L-Unjoni Ewropea

X’inhi u x’tagħmel

Din il-pubblikazzjoni hi gwida dwar l-Unjoni Ewropea (UE) u dwar x’tagħmel din.

L-ewwel taqsima tispjega fil-qosor x’inhi l-UE.

It-tieni taqsima, “X’tagħmel l-Unjoni Ewropea”, tiddeskrivi x’inhi tagħmel l-UE f’35 qasam differenti biex ittejjeb ħajjet in-nies fl-Ewropa u lil hinn minnha.

It-tielet taqsima, “Kif l-Unjoni Ewropea tieħu deċiżjonijiet u azzjoni”, tiddeskrivi l-istituzzjonijiet li huma fil-qalba tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE u kif id-deċiżjonijiet ta’ dawn jissarrfu f’azzjonijiet.

  HTML PDF PRINT
Din il-pubblikazzjoni tinsab fil-formati li ġejjin HTML PDF General Report Paper General Report

Bħalissa qed naġġornaw il-verżjonijiet tal-iskeda informattiva tal-HTML taħt “X’tagħmel l-Unjoni Ewropea”. Il-verżjonijiet il-ġodda huma datati April, Mejju jew Ġunju 2021. Jekk jogħġbok innota li l-verżjonijiet PDF u stampati ta’ dawn l-iskedi informattivi mhumiex aġġornati u l-buttuni jillinkjaw għall-verżjonijiet l-antiki. Dawn se jiġu aġġornati dalwaqt.

1 L-Unjoni Ewropea fil-qosor

L-Unjoni Ewropea (UE) hija unjoni ekonomika u politika unika bejn 27 pajjiż Ewropew.

Il-predeċessur tal-UE nħoloq wara t-Tieni Gwerra Dinjija. L-ewwel passi kienu biex titrawwem il-kooperazzjoni ekonomika: l-idea kienet li l-pajjiżi li jagħmlu l-kummerċ ma’ xulxin isiru ekonomikament interdipendenti u għalhekk aktar probabbli li jevitaw il-kunflitt. Ir-riżultat kien il-Komunità Ekonomika Ewropea, maħluqa fl-1958 bil-għan inizjali li żżid il-kooperazzjoni ekonomika bejn sitt pajjiżi: il-Belġju, il-Ġermanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu u n-Netherlands.

Minn dak iż-żmien, 22 pajjiż ieħor ingħaqdu (u r-Renju Unit ħareġ mill-UE fl-2020) u nħoloq suq uniku enormi (magħruf ukoll bħala s-suq “intern”) u qed ikompli jiżviluppa lejn il-potenzjal sħiħ tiegħu.

Dak li beda bħala unjoni purament ekonomika evolva f’organizzazzjoni li tkopri ħafna oqsma ta’ politika differenti, mill-klima, l-ambjent u s-saħħa għar-relazzjonijiet esterni u s-sigurtà, il-ġustizzja u l-migrazzjoni. Dan ġie rifless permezz ta’ bidla fl-isem fl-1993 mill-Komunità Ekonomika Ewropea għall-Unjoni Ewropea.

L-UE tat aktar minn nofs seklu ta’ paċi, stabbiltà u prosperità, għenet biex tgħolli l-livelli ta’ għajxien u nediet munita unika Ewropea: l-euro. Aktar minn 340 miljun ċittadin tal-UE f’19-il pajjiż issa jużawha bħala l-munita tagħhom u jgawdu l-benefiċċji tagħha.

Bis-saħħa tal-abolizzjoni tal-kontrolli tal-fruntieri bejn il-pajjiżi tal-UE, in-nies jistgħu jivvjaġġaw liberament fil-parti l-kbira tal-kontinent. U sar ferm aktar faċli li tgħix u taħdem f’pajjiż ieħor fl-Ewropa. Iċ-ċittadini kollha tal-UE għandhom id-dritt u l-libertà li jagħżlu f’liema pajjiż tal-UE jridu jistudjaw, jaħdmu jew jirtiraw. Kull pajjiż tal-UE għandu jittratta liċ-ċittadini tal-UE eżattament bl-istess mod bħaċ-ċittadini tiegħu stess fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ xogħol, ta’ sigurtà soċjali u ta’ taxxa.

Il-magna ekonomika prinċipali tal-UE hija s-suq uniku. Dan jippermetti l-moviment liberu tal-oġġetti, is-servizzi, il-flus u n-nies. L-UE għandha l-għan li tiżviluppa din ir-riżorsa enormi għal oqsma oħra bħall-enerġija, l-għarfien u s-swieq kapitali biex tiżgura li l-Ewropej ikunu jistgħu jieħdu l-benefiċċju massimu minnha.

L-UE tibqa’ ffukata biex tagħmel l-istituzzjonijiet ta’ governanza tagħha aktar trasparenti u demokratiċi. Id-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod kemm jista’ jkun miftuħ u kemm jista’ jkun viċin taċ-ċittadin. Ingħataw aktar setgħat lill-Parlament Ewropew, elett b’mod dirett, filwaqt li l-parlamenti nazzjonali għandhom rwol akbar, u jaħdmu flimkien mal-istituzzjonijiet Ewropej.

L-UE hija rregolata mill-prinċipju ta’ demokrazija rappreżentattiva, biċ-ċittadini rrappreżentati direttament fil-livell tal-UE fil-Parlament Ewropew u l-Istati Membri rrappreżentati fil-Kunsill Ewropew u fil-Kunsill tal-UE.

Iċ-ċittadini Ewropej huma mħeġġa jikkontribwixxu għall-ħajja demokratika tal-UE billi jagħtu l-opinjonijiet tagħhom dwar il-politiki tal-UE matul l-iżvilupp tagħhom jew billi jissuġġerixxu titjib għal-liġijiet u l-politiki eżistenti. L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej tagħti s-setgħa liċ-ċittadini biex ikollhom vuċi akbar dwar il-politiki tal-UE li jaffettwaw ħajjithom. Iċ-ċittadini jistgħu wkoll iressqu lmenti u mistoqsijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-UE.

Kif minqux fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, “l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.” Dawn il-valuri huma parti integrali mill-istil ta’ ħajja Ewropew.

Id-dinjità tal-bniedem trid tiġi rrispettata, protetta u tikkostitwixxi l-bażi reali tad-drittijiet fundamentali.

Li tkun ċittadin Ewropew ifisser ukoll li tgawdi drittijiet politiċi. Kull ċittadin adult tal-UE għandu d-dritt li joħroġ bħala kandidat u li jivvota fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, kemm fil-pajjiż ta’ residenza tiegħu jew fil-pajjiż ta’ oriġini.

L-ugwaljanza tirreferi għad-drittijiet indaqs għaċ-ċittadini kollha quddiem il-liġi. Il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel huwa l-bażi tal-politiki Ewropej kollha u huwa l-bażi għall-integrazzjoni Ewropea. Japplika fl-oqsma kollha.

L-UE hija bbażata fuq l-istat tad-dritt. Kull ma tagħmel l-UE huwa bbażat fuq trattati, li huma miftiehma b’mod volontarju u demokratiku mill-pajjiżi membri tagħha. Il-liġi u l-ġustizzja huma mħarsa minn ġudikatura indipendenti. Il-pajjiżi tal-UE taw ġurisdizzjoni finali fi kwistjonijiet ta’ dritt tal-UE lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, li s-sentenzi tagħha għandhom jiġu rrispettati minn kulħadd.

Id-drittijiet tal-bniedem huma protetti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Dawn ikopru d-dritt li tkun ħieles minn diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali tiegħek, u d-dritt li jkollok aċċess għall-ġustizzja.

Fl-2012, l-UE rċeviet il-Premju Nobel għall-Paċi għall-avvanz tal-kawżi tal-paċi, tar-rikonċiljazzjoni, tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa.

L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE

Fil-qalba tal-UE hemm is-27 Stat Membru li jappartjenu għall-Unjoni, u ċ-ċittadini tagħhom. Il-karatteristika unika tal-UE hi li, għad li l-Istati Membri lkoll jibqgħu stati sovrani u indipendenti, dawn iddeċidew li jgħaqqdu parti mis-“sovranità” tagħhom f’oqsma fejn jagħmel sens li jaħdmu flimkien.

Fil-prattika, dan ifisser li l-Istati Membri jiddelegaw uħud mis-setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tagħhom lill-istituzzjonijiet kondiviżi li ħolqu, biex b’hekk id-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ interess komuni jkunu jistgħu jsiru b’mod demokratiku fil-livell tal-UE.

L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (2020)


Hemm diversi istituzzjonijiet involuti fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell tal-UE, b’mod partikolari:

  • il-Parlament Ewropew, li jirrappreżenta liċ-ċittadini tal-UE u hu elett direttament minnhom;
  • il-Kunsill Ewropew, li jikkonsisti fil-Kapijiet ta’ Stat jew tal-Gvern tal-Istati Membri tal-UE;
  • il-Kunsill, (imsejjaħ ukoll il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea) li jirrappreżenta lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE; u
  • il-Kummissjoni Ewropea, li tirrappreżenta l-interessi tal-UE fis-sħuħija tagħha.

Il-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri wkoll għandhom rwol fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fit-tfassil tal-liġijiet, bħal ma għandhom żewġ korpi konsultattivi. Dawn huma l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, li jikkonsisti minn rappreżentanti tal-gvern reġjonali u lokali, u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, magħmul minn rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tal-impjegati u ta’ min iħaddem u ta’ gruppi tal-partijiet ikkonċernati.

Ġeneralment, hi l-Kummissjoni Ewropea li tipproponi liġijiet ġodda u l-Parlament Ewropew u l-Kunsill (imsejjaħ ukoll il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea) li jadottawhom.

Il-korpi konsultattivi (il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni) kif ukoll il-parlamenti nazzjonali huma involuti fil-proċess billi jipprovdu l-opinjonijiet tagħhom dwar il-proposti, prinċipalment mill-perspettiva tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità. Is-sussidjarjetà tfisser li, ħlief fl-oqsma fejn għandha setgħat esklużivi, l-UE taġixxi biss meta l-azzjoni tkun aktar effettiva fil-livell tal-UE milli fil-livell nazzjonali. Taħt il-prinċipju tal-proporzjonalità, l-azzjoni tal-UE għandha tkun limitata għal dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tat-Trattati tal-UE.

Imbagħad, l-Istati Membri u l-istituzzjoni jew l-istituzzjonijiet tal-UE kkonċernati jimplimentaw il-liġijiet adottati tal-UE. It-tielet taqsima ta’ din il-pubblikazzjoni fiha aktar informazzjoni dwar kif l-UE tieħu deċiżjonijiet, u kif timplimentahom.

It-trattati tal-UE

Kull azzjoni meħuda mill-UE hi msejsa fuq trattati li ġew approvati b’mod volontarju u demokratiku mill-pajjiżi kollha tal-UE. It-trattati jistabbilixxu l-objettivi tal-Unjoni Ewropea, u jfasslu r-regoli għal kif joperaw l-istituzzjonijiet tal-UE, dwar kif jittieħdu deċiżjonijiet u dwar ir-relazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha.

F’ċerti każijiet speċifiċi, mhux l-Istati Membri kollha jieħdu sehem fl-oqsma kollha tal-politika tal-UE. Pereżempju, filwaqt li l-euro hi l-munita unika tal-UE fis-sħuħija tagħha, iż-żona tal-euro bħalissa tinkludi biss 19-il Stat Membru, filwaqt li d-Danimarka għandha klawżola ta’ nonparteċipazzjoni u l-pajjiżi l-oħra għadhom ma ssodisfawx il-kriterji biex jissieħbu. Fost l-Stati Membri kollha, 22 huma membri taż-żona Schengen, li tippermetti l-moviment mingħajr passaport, b'ħamsa li għadhom iżommu l-kontrolli fil-fruntieri tagħhom stess.

Ħarsa ’l quddiem

Biex iżomm il-proġett Ewropew fi triqtu, id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2016 ta’ Jean-Claude Juncker, li dak iż-żmien kien il-President tal-Kummissjoni Ewropea, ippreżenta aġenda pożittiva għal Ewropa li tħares, temanċipa u tiddefendi. Dan il-messaġġ intlaqa’ sew mill-Parlament Ewropew kif ukoll mill-mexxejja tal-EU-27 matul is-Summit ta’ Bratislava fis-16 ta’ Settembru 2016.

Il-ħidma fuq l-aġenda pożittiva kompliet bil-White Paper tal-Kummissjoni dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa f’Marzu 2017, li offriet ħames xenarji għal kif tista’ tkun tidher l-UE sal-2025. Wara l-White Paper, il-Kummissjoni kkontribwiet għad-dibattitu permezz ta’ sensiela ta’ dokumenti tematiċi ta’ riflessjoni li offrew għażliet differenti għall-UE f’ċerti oqsma ta’ politika: id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa; l-isfruttar tal-globalizzazzjoni; l-approfondiment tal-unjoni ekonomika u monetarja; il-futur tad-difiża Ewropea; kif ukoll il-futur tal-finanzi tal-UE.

Is-snin li ġejjin joffru kemm opportunitajiet kif ukoll sfidi għall-Unjoni Ewropea. L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2019 u s-summit straordinarju biex jiġi diskuss il-futur tal-Ewropa f’Sibiu, ir-Rumanija fid-9 ta’ Mejju 2019, ipprovdew lill-UE biċ-ċans li ġġedded l-impenn tagħha biex twettaq il-kwistjonijiet li huma verament importanti għan-nies.

Il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen ħabbret Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa, sabiex l-Ewropej ikunu jistgħu jaqsmu fehmithom dwar kif titmexxa l-Unjoni, u fuqiex għandha tagħti r-riżultati. Il-Konferenza se tibda fl-2020 u se ddum sentejn, u se tlaqqa’ lil ċittadini ta’ kull età minn madwar l-UE, kif ukoll is-soċjetà ċivili u istituzzjonijiet Ewropej.

2 X’tagħmel l-Unjoni Ewropea

It-tieni parti ta’ din il-pubblikazzjoni tippreżenta sommarju ta’ dak li l-UE tagħmel qasam ta’ politika differenti, inklużi ħoloq siewja għal aktar informazzjoni.

Bħalissa qed naġġornaw il-verżjonijiet tal-iskeda informattiva tal-HTML taħt “X’tagħmel l-Unjoni Ewropea”. Il-verżjonijiet il-ġodda huma datati April, Mejju jew Ġunju 2021. Jekk jogħġbok innota li l-verżjonijiet PDF u stampati ta’ dawn l-iskedi informattivi mhumiex aġġornati u l-buttuni jillinkjaw għall-verżjonijiet l-antiki. Dawn se jiġu aġġornati dalwaqt.

Valuri u drittijiet, stat tad-dritt, sigurtà

Il-ġustizzja u d-drittijiet fundamentali

Demokrazija Ewropea

April 2021

Rispons għall-COVID-19

Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal traġedja umana, lockdowns, u tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. L-UE ħadet azzjoni malajr biex tipproteġi l-ħajjiet u l-għajxien u żviluppat rispons Ewropew komuni għall-isfidi tas-saħħa pubblika u dawk ekonomiċi.

Video:

X’tagħmel l-UE

Is-solidarjetà tinsab fil-qalba tar-rispons komuni tal-UE għall-COVID-19. L-UE qed timmobilizza r-riżorsi kollha disponibbli biex tgħin lill-Istati Membri jikkoordinaw ir-risponsi nazzjonali tagħhom. Dawn jinkludu l-għoti ta’ informazzjoni oġġettiva dwar it-tixrid tal-virus, l-isforzi effettivi biex jitrażżan u azzjoni biex tissewwa l-ħsara ekonomika u soċjali li tirriżulta mill-pandemija.

Ir-riżerva medika tar-RescEU, l-ewwel ħażna komuni tal-UE ta’ tagħmir mediku ta’ emerġenza, għenet lill-Istati Membri biex jiffaċċjaw nuqqas ta’ tagħmir. L-istrateġja tal-UE għall-vaċċini għandha l-għan li tħaffef l-iżvilupp, il-manifattura u d-distribuzzjoni tal-vaċċini kontra l-COVID-19. L-UE ffinanzjat bil-quddiem uħud mill-ispejjeż li jħabbtu wiċċhom magħhom il-produtturi tal-vaċċini biex iħaffu l-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ vaċċini promettenti bħala parti mill-istrateġija tagħha ta’ xiri ta’ vaċċini. Sal-lum, erba’ vaċċini sikuri u effettivi ġew awtorizzati għall-użu fl-UE wara rakkomandazzjonijiet xjentifiċi pożittivi mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini.

Il-Kummissjoni Ewropea kienet kisbet sa 2.6 biljun doża tal-vaċċin sa April 2021 u n-negozjati jkomplu għal dożi addizzjonali. F’Jannar 2021, il-Kummissjoni Ewropea appellat lill-Istati Membri biex iħaffu l-introduzzjoni tat-tilqim fl-UE kollha. Il-konsenji tal-vaċċini lejn l-Istati Membri tal-UE qed jiżdiedu b’mod kostanti u t-tilqim qed jaqbad ir-ritmu. Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll mal-industrija biex iżżid il-kapaċità tal-manifattura tal-vaċċini.

Bdiet ħidma biex jiġu prodotti vaċċini effettivi malajr kontra l-varjanti ġodda. Fi Frar 2021, il-Kummissjoni nediet l-Inkubatur HERA biex tipprepara għall-varjanti inkwetanti tal-COVID-19 u tiżgura li jiġu żviluppati u prodotti malajr vaċċini effettivi biex jegħlbuhom.

Il-baġit tal-UE għall-2021–2027 u n-NextGenerationEU, il-pjan ta’ rkupru, se jipprovdu €1.8 triljun biex jappoġġjaw lin-nies, lill-kumpaniji u lir-reġjuni, partikolarment dawk l-aktar affettwati mill-kriżi. Barra dan, l-inizjattiva SURE (Appoġġ biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza) tgħin biex jiġu ppreżervati l-impjiegi u jiġu appoġġjati l-familji fi 19-il Stat Membru.

F’Marzu 2021, il-Kummissjoni ppreżentat proposta biex jinħoloq Ċertifikat Aħdar Diġitali biex jiffaċilita l-moviment liberu sikur taċ-ċittadini fi ħdan l-UE matul il-pandemija.

L-UE hija impenjata li tiżgura li vaċċini sikuri jilħqu l-irkejjen kollha tad-dinja. Il-Kummissjoni u Stati Membri tal-UE wiegħdu aktar minn €2.2 biljun lill-COVAX, l-inizjattiva globali mmirata biex tiżgura aċċess ekwu għall-vaċċini kontra l-COVID-19, u qed jappoġġjaw kampanji ta’ tilqim f’pajjiżi sħab.

April 2021

Saħħa

Is-saħħa hi prijorità ewlenija għall-Unjoni Ewropea. Il-politika tal-UE dwar is-saħħa tikkomplementa l-politiki tal-Istati Membri biex tiżgura li kull min jgħix fl-UE jkun protett kontra theddidiet transfruntieri serji għas-saħħa u jkollu aċċess għal kura tas-saħħa ta’ kwalità.

Filwaqt li l-organizzazzjoni tal-kura tas-saħħa hi r-responsabbiltà tal-Istati Membri individwali, l-UE tikkomplementa l-politiki nazzjonali biex jintlaħqu għanijiet komuni. Il-Politika tas-saħħa tal-UE tiffoka fuq l-indirizzar ta’ theddid serju għas-saħħa fl-UE kollha, il-prevenzjoni tal-mard u l-iżgurar ta’ opportunità ugwali għal saħħa tajba u kura tas-saħħa ta’ kwalità għal kulħadd. Il-ħidma flimkien tfisser tiġbor flimkien ir-riżorsi, li tiġġenera wkoll ekonomiji ta’ skala.

Video:

X’tagħmel l-UE

L-ambizzjoni tal-UE hi li tiżgura sistemi tas-saħħa fl-UE aċċessibbli, effettivi u reżiljenti. Il-ħidma tal-UE tinkludi azzjoni dwar it-tilqim (inkluż kontra l-COVID-19), il-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi, u l-prevenzjoni u l-limitazzjoni ta’ pandemiji u mard infettiv ieħor.

Ir-rwol tal-UE fit-tħejjija għal theddid transfruntier serju għas-saħħa u r-rispons għalih hu essenzjali għall-protezzjoni tan-nies fl-Ewropa. Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen ħabbret Unjoni Ewropea tas-Saħħa aktar b’saħħitha biex jiġu indirizzati flimkien il-kriżijiet tas-saħħa, il-kanċer u l-iskarsezzi tal-mediċini.

Il-kanċer hu kawża ewlenija ta’ mewt fl-UE, kif ukoll spiża għolja għas-sistemi tas-saħħa. L-UE qed tappoġġja l-prevenzjoni, id-detezzjoni, id-dijanjożi bikrija u t-trattament kif ukoll il-kwalità tal-ħajja għall-pazjenti u s-superstiti tal-kanċer permezz tal-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer. L-UE hi attiva fil-ġlieda kontra t-tipjip permezz tal-leġiżlazzjoni dwar it-tabakk, u fil-promozzjoni ta’ stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa.

L-għan tal-Istrateġija Farmaċewtika hu li jitjieb l-aċċess għal mediċini affordabbli għall-pazjenti, inklużi dawk li jsofru minn mard rari. Hi se tappoġġja wkoll l-innovazzjoni u l-ktajjen tal-provvista diversi, bil-ħsieb li tissaħħaħ it-tħejjija tagħna għall-kriżijiet.

L-istrument ewlieni għall-finanzjament tal-politiki tas-saħħa tal-UE hu l-programm ta’ €5.1 biljun tal-UE għas-Saħħa. Se jiffinanzja interventi biex tingħata spinta lill-prevenzjoni tal-mard u t-tħejjija u r-reżiljenza tas-sistemi tal-kura tas-saħħa fl-UE. Barra minn hekk, il-programm Orizzont Ewropa se jinvesti €5.4 biljun fir-riċerka u l-innovazzjoni relatati mas-saħħa.

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard jivvaluta t-theddid emerġenti sabiex l-UE u l-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa jkunu jistgħu jirreaġixxu malajr. U biex jiġi żgurat li l-pazjenti jingħataw l-aħjar trattament, il-mediċini kollha fl-UE jridu jiġu approvati fil-livell nazzjonali jew tal-UE (permezz tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini) qabel ma jidħlu fis-suq.

Il-Karta Ewropea tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tgħin lill-vjaġġaturi jiksbu trattament jekk jimirdu waqt li jkunu qed iżuru Stat Membru ieħor tal-UE, filwaqt li l-liġi tal-UE dwar il-kura tas-saħħa transfruntiera tistabbilixxi d-drittijiet taċ-ċittadini meta jaqsmu l-fruntieri għal kura ppjanata. Permezz tan-Networks ta' referenza Ewropej pazjenti b’mard rari jew kumpless jibbenefikaw mill-aqwa għarfien espert mill-Ewropa kollha mingħajr lanqas ma jitilqu minn pajjiżhom.

April 2021

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-pjan ta’ azzjoni tal-UE biex l-Ewropa ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima. Huwa strateġija ta’ tkabbir li għandha l-għan li sal-2050 toħloq ekonomija Ewropea moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva mingħajr emissjonijiet netti ta’ gassijiet b’effett ta’ serra li ma tħalli lil ħadd lura.

It-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali qed jheddu l-Ewropa u d-dinja. L-atmosfera qed tisħon u l-klima qed tinbidel.

Il-protezzjoni ambjentali u t-tkabbir ekonomiku jistgħu jimxu id f’id. Bejn l-1990 u l-2019, l-UE naqqset l-emissjonijiet tagħha ta’ gassijiet b’effett serra b'24 % filwaqt li l-ekonomija kibret b'60 %.

Video:

X’tagħmel l-UE

Il-Patt Klimatiku Ewropew jistabbilixxi l-mod kif l-Ewropa se tkun l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050. Biex tintlaħaq din il-mira jeħtieġ li tinħoloq ekonomija ċirkolari li tkun nadifa, tiġi restawrata l-bijodiversità u jitnaqqas drastikament it-tniġġis. Dan jeħtieġ azzjoni fis-setturi kollha tal-ekonomija, inklużi:

  • investiment f’teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent;
  • appoġġ għall-innovazzjoni fl-industrija;
  • forom ta’ trasport privat u pubbliku iktar nodfa, orħos u b’inqas impatt fuq is-saħħa;
  • dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija;
  • assikurazzjoni li l-bini huwa aktar effiċjenti fl-enerġija;
  • ħidma ma’ sħab internazzjonali biex jitjiebu l-istandards ambjentali globali.

L-UE hija impenjata li ssir newtrali għall-klima sal-2050 u stabbilixxiet il-mira li tnaqqas l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet b'effett ta’ serra b’mill-inqas 55  taħt il-livelli tal-1990 sal-2030. L-ewwel liġi Ewropea dwar il-klima se tistabbilixxi dawn l-għanijiet u tiżgura li l-politiki kollha tal-UE jikkontribwixxu biex jintlaħqu.

Se jkun hemm bżonn ta’ investiment sinifikanti, kemm mill-UE kif ukoll mis-settur pubbliku nazzjonali u minn dak privat. Il-Pjan ta' investiment għall-Patt Ekoloġiku Ewropew se jimmobilizza tal-inqas €1 triljun f’investimenti sostenibbli, filwaqt li l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta se jiżgura li ebda reġjun ma jitħalla lura, u se jipprovdi appoġġ immirat biex jgħin fil-mobilizzazzjoni ta’ mill-inqas €150 biljun fir-reġjuni l-aktar affettwati. L-azzjoni klimatika hija parti mill-programmi ta’ nfiq ewlenin kollha tal-UE, b’mill-inqas 30  tal-baġit għall-2021–2027 iddedikat għal inizjattivi relatati mal-klima.

Il-Patt Ekoloġiku hu sostnut minn mira ambizzjuża biex jitwaqqaf u jitreġġa’ lura t-telf tal-bijodiversità billi nittrasformaw is-sistemi alimentari, il-foresti, l-art, l-ilma u l-użu tal-baħar, kif ukoll l-enerġija, l-ibliet u l-industrija tagħna. L-istrateġija industrijali l-ġdida tal-UE se tgħin lill-industrija tal-Ewropa tmexxi t-tranżizzjonijiet doppji lejn in-newtralità klimatika u t-tmexxija diġitali. It-teknoloġiji diġitali se jkollhom rwol importanti fil-kisba tal-mira klimatika tal-UE għall-2050, pereżempju billi jottimizzaw l-użu tal-enerġija f’ħafna setturi inklużi l-agrikoltura, it-trasport u l-manifattura.

It-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità huma theddidiet globali u l-UE se tkompli tmexxi l-isforzi internazzjonali biex tippromwovi l-implimentazzjoni ta’ politiki ambizzjużi dwar l-ambjent, il-klima u l-enerġija madwar id-dinja.

April 2021

L-azzjoni klimatika

L-UE qed taħdem qatigħ biex issir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-pjan biex dan iseħħ; billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, isir investiment f’teknoloġiji ekoloġiċi u jitħares l-ambjent naturali tagħna, filwaqt li jiġu indirizzati wkoll il-konsegwenzi inevitabbli tat-tibdil fil-klima.

L-UE qed tieħu azzjoni b’reazzjoni għat-tibdil fil-klima tad-Dinja, b’mod partikolari it-temperaturi globali li qed jogħlew minħabba ż-żieda fil-gassijiet b'effett ta’ serra kkawżati mill-attività tal-bniedem. Temperaturi medji ogħla għandhom ħafna konsegwenzi, inklużi avvenimenti ta’ temp estrem aktar frekwenti bħal għargħar, nixfiet u maltempati. Minbarra li huma ta’ theddida diretta għan-nies, dawn jistgħu jipperikolaw ukoll il-produzzjoni tal-ikel u joħolqu skarsezzi tal-ilma, li min-naħa tagħhom jistgħu jikkawżaw ġuħ, kunflitti u migrazzjoni.

Video:

X’tagħmel l-UE

L-UE qed tmexxi l-isforzi globali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Hija qed taħdem b’mod attiv ma’ pajjiżi u reġjuni oħra biex tilħaq l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi, li għandu l-għan li jżomm it-tisħin globali sew taħt iż-2°C ’il fuq mil-livelli preindustrijali, u qed jagħmel sforzi biex jillimita ż-żieda għal 1.5°C.

L-UE hija impenjata li ssir newtrali għall-klima sal-2050 u stabbilixxiet il-mira li tnaqqas l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet b'effett ta’ serra b’mill-inqas 55% taħt il-livelli tal-1990 sal-2030. L-ewwel liġi Ewropea dwar il-klima mhu se tħalli ebda dubju dwar dawn il-miri, filwaqt li l-pakkett ambizzjuż ta’ miżuri li jifforma l-Patt Ekoloġiku Ewropew se jippermetti liċ-ċittadini u lin-negozji tal-UE li jibbenefikaw minn tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika li tiżgura li ħadd ma jibqa’ lura.

Din it-tranżizzjoni teħtieġ azzjoni mill-partijiet kollha tal-ekonomija u tas-soċjetà. L-individwi u l-komunitajiet jistgħu jagħtu sehemhom permezz tal-Patt Klimatiku Ewropew, li jistieden lil kulħadd jipparteċipa fil-bini ta’ Ewropa aktar ekoloġika.

L-istrateġija tal-UE biex tadatta għat-tibdil fil-klima tippromwovi azzjonijiet bħall-bini ta’ difiżi kontra l-għargħar, l-iżvilupp ta’ għelejjel tolleranti għan-nixfa u t-tibdil fir-regolamenti tal-bini, u tappoġġja l-azzjoni internazzjonali għar-reżiljenza għall-klima.

In-nuqqas ta’ indirizzar tat-tibdil fil-klima jkun jiswa ħafna flus lill-UE u lill-bqija tad-dinja. Fl-istess ħin, id-domanda dejjem tikber għal teknoloġiji nodfa tippreżenta opportunitajiet għall-innovazzjoni, il-modernizzazzjoni industrijali u l-impjiegi u t-tkabbir ekoloġiċi. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jirrappreżenta l-istrateġija ta’ tkabbir li permezz tagħha dawn l-opportunitajiet se jiġu sfruttati. L-azzjoni klimatika hija parti mill-programmi ta’ nfiq ewlenin kollha tal-UE, b’mill-inqas 30 % tal-baġit għall-2021–2027 iddedikat għal inizjattivi relatati mal-klima.

L-UE għandha sett komprensiv ta’ miżuri fis-seħħ biex tnaqqas l-emissjonijiet mis-setturi kollha tal-ekonomija. Is-sistema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tnaqqas l-emissjonijiet mill-industrija, l-impjanti tal-enerġija u l-avjazzjoni fl-Ewropa b’mod kosteffettiv. L-Istati Membri tal-UE qablu wkoll dwar miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet f’setturi oħra, bħat-trasport, il-kostruzzjoni u l-agrikoltura.

April 2021

Ambjent

L-UE għandha wħud mill-ogħla standards ambjentali fid-dinja, li jipproteġu n-natura u l-kwalità tal-ħajja tan-nies, iwasslu biex l-ekonomija tkun ekoloġika u jiżguraw l-użu bir-reqqa tar-riżorsi naturali.

Madankollu, bħalissa qed niffaċċjaw sfidi globali kbar li jinkludu t-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità u l-iskarsezza tar-riżorsi. L-indirizzar ta’ dawn l-isfidi huwa urġenti u se jeħtieġ trasformazzjoni profonda u rapida tas-soċjetà tagħna, il-mod kif ngħixu u l-mod kif nipproduċu u nikkunsmaw. L-irkupru tal-UE mill-pandemija tal-COVID-19 irid ikun ekoloġiku, irid jagħmel lill-Ewropa aktar reżiljenti u jrid ikun ġust u inklużiv għal kulħadd.

Il-politika ambjentali tal-UE għandha rwol kruċjali fl-appoġġ tal-Patt Ekoloġiku Ewropew fl-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u riġenerattiva, li tagħti lura lill-pjaneta aktar milli tieħu.

Video:

X’tagħmel l-UE

L-UE qed tistinka biex tnaqqas l-impatti ambjentali tal-produzzjoni u l-konsum ta’ oġġetti u servizzi. Hu essenzjali li l-ekonomija ssir ċirkolari, u tkun tali li fiha l-valur tal-prodotti u l-materjali jdum kemm jista’ jkun u l-iskart u l-użu tar-riżorsi jiġi minimizzat biex tinkiseb il-mira tan-newtralità klimatika tal-UE sal-2050 u jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità.

Il-pjan ta' azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari l-ġdid, wieħed mill-pilastri ewlenin tal-Patt Ekoloġiku, għandu l-għan li jwassal biex il-prodotti sostenibbli jkunu n-normalità fl-UE. Hu jiffoka fuq oqsma bl-akbar potenzjali bħall-elettronika, il-batteriji u l-vetturi, it-tessuti, il-kostruzzjoni u l-ikel. Skont il-Pjan, l-istrateġija għall-plastiks għandha l-għan li tagħmel l-imballaġġ tal-plastik kollu fl-UE riutilizzabbli jew riċiklabbli sal-2030, filwaqt li regoli ġodda għandhom fil-mira tagħhom il-plastik li jintuża darba biss.

L-UE għandha tissalvagwardja r-riżorsi naturali u twaqqaf it-tnaqqis tal-ispeċijiet u l-ħabitats fil-periklu. L-istrateġija għall-bijodiversità tal-UE se tespandi ż-żoni protetti fuq l-art u fil-baħar, tħawwel biljuni ta’ siġar, u tħeġġeġ prattiki ta’ biedja sostenibbli, fost azzjonijiet oħra. Se tibni fuq in-network Natura 2000 eżistenti tagħha ta’ żoni naturali protetti fl-UE fejn l-attivitajiet sostenibbli tal-bniedem jistgħu jeżistu flimkien ma’ speċijiet u ħabitats rari u vulnerabbli.

Biex tipproteġi lin-nies mill-pressjonijiet u r-riskji għas-saħħa relatati mal-ambjent, l-UE timmira li tiggarantixxi ilma tax-xorb sikur u ilma għall-għawm nadif, ittejjeb il-kwalità tal-arja, tnaqqas l-istorbju u tnaqqas jew telimina l-effetti tal-prodotti kimiċi li jagħmlu l-ħsara.

L-UE għandha wkoll rwol ewlieni fl-isforzi internazzjonali biex tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli. L-isfidi ambjentali ma jiqfux mal-fruntieri. Hi meħtieġa aktar azzjoni biex jiġi żgurat li l-arja, l-oċeani u riżorsi tal-ilma oħrajn ikunu nodfa, u li tiżgura li l-art u l-ekosistemi jintużaw b’mod sostenibbli, u li t-tibdil fil-klima jinżamm f’livelli aċċettabbli. L-istandards ambjentali huma rispettati permezz tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE ma’ pajjiżi oħra.

April 2021

Enerġija

Il-politika tal-enerġija tal-UE għandha l-għan li tiżgura provvista tal-enerġija sigura, kompetittiva u affordabbli, filwaqt li tilħaq il-miri tagħna dwar il-klima.

L-Ewropa qed taffaċċja numru ta’ sfidi kbar għall-enerġija. Minbarra li tiżgura provvisti tal-enerġija siguri bi prezzijiet raġonevoli għal kulħadd, l-UE trid taqleb minn ekonomija bbażata fuq il-fossili għal sistema aktar nadifa u newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

Biex tagħmel din it-tranżizzjoni, jeħtieġ li l-UE ssir aktar effiċjenti fl-enerġija, iżżid l-enerġija rinnovabbli, tħaddan l-innovazzjoni u t-teknoloġiji ġodda, ittejjeb il-konnessjonijiet transfruntiera tal-enerġija u tnaqqas id-dipendenza fuq l-enerġija.

Video:

X’tagħmel l-UE

Kull Stat Membru jiddefinixxi t-taħlita tal-enerġija tiegħu stess, iżda l-koordinazzjoni tar-regoli fil-livell tal-UE tippermettilhom jilħqu objettivi politiċi komuni.

Il-klima u l-enerġija huma marbuta b’mod inseparabbli. L-enerġija tirrappreżenta 75 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fl-UE. Biex tilħaq l-għan tagħha li ssir newtrali għall-klima sal-2050, l-UE qed tfittex li tiddefinixxi mill-ġdid kompletament is-sistema tal-enerġija tagħha.

L-Unjoni tal-Enerġija se twettaq din it-trasformazzjoni billi ttejjeb is-sinerġiji ma’ oqsma oħra ta’ politika bħat-trasport, ir-riċerka u l-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, l-ekonomija ċirkolari, u l-finanzjament sostenibbli.

Il-pakkett leġiżlattiv dwar l-enerġija nadifa għall-Ewropej kollha se jgħin biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u biex jitwettqu l-impenji tal-Ftehim ta’ Pariġi tal-UE.

Id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija permezz tal-enerġija rinnovabbli hija waħda mill-elementi ewlenin tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. L-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta hija fost it-teknoloġiji bl-akbar potenzjal. Barra minn hekk, l-UE qed tieħu passi biex ittejjeb l-effiċjenza enerġetika, inkluż billi tirrinova miljuni ta’ binjiet tal-Ewropa u permezz tal-ekodisinn u t-tikketti tal-enerġija.

L-istrateġiji tal-UE għall-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija u tal-idroġenu proposti jwittu t-triq lejn settur tal-enerġija kompletament dekarbonizzat, aktar effiċjenti u interkonness. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea qed tħares lejn sfidi ġodda bħad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-gass, pereżempju billi tnaqqas l-emissjonijiet tal-metan.

L-indirizzar ta’ dawn l-isfidi fil-livell tal-UE jipprovdi wkoll opportunitajiet ġodda għat-tkabbir, l-impjiegi, ir-riċerka, u suq tal-enerġija aktar kompetittiv u sostenibbli. Il-konsumaturi għandhom jibbenefikaw ukoll b’mod sinifikanti f’termini tad-drittijiet tagħhom li jibdlu l-fornituri tal-enerġija, u, fl-aħħar mill-aħħar, kontijiet domestiċi aktar baxxi u inqas tniġġis tal-arja. Xi politiki u azzjonijiet addizzjonali li jgħinu biex jiżguraw li l-UE tilħaq l-għanijiet tagħha jinkludu:

Mejju 2021

Trasport u vvjaġġar

Il-politika tal-UE dwar it-trasport tgħin biex l-ekonomija tkompli timxi ’l quddiem billi tiżviluppa infrastruttura moderna li twassal għal vjaġġi aktar veloċi u sikuri, filwaqt li tippromwovi soluzzjonijiet sostenibbli u diġitali.

L-Ewropa teħtieġ konnessjonijiet tat-trasport effiċjenti biex tixpruna n-negozju, it-tkabbir u l-impjiegi, għat-turiżmu u d-divertiment, u biex iżżomm lin-nies konnessi. It-trasport huwa kontributur ewlieni għall-ekonomija, u jimpjega direttament madwar 10 miljun persuna. Il-politika tal-UE dwar it-trasport tiffoka fuq il-ħolqien ta’ żona Ewropea unika reżistenti għall-kriżi bi trasport aktar nadif u aktar ekoloġiku u b’kompetizzjoni ġusta.

Il-pjattaforma Re-open EU tipprovdi informazzjoni prattika dwar il-COVID-19 u dwar il-miżuri nazzjonali dwar is-sikurezza u l-ivvjaġġar bħar-rekwiżiti ta’ kwarantina u ttestjar fl-Istati Membri tal-UE.

Video:

X’tagħmel l-UE

Bis-saħħa tal-UE, l-aħħar 20 sena raw progress konsiderevoli fis-settur tat-trasport tal-Ewropa, bi trasport aktar sikur bl-ajru, fuq il-baħar u fit-triq; kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għall-ħaddiema tat-trasport; aktar opzjonijiet u opzjonijiet ta’ mobbiltà orħos u progress mgħaġġel lejn soluzzjonijiet iktar ekoloġiċi u diġitali.

It-trasport jirrappreżenta kwart tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-UE u l-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu l-għan li jnaqqashom b’90% sal-2050. Il-kisba ta’ mobbiltà aktar sostenibbli u intelliġenti tfisser li jiġu offruti alternattivi aktar affordabbli, aktar aċċessibbli, aktar tajbin għas-saħħa u aktar ekoloġiċi. Objettiv ewlieni huwa li tingħata spinta lill-użu ta’ vetturi nodfa u fjuwils alternattivi u jissaħħaħ ir-rwol ta’ mezzi ta’ trasport sostenibbli, bħall-ferroviji. Fl-2021, is-Sena Ewropea tal-Ferroviji titfa’ dawl fuq il-benefiċċji tal-ferrovija bħala mezz ta’ trasport sostenibbli, intelliġenti u sikur.

It-titjib fl-effiċjenza huwa kruċjali. It-teknoloġiji diġitali li jippermettu mobbiltà awtomatizzata u intelliġenti ta’ ġestjoni tat-traffiku, pereżempju, se jgħinu fl-effiċjenza filwaqt li jagħmlu t-trasport aktar nadif.

Iffinanzjata permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, b'baġit ta’ aktar minn €25.8 biljun, il-politika tal-infrastruttura tat-trasport tal-UE għandha l-għan li tgħaqqad il-kontinent kollu. Dan jinkludi t-tnaqqis tad-distakki bejn in-networks tat-trasport nazzjonali u l-appoġġ għall-investimenti fil-konnessjonijiet transfruntieri. Jagħti wkoll prijorità lil mezzi tat-trasport li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent kif ukoll l-iżvilupp ta’ infrastruttura għall-vetturi li jużaw fjuwils alternattivi.

It-trasport huwa s-sinsla tas-suq uniku, li jżomm l-ekonomija tal-UE miexja. Billi jinbena suq uniku Ewropew fl-avjazzjoni u bil-progress fl-inizjattiva tal-Ajru Uniku Ewropew, it-trasport bl-ajru jkompli jsir aktar faċli u orħos. Il-kumpaniji ferrovjarji liċenzjati issa jistgħu joffru s-servizzi tagħhom kullimkien fl-UE u l-kumpaniji tax-shipping jistgħu joperaw f’aktar pajjiżi.

Is-sikurezza u s-sigurtà huma ta’ importanza kbira. Filwaqt li hemm progress fid-direzzjoni t-tajba, madwar 18 800-il persuna xorta tilfu ħajjithom f’inċidenti tat-traffiku fl-2020. Huwa għalhekk li l-UE taħdem b’mod attiv biex ittejjeb is-sikurezza fit-toroq. Il-politika tal-UE dwar it-trasport tgħin ukoll lill-vjaġġaturi b’modi oħra: il-passiġġieri bl-ajru, bil-ferrovija, bil-vapur u bix-xarabank li jivvjaġġaw fl-UE għandhom drittijiet meta jesperjenzaw dewmien jew kanċellazzjonijiet.

Mejju 2021

L-ikel u l-biedja

Il-politika agrikola komuni tiżgura provvista ta’ ikel stabbli, prodott b’mod sostenibbli u bi prezzijiet affordabbli lill-447 miljun konsumatur tal-UE. Hija tgħin ukoll biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima, jiġu mmaniġġjati r-riżorsi naturali tagħna u jiġu appoġġjati l-impjiegi u t-tkabbir fiż-żoni rurali.

Il-politika agrikola komuni (PAK) hija applikata fil-pajjiżi kollha tal-UE u hija ffinanzjata mill-baġit tal-UE. Hija tappoġġja s-settur vitali tal-ikel u tal-biedja tal-UE, li jipprovdi kważi 40 miljun impjieg.

Kriżijiet bħat-tibdil fil-klima u l-pandemija tal-COVID-19 huma tfakkira li s-sistema tal-ikel tagħna tinsab mhedda u trid issir aktar reżiljenti. Sistema tal-ikel tal-UE iktar tajba għas-saħħa u iktar sostenibbli hija l-pedament tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Video:

X’tagħmel l-UE

Il-PAK tipprovdi appoġġ permezz ta’ dan li ġej.

  • Pagamenti diretti li jappoġġjaw id-dħul tal-irziezet. Dawn jagħmlu tajjeb għar-riskji u l-inċertezzi assoċjati mal-biedja u huma allokati bil-kundizzjoni li jiġu segwiti regoli stretti dwar is-sikurezza tal-ikel, l-ambjent u s-saħħa u l-benessri tal-annimali.
  • Miżuri tas-suq biex jittrattaw sitwazzjonijiet diffiċli, bħal tnaqqis f’daqqa fid-domanda minħabba xi theddida għas-saħħa jew tnaqqis fil-prezzijiet minħabba provvista eċċessiva temporanja.
  • Programmi ta’ żvilupp rurali (kofinanzjati mill-pajjiżi tal-UE) li jrawmu l-innovazzjoni u l-kompetittività biex iż-żoni rurali jsiru postijiet attraenti fejn wieħed jgħix u jaħdem.

Fl-2019, l-UE appoġġjat lill-bdiewa għal ammont ta’ €57.98 biljun, b’appoġġ għall-introjtu li kien jinkludi kważi tliet kwarti tal-ammont totali.

Proposti għall-politika agrikola komuni futura jfittxu li jċaqilqu l-enfasi mir-regoli u l-konformità għall-prestazzjoni u r-riżultati. Huma għandhom l-għan li jrawmu settur agrikolu sostenibbli u kompetittiv li jista’ jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-bdiewa, in-negozji agroalimentari, il-forestiera u l-komunitajiet rurali għandhom rwol essenzjali x’jaqdu f’ħafna kwistjonijiet. Waħda mill-kwistjonijiet hija l-istrateġija mill-Għalqa sal-Platt li għandha l-għan li tipproteġi l-ambjent permezz ta’ produzzjoni u konsum sostenibbli tal-ikel. L-istrateġija għandha l-għan li tippromwovi ikel tajjeb għas-saħħa għal kulħadd u tipprevjeni t-telf u l-ħela tal-ikel, filwaqt li tiżgura l-għajxien tal-bdiewa. Il-PAK futura hija marbuta mill-qrib mal-istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 u dalwaqt se tiġi implimentata mill-1 ta’ Jannar 2023, sakemm jintlaħaq ftehim finali bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Il-Liġi Ġenerali dwar l-Ikel tal-UE għandha l-għan li tipproteġi s-saħħa tan-nies u l-interessi tal-konsumaturi, filwaqt li tiżgura li s-suq uniku jaħdem b’mod effiċjenti. L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel tagħti pariri dwar kwistjonijiet relatati mal-ikel biex tipproteġi lin-nies, l-annimali, il-pjanti u l-ambjent. Is-Sistema ta’ Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf tgħin biex jiġi żgurat li l-ikel li ma jikkonformax mar-regoli Ewropej jitneħħa mill-ixkafef. Kull meta jseħħu tifqigħat sinifikanti ta’ mard tal-annimali jew avvelenament mill-ikel, l-awtoritajiet tal-UE jistgħu jsegwu l-moviment tal-prodotti tal-ikel permezz tas-sistema TRACES.

Ġunju 2021

Oċeani u sajd

L-oċeani tagħna jipproduċu l-biċċa l-kbira tal-ossiġenu li minnu nieħdu n-nifs, jirregolaw it-temp u l-klima tagħna, u jospitaw il-maġġoranza tal-ispeċijiet tal-pjaneta. Huma wkoll xpruni importanti tal-ekonomija Ewropea, billi jipprovdulna l-ikel, l-impjiegi, it-trasport u r-rikreazzjoni. L-UE taħdem biex tipproteġi l-ibħra u l-oċeani tagħna u biex tiżgura li dawn jibqgħu ambjentalment u ekonomikament sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri.

X’tagħmel l-UE

B'fatturat ta’ €650 biljun fl-2018, u qrib 4.5 miljun impjieg, is-settur tal-ekonomija “blu” tal-UE jinsab f’qagħda tajba. L-Istrateġija tal-Ekonomija Blu Sostenibbli tal-UE tara li tisfrutta l-potenzjal għat-tkabbir sostenibbli fis-setturi tal-baħar u dawk marittimi b’mod sħiħ.

Video:

Bis-saħħa tar-riċerka u l-innovazzjoni, l-ibħra u l-oċeani huma sors ta’ enerġija rinnovabbli, minerali u farmaċewtiċi. L-UE tinsab f’pożizzjoni unika biex tiżviluppa l-enerġija rinnovabbli offshore bis-saħħa tal-għadd u tal-varjetà tal-baċiri tal-baħar u l-ispejjeż dejjem jonqsu ta’ installazzjonijiet ġodda. Proposti biex dan il-potenzjal jiġi massimizzat se jgħinu lill-UE tilħaq l-għan tagħha li ssir newtrali għall-klima sal-2050.

Filwaqt li trawwem dawn l-opportunitajiet ġodda, l-UE għandha wkoll rwol importanti fil-promozzjoni tal-isfruttament responsabbli u sostenibbli tal-ibħra, kemm fl-Ewropa kif ukoll globalment.

Il-politika komuni tas-sajd tal-UE għandha l-għan li tiżgura li s-sajd u l-akkwakultura (it-trobbija tal-ħut f’kundizzjonijiet ikkontrollati) ikunu ambjentalment, ekonomikament u soċjalment sostenibbli. L-għanijiet tagħha huma li trawwem industrija tas-sajd dinamika u sostenibbli, tħares ir-riżorsi u tipproteġi l-ambjent tal-baħar filwaqt li tiżgura livell ġust ta’ għajxien għall-komunitajiet tas-sajd. Fiha sett ta’ regoli għall-immaniġġjar tal-flotot tas-sajd Ewropej u għall-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut. Biex jiġi evitat is-sajd żejjed, il-kwoti għall-pajjiżi tal-UE jistabbilixxu limiti fuq kemm kull speċi tista’ tinqabad, filwaqt li obbligu ta’ ħatt l-art jevita l-prattika ħalja ta’ rimi ta’ ħut mhux mixtieq.

L-UE introduċiet żoni protetti biex tissalvagwardja l-ekosistemi tal-baħar u l-bijodiversità tagħhom, flimkien mas-servizzi li jipprovdu, u għandha l-għan li tipproteġi tal-inqas 30 % tal-ibħra tal-UE sal-2030. Barra minn hekk, ir-regoli tal-UE biex jiġi indirizzat l-iskart fil-baħar inaqqsu l-impatti negattivi tal-10 prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li jinstabu l-aktar fil-bajjiet u l-ibħra tal-Ewropa, kif ukoll l-irkaptu tas-sajd mitluf u abbandunat.

Il-politika komuni tas-sajd u l-politika marittima tal-UE se jiġu ffinanzjati permezz tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura. Wara l-approvazzjoni finali tiegħu, dan il-fond se jipprovdi aktar minn €6.1 biljun (2021–2027) għall-iżvilupp sostenibbli fis-settur, b’fokus partikolari fuq l-appoġġ għas-sajd kostali fuq skala żgħira.

Mejju 2022

Impjiegi u affarijiet soċjali

L-UE tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ aktar impjiegi u impjiegi aħjar fl-Ewropa kollha u timmira għal standards soċjali ġusti għal kulħadd, inkluż permezz tal-Fond Soċjali Ewropew Plus ta’ €99.3 biljun għall-perjodu 2021–2027.

Ir-responsabbiltà għall-politiki dwar l-impjiegi u l-affarijiet soċjali hi maqsuma bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha. Il-Kummissjoni Ewropea għamlet l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment prijorità ewlenija, appoġġjata min-NextGenerationEU, il-pjan ta’ rkupru tal-UE biex tindirizza l-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19.

X’tagħmel l-UE

Il-politiki tal-UE dwar l-impjiegi u l-affarijiet soċjali tfasslu biex:

L-UE tipprovdi u tikkoordina l-finanzjament biex tgħin lill-Istati Membri jinvestu f’oqsma bħall-kura tat-tfal, il-kura tas-saħħa, it-taħriġ, l-infrastruttura aċċessibbli u l-għajnuna biex jinstab impjieg. Il-Fond Soċjali Ewropew Plus se jgħin lil miljuni ta’ nies jiksbu ħiliet ġodda, b’mod partikolari dawk meħtieġa għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u jsibu impjiegi aħjar. Il-garanzija għaż-Żgħażagħ tgħin biex jiġi żgurat li l-persuni kollha taħt it-30 sena jirċievu offerta konkreta u ta’ kwalità tajba ta’ impjieg, apprendistat, traineeship jew edukazzjoni kontinwa fi żmien 4 xhur minn meta jitilqu mill-edukazzjoni formali jew jisfaw qiegħda. L-inizjattiva l-ġdida ALMA (Aim, Learn, Master, Achieve), sadanittant, għandha l-għan li tgħin liż-żgħażagħ żvantaġġjati li huma vulnerabbli fir-rigward tal-possibbiltajiet tagħhom li jaċċessaw ix-xogħol jew it-taħriġ għal raġunijiet individwali jew strutturali.

L-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa tfasslet biex tgħin lill-individwi u lin-negozji jiżviluppaw aktar ħiliet u ħiliet aħjar, u tistabbilixxi objettivi ambizzjużi li għandhom jintlaħqu sal-2025

Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jnaqqax il-prinċipji u d-drittijiet fl-oqsma tal-opportunitajiet indaqs fis-suq tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u l-protezzjoni soċjali. Pjan ta’ azzjoni biex il-prinċipji jinbidlu f’realtà jistabbilixxi miri ewlenin għall-impjiegi, it-taħriġ, u l-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali li jridu jintlaħqu sal-2030.

Ir-regoli tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali ma jissostitwixxux is-sistemi nazzjonali iżda jipproteġu d-drittijiet tas-sigurtà soċjali tal-persuni meta jiċċaqilqu fl-UE (u l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera). L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol tiżgura li r-regoli tal-UE dwar il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol jiġu infurzati b’mod ġust, sempliċi u effettiv. Il-EURES, il-portal Ewropew dwar il-mobilità fix-xogħol, jgħin biex jgħaqqad lil dawk li qed ifittxu impjieg u lill-kumpaniji li joffru impjieg, filwaqt li s-servizz tal-Europass jgħin lin-nies jibnu s-CVs tagħhom.

Mejju 2022

Reġjuni

Il-politika reġjonali għandha fil-mira tagħha r-reġjuni u l-ibliet kollha tal-Unjoni Ewropea u għandha l-għan li tappoġġja l-ħolqien tal-impjiegi, il-kompetittività tan-negozji, it-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp sostenibbli u t-titjib tal-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.

L-immodernizzar tal-ajruporti ta’ Riga u ta’ Wroclaw; it-titjib tal-mobbiltà urbana f’Ateni, Sofia u Cluj-Napoca; il-preservazzjoni ta’ Mont Saint-Michel u s-salvagwardja ta’ Pompeii; l-iżvilupp ta’ infrastruttura tal-broadband fil-Litwanja kollha; l-appoġġ għan-negozji f’Utrecht u Paredes; it-tiġdid tat-trattament tal-ilma mormi fi Trenčín u Slavonski Brod; u l-promozzjoni tal-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni fl-universitajiet f’Nikosia u Ljubljana — dawn huma biss xi eżempji tal-eluf ta’ proġetti kofinanzjati mill-politika reġjonali tal-UE.

Video:

X’tagħmel l-UE

Il-politika reġjonali tirfed is-solidarjetà Ewropea, issaħħaħ it-tkabbir ekonomiku u ttejjeb il-kwalità ta’ ħajjitna permezz ta’ investiment strateġiku. Hija tiddedika l-parti l-kbira tal-finanzjament tagħha biex tgħin lill-pajjiżi u r-reġjuni anqas żviluppati tal-UE biex ilaħħqu u għalhekk inaqqsu d-disparitajiet ekonomiċi, soċjali u territorjali li għadhom jeżistu fl-UE.

Il-politika reġjonali hija mmaniġġjata b’mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri tal-UE u r-reġjuni tagħhom, li jagħżlu l-proġetti li se jiġu kofinanzjati mill-UE skont programmi miftiehma minn qabel mal-Kummissjoni. Il-fondi tal-UE dejjem jiġu supplimentati b’fondi nazzjonali (privati u/jew pubbliċi).

Permezz tal-programmi ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg), il-politika reġjonali tagħti attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet u l-potenzjal tar-reġjuni tal-fruntiera.

Kważi terz (€392 biljun) tal-baġit tal-UE għall-2021–2027 twarrab għall-politika reġjonali. Dawn ir-riżorsi jintużaw biex jiġu ffinanzjati infrastrutturi strateġiċi tat-trasport u tal-komunikazzjoni; biex tiġi megħjuna tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ekoloġika; biex l-intrapriżi żgħar u medji jiġu megħjuna bl-għan li jsiru aktar innovattivi u kompetittivi; biex jinħolqu opportunitajiet tax-xogħol ġodda u dejjiema; biex jissaħħu u jiġu mmodernizzati s-sistemi edukattivi; u biex tinbena soċjetà aktar inklużiva.

Barra minn hekk, taħt in-NextGenerationEU, l-Assistenza għall-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa (REACT-EU) se tipprovdi aktar minn €50 biljun ta’ riżorsi ġodda għall-programmi eżistenti fl-Istati Membri sal-2023 biex tappoġġja l-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19.

Biex jintlaħaq l-għan tal-UE li ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima, il-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta se jgħin biex jiġu mmobilizzati madwar €55 biljun bejn l-2021 u l-2027 biex jiġu appoġġjati r-reġjuni l-aktar milquta mill-bidla lejn ekonomija newtrali għall-klima. Il-Fond Soċjali għall-Klima propost għandu wkoll l-għan li jgħin lill-Istati Membri jappoġġjaw it-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika għall-persuni l-aktar dipendenti fuq il-fjuwils fossili.

In-negozju u l-industrija

L-UE għandha l-għan li lill-industrija u lin-negozju tagħmilhom aktar kompetittivi u li tippromwovi l-impjiegi u t-tkabbir permezz ta’ ambjent favorevoli għan-negozji.

Il-politika tal-UE dwar in-negozju u l-industrija hi mfassla biex ittejjeb l-ambjent tan-negozju, tippromwovi klima ta’ intraprenditorija u ta’ ħolqien tax-xogħol u tagħti lin-negozji żgħar aċċess aktar faċli għal finanzjament u għas-swieq. L-intrapriżi żgħar u medji jirrappreżentaw 99 % tan-negozji kollha fl-UE, u jipprovdu żewġ terzi mill-impjiegi totali fis-settur privat. Il-politiki tal-UE jħeġġu l-ħolqien ta’ negozji ġodda u jappoġġjaw lil kumpaniji innovattivi fl-isforzi tagħhom li jespandu. Ftehimiet kummerċjali msaħħa jiftħu s-swieq għan-negozji tal-UE, u tista’ tittieħed azzjoni biex tiġi evitata kompetizzjoni inġusta minn barra l-UE. L-UE għandha l-għan li:

  • issaħħaħ il-bażi industrijali tagħha u tippromwovi t-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju;
  • tippromwovi l-innovazzjoni bħala mezz kif tiġġenera sorsi ġodda ta’ tkabbir;
  • tħeġġeġ lin-negozji żgħar u tippromwovi kultura imprenditorjali;
  • tiggarantixxi suq madwar l-UE kollha għall-oġġetti; u
  • timmassimizza l-benefiċċji tal-investiment tal-UE fl-ispazju.
Video:

X’tagħmel l-UE

L-UE ħadet impenn li tgħin lin-negozji u lill-industrija biex ikunu kompetittivi u jiġġeneraw tkabbir u impjiegi ġodda. L-għan hu li tgħin lill-kumpaniji Ewropej biex isiru aktar intelliġenti, aktar innovattivi u aktar sostenibbli. Il-politika industrijali tikkontribwixxi għall-kompetittività billi tistabbilixxi kundizzjonijiet ta’ qafas xierqa (bħal leġiżlazzjoni intelliġenti u żvilupp tal-ħiliet). Il-Kummissjoni Ewropea żviluppat pjanijiet ta’ azzjoni u leġiżlazzjoni speċifiċi għas-setturi biex tappoġġja lil aktar minn tużżana setturi industrijali ewlenin, inklużi l-industriji tas-sustanzi kimiċi, awtomobilistiċi, tal-ikel, tal-kura tas-saħħa, tal-bijoteknoloġija u tal-ajrunawtika. Il-Kummissjoni hi responsabbli wkoll għal setturi b’implikazzjonijiet ġeostrateġiċi u bi grad għoli ta’ intervent pubbliku, bħad-difiża, is-sigurtà u l-ispazju.

Il-Kummissjoni Ewropea, flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment, nediet il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa. Bħala parti mill-pjan, inħoloq il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi biex jimmobilizza l-investiment madwar l-Ewropa. Sa Novembru 2018 il-pjan kien immobilizza EUR 360 biljun f’valur ta’ investimenti. Il-fond jipprovdi garanziji b’appoġġ ta’ proġetti ffinanzjati mill-Bank Ewropew tal-Investiment, b’enfasi fuq l-infrastruttura, l-innovazzjoni u l-kumpaniji iżgħar. Madwar 850 000 kumpanija żgħira u ta’ daqs medju huma mistennija jibbenefikaw minn titjib fl-aċċess għall-finanzjament. Il-Kummissjoni tieħu ħsieb diversi programmi tal-UE li jappoġġjaw l-innovazzjoni u l-intraprenditorija, inklużi:

L-UE toffri wkoll lin-negozji numru ta’ servizzi ta’ appoġġ inkluż Netwerk Enterprise Europe u Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ.

Mejju 2022

Riċerka u innovazzjoni

Il-programm ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni Orizzont Ewropa, ta’ €95.5 biljun, qed jgħin isaħħaħ l-impjiegi u t-tkabbir u jindirizza wħud mill-akbar sfidi tagħna.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma essenzjali għall-ekonomija u għas-soċjetà tagħna. Huma fil-qalba tal-isforzi Ewropej biex jinħolqu l-impjiegi u tingħata spinta lit-tkabbir u l-investiment, u jgħinu biex il-ħajja tan-nies titjieb permezz ta’ titjib f’oqsma bħall-kura tas-saħħa, it-trasport u l-enerġija. Huma jipprovdulna wkoll l-għarfien u s-soluzzjonijiet biex nindirizzaw kemm il-problemi urġenti bħall-pandemija tal-COVID-19 kif ukoll l-isfidi fit-tul bħat-tibdil fil-klima u l-ġlieda kontra l-kanċer.

Video:

X’tagħmel l-UE

L-UE hi l-akbar fabbrika tal-għarfien fid-dinja, li tirrappreżenta kważi terz mill-produzzjoni globali tax-xjenza u tat-teknoloġija. Madankollu, iffaċċjata b’kompetizzjoni li qiegħda tikber, l-UE trid li riċerka eċċellenti u ideat innovattivi ssarrafhom f’teknoloġiji u fi prodotti li jirnexxu. L-Istati Membri kollha tal-UE għandhom il-politiki ta’ riċerka u l-programmi ta’ finanzjament tagħhom stess, iżda ħafna kwistjonijiet importanti jistgħu jiġu indirizzati l-aħjar billi riċerkaturi u innovaturi f’pajjiżi differenti jiġu megħjuna biex jaħdmu flimkien. Din hi r-raġuni għaliex ir-riċerka u l-innovazzjoni huma sostnuti fil-livell tal-UE, b’mod partikolari permezz tal-Orizzont Ewropa programm.

Orizzont Ewropa huwa wieħed mill-akbar programmi ta' riċerka u l-aktar wieħed ambizzjuż fid-dinja, b’investiment ta’ €95.5 biljun ta’ finanzjament (2021–2027), flimkien mal-investiment pubbliku u privat l-ieħor li jattira dawn il-flus. Filwaqt li jkompli jibni fuq il-kisbiet tal-programm Orizzont 2020, ikompli jixpruna l-eċċellenza xjentifika tal-Ewropa permezz tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka u permezz tal-fellowships u l-iskambji ta’ Marie Skłodowska-Curie. Huwa jibbaża wkoll fuq il-parir xjentifiku, l-appoġġ tekniku u r-riċerka ddedikata tas-servizz tax-xjenza u l-għarfien tal-Kummissjoni Ewropea, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka.

Orizzont Ewropa stabbilixxa serje ta’ Missjonijiet tal-UE — mod ġdid ta’ kif naħdmu flimkien biex jiġu indirizzati sfidi kbar fis-saħħa, fil-klima u fl-ambjent. Kull waħda mill-ħames missjonijiet taħdem bħala sett ta’ azzjonijiet biex jinkisbu riżultati konkreti sal-2030.

Orizzont Ewropa jappoġġja wkoll sħubijiet Ewropej, li jlaqqgħu flimkien lill-UE, lill-awtoritajiet nazzjonali u lis-settur privat biex jindirizzaw uħud mill-aktar sfidi urġenti tal-Ewropa permezz ta’ inizjattivi konġunti ta’ riċerka u innovazzjoni. Dawn se jgħinu biex tissaħħaħ iż-Żona Ewropea tar-Riċerka l-ġdida, li għandha l-għan li toħloq suq uniku tal-UE għar-riċerka, l-innovazzjoni u t-teknoloġija u tippermetti lill-pajjiżi jkunu aktar effettivi billi jallinjaw il-politiki u l-programmi tar-riċerka tagħhom.

L-aċċess miftuħ obbligatorju għall-pubblikazzjonijiet u l-prinċipji tax-xjenza miftuħa huma applikati fil-programm Orizzont Ewropa kollu.

L-ekonomija, il-finanzi u l-euro

L-unjoni ekonomika u monetarja u l-euro jipprovdu s-sisien komuni għal stabbiltà, għal tkabbir u għal prosperità msaħħa madwar l-Ewropa kollha.

L-unjoni ekonomika u monetarja tgħaqqad u tintegra l-ekonomiji tal-UE permezz ta’ politiki ekonomiċi u fiskali koordinati, permezz ta’ politika monetarja komuni u permezz ta’ munita komuni, l-euro. Hi għodda b’saħħitha li tforni impjiegi, tkabbir, ġustizzja soċjali u stabbiltà finanzjarja, iżda x-xogħol fuqha għadu għaddej u għadha mhix kompluta.

Video:

X’tagħmel l-UE

Il-politiki ekonomiċi u finanzjarji tal-UE fiż-żona tal-euro u fl-UE għandhom l-għan li:

  • jippromwovu t-tkabbir u l-impjiegi;
  • jippromwovu l-istabbiltà makroekonomika u fiskali;
  • itejbu l-funzjonament effiċjenti tal-unjoni ekonomika u monetarja;
  • jippromwovu l-investiment;
  • jipprevjenu jew jikkoreġu l-iżbilanċi makroekonomiċi;
  • jgħinu fil-koordinazzjoni tal-politiki strutturali nazzjonali; u
  • jippromwovu l-prosperità lil hinn mill-UE.

B’reazzjoni għall-kriżi ekonomika u finanzjarja tal-2008, il-governanza ekonomika tal-UE ssaħħet permezz ta’ titjib fil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, ir-regoli fiskali li l-Istati Membri jsegwu biex jiffaċilitaw u jżommu l-istabbiltà tal-unjoni ekonomika u monetarja. Il-pajjiżi li ġew esklużi mis-swieq finanzjarji, bħall-Greċja, irċivew appoġġ finanzjajru u politiku u nħoloq il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà bħala soluzzjoni permanenti taż-żona tal-euro għal sitwazzjonijiet bħal dawn.

Ġiet introdotta wkoll il-Proċedura ta’ Żbilanċ Makroekonomiku biex jiġu ssorveljati u kkoreġuti xejriet ekonomiċi potenzjalment problematiċi fi Stati Membri individwali u biex jiġi evitat milli dawn jaffettwaw lil oħrajn.

L-euro, il-munita li ilha tintuża sa mill-2002 u tintuża minn aktar minn 340 miljun ruħ f’19-il Stat Membru, hi t-tieni l-aktar munita importanti fid-dinja wara d-dollaru Amerikan. Munita waħda hi prattika għaċ-ċittadini u tajba għan-negozji, u tirrappreżenta kisba kbira tal-integrazzjoni Ewropea.

Il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, adottat f’Novembru 2014, juża garanziji pubbliċi biex jistimula l-investiment privat. Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi tal-pajn diġà mmobilizza EUR 439 biljun f’valur ta’ investimenti (sa Ottubru 2019), li jaqbeż l-aspettattivi. L-investimenti ta’ dan il-pjan appoġġjaw il-ħolqien ta’ 1.1 miljun impjieg, ċifra li mistennija titla’ għal 1.7 miljun sal-2022. Iktar minn miljun kumpanija żgħira u ta’ daqs medju huma mistennija li jibbenefikaw minn aċċess imtejjeb għall-finanzi u l-pjan għen biex jagħti spinta lill-Prodott Domestiku Gross tal-UE b’0.9 %.

Is-servizzi bankarji u finanzjarji

L-UE qed taħdem biex tiżgura li s-sistema finanzjarja tibqa’ b’saħħitha u sigura u li s-suq uniku joffri lill-konsumaturi u lin-negozji l-prodotti finanzjarji li jeħtieġu.

L-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji jaqdu rwol vitali fl-istabbiltà u fit-tkabbir tal-ekonomija tal-UE. Dawn jipprovdu finanzjament lill-familji u lin-negozji, jippermettu lin-nies ifaddlu u jinvestu, jipprovdu assigurazzjoni kontra r-riskji u jiffaċilitaw il-pagamenti.

Falliment tas-sistema finanzjarja jista’ jkollu konsegwenzi ferm mifruxa. Il-kriżi finanzjarja tal-2008 uriet li ebda pajjiż waħdu tal-UE ma jista’ jimmaniġġja s-settur finanzjarju u jissorvelja r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja waħdu. Malli faqqgħet il-kriżi l-UE wettqet riformi ambizzjużi biex issaħħaħ is-sistema finanzjarja u l-ħila tal-UE li tindirizza skossi finanzjarji u ekonomiċi futuri. Dan jinkludi t-tisħiħ tar-regoli għall-protezzjoni tad-depożiti f’każ ta’ falliment ta’ bank.

Video:

X’tagħmel l-UE

L-UE għandha l-għan li tibni settur finanzjarju b’saħħtu u sigur billi ssaħħaħ is-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji u tirregola prodotti finanzjarji kumplessi. Il-Kummissjoni Ewropea tkompli taħdem fuq iż-żamma ta’ sistema finanzjarja stabbli u reżiljenti u l-indirizzar tar-riskji li fadal filwaqt li żżomm il-qafas regolatorju aġġornat mal-iżviluppi teknoloġiċi u ekonomiċi.

Il-ġabra unika tar-regoli ħolqot regoli komuni għas-superviżjoni tar-rekwiżiti kapitali tal-banek, għall-protezzjoni mtejba tad-depożitanti u għall-ġestjoni tal-banek f’diffikultà. L-unjoni bankarja ttrasferiet is-superviżjoni u r-riżoluzzjoni bankarji minn livell nazzjonali għal livell tal-UE fid-19-il Stat Membru taż-żona tal-euro. L-unjoni tas-swieq kapitali toħloq il-qafas neċessarju għall-mobilizzazzjoni tal-kapital fl-Ewropa u tmexxih lejn il-kumpaniji kollha, inklużi l-impriżi żgħar u medji, u proġetti infrastrutturali li jeħtiġuh biex jikbru u joħolqu l-impjiegi.

Għad m’hemmx suq uniku tal-UE integrat bis-sħiħ għas-servizzi finanzjarji għall-konsumaturi, li għadhom joperaw fil-parti l-kbira fuq bażi nazzjonali. Dan jagħmilha diffiċli biex il-konsumaturi jaċċessaw jew jittrasferixxu prodotti finanzjarji bħal kontijiet tal-bank, karti tal-kreditu, ipoteki u assigurazzjoni b’mod transfruntier. L-UE qed taħdem biex is-servizzi finanzjarji jibdew jaħdmu aħjar għall-konsumaturi u għall-investituri żgħar. Pereżempju, din ħadet miżuri biex tiggarantixxi dritt ta’ aċċess madwar l-UE kollha għal kontijiet tal-bank bażiċi. Hi tfittex ukoll li tkompli tisfrutta l-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni u tal-iżviluppi teknoloġiċi biex ittejjeb l-aċċess tal-konsumaturi għas-servizzi finanzjarji.

L-UE ppreżentat Pjan ta’ Azzjoni dwar il-finanzi sostenibbli, li huwa investiment li jqis konsiderazzjonijiet ambjentali, soċjali u ta’ governanza. Dan huwa parti mill-isforzi tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali biex tikkonnettja l-finanzi mal-ħtiġijiet speċifiċi tal-ekonomija Ewropea għall-benefiċċju tal-pjaneta u tas-soċjetà tagħna. Huwa wkoll wieħed mill-passi ewlenin lejn l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi u tal-aġenda tal-UE għall-iżvilupp sostenibbli.

Is-suq uniku

Is-suq uniku hu wieħed mill-akbar kisbiet tal-UE. Hu jkattar it-tkabbir u l-impjiegi u jagħmel il-ħajja ta’ kuljum eħfef għan- nies u għan-negozji.

Bis-saħħa tas-suq uniku (kultant imsejjaħ ukoll is-suq intern), nies, oġġetti, servizzi u flus jistgħu jiċċaqilqu madwar l-UE kważi liberament daqslikieku jkunu fl-istess pajjiż. Iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jistudjaw, jgħixu, jixtru, jaħdmu u jirtiraw fi kwalunkwe pajjiż tal-UE, u jgawdu minn prodotti minn madwar l-Ewropa kollha.

Tneħħew mijiet ta’ ostakli tekniċi, legali u burokratiċi għall-kummerċ liberu u għall-moviment liberu bejn l-Istati Membri tal-UE biex kollox jimxi mingħajr intoppi fis-suq uniku. Bħala riżultat, il-kumpaniji espandew l-operazzjonijiet tagħhom u l-kompetizzjoni baxxiet il-prezzijiet u tat għażla akbar lill-konsumaturi. Pereżempju, it-telefonati fl-Ewropa huma ferm orħos, u l-prezzijiet tat-titjiriet naqsu b’mod sinifikanti u nfetħu rotot ġodda. Fl-istess ħin, l-UE taħdem biex tiżgura li dawn il-libertajiet il-kbar ma jxekklux il-ġustizzja, il-protezzjoni tal-konsumatur jew is-sostenibbiltà ambjentali.

Video:

X’tagħmel l-UE

Il-Kummissjoni Ewropea taħdem mal-awtoritajiet u mal-partijiet ikkonċernati fl-Istati Membri biex jiġu ssorveljati u infurzati r-regoli eżistenti b’tali mod li n-nies u n-negozji jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-opportunitajiet offruti mis-suq uniku. Madankollu, għad hemm xi ostakli biex is-suq uniku jibda jiffunzjona bis-sħiħ. B’mod partikolari, l-UE qed taħdem biex:

  • tindirizza l-ostakli regolatorji jew amministrattivi attwali li qed jipprevjenu lill-individwi milli jixtru jew ibigħu faċilment oġġetti u servizzi minn Stat Membru ieħor jew fih;
  • tagħmilha eħfef biex kumpaniji - kbar u żgħar - jiġġeneraw flus permezz tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa u permezz tal-unjoni tas-swieq kapitali;
  • tħeġġeġ lill-ħaddiema jaħdmu f’impjiegi f’pajjiżi oħra tal-UE biex jimlew postijiet vakanti u jissodisfaw il-ħtieġa għal ħiliet speċjali, inkluż permezz tal-Karta Professjonali Ewropea u l-portal dwar il-mobilità fix-xogħol EURES;
  • tipprevjeni d-dumping soċjali — il-prattika li jintuża xogħol irħas u li l-produzzjoni tiġi ttrasferita lejn pajjiż jew żona b’pagi baxxi;
  • issaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa; u
  • tistabbilixxi bażi tat-taxxa korporattiva konsolidata komuni fl-UE u taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji.

Minbarra r-regoli tas-suq uniku li jiggarantixxu l-moviment liberu tan-nies, iċ-ċittadini tal-UE m’għandhomx bżonn passaport biex jivvjaġġaw fiż-żona Schengen, li bħalissa tinkludi l-Istati Membri tal-UE (ħlief il-Bulgarija, Ċipru, l-Irlanda, il-Kroazja u r-Rumanija), flimkien mal-Iżlanda, mal-Liechtenstein, man-Norveġja u mal-Iżvizzera. Biex tiġi żgurata s-sikurezza fiż-żona Schengen, dawn il-pajjiżi saħħew il-kontrolli fil-fruntieri esterni tal-UE u żiedu wkoll il-kooperazzjoni tal-pulizija.

Il-portal L-Ewropa tiegħek jipprovdi informazzjoni dwar il-ħajja, ix-xogħol, l-ivvjaġġar, l-istudju u n-negozju f’pajjiż ieħor tal-UE. Joffri wkoll aċċess għas-servizzi bħal Pariri tal-Ewropa Tiegħek (għal parir legali personalizzat) u SOLVIT (għal soluzzjoni ta’ problemi ma’ awtoritajiet pubbliċi barra l-pajjiż).

Mejju 2022

Protezzjoni tal-konsumatur

Il-politika tal-konsumatur tal-UE tissalvagwardja d-drittijiet tal-konsumaturi, tiżgura li l-prodotti huma sikuri, tgħin lin-nies jagħmlu għażliet informati meta jixtru oġġetti u servizzi, u toffri għodod biex jiġu solvuti l-problemi jekk xi ħaġa tmur ħażin.

Is-suq uniku tal-UE joffri lill-konsumaturi aċċess għal aktar għażla, flessibilità, kwalità u valur għall-flus. Il-politika tal-konsumatur tal-UE tiżgura li d-drittijiet tan-nies jiġu rispettati jekk jiltaqgħu ma’ xi problemi meta jixtru oġġetti jew servizzi minn Stati Membri oħra, jibnu l-fiduċja u jinkoraġġixxu l-kummerċ, inkluż online.

Video:

X’tagħmel l-UE

L-Aġenda tal-Konsumatur il-Ġdida tistabbilixxi l-istrateġija tal-UE sal-2025. Din tiddeskrivi l-azzjonijiet li l-UE se tieħu biex twieġeb għal sfidi ġodda bħall-COVID-19 u t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Dawn jinkludu l-indirizzar tat-tħassib dwar l-ambjent u dwar is-sostenibbiltà, l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur u l-protezzjoni tal-konsumaturi vulnerabbli.

L-UE toffri lill-konsumaturi sett ta’ drittijiet prattiċi għal meta xi ħaġa tmur ħażin.

  • Ix-xerrejja online għandhom 14-il jum biex jerġgħu jikkunsidraw ix-xiri tagħhom u jirtiraw ix-xirja tagħhom. Dawn jistgħu jirritornaw prodott fi żmien ġimagħtejn u jieħdu flushom lura.
  • Jekk oġġett mixtri fl-UE (online jew mill-ħanut) ma jkunx kif irreklamat jew ma jaħdimx kif suppost, il-konsumatur għandu d-dritt għal mill-inqas tiswija jew sostituzzjoni bla ħlas.
  • Ir-regoli tal-UE dwar il-krediti ipotekarji jiżguraw informazzjoni ċara fir-reklami u informazzjoni f’waqtha lill-konsumaturi qabel ma jiffirmaw kuntratt.
  • Hemm standards minimi għad-drittijiet tal-passiġġieri fil-mezzi kollha tat-trasport, inklużi l-informazzjoni, l-assistenza u l-kumpens f’każ ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil.

L-UE tipprovdi wkoll għajnuna biex jiġu solvuti tilwimiet man-negozjanti malajr u b’mod effiċjenti. Il-pjattaforma għas-soluzzjoni online għat-tilwim tippermetti lill-konsumaturi u lin-negozjanti jsolvu tilwimiet fuq xirjiet online. In-Network taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi jipprovdi għajnuna u pariri b’xejn lill-konsumaturi fix-xirjiet transfruntiera tagħhom. Regoli ġodda tal-UE, sa mhux aktar tard min-nofs l-2023, se jagħmluha aktar faċli għall-organizzazzjonijiet biex jiddefendu l-interessi kollettivi tal-konsumaturi u jressqu azzjonijiet quddiem il-qorti.

Standards stretti dwar is-sikurezza, is-saħħa u l-ambjent japplikaw għall-ġugarelli, l-apparat elettriku, il-kożmetiċi u l-farmaċewtiċi. Regoli stretti jiżguraw li prodotti mhux sikuri jinġabru lura mis-suq biex b’hekk, kull sena, mijiet ta’ prodotti jiġu nnotifikati permezz tas-sistema ta' twissija rapida tal-UE dwar prodotti perikolużi li mhumiex tal-ikel. Fl-2021, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li tirrevedi r-regoli dwar is-sikurezza tal-prodotti, inklużi regoli ġodda għas-swieq online, flimkien ma’ reviżjoni tar-regoli tal-UE dwar il-kreditu għall-konsumatur.

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari jallinja d-drittijiet tal-konsumatur u dawk ambjentali, filwaqt li jiffoka fuq prodotti ta’ kwalità ogħla, dejjiema u sostenibbli.

Il-kompetizzjoni

Ir-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni għandhom l-għan li jiżguraw li l-kumpaniji kollha jikkompetu b’mod ġust u ugwali fis-suq uniku għall-benefiċċju tal-konsumaturi, tan-negozji u tal-ekonomija Ewropea inġenerali.

Flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u mal-qrati nazzjonali, il-Kummissjoni Ewropea tinfurza politika tal-UE tal-kompetizzjoni u regoli biex tiżgura li l-kumpaniji jikkompetu ġustament ma’ xulxin. Dawn jgħinu biex jorħsu l-prezzijiet u titjieb il-kwalità, jitħeġġu l-innovazzjoni u l-effiċjenza u tinħoloq għażla usa’ għall-konsumaturi.

X’tagħmel l-UE

X’tagħmel l-UE

  • kartelli jew arranġamenti illegali oħra bejn kumpaniji biex jevitaw milli jikkompetu ma’ xulxin jew biex jistabbilixxu prezzijiet artifiċjalment għoljin;
  • każijiet fejn atturi ewlenin jabbużaw mill-pożizzjoni dominanti tagħhom fis-swieq biex jippruvaw jagħfsu ’l barra lill-kompetituri jew jitolbu prezzijiet eċċessivi;
  • fużjonijiet u akkwisti ta’ kumpaniji li jistgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-suq uniku;
  • appoġġ finanzjarju (għajnuna mill-Istat) mill-gvernijiet tal-UE lil kumpaniji, li jista’ jfixkel il-kompetizzjoni fis-suq uniku billi jiffavorixxi xi kumpaniji fuq oħrajn; u
  • promozzjoni tal-kultura tal-kompetizzjoni fuq livell internazzjonali sabiex il-kumpaniji tal-UE jgawdu minn kompetizzjoni ġusta fi swieq fil-bqija tad-dinja.

L-investigazzjonijiet tal-UE fi prattiki antikompetittivi jistgħu mhux biss ikopru oġġetti iżda anki professjonijiet u servizzi. Il-Kummissjoni tissorvelja l-assistenza li l-gvernijiet tal-Istati Membri jagħtu lin-negozji biex tiżgura li din ma tagħtix lil ċerti kumpaniji vantaġġ inġust fuq il-kompetituri tagħhom. L-għajnuna mill-Istat tista’ tkun awtorizzata jekk din tgħin jew tippromwovi lil reġjuni żvantaġġati, lil negozji żgħar u medji, ir-riċerka u l-iżvilupp, il-ħarsien tal-ambjent, it-taħriġ, l-impjiegi jew il-kultura.

Fl-2016 u l-2017 il-Kummissjoni mmultat il-membri tal-kartell tal-produtturi tat-trakkijiet ta’ sitt kumpaniji ewlenin li jipproduċu aktar minn 90 % tat-trakkijiet ta’ daqs medju u tqil mibjugħa fl-Ewropa: Scania, Daimler, DAF, Iveco, MAN u Volvo/Renault. Il-Kummissjoni mmultat lis-sitt kumpaniji total ta’ EUR 3.8 biljun. Dawn il-flus imorru fil-baġit tal-UE, biex b’hekk inaqqsu l-kontribuzzjoni tal-kontribwenti.

Ditti kbar huma pprojbiti milli jużaw is-setgħat ta’ negozjar tagħhom biex jimponu kundizzjonijiet li jagħmluha diffiċli għall-fornituri jew għall-klijenti tagħhom li jagħmlu negozju mal-kompetituri tagħhom. Pereżempju, fl-2017 il-Kummissjoni Ewropea mmultat lil Google EUR 2.42 biljun talli abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha bħala magna tat-tiftix billi ppromwoviet is-servizz tagħha stess ta’ tqabbil tal-offerti fir-riżultati tat-tiftix tagħha u waqqgħet dawk tal-kompetituri. U f’Lulju tal-2018 Google ġiet immultata EUR 4.34 biljun oħra talli imponiet restrizzjonijiet illegali fuq il-manifatturi tal-apparat Android. Sib każijiet oħra f’https://ec.europa.eu/competition/consumers/how/index_mt.html.

It-tassazzjoni

Filwaqt li l-gvernijiet nazzjonali huma responsabbli biex jistabbilixxu r-rata tat-taxxa u jiġbru t-taxxi, l-UE tiżgura li ma ssirx diskriminazzjoni kontra n-nies jew in-negozji minn Stat Membru ieħor u li t-taxxi ma jxekklux is-suq uniku tal-UE.

Il-gvernijiet tal-Istati Membri huma fil-parti l-kbira liberi biex ifasslu l-liġijiet tat-taxxa tagħhom skont il-prijoritajiet nazzjonali tagħhom. Madankollu, b’dan il-mod, dawn iridu jirrispettaw ċerti prinċipji fundamentali, bħan-nondiskriminazzjoni u r-rispett għall-moviment liberu ta’ oġġetti u ta’ servizzi fis-suq uniku. Dejjem aktar kumpaniji u individwi saru attivi f’aktar minn pajjiż wieħed, u b’hekk saret aktar faċli għalihom li jippruvaw iħallsu l-inqas taxxa possibbli (“evitar tat-taxxa”) jew li ma jħallsux it-taxxi dovuti (“evażjoni tat-taxxa”) permezz ta’ mezzi legali. Pajjiż wieħed ma jistax jindirizza dawn il-kwistjonijiet waħdu, u b’hekk l-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jiżguraw li t-tassazzjoni hi ġusta.

Video:

X’tagħmel l-UE

L-UE m’għandhiex rwol dirett fil-ġbir tat-taxxi jew fl-istabbiliment tar-rati tat-taxxa. Ir-rwol tal-UE hu li tissorvelja r-regoli nazzjonali dwar it-taxxa biex tiżgura li dawn ikunu konsistenti ma’ ċerti politiki tal-UE bħal:

  • il-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku u tal-ħolqien tax-xogħol;
  • l-iżgurar tal-fluss liberu ta’ oġġetti, ta’ servizzi u ta’ kapital madwar l-UE fis-suq uniku;
  • l-aċċertar li n-negozji f’pajjiż partikolari ma jgawdux minn vantaġġ inġust fuq il-kompetituri f’oħrajn;
  • l-iżgurar li t-taxxi ma jiddiskriminawx kontra konsumaturi, ħaddiema jew negozji minn pajjiżi oħra tal-UE.

Il-gvernijiet tal-Istati Membri kollha jridu jaqblu f’dak li għandu x’jaqsam mat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE dwar kwistjonijiet relatati mat-taxxa sabiex jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-interessi ta’ kull pajjiż tal-UE. Għal ċerti taxxi, bħat-taxxa fuq il-valur miżjud jew id-dazji tas-sisa fuq il-petrol, it-tabakk u l-alkoħol, l-Istati Membri qablu li jallinjaw b’mod ġenerali r-regoli u r-rati minimi tagħhom biex jevitaw kompetizzjoni inġusta fi ħdan is-suq uniku.

Jenħtieġ li l-liġijiet tat-taxxa ta’ Stat Membru partikolari ma jippermettux lin-nies jew lin-negozji jevitaw it-taxxa f’ieħor. L-azzjoni mifruxa mal-UE kollha hija essenzjali biex tiġi indirizzata l-problema. Wara l-adozzjoni ta’ pjan ta’ azzjoni tal-UE fl-2012 ittieħdu ħafna passi leġiżlattivi għall-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa.

Koordinazzjoni mill-qrib bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa tgħin ukoll biex jiġi evitat milli l-kumpaniji jisfruttaw lakuni bejn sistemi ta’ pajjiżi differenti bl-għan li jnaqqsu l-ammont ta’ taxxi li jħallsu.

Id-dwana

L-unjoni doganali tal-UE tfisser li l-Istati Membri kollha qed jaħdmu flimkien biex jiżguraw li l-oġġetti importati fl-UE jiċċirkolaw liberament u li dawn ikunu sikuri għan-nies, għall-annimali u għall-ambjent.

Unjoni doganali tfisser li l-pajjiżi involuti japplikaw l-istess tariffi għall-oġġetti importati fit-territorju tagħhom mill-bqija tad-dinja, u li ma japplikaw ebda tariffa internament. Fil-każ tal-UE, dan ifisser li ma hemm ebda dazju doganali x’jitħallas meta l-oġġetti jiġu ttrasportati minn Stat Membru għal ieħor.

L-Unjoni Doganali tal-UE hi waħda mill-ftit kompetenzi esklużivi tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi leġiżlazzjoni dwar l-affarijiet doganali tal-UE u tiżgura li din tiġi implimentata.

Video:

X’tagħmel l-UE

Fil-prattika, l-unjoni doganali tal-UE hi ġestita mis-servizzi doganali nazzjonali li jaġixxu daqslikieku kienu wieħed. Dawn iħarsu lill-konsumaturi minn oġġetti li jistgħu jkunu perikolużi jew ħżiena għal saħħithom u jħarsu lill-annimali u lill-ambjent kontra mardiet tal-pjanti u tal-annimali. Jikkontribwixxu wkoll għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu u jiżguraw li t-teżori Ewropej ma jaqgħux f’idejn kuntrabandisti.

Is-servizzi doganali jipprevjenu wkoll l-esportazzjonijiet illegali ta’ skart, billi l-ħarsien tal-ambjent hu wieħed mill-kompiti ewlenin tagħhom. Għan-negozji, l-Unjoni Doganali tfisser li indipendentement minn fejn l-oġġetti daħlu fl-UE japplikaw l-istess regoli, u ladarba l-oġġetti jiġu kklerjati mid-dwana dawn ikunu jistgħu jiċċirkolaw liberament jew jinbiegħu fi kwalunkwe post fi ħdan it-territorju doganali tal-UE.

Fl-2016, pereżempju, ġew immaniġġjati kważi 313-il miljun dikjarazzjoni doganali minn aktar minn 2 000 uffiċċju doganali tal-UE li jaħdmu 365 jum fis-sena.

Bħalissa l-politika doganali tal-UE tiffoka fuq l-oqsma li ġejjin:

  • l-iżgurar li l-Istati Membri kollha jaħdmu flimkien b’mod effettiv u effiċjenti fi ħdan l-Unjoni Doganali;
  • tipproponi leġiżlazzjoni u proċeduri biex tiżgura sigurtà u sikurezza aħjar għaċ-ċittadini kif ukoll biex tiffaċilita l-kummerċ leġittimu;
  • l-għoti ta’ għajnuna lill-pajjiżi tal-UE fl-iskambju ta’ informazzjoni li tista’ tkun siewja għall-aġenziji doganali; u
  • l-iżgurar li l-oġġetti jistgħu jiċċaqilqu liberament minn Stat Membru għal ieħor fis-suq uniku tal-UE.

Ġunju 2021

Sħubijiet internazzjonali

Is-sħubijiet u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp huma fil-qalba tal-politika barranija tal-UE. L-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-akbar donaturi ta’ għajnuna għall-iżvilupp.

L-għajnuna għall-iżvilupp hija waħda mill-pilastri tal-azzjoni tal-UE fid-dinja, flimkien mal-politiki barranin, ta’ sigurtà u kummerċjali. L-UE tippromwovi l-qerda tal-faqar, l-iżvilupp tal-bniedem, it-tkabbir sostenibbli u l-governanza tajba. Dan tagħmlu billi toħloq sħubijiet biex tindirizza sfidi globali bħat-tibdil fil-klima, it-tnaqqis tar-riżorsi naturali u l-migrazzjoni irregolari. L-UE tappoġġja multilateraliżmu effettiv u taħdem mal-partijiet ikkonċernati kollha, peress li l-isfidi attwali jitolbu governanza multilaterali u kooperazzjoni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli.

Video:

X’tagħmel l-UE

L-UE tqis is-sħubijiet internazzjonali bħala investiment f’futur vijabbli, sostenibbli u kondiviż. L-UE hija promotur ewlieni tal-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-Tibdil fil-Klima. Il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp jistabbilixxi kif l-UE tiffoka fuq "in-nies, il-pjaneta, il-prosperità, is-sliem u s-sħubija." fil-ħidma lejn l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli. L-UE tistruttura l-azzjoni esterna tagħha madwar:

Is-sħubija Afrika-UE tibqa’ prijorità ewlenija għall-UE.

Fl-2020, l-UE rreaġixxiet malajr għall-kriżi tal-COVID-19. L-approċċ tat-"Tim Ewropa", li jgħaqqad ir-riżorsi, l-għarfien espert u l-għodda mill-UE, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet finanzjarji tagħha, għen lis-sħab tal-UE jtaffu l-impatt tal-pandemija. L-UE hija wkoll fuq quddiem fir-responsabbiltà li tara li jkun hemm il-vaċċini sikuri u effettivi aċċessibbli għal kulħadd. L-approċċ tat-Tim Ewropa issa qed jiġi applikat fil-baġit tal-UE għall-azzjoni esterna: l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali — "Ewropa Globali".

L-UE tiddedika madwar 10 % tal-baġit tagħha għall-azzjoni esterna. Id-delegazzjonijiet tal-UE jaħdmu id f’id mal-gvernijiet, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-Istati Membri tal-UE u s-settur privat biex iżidu l-impatt tal-appoġġ tal-Ewropa. Kollettivament, l-UE u l-Istati Membri tagħha pprovdew €66.8 biljun f’għajnuna fl-2020.

Il-valuri tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt jiggwidaw l-azzjonijiet tal-UE fid-dinja kollha. Il-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija tal-UE jiffoka fuq il-protezzjoni u l-għoti tas-setgħa lill-individwi, il-bini ta’ soċjetajiet reżiljenti, inklużivi u demokratiċi u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha. Bis-saħħa tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa huma fuq quddiem nett tal-ħidma tal-UE.

April 2021

Viċinat u tkabbir tal-UE

L-UE tinkoraġġixxi demokraziji u ekonomiji stabbli fil-pajjiżi ġirien billi tibni sħubiji mfassla apposta bbażati fuq interessi kondiviżi u kooperazzjoni fil-livell bilaterali jew reġjonali.

Video:

X’tagħmel l-UE

Il-Politika Ewropea tal-Viċinat tirregola r-relazzjonijiet tal-UE ma’ 16 mill-eqreb ġirien tagħha. Lejn in-nofsinhar: l-Alġerija, l-Eġittu, Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Libja, il-Marokk, il-Palestina*, is-Sirja u t-Tuneżija. Lejn il-lvant: l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna.

Din il-kooperazzjoni għandha l-għan prinċipalment li:

  • tistabbilizza l-pajjiżi ġirien billi tindirizza l-iżvilupp ekonomiku, l-impjieg u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ, it-trasport u l-konnettività tal-enerġija, is-sigurtà u l-migrazzjoni;
  • tippromwovi l-valuri tal-governanza tajba, tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem;
  • tiffaċilita l-kooperazzjoni fl-livell reġjonali, pereżempju, permezz tas-Sħubija tal-Lvant u l-Unjoni għall-Mediterran.

Barra dan, fil-Viċinat tan-Nofsinhar l-UE taħdem flimkien mas-sħab tagħha biex issolvi kriżijiet bħal dawk fis-Sirja jew fil-Libja, u biex jiġu rregolati l-flussi tal-migrazzjoni.

Il-Politika ta’ Tkabbir tal-UE tkopri l-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Kosovo**, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja u t-Turkija. Il-prospett tas-sħubija hu stimulu qawwi għal riformi demokratiċi u ekonomiċi fil-pajjiżi li jixtiequ jingħaqdu mal-UE. Dan jgħin biex jitrawmu r-rikonċiljazzjoni u l-istabbiltà. Pajjiż Ewropew jista’ jsir Stat Membru tal-UE biss jekk jissodisfa l-istandards demokratiċi (inkluż l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għall-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom); għandu ekonomija tas-suq attiva u l-kapaċità li jimmaniġġja l-kompetizzjoni u l-forzi tas-suq fl-UE; u jista’ jerfa’ r-responsabbiltajiet tas-sħubija fl-UE.

It-Turkija hija s-sieħba tal-UE f’ħafna oqsma essenzjali, madankollu f’dawn l-aħħar snin bdiet titbiegħed mill-valuri u l-prinċipji ewlenin tal-UE. Għalhekk, in-negozjati tal-adeżjoni tat-Turkija huma effettivament iffriżati. L-Unjoni Ewropea għandha interess strateġiku f’ambjent stabbli u sigur fil-Lvant tal-Mediterran u fl-iżvilupp ta’ relazzjoni kooperattiva u ta’ benefiċċju reċiproku mat-Turkija.

Fl-2020, l-UE pprovdiet għajnuna b’valur ta’ €7.47 biljun lir-reġjuni tal-viċinat u tat-tkabbir biex tgħinhom itaffu l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19. L-UE pprovdiet rispons ta’ emerġenza, appoġġjat ir-riċerka, is-sistemi tas-saħħa u tal-ilma u indirizzat il-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-pandemija.

  • Dan l-isem m’għandux jiġi interpretat bħala rikonoxximent ta’ Stat tal-Palestina u huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri dwar din il-kwistjoni.
  • Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-opinjoni tal-QIĊ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo

Ġunju 2021

Kummerċ

L-UE ssostni l-kummerċ liberu bi ħġarha. 35 miljun impjieg Ewropew huma, direttament jew indirettament, appoġġjati mill-kummerċ ma’ pajjiżi barra mill-UE. L-UE tissielet għal swieq miftuħa u bbażati fuq ir-regoli, kundizzjonijiet ekwi u l-ogħla standards internazzjonali fid-dinja kollha.

L-UE hija l-akbar setgħa kummerċjali fid-dinja u waħda mill-aktar ekonomiji miftuħa. Terz tal-prodott domestiku gross tal-UE jiddependi fuq il-kummerċ. 85 % tat-tkabbir globali futur huwa mbassar li jiġi minn barra l-Ewropa. L-UE tinnegozja u taqbel fuq ftehimiet kummerċjali internazzjonali f’isem l-Istati Membri tagħha.

Video:

X’tagħmel l-UE

Il-politika kummerċjali tal-UE tkopri l-kummerċ fi prodotti u servizzi, iżda wkoll fi kwistjonijiet bħall-aspetti kummerċjali tal-proprjetà intellettwali u l-investiment dirett barrani.

Fi Frar 2021, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat strateġija kummerċjali ġdida tal-UE, li tistabbilixxi tliet objettivi ewlenin.

  1. L-appoġġ għall-irkupru u t-trasformazzjoni tal-ekonomija tal-UE b’mod li jiġu appoġġjati l-ambizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tagħna.
  2. It-tiswir ta’ regoli globali biex jiġi żgurat li jkunu ġusti u sostenibbli.
  3. Il-kapaċità tal-UE li ssegwi l-interessi tagħha u tinforza d-drittijiet tagħha.

Fil-qalba tal-istrateġija hemm impenn għar-riforma tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ sabiex tkun tista’ tirrispondi aħjar għall-isfidi tal-kummerċ modern.

Il-politika kummerċjali jista’ jkollha rwol importanti fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali. Għalhekk l-UE se ttejjeb l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ kapitli dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali tagħha. B’mod speċifiku, l-UE se tipproponi li r-rispett għall-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima jsir element essenzjali fi ftehimiet futuri dwar il-kummerċ u l-investiment.

L-UE hija favur kummerċ miftuħ u ġust u tiġġieled kontra l-protezzjoniżmu. Hija ssib bilanċ bejn il-ftuħ u l-iżgurar li n-nies u l-kumpaniji jkunu protetti kontra prattiki kummerċjali inġusti. Bl-Uffiċjal Kap tal-Infurzar għall-Kummerċ, li għadu kif inħatar, l-UE qed tiffoka speċifikament fuq il-massimizzazzjoni tal-benefiċċji tal-ftehimiet kummerċjali għall-kumpaniji, b’mod partikolari l-SMEs u l-bdiewa, u fuq l-iżgurar li s-sħab kummerċjali tagħha jonoraw l-impenji tagħhom, inkluż dwar l-iżvilupp sostenibbli.

L-UE għandha 46 ftehim kummerċjali fis-seħħ ma’ 78 sieħeb mid-dinja kollha. Fl-2020, l-UE laħqet ftehim ġdid dwar il-kummerċ mal-Messiku, u l-ftehim kummerċjali tagħha mal-Vjetnam daħal fis-seħħ. Fl-ewwel sena tiegħu, il-ftehim mal-Ġappun diġà ta spinta lill-esportazzjonijiet tal-UE, bi tkabbir ta’ kważi 7 % fl-ewwel 10 xhur tal-ftehim.

Wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Jannar 2020, l-UE u r-Renju Unit iffirmaw il-Ftehim ta’ Kummerċ u Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit fit-30 ta’ Diċembru 2020.

L-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili

L-UE, flimkien mal-Istati Membri tagħha, hi d-donatur primarju fid-dinja ta’ għajnuna umanitarja, u tipprovdi u tikkoordina assistenza ta’ sokkors għal nies f’żoni milquta minn diżastri fl-Ewropa u madwar id-dinja.

L-UE tipprovdi assistenza ta’ sokkors lin-nies affettwati minn kriżijiet. Fl-2017, l-għajnuna ta’ EUR 2.2 biljun mill-UE għenet lil aktar minn 120 miljun ruħ f’aktar minn 80 pajjiż. L-UE għandha l-għan li:

  • issalva u tippreserva l-ħajja, tipprevjeni u ttaffi t-tbatija umana u tissalvagwardja l-integrità u d-dinjità tal-popolazzjonijiet affettwati minn diżastri naturali u minn kriżijiet magħmula mill-bniedem;
  • tipprovdi reazzjoni rapida għal emerġenzi kemm fi ħdan kif ukoll barra mill-UE;
  • tnaqqas ir-riskji ta’ diżastru, pereżempju billi tħaddem strateġiji mmirati lejn il-mitigazzjoni tal-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima;
  • ittejjeb l-istat ta’ tħejjija għad-diżastri, pereżempju billi tiżviluppa sistemi ta’ twissija bikrija;
  • tiżgura tranżizzjoni mingħajr intoppi meta tasal fi tmiemha operazzjoni ta’ emerġenza, billi toħloq rabtiet ma’ strateġiji tal-għajnuna għall-iżvilupp;
  • issaħħaħ ir-reżiljenza ġenerali tal-popolazzjonijiet, pereżempju billi tinvesti f’miżuri biex tgħinhom iħejju għal diżastri fil-ġejjieni; u
  • tipproteġi u tiżgura l-futur tat-tfal maqbuda f’diżastri kkawżati mill-bniedem jew naturali.
Video:

X’tagħmel l-UE

L-UE twieġeb għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi permezz tad-Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej (ECHO) tal-Kummissjoni Ewropea, li jiżgura l-għoti rapidu u effettiv tal-assistenza ta’ sokkors tal-UE permezz taż-żewġ strumenti ewlenin tiegħu: l-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili. L-UE hi donatur umanitarju prominenti f’ħafna kriżijiet, inklużi dawn li ġejjin.

  • Is-sokkors ta’ emerġenza għal persuni spostati ġewwa s-Sirja u għar-refuġjati f’pajjiżi ġirien.
  • Assistenza umanitarja lir-refuġjati u lil persuni spostati internament fil-Greċja, fl-Iraq, fit-Turkija u fil-Yemen.
  • Proġetti umanitarji li jsalvaw il-ħajjiet fl-aktar komunitajiet affettwati fis-Sudan t’Isfel u fir-Repubblika Ċentru-Afrikana.
  • L-għajnuna lil komunitajiet f’żoni suxxettibbli għal diżastri biex iħejju aħjar u jirkupraw. Kull euro minfuq fuq l-istat ta’ tħejjija jiffranka sa seba’ euro li jkollu jintefaq wara li jseħħu d-diżastri.

L-UE tibgħat timijiet biex jgħinu f’ħafna kriżijiet fi ħdan l-UE u madwar id-dinja permezz tal-Mekkaniżmu tagħha għall-Protezzjoni Ċivili, pereżempju:

  • tikkoordina u tikkofinanzja l-kostijiet tat-trasport tal-operazzjonijiet ta’ tifi tan-nar fl-Ewropa matul staġun ta’ nirien fis-sajf partikolarment intens fl-2017;
  • tibgħat għarfien espert, timijiet u tagħmir lil pajjiżi milquta madwar id-dinja bit-terremoti (l-Iraq, il-Messiku), bl-għargħar (l-Albanija, il-Perù) u bl-epidemiji (l-Uganda, il-Bangladesh) fl-2017;
  • tgħin lil persuni milquta mill-uragani Irma u Maria fil-Karibew f’Settembru 2017.

Il-politika estera u ta’ sigurtà

Il-politika estera u ta’ sigurtà tal-UE tippermettilha titkellem u taġixxi b’leħen wieħed fl-affarijiet dinjin, biex b’hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jindirizzaw sfidi li ma jistgħux isolvu waħedhom u jiżguraw is-sigurtà u l-prosperità taċ-ċittadini tal-UE.

Il-politika hi implimentata mill-kap tal-affarijiet barranin tal-UE, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (li hu wkoll il-Viċi President tal-Kummissjoni), u appoġġjata mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, is-servizz diplomatiku tal-UE. L-azzjonijiet esterni tal-UE huma ggwidati mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien u l-iżvilupp tagħha stess, u li hi tfittex li tippromwovi madwar id-dinja kollha, inklużi l-paċi, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

Video:

X’tagħmel l-UE

Fl-2016, ir-Rappreżentant Għoli/il-Viċi President nieda l-Istrateġija Globali għall-Politika Barranija u ta’ Sigurtà tal-UE biex tissaħħaħ l-istabbiltà fil-viċinat tal-Ewropa u lil hinn minnu, jissaħħu s-sigurtà u d-difiża u jiġu indirizzati sfidi bħas-sigurtà tal-enerġija, il-migrazzjoni, it-tibdil fil-klima u t-terroriżmu. Is-segwitu dwar is-sigurtà u d-difiża kien pjuttost veloċi, bl-adozzjoni fl-2016 ta’ pakkett tas-sigurtà u tad-difiża ferm mifrux għall-UE li se jara l-Ewropa tieħu responsabbiltà akbar għal dawn l-oqsma. L-istrateġija globali stabbiliet il-ħames prijoritajiet li ġejjin għall-azzjoni tal-UE:

L-UE tappoġġja lil pajjiżi li jkunu għaddejjin minn kunflitt u minn kriżi. Hi d-donatur ewlieni fir-rispons internazzjonali għall-kriżi fis-Sirja, b’aktar minn EUR 11-il biljun ipprovduti b’appoġġ tan-nies Sirjani, u għadha qed tappoġġja l-isforzi internazzjonali biex iġġib il-paċi fil-Lvant Nofsani billi tappoġġja soluzzjoni ta’ żewġ stati bi stat Palestinjan li jikkoeżisti biswit l-Iżrael. Il-ftehim milħuq fl-2015 dwar il-programm nukleari tal-Iran wera r-rwol tal-UE fit-tmexxija tat-taħditiet dwar il-paċi għan-nom tal-komunità internazzjonali. Fl-2018 kien hemm 16-il missjoni ċivili u operazzjoni militari għaddejjin fi tliet kontinenti. Id-deċiżjonijiet ta’ skjerament jittieħdu b’mod konġunt mill-ministri nazzjonali mill-pajjiżi tal-UE. L-istejjer ta’ suċċess jinkludu missjonijiet tal-UE għaż-żamma tal-paċi f’diversi mkejjen problematiċi madwar id-dinja, it-taħriġ ta’ pulizija, ta’ suldati u ta’ gwardji tal-kosta, l-appoġġ għall-bini tal-istat f’sitwazzjonijiet ta’ wara l-kunflitt u l-ġlieda kontra l-piraterija fil-Qarn tal-Afrika. L-UE m’għandhiex armata, iżda tiġbor flimkien forzi kkontribwiti mill-Istati Membri tagħha taħt il-bandiera tal-UE.

Il-Fond Ewropew għad-Difiża mniedi fl-2017 jikkoordina, jissupplimenta u jamplifika l-investimenti nazzjonali fid-difiża biex iżid il-produzzjonijiet u jiżviluppa t-teknoloġija u t-tagħmir tad-difiża biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet attwali u futuri relatati mas-sigurtà.

Il-ġustizzja u d-drittijiet fundamentali

L-UE tiggarantixxi firxa ta’ drittijiet fundamentali għaċ-ċittadini tagħha u tipproteġihom kontra d-diskriminazzjoni, filwaqt li l-ispazju ta’ ġustizzja komuni tal-UE jgħin biex isolvi problemi legali transfruntiera kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għan-negozji.

L-UE mhix sempliċement suq uniku għall-oġġetti u għas-servizzi. L-Ewropej jaqsmu valuri li huma spjegati fit-trattati tal-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jiggarantixxu drittijiet għaċ-ċittadini tal-UE (kwalunkwe persuna li jkollha n-nazzjonalità ta’ pajjiż tal-UE awtomatikament issir ċittadin tal-UE wkoll). L-UE tagħmel ukoll il-ħajja eħfef għall-Ewropej li jistudjaw, jaħdmu jew jiżżewġu f’pajjiżi oħra tal-UE billi tibni konnessjonijiet bejn l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali differenti madwar l-UE. Spazju komuni ta’ ġustizzja mingħajr fruntieri u ssimplifikat se jiżgura li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jħaddmu sett ta’ drittijiet u jistgħu jaċċessaw il-ġustizzja fil-kontinent kollu.

Video:

X’tagħmel l-UE

Dan is-sett ta’ drittijiet hu ggarantit mill-UE u jinkludi dawn li ġejjin.

  • Regoli li jipprevjenu diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess, ta’ oriġini razzjali jew etnika, ta’ reliġjon jew twemmin, ta’ diżabilità, ta’ età jew ta’ orjentazzjoni sesswali.
  • Id-dritt li kulħadd ikollu d-data personali tiegħu protetta bis-saħħa tar-regoli l-ġodda (dawk hekk imsejħa l-GDPR) li daħlu fis-seħħ f’Mejju 2018.
  • Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li tiġbor flimkien id-drittijiet personali, ċiviċi, politiċi, ekonomiċi u soċjali kollha li jgawdu n-nies fl-UE. Dawn huma ggarantiti mill-Unjoni Ewropea fejn ikun ikkonċernat id-dritt tal-UE.
  • Il-politiki tal-UE dwar il-ġustizzja u d-drittijiet fundamentali: il-koordinazzjoni tar-regoli dwar il-ġustizzja, l-istandards minimi madwar l-UE u l-aċċess għall-ġustizzja b’termini ugwali fil-pajjiżi kollha huma kwistjonijiet importanti. Pereżempju, vittmi ta’ kriminalità għandhom sett komuni ta’ drittijiet minimi kull fejn ikunu fl-UE. Din il-koordinazzjoni tgħin ukoll liċ-ċittadini jużaw id-dritt tal-moviment liberu tagħhom u lin-negozji jinnegozjaw u joperaw fi ħdan is-suq uniku tal-UE.

L-UE tistinka wkoll biex issaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn il-qrati u l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE biex dawn jirrikonoxxu d-deċiżjonijiet ġudizzjarji ta’ xulxin. Dan hu partikolarment importanti f’kawżi ċivili bħal divorzju, kustodja tat-tfal jew talbiet għal manteniment. Il-Eurojust tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali biex tgħin fil-ġlieda kontra l-kriminalità serja bħall-korruzzjoni, it-terroriżmu u t-traffikar u d-distribuzzjoni ta’ droga, filwaqt li l-Mandat ta’ Arrest Ewropew ħa post proċeduri twal ta’ estradizzjoni għar-ritorn ta’ kriminali ssuspettati jew ikkundannati lura lejn il-pajjiż fejn se jiġu jew fejn ġew ipproċessati. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew li għadu kif twaqqaf, u li għandu jibda jaħdem fl-2020, se jinvestiga, imexxi l-prosekuzzjoni u jressaq għas-sentenza reati kontra l-baġit tal-UE, bħal frodi, korruzzjoni jew frodi transkonfinali serja tal-VAT.

Mejju 2021

Ekonomija u soċjetà diġitali

L-UE tinsab determinata biex id-deċennju li qegħdin fih ikun id-deċennju diġitali tal-Ewropa. Qed taħdem biex tiżgura li t-teknoloġiji diġitali jaħdmu għal kulħadd, filwaqt li qed tgħin biex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050, u tiżgura l-post tal-Ewropa bħala mexxejja fl-ekonomija diġitali.

It-teknoloġiji diġitali qatt ma kienu aktar importanti f’ħajjitna. Matul il-kriżi tal-COVID-19, huma żammew lin-nies konnessi u lin-negozji jaħdmu, u wrew li huma essenzjali għall-edukazzjoni u t-taħriġ. Huma kruċjali wkoll għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, inkluż permezz ta’ sistemi intelliġenti tal-enerġija u tat-trasport.

Video:

X’tagħmel l-UE

Diġà tlestew is-sisien għat-trasformazzjoni diġitali. L-azzjoni tal-UE ġabet magħha benefiċċji bħal:

L-istrateġija diġitali proposta tal-UE se tkompli taħdem fuq soluzzjonijiet diġitali li huma ta’ benefiċċju għan-nies, in-negozji u l-pjaneta. Din tiffoka fuq tliet għanijiet ewlenin: teknoloġija li taħdem għan-nies, ekonomija ġusta u kompetittiva u soċjetà miftuħa, demokratika u sostenibbli.

Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet sett komprensiv ta’ regoli għall-pjattaformi online li joperaw fl-Ewropa biex jipproteġu d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini online, biex jindirizzaw il-ħsara online u biex irawmu l-innovazzjoni. Lil hinn minn dan, l-istrateġija tkopri wkoll kollox miċ-ċibersigurtà u d-data għall-edukazzjoni diġitali u d-demokrazija. Il-Kumpass Diġitali propost iwassal biex l-għanijiet tal-Ewropa għall-2030 isiru miri konkreti. Is-salvagwardja tal-valuri tal-UE u tad-drittijiet fundamentali u s-sigurtà tan-nies hija element ewlieni.

Il-Programm Ewropa Diġitali, b’aktar minn €7.5 biljun f’finanzjament bejn l-2021 u l-2027, se jagħti spinta lill-investimenti f’oqsma bħas-supercomputing, l-intelliġenza artifiċjali u l-ħiliet diġitali. Se jiżgura wkoll użu wiesa’ tat-teknoloġiji diġitali fl-ekonomija u s-soċjetà kollha, inkluż permezz ta’ ċentri ta’ innovazzjoni diġitali.

Programmi oħra wkoll se jappoġġjaw it-tranżizzjoni diġitali, inklużi Orizzont Ewropa, li jiffoka fuq ir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku, u l-aspetti diġitali tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. Barra minn hekk, taħt il-Fond ta’ Rkupru NextGenerationEU, il-pajjiżi tal-UE għandhom jallokaw 20 % tal-appoġġ finanzjarju tagħhom mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għat-trasformazzjoni diġitali.

April 2021

Internet aktar sikur

L-UE għandha l-aktar regoli stretti fid-dinja dwar il-protezzjoni tad-data u dwar il-privatezza. Dawn jgħinu biex jiġi żgurat li l-ambjent online huwa sikur u ġust kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għan-negozji u biex jipproteġu lin-nies, b’mod partikolari lit-tfal, minn kontenut illegali u li jagħmel il-ħsara.

It-tkabbir rapidu tas-servizzi online f’dawn l-aħħar snin ġab miegħu ħafna benefiċċji għall-Ewropej, iżda wkoll riskji potenzjali ġodda. Hu għalhekk li l-UE qed taħdem kontinwament biex tiżgura li l-leġiżlazzjoni tagħha żżomm il-pass mat-trasformazzjoni diġitali u li dak li huwa illegali offline ikun ukoll illegali online.

Video:

X’tagħmel l-UE

Il-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza huma drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea. L-UE applikat standards għoljin għall-protezzjoni tad-data u l-privatezza għal deċennji sħaħ. Il-liġi tagħti drittijiet lin-nies fir-rigward tal-protezzjoni tad-data u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, li għandhom jiġu rrispettati mill-organizzazzjonijiet li jipproċessaw id-data tagħhom. B’rispons għar-realtajiet tal-era tal-internet, ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) jagħti drittijiet infurzabbli lill-individwi, inkluż id-dritt li jiġu minsija.

B’mod parallel, l-UE qed tmexxi l-isforzi biex id-dinja diġitali ssir post sigur. L-istrateġija taċ-ċibersigurtà għandha l-għan li ssaħħaħ ir-reżiljenza kollettiva tal-Ewropa kontra t-theddid ċibernetiku u tgħin biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini u n-negozji kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw minn servizzi u għodod diġitali affidabbli.

Il-Kummissjoni qed tindirizza t-tixrid tad-diżinformazzjoni u l-miżinformazzjoni online biex tiżgura l-protezzjoni tal-valuri Ewropej u s-sistemi demokratiċi. L-inizjattivi jinkludu l-Pjan ta’ Azzjoni u l-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni għall-ġlieda kontra l-aħbarijiet foloz u d-diżinformazzjoni; il-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea u l-Osservatorju Ewropew tal-Media Diġitali.

Il-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda illegali online għandu l-għan li jiżgura li t-talbiet għat-tneħħija ta’ kontenut razzist u ksenofobiku jiġu ttrattati malajr. Il-kumpaniji, inklużi Facebook, Twitter, Instagram u Snapchat, impenjaw ruħhom li jagħmlu rieżami tal-maġġoranza ta’ dawn it-talbiet f’inqas minn 24 siegħa u li jneħħu l-kontenut jekk ikun meħtieġ.

Is-sikurezza tat-tfal online hija ta’ importanza prinċipali. L-Istrateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal influwenzat il-politiki nazzjonali fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi tal-UE u stabbilixxiet punt ta’ riferiment globali għall-protezzjoni u l-għoti tas-setgħa tat-tfal online. In-network iffinanzjat mill-UE ta’ Ċentri għal Internet Iktar Sikur jgħin biex titqajjem kuxjenza dwar is-sikurezza online u titrawwem il-parteċipazzjoni tat-tfal. Ir-regoli l-ġodda dwar is-servizzi tal-media awdjoviżiva jeħtieġu pjattaformi ta’ video-sharing online biex jieħdu passi biex jirrestrinġu l-aċċess tat-tfal għal kontenut li jagħmel ħsara, filwaqt li l-Att dwar is-Servizzi Diġitali propost jantiċipa obbligi speċifiċi biex jiġu indirizzati riskji sinifikanti għall-benesseri tat-tfal. Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll strateġija tal-UE għal ġlieda aktar effettiva kontra l-abbuż sesswali tat-tfal.

Il-migrazzjoni u l-ażil

Il-politika komuni tal-UE dwar l-immigrazzjoni u l-ażil tgħin lill-Ewropa tindirizza l-isfidi relatati mal-migrazzjoni b’mod effettiv.

Aktar minn 3.2 miljun persuna li tfittex asil applikaw għal protezzjoni internazzjonali fl-UE mill-2015 ’l hawn, u ħafna minnhom kienu qed jaħarbu mill-gwerra u mit-terrur fis-Sirja u f’pajjiżi oħra b’sitwazzjonijiet perikolużi.

Video:

X’tagħmel l-UE

L-UE żviluppat politika komuni dwar l-immigrazzjoni u l-ażil biex timmaniġġja l-ħafna sfidi ġġenerati mill-migrazzjoni lejn l-UE, inklużi dawk ta’ nies li jfittxu protezzjoni internazzjonali. Din il-politika tinkludi l-azzjonijiet li ġejjin li għandhom l-għan li jindirizzaw il-kriżi.

L-UE ddedikat aktar minn EUR 10 biljun biex tindirizza l-kriżi tar-refuġjati, u dawn jiffinanzjaw proġetti li jindirizzaw l-aktar ħtiġijiet umanitarji urġenti tar-refuġjati li jaslu fix-xtut Ewropej. L-UE tipprovdi wkoll għajnuna umanitarja lir-refuġjati u lill-migranti f’pajjiżi li mhumiex fl-UE, u tappoġġja l-ħidma għall-indirizzar tal-għeruq ta’ dak li jikkawża l-migrazzjoni irregolari.

Fuq il-bażi ta’ proposta tal-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri qablu li jirrilokaw l-applikanti għall-ażil mill-Greċja u mill-Italja lejn pajjiżi oħra tal-UE. L-UE tixtieq ukoll li jinħolqu modi sikuri u legali għall-applikanti għall-ażil biex jidħlu fl-UE. Programm dwar ir-risistemazzjoni volontarja miftiehem mill-Istati Membri jipprevedi t-trasferiment ta’ 22 500 ruħ minn barra l-UE lejn Stat Membru tal-UE. L-UE qed taħdem biex iżżid ir-rata ta’ ritorni lejn il-pajjiż ta’ oriġini tal-migranti irregolari mingħajr ebda dritt ta’ soġġorn fl-UE.

F’Marzu tal-2016, l-UE u t-Turkija ftiehmu li l-migranti irregolari u dawk li qegħdin ifittxu l-ażil li jaslu fil-gżejjer tal-Greċja mit-Turkija, ikunu jistgħu jintbagħtu lura fit-Turkija. Bi tpartit għal kull Sirjan li jkun wasal il-Greċja b’mod irregolari u li jintbagħat lura mill-gżejjer tal-Greċja lejn it-Turkija, l-UE tieħu Sirjan mit-Turkija li ma jkunx ipprova jidħol fl-UE b’mod irregolari. Dan wassal għal tnaqqis kbir fil-wasliet irregolari fuq il-gżejjer. L-UE qiegħdet għad-dispożizzjoni EUR 3 biljun biex tindirizza l-ħtiġijiet tar-refuġjati ospitati fit-Turkija.

Mill-2015 ’l hawn ġew salvati aktar minn 620 000 ħajja fl-Eġew u fil-Mediterran bis-saħħa tal-operazzjonijiet ta’ salvataġġ Taljani u Griegi u bis-saħħa tal-ħidma tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, imwaqqfa fl-2016.

Il-Kummissjoni pproponiet riforma profonda tal-liġijiet eżistenti dwar l-ażil f’konformità mal-ħtiġijiet attwali u futuri. Il-prinċipju bażiku se jibqa’ l-istess: jenħtieġ li n-nies japplikaw għall-ażil fl-ewwel Stat Membru tal-UE li jidħlu fih sakemm ma jkollhomx membri familjari xi mkien ieħor, iżda kull meta Stat Membru ma jkunx jista’ jlaħħaq, irid ikun hemm solidarjetà u tqassim ġust tar-responsabbiltà fi ħdan l-UE.

Il-fruntieri u s-sigurtà

L-Unjoni Ewropea qed taħdem favur it-twaqqif ta’ unjoni tas-sigurtà, biex tagħmel l-Ewropa aktar sigura billi tiġġieled kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja u billi ssaħħaħ il-fruntieri esterni tal-Ewropa.

L-UE toffri liċ-ċittadini tagħha spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni. L-objettiv ġenerali ta’ unjoni tas-sigurtà hu li tagħmel dan l-ispazju post aktar sikur. L-UE u l-Istati Membri jikkooperaw biex jindirizzaw it-terroriżmu u r-radikalizzazzjoni vjolenti, il-kriminalità serja u organizzata u ċ-ċiberkriminalità.

Video:

X’tagħmel l-UE

L-UE tiffoka l-azzjonijiet tagħha fuq l-għoti ta’ appoġġ lill-Istati Membri permezz ta’:

  • skambju ta’ informazzjoni bejn l-infurzar nazzjonali tal-liġi, l-aġenziji doganali u l-gwardji tal-fruntiera;
  • kooperazzjoni operattiva, bl-appoġġ tal-aġenziji tal-UE;
  • taħriġ, skambju tal-aħjar prattika, finanzjament, riċerka u innovazzjoni.

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) tiġbor lill-Istati Membri flimkien biex jinvestigaw każijiet ta’ kriminalità serja u organizzata. Il-Kummissjoni qed taħdem ukoll biex tiżgura li s-sistemi ta’ informazzjoni differenti tal-UE għall-ġestjoni tas-sigurtà, tal-fruntieri u tal-migrazzjoni jkunu “interoperabbli”, jiġifieri kapaċi jikkomunikaw ma’ xulxin.

L-UE aġġornat u saħħet il-liġijiet tagħha, filwaqt li armonizzat id-definizzjoni ta’ reati terroristiċi u kkriminalizzat l-ivvjaġġar, it-taħriġ u l-finanzjament tat-terroriżmu. Bl-appoġġ taċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tan-Netwerk ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni, l-UE qed iżżid l-isforzi għall-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tindirizza l-isfida ta’ ġellieda terroristi li jirritornaw. Permezz tal-Forum fuq l-Internet tal-UE, il-Kummissjoni qed tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn kumpaniji importanti tal-internet, aġenziji tal-infurzar tal-liġi u s-soċjetà ċivili biex jitnaqqas l-aċċess għall-kontenut illegali online u jiġu pprovduti narrattivi alternattivi effettivi għall-ġlieda kontra l-propaganda terroristika. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li tagħmilha obbligatorja għall-kumpaniji tal-internet li jneħħu kontenut terroristiku mill-internet fi żmien siegħa minn ordni ta’ tneħħija mill-awtoritajiet nazzjonali.

F’Diċembru 2018 il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu dwar l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà, li jsaħħaħ il-mandat tal-aġenzija tal-UE għaċ-ċibersigurtà (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni) sabiex tappoġġa aħjar lill-Istati Membri fit-trattament ta’ theddid u attakki taċ-ċibersigurtà.

Bis-saħħa tal-Ftehim ta’ Schengen, il-kontrolli f’ħafna mill-fruntieri interni tal-UE ġew aboliti progressivament. Il-kriżi tal-migrazzjoni u l-pajsaġġ tas-sigurtà li qed jinbidel fis-snin riċenti wrew li ż-żona Schengen teħtieġ fruntieri esterni b’saħħithom. Fl-2017, l-UE adottat regoli ġodda għall-fruntieri esterni ta’ Schengen biex jissaħħu l-kontrolli fuq il-persuni kollha, inkluż iċ-ċittadini Ewropej, f’bażijiet ta’ data rilevanti, biex jiġi żgurat li dawn ma jirrappreżentawx theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna. Barra minn hekk, aktar minn 1 600 uffiċjal mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) issa qed jgħinu lill-gwardji tal-fruntieri nazzjonali tal-Istati Membri fil-pattulja f’postijiet bħall-Greċja, l-Italja, il-Bulgarija u Spanja. Il-Kummissjoni pproponiet li tkabbar aktar l-Aġenzija billi tistabbilixxi korp permanenti ta’ 10 000 persunal operattiv.

L-edukazzjoni u t-taħriġ

L-UE tgħin biex tittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni billi tħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u billi tikkomplimenta l-azzjonijiet nazzjonali. Erasmus+ jipprovdi opportunitajiet għan-nies ta’ kull età u jippermetti b’mod partikolari liż-żgħażagħ biex jistudjaw, jitħarrġu, jiksbu esperjenza ta’ xogħol jew jagħmlu volontarjat barra pajjiżhom.

L-investiment fl-edukazzjoni u fit-taħriġ hu fundamentali għall-ġejjieni tan-nies, b’mod partikolari jekk ikunu żgħażagħ. Skont rapport tal-2015, fl-UE għad hemm aktar minn 4.4 miljun persuna li tieqaf mill-iskola qabel iż-żmien u wieħed minn kull erba’ adulti li għandhom livell baxx ta’ ħiliet, u dan jagħmilha diffiċli għalihom biex jaċċessaw is-suq tax-xogħol u jieħdu sehem bis-sħiħ fis-soċjetà.

Video:

X’tagħmel l-UE

Il-pajjiżi tal-UE huma responsabbli għas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ tagħhom stess, iżda l-UE tgħinhom jiksbu edukazzjoni ta’ kwalità permezz tal-iskambju ta’ prattika tajba, bl-istabbiliment ta’ miri u ta’ parametri referenzjarji u tipprovdilhom finanzjament u għarfien espert. L-istrateġija tal-UE għall-edukazzjoni u għat-taħriġ għandha l-għan li tilħaq l-objettivi li ġejjin:

  • tagħmel it-tagħlim tul il-ħajja u l-mobilità realtà;
  • ittejjeb il-kwalità u l-effiċjenza tal-edukazzjoni u tat-taħriġ;
  • tippromwovi l-ekwità, il-koeżjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva; u
  • issaħħaħ il-kreattività u l-innovazzjoni, inkluża l-intraprenditorija, fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u tat-taħriġ.

Erasmus+, il-programm tal-UE għall-edukazzjoni, għat-taħriġ, għaż-żgħażagħ u għall-isport, jgħin biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ billi jsaħħaħ l-iżvilupp personali, il-ħiliet u l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ. B’baġit totali ta’ EUR 14.7 biljun, se jgħin lil aktar minn 4 miljun persuna (fil-parti l-kbira żgħażagħ) jistudjaw, jitħarrġu, jiksbu esperjenza ta’ xogħol jew jagħmlu volontarjat f’pajjiż ieħor. Erasmus+ isaħħaħ il-prospettivi tax-xogħol u l-iżvilupp personali taż-żgħażagħ billi jagħtihom il-ħiliet li jeħtieġu fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà, kemm fil-preżent kif ukoll fil-ġejjieni. Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li tirdoppja l-fondi għall-Erasmus għal EUR 30 biljun fil-baġit tal-UE fit-tul li jmiss (2021 sa 2027).

L-UE stabbiliet numru ta’ inizjattivi oħra biex tagħmilha aktar faċli għan-nies biex jistudjaw, jitħarrġu jew jaħdmu barra l-pajjiż. Il-pajjiżi, it-trade unions u l-impjegaturi Ewropej jikkooperaw biex itejbu t-taħriġ vokazzjonali u edukazzjonali permezz tal-proċess ta’ Copenhagen. Riżultat minnhom hu s-Sistema Ewropea ta’ Kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali u n-netwerk ta’ garanzija tal-kwalità, li jgħin lin-nies jaħdmu u jistudjaw barra l-pajjiż. Il-proċess ta’ Bologna u ż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja jagħmluha aktar faċli għan-nies biex ibiddlu s-sistemi edukattivi fi ħdan l-Ewropa billi jippromwovu r-rikonoxximent reċiproku tal-perjodi ta’ studju, kwalifiki komparabbli u standards ta’ kwalità uniformi.

Is-sett ta’ dokumenti tal-Europass jgħin lill-ħaddiema japplikaw għal impjiegi barra mill-pajjiż billi jippreżentaw il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom f’format standard madwar l-Ewropa kollha u li jinftiehem aktar faċilment mill-impjegaturi.

Iż-żgħażagħ

Permezz tal-politiki u l-programmi taż-żgħażagħ tagħha l-UE għandha l-għan li tiżgura li ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fl-oqsma kollha tas-soċjetà u li tagħtihom aktar opportunitajiet fis-suq tal-edukazzjoni u tax-xogħol.

L-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ hi vitali għas-soċjetà Ewropea u għall-ħajja demokratika. L-istrateġija tal-UE għaż-żgħażagħ tippromwovi t-tranżizzjonijiet taż-żgħażagħ għall-ħajja adulta, is-saħħa u l-benesseri taż-żgħażagħ, il-parteċipazzjoni fis-soċjetà, l-involviment f’attivitajiet volontarji u ta’ solidarjetà, u l-impjiegi u l-intraprenditorija. Il-politiki tal-UE dwar iż-żgħażagħ joffru wkoll liż-żgħażagħ l-opportunità li jimlew kwalunkwe diskrepanza fl-edukazzjoni u fil-ħiliet tagħhom, biex b’hekk ikunu jistgħu jadattaw aħjar għall-isfidi u jikkontribwixxu għal bidla pożittiva fis-soċjetà. Dan hu partikolarment rilevanti peress li l-qgħad fost iż-żgħażagħ għadu għoli b’mod sinifikanti.

Video:

X’tagħmel l-UE

L-UE tħaddem diversi programmi u inizjattivi li jgħinu liż-żgħażagħ fl-Ewropa jaqdu rwol aktar attiv fis-soċjetà u jibbenefikaw mill-esperjenzi f’pajjiż ieħor. B’mod partikolari dawn jinkludu dawn li ġejjin:

  • Erasmus+ hu l-programm tal-UE li jappoġġja l-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport fl-Ewropa. B’baġit ta’ EUR 14.7 biljun, dan jipprovdi opportunitajiet għal aktar minn 4 miljun Ewropew biex jiksbu għarfien u ħiliet permezz ta’ esperjenzi barra l-pajjiż bħal studju, traineeships, apprendistati, skambji taż-żgħażagħ, tagħlim, taħriġ, xogħol maż-żgħażagħ u sport.
  • Il-Kummissjoni tisħaq fuq il-ħtieġa ta’ djalogu strutturat bħala mezz ta’ komunikazzjoni reċiproka bejn iż-żgħażagħ u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet sabiex jinkisbu l-ideat diretti mingħand iż-żgħażagħ dwar politiki li jfissru xi ħaġa għalihom. Iċ-ċikli ta’ djalogu strutturat idumu 18-il xahar, u kull wieħed minnhom jiffoka fuq tema speċifika u jagħti liż-żgħażagħ l-opportunità li jsemmgħu leħinhom fuq dan is-suġġett.
  • Il-programm Erasmus għal imprendituri żgħażagħ jgħin biex jipprovdi lil imprendituri ġodda jew żgħażagħ Ewropej bil-ħiliet neċessarji biex jibdew u jmexxu negozju żgħir.
  • Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà hu inizjattiva ġdida tal-UE li għandha l-għan li tipprovdi opportunitajiet għaż-żgħażagħ biex jesprimu s-solidarjetà tagħhom billi jieħdu sehem f’attivitajiet fil-pajjiż tagħhom stess jew barra minn pajjiżhom li jibbenefikaw minnhom il-komunitajiet u n-nies madwar l-Ewropa.
  • Il-garanzija għaż-żgħażagħ, b’finanzjament ta’ EUR 8.8 biljun, tappoġġja l-impjieg taż-żgħażagħ billi tiżgura li ż-żgħażagħ kollha li għandhom inqas minn 25 sena jirċievu offerta konkreta ta’ kwalità tajba għal xogħol, għal apprendistat, għal traineeship jew biex ikomplu bl-edukazzjoni fi żmien 4 xhur minn meta jitilqu mill-edukazzjoni formali jew isiru qiegħda.

Il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ jipprovdi informazzjoni dwar dawn l-inizjattivi u dwar inizjattivi oħra tal-UE għaż-żgħażagħ madwar l-Ewropa kollha, filwaqt li l-EURES, il-Portal Ewropew dwar il-Mobilità fix-Xogħol, jgħin ukoll biex idaħħal f’kuntatt lil persuni li jfittxu impjieg ma’ kumpaniji li joffru impjieg.

Il-kultura u l-media

L-UE taħdem biex tippreserva l-wirt kulturali kondiviż tal-Ewropa u tagħmlu aċċessibbli għal kulħadd. Hi tappoġġja l-arti u tgħin lill-industriji kulturali u kreattivi tagħna biex jiffjorixxu, speċifikament permezz tal-programm Ewropa Kreattiva.

Il-kultura u l-kreattività huma ċentrali għall-proġett Ewropew u huma fil-qalba tal-politika kulturali tal-UE. Il-wirt kulturali għani tal-Ewropa u s-setturi kreattivi dinamiċi jġibu arrikkiment, divertiment u sens ta’ identità immensa lil miljuni ta’ nies.

L-UE tfittex li tħares il-wirt u d-diversità kulturali bejn il-pajjiżi u li tisfrutta l-kontribut tal-industriji kulturali u kreattivi għall-ekonomija u għas-soċjetà. Il-politika tal-UE tfittex ukoll li tissodisfa sfidi komuni bħat-tranżizzjoni lejn il-produzzjoni u l-kontenut diġitali, jew kif titħeġġeġ l-innovazzjoni fis-settur kulturali. L-Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura fiha azzjonijiet konkreti li jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tal-kultura.

Video:

X’tagħmel l-UE

Il-programm Ewropa Kreattiva għandu l-għan li jsaħħaħ is-setturi kulturali u kreattivi tal-Ewropa u jipprovdi finanzjament għal madwar 3 700 organizzazzjoni kulturali, 250 000 artist u professjonist kulturali, għal aktar minn 7 000 ċinema u, għal 2 800 film, u għal 4 500 traduzzjoni ta’ kotba matul il-ħajja ta’ 7 snin tiegħu. Qed jinvesti EUR 1.46 biljun biex:

  • jippromwovi d-diversità kulturali u lingwistika Ewropea;
  • jixpruna t-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività fis-setturi kreattivi;
  • jgħin lis-setturi kreattivi u kulturali jisfruttaw bl-aħjar mod it-teknoloġiji diġitali u jiżviluppaw mudelli kummerċjali ġodda; u
  • jġib ix-xogħlijiet kreattivi għal udjenza akbar fl-Ewropa u f’livell internazzjonali.

L-Ewropa Kreattiva tippromwovi wkoll inizjattivi bħal premji tal-UE għall-wirt kulturali, għall-arkitettura, għal-letteratura u għall-mużika, iċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew u l-Kapitali Ewropea tal-Kultura. Is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali tal-2018 kellha l-għan li tinkoraġġixxi aktar nies biex jiskopru u jimpenjaw ruħhom mal-wirt kulturali Ewropew u biex irawmu sens ta’ appartenenza għal spazju komuni Ewropew.

Il-Kummissjoni tikkoordina wkoll it-tfassil ta’ politiki, ir-riċerka u r-rapportar fuq firxa ta’ suġġetti, mil-litteriżmu medjatiku u d-distribuzzjoni diġitali sal-preservazzjoni tal-wirt kulturali jew il-kultura f’relazzjonijiet esterni. Barra minn hekk, trawwem il-kooperazzjoni u t-tagħlim bejn il-pari bejn l-Istati Membri.

Il-politika awdjoviżiva u medjatika tal-UE għandha l-għan li tiżgura li, bħal oġġetti u servizzi oħra, il-midja awdjoviżiva (film, TV u vidjo) tiġi soġġetta għal regoli li japplikaw madwar l-UE kollha biex jiġi żgurat li din tkun tista’ tiċċirkola liberament u ġustament fis-suq uniku, indipendentement minn kif tiġi fornuta. L-UE tappoġġja wkoll l-iżvilupp u d-distribuzzjoni tal-films Ewropej u ta’ kontenut ieħor, bl-għan li din tippromwovi d-diversità kulturali.

L-isport

L-UE tippromwovi l-benefiċċji tas-saħħa u l-valuri pożittivi assoċjati mal-isport, tappoġġja l-kooperazzjoni bejn dawk li jfasslu l-politika u d-djalogu mal-organizzazzjonijiet sportivi u tindirizza problemi bħad-doping, it-tixħim ta’ plejers u l-vjolenza.

L-isport u l-eżerċizzju huma parti integrali mill-ħajja ta’ miljuni ta’ Ewropej. Minbarra li jippromwovi ħajja u benessri aħjar, l-isport jista’ jgħin fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet bħar-razziżmu, l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanza bejn il-ġeneri. L-isport jipprovdi wkoll benefiċċji ekonomiċi sinifikanti u hu għodda importanti fir-relazzjonijiet esterni tal-UE. Il-politika tal-UE dwar l-isport issa hi primarjament imwettqa permezz tal-programm Erasmus+.

Video:

X’tagħmel l-UE

L-UE tiffoka fuq l-isport bħala mezz biex in-nies jinżammu f’saħħithom, jinħolqu komunitajiet, titrawwem l-inklużjoni soċjali u jiġu promossi opportunitajiet indaqs.

  • Erasmus+ tikkofinanzja inizjattivi biex tgħin fl-iżvilupp, fil-kondiviżjoni u fl-implimentazzjoni ta’ ideat u ta’ prattiki innovattivi għall-promozzjoni tal-isport tal-massa. “Erasmus+ Sport” jgħin fl-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea tal-isport, isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet sportivi, l-awtoritajiet pubbliċi u partijiet oħra.
  • L-isport jista’ jelimina l-qasmiet soċjali, jemanċipa lin-nies u jipprovdi opportunitajiet għall-iżvilupp ta’ ħiliet ta’ tmexxija. L-Istati Membri tal-UE li japplikaw għal għotjiet tal-Fond Soċjali Ewropew u tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali huma mħeġġa jinkludu proġetti li jippromwovu l-inklużjoni soċjali permezz tal-isport. Il-Premji Sportivi tal-UE #BeInclusive jagħtu rikonoxximent lil organizzazzjonijiet li jużaw is-saħħa tal-isport biex iżidu l-inklużjoni soċjali għal gruppi żvantaġġati.
  • Il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport tħeġġeġ lill-Ewropej ikunu attivi fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom.
  • Il-Kummissjoni Ewropea tħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet sportivi biex jimplimentaw governanza tajba.
  • Il-Kummissjoni Ewropea qed tintegra b’mod gradwali l-isport fi ftehimiet bilaterali ma’ pajjiżi barra mill-UE.

Il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE fl-isport hi miftiehma permezz ta’ pjan ta’ ħidma pluriennali tal-UE għall-isport. L-aktar wieħed riċenti (għall-perjodu 2017-2020) jiddefinixxi tliet prijoritajiet: l-integrità tal-isport, id-dimensjoni ekonomika tal-isport, u l-isport u s-soċjetà. Il-Kummissjoni Ewropea taħdem mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati biex tippromwovi r-rwol tal-isport u ssib soluzzjonijiet għal problemi li qed jaffaċċja l-isport Ewropew.

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru dwar l-isport u l-attività fiżika juri li ċ-ċittadini tal-UE mhumiex qed jagħmlu biżżejjed eżerċizzju fiżiku. Il-politika tal-UE dwar is-saħħa tippromwovi l-eżerċizzju fiżiku kemm permezz tal-qsim ta’ prattiki tajbin bejn il-pajjiż tal-UE u ma’ partijiet interessati, kif ukoll permezz tal-pjattaforma tal-UE għal azzjoni dwar id-dieta, l-attività fiżika u s-saħħa, li tipprovdi forum għall-indirizzar ta’ xejriet avversi.

Il-linji gwida tal-UE dwar l-attività fiżika (2008) u r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-attività fiżika favur is-saħħa bejn is-setturi (2013) juru kif il-politiki nazzjonali jistgħu jħeġġu l-attività fiżika. Is-Sejħa ta’ Tartu għal Stil ta’ Ħajja Sana (2017) tinkludi lista ta’ 15-il azzjoni biex tippromwovi stili ta’ ħajja b’saħħithom.

Il-baġit

Il-baġit tal-UE jgħin biex jitwettqu affarijiet li jgħoddu għall-Ewropej. Billi jiġbru r-riżorsi fil-livell tal-UE, l-Istati Membri jistgħu jiksbu aktar milli kieku jaġixxu waħedhom.

Il-baġit tal-UE jappoġġja firxa wiesgħa ta’ politiki implimentati fi ħdan l-Unjoni Ewropea u għen lill-UE tikkonsolida r-rwol b’saħħtu tagħha fix-xena internazzjonali, bħala mexxej fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u bħala l-akbar donatur ta’ għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp fid-dinja.

Matul il-kriżi ekonomika u finanzjarja, il-baġit tal-UE wera li hu strument b’saħħtu biex jappoġġja l-investiment. Bil-baġits nazzjonali f’ħafna Stati Membri li kienu taħt strapazz qawwi, il-baġit tal-UE, u b’mod partikolari l-Fondi Strutturali, wera matul il-kriżi tal-2008 li hu fattur ta’ stabbilizzazzjoni li jinvesti fit-tkabbir u fl-impjiegi. Dan l-aħħar, il-baġit sostna wkoll il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE u r-rispons Ewropew għall-kriżi tar-refuġjati u għat-theddida tal-kriminalità organizzata u tat-terroriżmu.

Video:

X’tagħmel l-UE

L-UE taqbel dwar pjanijiet tal-baġit fit-tul li jipprovdu bażi stabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tul perjodu ta’ mill-inqas 5 snin. Il-baġit fit-tul attwali tal-UE jkopri l-2014-2020 u jippermetti lill-UE tinvesti madwar EUR 1 triljun tul dak il-perjodu. F’Mejju 2018 il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-proposta tagħha għall-baġit fit-tul tal-UE mill-2021 sal-2027.

Il-baġit annwali jiġi deċiż b’mod demokratiku. L-ewwel nett, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi abbozz ta’ baġit. Imbagħad il-gvernijiet nazzjonali (li jaġixxu permezz tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea) u l-Parlament Ewropew elett direttament japprovaw il-baġit tal-UE, normalment qabel il-bidu tas-sena. Madwar 94 % mill-baġit jintefaq fl-Istati Membri, prinċipalment għat-trawwim tal-impjiegi u t-tkabbir fl-Ewropa, kif ukoll barra mill-UE fuq l-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja, filwaqt li 6 % biss jintefqu fuq l-amministrazzjoni tal-UE.

Il-baġit annwali tal-UE fl-2019 kien ta’ madwar EUR 165,8 biljun — somma kbira f’termini assoluti, iżda madwar 1 % biss mill-ġid iġġenerat mill-ekonomiji tal-UE ta’ kull sena. Madwar 80 % mill-baġit tal-UE hu ffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet nazzjonali bbażati fuq l-introjtu nazzjonali gross u t-taxxa fuq il-valur miżjud.

Wara r-rakkomandazzjoni annwali mill-Kunsill, il-Parlament Ewropew jiddeċiedi jekk jagħtix l-approvazzjoni finali tiegħu, jew “kwittanza”, dwar il-mod kif il-Kummissjoni implimentat il-baġit tal-UE. Din il-proċedura tiżgura akkontabilità u trasparenza sħaħ u, meta tingħata, il-kwittanza twassal għall-għeluq formali tal-kontijiet għal sena partikolari.

Il-prevenzjoni tal-frodi

L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi jiżgura li flus il-kontribwenti jintużaw bl-aħjar mod possibbli billi jinvestiga każijiet ta’ frodi, korruzzjoni u attivitajiet illegali li jinvolvu fondi tal-UE.

Il-korruzzjoni u l-frodi jistgħu jagħmlu ħsara serja lill-ekonomija u jnawru l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet u fil-proċessi demokratiċi. Madankollu, il-korruzzjoni istituzzjonali mhix l-unika theddida. Il-kuntrabandu ta’ sigaretti, l-evażjoni ta’ dazji tal-importazzjoni fuq żraben u ħwejjeġ, ir-riċevuta ta’ sussidji għat-tkabbir ta’ larinġ f’irziezet li ma jeżistux - hemm ħafna eżempji ta’ frodi, kbar u żgħar, li jistgħu jiswew flus il-kontribwenti Ewropej.

Biex jiġġieled dawn it-theddidiet, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (magħruf ukoll bħala l-OLAF) jinvestiga l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħra li jinvolvu fondi tal-UE, flimkien ma’ mġiba ħażina serja tal-persunal tal-UE u tal-membri tal-istituzzjonijiet tal-UE, u jgħin lill-istituzzjonijiet jifformulaw u jimplimentaw politiki għall-prevenzjoni u għad-detezzjoni tal-frodi. L-Uffiċċju hu parti mill-Kummissjoni Ewropea, iżda jaġixxi b’indipendenza sħiħa fil-mandat investigattiv tiegħu.

Video:

X’tagħmel l-UE

Meta każ ta’ korruzzjoni jew ta’ frodi ssuspettati fil-fondi tal-UE jiġi vvalutat u jintwera li dan ikun issostanzjat mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, titnieda investigazzjoni. Dawn l-investigazzjonijiet jistgħu jinvolvu intervisti u spezzjoni tal-bini. L-OLAF se jikkoordina wkoll l-ispezzjonijiet mill-aġenziji ta’ kontra l-frodi tal-Istati Membri involuti fil-każ.

Wara li tiġi konkluża investigazzjoni, OLAF jirrakkomanda azzjoni lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-gvernijiet nazzjonali kkonċernati: dan normalment jinkludi l-ftuħ ta’ investigazzjonijiet kriminali, irkupri finanzjarji jew miżuri dixxiplinari oħra. Imbagħad dan jissorvelja kif jiġu implimentati dawn ir-rakkomandazzjonijiet.

L-awtoritajiet doganali nazzjonali jwettqu operazzjonijiet doganali konġunti regolari mal-OLAF (u ma’ aġenziji oħra tal-UE) biex iwaqqfu l-kuntrabandu u l-frodi f’ċerti żoni ta’ riskju għoli u f’rotot identifikati. Pereżempju, fl-2017, operazzjonijiet doganali konġunti ffinanzjati mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi wasslu għas-sekwestru ta’ 75-il miljun sigarett, kif ukoll għal għexieren ta’ eluf ta’ prodotti ffalsifikati oħra.

L-OLAF jikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp, għall-monitoraġġ u għall-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE kontra l-frodi, filwaqt li jaħdem mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea, mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3 Kif l-Unjoni Ewropea tieħu deċiżjonijiet u azzjoni

1 MIN HU MIN

L-Unjoni Ewropea hi bbażata fuq l-istat tad-dritt. Dan ifisser li kull azzjoni li tittieħed mill-UE hija msejsa fuq trattati li ġew approvati b’mod volontarju u demokratiku mill-pajjiżi kollha tal-UE. It-trattati huma nnegozjati u miftiehma mill-Istati Membri kollha tal-UE u mbagħad jiġu rratifikati mill-parlamenti tagħhom jew b’referendum.

It-trattati jistabbilixxu l-objettivi tal-Unjoni Ewropea u jfasslu r-regoli dwar kif joperaw l-istituzzjonijiet tal-UE, kif jittieħdu deċiżjonijiet u r-relazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha. Dawn ġew emendati kull darba li ssieħeb Stat Membru ġdid mal-UE. Kultant żmien dawn ġew emendati wkoll biex jirriformaw l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u jagħtuha oqsma ġodda ta’ responsabbiltà.

L-aħħar trattat emendatorju, it-Trattat ta’ Lisbona, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009. Trattati preċedenti issa huma inkorporati fil-verżjoni konsolidata attwali, li tinkludi t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Aktar riċentement, l-UE qablet dwar it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, trattat intergovernattiv li jobbliga lill-pajjiżi parteċipanti jkollhom regoli stretti biex jiggarantixxu baġits pubbliċi bbilanċjati u jsaħħaħ il-governanza taż-żona tal-euro.

It-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell tal-UE jinvolvi lil diversi istituzzjonijiet Ewropej, b’mod partikolari:

Il-korpi konsultattivi (il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni) u l-parlamenti nazzjonali wkoll għandhom rwol.

Ġeneralment, hi l-Kummissjoni Ewropea li tipproponi liġijiet ġodda u l-Parlament Ewropew u l-Kunsill (imsejjaħ ukoll il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea) li jadottawhom. Imbagħad, l-Istati Membri u l-istituzzjoni jew l-istituzzjonijiet tal-UE kkonċernati jimplimentawhom.

Il-Parlament Ewropew

Il-Parlament Ewropew hu elett miċ-ċittadini tal-UE f’elezzjonijiet diretti kull 5 snin. Kull Stat Membru jeleġġi numru ta’ Membri (MPE); is-siġġijiet jiġu allokati fuq il-bażi tal-popolazzjoni ta’ kull Stat Membru. Il-Parlament jiltaqa’ kemm fi Brussell kif ukoll fi Strasburgu. Il-President attwali tal-Parlament Ewropew huwa David Sassoli.

Il-MPE jorganizzaw lilhom infushom fi gruppi politiċi, kif ukoll f’kumitati li jeżaminaw proposti għal leġiżlazzjoni ġdida f’oqsma ta’ politika differenti.

F’termini tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, il-Parlament hu responsabbli għal dawn li ġejjin:

  • Japprova, jemenda jew jirrifjuta liġijiet tal-UE, flimkien mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fuq il-bażi tal-proposti tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Parlament jaqsam ukoll mal-Kunsill responsabbiltà ndaqs għall-adozzjoni tal-baġit tal-UE (propost mill-Kummissjoni Ewropea).
  • Jieħu deċiżjonijiet dwar ftehimiet internazzjonali.
  • Jieħu deċiżjonijiet dwar it-tkabbir tal-UE.
  • Jeleġġi lill-President tal-Kummissjoni, fuq il-bażi ta’ proposta mill-Istati Membri, u mbagħad japprova l-Kummissjoni sħiħa.
  • Jeżamina l-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni u jitlobha tipproponi leġiżlazzjoni.
  • Il-ħidma tal-Parlament tinqasam f’żewġ stadji ewlenin.
  • Kumitati li jħejju l-leġiżlazzjoni: il-Parlament għandu 20 kumitat u żewġ subkumitati, b’kull wieħed minnhom li jieħu ħsieb qasam ta’ politika partikolari. Il-kumitati jeżaminaw proposti għal-leġiżlazzjoni, u l-MPE u l-gruppi politiċi jistgħu jressqu emendi jew jipproponu r-rifjut tal-leġiżlazzjoni proposta. Dawn il-kwistjonijiet jiġu diskussi wkoll fi ħdan il-gruppi ta’ politika qabel ma dawn jiddeċiedu kif jivvotaw fuq suġġett partikolari.
  • Is-sessjonijiet plenarji japprovaw, jemendaw jew jirrifjutaw il-leġiżlazzjoni: dawn iseħħu meta l-MPE kollha jiltaqgħu fil-kamra biex jagħtu votazzjoni finali dwar il-leġiżlazzjoni proposta u l-emendi proposti. Normalment, dawn is-sessjonijiet plenarji jseħħu fi Strasburgu, u jekk ikun hemm sessjonijiet addizzjonali, dawn isiru fi Brussell.

Ix-xogħol fit-tmien mandat tal-Parlament Ewropew intemm fit-18 ta’ April 2019. F’vot dirett bejn it-23 u s-26 ta’ Mejju, iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-UE tellgħu l-MPE biex jiffurmaw il-Parlament il-ġdid. Aktar tagħrif dwar ir-riżultati tal-Elezzjonijiet Ewropej tal-2019 u dwar il-formazzjoni tal-Parlament il-ġdid jinstab fuq is-sit web tal-Parlament Ewropew.

Il-Kunsill Ewropew

Il-Kunsill Ewropew, ibbażat fi Brussell, hu msawwar mill-Kapijiet ta’ Stat jew tal-Gvern tal-Istati Membri kollha tal-UE, mill-President tal-Kummissjoni Ewropea u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.

Il-Kunsill Ewropew jiġbor flimkien il-mexxejja tal-UE biex jistabbilixxu l-aġenda politika tal-UE. Dan jirrappreżenta l-ogħla livell ta’ kooperazzjoni politika bejn l-Istati Membri tal-UE. Il-Kunsill Ewropew jieħu l-forma ta’ summits (normalment trimestrali) bejn il-mexxejja tal-UE, ippreseduti mill-President tal-Kunsill Ewropew. Il-President jista’ jsejjaħ laqgħat addizzjonali wkoll biex jiġu indirizzati kwistjonijiet urġenti. F'Lulju 2019, il-Kunsill Ewropew eleġġa lil Charles Michel bħala l-President tiegħu għall-perjodu bejn l-1 ta' Diċembru 2019 u l-31 ta' Mejju 2022.

Ġeneralment il-Kunsill Ewropew jiddeċiedi kwistjonijiet b’unanimità, jew b’maġġoranza kwalifikata f’ċerti każijiet.

Il-Kunsill Ewropew:

  • jiddeċiedi dwar id-direzzjoni ġenerali u l-prijoritajiet ta’ politika tal-UE, iżda ma jgħaddix liġijiet;
  • jindirizza kwistjonijiet kumplessi jew sensittivi li ma jistgħux jiġu solvuti f’livelli inferjuri ta’ kooperazzjoni intergovernattiva;
  • jistabbilixxi l-politika estera u ta’ sigurtà komuni tal-UE, b’kunsiderazzjoni tal-interessi strateġiċi u tal-implikazzjonijiet għad-difiża tal-UE;
  • jinnomina u jaħtar kandidati għal ċerti rwoli ta’ profil għoli fil-livell tal-UE, bħall-President tal-Kummissjoni Ewropea jew il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Fuq kull kwistjoni, il-Kunsill Ewropew jista’:

  • jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tagħmel proposta biex tiġi indirizzata;
  • jgħaddiha lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex jindirizzaha.

Il-Kunsill

Flimkien mal-Parlament Ewropew, il-Kunsill hu l-korp deċiżjonali ewlieni tal-UE. Hu magħruf ukoll bħala l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Fil-Kunsill, il-ministri tal-gvern minn kull Stat Membru jiltaqgħu biex jiddiskutu, jemendaw u jadottaw liġijiet u jikkoordinaw il-politiki. Il-ministri għandhom l-awtorità li jieħdu impenn għall-gvernijiet tagħhom biex iwettqu l-azzjonijiet miftiehma fil-laqgħat. Il-presidenza tal-Kunsill iddur bejn l-Istati Membri tal-UE kull 6 xhur, u hi responsabbli għall-ippresidjar tal-laqgħat kollha tal-Kunsill u għall-issettjar tal-aġendi.

Il-Kunsill:

  • jinnegozja u jadotta liġijiet tal-UE, flimkien mal-Parlament Ewropew, fuq il-bażi ta’ proposti mill-Kummissjoni Ewropea;
  • jikkoordina l-politiki tal-pajjiżi tal-UE;
  • jiżviluppa l-politika estera u ta’ sigurtà tal-UE, fuq il-bażi tal-linji gwida tal-Kunsill Ewropew;
  • jikkonkludi ftehimiet bejn l-UE u pajjiżi oħra jew organizzazzjonijiet internazzjonali;
  • jadotta l-baġit annwali tal-UE flimkien mal-Parlament Ewropew.

Il-ministri li jattendu huma dawk li jindirizzaw il-politika li tkun qed tiġi diskussa. Pereżempju, il-ministri tal-ambjent jiltaqgħu fil-Kunsill Ambjent. Il-ministri jiltaqgħu diversi drabi kull sena biex jieħdu deċiżjonijiet relatati mal-UE, għalkemm l-uffiċjali tal-gvern jattendu laqgħat tul is-sena kollha biex jiddiskutu d-dettalji tal-politiki.

Biex jiġu miftiehma, normalment id-deċiżjonijiet jeħtieġu maġġoranza kwalifikata, li hi ddefinita bħala 55 % tal-Istati Membri li jirrappreżentaw mill-inqas 65 % tal-popolazzjoni totali tal-UE. Madankollu, ċerti suġġetti bħall-politika estera u t-tassazzjoni jeħtieġu vot unanimu (l-Istati Membri kollha jridu jkunu favur) u hi meħtieġa maġġoranza sempliċi għal kwistjonijiet proċedurali u amministrattivi.

Il-Kunsill m’għandux jiġi konfuż mal-Kunsill tal-Ewropa, li mhuwiex korp tal-Unjoni Ewropea iżda organizzazzjoni internazzjonali li twaqqfet biex tippromwovi d-demokrazija u tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fl-Ewropa. Dan jinkludi fih 47 pajjiż Ewropew, inkluż l-Istati Membri tal-UE.

Il-Kummissjoni Ewropea

Il-Kummissjoni Ewropea hi l-istituzzjoni ewlenija li tmexxi l-ħidma ta’ kuljum tal-UE. Hi l-unika istituzzjoni tal-UE li tista’ tipproponi leġiżlazzjoni (spiss wara talba mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill), għad li huma l-Parlament u l-Kunsill li jivvotaw dwarha. Ħafna min-nies li jaħdmu fil-Kummissjoni huma bbażati fi Brussell jew fil-Lussemburgu, madankollu hemm uffiċċji ta’ “rappreżentazzjoni” fl-ibliet kapitali kollha tal-Istati Membri tal-UE.

Il-Kummissjoni hi komposta mill-Kulleġġ ta’ 27 Kummissarju, wieħed minn kull Stat Membru tal-UE, u inkluż il-President Ursula von der Leyen u Viċi Presidenti.

Ladarba jiġi nnominat il-President tal-Kummissjoni, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jinnomina s-26 Membru l-oħra l-ieħor tal-Kummissjoni bi qbil mal-President nominat, u l-Membri bħala korp wieħed imbagħad jiġu soġġetti għal votazzjoni ta’ approvazzjoni mill-Parlament Ewropew. Il-Kummissarji huma t-tmexxija politika tal-Kummissjoni b’mandat ta’ ħames snin. Kull Kummissarju jiġi assenjat responsabbiltà għal oqsma ta’ politika speċifiċi mill-President.

Il-membri tal-persunal tal-Kummissjoni huma l-ekwivalenti tas-servizz ċivili fi Stat Membru, u huma organizzati f’dipartimenti, magħrufa bħala direttorati ġenerali u servizzi, simili għall-ministeri fil-livell nazzjonali.

Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jittieħdu fuq il-bażi tar-responsabbiltà kollettiva tal-Kulleġġ tal-Kummissarji. Il-Kummissarji kollha huma ndaqs fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u huma akkontabbli ndaqs għal dawn id-deċiżjonijiet. Dawn m’għandhom ebda setgħa individwali tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, ħlief meta jkunu awtorizzati f’ċerti sitwazzjonijiet.

Hemm tmien Viċi Presidenti (inkluż tliet Viċi Presidenti Eżekuttivi tliet Viċi Presidenti Eżekuttivi u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà) li jokkupaw dawn ir-rwoli minbarra l-portafoll tas-soltu ta’ Kummissarju. Il-Viċi Presidenti jaġixxu għan-nom tal-President u jikkoordinaw ix-xogħol fil-qasam ta’ responsabbiltà tagħhom, flimkien ma’ diversi Kummissarji. Il-linji gwida politiċi ppreżentati mill-President von der Leyen f'Lulju 2019 stabbilew sitt ambizzjonijiet ewlienin għall-Ewropa.

B’mod ġenerali, id-deċiżjonijiet jittieħdu b’kunsens, iżda jistgħu jsiru votazzjonijiet ukoll. F’dan il-każ, id-deċiżjonijiet jittieħdu b’maġġoranza sempliċi, b’kull Kummissarju li jkollu vot wieħed. Imbagħad, id-direttorat ġenerali rilevanti jieħu s-suġġett taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Normalment dan isir fil-forma ta’ abbozz ta’ proposti leġiżlattivi.

Kumitati Konsultattivi

Il-Kumitati konsultattivi (il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni) għandhom rwol konsultattiv lejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Huma jipprovdu opinjonijiet dwar l-atti leġiżlattivi proposti. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jirrappreżenta lis-soċjetà ċivili organizzata u l-Kumitat tar-Reġjuni jirrappreżenta lill-awtoritajiet lokali u reġjonali.

Parlamenti Nazzjonali

Is-27 parlament nazzjonali tal-Istati Membri jikkontribwixxu għall-funzjonament tajjeb tal-UE billi jiskrutinjaw il-gvernijiet tagħhom fir-rigward tal-attivitajiet tal-Unjoni Ewropea u għandhom numru ta’ drittijiet, inkluż id-dritt li jesprimu t-tħassib tagħhom fir-rigward ta’ abbozzi ta’ atti leġiżlattivi.

Il-Parlamenti Nazzjonali jibagħtu opinjonijiet motivati lill-Kummissjoni meta jaraw abbozz ta’ att leġiżlattiv li jikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà. Jekk jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet, il-Kummissjoni tirrevedi l-proposta tagħha, u tispjega pubblikament jekk hux se żżomm, temenda jew tirtira l-proposta tagħha.

Il-Kummissjoni tinsab ukoll fi djalogu politiku kostanti mal-Parlamenti nazzjonali, li jibagħtu l-opinjonijiet tagħhom dwar kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva jew politika tal-Kummissjoni jew dwar kwalunkwe suġġett politiku fuq l-inizjattiva tagħhom stess.

Il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Bank Ewropew tal-Investiment

Il-Bank Ċentrali Ewropew hu istituzzjoni indipendenti tal-unjoni ekonomika u monetarja li għaliha jappartjenu l-Istati Membri kollha tal-UE. Dan jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu mingħajr ma jfittex jew jieħu ordnijiet mingħand gvernijiet jew istituzzjonijiet oħra tal-UE. L-iskop ewlieni tiegħu hu li jżomm l-istabbiltà monetarja fiż-żona tal-euro billi jiżgura inflazzjoni baxxa u stabbli tal-prezzijiet għall-konsumaturi.

Il-Bank Ewropew tal-Investiment hu l-bank tal-Unjoni Ewropea. Hu proprjetà tal-Istati Membri u l-missjoni tiegħu hi li jislef flus għal investimenti li jappoġġjaw l-objettivi tal-UE. Il-fokus tiegħu hu fuq iż-żieda tal-impjiegi u tal-potenzjal ta’ tkabbir tal-UE u fuq l-appoġġ tal-azzjoni klimatika u tal-politiki tal-UE lil hinn mill-fruntieri tagħha.

Aġenziji tal-Unjoni Ewropea

Il-ħidma tal-Unjoni Ewropea hi assistita minn numru ta’ aġenziji tal-UE, li huma separati minn entitajiet legali mwaqqfa biex iwettqu kompiti speċifiċi skont id-dritt tal-UE. Dawn jaħdmu fuq kwistjonijiet u problemi li jaffettwaw il-ħajjiet ta’ kuljum tan-nies li jgħixu fl-UE. Dawn għandhom impatt qawwi, u jipprovdu lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri tal-UE b’għarfien speċjalizzat f’diversi oqsma, bħaċ-ċibersigurtà, is-sikurezza alimentari u l-mediċini, il-ħarsien tal-ambjent, id-drittijiet fundamentali u s-sigurtà tal-fruntieri.

2 IT-TEĦID TA’ DEĊIŻJONIJIET

Diversi istituzzjonijiet jieħdu sehem fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE, bil-Parlament Ewropew, bil-Kunsill u bil-Kummissjoni Ewropea fuq quddiem nett.

Normalment, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi atti legali ġodda li mbagħad jiġu adottati mill-Parlament u mill-Kunsill. Ċerti drabi, il-Kunsill jista’ jagħmel dan waħdu.

Biex tiżgura li l-azzjoni tal-UE tilħaq l-għanijiet tagħha bl-aktar mod effiċjenti, il-Kummissjoni Ewropea tivvaluta l-impatti mistennija u attwali tal-politiki, il-leġiżlazzjoni, u miżuri importanti oħra. Tinvolvi wkoll liċ-ċittadini u lill-partijiet ikkonċernati f’kull stadju taċ-ċiklu tal-politika, mill-ippjanar għall-proposta għall-implimentazzjoni għar-reviżjoni u r-reviżjoni sussegwenti.

Biex tħabbar inizjattivi leġiżlattivi ġodda jew evalwazzjonijiet ippjanati tal-leġiżlazzjoni eżistenti, il-Kummissjoni Ewropea tippubblika valutazzjonijiet tal-impatt tal-bidu jew pjanijiet direzzjonali. Il-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u ambjentali potenzjali tal-miżuri proposti huma analizzati u rrappurtati fil-valutazzjonijiet tal-impatt li jakkumpanjaw il-proposti leġiżlattivi.

U xi ngħidu dwar leġiżlazzjoni jew inizjattivi li huma diġà fis-seħħ? Ladarba jiġu implimentati għal perjodu ta’ żmien biżżejjed, l-inizjattivi jiġu evalwati biex il-prestazzjoni tagħhom tiġi vverifikata skont il-kriterji standard. Bħala parti minn dan, il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) jidentifika opportunitajiet biex inaqqas l-ispejjeż regolatorji u jissimplifika l-liġijiet eżistenti.

Hemm diversi tipi ta’ atti legali, li huma applikati b’diversi modi.

  • Regolament hu liġi li hi applikabbli u vinkolanti fl-Istati Membri kollha direttament. Dan ma jeħtieġx li jingħadda fil-liġi nazzjonali mill-Istati Membri, għad li l-liġijiet nazzjonali jaf ikollhom bżonn jinbidlu biex jiġu evitati kunflitti mar-regolament.
  • Direttiva hi liġi li torbot lill-Istati Membri, jew lil grupp ta’ Stati Membri, biex jilħqu objettiv partikolari. Normalment, id-direttivi jridu jiġu trasposti fid-dritt nazzjonali biex isiru effettivi. Ta’ min jgħid li direttiva tispeċifika r-riżultat li għandu jinkiseb: hu f’idejn l-Istati Membri individwali li jiddeċiedu dwar kif dan għandu jsir.
  • Deċiżjoni tista’ tiġi indirizzata lill-Istati Membri, lil gruppi ta’ nies jew anki lil individwi. Hi vinkolanti fl-intier tagħha. Id-deċiżjonijiet jintużaw, pereżempju, biex jirregolaw dwar fużjonijiet proposti bejn il-kumpaniji.
  • Rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet jippermettu lill-istituzzjonijiet tal-UE jesprimu fehma lill-Istati Membri, u f’ċerti każijiet lil ċittadini individwali, li mhix vinkolanti u li ma toħloq ebda obbligu ġuridiku fuq il-persuna jew l-entità indirizzata.

Kull proposta għal att legali ġdid tal-UE hi konformi ma’ artikolu partikolari ta’ trattat, li jissejjaħ il-bażi ġuridika tal-proposta. Dan jiddetermina liema proċedura leġiżlattiva trid tiġi segwita.

Il-maġġoranza tal-liġijiet issir wara proċess magħruf bħala l-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

Il-proċedura leġiżlattiva ordinarja

Il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, magħrufa wkoll bħala l-proċedura ta’ kodeċiżjoni, hi l-aktar proċedura komuni għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Dan iqiegħed lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq l-istess livell, u l-liġijiet li jingħaddew permezz ta’ din il-proċedura huma atti konġunti tal-Parlament u tal-Kunsill. Din tapplika għall-maġġoranza assoluta tal-leġiżlazzjoni tal-UE, u tkopri firxa wiesgħa ta’ oqsma bħad-drittijiet tal-konsumatur, il-ħarsien tal-ambjent u t-trasport. Skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, il-Kummissjoni tagħmel proposta li trid tiġi adottata kemm mill-Parlament kif ukoll mill-Kunsill. Mar-riċevuta tal-proposta, il-proċess jipproċedi kif ġej.

L-ewwel qari

  • Il-Parlament Ewropew jiddibatti l-proposta fil-kumitati tiegħu. Kwalunkwe emenda għall-proposta tiġi ppreżentata f’dawn il-kumitati u ssir votazzjoni dwarha fihom ukoll. Imbagħad il-proposta tgħaddi għall-Parlament sħiħ, li jivvota dwarha (u dwar emendi ulterjuri) fis-sessjoni plenarja.
  • Il-Kunsill u l-Istati Membri jeżaminaw il-leġiżlazzjoni f’dettall; ħafna minn din id-diskussjoni ssir fi grupp ta’ ħidma ta’ impjegati taċ-ċivil. Ħafna mill-kwistjonijiet jistgħu jiġu riżolti f’dan il-livell tekniku, jew il-livelli li jiġu fuqu, għad li ċerti kwistjonijiet jistgħu jibqgħu biex jiġu ffinalizzati matul il-laqgħat tal-ministri rilevanti. Il-Kunsill jasal għal ftehim politiku dwar il-leġiżlazzjoni - dan jista’ jseħħ qabel jew wara li jivvota l-Parlament. Ladarba l-Parlament ikun ivvota, il-ftehim politiku jiġi kkonvertit f’pożizzjoni komuni formali. Jekk il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tkun differenti mill-vot tal-Parlament, il-leġiżlazzjoni tgħaddi għat-tieni qari biex jiġu solvuti d-differenzi.
  • Ir-rappreżentanti tal-Parlament u tal-Kunsill spiss jiltaqgħu b’mod informali biex jippruvaw jaqblu bejniethom qabel ma jifformalizzaw il-pożizzjonijiet tagħhom. Jekk dawn jaqblu, il-Kunsill jadotta l-istess test eżatt bħall-Parlament u l-proposta ssir liġi. Dan jissejjaħ ftehim fl-ewwel qari.

It-tieni qari

  • Jekk ma jintlaħaq ebda ftehim fl-ewwel qari, imbagħad jibda t-tieni qari. Dan isegwi xejra simili għall-ewwel qari, iżda din id-darba bil-Parlament li jeżamina, u jivvota dwar, it-tibdiliet proposti mill-Kunsill, u mbagħad il-Kunsill jikkunsidra dak li jipproponi l-Parlament. It-tieni qari hu proċess aktar veloċi mill-ewwel qari, peress li fih jistgħu jiġu diskussi biss id-differenzi bejn il-pożizzjonijiet tal-Parlament u l-Kunsill, u diversi elementi huma limitati biż-żmien.
  • Hu possibbli li l-Parlament u l-Kunsill jaqblu f’dan l-istadju (ftehim fl-istadju tat-tieni qari). Jekk iż-żewġ istituzzjonijiet ma jkunux jistgħu jaqblu fuq deċiżjoni komuni dwar l-att legali propost, dan jingħadda lil Kumitat ta’ Konċiljazzjoni msawwar minn numru ndaqs ta’ rappreżentanti tal-Parlament u tal-Kunsill. Din il-proċedura ta’ konċiljazzjoni saret rari. Ħafna mill-atti legali jiġu adottati wara l-proċedura leġiżlattiva ordinarja matul l-ewwel jew it-tieni qari.
  • Ladarba jintlaħaq qbil dwar test finali, u jsiru t-traduzzjonijiet kollha, il-leġiżlazzjoni tingħadda lill-Parlament u lill-Kunsill mill-ġdid biex ikunu jistgħu jadottawha bħala att legali. Imbagħad din tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-lingwi uffiċjali tal-UE. Il-leġiżlazzjoni tispeċifika meta trid tiġi implimentata fl-Istati Membri, jew meta din tidħol fis-seħħ fil-każ ta’ regolament.

Il-Kummissjoni tista’ ttella’ l-Istati Membri l-qorti u titlob li dawn jiġu mmultati jekk ma tiġix implimentata l-leġiżlazzjoni tal-UE. Kważi l-infurzar kollu tal-leġiżlazzjoni tal-UE jseħħ fi ħdan l-Istati Membri. Kultant dan jista’ jwassal għal ilmenti dwar implimentazzjoni mhux indaqs tar-regoli f’pajjiżi differenti. Ċerti deċiżjonijiet huma infurzati direttament fil-livell tal-UE, b’mod partikolari l-liġi tal-kompetizzjoni bħal każijiet tal-antitrust. Ara l-Parti 3 ta’ din it-taqsima L-iżgurar li jiġu rrispettati l-liġijiet tal-UE hawn taħt għal aktar informazzjoni.

Min aktar jiġi kkonsultat?

Meta jieħdu deċiżjonijiet f’numru ta’ oqsma ta’ politika, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (li tiegħu Luca Jahier huwa l-President).

Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkonsultaw lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (li tiegħu Karl-Heinz Lambertz huwa l-President) dwar kwistjonijiet ta’ rilevanza għar-reġjuni.

L-opinjonijiet tal-kumitati mhumiex vinkolanti fuq l-istituzzjonijiet tal-UE.

Barra minn hekk, istituzzjonijiet u korpi oħra jistgħu jiġu kkonsultati meta proposta taqa’ fi ħdan il-qasam ta’ interess jew ta’ għarfien espert tagħhom, pereżempju l-Bank Ċentrali Ewropew għal proposti li jikkonċernaw kwistjonijiet ekonomiċi jew finanzjarji.

Sorveljanza nazzjonali

Il-parlamenti nazzjonali jirċievu abbozzi ta’ atti leġiżlattivi fl-istess ħin bħall-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Dawn jistgħu jagħtu l-opinjoni tagħhom biex jiżguraw li d-deċiżjonijiet jittieħdu fl-aktar livell xieraq. L-azzjonijiet tal-UE huma soġġetti għall-principju tas-sussidjarjetà, li jfisser li, ħlief fl-oqsma fejn għandha setgħat esklużivi, l-UE taġixxi biss meta l-azzjoni tkun aktar effettiva fil-livell tal-UE milli fil-livell nazzjonali. Il-parlamenti nazzjonali jissorveljaw l-applikazzjoni korretta ta’ dan il-prinċipju fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UE u jistgħu jagħtu “opinjonijiet motivati” meta jqisu li l-prinċipju ma jkunx qed jiġi rrispettat.

L-involviment bħala ċittadin

Kull ċittadin tal-UE għandu d-dritt li jissottometti petizzjoni lill-Parlament Ewropew f’waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE, fil-forma ta’ lment jew ta’ talba, fuq kwistjoni li taqa’ fi ħdan l-oqsma ta’ attività tal-Unjoni Ewropea. Il-petizzjonijiet jiġu eżaminati mill-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament, li jieħu deċiżjoni dwar l-ammissibilità tagħhom u hu responsabbli għall-indirizzar tagħhom.

Iċ-ċittadini jistgħu wkoll jieħdu sehem direttament fl-iżvilupp ta’ politiki tal-UE billi jistiednu lill-Kummissjoni Ewropea tagħmel proposta dwar kwistjonijiet li fuqhom l-UE għandha kompetenza li tilleġiżla. L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, kif inhi msejħa, irid ikollha l-appoġġ ta’ mill-inqas miljun ċittadin tal-UE, li jiġu minn tal-inqas seba’ Stati Membri. Numru minimu ta’ firmatarji hu meħtieġ f’kull wieħed minn dawk is-seba’ Stati Membri.

Iċ-ċittadini jistgħu jaqsmu l-opinjonijiet tagħhom dwar l-inizjattivi tal-Kummissjoni fi stadji ewlenin tal-proċess tat-tfassil tal-politika u tat-tfassil tal-liġijiet. Permezz tal-portal tal-web Semma’ Leħnek, iċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati jistgħu jikkontribwixxu b’modi differenti:

  • Il-Kummissjoni l-ewwel tħabbar inizjattiva ġdida jew evalwazzjoni ta’ politika jew liġi eżistenti billi tippubblika valutazzjoni tal-impatt tal-bidu jew pjan direzzjonali. Iċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati għandhom erba’ ġimgħat biex jagħtu l-feedback, li jiġi ppubblikat fuq l-istess paġna web.
  • Meta taħdem fuq inizjattiva ġdida jew evalwazzjoni, il-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi permezz ta’ kwestjonarji online miftuħa għal 12-il ġimgħa.
  • Ladarba l-Kummissjoni tkun iffinalizzat proposta leġiżlattiva u ppreżentatha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, iċ-ċittadini jkollhom opportunità oħra biex jikkummentaw dwarha. Il-perjodu tal-feedback dwar il-proposti tal-Kummissjoni huwa ta’ 8 ġimgħat, u wara l-kontribuzzjonijiet jiġu mgħoddija lill-Parlament u lill-Kunsill biex jiġu kkunsidrati fin-negozjati tagħhom.
  • Permezz tal-programm Ħaffef il-Piż, iċ-ċittadini jistgħu jagħtu suġġerimenti lill-Kummissjoni fi kwalunkwe ħin dwar kif il-liġijiet jew il-politiki eżistenti jistgħu jiġu ssimplifikati u mtejba biex ikunu aktar effettivi u inqas ta’ piż.

Fuq il-portal tal-web Semma’ Leħnek, iċ-ċittadini jistgħu jabbonaw biex jiġu notifikati bil-posta elettronika meta jiżdiedu inizjattivi ġodda fuq temi li huma interessati fihom jew biex isegwu l-iżviluppi rigward inizjattivi individwali.

Il-koordinazzjoni tal-politiki tal-Istati Membri - l-eżempju tal-politika ekonomika

Skont l-unjoni ekonomika u monetarja, il-politika ekonomika tal-UE hi bbażata fuq il-koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi nazzjonali. Din il-koordinazzjoni ssir mill-ministri tal-ekonomija u tal-finanzi, li flimkien jifformaw il-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji.

Il-Grupp tal-Euro jikkonsisti fil-ministri tal-ekonomija u tal-finanzi tal-membri taż-żona tal-euro. Dan jaġixxi biex jippromwovi t-tkabbir ekonomiku u l-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro billi jikkoordina l-politiki ekonomiċi.

Politika estera u ta’ sigurtà komuni

Il-politika estera u ta’ sigurtà komuni hi l-politika estera organizzata u miftiehma tal-UE, primarjament għad-diplomazija u għall-azzjonijiet relatati mas-sigurtà u mad-difiża. Id-deċiżjonijiet jeħtieġu unanimità fost l-Istati Membri fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, iżda mill-ġdid, ċerti aspetti jistgħu jiġu deċiżi ulterjorment b’votazzjoni ta’ maġġoranza kwalifikata. Il-politika estera tal-UE fuq livell ministerjali hi rappreżentata mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni, bħalissa Josep Borrell Fontelles, li tippresjedi wkoll il-laqgħat tal-ministri għall-affarijiet barranin.

Il-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali

Kull sena, il-Kunsill jikkonkludi (jiġifieri jiffirma b’mod uffiċjali) numru ta’ ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi mhux tal-UE, kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali. Dawn il-ftehimiet jistgħu jkopru oqsma mifruxa bħall-kummerċ, il-kooperazzjoni u l-iżvilupp, jew jistgħu jindirizzaw suġġetti speċifiċi bħat-tessut, is-sajd, ix-xjenza u t-teknoloġija, jew it-trasport. Hu meħtieġ il-kunsens tal-Parlament għall-ftehimiet internazzjonali kollha fl-oqsma koperti mill-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

L-approvazzjoni tal-baġit tal-UE

Il-baġit annwali tal-UE hu deċiż b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Jekk iż-żewġ istituzzjonijiet ma jaqblux, jiġu segwiti l-proċeduri ta’ konċiljazzjoni sakemm jiġi approvat baġit. Ara l-Parti 4 ta’ din it-taqsima, It-teħid ta’ azzjoni: il-baġit tal-UE, għal aktar informazzjoni.

3 L-IŻGURAR LI JIĠU RRISPETTATI L-LIĠIJIET TAL-UE

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-UE tiġi interpretata u applikata bl-istess mod f’kull Stat Membru. Il-Qorti għandha s-setgħa li ssolvi tilwimiet legali bejn l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-UE, in-negozji u l-individwi. Biex tlaħħaq mal-ħafna eluf ta’ każijiet li tirċievi, din hi maqsuma f’żewġ korpi ewlenin: il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.

Jekk individwu privat jew kumpanija jġarrbu dannu minħabba azzjoni jew inazzjoni minn istituzzjoni tal-UE jew mill-persunal tagħha, dawn jistgħu jieħdu azzjoni kontrihom fil-Qorti, b’wieħed minn dawn iż-żewġ modi:

  • indirettament permezz tal-qrati nazzjonali, li jistgħu jiddeċiedu li jirreferu l-kawża għall-Qorti tal-Ġustizzja;
  • direttament quddiem il-Qorti Ġenerali, jekk deċiżjoni minn istituzzjoni tal-UE tkun affettwathom direttament u individwalment.

Jekk xi ħadd iqis li l-awtoritajiet f’xi pajjiż kisru d-dritt tal-UE, dan jista’ jsegwi l-proċedura uffiċjali tal-ilmenti.

Kif taħdem il-Qorti

Il-kawżi huma pproċessati f’żewġ stadji.

  • L-istadju miktub. Il-partijiet jagħtu dikjarazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti, u l-osservazzjonijiet jistgħu jiġu sottomessi wkoll mill-awtoritajiet nazzjonali, mill-istituzzjonijiet tal-UE u, kultant, minn individwi privati. Dan kollu jiġi ssintetizzat mir-relatur tal-imħallef u mbagħad jiġi diskuss fil-laqgħa ġenerali tal-Qorti.
  • L-istadju orali. Dan hu smigħ pubbliku: l-avukati miż-żewġ naħat jistgħu jippreżentaw il-każ tagħhom lill-imħallfin u lill-avukat ġenerali, li jistgħu jinterrogawhom. Jekk il-Qorti tiddeċiedi li hi meħtieġa opinjoni tal-avukat ġenerali, din tingħata xi ġimgħat wara s-smigħ. Imbagħad l-imħallfin jiddeliberaw u jagħtu l-verdett finali.

Il-proċedura tal-Qorti Ġenerali hi simili, ħlief li ħafna każijiet jinstemgħu quddiem tliet imħallfin u ma jkun hemm ebda avukat ġenerali.

Istituzzjonijiet ġudizzjarji oħra tal-UE

L-Ombudsman jirċievi u jinvestiga lmenti u jgħin biex tiġi identifikata amministrazzjoni ħażina fl-istituzzjonijiet u f’korpi oħra tal-UE. Kwalunkwe ċittadin, resident, assoċjazzjoni jew negozju ta’ Stat Membru tal-UE jistgħu jilmentaw mal-Ombudsman.

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data hu inkarigat bil-protezzjoni tal-informazzjoni personali u tal-privatezza taċ-ċittadini u tar-residenti tal-UE, maħżuna mill-istituzzjonijiet tal-UE f’forma elettronika, miktuba jew viżwali. Dan jippromwovi wkoll prattika tajba f’dan il-qasam fost l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE.

4 IT-TEĦID TA’ AZZJONI: IL-BAĠIT TAL-UE

L-UE tiftiehem pjanijiet ta’ nfiq fuq terminu twil (magħrufa bħala l-qafas finanzjarju pluriennali) li jipprovdu bażi stabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tul perjodu ta’ mill-inqas 5 snin. Dan jippermetti lill-UE tikkomplementa l-baġits nazzjonali b’politiki ta’ finanzjament b’valur miżjud tal-UE. Il-qafas finanzjarju pluriennali jistabbilixxi l-ammonti annwali massimi (limiti massimi) li l-UE tista’ tonfoq f’kategoriji differenti tan-nefqa (intestaturi). Il-baġit attwali jkopri l-perjodu 2014–2020 u jippermetti lill-UE tinvesti madwar EUR 1 triljun tul dak il-perjodu fil-ħames oqsma tal-attivitajiet tal-UE.

Il-baġit annwali tal-UE jiġi deċiż b’mod konġunt mill-Parlament u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Il-Parlament jiddibattih f’żewġ sessjonijiet suċċessivi ta’ qari, u dan jidħol fis-seħħ meta jiġi ffirmat mill-President tal-Parlament. Il-Kumitat tal-Parlament għall-Kontroll tal-Baġit jissorvelja kif jintefaq il-baġit, u kull sena l-Parlament jiddeċiedi jekk japprovax l-immaniġġjar mill-Kummissjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja preċedenti.

Il-baġit annwali tal-UE fl-2019 kien ta’ madwar EUR 165,8 biljun - somma kbira f’termini assoluti, iżda madwar 1 % biss mill-ġid iġġenerat mill-ekonomiji tal-Istati Membri ta’ kull sena.

Oqsma ffinanzjati mill-baġit tal-UE (2014-2020)


Il-Kummissjoni hi responsabbli għall-immaniġġjar u għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE u tal-politiki u tal-programmi adottati mill-Parlament u mill-Kunsill. Ħafna mill-implimentazzjoni u mill-infiq attwali jsir minn awtoritajiet nazzjonali u lokali iżda l-Kummissjoni hi responsabbli għas-sorveljanza ta’ dawn. Il-Kummissjoni timmaniġġja l-baġit taħt is-superviżjoni attenta tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Iż-żewġ istituzzjonijiet għandhom l-għan li jiżguraw ġestjoni finanzjarja tajba.

Kull sena, wara rakkomandazzjoni mill-Kunsill, il-Parlament Ewropew iddeċieda jekk jagħtix l-approvazzjoni finali tiegħu, jew “kwittanza”, dwar il-mod kif il-Kummissjoni implimentat il-baġit tal-UE. Din il-proċedura tiżgura akkontabilità u trasparenza sħaħ u, meta tingħata, il-kwittanza twassal għall-għeluq formali tal-kontijiet għal sena partikolari.

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri hi l-istituzzjoni esterna indipendenti tal-awditjar tal-Unjoni Ewropea. Hi tivverifika li l-introjtu tal-UE jkun ġie riċevut korrettament, li n-nefqa tagħha tkun iġġarrbet b’mod legali u regolari u li l-ġestjoni finanzjarja kienet tajba. Twettaq il-kompiti tagħha b’mod indipendenti mill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE u mill-gvernijiet.



Baġit modern għal UE li tipproteġi, tagħti s-setgħa u tiddefendi

F’Mejju 2018 il-Kummissjoni ppreżentat il-proposti tagħha għal baġit modern fit-tul għall-perjodu 2021–2027. Il-proposti huma reazzjoni realistika għal kuntest ta’ sfida eċċezzjonali: il-bidla teknoloġika u demografika, il-migrazzjoni, it-tibdil fil-klima u riżorsi skarsi, it-theddid tal-qgħad u tas-sigurtà huma aggravati minn instabilità ġeopolitika.

Il-Kummissjoni pproponiet li żżid il-finanzjament f’oqsma fejn l-UE tista’ tikkontribwixxi bl-aktar mod effettiv. Dan se jsir bl-espansjoni u l-immodernizzar ta’ programmi eżistenti b’rekord ippruvat, u bil-ħolqien ta’ programmi mfassla apposta f’oqsma fejn huwa meħtieġ approċċ ġdid biex jgħin lill-UE twettaq l-ambizzjonijiet tagħha. Pereżempju:

  • l-investiment fl-innovazzjoni u fl-ekonomija diġitali;
  • il-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ u impjiegi għaż-żgħażagħ;
  • it-tkomplija tax-xogħol tal-UE fuq approċċ komprensiv għall-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri;
  • il-bini tal-kapaċità tal-UE fis-sigurtà u d-difiża;
  • it-tisħiħ tal-azzjoni esterna tal-UE u l-investiment fl-azzjoni klimatika u l-ħarsien tal-ambjent;
  • it-tisħiħ tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.

Ara wkoll il-paġni li ġejjin fit-Taqsima 2: Il-baġit; Is-servizzi bankarji u finanzjarji; L-ekonomija, il-finanzi u l-euro; Il-prevenzjoni tal-frodi; u t-Tassazzjoni.

Kif tikkuntattja lill-UE

PERSONALMENT

Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

BIT-TELEFOWN JEW BIL-POSTA ELETTRONIKA

Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: 00 32 2 299 9696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

ONLAJN

L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

PUBBLIKAZZJONIJIET TAL-UE

Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

IL-LIĠI TAL-UE U DOKUMENTI RELATATI

Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

DEJTA MIFTUĦA MILL-UE

Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp/mt) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.

RAPPREŻENTAZZJONIJIET TAL-KUMMISSJONI EWROPEA

Il-Kummissjoni Ewropea għandha uffiċċji (rappreżentazzjonijiet) fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea: https://ec.europa.eu/info/about-european-commission/contact/local-offices-eu-member-countries_mt

UFFIĊĊJI TA’ KOLLEGAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW

Il-Parlament Ewropew għandu uffiċċju ta’ kollegament f’kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea: http://www.europarl.europa.eu/at-your-service/mt/stay-informed/liaison-offices-in-your-country

DELEGAZZJONIJIET TAL-UNJONI EWROPEA

L-Unjoni Ewropea għandha wkoll delegazzjonijiet fi bnadi oħra madwar id-dinja: https://eeas.europa.eu/headquarters/headquarters-homepage/area/geo_mt

Dwar

L-Unjoni Ewropea – X’inhi u x’tagħmel

Il-Kummissjoni Ewropea
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni
Servizz Editorjali u Komunikazzjoni Mmirata
1049 Brussell
IL-BELGJU

Il-manuskritt tlesta fi April 2021

Il-Kummissjoni Ewropea mhijiex responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza li tirriżulta minħabba l-użu mill-ġdid ta’ din il-pubblikazzjoni.

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2021

© L-Unjoni Ewropea, 2021

L-użu mill-ġdid huwa awtorizzat kemm-il darba jissemma s-sors oriġinali.

Il-politika tal-użu mill-ġdid tad-dokumenti tal-Kummissjoni Ewropea hija rregolata bid-Deċiżjoni 2011/833/UE (ĠU L 330, 14.12.2011, p. 39).

Għal kull użu jew riproduzzjoni ta’ ritratti jew materjal ieħor li mhuwiex taħt id-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni Ewropea, għandu jintalab permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet.

L-istampi kollha: © Shutterstock, © Fotolia

Identifikaturi

Print ISBN 978-92-76-24657-2 doi:10.2775/35966 NA-04-20-632-MT-C
PDF ISBN 978-92-76-24633-6 doi:10.2775/5615 NA-04-20-632-MT-N
HTML ISBN 978-92-76-24613-8 doi:10.2775/2090 NA-04-20-632-MT-Q