Kapitlu 1 – Ir-rispons tal-UE għall-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna

Ħaddiema umanitarja tal-Unjoni Ewropea, li tingħaraf mill-bandiera Ewropea fuq wara tal-ġakketta tagħha, u Oksana, id f’id iħarsu lejn xulxin.
It-truppi Russi ppruvaw jinterrogaw lil Oksana fir-rigward tan-neputi tagħha, suldat Ukren. Ladarba rtiraw, id-dar tagħha nqerdet mill-artillerija. Il-finanzjament umanitarju tal-UE qed jgħin lil persuni bħal Oksana billi jipprovdilhom ikel, ilma, oġġetti essenzjali tad-dar, kura tas-saħħa, inkluż l-appoġġ psikosoċjali u għas-saħħa mentali, u kenn ta’ emerġenza. Il-21 ta’ Marzu 2023.

Introduzzjoni

Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna hija theddida għall-vera essenza tad-demokrazija, u tfakkar lill-komunità globali dwar il-perikli tal-awtoritarjaniżmu. L-appoġġ sod tal-Unjoni Ewropea lill-Ukrajna huwa iktar minn solidarjetà ma’ pajjiż ġar fil-konfront ta’ invażjoni illegali u mhux ġustifikata; jirrifletti impenn komuni favur il-prinċipji demokratiċi u s-salvagwardja tal-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u l-paċi fl-Ewropa.

Fl-2023, l-UE kompliet tipprovdi appoġġ lill-Ukrajna fid-dawl tal-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata mir-Russja u l-annessjoni illegali tagħha ta’ partijiet mit-territorju Ukren. Dan il-kapitlu juri d-diversi modi li bihom l-UE tappoġġa lill-Ukrajna, li jinkludu l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja, ta’ protezzjoni ċivili u umanitarja; il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni; l-akkoljenza lir-refuġjati Ukreni; l-assistenza u t-taħriġ militari; l-assistenza fid-difiża u r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna; u l-iżgurar li r-Russja tiffaċċja l-konsegwenzi għar-reati tagħha permezz ta’ sanzjonijiet u prosekuzzjoni.

Solidarjetà mal-Ukrajna

Assistenza finanzjarja u appoġġ militari

Sa tmiem l-2023, l-UE u l-Istati Membri tagħha kienu għamlu disponibbli qrib €85 biljun f’assistenza kumplessiva - jinfetaħ f’tab ġdida. lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha mill-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja. Din tinkludi, b’mod partikolari, €25.2 biljun ta’ assistenza makrofinanzjarja - jinfetaħ f’tab ġdida., inkluż pakkett ta’ appoġġ ta’ €18-il biljun - jinfetaħ f’tab ġdida. għall-Ukrajna fl-2023 permezz tal-istrument ta’ Assistenza Makrofinanzjarja Plus. L-assistenza makrofinanzjarja hija tip ta’ għajnuna finanzjarja pprovduta mill-UE biex tgħin lill-pajjiżi sħab li qed jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji serji jistabbilizzaw l-ekonomiji tagħhom u jagħmlu r-riformi meħtieġa. Dawn il-fondi qed jgħinu lill-Ukrajna tkompli tħallas il-pagi u l-pensjonijiet; iżżomm is-servizzi pubbliċi essenzjali għaddejjin, bħal sptarijiet, skejjel, u djar għall-persuni rilokati; u tirrestawra l-infrastruttura kritika. Qed jgħinu wkoll lill-pajjiż iwettaq riformi istituzzjonali, bħal riformi ġudizzjarji u kontra l-korruzzjoni.

L-assistenza militari kkombinata pprovduta lill-Ukrajna mill-UE u mill-Istati Membri tagħha sal-lum tammonta għal iktar minn €27 biljun, inkluż €5.6 biljun allokati permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi - jinfetaħ f’tab ġdida.. Din tinkludi l-akkwist konġunt u l-konsenja immedjata tal-munizzjon lill-Ukrajna maqbula f’Marzu 2023 - PDF file – jinfetaħ f’tab ġdida., b’madwar 313,600 balla ta’ munizzjon u 3,315-il missila kkonsenjati fi tmiem is-sena. Il-Faċilità Ewropea għall-Paċi qed tikkontribwixxi wkoll għat-titjib tal-kapaċitajiet tal-Forzi Armati Ukreni permezz tal-Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-UE b’Appoġġ għall-Ukrajna - jinfetaħ f’tab ġdida., b’allokazzjoni ta’ €362 miljun ġestita mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Il-biċċa l-kbira tal-kumplament tal-assistenza militari lill-Ukrajna hija pprovduta u ffinanzjata bilateralment mill-Istati Membri.

Il-Kummissarji Ewropej u l-membri tal-Gvern Ukren bilwieqfa f’taraġ taħt diversi bnadar Ukreni u Ewropej. Ursula von der Leyen, Volodymyr Zelenskyy u Denys Šmyhal fuq quddiem nett tal-grupp fuq tapit aħmar.
Il-laqgħa tal-Kummissjoni Ewropea mal-Gvern Ukren f’Kiev, l-Ukrajna, it-2 ta’ Frar 2023.
Appoġġ militari

Il-Faċilità Ewropea għall-Paċi hija strument li jintuża biex jiffinanzja l-azzjoni esterna li għandha implikazzjonijiet militari jew tad-difiża. Tippermetti wkoll l-għoti ta’ assistenza lill-pajjiżi sħab f’operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi. Hija ffinanzjata mill-Istati Membri.

Il-faċilità kellha rwol ċentrali fl-għoti ta’ appoġġ militari lill-Ukrajna. Mill-bidu tal-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-UE adottat seba’ pakketti ta’ appoġġ permezz ta’ dan l-istrument. L-appoġġ jieħu l-forma ta’ konsenji ta’ tagħmir militari difensiv lill-Forzi Armati Ukreni, flimkien mal-inizjattiva tal-munizzjon bi tliet binarji biex jiġu appoġġati l-Forzi Armati Ukreni, għal ammont totali ta’ €5.6 biljun.

Permezz tal-faċilità, l-UE qed tiffinanzja wkoll it-taħriġ tal-Forzi Armati Ukreni permezz tal-Missjoni ta’ Assistenza Militari tal-UE, li għandha l-kwartieri ġenerali fil-Polonja u fil-Ġermanja. Għalhekk, għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, l-UE qed tipprovdi taħriġ militari lil pajjiż fi gwerra. Sa tmiem l-2023, il-missjoni kienet ħarrġet lil madwar 39,000 suldat Ukren.

Bi tweġiba għas-sejħa urġenti tal-Kunsill biex jiġi kkonsenjat il-munizzjon lill-Ukrajna, il-Kummissjoni pproponiet l-Att b’Appoġġ għall-Produzzjoni tal-Munizzjon - jinfetaħ f’tab ġdida. f’Mejju 2023. L-att ġie adottat f’Lulju u għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċità ta’ rispons tal-industrija tad-difiża tal-UE u l-kapaċità tagħha li tiżgura l-provvista f’waqtha ta’ munizzjon u ta’ missili fl-Ewropa. Il-Kummissjoni allokat €500 miljun għal dan l-iskop, bl-użu ta’ għotjiet li għandhom jinħarġu fl-2024 biex tittejjeb u titħaffef il-produzzjoni. (Ara l-Kapitlu 8 għad-dettalji dwar il-kapaċitajiet imtejba tad-difiża tal-UE.)

It-total imsemmi hawn fuq ta’ kważi €85 biljun jinkludi wkoll €17-il biljun disponibbli għall-Istati Membri biex jospitaw u jappoġġaw lir-refuġjati. L-UE qed tipprovdi protezzjoni temporanja - jinfetaħ f’tab ġdida. lil kważi 4.2 miljun refuġjat Ukren li attwalment jgħixu fl-UE.

L-UE, flimkien mal-Istati Membri tagħha, impenjat ukoll madwar €3 biljun għall-għajnuna umanitarja fl-Ukrajna - jinfetaħ f’tab ġdida.. Minn dan l-ammont, il-Kummissjoni pprovdiet direttament madwar €800 miljun. (Ara t-taqsima “Għajnuna umanitarja u protezzjoni ċivili għall-Ukrajna” hawn taħt għal iktar dettalji.)

Volodymyr Zelenskyy u Josep Borrell bilwieqfa ħdejn xulxin.
Volodymyr Zelenskyy, il-President tal-Ukrajna (fuq quddiem, in-naħa tal-lemin), u Josep Borrell, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli minn Ewropa Aktar b’Saħħitha fid-Dinja (fuq quddiem, in-naħa tax-xellug), qabel laqgħa madwar mejda fil-Kunsill Ewropew Straordinarju fi Brussell, il-Belġju, id-9 ta’ Frar 2023. © AFP

F’Ġunju, l-Ukrajna ngħatat aċċess għall-programm tal-UE għall-finanzjament tal-infrastruttura - jinfetaħ f’tab ġdida., il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa - jinfetaħ f’tab ġdida.. Dan ifisser li l-Ukrajna issa tista’ tapplika għall-finanzjament mill-UE għal proġetti tal-infrastruttura li se jtejbu l-konnessjonijiet diġitali, tal-enerġija u tat-trasport tagħha mal-UE. Fl-2023 kien hemm ukoll id-deċiżjoni - PDF file – jinfetaħ f’tab ġdida. storika tal-UE li tiftaħ in-negozjati tal-adeżjoni mal-Ukrajna, filwaqt li rrikonoxxiet l-isforzi sinifikanti li għamlet biex tallinja mal-istandards tal-UE (ara l-Kapitlu 8).

Finalment, l-UE appoġġat ukoll lill-ġirien tal-Ukrajna matul is-sena, b’mod partikolari l-Moldova, li rċeviet €58 miljun f’assistenza umanitarja, żieda fl-assistenza makrofinanzjarja u aċċess għall-programm tal-UE għall-finanzjament tal-infrastruttura - jinfetaħ f’tab ġdida..

89 % tan-nies fl-UE jaqblu li l-UE għandha tkompli tipprovdi appoġġ umanitarju lill-persuni affettwati mill-gwerra fl-Ukrajna.

85 % tan-nies fl-UE jaqblu li l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja turi li l-UE għandha tiżgura s-sigurtà enerġetika u ekonomika tagħha.

79 % tan-nies fl-UE jaqblu li l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja turi li l-UE jeħtieġ li żżid il-kooperazzjoni militari bejn l-Istati Membri.

77 % tan-nies fl-UE jaqblu li l-awtoritajiet Russi għandhom jinżammu responsabbli għas-sitwazzjoni attwali fl-Ukrajna.

71 % tan-nies fl-UE jaqblu li l-UE għandha tkompli turi solidarjetà mal-Ukrajna.

Sanzjonijiet tal-UE

Minbarra l-għajnuna finanzjarja u appoġġ tanġibbli ieħor għall-Ukrajna u l-poplu tagħha, l-UE imponiet sanzjonijiet bla preċedent u estensivi kontra r-Russja b’rispons għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna.

Is-sanzjonijiet huma wieħed mill-istrumenti tal-UE b’rispons għal din il-gwerra inġusta u illegali, bl-għan li tiddgħajjef il-kapaċità ekonomika tar-Russja u tiġi limitata l-kapaċità tagħha li tiffinanzja l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha. F’dan is-sens, is-sanzjonijiet jissodisfaw l-objettiv ewlieni tal-UE, li huwa li tkompli taħdem għal paċi ġusta u dejjiema. Mit-23 ta’ Frar 2022, l-UE imponiet total ta’ 12-il pakkett ta’ sanzjonijiet kontra r-Russja. Dawn huma mmirati mhux biss lejn persuni u entitajiet speċifiċi, iżda anke lejn is-setturi finanzjarji, industrijali, tat-trasport u tal-enerġija.

Fi Frar u f’Ġunju 2023, l-UE adottat l-10 - jinfetaħ f’tab ġdida. u l-11-il - jinfetaħ f’tab ġdida. pakkett ta’ sanzjonijiet tagħha kontra r-Russja. Dawn żiedu 225 individwu u entità mal-lista tas-sanzjonijiet tal-UE. Il-miżuri addizzjonali inkludew projbizzjonijiet ġodda fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti teknoloġiċi u industrijali kritiċi lejn ir-Russja, b’mod partikolari t-teknoloġija b’applikazzjonijiet militari potenzjali. Barra minn hekk, dawn il-pakketti mmiraw lejn sorsi Russi addizzjonali ta’ diżinformazzjoni, espandew il-lista ta’ importazzjonijiet ipprojbiti mill-pajjiż u introduċew miżuri biex jipprevjenu ċ-ċirkomvenzjoni ta’ dawn is-sanzjonijiet, inkluż sforzi għal kooperazzjoni akbar ma’ pajjiżi ewlenin mhux tal-UE biex jiġu mmonitorjati, ikkontrollati u imblokkati aħjar ir-riesportazzjonijiet.

It-12-il - jinfetaħ f’tab ġdida. pakkett ta’ sanzjonijiet u l-iktar reċenti ġie adottat fit-18 ta’ Diċembru, u żied 140 individwu u kumpanija oħra mal-lista tas-sanzjonijiet. Ġew stabbiliti wkoll projbizzjonijiet ġodda fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni — bħal projbizzjoni fuq l-esportazzjoni tad-djamanti Russi lejn l-UE — u dawn se jitwettqu f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab tal-G7. Barra minn hekk, il-pakkett saħħaħ l-implimentazzjoni tal-limitu massimu tal-prezz taż-żejt billi introduċa miżuri ġodda biex jiġi mmonitorjat aħjar kif it-tankers qed jintużaw għaċ-ċirkomvenzjoni tal-limitu massimu. Dan kien jinkludi wkoll obbligi iktar stretti dwar it-traċċar tal-assi u miżuri rigorużi fil-konfront tal-kumpaniji ta’ pajjiżi mhux tal-UE li jwettqu ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet.

Flimkien mas-sħab tagħha, l-UE qablet dwar lista prijoritarja ta’ oġġetti sanzjonati fil-kamp tal-battalja - PDF file – jinfetaħ f’tab ġdida.. In-negozji għandhom japplikaw id-diliġenza dovuta fir-rigward ta’ dawn l-oġġetti, u l-pajjiżi mhux tal-UE ma għandhomx jesportawhom lejn ir-Russja. Barra minn hekk, l-UE identifikat oġġetti ekonomikament kritiċi - PDF file – jinfetaħ f’tab ġdida. li qed jesperjenzaw flussi kummerċjali anomali. Dawn l-oġġetti ġew traċċati li ġew ittrasportati lejn ir-Russja minn ċerti pajjiżi mhux tal-UE.

Il-miżuri tal-iffriżar tal-assi huma waħda mill-iktar tipi ta’ sanzjonijiet viżibbli u politikament importanti. B’kollox, attwalment kważi 1,950 entità u individwu - jinfetaħ f’tab ġdida. huma soġġetti għal miżuri restrittivi, u ġew iffriżati iktar minn €28 biljun ta’ assi tal-oligarki u tal-kumpaniji Russi u Belarussi. L-Istati Membri rrapportaw ukoll iktar minn €200 biljun ta’ assi ffriżati tal-bank ċentrali Russu fl-UE.

Il-gwerra stess, u l-miżuri restrittivi, qed ipoġġu l-ekonomija tar-Russja taħt pressjoni konsiderevoli, peress li qed jikkontribwixxu għal nefqa li qed tikber b’rata mgħaġġla, deprezzament tar-rublu, żieda fl-inflazzjoni u suq tax-xogħol strett li jirrifletti t-telf ta’ ħaddiema. Ir-rublu tilef madwar 40 % tal-valur tiegħu mill-quċċata tiegħu fis-sajf tal-2022, u dan ġiegħel lill-bank ċentrali Russu jgħolli r-rati tal-imgħax tiegħu minn 8 % għal 16 % u jsaħħaħ il-kontrolli tal-kapital. Id-dħul tal-baġit miż-żejt u mill-gass naqas b’40 % fl-2023 bis-saħħa tal-limitu massimu tal-prezz taż-żejt maqbul mas-sħab tal-G7. Dan l-effett se jkompli jintensifika maż-żmien, peress li l-miżuri tfasslu biex ikollhom impatt fit-tul fuq il-baġit tar-Russja u fuq il-bażi industrijali u teknoloġika tagħha.

Qed jiġu imposti wkoll sanzjonijiet fuq l-alleat tar-Russja, il-Belarussja. Fit-3 ta’ Awwissu 2023, il-Kunsill adotta s-seba’ pakkett ta’ sanzjonijiet - jinfetaħ f’tab ġdida. b’rispons għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili fil-pajjiż. L-UE mhijiex qed timponi sanzjonijiet ġenerali fuq il-pajjiż kollu, iżda minflok qed timmira lejn setturi strateġiċi tal-ekonomija Belarussa, bħall-kummerċ tal-armi, il-kummerċ f’teknoloġiji b’użu militari potenzjali u l-kummerċ ta’ oġġetti li jintużaw fl-industriji tal-avjazzjoni u tal-ispazju.

Il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni

Permezz tal-mezzi tal-aħbarijiet tal-istat u l-istazzjonijiet affiljati tagħha, ir-Russja xxerred informazzjoni żbilanċjata u propaganda tal-gwerra, bit-tentattiv li tirrazzjonalizza l-azzjonijiet aggressivi tagħha kontra l-Ukrajna u tixħet il-ħtija fuq l-Ukrajna u l-Punent. Sabiex tiġġieled dan, l-UE tappoġġa l-ħidma tal-Ukrajna biex jintlaħqu s-sħab globali, inkluż fil-fora u fid-diskussjonijiet internazzjonali. L-UE taġixxi fuq ħafna livelli biex tilħaq kemm jista’ jkun nies, filwaqt li tappoġġa l-istituzzjonijiet tal-gvern, is-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet tal-media u l-pjattaformi online skont il-Kodiċi ta’ Prattika aġġornat dwar id-Diżinformazzjoni - jinfetaħ f’tab ġdida..

Bħala parti mis-sanzjonijiet kontra r-Russja, l-UE ssospendiet l-attivitajiet tax-xandir ta’ bosta mezzi Russi ta’ diżinformazzjoni tal-istat u favur il-Kremlin. B’mod iktar ġenerali, l-2023 immarkat bidla fl-andament tal-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni fl-UE. Bid-dħul fis-seħħ tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali - jinfetaħ f’tab ġdida., il-fornituri tal-pjattaformi online kbar ħafna u tal-magni tat-tiftix online kbar ħafna jeħtieġ li jevalwaw b’mod regolari kwalunkwe riskju potenzjali għas-soċjetà maħluq mis-servizzi tagħhom. Dawn jinkludu t-theddidiet għal-libertà tal-espressjoni u r-riskju li s-servizzi tagħhom jintużaw għal kampanji ta’ diżinformazzjoni.

PODCAST Isma’ jew aqra dan l-artiklu ppubblikat minn EUvsDisinfo dwar il-mod kif ir-Russja ddawwar il-verità kif trid hi.

F’Lulju, il-Kummissjoni nediet sejħa għal proposti - jinfetaħ f’tab ġdida. b’valur ta’ €1.2 miljun għal proġetti li jistgħu jiddeċifraw kif in-narrattivi ta’ diżinformazzjoni dwar il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-elezzjonijiet u l-komunità LGBTIQ jitfaċċaw online u offline, u kif għandhom jiġu indirizzati ladarba jitfaċċaw. Dawn il-proġetti se jiffurmaw parti mill-isforzi usa’ għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, bħall-pjattaforma EUvsDisinfo - jinfetaħ f’tab ġdida. u s-Sistema ta’ Twissija Rapida - PDF file – jinfetaħ f’tab ġdida..

Fl-2023 komplew il-komunikazzjoni u l-kampanji mmirati fuq il-media soċjali biex titgiddeb id-diżinformazzjoni Russa dwar is-sanzjonijiet u dwar is-sigurtà tal-ikel u tal-enerġija. Finalment, biex jiġi żgurat li l-persuni spostati mill-Ukrajna jkunu konxji mid-drittijiet tagħhom, il-Kummissjoni wettqet kampanja ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-importanza li jintużaw sorsi uffiċjali ta’ informazzjoni.

Għajnuna umanitarja u protezzjoni ċivili għall-Ukrajna

Il-finanzjament umanitarju u l-protezzjoni ċivili tal-UE - jinfetaħ f’tab ġdida. jgħinu lin-nies fl-Ukrajna permezz ta’ diversi forom ta’ appoġġ. B’kollox, din l-għajnuna tiswa madwar €1.6 biljun (madwar €800 miljun f’għajnuna umanitarja u €800 miljun f’offerti mhux finanzjarji tal-protezzjoni ċivili). L-għajnuna umanitarja tinkludi l-għoti ta’ ikel, ilma, oġġetti essenzjali tad-dar, kura tas-saħħa, saħħa mentali u appoġġ psikosoċjali, u kenn ta’ emerġenza. L-għajnuna tal-UE lill-Ukrajna tinkludi wkoll l-għajnuna liż-żgħażagħ Ukreni biex ikomplu l-edukazzjoni tagħhom u l-għotjiet ta’ flus kontanti biex jiġu koperti l-ħtiġijiet bażiċi. L-UE tikkoordina l-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp tagħha permezz ta’ approċċ nexus - jinfetaħ f’tab ġdida., filwaqt li tiżgura mhux biss li tindirizza l-ħtiġijiet immedjati, iżda anke li tkun sostenibbli fit-tul.

L-appoġġ psikosoċjali huwa estiż għall-persuni spostati fl-Istati Membri permezz tal-programm EU4Health - jinfetaħ f’tab ġdida. u, fil-biċċa l-kbira, bil-kollaborazzjoni tal-Federazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet tas-Salib l-Aħmar u n-Nofs Qamar l-Aħmar. Barra minn hekk, l-UE qed tikkoordina l-evakwazzjonijiet mediċi ta’ pazjenti Ukreni li għandhom bżonn urġenti ta’ trattament, billi jiġu ttrasferiti fi sptarijiet madwar l-Ewropa biex jirċievu kura speċjalizzata. Kważi 3,000 pazjent li kellhom bżonn evakwazzjoni medika rnexxielhom jiġu ttrasferiti lejn 22 Stat Membru jew pajjiż taż-Żona Ekonomika Ewropea bejn Marzu 2022 u d-19 ta’ Diċembru 2023.

Permezz taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza - jinfetaħ f’tab ġdida. tagħha, l-UE qed tikkoordina l-ikbar operazzjoni tal-protezzjoni ċivili li qatt kellha biex tipprovdi assistenza ta’ emerġenza lill-persuni fil-bżonn (ara l-Kapitlu 8).

Is-27 Stat Membru kollha, flimkien mal-Iżlanda, mal-Maċedonja ta’ Fuq, man-Norveġja, mas-Serbja u mat-Turkija, offrew assistenza mhux finanzjarja permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili, li tvarja minn provvisti mediċi, oġġetti ta’ kenn u vetturi għal tagħmir tat-tifi tan-nar u tal-enerġija. Biex tidderieġi dawn l-oġġetti ta’ emerġenza lejn l-Ukrajna, l-UE fetħet ċentri loġistiċi addizzjonali fil-Polonja, fir-Rumanija u fis-Slovakkja. Sa tmiem l-2023, kważi 100,000 tunnellata ta’ din it-tip ta’ assistenza kienu ġew ikkonsenjati lill-Ukrajna.

Ġeneratur kbir tal-enerġija sospiż fl-arja minn krejn, qed jitgħabba fuq bastiment.
© Litgrid
Ġeneratur tal-enerġija qed jitgħabba fuq wara ta’ trakk f’sit industrijali mimli borra.
Fil-mira tagħha r-Russja għandha l-infrastruttura tal-enerġija tal-Ukrajna. Biex tipprovdi enerġija lis-servizzi Ukreni kif ukoll tisħin fix-xitwa meta t-temperatura tkun baxxa ħafna, l-UE tat donazzjoni ta’ aktar minn 5,500 ġeneratur tal-enerġija u aktar minn 6 miljun biċċa ta’ tagħmir elettriku. Dan it-transformer, li jiswa aktar minn €2 miljun, ġie offrut minn Litgrid, kumpanija tal-elettriku Litwana, u hu parti mill-akbar operazzjoni loġistika kkoordinata mill-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili. L-24 ta’ Jannar 2023. © Litgrid

L-UE mmobilizzat ukoll assistenza mir-riżervi tar-rescEU - jinfetaħ f’tab ġdida. tagħha. Ir-rescEU hija riżerva ta’ kapaċitajiet Ewropej, iffinanzjata għalkollox mill-UE. Tinkludi flotta ta’ ajruplani u ħelikopters tat-tifi tan-nar, ajruplani tal-evakwazzjoni medika u riżerva ta’ oġġetti mediċi u sptarijiet fuq il-post li jistgħu jirrispondu għall-emerġenzi. Għall-Ukrajna, l-UE mmobilizzat ġeneraturi tal-enerġija, tagħmir mediku u unitajiet temporanji ta’ kenn.

Barra minn hekk, intbagħtu impjanti tat-trattament tal-ilma b’rispons għall-ksur tad-diga ta’ Nova Kakhovka - jinfetaħ f’tab ġdida., filwaqt li ġie fornut tagħmir speċjalizzat — bħal dekontaminanti, ilbies ta’ protezzjoni u pilloli tal-jodju — b’rispons għar-riskji għas-saħħa pubblika, bħal theddidiet kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari.

Biex tgħin lit-tfal Ukreni jerġgħu lura l-iskola, f’Diċembru 2022 l-UE nediet il-kampanja “Xarabanks tal-iskola għall-Ukrajna - jinfetaħ f’tab ġdida.”. Permezz tagħha, l-UE u l-Istati Membri tagħha bagħtu iktar minn 380 xarabank lill-Ukrajna.

Xarabank li qed tiġi ttrasportata fuq wara ta’ trakk.
Xarabank mogħtija mill-belt tal-Lussemburgu tħalli ċ-ċentru loġistiku tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili, Suceava, ir-Rumanija, Lulju 2023.

Nilqgħu lil dawk li qed jaħarbu mill-gwerra

Il-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna wasslet għall-ikbar spostament furzat ta’ nies fl-Ewropa mit-Tieni Gwerra Dinjija. Biex tipproteġi d-drittijiet tan-nies li qed jaħarbu lejn l-UE mill-Ukrajna, l-UE malajr introduċiet id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja - jinfetaħ f’tab ġdida.. Sa tmiem l-2023, kważi 4.2 miljun persuna mill-Ukrajna gawdew id-dritt għal residenza, akkomodazzjoni, kura tas-saħħa, edukazzjoni u xogħol fl-UE. F’Ottubru, din il-protezzjoni temporanja ġiet estiża - jinfetaħ f’tab ġdida. sa Marzu 2025. Il-Pjattaforma ta’ Solidarjetà - jinfetaħ f’tab ġdida. għenet lill-Istati Membri jikkoordinaw l-akkoljenza tar-refuġjati mill-Ukrajna - jinfetaħ f’tab ġdida., u qed tkompli tgħin fl-implimentazzjoni tad-Direttiva.

Sabiex tipproteġi lill-Ukreni, l-UE:

  • fl-4 ta’ Marzu 2022

    attivat miżuri ta’ protezzjoni temporanja biex tgħin lin-nies li qed jaħarbu mill-gwerra

  • fis-6 ta’ April 2022

    ħarġet rakkomandazzjoni dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki b’mod rapidu, ġust u flessibbli

  • fl-14 ta’ Ġunju 2022

    ħarġet gwida biex tiffaċilita l-aċċess għall-impjiegi, għat-taħriġ u għall-apprendiment għall-adulti fl-Unjoni

  • fis-6 ta’ Lulju 2022

    ipprovdiet gwida fil-qafas tal-inizjattiva Djar Sikuri biex tappoġġa lill-ospitanti u lill-persuni ospitati

  • fl-10 ta’ Ottubru 2022

    nediet l-għodda online tal-Pilota tar-Riżerva ta’ Talent tal-UE biex tgħin lin-nies ifittxu impjiegi fl-UE

  • fl-4 ta’ Marzu 2023

    offriet protezzjoni lil 4 miljun persuna fl-UE, inkluż iktar minn 700 000 student.

L-iżgurar ta’ integrazzjoni rapida u effettiva fis-suq tax-xogħol huwa mod importanti ieħor li bih l-UE tilqa’ lil dawk li qed jaħarbu mill-kunflitt armat. Il-miżuri adottati taħt il-politika ta’ koeżjoni fl-2022, bħall-pakketti tal-Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa - jinfetaħ f’tab ġdida. u l-Assistenza Flessibbli għat-Territorji - jinfetaħ f’tab ġdida., introduċew il-flessibbiltà meħtieġa fir-regoli ta’ finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jużaw dan il-finanzjament biex jilqgħu lir-refuġjati mill-Ukrajna. Fl-2023, dawn il-miżuri komplew jippermettu li jiġi allokat il-finanzjament għall-programmi ta’ integrazzjoni soċjali, il-kura tas-saħħa, l-ikel, l-assistenza bażika u orjentazzjoni għas-suq tax-xogħol. Il-qasam tal-aħħar jinkludi korsijiet tal-lingwi, l-edukazzjoni, is-servizzi soċjali u l-indukrar tat-tfal. L-impjieg jgħin lin-nies jibnu ħajjithom mill-ġdid, jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jikkontribwixxu għall-komunitajiet ospitanti tagħhom, u eventwalment se jappoġġa r-rikostruzzjoni fl-Ukrajna.

Iktar minn 1.5 miljun Ukren issa qed jaħdmu fl-UE.

L-UE qed tgħin lill-Ukreni jintegraw fis-suq tax-xogħol billi tippermetti l-validazzjoni rapida tal-ħiliet u r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali u akkademiċi. Stabbiliet il-Proġett Pilota tar-Riżerva tat-Talenti tal-UE - jinfetaħ f’tab ġdida., għodda online għat-tiftix tal-impjiegi li tqabbel il-persuni li ħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna ma’ impjiegi u postijiet battala tax-xogħol xierqa. Barra minn hekk, is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi tal-Istati Membri jqabbdu lil dawk li qed ifittxu impjieg mal-impjegaturi fil-livell nazzjonali. F’Lulju, in-Network Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi adotta linji gwida komuni biex jappoġġa iktar l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol.

L-UE hija ddedikata wkoll biex tiżgura l-aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja għat-tfal Ukreni spostati. Immobilizzat diversi għodod, prinċipalment taħt il-qafas strateġiku taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni - jinfetaħ f’tab ġdida., bħall-gwida tal-politiki dwar l-apprendiment bejn il-pari, il-pjattaformi online u l-finanzjament. Il-programm ta’ finanzjament Erasmus+ - jinfetaħ f’tab ġdida. qed jintuża wkoll biex jappoġġa l-edukazzjoni tal-istudenti refuġjati. L-edukazzjoni għolja hija appoġġata wkoll permezz tal-iskema ta’ boroż ta’ studju MSCA4Ukraine - jinfetaħ f’tab ġdida.. Sa tmiem l-2023, bis-saħħa tal-finanzjament u l-appoġġ ipprovduti minn din l-inizjattiva, 124 riċerkatur Ukren setgħu jkomplu l-ħidma tagħhom fl-UE u f’diversi pajjiżi mhux tal-UE li huma parti mill-programm Orizzont Ewropa.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni nediet tliet inizjattivi ġodda - jinfetaħ f’tab ġdida. biex tagħti spinta lill-kooperazzjoni tal-UE rigward ir-riċerka u l-innovazzjoni mal-Ukrajna: uffiċċju ġdid ta’ Orizzont Ewropa fi Kiev - jinfetaħ f’tab ġdida.; l-inizjattiva l-ġdida tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni biex tiġi appoġġata l-komunità tat-teknoloġija profonda tal-Ukrajna - jinfetaħ f’tab ġdida.; u ċentru komunitarju ġdid tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija - jinfetaħ f’tab ġdida..

Finalment, l-UE taf il-valur tal-espressjoni kulturali biex tgħin lin-nies jipproċessaw avvenimenti trawmatiċi u fil-ħolqien ta’ sens ta’ komunità u fehim reċiproku. Fl-2022, il-programm Ewropa Kreattiva tal-UE nieda sejħa għal proġetti - jinfetaħ f’tab ġdida. li jappoġġaw lill-artisti u lill-organizzazzjonijiet kulturali barra mill-Ukrajna. F’Mejju 2023, tħabbru r-rebbieħa - jinfetaħ f’tab ġdida.: il-konsorzji ZMINA, Culture Helps u U-RE-HERIT se jappoġġaw lill-artisti Ukreni u se jikkontribwixxu għar-rikostruzzjoni tal-wirt kulturali Ukren.

Integrazzjoni fis-Suq Uniku u ftehimiet oħra

F’April 2023, l-Ukrajna ssieħbet fil-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili - jinfetaħ f’tab ġdida. bħala stat parteċipanti. F’Awwissu, filwaqt li kienet għadha fil-proċess ta’ adeżjoni formali fil-mekkaniżmu, l-Ukrajna kkontribwiet 51 persuna tal-ewwel intervent u 19-il vettura biex tassisti fl-isforzi ta’ sokkors fis-Slovenja wara l-għargħar devastanti. Bħala stat parteċipanti bis-sħiħ, l-Ukrajna se tkun tista’ tibgħat l-għajnuna permezz tal-mekkaniżmu flimkien ma’ membri oħra meta pajjiż ieħor jiffaċċja kriżi, u b’hekk tkun tista’ toffri l-istess solidarjetà li rċeviet. Dan jindika wkoll pass importanti lejn l-integrazzjoni tal-UE għall-Ukrajna u jestendi l-Viċinat tal-Lvant tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili.

Ihor Klymenko u Janez Lenarčič jieħdu b’id xulxin, b’Olha Stefanishyna bejniethom.
Mix-xellug għal-lemin: Ihor Klymenko, il-Ministru Ukren għall-Affarijiet Interni, Olha Stefanishyna, il-Viċi Prim Ministru għall-Integrazzjoni Ewropea u Ewro-Atlantika tal-Ukrajna, u Janez Lenarčič, il-Kummissarju Ewropew għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet, waqt l-iffirmar ta’ ftehim li joffri lill-Ukrajna sħubija sħiħa fil-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili, Kiev, l-Ukrajna, l-20 ta’ April 2023.

L-Ukrajna ġiet integrata iktar fis-Suq Uniku tal-UE billi ssieħbet fil-Programm tas-Suq Uniku - jinfetaħ f’tab ġdida., u ffirmat ftehim ta’ assoċjazzjoni f’laqgħa bejn il-Kummissarji Ewropej u l-gvern Ukren - jinfetaħ f’tab ġdida. fi Kiev fit-2 ta’ Frar 2023. Dan il-ftehim jippermetti lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju fl-Ukrajna jibbenefikaw minn sejħiet speċifiċi għal proposti li jistgħu jirriżultaw f’finanzjament, u jipparteċipaw f’inizjattivi bħal Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ - jinfetaħ f’tab ġdida. u n-Network Enterprise Europe - jinfetaħ f’tab ġdida..

Żewġ sejħiet għal proposti - jinfetaħ f’tab ġdida., b’baġit totali ta’ €7.5 miljun, ġew imnedija speċifikament biex jappoġġaw l-integrazzjoni tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju Ukreni fis-Suq Uniku. Barra minn hekk, sar progress rapidu fil-ħidma fuq in-negozjati għal Ftehim dwar il-Valutazzjoni tal-Konformità u l-Aċċettazzjoni tal-Prodotti Industrijali - jinfetaħ f’tab ġdida. mal-Ukrajna. Dan il-ftehim, ladarba jkun fis-seħħ, se jrawwem l-integrazzjoni ekonomika, u b’hekk se jgħin lill-ekonomija Ukrena u lin-negozji Ukreni fl-irkupru tagħhom.

Id qed iżżomm smartphone, bil-kliem “Lejn ftehim fit-tul mal-Ukrajna dwar ‘Roaming daqslikieku f’pajjiżek’ – #StandWithUkraine” bl-Ingliż fuq l-iskrin, fuq sfond blu u 12-il stilla tal-bandiera Ewropea rranġati f’għamla ta’ ċirku.

L-Ukrajna tibbenefika wkoll minn karatteristika importanti oħra tas-Suq Uniku. F’April 2022, l-UE kkollaborat ma’ operaturi tal-mowbajl Ewropej u Ukreni - jinfetaħ f’tab ġdida. biex jiġi offrut roaming affordabbli jew mingħajr ħlas bejn iż-żewġ reġjuni. Dan il-ftehim, li ġġedded f’Lulju 2023 għal sena oħra, jgħin lil dawk li ġew spostati mill-Ukrajna biex jibqgħu jżommu kuntatt lil hinn mill-fruntieri, billi l-operaturi komplew inaqqsu l-kostijiet tal-konnessjoni.

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni qed taħdem biex tinkorpora dan il-ftehim dwar ir-roaming fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna. Ladarba jiġi ffinalizzat, se jiżgura użu tal-mowbajl mingħajr kostijiet kemm għall-viżitaturi Ukreni fl-UE kif ukoll għall-vjaġġaturi tal-UE fl-Ukrajna. Il-pass tal-integrazzjoni tal-Ukrajna fis-suq tar-roaming tal-UE se jiddependi fuq l-adozzjoni u l-eżekuzzjoni tagħha tal-liġijiet rilevanti tal-UE.

Sigurtà tal-ikel

Ir-Russja qed taggrava l-kriżi dinjija tas-sigurtà tal-ikel billi apposta timblokka l-esportazzjonijiet taċ-ċereali mill-Baħar l-Iswed, timmira lejn is-sajlos taċ-ċereali u l-infrastruttura agrikola fl-Ukrajna u tillimita l-esportazzjoni tal-prodotti agrikoli u tal-fertilizzanti.

Fl-2022, l-UE, l-Istati Membri tagħha, l-Ukrajna u l-Moldova stabbilew il-Korsiji ta’ Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna - jinfetaħ f’tab ġdida. biex iċ-ċereali maqbuda fl-Ukrajna jinħarġu għall-bqija tad-dinja. Dawn ir-rotot alternattivi, li jkopru l-linji ferrovjarji, it-toroq u l-passaġġi fuq l-ilma, jiffaċilitaw kemm l-esportazzjonijiet mill-Ukrajna kif ukoll l-importazzjonijiet vitali bħall-għajnuna umanitarja u l-fertilizzanti.

F’Ġunju 2023, l-UE ħabbret li kienet qed tinvesti €250 miljun f’disa’ proġetti transfruntiera - jinfetaħ f’tab ġdida. biex ittejjeb il-kollegamenti bejn l-Ukrajna, il-Moldova u l-ġirien tagħhom tal-UE, jiġifieri l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja. Il-proġetti jinkludu studji u xogħlijiet fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri ferrovjarji u tat-triq biex tiġi estiża u mmodernizzata l-infrastruttura, jittejbu ż-żoni tal-parkeġġ u jittejbu l-faċilitajiet u t-tagħmir tat-trażbord.

Il-Korsiji ta’ Solidarjetà: rwol kritiku fis-sigurtà globali tal-ikel

B’kollox, fl-2022 u fl-2023, il-Korsiji ta’ Solidarjetà ppermettew lill-Ukrajna:

  • tesporta iktar minn 65 miljun tunnellata ta’ prodotti agrikoli, fosthom kważi 61 miljun tunnellata ta’ ċereali, żrieragħ żejtnin u prodotti relatati, inkluż lejn dawk il-pajjiżi l-iktar affettwati mill-iskarsezza tal-ikel;
  • tesporta iktar minn 51 miljun tunnellata ta’ prodotti mhux agrikoli mill-Ukrajna, bħal minerali, ħadid, azzar u injam;
  • tiġġenera iktar minn €44 biljun għall-bdiewa u għan-negozji Ukreni;
  • timporta iktar minn 43 miljun tunnellata (b’valur ta’ €88 biljun) ta’ prodotti kruċjali bħall-fjuwil.
Barkun mimli ħbub tal-qamħ, b’apparat għall-ħatt tal-qamħ imdendel.
Il-ħatt tal-qamħ Ukren minn barkun fuq id-Danubju, il-Moldova, it-12 ta’ Diċembru 2022.

Finalment, fl-2023 ġiet stabbilita Pjattaforma Konġunta ta’ Koordinazzjoni - PDF file – jinfetaħ f’tab ġdida. biex ittejjeb il-fluss tal-kummerċ bejn l-UE u l-Ukrajna. L-isforzi tal-pjattaforma intensifikaw wara li r-Russja temmet l-Inizjattiva tal-Baħar l-Iswed dwar iċ-Ċereali fis-17 ta’ Lulju, u b’hekk effettivament waqqfet l-esportazzjonijiet taċ-ċereali mir-rotta tal-Baħar l-Iswed.

L-appoġġ lill-Istati Membri

L-effetti tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna qed jinħassu lil hinn mill-fruntieri tal-Ukrajna. Bħala ġirien tal-Ukrajna, l-Istati Membri qed jiġu affettwati wkoll, b’mod partikolari fl-oqsma tal-enerġija u tas-swieq tal-ikel. (Għal iktar informazzjoni dwar kif l-UE qed tindirizza l-kriżi tal-enerġija, ara l-Kapitlu 4.)

Fl-2023, l-UE awtorizzat €487 biljun f’għajnuna mill-Istat biex tappoġġa lill-Istati Membri fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

Il-Qafas Temporanju ta’ Kriżi u ta’ Tranżizzjoni - jinfetaħ f’tab ġdida., applikabbli mid-9 ta’ Marzu 2023, huwa wieħed mill-għodod li l-Istati Membri jistgħu jużaw biex itaffu l-effett tal-gwerra fuq l-ekonomiji tagħhom.

Il-Qafas Temporanju ta’ Kriżi u ta’ Tranżizzjoni jagħti lill-Istati Membri l-flessibbiltà li jeħtieġu biex:

jagħtu ammonti limitati ta’ għajnuna lill-kumpaniji affettwati mill-kriżi attwali jew mis-sanzjonijiet u l-kontrosanzjonijiet relatati

jiżguraw li tibqa’ disponibbli l-likwidità suffiċjenti għan-negozji

jikkumpensaw lill-kumpaniji għall-ispejjeż addizzjonali mġarrba minħabba l-prezzijiet eċċezzjonalment għolja tal-gass u tal-elettriku

Barra minn hekk, wara li ssospendiet il-programmi ta’ kooperazzjoni mar-Russja u l-alleat tagħha l-Belarussja, fl-2023 l-UE ttrasferiet €135 miljun addizzjonali - jinfetaħ f’tab ġdida. inizjalment previsti għal proġetti ma’ dawn iż-żewġ pajjiżi għal programmi oħra li se jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Ukrajna u l-Moldova.

Matul is-sena, l-UE żgurat ukoll li r-reġjuni kollha fl-Estonja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fil-Polonja u fil-Finlandja, li suppost kellhom jipparteċipaw fi programmi ta’ kooperazzjoni mar-Russja u mal-Belarussja, setgħu jipparteċipaw fi programmi ta’ kooperazzjoni interreġjonali eżistenti oħra.

Appoġġ lill-bdiewa tal-UE

Minħabba l-importanza tar-Russja u tal-Ukrajna għall-provvista globali taċ-ċereali u taż-żrieragħ żejtnin, il-gwerra li għaddejja tar-Russja kontra l-Ukrajna ħolqot inċertezza u volatilità kbira f’dawn is-swieq.

Peress li r-rotot tal-esportazzjoni tas-soltu tal-Ukrajna mill-portijiet tal-Baħar l-Iswed ġew imblokkati jew ristretti ferm, l-esportazzjonijiet ma waslux sad-destinazzjonijiet tagħhom b’mod effettiv daqs qabel. Minflok, iċ-ċereali u ż-żrieragħ żejtnin Ukreni bdew jinstabu dejjem iktar fis-swieq tal-Istati Membri ġirien tal-Ukrajna, u dan ħoloq konġestjonijiet loġistiċi.

Inġenju tal-ħsad kombinat jaħsad il-qamħ fl-isfond. Fuq quddiem, il-ħbub maħsuda ħerġin minn lembut għal ġo kontenitur kbir.
Il-ħsad tal-qamħ fir-reġjun ta’ Donetsk, l-Ukrajna, l-4 ta’ Awwissu 2023. © AFP

Fl-2023, l-UE introduċiet żewġ pakketti ta’ appoġġ u projbizzjoni temporanja fuq l-importazzjoni tal-qamħ, tal-qamħirrum, taż-żerriegħa tal-kolza u taż-żerriegħa tal-ġirasol mill-Ukrajna lejn il-Bulgarija, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja, skont ir-Regolament dwar il-Miżuri Kummerċjali Awtonomi għall-Ukrajna - jinfetaħ f’tab ġdida.. Dan għen biex jittaffew il-konġestjonijiet loġistiċi u jiġi indirizzat it-tħassib tal-bdiewa fl-Istati Membri affettwati, filwaqt li xorta ppermetta lill-UE tkompli bl-appoġġ ekonomiku tagħha lill-Ukrajna fil-forma ta’ tariffi żero fuq l-importazzjonijiet Ukreni kollha.

B’kollox, ġew ipprovduti iktar minn €156.3 miljun mir-riżerva agrikola tal-Politika Agrikola Komuni biex jiġu appoġġati dawk il-bdiewa l-iktar affettwati fil-ħames Stati Membri ġirien tal-Ukrajna. L-Istati Membri kkonċernati tħallew ukoll jużaw mezzi nazzjonali ta’ appoġġ biex jagħtu kumpens addizzjonali, jekk meħtieġ, permezz ta’ pagament supplimentari jew għajnuna mill-Istat iddedikata. Barra minn hekk, fit-tielet pakkett ta’ appoġġ - jinfetaħ f’tab ġdida., il-Kummissjoni mmobilizzat finanzjament addizzjonali ta’ €330 miljun li għandhom jiġu allokati lill-bdiewa tal-UE fi Stati Membri oħra milquta minn kostijiet għoljin tal-produzzjoni u problemi speċifiċi kkaġunati mill-gwerra ta’ aggressjoni Russa. Il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Tħejjija u Rispons għall-Kriżijiet tas-Sigurtà tal-Ikel - jinfetaħ f’tab ġdida. li ġie stabbilit reċentement ippermetta l-mobilizzazzjoni rapida tal-għarfien espert u ġibed l-attenzjoni tal-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati għall-problemi u għall-konġestjonijiet fi stadju bikri. L-eżitu tad-diskussjonijiet fost dawn il-partijiet ikkonċernati informa direttament ir-risponsi tal-UE.

Investigazzjoni u prosekuzzjoni ta’ reati tal-gwerra

Minn mindu bdiet il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-awtoritajiet Russi kontinwament kisru d-drittijiet internazzjonali tal-bniedem, b’diversi rapporti ta’ reati tal-gwerra u attakki fuq iċ-ċivili. Sa tmiem l-2023, l-Ukrajna u 16-il Stat Membru tal-UE kienu nedew investigazzjonijiet dwar ir-reati internazzjonali li wettqet ir-Russja fl-Ukrajna.

Sitt ijiem wara li bdiet il-gwerra, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali - jinfetaħ f’tab ġdida. (Eurojust) għenet biex tiġi stabbilita skwadra ta’ investigazzjoni konġunta - jinfetaħ f’tab ġdida. bl-iskop li tinġabar evidenza u jiġu investigati r-reati tal-gwerra u r-reati kontra l-umanità. Illum, l-iskwadra tikkonsisti mill-Ukrajna, sitt Stati Membri, il-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi.

Minħabba l-kumplessità tal-ġbir tal-evidenza tar-reati internazzjonali (eż. il-ġbir ta’ xhieda minn persuni f’pajjiżi differenti), fl-2023 Eurojust stabbiliet ukoll bażi tad-data biex tippreserva u taħżen l-evidenza ta’ dawn ir-reati (il-Bażi tad-Data tal-Evidenza tad-Delitti Internazzjonali Ewlenin - jinfetaħ f’tab ġdida.). Eurojust se ssellef l-għarfien espert tagħha lil din il-bażi tad-data billi tanalizza l-evidenza, u se tipprovdi gwida prattika lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali fl-identifikazzjoni tal-evidenza li tkun tinsab f’pajjiżi oħra u li tista’ tkun rilevanti għall-investigazzjonijiet tagħhom stess.

Kenneth Polite, Andriy Kostin, Dilan Yeşilgöz-Zegerius, Ladislav Hamran, Didier Reynders u Karim Asad Ahmad Khan bilqiegħda, bħala membri ta’ panel, madwar mejda tonda kbira. Żewġ persuni oħra jidhru bilqiegħda fuq quddiem tar-ritratt b’daharhom lejn il-kamera.
It-tnedija taċ-Ċentru Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni tad-Delitt ta’ Aggressjoni kontra l-Ukrajna, The Hague, in-Netherlands, it-3 ta’ Lulju 2023. Sfond, mix-xellug għal-lemin: Kenneth Polite, l-Assistent Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti għat-Taqsima Kriminali, Andriy Kostin, il-Prosekutur Ġenerali tal-Ukrajna, Dilan Yeşilgöz-Zegerius, il-Ministru Netherlandiż għall-Ġustizzja u s-Sigurtà, Ladislav Hamran, il-President tal-Eurojust, Didier Reynders, il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja, u Karim Asad Ahmad Khan, il-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali.

Eurojust tospita wkoll iċ-Ċentru Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni tad-Delitt ta’ Aggressjoni kontra l-Ukrajna - jinfetaħ f’tab ġdida. li għadu kemm ġie stabbilit. Iċ-ċentru, li nfetaħ f’Lulju 2023, huwa magħmul minn prosekuturi nazzjonali indipendenti mill-membri tal-iskwadra ta’ investigazzjoni konġunta u sitt prosekuturi Ukreni, u ġie stabbilit biex iħejji u jikkontribwixxi għal kwalunkwe prosekuzzjoni futura tad-delitt ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. Delitt ta’ aggressjoni huwa meta mexxejja politiċi u militari ta’ livell għoli jippjanaw, jibdew jew iwettqu atti ta’ aggressjoni fuq skala kbira bl-użu ta’ forza militari tal-istat. Din hija l-ewwel darba fl-istorja li delitt bħal dan qed jiġi investigat waqt li għadu qed jitwettaq.

Fiċ-ċentru, il-prosekuturi se jkunu jistgħu jaħdmu flimkien fuq il-post, u b’hekk ikunu jistgħu jiskambjaw l-evidenza malajr u jaqblu dwar il-mod li bih se jwettqu l-istrateġija investigattiva u ta’ prosekuzzjoni tagħhom. Il-Bażi tad-Data tal-Evidenza tad-Delitti Internazzjonali Ewlenin se tkun ċentrali għall-ħidma tiegħu, u l-evidenza miġbura miċ-ċentru tista’ tintuża quddiem ġuriżdizzjonijiet oħra, inkluż quddiem qrati nazzjonali u internazzjonali.

Appoġġ tal-Eurojust għall-ġustizzja għall-Ukrajna

Appoġġ għall-investigazzjonijiet (iċ-Ċentru Internazzjonali għall-Prosekuzzjoni tad-Delitt ta’ Aggressjoni kontra l-Ukrajna u skwadri ta’ investigazzjoni konġunta)

Ġbir, preservazzjoni u analiżi ta’ evidenza (Bażi tad-Data ta’ Evidenza dwar Delitti Internazzjonali Ewlenin)

Gwida prattika

Taħriġ għall-prattikanti ġudizzjarji

Appoġġ għat-Task Force tal-UE dwar l-Iffriżar u s-Sekwestru

Permezz tat-Task Force tagħha dwar l-Iffriżar u s-Sekwestru, Eurojust qed tiżgura wkoll li s-sanzjonijiet tal-UE jiġu implimentati kif suppost. It-task force qed tinvestiga rabtiet possibbli bejn l-attività kriminali u individwi u negozji Russi u Belarussi. Qed tħares ukoll lejn kif il-miżuri tal-liġi kriminali bħall-konfiska tal-assi jistgħu jikkontribwixxu għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna.

Rikostruzzjoni tal-Ukrajna

L-UE hija impenjata li tiżgura li r-Russja tħallas għall-ħsara kkawżata fl-Ukrajna. B’hekk, qed tesplora għażliet biex tappoġġa r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna — f’konformità mad-dritt tal-UE u mad-dritt internazzjonali — bid-dħul straordinarju ġġenerat mill-ġestjoni tar-riżervi tal-bank ċentrali Russu li attwalment huma ffriżati fl-UE minħabba s-sanzjonijiet. Għal dan l-għan, f’Diċembru l-Kummissjoni adottat proposti dwar l-iffriżar tad-dħul imprevist straordinarju mill-assi tal-bank ċentrali Russu.

L-UE qed tikkoordina wkoll ir-rikostruzzjoni tal-Ukrajna mas-sħab internazzjonali tagħha. F’Jannar 2023, l-UE, l-Ukrajna u s-sħab tal-G7 nedew - jinfetaħ f’tab ġdida. il-Pjattaforma għall-Koordinazzjoni tad-Donaturi tad-diversi aġenziji tal-G7 - jinfetaħ f’tab ġdida.. Il-pjattaforma għandha rwol ewlieni fil-koordinazzjoni tal-appoġġ għall-ħtiġijiet ta’ finanzjament immedjati tal-Ukrajna u għall-irkupru ekonomiku u għar-rikostruzzjoni futuri tagħha b’diversi sorsi u strumenti ta’ finanzjament stabbiliti.

Matul iż-żjara ta’ Frar fl-Ukrajna mill-Kulleġġ tal-Kummissarji, l-UE ħabbret pakkett ta’ għajnuna ta’ €1 biljun għall-isforzi ta’ rikostruzzjoni bħala parti mill-pakkett kumplessiv tagħha ta’ assistenza lill-pajjiż. Il-Kummissarji u l-gvern Ukren iddiskutew ukoll kif l-UE tista’ tgħin lill-Ukrajna tibni mill-ġdid il-bliet tagħha b’mod sostenibbli u inklużiv. F’Marzu tnediet l-inizjattiva Phoenix - jinfetaħ f’tab ġdida. (Proġett għal Orjentazzjoni Olistika lejn Infrastruttura Ambjentali Ġdida fil-Bliet Ukreni). L-inizjattiva se tippermetti lill-bliet Ukreni jkollhom aċċess għal teknoloġiji u għarfien espert mill-iktar avvanzati mill-komunità tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida - jinfetaħ f’tab ġdida.. Se tikkollega wkoll il-bliet Ukreni ma’ bliet oħrajn simili fl-UE biex jiskambjaw l-għarfien espert u l-prattiki tajbin dwar kif jistgħu jinbnew bliet newtrali għall-klima u iktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Se tikkombina l-finanzjament mill-Missjoni ta’ Orizzont Ewropa għal Bliet Newtrali għall-Klima u Intelliġenti - jinfetaħ f’tab ġdida. u l-programm LIFE - jinfetaħ f’tab ġdida., mal-mobilizzazzjoni immedjata ta’ mill-inqas €7 miljun.

Finalment, fil-Konferenza dwar l-Irkupru Ekoloġiku tal-Ukrajna - jinfetaħ f’tab ġdida. li saret bejn it-28 ta’ Novembru u l-1 ta’ Diċembru f’Vilnius, il-Litwanja, l-UE affermat mill-ġdid l-appoġġ kontinwu tagħha lill-muniċipalitajiet Ukreni u ppreżentat l-implimentazzjoni li għaddejja u l-ewwel riżultati tal-inizjattiva Phoenix. B’mod parallel, il-Missjoni għall-Ekonomija Ċirkolari - jinfetaħ f’tab ġdida. wasslet biex il-kumpaniji u l-partijiet ikkonċernati tal-industrija tal-UE jiffukaw fuq l-ekonomija ċirkolari flimkien man-negozji u max-xerrejja pubbliċi bbażati fl-Ukrajna, u b’hekk tat spinta lid-dimensjoni tan-negozju tal-irkupru ekoloġiku tal-Ukrajna.

Ursula von der Leyen wara leġiju tindirizza lill-udjenza. Fuq l-iskrin kbir ta’ warajha hemm il-kliem “Konferenza dwar l-Irkupru tal-Ukrajna, mill-wieħed u għoxrin sat–22 ta’ Ġunju 2023, Londra, ir-Renju Unit” bl-Ingliż.
Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, titkellem fil-Konferenza dwar l-Irkupru tal-Ukrajna, Londra, ir-Renju Unit, il-21 ta’ Ġunju 2023.

Fil-Konferenza dwar l-Irkupru tal-Ukrajna - jinfetaħ f’tab ġdida. f’Londra, f’Ġunju, l-UE ppreżentat faċilità ġdida li tipproponi sa €50 biljun f’għotjiet u f’self biex tgħin l-irkupru u l-modernizzazzjoni tal-Ukrajna mill-2024 sal-2027.

Dan wera l-appoġġ sod tal-UE għall-Ukrajna fil-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja li għadha għaddejja u afferma l-impenn tagħha favur it-triq tal-Ukrajna lejn is-sħubija fl-UE.

Barra minn hekk, l-UE ffirmat ftehimiet li jammontaw għal iktar minn €800 miljun biex timmobilizza l-investiment privat għall-irkupru u għar-rikostruzzjoni tal-ekonomija tal-Ukrajna.