Wara li ffaċċjat waħda mill-agħar kriżijiet globali tal-enerġija f’dawn l-aħħar deċennji, fl-2023 l-Unjoni Ewropea ħadet azzjoni drastika biex tiffranka l-enerġija, tiddiversifika l-provvista tal-enerġija tagħha u tħaffef it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. L-emerġenzi ma jaqtgħu xejn marbuta mal-klima, mal-ambjent u mal-bijodiversità li qed jiżvolġu madwar id-dinja kollha komplew jenfasizzaw il-ħtieġa ta’ azzjoni urġenti. Matul is-sena, l-UE kompliet telimina gradwalment il-fjuwils fossili Russi biex tissalvagwardja l-ekonomija tagħha, filwaqt li tagħmilha aktar sostenibbli permezz ta’ żieda fil-miżuri rigward il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika.
L-UE nediet riforma komprensiva tas-suq tal-elettriku tagħha sabiex il-konsumaturi jkunu protetti aħjar mix-xokkijiet fil-prezzijiet tal-enerġija. Introduċiet ukoll inizjattivi ġodda biex tagħti spinta lill-kompetittività tagħha u tibni l-kapaċità industrijali għat-teknoloġiji nodfa. L-għan ta’ dawn l-inizjattivi hu li jiżguraw l-aċċess għall-materja prima kritika u jnaqqsu d-dipendenzi strateġiċi fit-teknoloġiji kritiċi u fil-ktajjen tal-valur, u b’hekk itejbu s-sigurtà ekonomika u s-sovranità teknoloġika tal-UE.
Biex tiżgura li n-nies fl-Unjoni Ewropea jkollhom aċċess għal enerġija affordabbli, sigura u sostenibbli, f’Mejju 2022 l-UE nediet il-Pjan REPowerEU - jinfetaħ f’tab ġdida.. L-objettiv tiegħu hu li jnaqqas b’mod sinifikanti d-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili Russi permezz tal-produzzjoni ta’ enerġija aktar nadifa fid-djar, tat-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija u tad-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija tal-UE. Fl-ewwel 12-il xahar mit-tnedija tiegħu, l-UE kienet għamlet progress sostanzjali fir-rigward ta’ dawn it-tliet miri - jinfetaħ f’tab ġdida..
Sa tmiem l-2023, l-importazzjonijiet globali tal-gass Russu fl-UE ammontaw għal 42.9 biljun metru kubu (bcm) biss, meta mqabbla ma’ 80 bcm fl-2022 u ma’ aktar minn 150 bcm fl-2021. Matul is-sena, in-Norveġja u l-Afrika ta’ Fuq reġgħu kienu l-fornituri ewlenin tal-gass bil-pipelines lejn l-UE, filwaqt li l-Istati Uniti kienu l-fornitur ewlieni tal-gass naturali likwifikat.
Minbarra l-Pjan REPowerEU hemm diversi għodod li qed jgħinu lill-Istati Membri tal-UE jiddiversifikaw il-provvista tal-gass tagħhom. Waħda minn dawn l-għodod, il-mekkaniżmu komuni tax-xiri tal-gass AggregateEU - jinfetaħ f’tab ġdida., tippermetti lill-kumpaniji tal-gass u lill-kumpaniji li jużaw il-gass jingħaqdu flimkien biex jaggregaw id-domanda, jikkoordinaw l-użu tal-infrastruttura, jinnegozjaw mas-sħab internazzjonali u jħejju għal xiri konġunt tal-gass u tal-idroġenu.
Miżura oħra tal-UE biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tas-sigurtà tal-provvista, introdotta fl-2022, hi r-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass - jinfetaħ f’tab ġdida. li jirrikjedi li sal-1 ta’ Novembru l-Istati Membri jimlew 90 % tal-faċilitajiet tal-ħżin tagħhom biex jiggarantixxu biżżejjed stokkijiet għax-xitwa. Din il-miżura għenet biex jiġi żgurat li l-istokkijiet jilħqu 95 % tal-kapaċità qabel ix-xitwa tal-2022/2023. Permezz ta’ prezzijiet sostanzjalment aktar baxxi u inqas volatili minn dawk tal-2022, il-progress fil-mili tal-impjanti tal-ħżin mexa partikolarment malajr fl-2023, u laħaq il-mira ta’ 90 % fit-18 ta’ Awwissu - jinfetaħ f’tab ġdida. u baqa’ ’l fuq minn 95 % fil-bidu ta’ Diċembru.
Diversi proġetti ġodda tal-infrastruttura tal-enerġija - jinfetaħ f’tab ġdida. li tlestew matul dawn l-aħħar sentejn għenu wkoll lill-UE tiżgura sorsi alternattivi tal-provvista tal-gass. Xi wħud mill-eżempji huma l-Pipe Baltiku u l-Interkonnettur Greċja–Bulgarija, flimkien ma’ terminals ġodda għall-gass naturali likwifikat f’diversi Stati Membri.
F’Novembru, l-UE għamlet pass ieħor biex tadatta s-sistema tal-enerġija tagħha għall-futur billi ppubblikat l-ewwel waħda mil-listi tagħha ta’ Proġetti ta’ Interess Komuni - jinfetaħ f’tab ġdida. li tikkonforma bis-sħiħ mal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Din il-lista għandha tiġi adottata formalment fil-bidu tal-2024. Il-lista - jinfetaħ f’tab ġdida., li tiġi ppubblikata kull sentejn, tinkludi proġetti li se jtejbu l-interkonnettività tas-sistemi tal-enerġija tal-Istati Membri. Il-proġetti jistgħu jibbenefikaw mit-tħaffif tal-proċeduri tal-ħruġ tal-permessi u tal-finanzjament. Din hi l-ewwel lista fil-qafas tar-Regolament rivedut dwar in-Network Trans-Ewropew tal-Enerġija li teskludi proġetti tal-fjuwils fossili u li tinkludi proġetti tal-idroġenu u tal-elettrolizzaturi. Tinkludi wkoll proġetti li se jorbtu s-sistema tal-enerġija tal-UE mar-Renju Unit, mal-Balkani tal-Punent u mal-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq.
Mis-sajf tal-2021 ’l hawn, il-prezzijiet tal-enerġija sparaw ’il fuq, b’hekk affettwaw serjament lill-konsumaturi u poġġew lil ħafna minnhom f’riskju ta’ faqar enerġetiku. Fl-2023, l-UE ffukat fuq l-introduzzjoni ta’ regoli li jirriformaw is-suq tal-enerġija biex tipproteġi lill-konsumaturi mix-xokkijiet futuri fil-prezzijiet. Dawn il-miżuri fit-tul jissupplimentaw il-miżuri ta’ emerġenza meħuda fl-2022, bħall-mekkaniżmu tas-suq li jillimita l-prezzijiet eċċessivi tal-gass - jinfetaħ f’tab ġdida. u kontribuzzjoni addizzjonali - jinfetaħ f’tab ġdida. imposta fuq ċerti kumpaniji tal-enerġija li qed jagħmlu profitti eċċessivi.
Għalkemm l-UE għandha suq uniku tal-enerġija integrat sew li kien ta’ benefiċċju għall-konsumaturi għal aktar minn 20 sena, il-kriżi tal-enerġija wriet il-ħtieġa ta’ aktar titjib. Hu għalhekk li f’Marzu 2023 il-Kummissjoni ppreżentat proposta li jiġu riveduti r-regoli tat-tfassil tas-suq tal-elettriku tal-UE - jinfetaħ f’tab ġdida.. Din ir-riforma se tagħti lill-konsumaturi aktar drittijiet u għażliet, filwaqt li fl-istess ħin iżżid il-protezzjoni tagħhom billi tagħmel il-kontijiet tal-enerġija indipendenti mill-prezz tas-suq tal-elettriku fl-immedjat u billi żżid ir-reżiljenza tas-suq tal-enerġija tal-UE. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim - jinfetaħ f’tab ġdida. dwar ir-riforma fi tmiem is-sena.
Il-konsumaturi issa għandhom id-dritt għal:
L-isforzi tal-UE biex tiddiversifika l-provvisti u l-fornituri tal-enerġija tagħha għenu wkoll biex ikun hemm tnaqqis fil-prezzijiet tal-enerġija u fil-volatilità tagħhom, meta mqabbla mal-eċċessi li rajna fl-2022. Il-Pjattaforma tal-Enerġija tal-UE - jinfetaħ f’tab ġdida. (u speċifikament il-mekkaniżmu AggregateEU li diġà ssemma fil-kapitlu) taggrega d-domanda u twettaq xiri konġunt tal-enerġija. Dan jissarraf fi prezzijiet aħjar għall-konsumaturi tal-UE.
Il-Kummissjoni introduċiet ukoll mekkaniżmu li jikkoreġi ż-żidiet qawwija fil-prezzijiet fis-suq tal-gass billi jistabbilixxi prezz referenzjarju ġdid għall-gass naturali likwifikat. Dan kien meħtieġ bħala alternattiva għall-approċċ preċedenti fejn il-prezz tal-gass użat mill-Faċilità Netherlandiża tat-Trasferiment tat-Titli ntuża bħala indikatur. Madankollu, dan il-prezz ma baqax ta’ min joqgħod fuqu peress li ma kienx jirrifletti l-kundizzjonijiet il-ġodda tas-suq. Issa qed tiġi ppubblikata regolarment figura referenzjarja mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija - jinfetaħ f’tab ġdida. li turi ħafna inqas volatilità mill-prezz tal-Faċilità tat-Trasferiment tat-Titli.
Fl-aħħar nett, l-UE ppermettiet lill-Istati Membri jappoġġaw direttament lill-familji vulnerabbli u lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju permezz ta’ miżuri eċċezzjonali magħrufa bħala SAFE (Appoġġ għall-Enerġija Affordabbli). Filwaqt li jaqgħu taħt ir-regoli tal-politika ta’ koeżjoni - jinfetaħ f’tab ġdida., dawn il-miżuri jippermettu lill-Istati Membri jużaw fondi tal-UE li ma ntefqux mill-allokazzjoni tagħhom tal-2014–2020 biex jipprovdu appoġġ dirett lil gruppi f’riskju li qed jiffaċċjaw żieda fil-kostijiet tal-enerġija.
Is-settur tal-enerġija — it-tisħin tad-djar, is-setturi tal-industrija tal-enerġija, u t-trasport — hu responsabbli għal kważi tliet kwarti tal-emissjonijiet globali ta’ gassijiet serra. Dan ifisser li t-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija jagħmel differenza kbira fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. L-UE trid tnaqqas l-emissjonijiet tagħha b’mill-inqas 55 % sal-2030 (meta mqabbla mal-livelli tal-1990), kif stabbilit fil-Patt Ekoloġiku Ewropew (ara l-Kapitlu 3).
Fix-xitwa tal-2022/2023 — bis-saħħa ta’ temp inqas qalil u tal-isforzi konġunti tal-UE, l-Istati Membri tagħha, l-individwi u l-kumpaniji — il-konsum tal-gass fl-UE naqas bi 18 % (jew bi 53 bcm). Madankollu, biex jinżamm bilanċ għaqli bejn il-provvista u d-domanda tal-enerġija, għad hemm il-ħtieġa ta’ miżuri volontarji għall-iffrankar tal-enerġija. Għalhekk, ir-Regolament ta’ emerġenza dwar it-tnaqqis tal-konsum tal-gass - jinfetaħ f’tab ġdida. (oriġinarjament maqbul f’Lulju 2022 - jinfetaħ f’tab ġdida.) ġie estiż. L-għan hu t-tnaqqis tal-konsum b’60 bcm oħra bejn April 2023 u Marzu 2024. Regoli oħra ta’ emerġenza mill-2022 dwar il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni tas-suq, ir-regoli ta’ solidarjetà u l-ħruġ tal-permessi ġew estiżi wkoll biex jgħassu kontra aktar problemi.
It-titjib fl-użu tal-enerġija fil-bini hu mod importanti ieħor kif niffrankaw l-enerġija. Il-ftehim politiku dwar ir-reviżjonijiet tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija - jinfetaħ f’tab ġdida. f’Diċembru se jgħin lis-settur tal-bini jnaqqas il-konsum tal-enerġija tiegħu u jagħmel il-bini aktar ekoloġiku. Dawn ir-reviżjonijiet jistabbilixxu firxa ta’ miżuri biex jgħinu lill-gvernijiet tal-UE jagħtu spinta lir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija, b’enfasi speċifika fuq it-titjib tal-bini bl-agħar rendiment.
L-iffrankar tal-enerġija ma jinkisibx biss billi tintuża inqas enerġija u billi l-enerġija tintuża b’mod aktar effiċjenti, iżda anke permezz tat-tfassil ta’ prodotti u apparati ta’ kuljum mill-manifatturi. Ir-regoli l-ġodda tal-UE dwar l-ekodisinn - jinfetaħ f’tab ġdida. jispeċifikaw li l-apparati elettriċi għandhom jużaw inqas enerġija meta jkunu fil-modalità standby, u b’hekk il-manifatturi jingħataw sentejn biex itejbu l-prestazzjoni tal-prodotti tagħhom. It-tumble dryers, il-heaters tal-post lokali, il-mowbajls, it-tablets u l-fannijiet industrijali huma fost il-prodotti soġġetti għar-regoli l-ġodda jew riveduti u li huma aktar stretti. Dawn il-bidliet se jkunu riflessi fit-tikketta tal-enerġija tal-UE - jinfetaħ f’tab ġdida. li għadha rikonoxxuta u użata b’mod wiesa’ mill-konsumaturi tal-UE.
L-għan tal-UE hu li l-prodotti sostenibbli jsiru n-norma. Lejn tmiem is-sena, il-Parlament u l-Kunsill laħqu ftehim dwar l-inizjattiva għal prodotti sostenibbli - jinfetaħ f’tab ġdida., proposta f’Marzu 2022, li tisfida l-mudell tradizzjonali tal-konsum “ħu-uża-armi”. L-għan tal-inizjattiva hu li tiżgura li l-prodotti jinbnew biex iservu, u b’hekk tnaqqas l-iskart u tikkonserva r-riżorsi.
Il-Kummissjoni tistma li t-tnaqqis fil-konsum tal-elettriku ta’ prodotti li jkunu fil-modalità standby se jiffranka 1.36 miljun tunnellata ta’ diossidu tal-karbonju fis-sena. Dan l-iffrankar hu tajjeb ukoll għall-but tal-konsumaturi minħabba li hu stmat li b’kollox, sal-2030, il-konsumaturi se jiffrankaw €530 miljun fis-sena.
Il-bidla għal enerġija nadifa u rinnovabbli hi essenzjali biex tintlaħaq il-mira tal-Patt Ekoloġiku Ewropew ta’ Ewropa newtrali għall-klima. Il-Pjan REPowerEU, li hu ċentrali għal din it-tranżizzjoni, jiffoka fuq il-produzzjoni tal-enerġija ekoloġika, l-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili Russi u l-promozzjoni tal-konservazzjoni tal-enerġija. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza - jinfetaħ f’tab ġdida. u l-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku - jinfetaħ f’tab ġdida. huma kruċjali fl-appoġġ tal-Pjan REPowerEU, billi jipprovdu appoġġ finanzjarju u strateġiku għall-bidla lejn l-enerġija rinnovabbli u għall-mira usa’ ta’ Ewropa newtrali għall-klima.
L-Ewropa ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050
Il-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku
Tissejjes il-kapaċità industrijali għat-teknoloġiji nodfa li jiffurmaw il-Patt Ekoloġiku Ewropew.
REPowerEU
Rispons għat-tfixkil fis-suq tal-enerġija b’enerġija affordabbli, sigura u sostenibbli għall-Ewropa.
Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza
Irkupru mill-pandemija u tħejjija għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.
Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għandha rwol sinifikanti fil-finanzjament ta’ proġetti u infrastruttura tal-enerġija ekoloġika biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn l-enerġija rinnovabbli, b’madwar 42 % tal-fondi tagħha ddedikati għat-tranżizzjoni ekoloġika. (Ara l-Kapitlu 2 għal aktar informazzjoni dwar il-faċilità.) L-Istati Membri qed jemendaw il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom biex jinkludu kapitlu ddedikat għall-Pjan REPowerEU, u dan ifisser li se juru kif se jindirizzaw l-objettivi tiegħu fil-pjanijiet ta’ rkupru tagħhom. Sal-lum, 23 Stat Membru ppreżentaw il-kapitli tagħhom rigward il-Pjan REPowerEU, b’€61.87 biljun mill-pjanijiet emendati allokati għan-networks tal-enerġija rinnovabbli u tal-enerġija, inkluż €35.51 biljun speċifikament għall-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tippermetti wkoll lill-Istati Membri jallokaw finanzjament għal Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni - jinfetaħ f’tab ġdida. f’oqsma bħall-idroġenu u l-batteriji.
Minbarra l-appoġġ tal-faċilità għall-investiment f’teknoloġiji maturi u teknoloġiji innovattivi tal-enerġija rinnovabbli, fl-2023 ġiet introdotta firxa ta’ inizjattivi usa’ biex jiġu indirizzati l-isfidi strutturali li jaffettwaw is-settur tal-enerġija nadifa tal-UE. Waħda minn dawn l-inizjattivi, il-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku, għandha l-għan li ssaħħaħ il-kompetittività tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti fl-UE (u b’hekk titħaffef it-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika) billi tibbaża fuq il-punti b’saħħithom tas-Suq Uniku. L-UE ssimplifikat ir-regolamenti sabiex ikun aktar faċli li tinkiseb il-materja prima meħtieġa għat-teknoloġiji nodfa, u ffaċilitat il-ksib ta’ finanzjament għat-teknoloġiji tal-enerġija ekoloġika. Hi impenjata li ttejjeb u ġġedded il-ħiliet tan-nies biex jaħdmu fis-settur tat-teknoloġija nadifa, u li ttejjeb il-kummerċ miftuħ biex żgur ikun hemm aċċess għall-materja prima u sabiex it-teknoloġiji ekoloġiċi jkunu jistgħu jirnexxu. B’riżultat ta’ dan, il-komunitajiet se jibbenefikaw mill-impjiegi ta’ kwalità għolja li tipprovdi l-industrija tat-teknoloġija nadifa, filwaqt li l-individwi se jgawdu l-vantaġġi ta’ ambjent aktar nadif u ta’ ekonomija tas-suq aktar sostenibbli.
Bħala parti mill-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku — speċifikament relatat mas-simplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju għas-settur tat-teknoloġija nadifa — f’Marzu 2023 il-Kummissjoni introduċiet ukoll proposti għal Att dwar il-Materja Prima Kritika - jinfetaħ f’tab ġdida. u Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti - jinfetaħ f’tab ġdida.. Dawn iż-żewġ Atti se jaħdmu id f’id biex jappoġġaw il-kapaċità tal-manifattura b’emissjonijiet żero netti tal-UE u biex jiżguraw id-disponibbiltà tal-materja prima meħtieġa għall-manifattura tat-teknoloġiji nodfa fl-UE.
Fil-kuntest tad-domanda globali għall-materja prima kritika, u f’ambjent ġeopolitiku li qed jinbidel malajr u li dejjem isir aktar diffiċli, hu kruċjali li jiġi żgurat li l-UE jkollha aċċess għal provvista sigura u sostenibbli ta’ dawn il-materjali. Dan hu essenzjali wkoll għall-kompetittività tal-UE, b’mod partikolari f’setturi bħat-teknoloġiji ekoloġiċi u diġitali u fl-industriji ajruspazjali u tad-difiża.
Maqbul formalment mill-Parlament u mill-Kunsill f’Novembru - jinfetaħ f’tab ġdida., l-Att dwar il-Materja Prima Kritika se jsaħħaħ il-kapaċitajiet domestiċi għall-materja prima kritika tul il-katina tal-provvista kollha. L-Att jistabbilixxi miri ċari biex sal-2030 jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-estrazzjoni, tal-ipproċessar u tar-riċiklaġġ. Barra minn hekk, l-UE se tiddiversifika s-sorsi tal-importazzjoni tagħha biex tevita li tiddependi fuq kwalunkwe fornitur uniku għal aktar minn 65 % tal-konsum tagħha. Din l-istrateġija tinkludi l-formazzjoni ta’ sħubijiet internazzjonali, appoġġati mill-Global Gateway - jinfetaħ f’tab ġdida..
L-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti se jsaħħaħ ir-reżiljenza u l-kompetittività tas-settur tal-UE għall-manifattura tat-teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti, filwaqt li jikkontribwixxi għal sistema tal-enerġija aktar sigura u sostenibbli. L-Att se jtejjeb il-kundizzjonijiet biex jiġu stabbiliti proġetti b’emissjonijiet żero netti fl-UE u biex jiġi attirat l-investiment. Jistabbilixxi mira ambizzjuża: sal-2030, il-kapaċità strateġika tal-UE għall-manifattura tat-teknoloġija b’emissjonijiet żero netti għandha tilħaq jew taqbeż l-40 % tal-ħtiġijiet tal-użu tal-UE. Jekk dan jinkiseb, se jitħaffu b’mod sinifikanti l-progress lejn il-miri klimatiċi u enerġetiċi tal-Unjoni Ewropea għall-2030 u t-tranżizzjoni usa’ lejn in-newtralità klimatika. Barra minn hekk, dan se jagħti spinta lill-kompetittività tal-industrija tal-UE, joħloq impjiegi ta’ kwalità għolja u jappoġġa l-isforzi tal-UE biex tinkiseb indipendenza enerġetika.
Fl-aħħar nett, l-għan tal-UE li tħaffef l-użu tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari dawk prodotti fl-Ewropa, hu rifless ukoll fil-politika tal-enerġija tagħha. Wieħed mill-akbar stadji importanti tal-2023 kien ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli - jinfetaħ f’tab ġdida. biex titħaffef l-introduzzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Din ir-reviżjoni għolliet il-mira tal-UE għall-enerġija rinnovabbli għal minimu ta’ 42.5 % sal-2030, bit-tir li tilħaq il-45 %, meta mqabbla mal-mira preċedenti ta’ 32 % stabbilita fl-2018. Id-Direttiva riveduta tindirizza l-ostakli u l-ineffiċjenzi reċenti billi tintroduċi miżuri ġodda dwar l-idroġenu rinnovabbli u dwar is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fit-trasport u fl-industrija. Tiċċara wkoll kwistjonijiet tekniċi, inkluż il-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijoenerġija, u r-regoli li qabel kienu temporanji u li ġew stabbiliti biex jitqassru u jiġu ssimplifikati l-proċeduri għall-ħruġ - jinfetaħ f’tab ġdida. ta’ permessi għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli, tagħmilhom permanenti.
Wara li fl-2022 adottat l-Istrateġija tal-UE dwar l-Enerġija Solari - jinfetaħ f’tab ġdida. u nediet is-Sħubija Industrijali tal-Bijometan - jinfetaħ f’tab ġdida., fl-2023 l-UE bdiet tiffoka fuq l-idroġenu rinnovabbli u l-enerġija mir-riħ.
F’termini tal-idroġenu u tal-bidu tal-operat ta’ din it-teknoloġija ġdida, l-ewwel pass kien li jiġi definit x’jgħodd bħala idroġenu rinnovabbli. Dan ġie stabbilit fl-Atti Delegati dwar l-Idroġenu - jinfetaħ f’tab ġdida., li stipulaw ukoll l-importanza li tinħoloq enerġija rinnovabbli addizzjonali għall-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli. L-istabbiliment ta’ dawn l-istandards tal-UE hu kruċjali għall-espansjoni ta’ dan is-settur.
F’Diċembru, ftehim politiku dwar il-pakkett tal-gass u l-idroġenu b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju - jinfetaħ f’tab ġdida. mmarka stadju importanti ieħor. Din l-inizjattiva hi mfassla biex tippromwovi l-użu tal-gassijiet rinnovabbli u tal-gassijiet b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, b’enfasi partikolari fuq l-istabbiliment ta’ suq għall-idroġenu rinnovabbli.
F’Marzu, l-Alleanza Ewropea għall-Idroġenu Nadif - jinfetaħ f’tab ġdida., stabbilita fl-2020 biex tappoġġa l-użu fuq skala kbira tat-teknoloġiji tal-idroġenu nadif sal-2030, ippubblikat pjan direzzjonali - jinfetaħ f’tab ġdida. dwar l-istandardizzazzjoni tal-idroġenu. Dan jipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva lejn id-diskrepanzi, l-isfidi u l-ħtiġijiet tal-istandardizzazzjoni identifikati mill-membri tal-alleanza. L-Alleanza ppubblikat ukoll learnbook bit-titlu Learnbook on Hydrogen Supply Corridors - jinfetaħ f’tab ġdida., li jipprovdi ħarsa ġenerali aġġornata tal-evoluzzjoni tal-proġetti infrastrutturali ewlenin madwar l-UE kollha li huma meħtieġa biex tiġi stabbilita s-Sinsla Ewropea tal-Idroġenu - jinfetaħ f’tab ġdida. b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Din hi inizjattiva li għandha l-għan li tagħmel użu kemm mill-pipelines tal-gass eżistenti kif ukoll minn dawk ġodda biex toħloq network tal-idroġenu madwar il-kontinent kollu.
Fir-rigward tal-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli, is-Sħubija Ewropea għall-Elettrolizzaturi ġeddet l-impenn - jinfetaħ f’tab ġdida. tagħha għad-dikjarazzjoni konġunta - jinfetaħ f’tab ġdida. tal-2022 dwar l-espansjoni tal-kapaċità tal-manifattura tal-elettrolizzaturi tal-UE b’fattur ta’ 10 sal-2025.
Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li tistabbilixxi faċilità tal-idroġenu pan-Ewropea bl-isem Bank Ewropew tal-Idroġenu - jinfetaħ f’tab ġdida.. Il-Bank tal-Idroġenu se jiżgura s-sigurtà tal-investiment u l-opportunitajiet tan-negozju għall-produzzjoni Ewropea u globali tal-idroġenu rinnovabbli. Se jagħmel dan permezz ta’ żewġ mekkaniżmi ta’ finanzjament (wieħed biex jistimula l-produzzjoni tal-idroġenu tal-UE u l-ieħor għall-importazzjonijiet internazzjonali fl-UE); billi jivvaluta d-domanda u l-ħtiġijiet tal-infrastruttura; u billi jikkoordina sorsi differenti ta’ finanzjament għal investiment aktar simplifikat fl-idroġenu sostenibbli.
F’Marzu, il-Kummissjoni ffirmat dikjarazzjoni konġunta - jinfetaħ f’tab ġdida. mal-partijiet ikkonċernati Ewropej biex tagħti spinta lir-riċerka u lill-innovazzjoni dwar l-idroġenu rinnovabbli sabiex tavvanza l-użu tal-idroġenu rinnovabbli u tmexxi ’l quddiem it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa.
L-UE ħadet ukoll azzjoni biex tħaffef l-użu tal-enerġija mir-riħ u l-innovazzjoni fiha. Għall-kuntrarju tal-enerġija mill-idroġenu, li għadha fl-istadji bikrija tagħha, is-settur tal-enerġija mir-riħ tal-UE diġà hu storja ta’ suċċess. Dan is-settur kiseb kost livellat tal-enerġija li hu daqs dak tal-fjuwils fossili jew saħansitra inqas minnu - PDF file – jinfetaħ f’tab ġdida., u fl-2023 (minn Jannar sa Awwissu), l-enerġija mir-riħ kienet tammonta, bħala medja, għal 17.2 % - jinfetaħ f’tab ġdida. tal-elettriku kkunsmat fl-UE. Madankollu, għad fadal xi kwistjonijiet. Xi wħud mill-isfidi ffaċċjati huma d-dewmien fil-ħruġ tal-permessi, in-nuqqas ta’ ħiliet u l-mod li bih l-offerti nazzjonali huma mfassla biex jiffavorixxu l-kost minflok is-sostenibbiltà. Barra minn hekk, il-manifatturi tat-turbini tar-riħ m’għandhomx pjanijiet ċari rigward l-użu tal-enerġija mir-riħ mill-Istati Membri, u dan jikkomplika l-ippjanar tal-proġetti fil-kuntest taż-żieda f’daqqa fil-kompetizzjoni globali u fil-kostijiet tal-komoditajiet.
Biex tindirizza xi wħud mill-kwistjonijiet li għadhom preżenti fis-settur, f’Ottubru l-Kummissjoni ppreżentat il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għall-Enerġija mir-Riħ - jinfetaħ f’tab ġdida..
Il-pjan ta’ azzjoni jinkludi t-tnedija tal-inizjattiva Accele-RES, li se tgħin fid-diġitalizzazzjoni tal-proċess tal-ħruġ tal-permessi u se tniedi għodda online ddedikata biex tassisti fil-proċeduri tal-ħruġ tal-permessi. Barra minn hekk, il-pjan se jsaħħaħ il-kompetittività tal-industrija tal-manifattura tal-enerġija mir-riħ tal-UE billi jagħmilha aktar faċli għall-manifatturi tal-UE biex jaċċessaw is-swieq barranin; joffri protezzjoni kontra d-distorsjonijiet tal-kummerċ (bħas-sussidjar inġust ta’ prodotti relatati mar-riħ li jiġu importati fl-UE); u jistandardizza t-tagħmir tal-enerġija mir-riħ biex tittejjeb l-interoperabbiltà, il-kwalità u s-sostenibbiltà.
Fl-aħħar nett, fi tmiem l-2023, 21 Stat Membru ppreżentaw wegħdiet dwar l-enerġija mir-riħ - jinfetaħ f’tab ġdida., li fihom jindikaw il-proġetti tal-enerġija mir-riħ u l-volumi tal-użu tal-enerġija mir-riħ li jipprevedu għall-futur immedjat (2024–2026). Dan se joħloq aktar ċertezza kemm għall-manifatturi kif ukoll għall-investituri, u b’hekk iwassal għat-tnedija ta’ aktar proġetti tal-enerġija mir-riħ.
Il-bidla għall-enerġija rinnovabbli tfisser ukoll li jinstabu modi kif din tinqabad u tinħażen għal żminijiet meta, pereżempju, ma jkunx hemm riħ jew xemx.
Wieħed mill-modi kif jinħażnu s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli hu bl-użu tal-batteriji. Mill-2017 ’l hawn, l-Alleanza Ewropea tal-Batteriji - jinfetaħ f’tab ġdida., stabbilita mill-UE biex tappoġġa l-ekosistema Ewropea tal-batteriji, kellha rwol vitali fl-appoġġ tal-progress f’dan il-qasam. Is-seba’ laqgħa ta’ livell għoli - PDF file – jinfetaħ f’tab ġdida. tagħha saret f’Marzu 2023, u fiha saret enfasi tal-importanza li jkun hemm biżżejjed nies li jiġu mgħammra bil-ħiliet meħtieġa għall-industrija tal-batteriji.
L-iżgurar ta’ tranżizzjoni ġusta u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema fl-industriji li huma affettwati mill-bidla għal enerġija nadifa huma aspetti importanti oħra tat-tranżizzjoni lejn sorsi tal-enerġija rinnovabbli. F’dan l-isfond, l-Unjoni Ewropea għażlet l-2023 bħala s-Sena tal-Ħiliet. (Għal aktar dettalji, ara l-Kapitlu 6.)
Fl-2023, minbarra li indirizzat in-nuqqas ta’ ħiliet speċifiċi permezz ta’ inizjattivi bħall-Pjan ta’ Azzjoni għall-Enerġija mir-Riħ, il-Kummissjoni għenet fit-tnedija ta’ sħubija tal-ħiliet fuq skala kbira għall-industriji intensivi fl-enerġija - jinfetaħ f’tab ġdida. u sħubija fuq skala kbira għall-ħiliet fl-enerġija rinnovabbli - jinfetaħ f’tab ġdida.. Dawn is-sħubijiet se jiżguraw li l-forzi tax-xogħol minn dawn l-industriji jkunu mgħammra bil-ħiliet xierqa biex ilaħħqu mat-tranżizzjoni tal-UE lejn l-enerġija rinnovabbli u jgħinuhom jinnavigaw is-suq tax-xogħol li qed jinbidel. Is-sħubijiet għandhom kemm l-għan li jidentifikaw diskrepanzi fil-ħiliet kif ukoll l-għan li jiżviluppaw kurrikuli u programmi ta’ taħriġ xierqa biex jindirizzaw dawn id-diskrepanzi.
It-tranżizzjoni tal-enerġija tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura
Fi Frar 2023, il-Kummissjoni ppreżentat komunikazzjoni dwar it-tranżizzjoni tal-enerġija tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura tal-UE - jinfetaħ f’tab ġdida.. L-għan tal-miżuri fil-qafas ta’ din l-inizjattiva hu li jappoġġaw it-tranżizzjoni tas-settur lejn sorsi tal-enerġija aktar nodfa, u b’hekk jgħinu biex titnaqqas id-dipendenza attwali tas-settur fuq il-fjuwils fossili, li mhijiex biss ambjentalment insostenibbli, iżda tagħmel ukoll lil dan is-settur vulnerabbli għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija. (Għal aktar dettalji, ara l-Kapitlu 3.)
Dawn is-sħubijiet jikkomplementaw ukoll l-inizjattivi eżistenti, bħall-Akkademja tal-Alleanza Ewropea tal-Batteriji - jinfetaħ f’tab ġdida., li għandha l-għan li tħarreġ lill-ħaddiema u li ttejjeb u ġġedded il-ħiliet tagħhom biex jissodisfaw id-domanda għal ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati fil-katina tal-valur Ewropea tal-batteriji li qed tikber b’rata mgħaġġla. Bħalissa, l-akkademja qed tiżviluppa u tintroduċi taħriġ mill-aktar avvanzat f’kooperazzjoni mal-fornituri tal-edukazzjoni u tat-taħriġ madwar l-Istati Membri kollha.
L-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti u l-Att dwar il-Materja Prima Kritika introduċew ukoll inizjattivi ewlenin biex jippromwovu forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati fl-UE. L-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti jistabbilixxi Akkademji tal-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti biex jappoġġaw il-produzzjoni ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti. Bl-istess mod, l-Att dwar il-Materja Prima Kritika joħloq Akkademja tal-Materja Prima li tiffoka fuq it-tisħiħ tal-ħiliet li huma essenzjali għall-forza tax-xogħol fil-katina tal-provvista tal-materja prima kritika.
L-2023 rat ukoll it-tnedija tad-Djalogi dwar it-Tranżizzjoni Nadifa. L-ewwel - jinfetaħ f’tab ġdida. wieħed iffoka fuq l-idroġenu billi laqqa’ flimkien rappreżentanti tal-katina tal-valur tal-idroġenu sħiħa biex jiskambjaw l-ideat u l-aħjar prattiki dwar kif tista’ tissaħħaħ id-dimensjoni industrijali tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. It-tieni djalogu - jinfetaħ f’tab ġdida. sar ma’ rappreżentanti ta’ industriji intensivi fl-enerġija.
Fl-aħħar nett, biex tappoġġa l-bidla għall-enerġija rinnovabbli, l-UE qed tagħti pariri prattiċi lill-Istati Membri u qed toffrilhom gwida mfassla apposta għalihom permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku. Fl-2023, dan l-istrument għen lil 17-il Stat Membru jidentifikaw ir-riformi u l-investimenti meħtieġa għall-eliminazzjoni gradwali tal-fjuwils fossili Russi - jinfetaħ f’tab ġdida.. L-oqsma ta’ appoġġ tekniku kienu jinkludu ħruġ ta’ permessi aktar malajr għall-enerġija rinnovabbli; l-effiċjenza enerġetika u r-rinnovazzjoni tal-bini; il-produzzjoni tal-idroġenu u tal-bijometan; id-diversifikazzjoni tal-provvista tal-gass; u d-dekarbonizzazzjoni tal-industrija. Dan l-appoġġ se jikkontribwixxi għall-kisba tat-tranżizzjoni ekoloġika u għat-tnaqqis fil-prezz tal-enerġija, għall-benefiċċju tal-individwi u tan-negozji.