Kapitlu 8 – Il-promozzjoni tal-interessi u tal-valuri Ewropej fid-dinja

Mara miexja bejn strutturi temporanji mgħottija bid-drapp filwaqt li qed iġġorr kaxxa bil-kliem “Kaxxa bl-Ikel” u “Iffinanzjata mill-Għajnuna Umanitarja tal-Unjoni Ewropea” bl-Ingliż fuqha. Warajha hemm żewġt irġiel u tifel, u fl-isfond jidhru xi siġar tal-palm.
L-għajnuna umanitarja tal-UE qed tappoġġa l-Programm Dinji tal-Ikel biex jilħaq lil 1.3 miljun persuna fl-Istrixxa ta’ Gaża, b’razzjonijiet tal-ikel ta’ emerġenza mqassma lil persuni spostati f’shelters u f’kampijiet informali. Deir El Balah, l-Istrixxa ta’ Gaża, Jannar 2024. © WFP 2024

Introduzzjoni

L-Unjoni Ewropea hi impenjata li tindirizza l-isfidi globali, tippromwovi l-interessi u l-valuri tagħha, u tinsisti għad-demokrazija, għad-drittijiet tal-bniedem u għall-multilateraliżmu fix-xena dinjija. Dan l-impenn jestendi għal diversi oqsma importanti, fosthom il-kooperazzjoni dwar is-sigurtà u d-difiża, il-politika tal-viċinat, is-sħubijiet internazzjonali, il-kummerċ, l-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili.

Fl-2023, l-UE kompliet taħdem mill-qrib mas-sħab globali biex tiżgura l-istabbiltà fil-kuntest ta’ tensjonijiet ġeopolitiċi akbar, b’mod partikolari minħabba l-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-gwerra ta’ bejn l-Iżrael u l-Ħamas. Kompliet tiffoka fuq relazzjonijiet importanti mar-reġjuni ġirien li jaspiraw għall-valuri demokratiċi u għall-iżvilupp ekonomiku, u fuq il-ħolqien ta’ sħubijiet li jippromovu l-valuri kondiviżi u l-iżvilupp sostenibbli.

Permezz ta’ tħejjija tajba għad-diżastri kemm fiha kif ukoll ’il barra minnha, l-UE kompliet tipproteġi l-ħajjiet, tipprevjeni d-diżastri u taġixxi malajr għall-kriżijiet. Dawn l-isforzi kontinwi jenfasizzaw l-impenn sod tal-UE li tippromwovi l-paċi, l-istabbiltà u r-reżiljenza fuq skala globali.

Il-kriżi fil-Lvant Nofsani

L-attakki terroristiċi brutali u indiskriminati mill-Ħamas f’Iżrael, li seħħew fis-7 ta’ Ottubru 2023, wasslu għal deterjorament drastiku fis-sitwazzjoni umanitarja tal-Palestinjani fl-Istrixxa ta’ Gaża u żiedu r-riskju ta’ eskalazzjoni fir-reġjun.

Filwaqt li enfasizzat li m’hemm l-ebda ġustifikazzjoni għat-terrur, l-UE kkundannat lill-Ħamas bl-aktar mod qawwi possibbli għall-attakki terroristiċi u appellat għall-ħelsien tal-ostaġġi kollha mingħajr ebda prekondizzjoni. Filwaqt li rrikonoxxiet id-dritt ta’ Iżrael li jiddefendi lilu nnifsu skont id-dritt internazzjonali, l-UE tenniet l-importanza li dejjem tiġi żgurata l-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili kollha f’konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali.

Imħassba bil-kbir dwar is-sitwazzjoni umanitarja li bdiet tiddeterjora fl-Istrixxa ta’ Gaża, l-UE appellat biex ikun hemm aċċess umanitarju kontinwu, malajr, sikur u mingħajr xkiel, u biex titwassal l-għajnuna lil dawk kollha li għandhom bżonnha bis-saħħa tal-miżuri kollha meħtieġa, fosthom il-kurituri umanitarji u l-waqfiet mill-ġlied għall-ħtiġijiet umanitarji.

Appoġġ umanitarju tal-UE għall-Palestinjani fl-2023

Kważi
€1.1 biljun
mill-2000

1,310 tunnellati
ta’ provvisti essenzjali

33
titjira tal-Pont Umanitarju bl-Ajru tal-UE

€103 miljun
ta’ finanzjament umanitarju

L-UE hi l-akbar donatur internazzjonali għall-poplu Palestinjan. B’mod kumplessiv, mill-2000 ’l hawn, l-UE pprovdiet aktar minn €1 biljun f’għajnuna biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom. Minn Ottubru, l-UE żiedet l-għajnuna ta’ emerġenza li tagħti lill-Palestinjani - jinfetaħ f’tab ġdida. b’erba’ darbiet, u qed taħdem ma’ għadd kbir ta’ sħab umanitarji fuq il-post.

L-UE qed taħdem b’mod kostanti mas-sħab reġjonali u internazzjonali biex tipprevjeni li l-kunflitt jeskala fil-livell reġjonali, fosthom deterjorament tas-sitwazzjoni fix-Xatt tal-Punent. Tibqa’ impenjata favur paċi dejjiema u sostenibbli bbażata fuq is-soluzzjoni ta’ żewġ stati u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.

Grupp ta’ nies fil-kju barra, xi wħud minnhom b’kontenituri tal-ilma f’idejhom. Fuq il-lemin tagħhom hemm tanker tal-ilma, u warajhom hemm it-tined armati.
Distribuzzjoni tal-ilma mill-Azzjoni Kontra l-Ġuħ fl-Istrixxa ta’ Gaża, li tipprovdi għajnuna essenzjali lil dawk affettwati mill-kunflitt li għaddej bħalissa, Deir Al Balah, l-14 ta’ Novembru 2023. © Action Against Hunger

Is-sigurtà u d-difiża: progress fir-rigward tal-Boxxla Strateġika

L-UE trid tiżgura s-sigurtà tar-residenti tagħha u tgħin biex tiżdied il-paċi fid-dinja. Il-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża - jinfetaħ f’tab ġdida. hi pjan biex sal-2030 jissaħħu s-sigurtà u d-difiża tal-UE. Din tkopri l-aspetti kollha tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża u hi msejsa fuq erba’ pilastri: naħdmu fi sħubija, naġixxu, ninvestu u nipproteġu.

Il-kooperazzjoni man-NATO (“naħdmu fi sħubija”, “naġixxu”)

L-isfidi tas-sigurtà tal-lum il-ġurnata huma intrinsikament tranżnazzjonali, jiġifieri l-ebda pajjiż m’għandu jindirizzahom waħdu. Hu essenzjali li jkun hemm approċċ kollettiv u strateġiku. Is-sħubija li ilha teżisti bejn l-UE u n-NATO, li hi komponent vitali tal-isforzi tagħha għas-sigurtà u d-difiża, hi essenzjali għal din l-istrateġija globali.

F’messaġġ politiku b’saħħtu ta’ unità trans-Atlantika, id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO - jinfetaħ f’tab ġdida. enfasizzat il-ħtieġa ta’ approċċ ta’ difiża Ewropea b’saħħtu li jaqdi lis-sigurtà globali u li hu kompatibbli man-NATO. Il-firmatarji impenjaw ruħhom b’mod ċar ukoll li japprofondixxu din il-kooperazzjoni.

Fl-2023, il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO laħqet livell bla preċedent u rreġistrat riżultati tanġibbli - jinfetaħ f’tab ġdida. fl-oqsma kollha, b’enfasi partikolari fuq ir-reżiljenza. It-Task Force ta’ bejn l-UE u n-NATO dwar ir-Reżiljenza tal-Infrastruttura Kritika - jinfetaħ f’tab ġdida. tnediet f’Jannar, u ressqet rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal aktar kooperazzjoni.

Ursula von der Leyen tiffirma dokument quddiem skrivanija bil-kliem “Kummissjoni Ewropea” bl-Ingliż fuq in-naħa ta’ quddiem tagħha. Fl-isfond hemm bandiera tan-NATO.
Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, tiffirma t-tielet Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, Brussell, il-Belġju, fl-10 ta’ Jannar 2023.
Charles Michel, Jens Stoltenberg u Josep Borrell jitkellmu b’mod informali ma’ xulxin.
Mix-xellug għal-lemin: Charles Michel, il-President tal-Kunsill Ewropew, Jens Stoltenberg, is-Segretarju Ġenerali tan-NATO, Josep Borrell, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli minn Ewropa Aktar b’Saħħitha fid-Dinja, waqt summit Ewropew tal-mexxejja tal-Istati Membri tal-UE biex tiġi diskussa l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-għajnuna tal-UE lill-pajjiż, Brussell, il-Belġju, id-29 ta’ Ġunju 2023. © AFP

Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja affermat mill-ġdid il-valuri komuni tal-UE u tan-NATO. Flimkien, huma kienu u għadhom qed juru solidarjetà soda mal-Ukrajna, u qed jikkoordinaw il-mezzi ta’ appoġġ - jinfetaħ f’tab ġdida. rispettivi tagħhom. Il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (ara l-Kapitlu 1) saret parti integrali mill-appoġġ tal-UE għas-sħab madwar id-dinja kollha.

Matul is-sena, l-UE żiedet ukoll il-kooperazzjoni tagħha ma’ sħab bilaterali, reġjonali u multilaterali oħra, fosthom in-NU, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, l-Unjoni Afrikana, l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja u ħafna oħrajn. L-ewwel Forum Schuman għas-Sigurtà u d-Difiża - jinfetaħ f’tab ġdida. laqqa’ flimkien is-sħab tal-UE u dawk internazzjonali biex jiġu indirizzati l-isfidi komuni tas-sigurtà.

Nibnu kapaċitajiet tad-difiża (“ninvestu”)

Is-sena 2023 rat il-promulgazzjoni ta’ żewġ inizjattivi ewlenin li l-għan tagħhom hu t-tisħiħ tad-difiża u tal-industrija tal-UE. L-Att b’Appoġġ għall-Produzzjoni tal-Munizzjon - jinfetaħ f’tab ġdida., appoġġat minn baġit ta’ €500 miljun, għandu l-għan li jżid il-produzzjoni tal-munizzjon u tal-missili tal-UE. Filwaqt li jikkomplementa lil dan l-Att, l-Att dwar it-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża permezz tal-Akkwist Komuni - jinfetaħ f’tab ġdida., b’baġit ta’ €300 miljun, se jinċentiva lill-Istati Membri tal-UE għall-ewwel darba biex jixtru b’mod konġunt l-aktar prodotti kritiċi tad-difiża mill-industrija tad-difiża tal-UE.

Il-Fond Ewropew għad-Difiża - jinfetaħ f’tab ġdida. hu sostenitur ewlieni tar-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tad-difiża fl-UE. Mill-2021 ’l hawn, dan il-fond ipprovda aktar minn €3 biljun għal 60 proġett kollaborattiv madwar l-Istati Membri kollha. Fl-2023 biss, il-fond alloka €1.2 biljun - jinfetaħ f’tab ġdida. għal oqsma vitali tad-difiża bħall-għarfien tas-sitwazzjoni fl-ispazju, il-ġlieda kontra l-missili ipersoniċi u l-iżvilupp ta’ korvetta ta’ pattulja Ewropea. Il-Fond Ewropew għad-Difiża jappoġġa l-innovazzjoni fis-settur tad-difiża permezz tal-Iskema tal-UE għall-Innovazzjoni fid-Difiża - jinfetaħ f’tab ġdida., skema ta’ €2 biljun biex tgħin b’mod partikolari lill-atturi u lill-innovaturi ż-żgħar.

Fil-qafas tal-pakkett tal-mobbiltà militari tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, fl-2023 ingħataw €616 miljun biex jappoġġaw it-trasportar ta’ truppi u ta’ tagħmir fin-Network Trans-Ewropew tat-Trasport. L-għan hu li jiġi appoġġat l-investiment f’infrastruttura li tista’ tintuża kemm għal skopijiet ċivili kif ukoll għal skopijiet ta’ difiża.

Strateġiji ġodda ta’ sigurtà (“nipproteġu”)

Il-kriżijiet reċenti u t-tensjonijiet li qed jiżdiedu żvelaw dgħufijiet fis-sigurtà tal-UE. B’rispons għal dan, f’Ottubru, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni komprensiva biex tinforma l-Istrateġija tal-Industrijali Ewropea tad-Difiża - jinfetaħ f’tab ġdida. tal-futur.

Anke t-tisħin globali hu tħassib li dejjem jikber għall-operazzjonijiet militari tal-UE. Dan qed iwassal għal bidla - jinfetaħ f’tab ġdida. kruċjali fil-politika tad-difiża tal-UE, b’hekk it-tibdil fil-klima issa jinsab fuq quddiem nett tal-aġenda tas-sigurtà tagħha.

Barra minn hekk, fl-2023, l-UE adottat l-ewwel Strateġija Spazjali tagħha għas-Sigurtà u d-Difiża - jinfetaħ f’tab ġdida.. Din l-istrateġija tiffoka, fost affarijiet oħra, fuq il-protezzjoni tal-assi spazjali tal-UE u tal-Istati Membri tagħha. Jekk nagħtu ħarsa lejn dak li se jiġri ’l quddiem, il-liġi spazjali tal-UE għandha tiġi introdotta fl-2024, bl-objettiv li ttejjeb ir-reżiljenza u s-saħħa tal-UE fl-ispazju.

Aktar minn 80 % tal-kummerċ globali jiġi ttrasportat bil-baħar, u madwar żewġ terzi taż-żejt u l-gass tad-dinja jew jiġu estratti fuq il-baħar jew trasportati bil-baħar. Kważi d-data globali kollha, anke d-data tal-internet, tgħaddi minn kejbils taħt il-baħar. Il-prosperità u s-sigurtà tal-UE jiddependu minn oċeani sikuri u siguri. Hu proprju għalhekk li f’Marzu l-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna adottaw Strateġija u Pjan ta’ Azzjoni aġġornati għas-Sigurtà Marittima tal-UE. Abbażi ta’ dawn id-dokumenti, f’Ottubru, il-Kunsill approva l-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni riveduti dwar is-Sigurtà Marittima tal-UE - jinfetaħ f’tab ġdida.. L-istrateġija hi allinjata mal-Boxxla Strateġika u se tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tagħha.

Filmat li jiddiskuti t-theddida reali ta’ sabotaġġ għall-infrastruttura kritika tal-baħar tal-Ewropa, inkluż il-parks tar-riħ u l-kejbils ta’ taħt l-ilma. Jenfasizza l-isforzi akbar mill-awtoritajiet Belġjani biex jipproteġu l-installazzjonijiet lil hinn mill-kosta fil-Baħar tat-Tramuntana u jagħti dettalji dwar diversi inċidenti li qajmu tħassib dwar is-sigurtà.
FILMAT “Sejħa ta’ twissija”: kif għandna nipproteġu l-infrastruttura vitali tal-baħar tal-UE mit-theddid emerġenti. © Euronews

Strateġija għas-Sigurtà Marittima tal-UE

Objettivi ewlenin

Il-protezzjoni tal-interessi tal-UE fuq il-baħar — iċ-ċittadini, l-ekonomija, l-infrastruttura u l-fruntieri

Il-protezzjoni tar-riżorsi naturali tagħna u tal-ambjent tal-baħar

Ir-rispett tal-liġi internazzjonali, b’mod partikolari l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar

Reazzjoni fil-pront u effettiva għal theddid li qed jikber (eż. theddid ċibernetiku u ibridu)

L-iżgurar ta’ taħriġ u edukazzjoni rilevanti biex jiġi miġġieled it-theddid (eż. ħiliet ċibernetiċi)

Il-politika tal-viċinat u n-negozjati għat-tkabbir

Il-Balkani tal-Punent u t-Turkija

L-UE tibqa’ impenjata li tintegra l-Balkani tal-Punent fl-Unjoni. Il-pakkett tat-tkabbir tal-2023 - jinfetaħ f’tab ġdida. ipprovda valutazzjoni dettaljata tas-sitwazzjoni attwali u tal-progress li għamlu s-sħab fil-perkorsi rispettivi tagħhom lejn l-UE. Dan iffoka prinċipalment fuq ir-riformi fundamentali meħtieġa, fosthom fuq l-istat tad-dritt, l-amministrazzjoni pubblika, il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi u l-kriterji ekonomiċi.

Matul is-sena, il-Maċedonja ta’ Fuq u l-Albanija għamlu progress bla xkiel fil-proċess tal-iskrinjar — l-ewwel pass għal negozjati tal-adeżjoni. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jinfetħu negozjati tal-adeżjoni mal-Bożnija-Ħerzegovina ladarba jiġu ssodisfati l-kriterji meħtieġa għas-sħubija, jirrikonoxxu l-progress tal-pajjiż minn meta sar kandidat fl-2022. It-taħditiet dwar l-adeżjoni tal-Montenegro u tas-Serbja mal-UE komplew, u dawn huma sostnuti minn djalogi li għaddejjin bħalissa mal-Kummissjoni fil-livelli politiċi u tekniċi. F’April, il-Parlament Ewropew approva uffiċjalment il-liberalizzazzjoni tal-viża għall-Kosovo (din id-deżinjazzjoni ma tippreġudikax il-pożizzjonijiet dwar l-istatus u hi konformi mal-UNSCR 1244/1999 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2024.

Olivér Várhelyi jitkellem minn wara leġiju bil-kliem “Laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Proċess ta’ Berlin” bl-Ingliż fuqu, Tirana, is-6 ta’ Ottubru 2023.
Fis-6 ta’ Ottubru 2023, Olivér Várhelyi, il-Kummissarju Ewropew għall-Viċinat u t-Tkabbir, ipparteċipa fis-Summit tal-Proċess ta’ Berlin f’Tirana, l-Albanija.

Fl-2023, l-UE kompliet timplimenta l-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment - PDF file – jinfetaħ f’tab ġdida. għall-Balkani tal-Punent ta’ €30 biljun, li bħala mira għandu l-irkupru fit-tul mill-pandemija tal-COVID-19, it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u l-kooperazzjoni reġjonali u l-konverġenza mal-UE. Barra minn hekk, l-UE żborżat - jinfetaħ f’tab ġdida. €450 miljun mill-pakkett ta’ appoġġ tagħha għall-enerġija b’valur ta’ €1 biljun biex tappoġġja lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent fl-indirizzar tal-kriżijiet tal-enerġija u fit-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija. Barra minn hekk, il-Pjan ta’ Tkabbir il-ġdid tal-Kummissjoni għall-Balkani tal-Punent - jinfetaħ f’tab ġdida. għandu l-għan li jdewwaq lir-reġjun xi vantaġġi li ġġib magħha s-sħubija fl-UE qabel ma l-pajjiżi jissieħbu uffiċjalment. Dan il-pjan jiffoka fuq it-tkabbir ekonomiku u l-konverġenza soċjoekonomika.

Pjan ta’ tkabbir b’erba’ pilastri għall-Balkani tal-Punent

1. Allinjament mas-Suq Uniku tal-UE

2. Approfondiment tal-integrazzjoni ekonomika reġjonali

3. Tħaffif tar-riformi

4. Żieda tal-fondi ta’ qabel l-adeżjoni

Fis-Summit tal-Proċess ta’ Berlin tal-2023 - jinfetaħ f’tab ġdida., biex jibdew jintegraw fl-UE, il-mexxejja tal-Balkani tal-Punent affermaw mill-ġdid id-dedikazzjoni tagħhom li jintegraw aħjar l-ekonomiji reġjonali tagħhom permezz tas-Suq Reġjonali Komuni - jinfetaħ f’tab ġdida.. Huma laqgħu pjanijiet għat-tkabbir ekonomiku, fosthom investiment fl-infrastruttura u espansjoni tas-suq reġjonali. Is-Summit enfasizza wkoll l-avvanzi li saru fl-edukazzjoni, bħall-kampus il-ġdid tal-Kulleġġ tal-Ewropa f’Tirana, u inizjattivi ambjentali bħall-Aġenda Ekoloġika. Fil-laqgħa saret ukoll enfasi dwar l-importanza tas-sigurtà reġjonali, bl-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni kontra l-kriminalità organizzata u t-theddid għaċ-ċibersigurtà.

Fis-Summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent tat-13 ta’ Diċembru fi Brussell, il-Belġju, id-diskussjonijiet iffukaw fuq it-tressiq tas-sħab tal-Balkani tal-Punent eqreb lejn l-UE u l-avvanzar tal-integrazzjoni gradwali tagħhom; l-iżvilupp ekonomiku fl-isfond tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; u t-tisħiħ tas-sigurtà u r-reżiljenza reġjonali.

L-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari saru fit-Turkija f’Mejju. F’Novembru, ġie adottat rapport dwar ir-relazzjonijiet attwali bejn l-UE u t-Turkija li jiddeskrivi modi biex tittejjeb il-kooperazzjoni. L-UE qed tkompli tappoġġa lir-refuġjati u lill-komunitajiet fit-Turkija billi tipprovdi edukazzjoni, kura tas-saħħa u ħarsien tal-fruntieri.

Il-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna

Il-pakkett storiku tat-tkabbir ta’ din is-sena kien l-ewwel wieħed li inkluda valutazzjoni tal-kapaċità ta’ dawn it-tliet pajjiżi li jissodisfaw l-obbligi tas-sħubija fl-UE. Matul is-sena li għaddiet, il-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna wrew l-impenn tagħhom li jissieħbu fl-UE. Il-perkors tagħhom lejn l-adeżjoni se jiżvolġi permezz ta’ riformi mmirati tas-sistemi ġudizzjarji, repressjoni tal-kriminalità organizzata u sforzi kontinwi biex jittejjeb ix-xenarju politiku, b’enfasi fuq id-deoligarkizzazzjoni u fuq id-drittijiet tal-bniedem. Ir-rakkomandazzjoni - jinfetaħ f’tab ġdida. tal-Kummissjoni u d-deċiżjoni - PDF file – jinfetaħ f’tab ġdida. storika tal-Kunsill Ewropew li jinfetħu n-negozjati tal-adeżjoni mal-Moldova u l-Ukrajna, u li jingħata l-istatus ta’ kandidat lill-Georgia, irrikonoxxew l-isforzi sinifikanti tagħhom li jallinjaw irwieħhom mal-istandards tal-UE.

Is-sħubija tal-Lvant

L-aġenda tas-Sħubija tal-Lvant ta’ wara l-2020 iffukat fuq ir-reżiljenza, l-irkupru u r-riforma, u ġiet implimentata f’konformità mal-perkors tal-adeżjoni tal-Georgia, tal-Moldova u tal-Ukrajna mal-UE.

Il-pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għas-Sħubija tal-Lvant b’valur ta’ €17 biljun hu l-istrument ewlieni tal-UE għat-tisħiħ tar-reżiljenza fir-reġjun u hu marbut mal-istrateġija tal-Global Gateway (ara hawn taħt). Sa tmiem l-2023, kienu ġew mobilizzati €8.6 biljun ta’ investiment mistenni, b’€5 biljun allokati għal proġetti ewlenin speċifiċi għall-pajjiż.

L-UE, l-Istati Membri tagħha u s-sħab tagħha se jżidu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw l-aġenda tas-Sħubija tal-Lvant għall-irkupru, għar-reżiljenza u għar-riforma. Dan jinkludi l-indirizzar tal-impatt tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq ir-reġjun kollu. Il-kooperazzjoni se tiffoka fuq diversi oqsma, bħall-konnettività, it-trasport, l-enerġija u t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, flimkien mad-drittijiet tal-bniedem, is-soċjetà ċivili, l-istat tad-dritt u l-kwistjonijiet ta’ sigurtà. Minkejja li ma fetħet ebda djalogu mar-reġim ta’ Lukashenka, l-UE kompliet tappoġġa direttament lill-poplu Belarussu billi bejn l-2020 u l-2023 immobilizzat €100 miljun - jinfetaħ f’tab ġdida..

L-UE kompliet tinvesti fi sforzi biex tiżgura paċi dejjiema bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan fl-2023, u żiedet l-assistenza umanitarja tagħha - jinfetaħ f’tab ġdida. għar-reġjun, li fi tmiem is-sena ammontat għal aktar minn €25.8 miljun mill-eskalazzjoni tal-konflitt fl-2020.

Josep Borrell bilqiegħda quddiem skrivanija bil-kliem “Unjoni Ewropea” bl-Ingliż fuqha, jitkellem f’mikrofonu iswed. L-assistenti li qegħdin bilqiegħda madwaru qed iħarsu ’l quddiem.
Josep Borrell, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, u l-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli minn Ewropa Aktar b’Saħħitha fid-Dinja (fuq quddiem, ċentru), fil-laqgħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-kunflitt bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan fil-kwartieri ġenerali tan-NU fi New York, l-Istati Uniti, il-21 ta’ Settembru 2023.

Il-viċinat tan-Nofsinhar

Fil-viċinat tan-Nofsinhar, il-pjan ta’ kooperazzjoni reġjonali tal-Aġenda għall-Mediterran u l-istrateġija finanzjarja relatata u l-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment ta’ €30 biljun għamlu progress sew f’oqsma bħall-iżvilupp ekonomiku, il-governanza, it-trasformazzjoni diġitali, ir-reżiljenza enerġetika u r-reżiljenza għall-klima, u l-migrazzjoni.

Il-Memorandum ta’ Qbil bejn l-UE u t-Tuneżija - jinfetaħ f’tab ġdida., li ġie konkluż f’Lulju, jindirizza sfidi komuni u opportunitajiet futuri dwar l-ekonomija u l-kummerċ, it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u tal-enerġija, il-kuntatti bejn il-persuni, u l-migrazzjoni u l-mobbiltà.

L-UE kompliet ukoll tappoġġa lill-persuni li jgħixu fost il-kriżijiet tal-Libanu, tal-Libja, tas-Sirja u tal-Palestina (din id-deżinjazzjoni m’għandhiex tiġi interpretata bħala rikonoxximent ta’ Stat tal-Palestina u ma tippreġudikax il-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri dwar din il-kwistjoni). Waqt il-Konferenza ta’ Brussell dwar is-Sirja - jinfetaħ f’tab ġdida. li saret f’Ġunju, l-UE wiegħdet €3.8 biljun f’għotjiet għas-Sirja u għall-pajjiżi ġirien tagħha.

Appoġġ finanzjarju għall-Viċinat tan-Nofsinhar

€3.8 biljun
f’għotjiet mill-UE impenjati għall-Viċinat tan-Nofsinhar fil-perjodu 2021–2023

€660 miljun
ġew impenjati f’għotjiet imħallta (fondi mhux ripagabbli)

L-għotjiet mill-UE, flimkien ma’ għotjiet imħallta u garanziji pprovduti lil istituzzjonijiet fiskali indipendenti sħab, se jimmobilizzaw €23.8 biljun f’investiment.

Proġetti ewlenin bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent u l-Viċinat għall-2023

Il-proġetti huma implimentati skont il-pjanijiet ekonomiċi u ta’ investiment miftiehma mal-pajjiżi.
Reġjonali — Il-Balkani tal-Punent

Il-Kuritur tal-Elettriku Trans-Balkan huwa interkonnessjoni ta’ 400 kilovolt li tgħaqqad is-sistemi ta’ trażmissjoni tal-elettriku tal-Bożnija-Ħerzegovina, tal-Montenegro u tas-Serbja ma’ dawk tal-Kroazja, tal-Italja, tal-Ungerija u tar-Rumanija.

Reġjonali — Viċinat tan-Nofsinhar — Kejbil ta’ Medusa

Il-kejbil fibrottiku sottomarin Medusa fil-Mediterran se jgħaqqad il-pajjiżi tat-Tramuntana tal-Afrika mal-pajjiżi Ewropej biex jiżdiedu l-veloċitajiet tal-internet fl-universitajiet tat-Tramuntana tal-Afrika.

Reġjonali — Il-Lvant tal-Ewropa

Il-kejbil sottomarin tal-Konnettività Diġitali tal-Baħar l-Iswed se jappoġġa t-trasformazzjoni diġitali u se jżid ir-reżiljenza diġitali tar-reġjun.

Il-Maċedonja ta’ Fuq

L-interkonnessjoni ferrovjarja tal-Kuritur VIII se tgħaqqad lill-Maċedonja ta’ Fuq mal-fruntiera Bulgara.

Il-Georgia

Il-kejbil sottomarin tal-elettriku tal-Konnettività tal-Baħar l-Iswed se jesporta l-enerġija ekoloġika mill-Kawkasu tan-Nofsinhar lejn l-UE.

Il-Marokk
  • In-network tat-tramm fl-agglomerazzjoni ta’ Rabat-Salé-Témara se jiġi estiż b’37 km.
  • Sejħa għall-proposti għall-impjant tal-enerġija tal-idroġenu P2X.
It-Tuneżija

Il-kostruzzjoni tal-ELMED, l-ewwel interkonnessjoni ta’ kejbil sottomarin b’vultaġġ għoli bejn l-Italja u t-Tuneżija.

Iżrael

Il-kejbil sottomarin tal-elettriku tal-Interkonnettur EuroAsia se jgħaqqad il-Greċja, Ċipru u Iżrael.

L-Eġittu
  • GREGY, interkonnessjoni elettrika b’vultaġġ għoli fil-Lvant tal-Mediterran bejn l-Ewropa u l-Afrika, mill-Eġittu sal-Greċja.
  • Il-modernizzazzjoni taċ-Ċentru tal-Kontroll taż-Żona ta’ Lixandra.
  • Il-produzzjoni tal-metanol għat-trasport marittimu ekoloġiku.
Il-Ġordan
  • Il-proġett tad-Desalinizzazzjoni u tat-Trasferiment tal-Ilma ta’ Aqaba-Amman.
  • Ir-rinnovazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-impjant tat-trattament tad-drenaġġ ta’ As-Salt; il-kostruzzjoni ta’ impjant tal-bijogass.

Is-sħubijiet internazzjonali u l-Global Gateway

Fl-2023, l-UE għamlet progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-Global Gateway - jinfetaħ f’tab ġdida. — il-kontribut tagħha biex tnaqqas id-diskrepanza fl-investiment globali u tappoġġa t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali b’mod globali. B’mod partikolari, is-sena rat l-introduzzjoni ta’ kważi 90 proġett - jinfetaħ f’tab ġdida. ewlieni ġdid fl-Afrika, fl-Amerka Latina u l-Karibew, fl-Asja u l-Paċifiku, fil-Balkani tal-Punent, u fil-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar. Dawn il-proġetti kienu jkopru diversi setturi, bħar-rotot strateġiċi tat-trasport, l-enerġija rinnovabbli, il-kejbils sottomarini, il-materja prima kritika, it-taħriġ tal-għalliema u l-produzzjoni tal-vaċċini.

Fil-25 u fis-26 ta’ Ottubru, l-ewwel Forum tal-Global Gateway - jinfetaħ f’tab ġdida. laqqa’ flimkien lill-mexxejja tal-UE mal-pajjiżi sħab, ma’ negozji, mas-soċjetà ċivili, ma’ gruppi ta’ riflessjoni, ma’ istituzzjonijiet finanzjarji u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali biex tiżdied l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Global Gateway. Fi żmien jumejn biss ġew iffirmati ftehimiet b’valur ta’ madwar €3 biljun. L-UE impenjat ruħha li sal-2027 tkun immobilizzat €300 biljun fil-qafas tal-istrateġija.

Ursula von der Leyen u Sheikh Hasina jieħdu b’id xulxin, b’bandiera Ewropea maġenb kull waħda minnhom. Fuq il-bord ta’ warajhom hemm il-kliem “Global Gateway”.
Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea (lemin), u Sheikh Hasina, il-Prim Ministru tal-Bangladesh (xellug), waqt il-Forum tal-Global Gateway, Brussell, il-Belġju, il-25 ta’ Ottubru 2023.

Għall-ewwel darba fi 8 snin, l-UE u l-Komunità tal-Istati tal-Amerka Latina u tal-Karibew kellhom summit li approva l-Aġenda ta’ Investiment tal-Global Gateway bejn l-UE u l-Amerika Latina u l-Karibew - jinfetaħ f’tab ġdida.. L-aġenda mistennija timmobilizza aktar minn €45 biljun fis-snin li ġejjin. Fl-2023, l-UE kkonkludiet ukoll diversi sħubijiet strateġiċi bilaterali ma’ pajjiżi sħab fir-reġjun biex tkompli tikkoopera dwar l-enerġija u l-materja prima kritika. Ġiet stabbilita Alleanza Diġitali bejn l-UE u l-Amerka Latina u l-Karibew - jinfetaħ f’tab ġdida. għall-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet diġitali u spazjali. Barra minn hekk, b’rispons għall-kriżi klimatika, il-programm ewlieni tal-UE Euroclima - jinfetaħ f’tab ġdida. ġie estiż għat-33 pajjiż tal-Amerka Latina u tal-Karibew.

L-Aġenda ta’ Investiment bejn l-UE u l-Amerka Latina u l-Karibew tal-Global Gateway

L-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw aktar minn €45 biljun biex jappoġġaw is-sħubija msaħħa mal-Amerka Latina u l-Karibew sal-2027. Mistennija li jikkontribwixxu pajjiżi oħra, flimkien mas-settur privat u l-istituzzjonijiet ta’ finanzjament.

L-aġenda tinkludi aktar minn 130 proġett f’pajjiżi tal-Amerka Latina u tal-Karibew biex jingranaw l-investiment ta’ kwalità.

Il-proġetti se jiġu implimentati permezz ta’ inizjattivi ta’ Tim Ewropa: l-UE, l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet ta’ finanzjament għall-iżvilupp (inkluż il-Bank Ewropew tal-Investiment), l-aġenziji ta’ kreditu għall-esportazzjoni u s-sorsi pubbliċi l-oħra kollha ta’ finanzjament se jaħdmu fi sħubija mas-settur privat.

Filmat dwar il-programm Amazonia+ tal-Unjoni Ewropea fil-qafas tal-inizjattiva Global Gateway, li jiffoka fuq it-tnaqqis tad-deforestazzjoni u l-protezzjoni tal-ħabitats indiġeni fil-baċir tal-Amażonja.
FILMAT Global Gateway: tnedija tal-programm Amazonia+.
L-aġenda hija strutturata madwar pilastri ewlenin:

tranżizzjoni ġusta u ekoloġika

trasformazzjoni diġitali inklużiva

żvilupp tal-bniedem

reżiljenza tas-saħħa u l-vaċċini

Bl-istess mod, matul is-sena l-UE kompliet issaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha mar-reġjun Asja-Paċifiku. Fl-2022 ħabbret l-ingranaġġ sa €10 biljun f’investiment għall-proġetti tal-Global Gateway mal-pajjiżi membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja. Bħala parti minn dan, fl-2023 nediet programm ta’ osservazzjoni tad-Dinja għall-appoġġ tal-adattament għat-tibdil fil-klima, għall-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel u għar-rispons għad-diżastri. Barra minn hekk, ħolqot sħubijiet ġodda għall-enerġija sostenibbli u għall-immaniġġjar tar-riżorsi naturali. Bl-għan li tittejjeb il-konnettività sostenibbli bejn l-Ewropa u l-Asja Ċentrali, l-UE mmappjat - jinfetaħ f’tab ġdida. il-konnessjonijiet tat-trasport bejn iż-żewġ reġjuni u l-opportunitajiet ta’ investiment li jirriżultaw.

Jutta Urpilainen ma’ erba’ persuni oħra taħt strixxun bil-kliem “Il-Ftehim ta’ Samoa” bl-Ingliż fuqu.
Jutta Urpilainen, il-Kummissarju Ewropew għas-Sħubijiet Internazzjonali (it-tieni mil-lemin), waqt l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Samoa, Apia, Samoa, il-15 ta’ Novembru 2023.

Tfaċċat sħubija ġdida bejn l-UE u l-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, organizzazzjoni li tinkludi 79 nazzjon. Fil-15 ta’ Novembru, dawn iffirmaw il-Ftehim ta’ Samoa - jinfetaħ f’tab ġdida., li jissostitwixxi l-Ftehim ta’ Cotonou. It-test il-ġdid jiffoka fuq sforzi konġunti kontra l-isfidi globali bħat-tibdil fil-klima, id-drittijiet tal-bniedem u l-kwistjonijiet tas-saħħa. Hu mistenni jsawwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-organizzazzjoni għall-20 sena li ġejjin.

L-UE miexja ’l quddiem fl-implimentazzjoni tal-Pakkett ta’ Investiment tal-Global Gateway bejn l-Afrika u l-Ewropa b’valur ta’ €150 biljun, fosthom inizjattivi ewlenin ġodda ta’ Tim Ewropa (sforzi konġunti bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha) f’setturi bħas-saħħa, it-teknoloġiji diġitali, l-enerġija ekoloġika, l-edukazzjoni u t-trasport.

Inizjattivi tat-Tim Ewropa 2023

F’Ottubru 2023 tnieda l-pjan direzzjonali tas-Sħubija bejn l-UE u n-Namibja dwar il-ktajjen tal-valur sostenibbli tal-materja prima u l-idroġenu rinnovabbli. Fl-istess ħin, l-UE ffirmat ftehimiet dwar sħubijiet simili mar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u maż-Żambja.

L-UE u l-Istati Membri tagħha żiedu l-appoġġ għall-produzzjoni tal-enerġija nadifa fl-Afrika, pereżempju permezz tat-tnedija tas-Sħubija għal Tranżizzjoni Ġusta tal-Enerġija mas-Senegal u l-inawgurazzjoni tal-impjant tal-enerġija solari ta’ Gorou Banda fin-Niġer.

Il-produzzjoni tal-vaċċini bdiet fl-Afrika t’Isfel, u qed jiġu stabbiliti faċilitajiet ta’ produzzjoni fil-Ghana, fir-Rwanda u fis-Senegal.

F’Jannar 2023, l-UE u l-Istati Membri tagħha nedew ukoll Inizjattiva Reġjonali tal-Għalliema ta’ €100 miljun biex jappoġġaw edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd.

Ursula von der Leyen u Paul Kagame bilqiegħda fuq żewġ siġġijiet ħdejn xulxin filwaqt li qed jitbissmu. Bejniethom hemm mejda. Fl-isfond tidher l-emblema tar-Rwanda kif ukoll il-bnadar tal-Ewropa u tar-Rwanda.
Fit-18 ta’ Diċembru 2023, Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea (xellug), marret Kigali, ir-Rwanda, fejn għamlet diskors waqt iċ-ċerimonja tat-tnedija ta’ BioNtech Africa, flimkien ma’ Paul Kagame, il-President tar-Rwanda (lemin).
Erba’ persuni bilqiegħda f’kenura, li qed titmexxa fuq xmara mill-persuna fuq in-naħa ta’ wara li għandha lasta twila f’idejha. Fl-isfond hemm struttura tal-konkos mhux kompluta estiża ’l barra, li hija l-pedamenti ta’ pont li għadu qed jinbena.
L-UE qed tiffinanzja l-kostruzzjoni ta’ pont fuq ix-Xmara Logone, li jgħaqqad lill-Kamerun maċ-Chad. S’issa, it-trasport u l-kummerċ kienu limitati għal kenuri tal-injam tradizzjonali li jittrasportaw l-oġġetti u l-persuni. Yagoua, il-Kamerun, il-5 ta’ April 2023.

Bl-introduzzjoni tal-Markatur tal-Inugwaljanza - jinfetaħ f’tab ġdida., fl-2023 l-UE ħadet pass konkret fil-ġlieda kontra l-inugwaljanza. Din l-għodda tgħin biex jiġi vvalutat jekk il-miżuri humiex qed inaqqsu l-inugwaljanzi u jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-inqas 40 % tal-popolazzjoni.

Flimkien, l-UE u l-Istati Membri tagħha jibqgħu l-fornitur ewlieni ta’ assistenza uffiċjali għall-iżvilupp madwar id-dinja, b’€92.8 biljun ta’ għajnuna pprovduta fl-2022 (l-aktar sena reċenti li għaliha hemm data disponibbli), u jirrappreżentaw 43 % ta’ tali fornituri.

L-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili

L-għajnuna umanitarja

L-għajnuna umanitarja ssalva l-ħajjiet, issaħħaħ id-dinjità tal-bniedem u tippromwovi s-solidarjetà globali fi kriżijiet u emerġenzi. Kollettivament, l-UE hi waħda mill-akbar donaturi ta’ għajnuna umanitarja fid-dinja. Fl-2023 waħedha kellha baġit ta’ €2.4 biljun, u ma tiffokax biss fuq emerġenzi ġodda, iżda wkoll fuq kriżijiet minsija.

Minħabba l-kunflitt, ix-xokkijiet ekonomiċi, it-temp estrem u l-pandemija, l-insigurtà tal-ikel - jinfetaħ f’tab ġdida. laħqet livell rekord. L-invażjoni illegali tar-Russja fl-Ukrajna kompliet taffettwa l-prezzijiet tal-ikel, tal-enerġija u tal-fertilizzanti u fixklet il-ktajjen tal-provvista. Fl-2023, ġew allokati aktar minn €668 miljun għall-assistenza umanitarja għall-ikel u għan-nutrizzjoni. Permezz ta’ din l-għajnuna, l-UE għandha l-għan li tiżgura aċċess għal ikel sikur u nutrittiv għall-persuni l-aktar bil-ġuħ u l-aktar vulnerabbli fi kriżijiet.

Matul dawn l-aħħar 12-il sena tal-kriżi Sirjana - jinfetaħ f’tab ġdida., l-UE u l-Istati Membri tagħha pprovdew lill-poplu Sirjan appoġġ estensiv li jammonta għal €30 biljun. Dan l-appoġġ ikopri l-għajnuna umanitarja, l-għajnuna għall-iżvilupp, għall-ekonomija u għall-istabbilizzazzjoni, b’€170 miljun addizzjonali allokati għall-assistenza umanitarja fl-2023.

Fi Frar 2023, terremot kbir b’qawwa ta’ 7.8 laqat lis-Sirja u lit-Turkija. Dan kien wieħed mill-aktar terremoti qawwija li seħħew fir-reġjun f’aktar minn seklu. Madankollu, kienet ikkawżata aktar ħsara minn terremoti li seħħew wara.

L-UE rreaġixxiet minnufih: bagħtet 30 tim ta’ tiftix u salvataġġ lejn it-Turkija, immobilizzat assistenza umanitarja għaż-żewġ pajjiżi, u fl-20 ta’ Marzu sejħet il-konferenza - jinfetaħ f’tab ġdida. tad-donaturi internazzjonali “Flimkien għan-nies tat-Turkija u tas-Sirja”. Waqt il-Konferenza, il-komunità internazzjonali wiegħdet €7 biljun biex tappoġġa l-ħtiġijiet umanitarji u r-rikostruzzjoni tar-reġjuni affettwati fit-Turkija, u biex tipprovdi lis-Sirja għajnuna umanitarja flimkien ma’ appoġġ bikri għall-irkupru u r-reżiljenza. Dan l-ammont kien jinkludi kontribuzzjoni ta’ €1.1 biljun mill-baġit tal-UE, b’€400 miljun garantiti fl-2023 fil-qafas tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea.

Żewġ ħaddiema umanitarji jiftħu kaxxa mimlija provvisti tal-iġjene, inkluż rollijiet tal-karta tat-tojlit. Grupp ta’ nisa jistennew fil-qrib. Fl-isfond jidhru tined bojod kbar.
Bis-saħħa tal-finanzjament tal-UE u l-organizzazzjonijiet sħab, qed tingħata għajnuna fejn tidħol l-iġjene lill-persuni affettwati mit-terremoti li qed jgħixu fit-tined, it-Turkija, it-23 ta’ Awwissu 2023.

Terremot b’qawwa ta’ 6.8 laqat lill-Marokk f’Settembru. L-UE malajr immobilizzat - jinfetaħ f’tab ġdida. €1 miljun f’fondi ta’ emerġenza u bagħtet esperti umanitarji u loġistiċi, u kienet lesta li toffri aktar appoġġ, jekk ikun meħtieġ.

Minħabba li huwa evidenti li l-ħtieġa għall-għajnuna umanitarja se tkompli tikber globalment, l-UE żiedet il-promozzjoni tagħha biex twessa’ l-bażi tad-donaturi globali u tnaqqas id-diskrepanza li dejjem qed tikber bejn il-finanzjament u l-ħtiġijiet li jkun hemm, li kważi qabżet l-€40 biljun għall-ewwel darba fl-2023. Is-suġġett kien fil-qalba tal-Forum Umanitarju Ewropew - jinfetaħ f’tab ġdida. annwali fi Brussell, il-Belġju, f’Marzu. Bl-għan li jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli għall-ħtiġijiet umanitarji, dan il-forum laqqa’ flimkien lill-ministri tal-UE għall-affarijiet barranin biex jiddiskutu l-użu tal-fondi għall-iżvilupp u l-klima biex jindirizzaw il-kawżi ewlenin ta’ dawn il-ħtiġijiet u ħeġġiġhom iżidu l-livell ta’ impenn tagħhom.

Minbarra l-finanzjament, l-UE użat ukoll il-kapaċitajiet tagħha stess biex tikkomplementa l-ħidma tal-organizzazzjonijiet umanitarji sħab tagħha. Permezz tal-Kapaċità Ewropea ta’ Rispons Umanitarju - jinfetaħ f’tab ġdida., matul is-sena pprovdiet appoġġ loġistiku dirett, b’mod partikolari fil-Lvant Nofsani. Dan l-appoġġ kien jinkludi d-distribuzzjoni ta’ provvisti li jsalvaw il-ħajja mill-istokkijiet tal-UE stess u l-organizzazzjoni tal-operazzjonijiet tal-Pont tal-Ajru Umanitarju tal-UE għat-trasportar ta’ merkanzija ta’ sokkors għall-organizzazzjonijiet sħab.

Hekk ukoll sar b’rispons għall-konflitt li faqqa’ fis-Sudan f’April – ġew ipprovduti provvisti li jsalvaw il-ħajjiet lill-persuni affettwati mill-konflitt fis-Sudan u lir-refuġjati ospitati fiċ-Chad. Wara eskalazzjoni ulterjuri ta’ kunflitt fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo - jinfetaħ f’tab ġdida., ġie stabbilit Pont Umanitarju tal-Ajru parallel, u serje ta’ titjiriet komplew jipprovdu għajnuna ta’ emerġenza lill-poplu tal-Afganistan li qed jiffaċċja l-akbar kriżi umanitarja fid-dinja.

F’Marzu 2023, l-UE organizzat konferenza ta’ solidarjetà mal-migranti u r-refuġjati mill-Venezwela, li matulha nġabru €815 miljun u saret enfasi fuq din il-kriżi umanitarja minsija. Ġew organizzati aktar avvenimenti b’appell għal wegħdiet ta’ donazzjonijiet biex jappoġġaw lill-poplu tal-Jemen u ż-żoni ta’ kriżi fil-Qarn tal-Afrika u fis-Saħel.

Aktar minn nofs il-popolazzjoni tal-Mali hi taħt it-18-il sena. Madwar terz minnha jgħixu f’żoni milquta minn kunflitt armat. L-UE qed taħdem b’mod attiv biex tipproteġi lil dawn it-tfal, tirrispondi malajr għal spostamenti ġodda u tiżgura li l-edukazzjoni tagħhom tkompli għaddejja bla ebda tfixkil.

Mara u wild żgħir jgħoddu fuq is-swaba’ ta’ xulxin. Dawn qegħdin bilqiegħda mal-art flimkien ma’ mara oħra u ma’ xi tfal żgħar.
L-attivitajiet ta’ rikreazzjoni għat-tfal spostati fil-Mali jiġu organizzati fi gruppi żgħar biex tiġi żgurata s-sikurezza u jitrawwem sens ta’ intimità. Dan l-approċċ jagħmilha wkoll aktar faċli li jiġu identifikati t-tfal li jeħtieġu appoġġ addizzjonali. It-tfal vulnerabbli mbagħad jirċievu appoġġ u assistenza psikosoċjali mfassla skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom. Il-11 ta’ April 2023. © DRC/Bakary Diouara

Ir-rispons, il-prevenzjoni u t-tħejjija għad-diżastri

Il-mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili - jinfetaħ f’tab ġdida., stabbilit f’Ottubru 2001, jifforma s-sinsla tal-kooperazzjoni u tas-solidarjetà bejn l-Istati Membri u 10 stati parteċipanti oħra fil-każ ta’ diżastri kkawżati mill-bniedem jew diżastri naturali. Meta l-kapaċitajiet ta’ rispons ta’ pajjiż fl-Ewropa jew lil hinn minnha ma jkunux kapaċi jlaħħqu ma’ emerġenza partikolari, il-pajjiż ikun jista’ jitlob assistenza permezz tal-mekkaniżmu.

Bl-inklużjoni tal-Moldova - jinfetaħ f’tab ġdida. u tal-Ukrajna - jinfetaħ f’tab ġdida. fl-2023, il-mekkaniżmu kiber għal 37 membru li kollettivament isaħħu l-prevenzjoni, it-tħeħħija u r-rispons għad-diżastru fl-Ewropa.

L-UE għandha rwol ewlieni fil-koordinazzjoni u l-finanzjament tar-rispons kollettiv għad-diżastri fl-UE u madwar id-dinja. Fl-2023, id-domanda għall-assistenza permezz tal-mekkaniżmu żdiedet, u laħqet 66 attivazzjoni b’rispons kemm għall-kriżijiet naturali kif ukoll għal dawk ikkawżati mill-bniedem madwar l-Ewropa u lil hinn minnha. Dawn kienu jinkludu l-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna, it-terremot massiv fis-Sirja u fit-Turkija, in-nirien forestali devastanti fil-Kanada u fil-Greċja u l-għargħar bla preċedent fl-Italja, fil-Libja u fis-Slovenja.

L-UE kompliet tespandi r-riżervi strateġiċi tagħha tar-rescEU, maħluqa bħala l-aħħar rimedju bħala appoġġ għall-emerġenzi l-kbar li l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jlaħħqu magħhom. Bħala parti minn din l-espansjoni, l-UE bniet ir-riżervi ta’ kenn tagħha stess, li jistgħu jakkomodaw eluf ta’ persuni f’diversi pajjiżi. Tat ukoll bidu lill-istabbiliment ta’ Tim Mediku ta’ Emerġenza tar-rescEU - jinfetaħ f’tab ġdida. sabiex ikun hemm l-ewwel sptar pan-Ewropew fuq il-post. Diversi Stati Membri rċevew finanzjament tal-UE biex jibnu l-ewwel riżerva strateġika kimika, bijoloġika, radjoloġika u nukleari tar-rescEU, flimkien ma’ riżerva tal-enerġija ta’ emerġenza bil-ġeneraturi u b’tagħmir ieħor.

L-UE tappoġġa lill-gvernijiet, lill-organizzazzjonijiet u lill-komunitajiet fl-antiċipazzjoni, fit-tħejjija u fir-rispons għad-diżastri. Il-Komunitajiet jiġu megħjuna biex jilħqu dawn l-għanijiet bl-użu ta’ sistemi ta’ twissija bikrija, il-kondiviżjoni tal-għarfien espert, taħriġ dwar ir-rispons ta’ emerġenza u l-ħżin ta’ provvisti ta’ sokkors.

F’dan ir-rigward, l-UE ġeddet l-impenn - jinfetaħ f’tab ġdida. tagħha għall-Qafas ta’ Sendai tan-NU għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri. L-UE tappoġġa wkoll lill-Amerka Latina u lill-Karibew permezz ta’ Memorandum ta’ Qbil dwar il-Kooperazzjoni fit-Tħejjija għad-Diżastri u l-Immaniġġjar tar-Riskju. Hekk kif ix-xenarju tar-riskju fl-Ewropa mar għall-agħar, fl-2023 l-UE adottat ħames għanijiet marbuta mar-reżiljenza għad-diżastri - jinfetaħ f’tab ġdida.. Dawn huma miri li jiggwidaw lill-komunitajiet madwar l-Ewropa kollha biex jgħinuhom ibassru, jipprevjenu, iħejju u jirrispondu għal diżastri kbar fil-futur. Jistabbilixxu rabta bejn xenarji speċifiċi ta’ diżastri u kapaċitajiet ta’ rispons, u għandhom l-għan li jsaħħu r-reżiljenza għad-diżastri b’mod tanġibbli u effiċjenti.

Tliet pumpiera lebsin tagħmir protettiv qegħdin kokka jisqu fenek li qiegħed f’nofshom.
Xi pumpiera Rumeni fuq il-gżira ta’ Rodi, il-Greċja, qed jisqu fenek bil-għatx li salvaw minn qalb in-nirien. Meta jkun hemm nirien fil-ħabitat naturali tagħhom, l-annimali spiss ma jkunux kapaċi jaħarbu. Lulju 2023. © Romanian Civil Protection.

Ħames għanijiet tal-UE għar-reżiljenza għad-diżastri

Antiċipazzjoni

Valutazzjoni aħjar tar-riskju

Tħejjija

Sensibilizzazzjoni u prontezza akbar tan-nies

Allert

Sistemi mtejba ta’ twissija bikrija

Rispons

Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili aktar b’saħħtu

Sigurtà

Koordinazzjoni robusta ta’ rispons ta’ emerġenza madwar l-Ewropa

Il-ftehimiet kummerċjali

L-UE taħdem ma’ pajjiżi minn madwar id-dinja kollha u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali biex tippromwovi l-kummerċ u l-prosperità ekonomika, filwaqt li tiżgura li t-teknoloġija tgħin biex taqdi lis-soċjetà u tirrispetta l-valuri demokratiċi kondiviżi.

F’Ġunju, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Josep Borrell, introduċew l-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà Ekonomika - jinfetaħ f’tab ġdida. — approċċ komprensiv għal ekonomija tal-UE aktar b’saħħitha u aktar reżiljenti. Dan l-approċċ se jkabbar il-bażi industrijali tal-UE, jipproteġi l-interessi ekonomiċi vitali u jippromwovi l-kollaborazzjoni ma’ firxa wiesgħa ta’ pajjiżi mhux tal-UE biex tissaħħaħ is-sigurtà ekonomika globali.

Fl-2023, l-UE għamlet progress tajjeb f’diversi ftehimiet ta’ kummerċ ħieles. L-UE ffirmat u adottat - jinfetaħ f’tab ġdida. ftehim ma’ New Zealand li ġie konkluż fl-2022. Ġie ffirmat ukoll il-Ftehim bejn l-UE u ċ-Ċilì, u dan witta t-triq għal adozzjoni formali.

L-UE kkonkludiet negozjati u ffirmat il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika mal-Kenja - jinfetaħ f’tab ġdida., l-aktar ftehim ambizzjuż dwar is-sostenibbiltà li l-UE nnegozjat ma’ pajjiż li qed jiżviluppa. Il-ħidma fuq il-Ftehim ta’ Faċilitazzjoni tal-Investiment Sostenibbli bejn l-UE u l-Angola għamlet progress ukoll, u l-Kummissjoni qed tipproponi li l-Kunsill jikkonkludi u jiffirma l-ftehim.

Komplew in-negozjati dwar il-ftehimiet kummerċjali mal-Awstralja, mal-Indja u mal-Indoneżja kif ukoll il-ħidma teknika u legali dwar il-ftehim kummerċjali bejn l-UE u l-Mercosur. Reġgħu tnedew ukoll n-Negozjati mat-Tajlandja - jinfetaħ f’tab ġdida..

Wara d-Djalogu Ekonomiku ta’ Livell Għoli bejn l-UE u l-Ġappun - jinfetaħ f’tab ġdida. f’Ġunju u s-Summit bejn l-UE u l-Ġappun - jinfetaħ f’tab ġdida. f’Lulju, iż-żewġ partijiet qablu li jkomplu jikkollaboraw skont il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun. Dan jinkludi t-twessigħ tat-taħditiet dwar is-sigurtà ekonomika u l-qbil dwar il-prinċipji tal-kummerċ diġitali.

F’Diċembru, il-belt ta’ Beijing ospitat Summit storiku bejn l-UE u ċ-Ċina - jinfetaħ f’tab ġdida., l-ewwel summit bi preżenza fiżika mill-2019, li ffoka fuq il-fatt li jsir progress konkret fir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina. Fil-qalba tal-aġenda kien hemm diskussjonijiet dwar l-ibbilanċjar tad-defiċit kummerċjali tal-UE maċ-Ċina, it-trawwim ta’ sħubija ekonomika ekwa u l-konformità man-normi internazzjonali.

L-Assemblea daħlet ukoll fi kwistjonijiet globali ta’ importanza, bħall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, it-tensjonijiet fil-Lvant Nofsani, it-tibdil fil-klima, l-isfidi tas-saħħa, u l-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina. Is-summit enfasizza l-importanza tal-kollaborazzjoni u tar-rispett reċiproku fl-affarijiet globali.

Ringiela ta’ bnadar Ewropej u Ċiniżi ħdejn xulxin f’kuritur, b’mara bilwieqfa fl-isfond.

Mal-Istati Uniti, tkomplew in-negozjati dwar l-Arranġament Globali dwar l-Azzar u l-Aluminju Sostenibbli biex tiġi indirizzata l-kapaċità żejda fis-swieq globali u biex il-kummerċ globali tal-azzar isir aktar sostenibbli. Biex jappoġġaw dawn l-isforzi, l-Istati Uniti u l-UE qablu - jinfetaħ f’tab ġdida. li jestendu s-sospensjoni tat-tariffi tal-Istati Uniti fuq ċerti kwantitajiet ta’ azzar u aluminju tal-UE u tat-tariffi ta’ riekwilibriju tal-UE fuq oġġetti li joriġinaw mill-Istati Uniti sal-31 ta’ Diċembru 2025 u l-31 ta’ Marzu 2025 rispettivament. Bdew ukoll negozjati mal-Istati Uniti dwar Ftehim dwar il-Minerali Kritiċi, li jkun jippermetti li l-vetturi elettriċi u l-partijiet tagħhom li jiġu prodotti fl-UE jibbenefikaw minn ċerti krediti tat-taxxa tal-Att dwar it-Tnaqqis tal-Inflazzjoni tal-Istati Uniti.

L-UE u l-Istati Uniti komplew jiżviluppaw ir-relazzjonijiet diġitali u kummerċjali tagħhom fi ħdan il-qafas tal-Kunsill għall-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Istati Uniti - jinfetaħ f’tab ġdida., li kellu r-raba’ Laqgħa Ministerjali tiegħu f’Mejju. Abbażi tas-suċċess tal-kunsill bejn l-UE u l-Istati Uniti, l-UE u l-Indja kellhom l-ewwel Laqgħa Ministerjali tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Indja - jinfetaħ f’tab ġdida. li saret f’Mejju wkoll, wara t-tnedija - jinfetaħ f’tab ġdida. tiegħu fi Frar. Matul il-laqgħa, iż-żewġ naħat qablu li japprofondixxu l-kooperazzjoni tagħhom fi tliet oqsma ewlenin: it-teknoloġija, l-enerġija nadifa u l-kummerċ.

Il-Qafas ta’ Windsor - PDF file – jinfetaħ f’tab ġdida. hu stadju importanti fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit. Dan jipprovdi soluzzjonijiet definittivi għall-isfidi ta’ implimentazzjoni relatati mal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq (parti integrali mill-Ftehim dwar il-Ħruġ); jafferma mill-ġdid l-impenn sħiħ kemm min-naħa tal-UE kif ukoll minn dik tar-Renju Unit għall-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira (Belfast); jiffaċilita l-kummerċ bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Gran Brittanja u jipproteġi s-Suq Uniku tal-UE. Iż-żewġ partijiet huma impenjati għall-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tal-elementi kollha tal-qafas.

Anke l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni għamel progress fl-2023, u dan ippermetta l-kooperazzjoni fil-kummerċ, fit-trasport, fl-enerġija u fis-sigurtà, flimkien ma’ oqsma bħaċ-ċibersigurtà u s-servizzi finanzjarji. Ir-Renju Unit u l-UE laħqu ftehim - jinfetaħ f’tab ġdida. dwar il-parteċipazzjoni ta’ dan tal-ewwel f’Orizzont Ewropa, il-programm ta’ riċerka u innovazzjoni tal-UE, u f’Copernicus, il-programm ta’ osservazzjoni tad-Dinja tal-UE li hu fost l-aqwa fid-dinja.

Bis-saħħa tal-appoġġ tal-UE għall-proċess ta’ riżoluzzjoni ta’ Ċipru, il-kummerċ tal-Linja l-Ħadra - jinfetaħ f’tab ġdida. bejn iċ-Ċiprijotti Torok u ċ-Ċiprijotti Griegi laħaq rekord ta’ €16-il miljun fl-2023. Dan il-kummerċ qed jibni fiduċja bejn iż-żewġ komunitajiet u qed jgħin lill-ekonomija ta’ Ċipru. Sabiex dan it-tkabbir ikompli jiżdied, f’Ottubru nfetaħ Punt Uniku ta’ Servizz - jinfetaħ f’tab ġdida. iffinanzjat mill-UE li joffri pariri lin-negozjanti lokali.

L-UE nediet diversi sħubijiet diġitali biex issaħħaħ l-involviment tagħha ma’ sħab tal-istess fehma, fosthom il-Kanada u l-pajjiżi fir-reġjun Indo-Paċifiku, bħal Singapore - jinfetaħ f’tab ġdida. u l-Korea t’Isfel - jinfetaħ f’tab ġdida.. L-għan hu li tiżdied il-kooperazzjoni biex jiġi kkultivat spazju diġitali sikur u sigur u trasformazzjoni diġitali reżiljenti. Is-sħubija strateġika bejn l-UE u l-Ġappun - jinfetaħ f’tab ġdida. kompliet tikber ukoll, biż-żewġ partijiet jiffirmaw ftehimiet biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar l-infrastruttura diġitali, is-semikondutturi u l-ktajjen tal-provvista tal-materja prima.

Għan ieħor tal-UE hu li ssaħħaħ ir-rabtiet tagħha mal-komunitajiet xjentifiċi li huma l-aqwa fid-dinja. Id-dħul - jinfetaħ f’tab ġdida. ta’ New Zealand f’Orizzont Ewropa fl-2023 kien ta’ importanza ġdida għax kien l-ewwel sieħeb imbiegħed tal-UE f’dan il-programm. L-involviment - jinfetaħ f’tab ġdida. tal-Kanada jkompli jestendi din l-alleanza xjentifika internazzjonali.

Margrethe Vestager u Valdis Dombrovskis jieħdu b’id rappreżentant mill-Indja, quddiem bandiera Indjana u bandiera Ewropea, filwaqt li raġel ieħor iħares lejhom.
Margrethe Vestager, il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli minn Ewropa Lesta għall-Era Diġitali u l-Kummissarju Ewropew għall-Kompetizzjoni (it-tieni mil-lemin), u Valdis Dombrovskis, il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli minn Ekonomija għas-Servizz tan-Nies u l-Kummissarju Ewropew għall-Kummerċ (it-tielet mil-lemin), fil-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Indja, Brussell, il-Belġju, is-16 ta’ Mejju 2023.