
Moviment liberu fl-UE matul il-pandemija tal-COVID-19: Skrutinju limitat tal-kontrolli fil-fruntieri interni, u azzjonijiet mhux ikkoordinati li jitwettqu mill-Istati Membri
Dwar ir-rapport:Id-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jiċċaqalqu liberament fit-territorju tal-Istati Membri tal-UE huwa libertà fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Aħna eżaminajna s-sorveljanza li l-Kummissjoni wettqet fuq il-kontrolli fil-fruntieri interni ta’ Schengen u r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar li ġew imposti mill-Istati Membri matul il-pandemija tal-COVID-19, kif ukoll l-isforzi li saru fil-livell tal-UE biex dawn ir-restrizzjonijiet jiġu kkoordinati sa tmiem Ġunju 2021. Nikkonkludu li l-limitazzjonijiet tal-qafas legali fixklu s-superviżjoni li l-Kummissjoni wettqet rigward ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu li ġew imposti mill-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma eżerċitatx skrutinju xieraq biex tiżgura li l-kontrolli fil-fruntieri interni kienu jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni ta’ Schengen. Minkejja l-inizjattivi tal-Kummissjoni, ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar li ġew imposti mill-Istati Membri kienu fil-biċċa l-kbira mhux ikkoordinati.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.
Sommarju eżekuttiv
I Id-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jiċċaqalqu liberament fit-territorju tal-Istati Membri tal-UE huwa waħda mill-erba’ libertajiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, l-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni fiż-żona Schengen ippermettiet li jkun hemm żona ta’ vvjaġġar mingħajr fruntieri, li tkompli tiffaċilita l-moviment tal-persuni.
II Mill-2020 ’il hawn, l-Istati Membri introduċew kontrolli fil-fruntieri interni prinċipalment biex jinfurzaw ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu li ġew imposti minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Il-leġiżlazzjoni ta’ Schengen tistipula li jenħtieġ li l-kontrolli fil-fruntieri interni jkunu proporzjonati u miżura tal-aħħar istanza. Il-Kummissjoni tibqa’ responsabbli biex timmonitorja jekk jikkonformawx mal-leġiżlazzjoni tal-UE.
III L-objettiv ta’ dan l-awditu kien li jiġi aċċertat jekk il-Kummissjoni kinitx ħadet azzjoni effettiva biex tipproteġi d-dritt tal-moviment liberu tal-persuni matul il-pandemija tal-COVID-19. Dan kien jinkludi l-kontrolli fil-fruntieri interni ta’ Schengen, ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar relatati u l-isforzi ta’ koordinazzjoni fil-livell tal-UE. Aħna koprejna l-perjodu sa tmiem Ġunju 2021 u nistennew li dan l-awditu jikkontribwixxi għad-dibattitu li għaddej dwar ir-rieżaminar tas-sistema ta’ Schengen, inkluża r-reviżjoni tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.
IV Nikkonkludu li, filwaqt li l-Kummissjoni mmonitorjat ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu li ġew imposti mill-Istati Membri, il-limitazzjonijiet tal-qafas legali fixklu r-rwol superviżorju tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma eżerċitatx skrutinju xieraq biex tiżgura li l-kontrolli fil-fruntieri interni kienu jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni ta’ Schengen. Sibna li n-notifiki li l-Istati Membri kienu taw rigward il-kontrolli fil-fruntieri interni ma kinux jipprovdu evidenza suffiċjenti li l-kontrolli kienu miżura tal-aħħar istanza, proporzjonata u ta’ durata limitata. L-Istati Membri mhux dejjem innotifikaw lill-Kummissjoni dwar kontrolli ġodda fil-fruntieri, jew mhux dejjem ippreżentaw ir-rapporti ex post obbligatorji li jivvalutaw, fost aspetti oħra, l-effettività u l-proporzjonalità tal-kontrolli tagħhom fil-fruntieri interni. Meta ġew ippreżentati, ir-rapporti ma pprovdewx informazzjoni suffiċjenti dwar dawn l-aspetti importanti.
V In-nuqqas ta’ informazzjoni essenzjali mingħand l-Istati Membri affettwa l-kapaċità tal-Kummissjoni li twettaq analiżi robusta tal-livell sa fejn il-miżuri ta’ kontroll fil-fruntieri kienu jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni ta’ Schengen. Madankollu, il-Kummissjoni la kienet talbet informazzjoni addizzjonali mingħand l-Istati Membri, u lanqas ma kienet ħarġet xi opinjoni dwar il-kontrolli fil-fruntieri minn meta bdiet il-pandemija tal-COVID-19.
VI Spiss, il-kontrolli fil-fruntieri interni kienu jiġu implimentati biex jinfurzaw varjetà ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar b’rabta mal-COVID-19. Għalkemm il-Kummissjoni hija responsabbli biex timmonitorja jekk dawn ir-restrizzjonijiet jikkonformawx mal-prinċipju tal-moviment liberu, il-limitazzjonijiet tal-qafas legali fixklu l-ħidma tal-Kummissjoni f’dan il-qasam. Għall-kuntrarju tal-każ tal-kontrolli fil-fruntieri interni, l-Istati Membri ma kinux meħtieġa jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Barra minn hekk, il-proċedura ta’ ksur, li hija l-unika għodda li l-Kummissjoni għandha biex tinforza d-dritt tal-moviment liberu, mhijiex adatta għal sitwazzjonijiet bħall-pandemija tal-COVID-19.
VII Il-Kummissjoni u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) ħarġu gwida f’waqtha biex jiffaċilitaw il-koordinazzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni u r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Madankollu, il-gwida dwar kontrolli fil-fruntieri interni kienet nieqsa minn dettalji prattiċi, pereżempju dwar kif jenħtieġ li l-Istati Membri juru konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ma’ dak ta’ nondiskriminazzjoni, kif ukoll prattiki tajba fil-ġestjoni tal-fruntieri interni matul il-pandemija tal-COVID-19. L-ECDC ma jivvalutax l-utilità u l-impatt tal-gwida tiegħu, billi mhuwiex legalment obbligat li jagħmel dan.
VIII Il-Kummissjoni nediet inizjattivi importanti biex tikkoordina miżuri li jaffettwaw il-libertà tal-moviment. Nediet ukoll portal “Re-open EU” biex tikkonsolida informazzjoni essenzjali dwar restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għaċ-ċittadini. Madankollu, anki sena wara li bdiet il-pandemija, il-prattiki tal-Istati Membri juru li r-risponsi kienu għadhom fil-biċċa l-kbira mhux ikkoordinati u mhux dejjem kienu konsistenti mal-gwida tal-Kummissjoni u mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill.
IX Abbażi ta’ dawn is-sejbiet, aħna nirrakkomandaw li l-Kummissjoni:
- teżerċita skrutinju, mill-qrib, tal-kontrolli fil-fruntieri interni;
- tissemplifika l-ġbir ta’ data dwar restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar;
- tipprovdi gwida aktar azzjonabbli dwar l-implimentazzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni.
X Barra minn hekk, jenħtieġ li l-ECDC itejjeb il-monitoraġġ tal-livell sa fejn il-gwida tiegħu tiġi implimentata.
Introduzzjoni
Libertà tal-moviment tal-persuni: kisba kbira għall-UE
01 Il-moviment liberu tal-persuni huwa d-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea (UE) u taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti legalment li jiċċaqalqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri tal-UE. Hija waħda mill-erba’ libertajiet fundamentali tal-UE (flimkien mal-moviment liberu ta’ merkanzija, servizzi u kapital), u ilha fil-qalba tal-proġett Ewropew sa mill-bidu tiegħu. It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea1 (TUE) jistipula li “L-Unjoni għandha toffri liċ-ċittadini tagħha spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fih il-moviment liberu tal-persuni jkun assigurat (...)”. Il-libertà tal-moviment hija minquxa wkoll fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE2 (TFUE) u fid-Direttiva dwar il-Moviment Liberu3.
02 Iċ-ċittadini tal-UE japprezzaw il-libertà tal-moviment bħala kisba partikolarment sinifikanti tal-integrazzjoni tal-UE. “Il-libertà li wieħed jivvjaġġa, jistudja u jaħdem kullimkien fl-UE” hija l-aktar aspett imsemmi ta’ spiss li huwa assoċjat mal-Unjoni Ewropea, u ġiet ikklassifikata l-ewwel fis-27 Stat Membru tal-UE, qabel l-euro u l-paċi4.
03 Bħal drittijiet fundamentali oħra, id-dritt taċ-ċittadini tal-UE għall-moviment liberu mhuwiex assolut. Il-leġiżlazzjoni tal-UE tippermetti li l-libertà tal-moviment taċ-ċittadini tal-UE tiġi ristretta minħabba kunsiderazzjonijiet ta’ politika pubblika (ordni pubbliku), sigurtà pubblika jew saħħa pubblika5. Dawn il-limitazzjonijiet iridu jiġu applikati f’konformità mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE, speċjalment il-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni.
04 Il-moviment liberu tal-persuni fl-UE huwa differenti mill-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni fiż-żona Schengen, li ppermettiet żona ta’ vvjaġġar mingħajr fruntieri. Dan ifisser li ċ-ċittadini jistgħu jiċċaqalqu liberament fiż-Żona Schengen mingħajr ma jkunu suġġetti għal kontrolli fil-fruntieri interni. Iċ-ċittadini tal-UE jgawdu minn moviment liberu fl-UE kollha, inkluż lejn u minn Stati Membri tal-UE li (sa issa) ma abolixxewx il-kontrolli fil-fruntieri interni. Filwaqt li l-kontrolli fil-fruntieri interni per se ma jillimitawx il-libertà tal-moviment, fil-prattika n-nuqqas tagħhom jiffaċilita l-moviment tal-persuni.
Iż-żona Schengen
05 L-ivvjaġġar mingħajr fruntieri huwa rregolat mill-Ftehim ta’ Schengen, mill-Konvenzjoni li Timplimentah6 u mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (SBC)7, bil-għan li jiġu eliminati l-kontrolli fiżiċi fil-fruntieri bejn il-pajjiżi ta’ Schengen (minn hawn ’il quddiem imsejħa “fruntieri interni”). Fil-preżent, 22 Stat Membru tal-UE, kif ukoll l-Iżlanda, in-Norveġja, il-Liechtenstein u l-Iżvizzera, jipparteċipaw f’Schengen, filwaqt li xi Stati Membri tal-UE ma jagħmluhx dan: L-Irlanda għażlet li ma tipparteċipax, u l-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija huma pajjiżi kandidati ta’ Schengen.
06 Għalkemm l-iskop prinċipali tal-leġiżlazzjoni ta’ Schengen huwa li tabolixxi l-fruntieri interni, din tippermetti li l-kontrolli fil-fruntieri interni jiġu introdotti mill-ġdid temporanjament fil-każijiet ewlenin li ġejjin u f’konformità sħiħa mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE, speċjalment il-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni:
- theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fi Stat Membru8;
- theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fi Stat Membru minħabba avvenimenti mhux previsti li jirrikjedu azzjoni immedjata9.
07 Il-Figura 1 tiddeskrivi l-proċess ta’ introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni fiż-żona Schengen. Hija tenfasizza r-rwol u l-mandat tal-Kummissjoni, kif ukoll l-obbligi tal-Istati Membri.
Figura 1 – Fluss tax-xogħol standard għall-proċedura ta’ introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni
Sors: il-QEA.
08 Barra minn hekk, taħt ċirkustanzi eċċezzjonali li jqiegħdu l-funzjonament kumplessiv taż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni f’riskju b’riżultat ta’ defiċjenzi serji persistenti b’rabta mal-kontroll fil-fruntieri esterni, il-Kummissjoni tista’ tipproponi rakkomandazzjoni10, għall-adozzjoni mill-Kunsill, biex jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntieri interni bħala kwistjoni tal-aħħar istanza. Il-kontrolli fil-fruntieri jistgħu jiġu introdotti għal perjodu ta’ mhux aktar minn sitt xhur, u jistgħu jiġu estiżi għal perjodi addizzjonali ta’ sitt xhur sa massimu ta’ sentejn. Dan il-mekkaniżmu ġie applikat fl-2016 meta l-Kunsill irrakkomanda l-introduzzjoni mill-ġdid tal-fruntieri interni fid-Danimarka, il-Ġermanja, l-Awstrija u l-Iżvezja minħabba l-kriżi tal-migrazzjoni u t-theddid għas-sigurtà11.
09 Id-deċiżjonijiet inizjali biex il-kontrolli fil-fruntieri interni jiġu introdotti mill-ġdid saru b’rispons għal avvenimenti qosra li kienu identifikabbli biċ-ċar, b’mod partikolari laqgħat sportivi jew politiċi kbar (eż. il-Kampjonat Ewropew tal-Futbol fl-Awstrija fl-2008 u s-Summit tan-NATO fi Franza fl-2009). Mill-2015 ’il hawn, diversi Stati Membri introduċew mill-ġdid kontrolli fil-fruntieri interni b’rispons għal theddid perċepit li nħoloq mill-migrazzjoni (prinċipalment minħabba dgħufijiet fil-fruntieri esterni ta’ Schengen u minħabba movimenti sekondarji ta’ migranti irregolari mill-pajjiżi li fihom kienu waslu għall-ewwel darba lejn il-pajjiżi ta’ destinazzjoni tagħhom), jew theddid għas-sigurtà (prinċipalment terroriżmu). Minn Marzu 2020 ’il hawn, il-biċċa l-kbira mill-kontrolli fil-fruntieri interni ġew introdotti b’reazzjoni għall-COVID-19. Il-Figura 2 tagħti ħarsa ġenerali.
Figura 2 – Stati Membri tal-UE li introduċew mill-ġdid kontrolli fil-fruntieri interni ta’ Schengen bejn l-2006 u l-2021
N.B.: Xi Stati Membri introduċew mill-ġdid kontrolli fil-fruntieri għal diversi raġunijiet f’sena partikolari.
Sors: il-QEA, ibbażat fuq notifiki li saru mill-Istati Membri u li ġew ippubblikati fuq is-sit web tal-Kummissjoni.
Kontrolli fil-fruntieri interni li infurzaw restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar b’rabta mal-COVID-19
10 Matul il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri ħadu miżuri biex jirrestrinġu l-libertà tal-moviment fi ħdan l-UE bħala tentattiv biex jillimitaw it-tixrid tal-virus. Minn Marzu 2020 ’il hawn, ir-risponsi tal-Istati Membri għall-pandemija ħadu forom differenti – spiss ikkombinati – li kienu jinkludu:
- restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar transfruntier, bħal kwarantina jew rekwiżit ta’ test għall-COVID-19 negattiv; u
- projbizzjoni fuq ivvjaġġar mhux essenzjali.
11 Inġenerali, il-kontrolli fil-fruntieri interni jistgħu jintużaw biex tiġi vverifikata l-konformità ma’ dawn ir-restrizzjonijiet, eż. billi tiġi vverifikata l-ġustifikazzjoni għal ivvjaġġar essenzjali, il-pussess ta’ ċertifikat tal-COVID-19 validu, l-ikkompletar ta’ formola tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri, jew ir-reġistrazzjoni għal kwarantina. Dawn jippermettu mhux biss li titwettaq verifikazzjoni sistematika tal-konformità waqt dħul ġewwa territorju nazzjonali, iżda wkoll li jkun hemm il-possibbiltà li jiġi rrifjutat dħul f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità. Madankollu, il-kontrolli fil-fruntieri interni fiż-żona Schengen jistgħu jiġu introdotti mill-ġdid bħala miżura tal-aħħar istanza biss, u l-oneru tal-provi biex tintwera l-proporzjonalità tagħhom jaqa’ fuq l-Istati Membri.
12 Il-Figura 3 tagħti ħarsa ġenerali lejn il-kontrolli fil-fruntieri interni matul l-ewwel mewġiet tal-pandemija, bejn Marzu 2020 u Ġunju 2021.
Figura 3 – Ħarsa ġenerali lejn il-kontrolli fil-fruntieri interni bejn Marzu 2020 u Ġunju 2021
Sors: il-QEA, ibbażat fuq notifiki li saru mill-Istati Membri u li ġew ippubblikati fuq is-sit web tal-Kummissjoni.
13 Skont il-Kummissjoni, 14-il Stat Membru tal-UE introduċew mill-ġdid il-fruntieri interni ta’ Schengen biex jinfurzaw ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar b’rabta mal‑COVID‑19. Kif jidher fil-kronoloġija fil-Figura 4, il-quċċata ntlaħqet f’April 2020.
Figura 4 – Għadd ta’ Stati Membri tal-UE b’kontrolli fil-fruntieri interni ta’ Schengen b’rabta mal-COVID-19, bejn Marzu 2020 u Ġunju 2021
Sors: il-QEA, ibbażat fuq notifiki li saru mill-Istati Membri u li ġew ippubblikati fuq is-sit web tal-Kummissjoni.
Azzjoni tal-UE matul il-pandemija tal-COVID-19
14 Il-protezzjoni tas-saħħa pubblika taqa’ taħt il-kompetenza nazzjonali. Dan ifisser li kwalunkwe deċiżjoni biex jiġu implimentati restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, u biex dawn jiġu infurzati permezz ta’ kontrolli fil-fruntieri, hija f’idejn il-gvernijiet nazzjonali. Madankollu, il-Kummissjoni tibqa’ responsabbli biex timmonitorja jekk dawn ir-restrizzjonijiet jikkonformawx mal-leġiżlazzjoni tal-UE relatata mal-libertà tal-moviment.
15 Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni – filwaqt li tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni – tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn Stati Membri. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu f’kuntatt mal-Kummissjoni, u jadottaw politiki u programmi tas-saħħa kkoordinati12. Għal dan il-fini, il-Kummissjoni ħadet diversi inizjattivi, li jikkonsistu fi gwida, komunikazzjonijiet u proposti għal rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-UE, bil-għan li tappoġġa l-koordinazzjoni fost il-prattiki tal-Istati Membri differenti.
16 Il-Kummissjoni żviluppat ukoll għodod biex tiffaċilita l-moviment sikur u liberu tal-persuni, u biex tagħmel ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar b’rabta mal-COVID-19 aktar trasparenti u prevedibbli għaċ-ċittadini. Pereżempju, Re-open EU13, li hija implimentata miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, hija għodda li għandha l-għan li tikkonsolida informazzjoni essenzjali dwar il-fruntieri, il-mezzi tat-trasport disponibbli, ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, u l-miżuri tas-saħħa u s-sikurezza pubblika fl-UE. Il-Kummissjoni pproponiet u – flimkien mal-Istati Membri – żviluppat iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE14 biex tappoġġa approċċ aktar ikkoordinat għar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar bejn l-Istati Membri. Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE huwa qafas biex jinħarġu, jiġu vverifikati u jiġu aċċettati ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu waqt il-pandemija. Il-Kummissjoni stabbiliet ukoll pjattaformi ta’ interoperabbiltà biex tiffaċilita t-traċċar tal-kuntatti fl-UE kollha permezz ta’ formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri u applikazzjonijiet għas-smartphone.
17 Minbarra l-Kummissjoni, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) huwa aġenzija indipendenti tal-UE (jiġifieri mhux taħt il-kontroll dirett tal-Kummissjoni) li l-missjoni tagħha hija li ssaħħaħ id-difiżi tal-Ewropa kontra l-mard infettiv. Din tkopri firxa wiesgħa ta’ attivitajiet, li jinkludu s-sorveljanza, l-intelligence dwar l-epidemiji u l-pariri xjentifiċi.
Sfidi għall-mekkaniżmu ta’ Schengen, u l-ġejjieni tiegħu
18 Għalkemm iż-żona Schengen qatt ma esperjenzat sitwazzjoni bħall-pandemija tal-COVID-19, iż-żona tal-ivvjaġġar mingħajr fruntieri ilha mill-2015 tiġi sfidata bl-introduzzjoni mill-ġdid tal-fruntieri interni. Il-pandemija nżdiedet mat-tensjonijiet li diġà kienu jeżistu, ikkawżati mill-kriżi tal-migrazzjoni u t-theddid terroristiku, bir-riskju konsegwenti li “l-kontrolli [temporanji] fil-fruntieri interni jsiru semipermanenti fuq perjodu medju ta’ żmien”15.
19 Biex tindirizza din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni ppubblikat Strateġija ta’ Schengen f’Ġunju 202116. Fost l-azzjonijiet ewlenin fiż-żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni, l-Istrateġija tippreżenta: (i) djalogi politiċi u tekniċi mal-Istati Membri li introduċew mill-ġdid kontrolli fit-tul fil-fruntieri interni; (ii) proposta għal Regolament li jemenda l-SBC; u (iii) kodifikazzjoni tal-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet żviluppati b’rabta mal-COVID-19. F’Diċembru 2021, il-Kummissjoni ppubblikat il-proposta tagħha għall-SBC emendat17.
Ambitu u approċċ tal-awditjar
20 L-objettiv ta’ dan l-awditu kien li jiġi aċċertat jekk il-Kummissjoni kinitx ħadet azzjoni effettiva biex tipproteġi d-dritt tal-moviment liberu tal-persuni matul il-pandemija tal-COVID-19. Biex inwieġbu għal din il-mistoqsija prinċipali tal-awditjar, aħna staqsejna żewġ sottomistoqsijiet:
- Il-Kummissjoni skrutinizzat b’mod effettiv il-kontrolli fil-fruntieri interni ta’ Schengen u r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar?
- Il-Kummissjoni ffaċilitat l-azzjoni kkoordinata mill-Istati Membri biex jittaffa l-impatt tal-kontrolli fil-fruntieri interni ta’ Schengen u tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar?
21 Fi snin reċenti, ir-rapporti tal-awditjar li ħriġna koprew l-element tal-Istrateġija ta’ Schengen li jirrigwarda l-fruntieri esterni: hotspots fil-Greċja u fl-Italja18, il-ġestjoni tal-migrazzjoni (li tinkludi l-proċeduri ta’ ażil u ta’ rilokazzjoni)19, is-sistemi tal-IT20, l-operazzjonijiet tal-Frontex21, il-politika ta’ ritorn u ta’ riammissjoni22, u l-appoġġ mogħti mill-Europol għall-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti23.
22 Dan l-awditu jħares lejn l-element tal-Istrateġija ta’ Schengen li jirrigwarda l-fruntieri interni. B’mod partikolari, aħna eżaminajna l-iskrutinju li l-Kummissjoni wettqet fuq il-kontrolli fil-fruntieri interni u r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar li ġew introdotti mill-Istati Membri, kif ukoll l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni fil-bidu tal-pandemija biex tiġi ffaċilitata azzjoni kkoordinata. Nistennew li dan l-awditu jikkontribwixxi għad-dibattitu li għaddej dwar ir-rieżaminar tas-sistema ta’ Schengen, inkluża r-reviżjoni tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. L-awditu jkopri l-perjodu minn Marzu 2020 sa Ġunju 2021 (ara l-Figura 5).
23 Aħna wettaqna l-awditu permezz ta’ analiżi mhux fuq il-post, kwestjonarji bil-miktub u intervisti mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, bħall-Kummissjoni, l-ECDC u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka. Wettaqna analiżi dokumentarja u analiżi ta’:
- il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, inklużi d-Direttiva dwar il-Moviment Liberu u l-SBC, biex nidentifikaw ir-rekwiżiti regolatorji ewlenin u r-responsabbiltajiet tal-partijiet ikkonċernati differenti;
- il-150 notifika kollha li l-Istati Membri tal-UE għamlu rigward l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni bejn Marzu 2020 u Ġunju 2021, u r-rapporti ex post kollha disponibbli mill-Istati Membri b’rabta ma’ dawn in-notifiki;
- kampjun ta’ 10 notifiki li kienu saru mill-Istati Membri u d-dokumentazzjoni interna relatata tal-Kummissjoni għall-kontrolli fil-fruntieri interni li kienu ġew introdotti mill-ġdid bejn l-2015 u l-2019. Eżaminajna dawn in-notifiki biex inqabblu l-iskrutinju li l-Kummissjoni kien wettqet fuq in-notifiki rigward il-fruntieri interni qabel u wara l-pandemija tal-COVID-19;
- id-dokumenti interni tal-Kummissjoni, inkluż rieżaminar ta’ 33 rapport tal-laqgħat tal-Grupp ta’ Informazzjoni dwar il-Corona (ara l-paragrafu 69), u l-monitoraġġ tal-introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta’ kontrolli fil-fruntieri interni u ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar.
Barra minn hekk, iltqajna ma’ rappreżentanti ta’ sitt rappreżentanzi nazzjonali għall-UE, li ntgħażlu biex jiksbu kopertura ġeografika bilanċjata (il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Litwanja, il-Portugall u s-Slovenja).
24 L-ambitu tal-awditjar jiffoka fuq il-perspettiva taċ-ċittadini tal-UE meta jivvjaġġaw fl-UE. Mhumiex inklużi drittijiet speċifiċi għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, inklużi d-drittijiet li dawn jitolbu protezzjoni internazzjonali u li jfittxu ażil fl-UE. Barra minn hekk, l-awditu ma kopriex pajjiżi ta’ Schengen li mhumiex tal-UE (l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera).
Osservazzjonijiet
Is-superviżjoni mill-Kummissjoni tal-azzjonijiet li l-Istati Membri ħadu kienet limitata, u mfixkla minħabba l-qafas legali
25 Fil-paragrafi ta’ hawn taħt, aħna neżaminaw jekk:
- il-Kummissjoni skrutinizzatx b’mod xieraq l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja, mill-Istati Membri, ta’ kontrolli fil-fruntieri interni matul il-pandemija tal-COVID-19. Dan kien jinkludi mhux biss il-kontrolli fil-fruntieri li kienu ġew skattati mill-pandemija, iżda wkoll dawk skattati mill-kriżi tal-migrazzjoni preċedenti u minn theddid għas-sigurtà, u li kienu għadhom fis-seħħ matul il-pandemija. Barra minn hekk, aħna eżaminajna jekk il-Kummissjoni għamlitx użu sħiħ mill-possibbiltajiet offruti mill-qafas legali biex tinforza l-konformità tal-Istati Membri mal-leġiżlazzjoni tal-UE;
- il-Kummissjoni vvalutatx b’mod sistematiku u f’waqtu jekk ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar li ġew imposti mill-Istati Membri kinux konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE. Barra minn hekk, eżaminajna jekk il-Kummissjoni ħaditx azzjoni meta identifikat problemi potenzjali ta’ nuqqas ta’ konformità matul il-perjodu li ġie kopert mill-awditu.
Il-Kummissjoni ma skrutinizzatx b’mod xieraq l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fil-fruntieri interni
26 Id-dispożizzjonijiet legali ta’ Schengen jistabbilixxu raġunijiet stretti, durati massimi u rekwiżiti proċedurali biex kontrolli fil-fruntieri interni jiġu introdotti mill-ġdid. L-oneru tal-provi jaqa’ fuq l-Istati Membri biex juru li ma hemmx alternattivi (aħjar) għal kontrolli fil-fruntieri, u li l-użu ta’ kontrolli fil-fruntieri huwa ġustifikat bħala miżura tal-aħħar istanza. Meta jintroduċu fruntieri interni mill-ġdid, l-Istati Membri huma meħtieġa jinnotifikaw lill-Kummissjoni. Jeħtieġ li n-notifiki jkunu f’waqthom, u li jkun fihom l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni.
27 Meta notifika li Stat Membru jagħmel ma jkunx fiha informazzjoni suffiċjenti, jenħtieġ li l-Kummissjoni titlob dettalji addizzjonali. Jekk il-Kummissjoni jkollha tħassib dwar il-konformità mad-dritt tal-UE, hija tista’ toħroġ opinjoni biex tesprimi pubblikament il-pożizzjoni tagħha dwar il-kontroll fil-fruntieri interni li jkun inkwistjoni. Barra minn hekk, jekk il-Kummissjoni jkollha tħassib dwar il-proporzjonalità tal-miżura u l-ħtieġa għaliha, “hija għandha toħroġ opinjoni b’dak l-iskop” (ara l-paragrafi 06-08 u l-Figura 1).
Kontrolli fil-fruntieri li ġew introdotti qabel il-pandemija
28 Lid-Danimarka, lill-Ġermanja, lill-Awstrija u lill-Iżvezja, li kienu ġew affettwati serjament mill-kriżi tal-migrazzjoni u mit-theddid għas-sigurtà, il-Kunsill irrakkomandalhom24 li jżommu kontrolli temporanji proporzjonati fil-fruntieri għal perjodu massimu ta’ sitt xhur. Din ir-rakkomandazzjoni saret tliet darbiet oħra (f’Novembru 2016, kif ukoll fi Frar u Mejju 201725) sa Novembru 2017.
29 Eżaminajna kampjun ta’ notifiki, dwar il-fruntieri interni, li kienu nħarġu bejn l-2015 u l-2019 biex inqabblu l-iskrutinju li l-Kummissjoni kienet wettqet qabel u wara l-pandemija tal-COVID-19 (ara l-Anness I). Sibna li 4 mill-10 notifiki li eżaminajna (dawk li kienu nħarġu minn Novembru 2017 ’il quddiem) ma kienx fihom informazzjoni suffiċjenti biex il-Kummissjoni setgħet tivvaluta l-proporzjonalità tal-miżuri rispettivi ta’ kontroll fil-fruntieri. B’mod partikolari, ma kellhomx ġustifikazzjoni li dawn kienu tabilħaqq miżura tal-aħħar istanza fin-nuqqas ta’ kwalunkwe alternattiva. Għalkemm il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali mingħand l-Istati Membri fl-erba’ każijiet kollha, ir-risposti li rċeviet kienu għadhom mhux suffiċjenti biex jippermettu li titwettaq valutazzjoni robusta.
30 Mill-2020 ’il hawn, il-kontenut tan-notifiki li jsiru mill-Istati Membri b’rabta mal-migrazzjoni jew mat-theddid għas-sigurtà baqa’ ma kienx suffiċjenti biex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-proporzjonalità tal-kontrolli fil-fruntieri (ara l-paragrafi 37 u 38). Madankollu, minħabba żieda sinifikanti fin-notifiki relatati mal-COVID-19, il-Kummissjoni ma baqgħetx titlob informazzjoni addizzjonali.
31 Skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, kontrolli fil-fruntieri interni jistgħu jiġu introdotti mill-ġdid għal massimu ta’ sentejn. Ħames Stati Membri (id-Danimarka, il-Ġermanja, Franza, l-Awstrija u l-Iżvezja) qabżu dan il-perjodu billi biddlu r-raġunijiet legali kull sentejn, jew billi sostnew li notifika ġdida tirrappreżenta kontroll ġdid fil-fruntieri (aktar milli estensjoni ta’ kontroll eżistenti). Minkejja dan, f’Ottubru 2015 il-Kummissjoni ħarġet biss opinjoni waħda favorevoli konġunta dwar il-proporzjonalità u l-ħtieġa ta’ kontrolli fil-fruntieri interni għall-Awstrija u l-Ġermanja26.
32 L-Istati Membri kollha huma meħtieġa jirrappurtaw lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ kontrolli fil-fruntieri fi żmien erba’ ġimgħat minn meta jitneħħew27. Madankollu l-ħames Stati Membri b’kontrolli fil-fruntieri għal terminu twil, imsemmija fil-paragrafu 31, għadhom ma ppreżentawx rapport ex post sitt snin wara li ġew introdotti mill-ġdid. Il-Kummissjoni ma ħadet l-ebda azzjoni biex tikseb informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn il-kontrolli.
33 Għall-Kummissjoni, il-firxa u d-durata ta’ kontrolli fil-fruntieri interni għal terminu twil la huma proporzjonati u lanqas meħtieġa28. Il-Kummissjoni għandha l-mandat u l-obbligu li timmonitorja l-konformità mad-dritt tal-UE, u li taġixxi f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità potenzjali (ara l-paragrafu 14). Hija tista’ tniedi proċeduri ta’ ksur, iżda għadha ma għamlitx dan minkejja t-tħassib tagħha li l-kontrolli fil-fruntieri interni ma jikkonformawx mad-dritt tal-UE.
34 Minflok, il-Kummissjoni għażlet miżuri mhux vinkolanti, jiġifieri djalogu mal-Istati Membri u koordinazzjoni, iżda mingħajr riżultati apparenti, billi l-kontrolli fil-fruntieri interni li ġew introdotti mill-ġdid aktar minn sitt snin ilu għadhom fis-seħħ. Fl-istrateġija ta’ Schengen ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni esprimiet l-intenzjoni tagħha li tagħmel użu mill-mezzi legali għad-dispożizzjoni tagħha f’każijiet fejn l-Istati Membri jestendu b’mod sproporzjonat il-kontrolli fil-fruntieri interni.
Kontrolli fil-fruntieri b’rabta mal-pandemija tal-COVID-19
35 Għalkemm il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen ma jsemmix speċifikament theddida għas-saħħa pubblika bħala raġuni biex jiġu introdotti kontrolli fil-fruntieri interni, fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19 il-Kummissjoni aċċettat li theddida għas-saħħa pubblika tista’ tikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku, u b’hekk Stat Membru jkun jista’ jintroduċi mill-ġdid kontrolli ta’ dan it-tip. F’każ bħal dan, madankollu, jeħtieġ li l-Istat Membru jissodisfa rekwiżit strett li l-kontrolli fil-fruntieri interni ma jkunux biss miżura tal-aħħar istanza, iżda jkunu wkoll proporzjonati u ta’ durata limitata.
36 Filwaqt li kontrolli fil-fruntieri jistgħu jintużaw biex tiġi vverifikata n-natura essenzjali tal-ivvjaġġar, flimkien mal-ittestjar u r-reġistrazzjoni għall-kwarantina (iżda mhux il-kwarantina nnifisha), jistgħu jsiru kontrolli oħra mill-pulizija29 jew minn uffiċjali tas-saħħa30 (eż. skrinjar tat-temperatura) minflok kontrolli fil-fruntieri biex jiġi limitat it-tixrid tal-virus.
37 Irrieżaminajna l-150 notifika kollha li l-Istati Membri kienu għamlu, rigward kontrolli fil-fruntieri interni, li kienu ġew ippreżentati lill-Kummissjoni bejn Marzu 2020 u Ġunju 2021, li minnhom 135 kienu jirrigwardaw esklussivament il-COVID-19, 6 il-COVID-19 u l-migrazzjoni jew is-sigurtà; u d-9 li jifdal il-migrazzjoni u/jew is-sigurtà (ara l-paragrafu 30). Ir-rieżaminar li wettaqna juri li n-notifiki kollha kienu jindikaw id-dati, id-durata u l-ambitu tal-kontrolli fil-fruntieri. Madankollu, ma pprovdewx evidenza suffiċjenti (sostnuta minn data statistika komprensiva u analiżi komparattiva ta’ diversi alternattivi għal kontrolli fil-fruntieri) biex juru li l-kontrolli fil-fruntieri kienu tabilħaqq miżura tal-aħħar istanza. Barra minn hekk, spiss naqsu milli jelenkaw il-punti ta’ qsim tal-fruntieri awtorizzati li għalihom il-kontrolli kienu jkunu japplikaw. Għal aktar dettalji, ara l-Figura 6.
38 Ir-rieżaminar li wettaqna juri l-istess problemi bħal dawk li hemm għan-notifiki b’rabta mal-kriżi tal-migrazzjoni u mat-theddid għas-sigurtà qabel il-pandemija tal-COVID-19 (ara l-paragrafu 29). Għalkemm l-informazzjoni li pprovdew l-Istati Membri ma kinitx suffiċjenti, il-Kummissjoni la talbet informazzjoni addizzjonali, u lanqas ma ħarġet xi opinjoni minn meta bdiet il-pandemija tal-COVID-19 kif meħtieġ mill-Artikolu 27 tal-SBC. Aħna nikkonkludu li dan in-nuqqas ta’ informazzjoni essenzjali mingħand l-Istati Membri affettwa l-kapaċità tal-Kummissjoni li twettaq analiżi legali robusta tal-miżuri individwali ta’ kontroll fil-fruntieri.
39 Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda sistema ta’ monitoraġġ robusta fis-seħħ biex tidentifika każijiet ta’ kontrolli fil-fruntieri li dwarhom l-Istati Membri ma pprovdewx notifika. Matul l-awditu, il-Kummissjoni ddikjarat li ma kinitx taf b’xi każijiet bħal dawn, iżda l-Kaxxa 1 hawn taħt turi żewġ eżempji li stajna nidentifikaw.
Eżempji ta’ kontrolli fil-fruntieri b’rabta mal-COVID-19 li l-Kummissjoni ma ġietx innotifikata dwarhom
Fis-sajf 2020 u fir-rebbiegħa 2021 is-Slovenja introduċiet mill-ġdid il-kontrolli, b’rabta mal-COVID-19, fil-fruntieri kollha tagħha. Il-kontrolli mwettqa mill-pulizija tal-fruntieri ntużaw prinċipalment biex tiġi żgurata r-reġistrazzjoni għal kwarantina obbligatorja jew il-verifikazzjoni ta’ test għall-COVID-19 negattiv. Il-Kummissjoni ma ġietx innotifikata dwar dawn il-kontrolli.
Fir-rebbiegħa u s-sajf 2021, is-Slovakkja introduċiet mill-ġdid il-kontrolli fil-fruntieri. Dawn intużaw biex l-ewwel tiġi vverifikata r-reġistrazzjoni għal kwarantina obbligatorja u aktar tard għaċ-ċertifikat tal-COVID-19. Għalkemm is-Slovakkja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar il-kontrolli fil-fruntieri fl-2020, hija ma għamlitx dan fl-2021.
Fiż-żewġ każijiet, fin-nuqqas ta’ notifika formali, l-Istati Membri ma rrappurtawx dwar l-implimentazzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri tagħhom, u ma wrewx li dawn kienu proporzjonati jew meħtieġa.
40 Il-Kummissjoni ma kisbitx ir-rapporti ex post kollha li suppost kellha tirċievi fi żmien erba’ ġimgħat mit-tmiem tal-kontrolli fil-fruntieri interni (ara wkoll il-paragrafu 32). It-Tabella 1 telenka l-Istati Membri li ma ppreżentawx rapporti ex post dwar il-kontrolli fil-fruntieri interni b’rabta mal-COVID-19. Il-Kummissjoni ma pprovdietx evidenza li hija kienet talbet lil dawn l-Istati Membri jibagħtu n-notifiki nieqsa jew ir-rapporti ex post nieqsa.
Tabella 1 – Lista ta’ Stati Membri li ma kinux ippreżentaw rapporti ex post dwar il-kontrolli fil-fruntieri interni b’rabta mal-COVID-19 sa Settembru 2021
Stat Membru | Sitwazzjoni |
---|---|
Il-Belġju | Rapporti ex post ippreżentati għall-kontrolli fil-fruntieri fl-2020, iżda (għad) mhux għall-kontrolli fil-fruntieri fl-2021. |
Il-Portugall | |
Id-Danimarka | Ma ġie ppreżentat l-ebda rapport ex post għall-kontrolli fil-fruntieri b’rabta mal-COVID-19, la fl-2020 u lanqas fl-2021. |
Il-Ġermanja | |
Franza | |
L-Awstrija | |
Il-Polonja | L-ebda notifika ta’ kontrolli fil-fruntieri fl-2021. Għalhekk nassumu li mhuwa se jiġi ppreżentat l-ebda rapport ex post. |
Is-Slovakkja | |
Is-Slovenja | L-ebda notifika dwar kontrolli fil-fruntieri ma ntbagħtet lill-Kummissjoni, la fl-2020 u lanqas fl-2021. Għalhekk nassumu li mhuwa se jiġi ppreżentat l-ebda rapport ex post. |
Sors:il-QEA, ibbażat fuq ir-rieżaminar ta’ rapporti ex post li nkisbu mill-Kummissjoni.
41 Ir-rieżaminar li wettaqna tat-12-il rapport ex post kollha li l-Kummissjoni kienet irċeviet għall-perjodu Marzu 2020 – Ġunju 2021 juri li r-rapporti jvarjaw bil-kbir, minn dikjarazzjonijiet ġenerali sa statistika dettaljata, iżda l-biċċa l-kbira minnhom ma kkonformawx bis-sħiħ mar-rekwiżiti legali rigward il-valutazzjoni tal-proporzjonalità31. Mit-12-il rapport, 10 ma koprewx dan l-aspett suffiċjentement, iżda biss fil-qosor ħafna u f’termini ġenerali (ara l-Kaxxa 2). Tliet rapporti biss semmew l-użu possibbli ta’ miżuri alternattivi, iżda għal darba oħra fil-qosor ħafna biss.
Eżempju ta’ ġustifikazzjoni insuffiċjenti tal-proporzjonalità fir-rapporti ex post
Ir-Rapport 1 li jkopri l-perjodu Marzu – Ġunju 2020 fl-Ungerija: “Il-miżuri li ġew introdotti kienu effettivi, proporzjonati u kruċjali biex jillimitaw it-tixrid tal-epidemija, fid-dawl tal-fatt li l-għadd ta’ każijiet fl-Ungerija nżamm baxx.”
Ir-Rapport 2 li jkopri l-perjodu Marzu – Ġunju 2020 fil-Portugall: “Meta titqies is-sitwazzjoni epidemjoloġika globali, l-iskop prinċipali u l-objettivi tal-introduzzjoni mill-ġdid temporanja kienu li s-saħħa pubblika tiġi salvagwardjata u li l-kontaġju tal-virus COVID-19 jitrażżan. F’dan il-kuntest, l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fil-fruntieri interni kienet limitata, f’dak li jirrigwarda standards operazzjonali u ġeografiċi, għall-ħtiġijiet li tiġi garantita l-protezzjoni tas-saħħa pubblika u s-sigurtà interna.”
Ir-Rapport 3 li jkopri l-perjodu Marzu – Ġunju 2020 fi Spanja: “Kif mistenni, minħabba l-objettivi proprji li ġew segwiti bl-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli, il-moviment liberu tal-persuni ġie affettwat serjament. Madankollu, jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri li ġew adottati fi ħdan it-territorju Spanjol, fl-Istati Membri l-oħra u fl-Istati assoċjati ma’ Schengen, u fil-fruntieri interni l-oħra taż-żona Schengen, il-miżura tista’ titqies li kienet proporzjonata.”
42 L-ebda wieħed mir-rapporti ma ddeskriva l-miżuri li ġew stabbiliti biex tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, speċjalment fir-rigward tat-trattament indaqs taċ-ċittadini tal-UE, irrispettivament min-nazzjonalità. Għalkemm mhux meħtieġa b’mod espliċitu mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, din l-informazzjoni hija rilevanti biex tiġi vvalutata l-legalità tal-kontrolli fil-fruntieri stabbiliti biex jiġu infurzati r-restrizzjonijiet fil-forma ta’ projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar ibbażati fuq in-nazzjonalità jew ir-residenza (ara l-Kaxxa 3).
Eżempju ta’ kontroll fil-fruntieri li ntuża biex tiġi infurzata projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar, u l-impatt potenzjali tiegħu fuq il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni
Fil-ħarifa 2020, l-Ungerija użat il-kontrolli fil-fruntieri interni tagħha biex tinforza restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar billi applikat regoli differenti għaċ-ċittadini Ungeriżi milli għal ċittadini oħra tal-UE, irrispettivament mis-sitwazzjoni prevalenti tal-pandemija fl-Istati Membri tal-UE f’dak iż-żmien.
Mill-1 ta’ Settembru 2020, l-Ungerija ddeċidiet li ma tippermettix lil nazzjonali barranin, inklużi ċittadini tal-UE, jivvjaġġaw lejn il-pajjiż. L-unika eżenzjoni li ngħatat kienet għaċ-ċittadini tal-“Erba’ Pajjiżi ta’ Visegrad” (jiġifieri Ċeki, Pollakki u Slovakki) li setgħu jipprovdu evidenza ta’ test tal-COVID-19 negattiv.
Fl-1 ta’ Ottubru 2020, ġiet introdotta kwarantina obbligatorja mad-dħul, iżda ċ-ċittadini Ungeriżi u l-membri tal-familja li rritornaw l-Ungerija miċ-Ċekja, mill-Polonja u mis-Slovakkja ġew eżentati mill-kwarantina jekk ippreżentaw riżultat tat-test negattiv.
Barra minn hekk, iċ-ċittadini taċ-Ċekja, tal-Polonja u tas-Slovakkja li bbukkjaw akkomodazzjoni fl-Ungerija matul Ottubru ġew esklużi mir-regoli ta’ kwarantina jekk ippreżentaw riżultat tat-test tal-PCR negattiv mal-wasla tagħhom fl-Ungerija.
43 Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-rappurtar annwali komprensiv dwar l-implimentazzjoni ġenerali ta’ Schengen (inkluża l-implimentazzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni u l-fehmiet tal-Kummissjoni dwar il-ġustifikazzjoni għalihom), il-Kummissjoni ilha mill-2015 ma toħroġ rapport annwali dwar il-funzjonament taż-żona mingħajr fruntieri interni32.
44 Il-Parlament Ewropew appella lill-Kummissjoni biex teżerċita skrutinju xieraq fuq l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, tagħmel użu mill-prerogattivi tagħha biex titlob informazzjoni addizzjonali mingħand l-Istati Membri, u ttejjeb ir-rappurtar tagħha lill-Parlament Ewropew dwar kif teżerċita l-prerogattivi tagħha skont it-Trattati33.
45 Il-Figura 7 turi d-dgħufijiet li sibna fl-iskrutinju li l-Kummissjoni wettqet fuq il-fruntieri interni ta’ Schengen.
Figura 7 – Dgħufijiet misjuba fl-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni
Sors: il-QEA.
Il-Kummissjoni tissorvelja r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, iżda limitazzjonijiet fil-qafas legali jfixklu l-ħidma tagħha
46 L-Istati Membri rreaġew għall-pandemija billi imponew restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għal raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika (ara l-paragrafu 10). Aħna sibna li, kumplessivament, il-Kummissjoni ma għandhiex qafas legali robust biex tivvaluta jekk ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar li ġew imposti mill-Istati Membri kinux jikkonformaw mad-dritt tal-UE. Ir-raġunijiet prinċipali huma dawn li ġejjin:
- is-setgħat u l-prerogattivi sostanzjali tal-Istati Membri f’termini ta’ saħħa pubblika skont id-dritt tal-UE, qasam li ma jaqax taħt il-kompetenza esklussiva jew kondiviża tal-UE34, u l-fatt li l-Istati Membri jiddeterminaw il-politiki tas-saħħa tagħhom stess35;
- id-Direttiva dwar il-Moviment Liberu36 ma tirrikjedix li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni, jew jirrappurtaw dwar, il-miżuri li jadottaw skont din id-direttiva. Dawn huwa dovut għall-funzjonament tad-Direttiva dwar il-Moviment Liberu inġenerali, fejn ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu japplikaw fuq il-bażi ta’ valutazzjoni individwali u huma suġġetti għal kontroll ġudizzjarju. Billi ma hemm l-ebda obbligu, l-Istati Membri huma liberi li jiddeċiedu jekk humiex se jirrappurtaw jew le dwar il-miżuri li jiġu adottati, inklużi restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, u x’forma se jieħu dak ir-rappurtar. Dan iżid ir-riskju li l-informazzjoni li l-Kummissjoni tirċievi dwar restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar ma tkunx kompleta;
- in-natura mhux vinkolanti tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill37, li huma d-dokument ta’ politika prinċipali għal approċċ ikkoordinat għar-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, u għaldaqstant jinkludu prinċipji komuni li l-Istati Membri jkunu qablu dwarhom meta jimplimentaw restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar;
- in-natura bla preċedent tal-pandemija tal-COVID-19 u l-evoluzzjoni rapida tagħha.
47 Barra minn hekk, l-unika għodda li l-Kummissjoni għandha biex tiżgura li r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar jikkonformaw mad-dritt tal-moviment liberu hija l-proċedura ta’ ksur, li mhijiex adatta fil-kuntest ta’ pandemija. Dan huwa minħabba t-tul tal-proċedimenti legali (li ta’ spiss jieħdu diversi snin fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea), flimkien man-natura ta’ terminu qasir u varjabbli tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri matul il-pandemija. Sentenzi preċedenti tal-Qorti38 ddeterminaw li l-proċedura ta’ ksur issir inammissibbli meta l-ksur jegħeb. Billi huwa improbabbli ħafna li l-miżuri li l-Kummissjoni attwalment tqis bħala mhux konformi se jibqgħu fis-seħħ diversi snin oħra, dan ifisser li Stat Membru mhux konformi mhuwiex se jiġi sanzjonat).
48 Meta kienet qed timmonitorja r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar li kienu ġew imposti mill-Istati Membri, il-Kummissjoni użat diversi sorsi ta’ informazzjoni, bħal leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet tqiegħdet fuq siti web tal-gvernijiet, kuntatt dirett mal-Istati Membri, informazzjoni li kienet disponibbli fil-media, jew ilmenti dwar problemi speċifiċi mingħand Stati Membri, ċittadini jew organizzazzjonijiet oħra.
49 Fi ħdan il-limitazzjonijiet tal-qafas legali, l-evidenza li ksibna turi li l-Kummissjoni vvalutat ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar b’mod sistematiku u f’waqtu meta rċeviet notifika dwarhom. Madankollu, sibna li spiss id-data rrappurtata mill-Istati Membri ma kinitx komparabbli, u kien fiha distakki fl-informazzjoni. B’hekk kien aktar diffiċli għall-Kummissjoni biex tikseb stampa f’waqtha u preċiża tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar li l-Istati Membri kienu imponew, u għaldaqstant biex tissodisfa d-dmirijiet tagħha ta’ monitoraġġ tal-konformità (ara l-eżempju fil-Kaxxa 4).
Eżempji ta’ problemi bid-data li ġiet irrappurtata mill-Istati Membri
Il-monitoraġġ li l-Kummissjoni wettqet f’Ġunju 2021 kien ibbażat fuq l-informazzjoni li kienet waslet mingħand l-awtoritajiet nazzjonali. Dan kien jinkludi l-mistoqsija “Intom diġà tapplikaw il-mekkaniżmu li ġie stabbilit mir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill (mappa komuni, livelli limitu komuni, eċċ.)?” Tmienja mill-Istati Membri ma rrispondewx għal din il-mistoqsija (il-Bulgarija, il-Kroazja, l-Italja, l-Ungerija, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja u s-Slovakkja).
F’Ġunju 2021, il-Kummissjoni semmiet ukoll diffikultajiet biex tiġbor data kompleta u komparabbli fil-livell tal-UE fil-komunikazzjoni tagħha dwar it-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-1939.
50 Mhux biss il-Kummissjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet, iżda wkoll l-ECDC. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-1940 tirrikjedi li l-ECDC jippubblika mapep ta’ kull ġimgħa taż-żoni ta’ riskju. Dawn il-mapep41 ixerrdu data dwar it-trażmissjoni tal-COVID-19 fiż-żoni differenti, u għandhom l-għan li jagħtu appoġġ lill-Istati Membri meta dawn jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom dwar il-moviment liberu. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill kienet tirrikjedi li l-Istati Membri jirrappurtaw data fil-livell reġjonali fuq bażi ta’ kull ġimgħa. Wara 6 xhur (f’Mejju 2021), 12-il Stat Membru kienu għadhom ma kkonformawx ma’ dan ir-rekwiżit.
Minkejja l-isforzi tal-Kummissjoni u tal-ECDC, l-azzjonijiet tal-Istati Membri ma kinux, fil-biċċa l-kbira, ikkoordinati
51 Billi l-UE ma kellha l-ebda qafas ta’ emerġenza tas-saħħa fis-seħħ, l-Istati Membri kellhom jirreaġixxu malajr għal sitwazzjoni tas-saħħa li kienet qed tevolvi l-ħin kollu. Għalkemm ir-responsabbiltà biex jiġu implimentati restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar tal-COVID-19 hija f’idejn l-Istati Membri biss, il-mandat tal-Kummissjoni huwa li tikkomunika mal-Istati Membri biex tiffaċilita approċċ ikkoordinat għal dawn ir-restrizzjonijiet biex b’hekk l-impatt fuq l-ivvjaġġar transfruntier fl-UE jiġi minimizzat (ara l-paragrafu 15).
52 F’din it-taqsima, aħna neżaminaw jekk:
- il-Kummissjoni u l-ECDC ħarġux gwida, opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet rilevanti fuq bażi f’waqtha biex jiffaċilitaw il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet li ttieħdu mill-Istati Membri, u adattawhomx biex jieħdu kont ta’ żviluppi ġodda; u
- l-isforzi tal-Kummissjoni u tal-ECDC irriżultawx f’applikazzjoni aktar konsistenti u kkoordinata aħjar tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u tal-ġestjoni tal-fruntieri interni mill-Istati Membri.
Il-Kummissjoni u l-ECDC ħarġu gwida rilevanti fuq bażi f’waqtha biex jiffaċilitaw il-koordinazzjoni fil-livell tal-UE
Il-Kummissjoni
53 Mill-bidu tal-pandemija ’l hawn, il-Kummissjoni ħarġet dokumenti ta’ gwida estensivi għall-Istati Membri fil-forma ta’ komunikazzjonijiet, linji gwida u proposti għal rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill. Dawn koprew diversi aspetti tal-libertà tal-moviment u l-miżuri tal-COVID-19 (ara l-Anness II).
54 Fir-rigward tal-gwida tal-UE dwar il-kontrolli fil-fruntieri, iż-żewġ oqsma prinċipali li ġew koperti mill-Kummissjoni kienu l-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE (fruntieri esterni) u l-linji gwida dwar il-ġestjoni tal-fruntieri (fruntieri interni), u l-komunikazzjoni sussegwenti tagħha dwar it-tneħħija gradwali tal-kontrolli fil-fruntieri. Il-gwida dwar il-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE taqa’ barra mill-ambitu ta’ dan l-awditu (ara l-paragrafu 22).
55 Il-linji gwida dwar il-ġestjoni tal-fruntieri ġew ippubblikati fis-16 ta’ Marzu 202042 fil-jiem bikrin tal-pandemija, u koprew l-aspetti prinċipali tal-ġestjoni tal-fruntieri (jiġifieri miżuri ta’ kontroll tal-fruntieri fil-fruntieri interni u esterni, miżuri relatati mas-saħħa, u t-trasport ta’ oġġetti). Dawn il-linji gwida fakkru lill-Istati Membri dwar prinċipji legali bażiċi, li jinkludu l-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni, u kien fihom taqsima ddedikata dwar il-kontrolli fil-fruntieri interni li rrikonoxxiet li tali kontrolli jistgħu jiġu introdotti mill-ġdid, “f’sitwazzjoni estremament kritika”43, b’reazzjoni għall-COVID-19. Aħna nqisu li din il-gwida hija f’waqtha u rilevanti.
56 Madankollu, identifikajna d-dgħufijiet li ġejjin fil-gwida tal-Kummissjoni:
- il-linji gwida ta’ Marzu 2020 ma pprovdewx parir dettaljat dwar kif l-Istati Membri setgħu jiżguraw (u juru) li l-kontrolli fil-fruntieri tagħhom kienu jikkonformaw mal-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità fil-kuntest speċifiku tal-pandemija;
- ma kienx hemm gwida prattika, inklużi eżempji ta’ prattika tajba fil-ġestjoni tal-fruntieri matul il-pandemija. Pereżempju, il-Manwal Prattiku għall-Gwardjani tal-Fruntieri li, lill-gwardji tal-fruntieri jservilhom ta’ gwida għall-utenti meta jwettqu l-attivitajiet tagħhom ta’ kontroll fil-fruntieri44, ma ġiex aġġornat biex jieħu kont tal-pandemija (ħlief biex iċ-ċertifikat għall-ħaddiema tat-trasport internazzjonali jiġi inkorporat fih);
- ċerti termini li ntużaw fil-gwida ma kinux iddefiniti sew fil-kuntest ta’ pandemija. Il-Linji Gwida ta’ Marzu 2020 għall-ġestjoni tal-fruntieri jsemmu kontrolli tas-saħħa, li dwarhom il-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn tiġi nnotifikata, bħala alternattiva potenzjali għal kontrolli fil-fruntieri45. Madankollu, id-differenza bejn kontrolli fil-fruntieri u kontrolli tas-saħħa fil-fruntieri f’kuntest tal-COVID-19 ma ġietx iddefinita b’mod ċar. Għalhekk hemm riskju li l-Istati Membri jaf jimplimentaw kontrolli tas-saħħa li de facto jkunu kontrolli fil-fruntieri, iżda li ma jiġux irrappurtati lill-Kummissjoni; u
- it-terminu “għeluq tal-fruntieri” ntuża ta’ spiss ukoll fil-gwida tal-Kummissjoni u tal-ECDC u fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill. It-terminu mhuwiex propjament iddefinit fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, u huwa potenzjalment qarrieqi għall-pubbliku ġenerali li jivvjaġġa fiż-żona Schengen, minħabba li l-fruntieri intra-UE ma ngħalqux għalkollox. Id-dħul (u kultant il-ħruġ) biss kien ristrett, jew ċertu punti ta’ qsim tal-fruntieri ngħalqu temporanjament.
57 Minbarra l-gwida dwar il-ġestjoni tal-fruntieri, il-Kummissjoni ħarġet gwida estensiva dwar diversi aspetti rigward il-libertà tal-moviment (ara l-Anness II). Din kienet tinkludi kwistjonijiet speċifiċi li jaffettwaw lill-ħaddiema u lill-ħaddiema staġjonali, “Korsiji Ħodor” (id-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali), is-servizzi tat-trasport u l-konnettività, l-operazzjonijiet tal-merkanzija bl-ajru, ir-ripatrijazzjoni u l-arranġamenti tal-ivvjaġġar għall-baħħara, il-passiġġieri u persuni oħra abbord il-bastimenti, it-turiżmu, it-theddid transfruntier serju għas-saħħa, u l-użu ta’ testijiet rapidi tal-antiġeni.
58 Ta’ importanza partikolari kienu l-proposti tal-Kummissjoni għar-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-1946. F’dawn id-dokumenti, l-Istati Membri qablu dwar kriterji komuni għall-valutazzjoni ta’ kundizzjonijiet epidemjoloġiċi reġjonali. Qablu wkoll li jużaw mappa bil-kulur komuni tar-reġjuni u l-pajjiżi fiż-Żona Ekonomika Ewropea: minn aħdar għal isfar u aħmar skont ir-rati tagħhom tan-notifiki u l-ittestjar tal-COVID-19 u l-perċentwal ta’ testijiet pożittivi. Il-ħtieġa ta’ adattament għas-sitwazzjoni li kienet qed tevolvi kienet riflessa fiż-żewġ aġġornamenti li ġew adottati fi Frar u f’Ġunju 202147.
59 Il-Kummissjoni aġixxiet ukoll malajr biex tipprovdi appoġġ sabiex jiġu indirizzati problemi relatati mal-libertà tal-moviment għal kategoriji speċifiċi ta’ persuni, b’mod partikolari l-persunal tat-trasport u l-ħaddiema staġjonali. Sa minn Marzu 2020, ħarġet linji gwida prattiċi li jappoġġaw il-prinċipju li l-fruntieri interni kollha tal-UE għandhom jibqgħu miftuħa għall-merkanzija, u li l-ktajjen tal-provvista għall-prodotti essenzjali jridu jiġu garantiti48. F’Lulju 2020, il-Kummissjoni ħarġet linji gwida simili biex tagħti appoġġ lill-ħaddiema staġjonali49.
60 Kisba kbira li l-Kummissjoni għamlet f’dan il-qasam kienet li tistabbilixxi l-kunċett ta’ “Korsiji Ħodor” f’Marzu 202050, u b’hekk żgurat il-fluss kontinwu ta’ oġġetti fl-UE u l-moviment liberu tal-persunal tat-trasport li kienu affettwati mill-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni, b’mod partikolari fil-jiem bikrin tal-pandemija. B’kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni stabbiliet Network tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali tat-Trasport li wera li huwa għodda effettiva biex jiskatta azzjoni rapida u kkoordinata bejn il-ministeri tat-trasport u l-Kummissjoni (ara l-Kaxxa 5).
Korsiji Ħodor: eżempju ta’ prattika tajba
Biex tappoġġa l-moviment liberu tal-ħaddiema tat-trasport u l-fluss ta’ oġġetti fl-UE, il-Kummissjoni ħadmet mal-Aġenzija tal-UE għall-Programm Spazjali biex tiġi żviluppata app tal-“korsiji ħodor” għall-apparati mobbli (ara l-immaġnijiet hawn taħt). Minbarra li tippermetti lis-sewwieqa tat-trakkijiet u lill-awtoritajiet jittraċċaw il-ħinijiet tal-qsim tal-fruntieri fil-fruntieri interni tal-UE, l-app tittraċċa wkoll il-ħinijiet medji tal-qsim tal-fruntieri kuljum u tkopri l-178 punt ta’ qsim tal-fruntieri matul in-network intern tat-TEN-T u diversi punti ta’ qsim tal-fruntieri fil-fruntiera esterna tal-UE. Billi jivverifikaw it-traffiku f’ħin reali, is-sewwieqa jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar meta u fejn għandhom jaqsmu kull fruntiera, u l-awtoritajiet jistgħu jippjanaw minn qabel biex jimminimizzaw l-impatt tal-konġestjoni jew it-tfixkil fit-traffiku.

Sors: l-Aġenzija tal-UE għall-Programm Spazjali.
61 Fil-15 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni nediet pjattaforma web biex tappoġġa l-ftuħ mill-ġdid sikur tal-ivvjaġġar u t-turiżmu fl-Ewropa (“Re-open EU”51). Il-pjattaforma hija bbażata fuq l-informazzjoni volontarja li l-pajjiżi tal-UE jipprovdu dwar restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, u miżuri tas-saħħa u s-sikurezza pubblika, u għandha l-għan li terġa’ tibni l-fiduċja fl-ivvjaġġar fl-UE billi tinforma liċ-ċittadini dwar ir-restrizzjonijiet li japplikaw f’kull Stat Membru, bil-għan li tiffaċilita l-pjanijiet tal-ivvjaġġar tagħhom52.
62 Għalkemm din hija inizjattiva pożittiva ħafna mill-UE, is-suċċess tagħha jiddependi mill-kooperazzjoni li l-Istati Membri jagħtu. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu regolarment informazzjoni uffiċjali li tkun kompleta u aġġornata. Qajjimna wkoll din il-kwistjoni fir-rapport speċjali tagħna dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru matul il-pandemija tal-COVID-1953.
63 Fil-5 ta’ Lulju 2021 (jiġifieri aktar minn sena wara t-tnedija ta’ Re-open EU), disa’ Stati Membri (il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, Franza, ir-Rumanija, is-Slovenja, il-Finlandja, u l-Iżvezja) kienu għadhom mhux qed jipprovdu informazzjoni aġġornata. Ir-riskju hawnhekk huwa li ċ-ċittadini tal-UE jistgħu jiddubitaw mill-utilità tal-għodda meta jiltaqgħu ma’ problemi fil-fruntieri, minħabba li l-informazzjoni li jkunu użaw biex jippjanaw il-vjaġġ tagħhom tkun skorretta jew skaduta.
Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard
64 Matul il-perjodu awditjat, l-ECDC ippubblika 27 valutazzjoni tar-riskju/tat-theddid u aktar minn 70 gwida u rapport tekniku dwar il-pandemija. L-ewwel gwida tagħha dwar l-ivvjaġġar tmur lura għal Mejju 2020. L-ECDC ipprovda wkoll input għall-gwida tal-Kummissjoni dwar il-kontrolli fil-fruntieri u r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar.
65 F’Mejju 2020, l-ECDC ħareġ gwida li tiddikjara li l-għeluq tal-fruntieri jista’ jdewwem l-introduzzjoni tal-virus ġewwa pajjiż. Madankollu, dan l-għeluq ikollu jkun kważi totali u jiġi implimentat malajr matul il-fażijiet bikrin ta’ epidemija, xi ħaġa li l-ECDC jemmen li tkun fattibbli biss f’kuntesti speċifiċi (eż. għal nazzjonijiet gżejjer li huma żgħar u iżolati)54. Fil-prattika, madankollu, l-Istati Membri mhux dejjem segwew din il-gwida, u l-kontrolli fil-fruntieri ġew introdotti mill-ġdid bejn il-pajjiżi interkonnessi fiż-żona Schengen. Il-Kaxxa 6 tipprovdi eżempju tal-isfidi għall-effettività tal-kontrolli fil-fruntieri tal-art f’każijiet bħal dawn.
Eżempju ta’ sfidi għall-effettività tal-kontrolli fil-fruntieri tal-art ta’ Schengen
Fis-16 ta’ Marzu 2020, il-Ġermanja introduċiet kontrolli temporanji mill-ġdid fil-fruntieri tal-art tagħha mal-Awstrija, id-Danimarka, Franza, il-Lussemburgu, u l-Iżvizzera, bil-għan li tinforza projbizzjoni mhux essenzjali fuq l-ivvjaġġar. Il-kontrolli fil-fruntiera mal-Lussemburgu twettqu għal xahrejn (sal-15 ta’ Mejju 2020), u wasslu għall-għeluq ta’ diversi punti iżgħar ta’ qsim tal-fruntieri. F’April 2020, il-virus COVID-19 kien diġà mifrux fil-Ġermanja. Barra minn hekk, billi l-fruntieri tal-Lussemburgu/il-Belġju u l-fruntieri tal-Belġju/il-Ġermanja baqgħu miftuħa fl-ewwel tliet ġimgħat, kien possibbli għar-residenti tal-Lussemburgu biex jevitaw dawn il-kontrolli billi jgħaddu mill-Belġju.
Fl-14 ta’ Frar 2021, il-Ġermanja introduċiet kontrolli fil-fruntieri interni mill-ġdid maċ-Ċekja u mar-reġjun tat-Tirol fl-Awstrija biex tipprevieni t-tixrid tal-mutazzjonijiet tal-virus. Hija applikat projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali li kienet aktar stretta minn qabel, u lanqas ma ppermettiet it-tranżitu minn ġewwa l-Ġermanja lejn il-pajjiż ta’ residenza. Madankollu, żammet il-fruntieri tagħha mal-Polonja miftuħa. Billi ma kienx hemm kontrolli fil-fruntieri bejn il-Polonja u ċ-Ċekja, kien possibbli li l-kontrolli fil-fruntieri jiġu evitati hemmhekk ukoll.
66 F’Novembru 2020, l-ECDC ħejja analiżi strateġika u tal-prestazzjoni tar-rispons tal-ECDC għall-pandemija tal-COVID-1955, li ħarset lejn l-utilità tal-outputs relatati mal-COVID-19 li kienu ngħataw miċ-Ċentru, permezz ta’ stħarriġiet u gruppi fokus. Id-dokument jikkonkludi li l-gwida taċ-Ċentru tista’ tkun aktar prattika u azzjonabbli.
67 L-ECDC ma jiġborx informazzjoni dettaljata biex jivverifika kif il-pajjiżi implimentaw il-gwida tiegħu, billi mhuwa taħt l-ebda obbligu li jagħmel dan.
68 Il-gwida tal-ECDC mhijiex vinkolanti fuq l-Istati Membri, billi ċ-Ċentru ma għandux setgħat regolatorji56. Huwa jiddependi prinċipalment minn data li tiġi pprovduta minn awtoritajiet nazzjonali, billi ma għandu l-ebda setgħa proprja li jispezzjona jew jiġbor informazzjoni f’ras il-għajn. Minħabba l-fatt li l-Istati Membri għandhom strateġiji differenti ta’ sorveljanza u ttestjar, kien aktar diffiċli għall-ECDC biex iqabbel is-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-UE, u dan huwa impediment li jista’ jikkomprometti l-utilità tal-gwida tiegħu.
L-Istati Membri applikaw approċċi mhux ikkoordinati għall-fruntieri interni u r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar b’rabta mal-COVID-19
69 L-implimentazzjoni tal-gwida tal-Kummissjoni, mill-awtoritajiet nazzjonali, ġiet immonitorjata fil-grupp ta’ ħidma ad hoc li ġie stabbilit u mmexxi mill-Kummissjoni: il-grupp ta’ Informazzjoni dwar il-Corona (CIG). Il-Grupp kellu l-għan li jidentifika l-problemi u jiddiskutihom f’livell tekniku. Il-grupp iltaqa’ 33 darba bejn Frar u Settembru 2020.
70 It-33 rapport tal-laqgħat li eżaminajna juru lkoll b’mod ċar li l-Kummissjoni għamlet sforz sinifikanti biex tikkoordina l-azzjonijiet tal-Istati Membri. L-implimentazzjoni nazzjonali tal-gwida tal-UE ġiet diskussa f’kull laqgħa, u l-Istati Membri rrappurtaw dwar il-miżuri li huma kienu ħadu. Il-Kummissjoni tenniet il-prinċipji globali tad-dritt tal-UE, u enfasizzat il-ħtieġa għal koordinazzjoni aħjar.
71 Ir-rapporti tal-laqgħat tas-CIG u l-konsultazzjonijiet pubbliċi għall-Istrateġija ta’ Schengen juru wkoll li l-Istati Membri kellhom opinjoni tajba tas-CIG. Madankollu, minkejja din il-valutazzjoni pożittiva, is-CIG serva prinċipalment ta’ pjattaforma għall-iskambju ta’ informazzjoni. L-isforzi tal-Kummissjoni biex tikkumpensa għan-nuqqas ta’ kwalunkwe struttura ta’ governanza tal-kriżijiet, billi stabbiliet il-Grupp, ma rriżultawx f’approċċ konsistenti u kkoordinat għall-ġestjoni tal-fruntieri interni mill-Istati Membri. Dan jidher mill-approċċi differenti għall-kontrolli fil-fruntieri interni b’rabta mal-COVID-19 fil-pajjiżi ta’ Schengen (ara l-Figura 3).
72 Il-minuti tal-laqgħat li rrieżaminajna juru li l-Grupp ħabbat wiċċu wkoll ma’ sfidi relatati mal-komunikazzjoni. Diversi Stati Membri introduċew kontrolli fil-fruntieri u restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar ġodda mingħajr ma infurmaw lill-parteċipanti l-oħra fil-Grupp, minkejja li qabel kienu qablu li jżommu lill-partijiet l-oħra infurmati qabel ma jimplimentaw kwalunkwe miżura ġdida.
73 Aħna analizzajna wkoll id-dokumenti li jimmappjaw is-sitwazzjoni fil-fruntieri interni li l-Kummissjoni pproduċiet fi Frar, Marzu u Mejju (u li parzjalment aġġornat f’Ġunju) 2021. L-analiżi li wettaqna ffoka fuq l-erba’ aspetti li ġejjin: kwarantina obbligatorja, ittestjar obbligatorju, projbizzjonijiet fuq id-dħul u/jew il-ħruġ, u l-użu ta’ mapep tal-ECDC biex jittieħdu deċiżjonijiet. Din serviet ta’ bażi għal ħarsa ġenerali simplifikata, li turi l-miżuri tal-Istati Membri maż-żmien (ara l-Figura 8).
Figura 8 – Ħarsa ġenerali lejn ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fost l-Istati Membri tal-EU-27 fl-ewwel nofs tal-2021
N.B.: Minħabba n-nuqqas ta’data komparabbli faċilment disponibbli qabel Frar 2021, iċ-ċifra ma tkoprix ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar li ġew stabbiliti fl-2020.
Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-monitoraġġ intern li l-Kummissjoni wettqet tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar.
74 Sabiex nuru l-isfidi li ċ-ċittadini tal-UE jħabbtu wiċċhom magħhom meta jivvjaġġaw fl-UE, l-analiżi li wettaqna tal-kundizzjonijiet minimi għad-dħul fil-21 ta’ Ġunju 2021 turi varjetà wiesgħa ta’ prattiki li ġew stabbiliti mill-Istati Membri, u li jvarjaw minn aċċess pjuttost miftuħ sa miżuri pjuttost restrittivi (ara l-Figura 9).
Figura 9 – Ħarsa ġenerali simplifikata lejn kundizzjonijiet minimi għad-dħul fil-21.6.2021
Nota: Il-figura turi kundizzjonijiet minimi għad-dħul għal ċittadin tal-UE li la kien imlaqqam u lanqas ikkontaminat qabel.
Sors: il-QEA, ibbażat fuq il-monitoraġġ intern li l-Kummissjoni wettqet tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar.
75 Il-Figura 8 u l-Figura 9 juru li, minkejja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiffaċilita azzjoni kkoordinata, ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar li ġew imposti mill-Istati Membri baqgħu mhux ikkoordinati, u ffurmaw taħlita ta’ miżuri individwali li kienu jvarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor.
Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
76 Nikkonkludu li, filwaqt li l-Kummissjoni mmonitorjat ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu li ġew imposti mill-Istati Membri matul il-pandemija tal-COVID-19, il-limitazzjonijiet tal-qafas legali fixklu r-rwol superviżorju tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma eżerċitatx skrutinju xieraq biex tiżgura li l-kontrolli fil-fruntieri interni kienu jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni ta’ Schengen. Minkejja diversi inizjattivi rilevanti tal-UE, l-azzjonijiet tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-COVID-19 baqgħu fil-biċċa l-kbira mhux ikkoordinati.
77 Sibna li n-notifiki li l-Istati Membri kienu taw rigward il-kontrolli fil-fruntieri interni ma kinux jipprovdu evidenza suffiċjenti li l-kontrolli kienu miżura tal-aħħar istanza, proporzjonata u ta’ durata limitata. Madankollu, il-Kummissjoni la talbet informazzjoni addizzjonali mingħand l-Istati Membri, u lanqas ma ħarġet xi opinjoni dwar in-notifiki tagħhom minn meta bdiet il-pandemija tal-COVID-19. Barra minn hekk, aħna identifikajna każijiet ta’ kontrolli fil-fruntieri li l-Kummissjoni ma ġietx innotifikata dwarhom. Nemmnu li dan in-nuqqas ta’ informazzjoni essenzjali mingħand l-Istati Membri affettwa l-kapaċità tal-Kummissjoni li twettaq analiżi robusta tal-livell sa fejn il-miżuri ta’ kontroll fil-fruntieri kienu jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni ta’ Schengen (ara l-paragrafi 26-31 u 35-39).
78 L-Istati Membri huma meħtieġa li jippreżentaw rapport ex post dwar l-implimentazzjoni ta’ kontrolli temporanji fil-fruntieri, u li jivvalutaw, fost aspetti oħra, kemm kienet effettiva u proporzjonata l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fil-fruntieri interni. Għalkemm disa’ Stati Membri ma kkonformawx mal-obbligu li jippreżentaw rapporti ex post, ma rajna l-ebda evidenza li l-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri jipprovdu r-rapporti neqsin (ara l-paragrafi 32 u 40-42).
79 Ir-rieżaminar li wettaqna tar-rapporti ex post kollha li l-Kummissjoni rċeviet mill-2020 ’il hawn juri li dawn ivarjaw bil-kbir minn dikjarazzjonijiet ġenerali sa statistika dettaljata. Mit-12-il rapport disponibbli, 10 ma koprewx il-proporzjonalità tal-miżuri applikati f’dettall suffiċjenti. Tliet rapporti biss semmew fil-qosor l-użu possibbli ta’ miżuri alternattivi (ara l-paragrafi 41-42).
80 Il-Kummissjoni għandha l-mandat u l-obbligu li taġixxi f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità potenzjali. Hija tista’ tniedi proċeduri ta’ ksur, iżda għadha ma għamlitx dan minkejja t-tħassib tagħha li l-kontrolli fil-fruntieri interni għal terminu twil, b’rabta ma’ theddid relatat mal-migrazzjoni u s-sigurtà, ma jikkonformawx mad-dritt tal-UE. Minflok, il-Kummissjoni għażlet miżuri mhux vinkolanti u koordinazzjoni mingħajr riżultati apparenti, billi l-kontrolli fil-fruntieri interni li ġew introdotti mill-ġdid aktar minn sitt snin ilu għadhom fis-seħħ (ara l-paragrafi 33-34 u 43-45).
Rakkomandazzjoni 1 – Jiġi eżerċitat skrutinju, mill-qrib, tal-kontrolli fil-fruntieri interni
B’kont meħud tal-proposta biex jiġi emendat il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, u l-ambitu tal-Kummissjoni għad-diskrezzjoni, jenħtieġ li l-valutazzjoni li hija twettaq tal-kontrolli fil-fruntieri interni tagħmel użu xieraq mill-għodod ta’ monitoraġġ tal-konformità billi hija:
- titlob lill-Istati Membri informazzjoni addizzjonali meta n-notifiki u/jew ir-rapporti ex post tagħhom ma jipprovdux evidenza suffiċjenti tal-proporzjonalità tal-kontrolli fil-fruntieri;
- toħroġ opinjonijiet dwar il-proporzjonalità meta jkun hemm tħassib li l-kontrolli fil-fruntieri ma josservawx dan il-prinċipju;
- timmonitorja b’mod sistematiku li l-pajjiżi kollha ta’ Schengen jipprovdu notifiki fil-fruntieri interni u rapporti ta’ implimentazzjoni sad-dati ta’ skadenza legali;
- titlob lill-Istati Membri jirrappurtaw kull sena dwar l-implimentazzjoni ta’ kontrolli fil-fruntieri għal terminu twil li jkunu għaddejjin; u
- tniedi azzjoni ta’ infurzar f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità għal terminu twil mal-leġiżlazzjoni ta’ Schengen.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2023
81 L-Istati Membri implimentaw kontrolli fil-fruntieri interni biex jinfurzaw varjetà ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar b’rabta mal-COVID-19. Għalkemm il-Kummissjoni hija responsabbli biex timmonitorja jekk dawn ir-restrizzjonijiet jikkonformawx mal-prinċipju tal-moviment liberu, aħna sibna li l-limitazzjonijiet tal-qafas legali fixklu l-ħidma tal-Kummissjoni f’dan il-qasam. Barra minn hekk, it-tul tal-proċedimenti legali, u n-natura fuq terminu qasir u varjabbli tal-miżuri li l-Istati Membri ħadu matul il-pandemija, ifissru li l-proċedura ta’ ksur, li hija l-unika għodda li l-Kummissjoni għandha biex tinforza d-dritt tal-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19, mhijiex adatta (ara l-paragrafi 46-47).
82 Għall-kuntrarju tal-każ tal-kontrolli fil-fruntieri interni, l-Istati Membri ma kinux meħtieġa jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Il-Kummissjoni kisbet informazzjoni mingħand l-Istati Membri, iżda din mhux dejjem kienet kompleta jew komparabbli (ara l-paragrafi 48-49).
Rakkomandazzjoni 2 – Jiġi simplifikat il-ġbir ta’ data dwar restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tissimplifika l-ġbir ta’ informazzjoni mingħand l-Istati Membri dwar il-ġustifikazzjoni għall-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni tar-restrizzjonijiet tagħhom fuq l-ivvjaġġar, u tipprovdi gwida meta din l-informazzjoni ma tkunx suffiċjenti.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2022
83 Il-Kummissjoni ħarġet gwida f’waqtha u rilevanti biex tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni. Madankollu, il-gwida kienet nieqsa minn dettalji prattiċi dwar kif l-Istati Membri jenħtieġ li juru konformità mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni, kif ukoll eżempji ta’ prattiki tajba fil-mod kif il-fruntieri interni ġew immaniġġjati matul il-pandemija. Il-Manwal Prattiku għall-Gwardjani tal-Fruntieri li, lill-gwardji tal-fruntieri jservilhom ta’ gwida għall-utenti meta jwettqu l-kontrolli fil-fruntieri tagħhom, ma ġiex aġġornat biex jieħu kont tal-pandemija (ara l-paragrafi 53-56).
Rakkomandazzjoni 3 – Tiġi pprovduta gwida aktar azzjonabbli dwar l-implimentazzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi gwida aktar dettaljata u azzjonabbli dwar l-implimentazzjoni tal-fruntieri interni matul il-pandemija billi:
- taġġorna l-Manwal Prattiku tal-Fruntieri b’eżempji ta’ prattika tajba tal-mod kif il-fruntieri interni jiġu mmaniġġjati;
- tispjega d-differenza bejn kontrolli fil-fruntieri u kontrolli tas-saħħa fil-kuntest tal-COVID-19.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2022
84 Il-Kummissjoni nediet ukoll inizjattivi importanti biex tikkoordina miżuri li jaffettwaw il-libertà tal-moviment. Madankollu, il-prattiki tal-Istati Membri juru li, anki sena wara li bdiet il-pandemija, ir-risponsi kienu għadhom fil-biċċa l-kbira mhux ikkoordinati u mhux dejjem kienu konsistenti mal-gwida tal-Kummissjoni u mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill (ara l-paragrafi 57-60 u 69-75).
85 Il-Kummissjoni stabbiliet pjattaforma web biex tappoġġa l-ftuħ mill-ġdid sikur tal-ivvjaġġar u t-turiżmu fl-Ewropa (“Re-open EU”). Madankollu, f’Lulju 2021 (jiġifieri aktar minn sena wara li tnediet Re-open EU), disa’ Stati Membri kienu għadhom ma pprovdewx informazzjoni aġġornata. Ir-riskju hawnhekk huwa li ċ-ċittadini tal-UE jistgħu jiddubitaw mill-utilità tal-għodda meta jiltaqgħu ma’ problemi fil-fruntieri, minħabba li l-informazzjoni li jkunu użaw biex jippjanaw il-vjaġġ tagħhom tkun skorretta jew skaduta. Fir-rapport speċjali tagħna dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru matul il-pandemija tal-COVID-19, aħna rrakkomandajna li l-Kummissjoni tieħu azzjoni sa tmiem l-2022 biex tiżgura li l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni f’waqtha u affidabbli dwar il-pjattaforma Re-open EU (ara l-paragrafi 61-62).
86 Mill-bidu tal-pandemija ’l hawn, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) ippubblika għadd kbir ta’ dokumenti ta’ gwida u rapporti tekniċi, u pprovda wkoll input għad-dokumenti ta’ gwida tal-Kummissjoni. Madankollu, l-analiżi interna proprja tal-ECDC ikkonkludiet li l-gwida tiegħu tista’ tkun aktar prattika u azzjonabbli. L-ECDC ma jivvalutax b’mod komprensiv l-utilità u l-impatt tal-gwida tiegħu (ara l-paragrafi 64-68).
Rakkomandazzjoni 4 – Jittejjeb il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-gwida tal-ECDC
Jenħtieġ li l-ECDC jikseb feedback regolari mingħand il-partijiet ikkonċernati tiegħu biex jivvaluta l-utilità u l-impatt tal-gwida tiegħu.
Data mmirata għall-implimentazzjoni: tmiem l-2022
Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla III, immexxija mis-Sinjura Bettina Jakobsen, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fis-26 ta’ April 2022.
Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
Il-President
Annessi
Anness I – Kampjun ta’ 10 notifiki, li saru mill-Istati Membri, ta’ kontrolli fil-fruntieri interni bejn l-2015 u l-2019
Nru | Pajjiż | Bidu | Tmiem | Raġuni |
---|---|---|---|---|
40 | Il-Ġermanja | 13.9.2015 | 22.9.2015 | Influss kbir ta’ persuni li kienu qed ifittxu protezzjoni internazzjonali, il-fruntieri kollha b’fokus fuq il-fruntieri tal-art Awstrijaċi |
46 | Is-Slovenja | 17.9.2015 | 26.9.2015 | Influss kbir ta’ persuni li kienu qed ifittxu protezzjoni internazzjonali, fruntieri tal-art mal-Ungerija |
54 | Franza | 14.12.2015 | 26.5.2016 | Fir-rigward tal-istat ta’ emerġenza introdott wara l-attakki ta’ Pariġi, il-fruntieri interni kollha |
62 | L-Awstrija | 16.5.2016 | 12.11.2016 | F’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Mejju 2016 skont l-Art. 29 tal-SBC, il-fruntiera tal-art mas-Slovenja u mal-Ungerija |
70 | Id-Danimarka | 12.11.2016 | 12.2.2017 | F’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Novembru 2016, il-portijiet Daniżi b’konnessjonijiet bil-lanċa lejn il-Ġermanja u fil-fruntiera fuq l-art bejn id-Danimarka u l-Ġermanja |
78 | L-Iżvezja | 11.2.2017 | 10.5.2017 | F’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Frar 2017, il-portijiet Żvediżi fir-Reġjun tal-Pulizija tan-Nofsinhar u tal-Punent u fuq il-pont Öresund |
88 | L-Awstrija | 12.11.2017 | 12.5.2018 | Sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Ewropa u theddid li jirriżulta minn movimenti sekondarji sinifikanti kontinwi; fruntieri tal-art mal-Ungerija u mas-Slovenja |
96 | Il-Ġermanja | 12.5.2018 | 11.11.2018 | Sitwazzjoni tas-sigurtà fl-Ewropa u theddid li jirriżulta mill-movimenti sekondarji sinifikanti kontinwi; fruntiera fuq l-art mal-Awstrija |
105 | L-Iżvezja | 12.11.2018 | 11.2.2019 | Theddida serja għall-ordni pubbliku u s-sigurtà interna; il-fruntieri interni kollha |
114 | Id-Danimarka | 12.5.2019 | 12.11.2019 | Theddida serja għall-ordni pubbliku u s-sigurtà interna; il-fruntieri interni mal-Ġermanja (art u portijiet b’konnessjonijiet bil-lanċa) |
Anness II – Dokumenti ta’ gwida rilevanti maħruġa mill-Kummissjoni sa Ġunju 2021
Data | Referenza | Titolu |
---|---|---|
16.3.2020 | C(2020) 1753 final | COVID-19 - Linji gwida għal miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali |
16.3.2020 | COM(2020) 115 final | KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL COVID-19: Restrizzjoni Temporanja fuq Ivvjaġġar Mhux Essenzjali lejn l-UE |
23.3.2020 | C(2020) 1897 final | KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI dwar l-implimentazzjoni tal-Korsiji Ħodor skont il-Linji Gwida għall-miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali |
27.3.2020 | C(2020) 2010 | KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Linji gwida tal-Kummissjoni: L-iffaċilitar tal-Operazzjonijiet tal-Merkanzija bl-Ajru waqt it-tifqigħa tal-COVID-19 |
30.3.2020 | C(2020) 2050 final | KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI COVID-19 - Gwida dwar l-implimentazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE, dwar il-faċilitazzjoni tal-arranġamenti ta’ tranżitu għar-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-UE, u dwar l-effetti fuq il-politika dwar il-viżi |
30.3.2020 | C(2020) 2051 | KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Linji Gwida rigward l-eżerċitar tal-moviment liberu tal-ħaddiema |
8.4.2020 | COM(2020) 148 final | KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-valutazzjoni tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE |
8.4.2020 | C(2020) 3100 | KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Linji gwida dwar il-ħarsien tas-saħħa tal-baħħara, tal-passiġġieri u ta’ persuni oħrajn li jkunu jinsabu abbord il-bastimenti u dwar ir-ripatrijazzjoni u l-arranġamenti tal-ivvjaġġar tagħhom |
16.4.2020 | C(2020) 2516 final | KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI COVID-19: Gwida dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-UE fil-qasam tal-proċeduri tal-asil u tar-ritorn u dwar ir-risistemazzjoni |
17.4.2020 | 2020/C 126/01 | IL-KUMMISSJONI EWROPEA Il-Pjan Direzzjonali Ewropew Konġunt għat-tneħħija tal-miżuri ta’ konteniment tal-COVID-19 |
8.5.2020 | COM(2020) 222 final | KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar it-tieni valutazzjoni tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE |
13.5.2020 | C(2020) 3250 final | KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Lejn approċċ gradwali u kkoordinat għar-ritorn tal-libertà ta’ moviment u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni — COVID-19 |
13.5.2020 | C(2020) 3251 final | COVID-19: Gwida tal-UE biex jerġgħu jibdew progressivament is-servizzi tat-turiżmu u għall-protokolli tas-saħħa fi stabbilimenti tal-ospitalità |
13.5.2020 | COM(2020) 550 final | KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI It-turiżmu u t-trasport fl-2020 u lil hinn |
15.5.2020 | C(2020) 3139 final | KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Linji gwida dwar ir-restawr progressiv tas-servizzi tat-trasport u tal-konnettività — COVID-19 |
11.6.2020 | C(2020) 3999 final | Gwida biex jissuktaw l-operazzjonijiet tal-viża b’mod gradwali u kkoordinat |
11.6.2020 | COM(2020) 399 final | KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar it-tielet valutazzjoni tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE |
25.6.2020 | COM(2020) 287 final | Proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ir-restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali fl-UE |
15.7.2020 | COM(2020) 318 final | KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-istat ta’ tħejjija tal-UE fuq medda qasira ta’ żmien fil-qasam tas-saħħa għal tifqigħat tal-COVID-19 |
16.7.2020 | C(2020) 4813 final | KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Linji Gwida dwar il-ħaddiema staġjonali fl-UE fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19 Segwitu għal C/2020/2051 |
4.9.2020 | COM(2020) 499 final | Proposta għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 |
28.10.2020 | COM(2020) 685 final | KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL, Naġġornaw il-Korsiji Ħodor tat-trasport biex l-ekonomija tibqa’ għaddejja matul iż-żieda mill-ġdid fl-għadd ta’ każijiet tal-pandemija tal-COVID-19 |
28.10.2020 | COM(2020) 686 final | KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL COVID-19 Gwida dwar persuni eżentati mir-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2020/912 tat-30 ta’ Ġunju 2020 |
28.10.2020 | COM(2020) 687 final | KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar miżuri addizzjonali ta’ rispons għall-COVID-19 |
11.11.2020 | COM(2020) 724 final | KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Il-bini ta’ Unjoni Ewropea tas-Saħħa: Rinforzar tar-reżiljenza tal-UE għat-theddid transkonfinali għas-saħħa |
11.11.2020 | COM(2020) 727 final | Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE |
18.11.2020 | C(2020) 8037 final | RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI tat-18.11.2020 dwar l-użu tat-testijiet rapidi tal-antiġeni għad-dijanjożi tal-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 |
2.12.2020 | COM(2020) 786 final | KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Nipproteġu ruħna mill-COVID-19 fix-xitwa |
18.12.2020 | COM(2020) 849 final | Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar qafas komuni għall-użu, il-validazzjoni u r-rikonoxximent reċiproku tat-testijiet rapidi tal-antiġeni tal-COVID-19 fl-UE |
22.12.2020 | C(2020) 9607 | RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2243 dwar approċċ ikkoordinat għall-ivvjaġġar u t-trasport bi tweġiba għall-varjant tas-SARS-COV-2 innutat fir-Renju Unit |
19.1.2021 | COM(2021) 35 final | KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL Front magħqud biex negħlbu l-COVID-19 |
25.1.2021 | COM(2021) 38 final | Proposta għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL li temenda r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 tat-13 ta’ Ottubru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 |
17.2.2021 | COM(2021) 78 final | KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL L-Inkubatur HERA: Nantiċipaw flimkien it-thedidda tal-varjanti tal-COVID-19 |
3.5.2021 | COM(2021) 232 final | Proposta għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL li temenda r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni |
Akronimi u abbrevjazzjonijiet
CIG: Grupp ta’ Informazzjoni dwar il-Corona
ECDC: Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard
SBC: Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen
TFUE: Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
TUE: Trattat dwar l-Unjoni Ewropea
ŻEE: Żona Ekonomika Ewropea
Glossarju
Formola tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri: Formola li l-passiġġieri jridu jikkompletaw qabel ma jidħlu fil-pajjiż biex jiġi ffaċilitat it-traċċar tal-kuntatti u l-monitoraġġ tal-kwarantina.
Kontroll fil-fruntieri: Kontrolli u sorveljanza mwettqa fi fruntiera fuq dawk li jaqsmu jew biħsiebhom jaqsmu.
Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni: Prinċipju tad-dritt tal-UE li jipprojbixxi d-diskriminazzjoni fost ċittadini tal-UE li jkunu ġejjin minn pajjiżi differenti abbażi tan-nazzjonalità.
Prinċipju ta’ proporzjonalità: Prinċipju tad-dritt tal-UE li skontu l-eżerċizzju ta’ setgħa mill-UE jew minn Stat Membru ma jridx imur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv intenzjonat tiegħu.
Żona Schengen: Grupp ta’ 26 pajjiż Ewropew li abolixxew il-kontrolli tal-passaporti u tal-immigrazzjoni fil-fruntieri komuni tagħhom.
Risposti tal-Kummissjoni:
Risposti taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC)
Tim tal-awditjar
Ir-rapporti speċjali tal-QEA jippreżentaw ir-riżultati tal-awditi li twettaq ta’ politiki u programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi futuri u l-interess politiku u pubbliku.
Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla III tal-Awditjar, Azzjoni esterna, sigurtà u ġustizzja, li hija mmexxija minn Bettina Jakobsen, Membru tal-QEA. L-awditu tmexxa minn Baudilio Tomé Muguruza, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Daniel Costa de Magalhães, Kap tal-Kabinett u Ignacio García de Parada, Attaché tal-Kabinett; Alejandro Ballester Gallardo, Maniġer Prinċipali; Andrej Minarovic, Kap tal-Kompitu u João Coelho, Awditur. Mark Smith ipprovda appoġġ lingwistiku.

Mix-xellug għal-lemin: João Coelho, Daniel Costa de Magalhães, Baudilio Tomé Muguruza, Andrej Minarovic, Alejandro Ballester Gallardo, Ignacio García de Parada.
Noti finali
2 L-Artikolu 20(2)(a) u l-Artikolu 21(1) TFUE.
3 Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (id-Direttiva dwar il-Moviment Liberu).
4 L-Ewrobarometru 95, ir-Rebbiegħa 2021.
5 L-Artikoli 27 u 29 tad-Direttiva 2004/38/KE.
6 Il-Ftehim bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija ftit ftit tal-kontroll fuq il-fruntieri komuni; il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom; ĠU L 239, 22.9.2000, pp. 13-18 u pp. 19-62.
7 Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen).
9 L-Artikolu 28 SBC.
11 Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/894 tat-12 ta’ Mejju 2016 li tikkostitwixxi Rakkomandazzjoni għal kontroll temporanju fil-fruntieri interni f’ċirkustanzi eċċezzjonali li jqiegħdu l-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen f’riskju.
12 L-Artikoli 17 TUE u 168 TFUE.
13 https://reopen.europa.eu/mt
14 Ir-Regolament (UE) 2021/953 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19.
15 Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19.6.2020 dwar is-sitwazzjoni fiż-żona Schengen wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (2020/2640(RSP)), il-paragrafu 12.
16 Strateġija lejn żona Schengen reżiljenti u li tiffunzjona bis-sħiħ, COM(2021) 277 final.
17 Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera, COM(2021) 891 final.
18 Ir-Rapport Speċjali 06/2017: Ir-rispons tal-UE għall-kriżi tar-refuġjati: l-approċċ “hotspot”.
19 Ir-Rapport Speċjali 24/2019: L-asil, ir-rilokazzjoni u r-ritorn ta’ migranti: Wasal iż-żmien li tingħata spinta biex jiġu indirizzati d-disparitajiet bejn l-objettivi u r-riżultati.
20 Ir-Rapport Speċjali 20/2019: Sistemi ta’ informazzjoni tal-UE li jappoġġjaw il-kontroll fil-fruntieri – għodda b’saħħitha, iżda tenħtieġ aktar enfasi fuq data li tkun f’waqtha u kompleta.
21 Ir-Rapport Speċjali 08/2021: L-appoġġ li l-Frontex tagħti lill-ġestjoni tal-fruntieri esterni: mhuwiex suffiċjentement effettiv sal-ġurnata tal-lum
22 Ir-Rapport Speċjali 17/2021: Il-kooperazzjoni tal-UE ma’ pajjiżi terzi rigward ir-riammissjoni: azzjonijiet rilevanti taw riżultati limitati.
23 Ir-Rapport Speċjali 19/2021: L-appoġġ tal-Europol fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti: sieħeb apprezzat, iżda b’użu insuffiċjenti ta’ sorsi ta’ data u kejl tar-riżultati.
24 Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/894 tat-12 ta’ Mejju 2016 li tikkostitwixxi Rakkomandazzjoni għal kontroll temporanju fil-fruntieri interni f’ċirkustanzi eċċezzjonali li jqiegħdu l-funzjonament ġenerali taż-żona Schengen f’riskju.
25 Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1989 tal-11 ta’ Novembru 2016, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/246 tas-7 ta’ Frar 2017 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2017/818 tal-11 ta’ Mejju 2017.
26 L-opinjoni tal-Kummissjoni tat-23.10.2015, C(2015) 7100 final.
28 Impact Assessment Report accompanying the document Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council amending Regulation (EU) 2016/399 on a Union Code on the rules governing the movement of persons across borders, SWD(2021) 462 final.
29 Ir-Rakkomandazzjoni dwar verifiki proporzjonati tal-pulizija u kooperazzjoni tal-pulizija fiż-żona Schengen, C(2017) 3349.
30 Il-paragrafu 20 tal-Linji Gwida għal miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali, 16.3.2020, C(2020) 1753 final.
32 Kif meħtieġ mill-Artikolu 33 SBC.
33 Pereżempju, ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19.6.2020 dwar is-sitwazzjoni fiż-żona Schengen wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (2020/2640(RSP)).
34 Ara l-Artikolu 3 TFUE, l-Artikolu 45(3) TFUE, u l-Artikoli 27 u 29 tad-Direttiva dwar il-Moviment Liberu.
35 Ara l-Artikoli 4(2)(k) u 6(a) TFUE.
37 Ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill (UE) 2020/1475 tat-13.10.2020, (UE) 2021/119 tal-1.2.2021, UE 2021/961 tal-14.6.2021 u (UE) 2022/107 tal-25.1.2022.
38 Ara l-Kawża C 288/12 (il-paragrafu 30), il-Kawża C 221/04 (il-paragrafi 25 u 26), u l-Kawża C-20/09 (il-paragrafu 33).
39 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Nisiltu tagħlimiet bikrija mill-pandemija tal-COVID-19 COM(2021) 380 final.
40 ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475.
41 https://www.ecdc.europa.eu/en/covid-19/situation-updates/weekly-maps-coordinated-restriction-free-movement
42 Il-linji gwida għal miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali, 16.3.2020, C(2020) 1753 final.
43 Il-paragrafu 18 tal-Linji Gwida għal miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali, 16.3.2020, C(2020) 1753 final.
44 L-Anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni C(2019) 7131 final tat-8.10.2019 li tistabbilixxi “Manwal Prattiku għall-Għassiesa tal-Fruntieri” komuni li għandu jintuża mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta jwettqu l-kontroll fuq il-persuni fil-fruntieri u li tissotitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni C(2006) 5186 tas-6 ta’ Novembru 2006.
45 Il-paragrafu 20, C(2020) 1753 final, 16.3.2020.
46 COM(2020) 499 final, 4.9.2020; COM(2020) 849 final, 18.12.2020 u COM(2021) 232 final, 3.5.2021.
47 Ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill (UE) 2021/961 tal-14.6.2021 u (UE) 2021/119 tal-1.2.2021.
48 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Korsiji Ħodor skont il-Linji Gwida għall-miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali, C(2020) 1897 final.
49 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Linji Gwida dwar il-ħaddiema staġjonali fl-UE fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19, C(2020) 4813 final.
50 https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_20_510
51 https://reopen.europa.eu/mt
52 https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_20_1045
53 Ir-Rapport Speċjali 15/2021: Id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru matul il-pandemija tal-COVID-19: Id-drittijiet ewlenin mhumiex protetti minkejja l-isforzi tal-Kummissjoni, il-paragrafi 68-70 u r-Rakkomandazzjoni 3(a).
54 Considerations for travel-related measures to reduce spread of COVID-19 in the EU/EEA, 26.5.2020.
55 Strategic and performance analysis of ECDC response to the COVID-19 pandemic.
56 Il-Preambolu (6) tar-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard.
Kuntatt
IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG
Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors
Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (https://europa.eu).
Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2022
ISBN 978-92-847-7856-0 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/882768 | QJ-AB-22-008-MT-N | |
HTML | ISBN 978-92-847-7844-7 | ISSN 1977-5741 | doi:10.2865/757350 | QJ-AB-22-008-MT-Q |
DRITTIJIET TAL-AWTUR
© L-Unjoni Ewropea, 2022
Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija stabbilita fid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-QEA dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.
Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), kontenut tal-QEA li huwa proprjetà tal-UE huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Għalhekk, bħala regola ġenerali, l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat dment li jingħata kreditu xieraq u li kwalunkwe bidla tiġi indikata. Dawk li jużaw mill-ġdid il-kontenut tal-QEA ma jistgħux jgħawġu t-tifsira jew il-messaġġ oriġinali. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.
Irid jinkiseb permess addizzjonali jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, eż. f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza.
Fejn ikun inkiseb tali permess, dan għandu jikkanċella u jissostitwixxi l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.
Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, jista’ jkun meħtieġ li titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur.
Software jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid.
Il-familja ta’ siti web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li l-QEA ma għandha l-ebda kontroll fuqhom, dawn, inti mħeġġeġ biex tirrieżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza u dwar id-drittijiet tal-awtur.
Użu tal-logo tal-QEA
Il-logo tal-QEA ma jridx jintuża mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.
Kif tikkuntattja lill-UE
Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:
- bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
- fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
- bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt
Kif issib tagħrif dwar l-UE
Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt
Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).
Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1951 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: https://eur-lex.europa.eu
Data Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Data Miftuħa mill-UE (https://copenhagenizeindex.eu/) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-data mill-UE. Id-data tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.