Daħla

Ritratt ta’ Ursula von der Leyen.

Ursula von der Leyen

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea

L-2023 kienet sena importanti, sena li fiha l-Unjoni Ewropea kompliet tissodisfa l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini tal-UE u tindirizza l-isfidi hekk kif bdew jitfaċċaw. Bqajna persistenti fir-rigward tas-sitt prijoritajiet li stabbilejna fil-bidu tal-mandat, filwaqt li sibna soluzzjonijiet kuraġġużi u ambizzjużi għal uħud mill-akbar testijiet li l-Ewropa qatt iffaċċjat.

Mir-rispons għall-gwerra brutali ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna sal-ġestjoni tal-agħar kriżi enerġetika li rajna f’dawn l-aħħar deċennji, u mir-rispons għall-iżvilupp mgħaġġel ħafna fl-intelliġenza artifiċjali (IA) sal-indirizzar ta’ kriżi klimatika li qed tiggrava, xammarna l-kmiem u indirizzajna l-isfidi straordinarji direttament. Urejna li l-Unjoni tagħna tkun fl-aqwa tagħha meta nkunu kuraġġużi.

Għat-tieni sena konsekuttiva, l-Ewropa ddefendiet lill-Ukrajna f’kull stadju b’għaqda, b’saħħa u b’determinazzjoni. Wittejna t-triq għall-ospitar ta’ iktar minn 4 miljun refuġjat Ukren fl-Unjoni Ewropea u organizzajna assistenza finanzjarja, umanitarja u militari b’saħħitha, li s’issa qabżet it-€88 biljun. Urejna wkoll li se nibqgħu nappoġġaw lill-Ukrajna sakemm ikun hemm bżonn. Permezz tal-Faċilità l-ġdida għall-Ukrajna se nipprovdu €50 biljun oħra matul l-4 snin li ġejjin biex nikkontribwixxu għall-provvista tas-servizzi bażiċi, fosthom li nżommu l-iskejjel miftuħa u nħallsu s-salarji u l-pensjonijiet, filwaqt li l-poplu Ukren ikompli jiġġieled kontra l-invażur. L-2023 se tibqa’ mnaqqxa fil-memorji tal-poplu Ukren bħala s-sena meta l-ħolm tiegħu kompla joqrob lejn ir-realtà.

Filwaqt li rrikonoxxiet il-progress enormi tal-Ukrajna u wieġbet għall-aspirazzjonijiet tal-poplu Ukren, l-Unjoni tagħna ħadet id-deċiżjoni storika li tiftaħ negozjati tal-adeżjoni mal-pajjiż, abbażi tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni.

Fl-istess ħin, l-Unjoni tagħna kompliet għaddejja bit-trasformazzjoni tal-ekonomija tagħna. L-ewwel nett, mexxiet ’il quddiem id-diġitalizzazzjoni. L-Att Ewropew tagħna dwar iċ-Ċipep diġà ġġenera iktar minn €100 biljun ta’ investiment ippjanat — kemm pubbliku kif ukoll privat — tul il-katina tal-valur kollha. U bl-Att tagħna dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, l-Ewropa saret l-ewwel kontinent li għandu fis-seħħ regolament speċifiku dwar l-IA, li jiffoka fuq użi b’riskju għoli. Iktar milli ġabra ta’ regoli, dan jagħti spinta lill-kumpaniji tagħna biex ikunu minn ta’ quddiem fl-iżvilupp ta’ IA affidabbli.

L-Unjoni tagħna mexxiet ’il quddiem ukoll it-tranżizzjoni lejn ekonomija nadifa. Stabbilejna qafas biex innaqqsu l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju b’mill-inqas 55 % sa tmiem dan id-deċennju, u biex b’hekk inżommu lill-Ewropa fit-triq it-tajba ħalli sal-2050 tilħaq in-newtralità klimatika. Barra minn hekk, bl-Att tagħna dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti, qed insaħħu l-kapaċità tal-manifattura tal-enerġija nadifa tal-UE biex nagħtu spinta lill-kompetittività u lir-reżiljenza industrijali tagħna. Se nappoġġaw lin-negozji Ewropej biex iwettqu t-tranżizzjoni filwaqt li jżommu l-vantaġġ kompetittiv tagħhom, sabiex l-Ewropa tibqa’ destinazzjoni eċċezzjonali għal investiment li jġib miegħu impjiegi ta’ kwalità li huma stabbli u adattati għall-futur, b’bażi industrijali b’saħħitha.

Sabiex tadatta għar-realtajiet ġeopolitiċi li qed jinbidlu, l-Ewropa stabbiliet l-ewwel strateġija tagħha dwar is-sigurtà ekonomika. Ħadna wkoll passi konkreti biex insaħħu r-reżiljenza tagħna billi nnaqqsu d-dipendenzi u neliminaw ir-riskji għall-ekonomija tagħna. Dan se jiżgura s-sovranità, is-sigurtà u l-prosperità tagħna għas-snin li ġejjin. Dan l-għan huwa appoġġat ukoll mill-pjan ta’ rkupru tagħna NextGenerationEU, b’valur ta’ iktar minn €800 biljun, li qed jagħti spinta lill-ekonomiji tagħna permezz ta’ taħlita ta’ investimenti u riformi. Dan il-pjan kompla jiffinanzja mijiet ta’ proġetti ekoloġiċi u diġitali fl-Ewropa li jipproduċu riżultati tanġibbli għall-Ewropej — minn parks tar-riħ lil hinn mill-kosta għal ferroviji elettriċi, minn servizzi pubbliċi diġitali tal-ogħla livell għal sptarijiet li huma fost l-aqwa fid-dinja.

Jekk nagħtu ħarsa lejn dak li se jiġri ’l quddiem, l-2024 se tkun żmien speċjali għall-kontinent tagħna, hekk kif l-Ewropej se jmorru jivvutaw biex jeleġġu ġenerazzjoni ġdida ta’ mexxejja. Din se tkun opportunità biex nirriflettu dwar kif id-demokrazija tgħin lis-soċjetajiet tagħna jsiru iktar ġusti, lill-industriji tagħna jsiru iktar kompetittivi u lill-ekonomiji tagħna jsiru iktar reżiljenti. Inħossni fiduċjuża li l-Unjoni tagħna se tkompli żżomm soda. Għax iktar kemm ikunu kbar l-isfidi, iktar tkun b’saħħitha l-Ewropa.

Viva l-Ewropa!

Ursula von der Leyen