Fokus fuq L-UE U L-UGWALJANZA TAL-LGBTI
Frar 2020
Frar 2020
Fl-Unjoni Ewropea (UE) kulħadd għandu d-dritt għal trattament ugwali.
76 % tal-Ewropej mistħarrġa fl-2019 qablu li l-persuni omosesswali, leżbjani jew bisesswali għandu jkollhom l-istess drittijiet bħall-persuni eterosesswali, jiġifieri żieda mill-71 % fl-2015. Madankollu, il-persuni leżbjani, omosesswali, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI) jistgħu jiffaċċjaw diskriminazzjoni f’ħafna oqsma tal-ħajja, pereżempju, meta jkunu qed ifittxu xogħol jew jitolbu benefiċċji tas-sigurtà soċjali, fl-iskola jew meta jkollhom bżonn kura tas-saħħa. Huma jistgħu jiffaċċjaw ukoll diskors ta’ mibegħda u anki vjolenza u jistgħu jħossuhom mhux sikuri fil-postijiet tax-xogħol, fl-iskejjel u fi spazji pubbliċi.
Mill-1999, l-UE kellha s-setgħa li taġixxi f’każijiet ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali. Minn dak iż-żmien, hija adottat leġiżlazzjoni u ħadet miżuri sabiex testendi l-protezzjoni legali u soċjali għall-persuni LGBTI.
F’dan il-fuljett tista’ ssir taf x’qed tagħmel l-UE għall-persuni leżbjani, omosesswali, bisesswali, transġeneru u intersesswali.
L-UE taħdem biex tiġġieled kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess. Hija għandha l-għan li tiżgura li d-drittijiet tal-persuni LGBTI kollha jiġu mħarsa fl-UE.
Bħala parti mill-isforzi tagħha sabiex tiġġieled id-diskriminazzjoni, fl-2015, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat lista ta’ azzjonijiet li jkopru, pereżempju, l-edukazzjoni, ix-xogħol, is-saħħa, il-moviment liberu, l-asil u r-reati ta’ mibegħda.
Sabiex iġġib bidla, l-UE taħdem id f’id mal-pajjiżi tal-UE, minħabba li dawn huma responsabbli għall-promozzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-LGBTI, bħar-rikonoxximent legali ta’ koppji tal-istess sess u r-regoli dwar ir-rikonoxximent legali tal-ġeneru.
Kważi nofs il-persuni LGBTI mistħarrġa madwar l-Ewropa esperjenzaw diskriminazzjoni jew fastidju.
Sors: L-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali — Stħarriġ tal-UE dwar l-LGBT, 2013.
Mill-2003 sar illegali fl-UE li ssir diskriminazzjoni kontra l-persuni fuq il-post tax-xogħol abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom. Il-leġiżlazzjoni tobbliga lill-pajjiżi kollha fl-UE biex jipprovdu protezzjoni legali kontra d-diskriminazzjoni meta persuna tiġi biex tapplika għal xogħol, promozzjoni u taħriġ, kif ukoll fi kwistjonijiet li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-pagi u s-sensji.
L-istess protezzjoni testendi għad-diskriminazzjoni u l-fastidju fil-qasam tal-impjiegi u s-sigurtà soċjali meta dawn isiru abbażi tar-riassenjament tal-ġeneru (meta persuna tkun bidlet is-sess minħabba li tkun ħasset li l-ġeneru tagħha fit-twelid ma kienx jaqbel mal-identità tal-ġeneru tagħha).
Madankollu, biex verament isir avvanz fl-ugwaljanza tal-persuni LGBTI, huma meħtieġa azzjonijiet oħrajn minbarra l-liġijiet. Fl-2010, l-UE waqqfet Pjattaforma ta’ Karti dwar id-Diversità sabiex tħeġġeġ lin-negozji, lill-korpi pubbliċi u lill-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ biex isaħħu l-impenn tagħhom għat-titjib tad-diversità. L-organizzazzjonijiet li jipparteċipaw qablu li jippromwovu d-diversità u l-opportunitajiet indaqs fil-post tax-xogħol, inkluż għall-persuni LGBTI.
Il-mibegħda kontra l-persuni LGBTI ta’ spiss tinxtered fuq l-internet u permezz tal-midja soċjali. Sabiex tiġġieled kontra d-diskors ta’ mibegħda fuq l-internet, fl-2016 il-Kummissjoni Ewropea qablet ma’ Facebook, Twitter, YouTube u Microsoft dwar kodiċi ta’ kondotta li jitlobhom jirrieżaminaw il-maġġoranza tan-notifiki tad-diskors ta’ mibegħda illegali fi żmien 24 siegħa u li jekk ikun meħtieġ, ineħħu dan il-kontenut. Instagram, Snapchat, Dailymotion u jeuxvideo.com iffirmaw il-kodiċi ta’ kondotta fl-2018 u fl-2019.
Il-vittmi tar-reati jistħoqqilhom ikunu rikonoxxuti u ttrattati b’mod li jġibilhom rispett u mfassal għall-ħtiġijiet individwali ta’ kull vittma. Id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi tistabbilixxi sett ta’ drittijiet vinkolanti għall-vittmi u obbligi ċari fuq il-pajjiżi tal-UE.
Fil-livell tal-UE, grupp ta’ esperti mill-gvernijiet, minn organizzazzjonijiet internazzjonali u mis-soċjetà ċivili qed jaħdem sabiex jiġġieled l-intolleranza u d-diskriminazzjoni, inkluż kontra l-persuni LGBTI. Il-grupp qed jgħin sabiex jiżviluppa politiki li jipprevjenu u jiġġieldu r-reati ta’ mibegħda u d-diskors ta’ mibegħda. Pereżempju, huwa ħareġ gwida dwar l-iżgurar tal-ġustizzja, il-protezzjoni u l-appoġġ għall-vittmi ta’ reati ta’ mibegħda u pprovda wkoll gwida u taħriġ għall-pulizija u l-qrati.
L-UE trid tiżgura li l-persuni LGBTI jkollhom l-istess aċċess għall-kura tas-saħħa bħal persuni oħrajn. Il-gwidi ta’ taħriġ speċifiċi għal-LGBTI ġew prodotti sabiex jintużaw mill-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa. Il-pajjiżi tal-UE jaħdmu wkoll flimkien fuq il-prevenzjoni, l-ittestjar u l-kura għal gruppi vulnerabbli, inklużi l-persuni LGBTI, għall-HIV, l-infezzjonijiet trażmessi sesswalment, it-tuberkulożi u l-epatite, li jimmiraw għal dijanjożi aktar bikrija u kura aħjar għal kulħadd.
Il-linji ta’ għajnuna nazzjonali għall-vittmi ta’ attakk, fastidju jew abbuż huma fis-seħħ f’kull pajjiż tal-UE.
Iċ-ċittadini kollha tal-UE għandhom id-dritt li jiċċaqilqu liberament fl-UE. Dan id-dritt għal-libertà tal-moviment għandu l-għan li jagħmilha aktar faċli li tgħix, tistudja jew taħdem fi kwalunkwe pajjiż ieħor tal-UE. Madankollu, fil-prattika l-persuni LGBTI jistgħu jiffaċċjaw ostakli meta jaqsmu l-fruntieri. Pereżempju, il-koppji tal-istess sess jistgħu jsibuha diffiċli biex ikollhom ir-relazzjoni tagħhom jew lil uliedhom rikonoxxuti f’pajjiż differenti tal-UE.
Id-dritt tal-UE jestendi d-dritt għal-libertà tal-moviment, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall-membri tal-familja taċ-ċittadini tal-UE, bħalma huma l-konjuġi u t-tfal tagħhom, anki jekk huma stess mhumiex ċittadini tal-UE. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE ddikjarat b’mod ċar li l-konjuġi tal-istess sess għandhom id-dritt li jirrisjedu f’pajjiż ieħor tal-UE, ladarba s-sieħeb tagħhom ikun stabbilixxa ruħu legalment hemmhekk, anki jekk il-pajjiż ospitanti nnifsu ma jkunx daħħal fis-seħħ iż-żwiġijiet bejn il-koppji tal-istess sess.
B’mod ġenerali, il-pajjiżi tal-UE jiddeċiedu l-liġijiet tagħhom stess dwar iż-żwieġ, inkluż iż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess u relazzjonijiet oħrajn rikonoxxuti legalment, bħas-sħubijiet ċivili. Għalhekk, id-definizzjoni preċiża taż-żwieġ u tas-sħubijiet ċivili tista’ tvarja bejn il-pajjiżi.
L-UE adottat leġiżlazzjoni newtrali fir-rigward tas-sessi dwar kwistjonijiet tal-familja li tapplika għaċ-ċittadini kollha, inklużi ċ-ċittadini LGBTI. Ir-regoli tal-UE jiffaċilitaw ir-riżoluzzjoni ta’ kawżi transkonfinali dwar id-divorzju, id-drittijiet tal-ġenituri, il-manteniment, il-wirt u r-reġimi tal-proprjetà tal-koppji. Ir-regoli jgħinu lill-koppji u lill-familji jkunu jafu liema qrati ta’ Stat Membru se jittrattaw il-kawża tagħhom u liema liġi nazzjonali tapplika, u jagħmluha aktar faċli li jiġu rikonoxxuti u infurzati s-sentenzi fi Stat Membru ieħor.
Inti għandek drittijiet bħala persuna LGBTI fl-UE.
Jekk taħseb li d-drittijiet tiegħek inkisru, tista’ tagħmel ilment u tipprova tikseb rimedju legali fis-sistema legali nazzjonali tiegħek. Il-qrati u t-tribunali nazzjonali jaħdmu mal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex jiċċaraw kif għandhom jiġu applikati l-liġijiet tal-UE. Għal aktar informazzjoni dwar kif in-nondiskriminazzjoni u t-trattament ugwali japplikaw f’pajjiżek, ikkuntattja lill-membru nazzjonali xieraq tan-Netwerk Ewropew għall-Korpi tal-Ugwaljanza. Peress li mhux il-korpi tal-ugwaljanza kollha jkopru l-orjentazzjoni sesswali, se jkollok tikkonsulta s-sit web għal ħarsa ġenerali tal-kwistjonijiet li jindirizzaw. Dawn l-organizzazzjonijiet, kif ukoll organizzazzjonijiet mhux governattivi u trejdjunjins, se jkunu jistgħu jgħinuk jekk taħseb li saret diskriminazzjoni miegħek, pereżempju, fuq il-post tax-xogħol jew meta tapplika għal xogħol.
69 % tal-Ewropej jemmnu li ż-żwieġ bejn il-koppji tal-istess sess għandu jkun permess mad war l-Ewropa kollha.
Sors: Ewrobarometru Speċjali 493 — Id-Diskriminazzjoni fl-Unjoni Ewropea, Mejju 2019.
Aktar informazzjoni dwar l-attitudnijiet lejn il-komunità LGBTI fl-Istat Membru tiegħek tista’ tinstab hawnhekk
Kull sena, il-Kummissjoni Ewropea tippubblika rapport sabiex tissorvelja l-progress fuq il-lista ta’ azzjonijiet li javvanzaw l-ugwaljanza tal-persuni LGBTI fl-UE.
Il-Kummissjoni Ewropea tissorvelja wkoll kif jiġu implimentati l-liġijiet tal-UE u tirrapporta dwar l-azzjonijiet li ħadu l-pajjiżi tal-UE sabiex javvanzaw l-ugwaljanza tal-persuni LGBTI.
Bħala l-aħħar alternattiva, il-Kummissjoni Ewropea tista’, jekk ikun meħtieġ, tieħu azzjoni kontra pajjiż tal-UE li ma jikkonformax mad-dritt tal-UE, li tista’ twassal biex il-każ jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE. Fl-2008, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li testendi l-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali għall-oqsma tal-protezzjoni soċjali (inklużi s-sigurtà soċjali u l-kura tas-saħħa), l-edukazzjoni u l-aċċess għal oġġetti u servizzi — li jinkludu, pereżempju, l-akkomodazzjoni.
Madankollu, s’issa din il-proposta naqset milli tikseb il-qbil neċessarju mill-Istati Membri kollha. Minkejja dan, xi Stati Membri diġà għaddew leġiżlazzjoni biex jipprovdu protezzjoni li tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ skont id-dritt tal-UE attwali.
L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jgħinu biex jippromwovu bidla pożittiva u huwa għalhekk li l-Kummissjoni Ewropea tappoġġa lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-LGBTI bħal ILGA-Europe, parti mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Persuni Leżbjani, Omosesswali, Bisesswali, Transesswali u Intersesswali, Transgender Europe u IGLYO. Il-Kummissjoni Ewropea tappoġġa finanzjarjament ukoll lill-organizzazzjonijiet tal-LGBTI fil-livell nazzjonali permezz tal-Programm ta’ Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza u l-programm Erasmus+. Dan il-finanzjament jgħin lill-organizzazzjonijiet iqajmu kuxjenza dwar l-isfidi u d-diskriminazzjoni li jiffaċċjaw il-persuni LGBTI. Pereżempju, Erasmus+ appoġġa l-proġetti “P.R.I.D.E” u “Labels Down”, li ffokaw fuq l-eliminazzjoni tal-isterjotipi dwar il-komunità LGBTI.
Id-Direttiva Qafas dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi tobbliga lill-pajjiżi kollha tal-UE jipprovdu protezzjoni legali kontra d-diskriminazzjoni u l-fastidju abbażi tal-orjentazzjoni sesswali fir-rigward tal-applikazzjonijiet tax-xogħol, il-promozzjoni, it-taħriġ, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-pagi u s-sensji.
Id-Direttiva Riformulata dwar is-Sessi tipproteġi lill-persuni transġeneru kontra d-diskriminazzjoni fil-ħajja professjonali tagħhom li tirriżulta mir-riassenjament tal-ġeneru.
Id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Sesswali fis-Sigurtà Soċjali tipproteġi lill-persuni transġeneru kontra d-diskriminazzjoni fis-sigurtà soċjali li tirriżulta mir-riassenjament tal-ġeneru.
Id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi toħloq sett ta’ drittijiet vinkolanti għall-vittmi u obbligi ċari fuq il-pajjiżi tal-UE sabiex tiżgura li dawn jiddaħħlu fil-prattika.
Id-Direttiva tal-UE dwar il-Moviment Liberu testendi d-dritt għal-libertà tal-moviment, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall-membri tal-familja taċ-ċittadini tal-UE, bħalma huma l-konjuġi u t-tfal tagħhom, anki jekk huma stess mhumiex ċittadini tal-UE.
L-Artikolu 21 tal-Karta jipprojbixxi “kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età, jew l-orjentazzjoni sesswali”.
Dan l-Artikolu japplika biss għal sitwazzjonijiet fejn japplika d-dritt tal-UE.
Xi nies jistgħu ma jkunux konxji tal-isfidi li jistgħu jiffaċċjaw il-persuni LGBTI. L-UE ffinanzjat sensiela ta’ testimonjanzi bil-vidjo ta’ persuni LGBTI u l-alleati tagħhom madwar l-Ewropa biex tagħti leħen lin-nies u tqajjem kuxjenza. Kull vidjo jiffoka fuq aspett differenti tal-identità u juri kif l-appoġġ u s-solidarjetà mal-komunità LGBTI jistgħu verament itejbu l-ħajja tan-nies.
L-istituzzjonijiet tal-UE jappoġġaw u jieħdu sehem fil-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija, it-Transfobija u l-Bifobija, fl-EuroPride u f’avvenimenti oħrajn tal-Pride.
L-Ewropej huma kburin bid-diversità tagħhom u aktar u aktar nies qegħdin jesprimu pubblikament is-sesswalità jew l-identità tal-ġeneru tagħhom. L-Ewropej ivvotaw favur mexxejja apertament omosesswali, inklużi l-Prim Ministru tal-Lussemburgu, Xavier Bettel (xellug) u l-Prim Ministru Irlandiż (Taoiseach) Leo Varadkar (lemin).
Fis-17 ta’ Mejju 2019, il-kwartieri ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea fi Brussell nxtegħel bil-kuluri tal-bandiera tal-qawsalla biex jitfakkar il-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija, it-Transfobija u l-Bifobija.
Photo: gouvernement.lu
F’aktar minn 70 pajjiż barra l-UE, l-atti bejn persuni tal-istess sess qed ikomplu jiġu kriminalizzati u, f’xi pajjiżi, il-persuni omosesswali saħansitra jiffaċċjaw il-piena tal-mewt. F’pajjiżi oħrajn, il-persuni LGBTI ma għandhomx biżżejjed protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom.
L-UE tħeġġeġ lil pajjiżi oħra biex jiżguraw li l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru jew il-karatteristiċi sesswali ma jkunux il-bażi għal vjolenza jew pieni kriminali.
Pereżempju, f’April 2019, l-UE kkundannat liġijiet fil-Brunei li jikkastigaw ir-relazzjonijiet bejn il-persuni tal-istess sess bi tħaġġir, priġunerija jew frustar.
Federica Mogherini, ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, waqt id-dibattitu fil-Parlament Ewropew dwar il-Brunei fit-18 ta’ April 2019.
L-UE hija wkoll donatur ewlieni mad-dinja kollha għal proġetti mmirati biex jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni lejn persuni LGBTI, l-aktar permezz tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem. Mill-2016, l-UE appoġġat 16-il proġett implimentati minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Asja, fl-Afrika, fl-Amerika Latina u fil-Lvant tal-Ewropa, li jammontaw għal EUR 5.2 miljun. Fl-2018, l-UE nediet fond ġdid ta’ EUR 10 miljun biex tappoġġa lill-attivisti u l-organizzazzjonijiet tal-LGBTI f’oqsma fejn il-persuni LGBTI huma f’riskju akbar ta’ diskriminazzjoni.
Il-pajjiżi li jixtiequ jissieħbu fl-UE jridu jipproteġu lill-persuni li jiffaċċjaw diskriminazzjoni u vjolenza. Il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-persuni LGBTI għadhom prijorità għall-UE f’dawn il-“pajjiżi kandidati”, inkluż fil-kuntest tan-negozjati sabiex jissieħbu fl-UE. Il-finanzjament huwa pprovdut ukoll għal netwerks li jippromwovu d-drittijiet fil-Balkani tal-Punent u fit-Turkija. Barra minn hekk, l-UE tiddiskuti d-drittijiet tal-persuni LGBTI mal-gvernijiet tal-pajjiżi li jmissu mal-UE (il-pajjiżi tal-“viċinat”) u tissorvelja s-sitwazzjoni fuq il-post. L-UE tagħti wkoll appoġġ finanzjarju lill-organizzazzjonijiet li jaħdmu fir-reġjun tal-“viċinat”.