Rapport Speċjali
02 2020

It-tħaddim tal-Istrument għall-SMEs: programm effettiv u innovattiv li qed jiffaċċja xi sfidi

Dwar ir-rapport: B’ammont ta’ EUR 3 biljun għall-perjodu 2014-2020, l-Istrument tal-UE għall-SMEs jistinka biex jagħti appoġġ għall-innovazzjoni f’SMEs u f’negozji ġodda billi jimla l-lakuna fl-iffinanzjar u jżid il-kummerċjalizzazzjoni tar-riżultati tar-riċerka.
Aħna vvalutajna jekk l-istrument għall-SMEs iwassalx il-benefiċċji mistennija. B’mod ġenerali, aħna kkonkludejna li huwa jipprovdi appoġġ effettiv lill-SMEs fl-iżvilupp tal-proġetti ta’ innovazzjoni tagħhom, u li l-kisba tal-marka tal-UE tgħin lill-kumpaniji biex jattiraw investiment addizzjonali. Il-Kummissjoni timmaniġġja l-istrument b’mod kompetenti. Madankollu, aħna nirrakkomandaw titjib fil-mod kif il-benefiċjarji jiġu mmirati, fl-ilħuq ġeografiku u fl-għażla ta’ proġetti. Minbarra dan, jistgħu jsiru aktar sforzi biex jiġi attirat finanzjament addizzjonali li jkun jgħin biex jitqiegħdu proġetti ta’ innovazzjoni fis-suq.
Billi l-Istrument għall-SMEs tfassal mill-ġdid għall-perjodu 2021-2027 bħala parti mill-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (KEI), aħna nagħmlu rakkomandazzjonijiet b’mod partikolari għall-preservazzjoni ta’ aspetti partikolari tat-tfassil tiegħu, għat-titjib tal-għażla ta’ proġetti, għat-titjib tas-servizzi ta’ aċċellerazzjoni tan-negozju u għall-ħolqien ta’ sinerġiji ma’ strumenti finanzjarji oħra.
Rapport speċjali tal-QEA skont l-Artikolu 287(4), it-tieni subparagrafu, TFUE.

Din il-pubblikazzjoni hija disponibbli bi 23 lingwa fil-format li ġej:
PDF
PDF General Report

Sommarju eżekuttiv

I

L-Istrument għall-SMEs ġie stabbilit taħt il-programm qafas għar-riċerka Orizzont 2020 biex jappoġġa l-innovazzjoni f’intrapriżi żgħar u medji (SMEs). L-objettiv tiegħu huwa l-iżvilupp u l-kapitalizzazzjoni fuq il-potenzjal tal-SMEs billi timtela l-lakuna fl-iffinanzjar fil-fażi bikrija ta’ proġetti ta’ riskju għoli u tiżdied il-kummerċjalizzazzjoni tar-riżultati tar-riċerka fis-settur privat. Huwa mmirat lejn SMEs innovattivi fl-UE u f’16-il pajjiż assoċjat li juru ambizzjoni qawwija fl-iżvilupp, fit-tkabbir u fl-internazzjonalizzazzjoni fit-tipi differenti kollha ta’ innovazzjoni.

II

B’baġit ġenerali ta’ EUR 3 biljun għall-perjodu 2014-2020, l-istrument jipprovdi għotjiet lil kumpaniji b’potenzjal ta’ rata għolja ta’ tkabbir biex jappoġġahom jew fl-iżvilupp ta’ studju tal-fattibbiltà (sa EUR 50 000 fil-Fażi 1) jew inkella fit-twettiq ta’ riċerka u żvilupp u ttestjar tas-suq (EUR 2.5 miljun fil-Fażi 2). Tista’ tiġi pprovduta wkoll assistenza permezz ta’ kkowċjar, mentoraġġ jew servizzi oħra ta’ aċċellerazzjoni tan-negozju (il-Fażi 3).

III

F’dan l-awditu, aħna vvalutajna jekk l-Istrument għall-SMEs jappoġġax l-innovazzjoni mill-SMEs. Aħna eżaminajna jekk huwa kienx immirat lejn it-tip it-tajjeb ta’ SMEs; jekk kisibx kopertura ġeografika wiesgħa; jekk il-proċess tal-għażla u l-appoġġ mill-Kummissjoni kinux effettivi, u jekk il-Kummissjoni mmonitorjatx u tatx segwitu għall-istrument b’mod adegwat, sabiex tagħmel xi titjib. Aħna nistennew li l-osservazzjonijiet li jirriżultaw mill-awditu tagħna u r-rakkomandazzjonijiet li nagħmlu jalimentaw id-dibattitu dwar kif għandu jiġi stabbilit u amministrat is-suċċessur tal-istrument għall-SMEs mill-2020 ’il quddiem.

IV

Aħna sibna li l-istrument għall-SMEs jipprovdi appoġġ effettiv lill-SMEs fl-iżvilupp tal-proġetti ta’ innovazzjoni tagħhom, u li l-kisba tal-marka tal-UE permezz tal-wasla ta’ appoġġ mill-UE tgħin lill-kumpaniji biex jattiraw investiment addizzjonali.

V

Minkejja dan, l-objettivi u l-miri wiesgħa tal-istrument, flimkien mal-bidliet introdotti matul il-perkors tal-implimentazzjoni tiegħu, ikkawżaw xi inċertezza għall-partijiet ikkonċernati. Aħna identifikajna riskju li l-istrument jiffinanzja xi SMEs li jkunu setgħu ġew iffinanzjati mis-suq.

VI

Il-parteċipazzjoni fl-Istrument għall-SMEs tvarja b’mod notevoli fost il-pajjiżi. Dan huwa parzjalment dovut għal fatturi esterni, iżda wkoll għad-diversi livelli ta’ appoġġ ipprovdut mill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali u għal-limitazzjonijiet fl-attivitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ komunikazzjoni li jsiru mill-Kummissjoni.

VII

Aħna sibna li sar titjib għall-proċeduri ta’ evalwazzjoni u għażla matul il-ħajja tal-istrument, fejn il-preżentazzjoni orali tal-proposti għal proġetti lil panel ta’ membri tal-ġurija hija żieda partikolarment utli fl-identifikazzjoni tal-aħjar proposti. Madankollu, hemm nuqqas ta' feedback bidirezzjonali bejn l-istadji ta’ evalwazzjoni. Minbarra dan, xi għodod tal-IT mhumiex adatti għall-iskop tagħhom, u b’hekk jimminaw il-proċess li diġà jinsab taħt pressjoni.

VIII

Is-sottomissjoni mill-ġdid ta’ proposti rifjutati hija ħela kbira u dejjem tiżdied ta’ riżorsi ta’ ġestjoni u evalwazzjoni, mingħajr ma jiġi pprovdut valur miżjud. Din mhux talli żżid l-ispejjeż amministrattivi, talli tbaxxi wkoll ir-rata ta’ suċċess, u b’hekk tiskoraġġixxi l-parteċipazzjoni.

IX

Il-Fażi 1 tal-istrument tipprovdi appoġġ effettiv bis-saħħa tal-proċess tal-għażla sempliċi u rapidu tagħha, bis-saħħa tal-marka tal-UE, u bis-saħħa tal-aċċess li tagħti għal servizzi ta’ aċċellerazzjoni tan-negozju. Madankollu, hija timponi spejjeż amministrattivi fuq l-amministrazzjoni tal-Kummissjoni li huma sproporzjonatament għoljin, u r-rilevanza tagħha tonqos f’pajjiżi fejn diġà jeżistu programmi simili.

X

Il-Fażi 2 tal-istrument, li tipprovdi livell ta’ appoġġ ogħla bl-għan li tinġieb l-innovazzjoni fis-suq, tgawdi mill-istess eżiti pożittivi bħall-Fażi 1, u tgħin ukoll lill-SMEs biex jiġġeneraw investiment addizzjonali.

XI

Minkejja dan, aħna sibna li l-maġġoranza tal-benefiċjarji xorta waħda jeħtieġu finanzjament addizzjonali biex jappoġġaw l-inizjattivi innovattivi tagħhom u jġibu l-proġetti tagħhom fis-suq. Il-Kummissjoni ftit li xejn ħadet azzjoni biex toħloq rabtiet bejn il-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-SMEs u l-istrumenti finanzjarji sostnuti mill-UE, u l-għarfien tagħha tal-ħtiġijiet finanzjarji tal-benefiċjarji huwa limitat.

XII

L-ikkowċjar u s-servizzi ta’ aċċellerazzjoni tan-negozju għandhom il-potenzjal li jkattru l-effetti tal-istrument, iżda billi tniedu tard, sehem żgħir biss mill-SMEs għamlu użu mis-servizzi. Barra minn hekk, huma ma tfasslux apposta b’mod suffiċjenti għall-ħtiġijiet tal-benefiċjarji.

XIII

Il-monitoraġġ tal-investiment iġġenerat u tal-evoluzzjoni tal-kumpaniji huwa kosteffiċjenti, iżda ma jivvalutax l-impatt reali tal-istrument. Għalkemm il-benefiċjarji rnexxielhom jiġġeneraw investimenti addizzjonali minbarra l-għotjiet riċevuti, hemm żbilanċ fost il-pajjiżi parteċipanti, bl-SMEs fil-Majjistral tal-Ewropa jiġġeneraw aktar finanzjament privat minn dawk fin-Nofsinhar u fil-Lvant tal-Ewropa.

XIV

Fir-rapport, aħna nirrakkomandaw li jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  • ittejjeb l-istrateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni u komunikazzjoni għall-istrument;
  • ittejjeb l-appoġġ li hija tagħti lill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali (NCPs) għall-SMEs u lin-Netwerk Enterprise Europe (EEN); tirfina l-proċedura tal-għażla tal-istrument biex isir użu aħjar mir-riżorsi u jiġu ffinanzjati l-aħjar proposti;
  • tillimita l-għadd ta’ drabi li proposta tista’ terġa’ tiġi sottomessa u tippubblika r-rata ta’ suċċess għal kull proposta għal proġett;
  • tipproponi lill-Istati Membri li l-Kummissjoni timmaniġġja skemi simili għall-Fażi 1;
  • tippreserva skema simili għall-Fażi 2 fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss, fejn tkompli tibni fuq ir-riżultati eżistenti;
  • ittejjeb is-servizzi ta’ aċċellerazzjoni tan-negozju billi talloka riżorsi xierqa; u
  • tidentifika u tippromwovi sinerġiji bejn l-Istrument għall-SMEs u strumenti finanzjarji sostnuti mill-UE.

Introduzzjoni

L-importanza tal-SMEs u tal-innovazzjoni fl-ekonomija tal-UE

01

Skont ir-Rapport Annwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-SMEs għall-2017/2018, l-SMEs jirrappreżentaw 99 % mill-kumpaniji li joperaw fis-settur kummerċjali mhux finanzjarju tal-UE, 66 % mill-impjieg totali u 57 % mill-valur miżjud fis-settur kummerċjali mhux finanzjarju tal-UE.

02

Kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill enfasizzaw l-importanza li jiġu appoġġati l-innovazzjoni (b’mod partikolari l-innovazzjoni rivoluzzjonarja) u t-tkabbir ta’ negozji ġodda u SMEs. Huma osservaw li l-appoġġ lil SMEs u negozji ġodda innovattivi huwa essenzjali sabiex jiġi mmassimizzat il-potenzjal tal-Ewropa għal tkabbir u trasformazzjoni soċjoekonomika1. Studji akkademiċi2,3 ddimostraw ir-relazzjoni bejn l-intraprenditorija, l-attività tal-SMEs, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi.

03

L-Istrateġija Ewropa 20204 tenfasizza l-importanza tal-innovazzjoni fl-għoti ta’ spinta lit-tkabbir u lill-impjieg fl-UE. L-“Unjoni ta’ Innovazzjoni” hija waħda mis-seba’ inizjattivi emblematiċi tal-Istrateġija li għandha l-għan li toħloq ambjent li jiffavorixxi l-innovazzjoni u li jagħmilha aktar faċli biex ideat tajbin jinbidlu fi prodotti u servizzi li jġibu tkabbir ekonomiku u impjiegi5.

Fokus akbar fuq l-SMEs u l-innovazzjoni f’H2020

04

H2020 huwa t-tmien programm qafas tal-UE għar-riċerka. B’baġit ta’ EUR 76.4 biljun għall-perjodu mill-2014 sal-2020, huwa kklassifikat bħala l-akbar programm pubbliku ta’ riċerka u innovazzjoni fid-dinja6.

05

H2020 għamel aktar enfasi fuq l-innovazzjoni milli għamel kwalunkwe wieħed mill-predeċessuri tiegħu, billi pprovda aktar finanzjament għall-ittestjar, l-iżvilupp ta’ prototipi, R&Ż xprunati min-negozju, u l-promozzjoni ta’ intraprenditorija innovattiva. H2020 stabbilixxa wkoll mira aktar ambizzjuża, f’termini ta’ fondi li għandhom jiġu allokati lill-SMEs, minn kwalunkwe programm qafas preċedenti ieħor: huwa mistenni li l-SMEs jirċievu minimu ta’ 20 % tal-baġit ikkombinat totali ta’ EUR 9 biljun taħt il-pilastri “It-tmexxija fit-teknoloġiji abilitanti u industrijali” u “Sfidi soċjetali”.

06

Baġit ta’ EUR 3 biljun ġie assenjat għall-istrument għall-SMEs (SME-I), li huwa ugwali għal 33 % tal-mira għall-SMEs għall-H2020 kollu7.

X’inhu l-Istrument għall-SMEs?

07

L-SME-I twaqqaf taħt il-programm qafas għar-riċerka (FWP) Orizzont 2020 (H2020) biex jappoġġa l-innovazzjoni f’intrapriżi żgħar u medji (SMEs). Huwa jipprovdi għotjiet lil kumpaniji b’potenzjal ta’ rata għolja ta’ tkabbir biex jappoġġahom fl-iżvilupp ta’ studju tal-fattibbiltà (il-Fażi 1) u fit-twettiq ta’ riċerka u żvilupp (R&Ż) u ttestjar tas-suq (il-Fażi 2). Tista’ tiġi pprovduta wkoll assistenza permezz ta’ kkowċjar, mentoraġġ jew servizzi oħra ta’ aċċellerazzjoni tan-negozju (il-Fażi 3). Disponibbli lil SMEs fi Stati Membri u f’pajjiżi li ffirmaw ftehimiet ta’ assoċjazzjoni (pajjiżi assoċjati)8, l-SME-I għandu l-għan li jgħin lill-kumpaniji jespandu u jilħqu livell internazzjonali.

08

L-SME-I huwa strument ġdid, peress li jippermetti li l-SMEs jipparteċipaw bħala benefiċjarji uniċi mingħajr ma neċessarjament ikunu parti minn konsorzju, kif inhu normalment meħtieġ minn programmi qafas għar-riċerka. Huwa mmirat lejn proġetti li jkunu laħqu mill-inqas il-livell 6 ta’ tħejjija teknoloġika.

09

L-objettiv tal-SME-I huwa l-iżvilupp u l-kapitalizzazzjoni fuq il-potenzjal tal-SMEs billi timtela l-lakuna fl-iffinanzjar fil-fażi bikrija tar-riċerka u l-innovazzjoni ta’ riskju għoli, u tiżdied il-kummerċjalizzazzjoni tar-riżultati tar-riċerka fis-settur privat. Huwa mmirat lejn SMEs li juru ambizzjoni qawwija li jikbru u jinternazzjonalizzaw ruħhom, u għandu jiġi pprovdut għat-tipi kollha ta’ innovazzjoni fejn kull attività jkollha valur miżjud Ewropew ċar.

10

Ir-responsabbiltà għall-iżvilupp tal-politika fir-rigward tal-SME-I hija f’idejn id-DĠ Riċerka u Innovazzjoni (DĠ RTD) tal-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li l-implimentazzjoni titwettaq mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (EASME).

11

L-istrument jinkludi tliet fażijiet (ara l-Figura 1):

  • Fażi 1 (investigazzjoni tal-fattibbiltà teknika u kummerċjali ta’ idea kummerċjali): esplorazzjoni tal-fattibbiltà xjentifika jew teknika u l-potenzjal kummerċjali ta’ ideat ġodda. Għotjiet ta’ EUR 50 000 jingħataw b’rata ta’ kofinanzjament ta’ 70 % mill-UE.
  • Fażi 2 (żvilupp u dimostrazzjoni): żvilupp ta’ innovazzjoni għall-finijiet ta’ dimostrazzjoni, verifikazzjoni tal-prestazzjoni, ittestjar, l-iżvilupp ta’ linji pilota, validazzjoni għar-replikazzjoni fis-suq, u attivitajiet oħra li għandhom l-għan li jġibu l-innovazzjoni fi stat ta’ tħejjija għall-investiment u ta’ maturità għall-użu mis-suq. Għotjiet sa EUR 2.5 miljun jistgħu jingħataw b’rata ta’ kofinanzjament ta’ 70 %.
  • Fażi 3 (appoġġ addizzjonali mill-UE għad-dħul fis-suq): għoti ta’ appoġġ, taħriġ u kkowċjar, kif ukoll faċilitazzjoni tal-aċċess għal finanzjament ta’ riskju. Din il-fażi tikkonsisti f’ġabra ta’ servizzi offruti lill-benefiċjarji fil-Fażijiet 1 u 2. F’din il-fażi ma jingħatawx għotjiet addizzjonali.
12

Għalkemm il-fażijiet differenti jiġu nnumerati, l-SME-I mhuwiex sekwenzjali: mhuwiex meħtieġ l-ikkompletar tal-Fażi 1 għall-parteċipazzjoni fil-Fażi 2. Is-servizzi offruti fil-Fażi 3 jistgħu jiġu pprovduti fi kwalunkwe punt matul l-implimentazzjoni tal-proġett ta’ innovazzjoni, jew saħansitra wara l-finalizzazzjoni tiegħu.

Figura 1

L-SME-I: struttura u tqassim tal-baġit

Sors: il-QEA.

Storja fil-qosor tal-Istrument għall-SMEs

13

L-Istrument għall-SMEs tnieda fl-2014, bi tfassil ibbażat fuq il-programm SBIR9 tal-Istati Uniti tal-Amerka. Il-“mudell bi stil ta’ lembut” (“funnel model”) tiegħu jkun jagħmel għadd kbir ta’ investimenti f’livell baxx fi studji tal-fattibbiltà għal proġetti ta’ innovazzjoni promettenti (il-Fażi 1), bl-aħjar fosthom jipprogressaw għall-Fażi 2 u għal livell ogħla ta’ finanzjament. Madankollu, l-obbligu li l-applikanti jgħaddu mill-Fażi 1 qabel il-Fażi 2 tneħħa fil-fażi tat-tfassil, u b’hekk jistgħu japplikaw direttament għal kwalunkwe waħda minnhom.

14

Rigward il-partijiet l-oħra ta’ Orizzont 2020, l-Istrument għall-SMEs jiġi implimentat permezz ta’ programmi ta’ ħidma, li jkopru perjodi ta’ sentejn jew tliet snin, u fi ħdan kull programm ta’ ħidma, il-karatteristiċi tal-istrument jistgħu jiġu mmodifikati skont l-intenzjonijiet tal-politika.

15

Il-programmi ta’ ħidma għall-perjodu 2014-2015 u għall-perjodu 2016-2017 qasmu l-baġit tal-SME-I f’suġġetti tematiċi eż. bijoteknoloġija, saħħa, sigurtà. L-SMEs kienu japplikaw għas-suġġett li kien jaqbel l-aktar mal-proġett tagħhom.

16

Il-programm ta’ ħidma għall-perjodu 2018-2020 kien jinkludi “Pilota tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (KEI)” li kien jiġbor flimkien l-SME-I u ċerti programmi oħra – Future Emerging Technologies Open (Teknoloġiji Futuri u Emerġenti Miftuħa) (FET Open), Rotta Rapida lejn l-Innovazzjoni (FTI) u Premji tal-H2020. Il-bidliet prinċipali introdotti taħt il-Pilota tal-KEI li jaffettwaw lill-SME-I kienu:

  • approċċ minn isfel għal fuq f’sejħa miftuħa, mingħajr ma tkun meħtieġa applikazzjoni għal suġġett tematiku;
  • “preżentazzjoni” mill-SMEs għall-għażla fil-Fażi 2: intervisti wiċċ imb wiċċ ma’ panel ta’ innovaturi esperjenzati;
  • aktar opportunitajiet ta’ mentoraġġ u ta’ kkowċjar għall-benefiċjarji kollha matul il-Fażi 3.
17

F’Ġunju 2018, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal regolament li jistabbilixxi Orizzont Ewropa wara l-202010. Il-proposta tipprevedi lill-KEI bħala t-tielet pilastru fi programm qafas b’baġit ta’ EUR 10.5 biljun, li jkun jikkombina l-appoġġ kollu mill-UE għall-innovazzjoni rivoluzzjonarja u li toħloq swieq ġodda f’post wieħed, u li jkun jinkludi żewġ strumenti: il-Pathfinder għar-Riċerka Avvanzata u l-Aċċeleratur. Għalhekk, il-Fażi 1 preċedenti kieku definittivament ma titkompliex, filwaqt li azzjonijiet simili għal dawk fil-Fażijiet 2 u 3 preċedenti kieku jiġu inklużi fl-Aċċeleratur11.

18

F’Marzu 2019, il-Kummissjoni mmodifikat il-programm ta’ ħidma u niedet il-“Pilota tal-KEI Mtejba” biex din topera minn Ġunju 2019 sa tmiem l-2020. Il-Pilota tal-KEI Mtejba tirrappreżenta tranżizzjoni lejn il-KEI propost taħt Orizzont Ewropa (wara l-2020), li ssawwar relazzjoni aktar mill-qrib bejn il-partijiet kostitwenti u li ġġib bidliet sinifikanti għall-SME-I. Il-Fażi 1 ma tkomplietx, u ġew introdotti l-istrumenti li ġejjin:

  • il-“Pathfinder”, li jissostitwixxi lill-FET-Open u FET-Proactive preċedenti;
  • l-“Aċċeleratur”, li jissostitwixxi lill-Fażi 2 preċedenti:
    • żvilupp u espansjoni ta’ innovazzjoni b’riskju għoli mill-SMEs;
    • introduzzjoni tal-kunċett ta’ nonbankabbiltà12;
    • għotjiet sa EUR 2.5 miljun; u
    • possibbiltà ta’ injezzjoni ta’ ekwità sa EUR 15-il miljun (finanzjament imħallat).
19

Il-Pilota tal-KEI kienet tirrappreżenta evoluzzjoni tal-SME-I, fil-biċċa l-kbira f’konformità mat-tfassil oriġinali tiegħu, filwaqt li l-Pilota tal-KEI Mtejba introduċiet bidliet li jiffaċilitaw tranżizzjoni lejn il-KEI propost taħt Orizzont Ewropa. L-SME-I huwa l-akbar element kemm fil-Pilota tal-KEI kif ukoll fil-Pilota tal-KEI Mtejba, billi jirrappreżenta madwar żewġ terzi mill-baġits rispettivi.

20

Il-proposta għall-KEI taħt Orizzont Ewropa, attwalment fi proċedura leġiżlattiva, tippreserva xi elementi mill-istrument bħal, pereżempju, fokus kontinwat fuq l-SMEs u appoġġ permezz ta’ għotjiet biss. Madankollu, ċerti aspetti oħra taħt kunsiderazzjoni għadhom iridu jiġu żviluppati jew ittestjati13.

Ambitu u approċċ tal-awditjar

21

Dan ir-rapport speċjali huwa l-aktar wieħed reċenti f’sensiela ta’ pubblikazzjonijiet tal-QEA li jeżaminaw l-appoġġ finanzjarju li jingħata lil SMEs innovattivi14. Kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill enfasizzaw l-importanza li SMEs u negozji ġodda innovattivi jiġu appoġġati sabiex jiġi mmassimizzat il-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir. Aħna nistennew li l-osservazzjonijiet li jirriżultaw mill-awditu tagħna u r-rakkomandazzjonijiet li nagħmlu jalimentaw id-dibattitu tal-qafas finanzjarju pluriennali dwar kif għandu jiġi stabbilit u amministrat is-suċċessur tal-istrument għall-SMEs mill-2020 ’il quddiem.

22

F’dan l-awditu, aħna eżaminajna jekk l-Istrument għall-SMEs kienx effettiv fl-appoġġ li ta għall-innovazzjoni mill-SMEs.

23

L-awditu indirizza jekk:

  • l-istrument kienx immirat lejn “l-SMEs it-tajbin” (jiġifieri dawk b’potenzjal għoli għall-innovazzjoni);
  • l-istrument kellux firxa ġeografika minbarra li fittex l-eċċellenza;
  • il-proċess tal-għażla tal-Kummissjoni kienx maħsub biex jiffinanzja l-aħjar proġetti;
  • il-Kummissjoni pprovdietx appoġġ effettiv lill-benefiċjarji;
  • il-Kummissjoni mmonitorjatx u tatx segwitu b’mod adegwat lill-istrument sabiex tagħmel titjib.
24

Għalhekk, l-awditu tagħna ffoka fuq it-tfassil, il-ġestjoni u l-outputs tal-SME-I, u fuq l-evoluzzjoni tiegħu lejn il-KEI, inkluża l-Pilota tal-KEI. Fl-awditu tagħna, aħna inkludejna l-għotjiet li kienu ngħataw fil-perjodu minn Jannar 2014 sa Mejju 2019.

25

L-awditu kkombina evidenza minn firxa ta’ sorsi:

  • analiżi dokumentarja tad-dokumenti;
  • rieżami analitiku tad-data;
  • stħarriġiet tal-benefiċjarji, tal-applikanti rifjutati li kienu rċevew siġill ta’ eċċellenza, tal-evalwaturi mill-bogħod u tal-aġenziji nazzjonali għall-innovazzjoni (NIAs);
  • żjarat ta’ informazzjoni fil-Bulgarija, fid-Danimarka, fi Franza, fir-Rumanija, fis-Slovenja, fi Spanja u fir-Renju Unit; u
  • intervisti mad-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni, mal-EASME, mal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), mal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) u ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra.
26

Għal aktar dettalji dwar il-metodoloġija tal-awditjar u s-sorsi ta’ evidenza tagħna, ara l-Anness I.

Osservazzjonijiet

Immirar lejn il-benefiċjarji t-tajbin

27

Skont ir-Regolament ta’ H202015, l-SME-I huwa mmirat lejn SMEs innovattivi b’ambizzjoni qawwija li jiżviluppaw, jikbru u jsiru internazzjonali.

L-objettivi u l-grupp fil-mira tal-Istrument għall-SMEs inbidlu matul l-implimentazzjoni tiegħu

28

F’intervisti u b’rispons għall-istħarriġiet tagħna, il-partijiet ikkonċernati tal-SME-I ġibdu l-attenzjoni għall-fatt li l-SME-I kien jibbenefika, kieku, minn definizzjoni aktar preċiża tal-mira u l-objettivi tiegħu meta tnieda.

29

Din l-ambigwità, b’mod partikolari fir-rigward tat-tip ta’ kumpaniji fil-mira tal-SME-I, ġiet enfasizzata wkoll fir-Rapport għall-2014 tal-Grupp Konsultattiv ta’ Esperti (EAG) għall-SMEs16. Skont l-EAG, riżorsi addizzjonali u analiżi aktar approfondita tal-grupp fil-mira intenzjonat kien jippermetti, kieku, li l-Kummissjoni jkollha aktar kunfidenza biex tattira t-tip it-tajjeb ta’ applikanti.

30

L-objettivi fi programmi ta’ ħidma suċċessivi nbidlu bosta drabi matul l-implimentazzjoni. L-ewwel żewġ programmi ta’ ħidma (tal-perjodu 2014-2015 u tal-perjodu 2016-2017) iffukaw fuq kwalunkwe innovazzjoni li kienet tagħti spinta lit-tkabbir tal-kumpanija u li kienet ġdida fis-suq. Il-programmi ta’ ħidma għall-Pilota tal-KEI (tal-perjodu 2018-2020) u għall-Pilota tal-KEI Mtejba (tal-perjodu 2019-2020) bidlu l-fokus lejn innovazzjoni “li toħloq swieq ġodda”. Bi tqabbil ma’ dan, il-programm SBIR ftit li xejn inbidel mit-tiġdid tiegħu fl-201117.

31

Il-bidliet frekwenti li ġew introdotti matul il-ħajja qasira tal-SME-I wasslu għal konfużjoni għall-parteċipanti ewlenin, bħall-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali (NCPs), in-Netwerk Enterprise Europe (EEN) u l-applikanti, dwar x’jenħtieġ li jiġi ffinanzjat.

32

Matul l-implimentazzjoni tal-SME-I, it-tip ta’ kumpaniji fil-mira nbidel minn kumpaniji maturi li kienu pparteċipaw f’FWPs preċedenti, għal kumpaniji innovattivi u, b’mod partikolari, kumpaniji ġodda mingħajr esperjenza preċedenti f’FWPs. Fl-2018, l-introduzzjoni tal-approċċ minn isfel għal fuq u tal-preżentazzjoni taħt il-Pilota tal-KEI aċċellerat il-bidla lejn taħlita aktar żagħżugħa ta’ SMEs (ara l-Figura 2).

Figura 2

Età tal-SMEs iffinanzjati fil-Fażi 2 skont is-sena tas-sejħa

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data tal-Kummissjoni.

33

Il-profil tal-età attwali tal-benefiċjarji jaqbel ma’ dak tal-kumpaniji identifikati mill-istudju mwettaq minn Nesta18 dwar il-fatturi għat-tkabbir u d-differenzi fil-ħolqien tal-impjiegi għall-kumpaniji. Dan jindika li l-portafoll attwali ta’ benefiċjarji huwa pożizzjonat aħjar biex iwassal tkabbir u ħolqien tal-impjiegi.

34

L-approċċ minn isfel għal fuq solva l-problema li kienet ġiet osservata bl-istruttura preċedenti fejn il-kumpaniji jkunu jagħżlu s-“suġġett” li dwaru japplikaw għall-appoġġ, abbażi tar-rati ta’ suċċess differenti għall-għoti. Huwa ssimplifika wkoll il-proċeduri amministrattivi għas-sejħiet. Approċċ alternattiv jista’ jkun xieraq fejn ikun hemm ħtieġa ta’ delimitazzjoni tal-oqsma speċifiċi li jitqiesu bħala prijorità għall-UE.

Introduzzjoni tardiva tal-kunċett ta’ nonbankabbiltà

35

L-SME-I għandu l-għan li “timtela l-lakuna fl-iffinanzjar fil-fażi bikrija tar-riċerka u l-innovazzjoni ta’ riskju għoli”19. Madankollu, il-programmi ta’ ħidma suċċessivi ma speċifikawx kif għandhom jiġu mmirati l-SMEs li jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiksbu finanzjament minn sorsi oħra, u l-kunċett ta’ “nonbankabbiltà” ġie introdott biss mal-Pilota tal-KEI Mtejba fl-2019.

36

Skont diversi partijiet ikkonċernati intervistati, hemm riskju li l-SME-I jeskludi l-investiment privat. Dan ġie kkonfermat fir-riżultati tal-istħarriġ tagħna fost il-benefiċjarji. Fil-Fażi 2, 36 % mill-wiġġieba kienu konvinti li l-proġetti tagħhom setgħu rċevew finanzjament mis-settur privat, u 17 % wieġbu li setgħu użaw ir-riżorsi proprji tal-kumpanija tagħhom biex jiffinanzjaw l-innovazzjoni. Il-membri tal-ġurija wkoll ikkonfermaw dan ir-riskju fl-intervista (ara l-Figura 3).

Figura 3

Sorsi alternattivi ta’ finanzjament privat tal-kumpaniji fil-Fażi 2

Sors: l-istħarriġ tal-QEA lill-benefiċjarji.

37

Madankollu, il-partijiet ikkonċernati ġibdu l-attenzjoni għall-effett ta’ inklużjoni sussegwenti ġġenerat mill-għotja mill-UE, li jgħin lill-benefiċjarji biex aktar tard jattiraw il-fondi addizzjonali meħtieġa biex javvanzaw il-proġetti ta’ innovazzjoni tagħhom u jespandu.

38

Il-bankabbiltà ta’ proġett hija kunċett kumpless li jiġi ddeterminat minn bosta varjabbli, bħall-volum ta’ fondi meħtieġa, it-twaqqit u l-prezz. Minħabba l-kumplessità tagħha, il-biċċa l-kbira minn dawk intervistati kienu jemmnu li kien hemm ħtieġa li jiġi ddefinit xi tfisser bankabbiltà u kif jenħtieġ li din titkejjel.

39

Qabel l-2019, il-bankabbiltà tal-proġetti ma kinitx titqies fil-proċess tal-għażla tal-SME-I. Tabilħaqq, l-istrument ta għotjiet lil xi SMEs li jkunu setgħu ġew iffinanzjati mis-suq. L-introduzzjoni tal-kunċett ta’ nonbankabbiltà tirrikjedi dispożizzjonijiet ċari dwar kif tista’ tiġi ddimostrata, b’mod partikolari peress li l-marka tal-UE tal-SME-I u l-għotja nfisha jattiraw riżorsi finanzjarji addizzjonali li jappoġġaw il-proġetti ta’ innovazzjoni tal-benefiċjarji.

Firxa ġeografika

Diversi livelli ta’ parteċipazzjoni fost il-pajjiżi – parzjalment dovuti għal fatturi lil hinn mill-kontroll tal-Kummissjoni

40

Il-fattur prinċipali li jiddetermina l-parteċipazzjoni fl-SME-I u s-suċċess ta’ proġett huwa l-eċċellenza. Għalhekk, minħabba l-livelli ta’ innovazzjoni kontrastanti fost l-Istati Membri, għandu jkun mistenni tqassim mhux indaqs tal-fondi. Madankollu, fl-istess ħin, permezz ta’ H2020 l-UE għandha l-għan li tiżgura li l-benefiċċji ta’ ekonomija mmexxija mill-innovazzjoni jiġu mqassma b’mod mifrux kif ukoll massimizzati20.

41

Il-graffs u l-mapep hawn taħt (il-Figura 4, l-Istampa 1 u l-Istampa 2) juru statistika fil-livell tal-pajjiżi dwar l-għadd ta’ applikazzjonijiet sottomessi u finanzjament riċevut b’relazzjoni mal-għadd ta’ SMEs, mal-PDG u mal-popolazzjoni. L-Anness II juri t-tqassim tal-finanzjament taħt l-SME-I għal kull Stat Membru f’termini assoluti u relattivi, l-għadd ta’ proġetti li ngħataw għotja, l-għadd ta’ proposti u r-rata ta’ suċċess għal kull Stat Membru.

42

Tradizzjonalment, analiżi tal-implimentazzjoni ta’ Orizzont 2020 kienet tinkludi żewġ gruppi differenti ta’ Stati Membri: EU-15 u EU-1321. Fil-każ tal-Istrument għall-SMEs, din id-distinzjoni ma sservix biex tispjega l-varjazzjoni fil-finanzjament riċevut (ara l-ewwel kolonna tal-Figura 4).

Figura 4

Tqassim tal-finanzjament taħt l-SME-I skont l-għadd ta’ SMEs, il-PDG u l-popolazzjoni

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data tal-Kummissjoni.

Stampa 1

Għadd ta’ proposti għal proġetti sottomessi għal kull elf SME

Sors: il-QEA.

Stampa 2

Finanzjament taħt l-SME-I għal kull SME (EUR/SME)

Sors: il-QEA.

43

Il-livell ta’ parteċipazzjoni fl-SME-I u r-rata ta’ suċċess tal-proġetti jiġu affettwati minn bosta fatturi:

  1. l-ekosistema tal-innovazzjoni u l-għadd ta’ SMEs fil-pajjiż;
  2. l-eżistenza ta’ strateġija nazzjonali dwar l-SME-I;
  3. l-isforz li jsir biex jiġi promoss l-SME-I; u
  4. l-appoġġ ipprovdut mill-NCPs u mill-EEN.
44

Filwaqt li xi wħud minn dawn il-fatturi jinsabu lil hinn mill-kontroll tal-Kummissjoni, xi oħrajn – bħall-kummerċjalizzazzjoni u l-promozzjoni tal-istrument jew l-appoġġ ipprovdut mill-NCPs – jaqgħu taħt l-influwenza tagħha.

45

Id-differenzi fir-rati ta’ suċċess fost il-pajjiżi huma spjegati parzjalment mill-varjazzjoni eżistenti fil-livelli ta’ innovazzjoni. Il-Figura 5 turi korrelazzjoni qawwija bejn ir-rati ta’ suċċess fl-SME-I u s-Sommarju tal-Indiċi ta’ Innovazzjoni tat-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea22.

Figura 5

Korrelazzjoni bejn ir-rata ta’ suċċess tal-SME-I u t-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea għall-2019

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data tal-Kummissjoni.

46

Karatteristika komuni tal-pajjiżi parteċipanti b’rati għoljin ta’ parteċipazzjoni u suċċess fl-istrument hija l-preżenza ta’ aġenzija nazzjonali għall-innovazzjoni (NIA) attiva, li taġixxi bħala intermedjarju mal-SMEs innovattivi. Għall-kuntrarju ta’ dan, fit-tliet Stati Membri bl-aktar livell baxx ta’ parteċipazzjoni (bi tqabbil mal-għadd ta’ SMEs fil-pajjiż) u bl-aktar rati baxxi ta’ suċċess, ma hemmx NIA.

47

Fl-istħarriġ li wettaqna tal-aġenziji nazzjonali għall-innovazzjoni (NIAs), aħna staqsejna jekk dawn kellhomx programmi nazzjonali li jappoġġaw lill-SMEs biex japplikaw għall-SME-I. Kemxejn inqas min-nofs l-NIAs ikkonfermaw li kellhom programmi nazzjonali li jappoġġaw lill-SMEs biex japplikaw għall-Fażi 2, b’35 % jirrappurtaw dan għall-Fażi 1 (ara l-Figura 6). Dawn li ġew intervistati osservaw li, minn meta nħoloq l-istrument SME-I, xi aġenziji nazzjonali kienu ċekknu programmi simili u, minflok, ħejjew lill-kumpaniji tagħhom għall-SME-I.

Figura 6

F’pajjiżek jeżistu programmi nazzjonali li jappoġġaw lill-SMEs biex japplikaw għall-Fażi 1 u/jew għall-Fażi 2?

Sors: l-istħarriġ tal-QEA lill-NIAs.

48

Spanja hija eżempju tajjeb ta’ Stat Membru bi strateġija nazzjonali li tappoġġa lil kumpaniji innovattivi li jistgħu jkunu eliġibbli għall-SME-I. L-awtoritajiet Spanjoli stabbilew sistema biex jikkummerċjalizzaw l-SME-I, fejn ifittxu b’mod attiv għal kumpaniji innovattivi ħafna u jappoġġawhom biex japplikaw għall-istrument. Spanja hija l-akbar benefiċjarju tal-SME-I: hija tirċievi madwar 20 % tal-baġit totali u għandha l-ogħla għadd ta’ SMEs applikanti. Minkejja li hija innovatur moderat skont it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea, għandha waħda mill-ogħla rati ta’ suċċess. L-Irlanda u d-Danimarka wkoll jippromwovu l-istrument b’mod attiv, u jħejju lill-SMEs tagħhom biex jipparteċipaw.

49

Fl-Istati Membri miżjura li kellhom livell baxx ta’ parteċipazzjoni fl-SME-I (f’termini ta’ fondi mogħtija u tar-rata ta’ suċċess), is-sensibilizzazzjoni dwar l-SME-I kienet limitata. Kien hemm ftit li xejn appoġġ speċifiku jew promozzjoni fil-livell nazzjonali, jew gwida għall-kumpaniji fir-rigward tal-istrument. Min-naħa tagħhom, ir-rati baxxi ta’ suċċess skoraġġew lil kumpaniji oħra milli japplikaw għall-SME-I. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ programmi nazzjonali alternattivi, li jrendu rati ogħla ta’ suċċess, naqqset l-attraenza tal-SME-I għal kumpaniji u għal aġenti awżiljarji, bħal konsulenti.

Is-sensibilizzazzjoni tiġi affettwata min-nuqqas ta’ strateġija mmirata ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ komunikazzjoni fil-livell tal-Kummissjoni

50

L-SME-I jirrappreżenta forma ġdida ta’ appoġġ fl-FWPs, fejn prinċipalment huwa mmirat lejn SMEs uniċi bi proġetti innovattivi ħafna, permezz ta’ approċċ immotivat mis-suq.

51

It-tipi tradizzjonali ta’ applikant għal H2020 (universitajiet, korporazzjonijiet kbar u ċentri ta’ riċerka) huma familjari mal-opportunitajiet ta’ finanzjament offruti minn H2020. Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom esperjenza kemm b’H2020 kif ukoll b’FWPs preċedenti u, f’ħafna każijiet, għandhom persunal iddedikat għall-ġestjoni tal-applikazzjonijiet u tal-proġetti. Ġeneralment, it-tipi ta’ kumpaniji fil-mira tal-SME-I ma jkunux ipparteċipaw f’FWPs preċedenti, u saħansitra huwa possibbli li ma jkunux inkludew fondi pubbliċi fl-istrateġija ta’ finanzjament tagħhom.

52

Aħna eżaminajna jekk l-SME-I ġiex promoss, implimentat u mmonitorjat biex jipprovdi aċċess faċli għall-istrument għall-SMEs kif stipulat fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 743/2013. Aħna eżaminajna wkoll kemm intużaw tekniki ta’ kummerċjalizzazzjoni biex il-kumpaniji t-tajbin jiġu sensibilizzati dwar il-fatt li teżisti din l-opportunità ta’ finanzjament u li jridu jiġu identifikati u jintużaw kanali xierqa ta’ komunikazzjoni biex dawn jintlaħqu.

53

Il-Kummissjoni u l-EASME kellhom baġit limitat biex iniedu attivitajiet ta’ komunikazzjoni u jorganizzaw diversi avvenimenti li jlaqqgħu flimkien lill-benefiċjarji potenzjali tal-SME-I, prinċipalment jiem ta’ informazzjoni ta’ H2020. Rapporti ppubblikati mill-EAG enfasizzaw in-nuqqas ta’ strateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni għall-SME-I, u l-ħtieġa li jiġu identifikati l-“klijenti” t-tajbin u jiġu aġġustati l-kanali u l-għodod ta’ komunikazzjoni kif meħtieġ. L-evalwazzjoni tal-SME-I23 qieset dan bħala spjegazzjoni possibbli għad-diversi rati ta’ penetrazzjoni fil-pajjiżi tal-EU-28, u indikat il-ħtieġa li l-istrateġija ta’ komunikazzjoni u kummerċjalizzazzjoni tiġi eżaminata mill-ġdid.

54

Minkejja l-isforzi li saru biex jintlaħqu benefiċjarji potenzjali, il-Kummissjoni ma kellhiex strateġija strutturata ta’ kummerċjalizzazzjoni u komunikazzjoni. Hija ma użatx approċċ immirat biżżejjed biex tiġġenera sensibilizzazzjoni fost l-SMEs innovattivi dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament offruti mill-SME-I.

55

Il-Kummissjoni toqgħod ħafna fuq il-promozzjoni li ssir fil-livell nazzjonali mill-NCPs u mill-EEN biex tikseb implimentazzjoni uniformi tal-SME-I. Hija tqis li l-NCPs huma l-istruttura prinċipali biex tiġi pprovduta informazzjoni u assistenza prattika lill-parteċipanti potenzjali. Billi l-SMEs huma inqas familjari ma’ H2020 minn parteċipanti oħra fl-FWP (ara l-paragrafu 51), ir-rwol tal-NCPs huwa ta’ importanza partikolari għall-SMEs. L-NCPs jinħatru u jitħallsu mill-awtoritajiet nazzjonali. Huma responsabbli biex jiżguraw li l-programm il-ġdid isir magħruf u li jkun aċċessibbli fil-pront għall-applikanti potenzjali kollha24. Madankollu, kif inhu ddikjarat fir-Rapport Speċjali Nru 28/2018 tal-QEA25, il-livell ta’ appoġġ offrut mill-NCPs ivarja fost l-Istati Membri. F’xi wħud minnhom, huma jaġixxu bħala NCPs full-time; f’oħrajn huma jridu jikkombinaw il-kompiti ta’ NCP ma’ responsabbiltajiet oħra.

56

Il-livell ta’ appoġġ ipprovdut mill-NCPs ivarja fost l-Istati Membri, u b’hekk jinfluwenza l-livell ta’ parteċipazzjoni u r-rati ta’ suċċess. Kien biss fi tnejn mis-sitt Stati Membri miżjura li l-NCPs huma ddedikati bis-sħiħ għar-rwol tagħhom. L-NCPs f’żewġ Stati Membri wettqu sessjonijiet ta’ ħidma rigward il-kitba ta’ proposti u għarblu l-applikazzjonijiet minn qabel. Wieħed minnhom organizza preżentazzjonijiet simulati quddiem ġurija. Oħrajn ftit li xejn għamlu attivitajiet, minbarra li ospitaw jiem ta’ informazzjoni dwar H2020.

57

L-NCPs u l-EEN irrappurtaw li l-SME-I kien ġie promoss prinċipalment fil-livell nazzjonali b’appoġġ limitat mill-Kummissjoni Ewropea, billi l-programm ma jallokax baġit speċifiku lill-NCPs għal attivitajiet ta’ disseminazzjoni.

58

Access4SMEs hija azzjoni ta’ koordinazzjoni u appoġġ taħt H2020 li għandha l-għan li tiffaċilita l-kooperazzjoni transnazzjonali fost l-NCPs għall-SMEs u l-aċċess għal finanzjament ta’ riskju, taġġorna ħiliethom u l-għodod tagħhom sabiex ittejjeb l-istandard ta’ appoġġ tagħhom26. Dawk li ġew intervistati ddikjaraw li Access4SMEs kienet is-sors prinċipali ta’ informazzjoni dwar l-SME-I għall-NCPs, l-EENs u l-benefiċjarji. Madankollu, in-netwerk ġie stabbilit biss f’Settembru 2016 – kważi tliet snin wara t-tnedija tal-istrument – u għalhekk ma kienx fis-seħħ meta s-servizzi tiegħu kienu jkunu l-aktar siewja.

Għażla tal-proġetti

59

Proċedura tal-għażla effettiva hija kritika biex jiġi żgurat li jintgħażlu l-aħjar applikazzjonijiet għal finanzjament. Fid-dawl ta’ dan, jenħtieġ li l-proċedura tal-għażla jkollha riżorsi suffiċjenti u tassenja t-tip xieraq ta’ esperti għal kull stadju tal-evalwazzjoni.

60

L-Istrument għall-SMEs huwa bbażat fuq sejħa kontinwament miftuħa għal proposti, b’erba’ dati limitu għal kull fażi għal kull sena. Il-proċess ta’ evalwazzjoni jitwettaq mill-bogħod minn erba’ evalwaturi indipendenti għal kull proposta. Mill-2018 ’il hawn, il-proċedura tal-għażla għall-għotjiet tal-Fażi 2 inkludiet preżentazzjoni tal-proġetti lil ġurija, li hija t-tieni stadju ta’ evalwazzjoni mwettaq minn panel ta’ sitt esperti, fil-biċċa l-kbira investituri.

Riżorsi limitati għall-evalwazzjoni u proċedura ta’ evalwazzjoni mill-bogħod mgħobbija żżejjed minn għadd kbir ta’ sottomissjonijiet

61

L-EASME tirċievi u timmaniġġja għadd kbir ħafna ta’ proposti fi tmiem kull waħda mid-dati limitu għal kull sena għal kull waħda miż-żewġ fażijiet. Fl-aħħar data limitu għall-2018, hija rċeviet aktar minn 1 800 applikazzjoni għall-Fażi 2, u 2 200 għall-Fażi 1.

62

Il-proċess ta’ evalwazzjoni jiltaqa’ ma’ sfidi minħabba kombinament ta’ riżorsi limitati u għadd kbir ta’ sottomissjonijiet. L-evalwaturi għandhom biss 1.6 sigħat fil-Fażi 1 u 2.4 sigħat fil-Fażi 2 biex jikkompletaw l-evalwazzjoni u d-dokumentazzjoni tagħha, għalkemm l-applikazzjonijiet huma twal (10 paġni mingħajr l-annessi għall-Fażi 1 u 30 paġna mingħajr l-annessi għall-Fażi 2).

63

Fl-istħarriġ tagħna, 34 % biss mill-evalwaturi fil-Fażi 2 wieġbu li t-2.4 sigħat allokati mill-Kummissjoni għall-evalwazzjoni tal-proposti kienu suffiċjenti. Il-ħin medju meħtieġ kien ta’ 5.1 sigħat. Għall-Fażi 1, 56 % mill-wiġġieba kienu sodisfatti, fejn kienu jeħtieġu 3 sigħat minflok il-1.6 sigħat allokati mill-Kummissjoni (ara l-Figura 7).

Figura 7

Livell ta’ sodisfazzjon espress mill-evalwaturi dwar is-sigħat mogħtija għall-evalwazzjoni tal-proposti

Sors: l-istħarriġ tal-QEA lill-evalwaturi.

64

L-evalwaturi li wieġbu l-istħarriġ tagħna kienu fil-biċċa l-kbira sodisfatti bil-gwida u t-taħriġ ipprovdut, għalkemm huma jixtiequ jirċievu feedback dwar l-evalwazzjonijiet tagħhom u statistika dwar l-eżiti, li jippermettulhom kieku li jkollhom punt ta’ riferiment għall-prestazzjoni tagħhom u jtejbu din tal-aħħar. Huma esprimew tħassib dwar it-taħriġ għal evalwaturi ġodda u l-varjabbiltà konsegwenti fl-għoti ta’ punteġġ tagħhom. L-istatistika mill-EASME tikkonferma din il-varjabbiltà u r-regoli ta’ H2020 jirrikjedu li 25 % mill-evalwaturi jkunu ġodda.

Preżentazzjoni lil ġurija fil-biċċa l-kbira ttejjeb il-proċedura tal-għażla filwaqt li tikkonforma maż-żmien għall-għotja

65

L-introduzzjoni tal-preżentazzjoni ta’ proġetti lil ġurija fl-2018 kienet bidla pożittiva, billi hija tpatti għad-dgħufijiet inerenti f’evalwazzjoni mill-bogħod u tippermetti l-verifikazzjoni tal-prattiċità tal-proġett u tal-potenzjal tat-tim biex jimplimentah. Minkejja dan, ċerti elementi għadhom subottimali.

66

Il-membri tal-ġurija jivvalutaw 20 preżentazzjoni ta’ proġetti matul ġimgħa ta’ evalwazzjoni, u huma mistennija jaqraw id-dokumenti sottomessi mill-applikanti minn qabel. Madankollu, il-membri tal-ġurija li intervistajna ħassew li ma kinux irċevew id-dokumenti suffiċjentement minn qabel biex potenzjalment jirrieżaminaw 1 600 paġna ta’ informazzjoni fl-applikazzjonijiet.

67

Huma ssuġġerew ukoll li jkollhom aċċess għall-kummenti mir-rapporti tal-evalwaturi mill-bogħod. Billi jagħmlu dan, ikun jinżamm l-għarfien utli u b’hekk titjieb l-effiċjenza, meta jitqies il-ħin limitat disponibbli għat-tħejjija u d-diskussjoni tal-preżentazzjoni tal-proġetti lill-ġuriji. Bl-istess mod, l-evalwaturi qiesu li l-kwalità tal-evalwazzjonijiet tagħhom kieku jitjiebu jekk huma jirċievu l-kummenti tal-membri tal-ġurija dwar il-proposti li jkunu evalwaw.

68

Attwalment, ma titwettaqx diliġenza dovuta sistematika fuq l-applikazzjonijiet li jilħqu l-istadju tal-preżentazzjoni. Il-membri tal-ġurija indikaw il-ħtieġa għal proċess “ħafif” ta’ diliġenza dovuta biex tiġi vverifikata l-preċiżjoni tal-informazzjoni pprovduta mill-applikanti dwar il-privattivi, il-profil tal-kumpanija u l-kompożizzjoni tat-tim.

69

Il-Kummissjoni stabbiliet il-mira taż-żmien għall-għotja (iż-żmien bejn id-data limitu u l-iffirmar tal-ftehim ta’ għotja) sa massimu ta’ tliet xhur għall-Fażi 1 u sitt xhur għall-Fażi 2. Iż-żmien reali għall-għotja naqas mindu beda l-programm, u minkejja l-introduzzjoni tal-preżentazzjoni lill-ġuriji fl-2018, f’dik is-sena l-EASME ffirmat 90 % mill-għotjiet fi ħdan iż-żmien fil-mira.

Xi għodod tal-IT jippreżentaw riskji għall-proċess ta’ evalwazzjoni

70

L-applikanti jissottomettu proposti online permezz tas-sistema elettronika għall-preżentazzjoni tal-proposti fuq il-Portal għall-Parteċipanti ta’ H2020.

71

Biex tagħmel arranġamenti għall-preżentazzjonijiet ta’ proġetti u ssawwar ġuriji b’ħiliet xierqa, l-EASME tuża spreadsheet workbook, li huwa vulnerabbli għal waqfien minħabba ħsara li jista’ jikkawża dewmien u jipperikola proċedura ta’ evalwazzjoni. 72

Peress li ma hemmx għodod dedikati tal-IT għar-rimborż tal-applikanti għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-preżentazzjoni li huma jagħmlu, dawn jiġu rreġistrati bħala evalwaturi fis-sistema interna ta’ ġestjoni tal-esperti (EMI). Konsegwentement, hemm riskju li dawn jiġu kkuntattjati bi żball bl-iskop li jevalwaw il-proposti.

73

Barra minn hekk, il-bidliet fil-proċess tal-għażla introdotti f’Settembru 2019 taħt il-pilota tal-KEI Mtejba (talba għal data finanzjarja mill-parteċipanti u għal informazzjoni dwar il-livell ta’ tħejjija teknoloġika) jirrikjedu soluzzjonijiet “bolt-on” li għadhom ma ġewx żviluppati.

Is-sottomissjoni mill-ġdid ta’ proposti qed toħloq pressjoni fuq ir-riżorsi ta’ evalwazzjoni

74

Ma hemmx limitu għall-għadd ta’ drabi li applikazzjoni rifjutata tista’ tiġi sottomessa mill-ġdid lill-SME-I. Mal-evalwazzjoni, proposta sottomessa mill-ġdid tirċievi l-istess trattament bħal kwalunkwe applikazzjoni inizjali oħra, bl-ebda riport ’il quddiem tal-informazzjoni minn evalwazzjonijiet preċedenti.

75

L-ispiża addizzjonali għall-applikant biex jerġa’ jissottometti proposta mingħajr bidliet hija negliġibbli. L-għadd ta’ applikazzjonijiet sottomessi mill-ġdid ilu jiżdied b’mod kostanti u issa jifforma proporzjon imdaqqas mit-total tas-sottomissjonijiet. Għad-dati limitu l-aktar reċenti tal-Fażi 2 għall-2018 (ara l-Figura 8), 66 % mill-applikazzjonijiet kienu sottomissjonijiet mill-ġdid, b’nofshom jidhru għal mill-inqas it-tielet darba.

Figura 8

Sehem mis-sottomissjonijiet mill-ġdid fil-Fażi 2

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data tal-Kummissjoni sa tmiem l-2018.

76

Iż-żieda fl-applikazzjonijiet maż-żmien hija dovuta biss għas-sottomissjonijiet mill-ġdid. L-għadd ta’ proġetti ġodda li applikaw għall-Fażi 2 baqa’ stabbli f’ammont ta’ 500 applikazzjoni għal kull data limitu (ara l-Figura 9).

Figura 9

Proġetti fil-Fażi 2: ġodda bi tqabbil mat-total

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data tal-Kummissjoni.

77

Is-sottomissjonijiet mill-ġdid iqiegħdu pressjoni sinifikanti u dejjem tiżdied fuq ir-riżorsi ta’ evalwazzjoni. Bejn l-2015 u l-2018, l-ispiża tal-evalwazzjoni tal-proposti mat-tielet sottomissjoni tagħhom u dik sussegwenti – meta jitqiesu biss it-tariffi tal-evalwaturi esperti mill-bogħod – kienet ta’ aktar minn EUR 4.3 miljun (inklużi aktar minn EUR 1.8 miljun fl-2018).

78

L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu ta’ H2020 tat x’tifhem li l-abbonament eċċessiv skoraġġixxa l-parteċipazzjoni, xekkel il-kwalità tal-evalwazzjonijiet, qiegħed pressjoni fuq ir-riżorsi u ħalla għadd ta’ proposti ta’ kwalità għolja mingħajr fondi.

79

Ir-rata ta’ suċċess medja għas-sottomissjonijiet tal-SME-I hija ta’ 4.7 % fil-Fażi 2 u ta’ 8.6 % fil-Fażi 1. Madankollu, jekk nikkalkulaw ir-rata ta’ suċċess għal kull proposta għal proġett minflok għal kull sottomissjoni, fl-aħħar mill-aħħar madwar 11.5 % tal-proposti fil-Fażi 2 u 16.6 % tal-proposti fil-Fażi 1 isibu suċċess.

Effettività tal-appoġġ fil-fażijiet tal-Istrument għall-SMEs

80

Jenħtieġ li l-appoġġ ipprovdut mill-SME-I ikun f’waqtu u rilevanti, u jissodisfa l-ħtiġijiet ta’ SMEs innovattivi.

Il-Fażi 1 tipprovdi appoġġ utli lill-SMEs iżda diġà jeżistu skemi simili f’xi Stati Membri

81

Skont il-partijiet ikkonċernati intervistati, il-Fażi 1 u l-Fażi 2 effettivament saru żewġ programmi differenti. Il-Fażi 1 tgħin lil kumpaniji li ma għandhom l-ebda esperjenza fil-finanzjament pubbliku, bħal kumpaniji żgħar tal-IT jew negozji ġodda; il-Fażi 2 hija aktar kumplessa, li jfisser li t-tip ta’ kumpaniji li japplikaw għall-Fażi 1 isibu l-applikazzjoni għall-Fażi 2 aktar ta’ sfida.

82

Id-differenza fir-rati ta’ suċċess bejn il-kumpaniji li jgħaddu mill-Fażi 1 qabel japplikaw għall-Fażi 2 u l-kumpaniji li japplikaw direttament għall-Fażi 2 ilha xi żmien tonqos matul l-implimentazzjoni tal-SME-I. Madankollu, ir-rata ta’ suċċess tal-Fażi 2 għadha 50 % ogħla għal kumpaniji li jgħaddu mill-Fażi 1 milli għal kumpaniji li japplikaw direttament għall-Fażi 2 (ara l-Figura 10).

Figura 10

Tqabbil tar-rata ta’ suċċess ta’ SMEs li applikaw direttament għall-Fażi 2 ma’ SMEs li kienu diġà applikaw għall-Fażi 1 qabel il-Fażi 2

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data tal-EASME.

83

Il-benefiċjarji tal-Fażi 2 li kienu għaddew mill-Fażi 1 indikaw li l-ewwel fażi kienet ipprovdiet tħejjija tajba, u b’hekk għenithom itejbu l-proġett.

84

Il-partijiet ikkonċernati li ġew intervistati f’xi Stati Membri kienu jemmnu li l-proġetti fil-Fażi 1 spiss setgħu jitwettqu daqstant sew fil-livell nazzjonali, għalkemm dan kieku jkun ta’ sfida għal xi Stati Membri.

85

Fl-istħarriġ li wettaqna tal-NIAs, 48 % mill-wiġġieba ddikjaraw li l-Istat Membru tagħhom kellu programmi nazzjonali li kienu simili għall-Fażi 1. Meta ġew mistoqsija dwar il-punti pożittivi prinċipali tal-Fażi 1 taħt l-SME-I bi tqabbil mal-programmi nazzjonali, l-NIAs semmew il-proċedura tal-għażla rapida u trasparenti, il-kredibbiltà kkonferita mit-tikketta tal-UE, u l-aċċess għal ikkowċjar u għal servizzi ta’ aċċellerazzjoni tan-negozju. Barra minn hekk, huma faħħru l-massa kritika ta’ kumpaniji innovattivi li kienet ġiet stabbilita bis-saħħa tal-Fażi 1 taħt l-SME-I, li kien irnexxielha tattira ħafna kumpaniji innovattivi lejn il-programm tal-UE.

86

Meta tlabna l-fehmiet tagħhom dwar il-kontinwazzjoni tal-Fażi 1 taħt l-FWP il-ġdid, 86 % mill-wiġġieba tal-NIAs qiesu li jenħtieġ li l-Fażi 1 tiġi ppreservata taħt il-FWP il-ġdid (ara l-Kaxxa 1 għal eżempji ta’ opinjonijiet tal-NIAs dwar jekk jenħtieġx li jitkompla l-finanzjament għall-Fażi 1). Dawk favur il-kontinwazzjoni tal-Fażi 1 indikaw li s-servizzi ta’ aċċellerazzjoni tan-negozju u ta’ kkowċjar kienu żiedu l-kapaċità ta’ dawn il-kumpaniji biex jittrattaw attivitajiet ta’ innovazzjoni b’mod professjonali, u dan ippermettielhom li jespandu u jikbru. Huma ssuġġerew li n-natura Ewropea tas-sejħa għal proposti xprunat lill-SMEs biex jgħollu l-livell ta’ ambizzjoni tagħhom mill-istadji bikrin tal-iżvilupp, u li l-proċess ta’ evalwazzjoni sempliċi u rapidu ma kellux ekwivalenti fil-livell nazzjonali. Dawk kontra l-kontinwazzjoni tal-Fażi 1 (14 %) osservaw in-nuqqas ta’ valur miżjud bi tqabbil ma’ strumenti nazzjonali/reġjonali, u n-nuqqas ta’ rabta sinifikanti bejn il-Fażijiet 1 u 2.

Kaxxa 1

Opinjonijiet tal-Aġenziji Nazzjonali għall-Innovazzjoni dwar il-Fażi 1

  • “Il-Fażi 1 kienet punt tad-dħul eċċellenti lejn Orizzont 2020 għal SMEs bl-ebda esperjenza preċedenti ta’ programmi Ewropej jew Internazzjonali għall-R&I. L-attivitajiet ta’ mentoraġġ u ta’ kkowċjar ipprovduti mill-EEN lill-benefiċjarji tal-SME-I żiedu l-kapaċità ta’ dawn il-kumpaniji biex jittrattaw attivitajiet ta’ innovazzjoni b’mod professjonali, u dan ippermettielhom li jespandu u jikbru.”
  • “Il-Fażi 1 ippermettiet lill-SMEs biex jieħdu pass ulterjuri. L-SMEs infushom spiss ma jkollhomx l-għarfien u r-riżorsi biex iwettqu stħarriġiet eżawrjenti tal-IP, tas-suq u tal-kompetizzjoni, eċċ. Wara l-finalizzazzjoni tal-proġett fil-Fażi 1, huma jkunu wkoll imħejjija sew mhux biss biex japplikaw għall-finanzjament fil-Fażi 2 iżda wkoll għal riżorsi ta’ finanzjament/kapital ieħor. L-għotja riċevuta mill-KE hija wkoll tip ta’ tikketta ta’ fiduċja u kwalità.”
  • “Il-Fażi 1 hija siewja, iżda mhijiex dik li żżid l-aktar benefiċċju. Minflok, huwa importanti li l-Istati Membri/il-Pajjiżi Assoċjati jinvestu huma nfushom ukoll, biex b’hekk interventi fuq skala żgħira bħal din ikunu jistgħu jitħallew f’idejn aġenziji nazzjonali/reġjonali. Madankollu, attwalment mhux l-Istati Membri kollha huma mgħammra biex iwasslu dan l-appoġġ.”
  • “Il-Fażi 1 ma tipprovdix addizzjonalità; kwalunkwe Stat Membru jista’ jistabbilixxi programm simili.”

Il-Fażi 1 timponi piż eċċessiv fuq l-amministrazzjoni tal-Istrument għall-SMEs

87

Mit-tnedija tal-SME-I, ġew iffirmati 3 978 ftehim ta’ għotja taħt il-Fażi 1. Il-proċess mill-bidu sat-tmiem jirrikjedi sforz amministrattiv konsiderevoli f’termini ta’ evalwazzjoni, tħejjija tal-għotjiet, iffirmar tal-għotjiet u servizzi ta’ kkowċjar. Erba’ uffiċjali tal-proġetti jimmaniġġjaw madwar 1 000 proġett kull sena. Għalhekk, il-monitoraġġ tal-proġetti huwa limitat għal kontrolli amministrattivi, mingħajr valutazzjoni tal-kwalità tal-istudju tal-fattibbiltà.

88

It-Tabella 1 tqabbel l-ispejjeż tal-evalwazzjoni mill-bogħod għal kull fażi mal-ammont kumplessiv mogħti. Hija tiġbed l-attenzjoni għal differenza kbira fl-ispejjeż ta’ kull fażi, bl-ispejjeż relattivi tal-evalwazzjoni jkunu 10 darbiet ogħla (għal kull euro mogħtija) fil-Fażi 1 milli fil-Fażi 2. Il-punt ta’ riferiment għall-ispiża tal-evalwazzjoni fis-settur tal-kapital ta’ riskju privat huwa ta’ 3 %.

Tabella 1

Spiża ta’ evalwazzjonijiet mill-bogħod

FAŻI 1 FAŻI 2
Għadd ta’ proposti evalwati 39 419 20 957
Għadd ta’ proposti evalwati kuljum u l-evalwatur 5 3
Spiża tal-evalwazzjoni mill-bogħod għal kull proposta EUR 360 EUR 600
Spiża totali EUR 14 190 840 EUR 12 574 200
Ammont mogħti EUR 170 800 000 EUR 1 760 609 479
Spiża tal-evalwazzjoni / Ammont mogħti 8.3 % 0.7 %

Sors: il-QEA.

89

Minkejja l-ispejjeż amministrattivi ogħla mġarrba għall-Fażi 1 bi tqabbil mal-Fażi 2, il-Fażi 1 tipprovdi appoġġ effettiv, bis-saħħa tal-proċess tal-għażla rapidu fil-livell tal-UE, bis-saħħa tat-tikketta tal-UE għall-benefiċjarji u bis-saħħa tal-aċċess għall-BAS. Barra minn hekk, hija attirat ħafna kumpaniji innovattivi lejn il-programm tal-UE. Madankollu, f’pajjiżi fejn diġà jeżistu programmi simili għall-Fażi 1, ir-rilevanza tagħha tonqos.

90

Il-Kummissjoni ma komplietx il-Fażi 1 minn Settembru 2019 ’il hawn.

Il-Fażi 2 tipprovdi appoġġ effettiv lill-SMEs

91

Il-partijiet ikkonċernati li ġew intervistati (rappreżentanti mill-NIAs u l-NCPs, esperti fl-innovazzjoni, evalwaturi, membri tal-ġurija, l-EEN, organizzazzjonijiet umbrella tal-SMEs u benefiċjarji) qablu b’mod unanimu fl-approvazzjoni tagħhom tal-Fażi 2 minħabba l-ħafna elementi pożittivi tagħha, bħal:

  • l-intensità tal-appoġġ finanzjarju f’livell għoli ta’ tħejjija teknoloġika li l-Istati Membri ma jistgħux jipprovdu27;
  • il-kompetizzjoni fost l-SMEs fil-livell tal-UE;
  • l-attrazzjoni ta’ investiment addizzjonali permezz ta’ assoċjazzjoni mal-marka tal-UE (ara l-paragrafi 119121);
  • id-disponibbiltà ta’ kkowċjar u ta’ servizzi ta’ aċċellerazzjoni tan-negozju;
  • il-proċessi tal-għażla u tal-għoti li huma sempliċi u rapidi bi tqabbil mal-iskemi nazzjonali; u
  • il-fokus fuq l-istrateġija “go-to-market” (tqegħid fis-suq) tal-proġetti, li fiha l-proġetti jiżviluppaw pjan ta’ azzjoni li jispeċifika kif l-SME tkun se tilħaq lill-klijenti u tikseb vantaġġ kompetittiv.
92

Fl-istħarriġ tagħna lill-NIAs, aħna staqsejna jekk kinux jaħsbu li jenħtieġ li l-Fażi 2 tal-SME-I titkompla taħt Orizzont Ewropa u għalfejn (ara l-Kaxxa 2 għal eżempji ta’ opinjonijiet tal-NIAs dwar jekk jenħtieġx li jitkompla l-finanzjament għall-Fażi 2). Il-wiġġieba kollha qalu li jenħtieġ li din titkompla.

Kaxxa 2

Opinjonijiet tal-Aġenziji Nazzjonali għall-Innovazzjoni dwar il-Fażi 2

  • Hija toffri xi ħaġa differenti minn dak li huwa disponibbli fil-livell nazzjonali; barra minn hekk, hija tiffaċilita l-ħolqien ta’ netwerks internazzjonali. L-ikkowċjar huwa importanti wkoll.
  • Huwa strument tajjeb ħafna li jista’ jinftiehem faċilment mill-applikanti.
  • Huwa programm importanti u uniku biex fil-fażi pilota jiġu appoġġati SMEs li jkunu qed jikbru.
  • Is-suċċess u l-popolarità tal-iskema fost l-SMEs huma evidenza li hija struttura xierqa ħafna għall-SMEs. Il-bidliet li saru matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni (speċjalment l-intervisti) għollew il-valur tal-iskema.
93

Meta ntalbu jekk jenħtieġx li jsiru bidliet sinifikanti fit-tfassil tal-SME-I, 75 % wieġbu “le”, 16 % indikaw bidliet limitati u 11 % biss indikaw bidliet aktar profondi. Dan jagħti x’jifhem li l-forma attwali tal-Fażi 2 hija ġeneralment apprezzata ferm.

94

Il-Fażi 2 tal-SME-I tipprovdi appoġġ effettiv lill-benefiċjarji. Hija tipprovdi marka tal-UE li tagħti viżibbiltà lill-kumpaniji u lill-proġetti, tgħinhom jiġġeneraw investiment addizzjonali, u tippermetti aċċess għan-netwerk tal-UE ta’ kkowċjar u BAS. Il-Fażi 2 tgawdi minn livell għoli ħafna ta’ apprezzament fil-forma attwali tagħha fost l-NIAs mistħarrġa. Din l-opinjoni hija kondiviża fost il-partijiet ikkonċernati kollha intervistati.

Is-servizzi ta’ aċċellerazzjoni tan-negozju fil-Fażi 3 għandhom potenzjal iżda tniedu tard

95

Is-servizzi ta’ kkowċjar u ta’ aċċellerazzjoni tan-negozju (il-Fażi 3) għandhom rwol ewlieni fl-istruttura ġenerali tal-SME-I, billi jenħtieġ li huma jirrispondu għall-ħtiġijiet ta’ innovazzjoni tal-SMEs permezz ta’ appoġġ imfassal apposta, żvilupp ta’ kompetenzi u netwerking. Skont studju ppubblikat mill-Università ta’ Manchester, hemm livell ta’ suċċess ferm ogħla għal ditti (b’mod partikolari ditti żgħar) f’miżuri li jikkombinaw appoġġ dirett u indirett28.

96

L-ikkowċjar ikopri firxa wiesgħa ta’ suġġetti, notevolment: l-iżvilupp tan-negozji, l-iżvilupp organizzazzjonali, il-kooperazzjoni u l-finanzjament. Il-benefiċjarji tal-Fażi 1 jirċievu kkowċjar ta’ 3 ijiem u l-benefiċjarji tal-Fażi 2 jirċievu 12-il jum. L-SME-I wassal għall-istabbiliment tal-ewwel netwerk Ewropew ta’ kowċijiet biex jappoġġaw lill-benefiċjarji.

97

Servizzi ta’ aċċellerazzjoni tan-negozju huma miftuħa kemm għall-benefiċjarji tal-Fażi 1 kif ukoll tal-Fażi 2, u jinkludu parteċipazzjoni f’:

  • fieri kummerċjali u konferenzi;
  • jiem korporattivi;
  • avvenimenti tal-investituri;
  • summit tal-Innovaturi tal-KEI;
  • mentoraġġ;
  • il-Pjattaforma Komunitarja tal-KEI;
  • għodda ta’ tqabbil għall-investituri;
  • l-Akkademja tal-KEI.
98

L-avvenimenti u s-servizzi l-oħra ta’ aċċellerazzjoni tan-negozju fil-Fażi 3 ffukaw primarjament fuq it-tqegħid tal-SMEs f’kuntatt ma’ investituri jew sħab kummerċjali potenzjali. L-EASME għamlet ftit li xejn biex tgħin lill-benefiċjarji jilħqu lil klijenti potenzjali (kemm korporazzjonijiet privati kbar kif ukoll korpi pubbliċi permezz ta’ akkwist pubbliku innovattiv).

99

L-SMEs benefiċjarji li wieġbu għall-istħarriġ tagħna apprezzaw ferm kemm l-iskema ta’ kkowċjar kif ukoll kwalunkwe servizz ta’ aċċellerazzjoni tan-negozju li kienu użaw (ara l-Figura 11). Din l-opinjoni pożittiva ġiet ikkonfermata miż-żjarat tagħna lill-benefiċjarji u lill-NIAs mistħarrġa. Minkejja dan, in-nodi tal-NIAs u tal-EEN kienu jagħtu x’jifhmu li l-EASME tista’:

  • tikkoordina aħjar l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti mal-atturi lokali (nodi tal-NIAs u tal-EEN);
  • timmira aħjar il-kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi ta’ aċċellerazzjoni tan-negozju biex tevita li tibgħat emails lill-SMEs dwar avvenimenti li ma kinux rilevanti għalihom;
  • tesplora opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali li jistgħu jipprovdu opportunitajiet ta’ investiment lill-benefiċjarji tal-SME-I.

Figura 11

Il-livell ta’ sodisfazzjon tal-benefiċjarji fir-rigward tal-ikkowċjar u l-BAS

Sors: l-istħarriġ tal-QEA lill-benefiċjarji.

100

L-esperti fl-innovazzjoni intervistati huma tal-fehma li jenħtieġ li s-servizzi ta’ aċċellerazzjoni tan-negozju jistimulaw in-naħa tad-domanda billi jqabblu lill-SMEs ma’ klijenti potenzjali ta’ negozji kbar u billi jappoġġaw il-parteċipazzjoni tagħhom fi skemi innovattivi ta’ akkwist pubbliku.

101

Bi tqabbil ma’ dan, il-Fażi 3 tal-programm SBIR hija orjentata lejn l-akkwist pubbliku. Fl-Istati Uniti, l-aġenziji federali b’baġits annwali għall-R&Ż li jaqbżu l-USD 100 miljun huma meħtieġa jallokaw 3.2 % lill-benefiċjarji tal-programm SBIR fl-għamla ta’ akkwist pubbliku. Fl-2015, il-kuntratti ffirmati bejn l-aġenziji federali tal-Istati Uniti u l-benefiċjarji tal-SBIR kienu jammontaw għal madwar USD 1.3 biljun, filwaqt li l-għotjiet b’mod ġenerali kienu jammontaw għal madwar USD 1.2 biljun29.

102

L-importanza tal-akkwist pubbliku għall-innovazzjoni għall-SMEs u n-negozji ġodda hija rikonoxxuta mill-Kummissjoni fil-Gwida tagħha dwar l-Akkwist ta’ Innovazzjoni30. F'dan id-dokument hija tindika li “billi jaġixxu bħala konsumaturi ewlenin, ix-xerrejja pubbliċi jistgħu jipprovdu lill-kumpaniji innovattivi b’opportunità sabiex jittestjaw soluzzjonijiet ġodda f’kundizzjonijiet reali. Barra minn hekk, billi jsiru l-konsumaturi tagħhom u b’hekk iżidu l-fatturat tagħhom, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jinkoraġġixxu lil investituri oħrajn – kemm pubbliċi u kemm privati – sabiex jinvestu fl-attivitajiet tagħhom”. Madankollu, attwalment, il-Kummissjoni ma inkludietx xi skemi innovattivi ta’ akkwist pubbliku fost is-servizzi ta’ aċċellerazzjoni tan-negozju biex toħloq rabta bejn il-benefiċjarji tal-SME-I u l-aġenziji tal-UE jew l-istituzzjonijiet nazzjonali.

103

L-adozzjoni tad-diversi servizzi ta’ aċċellerazzjoni tan-negozju kienet f’livell baxx, bl-attendenza fost il-benefiċjarji mistħarrġa tvarja minn 12 % fl-Akkademja tal-KEI sa 40 % fil-fieri kummerċjali u fil-konferenzi (ara l-Figura 12). Dan huwa spjegat parzjalment mill-fatt li xi servizzi kienu bdew fi tmiem l-2017 biss, kważi erba’ snin wara t-tnedija tal-istrument.

Figura 12

Perċentwal mill-wiġġieba li ma għamlux użu mill-BAS

Sors: l-istħarriġ tal-QEA lill-benefiċjarji.

L-effettività tal-Istrument għall-SMEs ma ġietx ivvalutata u r-rwol futur tiegħu f’Orizzont Ewropa għadu jrid jiġi ddeterminat

104

Sabiex tipprovdi input f’waqtu għall-abbozzar tar-regolament il-ġdid, il-Kummissjoni wettqet bosta evalwazzjonijiet fis-snin bikrin tal-SME-I – minkejja n-nuqqas ta’ data matura (ara l-Figura 13) – bħal:

  • l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-SME-I li ġiet ippubblikata fi Frar 2017, fejn sa dak il-punt ma kien għadu ġie kkompletat l-ebda proġett ta’ innovazzjoni fil-Fażi 2;
  • l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu ta’ H2020 li ġiet ippubblikata f’Mejju 2017, milquta mill-istess restrizzjonijiet bħal fil-punt ta’ hawn fuq;
  • il-Valutazzjoni tal-Impatt ta’ Orizzont Ewropa li ġiet ippubblikata f’Ġunju 2018. F’dan il-punt, madwar 200 kumpanija biss kienu kkompletaw il-proġetti ta’ innovazzjoni tagħhom fil-Fażi 2. Barra minn hekk, normalment ikunu meħtieġa ftit snin biex jidher l-impatt reali tal-proġett ta’ innovazzjoni.

Figura 13

Għadd kumulattiv ta’ proġetti kkompletati fil-Fażi 2 tal-SME-I u l-perjodu kopert mill-eżerċizzji ta’ evalwazzjoni

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data tal-Kummissjoni.

105

Minħabba n-novità tal-programm u n-nuqqas ta’ kwalunkwe rekord preċedenti, l-SME-I ġie evalwat purament abbażi tal-inputs u tal-proġetti kkompletati fil-Fażi 1, u mhux abbażi tar-riżultati mill-proġetti tal-Fażi 2. Il-konsultazzjonijiet imwettqa u r-rapporti indipendenti li twettqu għat-tfassil tal-KEI taħt Orizzont Ewropa (ara l-Anness II) intlaqtu bl-istess mod. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża t-tfassil tal-KEI taħt Orizzont Ewropa fuq analiżi komprensiva tal-implimentazzjoni, tar-riżultati miksuba u tal-impatt tal-SME-I.

Attrazzjoni ta’ investiment wara finanzjament taħt l-Istrument għall-SMEs

106

Wieħed mill-objettivi tal-SME-I huwa li jiffaċilita l-aċċess għal kapital privat u li joħloq rabtiet ma’ strumenti finanzjarji sostnuti mill-UE31. Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 743/2013, “huma previsti rabtiet mal-istrumenti finanzjarji, [...] pereżempju billi tingħata prijorità lil SMEs li lestew b’suċċess il-fażi 1 u/jew 2 fi ħdan il-volum separat ta’ riżorsi finanzjarji”.

Il-Kummissjoni għandha biss għarfien limitat tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament ġenerali tal-benefiċjarji, u ma għamlitx rabtiet ma’ strumenti finanzjarji tal-UE

107

L-EASME ma tiġborx informazzjoni sistematikament dwar il-ħtiġijiet finanzjarji addizzjonali tal-benefiċjarji tal-Fażi 2 biex jiżviluppaw il-proġetti tagħhom bis-sħiħ. L-EASME wettqet l-istħarriġ l-aktar reċenti tagħha fl-2016 biex tivvaluta dawn il-ħtiġijiet, iżda ma staqsietx mistoqsijiet dwar is-sors preferut ta’ finanzjament jew dwar l-użu intenzjonat tiegħu.

108

Fl-2018, id-DĠ RTD talab lill-BEI biex jipproduċi studju dwar l-aċċess għal finanzjament għall-benefiċjarji tal-SME-I, li mbagħad intuża biex tiġi appoġġata l-Valutazzjoni tal-Impatt ta’ Orizzont Ewropa32. Il-BEI bbaża r-rapport fuq valutazzjonijiet preċedenti u fuq stħarriġ imwettaq fuq kampjun ta’ benefiċjarji. Madankollu, il-kampjun ma kienx rappreżentattiv u 24 benefiċjarji biss wieġbu għall-istħarriġ. Konsegwentement, ir-rapport jipprovdi biss għarfien approfondit limitat dwar il-ħtiġijiet finanzjarji reali tal-benefiċjarji tal-SME-I.

109

L-istħarriġ rappreżentattiv tagħna (ara l-Anness I) ipprovda xi indikazzjoni dwar il-ħtiġijiet finanzjarji tal-benefiċjarji tal-Fażi 2. B’mod partikolari:

  • tliet kwarti mill-wiġġieba qalu li huma kienu jeħtieġu finanzjament addizzjonali ta’ madwar EUR 7.1 miljun;
  • 70 % mill-wiġġieba li kienu qed ifittxu finanzjament addizzjonali esprimew interess f’investiment ta’ kapital ta’ riskju privat, filwaqt li 48 % kienu lesti jqisu strumenti ta’ dejn bħal self jew linji ta’ kreditu.
110

It-tip ta’ finanzjament imfittex ivarja skont il-maturità tal-kumpanija, b’SMEs ġodda jkunu aktar interessati f’injezzjonijiet ta’ ekwità minn SMEs aktar stabbiliti (ara l-Figura 14).

Figura 14

Sehem mill-wiġġieba li kienu qed ifittxu appoġġ għall-kapital ta’ riskju skont l-età tal-kumpanija

Sors: l-istħarriġ tal-QEA lill-benefiċjarji.

111

Il-maġġoranza tal-benefiċjarji tal-SME-I ikunu jeħtieġu finanzjament addizzjonali biex jappoġġaw l-isforzi tagħhom għall-innovazzjoni u jqiegħdu l-proġetti ta’ innovazzjoni tagħhom fis-suq. Madankollu, l-għarfien tal-Kummissjoni dwar il-ħtiġijiet finanzjarji tal-benefiċjarji huwa limitat.

112

Taħt il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu 2014-2020, l-UE niedet firxa wiesgħa ta’ strumenti finanzjarji biex tappoġġa l-innovazzjoni mill-SMEs33. Madankollu, 64 % mill-wiġġieba għall-istħarriġ tal-benefiċjarji ma kinux sensibilizzati rigward dawn l-istrumenti.

113

Ir-rapport tal-BEI dwar l-aċċess għal finanzjament għall-benefiċjarji tal-SME-I34 silet il-konklużjonijiet li ġejjin, li ġew ikkonfermati permezz tal-istħarriġ u l-intervisti tagħna mal-benefiċjarji:

  • Hemm lakuna fl-iffinanzjar għall-benefiċjarji tal-SME-I meta l-proġetti joħorġu mill-Fażi 2.
  • L-għotjiet jipprovdu sinjal pożittiv fis-suq lil fornituri ta’ kapital privat.
  • L-informazzjoni disponibbli dwar l-istrumenti finanzjarji hija frammentata u l-komunikazzjoni bejn il-fornituri ta’ kapital privat u pubbliku hija limitata.
114

Rapport tal-EAG35 fl-2016 indika n-nuqqas ta’ sinerġiji bejn interventi finanzjarji differenti tal-UE u l-ħtieġa li l-SME-I jikkoordina ma’ investituri pubbliċi oħra, biex id-domandi tal-proġetti għal fondi wara l-ikkompletar tal-Fażi 2 jiġu ssodisfati aħjar.

115

Aħna analizzajna l-lista ta’ benefiċjarji tal-kapital ta’ riskju sostnut mill-UE mmaniġġjat mill-BEI u mill-FEI u sibna li, sa tmiem l-2018, kienu biss 16-il benefiċjarju tal-SME-I (li 8 minnhom kienu tal-Fażi 2) li kienu rċevew appoġġ finanzjarju bħal dan. F’ħames każijiet, l-investiment mill-istrument finanzjarju seħħ qabel ma kienet ingħatat l-għotja taħt l-SME-I.

116

Wieħed mill-għanijiet tal-SME-I sa mill-bidu tiegħu kien li jinħolqu rabtiet ma’ strumenti finanzjarji sostnuti mill-UE. Madankollu, il-Kummissjoni ftit li xejn ħadet azzjoni għal din il-fini: hija ma ddelimitatx xi fondi għall-benefiċjarji tal-SME-I, u l-benefiċjarji għandhom sensibilizzazzjoni limitata dwar l-istrumenti finanzjarji sostnuti mill-UE.

Il-benefiċjarji jattiraw investiment ulterjuri iżda l-livelli jvarjaw madwar l-UE

117

Il-ftehimiet ta’ għotja taħt l-SME-I ma jimponux obbligi ta’ rappurtar fuq il-benefiċjarji wara l-ikkompletar tal-proġett. Minflok, l-EASME timmonitorja l-evoluzzjoni tal-benefiċjarji wara l-finalizzazzjoni tal-għotja taħt l-SME-I permezz ta’ żewġ bażi ta’ data sors immaniġġjati minn kuntratturi esterni:

  • is-Sors 1: jintuża biex jiġi vvalutat l-investiment iġġenerat mill-benefiċjarji tal-SME-I. Il-bażi ta’ data tiġi ppopolata billi tinġabar informazzjoni dwar sessjonijiet ta’ investiment, li hija disponibbli għall-pubbliku online. Biex nivvalutaw l-affidabbiltà ta’ dan is-sors, aħna wettaqna kontrolli fuq kampjun aleatorju ta’ 30 benefiċjarju tal-Fażi 2, li kkorroboraw iċ-ċifri miksuba mill-informazzjoni disponibbli online.
  • is-Sors 2: jintuża biex tiġi vvalutata l-evoluzzjoni maż-żmien tal-prestazzjoni tal-benefiċjarji tal-SME-I f’termini ta’ fatturat, introjtu nett, fluss ta’ flus u livelli ta’ impjieg.
118

Informazzjoni miġbura direttament mill-benefiċjarji tista’ tkun inqas affidabbli minħabba preġudizzju fl-awtorappurtar. Barra minn hekk, l-użu ta’ informazzjoni minn partijiet terzi huwa aktar kosteffiċjenti. Fl-istess ħin, iż-żewġ sorsi ta’ informazzjoni użati mhumiex kompleti, peress li:

  • is-Sors 1 jistma b’mod insuffiċjenti l-investiment reali ġġenerat mill-benefiċjarji tal-SME-I, minħabba l-kwantità mhux magħrufa ta’ investiment fl-għamla ta’ dejn u injezzjonijiet ta’ ekwità li ma jiġux ippubblikati online.
  • is-Sors 2 jipprovdi informazzjoni kompleta għal bejn wieħed u ieħor 60 % biss mill-benefiċjarji tal-SME-I36.
119

Skont l-informazzjoni disponibbli online, il-proporzjon ta’ investiment bi tqabbil mal-għotjiet huwa ta' 2.9 għall-benefiċjarji tal-Fażi 2 li rċevew għotja taħt l-SME-I fl-2014 u fl-2015, u ħarġu l-proġetti ta’ innovazzjoni tagħhom fl-2017. Il-Figura 15 turi l-evoluzzjoni fl-investiment addizzjonali ġġenerat mill-benefiċjarji fis-snin ta’ wara l-għoti ta’ appoġġ mill-SME-I.

Figura 15

Evoluzzjoni fl-investiment addizzjonali ġġenerat mill-benefiċjarji fis-snin ta’ wara l-għotja

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data tal-EASME.

120

Dawn iċ-ċifri ma jinkludux sessjonijiet ta’ investiment li mhumiex iddivulgati online, bħall-biċċa l-kbira mill-injezzjonijiet ta’ ekwità iżgħar u kważi l-kapital ta’ dejn kollu pprovdut minn banek, fondi u atturi finanzjarji oħra. L-investimenti ġġenerati minn 11 % biss mill-benefiċjarji tal-Fażi 2 huma disponibbli għall-pubbliku online.

121

Bi tqabbil ma’ dan, il-maġġoranza tal-benefiċjarji tal-Fażi 2 (78 % mill-wiġġieba għall-istħarriġ tagħna) iddikjaraw li l-finanzjament taħt il-Fażi 2 kien għenhom jingranaw finanzjament ulterjuri biex jappoġġa l-ħtiġijiet ta’ innovazzjoni tagħhom. Għalhekk, huwa preżunt li l-kapaċità reali tal-benefiċjarji biex jattiraw l-investiment hija ogħla minn dik inferita mill-informazzjoni disponibbli online.

122

Skont informazzjoni minn partijiet terzi (is-Sors 1, ara l-paragrafu 117) ikkonfermata mid-data li nġabret fir-rappurtar dwar il-proġetti, il-benefiċjarji tal-SME-I juru xejriet pożittivi fit-tkabbir strutturali, b’bejn wieħed u ieħor 75 % mill-kumpaniji jaraw tkabbir fid-dħul operazzjonali tagħhom minn meta applikaw għall-għotja u fejn 67 % żiedu l-għadd ta’ impjegati tagħhom.

123

Sett komprensiv ta’ metriċi tal-impatt ibbażati fuq data affidabbli, ikkombinat ma’ tfassil komplet u awtomatizzat ta’ profili tal-kumpaniji li jissottomettu l-proposti għal proġetti u li jintgħażlu għal għotja, huwa meħtieġ biex tiġi żviluppata strateġija effettiva ta’ intelliġenza kummerċjali. Dan jista’ jgħin:

  • biex jiġu identifikati tendenzi ta’ parteċipazzjoni u żbilanċi potenzjali;
  • biex il-metriċi tal-impatt jintrabtu ma’ raggruppamenti ta’ parteċipanti, u b’hekk tiġi pprovduta informazzjoni siewja dwar kif jista’ jiġi mmassimizzat l-impatt kumplessiv tal-istrument.
124

L-SME-I taħt il-Pilota tal-KEI Mtejba introduċa titjib f’termini tat-tfassil ta’ profili tal-kumpaniji, peress li l-formoli amministrattivi l-ġodda jiġbru data dwar sessjonijiet ta’ investiment preċedenti, data finanzjarja u dwar l-istruttura ta’ sjieda tal-proponenti. Madankollu, sa issa fl-istadju tas-sottomissjoni tal-proposti, għadha ma nġabritx sistematikament informazzjoni dwar il-ġeneru tal-azzjonisti, li huwa wieħed mill-kriterji vvalutati mill-membri tal-ġurija.

125

Jeżistu differenzi sinifikanti fost il-pajjiżi parteċipanti, bil-benefiċjarji tal-Fażi 2 fil-Majjistral tal-Ewropa jirnexxilhom jiġġeneraw aktar riżorsi privati mill-SMEs fin-Nofsinhar u fil-Lvant (ara l-Figura 16)37. Dawn l-iżbilanċi huma spjegati parzjalment mid-disparitajiet bejn is-swieq ta’ kapital ta’ riskju f’dawn il-pajjiżi.

Figura 16

Investiment medju ġġenerat għal kull benefiċjarju tal-Fażi 2, skont il-pajjiż tal-benefiċjarju

Miljun EUR

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data tal-EASME.

126

Ir-riżultati tal-istħarriġ li wettaqna fost il-benefiċjarji jagħtu x’jifhmu li l-lok ġeografiku huwa fattur determinanti li jaffettwa l-propensità ta’ kumpanija biex tfittex l-ekwità u/jew l-investiment ta’ dejn. B’mod partikolari, 84 % mill-wiġġieba fil-pajjiżi Nordiċi u fir-Renju Unit biħsiebhom ifittxu injezzjonijiet ta’ ekwità, bi tqabbil ma’ 54 % fi Spanja u ma’ 42 % fl-Italja.

127

L-EAG tal-SME-I qajjem il-kwistjoni ta’ varjazzjoni bejn il-pajjiżi u ta’ kulturi differenti fl-użu ta’ strumenti bbażati fis-suq, u rrakkomanda mmappjar tal-panorama Ewropea għal għarfien aħjar ta’ koinvestituri potenzjali u biex jiġi vverifikat jekk operaturi transkonfinali jkunux jistgħu jkopru xi nuqqasijiet fil-finanzjament meta ma jaħdmux is-sistemi nazzjonali. Pjattaformi u avvenimenti speċifiċi jistgħu jgħinu f’dan il-proċess38.

128

L-Istampa 3 turi l-flussi ta’ investimenti addizzjonali ogħla minn EUR 10 miljun lejn pajjiżi benefiċjarji, ripartiti skont il-pajjiż ta’ oriġini. Mill-EUR 1.8 biljun f’investiment addizzjonali li l-benefiċjarji tal-Fażi 2 kienu ġġeneraw (ara l-paragrafu 119), bejn wieħed u ieħor EUR 400 miljun huma ġejjin minn investituri li għandhom il-kwartieri ġenerali tagħhom fl-Istati Uniti u EUR 181 miljun ġejjin minn investituri fiċ-Ċina. L-akbar investitur uniku fost il-benefiċjarji tal-Fażi 2 huwa bbażat fl-Istati Uniti, u tlieta mill-ħames l-akbar investimenti (aktar minn EUR 50 miljun) huma minn investituri barra mit-territorju tal-UE.

Stampa 3

Investiment iġġenerat skont il-pajjiż tal-investitur u l-pajjiż tal-benefiċjarju f’EUR miljun

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data tal-EASME.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

129

jattiraw investiment addizzjonali. Madankollu, ma ġewx stabbiliti rabtiet ma’ strumenti finanzjarji sostnuti mill-UE li jistgħu jgħinu lill-benefiċjarji jespandu u jqiegħdu l-proġetti ta’ innovazzjoni fis-suq. Kemm il-Fażi 1 kif ukoll il-Fażi 2 tal-istrument jipprovdu appoġġ effettiv lill-SMEs, għalkemm il-Fażi 1 iġġarrab spejjeż amministrattivi sproporzjonatament għoljin. L-istrument jiġi mmaniġġjat b’mod kompetenti mill-Kummissjoni. L-għadd kbir ta’ sottomissjonijiet mill-ġdid u r-riżorsi limitati fixklu l-proċedura tal-għażla u l-iżvilupp tas-servizzi ta’ aċċellerazzjoni tan-negozju.

130

Ir-rakkomandazzjonijiet kollha huma applikabbli għas-suċċessur tal-Istrument għall-SMEs taħt Orizzont Ewropa.

Immirar lejn il-benefiċjarji t-tajbin

131

L-objettivi u l-miri wiesgħa tal-istrument, flimkien mal-bidliet introdotti matul il-perkors tal-implimentazzjoni tiegħu, ikkawżaw xi inċertezza għall-partijiet ikkonċernati. Il-profil attwali tal-kumpaniji jaqbel mal-mudell akkademiku ta’ ditti b’potenzjal qawwi ta’ tkabbir, iżda l-istrument jiffinanzja xi SMEs li jkunu setgħu ġew iffinanzjati mis-suq (ara l-paragrafi 28 sa 39).

Firxa ġeografika

132

Il-parteċipazzjoni fl-istrument tvarja b’mod notevoli fost il-pajjiżi, parzjalment minħabba fatturi li jinsabu lil hinn mill-kontroll tal-Kummissjoni, iżda wkoll minħabba d-diversi livelli ta’ appoġġ ipprovdut mill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali u min-Netwerk Enterprise Europe (ara l-paragrafu 4345 u l-Figura 5). B’baġit limitat, il-Kummissjoni organizzat avvenimenti u attivitajiet ta’ komunikazzjoni, iżda l-kummerċjalizzazzjoni u l-komunikazzjoni tagħha la kienu strutturati u lanqas ma kienu mmirati sew suffiċjentement biex jilħqu lill-kumpaniji t-tajbin (ara l-paragrafi 40 sa 58).

Rakkomandazzjoni 1 – Titjib tal-istrateġija ta’ komunikazzjoni u tal-appoġġ lill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali, b’mod partikolari għal dawk l-Istati Membri bl-aktar livell baxx ta’ parteċipazzjoni

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tiffoka aħjar fuq l-istrateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni u komunikazzjoni biex tqajjem sensibilizzazzjoni fost l-SMEs fil-mira rigward l-opportunitajiet ta’ finanzjament offruti mill-istrument u mis-suċċessur tiegħu taħt Orizzont Ewropa,
  2. ittejjeb l-appoġġ tagħha lill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għall-SMEs u lin-Netwerk Enterprise Europe billi tippromwovi proġetti ta’ tagħlim bejn il-pari u l-iskambju tal-aħjar prattika, u billi tiżgura li l-appoġġ lin-netwerk ta’ Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għall-SMEs ikun operazzjonali fil-bidu tal-programm qafas li jmiss.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2021

Għażla tal-proġetti

133

Sar titjib għall-proċeduri ta’ evalwazzjoni u għażla matul il-ħajja tal-istrument, fejn il-preżentazzjoni quddiem ġurija hija żieda partikolarment utli fl-identifikazzjoni tal-aħjar proposti filwaqt li jkun hemm konformità mal-mira taż-żmien għall-għotja (ara l-paragrafi 65 sa 69).

134

Hemm varjabbiltà fil-punteġġi mogħtija fl-evalwazzjoni mill-bogħod, li tista’ tiġi spjegata parzjalment mir-riżorsi limitati u mill-għadd kbir ta’ sottomissjonijiet. It-taħriġ tal-evalwaturi huwa apprezzat ferm, b’lok għal aktar feedback f’diversi livelli. L-għodod tal-IT mhumiex adatti għall-iskop tagħhom, u dan iqiegħed il-proċess ta’ evalwazzjoni f’riskju (ara l-paragrafi 61 sa 64; 70 sa 73).

135

Is-sottomissjoni mill-ġdid ta’ proposti rifjutati hija ħela kbira u dejjem tiżdied ta’ riżorsi ta’ ġestjoni u evalwazzjoni, li żżid l-ispejjeż amministrattivi. Barra minn hekk, hija tbaxxi r-rata ta’ suċċess u b’hekk tiskoraġġixxi l-parteċipazzjoni (ara l-paragrafi 74 sa 79).

Rakkomandazzjoni 2 – Titjib tal-proċedura tal-għażla

Sabiex jiġi ottimizzat l-użu tar-riżorsi u biex tiġi żgurata għażla effiċjenti tal-aħjar proposti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirfina l-proċedura tal-għażla bil-modi li ġejjin:

  1. tagħti aktar ħin lill-evalwaturi mill-bogħod biex iwettqu xogħolhom;
  2. tistabbilixxi kanal ta’ informazzjoni bidirezzjonali bejn l-evalwaturi mill-bogħod u l-membri tal-ġurija, biex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jaċċessaw l-evalwazzjoni mill-bogħod u jipprovdu feedback lil dawk tal-ewwel dwar il-kwalità ta’ xogħolhom;
  3. tiżviluppa għodod tal-IT mibnija apposta biex il-proċess ta’ evalwazzjoni jiġi mmaniġġjat b’mod affidabbli;
  4. tillimita l-għadd ta’ drabi li proposta tista’ terġa’ tiġi sottomessa, u b’hekk tillibera riżorsi li attwalment jintużaw għat-twettiq ta’ evalwazzjonijiet tal-istess proposta f’bosta dati limitu suċċessivi;
  5. Sabiex tistimola l-parteċipazzjoni ta’ aktar SMEs bi proġetti ta’ innovazzjoni eċċellenti, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippubblika r-rata ta’ suċċess għal kull proposta għal proġett.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2021

Effettività tal-appoġġ fil-fażijiet tal-Istrument għall-SMEs

136

Il-Fażi 1 tipprovdi appoġġ effettiv bis-saħħa tal-proċess tal-għażla rapidu, bis-saħħa tat-tikketta tal-UE għall-benefiċjarji u bis-saħħa tal-aċċess għas-servizzi ta’ aċċellerazzjoni tan-negozju. Barra minn hekk, hija attirat ħafna kumpaniji innovattivi lejn il-programm tal-UE. Madankollu, hija timponi piż eċċessiv fuq l-amministrazzjoni tal-istrument mill-Kummissjoni, u hemm pajjiżi fejn diġà jeżistu programmi simili (ara l-paragrafi 81 sa 89). Il-Fażi 1 ma tkomplietx minn Settembru 2019 ’il hawn.

137

Il-Fażi 2 tal-SME-I tipprovdi appoġġ effettiv lill-benefiċjarji u hija apprezzata ferm mill-partijiet ikkonċernati kollha fil-forma attwali tagħha. Hija tipprovdi marka tal-UE li tagħti viżibbiltà lill-kumpaniji u lill-proġetti, tgħinhom jiġġeneraw investiment addizzjonali, u tippermetti aċċess għan-netwerk tal-UE ta’ kkowċjar u servizzi ta’ aċċellerazzjoni tan-negozju (ara l-paragrafi 91 sa 94).

Rakkomandazzjoni 3 – Sostituzzjoni tal-Fażi 1 u bini fuq l-appoġġ lill-SMEs mill-Fażi 2

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. tipproponi lill-Istati Membri li l-Kummissjoni timmaniġġja skema simili għall-Fażi 1;
  2. lill-benefiċjarji ta’ din l-iskema, tipprovdilhom aċċess għal ikkowċjar u għal Servizzi ta’ Aċċellerazzjoni tan-Negozju kif ukoll marka tal-UE, u
  3. tippreserva skema simili għall-Fażi 2 fi ħdan il-KEI taħt Orizzont Ewropa, fejn tkompli tibni fuq ir-riżultati mill-Pilota tal-KEI.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2021

138

L-ikkowċjar u s-servizzi ta’ aċċellerazzjoni tan-negozju għandhom il-potenzjal li jkattru l-effetti tal-istrument, iżda billi tniedu tard, mhumiex viżibbli suffiċjentement u sehem żgħir biss mill-SMEs għamlu użu mis-servizzi. Ir-riżorsi allokati huma limitati u hemm lok biex is-servizzi jitfasslu apposta b’mod aħjar u jiġu mmirati aħjar lejn in-naħa tad-domanda (ara l-paragrafi 95 sa 103).

Rakkomandazzjoni 4 – Titjib tas-Servizzi ta’ Aċċellerazzjoni tan-Negozju

Jenħtieġ li l-Kummissjoni ttejjeb is-servizzi ta’ aċċellerazzjoni tan-negozju billi talloka riżorsi xierqa għal dan il-qasam, biex:

  1. twassal servizzi ta’ aċċellerazzjoni tan-negozju li jkunu tfasslu apposta b’mod aħjar;
  2. iżżid is-sensibilizzazzjoni fost il-benefiċjarji li jimpjegaw approċċ ta’ komunikazzjoni mmirata u;
  3. tindirizza aħjar in-naħa tad-domanda, billi tistabbilixxi konnessjonijiet ma’ klijenti privati kbar u permezz ta’ akkwist pubbliku għal proġetti innovattivi.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2022

Attrazzjoni ta’ investiment wara finanzjament taħt l-Istrument għall-SMEs

139

Il-maġġoranza tal-benefiċjarji tal-SME-I xorta waħda jeħtieġu finanzjament addizzjonali biex jappoġġaw l-isforzi tagħhom għall-innovazzjoni u jqiegħdu l-proġetti ta’ innovazzjoni tagħhom fis-suq. Madankollu, il-Kummissjoni ftit li xejn ħadet azzjoni biex toħloq rabtiet ma’ strumenti finanzjarji sostnuti mill-UE, u ma esploratx opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali. Barra minn hekk, fil-biċċa l-kbira l-benefiċjarji mhumiex sensibilizzati rigward strumenti finanzjarji sostnuti mill-UE, u l-għarfien tal-Kummissjoni dwar il-ħtiġijiet finanzjarji tal-benefiċjarji huwa limitat. Ir-rapport tal-BEI dwar l-aċċess għal finanzjament tal-benefiċjarji kkonferma li l-informazzjoni disponibbli dwar l-istrumenti finanzjarji hija frammentata u l-komunikazzjoni bejn il-fornituri ta’ kapital privat u pubbliku hija limitata (ara l-paragrafi 107 sa 116).

Rakkomandazzjoni 5 – Ħolqien ta’ rabtiet ma’ strumenti finanzjarji

Jenħtieġ li l-Kummissjoni:

  1. b’mod regolari tiġbor informazzjoni dwar l-ammont u t-tip ta’ finanzjament meħtieġ mill-benefiċjarji tal-SME-I matul l-implimentazzjoni tal-proġett ta’ innovazzjoni;
  2. tqajjem sensibilizzazzjoni fost il-benefiċjarji dwar l-eżistenza ta’ strumenti finanzjarji differenti fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali, u tipprovdi pariri dwar dawk li jkunu jaqblu l-aktar mal-ħtiġijiet finanzjarji tagħhom;
  3. tidentifika u tippromwovi sinerġiji ma’ strumenti finanzjarji sostnuti mill-UE, sabiex tappoġġa lill-benefiċjarji tal-SME-I fil-ġbir ta’ fondi;
  4. tikkollabora mal-Istati Membri u ma’ istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali biex tippromwovi strumenti finanzjarji sostnuti fil-livell nazzjonali li għandhom mnejn jissodisfaw il-ħtiġijiet finanzjarji tal-benefiċjarji tal-SME-I.

Data mmirata għall-implimentazzjoni: 2022

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Alex Brenninkmeijer, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-10 ta’ Diċembru 2019.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Klaus-Heiner Lehne
Il-President

Annessi

Anness I – Metodoloġija

  • analiżi dokumentarja ta’ dokumenti pubbliċi u ta’ dokumenti interni tal-Kummissjoni, bħal bażijiet ġuridiċi, linji gwida, valutazzjonijiet tal-impatt, rapporti ta’ evalwazzjoni u ta’ monitoraġġ, proposti għal atti leġiżlattivi, komunikazzjonijiet, dokumenti ta’ pożizzjoni u dokumenti rilevanti oħra;
  • rieżami analitiku tad-data minn sorsi differenti: CORDA, Business Objects, Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Innovazzjoni, u crawling tas-siti web;
  • kwestjonarji online mibgħuta f’Marzu 2019 lil:
    • 390 benefiċjarju u applikant rifjutat li rċevew Siġill ta’ Eċċellenza, magħżula fuq bażi aleatorja, b’rata ta’ rispons ta’ 71 % (rata ta’ rispons ta’ 88 % għall-benefiċjarji tal-Fażi 2);
    • 158 evalwatur mill-bogħod magħżula fuq bażi aleatorja, b’rata ta’ rispons ta’ 96 %;
    • 32 NIA jew korp simili b’rata ta’ rispons ta’ 100 %;
  • żjarat ta’ informazzjoni f’ministeri, aġenziji ta’ innovazzjoni, Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali, l-EEN, benefiċjarji u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra fil-Bulgarija, fid-Danimarka, fi Franza, fir-Rumanija, fis-Slovenja, fi Spanja u fir-Renju Unit;
  • panel ta’ esperti indipendenti fil-qasam tal-innovazzjoni minn sferi differenti;
  • intervisti ma’ esperti differenti fil-qasam tal-innovazzjoni marbuta mal-SME-I, bħal membri tal-ġurija, membri tal-EAG għall SMEs taħt H2020, rappreżentanti ta’ kumpaniji ta’ konsulenza;
  • parteċipazzjoni bħala osservaturi fil-preżentazzjoni ta’ proġetti lill-ġurija (it-tieni stadju tal-proċess tal-għażla tal-Fażi 2) u f’avveniment ta’ servizzi ta’ aċċellerazzjoni tan-negozju;
  • intervisti mal-persunal tal-Kummissjoni mid-DĠ RTD, mid-DĠ CONNECT, mill-EASME u mir-REA, kif ukoll mal-BEI u mal-FEI.

Anness II – Statistika

Sors: il-QEA, ibbażat fuq data tal-EASME.

Anness III – Mill-idea sal-proposta li jinħoloq il-KEI taħt Orizzont Ewropa

  • F’Ġunju 2015, matul il-Konferenza tal-ERA “A new start for Europe: Opening up to an ERA of Innovation” (Bidu ġdid għall-Ewropa: Nilqgħu ERA ta’ Innovazzjoni), il-Kummissjoni niedet l-idea li jinħoloq KEI.
  • Il-Kummissjoni niedet sejħa għal ideat fir-rebbiegħa tal-2016, sabiex tikkontribwixxi għat-tfassil tal-Pilota tal-KEI. Permezz ta’ din il-konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni ġabret il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati dwar innovazzjoni fixkiela li toħloq swieq ġodda, dwar il-lakuni fl-iffinanzjar fis-sitwazzjoni attwali ta’ appoġġ għall-innovazzjoni, u dwar il-mandat potenzjali ta’ KEI39.
  • Fit-13 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni organizzat sessjoni ta’ ħidma ma’ aktar minn 100 parti kkonċernata mis-settur privat, is-settur tar-riċerka u s-settur pubbliku biex jiġi diskuss l-eżitu tas-sejħa għal ideat40.
  • F’Novembru 2016, il-Kummissjoni niedet l-inizjattiva favur in-Negozji l-Ġodda/in-Negozji li Qed Jespandu, bl-għan li tlaqqa’ flimkien taħt umbrella waħda firxa ta’ azzjonijiet eżistenti u ġodda biex jiġu appoġġati negozji ġodda u kumpaniji li jridu jespandu n-negozji tagħhom41.
  • Il-Kummissjoni stabbiliet l-“EIC High Level Group of Innovators” (Grupp ta’ Innovaturi ta’ Livell Għoli tal-KEI) (EIG HLG) f’Jannar 2017, bil-mandat li jipprovdi appoġġ fl-iżvilupp tal-KEI. Il-grupp, magħmul minn imprendituri, investituri u esperti fl-innovazzjoni, iltaqa’ sitt darbiet bejn Marzu 2017 u Diċembru 2018 u pproduċa “Full set of key recommendations” (Sett sħiħ ta’ rakkomandazzjonijiet ewlenin) f’Jannar 201842.
  • Il-Kummissjoni ppreżentat “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Orizzont Ewropa” fis-7 ta’ Ġunju 201843. Il-Proposta kienet akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt44.

Akronimi u abbrevjazzjonijiet

BAS: Servizzi ta’ negozju u ta’ aċċellerazzjoni

BEI: Bank Ewropew tal-Investiment

DĠ RTD: Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni

EAG: Grupp Konsultattiv ta’ Esperti għall-Intrapriżi Żgħar jew Medji

EASME: Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji

EEN: Netwerk Enterprise Europe

EIS: Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea

FEI: Fond Ewropew tal-Investiment

FWP: Programm ta’ ħidma qafas

H2020: Orizzont 2020

IT: Teknoloġija tal-informazzjoni

KEI: Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni

NCP: Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali

NIA: Aġenzija Nazzjonali għall-Innovazzjoni

PDG: Prodott domestiku gross

QFP: Qafas finanzjarju pluriennali

R&Ż: Riċerka u żvilupp

SBIR: Programm ta’ Riċerka għall-Innovazzjoni tan-Negozji ż-Żgħar (l-Istati Uniti)

SME-I: Strument tal-UE għall-Intrapriżi Żgħar u Medji

SMEs: Intrapriżi żgħar u medji

Glossarju

Benefiċjarju: Persuna fiżika jew ġuridika li tirċievi għotja jew selfa mill-baġit tal-UE.

Data limitu: Id-data sa meta l-proposti jridu jiġu sottomessi għal sessjoni partikolari ta’ finanzjament.

Finanzjament imħallat: Il-kombinament ta’ għotjiet ma’ self jew ekwità minn sorsi pubbliċi u privati.

Innovazzjoni Fixkiela: Prodott, servizz jew proċess li jfixkel is-swieq eżistenti billi jisposta ditti u teknoloġiji mexxejja u billi japplika sett ġdid ta’ valuri.

Innovazzjoni rivoluzzjonarja: Prodott, servizz jew proċess li jintroduċi teknoloġija ġdida jew mudell kummerċjali ġdid li jirriżulta f’bidla paradigmatika, li tiġġenera vantaġġi kompetittivi sinifikanti.

Pajjiż assoċjat: Pajjiż terz, li huwa firmatarju ta’ ftehim internazzjonali mal-Unjoni Ewropea. Pajjiżi assoċjati mal-Programm Qafas Orizzont 2020 jipparteċipaw taħt l-istess kundizzjonijiet bħal entitajiet ġuridiċi mill-Istati Membri tal-UE.

Portal tal-Parteċipanti: il-gateway online unika għall-applikanti u l-benefiċjarji f’Orizzont 2020, biex jidentifikaw opportunitajiet ta’ finanzjament, jaċċessaw dokumenti u gwida, jissottomettu proposti, u biex jimmaniġġjaw mingħajr karti l-għotjiet u l-kuntratti mal-esperti. Ara http://ec.europa.eu/research/participants/portal.

Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali: Entità nazzjonali stabbilita u ffinanzjata mill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE jew minn stati assoċjati ma’ programm qafas għar-riċerka, biex tipprovdi appoġġ u gwida interni lill-applikanti u lill-benefiċjarji taħt Orizzont 2020.

Sejħa għal proposti: Dokument ta’ sejħa għal applikazzjonijiet minn benefiċjarji potenzjali, ippubblikat minn entità pubblika li tħabbar l-intenzjoni tagħha li tiffinanzja proġetti li se jissodisfaw l-objettivi speċifikati.

Strument finanzjarju: Appoġġ finanzjarju mill-baġit tal-UE fl-għamla ta’ investimenti ta’ ekwità jew kważi ekwità, self jew garanziji, jew strumenti oħra għall-kondiviżjoni tar-riskji.

Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea: Analiżi kumparattiva tal-prestazzjoni tal-innovazzjoni tal-Istati Membri tal-UE, ta’ pajjiżi Ewropej oħra u tal-ġirien reġjonali.

Risposti tal-Kummissjoni

I

L-Istrument għall-SMEs huwa l-ewwel skema ta’ appoġġ fl-istorja tal-Programm Qafas tar-Riċerka mmirata lejn l-SMEs innovattivi individwalment u hija implimentata permezz ta’ aġenzija eżekuttiva. L-SMEs li l-appoġġ tagħhom kien għadu lura fil-Programmi Qafas preċedenti, fil-parti l-kbira tagħhom issottoskrivew għal din l-iskema ta’ appoġġ ġdida li, maż-żmien, ġiet irfinuta sabiex tirreaġixxi aħjar għall-ħtiġijiet reali tagħhom. Is-suċċess tal-ewwel fażi tal-Proġett Pilota Aċċelleratur tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (KEI) juri li t-triq li qabdet il-Kummissjoni tikkorrispondi għall-aspettattivi tal-SMEs innovattivi.

Introduzzjoni

20

Il-Kummissjoni implimentat l-ittestjar tal-appoġġ finanzjarju tal-proġetti permezz ta’ finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma minn Ottubru 2019.

Osservazzjonijiet

31

Il-membri tal-Kumitat dwar l-Aċċess għall-Finanzjament u l-Programmi tal-SMEs - li ta’ spiss huma wkoll Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali (NCPs) - inżammu infurmati b’mod regolari bil-bidliet introdotti fl-istrument għall-SMEs.

Barra minn hekk, il-kampanji ta’ komunikazzjoni ta’ dawn il-bidliet ġew implimentati minn RTD u EASME sabiex iżidu ħafna s-sensibilizzazzjoni tal-partijiet interessati involuti, inkluż l-NCPs u n-Netwerk Enterprise Europe (EEN).

34

L-istrument għall-SMEs huwa mmirat għat-tipi kollha ta’ SMEs innovattivi li juru ambizzjoni qawwija biex jiżviluppaw, jikbru u jsiru internazzjonali.

F’konformità mal-prijoritajiet politiċi tal-President elett tal-Kummissjoni l-ġdida, huwa maħsub li tiġi implimentata sejħa ddedikata għall-Aċċelleratur tal-KEI għall-2020, soġġetta għall-approvazzjoni tal-Kumitat tal-Programm Strateġiku.

36

Il-Kummissjoni tindika li dan ir-riskju ilu li ġie indirizzat fil-proġett pilota tal-KEI mill-2019.

Barra minn hekk, tenfasizza li hemm distakk enormi bejn il-perċezzjoni tal-benefiċjarji tal-SME-I u r-realtà fir-rigward tal-ġbir tal-flus mill-kapital ta’ riskju jew mill-investituri informali fejn ir-rata ta’ suċċess hija pjuttost baxxa.

54

Il-Kummissjoni tenfasizza li hija għamlet sforz kbir biex tippromwovi l-Proġett Pilota (imtejjeb) tal-KEI, torganizza l-workshops tal-SME-I f’diversi konferenzi teknoloġiċi madwar l-Ewropa (inkluż Slush, Wolves Summit, Smart City). Il-bidliet introdotti mill-Proġett Pilota Mtejjeb tal-KEI ġew ikkomunikati permezz ta’ preżentazzjonijiet u avvenimenti organizzati apposta fl-Istati Membri kollha.

Sa mill-bidu tal-Orizzont 2020, ġew organizzati aktar minn 65 avveniment ta’ sensibilizzazzjoni fl-Istati Membri u fil-Pajjiżi Assoċjati. Il-kampanja ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni fl-Istati Membri, organizzata flimkien mal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali, intensifikat ruħha fl-2019 bil-parteċipazzjoni tal-SMEs. Il-Kummissjoni nediet sensiela ta’ darba ta’ konsultazzjonijiet nazzjonali u reġjonali mal-partijiet ikkonċernati li saru fl-Istati Membri minn Ġunju 2019 għad-disinn konġunt tal-modalitajiet ta’ implimentazzjoni ta’ Orizzont Ewropa fejn se tiġi definita l-politika li jmiss dwar l-SMEs.

57

Il-Kummissjoni tqis li l-azzjoni ta’ koordinazzjoni u appoġġ Access4SME għenet għas-sensibilizzazzjoni fost l-NCPs u l-EENs meta ġew introdotti bidliet fid-disinn tal-istrument għall-SMEs.

64

Veru li l-EASME kellha tbiddel 25 % tal-grupp ta’ evalwaturi fuq bażi annwali biex tkun konformi mar-regoli tal-H2020.

B’reazzjoni għall-ħtieġa ta’ taħriġ tal-parteċipanti l-ġodda, l-EASME ilha mill-2018 torganizza jum għall-esperti fi Brussell u tistieden esperti bl-esperjenza u oħrajn ġoda biex tħarriġhom u toħloq sinerġiji.

66

Abbażi tal-feedback riċevuta mill-membri tal-ġurija, f’Ottubru 2019 il-Kummissjoni poġġiet fis-seħħ prattika li biha l-membri tal-ġurija jkollhom ġimagħtejn sħaħ biex jirrevedu l-proposti bir-reqqa.

68

Sabiex tindirizza l-kwistjoni indikata mill-QEA f’dan il-paragrafu, il-Kummissjoni kienet introduċiet proċess ta’ diliġenza dovuta fil-proġett pilota mtejjeb tal-KEI. Sa minn Ottubru 2019 - fil-proġett pilota mtejjeb tal-KEI li joffri finanzjament imħallat - l-applikanti talbu informazzjoni aktar dettaljata rigward is-sjieda, id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (IPR) u l-kompożizzjoni tat-timijiet. Dawn l-aspetti issa huma vvalutati mill-evalwaturi fi stadji remoti u ta’ intervisti.

74

Għalkemm dan mhuwiex previst fil-bażi ġuridika tal-istrument għall-SMEs u huwa soġġett għall-approvazzjoni tal-Kumitat tal-Programm rilevanti, il-Kummissjoni tista’ tipproponi proċedura li tillimita l-għadd ta’ sottomissjonijiet mill-ġdid.

103

Il-Kummissjoni tenfasizza li t-tnedija tas-servizzi ta’ aċċellerazzjoni tan-negozju (BAS) għaddiet minn preparazzjoni bir-reqqa u kienet preċeduta minn proċedura ta’ akkwist miftuħa.

107

L-EASME tiġbor informazzjoni dwar il-ħtiġijiet finanzjari addizzjonali ta’ xi benefiċjarji, matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-għotja u warajh, permezz ta’ diversi mezzi (applikazzjoni għall-avvenimenti tal-investituri għall-BAS u profil tal-kumpaniji fl-għodda li tqabbel l-investituri Scaleup EU). Barra minn hekk, sa mill-fażi li ntemmet f’Ottubru 2019, jenħtieġ li l-kumpaniji juru kif beħsiebhom jiffinanzjaw l-attivitajiet ta’ żvilupp kollha meħtieġa sad-dħul fis-suq, u jmorru lil hinn mill-għotja u/jew mill-ekwità mitluba. Dan jinkludi indikazzjoni kemm dwar l-ammonti meħtieġa kif ukoll is-sorsi tal-finanzjament potenzjali.

111

Il-Kummissjoni bdiet tindirizza l-kwistjoni li semmiet il-QEA f’dan il-paragrafu bl-implimentazzjoni tal-proġett pilota mtejjeb tal-KEI fl-2019.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

132

Is-sensibilizzazzjoni u l-komunikazzjoni mal-partijiet ikkonċernati huma prijorità ewlenija għall-implimentazzjoni b’saħħitha tal-programmi qafas attwali u futuri. L-avvenimenti ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-Orizzont 2020 huma organizzati regolarment fi Stati Membri u f’Pajjiżi Assoċjati. Sensiela oħra ta’ avvenimenti fl-Istati Membri tiffoka fuq Orizzont Ewropa.

Rakkomandazzjoni 1 – Titjib tal-istrateġija ta’ komunikazzjoni u tal-appoġġ lill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali, b’mod partikolari għal dawk l-Istati Membri bl-aktar livell baxx ta’ parteċipazzjoni

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

135

Il-Kummissjoni beħsiebha tippjana approċċ ġdid kif irrakkomandat minn Jannar 2021 għal Orizzont Ewropa.

Rakkomandazzjoni 2 – Titjib tal-proċedura tal-għażla

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

a) Il-Kummissjoni implimentat din ir-rakkomandazzjoni mill-proċess ta’ evalwazzjoni li beda f’Ottubru 2019 billi bagħtet żewġ proposti ġimagħtejn qabel. Barra minn hekk, minn Marzu 2020, l-esperti remoti se jkollhom 0,5 jum biex jevalwaw proposta minflok 0,3 sa Jannar 2020.

b) Il-Kummissjoni beħsiebha timpliementa approċċ ġdid kif irrakkomandat minn Jannar 2020.

e) Il-Kummissjoni tispeċifika li diġà tippubblika r-rata ta’ suċċess għal kull sottomissjoni ta’ proposta u taqbel li żżid ukoll ir-rata ta’ suċċess għal kull proposta għal proġett.

Rakkomandazzjoni 3 – Sostituzzjoni tal-Fażi 1 u bini fuq l-appoġġ lill-SMEs mill-Fażi 2

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

a) Xi Stati Membri taħt it-tmexxija tar-Repubblika Ċeka ħolqu grupp ta’ ħidma informali sabiex jirreplikaw il-Fażi 1 iffinanzjata fil-livell nazzjonali iżda jżommu evalwazzjoni ċentrali tal-UE. Il-Kummissjoni tista’ tipproponi li tappoġġjahom fil-koordinazzjoni tagħhom permezz ta’ għotja ddedikata.

c) Il-Ftehim Ġenerali Parzjali dwar Orizzont Ewropa jipprevedi l-kontinwazzjoni tal-iskema ta’ għotja biss fl-Aċċelleratur tal-KEI b’baġit ekwivalenti għal Orizzont 2020 filwaqt li l-finanzjament imħallat għandu jkun l-użu ewlieni tal-baġit tal-Aċċelleratur tal-KEI.

Rakkomandazzjoni 4 – Titjib tas-Servizzi ta’ Aċċellerazzjoni tan-Negozju

Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni, fi ħdan ir-riżorsi disponibbli għas-suċċessur tal-Istrument għall-SMEs taħt il-QFP li jmiss.

139

Rigward is-sensibilizzazzjoni tal-benefiċjarji, il-BEI u l-FEI implimentaw kampanja ta’ komunikazzjoni mifruxa għall-istrumenti finanzjarji InnovFin bejn l-2014 u l-2016 li żviluppat kuntatti ma’ ħafna SMEs, għalkemm il-benefiċjarji tal-istrument għall-SMEs ma kinux speċifikament fil-mira ta' din il-kampanja. Fir-rebbiegħa 2019, kampanja ta’ komunikazzjoni tal-Proġett Pilota Mtejjeb tal-KEI ssensibilizzat lill-benefiċjarji potenzjali għall-finanzjament possibbli mill-bejgħ ta' ishma permezz tal-Aċċelleratur tal-KEI.

Il-Kummissjoni bdiet ukoll tiġbor data minn meta ntemmet il-fażi ta’ Ottubru 2019 mill-proċess tal-applikazzjoni dwar il-ħtiġijiet finanzjarji, inkluż għotjiet u ekwità tal-kumpaniji li japplikaw biex jespandu b’suċċess.

Rakkomandazzjoni 5 – Ħolqien ta’ rabtiet ma’ strumenti finanzjarji

a) Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Il-Ftehimiet dwar l-għotja u l-bejgħ ta’ ishma se jissorveljaw regolarment il-ħtiġijiet finanzjarji matul l-implimentazzjoni tal-proġett u l-fażijiet tal-espansjoni.

b) Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Il-Kummissjoni se tkompli bl-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni tagħha.

c) Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni.

Il-Ftehim Ġenerali parzjali dwar Orizzont Ewropa jipprevedi l-possibbiltà li l-benefiċjarji japplikaw għal ekwità biss mill-2021.

d) Il-Kummissjoni taċċetta din ir-rakkomandazzjoni parzjalment.

Meta wieħed iqis li r-rakkomandazzjoni tinvolvi wkoll lill-Istati Membri, il-Kummissjoni tista’ timplimentaha biss fuq bażi tal-aħjar sforz.

Il-Kummissjoni se tissensibilizza lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali permezz tal-Kumitat tal-Programm rilevanti.

Il-ħolqien tas-Siġill ta’ Eċċellenza għal proposti b’suċċess li ma setgħux jingħataw għotja ta’ strument għall-SMEs kien l-ewwel tentattiv biex jinbnew sinerġiji mas-sistema nazzjonali tal-ekosistemi li tappoġġa l-innovazzjoni.

Tim tal-awditjar

Ir-rapporti speċjali tal-QEA jistabbilixxu r-riżultati tal-awditi tagħha tal-politiki u l-programmi tal-UE, jew ta’ suġġetti relatati mal-ġestjoni minn oqsma baġitarji speċifiċi. Il-QEA tagħżel u tfassal dawn il-kompiti tal-awditjar biex timmassimizza l-impatt tagħhom billi tqis ir-riskji għall-prestazzjoni jew għall-konformità, il-livell ta’ introjtu jew ta’ nfiq involut, l-iżviluppi li jkunu għad iridu jseħħu u l-interess politiku u pubbliku.

Dan l-awditu tal-prestazzjoni twettaq mill-Awla IV tal-Awditjar, Regolamentazzjoni tas-swieq u ekonomija kompetittiva, li hija mmexxija minn Alex Brenninkmeijer, Membru tal-QEA, li ngħata appoġġ minn Raphael Debets, Kap tal-Kabinett; John Sweeney, Maniġer Prinċipali; Juan Antonio Vazquez Rivera, Kap tal-Kompitu; Alvaro Garrido‑Lestache Angulo, Wayne Codd u Marco Montorio, Awdituri.

Mix-xellug għal-lemin: John Sweeney, Marco Montorio, Raphael Debets, Juan Antonio Vazquez Rivera, Wayne Codd, Alex Brenninkmeijer, Alvaro Garrido-Lestache Angulo.

Noti finali

1 Valutazzjoni tal-Impatt tad-Disa’ Programm Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (Orizzont Ġdid għall-Ewropa).

2 The vital 6 per cent. How high-growth innovative businesses generate prosperity and jobs 2009 - NESTA (National Endowment for Science, Technology and the Arts).

3 Henrekson, M. & Johansson, D. 2010. Gazelles as job creators: a survey and interpretation of the evidence. Small Business Economics, 35, 227-244, p. 240.

4 Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Ewropa 2020, Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, KUMM(2010) 2020.

5 http://ec.europa.eu/research/innovation-union/index_en.cfm

6 Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 li jistabbilixxi H2020.

7 Idem.

8 http://ec.europa.eu/research/bitlys/h2020_associated_countries.html

9 https://www.sbir.gov/about/about-sbir.

10 COM(2018) 435, Proposta għal Regolament li jistabbilixxi Orizzont Ewropa, Ġunju 2018.

11 F’April 2019, il-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim ġenerali proviżorju dwar Orizzont Ewropa.

12 Fil-mistoqsijiet frekwenti tal-KEI, il-kunċett ta’ nonbankabbiltà huwa ddefinit bħala inabbiltà li jiġi attirat biżżejjed finanzjament.

13 Pereżempju, l-għoti ta’ appoġġ finanzjarju lil proġetti permezz ta’ finanzjament mill-bejgħ ta’ ishma, u l-aċċettazzjoni parzjali tal-proċessi tal-għażla mwettqa f’sejħiet jew fi programmi oħra.

14 Ir-rapporti speċjali dwar il-garanziji (ir-Rapport Speċjali Nru 20/2017, il-Faċilità ta’ Garanzija għall-SMEs) u dwar il-kapital ta’ riskju (ir-Rapport Speċjali Nru 17/2019).

15 Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 li jistabbilixxi H2020.

16 Ir-Rapport Annwali tal-EAG għall-2014 dwar l-Innovazzjoni fl-SMEs.

17 https://sbir.nih.gov/reauthorization#eligibilityDiv

18 Id-Dokument ta’ Ħidma Nru 11/02 ta’ Nesta, “A look at business growth and contraction in Europe”.

19 Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 li jistabbilixxi H2020.

20 Il-Premessa (14) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2013/743.

21 L-Istati Membri tal-EU-13 huma l-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, iċ-Ċekja, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u s-Slovenja, filwaqt li l-pajjiżi tal-EU-15 huma l-15-il Stat Membru l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

22 https://ec.europa.eu/growth/industry/innovation/facts-figures/scoreboards_mt

23 “Evaluation of the SME instrument and the activities under Horizon 2020 Work Programme Innovation in SMEs”, Frar 2017.

24 http://ec.europa.eu/research/participants/data/support/ncp/h2020-standards-principles_en.pdf.

25 Ir-Rapport Speċjali Nru 28/2018 “Il-maġġoranza tal-miżuri ta’ simplifikazzjoni integrati f’Orizzont 2020 iffaċilitaw il-ħajja tal-benefiċjarji, iżda għad hemm lok għal titjib”.

26 http://www.access4smes.eu/project/#_goal

27 Ir-Regolament tal-Kummissjoni Nru 651/2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern.

28 “The Impact of Direct Support to R&D and Innovation in Firms”, Compendium of Evidence on the Effectiveness of Innovation Policy Intervention, Awwissu 2012.

29 SBA Office of Investment & Innovation on SBIR, Diċembru 2016.

30 L-Avviż tal-Kummissjoni C(2018) 3051, 15.5.2018.

31 Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 li jistabbilixxi H2020.

32 Il-Grupp Konsultattiv Innovfin tal-BEI: “Improving Access to Finance for Beneficiaries of the SMEI” (Marzu 2018).

33 Fost oħrajn: “Access to risk finance initiative” (Inizjattiva ta’ aċċess għall-finanzjament ta’ riskju) (InnovFin) taħt H2020; “Access to finance for SMEs” (Aċċess għal finanzjament għall-SMEs) (COSME); Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS).

34 Il-Grupp Konsultattiv Innovfin tal-BEI: “Improving Access to Finance for Beneficiaries of the SME-I” (Marzu 2018).

35 L-EAG ta’ H2020, “Innovation in SMEs Annual Report 2016”.

36 Sors: l-EASME.

37 Sors: elaborazzjoni tal-QEA fuq data tal-EASME. Dawk il-pajjiżi fejn it-teknika ta’ crawling tas-siti web ma qabdet l-ebda investiment addizzjonali għalihom ma jidhrux fiċ-ċart.

38 “H2020 EAG Innovation in SMEs, Consultation on the EU Strategic WP 2018-2020”, Ġunju 2016.

39 Ideas for an EIC, Overview of Responses to the Call for Ideas, 2016.

40 Ideas for an EIC - Summary of a validation workshop with stakeholders held on 13 July 2016.

41 COM(2016) 733 final, Komunikazzjoni, “Il-mexxejja li jmiss tal-Ewropa: l-Inizjattiva favur in-Negozji l-ġodda u n-Negozji li qed jespandu”, Novembru 2016.

42 “Europe is back: Accelerating breakthrough innovation”, Grupp ta’ Livell Għoli tal-KEI, Jannar 2018.

43 COM(2018) 435 final, Proposta għal Regolament li jistabbilixxi Orizzont Ewropa, Ġunju 2018.

44 SWD(2018) 307 final, dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, Valutazzjoni tal-impatt, Ġunju 2018.

Kronoloġija

Avveniment Data
Il-Memorandum ta’ Ppjanar tal-Awditjar (APM) jiġi adottat / L-awditu jinbeda 22.1.2019
L-abbozz ta’ rapport jintbagħat uffiċjalment lill-Kummissjoni (jew lill-entità l-oħra awditjata) 6.11.2019
Ir-rapport finali jiġi adottat wara l-proċedura kontradittorja 10.12.2019
Ir-risposti uffiċjali tal-Kummissjoni (jew tal-entità l-oħra awditjata) jaslu bil-lingwi kollha 16.1.2020

Kuntatt

IL-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI
12, rue Alcide De Gasperi
1615 Luxembourg
LUXEMBOURG

Tel. +352 4398-1
Mistoqsijiet: eca.europa.eu/mt/Pages/ContactForm.aspx
Sit web: eca.europa.eu
Twitter: @EUAuditors

Ħafna informazzjoni addizzjonali dwar l-Unjoni Ewropea hija disponibbli fuq l-Internet.
Jista’ jsir aċċess għaliha permezz tas-server Europa (http://europa.eu).

Il-Lussemburgu: L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2020

PDF ISBN 978-92-847-4134-2 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/48609 QJ-AB-19-025-MT-N
HTML ISBN 978-92-847-4137-3 ISSN 1977-5741 doi:10.2865/75723 QJ-AB-19-025-MT-Q

DRITTIJIET TAL-AWTUR

© European Union, 2020.

Il-politika tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) dwar l-użu mill-ġdid hija implimentata bid-Deċiżjoni Nru 6-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar il-politika tad-data miftuħa u l-użu mill-ġdid ta’ dokumenti.

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor (eż. f’avviżi individwali dwar id-drittijiet tal-awtur), il-kontenut tad-dokumenti tal-QEA, li huwa proprjetà tal-UE, huwa liċenzjat taħt il-liċenzja Creative Commons Attribution 4.0 International (CC BY 4.0). Dan ifisser li l-użu mill-ġdid huwa awtorizzat, dment li l-awturi jingħataw kreditu xieraq u li l-bidliet jiġu indikati. Il-persuni li jużaw mill-ġdid dan il-kontenut ma jistgħux ibiddlu s-sinifikat jew il-messaġġ oriġinali tad-dokumenti. Il-QEA ma għandhiex tkun responsabbli għal kwalunkwe konsegwenza relatata mal-użu mill-ġdid.

Inti meħtieġ tikseb drittijiet addizzjonali ċari jekk kontenut speċifiku juri individwi privati identifikabbli, pereżempju f’ritratti li jkun fihom il-membri tal-persunal tal-QEA, jew jekk ikun jinkludi xogħlijiet ta’ parti terza. Fejn ikun inkiseb permess, tali permess għandu jikkanċella l-permess ġenerali msemmi hawn fuq u għandu jindika b’mod ċar kwalunkwe restrizzjoni dwar l-użu.

Biex tuża jew tirriproduċi kontenut li ma jkunx proprjetà tal-UE, inti jista’ jkun li jkollok titlob il-permess direttament mingħand id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur. Softwer jew dokumenti li jkunu koperti mid-drittijiet ta’ proprjetà industrijali, bħal privattivi, trademarks, disinji rreġistrati, logos u ismijiet, huma esklużi mill-politika tal-QEA dwar l-użu mill-ġdid u inti ma għandekx il-liċenzja biex tużahom.

Il-familja ta’ Siti Web istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, fi ħdan id-dominju europa.eu, tipprovdi links għal siti ta’ partijiet terzi. Peress li dawn ma jaqgħux taħt il-kontroll tal-QEA, inti mħeġġeġ biex teżamina l-politiki tagħhom dwar il-privatezza.

Użu tal-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Ma jistax isir użu mil-logo tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tagħha minn qabel.

Kif tikkuntattja lill-UE

Personalment
Madwar l-Unjoni Ewropea kollha hemm mijiet ta’ ċentri ta’ informazzjoni tal-Europe Direct. Tista’ ssib l-indirizz tal-eqreb ċentru għalik f'dan is-sit: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Bit-telefown jew bil-posta elettronika
Europe Direct huwa servizz li jwieġeb il-mistoqsijiet tiegħek dwar l-Unjoni Ewropea. Tista’ tikkuntattja dan is-servizz:

  • bit-telefown bla ħlas: 00 800 6 7 8 9 10 11 (ċerti operaturi jafu jimponu ħlas għal dawn it-telefonati),
  • fuq dan in-numru standard: +32 22999696, jew
  • bil-posta elettronika permezz: https://europa.eu/european-union/contact_mt

Kif issib tagħrif dwar l-UE

Onlajn
L-informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE hija disponibbli fuq is-sit web Europa fuq: https://europa.eu/european-union/index_mt

Pubblikazzjonijiet tal-UE
Tista’ tniżżel mill-internet jew tordna l-pubblikazzjonijiet tal-UE, li xi wħud minnhom huma bla ħlas u xi oħrajn bil-ħlas, minn: https://op.europa.eu/mt/publications. Kopji multipli ta’ pubblikazzjonijiet bla ħlas tista’ tiksibhom billi tikkuntattja lil Europe Direct jew liċ-ċentru tal-informazzjoni lokali tiegħek (ara https://europa.eu/european-union/contact_mt).

Il-liġi tal-UE u dokumenti relatati
Għal aċċess għall-informazzjoni legali tal-UE, inkluż il-liġijiet kollha tal-UE mill-1952 ’l hawn, fil-verżjonijiet lingwistiċi uffiċjali kollha, żur is-sit EUR-Lex hawnhekk: http://eur-lex.europa.eu

Dejta Miftuħa mill-UE
Il-portal tad-Dejta Miftuħa mill-UE (http://data.europa.eu/euodp/mt) jipprovdi aċċess għal settijiet tad-dejta mill-UE. Id-dejta tista’ titniżżel mill-internet u tintuża mill-ġdid bla ħlas, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll mhux kummerċjali.