tliet objettivi ewlenin:
- l-appoġġ għall-irkupru u t-trasformazzjoni tal-ekonomija tal-UE b’mod li jiġu appoġġjati l-ambizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tagħna;
- it-tiswir ta’ regoli globali biex jiġi żgurat li jkunu ġusti u sostenibbli;
- il-kapaċità tal-UE li ssegwi l-interessi tagħha u tinforza d-drittijiet tagħha.
Fil-qalba tal-istrateġija hemm impenn għar-riforma tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ sabiex tkun tista’ tirrispondi aħjar għall-isfidi tal-kummerċ modern.
Il-politika kummerċjali jista’ jkollha rwol importanti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali. Għalhekk l-UE se ttejjeb l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ kapitli dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali tagħha. B’mod speċifiku, l-UE se tipproponi li r-rispett għall-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima jsir element essenzjali fi ftehimiet futuri dwar il-kummerċ u l-investiment.
L-UE hija favur kummerċ miftuħ u ġust u tiġġieled kontra l-protezzjoniżmu. Hija ssib bilanċ bejn il-ftuħ u l-iżgurar li n-nies u l-kumpaniji jkunu protetti kontra prattiki kummerċjali inġusti. Bl-Uffiċjal Kap tal-Infurzar għall-Kummerċ, li għadu kif inħatar, l-UE qed tiffoka speċifikament fuq il-massimizzazzjoni tal-benefiċċji tal-ftehimiet kummerċjali għall-kumpaniji, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u medji u l-bdiewa, u fuq l-iżgurar li s-sħab kummerċjali tagħha jonoraw l-impenji tagħhom, inkluż dwar l-iżvilupp sostenibbli.
L-UE għandha 46 ftehim kummerċjali fis-seħħ ma’ 78 sieħeb mid-dinja kollha. Fl-2020, l-UE laħqet ftehim ġdid dwar il-kummerċ mal-Messiku, u l-ftehim kummerċjali tagħha mal-Vjetnam daħal fis-seħħ. Fl-ewwel sena tiegħu, il-ftehim mal-Ġappun diġà ta spinta lill-esportazzjonijiet tal-UE, bi tkabbir ta’ kważi 7 % fl-ewwel 10 xhur tal-ftehim.
Wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE fil-31 ta’ Jannar 2020, l-UE u r-Renju Unit iffirmaw il-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit fit-30 ta’ Diċembru 2020.


Marzu 2022
Għajnuna umanitarja u protezzjoni ċivili
L-UE, flimkien mal-Istati Membri tagħha, hija fost l-akbar donaturi ta’ għajnuna umanitarja fid-dinja. Hija tipprovdi għajnuna kritika lil miljuni ta’ nies fid-dinja, u tikkoordina l-assistenza ta’ emerġenza fl-Ewropa u madwar id-dinja.
L-UE tirreaġixxi għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi u tiżgura li tingħata assistenza ta’ sokkors malajr u effettiva b’żewġ modi ewlenin: l-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili. L-UE għandha l-għan li:
- issalva u tħares il-ħajja, tipprevjeni u ttaffi t-tbatija u tissalvagwardja l-integrità u d-dinjità tal-popolazzjonijiet affettwati mid-diżastri naturali u mill-kriżijiet magħmula mill-bniedem;
- tipprovdi rispons malajr għal emerġenzi kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha;
- tnaqqas ir-riskji ta’ diżastri, pereżempju b’azzjoni li ttaffi l-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima;
- ittejjeb l-istat ta’ tħejjija għad-diżastri, pereżempju b’sistemi ta’ twissija bikrija;
- tiżgura tranżizzjoni mingħajr intoppi meta tintemm xi operazzjoni ta’ emerġenza, billi toħloq rabtiet ma’ strateġiji tal-għajnuna għall-iżvilupp;
- issaħħaħ ir-reżiljenza ġenerali tal-popolazzjonijiet, pereżempju billi tinvesti f’miżuri biex tgħinhom iħejju għad-diżastri fil-ġejjieni; kif ukoll
- tħares u tiżgura l-futur tat-tfal maqbuda fid-diżastri.

X’tagħmel l-UE
B’ħidma ma’ firxa wiesgħa ta’ sħab, l-UE ilha tappoġġa operazzjonijiet umanitarji f’110 pajjiżi għal aktar minn 30 sena. L-UE pprovdiet aktar minn €2.4 biljun f’għajnuna umanitarja fl-2021. Hija donatur umanitarju ewlieni f’ħafna kriżijiet, pereżempju, billi tipprovdi:
- assistenza ta’ emerġenza li tappoġġa lin-nies li qed jaħarbu mill-invażjoni Russa fl-Ukrajna;
- assistenza umanitarja lir-refjuġati u lin-nies spostati internament fil-Bangladesh, l-Etjopja, is-Somalja u l-Jemen;
- sokkors ta’ emerġenza lill-persuni spostati fis-Sirja u lir-refuġjati fil-pajjiżi ġirien;
- proġetti umanitarji li jsalvaw il-ħajjiet u assistenza fl-aktar komunitajiet milquta fir-Repubblika Ċentru Afrikana u s-Sudan t’Isfel;
- assistenza ta’ emerġenza permezz tal-pont umanitarju bl-ajru fil-pajjiżi fraġli u milquta mill-kunflitti, bħall-Afganistan.
L-UE tibgħat ukoll timijiet ta’ rispons għall-emerġenzi u tgħaddi l-għajnuna lir-reġjuni milquta fl-UE u madwar id-dinja permezz tal-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili tagħha, pereżempju, billi:
- tipprovdi rispons għall-pandemija tal-COVID-19 fl-Ewropa u madwar id-dinja, inkluż bil-forniment ta’ provvisti relatati mal-COVID-19 permezz tar-rescEU u bir-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-UE maqbuda barra minn pajjiżhom;
- tibgħat esperti u tagħmir lil pajjiżi milquta mit-terremoti (il-Haiti), mill-iżbroffi tal-vulkani (Tonga), min-nirien fil-foresti (il-Balkani tal-Punent u l-Mediterran) u biex ma tinxteridx it-tifqigħa tal-Ebola fil-Guinea fl-2021;
- tgħaddi miljuni ta’ oġġetti ta’ emerġenza (bħal kits tal-ewwel għajnuna, tined u sodod) lill-Ukrajna u lill-pajjiżi ġirien fl-akbar operazzjoni minn mindu nħoloq il-mekkaniżmu.


Marzu 2022
Id-drittijiet fundamentali
L-UE tiggarantixxi firxa ta’ drittijiet fundamentali. Ir-rispett għad-drittijiet fundamentali huwa valur komuni għall-UE u l-Istati Membri tagħha, u jiggwida l-azzjoni tal-UE fi ħdan il-fruntieri u ’l barra minnhom.
Ma nistgħux nirriduċu lill-UE għal suq uniku tal-oġġetti u s-servizzi. L-Ewropej jaqsmu bosta valuri u drittijiet li hemm minquxa fit-Trattati tal-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.
X’tagħmel l-UE
Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE tiġbor id-drittijiet personali, ċiviċi, politiċi, ekonomiċi u soċjali kollha li jgawdu n-nies fl-UE. Dawn id-drittijiet huma garantiti fil-pajjiżi tal-UE u kull fejn tiġi applikata l-liġi tal-UE. Dawn jinkludu d-dinjità tal-bniedem, il-libertà tal-espressjoni u tal-assoċjazzjoni, id-dritt għal nondiskriminazzjoni, id-dritt għall-ażil u d-dritt għal proċess ġust.
Barra minn hekk, fil-Karta hemm minquxin għadd ta’ drittijiet speċifiċi marbutin maċ-ċittadinanza tal-UE skont it-Trattati tal-UE, li jagħtu liċ-ċittadini tal-UE:
- il-libertà li jiċċaqilqu, jgħixu, jaħdmu u jistudjaw fejn iridu fl-UE;
- id-dritt għall-vot u għal kandidatura fl-elezzjonijiet lokali u tal-UE;
- id-dritt li jressqu petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew;
- id-dritt li jressqu lment quddiem l-Ombudsman Ewropew;
- id-dritt għal protezzjoni konsulari barra mill-UE.
Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali hija minquxa wkoll f’liġijiet speċifiċi tal-UE fosthom ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, legiżlazzjoni li għandha l-għan tevita d-diskriminazzjoni minħabba l-ġeneru, ir-razza, l-etniċità, ir-reliġjon, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, u liġijiet li jipproteġu lill-informaturi u lill-vittmi tal-kriminalità.
L-UE tiżgura wkoll il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali permezz ta’ miżuri ta’ politika apposta u kooperazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi tal-UE u mas-soċjetà ċivili, ngħidu aħna fejn jidħlu r-reati ta’ mibegħda u d-diskors ta’ mibegħda, l-ugwaljanza tal-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni, il-ġustizzja ċivili u kriminali, id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja, il-protezzjoni tad-data, ir-rispett tas-saltna tad-dritt, id-drittijiet tat-tfal u d-drittijiet tal-konsumaturi.
Il-ħidma leġiżlattiva u ta’ politika tal-UE fil-qasam tad-drittijiet fundamentali għandha l-appoġġ tal-programm dwar id-Drittijiet u l-Valuri tal-Ugwaljanza taċ-Ċittadini.
L-UE qed taħdem biex tikseb Unjoni tal-ugwaljanza permezz ta’ sett ta’ strateġiji li għandhom l-għan li jisfidaw l-isterjotipi u joħolqu kundizzjonijiet li jiżguraw li kulħadd jista’ jipparteċipa b’mod sħiħ u liberu fis-soċjetà Ewropea.
L-UE tippromwovi u tiddefendi wkoll il-valuri universali madwar id-dinja. Fl-2021, l-UE nediet il-Programm Dinji għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, b’baġit ta’ €1.5 biljun għall-2021–2027. L-UE stabbiliet ukoll reġim dinji ta’ sanzjonijiet b’rabta mad-drittijiet tal-bniedem biex timmira aħjar lil dawk responsabbli għal ksur serju madwar id-dinja.

Marzu 2022
Il-ġustizzja u l-istat tad-dritt
L-UE taħdem biex tiżgura li d-dritt tal-UE jiġi applikat b’mod uniformi ħalli l-problemi ġuridiċi transfruntieri taċ-ċittadini tagħha jiġu solvuti u tippromwovi u tiddefendi l-istat tad-dritt.
L-UE qed tistinka biex toħloq spazju ta’ ġustizzja li permezz tiegħu ċ-ċittadini u n-negozji jkunu jistgħu jsolvu kwistjonijiet ġuridiċi fi Stati Membri oħra tal-UE bl-istess mod kif jistgħu jagħmlu f’pajjiżhom. Iċ-ċittadini se jkunu jistgħu jserrħu fuq sett ta’ drittijiet u se jkunu jistgħu jaċċessaw il-ġustizzja fl-UE kollha permezz ta’ spazju komuni ta’ ġustizzja mingħajr fruntieri u ssimplifikat.
X’tagħmel l-UE
Iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jgħixu, jistudjaw, jaħdmu u jagħmlu n-negozju kullimkien fl-UE. Dan ifisser li wieħed jista’ jkollu jiffaċċja l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru ieħor.
L-UE tagħmel mill-aħjar biex issaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn il-qrati u l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri biex dawn jirrikonoxxu d-deċiżjonijiet ġudizzjarji ta’ xulxin. Dan huwa partikolarment importanti f’kawżi ċivili bħad-divorzju, il-kustodja tat-tfal jew talbiet għal manteniment.
L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-ġustizzja nazzjonali biex tgħin fil-ġlieda kontra reati serji bħall-korruzzjoni, it-terroriżmu, u t-traffikar u d-distribuzzjoni tad-droga. Il-Mandat ta’ Arrest Ewropew, pereżempju, ħa post proċeduri twal ta’ estradizzjoni għar-ritorn ta’ kriminali ssuspettati jew ikkundannati lura lejn il-pajjiż fejn se jiġu jew fejn diġà ġew mixlija. Sadanittant, l-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi għandha l-għan li tiżgura li l-vittmi kollha tal-kriminalità fl-UE jkollhom l-appoġġ u l-protezzjoni li jeħtieġu.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tiżgura li l-liġi tal-UE tiġi applikata bl-istess mod fl-Istati Membri kollha. L-UE qed taħdem lejn il-modernizzazzjoni tas-sistemi ġudizzjarji tal-UE biex tlaħħaq mat-trasformazzjoni diġitali u tiżgura aċċess aktar faċli u rapidu għall-ġustizzja. Il-progress jista’ jiġi traċċat permezz tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE, li tipprovdi data dwar l-effiċjenza, il-kwalità u l-indipendenza tas-sistemi ġudizzjarji fl-Istati Membri kollha, filwaqt li l-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika joffri punt uniku ta’ servizz għall-kwistjonijiet kollha b’rabta mal-ġustizzja.
L-istat tad-dritt, wieħed mill-valuri fundamentali tal-UE, ifisser li s-sistemi ġudizzjarji indipendenti u effiċjenti jridu joffru protezzjoni ġudizzjarja li tkun adegwata għal kulħadd fl-UE. Huwa meħtieġ li l-valuri l-oħra kollha jiġu protetti u dan huwa essenzjali għall-funzjonament tal-UE. Dan jiggarantixxi l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE, l-effiċjenza tas-suq intern u jrawwem fiduċja reċiproka, li tippermetti ambjent li jiffavorixxi n-negozju.
L-UE taħdem mal-Istati Membri biex tiddefendi u ssaħħaħ l-istat tad-dritt permezz Mekkaniżmu tal-Istat tad-Dritt u billi tipprovdi appoġġ tekniku u finanzjament għar-riformi tal-ġustizzja.


Marzu 2022
L-ugwaljanza bejn il-ġeneri
L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija valur fundamentali tal-UE li jmur lura għat-Trattat ta’ Ruma tal-1957. L-UE għadha sal-lum qed tistinka kontra d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru, u biex l-ugwaljanza bejn il-ġeneri ssir realtà.
Minkejja li fl-Ewropa suppost igawdu l-ugwaljanza, l-emanċipazzjoni u s-sikurezza, in-nisa għadhom sal-lum b’rappreżentanza akbar fis-setturi b’pagi aktar baxxi, b’nuqqas ta’ rappreżentanza fil-pożizzjonijiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-politika u fin-negozju, u jaqilgħu medja ta’ 13 % inqas mill-irġiel fl-UE. Il-vjolenza u l-fastidju sesswali wkoll għadhom komuni.

X’tagħmel l-UE
Ħidmet l-UE dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tixprunaha l-istrateġija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri 2020–2025. Din għandha l-għan li teqred il-vjolenza abbażi tal-ġeneru, tisfida l-istereotipi tal-ġeneru, ixxejjen id-disparitajiet bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol, u tippromwovi l-bilanċ bejn il-ġeneri fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fil-politika. L-istrateġija tibni fuq bosta inizjattivi li l-UE ħadet mal-medda tas-snin b’rabta mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri.
Biex tinforza l-prinċipju tal-istess paga għall-istess xogħol, kif minqux fit-Trattat ta’ Ruma, il-Kummissjoni pproponiet miżuri ta’ trasparenza fil-pagi fosthom obbligi ta’ rappurtar tad-disparitajiet bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa fil-kumpaniji l-kbar. L-impjegati se jkollhom ukoll id-dritt għal kumpens f’każ ta’ diskriminazzjoni fil-paga.
Il-vjolenza kontra n-nisa hija waħda mill-aktar forom persistenti ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru. Il-Kummissjoni pproponiet bosta regoli ġodda għall-UE kollha biex tiġġieled il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika, bil-għan li jikkastigaw lit-trasgressuri u jiżguraw protezzjoni aħjar tan-nisa, inkluż online. L-Istati Membri kollha tal-UE u l-UE stess, iffirmaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika, jiġifieri l-Konvenzjoni ta’ Istanbul).
L-UE qed taħdem ukoll biex tgħin lin-nisa jkissru l-hekk imsejjaħ “saqaf tal-ħġieġ” fin-negozju u fil-politika u tixpruna l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-settur diġitali. B’mod partikolari, il-Kummissjoni qed taħdem biex ittejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri fil-bordijiet tal-kumpaniji fl-akbar kumpaniji elenkati tal-UE.
Iżda l-ħajja mhix biss xogħol u flus. Id-Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata li daħlet fis-seħħ f’Lulju 2019 u l-Istati Membri kellhom jittrasponu sa Awwissu 2022, daħħlet drittijiet ġodda biex tgħin jinkiseb il-bilanċ fis-sehem tar-responsabbiltajiet tal-kura bejn in-nisa u l-irġiel. Din tkopri l-liv tal-paternità, tal-ġenituri u tal-persuni li jindukraw, flimkien ma’ arranġamenti tax-xogħol flessibbli għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw.
L-UE timmira li ttejjeb il-ħajja tal-bniet u tan-nisa madwar id-dinja permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar il-Ġeneru III. Dan jippromwovi l-kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-azzjoni esterna tiegħu, inkluż f’oqsma bħall-kooperazzjoni fl-iżvilupp u n-negozjati kummerċjali. L-UE wittiet it-triq ukoll fin-negozjar biex jiddaħħlu miri relatati mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli.

Marzu 2022
Ir-razziżmu u l-ugwaljanza
L-UE taħdem biex tiżgura li lkoll ingawdu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet tagħna u parteċipazzjoni indaqs fis-soċjetà, irrispettivament mill-oriġini.
Għalkemm id-diskriminazzjoni minħabba l-oriġini razzjali jew etnika hija pprojbita fl-UE, ir-razziżmu u d-diskriminazzjoni razzjali għadhom fostna. L-UE taħdem biex tiġġieled ir-razziżmu u l-intolleranza fuq il-fronti kollha.
X’tagħmel l-UE
L-UE qed iżżid l-isforzi tagħha biex tindirizza r-razziżmu u d-diskriminazzjoni permezz tal-pjan ta’ azzjoni tal-UE 2020–2025 kontra r-razziżmu, u l-ħatra għall-ewwel darba ta’ koordinatur għall-ġlieda kontra r-razziżmu.
L-UE tirrifjuta u tikkundanna kull forma ta’ razziżmu u intolleranza. Il-pjan ta’ azzjoni kontra r-razziżmu jistabbilixxi sensiela ta’ miżuri li:
- jindirizzaw ir-razziżmu u d-diskriminazzjoni razzjali permezz tal-leġiżlazzjoni u lil hinn minnha u jiżguraw l-applikazzjoni fil-prattika tal-leġiżlazzjoni tal-UE li tipprojbixxi d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda;
- iqawwu l-azzjoni kontra r-razziżmu strutturali;
- jgħinu fit-tisħiħ tal-ilħna tal-persuni bi sfond razzjali jew etniku minoritarju u jlaqqgħu lill-atturi fil-livelli kollha bi sforz komuni ħalli kulħadd ikun jista’ jgħix ħajtu ħielsa mir-razziżmu u mid-diskriminazzjoni;
- jipprovdu finanzjament biex jinbnew soċjetajiet inklużivi li jseddqu t-tolleranza u l-pluraliżmu; u
- jippromwovu d-diversità fost il-persunal tal-Kummissjoni u jiżguraw lant tax-xogħol ħieles mid-diskriminazzjoni u inklużiv għal kulħadd, ikun xi jkun l-oriġini razzjali jew etnika jew il-kulur tal-ġilda.
It-trattament inugwali minħabba l-oriġini razzjali jew etnika, inkluż fejn jidħlu l-impjiegi, huwa pprojbit permezz tad-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali, id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.
Fis-seħħ hemm politiki biex jiġġieldu forom speċifiċi ta’ razziżmu. Ngħidu aħna l-istrateġija tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu tfasslet bil-għan li tipprevjeni kull forma ta’ antisemitiżmu, trawwem il-ħajja Lhudija u tippromwovi t-tifkira u l-edukazzjoni dwar l-Olokawst. Fis-seħħ hemm ukoll qafas strateġiku ieħor biex iħeġġeġ l-ugwaljanza tar-Rom.
Id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi tipproteġi lill-vittmi tar-reati ta’ mibegħda. L-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020–2025) għandha l-għan li tiżgura li l-vittmi kollha tal-kriminalità jkollhom appoġġ u protezzjoni, irrispettivament minn fejn isir ir-reat fl-UE.
L-UE tistinka wkoll biex tipprevjeni u titħabat kontra t-tixrid tal-mibegħda online filwaqt li tħares dejjem il-libertà tal-espressjoni. Bis-saħħa tal-kodiċi ta’ kondotta tal-2016 dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda illegali online, l-utenti jissenjalaw id-diskors ta’ mibegħda online ħalli tinġibed l-attenzjoni tal-pjattaformi u jitneħħa malajr il-kontenut illegali jew dannuż.


Marzu 2022
L-ugwaljanza tal-LGBTIQ
L-UE tiżgura firxa ta’ drittijiet fundamentali liċ-ċittadini tagħha u tħarishom mid-diskriminazzjoni. Dawn jinkludu l-persuni mill-komunità tal-LGBTIQ.
Madwar 76 % tal-Ewropej mistħarrġa fl-2019 qablu li l-persuni gay, leżbjani jew bisesswali għandu jkollhom l-istess drittijiet daqs l-eterosesswali. Madankollu, il-leżbjani, il-gay, il-bisesswali, in-nonbinarji, l-intersesswali u l-queer (LGBTIQ) jaf iġarrbu diskriminazzjoni f’bosta oqsma tal-ħajja, apparti diskors ta’ mibegħda u vjolenza.
X’tagħmel l-UE
Fl-2020, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Strateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ tagħha li tindirizza d-diskriminazzjoni, is-sikurezza, l-inklużività u l-ugwaljanza.
L-Istrateġija hija msejsa fuq il-ħidma li saret fil-livell tal-UE fuq medda ta’ iżjed minn 20 sena. Mill-1999 ’l hawn, l-UE kellha s-setgħa biex taġixxi f’każijiet ta’ diskriminazzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali. Fost l-azzjonijiet tal-UE hemm:
- Id-Direttiva Qafas dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi li tobbliga lill-pajjiżi kollha tal-UE jipprovdu protezzjoni legali mid-diskriminazzjoni u mill-fastidju minħabba l-orjentazzjoni sesswali b’rabta mal-applikazzjonijiet tal-impjieg, il-promozzjonijiet, it-taħriġ, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-pagi u s-sensji.
- Ir-Riformulazzjoni tad-Direttiva tal-Ġeneru li tipproteġi lill-persuni trans mid-diskriminazzjoni tul il-ħajja professjonali tagħhom minħabba l-bidla tal-ġeneru u d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Sesswali fis-Sigurtà Soċjali li tipproteġi lin-nies mid-diskriminazzjoni fis-sigurtà soċjali.
- Id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi li tipprovdi sett ta’ drittijiet vinkolanti lill-vittmi tad-diskors ta’ mibegħda jew vjolenza u li tobbliga lill-pajjiżi tal-UE jiżguraw li dawn jitwettqu fil-prattika.
Madwar id-dinja, bosta pajjiżi għadhom iqisu r-relazzjonijiet ta’ persuni tal-istess ġeneru bħala reati kriminali u ftit li xejn jipprovdu protezzjoni lill-persuni LGBTIQ. L-UE tħeġġeġ lill-pajjiżi l-oħra biex jiżguraw li l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru jew il-karatteristiċi sesswali ma jkunux bażi għal vjolenza jew pieni kriminali.
L-UE hija wkoll donatur ewlieni fid-dinja għall-proġetti maħsuba biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni tan-nies, l-aktar permezz tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem. Mill-2016 ’l hawn, l-UE appoġġat proġetti fl-Asja, fl-Afrika, fl-Amerika Latina u fil-Lvant tal-Ewropa. Fl-2018, l-UE nediet fond biex tappoġġa lill-attivisti u lill-organizzazzjonijiet f’oqsma li jinvolvu riskju akbar ta’ diskriminazzjoni tal-persuni LGBTIQ.

Marzu 2022
Id-diżabbiltà
L-UE tippromwovi l-inklużjoni attiva u l-parteċipazzjoni sħiħa tal-persuni b’diżabbiltà fis-soċjetà u fl-ekonomija, daqs ħaddieħor, u tipproteġihom mid-diskriminazzjoni u l-vjolenza.
Fl-UE hawn madwar 87 miljun persuna li għandhom xi tip ta’ diżabbiltà. Dawn il-persuni għandhom l-istess drittijiet u libertajiet fundamentali bħall-bqija, fosthom id-dritt għall-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, u li jitħarsu mill-isfruttament, mill-vjolenza u mill-abbuż. L-UE qed taħdem biex toħloq Ewropa mingħajr xkiel li tagħti s-setgħa u l-abbiltà lill-persuni b’diżabbiltà biex igawdu bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom.
X’tagħmel l-UE
L-UE u l-Istati Membri kollha huma partijiet għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà. Barra minn hekk, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u t-trattati tal-UE jkomplu jimpenjaw lill-UE biex tippromwovi politiki li jindirizzaw id-drittijiet u l-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabbiltà.
L-istrateġija 2021–2030 għad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà, ankrata fil-konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u msejsa fuq l-istrateġija ta’ qabilha u fuq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, tistabbilixxi inizjattivi konkreti biex ikun żgurat li l-persuni b’diżabbiltà jkunu jistgħu:
- igawdu d-dritt għall-moviment liberu bħal ħaddieħor — il-kard tal-UE għall-parkeġġ u l-karta tad-diżabbiltà tal-UE, diġà mħaddmin fi tmien Stati Membri, jiffaċilitaw ir-rikonoxximent reċiproku tal-istatus tad-diżabbiltà u l-intitolamenti bejn il-pajjiżi tal-UE;
- jipparteċipaw aħjar fis-suq tax-xogħol permezz ta’ miżuri speċifiċi li jtejbulhom l-opportunitajiet tal-impjieg;
- jgħixu b’mod indipendenti, kull fejn u ma’ min ikunu — iċ-ċentru tar-riżorsi AccessibleEU se jikkontribwixxi biex jitjieb l-aċċess għat-trasport, għall-bini, għall-informazzjoni, għall-midja awdjoviżiva, għall-komunikazzjoni u għat-teknoloġiji;
- jieħdu sehem fis-soċjetà u fl-ekonomija u jitħarsu mid-diskriminazzjoni u mill-vjolenza — l-istrateġija għandha l-għan ukoll li tiżgura opportunitajiet indaqs u l-istess aċċess għall-ġustizzja, għall-edukazzjoni, għall-kultura, għall-isport jew għat-turiżmu.
Fl-aħħar snin, bosta inizjattivi u leġiżlazzjoni tal-UE għenu biex titjieb il-ħajja tal-persuni b’diżabbiltà fl-Ewropa. L-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà jistabbilixxi rekwiżiti obbligatorji għall-aċċessibbiltà ta’ ċerti prodotti u servizzi ewlenin. Iddaħħlu fis-seħħ ukoll bosta regoli li jiżguraw il-protezzjoni mid-diskriminazzjoni u t-trattament ugwali fl-impjiegi u fil-karrieri.
L-UE impenjata wkoll li xxerred l-għarfien dwar l-isfidi li jkollhom il-persuni b’diżabbiltà kuljum, u l-għodod li jeħtieġu biex itejbu ħajjithom. Il-Jum Ewropew tal-Persuni b’Diżabbiltà, iċċelebrat kull sena fil-bidu ta’ Diċembru, jagħti prominenza lill-kwistjonijiet tad-diżabbiltà fost il-pubbliku ġenerali. Kull sena, il-Premju Access City jippremja lill-belt li tkun għamlet sforzi eċċellenti biex issir aktar aċċessibbli.

Marzu 2022
Il-persuni li għalqu l-50 sena
L-UE qed taħdem biex tgħin lin-nies jgħixu ħajja sana, attiva u indipendenti għal għomor twil kemm jista’ jkun. Din tikkumplimenta ċerti azzjonijiet tal-Istati Membri f’oqsma bħall-impjiegi, is-saħħa u l-edukazzjoni u tikkoordina azzjoni konġunta dwar l-epidemiji.
Ix-xejriet demografiċi juru li fid-deċennji li ġejjin, l-għadd ta’ anzjani fl-UE se jiżdied ġmielu. Il-Green Paper dwar it-Tixjiħ tal-Kummissjoni fetħet dibattitu dwar l-isfidi u l-opportunitajiet tas-soċjetà Ewropea li qed tixjieħ. L-Istati Membri qed jindirizzaw l-impatti tat-tixjiħ billi jtejbu s-sistemi tal-edukazzjoni u l-ħiliet, iħeġġu ħajja tax-xogħol itwal u aktar sħiħa, u javvanzaw ir-riformi tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali, inkluż tal-pensjonijiet u tal-kura fit-tul.
X’tagħmel l-UE
Fl-UE huwa illegali li min iħaddem jiddiskrimina abbażi tal-età. In-Network Ewropew għall-Korpi tal-Ugwaljanza jgħin biex ikun żgurat li r-regoli tal-UE dwar l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni jiġu applikati b’mod uniformi madwar l-UE.
Hemm bosta inizjattivi tal-UE, fosthom l-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa, il-Patt għall-Ħiliet u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali li qed jgħinu lin-nies iħejju ruħhom għad-dinja tax-xogħol li tant qed tinbidel. Għadd ta’ proġetti ffinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew Plus qed jgħinu lil miljuni ta’ ċittadini Ewropej kull sena biex jitgħallmu ħiliet ġodda u jsibu impjiegi aħjar.
Sew għall-avvanz fil-karriera tiegħek u sew għall-iżvilupp personali tiegħek, qatt mhu tard wisq biex titgħallem. Il-programm Erasmus+ jiftaħ bibien ta’ opportunitajiet għall-persuni li għalqu l-50 sena — minn korsijiet ta’ tagħlim u taħriġ fuq il-lant tax-xogħol, sa proġetti ffinanzjati mill-UE.
Il-EURES, in-Network tas-Servizzi Ewropej tax-Xogħol, jgħin lill-persuni li qed ifittxu impjieg f’xi Stat Membru ieħor, filwaqt li r-regoli tal-UE jiffaċilitaw il-koordinazzjoni tas-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali, biex jitħarsu d-drittijiet tal-persuni li jiċċaqilqu jew jirtiraw fl-Ewropa.
Issa teżisti skema volontarja ġdida tal-pensjonijiet, il-prodott tal-pensjoni personali pan-Ewropew (PEPP), li joffri iżjed għażla lin-nies u jippermettilhom jibqgħu jfaddlu fl-istess prodott, anke jekk jiċċaqilqu lejn pajjiż ieħor tal-UE. Kull 3 snin, il-Kummissjoni tippubblika rapport dwar l-adegwatezza attwali u futura tal-introjti tal-anzjani fl-Istati Membri. Permezz tal-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà 2021–2030, l-UE se tagħti sehemha biex jiġu indirizzati l-lakuni fil-protezzjoni soċjali, inkluż fl-iskemi tal-pensjonijiet, għall-persuni b’diżabbiltà.
L-UE hija attiva f’ħafna oqsma differenti, fosthom fil-promozzoni ta’ stili tal-ħajja sani, fl-appoġġ għal servizzi tal-kura tas-saħħa iżjed effettivi u sostenibbli, fil-prevenzjoni tal-mard u fit-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-kanċer.
L-UE tappoġġa finanzjarjament lill-organizzazzjonijiet nongovernattivi li jippromwovu d-dritt għal trattament ġust u li jaħdmu biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni abbażi tal-età, bħall-AGE Platform Europe.


Marzu 2022
Ekonomija u soċjetà diġitali
L-UE tinsab determinata biex id-deċennju li qegħdin fih ikun id-deċennju diġitali tal-Ewropa. Qed taħdem biex tiżgura li t-teknoloġiji diġitali jaħdmu għal kulħadd, filwaqt li qed tgħin biex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050, u tiżgura l-post tal-Ewropa bħala mexxejja fl-ekonomija diġitali.
It-teknoloġiji diġitali qatt ma kienu aktar importanti f’ħajjitna. Matul il-kriżi tal-COVID-19, huma żammew lin-nies konnessi u lin-negozji jaħdmu, u wrew li huma essenzjali għall-edukazzjoni u t-taħriġ. Huma kruċjali wkoll għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, inkluż permezz ta’ sistemi intelliġenti tal-enerġija u tat-trasport.

X’tagħmel l-UE
Diġà tlestew is-sisien għat-trasformazzjoni diġitali. L-azzjoni tal-UE ġabet magħha benefiċċji bħal:
- tmiem tat-tariffi tar-roaming addizzjonali meta n-nies jużaw l-apparat mobbli tagħhom meta jivvjaġġaw fl-UE;
- aċċess għall-kontenut online meta nivvjaġġaw fl-UE;
- regoli stretti tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data personali;
- hotspots tal-Wi-Fi pubbliċi bla ħlas fl-UE kollha;
- regoli ġodda biex niżguraw aċċess aħjar għas-siti web pubbliċi għan-nies b’diżabbiltà;
- azzjoni għall-ġlieda kontra l-aħbarijiet foloz u d-diżinformazzjoni online.
L-istrateġija diġitali proposta tal-UE se tkompli taħdem fuq soluzzjonijiet diġitali li huma ta’ benefiċċju għan-nies, in-negozji u l-pjaneta. Din tiffoka fuq tliet għanijiet ewlenin: teknoloġija li taħdem għan-nies, ekonomija ġusta u kompetittiva u soċjetà miftuħa, demokratika u sostenibbli.
Il-Kummissjoni pproponiet sett komprensiv ta’ regoli għall-pjattaformi online li joperaw fl-UE biex jipproteġu d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini online, biex jindirizzaw il-ħsara online u biex irawmu l-innovazzjoni. Lil hinn minn dan, l-istrateġija tkopri wkoll kollox miċ-ċibersigurtà u d-data għall-edukazzjoni diġitali u d-demokrazija. Il-Kumpass Diġitali propost iwassal biex l-għanijiet tal-UE għall-2030 isiru miri konkreti. Is-salvagwardja tal-valuri tal-UE u tad-drittijiet fundamentali u s-sigurtà tan-nies hija element ewlieni.
Il-Programm Ewropa Diġitali, b’aktar minn €7.5 biljun f’finanzjament bejn l-2021 u l-2027, se jagħti spinta lill-investimenti f’oqsma bħas-supercomputing, l-intelliġenza artifiċjali u l-ħiliet diġitali. Se jiżgura wkoll użu wiesa’ tat-teknoloġiji diġitali fl-ekonomija u s-soċjetà kollha, inkluż permezz ta’ ċentri ta’ innovazzjoni diġitali.
Programmi oħra wkoll se jappoġġjaw it-tranżizzjoni diġitali, inklużi Orizzont Ewropa, li jiffoka fuq ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, u l-aspetti diġitali tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. Barra minn hekk, taħt il-Fond ta’ Rkupru NextGenerationEU, l-Istati Membri għandhom jallokaw 20 % tal-appoġġ finanzjarju tagħhom mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għat-trasformazzjoni diġitali.


Marzu 2022
Internet aktar sikur
L-UE għandha l-aktar regoli stretti fid-dinja dwar il-protezzjoni tad-data u dwar il-privatezza. Dawn jgħinu biex jiġi żgurat li l-ambjent online huwa sikur u ġust kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għan-negozji u biex jipproteġu lin-nies, b’mod partikolari lit-tfal, minn kontenut illegali u li jagħmel il-ħsara.
It-tkabbir rapidu tas-servizzi online f’dawn l-aħħar snin ġab miegħu ħafna benefiċċji għall-Ewropej, iżda wkoll riskji potenzjali ġodda. Huwa għalhekk li l-UE qed taħdem kontinwament biex tiżgura li l-leġiżlazzjoni tagħha żżomm il-pass mat-trasformazzjoni diġitali u li dak li huwa illegali offline ikun ukoll illegali online.

X’tagħmel l-UE
Il-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza huma drittijiet fundamentali fl-UE. L-UE applikat standards għoljin għall-protezzjoni tad-data u l-privatezza għal deċennji sħaħ. Il-liġi tagħti drittijiet lin-nies fir-rigward tal-protezzjoni tad-data u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, li għandhom jiġu rrispettati mill-organizzazzjonijiet li jipproċessaw id-data tagħhom. B’rispons għar-realtajiet tal-era tal-internet, ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) jagħti drittijiet infurzabbli lill-individwi, inkluż id-dritt li jiġu minsija.
B’mod parallel, l-UE qed tmexxi l-isforzi biex id-dinja diġitali ssir post sigur. L-istrateġija taċ-ċibersigurtà għandha l-għan li ssaħħaħ ir-reżiljenza kollettiva tal-UE kontra t-theddid ċibernetiku u tgħin biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini u n-negozji kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw minn servizzi u għodod diġitali affidabbli.
Il-Kummissjoni qed tindirizza t-tixrid tad-diżinformazzjoni u l-miżinformazzjoni online biex tiżgura l-protezzjoni tal-valuri Ewropej u s-sistemi demokratiċi. L-inizjattivi jinkludu l-Pjan ta’ Azzjoni u l-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni għall-ġlieda kontra l-aħbarijiet foloz u d-diżinformazzjoni; il-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea u l-Osservatorju Ewropew tal-Media Diġitali.
Il-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda illegali online għandu l-għan li jiżgura li t-talbiet għat-tneħħija ta’ kontenut razzist u ksenofobiku jiġu ttrattati malajr. Il-kumpaniji, inklużi Facebook, Twitter, Instagram u Snapchat, impenjaw ruħhom li jagħmlu rieżami tal-maġġoranza ta’ dawn it-talbiet f’inqas minn 24 siegħa u li jneħħu l-kontenut jekk ikun meħtieġ.
Is-sikurezza tat-tfal online hija ta’ importanza prinċipali. L-Istrateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal influwenzat il-politiki nazzjonali fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u stabbilixxiet punt ta’ riferiment globali għall-protezzjoni u l-għoti tas-setgħa tat-tfal online. In-network iffinanzjat mill-UE ta’ Ċentri għal Internet Iktar Sikur jgħin biex titqajjem kuxjenza dwar is-sikurezza online u titrawwem il-parteċipazzjoni tat-tfal. Ir-regoli l-ġodda dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva jeħtieġu pjattaformi ta’ video-sharing online biex jieħdu passi biex jirrestrinġu l-aċċess tat-tfal għal kontenut li jagħmel ħsara, filwaqt li l-Att dwar is-Servizzi Diġitali propost jantiċipa obbligi speċifiċi biex jiġu indirizzati riskji sinifikanti għall-benesseri tat-tfal. Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll strateġija tal-UE għal ġlieda aktar effettiva kontra l-abbuż sesswali tat-tfal.


Marzu 2022
Iċ-ċittadini u d-demokrazija
L-UE tinkoraġġixxi t-trasparenza u l-parteċipazzjoni demokratika f’sistema politika Ewropea ġusta, u tippromwovi b’mod attiv l-involviment taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE.
L-UE hija regolata mill-prinċipju ta’ demokrazija rappreżentattiva, biċ-ċittadini rrappreżentati direttament fil-livell tal-UE fil-Parlament Ewropew u l-Istati Membri rrappreżentati fil-Kunsill Ewropew u fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. L-UE taħdem biex tissalvagwardja d-demokrazija Ewropea, tippromwovi elezzjonijiet ħielsa u ġusti u tiddefendi d-drittijiet elettorali taċ-ċittadini tal-UE.

X’tagħmel l-UE
L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2019 raw l-ogħla parteċipazzjoni tal-votanti f’20 sena (aktar minn 50 %), li jindika livell b’saħħtu ta’ parteċipazzjoni demokratika taċ-ċittadini tal-UE u xewqa li jinstemgħu.
Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa tnediet bħala parti mill-impenn tal-UE li tisma’ liċ-ċittadini u li tagħtihom vuċi akbar dwar x’tagħmel l-UE u kif taħdem għalihom. L-inizjattiva twila sena pprovdiet opportunità unika għall-Ewropej biex jaqsmu l-ideat u l-aspettattivi tagħhom permezz ta’ sensiela ta’ diskussjonijiet u dibattiti mmexxijin miċ-ċittadini.
Iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jikkontribwixxu għall-proċess Ewropew tat-teħid tad-deċiżjonijiet b’għadd ta’ modi. Is-sit web “Semma’ leħnek” jagħti liċ-ċittadini u lin-negozji l-opportunità jaqsmu l-opinjonijiet tagħhom dwar politiki ġodda tal-UE u dwar liġijiet eżistenti. Fl-istess waqt, l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej tippermetti liċ-ċittadini jitolbu lill-Kummissjoni biex tipproponi leġiżlazzjoni f’oqsma fir-responsabbiltà tal-UE, meta inizjattiva tkun ġabret miljun firma minn tal-inqas seba’ Stati Membri. Id-djalogi maċ-ċittadini jagħtu lin-nies l-opportunità jistaqsu mistoqsijiet lill-politiċi tal-UE, jikkummentaw u jgħidu kif jaffettwawhom il-politiki tal-UE.
Il-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea jimmira li jagħti s-setgħa liċ-ċittadini u jsaħħaħ id-demokrazija fl-UE, b’miżuri li jippromwovu elezzjonijiet ħielsa u ġusti, jiġġieldu d-diżinformazzjoni, u jsaħħu l-libertà tal-media. Bħala parti mill-ħidma tagħha f’dan il-qasam, il-Kummissjoni stabbiliet azzjoni konkreta biex ittejjeb is-sikurezza tal-ġurnalisti u tal-professjonisti tal-media u biex tipproteġihom minn kawżi abbużivi.
Il-Kummissjoni pproponiet regoli ġodda biex tiżgura trasparenza akbar dwar ir-reklamar politiku mħallas, li kiber fl-importanza fil-kampanji fl-UE f’dawn l-aħħar snin. Ipproponiet ukoll li jiġu aġġornati r-regoli attwali tal-UE dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi tal-UE u d-drittijiet elettorali taċ-ċittadini mobbli. Il-Kummissjoni tirrapporta kull 3 snin dwar il-progress li jkun qed isir lejn ċittadinanza tal-UE effettiva u dwar prijoritajiet ġodda għas-snin li jkunu ġejjin fil-qasam tad-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-UE.


Marzu 2022
Il-baġit tal-UE
Il-baġit tal-UE jipprovdi r-riżorsi li l-UE teħtieġ biex twettaq l-aġenda politika tagħha. Billi jiġbru flimkien ir-riżorsi fil-livell tal-UE, l-Istati Membri jiksbu aktar milli jaġixxu waħedhom u jistgħu jindirizzaw b’suċċess l-isfidi li ma għandhomx fruntieri, bħat-tibdil fil-klima jew il-pandemija tal-COVID-19.
Il-baġit tal-UE jikkonsisti fi pjanijiet fit-tul li jkopru 7 snin. Il-Parlament Ewropew u l-pajjiżi tal-UE fil-Kunsill jiddeċiedu dwar il-baġit għal kull sena abbażi ta’ proposta mill-Kummissjoni. Fl-2022, il-baġit annwali kien ta’ madwar €170 biljun, somma kbira f’termini assoluti, iżda madwar 1 % biss mill-ġid iġġenerat mill-ekonomiji tal-UE ta’ kull sena. Anqas minn 7 % jintefqu fuq l-amministrazzjoni tal-UE.
Il-baġit tal-UE huwa ffinanzjat prinċipalment permezz ta’ dħul minn dazji doganali, kontribuzzjonijiet ibbażati fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-iskart mill-imballaġġ tal-plastik mhux riċiklat u kontribuzzjoni diretta mill-pajjiżi tal-UE, magħrufa bħala l-kontribuzzjoni nazzjonali grossa bbażata fuq l-introjtu. Biex jiġġieled kontra kwalunkwe użu ħażin tal-flus tal-UE, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi jinvestiga b’mod indipendenti l-korruzzjoni, il-frodi u attivitajiet illegali oħra li jinvolvu l-fondi tal-UE u jiżviluppa politika kontra l-frodi għall-Kummissjoni.
X’tagħmel l-UE
Il-baġit tal-UE kien fil-qalba tar-rispons tal-Ewropa għall-kriżi tal-COVID-19, permezz ta’ pakkett ta’ investiment ta’ €2 triljun. Dan jikkonsisti fil-baġit fit-tul tal-UE għall-2021 sal-2027 ta’ €1,211 biljun, miżjud b’€807 biljun permezz tan-NextGenerationEU, strument temporanju biex jixpruna l-irkupru. Il-fondi minn dan il-pakkett qed jintużaw biex jappoġġjaw l-irkupru ekonomiku tal-Ewropa u jmexxu t-tranżizzjoni lejn UE moderna, sostenibbli u reżiljenti. Biex tiffinanzja n-NextGenerationEU, l-UE se tissellef mis-swieq tal-kapital. L-ammonti mislufa se jitħallsu lura fuq perjodu ta’ żmien twil, sal-2058. Biex tgħin fil-pagamenti lura, l-UE qed tfittex li tintroduċi sorsi ġodda ta’ dħul għall-baġit tal-UE.
Biex nagħtu xi eżempji, il-fondi mill-baġit tal-UE ppermettew lill-UE tiffirma ftehimiet ta’ xiri bil-quddiem ma’ kumpaniji farmaċewtiċi għall-vaċċini kontra l-COVID-19. Abbażi ta’ dan, l-UE żgurat sa 4.2 biljun doża ta’ vaċċin.
Fl-2022, wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, il-baġit tal-UE ġie mmobilizzat biex jipprovdi assistenza ta’ emerġenza, appoġġ fil-fruntiera u fil-pajjiżi tal-UE, u biex itaffi l-konsegwenzi umanitarji tal-gwerra.


Marzu 2022
Il-migrazzjoni u l-ażil
Il-politika tal-UE dwar l-immigrazzjoni u l-ażil tgħin lill-Ewropa tindirizza l-isfidi relatati mal-migrazzjoni b’mod effettiv.
L-UE taħdem biex tiġġieled il-migrazzjoni irregolari u l-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta’ persuni, issalva l-ħajjiet u tiżgura l-fruntieri esterni tal-UE filwaqt li xorta tattira talent u ħiliet ġodda.
Bis-saħħa tal-miżuri meħuda mill-UE biex tikkontrolla l-fruntieri esterni tagħha u timmaniġġja l-migrazzjoni, il-wasliet irregolari naqsu bi kważi 90 % mill-2015.
X’tagħmel l-UE
Filwaqt li tibni fuq il-progress li sar mill-2016, il-proposta tal-Kummissjoni tal-2020 għal patt ġdid dwar il-migrazzjoni u l-ażil se tistabbilixxi sistema effettiva biex tiġġestixxi l-migrazzjoni u tindirizza l-wasliet irregolari, inkluż fi żminijiet ta’ kriżi. Il-qafas il-ġdid se jiżgura l-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri filwaqt li jipprovdi ċertezza għall-applikanti individwali.
Il-Patt jiżgura li dawk fi bżonn ġenwin ikollhom id-dritt li jibqgħu fl-UE, filwaqt li l-ewwel strateġija tal-UE dwar ir-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni għandha l-għan li tgħin lill-persuni mingħajr dritt li jibqgħu fl-UE biex jirritornaw volontarjament u jaħtfu l-opportunitajiet f’pajjiżhom.
Politika ġdida dwar il-migrazzjoni legali għandha l-għan li tattira persuni b’ħiliet u talent ġodda li se jkunu ta’ benefiċċju għall-ekonomija tal-UE, issaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi mhux tal-UE u ttejjeb il-ġestjoni ġenerali tal-migrazzjoni fit-tul.
L-integrazzjoni u l-inklużjoni huma kruċjali għan-nies li ġejjin fl-Ewropa, għall-komunitajiet lokali, għall-benesseri fit-tul tas-soċjetajiet tagħna u għall-istabbiltà tal-ekonomiji tagħna. Filwaqt li l-politika ta’ integrazzjoni hija primarjament ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, l-UE qed iżżid l-azzjoni f’dan il-qasam. Il-pjan ta’ azzjoni dwar l-integrazzjoni u l-inklużjoni 2021–2027 jimmira li kulħadd jiġi inkluż permezz ta’ aċċess aħjar għall-impjiegi, il-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-edukazzjoni.
It-tisħiħ tar-rispons għall-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni hija sfida komuni għall-UE, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi sħab bl-istess mod. Mill-2015 ’l hawn, aktar minn 650 000 ħajja ġew salvati fuq il-baħar minn operazzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri. Il-pjan ta’ azzjoni mġedded tal-UE kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti jistabbilixxi miżuri biex jiġi miġġieled u evitat il-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti f’kooperazzjoni ma’ pajjiżi sħab.
L-UE hija żona ta’ protezzjoni għan-nies li jaħarbu mill-persekuzzjoni jew minn xi periklu serju f’pajjiżhom. Wara l-invażjoni tal-Ukraina mir-Russja fi Frar 2022, l-UE ħadet azzjoni minnufih biex toffri appoġġ immedjat lil dawk li kienu qed jaħarbu l-gwerra, inkluż permezz ta’ protezzjoni temporanja fl-UE. L-iskema ta’ protezzjoni temporanja tagħti lin-nies drittijiet bħal permessi ta’ residenza, aċċess għas-suq tax-xogħol u akkomodazzjoni, kura tas-saħħa u aċċess għall-edukazzjoni għat-tfal.

Marzu 2022
Iż-żona Schengen
L-UE tipprovdi żona tal-ivvjaġġar mingħajr fruntieri għal aktar minn 425 miljun persuna f’26 pajjiż, kif ukoll għal ċittadini mhux tal-UE li jgħixu fl-UE jew li jżuru bħala turisti, studenti ta’ skambju jew għal skopijiet ta’ negozju.
Bis-saħħa tal-Ftehim ta’ Schengen, il-kontrolli f’ħafna mill-fruntieri interni tal-UE ġew aboliti progressivament. Illum, kważi 1.7 miljun persuna jgħixu f’pajjiż ta’ Schengen u jaħdmu f’ieħor, filwaqt li 3.5 miljun jivvjaġġaw kuljum minn pajjiż ta’ Schengen għal ieħor. Iż-żona Schengen tikkontribwixxi wkoll għall-funzjonament tas-suq uniku, u tippermetti li l-prodotti u s-servizzi jiċċirkolaw liberament.

X’tagħmel l-UE
Mill-1985, iż-żona Schengen kibret u saret tinkludi l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE (minbarra l-Bulgarija, l-Irlanda, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija), u erba’ pajjiżi mhux tal-UE (l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera).
Madankollu, it-tneħħija tal-fruntieri interni ma tistax isseħħ għad-detriment tas-sigurtà. Peress li ma jitwettqux kontrolli fil-fruntieri interni tagħhom, il-pajjiżi ta’ Schengen ingħaqdu flimkien biex itejbu s-sigurtà permezz ta’ kontrolli aktar stretti fil-fruntieri esterni tagħhom ibbażati fuq sett ta’ regoli komuni.
Il-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri hija essenzjali biex tiġi żgurata s-sigurtà fl-UE. Waħda mill-għodod ewlenin hija s-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen, li tintuża għall-iskambju f’ħin reali ta’ data dwar persuni u oġġetti mfittxija u neqsin.
Fl-2017, l-UE introduċiet regoli ġodda biex issaħħaħ il-verifiki dwar il-persuni kollha li jaqsmu l-fruntieri esterni tagħha, inklużi ċ-ċittadini tal-UE, permezz ta’ tqabbil mal-bażijiet tad-data rilevanti, biex tiżgura li dawn ma jirrappreżentawx theddida għas-sigurtà interna jew għall-ordni pubblika. Sa tmiem l-2023, se tkun fis-seħħ sistema ġdida bi skrinjar minn qabel tal-vjaġġaturi li jkunu ġejjin minn barra l-UE iżda li ma jkollhomx bżonn viża biex iżuru ż-żona Schengen. Is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) se tibda tapplika wkoll għall-Bulgarija, għall-Kroazja, għal Ċipru u għar-Rumanija. Dan se jgħin biex għal raġunijiet ta’ sigurtà jingħalqu l-lakuni li jeżistu fl-informazzjoni, filwaqt li jiġi evitat li l-vjaġġaturi jiddewmu fil-fruntieri.
B’dak li tgħallimna mill-pandemija tal-COVID-19, ir-regoli ġodda proposti għandhom l-għan li jiżguraw li l-kontrolli fil-fruntieri interni jiddaħħlu biss meta ma jkunx hemm għażla oħra. Jintroduċu wkoll għodod komuni għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni b’mod aktar effiċjenti f’każ ta’ kriżi tas-saħħa pubblika.
L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) għandha rwol importanti fil-protezzjoni tal-fruntieri esterni tal-UE u fil-ġestjoni tal-migrazzjoni. L-ewwel skjerament tal-korp permanenti l-ġdid tal-aġenzija beda fl-1 ta’ Jannar 2021. Se jilħaq il-kapaċità sħiħa ta’ 10 000 uffiċjal sal-2027.

Marzu 2022
Affarijiet interni u sigurtà taċ-ċittadini
L-Unjoni Ewropea taħdem biex tiżgura s-sikurezza u s-sigurtà ta’ kulħadd fl-UE, fid-dinja fiżika u diġitali u fil-partijiet kollha tas-soċjetà.
L-Ewropej għandhom iħossuhom kunfidenti li kull fejn imorru jgħixu fl-UE, il-libertà u s-sigurtà tagħhom ikunu protetti bis-sħiħ. L-Istati Membri tal-UE, l-aġenziji u sħab oħra jaħdmu flimkien biex jiżguraw is-sikurezza taċ-ċittadini, jindirizzaw it-theddid u jiġġieldu l-kriminalità, filwaqt li l-UE tistabbilixxi politiki u għodod biex tiffaċilita u ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejniethom.
X’tagħmel l-UE
L-istrateġija ġdida tal-UE dwar l-unjoni tas-sigurtà għall-2020 sal-2025 tiffoka fuq tliet oqsma ta’ prijorità:
- il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-traffikar tal-bnedmin;
- il-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni; kif ukoll
- il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità.
Il-kriminalità organizzata toħloq spiża kbira għall-vittmi u għall-ekonomija; huwa stmat li kull sena jintilfu €218 biljun sa €282 biljun. Azzjoni biex jissaħħu l-isforzi tal-UE f’dan il-qasam tinkludi: strateġija ġdida tal-UE li tindirizza l-kriminalità organizzata, l-istrateġija tal-UE dwar id-drogi 2021–2025, Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar it-traffikar tal-armi tan-nar, u strateġiji tal-UE dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal.
Bl-aġenda ġdida kontra t-terroriżmu, il-Kummissjoni biħsiebha tintensifika l-ġlieda kontra t-terroriżmu billi tantiċipa, tipprevjeni, tħares u tirreaġixxi aħjar għat-theddid terroristiku. Pakkett ta’ proposti leġiżlattivi għandu l-għan li jsaħħaħ ir-regoli tal-UE tal-finanzjament kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tal-ġlieda kontra t-terroriżmu. L-UE taħdem ukoll biex tipprevjeni r-radikalizzazzjoni. Mis-7 ta’ Ġunju 2022, il-kumpaniji tal-internet iridu jneħħu l-kontenut terroristiku mill-web fi żmien siegħa (1) minn meta ssir ordni ta’ tneħħija mill-awtoritajiet nazzjonali.
L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), tindirizza l-oqsma kollha tal-kriminalità u tat-terroriżmu, u taħdem ma’ pajjiżi sħab mhux tal-UE u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali. L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-ġustizzja nazzjonali biex tgħin fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata serja, filwaqt li l-Mandat ta’ Arrest Ewropew issostitwixxa l-proċeduri twal tal-estradizzjoni biex il-kriminali suspettati jew ikkundannati jintbagħtu lura lejn il-pajjiż fejn se jiġu, jew diġà ġew, ipproċessati.
L-UE qed tiġġieled l-aspetti kollha taċ-ċiberkriminalità. L-istrateġija l-ġdida tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà għandha l-għan li tiżgura li ċ-ċittadini u n-negozji kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ minn servizzi u għodod diġitali affidabbli u li wieħed jista’ joqgħod fuqhom, filwaqt li l-Att tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà jsaħħaħ id-difiżi tal-UE kontra ċ-ċiberkriminalità transfruntiera fuq skala kbira.
Il-ħidma biex jissaħħu l-fruntieri esterni tal-UE tinvolvi l-parteċipazzjoni tal-partijiet rilevanti kollha, inklużi l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) imsaħħa, u l-unjoni doganali. Il-kapaċità tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE li jiskambjaw id-data u jaqsmu l-informazzjoni se tgħin biex il-kontrolli fil-fruntieri esterni jsiru aktar effiċjenti.


Marzu 2022
Edukazzjoni u taħriġ
L-UE tgħin biex titjieb il-kwalità tal-edukazzjoni billi tħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u tikkumplimenta l-azzjonijiet nazzjonali. Il-programm Erasmus+ jiftaħ opportunitajiet għal persuni ta’ kull età biex jistudjaw, jitħarrġu, jiksbu esperjenza tax-xogħol u jipparteċipaw fi skambji.
L-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ huwa ċ-ċavetta għall-ġejjieni tan-nies. L-UE u l-Istati Membri tagħha qed jaħdmu biex itejbu l-eżiti edukattivi, inaqqsu l-għadd ta’ persuni li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni u t-taħriġ, jindirizzaw id-diskrepanzi fil-ħiliet u jiżguraw li l-Ewropej kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw mit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.
X’tagħmel l-UE
Il-pajjiżi tal-UE jmexxu s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom stess, iżda l-UE tgħinhom jipprovdu edukazzjoni ta’ kwalità bi skambji ta’ prattika tajba, billi toħloq miri u parametri referenzjarji, u billi tipprovdi finanzjament u għarfien espert.
L-UE qed taħdem biex toħloq Żona Ewropea tal-Edukazzjoni li tneħħi l-ostakli għat-tagħlim u ttejjeb l-aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd. Filwaqt li tkopri l-livelli edukattivi kollha, l-inizjattiva tiffoka fuq li:
- ittejjeb il-kwalità u l-ekwità fl-edukazzjoni u t-taħriġ,
- tappoġġa lill-għalliema, lill-ħarrieġa u lill-mexxejja tal-iskejjel,
- tippromwovi l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali fost iċ-ċittadini kollha,
- tħeġġeġ inizjattivi tal-edukazzjoni ekoloġika, u
- issaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi madwar id-dinja.
Imsejjes fuq it-tagħlimiet miksuba tul il-pandemija tal-COVID-19, il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali (2021–2027) għandu l-għan li jagħti spinta lil-litteriżmu diġitali u jgħin lill-Istati Membri jaħdmu id f’id biex jadattaw is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom għall-era diġitali. Fil-frattemp, l-Aġenda Ewropea għall-Ħiliet għandha l-għan li tgħin lin-nies jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa għad-dinja tax-xogħol li qed tinbidel u tistabbilixxi objettivi ambizzjużi għal titjib tal-ħiliet u għal taħriġ mill-ġdid sal-2025.
Erasmus+, il-programm tal-UE għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, jappoġġa l-mobbiltà u t-tagħlim għal kulħadd. B’baġit totali ta’ aktar minn €28 biljun, jiġifieri d-doppju tal-finanzjament tal-programm ta’ qablu, Erasmus+ se jiftaħ il-bibien biex aktar minn 10 miljun persuna jkunu jistgħu jistudjaw, jitħarrġu, jiksbu esperjenza tax-xogħol jew iwettqu volontarjat f’xi pajjiż ieħor bejn l-2021 u l-2027. L-inizjattiva DiscoverEU, li issa hija parti mill-programm Erasmus+, tagħti opportunità liż-żgħażagħ ta’ 18-il sena biex jiskopru l-UE b’biljett tal-ivvjaġġar mingħajr ħlas. L-esperjenza diġà tat l-opportunità lil aktar minn 130,000 żagħżugħ u żagħżugħa biex jitgħallmu aktar dwar il-kultura u l-istorja Ewropej, jagħmlu ħbieb ġodda u jtejbu l-ħiliet lingwistiċi tagħhom.
L-Iskema tal-Mobbiltà Mmirata tal-EURES tgħin liż-żgħażagħ li għandhom iktar minn 18-il sena biex isibu impjieg, jieħdu xi taħriġ jew iwettqu apprendistat f’xi Stat Membru ieħor, filwaqt li l-inizjattiva Europass tgħin lill-ħaddiema japplikaw għal impjiegi barra minn pajjiżhom billi jippreżentaw il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom b’format standard għall-Ewropa kollha.


Marzu 2022
Iż-żgħażagħ
Bil-politiki u l-programmi tagħha dwar iż-żgħażagħ, l-UE timmira li tipprovdi opportunitajiet aktar indaqs liż-żgħażagħ fl-edukazzjoni u fis-suq tax-xogħol, u li tiżgura li dawn ikunu jistgħu jieħdu sehem bis-sħiħ fl-oqsma kollha tas-soċjetà.
L-UE tappoġġa u tikkumplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri permezz tal-politiki tagħha mmirati għaż-żgħażagħ, pereżempju fl-oqsma tal-edukazzjoni u l-impjieg, u tippromwovi l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE.
X’tagħmel l-UE
L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ hija l-qafas għall-kooperazzjoni tal-politika tal-UE dwar iż-żgħażagħ sal-2027. Din għandha l-għan li:
- tappoġġa l-iżvilupp personali u l-avvanz taż-żgħażagħ u tagħtihom il-ħiliet tal-ħajja,
- tħeġġeġ liż-żgħażagħ isiru ċittadini attivi u aġenti ta’ bidla pożittiva mnebbħa mill-valuri tal-UE u mill-identità Ewropea,
- ittejjeb id-deċiżjonijiet ta’ politika li jolqtu liż-żgħażagħ fis-setturi kollha, b’mod partikolari l-impjiegi, l-edukazzjoni, is-saħħa u l-inklużjoni soċjali, u
- tikkontribwixxi għall-qerda tal-faqar fost iż-żgħażagħ u kull forma ta’ diskriminazzjoni, u tippromwovi l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ.
Iż-żgħażagħ jinsabu fil-qalba nett tal-politiki tal-UE, minn NextGenerationEU u l-Patt Ekoloġiku Ewropew sad-Deċennju Diġitali. L-2022 intgħażlet bħala s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ ħalli tkun is-sena li tiċċelebra, tappoġġa u tinvolvi liż-żgħażagħ, speċjalment lil dawk b’inqas opportunitajiet.
L-UE tħaddem diversi programmi u inizjattivi li jagħtu rwol aktar attiv liż-żgħażagħ fis-soċjetà u esperjenzi f’pajjiż ieħor.
Erasmus+ huwa l-programm tal-UE li jappoġġa l-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport fl-Ewropa. B’baġit totali ta’ aktar minn €28 biljun, bejn l-2021 u l-2027 dan se jiftaħ il-bibien biex aktar minn 10 miljun persuna jkunu jistgħu jiksbu għarfien u ħiliet permezz ta’ esperjenzi barra mill-pajjiż bħal studju, taħriġ, apprendistati, skambji, tagħlim, taħriġ, xogħol taż-żgħażagħ u sport.
L-iskema tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ tappoġġa l-impjiegi taż-żgħażagħ billi tiżgura li ż-żgħażagħ kollha sa 30 sena jkollhom impjieg ta’ kwalità tajba, appredistat, taħriġ jew ikomplu jirċievu l-edukazzjoni fi żmien 4 xhur minn meta jispiċċaw bla xogħol jew iħallu l-edukazzjoni. L-inizjattiva ġdida Aspira, Tgħallem, Aħkem, Ikseb (ALMA) se twieżen liż-żgħażagħ żvantaġġati billi toffrilhom esperjenza tax-xogħol fi Stat Membru ieħor.
B’baġit totali ta’ aktar minn €1 biljun għall-2021–2027, il-programm ġdid tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà joffri opportunitajiet lil madwar 270,000 żagħżugħ u żagħżugħa biex iwettqu volontarjat f’pajjiżhom jew barra minn pajjiżhom b’rabta ma’ ċerti sfidi soċjetali u umanitarji.
Il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ jagħti informazzjoni dwar opportunitajiet bħall-inizjattiva DiscoverEU u d-Djalogu tal-UE maż-Żgħażagħ li jagħti kontribut dirett lil dawk li jfasslu l-politika dwar l-aktar kwistjonijiet rilevanti għaż-żgħażagħ.
Il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ tittella’ kull sentejn u talterna mal-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ.


Marzu 2022
Il-kultura, il-media u l-isport
L-UE taħdem biex tippreserva l-wirt kulturali komuni Ewropew u tagħmlu aċċessibbli għal kulħadd. Tappoġġa l-arti u tgħin lill-industriji kulturali u kreattivi fl-UE jirnexxu permezz tal-programm Ewropa Kreattiva, u tippromwovi l-isport permezz tal-programm Erasmus+.
Il-kultura u l-kreattività huma ċentrali għall-proġett Ewropew u huma fil-qalba tal-politika kulturali tal-UE. Il-wirt kulturali għani tal-Ewropa u s-setturi kulturali u kreattivi dinamiċi jarrikkixxu l-ħajja tan-nies, u jagħtu ħafna gost u sens kbir ta’ identità.
L-isport u l-eżerċizzju huma parti integrali mill-ħajja ta’ miljuni ta’ Ewropej. Minbarra li jippromwovi ħajja u benessri aħjar, l-isport jista’ jgħin fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet bħar-razziżmu, l-esklużjoni soċjali u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.
X’tagħmel l-UE
L-UE tagħmel l-almu tagħha biex tħares il-wirt u d-diversità kulturali tal-Ewropa fil-pajjiżi differenti u biex tisfrutta l-kontribut tal-industriji kulturali u kreattivi għall-ekonomija u għas-soċjetà. Il-politika tal-UE tagħmel ħilitha wkoll biex tilqa’ l-isfidi komuni u tinkoraġġixxi l-innovazzjoni fis-settur kulturali. L-Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura fiha azzjonijiet konkreti li jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tal-kultura.
Il-programm Ewropa Kreattiva, b’baġit ta’ EUR 2.4 biljun għal bejn l-2021 u l-2027, għandu l-għan li jsaħħaħ is-setturi kulturali u kreattivi tal-Ewropa, u jappoġġa l-irkupru tagħhom mill-pandemija tal-COVID-19. Huwa jippromwovi wkoll inizjattivi bħal premji tal-UE għall-wirt kulturali, għall-arkitettura, għal-letteratura u għall-mużika, iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew u l-Kapitali Ewropej tal-Kultura. Il-fergħa dwar il-media tiegħu tappoġġa l-iżvilupp, id-distribuzzjoni u l-promozzjoni ta’ xogħlijiet awdjoviżivi inklużi films, sensiliet, logħob tal-kompjuter u kontenut immersiv. Il-politika awdjoviżiva u tal-media tal-UE għandha l-għan li ssaħħaħ is-settur awdjoviżiv Ewropew u tħeġġeġ id-disponibbiltà tal-kontenut għaċ-ċittadini madwar l-UE.
It-teknoloġiji diġitali jipprovdu opportunitajiet ġodda għall-preservazzjoni u l-użu mill-ġdid tal-kontenut kulturali, u jagħmluh aċċessibbli għall-udjenzi kollha. Il-pjattaforma diġitali Europeana tippermetti lin-nies jesploraw rikkezza ta’ wirt kulturali minn ’il fuq minn 4 000 mużew, galleriji, libreriji u arkivji madwar l-Ewropa.
L-UE tiffoka fuq l-isport bħala mezz biex in-nies jinżammu f’saħħithom, jinħolqu komunitajiet, titrawwem l-inklużjoni soċjali u jiġu promossi opportunitajiet indaqs.
Erasmus+ jiffinanzja b’mod konġunt inizjattivi biex jgħinu fl-iżvilupp, fil-kondiviżjoni u fl-implimentazzjoni ta’ ideat u ta’ prattiki innovattivi għall-promozzjoni tal-isport għad-dilettanti. Fl-2020, l-UE appoġġat 315 proġett dwar is-saħħa, l-inklużjoni soċjali u l-integrità fl-isport. Il-premjijiet tal-Isport tal-UE #BeInclusive jirrikonoxxu l-organizzazzjonijiet li jużaw l-isport biex iżidu l-inklużjoni soċjali għall-gruppi żvantaġġati, filwaqt li l-Ġimgħa Ewropea tal-Isport tħeġġeġ lill-Ewropej ikunu attivi fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

3 Kif l-Unjoni Ewropea tieħu deċiżjonijiet u azzjoni
1 MIN HU MIN
L-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq l-istat tad-dritt. Dan ifisser li kull azzjoni li tittieħed mill-UE hija msejsa fuq trattati li ġew approvati b’mod volontarju u demokratiku mill-pajjiżi kollha tal-UE. It-trattati huma nnegozjati u miftiehma mill-Istati Membri kollha tal-UE u mbagħad jiġu rratifikati mill-parlamenti tagħhom jew b’referendum.
It-trattati jistabbilixxu l-objettivi tal-UE u jfasslu r-regoli dwar kif joperaw l-istituzzjonijiet tal-UE, kif jittieħdu deċiżjonijiet u r-relazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha. Dawn jiġu emendati kull darba li Stat Membru ġdid jissieħeb mal-UE. Kultant żmien, dawn jiġu emendati biex jirriformaw l-istituzzjonijiet tal-UE u jagħtu lill-UE oqsma ġodda ta’ responsabbiltà.
L-aħħar trattat emendatorju, it-Trattat ta’ Liżbona, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009. Trattati preċedenti issa huma inkorporati fil-verżjoni konsolidata attwali, li tikkonsisti mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Aktar riċentement, l-UE qablet dwar it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja; trattat intergovernattiv li jobbliga lill-pajjiżi parteċipanti jkollhom regoli stretti biex jiggarantixxu baġits pubbliċi bbilanċjati u jsaħħaħ il-governanza taż-żona tal-euro.
It-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell tal-UE jinvolvi diversi istituzzjonijiet tal-UE, b’mod partikolari:
- il-Parlament Ewropew
- il-Kunsill Ewropew
- il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (Kunsill), u
- il-Kummissjoni Ewropea
Il-korpi konsultattivi (il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni) u l-parlamenti nazzjonali wkoll għandhom rwol.
B’mod ġenerali, il-Kunsill Ewropew jistabbilixxi l-aġenda politika tal-UE, filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea tipproponi liġijiet ġodda li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill (imsejjaħ ukoll il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea) imbagħad jiddeċiedu li jadottaw. Sussegwentement, l-Istati Membri u l-istituzzjoni jew l-istituzzjonijiet tal-UE kkonċernati jimplimentawhom.
Il-Parlament Ewropew
Il-Parlament Ewropew huwa elett miċ-ċittadini tal-UE f’elezzjonijiet li jsiru kull 5 snin. Kull Stat Membru jeleġġi numru ta’ Membri tal-Parlament Ewropew (MPE); is-siġġijiet huma allokati abbażi tal-popolazzjoni ta’ kull Stat Membru. Il-Parlament jiltaqa’ kemm fi Brussell kif ukoll fi Strasburgu. Il-President attwali tal-Parlament Ewropew hija Roberta Metsola.
Il-MPE jorganizzaw lilhom infushom fi gruppi politiċi, kif ukoll f’kumitati li jeżaminaw proposti għal leġiżlazzjoni ġdida f’oqsma ta’ politika differenti.
F’termini tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, il-Parlament huwa responsabbli għal dawn li ġejjin:
- Japprova, jemenda jew jirrifjuta liġijiet tal-UE, flimkien mal-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni. Il-Parlament jaqsam ukoll responsabbiltà ndaqs mal-Kunsill għall-adozzjoni tal-baġit tal-UE (propost mill-Kummissjoni).
- Jieħu deċiżjonijiet dwar ftehimiet internazzjonali.
- Jieħu deċiżjonijiet dwar it-tkabbir tal-UE.
- Jeleġġi lill-President tal-Kummissjoni, fuq il-bażi ta’ proposta mill-Istati Membri, u mbagħad japprova l-Kummissjoni sħiħa.
- Jirrieżamina l-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni u jitlob li hija tipproponi leġiżlazzjoni.
Il-ħidma tal-Parlament tinqasam f’żewġ stadji ewlenin.
- Kumitati li jħejju l-leġiżlazzjoni: il-Parlament għandu 20 kumitat u żewġ subkumitati, b’kull wieħed minnhom li jieħu ħsieb qasam ta’ politika partikolari. Il-kumitati jeżaminaw proposti għal-leġiżlazzjoni, u l-MPE u l-gruppi politiċi jistgħu jressqu emendi jew jipproponu r-rifjut tal-leġiżlazzjoni proposta. Dawn il-kwistjonijiet jiġu diskussi wkoll fi ħdan il-gruppi ta’ politika qabel ma dawn jiddeċiedu kif jivvotaw fuq suġġett partikolari.
- Is-sessjonijiet plenarji japprovaw, jemendaw jew jirrifjutaw il-leġiżlazzjoni: dawn iseħħu meta l-MPE kollha jiltaqgħu fil-kamra biex jagħtu votazzjoni finali dwar il-leġiżlazzjoni proposta u l-emendi proposti. Normalment, dawn is-sessjonijiet plenarji jseħħu fi Strasburgu, u jekk ikun hemm sessjonijiet addizzjonali, dawn isiru fi Brussell.
Id-disa’ elezzjoni tal-Parlament Ewropew saret bejn it-23 u s-26 ta’ Mejju 2019. B’vot dirett, iċ-ċittadini fis-27 Stat Membru tal-UE għażlu 705 MPE li jiffurmaw il-Parlament attwali. Aktar informazzjoni dwar l-eżitu tal-Elezzjonijiet tal-UE tal-2019 u dwar kif ġie ffurmat il-Parlament attwali tinsab fuq is-sit web tal-Parlament Ewropew. L-elezzjoni li jmiss se ssir fl-2024.
Il-Kunsill Ewropew
Il-Kunsill Ewropew, ibbażat fi Brussell, huwa msawwar mill-Kapijiet ta’ Stat jew tal-Gvern tal-Istati Membri kollha tal-UE, mill-President tal-Kummissjoni Ewropea u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.
Il-Kunsill Ewropew ilaqqa’ flimkien lill-mexxejja tal-UE biex jistabbilixxu l-aġenda politika tal-UE. Dan jirrappreżenta l-ogħla livell ta’ kooperazzjoni politika bejn l-Istati Membri tal-UE. Il-Kunsill Ewropew jieħu l-forma ta’ summits (normalment kull tliet xhur) bejn il-mexxejja tal-UE, ippreseduti mill-President tal-Kunsill Ewropew. Il-president jista’ jsejjaħ laqgħat addizzjonali wkoll biex jiġu indirizzati kwistjonijiet urġenti. F'Lulju 2019, il-Kunsill Ewropew eleġġa lil Charles Michel bħala l-president tiegħu għall-perjodu bejn l-1 ta' Diċembru 2019 u l-31 ta' Mejju 2022; huwa ġie elett mill-ġdid għat-tieni mandat, mill-1 ta’ Ġunju 2022 sat-30 ta’ Novembru 2024.
Ġeneralment il-Kunsill Ewropew jiddeċiedi kwistjonijiet b’unanimità, jew b’maġġoranza kwalifikata f’ċerti każijiet.
Il-Kunsill Ewropew:
- jiddeċiedi dwar id-direzzjoni ġenerali u l-prijoritajiet ta’ politika tal-UE, iżda ma jgħaddix liġijiet;
- jindirizza kwistjonijiet kumplessi jew sensittivi li ma jistgħux jiġu solvuti f’livelli inferjuri ta’ kooperazzjoni intergovernattiva;
- jistabbilixxi l-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-UE, b’kunsiderazzjoni tal-interessi strateġiċi u tal-implikazzjonijiet għad-difiża tal-UE;
- jinnomina u jaħtar kandidati għal ċerti rwoli ta’ profil għoli fil-livell tal-UE, bħall-President tal-Kummissjoni Ewropea jew il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew.
Fuq kull kwistjoni, il-Kunsill Ewropew jista’:
- jistieden lill-Kummissjoni tagħmel proposta biex tiġi indirizzata;
- jgħaddiha lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex jindirizzaha.
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Flimkien mal-Parlament, il-Kunsill huwa l-korp deċiżjonali ewlieni tal-UE. Huwa magħruf ukoll bħala l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Fil-Kunsill, il-ministri tal-gvern minn kull Stat Membru jiltaqgħu biex jiddiskutu, jemendaw u jadottaw liġijiet u jikkoordinaw il-politiki. Il-ministri għandhom l-awtorità li jimpenjaw lill-gvernijiet tagħhom għall-azzjonijiet maqbula f’dawn il-laqgħat. Il-presidenza tal-Kunsill taħdem fuq sistema ta’ rotazzjoni kull 6 xhur bejn l-Istati Membri tal-UE u hija responsabbli biex tippresjedi l-laqgħat kollha tal-Kunsill u tistabbilixxi l-aġendi.
Il-Kunsill:
- jinnegozja u jadotta liġijiet tal-UE, flimkien mal-Parlament, fuq il-bażi ta’ proposti mill-Kummissjoni;
- jikkoordina l-politiki tal-pajjiżi tal-UE;
- jiżviluppa l-politika estera u ta’ sigurtà tal-UE, fuq il-bażi tal-linji gwida tal-Kunsill Ewropew;
- jikkonkludi ftehimiet bejn l-UE u pajjiżi oħra jew organizzazzjonijiet internazzjonali;
- jadotta l-baġit annwali tal-UE flimkien mal-Parlament.
Il-ministri li jattendu huma dawk li jindirizzaw il-politika li tkun qed tiġi diskussa. Pereżempju, il-ministri tal-ambjent jiltaqgħu fil-Kunsill Ambjent. Il-ministri jiltaqgħu diversi drabi kull sena biex jieħdu deċiżjonijiet relatati mal-UE, għalkemm l-uffiċjali tal-gvern jattendu laqgħat tul is-sena kollha biex jiddiskutu d-dettalji tal-politiki.
Biex jiġu miftiehma, normalment id-deċiżjonijiet jeħtieġu maġġoranza kwalifikata, li hija ddefinita bħala 55 % tal-Istati Membri li jirrappreżentaw mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni totali tal-UE. Madankollu, ċerti suġġetti bħall-politika estera u t-tassazzjoni jeħtieġu vot unanimu (l-Istati Membri kollha jridu jkunu favur) u hija meħtieġa maġġoranza sempliċi għal kwistjonijiet proċedurali u amministrattivi.
Il-Kunsill m’għandux jiġi konfuż mal-Kunsill tal-Ewropa, li mhuwiex korp tal-UE iżda organizzazzjoni internazzjonali li twaqqfet biex tippromwovi d-demokrazija u tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fl-Ewropa. Dan jinkludi fih 47 pajjiż Ewropew, inkluż l-Istati Membri tal-UE.
Il-Kummissjoni Ewropea
Il-Kummissjoni Ewropea hija l-istituzzjoni ewlenija li tmexxi l-ħidma ta’ kuljum tal-UE. Hija l-unika istituzzjoni tal-UE li tista’ tipproponi leġiżlazzjoni (spiss wara talba mill-Parlament jew mill-Kunsill), għad li huma l-Parlament u l-Kunsill li jivvotaw dwarha. Ħafna min-nies li jaħdmu fil-Kummissjoni huma bbażati fi Brussell jew fil-Lussemburgu, madankollu hemm uffiċċji ta’ rappreżentazzjoni fl-ibliet kapitali kollha tal-Istati Membri tal-UE.
Il-Kummissjoni hija komposta mill-Kulleġġ ta’ 27 Kummissarju, wieħed minn kull Stat Membru tal-UE, u inkluż il-president Ursula von der Leyen u viċi presidenti.
Ladarba l-President tal-Kummissjoni jiġi nnominat il-president tal-Kummissjoni, il-Kunsill jinnomina lis-26 membru l-ieħor l-ieħor tal-Kummissjoni bi qbil mal-president nominat. Il-Membri bħala korp wieħed huma mbagħad soġġetti għal vot ta’ approvazzjoni mill-Parlament. Il-kummissarji huma t-tmexxija politika tal-Kummissjoni b’mandat ta’ 5 snin. Kull kummissarju jiġi assenjat responsabbiltà għal oqsma ta’ politika speċifiċi mill-president.
Il-membri tal-persunal tal-Kummissjoni huma l-ekwivalenti tas-servizz ċivili fi Stat Membru, u huma organizzati f’dipartimenti, magħrufin bħala direttorati ġenerali u servizzi, simili għall-ministeri fil-livell nazzjonali.
Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jittieħdu fuq il-bażi tar-responsabbiltà kollettiva tal-Kulleġġ tal-Kummissarji. Il-kummissarji kollha huma ndaqs fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u huma akkontabbli ndaqs għal dawn id-deċiżjonijiet. Dawn m’għandhom ebda setgħa individwali tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, ħlief meta jkunu awtorizzati f’ċerti sitwazzjonijiet.
Hemm tmien viċi presidenti (inkluż tliet viċi presidenti eżekuttivi tliet Viċi Presidenti Eżekuttivi u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà) li jokkupaw dawn ir-rwoli minbarra l-portafoll tas-soltu ta’ kummissarju. Il-viċi presidenti jaġixxu għan-nom tal-president u jikkoordinaw ix-xogħol fil-qasam ta’ responsabbiltà tagħhom, flimkien ma’ diversi Kummissarji. Il-linji gwida politiċi ppreżentati mill-President von der Leyen f'Lulju 2019 stabbilew sitt ambizzjonijiet ewlienin għall-Ewropa.
B’mod ġenerali, id-deċiżjonijiet jittieħdu b’kunsens, iżda jistgħu jsiru votazzjonijiet ukoll. F’dan il-każ, id-deċiżjonijiet jittieħdu b’maġġoranza sempliċi, b’kull kummissarju li jkollu vot wieħed. Imbagħad, id-direttorat ġenerali rilevanti jieħu s-suġġett taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Normalment dan isir fil-forma ta’ abbozz ta’ proposti leġiżlattivi.
Kumitati Konsultattivi
Il-Kumitati konsultattivi (il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni) għandhom rwol konsultattiv għall-Parlament, għall-Kunsill u għall-Kummissjoni. Huma jipprovdu opinjonijiet dwar l-atti leġiżlattivi proposti. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jirrappreżenta lis-soċjetà ċivili organizzata, u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jirrappreżenta lill-awtoritajiet lokali u reġjonali.
Parlamenti Nazzjonali
Is-27 parlament nazzjonali tal-Istati Membri jikkontribwixxu għall-funzjonament tajjeb tal-UE billi jiflu lill il-gvernijiet tagħhom fir-rigward tal-attivitajiet tal-UE u għandhom numru ta’ drittijiet, inkluż id-dritt li jesprimu t-tħassib tagħhom dwar abbozzi ta’ atti leġiżlattivi.
Il-Parlamenti Nazzjonali jibagħtu opinjonijiet motivati lill-Kummissjoni meta jaraw abbozz ta’ att leġiżlattiv li jikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà: l-UE għandha taġixxi biss meta l-azzjoni tkun aktar effettiva fil-livell tal-UE milli fil-livell nazzjonali, ħlief għal dawk il-każijiet jew oqsma li fihom ikollha setgħat esklużivi. Jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, il-Kummissjoni tirrieżamina l-proposta tagħha u tispjega pubblikament jekk hijiex se żżomm, temenda jew tirtira l-proposta tagħha.
Il-Kummissjoni tinsab ukoll fi djalogu politiku kostanti mal-Parlamenti nazzjonali, li jibagħtu l-opinjonijiet tagħhom dwar kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva jew politika tal-Kummissjoni jew dwar kwalunkwe suġġett politiku fuq l-inizjattiva tagħhom stess.
Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Bank Ewropew tal-Investiment
Il-Bank Ċentrali Ewropew huwa istituzzjoni indipendenti tal-unjoni ekonomika u monetarja li għaliha jappartjenu l-Istati Membri kollha tal-UE. Dan jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu mingħajr ma jfittex jew jieħu ordnijiet mingħand gvernijiet jew istituzzjonijiet oħra tal-UE. L-iskop ewlieni tiegħu huwa li jżomm l-istabbiltà monetarja fiż-żona tal-euro billi jiżgura inflazzjoni baxxa u stabbli tal-prezzijiet għall-konsumaturi.
Il-Bank Ewropew tal-Investiment huwa l-bank tal-UE. Huwa proprjetà tal-Istati Membri u l-missjoni tiegħu hija li jislef flus għal investimenti li jappoġġjaw l-objettivi tal-UE. Il-fokus tiegħu huwa fuq iż-żieda tal-impjiegi u tal-potenzjal ta’ tkabbir tal-UE u fuq l-appoġġ tal-azzjoni klimatika u tal-politiki tal-UE lil hinn mill-fruntieri tagħha.
Aġenziji tal-Unjoni Ewropea
Il-ħidma tal-UE hija assistita minn diversi aġenziji tal-UE, li huma entitajiet legali separati stabbiliti biex iwettqu kompiti speċifiċi skont id-dritt tal-UE. Dawn jaħdmu fuq kwistjonijiet u problemi li jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum tan-nies li jgħixu fl-UE. Għandhom impatt qawwi, billi jipprovdu lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri tal-UE b’għarfien speċjalizzat f’diversi oqsma, bħaċ-ċibersigurtà, is-sikurezza alimentari u l-mediċini, il-ħarsien tal-ambjent, id-drittijiet fundamentali u s-sigurtà tal-fruntieri.
2 IT-TEĦID TA’ DEĊIŻJONIJIET
Diversi istituzzjonijiet jieħdu sehem fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE, bil-Parlament Ewropew, bil-Kunsill u bil-Kummissjoni fuq quddiem nett.
Normalment, il-Kummissjoni tipproponi atti legali ġodda li mbagħad jiġu adottati mill-Parlament u mill-Kunsill. Ċerti drabi, il-Kunsill jista’ jagħmel dan waħdu.
Biex tiżgura li l-azzjoni tal-UE tilħaq l-għanijiet tagħha bl-aktar mod effiċjenti, il-Kummissjoni tivvaluta l-impatti mistennija u reali tal-politiki, il-leġiżlazzjoni, u miżuri importanti oħra. Hija tinvolvi wkoll liċ-ċittadini u lill-partijiet ikkonċernati f’kull stadju taċ-ċiklu tal-politika, mill-ippjanar għall-proposta għall-implimentazzjoni, għar-rieżami u għar-reviżjoni sussegwenti.
Biex tħabbar inizjattivi leġiżlattivi ġodda jew evalwazzjonijiet ippjanati tal-leġiżlazzjoni eżistenti, il-Kummissjoni tippubblika valutazzjonijiet tal-impatt tal-bidu jew pjanijiet direzzjonali. Il-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u ambjentali potenzjali tal-miżuri proposti huma analizzati u rrappurtati fil-valutazzjonijiet tal-impatt li jakkumpanjaw il-proposti leġiżlattivi.
U xi ngħidu dwar leġiżlazzjoni jew inizjattivi li huma diġà fis-seħħ? Ladarba jiġu implimentati għal perjodu ta’ żmien biżżejjed, l-inizjattivi jiġu evalwati biex il-prestazzjoni tagħhom tiġi vverifikata skont il-kriterji standard. Bħala parti minn dan, il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) jidentifika opportunitajiet biex inaqqas l-ispejjeż regolatorji u jissimplifika l-liġijiet eżistenti.
Hemm diversi tipi ta’ atti legali, li huma applikati b’diversi modi.
- Regolament huwa liġi li hija applikabbli u vinkolanti fl-Istati Membri kollha direttament. Dan ma jeħtieġx li jingħadda fil-liġi nazzjonali mill-Istati Membri, għad li l-liġijiet nazzjonali jaf ikollhom bżonn jinbidlu biex jiġu evitati kunflitti mar-regolament.
- Direttiva hija liġi li torbot lill-Istati Membri, jew lil grupp ta’ Stati Membri, biex jilħqu objettiv partikolari. Normalment, id-direttivi jridu jiġu trasposti fid-dritt nazzjonali biex isiru effettivi. Ta’ min jgħid li direttiva tispeċifika r-riżultat li għandu jinkiseb: huwa f’idejn l-Istati Membri individwali li jiddeċiedu dwar kif dan għandu jsir.
- Deċiżjoni tista’ tiġi indirizzata lill-Istati Membri, lil gruppi ta’ nies jew anki lil individwi. Hija vinkolanti fl-intier tagħha. Id-deċiżjonijiet jintużaw, pereżempju, biex jirregolaw dwar fużjonijiet proposti bejn il-kumpaniji.
- Rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet jippermettu lill-istituzzjonijiet tal-UE jesprimu fehma lill-Istati Membri, u f’ċerti każijiet lil ċittadini individwali, li mhix vinkolanti u li ma toħloq ebda obbligu ġuridiku fuq il-persuna jew l-entità indirizzata.
Kull proposta għal att legali ġdid tal-UE hija konformi ma’ artikolu partikolari ta’ trattat, li jissejjaħ il-bażi ġuridika tal-proposta. Dan jiddetermina liema proċedura leġiżlattiva trid tiġi segwita.
Il-maġġoranza tal-liġijiet issir wara proċess magħruf bħala l-proċedura leġiżlattiva ordinarja.
Il-proċedura leġiżlattiva ordinarja
Il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, magħrufa wkoll bħala l-proċedura ta’ kodeċiżjoni, hija l-aktar proċedura komuni għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Din tqiegħed lill-Parlament u lill-Kunsill fuq l-istess livell, u l-liġijiet li jingħaddew permezz ta’ din il-proċedura huma atti konġunti tal-Parlament u tal-Kunsill. Din tapplika għall-maġġoranza assoluta tal-leġiżlazzjoni tal-UE, u tkopri firxa wiesgħa ta’ oqsma bħad-drittijiet tal-konsumatur, il-ħarsien tal-ambjent u t-trasport. Il-Kummissjoni tagħmel proposta skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li trid tiġi adottata kemm mill-Parlament kif ukoll mill-Kunsill. Mar-riċevuta tal-proposta, il-proċess jipproċedi kif ġej.
L-ewwel qari
- Il-Parlament jiddibatti l-proposta fil-kumitati tiegħu. Kwalunkwe emenda għall-proposta tiġi ppreżentata f’dawn il-kumitati u ssir votazzjoni dwarha fihom ukoll. Imbagħad il-proposta tgħaddi għall-Parlament sħiħ, li jivvota dwarha (u dwar emendi ulterjuri) fis-sessjoni plenarja.
- Il-Kunsill u l-Istati Membri jeżaminaw il-leġiżlazzjoni f’dettall; ħafna minn din id-diskussjoni ssir fi grupp ta’ ħidma ta’ impjegati taċ-ċivil. Ħafna mill-kwistjonijiet jistgħu jiġu riżolti f’dan il-livell tekniku, jew f’livelli li jiġu eżattament fuqu, għad li ċerti kwistjonijiet jistgħu jibqgħu biex jiġu ffinalizzati matul il-laqgħat tal-ministri rilevanti. Il-Kunsill jasal għal ftehim politiku dwar il-leġiżlazzjoni - dan jista’ jseħħ qabel jew wara l-votazzjoni tal-Parlament. Ladarba l-Parlament ikun ivvota, il-ftehim politiku jiġi kkonvertit f’pożizzjoni komuni formali. Jekk il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tkun differenti mill-vot tal-Parlament, il-leġiżlazzjoni tgħaddi għat-tieni qari biex jiġu solvuti d-differenzi.
- Ir-rappreżentanti tal-Parlament u tal-Kunsill spiss jiltaqgħu b’mod informali biex jippruvaw jaqblu bejniethom qabel ma jifformalizzaw il-pożizzjonijiet tagħhom. Jekk dawn jaqblu, il-Kunsill jadotta l-istess test bħall-Parlament u l-proposta ssir liġi. Dan jissejjaħ ftehim fl-ewwel qari.
It-tieni qari
- Jekk ma jinstab ebda ftehim fl-ewwel qari, jibda t-tieni qari. Dan isegwi xejra simili għall-ewwel qari, iżda din id-darba bil-Parlament li jeżamina, u jivvota fuq, it-tibdiliet proposti mill-Kunsill, segwit mill-Kunsill li jikkunsidra dak li jipproponi l-Parlament. It-tieni qari huwa proċess aktar veloċi mill-ewwel qari, peress li fih jistgħu jiġu diskussi biss id-differenzi bejn il-pożizzjonijiet tal-Parlament u l-Kunsill, u diversi elementi huma limitati biż-żmien.
- Huwa possibbli li l-Parlament u l-Kunsill jaqblu f’dan l-istadju (ftehim fl-istadju tat-tieni qari). Jekk iż-żewġ istituzzjonijiet ma jkunux jistgħu jaqblu fuq deċiżjoni komuni dwar l-att legali propost, dan jingħadda lil Kumitat ta’ Konċiljazzjoni msawwar minn numru ndaqs ta’ rappreżentanti tal-Parlament u tal-Kunsill. Din il-proċedura ta’ konċiljazzjoni saret rari. Ħafna mill-atti legali jiġu adottati wara l-proċedura leġiżlattiva ordinarja matul l-ewwel jew it-tieni qari.
- Ladarba jintlaħaq qbil dwar test finali, u jsiru t-traduzzjonijiet kollha, il-leġiżlazzjoni tingħadda lill-Parlament u lill-Kunsill mill-ġdid biex ikunu jistgħu jadottawha bħala att legali. Imbagħad din tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-lingwi uffiċjali tal-UE. Il-leġiżlazzjoni tispeċifika meta trid tiġi implimentata fl-Istati Membri, jew meta din tidħol fis-seħħ fil-każ ta’ regolament.
Il-Kummissjoni tista’ ttella’ l-Istati Membri l-qorti u titlob li dawn jiġu mmultati jekk il-leġiżlazzjoni tal-UE ma tiġix implimentata. Kważi l-infurzar kollu tal-leġiżlazzjoni tal-UE jseħħ fi ħdan l-Istati Membri. Kultant dan jista’ jwassal għal ilmenti dwar implimentazzjoni mhux ugwali tar-regoli f’pajjiżi differenti. Ċerti deċiżjonijiet huma infurzati direttament fil-livell tal-UE, b’mod partikolari d-dritt tal-kompetizzjoni bħal każijiet tal-antitrust. Ara l-Parti 3 ta’ din it-taqsima, L-iżgurar li jiġu rrispettati l-liġijiet tal-UE, għal aktar informazzjoni.
Min aktar jiġi kkonsultat?
Meta jieħdu deċiżjonijiet f’numru ta’ oqsma ta’ politika, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (li Christa Schweng hija l-president tiegħu).
Fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ rilevanza għar-reġjuni, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jridu jikkonsultaw lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (li Apostolos Tzitzikostas huwa l-president tiegħu).
L-opinjonijiet tal-kumitati mhumiex vinkolanti fuq l-istituzzjonijiet tal-UE.
Barra minn hekk, istituzzjonijiet u korpi oħra jistgħu jiġu kkonsultati meta proposta taqa’ fi ħdan il-qasam ta’ interess jew ta’ għarfien espert tagħhom, pereżempju, il-Bank Ċentrali Ewropew għal proposti li jikkonċernaw kwistjonijiet ekonomiċi jew finanzjarji.
Sorveljanza nazzjonali
Il-parlamenti nazzjonali jirċievu abbozzi ta’ atti leġiżlattivi fl-istess ħin bħall-Parlament u l-Kunsill. Dawn jistgħu jagħtu l-opinjoni tagħhom biex jiżguraw li d-deċiżjonijiet jittieħdu fl-aktar livell xieraq. Il-parlamenti nazzjonali jissorveljaw l-applikazzjoni korretta tal-prinċipju tas-sussidjarjetà fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u jistgħu jagħtu opinjonijiet motivati meta jqisu li l-prinċipju ma jkunx qed jiġi rrispettat.
L-involviment bħala ċittadin
Kull ċittadin tal-UE għandu d-dritt li jissottometti petizzjoni lill-Parlament f’waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE, fil-forma ta’ lment jew ta’ talba, fuq kwistjoni li taqa’ fi ħdan l-oqsma ta’ attività tal-UE. Il-petizzjonijiet jiġu eżaminati mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament, li jieħu deċiżjoni dwar l-ammissibilità tagħhom u huwa responsabbli għall-indirizzar tagħhom.
Iċ-ċittadini jistgħu wkoll jieħdu sehem direttament fl-iżvilupp ta’ politiki tal-UE billi jistiednu lill-Kummissjoni tagħmel proposta dwar kwistjonijiet li fuqhom l-UE għandha kompetenza li tilleġiżla. L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, kif inhi msejħa, irid ikollha l-appoġġ ta’ mill-inqas miljun ċittadin tal-UE, li jiġu minn tal-inqas seba’ Stati Membri. Numru minimu ta’ firmatarji huwa meħtieġ f’kull wieħed minn dawk is-seba’ Stati Membri.
Iċ-ċittadini jistgħu jaqsmu l-opinjonijiet tagħhom dwar l-inizjattivi tal-Kummissjoni fi stadji ewlenin tal-proċess tat-tfassil tal-politika u tat-tfassil tal-liġijiet. Permezz tal-portal tal-web Semma’ Leħnek, iċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati jistgħu jikkontribwixxu b’modi differenti:
- Il-Kummissjoni l-ewwel tħabbar inizjattiva ġdida jew evalwazzjoni ta’ politika jew liġi eżistenti billi tippubblika valutazzjoni tal-impatt tal-bidu jew pjan direzzjonali. Iċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati għandhom erba’ ġimgħat biex jagħtu l-feedback, li jiġi ppubblikat fuq l-istess paġna web.
- Meta taħdem fuq inizjattiva ġdida jew evalwazzjoni, il-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi permezz ta’ kwestjonarji online, li huma miftuħa għal 12-il ġimgħa.
- Ladarba l-Kummissjoni tkun iffinalizzat proposta leġiżlattiva u ppreżentatha lill-Parlament u lill-Kunsill, iċ-ċittadini jkollhom opportunità oħra biex jikkummentaw dwarha. Il-perjodu tal-feedback dwar il-proposti tal-Kummissjoni huwa ta’ 8 ġimgħat, u wara l-kontribuzzjonijiet jiġu mgħoddija lill-Parlament u lill-Kunsill biex jiġu kkunsidrati fin-negozjati tagħhom.
- Permezz tal-programm Semma’ Leħnek: Issimplifika!, iċ-ċittadini jistgħu jagħtu suġġerimenti lill-Kummissjoni fi kwalunkwe ħin dwar kif il-liġijiet jew il-politiki eżistenti jistgħu jiġu ssimplifikati u mtejba biex ikunu aktar effettivi u inqas ta’ piż.
Il-koordinazzjoni tal-politiki tal-Istati Membri - l-eżempju tal-politika ekonomika
Skont l-unjoni ekonomika u monetarja, il-politika ekonomika tal-UE hija bbażata fuq il-koordinazzjoni mill-qrib tal-politiki ekonomiċi nazzjonali. Din il-koordinazzjoni hija mwettqa mill-ministri tal-ekonomija u tal-finanzi, li flimkien jifformaw il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji.
Il-ministri tal-ekonomija u tal-finanzi tal-membri taż-żona tal-euro jiffurmaw il-Grupp tal-Euro, li jaġixxi biex jippromwovi t-tkabbir ekonomiku u l-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro.
Politika estera u ta’ sigurtà komuni
Il-politika estera u ta’ sigurtà komuni hija l-politika estera organizzata u miftiehma tal-UE, primarjament għad-diplomazija u għall-azzjoni relatati mas-sigurtà u mad-difiża. Id-deċiżjonijiet jeħtieġu unanimità fost l-Istati Membri fil-Kunsill, iżda mill-ġdid, ċerti aspetti jistgħu jiġu deċiżi ulterjorment b’votazzjoni ta’ maġġoranza kwalifikata. Il-politika estera tal-UE fuq livell ministerjali hija rappreżentata mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni, bħalissa Josep Borrell Fontelles, li tippresjedi wkoll il-laqgħat tal-ministri għall-affarijiet barranin.
Il-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali
Kull sena, il-Kunsill jikkonkludi (jiġifieri jiffirma b’mod uffiċjali) numru ta’ ftehimiet bejn l-UE u l-pajjiżi mhux tal-UE, kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali. Dawn il-ftehimiet jistgħu jkopru oqsma mifruxa bħall-kummerċ, il-kooperazzjoni u l-iżvilupp, jew jistgħu jindirizzaw suġġetti speċifiċi bħat-tessut, is-sajd, ix-xjenza u t-teknoloġija, jew it-trasport. Huwa meħtieġ il-kunsens tal-Parlament għall-ftehimiet internazzjonali kollha fl-oqsma koperti mill-proċedura leġiżlattiva ordinarja.
L-approvazzjoni tal-baġit tal-UE
Il-baġit annwali tal-UE huwa deċiż b’mod konġunt mill-Parlament u mill-Kunsill. Jekk iż-żewġ istituzzjonijiet ma jaqblux, jiġu segwiti l-proċeduri ta’ konċiljazzjoni sakemm jiġi approvat baġit. Ara l-Parti 4 ta’ din it-taqsima, It-teħid ta’ azzjoni: il-baġit tal-UE, għal aktar informazzjoni.
3 L-IŻGURAR LI JIĠU RRISPETTATI L-LIĠIJIET TAL-UE
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-UE tiġi interpretata u applikata bl-istess mod f’kull Stat Membru. Il-Qorti għandha s-setgħa li ssolvi tilwimiet legali bejn l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-UE, in-negozji u l-individwi. Biex tlaħħaq mal-ħafna eluf ta’ każijiet li tirċievi, din hija maqsuma f’żewġ korpi ewlenin: il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.
Jekk individwu privat jew kumpanija jġarrbu dannu minħabba azzjoni jew inazzjoni minn istituzzjoni tal-UE jew mill-persunal tagħha, huma jistgħu jieħdu azzjoni kontrihom fil-Qorti, b’wieħed minn dawn iż-żewġ modi:
- indirettament permezz tal-qrati nazzjonali, li jistgħu jiddeċiedu li jirreferu l-kawża għall-Qorti tal-Ġustizzja;
- direttament quddiem il-Qorti Ġenerali, jekk deċiżjoni minn istituzzjoni tal-UE tkun affettwathom direttament u individwalment.
Jekk xi ħadd iqis li l-awtoritajiet f’xi pajjiż kisru d-dritt tal-UE, jistgħu jsegwu l-proċedura uffiċjali tal-ilmenti.
Kif taħdem il-Qorti
Il-kawżi huma pproċessati f’żewġ stadji.
- L-istadju miktub. Il-partijiet jagħtu dikjarazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti, u l-osservazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi wkoll mill-awtoritajiet nazzjonali, mill-istituzzjonijiet tal-UE u, kultant, minn individwi privati. Dan kollu jiġi ssintetizzat mir-relatur tal-imħallef u mbagħad jiġi diskuss fil-laqgħa ġenerali tal-Qorti.
- L-istadju orali. Dan huwa smigħ pubbliku: l-avukati miż-żewġ naħat jistgħu jippreżentaw il-każ tagħhom lill-imħallfin u lill-avukat ġenerali, li jistgħu jinterrogawhom. Jekk il-Qorti tiddeċiedi li hija meħtieġa opinjoni tal-avukat ġenerali, din tingħata xi ġimgħat wara s-smigħ. Imbagħad l-imħallfin jiddeliberaw u jagħtu l-verdett finali.
Il-proċedura tal-Qorti Ġenerali hija simili, ħlief li ħafna każijiet jinstemgħu quddiem tliet imħallfin u ma jkun hemm ebda avukat ġenerali.
Istituzzjonijiet ġudizzjarji oħra tal-UE
L-Ombudsman jirċievi u jinvestiga lmenti u jgħin biex tiġi identifikata amministrazzjoni ħażina fl-istituzzjonijiet u f’korpi oħra tal-UE. Kwalunkwe ċittadin, resident, assoċjazzjoni jew negozju ta’ Stat Membru tal-UE jistgħu jilmentaw mal-Ombudsman.
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data huwa inkarigat bil-protezzjoni tal-informazzjoni personali u tal-privatezza taċ-ċittadini u tar-residenti tal-UE, maħżuna mill-istituzzjonijiet tal-UE f’forma elettronika, miktuba jew viżwali. Dan jippromwovi wkoll prattika tajba f’dan il-qasam fost l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE.
4 IT-TEĦID TA’ AZZJONI: IL-BAĠIT TAL-UE
L-UE taqbel dwar pjanijiet ta’ nfiq fuq terminu twil (magħrufa bħala l-qafas finanzjarju pluriennali) li jipprovdu bażi stabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit fuq perjodu ta’ 7 snin. Dan jippermetti lill-UE tikkomplementa l-baġits nazzjonali b’politiki ta’ finanzjament b’valur miżjud tal-UE. Il-qafas finanzjarju pluriennali jistabbilixxi l-ammonti annwali massimi (limiti massimi) li l-UE tista’ tonfoq f’kategoriji differenti tan-nefqa (intestaturi). Il-baġit attwali jkopri l-perjodu 2021–2027 u jippermetti lill-UE tinvesti madwar EUR 1.2 triljun tul dak il-perjodu f'seba’ kategoriji ta’ nfiq. Dan il-baġit huwa eċċezzjonalment issupplimentat b’EUR 806.9 biljun f’għotjiet u self minn NextGenerationEU: il-pjan ta’ rkupru tal-UE biex tindirizza r-riperkussjonijiet soċjali u ekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19.
Il-baġit annwali tal-UE jiġi deċiż b’mod konġunt mill-Parlament u mill-Kunsill. Il-Parlament jiddibattih f’żewġ sessjonijiet suċċessivi ta’ qari, u dan jidħol fis-seħħ meta jiġi ffirmat mill-President tal-Parlament. Il-Kumitat tal-Parlament għall-Kontroll tal-Baġit jissorvelja kif jintefaq il-baġit, u kull sena l-Parlament jiddeċiedi jekk japprovax l-immaniġġjar mill-Kummissjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja preċedenti.
Il-baġit annwali tal-UE fl-2022 kien ta’ madwar €170 biljun - somma kbira f’termini assoluti, iżda madwar 1 % biss mill-ġid iġġenerat mill-ekonomiji tal-Istati Membri ta’ kull sena.
Il-baġit fit-tul tal-UE għall-2021–2027 u n-NextGenerationEU

Il-Kummissjoni hija responsabbli għall-immaniġġjar u għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE u tal-politiki u tal-programmi adottati mill-Parlament u mill-Kunsill. Ħafna mill-implimentazzjoni u mill-infiq attwali jsir minn awtoritajiet nazzjonali u lokali iżda, il-Kummissjoni hija responsabbli għas-sorveljanza ta’ dawn. Il-Kummissjoni timmaniġġja l-baġit taħt is-superviżjoni attenta tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Iż-żewġ istituzzjonijiet għandhom l-għan li jiżguraw ġestjoni finanzjarja tajba.
Kull sena, wara rakkomandazzjoni mill-Kunsill, il-Parlament jiddeċiedi jekk jagħtix l-approvazzjoni finali tiegħu, jew kwittanza, dwar il-mod kif il-Kummissjoni implimentat il-baġit tal-UE. Din il-proċedura tiżgura akkontabilità u trasparenza sħiħa u, meta tingħata, il-kwittanza twassal għall-għeluq formali tal-kontijiet għal sena partikolari.
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri hija l-istituzzjoni esterna indipendenti tal-awditjar tal-UE. Hija tivverifika li l-introjtu tal-UE jkun ġie riċevut korrettament, li n-nefqa tagħha tkun iġġarrbet b’mod legali u regolari u li l-ġestjoni finanzjarja kienet tajba. Twettaq il-kompiti tagħha b’mod indipendenti mill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE u mill-gvernijiet.
KIF TIKKUNTATTJA LILL-UE
Personalment
Hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct madwar l-Unjoni Ewropea kollha. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik online (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).
Bit-telefown jew bil-miktub
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja lil dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696,
- permezz ta’ din il-formola:
european-union.europa.eu/contact-eu/write-us_mt.
KIF ISSIB TAGĦRIF DWAR L-UE
Online
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa (european-union.europa.eu).
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tara jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE minn op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tad-dokumentazzjoni lokali tiegħek (european-union.europa.eu/contact-eu/meet-us_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex (eur-lex.europa.eu).
Data miftuħa tal-UE
Il-portal data.europa.eu jagħti aċċess għal settijiet tad-data miftuħa mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE. Dawn jistgħu jitniżżlu u jerġgħu jintużaw mingħajr ħlas, għal skopijiet kummerċjali u mhux kummerċjali. Il-portal jagħti aċċess ukoll għal għadd kbir ta’ settijiet tad-data mill-pajjiżi Ewropej.
Dwar
L-Unjoni Ewropea – X’inhi u x’tagħmel
Il-Kummissjoni Ewropea
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
Servizz Editorjali u Komunikazzjoni Mmirata
Rue de la Loi/Wetstraat 56
1049 Brussell
IL-BELGJU
Il-manuskritt tlesta f’Marzu 2022
Dan id-dokument ma jistax jitqies li jikkostitwixxi pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea.
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022
© L-Unjoni Ewropea, 2022
L-użu mill-ġdid huwa awtorizzat kemm-il darba jissemma s-sors oriġinali.
Il-politika tal-użu mill-ġdid tad-dokumenti tal-Kummissjoni Ewropea hija rregolata bid-Deċiżjoni 2011/833/UE (ĠU L 330, 14.12.2011, p. 39).
Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li mhuwiex taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, għandu jintalab permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet.
L-istampi kollha: © Shutterstock, © Fotolia u © Adobe Stock minbarra għar-ritratti fil-paġni li ġejjin: Rispons għall-COVID-19; Il-Patt Ekoloġiku Ewropew; Impjiegi, tkabbir u investment; Taxxa u dwana; L-ispazju; Viċinat u tkabbir tal-UE; Id-drittijiet fundamentali; Il-ġustizzja u l-istat tad-dritt; L-ugwaljanza bejn il-ġeneri; Ir-razziżmu u l-ugwaljanza; L-ugwaljanza tal-LGBTIQ; Id-diżabbiltà; Il-persuni li għalqu l-50 sena; Internet aktar sikur; Iċ-ċittadini u d-demokrazija; Affarijiet interni u sigurtà taċ-ċittadini; Il-kultura, il-media u l-isport: © l-Unjoni Ewropea.
Identifikaturi
ISBN 978-92-76-24657-2 | doi:10.2775/35966 | NA-04-20-632-MT-C | |
ISBN 978-92-76-24633-6 | doi:10.2775/5615 | NA-04-20-632-MT-N | |
HTML | ISBN 978-92-76-24613-8 | doi:10.2775/2090 | NA-04-20-632-MT-Q |
