XOGĦOL F’PAJJIŻ
BARRANIN FL-UE
KUN AF ID-DRITTIJIET TIEGĦEK
JEKK QED TIPPJANA LI TAĦDEM F’PAJJIŻ IEĦOR TAL-UE, GĦANDEK NUMRU TA’ DRITTIJIET U TA’ INTITOLAMENTI.
X’INHUMA D-DRITTIJIET TA’
RESIDENZA TIEGĦEK?
- Għandek dritt tgħix f’kull pajjiż tal-UE bħala impjegat, persuna li taħdem għal rasha jew ħaddiem kollokat imma r-regoli jvarjaw skont jekk toqgħodx sa 3 xhur, aktar minn 3 xhur, jew b’mod permanenti.
- Jekk tgħix f’pajjiż barrani għal anqas minn 3 xhur, kulma jeħtieġlek tiżgura hu li jkollok karta tal-identità nazzjonali jew passport validu.
- Wara 3 xhur, għandu mnejn ikollok tirreġistra bħala resident fil-belt li tgħix fiha biex turi li qed taħdem hemm, u tikseb dokument li jikkonferma d-dritt tiegħek li toqgħod fiha.
- Jekk tingħata s-sensja meta tkun qed tgħix f’pajjiż barrani, xorta tista’ tibqa’ hemm jekk int:
- ma tistax taħdem temporanjament minħabba mard jew aċċident
- irreġistrat mal-awtorità rilevanti bħala persuna involontarjament bla xogħol
- qed issegwi taħriġ vokazzjonali.
- Jekk tgħix legalment bħala ħaddiem f’pajjiż ieħor tal-UE għal perjodu kontinwu ta’ 5 snin, inti awtomatikament tikseb id-dritt ta’ residenza permanenti hemm.
- Għandek imnejn tikkwalifika għal residenza permanenti f’anqas minn 5 snin f’dawn is-sitwazzjonijiet:
- jekk tirtira u tkun ħdimt fil-pajjiż matul l-aħħar sena, jew tkun għext hemm kontinwament għal 3 snin
- jekk tieqaf taħdem minħabba li ma tkunx kapaċi tkompli taħdem u tkun għext fil-pajjiż kontinwament għal sentejn
- jekk tieqaf taħdem għax ma tistax taħdem minħabba aċċident fuq il-post tax-xogħol jew mard konness max-xogħol
- jekk tibda taħdem f’pajjiż ieħor tal-UE bħala ħaddiem bejn il-fruntieri. Għandek tmur lura fil-pajjiż ta’ residenza għall-anqas darba fil-ġimgħa – iżda qabel għandek tkun ħdimt fil-pajjiż li fih tixtieq tikseb ir-residenza permanenti għal 3 snin kontinwi.
- F’każijiet eċċezzjonali, il-pajjiż li jospitak jista’ jiddeportak għal raġunijiet ta’ politika pubblika jew sigurtà pubblika iżda biss jekk jista’ juri li int ta’ theddida serja.
- Skopri aktar: https://europa.eu/youreurope/workresident_mt
IL-KWALIFIKI PROFESSJONALI TIEGĦEK
SE JKUNU RIKONOXXUTI?
- Jekk trid taħdem f’pajjiż ieħor tal-UE, u l-professjoni tiegħek hemmhekk hi regolata, għandu mnejn ikollok titlob li l-kwalifiki professjonali tiegħek jiġu rikonoxxuti uffiċjalment qabel ma tibda tipprattika fil-pajjiż il-ġdid tiegħek.
- Professjoni hi regolata jekk għandu jkollok lawrja speċifika, tagħmel eżamijiet speċifiċi, jew tirreġistra ma’ korp professjonali qabel ma tkun tista’ tipprattikaha.
- Jekk il-professjoni tiegħek mhix regolata f’pajjiżek iżda hi regolata fil-pajjiż tal-UE li fih tixtieq taħdem, tista’ tintalab tipprova li eżerċitajt il-professjoni tiegħek f’pajjiżek għal tal-anqas sena mill-aħħar 10 snin.
- Skopri aktar: https://europa.eu/youreurope/pq_mt
TISTA’ TIKSEB KOPERTURA
TAS-SIGURTÀ SOĊJALI?
- Meta taħdem jew tgħix f’pajjiż ieħor, ikollok is-sigurtà soċjali jew minn pajjiżek jew mill-pajjiż li qed jospitak. Ma tistax tagħżel f’liema pajjiż tkun kopert.
- Liema pajjiż int kopert fih jiddependi:
- mis-sitwazzjoni tax-xogħol tiegħek
- mill-pajjiż ta’ residenza tiegħek.
- Għandek tirreġistra mas-sistema tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż li qed jospitak. Int u d-dipendenti tiegħek se tkunu koperti bis-sistema ta’ sigurtà soċjali ta’ dak il-pajjiż. Il-benefiċċji tiegħek relatati mal-mard, familja, qgħad, pensjonijiet, aċċidenti u mard relatati max-xogħol, irtirar bikri u mewt se jkunu ddeterminati mil-liġijiet lokali.
- F’bosta pajjiżi, il-benefiċċji li int intitolat għalihom jiddependu fuq kemm ħallast kontribuzzjonijiet fil-passat.
- Skopri aktar: https://europa.eu/youreurope/social_mt
TISTA’ TKUN INT
Ivvjaġġar transfruntier
Françoise tgħix fi Franza, iżda 4 ijiem fil-ġimgħa hi tivvjaġġa lejn il-Belġju biex taħdem f’kumpanija tal-komunikazzjonijiet. Bħala ħaddiema transfruntiera, xi wħud mid-drittijiet tas- sigurtà soċjali tagħha jvarjaw. Billi taħdem fil-Belġju, Françoise jkollha tħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tagħha fil-Belġju, li jfisser li hi koperta hemmhekk. Iżda, hi xorta waħda tista’ tikseb kura medika jekk timrad fil-pajjiż nattiv tagħha fi Franza, u jekk titlef l-impieg tagħha, hi tista’ wkoll tapplika għall-benefiċċji fi Franza.
GĦANDEK ID-DRITT LI ĠĠIB
MIEGĦEK IL-FAMILJA TIEGĦEK?
- Bħala ċittadini tal-UE, żewġek jew martek, uliedek u n-neputijiet jistgħu joqogħdu miegħek f’pajjiż tal-UE bħala ħaddiema, pensjonanti, studenti, jew biex ifittxu impjieg bl-istess kundizzjonijiet li japplikaw għalik.
- Jekk dawn ma jkunux qed jippjanaw li jaħdmu, xorta jistgħu jingħaqdu miegħek bħala dipendenti tiegħek.
- Jekk qed taħdem f’pajjiż ieħor tal-UE għal aktar minn 3 snin bħala impjegat, taħdem għal rasek jew kollokat hemm, martek/żewġek, uliedek u n-neputijiet li jiddependu minnek jistgħu joqogħdu miegħek hemm mingħajr ma jkollhom bżonn jissodisfaw kwalunkwe kundizzjoni oħra.
- Bħala ċittadini tal-UE, il-membri tal-familja tiegħek għandhom id-dritt għal residenza permanenti jekk ikunu għexu f’pajjiż ospitanti għal perjodu kontinwu ta’ ħames snin taħt l-istess kundizzjonijiet li japplikaw għalik.
- Skopri aktar: https://europa.eu/youreurope/children_mt